KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI
RICHARD DE LA TOUR
ippreżentati fil‑11 ta’ Jannar 2024 ( 1 )
Kawża C‑808/21
Il‑Kummissjoni Ewropea
vs
Ir‑Repubblika Ċeka
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Ċittadinanza tal-Unjoni – Artikolu 22 TFUE – Dritt tal-vot u dritt tal-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali u għall-Parlament Ewropew fl-Istat Membru ta’ residenza taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat – Ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu fir-Repubblika Ċeka mingħajr ma għandhom in-nazzjonalità Ċeka – Assenza ta’ dritt ta’ sħubija f’partit politiku – Kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali jew għall-Parlament Ewropew f’kundizzjonijiet differenti minn dawk previsti għaċ-ċittadini – Artikolu 10 TUE – Prinċipju ta’ demokrazija – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 12, 39 u 40 – Ġustifikazzjoni – Artikolu 4(2) TUE”
Werrej
|
I. Introduzzjoni |
|
|
II. Il‑kuntest ġuridiku |
|
|
A. Id‑dritt tal‑Unjoni |
|
|
1. It‑Trattat FUE |
|
|
2. Il‑Karta |
|
|
3. Id‑Direttiva 93/109/KE |
|
|
4. Id‑Direttiva 94/80/KE |
|
|
B. Id‑dritt Ċek |
|
|
1. Il‑Liġi dwar il‑Partiti Politiċi |
|
|
2. Il‑Liġi dwar l‑Elezzjonijiet għall‑Kunsilli Muniċipali |
|
|
3. Il‑Liġi dwar l‑Elezzjonijiet għall‑Parlament Ewropew |
|
|
III. Il‑proċedura prekontenzjuża |
|
|
IV. It‑talbiet tal‑partijiet |
|
|
V. Analiżi |
|
|
A. Fuq l‑eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mir‑Repubblika Ċeka |
|
|
1. Argumenti tal‑partijiet |
|
|
2. Evalwazzjoni |
|
|
B. Fuq il‑mertu |
|
|
1. Fuq il‑fondatezza tar‑rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu |
|
|
a) Argumenti tal‑partijiet |
|
|
1) Il‑Kummissjoni |
|
|
2) Ir‑Repubblika Ċeka |
|
|
b) Evalwazzjoni |
|
|
2. Fuq l‑eżistenza ta’ limitazzjoni tal‑eżerċizzju tad‑drittijiet elettorali |
|
|
a) Argumenti tal‑partijiet |
|
|
1) Il‑Kummissjoni |
|
|
2) Ir‑Repubblika Ċeka |
|
|
b) Evalwazzjoni |
|
|
3. Fuq il‑ġustifikazzjoni tar‑restrizzjoni tas‑sħubija f’partit politiku |
|
|
a) Argumenti tal‑partijiet |
|
|
1) Il‑Kummissjoni |
|
|
2) Ir‑Repubblika Ċeka |
|
|
3) Ir‑Repubblika tal‑Polonja, intervenjenti |
|
|
b) Evalwazzjoni |
|
|
VI. Fuq l‑ispejjeż |
|
|
VII. Konklużjoni |
|
|
VIII. Anness I: Ir‑regoli ta’ finanzjament tal‑partiti politiċi pprovduti mill‑Kummissjoni |
|
|
IX. Anness II: L‑informazzjoni pprovduta mir‑Repubblika Ċeka dwar il‑kompożizzjoni tal‑listi u l‑kandidati eletti fl‑elezzjonijiet għall‑Parlament Ewropew u fl‑elezzjonijiet muniċipali |
I. Introduzzjoni
|
1. |
Permezz tar-rikors tagħha eżerċitat skont l-Artikolu 258 TFUE u bbażat fuq l-Artikolu 22 TFUE, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li r-Repubblika Ċeka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont din id-dispożizzjoni tal-aħħar għar-raġuni li, essenzjalment, billi ma tatx id-dritt li jkunu membri ta’ partit politiku liċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea li ma għandhomx nazzjonalità Ċeka, iżda li jirrisjedu fit-territorju tagħha ( 2 ), l-opportunitajiet tagħhom li jiġu eletti fl-elezzjonijiet muniċipali jew għall-Parlament Ewropew huma inqas minn dawk taċ-ċittadini Ċeki ( 3 ). |
|
2. |
F’dawn il-konklużjonijiet, ser nispjega r-raġunijiet li għalihom l-opinjoni tar-Repubblika Ċeka li għandu jsir biss qari litterali tal-Artikolu 22 TFUE, fis-sens li huwa jirregola biss il-kundizzjonijiet legali ta’ kandidatura, ma tistax tiġi adottata u li, għall-kuntrarju, l-analiżi kuntestwali u teleoloġika tal-obbligi li jirriżultaw minn din id-dispożizzjoni twassal sabiex jiġi kkunsidrat li l-ilment ibbażat fuq il-preġudizzju għall-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta’ kandidatura, sostnut mill-Kummissjoni, huwa fondat. |
II. Il‑kuntest ġuridiku
A. Id‑dritt tal‑Unjoni
1. It‑Trattat FUE
|
3. |
L‑Artikolu 20 TFUE huwa fformulat kif ġej: “1. Qed tiġi stabbilita ċ-Ċittadinanza ta’ l-Unjoni. Kwalunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru hija ċittadina ta’ l-Unjoni. Iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni għandha tiżdied maċ-ċittadinanza nazzjonali u ma tissostitwixxihiex. 2. Iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni għandhom igawdu d-drittijiet u jintrabtu bid-dmirijiet previsti fit-Trattati. Huma għandhom, fost l-oħrajn: […]
[…] Dawn id-drittijiet għandhom ikunu eżerċitati skond il-kondizzjonijiet u fil-limiti definiti fit-Trattati u permezz tal-miżuri adottati għall-applikazzjoni tagħhom.” |
|
4. |
L-Artikolu 22 TFUE jipprovdi: “1. Kull ċittadin ta’ l-Unjoni li jirrisjedi fi Stat Membru li tiegħu ma jkollux iċ-ċittadinanza għandu jkollu d-dritt li jivvota u li joħroġ bħala kandidat għall-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru fejn huwa jirrisjedi, taħt l-istess kondizzjonijiet li japplikaw għall-persuni li jkollhom iċ-ċittadinanza ta’ dak l-Istat. Dan id-dritt għandu jiġi eżerċitat skond arranġamenti dettaljati li għandhom jiġu adottati mill-Kunsill, li jaġixxi unanimament skond il-proċedura leġislattiva speċjali u wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew; dawn l-arranġamenti jistgħu jipprovdu għal derogi fejn ikun ġustifikat minħabba fi problemi speċifiċi għal xi Stat Membru. 2. Mingħajr ħsara għall-Artikolu 223[(1)] u għad-dispożizzjonijiet adottati għall-implimentazzjoni tiegħu, kull ċittadin ta’ l-Unjoni li jirrisjedi fi Stat Membru li tiegħu ma jkollux iċ-ċittadinanza, ikollu d-dritt li jivvota u li joħroġ bħala kandidat għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-Istat Membru fejn huwa jirrisjedi, taħt l-istess kondizzjonijiet li japplikaw għall-persuni li għandhom iċ-ċittadinanza ta’ dak l-Istat. Dan id-dritt għandu jiġi eżerċitat skond arranġamenti dettaljati li għandhom jiġu adottati mill-Kunsill, li jaġixxi unanimament skond il-proċedura leġislattiva speċjali wara li jkun ikkonsulta lill-Parlament Ewropew; dawn l-arranġamenti jistgħu jipprovdu għal derogi fejn ikun meħtieġ minħabba fi problemi speċifiċi għal xi Stat Membru.” |
2. Il‑Karta
|
5. |
L-Artikolu 12 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 4 ), intitolat “Il-libertà ta’ għaqda u ta’ assoċjazzjoni”, huwa fformulat kif ġej: “1. Kull persuna għandha d-dritt għal-libertà ta’ għaqda paċifika u għal-libertà ta’ assoċjazzjoni f’kull livell, b’mod partikolari fil-qasam politiku, tat-trade unions, u ċiviku, li jimplika d-dritt ta’ kull persuna li tifforma trade unions flimkien ma’ oħrajn u li tissieħeb magħhom għall-protezzjoni ta’ l-interessi tagħha. 2. Il-partiti politiċi fil-livell ta’ l-Unjoni jikkontribwixxu għall-espressjoni tar-rieda politika taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni.” |
3. Id‑Direttiva 93/109/KE
|
6. |
Id-Direttiva tal-Kunsill 93/109/KE tas‑6 ta’ Diċembru 1993 dwar arranġamenti dettaljati sabiex jiġi eżerċitat id-dritt għall-vot u għall-kandidatura fl-elezzjonijiet għal-Parlament Ewropew għaċ-ċittadini ta’ l-Unjoni li joqgħodu fi Stat Membru li tiegħu ma jkunux ċittadini ( 5 ), tistabbilixxi, fir-raba’ premessa tagħha: “Billi l-Artikolu 8b (2) tat-Trattat KE huwa biss dwar il-possibbilità li jiġi eżerċitat id-dritt għall-vot u għall-kandidatura fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 138(3) tat-Trattat KE, li jipprovdi għat-twaqqif ta’ proċedura uniformi fl-Istati Membri kollha għal dawn l-elezzjonijiet; Billi essenzjalment ifittex li jabolixxi l-ħtieġa tan-nazzjonalità li bħalissa teżisti fil-biċċa l-kbira ta’ l-Istati Membri sabiex jiġu eżerċitati dawn id-drittijiet”. |
|
7. |
L-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi: “Din id-Direttiva tipprovdi l-arranġamenti dettaljati li bihom iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni li joqgħodu fi Stat Membru li tiegħu m’humiex ċittadini jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-vot u għall-Kandidatura fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew.” |
4. Id‑Direttiva 94/80/KE
|
8. |
Id-Direttiva tal-Kunsill 94/80/KE tad‑19 ta’ Diċembru 1994 li tistipula arranġamenti dettaljati għall-eżerċizzju tad-dritt tal-vot u tal-kandidatura f’elezzjonijiet muniċipali minn ċittadini ta’ l-Unjoni li jgħixu fi Stat Membru li tiegħu mhumiex ċittadini ( 6 ), tistabbilixxi, fil-ħames premessa tagħha: “Billi l-iskop ta’ l-Artikolu 8b (1) huwa li jassigura illi ċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni, kemm jekk huma ċittadini ta’ l-Istati Membri fejn joqogħdu u kemm jekk mhumiex, jistgħu jeżerċitaw f’dak l-Istat id-dritt tagħhom tal-vot u tal-kandidatura għall-elezzjonijiet muniċipali taħt l-istess kondizzjonijiet; billi l-kondizzjonijiet li japplikaw għall-persuni mhux ċittadini, inklużi dawk dwar il-perijodu u l-prova ta’ residenza, għandhom għalhekk ikunu identiċi għal dawk, jekk hemm, li japplikaw għaċ-ċittadini ta’ l-Istat Membru kkonċernat; billi persuni li mhumiex ċittadini m’għandhomx ikunu meħtieġa li jimxu ma’ kwalunkwe kondizzjonijiet speċjali sakemm, bħala eċċezzjoni, trattament differenti bejn ċittadini u dawk li mhumiex tkun ġustifikata b’ċirkustanzi speċifiċi għal dawn ta’ l-aħħar li jiddistingwuhom minn dawk ta’ l-ewwel”. |
|
9. |
L-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi: “Din id-Direttiva tistabbilixxi arranġamenti dettaljati li permezz tagħhom ċittadini ta’ l-Unjoni li joqogħdu fi Stat Membru li tiegħu mhumiex ċittadini tiegħu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tal-vot u li joqogħdu bħala kandidati hemmhekk f’elezzjonijiet muniċipali.” |
B. Id‑dritt Ċek
1. Il‑Liġi dwar il‑Partiti Politiċi
|
10. |
L-Artikolu 1(1) taż-zákon č. 424/1991 Sb., o sdružování v politických stranách a v politických hnutích (il-Liġi Nru 424/1991 dwar l-Assoċjazzjonijiet f’Partiti Politiċi u f’Movimenti Politiċi) tat‑2 ta’ Ottubru 1991, kif emendata ( 7 ), jipprevedi: “Iċ-ċittadini għandhom id-dritt li jassoċjaw ruħhom f’partiti politiċi u f’movimenti politiċi (iktar ’il quddiem ‘partiti u movimenti’). L-eżerċizzju ta’ dan id-dritt jippermetti liċ-ċittadini jipparteċipaw fil-ħajja politika tas-soċjetà, b’mod partikolari fil-kostituzzjoni ta’ korpi leġiżlattivi u ta’ korpi ta’ awtoritajiet territorjali reġjonali u lokali […]” |
|
11. |
L-Artikolu 2(3) ta’ din il-liġi jipprovdi: “Kull ċittadin li għandu iktar minn 18‑il sena jista’ jissieħeb f’partit jew f’moviment; madankollu, madankollu huwa jista’ jissieħeb biss f’partit jew f’moviment wieħed.” |
2. Il‑Liġi dwar l‑Elezzjonijiet għall‑Kunsilli Muniċipali
|
12. |
L-Artikolu 20(1) taż-zákon č. 491/2001 Sb., o volbách do zastupitelstev obcí a o změně některých zákonů (il-Liġi Nru 491/2001 dwar l-Elezzjonijiet għall-Kunsilli Muniċipali u li Temenda Ċerti Liġijiet) tas‑6 ta’ Diċembru 2001, kif emendata ( 8 ), jipprovdi: “Jistgħu jikkostitwixxu partit elettorali skont din il-liġi l-partiti politiċi u l-movimenti politiċi rreġistrati […], li l-attivitajiet tagħhom ma kinux sospiżi, kif ukoll il-koalizzjonijiet ta’ dawn il-partiti, ta’ kandidati indipendenti, ta’ assoċjazzjonijiet ta’ kandidati indipendenti jew ta’ assoċjazzjonijiet ta’ partiti politiċi jew movimenti politiċi u ta’ kandidati indipendenti.” |
3. Il‑Liġi dwar l‑Elezzjonijiet għall‑Parlament Ewropew
|
13. |
L-Artikolu 21(1) taż-zákon č. 62/2003 Sb., o volbách do Evropského parlamentu a o změně některých zákonů (il-Liġi Nru 62/2003 dwar l-Elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew u li Temenda Ċerti Liġijiet) ( 9 ) tat‑18 ta’ Frar 2003, jipprovdi: “Il-listi tal-kandidati għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew jistgħu jiġu ppreżentati minn partiti politiċi u minn movimenti politiċi rreġistrati li l-attivitajiet tagħhom ma kinux sospiżi […], kif ukoll mill-koalizzjonijiet tagħhom […]” |
|
14. |
L-Artikolu 22(2) u (3) ta’ din il-liġi jistabbilixxi: “(2) Il-lista tal-kandidati għandha tkun akkumpanjata minn dokument ta’ sostenn tan-nazzjonalità tal-kandidat u minn dikjarazzjoni ffirmata mill-kandidat li tindika li huwa jagħti l-kunsens għall-kandidatura tiegħu, li ma għandux għarfien ta’ ostakoli għall-kandidatura tiegħu, jekk ikun il-każ li dawn l-ostakoli ser ikunu spiċċaw fil-jum tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, u li huwa ma talabx li jkun fuq lista oħra ta’ kandidati għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, u dan lanqas fi Stat Membru ieħor. Fid-dikjarazzjoni tiegħu, il-kandidat għandu jindika wkoll il-post ta’ residenza tiegħu jew, fir-rigward ta’ ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, il-post ta’ residenza tiegħu u d-data tat-twelid tiegħu. Id-dikjarazzjoni tal-kandidat tista’ ssir bil-lingwa Ċeka jew b’waħda mil-lingwi tal-ħidma tal-Unjoni […] skont l-Artikolu 4. (3) Jekk il-kandidat huwa ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, minbarra l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, huwa għandu jindika fid-dikjarazzjoni tiegħu l-post tat-twelid tiegħu u l-indirizz tal-aħħar post ta’ residenza tiegħu fl-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu, huwa għandu jehmeż dikjarazzjoni li fiha għandu jindika li ma tneħħilux id-dritt tal-kandidatura tiegħu fl-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu u għandu jehmeż mal-lista tal-kandidati d-dokumenti msemmija fl-ewwel sentenza tal-paragrafu 2.” |
III. Il‑proċedura prekontenzjuża
|
15. |
Fl‑2010, il-Kummissjoni eżaminat, fil-kuntest tas-sistema EU Pilot 1300/10/JUST, il-kompatibbiltà mal-Artikolu 22 TFUE tar-restrizzjoni tad-dritt ta’ sħubija f’partit politiku għaċ-ċittadini Ċeki biss. |
|
16. |
Peress li l-informazzjoni pprovduta mir-Repubblika Ċeka ma neħħietx id-dubji tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ twettiq ta’ dan l-Istat Membru tal-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 22 TFUE, hija bagħtitlu, fit‑22 ta’ Novembru 2012, ittra ta’ intimazzjoni. Fl-osservazzjonijiet bi tweġiba tiegħu tat‑22 ta’ Jannar 2013, dan l-Istat Membru kkontesta kull ksur tad-dritt tal-Unjoni, minħabba n-nuqqas ta’ qbil tiegħu dwar l-interpretazzjoni ta’ dan l-artikolu, u b’mod iktar partikolari, dwar dik tal-espressjoni “taħt l-istess kondizzjonijiet” li tinsab fih. Huwa argumenta li l-imsemmi artikolu ma jimplikax l-obbligu li l-Istati Membri jippermettu liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra li jsiru membri ta’ partiti politiċi u li joħolqu partiti politiċi. |
|
17. |
Fit‑22 ta’ April 2014, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata li fiha hija sostniet li r-Repubblika Ċeka kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 22 TFUE billi ċaħdet liċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni mid-dritt li joħolqu partit politiku jew moviment politiku u mid-dritt li jsiru membri ta’ partit politiku jew ta’ moviment politiku. |
|
18. |
Fit-tweġiba tagħha tal‑20 ta’ Ġunju 2014, ir-Repubblika Ċeka indikat li l-miżuri li hija kienet ħadet kellhom ikunu kkunsidrati bħala proporzjonati u għalhekk konformi mad-dritt tal-Unjoni. |
|
19. |
Permezz ta’ ittra tat‑2 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja talab lir-Repubblika Ċeka tinformah b’eventwali żvilupp tal-pożizzjoni tagħha jew b’emendi leġiżlattivi adottati sabiex tiżgura d-drittijiet inkwistjoni liċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni. |
|
20. |
Peress li ma rċevietx tweġiba għal din l-ittra, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors filwaqt li llimitat s-suġġett tiegħu għal-limitazzjoni tal-kwalità ta’ membru ta’ partit politiku għaċ-ċittadini Ċeki biss. Il-Kummissjoni ppreċiżat li, fir-rigward tal-kwistjoni tad-dritt li dawn iċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni joħolqu partit politiku, imqajma matul il-fażijiet preċedenti tal-proċedura, hija rriżervat il-possibbiltà li tinvokaha fil-kuntest ta’ proċedura distinta. |
IV. It‑talbiet tal‑partijiet
|
21. |
Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
|
22. |
Ir-Repubblika Ċeka titlob, prinċipalment, l-inammissibbiltà tar-rikors, u sussidjarjament, li dan jiġi miċħud bħala infondat. Hija titlob ukoll il-kundanna tal-Kummissjoni għall-ispejjeż. |
|
23. |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑19 ta’ Mejju 2022, ir-Repubblika tal-Polonja ġiet awtorizzata tintervjeni insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Ċeka. |
|
24. |
Għal dan il-għan, fin-nota ta’ intervent tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja ppreżentat osservazzjonijiet dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet stabbiliti fl-Artikolu 22 TFUE, dwar id-drittijiet elettorali taċ-ċittadini tal-Unjoni fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew u fl-elezzjonijiet muniċipali skont id-dritt Ċek kif ukoll dwar is-setgħat idderivati mill-Artikolu 22 TFUE u mill-“affiljazzjoni” ma’ partit politiku. |
|
25. |
Il-Kummissjoni tikkonkludi l-osservazzjonijiet tagħha dwar dawn it-tliet serje ta’ argumenti billi ssostni t-talbiet tar-rikors tagħha. |
V. Analiżi
|
26. |
Insostenn tar-rikors tagħha għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Repubblika Ċeka bbażat fuq l-Artikolu 22 TFUE u li jirrigwarda l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti d-dritt ta’ sħubija f’partit politiku liċ-ċittadini Ċeki biss, il-Kummissjoni tesponi li dan l-Istat Membru jikser din id-dispożizzjoni billi ma josservax il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità li jimponilu li jiggarantixxi liċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni d-dritt li jkunu kandidati fl-elezzjonijiet muniċipali jew għall-Parlament Ewropew taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikabbli għaċ-ċittadini tiegħu. |
|
27. |
Hija tenfasizza l-importanza tal-possibbiltà ta’ sħubija f’partit waqt l-elezzjonijiet u targumenta, b’mod partikolari, li l-Artikolu 12(2) tal-Karta jistabbilixxi li fil-livell tal-Unjoni, il-partiti politiċi jikkontribwixxu għall-espressjoni tar-rieda politika taċ-ċittadini tal-Unjoni. |
A. Fuq l‑eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mir‑Repubblika Ċeka
1. Argumenti tal‑partijiet
|
28. |
Ir-Repubblika Ċeka ssostni li minkejja li l-Kummissjoni tibbaża formalment ir-rikors tagħha fuq l-Artikolu 22 TFUE, madankollu, hija tinvoka, fit-test tar-rikors tagħha, il-ksur ta’ diversi dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni. |
|
29. |
Dan l-Istat Membru jqis li, fin-nuqqas ta’ argumenti li jistgħu jkunu bbażati fuq l-Artikolu 22 TFUE, li skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 11 ) jillimita ruħu li japplika għad-dritt tal-vot u tal-kandidatura l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità, il-Kummissjoni allegat fir-realtà, fir-rigward tad-dritt ta’ sħubija f’partit politiku, ksur ta’ dan il-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 18 TFUE u ksur tal-Artikolu 12(1) tal-Karta. |
|
30. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, skont ir-Repubblika Ċeka, il-bażi tar-rikors ma tinftihemx u hija differenti minn dak trattat fil-kuntest tal-fażi prekontenzjuża tal-proċedura. Hija tesponi lill-Qorti tal-Ġustizzja għar-riskju li tiddeċiedi ultra petita. |
|
31. |
Skont il-Kummissjoni, kemm mir-rikors tagħha kif ukoll mit-talbiet tagħha jirriżulta b’mod ċar li l-liġi Ċeka li tagħti d-dritt ta’ sħubija f’partit politiku liċ-ċittadini Ċeki biss hija inkompatibbli mal-Artikolu 22 TFUE u li, b’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija għandha tikkunsidra dispożizzjonijiet oħra tad-dritt primarju, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tal-Karta, sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest ġuridiku tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati kif ukoll id-drittijiet fundamentali ( 12 ). |
2. Evalwazzjoni
|
32. |
Ir-Repubblika Ċeka tqis li diversi sisien tar-rikors jirriżultaw minn motivi tar-rikors li huma f’kontradizzjoni mat-talbiet tagħha. |
|
33. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi konsistentement ( 13 ) li:
|
|
34. |
F’dan il-każ, mill-motivi tar-rikors jirriżulta, mingħajr ambigwità u b’konkordanza mal-opinjoni motivata, li l-Artikolu 22 TFUE, li fuqu huwa bbażat, għandu jiġi interpretat billi jitqiegħed fil-kuntest tiegħu u billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rabtiet eżistenti mal-Karta u, b’mod partikolari, mal-Artikolu 12(1) tagħha. |
|
35. |
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni argumentat li, fid-dawl tar-rwol ċentrali u fundamentali li jgawdu l-partiti politiċi fis-sistemi elettorali tal-Istati Membri u għall-parteċipazzjoni fil-ħajja politika, ċittadin tal-Unjoni ma jistax jiġi kkunsidrat li jista’ joħroġ għall-elezzjonijiet fl-Istat ta’ residenza tiegħu taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta’ dan l-Istat jekk ma jistax joħroġ bħala membru ta’ partit politiku fl-imsemmi Stat, peress li din is-sitwazzjoni għandha effett negattiv fuq il-possibbiltajiet li jiġi elett. |
|
36. |
Għalhekk, minn dan ma jirriżultax li huwa allegat ksur tal-Artikolu 12(1) tal-Karta ( 14 ). |
|
37. |
Barra minn hekk, l-ekwivoku invokat mir-Repubblika Ċeka donnu huwa marbut mal-analiżi tagħha stess tal-bażi tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu invokat, li fil-fehma tagħha, għandha tkun l-Artikolu 18 TFUE. Għalhekk, din hija eċċezzjoni li dan l-Istat seta’ jsostni b’mod effettiv u li għandha tkun is-suġġett ta’ eżami tal-mertu u mhux fl-istadju tal-ammissibbiltà tar-rikors. |
|
38. |
Għaldaqstant, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà. |
B. Fuq il‑mertu
1. Fuq il‑fondatezza tar‑rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu
a) Argumenti tal‑partijiet
1) Il‑Kummissjoni
|
39. |
Dik l-istituzzjoni tfakkar li l-Artikolu 20(2)(b) u l-Artikolu 22 TFUE jeżiġu speċifikament li ċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni jkunu jistgħu joħorġu bħala kandidati fl-elezzjonijiet muniċipali jew għall-Parlament Ewropew “taħt l-istess kondizzjonijiet” ( 15 ) bħaċ-ċittadini nazzjonali. Hija tirrikonoxxi li l-Artikolu 22 TFUE ma jippreċiżax il-modalitajiet konkreti differenti li abbażi tagħhom għandha tiġi żgurata ugwaljanza fit-trattament, iżda hija tqis li huwa jistabbilixxi obbligu ġenerali u universali ta’ ugwaljanza fit-trattament. Dan l-obbligu jimponi li l-Istati Membri, fl-assenza ta’ lista eżawrjenti ta’ rekwiżiti fosthom dak relatat mas-sħubija f’partit politiku, jiżguraw li r-regoli eżistenti jippermettu liċ-ċittadini tal-Unjoni jivvotaw u joħorġu bħala kandidati fl-elezzjonijiet muniċipali u għall-Parlament Ewropew taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini tagħhom. |
|
40. |
Għalhekk, sabiex jiġi kkunsidrat li l-imsemmi obbligu huwa effettivament osservat, huwa neċessarju li tiġi eżaminata l-kwistjoni tal-eżistenza fi Stat Membru ta’ ostakoli ta’ liġi jew ta’ fatt li jirrendu impossibbli jew diffiċli, għaċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni, li jużaw waħda mill-forom ta’ kandidatura formalment disponibbli skont id-dritt nazzjonali ( 16 ). |
|
41. |
Il-Kummissjoni tibbaża ruħha wkoll fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi, minn naħa, li minkejja li huma l-Istati Membri li effettivament għandhom jirregolaw l-aspetti relatati mal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew li ma humiex armonizzati fil-livell tal-Unjoni, waqt li jagħmlu dan, huma għandhom josservaw id-dritt tal-Unjoni ( 17 ). Min-naħa l-oħra, miżura nazzjonali li tista’ tirrestrinġi l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat tista’ tiġi ġġustifikata fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni mill-interess ġenerali biss jekk din il-miżura tkun kompatibbli mad-drittijiet fundamentali ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni ( 18 ). |
|
42. |
F’dan ir-rigward, hija targumenta li l-limitazzjonijiet tal-eżerċizzju tad-dritt li wieħed joħloq partit politiku u tad-dritt ta’ sħubija f’partit politiku jikkostitwixxu b’mod ċar limitazzjonijiet tad-dritt fundamentali għal-libertà ta’ assoċjazzjoni stabbilit fl-Artikolu 12(1) tal-Karta, li l-formulazzjoni tiegħu tikkorrispondi għall-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fondamentali ( 19 ). |
|
43. |
Fil-fatt, il-Kummissjoni tqis li, fid-dawl tar-rwol ċentrali u fundamentali li jgawdu l-partiti politiċi fis-sistemi elettorali tal-Istati Membri, ċittadin tal-Unjoni ma jistax jiġi kkunsidrat li jista’ joħroġ għall-elezzjonijiet fl-Istat ta’ residenza tiegħu taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta’ dan l-Istat jekk ma jistax joħroġ bħala membru ta’ partit politiku fl-imsemmi Stat. |
|
44. |
Għalhekk, hija targumenta li:
|
|
45. |
Il-Kummissjoni żżid li r-raġunijiet stabbiliti fl-Artikolu 11(2) tal-KEDB, li jistgħu jiġġustifikaw limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà ta’ assoċjazzjoni, li għandu jsir riferiment għalihom skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, manifestament ma japplikawx f’dan il-każ. |
|
46. |
Bi tweġiba għall-argumenti relatati mal-portata limitata tal-Artikolu 22 TFUE marbuta mal-kompetenza tal-Istati Membri fil-qasam ta’ attività politika ( 22 ), il-Kummissjoni ssostni, l-ewwel nett, li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi 93/109 u 94/80, li jirregolaw kwistjonijiet ta’ natura amministrattiva jew proċedurali fir-rigward tad-drittijiet elettorali inkwistjoni, ma jkoprix il-portata kollha tal-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità li tirriżulta mill-Artikolu 22 TFUE. Dan il-kamp ta’ applikazzjoni ma jistax iservi bħala bażi jew raġuni għal interpretazzjoni restrittiva tal-portata tad-dritt primarju ( 23 ). Barra minn hekk, minn naħa, tali raġunament iwassal sabiex ikollhom jiġu ammessi diskriminazzjonijiet li jirrigwardaw regoli oħra, bħal dawk relatati mal-kampanja elettorali fil-qasam, pereżempju, ta’ laqgħat jew viżwal. Min-naħa l-oħra, ir-Repubblika Ċeka ma tistax tiddeduċi mis-sentenza Eman u Sevinger ( 24 ), li dan għandu bħala suġġett id-drittijiet elettorali taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra. |
|
47. |
It-tieni nett, il-Kummissjoni tikkontesta li r-restrizzjoni tal-attività politika taċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħra tista’ tiġi ammessa mill-Artikolu 16 tal-KEDB ( 25 ) u tenfasizza li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-kunċett ta’ “ċittadinanza tal-Unjoni” u d-drittijiet marbutin miegħu. F’dan ir-rigward, hija tfakkar li hija ma tikkontestax li l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri intiżi sabiex jillimitaw il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni fl-elezzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali, iżda hija tinsisti dwar il-fatt li l-portata tal-miżuri adottati ma tistax tkun tali li tikkomprometti l-ugwaljanza tal-kundizzjonijiet ta’ parteċipazzjoni ta’ dawn iċ-ċittadini fl-elezzjonijiet muniċipali jew għall-Parlament Ewropew. Hija tirrileva wkoll li, bl-eċċezzjoni tar-Repubblika Ċeka u ta’ Stat Membru ieħor, ebda Stat Membru ma jipprevedi tali restrizzjoni. |
|
48. |
It-tielet nett, fir-rigward tal-aspett kostituzzjonali tal-limitazzjoni tal-parteċipazzjoni fil-partiti politiċi minħabba l-importanza tagħhom fil-livell nazzjonali, iġġustifikata permezz tar-referenza mir-Repubblika Ċeka għas-sentenza tan-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema, ir-Repubblika Ċeka) ( 26 ), il-Kummissjoni tirrileva li, fil-punt 9 ta’ din is-sentenza, huwa indikat espressament li s-suġġett tal-proċedura kien id-deċiżjoni li jiġu emendati l-istatuti tal-imsemmi partit u mhux “allegat ksur tad-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni […] fil-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew u fl-elezzjonijiet muniċipali”. Barra minn hekk, fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Listina základních práv a svobod (il-Karta tad-Drittijiet u Libertajiet Fundamentali), li tifforma parti mill-ordinament kostituzzjonali Ċek, min-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema), li tipprovdi li s-sħubija ta’ persuni li ma humiex ċittadini Ċeki hija pprojbita, il-Kummissjoni tosserva li l-Ústavní soud (il-Qorti Kostituzzjonali, ir-Repubblika Ċeka) ma ddeċidietx dwar tali interpretazzjoni u li din kienet is-suġġett ta’ opinjonijiet ġuridiċi diverġenti ( 27 ). |
2) Ir‑Repubblika Ċeka
|
49. |
Skont dan l-Istat Membru, l-Artikolu 22 TFUE ma jkoprix il-kwistjoni tas-sħubija f’partit politiku. Fl-ewwel lok, huwa jibbaża ruħu fuq il-ġenesi u l-konsistenza tal-kontenut ta’ din id-dispożizzjoni ( 28 ). Sa mill-ewwel inklużjoni tagħhom fid-dritt primarju fl-Artikolu 8 B KE, kif emendat mit-Trattat ta’ Maastricht, sat-Trattat ta’ Lisbona li bl-effett tiegħu jinsabu fl-Artikolu 22 TFUE, id-drittijiet elettorali taċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni huma stabbiliti fl-istess termini. |
|
50. |
Fit-tieni lok, ir-Repubblika Ċeka targumenta li l-interpretazzjoni tagħha tirriżulta mill-formulazzjoni tal-Artikolu 22 TFUE u mill-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni espressa mingħajr ekwivoku fil-premessi tad-Direttivi 93/109 u 94/80 ( 29 ). L-għan huwa li titneħħa kwalunkwe kundizzjoni ta’ nazzjonalità għall-eżerċizzju tad-dritt tal-vot u tal-kandidatura, mingħajr ma jkunu kkonċernati aspetti oħra, fosthom il-kundizzjonijiet ta’ sħubija f’partit politiku ( 30 ). Barra minn hekk, dan il-leġiżlatur indika espressament li, fil-qasam, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ proporzjonalità. |
|
51. |
Fit-tielet lok, ir-Repubblika Ċeka tenfasizza li l-imsemmi leġiżlatur ippreċiża wkoll fl-Artikolu 22 TFUE li d-drittijiet tal-vot u tal-kandidatura inkwistjoni għandhom jiġu eżerċitati “skond arranġamenti dettaljati li għandhom jiġu adottati mill-Kunsill” ( 31 ). Issa, dawn huma preċiżament il-modalitajiet tad-Direttivi 93/109 u 94/80, li ma jagħmlu ebda riferiment għall-possibbiltà li d-dritt previst fl-Artikolu 22 TFUE jista’ jkollu xi effett fuq il-kundizzjonijiet ta’ sħubija f’partit politiku. |
|
52. |
Fir-raba’ lok, il-portata hekk limitata tal-Artikolu 22 TFUE u tal-leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni tal-Unjoni hija konformi bis-sħiħ mal-Artikolu 4(2) TUE ( 32 ), li permezz tiegħu l-Unjoni tosserva l-identità nazzjonali tal-Istati Membri, inerenti għall-istrutturi fundamentali politiċi u kostituzzjonali tagħhom. Issa, il-leġiżlazzjoni relatata mal-funzjonament tal-partiti politiċi hija l-pedament ta’ dawn l-istrutturi ( 33 ) u l-Artikolu 16 tal-KEDB jirrikonoxxi wkoll li l-partijiet kontraenti jistgħu jimponu restrizzjonijiet fuq l-attività politika tal-barranin. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 22 TFUE jikkostitwixxi eċċezzjoni li ma tistax tiġi interpretata b’mod estensiv fis-sens li hija tkopri kull attività politika ( 34 ). L-invokazzjoni, kif tagħmel il-Kummissjoni, tan-numru ta’ Stati Membri li ma adottawx tali pożizzjoni ma hijiex rilevanti. |
|
53. |
Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, iċċitata mill-Kummissjoni, jirriżulta li l-partiti politiċi huma fundamentali għall-elezzjonijiet fil-livell nazzjonali. Madankollu, kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni, dan ma huwiex dak li japplika għalih id-dritt tal-Unjoni. |
|
54. |
Fl-aħħar nett, id-dritt tal-Istati Membri li jirriżervaw għaċ-ċittadini tagħhom il-parteċipazzjoni fil-pjattaforma ewlenija għall-attività politika nazzjonali, jiġifieri l-partiti politiċi, huwa direttament marbut mal-possibbiltà li l-kandidatura tiġi limitata għall-elezzjonijiet tal-korpi leġiżlattivi, li huwa ammess mill-Kummissjoni, u dik li ċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni jiġu esklużi mill-pożizzjonijiet ta’ korpi amministrattivi tal-komuni skont l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 94/80. |
|
55. |
Fil-kontroreplika tagħha, ir-Repubblika Ċeka tikkompleta l-argument tagħha li l-bażi legali sostantiva ta’ dan ir-rikors għandha tkun l-Artikolu 18 TFUE ( 35 ). Minn naħa, hija tiddeduċi mis-sentenza Eman u Sevinger ( 36 ), li dan l-artikolu japplika għall-kwistjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni, mill-perspettiva ta’ eventwali diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità bħal, pereżempju, ir-reklamar elettorali. |
|
56. |
Min-naħa l-oħra, ir-Repubblika Ċeka tikkunsidra li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tintgħażel id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni applikabbli bejn dik li tistabbilixxi l-projbizzjoni ġenerali tad-diskriminazzjoni u d-dispożizzjonijiet speċjali tad-dritt primarju, huwa essenzjali li jkun magħruf jekk il-persuna kkonċernata kisbitx “status” ( 37 ), previst minn dispożizzjoni speċjali ( 38 ), bħal fost oħrajn, dak ta’ ħaddiem fis-sens tal-Artikolu 45 TFUE jew dak ta’ persuna stabbilita fis-sens tal-Artikolu 49 TFUE. |
|
57. |
Għaldaqstant, skont ir-Repubblika Ċeka, l-Artikolu 22 TFUE japplika għal ċittadin “mobbli” tal-Unjoni biss meta huwa jikseb l-istatus ta’ votant jew ta’ kandidat f’elezzjoni. L-istatus ta’ kandidat ma jistax jiddependi fuq is-sħubija f’partit politiku ladarba din ma tagħtix garanzija li l-persuna kkonċernata ser tkun f’lista ta’ kandidati ( 39 ). |
b) Evalwazzjoni
|
58. |
Dan ir-rikors jirrigwarda l-konsegwenzi fir-rigward tal-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali jew għall-Parlament Ewropew li jirriżultaw mid-dritt ta’ sħubija f’partit politiku li, skont il-liġi Ċeka, ma huwiex mogħti liċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni. Din il-projbizzjoni għandha l-effett, kif issostni l-Kummissjoni, li dawn iċ-ċittadini ma jeżerċitawx id-dritt tal-kandidatura tagħhom f’dawn l-elezzjonijiet “taħt l-istess kondizzjonijiet” bħaċ-ċittadini Ċeki, fis-sens tal-Artikolu 22 TFUE? |
|
59. |
Fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, is-sħubija f’partit politiku taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri. Madankollu, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi li, fl-eżerċizzju tal-kompetenza tagħhom, l-Istati Membri għandhom josservaw l-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni ( 40 ). |
|
60. |
Għalhekk, għandu jiġi ddeterminat x’rekwiżiti jirriżultaw mill-Artikolu 22 TFUE, invokat mill-Kummissjoni. |
|
61. |
Skont il-formulazzjoni tiegħu, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 22 TFUE huwa limitat biss għall-elezzjonijiet li huwa jsemmi, jiġifieri l-elezzjonijiet muniċipali (paragrafu 1) u dawk għall-Parlament Ewropew (paragrafu 2), u jeskludi għalhekk l-elezzjonijiet leġiżlattivi jew presidenzjali. |
|
62. |
Permezz ta’ dan ir-rikors, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tippreċiża jekk il-prinċipju ta’ ugwaljanza li jistabbilixxi l-Artikolu 22 TFUE għandux jinftiehem li jkopri l-kundizzjonijiet kollha li fihom kull ċittadin “mobbli” tal-Unjoni jista’ joħroġ fl-elezzjonijiet jew jekk jirrigwardax biss il-kundizzjonijiet legali ta’ kandidatura. |
|
63. |
Għalhekk, għandu jiġi ddefinit il-marġni ta’ manuvra mogħti lill-Istati Membri peress li l-modalitajiet tal-eżerċizzju tad-dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew ( 41 ) kif ukoll fl-elezzjonijiet muniċipali huma stabbiliti mid-Direttivi 93/109 u 94/80, rispettivament. |
|
64. |
L-argument tar-Repubblika Ċeka bbażat fuq qari litterali tal-Artikolu 22 TFUE, li dawn id-direttivi jirrestrinġu l-prinċipju ta’ ugwaljanza stabbilit minn din id-dispożizzjoni, għandu qabel kollox jiġi eskluż minħabba l-ġerarkija tar-regoli, ġustament sostnuta mill-Kummissjoni, li permezz tagħha id-dritt sekondarju ma jistax jirrestrinġi dritt irrikonoxxut mit-Trattat ( 42 ). |
|
65. |
Għalhekk, l-imsemmija direttivi sempliċement jiddefinixxu qafas minimu li fih huwa kkonkretizzat il-prinċipju ta’ ugwaljanza għall-eżerċizzju tad-dritt tal-vot u tal-kandidatura ( 43 ). |
|
66. |
Iżda, fuq kollox, l-oriġini tal-Artikolu 22 TFUE u l-iżvilupp tal-kuntest ġuridiku li fih jaqa’ l-kontenut ta’ din id-dispożizzjoni juru, b’mod ċar ħafna sa mit-Trattat ta’ Lisbona, li l-imsemmija dispożizzjoni għandha tiġi interpretata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ż-żewġ pedamenti li fuqhom hija bbażata, jiġifieri, iċ-ċittadinanza tal-Unjoni u d-demokrazija rappreżentattiva. |
|
67. |
Fl-ewwel lok, fir-rigward taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, il-Kummissjoni tipprevalixxi ruħha, ġustament, mill-applikazzjoni tal-Artikolu 20(2)(b) TFUE, li jistabbilixxi li din iċ-ċittadinanza ( 44 ) tagħti, fost drittijiet oħra, it-tgawdija tad-dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew kif ukoll fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru ta’ residenza, taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat. |
|
68. |
Din ir-rabta maċ-ċittadinanza ilha tinsab fid-dritt primarju sa mit-Trattat ta’ Maastricht, iffirmat fis‑7 ta’ Frar 1992 ( 45 ). Sa mill-bidu, din kienet marbuta mad-dritt li wieħed jiċċaqlaq u jirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri ( 46 ) u mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità, li huwa l-komponent ta’ kull libertà ta’ moviment. |
|
69. |
Madankollu, l-imsemmija rabta ħadet dimensjoni partikolari minħabba emendi introdotti permezz tat-Trattat ta’ Lisbona minħabba l-volontà tal-Istati Membri intiżi b’mod partikolari sabiex jagħtu post prominenti liċ-ċittadinanza. Fil-fatt, minn naħa, fit-Trattat UE żdied it-Titolu II intitolat “Dispożizzjonijiet dwar il-prinċipji demokratiċi”, li jinkludi l-Artikolu 9, li jipprovdi, “[f]l-attivitajiet kollha tagħha, l-Unjoni għandha tirrispetta l-prinċipju ta’ l-ugwaljanza taċ-ċittadini tagħha, li għandhom jingħataw attenzjoni ndaqs mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tagħha. Kwalunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru hija ċittadina ta’ l-Unjoni. Iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni għandha tiżdied maċ-ċittadinanza nazzjonali u ma tissostitwixxihiex”. Id-drittijiet marbuta maċ-ċittadinanza tal-Unjoni huma stabbiliti fl-Artikoli 20 sa 24 TFUE, li jikkorrispondu għall-Artikoli 17 sa 21 KE. Id-drittijiet taċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew u fl-elezzjonijiet muniċipali huma stabbiliti fl-Artikolu 20(2) u fl-Artikolu 22 TFUE. |
|
70. |
Min-naħa l-oħra, kull wieħed minn dawn id-drittijiet jinsab ukoll fit-Titolu V tal-Karta ( 47 ), intitolat “Ċittadinanza”. Id-drittijiet taċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew kif ukoll fl-elezzjonijiet muniċipali huma stabbiliti fiha fl-Artikoli 39 ( 48 ) u 40 ( 49 ) f’termini ġenerali. |
|
71. |
Għaldaqstant, bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, id-drittijiet elettorali taċ-ċittadini tal-Unjoni stabbiliti fl-Artikolu 22 TFUE għandhom jiġu analizzati bħala drittijiet fundamentali u bħala espressjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, inerenti għall-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri ( 50 ). |
|
72. |
Ir-repetizzjoni tagħhom fit-Trattat UE u fil-Karta huwa intiż ukoll sabiex jistabbilixxi rabtiet ma’ drittijiet jew prinċipji oħra stabbiliti fihom, bħall-ugwaljanza u d-demokrazija, li huma valuri komuni tal-Istati Membri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni ( 51 ). |
|
73. |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-prinċipji demokratiċi, sa mit-Trattat ta’ Lisbona, l-Artikolu 10 TUE jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li “[i]l-funzjonament ta’ l-Unjoni għandu jkun ibbażat fuq id-demokrazija rappreżentattiva” ( 52 ) u jirrikonoxxi, fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu, id-dritt taċ-ċittadini Ewropej li jkunu direttament irrappreżentati fil-Parlament Ewropew u li jipparteċipaw fil-ħajja demokratika tal-Unjoni. |
|
74. |
Għalhekk, minħabba l-kombinazzjoni mwettqa mit-Trattat ta’ Lisbona, tal-inqas għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, bejn id-drittijiet tal-vot u tal-kandidatura marbuta maċ-ċittadinanza tal-Unjoni u l-prinċipji demokratiċi fi ħdan l-Unjoni, l-għan li tiġi żgurata rappreżentanza effettiva taċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni huwa espress b’mod ċar. |
|
75. |
Il-Kummissjoni targumenta, ġustament, li din ir-rappreżentanza hija l-korollarju tal-integrazzjoni taċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni fl-Istat ta’ residenza tagħhom, kif enfasizzat fil-premessi tad-Direttivi 93/109 u 94/80 ( 53 ). B’mod iktar partikolari fil-livell lokali, id-drittijiet politiċi rrikonoxxuti lil dawn iċ-ċittadini huma intiżi sabiex jinkoraġġixxu l-inklużjoni soċjali tal-imsemmija ċittadini li għażlu li jirrisjedu fi Stat Membru li ma għandhomx in-nazzjonalità tiegħu. Minn din il-perspettiva, għandu jiġi rrilevat ukoll l-għan imfakkar f’dawn il-premessi, jiġifieri dak “li jevitaw kwalunkwe polarizzazzjoni bejn listi ta’ kandidati ta’ ċittadinanza u oħrajn li mhumiex”. |
|
76. |
Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, il-Kummissjoni tista’, ġustament, issostni, abbażi tal-Artikolu 22 TFUE, imqiegħed fil-kuntest tad-drittijiet marbuta maċ-ċittadinanza tal-Unjoni u tal-prinċipji demokratiċi stabbiliti fit-Trattati, li l-garanzija tal-ugwaljanza tad-drittijiet elettorali taċ-ċittadini tal-Unjoni għandha tiġi tradotta, mingħajr ma huwa neċessarju li tiġi stabbilita lista ta’ kriterji indikattivi, jew saħansitra eżawrjenti, fl-obbligu ġenerali li l-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet ma tiġix skoraġġuta permezz ta’ diversi fatturi ( 54 ). |
|
77. |
Fi kliem ieħor, l-Artikolu 22 TFUE għandu jinftiehem fis-sens li kwalunkwe ostakolu fl-eżerċizzju tad-drittijiet elettorali lil hinn mill-kuntesti stabbiliti mid-Direttivi 93/109 u 94/80, minħabba n-nazzjonalità, jikkostitwixxi diskriminazzjoni fil-qasam tal-applikazzjoni tat-Trattati ( 55 ), li huwa pprojbit. |
|
78. |
Peress li l-miżuri nazzjonali inkwistjoni għandhom jiġu eżaminati fid-dawl ta’ dawn ir-regoli speċifiċi ta’ nondiskriminazzjoni previsti mit-Trattat FUE, l-Artikolu 18 ta’ dan it-trattat, invokat mir-Repubblika Ċeka, ma huwiex applikabbli, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 56 ). Barra minn hekk, ma hemmx lok li jiġi mfittex xi “status” partikolari għall-finijiet ta’ implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 22 TFUE, peress li l-ugwaljanza tad-drittijiet fil-qasam elettorali tirriżulta mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni ( 57 ). |
|
79. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, xorta għandha tiġi eżaminata l-analiżi tal-Kummissjoni li tipprovdi li l-impossibbiltà ta’ sħubija f’partit politiku hija ta’ natura li tostakola l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet. |
|
80. |
F’dan il-każ, il-partijiet jaqblu dwar il-konstatazzjoni li l-possibbiltajiet li wieħed jidħol f’karigi eletti fil-livell lokali jew Ewropew jiddependu mill-grad ta’ parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika tal-Istat Membru li fih iċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni huma kandidati, kemm jekk fi ħdan partit kif ukoll b’mod indipendenti. |
|
81. |
Madankollu, jiena tal-opinjoni, bħall-Kummissjoni li tibbaża ruħha fuq il-Linji Gwida tal-Kummissjoni ta’ Venezia ( 58 ), mhux ikkritikati mir-Repubblika Ċeka, li l-aċċess għall-mezzi li għandhom il-partiti politiċi jikkostitwixxi element essenzjali sabiex jiffavorixxi l-kandidaturi fl-elezzjonijiet ( 59 ) muniċipali jew għall-Parlament Ewropew. |
|
82. |
Barra minn hekk, kif argumentat il-Kummissjoni billi bbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, ir-rwol tal-partiti politiċi huwa primordjali fl-eżerċizzju tad-drittijiet politiċi fl-Istati Membri ( 60 ). Fil-livell tal-Unjoni, dan ir-rwol huwa rrikonoxxut b’mod ċar fl-Artikolu 10(4) TUE ( 61 ), li jikkorrispondi għall-Artikolu 12(2) tal-Karta ( 62 ). |
|
83. |
Fil-fatt, rabta manifesta teżisti bejn dan l-artikolu tal-Karta u l-Artikoli 39 u 40 ( 63 ) tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi u għar-raġunijiet diġà esposti ( 64 ), kif ukoll f’osservanza stretta tal-prinċipju ta’ attribuzzjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 5(2) TUE, kull Stat Membru għandu jieħu inkunsiderazzjoni dawn id-dispożizzjonijiet, sabiex jiżgura l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-Artikolu 22 TFUE. |
|
84. |
Għalhekk, jiena naqbel mal-opinjoni tal-Kummissjoni li r-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 22 TFUE għandu jiġi evalwat fid-dawl tad-dritt għal-libertà ta’ assoċjazzjoni stabbilit fl-Artikolu 12(1) tal-Karta, flimkien mal-Artikolu 11 ( 65 ) tagħha dwar il-libertà ta’ espressjoni. Dawn il-libertajiet huma partikolarment protetti minħabba r-rwol primordjali tagħhom fil-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fid-demokrazija ( 66 ). L-Artikolu 12(2) tal-Karta juri varjazzjoni ta’ din ir-rabta għal dak li jirrigwarda l-partiti politiċi Ewropej. |
|
85. |
Dan id-dritt għal-libertà ta’ assoċjazzjoni jikkorrispondi għal dak iggarantit fl-Artikolu 11(1) tal-KEDB u għalhekk għandhom jiġu rrikonoxxuti għalih l-istess sens u l-istess portata bħal dan tal-aħħar, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta ( 67 ). |
|
86. |
Mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jirriżulta li d-dritt għal-libertà ta’ assoċjazzjoni jikkostitwixxi wieħed mill-bażijiet essenzjali ta’ soċjetà demokratika u pluralista, sa fejn jippermetti liċ-ċittadini jaġixxu kollettivament f’oqsma ta’ interess komuni u b’hekk jikkontribwixxu għall-funzjonament tajjeb tal-ħajja pubblika ( 68 ). |
|
87. |
Għalhekk, huwa wkoll fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tat-Trattat UE u tal-Karta li għandu jiġi evalwat jekk, kif issostni l-Kummissjoni, l-impossibbiltà legali għaċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni li jissieħbu f’partit politiku fir-Repubblika Ċeka tikkompromettix l-ugwaljanza, maċ-ċittadini Ċeki, tal-kundizzjonijiet tal-kandidatura tagħhom fl-elezzjonijiet muniċipali u għall-Parlament Ewropew, b’mod partikolari sa fejn hija tnaqqas b’mod sostanzjali l-opportunitajiet tagħhom li jiġu eletti. |
2. Fuq l‑eżistenza ta’ limitazzjoni tal‑eżerċizzju tad‑drittijiet elettorali
a) Argumenti tal‑partijiet
1) Il‑Kummissjoni
|
88. |
B’mod konkret, il-Kummissjoni tenfasizza tliet tipi ta’ vantaġġi li s-sħubija f’partit politiku toffri sabiex wieħed joħroġ għall-elezzjonijiet. |
|
89. |
L-ewwel nett, il-kandidati msieħba f’partit politiku stabbilit jistgħu japprofittaw mit-tradizzjoni, l-immaġni u l-istrutturi soċjo-organizzattivi assoċjati ma’ dan il-partit. Il-Kummissjoni tinsisti fuq il-fatt li, mingħajr rabta ma’ individwu, l-isem waħdu ta’ partit huwa suffiċjenti sabiex jikkaratterizza ċerti valuri jew approċċi tal-politika. |
|
90. |
It-tieni nett, dawn il-kandidati jistgħu jibbenefikaw mill-apparat elettorali u mir-riżorsi tal-partiti politiċi. Għalhekk, dawn isostnu lill-kandidati ħerġin għall-elezzjonijiet permezz tal-esperjenza tagħhom, l-infrastruttura tagħhom u l-proċeduri operattivi speċifiċi tagħhom (pereżempju, networks, midja u sistemi ta’ komunikazzjoni). |
|
91. |
It-tielet nett, peress li l-partiti politiċi huma atturi politiċi magħrufa, ħafna drabi jibbenefikaw, skont id-dritt nazzjonali, minn privileġġi speċifiċi, bħal vantaġġi finanzjarji, sistema fiskali speċjali u aċċess għall-midja. Fir-rigward tal-finanzjament fir-Repubblika Ċeka, il-Kummissjoni tinvoka diversi dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-partiti ( 69 ). |
|
92. |
Konsegwentement, skont il-Kummissjoni, għall-kuntrarju taċ-ċittadini membri ta’ partiti politiċi stabbiliti, iċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni, li fir-Repubblika Ċeka huma kostretti joħorġu bħala kandidati indipendenti, iridu joħolqu u jistabbilixxu l-identità politika rispettiva tagħhom, jiżviluppaw l-organizzazzjoni rispettiva tagħhom sabiex iwettqu kampanja elettorali, b’aċċess mingħajr privileġġi partikolari għall-finanzjament u għall-midja. |
|
93. |
Barra minn hekk, dik l-istituzzjoni tenfasizza diversi diffikultajiet dwar il-listi li jirrigwardaw il-kandidati indipendenti. Hija tippreċiża li, fl-elezzjonijiet muniċipali, huma biss għandhom jippreżentaw petizzjoni ffirmata mill-votanti li jsostnu l-kandidatura tagħhom. In-numru ta’ dawn il-firmatarji jiddependi mill-kobor tal-lokal li fih joħroġ il-kandidat ( 70 ). |
|
94. |
Barra minn hekk, hija tqis li ma hemmx dubju li, għall-inklużjoni tagħhom fil-lista ta’ partit politiku, il-kandidati indipendenti jinsabu f’pożizzjoni ta’ żvantaġġ meta mqabbla mal-kandidati membri ta’ dak il-partit peress li jiddependu mid-deċiżjoni tal-imsemmi partit sabiex jiġu inklużi fil-lista tiegħu u għad-determinazzjoni tal-post tagħhom f’din il-lista, mingħajr ma jista’ jkollhom xi tip ta’ influwenza fi ħdan l-istess partit. |
|
95. |
Hija tenfasizza wkoll li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li fil-listi ta’ kandidati u fuq il-karti tal-vot jiġi indikat li persuna toħroġ bħala kandidat indipendenti jew “persuna mingħajr timbru” fil-lista ta’ partit politiku. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fir-rigward tal-għażla ta’ prioritajiet u orjentazzjonijiet politiċi, il-kredibbiltà tal-kandidati indipendenti hija inqas minn dik ta’ msieħeb, li jista’ jieħu vantaġġ, f’għajnejn il-votanti tiegħu, mir-rwol attiv tiegħu fil-partit tiegħu ( 71 ). |
|
96. |
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tirrapporta l-konstatazzjoni tal-Kancelář Veřejného ochránce práv (l-Uffiċċju Ċek tal-Ombudsman) li ċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni huma żvantaġġjati waqt l-elezzjonijiet kif ukoll l-opinjoni tiegħu dwar id-diskriminazzjoni diretta mġarrba minnhom waqt l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew minħabba n-nomina ta’ kandidati mill-partiti politiċi biss ( 72 ). |
|
97. |
Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni tiċħad kull argument ibbażat fuq prattiki elettorali. Fl-ewwel lok, hija tfakkar li d-differenza fit-trattament toriġina mil-liġi inkwistjoni li minnha jirriżulta li ċittadin Ċek jista’ jagħżel li jissieħeb f’partit politiku u jirrappreżenta dan il-partit fl-elezzjonijiet, jew li jibqa’ indipendenti u jaċċetta, eventwalment, offerta ta’ inklużjoni bħala kandidat “mhux affiljat” fil-lista ta’ partit politiku li jagħmel din it-talba, filwaqt li ċittadin “mobbli” tal-Unjoni, min-naħa tiegħu, ma għandux din il-possibbiltà u jista’ joħroġ biss bħala indipendenti jew jittama li jirċievi offerta mill-partit politiku li tiegħu jixtieq isir membru sabiex jaċċettah bħala kandidat “mhux affiljat”. |
|
98. |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-oneru tal-prova, hija tikkunsidra li, fil-każ ta’ diskriminazzjoni de jure bħal dik invokata, ma huwiex neċessarju, sabiex jiġi kkonstatat ksur tad-dritt tal-Unjoni, li l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi pprovduta b’data statistika dwar in-numru ta’ ċittadini “mobbli” tal-Unjoni li, fil-prattika, ġarrbu dannu minħabba tali diskriminazzjoni diretta. Hija żżid li huwa prattikament impossibbli li jiġu identifikati s-sitwazzjonijiet li fihom ċittadini “mobbli” tal-Unjoni kienu skoraġġuti milli joħorġu fl-elezzjonijiet minħabba l-impossibbiltà li jissieħbu f’partit politiku ( 73 ). |
|
99. |
Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tqis li d-data statistika pprovduta mir-Repubblika Ċeka ( 74 ) ma hijiex rilevanti fil-preżenza ta’ diskriminazzjoni de jure. Peress li hija marbuta mad-diskriminazzjoni b’mod vag u indirett, din pjuttost tikkonferma l-pożizzjoni tagħha. F’dan ir-rigward, hija tikkonstata li din l-istatistika tirrigwarda b’mod ġenerali l-“persuni mingħajr affiljazzjoni politika”, mingħajr ma huwa possibbli li jiġi identifikat kemm minnhom huma ċittadini “mobbli” tal-Unjoni li s-sitwazzjoni tagħhom hija prevista minn dan ir-rikors. Barra minn hekk, l-eżami ddettaljat tagħha ta’ din id-data twassalha sabiex tirrileva, essenzjalment, għal dak li jirrigwarda l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, li:
|
|
100. |
Fir-rigward tal-elezzjonijiet muniċipali, il-Kummissjoni taqbel li l-konoxxenza tal-personalitajiet lokali tiddetermina iktar faċilment l-għażla tal-votanti. Madankollu, hija tqis li dan juri li ċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni għandhom preċiżament bżonn ikbar li jissieħbu f’partit politiku sabiex ikollhom iktar opportunitajiet li jiġu eletti. |
2) Ir‑Repubblika Ċeka
|
101. |
Wara li rrileva mill-ġdid li dan ir-rikors ma jirrigwardax il-kundizzjonijiet legali ta’ eżerċizzju tad-drittijiet elettorali, dan l-Istat Membru jenfasizza, qabelxejn, li l-persuni mhux membri ta’ partit politiku jistgħu jibbenefikaw b’mod sħiħ mill-vantaġġi li l-Kummissjoni ssemmi fir-rikors tagħha, u dan billi jiġu inklużi fil-lista ta’ kandidati ta’ kwalunkwe partit u li din hija prattika komuni fit-territorju tiegħu ( 76 ). |
|
102. |
Imbagħad, ir-Repubblika Ċeka tirrileva li l-ksur invokat mill-Kummissjoni huwa bbażat fuq suppożizzjonijiet u allegazzjonijiet mhux fondati ( 77 ). Barra minn hekk, l-ispjegazzjonijiet dwar ir-realtajiet lokali mogħtija sa mill-fażi prekontenzjuża ma ttiħdux inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni, minkejja li juru li hija żbaljata meta ssostni li s-sitwazzjoni ta’ dgħufija tal-kandidati indipendenti hija inkontestabbli. |
|
103. |
Hija tipprovdi diversi elementi konkreti sabiex tiġġustifika li “persuni mingħajr affiljazzjoni politika” fir-Repubblika Ċeka huma b’mod regolari kandidati fuq nett tal-lista tal-partiti politiċi ewlenin, li ħafna drabi jiġu eletti u jokkupaw imbagħad karigi importanti fl-istituzzjoni li fiha jkunu ġew eletti ( 78 ). Dan l-Istat Membru jikkonkludi minn dan li s-suċċess ta’ kandidat fl-elezzjonijiet ma jiddependix mis-sħubija tiegħu f’partit politiku, iżda pjuttost minn fatturi bħall-opinjonijiet u l-personalità tiegħu. |
b) Evalwazzjoni
|
104. |
Skont ir-Repubblika Ċeka, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, il-Kummissjoni ma tipproduċix provi tal-effetti prattiċi tad-dispożizzjonijiet legali inkwistjoni fuq il-kandidatura taċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni. |
|
105. |
Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tista’ tiġi ppruvata, fil-każ fejn dan joriġina mill-adozzjoni ta’ liġi jew ta’ regolament li l-eżistenza u l-applikazzjoni tagħhom ma humiex ikkontestati, permezz ta’ analiżi ġuridika tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-miżura ( 79 ). |
|
106. |
F’dan il-każ, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li l-Kummissjoni tallega lir-Repubblika Ċeka joriġina mill-adozzjoni ta’ miżura leġiżlattiva li dan l-Istat Membru la jikkontesta l-eżistenza u lanqas l-applikazzjoni tagħha u li d-dispożizzjonijiet tagħha huma s-suġġett ta’ analiżi ġuridika fir-rikors promotur. |
|
107. |
Barra minn hekk, din tirrigwarda evalwazzjoni dwar sa fejn din il-leġiżlazzjoni għandha effetti dissważivi fuq eventwali kandidaturi f’elezzjonijiet, li ma huwiex kwantifikabbli. |
|
108. |
Għalhekk, ir-Repubblika Ċeka hija infondata meta tikkritika lill-Kummissjoni li ma pproduċietx provi tal-effetti prattiċi, fuq id-drittijiet elettorali taċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni, tal-liġi li tirriżerva s-sħubija f’partit politiku għaċ-ċittadini Ċeki. |
|
109. |
Fir-rigward tal-liġi Ċeka inkwistjoni, li tirriżerva d-dritt ta’ sħubija f’partit politiku għaċ-ċittadini Ċeki, l-inugwaljanza fit-trattament fir-rigward tad-drittijiet elettorali tirriżulta, fil-fehma tiegħi, mis-sempliċi konstatazzjoni li dawn jibbenefikaw liberament minn għażla sabiex ikunu kandidati fl-elezzjonijiet muniċipali jew għall-Parlament Ewropew, jiġifieri bħala membri ta’ partit politiku jew bħala indipendenti, filwaqt li ċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni għandhom biss dan l-aħħar mezz għad-dispożizzjoni tagħhom. Issa, kif ġie espost qabel, l-aċċess għall-partiti politiċi jippermetti li d-drittijiet elettorali jiġu eżerċitati b’mod iktar effettiv għall-finijiet tal-parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika. |
|
110. |
Ebda element espost mir-Repubblika Ċeka ma jista’ jibdel din l-evalwazzjoni. Fil-fatt, b’mod partikolari, il-fatt li ċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni jistgħu jiġu aċċettati biex ikunu kandidati fuq lista ta’ partit ma huwiex ta’ natura li jikkumpensa din il-limitazzjoni tal-kapaċità ta’ azzjoni tagħhom peress li huma jiddependu fuq kriterji speċifiċi li għandhom jiġu ssodisfatti, kif espost mill-Kummissjoni. |
|
111. |
Barra minn hekk, bħal dik l-istituzzjoni, jekk jiġi preżunt li dan ir-rikors jista’ jiġi evalwat abbażi ta’ data ta’ ċifri u ddettaljata dwar il-kandidati eletti, kif ipprovduta mir-Repubblika Ċeka ( 80 ), jiena tal-opinjoni li din ma hijiex ta’ natura li turi ugwaljanza fit-trattament taċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni. Huwa minnu li l-istatistika titfa’ dawl fuq ir-realtajiet lokali partikolari fl-elezzjonijiet muniċipali. Madankollu, ma jistgħux jinsiltu minnha konklużjonijiet rilevanti dwar is-sitwazzjoni taċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni li hija s-suġġett ta’ dan ir-rikors. Minn naħa, mill-eżempji pprovduti jirriżulta li l-kandidati mhux membri ta’ partit u li huma eletti fil-Parlament Ewropew huma fil-parti l-kbira (jew unikament) ċittadini Ċeki. Min-naħa l-oħra, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-diffikultajiet li għandhom jingħelbu fl-assenza ta’ appartenenza f’partit politiku, b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw l-inklużjoni fil-listi ta’ kandidati, li jirriżultaw direttament mid-dispożizzjonijiet legali, ikklassifikati bħala “diskriminatorji” mill-awturi ċċitati mill-Kummissjoni ( 81 ). |
|
112. |
Għaldaqstant, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-Kummissjoni stabbilixxiet suffiċjentement l-eżistenza ta’ limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet elettorali għad-detriment taċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni mqiegħda fl-istess sitwazzjoni bħaċ-ċittadini nazzjonali. |
|
113. |
Minn dan jirriżulta li r-Repubblika Ċeka, billi adottat id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenza tagħha, ma osservatx ir-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, jiġifieri dawk tal-Artikolu 22 TFUE, li għandu jinqara flimkien mal-Artikoli 12, 39 u 40 tal-Karta. |
3. Fuq il‑ġustifikazzjoni tar‑restrizzjoni tas‑sħubija f’partit politiku
a) Argumenti tal‑partijiet
1) Il‑Kummissjoni
|
114. |
Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li għandu jiġi miċħud l-argument tar-Repubblika Ċeka li jipprovdi li r-restrizzjoni tas-sħubija f’partit politiku imposta għaċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni hija ġġustifikata mill-ħtieġa ta’ protezzjoni tal-affarijiet politiċi nazzjonali minn “indħil” ta’ dawn iċ-ċittadini, li tirriżulta minn sħubija f’partit politiku, li fi ħdanu jittieħdu deċiżjonijiet importanti għall-elezzjoni tal-korpi leġiżlattivi ( 82 ). |
|
115. |
Hija tqis li din il-ġustifikazzjoni hija f’kontradizzjoni diretta mal-ispirtu fundamentali u l-iskop tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati dwar iċ-ċittadinanza. Id-drittijiet politiċi li huma jistabbilixxu huma intiżi preċiżament sabiex jiggarantixxu li ċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni jkunu jistgħu jintegraw u jgawdu rwol politiku attiv fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom fil-kuntest tal-elezzjonijiet muniċipali u għall-Parlament Ewropew. |
|
116. |
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tenfasizza li l-obbligu li tiġi żgurata l-ugwaljanza fit-trattament previst fl-Artikolu 20(2)(b) u fl-Artikolu 22 TFUE, li għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-Artikoli 11 u 12 tal-Karta li jiggarantixxu l-parteċipazzjoni f’partiti politiċi, bl-ebda mod ma jipprekludi lill-Istati Membri milli jirriżervaw il-possibbiltà li wieħed joħroġ għall-elezzjonijiet tal-korpi leġiżlattivi jew awtoritajiet territorjali reġjonali għal dawk li għandhom in-nazzjonalità tal-Istat Membru ospitanti. |
|
117. |
Fit-tieni lok, bi tweġiba għall-argument dwar il-protezzjoni tal-identità nazzjonali, ibbażat fuq l-Artikolu 4(2) TUE, sa fejn il-funzjonament u l-kompetizzjoni ħielsa tal-partiti politiċi jaqgħu taħt l-Ústava (il-Kostituzzjoni), il-Kummissjoni tfakkar li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b’konformità mad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Trattati li l-Istati Membri impenjaw ruħhom li josservaw billi ssieħbu fl-Unjoni, inkluż l-Artikolu 22 TFUE, li ma japplikax għall-elezzjonijiet tal-korpi leġiżlattivi ( 83 ). Għalhekk, id-drittijiet elettorali taċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni ma jistgħux jiġu kkunsidrati li jippreġudikaw il-prinċipju tar-rispett tal-identità nazzjonali. |
|
118. |
Fit-tielet lok, fir-rigward tal-oġġezzjoni magħmula mir-Repubblika Ċeka, li l-Kummissjoni ma speċifikatx miżura inqas restrittiva li tippermetti li jintlaħaq l-għan imfittex, din tal-aħħar tiddubita li Stat Membru jista’ jiġġustifika miżura nazzjonali, li allegatament tidderoga mir-rekwiżiti tal-Artikolu 20(2)(b) u tal-Artikolu 22 TFUE u tiddiskrimina direttament abbażi tan-nazzjonalità. Barra minn hekk, huwa l-kompitu tiegħu li jiġġustifika l-proporzjonalità tal-miżuri tiegħu ( 84 ). |
|
119. |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirrileva li, fil-proċedura prekontenzjuża, ir-Repubblika Ċeka ma wrietx – b’mod partikolari fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ – l-eżistenza ta’ interess pubbliku speċifiku għall-projbizzjoni tas-sħubija taċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni f’partit politiku. Minn dan tiddeduċi li la l-għan imfittex u lanqas il-ħtieġa jew il-proporzjonalità ta’ din il-projbizzjoni ma ġew spjegati. |
|
120. |
Barra minn hekk, fir-replika tagħha, fir-rigward tal-“prinċipju fundamentali tal-ugwaljanza tal-membri ta’ partit politiku”, invokat mir-Repubblika Ċeka, il-Kummissjoni tqis assolutament żbaljat u inkoerenti l-klassifikazzjoni bħala diskriminazzjoni sproporzjonata l-istabbiliment tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni fil-partiti politiċi f’livell li jikkorrispondi għad-drittijiet politiċi tagħhom skont id-dritt tal-Unjoni, pereżempju, b’limitazzjoni tal-parteċipazzjoni tagħhom għal ċerti deċiżjonijiet tal-partit politiku, u għall-kuntrarju, bħala diskriminazzjoni proporzjonata l-projbizzjoni assoluta tas-sħubija taċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni f’partit politiku. |
2) Ir‑Repubblika Ċeka
|
121. |
Hija ssostni t-tliet argumenti li ġejjin: “L-ewwel nett, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tfittex l-għan leġittimu li tirriżerva l-parteċipazzjoni fi pjattaforma ewlenija għall-attività politika fil-livell nazzjonali għaċ-ċittadini Ċeki, li huwa totalment konformi mal-Artikolu 4(2) TUE […] Barra minn hekk, dan huwa dak li tirrikonoxxi essenzjalment il-Kummissjoni fl-opinjoni motivata […] It-tieni nett, l-awtorizzazzjoni tas-sħubija f’partit politiku għaċ-ċittadini Ċeki biss hija miżura xierqa sabiex jintlaħaq dan l-għan, għax tissodisfa direttament is-sustanza tagħha. It-tielet nett, l-imsemmija leġiżlazzjoni hija proporzjonata. Hija ma tippreġudikax is-sustanza tad-drittijiet elettorali skont l-Artikolu 22 TFUE, għax ma tbiddel xejn mid-drittijiet elettorali attivi u passivi sħaħ taċ-ċittadini mobbli tal-Unjoni […] u tippermetti li dawn id-drittijiet jiġu eżerċitati b’mod sħiħ […]. B’hekk, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni hija totalment konformi mal-ġurisprudenza li tiċċita l-Kummissjoni [.…]” ( 85 ). |
|
122. |
Ir-Repubblika Ċeka tippreċiża li l-għan leġittimu previst ma jistax jintlaħaq permezz ta’ miżura inqas restrittiva għar-raġuni li ma jistax ikun previst li ċittadini “mobbli” tal-Unjoni jkunu awtorizzati jissieħbu f’partit politiku sabiex jieħdu sehem f’parti marġinali biss tal-attività politika, limitata għall-elezzjonijiet muniċipali jew għall-Parlament Ewropew. Hija tikkunsidra li leġiżlazzjoni f’dan is-sens tkun kontra l-prinċipju fundamentali tal-ugwaljanza fit-trattament tal-membri ta’ partit politiku. Barra minn hekk, hija ma toffrix lil dawn iċ-ċittadini l-pożizzjoni b’saħħitha fil-partit politiku li l-Kummissjoni tqis, b’mod żbaljat, li hija meħtieġa. Hija tirrileva li din l-istituzzjoni lanqas kienet f’pożizzjoni li tindika hija stess liema miżura tista’, f’dan ir-rigward, tiġi kkunsidrata inqas restrittiva. |
3) Ir‑Repubblika tal‑Polonja, intervenjenti
|
123. |
Fir-rigward tal-limitazzjoni tal-kamp ta’ attività taċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni fi ħdan il-partiti politiċi, imsemmija mill-Kummissjoni, ir-Repubblika tal-Polonja targumenta li l-“affiljazzjoni” f’partit politiku tkopri spettru ferm iktar wiesa’ ta’ attivitajiet apparti dawk preċedenti għal xi elezzjonijiet. Dawn huma marbutin mal-influwenza fuq il-politika nazzjonali, inkluż l-oqsma politiċi li jibqgħu l-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri. Issa, ma jeżisti ebda obbligu li Stat Membru jippermetti lil dawn iċ-ċittadini jinfluwenzaw ir-riżultati tal-elezzjonijiet parlamentari u presidenzjali permezz tas-sistema tal-partiti. |
b) Evalwazzjoni
|
124. |
L-argumenti tar-Repubblika Ċeka jwasslu sabiex jiġi ppreċiżat f’liema kundizzjonijiet tista’ tiġi ġġustifikata restrizzjoni tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikolu 22 TFUE. |
|
125. |
Dan l-Istat Membru jinvoka l-Artikolu 4(2) TUE u jargumenta, essenzjalment, li d-dritt tal-Unjoni, kif interpretat mill-Kummissjoni għandu l-konsegwenza li ċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni jipparteċipaw fil-ħajja pubblika f’livell differenti minn dak ammess mill-Istati Membri u speċjalment jippermettilhom ikollhom piż fid-deċiżjonijiet nazzjonali billi jibbenefikaw mill-mezz tal-partiti politiċi. |
|
126. |
Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 4(2) TUE, l-Unjoni għandha tirrispetta l-identità nazzjonali tal-Istati Membri tagħha, inerenti għall-istrutturi fundamentali politiċi u kostituzzjonali tagħhom. |
|
127. |
Issa, huwa minnu li l-organizzazzjoni tal-ħajja politika nazzjonali, li għaliha jikkontribwixxu l-partiti politiċi, tagħmel parti mill-identità nazzjonali fis-sens tal-Artikolu 4(2) TUE. F’dan ir-rigward, ir-rispett ta’ din l-identità huwa rifless fil-limitazzjoni tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew u fl-elezzjonijiet muniċipali biss, mingħajr għan li jiġu armonizzati s-sistemi elettorali tal-Istati Membri ( 86 ). Il-leġiżlatur tal-Unjoni ħa inkunsiderazzjoni wkoll l-effett tal-aċċess ffaċilitat għal dawn l-elezzjonijiet fuq il-bilanċ tal-ħajja politika tal-Istat Membru ta’ residenza billi pprovda li ċerti aġġustamenti, limitati ( 87 ) u tranżitorji, jistgħu jiġu adottati mill-Istati Membri favur iċ-ċittadini tagħhom. |
|
128. |
Fir-rigward tal-kwistjoni tal-impatt fil-livell nazzjonali tas-sħubija taċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni f’partiti politiċi minħabba l-effetti potenzjali tagħhom fi ħdan dawn il-partiti, nosserva li, fl-opinjoni tal-partijiet kollha, din taqa’ fil-kompetenza ta’ dawn tal-aħħar. Fil-fatt, huma jistgħu jistabbilixxu liberament l-organizzazzjoni tagħhom u l-modalitajiet ta’ għażla tal-kandidati tagħhom ( 88 ). Nirrileva li r-Repubblika Ċeka tiddikjara biss, mingħajr ma turiha, l-impossibbiltà li tillimita l-kamp ta’ azzjoni tal-imsieħba, ċittadini “mobbli” tal-Unjoni, għal ċerti elezzjonijiet. |
|
129. |
Għaldaqstant, naqbel mal-opinjoni tal-Kummissjoni li l-aċċettazzjoni tas-sħubija taċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni f’partit politiku sabiex tiġi ggarantita l-effettività tad-drittijiet ta’ dawn tal-aħħar fl-elezzjonijiet muniċipali u għall-Parlament Ewropew ma hijiex ta’ natura li tippreġudika l-identità nazzjonali tar-Repubblika Ċeka. |
|
130. |
Barra minn hekk, preżunt li dan il-preġudizzju jseħħ, l-Artikolu 4(2) TUE għandu jinqara billi jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tal-istess livell tiegħu ( 89 ). |
|
131. |
Għalhekk, l-Artikolu 4(2) TUE ma jistax jeżenta lill-Istati Membri milli jirrispettaw id-drittijiet fundamentali kkonfermati mill-ġdid fil-Karta ( 90 ) u li jinkludu l-prinċipju tad-demokrazija kif ukoll il-prinċipju tal-ugwaljanza, li huwa stabbilit fl-Artikolu 22 TFUE ( 91 ), u mogħtija miċ-ċittadinanza tal-Unjoni, għall-eżerċizzju tad-dritt tal-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali u għall-Parlament Ewropew. Dawn il-prinċipji jagħmlu parti mill-valuri bażiċi tal-Unjoni ( 92 ). |
|
132. |
Barra minn hekk, minħabba l-argumenti tar-Repubblika Ċeka relatati mal-proporzjonalità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali kkontestata, għandu jiżdied li ġustifikazzjoni ta’ limitazzjoni tad-drittijiet mogħtija mill-Artikolu 22 TFUE tista’ tiġi eżaminata biss fil-kundizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni. |
|
133. |
Fil-fatt, id-drittijiet elettorali rrikonoxxuti fl-Artikoli 39 u 40 tal-Karta huma s-suġġett ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi fit-Trattat FUE, jiġifieri l-Artikolu 22. L-uniċi aġġustamenti tal-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet previsti mid-dritt sekondarju li għalih jirreferi dan l-artikolu ( 93 ) jirrigwardaw biss il-kundizzjonijiet legali tal-vot jew tal-kandidatura ( 94 ). |
|
134. |
Għal dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li r-rikors tal-Kummissjoni huwa fondat. |
VI. Fuq l‑ispejjeż
|
135. |
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tilqa’ t-talbiet tal-Kummissjoni, ir-Repubblika Ċeka għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż. |
|
136. |
Skont l-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Repubblika tal-Polonja għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. |
VII. Konklużjoni
|
137. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:
|
VIII. Anness I: Ir‑regoli ta’ finanzjament tal‑partiti politiċi pprovduti mill‑Kummissjoni
|
138. |
Il-partiti politiċi li kisbu tal-inqas 1 % tal-voti fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew jirċievu 30 koruna Ċeka (CZK) (madwar EUR 1.20) għal kull vot bħala kontribuzzjoni għall-ispejjeż elettorali (Artikolu 65 tal-Liġi dwar l-Elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew). |
|
139. |
Il-partiti politiċi li kisbu tal-inqas 1.5 % tal-voti waqt l-elezzjonijiet tal-Poslanecká sněmovna (il-Kamra tad-Deputati, ir-Repubblika Ċeka) jirċievu CZK 100 (madwar EUR 4) għal kull vot bħala kontribuzzjoni għall-ispejjeż elettorali (Artikolu 85 tal-Liġi Nru 247/1995 dwar l-Elezzjonijiet għall-Parlament tar-Repubblika Ċeka u li Temenda u Tikkompleta Ċerti Liġijiet). |
|
140. |
Il-partiti politiċi li rebħu 3 % tal-voti waqt l-aħħar elezzjonijiet tal-Kamra tad-Deputati għandhom jirċievu wkoll kontribuzzjoni annwali mill-Istat ta’ CZK 6000000 (madwar EUR 245,430) għall-partit jew moviment, u fl-istess ħin il-partit jew il-moviment għandu jirċievi CZK 200000 (madwar EUR 8,180) kull sena għal kull 0.1 % ta’ voti addizzjonali (Artikolu 20(6) tal-Liġi dwar il-Partiti Politiċi). |
|
141. |
Jekk partit jew moviment jikseb iktar minn 5 % tal-voti, il-kontribuzzjoni ma tiżdiedx u l-partit jew moviment jirċievi CZK 10000000 (madwar EUR 409,000) (Artikolu 20(6) tal-Liġi dwar il-Partiti Politiċi). |
|
142. |
Il-partiti politiċi għandhom jirċievu wkoll kontribuzzjoni annwali ta’ CZK 900000 (madwar EUR 36,800) għall-mandat ta’ deputat jew senatur, u CZK 250000 (madwar EUR 10,200) għall-mandat ta’ membru tal-kunsill reġjonali u ta’ membru tal-kunsill muniċipali ta’ Praga (Artikolu 20(7) tal-Liġi dwar il-Partiti Politiċi). |
|
143. |
Taħt ċerti kundizzjonijiet, il-partiti u movimenti politiċi għandhom jirċievu wkoll kontribuzzjoni annwali sabiex isostnu l-attivitajiet ta’ istitut politiku, li tammonta għal 10 % tal-ammont totali tal-kontribuzzjoni għall-attivitajiet ta’ tali partit jew moviment (Artikolu 20(5) u (8) tal-Liġi dwar il-Partiti Politiċi). |
IX. Anness II: L‑informazzjoni pprovduta mir‑Repubblika Ċeka dwar il‑kompożizzjoni tal‑listi u l‑kandidati eletti fl‑elezzjonijiet għall‑Parlament Ewropew u fl‑elezzjonijiet muniċipali
|
144. |
L-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew żvolġew fir-Repubblika Ċeka fl‑2004, fl‑2009, fl‑2014 u fl‑2019. 1. Il-proporzjon ta’ kandidati mingħajr affiljazzjoni politika tal-listi tal-partiti politiċi jew tal-koalizzjonijiet politiċi kien is-segwenti:
2. Ġew eletti:
3. Il-kandidati mingħajr affiljazzjoni politika kienu jinsabu ħafna drabi fuq nett tal-listi ta’ kandidati, inkluż għall-partiti politiċi ewlenin. B’mod konkret:
4. Fl‑2004, iċ-ċittadin Ġermaniż is-Sur Stros ġie elett fir-Repubblika Ċeka fil-Parlament Ewropew. |
|
145. |
Fir-rigward tal-elezzjonijiet muniċipali (komuni, rħula u bliet) li nżammu fl‑2006, 2010, 2014 u 2018. 1. Il-proporzjon ta’ kandidati u ta’ persuni eletti mingħajr affiljazzjoni politika kien is-segwenti:
2. Il-proporzjon għoli ta’ kandidati u ta’ persuni eletti mingħajr affiljazzjoni politika huwa fenomenu li huwa osservat ukoll fil-listi tal-partiti politiċi ewlenin. Pereżempju, għall-elezzjonijiet muniċipali tal‑2018:
3. Fir-rigward tal-bliet Ċeki ewlenin, fi Praga, il-kandidat mingħajr affiljazzjoni politika Bohuslav Svoboda kien magħżul fl‑2010 sabiex ikun fuq nett tal-lista tal-ODS, l-iktar partit b’saħħtu tal-gvern fir-Repubblika Ċeka f’dan iż-żmien; imbagħad sar is-sindku ta’ Praga. Fl‑2014, Adriana Krnáčová, kandidata mingħajr affiljazzjoni politika, fuq nett fil-lista tal-ANO, saret sindku ta’ Praga u Tomáš Macura, kandidat mingħajr affiljazzjoni politika, fuq nett fil-lista tal-ANO sar sindku ta’ Ostrava, it-tielet l-ikbar belt tar-Repubblika Ċeka. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Iktar ’il quddiem iċ-“ċittadini ‘mobbli’ tal-Unjoni”.
( 3 ) Il-Kummissjoni ppreżentat rikors identiku kontra r-Repubblika tal-Polonja (Kawża C‑814/21) li qiegħed jiġi indirizzat b’mod kkoordinat. Fit‑12 ta’ Settembru 2023 ġiet organizzata seduta għas-sottomissjonijiet orali komuni għal dawn iż-żewġ kawżi.
( 4 ) Iktar ’il quddiem il-“Karta”.
( 5 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 20, Vol. 1, p. 7.
( 6 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 20, Vol. 1, p. 12.
( 7 ) Iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Partiti Politiċi”.
( 8 ) Iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Elezzjonijiet għall-Kunsilli Muniċipali”.
( 9 ) Iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew”.
( 10 ) Iktar ’il quddiem “li jissieħbu f’partit politiku”.
( 11 ) Ir-Repubblika Ċeka tiċċita s-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2006, Eman u Sevinger (C‑300/04, iktar ’il quddiem is-“sentenza Eman u Sevinger, EU:C:2006:545, punt 53).
( 12 ) Fir-rigward tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, il-Kummissjoni tiċċita s-sentenzi tal‑5 ta’ Diċembru 1989, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑3/88, EU:C:1989:606, punt 8), u tas‑17 ta’ Lulju 2008, Raccanelli (C‑94/07, EU:C:2008:425, punt 45), kif ukoll it-tielet premessa tad-Direttiva 93/109. Bħala eżempju, hija tirreferi għas-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2004, My (C‑293/03, EU:C:2004:821, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata), dwar l-Artikolu 18 KE li sar l-Artikolu 21 TFUE. Fir-rigward tad-drittijiet fundamentali, il-Kummissjoni ssemmi s-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 1991, ERT (C‑260/89, EU:C:1991:254, punti 43 u 44), u tfakkar dawk li hija ċċitat fir-rikors tagħha, jiġifieri s-sentenzi tas‑27 ta’ April 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑441/02, EU:C:2006:253, punt 108), u tal‑15 ta’ Lulju 2021, The Department for Communities in Northern Ireland (C‑709/20, EU:C:2021:602, punt 88). Dwar ir-rekwiżit ta’ konformità tar-regoli nazzjonali mal-libertà ta’ assoċjazzjoni stabbilita fl-Artikolu 12 tal-Karta, hija tirreferi għas-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Trasparenza assoċjattiva) (C‑78/18, EU:C:2020:476).
( 13 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin) (C‑204/21, EU:C:2023:442, punti 188 sa 190, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 14 ) Ara b’analoġija, is-sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (C‑132/09, EU:C:2010:562, punti 40 u 41).
( 15 ) Korsiv miżjud minni.
( 16 ) Dan l-argument huwa sostnut bi tweġiba għan-nota ta’ intervent tar-Repubblika tal-Polonja.
( 17 ) F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirreferi għas-sentenza Eman u Sevinger.
( 18 ) Il-Kummissjoni ssemmi s-sentenza tas‑27 ta’ April 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑441/02, EU:C:2006:253, punt 108).
( 19 ) Iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, iktar ’il quddiem il-“KEDB”.
( 20 ) Il-Kummissjoni tiċċita s-sentenzi tal-Qorti EDB tat‑30 ta’ Jannar 1998, Parti communiste unifié de Turquie et vs It‑Turkija (CE:ECHR:1998:0130JUD001939292, punt 44), u, għal dak li jirrigwarda l-importanza tal-partiti politiċi, bħala eżempju, is-sentenzi tal‑25 ta’ Mejju 1998, Parti socialiste et vs It‑Turkija (CE:ECHR:1998:0525JUD002123793, punt 41), kif ukoll tat‑13 ta’ Frar 2003, Refah Partisi (Partit tal-prosperità) et vs It‑Turkija (CE:ECHR:2003:0213JUD004134098, punti 86 sa 89).
( 21 ) Iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida tal-Kummissjoni ta’ Venezia”. Ara t-tieni edizzjoni ta’ dawn il-linji gwida (studju nru 881/2017). Il-Kummissjoni tirreferi għall-kummenti li jinsabu fil-punt 1 (p. 5), kif ukoll fil-punti 17 u 18 (p. 9). Fir-rigward tar-rabta li jikkostitwixxu l-partiti politiċi bejn iċ-ċittadini u l-uffiċjali pubbliċi, dik l-istituzzjoni ssemmi l-punt 18 (p. 9).
( 22 ) Ara l-punti 51 u 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 23 ) F’dan ir-rigward, hija tirrileva li l-argument tar-Repubblika Ċeka bbażat fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 94/80 huwa żbaljat. Bi tweġiba għan-nota ta’ intervent tar-Repubblika tal-Polonja, il-Kummissjoni targumenta li projbizzjoni ġġeneralizzata ta’ sħubija ma’ partit politiku tmur lil hinn mir-restrizzjonijiet ammessi mid-dritt sekondarju.
( 24 ) Punt 53 ta’ dik is-sentenza.
( 25 ) Hija tirreferi għas-sentenza tal-Qorti EDB tas‑27 ta’ April 1995, Piermont vs Franza (CE:ECHR:1995:0427JUD001577389, punt 64), li tipprovdi li l-Istati Membri tal-Unjoni ma jistgħux jipprevalu minn din id-dispożizzjoni kontra ċittadini ta’ Stati Membri oħra li jinvokaw drittijiet mogħtija lilhom mit-Trattati.
( 26 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Il-Kummissjoni tippreċiża li, permezz ta’ din id-deċiżjoni, ġie miċħud ir-rikors tal-partit politiku evropani.cz kontra d-deċiżjoni tal-Ministerstva vnitra (il-Ministeru għall-Intern, ir-Repubblika Ċeka) li tirrifjuta r-reġistrazzjoni ta’ emenda tal-istatuti ta’ dan il-partit politiku li kienet intiża sabiex tiġi awtorizzata s-sħubija ta’ ċittadini tal-Unjoni li għandhom permess ta’ residenza permanenti fir-Repubblika Ċeka.
( 27 ) Il-Kummissjoni tirreferi għad-dokumenti ċċitati fin-noti ta’ qiegħ il-paġna 71 u 72 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 28 ) Fir-risposta tagħha, ir-Repubblika Ċeka, tqis preliminarjament, li l-għan ta’ dan ir-rikors huwa ta’ ordni politika, sa fejn huwa intiż sabiex jiżgura involviment ikbar taċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni fil-ħajja politika Ewropea, inkluż id-dritt tagħhom tal-vot fl-elezzjonijiet nazzjonali jew reġjonali. Dan l-Istat Membru jiċċita, bħala eżempju, ir-Raba’ Rapport tal-Kummissjoni dwar iċ-Ċittadinanza tal-Unjoni (1 ta’ Mejju 2001 – 30 ta’ April 2004) [COM(2004) 695 final], p. 11, jew ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-Applikazzjoni tad-Direttiva 94/80/KE dwar id-dritt tal-vot u tal-kandidatura f’elezzjonijiet muniċipali, tal‑25 ta’ Jannar 2018 [COM(2018) 44 final], p. 12.
( 29 ) Il-kwotazzjonijiet li jinsabu fir-risposta jikkorrispondu għar-raba’ sas-sitt premessa tal-ewwel minn dawn id-direttivi u għall-ħames premessa tat-tieni.
( 30 ) Ir-Repubblika Ċeka tenfasizza li l-Qorti tal-Ġustizzja interpretat f’dan is-sens l-Artikolu 19(2) KE u tiċċita s-sentenza Eman u Sevinger (punt 53).
( 31 ) Fil-kontroreplika tagħha, ir-Repubblika Ċeka tenfasizza li, permezz ta’ din l-espressjoni, għandha ssir distinzjoni bejn l-Artikolu 22 TFUE u, pereżempju, l-Artikolu 59 TFUE li jirreferi għall-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju għall-“kisba” progressiva tal-liberalizzazzjoni ta’ ċertu tip ta’ servizzi. Minn dan, dan l-Istat Membru jiddeduċi li l-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma jiddependix direttament mill-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni sekondarja.
( 32 ) Fi kliem ieħor, skont ir-Repubblika Ċeka, dan l-Artikolu 4(2) TUE ma jservix sabiex jirrestrinġi l-kontenut tal-Artikolu 22 TFUE għar-raġuni li ma għandux il-portata allegata mill-Kummissjoni, li jippermetti “[lill]-Istati Membri […] jadottaw ir-regoli li huma l-aktar adattati għall-istruttura kostituzzjonali tagħhom”. Dan l-Istat Membru jiċċita s-sentenza Eman u Sevinger (punt 50).
( 33 ) F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Ċeka tiċċita, bħala eżempju, is-sentenza tan-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema) tal‑10 ta’ Jannar 2018, 6 As 84/2017-27. Hija tippreċiża, bi tweġiba għall-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni (ara l-punt 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet), li, fl-assenza ta’ deċiżjoni tal-Ústavní soud (il-Qorti Kostituzzjonali), din il-ġurisprudenza hija determinanti għall-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.
( 34 ) Insostenn ta’ dan l-argument, ir-Repubblika tal-Polonja targumenta li l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni sostnuta mill-Kummissjoni tmur kontra l-prinċipju ta’ attribuzzjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 5(2) TUE.
( 35 ) Ara l-punti 29 u 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet dwar l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors.
( 36 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 37 ) Ir-Repubblika Ċeka tiċċita s-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 1998, Martínez Sala (C‑85/96, EU:C:1998:217, punti 58, 59 u 63).
( 38 ) Ir-Repubblika Ċeka tirreferi għas-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 1989, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (305/87, EU:C:1989:218, punt 28). Hija tippreċiża li “fost dawn id-dispożizzjonijiet partikolari, hemm b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-libertajiet fundamentali jiġifieri l-Artikoli 34, 45, 49, 56 u 63 TFUE, iżda wkoll dispożizzjonijiet oħra bħall-Artikolu 54 jew l-Artikolu 94 TFUE, u fl-aħħar nett l-Artikolu 22 TFUE”.
( 39 ) Skont dan l-Istat Membru, dan l-approċċ kien adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 1999, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (C‑172/98, EU:C:1999:335, punt 12), billi ddeċidiet li l-kundizzjoni ta’ nazzjonalità għar-rikonoxximent tal-personalità ġuridika tal-assoċjazzjonijiet tirrigwarda l-libertajiet fundamentali tas-suq intern u għalhekk taqa’ taħt il-projbizzjoni ġenerali tad-diskriminazzjoni fis-sens tal-Artikolu 6 tat-Trattat KE, li sar l-Artikolu 18 TFUE. Ir-Repubblika Ċeka tirrileva li l-libertà ta’ stabbiliment bħala dispożizzjoni speċifika tad-dritt primarju fil-qasam tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni ma kinitx sostnuta f’dik il-kawża.
( 40 ) Ara fil-qasam elettorali, fir-rigward tad-determinazzjoni tad-detenturi ta’ drittijiet elettorali, is-sentenzi Eman u Sevinger (punti 45 u 52), kif ukoll tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Delvigne (C‑650/13, EU:C:2015:648, punt 42). Ara wkoll, fir-rigward tad-drittijiet marbuta maċ-ċittadinanza tal-Unjoni, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2021, Stolichna obshtina, rayonPancharevo (C‑490/20, EU:C:2021:1008, punt 52). Ara fl-aħħar nett, fir-rigward tal-valuri tal-Unjoni, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin) (C‑204/21, EU:C:2023:442, punti 64 sa 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 41 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 u mill-Artikolu 12 tal-Att tal‑20 ta’ Settembru 1976 dwar l-elezzjoni tar-rappreżentanti fl-Assemblea b’vot universali dirett (ĠU 1976, L 278, p. 5), li jippreċiża l-prinċipji komuni applikabbli għall-proċedura ta’ elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew b’vot universali dirett, jirriżulta li l-Istati Membri jibqgħu bħala prinċipju kompetenti li jirregolaw il-proċedura elettorali. Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies (C‑502/19, EU:C:2019:1115, punti 67 sa 69).
( 42 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2022, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (Indiċjar tal-benefiċċji tal-familja) (C‑328/20, EU:C:2022:468, punt 57).
( 43 ) Ara l-aħħar parti tal-Artikolu 22 TFUE, kif ukoll ir-raba’ u s-sitt premessa tad-Direttiva 93/109, kif ukoll ir-raba’ u l-ħames premessa tad-Direttiva 94/80. Dawn id-direttivi jagħtu dettalji dwar il-kundizzjonijiet komuni ta’ eżerċizzju tad-dritt tal-vot u tal-kandidatura relattivi, pereżempju, għaċ-ċittadinanza tal-Unjoni u għat-tul ta’ residenza stabbilit mill-Istat Membru ta’ residenza, il-modalitajiet ta’ inklużjoni fil-listi elettorali u ta’ dikjarazzjoni ta’ kandidatura, kif ukoll il-każijiet ta’ esklużjoni.
( 44 ) Fuq il-klassifikazzjoni ta’ “status fundamentali”, ara b’mod partikolari, is-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2022, Préfet du Gers u Institut national de la statistique et des études économiques (C‑673/20, EU:C:2022:449, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 45 ) Ara l-ewwel u t-tielet premessa tad-Direttivi 93/109 u 94/80. Skont Shaw, J., “Sovereignty at the Boundaries of the Polity”, f’Walker, N., Sovereignty in Transition, Hart Publishing, Londra, 2003, p. 461 sa 500, b’mod partikolari p. 471, id-dispożizzjonijiet relatati mad-drittijiet elettorali jirrappreżentaw parti kbira mill-valur miżjud tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta’ Maastricht. Fil-fatt, il-possibbiltà li wieħed jipparteċipa fl-elezzjonijiet diretti għall-Parlament Ewropew ilha teżisti sa mill-Att tal‑20 ta’ Settembru 1976 (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Kien biss wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Maastricht li dan id-dritt ġie rregolat mit-Trattat KE, fl-Artikolu 8 B, imbagħad fl-Artikolu 19 KE u fl-Artikolu 22 TFUE. Għal tfakkira tal-istorja leġiżlattiva, ara Shaw, J., u Khadar, L., “Article 39”, f’Peers, S., Hervey, T., Kenner, J., u Ward, A., The EU Charter of Fundamental Rights: A Commentary, it-tieni edizzjoni, Hart Publishing, Oxford, 2021, p. 1085 sa 1112, b’mod partikolari l-punti 39.33 u 39.34 (p. 1093 u 1094). L-istess japplika għall-elezzjonijiet muniċipali sa minn dan it-Trattat. Għal tfakkira storika ddettaljata, ara Groenendijk, K., “Article 40”, The EU Charter of Fundamental Rights: A Commentary, op. cit., p. 1113 sa 1123, b’mod partikolari l-punt 40.17 (p. 1118). Ara, fir-rigward tal-Artikolu 19 KE, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Ir‑Renju Unit (C‑145/04, EU:C:2006:543, punt 66),u fl-istess sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Delvigne (C‑650/13, EU:C:2015:648, punt 42).
( 46 ) Ara t-tielet premessa tad-Direttivi 93/109 u 94/80, kif ukoll, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2022, Préfet du Gers u Institut national de la statistique et des études économiques (C‑673/20, EU:C:2022:449, punt 50).
( 47 ) Skont l-Artikolu 6(1) TUE, hija għandha l-istess valur legali bħat-Trattati.
( 48 ) Skont l-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17) (iktar ’il quddiem l-“ispjegazzjonijiet dwar il-Karta”), “l-Artikolu 39(1) jikkorrispondi għad-dritt iggarantit bl-Artikolu 20(2) [TFUE]” u l-Artikolu 22 TFUE jikkostitwixxi l-bażi legali għall-adozzjoni tal-modalitajiet ta’ eżerċizzju ta’ dan id-dritt.
( 49 ) Skont l-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta, dan l-artikolu “jikkorrispondi għad-dritt iggarantit bl-Artikolu 20(2) [TFUE]” u l-Artikolu 22 TFUE jikkostitwixxi l-bażi legali għall-adozzjoni tal-modalitajiet ta’ eżerċizzju ta’ dan id-dritt. Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2022, Préfet du Gers u Institut national de la statistique et des études économiques (C‑673/20, EU:C:2022:449, punt 51).
( 50 ) Ara s-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2001, Grzelzyk (C‑184/99, EU:C:2001:458, punt 31).
( 51 ) Ara l-Artikolu 2 TUE. Ara f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin) (C‑204/21, EU:C:2023:442, punti 64 u 67, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), li għandha titqabbel mas-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Trasparenza assoċjattiva) ((C‑78/18, EU:C:2020:476, punt 112), ibbażata fuq ir-rabta impliċita bejn tliet valuri stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, jiġifieri d-demokrazija, l-Istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet fundamentali). Dwar is-setgħa ta’ kontroll tal-istituzzjonijiet, ara s-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2022, L‑Ungerija vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑156/21, EU:C:2022:97, punt 159).
( 52 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 10(1) TUE jikkonkretizza l-valur tad-demokrazija msemmi fl-Artikolu 2 TUE. Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies (C‑502/19, EU:C:2019:1115, punt 63).
( 53 ) Ara l-għaxar premessa u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 93/109, kif ukoll l-erbatax‑il premessa u l-Artikolu 12(1)(ċ) tad-Direttiva 94/80. Ara wkoll, dwar l-importanza ta’ dan il-fattur, Shaw, J., “Sovereignty at the Boundaries of the Polity”, op. cit., p. 478, li jipprovdi li “[i]d-drittijiet elettorali […] huma drittijiet komplementari għall-migrazzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni, drittijiet li għandhom jiġu stabbiliti mill-Unjoni li taġixxi bħala grupp politiku protettur sabiex tiffavorixxi sentiment iktar profond ta’ involviment min-naħa tal-migrant tal-Unjoni fl-Istat ospitanti kif ukoll f’ċerti aspetti tal-kultura politika tiegħu, u sabiex tillimita d-dannu fir-rigward tat-telf ta’ drittijiet politiċi li l-migrant jista’ jkun vittma tiegħu minħabba li telaq mill-Istat ta’ oriġini tiegħu” (traduzzjoni libera).
( 54 ) Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-regoli ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn iċ-ċittadini u persuni li ma humiex jipprojbixxu mhux biss id-diskriminazzjoni apparenti minħabba n-nazzjonalità, iżda wkoll il-forom kollha moħbija ta’ diskriminazzjoni li, bl-applikazzjoni ta’ kriterji oħra ta’ distinzjoni, iwasslu fil-fatt għall-istess riżultat. Ara s-sentenza tat‑2 ta’ Frar 2023, Freikirche der Siebenten-Tags-Adventisten in Deutschland (C‑372/21, EU:C:2023:59, punt 29).
( 55 ) Ara f’dan is-sens, is-sitt premessa tad-Direttiva 93/109 u l-ħames premessa tad-Direttiva 94/80.
( 56 ) Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, TÜV Rheinland LGA Products u Allianz IARD (C‑581/18, EU:C:2020:453, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 57 ) Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2022, Préfet du Gers u Institut national de la statistique et des études économiques (C‑673/20, EU:C:2022:449, punt 48).
( 58 ) Ara speċjalment, il-punti 17 u 18 (p. 9).
( 59 ) Ara f’dan ir-rigward, dwar il-finanzjament u l-aċċess għall-midja, il-Linji Gwida tal-Kummissjoni ta’ Venezia, punt 185 (p. 59 u 60).
( 60 ) Ara l-punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ara wkoll is-sentenza tal-Qorti EDB tat‑8 ta’ Lulju 2008, Yumak u Sadak vs It‑Turkija (CE:ECHR:2008:0708JUD00102260, punt 107 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-ġurisprudenza stabbilita tagħha, dik il-Qorti tenfasizza li d-dibattitu politiku, li għalih jikkontribwixxu l-partiti politiċi, “jinsab fil-qalba nnifisha tal-kunċett ta’ soċjetà demokratika”.
( 61 ) Din id-dispożizzjoni tirrigwarda l-partiti politiċi Ewropej. Essenzjalment, dan jirriproduċi t-termini tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 191 KE.
( 62 ) Ara l-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta.
( 63 ) Fuq ir-rabta stabbilita bejn l-Artikoli 39 u 40 tal-Karta u l-Artikolu 12(2) tagħha, dwar ir-rwol tal-partiti politiċi, ara Costa, O., “Article 39 – Droit de vote et d’éligibilité aux élections municipales et au Parlement européen”, f’Picod, F., Rizcallah, C., u Van Drooghenbroeck, S., Charte des droits fondamentaux de l’Union européenne: commentaire article par article, it-tielet edizzjoni, Bruylant, Brussell, 2023, p. 1043 sa 1068, b’mod partikolari l-punt 6 (p. 1048), u fl-istess xogħol, Ducoulombier, P., “Article 12 – Liberté de réunion et d’association”, p. 313 sa 327, b’mod partikolari l-punt 6 (p. 317 u 318). Ara wkoll, Shaw, J., u Khadar, L., op. cit., punt 39.04 (p. 1087), kif ukoll Groenendijk, K., op. cit., punt 40.26 (p. 1120).
( 64 ) Ara l-punt 72 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 65 ) Dan l-artikolu jikkorrispondi għall-Artikolu 10 tal-KEDB. Ara l-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta.
( 66 ) Ara wkoll, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 1 tal-KEDB, kif ukoll is-sentenza tal-Qorti EDB, 18 ta’ Frar 1999, Matthews vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:1999:0218JUD002483394, punt 44), li tirrigwarda l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għall-elezzjonijiet tal-membri tal-Parlament Ewropew.
( 67 ) Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Trasparenza assoċjattiva) (C‑78/18, EU:C:2020:476, punti 111 sa 114).
( 68 ) Ara s-sentenza tal-Qorti EDB tat‑30 ta’ Jannar 1998, Parti communiste unifié de Turquie et vs It‑Turkija (CE:ECHR:1998:0130JUD001939292, punt 25). Fiha ġie ppreċiżat li “il-partiti politiċi jirrappreżentaw forma ta’ assoċjazzjoni essenzjali għall-funzjonament tajjeb tad-demokrazija. Fid-dawl tal-importanza tagħha fis-sistema tal-[KEDB] […], ma jista’ jkun hemm ebda dubju li jaqgħu taħt l-Artikolu 11”. Fir-rigward tal-importanza tal-parteċipazzjoni fil-ħajja pubblika taċ-ċittadini f’kuntest iktar wiesa’, ara b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti EDB tas‑17 ta’ Frar 2004, Gorzelik et vs Il‑Polonja (CE:ECHR:2004:0217JUD004415898, punti 88, 90 u 92), kif ukoll tat‑8 ta’ Ottubru 2009, Tebieti Mühafize Cemiyyeti u Israfilov vs L‑Ażerbajġan (CE:ECHR:2009:1008JUD003708303, punti 52 u 53).
( 69 ) Dawn huma l-Artikolu 65 tal-Liġi dwar l-Elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew u l-Artikolu 85 taż-zákon č. 247/1995 Sb. o volbách do Parlamentu České republiky a o změně a doplnění některých dalších zákonů (il-Liġi Nru 247/1995 dwar l-Elezzjonijiet għall-Parlament tar-Repubblika Ċeka u li Temenda u Tikkompleta Ċerti Liġijiet) tas‑27 ta’ Settembru 1995, kif ukoll l-Artikolu 20(5) sa (8) tal-Liġi dwar il-Partiti Politiċi. Ara, għal tfakkira ddettaljata tal-kontenut ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, l-Anness I ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 70 ) Il-Kummissjoni ssemmi l-Artikolu 21(4) u l-Anness tal-Liġi dwar l-Elezzjonijiet għall-Kunsilli Muniċipali.
( 71 ) Il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq l-opinjoni ta’ Antoš, M., “Politická participace cizinců v České republice”, Politologický časopis, Masarykova univerzita, Brno, 2012, Nru 2, p. 113 sa 127, b’mod partikolari p. 123 u 124.
( 72 ) Hija tirreferi għall-istqarrija għall-istampa tal-Uffiċċju Ċek tal-Ombudsman tat‑23 ta’ Lulju 2014, intitolata “Občané EU žijící v ČR mají právo účastnit se politického života” (Iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea li jgħixu fir-Repubblika Ċeka għandhom id-dritt li jipparteċipaw fil-ħajja politika), disponibbli fl-indirizz tal-internet li ġej: https://www.ochrance.cz/aktualne/obcane-eu-zijici-v-cr-maji-pravo-ucastnit-se-politickeho-zivota, l-aħħar paragrafu.
( 73 ) Madankollu, il-Kummissjoni tirreferi għar-Rapport tal-Valutazzjoni tal-Impatt li jakkumpanja l-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill, ippreżentati fil‑25 ta’ Novembru 2021 li tistabbilixxi l-modalitajiet tal-eżerċizzju tad-dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew għaċ-ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu fi Stat Membru li tiegħu ma humiex ċittadini (Dokument tax-Xogħol SWD(2021) 357 final). Hija tosserva li dan jindika li, waqt il-konsultazzjoni pubblika, u minkejja li din kellha biss rispons limitat mingħand il-pubbliku, instab tal-inqas kontributur wieħed li ddikjara li kien ipprova joħroġ għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fi Stat Membru ieħor u kien impossibbli li joħloq partit politiku jew jissieħeb f’partit politiku eżistenti.
( 74 ) Ara l-Anness II ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 75 ) Il-Kummissjoni tirrileva li l-persuni ċċitati huma ta’ nazzjonalità Ċeka. Dawn huma, pereżempju, l-uniku kosmonawt Ċek (Vladimír Remek), Eks Ministru għall-Affarijiet Barranin (Josef Zieleniec), eks ambaxxatriċi Ċeka fil-Qatar u fil-Kuwajt magħrufa (Jana Hybášková), membru għal perijodu twil fil-bord tad-diretturi taċ-Česká národní banka (il-Bank Nazzjonali Ċek), magħruf fil-midja, u anki l-eks viċi gvernatur ta’ dan il-bank (Luděk Niedermayer), Eks Ministru għall-Ġustizzja (Jiří Pospíšil), jew anki akkademiku universitarju popolari u magħruf fil-midja (Jan Keller). Fir-rigward ta’ Franz Stros, ċittadin Ġermaniż, elett fil-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni tfakkar li dan huwa awtur, eks ċittadin Ċekoslovakk.
( 76 ) Ir-Repubblika tal-Polonja, intervenjenti, tenfasizza li l-kandidati “mhux affiljati” f’partit – inkluż iċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni – jibbenefikaw minn garanzija totali ta’ aċċess għall-forom ta’ kandidatura kollha previsti mil-liġi Ċeka u li l-għażla li l-kandidati joħorġu fuq il-listi ta’ partiti politiċi tiddependi biss fil-prattika mill-volontà reċiproka ta’ kooperazzjoni.
( 77 ) Hija tfakkar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-oneru tal-prova impost fuq il-Kummissjoni u tiċċita s-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2019, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Repubblika Ċeka (C‑399/17, EU:C:2019:200, punt 51).
( 78 ) Ara l-Anness II ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ir-Repubblika Ċeka tippreċiża, fil-kontroreplika tagħha, li distinzjoni bejn iċ-ċittadini Ċeki u mhux Ċeki ma tagħmilx sens peress li huwa komuni li kandidati fl-elezzjonijiet ikunu “mingħajr affiljazzjoni politika” u l-istatus tagħhom bl-ebda mod ma jvarja skont in-nazzjonalità tagħhom. Hija tikkontesta l-mod li bih il-Kummissjoni tirrelativizza l-informazzjoni dwar is-suċċessi elettorali ta’ ċerti kandidati (ara l-punt 99 ta’ dawn il-konklużjonijiet).
( 79 ) Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Trasparenza assoċjattiva) (C‑78/18, EU:C:2020:476, punt 37).
( 80 ) Dawn huma analizzati fl-istess sens mir-Repubblika tal-Polonja.
( 81 ) Ara b’mod partikolari l-punt 93 ta’ dawn il-konklużjonijiet fir-rigward tal-kundizzjonijiet legali fl-elezzjonijiet muniċipali, invokati mill-Kummissjoni, mhux diskussi mir-Repubblika Ċeka, kif ukoll id-dokumenti ċċitati fin-noti ta’ qiegħ il-paġna 71 u 72 tagħhom.
( 82 ) Bi tweġiba għall-argumenti mressqa mir-Repubblika tal-Polonja (ara l-punt 123 ta’ dawn il-konklużjonijiet), il-Kummissjoni tiddeduċi minnhom li din il-ġustifikazzjoni tinkludi wkoll is-sitwazzjoni li fiha ċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni jeleġġu fil-korpi interni tal-partiti politiċi ċittadini tal-Istat Membru ospitanti, li jinterferixxu b’mod mhux xieraq fl-oqsma rriżervati għall-Istati Membri.
( 83 ) Skont il-Kummissjoni, dan il-limitu juri li r-rispett tal-identità nazzjonali “huwa rifless b’mod sħiħ fl-Artikolu 22 TFUE”.
( 84 ) Il-Kummissjoni tiċċita s-sentenzi tat‑8 ta’ Mejju 2003, ATRAL (C‑14/02, EU:C:2003:265, punt 69), u tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Trasparenza assoċjattiva) (C‑78/18, EU:C:2020:476, punti 76 u 77), kif ukoll is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Sayn-Wittgenstein (C‑208/09, EU:C:2010:806, punti 81 u 90).
( 85 ) Din hija s-sentenza tas‑27 ta’ April 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑441/02, EU:C:2006:253, punt 108). Skont ir-Repubblika Ċeka, il-Kummissjoni taqra dan il-punt b’mod żbaljat minħabba l-formulazzjoni tiegħu li hija tenfasizza l-aħħar parti tiegħu, jiġifieri: “[j]istgħu jittresqu motivi ta’ interess ġenerali biex jiġġustifikaw miżura nazzjonali li hija ta’ natura li tostakola l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat biss meta l-miżura in kwistjoni tieħu tali drittijiet in kunsiderazzjoni”.
( 86 ) Ara f’dan is-sens, il-ħames premessa tad-Direttiva 93/109 u r-raba’ premessa tad-Direttiva 94/80. Ara wkoll, is-sentenza Eman u Sevinger (punti 52 u 53).
( 87 ) Ara l-punt 77 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ara, f’dan ir-rigward, dwar ir-restrizzjoni tal-aċċess għal ċerti karigi għaċ-ċittadini nazzjonali u tal-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet ta’ assemblea parlamentari, il-ħames u l-għaxar premessa, kif ukoll l-Artikolu 5(3) u (4) tad-Direttiva 94/80. Fuq il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri fil-kuntest ta’ dan il-marġni ta’ manuvra, ara r-Rapport ta’ Valutazzjoni tal-Impatt iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 73 ta’ dawn il-konklużjonijiet, punt 1.3.6 (p. 20), u l-analiżi ta’ Blacher, P., “Article 40 – Droit de vote et d’éligibilité aux élections municipales”, f’Picod, F., Rizcallah, C., u Van Drooghenbroeck, S., op. cit., p. 1069 sa 1088, b’mod partikolari l-punt 16 (p. 1083 u 1084). Għal dak li jirrigwarda l-limitazzjonijiet tad-dritt tal-vot u tal-kandidatura, speċjalment skont il-proporzjon ta’ ċittadini “mobbli” tal-Unjoni fl-Istat Membru ta’ residenza u t-tul ta’ residenza, ara l-Artikolu 14 tad-Direttiva 93/109 u l-Artikolu 12 tad-Direttiva 94/80. Ara wkoll, il-kummenti ta’ Shaw, J., u Khadar, L., op. cit., punt 39.74 (p. 1104), fir-rigward tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, kif ukoll ta’ Groenendijk, K., op. cit., punti 40.27 u 40.28 (p. 1121), fir-rigward tal-elezzjonijiet muniċipali.
( 88 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-Linji Gwida tal-Kummissjoni ta’ Venezia, punti 153 u 155 (p. 49 u 50). Ara wkoll, bħala eżempju, ir-Rapport ta’ Alina Ostling iffinanzjat mill-Programm Drittijiet, Ugwaljanza u Ċittadinanza (2014-2020) tal-Kummissjoni, intitolat “Fair EU Synthesis report: Electoral Rights for Mobile EU Citizens – Challenges and Facilitators of Implementation”, punt 4.1.2 (p. 27).
( 89 ) Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin) (C‑204/21, EU:C:2023:442, punt 72).
( 90 ) Ara t-tieni u l-ħames premessa tal-Preambolu tal-Karta.
( 91 ) Fir-rigward tal-portata ta’ dan l-artikolu, għandu jsir riferiment għall-punti 74, 84 u 87 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 92 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Frar 2022, L‑Ungerija vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑156/21, EU:C:2022:97, punt 127), u tas‑16 ta’ Frar 2022, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑157/21, EU:C:2022:98, punt 145). Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin) (C‑204/21, EU:C:2023:442, punt 72).
( 93 ) Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-Repubblika Ċeka, għandu jiġi kkonstatat, b’konformità mal-Artikolu 52(2) tal-Karta, li, bid-differenza għall-artikoli l-oħra tat-Trattat, bħal pereżempju, l-Artiklu 45(3) u l-Artikolu 65(2) TFUE, dan l-Artikolu 22 ma jipprovdix li, lil hinn mill-atti tad-dritt sekondarju meħuda abbażi tiegħu, l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri ta’ natura li jostakolaw id-drittijiet elettorali taċ-ċittadini “mobbli” tal-Unjoni.
( 94 ) Ara l-Artikolu 1(1) u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/109, kif ukoll l-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 3 tad-Direttiva 94/80. Ara wkoll, il-punt 127 ta’ dawn il-konklużjonijiet.