KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PITRUZZELLA

ippreżentati fit‑13 ta’ Lulju 2023 ( 1 )

Kawżi magħquda C‑693/21 P u C‑698/21 P

EDP España, SA

vs

Naturgy Energy Group, SA, li kienet Gas Natural SDG, SA,

Il‑Kummissjoni Ewropea (C‑693/21 P)

u

Naturgy Energy Group, SA, li kienet Gas Natural SDG, SA

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea (C‑698/21 P)

“Appell – Għajnuna mill-Istat – Miżura ta’ inċentiv ambjentali adottata minn Spanja favur l-impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-faħam – Deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali – Obbligu ta’ motivazzjoni – Rikors għal annullament”

1.

Fil-kuntest ta’ żewġ appelli magħquda, EDP España (Kawża C‑693/21 P) u Naturgy Energy Group (Kawża C‑698/21 P) (iktar ’il quddiem, l-appellanti) jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tat‑8 ta’ Settembru 2021, Naturgy Energy Group vs Il‑Kummissjoni ( 2 ) (iktar ’il quddiem, is-sentenza appellata), li biha din tal-aħħar ċaħdet it-talba għal annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 7733 finali tas‑27 ta’ Novembru 2017 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.47912 (2017/NN) – Miżura ta’ inċentiv ambjentali adottata minn Spanja favur impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-faħam (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kkontestata”).

I. Il‑kuntest ġuridiku

2.

L‑Artikolu 4(4) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea ( 3 ) jipprovdi:

“Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li miżura notifikata tqajjem dubji dwar il-kompatibilità mas-suq intern, hija tiddeċiedi li għandhom jinbdew proċeduri skont l-Artikolu 108(2) tat-TFUE (‘deċiżjoni li tinbeda l-proċedura formali ta’ investigazzjoni’)”.

3.

L-Artikolu 6(1) tal-istess regolament jgħid:

“Id-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali għandha tiġbor fil-qosor il-kwistjonijiet rilevanti tal-fatti u tal-liġi, għandha tinkludi valutazzjoni preliminari tal-Kummissjoni dwar il-karatteristiċi tal-għajnuna tal-miżura proposta u għandha tispjega d-dubji dwar il-kompatibilità tagħha mas-suq intern. Id-deċiżjoni għandha tistieden lill-Istat Membru kkonċernat u lil partijiet interessati oħra biex jissottomettu l-kummenti tagħhom f’perjodu stabbilit li normalment m’għandux ikun aktar minn xahar. F’każijiet ġustifikati, il-Kummissjoni tista’ testendi l-perjodu stabbilit”.

4.

L‑Artikolu 9(1) u (2) ta’ dan ir-regolament jgħid:

“1.   Mingħajr preġudizzju għal l-Artikolu 10, il-proċedura ta’ investigazzjoni formali għandha tingħalaq permezz ta’ deċiżjoni kif stipulat fil-paragrafi 2 sa 5 ta’ dan l-Artikolu.

2.   Fejn il-Kummissjoni ssib li, fejn xieraq wara modifika mill-Istat Membru kkonċernat, il-miżura notifikata ma tikkostitwixxix għajnuna, għandha tirreġistra dik is-sejba permezz ta’ deċiżjoni”.

II. Il-fatti li wasslu għall-kawża

5.

Bejn l-1998 u l-2007, kull impjant tal-produzzjoni tal-elettriku fi Spanja kien eliġibbli għal remunerazzjoni msejħa “garanzija tal-enerġija”, indipendentement mit-teknoloġija użata, biex tinkoraġġixxi l-istabbiliment u ż-żamma tal-kapaċità tal-ġenerazzjoni fis-sistema tal-elettriku u tiġi ggarantita provvista affidabbli. L-impjanti tal-enerġija rinnovabbli, min-naħa l-oħra, ma bbenefikawx minn dan l-inċentiv u ngħataw forma ta’ premju speċjali.

6.

Fl-2007, il-leġiżlatur Spanjol ta lill-Ministru għall-Industrija, għat-Turiżmu u għall-Kummerċ l-awtorità biex jissostitwixxi l-garanzija tal-enerġija b’taxxa ġdida magħrufa bħala “taxxa fuq il-kapaċità”.

7.

Din id-deċiżjoni ġiet uffiċjalizzata bid-Digriet Irjali 871/2007 ( 4 ), li aġġusta t-tariffi tal-elettriku fis-seħħ mill‑1 ta’ Lulju 2007. Dan id-digriet, maħruġ fid‑29 ta’ Ġunju 2007 ( 5 ), stabbilixxa li t-taxxa fuq il-kapaċità kellha tidħol fis-seħħ mill‑1 ta’ Ottubru 2007 ’l quddiem.

8.

Ir-regolamentazzjoni tat-tariffi tal-elettriku ġiet spjegata fl-Orden ITC/2794/2007 ( 6 ), maħruġa fis‑27 ta’ Settembru 2007 ( 7 ) u daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Ottubru 2007 (iktar ’il quddiem l-“ITC/2794/2007”).

9.

Din l-ordni tispeċifika d-diversi miżuri li għandhom jiġu segwiti biex tiġi rremunerata l-kapaċità billi jiġi inkluż inċentiv li jiggarantixxi d-disponibbiltà tal-impjanti u wieħed biex jippromwovi l-investiment fil-produzzjoni.

10.

L-inċentiv għad-disponibbiltà huwa maħsub biex jibbenefika lill-impjanti ta’ produzzjoni li jaqgħu taħt is-sistema ordinarja tas-sistema peninsulari, b’kapaċità installata minima ta’ 50 megawatt (MW). Dan jgħodd għall-impjanti li daħlu fis-servizz wara l‑1 ta’ Jannar 1998 u li għadhom ma għalqux għaxar snin ta’ tħaddim. L-għan ta’ dan l-inċentiv huwa li jinkoraġġixxi l-bini u t-tqegħid fi stat ta’ funzjonament ta’ impjanti ġodda, billi jipprovdi ħlasijiet li jgħinu biex ipattu għall-ispejjeż tal-investiment. L-ammont tar-remunerazzjoni huwa ffissat fl-ammont ta’ EUR 20000 għal kull MW fis-sena.

11.

L-Anness III tal-ITC 2794/2007 jiddeskrivi l-inċentivi għall-investimenti: fil-punt 10 jingħad li l-Ministru għall-Industrija, għat-Turiżmu u għall-Kummerċ għandu l-kompetenza li japprova tali miżuri għal investimenti f’impjanti ta’ produzzjoni li jaqgħu taħt is-sistema ordinarja peninsulari u li għandhom kapaċità installata ta’ 50 MW jew iktar. Dawn l-inċentivi jistgħu jingħataw għal investimenti sinjifikattivi meħtieġa għal espansjonijiet jew modifiki sostanzjali ta’ impjanti eżistenti, jew għal investimenti ta’ impjanti ġodda f’teknoloġiji prijoritarji f’konformità mal-għanijiet tal-politika tal-enerġija u s-sigurtà tal-provvista.

12.

Il-miżura li tinsab f’dan it-test ġiet applikata biex tiffaċilita l-impjanti li jaħdmu bil-faħam fit-twettiq ta’ investimenti “ambjentali” f’impjanti ta’ desulfurizzazzjoni. Il-kundizzjonijiet għal dan il-benefiċċju ġew stabbiliti bl-Ordni ITC/3860/2007 ( 8 ) (iktar ’il quddiem il-“miżura kontenzjuża”) tat‑28 ta’ Diċembru 2007 ( 9 ), li rrevediet it-tariffi tal-elettriku b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2008.

13.

Jistgħu jibbenefikaw mill-inċentiv imsemmi iktar ’il fuq biss l-impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-faħam li huma parti mill-Pjan Nazzjonali għat-Tnaqqis tal-Emissjonijiet għall-Impjanti tal-Kombustjoni Kbar Eżistenti (iktar ’il quddiem il-“PNTE-IKK”), approvat b’att tal-Kunsill tal-Ministri Spanjol fis‑7 ta’ Diċembru 2007, u li huma inklużi wkoll fl-hekk imsejħa “bużżieqa” ta’ emissjonijiet stabbilita mill-PNTE-IKK, li jippreskrivi l-kwantitajiet ta’ emissjonijiet awtorizzati għal kull impriża.

14.

Barra minn hekk, l-investimenti jridu jkunu saru qabel id-data effettiva ta’ dħul fis-seħħ tal-ITC/2794/2007, l‑1 ta’ Ottubru 2007, jew l-applikazzjoni għall-approvazzjoni trid tkun ġiet ippreżentata mill-inqas tliet xhur qabel din id-data.

15.

Fl-2011, il-benefiċċju tal-miżura kontenzjuża ġie estiż għal impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-faħam li għamlu mhux biss investimenti f’impjanti ta’ desulfurazzjoni, iżda wkoll investimenti “ambjentali” oħra biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-ossidu tal-kubrit, li saru qabel l‑1 ta’ Jannar 2008.

16.

Il-Kummissjoni Ewropea fetħet inkjesti settorjali fi ħdax-il Stat Membru, inkluża Spanja, fid‑29 ta’ April 2015. Wara din l-investigazzjoni, il-Kummissjoni informat lill-awtoritajiet Spanjoli fl‑4 ta’ April 2017 li kienet ser tinvestiga l-miżura inkwistjoni u fis‑27 ta’ Novembru 2017 iddeċidiet li tiftaħ investigazzjoni formali dwar il-miżura skont l-Artikolu 108(2) TFUE.

17.

F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni tiddikjara li waslet għall-konklużjoni preliminari li l-miżura kontenzjuża tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u tesprimi dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tqis li l-miżura kontenzjuża tikkostitwixxi għajnuna għall-investimenti li saru biex impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-faħam ikunu konformi mad-Direttiva 2001/80/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2001 dwar il-limitazzjoni tal-emissjonijiet ta’ ċerti tniġġis fl-arja minn impjanti kbar tal-kombustjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 299).

III. Il‑kawża quddiem il‑Qorti Ġenerali u s‑sentenza appellata

18.

Fit‑28 ta’ Mejju 2018, Naturgy Energy Group, li qabel kienet magħrufa bħala Gas Natural SDG, kumpannija Spanjola li topera fis-settur tal-enerġija u li taħdem fil-ġenerazzjoni tal-elettriku mill-faħam, ippreżentat rikors fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali. Ir-rikors kellu l-għan li jannulla d-deċiżjoni li kienet ġiet ikkontestata mill-kumpannija.

19.

F’dawn il-proċeduri, EDP España u Viesgo Producción intervjenew insostenn tar-rikorrenti fl-ewwel istanza.

20.

Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talbiet għal annullament, billi qieset bħala infondat l-ewwel motiv dwar l-obbligu li tiġi mmotivata n-natura selettiva tal-miżura inkwistjoni.

21.

Il-Qorti Ġenerali ġibdet l-attenzjoni, fil-punt 60 tas-sentenza appellata, għall-fatt li, skont ir-Regolament 2015/1589, il-proċedura ta’ investigazzjoni formali tista’ tinfetaħ billi jiġu deskritti fil-qosor l-aspetti fattwali u legali rilevanti li jirrigwardaw il-miżura statali, flimkien ma’ evalwazzjoni preliminari tal-miżura inkwistjoni biex jiġi identifikat jekk tistax tiġi kklassifikata bħala għajnuna u billi jiġu mmotivati d-dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern.

22.

Fil-punt 61 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żiedet tgħid li l-Kummissjoni kellha tiftaħ din il-proċedura jekk eżami inizjali ma kienx ippermettilha tegħleb id-diffikultajiet kollha mqajma mill-kwistjoni dwar jekk il-miżura inkwistjoni kinitx tikkostitwixxi għajnuna jew le fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

23.

Il-Qorti Ġenerali, fil-punt 62 tas-sentenza appellata, fakkret li l-għan tad-deċiżjoni ta’ ftuħ kien li tippermetti lill-partijiet interessati jipparteċipaw b’mod attiv fil-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Iċċarat ukoll li d-deċiżjoni kienet tinkludi kunsiderazzjonijiet preliminari u li l-Kummissjoni ma kinitx meħtieġa tiċċara l-kwistjonijiet kollha potenzjali mhux solvuti matul din il-fażi inizjali.

24.

Fil-punt 63 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali ddikjarat li huwa importanti li jitfakkar li l-klassifikazzjoni ta’ miżura statali bħala tali f’tali deċiżjoni hija biss provviżorja. Dan huwa kkonfermat mill-Artikolu 9(2) tar-Regolament 2015/1589, li jgħid li l-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi, wara l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li l-miżura inkwistjoni fil-fatt ma tikkostitwixxix għajnuna. Għalhekk, il-klassifikazzjoni ta’ miżura statali bħala għajnuna mill-Istat hija suġġetta għal tibdil u ma hijiex neċessarjament permanenti.

25.

Il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti tar-rikorrenti dwar żewġ kawżi preċedenti fil-punti 64 u 65 tas-sentenza appellata ( 10 ). L-ewwel qorti qieset dawn l-argumenti ineffettivi peress li l-ewwel kawża kienet tirrigwarda deċiżjoni li tingħalaq proċedura ta’ investigazzjoni formali u t-tieni ma kinitx tikkonċerna l-istħarriġ tal-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

26.

Fil-punt 73 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali waslet għall-konklużjoni li, abbażi tan-natura, il-formulazzjoni, il-kontenut, il-kuntest u r-regoli legali rilevanti li jaffettwaw id-Deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti setgħet tifhem ir-raġunijiet sottostanti l-opinjoni preliminari tal-Kummissjoni li kienet tgħid li l-miżura dehret selettiva.

27.

Il-punt 74 tas-sentenza appellata jikkonċerna l-argument tar-rikorrenti dwar l-allegat nuqqas tal-Kummissjoni li teżamina jekk il-miżura kontenzjuża tiffavorixxix ċerti impriżi jew assi fuq oħrajn li kienu f’sitwazzjoni simili fir-rigward tal-għan tal-miżura. Madankollu, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan l-argument u spjegat li tali paragun jista’ jkun prematur fil-fażi ta’ eżami preliminari tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, filwaqt li enfasizzat li r-raġunament dwar il-komparabbiltà jista’ jantiċipa l-konklużjonijiet tal-investigazzjoni preliminari.

28.

Fil-punt 75 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddikjarat li l-argument dwar in-natura selettiva tal-miżura ma żammx lir-rikorrenti milli tippreżenta kunsiderazzjonijiet eżawrjenti dwar il-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet imsemmija fit-tieni motiv tagħhom.

29.

Fil-punt 76 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li ma kinitx prekluża milli tistħarreġ il-legalità tad-Deċiżjoni kkontestata.

30.

Konsegwentement, fil-punt 81 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ewwel motiv bħala infondat.

31.

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala infondat it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, fir-rigward tas-selettività tal-miżura inkwistjoni.

32.

Preliminarjament, huwa importanti li jiġi osservat li fil-punti 98 u 99 tas-sentenza appellata ġie ċċarat li meta jiġi ppreżentat appell minn deċiżjoni li tinfetaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali mill-Kummissjoni dwar il-klassifikazzjoni tal-miżura bħala għajnuna mill-Istat, l-istħarriġ imwettaq mill-qorti tal-Unjoni jkun limitat biex jeżamina jekk il-Kummissjoni tkunx wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, meta tikkunsidra li hija ma setgħetx tegħleb l-ostakli kollha waqt l-analiżi preliminari tagħha tal-miżura.

33.

Fis-sentenza appellata, b’mod partikolari fil-punti 102 sa 116, il-Qorti Ġenerali eżaminat u fl-aħħar mill-aħħar ċaħdet l-affermazzjoni tar-rikorrenti li l-miżura kontenzjuża kellha sempliċement l-għan li tekwipara l-investimenti rilevanti li saru wara l-1998, mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni t-teknoloġija speċifika użata jew it-tip ta’ impjanti involuti.

34.

Il-Qorti Ġenerali analizzat u ċaħdet ukoll l-affermazzjoni tar-rikorrenti li l-impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-faħam ma humiex simili għal impjanti tal-enerġija li jużaw teknoloġija differenti fil-punti 117 sa 125 tas-sentenza appellata.

35.

Fil-punt 126 tas-sentenza appellata, għalhekk ġie kkonstatat li l-appellanti ma setgħetx tipproduċi prova li l-Kummissjoni kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-analiżi tal-komparabbiltà.

36.

Il-Qorti Ġenerali, fil-punti 128 sa 130 tas-sentenza appellata, ċaħdet l-argumenti ta’ Naturgy Energy Group u EDP España bbażati fuq is-sentenza Comunidad Autónoma de Galicia u Retegal vs Il‑Kummissjoni ( 11 ), peress li din kienet tikkonċerna d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni meħuda fit-tmiem tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

37.

Fil-punti 131 sa 133 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll l-argumenti tar-rikorrenti dwar il-ħtieġa tal-miżura kontenzjuża għas-sigurtà tal-provvista, billi qieset li dawn kienu jikkonċernaw l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna u mhux il-klassifikazzjoni tagħha u li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 107(1) TFUE ma jiddistingwix bejn il-kawżi jew l-għanijiet tal-interventi statali, iżda jiddefinixxihom f’termini ta’ effetti.

38.

Fil-punt 134 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali għalhekk ċaħdet it-tieni motiv bħala infondat u, konsegwentement, ir-rikors kollu kemm hu.

39.

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali kkundannat lir-rikorrenti tħallas, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni u kkundannat lil Viesgo Producción u lil EDP España għall-ispejjeż tagħhom stess.

IV. It‑talbiet tal‑partijiet

40.

Permezz tal-appell tagħhom, Naturgy Energy Group (ir-rikorrenti fl-ewwel istanza) u EDP España talbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, tannulla d-Deċiżjoni kkontestata u tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż tal-kawża.

41.

Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lill-appellanti iħallsu l-ispejjeż.

42.

Generaciones Eléctricas Andalucía, oriġinarjament Viesgo Producción u intervenjenti fl-ewwel istanza, titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata.

43.

B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑31 ta’ Mejju 2022, Endesa Generación ġiet ammessa tintervjeni insostenn tar-rikorrenti u titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, u tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż sostnuti f’din il-proċedura.

V. L-analiżi tal-appell

A.   Il‑kunsiderazzjonijiet preliminari

44.

Iż-żewġ aggravji, għalkemm distinti, għandhom konnessjonijiet evidenti bejniethom: l-ewwel wieħed huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li kien hemm interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata mill-Qorti Ġenerali tal-obbligu ta’ motivazzjoni b’riferiment għall-kunċett ta’ selettività, u t-tieni wieħed huwa bbażat fuq l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni żbaljata mill-Qorti Ġenerali tal-Artikolu 107(1) TFUE fir-rigward tal-kunċett ta’ selettività.

45.

L-Artikolu 107 u l-Artikolu 108 TFUE jiddettaw ir-regolamentazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat fil-livell ta’ regoli primarji billi tal-ewwel jiddefinixxi l-kriterji ġenerali li fuq il-bażi tagħhom għajnuna tista’ jew ma tistax tiġi kkunsidrata kompatibbli mas-suq intern u l-ieħor il-proċedura li l-Kummissjoni għandha ssegwi fil-valutazzjoni tal-għajnuna bħala kompatibbli jew le mas-suq intern. Ir-Regolament 2015/1589 fih ir-regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 TFUE u, b’mod partikolari, fl-Artikoli 4 sa 9, jiddeskrivi l-proċedura li għandha tiġi segwita għall-evalwazzjoni tal-għajnuna: eżami preliminari (Artikolu 4), deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali (Artikolu 6), deċiżjoni li tikkonkludi l-proċedura ta’ investigazzjoni formali (Artikolu 9).

46.

Essenzjalment, l-appellanti u l-intervenjenti jikkritikaw is-sentenza appellata sa fejn kienet ikkunsidrat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni ħielsa minn irregolaritajiet, li għall-kuntrarju kienet insuffiċjenti f’termini ta’ motivazzjoni. B’mod partikolari, id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura formali ma kinitx motivata b’mod adegwat fir-rigward tas-selettività tal-miżura adottata, billi naqset milli twettaq analiżi tal-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet tal-benefiċjarji tal-miżura ta’ inċentiv u tal-impriżi l-oħra. Sussidjarjament, bit-tieni aggravju, is-sentenza kkontestata hija kkritikata li kkunsidrat bħala korretta (minħabba li ma hijiex affettwata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni) il-klassifikazzjoni tal-miżura kontenzjuża bħala għajnuna inkompatibbli mas-suq intern.

47.

Il-kwistjoni legali li madwarha ddur din il-kawża tista’ tiġi miġbura fil-qosor fil-kontenut bejn wieħed u ieħor wiesa’ tal-obbligu tal-Kummissjoni li timmotiva d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali u, sussidjarjament u konsegwentement, il-klassifikazzjoni korretta jew żbaljata bħala għajnuna inkompatibbli mas-suq intern tal-miżura kontenzjuża. Sabiex tiġi evalwata l-possibbiltà ta’ rikorrenza ta’ żbalji ta’ liġi fis-sentenza appellata, dedotti mill-appellanti u l-intervenjenti, ser jiġu analizzati s-suġġetti li ġejjin: (a) l-applikazzjoni tal-prinċipji ġenerali dwar il-motivazzjoni tad-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali; (b) id-differenzi fil-funzjoni u l-kontenut tad-deċiżjoni tal-ftuħ mad-deċiżjoni li tikkonkludi l-proċedura, b’mod partikolari b’riferiment għar-rekwiżiti provviżorji u sommarji li jikkaratterizzaw id-deċiżjoni tal-ftuħ; (c) il-ħtieġa li titwettaq, fid-deċiżjoni tal-ftuħ imsemmija qabel, analiżi tal-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet tal-benefiċjarji tal-miżura ta’ inċentivi u ta’ impriżi oħrajn; (d) it-tqassim tal-oneru tal-prova bejn il-Kummissjoni u l-partijiet li jikkontestaw id-deċiżjoni tagħha.

48.

Essenzjalment, għandu jiġi evalwat jekk il-Qorti Ġenerali, fl-istħarriġ fil-mertu tagħha tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ l-investigazzjoni formali, applikatx b’mod korrett il-prinċipji ġenerali dwar il-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u, b’mod partikolari, ta’ wħud mill-prinċipji żviluppati fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat; jekk, meta għamlet dan, hija applikatx korrettament dawn il-prinċipji għal deċiżjoni bħal din inkwistjoni, li fiha l-Kummissjoni, meta evalwat (għalkemm b’mod provviżorju) miżura bħala selettiva, ma wettqitx analiżi tal-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet tal-benefiċjarji tal-miżura ta’ inċentiv u tal-imripiżi l-oħrajn; jekk dan effettivament ippermettix lill-partijiet ikkonċernati jeżerċitaw id-dritt tad-difiża tagħhom f’konformità mar-regoli tat-tqassim tal-oneru tal-prova applikabbli għall-każ inkwistjoni.

B.   Fuq l‑ewwel aggravju, dwar il‑ksur tal‑obbligu ta’ motivazzjoni

1. L‑argumenti tal‑partijiet

49.

Bl-ewwel aggravju, l-appellanti jallegaw l-interpretazzjoni żbaljata mill-Qorti Ġenerali tal-applikazzjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni b’riferiment għall-kriterju ta’ selettività.

50.

L-intervenjenti jsostnu li l-ewwel aggravju huwa fondat, billi jużaw argumenti simili għal dawk tal-appellanti.

51.

L-appellanti jsostnu li l-premessa 28 tad-Deċiżjoni kkontestata ma hijiex motivata biżżejjed biex tissodisfa l-eżistenza tan-natura selettiva tal-miżura kontenzjuża, speċjalment peress li d-deċiżjoni ta’ ftuħ jista’ jkollha konsegwenzi legali sinjifikattivi bħas-sospensjoni jew l-irkupru tal-ammonti mħallsa fuq din l-bażi.

52.

Generaciones Eléctricas Andalucía żżid tgħid li din id-deċiżjoni mhux biss twassal għas-sospensjoni tal-ħlasijiet ta’ għajnuna allegati, iżda tagħti wkoll lill-qrati nazzjonali l-awtorità li jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex iżommu responsabbli lil dawk li jiksru l-obbligu li jissospendu l-eżekuzzjoni tal-miżura (sentenza tal‑21 ta’ Novembru 2013, Deutsche Lufthansa,C‑284/12, EU:C:2013:755).

53.

Kemm ir-rikorrenti kif ukoll l-intervenjenti jqisu wkoll li d-Deċiżjoni kkontestata, anki jekk hija biss deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, għandha tinkludi analiżi tal-komparabbiltà tal-kumpanniji involuti u tiċċara, skont l-Artikolu 296 TFUE, ir-raġuni għal xiex il-leġiżlazzjoni applikabbli tiddistingwi bejn it-teknoloġiji differenti u kif l-impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-faħam jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli ma’ dawk li jużaw teknoloġiji oħra.

54.

Huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-punti 64 u 65 tas-sentenza appellata billi ċaħdet l-argumenti bbażati fuq is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Hansestadt Lübeck (C‑524/14 P, EU:C:2016:971) u tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Comunidad Autónoma de Galicia u Retegal vs Il‑Kummissjoni (C‑70/16 P, EU:C:2017:1002).

55.

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali allegatament interpretat u applikat b’mod żbaljat, fil-punt 66 tas-sentenza appellata, il-prinċipji tas-sentenzi tal‑10 ta’ Marzu 2016, HeidelbergCement vs Il‑Kummissjoni (C‑247/14 P, EU:C:2016:149) u tal‑21 ta’ Lulju 2011, Alcoa Transformations vs Il‑Kummissjoni (C‑194/09 P, EU:C:2011:497).

56.

Għalhekk jeħtieġ li titwettaq evalwazzjoni fil-fond u ddokumentata sew tas-selettività ta’ miżura, ibbażata fuq deċiżjonijiet preċedenti legali stabbiliti. Din l-evalwazzjoni għandha tkun iddettaljata biżżejjed biex tippermetti eżami sħiħ minn qorti, b’mod partikolari fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ jekk is-sitwazzjoni ta’ dawk li jibbenefikaw mill-miżura hijiex komparabbli ma’ dik ta’ dawk li ma jibbenefikawx mill-miżura. Tabilħaqq, evalwazzjonijiet bħal dawn għandhom ikunu “motivati biżżejjed” biex jiżguraw stħarriġ ġudizzjarju sħiħ (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs World Duty Free Group SA et, C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:981).

57.

Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 74 tas-sentenza appellata, wettqet żball ta’ liġi meta ddikjarat li l-introduzzjoni ta’ analiżi preliminari ta’ komparabbiltà matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali tagħmilha diffiċli li ssir distinzjoni bejn id-deċiżjoni inizjali u d-deċiżjoni finali fi tmiem tal-proċedura.

58.

Generaciones Eléctricas Andalucía ssostni wkoll li l-Qorti tal-Ġenerali fehmet ħażin ukoll in-natura tas-setgħa tal-Kummissjoni li tiddeċiedi li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali u ssostni li din ma hijiex setgħa diskrezzjonali iżda setgħa marbuta.

59.

Hija żżid tgħid li “sempliċi indikazzjoni” hija inadegwata fil-kuntest tal-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2015/1589, li jeħtieġ li l-Kummissjoni tipprovdi analiżi oġġettiva tal-għajnuna potenzjali mill-Istat. Il-Kummissjoni għandha l-oneru li turi li miżura tista’ tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat qabel ma tiftaħ investigazzjoni formali.

60.

Għalhekk, il-Kummissjoni kellha tirreferi għad-diffikultajiet li joħolqu l-bżonn li jsir riferiment għal analiżi iktar fil-fond.

61.

Skont EDP España, fil-punt 73 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet in-natura “sommarja” tar-raġunament tal-Kummissjoni fir-rigward tan-natura selettiva tal-miżura inkwistjoni. Madankollu, fil-punt 66, hija ppruvat tirrimedja din in-natura “sommarja” billi kkunsidrat li l-miżura inkwistjoni ġiet adottata “f’kuntest magħruf sew mir-rikorrenti, minħabba n-natura tal-attivitajiet tagħha” u li, barra minn hekk, “kif jirriżulta mir-rikors”, kienet familjari mar-regoli kollha applikabbli.

62.

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 68 sa 73 tas-sentenza appellata, wettqet żball meta pprovat tirrimedja dan in-nuqqas ta’ motivazzjoni billi kkostitwixxiet mill-ġdid il-motivazzjoni fuq il-bażi ta’ diversi punti tad-Deċiżjoni kkontestata.

63.

Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li l-Kummissjoni ma kisritx l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.

64.

Il-Kummissjoni tqis li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat. Fil-fatt, hija tirrileva li l-Qorti Ġenerali analizzat korrettament l-obbligu ta’ motivazzjoni fis-sentenza appellata.

65.

Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi fil-punti 63 u 64 tas-sentenza appellata meta ddeċidiet li l-argumenti tal-appellanti u tal-intervenjenti huma irrilevanti. Id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali ġiet sostnuta mis-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Hansestadt Lübeck (C‑524/14 P, EU:C:2016:971), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja naqset milli tindirizza l-obbligu li tiġi pprovduta motivazzjoni iżda kkonċentrat fuq il-mertu tal-kawża. Fis-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Comunidad Autónoma de Galicia u Retegal vs Il‑Kummissjoni (C‑70/16 P, EU:C:2017:1002), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-obbligu ta’ motivazzjoni kien inkiser minħabba s-selettività tal-miżura applikata għal settur wieħed ta’ attività. Madankollu, f’dan il-każ, id-Deċiżjoni kkontestata kien fiha analiżi provviżorja u l-Kummissjoni ma kinitx ikkunsidrat li l-miżura kienet tiffavorixxi settur.

66.

Il-Kummissjoni twieġeb għall-affermazzjoni tal-appellanti dwar in-nuqqas ta’ analiżi ta’ komparabbiltà billi tirreferi għall-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2015/1589, li jgħid li d-deċiżjoni għandha tipprovdi sommarju tal-fatti u tal-liġi rilevanti u tinkludi evalwazzjoni preliminari. Għalhekk, jekk id-deċiżjoni tissodisfa l-kriterji stabbiliti fil-punti 73 u 76 tas-sentenza appellata, is-sempliċi qosor tal-analiżi ma hijiex biżżejjed biex tikkostitwixxi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

67.

Il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali kkonstatat korrettament li l-appellanti fehmu r-raġunijiet li għalihom il-miżura kontenzjuża tqieset bħala selettiva, kif indikat fil-punt 75 tas-sentenza appellata.

68.

Hija ssostni li l-konsegwenzi legali konnessi mal-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali msemmija huma ipotetiċi f’dan il-każ u ma jipprekludux motivazzjoni preliminari u fil-qosor, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2015/1589.

69.

Id-Deċiżjoni kkontestata ġiet analizzata mill-Qorti Ġenerali li rreferiet għal elementi oħra tal-motivazzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata insostenn tal-analiżi tagħha. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet ukoll li l-ebda struttura speċifika ma hija meħtieġa għad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni u li l-kontenut tad-deċiżjoni kollu kemm hu għandu jiġi eżaminat meta tiġi evalwata l-konformità mal-obbligu ta’ motivazzjoni (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Il‑Kummissjoni vs Spanja et, C‑128/16 P, EU:C:2018:591, punt 93).

2. L-evalwazzjoni

70.

Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti jallegaw żball ta’ liġi mill-Qorti Ġenerali fl-istħarriġ tal-motivazzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata fir-rigward tan-natura selettiva tal-miżura kontenzjuża.

71.

B’riferiment għall-kwistjoni li hija s-suġġett tal-ewwel aggravju, il-Qorti Ġenerali, fis-sentenza appellata, essenzjalment tippreċiża li deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali tista’ tkun limitata biex tiġbor fil-qosor l-elementi fattwali u legali rilevanti u tinkludi evalwazzjonijiet provviżorji li jkunu suġġetti għal eżami fil-fond fil-proċedura nnifisha.

72.

Dawn id-dikjarazzjonijiet huma korretti u kondiviżibbli. Minn dawn il-premessi, il-Qorti Ġenerali, probabbilment fuq l-assunzjoni ta’ differenza radikali fil-funzjoni u l-kontenut (anki f’termini ta’ motivazzjoni) tad-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura u dik tal-għeluq, madankollu tislet ċerti konsegwenzi li, fil-fehma tiegħi, huma żbaljati u jħassru l-iter loġiku legali.

73.

Il-Qorti Ġenerali tafferma, fil-fatt, li ċerti sentenzi preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja ma japplikawx għal din il-kawża peress li jikkonċernaw deċiżjoni ta’ għeluq tal-proċedura ( 12 ) jew sitwazzjonijiet li fihom il-profil speċifiku tal-obbligu ta’ motivazzjoni ma jkunx ġie eżaminat ( 13 ); li minkejja li hija konċiża, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni hija motivata b’mod adegwat minħabba li l-partijiet setgħu jifhmu r-raġunijiet sottostanti tad-deċiżjoni msemmija qabel kif muri mid-difiżi sussegwenti u għaliex l-istess kien ikun adottat f’kuntest magħruf sew mill-partijiet innifishom; li l-analiżi ta’ komparabbiltà bejn id-diversi impriżi sabiex tiġi stabbilita s-selettività tal-miżura kienet tkun prematura f’deċiżjoni tal-ftuħ peress li setgħet tantiċipa l-konklużjonijiet li għandhom jittieħdu fl-eżitu tal-proċedura stess.

74.

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha tkun xierqa għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha tindika b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni li tkun awtriċi tal-att inkwistjoni, sabiex tippermetti lill-partijiet kkonċernati jkunu jafu r-raġuni għall-att adottat u lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha. L-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tad-dokument, in-natura tal-motivazzjonijiet mogħtija u l-interess li d-destinatarji tad-dokument jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment minnu jista’ jkollhom biex jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi fattwali u legali rilevanti kollha, peress li l-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tiegħu, iżda ukoll tal-kuntest tiegħu u tar-regoli legali kollha li jirregolaw is-suġġett inkwistjoni (sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2016, HeidelbergCement vs Il‑Kummissjoni, C‑247/14 P, EU:C:2016:149, punt 16).

75.

Bl-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju għall-miżuri tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, għandu jiġi osservat li d-deċiżjoni li tinfetaħ l-proċedura ta’ investigazzjoni formali ma hijiex miżura li fiha l-obbligu ta’ motivazzjoni huwa partikolarment ħafif jew superfiċjali.

76.

Qari bir-reqqa tal-Artikoli 4, 6 u 7 tar-Regolament 2015/1589 fil-fatt jippermetti li wieħed jifhem kif id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura tippreżupponi b’mod temporanju u loġiku eżami preliminari: jiġifieri, il-Kummissjoni twettaq investigazzjoni mal-Istat kkonċernat li fih ikunu ġew analizzati diġà l-elementi xierqa biex tiġi kklassifikata miżura partikolari bħala għajnuna u biex jiġi konkluż, għalkemm preliminarjamemt, li hemm dubji dwar il-kompatibbiltà mas-suq intern tal-miżura eżaminata. Fil-każ kuntrarju għal dan, il-Kummissjoni tikkonkludi l-proċedura b’deċiżjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet.

77.

Id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali ma hijiex għalhekk l-ewwel att li warajh jiġu analizzati l-elementi kollha li jistgħu jikklassifikaw jew le miżura partikolari bħala għajnuna pprojbita, iżda hija mument sussegwenti li fih il-Kummissjoni, li tkun diġà wettqet eżami preliminari, tkun “ikkonkludiet”, għalkemm b’mod preliminari, li hemm dubji dwar il-kompatibbiltà tal-miżura nnifisha mas-suq intern. Il-proċedura wara d-deċiżjoni tal-ftuħ isservi sabiex tpoġġi lill-partijiet interessati kollha f’pożizzjoni li jeżerċitaw id-dritt tad-difiża tagħhom billi jressqu argumenti sabiex jikkontestaw l-argumenti legali sostnuti mill-Kummissjoni sabiex tikklassifika (għalkemm b’mod provviżorju) miżura partikolari bħala inkompatibbli mas-suq intern.

78.

Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni, preċiżament fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, sa mid-deċiżjoni tal-ftuħ għandha tesponi l-argumenti u t-teżijiet legali kollha li abbażi tagħhom hija tqis il-miżura inkompatibbli mas-suq intern, billi l-analiżijiet ma jistgħux jiġu posposti għal mument suċċessiv.

79.

In-natura provviżorja tal-evalwazzjoni ma tistax tiġi konfuża mas-superfiċjalità tal-istess u lanqas ma tista’ twassal għall-ommissjoni ta’ analiżi, testijiet u paraguni diġà possibbli fil-ftuħ.

80.

Huwa biss fil-każ li jkun impossibbli, b’mod partikolari f’każijiet teknikament kumplessi, li ssir analiżi partikolari li teħtieġ elementi fattwali li jistgħu jinkisbu biss fi ħdan il-proċedura sussegwenti għall-ftuħ, li l-Kummissjoni tista’, filwaqt li timmotiva din l-għażla, tipposponi l-analiżi, it-test jew l-evalwazzjoni għall-mument tad-deċiżjoni finali.

81.

Għal dawn ir-raġunijiet, id-deċiżjoni tal-ftuħ, kif sostnew repetutament l-appellanti u l-intervenjenti, diġà għandha rilevanza awtonoma u jista’ jkollha effetti konkreti u sinjifikattivi fuq l-interessi ekonomiċi tal-partijiet. Il-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali ta’ għajnuna mill-Istat tobbliga s-sospensjoni tal-ħlasijiet tal-allegata għajnuna u jawtorizza lill-imħallfin nazzjonali biex jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jisiltu konklużjonijiet mill-ksur tal-obbligu ta’ sospensjoni tal-miżura kontenzjuża ( 14 ).

82.

U għall-istess raġunijiet, l-applikabbiltà jew le tal-prinċipji espressi mill-ġurisprudenza dwar l-għajnuna għandha tiġi eżaminata bir-reqqa peress li ma jistgħux jiġu esklużi bħala ineffettivi ċerti prinċipji espressi f’każijiet li fihom ġew analizzati deċiżjonijiet li jagħlqu l-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

83.

Id-deċiżjoni tal-ftuħ u d-deċiżjoni tal-għeluq previsti fl-Artikoli 6 u 9 tar-Regolament 2015/1589 huma ċertament differenti u jwettqu funzjonijiet differenti. Iżda għar-raġunijiet imsemmija iktar ’il fuq, kwalunkwe evalwazzjoni tal-prinċipji espressi mill-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax titħalla barra biss minħabba li huma relatati ma’ proċedura ta’ għeluq.

84.

Il-funzjoni tal-proċedura li ssegwi l-ftuħ hija, fil-fatt, li tippermetti lill-partijiet jikkonvinċu lill-Kummissjoni biex timmodifika t-teżi inizjali sostnuta fil-ftuħ li miżura partikolari tikkostitwixxi għajnuna inkompatibbli mas-suq intern.

85.

Fis-sentenza Comunidad Autónoma, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, fir-rigward tal-prinċipju ta’ selettività, meta rrilevat li miżura li tibbenefika biss settur wieħed ta’ attività jew lil uħud biss mill-impriżi f’dan is-settur ma hijiex neċessarjament selettiva u li jkun biss hekk jekk, fi ħdan l-ordinament ġuridiku partikolari, ikollha l-effett li tiffavorixxi ċerti impriżi fuq oħrajn li jkunu jappartjenu għal setturi oħra jew għall-istess settur u li jkunu, fid-dawl tal-għan imfittex minn din is-sistema, f’sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ dritt komparabbli ( 15 ).

86.

Anki jekk is-sentenza Comunidad Autónoma tikkonċerna deċiżjoni tal-Kummissjoni meħuda fi tmiem il-proċedura formali, huwa importanti li jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja tibbaża ruħha fuq il-prinċipji dderivati mis-sentenza Lübeck ( 16 ) li kienet tikkonċerna deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali.

87.

Minn dan jirriżulta wkoll li l-Kummissjoni setgħet, u tabilħaqq kellha, twettaq analiżi tal-komparabbiltà bejn id-diversi impriżi fis-settur. Hija għalhekk żbaljata d-dikjarazzjoni tal-Qorti Ġenerali li skontha “l-impożizzjoni, fi kwalunkwe każ, fil-fażi ta’ analiżi preliminari, li tinsab f’deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, ta’ motivazzjoni relatata mal-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet tista’ tkun prematura u tantiċipa l-konklużjonijiet li għandhom jittieħdu fi tmiem din il-proċedura”; bir-riskju li jkun hemm “attenwazzjoni tal-konfini bejn id-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali u d-deċiżjoni li tingħalaq din il-proċedura” ( 17 ).

88.

Fil-fehma tiegħi, il-Kummissjoni għandha tispeċifika, anki fil-fażi tal-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, ir-raġunijiet għalfejn il-fatt li miżura tibbenefika biss lil ċerti impriżi f’settur jippermetti li tiġi kkunsidrata, a priori, bħala selettiva, u ma tistax tħalli barra, f’dan il-kuntest, lanqas eżami preliminari tal-komparabbiltà tal-impriżi li jibbenefikaw mill-miżura ma’ dawk, attivi fl-istess settur, li ma jibbenefikawx minnha.

89.

Fir-rigward, imbagħad, tal-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-partijiet kienu konxji mill-kuntest u ddefendew lilhom innifishom ukoll fuq il-punt ta’ paragun ma’ impriżi oħra, nikkunsidra li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi li għandu impatt negattiv fuq it-tqassim tal-oneru tal-prova u jaffettwa wkoll it-tieni aggravju tal-appell ( 18 ).

90.

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni għandha twettaq l-analiżi kollha meħtieġa biex tippermetti lill-partijiet jipprovaw jikkontrastaw l-argumenti legali li (provviżorjament) jikklassifikaw bħala għajnuna mill-Istat idonea inkompatibbli mas-suq intern il-miżura adottata mill-Istat Membru.

91.

Ikun kuntrarju għat-tqassim normali tal-oneru tal-prova li l-partijiet jingħatalhom il-kompitu li jkollhom jirrikostruwixxu indirettament jew b’mod induttiv l-argumenti legali sostnuti mill-Kummissjoni sabiex jikkonfutawhom.

92.

Il-Kummissjoni għalhekk kellha tanalizza l-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet bejn l-operaturi fis-suq billi tressaq l-argumenti kollha utli għall-integrazzjoni tal-każ ta’ għajnuna mill-Istat, inkompatibbli mas-suq intern, anki fin-natura provviżorja tal-analiżi li tista’ tiġi mmodifikata matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

93.

Fis-sentenza Deutsche Post vs Il‑Kummissjoni ( 19 ), fir-rigward ta’ deċiżjoni ta’ estensjoni ta’ proċedura formali meqjusa vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni, ġie ċċarat sew li fi tmiem l-evalwazzjoni preliminari tal-miżura, il-Kummissjoni għandha tagħti raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha fil-każ li tiddeċiedi li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali ( 20 ).

94.

Barra minn hekk, dejjem fl-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li “kwalunkwe deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni fl-aħħar tal-fażi ta’ investigazzjoni preliminari għandha tinkludi evalwazzjoni provviżorja tal-miżura tal-Istat inkwistjoni, li hija intiża sabiex tiddetermina jekk din għandhiex in-natura ta’ għajnuna mill-Istat” ( 21 ).

95.

Għalhekk, l-analiżi tal-komparabbiltà qatt ma tista’ titħalla għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali, peress li dejjem huwa possibbli li jsiru biss kunsiderazzjonijiet provviżorji.

96.

Għalkemm il-Kummissjoni ġustament affermat li huwa essenzjali li jiġi kkunsidrat il-kontenut kollu ta’ deċiżjoni sabiex tiġi evalwata l-motivazzjoni tagħha ( 22 ), għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni inkwistjoni hija nieqsa għalkollox minn analiżi ta’ komparabbiltà.

97.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nemmen li l-ewwel aggravju jista’ jintlaqa’.

C.   Fuq it‑tieni aggravju, dwar il‑ksur tal‑Artikolu 107(1) TFUE fir‑rigward tal‑kriterju ta’ selettività

1. L‑argumenti tal‑partijiet

98.

Bit-tieni aggravju, l-appellanti jallegaw il-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE fir-rigward tal-kriterju ta’ selettività

99.

L-intervenjenti jsostnu li t-tieni aggravju huwa fondat, billi jużaw argumenti simili għal dawk tal-appellanti.

100.

Naturgy Energy Group tikkritika lill-Qorti Ġenerali b’riferiment għall-punt 82 tas-sentenza appellata li jfakkar li r-rikorrenti kienet sostniet li l-Kummissjoni kienet wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tan-natura selettiva tal-miżura inkwistjoni.

101.

L-argument imressaq mill-appellanti u mill-intervenjenti huwa li l-Qorti Ġenerali kellha twettaq eżami fil-fond tal-analiżi tal-Kummissjoni dwar is-selettività tal-miżura inkwistjoni (Naturgy tiċċita s-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il‑Kummissjoni, C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punt 111). F’dan ir-rigward, l-appellanti jirreferu għall-analiżi tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Hansestadt Lübeck, (C‑524/14 P, EU:C:2016:971), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja sabet żball ta’ liġi u mhux żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tas-selettività ta’ miżura li kienet is-suġġett ta’ deċiżjoni li tinfetaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali.

102.

Skont Naturgy Energy Group, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi qabblet l-investimenti ta’ qabel u ta’ wara l-1998 minflok iddeterminat jekk it-tieni paragrafu tal-punt 10 tal-Anness III tal-ITC/2794/2007 jikkostitwixxix miżura selettiva. Din id-dispożizzjoni tippermetti lill-gvern jikkontribwixxi għall-impjanti tal-enerġija kollha, irrispettivament mit-teknoloġija tagħhom, għal investimenti sinjifikattivi.

103.

Fir-rigward tal-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet ta’ impjanti li jaħdmu bil-faħam u impjanti li ma jużawx il-faħam bħala l-fjuwil prinċipali, l-appellanti u l-intervenjenti jsostnu li, minbarra li wettqu żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-istħarriġ għal żball manifest, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 102 sa 126 tas-sentenza appellata, qalbet l-oneru tal-prova meta sostniet li l-appellanti kellha turi l-assenza ta’ diskriminazzjoni fir-rigward ta’ impjanti tal-enerġija li ma jużawx il-faħam bħala fjuwil prinċipali tagħhom (sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2011, Il‑Kummissjoni vs L‑Olanda, C‑279/08 P, EU:C:2011:551, punt 62).

104.

Il-Kummissjoni għandha tassumi l-kompitu li tidentifika każijiet ta’ diskriminazzjoni, anki jekk din hija analiżi preliminari. Dan jinkludi l-individwalizzazzjoni ta’ każijiet simili għal dawk imsemmija fil-punti 121 u 124 tas-sentenza appellata, kif innotat mill-Qorti Ġenerali.

105.

EDP España tenfasizza b’mod partikolari li l-Qorti Ġenerali kienet tirrikonoxxi li l-analiżi tal-opportunità li tinfetaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali ma tistax tkun limitata għat-tfittxija ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, iżda għandha tmur lil hinn (sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2021, Achema u Achema Gas Trade vs Il‑Kummissjoni, T‑193/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:558, punti 4344).

106.

Għalhekk, kieku l-Qorti Ġenerali wettqet stħarriġ ta’ legalità skont il-ġurisprudenza tal-Qrati tal-Unjoni, hija kellha tasal għall-istess konklużjoni fis-sentenza appellata.

107.

Endesa Generación imbagħad ssostni li kieku l-kriterju ta’ evalwazzjoni tal-preżenza ta’ għajnuna ġie bbażat fuq żball ċar ta’ evalwazzjoni, il-Qorti Ġenerali kien ikollha tistabbilixxi li l-Kummissjoni wettqet żball ċar ta’ evalwazzjoni meta analizzat jekk il-miżura kontenzjuża kinitx selettiva jew le. Dan huwa sostnut mill-ispjegazzjoni mogħtija fil-premessa 28 tad-Deċiżjoni kkontestata.

108.

Hija tindika li s-sentenza appellata hija fi kwalunkwe każ ivvizzjata bi żball ta’ liġi, peress li l-Qorti Ġenerali tqis li l-Kummissjoni ma wettqitx tali żball fid-Deċiżjoni kkontestata, u kkonkludiet – provviżorjament – li l-miżura kontenzjuża kienet selettiva biss għall-fatt li kienet tapplika għal impriżi partikolari u mingħajr ma saret l-analiżi ta’ komparabbiltà meħtieġa mill-ġurisprudenza sabiex tiġi identifikata n-natura selettiva tal-miżura.

109.

Generaciones Eléctricas Andalucía finalment tqis li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta ffokat biss fuq ir-rekwiżit ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni, peress li l-konsegwenzi tal-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali huma sinjifikattivi. Hija ssostni li l-Kummissjoni ma għandhiex l-awtorità li tiddeċiedi li tiftaħ tali proċedura u li minflok għandha tikkonferma li s-sitwazzjonijiet analizzati jissodisfaw il-kriterju ta’ selettività.

110.

Hija ssostni għal darba oħra li l-Qorti Ġenerali ħalltet, fis-sentenza appellata, in-natura provviżorja tal-analiżi fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali mal-eżistenza ta’ setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni.

111.

Il-Kummissjoni tqis li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

112.

Hija ssostni li l-liġi Spanjola li tippermetti ħlasijiet iddifferenzjati lill-produtturi tal-elettriku ma taffettwax in-natura selettiva tal-miżura. Anki jekk impjanti tal-enerġija mibnija wara data speċifika jistgħu jibbenefikaw minn redditu fuq l-investiment, il-miżura xorta tagħti vantaġġ selettiv ta’ ammont varjabbli (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2006 fil-Kawżi magħquda C‑182/03 u C‑217/03, Il‑Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni, EU:C:2006:416, punti 112120). Barra minn hekk, impjanti li jaħdmu bil-faħam biss elenkati fil-PNTE‑IKK jistgħu jibbenefikaw minn din il-miżura.

113.

Hija ssostni li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-istħarriġ tal-legalità ta’ deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali huwa limitat għall-istħarriġ ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Hansestadt Lübeck, C‑524/14 P, EU:C:2016:971, punt 78).

114.

Barra minn hekk qiegħed jiġi affermat li sabiex jintwera li sar żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ fatti kumplessi b’mod li jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni, il-provi prodotti mill-appellanti għandhom ikunu suffiċjenti sabiex l-evalwazzjonijiet tal-fatti inklużi f’dan l-att ikunu inversosimili u li, suġġett għal dan il-kriterju ta’ verosimiljanza, ma hijiex il-Qorti Ġenerali li għandha tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-fatti kumplessi tal-awtur ta’ din id-deċiżjoni b’dik tagħha (sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2009, Enviro Tech (Ewropa),C‑425/08, EU:C:2009:635, punt 47).

115.

Għaldaqstant, skont il-Kummissjoni, lanqas ma jista’ jiġi argumentat li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tagħha tas-selettività, jekk ma tkun ġiet prodotta ebda prova li tagħmel l-evalwazzjonijiet li jinsabu fid-Deċiżjoni kkontestata mhux plawżibbli. Dan ir-rekwiżit ta’ prova huwa inerenti fi kwalunkwe evalwazzjoni ta’ żball manifest u ma jkollu xejn x’jaqsam mal-fatt li hija l-Kummissjoni li għandha turi, fuq bażi preliminari, li l-miżura hija selettiva.

116.

L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punti 102 sa 126 tas-sentenza hija kompletament konformi mal-istħarriġ meħtieġ tal-legalità bbażat fuq il-ġurisprudenza. Il-Qorti Ġenerali vverifikat l-eżattezza, l-affidabbiltà u l-konsistenza tal-provi kollha prodotti, u żgurat ruħha li d-data rilevanti kollha ttieħdet inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni kumplessa (sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2007, Spanja vs Lenzing,C‑525/04 P, EU:C:2007:698, punt 57 u tas‑6 ta’ Novembru 2008, Il‑Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kummissjoni, C‑405/07 P, EU:C:2008:613).

117.

L-affermazzjoni li l-Qorti Ġenerali ma evalwatx korrettament jekk it-tieni paragrafu tal-punt 10 tal-Anness III tal-Ordni ITC/2794/2007 jikkostitwixxix miżura selettiva hija infondata. Dan għaliex l-għajnuna tħallset effettivament permezz ta’ ordni sussegwenti (Ordni ITC/3860/2007), ikkonfermata fir-raba’ premessa tad-Deċiżjoni kkontestata u rrikonoxxuta mill-Qorti Ġenerali fil-punt 109 tas-sentenza appellata.

118.

Naturgy Energy Group ma pprovdiet ebda ġustifikazzjoni għall-allegazzjoni tagħha li l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali huma żnaturati, b’mod partikolari fil-punti 102 sa 105 tas-sentenza appellata. Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet analiżi bir-reqqa tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u kkonstatat li ma kien hemm ebda prova li tissuġġerixxi li l-iskema inkwistjoni kienet maħsuba biex tibbenefika biss minn investimenti kbar li saru wara l-1998.

119.

Il-Kummissjoni rrilevat li l-argumenti mqajma ma humiex biss infondati iżda wkoll improduttivi. Dan għaliex, skont il-ġurisprudenza kkonsolidata, l-Artikolu 107(1) tat-Trattat ma jiddistingwix l-interventi statali skont il-kawżi jew l-għanijiet tagħhom, iżda pjuttost jevalwahom skont l-effetti tagħhom. Għalhekk, il-kunċett ta’ għajnuna huwa kunċett oġġettiv u jiddependi prinċipalment fuq jekk miżura tal-Istat tipprovdix vantaġġ jew le lil impriża waħda jew iktar. Ladarba l-eżistenza tal-għajnuna tkun ġiet stabbilita, il-Kummissjoni għandha teżamina jekk l-għajnuna hijiex strutturata b’tali mod li tiżgura li l-effetti pożittivi tagħha fil-kisba ta’ għan ta’ interess komuni jegħlbux l-effetti negattivi potenzjali tagħha fuq il-kummerċ u fuq il-kompetizzjoni.

120.

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-komparabbiltà ta’ impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-faħam ma’ impjanti tal-enerġija li ma jużawx il-faħam bħala fjuwil, u l-argument li, essenzjalment, il-Qorti Ġenerali kellha tannulla d-Deċiżjoni kkontestata għar-raġuni li ma fihiex analiżi ddettaljata tal-komparabbiltà bejn dawn iż-żewġ gruppi ta’ impriżi, il-Kummissjoni tfakkar li fid-Deċiżjoni kkontestata huwa spjegat li hija tqis il-miżura kontenzjuża bħala selettiva, peress li hija ta’ benefiċċju biss għall-impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-faħam elenkati fil-PNTE-IKK, b’differenza għal impjanti oħra tal-enerġija li jaħdmu bil-faħam jew impjanti tal-enerġija li jużaw teknoloġija oħra. Hija tikkonkludi li l-Qorti Ġenerali eżaminat ġustament, fil-punti 117 sa 126 tas-sentenza appellata, fuq il-bażi tal-argumenti tal-appellanti u tal-intervenjenti, jekk il-Kummissjoni kinitx wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni minħabba li l-impjanti tal-enerġija ma kinux f’sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ dritt paragunabbli ma’ dik ta’ impjanti tal-enerġija li jużaw tipi oħra ta’ teknoloġija, u ġustament qieset li din il-konklużjoni ma kinitx tqiegħdet f’dubju mill-argumenti tal-appellanti u tal-intervenjenti.

121.

Il-Kummissjoni ssostni li l-oneru tal-prova għalhekk ma nqaleb fl-ebda mument; il-Qorti Ġenerali eżaminat jekk l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fid-Deċiżjoni kkontestata kinitx fondata u jekk l-argumenti tal-appellanti kinux jagħmluha mhux plawżibbli. Għaldaqstant, l-appellanti ma wrewx u lanqas sostnew li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti li fuqhom hija bbażat il-konklużjonijiet tagħha.

2. L-evalwazzjoni

122.

It-tieni aggravju huwa propost sussidjarjament fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tilqax l-ewwel aggravju. Peress li nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-ewwel aggravju, ser nagħmel biss ftit kunsiderazzjonijiet fil-qosor fuq it-tieni wieħed, anki minħabba l-fatt li, kif imsemmi iktar ’il fuq, iż-żewġ aggravji għandhom rabta mill-qrib.

123.

Fil-fatt, permezz tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jallegaw żball ta’ liġi fl-istħarriġ tal-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, fir-rigward tan-natura selettiva tal-miżura inkwistjoni.

124.

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-istħarriġ tal-legalità tal-klassifikazzjoni ta’ miżura bħala “għajnuna mill-Istat” ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali huwa limitat għall-verifika ta’ jekk il-Kummissjoni wettqitx żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni ( 23 ). Il-Kummissjoni għandha tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali jekk ma tistax tistabbilixxi li l-miżura nnotifikata hija kompatibbli mas-suq intern jew jekk ikollha dubji dwar jekk il-miżura tikkostitwixxix għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE ( 24 ).

125.

Fl-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li meta Stat Membru jsostni li l-miżuri tiegħu ma jikkwalifikawx bħala għajnuna matul l-analiżi preliminari tal-Kummissjoni, hija għandha tagħmel evalwazzjoni bir-reqqa tal-kwistjoni fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istat anki jekk dan iwassal għal evalwazzjoni mhux definittiva. Barra minn hekk, jekk ikun ċar, fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli matul il-ftuħ tal-proċedura, li l-miżura ma tistax tiġi kklassifikata bħala għajnuna ġdida, id-deċiżjoni li tipproċedi bil-proċedura kontra din il-miżura għandha tiġi annullata ( 25 ).

126.

Fit-tieni lok, fil-punt 99 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddikjarat li ma kienx kompitu tagħha li tiddeċiedi b’mod definittiv dwar in-natura manifestament selettiva tal-miżura kontenzjuża ( 26 ). Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li għandha tevita li tagħti deċiżjoni definittiva dwar kwistjonijiet li ġew evalwati biss provviżorjament mill-Kummissjoni ( 27 ).

127.

Fuq il-bażi ta’ din il-ġurisprudenza, il-Qorti Ġenerali tiċħad, fl-ewwel istanza, il-“motiv” imressaq li jirrigwarda l-iżball ta’ liġi dwar il-klassifikazzjoni bħala għajnuna tal-miżura kontenzjuża abbażi tal-fatt li l-appellanti u l-intervenjenti ma kinux f’pożizzjoni li juru li kien hemm żball manifest ta’ evalwazzjoni mill-Kummissjoni.

128.

Il-punt kritiku ta’ dan ir-raġunament jinsab fir-rabta msemmija diversi drabi bejn iż-żewġ aggravji: essenzjalment, fil-fehma tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-ftuħ ikollha oneru ta’ motivazzjoni pjuttost limitat li jkun limitat għall-preżentazzjoni ta’ rikostruzzjoni konċiża tal-fatti u l-elementi ta’ dritt bil-possibbiltà li analiżi fil-fond tiġi posposta għall-proċeduri sussegwenti għall-ftuħ, inkluża l-analiżi tal-komparabbiltà tal-impriżi li jibbenefikaw mill-miżura ma’ dawk, attivi fl-istess settur, li ma jibbenefikawx minnha.

129.

F’dak li jirrigwarda mbagħad l-estensjoni tal-iskrutinju tal-imħallef tal-Qorti Ġenerali u l-oneru tal-prova konness fuq il-partijiet ikkonċernati biex isostnu argumenti kuntrarji għal dawk tal-Kummissjoni (fis-sens tan-nuqqas ta’ rikorrenza ta’ elementi suffiċjenti sabiex il-miżura kontenzjuża tiġi kklassifikata bħala għajnuna inkompatibbli mas-suq intern), il-partijiet ikunu meħtieġa juru żball manifest ta’ evalwazzjoni billi jipprovdu kuntrast b’għadd kbir ta’ allegazzjonijiet u provi tal-argumenti mhux kompleti (għax huma intiżi li jitlestew matul il-proċedura) ippreżentati mill-Kummissjoni.

130.

Raġunament bħal dan jaffettwa b’mod negattiv it-tqassim korrett tal-oneru tal-prova.

131.

Il-Kummissjoni hija obbligata twettaq eżami preliminari mal-Istat Membru li jiġġustifika d-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali sa fejn jitqies li, abbażi tal-elementi magħrufa, il-miżura kontenzjuża tikkwalifika bħala għajnuna u jkun għad hemm dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern.

132.

Id-deċiżjoni ta’ ftuħ għandha tinkludi analiżi li hija preliminari iżda kompleta fuq il-bażi ta’ data u elementi magħrufa sabiex tippermetti lill-partijiet ikunu jafu r-raġunijiet legali kollha li fuqhom hija bbażata l-klassifikazzjoni tal-miżura bħala għajnuna inkompatibbli mas-suq intern. Din l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni hija provviżorja (iżda għandu jingħad mill-ġdid, mhux kompleta) peress li tista’ tiġi mmodifikata matul il-proċedura fuq il-bażi tal-argumenti proposti mill-partijiet kkonċernati.

133.

Madankollu, id-dritt tad-difiża tal-partijiet jiġi rrispettat bis-sħiħ jekk huma jkunu f’pożizzjoni li jkunu jafu, diġà fil-mument tad-deċiżjoni tal-ftuħ, l-elementi u l-argumenti legali kollha insostenn tal-klassifikazzjoni magħmula mill-Kummissjoni, għalkemm b’mod provviżorju. Huwa biss fil-każ li, minħabba l-kumplessità teknika partikolari, xi evalwazzjonijiet jew testijiet ikunu jeħtieġu elementi addizzjonali li l-Kummissjoni tkun tista’ teżamina biss wara l-intervent tal-partijiet ikkonċernati differenti mill-Istat Membru (li miegħu diġà jkun sar id-djalogu matul l-eżami preliminari), li dawn jistgħu jiġu posposti għall-istadju tal-proċedura, b’motivazzjoni speċifika f’dan is-sens. Dan jgħodd ukoll għall-analiżi tal-komparabbiltà.

134.

Ladarba jiġi osservat l-oneru tal-prova kif deskritt iktar ’il fuq, huwa korrett li wieħed jemmen li l-iskrutinju tal-Qorti Ġenerali għandu jkun limitat għall-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-analiżi tal-Kummissjoni, peress li l-qorti ma tistax tidħol fil-mertu tal‑evalwazzjonijiet kumplessi u fil-fond diġà mwettqa. Fil-każ kuntrarju, jiġifieri fil-każ ta’ motivazzjoni insuffiċjenti u mhux kompleta, il-limitazzjoni tal-iskrutinju tal-qorti għall-eżistenza ta’ żball manifest fl-analiżi tal-Kummissjoni tista’ twassal għal distorsjoni tat-tqassim korrett tal-oneru tal-prova għad-detriment tal-partijiet li għandhom interess li jsostnu l-argument kuntrarju għal dak tal-Kummissjoni.

135.

F’dan il-każ, filwaqt li naqbel mal-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-limiti tal-iskrutinju tal-qorti kif repetuti fil-ġurisprudenza l-iktar reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 28 ), fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-miżura kontenzjuża bħala selettiva, in-nuqqasijiet ta’ motivazzjoni deskritti iktar ’il fuq ma jippermettulix nikkonkludi li t-tieni aggravju jiġi miċħud, li fil-fatt huwa korrettament issubordinat għal tal-ewwel.

136.

Fil-fatt, fl-ipoteżi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tiddeċidix li tilqa’ l-ewwel aggravju u għalhekk tqis li ma huwiex ivvizzjat l-iter loġiku tal-Qorti Ġenerali li ma ċċensuratx id-deċiżjoni tal-Kummissjoni għan-nuqqas ta’ motivazzjoni, l-elementi li joħorġu mill-proċess, b’mod partikolari n-nuqqas ta’ analiżi komparattiva fid-deċiżjoni ta’ ftuħ, huma tali li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tista’ tiġi kkunsidrata li hija vvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni.

VI. Konklużjoni

137.

Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tilqa’ l-ewwel aggravju propost

tannulla s-sentenza appellata u d-deċiżjoni tal-Kummissjoni.


( 1 ) Lingwa oriġinali: it-Taljan.

( 2 ) Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2021, Naturgy Energy Group vs Il‑Kummissjoni (T‑328/18, mhux ippubblikata, EU:T:2021:548).

( 3 ) (ĠU 2015, L 248, p. 9).

( 4 ) Real Decreto 871/2007 por el que se ajustan las tarifas eléctricas a partir del 1 de julio de 2007 (id-Digriet Irjali 871/2007 li jaġġusta t-tariffi tal-elettriku b’effett mill-1 ta’ Lulju 2007).

( 5 ) BOE Nru 156, tat‑30 ta’ Ġunju 2007, p. 28324.

( 6 ) Orden ITC/2794/2007, por la que se revisan las tarifas eléctricas a partir del 1 de octubre de 2007 (l-Ordni ITC/2794/2007 ta’ reviżjoni tat-tariffi tal-elettriku b’effett mill‑1 ta’ Ottubru 2007).

( 7 ) BOE Nru 234, tad‑29 ta’ Settembru 2007, p. 39690.

( 8 ) Orden ITC/3860/2007, por la que se revisant las tarifas eléctricas a partir del 1 de enero de 2008 (l-Ordni ITC/3860/2007, li tirrevedi t-tariffi tal-enerġija elettrika b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2008).

( 9 ) BOE Nru 312 tad‑29 ta’ Diċembru 2007, f’p. 53781.

( 10 ) Sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Comunidad Autónoma de Galicia u Retegal vs Il‑Kummissjoni (C‑70/16 P, EU:C:2017:1002) u Il‑Kummissjoni vs Hansestadt Lübeck (C‑524/14 P, EU:C:2016:971) tal‑21 ta’ Diċembru 2016.

( 11 ) Sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Comunidad Autónoma de Galicia u Retegal vs Il‑Kummissjoni (C‑70/16 P, EU:C:2017:1002).

( 12 ) Sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Comunidad Autónoma de Galicia u Retegal vs Il‑Kummissjoni (C‑70/16 P, EU:C:2017:1002).

( 13 ) Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Hansestadt Lübeck (C‑524/14 P, EU:C:2016:971).

( 14 ) Ara d-digriet ta’ aċċettazzjoni tat‑13 ta’ Novembru 2019 li bih il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat l-intervent ta’ EDP España peress li kienet uriet interess dirett u attwali fit-tilwima.

( 15 ) Sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Comunidad Autónoma de Galicia u Retegal vs Il‑Kummissjoni (C‑70/16 P, EU:C:2017:1002), punt 61.

( 16 ) Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Hansestadt Lübeck (C‑524/14 P, EU:C:2016:971) punt 58: “miżura li tagħti benefiċċju lil settur ta’ attività wieħed biss jew lil parti mill-impriżi ta’ dan is-settur ma hijiex neċessarjament selettiva. Din tkun effettivament selettiva biss jekk, fil-kuntest ta’ sistema legali speċifika, hija jkollha l-effett li tagħti vantaġġ lil ċerti impriżi meta mqabbla ma’ impriżi oħra li joperaw f’setturi oħra jew fl-istess settur u li, fid-dawl tal-għan imfittex minn din is-sistema, ikunu jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika paragunabbli”.

( 17 ) Sentenza appellata punt 74.

( 18 ) Li fuq hekk isir riferiment infra.

( 19 ) Sentenza tal‑10 ta’ April 2019, Deutsche Post vs Il‑Kummissjoni (T‑388/11, EU:T:2019:237).

( 20 ) “Minn dan isegwi li, sabiex l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE ma titneħħilux is-sustanza tiegħu, kwalunkwe deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni fl-aħħar tal-fażi ta’ investigazzjoni preliminari għandha tinkludi evalwazzjoni provviżorja tal-miżura tal-Istat inkwistjoni, li hija intiża sabiex tiddetermina jekk din għandhiex in-natura ta’ għajnuna mill-Istat u sabiex tesponi, meta hija tagħżel li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, ir-raġunijiet li joħolqulha dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq”.

( 21 ) Sentenza tal‑10 ta’ April 2019, Deutsche Post vs Il‑Kummissjoni (T‑388/11, EU:T:2019:237), punt 72.

( 22 ) Sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Il‑Kummissjoni vs Spanja et (C‑128/16 P, EU:C:2018:591), punt 93.

( 23 ) Sentenza tal‑21 ta’ Lulju 2011, Alcoa Trasformazioni vs Il‑Kummissjoni (C‑194/09 P, EU:C:2011:497), punt 61 u s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Hansestadt Lübeck (C‑524/14 P, EU:C:2016:971), punt 78.

( 24 ) Sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑562/19 P, EU:C:2021:201), punt 50.

( 25 ) Sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑562/19 P, EU:C:2021:201), punt 53.

( 26 ) Ara f’dan is-sens is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Hansestadt Lübeck (C‑524/14 P, EU:C:2016:971), punt 73.

( 27 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2002, Diputación Foral de Guipúzcoa vs Il‑Kummissjoni (T‑269/99, T‑271/99 u T‑272/99, EU:T:2002:258), punt 48, u s-sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2009, Alcoa Trasformazioni vs Il‑Kummissjoni (T‑332/06, mhux ippubblikata, EU:T:2009:79), punt 61.

( 28 ) Sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑562/19 P, EU:C:2021:201), punti 5052.