KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fis‑27 ta’ April 2023 ( 1 )

Kawża C‑807/21

Deutsche Wohnen SE

vs

Staatsanwaltschaft Berlin

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tad-data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Ksur – Imputazzjoni lil impriża ta’ ksur imwettaq mill-impjegati tagħha – Eventwali responsabbiltà mingħajr culpa – Traspożizzjoni ta’ kunċetti żviluppati fid-dritt tal-kompetizzjoni”

1.

Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari joffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tiddeċiedi dwar il-kundizzjonijiet li fihom multa amministrattiva tista’ tiġi imposta fuq persuna ġuridika għal ksur tar-Regolament (UE) 2016/679 ( 2 ).

2.

B’mod partikolari għandu jiġi ddeterminat:

Jekk il-persuna ġuridika tistax tiġi ssanzjonata mingħajr ma jkun neċessarju li tiġi kkonstatata minn qabel ir-responsabbiltà ta’ persuna fiżika.

Jekk il-ksur li huwa ssanzjonat għandux, fi kwalunkwe każ, ikun meqjus bħala intenzjonali jew negliġenti, jew jekk is-sempliċi ksur oġġettiv ta’ obbligu huwiex biżżejjed.

I. Il‑kuntest ġuridiku

A.   Id‑dritt tal‑Unjoni. Il‑GDPR

3.

Il-premessa 74 tiddikjara:

“Ir-responsabbiltà tal-kontrollur għal kwalunkwe pproċessar ta’ data personali li jitwettaq mill-kontrollur jew f’isem il-kontrollur għandha tiġi stabbilita. B’mod partikolari, il-kontrollur għandu jkun obbligat jimplimenta miżuri adatti u effettivi u jkun jista’ juri l-konformità tal-attivitajiet ta’ pproċessar ma’ dan ir-Regolament, inkluża l-effettività tal-miżuri. Dawk il-miżuri għandhom jikkunsidraw in-natura, l-ambitu, il-kuntest u l-għanijiet tal-ipproċessar u r-riskju għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi.”

4.

Il-premessa 150, taqra:

“Sabiex issaħħaħ u tarmonizza l-pieni amministrattivi għall-ksur ta’ dan ir-Regolament, kull awtorità superviżorja għandu jkollha s-setgħa li timponi multi amministrattivi. Dan ir-Regolament għandu jindika l-ksur u l-limitu massimu u l-kriterji biex jiġu stabbiliti l-multi amministrattivi relatati, li għandhom jiġu ddeterminati mill-awtorità superviżorja kompetenti f’kull każ individwali, b’kont meħud taċ-ċirkostanzi rilevanti kollha tas-sitwazzjoni speċifika, filwaqt li jittieħed kont dovut b’mod partikolari għan-natura, il-gravità u t-tul taż-żmien tal-ksur u tal-konsegwenzi tiegħu u l-miżuri meħudin biex tiġi żgurata konformità mal-obbligi taħt dan ir-Regolament u għall-prevenzjoni jew il-mitigazzjoni tal-konsegwenzi tal-ksur. Fejn il-multi amministrattivi jiġu imposti fuq intrapiża, ‘intrapriża’ għandha tinftiehem bħala intrapriża skont l-Artikoli 101 u 102 TFUE għal dawk il-finijiet. […] Il-mekkaniżmu ta’ konsistenza jista’ jintuża wkoll biex jippromwovi applikazzjoni konsistenti tal-multi amministrattivi. […]”

5.

L-Artikolu 4 (“Definizzjonijiet”) jistabbilixxi li:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

7)

‘kontrollur’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew kwalunkwe korp ieħor li, waħdu jew flimkien ma’ oħrajn, jiddetermina l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ta’ data personali; fejn l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ikunu ddeterminati mil-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, il-kontrollur jew il-kriterji speċifiċi għall-ħatra tiegħu jistgħu jiġu determinati mil-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru;

8)

‘proċessur’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew korp ieħor li jipproċessa data personali f’isem il-kontrollur;

[…]

18)

‘impriża’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika involuta f’attività ekonomika, irrispettivament mill-forma legali tagħha, inkluż sħubiji [kumpanniji] jew assoċjazzjonijiet regolarment involuti f’attività ekonomika;

[…].”

6.

Il-paragrafu 2 tal-Artikolu 58 (“Setgħat”) jipprovdi li:

“Kull awtorità superviżorja għandu jkollha s-setgħat kollha korrettivi li ġejjin:

a)

li toħroġ twissijiet lil kontrollur jew proċessur li l-operazzjonijiet ta’ pproċessar maħsuba x’aktarx jiksru dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament;

b)

li ċċanfar kontrollur jew proċessur fejn l-operazzjonijiet ta’ pproċessar ikunu kisru dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament;

c)

li tordna lill-kontrollur jew il-proċessur jikkonforma mat-talbiet tas-suġġett tad-data li jeżerċita d-drittijiet tiegħu skont dan ir-Regolament;

d)

li tordna lill-kontrollur jew il-proċessur jagħmel operazzjonijiet ta’ pproċessar konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, fejn xieraq, b’mod speċifiku u f’perijodu ta’ żmien speċifiku;

[…]

i)

li timponi multa amministrattiva skont l-Artikolu 83, flimkien ma’, jew minflok il-miżuri msemmija f’dan il-paragrafu, skont iċ-ċirkostanzi ta’ kull każ individwali;

[…].”

7.

L-Artikolu 83 (“Kondizzjonijiet ġenerali biex jiġu imposti multi amministrattivi”) jistipula li:

“1.   Kull awtorità superviżorja għandha tiżgura li l-impożizzjoni ta’ multi amministrattivi skont dan l-Artikolu fir-rigward ta’ ksur ta’ dan ir-Regolament imsemmi fil-paragrafi 4, 5 u 6 għandha tkun effettiva, proporzjonata u dissważiva f’kull każ individwali.

2.   Il-multi amministrattivi għandhom, skont iċ-ċirkostanzi ta’ kull każ individwali, jiġu imposti flimkien ma’, jew minflok, miżuri msemmija fil-punti (a) sa (h) u (j) tal-Artikolu 58(2). Meta jiġi deċiż jekk għandiex tiġi imposta multa amministrattiva u jiġi deċiż l-ammont tal-multa amministrattiva, f’kull każ individwali, għandha tingħata konsiderazzjoni dovuta lil dawn li ġejjin:

a)

in-natura, il-gravità u d-dewmien tal-ksur b’kont meħud tan-natura, l-ambitu jew il-fini tal-ipproċessar ikkonċernat kif ukoll l-għadd ta’ suġġetti tad-data affettwati u l-livell ta’ dannu mġarrab minnhom;

b)

il-karattru intenzjonali jew negliġenti tal-ksur;

c)

kwalunkwe azzjoni meħuda mill-kontrollur jew il-proċessur biex jittaffa d-dannu mġarrab mis-suġġetti tad-data;

d)

il-grad ta’ responsabbiltà tal-kontrollur jew il-proċessur b’kont meħud tal-miżuri tekniċi u organizzattivi implimentati minnu skont l-Artikoli 25 u 32;

e)

kwalunkwe ksur preċedenti rilevanti mill-kontrollur jew il-proċessur;

f)

il-grad ta’ kooperazzjoni mal-awtorità superviżorja, sabiex jiġi rimedjat il-ksur u jittaffew l-effetti avversi possibbli tal-ksur;

g)

il-kategoriji ta’ data personali affettwati mill-ksur;

h)

il-mod li bih il-ksur sar magħruf mill-awtorità superviżorja, b’mod partikolari jekk, u jekk ikun hekk il-każ sa fejn, il-kontrollur jew il-proċessur innotifika l-ksur;

i)

fejn miżuri msemmija fl-Artikolu 58(2), ikunu ġew ordnati minn qabel kontra l-kontrollur jew il-proċessur ikkonċernat fir-rigward tal-istess suġġett, il-konformità ma’ dawk il-miżuri;

j)

l-aderenza mal-kodiċijiet approvati ta’ kondotta skont l-Artikolu 40 jew mal-mekkaniżmi approvati ta’ ċertifikazzjoni skont l-Artikolu 42; u

k)

kwalunkwe fattur aggravanti jew mitiganti applikabbli għaċ-ċirkostanzi tal-każ, bħal benefiċċji finanzjarji miksuba, jew telfiet evitati, direttament jew indirettament, mill-ksur.

3.   Jekk kontrollur jew proċessur, intenzjonalment jew b’negliġenza, għall-istess operazzjonijiet ta’ pproċessar jew għal dawk b’rabta ma’ xulxin, jikser diversi dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, l-ammont totali tal-multa amministrattiva ma għandux jaqbeż l-ammont speċifikat għall-ksur l-aktar gravi.

4.   Il-ksur tad-dispożizzjonijiet li ġejjin għandu, f’konformità mal-paragrafu 2a, ikun soġġett għal multi amministrattivi sa EUR 10000000, jew fil-każ ta’ impriża, sa 2 % tal-fatturat annwali dinji totali tas-sena finanzjarja preċedenti, skont liema jkun l-ogħla […].

5.   Il-ksur tad-dispożizzjonijiet li ġejjin għandu, f’konformità mal-paragrafu 2a, ikun soġġett għal multi amministrattivi sa EUR 20000000, jew fil-każ ta’ impriża, sa 4 % tal-fatturat annwali dinji totali tas-sena finanzjarja preċedenti, skont liema jkun l-ogħla:

[…]

6.   Nuqqas ta’ konformità ma’ ordni mill-awtorità superviżjorja kif imsemmija fl-Artikolu 58(2) għandu, f’konformità mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, ikun soġġett għal multi amministrattivi sa EUR 20000000, jew fil-każ ta’ impriża, sa 4 % tal-fatturat annwali dinji totali tas-sena finanzjarja preċedenti, skont liema jkun l-ogħla.

[…]

8.   L-eżerċizzju mill-awtorità superviżorja tas-setgħat tagħha taħt dan l-Artikolu għandu jkun soġġett għal salvagwardji proċedurali xierqa f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u l-liġi tal-Istat Membru, inklużi rimedju ġudizzjarju u proċess dovut effettivi.

[…].”

B.   Id‑dritt nazzjonali. L‑Ordnungswidrigkeitengesetz (il‑Liġi dwar il‑Ksur Amministrattiv) ( 3 )

8.

Skont l-Artikolu 9(1), meta persuna taġixxi bħala a) korp (jew membru ta’ dan il-korp) awtorizzat sabiex jirrappreżenta persuna ġuridika, b) soċju awtorizzat sabiex jirrappreżenta kumpannija li għandha personalità ġuridika jew ċ) rappreżentant legali ta’ terz, fil-konfront tagħha ser tkun applikabbli kull liġi li permezz tagħha l-funzjonijiet, ir-relazzjonijiet jew iċ-ċirkustanzi personali partikolari jiġġustifikaw eventwali sanzjoni meta dawn iċ-ċirkustanzi ma jkunux issodisfatti fir-rigward tagħha, iżda f’dik tal-persuna rrappreżentata.

9.

Skont l-Artikolu 9(2), dan japplika wkoll fil-każ ta’ proprjetarju ta’ stabbiliment (impriża) li jafda, totalment jew parzjalment, f’idejn persuna oħra t-tmexxija tiegħu jew it-twettiq, taħt ir-responsabbiltà rispettiva tiegħu, tal-kompiti tal-proprjetarju.

10.

L-Artikolu 30(1) jippermetti li tiġi imposta multa amministrattiva fuq persuna ġuridika meta l-persuna fiżika li tirrappreżentaha, tmexxiha jew hija responsabbli għall-ġestjoni tagħha tkun wettqet reat kriminali jew tkun naqset milli twettaq l-obbligi tal-persuna ġuridika.

11.

Skont l-Artikolu 30(4), ma hemmx lok li tiġi imposta multa awtonoma fuq persuna ġuridika jekk, minħabba l-ksur kriminali jew il-ksur amministrattiv, ma jinbdewx, jiġu sospiżi jew jiġu konklużi proċeduri kriminali jew amministrattivi kontra l-persuna fiżika.

12.

Skont l-Artikolu 130(1), dak li, bħala proprjetarju ta’ negozju jew impriża, jastjeni, b’mod intenzjonali jew b’negliġenza, milli jieħu l-miżuri ta’ sorveljanza neċessarji sabiex jipprevjeni, fi ħdan in-negozju jew fl-impriża, il-ksur tal-obbligi li għalihom huwa suġġett il-proprjetarju tagħha u li l-ksur tiegħu huwa suġġett għal piena jew multa, iwettaq ksur amministrattiv jekk dan il-ksur seta’ jiġi prekluż jew magħmul iktar diffiċli permezz ta’ miżuri ta’ sorveljanza xierqa, fosthom il-ħatra, l-għażla bir-reqqa u l-kontroll tal-persuni responsabbli mill-kontrolli.

II. Il‑fatti, il‑kawża u d‑domandi preliminari

13.

Deutsche Wohnen SE (iktar ’il quddiem, “Deutsche Wohnen”) hija kumpannija immobiljari kkwotata fil-Borża u li għandha s-sede tagħha f’Berlin. Hija għandha ishma indiretti f’madwar 163000 abitazzjoni u 3000 binja kummerċjali.

14.

Il-proprjetarji ta’ dawn il-proprjetajiet immobbli huma sussidjarji marbuta ma’ Deutsche Wohnen (“kumpanniji proprjetarji”) li jeżerċitaw l-attività operattiva, filwaqt li Deutsche Wohnen għandha r-responsabbiltà tat-tmexxija ċentrali tal-grupp. Il-kumpanniji proprjetarji jikru l-akkomodazzjonijiet u l-binjiet kummerċjali, li huma amministrati minn kumpanniji oħra tal-grupp, imsejħa impriżi ta’ servizzi.

15.

Fil-kuntest tal-attivitajiet kummerċjali tagħhom, Deutsche Wohnen u l-kumpanniji tal-grupp jipproċessaw id-data personali tal-kerrejja tal-proprjetajiet immobbli. Din id-data hija, b’mod partikolari, prova tal-identità, tad-data fiskali, tas-sigurtà soċjali u tal-assigurazzjoni għall-mard, kif ukoll data dwar il-kirjiet preċedenti.

16.

Fit‑23 ta’ Ġunju 2017, il-Berliner Beauftragte für den Datenschutz (l-awtorità kompetenti f’Berlin fil-qasam tal-protezzjoni tad-data; iktar ’il quddiem l-“awtorità għall-protezzjoni tad-data”), waqt spezzjoni fuq il-post, indikat lil Deutsche Wohnen li l-kumpanniji tal-grupp tagħha jaħżnu d-data personali tal-kerrejja f’sistema ta’ arkivjar elettroniku li fir-rigward tagħha ma kienx possibbli li jiġi ddeterminat jekk il-ħażna kinitx neċessarja u jekk kinux jeżistu garanziji li d-data li ma kinitx iktar meħtieġa tiġi mħassra.

17.

L-awtorità għall-protezzjoni tad-data ordnat lil Deutsche Wohnen tħassar, minn dak il-mument ’il quddiem u sa mhux iktar tard mill-aħħar tas-sena 2017, ċerti dokumenti mis-sistema ta’ arkivjar elettroniku.

18.

Deutsche Wohnen ċaħdet din l-ordni minħabba li tali tħassir ma kienx possibbli għal raġunijiet tekniċi u legali. Din l-oġġezzjoni ġiet indirizzata waqt laqgħa bejn Deutsche Wohnen u l-awtorità għall-protezzjoni tad-data, li matulha din tal-aħħar indikat li kienu jeżistu soluzzjonijiet tekniċi għat-tħassir tad-data. Id-diskussjonijiet komplew u Deutsche Wohnen ħabbret li hija kellha l-intenzjoni li timplimenta sistema ġdida li tissostitwixxi dik mhux aċċettata mill-awtorità għall-protezzjoni tad-data.

19.

Fil‑5 ta’ Marzu 2020, l-awtorità għall-protezzjoni tad-data wettqet spezzjoni ġewwa l-uffiċċju ewlieni tal-grupp, li matulha nġabru 16‑il test aleatorju totali mid-databases. Fl-istess ħin, Deutsche Wohnen informat lill-awtorità li s-sistema ta’ arkivjar kkontestata kienet diġà ġiet diżattivata u li l-migrazzjoni tad-data lejn is-sistema l-ġdida kienet ser issir immedjatament.

20.

Fit‑30 ta’ Ottubru 2020, l-awtorità għall-protezzjoni tad-data ssanzjonat lil Deutsche Wohnen talli:

Intenzjonalment naqset, bejn il‑25 ta’ Mejju 2018 u l‑5 ta’ Marzu 2019, milli tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tippermetti t-tħassir perijodiku tad-data tal-kerrejja li ma kinitx iktar neċessarja li tinħażen jew li għadha tinżamm indebitament għal raġunijiet oħra.

Żammet maħżuna data personali li kienet tikkonċerna mill-inqas 15‑il kerrej li kienu identifikati b’mod iktar preċiż, filwaqt li kienet konxja li din id-data ma kinitx jew ma baqgħetx iktar neċessarja.

21.

Il-multi imposti kienu jammontaw għal EUR 14385000 minħabba ksur intenzjonali tal-Artikolu 25(1) u tal-Artikolu 5(1)(a), (c) u (e) tal-GDPR, u għal ammonti ta’ bejn EUR 3000 u EUR 17000, għall‑15‑il ksur tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR.

22.

Deutsche Wohnen ippreżentat rikors kontra s-sanzjonijiet quddiem il-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin, il-Ġermanja), l-awtorità ġudizzjarja li laqgħet dan ir-rikors.

23.

L-iStaatsanwaltschaft Berlin (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Berlin, il-Ġermanja) ikkontesta d-deċiżjoni tal-ewwel istanza quddiem il-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin, il-Ġermanja), li għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 83(4) sa (6) tal-[GDPR] għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkorpora fid-dritt nazzjonali l-kunċett funzjonali ta’ impriża u l-prinċipju tal-entità funzjonali [(Funktionsträgerprinzip)] marbuta mal-Artikoli 101 u 102 TFUE, bil-konsegwenza li, billi jestendi l-prinċipju tal-entità legali [(Rechtsträgerprinzip)]li fuqu jibbaża l-Artikolu 30 tal-[OWiG], proċedura ta’ ksur amministrattiv tkun tista’ tittieħed direttament kontra impriża u l-impożizzjoni ta’ multa ma teħtieġx il-konstatazzjoni ta’ ksur amministrattiv imwettaq minn persuna fiżika identifikata, li tissodisfa, skont il-każ, l-elementi kollha li jikkostitwixxu l-ksur?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda: l-Artikolu 83(4) sa (6) tal-[GDPR], għandu jiġi interpretat fis-sens li l-impriża għandha tkun wettqet b’mod żbaljat [b’dolo jew b’negliġenza] il-ksur bl-intervent ta’ kollaboratur [ara l-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 [ ( 4 )] (…)], jew, ksur oġġettiv ta’ obbligu tal-impriża huwa bħala prinċipju suffiċjenti sabiex tiġi imposta multa fuq l-impriża (‘strict liability’)?”

III. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

24.

It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑23 ta’ Diċembru 2021.

25.

Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati minn Deutsche Wohnen, mill-Gvern Ġermaniż, mill-Gvern Estonjan, mill-Gvern Norveġiż u mill-Kummissjoni Ewropea.

26.

Fid‑9 ta’ Novembru 2002, skont l-Artikolu 101(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja stiednet lill-qorti tar-rinviju tippreċiża:

L-effett eventwali tal-Artikolu 130 tal-OWiG fuq l-ewwel waħda mid-domandi magħmula.

Ir-raġunijiet li għalihom hija tqis li risposta għat-tieni domanda preliminari kienet neċessarja, peress li, skont id-deċiżjoni tar-rinviju, is-sanzjonijiet ġew imposti minħabba ksur intenzjonali ta’ diversi dispożizzjonijiet tal-GDPR.

27.

Il-kjarifiki kkonċernati ġew irreġistrati fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Jannar 2023.

28.

Fis-seduta, li nżammet fis‑17 ta’ Jannar 2023, dehru, apparti dawk li kienu ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

IV. Analiżi

A.   L‑ewwel domanda preliminari

1. L‑osservazzjonijiet preliminari

29.

L-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju hija, essenzjalment, dik dwar jekk, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, persuna ġuridika tistax tiġi ssanzjonata għal ksur tal-GDPR mingħajr ma jkun neċessarju li dan il-ksur jiġi imputat, minn qabel, lil persuna fiżika.

30.

Madankollu, il-qorti tar-rinviju introduċiet diversi elementi ta’ kumplessità fid-domanda tagħha:

Hija tidentifika, fl-Artikolu 83(4) sa (6) tal-GDPR, ir-regola li l-interpretazzjoni tagħha tista’ tagħti risposta għad-domanda tagħha.

Hija tirreferi għal dawk li tikklassifika bħala “kunċett funzjonali ta’ impriża u l-prinċipju tal-entità funzjonali marbuta mal-Artikoli 101 u 102 TFUE.”

31.

Il-qorti tar-rinviju ssostni li l-leġiżlazzjoni interna tippermetti biss li tiġi imposta multa fuq impriża meta ċertu ksur imwettaq (unikament) mid-diretturi tagħha li jeżerċitaw funzjonijiet ta’ rappreżentazzjoni jistgħu jiġu imputati lilha ( 5 ).

32.

Deutsche Wohnen u l-Gvern Ġermaniż jikkontestaw din il-formulazzjoni. Fil-fehma tagħhom, l-Artikolu 30 tal-OWiG għandu jiġi interpretat flimkien mal-Artikolu 9 u mal-Artikolu 130, it-tnejn li huma tal-OWiG, li flimkien magħhom dan jikkostitwixxi sistema ta’ sanzjonijiet koerenti. Skont din is-sistema, impriża tista’ tiġi ssanzjonata amministrattivament mingħajr ma jkun meħtieġ il-ftuħ ta’ proċedura kontra l-persuna fiżika li tkun aġixxiet f’isimha ( 6 ).

33.

Mitluba mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tippreżenta l-fehmiet tagħha dwar l-effett eventwali tal-Artikolu 130 tal-OWiG, il-qorti tar-rinviju wieġbet li dan ma huwiex rilevanti għall-ewwel domanda preliminari. Sabiex tiġġustifika l-pożizzjoni tagħha, hija ssostni li:

Anki jekk dan l-artikolu, flimkien mal-Artikoli 9 u 30 tal-OWiG, jippermettu li jiġu imposti multi fuq impriża, il-protezzjoni ta’ interessi legali offruta mill-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet hija ristretta ħafna meta mqabbla mas-sistema ta’ responsabbiltà li tirriżulta mill-Artikoli 101 u 102 TFUE.

Id-destinatarju tal-Artikolu 130 tal-OWiG huwa l-proprjetarju ta’ impriża li kiser obbligu ta’ sorveljanza. Il-prova tal-ksur tal-obbligi imputabbli lill-proprjetarju tal-impriża tmur lil hinn mill-konstatazzjoni ta’ ksur tal-interessi legali mwettaq minn din l-istess impriża. Il-prova teħtieġ li jiġu investigati u ċċarati l-istrutturi u l-proċeduri interni (ġenerali u partikolari) li mhux biss f’dan il-każ, iżda fil-każijiet kollha ta’ gruppi, huma estremament kumplessi, li jirriżulta li huwa impossibbli f’ħafna mill-każijiet. F’dan ir-rigward, il-kwistjoni hija jekk il-gruppi jistgħux, fir-realtà, jiġu kklassifikati bħala impriżi jew bħala proprjetarji ta’ impriżi fis-sens tal-Artikolu 130 tal-OWiG.

34.

Dawn il-kjarifiki juru li l-ewwel waħda mid-domandi preliminari tal-qorti tar-rinviju hija r-riżultat ta’ interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li, kuntrarjament għall-opinjoni tal-Gvern Ġermaniż, taċċetta sistema ta’ responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi li l-karatteristiċi tagħha jagħmluha eventwalment inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

35.

Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha żżomm mal-kuntest ġuridiku nazzjonali kif deskritt mill-qorti tar-rinviju ( 7 ), li hija l-interpretu awtorizzat tad-dritt nazzjonali tagħha. Id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali għandhom jiġu solvuti fid-dawl tal-kuntest leġiżlattiv u fattwali ddefinit minnha taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-preċiżjoni tiegħu ( 8 ).

36.

Huwa għalhekk abbażi ta’ dawn il-premessi li ser nindirizza l-analiżi tal-ewwel domanda preliminari.

2. Il‑persuni ġuridiċi destinatarji tas‑sanzjoni fil‑GDPR

37.

Skont id-dritt tal-Unjoni, ma teżisti l-ebda oġġezzjoni sabiex Deutsche Wohnen tiġi meqjusa bħala awtriċi tal-ksur u bħala persuna responsabbli għall-ħlas tas-sanzjoni imposta. Din il-possibbiltà tinsab, b’mod astratt, fil-GDPR u, b’mod partikolari, din intużat f’dan il-każ:

B’mod astratt, kif ser nesponi iktar ’il quddiem, il-fatt li persuna ġuridika tista’ tiġi ssanzjonata direttament għal ksur fil-qasam tal-protezzjoni tad-data ma huwiex rifless biss minn diversi dispożizzjonijiet tal-GDPR, iżda jikkostitwixxi, fir-realtà, wieħed mill-mekkaniżmi prinċipali sabiex tiġi ggarantita l-effettività ta’ dan ir-regolament.

B’mod partikolari, skont id-deċiżjoni tar-rinviju, il-multa kontenzjuża ġiet imposta fuq Deutsche Wohnen minħabba sensiela ta’ ksur tal-GDPR attribwita lil din il-kumpannija, bħala kontrollur tad-data ( 9 ). Din kienet is-suġġett ta’ rikjesti min-naħa tal-awtorità għall-protezzjoni tad-data, li għalihom hija rrispondiet fit-termini diġà esposti sabiex, sussegwentement, tippersisti fl-azzjoni kkontestata minn din l-awtorità. Għalhekk, ma kienx hemm problema dwar l-identifikazzjoni tad-destinatarju tas-sanzjoni ( 10 ).

38.

Fir-rigward tal-approċċ astratt, ma huwiex neċessarju li jingħataw wisq kunsiderazzjonijiet sabiex tiġi kkorroborata l-premessa li persuna ġuridika tista’ tiġi ssanzjonata direttament bħala persuna li tikser il-GDPR. Din il-premessa hija dedotta mingħajr diffikultajiet ermenewtiċi mill-qari tal-Artikoli 4, 58 u 83 tal-GDPR:

L-Artikolu 4 jiddefinixxi l-kunċetti ta’ kontrollur jew ta’ proċessur, b’riferiment espliċitu għall-fatt li l-persuni ġuridiċi jista’ jkollhom din il-kwalità ( 11 ).

L-Artikolu 58(2) jagħti lill-awtoritajiet superviżorji għadd ta’ “setgħat korrettivi” fir-rigward tal-kontrolluri jew tal-proċessuri tad-data (jiġifieri, anki fir-rigward tal-persuni ġuridiċi). Fost dawn is-setgħat korrettivi hemm l-impożizzjoni ta’ “multa amministrattiva” (subparagrafu i)).

Billi jelenka l-kriterji għall-iffissar tal-ammont tal-multi amministrattivi, l-Artikolu 83 tal-GDPR jirreferi għal elementi li jistgħu, mingħajr diffikultà, jiġu kkonstatati fl-aġir tal-persuni ġuridiċi.

39.

Minn dawn id-dispożizzjonijiet kollha jirriżulta, b’mod perfettament evidenti, li l-GDPR jipprevedi li l-multi amministrattivi li jirriżultaw mill-ksur tiegħu għandhom bħala eventwali destinatarju dirett persuna ġuridika ( 12 ). L-imsemmija konstatazzjoni evidenti ġiet preżunta mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti f’dan il-qasam, li ma eżitawx li jissanzjonaw permezz ta’ multi, xi kultant b’ammonti kbar, lil persuni ġuridiċi li kisru l-GDPR ( 13 ).

40.

Fir-rigward tal-approċċ konkret, nirrepeti li l-awtorità għall-protezzjoni tad-data indirizzat lil Deutsche Wohnen bħala kontrollur tad-data, billi ordnatilha tħassar mill-fajls tagħha ċerta data personali tal-kerrejja, ordni li ġiet injorata minn din l-impriża matul ċertu perijodu, sakemm biddlet is-sistemi ta’ ħżin tagħha.

3. Teżisti neċessità ta’ imputazzjoni minn qabel lil persuna fiżika?

41.

Skont il-qorti tar-rinviju, id-dritt nazzjonali jeżiġi li, sabiex impriża tiġi ssanzjonata direttament għall-ksur tal-GDPR, għandha tkun ġiet ikkonstatata minn qabel ir-responsabbiltà ta’ persuna fiżika. Mill-Artikolu 30 tal-OWiG jirriżulta dan: multa tista’ tiġi imposta fuq impriża biss meta jistgħu jiġu imputati lilha ċertu ksur imwettaq mid-diretturi tagħha li għandhom funzjonijiet ta’ rappreżentazzjoni, fil-kuntest ta’ liema r-rappreżentant għandu jkun kiser ir-regola korrispondenti, billi wettaq l-elementi inkwistjoni b’mod illegali u b’nuqqas ta’ diliġenza ( 14 ).

42.

Quddiem l-oġġezzjoni tal-Gvern Ġermaniż, li jinvoka l-Artikolu 130 tal-OWiG sabiex jikkontesta l-interpretazzjoni tal-qorti tar-rinviju, din tirrispondi fit-termini li diġà indikajt meta rriproduċejt ir-risposta tagħha lill-Qorti tal-Ġustizzja ( 15 ). Fil-qosor, hija ssostni li l-protezzjoni tal-interessi legali mogħtija minn din id-dispożizzjoni hija limitata ħafna, meta mqabbla mas-sistema ta’ responsabbiltà li tirriżulta mill-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE.

43.

Madankollu, ir-regola tad-dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà minn qabel tal-persuna fiżika, użata mill-qorti tar-rinviju, ma tkunx tapplika, jekk l-Artikolu 83(4) sa (6) tal-GDPR jadotta, bl-inkorporazzjoni fid-dritt nazzjonali, il-“kunċett funzjonali ta’ impriża” li jikkaratterizza l-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE.

a) L‑effett tal‑kunċett użat fl‑Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE

44.

L-għan tal-Artikolu 83(4) sa (6) tal-GDPR huwa l-kalkolu tal-ammont tas-sanzjonijiet li għandhom jiġu imposti għat-tipi ta’ ksur tal-GDPR imsemmija fih. B’mod partikolari, dawn it-tliet paragrafi jipprevedu l-possibbiltà li l-persuna ssanzjonata tkun “impriża.”

45.

Huwa f’dan il-kuntest li għandu jinftiehem ir-riferiment tal-premessa 150 tal-GDPR għall-kunċett ta’ impriża fis-sens tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE. Infakkar li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, id-“dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jirreferi għall-attivitajiet tal-impriżi u […] l-kunċett ta’ impriża jkopri kull entità involuta f’attività ekonomika, irrilevanti mill-[istatus] legali ta’ din l-entità u mill-mod li bih kienet iffinanzjata” ( 16 ).

46.

Sa fejn l-ammont massimu tas-sanzjonijiet għal ksur tal-GDPR huwa stabbilit, għall-impriżi li hija kontrollur jew proċessur, għal perċentwali tal-“fatturat annwali dinji totali tas-sena finanzjarja preċedenti”, ir-riferiment għad-determinazzjoni ta’ dan l-ammont ma jistax jingħata mill-personalità ġuridika formali ta’ kumpannija, iżda minn dak ta’ “unità ekonomika”, fis-sens imsemmi iktar ’il fuq.

47.

Fil-fatt, skont l-Artikolu 83(1) tal-GDPR, il-multi amministrattivi previsti fil-paragrafi 4 sa 6 tiegħu għandhom ikunu “effettiv[i], proporzjonat[i] u dissważiv[i].” Tliet karatteristiċi li jistgħu jiġu rrakkomandati biss fir-rigward ta’ multa li l-ammont tagħha huwa ddeterminat skont il-kapaċità ekonomika reali jew materjali tad-destinatarju tagħha. Minn hemm ġejja n-neċessità li wieħed jopera b’kunċett sostantiv jew ekonomiku ta’ “impriża”, iktar milli jirrikorri għal kunċett strettament formali, għall-kalkolu tas-sanzjoni.

48.

Id-definizzjoni reali jew sostantiva ta’ “impriża”, karatteristika tad-dritt tal-kompetizzjoni ( 17 ), hija għalhekk f’idejn il-leġiżlatur Ewropew għad-determinazzjoni tal-ammont tal-multi minħabba ksur tal-GDPR. Madankollu, ninsisti, li huwa biss għal dan il-għan li l-GDPR jevoka dan il-kunċett.

49.

Fil-kawża ineżami, il-kunċett ta’ impriża msemmi fl-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE jista’, għalhekk, ikun rilevanti sabiex tiġi kkwantifikata l-multa li għandha tiġi imposta fuq Deutsche Wohnen. Il-kwistjoni ta’ jekk din tal-aħħar tingħatax, jew le, il-kwalità ta’ entità ssanzjonata (rectius, l-awtur tal-ksur), hija waħda li ma tiddependix, strettament, fuq l-applikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ artikoli tat-TFUE.

50.

Dan ma jipprekludix li, b’analoġija, il-prinċipji ġenerali li jirregolaw is-sistema tas-sanzjonijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni (li jibbenefikaw minn interpretazzjoni abbundanti tal-Qorti tal-Ġustizzja) japplikaw, mutatis mutandis, fil-qasam tar-responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi għall-ksur tagħhom fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali ( 18 ).

b) L‑imputazzjoni diretta lil persuna ġuridika

51.

Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi sanzjonijiet amministrattivi fuq persuni ġuridiċi, bil-kundizzjoni ta’ proċedura minn qabel ta’ persuna fiżika, hija kompatibbli mal-GDPR?

52.

In-natura tal-GDPR tinkludi, minbarra l-portata ġenerali tagħha, in-natura vinkolanti tagħha u l-applikabbiltà diretta tagħha f’kull Stat Membru, skont l-Artikolu 288 TFUE. Dawn il-karatteristiċi ikunu mdgħajfa jekk l-Istati Membri jkunu jistgħu jiddevjaw mill-konfigurazzjoni definittiva tar-rekwiżiti imposti mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-GDPR.

53.

Huwa minnu li, preċiżament minħabba s-singularità u l-karatteristiċi tal-għan tagħhom, ċerti dispożizzjonijiet tal-GDPR iħallu ċertu marġni ta’ manuvra lill-Istati Membri sabiex iżommu jew jadottaw regoli nazzjonali, bil-għan li wħud minnhom jiġu speċifikati fi grad għola. Dan huwa l-każ, pereżempju:

Fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali għall-konformità ma’ obbligu legali, għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur ( 19 ).

Fir-rigward tal-ipproċessar ta’ kategoriji partikolari ta’ data personali, il-GDPR ma jeskludix li l-Istati Membri jiddeterminaw iċ-ċirkustanzi relatati ma’ sitwazzjonijiet partikolari ta’ pproċessar, inkluża l-indikazzjoni ddettaljata tal-kundizzjonijiet ta’ legalità ta’ dan l-ipproċessar ( 20 ).

54.

Dan il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istat, li ġie diskuss waqt is-seduta, ma jistax, fl-opinjoni tiegħi, jiġi estiż sal-punt li titnaqqas l-imputabbiltà ta’ persuna ġuridika bħal, skont il-qorti tar-rinviju, ma jirriżulta mill-Artikolu 30 tal-OWiG.

55.

Tali konfigurazzjoni tas-sistema ta’ responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi tippermetti li jitħalla barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema ta’ sanzjonijiet tal-GDPR ksur li, skont dan ir-regolament, għandu jiġi attribwit lil persuna ġuridika sa fejn din ikollha l-kwalità ta’ kontrollur jew ta’ proċessur. Dan ikun il-każ meta l-persuni fiżiċi li jirrappreżentaw, jiġġestixxu jew jassumu l-ġestjoni tal-persuna ġuridika ma jkunux ipparteċipaw f’dan il-ksur.

56.

Sa fejn, nirrepeti, persuna ġuridika tista’ tkun responsabbli għall-ipproċessar tad-data u, f’din il-kwalità, tkun awtur tal-ksur tal-GDPR imputabbli lilha, l-applikazzjoni tal-Artikolu 30 tal-OWiG tista’ twassal għal tidjif jew għal tnaqqis mhux iġġustifikat tal-qasam ta’ aġiri li jistgħu jiġu ssanzjonati, li ma huwiex konformi mal-previżjoni ġenerali tal-GDPR innifsu.

57.

Persuna ġuridika li tista’ tiġi kklassifikata bħala kontrollur jew proċessur ta’ data personali għandha tbati l-konsegwenzi, f’termini ta’ sanzjonijiet, tal-ksur tal-GDPR imwettaq mhux biss mir-rappreżentanti, mid-diretturi jew mill-amministraturi tagħha, iżda anki mill-persuni fiżiċi (impjegati fis-sens wiesa’) li jaġixxu fil-kuntest tal-attività kummerċjali tagħha u taħt il-kontroll tagħhom.

58.

Dawn il-persuni fiżiċi jifformaw u jiddefinixxu, fir-realtà, ir-rieda tal-persuna ġuridika, billi jimmaterjalizzawha permezz ta’ atti partikolari u konkreti. Atti partikolari li, bħala manifestazzjoni in concreto ta’ din ir-rieda, huma, fl-aħħar mill-aħħar, attribwibbli lill-persuna ġuridika nnifisha.

59.

Fl-aħħar mill-aħħar, dawn huma persuni fiżiċi li, mingħajr ma huma, fis-sens strett tal-kelma, rappreżentanti ta’ persuna ġuridika, jaġixxu taħt l-awtorità ta’ dawk li, inkwantu rappreżentanti ta’ din tal-aħħar, ikunu ħatja ta’ nuqqas ta’ sorveljanza jew ta’ kontroll fuq tal-ewwel. Finalment, l-imputabbiltà tispiċċa twassal għall-persuna ġuridika nnifisha, sa fejn il-ksur tal-impjegat li jaġixxi taħt l-awtorità tal-korpi tat-tmexxija tagħha huwa nuqqas fis-sistema ta’ kontroll u ta’ sorveljanza, li taqa’ taħt ir-responsabbiltà diretta tagħha.

60.

Dak li ntqal iktar ’il fuq jikkorrispondi mal-interpretazzjoni li l-qorti tar-rinviju tagħmel tad-dritt nazzjonali tagħha. Issa, il-Gvern Ġermaniż isostni li l-applikazzjoni konġunta tal-Artikoli 9, 30 u 130 tal-OWiG tfassal sistema li fiha ksur attribwit lil persuna ġuridika, imwettaq minn persuni fiżiċi li ma għandhomx funzjonijiet ta’ tmexxija jew ta’ rappreżentanza tal-persuna ġuridika, jista’ jiġi ssanzjonat mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu identifikati ( 21 ).

61.

Kif diġà indikajt preċedentement, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tinterpreta d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tagħha. Jekk, skont il-ġurisprudenza nazzjonali u d-duttrina invokati mill-Gvern Ġermaniż ( 22 ), dawn id-dispożizzjonijiet jippermettu interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, hija kwistjoni li għandhom jiddeċiduha l-qrati tiegħu.

62.

Fil-każ li tali interpretazzjoni tkun contra legem u jirriżulta li ma jkunx possibbli, minħabba l-istruttura partikolari tas-sistema nazzjonali ta’ sanzjonijiet tagħha, li tagħti applikazzjoni sħiħa għar-regoli tal-GDPR f’dan il-qasam, il-qorti tar-rinviju jkollha teskludi l-applikazzjoni tar-regola nazzjonali inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, sabiex tiżgura s-supremazija tal-GDPR.

4.   It‑tieni domanda preliminari

63.

Il-Qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, skont l-Artikolu 83(4) sa (6) tal-GDPR, “l-impriża għandha tkun wettqet b’mod żbaljat [b’dolo jew b’negliġenza] il-ksur bl-intervent ta’ kollaboratur […], jew, ksur oġġettiv ta’ obbligu tal-impriża huwa bħala prinċipju suffiċjenti sabiex tiġi imposta multa fuq l-impriża (“strict liability”)? ( 23 ).

64.

Id-domanda fformulata b’dan il-mod hija ta’ natura ipotetika, li tirrendiha inammissibbli, għal żewġ raġunijiet.

65.

Fl-ewwel lok, skont id-digriet tar-rinviju, is-sanzjoni imposta fuq Deutsche Wohnen ġiet imposta għal aġir li jiddenota dolo (intenzjonali) u mhux għas-sempliċi “ksur oġġettiv” tal-GDPR. L-espożizzjoni tal-fatti li ġiet traskritta iktar ’il fuq, turi li din l-impriża ma kkonformatx mat-talba tal-awtorità għall-protezzjoni tad-data konxjament u intenzjonalment u ppersistiet fl-ipproċessar tad-data kkritikat. Huwa irrilevanti, għal din il-klassifikazzjoni, li hija kienet invokat għadd ta’ diffikultajiet tekniċi u legali meta ġiet biex timmodifika s-sistemi tagħha ta’ pproċessar ta’ data.

66.

Fit-tieni lok, mitluba mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċċara d-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju indikat li l-qorti tal-ewwel istanza ma hijiex marbuta mill-konstatazzjonijiet magħmula fid-deċiżjoni ta’ sanzjoni u li, fil-futur, dik il-qorti tista’ tiddeċiedi dwar il-motivi tar-rikors kontra s-sanzjoni. Jekk tasal għall-konklużjoni li l-ksur seħħ, għandu jiġi ddeterminat liema tip ta’ nuqqas seħħ, u dan jiddependi mir-risposta għal din it-tieni domanda preliminari.

67.

Abbażi ta’ din il-kjarifika, it-tieni domanda preliminari għal darba oħra turi n-natura ipotetika tagħha: is-sentenza dwar il-klassifikazzjoni tal-aġir ma hijiex indispensabbli sabiex tiġi deċiża l-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju iżda, jekk ikun il-każ, wara li l-kawża tintbagħat lura quddiem il-qorti tal-ewwel istanza, sabiex din tiddeċiedi fil-futur.

68.

Fi kwalunkwe każ, u fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li teżamina l-mertu, inqis li r-risposta għal din id-domanda ma tiddependix fuq l-interpretazzjoni tal-paragrafi 4 sa 6 tal-Artikolu 83 tal-GDPR, li s-suġġett tagħhom huwa l-kwantifikazzjoni tal-multi amministrattivi.

69.

Il-qorti tar-rinviju tagħmel distinzjoni bejn: a) il-ksur imwettaq mill-impjegat ta’ persuna ġuridika u b) l-eżistenza ta’ dolo jew ta’ negliġenza min-naħa tal-persuna ġuridika f’dan il-ksur.

70.

Fil-fehma tiegħi, il-“ksur bl-intervent ta’ kollaboratur” huwa fil-verità, u fid-dawl ta’ dak li ġie espost fil-kuntest tal-ewwel domanda, ksur imwettaq mill-persuna ġuridika li taħt l-awtorità tagħha huwa aġixxa.

71.

Għalhekk, ifformulata korrettament, id-domanda tirrigwarda l-possibbiltà li persuna ġuridika tista’ tiġi ssanzjonata għall-ksur oġġettiv (mingħajr culpa) tal-obbligi li hija għandha bħala kontrollur jew proċessur tad-data.

72.

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, jista’ jkun utli li jsir riferiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) dwar il-prinċipju ta’ legalità f’materji kriminali, iggarantit mill-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB).

73.

Għalkemm il-KEDB ma tikkostitwixxix, fl-assenza ta’ adeżjoni tal-Unjoni magħha, strument legali integrat formalment fl-ordinament ġuridiku tagħha, id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti minn din il-konvenzjoni jagħmlu parti mid-dritt tal-Unjoni bħala prinċipji ġenerali (Artikolu 6(3) TUE).

74.

Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “l-Artikolu 52(3) tal-Karta [tad-Drittijet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea], li jipprovdi li d-drittijiet inklużi fiha li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-KEDB għandhom l-istess tifsira u l-istess portata bħal dawk mogħtija lilhom mill-imsemmija konvenzjoni, huwa intiż biex jiżgura l-koerenza neċessarja bejn dawn id-drittijiet rispettivi mingħajr ma tiġi ppreġudikata l-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni u tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 24 )”.

75.

Issa, id-duttrina tal-QEDB fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 7 tal-KEDB tinkludi sfumaturi li ma humiex kompletament konkordanti:

Minn naħa, għalkemm dan l-artikolu ma jsemmix espressament ir-rabta morali bejn l-element materjali tal-ksur u l-persuna meqjusa bħala l-awtur tiegħu, il-loġika tas-sanzjoni u l-kunċett innifsu ta’ culpa jwasslu sabiex dan jiġi interpretat fis-sens li jeżiġi, bħala kundizzjoni tas-sanzjoni, rabta ta’ natura intellettwali (kuxjenza u volontà) li tippermetti li jiġi stabbilit element ta’ responsabbiltà fl-aġir tal-awtur materjali tal-ksur ( 25 ).

Min-naħa l-oħra, kif osserva l-Gvern Norveġiż waqt is-seduta, il-QEDB ma tipprekludix l-issanzjonar ta’ fatti oġġettivi. Fis-sentenza tagħha tas‑7 ta’ Ottubru 1988, Salabiaku vs Franza ( 26 ), hija ddeċidiet li dan huwa l-każ biss “bħala prinċipju u taħt ċerti kundizzjonijiet”, peress li għalkemm il-KEDB ma tipprekludix il-preżunzjonijiet, “fil-qasam kriminali, hija tobbliga lill-Istati kontraenti sabiex jibqgħu f’ċerti limiti” ( 27 ).

76.

Fir-realtà, l-importazzjoni tal-kategoriji dommatiċi tad-dritt kriminali (nulla poena sine culpa) għall-applikazzjoni tagħhom fid-dritt amministrattiv ta’ sanzjonar tippreżenta diffikultajiet kunsiderevoli ermenewtiċi. Taħt il-kunċett ta’ culpa (fil-forma tagħha ta’ negliġenza) jistgħu jaqgħu sitwazzjonijiet ta’ sempliċi ksur ta’ dispożizzjoni legali, meta l-awtur tiegħu kellu d-dmir li jkun jaf liema aġir kien meħtieġ minnu.

77.

Minn din il-perspettiva, id-diversi forom ta’ culpa, inklużi dawk ta’ inqas gravità, kif ukoll id-diversi titoli ta’ akkuża (pereżempju, culpa in vigilando jew in eligendo), jistgħu jkunu msejsa fuq aġir li, minn perspettiva oħra, ebda qorti ma tikkwalifika bħala sitwazzjonijiet ta’ responsabbiltà oġġettiva. Għaldaqstant, id-demarkazzjonijiet bejn kategorija u oħra ma humiex daqstant ċari fid-dritt amministrattiv ta’ sanzjonar kif jidher li jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju.

78.

Ċertament, fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat, f’ċerti każijiet, sistema li hija tikklassifika bħala ta’ responsabbiltà oġġettiva fil-qasam tas-sanzjonijiet. Dan huwa dak li għamlet, pereżempju, fis-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2017, Euro-Team u Spirál-Gép, f’dawn it-termini:

“[f]ir-rigward […] tal-kompatibbiltà, mal-proporzjonalità, tal-istabbiliment ta’ responsabbiltà oġġettiva, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet ripetutament li tali sistema ta’ li tissanzjona ksur ta’ regolament ma hijiex, per se, inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni”;

“l-istabbiliment ta’ sistema ta’ responsabbiltà oġġettiva ma hijiex sproporzjonata meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija, meta din is-sistema tkun tali li tħeġġeġ lill-persuni kkonċernati sabiex josservaw id-dispożizzjonijiet ta’ regolament u meta l-għanijiet segwiti jkollhom interess ġenerali li jista’ jiġġustifika l-istabbiliment ta’ tali sistema ( 28 ).”

79.

Madankollu, din id-duttrina ġiet stabbilita f’setturi oħra għajr il-protezzjoni tad-data, fir-rigward tal-ksur ta’ obbligi ta’ azzjoni b’konnotazzjonijiet preferibbilment formali: kienu sanzjonijiet imposti għall-użu ta’ taqsima tal-awtostrada mingħajr ma jkun tħallas l-ammont tal-pedaġġ korrispondenti ( 29 ), jew għal ksur tad-dispożizzjonijiet relatati mal-użu tal-folja tar-reġistrazzjoni ta’ apparat ta’ kontroll installat fi trakk ( 30 ).

80.

Fir-rigward tal-obbligi previsti mill-GDPR – li fosthom hemm dawk li jikkundizzjonaw l-ipproċessar tad-data (Artikolu 5 tal-GDPR) u l-legalità tagħha (Artikolu 6 tal-GDPR) – l-evalwazzjoni tal-osservanza timplika proċess ta’ evalwazzjoni u ta’ prosekuzzjoni kumpless, lil hinn mis-sempliċi konstatazzjoni ta’ ksur formali.

81.

Fi kwalunkwe każ, jiena tal-opinjoni li l-Artikolu 83 tal-GDPR jikkorrobora l-esklużjoni ta’ sistema ta’ responsabbiltà oġġettiva (mingħajr culpa) fil-qasam tas-sanzjonar, jiġifieri jeħtieġ l-eżistenza ta’ intenzjonalità jew negliġenza fl-aġir li għandu jiġi ssanzjonat. Dan jirriżulta, fil-fehma tiegħi, minn diversi paragrafi tiegħu:

Skont il-punt 1, għandu jiġi żgurat li l-multi imposti fuq il-ksur ikunu “proporzjonati.” Il-prinċipju ta’ proporzjonalità tas-sanzjonijiet huwa ggarantit mill-Artikolu 49 tal-Karta u, konsegwentement, mid-duttrina tal-QEDB li semmejt iktar ’il fuq.

Il-punt 2(b) isemmi espressament il-“karattru intenzjonali jew negliġenti tal-ksur” bħala element determinanti għall-impożizzjoni ta’ multa amministrattiva u tal-ammont tagħha ( 31 ). Il-fatturi l-oħra elenkati fil-punti (a) sa (k) ta’ dan l-istess paragrafu jindividwalizzaw iċ-ċirkustanzi rilevanti ta’ kull każ u diversi minnhom jinkludu komponent suġġettiv ( 32 ), mingħajr ma tirriżulta, f’dan ir-rigward, is-sempliċi oġġettività tal-ksur.

Il-punt 3 jipprevedi li l-ksur simultanju “intenzjonalment jew b’negliġenza”, mill-kontrollur jew mill-proċessur, ta’ diversi dispożizzjonijiet tal-GDPR (konkors ta’ istanzi differenti ta’ ksur) iwassal sabiex l-ammont tal-multa ma jaqbiżx dak previst għall-ksur l-iktar gravi. Għaldaqstant, huwa preżunt li l-ksur sempliċement oġġettiv huwa irrilevanti, għall-finijiet tas-sanzjonijiet, sa fejn ma jkunx akkumulat ma ksur intenzjonali jew negliġenti.

82.

It-teżi li għadni kif spjegajt tista’ ma tkunx rilevanti jekk, kif isostnu ċerti gvernijiet li intervjenew, l-assenza ta’ dispożizzjonijiet espliċiti fuq dan il-punt fil-GDPR timplika li l-Istati Membri jingħataw il-possibbiltà li jagħżlu jew sistema ta’ responsabbiltà suġġettiva (intenzjonalità jew negliġenza), jew sistema li tinkludi wkoll responsabbiltà oġġettiva.

83.

Nirrikonoxxi li l-pożizzjoni ta’ dawn il-gvernijiet għandha ċertu appoġġ argumentattiv: sa fejn l-Artikolu 83(2) tal-GDPR jirreferi għall-intenzjonalità jew għan-negliġenza tal-ksur bħala fatturi għall-iffissar tal-ammont tal-multa, u mhux bħala elementi indispensabbli (essenzjali) għall-aġir innifsu li jikkostitwixxi ksur, din id-dispożizzjoni tħalli lill-Istati Membri l-possibbiltà li jorganizzaw liberament dawn l-elementi essenzjali tal-ksur.

84.

Madankollu jiena tal-fehma, bħall-Kummissjoni, li l-interpretazzjoni korretta tas-sistema ta’ sanzjonijiet stabbilita mill-GDPR, li l-applikabbiltà diretta tiegħu hija inkontestabbli, jimmilita favur soluzzjoni unitarja u konsistenti ( 33 ) mill-Istati Membri kollha u mhux għaliex kull wieħed minnhom jiddeċiedi huwa stess jekk il-ksur li għandu jiġi ssanzjonat għandux jew ma għandux jiġi estiż għall-ksur li ma għandux natura intenzjonali jew negliġenti.

85.

Fil-fehma tiegħi, ir-rilevanza tas-soluzzjoni unitarja (u n-nuqqas ta’ vijabbiltà tas-soluzzjoni ta’ nuqqas ta’ unità) hija kkorroborata mill-premessi tal-GDPR iċċitati mill-qorti tar-rinviju fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, fejn tiġi ripetuta n-neċessità li l-ksur jiġi ssanzjonat permezz ta’ sanzjonijiet ekwivalenti ( 34 ). Ma jkunx hemm ekwivalenza jekk ikun permess li kull Stat Membru jitipifika ksur ta’ natura differenti, billi jinkludi dawk li jikkonsisti f’sempliċi ksur oġġettiv mingħajr ebda element intenzjonali jew negliġenti.

V. Konklużjoni

86.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lill-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin, il-Ġermanja) kif ġej:

L-Artikolu 58(2)(i) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), moqri flimkien mal-Artikolu 4(7) u mal-Artikolu 83 tal-istess Regolament,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

l-impożizzjoni ta’ multa amministrattiva fuq persuna ġuridika inkwantu kontrollur data personali ma hijiex suġġetta għall-konstatazzjoni minn qabel tal-eżistenza ta’ ksur imwettaq minn persuna fiżika jew minn persuni fiżiċi partikolari fis-servizz ta’ din il-persuna ġuridika.

Il-multi amministrattivi li jistgħu jiġu imposti skont ir-Regolament 2016/679 jeħtieġu li tiġi kkonstatata n-natura intenzjonali jew negliġenti tal-aġir li jikkostitwixxi l-ksur issanzjonat.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

( 2 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑27 ta’ April 2016, dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2008, L 127, p. 2). Iktar ’il quddiem il-“GDPR”.

( 3 ) Il-Liġi tal‑24 ta’ Mejju 1968 (BGBl. I 481; III 454‑1), fil-verżjoni tad‑19 ta’ Frar 1987 (BGBl. I, p. 602), emendata bil-Liġi tad‑19 ta’ Ġunju 2020 (BGBl. I, p. 1328). Iktar ’il quddiem, l-“OWiG.”

( 4 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol 2, p. 205).

( 5 ) Taqsima II, punt 1 tad-deċiżjoni tar-rinviju. Ara l-punti 41 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 6 ) Punt 45 tan-nota tal-osservazzjonijiet ta’ Deutsche Wohnen u punti 24 u 25 tan-nota tal-osservazzjonijiet tal-Gvern Ġermaniż.

( 7 ) Fil-kuntest tal-proċedura skont l-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti tal-kawża prinċipali kif ukoll sabiex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali. Sentenza tas‑26 ta’ April 2017, Farkas (C‑564/15, EU:C:2017:302), punt 37.

( 8 ) Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex disponibbli l-elementi fattwali u legali neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (għal kollha, ara s-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2017, Puškár (C‑73/16, EU:C:2017:725), punt 50). L-ebda waħda minn dawn iċ-ċirkustanzi ma hija ssodisfatta f’dan il-każ.

( 9 ) Minkejja r-riżervi ta’ Deutsche Wohnen li tammetti din il-kwalità waqt is-seduta pubblika, xorta jibqa’ l-fatt li l-profil tagħha jikkorrispondi għad-definizzjoni ta’ “kontrollur” stabbilita fl-Artikolu 4 tal-GDPR. Dan huwa l-każ, indipendentement mir-responsabbiltà li hija għandha effettivament għall-ksur allegat fil-konfront tagħha bħala “kontrollur”.

( 10 ) Ħaġa oħra hija li sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tas-sanzjoni korrispondenti, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, l-integrazzjoni eventwali ta’ Deutsche Wohnen u tas-sussidjarji tagħha f’unità ekonomika superjuri. Minkejja l-apparenzi, il-problemi klassiċi ta’ attribuzzjoni ta’ responsabbiltà bejn kumpanniji omm u sussidjarji jew gruppi ta’ kumpanniji ma jqumux f’dan ir-rinviju.

( 11 ) L-Artikolu 4(7) tal-GDPR jiddefinixxi bħala “kontrollur”, għal dak li huwa rilevanti fil-kawża ineżami, “persuna […] ġuridika, […] li, waħdu jew flimkien ma’ oħrajn, jiddetermina l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ta’ data personali”, fil-punt 8 tiegħu, jiddefinixxi lil “proċessur” bħala “persuna […] ġuridika, […] [t]ipproċessa data personali f’isem il-kontrollur.”

( 12 ) Li jkopri wkoll, naturalment, id-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra deċiżjoni legalment vinkolanti ta’ awtorità superviżorja li tikkonċernaha (Artikolu 78(1) tal-GDPR) u, għalhekk, anki kontra kull multa amministrattiva li tista’ tiġi imposta fuqha.

( 13 ) Eżempju ta’ dan huwa meta l-awtorità għall-protezzjoni tad-data Irlandiża imponiet, fil‑31 ta’ Diċembru 2022, multi ta’ EUR 210 miljun fuq Facebook u ta’ EUR 180 miljun fuq Instagram.

( 14 ) Taqsima II, punt 1 tad-deċiżjoni tar-rinviju.

( 15 ) Ara l-punt 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 16 ) Sentenza tas‑27 ta’ April 2017, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni (C‑516/15 P, EU:C:2017:314), punt 47.

( 17 ) Ara, is-sentenza tal‑10 ta’ April 2014, Areva et vs Il‑Kummissjoni (C‑247/11 P u C‑253/11 P, EU:C:2014:257), punt 123.

( 18 ) Kif diġà esponejt, il-problemi dwar ir-relazzjoni bejn il-kumpanniji omm u s-sussidjarji jibqgħu barra mill-ambitu ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, għal finijiet ta’ sanzjonar. Fir-rinviju għal deċiżjoni preliminari lanqas ma saru domandi dwar l-oneru tal-prova tal-fatti allegati.

( 19 ) Premessa 10 tal-GDPR.

( 20 ) Loc. ult. cit.

( 21 ) Punt 25 tan-nota tal-osservazzjonijiet tal-Gvern Ġermaniż. Kontra dan l-argument, il-qorti tar-rinviju ssostni, fit-termini riprodotti iktar ’il fuq, li, anki flimkien mal-Artikoli 9 u 30 tal-OWiG, il-protezzjoni tal-interessi legali mogħtija mid-dritt nazzjonali hija ristretta ħafna meta mqabbla mas-sistema ta’ responsabbiltà li tirriżulta mill-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE.

( 22 ) Punt 25 tan-nota tal-osservazzjonijiet tal-Gvern Ġermaniż, noti ta’ qiegħ il-paġna 16 sa 18.

( 23 ) Il-frażi strict liability tikkorrispondi, fit-traduzzjoni Ingliża komuni tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-espressjonijiet responsabilidad objetiva (verżjoni Spanjola); responsabilité objective (verżjoni Franċiża); responsabilità oggettiva (verżjoni Taljana); responsabilidade objetiva (verżjoni Portugiża); objektiven Verantwortlichkeit (verżjoni Ġermaniża) u objectieve aansprakelijkheid (verżjoni Olandiża).

( 24 ) Sentenza tat‑2 ta’ Frar 2021, Consob (C‑481/19, EU:C:2021:84), punt 36.

( 25 ) Sentenza tal-QEDB tal‑20 ta’ Jannar 2009, Sud Fondi et vs L‑Italja (CE:ECHR:2009:0120JUD007590901, § 116).

( 26 ) CE:ECHR:1988:1007JUD001051983.

( 27 ) Sentenza tal-QEDB tas‑7 ta’ Ottubru 1988, Salabiaku vs Franza, §§ 27 u 28.

( 28 ) Sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2017, Euro-Team u Spirál-Gép (C‑497/15 u C‑498/15, EU:C:2017:229), punti 5354, li tiċċita s-sentenza tad‑9 ta’ Frar 2012, Urbán (C‑210/10, EU:C:2012:64), punti 4748 rispettivament.

( 29 ) Sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2017, Euro-Team u Spirál-Gép (C‑497/15 u C‑498/15, EU:C:2017:229).

( 30 ) Sentenza tad‑9 ta’ Frar 2012, Urbán (C‑210/10, EU:C:2012:64).

( 31 ) Ara, madankollu, il-punti 82 u 83 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 32 ) B’hekk, pereżempju, il-punt a) jirreferi għall-għan tal-operazzjoni tal-ipproċessar. Il-punt c), il-miżuri meħuda biex jiġu rrimedjati d-danni. Il-punt d), il-grad ta’ responsabbiltà skont il-miżuri implimentati. Il-punt f), il-grad ta’ kooperazzjoni mal-awtorità ta’ superviżjoni.

( 33 ) Il-premessa 150 tal-GDPR talludi għall-applikazzjoni konsistenti tal-multi amministrattivi mill-Istati Membri. Għall-kuntrarju, huma jistgħu jiddeterminaw “jekk l-awtoritajiet pubbliċi għandhomx ikunu soġġetti għal multi amministrattivi u sa liema punt.” Dan huwa mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċifiċi għad-Danimarka u għall-Estonja li għalihom isir riferiment fil-premessa 151 u għas-sitwazzjonijiet riprodotti fil-premessa 152.

( 34 ) Il-premessa 10 tal-GDPR titlob għal “applikazzjoni konsistenti u omoġenea tar-regoli għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali […]” (mingħajr korsiv fil-verżjoni oriġinali). Il-premessa 11 tipprovdi li l-ksur għandu jkun suġġett għal sanzjonijiet ekwivalenti, espressjoni testwali li hija ripetuta fil-premessi 11 u 13.