SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

28 ta’ April 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Direttiva 2004/48/KE – Artikolu 9(1) – Privattiva Ewropea – Miżuri provviżorji – Setgħa tal-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali li jagħtu mandat interlokutorju intiż li jipprevjeni kwalunkwe ksur imminenti ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali – Ġurisprudenza nazzjonali li tiċħad it-talbiet għal miżuri provviżorji meta l-validità tal-privattiva inkwistjoni ma tkunx ġiet ikkonfermata, tal-inqas, b’deċiżjoni tal-ewwel istanza mogħtija wara proċedimenti ta’ oppożizzjoni jew ta’ dikjarazzjoni ta’ invalidità – Obbligu ta’ interpretazzjoni konformi”

Fil-Kawża C‑44/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht München I (il-Qorti Reġjonali ta’ München I, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Jannar 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ Jannar 2021, fil-proċedura

Phoenix Contact GmbH RB Co. KG

vs

HARTING Deutschland GmbH SIA Co. KG,

Harting Electric GmbH SIA Co. KG,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn I. Ziemele (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, P. G. Xuereb u A. Kumin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Phoenix Contact GmbH & Co. KG, minn H. Jacobsen u P. Szynka, Rechtsanwälte,

għal HARTING Deutschland GmbH & Co. KG u Harting Electric GmbH & Co. KG, minn T. Müller, Rechtsanwalt,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn T. Scharf u S. L. Kalėda, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Phoenix Contact GmbH & Co. KG u HARTING Deutschland GmbH RB & Co. KG u Harting Electric GmbH & Co. KG dwar allegat ksur ta’ privattiva Ewropea li Phoenix Contact hija l-proprjetarja tagħha.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 10, 17 u 22 tad-Direttiva 2004/48 jipprevedu:

“(10)

L-għan ta’ din id-Direttiva hija li tqarreb is-sistemi leġislattivi [tal-Istati Membri] sabiex tassigura livell ta’ protezzjoni għoli, ekwivalenti u omoġenju fis-suq intern.

[…]

(17)

Il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għal din id-Direttiva għandhom ikunu determinati għal kull każ b’manjiera li jiġi kkunsidrati l-karatteristiċi speċifiċi ta’ dak il-każ, li jinkludu il-karatteristiċi speċifiċi ta kull dritt ta proprjetà intellettwali u, fejn hu xieraq, il-karattru intenzjonali jew mhux intenzjonali tal-kontravvenzjoni.

[…]

(22)

Huwa essenzali wkoll li jsiru miżuri proviżorji għat-twaqqif immedjat tal-kontravvenzjonijiet, mingħajr stennija għal deċiżjoni fuq is-sostanza tal-każ, waqt li jkunu osservati d-drittijiet tad-difiża, jiġi assigurat li l-applikazzjoni tal-miżuri proviżorji hija proporzjonali għall-karatteristiċi tal-każ in kwestjoni u jipprovdu garanziji neċessarji biex jiġu koperti l-ispejjeż u l-ħsara kkawżata lid-difiża b’talba li ma tkunx ġustifikata. Dawn il-miżuri huma partikolarment ġustifikati fejn xi stennija [dewmien] tista’ toħloq ħsara irreparabbli fuq id-detentur tad-dritt tal-proprjetà intellettwali.”

4

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Firxa ta’ applikazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Mingħajr preġudizzju għall-mezzi li huma jew li jistgħu jiġu pprovduti [fl-Unjoni] jew fil-leġislazzjoni nazzjonali, sakemm dawk il-mezzi jistgħu ikunu aktar favorevoli għall-proprjetarji tad-drittijiet, il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji provduti b’din id-Direttiva għandhom japplikaw, skond l-Artikolu 3, għal kull kontravvenzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali provduti bil-liġijiet tal-[Unjoni] u/jew bil-liġijiet ta’ l-Istat Membru konċernat.”

5

Il-Kapitolu II tal-imsemmija direttiva, intitolat “Il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji”, jinkludi b’mod partikolari l-Artikolu 3 tagħha, intitolat “Obbligu Ġenerali”, li jipprevedi kif ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji biex jiġi assigurat l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali koperti b’din id-Direttiva. Dawk il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għandhom ikunu ġusti u m’għandhomx ikunu mhux neċessarjament kumplikati jew għaljin, jew li jwasslu għal-limiti ta’ ħin mhux raġjonevoli jew dewmien mhux ordnat [iġġustifikat].

2.   Dawk il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għandhom ikun wkoll effetttivi, proporzjonati u dissważivi u għandhom ikunu applikati b’mod u manjiera li jevitaw il-ħolqien ta’ barrieri biex jiġi leġitimiżżat il-kummerċ [għal kummerċ leġittimu] u biex jiġu provduti protezzjonijiet kontra l-abbuż tagħhom”.

6

L-Artikolu 9 tal-istess direttiva, intitolat “Il-miżuri proviżorji u prekawzjonarji”, jipprovdi li:

“1.   L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-awtoritajiet ġudizzjarji jistgħu, fuq talba ta’ l-applikant:

a)

joħorġu kontra l-kontravventur mandat interlokutorju intiż biex jipprevjeni kontravvenzjoni imminenti tad-dritt tal-proprjetà intellettwali, jew biex jipprojbixxi, fuq bażi proviżorja u bla ħsara, li jsir pagament rikorrenti tal-penalità fejn hemm provdut fil-liġi nazzjonali, il-kontinwazzjoni tal-kontravvenzjonijiet allegati ta’ dak id-dritt, jew biex jagħmel dik il-kontinwazzjoni bla ħsara għal depożitu tal-garanziji intiżi biex jassiguraw il-kumpens tad-detentur tad-dritt; […]

b)

jordnaw il-qabda jew il-konsenja ta’ l-oġġetti suspettati li jikkontravjenu id-dritt tal-proprjetà intellettwali biex jipprevjenu d-dħul tagħhom jew il-moviment tagħhom fil-mezzi [kanali] tal-kummerċ.

[…]

5.   L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-miżuri proviżorji li għalihom saret riferenza fil-paragrafi 1 u 2 huma revokati jew jitwaqqaf l-effett tagħhom, fuq talba tad-difiża, jekk l-applikant ma jieħux passi legali li jwasslu għal deċiżjoni, fi żmien raġjonevoli, quddiem l-awtorità ġudizzjarja kompetenti fuq il-mertu tal-każ, il-perjodu li għandu jkun determinat mill-awtorità ġudizzjarja kompetenti li jordnaw miżuri fejn il-liġi ta’ l-Istat Membru tippermetti dan jew, fl-assenza ta’ din id-determinazzjoni, fi żmien mhux aktar minn 20 ġurnata ta’ xogħol jew 31 ġurnata kalendarja, liema jkun l-itwal.

6.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jagħmlu l-miżuri proviżorji li għalihom saret riferenza fil-paragrafi 1 u 2 bla ħsara għal dikjarazzjoni mill-applikant ta’ sigurtà adegwata jew assigurazzjoni ekwivalenti intiża biex tassigura il-kumpens mingħajr preġudizzju soffert mid-difiża kif provdut mill-paragrafu 7.

7.   Fejn il-miżuri proviżorji huma revokati jew jiġu preskritti minħabba xi azzjoni jew ommissjoni mill-applikant, jew fejn sussegwentement jinstab li ma kienx kontravvenzjoni jew theddida ta’ kontravvenzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali, l-awtoritajiet ġudizzjarji għandhom l-awtorità li jordnaw l-applikant, fuq talba tad-difiża, li jipprovdi lid-difiża kumpens xieraq għal xi ħsara ikkawżata b’dawk il-miżuri.”

Id-dritt Ġermaniż

7

L-Artikolu 58(1) tal-Patentgesetz (il-Liġi dwar il-Privattivi), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, jipprevedi:

“L-għoti tal-privattiva huwa ppubblikat fil-bullettin tal-privattivi. L-ispeċifikazzjoni tal-privattiva hija ppubblikata fl-istess żmien bħall-ħruġ. Il-privattiva tipproduċi l-effetti legali tagħha sa mill-pubblikazzjoni tal-għoti tagħha fil-bullettin tal-privattivi.”

8

L-Artikolu 139(1) ta’ din il-liġi jipprevedi li:

“Fil-każ ta’ użu ta’ invenzjoni koperta bi privattiva bi ksur tal-Artikoli 9 sa 13, il-parti leża tista’ tressaq azzjoni għal inibizzjoni kontra l-persuna li wettqet il-ksur fil-każ ta’ riskju ta’ reċidiva. Din l-azzjoni tinbeda wkoll meta l-ksur ikun għall-ewwel darba imminenti.”

9

Skont l-Artikolu 935 taz-Zivilprozessordnung (il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali:

“Mandat interlokutorju jista’ jingħata fir-rigward tas-suġġett tat-tilwima jekk ikun hemm il-biża’ li l-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ waħda mill-partijiet ikun jista’ jiġi mfixkel jew magħmul konsiderevolment iktar diffiċli minħabba bidla fis-sitwazzjoni eżistenti.”

10

L-Artikolu 940 ta’ dan il-kodiċi jipprevedi:

“Mandat interlokutorju jista’ wkoll jingħata sabiex tiġi rregolata sitwazzjoni provviżorja b’rabta ma’ relazzjoni ta’ dritt kontenzjuż, sa fejn dan jidher neċessarju sabiex jiġi evitat dannu sostanzjali, restrizzjoni imminenti jew għal raġunijiet oħra, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ rabtiet ta’ dritt fit-tul.”

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

11

Il-qorti tar-rinviju talbet ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tissottometti l-kawża preżenti għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

12

Insostenn ta’ din it-talba, il-qorti tar-rinviju ssostni, essenzjalment, li n-natura tal-proċedura fil-kawża prinċipali timponilha li tiddeċiedi f’qasir żmien. Barra minn hekk, skont din il-qorti, fin-nuqqas ta’ intervent ġudizzjarju ta’ malajr, Phoenix Contact issofri dannu ekonomiku sinjifikattiv minħabba t-tkomplija tal-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti ffalsifikati. Fil-fatt, skont l-imsemmija qorti, ksur eventwali tal-privattiva jqiegħed, b’mod partikolari fil-periklu l-ishma tas-suq ta’ Phoenix Contact u ser jikkawża lil din tal-aħħar, bħala proprjetarja tal-privattiva inkwistjoni, telf irrimedjabbli tal-opportunitajiet ta’ bejgħ, li diffiċilment jista’ jiġi kkumpensat bl-għoti eventwali ulterjuri ta’ danni.

13

L-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li, fuq talba tal-qorti tar-rinviju jew, f’każijiet eċċezzjonali, ex officio, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’, meta n-natura tal-kawża tkun teżiġi li tiġi ttrattata f’qasir żmien, u wara li jinstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, jiddeċiedi li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għal proċedura mħaffa.

14

Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li tali proċedura mħaffa tikkostitwixxi strument proċedurali intiż li jissodisfa sitwazzjoni ta’ urġenza straordinarja (sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2022, Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs (Assigurazzjoni għall-mard komprensiva), C‑247/20, EU:C:2022:177, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

15

Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li s-sensittività ekonomika ta’ kawża jew l-interessi ekonomiċi, inklużi dawk li jista’ jkollhom impatt fuq il-finanzi pubbliċi, huma kemm huma importanti u leġittimi, ma humiex tali li jiġġustifikaw, waħedhom, l-użu tal-proċedura mħaffa (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑18 ta’ Ottubru 2017, Weiss et, C‑493/17, mhux ippubblikat, EU:C:2017:792, punt 10 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

16

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li s-sempliċi interess tal-partijiet fil-kawża, filwaqt li huwa leġittimu, li jiddeterminaw malajr kemm jista’ jkun il-portata tad-drittijiet li huma jisiltu mid-dritt tal-Unjoni ma huwiex tali li jistabbilixxi l-eżistenza ta’ ċirkustanza eċċezzjonali, fis-sens tal-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura (sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2022, Presidenza del Consiglio dei Ministri et (Taħriġ ta’ tabib speċjalista), C‑590/20, EU:C:2022:150, punt 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

17

Fir-rigward tal-fatt li din it-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali dwar talba għal miżuri provviżorji, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-fatt li talba għal deċiżjoni preliminari titressaq fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali li tippermetti t-teħid ta’ miżuri provviżorji la huwa, waħdu u lanqas flimkien maċ-ċirkustanzi rrilevati fil-punt 15 ta’ din is-sentenza tali li jistabbilixxi li n-natura tal-kawża tirrikjedi li tiġi ttrattata f’termini qosra (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑18 ta’ Ottubru 2017, Weiss et, C‑493/17, mhux ippubblikat, EU:C:2017:792), punt 12 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

18

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, fil‑11 ta’ Frar 2021, wara li nstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, li jiċħad it-talba għal proċedura mħaffa.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

19

Fil‑5 ta’ Marzu 2013, Phoenix Contact ippreżentat applikazzjoni għal konnettur ta’ plagg li jinkludi pont ta’ konnettur protettiv. Fil-kuntest tal-proċedura li ppreċediet l-għoti ta’ din il-privattiva, ġew ippreżentati osservazzjonijiet dwar il-possibbiltà għal privattiva tal-imsemmi prodott minn Harting Electric.

20

Fis‑26 ta’ Novembru 2020, il-privattiva li għaliha ntalbet l-applikazzjoni ngħatat lil Phoenix Contact, b’mod partikolari għall-Ġermanja.

21

Fl‑14 ta’ Diċembru 2020, Phoenix Contact ressaq talba għal miżuri provviżorji quddiem il-qorti tar-rinviju, intiża sabiex HARTING Deutschland u Harting Electric jiġu pprojbiti milli jiksru l-privattiva inkwistjoni.

22

Ir-riferiment għall-ħruġ ta’ din il-privattiva ġiet ippubblikata fil-Bulettin Ewropew tal-Privattivi fit‑23 ta’ Diċembru 2020.

23

Fil‑15 ta’ Jannar 2021, Harting Electric għamlet oppożizzjoni għall-imsemmija privattiva quddiem l-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi (EPO).

24

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li hija waslet għall-konklużjoni preliminari li l-privattiva inkwistjoni hija valida u li kienet is-suġġett ta’ ksur. Hija tqis li l-validità ta’ din il-privattiva ma hijiex mhedda.

25

Madankollu, din il-qorti tippreċiża li hija tinsab prekluża milli tordna miżura provviżorja minħabba l-ġurisprudenza vinkolanti tal-Oberlandesgericht München (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ München, il-Ġermanja) li tgħid li, sabiex ikun jista’ jingħata mandat interlokutorju fil-qasam tal-ksur tal-privattiva, ma huwiex biżżejjed li l-privattiva kkonċernata tkun ingħatat mill-awtorità tal-għoti, f’dan il-każ l-EPO, wara eżami ddettaljat tad-dritt għal possibbiltà għal privattiva tagħha u li l-kwistjoni tal-validità ta’ din il-privattiva kienet ukoll is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju fil-kuntest tal-eżami tat-talba għal miżuri provviżorji.

26

B’hekk, skont din il-ġurisprudenza, sabiex ikunu jistgħu jiġu ordnati miżuri provviżorji, il-privattiva kkonċernata għandha barra minn hekk tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni tal-EPO fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni jew ta’ appell, jew ta’ deċiżjoni tal-Bundespatentgericht (il-Qorti Federali tal-Privattivi, il-Ġermanja), fil-kuntest ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, li jikkonfermaw li din il-privattiva tagħti protezzjoni lill-prodott inkwistjoni.

27

Peress li qieset li l-imsemmija ġurisprudenza hija inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2004/48, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Huwa kompatibbli mal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva [2004/48] li qrati reġjonali superjuri [Oberlandesgerichte], li għandhom ġurisdizzjoni fl-aħħar istanza fi proċeduri għal miżuri provviżorji, bħala prinċipju, jirrifjutaw li jagħtu miżuri provviżorji għall-ksur ta’ privattivi, fil-każ li l-privattiva inkwistjoni ma kinitx ikkonfermata wara proċedimenti ta’ oppożizzjoni jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità fl-ewwel istanza?”

Fuq id-domanda preliminari

28

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2004/48 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi ġurisprudenza nazzjonali li permezz tagħha t-talbiet għal miżuri provviżorji għal ksur ta’ privattiva għandhom, bħala prinċipju, jiġu miċħuda, meta l-validità tal-privattiva kkonċernata ma tkunx ġiet ikkonfermata, tal-inqas, permezz ta’ deċiżjoni tal-ewwel istanza mogħtija wara proċedimenti ta’ oppożizzjoni jew ta’ dikjarazzjoni ta’ invalidità.

29

Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2021, Magistrat der Stadt Wien (Ħamster komuni- II), C‑357/20, EU:C:2021:881, punt 20).

30

Fl-ewwel lok, skont l-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2004/48, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jkunu jistgħu, fuq talba tar-rikorrent, jagħtu kontra min allegatament wettaq ksur mandat interlokutorju intiż sabiex jipprevjeni kwalunkwe ksur imminenti ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali.

31

B’hekk, dan l-Artikolu 9(1)(a), moqri flimkien mal-premessi 17 u 22 tad-Direttiva 2004/48, jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprevedu, fid-dritt nazzjonali tagħhom, il-possibbiltà għall-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali kompetenti li jadottaw mandat interlokutorju wara eżami tal-ispeċifiċitajiet ta’ kull każ u b’osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fl-imsemmi Artikolu 9.

32

Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2004/48, moqri flimkien mal-premessa 22 tagħha, il-miżuri provviżorji previsti fid-dritt nazzjonali għandhom jippermettu li jitwaqqaf immedjatament il-ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali mingħajr ma jistennew deċiżjoni fuq il-mertu. Dawn il-miżuri huma partikolarment iġġustifikati fejn kwalunkwe dewmien ikun ta’ natura li jikkawża dannu irreparabbli fuq id-detentur ta’ tali dritt. B’hekk, il-fattur “żmien” għandu importanza partikolari għall-finijiet tar-rispett effettiv tad-drittijiet tal--proprjetà intellettwali.

33

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tindika li l-privattiva inkwistjoni hija valida u li hija s-suġġett ta’ ksur, b’tali mod li t-talba għal miżuri provviżorji mressqa minn Phoenix Contact għandha tintlaqa’. Madankollu, din il-qorti hija marbuta minn ġurisprudenza nazzjonali, li tgħid li l-privattiva kkonċernata tista’ tgawdi minn protezzjoni ġudizzjarja provviżorja fil-każ biss fejn il-validità ta’ din il-privattiva tkun ġiet ikkonfermata permezz ta’ deċiżjoni tal-ewwel istanza, mogħtija wara proċedura ta’ kontestazzjoni ta’ privattiva.

34

Issa, għandu jiġi kkonstatat li tali ġurisprudenza timponi rekwiżit li jċaħħad minn kull effett utli l-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2004/48 sa fejn hija ma tippermettix lill-qorti nazzjonali tadotta, konformement ma’ din id-dispożizzjoni, mandat interlokutorju sabiex jitwaqqaf immedjatament il-ksur tal-privattiva inkwistjoni għalkemm din il-privattiva titqies minn din il-qorti bħala valida u li tkun is-suġġett ta’ ksur.

35

Kif tirrileva Phoenix Contact fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, tali rekwiżit jista’ jagħti lok għal sitwazzjoni li fiha kompetituri tal-proprjetarju tal-privattiva inkwistjoni, li jwettqu potenzjalment ksur, jiddeċiedu intenzjonalment li jirrinunzjaw għal kontestazzjoni tal-validità ta’ din il-privattiva sabiex jevitaw li din tibbenefika minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva, u dan ineħħi mis-sustanza tal-mekkaniżmu ta’ protezzjoni provviżorja previst fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2004/48.

36

Fit-tielet lok, għandu jitqies li n-nuqqas ta’ konformità ta’ ġurisprudenza nazzjonali, bħal dik imsemmija fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, mad-Direttiva 2004/48 huwa kkorroborat fid-dawl tal-għanijiet segwiti minn din id-direttiva.

37

F’dan ir-rigward, mill-premess 10 tal-imsemmija direttiva jirriżulta li din tal-aħħar hija intiża li tapprossima l-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri sabiex jiġi żgurat livell ta’ protezzjoni għoli, ekwivalenti u omoġenju tal-proprjetà intellettwali fis-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2019, IT Development, C‑666/18, EU:C:2019:1099, punt 38). Xorta jibqa’ l-fatt li l-istess direttiva tapplika, kif jirriżulta mill-Artikolu 2(1) tagħha, bla ħsara għall-mezzi previsti jew li jistgħu jiġu previsti, b’mod partikolari, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, sakemm dawn il-mezzi jkunu iktar favorevoli għad-detenturi tad-drittijiet (sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2017, Stowarzyszenie Oławska Telewizja Kablowa, C‑367/15, EU:C:2017:36, punt 22).

38

Konsegwentement, id-Direttiva 2004/48 tistabbilixxi standard minimu għar-rispett tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u ma tipprekludix lill-Istati Membri milli jipprevedu miżuri iktar protettivi (sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2017, Stowarzyszenie Oławska Telewizja Kablowa, C‑367/15, EU:C:2017:36, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva huma intiżi sabiex jirregolaw l-aspetti kollha marbuta mad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali li huma inerenti, minn naħa, għar-rispett ta’ dawn id-drittijiet u, min-naħa l-oħra, għall-ksur tal-imsemmija drittijiet, billi jimponu l-eżistenza ta’ rimedji effettivi intiżi sabiex jipprevjenu, jitterminaw jew jirrimedjaw kwalunkwe ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali eżistenti (sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2019, IT Development, C‑666/18, EU:C:2019:1099, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

40

Issa, proċedura nazzjonali intiża sabiex twaqqaf immedjatament kwalunkwe ksur ta’ dritt għall-proprjetà intellettwali eżistenti tkun ineffikaċi u, għaldaqstant, tikser l-għan ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-proprjetà intellettwali jinkiser, jekk l-applikazzjoni ta’ din il-proċedura tkun suġġetta għal rekwiżit bħal dak stabbilit mill-ġurisprudenza nazzjonali msemmija fil-punt 33 ta’ din is-sentenza.

41

F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-privattivi Ewropej ippreżentati jgawdu minn preżunzjoni ta’ validità sa mid-data tal-pubblikazzjoni tal-għoti tagħhom. B’hekk, minn din id-data, dawn il-privattivi jibbenefikaw mill-firxa kollha tal-protezzjoni ggarantita, b’mod partikolari, mid-Direttiva 2004/48 (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 48).

42

Barra minn hekk, fir-rigward tar-riskju li l-konvenut fil-proċeduri għal miżuri provviżorji jsofri dannu minħabba l-adozzjoni ta’ miżuri provviżorji, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/48, il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji, li huma neċessarji sabiex jiżguraw l-osservanza tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali koperti minn din id-direttiva, għandhom jiġu applikati b’mod li jevitaw il-ħolqien ta’ ostakoli għall-kummerċ legali u jipprovdu salvagwardji kontra l-abbuż tagħhom.

43

Din id-dispożizzjoni timponi għaldaqstant lill-Istati Membri u, fl-aħħar nett, lill-qrati nazzjonali, li jipprovdu garanziji intiżi, b’mod partikolari, sabiex il-miżuri u l-proċeduri msemmija fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2004/48 ma jintużawx b’mod abbużiv (sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2019, Bayer Pharma, C‑688/17, EU:C:2019:722, punt 68).

44

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda, b’mod partikolari, strumenti legali li jippermettu li jitnaqqas b’mod globali r-riskju li l-konvenut isofri dannu minħabba l-miżuri provviżorji u b’hekk li jipproteġuh.

45

L-ewwel, skont kliem il-paragrafu 5 tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2004/48, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri proviżorji li għalihom sar riferiment fil-paragrafi 1 u 2 jkunu abrogati jew jitwaqqfu li jipproduċu l-effetti tagħhom, fuq talba tal-konvenut, jekk l-applikant ma ħax, fi żmien raġjonevoli, azzjoni li twassal għal deċiżjoni fuq il-mertu quddiem l-awtorità ġudizzjarja kompetenti, terminu li għandu jkun iddeterminat mill-awtorità ġudizzjarja kompetenti li tordna miżuri fejn il-liġi tal-Istat Membru tippermetti dan jew, fl-assenza ta’ tali determinazzjoni, f’terminu ta’ mhux aktar minn 20 jum ta’ xogħol jew 31 jum kalendarju, liema jkun l-itwal.

46

It-tieni, l-Artikolu 9(6) tad-Direttiva 2004/48 jipprevedi l-possibbiltà li dawn il-miżuri provviżorji jkunu suġġetti għall-għoti, mir-rikorrent, ta’ garanzija jew ta’ assikurazzjoni ekwivalenti adegwata, intiża sabiex jiġi żgurat il-kumpens eventwali tad-dannu sostnut mill-konvenut. Dan l-istrument ta’ protezzjoni jista’ jiġi implimentat mill-qorti kompetenti li quddiemha titressaq it-talba għal miżuri provviżorji fil-mument meta teżamina din it-talba.

47

It-tielet, l-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48 jipprevedi, fil-każijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni, il-possibbiltà li r-rikorrent, fuq talba tal-konvenut, jiġi ordnat jagħti lil dan tal-aħħar, kumpens xieraq għad-danni kollha kkawżati mill-imsemmija miżuri provviżorji.

48

Issa, dawn l-istrumenti ġuridiċi jikkostitwixxu garanziji li l-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra neċessarji inkambju għal miżuri provviżorji rapidi u effikaċi li huwa ppreveda l-eżistenza tagħhom. Huma jikkorrispondu b’hekk għall-garanziji previsti mid-Direttiva 2004/48 favur il-konvenut, inkambju tal-adozzjoni ta’ miżura provviżorja li ppreġudikat l-interessi tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Diageo Brands, C‑681/13, EU:C:2015:471, punti 74 u 75)

49

Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, hemm lok li jitfakkar li, meta japplikaw id-dritt nazzjonali, il-qrati nazzjonali li qed jintalbu jinterpretawh għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli kollha ta’ dan id-dritt u li japplikaw il-metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnu għall-interpretazzjoni tiegħu, sakemm ikun possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan tad-direttiva inkwistjoni sabiex jintlaħaq ir-riżultat stabbilit minnha u b’hekk konformement mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE (sentenza tad‑19 ta’ April 2016, DI, C‑441/14, EU:C:2016:278, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali għandu ċerti limiti. B’hekk, l-obbligu għall-qorti nazzjonali li tirreferi għad-dritt tal-Unjoni meta tinterpreta u tapplika r-regoli rilevanti tad-dritt nazzjonali huwa limitat mill-prinċipji ġenerali tad-dritt u ma jistax iservi ta’ bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali (sentenza tad‑19 ta’ April 2016, DI, C‑441/14, EU:C:2016:278, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51

F’dan il-każ, kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tinkludi ebda dispożizzjoni li tissuġġetta l-adozzjoni ta’ mandat interlokutorju intiż li jipprojbixxi ksur ta’ privattiva għall-kundizzjoni li din il-privattiva tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni ġudizzjarja mogħtija wara proċedura ta’ kontestazzjoni ta’ privattiva, b’tali mod li din il-leġiżlazzjoni tkun kompletament konformi mad-Direttiva 2004/48.

52

F’dan il-kuntest, għandu jiġi ppreċiżat li r-rekwiżit ta’ interpretazzjoni konformi jinkludi l-obbligu, għall-qrati nazzjonali, li jemendaw, jekk ikun il-każ, ġurisprudenza stabbilita jekk din tkun ibbażata fuq interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali inkompatibbli mal-għanijiet ta’ direttiva (sentenza tad‑19 ta’ April 2016, DI, C‑441/14, EU:C:2016:278, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53

Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiżgura l-effett sħiħ tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2004/48 billi, jekk ikun il-każ, ma tapplikax, fuq inizjattiva tagħha stess, ġurisprudenza nazzjonali, ladarba din il-ġurisprudenza ma hijiex kompatibbli ma’ din id-dispożizzjoni.

54

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2004/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi ġurisprudenza nazzjonali li permezz tagħha t-talbiet għal miżuri provviżorji għal ksur ta’ privattiva għandhom, bħala prinċipju, jiġu miċħuda, meta l-validità tal-privattiva inkwistjoni ma tkunx ġiet ikkonfermata, tal-inqas, permezz ta’ deċiżjoni tal-ewwel istanza mogħtija wara proċedimenti ta’ oppożizzjoni jew ta’ dikjarazzjoni ta’ invalidità.

Fuq l-ispejjeż

55

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi ġurisprudenza nazzjonali li permezz tagħha talbiet għal miżuri provviżorji għal ksur ta’ privattiva għandhom, bħala prinċipju, jiġu miċħuda, meta l-validità tal-privattiva inkwistjoni ma tkunx ġiet ikkonfermata, tal-inqas, permezz ta’ deċiżjoni tal-ewwel istanza mogħtija wara proċedimenti ta’ oppożizzjoni jew ta’ dikjarazzjoni ta’ invalidità.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.