KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fis‑16 ta’ Frar 2023 ( 1 )

Kawża C‑756/21

X

vs

International Protection Appeals Tribunal,

Minister for Justice and Equality,

Ireland,

Attorney General

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat – Applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja – Evalwazzjoni ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali – Dmir ta’ kooperazzjoni tal-Istat Membru mal-applikant – Portata – Stħarriġ ġudizzjarju – Portata – Terminu raġonevoli għal teħid ta’ deċiżjoni – Nuqqas ta’ osservanza – Konsegwenzi – Kredibbiltà ġenerali ta’ applikant – Kriterji ta’ evalwazzjoni”

I. Introduzzjoni

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/83/KE ( 2 ) kif ukoll tal-Artikoli 8 u 23 tad-Direttiva 2005/85/KE ( 3 ).

2.

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ appell ippreżentat mir-rikorrent fil-kawża prinċipali, X, ċittadin ta’ pajjiż terz, kontra d-deċiżjoni tal-International Protection Appeals Tribunal (il-Qorti tal-Appell għall-Protezzjoni Internazzjonali, l-Irlanda, iktar ’il quddiem l-“IPAT”), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikorsi tiegħu kontra d-deċiżjonijiet ta’ ċaħda tal-applikazzjonijiet tiegħu għall-ażil u għal protezzjoni sussidjarja. Il-kawża hija bejn, minn naħa, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali u, min-naħa l-oħra, l-IPAT, il-Minister for Justice and Equality (il-Ministru għall-Ġustizzja u għall-Ugwaljanza, l-Irlanda), l-Irlanda u l-Attorney General (l-Avukat Ġenerali, l-Irlanda) (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“intimati”).

3.

Il-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda) tqajjem seba’ domandi preliminari li jirrigwardaw tliet kwistjonijiet li jikkonċernaw, l-ewwel, il-portata tad-dmir ta’ kooperazzjoni tal-awtorità determinanti mal-applikant għal protezzjoni internazzjonali u l-konsegwenzi li għandhom jinsiltu minn ksur eventwali ta’ dan id-dmir; it-tieni, il-konsegwenzi tal-assenza ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fuq l-applikazzjonijiet għall-ażil u għal protezzjoni internazzjonali f’terminu raġonevoli u, it-tielet, l-impatt, fuq il-kredibbiltà ġenerali ta’ applikant, ta’ dikjarazzjoni falza ppreżentata fl-applikazzjoni tiegħu inizjalment, peress li dan sussegwentement irtira din id-dikjarazzjoni mal-ewwel okkażjoni wara li spjega ruħu.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt internazzjonali

4.

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(A)(2) tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati ( 4 ), il-kelma “refuġjat” tapplika għal kull persuna li, “billi tibża’ bir-raġun li tiġi ppersegwitata minħabba r-razza, ir-reliġjon, in-nazzjonalità, l-appartenenza tagħha għal grupp soċjali partikolari jew l-opinjonijiet politiċi tagħha, tinsab barra mill-pajjiż li tiegħu għandha n-nazzjonalità u li ma tistax jew, minħabba din il-biża’, ma tixtieqx titlob il-protezzjoni ta’ dan il-pajjiż; jew li, jekk ma jkollhiex nazzjonalità u tkun tinsab barra mill-pajjiż li fih hija kellha r-residenza abitwali tagħha […], ma tistax jew, minħabba l-imsemmija biża’, ma tixtieqx tirritorna hemmhekk” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

B.   Id-dritt tal-Unjoni

5.

Minbarra ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt primarju, jiġifieri l-Artikoli 41 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), l-Artikolu 4 u l-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva 2004/83 ( 5 ), kif ukoll l-Artikolu 8(2) u (3), l-Artikolu 23(1) u (2), u l-Artikolu 39(1)(a) tad-Direttiva 2005/85 ( 6 ) huma rilevanti fil-kuntest ta’ din il-kawża.

III. Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

6.

Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali huwa ċittadin Pakistani li daħal l-Irlanda fl‑1 ta’ Lulju 2015, wara li rrisjeda fir-Renju Unit mill‑2011 sal‑2015 mingħajr ma ppreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

7.

Fit‑2 ta’ Lulju 2015, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta fl-Irlanda applikazzjoni għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat. Din it-talba kienet inizjalment ibbażata fuq dikjarazzjoni falza li r-rikorrent fil-kawża prinċipali sussegwentement rtira, ibbażata fuq il-fatt li huwa sab ruħu fil-viċinanza immedjata tal-isplużjoni ta’ bomba waqt attentat terroristiku li seħħ waqt funerali fil-Pakistan u li qatlet erbgħin persuni, fosthom żewġ persuni li huwa kien jaf. Ir-rikorrent isostni li ġie affettwat profondament minn dan l-avveniment, b’tali mod li huwa kien jibża’ jgħix fil-Pakistan u kien jibża’ li jsofri perikolu serju jekk huwa jintbagħat lura. Huwa ddikjara li jsofri minn ansjetà, dipressjoni u problemi ta’ rqad. L-applikazzjoni tiegħu ġiet miċħuda fl‑14 ta’ Novembru 2016 mill-Office of the Refugee Applications Commissioner (id-Dipartiment tal-Kummissarju Responsabbli għall-Applikazzjonijiet tar-Refuġjati, l-Irlanda).

8.

Fit‑2 ta’ Diċembru 2016, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem ir-Refugee Appeals Tribunal (il-Qorti tal-Appell tar-Refuġjati, l-Irlanda). Il-proċedura dwar dan ir-rikors ġiet sospiża minħabba emendi leġiżlattivi li saru fil‑31 ta’ Diċembru 2016, minħabba d-dħul fis-seħħ tal-International Protection Act 2015 (il-Liġi tal‑2015 dwar il-Protezzjoni Internazzjonali) li għaqdet id-diversi proċeduri ta’ protezzjoni internazzjonali previsti qabel u ħolqot, b’mod partikolari, l-International Protection Office (l-Uffiċċju għall-Protezzjoni Internazzjonali, l-Irlanda) iktar ’il quddiem l-“IPO”) u l-IPAT.

9.

Fit‑13 ta’ Marzu 2017, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ressaq talba għal protezzjoni sussidjarja, li ġiet miċħuda mill-IPO. Fit‑13 ta’ Frar 2018, huwa ppreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem l-IPAT.

10.

Permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Frar 2019, l-IPAT ċaħdet iż-żewġ rikorsi.

11.

Fis‑7 ta’ April 2019, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta appell quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja) fejn talab l-annullament ta’ din id-deċiżjoni tal-IPAT.

12.

Insostenn ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali sostna, l-ewwel, li l-informazzjoni dwar il-pajjiż ta’ oriġini kkonsultata mill-IPAT, mill‑2015 sal‑2017, kienet inkompleta u skaduta, b’tali mod li l-IPAT ma ħaditx inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni prevalenti fil-Pakistan fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tas‑7 ta’ Frar 2019. Barra minn hekk, l-IPAT ma eżaminatx b’mod xieraq l-informazzjoni li kellha għad-dispożizzjoni tagħha.

13.

It-tieni, it-terminu sabiex tingħata deċiżjoni dwar it-talba tat‑2 ta’ Lulju 2015 huwa manifestament irraġonevoli u jippreġudika l-prinċipju ta’ effettività, l-Artikolu 47 tal-Karta u r-regoli minimi stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni.

14.

It-tielet, l-IPAT ġiet informata bl-istat ta’ saħħa mentali tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, iżda naqset milli tiżgura ruħha li kellha l-provi kollha neċessarji sabiex tkun tista’ tiddeċiedi korrettament fuq it-talbiet. B’mod partikolari, dik il-qorti kellha titlob perizja medika-legali, użata ġeneralment insostenn tal-applikazzjoni għall-ażil ta’ persuna li tkun ġarrbet atti ta’ tortura, jew saħansitra perizja oħra dwar l-istat ta’ saħħa mentali tagħha.

15.

Ir-raba’, fir-rigward ta’ elementi oħra rilevanti għall-applikazzjoni tiegħu, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ma ngħatax il-benefiċċju tad-dubju, minkejja li l-istat ta’ saħħa mentali tiegħu ma ġiex debitament ikkonstatat u meħud inkunsiderazzjoni. B’hekk, ċerti elementi rilevanti tal-argumenti tiegħu ma ġewx ivverifikati jew ġew injorati u ma kien hemm ebda kooperazzjoni bejnu u bejn l-istituzzjonijiet kompetenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-imsemmija perizja medika-legali.

16.

Il-ħames, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża, ikkaratterizzati mill-fatt li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ammetta li l-istorja tiegħu preċedenti tal-avvenimenti kienet falza u li teżisti possibbiltà li huwa jsofri minn problemi ta’ saħħa mentali, ikun irraġonevoli li jiġi konkluż li dan ma huwiex kredibbli fir-rigward tal-aspetti essenzjali tal-argument tiegħu.

17.

Il-High Court (il-Qorti Għolja) tqis, qabelxejn, li l-IPAT naqset mid-dmir tagħha ta’ kooperazzjoni sa fejn la kisbet l-informazzjoni adegwata dwar il-pajjiż ta’ oriġini u lanqas perizja medika-legali. Madankollu, hija tistaqsi jekk l-IPAT kinitx marbuta, skont id-dritt tal-Unjoni, li tikseb tali perizja u jekk huwiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni li teżiġi, konformement mad-dritt nazzjonali, li r-rikorrent fil-kawża prinċipali jistabbilixxi, sabiex jikseb l-annullament tad-deċiżjoni tal-IPAT, l-eżistenza ta’ dannu li jirriżulta minn dan in-nuqqas ta’ osservanza ta’ dmir.

18.

Dik il-qorti tistaqsi, sussegwentement, liema konsegwenzi hija għandha tislet mill-fatt li għaddew iktar minn tliet snin u nofs bejn it-tressiq tal-applikazzjoni tat‑2 ta’ Lulju 2015 u l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-IPAT fis‑7 ta’ Frar 2019, terminu għal deċiżjoni li hija tqis irraġonevoli.

19.

Fl-aħħar, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-fatt li dikjarazzjoni waħda falza, li r-rikorrent fil-kawża prinċipali rtira mal-ewwel okkażjoni wara li spjega ruħu, tista’ tiġġustifika l-kontestazzjoni tal-kredibbiltà ġenerali tiegħu.

20.

Huwa f’dan il-kuntest li, permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Novembru 2021, li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid‑9 ta’ Diċembru 2021, il-High Court (il-Qorti Għolja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Fil-każ li, fil-kuntest ta’ applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja minn applikant, kien hemm ksur totali tad-dmir ta’ kooperazzjoni deskritt fil-punt 66 [tas-sentenza M. ( 7 )], l-eżami ta’ din l-applikazzjoni ġie mċaħħad ‘mill-effettività kollha’ tiegħu fis-sens [tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja ( 8 )]?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, il-ksur imsemmi iktar ’il fuq tad-dmir ta’ kooperazzjoni, jagħti, fih innifsu, id-dritt lill-applikant għall-annullament tad-deċiżjoni?

3)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għat-tieni domanda, fuq min jaqa’, skont il-każ, l-oneru tal-prova sabiex jiġi stabbilit li d-deċiżjoni ta’ ċaħda setgħet tkun differenti li kieku kien hemm kooperazzjoni xierqa min-naħa tal-persuna li tiddeċiedi?

4)

In-nuqqas li tittieħed deċiżjoni fir-rigward tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ta’ applikant f’terminu raġonevoli jagħti lok, favur dan tal-aħħar, ta’ dritt għal annullament ta’ deċiżjoni meta din tittieħed?

5)

Iż-żmien li jittieħed għat-twettiq ta’ bidliet fil-kuntest applikabbli għall-protezzjoni tal-applikanti għal ażil fi Stat Membru għandu l-effett li jeżenta lil dan l-Istat Membru mill-applikazzjoni ta’ sistema ta’ protezzjoni internazzjonali li tkun żgurat li deċiżjoni tiġi adottata fir-rigward ta’ tali applikazzjoni għal protezzjoni f’terminu raġonevoli?

6)

Meta persuna li tiddeċiedi dwar protezzjoni internazzjonali ma jkollhiex provi biżżejjed fir-rigward tal-istat tas-saħħa mentali ta’ applikant, iżda jkollha ċerti elementi li jistabbilixxu l-possibbiltà li l-applikant isofri minn problemi ta’ dan it-tip, din il-persuna li tiddeċiedi għandha, b’mod konformi mad-dmir ta’ kooperazzjoni msemmi [fis-sentenza M., (punt 66)], jew kwalunkwe bażi oħra, id-dmir li twettaq investigazzjonijiet ulterjuri, jew xi dmir ieħor, qabel ma tieħu deċiżjoni finali?

7)

Meta Stat Membru jwettaq id-dmir tiegħu li jevalwa l-elementi rilevanti ta’ applikazzjoni, skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva [2004/83], huwa permess li jiġi ddikjarat li l-kredibbiltà ġenerali tal-applikant ma ġietx stabbilita, u dan minħabba gidba waħda, li ġiet spjegata u rtirata sussegwentement fl-ewwel opportunità raġonevoli disponibbli għalih, mingħajr ebda element ieħor f’dan ir-rigward?”

IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

21.

Il-qorti tar-rinviju talbet li din il-kawża tkun suġġetta għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

22.

Fis‑17 ta’ Diċembru 2021, l-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li ma kienx hemm lok li tilqa’ din it-talba.

23.

Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mir-rikorrent fil-kawża prinċipali, mill-intimati, mill-Gvern Ġermaniż u minn dak Olandiż, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, il-Gvern Irlandiż kif ukoll il-Kummissjoni ħadu sehem fis-seduta li saret fis‑16 ta’ Novembru 2022.

24.

Permezz ta’ talba għal kjarifiki tal‑20 ta’ Settembru 2022, il-Qorti tal-Ġustizzja stiednet lill-qorti tar-rinviju tippreċiża l-leġiżlazzjoni applikabbli u r-rwol mogħti lill-IPAT. Dik il-qorti wieġbet permezz ta’ att tal‑21 ta’ Ottubru 2022.

V. Fuq l-ammissibbiltà

25.

L-intimati jikkontestaw l-ammissibbiltà tas-seba’ domandi preliminari.

26.

L-ewwel, huma jsostnu li l-ewwel domanda hija ta’ natura ipotetika, sa fejn hija bbażata fuq premessa mhux sostnuta mill-qorti tar-rinviju, u dan għal żewġ raġunijiet. Minn naħa, kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi l-formulazzjoni ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju ma kkonstatatx “ksur totali tad-dmir ta’ kooperazzjoni” u ma setgħetx tagħmel tali konstatazzjoni abbażi tal-fatti tal-kawża. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija domanda tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni determinanti fuq il-fatti tal-każ, li ma huwiex fil-kompetenza tagħha. Skont l-intimati, dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw ukoll għat-tieni u għat-tielet domanda, minħabba r-rabta tagħhom mal-ewwel domanda.

27.

It-tieni, l-intimati jsostnu li r-raba’ u l-ħames domanda huma wkoll ipotetiċi, peress li l-qorti tar-rinviju ma kkonstatatx nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li tagħti deċiżjoni f’terminu raġonevoli.

28.

It-tielet, l-intimati huma tal-fehma li s-sitt domanda ma hijiex neċessarja għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali, peress li l-IPAT ħadet inkunsiderazzjoni provi mediċi pprovduti mir-rikorrent fil-kawża prinċipali, mingħajr ma kkontestathom.

29.

Fl-aħħar, ir-raba’, l-intimati jsostnu li s-seba’ domanda hija ta’ natura ipotetika u għalhekk ma għandhiex tingħata risposta, sa fejn ir-rikorrent fil-kawża prinċipali speċifika li ma jikkontestax il-konklużjonijiet tal-IPAT dwar il-kredibbiltà tiegħu u sa fejn, kuntrarjament għal dak li tagħti x’tifhem il-formulazzjoni ta’ din id-domanda, id-dikjarazzjoni falza ma kinitx l-uniku element li wassal lill-IPAT sabiex tikkunsidra li l-kredibbiltà tar-rikorrent fil-kawża prinċipali ma kinitx stabbilita. F’dan ir-rigward, elementi oħra rilevanti kienu jikkonċernaw il-fatt li kien biss tardivament ħafna li dan semma elementi prinċipali relatati mal-ġrajjiet fil-passat u ma talabx il-protezzjoni internazzjonali fl-applikazzjoni inizjali tiegħu.

30.

Dawn l-oġġezzjonijiet ma jikkonvinċunix.

31.

Infakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli jekk jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha ( 9 ).

32.

F’dan il-kuntest, huwa diffiċli li jiġi affermat li d-domandi preliminari ma għandhom ebda relazzjoni mar-realtà, huma ipotetiċi jew ma jipprovdux il-punti ta’ fatt neċessarji.

33.

F’dan il-każ, fir-rigward tan-natura allegatament ipotetika tal-ewwel, tat-tieni, tat-tielet u tas-sitt domanda, huwa ċertament minnu li l-punti ta’ fatt esposti mill-qorti tar-rinviju ma humiex indizji ta’ “ksur totali tad-dmir ta’ kooperazzjoni” mill-IPAT ( 10 ). Madankollu, minn dawn id-domandi jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tistaqsi speċifikament dwar il-kwistjoni ta’ jekk dawn il-fatti jikkorrispondux għal ksur tad-dmir ta’ kooperazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti mal-applikant u dwar il-konsegwenzi li hija għandha, jekk ikun il-każ, tislet minn tali konstatazzjoni, fid-dawl tal-limiti li d-dritt nazzjonali jimponi fuq dawn l-awtoritajiet ( 11 ).

34.

Għal dak li jikkonċerna r-raba’ u l-ħames domanda, il-fatt li l-qorti tar-rinviju għadha ma kkonstatatx nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li tingħata deċiżjoni f’terminu raġonevoli iżda li hija għandha l-intenzjoni li tagħmel dan lanqas ma huwa raġuni suffiċjenti sabiex jiġi konkluż, f’dan il-każ, li dawn huma domandi ipotetiċi.

35.

Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li s-sitt domanda tirrigwarda l-obbligu eventwali li tinkiseb perizja medika-legali addizzjonali għal dawk ipprovduti mir-rikorrent fil-kawża prinċipali. Il-fatt li l-IPAT ħadet inkunsiderazzjoni l-provi mediċi ppreżentati mill-persuna kkonċernata, mingħajr ma kkontestathom, ma huwiex relatat ma’ dan l-obbligu u ma jistax jikkonfuta r-rilevanza ta’ din id-domanda.

36.

Fl-aħħar, fir-rigward tas-seba’ domanda, għandu jiġi rrilevat li l-intimati jikkontestaw il-konstatazzjonijiet fattwali tal-qorti tar-rinviju kif ukoll l-evalwazzjoni tagħha tar-rilevanza ta’ din id-domanda għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. Issa, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja iżda l-qorti tar-rinviju li għandha tikkonstata u tevalwa l-fatti relatati mal-kredibbiltà tar-rikorrent fil-kawża prinċipali.

37.

Fil-qosor, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tidentifika l-kwistjonijiet legali ta’ kawża li titlob l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

38.

Għaldaqstant, id-domandi preliminari għandhom jiġu kkunsidrati bħala li huma ammissibbli u għandhom jiġu analizzati fuq il-mertu.

VI. Fuq il-mertu

A.   Kunsiderazzjonijiet ġenerali fuq l-interpretazzjoni tad-Direttivi 2004/83 u 2005/85

39.

Jidhirli li huwa utli, qabel ma nindirizza l-eżami tad-domandi preliminari, li nfakkar fil-qosor il-kuntest li minnu jifformaw parti d-Direttivi 2004/83 u 2005/85.

40.

Fl-ewwel lok, nixtieq nirrileva li mill-premessa 3 tad-Direttiva 2004/83 jirriżulta li l-Konvenzjoni ta’ Genève tikkostitwixxi l-pedament tas-sistema legali internazzjonali għall-protezzjoni tar-refuġjati. Bl-istess mod, mill-premessi 16 u 17 ta’ din id-direttiva jirriżulta li d-dispożizzjonijiet dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat kif ukoll dwar il-kontenut ta’ dan tal-aħħar ġew adottati sabiex jgħinu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri japplikaw din il-konvenzjoni billi jibbażaw ruħhom fuq kunċetti u kriterji komuni ( 12 ). Barra minn hekk, fir-rigward tad-Direttiva 2005/85, mill-premessi 2, 3, 5 u 7 tagħha jirriżulta li din tistabbilixxi qafas komuni tal-garanziji li jippermettu li tiġi żgurata l-osservanza sħiħa tal-imsemmija konvenzjoni. L-Artikolu 33 ta’ din tal-aħħar jistabbilixxi l-prinċipju ta’ non-refoulement. Dan il-prinċipju huwa ggarantit bħala dritt fundamentali fl-Artikolu 18 u fl-Artikolu 19(2) tal-Karta ( 13 ).

41.

Minn dan isegwi li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/83 u 2005/85 għandha ssir fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-għan ta’ kull waħda minn dawn id-direttivi, fl-osservanza tal-Konvenzjoni ta’ Genève u tat-Trattati l-oħra rilevanti msemmija fl-Artikolu 78(1) TFUE ( 14 ). Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni għandha ssir ukoll, kif jirriżulta mill-premessa 10 tad-Direttiva 2004/83 u mill-premessa 8 tad-Direttiva 2005/85, fl-osservanza tad-drittijiet rikonoxxuti mill-Karta ( 15 ).

42.

Fit-tieni lok, nixtieq nirrileva wkoll li filwaqt li l-għan tad-Direttiva 2004/83 huwa li tistabbilixxi standards minimi dwar il-kundizzjonijiet li għandhom jissodisfaw iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali, u l-kontenut ta’ din il-protezzjoni, dak tad-Direttiva 2005/85 huwa li tistabbilixxi standards minimi dwar il-proċeduri ta’ eżami tal-applikazzjonijiet filwaqt li tippreċiża d-drittijiet tal-applikanti għall-ażil.

43.

Huwa f’dan il-kuntest li ser nittratta d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju. L-ewwel ser neżamina l-portata tad-dmir ta’ kooperazzjoni tal-awtorità determinanti mal-applikant għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/83, kif ukoll il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu minn eventwali ksur ta’ dan id-dmir (Taqsima B). Sussegwentement ser neżamina l-konsegwenzi tal-assenza ta’ teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-applikazzjonijiet għal ażil u għal protezzjoni internazzjonali f’terminu raġonevoli fid-dawl tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2005/85 (Taqsima C). Fl-aħħar nett, ser neżamina l-kwistjoni dwar il-kredibbiltà ġenerali ta’ applikant (Taqsima D).

B.   Fuq il-portata tad-dmir ta’ kooperazzjoni u l-konsegwenzi tal-ksur tiegħu (l-ewwel, it-tieni, it-tielet u s-sitt domanda)

44.

Permezz tal-ewwel, tat-tieni, tat-tielet u tas-sitt domanda tagħha, li għalihom nipproponi li tingħata risposta konġunta, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dmir ta’ kooperazzjoni previst fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/83 jimponix fuq l-awtorità determinanti l-obbligu li tikseb informazzjoni aġġornata dwar il-pajjiż ta’ oriġini ta’ applikant għall-ażil u għall-protezzjoni internazzjonali u, meta jeżistu indizji ta’ problemi tas-saħħa mentali li jirriżultaw potenzjalment minn avveniment trawmatiku li seħħ f’dan il-pajjiż, perizja medika-legali dwar is-saħħa mentali tiegħu. Hija tistaqsi, barra minn hekk, dwar jekk il-ksur ta’ dan l-obbligu jistax, waħdu, iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni li tiċħad dawn l-applikazzjonijiet jew jekk fuq l-applikant jistax jiġi impost l-obbligu li juri li d-deċiżjoni setgħet kienet differenti fl-assenza ta’ tali ksur.

45.

Jidhirli li r-risposta għal dawn id-domandi tista’ tiġi ddeterminata billi tiġi eżaminata t-tifsira tar-rekwiżit ta’ kooperazzjoni fuq l-Istat Membru, fis-sens tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/83.

1. Fuq is-sinjifikat tar-rekwiżit ta’ kooperazzjoni tal-Istat Membru

46.

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-informazzjoni pprovduta mill-applikant dwar il-pajjiż ta’ oriġini ma kinitx aġġornata, anki fid-data li fiha l-applikant kien ipproduċiha. B’mod partikolari, fil-kuntest ta’ konstatazzjoni kruċjali fid-deċiżjoni kkontestata ( 16 ), l-IPAT tirreferi għal missjoni ta’ inkjesta Awstrijaka tal‑2015 ( 17 ) u għal rapport tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (HCR) (tal-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR)) tal‑2017 ( 18 ). Skont dik il-qorti, dawn l-elementi ma setgħux, proprjament, jitqiesu li jikkostitwixxu informazzjoni aġġornata dwar il-pajjiż tal-oriġini fil-kuntest ta’ din id-deċiżjoni, mogħtija fis‑7 ta’ Frar 2019 ( 19 ). Għalhekk, abbażi tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/83, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza M., il-qorti tar-rinviju tqis li l-IPAT naqset mid-dmir tagħha ta’ kooperazzjoni peress li ma kisbitx informazzjoni adegwata u aġġornata dwar il-pajjiż tal-oriġini tal-applikant.

47.

Jidhirli li dan l-approċċ huwa a priori raġonevoli. Madankollu, huwa xieraq li jiġu ċċarati ċerti elementi.

48.

Infakkar li, kif jirriżulta mit-titolu tiegħu, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/83 jikkonċerna l-“evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkostanzi” ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, din il-“evalwazzjoni” sseħħ f’żewġ stadji distinti. L-ewwel stadju jikkonċerna l-istabbiliment taċ-ċirkustanzi fattwali li jistgħu jikkostitwixxu l-provi insostenn tal-applikazzjoni u, it-tieni, l-evalwazzjoni ġuridika ta’ dawn il-provi, li tikkonsisti f’li jiġi deċiż jekk, fid-dawl tal-fatti li jikkaratterizzaw każ partikolari, il-kundizzjonijiet sostantivi previsti mill-Artikoli 9 u 10 jew 15 tad-Direttiva 2004/83 għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali humiex issodisfatti ( 20 ).

49.

F’dan il-kuntest tqum il-kwistjoni dwar liema hija, konkretament, it-tifsira tar-rekwiżit ta’ kooperazzjoni mal-applikant fil-kuntest ta’ kull wieħed minn dawn iż-żewġ stadji.

a) Fuq ir-rekwiżit ta’ kooperazzjoni fil-kuntest tal-ewwel stadju ta’ evalwazzjoni li jikkonċerna l-istabbiliment taċ-ċirkustanzi fattwali

50.

Infakkar mill-bidu li, skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/83, għalkemm huwa ġeneralment l-applikant li għandu jissottometti l-elementi kollha meħtieġa sabiex tiġi ssostanzjata l-applikazzjoni tiegħu, il-fatt jibqa’ li huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu d-dmir li jikkoopera mal-applikant fl-istadju tad-determinazzjoni tal-elementi rilevanti ta’ din l-applikazzjoni ( 21 ). Fi kliem ieħor, din id-dispożizzjoni timponi “obbligu pożittiv” fuq l-awtoritajiet tal-Istati Membri sabiex jaġixxu f’kooperazzjoni mal-applikant sabiex jevalwaw dawn l-elementi ( 22 ).

51.

F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2004/83 jirriżulta li l-provi li jistgħu jiġġustifikaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jikkorrispondu għall-informazzjoni tal-applikant u għad-dokumenti kollha li huwa għandu dwar is-sitwazzjoni individwali tiegħu fir-rigward, b’mod partikolari, tal-età tiegħu, tal-passat tiegħu, tal-identità tiegħu jew tan-nazzjonalità/jiet tiegħu. Din id-dispożizzjoni tirreferi għalhekk għall-elementi rilevanti kollha sabiex tiġi ġġustifikata l-applikazzjoni u, għaldaqstant, tikkonċerna l-informazzjoni u d-dokumenti relatati maċ-ċirkustanzi fattwali fil-passat tal-applikant, inklużi dawk relatati mal-“pajjiż(i) u [l-]post(ijiet) ta’ residenza ta’ qabel”.

52.

Infakkar ukoll li t-tifsira tar-rekwiżit ta’ kooperazzjoni tal-Istat Membru fil-kuntest ta’ dan l-ewwel stadju tal-evalwazzjoni diġà ġiet iċċarata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Din tal-aħħar indikat li, jekk, tkun liema tkun ir-raġuni, il-provi pprovduti minn applikant għal protezzjoni internazzjonali ma humiex kompleti, attwali jew rilevanti, l-Istat Membru kkonċernat għandu jikkoopera attivament mal-applikant, f’dan l-istadju tal-proċedura, sabiex l-elementi kollha meħtieġa li jissostanzjaw l-applikazzjoni jkunu jistgħu jinġabru ( 23 ). Hija indikat ukoll li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jistgħu ta’ spiss ikunu f’pożizzjoni aħjar mill-applikant sabiex jiksbu aċċess għal ċerti tipi ta’ dokumenti ( 24 ).

53.

Għalhekk, fil-fehma tiegħi, huwa evidenti li, fil-kuntest ta’ dan l-ewwel stadju tal-evalwazzjoni li tikkonċerna l-istabbiliment taċ-ċirkustanzi fattwali li jistgħu jikkostitwixxu l-provi insostenn tal-applikazzjoni, ir-rekwiżit ta’ kooperazzjoni previst fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/83 jimponi fuq l-awtorità determinanti l-obbligu li tikseb informazzjoni kompleta u aġġornata dwar il-pajjiż ta’ oriġini ta’ applikant għall-ażil u għall-protezzjoni internazzjonali.

54.

Dan premess, tqum ukoll il-kwistjoni dwar jekk jeżistix tali obbligu ta’ “kooperazzjoni” fuq l-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat fil-kuntest tat-tieni stadju tal-evalwazzjoni.

b) Jeżisti rekwiżit ta’ kooperazzjoni fil-kuntest tat-tieni stadju ta’ evalwazzjoni dwar l-evalwazzjoni ġuridika tal-provi insostenn tal-applikazzjoni?

55.

Infakkar li l-Artikolu 4(3)(a) tad-Direttiva 2004/83 jipprevedi, fir-rigward tal-evalwazzjoni individwali ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, li din l-evalwazzjoni għandha ssir billi jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-fatti rilevanti kollha li jikkonċernaw il-pajjiż ta’ oriġini fil-mument li tingħata deċiżjoni dwar l-applikazzjoni, inklużi l-liġijiet u r-regolamenti tal-pajjiż ta’ oriġini u l-mod kif dawn jiġu applikati.

56.

Din l-evalwazzjoni individwali tal-applikazzjoni hija, kif diġà esponejt ( 25 ), it-tieni stadju fil-kuntest tal-“evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi” ta’ applikazzjoni għal ażil jew għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/83. Dan l-istadju jikkonċerna l-evalwazzjoni ġuridika tal-provi prodotti insostenn tal-applikazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn humiex effettivament ta’ natura li jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-protezzjoni internazzjonali mitluba ( 26 ).

57.

Madankollu, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżami tal-mertu tal-applikazzjoni huwa r-responsabbiltà unika tal-awtorità nazzjonali kompetenti, b’tali mod li, f’dan l-istadju tal-proċedura, rekwiżit ta’ kooperazzjoni minn din l-awtorità mal-applikant, kif preskritt fit-tieni sentenza tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/83, hija irrilevanti ( 27 ). F’dan ir-rigward, infakkar li, mill-Artikolu 4(1) u mill-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2005/85 jirriżulta li l-awtorità determinanti hija inkarigata li twettaq “eżami xieraq” tal-applikazzjonijiet u wara tagħti d-deċiżjoni tagħha dwarhom ( 28 ). B’mod partikolari, mill-Artikolu 8(2)(b) ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tinkiseb informazzjoni preċiża u aġġornata dwar is-sitwazzjoni ġenerali eżistenti fil-pajjiżi ta’ oriġini ta’ applikanti għall-ażil ( 29 ) minn diversi sorsi, bħall-HCR ( 30 ).

58.

Għalhekk, naqbel perfettament mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni li minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li, skont l-Artikolu 4(3)(a) tad-Direttiva 2004/83, l-awtorità determinanti hija obbligata tmur lil hinn mis-sempliċi dmir ta’ kooperazzjoni mal-applikant f’dak li jirrigwarda l-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini. Fil-fatt, meta persuna tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti mid-Direttiva 2004/83, l-Istati Membri huma obbligati jagħtu l-protezzjoni internazzjonali mitluba, peress li l-awtoritajiet tagħhom ma għandhomx setgħa diskrezzjonali f’dan ir-rigward ( 31 ). Issa, peress li, konformement mal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2005/85, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni bħala infondata biss jekk l-awtorità determinanti tkun stabbilixxiet li l-applikant ma jissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jintalab l-istatus ta’ refuġjat skont id-Direttiva 2004/83, din l-awtorità ma tistax tiċħad applikazzjoni mingħajr ma twettaq “eżami xieraq” tagħha u, għalhekk, mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni informazzjoni aġġornata dwar is-sitwazzjoni eżistenti fil-pajjiż ta’ oriġini.

59.

B’mod partikolari, dan huwa iktar u iktar minnu għall-kundizzjoni tal-perikli serji, imsemmija fl-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva 2004/83, li jikkonsistu f’theddida serja u individwali għall-ħajja ta’ pajżan jew persuna minħabba fi vjolenza indiskriminata f’sitwazzjoni ta’ kunflitt armat internazzjonali jew intern, bħal dawk imsemmi fil-kawża prinċipali ( 32 ). Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-eżistenza ta’ dawn it-tipi ta’ theddid ma hijiex suġġetta għall-kundizzjoni li l-applikant jipproduċi l-prova li huwa ikkonċernat speċifikament minħabba elementi speċifiċi għas-sitwazzjoni personali tiegħu. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-grad ta’ vjolenza indiskriminata li jikkaratterizza l-kunflitt armat attwali għandu jiġi evalwat mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li quddiemhom titressaq applikazzjoni jew mill-qrati ta’ Stat Membru li lilhom tiġi rrinvijata deċiżjoni ta’ rifjut ta’ tali applikazzjoni ( 33 ). Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk iċ-ċirkustanzi stabbiliti jikkostitwixxux jew ma jikkostitwixxux theddida tali li l-persuna kkonċernata tista’ bir-raġun tibża’, fir-rigward tas-sitwazzjoni individwali tagħha, li tkun effettivament is-suġġett ta’ atti ta’ persekuzzjoni għandha, f’kull każ, titwettaq b’viġilanza u prudenza, peress li huma inkwistjoni kwistjonijiet ta’ integrità tal-persuna umana u tal-libertajiet individwali, kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-valuri fundamentali tal-Unjoni ( 34 ).

60.

Konsegwentement, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 4(3)(a) tad-Direttiva 2004/83 jimponi fuq l-awtorità determinanti, fil-kuntest tal-obbligu tagħha li twettaq eżami xieraq tal-applikazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 8(2)(b) tad-Direttiva 2005/85, l-obbligu li tikseb informazzjoni preċiża u aġġornata dwar il-pajjiż ta’ oriġini ta’ applikant għall-ażil u għall-protezzjoni internazzjonali. Fi kliem ieħor, din l-awtorità ma tistax tillimita ruħha li teżamina informazzjoni parzjali jew skaduta, ipprovduta mill-applikant insostenn tal-applikazzjoni tiegħu, iżda għandha tikseb informazzjoni aġġornata.

2. Id-dmir ta’ kooperazzjoni jimplika, għall-awtorità determinanti, l-obbligu li tinkiseb perizja medika-legali dwar is-saħħa mentali tal-applikant?

61.

Il-qorti tar-rinviju tindika li r-rikorrent fil-kawża prinċipali kien ippreżenta lill-IPO rapport mediku li jenfasizza l-eżistenza ta’ disturbi tas-saħħa mentali li jirriżulta mill-fatt li kien fil-viċinanza immedjata tal-isplużjoni ta’ bomba waqt attentat terroristiku fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu ( 35 ). Dik il-qorti tispjega li l-IPO argumenta quddiem l-IPAT li tali rapport ma kienx jippermetti li jiġi stabbilit jekk id-disturbi tas-saħħa mentali li ġarrab l-l-applikant kinux ikkawżati jew le minn din l-isplużjoni. Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-IPAT kienet tal-istess fehma u qieset li perizja medika-legali, jiġifieri “rapport Spirasi”, seta’ effettivament ikun “ta’ utilità ikbar” ( 36 ). Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li kemm l-IPO kif ukoll l-IPAT qiesu li r-rapport mediku ppreżentat mir-rikorrent fil-kawża prinċipali ma kienx suffiċjenti u li perizja medika-legali kienet tkun rilevanti.

62.

F’dan il-kuntest, tqum il-kwistjoni dwar jekk id-dmir ta’ kooperazzjoni stabbilit fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/83 jimponix fuq l-awtoritajiet nazzjonali l-obbligu li jiksbu tali perizja.

63.

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ewwel stadju tal-evalwazzjoni li jikkonċerna l-istabbiliment taċ-ċirkustanzi fattwali, nosserva li tali rekwiżit ma jirriżultax mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, l-għan tad-Direttiva 2004/83 huwa li tistabbilixxi regoli minimi dwar il-kundizzjonijiet li għandhom jissodisfaw iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi sabiex jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali. Issa, kieku l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jimponi tali obbligu fuq l-Istati Membri, huwa kien ċertament jispeċifika dan b’mod espliċitu. Konsegwentement, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jibbenefikaw minn marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiddeterminaw jekk perizja medika-legali hijiex rilevanti jew le għall-evalwazzjoni individwali li l-awtoritajiet nazzjonali huma obbligati li jwettqu, skont l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2004/83 ( 37 ).

64.

Madankollu, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-intimati, meta, bħal f’dan il-każ, dawn l-awtoritajiet iqisu li l-perizja medika-legali inkwistjoni hija rilevanti jew meħtieġa għall-evalwazzjoni tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ( 38 ), fil-fehma tiegħi, mid-dmir ta’ kooperazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/83, jirriżulta li huma għandhom jinformaw lill-applikant u jikkooperaw miegħu sabiex ikunu jista’ jkollhom tali perizja ( 39 ). Kif diġà osservajt, mir-rekwiżit ta’ kooperazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali jirriżulta li meta l-awtorità determinanti tqis li l-elementi prodotti mill-applikant għal protezzjoni internazzjonali ma humiex kompleti, huma skaduti jew irrilevanti, din l-awtorità hija obbligata li tikkoopera b’mod attiv mal-applikant sabiex jiġi permess il-ġbir tal-elementi kollha meħtieġa ( 40 ) sabiex jiġu stabbiliti ċ-ċirkustanzi fattwali li jistgħu jikkostitwixxu provi insostenn tal-applikazzjoni.

65.

Fit-tieni lok, fir-rigward tat-tieni stadju tal-evalwazzjoni dwar l-evalwazzjoni ġuridika tal-provi prodotti insostenn tal-applikazzjoni, infakkar li mill-Artikolu 4(3)(b) u (ċ) tad-Direttiva 2004/83 jirriżulta li l-evalwazzjoni individwali ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandha titwettaq billi jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm l-informazzjoni u d-dokumenti rilevanti ppreżentati mill-applikant, inkluża informazzjoni li tippermetti li jiġi ddeterminat jekk dan kienx jew jistax ikun suġġett għal persekuzzjonijiet jew għal perikolu serju, kif ukoll l-istatus u s-sitwazzjoni personali tal-applikant sabiex jiġi ddeterminat jekk, fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni, l-atti li għalihom kien espost jew li għalihom jista’ jkun espost jistgħux jitqiesu bħala persekuzzjoni jew perikolu serju. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 4(3) ta’ din id-direttiva ma jeskludix l-użu ta’ perizji fil-kuntest tal-proċess ta’ evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi ( 41 ). Għalhekk huma l-awtoritajiet kompetenti li għandhom jadattaw il-proċeduri tagħhom għall-evalwazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet u ta’ provi dokumentarji jew provi oħra skont il-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull kategorija ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ( 42 ).

66.

F’dan ir-rigward, ir-rekwiżit li tinkiseb perizja medika legali dwar is-saħħa mentali tal-applikant meta l-awtoritajiet nazzjonali jikkunsidraw li dan huwa rilevanti jew meħtieġ għall-evalwazzjoni tal-provi huwa kkorroborat mill-Artikolu 4(1) u mill-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2005/85. Dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu l-obbligu li l-awtorità determinanti twettaq “eżami xieraq” tal-applikazzjonijiet u wara tagħti d-deċiżjoni tagħha dwarhom ( 43 ). Fil-fatt, din l-awtorità ma tkunx f’pożizzjoni li twettaq tali eżami xieraq tal-applikazzjonijiet, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, jekk, għalkemm tqis li perizja medika legali tirriżulta li hija rilevanti jew meħtieġa sabiex titwettaq l-evalwazzjoni individwali tal-applikazzjoni inkwistjoni, hija ma tiksibhiex.

67.

Konsegwentement, jiena tal-fehma li l-Artikolu 4(3)(b) u (ċ) tad-Direttiva 2004/83 jimponi fuq l-awtorità determinanti, fil-kuntest tal-obbligu tagħha li twettaq eżami xieraq tal-applikazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2005/85, meta hija tqis li l-perizja medika-legali dwar is-saħħa mentali tal-applikant hija rilevanti jew neċessarja għall-evalwazzjoni individwali ta’ din l-applikazzjoni, li tikseb tali perizja. Fil-fehma tiegħi, interpretazzjoni differenti tmur kontra l-għan tad-Direttiva 2004/83 u xxejjen mis-sustanza tagħhom kemm l-Artikolu 4(3) ta’ din id-direttiva kif ukoll l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2005/85.

3. Fuq il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mill-ksur tad-dmir ta’ kooperazzjoni u tal-obbligu li jitwettaq eżami xieraq tal-applikazzjoni

68.

Qabel ma nanalizza l-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mill-ksur tal-obbligi tad-dmir ta’ kooperazzjoni u tal-obbligu li jitwettaq eżami xieraq tal-applikazzjoni (taqsimiet ċ) u d)), għandu jiġi ddeterminat jekk, kif isostnu l-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni, l-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85 jeħtieġx li l-qorti tal-ewwel istanza tkun tista’ teżerċita stħarriġ fil-mertu ex nunc fuq deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għall-ażil jew għal protezzjoni internazzjonali (taqsima a)). Fl-affermattiv, tqum il-kwistjoni dwar jekk l-IPAT għandhiex titqies bħala awtorità ġudizzjarja fis-sens tal-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85 (taqsima (b)).

a) Fuq il-kunċett ta’ “qorti”, fis-sens tal-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85

69.

Infakkar li l-Artikolu 39(1)(a) tad-Direttiva 2005/85 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti għall-ażil ikollhom dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti kontra deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għall-ażil tagħhom. Madankollu, din id-dispożizzjoni ma tippreċiżax li huwa neċessarju li l-imsemmija qorti tkun tista’ teżerċita tali stħarriġ ex nunc. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tindika fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha li, fil-fehma tagħha, dawn ir-rekwiżiti jirriżultaw mill-ġurisprudenza stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja.

70.

Nosserva, f’dan ir-rigward, li tali rekwiżit jirriżulta b’mod ċar mill-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32, li ssostitwixxa l-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85 u li ma huwiex applikabbli f’dan il-każ. Madankollu jidhirli li huwa utli li jiġi nnotat, kif ikkonstatat il-Kummissjoni matul il-proċedura leġiżlattiva dwar dan l-Artikolu 46, li din id-dispożizzjoni “hi infurmata l-iktar minn żviluppi għaddejjin fil-każistika [ġurisprudenza] tal-[Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem]” ( 44 ). Għalhekk ser neżamina jekk l-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, jipprevedix l-imsemmi rekwiżit.

71.

L-ewwel, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat li l-karatteristiċi tar-rimedju previst fl-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85 għandhom jiġu ddeterminati konformement mal-Artikolu 47 tal-Karta, li jikkostitwixxi konferma tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u li jipprovdi li kull persuna li ġġarrab ksur tad-drittijiet jew tal-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni għandu jkollha dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti b’osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fl-imsemmi artikolu ( 45 ). B’mod partikolari, hija ddeċidiet li, sabiex l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ikun effettiv, il-qorti nazzjonali għandha tkun tista’, fil-kuntest ta’ eżami fil-fond, tivverifika l-fondatezza tar-raġunijiet li wasslu sabiex l-awtorità amministrattiva kompetenti tikkunsidra l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala infondata ( 46 ). Infakkar, f’dan ir-rigward, li kull deċiżjoni dwar l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti minn protezzjoni sussidjarja għandha tkun ibbażata fuq evalwazzjoni individwali ( 47 ).

72.

It-tieni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-kuntest tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 ( 48 ), li rikors għal annullament ippreżentat kontra deċiżjoni amministrattiva, li fil-kuntest tagħha l-qorti adita ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi sussegwenti għall-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, ma tiżgurax protezzjoni ġudizzjarja suffiċjenti, li tippermetti lill-persuna kkonċernata teżerċita d-drittijiet li hija tislet minn dan ir-regolament u mill-Artikolu 47 tal-Karta ( 49 ).

73.

It-tielet, għandu jiġi miżjud ukoll li, kif fakkar l-Avukat Ġenerali Mengozzi, ir-rekwiżit ta’ “eżami komplet”, li ma huwiex limitat għar-regoli tad-dritt applikabbli, iżda jestendi għall-konstatazzjoni u l-evalwazzjoni tal-fatti, ilu żmien twil li ġie stabbilit mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ( 50 ). Skont dik il-qorti, dan l-eżami għandu jkun mill-qrib, indipendenti, rigoruż u komplut u għandu jippermetti li jitwarrab kull dubju, irrispettivament minn kemm huwa leġittimu, dwar in-natura infondata ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, u dan irrispettivament mill-portata tal-kompetenzi tal-awtorità inkarigata mill-istħarriġ ( 51 ).

74.

Għalhekk għandu jitqies li l-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, jeżiġi li l-qorti tal-ewwel istanza tkun tista’ teżerċita stħarriġ ex nunc fuq deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għall-ażil jew għall-protezzjoni internazzjonali.

b) Fuq il-klassifikazzjoni tal-IPAT bħala “qorti jew tribunal”, fis-sens tal-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85

75.

Fir-risposta tagħha għal talba għal kjarifika magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju tindika, minn naħa, li l-IPO jieħu d-deċiżjoni li tagħti jew tiċħad il-protezzjoni internazzjonali fl-ewwel istanza, u dan fis-sens tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2005/85 ( 52 ). Min-naħa l-oħra, dik il-qorti tispjega li l-IPAT taġixxi, f’tilwima bħal dik fil-kawża prinċipali, bħala awtorità ġudizzjarja li teżerċita l-ewwel grad ta’ stħarriġ ġudizzjarju li quddiemha jista’ jiġi ppreżentat rikors fuq il-livelli tal-fatti u tad-dritt kontra deċiżjoni tal-ewwel istanza meħuda mill-awtorità determinanti (jiġifieri l-IPO), fis-sens tal-Artikolu 39 ta’ din id-direttiva ( 53 ). Hija tenfasizza, b’mod partikolari, li l-IPAT tieħu deċiżjonijiet ex nunc u għandha s-setgħa li teżiġi li l-Ministru għall-Ġustizzja u għall-Ugwaljanza jagħmel inkjesti u jipprovdilha informazzjoni ( 54 ).

76.

Konsegwentement, jiena tal-fehma li, sa fejn id-deċiżjoni tal-awtorità determinanti għandha, skont l-Artikolu 4(3)(a) sa (ċ) tad-Direttiva 2004/83, moqri flimkien mal-Artikolu 8(2)(b) tad-Direttiva 2005/85, tittieħed wara “eżami xieraq” li jieħu inkunsiderazzjoni l-fatti rilevanti kollha relatati mal-pajjiż ta’ oriġini, inkluż, meta hija tqis li hija rilevanti jew neċessarja, perizja medika-legali dwar is-saħħa mentali tal-applikant, l-istħarriġ, minn qorti tal-ewwel istanza, tal-fondatezza tal-motivi ta’ din l-awtorità jimplika, kif ġustament sostniet il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, l-eżami ta’ informazzjoni preċiża u aġġornata dwar is-sitwazzjoni eżistenti fil-pajjiż ta’ oriġini li fuqha kienet, fost oħrajn, ibbażata d-deċiżjoni amministrattiva li hija s-suġġett tal-istħarriġ.

77.

Bl-istess mod, jekk dik il-qorti tqis li l-provi prodotti mill-applikant ma humiex suffiċjenti sabiex jissostanzjaw id-dikjarazzjoni tiegħu li huwa diġà kien suġġett għal perikolu serju, u lanqas sabiex jiġi evalwat b’mod partikolari l-istat ta’ saħħa mentali tiegħu, hija għandha tkun tista’ tordna miżuri istruttorji sabiex l-applikant ikun jista’ jipprovdi perizja medika-legali. Dan jimplika li l-qorti tal-ewwel istanza li teżamina r-rikors tista’ twettaq eżami ex nunc, jiġifieri mhux abbażi ta’ ċirkustanzi li l-awtorità li adottat id-deċiżjoni kienet taf bihom jew kellha tkun taf bihom fil-mument ta’ din l-adozzjoni, iżda abbażi ta’ dawk li kienu jeżistu fil-mument meta l-qorti tiddeċiedi.

78.

Konsegwentement, l-IPAT, bħala qorti msemmija fl-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, hija obbligata tikseb u teżamina informazzjoni preċiża u aġġornata dwar is-sitwazzjoni eżistenti fil-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant, inkluża perizja medika-legali meta hija tqisha rilevanti jew neċessarja, fid-dawl tal-obbligu tagħha li tiżgura rimedju effettiv kontra deċiżjoni tal-awtorità determinanti, f’dan il-każ tal-IPO, li tirrifjuta li tagħti d-dritt għall-ażil jew il-protezzjoni internazzjonali.

c) Fuq il-possibbiltà ta’ annullament tad-deċiżjoni li tiċħad it-talbiet

79.

Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk tali obbligu jistax, waħdu, iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni li tiċħad l-applikazzjonijiet għall-ażil u għall-protezzjoni internazzjonali.

80.

Għandi nippreċiża li, fir-risposta tagħha għat-talba għal kjarifiki tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju indikat, billi għamlet riferiment għall-punti 102 u 103 tas-sentenza D. u A., li s-sistema Irlandiża tal-għoti u tal-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat tinkludi wkoll il-possibbiltà ta’ stħarriġ tal-IPO u tal-IPAT quddiemha fuq il-livell ta’ żbalji ta’ liġi fid-determinazzjoni tal-applikazzjoni ( 55 ). Għaldaqstant, dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari ġie ppreżentat fil-kuntest ta’ tali stħarriġ ġudizzjarju.

81.

Dan ifisser, jidhirli, li l-qorti tar-rinviju tiżgura stħarriġ tat-tieni grad. Għaldaqstant, l-eżami tagħha huwa limitat għal eventwali żbalji ta’ liġi, bħalma huwa l-każ f’dan il-każ, tal-ksur tal-obbligu, kemm tal-awtorità determinanti kif ukoll tal-qorti tal-ewwel istanza, li tinkiseb informazzjoni preċiża u aġġornata dwar il-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant, inkluża perizja medika-legali meta huma jqisu li dan huwa rilevanti jew neċessarju.

82.

Minkejja li l-ksur ta’ tali obbligu jista’ jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni li tiċħad dawn it-talbiet, fir-risposta tagħha għat-talba għal kjarifiki l-qorti tar-rinviju tippreċiża li, fil-każ fejn hija tiddeċiedi li twettaq żball ta’ liġi, hija tibgħat lura l-kawża quddiem l-IPAT sabiex din il-qorti tagħti deċiżjoni ġdida ta’ appell fuq il-livell tal-fatti u tad-dritt. Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa l-eżistenza ta’ tali żball.

d) Fuq l-oneru tal-prova

83.

Jista’ jiġi impost fuq l-applikant l-obbligu li juri li d-deċiżjoni setgħet kienet differenti fl-assenza tal-ksur tal-obbligu li jitwettaq eżami xieraq tal-applikazzjoni?

84.

Il-Gvern Ġermaniż isostni, ġustament, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu li, jekk il-qorti tal-ewwel istanza tipproċedi hija stess għal eżami komplet sabiex tiddetermina jekk l-applikant għall-ażil għandux dritt għall-protezzjoni internazzjonali abbażi taċ-ċirkustanzi fattwali attwali, ma huwiex neċessarju li l-partijiet fil-proċedura juru li d-deċiżjoni tal-awtorità determinanti nazzjonali setgħet kienet differenti.

85.

F’dan ir-rigward ninnota li, għalkemm huwa ċertament minnu li din il-kwistjoni taqa’ taħt l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, xorta jibqa’ l-fatt li, kif diġà spjegajt, l-eżerċizzju effettiv tad-dritt għall-ażil jew ta’ protezzjoni internazzjonali, kif ukoll l-osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 47 tal-Karta ( 56 ) u mill-prinċipju ta’ non-refoulement jimponu eżami ex nunc mill-qorti tal-ewwel istanza, imsemmi fl-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85 ( 57 ).

86.

Konsegwentement, fid-dawl tal-importanza tad-drittijiet fundamentali inkwistjoni fil-kuntest ta’ applikazzjoni għall-ażil u għall-protezzjoni internazzjonali, ma jidhirlix li huwa rilevanti li, fil-każ ta’ ksur tal-obbligu tal-awtorità determinanti u tal-qorti tal-ewwel istanza li jitwettaq eżami xieraq tal-applikazzjoni, l-oneru li jintwera li d-deċiżjoni setgħet tkun differenti fl-assenza ta’ tali ksur huwa fuq l-applikant. Għall-kuntrarju, fil-kuntest ta’ dan l-eżami, l-oneru li ssir tali turija huwa, fil-fehma tiegħi, eċċessiv, peress li dan l-obbligu huwa fuq din l-awtorità nazzjonali u fuq dik il-qorti u mhux fuq l-applikant.

C.   Fuq il-konsegwenzi tal-assenza ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fuq l-applikazzjonijiet għall-ażil u għal protezzjoni internazzjonali f’terminu raġonevoli (ir-raba’ u l-ħames domanda)

87.

Permezz tar-raba’ u l-ħames domanda tagħha, li, fil-fehma tiegħi, għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tixtieq, essenzjalment, tkun taf jekk it-terminu ta’ iktar minn tliet snin u nofs li ddekorra bejn il-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għall-ażil u d-deċiżjoni tal-IPAT jistax jiġi ġġustifikat mill-emendi leġiżlattivi li saru fl-Irlanda matul din il-proċedura u, jekk dan ma jkunx il-każ, jekk tali terminu, li hija tikklassifika bħala “mhux raġonevoli”, jistax jiġġustifika, waħdu, l-annullament tad-deċiżjoni li tiċħad l-applikazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

88.

Qabel ma nirrispondi għal dawn id-domandi, ser neżamina fil-qosor liema huma d-differenzi bejn it-termini previsti fl-Artikoli 23 u 39 tad-Direttiva 2005/85 kif ukoll in-natura tagħhom.

1. Fuq id-differenzi bejn it-termini previsti fl-Artikoli 23 u 39 tad-Direttiva 2005/85 kif ukoll in-natura tagħhom

89.

Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li mill-istruttura u mill-loġika tad-Direttiva 2005/85, b’mod partikolari mid-distinzjoni bejn il-proċeduri tal-ewwel istanza, previsti fil-Kapitolu III, u l-proċeduri ta’ appell, previsti fil-Kapitolu V, jirriżulta li għandha ssir distinzjoni bejn it-terminu għat-teħid tad-deċiżjoni tal-awtorità determinanti, imsemmi fl-Artikolu 23 ta’ din id-direttiva, u t-terminu għat-teħid tad-deċiżjoni tal-qorti tal-ewwel istanza, imsemmi fl-Artikolu 39 tal-imsemmija direttiva.

90.

Fir-rigward, l-ewwel, tan-natura tat-terminu previst fl-Artikolu 23 tad-Direttiva 2005/85, infakkar li l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu (2) ta’ dan l-artikolu jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali proċedura tiġi konkluża mill-iktar fis possibbli, mingħajr preġudizzju għal eżami adegwat u komplet ( 58 ). Għaldaqstant, mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li din tirrigwarda biss it-terminu adegwat sabiex l-awtorità determinanti tieħu deċiżjoni fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżami. Dan it-terminu ta’ sitt xhur huwa għalhekk terminu indikattiv u bl-ebda mod ma huwa vinkolanti fuq din l-awtorità.

91.

Dan huwa kkorroborat, minn naħa, mill-għan tad-Direttiva 2005/85. Infakkar, f’dan ir-rigward li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tenfasizza li l-proċeduri stabbiliti minn din id-direttiva jikkostitwixxu standards minimi u li l-Istati Membri għandhom f’diversi aspetti marġni ta’ diskrezzjoni għall-implimentazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet billi jieħdu inkunsiderazzjoni aspetti speċifiċi tad-dritt nazzjonali ( 59 ). B’mod partikolari, hija rrilevat li l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jħalli tali marġni ta’ diskrezzjoni hija riflessa, b’mod partikolari, fil-formulazzjoni tal-premessa 11 u tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2005/85, iddedikat għall-proċedura ta’ eżami ( 60 ). Fil-fatt, l-interess li huwa marbut mal-ħeffa fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal ażil huwa, kif jirriżulta minn din il-premessa, huwa kondiviż kemm mill-Istati Membri kif ukoll mill-applikanti għal ażil ( 61 ).

92.

In-natura indikattiva ta’ dan it-terminu hija wkoll kkorroborata, min-naħa l-oħra, mill-inċiżi (a) u (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2005/85. Din id-dispożizzjoni tipprovdi li fejn deċiżjoni ma tistax tittieħed f’terminu ta’ sitt xhur, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikant għandu jkun informat dwar id-dewmien jew jirċievi, meta jagħmel talba għal dan, informazzjoni dwar it-terminu li fih tista’ tingħata deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tiegħu. Skont l-imsemmija dispożizzjoni, din l-informazzjoni ma timplika ebda obbligu għall-Istat Membru, lejn l-applikant, li jagħti deċiżjoni fit-terminu indikat.

93.

Fir-rigward, it-tieni, tan-natura tat-termini stipulati fl-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85, infakkar li l-paragrafu (4) ta’ dan l-artikolu jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu termini għall-eżami mill-qorti tal-ewwel istanza tad-deċiżjoni meħuda mill-awtorità determinanti ( 62 ). Għalhekk minn din id-dispożizzjoni jirriżulta b’mod ċar li hija ma tistabbilixxix terminu, indikattiv jew obbligatorju, li fih din il-qorti għandha tiddeċiedi fuq rikors kontra d-deċiżjoni tal-awtorità determinanti.

94.

Wara din il-preċiżazzjoni, għandi nirrileva li, f’dan il-każ, id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-IPO ittieħdet iktar minn sittax-il xahar wara l-preżentata mir-rikorrent fil-kawża prinċipali tal-applikazzjoni għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat, filwaqt li d-deċiżjoni tal-IPAT li tiċħad ir-rikors kontra din id-deċiżjoni ngħatat sentejn u xahrejn wara l-preżentata tar-rikors tiegħu. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-fatt li d-deċiżjoni li tikkonferma r-rifjut li tingħata l-protezzjoni internazzjonali lir-rikorrent fil-kawża prinċipali ngħatat tliet snin u seba’ xhur wara l-preżentata tal-ewwel applikazzjoni għall-ażil tiegħu.

95.

Konsegwentement, anki jekk, kif esponejt, għandha ssir distinzjoni bejn it-terminu indikattiv tal-proċedura ta’ eżami, imsemmi fl-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2005/85, u t-terminu tal-proċedura ta’ appell li jista’ jiġi stabbilit mill-Istati Membri, stabbilit fl-Artikolu 39(4) ta’ din id-direttiva, u minkejja li naqbel mal-opinjoni tal-Kummissjoni li d-Direttiva 2005/85 ma tistabbilixxix terminu mandatorju li fih deċiżjoni finali għandha tingħata, madankollu tqum il-kwistjoni dwar jekk dan it-terminu ta’ tliet snin u nofs huwiex raġonevoli.

96.

Ma jidhirlix li dan huwa l-każ, għar-raġunijiet li ġejjin.

2. Fuq l-assenza ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet f’terminu raġonevoli

97.

Fl-ewwel lok, huwa ċertament minnu li, fl-assenza ta’ regoli stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni dwar il-modalitajiet proċedurali dwar l-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, l-Istati Membri jibqgħu kompetenti, skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali, sabiex jirregolaw dawn il-modalitajiet, filwaqt li jiggarantixxu r-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-effettività sħiħa tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni internazzjonali ( 63 ).

98.

Madankollu, infakkar, minn naħa, li l-effettività tal-aċċess għall-istatus mogħti għal protezzjoni internazzjonali teħtieġ, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-eżami tal-applikazzjoni jsir f’terminu ta’ żmien raġonevoli ( 64 ). Fil-fatt, kif indika l-Avukat Ġenerali Bot, l-applikazzjonijiet għall-ażil u għall-protezzjoni sussidjarja, “għandhom ikunu suġġetti għal eżami diliġenti, li jsir fi żmien raġonevoli, peress li r-rapidità tal-proċedura tikkontribwixxi mhux biss għaċ-ċertezza ġuridika tal-applikant, iżda wkoll għall-integrazzjoni tiegħu” ( 65 ).

99.

F’dan ir-rigward, fil-fehma tiegħi, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni kemm it-tul tal-proċedura tal-eżami tat-talbiet quddiem l-awtorità determinanti kif ukoll dak tal-proċedura ta’ rikors quddiem il-qorti tal-ewwel istanza, f’dan il-każ, rispettivament, l-IPO u l-IPAT.

100.

Min-naħa l-oħra, nirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li d-dritt għal amministrazzjoni tajba, stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta, jirrifletti prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, ir-rekwiżiti li jirriżultaw minn dan id-dritt għal amministrazzjoni tajba, b’mod partikolari d-dritt ta’ kull persuna li l-kawżi tagħha jiġu ttrattati f’terminu raġonevoli, japplikaw fil-kuntest ta’ proċedura għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew ta’ protezzjoni sussidjarja, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, immexxija mill-awtorità nazzjonali kompetenti ( 66 ).

101.

Dan ifisser li t-tul totali ta’ proċedura ta’ applikazzjoni għal ażil jew għal protezzjoni internazzjonali għandu jirrispetta d-dritt għal amministrazzjoni tajba, stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta, u l-effettività tad-dritt għal rimedju effettiv. F’dan ir-rigward, infakkar li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jipprovdi b’mod partikolari li “kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi” ( 67 ). Għandi nirrileva wkoll li, fid-dawl tas-sitwazzjoni individwali tal-applikanti għall-ażil jew għal protezzjoni internazzjonali, l-Istat Membru li fih jinsab dan l-applikant għandu għalhekk jiżgura li ma jaggravax sitwazzjoni ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali ta’ dan l-applikant permezz ta’ proċeduri ta’ eżami li jkunu ta’ tul mhux raġonevoli.

102.

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ġustifikazzjoni ta’ tali terminu mhux raġonevoli, infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, Stat Membru ma jistax jinvoka l-emendi leġiżlattivi li saru matul il-proċedura fil-kawża prinċipali sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu tiegħu li jiddeċiedi dwar l-applikazzjonijiet għall-ażil jew għall-protezzjoni internazzjonali f’terminu raġonevoli ( 68 ).

103.

Fit-tielet u l-aħħar lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk in-nuqqas ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli jistax jiġġustifika, waħdu, l-annullament tad-deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni għall-ażil jew għall-protezzjoni internazzjonali, jiena naqbel mal-opinjoni tal-Kummissjoni li n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li tingħata deċiżjoni fuq dawn l-applikazzjonijiet f’terminu raġonevoli ma jikkostitwixxix raġuni rilevanti sabiex jiġi deċiż, fil-kuntest tar-rimedju msemmi fl-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85, jekk rifjut li tingħata l-protezzjoni internazzjonali huwiex konformi mar-regoli u mal-kriterji stabbiliti mid-Direttiva 2004/83.

104.

Fil-fatt, ir-rimedju msemmi fl-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85 għandu l-għan li jiddeċiedi jekk l-awtorità determinanti kinitx iġġustifikata meta kkunsidrat li applikant ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jibbenefika mill-protezzjoni internazzjonali. F’dan ir-rigward, il-kwistjoni dwar jekk persuna effettivament teħtieġx din il-protezzjoni jew le għandha tiġi evalwata fuq il-bażi tal-kriterji għall-għoti ta’ tali protezzjoni, stabbiliti fid-Direttiva 2004/83. Il-fatt li d-deċiżjoni dwar il-ħtieġa ta’ protezzjoni internazzjonali ma tteħditx fi żmien raġonevoli huwa irrilevanti fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni u ma jistax iservi bħala bażi għad-deċiżjoni tal-għoti ta’ protezzjoni.

105.

Dan espost, infakkar li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jispeċifika li “[k]ull persuna għandu jkollha l-possibbiltà li tieħu parir, ikollha difiża u tkun irrappreżentata” ( 69 ). Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni ( 70 ). F’dan il-każ, jekk it-tul totali tal-proċedura jwassal għall-ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ applikant għall-ażil u għall-protezzjoni internazzjonali, in-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu raġonevoli minħabba dan il-ksur jista’ jiġġustifika, waħdu, l-annullament tad-deċiżjoni li tiċħad l-imsemmija applikazzjonijiet, punt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju ( 71 ).

D.   Fuq il-kredibbiltà ġenerali ta’ applikant (is-seba’ domanda)

106.

Permezz tas-seba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk dikjarazzjoni falza fl-applikazzjoni inizjali, li l-applikant irtira mal-ewwel okkażjoni, tiġġustifikax il-kontestazzjoni tal-kredibbiltà tiegħu.

107.

Infakkar li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/83 jipprevedi l-possibbiltà l l-Istati Membri jikkunsidraw li l-applikant għandu l-obbligu li jissostanzja l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali, peress li dan l-obbligu jikkonsisti, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “[fil-preżentazzjoni tal-elementi] kollha meħtieġa” ( 72 ). L-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi dawn l-elementi bħala li huma dawk li jikkorrispondu, b’mod partikolari, “mid-dikjarazzjonijiet ta’ l-applikant u d-dokumentazzjoni kollha għad-dispożizzjoni ta’ l-applikanti”. Barra minn hekk, mill-Artikolu 4(5) tal-imsemmija direttiva jirriżulta li, meta ċerti aspetti tad-dikjarazzjonijiet tal-applikant ma jkunux sostnuti minn provi dokumentarji jew oħrajn ( 73 ), dawn l-aspetti ma jeħtiġux konferma meta jiġu ssodisfatti ħames kundizzjonijiet kumulattivi, fejn waħda minnhom hija li “il-kredibilita ġenerali ta’ l-applikant tkun ġiet stabbilita” ( 74 ).

108.

Madankollu, nirrileva li la d-Direttiva 2004/83 u lanqas id-Direttiva 2005/85 ma jippreċiżaw x’għandu jinftiehem bi “kredibbiltà” u ma jagħtux indikazzjonijiet fir-rigward tal-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-“kredibbiltà ġenerali” tal-applikant mill-awtoritajiet nazzjonali u mill-qrati kompetenti.

109.

Skont l-HCR, “[i]l-kredibilità hija stabbilita meta l-applikant jippreżenta talba koerenti u plawżibbli, li ma tkunx kunfliġġenti ma’ informazzjoni ġenerali magħrufa, u li għalhekk tista’, fid-dawl ta’ kollox, tiġi emmnuta” ( 75 ). Minn din id-definizzjoni jirriżulta li dawn il-kriterji jikkorrispondu għal waħda mill-kundizzjonijiet kumulattivi previsti fl-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2004/83, jiġifieri dik li skontha “id-dikjarazzjonijiet ta’ l-applikant jistabu li huma koerenti u plawsibbli u ma jmorrux kontra informazzjoni speċifika u ġenerali rilevanti għall-każ ta’ l-applikant” (Artikolu 4(5)(ċ)) ( 76 ). Għalhekk, din id-definizzjoni ma jidhirlix li hija rilevanti għad-definizzjoni tal-kriterju ta’ “kredibilità ġenerali”, fis-sens tal-Artikolu 4(5)(e) ta’ din id-direttiva. Minn dan niddeduċi pjuttost li dan il-kriterju għandu jiġi evalwat mill-awtorità determinanti fil-kuntest tal-obbligu tagħha li twettaq evalwazzjoni individwali ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali billi tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-istatus individwali u s-sitwazzjoni personali tal-applikant, konformement mal-Artikolu 4(3)(ċ) tal-imsemmija direttiva.

110.

F’dan ir-rigward, nosserva li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà fakkret ir-rekwiżit li huwa impost fuq l-awtoritajiet kompetenti, skont l-Artikolu 13(3)(a) tad-Direttiva 2005/85 ( 77 ) u l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2004/83, li jwettqu l-intervista billi jieħdu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni personali jew ġenerali li fiha taqa’ l-applikazzjoni, b’mod partikolari l-vulnerabbiltà tal-applikant, u jwettqu evalwazzjoni individwali ta’ din l-applikazzjoni, billi jieħdu inkunsiderazzjoni l-istatus individwali u s-sitwazzjoni personali ta’ kull applikant ( 78 ).

111.

F’dan il-kuntest, il-fatt li applikant ikun ippreżenta dikjarazzjoni falza ma jfissirx, fih innifsu, li din id-dikjarazzjoni hija sinjifikattiva jew determinanti għall-eżitu tal-applikazzjoni, mingħajr l-eżistenza ta’ fatturi addizzjonali li jindikaw li l-allegazzjonijiet tal-applikant huma infondati ( 79 ). Fil-fatt, diversi raġunijiet jistgħu jispjegaw għaliex applikant ippreżenta dikjarazzjoni falza ( 80 ). Għalhekk, jekk prova tikkontradixxi d-dikjarazzjonijiet tal-applikant, l-uffiċjal tal-każ għandu jsolvi l-kwistjoni u jagħti lill-applikant l-opportunità li jispjega l-inkonsistenzi ( 81 ).

112.

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-talba tar-rikorrent fil-kawża prinċipali kienet inizjalment ibbażata fuq dikjarazzjoni falza waħda u li huwa rtira din id-dikjarazzjoni billi spjegaha mal-ewwel okkażjoni possibbli. Barra minn hekk, ma jistax jiġi eskluż li l-problemi tas-saħħa mentali li minnhom ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jidher li jsofri setgħu jaffettwaw l-ewwel dikjarazzjoni tiegħu.

113.

Għalhekk, jiena naqbel mal-opinjoni tal-Kummissjoni li ma huwiex proporzjonat li jiġi kkunsidrat, abbażi ta’ dikjarazzjoni waħda falza, li l-applikant spjega u rtira mal-ewwel okkażjoni possibbli, li l-applikant ma huwiex kredibbli.

VII. Konklużjonijiet

114.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposta li ġejja lill-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda):

1)

L-Artikolu 4(3)(a) sa (ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad‑29 ta’ April 2004 dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, moqri flimkien mal-Artikolu 8(2)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE tal‑1 ta’ Diċembru 2005 dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar ta’ l-istatus ta’ rifuġjat,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jimponi fuq l-awtorità determinanti l-obbligu li tikseb, minn naħa, informazzjoni preċiża u aġġornata dwar il-pajjiż ta’ oriġini ta’ applikant għall-ażil u għall-protezzjoni internazzjonali u, min-naħa l-oħra, meta jkun hemm indizji ta’ problemi ta’ saħħa mentali li jirriżultaw potenzjalment minn avveniment trawmatiku li seħħ f’dan il-pajjiż, perizja medika-legali dwar is-saħħa mentali tiegħu meta hija tqis li din il-perizja hija rilevanti jew neċessarja għall-evalwazzjoni tal-applikazzjoni.

2)

L-Artikolu 4(3)(a) sa (ċ) tad-Direttiva 2004/83, moqri flimkien mal-Artikolu 8(2)(b) u mal-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85 kif ukoll mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jimponi fuq il-qorti tal-ewwel istanza, fid-dawl tal-obbligu tagħha li tiżgura rimedju effettiv kontra deċiżjoni tal-awtorità determinanti, l-obbligu li tikseb, minn naħa, informazzjoni preċiża u aġġornata dwar il-pajjiż ta’ oriġini ta’ applikant għall-ażil u għall-protezzjoni internazzjonali u, min-naħa l-oħra, meta jkun hemm indizji ta’ problemi ta’ saħħa mentali li jirriżultaw potenzjalment minn avveniment trawmatiku li seħħ f’dan il-pajjiż, perizja medika-legali dwar is-saħħa mentali tiegħu meta hija tqis li din il-perizja hija rilevanti jew neċessarja għall-evalwazzjoni tal-applikazzjoni.

Fid-dawl tal-importanza tad-drittijiet fundamentali inkwistjoni fil-kuntest ta’ applikazzjoni għall-ażil u għall-protezzjoni internazzjonali, fil-każ ta’ ksur tal-obbligu tal-awtorità determinanti u tal-qorti tal-ewwel istanza li jitwettaq eżami xieraq tal-applikazzjoni, l-oneru li jintwera li d-deċiżjonijiet tagħhom setgħu kienu differenti fl-assenza ta’ tali ksur ma għandux jiġi sostnut mill-applikant.

3)

Fil-każ fejn it-tul totali tal-proċedura għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat u tal-protezzjoni internazzjonali jwassal għall-ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ applikant għall-istatus ta’ refuġjat u għall-protezzjoni internazzjonali, in-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu raġonevoli jista’ jiġġustifika, waħdu, l-annullament tad-deċiżjoni li tiċħad l-imsemmija applikazzjonijiet, punt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

Stat Membru ma jistax jinvoka l-emendi leġiżlattivi li saru matul din il-proċedura sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu tiegħu li jiddeċiedi dwar l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali f’terminu raġonevoli.

4)

L-Artikolu 4(3)(ċ), u (5)(e) tad-Direttiva 2004/83

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

dikjarazzjoni falza fl-applikazzjoni inizjali għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat, li l-applikant ikun irtira mal-ewwel okkażjoni, wara li jkun spjega ruħu, ma tiġġustifikax il-kontestazzjoni tal-kredibbiltà ġenerali tiegħu.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Direttiva tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96).

( 3 ) Direttiva tal-Kunsill tal‑1 ta’ Diċembru 2005 dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar ta’ l-istatus ta’ rifuġjat (ĠU 2005, L 326, p. 13).

( 4 ) Konvenzjoni ffirmata f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)), li daħlet fis-seħħ fit‑22 ta’ April 1954, kif ikkompletata bil-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, konkluż fi New York fil‑31 ta’ Jannar 1967, li daħal fis-seħħ fl‑4 ta’ Ottubru 1967 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”).

( 5 ) Id-Direttiva 2004/83 ġiet imħassra u ssostitwita bid-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (riformulazzjoni) (ĠU 2011, L 337, p. 9). Madankollu, peress li l-Irlanda ma tipparteċipax f’din l-aħħar direttiva, id-Direttiva 2004/83 tkompli tapplika għal dan l-Istat Membru. Ara l-premessa 50 u l-Artikolu 40 tad-Direttiva 2011/95.

( 6 ) Id-Direttiva 2005/85 ġiet issostitwita bid-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60). Madankollu, peress li l-Irlanda ma tipparteċipax f’din l-aħħar direttiva, id-Direttiva 2005/85 tkompli tapplika għal dan l-Istat Membru. Ara l-Artikolu 53 tad-Direttiva 2013/32.

( 7 ) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑22 ta’ Novembru 2012 (C‑277/11, iktar ’il quddiem is-“sentenza M., EU:C:2012:744).

( 8 ) Sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2015 (C‑137/14, EU:C:2015:683).

( 9 ) Ara, reċentement, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2022, VD u SR (C‑339/20 u C‑397/20, EU:C:2022:703, punt 57).

( 10 ) Għal dak li jirrigwarda l-formulazzjoni tal-ewwel domanda, nosserva li din tibda bil-frażi “fil-każ fejn”.

( 11 ) Fuq dawn il-limiti, ara l-punt 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 12 ) Ara s-sentenzi tat‑2 ta’ Marzu 2010, Salahadin Abdulla et (C‑175/08, C‑176/08, C‑178/08 u C‑179/08, EU:C:2010:105, punt 52), kif ukoll tat‑3 ta’ Marzu 2022, Secretary of State for the Home Department (Status ta’ refuġjat ta’ persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana) (C‑349/20, EU:C:2022:151, punt 39).

( 13 ) Sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi (C‑181/16, EU:C:2018:465, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 14 ) Il-punt 1 tal-ewwel paragrafu tal-ex Artikolu 63 KE.

( 15 ) Fir-rigward tad-Direttiva 2004/83, ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑2 ta’ Marzu 2010, Salahadin Abdulla et (C‑175/08, C‑176/08, C‑178/08 u C‑179/08, EU:C:2010:105, punt 53 u 54), kif ukoll tat‑3 ta’ Marzu 2022, Secretary of State for the Home Department (Status ta’ refuġjat ta’ persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana) (C‑349/20, EU:C:2022:151, punt 40). Fir-rigward tad-Direttiva 2005/85, ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑28 ta’ Lulju 2011, Samba Diouf (C‑69/10, EU:C:2011:524, punt 34), u tal‑31 ta’ Jannar 2013, D. u A. (C‑175/11, EU:C:2013:45, punt 58).

( 16 ) Skont il-qorti tar-rinviju, din il-konstatazzjoni tal-IPAT kienet tikkonċerna l-fatt li s-sitwazzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant kienet tikkostitwixxi sitwazzjoni ta’ vjolenza indiskriminata fil-kuntest ta’ kunflitt armat intern/internazzjonali. Ara l-punt 59 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 17 ) Din kienet informazzjoni miġbura waqt missjoni ta’ investigazzjoni mwettqa fix-xahar ta’ Lulju 2015 dwar ir-reġjun li minnu oriġina r-rikorrent.

( 18 ) Freedom House, “Refworld Freedom in the World 2017- Pakistan, UNHCR”. Skont dik il-qorti, dan ir-rapport jindika li l-vjolenza terroristika fil-Pakistan naqset ħafna u tikkonċerna biss l-ewwel trimestru tas-sena 2017.

( 19 ) Ara l-punt 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 20 ) Is-sentenzi M. (punt 64); tat‑2 ta’ Diċembru 2014, A et (C‑148/13 sa C‑150/13, EU:C:2014:2406, punt 55), kif ukoll tat‑3 ta’ Marzu 2022, Secretary of State for the Home Department (Status ta’ refuġjat ta’ persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana) (C‑349/20, EU:C:2022:151, punt 63).

( 21 ) Sentenza M. (punt 65).

( 22 ) Konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Sharpston fil-kawżi magħquda A et (C‑148/13 sa C‑150/13, EU:C:2014:2111, punt 42).

( 23 ) Sentenza M. (punt 66). F’dan ir-rigward, ara wkoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża M. (C‑277/11, EU:C:2012:253, punt 67).

( 24 ) Sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2022, Secretary of State for the Home Department (Status ta’ refuġjat ta’ persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana) (C‑349/20, EU:C:2022:151, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 25 ) Ara l-punt 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 26 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza M. (punt 69).

( 27 ) Sentenza M. (punt 70).

( 28 ) Sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2018, F (C‑473/16, EU:C:2018:36, punt 40).

( 29 ) Sentenza M. (punt 67).

( 30 ) Fuq l-obbligu tal-awtorità determinanti li tiġbor u tevalwa fuq inizjattiva tagħha stess ir-rapporti dwar is-sitwazzjoni ġenerali fil-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant, ara M. Reneman, “The Burden and Standard of Proof and Evidentiary Assessment”, EU Asylum Procedures and the Right to an Effective Remedy, Hart Publishing, Londra, 2014, p. 183 sa 248, b’mod partikolari p. 204.

( 31 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Torubarov (C‑556/17, EU:C:2019:626, punt 50).

( 32 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 46 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Skont il-qorti tar-rinviju, fid-dawl tal-persekuzzjonijiet li għalihom huma suġġetti l-Pachtounes (Pathans) fil-Pakistan, huwa sorprendenti li d-deċiżjoni tal-IPAT ma tinkludi ebda kunsiderazzjoni dwar l-etniċità tar-rikorrent fil-kawża prinċipali u li ma jsir ebda riferiment għaliha fl-eżami tal-informazzjoni dwar il-pajjiż ta’ oriġini.

( 33 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2009, Elgafaji (C‑465/07, EU:C:2009:94, punt 43).

( 34 ) Ara s-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2010, Salahadin Abdulla et (C‑175/08, C‑176/08, C‑178/08 u C‑179/08, EU:C:2010:105, punti 89 u 90).

( 35 ) Ara l-punt 7 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 36 ) Ara, fir-rigward tar-rapport Spirasi, l-indirizz tal-Internet https://spirasi.ie/what-we-do/medico-legal-report/.

( 37 ) Għalkemm id-Direttiva 2013/32 ma hijiex applikabbli f’dan il-każ, jidhirli li huwa rilevanti li nsemmi li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi li “fejn l-awtorità determinanti tqis li huwa rilevanti għall-valutazzjoni tal-applikazzjoni tal-applikant għall-protezzjoni internazzjonali, f’konformità mal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95/UE, l-Istati Membri għandhom, suġġett għall-kunsens tal-applikant, jippreparaw għal eżami mediku tal-applikant li jirrigwarda sinjali li jistgħu jindikaw persekuzzjoni jew periklu serju fil-passat. Minflok, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu biex l-applikant jirranġa huwa stess għal tali eżami mediku”. Enfasi miżjuda minni.

( 38 ) Ara l-punt 16, 17 u 61 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 39 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza M. (punt 66).

( 40 ) Ara l-punt 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 41 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-modalitajiet ta’ eventwali użu ta’ tali perizja għandhom madankollu jkunu konformi mad-dispożizzjonijiet rilevanti l-oħra tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta bħad-dritt għar-rispett tad-dinjità tal-bniedem, stabbilit fl-Artikolu 1 tagħha. Ara s-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2018, F (C‑473/16, EU:C:2018:36, punti 3435).

( 42 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2018, F (C‑473/16, EU:C:2018:36, punt 36).

( 43 ) Sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2018, F (C‑473/16, EU:C:2018:36, punt 40).

( 44 ) Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (KUMM(2009) 554 finali, p. 9). Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 51 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 45 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2015, Tall (C‑239/14, EU:C:2015:824, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-premessa 27 tad-Direttiva 2005/85 tispeċifika li, konformement ma’ prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, id-deċiżjonijiet meħuda fir-rigward ta’ applikazzjoni għal ażil u l-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat għandhom ikunu s-suġġett ta’ rimedju effettiv quddiem qorti fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

( 46 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2011, Samba Diouf (C‑69/10, EU:C:2011:524, punti 56 u 61).

( 47 ) Sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2020, Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (C‑406/18, EU:C:2020:216, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara l-punt 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 48 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31).

( 49 ) Ara s-sentenza tal‑15 ta’ April 2021, L-Istat Belġjan (Elementi sussegwenti għad-deċiżjoni ta’ trasferiment), C‑194/19, EU:C:2021:270, punt 45).

( 50 ) Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Alheto (C‑585/16, EU:C:2018:327, punt 69). Ara, ukoll, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Alheto (C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 113).

( 51 ) Ara, fir-rigward tal-Artikoli 3 u 13 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali ffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, il-Qorti EDB, 11 ta’ Lulju 2000, Jabari vs It-Turkija (CE:ECHR:2000:0711JUD004003598, punt 50), il-Qorti EDB, 12 ta’ April 2005, Chamajev et vs Il-Ġorġja u Ir-Russja (CE:ECHR:2005:0412JUD003637802, punt 448); il-Qorti EDB, 21 ta’ Jannar 2011, M.S.S vs Il-Belġju (CE:ECHR:2011:0121JUD003069609, punti 293 u 388), u l-Qorti EDB, 2 ta’ Ottubru 2012, Singh et vs Il-Belġju (CE:ECHR:2012:1002JUD003321011, punt 103). F’dan ir-rigward, ara wkoll, M. Reneman, “Judicial Review of the Establishment and Qualification of the Facts”, EU Asylum Procedures and the Right to an Effective Remedy, Hart Publishing, Londra, 2014, p. 249 sa 293, b’mod partikolari p. 268 sa 270 u 292.

( 52 ) Il-qorti tar-rinviju żiedet tgħid, b’mod partikolari, li, skont l-Artikolu 47(3) tal-Liġi tal‑2015 dwar il-protezzjoni internazzjonali, meta l-IPO jirrakkomanda li tingħata l-protezzjoni internazzjonali jew meta l-IPAT tikkonferma din ir-rakkomandazzjoni fl-appell, il-Ministru tal-Ġustizzja u tal-Ugwaljanza ma għandu ebda setgħa diskrezzjonali u dawn id-deċiżjonijiet hija vinkolanti fil-konfront tiegħu, ħlief jekk ikunu jeżistu motivi raġonevoli sabiex jitqies li r-rikorrent huwa ta’ perikolu għas-soċjetà jew għas-sigurtà tal-Istat.

( 53 ) Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-Liġi tal‑2015 dwar il-protezzjoni internazzjonali żammet il-funzjonijiet, l-istruttura u l-kompetenza materjali tar-Refugee Appeals Tribunal (il-Qorti tal-Appell tar-Refuġjati), kif ikkonstatati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2013, D. u A. (C‑175/11, EU:C:2013:45, punti 20 sa 32 u 78 sa 105).

( 54 ) F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-Artikolu 44 tal-Liġi tal‑2015 dwar il-Protezzjoni Internazzjonali.

( 55 ) Sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2013 (C‑175/11, EU:C:2013:45). Il-qorti tar-rinviju żżid li din is-sistema tipprevedi l-possibbiltà ta’ appell fuq punti ta’ liġi quddiem il-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell, l-Irlanda) u quddiem is-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda) meta ngħatat l-awtorizzazzjoni.

( 56 ) Ara s-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2014, N. (C‑604/12, EU:C:2014:302, punt 41).

( 57 ) Ara l-punti 40 u 41 kif ukoll 71 sa 74 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 58 ) Min-naħa l-oħra, it-terminu ta’ sitt xhur previst fl-Artikolu 31(3) tad-Direttiva 2013/32, li ma hijiex applikabbli f’dan il-każ, huwa vinkolanti għall-Istati Membri.

( 59 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑28 ta’ Lulju 2011, Samba Diouf (C‑69/10, EU:C:2011:524, punt 29), u tal-31 ta’ Jannar 2013, D. u A. (C‑175/11, EU:C:2013:45, punt 63).

( 60 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2013, D. u A. (C‑175/11, EU:C:2013:45, punt 65).

( 61 ) Sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2013, D. u A. (C‑175/11, EU:C:2013:45, punt 60).

( 62 ) L-Artikolu 39(4) tad-Direttiva 2005/85 huwa identiku għall-Artikolu 46(10) tad-Direttiva 2013/32, li ma huwiex applikabbli f’dan il-każ.

( 63 ) Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2014, N. (C‑604/12, EU:C:2014:302, punt 41).

( 64 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2014, N. (C‑604/12, EU:C:2014:302, punt 45).

( 65 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża M. (C‑277/11, EU:C:2012:253, punt 115).

( 66 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2014, N. (C‑604/12, EU:C:2014:302, punti 49 u 50). Ara, ukoll, M. Reneman, “Judicial Review of the Establishment and Qualification of the Facts”, EU Asylum Procedures and the Right to an Effective Remedy, Hart Publishing, Londra, 2014, p. 249 sa 293, b’mod partikolari l-p. 288.

( 67 ) Enfasi miżjuda minni.

( 68 ) Ara, f’dan is-sens, fir-rigward tal-qasam tad-dritt għall-ażil, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑272/08, mhux ippubblikata, EU:C:2009:442, punt 10 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara, ukoll, is-sentenza tad‑19 ta’ April 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑297/11, mhux ippubblikata, EU:C:2012:228, punt 14).

( 69 ) Skont l-Artikolu 48(2) tal-Karta, għandu jiġi ggarantit ir-rispett għad-drittijiet tad-difiża ta’ kull imputat.

( 70 ) Sentenza M. (punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 71 ) Fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 46(2) tad-Direttiva 2013/32, li ma huwiex applikabbli f’dan il-każ, ara s-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Torubarov (C‑556/17, EU:C:2019:626, punt59 u l-ġurisprudenza ċċitata), dwar l-obbligu ta’ kull Stat Membru li jorganizza d-dritt nazzjonali tiegħu b’mod li, wara annullament tad-deċiżjoni inizjali u fil-każ li l-fajl jintbagħat lura lil dan il-korp kważi ġudizzjarju jew amministrattiv, tiġi adottata deċiżjoni ġdida f’terminu qasir u tkun konformi mal-evalwazzjoni li tinsab fis-sentenza li ddeċidiet l-annullament.

( 72 ) Sentenza M. (punt 65).

( 73 ) Dawn huma, b’mod partikolari, provi orali, dokumentarji, viżivi, awdjo jew atti. Ara r-rapport tal-UNHCR, “Beyond Proof, Credibility Assessment in EU Asylum Systems: Full Report”, Mejju 2013, disponibbli fl-indirizz tal-internet li ġej: https://www.refworld.org/docid/519b1fb54.html..

( 74 ) Ara l-Artikolu 4(5)(e) tad-Direttiva 2004/83 (enfasi miżjuda minni).

( 75 ) Traduzzjoni libera. Ara UNHCR, Note on the Burden and Standard of Proof in Refugee Claims, 16 ta’ Diċembru 1998, punt 11, disponibbli fl-indirizz tal-internet li ġej: https://www.refworld.org/pdfid/3ae6b3338.pdf.

( 76 ) Artikolu 4(5)(ċ) tad-Direttiva 2004/83 (enfasi miżjuda minni).

( 77 ) L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2005/85 jipprevedi l-kundizzjonijiet li għalihom hija suġġetta l-intervista personali. Dawn huma, b’mod partikolari, li l-intervista personali titmexxa f’kundizzjonijiet li jippermettu li l-applikant jesponi r-raġunijiet kollha tal-applikazzjoni tiegħu. Konsegwentement, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuna responsabbli mit-twettiq tal-intervista tkun suffiċjentement kompetenti u li l-applikanti jkollhom aċċess għas-servizzi ta’ interpretu sabiex jassistihom.

( 78 ) Sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 2014, A et (C‑148/13 sa C‑150/13, EU:C:2014:2406, punt 70). Kif ġustament enfasizzat l-Avukata Ġenerali Sharpston fil-konklużjonijiet tagħha għall-imsemmija kawżi magħquda A et (C‑148/13 sa C‑150/13, EU:C:2014:2111, punt 74), li kienu jirrigwardaw il-portata tal-evalwazzjoni tal-kredibbiltà tad-dikjarazzjonijiet tal-applikant għall-ażil dwar l-orjentazzjoni sesswali tiegħu u, b’mod iktar partikolari, dwar il-limiti imposti fuq din l-evalwazzjoni mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/83 u mill-Artikoli 3 u 7 tal-Karta, “applikanti ġenwini għall-istatus ta’ refuġjat ta’ spiss isibu lilhom innifishom jitolbu l-ażil għaliex ikunu għaddew minn trawma u sofrew ċirkustanzi diffiċli u ta’ dwejjaq. Ta’ spiss ikun meħtieġ li dak li jkun jagħtihom il-benefiċċju tad-dubju meta jiġi biex jevalwa l-kredibbiltà tal-istqarrijiet tagħhom u d-dokumenti mibgħuta insostenn ta’ dan”.

( 79 ) Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Ażil: Legal analysis: Evidence and credibility assessment in the context of the Common European Asylum System (Evalwazzjoni tal-provi u tal-kredibbiltà fil-kuntest tas-sistema komun ta’ ażil Ewropew i), EASO, 2018, p. 79.

( 80 ) B’mod partikolari, restrizzjoni, infurzar, in-nuqqas ta’ awtonomija, pariri żbaljati, biża’, id-disprament jew in-nuqqas ta’ għarfien. Ara, f’dan ir-rigward, ir-rapport tal-UNR, “Beyond Proof, Credibility Assessment in EU Asylum Systems: Full Report”, loc. cit, p. 213.

( 81 ) Ara, f’dan is-sens, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Ażil, EASO Practical Guide: Evidence Assessment, L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2016, p. 4.