SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

30 ta’ Ġunju 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 137 – Sistema li tista’ tintgħażel ta’ ssuġġettar għat-taxxa – Kundizzjonijiet – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta d-dritt ta’ persuna taxxabbli li tagħżel li l-bejgħ ta’ proprjetà immobbli jkun suġġett għall-VAT għall-kundizzjoni li din il-proprjetà tiġi ttrasferita lil persuna taxxabbli diġà rreġistrata għall-finijiet tal-VAT – Obbligu li jiġu aġġustat it-tnaqqis ta’ VAT fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ din il-kundizzjoni – Prinċipji ta’ newtralità fiskali, ta’ effettività u ta’ proporzjonalità”

Fil-Kawża C‑56/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Mokestinių ginčų komisija prie Lietuvos Respublikos vyriausybės (il-Kummissjoni dwar it-Tilwim Fiskali fi Ħdan il-Gvern tar-Repubblika tal-Litwanja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Ottubru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑29 ta’ Jannar 2021, fil-proċedura

UAB “ARVI” ir ko

vs

Valstybinė mokesčių inspekcija prie Lietuvos Respublikos finansų ministerijos,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Prechal, Presidenta tal-Awla, J. Passer, F. Biltgen (Relatur), N. Wahl u M. L. Arastey Sahún, Imħallfin,

Avukata Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal UAB “ARVI” ir ko, minn L. Augustinavičienė u A. Paulauskas, advokatai,

għall-Gvern Litwan, minn K. Dieninis u V. Kazlauskaitė-Švenčionienė, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Jokubauskaitė u L. Lozano Palacios, bħala aġenti,

wara li semgħat il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑24 ta’ Marzu 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 135 u 137 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”). kif ukoll tal-prinċipji ta’ newtralità fiskali, ta’ effettività u ta’ proporzjonalità.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn UAB “ARVI” ir ko (iktar ’il quddiem “Arvi”) u l-Valstybinė mokesčių inspekcija prie Lietuvos Respublikos finansų ministerijos (l-Ispettorat Nazzjonali tat-Taxxi li Jaqa’ Taħt il-Ministeru għall-Finanzi tar-Repubblika tal-Litwanja, iktar ’il quddiem l-“Ispettorat Nazzjonali tat-Taxxi”) rigward l-eżerċizzju tad-dritt ta’ għażla għat-tassazzjoni ta’ proprjetà immobbli mibjugħa lil persuna taxxabbli mhux irreġistrata għall-finijiet ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fil-mument tal-bejgħ u tal-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

L-Artikolu 135(1) tad-Direttiva dwar il-VAT jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jeżentaw it-transazzjonijiet li ġejjin:

[…]

(j)

il-provvista ta’ bini jew partijiet minnu, u ta’ l-art li fuqha hija tinsab, ħlief il-provvista [mwettqa qabel l-ewwel okkupazzjoni tagħhom];

[…]”

4

L‑Artikolu 137 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri jistgħu iħallu lil persuni taxxabbli dritt ta’ għażla għat-tassazzjoni fir-rigward tat-transazzjonijiet li ġejjin:

[…]

(b)

il-provvista ta’ bini jew partijiet minnu, u ta’ l-art li fuqha jinsab il-bini, ħlief il-provvista [mwettqa qabel l-ewwel okkupazzjoni tagħhom];

[…]

2.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dettaljati li jirregolaw l-eżerċizzju ta’ l-għażla skond il-paragrafu 1.

L-Istati Membri jistgħu jirristrinġu l-iskop ta’ dak id-dritt ta’ għażla.”

5

Skont l-Artikolu 168 tal-imsemmija direttiva:

“Sakemm il-merkanzija u s-servizzi jintużaw għall-iskopijiet tat-transazzjonijiet taxxabbli ta’ persuna taxxabbli, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata, fl-Istat Membru li fih twettaq dawn it-transazzjonijiet, li tnaqqas mll-VAT li għandha tħallas dan li ġej:

(a)

il-VAT dovuta jew imħallsa f’dak l-Istat Membru rigward provvisti li sarulha ta’ merkanzija jew servizzi, li twettqu jew li għad iridu jitwettqu minn persuna taxxabli oħra;

[…]”

6

L-Artikolu 213(1) tal-istess direttiva jipprovdi:

“Kull persuna taxxabbli għandha tiddikjara meta tibda, tbiddel jew twaqqaf l-attività tagħha bħala persuna taxxabbli.”

7

L-Artikolu 214(1) tad-Direttiva dwar il-VAT jistipula:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-persuni li ġejjin huma identifikati permezz ta’ numru individwali:

(a)

kull persuna taxxabbli, bl-eċċezzjoni ta’ dawk imsemmija fl-Artikolu 10(2) [fl-Artikolu 9(2)], li fit-territorju tagħhom twettaq fornimenti ta’ merkanzija jew servizzi li fir-rigward tagħhom tista’ titnaqqas il-VAT, minbarra l-fornimenti ta’ merkanzija jew servizzi li għalihom il-VAT għandha titħallas biss mill-konsumatur jew mill-persuna li għaliha hija intenzjonata l-merkanzija jew is-servizzi, skond l-Artikoli 194 sa 197 u l-Artikolu 199;

[…]”

Id‑dritt Litwan

8

L-Artikolu 32(3) tal-Lietuvos Respublikos pridėtinės vertės mokesčio įstatymas Nr. IX-751 (il-Liġi tar-Repubblika tal-Litwanja Nru IX‑751 dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud), tal‑5 ta’ Marzu 2002 (Žin., 2002, Nru 35‑1271), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-VAT”), jipprovdi:

“Persuna taxxabbli għandha d-dritt ta’ għażla ta’ ssuġġettar għall-VAT, konformement ma’ din il-liġi, tal-proprjetajiet immobbli eżentati mill-VAT skont il-paragrafi 1 jew 2 ta’ dan l-artikolu, jekk il-proprjetà immobbli tinbiegħ jew tiġi ttrasferita b’mod ieħor lil persuna taxxabbli, li hija persuna taxxabbli rreġistrata għall-finijiet tal-VAT […]; din l-għażla tapplika, għal perijodu ta’ mill-inqas 24 xahar mill-jum li fih tiġi ddikjarata l-għażla, fir-rigward tat-tranżazzjonijiet rilevanti kollha. Il-persuna taxxabbli għandha tiddikjara l-għażla tagħha skont il-modalitajiet stabbiliti mill-awtorità ċentrali tat-taxxa. […]”

9

L-Artikolu 58(1) ta’ din il-liġi jipprovdi:

“Persuna suġġetta għall-VAT tista’ tnaqqas il-VAT tal-input imħallsa u/jew it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ fuq l-importazzjoni fir-rigward ta’ oġġetti u/jew servizzi akkwistati u/jew importati, meta dawn l-oġġetti u/jew dawn is-servizzi sabiex jintużaw għall-attivitajiet li ġejjin:

1)

il-kunsinna ta’ oġġetti u/jew il-provvista ta’ servizzi suġġetti għall-VAT;

[…]”

10

L-Artikolu 67(2) tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

“It-tnaqqis għandu jiġi aġġustat bil-mod stabbilit f’dan l-artikolu: fir-rigward tal-proprjetà immobbli għal perijodu ta’ 10 snin, […], mill-perijodu taxxabbli li matulu l-VAT tal-input imħallsa u/jew it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ fuq l-importazzjoni fuq il-proprjetà immobbli tnaqqset kompletament jew parzjalment [għax-xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni ta’ bini/strutturi, it-tnaqqis huwa aġġustat għall-oġġetti kapitali li jirriżultaw minnhom fuq perijodu ta’ 10 snin mill-perijodu taxxabbli li matulu tlestew ix-xogħlijiet]. […]”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

11

Wara kontroll li jirrigwarda l-aġġustament tal-kalkolu, tad-dikjarazzjoni u tal-ħlas tal-VAT minn Arvi, il-Kauno apskrities valstybinė mokesčių inspekcija (l-Ispettorat Fiskali Reġjonali tad-Distrett ta’ Kaunas, il-Litwanja, iktar ’il quddiem l-“Ispettorat Reġjonali tat-Taxxi”) stabbilixxa, fil‑15 ta’ April 2020, rapport ta’ verifika fiskali li fih kien ġie kkonstatat li din il-kumpannija kienet applikat b’mod żbaljat il-VAT tal-output fil-kuntest tal-bejgħ, fit‑8 ta’ Mejju 2015, ta’ proprjetà immobbli lil UAB “Investicijų ir inovacijų fondas” (iktar ’il quddiem “Fondas”). Fil-fatt, f’dan ir-rapport, l-Ispettorat Reġjonali tat-Taxxi kkunsidra li, peress li fil-mument tal-imsemmi bejgħ, Fondas ma kinitx għadha rreġistrata għall-finijiet tal-VAT, Arvi ma setgħetx tagħżel it-tassazzjoni ta’ din it-tranżazzjoni u lanqas, konsegwentement, tiffattura l-VAT tal-output korrispondenti, b’tali mod li hija kellha, fid-dikjarazzjoni tal-VAT tagħha, taġġusta l-ammont tal-VAT tal-input imnaqqsa.

12

Permezz tad-deċiżjoni tiegħu tat‑22 ta’ Mejju 2020, dan l-Ispettorat ikkonferma l-imsemmi rapport ta’ verifika u ordna lil Arvi tħallas l-ammont korrispondenti ta’ VAT, miżjud b’penalitajiet u interessi moratorji.

13

Peress li l-ilment imressaq kontra din id-deċiżjoni kien ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tal-Ispettorat Nazzjonali tat-Taxxi tat‑23 ta’ Lulju 2020, Arvi adixxiet lill-Mokestinių ginčų komisija prie Lietuvos Respublikos vyriausybės (il-Kummissjoni dwar it-Tilwim Fiskali fi Ħdan il-Gvern tar-Repubblika tal-Litwanja).

14

Dan il-korp jistaqsi, l-ewwel, jekk, meta għażel, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu, li jissuġġetta d-dritt ta’ għażla għat-tassazzjoni għall-kundizzjoni li x-xerrej ikun esklużivament persuna taxxabbli rreġistrata għall-finijiet tal-VAT, il-leġiżlatur Litwan osservax id-Direttiva dwar il-VAT, fir-rigward tal-għanijiet u tal-intenzjoni tagħha. Dan jistaqsi, sussegwentement, dwar il-kwistjoni jekk l-għażla tal-persuna taxxabbli li tissuġġetta għall-VAT il-kunsinna ta’ proprjeta immobbli antika, filwaqt li tali għażla ma ssodisfatx il-kundizzjoni, prevista fl-Artikolu 32 tal-Liġi dwar il-VAT, li x-xerrej ikun persuna taxxabbli rreġistrata għall-finijiet tal-VAT, tippermettix ukoll li din it-tranżazzjoni titqies bħala kunsinna ta’ beni kapitali suġġetta għall-VAT li ma twassalx għall-obbligu għall-fornitur li jaġġusta t-tnaqqis tal-VAT. Fl-aħħar nett, dan ifittex li jkun jaf, jekk, billi jeżiġi li l-fornitur jaġġusta t-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa, filwaqt li x-xerrej tal-proprjetà jkun ġie rreġistrat għall-finijiet tal-VAT xahar wara l-konklużjoni tat-tranżazzjoni, l-Ispettorat Nazzjonali tat-Taxxi jaġixxix konformement mal-intenzjoni tad-Direttiva dwar il-VAT u mal-prinċipji applikati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha.

15

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Mokestinių ginčų komisija prie Lietuvos Respublikos vyriausybės (il-Kummissjoni dwar it-Tilwim Fiskali fi Ħdan il-Gvern tar-Repubblika tal-Litwanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha persuna rreġistrata għall-finijiet tal-VAT tista’ tagħżel biss li tieħu inkunsiderazzjoni VAT fuq il-[kunsinna ta’] proprjetà immobbli eżentata fil-każ li din il-proprjetà tiġi ttrasferita lil persuna taxxabbli li, fil-mument meta tiġi konkluża t-tranżazzjoni, tkun persuna rreġistrata għall-finijiet tal-VAT, tikkonforma mal-Artikolu 135 u mal-Artikolu 137 tad-Direttiva dwar il-VAT (1) u mal-prinċipji ta’ newtralità fiskali u ta’ effettività?

2)

F’każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li l-fornitur ta’ proprjetà immobbli huwa obbligat li jaġġusta t-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa fuq din il-proprjetà immobbli, peress li l-fornitur ikun għażel li jissuġġetta din il-provvista għall-VAT meta din l-għażla tkun eskluża mil-leġiżlazzjoni nazzjonali għall-unika raġuni li x-xerrej ma jkollux l-istatus ta’ persuna rreġistrata għall-finijiet tal-VAT, tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-VAT li jirregolaw id-dritt tal-fornitur għat-tnaqqis u għall-aġġustament kif ukoll għall-prinċipji ta’ newtralità fiskali u ta’ effettività tal-VAT?

3)

Prattika amministrattiva li bis-saħħa tagħha, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, il-fornitur ta’ proprjetà immobbli għandu l-obbligu ta’ aġġustament tat-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa fuq l-akkwist jew il-produzzjoni ta’ dan il-proprjetà immobbli, minħabba li din it-tranżazzjoni hija kkunsidrata bħala provvista ta’ proprjetà immobbli eżentata minħabba l-assenza tad-dritt li tittieħed inkunsiderazzjoni l-VAT fuqha (peress li x-xerrej ma jkollux numru ta’ reġistrazzjoni tal-VAT fil-mument meta ġiet konkluża t-tranżazzjoni), meta x-xerrej kien diġà talab numru ta’ reġistrazzjoni tal-VAT qabel ma tkun ġiet konkluża t-tranżazzjoni u li jkun ġie rreġistrat għall-finijiet tal-VAT xahar wara dan, tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-VAT dwar id-dritt tal-fornitur għat-tnaqqis tal-VAT u għall-aġġustament kif ukoll għall-prinċipji ta’ newtralità fiskali u ta’ effettività tal-VAT? F’dan il-każ, huwa rilevanti li jiġi ddeterminat jekk ix-xerrej tal-proprjetà immobbli, irreġistrat għall-finijiet tal-VAT wara t-tranżazzjoni, fil-fatt uża l-proprjetà akkwistata fil-kuntest ta’ attività suġġetta għall-VAT u li ma hemm ebda prova ta’ frodi jew ta’ abbuż?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda preliminari

16

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 135 u 137 tad-Direttiva dwar il-VAT kif ukoll il-prinċipji ta’ newtralità fiskali u ta’ effettività għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta d-dritt ta’ persuna taxxabbli li tagħżel li l-bejgħ ta’ proprjetà immobbli jkun suġġett għall-VAT għall-kundizzjoni li din il-proprjetà tiġi ttrasferita lil persuna taxxabbli li, fil-mument tal-konklużjoni tat-tranżazzjoni, tkun diġà rreġistrata għall-finijiet tal-VAT.

17

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-Artikolu 137 tad-Direttiva dwar il-VAT jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-Istati Membri jistgħu jagħtu lill-persuni taxxabbli tagħhom id-dritt ta’ għażla għat-tassazzjoni, b’mod partikolari, “provvista ta’ bini jew partijiet minnu, u ta’ l-art li fuqha jinsab il-bini, ħlief il-provvista [mwettqa qabel l-ewwel okkupazzjoni tagħhom];”, u jippreċiża, fil-paragrafu 2 tiegħu, li l-Istati Membri “għandhom jistabbilixxu r-regoli dettaljati li jirregolaw l-eżerċizzju ta’ l-għażla skond il-paragrafu 1” u “jistgħu jirristrinġu l-iskop ta’ dak id-dritt ta’ għażla”.

18

Min-naħa l-oħra, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 13Ċ tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas‑17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23), iżda trasponibbli b’analoġija għall-Artikolu 137 tad-Direttiva dwar il-VAT li l-kontenut tagħha huwa sostanzjalment identiku, jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu, permezz ta’ din il-possibbiltà mogħtija permezz ta’ dan l-artikolu, jagħtu lill-benefiċjarji tal-eżenzjonijiet previsti mill-imsemmija direttiva l-possibbiltà li jirrinunzjaw għall-eżenzjoni, kemm fil-każijiet kollha, kemm f’ċerti limiti, kif ukoll skont ċerti modalitajiet (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2006, Turn- und Sportunion Waldburg, C‑246/04, EU:C:2006:22, punt 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

19

Għalhekk, l-Artikolu 137 tad-Direttiva dwar il-VAT jagħti lill-Istati Membri mhux biss il-possibbiltà li jagħtu lill-persuni taxxabbli tagħhom id-dritt ta’ għażla għat-tassazzjoni ta’ tranżazzjonijiet li din id-dispożizzjoni ssemmi, iżda wkoll is-setgħa li jirrestrinġu l-portata ta’ dan id-dritt jew li jħassruh. Għaldaqstant, l-Istati Membri jgawdu minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fil-kuntest ta’ dan l-artikolu, peress li għandhom jevalwaw jekk għandux jiġi stabbilit jew le d-dritt ta’ għażla skont dak li jqisu xieraq skont il-kuntest eżistenti fil-pajjiż tagħhom f’mument partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2006, Turn- und Sportunion Waldburg, C‑246/04, EU:C:2006:22, punti 2829 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

20

L-Istati Membri jistgħu ukoll, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom, jeskludu ċerti tranżazzjonijiet jew ċerti kategoriji ta’ persuni taxxabbli mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan id-dritt (ara, b’analoġja, is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2006, Turn- und Sportunion Waldburg, C‑246/04, EU:C:2006:22, punt 30).

21

Madankollu, meta l-Istati Membri jagħmlu użu mill-possibbiltà li għandhom li jirrestrinġu l-portata tad-dritt ta’ għażla u li jiddeterminaw id-dettalji tal-eżerċizzju tiegħu, dawn iridu josservaw l-għanijiet u l-prinċipji ġenerali tad-Direttiva dwar il-VAT, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ newtralità fiskali u r-rekwiżit tal-applikazzjoni korretta, sempliċi u uniformi tal-eżenzjonijiet previsti (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2006, Turn- und Sportunion Waldburg, C‑246/04, EU:C:2006:22, punt 31).

22

F’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn tistabbilixxi l-modalitajiet tar-rinunzja għall-eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 135(1)(j) tad-Direttiva dwar il-VAT, sempliċement tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom il-persuna taxxabbli tista’ teżerċita d-dritt tagħha li tagħżel it-tassazzjoni tal-kunsinna ta’ proprjetajiet immobbli li d-dritt għal tnaqqis ser jagħtiha.

23

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija, f’dan ir-rigward, simili għal dik inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2004, Vermietungsgesellschaft Objekt Kirchberg (C‑269/03, EU:C:2004:512), u li, adottata minn Stat Membru li għamel użu mill-possibbiltà li jagħti lill-persuni taxxabbli tiegħu d-dritt ta’ għażla għat-tassazzjoni tat-tranżazzjonijiet ta’ kiri ta’ proprjetajiet immobbli, kienet issuġġettat it-tnaqqis sħiħ tal-VAT tal-input imħallsa għall-kisba ta’ approvazzjoni minn qabel, mhux retroattiva, min-naħa tal-amministrazzjoni fiskali. Issa, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, minn naħa, li, meta Stat Membru jissuġġetta d-dritt ta’ għażla għat-tassazzjoni għal ċerti kundizzjonijiet legali, proċedura ta’ approvazzjoni minn qabel tippermetti li jiġi vverifikat li dawn il-kundizzjonijiet huma ssodisfatti u, min-naħa l-oħra, li proċedura ta’ approvazzjoni bħal dik stabbilita minn dan l-Istat Membru ma hijiex intiża sabiex tippreġudika d-dritt għal tnaqqis, iżda għall-kuntrarju tippermetti li dan id-dritt jiġi eżerċitat b’mod sħiħ, bla ħsara għall-osservanza ta’ ċerti rekwiżiti (ara f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2004, Vermietungsgesellschaft Objekt Kirchberg, C‑269/03, EU:C:2004:512, punti 2628).

24

L-istess konklużjoni tapplika għal leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li din sempliċement tistabbilixxi l-modalitajiet għall-eżerċizzju tad-dritt tal-persuni taxxabbli li jagħżlu għat-tassazzjoni tranżazzjonijiet li huma, bħala prinċipju, eżentati. Tali leġiżlazzjoni ma tippreġudikax id-dritt għal tnaqqis iżda, għall-kuntrarju, tippermetti, meta din l-għażla tiġi eżerċitata konformement mal-modalitajiet previsti għal dan il-għan, l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt li, fl-assenza ta’ tali għażla, ikun eskluż. Barra minn hekk, il-kundizzjoni li l-bejjiegħ ta’ proprjetà immobbli jista’ jagħżel it-tassazzjoni tat-tranżazzjoni ta’ bejgħ biss jekk ix-xerrej ikun persuna taxxabbli diġà rreġistrata għall-finijiet tal-VAT fil-mument tal-bejgħ tikkontribwixxi sabiex tiġi żgurata applikazzjoni tal-eżerċizzju tad-dritt ta’ għażla fl-osservanza taċ-ċertezza legali.

25

Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument, imressaq b’mod partikolari mill-Kummissjoni, li jgħid li din il-kundizzjoni tmur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita b’mod partikolari fil-punt 32 tas-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2018, Dobre (C‑159/17, EU:C:2018:161), li skontha r-reġistazzjoni għall-finijiet tal-VAT, prevista fl-Artikolu 214 tad-Direttiva dwar il-VAT, kif ukoll l-obbligu għall-persuna taxxabbli li tiddikjara l-bidu, il-bidla u l-waqfien tal-attivitajiet tagħha, previst fl-Artikolu 213 ta’ din id-direttiva, jikkostitwixxu biss rekwiżiti formali għal finijiet ta’ kontroll u, għaldaqstant, ma jistgħux jikkontestaw, b’mod partikolari, id-dritt għal tnaqqis tal-VAT fil-każ fejn il-kundizzjonijiet materjali fl-oriġini ta’ dan id-dritt huma ssodisfatti. Fil-fatt, hekk kif l-Avukata Ġenerali rrilevat fil-punt 56 tal-konklużjonijiet tagħha, din il-ġurisprudenza hija irrilevanti f’dan il-każ peress li l-kawża prinċipali ma tikkonċernax id-dritt għal tnaqqis tax-xerrej li għadu ma ġiex irreġistrat fil-mument tal-akkwist tal-proprjetà immobbli inkwistjoni, iżda l-modalitajiet tal-eżerċizzju, mill-bejjiegħ, tad-dritt tiegħu ta’ għażla għat-tassazzjoni tat-tranżazzjoni ta’ kunsinna tal-proprjetà immobbli.

26

Fir-rigward ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-ewwel domanda għandha tiġi risposta li l-Artikoli 135 u 137 tad-Direttiva dwar il-VAT għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta d-dritt ta’ persuna taxxabbli li tagħżel li l-bejgħ ta’ proprjetà immobbli ikun suġġett għall-VAT għall-kundizzjoni li din il-proprjetà tiġi ttrasferita lil persuna taxxabbli li, fil-mument tal-konklużjoni tat-tranżazzjoni, tkun diġà rreġistrata għall-finijiet tal-VAT.

Fuq l‑ewwel u t‑tieni domanda

27

Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-VAT kif ukoll il-prinċipji ta’ newtralità fiskali, ta’ effettività u ta’ proporzjonalità għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni u prassi nazzjonali li skont dawn il-bejjiegħ ta’ proprjetà immobbli huwa obbligat li jaġġusta t-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa fuq din il-proprjetà wara r-rifjut li jiġi rrikonoxxut lilu d-dritt ta’ għażla għat-tassazzjoni ta’ dan il-bejgħ minħabba li, fid-data tiegħu, ix-xerrej ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti għall-eżerċizzju, mill-bejjiegħ, ta’ dan id-dritt.

28

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu, l-ewwel nett, jiġi kkonstatat li l-obbligu ta’ aġġustament inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirriżulta mill-fatt li, f’dan il-każ, ma kienx hemm rinunzja valida għall-eżenzjoni ta’ din it-tranżazzjoni.

29

It-tieni, fir-rigward tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan il-prinċipju b’mod partikolari jipprekludi li provvisti ta’ servizzi li jixxiebhu, li għalhekk jinsabu f’kompetizzjoni bejniethom, jiġu ttrattati b’mod differenti mill-perspettiva tal-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2006, Turn- und Sportunion Waldburg, C‑246/04, EU:C:2006:22, punt 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

30

F’dan il-każ, la mit-talba għal deċiżjoni preliminari u lanqas mill-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżulta li l-leġiżlazzjoni jew il-prassi nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistabbilixxu differenza fit-trattament bejn tranżazzjonijiet li jixxiebhu u f’kompetizzjoni bejniethom. Fil-fatt, għar-raġunijiet żviluppati b’mod iktar wiesa’ mill-Avukata Ġenerali fil-punti 30 sa 35 u 46 tal-konklużjonijiet tagħha, id-dritt ta’ għażla għat-tassazzjoni tal-kunsinna ta’ proprjetà immobbli għandu l-għan li jiġu evitati għall-persuna taxxabbli li twettaq din il-kunsinna żvantaġġi kompetittivi, ħaġa li l-prinċipju ta’ newtralità fiskali huwa preċiżament intiż li jimplimenta, u l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ għażla għat-tassazzjoni stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma l-istess għall-persuni taxxabbli kollha, indipendentement mill-kapaċità tagħhom jew mill-forma ġuridika tagħhom, peress li dan l-eżerċizzju huwa biss funzjoni tar-reġistrazzjoni għall-VAT tax-xerrej fil-mument tal-kunsinna tal-proprjetà.

31

It-tielet, fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, li jipprekludi li dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tirrendi fil-prattika impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, f’dan il-każ l-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis, għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-punt 24 ta’ din is-sentenza, leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali sempliċement tistabbilixxi l-modalitajiet għall-eżerċizzju tad-dritt tal-persuni taxxabbli li jagħżlu t-tassazzjoni tat-tranżazzjonijiet li huma, bħala prinċipju, eżentati u ma tippreġudikax id-dritt għal tnaqqis. Barra minn hekk, la mit-talba għal deċiżjoni preliminari u lanqas mill-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jew l-applikazzjoni tagħha mill-amministrazzjoni tista’ bi kwalunkwe mod tagħmel l-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli.

32

Għall-kuntrarju, il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ għażla huma magħrufa minn qabel u, hekk kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 53 tal-konklużjonijiet tagħha, persuna taxxabbli bħal Arvi għandha diversi mezzi sabiex tkun tista’ tosserva l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-livell nazzjonali u b’hekk effettivament teżerċita d-dritt għal tnaqqis tagħha.

33

Għaldaqstant, il-prinċipju ta’ effettività ma jipprekludix leġiżlazzjoni jew prassi nazzjonali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

34

Ir-raba’, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jew l-applikazzjoni tagħha mill-amministrazzjoni fiskali humiex konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, invokat ukoll mill-qorti tar-rinviju, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tkun konformi mal-imsemmi prinċipju, miżura nazzjonali għandha tkun xierqa sabiex tiżgura t-twettiq tal-għan li tixtieq tilħaq u ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tilħqu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2010, Schmelz, C‑97/09, EU:C:2010:632, punt 58).

35

F’dan il-każ, ir-rekwiżit li x-xerrej għandu jkun persuna taxxabbli diġà rreġistrata għall-finijiet tal-VAT fil-mument tal-bejgħ sabiex il-bejjiegħ ikun jista’ jagħżel it-tassazzjoni tat-tranżazzjoni jikkontribwixxi għall-protezzjoni taċ-ċertezza legali tal-fornitur sa fejn dan jippermettilu jiżgura ruħu li jkun jista’ validament jeżerċita d-dritt tiegħu li jagħżel it-tassazzjoni u li jiġi żgurat il-ġbir korrett tal-VAT. Tali rekwiżit huwa għalhekk xieraq sabiex jintlaħaq l-għan imfittex.

36

Barra minn hekk, dan ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex, sa fejn jippermetti li jiġi żgurat li, qabel it-twettiq tat-tranżazzjoni li l-persuna taxxabbli tixtieq li tiġi ntaxxata, ladarba tkun eżerċitat id-dritt ta’ għażla tagħha, din tal-aħħar tkun f’pożizzjoni li tkun taf jekk tistax validament teżerċita dan id-dritt ta’ għażla, u dan mingħajr ma jkun neċessarju għaliha jew għall-amministrazzjoni fiskali li twettaq verifiki twal jew riċerki dwar il-kwalità ta’ persuna taxxabbli tax-xerrej.

37

Fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, għandu jingħad ukoll li l-awtoritajiet kompetenti ma jistgħux jieħdu inkunsiderazzjoni, minbarra l-fatt li t-tranżazzjoni hija jew ma hijiex eżentata, ċirkustanzi oħra bħall-użu li jsir mill-proprjetà immobbli mix-xerrej. Fil-fatt, l-element rilevanti għall-finijiet tad-dritt għal tnaqqis u tal-obbligu eventwali ta’ aġġustament huwa n-natura tal-attività li għaliha l-persuna taxxabbli bejjiegħa użat il-proprjetà immobbli inkwistjoni. Barra minn hekk, li jittieħed inkunsiderazzjoni, sabiex jiġi stabbilit jekk hemm jew ma hemmx tranżazzjoni suġġetta għall-VAT, tal-użu li x-xerrej tal-proprjetà immobbli sussegwentement jagħmel minnha jikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali. Dan huwa iktar u iktar minnu peress li huwa x-xerrej li għandu jaġġusta l-VAT tal-input imnaqqsa kieku kellu juża l-proprjetà immobbli inkwistjoni għal tranżazzjonijiet eżentati jew li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT. Madankollu, tali bidla fl-assenjazzjoni ma tistax twassal sabiex l-aġġustament ta’ tnaqqis tal-VAT relatat ma’ kunsinna ta’ oġġetti jew ma’ provvista ta’ servizzi jaqa’ fuq il-persuna taxxabbli differenti minn dik li tkun għamlet l-imsemmi tnaqqis (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2020, Sögård Fastigheter, C‑787/18, EU:C:2020:964, punti 4647).

38

F’dan il-każ, l-użu li Fondas għamlet mill-proprjetà immobbli akkwistata mingħand Arvi ma jistax għalhekk ikollu effett fuq id-dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa minn Arvi matul l-akkwist ta’ din il-proprjetà. Dawn huma żewġ tranżazzjonijiet separati li jikkonċernaw persuni taxxabbli distinti li kull waħda minnhom twettaq l-attività ekonomika tagħha stess.

39

Għall-kumplament, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk hijiex il-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li ma kienx hemm frodi jew abbuż, huwa biżżejjed li jitfakkar, minn naħa, li, jekk l-amministrazzjoni fiskali kellha tikkonstata li d-dritt għal tnaqqis kien ġie eżerċitat b’mod frawdolenti jew abbużiv, hija tkun awtorizzata titlob, b’effett retroattiv, ir-rimbors tas-somom imnaqqsa (sentenza tat‑28 ta’ Frar 2018, Imofloresmira – Investimentos Imobiliários, C‑672/16,EU:C:2018:134, punt 52). Min-naħa l-oħra, il-persuni taxxabbli huma ġeneralment liberi li jagħżlu l-istrutturi organizzazzjonali jew il-modalitajiet tranżazzjonali li jqisu li huma l-iktar xierqa għall-attivitajiet ekonomiċi tagħhom u sabiex jillimitaw il-piżijiet fiskali tagħhom, peress li l-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ prattiki abbużivi jipprojbixxi biss l-arranġamenti purament artifiċjali, nieqsa mir-realtà ekonomika, imwettqa bl-għan biss li jinkiseb vantaġġ fiskali li l-għoti tiegħu jmur kontra l-għanijiet tad-Direttiva dwar il-VAT (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑3 ta’ Settembru 2020, Vikingo Fővállalkozó, C‑610/19, EU:C:2020:673, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni u t-tielet domanda għandhom jiġu risposti li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-VAT kif ukoll il-prinċipji ta’ newtralità fiskali, ta’ effettività u ta’ proporzjonalità għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni u prassi nazzjonali li skont dawn il-bejjiegħ ta’ proprjetà immobbli huwa obbligat li jaġġusta t-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa fuq din il-proprjetà wara r-rifjut li jiġi rrikonoxxut lilu d-dritt ta’ għażla għat-tassazzjoni ta’ dan il-bejgħ minħabba li, fid-data ta’ dan il-bejgħ, ix-xerrej ma ssodisfax il-kundizzjonijiet previsti għall-eżerċizzju, mill-bejjiegħ, ta’ dan id-dritt. Għalkemm l-użu effettiv tal-proprjetà immobbli inkwistjoni mix-xerrej fil-kuntest ta’ attivitajiet suġġetti għall-VAT huwa irrilevanti f’dan ir-rigward, l-awtoritajiet kompetenti madankollu huma obbligati jivverifikaw l-eżistenza eventwali ta’ frodi jew ta’ abbuż fir-rigward tal-persuna taxxabbli li kellha l-intenzjoni li teżerċita d-dritt tagħha ta’ għażla għat-tassazzjoni tat-tranżazzjoni inkwistjoni.

Fuq l‑ispejjeż

41

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L‑Artikoli 135 u 137 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta d-dritt ta’ persuna taxxabbli li tagħżel li l-bejgħ ta’ proprjetà immobbli ikun suġġett għat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) għall-kundizzjoni li din il-proprjetà tiġi ttrasferita lil persuna taxxabbli li, fil-mument tal-konklużjoni tat-tranżazzjoni, tkun diġà rreġistrata għall-finijiet tal-VAT.

 

2)

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112 kif ukoll il-prinċipji ta’ newtralità fiskali, ta’ effettività u ta’ proporzjonalità għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni u prassi nazzjonali li skont dawn il-bejjiegħ ta’ proprjetà immobbli huwa obbligat li jaġġusta t-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) tal-input imħallsa fuq din il-proprjetà wara r-rifjut li jiġi rrikonoxxut lilu d-dritt ta’ għażla għat-tassazzjoni ta’ dan il-bejgħ minħabba li, fid-data ta’ dan il-bejgħ, ix-xerrej ma ssodisfax il-kundizzjonijiet previsti għall-eżerċizzju, mill-bejjiegħ, ta’ dan id-dritt. Għalkemm l-użu effettiv tal-proprjetà immobbli inkwistjoni mix-xerrej fil-kuntest ta’ attivitajiet suġġetti għall-VAT huwa irrilevanti f’dan ir-rigward, l-awtoritajiet kompetenti madankollu huma obbligati jivverifikaw l-eżistenza eventwali ta’ frodi jew ta’ abbuż fir-rigward tal-persuna taxxabbli li kellha l-intenzjoni li teżerċita d-dritt tagħha ta’ għażla għat-tassazzjoni tat-tranżazzjoni inkwistjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Litwan.