KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fis‑26 ta’ Jannar 2023 ( 1 )

Kawża C‑689/21

X

vs

Udlændinge- og Integrationsministeriet

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Lvant, id-Danimarka))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Artikolu 20 TFUE – Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Ċittadinanza ta’ Stat Membru u ta’ Stat terz – Telf ipso jure taċ-ċittadinanza tal-Istat Membru fl-età ta’ 22 sena minħabba nuqqas ta’ rabta effettiva fl-assenza ta’ talba għaż-żamma qabel dik id-data – Telf taċ-ċittadinanza tal-Unjoni – Eżami tal-prinċipju ta’ proporzjonalità tal‑konsegwenzi tat-telf fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni”

I. Introduzzjoni

1.

Il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tipprevedi t-telf ipso jure tan-nazzjonalità taċ-ċittadini ta’ dan l-Istat Membru, taħt ċerti kundizzjonijiet, fl-età ta’ 22 sena minħabba n-nuqqas ta’ rabta effettiva u fl-assenza ta’ talba għaż-żamma taċ-ċittadinanza qabel dik id-data. Dan iġib miegħu għalhekk, għall-persuna kkonċernata, it-telf tal-istatus tagħha ta’ ċittadin tal-Unjoni, mingħajr ma l-awtoritajiet nazzjonali jwettqu stħarriġ ta’ proporzjonalità, fid-dawl tad-dritt tal‑Unjoni, tal‑konsegwenzi li dan it-telf iġib miegħu fuq is-sitwazzjoni ta’ din il‑persuna meta t-talba titressaq wara din l-età.

2.

Il-qorti tar-rinviju tixtieq li tingħata kjarifiki dwar il-kwistjoni jekk tali leġiżlazzjoni nazzjonali hijiex konformi mal-Artikolu 20 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 7 tal-Karta tad‑Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

3.

Din il-kawża hija r-raba’ parti tal-kapitolu relatat mal-obbligi tal‑Istati Membri fil-qasam tal-ksib u t-telf taċ-ċittadinanza fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, li nfetaħ permezz tal-kawża li wasslet għas-sentenza Rottmann ( 2 ). Il-ġurisprudenza li ħarġet minn din is-sentenza ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Tjebbes et ( 3 ) u Wiener Landesregierung (Revoka ta’ assigurazzjoni ta’ naturalizzazzjoni) ( 4 ). Din il-kawża toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-okkażjoni li teżamina mill-ġdid il‑kundizzjonijiet tat-telf ipso jure taċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru li jġib miegħu t-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni fid-dawl tar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Tjebbes et.

II. Il‑kuntest ġuridiku

A. Id‑dritt tal‑Unjoni

4.

L-Artikolu 20(1) TFUE jistabbilixxi ċ-ċittadinanza tal-Unjoni u jistipula li “[k]walunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru” hija ċittadina tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 20(2)(a) TFUE, iċ‑ċittadini tal-Unjoni għandhom id-“dritt ta’ moviment liberu u d-dritt ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri”.

5.

Skont l-Artikolu 7 tal-Karta, kull persuna għandha d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta’ darha u tal-kommunikazzjonijiet tagħha.

B. Id‑dritt Daniż

6.

L-Artikolu 8(1) tal-Lov nr. 422 om dansk indfødsret, lovbekendtgørelse (il-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza Daniża (Avviż Legali Nru 422), tas‑7 ta’ Ġunju 2004, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall‑kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar iċ-Ċittadinanza”), tipprevedi:

“Persuna mwielda fl-esteru, li qatt ma rrisjediet fit-territorju nazzjonali u lanqas qagħdet fih f’ċirkustanzi li juru rabta mad-Danimarka, titlef iċ-ċittadinanza tagħha fl-età ta’ 22 sena, sakemm ma ssirx apolida. Madankollu, il-Ministru għar-Refuġjati, għall-Immigranti u għall-Integrazzjoni, jew il-persuna awtorizzata minn għal dan il-għan, jista’, fuq talba mressqa qabel din id-data, jawtorizza ż-żamma taċ-ċittadinanza.”

7.

Is-cirkulæreskrivelse nr. 10873 om naturalisation (iċ-Ċirkulari dwar in-Naturalizzazzjoni Nru 10873), tat‑13 ta’ Ottubru 2015, ġiet emendata permezz taċ-Ċirkulari Nru 9248 tas‑16 ta’ Marzu 2016 (iktar ’il quddiem iċ-“Ċirkulari dwar in-Naturalizzazzjoni”).

8.

Skont iċ-Ċirkulari dwar in-Naturalizzazzjoni, l-ex ċittadini Daniżi li tilfu ċ-ċittadinanza Daniża tagħhom skont l-Artikolu 8(1) tal-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza għandhom, bħala regola, jissodisfaw il-kundizzjonijiet ġenerali ta’ ksib taċ-ċittadinanza Daniża mitluba mil-liġi. Dan ifisser li l-persuni li jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti minn din iċ-ċirkulari f’dak li jirrigwarda l-perijodi li qagħdu fil-pajjiż, l-età, il-kondotta tajba, id-dejn lejn l-awtoritajiet pubbliċi, l-awtosuffiċjenza, l-impjieg, il-konoxxenza tal-lingwa Daniża u l-konoxxenza tas-soċjetà, tal-kultura u l-istorja Daniżi huma inklużi fl-abbozz ta’ liġi tal-Gvern Daniż dwar l-għoti taċ-ċittadinanza. Skont l-Artikolu 5(1) ta’ din iċ-ċirkulari, l-applikant għandu jkun jirrisjedi fit‑territorju nazzjonali fil-mument tat-talba għan-naturalizzazzjoni. Skont l-Artikolu 7 tal-imsemmija ċirkulari, l-applikant għandu jkollu residenza mhux interrotta ta’ disa’ snin.

9.

Skont l-Artikolu 13, moqri flimkien mal-punt 3 tal-Anness 1 tal-istess ċirkulari, ir-rekwiżiti ġenerali dwar ir-residenza jistgħu jkunu inqas stretti fir-rigward ta’ persuni li qabel kellhom iċ-ċittadinanza Daniża jew li huma ta’ oriġini Daniża.

III. Il‑fatti tal‑kawża prinċipali, id‑domanda preliminari u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

10.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li twieldet fil‑5 ta’ Ottubru 1992 fl-Istati Uniti tal-Amerika, għandha, sa mit-twelid tagħha, iċ-ċittadinanza Daniża u Amerikana u qatt ma rrisjediet fid-Danimarka. Hija għandha żewġ ħutha subien u bniet li jgħixu fl-Istati Uniti, u wieħed minnhom għandu ċ-ċittadinanza Daniża, u ma għandha l-ebda ġenitur, ħuha jew oħtha fid-Danimarka.

11.

Fis‑17 ta’ Novembru 2014, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqet quddiem l-Udlændinge – og Integrationsministeriet (il-Ministeru għall-Immigrazzjoni u għall-Integrazzjoni) talba għal ċertifikat ta’ żamma taċ-ċittadinanza Daniża tagħha wara l-età ta’ 22 sena. Abbażi ta’ informazzjoni f’din it-talba, dan il-Ministeru qies li hija kienet irrisjediet fid-Danimarka għal perijodu massimu ta’ 44 ġimgħa qabel ma għalqet 22 sena. Barra minn hekk, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ddikjarat li kienet qagħdet fid-Danimarka għal 5 ġimgħat wara li għalqet 22 sena u li kienet parti mit-tim nazzjonali Daniż tal-basketball tan-nisa fl‑2015. Hija indikat ukoll li kienet irrisjediet għal madwar 3 sa 4 ġimgħat fi Franza matul is-sena 2005. Madankollu xejn ma jindika li kienet irrisjediet barra minn din fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni.

12.

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑31 ta’ Jannar 2017 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Ministeru għall-Immigrazzjoni u għall-Integrazzjoni informa lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali dwar it-telf taċ-ċittadinanza Daniża tagħha peress li kienet laħqet l-età ta’ 22 sena, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 8(1) tal-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza, u li ma kienx possibbli li tirrikorri għad-deroga prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 8(1) ta’ din il-liġi peress li t-talba tagħha għaż-żamma taċ-ċittadinanza Daniża kienet tressqet wara l-età ta’ 22 sena. Din id-deċiżjoni tindika, b’mod partikolari, li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet tilfet iċ-ċittadinanza tagħha meta laħqet l-età ta’ 22 sena, peress li qatt ma rrisjediet fid-Danimarka u lanqas qagħdet fid-Danimarka f’ċirkustanzi li jindikaw rabta ma’ dan l-Istat Membru, peress li l-perijodu kollu taż-żjarat kollha li hija għamlet fit-territorju nazzjonali, qabel l-età ta’ 22 sena, ma kienx ta’ iktar minn 44 ġimgħa.

13.

Fid‑9 ta’ Frar 2018, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqet quddiem il-Københavns byret (il-Qorti Muniċipali ta’ Kopenħagen, id-Danimarka) talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u għar-rieżami tal-kawża. Permezz ta’ digriet tat‑3 ta’ April 2020, il-kawża ntbagħtet quddiem l-Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Lvant, id-Danimarka), li ddeċidiet li teżamina l-kawża fl-ewwel istanza.

14.

Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li, permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Ottubru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑16 ta’ Novembru 2021, l-Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Lvant) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill‑Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“L-Artikolu 20 TFUE, flimkien mal-Artikolu 7 tal-[Karta], jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi, bħala prinċipju, li ċ-ċittadinanza ta’ dak l-Istat Membru tintilef ex lege meta tintlaħaq l-età ta’ 22 sena fil-każ ta’ persuni li jkunu twieldu barra minn dak l-Istat Membru u li qatt ma jkunu għexu f’dak l‑Istat Membru u lanqas ma jkunu rrisjedew hemmhekk f’ċirkustanzi li jindikaw rabta mill-qrib ma’ dak l-Istat Membru, bil-konsegwenza li l‑persuni li wkoll ma jkollhomx ċittadinanza ta’ Stat Membru ieħor jiċċaħħdu mill-istatus ta’ ċittadini tal-Unjoni u mid-drittijiet marbuta ma’ dak l-istatus, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirriżulta li:

a)

tiġi preżunta rabta mill-qrib mal-Istat Membru, b’mod partikolari, wara total ta’ sena residenza f’dak l-Istat Membru,

b)

jekk talba sabiex tinżamm iċ-ċittadinanza tiġi ssottomessa qabel ma tintlaħaq l-età ta’ 22 sena, tista’ tinkiseb awtorizzazzjoni sabiex tinżamm iċ-ċittadinanza ta’ dak l-Istat Membru taħt kundizzjonijiet inqas stretti u għal dan il-għan l-awtoritajiet kompetenti għandhom jeżaminaw il-konsegwenzi tat-telf taċ‑ċittadinanza, u

c)

ċittadinanza mitlufa tista’ tiġi rkuprata meta tintlaħaq l-età ta’ 22 sena biss permezz ta’ naturalizzazzjoni, li fir-rigward tagħha hemm marbuta numru ta’ kundizzjonijiet, inkluż dik ta’ residenza [mhux] interrotta fl-Istat Membru ta’ perijodu twil, għalkemm il‑perijodu ta’ residenza jista’ sa ċertu punt ikun iqsar għal persuni li qabel kienu ċittadini ta’ dak l-Istat Membru?”

15.

Ġew ippreżentati osservazzjoni bil-miktub mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Daniż u dak Franċiż u mill-Kummissjoni Ewropea. L-istess partijiet, bl-eċċezzjoni tal-Gvern Franċiż, kienu rrappreżentati waqt is-seduta li saret fl‑4 ta’ Ottubru 2022 u wieġbu għall-mistoqsijiet li sarulhom oralment mill-Qorti tal-Ġustizzja.

IV. Analiżi legali

16.

Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 20 TFUE, moqri fid-dawl tal‑Artikolu 7 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi, taħt ċerti kundizzjonijiet, it-telf ipso jure taċ-ċittadinanza ta’ dan l-Istat Membru meta tintlaħaq l-età ta’ 22 sena minħabba nuqqas ta’ rabta effettiva fl-assenza ta’ talba sabiex tinżamm iċ-ċittadinanza qabel ma tintlaħaq din l-età, bil-konsegwenza li fil-każ ta’ persuni li ma jkollhomx ukoll ċittadinanza ta’ Stat Membru ieħor jitilfu l-istatus tagħhom ta’ ċittadini tal-Unjoni u d-drittijiet marbuta ma’ dak l-istatus, mingħajr ma jkun twettaq, meta t-talba sabiex tinżamm iċ-ċittadinanza tkun tressqet wara l-età ta’ 22 sena, eżami individwali fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tal-konsegwenzi li tali telf ikollu fuq is-sitwazzjoni tagħhom fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni.

17.

Id-dubji tal-qorti tar-rinviju, dwar il-konformità mal-Artikolu 20 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 7 tal-Karta, tas‑sistema ta’ telf taċ-ċittadinanza Daniża, prevista fl-Artikolu 8(1) tal‑Liġi dwar iċ-Ċittadinanza, li jseħħ fl-età ta’ 22 sena, jirrigwardaw, minn naħa, il-fatt li t-telf ta’ din iċ-ċittadinanza u, għalhekk, tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni huwa awtomatiku u li din id-dispożizzjoni ma tipprevedi l-ebda eċċezzjoni u, min-naħa l-oħra, id-diffikultà li tiġi rkuprata ċ-ċittadinanza permezz ta’ naturalizzazzjoni wara din l-età.

18.

Fl-analiżi tiegħi, ser nuri, qabelxejn, l-aspetti relatati mal-kawża prinċipali li jiena nqis li huma rilevanti għall-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (titolu A). Sussegwentement, ser nuri l-linja ġurisprudenzjali tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar it-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tas-sentenza Tjebbes et, fir‑rigward ta’ liema l-qorti tar-rinviju wriet id-dubji tagħha f’dak li jirrigwarda l‑konformità tas-sistema ta’ telf taċ-ċittadinanza Daniża mad-dritt tal-Unjoni (titolu B). Finalment, ser nanalizza d-domanda preliminari fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza billi nikkonċentra, minn naħa, fuq l-eżami tal-leġittimità tal-għan ta’ interess ġenerali li għandu jintlaħaq bit-telf taċ-ċittadinanza Daniża previst mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, u, min-naħa l-oħra, fuq l-istħarriġ tal-proporzjonalità ta’ dan it-telf, li jirriżulta wkoll fit-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni (titolu C).

A. Fuq l‑aspetti tal‑kawża prinċipali rilevanti għall‑kawża quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

1.   Fuq il‑karatteristiċi tas‑sistema Daniża ta’ telf taċ‑ċittadinanza inkwistjoni fil‑kawża prinċipali

19.

Mill-kuntest legali spjegat mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li t-telf taċ-ċittadinanza Daniża huwa stabbilit, minn naħa, bl-Artikolu 8(1) tal-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza u bil-prassi amministrattiva tal-Ministeru għall-Immigrazzjoni u għall-Integrazzjoni relatata mal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ( 5 ) u, min-naħa l-oħra, biċ-Ċirkulari dwar in-Naturalizzazzjoni, li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet mitluba sabiex tiġi rkuprata ċ-ċittadinanza ta’ ex ċittadini Daniżi li jkunu tilfu ċ-ċittadinanza Daniża tagħhom taħt l-imsemmija dispożizzjoni.

20.

L-ewwel, fir-rigward tal-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza, infakkar li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 8(1) tagħha tipprevedi t-telf ipso jure taċ-ċittadinanza Daniża fl-età ta’ 22 sena għal kull persuna li hija ċittadin Daniż “imwielda fl-esteru, li qatt ma rrisjediet fid-Danimarka u lanqas qagħdet fih f’ċirkustanzi li juru rabta mad-Danimarka, sakemm ma ssirx apolida” ( 6 ). Madankollu, it-tieni sentenza tal-Artikolu 8(1) ta’ din il-liġi tipprevedi deroga għal din ir-regola, jiġifieri li tali ċittadini jistgħu, qabel ma jilħqu l-età ta’ 22 sena, iressqu talba għaż-żamma taċ‑ċittadinanza Daniża tagħhom quddiem il-Ministeru għall-Immigrazzjoni u għall-Integrazzjoni.

21.

It-tieni, fir-rigward tal-prassi amministrattiva tal-Ministeru għall-Immigrazzjoni u għall-Integrazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1) tal-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza, il-qorti tar-rinviju tesponi l-elementi segwenti.

22.

Qabelxejn, fir-rigward tar-regola prevista fl-ewwel sentenza tal‑Artikolu 8(1) tal-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza, din il-qorti tindika, fir‑rigward tal-kriterju ta’ residenza inkwistjoni f’din il-kawża, li hemm distinzjoni skont jekk il-perijodu tar-residenza fid-Danimarka, qabel l‑età ta’ 22 sena, kienx ta’ mill-inqas sena jew ta’ inqas minn sena. Fl‑ewwel każ, il-Ministeru għall-Immigrazzjoni u għall-Integrazzjoni jirrikonoxxi l-eżistenza ta’ “rabta suffiċjenti” mad-Danimarka sabiex tinżamm iċ-ċittadinanza Daniża. Fit-tieni każ, ir-rekwiżiti relatati mar‑rabta li jirriżultaw minn din il-prassi amministrattiva huma madankollu iktar stretti ( 7 ). Fil-fatt, l-applikant għandu jiġġustifika li ż-żjarat għal perijodu ta’ inqas minn sena huma madankollu l-espressjoni ta’ “rabta partikolari mad-Danimarka”. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tispjega li, skont ix-xogħol preparatorju tal-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza ( 8 ), tali żjarat jistgħu jkunu perijodi ta’ servizz militari, ta’ studji superjuri, ta’ taħriġ jew ta’ vaganzi repetuti ta’ ċertu perijodu.

23.

F’dak li jirrigwarda, sussegwentement, id-deroga prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 8(1) tal-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza, il-qorti tar-rinviju tispjega li, skont il-prassi amministrattiva tal-Ministeru għall-Immigrazzjoni u għall-Integrazzjoni, meta l-kundizzjonijiet ta’ residenza jew ta’ żjara ma humiex issodisfatti, u jekk it-talba tressqet qabel ma tintlaħaq l-età ta’ 22 sena ( 9 ), l-enfasi hija fuq sensiela ta’ elementi oħra, bħat-tul totali taż-żjara tal-applikant fid-Danimarka, in‑numru ta’ żjarat f’dan l-Istat Membru, il-fatt li ż-żjarat saru qabel l-età ta’ 22 sena jew li jmorru lura għal numru ta’ snin qabel, kif ukoll il-fatt li l-applikant jitkellem tajjeb id-Daniż u, barra minn hekk, għandu rabta mal-imsemmi Stat Membru.

24.

Finalment, f’dak li jirrigwarda talbiet ta’ żamma taċ-ċittadinanza, mill-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-Ministeru għall-Immigrazzjoni u għall-Integrazzjoni jittratta dawn it-talbiet billi jagħmel distinzjoni bejn tliet każijiet, skont jekk, fil-mument li titressaq it-talba, l-applikant għandux inqas minn 21 sena, huwa bejn 21 u 22 sena, jew iktar minn 22 sena. Jekk l-applikant għandu inqas minn 21 sena, dan il-Ministeru sempliċement joħroġ ċertifikat ta’ ċittadinanza lill-applikant bla ħsara għat-telf taċ-ċittadinanza Daniża skont l-Artikolu 8 tal-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza, u dan, skont din il-qorti, ifisser li l-imsemmi Ministeru jieħu pożizzjoni mhux dwar jekk l-applikant għandux iżomm iċ-ċittadinanza Daniża iżda biss fuq il‑kwistjoni dwar jekk għandux din iċ-ċittadinanza. L-imsemmija qorti tindika li dan ġej mill-fatt li, skont il-prassi tal-istess Ministeru, l‑evalwazzjoni taż-żamma taċ-ċittadinanza għandha sseħħ l-iktar qrib possibbli għall-età ta’ 22 sena.

25.

Il-qorti tar-rinviju tispjega, barra minn hekk, li anki jekk din il-prassi amministrattiva Daniża kompliet tiġi applikata minkejja l-għoti tas-sentenza Tjebbes et, mogħtija wara d-deċiżjoni fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 8(1) tal-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza madankollu ġie emendat. Hija tindika li din l-emenda timplika li l-Ministeru għall-Immigrazzjoni u għall-Integrazzjoni issa għandu, fil-każ ta’ talba għaż-żamma taċ‑ċittadinanza qabel l-età ta’ 22 sena, jieħu inkunsiderazzjoni ċertu numru ta’ elementi addizzjonali sabiex jipproċedi għal eżami individwali tal-effetti, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, tat-telf taċ‑ċittadinanza Daniża u, għalhekk, taċ-ċittadinanza tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, dan il-Ministeru huwa obbligat jevalwa jekk dawn l-effetti humiex proporzjonali mal-għan tal-leġiżlazzjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-eżistenza ta’ rabta effettiva bejn iċ-ċittadini Daniżi u d-Danimarka.

26.

It-tielet, fir-rigward taċ-Ċirkulari dwar in-Naturalizzazzjoni, il-qorti tar-rinviju tispjega li l-ex ċittadini Daniżi li tilfu ċ-ċittadinanza Daniża skont l-Artikolu 8(1) tal-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza għandhom il-possibbiltà li jitolbu ċ-ċittadinanza Daniża permezz ta’ naturalizzazzjoni u li, f’dan il-każ, huma għandhom, bħala regola, jissodisfaw sensiela ta’ kundizzjonijiet ġenerali ta’ ksib taċ-ċittadinanza Daniża previsti minn din il-liġi ( 10 ). Madankollu, dawn il-kundizzjonijiet jistgħu jkunu inqas stretti fir-rigward ta’ tali ċittadini f’dak li jirrigwarda t-tul taż-żjara mhux interrotta ta’ disa’ snin mitluba fid-Danimarka ( 11 ). Madankollu, minn indikazzjonijiet mogħtija minn din il-qorti jirriżulta li dan it-tnaqqis, minn naħa, għandu kamp ta’ applikazzjoni limitat ferm u, min-naħa l-oħra, ma jibdel xejn mill-fatt li, skont l-Artikolu 5(1) ta’ din iċ-ċirkulari, l-applikant għandu jirrisjedi fit-territorju nazzjonali fil-mument tat-talba ( 12 ).

2.   Fuq is‑sitwazzjoni tar‑rikorrenti fil‑kawża prinċipali

27.

F’dak li jirrigwarda s-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tispjega l-konstatazzjonijiet fattwali segwenti: hija għandha ċ-ċittadinanza doppja Daniża u Amerikana; hija twieldet fl-Istati Uniti u qatt ma rrisjediet fid-Danimarka; madankollu hija kienet f’dan l-Istat Membru għal 44 ġimgħa qabel l-età ta’ 22 sena u għal 5 ġimgħat wara din l-età; hija ressqet talba għaż-żamma taċ‑ċittadinanza lill-Ministeru għall-Immigrazzjoni u għall-Integrazzjoni 43 jum wara li għalqet 22 sena; permezz tad-deċiżjoni kkontestata, hija ġiet informata, minn naħa waħda, bit-telf taċ-ċittadinanza Daniża tagħha meta laħqet l-età ta’ 22 sena minħabba nuqqas ta’ rabta effettiva u fl-assenza ta’ talba għaż-żamma taċ-ċittadinanza qabel din id-data, skont l‑ewwel sentenza tal-Artikolu 8(1) tal-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza, u, min-naħa l-oħra, li hija ma kinitx tibbenefika mid-deroga prevista fit‑tieni sentenza tal-Artikolu 8(1) ta’ din il-liġi, peress li t-talba tagħha tressqet wara li hija laħqet l-età ta’ 22 sena.

B. Fuq il‑linja ġurisprudenzjali tal‑Qorti tal‑Ġustizzja dwar it‑telf tal‑istatus ta’ ċittadin tal‑Unjoni

28.

Fl-argumenti segwenti, ser nispjega l-ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja dwar it-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni u l-elementi sinjifikattivi tal-iżvilupp tagħha għall-analiżi ta’ din il-kawża.

1.   Is‑sentenza Rottmann: l‑istabbiliment tal‑prinċipju tal‑istħarriġ ġudizzjarju fid‑dawl tad‑dritt tal‑Unjoni

29.

Fis-sentenza tagħha Rottmann ( 13 ), li kienet tirrigwarda l-eżami ta’ deċiżjoni ta’ revoka tan-naturalizzazzjoni adottata mill-awtoritajiet Ġermaniżi, il-Qorti tal-Ġustizzja, qabelxejn, ikkonfermat il-prinċipju, stabbilit fis-snin 90 ( 14 ), li l-kompetenza tal-Istati Membri fil-qasam tal‑ksib u t-telf taċ-ċittadinanza għandha tkun eżerċitata b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni ( 15 ). Sussegwentament hija kkjarifikat il-portata ta’ dan il-prinċipju billi spjegat li “il-fatt li settur huwa ta’ kompetenza tal‑Istati Membri, ma jipprekludix, f’sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt id‑dritt tal-Unjoni, li r-regoli nazzjonali kkonċernati għandhom ikunu konformi ma’ dan tal-aħħar” ( 16 ). Hija b’hekk qieset li, fid-dawl tan‑natura fundamentali tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni mogħtija bl‑Artikolu 20 TFUE, is-sitwazzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni li huwa kkonfrontat b’deċiżjoni ta’ revoka tan-naturalizzazzjoni adottata mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru li tpoġġih, wara li tilef iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru ieħor li kellu oriġinarjament, f’sitwazzjoni li tista’ twassal sabiex jitlef dan l-istatus u d-drittijiet marbuta miegħu, taqa’ min-natura tagħha stess u l-konsegwenzi tagħha, taħt id-dritt tal-Unjoni ( 17 ).

30.

Il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet ukoll il-prinċipju li, meta jkun hemm ċittadini tal-Unjoni, l-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, sa fejn jaffettwa d-drittijiet mogħtija u mħarsa mill-ordinament ġuridiku tal‑Unjoni, bħalma huwa b’mod partikolari l-każ ta’ deċiżjoni għar‑revoka tan-naturalizzazzjoni, jista’ jkun suġġett għal stħarriġ ġudizzjarju fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni ( 18 ). B’hekk, wara li kkonkludiet dwar il-leġittimità, fil-bidu, ta’ deċiżjoni ta’ revoka tan-naturalizzazzjoni bbażata fuq manuvri frawdolenti ( 19 ), hija ddikjarat li tali deċiżjoni madankollu tista’ tkun suġġetta għal eżami tal-proporzjonalità sabiex jitqiesu “il-konsegwenzi eventwali li din id‑deċiżjoni jkollha fuq il-persuna kkonċernata u, jekk ikun il-każ, fuq il-membri tal-familja tagħha f’dak li jikkonċerna t-telf tad-drittijiet li jgawdi kull ċittadin tal-Unjoni” ( 20 ).

31.

Il-Qorti tal-Ġustizzja finalment iddeċidiet li l-Artikolu 20 TFUE ma jipprekludix li Stat Membru jirrevoka lil ċittadin tal-Unjoni ċ‑ċittadinanza ta’ dan l-Istat Membru miksuba permezz tan-naturalizzazzjoni meta din tkun inkisbet b’mod frawdolenti sakemm din id-deċiżjoni ta’ revoka tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 21 ).

32.

Din il-ġurisprudenza ġiet ikkonfermata u kkompletata fuq xi punti minn żewġ sentenzi ulterjuri tal-Qorti tal-Ġustizzja.

2.   Is‑sentenza Tjebbes et: l‑importanza tal‑eżami individwali tal‑konsegwenzi tat‑telf tal‑istatus ta’ ċittadin tal‑Unjoni fil‑qafas tal‑istħarriġ ta’ proporzjonalità

33.

Fis-sentenza Tjebbes et, li kienet tirrigwarda l-eżami fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni ta’ kundizzjoni ġenerali ta’ telf ipso jure taċ‑ċittadinanza Olandiża ( 22 ) u, għalhekk, tal-istatus ta’ ċittadin tal‑Unjoni għall-persuni kkonċernati ( 23 ), il-punt ta’ tluq tar-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja hija l-konferma tal-prinċipju stabbilit fil‑ġurisprudenza preċedenti ( 24 ). B’hekk, billi bbażat ruħha fuq il-punti 42 u 45 tas-sentenza Rottmann, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li s-sitwazzjoni ta’ ċittadini tal-Unjoni li għandhom iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru wieħed biss u li, minħabba t-telf ta’ din iċ-ċittadinanza, jaffaċċjaw it-telf tal-istatus ta’ ċittadini tal-Unjoni, mogħti bl-Artikolu 20 TFUE, kif ukoll tad-drittijiet marbuta miegħu, taqa’, min-natura u mill-konsegwenzi tagħha stess, taħt id-dritt tal-Unjoni u li l-Istati Membri għandhom għalhekk, fl-eżerċizzju tal‑kompetenza tagħhom fil-qasam taċ-ċittadinanza, josservaw id-dritt tal-Unjoni ( 25 ).

34.

B’mod iktar preċiż, fl-ewwel lok, filwaqt li fakkret b’mod partikolari li, fl-eżerċizzju tal-kompetenza tiegħu li jippermettilu jiddefinixxi l-kundizzjonijiet tal-ksib u tat-telf taċ-ċittadinanza, huwa leġittimu li Stat Membru jqis li ċ-ċittadinanza tirrifletti espressjoni ta’ rabta effettiva bejnu u bejn iċ-ċittadini tiegħu, u li jorbot, konsegwentament in-nuqqas jew it-tmiem ta’ tali rabta effettiva mat-telf taċ-ċittadinanza tiegħu ( 26 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li d-dritt tal‑Unjoni ma jipprekludix, bħala regola, f’sitwazzjonijiet bħal dawk imsemmija fil-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata, li Stat Membru jipprevedi, għal raġunijiet ta’ interess ġenerali, it-telf taċ-ċittadinanza tiegħu, anki jekk dan it-telf iwassal, għall-persuna kkonċernata, għat-telf tal-istatus tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni ( 27 ).

35.

Madankollu, fit-tieni lok, filwaqt li rrilevat l-importanza tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità mill-awtoritajiet kompetenti u l-qrati nazzjonali f’dawn is-sitwazzjonijiet, il-Qorti tal‑Ġustizzja ddikjarat li t-telf ipso jure taċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru huwa inkompatibbli ma’ dan il-prinċipju li kieku r-regoli nazzjonali rilevanti ma kienu jippermettu, f’ebda mument, eżami individwali tal-konsegwenzi li jinvolvi dan it-telf għall-persuni kkonċernati fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni ( 28 ).

36.

Minn dan isegwi, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, li f’sitwazzjoni fejn it-telf taċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru jseħħ ipso jure u jwassal għat-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali kompetenti għandhom ikunu f’pożizzjoni li jeżaminaw, b’mod inċidentali, il-konsegwenzi ta’ dan it-telf ta’ ċittadinanza u, jekk ikun il-każ, li jirkupraw ex tunc iċ-ċittadinanza tal-persuna kkonċernata, meta hija tapplika għal dokument tal-ivvjaġġar jew kwalunkwe dokument ieħor li juri ċ-ċittadinanza tagħha ( 29 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet ukoll li dan l-eżami ta’ proporzjonalità jimponi fuq l-awtoritajiet nazzjonali u fuq il-qrati nazzjonali l-obbligu li jiżguraw li tali telf ta’ ċittadinanza huwa konformi mad-drittijiet fundamentali protetti mill-Karta li tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura r-rispett u, b’mod partikolari, tad-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja, kif stipulat fl‑Artikolu 7 tal-Karta ( 30 ).

37.

Il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenzi Rottmann u Tjebbes et ġiet ikkonfermata mis-sentenza Wiener Landesregierung, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet b’mod ċar dwar in-nuqqas ta’ kompatibbiltà mal-prinċipju ta’ proporzjonalità tad-deċiżjoni inkwistjoni f’din l-aħħar kawża.

3.   Is‑sentenza Wiener Landesregierung: inkompatibbiltà mal‑prinċipju ta’ proporzjonalità tad‑deċiżjoni kkontestata inkwistjoni f’din il‑kawża

38.

Nirreferri għall-kunsiderazzjonijiet li għamilt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Wiener Landesregierung ( 31 ) u ser nillimita ruħi sabiex hawnhekk infakkar, għal kjarezza, ftit punti utili tas-sentenza Wiener Landesregierung għall-analiżi tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju fil-qafas ta’ din il-kawża.

39.

F’din il-kawża, qorti Awstrijaka xtaqet tkun taf jekk is‑sitwazzjoni ta’ persuna li għandha biss iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru wieħed, li tirrinunzja għal din iċ-ċittadinanza u titlef, b’dan il-fatt, l-istatus tagħha ta’ ċittadina tal-Unjoni, sabiex tikseb iċ-ċittadinanza Awstrijaka, wara l-assigurazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet Awstrijaċi li din iċ-ċittadinanza ser tingħatalha, taqa’, min-natura tagħha stess u mill-konsegwenzi tagħha, taħt id-dritt tal‑Unjoni meta din l-assigurazzjoni hija rrevokata, bl-effett li tipprekludi lil din il-persuna milli tirkupra l-istatus ta’ ċittadina tal‑Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet fl-affermattiv għal din id‑domanda biex b’hekk ikkonfermat l-applikabbiltà tad-dritt tal-Unjoni għal tali sitwazzjoni ( 32 ).

40.

Il-qorti Awstrijaka staqsiet ukoll jekk l-awtoritajiet kompetenti u, jekk ikun il-każ, il-qrati nazzjonali tal-Istat Membru ospitanti, humiex obbligati jivverifikaw jekk id-deċiżjoni ta’ revoka tal-assigurazzjoni li tirrigwarda l-għoti taċ-ċittadinanza ta’ dan l-Istat Membru, li tagħmel definittiv it-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni tal-persuna kkonċernata, hijiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità fid-dawl tal-konsegwenzi li ġġib magħha fuq is-sitwazzjoni ta’ din il‑persuna. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet ukoll fl-affermattiv għal din id-domanda billi kkonfermat l-obbligu tal-qrati nazzjonali tal-Istat Membru ospitanti li jivverifika l-kompatibbiltà tad-deċiżjoni nazzjonali inkwistjoni mal-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 33 ).

41.

Nixtieq niġbed l-attenzjoni fuq xi punti ta’ din is-sentenza.

42.

Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat l-importanza tal-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni individwali tal-persuna kkonċernata kif ukoll, jekk ikun il-każ, ta’ dik tal-familja tagħha fil-qafas tal-eżami tal‑osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità stabbilit mid-dritt tal‑Unjoni ( 34 ). F’dan ir-rigward, hija rrepetiet il-ġurisprudenza stabbilita tagħha li huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u, jekk ikun il-każ, il-qrati nazzjonali li għandhom jiżguraw li d-deċiżjoni nazzjonali kkonċernata hija konformi mad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta u, b’mod partikolari, tad-dritt għar-rispett tal-ħajja tal‑familja, kif stabbilit fl-Artikolu 7 tagħha ( 35 ).

43.

Fit-tieni lok, wara li eżaminat ir-raġunijiet ta’ ġustifikazzjoni tad-deċiżjoni nazzjonali li wasslet għat-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni mressqa mill-Gvern Awstrijak ( 36 ), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, fid-dawl tal-konsegwenzi sinjifikattivi fuq is-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata u, b’mod partikolari, fuq l-iżvilupp normali tal-ħajja familjari u professjonali tagħha, li kienet tinvolvi d-deċiżjoni li tiġi rrevokata l-assigurazzjoni dwar l-għoti tan-nazzjonalità Awstrijaka, li għandha l-effett li tagħmel definittiv it-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal‑Unjoni, din id-deċiżjoni ma tidhirx li hija proporzjonata għall-gravità tar-reati mwettqa minn din il-persuna ( 37 ). Konsegwentament, hija ddeċidiet li “[i]r-rekwiżit ta’ kompatibbiltà mal-prinċipju ta’ proporzjonalità ma jkunx issodisfatt meta tali deċiżjoni tkun motivata minn reati amministrattivi fir-rigward tal-kodiċi tat-triq, li, skont id-dritt nazzjonali applikabbli, jinvolvu sempliċi sanzjoni pekunjarja”. Fi kliem ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja, għall-ewwel darba fil-qafas ta’ din il‑ġurisprudenza, enfasizzat li tali deċiżjoni nazzjonali ma hijiex konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalita tad-dritt tal-Unjoni ( 38 ).

4.   Il‑prinċipji ġurisprudenzjali relatati mal‑analiżi tal‑kundizzjonijiet ta’ ksib u ta’ telf taċ‑ċittadinanza fid‑dawl tad‑dritt tal‑Unjoni

44.

Il-linja ġurisprudenzjali tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar it-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni hija kkostitwita essenzjalment minn żewġ prinċipji ġurisprudenzjali.

45.

L-ewwel prinċipju huwa dak li l-kompetenza tal-Istati Membri fil-qasam tal-ksib u tat-telf taċ-ċittadinanza għandha tkun eżerċitata b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni. Biex dan il-prinċipju jinftiehem jeħtieġ li tinftiehem tajjeb id-distinzjoni bejn din il-kompetenza esklużiva u l-eżerċizzju tagħha bl-osservanza tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, inħoss li għandi nirrileva li din il‑kompetenza tal-Istati Membri qatt ma ġiet ikkontestata mill-Qorti tal‑Ġustizzja. Kif kiteb l-Avukat Ġenerali Poiares Maduro, “il-ksib u t‑telf taċ-ċittadinanza (u, għaldaqstant, taċ-ċittadinanza tal-Unjoni) ma humiex per se rregolati mid-dritt [tal-Unjoni], iżda l-kundizzjonijiet tal‑ksib u tat-telf taċ-ċittadinanza għandhom ikunu kompatibbli mar‑regoli [tad-dritt tal‑Unjoni] u għandhom jirrispettaw id-drittijiet taċ-ċittadin Ewropew” ( 39 ). Konsegwentement, minn dan il-prinċipju ma hijiex kwistjoni li tiġi dedotta l-impossibbiltà assoluta li tiġi rtirata ċ-ċittadinanza f’każ fejn it-telf tagħha jwassal għat-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, u lanqas li jiġi kkunsidrat li l-kundizzjonijiet tal-ksib u tat-telf taċ-ċittadinanza ma humiex suġġetti għall-istħarriġ tad-dritt tal-Unjoni ( 40 ). Fil-fatt, l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni jiċċaħħad mill‑effett utili tiegħu u, għalhekk, id-drittijiet li huwa jagħti ma għandhomx jinkisru bl-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tosservax id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, il-prinċipji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif imfakkra iktar ’il fuq ( 41 ).

46.

It-tieni prinċipju huwa dak li l-istħarriġ ġudizzjarju għandu jiġi eżerċitat fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fil-kuntest tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandhom jiġu osservati numru ta’ elementi: qabelxejn, l-eżami individwali tal-konsegwenzi tat-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni għall-persuna kkonċernata u għall-membri tal-familja tiegħu f’dak li jirrigwarda t-telf tad-drittijiet li għandu kull ċittadin tal-Unjoni; sussegwentement, ir-rekwiżit ta’ konformità ta’ dawn il-konsegwenzi mad-drittijiet fundamentali protetti mill-Karta u, finalment, jekk ikun il‑każ, l-obbligu li tiġi rkuprata ex tunc iċ-ċittadinanza tal-persuna kkonċernata. Dawn l-elementi huma essenzjali għall-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni u l-eżami tal-proporzjonalità tat-telf taċ-ċittadinanza li jġib miegħu t-telf tal‑istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni mitlub mill-Qorti tal-Ġustizzja għandu jsir b’mod komplet u ddettaljat mill-awtoritajiet kompetenti u mill-qrati nazzjonali.

47.

Konsegwentament, ma hemmx dubju li huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li t-telf taċ-ċittadinanza, li jġib miegħu t-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, previst mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi eżaminat.

C. Fuq l‑applikazzjoni tal‑prinċipji ġurisprudenzjali għal din il‑kawża

48.

Qabelxejn infakkar li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, bis-saħħa tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 8(1) tal-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza, tilfet ex lege ċ-ċittadinanza Daniża tagħha meta laħqet l-età ta’ 22 sena minħabba nuqqas ta’ rabta effettiva mad-Danimarka u, peress li t-talba għaż-żamma taċ-ċittadinanza Daniża tagħha tressqet wara l-età ta’ 22 sena, ma setgħetx tibbenefika mid-deroga prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 8(1) ta’ din il-liġi.

49.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għalhekk tinsab affaċċjata bit‑telf tal-istatus tagħha ta’ ċittadinanza tal-Unjoni, li, skont ġurisprudenza stabbilita, huwa intiż li jkun l-istatus fundamentali taċ‑ċittadini tal-Istati Membri ( 42 ).

50.

Fid-dawl tal-qafas ġurisprudenzjali spjegat iktar ’il fuq ( 43 ) u, b’mod partikolari, tas-sentenza Tjebbes et, huwa ċar li s-sitwazzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni li għandu biss iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru wieħed u li huwa affaċċjat bit-telf tal-istatus mogħti bl‑Artikolu 20 TFUE u tad-drittijiet marbuta ma’ dak l-istatus taqa’, min-natura tagħha u mill-konsegwenzi tagħha, taħt id-dritt tal-Unjoni ( 44 ). Minn dan isegwi, peress li s-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li r-Renju tad-Danimarka għandu, fl-eżerċizzju tal-kompetenza tiegħu fil-qasam taċ-ċittadinanza, tirrispetta dan id-dritt u li din is-sitwazzjoni għandha tkun suġġett għal stħarriġ fid-dawl ta’ dan id-dritt ( 45 ).

51.

Fir-rigward ta’ din il-konstatazzjoni tqum il-kwistjoni dwar jekk it-telf ipso jure taċ-ċittadinanza, previst fl-Artikolu 8(1) tal-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza Daniża huwiex konformi mad-dritt tal-Unjoni, Jien infakkar li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex it-telf taċ-ċittadinanza prevista minn leġiżlazzjoni nazzjonali tkun konformi ma’ dan id-dritt, hija għandu jkollha motiv ta’ interess ġenerali, li jfisser li tkun adattata sabiex jintlaħaq l-għan li għandu jintlaħaq u li t-telf taċ-ċittadinanza li din il-leġiżlazzjoni ġġib magħha ma huwiex att arbitrarju ( 46 ).

52.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssostni li minkejja li t-telf awtomatiku u mingħajr eċċezzjoni taċ-ċittadinanza, previst fl-Artikolu 8(1) tal-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza, għandu skop legali u għan li għandu jintlaħaq ta’ żamma ta’ rabta effettiva u ta’ salvagwardja tar-relazzjoni partikolari ta’ solidarjetà u ta’ lealtà bejn l-Istat Membru u ċ-ċittadini tiegħu, madankollu ma huwiex adattat sabiex jiżgura dan l-għan. Barra minn hekk, it-telf awtomatiku previst minn din id-dispożizzjoni ma huwiex proporzjonat u għalhekk jidher li huwa kuntrarju għall-Artikolu 20 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 7 tal-Karta.

53.

Minn naħa l-oħra, il-Gvern Daniż isostni, fl-osservazzjonijiet bil‑miktub tiegħu, li l-eżami tal-legalità u tal-proporzjonalità tal‑Artikolu 8(1) tal-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza fir-rigward tal-persuni li laħqu l-età ta’ 22 sena fil-mument tat-talba għaż-żamma taċ‑ċittadinanza għandu jkun ibbażat fuq evalwazzjoni globali tas‑sistema Daniża tat-telf u tal-irkupru taċ-ċittadinanza. Il-proporzjonalità tat-telf ex lege taċ-ċittadinanza Daniża għall-persuni li laħqu l-età ta’ 22 sena għandha tkun evalwata fid-dawl tar-regoli taż‑żamma taċ-ċittadinanza sa dik l-età, li huma, meħuda flimkien, indulġenti ferm. Barra minn hekk, dan il-Gvern iqis li l-legalità u l-proporzjonalità tar-regoli relatati mat-telf taċ-ċittadinanza Daniża huma sostnuti mill-fatt li huwa jista’ jawtorizza, abbażi ta’ evalwazzjoni każ b’każ, iż-żamma taċ-ċittadinanza meta t-talba titressaq qabel ma tintlaħaq l-età ta’ 22 sena.

54.

Għalhekk ser neżamina, fid-dawl tal-ġurisprudenza esposta, jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, li tistipula t-telf taċ-ċittadinanza Daniża u li ġġib magħha t-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, għandhiex motiv leġittimu u hijiex adattata sabiex jintlaħaq l-għan li għandu jintlaħaq u jekk is-sistema ta’ telf taċ-ċittadinanza Daniża tosservax il-prinċipju ta’ proporzjonalità f’dak li jirrigwarda l-konsegwenzi li hija għandha fuq is-sitwazzjoni tar‑rikorrenti fil-kawża prinċipali.

1.   Fuq l‑eżami tal‑leġittimità tal‑motiv ta’ interess ġenerali li għandu jintlaħaq mis‑sistema ta’ telf taċ‑ċittadinanza Daniża

55.

Fl-ewwel lok, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li huwa leġittimu għal Stat Membru li jkun jixtieq jipproteġi r-relazzjoni partikolari ta’ solidarjetà u ta’ lealtà bejnu u ċ-ċittadini tiegħu kif ukoll ir-reċiproċità tad-drittijiet u tad-dmirijiet, li huma l-qafas tar-rabta taċ‑ċittadinanza ( 47 ). Fl-opinjoni tagħha, għalhekk huwa leġittimu għal Stat Membru, fl-eżerċizzju tal-kompetenza tiegħu li tippermettilu jiddefinixxi l-kundizzjonijiet tal-ksib u tat-telf taċ-ċittadinanza, li jqis li ċ-ċittadinanza tirrifletti espressjoni ta’ rabta effettiva bejnu u bejn iċ‑ċittadini tiegħu, u li jorbot konsegwentement l-assenza jew it-tmiem ta’ tali rabta effettiva mat-telf taċ-ċittadinanza tiegħu ( 48 ).

56.

Fit-tieni lok, infakkar ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkazzjoni tispjega, fis-sentenza Tjebbes et, li kriterju bbażat fuq ir-residenza abitwali taċ-ċittadini ta’ dan l-Istat Membru għal perijodu suffiċjentament twil “barra mi[l]l-Istat Membru [kkonċernat] u t‑territorji li għalihom japplika t-Trattat UE” jista’ jitqies li jirrifletti n‑nuqqas ta’ tali rabta effettiva ( 49 ).

57.

F’dan il-każ, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, l‑Artikolu 8(1) tal-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza huwa intiż sabiex jipprekludi t-trażmissjoni taċ-ċittadinanza Daniża matul ġenerazzjonijiet lil persuni li ma għandhomx jew ma għadx għandhom rabta effettiva mad-Danimarka. Skont il-Gvern Daniż, il-leġiżlatur Daniż qies li l‑persuni mwielda fl-esteru u li ma għexux fid-Danimarka jew irrisjedew f’dan l-Istat Membru għal perijodu sinjifikattiv jitilfu progressivament il-lealtà, is-solidarjetà u r-rabta tagħhom ma’ dan l-Istat iktar ma jikbru ( 50 ).

58.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena tal-opinjoni li, kif isostnu l-Gvern Daniż u dak Franċiż kif ukoll il-Kummissjoni, bħala regola, huwa leġittimu, għal Stat Membru li jqis li l-persuni mwielda fl-esteru u li ma jkunux rrisjedew jew żaru dan l-Istat Membru b’mod li juri rabta effettiva miegħu, jistgħu jitilfu progressivament ir-relazzjoni ta’ lealtà u ta’ solidarjetà kif ukoll ir-rabta tagħhom mal-imsemmi Stat Membru. F’dan ir-rigward, nirrileva li l-Artikolu 7(1)(e) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar in-Nazzjonalità jistipula li n-nazzjonalità tista’ tintilef ipso jure fin-nuqqas ta’ rabta effettiva bejn l-Istat u ċittadin li jirrisjedi abitwalment barra mill-pajjiż ( 51 ).

59.

Konsegwentement, jidhirli, bħala regola, leġittimu għal Stat Membru li, minn naħa, jiddeċiedi li kriterji bħal dak ta’ żjarat fit-territorju tiegħu għal perijodi li t-tul kumulattiv tagħhom huwa tal-inqas sena ma jindikawx rabta effettiva ma’ dan l-Istat Membru u, min-naħa l-oħra, li jistgħu jistabbilixxu età, bħal f’dan il-każ l-età ta’ 22 sena, sabiex jeżaminaw jekk il-kundizzjonijiet ta’ telf taċ‑ċittadinanza humiex issodisfatti.

60.

Minkejja dan, għandi nsemmi, għal finijiet ta’ kompletezza, kwistjoni importanti, imqajma mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha u diskussa waqt is-seduta wara mistoqsija tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tmur lil hinn mill-problema li biha hija affaċċjata l-qorti tar-rinviju. Din hija l-kwistjoni dwar jekk kriterju ta’ telf taċ‑ċittadinanza li huwa bbażat fuq il-fatt li ċittadin Daniż jirrisjedi barra mid-Danimarka u li ma jagħmilx distinzjoni bejn residenza fi ħdan l-Unjoni u residenza fi ħdan Stat terz jistax jitqies bħala kriterju leġittimu fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, meta dan it-telf iġib miegħu t-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni ( 52 ).

61.

Fil-fatt, l-applikazzjoni ta’ tali kriterju ta’ residenza għandha bħala konsegwenza, kif korrettament enfasizzat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub u orali tagħha, li persuna, ċittadina Daniża u li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat terz, imwielda fi Stat Membru ieħor, b’omm jew missier Daniż li jkunu eżerċitaw id-dritt għal moviment liberu tagħhom skont l-Artikolu 21 TFUE, titlef b’hekk iċ‑ċittadinanza Daniża ipso jure u, b’hekk, l-istatus ta’ ċittadina tal‑Unjoni, jekk, meta tilħaq l-età ta’ 22 sena, hija tissodisfa l‑kundizzjonijiet kumulattivi previsti fl-ewwel sentenza tal‑Artikolu 8(1) tal-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza u li ma tibbenefikax mid‑deroga prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 8(1) ta’ din il-liġi. Fi kliem ieħor, l-eżerċizzju tad-drittijiet marbuta mal-istatus ta’ ċittadini tal-Unjoni tal-ġenituri tagħha jwassal, paradossalment, sabiex din il-persuna titlef it-totalità tad-drittijiet marbuta mal-istatus ta’ ċittadina tal-Unjoni tagħha ( 53 ). Barra minn hekk, dan it-telf iseħħ, ukoll, meta din il-persuna, imwielda fi Stat Membru ieħor, tuża, bejn l-età ta’ 18 u ta’ 22 sena, id-dritt għal moviment liberu u ta’ residenza, b’mod partikolari, sabiex taħdem jew toqgħod fi Stat Membru ieħor ( 54 ).

62.

F’dan ir-rigward, anki jekk naqbel mad-dubji tal-Kummissjoni dwar il-leġittimità ta’ tali kriterju ta’ residenza u fuq l-effett ġenerali tiegħu fuq il-moviment liberu taċ-ċittadini fi ħdan l-Unjoni, ma nemminx li, f’dan il-każ, analiżi speċifika u ddettaljata ffukata fuq dan l-element hija neċessarja sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju. Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, bl-eċċezzjoni ta’ żjara ta’ 3 jew 4 ġimgħat fi Franza ( 55 ), ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali qatt ma qagħdet fi Stat Membru ieħor minbarra d-Danimarka u dejjem irrisjediet fl-Istati Uniti. Madankollu ser nippreżenta l-kummenti segwenti f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha opinjoni differenti.

63.

Qabelxejn, infakkar li l-kwistjoni esposta fil-punti preċedenti ma qamitx fil-kawża li wasslet għas-sentenza Tjebbes et peress li l-kriterju bbażat fuq ir-residenza previst mil-leġiżlazzjoni Olandiża fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza ma kienx jiddistingwixxi bejn residenza fil‑Pajjiżi l-Baxxi u residenza fi Stat Membru ieħor ( 56 ). B’hekk, minkejja li huwa veru li, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li tali kriterju jirrifletti n-nuqqas ta’ rabta effettiva, hija madankollu ħadet ħsieb tispjega li din kienet residenza “barra mi[l]l-Istat Membru [kkonċernat] u t‑territorji li għalihom japplika t-Trattat UE” ( 57 ).

64.

Sussegwentement, għandu jitfakkar li, fir-rigward ta’ ċittadini tal-Unjoni li twieldu fl-Istat Membru ospitanti u li qatt ma użaw id-dritt ta’ moviment liberu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li tali ċittadini għandhom dritt li jużaw l-Artikolu 21(1) TFUE u dispożizzjonijiet adottati sabiex jagħtuh effett ( 58 ).

65.

Finalment, jidhirli li huwa ovvju li kriterju li ma jagħmilx distinzjoni, fir-rigward tat-telf taċ-ċittadinanza fl-età ta’ 22 sena li jġib miegħu għall-persuna kkonċernata t-telf tal-istatus tagħha ta’ ċittadina tal-Unjoni, bejn residenza jew żjara fi Stat terz u residenza jew żjara fi Stat Membru jikkostitwixxi limitazzjoni ċara tad-dritt ta’ moviment liberu u residenza fit-territorju tal-Istati Membri, li jista’ jiddisswadi liċ‑ċittadin Daniż milli jeżerċita dan id-dritt ( 59 ). F’dan ir-rigward, għandi nirrileva li ma narax kif jista’ jiġi ddikjarat li tali restrizzjoni tad-dritt ta’ moviment liberu u residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni hija proporzjonata. Fil-fatt, il-fatt li ċittadin tal-Unjoni jista’ jitlef iċ-ċittadinanza tiegħu minħabba l-fatt li stabbilixxa r-residenza tiegħu fi Stat Membru ieħor minbarra dak li tiegħu huwa għandu ċ-ċittadinanza jillimita, fl-opinjoni tiegħi, b’mod sproporzjonat id-dritt ta’ moviment liberu u residenza ta’ dan iċ-ċittadin. B’hekk, kif korrettament irrilevat il-Kummissjoni waqt is-seduta, ir-residenza u ż-żjara fit-territorju tal-Unjoni ma għandhiex titqies bħala ksur tar-rabta reali li teżisti bejn ċittadin tal-Unjoni u l-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu.

66.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tar-riżervi tiegħi dwar l-effetti fuq il-moviment liberu taċ-ċittadini fi ħdan l-Unjoni ta’ kriterju ta’ residenza kif previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 8(1) tal-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza, jiena nqis li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, id‑dritt tal-Unjoni ma jipprekludix, bħala regola, li, fis-sitwazzjonijiet imsemmija minn din id-dispożizzjoni, Stat Membru jipprevedi, għal raġunijiet ta’ interess ġenerali, it-telf taċ-ċittadinanza, anki meta dan it-telf iġib miegħu, għall-persuna kkonċernata, it-telf tal-istatus ta’ ċittadina tal-Unjoni tagħha.

2.   Fuq l‑istħarriġ tal‑proporzjonalità tal‑leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fid‑dawl tal‑konsegwenzi li ġġib magħha għall‑persuna kkonċernata

67.

Fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u, b’mod partikolari, tal-punti 40 sa 42 tas-sentenza Tjebbes et ( 60 ), għandi dubji dwar dak li jirrigwarda l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità mis-sistema ta’ telf taċ-ċittadinanza Daniża, li jidħol fis-seħħ fl-età ta’ 22 sena, kif prevista fl-Artikolu 8(1) tal-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza u applikata, fil-prassi amministrattiva, mill-awtoritajiet Daniżi. Id-dubji tiegħi mhux ġejjin biss minn aspett wieħed tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni iżda minn diversi elementi li jikkostitwixxu din is-sistema, u relatati man-nuqqas, minn naħa, ta’ eżami individwali tal-konsegwenzi tat-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni għal kull persuna li ressqet talba wara l-età ta’ 22 sena u, min-naħa l‑oħra, ta’ rkupru ex tunc taċ-ċittadinanza mitlufa.

a)   Fuq in‑nuqqas sistematiku ta’ eżami individwali tal‑konsegwenzi tat‑telf tal‑istatus ta’ ċittadin tal‑Unjoni fid‑dawl tad‑dritt tal‑Unjoni għal kull persuna li ressqet talba wara l‑età ta’ 22 sena

68.

Infakkar li d-dubji tal-qorti tar-rinviju ġejjin mill-fatt li t-telf taċ‑ċittadinanza Daniża u, għalhekk, tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni huwa awtomatiku u li l-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza ma tipprevedi l-ebda eċċezzjoni. Hekk kif irrilevat il-Kummissjoni waqt is-seduta, fis-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali, il-persuna kkonċernata b’dan it-telf qatt ma bbenefikat minn eżami individwali tas-sitwazzjoni tagħha u, jekk ikun il-każ, ta’ dik tal-familja tagħha. Dan il-punt jidhirli li huwa l-qofol tad-diffikultajiet li tqajjem is-sistema ta’ telf ipso jure taċ-ċittadinanza kkontestata f’din il-kawża.

69.

Fl-ewwel lok, nirrileva li l-uniku rimedju li għandu ċittadin Daniż sabiex jibbenefika minn eżami individwali tal-konsegwenzi tat‑telf taċ-ċittadinanza tiegħu, li jġib miegħu t-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni huwa li jressaq talba għaż‑żamma taċ-ċittadinanza Daniża qabel ma jilħaq l-età ta’ 22 sena ( 61 ) u, b’mod iktar preċiż, bejn l-età ta’ 21 u 22 sena ( 62 ), li, fl-opinjoni tiegħi, huwa perijodu qasir wisq. Jekk it-talba tiegħu titressaq wara din l-età, hija tiġi eżaminata biss sabiex jiġi vverifikat jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 8(1) tal-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza ġewx issodisfatti. Jekk dan ikun il-każ, it-talba tiegħu tiġi awtomatikament miċħuda ( 63 ) u l-persuna kkonċernata mhux biss titlef iċ-ċittadinanza Daniża u, għalhekk, l-istatus ta’ ċittadina tal-Unjoni tagħha, iżda ma tibbenefikax ukoll, fl-ebda mument, minn eżami individwali tal-konsegwenzi ta’ dan it-telf fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni.

70.

Fit-tieni lok, nosserva li mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li, wara l-għoti tas-sentenza Tjebbes et, il-Ministeru għall-Immigrazzjoni u għall-Integrazzjoni ddeċieda li l-ex ċittadini Daniżi li jkunu laħqu l-età ta’ 22 sena fl‑1 ta’ Novembru 1993 jew wara din id-data, li kienu talba ż-żamma taċ-ċittadinanza Daniża tagħhom qabel ma laħqu l-età ta’ 22 sena u li kienu s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ telf taċ‑ċittadinanza taħt l-Artikolu 8 tal-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza, li jġib miegħu t-telf taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, setgħu jitolbu r-rieżami ta’ din id-deċiżjoni ( 64 ). B’hekk, filwaqt li dawn iċ-ċittadini setgħu jibbenefikaw minn tali rieżami fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li kienet laħqet l-età ta’ 22 sena wara l‑1 ta’ Novembru 1993, madankollu ma setgħetx tibbenefika minnha, peress li hija kienet ressqet it-talba tagħha għaż-żamma taċ-ċittadinanza 43 jum wara l-età ta’ 22 sena.

1) Fuq l‑oġġezzjonijiet allegati mill‑Gvern Daniż

71.

Fir-rigward tar-raġuni għaż-żamma tar-rekwiżit previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 8(1) tal-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza, li t-talba għaż‑żamma taċ-ċittadinanza Daniża għandha tkun tressqet qabel l-età ta’ 22 sena, il-qorti tar-rinviju tindika li mix-xogħol preparatorju ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li, waqt li kienet qiegħda tiġi emendata mil-leġiżlatur Daniż sabiex tkun konformi mas-sentenza Tjebbes et, dan qies li “din is-sentenza ma tidhirx li timponi l-possibbiltà sistematika ta’ tali eżami [individwali]”.

72.

F’dan ir-rigward, il-Gvern Daniż sostna, fl-osservazzjonijiet bil‑miktub u orali tiegħu, li mis-sentenza Tjebbes et ma jirriżultax li għandu jkun possibbli eżami individwali fi kwalunkwe ħin, meta l-persuna kkonċernata tkun tixtiequ. Skont l-interpretazzjoni tiegħu ta’ din is-sentenza, huwa suffiċjenti li tali eżami individwali jkun jista’ jsir, li, fl-opinjoni tiegħu, huwa l-każ jekk it-talba għaż-żamma taċ-ċittadinanza titressaq qabel l-età ta’ 22 sena.

73.

F’din il-kawża, jekk tiġi aċċettata din l-interpretazzjoni, iqumu għalhekk id-domandi segwenti: għandu jiġi kkunsidrat, f’ċerti sitwazzjonijiet, li persuna tista’ titlef iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru, li jġib miegħu t-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, mingħajr ma jsir, f’xi mument, eżami individwali ta’ dan it-telf u ta’ konsegwenzi li dan ikollu għal din il-persuna fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni? U għandu jiġi kkunsidrat, kif jissuġġerixxi dan il-Gvern, li l-obbligu tal-Istati Membri li jagħmlu dan l-eżami, kif stabbilit fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jista’ jkun limitat minn terminu ta’ dekadenza?

74.

Dawn id-domandi jwassluni b’mod ċar sabiex nikkonkludi li din l-interpretazzjoni tas-sentenza Tjebbes et mogħtija mil-leġiżlatur u mill-Gvern Daniż ma għandhiex tintuża peress li hija bbażata fuq qari żbaljat ta’ din is-sentenza.

75.

Fl-ewwel lok, tali qari jinterpreta b’mod żbaljat, fl-opinjoni tiegħi, l-obbligu tal-awtoritajiet kompetenti u tal-qrati nazzjonali, minn naħa, li josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità fil-qasam ta’ telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jwettqu, fil-qafas tal-osservanza ta’ dan il-prinċipju, eżami individwali tal‑konsegwenzi tat-telf ta’ dan l-istatus fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni.

76.

Fit-tieni lok, tali interpretazzjoni twassal sabiex tippermetti lill‑Istati Membri jneħħu l-effett utili tal-Artikolu 20 TFUE, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, f’sitwazzjonijiet bħal dawk fil-kawża prinċipali. Infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni huwa intiż sabiex ikun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri. Dan l-istatus ma għandux għalhekk jiċċaħħad mill-effett utili tiegħu u, b’hekk, id-drittijiet li huwa jagħti ma għandhomx jinkisru bl-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tosservax id-dritt tal-Unjoni.

2) Fuq il‑qari korrett tas‑sentenza Tjebbes et

77.

Infakkar li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-prinċipju li l-kompetenza tal-Istati Membri fil-qasam ta’ ksib u telf ta’ ċittadinanza għandu jiġi eżerċitat b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni ma jippermettix li jiġi kkunsidrat li l-kundizzjonijiet ta’ telf taċ‑ċittadinanza li jwassal għat-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni ma għandhomx ikunu suġġetti għall-istħarriġ tad-dritt tal-Unjoni ( 65 ). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat, fis-sentenza Tjebbes et, li t‑telf ipso jure taċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru jidher li huwa inkompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità jekk ir-regoli nazzjonali rilevanti ma kinux jippermettu, fl-ebda mument, eżami individwali tal-konsegwenzi li jġib miegħu tali telf għall-persuni kkonċernati fid-dawl tad-dritt tal‑Unjoni ( 66 ).

78.

Issa, differenti minn dak li tiddikjara l-Qorti tal-Ġustizzja fil‑punti 41 u 42 tas-sentenza Tjebbes et, f’sitwazzjoni bħal dik tar‑rikorrenti fil-kawża prinċipali, fejn it-telf taċ-ċittadinanza Daniża jseħħ ipso jure u jġib miegħu t-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, nikkonstata li l-awtoritajiet Daniżi ma humiex f’pożizzjoni li jeżaminaw, b’mod inċidentali, il-konsegwenzi ta’ dan it-telf għaċ-ċittadini Daniżi kollha li ressqu t-talba tagħhom għaż-żamma taċ-ċittadinanza Daniża tagħhom wara l-età ta’ 22 sena. Fil-fatt, dawn iċ-ċittadini, fl-ebda mument ma jibbenefikaw minn eżami individwali ta’ proporzjonalità tal-konsegwenzi fil-konfront tagħhom li dan it-telf iġib miegħu fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni. In-nuqqas ta’ tali eżami huwa, fl-opinjoni tiegħi, mhux biss awtomatiku, kif tikkonstata il-qorti tar-rinviju, iżda wkoll sistematiku.

79.

Qari korrett tas-sentenza Tjebbes et jimplika li s-sitwazzjonijiet kollha ta’ telf ta’ ċittadinanza li jġib miegħu t-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, għandhom ikunu jistgħu jiġu eżaminati fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha relatata mal-Artikolu 20 TFUE, li jġib miegħu l-obbligu ta’ eżami individwali anki għall-persuni li jinsabu f’sitwazzjoni bħal dik tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Fid-dawl tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ċerti sitwazzjonijiet li fihom it-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni potenzjalment għandu konsegwenzi sproporzjonati qatt ma jistgħu jiġu eżaminati fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni anki jekk il-persuni kkonċernati jitilfu d-drittijiet kollha marbuta ma’ dan l-istatus.

80.

Nistgħu aħna naċċettaw dan? Jiena naħseb li le.

81.

F’dan ir-rigward, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet fis-sentenza Wiener Landesregierung, li kull telf, anki provviżorju, tal‑istatus ta’ ċittadin jimplika li l-persuna kkonċernata tiġi mċaħħda, għal perijodu indeterminat, mill-possibbiltà li tgawdi mid-drittijiet kollha mogħtija minn dan l-istatus ( 67 ). Konsegwentement, f’sitwazzjoni bħal din inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn persuna diġà tilfet iċ‑ċittadinanza tagħha ipso jure fl-età ta’ 22 sena u, għalhekk, l-istatus ta’ ċittadina tal-Unjoni mingħajr ma kellha l-possibbiltà li tikkontesta dan it-telf, fid-dawl tal-konsegwenzi fil-konfront tagħha li jġib miegħu, fid‑dawl tad-dritt tal-Unjoni, l-Istat Membru kkonċernat għandu l-obbligu li jiżgura l-effett utili tal-Artikolu 20 TFUE.

82.

Jekk, bħal f’dan il-każ, il-motivi tat-telf taċ-ċittadinanza, li jġib miegħu t-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, huma, bħala regola, leġittimi, dan it-telf jista’ jseħħ biss jekk l-awtoritajiet kompetenti u l-qrati nazzjonali josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Huwa ħaġa li leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ tipprevedi regola ta’ telf taċ-ċittadinanza ex lege, peress li tali għażla leġiżlattiva taqa’ fil-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri. Il-fatt li l-proċedura nazzjonali prevista minn din il‑leġiżlazzjoni ma tippermettix lill-persuna kkonċernata tikkontesta dan it-telf fil-qafas ta’ stħarriġ tal-proporzjonalità ( 68 ) u għalhekk, li tibbenefika minn eżami individwali ta’ konsegwenzi ta’ dan it-telf huwa madankollu xi ħaġa oħra. Għandha għalhekk issir distinzjoni bejn il-fatt li Stat Membru jista’ b’mod leġittimu jipprevedi t-telf ex lege taċ‑ċittadinanza u l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità ta’ dan it-telf fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni.

83.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jista’ jiġi argumentat li tali assenza totali u sistematika ta’ eżami individwali għall-persuni li ressqu t-talba tagħhom wara l-età ta’ 22 sena ma hijiex adattata sabiex jintlaħaq l-għan li għandu jintlaħaq mill-obbligu li jsir eżami ta’ proporzjonalità, jiġifieri li jippermettilhom li jżommu ċ-ċittadinanza tal-Istat Membru inkwistjoni u, għalhekk, l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, u li t-telf taċ-ċittadinanza li d-dispożizzjoni inkwistjoni ġġib magħha huwa att arbitarju u inkoerenti.

84.

Nagħti bħala eżempju, nieħdu s-sitwazzjoni ta’ żewġt aħwa bniet li għandhom iċ-ċittadinanza Daniża, AA u BB. AA twieldet fid‑Danimarka iżda marret l-Istati Uniti mal-ġenituri tagħha xi xhur wara li twieldet. Min-naħa l-oħra, BB twieldet fl-Istati Uniti u tinsab fl‑istess sitwazzjoni bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. F’dan il-każ, l-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1) tal-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza għal dawn iż-żewġt aħwa bniet jkollha l-konsegwenza li AA żżomm iċ-ċittadinanza Daniża tagħha minħabba l-fatt li twieldet fid-Danimarka, filwaqt li oħtha, BB, peress li tkun ressqet it-talba tagħha għaż-żamma taċ-ċittadinanza Daniża ftit wara li tkun laħqet l-età ta’ 22 sena, titlef iċ‑ċittadinanza tagħha b’mod awtomatiku u, għalhekk, l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, mingħajr ma jkollha l-possibbiltà li tikkontesta tali telf.

85.

F’dan il-każ, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali indikat, bħala tweġiba għall-mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja waqt is-seduta, li ħutha bniet u subien setgħu jżommu ċ-ċittadinanza Daniża tagħhom u, konsegwentement, l-istatus ta’ ċittadini tal-Unjoni għaliex kienu ressqu t-talba fiż-żmien opportun. Għalhekk għandha sitwazzjoni fejn, fi ħdan il-familja tagħha, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali hija l‑uniku waħda li tilfet iċ-ċittadinanza Daniża u, għalhekk, l-istatus tagħha ta’ ċittadin tal-Unjoni.

86.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-eżami individwali tas-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata jimplika, jekk ikun il-każ, l-eżami tas-sitwazzjoni tal-familja tagħha sabiex jiġi stabbilit jekk it-telf taċ-ċittadinanza tal-Istat Membru kkonċernat, meta jġib miegħu t-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, hux se jkollux konsegwenzi li jaffetwaw b’mod sproporzjonat, meta mqabbel mal-għan li għandu jintlaħaq mil-leġiżlatur nazzjonali, l-iżvilupp normali tal-ħajja familjari u professjonali tagħha, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni ( 69 ). Fin-nuqqas ta’ tali eżami ta’ proporzjonalità, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u, jekk ikun il-każ, il-qrati nazzjonali ma jkunux f’pożizzjoni jiżguraw li tali telf ta’ ċittadinanza jkun konformi mad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta u, b’mod partikolari, tad-dritt għar-rispett tal-ħajja tal‑familja, kif stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta ( 70 ).

87.

Għalhekk, jiena tal-opinjoni li, irrispettivament mill-għażla leġittima tal-leġiżlatur nazzjonali jekk jintroduċix jew le data bħala limitu għat-telf ex lege taċ-ċittadinanza, l-awtoritajiet kompetenti jew, jekk ikun il-każ, il-qrati nazzjonali għandhom ikunu f’pożizzjoni li jeżaminaw b’mod individwali kull telf ta’ ċittadinanza li jġib miegħu t-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni fil-mument li titressaq it-talba għaż-żamma taċ-ċittadinanza. F’dan il-każ, tqum il-kwistjoni dwar liema perijodu għandu jiġi kkunsidrat sabiex isir tali eżami fil-qafas tal‑istħarriġ ta’ proporzjonalità. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni, korrettament, li dan l-eżami jista’ jsir billi tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata fl-età ta’ 22 sena. Meta eżami individwali jkun jista’ jsir ukoll meta t-talba għaż-żamma taċ-ċittadinanza tkun tressqet wara l-età ta’ 22 sena, tali limitazzjoni tal-perijodu kkunsidrat sabiex isir dan l-eżami tirrispetta, fl-opinjoni tiegħi, kemm il-prinċipju ta’ ċertezza legali kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità. F’dan ir-rigward, għandu jiżdied li, fil-każ fejn l-imsemmi eżami isir billi tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata fl-età ta’ 22 sena, l-eventwali eżistenza ta’ fatti ġodda f’ċerti każijiet tista’ tirrikjedi madankollu eżami ġdid tagħhom.

b)   Fuq l‑assenza ta’ rkupru ex tunc taċ‑ċittadinanza fis‑sistema ta’ telf ipso jure tagħha flimkien mal-possibbiltà li tiġi rkuprata ulterjorment fil-qafas ta’ proċedura ġenerali ta’ naturalizzazzjoni

88.

Kif diġà indikajt, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar id‑diffikultà li tiġi rkuprata ċ-ċittadinanza permezz ta’ naturalizzazzjoni wara l-età ta’ 22 sena. F’dan ir-rigward, il-Gvern Daniż isostni li l‑eżami tal-proporzjonalità tat-telf taċ-ċittadinanza previst fl‑Artikolu 8(1) tal-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza, fir-rigward tal-persuni li laħqu l-età ta’ 22 sena fil-mument tat-talba taċ-ċittadinanza għandu jkun ibbażat fuq evalwazzjoni globali tas-sistema Daniża tat-telf u tal-irkupru taċ-ċittadinanza.

89.

F’dan ir-rigward, kif diġà semmejt, is-sistema ta’ telf ipso jure taċ-ċittadinanza tagħti lil ex ċittadini Daniżi l-possibbiltà li jirkupraw din iċ-ċittadinanza ulterjorment fil-qafas tal-proċedura ġenerali ta’ naturalizzazzjoni, bil-kundizzjoni li jiġu ssodisfatti serje ta’ rekwiżiti, fosthom dawk ta’ residenza fit-territorju nazzjonali fil-mument tat-talba ta’ naturalizzazzjoni u li jkollhom disa’ snin ta’ residenza mhux interrotti fid-Danimarka ( 71 ).

90.

Din il-possibbiltà li tiġi rkuprata ċ-ċittadinanza hija suffiċjenti sabiex is-sistema ta’ telf ipso jure taċ-ċittadinanza Daniża tkun ikkunsidrata bħala konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal‑Unjoni, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Tjebbes et?

91.

Jiena naħseb li le.

92.

L-ewwel, kif diġà spjegajt, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet, fil-ġurisprudenza tagħha, il-prinċipju li l-kompetenza tal‑Istati Membri fil-qasam tal-ksib u tat-telf taċ-ċittadinanza għandu jiġi eżerċitat bl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni ( 72 ).

93.

It-tieni, kif semmejt ukoll, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, f’sitwazzjoni fejn it-telf taċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru jseħħ ipso jure u jġib miegħu t-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, l‑awtoritajiet u l-qrati nazzjonali kompetenti għandhom ikunu f’pożizzjoni mhux biss li jeżaminaw, b’mod inċidentali, il-konsegwenzi ta’ dan it-telf ta’ ċittadinanza, iżda wkoll, jekk ikun il-każ, li jirkupraw ex tunc iċ-ċittadinanza għall-persuna kkonċernata, meta ssir it-talba, minn din il-persuna, għal dokument tal-ivvjaġġar jew ta’ kwalunkwe dokument ieħor li juri n-nazzjonalità tagħha ( 73 ).

94.

Għandu jiġi kkonstatat li s-sistema ta’ telf ta’ ċittadinanza Daniża inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistipulax din il-possibbiltà, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Tjebbes et. Tali telf taċ-ċittadinanza, anki jekk għal perijodu determinat ta’ xi snin, bħal f’dan il-każ, jimplika li l-persuna kkonċernata hija mċaħħda, matul dan il-perijodu kollu, mill-possibbiltà li tgawdi mid-drittijiet kollha mogħtija mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni ( 74 ). Għalhekk, nikkunsidra li din il-possibbiltà li tirkupra ċ-ċittadinanza ma hijiex biżżejjed, anki f’każ ta’ rekwiżiti ġenerali fil-qasam tar-residenza inqas stretti, sabiex jiġi kkunsidrat li s-sistema ta’ telf ipso jure taċ-ċittadinanza Daniża hija konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ proporzjonalità skont l-Artikolu 20 TFUE.

95.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena tal-opinjoni li stħarriġ ta’ proporzjonalità, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, tal-konsegwenzi li jġib miegħu t-telf taċ-ċittadinanza, meta dan iġib miegħu t-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, li jseħħ biss jekk jintalab jekk jintalab qabel mal‑persuna kkonċernata tilħaq l-età ta’ 22 sena u mingħajr ma tista’ tiġi rkuprata ex tunc iċ-ċittadinanza ta’ din il-persuna ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal‑Unjoni, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Tjebbes et.

V. Konklużjoni

96.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi bil-mod segwenti għad-domanda preliminari magħmula mill-Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Lvant, Danimarka):

L-Artikolu 20 TFUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 7 tal-Karta tad‑Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi, taħt ċerti kundizzjonijiet, it-telf ipso jure taċ-ċittadinanza ta’ dan l-Istat Membru fl-età ta’ 22 sena minħabba nuqqas ta’ rabta effettiva fl-assenza ta’ talba għaż-żamma taċ-ċittadinanza qabel din l-età, fir-rigward ta’ persuni li ma għandhomx ukoll iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru ieħor, it-telf tal‑istatus tagħhom ta’ ċittadin tal-Unjoni u tad-drittijiet marbuta miegħu, mingħajr ma jkun hemm minn qabel, meta din it-talba titressaq wara l-età ta’ 22 sena, eżami individwali, fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tal-konsegwenzi li tali telf ikollu fuq is-sitwazzjoni tagħhom fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni mal-possibbiltà tal-irkupru ex tunc taċ-ċittadinanza għall-persuni kkonċernati meta dawn jitolbu dokument tal-ivvjaġġar jew kwalunkwe dokument ieħor li juri ċ-ċittadinanza tagħhom.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2010 (C‑135/08, iktar ’il quddiem is-“sentenza Rottmann, EU:C:2010:104).

( 3 ) Sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2019 (C‑221/17, iktar ’il quddiem is-“sentenza Tjebbes et”, EU:C:2019:189).

( 4 ) Sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2022 (C‑118/20, iktar ’il quddiem is-“sentenza Wiener Landesregierung, EU:C:2022:34).

( 5 ) Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-prassi amministrattiva tal-Ministeru għall-Immigrazzjoni u għall-Integrazzjoni relatata mal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1) tal-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza hija bbażata fuq xogħol preparatorju ta’ din id-dispożizzjoni.

( 6 ) F’dak li jirrigwarda l-kriterju ta’ residenza, li ma huwiex ikkontestat f’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju tispjega li, skont il-prassi amministattiva tal-Ministeru għall-Immigrazzjoni u għall-Integrazzjoni, dan il-kriterju huwa ssodisfatt jew meta jkun hemm residenza rreġistrata fir-Reġistru Ċentrali tal-Persuni (CPR) tal-inqas tliet xhur qabel l-età ta’ 22 sena, jew meta l-persuna kkonċernata tista’ tipprova li hija kellha indirizz fid-Danimarka matul tal-inqas tliet xhur konsekuttivi qabel l-imsemmija età u li kienet ippjanata minn qabel għal perijodu ta’ mill-inqas tliet xhur. Skont din il-qorti, il-fatt li tirrisjedi, b’mod partikolari, fil-Finlandja jew fl-Isvezja għal perijodu ta’ mill-inqas seba’ snin huwa assimilat ma’ residenza fid-Danimarka.

( 7 ) Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, f’dan il-każ, skont il-prassi amministrattiva tal-Ministeru għall-Immigrazzjoni u għall-Integrazzjoni, l-enfasi tista’ ssir b’mod partikolari fuq dwar jekk iż-żjarat sarux ftit qabel l-età ta’ 22 sena jew jekk imorrux lura għal numru ta’ snin, jekk humiex jirriflettu volontà tal-applikant stess li jżur id-Danimarka jew jirriżultawx, b’mod partikolari, minn miżuri meħuda mill‑ġenituri jew mill-persuna li timpjega.

( 8 ) Il-qorti tar-rinviju tirreferi għat-Taqsima 2.2.2. tal-espożizzjoni tal-motivi tal-abbozz ta’ liġi Nru L 138, tat‑28 ta’ Jannar 2004 dwar l-Artikolu 8 tal-Liġi dwar iċ‑Ċittadinanza.

( 9 ) Għandu jitfakkar li din il-kundizzjoni tirriżulta mit-tieni sentenza tal-Artikolu 8(1) tal-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza.

( 10 ) Dwar dawn il-kundizzjonijiet ġenerali, ara l-punt 8 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Il-qorti tar-rinviju tindika li l-Artikolu 44(1) tal-Kostituzzjoni jipprevedi li l-ebda barrani ma jista’ jikseb iċ-ċittadinanza Daniża jekk mhux biss saħħa tal-liġi. B’hekk, in-naturalizzazzjoni għandha sseħħ permezz ta’ liġi li ssemmi espressament l-isem ta’ kull persuna naturalizzata.

( 11 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 12 ) Fuq il-prassi amministrattiva tal-Ministeru għall-Immigrazzjoni u għall-Integrazzjoni dwar il-kriterju ta’ “residenza”, ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 13 ) Infakkar li, J. Rottmann kien kiseb iċ-ċittadinanza Ġermaniża permezz ta’ naturalizzazzjoni b’mod frawdolenti.

( 14 ) Ara s-sentenza tas‑7 ta’ Lulju 1992, Micheletti et (C‑369/90, EU:C:1992:295, punt 10), li tgħid: “[i]d-definizzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ ksib u ta’ telf taċ-ċittadinanza jaqgħu, skont id-dritt internazzjonali, fil-kompetenza ta’ kull Stat Membru, kompetenza li għandha tkun eżerċitata b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni”. Korsiv miżjud minni. Infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà bdiet tipproponi din l‑idea fis-sentenzi tas‑7 ta’ Frar 1979, Auer (136/78, EU:C:1979:34, punt 28), u tat‑12 ta’ Novembru 1981, Airola vs Il‑Kummissjoni (72/80, EU:C:1981:267, punti 8 et seq.). Fil-fatt, dan huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni applikat fil-qasam taċ-ċittadinanza tal-Unjoni.

( 15 ) Sentenza Rottmann, punti 39 u 45 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 16 ) Sentenza Rottmann, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata. Infakkar li, fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq ġurisprudenza stabbilita relatata mas-sitwazzjonijiet li fihom leġiżlazzjoni adottata f’qasam li jaqa’ fil‑kompetenza nazzjonali hija evalwata fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni Ara, ukoll, il‑konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro f’din il-kawża (C‑135/08, EU:C:2009:588, punt 20).

( 17 ) Sentenza Rottmann, punti 42 u 43.

( 18 ) Sentenza Rottmann, punt 48.

( 19 ) Sentenza Rottmann, punt 54. Ara, ukoll, il-punti 51 sa 53.

( 20 ) Sentenza Rottmann, punt 56. Korsiv miżjud minni.

( 21 ) Sentenza Rottmann, punt 59 u d-dispożittiv.

( 22 ) Jiġifieri l-fatt, għal kull ċittadin Olandiż li għandu wkoll iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru ieħor, li jirrisjedi barra mill-Pajjiżi l-Baxxi u t-territorji li għalihom huwa applikabbli t-Trattat EU matul perijodu mhux interrott ta’ għaxar snin.

( 23 ) Il-kawża li wasslet għas-sentenza Rottmann kienet tirrigwarda deċiżjoni individwali ta’ revoka taċ-ċittadinanza, ibbażata fuq l-aġir tal-persuna kkonċernata.

( 24 ) Sentenza Tjebbes et, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 25 ) Sentenza Tjebbes et, punt 32.

( 26 ) Sentenza Tjebbes et, punt 35. Ara, ukoll is-sentenza Rottmann, punt 51.

( 27 ) Sentenza Tjebbes et, punt 39.

( 28 ) Sentenza Tjebbes et, punti 40 u 41.

( 29 ) Sentenza Tjebbes et, punt 42 u d-dispożittiv.

( 30 ) Sentenza Tjebbes et, punt 45 u d-dispożittiv.

( 31 ) C‑118/20, EU:C:2021:530. Ara l-punti 47 et seq.

( 32 ) Sentenza Wiener Landesregierung, punt 44 u l-punt 1 tad-dispożittiv.

( 33 ) Sentenza Wiener Landesregierung, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata. Għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, fil-kuntest tal-eżami tat-tieni domanda preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat, b’riferiment għall-punt 62 tas-sentenza Rottmann, li l-prinċipji li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni f’dak li jirrigwarda l‑kompetenza tal-Istati Membri fil-qasam taċ-ċittadinanza kif ukoll tal-obbligi tagħhom li jeżerċitaw din il-kompetenza b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni japplikaw kemm għall-Istat Membru ospitanti kif ukoll għall-Istat Membru taċ‑ċittadinanza oriġinali.

( 34 ) Sentenza Wiener Landesregierung, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 35 ) Sentenza Wiener Landesregierung , punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 36 ) Sentenza Wiener Landesregierung, punti 60 u 62 sa 72.

( 37 ) Sentenza Wiener Landesregierung, punt 73.

( 38 ) Sentenza Wiener Landesregierung, punt 74 u l-punt 2 tad-dispożittiv.

( 39 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża Rottmann (C‑135/08, EU:C:2009:588, punt 23). Korsiv miżjud minni.

( 40 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża Rottmann (C‑135/08, EU:C:2009:588, punt 23).

( 41 ) Ara, f’dan ir-rigward is-sentenzi Rottmann, punti 41 sa 43, 45, 48, 56 u 59; Tjebbes et, punti 30, 32, 40 sa 42 u 45, u Wiener Landesregierung, punti 44, 59, 61 u 73. Ara, ukoll, il-punti 29 sa 43 u, b’mod partikolari, il-punt 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 42 ) Sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2001, Grzelczyk (C‑184/99, EU:C:2001:458, punt 31), u Wiener Landesregierung (punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 43 ) Ara l-punti 29, 30 u 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 44 ) Ara s-sentenza Tjebbes et, punt 32.

( 45 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi Rottmann, punti 42 u 45, u Tjebbes et, punt 32. Waqt is-seduta, il-Gvern Daniż sostna li, mid-deċiżjoni tal-Kapijiet tal-Istat u tal-Gvern fi ħdan il-Kunsill Ewropew imlaqqa’ f’Edinburgh fil‑11 u t‑12 ta’ Diċembru 1992, jirriżulta li r-Renju tad-Danimarka għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jiddefinixxi l-kundizzjonijiet ta’ ksib u ta’ telf taċ-ċittadinanza u għandu pożizzjoni partikolari f’dak li jirrigwarda ċ-ċittadinanza tal-Unjoni. Madankollu, il-Kummissjoni fakkret li l-partijiet rilevanti ta’ din id-deċiżjoni dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni jużaw l-istess termini bħal dawk li jinsabu fid‑Dikjarazzjoni Nru 2 dwar iċ-Ċittadinanza ta’ Stat Membru, mehmuża mill-Istati Membri mal-Att Finali tat-Trattat UE. Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Rottmann, punt 40. Hija fakkret ukoll li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kompetenza tal-Istati Membri fil-qasam ta’ ksib u ta’ telf taċ-ċittadinanza għandha tkun eżerċitata bl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni. Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Rottmann, punt 41.

( 46 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Rottmann, punti 51 sa 54.

( 47 ) Sentenzi Rottmann, punt 51; Tjebbes et, punt 32, u Wiener Landesregierung, punt 52.

( 48 ) Sentenza Tjebbes et, punt 35. Ara, ukoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Tjebbes et (C‑221/17, EU:C:2018:572, punt 53).

( 49 ) Sentenza Tjebbes et, punt 36. Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Tjebbes et (C‑221/17, EU:C:2018:572, punt 54). Korsiv miżjud minni.

( 50 ) Minkejja li nistaqsi lili nnifsi dwar jekk dan it-telf progressiv tar-rabta effettiva jistax jiġi ġġeneralizzat għall-persuni kollha li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni kkontestata, jiena naqbel li għandu jitqies li jista’ jkun hemm, bħala regola, riskju sabiex tali telf progressiv tar-rabta effettiva jkun seħħ f’ċerti każijiet. Barra minn hekk, jidhirli li huwa perfettament possibbli li jitqies li ċerti ċittadini tal-Unjoni jista’ jkollhom rabta effettiva ma’ iktar minn Stat Membru wieħed. Jekk jitpoġġa dubju fuq tali konstatazzjoni jkun ifisser li qiegħed jitpoġġa dubju dwar l-essenza stess taċ-ċittadinanza tal-Unjoni. Fl-opinjoni tiegħi, ikun paradossali li ma jiġux aċċettati l-eventwali konsegwenzi fuq iċ-ċittadini nazzjonali tal-eżerċizzju, b’mod partikolari, ta’ wieħed mil-libertajiet fundamentali tal‑Unjoni, jiġifieri l-moviment liberu tal-persuni.

( 51 ) Il-Konvenzjoni Ewropea dwar in-Nazzjonalità, adottata fis‑6 ta’ Novembru 1997 fil-kuntest tal-Kunsill tal-Ewropa u li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Marzu 2000, ġiet irratifikata mir-Renju tad-Danimarka fl‑24 ta’ Lulju 2002. Ir-rapport spjegattiv ta’ din il-Konvenzjoni jindika li din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tawtorizza lill-Istat li jixtieq jagħmel dan li jipprekludi li ċ-ċittadini tiegħu li ilhom jgħixu fl-esteru milli jżommu ċ-ċittadinanza ta’ dan l-Istat Membru meta r-rabta ma’ dan l-Istat Membru ma għadhiex teżisti jew ġiet issostitwita b’rabta ma’ pajjiż ieħor, sakemm, bħal f’din il-kawża, dawn ikunu persuni li għandhom ċittadinanza doppja u li għalhekk ma hemmx riskju ta’ apolodija. Ara l-punt 70 ta’ dan ir-rapport.

( 52 ) In-nuqqas ta’ tali distinzjoni ġiet ikkonfermata mill-Gvern Daniż bħala risposta għal domanda magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja. Fir-rigward tad-distinzjoni magħmula mil-leġiżlazzjoni Daniża bejn residenza, b’mod partikolari, fil-Finlandja jew fl-Isvezja u residenza fi Stat Membru ieħor, il-Gvern Daniż ikkonferma waqt is-seduta li l‑Artikolu 8(3) tal-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza jistipula li perijodu ta’ residenza ta’ seba’ snin f’dawn iż-żewġ Stati Membri huwa meqjus bħala li juri rabta effettiva mad-Danimarka. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni indikat, bħala risposta għal mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, li din ir-regola tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq l-Istat Membru ta’ residenza li tista’ titqies bħala nuqqas ta’ koerenza fil-konfront tal-motiv ta’ interess ġenerali li għandu jintlaħaq mil-leġiżlazzjoni Daniża. Ara, ukoll, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 53 ) Fi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni enfasizzat li mill-applikazzjoni ta’ tali kriterju jirriżulta li l-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment u ta’ residenza miċ-ċittadin Daniż ikkonċernat iġib miegħu t-telf ta’ dan id-dritt.

( 54 ) Dan jidher li huwa l-każ, fl-opinjoni tiegħi, ta’ ċittadin Daniż, imwieled fil-Pajjiżi l-Baxxi minn missier Daniż u minn omm Amerikana, li, fl-età ta’ 18-il sena, jeżerċita d‑dritt għall-moviment liberu u ta’ residenza tiegħu sabiex imur jaħdem jew jistudja l-Italja, u jibqa’ jirrisjedi hemm sal-età ta’ 22 sena. Għandu jiġi nnotat ukoll li, kif spjegat il-Kummissjoni bħala tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, is-sitwazzjoni fejn tali ċittadin ikollu ċ-ċittadinanza doppja Daniża u Taljana taqa’ wkoll fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. F’dan il-każ, dan ma jkunx il-każ ta’ telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni iżda ta’ restrizzjoni għad‑dritt ta’ moviment u ta’ residenza libera fi ħdan l-Unjoni.

( 55 ) Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kkonfermat waqt is-seduta li dawn kienu vaganzi.

( 56 ) Sentenza Tjebbes et, punt 10.

( 57 ) Sentenza Tjebbes et, punt 36. Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Tjebbes et (C‑221/17, EU:C:2018:572, punt 54). Korsiv miżjud minni.

( 58 ) Sentenzi tad-19 ta’ Ottubru 2004, Zhu u Chen (C‑200/02, EU:C:2004:639, punt 26); tat‑13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín (C‑165/14, EU:C:2016:675, punti 4243), u tat‑2 ta’ Ottubru 2019, Bajratari (C‑93/18, EU:C:2019:809, punt 26).

( 59 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża Rottmann (C‑135/08, EU:C:2009:588, punt 32), li jgħid: “[b]’hekk, mingħajr ebda dubju, ikun hemm ksur tad-dritt ta’ moviment u residenza mogħtija liċ-ċittadin tal-Unjoni mill‑Artikolu [21 TFUE] jekk regola tal-Istat tipprevedi t-telf taċ-ċittadinanza f’każ ta’ trasferiment tar-residenza fi Stat Membru ieħor”.

( 60 ) Ara l-punti 35 u 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 61 ) Fuq l-emenda tal-Artikolu 8(1) tal-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza wara l-għoti tas‑sentenza Tjebbes et, ara l-punt 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 62 ) Infakkar li l-qorti tar-rinviju tispjega li, f’każ ta’ talba għaż-żamma taċ-ċittadinanza qabel l-età ta’ 21 sena, il-Ministeru għall-Immigrazzjoni u għall-Integrazzjoni ma jiħux pożizzjoni dwar jekk l-applikant żammx iċ-ċittadinanza Daniża u sempliċement joħroġ ċertifikat ta’ ċittadinanza Daniża mingħajr ħsara għat-telf ta’ din iċ‑ċittadinanza fl-età ta’ 22 sena, skont l-Artikolu 8 tal-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza. Inqerr li l-argument li l-evalwazzjoni taż-żamma taċ-ċittadinanza għandu jsir l-iktar qrib possibbli tal-età ta’ 22 sena sabiex l-awtoritajiet Daniżi jkunu jistgħu jieħdu pożizzjoni dwar iż-żamma taċ-ċittadinanza ma jidhirlix li huwa konvinċenti. Ara l-punt 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 63 ) Waqt is-seduta, il-Gvern Daniż indika, bħala tweġiba għall-mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, li anki jekk l-awtoritajiet Daniżi ma jinfurmawx b’mod sistematiku liċ-ċittadini Daniżi bil-kundizzjonijiet ta’ telf taċ-ċittadinanza tagħhom fl-età ta’ 22 sena, ir-regola tat-telf taċ-ċittadinanza Daniża madankollu tinsab fil-paġna 2 tal-passaporti. Barra minn hekk, dan il-Gvern spjega wkoll li l-passaport tal-persuna kkonċernata bit-telf taċ-ċittadinanza Daniża ma huwiex iktar validu b’effett mill-età ta’ 22 sena. Fuq dan l-aspett, jiena tal-opinjoni li l-fatt li din ir-regola tissemma fil-paġna 2 tal-passaport ma għandux effett fuq il-problema li tinsab fil-qofol ta’ din il-kawża, jiġifieri l-impossibbiltà totali għar-rikorrenti fil‑kawża prinċipali li tikkontesta t-telf taċ-ċittadinanza tagħha, li ġġib magħha t‑telf tal-istatus tagħha ta’ ċittadina tal-Unjoni, u, b’hekk, li tibbenefika minn stħarriġ ta’ proporzjonalità, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, tal-konsegwenzi ta’ dan it-telf.

( 64 ) F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirreferi għad-dokument tal-Ministeru għall-Immigrazzjoni u għall-Integrazzjoni intitolat “Orientering om behandlingen af ansøgninger om bevis for bevarelse af dansk indfødsret efter EU-Domstolens dom i sag C‑221/17, Tjebbes” (Informazzjoni dwar it-trattament ta’ talbiet għal ċertifikat ta’ żamma taċ-ċittadinanza Daniża wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑Unjoni Ewropea fil-Kawża C‑221/17, Tjebbes).

( 65 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Rottmann, punti 41 sa 43, 45, 48, 56 u 59; Tjebbes et, punti 30, 32, 40 sa 42 u 45, u Wiener Landesregierung, punti 44, 59, 61 u 73. Ara, ukoll, il-punti 29 sa 43 u, b’mod partikolari, il-punt 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 66 ) Sentenza Tjebbes et, punt 41. Infakkar li, fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi mhux fuq il-kompetenza sabiex tiddefinixxi kundizzjoni ta’ telf taċ-ċittadinanza fil-leġiżlazzjoni nazzjonali (bħar-residenza taċ‑ċittadini ta’ Stat Membru matul perijodu mhux interrott ta’ għaxar snin barra minn dan l-Istat Membru u mill-Unjoni) iżda dwar l-inkompatibbiltà mal-prinċipju ta’ proporzjonalità ta’ din il-leġiżlazzjoni peress li din ma tippermetti, fl-ebda mument, li jiġu eżaminati l-konsegwenzi ta’ dan it-telf fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni. Fuq din id-distinzjoni, ara l-kunsiderazzjonijiet tiegħi fil-punt 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 67 ) Punt 48 ta’ din is-sentenza.

( 68 ) Pereżempju, fil-qafas tal-proċedura ta’ revoka ta’ dokument tal-ivvjaġġar jew fil-każ ta’ talba għall-ħruġ ta’ passaport ġdid.

( 69 ) Sentenzas Tjebbes et, punt 44, u Wiener Landesregierung, punt 59.

( 70 ) Sentenza Tjebbes et, punt 45, u Wiener Landesregierung, punt 61.

( 71 ) Ara l-punti 8 u 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 72 ) Ara s-sentenzi tas‑7 ta’ Lulju 1992, Micheletti et (C‑369/90, EU:C:1992:295, punt 10); Rottmann (punti 39 u 41); Tjebbes et (punt 30); tal‑14 ta’ Diċembru 2021, Stolichna obshtina, rayonPancharevo (C‑490/20, EU:C:2021:1008, punt 38), u Wiener Landesregierung (punt 37).

( 73 ) Sentenza Tjebbes et, punt 42 u d-dispożittiv.

( 74 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Wiener Landesregierung, punt 48.