Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI
PIKAMÄE
ippreżentati fil‑11 ta’ April 2024 (1)
Kawża C‑768/21
TR
vs
Land Hessen
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Wiesbaden (il-Qorti Amministrattiva ta’ Wiesbaden, il-Ġermanja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Artikolu 57(1)(a) u (f) – Kompiti tal-awtorità ta’ superviżjoni – Artikolu 58(2) – Setgħat tal-awtorità ta’ superviżjoni – Artikolu 77(1) – Dritt li jitressaq ilment – Ksur ta’ data personali – Obbligu tal-awtorità ta’ superviżjoni li tadotta miżuri”
I. Introduzzjoni
1. Din it-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Wiesbaden (il-Qorti Amministrattiva ta’ Wiesbaden, il-Ġermanja) skont l-Artikolu 267 TFUE tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 57(1)(a) u (f), tal-Artikolu 58(2) u kif ukoll tal-Artikolu 77(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (2) (iktar ’il quddiem ir-“RĠPD”).
2. Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn TR u Land Hessen (il-Land ta’ Hessen, il-Ġermanja), irrappreżentat mill-Hessischer Beauftragte für Datenschutz und Informationsfreiheit (il-Kummissarju tal-Protezzjoni ta’ Data u tal-Libertà tal-Informazzjoni għal-Land ta’ Hessen, iktar ’il quddiem l-“HBDI”), fir-rigward tar-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jintervjeni kontra il-Fond ta’ Tfaddil minħabba ksur tad-data personali. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-awtorità ta’ superviżjoni, meta tikkonstata pproċessar ta’ data li jikser id-drittijiet tas-suġġett tad-data, għandhiex, fi kwalunkwe każ, tintervjeni fil-kuntest tas-setgħat mogħtija lilha mill-Artikolu 58(2) tar-RĠPD, jew jekk, f’każ partikolari, tistax – minkejja l-ksur – tirrinunzja għall-intervent.
3. Din il-kawża tqajjem għall-ewwel darba diversi kwistjonijiet ta’ liġi li jitolbu riflessjoni profonda. Il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha tiddeċiedi, essenzjalment, dwar ir-rwol li jgawdu l-prinċipji ta’ legalità u opportunità fil-prattika amministrattiva tal-awtoritajiet ta’ superviżjoni, u b’mod partikolari, fit-twettiq tal-kompitu tagħhom li jikkonsisti fil-monitoraġġ tal-applikazzjoni tar-RĠPD, kif ukoll li jiżguraw l-osservanza tiegħu. L-orjentazzjonijiet interpretattivi li ser joħorġu mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ser jinfluwenzaw din il-prattika amministrattiva, u għalhekk jikkontribwixxu għal applikazzjoni koerenti ta’ dan ir-regolament fi ħdan l-Unjoni.
II. Il‑kuntest ġuridiku
4. Il-premessi 129, 141, 148 u 150 tar-RĠPD huma fformulati hekk:
“(129) Sabiex jiġu żgurati monitoraġġ u infurzar konsistenti ta’ dan ir-Regolament kullimkien fl-Unjoni, f’kull wieħed mill-Istati Membri, l-awtoritajiet superviżorji għandu jkollhom l-istess kompiti u setgħat effettivi, inklużi setgħat investigattivi, setgħat korrettivi u sanzjonijiet, u setgħat ta’ awtorizzazzjoni u konsultattivi, b’mod partikolari f’każijiet ta’ ilmenti minn persuni fiżiċi, u mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-awtoritajiet tal-prosekuzzjoni taħt il-liġi tal-Istat Membru, biex iressqu l-ksur ta’ dispożizzjonijiet f’dan ir-Regolament għall-attenzjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji u jidħlu fi proċedimenti legali. Dawn is-setgħat għandhom jinkludu wkoll is-setgħa li tiġi imposta limitazzjoni temporanja jew definittiva, inkluża projbizzjoni, fuq l-ipproċessar. L-Istati Membri jistgħu jispeċifikaw kompiti oħra relatati mal-protezzjoni ta’ data personali skont dan ir-Regolament. Is-setgħat tal-awtoritajiet superviżorji għandhom jiġu eżerċitati f’konformità ma’ salvagwardji proċedurali xierqa stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni u fil-liġijiet tal-Istati Membri, b’mod imparzjali, ġust u fil-mument opportun. B’mod partikolari, kull miżura għandha tkun xierqa, meħtieġa u proporzjonata sabiex tiġi żgurata l-konformità ma’ dan ir-Regolament, b’kont meħud taċ-ċirkostanzi ta’ kull każ individwali, ir-rispett tad-dritt ta’ kull persuna li tinstema’ qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li tolqotha ħażin u biex jiġu evitati spejjeż żejda u inkonvenjenzi eċċessivi għall-persuni kkonċernati. [...]
[...]
(141) Kull suġġett tad-data għandu jkollu d-dritt li jressaq ilment quddiem awtorità superviżorja unika, b’mod partikolari fl-Istat Membru tar-residenza abitwali tiegħu, u jkollu d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv f’konformità mal-Artikolu 47 tal-[Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, iktar ’il quddiem il-‘Karta’] jekk is-suġġett tad-data jqis li jkun hemm ksur tad-drittijiet tiegħu skont dan ir-Regolament jew fejn l-awtorità superviżorja ma tiħux azzjoni b’rabta ma’ ilment, tirrifjuta jew tiċħad l-ilment parzjalment jew kompletament jew ma tiħux azzjoni fejn tali azzjoni tkun meħtieġa għall-protezzjoni tad-drittijiet tas-suġġett tad-data. L-investigazzjoni li ssegwi l-ilment għandha titwettaq, soġġett għal stħarriġ ġudizzjarju, dment li tkun adatta fil-każ speċifiku. L-awtorità superviżorja għandha tinforma lis-suġġett tad-data dwar il-progress u l-eżitu tal-ilment f’perijodu ta’ żmien raġonevoli. [...]
[...]
(148) Sabiex jissaħħaħ l-infurzar tar-regoli ta’ dan ir-Regolament, għandhom jiġu imposti pieni inklużi multi amministrattivi għal kwalunkwe ksur ta’ dan ir-Regolament, flimkien mal-miżuri adatti imposti mill-awtorità superviżorja skont dan ir-Regolament jew minflokhom. F’każ ta’ ksur minuri jew jekk il-multa li x’aktarx li tiġi imposta tikkostitwixxi piż sproporzjonat għal persuna fiżika, tista’ tinħareġ twissija minflok multa. Madankollu, għandha tingħata l-kunsiderazzjoni dovuta għan-natura, is-serjetà u d-dewmien tal-ksur, il-karattru intenzjonali tal-ksur, l-azzjonijiet meħuda biex itaffu d-danni sofruti, il-grad ta’ responsabbiltà jew kwalunkwe ksur preċedenti rilevanti, il-mod li bih il-ksur sar magħruf mill-awtorità superviżorja, il-konformità ma’ miżuri ordnati kontra l-kontrollur jew il-proċessur, l-aderenza għal kodiċi ta’ kondotta u kwalunkwe fattur aggravanti jew mitiganti ieħor. [...]
[...]
(150) Sabiex issaħħaħ u tarmonizza l-pieni amministrattivi għall-ksur ta’ dan ir-Regolament, kull awtorità superviżorja għandu jkollha s-setgħa li timponi multi amministrattivi. Dan ir-Regolament għandu jindika l-ksur u l-limitu massimu u l-kriterji biex jiġu stabbiliti l-multi amministrattivi relatati, li għandhom jiġu ddeterminati mill-awtorità superviżorja kompetenti f’kull każ individwali, b’kont meħud taċ-ċirkostanzi rilevanti kollha tas-sitwazzjoni speċifika, filwaqt li jittieħed kont dovut b’mod partikolari għan-natura, il-gravità u t-tul taż-żmien tal-ksur u tal-konsegwenzi tiegħu u l-miżuri meħudin biex tiġi żgurata konformità mal-obbligi taħt dan ir-Regolament u għall-prevenzjoni jew il-mitigazzjoni tal-konsegwenzi tal-ksur. [...]”
5. L-Artikolu 33(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:
“Fil-każ ta’ ksur ta’ data personali, il-kontrollur għandu mingħajr dewmien bla bżonn u, fejn fattibbli, mhux aktar tard minn 72 siegħa wara li jkun sar jaf bih, jinnotifika l-ksur tad-data personali lill-awtorità superviżorja kompetenti f’konformità mal-Artikolu 55 ħlief jekk il-ksur ta’ data personali x’aktarx ma jirriżultax f’riskju għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi. [...]”
6. L-Artikolu 34(1) tal-imsemmi regolament jipprevedi:
“Meta l-ksur ta’ data personali probabbilment ikun ser jirriżulta f’riskju għoli għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi l-kontrollur għandu jikkomunika l-ksur ta’ data personali lis-suġġett tad-data mingħajr dewmien bla bżonn.”
7. L-Artikolu 57(1) ta’ dan l-istess regolament jistabbilixxi:
“Mingħajr preġudizzju għal kompiti oħra stabbiliti f’dan ir-Regolament, kull awtorità superviżorja għandha fit-territorju tagħha:
a) timmonitorja u tinforza l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament;
[...]
f) tittratta lmenti mressqa minn suġġett tad-data, jew minn korp, organizzazzjoni jew assoċjazzjoni f’konformità mal-Artikolu 80, u tinvestiga, sa fejn ikun xieraq, is-suġġett tal-ilment u tinforma lill-ilmentatur dwar il-progress u l-eżitu tal-investigazzjoni f’perijodu ta’ żmien raġonevoli, b’mod partikolari jekk tkun meħtieġa aktar investigazzjoni jew koordinazzjoni ma’ awtorità superviżorja oħra;
[...]”
8. Skont l-Artikolu 58 tar-RĠPD:
“(1) Kull awtorità superviżorja għandu jkollha s-setgħat kollha investigattivi li ġejjin:
a) li tordna lill-kontrollur u l-proċessur, u, fejn applikabbli, lir-rappreżentant tal-kontrollur jew tal-proċessur biex jipprovdu kwalunkwe informazzjoni li tirrikjedi għat-twettiq tal-kompiti tagħha;
[...]
(2) Kull awtorità superviżorja għandu jkollha s-setgħat kollha korrettivi li ġejjin:
a) li toħroġ twissijiet lil kontrollur jew proċessur li l-operazzjonijiet ta’ pproċessar maħsuba x’aktarx jiksru dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament;
b) li ċċanfar kontrollur jew proċessur fejn l-operazzjonijiet ta’ pproċessar ikunu kisru dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament;
c) li tordna lill-kontrollur jew il-proċessur jikkonforma mat-talbiet tas-suġġett tad-data li jeżerċita d-drittijiet tiegħu skont dan ir-Regolament;
d) li tordna lill-kontrollur jew il-proċessur jagħmel operazzjonijiet ta’ pproċessar konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, fejn xieraq, b’mod speċifiku u f’perijodu ta’ żmien speċifiku;
e) li tordna lill-kontrollur jikkomunika ksur ta’ data personali lis-suġġett tad-data;
f) li timponi limitazzjoni temporanja jew definittiva inkluża projbizzjoni fuq l-ipproċessar;
[...]
i) li timponi multa amministrattiva skont l-Artikolu 83, flimkien ma’, jew minflok il-miżuri msemmija f’dan il-paragrafu, skont iċ-ċirkostanzi ta’ kull każ individwali;
[...]”
9. L-Artikolu 77 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:
“(1) Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew ġudizzjarju ieħor, kull suġġett tad-data għandu d-dritt li jressaq ilment quddiem awtorità superviżorja, b’mod partikolari fl-Istat Membru tar-residenza abitwali tiegħu, il-post tax-xogħol tiegħu jew il-post tal-ksur allegat, jekk is-suġġett tad-data jqis li l-ipproċessar ta’ data personali dwaru jikser dan ir-Regolament.
(2) L-awtorità superviżorja li magħha jkun sar l-ilment għandha tinforma lill-ilmentatur dwar il-progress u l-eżitu tal-ilment inkluża l-possibbiltà ta’ rimedju ġudizzjarju skont l-Artikolu 78.”
10. L-Artikolu 78 tal-imsemmi regolament jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:
“1. Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew mhux ġudizzjarju ieħor, kull persuna fiżika jew ġuridika għandu jkollha d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra deċiżjoni legalment vinkolanti ta’ awtorità superviżorja li tikkonċernaha.
2. Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew mhux ġudizzjarju ieħor, kull suġġett tad-data għandu d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv fejn l-awtorità superviżorja li hija kompetenti skont l-Artikoli 55 u 56 ma titrattax ilment jew ma tinformax lis-suġġett tad-data fi żmien tliet xhur dwar il-progress jew l-eżitu tal-ilment skont l-Artikolu 77.”
11. L-Artikolu 83 tar-RĠPD jistabbilixxi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:
“(1) Kull awtorità superviżorja għandha tiżgura li l-impożizzjoni ta’ multi amministrattivi skont dan l-Artikolu fir-rigward ta’ ksur ta’ dan ir-Regolament imsemmi fil-paragrafi 4, 5 u 6 għandha tkun effettiva, proporzjonata u dissważiva f’kull każ individwali.
(2) Il-multi amministrattivi għandhom, skont iċ-ċirkostanzi ta’ kull każ individwali, jiġu imposti flimkien ma’, jew minflok, miżuri msemmija fil-punti (a) sa (h) u (j) tal-Artikolu 58(2). Meta jiġi deċiż jekk għandiex tiġi imposta multa amministrattiva u jiġi deċiż l-ammont tal-multa amministrattiva, f’kull każ individwali, għandha tingħata konsiderazzjoni dovuta lil dawn li ġejjin:
a) in-natura, il-gravità u d-dewmien tal-ksur b’kont meħud tan-natura, l-ambitu jew il-fini tal-ipproċessar ikkonċernat kif ukoll l-għadd ta’ suġġetti tad-data affettwati u l-livell ta’ dannu mġarrab minnhom;
b) il-karattru intenzjonali jew negliġenti tal-ksur;
c) kwalunkwe azzjoni meħuda mill-kontrollur jew il-proċessur biex jittaffa d-dannu mġarrab mis-suġġetti tad-data;
d) il-grad ta’ responsabbiltà tal-kontrollur jew il-proċessur b’kont meħud tal-miżuri tekniċi u organizzattivi implimentati minnu skont l-Artikoli 25 u 32;
e) kwalunkwe ksur preċedenti rilevanti mill-kontrollur jew il-proċessur;
f) il-grad ta’ kooperazzjoni mal-awtorità superviżorja, sabiex jiġi rimedjat il-ksur u jittaffew l-effetti avversi possibbli tal-ksur;
g) il-kategoriji ta’ data personali affettwati mill-ksur;
h) il-mod li bih il-ksur sar magħruf mill-awtorità superviżorja, b’mod partikolari jekk, u jekk ikun hekk il-każ sa fejn, il-kontrollur jew il-proċessur innotifika l-ksur;
i) fejn miżuri msemmija fl-Artikolu 58(2), ikunu ġew ordnati minn qabel kontra l-kontrollur jew il-proċessur ikkonċernat fir-rigward tal-istess suġġett, il-konformità ma’ dawk il-miżuri;
j) l-aderenza mal-kodiċijiet approvati ta’ kondotta skont l-Artikolu 40 jew mal-mekkaniżmi approvati ta’ ċertifikazzjoni skont l-Artikolu 42; u
k) kwalunkwe fattur aggravanti jew mitiganti applikabbli għaċ-ċirkostanzi tal-każ, bħal benefiċċji finanzjarji miksuba, jew telfiet evitati, direttament jew indirettament, mill-ksur.”
III. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża, il‑proċedura fil‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari
12. Il-Fond ta’ Tfaddil huwa stabbiliment muniċipali tad-dritt pubbliku li jwettaq, b’mod partikolari, tranżazzjonijiet bankarji u ta’ kreditu. Fil‑15 ta’ Novembru 2019, huwa nnotifika lill-HBDI ksur ta’ data personali, skont l-Artikolu 33 tar-RĠPD, peress li waħda mill-impjegati tiegħu kienet ikkonsultat diversi drabi, mingħajr ma kienet awtorizzata, data personali ta’ TR, wieħed mill-klijenti tiegħu. Madankollu, billi qies li dan ma kienx ksur ta’ data personali li jista’ jwassal għal riskju għoli għal TR, il-Fond ta’ Tfaddil astjena milli jinnotifika wkoll lil TR, skont l-Artikolu 34 ta’ dan ir-regolament.
13. Wara li sar jaf b’dan l-inċident, TR indirizza lill-HBDI, permezz ta’ ittra tas‑27 ta’ Lulju 2020, li permezz tagħha huwa rrapporta ksur tal-Artikolu 34 tar-RĠPD u kkritika l-perijodu qasir ta’ tliet xhur ta’ ħażna tar-reġistru ta’ aċċess tal-Fond ta’ Tfaddil kif ukoll id-drittijiet ta’ konsultazzjoni estiżi li minnhom igawdi kull membru tal-persunal tiegħu.
14. Fil-kuntest tal-proċedura quddiem l-HBDI, il-Fond ta’ Tfaddil indika li l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tiegħu kien qies li ma kienx hemm riskju għal TR, peress li kienu ttieħdu miżuri dixxiplinari kontra l-impjegata kkonċernata u li din kienet ikkonfermat bil-miktub li la kkopjat u lanqas ħażnet id-data li kienet saret taf biha, u lanqas bagħtitha lil terzi u li ma kinitx ser tagħmel dan fil-futur. Barra minn hekk, il-perijodu tal-ħażna ta’ data ta’ aċċess kellu jkun is-suġġett ta’ eżami.
15. Permezz ta’ deċiżjoni tat‑3 ta’ Settembru 2020, l-HBDI informa lil TR li, f’dan il-każ, il-Fond ta’ Tfaddil ma kienx kiser l-Artikolu 34 tar-RĠPD. Skont din l-awtorità, id-deċiżjoni li kellha tittieħed skont din id-dispożizzjoni kienet previżjonarja. Fid-dawl tas-sistema ta’ superviżjoni tal-protezzjoni tad-data, għandu jiġi eżaminat jekk din id-deċiżjoni kinitx manifestament żbaljata. Issa, il-Fond ta’ Tfaddil kien espona li, anki jekk id-data kienet ġiet ikkonsultata, xejn ma kien jindika li l-impjegata li kienet ikkonsultatha kienet bagħtitha lil terzi jew kienet użata għad-detriment ta’ TR. Għalhekk, probabbilment ma kienx hemm riskju għoli. Barra minn hekk, il-Fond ta’ Tfaddil kien ġie mistieden jaħżen ir-reġistru ta’ aċċess tiegħu għal żmien itwal. Skont l-HBDI, kontroll bażiku ta’ kull aċċess ma kienx neċessarju, peress li d-drittijiet ta’ aċċess estiżi setgħu jingħataw bħala prinċipju jekk wieħed ikollu ċ-ċertezza li kull utent kien informat bil-kundizzjonijiet li fihom huwa jista’ jaċċedi għad-data speċifika.
16. TR ippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni tat‑3 ta’ Settembru 2020 quddiem il-Verwaltungsgericht Wiesbaden (il-Qorti Amministrattiva ta’ Wiesbaden), il-qorti tar-rinviju, fejn talabha tordna lill-HBDI jintervjeni kontra l-Fond ta’ Tfaddil.
17. Insostenn tar-rikors tiegħu, TR jargumenta li l-HBDI ma kienx ittratta l-ilment tiegħu kif jeħtieġ ir-RĠPD. Huwa jiddikjara li għandu dritt li dan l-ilment jiġi ttrattat u li jkun informat bl-azzjonijiet meħuda. L-HBDI kellu jinvestiga ċ-ċirkustanzi fattwali li fihom saret l-evalwazzjoni tar-riskju mill-Fond ta’ Tfaddil mingħajr ma jillimita ruħu għall-miżuri espressament mitluba u kellu jimponi multi fuq il-Fond ta’ Tfaddil. Skont TR, fil-każ ta’ ksur pprovat, il-prinċipju ta’ opportunità ma japplikax, b’tali mod li l-HBDI ma setax jiddeċiedi jaġixxix jew le, iżda, l-iktar l-iktar, seta’ jagħżel il-miżuri li kien qed jippjana li jieħu.
18. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, f’dan il-każ, l-HBDI, bħala awtorità ta’ superviżjoni, ikkonkluda li, minkejja li kien hemm ksur tad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data, ma kienx hemm lok li jintervjeni skont l-Artikolu 58(2) tar-RĠPD. Madankollu, dan l-approċċ kien ikun konformi biss kieku l-awtorità ta’ superviżjoni ma kinitx marbuta tintervjeni anki meta jkun ġie pprovat ksur tal-protezzjoni tad-data. Jekk wieħed isegwi l-perspettiva ta’ TR li l-awtorità ta’ superviżjoni ma għandha ebda setgħa diskrezzjonali, dan ikollu l-konsegwenza li jinħoloq dritt għal intervent u għal miżuri korrettivi fil-każ ta’ ksur ipprovat u li l-awtorità ta’ superviżjoni jkollha tadotta miżura fil-każijiet kollha. Fil-każ ta’ rifjut, il-qorti jkollha mbagħad timponi fuq l-awtorità ta’ superviżjoni miżura jew firxa ta’ miżuri.
19. Il-qorti tar-rinviju tesponi li dan l-argument, li huwa difiż ukoll f’parti mill-kummentarji ġuridiċi, huwa bbażat fuq il-fatt li s-setgħat korrettivi skont l-Artikolu 58(2) tar-RĠPD huma intiżi sabiex jistabbilixxu mill-ġdid sitwazzjonijiet konformi meta d-drittijiet ta’ ċittadini jinkisru permezz ta’ pproċessar ta’ data. Din id-dispożizzjoni għandha għalhekk tinftiehem bħala sors ta’ obbligu li huwa l-bażi ta’ dritt taċ-ċittadin għal azzjoni tal-awtoritajiet meta impriża jew awtorità tkun ipproċessat illegalment data personali taċ-ċittadin jew tkun kisret drittijiet b’mod ieħor. Fil-każ ta’ ksur tal-protezzjoni tad-data pprovat, l-awtorità ta’ superviżjoni għandha tadotta miżuri korrettivi, u l-unika setgħa diskrezzjonali li jibqgħalha hija dik li tagħżel liema miżuri previsti hija għandha tadotta.
20. Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar din l-interpretazzjoni u tqis li din hija estensiva ħafna. Pjuttost, hija tirrikonoxxi lill-awtorità ta’ superviżjoni marġni ta’ manuvra li jippermettilha wkoll tastjeni minn kull sanzjoni fil-każ ta’ ksur ipprovat. Fil-fatt, l-Artikolu 57(1)(f) tar-RĠPD jipprovdi biss li l-awtorità ta’ superviżjoni li quddiemha jitressqu lmenti teżamina s-suġġett tal-ilment, sa fejn huwa neċessarju, u tinforma lill-awtur tiegħu bil-progress u bl-eżitu tal-investigazzjoni f’terminu raġonevoli. Għalhekk, l-awtorità ta’ superviżjoni għandha, f’dan ir-rigward, obbligu li teżamina fid-dettall il-mertu u teżamina kull każ partikolari, iżda ma jsegwix li hija għandha dejjem u assolutament tintervjeni fil-każ ta’ ksur ipprovat.
21. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Wiesbaden (il-Qorti Amministrattiva ta’ Wiesbaden) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“Id-dispożizzjonijiet maqgħudin tal-Artikolu 57(1)(a) u (f) u tal-Artikolu 58(2)(a) sa (j), u tal-Artikolu 77(1) [tar-RĠPD] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtorità superviżorja hija dejjem obbligata tintervjeni skont l-Artikolu 58(2) ta’ dan ir-regolament meta tikkonstata pproċessar ta’ data li jikser id-drittijiet tal-persuna kkonċernata?”
IV. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
22. Id-deċiżjoni tar-rinviju datata l-10 ta’ Diċembru 2021 waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl‑14 ta’ Diċembru 2021.
23. Il-partijiet fil-kawża prinċipali, il-Gvern Awstrijak, Portugiż, Rumen u Norveġiż, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea, għamlu osservazzjonijiet bil-miktub fit-terminu stabbilit mill-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
24. Waqt is-seduta ġenerali tas‑16 ta’ Jannar 2024, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma żżommx seduta għas-sottomissjonijiet orali.
V. Analiżi ġuridika
A. Kummenti preliminari
25. Sa mid-dħul fis-seħħ tar-RĠPD, diversi organi kellhom jistabbilixxu firxa ta’ miżuri sabiex ikunu konformi mar-regolament il-ġdid dwar l-ipproċessar ta’ data personali. Meta l-organi ma josservawx dawn il-miżuri, huma jkunu esposti għal sanzjonijiet ftit jew wisq severi skont il-gravità tal-ksur. Il-multi amministrattivi jinsabu fil-qalba tas-sistema ta’ applikazzjoni introdotta mir-RĠPD. Dawn jikkostitwixxu element effikaċi tal-għodda li l-awtoritajiet ta’ superviżjoni għandhom sabiex jiżguraw osservanza tar-regolament, b’mod parallelu ma’ miżuri korrettivi oħra previsti fl-Artikolu 58(2) tar-RĠPD. Peress li dan ir-regolament jawtorizza lill-awtoritajiet ta’ superviżjoni jimponu multi kultant għoljin ħafna, jidher xieraq li jiġi ppreċiżat, fl-interess taċ-ċertezza legali, liema ċirkustanzi jiġġustifikaw l-użu ta’ din il-miżura korrettiva. Għalhekk, dawn il-konklużjonijiet għandhom jinftiehmu bħala kontribuzzjoni għal dan il-għan.
26. Il-konklużjonijiet f’din il-kawża jkomplu, biex ngħidu hekk, fejn waqfu l-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi magħquda C‑26/22 u C‑64/22 (SCHUFA Holding) (iktar ’il quddiem il-“kawżi SCHUFA”) (3). Filwaqt li, f’dawk il-kawżi, spjegajt liema huma l-obbligi imposti fuq l-awtorità ta’ superviżjoni fil-kuntest tal-eżami ta’ lment imressaq skont l-Artikolu 77 tar-RĠPD, f’din il-kawża, ser nindirizza l-obbligi tagħha meta jkun hemm ksur ta’ data personali, kif ukoll is-setgħa tagħha li tadotta miżuri korrettivi, b’mod partikolari l-impożizzjoni ta’ multi amministrattivi. Sussegwentement, ser neżamina l-kwistjoni dwar jekk ir-RĠPD jipprevedix l-obbligu li l-awtorità ta’ superviżjoni timponi tali multa fil-każijiet kollha jew tal-inqas meta l-ilmentatur jeħtieġ dan espressament. Abbażi ta’ sinteżi tal-analiżi tiegħi, ser nirrispondi għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju dwar il-possibbiltà li l-awtorità ta’ superviżjoni tirrinunzja għall-adozzjoni ta’ miżuri korrettivi.
B. Fuq l‑ammissibbiltà tar‑rinviju għal deċiżjoni preliminari
27. Qabel neżamina dawn l-aspetti kollha, għandu jiġi indirizzat l-argument ta’ TR, ibbażat fuq l-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari. B’mod iktar konkret, TR jargumenta li risposta għad-domanda magħmula ma hijiex neċessarja sabiex tiġi deċiża l-kawża prinċipali. Ir-rikors tiegħu huwa intiż biss sabiex il-qorti tar-rinviju tordna lill-HBDI jiddeċiedi dwar il-motivi mqajma fl-ilment li tressaq quddiemu, u mhux sabiex l-HBDI jiġi kkundannat jagħmel użu mis-setgħat mogħtija mill-Artikolu 58(2) tar-RĠPD.
28. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artiklu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tkun tressqet il-kawża u li jkollha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fir-rigward taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (4).
29. Minn dan isegwi li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha stess, u li ma huwiex id-dmir tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar domanda magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod evidenti li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (5).
30. F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju, filwaqt li tesponi b’mod ċar ir-raġunijiet li għalihom tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija fid-domanda preliminari tagħha, ippreċiżat li r-risposta għaliha kienet determinanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, sa fejn TR kien talab lill-HBDI jintervjeni kontra l-Fond ta’ Tfaddil. Kif jirriżulta mill-espożizzjoni tal-motivi kontenuta fit-talba għal deċiżjoni preliminari, TR kien invoka “dritt” li jeżiġi tali intervent. B’mod partikolari, skont l-opinjoni ta’ TR, “l-HBDI kellu jimponi multi fuq il-Fond ta’ Tfaddil”. Huwa f’dan il-kuntest li l-qorti tar-rinviju tirreferi għall-kalkoli magħmula minn TR għad-determinazzjoni tal-ammont tal-multi li għandhom jiġu imposti.
31. Din l-informazzjoni kollha, ipprovduta mill-qorti tar-rinviju stess, tikkontradixxi b’mod ċar l-allegazzjonijiet ta’ TR dwar l-allegata inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari. Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, fil-fehma tiegħi, ma hemm ebda dubju li risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju hija neċessarja għas-soluzzjoni tat-tilwima. Fil-fatt, jidher li huwa essenzjali li tiġi stabbilita l-portata tas-setgħat tal-awtorità ta’ superviżjoni kif ukoll l-obbligi tagħha lejn l-ilmentatur. Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.
C. Eżami tad‑domanda preliminari
32. Għal dak li jirrigwarda l-mertu, id-domanda preliminari hija intiża sabiex tiddetermina, essenzjalment, liema huma l-obbligi tal-awtorità ta’ superviżjoni meta jinstab li jkun hemm ksur ta’ data personali. Tali ipoteżi tippreżupponi ġeneralment li l-ksur inkwistjoni jkun ġie stabbilit fil-kuntest ta’ investigazzjoni miftuħa wara lment.
33. Id-dikjarazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju juri xi impreċiżjonijiet għal dak li jirrigwarda l-obbligi li l-GDPR jimponi fuq l-awtorità ta’ superviżjoni waqt l-eżami ta’ lment, li huma spjegati, fl-opinjoni tiegħi, mill-fatt li t-talba għal deċiżjoni preliminari saret qabel ingħatat is-sentenza fil-kawżi SCHUFA (6), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet serje ta’ prinċipji importanti li jirregolaw il-proċedura ta’ lment. Għalhekk, wieħed jista’ raġonevolment jippreżupponi li l-qorti ma kellhiex il-possibbiltà li tieħu konjizzjoni ta’ din il-ġurisprudenza.
34. Bil-għan li jiġi ppreżentat bl-iktar mod komplet possibbli, il-kuntest ġuridiku tas-sistema ta’ sorveljanza stabbilita mill-GDPR u sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, jidhirli li huwa indispensabbli li jitfakkar, fl-ewwel lok, liema huma l-prinċipji applikabbli għall-proċedura ta’ lment (7), u fit-tieni lok, li jiġi spjegat kif awtorità ta’ superviżjoni għandha tipproċedi meta tidentifika ksur ta’ data personali (8).
1. Fuq l‑obbligi tal‑awtorità ta’ superviżjoni waqt it‑trattament ta’ lment
35. Kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza SCHUFA, b’konformità mal-Artikolu 8(3) tal-Karta kif ukoll mal-Artikolu 51(1) u mal-Artikolu 57(1)(a) tar-RĠPD, l-awtoritajiet ta’ superviżjoni nazzjonali huma responsabbli għas-sorveljar tal-osservanza tar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali (9).
36. B’mod partikolari, skont l-Artikolu 57(1)(f) tar-RĠPD, kull awtorità ta’ superviżjoni hija obbligata, fit-territorju tagħha, li tittratta l-ilmenti li kull persuna, b’konformità mal-Artikolu 77(1) ta’ dan ir-regolament, għandha d-dritt li tressaq meta tqis li pproċessar ta’ data personali li jikkonċernaha jikkostitwixxi ksur tal-imsemmi regolament, u li teżamina s-suġġett ta’ dawn l-ilmenti sa fejn ikun meħtieġ (10).
37. L-awtorità ta’ superviżjoni għandha tipproċedi bit-trattament ta’ tali lment bid-diliġenza kollha meħtieġa. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat ukoll li, għall-finijiet tat-trattament tal-ilmenti ppreżentati, l-Artikolu 58(1) tar-RĠPD jagħti lil kull awtorità ta’ superviżjoni setgħat investigattivi sinjifikattivi (11).
38. F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja qablet mal-interpretazzjoni li jiena ddefendejt fil-konklużjonijiet ippreżentati fil-kawżi SCHUFA, li tipprovdi li l-proċedura ta’ lment, li ma hijiex l-istess bħal dik ta’ petizzjoni, hija maħsuba bħala mekkaniżmu adattat sabiex jissalvagwardja b’mod effettiv id-drittijiet u l-interessi tas-suġġetti tad-data (12).
39. Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li l-Qorti tal-Ġustizzja qablet ukoll mal-interpretazzjoni tiegħi tal-Artikolu 78(1) tar-RĠPD, u qieset li deċiżjoni dwar ilment adottata minn awtorità ta’ superviżjoni hija suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju sħiħ (13).
2. Fuq l‑obbligi tal‑awtorità ta’ superviżjoni waqt l‑identifikazzjoni ta’ ksur ta’ data personali
40. Meta l-awtorità ta’ superviżjoni tikkonstata ksur ta’ data personali waqt l-eżami ta’ lment, tqum il-kwistjoni dwar kif għandha tipproċedi. Kif ser nispjega iktar ’il quddiem, tali konstatazzjoni tistabbilixxi, qabelxejn, obbligu li l-awtorità ta’ superviżjoni tintervjeni fl-interess tal-prinċipju ta’ legalità. B’mod iktar ġenerali, għandha tiġi ddefinita l-miżura jew miżuri korrettivi l-iktar xierqa sabiex tirrimedja l-ksur (14). Jidhirli li din l-interpretazzjoni hija raġonevoli, fid-dawl tal-fatt li l-Artikolu 57(1)(a) tar-RĠPD jafda lill-awtorità l-kompitu li “timmonitorja [...] l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament” u “tinforza[h]”. Kieku l-awtorità ta’ superviżjoni kellha l-fakultà li sempliċement tinjora l-ksur stabbilit, dan kien ikun inkompatibbli ma’ dan il-mandat (15).
41. Barra minn hekk, is-setgħat ta’ investigazzjoni li għandha l-awtorità ta’ superviżjoni skont l-Artikolu 58(1) tar-RĠPD ma jkollhomx valur jekk l-awtorità ta’ superviżjoni tkun tista’ biss twettaq investigazzjoni minkejja l-konstatazzjoni ta’ ksur tad-drittijiet ta’ data personali. Fil-fatt, l-eżekuzzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali tikkostitwixxi element essenzjali tal-kunċett ta’ “kontroll” previst fl-Artikolu 16(2) TFUE u fl-Artikolu 8(3) tal-Karta (16). F’dan il-kuntest, ma għandux jintesa li l-awtorità ta’ superviżjoni taġixxi wkoll fl-interess tal-persuna jew tal-entità li d-drittijiet tagħha ġew miksura. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 57(1)(f) u l-Artikolu 77(2) tar-RĠPD jimponu ċerti obbligi fir-rigward tal-ilmentatur, jiġifieri li jiġi “[informat] dwar il-progress u l-eżitu tal-investigazzjoni”.
42. Din l-aħħar frażi timplika li l-awtorità ta’ superviżjoni għandha tagħti kont wkoll tal-miżuri meħuda fir-rigward tal-ksur ta’ data personali li hija identifikat. Huwa evidenti li l-proċedura ta’ lment ma tkun ta’ ebda utilità jekk l-awtorità ta’ superviżjoni tista’ tibqa’ passiva quddiem sitwazzjoni legali li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni. Din hija r-raġuni li għaliha, sabiex jagħti lill-awtorità ta’ superviżjoni mezz effettiv sabiex taffaċċja dan it-tip ta’ ksur, l-Artikolu 58(2) tar-RĠPD jipprevedi katalogu ta’ miżuri korrettivi, imqassma skont l-intensità tal-intervent. L-obbligu li tintervjeni fil-każijiet kollha, tkun xi tkun il-gravità tal-ksur, ifisser li l-awtorità ta’ superviżjoni għandha tirrikorri għal dan il-katalogu ta’ miżuri korrettivi sabiex tistabbilixxi mill-ġdid sitwazzjoni konformi mad-dritt tal-Unjoni (17).
3. Fuq is‑setgħa li għandha l‑awtorità ta’ superviżjoni li tadotta miżuri korrettivi
43. Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li l-kwistjoni dwar jekk l-awtorità għandhiex tintervjeni fil-każ ta’ ksur ta’ data personali għandha tkun distinta b’mod ċar mill-kwistjoni dwar kif għandha taġixxi b’mod konkret. Għal dak li jirrigwarda din l-aħħar kwistjoni, diversi indizji jippermettu li jiġi dedott li l-awtorità ta’ superviżjoni għandha marġni ta’ manuvra, li xorta għandu jiġi eżerċitat b’konformità mal-għanijiet tar-RĠPD u fil-limiti stabbiliti minnu. Minkejja li diġà għamilt xi argumenti insostenn ta’ tali interpretazzjoni fil-kawżi SCHUFA (18), madankollu jidher li huwa neċessarju li din il-kwistjoni tiġi indirizzata fid-dettall f’dawn il-konklużjonijiet.
44. Qabelxejn, għandu jiġi osservat li, b’konformità mal-Artikolu 58(2) tar-RĠPD, l-awtorità ta’ superviżjoni “għandu jkollha s-setgħa” li tadotta l-miżuri korrettivi kollha elenkati f’din id-dispożizzjoni, li jfisser l-eżistenza ta’ fakultà, kif ġustament tirrileva l-qorti tar-rinviju. Barra minn hekk, din il-konnotazzjoni tinsab fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha li eżaminajt fil-kuntest tal-analiżi tiegħi (19).
45. L-Artikolu 58(2) tar-RĠPD għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-premessa 129 ta’ dan ir-regolament, li minnha jirriżulta li “kull miżura għandha tkun xierqa, meħtieġa u proporzjonata sabiex tiġi żgurata l-konformità ma’ dan ir-Regolament, b’kont meħud taċ-ċirkostanzi ta’ kull każ individwali” (l-użu tal-korsiv huwa tiegħi). Fi kliem ieħor, is-“setgħa” mogħtija lill-awtorità ta’ superviżjoni li tirrikorri għall-katalogu ta’ miżuri korrettivi previst f’din id-dispożizzjoni hija suġġetta għal numru ta’ kundizzjonijiet, b’mod partikolari għal dik li l-miżura meħuda minn din l-awtorità tkun “xierqa”. Ninterpreta dan il-kunċett legali indeterminat, bħala li jagħti lill-awtorità marġni ta’ manuvra, fis-sens li l-miżura magħżula għandha tkun tista’, minħabba l-karatteristiċi tagħha u l-mod ta’ azzjoni tagħha, tistabbilixxi mill-ġdid sitwazzjoni konformi mad-dritt tal-Unjoni (20).
46. Din l-interpretazzjoni hija korrispondenti għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li ddeċidiet li, meta awtorità ta’ superviżjoni tikkonstata li pproċessar ta’ data personali kkostitwixxa ksur tar-RĠPD, “hija obbligata tirreaġixxi b’mod xieraq sabiex tirrimedja l-insuffiċjenza kkonstatata” (21). Kif osservat il-Kummissjoni, l-obbligu li jorbot lill-awtorità ta’ superviżjoni jirrigwarda għalhekk qabel kollox ir-riżultat li għandu jintlaħaq, jiġifieri r-rimedju tal-ksur ikkonstatat, bl-adozzjoni tal-miżura “xierqa” għal dan il-għan. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat il-fatt li d-deċiżjoni dwar il-miżura li għandha tittieħed tiddependi fuq iċ-ċirkustanzi konkreti ta’ kull każ individwali, kif jirriżulta b’mod ċar mill-premessa 129 tar-RĠPD iċċitata iktar ’il fuq. Għaldaqstant, id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtorità ta’ superviżjoni fil-kuntest tal-prattika amministrattiva tagħha jistgħu jvarjaw sostanzjalment minn każ għall-ieħor, skont is-sitwazzjoni.
47. Sa fejn l-Artikolu 58(2) tar-RĠPD jistabbilixxi biss li kull awtorità ta’ superviżjoni “għandu jkollha s-setgħa” li tadotta l-miżuri korrettivi kollha elenkati f’din id-dispożizzjoni, l-awtorità ta’ superviżjoni tgawdi minn marġni ta’ manuvra peress li, bħala prinċipju, hija libera li tagħżel fost dawn il-miżuri korrettivi sabiex tirrimedja l-ksur ikkonstatat. Kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza mogħtija fil-Kawża C‑311/18 (Facebook Ireland u Schrems), “l-għażla tal-mezz adegwat u neċessarju għandha ssir mill-awtorità superviżorja”, li għandha tagħmel din l-għażla filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ konkret (22).
48. Ir-rikonoxximent ta’ setgħa diskrezzjonali jimplika wkoll, fil-fehma tiegħi, is-setgħa li ma tieħu ebda waħda mill-miżuri korrettivi previsti fl-Artikolu 58(2) tar-RĠPD meta tali approċċ ikun iġġustifikat miċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ partikolari. Fil-fatt, peress li l-użu tal-katalogu ta’ miżuri korrettivi huwa wkoll suġġett għall-kundizzjoni li l-miżura inkwistjoni tkun “neċessarja” sabiex tiżgura l-osservanza ta’ dan ir-regolament, ma jistax jiġi eskluż li intervent konkret min-naħa tal-awtorità ta’ superviżjoni ma jissodisfax din il-kundizzjoni, pereżempju jekk fil-frattemp il-problema ġiet solvuta jew sorvolata u l-ksur ma baqax jeżisti. Huwa evidenti li intervent tal-awtorità ta’ superviżjoni jkun bla sens f’tali ċirkustanzi.
49. Bl-istess mod, kif jindika ġustament il-Gvern Portugiż, l-użu ta’ miżuri korrettivi jista’ ma jibqax iġġustifikat jekk il-livell ta’ illegalità tal-aġir tal-kontrollur jew tal-proċessur ikun manifestament dgħajjef, jew jekk iċ-ċirkustanzi tal-kawża jkunu fihom innifishom attenwanti, b’mod partikolari għaliex l-ilmentatur ikollu ċertu grad ta’ responsabbiltà. Madankollu, dan jippreżupponi li l-awtorità ta’ superviżjoni jkollha l-fakultà li tistabbilixxi limitu li minnu l ’isfel intervent ma jkunx ikkunsidrat “neċessarju” fis-sens tar-RĠPD.
50. F’dan il-kuntest, nippermetti lili nnifsi niġbed l-attenzjoni għall-premessa 141 tar-RĠPD, li tinvoka espressament il-possibbiltà li l-awtorità ta’ superviżjoni tiddeċiedi li ma taġixxix, fil-każijiet li fihom hija tqis li azzjoni ma hijiex “neċessarja” sabiex tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet tas-suġġett tad-data (“ma tiħux azzjoni fejn tali azzjoni tkun meħtieġa”) (l-użu tal-korsiv huwa tiegħi). Din il-premessa tippreċiża li d-deċiżjoni tal-awtorità ta’ superviżjoni hija suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju anki fil-każ li fih l-ilmentatur ma jaqbilx mal-evalwazzjoni tal-awtorità ta’ superviżjoni għal dak li jirrigwarda n-“neċessità” li tieħu azzjoni, minbarra l-każijiet l-oħra hemm elenkati, jiġifieri meta jinkisru d-drittijiet mogħtija lilu minn dan ir-regolament jew meta l-awtorità ta’ superviżjoni ma tiħux azzjoni b’rabta mal-ilment tiegħu, tirrifjutah jew tiċħdu, parzjalment jew kompletament.
51. Is-setgħa diskrezzjonali rrikonoxxuta lill-awtorità ta’ superviżjoni skont l-Artikolu 58(2) tar-RĠPD timplika li huwa possibbli wkoll li tirrimedja ksur minuri permezz ta’ miżuri oħra meħuda mill-kontrollur stess. Kif juru ċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, il-miżuri korrettivi li jittieħdu mill-impriżi responsabbli b’mod “awtonomu” jistgħu jikkonsistu fl-adozzjoni ta’ miżuri dixxiplinari fil-konfront tal-impjegati li jkunu wettqu l-ksur. F’ċirkustanzi li fihom ir-responsabbiltà għall-ksur tkun ġiet irrikonoxxuta u fejn ikun ġie żgurat li mhux ser jerġa’ jkun hemm ksur ta’ data, l-impożizzjoni ta’ miżuri korrettivi addizzjonali mill-awtorità ta’ superviżjoni tista’ tidher inutli.
52. F’ċerti ċirkustanzi, jista’ jirriżulta wkoll kontroproduttiv l-użu tas-setgħa li jiġu adottati miżuri korrettivi kontra kontrollur, meta dan la jkun xieraq u lanqas neċessarju. Kieku l-awtorità ta’ superviżjoni kienet obbligata tuża s-setgħat li tadotta l-miżuri korrettivi previsti fl-Artikolu 58(2) tar-RĠPD f’kull każ ta’ ksur, dan kien jirriżulta fi tnaqqis tar-riżorsi disponibbli sabiex jiġu segwiti kawżi oħra u kompiti li jixirqilhom iktar attenzjoni mill-perspettiva tal-protezzjoni ta’ data. Għalhekk, nikkunsidra li l-użu ta’ miżuri “awtonomi” meħuda mill-kontrollur stess jippermetti lill-awtorità ta’ superviżjoni tikkonċentra fuq każijiet serji li għandhom jingħataw priorità, filwaqt li tiżgura ġlieda kontinwa, iżda b’mod deċentralizzat kontra l-ksur ta’ data personali, jiġifieri permezz ta’ delega parzjali tal-kompiti tagħha.
53. Jekk l-awtorità ta’ superviżjoni tagħżel li tastjeni milli tapplika l-miżuri korrettivi previsti fl-Artikolu 58(2) tar-RĠPD, filwaqt li tipprevalixxi ruħha mill-użu ta’ miżuri “awtonomi” meħuda mill-kontrollur, jidhirli li madankollu huwa indispensabbli li jiġu osservati xi rekwiżiti legali. Fl-ewwel lok, l-awtorità ta’ superviżjoni għandha tagħti l-kunsens espress tagħha għal tali miżura sabiex jiġi evitat kwalunkwe evitar tas-sistema ta’ sorveljanza stabbilita mir-RĠPD. Fit-tieni lok, dan il-kunsens għandu jingħata wara eżami rigoruż tas-sitwazzjoni fid-dawl tal-kundizzjonijiet previsti fil-premessa 129 tar-RĠPD, sabiex l-awtorità ta’ superviżjoni ma tkunx meħlusa mir-responsabbiltà tagħha li tiżgura l-osservanza ta’ dan ir-regolament. Fit-tielet lok, il-ftehim mal-entità li għandha teżegwixxi l-miżura “awtonoma” għandu jipprevedi d-dritt tal-awtorità ta’ superviżjoni li tintervjeni jekk l-istruzzjonijiet tagħha ma jiġux osservati. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ssegwi din l-interpretazzjoni u tikkunsidra li tali miżuri “awtonomi” huma, bħala prinċipju, konformi mar-RĠPD, inqis li l-Qorti tal-Ġustizzja trid tinsisti wkoll dwar il-ħtieġa ta’ osservanza tar-rekwiżiti fuq imsemmija fl-interess tal-koerenza tas-sistema ta’ sorveljanza.
54. Peress li l-Artikolu 58(2) tar-RĠPD jirrikonoxxi setgħa diskrezzjonali lill-awtorità ta’ superviżjoni għal dak li jirrigwarda l-għażla tal-miżura korrettiva “xierqa” fil-każ partikolari, huwa loġiku li jiġi eskluż kull dritt tal-ilmentatur li jeżiġi l-adozzjoni ta’ miżuri partikolari. Fil-fatt, minkejja li l-ilmentatur għandu ċerti drittijiet fir-rigward tal-awtorità ta’ superviżjoni fil-kuntest ta’ din il-proċedura, b’mod partikolari d-dritt li jkun informat bil-progress u l-eżitu tal-investigazzjoni f’terminu raġonevoli, xorta jibqa’ l-fatt li dawn ma jinkludux id-dritt li jeżiġi l-adozzjoni ta’ miżura speċifika.
55. Tali dritt lanqas jista’ jiġi dedott mill-fatt li l-ilmentatur igawdi dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra l-awtorità ta’ superviżjoni, skont l-Artikolu 78 tar-RĠPD, għaliex l-obbligu prinċipali ta’ din l-awtorità fir-rigward tiegħu fil-kuntest tal-proċedura ta’ lment jikkonsisti f’motivazzjoni suffiċjentement preċiża u ddettaljata tad-deċiżjoni tagħha li tintervjeni jew le fil-każ inkwistjoni, fid-dawl tal-konstatazzjonijiet magħmula fil-kuntest tal-investigazzjoni mwettqa mill-awtorità.
56. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, b’konformità mal-Artikolu 78(2) tar-RĠPD, ir-rimedju ġudizzjarju jista’ jittieħed għar-raġuni li l-awtorità ta’ superviżjoni kompetenti ma tittrattax l-ilment jew ma tinformax lis-suġġett tad-data, f’terminu ta’ tliet xhur, bil-progress jew bl-eżitu tal-ilment li huwa introduċa skont l-Artikolu 77 ta’ dan ir-regolament. Madankollu, bilfors għandu jiġi kkonstatat li ebda waħda mir-raġunijiet imsemmija ma tindika li s-suġġett tad-data għandu xi dritt suġġettiv li jitlob l-adozzjoni ta’ miżura partikolari fil-kuntest ta’ rimedju ġudizzjarju.
57. L-istess japplika għall-possibbiltà, prevista fil-premessa 141 tar-RĠPD, li tiġi kkontestata, permezz ta’ rimedju ġudizzjarju, l-evalwazzjoni tal-awtorità ta’ superviżjoni dwar in-“neċessità” ta’ azzjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet tas-suġġett tad-data. Minkejja li n-“neċessità” ta’ azzjoni f’każ partikolari għandha fl-aħħar mill-aħħar tiġi stabbilita mill-qorti kompetenti, dan ma jfissirx bilfors li għandha tiġi adottata miżura partikolari mill-awtorità ta’ superviżjoni. Pjuttost, din tal-aħħar tkun obbligata teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha, jekk ikun il-każ, billi tqis l-evalwazzjoni magħmula minn din il-qorti.
58. Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li huwa possibbli wkoll li l-awtorità ta’ superviżjoni, bħala korp amministrattiv, tkun kostretta tadotta miżura partikolari minħabba ċirkustanzi partikolari tal-każ, b’mod partikolari meta jkun jeżisti riskju serju ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali tas-suġġett tad-data. Jiena qajjimt preċiżament dan ix-xenarju fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża SCHUFA (23). Għalhekk, din it-talba għal deċiżjoni preliminari toffri l-opportunità li dan is-suġġett jiġi żviluppat.
59. F’dan ir-rigward, għandha titfakkar, qabelxejn, is-sentenza mogħtija fil-Kawża C‑311/18 (Facebook Ireland u Schrems), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ssuġġerixxiet li tali każ jista’ jeżisti effettivament. B’mod iktar konkret, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-awtorità ta’ superviżjoni għandha, jekk ikun il-każ, tieħu ċerti miżuri elenkati fl-Artikolu 58(2) tar-RĠPD, u dan b’mod partikolari meta tqis li l-protezzjoni meħtieġa mid-dritt tal-Unjoni ma tkunx tista’ tiġi żgurata b’mezzi oħra. Għaldaqstant, f’dan il-każ, is-setgħa diskrezzjonali tal-awtorità ta’ superviżjoni tkun limitata għal uħud, u jekk ikun il-każ, anki għal waħda mill-miżuri previsti minn din id-dispożizzjoni (24).
60. Kif jindika ġustament il-Gvern Awstrijak, jistgħu jeżistu diversi każijiet simili li jeħtieġu l-adozzjoni ta’ miżura korrettiva partikolari, bħal pereżempju dak li fih l-awtorità ta’ superviżjoni tikkonstata, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ lment, li jkun hemm obbligu ta’ tħassir u li l-kontrollur ikun għadu ma ħassarx id-data. Fis-sitwazzjoni deskritta, l-awtorità ta’ superviżjoni jkollha, fi kwalunkwe każ, b’konformità mal-Artikolu 58(2)(g) tar-RĠPD, tordna t-tħassir.
61. L-eżempji msemmija fil-punti preċedenti juru li ma jistax jiġi eskluż li, skont iċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ partikolari, l-istabbiliment mill-ġdid ta’ sitwazzjoni konformi mad-dritt tal-Unjoni tkun tista’ tinkiseb biss bl-adozzjoni ta’ miżura korrettiva partikolari. B’mod partikolari, jidhirli li, f’ċirkustanzi fejn jista’ jkun hemm riskju ta’ ksur serju tad-drittijiet tas-suġġett tad-data, is-setgħa diskrezzjonali tal-awtorità ta’ superviżjoni tista’ tkun limitata għall-adozzjoni tal-unika miżura xierqa sabiex tipproteġi d-drittijiet ta’ dan is-suġġett tad-data.
62. Jidhirli li kwalunkwe interpretazzjoni oħra tkun inkompatibbli mal-obbligu li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-Karta, li bihom huma marbutin l-awtoritajiet tal-Istati Membri meta dawn jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, b’konformità mal-Artikolu 51(1) tal-Karta. Dan l-obbligu huwa impost ukoll fuq l-awtoritajiet ta’ superviżjoni, kif jirriżulta mill-Artikolu 58(4) tar-RĠPD (25). Minn din il-perspettiva, huwa raġonevoli li tiġi sostnuta t-teżi li d-dritt tal-Unjoni jagħti lis-suġġett tad-data dritt suġġettiv li jeżiġi li l-awtorità tadotta l-miżura inkwistjoni. Madankollu, irrid nenfasizza li, f’din il-kawża ma nara ebda indizju li l-kundizzjonijiet għal tali limitazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali tal-awtorità ta’ superviżjoni jkunu ssodisfatti.
63. Fil-qosor, għandu jiġi sostnut li awtorità ta’ superviżjoni li quddiemha tressaq ilment skont l-Artikolu 77 tar-RĠPD għandha, meta tikkonstata ksur tad-drittijiet tas-suġġett tad-data, tirreaġixxi b’mod xieraq sabiex tirrimedja l-insuffiċjenzi kkonstatati u persistenti u sabiex tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet tas-suġġett tad-data. Meta l-awtorità ta’ superviżjoni tintervjeni f’dan ir-rigward, hija għandha tagħżel, fost is-setgħat previsti fl-Artikolu 58(2) ta’ dan ir-regolament, il-miżura xierqa, neċessarja u proporzjonata. Għaldaqstant, din is-setgħa diskrezzjonali fl-għażla tal-mezzi hija limitata meta l-protezzjoni meħtieġa tkun tista’ tiġi żgurata biss billi jittieħdu miżuri preċiżi.
4. Fuq l‑assenza ta’ obbligu tal‑awtorità ta’ superviżjoni li timponi multi amministrattivi fil‑każijiet kollha
64. Wara din l-espożizzjoni ġenerali dwar is-setgħa li għandha l-awtorità ta’ superviżjoni li tadotta miżuri korrettivi, għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk l-awtorità ta’ superviżjoni hijiex obbligata timponi multi amministrattivi fil-każijiet kollha. Minkejja li ċerti aspetti ta’ din il-kwistjoni jistgħu jiġu ċċarati abbażi tal-osservazzjonijiet preċedenti, jidhirli li huma neċessarji xi spjegazzjonijiet addizzjonali. Fil-fatt, minkejja li l-leġiżlatur tal-Unjoni inkluda l-multi amministrattivi fost il-“miżuri korrettivi” skont l-Artikolu 58(2) tar-RĠPD, xorta jibqa’ l-fatt li dawn għandhom xi karatteristiċi partikolari meta mqabbla mal-miżuri l-oħra. Din hija r-raġuni għaliex din il-parti tal-analiżi ser tikkonċentra fuq ir-regoli speċifiċi previsti fl-Artikolu 58(2)(i) u fl-Artikolu 83 ta’ dan ir-regolament.
65. Kif fakkret reċentement il-Qorti tal-Ġustizzja, il-multa amministrattiva taqa’ fis-sistema ta’ sanzjonijiet stabbilita [mir-RĠPD], li toħloq, għall-kontrolluri u għall-proċessuri, inċentiv sabiex jikkonformaw ruħhom ma’ dan ir-regolament. Permezz tal-effett dissważiv tagħhom, il-multi amministrattivi jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali u jikkostitwixxu għalhekk element prinċipali sabiex jiġi ggarantit ir-rispett tad-drittijiet ta’ dawn il-persuni, konformement mal-għan tal-imsemmi regolament li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni ta’ tali persuni fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali (26).
66. L-Artikolu 83 tar-RĠPD jipprevedi sistema b’żewġ livelli, billi jindika espressament li ċertu ksur huwa iktar serju minn ieħor. L-ewwel livell jinkludi l-ksur tal-artikoli li jirregolaw ir-responsabbiltajiet ta’ atturi differenti (kontrollur, proċessur, korpi ta’ ċertifikazzjoni, eċċ.). It-tieni livell jinkludi l-ksur tad-drittijiet individwali protetti minn dan ir-regolament, bħad-drittijiet fundamentali, il-prinċipji bażiċi ta’ pproċessar, id-drittijiet għall-informazzjoni tas-suġġetti tad-data, ir-regoli ta’ trasferiment, eċċ. Fiż-żewġ livelli, għandhom isiru żewġ evalwazzjonijiet: l-ewwel nett, sabiex jiġi deċiż jekk għandhiex tiġi imposta multa, u t-tieni nett, sabiex jiġi deċiż l-ammont tal-multa amministrattiva. Fiż-żewġ evalwazzjonijiet, l-awtoritajiet ta’ superviżjoni għandhom jikkunsidraw il-fatturi individwali kollha elenkati fl-Artikolu 83(2) tal-imsemmi regolament. Madankollu, il-konklużjonijiet stabbiliti fl-ewwel stadju jistgħu jintużaw fit-tieni stadju relattiv għall-ammont tal-multa, sabiex jiġi evitat li jkollha ssir it-tieni evalwazzjoni abbażi tal-istess kriterji (27).
67. Wara dawn l-ispjegazzjonijiet preliminari, ser neżamina iktar ’il quddiem il-kwistjoni dwar l-obbligu eventwali li jiġu imposti multi amministrattivi fil-każijiet kollha. F’dan ir-rigward, għandu qabelxejn jiġi nnotat, li l-Artikolu 58(2)(i) tar-RĠPD jipprovdi li l-awtorità ta’ superviżjoni tista’ timponi multa amministrattiva “skont iċ-ċirkostanzi ta’ kull każ individwali”. Din id-dispożizzjoni għandha tinqara flimkien mal-Artikolu 83(2) ta’ dan ir-regolament, li jipprevedi mhux biss l-istess restrizzjoni għall-applikazzjoni ta’ tali miżura korrettiva, iżda jissuġġerixxi li l-awtorità ta’ superviżjoni tista’ wkoll tastjeni milli tagħmel dan (“[m]eta jiġi deċiż jekk għandiex tiġi imposta multa amministrattiva”) (l-użu tal-korsiv huwa tiegħi) jekk iċ-ċirkustanzi jiġġustifikaw tali approċċ. Din il-formulazzjoni tinsab – f’termini ftit jew wisq simili – f’verżjonijiet lingwistiċi oħra (28). Fil-qosor, il-formulazzjoni tal-Artikolu 83(2) tar-RĠPD tindika hija stess li l-impożizzjoni ta’ multa amministrattiva ma hijiex obbligatorja fil-każijiet kollha.
68. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li din id-dispożizzjoni timponi li l-awtorità ta’ superviżjoni tieħu inkunsiderazzjoni, f’kull każ individwali, serje ta’ elementi, sabiex tiddeċiedi jekk għandhiex timponi multa amministrattiva. Dawn huma, essenzjalment, ċirkustanzi – aggravanti u attenwanti – li jinfluwenzaw id-deċiżjoni tal-awtorità ta’ superviżjoni, bħan-natura, il-gravità u d-dewmien tal-ksur, iżda wkoll ċirkustanzi marbuta mal-aġir tal-kontrollur, bħall-fatt li l-ksur twettaq deliberament jew b’negliġenza (29).
69. F’dan il-kuntest, it-tieni u t-tielet sentenza tal-premessa 148 tar-RĠPD jidhirli li huma rilevanti għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 83(2) ta’ dan ir-regolament, sa fejn dawn jagħtu indikazzjonijiet dwar il-karatteristiċi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fit-teħid ta’ deċiżjoni. Din il-premessa għandha l-effett li tintroduċi l-kunċett ta’ “ksur minuri”, li jwassal għal konsegwenzi importanti fil-prattika amministrattiva tal-awtorità ta’ superviżjoni (30). Hawnhekk, wieħed jista’ jaqra, fost affarijiet oħra, li “[f’]każ ta’ ksur minuri jew jekk il-multa li x’aktarx li tiġi imposta tikkostitwixxi piż sproporzjonat għal persuna fiżika, tista’ tinħareġ twissija minflok multa” (l-użu tal-korsiv huwa tiegħi).
70. Fil-fehma tiegħi, din l-indikazzjoni tippermetti li jiġi dedott li l-leġiżlatur tal-Unjoni kien konxju mill-fatt li multa amministrattiva tikkostitwixxi miżura korrettiva partikolarment severa li ma hemmx għalfejn tintuża fil-każijiet kollha, inkella l-effettività tagħha tkun ippreġudikata, iżda sempliċement meta dan ikun neċessarju fiċ-ċirkustanzi ta’ każ partikolari. Fil-fatt, il-premessa 148 tar-RĠPD tirreferi għall-prinċipju ta’ proporzjonalità li l-awtoritajiet ta’ superviżjoni huma mistennija josservaw meta japplikaw dan ir-regolament fil-kuntest speċifiku tas-sanzjonijiet, inklużi l-multi amministrattivi. Kif diġà rrilevajt fl-analiżi tiegħi, dan il-prinċipju huwa rifless fil-premessa 129 tal-imsemmi regolament, li tirrigwarda l-adozzjoni ta’ miżuri korrettivi b’mod ġenerali (31). Is-sistema ta’ sanzjonijiet li l-leġiżlatur ried jipprevedi hija għalhekk flessibbli u ddifferenzjata (32).
71. Mill-interpretazzjoni tal-imsemmi Artikolu 83(2), moqri fid-dawl tal-premessa 148 tar-RĠPD, jirriżulta li anki f’każ ta’ konstatazzjoni ta’ ksur, l-evalwazzjoni tal-kriterji stabbiliti f’din id-dispożizzjoni, tista’ twassal lill-awtorità ta’ superviżjoni tikkunsidra li, fiċ-ċirkustanzi konkreti tal-każ individwali, il-ksur ma jwassalx għal riskju sinjifikattiv għad-drittijiet tas-suġġetti tad-data, pereżempju, u ma jaffettwax is-sostanza tal-obbligu inkwistjoni. F’każijiet bħal dan, il-multa hija kultant – iżda mhux dejjem – issostitwita bi twissija (33).
72. Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li l-premessa 148 ma tobbligax lill-awtorità ta’ superviżjoni tissostitwixxi ex officio l-multa bi twissija fil-każ ta’ ksur minuri, iżda tħallilha l-possibbiltà li tagħmel dan wara evalwazzjoni konkreta taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ individwali. Fl-aħħar nett, mill-imsemmija premessa 148 jirriżulta li l-awtorità ta’ superviżjoni tista’ tastjeni milli timponi multa, anki jekk l-użu ta’ tali miżura korrettiva jkun a priori neċessarju abbażi tal-evalwazzjoni li hija twettaq, jekk din il-multa tikkostitwixxi piż sproporzjonat għal persuna fiżika (34).
73. Għalhekk, il-karatteristiċi proprji ta’ kull każ, li huma msemmija fl-Artikolu 83(2) tar-RĠPD, jiddeterminaw fl-aħħar mill-aħħar jekk għandhiex tiġi imposta multa, u fl-affermattiv, l-ammont tagħha. Dawn l-indizji kollha jikkonfermaw il-perspettiva tiegħi li din id-deċiżjoni tikkostitwixxi, fl-aħħar mill-aħħar, deċiżjoni diskrezzjonali tal-awtorità ta’ superviżjoni (35). Din tal-aħħar hija responsabbli li teżerċita, b’mod kuxjenzjuż u konformi mar-rekwiżiti tar-RĠPD, is-setgħa diskrezzjonali li ngħatat lilha. Il-limiti ta’ din is-setgħa diskrezzjonali jirriżultaw mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u tad-dritt tal-Istati Membri, b’mod partikolari mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Minn dan tirriżulta n-neċessità li tiġi żviluppata prattika amministrattiva ta’ impożizzjoni ta’ multi li tittratta każijiet simili b’mod komparabbli.
74. Irrid nirrileva wkoll li, fil-każ tal-impożizzjoni kumulattiva ta’ sanzjonijiet pekunjarji ta’ natura kriminali, jeżisti wkoll riskju li jinkiser il-prinċipju ta’ “ne bis in idem”, kif kien interpretat mill- Qorti tal-Ġustizzja, kif jirriżulta mill-premessa 149 tar-RĠPD. Issa, dan il-prinċipju jikkostitwixxi dritt fundamentali, li huwa protett mill-Artikolu 50 tal-Karta, u jista’ jiġi ristrett taħt kundizzjonijiet stretti biss, previsti fl-Artikolu 52 tal-Karta. Fi kliem ieħor, barrieri ta’ natura legali jistgħu jostakolaw ukoll l-impożizzjoni ta’ multi amministrattivi.
5. Fuq l‑assenza ta’ obbligu tal‑awtorità ta’ superviżjoni li timponi multi amministrattivi meta l‑ilmentatur jeżiġi dan espressament
75. L-aħħar aspett li għandu jiġi eżaminat jirrigwarda l-punt dwar jekk l-awtorità ta’ superviżjoni hijiex obbligata timponi multi amministrattivi meta l-ilmentatur jeżiġi dan espressament. Kif irrilevajt waqt l-eżami tal-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, mill-proċess jirriżulta li TR kien talab lill-HBDI jieħu azzjoni kontra l-Fond ta’ Tfaddil u jimponilu multi amministrattivi. Sabiex isostni t-talba tiegħu, TR kien wettaq xi kalkoli sabiex jiddetermina l-ammont tal-multi li għandhom jiġu imposti (36). Kollox juri li din it-talba hija bbażata fuq il-perspettiva li l-ilmentatur għandu dritt suġġettiv fir-rigward tal-awtorità ta’ superviżjoni li jitlob l-adozzjoni ta’ miżura speċifika. Madankollu kif ser nispjega iktar ’il quddiem, nikkunsidra li din il-pożizzjoni ma għandha ebda bażi legali.
76. L-ewwel nett, l-analiżi tiegħi wriet li l-awtorità ta’ superviżjoni għandha setgħa diskrezzjonali sabiex tagħżel l-miżura xierqa f’kull każ individwali. Ħlief f’ċirkustanzi partikolari li jistgħu jwasslu għal limitazzjoni ta’ din is-setgħa diskrezzjonali, bħall-gravità jew l-effett persistenti ta’ ksur ta’ data personali – li ma jidhirlix li jeżistu f’dan il-każ –, l-awtorità ta’ superviżjoni żżomm din is-setgħa diskrezzjonali. Fid-dawl tal-fatt li l-multi amministrattivi jinsabu fost il-miżuri korrettivi li l-awtorità ta’ superviżjoni tista’ tadotta, skont l-Artikolu 58(2) tar-RĠPD, huwa loġiku li jiġi dedott li din is-setgħa diskrezzjonali testendi wkoll għalihom. Minn dan isegwi li ma jeżisti ebda obbligu tal-awtorità ta’ superviżjoni li taġixxi fl-interess tal-ilmentatur permezz tal-adozzjoni ta’ miżura korrettiva partikolari.
77. It-tieni nett, anki fil-każ fejn iċ-ċirkustanzi tal-każ individwali jkunu differenti sal-punt li jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ miżura korrettiva speċifika, jidhirli li wieħed ma jistax isostni b’mod validu li l-impożizzjoni ta’ multa amministrattiva tkun neċessarja. Bħall-Gvern Awstrijak, nikkunsidra li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet previsti mid-diversi miżuri korrettivi elenkati fl-Artikolu 58(2) tar-RĠPD, u b’mod partikolari, mill-multa amministrattiva. B’mod iktar konkret, jidhirli li n-natura legali tagħha tipprekludi r-rikonoxximent ta’ dritt suġġettiv tas-suġġett tad-data fis-sens imsemmi iktar ’il fuq, għaliex wieħed mill-għanijiet ta’ din il-miżura huwa li tissanzjona aġir ikkunsidrat li jmur kontra d-dritt tal-Unjoni. Inqis li, minħabba l-iskop punittiv tagħha, tal-inqas f’ċerti sitwazzjonijiet (37), u fid-dawl tal-grad ta’ severità għoli li hija tista’ tippreżenta, il-multa amministrattiva tista’ tkun ta’ natura kriminali (38). Madankollu, għandu jitfakkar li d-dritt ta’ sanzjoni (“ius puniendi”) jappartjeni esklużivament lill-Istat u l-korpi tiegħu.
78. F’dan il-kuntest, wieħed josserva li l-Artikolu 83(1) tar-RĠPD jeħtieġ, fost oħrajn, li l-multi jkunu, f’kull każ individwali, “effettiv[i], proprozjonat[i] u dissważiv[i]”. L-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk il-multa prevista tissodisfax dawn il-kundizzjonijiet f’każ partikolari għandha ssir mill-awtorità ta’ superviżjoni, li taġixxi abbażi tar-responsabbiltà tagħha stess. Hija għandha tiddeċiedi jekk l-użu tal-istrument tal-multa amministrattiva huwiex meħtieġ f’każ partikolari. Għal dak il-għan, il-leġiżlatur tal-Unjoni pprovdielha kuntest legali ddettaljat. Għalhekk, l-Artikolu 83 tar-RĠPD jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ġenerali għall-impożizzjoni ta’ tali multi, li huma kkompletati mil-Linji Gwida dwar l-applikazzjoni u l-iffissar ta’ multi amministrattivi għall-finijiet tar-RĠPD, żviluppati mill-EDPB, skont l-Artikolu 70(1)(k) ta’ dan ir-regolament. F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li ebda waħda minn dawn ir-regoli u linji gwida ma tippermetti li jiġi dedott li l-ilmentatur li d-drittijiet tiegħu ġew miksura, jibbenefika minn status legali partikolari li jippermettilu jitlob lill-awtorità ta’ superviżjoni timponi multa amministrattiva fuq min wettaq il-ksur.
79. Huwa minnu li, ċerti kriterji previsti fl-Artikolu 83(2) tar-RĠPD – bħal-livell ta’ dannu mġarrab – jissuġġerixxu li l-awtorità ta’ superviżjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni wkoll is-sitwazzjoni tas-suġġett tad-data meta tieħu deċiżjoni. Madankollu, dawn il-kriterji ma jikkostitwixxux, waħedhom, indizju suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dritt suġġettiv li tintalab l-impożizzjoni ta’ multa. Kif jirriżulta minn interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, moqrija fid-dawl tal-premessa 75 tar-RĠPD, l-għan tal-imsemmija kriterji huwa li jipprovdu lill-awtorità ta’ superviżjoni elementi utli, li jippermettulha tevalwa n-natura, l-gravità u d-dewmien tal-ksur u tagħżel il-miżura korrettiva xierqa (39). Għaldaqstant, skont kull każ individwali, jistgħu jkunu previsti diversi miżuri korrettivi – u mhux biss multa amministrattiva – mill-awtorità ta’ superviżjoni, madankollu mingħajr ma s-suġġett tad-data jista’ jeżiġi l-adozzjoni ta’ miżura partikolari. Hija biss l-awtorità ta’ superviżjoni li għandha tiddeċiedi jekk għandhiex tadotta miżura bil-għan li tistabbilixxi mill-ġdid l-osservanza tar-regoli jew li tissanzjona aġir illegali.
80. It-tielet nett, lanqas tista’ tinġibed konklużjoni differenti mill-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni ddefinixxa r-rwol tal-awtorità ta’ superviżjoni fis-sistema ta’ multi maħluqa mir-RĠPD b’ispirazzjoni mis-setgħat li għandha l-Kummissjoni fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni (40). F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li s-setgħa ta’ din l-istituzzjoni li timponi multi lill-impriżi li jwettqu ksur fis-sens tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, tikkostitwixxi wieħed mill-mezzi mogħtija lilha sabiex tkun tista’ twettaq il-ħidma ta’ sorveljanza li d-dritt tal-Unjoni (41) jagħtiha. Madankollu, għandu jiġi nnotat li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali li l-eżerċizzju tagħha huwa ristrett biss mill-osservanza tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, inkluż il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament (42). Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li r-Regolament (KE) Nru 1/2003 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni (43), ma jipprevedi ebda dritt li tintalab l-adozzjoni ta’ multi fir-rigward tal-Artikolu 23 tiegħu għal-lanjanti jew il-persuni terzi li l-interessi tagħhom jistgħu jiġu affettwati minn deċiżjoni fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva miftuħa mill-Kummissjoni (44), peress li din tal-aħħar, skont l-Artikolu 27 ta’ dan ir-regolament, għandha biss tilqa’ talbiet għal smigħ imressqa minnhom qabel l-adozzjoni ta’ sanzjoni.
81. Abbażi tal-elementi esposti, nikkunsidra li ma huwiex possibbli, fl-istat attwali tal-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni, li jiġi konkluż li l-ilmentatur li d-drittijiet tiegħu ġew miksura għandu dritt suġġettiv li jitlob l-impożizzjoni ta’ multa amministrattiva. Dan mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li jipproponi l-użu ta’ tali miżura korrettiva, billi jressaq argumenti u provi insostenn tal-perspettiva tiegħu. Madankollu, id-deċiżjoni finali taqa’ fis-setgħa diskrezzjonali tal-awtorità ta’ superviżjoni.
D. Sinteżi tal‑eżami tad‑domanda preliminari
82. Mill-analiżi ta’ hawn fuq jirriżulta li l-awtorità ta’ superviżjoni għandha l-obbligu li tintervjeni meta tikkonstata ksur ta’ data personali fil-kuntest tal-eżami ta’ lment. B’mod partikolari, hija għandha tistabbilixxi l-miżura jew miżuri korrettivi l-iktar xierqa sabiex tirrimedja l-ksur u tiżgura r-rispett tad-drittijiet tas-suġġett tad-data. F’dan ir-rigward, ir-RĠPD jeħtieġ, filwaqt li jħalli ċerta setgħa diskrezzjonali lill-awtorità ta’ superviżjoni, li dawn il-miżuri jkunu xierqa, neċessarji u proporzjonati. Taħt ċerti kundizzjonijiet, l-awtorità ta’ superviżjoni tista’ tirrinunzja għall-miżuri previsti fl-Artikolu 58(2) ta’ dan ir-regolament favur miżuri “awtonomi” meħuda mill-kontrollur stess. Fi kwalunkwe każ, is-suġġett tad-data ma għandux dritt jeżiġi li tittieħed miżura partikolari. Dawn il-prinċipji japplikaw ukoll għas-sistema ta’ multi amministrattivi.
VI. Konklużjoni
83. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda preliminari magħmula mill-Verwaltungsgericht Wiesbaden (il-Qorti Amministrattiva ta’ Wiesbaden, il-Ġermanja):
Id-dispożizzjonijiet magħqudin tal-Artikolu 57(1)(a) u (f), tal-Artikolu 58(2)(a) sa (j) u tal-Artikolu 77(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data),
għandhom jiġu interpretati fis-sens li:
meta l-awtorità ta’ superviżjoni tikkonstata pproċessar ta’ data li jikser id-drittijiet tas-suġġett tad-data, hija għandha tintervjeni skont l-Artikolu 58(2) tar-Regolament 2016/679 sa fejn dan ikun neċessarju sabiex tiżgura l-osservanza sħiħa ta’ dan ir-regolament. F’dan ir-rigward, hija għandha tagħżel, billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi konkreti ta’ kull każ individwali, il-mezz xieraq, neċessarju u proporzjonat, b’mod partikolari sabiex tirrimedja l-ksur u tiżgura li d-drittijiet tas-suġġett tad-data jkunu rrispettati.
1 Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
2 ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p 2.
3 Konklużjonijiet fil-kawżi magħquda SCHUFA Holding (Rilaxx minn dejn li ma tħallasx lura) (C‑26/22 u C‑64/22, EU:C:2023:222).
4 Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2020, J & S Service (C‑620/19, EU:C:2020:1011, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).
5 Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2022, Sense Visuele Communicatie en Handel vof (C‑36/21, EU:C:2022:556, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).
6 Sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2023, SCHUFA Holding (Rilaxx minn dejn li ma tħallasx lura) (C‑26/22 u C‑64/22, iktar ’il quddiem is-“sentenza SCHUFA”, EU:C:2023:958).
7 Ara l-punti 35 sa 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
8 Ara l-punti 40 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.
9 Sentenza SCHUFA (punt 55).
10 Sentenza SCHUFA (punt 56).
11 Sentenza SCHUFA (punti 56 u 57).
12 Sentenza SCHUFA (punt 58).
13 Sentenza SCHUFA (punt 70).
14 Ara l-“Linji Gwida dwar l-applikazzjoni u l-iffissar ta’ multi amministrattivi għall-finijiet tar-[RĠPD]” tal-grupp ta’ ħidma Artikolu 29 għall-protezzjoni tad-data, adottati fit‑3 ta’ Ottubru 2017, p. 5 (iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida dwar l-applikazzjoni u l-iffissar ta’ multi amministrattivi għall-finijiet tar-RĠPD”). Sussegwentement dan il-grupp ġie ssostitwit mill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (iktar ’il quddiem l-“EDPB”). Madankollu, il-linji gwida tiegħu għadhom validi.
15 Ara, f’dan is-sens, Chamberlain, J., Reichel, J., “The Relationship Between Damages and Administrative Fines in the EU General Data Protection Regulation”, Mississippi law journal, 2020, vol. 89(4), p. 686, li jibbażaw ruħhom fuq il-linji gwida ċċitati iktar ’il fuq.
16 Hijmans, H., “Article 57. Tasks”, Kuner, C., Bygrave, L. A., Docksey, C., (edituri), The EU General Data Protection Regulation (GDPR), Oxford, 2020, p. 934.
17 Ara, f’dan is-sens, Härting, N., Flisek, C., Thiess, L., “DSGVO: Der Verwaltungsakt wird zum Normalfall – Das neue Beschwerderecht des Bürgers”, Computer und Recht, 5/2018, p. 299.
18 Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi SCHUFA, punti 41 et seq.
19 Ara l-verżjonijiet fil-lingwa Spanjola (“dispondrá de [...] los [...] poderes correctivos”), Daniża (“har [...] korrigerende beføjelser”), Ġermaniża (“verfügt über [...] Abhilfebefugnisse, die es ihr gestatten”), Estonjana (“on [...] parandusvolitused”), Ingliża (“shall have [...] corrective powers”), Taljana (“ha [...] i poteri correttivi”), Olandiża (“heeft [...] bevoegdheden tot het nemen van corrigerende maatregelen”), Pollakka (“przysługują [...] uprawnienia naprawcze”), Portugiża (“dispõe dos [...] poderes de correção”) u Svediża (“ska ha [...] korrigerande befogenheter”).
20 Ara f’dan is-sens, Härting, N., Flisek, C., Thiess, L., “DSGVO: Der Verwaltungsakt wird zum Normalfall – Das neue Beschwerderecht”, Computer und Recht, 5/2018, p. 299.
21 Ara s-sentenza SCHUFA (punt 57) u s-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Facebook Ireland u Schrems (C‑311/18, EU:C:2020:559, punt 111). L-użu tal-korsiv huwa tiegħi.
22 Sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Facebook Ireland u Schrems (C‑311/18, EU:C:2020:559, punt 112). L-użu tal-korsiv huwa tiegħi.
23 Ara l-punt 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
24 Sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Facebook Ireland u Schrems (C‑311/18, EU:C:2020:559, punt 113). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-awtorità ta’ superviżjoni hija obbligata, skont l-Artikolu 58(2)(f) u (j) tar-RĠPD, tissospendi jew tipprojbixxi trasferiment ta’ data personali lejn pajjiż terz meta tqis, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi kollha ta’ dan it-trasferiment, li l-klawżoli standard ta’ protezzjoni tad-data ma humiex jew ma jistgħux ikunu osservati f’dan il-pajjiż terz u li l-protezzjoni tad-data ttrasferita meħtieġa mid-dritt tal-Unjoni ma tistax tiġi żgurata b’mezzi oħra, sakemm il-kontrollur jew il-proċessur stabbilit fl-Unjoni ma jkunx issospenda jew temm it-trasferiment huwa stess.
25 Ara f’dan is-sens, Georgieva, L., Schmidl, M., “Article 58. Powers”, Kuner, C., Bygrave, L. A. Docksey, C., (edituri), The EU General Data Protection Regulation (GDPR), Oxford, 2020, p. 945.
26 Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2023, Nacionalinis visuomenės sveikatos centras (C‑683/21, EU:C:2023:949, punt 78).
27 Ara l-“Linji Gwida dwar l-applikazzjoni u l-iffissar ta’ multi amministrattivi għall-finijiet tar-[RĠPD]”, p. 9.
28 Ara l-verżjonijiet fil-lingwa Spanjola (“Al decidir la imposición”), Daniża (“Når der træffes afgørelse om, hvorvidt der skal pålægges”), Ġermaniża (“Bei der Entscheidung über die Verhängung”), Estonjana (“Otsustades igal konkreetsel juhul”), Ingliża (“When deciding whether to impose”), Taljana (“Al momento di decidere se infliggere”), Olandiża (“Bij het besluit over de vraag of […] wordt opgelegd”), Pollakka (“Decydując, czy nałożyć”), Portugiża (“Ao decidir sobre a aplicação”) u Svediża (“Vid beslut om huruvida [...] ska påföras”).
29 Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2023, Deutsche Wohnen (C‑807/21, EU:C:2023:950, punti 61 et seq.).
30 Sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2023, Nacionalinis visuomenės sveikatos centras (C‑683/21, EU:C:2023:949, punt 76).
31 Ara l-punt 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
32 Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Emiliou fil-kawża Nacionalinis visuomenės sveikatos centras (C‑683/21, EU:C:2023:376, punt 78), li fihom huwa jispjega li, waqt l-adozzjoni tar-RĠPD, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li kull ksur tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data jkun ippenalizzat permezz ta’ multa amministrattiva.
33 Ara l-“Linji Gwida dwar l-applikazzjoni u l-iffissar ta’ multi amministrattivi għall-finijiet tar-[RĠPD]”, p. 9.
34 Ara l-“Linji Gwida dwar l-applikazzjoni u l-iffissar ta’ multi amministrattivi għall-finijiet tar-[RĠPD]”, p. 9.
35 Holländer, C., Beck’scher Online-Kommentar Datenschutzrecht (Wolff/Brink/Ungern-Sternberg), is-sitta u erbgħin edizzjoni, Munich 2017, Artikolu 83 RĠPD, punt 22; Frenzel, E. Datenschutz-Grundverordnung Kommentar (Paal/Pauly/Frenzel), it-tielet edizzjoni, Munich 2021, Artikolu 83 RĠPD, punti 8 sa 12, li jispjegaw li l-awtorità ta’ superviżjoni għandha setgħa diskrezzjonali u għaldaqstant, ma hijiex marbuta timponi multa amministrattiva fil-każijiet kollha.
36 Ara l-punt 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
37 Il-“Linji Gwida dwar l-applikazzjoni u l-iffissar ta’ multi amministrattivi għall-finijiet tar-[RĠPD]” (p. 6), li jindikaw li l-multi amministrattivi huma “miżuri korrettivi” li l-għan tagħhom jista’ jkun “li jistabbilixxu mill-ġdid l-osservanza tar-regoli jew li jissanzjonaw aġir illegali (jew it-tnejn)”. L-użu tal-korsiv huwa tiegħi.
38 Infakkar li tliet kriterji huma rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk sanzjonijiet għandhomx natura kriminali: l-ewwel kriterju huwa dak dwar il-klassifikazzjoni legali tal-ksur fid-dritt nazzjonali, it-tieni wieħed jikkonċerna n-natura stess tal-ksur u t-tielet wieħed huwa dwar il-grad ta’ severità tas-sanzjoni li l-persuna kkonċernata tista’ ġġarrab (ara s-sentenzi tal‑5 ta’ Ġunju 2012, Bonda (C‑489/10, EU:C:2012:319, punt 37), u tat‑2 ta’ Frar 2021, Consob (C‑481/19, EU:C:2021:84, punt 42)); ara wkoll Qorti EDB, 8 ta’ Ġunju 1976, Engel et vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, CE:ECHR:1976:0608JUD000510071, punt 82). Sabiex multa tkun tista’ tiġi kkunsidrata bħala kriminali ma hemmx bżonn li l-kriterji kollha jkunu ssodisfatti (ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża ThyssenKrupp Nirosta vs Il-Kummissjoni (C‑352/09 P, EU:C:2010:635, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata)).
39 Ara l-Linji Gwida dwar l-applikazzjoni u l-iffissar ta’ multi amministrattivi għall-finijiet tar-[RĠPD] (p. 12), li minnhom jirriżulta, minn naħa, li l-livell tad-dannu għandu jittieħed inkunsiderazzjoni “fl-għażla tal-miżura korrettiva”, li ma jeskludix l-adozzjoni ta’ miżuri korrettivi oħra minbarra l-multa amministrattiva. Min-naħa l-oħra, hawnhekk wieħed jista’ jaqra li “l-impożizzjoni ta’ multa ma tiddependix mill-kapaċità tal-awtorità ta’ superviżjoni li tistabbilixxi rabta ta’ kawża u effett bejn il-ksur u d-dannu materjali”. Minn dan isegwi li d-deċiżjoni li tiġi imposta multa amministrattiva tiddependi minn kull każ individwali u mhux biss mill-eżistenza ta’ dannu.
40 Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Emiliou fil-kawża Nacionalinis visuomenės sveikatos centras (C‑683/21, EU:C:2023:376, punt 84), li jiġbed l-attenzjoni fuq is-similaritajiet bejn iż-żewġ sistemi. Ara wkoll is-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2023, Deutsche Wohnen (C‑807/21, EU:C:2023:950, punti 55 et seq.).
41 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2009, X (C‑429/07, EU:C:2009:359, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).
42 Konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawżi magħquda Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs Alliance One International et (C‑628/10 P u C‑14/11 P, EU:C:2012:11, p. 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).
43 Regolament tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).
44 Ara, f’dan is-sens, Wils W., “Procedural rights and obligations of third parties in antitrust investigation and proceedings by the European Commission”, Concurrence, Nru 2-2022, p. 50.