SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

3 ta’ Frar 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas‑sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – It‑tieni inċiż tal‑punt 1(b) tal‑Artikolu 7 – Ġurisdizzjoni speċjali f’materji kuntrattwali – Kunċett ta’ ‘post tat‑twettiq tal‑obbligu li jservi bħala bażi għat‑talba’ – Kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi – Trasport bl‑ajru – Titjira kkaratterizzata minn riżervazzjoni waħda kkonfermata u operata f’numru ta’ segmenti minn żewġ trasportaturi tal‑ajru distinti – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Regoli komuni fil‑qasam tal‑kumpens u tal‑assistenza lill‑passiġġieri fil-każ ta’ rifjut ta’ imbark u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjira – Artikolu 7 – Dritt għal kumpens – Dewmien fuq l‑ewwel segment tat‑titjira – Rikors għal kumpens indirizzat kontra t‑trasportatur tal-ajru inkarigat minn dan l‑ewwel segment tat‑titjira quddiem il‑qorti tal‑post tal‑wasla tiegħu”

Fil-Kawża C‑20/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht Frankfurt am Main (il‑Qorti Reġjonali ta’ Frankfurt am Main, il‑Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ Novembru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑13 ta’ Jannar 2021, fil‑proċedura

JW,

HD,

XS

vs

LOT Polish Airlines,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn S. Rodin, President tal-Awla, J.‑C. Bonichot u O. Spineanu‑Matei (Relatriċi), Imħallfin,

Avukata Ġenerali: L. Medina,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal XS, HD, JW, minn J.‑C. Woicke, Rechtsanwalt,

għal LOT Polish Airlines, minn C. Hess, Rechtsanwältin,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Heller u S. Noë, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li taqta’ l‑kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tieni inċiż tal‑punt 1(b) tal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r‑rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn tliet passiġġieri, JW, HD u XS, minn naħa, u l-kumpannija tal-ajru LOT Polish Airlines min-naħa l-oħra, fir‑rigward tal-ħlas ta’ kumpens minħabba dewmien f’titjira.

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament Nru 1215/2012

3

Il-premessi 15 u 16 tar-Regolament Nru 1215/2012 jiddikjaraw:

“(15)

Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom ikunu prevedibbli ħafna u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut. Il-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq il-bażi ta’ din ir-raġuni ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tat-tilwima jew ta’ awtonomija tal-partijiet ikunu jeħtieġu fattur ta’ konnessjoni differenti. Id-domiċilju ta’ persuna ġuridika għandu jiġi definit b’awtonomija u b’hekk jagħmel ir-regoli komuni aktar trasparenti u jevita kunflitti ta’ ġurisdizzjoni.

(16)

Barra d-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm raġunijiet alternattivi ta’ ġurisdizzjoni bbażati fuq konnessjoni mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. L-eżistenza ta’ konnessjoni mill-qrib għandha tiżgura ċ-ċertezza legali u tevita l-possibbiltà li l-konvenut jiġi mħarrek f’qorti ta’ Stat Membru li dan il-konvenut ma setax raġonevolment jipprevedi. […]”

4

Taħt it-Taqsima 1 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, intitolat, “Dispożizzjonijiet ġenerali”, l-Artikolu 4(1) tiegħu huwa fformulat kif ġej:

“Soġġetti għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jitressqu quddiem il-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

5

L-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament, li jappartjeni għat-Taqsima 2 tal‑Kapitolu II tiegħu, intitolat “Ġurisdizzjoni speċjali”, jipprovdi:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’ tiġi mħarrka fi Stat Membru ieħor:

(1)

(a)

fi kwistjonijiet relatati ma’ kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettiq tal-obbligazzjoni in kwistjoni;

(b)

għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni u sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, il-post tat-twettiq tal-obbligi f’dak il-każ għandu jkun:

fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti, il-post fl-Istat Membru fejn, skont il-kuntratt, l-oġġetti ġew ikkonsenjati jew suppost li kienu kkonsenjati,

fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti, il-post fl-Istat Membru fejn, skont il-kuntratt, l-oġġetti ġew ikkonsenjati jew suppost li kienu kkonsenjati; [fil-każ ta’ provvista ta’ servizzi, il-post fl-Istat Membru fejn, skont il-kuntratt, is-servizzi ġew ipprovduti jew suppost li ġew ipprovduti;]

[…]

[…]”

Ir-Regolament (KE) Nru 261/2004

6

L-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l‑assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10), intitolat “Dritt għall‑kumpens”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jirċievu kumpens li jammonta għal:

(a)

EUR 250 għat-titjiriet kollha ta’ 1500 kilometru jew inqas;

(b)

EUR 400 għat-titjiriet intra-Komunitarji kollha ta’ aktar minn 1500 kilometru, u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1500 u 3500 kilomentru;

(ċ)

EUR 600 għat-titjiriet kollha li ma jaqawx taħt (a) jew (b).

Fid-determinazzjoni tad-distanza, il-bażi għandha tkun l-aħħar destinazzjoni ġo liema l-fatt li l-persuna ma tħallietx titla’ jew il-kanċellazzjoni ser iddewwem il-wasla tal-passiġġier wara l-ħin skedat.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

7

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għamlu riżervazzjoni waħda mal-kumpannija tal‑ajru Lufthansa AG għal titjira, prevista fis‑27 ta’ April 2019, minn Varsavja (il-Polonja) għal Malé (il-Maldive) b’konnessjoni fi Frankfurt am Main (il‑Ġermanja).

8

L-ewwel segment ta’ din it-titjira, li tgħaqqad lil Varsavja ma’ Frankfurt am Main, ġiet operata minn LOT Polish Airlines. Minħabba tluq tardiv, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali waslu tard fi Frankfurt am Main u tilfu t-titjira ta’ konnessjoni tagħhom għal Malé, operata minn Lufthansa. Huma waslu fid-destinazzjoni finali tagħhom, Malé, b’dewmien ta’ iktar minn erba’ sigħat.

9

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbu, fuq il-bażi tar-Regolament Nru 261/2004, lill-Amtsgericht Frankfurt (il-Qorti Distrettwali ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja) tikkundanna lil LOT Polish Airlines għall-ħlas ta’ kumpens ta’ EUR 600 għal kull wieħed minnhom, peress li d-distanza bejn Varsavja u Malé kienet ta’ iktar minn 3500 kilometru, u għar-rimbors tal-ispejjeż tal-avukati tagħhom.

10

Permezz ta’ sentenza tad‑29 ta’ April 2020, dik il-qorti ċaħdet din it-talba bħala inammissibbli, minħabba li, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1215/2012, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja, hija ma kellhiex ġurisdizzjoni biex tieħu konjizzjoni tal-kawża peress li la l-post tat-tluq u lanqas dak tal-wasla tat-titjira, previsti mill-kuntratt ta’ trasport ikkonċernat, ma kienu jinsabu fit-territorju tagħha.

11

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellaw minn dik is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Landgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja). Fil-fehma tagħhom il-qorti tal-ewwel istanza tista’ tibbaża l-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha fuq il-punt 1(b) tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012. Il-fatt li Varsavja u Malé jikkostitwixxu postijiet ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu li jirriżulta mill-imsemmi kuntratt ta’ trasport ma jeskludix li jistgħu jeżistu postijiet oħra li jistgħu wkoll jiġu kklassifikati bħala postijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ dan l-obbligu fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

12

Il-qorti tar-rinviju tqis li l-Amtsgericht Frankfurt (il-Qorti Distrettwali ta’ Frankfurt am Main), ikollha ġurisdizzjoni internazzjonali biex tiddeċiedi t-tilwima mressqa quddiemha, skont il-punt 1(b) tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, biss jekk il-post tal-wasla tal-ewwel segment tat-titjira kkonċernata, jiġifieri Frankfurt am Main, seta’ jiġi kklassifikat bħala “post tat‑twettiq” tal-obbligu li jirriżulta mill-kuntratt ta’ trasport inkwistjoni.

13

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali ta’ Frankfurt am Main) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-punt 1(b) tal-Artikolu 7 tar-Regolament [Nru 1215/2012] għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’każ ta’ titjira kkaratterizzata minn riżervazzjoni waħda kkonfermata għat-traġitt kollu u maqsuma f’żewġ [segmenti] tat-titjira jew iktar, il-post ta’ twettiq fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni jista’ jkun ukoll il-post tal-wasla tal-ewwel [segment] tat-titjira meta t-trasport fuq dawn il-partijiet tat-titjira jsir minn żewġ trasportaturi tal-ajru differenti u meta r-rikors għal kumpens, ippreżentat abbażi tar-Regolament [Nru 261/2004], joriġina mid-dewmien tal-ewwel [segment] tat-titjira u huwa ppreżentat kontra t-trasportatur tal-ajru inkarigat minn din l-ewwel parti tat-titjira?”

Fuq id-domanda preliminari

14

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ titjira kkaratterizzata minn riżervazzjoni waħda, ikkonfermata għat-traġitt kollu, u maqsuma f’żewġ segmenti jew iktar ta’ titjiriet li fuqhom it-trasport isir minn trasportaturi tal-ajru distinti, meta rikors għal kumpens, ippreżentat fuq il-bażi tar-Regolament Nru 261/2004, jkollu bħala oriġini dewmien fuq l-ewwel segment ta’ titjira kkawżat minn tluq tardiv u jkun indirizzat kontra t-trasportatur tal-ajru inkarigat li jwettaq dan l-ewwel segment ta’ titjira, il-post ta’ wasla ta’ din it-titjira jista’ jiġi kklassifikat bħala “post tat-twettiq tal-obbligi” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

15

Preliminarjament, għandu jiġi ppreċiżat li l-azzjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt il-kunċett ta’ “materji kuntrattwali”, fis-sens tal-punt 1(a) tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012. Fil-fatt, fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-punt 1(a) tal-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42), li jista’ jiġi traspost għal dik tad-dispożizzjonijiet ekwivalenti li jinsabu fil-punt 1(a) tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, il-Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ “materji kuntrattwali” jkopri l-azzjoni tal-passiġġieri tal-ajru għal kumpens għad-dewmien twil ta’ titjira b’konnessjoni, indirizzat fuq il-bażi tar-Regolament Nru 261/2004 kontra trasportatur tal-ajru li jopera li ma huwiex il-parti l-oħra tal-kuntratt tal-passiġġier ikkonċernat (sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2018, flightright et, C‑274/16, C‑447/16 u C‑448/16, EU:C:2018:160, punt 65), li huwa l-każ, hawnhekk, ta’ LOT Polish Airlines.

16

Skont il-punt 1(a) tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, fil-qasam kuntrattwali, persuna ddomiċiljata fit-territorju ta’ Stat Membru tista’ tiġi mħarrka fi Stat Membru ieħor, quddiem il-qorti tal-post ta’ twettiq tal-obbligu li jservi bħala bażi għat-talba. Għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, it-tieni inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament jippreċiża li, ħlief fil-każ ta’ ftehim kuntrarju, fir-rigward tal-provvista ta’ servizzi dan il-post huwa l-post ta’ Stat Membru fejn, bis-saħħa tal-kuntratt, is-servizzi ġew jew kellhom jiġu pprovduti.

17

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-każ ta’ diversi postijiet ta’ provvista ta’ servizzi fi Stati Membri differenti, bħala prinċipju, “post tat-twettiq” għandu jinftiehem bħala l-post li jiżgura l-konnessjoni l-iktar mill-qrib bejn il-kuntratt ikkonċernat u l-qorti li għandha ġurisdizzjoni, fejn din il-konnessjoni l-iktar mill-qrib isseħħ, bħala regola ġenerali, fil-post tal-provvista prinċipali tas-servizzi. Dan l-aħħar post għandu jiġi dedott, sa fejn ikun possibbli, mid-dispożizzjonijiet tal-kuntratt innifsu (sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2018, flightright et, C‑274/16, C‑447/16 u C‑448/16, EU:C:2018:160, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

18

F’dan ir-rigward, fejn ikollha x’taqsam titjira diretta mwettqa bejn żewġ Stati Membri mill-kumpannija tal-ajru li tkun il-parti l-oħra fil-kuntratt mal-passiġġier ikkonċernat, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-post tat-tluq u l-post tal-wasla tal-ajruplan għandhom jitqiesu, fuq l-istess livell, bħala l-postijiet ta’ provvista prinċipali tas-servizzi li huma s-suġġett ta’ kuntratt ta’ trasport bl-ajru fejn il-qorti li għandha ġurisdizzjoni, taħt it-tieni inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, biex tieħu konjizzjoni ta’ talba għal kumpens ibbażata fuq dan il-kuntratt ta’ trasport u fuq ir-Regolament Nru 261/2004 hija dik, skont l-għażla tal-persuna li tressaq it-talba, li fil-ġurisdizzjoni territorjali tagħha jinsab il-post tat-tluq jew il-post tal-wasla tal-ajruplan, hekk kif dawn il-postijiet ikunu ġew miftiehma fl-imsemmi kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2009, Rehder, C‑204/08, EU:C:2009:439, punti 4347).

19

Tul l-iżvolġiment ta’ din il-ġurisprudenza, fir-rigward ta’ titjira b’konnessjoni, ikkaratterizzata minn riżervazzjoni waħda, ikkonfermata għat-traġitt kollu, u diviża f’diversi segmenti li fuqhom it-trasport jitwettaq minn żewġ trasportaturi tal-ajru differenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-“post tat-twettiq”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jista’ jkun ikkostitwit kemm mill-post tat-tluq tal-ewwel segment ta’ titjira (digriet tat‑13 ta’ Frar 2020, flightright, C‑606/19, EU:C:2020:101, punt 36), kif ukoll mill-post ta’ wasla tal-aħħar segment ta’ titjira (sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2018, flightright et, C‑274/16, C‑447/16 u C‑448/16, EU:C:2018:160, punt 73), u dan indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk ir-rikors għal kumpens, ippreżentat fuq il-bażi tar-Regolament Nru 261/2004, huwiex indirizzat kontra t-trasportatur tal-ajru inkarigat li jopera s-segment tat-titjira inkwistjoni jew inkella kontra l-parti l-oħra fil-kuntratt mal-passiġġier ikkonċernat, li ma huwiex dan it-trasportatur.

20

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-rikors għal kumpens ġie eżerċitat biss minħabba t-tluq tardiv mill-post tat-tluq tal-ewwel segment tat-titjira kkonċernata mill-kuntratt ta’ trasport bl-ajru inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Dan il-post jikkorrispondi għal wieħed mill-postijiet ta’ provvista prinċipali tas-servizzi li huma s-suġġett ta’ dan il-kuntratt u jiżgura, għalhekk, konnessjoni mill-qrib, meħtieġa mir-regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali ddikjarati fil-punt 1 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, bejn l-imsemmi kuntratt u l-qorti li fit-territorju li jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tagħha jinsab l-imsemmi post.

21

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kwistjoni jekk il-post ta’ nżul ta’ dan l-ewwel segment tat-titjira jistax jiġġustifika l-ġurisdizzjoni tagħha taħt it-tieni inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012.

22

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, kif tfakkar fil-punt 17 ta’ din is-sentenza, fil-każ ta’ diversi postijiet ta’ provvista ta’ servizzi fi Stati Membri differenti, il-post fejn hemm l-iktar konnessjoni mill-qrib bejn il-kuntratt ikkonċernat u l-qorti li għandha ġurisdizzjoni huwa, b’mod partikolari, dak fejn, bis-saħħa ta’ dan il-kuntratt, il-provvista prinċipali tas-servizzi għandha ssir (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2009, Rehder, C‑204/08, EU:C:2009:439, punt 38).

23

Minn din il-ġurisprudenza u, speċifikament, mill-użu tal-kelma “b’mod partikolari”, jirriżulta li l-postijiet ta’ provvista prinċipali tas-servizzi, identifikati bħala kemm il-post tat-tluq inizjali u tad-destinazzjoni finali ta’ titjira, jikkostitwixxu biss illustrazzjoni mhux eżawrjenti tal-postijiet fejn tali konnessjoni tista’ tikkonkretizza ruħha. Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż mill-bidu nett li, fid-dawl tat-termini speċifiċi ta’ kuntratt ta’ trasport bl-ajru, servizzi oħra minbarra dawk ipprovduti fil-post tat-tluq inizjali u fid-destinazzjoni finali ta’ titjira jistgħu, jekk ikun il-każ, jiġġustifikaw il-ġurisdizzjoni ta’ qrati differenti minn dawk li fit-territorju tagħhom jinsabu dawn il-postijiet, jiġifieri, il-qrati tal-post ta’ waqfa, sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ rikors għal kumpens ippreżentat fuq il-bażi tar-Regolament Nru 261/2004.

24

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju ma tindikax l-elementi tal-kuntratt li jistgħu jiġġustifikaw, fid-dawl tal-organizzazzjoni utli tal-proċess, l-eżistenza ta’ konnessjoni suffiċjenti ta’ prossimità bejn il-fatti tal-kawża prinċipali u l-ġurisdizzjoni tagħha. Fl-assenza ta’ tali indikazzjonijiet, il-“post tat-twettiq”, fis-sens tat-tieni inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, jista’, għalhekk, ikun ikkostitwit mill-post tat-tluq tal-ewwel segment tat-titjira, bħala wieħed mill-postijiet ta’ provvista prinċipali tas-servizzi li huma s-suġġett tal-kuntratt ta’ trasport bl-ajru inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

25

Din il-konklużjoni tissodisfa l-għanijiet ta’ prossimità u ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, imsemmija fil-premessa 16 tar-Regolament Nru 1215/2012, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fil-każ ta’ titjira b’konnessjoni kkaratterizzata minn riżervazzjoni waħda, ikkonfermata għat-traġitt kollu, u li tinkludi diversi segmenti, il-post tat-tluq tal-ewwel segment tat-titjira jiżgura l-konnessjoni mill-qrib, mixtieqa mir-regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali, iddikjarati fil-punt 1 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, bejn il-kuntratt ta’ trasport bl-ajru u l-qorti li għandha ġurisdizzjoni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑13 ta’ Frar 2020, flightright, C‑606/19, EU:C:2020:101, punt 31).

26

Din hija wkoll konformi mal-prinċipju ta’ prevedibbiltà tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti mir-Regolament Nru 1215/2012, peress li tippermetti kemm lir-rikorrent kif ukoll lill-konvenut jidentifikaw il-qrati tal-post tat-tluq tal-ewwel segment, kif ikun jinsab fil-kuntratt ta’ trasport bl-ajru, bħala qrati li jistgħu jiġu aditi b’rikors għad-danni taħt ir-Regolament Nru 261/2004.

27

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li t-tieni inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ titjira kkaratterizzata minn riżervazzjoni waħda, ikkonfermata għat-traġitt kollu, u maqsuma f’żewġ segmenti jew iktar ta’ titjir li fuqhom it-trasport isir minn trasportaturi tal-ajru distinti, meta rikors għal kumpens, ippreżentat fuq il-bażi tar-Regolament Nru 261/2004, ikun joriġina biss minn dewmien fuq l-ewwel segment ta’ titjira kkawżat minn tluq tardiv u jkun indirizzat kontra t-trasportatur tal-ajru inkarigat milli jopera dan l-ewwel segment ta’ titjira, il-post tal-wasla tiegħu ma jistax jiġi kkwalifikat bħala “post tat-twettiq” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Fuq l-ispejjeż

28

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

It-tieni inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ titjira kkaratterizzata minn riżervazzjoni waħda, ikkonfermata għat-traġitt kollu, u maqsuma f’żewġ segmenti jew iktar ta’ titjir li fuqhom it-trasport isir minn trasportaturi tal-ajru distinti, meta rikors għal kumpens, ippreżentat fuq il-bażi tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, ikun joriġina biss minn dewmien fuq l-ewwel segment ta’ titjira kkawżat minn tluq tardiv u jkun indirizzat kontra t-trasportatur tal-ajru inkarigat milli jopera dan l-ewwel segment ta’ titjira, il-post tal-wasla tiegħu ma jistax jiġi kkwalifikat bħala “post tat-twettiq” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.