Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MEDINA

ippreżentati fid‑9 ta’ Novembru 2023 (1)

Kawżi magħquda C790/21 P u C791/21 P

Covestro Deutschland AG

vs

IlKummissjoni Ewropea (C790/21 P)

u

IrRepubblika Federali talĠermanja

vs

Covestro Deutschland AG,

IlKummissjoni Ewropea (C791/21 P)

“Appell – Għajnuna mill-Istat – Il‑Ġermanja – Skema ta’ għajnuna mill-Istat favur ċerti konsumaturi kbar tal-elettriku – Eżenzjoni minn tariffi tan-network fl‑2012 u fl‑2013 – Deċiżjoni li ddikjarat l-iskema ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq intern u illegali u li ordnat l-irkupru tal-għajnuna mogħtija – Rikors għal annullament – Terminu għall-preżentata ta’ rikors – Ammissibbiltà – Kunċett ta’ għajnuna – Riżorsi tal-Istat – Taxxa parafiskali jew imposti obbligatorji oħra – Kontroll mill-Istat fuq il-fondi”






1.        Dawn il-konklużjonijiet huma mogħtija fil-Kawżi magħquda C‑790/21 P u C‑791/21 P. Dawn għandhom jinqraw flimkien mat-tliet konklużjonijiet l-oħra tiegħi f’appelli paralleli (2), ippreżentati llum ukoll, li kollha jikkonċernaw l-istess skema ta’ għajnuna mill-Istat. Permezz tal-appell tagħha fil-Kawża C‑790/21 P, Covestro Deutschland AG (iktar ’il quddiem “Covestro”), kumpannija li tipproduċi materjali, qiegħda titlob l-annullament tas-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Covestro Deutschland vs Il‑Kummissjoni (T‑745/18, EU:T:2021:644) (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”). Din is-sentenza ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tat‑28 ta’ Mejju 2018 dwar l-iskema ta’ għajnuna implimentata mill-Ġermanja għall-konsumaturi ta’ karga bażika skont l-Artikolu 19 tad-Digriet StromNEV (3), għas-snin 2012 u 2013 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”). Permezz tal-appell tagħha fil-Kawża C‑791/21 P, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (għall-finijiet ta’ sempliċità, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ser tissejjaħ bħala il-“Ġermanja”) qiegħda titlob l-annullament tas-sentenza appellata. Il-Kummissjoni ppreżentat appell inċidentali fiż-żewġ kawżi msemmija iktar ’il fuq, li permezz tiegħu hija wkoll qiegħda titlob l-annullament tas-sentenza appellata.

I.      Ilfatti li wasslu għallkawża

2.        Il-fatti li wasslu għall-kawża huma stabbiliti fil-punti 1 sa 22 tas-sentenza appellata. Għall-finijiet ta’ dawn il-konklużjonijiet, dawn jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

A.      Fuq issistema tattariffi tannetwork qabel lintroduzzjoni talmiżuri inkwistjoni

3.        L-Artikolu 21 tal-Energiewirtschaftsgesetz (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Provvista tal-Enerġija), kif emendata mill-Gesetz zur Neuregelung energiewirtschaftlicher Vorschriften (il-Liġi dwar ir-Reviżjoni tar-Regolamenti dwar l-Industrija tal-Enerġija), tas‑26 ta’ Lulju 2011 (4), iżda qabel l-emendi magħmula mill-Gesetz zur Weiterentwicklung des Strommarktes (il-Liġi dwar l-Iżvilupp tas-Suq tal-Elettriku), tas‑26 ta’ Lulju 2016 (5), jipprevedi, inter alia, li t-tariffi tan-network għandhom ikunu raġonevoli, nondiskriminatorji, trasparenti u bbażati fuq l-ispejjeż ta’ użu effiċjenti tas-sistema ta’ provvista tal-enerġija.

4.        L-Artikolu 17 tas-Stromnetzentgeltverordnung (id-Digriet Federali dwar it-Tariffi tan-Network tal-Elettriku), tal‑25 ta’ Lulju 2005 (6), jiddefinixxi l-metodu ta’ kalkolu li għandu jintuża mill-operaturi tas-sistema sabiex jiġu ddeterminati t-tariffi ġenerali, li huwa bbażat, inter alia, fuq it-total annwali tal-ispejjeż tan-network.

5.        L-Artikolu 19 tas-StromNEV 2005 jipprevedi wkoll tariffi individwali għal kategoriji ta’ utenti li l-profili tal-konsum u tal-piż tagħhom huma differenti ħafna minn dawk ta’ utenti oħra (l-hekk imsejħa “utenti atipiċi”), li jieħdu inkunsiderazzjoni, skont il-prinċipju ta’ prezz li jirrifletti l-ispejjeż, il-kontribut ta’ dawn l-utenti għat-tnaqqis jew għall-prevenzjoni ta’ żieda fl-ispejjeż tan-network.

6.        F’dan ir-rigward, l-Artikolu 19(2) tas-StromNEV 2005 jintroduċi tariffi individwali għaż-żewġ kategoriji li ġejjin ta’ utenti atipiċi: (i) utenti li l-kontribut massimu tagħhom għall-ispejjeż jista’ jkun sinjifikattivament differenti mill-piż massimu annwali simultanju tal-utenti l-oħra kollha konnessi mal-istess livell ta’ network, jiġifieri, utenti li sistematikament jikkunsmaw l-elettriku barra mis-sigħat ta’ użu (iktar ’il quddiem il-“konsumaturi antiċikliċi”); u (ii) utenti li l-konsum tal-elettriku annwali tagħhom jirrappreżenta mill-inqas 7 000 siegħa ta’ użu u iktar minn 10 siegħa-gigawatt (iktar ’il quddiem il-“konsumaturi ta’ karga bażika”).

7.        Sad-dħul fis-seħħ tas-StromNEV, kif emendata bl-EnWG 2011 (iktar ’il quddiem is-“StromNEV 2011”), il-konsumaturi antiċikliċi u ta’ karga bażika kienu suġġetti għal tariffi individwali kkalkolati skont il-“perkors fiżiku” stabbilit mill-Bundesnetzagentur (l-Aġenzija Federali tan-Networks, il-Ġermanja); iktar ’il quddiem il-“BNetzA”). Dan il-metodu jieħu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż tan-network iġġenerati minn dawn il-konsumaturi, b’tariffa minima ekwivalenti għal 20 % tat-tariffi ġenerali ppubblikati (iktar ’il quddiem it-“tariffa minima”). Din tal-aħħar żgurat tariffa għat-tħaddim tan-network li miegħu kienu konnessi dawn il-konsumaturi jekk it-tariffi individwali kkalkolati skont il-perkors fiżiku kienu inqas minn żero jew qrib iż-żero.

B.      Ilmiżuri inkwistjoni (eżenzjoni u sovrataxxa)

8.        Skont it-tieni u t-tielet sentenza tal-Artikolu 19(2) tas-StromNEV 2011, li daħal fis-seħħ fl‑4 ta’ Awwissu 2011, b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2011 (id-data tal-applikazzjoni retroattiva ta’ din id-dispożizzjoni), is-sistema ta’ tariffi tan-network individwali għall-konsumaturi ta’ karga bażika tneħħiet u ġiet issostitwita b’eżenzjoni totali mill-obbligu ta’ ħlas tat-tariffi tan-network (iktar ’il quddiem l-“eżenzjoni inkwistjoni”). Din kellha tingħata biss ladarba l-awtorità regolatorja kompetenti (il-BNetzA, jew l-awtorità regolatorja tal-Land ikkonċernat) tkun ivverifikat li l-kundizzjonijiet legali kienu ssodisfatti. Din l-eżenzjoni kienet issir mill-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni jew ta’ distribuzzjoni skont il-livell tan-network li l-benefiċjarji kienu konnessi miegħu. It-tariffi tan-network individwali għall-konsumaturi antiċikliċi, kif ukoll l-obbligu tagħhom li jħallsu mill-inqas 20 % tat-tariffa tan-network ippubblikata, baqgħu fis-seħħ.

9.        Skont is-sitt u s-seba’ sentenza tal-Artikolu 19(2) tas-StromNEV 2011, l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni kienu obbligati jirrimborsaw lill-operaturi downstream ta’ networks ta’ distribuzzjoni tal-elettriku (l-operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni) għat-telf ta’ dħul li jirriżulta mill-eżenzjoni inkwistjoni u kellhom jikkumpensaw lil xulxin għall-ispejjeż ikkawżati mill-eżenzjoni, permezz ta’ kumpens finanzjarju skont l-Artikolu 9 tal-Kraft-Wärme-Kopplungsgesetz (il-Liġi dwar il-Promozzjoni tal-Koġenerazzjoni tas-Sħana u tal-Elettriku), tad‑19 ta’ Marzu 2002 (7), b’tali mod li kull wieħed minnhom kellu l-istess piż finanzjarju kkalkolat skont il-kwantità ta’ elettriku li kull wieħed minnhom kien jipprovdi lill-konsumaturi finali konnessi man-network tiegħu.

10.      Mill‑2012 ’il quddiem, id-deċiżjoni tal-BNetzA tal‑14 ta’ Diċembru 2011 (BK8‑11‑024; iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tal-BNetzA tal‑2011”) stabbilixxiet mekkaniżmu ta’ finanzjament. Skont dan il-mekkaniżmu, l-operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni kienu jiġbru mingħand il-konsumaturi finali sovrataxxa (iktar ’il quddiem is-“sovrataxxa inkwistjoni”), li l-ammont tagħha ġie trażmess għal fuq l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni sabiex jiġu kkumpensati għat-telf ta’ dħul ikkawżat mill-eżenzjoni inkwistjoni.

11.      L-ammont tas-sovrataxxa kien iddeterminat kull sena, minn qabel, mill-operaturi tan-network ta’ trażmissjoni, fuq il-bażi ta’ metodoloġija stabbilita mill-BNetzA. L-ammont għas-sena 2012, l-ewwel sena ta’ implimentazzjoni tas-sistema, ġie stabbilit direttament mill-BNetzA.

12.      Dawn id-dispożizzjonijiet ma kinux japplikaw għall-ispejjeż tal-eżenzjoni għas-sena 2011 u, għaldaqstant, kull operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni kellu jbati t-telf marbut mal-eżenzjoni għal dik is-sena.

C.      Fuq issistema ta’ tariffi tannetwork wara lmiżuri inkwistjoni

13.      Matul il-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni, li wasslet għad-deċiżjoni kontenzjuża, l-eżenzjoni inkwistjoni l-ewwel ġiet iddikjarata nulla u mingħajr effett permezz ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji tal-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) tat‑8 ta’ Mejju 2013 u tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) tas‑6 ta’ Ottubru 2015. Din l-eżenzjoni ġiet sussegwentement imħassra, b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2014, mis-StromNEV, kif emendata mill-Verordnung zur Änderung von Verordnungen auf dem Gebiet des Energiewirtschaftsrechts (id-Digriet li jemenda r-Regolamenti dwar l-Enerġija), tal‑14 ta’ Awwissu 2013 (8). Dan l-aħħar digriet stabbilixxa mill-ġdid it-tariffi individwali kkalkolati skont il-metodu tal-perkors fiżiku, bl-applikazzjoni – minflok tat-tariffa minima – ta’ tariffi standard ta’ 10, 15 u 20 % tat-tariffi ġenerali, ibbażati fuq il-konsum tal-elettriku (7 000, 7 500 u 8 000 siegħa ta’ użu annwali tan-network) (iktar ’il quddiem it-“tariffi standard”).

14.      Is-StromNEV 2013 introduċiet sistema tranżitorja, fis-seħħ mit‑22 ta’ Awwissu 2013 u applikabbli retroattivament għall-konsumaturi ta’ karga bażika li kienu għadhom ma rċevewx l-eżenzjoni inkwistjoni għas-snin 2012 u 2013 (iktar ’il quddiem l-“iskema tranżitorja”). Minflok it-tariffi individwali kkalkolati skont il-metodu tal-perkors fiżiku u t-tariffa minima, din l-iskema kienet tipprevedi esklużivament l-applikazzjoni tat-tariffi standard.

II.    Lanaliżi legali

15.      Fiż-żewġ appelli inċidentali identiċi tagħha fil-Kawżi C‑790/21 P u C‑791/21 P, il-Kummissjoni tqajjem tliet aggravji. L-ewwel tnejn huma, essenzjalment, identiċi għaż-żewġ aggravji mqajma fil-kuntest tal-appelli inċidentali fil-Kawżi C‑792/21 P sa C‑796/21 P u C‑800/21 P. Fil-Kawża C‑790/21 P, Covestro tinvoka erba’ aggravji. Fil-Kawża C‑791/21 P, il-Ġermanja tqajjem aggravju wieħed. Madankollu, kif mitlub mill-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser jindirizzaw biss l-ewwel aggravju tal-appelli inċidentali tal-Kummissjoni (l-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament) u t-tielet aggravju ta’ Covestro, li huwa simili għall-aggravju uniku tal-Ġermanja (sa fejn dawn jikkonċernaw il-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ intervent permezz ta’ “riżorsi tal-Istat”).

A.      Fuq lewwel aggravju talappelli inċidentali talKummissjoni: lammissibbiltà ta’ rikors għal annullament

1.      Largumenti prinċipali talpartijiet

16.      Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punti 37 sa 44 tas-sentenza appellata, meta adottat interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “pubblikazzjoni” fis-sens tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Fl-ewwel lok, skont il-Kummissjoni, l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali tmur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li fiha din tal-aħħar stabbilixxiet paralleliżmu bejn is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u l-Artikolu 297 TFUE. Skont il-Kummissjoni, huwa ċar minn din il-ġurisprudenza li l-pubblikazzjoni hija l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu stabbilit għall-preżentata ta’ rikors biss jekk din tikkundizzjona d-dħul fis-seħħ tal-miżura inkwistjoni, u jekk hija prevista mit-Trattat innifsu. Fit-tieni lok, fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħlaq proċedura ta’ investigazzjoni formali, din ma tikkostitwixxix “pubblikazzjoni” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 297(2) TFUE. Għaldaqstant, din ma tikkostitwixxix il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu stabbilit għall-preżentata ta’ rikors. Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tressaq serje ta’ argumenti li, fil-fehma tagħha, isostnu l-interpretazzjoni tagħha tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, bħall-iskema ta’ din id-dispożizzjoni, il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet jew in-natura obbligatorja tat-termini għall-preżentata ta’ rikors.

17.      Il-Ġermanja u Covestro jsostnu, essenzjalment, li l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali tal-kunċett ta’ “pubblikazzjoni”, fis-sens tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ma hija vvizzjata minn ebda żball ta’ liġi.

2.      Evalwazzjoni

18.      Huwa minnu li fil-prattika u kif kien il-każ hawnhekk, il-benefiċjarji ta’ għajnuna mill-Istat huma spiss informati bil-kontenut ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara l-iskema ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq intern u illegali u tordna l-irkupru tal-għajnuna qabel il-pubblikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali. Il-benefiċjarji jsofru l-effetti legali ta’ din id-deċiżjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ rkupru, li għandha sseħħ immedjatament wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni u n-notifika tagħha lill-Istat Membru kkonċernat.

19.      Il-Kummissjoni ssostni li, f’dawn il-kundizzjonijiet u kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet fis-sentenza appellata, hija d-data li fiha l-benefiċjarju tal-għajnuna mill-Istat sar jaf bid-deċiżjoni kontenzjuża li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors għal annullament, u mhux dik tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali kellha tiddikjara r-rikors ta’ Covestro inammissibbli, peress li kien tardiv.

20.      Nipproponi li l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda, peress li din la hija kkorroborata mill-formulazzjoni tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, la mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas mill-għan ta’ din id-dispożizzjoni.

21.      Il-formulazzjoni tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE tipprovdi li “[l]-proċeduri msemmija f’dan l-Artikolu għandhom jinbdew fi żmien xahrejn mill-pubblikazzjoni tal-miżura, jew minn meta dan jiġi notifikat lir-rikorrent, jew, fin-nuqqas ta’ dan, mill-ġurnata minn meta ir-rikorrent ikun sar jaf bih, skond il-każ.”

22.      Kif enfasizzat il-Ġermanja, u kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jista’ jiġi dedott li l-kriterju tad-data ta’ meta r-rikorrent isir jaf b’miżura, bħala l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu stabbilit għall-preżentata ta’ rikors huwa ta’ natura sussidjarja meta mqabbel mal-kriterji tal-pubblikazzjoni u tan-notifika.

23.      Fir-rigward tan-notifika, huwa importanti li jitfakkar li l-proċedura ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat hija proċedura strettament bilaterali bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat. Il-benefiċjarji tal-għajnuna għandhom biss il-kwalità ta’ “partijiet interessati” skont it-tifsira tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (kodifikazzjoni) (9). Minn dan isegwi li dan l-Istat Membru huwa l-uniku destinatarju ta’ deċiżjoni negattiva tal-Kummissjoni u d-dħul fis-seħħ ta’ din id-deċiżjoni jirriżulta minn din il-proċedura bilaterali, jiġifieri, in-notifika tad-deċiżjoni mill-Kummissjoni lill-Istat Membru. Peress li tali deċiżjoni kienet diġà daħlet fis-seħħ fil-mument tan-notifika, id-determinazzjoni tal-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-partijiet mhux innotifikati sabiex jippreżentaw rikors għandha tkun mingħajr rabta mal-kundizzjonijiet tad-dħul fis-seħħ ta’ miżura u għandha, pjuttost, tirriżulta minn interpretazzjoni tal-formulazzjoni u tal-għan tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

24.      Skont il-formulazzjoni tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, fir-rigward tal-persuni mhux innotifikati, il-pubblikazzjoni tal-miżura f’Il-Ġurnal Uffiċjali ssir l-element prinċipali sabiex jiġi ddeterminat il-bidu tad-dekorrenza għall-kalkolu tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors. Minn dan isegwi li l-mument li fih il-benefiċjarju tal-għajnuna sar jaf bid-deċiżjoni, sa fejn huwa sussidjarju għall-kriterji l-oħra, isir rilevanti biss f’sitwazzjoni fejn ma tkun saret l-ebda pubblikazzjoni (anki jekk din kienet meħtieġa).

25.      Fil-fehma tiegħi, il-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq is-sentenza Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni (10). Din is-sentenza kienet tikkonċerna sitwazzjoni differenti minn dik fil-kawża ineżami. Fil-fatt, fl-ewwel każ, id-deċiżjoni kontenzjuża kienet indirizzata speċifikament lir-Repubblika Portugiża, filwaqt li Covestro, bħala l-benefiċjarja tal-għajnuna, hija biss parti interessata; hija ma hijiex destinatarja tad-deċiżjoni kontenzjuża.

26.      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq qari żbaljat ta’ din is-sentenza f’dak li jirrigwarda l-allegat parallel bejn is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u t-tieni u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 297(2) TFUE. F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma interpretatx il-kunċett ta’ “Bekanntgabe” (bl-Ingliż “notification”/“publication”) bħala li jfisser “għarfien attwali”. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet biss fuq ir-rabta bejn iż-żewġ alternattivi previsti fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, sabiex tiddeċiedi li d-deċiżjoni indirizzata lir-rikorrent tidħol fis-seħħ man-notifika tagħha u dik in-notifika tikkostitwixxi fl-istess ħin il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu stabbilit għall-preżentata ta’ rikors.

27.      Il-Kummissjoni tiddiskuti n-“notifika”, filwaqt li ssostni li l-impenji ġew innotifikati mill-awtoritajiet Ġermaniżi fil-kawża ineżami. Madankollu, meta dawn l-awtoritajiet – li ma humiex l-istituzzjoni li adottat l-att – jibagħtu kopja tad-deċiżjoni kontenzjuża lill-benefiċjarji tal-għajnuna, dan ma jistax jiġi kklassifikat bħala notifika formali ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni fis-sens tal-Artikolu 297 TFUE. Għaldaqstant, tali komunikazzjoni ta’ deċiżjoni lill-benefiċjarji ma għandhiex l-istess effetti bħal notifika fis-sens ta’ dan l-artikolu. Fi kwalunkwe każ, in-“notifika” (“Zustellung” bil-Ġermaniż) ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni ma hijiex ikkontestata fil-kawża ineżami.

28.      Il-preċedenti l-oħra ċċitati mill-Kummissjoni lanqas ma jsostnu l-ipoteżi sostnuta minn din tal-aħħar. Għalhekk, id-digriet Fryč vs Il‑Kummissjoni ma huwiex rilevanti sa fejn dan kien jikkonċerna r-rikors għal annullament tar-regolamenti ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali. Bl-istess mod, id-digriet Iordăchescu vs Il‑Parlament et (11) kien jikkonċerna direttiva ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali wkoll.

29.      Finalment, it-termini għall-preżentata ta’ rikors għandhom l-għan li joħolqu kriterji oġġettivi sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali. Minn dan isegwi li tali terminu għandu jkun ċar u faċilment identifikat minn kulħadd u jkun intiż biex jevita kull diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja (12).

30.      Għalhekk, kif tirrileva l-Ġermanja, huwa preċiżament sabiex tiġi ppreżervata ċ-ċertezza legali li s-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jidentifika l-pubblikazzjoni tal-miżura bħala l-avveniment prinċipali għad-determinazzjoni tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors. Fil-fatt, huwa dejjem possibbli li tiġi ddeterminata b’ċertezza din id-data, b’differenza mid-data li fiha l-benefiċjarju jsir jaf bil-miżura, li l-prova tagħha hija ħafna iktar diffiċli li tiġi prodotta. L-alternattiva sostnuta mill-Kummissjoni tmur kontra dan il-kalkolu legalment ċert. Sussidjarjament, kull terminu jkollu jiġi ddeterminat individwalment u l-Qorti Ġenerali tkun obbligata twettaq, bi sforz kunsiderevoli, investigazzjoni fil-fond dwar id-data attwali ta’ meta r-rikorrent sar jaf, forsi b’kumbinazzjoni, bil-miżura inkwistjoni.

31.      Barra minn hekk, l-interpretazzjoni sostnuta mill-Kummissjoni jkollha l-effett li tillimita l-protezzjoni legali effettiva tal-benefiċjarju tal-għajnuna, sa fejn, pereżempju, dan tal-aħħar jista’ jirċievi mill-Istat Membru inkwistjoni verżjoni inkompleta jew editjata tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Din in-notifika ma hijiex irregolata mid-dritt tal-Unjoni u l-Istat Membru jista’ jonqos, b’mod arbitrarju jew b’negliġenza, milli jinnotifika lill-benefiċjarji tal-għajnuna kollha jew lil uħud minnhom, li joħloq problemi ovvji fir-rigward tal-prinċipju ta’ aċċess ugwali għall-ġustizzja.

32.      L-argument tal-Kummissjoni li, fil-kawża ineżami, Covestro – li rċeviet id-deċiżjoni kontenzjuża fil-kuntest tal-proċedura nazzjonali għall-irkupru tal-għajnuna – ippreżentat ir-rikors għal annullament tagħha qabel il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali, ma jbiddilx il-konklużjoni tiegħi.

33.      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret fil-ġurisprudenza preċedenti tagħha li “d-dispożizzjonijiet tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 33 tat-Trattat KEFA, li jippreċiżaw il-formalitajiet — notifika jew pubblikazzjoni — dwar il-mument li minnu jibda jiddekorri t-terminu tar-rikors għal annullament, ma jipprekludux lil rikorrent milli jippreżenta rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mill-mument li fiha tittieħed id-deċiżjoni kkontestata, mingħajr l-istennija tan-notifika u tal-pubblikazzjoni tagħha, sabiex hekk wieħed mir-rikorsi li kien għall-oriġini ta’ din is-sentenza ma setax jiġi kkontestat bħala inammissibbli minħabba l-fatt li l-preżentata tiegħu fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja seħħet qabel il-pubblikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni”. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza ċċitata li “[m]a hemm xejn fid-dispożizzjonijiet tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li jikkorrispondi mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 33 tat-Trattat KEFA, li jipprekludi lil din il-ġurisprudenza milli tiġi trasposta għal din il-kawża” (13) u ddeċidiet, essenzjalment, li l-fatt li rikors għal annullament kien ġie ppreżentat qabel il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni ma jikkostitwixxix motiv sabiex ir-rikors jiġi ddikjarat inammissibbli.

34.      Mill-evalwazzjoni preċedenti jirriżulta li l-fatt li jiġi ppreżentat rikors għal annullament kmieni (jiġifieri, qabel il-pubblikazzjoni attwali tal-att inkwistjoni) ma għandu l-ebda effett fuq il-bidu tad-dekorrenza għall-preżentata ta’ rikors u fuq il-kalkolu tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors, kif iddefinit fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

35.      Finalment, kuntrarjament għall-argument tal-Kummissjoni, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona fil-kawża Georgsmarienhütte et (C‑135/16 P, EU:C:2018:120) huma irrilevanti għall-finijiet tal-kawżi ineżami, sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’din il-kawża dwar l-ammissibbiltà ta’ talba għal deċiżjoni preliminari u ma ddeċidietx dwar il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali.

36.      Fil-fehma tiegħi, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet li l-inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni fl-ewwel istanza kellha tiġi miċħuda u li l-appelli inċidentali tal-Kummissjoni kellhom jiġu miċħuda bħala infondati.

B.      Ittielet aggravju ta’ Covestro u laggravju uniku mqajjem millĠermanja: ilksur talArtikolu 107(1) TFUE firrigward tarriżorsi talIstat

37.      It-tielet aggravju ta’ Covestro (C‑790/21 P) dwar il-kunċett ta’ “riżorsi tal-Istat” huwa bbażat fuq tliet argumenti: (i) hija ssostni li l-eżistenza tat-taxxa u tal-kontroll mill-Istat ma humiex kriterji alternattivi; (ii) hija tikkontesta l-klassifikazzjoni tas-sovrataxxa inkwistjoni bħala taxxa; u (iii) hija ssostni li ma kien hemm l-ebda kontroll mill-Istat fuq ir-riżorsi ġġenerati mis-sovrataxxa inkwistjoni. L-aggravju uniku tal-Ġermanja (Kawża C‑791/21 P) huwa maqsum fi tliet partijiet. L-ewwel parti, li tikkontesta “l-eżistenza ta’ taxxa u l-kontroll mill-Istat huma żewġ kriterji alternattivi”, hija bbażata fuq l-argumenti li ġejjin: (a) hemm kontradizzjonijiet fis-sentenza appellata; (b) mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li huwa suffiċjenti li jiġi konkluż li l-miżura tinvolvi riżorsi tal-Istat unikament fuq il-bażi li s-sovrataxxa tista’ tiġi kklassifikata bħala taxxa; (c) l-iskema tat-Trattati hija kuntrarja għall-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali; (d) din l-interpretazzjoni għandha konsegwenzi li “ma humiex previsti mit-Trattati”; u (e) anki fejn hemm taxxa, huwa neċessarju li jiġi evalwat jekk hemmx kontroll mill-Istat. It-tieni parti, “is-sovrataxxa imposta mill-BNetzA ma hijiex taxxa fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja”, hija bbażata fuq l-argumenti li ġejjin: (a) ma hemm l-ebda “taxxa” jekk id-debitur fiskali ma huwiex il-konsumatur finali; u (b) il-Qorti Ġenerali kellha teżamina mhux biss l-obbligu li tinġabar it-taxxa, iżda anki l-obbligu li titħallas. Permezz tat-tielet parti, il-Ġermanja ssostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat billi ddeċidiet li l-użu esklużiv tat-tariffi tan-network miġbura ma eskludiex li l-Istat seta’ jiddisponi minn dawn il-fondi.

38.      Il-Kummissjoni ssostni li t-tielet aggravju ta’ Covestro u l-aggravju uniku tal-Ġermanja għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

39.      Peress li d-diversi argumenti dwar ir-riżorsi tal-Istat imqajma minn Covestro fit-tielet aggravju (Kawża C‑790/21 P) u mill-Ġermanja fl-aggravju uniku (Kawża C‑791/21 P) jissovrapponu b’mod sinjifikattiv, huwa xieraq li dawn jiġu ttrattati flimkien, u fl-ordni u skont l-istruttura tas-sentenza appellata. Konsegwentement, jeħtieġ li l-ewwel tiġi indirizzata n-natura alternattiva tal-kriterji; imbagħad, il-klassifikazzjoni tas-sovrataxxa inkwistjoni bħala “taxxa”; u, finalment, l-eżistenza ta’ kontroll mill-Istat fuq ir-riżorsi ġġenerati mis-sovrataxxa inkwistjoni.

1.      Lewwel sensiela ta’ argumenti mressqa minn Covestro u millĠermanja (żewġ elementi li jifformaw parti minn alternattiva)

a)      Argumenti prinċipali talpartijiet

40.      Covestro u l-Ġermanja jsostnu, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-eżistenza ta’ taxxa u l-kontroll mill-Istat fuq il-fondi ġġenerati minn din it-taxxa (jew fuq l-amministraturi ta’ dawn il-fondi) kienu “żewġ elementi li jagħmlu parti minn alternattiva”. Is-sempliċi eżistenza ta’ tali taxxa ma hijiex suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li l-kawża ineżami kienet tinvolvi “riżorsi tal-Istat”.

b)      Evalwazzjoni

41.      Il-Qorti Ġenerali eżaminat il-ġurisprudenza dwar il-kriterju ta’ “riżorsi tal-Istat” u qieset li “[e]ssenzjalment, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja […] hija bbażata fuq żewġ elementi prinċipali sabiex tiġi evalwata n-natura statali tar-riżorsi: minn naħa, l-eżistenza ta’ oneru obbligatorju li jaqa’ fuq il-konsumaturi jew il-klijenti finali, normalment ikklassifikat bħala ‘taxxa’, u b’mod iktar partikolari bħala ‘taxxa parafiskali’, u, min-naħa l-oħra, il-kontroll statali fuq il-ġestjoni tas-sistema, permezz b’mod partikolari tal-kontroll statali fuq il-fondi jew fuq il-ġestjonarji (terzi) ta’ dawn il-fondi. Dawn huma, essenzjalment, żewġ elementi li jagħmlu parti minn alternattiva” (sentenza appellata, punt 95, enfasi miżjuda minni).

42.      Skont il-Qorti Ġenerali, “għandu għalhekk jiġi vverifikat jekk il-mekkaniżmu [ta’ finanzjament] inkwistjoni jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-ġurisprudenza rilevanti f’dak li jirrigwarda l-użu ta’ riżorsi tal-Istat […] u għalhekk jekk is-sovrataxxa inkwistjoni tikkostitwixxix effettivament piż obbligatorju u, għaldaqstant, komparabbli ma’ taxxa parafiskali jew, jekk dan ma huwiex il-każ, jekk l-Istat għandux, mill-inqas, kontroll fuq il-fondi miġbura jew fuq il-korpi inkarigati mill-amministrazzjoni ta’ dawn il-fondi” (sentenza appellata, punt 109).

43.      Covestro u l-Ġermanja jsostnu li l-kriterji tat-“taxxa” u tal-kontroll mill-Istat huma kumulattivi u huma bbażati fuq is-sentenzi FVE Holýšov I et vs Il‑Kummissjoni (14), Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (15) u PreussenElektra (16). Madankollu, dawn is-sentenzi u oħrajn (iktar reċenti) tal-Qorti tal-Ġustizzja jimmilitaw pjuttost favur in-natura alternattiva tal-kriterji, skont kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punti 90 u 95 sa 97 tas-sentenza appellata (17).

44.      Inqis li l-argumenti mressqa minn Covestro u mill-Ġermanja huma infondati sa fejn jistgħu jiġu miċħuda fuq il-bażi tal-ġurisprudenza l-iktar reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tneħħi kull dubju possibbli dwar in-natura alternattiva jew kumulattiva tal-kriterji.

45.      Fis-sentenza DOBELES HES (18), l-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja ttrattat żewġ kwistjonijiet rilevanti għal dawn l-appelli: (i) id-definizzjoni tal-kunċett ta’ taxxa u (ii) ir-relazzjoni bejn il-kriterju ta’ taxxa u l-kriterju ta’ kontroll mill-Istat fuq il-mekkaniżmu ta’ finanzjament.

46.      Fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-kriterji rilevanti tal-Artikolu 107(1) jifformaw parti minn alternattiva: “il-kriterju msemmi fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza [jiġifieri, l-eżistenza ta’ tariffa] ma huwiex l-uniku wieħed li jippermetti li jiġu identifikati ‘riżorsi tal-Istat’, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Il-fatt li somom jibqgħu kontinwament taħt kontroll pubbliku, u għalhekk għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, huwa biżżejjed sabiex jiġu kklassifikati bħala ‘riżorsi tal-Istat’”.

47.      Minn dan isegwi li huwa biżżejjed li jiġi ssodisfatt wieħed jew l-ieħor miż-żewġ kriterji, li huwa kkonfermat mill-punt 42 tas-sentenza DOBELES HES, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi direttament għall-eżistenza ta’ “żewġ kriterji alternattivi”.

48.      Il-Qorti Ġenerali għaldaqstant ma wettqitx żball ta’ liġi fis-sentenza appellata meta interpretat l-Artikolu 107(1) TFUE, peress illi segwiet il-ġurisprudenza preeżistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja meta ddikjarat fil-punt 95 li l-kriterji msemmija iktar ’il fuq “jagħmlu parti minn alternattiva” u dan l-approċċ ġie kkonfermat mill-ġdid fis-sentenza DOBELES HES. Konsegwentement, kien suffiċjenti li l-Qorti Ġenerali tidentifika, fis-sentenza appellata, l-eżistenza ta’ taxxa jew ta’ kontroll mill-Istat fuq il-mekkaniżmu ta’ finanzjament, filwaqt li kull wieħed minn dawn il-kriterji kien ikun suffiċjenti waħdu sabiex jikkonferma l-involviment ta’ riżorsi tal-Istat. Minn dan isegwi li l-argument ta’ Covestro u tal-Ġermanja li dawn il-kriterji huma kumulattivi għandu, fil-fehma tiegħi, jiġi miċħud bħala manifestament infondat.

49.      Huwa minnu li l-Qorti Ġenerali ma ddikjaratx dan espressament, iżda jiena tal-fehma li mill-qari tas-sentenza appellata (b’mod partikolari, il-punt 109) huwa ċar li hija eżaminat it-tieni kriterju biss għal finijiet ta’ kompletezza. Peress li n-natura alternattiva tal-kriterji kienet is-suġġett ta’ nuqqas ta’ qbil sinjifikattiv bejn il-partijiet quddiem il-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar kienet iggwidata mill-prinċipju tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u eżaminat iż-żewġ elementi tal-alternattiva.

50.      Imbagħad, insostenn tal-argument tagħha li l-kriterji ta’ “taxxa” u ta’ kontroll mill-Istat għandhom ikunu kumulattivi, il-Ġermanja ssostni wkoll li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE fis-sentenza appellata (li hija kkonfermata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja) hija, fi kwalunkwe każ, kuntrarja għall-iskema tat-Trattati u tirriżulta f’“konsegwenzi li ma humiex previsti fit-Trattati”. Hija ssostni li kull taxxa jew tariffa addizzjonali imposti mill-Istat neċessarjament jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “riżorsi tal-Istat”, li jmur kontra s-sovranità fiskali tal-Istati Membri. Hija ssostni wkoll li l-projbizzjoni tal-għajnuna illegali mill-Istat hija intiża biex tipproteġi kontra l-ksur tal-kompetizzjoni libera mill-Istat, li jimplika li huwa biss il-ksur tal-kompetizzjoni b’rabta mal-baġit tal-Istat jew li jinvolvi riżorsi suġġetti għas-setgħa ta’ dispożizzjoni tal-Istat li huwa kkonċernat.

51.      Madankollu, kif irrilevat il-Kummissjoni, dawn l-argumenti huma bbażati fuq qari żbaljat tat-Trattati (19) kif ukoll fuq amalgamazzjoni ta’, minn naħa, il-ġurisprudenza dwar l-Artikoli 30 u 110 TFUE u, min-naħa l-oħra, dik dwar l-Artikolu 34 TFUE. Il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni skont l-ewwel żewġ artikoli msemmija hija spjegata mill-fatt li kemm id-dazji doganali kif ukoll it-taxxi huma, min-natura tagħhom, fiskali (jikkostitwixxu taxxi użati mill-Istat sabiex jilħaq għanijiet politiċi). Barra minn hekk, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-fattur determinanti prinċipali fir-rigward tar-riżorsi tal-Istat huwa li d-distorsjoni tal-kompetizzjoni hija x-xogħol tal-Istat (u mhux ta’ impriża). Madankollu, b’mod sinifikanti, għall-kuntrarju ta’ dak li jidher li qiegħda tissuġġerixxi l-Ġermanja, l-iskema tat-Trattati ma tinkludi l-ebda indikazzjoni li hija biss l-għajnuna “ffinanzjata mill-baġit tal-Istat” li għandha titqies bħala għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dejjem ippreċiżat li s-sempliċi fatt li l-fluss ta’ riżorsi jgħaddi esklużivament minn entitajiet irregolati mid-dritt privat ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi kkonfutata l-eżistenza tal-kontroll effettiv mill-Istat fis-sens tal-kunċett ta’ għajnuna (20).

52.      Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Ġermanja, id-differenza sistematika ta’ pożizzjoni li teżisti fit-Trattat FUE bejn l-Artikoli 30 u 110 u l-Artikolu 107 ma għandhiex impatt materjali għall-finijiet tal-kawżi ineżami. Għall-kuntrarju, dawn it-tliet dispożizzjonijiet għandhom xi ħaġa komuni, jiġifieri, il-fatt li dawn jikkonċernaw l-azzjoni fiskali tal-Istat. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja adottat, fir-rigward taż-żewġ kategoriji ta’ dispożizzjonijiet, interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “kontroll mill-Istat”, b’mod partikolari, sabiex jiġi evitat li r-regoli li jinsabu f’dawn id-dispożizzjonijiet jiġu evitati (21).

53.      Barra minn hekk, huwa skorrett li jiġi allegat li “kull [trasferiment] ta’ assi bejn [persuni ġuridiċi] privati, ordnat mil-liġi, [jiġi assimilat] ma’ użu ta’ riżorsi tal-Istat”. Pereżempju, prezz minimu stabbilit bil-liġi ma huwiex taxxa. Huwa biżżejjed li jsir riferiment għas-sentenzi PreussenElektra u EEG 2012. Is-sentenza PreussenElektra kkonċernat prezz minimu legali applikat bejn żewġ entitajiet irregolati mid-dritt privat. L-entità rregolata mid-dritt privat li kienet obbligata tapplika l-prezz minimu ma setgħetx tittrasferixxi l-ispejjeż fuq il-klijenti tagħha. Għaldaqstant, ma kienx hemm taxxa.

54.      Fis-sentenza EEG 2012, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li s-sempliċi possibbiltà ta’ impatt fuq il-klijenti ma kinitx suffiċjenti sabiex jitqies li r-riżorsi użati kienu riżorsi tal-Istat. L-użu ta’ riżorsi tal-Istat – fil-forma ta’ taxxa – jista’ jiġi preżunt biss jekk l-entità rregolata mid-dritt privat li fuqha jaqa’ l-obbligu jkollha wkoll l-obbligu li tittrasferixxi l-ispiża addizzjonali fuq terz billi tiġbor taxxa mingħandu.

55.      Fil-fehma tiegħi, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ġustament qiset li dawn il-kriterji jifformaw parti minn alternattiva. Għaldaqstant, is-sentenza appellata ma hija vvizzjata minn ebda żball ta’ liġi f’dan ir-rigward u l-ewwel sensiela ta’ argumenti mressqa minn Covestro u mill-Ġermanja għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

2.      Ittieni sensiela ta’ argumenti mressqa minn Covestro u millĠermanja (klassifikazzjoni tassovrataxxa inkwistjoni bħala “taxxa”)

56.      Covestro u l-Ġermanja jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-ewwel wieħed mill-kriterji alternattivi diskussi iktar ’il fuq, sa fejn hija kklassifikat b’mod żbaljat is-sovrataxxa inkwistjoni bħala “taxxa”. Huma jsostnu li din il-klassifikazzjoni hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ “taxxa” u fuq żnaturament tad-dritt nazzjonali.

a)      Lewwel grupp ta’ argumenti (debitur finali tassovrataxxa inkwistjoni)

57.      Fl-ewwel grupp ta’ argumenti, Covestro u l-Ġermanja jsostnu, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ “konsumatur finali”, fis-sens tad-dritt nazzjonali, peress li la d-dritt nazzjonali u lanqas l-awtoritajiet nazzjonali Ġermaniżi ma jimponu obbligu ta’ ħlas fuq il-konsumaturi jew fuq l-operaturi tas-sistema. Tali obbligu kien possibbli biss skont kuntratt għall-użu tan-network imfassal mill-awtoritajiet regolatorji, li ma kienx jeżisti għas-snin 2012 u 2013. Skont Covestro, huwa l-fornitur tal-elettriku, bħal l-utent tan-network, li għandu jittrasferixxi s-sovrataxxa inkwistjoni fuq il-konsumatur finali. Anki li kieku l-fornituri kollha ttrasferixxew b’mod sistematiku din is-sovrataxxa fuq il-konsumatur finali, tali prattika ma kinitx tkun biżżejjed sabiex jiġi konkluż li jeżisti obbligu legali.

58.      Inqis li għandu jiġi eżaminat jekk il-kwistjoni dwar min kienu d-debituri finali tas-sovrataxxa inkwistjoni hijiex kunsiderazzjoni determinanti.

59.      Covestro sostniet fl-ewwel istanza li s-sovrataxxa kienet tinġabar biss mingħand l-utenti tan-network u li din ma kinitx neċessarjament ittrasferita fuq il-konsumaturi finali tal-elettriku, b’tali mod li kellha tinftiehem bħala miżata tan-network u mhux bħala taxxa. Madankollu, fil-punt 119 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li dan l-argument kien irrilevanti, fid-dawl tal-fatt li d-debituri finali ta’ din is-sovrataxxa kienu utenti tan-network (il-fornituri nnifishom u l-konsumaturi finali direttament konnessi man-network), u mhux konsumaturi finali oħra.

60.      Barra minn hekk, fil-punt 120 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li d-deċiżjoni kontenzjuża identifikat obbligu ta’ ġbir u ta’ trasferiment tas-sovrataxxa inkwistjoni fuq il-“konsumaturi finali”. Fil-fehma tiegħi, huwa rilevanti li din l-interpretazzjoni ġiet ikkorroborata mill-punt 20 tas-sentenza tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) tas‑6 ta’ Ottubru 2015, li tiċħad l-argument ta’ Covestro li s-sovrataxxa kontenzjuża kienet tariffa tan-network. Din il-qorti kkonfermat li s-sovrataxxa ma kinitx kumpens kuntrattwali, iżda ġbir estern tat-tariffi, li kien impost fuq l-operaturi.

61.      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sabiex miżura tikkostitwixxi “tariffa” fis-sens tal-Artikoli 30 u 110 TFUE, huwa biżżejjed li din il-miżura tkun ġiet imposta fuq prodotti jew servizzi intermedjarji, mingħajr ma tkun neċessarjament ittrasferita fuq il-konsumaturi finali tal-prodotti jew tas-servizzi downstream. Ma hemm l-ebda sostenn fl-istess ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (22) li taxxa timplika l-eżistenza ta’ riżorsi tal-Istat biss jekk din it-taxxa tiġi applikata fuq il-konsumaturi finali. Fil-fatt, inqis li l-kunċett ta’ taxxa, imsemmi fl-Artikoli 30 u 110 TFUE, għandu jingħata interpretazzjoni wiesgħa fuq il-bażi ta’ interpretazzjoni teleoloġika.

62.      Il-Qorti Ġenerali ġustament ibbażat ruħha fuq din l-istess ġurisprudenza fil-punt 121 tas-sentenza appellata.

63.      Inqis li l-Qorti Ġenerali ġustament ibbażat l-approċċ tagħha fuq il-kwistjoni dwar jekk il-korpi privati jew pubbliċi, li huma inkarigati mill-implimentazzjoni tal-iskema, għandhomx jassumu l-ispejjeż permezz tar-riżorsi finanzjarji tagħhom stess (sitwazzjoni li ma tinvolvix għajnuna mill-Istat) jew jekk jistgħux jiġbru dawn ir-riżorsi mingħand terzi (sitwazzjoni li fiha hemm għajnuna mill-Istat). Ftit jimporta jekk dawn it-terzi humiex konsumaturi finali jew jikkostitwixxux ħolqa intermedja fil-katina tal-valur. Fil-fatt, l-uniku element determinanti huwa l-effett ridistributtiv tat-taxxa, jiġifieri li Stat jew entità rregolata mid-dritt privat tiġbor din it-taxxa mingħand l-impriżi u tużaha sabiex tiffinanzja vantaġġ mogħti lil kategorija oħra ta’ impriżi.

64.      Minn interpretazzjoni teleoloġika u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett ta’ “taxxa”, fis-sens tal-Artikoli 30 u 110 TFUE jirriżulta li l-identità tal-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa f’kull każ hija irrilevanti. Il-fattur determinanti huwa jekk it-taxxa hijiex relatata mal-prodott ikkonċernat jew ma’ attività neċessarja fir-rigward ta’ dan il-prodott (23).

65.      Fil-fehma tiegħi, minn dan isegwi li l-ewwel grupp ta’ argumenti għandu jiġi miċħud bħala infondat.

b)      Ittieni grupp ta’ argumenti (ittaxxa inkwistjoni ma kinitx obbligatorja)

1)      Id-deċiżjoni tal-BNetzA tal2011 ġiet iddikjarata illegali mill-qrati nazzjonali

66.      Covestro ssostni li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha biss u b’mod żbaljat fuq id-deċiżjoni tal-BNetzA tal‑2011, filwaqt li din id-deċiżjoni ġiet iddikjarata illegali, retroattivament, mill-qrati Ġermaniżi.

67.      Tqum il-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali setgħetx tikkonkludi li s-sovrataxxa inkwistjoni kienet ta’ natura obbligatorja billi bbażat ruħha fuq din id-deċiżjoni tal-BNetzA, minkejja l-fatt li din ġiet sussegwentement annullata u ddikjarata nulla mill-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf) u, fl-appell, mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja).

68.      Infakkar li mis-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Aer Lingus u Ryanair Designated Activity (24) u f’Heiser (25) jirriżulta li l-eventwali illegalità ta’ skema nazzjonali ma tistax tneħħi n-natura tagħha ta’ għajnuna mill-Istat.

69.      Skont is-sentenza Heiser, “anki kieku kellu jiġi preżunt li l-leġiżlazzjoni li tipprevedi l-aġġustament tat-tnaqqis […] hija illegali, xorta waħda jibqa’ l-fatt li din il-leġiżlazzjoni tista’ tipproduċi l-effetti tagħha matul il-perijodu kollu li fih mhijiex abrogata jew, minn ta’ lanqas, sakemm l-illegalità tagħha mhijiex ikkonstatata” (enfasi miżjuda minni).

70.      Bl-istess mod, skont is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Aer Lingus u Ryanair Designated Activity, “il-fatt li miżura fiskali tmur kontra d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni oħrajn minbarra l-Artikoli 107 u 108 TFUE ma jippermettix li jeskludi l-kwalifika ta’ ‘għajnuna mill-Istat’ l-eżenzjoni ta’ din il-miżura li minnha jibbenefikaw ċerti kontribwenti, sakemm il-miżura inkwistjoni tipproduċi effetti fir-rigward tal-kontribwenti l-oħra u ma ġietx la abrogata u lanqas iddikjarata illegali u, għaldaqstant mhux applikabbli” (enfasi miżjuda minni).

71.      Kif ippreċiżat il-Kummissjoni waqt is-seduta, il-leġiżlatur Ġermaniż ittratta s-sitwazzjoni b’mod li jiżgura li l-ġbir tas-sovrataxxa inkwistjoni, wara l-annullament ordnat mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja), jiġi rrettifikat retroattivament u jkompli jipproduċi effetti legali u, għaldaqstant, iżomm l-obbligu tas-sovrataxxa inkwistjoni.

72.      Fil-fehma tiegħi, fid-dritt tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, miżura għandha tiġi kkunsidrata mill-perspettiva tal-effetti tagħha.

73.      Fil-fehma tiegħi, mill-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet (fil-punti 107 u 125 tas-sentenza appellata) li għall-finijiet tal-istħarriġ tal-għajnuna mill-Istat, il-fatt li d-deċiżjoni tal-BNetzA tal‑2011 ġiet attwalment applikata u pproduċiet effetti legali matul il-perijodu rilevanti kien fattur determinanti.

74.      Din id-deċiżjoni kienet legalment vinkolanti matul il-perijodu rilevanti u obbligat lill-operaturi tan-network jiġbru s-sovrataxxa inkwistjoni mingħand l-utenti tan-network.

75.      Il-formulazzjoni tal-paragrafu 3 tad-deċiżjoni tal-BNetzA tal‑2011 kienet timponi l-obbligu li tinġabar is-sovrataxxa inkwistjoni mingħand l-operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni, li għalhekk kienu obbligati jiġbru din is-sovrataxxa mingħand il-klijenti tagħhom. Peress li din id-deċiżjoni kienet tifforma parti mis-sistema fis-seħħ matul il-perijodu rilevanti u kienet tipproduċi effetti vinkolanti – a fortiori peress li dawn l-effetti fir-realtà ma ġewx irtirati wara l-annullament ordnat mill-qrati nazzjonali (permezz ta’ dispożizzjonijiet li suċċessivament ħassru l-imsemmija skema) – il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet li l-iskema bbażata fuq is-sovrataxxa inkwistjoni kienet tipproduċi effetti legali vinkolanti (sentenza appellata, punt 125).

76.      L-evalwazzjoni tiegħi f’dawn il-konklużjonijiet hija kkonfermata wkoll mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Deutsche Post vs Il‑Kummissjoni (26), li fiha ġie deċiż li deċiżjoni annullata xorta tista’ tipproduċi effetti legali. Peress li r-rikors għal annullament f’din il-kawża ġie ppreżentat qabel ma l-Qorti Ġenerali ddeċidiet dwar l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża (u għalhekk eskludietha retroattivament mill-ordinament ġuridiku), l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors kellha tiġi evalwata b’riferiment għall-mument tal-preżentata tiegħu, peress li d-deċiżjoni negattiva tal‑2002 kienet għadha fis-seħħ u baqgħet tifforma parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea.

77.      Finalment, għandu jiġi rrilevat f’dan ir-rigward li l-produzzjoni ta’ effetti ġuridiċi kienet, barra minn hekk, l-għan iddikjarat tal-leġiżlatur Ġermaniż (27).

78.      Fil-fehma tiegħi, l-argumenti intiżi biex jinvokaw il-fatt li d-deċiżjoni tal-BNetzA tal‑2011 ġiet iddikjarata illegali mill-qrati nazzjonali għandhom għalhekk jiġu miċħuda bħala infondati.

2)      L-Artikoli 30 u 110 TFUE (kunċett ta’ “taxxa”) u l-ġurisprudenza Essent Netwerk Noord (natura obbligatorja tat-tariffa)

i)      L-Artikoli 30 u 110 TFUE (kunċett ta’ “taxxa”)

79.      Covestro u l-Ġermanja jsostnu li fil-punt 121 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ “taxxa”, fis-sens tal-Artikoli 30 u 110 TFUE, sabiex tikkonkludi li s-sovrataxxa inkwistjoni kienet tikkorrispondi għal dan il-kunċett. Huwa minnu li sabiex tiġġustifika l-fatt li obbligu li tiġi imposta sovrataxxa marbuta mal-użu tan-network jista’ wkoll ikun taxxa, il-Qorti Ġenerali tirreferi għall-kunċett ta’ taxxa għall-finijiet tal-Artikoli 30 u 110 TFUE.

80.      Kif ġie spjegat fil-punt 61 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-kunċett ta’ taxxa, imsemmi fl-Artikoli 30 u 110 TFUE, għandu jinftiehem f’sens wiesa’.

81.      Fis-sentenza Essent Netwerk Noord (punt 40), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-Artikoli [30 u 110 TFUE] […] għandhom l-għan, b’mod komplementari, li jipprojbixxu kull dispożizzjoni fiskali nazzjonali li tista’ tiddiskrimina kontra l-prodotti li ġejjin minn jew b’destinazzjoni għal Stati Membri oħrajn u b’hekk jostakolaw il-moviment liberu fi ħdan [l-Unjoni] f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni” (enfażi miżjuda minni).

82.      Kif ġie rrilevat fil-punt 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet, mill-kunċett ta’ “taxxa”, fis-sens tal-Artikoli 30 u 110 TFUE, jirriżulta li l-identità tal-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa f’kull każ hija irrilevanti. L-element determinanti huwa jekk tali taxxa hijiex relatata mal-prodott ikkonċernat jew ma’ attività neċessarja fir-rigward ta’ dan il-prodott.

83.      Fil-kawża ineżami, is-sovrataxxa inkwistjoni tinġabar għall-użu tan-network. Fl-evalwazzjoni korretta tal-Qorti Ġenerali, il-fatt li s-sovrataxxa ma tikkostitwixxix il-korrispettiv għall-użu tan-network, iżda tariffa obbligatorja, huwa determinanti għall-klassifikazzjoni tagħha bħala taxxa.

84.      Covestro tixtieq tinvoka l-argument li, f’kawżi preċedenti ttrattati mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-prodott rilevanti ma kienx l-użu tan-network, iżda l-elettriku fornut. Konsegwentement, l-unika kwistjoni importanti kienet dik dwar jekk, fil-kuntest tar-relazzjoni ta’ provvista tal-elettriku, ġiex impost suppliment tariffarju, li kellu jiġi kklassifikat bħala taxxa.

85.      Madankollu, l-argument ta’ Covestro huwa ineffettiv, sa fejn, fil-kawżi ineżami, l-użu tan-network għandu jitqies bħala prodott intermedjarju jew, b’mod iktar preċiż, bħala servizz intermedjarju fis-sens tal-Artikoli 30 u 110 TFUE, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja diskussa iktar ’il fuq. Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta bbażat ruħha fuq l-Artikoli 30 u 110 TFUE sabiex tiddefinixxi t-taxxa bħala tariffa fuq prodott jew servizz ipprovdut.

ii)    Essent Netwerk Noord u l-ġurisprudenza sussegwenti tal-Qorti tal-Ġustizzja (natura obbligatorja tat-tariffa)

86.      Barra minn hekk, ir-riżoluzzjoni tal-kwistjoni dwar in-natura obbligatorja tat-tariffa bħala kundizzjoni sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ riżorsi tal-Istat tista’ tiġi dedotta mill-ġurisprudenza eżistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, sa fejn il-kawżi ineżami huma simili għas-sitwazzjoni fattwali li tat lok għas-sentenza fil-kawża Essent Netwerk Noord.

87.      Is-sentenza fil-kawża Essent Netwerk Noord kienet tikkonċerna taxxa fil-Pajjiżi l-Baxxi. Operatur ta’ network (kompletament ikkontrollat minn awtoritajiet pubbliċi) ġabar mingħand xerrejja domestiċi tal-elettriku taxxa (sovrataxxa) fuq l-użu tan-network tal-elettriku tiegħu. Bħal dawn il-kawżi, fil-kawża Essent Netwerk Noord, din it-taxxa kienet prevista mid-dritt nazzjonali u l-operatur tan-network kien jiġbor flus mingħand il-konsumaturi u b’hekk kien jiffinanzja l-għajnuna mill-Istat.

88.      Il-Qorti Ġenerali ġustament irreferiet għas-sentenza f’dik il-kawża u rrilevat, fil-punt 91 tas-sentenza appellata, li “l-Qorti Ġenerali kkonkludiet li sovrataxxa fuq elettriku trażmess, stabbilita skont kriterji oġġettivi, imposta mil-leġiżlazzjoni fuq il-konsumaturi tal-elettriku u miġbura mill-operaturi tas-sistema, kienet tikkostitwixxi ‘tariffa’ li s-sors tagħha kien riżorsa tal-Istat”.

89.      Fis-sentenza fil-kawża Essent Netwerk Noord, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet diversi osservazzjonijiet importanti għall-finijiet tal-appelli ineżami.

90.      L-ewwel, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li ftit jimporta jekk it-taxxa taffettwax il-prodott bħala tali, pereżempju, l-elettriku, jew jekk it-taxxa taffettwax attività neċessarja fir-rigward tal-prodott, pereżempju, it-trasport tal-elettriku (sentenza fil-kawża Essent Netwerk Noord, punt 44). Fil-kawżi ineżami, it-taxxa taffettwa t-trasport tal-elettriku.

91.      It-tieni, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li l-fatt li s-sovrataxxa hija piż impost unilateralment huwa determinanti għall-eżistenza ta’ taxxa (sentenza fil-kawża Essent Netwerk Noord, punt 45). Fil-kawżi ineżami, id-deċiżjoni tal-BNetzA tal‑2011 kienet timponi fuq l-operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni, b’mod legalment vinkolanti, l-obbligu li jiġbru s-sovrataxxa inkwistjoni mingħand il-konsumaturi finali, bħala utenti tan-network (punt 132 tas-sentenza appellata).

92.      It-tielet, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “ma tantx huwa rilevanti l-fatt li l-piż finanzjarju ma jiġix miġbur mill-Istat” (sentenza fil-kawża Essent Netwerk Noord, punt 46). Fil-kawżi ineżami, l-operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni kienu responsabbli għall-ġbir tas-sovrataxxa inkwistjoni.

93.      Finalment, fil-kawżi ineżami, bħas-sitwazzjoni li tat lok għas-sentenza fil-kawża Essent Netwerk Noord, is-sovrataxxa inkwistjoni kienet intiża biex tkopri l-ispejjeż tal-użu tan-network li l-konsumaturi Ġermaniżi ta’ karga bażika kien ikollhom normalment iħallsu.

94.      L-eżenzjoni mit-tariffi tan-network għall-konsumaturi ta’ karga bażika għalhekk tejbet il-pożizzjoni kompetittiva tagħhom. Minħabba l-istatus fiskali tas-sovrataxxa inkwistjoni fil-kawżi ineżami, ikun xieraq li dawn ir-riżorsi jiġu rrikonoxxuti bħala riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Barra minn hekk, dan huwa konformi mal-ġurisprudenza li tgħid li l-finanzjament ta’ vantaġġ permezz tar-rikavat minn taxxa jimplika li dan il-vantaġġ ġej minn riżorsa tal-Istat (28).

95.      Inqis li mhux biss is-sentenza fil-kawża Essent Netwerk Noord, iżda wkoll dik fil-kawża FVE Holýšov I, huma partikolarment rilevanti. Dawn iż-żewġ kawżi għandhom kuntest fattwali simili għal dak tal-kawżi ineżami u juru li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-fatt, diġà indirizzat il-mistoqsijiet imqajma fl-appelli ineżami.

96.      Fis-sentenza fil-kawża FVE Holýšov I (punt 46), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li ma huwiex rilevanti jekk il-mekkaniżmu ta’ finanzjament inkwistjoni huwiex ikklassifikat, fid-dritt nazzjonali, bħala taxxa jew taxxa parafiskali. Id-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat jikkonċerna biss l-għarfien li tali tariffa hija imposta, u li din it-tariffa hija ordnata unilateralment u permezz ta’ att tal-Istat.

97.      F’dawn iż-żewġ sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li dan huwa obbligu li l-flus jinġabru b’mod unilaterali u li għalhekk dawn huma riżorsi tal-Istat. Din il-kwistjoni twassalna għas-sentenza reċenti fil-kawża DOBELES HES (punt 34), li tkompli tiċċara s-sentenza fil-kawża Essent Netwerk Noord. Inqis li dan huwa importanti għall-finijiet tal-eżitu tal-appelli ineżami.

98.      Fil-punt 34, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li “[f]ir-rigward, fit-tieni lok, tal-kundizzjoni li l-vantaġġ jingħata ‘permezz ta’ riżorsi tal-Istat’, li dwarha tistaqsi preċiżament il-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ammonti li jirriżultaw mis-suppliment fil-prezz impost mill-Istat fuq ix-xerrejja ta’ elettriku huma simili għal taxxa imposta fuq l-elettriku u joriġinaw minn ‘riżorsi tal-Istat’, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE” (29).

99.      Nirrileva li s-sentenza fil-kawża DOBELES HES, fil-punti 36 u 37 tagħha, tiċċara ġurisprudenza oħra eżistenti flimkien ma’ dik tas-sentenza fil-kawża Essent Netwerk Noord (b’mod partikolari, is-sentenza EEG 2012, punti 70 u 71).

100. Il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza d-differenzi bejn is-sentenzi EEG 2012 u DOBELES HES. Hija tispjega li, fl-ewwel każ, ma kienx hemm kontribuzzjoni obbligatorja, peress li l-ġbir tat-tariffa EEG ma kienx legalment vinkolanti u kien biss fuq bażi volontarja. Il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża għalhekk li hija n-natura obbligatorja li hija deċiżiva sabiex jiġi ddeterminat jekk it-tariffa inkwistjoni hijiex kontribuzzjoni obbligatorja. Is-sempliċi fatt li l-flus jiġu ttrasferiti jew jistgħu jiġu ttrasferiti ma huwiex biżżejjed minnu nnifsu. Madankollu, fil-kawżi ineżami, kien jeżisti preċiżament obbligu li tinġabar it-taxxa (jew it-tariffa), filwaqt li s-sentenza EEG 2012 ma kinitx tirrigwarda taxxa.

101. Għall-kuntrarju tas-sitwazzjoni fis-sentenza fil-kawża EEG 2012, il-ġbir tas-sovrataxxa inkwistjoni fil-kawżi ineżami ma huwiex deċiżjoni kummerċjali tal-operaturi tan-network, iżda pjuttost isir fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet legali (b’mod partikolari, id-deċiżjoni tal-BNetzA).

102. Għaldaqstant, huwa neċessarju li ssir distinzjoni bejn il-mekkaniżmu ta’ finanzjament inkwistjoni fil-kawżi ineżami u l-mekkaniżmu kkonċernat mill-EEG 2012. Fil-kawżi ineżami, l-eżistenza tas-sovrataxxa bħala tali hija suffiċjenti sabiex tiġi kklassifikata bħala riżorsi tal-Istat.

103. Fir-rigward tat-tieni kriterju tas-sentenza fil-kawża EEG 2012 jiġifieri, il-kontroll mill-Istat (setgħa ta’ dispożizzjoni) fuq il-fondi stess jew fuq l-entità li tamministra dawn il-fondi kif rajna iktar ’il fuq, iż-żewġ kriterji huma alternattivi u mhux kumulattivi.

104. Li kieku kien hemm sovrataxxa obbligatorja fis-sentenza fil-kawża EEG 2012, ma kienx ikun neċessarju li l-Qorti Ġenerali tibda d-diskussjoni fil-punt 72 ta’ dik is-sentenza.

105. Fil-fatt, huwa preċiżament minħabba li l-kundizzjonijiet fil-punt 71 ma kinux issodisfatti li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset neċessarju li tkompli l-motivazzjoni tagħha fil-punt 72.

106. Fil-punt 71 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “[l]-fatt, ikkonstatat mill-Qorti Ġenerali […] li, ‘fil-prattika’, il-piż finanzjarju li jirriżulta mis-soprataxxa-EEG kien jiġi mgħoddi fuq il-klijenti finali u, konsegwentement, kien ‘jixbah, mill-perspettiva tal-effetti tiegħu, lil taxxa fuq il-konsum tal-elettriku fil-Ġermanja’, ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li s-soprataxxa-EEG kellha l-istess karatteristiċi bħas-suppliment fil-prezz tal-elettriku eżaminat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza [Essent Netwerk Noord]”.

107. Il-Qorti Ġenerali għalhekk tibda l-punt 72 bil-kelma “konsegwentement”: “Konsegwentement, hemm lok jiġi vverifikat jekk iż-żewġ elementi l-oħrajn […] imsemmija […] fil-punt 62 ta’ din is-sentenza, kinux jippermettu [lill-Qorti Ġenerali] madankollu li tikkonkludi li l-fondi ġġenerati mis-soprataxxa-EEG kienu jikkostitwixxu riżorsi tal-Istat, peress li dawn kienu jibqgħu kontinwament taħt kontroll pubbliku u għaldaqstant fid-dispożizzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi […] F’din l-ipoteżi, ftit li xejn huwa rilevanti li s-soprataxxa-EEG tista’ tiġi kklassifikata bħala ‘taxxa’ jew le”.

108. Fi kliem ieħor, is-sitwazzjoni fis-sentenza fil-kawża EEG 2012 kienet totalment differenti minn dik fil-kawżi ineżami.

109. Fis-sentenza fil-kawża EEG 2012, il-leġiżlatur Ġermaniż ippermetta lill-impriżi tal-elettriku jiġbru ċerti spejjeż, iżda din kienet biss possibbiltà u mhux obbligu. L-Istat ta lill-operaturi għażla: jekk jagħmlu użu minn din il-possibbiltà, il-flus miġbura kellhom jiġu allokati għal użu speċifiku ddeterminat mill-Istat (jiġifieri, kienu maħsuba bħala kumpens għal spejjeż addizzjonali relatati mal-enerġija rinnovabbli). Għaldaqstant, f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għall-konklużjoni li, peress li ma kien hemm ebda obbligu li jinġabru dawn it-tariffi, l-Istat ma kienx jikkontrolla dawn il-fondi.

110. Mill-kunsiderazzjonijiet u mill-ġurisprudenza preċedenti jirriżulta li s-sovrataxxa inkwistjoni kienet, kif ikkonstatat il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża, ġbir obbligatorju ta’ taxxa, kif ġie kkonstatat ukoll mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja), li, kif ġie kkonfermat reċentement fis-sentenza DOBELES HES, hija biżżejjed sabiex jiġi kkonstatat l-involviment tar-riżorsi tal-Istat.

111. Għaldaqstant, jiena tal-fehma li s-sentenza appellata ma hijiex ivvizzjata bi żball ta’ liġi f’dan ir-rigward.

112. Fil-fehma tiegħi, l-argumenti bbażati fuq l-Artikoli 30 u 110 TFUE (kunċett ta’ “taxxa”) kif ukoll fuq is-sentenza fil-kawża Essent Netwerk Noord u fuq il-ġurisprudenza sussegwenti (in-natura obbligatorja tat-tariffa) għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

3)      Żnaturament tad-dritt nazzjonali u assenza ta’ obbligu li tinġabar jew titħallas is-sovrataxxa

113. Covestro u l-Ġermanja jsostnu, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali żnaturat id-dritt nazzjonali sa fejn ma kien jeżisti ebda obbligu li tinġabar is-sovrataxxa inkwistjoni.

114. Inqis li l-klassifikazzjoni tas-sovrataxxa inkwistjoni bħala taxxa ma hijiex ibbażata fuq żnaturament tad-dritt nazzjonali.

115. Fil-punti 120 u 122 sa 124 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali (b’mod partikolari, id-deċiżjoni tal-BNetzA tal‑2011), li t-taxxa inkwistjoni kienet imposta fuq il-konsumaturi finali. Għalhekk, l-argument li hemm “tariffa”, kif iddefinita fis-sentenza fil-kawża Essent Netwerk Noord, biss meta l-persuna responsabbli għall-ħlas tat-tariffa tkun il-konsumatur finali, huwa ineffettiv. Fil-fatt, il-Ġermanja ma tistax tikkontesta din il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar id-dritt nazzjonali, li hija konstatazzjoni ta’ fatt, fil-kuntest ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, u dan l-Istat Membru fil-fatt naqas milli jagħmel dan direttament.

116. Kif spjegat fil-punti 59 sa 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-identità tal-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa f’kull każ hija irrilevanti. Għall-kuntrarju, il-fattur determinanti huwa jekk it-taxxa hijiex relatata mal-prodott ikkonċernat jew ma’ attività neċessarja fir-rigward ta’ dan il-prodott.

117. Barra minn hekk, naqbel mal-Kummissjoni li l-obbligu ta’ ġbir u l-obbligu ta’ ħlas huma żewġ naħat tal-istess munita (30), bir-riżultat li kwalunkwe determinazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk l-obbligu ta’ ħlas impost fuq l-utenti tan-network kienx jirriżulta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali jew mid-deċiżjoni tal-BNetzA tal‑2011 hija wkoll irrilevanti.

118. F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li ssostni Covestro, il-fatt li d-deċiżjoni tal-BNetzA tal‑2011 ma kinitx tipprevedi sanzjonijiet għan-nuqqas ta’ ġbir tas-sovrataxxa inkwistjoni ma huwiex determinanti. Il-BNetzA kienet teżerċita setgħat ta’ sorveljanza normali fuq l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni, u setgħet tindirizza deċiżjonijiet vinkolanti lil dawn l-operaturi, fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi tagħhom (31).

119. Minn dan isegwi li l-argumenti bbażati fuq l-iżnaturament tad-dritt nazzjonali u fuq l-assenza ta’ obbligu li tinġabar is-sovrataxxa inkwistjoni u l-assenza ta’ obbligu li titħallas għandhom, fil-fehma tiegħi, jiġu miċħuda bħala infondati.

4)      Assenza ta’ kumpens sħiħ għat-telf ta’ dħul u spejjeż

120. Fis-sottomissjoni ta’ Covestro, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Qorti Ġenerali fil-punti 126 sa 130 tas-sentenza appellata, l-awtoritajiet nazzjonali ma taw lill-operaturi tan-network ebda kumpens sħiħ għat-telf tad-dħul u għall-ispejjeż iġġenerati mill-eżenzjoni tat-tariffi. Hija ddeduċiet b’mod żbaljat, fil-punt 127 tas-sentenza appellata, l-eżistenza ta’ taxxa.

121. Kuntrarjament għal dak li ssostni Covestro, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkonstatat li s-sovrataxxa kkontestata għamlitha possibbli li jseħħ kumpens sħiħ għat-telf sostnut mill-operaturi tan-network minħabba l-eżenzjonijiet mit-tariffi tan-network. Dan irriżulta mis-sitt u mis-seba’ sentenza tal-punt 19(2) tas-StromNEV 2011 u mid-deċiżjoni tal-BNetzA tal‑2011. Dak li kien importanti għall-evalwazzjoni tas-sovrataxxa fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat kien il-fatt li l-eżenzjoni mit-tariffi tan-network għall-konsumaturi ta’ karga bażika u l-vantaġġ riżultanti kienu kompletament iffinanzjati mis-sovrataxxa.

122. Madankollu, fil-punt 130 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ġustament ċaħdet l-argument li ma kienx hemm mekkaniżmu legali li jippermetti li jiġi żgurat il-kumpens sħiħ għad-dannu sostnut (b’mod partikolari minħabba l-impossibbiltà li jiġu ttrasferiti l-ispejjeż tas-sovrataxxa inkwistjoni fil-każ ta’ djun irrekuperabbli). Fil-fatt, il-klassifikazzjoni tas-sovrataxxa inkwistjoni bħala taxxa parafiskali hija suffiċjenti sabiex id-dħul minn din it-taxxa jitqies li huwa riżorsa tal-Istat, mingħajr ma jkun neċessarju li l-Istat jimpenja ruħu li jikkumpensa t-telf iġġenerat min-nuqqas ta’ ħlas ta’ din is-sovrataxxa, b’mod partikolari fil-każ ta’ djun irrekuperabbli.

123. Minn dan isegwi, fil-fehma tiegħi, li l-argumenti bbażati fuq l-assenza ta’ rimbors sħiħ tat-telf ta’ dħul u spejjeż għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

124. Fil-fehma tiegħi, mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li t-tieni sensiela ta’ argumenti mressqa minn Covestro u mill-Ġermanja għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi jew infondati.

3.      Ittielet sensiela ta’ argumenti mressqa minn Covestro u millĠermanja (leżistenza ta’ kontroll millIstat fuq irriżorsi ġġenerati missovrataxxa inkwistjoni)

a)      Argumenti prinċipali talpartijiet

125. Il-Ġermanja ssostni, essenzjalment, li l-punti 95 sa 97 u 109 tas-sentenza appellata jikkontradixxu l-punti 133 sa 134 ta’ din is-sentenza. Fir-rigward tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-fattur determinanti huwa l-kontroll u s-setgħa ta’ dispożizzjoni fuq il-fondi kkonċernati. Hija ssostni wkoll li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkonstatat li r-relazzjoni ta’ bejn il-fornitur u l-konsumatur finali tal-elettriku ma kinitx determinanti sabiex jiġi konkluż in casu li kien hemm tariffa obbligatorja, minħabba li s-sovrataxxa inkwistjoni ma hijiex imposta fuq il-konsum tal-elettriku iżda fuq l-użu tan-network.

126. Covestro ssostni, essenzjalment, li s-sentenza appellata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi peress li l-Qorti Ġenerali qieset, fuq il-bażi ta’ deskrizzjoni żbaljata tad-dritt nazzjonali, li jeżisti kontroll mill-Istat fuq il-fondi ġġenerati mis-sovrataxxa inkwistjoni. Hija tinvoka wkoll dawn l-argumenti: (i) il-konstatazzjoni li d-dħul iġġenerat mis-sovrataxxa inkwistjoni kien allokat għall-iskema inkwistjoni timmilita kontra n-natura Statali tar-riżorsi; (ii) anki jekk il-ġbir tas-sovrataxxa inkwistjoni kellu bażi legali, dan ma jkunx suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li r-riżorsi kienu riżorsi tal-Istat; (iii) fatturi bħal dawk relatati mal-mandat tal-operaturi tan-network, jew mas-sorveljanza mill-awtoritajiet pubbliċi tal-implimentazzjoni xierqa tas-sistema, ma jistabbilixxux l-eżistenza ta’ kontroll mill-Istat fuq il-fondi; u (iv) il-mekkaniżmu tal-finanzjament inkwistjoni ma jissodisfax il-kriterji identifikati mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-evalwazzjoni tal-kontroll mill-Istat, b’mod partikolari dawk riżultanti mis-sentenza EEG 2012.

b)      Evalwazzjoni

127. Fid-dawl tan-natura alternattiva taż-żewġ kriterji msemmija fl-evalwazzjoni tiegħi iktar ’il fuq, l-eżistenza ta’ taxxa hija diġà suffiċjenti sabiex tiġi rrikonoxxuta n-natura Statali tar-riżorsi. Peress li l-kriterju ta’ “taxxa” huwa ssodisfatt fil-kawża ineżami u peress li l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward hija korretta, it-tielet sensiela ta’ argumenti fl-appelli ineżami hija ineffettiva u ma għadux neċessarju li tiġi eżaminata.

128. Għaldaqstant, huwa biss għal finijiet ta’ kompletezza li ser nagħmel l-osservazzjonijiet li ġejjin.

129. Minkejja l-fatt li l-kriterju ta’ “taxxa” huwa ssodisfatt u li l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali – u issa fl-appell, dik tal-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieqaf f’dan l-istadju – jibqa’ l-fatt li l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-kriterju tal-“kontroll mill-Istat” għandha wkoll tiġi kkonfermata fil-kawża ineżami.

130. L-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw mill-eżenzjoni tal-ispejjeż tan-network għal ċerti konsumaturi ġew ittrasferiti fuq il-konsumaturi finali, skont id-dispożizzjonijiet vinkolanti tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat (32). Barra minn hekk, il-mekkaniżmu tas-sovrataxxa inkwistjoni kien jiżgura li l-operaturi tan-network jiġu kkumpensati kompletament għat-telf ta’ dħul, peress li l-ammont ta’ din is-sovrataxxa kien adattat għal dak tar-riżorsi meħtieġa minħabba l-eżenzjoni inkwistjoni (33).

131. Fir-rigward tal-argument ta’ Covestro li l-ammont ta’ din is-sovrataxxa ma kienx stabbilit mill-Istat, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-operaturi tan-network ta’ trażmissjoni ma kellhom ebda marġni ta’ manuvra sabiex jiddeterminaw din it-tariffa u li, kif iddeċidiet ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 134 tas-sentenza appellata, kien jeżisti kontroll mill-Istat fuq il-fondi, jiġifieri, fuq il-mekkaniżmu kollu ta’ ġbir u ta’ tqassim tas-sovrataxxa inkwistjoni.

132. Covestro u l-Ġermanja, li jfittxu li jinvokaw is-sentenza EEG 2012, isostnu li t-tqassim esklużiv tar-riżorsi ġġenerati mis-sovrataxxa inkwistjoni jipprekludi l-kontroll mill-Istat. Madankollu, kif tispjega ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punti 144 u 145 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Ġustizzja, f’dik is-sentenza, ma qalbitx il-ġurisprudenza stabbilita tagħha li barra minn hekk ġiet ikkonfermata minn ġurisprudenza iktar reċenti (34) iżda sempliċement illimitat ruħha li tiddikjara li, fl-assenza ta’ fatturi oħra, dan il-fattur ma kienx minnu nnifsu determinanti sabiex tintwera l-eżistenza ta’ tali kontroll. Fil-fatt, fil-kawżi ineżami, il-Qorti Ġenerali identifikat fattur ieħor ta’ dan it-tip: l-eżistenza ta’ taxxa.

133. L-argument li ma hemm l-ebda kontroll mill-Istat fuq il-mekkaniżmu komplet ta’ ġbir tas-sovrataxxa inkwistjoni huwa kontradett mill-fatt li teżisti rabta kawżali vinkolanti bejn, minn naħa, is-sovrataxxa inkwistjoni (bħala taxxa parafiskali) u, min-naħa l-oħra, l-għajnuna mogħtija fil-forma ta’ eżenzjoni mit-tariffi tan-network. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta jkun hemm rabta bħal din bejn il-miżura ta’ għajnuna u l-finanzjament tagħha, jirriżulta awtomatikament mill-eżistenza ta’ taxxa, li sservi biex tiffinanzja l-għajnuna f’proporzjon definit b’mod xieraq, li l-għajnuna tingħata permezz ta’ riżorsi tal-Istat (jiġifieri, ir-rikavat tat-taxxa) (35).

134. Finalment, l-argumenti ta’ Covestro li jallegaw li r-regoli dwar l-imposta inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza EEG 2012 huma iktar stretti minn dawk li jirregolaw is-sovrataxxa inkwistjoni fil-kawżi ineżami ma humiex fondati. Għall-kuntrarju, inqis li r-regoli li jirregolaw is-sovrataxxa inkwistjoni fil-kawżi ineżami jidhru li huma iktar stretti mill-imposta inkwistjoni fl-EEG 2012, peress li din is-sovrataxxa hija bbażata fuq dispożizzjonijiet legali vinkolanti b’kuntrast ma’ deċiżjoni kummerċjali/volontarja tal-operaturi tan-network f’dik il-kawża.

135. Minn dan isegwi li t-tielet sensiela ta’ argumenti mressqa minn Covestro u mill-Ġermanja għandha, fil-fehma tiegħi, tiġi miċħuda bħala ineffettiva u, fi kwalunkwe każ, infondata.

136. Għaldaqstant, it-tielet aggravju ta’ Covestro u l-aggravju uniku mqajjem mill-Ġermanja, sa fejn jikkonċernaw il-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ intervent permezz ta’ riżorsi tal-Istat, għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

III. Konklużjoni

137. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha: (i) tiċħad l-ewwel aggravju tal-appelli inċidentali tal-Kummissjoni; u (ii) tiċħad it-tielet aggravju ta’ Covestro u l-aggravju uniku mqajjem mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, sa fejn dawn jikkonċernaw il-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ intervent permezz ta’ riżorsi tal-Istat.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Dawn huma t-tliet ġabriet segwenti ta’ Kawżi magħquda: (i) C‑792/21 P u C‑793/21 P, (ii) C‑795/21 P u C‑796/21 P, u (iii) C‑794/21 P u C‑800/21 P. Fil-fatt, sa 37 konsumatur tal-elettriku, bħal dawk inkwistjoni fl-appell ineżami, ippreżentaw rikorsi simili quddiem il-Qorti Ġenerali intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża. Il-kawżi li taw lok għall-erba’ sentenzi appellati tal-Qorti Ġenerali fil-kawżi paralleli ġew indikati bħala “kawżi piloti” mill-Qorti Ġenerali.


3      Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/56 tat‑28 ta’ Mejju 2018 dwar skema ta’ għajnuna SA.34045 (2013/c) (ex 2012/NN) (notifikata bid-dokument C(2018) 3166) (ĠU 2019, L 14, p. 1). “StromNEV” fl-isem ta’ din id-deċiżjoni jirreferi għal Stromnetzentgeltverordnung (id-Digriet Ġermaniż dwar it-Tariffi tan-Network tal-Elettriku).


4      BGBl. 2011 I, p. 1554.


5      BGBl. 2016 I, p. 1786 (iktar ’il quddiem l-“EnWG 2011”).


6      BGBl. 2005 I, p. 2225 (iktar ’il quddiem “StromNEV 2005”).


7      BGBl. 2002 I, p. 1092.


8      BGBl. 2013 I, p. 3250 (iktar ’il quddiem is-“StromNEV 2013”).


9 ĠU L 248, 24.9.2015, p. 9


10      Sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2017 (C‑339/16 P, EU:C:2017:384).


11      Rispettivament, id-digrieti tal‑5 ta’ Settembru 2019 (C‑230/19 P, EU:C:2019:685) u tal‑31 ta’ Jannar 2019 (C‑426/18 P, EU:C:2019:89).


12      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2018, Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni (C‑469/11 P, EU:C:2012:705, punt 50).


13      Sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2013, PPG u SNF vs ECHA (C‑626/11, EU:C:2013:595, punti 35 u 36).


14      Sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2021 (C‑850/19 P, EU:C:2021:740, iktar ’il quddiem is-“sentenza FVE Holýšov I”).


15      Sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2019 (C‑405/16 P, EU:C:2019:268, iktar ’il quddiem is-“sentenza EEG 2012”).


16      Sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2001 (C‑379/98, EU:C:2001:160, iktar ’il quddiem is-“sentenza PreussenElektra”)


17      Ara, f’dawn ir-rigward, is-sentenzi EEG 2012, punt 72; tal‑15 ta’ Mejju 2019, Achema et (C‑706/17, EU:C:2019:407, punti 64 sa 66); tas‑17 ta’ Lulju 2008, Essent Netwerk Noord et (C‑206/06, EU:C:2008:413, iktar ’il quddiem is-“sentenza Essent Netwerk Noord”, punt 66); tat‑13 ta’ Settembru 2017, ENEA (C‑329/15, EU:C:2017:671, punt 30 (il-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-ewwel kriterju, l-eżistenza ta’ taxxa, iżda tipproċedi għal eżami tat-tieni kriterju, il-ġestjoni mill-Istat tal-użu tal-fondi (punt 31) u t-tielet kriterju, il-kontroll mill-Istat fuq l-entitajiet li jamministraw il-fondi (punti 34 u 35)); u FVE Holýšov I (punt 46).


18      Sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, DOBELES HES (C‑702/20 u C‑17/21, EU:C:2023:1, iktar ’il quddiem is-“sentenza DOBELES HES”).


19      Il-Ġermanja tinjora l-iskema preċiża tat-Trattati. L-Artikolu 30 TFUE huwa stabbilit taħt il-Kapitolu 1 tat-Titolu II, u huwa intitolat “Unjoni Doganali”; l-Artikolu 110 TFUE huwa stabbilit taħt il-Kapitolu 2 tat-Titolu VII, u huwa intitolat “Dispożizzjonijiet Fiskali”. Dawn jinkludu projbizzjoni assoluta ta’ diskriminazzjoni. F’dan ir-rigward huma differenti mill-Artikolu 34 TFUE, li jinsab taħt il-Kapitolu 3 tat-Titolu II, intitolat “Projbizzjoni ta’ restrizzjonijiet kwantitattivi bejn Stati Membri”, li jirregola l-moviment liberu tal-merkanzija u li, b’differenza mill-Artikoli 30 u 110 TFUE, jipprevedi fl-istess ħin il-possibbiltà li restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-merkanzija jkunu ġġustifikati.


20      Ara d-digriet tat‑22 ta’ Ottubru 2014, Elcogás (C‑275/13, EU:C:2014:2314, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, Il‑Kummissjoni vs TV2/Danmark (C‑656/15 P, EU:C:2017:836, punt 48).


21      Ara l-punt 51 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


22      B’mod partikolari, is-sentenza Essent Netwerk Noord (punt 49).


23      Ibid.


24      Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016 (C‑164/15 P u C‑165/15 P, EU:C:2016:990, punt 69)


25      Sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2005 (C‑172/03, EU:C:2005:130, punt 38).


26      Sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2013 (C‑77/12 P, EU:C:2013:695, punti 65 u 66)


27      Skont id-Dokument 18/8915 tal-Bundestag (il-Parlament Federali Ġermaniż) tat‑22 ta’ Ġunju 2016, p. 39, “id-dispożizzjonijiet tal-punt 3 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 24 il-ġdid u l-punt 5 tat-tieni sentenza tal-EnWG għandhom jidħlu fis-seħħ retroattivament mill‑1 ta’ Jannar 2012 skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 9 il-ġdid tal-EnWG. Għaldaqstant l-emendi japplikaw ukoll, retroattivament, għal fait accompli u li jappartjenu għall-passat, jiġifieri l-ġabra tas-sovrataxxa [inkwistjoni] fir-rigward tal-konsum finali tal-elettriku. […] L-effett retroattiv previst fl-Artikolu 9 il-ġdid huwa neċessarju wkoll sabiex tiġi ċċarata sitwazzjoni legalment ambigwa. […] L-annullament jirriżulta wkoll f’kumpensazzjonijiet ta’ ħlas reċiproċi kumplessi, mingħajr aspettattiva leġittima min-naħa tad-debituri preċedenti tas-sovrataxxa”.


28      Sentenza fil-kawża Essent Netwerk Noord (punt 66).


29      Il-Qorti tal-Ġustizzja tiċċita, f’dan is-sens, is-sentenza fil-kawża Essent Netwerk Noord (punti 47 u 66).


30      Meta l-awtorità regolatorja tobbliga entità suġġetta għar-regolament sabiex tiġbor taxxa, din simultanjament tobbliga lid-debitur tat-taxxa sabiex iħallasha. Inkella, din l-entità ma tkunx tista’ tissodisfa l-obbligu tagħha impost mill-awtorità.


31      L-Artikoli 29 u 54 tal-EnWG 2011. Ara l-premessa 123 tad-deċiżjoni kontenzjuża.


32      Kif iddeċidiet ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punti 122 sa 125 tas-sentenza appellata.


33      Kif iddeċidiet ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punti 126 sa 127 tas-sentenza appellata.


34      Ara s-sentenzi fil-kawża Essent Netwerk Noord (punt 69); tal‑15 ta’ Mejju 2019, Achema et (C‑706/17, EU:C:2019:407, punt 66); u EEG 2012  (punt 76). Ara wkoll is-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2014, L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni, T‑251/11 (EU:T:2014:1060, punt 70).


35      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Jannar 2005, Streekgewest (C‑174/02, EU:C:2005:10, punt 26); tas‑27 ta’ Ottubru 2005, Distribution Casino France et (C‑266/04 sa C‑270/04, C‑276/04 u C‑321/04 sa C‑325/04, EU:C:2005:657, punt 40); u Essent Netwerk Noord (punt 90).