KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fil-15 ta’ Diċembru 2022 ( 1 )

Kawża C‑700/21

O. G.

bl-intervent ta’:

Presidente del Consiglio dei Ministri

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Italja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Mandat ta’ arrest Ewropew – Raġunijiet għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattivi tal-konsenja – Rispett tal-ħajja privata u tal-familja – Ċittadini ta’ Stati terzi li joqgħodu jew jirrisjedu fit-territorju ta’ Stat Membru”

1.

Il-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Italja) titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI ( 2 ), li t-traspożizzjoni tiegħu fid-dritt Taljan tista’ tippreġudika l-Kostituzzjoni Taljana.

2.

Dan ir-rinviju joffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-possibbiltà li tapprofondixxi l-ġurisprudenza tagħha diġà abbundanti dwar il-mandati ta’ arrest u konsenja (iktar ’il quddiem il-“MAE”). B’mod partikolari, għandu jiġi ddeterminat jekk il-marġni ta’ manuvra mogħti lill-Istati Membri fl-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jippermettilhomx li jilqgħu raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva ta’ MAE li ma tapplikax għaċ-ċittadini ta’ Stati terzi.

I. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-Dritt tal-Unjoni

1. Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584

3.

Il-premessa 12 tipprovdi li:

“Din id-Deċiżjoni Kwadru hi in konformità mad-drittijiet fondamentali u tħares il-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikolu 6 [TUE] u riflessi fil-Karta ta’ Drittijiet Fondamentali ta’ l-Unjoni Ewropea [ ( 3 )], partikolarment il-Kapitolu VI tiegħu. Xejn f’din id-Deċiżjoni Kwadru ma jista’ jiġi interpretat bħala projbizzjoni tat-tiċħid ta’ ċediment ta’ persuna għal liema [MAE] ġie maħruġ meta hemm raġunijiet biex jitwemmen, fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi, li l-[MAE] imsemmi ġie maħruġ għall-iskop tal-prosekuzzjoni jew kastig ta’ persuna fuq ir-raġunijiet tas-sess, razza, oriġini etnika, nazzjonalità, ilsien, opinjoni politika jew orjentazzjoni sesswali, jew li l-pożizzjoni ta’ dik il-persuna jista’ jiġi ppreġudikat għal kwalunkwe minn dawn ir-raġunijiet. Din id-Deċiżjoni Kwadru ma twaqqafx lil Stat Membru milli japplika r-regoli kostituzzjonali tiegħu relatati ma’ proċess legali, libertà ta’ assoċjazzjoni, libertà ta’ l-istampa u libertà ta’ espressjoni f’mezzi ta’ komunikazzjoni tal-massa oħra.”

4.

L-Artikolu 1 (“Definizzjoni tal-[MAE] u l-obbligazzjoni li jiġi esegwit”) jipprovdi li:

“1.   il-[MAE] hi deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u ċ-ċediment minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-iskopijiet tat-tmexxija ta’ prosekuzzjoni kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe [MAE] fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u skond id-disposizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.

3.   Din id-Deċiżjoni Kwadru m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligazzjoni għar-rispett ta’ drittijiet fondamentali u prinċipji legali fondamentali kif miġbur fl-Artikolu 6 tat-(TUE).”

5.

L-Artikolu 4 (“Raġunijiet għall-għażla tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew”) jipprovdi li:

“L-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi tista’ tirrifjuta li tesegwixxi l-[MAE]:

[…]

6)

jekk il-[MAE] ġie maħruġ għall-iskopijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni, fejn il-persuna rikjesta qed toqgħod fi, jew hi ċittadina jew residenta ta’ l-Istat Membru li jesegwixxi u dak l-Istat jintrabat li jesegwixxi s-sentenza jew ordni ta’ detenzjoni skond il-liġi domestika tiegħu;

[…].”

6.

L-Artikolu 5 (“Garanziji li għandhom jingħataw mill-Istat Membru [emittenti] f’każijiet partikolari”) jipprovdi li:

“L-eżekuzzjoni tal-[MAE] mill-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi tista’, mil-[skont il-]liġi ta’ l-Istat Membru li jesegwixxi, jkun suġġett [tkun suġġetta] għall-kondizzjonijiet li ġejjin:

[…]

3)

fejn persuna li hi s-suġġett ta’ [MAE] għall-iskopijiet ta’ prosekuzzjoni hi ċittadina jew residenta ta’ l-Istat Membru li jesegwixxi, iċ-ċediment tista’ tkun suġġetta għall-kondizzjoni li l-persuna, wara li tkun instemat, hi ritornata lill-Istat Membru li jesegwixxi sabiex tgħaddi hemm is-sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni mogħtija kontriha fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat.”

2. Id-Deċiżjoni Qafas 2008/909/ĠAI ( 4 )

7.

Il-premessa 9 tiddikjara li:

“L-infurzar tal-piena fl-Istat ta’ esekuzzjoni għandu jsaħħaħ il-possibbiltà ta’ riabilitazzjoni soċjali tal-persuna sentenzjata. Fil-kuntest li jkun sodisfatt li l-infurzar tal-piena mill-Istat ta’ esekuzzjoni jaqdi l-iskop li tiffaċilita r-riabilitazjzoni soċjali tal-persuna sentenzjata, l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti għandha tieħu kont ta’ elementi bħal, per eżempju, r-rabta tal-persuna ma’ l-Istat ta’ esekuzzjoni, jekk hi tikkonsidrahx bħala l-post b’rabtiet familjari, lingwistiċi, kulturali, soċjali jew ekonomiċi u rabtiet oħrajn ma’ l-Istat ta’ esekuzzjoni.”

8.

Skont il-premessa 12:

“Din id-Deċiżjoni Kwadru għandha tapplika wkoll, mutatis mutandis, għall-infurzar ta’ pieni fil-każijiet taħt l-Artikoli 4(6) u 5(3) tad-[Deċiżjoni Qafas 2002/584]. Dan ifisser inter alia illi, mingħajr preġudizzju għal dik id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill, l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni jista’ jivverifika l-eżistenza ta’ raġunijiet ghal non-rikonoxximent jew non-infurzar kif previst fl-Artikolu 9 ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru, inkluż l-iċċekkjar ta’ kriminalità doppja sal-punt li l-Istat ta’ esekuzzjoni jagħmel dikjarazzjoni taħt l-Artikolu 7(4) ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru, bħala kondizzjoni biex jirrikonoxxi u jinforza s-sentenza bil-ħsieb li jikkonsidra jekk jikkonsenjax il-persuna jew jinfurzax il-piena f’każijiet skond l-Artikolu 4(6) tad-[Deċiżjoni Qafas 2002/584].”

9.

Il-premessa 16 tiddikjara li:

“Din id-Deċiżjoni Kwadru għandha tiġi applikati konformement mal-liġi Komunitarja applikabbli, inkluż b’mod partikolari d-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE ( 5 ) [u] d-Direttiva 2003/109/KE ( 6 ) […].”

10.

L-Artikolu 3 (“Għan u Ambitu [kamp ta’ applikazzjoni”) jindika li:

“1.   L-għan ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru hija li tistabbilixxi r-regoli li taħthom Stat Membru, bil-ħsieb li jiffaċilita r-riabilitazzjoni soċjali tal-persuna sentenzjata, għandu jirrikonoxxi sentenza u jinforza l-piena.

2.   Din id-Deċiżjoni Kwadru hija applikabbli fejn il-persuna sentenzjata tinsab fl-Istat emittenti jew fl-Istat ta’ esekuzzjoni.

3.   Din id-Deċiżjoni Kwadru għandha tapplika biss għar-rikonoxximent ta’ sentenzi u l-infurzar ta’ pieni fi ħdan it-tifsira ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru […].”

11.

L-Artikolu 25 (“Infurzar ta’ sentenzi wara [MAE]”) jirrileva li:

“Mingħajr preġudizzju għad-Deċiżjoni [Qafas 2002/584], id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru għandhom japplikaw, mutatis mutandis sal-punt li huma kompatibbli mad-dispożizzjonijiet taħt dik id-Deċiżjoni Kwadru, għall-infurzar ta’ pieni f’każijiet fejn Stat Membru jieħu r-responsabbiltà li jinforza s-sentenza f’każijiet skond l-Artikolu 4(6) ta’ dik id-Deċiżjoni Kwadru, jew fejn, waqt li jaġixxi taħt l-Artikolu 5(3) ta’ dik id-Deċiżjoni Kwadru, ikun impona il-kondizzjoni li l-persuna sentenzjata trid tintbagħat lura biex tiskonta l-piena fl-Istat Membru kkonċernat, sabiex tiġi evitata l-impunità tal-persuna kkonċernata.”

B.   Id-Dritt nazzjonali. Legge 22 aprile 2005, n. 69 ( 7 )

12.

Skont l-Artikolu 18bis(1)(c):

Il-konsenja tista’ tiġi rrifjutata “jekk il-MAE jkun inħareġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni, meta l-persuna rikjesta tkun ċittadina Taljana jew ċittadina ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, li legalment u effettivament tirresjedi jew toqgħod fit-territorju Taljan, bil-kundizzjoni li l-qorti tal-appell tordna li l-piena jew l-ordni ta’ detenzjoni tiġi eżegwita fl-Italja skont id-dritt nazzjonali.”

13.

Skont l-Artikolu 19(1):

“L-eżekuzzjoni tal-MAE mill-awtorità ġudizzjarja Taljana […] hija suġġetta għal dawn il-kundizzjonijiet:

[…]

b)

jekk il-MAE jkun inħareġ għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni kriminali kontra ċittadin Taljan […] jew resident tal-Istat Taljan, il-konsenja tkun suġġetta għall-kundizzjoni li l-persuna, wara li tkun instemat, tiġi rritornata lill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni sabiex hemmhekk tiskonta l-piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni mogħtija kontriha fl-Istat Membru emittenti ( 8 ).”

II. Il-fatti, il-kawża u d-domandi preliminari

14.

O. G., ċittadin Moldovan, ġie kkundannat b’mod definittiv fir-Rumanija għal piena ta’ priġunerija ta’ ħames snin ( 9 ). Il-qorti tar-rinviju tinnota li, skont il-qorti li ressqet id-domanda ta’ antikostituzzjonalità, O. G. għandu “għeruq stabbli fl-Italja mill-aspett tal-familja u tax-xogħol ( 10 ).”

15.

Fit-13 ta’ Frar 2012, il-Judecătoria Brașov (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brașov, ir-Rumanija) ħarġet MAE kontra O. G. għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tal-piena.

16.

Fis-7 ta’ Lulju 2020, il-Corte d’appello di Bologna (il-Qorti tal-Appell ta’ Bologna, l-Italja) ordnat il-konsenja tal-persuna rikjesta lill-awtorità ġudizzjarja emittenti.

17.

Fis-16 ta’ Settembru 2020, wara rikors ippreżentat minn O. G., il-Corte di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja) annullat is-sentenza tal-Qorti tal-Appell u bagħtet il-kawża lura quddiemha, fejn stednitha tevalwa jekk kienx hemm lok li titqajjem kwistjoni ta’ kostituzzjonalità quddiem il-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali).

18.

Il-Qorti tal-Appell qajmet il-kwistjoni quddiem il-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) fejn staqsiet jekk l-Artikolu 18bis(1)(c) tal-Liġi Nru 69 tal-2005 kienx konformi mal-Artikoli 2, 3, 11, 27(3) u 117(1) tal-Kostituzzjoni Taljana.

19.

Id-dubji tal-qorti tal-appell kienu bbażati, essenzjalment, fuq il-fatt li, konformement mad-dispożizzjoni li tinkorpora fid-dritt Taljan ir-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva prevista fl-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584:

Il-possibbiltà li l-MAE ma jiġix eżegwit hija limitata għaċ-ċittadini Taljani u ta’ Stati Membri oħra tal-Unjoni, jekk huma legalment u effettivament jirrisjedu jew joqgħodu fit-territorju Taljan. Għalhekk huma esklużi ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jistgħux jiskontaw fl-Italja l-piena mogħtija fl-Istat emittenti, anki jekk ikunu legalment u effettivament jirrisjedu jew joqgħodu fit-territorju Taljan u jkunu żviluppaw fih rabtiet sinjifikattivi u stabbli.

Din l-esklużjoni tista’ ma tkunx konformi mar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tal-persuna rikjesta, meta din ikollha rabtiet soċjali u familjari sodi fl-Italja, kif ukoll mal-“funzjoni tal-piena bħala metodu ta’ tagħlim mill-ġdid.”

20.

Il-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali), wara li rrilevat li dan l-aspett tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għadu ma ġiex indirizzat mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 11 ), tagħmlilha d-domandi li ġejjin:

“1)

Il-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-[Deċiżjoni Qafas 2002/584], interpretat fid-dawl tal-Artikolu 1(3) tal-istess deċiżjoni kwadru u tal-Artikolu 7 tal-Karta […], jipprekludi leġiżlazzjoni, bħal leġiżlazzjoni Taljana, li – fil-kuntest ta’ proċedura ta’ [MAE] maħruġ għall-eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura ta’ sigurtà – tipprojbixxi b’mod assolut u awtomatiku li l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni jirrifjutaw il-konsenja ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jissoġġornaw jew jirrisjedu fit-territorju tagħhom, irrispettivament mir-rabtiet li huma għandhom ma’ dan tal-aħħar?

2)

F’każ ta’ risposta pożittiva għall-ewwel domanda, fuq il-bażi ta’ liema kriterji u kundizzjonijiet għandhom dawn ir-rabtiet jitqiesu tant sinjifikattivi li jobbligaw lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tirrifjuta l-konsenja?”

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

21.

It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Novembru 2021. Din ingħatat trattament prijoritarju.

22.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Gvern Awstrijak, dak Ungeriż u dak Taljan kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

23.

Waqt is-seduta pubblika li nżammet fil-11 ta’ Ottubru 2022, dehru biss il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni.

IV. Analiżi

A.   L-ewwel domanda preliminari

24.

Permezz tal-ewwel domanda preliminari, għandu jiġi ddeterminat, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, fid-dawl tal-Artikolu 1(3) tagħha u tal-Artikolu 7 tal-Karta, huwiex kompatibbli mal-liġi Taljana li skontha huwa eskluż li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, ikkundannat fl-Istat emittenti tal-MAE (ir-Rumanija) għal piena ta’ priġunerija, jiskonta l-kundanna tiegħu fl-Istat ta’ eżekuzzjoni (l-Italja) fejn, mid-dehra ( 12 ), li jirrisjedi legalment u b’mod stabbli.

25.

Skont l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, l-awtorità ġudizzjarja tista’ tirrifjuta li teżegwixxi MAE maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ ordni ta’ detenzjoni, sakemm dawn iż-żewġ kundizzjonijiet, kumulattivi, jiġu ssodisfatti:

Il-persuna rikjesta għandha tkun jew ċittadina jew residenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jew toqgħod fih.

L-Istat ta’ eżekuzzjoni għandu jimpenja ruħu, skont il-liġi domestika tiegħu, li jeżegwixxi l-imsemmija piena jew ordni ta’ detenzjoni.

26.

Il-leġiżlatur Taljan, meta ttraspona din ir-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva fl-ordinament ġuridiku tiegħu, introduċa żewġ modulazzjonijiet:

Minn naħa, mal-kwalità ta’ ċittadin (Taljan) żied dik ta’ ċittadin ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni ( 13 ). B’hekk, estenda l-elenku ta’ persuni li jistgħu jibbenefikaw min-nuqqas ta’ konsenja lill-Istat emittenti tal-MAE bi skambju għall-eżekuzzjoni tal-kundanna tiegħu fl-Italja, sakemm huma legalment u b’mod stabbli joqgħodu jew jirrisjedu fit-territorju Taljan.

Min-naħa l-oħra, huwa pprojbixxa liċ-ċittadini ta’ Stati terzi milli jużaw din il-possibbiltà. Għaldaqstant, huwa rrestrinġa l-kwalità ta’ resident jew ta’ persuna li toqgħod fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni prevista fl-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Għalhekk, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, anki jekk ikunu residenti jew joqgħodu fit-territorju Taljan, fi kwalunkwe każ jiġu kkonsenjati (jekk il-kundizzjonijiet l-oħra meħtieġa jkunu ssodisfatti) lill-Istat emittenti tal-MAE.

27.

Biex tingħata risposta għall-ewwel domanda tar-rinviju preliminari, jidher xieraq li jiġu analizzati: (a) il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati meta japplikaw l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584; (b) l-interpretazzjoni ta’ dan l-istess artikolu mill-perspettiva tad-dritt għall-ugwaljanza; u (ċ) l-effett li drittijiet fundamentali oħra protetti mill-Karta jista’ jkollhom fuq ir-risposta.

1. Marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati fit-traspożizzjoni tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 fid-dritt intern tagħhom

28.

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta japplikaw l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, u b’mod partikolari l-punt 6 tiegħu, l-Istati Membri għandhom “ċertu marġni ta’ diskrezzjoni” ( 14 ). Madankollu, dan il-marġni ta’ diskrezzjoni ma jinkludix is-setgħa li jiġu estiżi l-każijiet ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni stabbiliti, b’mod eżawrjenti ( 15 ), fid-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ( 16 ).

29.

Skont din l-istess ġurisprudenza, l-eżekuzzjoni tal-MAE tikkostitwixxi r-regola, filwaqt li n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tiegħu huwa maħsub bħala eċċezzjoni li għandha tiġi interpretata b’mod strett ( 17 ).

30.

Xejn ma jipprekludi lill-Istati Membri milli jillimitaw jew ma jagħmlux użu mill-possibbiltà offruta lilhom mill-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Billi huma raġunijiet fakultattivi għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni, kull Stat Membru huwa liberu li jiddeċiedi meta ma japplikahomx: f’każ bħal dan, l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni tagħhom mhux ser ikunu jistgħu jirrifjutaw li jikkonsenjaw persuna rikjesta taħt MAE ( 18 ).

31.

Fil-verità, kif affermat il-Qorti tal-Ġustizzja, id-deċiżjoni tal-Istati Membri, awtorizzata mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li ma jużawx din ir-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni “[…] sempliċement issaħħaħ is-sistema ta’ konsenja stabbilita minn din id-deċiżjoni Qafas favur spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja” ( 19 ).

32.

Fil-fatt, “billi tillimita s-sitwazzjonijiet li fihom l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta li teżegwixxi [MAE], tali leġiżlazzjoni sempliċement tiffaċilita l-konsenja tal-persuni mfittxija, inkonformità mal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku stabbilit fl-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, liema prinċipju huwa r-regola essenzjali stabbilita minn din tal-aħħar.” ( 20 ).

33.

Madankollu, il-libertà tal-għażla tal-leġiżlatur nazzjonali ma hijiex illimitata. Dan huwa ġġustifikat minn diversi raġunijiet.

34.

Fl-ewwel lok, id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma timmodifikax “l-obbligazzjoni għar-rispett ta’ drittijiet fondamentali u prinċipji legali fondamentali kif miġbur fl-Artikolu 6 tat-(TUE) ( 21 ).” Għaldaqstant, u għal dak li huwa ta’ interess għall-kawża ineżami, l-Artikolu 4(6) tagħha ma jippermettix formoli ta’ traspożizzjoni mill-Istati Membri li jirriżultaw fi ksur tad-drittijiet fundamentali jew tal-prinċipji tal-Artikolu 6 TUE.

35.

Fit-tieni lok, il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri fit-traspożizzjoni tal-imsemmi fl-Artikolu 4(6), huwa ristrett, minbarra mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, mill-għan li huwa jaqdi fi ħdan id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u mill-kuntest ġenerali li minnu tagħmel parti din tal-aħħar, jiġifieri, mid-dritt tal-Unjoni kollu.

36.

Minn din il-perspettiva, naqbel mal-Kummissjoni li la l-formulazzjoni tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, la l-għan imfittex minnha, u lanqas il-kuntest li minnu tifforma parti ma jappoġġjaw is-soluzzjoni adottata mil-leġiżlatur Taljan ( 22 ).

37.

Fir-rigward tal-formulazzjoni tiegħu, l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma jagħtix rilevanza lil ċittadinanza oħra minbarra dik tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. Huwa jipprovdi biss li l-persuna mfittxija tkun ċittadina ta’ dan l-Istat.

38.

Għalhekk, iċ-ċittadinanzi l-oħra minbarra dawk tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni huma irrilevanti u ssostitwiti mill-kategorija ta’ “residenza” (jew ta’ abitazzjoni). Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 huwa ddefinit, għaċ-ċittadini ta’ kull Stat li ma huwiex dak ta’ eżekuzzjoni, mill-kunċett ta’ residenza (jew ta’ abitazzjoni).

39.

Fir-rigward tal-għan tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan huwa “b’mod partikolari, [li] l-awtorità ġudizzjarja [ta’ eżekuzzjoni tiġi awtorizzata] tagħti importanza partikolari lill-possibbiltà li jiżdiedu l-opportunitajiet ta’ integrazzjoni fis-soċjetà [riabilitazzjoni soċjali] tal-persuna mfittxija meta tiġi skontata s-sentenza li għaliha din tal-aħħar tkun ġiet ikkundannata ( 23 ).”

40.

Sabiex jintlaħaq l-għan ta’ riabilitazzjoni, iċ-ċittadinanza tal-persuna rikjesta ma hijiex, fiha nnifisha, rilevanti: l-għan tad-dispożizzjoni huwa li kull min qiegħed jirrisjedi jew joqgħod ( 24 ) fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jista’ juża din il-possibbiltà.

41.

Fir-rigward tal-kuntest ġuridiku li fih l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu jiġi interpretat, huwa xieraq li tissemma d-Deċiżjoni Qafas 2008/909, li tirrigwarda r-rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali. L-għan inklużiv tagħha jinkludi lill-barranin ta’ kull ċittadinanza, li għalihom, jekk ikollhom ċertu għeruq fl-Istat ta’ eżekuzzjoni ( 25 ), jestendi l-għan ta’ riabilitazzjoni fl-eżekuzzjoni tal-pieni li jċaħħdu l-libertà.

42.

F’konformità mal-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, din tapplika, mutatis mutandis, sa fejn hija kompatibbli mad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, għall-eżekuzzjoni tal-kundanni fil-każijiet koperti mill-Artikolu 4(6) ta’ din tal-aħħar ( 26 ).

43.

Għaldaqstant, kollox jagħti x’jifhem li l-leġiżlatur tal-Unjoni, sensittiv għall-għan ta’ riabilitazzjoni wara li tkun ġiet skontata l-piena ( 27 ), ikkonċepixxa l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 bħala mezz li jippermetti li jintlaħaq, meta ċ-ċirkustanzi speċifiċi elenkati iktar ’il fuq ikunu issodisfatti, mingħajr ma l-fattur ta’ ċittadinanza (bl-eċċezzjoni ta’ dak tal-Istat ta’ eżekuzzjoni stess) ikollu effett.

2. Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u l-prinċipju ta’ ugwaljanza

44.

Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, minħabba dak li ġie rrilevat iktar ’il fuq, iċ-ċittadini tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni u ċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra li jirrisjedu jew joqgħodu fih u li huma integrati fis-soċjetà tagħhom ma għandhomx, bħala prinċipju, jiġu ttrattati b’mod differenti ( 28 ).

45.

Il-kwistjoni li tqum issa hija jekk regola valida għaċ-ċittadini tal-Istati Membri għandhiex tapplika wkoll għaċ-ċittadini ta’ Stati terzi, fir-rigward tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ MAE.

46.

Fil-fehma tiegħi, ma hemm l-ebda raġuni għaliex dan ma għandux ikun hekk.

47.

Ċertament, l-istatus ġuridiku taċ-ċittadini ta’ Stati terzi ma għandux jiġi assimilat, b’mod ġenerali, ma’ dak taċ-ċittadini tal-Istati Membri ( 29 ). Madankollu, id-differenza fit-trattament bejn tal-ewwel u tat-tieni ma tistax tipprevali meta d-dritt sekondarju tal-Unjoni nnifsu jipprevedi, espliċitament jew impliċitament, sistema uniformi għal dawn iż-żewġ kategoriji. F’każ bħal dan, japplika l-prinċipju ta’ ugwaljanza f’għajnejn il-liġi stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta.

48.

Fid-dawl tal-intanġibbiltà tal-obbligu li jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali u l-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 6 TUE, l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jeskludi li l-Artikolu 4(6) tagħha jawtorizza formoli ta’ traspożizzjoni mill-Istati Membri li jirriżultaw fi ksur tal-Karta jew tal-prinċipji fundamentali tal-Unjoni.

49.

Fost dawn il-prinċipji hemm dak ta’ ugwaljanza, li huwa ggarantit mill-Artikoli 2 TUE u 20 tal-Karta. F’din il-kawża, it-tnejn li huma jipprovdu kriterju ta’ evalwazzjoni solidu biżżejjed sabiex isostnu li l-inklużjoni tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 fid-dritt Taljan ma hijiex kompatibbli magħhom.

50.

B’mod partikolari, il-prinċipju ta’ ugwaljanza f’għajnejn il-liġi għandu jopera, fis-sens li qed nissuġġerixxi, peress li l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma jagħtix importanza lill-kriterju taċ-ċittadinanza, issostitwit minn dak ta’ residenza (jew ta’ abitazzjoni), bl-eċċezzjoni biss taċ-ċittadini tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

51.

B’hekk, il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jinkludi dawk li, meta ma jkunux ċittadini tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, ikunu joqgħodu jew jirrisjedu hemmhekk ( 30 ). Il-liġi li quddiemha ċ-ċittadini ta’ Stati terzi għandhom id-dritt li jiġu ttrattati fuq bażi ugwali ma toffrix, għalhekk, bażi biex jiġu ttrattati b’mod differenti minn dak taċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni.

52.

Għaldaqstant, il-marġni ta’ manuvra fit-traspożizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma jistax jirriżulta f’sistema leġiżlattiva li tittratta liċ-ċittadini ta’ Stati terzi agħar minn dawk ta’ Stat Membru. Kif enfasizzat il-Kummissjoni, fid-dawl tal-għan tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, is-sitwazzjoni taċ-ċittadin ta’ Stat terz li jirrisjedi effettivament fl-Istat ta’ eżekuzzjoni hija paragunabbli ma’ dik ta’ ċittadin ta’ Stat Membru.

53.

Għal dan il-għan, ir-residenza, stabbli u effettiva, ta’ ċittadin ta’ Stat terz timplika, bħala prinċipju, livell ta’ integrazzjoni fil-pajjiż fejn huwa joqgħod ekwivalenti għal dak taċ-ċittadini ta’ dan tal-aħħar. Tali rabta mal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni hija ta’ natura li tiffaċilita r-riabilitazzjoni soċjali tal-persuna rikjesta, wara li tkun skontat hemmhekk il-piena ta’ priġunerija li għaliha hija ġiet ikkundannata ( 31 ).

3. L-effett ta’ drittijiet fundamentali oħra protetti mill-Karta fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584

54.

Fl-opinjoni tiegħi, dak li ġie espost iktar ’il fuq huwa suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni hija inkompatibbli mal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Għalhekk ma naħsibx li għandu jiġi analizzat l-effett (supplimentari) ta’ drittijiet fundamentali oħra tal-Karta fuq l-interpretazzjoni ta’ dan l-artikolu.

55.

Fost dawn id-drittijiet hemm dawk stabbiliti mill-Artikolu 7 tal-Karta (rispett tal-ħajja privata u tal-familja), invokat mill-qorti tar-rinviju, u mill-Artikolu 24(3) tal-Karta (dritt tat-tfal li jkollhom regolarment relazzjonijiet personali u kuntatti diretti maż-żewġ ġenituri tagħhom), li tinvoka l-Kummissjoni ( 32 ).

56.

Loġikament, dawn id-drittijiet ma għandhomx l-effett li jieħdu l-preċedenza fuq l-iskontar ta’ piena li ċċaħħad il-libertà. Iżda jista’ jkollhom tali effett fl-għażla li l-piena tiġi skontata fi Stat Membru (dak ta’ eżekuzzjoni tal-MAE) minflok f’ieħor (dak ta’ ħruġ tal-MAE), fil-każ ta’ resident jew ta’ abitant fl-ewwel wieħed li jżomm ir-rabtiet familjari tiegħu hemmhekk.

57.

Dan jiffavorixxi d-dritt tal-persuna rikjesta li żżomm relazzjonijiet familjari minimi kompatibbli mal-permanenza tagħha f’ħabs. Dawn ir-relazzjonijiet ikunu iktar frekwenti fil-post fejn jinsab iċ-ċentru tal-interessi vitali tiegħu, jiġifieri, fl-Istat tar-residenza effettiva tiegħu.

B.   It-tieni domanda preliminari

58.

Fil-każ li, kif nissuġġerixxi, il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda preliminari, il-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) tixtieq tkun taf “fuq il-bażi ta’ liema kriterji u kundizzjonijiet għandhom dawn ir-rabtiet [taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz mal-Istat ta’ eżekuzzjoni] jitqiesu tant sinjifikattivi li jobbligaw lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tirrifjuta l-konsenja.”

59.

Il-formulazzjoni ta’ din it-tieni domanda jistħoqqilha, fl-opinjoni tiegħi, żewġ kunsiderazzjonijiet preliminari, dwar il-kundizzjonijiet ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-MAE u l-allegat “obbligu” li ma tiġix eżegwita l-konsenja.

1. Kundizzjonijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-MAE

60.

Id-domanda tirrigwarda biss waħda miż-żewġ kundizzjonijiet li l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jimponi għall-eventwali nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-konsenja tal-persuna rikjesta.

61.

L-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jirreferi, qabelxejn, għall-kundizzjonijiet (ċittadinanza tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, ta’ residenza jew ta’ abitazzjoni) li juru li l-persuna rikjesta hija marbuta mal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. Dawn ir-rabtiet għandhom ikunu suffiċjenti sabiex jippromwovu r-riabilitazzjoni soċjali eventwali tiegħu, ladarba l-piena tiġi skontata ( 33 ).

62.

Madankollu, id-dispożizzjoni eżaminata tistabbilixxi wkoll rekwiżit ieħor inevitabbli: l-impenn tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ( 34 ) li s-sentenza li ċċaħħad il-libertà li tat lok għall-MAE tiġi skontata fih. Fil-kawża ineżami, il-qorti tar-rinviju tqis li dan huwa fatt stabbilit, billi żżomm strettament mar-rabta tal-persuna rikjesta mal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

2. Obbligu li l-konsenja ma tiġix eżegwita?

63.

Għalkemm il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-“obbligu” li l-konsenja ma tiġix eżegwita meta r-rabtiet stabbiliti jkunu suffiċjentement rilevanti, l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma jipprevedix tali obbligu fi kwalunkwe każ. Huwa sempliċement jipprovdi li l-awtorità ġudizzjarja “tista’” tirrifjuta l-eżekuzzjoni tal-MAE jekk il-kundizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni jkunu ssodisfatti.

64.

Hekk kif il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li fuqu hija bbażata l-istruttura tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, ma jimplikax obbligu assolut ta’ eżekuzzjoni tal-MAE ( 35 ), bl-istess mod, ladarba r-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva inkwistjoni hawnhekk tiġi inkluża fid-dritt nazzjonali, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tgawdi minn marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tiddetermina jekk hemmx lok jew le li tirrifjuta l-eżekuzzjoni tal-MAE ( 36 ).

65.

Skont kliem il-Qorti tal-Ġustizzja:

“[L]eġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timplementa l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 billi tipprevedi li l-awtoritajiet ġudizzjarji tiegħu huma f’kull każ obbligati li jirrifjutaw l-eżekuzzjoni ta’ MAE fil-każ li l-persuna rikjesta tkun tirrisjedi f’dan l-Istat Membru, mingħajr ma dawn l-awtoritajiet ikollhom l-ebda tip ta’ marġni ta’ diskrezzjoni […].” ( 37 )

“[…] Meta Stat Membru jkun għażel li jittrasponi din id-dispożizzjoni fid-dritt nazzjonali, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandu madankollu jkollha marġni ta’ diskrezzjoni rigward il-kwistjoni dwar jekk hemmx lok jew le li tirrifjuta li teżegwixxi l-eżekuzzjoni tal-MAE. F’dan ir-rigward, din l-awtorità għandha tkun tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-għan segwit permezz tar-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv[a] stabbilita f’din id-dispożizzjoni, li jikkonsisti, skont ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-fatt li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tiġi permessa tagħti importanza partikolari lill-possibbiltà ta’ żieda fl-opportunitajiet ta’ integrazzjoni mill-ġdid fis-soċjetà [riabilitazzjoni soċjali] tal-persuna rikjesta mal-iskadenza [ladarba tiġi skontata l-] tal-piena li għaliha din tal-aħħar tkun ġiet ikkundannata ( 38 ).”

66.

Għalhekk ma huwiex biżżejjed li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tikkonstata li ż-żewġ kundizzjonijiet meħtieġa mill-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 huma ssodisfatti. Barra minn hekk, hija għandha tevalwa jekk jeżistix interess leġittimu li l-piena imposta fl-Istat Membru emittenti tiġi skontata fl-Istat Membru tal-eżekuzzjoni ( 39 ).

67.

Ir-risposta għat-tieni domanda preliminari, dwar il-kriterji għad-determinazzjoni tar-rabta tal-persuna rikjesta fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, għandha għalhekk tindika lill-qorti tar-rinviju li:

Ma jeżistix obbligu astratt, ex lege, li l-eżekuzzjoni tal-MAE tiġi rrifjutata minħabba s-sempliċi fatt li din ir-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv intużat fl-ordinament intern.

L-awtorità ġudizzjarja tal-Istat ta’ eżekuzzjoni għandha tevalwa, f’kull każ, l-eżistenza ta’ interess leġittimu li l-piena tiġi skontata f’dan l-Istat, u mhux f’dak emittenti.

3. Rabta tal-persuna rikjesta fl-Istat ta’ eżekuzzjoni

68.

Ir-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva stabbilita fl-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija ispirata mill-possibbiltà li jiżdiedu l-possibbiltajiet ta’ riabilitazzjoni soċjali tal-persuna rikjesta, ladarba l-piena tiġi skontata. Huwa għalhekk leġittimu għall-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni li jfittex tali għan biss fir-rigward ta’ persuni li jkunu wrew ċertu livell ta’ integrazzjoni fis-soċjetà tal-imsemmi Stat Membru ( 40 ).

69.

Konsegwentement, il-kriterji li huma s-suġġett tad-domanda tal-qorti tar-rinviju għandhom għalhekk jippermettu li jiġi stabbilit livell ta’ integrazzjoni suffiċjenti sabiex il-probabbiltajiet ta’ riabilitazzjoni tal-persuna rikjesta jkunu sinjifikattivament iktar favorevoli fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni milli f’dak emittenti.

70.

Għaldaqstant, jinftiehem aħjar li l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jirreferi, minn naħa, għaċ-ċittadinanza tal-Istat Membru li jeżegwixxi u, min-naħa l-oħra, li juża b’mod indifferenti t-termini “residenti” u “toqgħod” f’dan l-Istat:

Iċ-ċittadinanza tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tippermetti li jiġi preżunt li l-persuna mfittxija hija integrata biżżejjed fih ( 41 ).

Sa fejn dak li huwa verament importanti huwa l-livell ta’ integrazzjoni fis-soċjetà tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni, billi jagħmel użu minn espressjonijiet indikattivi ta’ ċirkustanza fattwali (residenza jew abitazzjoni), jirreferi għal “sitwazzjonijiet li fihom il-persuna li hija s-suġġett ta’ [MAE] tkun stabbilixxiet ir-residenza reali tagħha fl-Istat Membru li jeżegwixxi, jew, wara perijodu stabbli ta’ ċertu tul ta’ żmien li tkun qattgħet f’dan l-istess Stat, tkun akkwistat rabtiet ma’ dan tal-aħħar ta’ livell simili għal dawk li jirriżultaw minn residenza ( 42 ).”

71.

B’mod partikolari, “[s]abiex jiġi ddeterminat jekk, f’sitwazzjoni konkreta, jeżistux rabtiet bejn il-persuna mfittxija u l-Istat Membru li jeżegwixxi li jippermettu li jiġi kkonstatat li din tal-aħħar hija koperta bit-terminu ‘toqgħod’ fis-sens tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas, jeħtieġ li ssir evalwazzjoni globali ta’ diversi fatturi oġġettivi li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni ta’ din il-persuna, li jinkludu, partikolarment, it-tul, in-natura u l-kundizzjonijiet taż-żmien li l-persuna mfittxija tkun qattgħet fl-Istat Membru li jeżegwixxi kif ukoll ir-rabtiet familjari u ekonomiċi li din tal-aħħar ikollha mal-Istat Membru li jeżegwixxi ( 43 ).”

72.

Dawn l-istess elementi oġġettivi ser iservu, a fortiori, meta l-persuna rikjesta mhux biss tkun toqgħod, iżda tkun residenti fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

73.

Fl-istess sens, naqbel mal-Kummissjoni li r-relazzjoni bejn il-fatturi elenkati fil-premessa 9 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi li jimponu pieni ta’ priġunerija, tista’ sservi ta’ eżempju: “[i]r-rabta tal-persuna ma’ l-Istat ta’ esekuzzjoni, jekk hi tikkonsidrahx bħala l-post b’rabtiet familjari, lingwistiċi, kulturali, soċjali jew ekonomiċi u rabtiet oħrajn ma’ l-Istat ta’ esekuzzjoni.”

74.

Kif irrilevat ġustament il-qorti tar-rinviju ( 44 ), fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jistgħu jinsiltu deċiżjonijiet li fihom il-grad ta’ integrazzjoni tal-persuna rikjesta fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jkun marbut mar-rabta reali u effettiva tagħha mas-soċjetà ta’ dan l-Istat Membru.

75.

Ċertament, din il-ġurisprudenza tfasslet għal sitwazzjonijiet li fihom il-persuna rikjesta kellha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru. Issa, b’koerenza mar-risposta li nipproponi għall-ewwel domanda preliminari, il-kriterji li jippermettu li tiġi evalwata l-integrazzjoni taċ-ċittadini tal-Istati Membri fl-Istat ta’ eżekuzzjoni jistgħu jintużaw wkoll għaċ-ċittadini ta’ Stati terzi.

76.

Għaldaqstant, hija l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li għandha twettaq evalwazzjoni globali tal-fatturi li jippermettulha tiddetermina jekk il-persuna rikjesta, irrispettivament min-nazzjonalità tagħha, għandhiex rabta suffiċjenti mas-soċjetà tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni sabiex tipprevedi li, ladarba l-kundanna tiġi skontata fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, l-opportunitajiet tagħha ta’ riabilitazzjoni soċjali jiżdiedu u għalhekk li jintlaħaq l-għan tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

77.

Fost dawn il-fatturi, hemm ukoll it-tul ta’ residenza preċedenti ( 45 ), in-natura u s-solidità tar-rabtiet tal-familja tal-persuna rikjesta fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni (flimkien, jekk ikun il-każ, mal-assenza ta’ dawn l-istess rabtiet fil-pajjiż ta’ oriġini), il-livell ta’ integrazzjoni tagħha u r-rabtiet lingwistiċi, kulturali, tax-xogħol, soċjali u ekonomiċi li hija żviluppat f’dan l-Istat Membru.

78.

Naturalment, din il-lista ma hijiex eżawrjenti, għaliex, f’każ konkret, jista’ jkun hemm ċirkustanzi partikolari oħra li għandhom ikunu evalwati mill-qorti meta tiddeċiedi dwar il-konsenja tal-persuna rikjesta.

V. Konklużjoni

79.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej lill-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Italja):

“L-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, tas-26 ta’ Frar 2009,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

Jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, wara li tkun għażlet li tilqa’ r-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva ta’ mandat ta’ arrest Ewropew intiż għall-eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ ordni ta’ detenzjoni, tipprekludi b’mod assolut lill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni milli jonqsu li jeżegwixxu l-konsenja ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu jew jirrisjedu fit-territorju tagħhom, indipendentement mir-rabtiet li għandhom ma’ dan tal-aħħar.

Il-kriterji rilevanti sabiex tiġi stabbilita rabta suffiċjenti tal-persuna rikjesta mal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni huma dawk kollha li, evalwati globalment, jippermettu li jiġi preżunt li, ladarba l-kundanna tiġi skontata f’dan l-Istat, il-possibbiltajiet ta’ riabilitazzjoni ta’ din il-persuna, irrispettivament miċ-ċittadinanza tagħha, ikunu ikbar minn dawk fl-Istat Membru emittenti.

It-tul ta’ soġġorn preċedenti, in-natura u l-kundizzjonijiet ta’ residenza tal-persuna rikjesta kif ukoll ir-rabtiet familjari, lingwistiċi, kulturali, tax-xogħol, soċjali u ekonomiċi tagħha mal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni huma fatturi, fost oħrajn, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, f’dan ir-rigward, mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

( 2 ) Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 34), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, tas-26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24).

( 3 ) Iktar ’il quddiem il-“Karta”.

( 4 ) Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea (ĠU 2008, L 327, p. 27).

( 5 ) Direttiva tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224). Skont l-Artikolu 17 tagħha, “[l]-Istati Membri għandhom iqisu n-natura u s-solidità tar-relazzjonijiet familjali tal-persuna u t-tul tar-residenza tiegħu (tagħha) fl-Istat Membru u ta’ l-eżistenza ta’ rbit familjali, kulturali u soċjali ma’ pajjiżu/a ta’ oriġini fil-każ li huma jiċħdu applikazzjoni, jirtiraw jew jirrifjutaw li jġeddu permess ta’ residenza jew jiddeċiedu li jordnaw it-tneħħija ta’ l-isponsor jew membri tal-familja tiegħu.”

( 6 ) Id-Direttiva tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 272), kif emendata bid-Direttiva 2011/51/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2011 (ĠU 2011, L 132, p. 1). L-Artikolu 12(3) tagħha tipprevedi li “[q]abel ma tittieħed deċiżjoni biex jitkeċċa residenti għat-tul, l-Istati membri għandhom jagħtu kont tal-fatturi li ġejjin: a) it-tul tar-residenza fit-territorju tagħhom; b) l-età tal-persuna konċernata; ċ) il-konsegwenzi għall-persuna konċernata u l-membri tal-familja; d) ir-rabtiet mal-pajjiż tar-residenza jew in-nuqqas ta’ rabtiet mal-pajjiż ta’ oriġini.

( 7 ) Disposizioni per conformare il diritto interna alla decisione quadro 2002/584/GAI del Consiglio, tat-13 giugno 2002, relativa al mandato d’arresto europeo e alle procedure di consegna tra Stati membri (il-Liġi Nru 69, tat-22 ta’ April 2005, li tistabbilixxi dispożizzjonijiet intiżi għat-traspożizzjoni tad-Deċiżjoni Qafas […]) (GURI Nru 98, tad-29 ta’ April 2005), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali. Iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 69 tal-2005”.

( 8 ) Skont il-qorti tar-rinviju, kemm dan l-artikolu kif ukoll dak iċċitat fil-punt preċedenti ġew emendati bid-Digriet Leġiżlattiv tat-2 ta’ Frar 2021, Nru 10, u issa jirreferu bl-istess mod għaċ-ċittadini Taljani u għal dawk ta’ Stati Membri oħra, filwaqt li ġie impost, għal dawn tal-aħħar, perijodu ta’ residenza effettiva ta’ mill-inqas ħames snin. Madankollu, il-leġiżlazzjoni applikabbli ratione temporis fil-kawża ineżami hija dik fis-seħħ preċedentement (l-ewwel paragrafu tal-punt 4 tad-deċiżjoni tar-rinviju).

( 9 ) Huwa ġie kkundannat għal evażjoni tat-taxxa u misapproprjazzjoni ta’ ammonti dovuti għall-ħlas ta’ taxxa fuq id-dħul u l-VAT, imwettqa fil-kapaċità tiegħu bħala direttur ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata, bejn Settembru tal‑2003 u April tal‑2004.

( 10 ) Il-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) tindika li “ma huwiex il-kompitu tagħha li tevalwa jekk tali għeruq tistax titqies bħala stabbli u effettiva, u lanqas jekk ir-residenza tal-persuna kkonċernata fit-territorju nazzjonali tistax titqies li hija leġittima, evalwazzjonijiet li jikkorrispondu biss għall-imħallef tal-kawża prinċipali.” (punt 5 tad-deċiżjoni tar-rinviju).

( 11 ) It-tieni paragrafu tal-punt 7 tad-deċiżjoni tar-rinviju.

( 12 ) Ara r-riżerva tal-qorti tar-rinviju dwar dan il-punt, riprodotta fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10.

( 13 ) Il-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali), fis-sentenza Nru 227 tal-2010 (IT:COST:2010:227), u “abbażi, b’mod partikolari, tas-sentenzi Kozlowski (sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, C-66/08, EU:C:2008:437; iktar ’il quddiem is-“sentenza Kozłowski”) u Wolsenburg (sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2009, C-123/08, EU:C:2009:616; iktar ’il quddiem is-“sentenza Wolzenburg”), iddikjarat antikostituzzjonali “il-leġiżlazzjoni Taljana ta’ traspożizzjoni tad-Deċiżjoni Qafas […] fil-parti fejn ma pprovdietx in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-konsenja – minbarra taċ-ċittadin Taljan – taċ-ċittadin ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni, li joqgħod jew jirrisjedi b’mod legali u effettiv fit-territorju Taljan, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tal-piena […] fl-Italja” (il-punt 8.2.4 tad-deċiżjoni tar-rinviju).

( 14 ) Sentenza Wolzenburg (punt 61). Fl-istess sens, is-sentenza tad-29 ta’ April 2021, X (Mandat ta’ arrest Ewropew – Ne bis in idem (C-665/20 PPU, EU:C:2021:339, punt 41); u tat-13 ta’ Diċembru 2018, Sut, C-514/17, EU:C:2018:1016; iktar ’il quddiem is-“sentenza Sut”, punt 42.

( 15 ) B’mod ġenerali, ara s-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 41).

( 16 ) Bla ħsara għall-possibbiltà li l-prinċipji ta’ rikonoxximent u ta’ fiduċja reċiproka bejn Stati Membri, li huwa l-“bażi” reali tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-qasam kriminali, jistgħu jiġu limitati “f’ċirkustanzi eċċezzjonali” bħal dawk li seħħew fil-proċeduri li wasslu, b’mod partikolari, għas-sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C-659/15 PPU, EU:C:2016:198).

( 17 ) Għal kollha, ara s-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2020, Openbaar Ministerie (Indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti) (C-354/20 PPU u C-412/20 PPU, EU:C:2020:1033, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 18 ) Sentenza Wolzenburg (punt 58).

( 19 ) Sentenza Wolzenburg (punt 58).

( 20 ) Sentenza Wolzenburg (punt 59). Korsiv miżjud. Ara, fl-istess sens, is-sentenza Sut, punti 43 u 44.

( 21 ) L-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

( 22 ) Soluzzjoni li, kif iddikjarat il-Kummissjoni waqt is-seduta, ma ġietx approvata minn “maġġoranza kbira” tal-Istati Membri peress li għażlu l-possibbiltà prevista fl-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 mingħajr kundizzjonijiet addizzjonali.

( 23 ) Sentenza Kozłowski, punt 45.

( 24 ) Residenza effettiva, sabiex inkun iktar preċiż, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li hija l-bażi tas-sentenza Wolzenburg.

( 25 ) Skont il-premessa 9 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, “[f]il-kuntest li jkun sodisfatt li l-infurzar tal-piena mill-Istat ta’ esekuzzjoni jaqdi l-iskop li tiffaċilita r-riabilitazjzoni soċjali tal-persuna sentenzjata, l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti għandha tieħu kont ta’ elementi bħal, per eżempju, r-rabta tal-persuna ma’ l-Istat ta’ esekuzzjoni, jekk hi tikkonsidrahx bħala l-post b’rabtiet familjari, lingwistiċi, kulturali, soċjali jew ekonomiċi u rabtiet oħrajn ma’ l-Istat ta’ esekuzzjoni.” Korsiv miżjud.

( 26 ) Kif tafferma l-qorti tar-rinviju (punt 8.4 tad-deċiżjoni tar-rinviju tagħha), dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni jirrigwardaw il-protezzjoni tal-interess taċ-ċittadini ta’ Stati terzi li ma jitkeċċewx mill-Istat Membru li fih jirrisjedu effettivament. Il-premessa 16 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 tirreferi għalihom: “[d]in id-Deċiżjoni Kwadru għandha tiġi applikati konformement mal-liġi Komunitarja applikabbli, inkluż b’mod partikolari d-Direttiva 2003/86 [riunifikazzjoni tal-familja] u d-Direttiva 2003/109 [status ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul].”

( 27 ) Il-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) tiċċita, fil-punt 8.5 tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) dwar il-funzjoni ta’ riabilitazzjoni soċjali tal-piena.

( 28 ) Sentenza tal-5 ta’ Settembru 2012, Lopes Da Silva Jorge (C‑42/11, EU:C:2012:517), punt 40. Fl-istess sens, iktar ’il fuq fakkart kif il-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) iddikjarat bħala antikostituzzjonali l-liġi Taljana li rriżervat biss għaċ-ċittadini tagħha r-rifjut ta’ konsenja abbażi tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

( 29 ) L-Artikolu 18 TFUE, li jipprojbixxi kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza, huwa dispożizzjoni li “ma hijiex intiża li tapplika fil-każ ta’ eventwali differenza fit-trattament bejn iċ-ċittadini tal-Istati Membri u dawk ta’ Stati terzi.” Sentenza tat-2 ta’ April 2020, Ruska Federacija (C-897/19 PPU, EU:C:2020:262, punt 40).

( 30 ) Sentenza Kozłowski, punt 34, li jirreferi għaliha wkoll l-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Lopes Da Silva Jorge (C-42/11, EU:C:2012:151). Huwa fakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja “ma tqisx il-kamp tal-applikazzjoni ratione personae tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 bħala wieħed li jista’ jkollu fil-mira tiegħu jew liċ-ċittadini nazzjonali tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni jew inkella ċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra li jirrisjedu jew joqogħdu fit-territorju tiegħu, jew inkella t-tnejn f’daqqa. Il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt iddikjarat fil-punt 34 tas-sentenza Kozłowski, iċċitata iktar ’il fuq, li, ‘skont l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas [2002/584], il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din ir-raġuni għall-għażla tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni huwa limitat għall-persuni li, jekk ma jkunux ċittadini tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, ‘toqgħod [joqogħdu]’ hemm jew huma ‘residenta [residenti]’ hemm”.

( 31 ) Għalhekk, l-assenza ta’ impunità hija żgurata. Kif enfasizza l-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Lopes Da Silva Jorge (C-42/11, EU:C:2012:151), “l-interpretazzjoni li qed nipproponi tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, la tagħti lok li tiġi konċessa l-impunità lill-persuna rikjesta u lanqas ma tqajjem kwistjonijiet relatati mal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku peress li, fil-fatt, l-Istat ta’ eżekuzzjoni ma jistax jirrifjuta li jeżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew ħlief bil-kundizzjoni espressa li jintrabat li jeżegwixxi l-piena fit-territorju tiegħu, mingħajr qatt ma jikkontesta d-deċiżjoni li permezz tagħha ġiet imposta l-piena. F’dan is-sens, il-loġika tar-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet mogħtija mill-qrati hija għal kollox ippreżervata, anki fl-ipoteżi fejn il-persuna rikjesta tiskonta l-piena tagħha fl-Istat Membru tal-eżekuzzjoni, u mhux f’dak li jkun ta l-piena” (punt 39).

( 32 ) Skont il-qorti tar-rinviju, il-persuna rikjesta hija missier ta’ wild minuri (il-ħames paragrafu tal-punt 5 tad-deċiżjoni tar-rinviju).

( 33 ) B’mod ġenerali, is-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2017, Popławski (C-579/15, EU:C:2017:503; iktar ’il quddiem is-“sentenza Popławski”, punt 21).

( 34 ) Impenn li għandu jkun “reali”, kif tenfasizza l-Qorti tal-Ġustizzja. B’hekk, is-sentenza Sut, punt 35.

( 35 ) Sentenza Sut, punt 30.

( 36 ) Sentenza Popławski, punt 21.

( 37 ) Sentenza Popławski, punt 23

( 38 ) Sentenza Popławski, punt 21.

( 39 ) Sentenza Sut, punt 36.

( 40 ) Sentenza Wolzenburg (punt 67).

( 41 ) Sentenza Wolzenburg (punt 68).

( 42 ) Sentenza Kozłowski, punt 46.

( 43 ) Sentenza Kozłowski, punt 48.

( 44 ) Punt 8.2 tad-deċiżjoni ta’ rinviju.

( 45 ) B’mod partikolari, fil-każ ta’ resident għal perijodu twil, li jaqa’ taħt id-Direttiva 2003/109.