SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

9 ta’ Marzu 2023 ( *1 )

“Appell – Enerġija – Regolament (KE) Nru 714/2009 – Artikolu 17 – Talba għal eżenzjoni dwar interkonnessjoni tal-elettriku – Deċiżjoni ta’ rifjut tal‑Aġenzija tal‑Unjoni Ewropea għall‑Kooperazzjoni tar‑Regolaturi tal‑Enerġija (ACER) – Regolament (KE) Nru 713/2009 – Artikolu 19 – Bord tal-Appell tal-ACER – Intensità tal-istħarriġ”

Fil-Kawża C‑46/21 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fis‑27 ta’ Jannar 2021,

L-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER), irrappreżentata minn P. Martinet u E. Tremmel, bħala aġenti, assistiti minn B. Creve, advokat,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Aquind Ltd, stabbilita fi Wallsend (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn J. Bille, C. Davis, S. Goldberg u E. White, solicitors,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, D. Gratsias, M. Ilešič (Relatur), I. Jarukaitis u Z. Csehi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑15 ta’ Settembru 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑18 ta’ Novembru 2020, Aquind vs ACER, (T‑735/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2020:542), li permezz tagħha din annullat id-Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-ACER A-001–2018 (iktar ’il quddiem il-“Bord tal-Appell”), tas‑17 ta’ Ottubru 2018 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), li permezz tagħha ġiet ikkonfermata d-Deċiżjoni tal-ACER Nru 05/2018, tad‑19 ta’ Ġunju 2018, li tiċħad talba għal eżenzjoni dwar interkonnessjoni tal-elettriku li tgħaqqad in-networks ta’ trażmissjoni tal-elettriku Brittaniku u dak Franċiż (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 05/2018”).

2

Permezz tal-appell inċidentali tagħha, Aquind Ltd titlob il-konferma tas-sentenza appellata.

Il‑kuntest ġuridiku

3

Il-premessa 19 tar-Regolament (KE) Nru 713/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ĠU 2009, L 211, p. 1), li kien fis-seħħ sat‑3 ta’ Lulju 2019, kienet tipprovdi:

“Fejn l-[ACER] jkollha s-setgħa sabiex tieħu deċiżjonijiet, għal finijiet ta’ ekonomija proċedurali, il-partijiet interessati għandhom jingħataw id-dritt ta’ appell lil Bord tal-Appell, li għandu jkun parti mill-[ACER], iżda li jkun indipendenti mill-istruttura amministrattiva u regolatorja tagħha. Fl-interess tal-kontinwità, il-ħatra jew it-tiġdid tal-membri tal-Bord tal-Appell għandha tippermetti li tkun tista’ ssir sostituzzjoni parzjali tal-membri ta’dak il-Bord tal-Appell. Id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell għandha tkun suġġetta għal appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej.”

4

L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 713/2009, intitolat “Kompożizzjoni”, kien jipprovdi:

“L-[ACER] għandha tkun magħmula minn:

[…]

d) Bord tal-Appell, li għandu jwettaq il-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 19.”

5

L-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Il-Bord tal-Appell”, kien jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-Bord tal-Appell għandu jinkludi sitt membri u sitt sostituti, magħżula minn fost persunal fi gradi għolja, attwali jew tal-passat, tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni jew istituzzjonijiet nazzjonali jew Komunitarji oħra, b’esperjenza relevanti fis-settur tal-enerġija. Il-Bord tal-Appell għandu jaħtar il-President tiegħu. Id-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell għandhom jiġu adottati abbażi ta’ maġġoranza kkwalifikata ta’ mill-inqas erbgħa mis-sitt membri tiegħu. Il-Bord tal-Appell għandu jiltaqa’ meta jkun meħtieġ.”

6

L-Artikolu 19 tal-imsemmi regolament, intitolat “Appelli”, kien jipprevedi:

“1.   Kull persuna fiżika jew ġuridika, inklużi l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, tista’ tappella kontra deċiżjoni msemmija fl-Artikoli 7, 8 jew 9 li tkun indirizzata lil dik il-persuna, jew kontra deċiżjoni li, għalkemm fil-forma ta’ deċiżjoni indirizzata lil persuna oħra, tikkonċerna direttament lil dik il-persuna.

2.   L-appell, flimkien mal-istqarrija tar-raġunijiet, għandhom jitressqu bil-miktub lill-[ACER] fi żmien xahrejn mill-jum tan-notifika tad-deċiżjoni lill-persuna kkonċernata, jew, fin-nuqqas tagħha, fi żmien xahrejn mill-jum li fih l-[ACER] tkun ippubblikat id-deċiżjoni tagħha. Il-Bord tal-Appell ghandu jiddeċiedi dwar l-appell fi żmien xahrejn wara li jkun tressaq l-appell.

[…]

4.   Jekk l-appell ikun ammissibbli, il-Bord tal-Appell għandu jeżamina jekk l-appell huwiex fondat sewwa. Kull meta jkun meħtieġ, għandu jistieden lill-partijiet għall-proċeduri tal-appell sabiex iressqu osservazzjonijiet dwar notifiki maħruġa minnu stess, jew dwar komunikazzjonijiet mill-partijiet l-oħra għall-proċeduri tal-appell, fil-limiti ta’ żmien speċifikati. Il-partijiet għall-proċeduri tal-appell għandu jkollhom il-jedd li jagħmlu preżentazzjoni orali.

5.   Skont dan l-Artikolu, il-Bord tal-Appell jista’ jeżerċita kull setgħa li taqa’ fil-kompetenza tal-[ACER], jew jista’ jgħaddi l-każ lill-entità kompetenti tal-[ACER]. Dan tal-aħħar għandu jkun marbut bid-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell.

6.   Il-Bord tar-Regolaturi għandu jadotta u jippubblika r-regoli ta’ proċedura tiegħu.

[…]”

7

L-Artikolu 20 tal-istess regolament, intitolat “Azzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u l-Qorti tal-Ġustizzja”, kien jipprovdi:

“1.   Azzjoni tista’ titressaq quddiem il-Qorti tal-Prim’ Istanza jew il-Qorti tal-Ġustizzja, konformement mal-Artikolu 230 [KE], sabiex tikkontesta deċiżjoni li tkun ittieħdet mill-Bord tal-Appell jew, fil-każijiet li ma jkun hemm l-ebda dritt, quddiem il-Bord tal-Appell, mill-[ACER].

2.   Fil-każ li l-[ACER] tonqos milli tieħu deċiżjoni, jistgħu jinġiebu proċeduri għal dan in-nuqqas ta’ azzjoni quddiem il-Qorti tal-Prim’ Istanza jew il-Qorti tal-Ġustizzja konformement mal-Artikolu 232 [KE].

3.   L-[ACER] għandha tkun obbligata li tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tikkonforma mas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’ Istanza jew tal-Qorti tal-Ġustizzja.”

8

Ir-Regolament Nru 713/2009 tħassar bir-Regolament (UE) 2019/942 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ĠU 2019, L 158, p. 22). L-Artikolu 28(2) ta’ dan l-aħħar regolament jipprovdi li l-Bord tal-Appell ghandu jiddeċiedi dwar l-appell fi żmien erba’ xhur wara li jkun ġie ppreżentat l-appell.

Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

9

Il-fatti li wasslu għall-kawża kienu ġew esposti mill-Qorti Ġenerali fil-punti 1 sa 13 tas-sentenza appellata u, għall-finijiet ta’ din il-proċedura, jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

10

Fis‑17 ta’ Mejju 2017, Aquind, il-promotur ta’ proġett ta’ interkonnessjoni tal-elettriku li jgħaqqad in-network ta’ trażmissjoni tal-elettriku Britanniku u dak Franċiż, ressaq talba skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 714/2009 tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003 (ĠU 2009, L 211, p. 15), sabiex tinkiseb eżenzjoni għal dan il-proġett ta’ interkonnessjoni.

11

Din it-talba tressqet quddiem l-awtoritajiet regolatorji Franċiżi u tar-Renju Unit, jiġifieri, rispettivament, il-Commission de régulation de l’énergie (CRE) (il-Kummissjoni tar-Regolazzjoni tal-Enerġija) u l-Office of Gas and Electricity Markets Authority (Ofgem) (l-Uffiċċju tal-Awtorità għas-Swieq tal-Gass u tal-Elettriku), li, peress li ma waslux għal ftehim dwar l-imsemmija talba, bagħtuha lill-ACER, konformement mal-Artikolu 17(5) tar-Regolament Nru 714/2009, sabiex din tal-aħħar tieħu hija stess deċiżjoni.

12

Permezz tad-Deċiżjoni Nru 05/2018, l-ACER ċaħdet it-talba ta’ Aquind, minħabba li waħda mill-kundizzjonijiet neċessarji għall-kisba ta’ tali eżenzjoni ma kinitx issodisfatta, f’dan il-każ dik stabbilita fl-Artikolu 17(1)(b) ta’ dan ir-regolament, li jipprovdi li l-livell ta’ riskju assoċjat mal-investiment għandu jkun tali li l-investiment ma jsirx fil-każ li l-eżenzjoni ma tkunx ingħatat.

13

Fis‑17 ta’ Awwissu 2018, Aquind ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Bord tal-Appell li, permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, ikkonfermaha.

Il‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali u s‑sentenza appellata

14

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑14 ta’ Diċembru 2018, Aquind ippreżentat rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, minħabba, b’mod partikolari, li l-Bord tal-Appell ikkunsidra b’mod żbaljat li huwa seta’ jillimita l-istħarriġ tiegħu għall-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, u li Aquind kellha qabelxejn titlob u tikseb deċiżjoni ta’ allokazzjoni transkonfinali tal-ispejjeż, konformement mal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ April 2013 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 713/2009, (KE) Nru 714/2009 u (KE) Nru 715/2009 (ĠU 2013, L 115, p. 39), qabel ma tkun tista’ tittieħed deċiżjoni skont l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 714/2009.

15

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell wara li laqgħet id-disa’ motiv tar-rikors ta’ Aquind, ibbażat fuq eżami insuffiċjenti tad-Deċiżjoni Nru 05/2018 mill-Bord tal-Appell u, sussidjarjament, ir-raba’ motiv ta’ dan ir-rikors, ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tar-relazzjoni eżistenti bejn l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 714/2009 u l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 347/2013, li hija laqgħet ukoll. B’konsegwenza, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kontenzjuża u ċaħdet il-kumplament tar-rikors.

16

Insostenn tad-disa’ motiv tagħha, Aquind ikkritikat, essenzjalment, lill-Bord tal-Appell li llimita l-istħarriġ tiegħu, waqt l-eżami tal-appell tagħha, għal dak tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni li l-ACER kienet wettqet meta adottat id-Deċiżjoni Nru 05/2018. Tali stħarriġ ristrett fil-fatt imur kontra l-Artikolu 19(5) tar-Regolament Nru 713/2009.

17

Filwaqt li bbażat ruħha fuq motivazzjoni f’erba’ partijiet distinti, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 50 sa 71 tas-sentenza appellata, li, bħalma sostniet Aquind permezz tad-disa’ motiv tagħha, il-limitazzjoni, mill-Bord tal-Appell, tal-intensità tal-istħarriġ tiegħu tad-deċiżjoni tal-ACER dwar talba għal eżenzjoni skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 714/2009 kienet żbaljata fid-dritt.

18

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, essenzjalment, fil-punt 51 tas-sentenza appellata, li l-ħolqien tal-Bord tal-Appell kien jissodisfa r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jipprovdi mekkaniżmu ta’ appell fi ħdan l-aġenziji tal-Unjoni Ewropea meta dawn ikunu ġew fdati setgħa ta’ deċiżjoni importanti, fuq kwistjonijiet kumplessi fil-livell tekniku jew xjentifiku, li jaffettwaw direttament is-sitwazzjoni legali tal-partijiet ikkonċernati. Is-sistema tal-korp tal-appell tirrappreżenta mezz xieraq sabiex jiġi protett id-dritt ta’ dawn tal-aħħar f’kuntest fejn l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu jkun limitat għal eżami dwar jekk l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-elementi fattwali ta’ natura xjentifika, teknika u ekonomika kumplessi li l-aġenziji għandhom huwiex ivvizzjat minn żball manifest jew minn użu ħażin ta’ poter.

19

Fit-tieni lok, fil-punti 52 sa 58 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-organizzazzjoni u s-setgħat tal-Bord tal-Appell, sabiex tikkonstata, fi tmiem din l-analiżi, li dan il-korp tal-appell ma nħoloqx sabiex ikun limitat għal stħarriġ ristrett tal-evalazzjonijiet ta’ natura teknika u ekonomika kumplessi.

20

L-ewwel, il-Qorti Ġenerali enfasizzat, fil-punt 53 tas-sentenza appellata, dwar il-kompożizzjoni tal-Bord tal-Appell, li l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 713/2009 jipprevedi li l-Bord tal-Appell għandu jinkludi sitt membri u sitt sostituti magħżula minn fost l-uffiċjali superjuri, attwali jew preċedenti, tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, tal-awtoritajiet responsabbli mill-kompetizzjoni jew minn istituzzjonijiet nazzjonali oħra jew tal-Unjoni, “b’esperjenza relevanti fis-settur tal-enerġija”. B’hekk il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jagħti lill-Bord tal-Appell l-għarfien espert neċessarju sabiex ikun jista’ jwettaq huwa stess evalwazzjonijiet dwar elementi fattwali ta’ natura teknika u ekonomika kumplessi marbuta mal-enerġija. Il-Qorti Ġenerali rrilevat li dan kien ukoll l-għan li għandu jintlaħaq meta nħolqu aġenziji oħra tal-Unjoni, bħall-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) jew anki l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), li l-Bordijiet tal-Appell tagħhom huma komposti minn esperti li għandhom kwalifika li tirrifletti l-ispeċifiċità tal-oqsma kkonċernati.

21

It-tieni, fir-rigward tas-setgħat mogħtija lill-Bord tal-Appell, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 54 tas-sentenza appellata, li dawn, deskritti fl-Artikolu 19(5) tar-Regolament Nru 713/2009, kienu wkoll fis-sens ta’ stħarriġ ta’ elementi fattwali u ekonomiċi ta’ natura kumplessa, sa fejn, skont din id-dispożizzjoni, il-Bord tal-Appell jista’ jew jeżerċita l-istess setgħat bħal dawk mogħtija lill-ACER, jew jirrinvija l-każ lill-korp kompetenti ta’ din l-aġenzija, fejn dan tal-aħħar ikun għalhekk marbut bid-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell. Għalhekk din id-dispożizzjoni tagħti lill-Bord tal-Appell setgħa diskrezzjonali li fil-kuntest tal-eżerċizzju tagħha għandu jeżamina jekk l-elementi li jkollu wara l-eżami tal-appell jippermettulux jadotta d-deċiżjoni tiegħu stess.

22

Fil-punt 55 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet minn dan li mhux biss il-Bord tal-Appell għandu s-setgħat kollha mogħtija lill-ACER stess, iżda li jekk jagħżel li jirrinvija l-każ, huwa jista’ jorjenta d-deċiżjonijiet meħuda mill-imsemmija aġenzija, sa fejn din tal-aħħar hija marbuta bil-motivazzjoni tal-Bord tal-Appell.

23

Barra minn hekk, skont il-Qorti Ġenerali, mill-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 713/2009 jirriżulta li, kuntrarjament għall-qorti tal-Unjoni, il-Bord tal-Appell għandu kompetenza, abbażi ta’ stħarriġ tal-opportunità, li jannulla jew jissostitwixxi deċiżjonijiet tal-ACER, abbażi biss ta’ kunsiderazzjonijiet tekniċi u ekonomiċi.

24

It-tielet, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 57 u 58 tas-sentenza appellata, li, fir-rigward tat-talbiet għal eżenzjoni skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 714/2009, huma biss id-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell adottati skont l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 713/2009 u tal-Artikolu 17(5) tar-Regolament Nru 714/2009 li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors quddiem il-Qorti Ġenerali. Jekk il-Bord tal-Appell seta’ jwettaq biss stħarriġ ristrett tal-evalwazzjonijiet ta’ natura teknika u ekonomika kumplessi li jinsabu fid-deċiżjoni tal-ACER, dan ikun ifisser li l-Qorti Ġenerali teżerċita stħarriġ limitat fuq deċiżjoni li tkun hija stess ir-riżultat ta’ stħarriġ ristrett.

25

Issa, tali sistema ma toffrix il-garanziji ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva li minnhom għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw l-impriżi li jkunu ġew irrifjutati tali eżenzjoni.

26

Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 59 u 60 tas-sentenza appellata, li r-regoli ta’ organizzazzjoni u ta’ proċedura adottati mill-ACER, skont l-Artikolu 19(6) tar-Regolament Nru 713/2009, kienu jagħtu lill-Bord tal-Appell il-kompitu li jeżerċita stħarriġ tad-deċiżjoni tal-ACER b’intensità li ma tistax tiġi limitata għal dik tal-istħarriġ ristrett.

27

Għalhekk, fil-punt 60 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li Deċiżjoni Nru 1‑2011 tal-Bord tal-Appell, tal‑1 ta’ Diċembru 2011, li tistabbilixxi r-regoli ta’ organizzazzjoni u ta’ proċedura tal-Bord tal-Appell, kienet is-suġġett ta’ emenda li saret fil‑5 ta’ Ottubru 2019, li permezz tagħha l-Bord tal-Appell irrestrinġa s-setgħa tiegħu. Fil-formulazzjoni fis-seħħ fil-mument li fih ġiet adottata d-deċiżjoni kontenzjuża, kien jirriżulta espressament mill-Artikolu 20 ta’ din id-deċiżjoni, intitolat “Kompetenza”, li l-Bord tal-Appell seta’ jeżerċita kull setgħa li taqa’ taħt il-kompetenza tal-ACER. Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, billi adotta din id-dispożizzjoni, il-Bord tal-Appell kien għalhekk stabbilixxa, fir-regoli tiegħu stess ta’ organizzazzjoni u ta’ proċedura interni, is-setgħa ta’ stħarriġ li kien ingħatalu bl-Artikolu 19(5) tar-Regolament Nru 713/2009, u li l-emenda ta’ din id-dispożizzjoni, li permezz tagħha l-Bord tal-Appell irrestrinġa s-setgħa tiegħu, ma kinitx għadha applikabbli fil-mument meta ġiet adottata d-deċiżjoni kontenzjuża.

28

Fir-raba’ lok, il-Qorti Ġenerali qieset, essenzjalment, fil-punti 61 sa 68 tas-sentenza appellata, li l-prinċipju tal-istħarriġ ristrett tal-qorti tal-Unjoni fir-rigward tal-evalwazzjonijiet ta’ natura teknika, xjentifika u ekonomika kumplessi ma huwiex intiż sabiex japplika għall-istħarriġ imwettaq mill-korpi tal-appell tal-aġenziji tal-Unjoni. Għalhekk, diġà ġie deċiż, fir-rigward tal-Bord tal-Appell tal-ECHA, li l-istħarriġ imwettaq minn dan il-Bord tal-Appell dwar evalwazzjonijiet ta’ natura xjentifika li jinsabu f’deċiżjoni tal-ECHA ma kienx limitat għall-verifika tal-eżistenza ta’ żbalji manifesti, iżda li, għall-kuntrarju, minħabba kompetenzi legali u xjentifiċi tal-membri tiegħu, l-imsemmi bord kellu jeżamina jekk l-argumenti mressqa mir-rikorrenti setgħux juru li l-kunsiderazzjonijiet li fuqhom kienet ibbażata l-imsemmija deċiżjoni tal-ECHA kienu vvizzjati bi żbalji.

29

Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 62 sa 68 tas-sentenza appellata, li din il-ġurisprudenza kienet kompletament trasponibbli għall-Bord tal-Appell tal-ACER. Fil-fatt, il-kompożizzjoni u s-setgħat tal-Bord tal-Appell tal-ECHA huma paragunabbli ma’ dawk tal-Bord tal-Appell tal-ACER.

30

Abbażi ta’ dawn il-motivi kollha, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 69 sa 71 tas-sentenza appellata, li l-istħarriġ imwettaq mill-Bord tal-Appell tal-evalwazzjonijiet ta’ natura teknika u ekonomika kumplessi li jinsabu f’deċiżjoni tal-ACER dwar talba għal eżenzjoni skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 714/2009 ma jistax ikun limitat għall-istħarriġ ristrett tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni. Għalhekk il-Bord tal-Appell kien wettaq żball ta’ liġi meta kkunsidra, fil-punt 52 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li, fir-rigward tal-evalwazzjonijiet li jkollhom natura teknika jew kumplessa, huwa seta’ jeżerċita stħarriġ ristrett u b’hekk jillimita ruħu li jiddetermina jekk l-ACER kinitx wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet previsti minn din id-dispożizzjoni.

31

Wara li eżaminat u ċaħdet, fil-punti 72 sa 89 tas-sentenza appellata, id-diversi argumenti invokati mill-ACER insostenn tal-argument kuntrarju, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 90 ta’ din is-sentenza, laqgħet id-disa’ motiv imqajjem minn Aquind insostenn tar-rikors għal annullament tagħha.

32

Fl-aħħar, fil-punti 92 sa 113 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat u ddikjarat fondat ir-raba’ motiv ta’ dan ir-rikors, ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tar-relazzjoni eżistenti bejn l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 714/2009 u l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 347/2013 u, konsegwentement, fuq il-possibbiltà li l-proġett ta’ interkonnessjoni jkun jista’ jibbenefika minn proċedura ta’ allokazzjoni transkonfinali tal-ispejjeż kif ukoll fuq assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tar-riskji assoċjati ma’ tali proċedura.

33

Fil-punt 91 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali madankollu ppreċiżat li dan l-eżami kien immotivat biss minn raġunijiet marbuta mal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal-Ġustizzja u t‑talbiet tal‑partijiet fl‑appell

34

Permezz tal-appell tagħha, l-ACER titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla, kompletament jew parzjalment, is-sentenza appellata;

jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-kawża hija fi stat li tiġi deċiża, li tiċħad ir-rikors fl-ewwel istanza bħala infondat;

sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tagħti deċiżjoni konformement mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u

tikkundanna lil Aquind għall-ispejjeż sostnuti kemm fil-kuntest tal-appell kif ukoll tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

35

Aquind titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell;

jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li wieħed mill-argumenti tal-ACER huwa fondat, tiċħad l-appell għall-aggravji l-oħra invokati minn Aquind, inkluż, jekk ikun il-każ, dawk li tressqu fil-kuntest tal-motivi ta’ dritt miċħuda mill-Qorti Ġenerali;

jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex fil-pożizzjoni li tikkonferma s-sentenza appellata, li tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża stess għall-motivi l-oħra mqajma minn Aquind quddiem il-Qorti Ġenerali, u

tikkundanna lill-ACER għall-ispejjeż.

36

Permezz tal-appell inċidentali tagħha, Aquind titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ li din tilqa’ l-appell prinċipali:

tannulla d-dikjarazzjoni ta’ inammissibbiltà tat-tielet u tar-raba’ motiv imqajjem minn Aquind quddiem il-Qorti Ġenerali;

tannulla ċ-ċaħda tal-ewwel, tal-ħames u tas-sitt sat-tmien motiv imqajjem minn Aquind quddiem il-Qorti Ġenerali;

tieħu inkunsiderazzjoni l-argumenti żviluppati fil-kuntest tal-aggravji invokati minn Aquind f’dan l-appell, insostenn tat-talba tagħha għal konferma tas-sentenza appellata, u

konsegwentement, tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża għall-motivi invokati fir-rikors ta’ Aquind quddiem il-Qorti Ġenerali.

37

Fir-risposta tagħha, l-ACER titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-l-appell inċidentali fl-intier tiegħu u

tikkundanna lil Aquind tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha u dawk sostnuti mill-ACER fil-kuntest tal-appell inċidentali.

Fuq l‑appell prinċipali

38

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tqajjem żewġ aggravji. Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, hija ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fir-rigward tal-intensità tal-istħarriġ li għandu jiġi eżerċitat mill-Bord tal-Appell fir-rigward tal-evalwazzjonijiet ta’ natura teknika u ekonomika kumplessi li l-ACER wettqet fil-kuntest tal-eżami tagħha ta’ talba għal eżenzjoni skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 714/2009.

39

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-ACER issosnti li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 17(1)(b) tar-Regolament Nru 714/2009, fir-rigward tar-relazzjoni bejn is-sistema ta’ eżenzjoni u s-sistema rregolata.

Fuq l‑ewwel aggravju

L‑argumenti tal‑partijiet

40

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-ACER issosnti li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li, kuntrarjament għal dak li l-Bord tal-Appell kien ikkunsidra fil-punti 51 u 52 tad-deċiżjoni kontenzjuża, l-istħarriġ eżerċitat minn dan il-bord dwar l-evalwazzjonijiet ta’ natura teknika u ekonomika kumplessi dwar talba għal eżenzjoni skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 714/2009 ma setax sempliċement jeżamina jekk l-ACER kinitx wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni, peress li din l-aġenzija għandha tingħata ċertu marġni ta’ diskrezzjoni fil-mument li tiddeċiedi dwar eżenzjoni. Billi għamlet hekk, skont l-ACER, il-Qorti Ġenerali kisret l-għan li għandu jintlaħaq mil-leġiżlatur tal-Unjoni meta stabbilixxa l-Bord tal-Appell u l-kuntest li fih iseħħ l-istħarriġ li huwa jeżerċita.

41

Sussidjarjament, l-ACER issostni li, fi kwalunkwe każ, f’dan il-każ, il-Bord tal-Appell ma naqasx milli jistħarreġ evalwazzjonijiet ta’ natura teknika u ekonomika kumplessi li din l-aġenzija wettqet fil-kuntest tal-eżami tagħha li wassal għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni Nru 05/2018.

42

L-ACER issostni li l-korpi tal-appell indipendenti tal-aġenziji differenti tal-Unjoni ma humiex kollha mitluba jeżerċitaw l-istħarriġ tagħhom dwar l-evalwazzjonijiet ta’ natura teknika u ekonomika kumplessi bl-istess intensità bħal dik imwettqa mill-aġenzija li jaqgħu taħtha. Għalhekk, fir-rigward tal-Bord tal-Appell, dan tal-aħħar huwa liberu li ma jeżaminax il-każ bl-istess livell ta’ dettall li tagħmel l-ACER.

43

F’dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari l-evalwazzjonijiet li jinvolvu kwistjonijiet ekonomiċi u tekniċi kumplessi, il-Bord tal-Appell jeżerċita stħarriġ li, għalkemm kunsiderevoli, huwa limitat għall-iżbalji manifesti li l-ACER tkun wettqet. F’dan il-kuntest, il-Bord tal-Appell jivverifika mhux biss l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda wkoll jekk dawn il-provi jikkostitwixxux id-data rilevanti kollha li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex ta’ natura li jissostanzjaw il-konklużjonijiet li tkun waslet għalihom l-ACER.

44

Peress li r-Regolament Nru 713/2009 ma jinkludix deskrizzjoni espliċita tal-livell ta’ intensità tal-istħarriġ li l-Bord tal-Appell huwa obbligat li jeżerċita, hemm lok, sabiex jiġi ddeterminat dan il-livell, li jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan li għandu jintlaħaq mill-proċedura ta’ appell u tal-kuntest li fih iseħħ l-istħarriġ.

45

Skont l-ACER, fir-rigward tal-għan li għandu jintlaħaq bil-ħolqien tal-Bord tal-Appell, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset, fil-punt 53 tas-sentenza appellata, li mill-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 713/2009 jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jagħti lil dan il-bord l-għarfien espert neċessarju sabiex ikun jista’ jwettaq huwa stess evalwazzjonijiet li jirrigwardaw elementi fattwali ta’ natura teknika u ekonomika kumplessi marbuta mal-enerġija, bħall-Bord tal-Appell tal-ECHA fil-qasam ta’ kompetenza tiegħu. Għall-kuntrarju, mill-premessa 19 tar-Regolament Nru 713/2009 jirriżulta li dan l-għan kien li l-partijiet ikkonċernati jkollhom, quddiem il-Bord tal-Appell, dritt għal appell imħaffef u ssimplifikat ħafna. Dan l-għan huwa kkorroborat mill-fatt li l-Bord tal-Appell huwa obbligat jiddeċiedi fi żmien xahrejn mir-riferiment tiegħu.

46

Fir-rigward tal-kuntest tal-istħarriġ, l-ACER issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punti 52 sa 82 tas-sentenza appellata, meta ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet dwar l-organizzazzjoni u s-setgħat tal-Bord tal-Appell kienu jsostnu l-konklużjoni li l-intensità tal-istħarriġ tagħha tal-evalwazzjonijiet ta’ natura teknika u ekonomika kumplessi ma setgħetx tkun limitata għal żball manifest ta’ evalwazzjoni. L-organizzazzjoni tal-Bord tal-Appell, b’mod partikolari l-għażla tal-membri tiegħu, li, kuntrarjament għal dak li qieset il-Qorti Ġenerali fil-punti 53, 65 u 69 tas-sentenza appellata, ma għandhomx, b’differenza tal-membri tal-Bord tal-Appell tal-ECHA, obbligatorjament ikollhom l-għarfien espert neċessarju sabiex iwettqu huma stess evalwazzjonijiet ta’ natura teknika kumplessi, it-tul tal-proċedura tal-appell estremament qasir ta’ xahrejn, ir-riżorsi limitati li għandhom dawn il-membri u l-għan tas-semplifikazzjoni tal-proċedura tal-appell huma daqstant elementi li għandhom iwasslu għal konklużjoni kuntrarja. Ma jistax jiġi mistenni mill-membri tal-Bord tal-Appell li huma jagħmlu waħedhom evalwazzjonijiet ta’ natura teknika u ekonomika, mingħajr ebda sostenn, fit-terminu estremament qasir ta’ xahrejn li huma għandhom.

47

Fir-rigward tas-setgħat tal-Bord tal-Appell, l-ACER issostni li huwa b’mod żbaljat li, fil-punti 54, 55, 59 u 60 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq l-Artikolu 19(5) tar-Regolament Nru 713/2009, li jipprovdi li l-Bord tal-Appell “jista’ jew jeżerċita kull setgħa li taqa’ fil-kompetenza tal-[ACER], jew jibgħat lura l-każ lill-korp kompetenti tal-[ACER], li jkun marbut bid-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell”, sabiex iddeċidiet li dan il-bord għandu jeżerċita stħarriġ komplet tal-iżbalji kollha li bihom ikunu vvizzjati l-evalwazzjonijiet ta’ natura teknika u ekonomika kumplessi li jinsabu fid-deċiżjoni tal-ACER. Fil-fatt, u hekk kif dan jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, tali dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata fis-sens li tiddetermina l-intensità tal-istħarriġ li l-Bord tal-Appell għandu jeżerċita.

48

Il-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żball ta’ liġi fil-punt 56 tas-sentenza appellata meta qieset li mill-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 713/2009 jirriżulta li, kuntrarjament għall-qorti tal-Unjoni, il-Bord tal-Appell għandu l-kompetenza, abbażi tal-istħarriġ tal-opportunità, li jannulla jew jissostitwixxi deċiżjonijiet tal-ACER, abbażi biss ta’ kunsiderazzjonijiet tekniċi u ekonomiċi. Din id-dispożizzjoni, mhux talli ma tiġġustifikax l-eżerċizzju ta’ stħarriġ komplet mill-Bord tal-Appell, kienet tipprevedi biss, skont l-appellanti, il-possibbiltà li jiġu annullati d-deċiżjonijiet tal-ACER u li dawn jiġu ssostitwiti b’dawk tal-Bord tal-Appell jew li l-każ jiġi rrinvijat lill-ACER, iżda ma tgħid xejn dwar l-intensità tal-istħarriġ li għandu jiġi eżerċitat mill-Bord tal-Appell.

49

Il-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żball ta’ liġi fil-punt 56 tas-sentenza appellata, sa fejn irreferiet fih għall-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 713/2009, li kien jiddefinixxi l-persuni li jistgħu jippreżentaw appell quddiem il-Bord tal-Appell, filwaqt li dan l-artikolu lanqas ma jikkonċerna l-intensità ta’ dan l-istħarriġ. Bl-istess mod, kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat fil-punti 57, 58 u 70 tas-sentenza appellata, mill-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 713/2009 ma jistax jiġi dedott li l-Bord tal-Appell għandu jwettaq stħarriġ komplet tal-evalwazzjonijiet ta’ natura teknika u ekonomika kumplessi. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali dejjem tista’ twettaq stħarriġ ġudizzjarju komplet tad-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell, anki jekk dawn id-deċiżjonijiet kienu jirriżultaw minn stħarriġ ristrett imwettaq minn dan il-bord.

50

Fil-qosor, il-Qorti Ġenerali injorat illegalment l-għan li għandu jintlaħaq u l-kuntest tal-proċedura ta’ appell quddiem il-Bord tal-Appell, kif stabbiliti fir-Regolament Nru 713/2009 u, għaldaqstant, kisret il-prinċipji ta’ separazzjoni tas-setgħat fir-rigward tal-għażliet magħmula mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-kwalità ta’ leġiżlatur u ta’ awtorità baġitarja. Barra minn hekk, il-paragun imwettaq mill-Qorti Ġenerali mal-Bord tal-Appell tal-ECHA huwa wkoll żbaljat fil-liġi.

51

Sussidjarjament, l-ACER issostni li, fi kwalunkwe każ, anki jekk il-Bord tal-Appell kellu jeżerċita stħarriġ komplet tad-deċiżjonijiet ta’ din l-aġenzija anki sa fejn dawn jinkludu evalwazzjonijiet ta’ natura teknika u ekonomika kumplessi, il-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat, fil-punti 83 sa 90 tas-sentenza appellata, li l-Bord tal-Appell ma wettaqx tali stħarriġ komplet f’dan il-każ.

52

Aquind tikkunsidra li hemm lok li l-ewwel aggravju jiġi miċħud u li l-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet li l-Bord tal-Appell kien obbligat iwettaq stħarriġ komplet tad-Deċiżjoni Nru 05/2018, mhux limitat għall-iżball manifest ta’ evalwazzjoni.

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

53

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-ACER essenzjalment issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fir-rigward tal-intensità tal-istħarriġ li għandu jiġi eżerċitat mill-Bord tal-Appell dwar id-deċiżjonijiet tal-ACER, konformement mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 713/2009 dwar id-definizzjoni tas-setgħat tal-imsemmi Bord tal-Appell.

54

Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha (sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2022, Ministerstvo životního prostředí (Pappagalli makawi blu), C‑659/20, EU:C:2022:642, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55

L-ewwel, mill-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 18 u 19 tar-Regolament Nru 713/2009, dwar il-kompożizzjoni, l-organizzazzjoni u s-setgħat tal-Bord tal-Appell, ma jirriżultax espliċitament li l-istħarriġ tiegħu dwar id-deċiżjonijiet tal-ACER li jimplikaw evalwazzjonijiet dwar kwistjonijiet ekonomiċi u tekniċi kumplessi huwa neċessarjament limitat għal dak tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni.

56

It-tieni, fir-rigward tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu bil-ħolqien tal-Bord tal-Appell, għandu jiġi kkonstatat, bħalma għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 44 tal-konklużjonijiet tiegħu, li dan il-ħolqien jagħmel parti minn approċċ globali, adottat mil-leġiżlatur tal-Unjoni, intiż li jagħti lill-aġenziji tal-Unjoni korpi tal-appell meta tiġi fdata lilhom setgħa deċiżjonali dwar kwistjonijiet kumplessi fil-livell tekniku jew xjentifiku, li jistgħu jaffettwaw direttament is-sitwazzjoni legali tal-partijiet ikkonċernati.

57

Għalhekk, kif il-Qorti Ġenerali rrilevat ukoll, ġustament, fil-punt 51 tas-sentenza appellati, dawn il-korpi tal-appell jirrappreżentaw mezz xieraq sabiex jiġu protetti d-drittijiet tal-partijiet ikkonċernati f’kuntest fejn, skont ġurisprudenza stabbilita, peress li l-awtoritajiet tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa, b’mod partikolari fir-rigward tal-elementi fattwali ta’ natura xjentifika u teknika kumplessi ħafna sabiex tiġi stabbilita n-natura u l-portata tal-miżuri li huma jadottaw, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu jkun limitat sabiex jiġi eżaminat jekk l-eżerċizzju ta’ tali setgħa ma huwiex ivvizzjat minn żball manifest jew minn użu ħażin ta’ poter jew ukoll jekk dawn l-awtoritajiet ma eċċedewx manifestament il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom (digriet tal‑4 ta’ Settembru 2014, Rütgers Germany et vs ECHA, C‑290/13 P, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2174, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58

It-tielet nett, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 41 tal-konklużjonijiet tiegħu, għalkemm dawn il-korpi tal-appell differenti għandhom ċerti differenzi fir-rigward tal-istruttura tagħhom, tal-funzjonament tagħhom u tas-setgħat tagħhom, huma madankollu jaqsmu ċerti karatteristiċi komuni.

59

Qabelxejn, għandu jiġi nnotat li dawn huma korpi ta’ rieżami amministrattiv, li huma fi ħdan l-aġenziji. Huma għandhom ċerta indipendenza, jeżerċitaw funzjonijiet kważi ġudizzjarji permezz ta’ proċeduri kontradittorji u huma komposti minn ġuristi kif ukoll minn esperti tekniċi, fatt li jagħtihom kapaċità ikbar sabiex jiddeċiedu l-appelli kontra deċiżjonijiet li spiss ikollhom komponent tekniku qawwi. Sussegwentement, jistgħu jiġu aditi mid-destinatarji tad-deċiżjonijiet tal-aġenziji li jaqgħu taħthom kif ukoll mill-persuni fiżiċi u ġuridiċi direttament u individwalment ikkonċernati minn dawn id-deċiżjonijiet. Barra minn hekk, huma jistħarrġu d-deċiżjonijiet li jkollhom effetti fuq it-terzi li għalihom id-dispożizzjoni legali sekondarja li tistabbilixxihom tagħtihom kompetenza. Fl-aħħar, huma jikkostitwixxu mekkaniżmu rapidu, aċċessibbli, speċjalizzat u li jiswa ftit flus sabiex jiġu protetti d-drittijiet tad-destinatarji u persuni kkonċernati mill-imsemmija deċiżjonijiet.

60

Ir-raba’, għandu jiġi kkonstatat li l-proċedura applikabbli quddiem il-Bord tal-Appell ma tobdix regoli differenti minn dawk stabbiliti fl-Artikolu 19 ta’ dan ir-regolament, li jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li kull persuna fiżika jew ġuridika, inklużi awtoritajiet regolatorji nazzjonali, tista’ tippreżenta appell kontra deċiżjoni msemmija fl-Artikoli 7 sa 9 tal-istess regolament li hija d-destinatarja tagħha jew li tikkonċernaha direttament jew individwalment. Kif ġustament irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 56 tas-sentenza appellata, minn dan l-Artikolu 19 ma jirriżultax li l-appell quddiem il-Bord ikun suġġett għal kundizzjonijiet oħra ta’ ammissibbiltà.

61

Din il-kunsiderazzjoni hija kkorroborata bil-formulazzjoni tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 713/2009, li jipprovdi li l-appell għandu jindika l-aggravji tiegħu, mingħajr ma jagħmel distinzjoni, fl-aggravji li għandhom għalhekk jiġu invokati insostenn tal-appell bejn aggravji ta’ liġi u aggravji ta’ fatt.

62

Il-ħames, għandu jiġi rrilevat li l-Bord tal-Appell, skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 713/2009, jinkludi sitt membri u sitt sostituti, magħżula minn fost persunal fi gradi għolja, attwali jew tal-passat, tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni jew tal-istituzzjonijiet nazzjonali jew tal-Unjoni oħra, li għandhom esperjenza rilevanti fis-settur tal-enerġija.

63

Il-kompożizzjoni tal-Bord tal-Appell għaldaqstant tissodisfa r-rekwiżiti neċessarji sabiex jitwettaq stħarriġ komplet tad-deċiżjonijiet tal-ACER. Jekk il-membri tiegħu għandu jkollhom esperjenza preċedenti fis-settur tal-enerġija, dan huwa minħabba li għandhom jew għandhom ikollhom għarfien tekniku neċessarju sabiex iwettqu eżami fil-fond tal-appelli.

64

Konsegwentement, kif il-Qorti Ġenerali ġustament indikat fil-punt 53 tas-sentenza appellata, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jagħti lill-Bord tal-Appell l-għarfien espert neċessarju sabiex ikun jista’ jwettaq huwa stess evalwazzjonijiet li jirrigwardaw elementi fattwali ta’ natura teknika u ekonomika kumplessi marbuta mal-enerġija. Dan kien ukoll l-għan li kellu jintlaħaq minn dan il-leġiżlatur matul il-ħolqien ta’ aġenziji oħra tal-Unjoni bħall-EASA jew l-ECHA, li l-Bordijiet tal-Appell tagħhom huma komposti minn esperti li għandhom kwalifika li tirrifletti l-ispeċifiċità tal-oqsma kkonċernati.

65

Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkunsidrat, fil-punt 52 tas-sentenza appellata, li mid-dispożizzjonijiet dwar l-organizzazzjoni u s-setgħat tal-Bord tal-Appell kien jirriżulta li dan ma kienx inħoloq sabiex jillimita ruħu għal stħarriġ ristrett tal-evalwazzjonijiet ta’ natura teknika u ekonomika kumplessi.

66

Is-sitt, huwa wkoll korrettament li l-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 61 tas-sentenza appellata, li l-ġurisprudenza dwar in-natura ristretta tal-istħarriġ li l-qorti tal-Unjoni teżerċita fuq l-evalwazzjonijiet ta’ natura teknika, xjentifika u ekonomika kumplessi ma hijiex trasponibbli għall-korpi tal-appell tal-aġenziji tal-Unjoni.

67

Fil-fatt, hekk kif indikat il-Qorti Ġenerali fil-punt 58 tas-sentenza appellata, jekk l-istħarriġ imwettaq mill-Bord tal-Appell kellu jkun biss ristrett fir-rigward tal-evalwazzjonijiet ta’ natura teknika u ekonomika kumplessi li jinsabu fid-deċiżjonijiet tal-ACER, dan ifisser li l-qorti tal-Unjoni teżerċita stħarriġ limitat fuq deċiżjoni li tkun hija stess ir-riżultat ta’ stħarriġ ristrett. Għaldaqstant il-Qorti Ġenerali kkonkludiet korrettament li tali sistema ma kinitx toffri l-garanziji ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva li minnhom għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw l-impriżi li jkunu ġew irrifjutati talba għal eżenzjoni skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 714/2009.

68

Is-seba’, huwa għalxejn li, sabiex tikkontesta l-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 61 sa 68 tas-sentenza appellata, l-ACER tressaq, insostenn tal-ewwel aggravju tagħha, l-eżistenza ta’ differenzi bejn il-Bord tal-Appell tal-ACER u l-Bord tal-Appell tal-ECHA f’termini ta’ għanijiet, ta’ proċedura, ta’ perijodi ta’ żmien u ta’ regolamenti tal-persunal.

69

F’dan ir-rigward, fil-punt 61 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kienet indikat li kien diġà ġie deċiż, fir-rigward tal-Bord tal-Appell tal-ECHA, li l-istħarriġ imwettaq minn dan il-bord tal-appell dwar evalwazzjonijiet ta’ natura xjentifika li jinsabu f’deċiżjoni tal-ECHA ma kienx limitat għall-verifika tal-eżistenza ta’ żbalji manifesti, iżda li, għall-kuntrarju, minħabba kompetenzi legali u xjentifiċi tal-membri tiegħu, l-imsemmi bord tal-appell kellu jeżamina jekk l-argumenti mressqa mir-rikorrenti setgħux juru li l-kunsiderazzjonijiet li fuqhom kienet ibbażata l-imsemmija deċiżjoni tal-ECHA kienu vvizzjati bi żbalji u li l-intensità tal-istħarriġ imwettaq mill-Bord tal-Appell kienet għalhekk għola minn dik tal-istħarriġ imwettaq mill-qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2019, BASF Grenzach vs ECHA, T‑125/17, EU:T:2019:638, punti 87 sa 89124).

70

Issa, kif iddeċidiet ġustament il-Qorti Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 64 sa 67 tas-sentenza appellata, minn naħa, il-kompożizzjoni u s-setgħat tal-Bord tal-Appell tal-ECHA huma, kuntrarjament għal dak li ssostni l-ACER, paragunabbli ma’ dawk tal-Bord tal-Appell, peress li dawn il-korpi huma t-tnejn li huma komposti minn membri li jibbenefikaw mill-għarfien espert neċessarju sabiex ikunu jistgħu jwettqu huma stess evalwazzjonijiet li jirrigwardaw elementi fattwali ta’ natura xjentifika, teknika u ekonomika kumplessi. Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-membri tal-Bord tal-Appell tal-ECHA huma, bid-differenza ta’ dawk tal-Bord tal-Appell tal-ACER, impjegati full-time ma jistax ikollu effett fuq l-intensità tal-istħarriġ li huma obbligati li jwettqu.

71

Fir-rigward tal-argument tal-ACER ibbażat fuq il-qosor tat-terminu mogħti lill-Bord tal-Appell sabiex jiddeċiedi, stabbilit għal xahrejn mill-punt 2 tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 713/2009, minn dan ma jistax jiġi dedott li l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet li jillimita l-istħarriġ tal-Bord tal-Appell, meta dan it-terminu mqassar, barra minn hekk estiż għal erba’ xhur mill-Artikolu 28(2) tar-Regolament 2019/942, jixhed pjuttost it-tħassib ta’ dan il-leġiżlatur li jiggarantixxi proċedura mħaffa.

72

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, jidher li l-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet li l-Bord tal-Appell kien wettaq żball ta’ liġi meta ddeċieda li, fir-rigward tal-evalwazzjonijiet li għandhom natura teknika jew kumplessa, huwa seta’ jeżerċita stħarriġ ristrett u jillimita ruħu sabiex jiddetermina jekk l-ACER kinitx wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni.

73

Sussidjarjament, l-ACER issostni li, anki jekk kellu jiġi aċċettat li l-Bord tal-Appell għandu jwettaq stħarriġ komplet tad-deċiżjonijiet tal-ACER li jinkludu evalwazzjonijiet ta’ natura teknika u ekonomika kumplessi, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta sostniet li dan il-bord ma kienx wettaq dan it-tip ta’ stħarriġ f’dan il-każ.

74

Dan l-argument ma jistax jintlaqa’ peress li jirriżulta espressament mill-punt 52 tad-deċiżjoni kontenzjuża li l-Bord tal-Appell kellu l-intenzjoni li jillimita l-istħarriġ tiegħu tad-Deċiżjoni Nru 05/2018 għall-iżball manifest ta’ evalwazzjoni.

75

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li l-ewwel aggravju tal-ACER jiġi miċħud.

Fuq it‑tieni aggravju

76

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-ACER issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 17(1)(b) tar-Regolament Nru 714/2009, fir-rigward tar-relazzjoni bejn is-sistema ta’ eżenzjoni u s-sistema rregolata.

77

Hekk kif jirriżulta mill-punt 91 tas-sentenza appellata, huwa għal finijiet ta’ kompletezza li l-Qorti Ġenerali eżaminat din il-kwistjoni, li kienet is-suġġett tar-raba’ motiv ta’ Aquind insostenn tar-rikors għal annullament tagħha, wara li laqgħet id-disa’ motiv ta’ dan ir-rikors, permezz tal-motivi esposti fil-punti 43 sa 90 tas-sentenza appellata, li ġew ikkritikati mingħajr suċċess mill-ACER fil-kuntest tal-ewwel aggravju tagħha.

78

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta wieħed mill-motivi mogħtija mill-Qorti Ġenerali huwa suffiċjenti sabiex jiġi ġġustifikat id-dispożittiv tas-sentenza tagħha, id-difetti li bihom jista’ jkun ivvizzjat motiv ieħor, li jissemma wkoll fis-sentenza inkwistjoni, huma, fi kwalunkwe każ, mingħajr influwenza fuq l-imsemmi dispożittiv, b’tali mod li l-motiv li jinvokahom ikun ineffettiv u għandu jiġi miċħud (sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, Unjoni Ewropea vs Guardian Europe u Guardian Europe vs Unjoni Ewropea, C‑447/17 P u C‑479/17 P, EU:C:2019:672, punt 143 u l-ġurisprudenza ċċitata).

79

Għaldaqstant, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

80

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-appell prinċipali għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

Fuq l‑appell inċidentali

81

Peress li l-appell prinċipali huwa miċħud, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar l-appell inċidentali.

Fuq l‑ispejjeż

82

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-istess regoli, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

83

F’dan il-każ, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appell prinċipali u Aquind talbet li l-ACER tiġi kkundannata għall-ispejjeż, hemm lok li din tal-aħħar tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha relatati mal-appell prinċipali, dawk sostnuti minn Aquind.

84

L-Artikolu 142 tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, jipprovdi li, fil-każ li ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tuża d-diskrezzjoni tagħha fid-deċiżjoni dwar l-ispejjeż.

85

Għandu jiġi deċiż li l-ACER u Aquind għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom relatati mal-appell inċidentali.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell prinċipali huwa miċħud.

 

2)

Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar l-appell inċidentali.

 

3)

L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha relatati mal-appell prinċipali, dawk sostnuti minn Aquind Ltd.

 

4)

L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija u Aquind Ltd għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom relatati mal-appell inċidentali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.