SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla)

2 ta’ Marzu 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Fondi strutturali – Regolament (KE) Nru 1685/2000 – Eliġibbiltà tal-ispejjeż – Obbligu ta’ prova ta’ ħlas – Fatturi mħallsa – Dokumenti ta’ kontabbiltà ta’ valur probatorju ekwivalenti – Kostruzzjoni mwettqa direttament mill-benefiċjarju finali”

Fil-Kawża C‑31/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti tal-Kassazzjoni, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Jannar 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑19 ta’ Jannar 2021, fil-proċedura

Eurocostruzioni Srl

vs

Regione Calabria,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, P. G. Xuereb, T. von Danwitz (Relatur), A. Kumin u I. Ziemele, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Eurocostruzioni Srl, minn M. Sanino u S. Sticchi Damiani, avvocati,

għar-Regione Calabria, minn M. Manna u G. Naimo, avvocati,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistit minn A. Grumetto, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Carlin u P. Rossi, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ppreżentati matul is-seduta tat‑13 ta’ Ottubru 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 2.1 tar-Regola 1 tal-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1685/2000 tat‑28 ta’ Lulju 2000 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 f’dak li għandu x’jaqsam mal-eliġibbilità tal-infiq ta’ operazzjonijiet kofinanzjati mill-Fondi Strutturali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 122)), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 448/2004 tal‑10 ta’ Marzu 2004 (ĠU 2004, L 72, p. 66) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1685/2000”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Eurocostruzioni Srl u r-Regione Calabria (ir-Reġjun ta’ Calabria, l-Italja) dwar il-ħlas tal-bilanċ ta’ sussidju għall-finijiet tal-kostruzzjoni u tat-tagħmir ta’ lukanda, kif ukoll ta’ faċilitajiet sportivi annessi, fil-komun ta’ Rossano (l-Italja), abbażi tal-Programm Operattiv Reġjonali (POR) 2000-2006 li kien ġie approvat mill-Kummissjoni Ewropea għall-imsemmi reġjun.

Il‑kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir‑Regolament (KE) Nru 1260/1999

3

Il-premessi 35, 41 u 43 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 tal‑21 ta’ Ġunju 1999 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 31), kienu jistipulaw:

“(35)

Billi din l-implimentazzjoni deċentralizzata ta’ l-operazzjonijiet tal-Fondi Strutturali mill-Istati Membri għandha tipprovdi biżżejjed garanziji dwar id-dettalji u l-kwalità ta’ l-implimentazzjoni, ir-riżultati ta’ l-operazzjonijiet u l-valutazzjoni tagħhom u l-amministrazzjoni finanzjarja serja u s-Sorveljanza tagħha;

[…]

(41)

Billi skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà, ir-regoli fuq in-nefqa eliġibbli għandhom ikunu r-regoli nazzjonali relevanti fejn m’hemm ebda regoli Komunitarji, għalkemm dawn jistgħu jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni fejn ikun ċar li jkunu meħtieġa għall-implimentazzjoni uniformi u ekwa tal-Fondi Strutturali madwar il-Komunità; […]

[…]

(43)

Billi għandha tiġi assigurata amministrazzjoni finanzjarja serja billi jiġi provdut illi n-nefqa tkun debitament ġustifikata u ċertifikata, u billi l-ħlas jiġi marbut mal-konformità ma’ responsabbiltajiet essenzjali għal dak li għandu x’jaqsam mas-Sorveljanza ta’ l-ipprogrammar, il-kontrolli finanzjarji u l-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja”.

4

Skont kliem l-Artikolu 30(3) ta’ dan ir-regolament:

“Ir-regoli nazzjonali relevanti għandhom japplikaw għall-ispiża eliġibbli ħlief fejn, kif meħtieġ, il-Kummissjoni tistabbilixxi regoli komuni dwar l-eliġibiltà ta’ l-ispiża b’mod konformi mal-proċedura msemmija f’Artikolu 53(2)”.

5

It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 32(1) tal-imsemmi regolament kien jipprovdi:

“Il-ħlasijiet jistgħu jsiru f’forma ta’ pagamenti akkont, pagamenti provisorji jew pagamenti tal-bilanċ finali. Il-ħlasjiet provisorji jew il-ħlasijiet tal-bilanċ għandhom ikunu relatati ma’ l-ispiża attwalment imħallsa, li għandha tikkorrispondi mal-ħlasijiet li jsiru mill-benefiċjarji finali, sostanzjati b’riċevuti ta’ kontijiet jew dokumenti ta’ kontabilità ta’ valur probattiv [probatorju ekwivalenti].”

6

L-Artikolu 38(1) tal-istess regolament kien jipprevedi:

“Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni ta’ l-estimi ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, l-Istati Membri għandhom jerfgħu fl-ewwel lok ir-responsabbiltà għall-kontroll finanzjarju ta’ l-għajnuna. Għal dak l-iskop, il-miżuri li jieħdu għandhom:

[…]

ċ)

jiżguraw li l-għajnuna tiġi amministrata skond ir-regoli Komunitarji kollha applikabbli u li l-fondi li jkunu tpoġġew għad-disposizzjponi tagħhom jintużaw skond il-prinċipji ta’ amministrazzjoni [ġestjoni] finanzjarja serja [tajba];

d)

jiċċertifikaw li d-dikjarazzjonijiet ta’ l-ispiża preżentati lill-Kummissjoni jkunu eżatti u jiżguraw li jkunu jirriżultaw minn sistemi ta’ kontabilità ibbażati fuq dokumenti appoġġanti [ġustifikattivi] li huma verifikabbli;

[…]”.

Ir‑Regolament Nru 1685/2000

7

Il-premessa 5 tar-Regolament Nru 1685/2000 tistipula:

“[…] għal ċertu tip ta’ ħidmiet il-Kummissjoni tikkunsidra li hu meħtieġ sabiex tiggarantixxi l-implimentazzjoni uniformi u imparzjali tal-[f]ondi [s]trutturali madwar il-Komunità li tadotta sett komuni ta’ regoli dwar infiq [spejjeż] eliġibbli. L-adozzjoni ta’ kull regola li għandha x’taqsam ma’ tip partikolari ta’ ħidma ma tippredetterminax taħt liema mill-Fondi msemmija fuq, din il-ħidma tista’ tkun kofinanzjata. L-adozzjoni ta’ dawn ir-regoli m’għandhiex iżżomm Stati Membri, f’ċerti każijiet li għandhom ikunu indikati, milli japplikaw dispożizzjonijiet nazzjonali aktar stretti. […]”

8

Skont kliem il-punt 2.1 tar-Regola Nru 1, intitolata “Ħlasijiet minn benefiċjarji finali”, tal-Anness tar-Regolament Nru 1685/2000, li min-naħa tiegħu huwa intitolat “Regoli ta’ eliġibilità”:

“Bħala regola [ġenerali], il-ħlasijiet mill-benefiċjarju finali, iddikjarati bħala ħlas provviżorju u ħlas tal-bilanċ finali, għandhom ikunu sostnuti b’fatturi mħallsa. Meta dan ma jistax isir, [dawn il-]ħlasijiet għandhom ikunu sostnuti b’dokumenti ta’ żamma ta’ kontijiet [ta’ kontabbiltà] ta’ valur probattiv [probatorju] ekwivalenti.”

Id‑dritt Taljan

Il‑Liġi Nru 59 tal‑15 ta’ Marzu 1997

9

L-Artikolu 4(4)(c) tal-legge n. 59 – Delega al Governo per il conferimento di funzioni e compiti alle regioni ed enti locali, per la riforma della pubblica amministrazione e per la semplificazione amministrativa (il-Liġi li Tiddelega lill-Gvern l-Għoti ta’ Funzjonijiet u Kompiti lir-Reġjuni u lill-Awtoritajiet Lokali għar-Riforma tas-Servizz Pubbliku u s-Simplifikazzjoni Amministrattiva), tal‑15 ta’ Marzu 1997 (GURI Nru 63, tas‑17 ta’ Marzu 1997), kien jipprevedi d-delega lir-reġjuni ta’ funzjonijiet u ta’ kompiti amministrattivi fil-qasam ta’ politiki reġjonali, strutturali u ta’ koeżjoni tal-Unjoni. Din id-delega ġiet implimentata bid-decreto legislativo n. 123 – Disposizioni per la razionalizzazione degli interventi di sostegno pubblico alle imprese, a norma dell’articolo 4, comma 4, lettera c), della legge 15 marzo 1997, n. 59 (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 123 no 123 – Dispożizzjonijiet għar-razzjonalizzazzjoni tal-miżuri ta’ appoġġ pubbliku favur l-impriżi, konformement mal-Artikolu 4(4)(c) tal-Liġi Nru 59, tal‑15 ta’ Marzu 1997), tal‑31 ta’ Marzu 1998 (GURI Nru 99, tat‑30 ta’ April 1998).

Il‑Liġi Reġjonali Nru 7 tat‑2 ta’ Mejju 2001

10

Il-legge regionale n. 7 – Disposizioni per la formazione del bilancio annuale 2001 e pluriennale 2001/2003 della Regione Calabria (Legge Finanziaria) [Il-Liġi Reġjonali Nru 7 – Dispożizzjonijiet għall-Istabbiliment tal-Baġit Annwali 2001 u Pluriennali 2001/2003 tar-Reġjun ta’ Calabria (il-Liġi Finanzjarja)], tat‑2 ta’ Mejju 2001 (Bollettino ufficiale della Regione Calabria Nru 41, tad‑9 ta’ Mejju 2001), kienet tipprevedi l-possibbiltà li l-impriżi ta’ daqs żgħir u medju lokali jiġu sostnuti permezz ta’ għajnuna mogħtija abbażi tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 70/2001 tat‑12 ta’ Jannar 2001 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna tal-Istat lill-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 141), “anki b’riferiment għad-dispożizzjonijiet tal-Programm Operattiv Reġjonali (POR) ta’ Calabria 2000-2006, approvat mill-Kummissjoni Ewropea permezz tad-Deċiżjoni C(2000) 2345 tat‑8 ta’ Awwissu 2000”. L-Artikolu 31 quater ta’ din il-liġi kien jipprevedi l-adozzjoni mill-Kunsill Reġjonali ta’ Calabria, ta’ atti li jirregolaw il-modalitajiet ta’ għoti ta’ din l-għajnuna.

Id‑Deċiżjoni Nru 398 tal‑14 ta’ Mejju 2002

11

Permezz tad-Deċiżjoni tiegħu Nru 398 tal‑14 ta’ Mejju 2002, il-Kunsill Reġjonali ta’ Calabria approva sejħa għal proġetti (iktar ’il quddiem is-“sejħa għal proġetti”), li l-Artikolu 8 tagħha kien jagħmel riferiment għar-Regolament Nru 1685/2000 u kien jipprevedi li kienu eliġibbli għal għajnuna l-ispejjeż relatati mal-artijiet, mal-binjiet u mal-faċilitajiet, mal-għamara u mat-tagħmir kif ukoll mal-iproġettar u mal-istudji.

12

L-Artikolu 9 tas-sejħa għall-proġetti kien jipprevedi li, f’dak li jirrigwarda l-binjiet u l-faċilitajiet, ix-xogħlijiet għandhom jiġu kkwantifikati konformement mal-lista tal-prezzijiet tax-xogħlijiet pubbliċi tar-Reġjun ta’ Calabria tal-1994, miżjuda bi 15 %, u għall-elementi mhux previsti fiha, abbażi tal-prezzijiet tas-suq fis-seħħ stmati mill-persuna responsabbli mid-disinn.

13

Skont l-Artikolu 11 tas-sejħa għall-proġetti, il-ħlas tas-sussidju kellu jiġi rregolat mid-Digriet ta’ Sussidju li jistabbilixxi l-preskrizzjonijiet li magħhom kellu jikkonforma ruħu l-benefiċjarju.

Id‑Digriet ta’ Sussidju

14

Id-Digriet ta’ Sussidju Nru 4457 tal‑20 ta’ April 2004 (iktar ’il quddiem id-“Digriet ta’ Sussidju”) kien jistipula d-dispożizzjonijiet relatati mad-dokumenti li għandhom jiġu prodotti mill-benefiċjarju finali tal-għajnuna sabiex jipprova l-ispejjeż sostnuti. B’mod partikolari, f’dak li jirrigwarda x-xogħlijiet imwettqa, id-digriet kien jeżiġi l-produzzjoni tad-dokumentazzjoni ta’ kontabbiltà relatati magħhom, inkluż iż-żamma, mill-benefiċjarju finali, ta’ pjan tax-xogħlijiet u ta’ reġistru tal-kontabbiltà, debitament iffirmati mid-Direttur tax-xogħlijiet u mill-imsemmi benefiċjarju.

15

Fl-aħħar, id-Digriet ta’ Sussidju kien jipprevedi li s-sussidju li kellu jitħallas għall-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet imwettqa permezz ta’ mezzi proprji seta’ jiġi ddeterminat biss wara verifika, mill-Kumitat għall-evalwazzjoni, tal-osservanza, mill-benefiċjarju finali, tal-limiti stabbiliti fil-lista msemmija fl-Artikolu 9 tas-sejħa għal proġetti, jiġifieri wara l-konstatazzjoni tat-twettiq tax-xogħlijiet abbażi tad-dokumenti tal-kontabbiltà imsemmija iktar ’il fuq (pjan tax-xogħlijiet u reġistru tal-kontabbiltà).

It‑tilwima fil‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

16

Eurocostruzioni hija impriża attiva fis-settur tal-kostruzzjoni.

17

Wara s-sejħa għal proġetti, din l-impriża kisbet finanzjament f’kapital għall-kostruzzjoni ta’ lukanda, inkluż għat-tagħmir tagħha, u għall-faċilitajiet sportivi annessi magħha fil-komun ta’ Rossano, li jinstab fir-Reġjun ta’ Calabria (l-Italja), inkwantu benefiċjarju finali ta’ għajnuna abbażi tal-Programm Operattiv Reġjonali (POR) 2000‑2006 (Assi IV-Miżura 4.4.b, proġetti integrati eżistenti ta’ kwalifikazzjoni tal-ilqugħ tat-turisti). Il-Kummissjoni kienet approvat il-qafas ta’ għajnuna u l-programm operattiv inkwistjoni għar-Reġjun ta’ Calabria, fid-Deċiżjonijiet tagħha C(2000) 2050 tal‑1 ta’ Awwissu 2000 u C(2000) 2345 tat‑8 ta’ Awwissu 2000.

18

L-ispejjeż eliġibbli għall-għajnuna abbażi tal-imsemmi programm operattiv kienu jinkludu, b’mod partikolari, dawk relatati mal-kostruzzjoni tal-binjiet u tal-faċilitajiet. Abbażi tal-Artikolu 9 tas-sejħa għall-proġetti, l-ispejjeż relatati mal-kostruzzjoni ta’ binjiet setgħu jiġu kkwantifikati fil-limiti tal-lista standard tal-prezzijiet tax-xogħlijiet pubbliċi tar-Reġjun ta’ Calabria tal‑1994, miżjuda bi 15 %, u għall-elementi mhux previsti fiha, abbażi tal-prezzijiet tas-suq fis-seħħ stmati mill-persuna responsabbli mid-disinn.

19

F’dak li jirrigwarda x-xogħlijiet imwettqa permezz tal-mezzi rispettivi tal-benefiċjarju finali, id-Digriet ta’ Sussidju kien jispeċifika li dan kellu jipprovdi d-dokumenti relatati mal-kontabbiltà tax-xogħlijiet, jiġifieri l-pjan tax-xogħlijiet u r-reġistru tal-kontabbiltà, iffirmati mid-Direttur tax-xogħlijiet u mill-imsemmi benefiċjarju.

20

Eurocostruzioni wettqet ix-xogħlijiet previsti, xtrat l-għamara u pprovdiet lir-Reġjun ta’ Calabria d-dokumentazzjoni prevista fid-Digriet ta’ Sussidju, jiġifieri – għax-xogħlijiet – il-pjan tax-xogħlijiet u r-reġistru tal-kontabbiltà. Wara kontroll tal-konformità ta’ dawn ix-xogħlijiet, hija kisbet l-approvazzjoni tal-Kumitat tekniku kompetenti. Madankollu, hija ma kisbitx il-ħlas tal-bilanċ tas-sussidju relatat max-xogħlijiet, għaliex ir-Reġjun ta’ Calabria qies li l-impriża kienet naqset milli tipproduċi fatturi jew dokumenti ta’ kontabbiltà ta’ valur probatorju ekwivalenti, konformement mal-punt 2.1 tar-Regola Nru 1 tal-Anness tar-Regolament Nru 1685/2000, li għalih kienet tagħmel riferiment is-sejħa għal proġetti.

21

Eurocostruzioni bdiet proċedura ta’ ordni għal ħlas quddiem it-Tribunale di Catanzaro (il-Qorti Distrettwali ta’ Catanzaro, l-Italja), intiża sabiex ir-Reġjun ta’ Calabria jiġi mġiegħel iħallsu l-bilanċ tas-sussidju. Dik il-qorti, permezz ta’ sentenza tal‑4 ta’ April 2012, laqgħet it-talba tal-imsemmija impriża u kkundannat lill-imsemmi reġjun għall-ħlas tas-somom mitluba mill-istess impriża.

22

Ir-Reġjun ta’ Calabria appella l-imsemmija sentenza quddiem il-Corte d’appello di Catanzaro (il-Qorti tal-Appell ta’ Catanzaro, l-Italja). Permezz ta’ sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2014, dik il-qorti qieset li, peress li s-sejħa għal proġetti kienet tagħmel riferiment għar-Regolament Nru 1685/2000, il-ħlas tal-bilanċ tas-sussidju kien suġġett għall-preżentazzjoni ta’ fatturi mħallsa jew ta’ dokumenti ta’ kontabbiltà ta’ valur probatorju ekwivalenti, u dan anki jekk ix-xogħlijiet kienu twettqu minn Eurocostruzioni, permezz ta’ mezzi tagħha stess. Fil-fatt, l-impriża kienet obbligata li tipproduċi d-dokumentazzjoni ta’ kontabbiltà xierqa sabiex tipprova l-ħlasijiet imwettqa, fost l-oħrajn, għax-xiri ta’ materjal, il-kiri ta’ vetturi u r-remunerazzjoni tal-ħaddiema jew tas-subappaltaturi. F’dan ir-rigward, id-dokumenti pprovduti mill-impriża, bħal ma huma l-pjan tax-xogħlijiet u r-reġistru tal-kontabbiltà, kienu neċessarji, iżda allegatament ma kinux suffiċjenti. B’konsegwenza ta’ dan, l-imsemmija qorti laqgħet l-appell ippreżentat mir-Reġjun ta’ Calabria.

23

Fis‑27 ta’ Ottubru 2015, Eurocostruzioni ppreżentat appell ta’ kassazzjoni quddiem il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti tal-Kassazzjoni, l-Italja), il-qorti tar-rinviju. Insostenn tal-appell tagħha, l-impriża b’mod partikolari sostniet li l-punt 2.1 tar-Regola Nru 1 tal-Anness tar-Regolament Nru 1685/2000, li l-formulazzjoni tiegħu tibda bil-kliem “bħala regola [ġenerali]”, sempliċement jistipula prinċipju ġenerali, li jista’ jkun suġġett għal eċċezzjonijiet. F’dan ir-rigward, Eurocostruzioni sostniet ukoll li hija debitament wettqet ix-xogħlijiet previsti u li hija pproduċiet it-totalità tad-dokumenti tal-kontabbiltà mitluba fid-Digriet ta’ Sussidju, b’tali mod li r-rifjut fil-konfront tagħha min-naħa tar-Reġjun ta’ Calabria abbażi tar-Regolament Nru 1685/2000 imur kontra l-prinċipji ta’ bona fide, ta’ lealtà u ta’ aspettattivi leġittimi.

24

Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar l-interpretazzjoni tal-punt 2.1 tar-Regola Nru 1 tal-Anness tar-Regolament Nru 1685/2000 u tosserva, barra minn dan, li dan l-anness donnu ma jipprevedix ix-xenarju ta’ kostruzzjoni diretta ta’ proprjetà immobbli mill-benefiċjarju finali permezz tal-materjal, tat-tagħmir u tal-ħaddiema rispettivi tiegħu.

25

Huwa f’dan il-kuntest li l-Corte suprema di cassazione (il-Qorti tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Ir-Regolament [Nru 1685/2000], u b’mod partikolari tal-ewwel paragrafu tal-punt 2 tar-regola Nru 1, fir-rigward tal-‛prova ta’ nfiq’, jimponi li l-prova tal-pagamenti mwettqa mill-benefiċċjarji finali għandha neċessarjament tiġi prodotta permezz ta’ fatturi mħallsa, anki fil-każ li fih il-finanzjament ikun ingħata lill-benefiċjarju bil-għan li jibni bini b’materjali, strumenti u persunal tiegħu jew tista’ ssir deroga, differenti minn dik prevista espressament f’każ ta’ impossibbiltà, li tirrikjedi l-preżentazzjoni ta’ ‛dokumenti ta’ żamma ta’ kontijiet [kontabbiltà] ta’ valur probattiv [probatorju] ekwivalenti’?

2)

Liema hija l-interpretazzjoni korretta tal-frażi ċċitata iktar ’il fuq ‘dokumenti ta’ żamma ta’ kontijiet [kontabbiltà] ta’ valur probattiv [probatorju] ekwivalenti’?

3)

B’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet […] tar-Regolament [Nru 1685/2000] jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali u reġjonali u atti amministrattivi konsegwenti li jattwaw fil-każ li fih il-finanzjament ikun ingħata lill-benefiċjarju sabiex jibni bini b’materjali, strumenti [tagħmir] u persunal [ħaddiema] tiegħu, jipprovdu għal sistema ta’ kontroll tal-ispiża suġġetta għall-finanzjament min-naħa tal-amministrazzjoni pubblika kkostitwita minn:

a)

kwantifikazzjoni preliminari tax-xogħolijiet abbażi ta’ lista ta’ prezzijiet reġjonali marbuta max-xogħolijiet pubbliċi u fir-rigward ta’ dawk l-elementi mhux previsti f’tali strument, abbażi tal-prezzijiet tas-suq attwali stabbiliti mill-persuna responsabbli mid-disinn tekniku

b)

rendikont suċċessiv, bil-preżentata tal-kontijiet tax-xogħolijiet, komposti mill-pjan tax-xogħolijiet u mir-reġistru tal-kontabbiltà, regolarment iffirmati f’kull paġna mid-direttur tax-xogħlijiet u mill-impriża benefiċjarja u l-verifika u l-validazzjoni ta’ dak li jkun ġie eżegwit, fuq il-bażi tal-prezzijiet unitarji msemmija fil-punt a) minn kummissjoni ta’ verifika maħtura mill-amministrazzjoni reġjonali kompetenti?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

26

Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 2.1 tar-Regola Nru 1 tal-Anness tar-Regolament Nru 1685/2000 għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li benefiċjarju finali ta’ finanzjament għall-kostruzzjoni ta’ binja, li bniha permezz ta’ mezzi tiegħu stess, jiġġustifika l-ispejjeż sostnuti billi jipproduċi dokumenti oħra għajr dawk espliċitament imsemmija minn din id-dispożizzjoni.

Fuq l‑ammissibbiltà

27

Ir-Reġjun ta’ Calabria jqis li l-ewwel domanda hija inammissibbli, minħabba li l-interpretazzjoni mitluba tar-Regolament Nru 1685/2000 ma għandha ebda relazzjoni mat-tilwima fil-kawża prinċipali u li l-qorti tar-rinviju naqset milli tesponi r-raġunijiet li wasslu sabiex ikollha dubji dwar din l-interpretazzjoni.

28

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija għandha r-responsabbiltà li tiddefinixxi, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss tirrifjuta li tiddeċiedi fuq talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2022, Proximus (Direttorju pubbliku elettroniku), C‑129/21, EU:C:2022:833, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda, speċifikament, l-obbligi ta’ Eurocostruzioni, bħala benefiċjarju finali, abbażi tar-Regolament Nru 1685/2000 u, b’mod partikolari, tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-punt 2.1 tar-Regola Nru 1 tal-anness tiegħu, li l-applikabbiltà tiegħu ma hijiex ikkontestata mir-Reġjun ta’ Calabria. Barra minn hekk, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 33 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-qorti tar-rinviju spjegat ir-raġunijiet li għalihom l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni kienet neċessarja.

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eċċezzjonijiet tar-Reġjun ta’ Calabria dwar l-ammissibbiltà tal-ewwel domanda għandhom jiġu miċħuda.

Fuq il‑mertu

31

Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-fondi strutturali kienu rregolati, fid-data tal-għoti tas-sussidju inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri l‑20 ta’ April 2004, bir-Regolament Nru 1260/1999. L-Artikolu 30(3) ta’ dan ir-regolament, moqri flimkien mal-premessa 41 tiegħu, kien jawtorizza lill-Kummissjoni tistabbilixxi regoli komuni ta’ eliġibbiltà tal-ispejjeż, fil-każ ta’ neċessità, sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi u ekwa tal-fondi strutturali fi ħdan l-Unjoni. Huwa fuq din il-bażi li ġie adottat ir-Regolament Nru 1685/2000.

32

F’dak li jirrigwarda l-ġustifikazzjoni tal-ispejjeż sostnuti minn benefiċjarju finali, ir-Regolament Nru 1260/1999 u r-Regolament Nru 1685/2000 jipprevedu rekwiżiti differenti, minn naħa, għall-ħlasijiet bil-quddiem, u min-naħa l-oħra, għall-ħlasijiet proviżorji u għall-ħlasijiet tal-bilanċ.

33

Skont kliem it-tieni sentenza tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 32(1) tar-Regolament Nru 1260/1999, “[i]l-ħlasjiet provisorji jew il-ħlasijiet tal-bilanċ għandhom ikunu relatati ma’ l-ispiża attwalment imħallsa, li għandha tikkorrispondi mal-ħlasijiet li jsiru mill-benefiċjarji finali, sostanzjati b’riċevuti ta’ kontijiet jew dokumenti ta’ kontabilità ta’ valur probattiv [probatorju ekwivalenti]”.

34

Il-punt 2.1 tar-Regola Nru 1 tal-Anness tar-Regolament Nru 1685/2000 jirrifletti dan ir-rekwiżit, billi jipprevedi li, “[b]ħala regola [ġenerali], il-ħlasijiet mill-benefiċjarju finali, iddikjarati bħala ħlas provviżorju u ħlas tal-bilanċ finali, għandhom ikunu sostnuti b’fatturi mħallsa. Meta dan ma jistax isir, [dawn il-] ħlasijiet għandhom ikunu sostnuti b’dokumenti ta’ żamma ta’ kontijiet [ta’ kontabbiltà] ta’ valur probattiv [probatorju] ekwivalenti”.

35

Hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha konformement mat-tifsira normali tagħhom fil-lingwa ta’ kuljum, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2022, Leistritz, C‑534/20, EU:C:2022:495, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

Mill-formulazzjoni tal-punt 2.1 tar-Regola Nru 1 tal-Anness tar-Regolament Nru 1685/2000 jirriżulta li, sabiex ikunu eliġibbli, fis-sens tar-Regolament Nru 1685/2000, l-ispejjeż sostnuti mill-benefiċjarji finali għandhom, “bħala regola [ġenerali]”, ikunu ġġustifikati minn fatturi mħallsa jew, meta dan ma jistax isir, b’dokumenti ta’ kontabbiltà ta’ valur probatorju ekwivalenti. Bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, it-termini “bħala regola [ġenerali]” jirreferu b’mod ċar għall-obbligu li jiġu prodotti fatturi mħallsa, imsemmi fl-ewwel sentenza ta’ dan il-punt, filwaqt li l-produzzjoni ta’ dokumenti ta’ kontabbiltà ta’ valur probatorju ekwivalenti, prevista fit-tieni sentenza tal-imsemmi punt, tikkostitwixxi l-eċċezzjoni għal din ir-regola.

37

Għalhekk, il-formulazzjoni tal-punt 2.1 tar-Regola Nru 1 tal-Anness tar-Regolament Nru 1685/2000 ma tippermetti l-ebda eċċezzjoni oħra għajr dik espliċitament prevista minn din id-dispożizzjoni.

38

Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni. Għalhekk, mill-premessa 43 tar-Regolament Nru 1260/1999 jirriżulta li l-ispejjeż għandhom ikunu “ġustifikat[i] u ċertifikat[i]”, u dan jixhed favur interpretazzjoni restrittiva tat-tieni sentenza tal-punt 2.1 tar-Regola Nru 1 tal-Anness tar-Regolament Nru 1685/2000, fejn il-fatturi mħallsa u d-dokumenti ta’ kontabbiltà ta’ valur probatorju ekwivalenti huma l-uniċi dokumenti li jistgħu jissodisfaw dan ir-rekwiżit. Dan huwa a fortiori l-każ peress li l-Kummissjoni riedet tistabbilixxi regoli uniformi dwar l-ispejjeż eliġibbli, bla ħsara għall-possibbiltà li l-Istati Membri japplikaw dispożizzjonijiet nazzjonali iktar stretti, hekk kif huwa previst fil-premessa 5 tar-Regolament Nru 1685/2000.

39

Fl-aħħar, din l-interpretazzjoni hija wkoll konformi mal-għan ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, imsemmi kemm fil-premessi 35 u 43 kif ukoll fl-Artikolu 38(1)(ċ) u (d) tar-Regolament Nru 1260/1999. Skont id-dispożizzjonijiet imsemmija l-aħħar, l-Istati Membri għandhom b’mod partikolari jiżguraw li l-fondi mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħhom jintużaw konformement mal-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba u li d-dikjarazzjonijiet tal-ispejjeż joriġinaw minn sistema ta’ kontabbiltà bbażata fuq dokumenti ġustifikattivi li jistgħu jiġu vverifikati.

40

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sistema stabbilita mill-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 1260/1999 kif ukoll mir-Regola Nru 1 tal-Anness tar-Regolament Nru 1685/2000 hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ rimbors tal-ispejjeż (sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2005, l-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑138/03, C‑324/03 u C‑431/03, EU:C:2005:714, punt 45).

41

Tali rimbors jista’ jkun jirrigwarda biss spejjeż li ġew realment sostnuti u li huma debitament iġġustifikati. Kull interpretazzjoni oħra tar-rekwiżit ta’ ġustifikazzjoni ta’ dawn l-ispejjeż tista’ tipperikola l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-fondi strutturali. B’mod partikolari, ma tistax tiġi aċċettata l-interpretazzjoni proposta mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li tgħid li l-punt 2.1 tar-Regola Nru 1 tal-Anness tar-Regolament Nru 1685/2000, sempliċement jirrifletti gwida ġenerali, li tista’ tkun suġġetta għal eċċezzjonijiet oħra għajr dik li ġiet espliċitament stipulata minn din id-dispożizzjoni.

42

F’dan il-każ, fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali, Eurocostruzioni titlob “ħlas tal-bilanċ”, fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 32(1) tar-Regolament Nru 1260/1999 u f’dak tal-punt 2.1 tar-Regola Nru 1 tal-Anness tar-Regolament Nru 1685/2000. Sabiex ikunu eliġibbli, fis-sens ta’ dawn ir-regolamenti, l-ispejjeż invokati insostenn tat-talba tagħha għandhom għalhekk ikunu f’pożizzjoni li jiġu ġġustifikati permezz ta’ fatturi mħallsa jew, meta dan ma jistax isir, permezz ta’ dokumenti ta’ kontabbiltà ta’ valur probatorju ekwivalenti.

43

Hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 48 sa 50 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-effett tal-fatt li l-benefiċjarju finali wettaq ix-xogħol permezz ta’ mezzi tiegħu stess ma jistax ikun li huwa jiġi eżentat mir-rekwiżiti ta’ ġustifikazzjoni previsti mir-Regolamenti Nri 1260/1999 u 1685/2000.

44

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li l-punt 2.1 tar-Regola Nru 1 tal-Anness tar-Regolament Nru 1685/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix li benefiċjarju finali ta’ finanzjament għall-kostruzzjoni ta’ binja, li bniha permezz ta’ mezzi tiegħu stess, jiġġustifika l-ispejjeż sostnuti billi jipproduċi dokumenti oħra għajr dawk espliċitament imsemmija minn din id-dispożizzjoni.

Fuq it‑tieni u t‑tielet domanda

45

Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 2.1 tar-Regola Nru 1 tal-Anness tar-Regolament Nru 1685/2000 għandux jiġi interpretat fis-sens li, f’dak li jirrigwarda l-benefiċjarju finali ta’ finanzjament għall-kostruzzjoni ta’ binja, li bniha permezz ta’ mezzi tiegħu stess, pjan tax-xogħlijiet u reġistru tal-kontabbiltà jistgħux jiġu kkwalifikati bħala “dokumenti ta’ kontabbiltà ta’ valur probatorju ekwivalenti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Fuq l‑ammissibbiltà

46

Ir-Reġjun ta’ Calabria jqis li t-tielet domanda hija inammissibbli minħabba li l-qorti tar-rinviju naqset milli tesponi r-rabta bejn ir-Regolament Nru 1685/2000 u r-regoli, kemm nazzjonali kif ukoll reġjonali, imsemmija fid-deċiżjoni tar-rinviju, li barra minn hekk ġew esposti b’mod insuffiċjenti.

47

Abbażi tal-Artikolu 94(b) u (c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tippreżenta, b’mod partikolari, il-kontenut tad-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti, kif ukoll il-konnessjoni li hija tistabbilixxi bejn id-dritt tal-Unjoni l-imsemmija dispożizzjonijiet.

48

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju osservat dan l-obbligu, billi esponiet il-kontenut tal-liġijiet nazzjonali u reġjonali, tas-sejħa għal proġetti u tad-Digriet ta’ Sussidju inkwistjoni fil-kawża prinċipali. F’dak li jirrigwarda r-rabta’ bejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti u d-dritt tal-Unjoni, ir-Reġjun ta’ Calabria nnifsu rrikonoxxa, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li s-sejħa għal proġetti tinkludi riferiment għar-Regolament Nru 1685/2000.

49

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eċċezzjonijiet tar-Reġjun ta’ Calabria dwar l-ammissibbiltà tat-tielet domanda għandhom jiġu miċħuda.

Fuq il‑mertu

50

Preliminarjament, għandu jiġi osservat li la r-Regolament Nru 1260/1999 u lanqas ir-Regolament Nru 1685/2000 ma jinkludu definizzjoni tal-kunċett ta’ “dokumenti ta’ kontabbiltà ta’ valur probatorju ekwivalenti”.

51

Hekk kif ġie mfakkar fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha konformement mat-tifsira normali tagħhom fil-lingwa ta’ kuljum, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha.

52

F’dak li jirrigwarda t-tifsira normali fil-lingwa ta’ kuljum tal-kliem “dokumenti ta’ kontabbiltà ta’ valur probatorju ekwivalenti”, għandu jiġi osservat li dawn ikopru d-dokumenti kollha tal-kontabbiltà li jistgħu jippruvaw, l-istess bħal fatturi mħallsa, l-effettività tal-ispejjeż imwettqa mill-benefiċjarju finali, u li lilhom jiġi rikonoxxut, abbażi ta’ dan, valur probatorju paragunabbli għal dak tal-fatturi mħallsa.

53

F’dak li jirrigwarda l-kuntest ta’ dan il-kunċett, għandu jitfakkar li d-dritt għall-produzzjoni ta’ dokumenti ta’ kontabbiltà ta’ valur probatorju ekwivalenti jikkostitwixxi eċċezzjoni għar-regola ġenerali li tipprevedi l-obbligu li jiġu prodotti fatturi mħallsa sabiex jiġu ġġustifikati l-ispejjeż sostnuti mill-benefiċjarju finali. Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, eċċezzjoni għar-regola ġenerali għandha tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

54

F’dan ir-rigward għandu, b’mod partikolari, jittieħed inkunsiderazzjoni r-rekwiżit imsemmi fit-tieni sentenza tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 32(1) tar-Regolament Nru 1260/1999, li jgħid li l-ħlasijiet proviżorji u l-ħlasijiet tal-bilanċ għandhom ikunu relatati mal-“ispiża attwalment imħallsa, li għandha tikkorrispondi mal-ħlasijiet li jsiru” mill-benefiċjarji finali. Sabiex dan ir-rekwiżit ikun issodisfatt, il-portata tal-kunċett ta’ “dokumenti ta’ kontabbiltà ta’ valur probatorju ekwivalenti” għandha tkun ristretta għad-dokumenti tal-kontabbiltà li jistgħu jippruvaw l-effettività tal-ispejjeż sostnuti u li jagħtu stampa fl-istess ħin fidila u preċiża tagħhom, li tikkorrispondi għall-ħlasijiet imwettqa mill-benefiċjarju finali kkonċernat.

55

Fid-dawl ta’ dan, ma tistax tiġi aċċettata, mingħajr ma jinkisru d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 1260/1999, l-interpretazzjoni estensiva li ġiet proposta mill-Gvern Taljan fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li l-effett tagħha jkun li tkun permessa valorizazzjoni ta’ xogħlijiet mingħajr rabta diretta ma ħlasijiet imwettqa, biss fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni li toriġina minn professjonist indipendenti u/jew minn organu uffiċjali approvat.

56

Din l-interpretazzjoni stretta hija wkoll konformi mal-għan ta’ ġestjoni finanzjarja tajba u mal-prinċipju ta’ rimbors tal-ispejjeż, imfakkra fil-punti 39 u 40 ta’ din is-sentenza, sa fejn din ittendi li tevita kull riskju ta’ komputazzjoni doppja ta’ spejjeż u ta’ frodi b’detriment tal-fondi strutturali tal-Unjoni.

57

Konsegwentement, hekk kif essenzjalment osservat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, għandu jiġi kkonstatat li jistgħu jikkostitwixxu “dokumenti ta’ kontabbiltà ta’ valur probatorju ekwivalenti” id-dokumenti tal-kontabbiltà li huma awtorizzati mid-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru, b’mod partikolari meta l-ħruġ ta’ fattura ma huwiex rilevanti skont ir-regoli fiskali u ta’ kontabbiltà nazzjonali, u li jistgħu jippruvaw l-effettività tal-ispejjeż sostnuti, billi jagħtu stampa fidila u preċiża tagħhom.

58

F’dan il-każ, f’dak li jirrigwarda benefiċjarju finali li bena binja permezz ta’ mezzi tiegħu stess, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprevedi sistema ta’ kontroll tal-ispejjeż li teħtieġ kwantifikazzjoni minn qabel tax-xogħlijiet li għandhom jitwettqu, ibbażata fuq skala standard, u verifika ulterjuri, ibbażata fuq il-konstatazzjoni tat-twettiq tal-imsemmija xogħlijiet u fuq is-sempliċi preżentazzjoni ta’ pjan tax-xogħlijiet u ta’ reġistru tal-kontabbiltà. Is-sejħa għal proġetti tiċċita espliċitament ir-Regolament Nru 1685/2000 fir-rigward tad-definizzjoni tal-ispejjeż eliġibbli. Għalkemm id-Digriet ta’ Sussidju ma jerġax isemmi l-obbligu li jiġu prodotti fatturi mħallsa u/jew dokumenti ta’ kontabbiltà ta’ valur probatorju ekwivalenti sabiex jiġu ġġustifikati l-ispejjeż sostnuti fil-kuntest tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni, madankollu din iċ-ċirkustanza ma taffettwax l-applikabbiltà tal-imsemmi regolament.

59

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hekk kif essenzjalment osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 71 u 76 tal-konklużjonijiet tiegħu, hija għalhekk il-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li ma kienx possibbli li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali tiġġustifika l-ispejjeż sostnuti permezz ta’ fatturi mħallsa u, jekk ma kienx possibbli li r-rikorrenti tagħmel dan, li tevalwa jekk l-imsemmi pjan tax-xogħlijiet u l-imsemmi reġistru tal-kontabbiltà jistgħux jiġu kklassifikati, fid-dawl tal-kontenut konkret tagħhom u tar-regoli nazzjonali rilevanti, bħala “dokumenti ta’ kontabbiltà ta’ valur probatorju ekwivalenti”.

60

Hekk kif jirriżulta mill-punt 54 ta’ din is-sentenza, hekk ikun il-każ jekk dawn id-dokumenti jipprovaw, fid-dawl tat-totalità taċ-ċirkustanzi rilevanti tal-kawża prinċipali, l-effettività tal-ispejjeż sostnuti, li tikkorrispondi għall-ħlasijiet imwettqa minn Eurocostruzioni, billi jagħtu stampa fidila u preċiża tal-imsemmija spejjeż.

61

Min-naħa l-oħra, jekk ikollu jirriżulta li dan il-pjan tax-xogħlijiet u dan ir-reġistru tal-kontabbiltà jillimitaw ruħhom, pereżempju, li jagħtu rendikont tal-andament tax-xogħlijiet billi jagħmlu riferiment biss għal kwantifikazzjoni minn qabel, ibbażata fuq skala standard, li hija ta’ natura astratta u mingħajr korrelazzjoni oġġettiva mal-ispejjeż effettivament sostnuti, dawn id-dokumenti ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “dokumenti ta’ kontabbiltà ta’ valur probatorju ekwivalenti”, fis-sens tal-punt 2.1 tar-Regola Nru 1 tal-Anness tar-Regolament Nru 1685/2000.

62

Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni u għat-tielet domanda għandha tkun li l-punt 2.1 tar-Regola Nru 1 tal-Anness tar-Regolament Nru 1685/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’dak li jirrigwarda l-benefiċjarju finali ta’ finanzjament għall-kostruzzjoni ta’ binja, li bniha permezz ta’ mezzi tiegħu stess, pjan tax-xogħlijiet u reġistru tal-kontabbiltà jistgħu jiġu kkwalifikati bħala “dokumenti ta’ kontabbiltà ta’ valur probatorju ekwivalenti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, biss jekk, fid-dawl tal-kontenut konkret tagħhom u tar-regoli nazzjonali rilevanti, dawn id-dokumenti jistgħu jippruvaw l-effettività tal-ispejjeż sostnuti mill-imsemmi benefiċjarju finali, billi jagħtu stampa fidila u preċiża tal-imsemmija spejjeż.

Fuq l‑ispejjeż

63

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-punt 2.1 tar-Regola Nru 1 tal-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1685/2000 tat‑28 ta’ Lulju 2000 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 f’dak li għandu x’jaqsam mal-eliġibbilità tal-infiq ta’ operazzjonijiet kofinanzjati mill-Fondi Strutturali, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 448/2004 tal‑10 ta’ Marzu 2004,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jippermettix li benefiċjarju finali ta’ finanzjament għall-kostruzzjoni ta’ binja, li bniha permezz ta’ mezzi tiegħu stess, jiġġustifika l-ispejjeż sostnuti billi jipproduċi dokumenti oħra għajr dawk espliċitament imsemmija minn din id-dispożizzjoni.

 

2)

Il-punt 2.1 tar-Regola Nru 1 tal-Anness tar-Regolament Nru 1685/2000, kif emendat bir-Regolament Nru 448/2004,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

f’dak li jirrigwarda benefiċjarju finali ta’ finanzjament għall-kostruzzjoni ta’ binja, li bniha permezz ta’ mezzi tiegħu stess, pjan tax-xogħlijiet u reġistru tal-kontabbiltà jistgħu jiġu kkwalifikati bħala “dokumenti ta’ kontabbiltà ta’ valur probatorju ekwivalenti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, biss jekk, fid-dawl tal-kontenut konkret tagħhom u tar-regoli nazzjonali rilevanti, dawn id-dokumenti jistgħu jippruvaw l-effettività tal-ispejjeż sostnuti mill-imsemmi benefiċjarju finali, billi jagħtu stampa fidila u preċiża tal-imsemmija spejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.