KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fis‑16 ta’ Marzu 2023 ( 1 )

Kawża C‑671/21

UAB “Gargždų geležinkelis”

fil-preżenza ta’:

Lietuvos transporto saugos administracija,

Lietuvos Respublikos ryšių reguliavimo tarnyba,

AB “LTG Infra”

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja))

“Proċedura għal deċiżjoni preliminari ‑ Trasport ferrovjarju ‑Direttiva 2012/34/UE ‑ Allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura ‑ Skedar ‑ Artikolu 45 ‑ Proċess ta’ koordinazzjoni ‑ Artikolu 46 ‑ Infrastruttura kkonġestjonata ‑ Kriterji ta’ prijorità ‑ Artikolu 47 ‑ Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi l-previżjoni tal-intensità tal-użu tal-infrastruttura bħala kriterju ta’ prijorità ‑ Allokazzjoni b’mod ġust u nondiskriminatorju”

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirriżulta minn kawża li fiha jiġi diskuss kif għandhom jiġu interpretati diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2012/34/UE ( 2 ), fir-rigward tar-regoli nazzjonali li jirregolaw l-allokazzjoni tal-kapaċità għall-użu tal-infrastrutturi ferrovjarji pubbliċi.

2.

Fil-qosor, it-tilwima tirrigwarda: a) il-kriterji ta’ prijorità applikabbli, skont ir-regolamenti Litwani, għall-applikazzjonijiet tal-impriżi li beħsiebhom jużaw l-infrastrutturi ferrovjarji, speċjalment meta dawn ikunu kkonġestjonati; u b) il-proċess minn qabel ta’ koordinazzjoni li għandu jitwettaq mill-maniġer ta’ dawn l-infrastrutturi.

I. Il‑kuntest ġuridiku

A.   Id‑dritt tal‑Unjoni. Id‑Direttiva 2012/34

3.

L-Artikolu 39 (“Allokazzjoni tal-kapaċità”) jistabbilixxi

“1.   L-Istati Membri jistgħu jistipulaw qafas għall-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura suġġetta għall-kundizzjoni ta’ indipendenza tal-immaniġġjar stipulata fl-Artikolu 4. Għandhom jiġu stipulati regoli speċifiċi għall-allokazzjoni tal-kapaċità. Il-maniġer tal-infrastruttura għandu jwettaq il-proċessi tal-allokazzjoni tal-kapaċità. B’mod partikolari, il-maniġer tal-infrastruttura għandu jiżgura li l-kapaċità tal-infrastruttura tiġi allokata b’mod ġust u nondiskriminatorju u skont il-liġi tal-Unjoni.

[…]”.

4.

Fl-Artikolu 44 (“Applikazzjonijiet”) jiġi pprovdut:

“1.   L-applikanti jistgħu japplikaw skont il-liġi pubblika jew privata għand il-maniġer tal-infrastruttura biex jitolbu ftehim li jiggarantixxi d-drittijiet għall-użu tal-infrastruttura tal-ferrovija, […].

[…]”.

5.

L-Artikolu 45 (“Skedar”) jistipula:

“1.   Il-maniġer tal-infrastruttura għandu, sa fejn possibbli, jissodisfa t-talbiet [applikazzjonijiet] kollha għall-kapaċità tal-infrastruttura inklużi talbiet għall-mogħdijiet tal-ferroviji li jaqsmu aktar minn netwerk wieħed, u għandhom, se fejn possibbli, jieħdu kont tal-irbit kollu fuq l-applikanti, inkluż l-effett ekonomiku fuq in-negozju tagħhom.

2.   Il-maniġer tal-infrastruttura jista’ jagħti prijorità lil servizzi speċifiċi fil-proċess ta’ skedar u ta’ koordinazzjoni, imma biss kif stabbilit fl-Artikoli 47 u 49.

3.   Il-maniġer tal-infrastruttura għandu jikkonsulta lill-partijiet interessati dwar l-abbozz tal-iskeda tax-xogħol u jagħtihom għall-inqas xahar żmien biex jagħtu l-opinjonijiet tagħhom […].

4.   Il-maniġer tal-infrastruttura għandu jieħu miżuri xierqa biex jittratta kull tħassib li jkun espress”.

6.

Kif previst fl-Artikolu 46 (“Proċess ta’ koordinazzjoni”):

“1.   Matul il-proċess tal-iskedar imsemmi fl-Artikolu 45, fejn il-maniġer tal-infrastruttura jiltaqa’ ma’ kunflitti bejn talbiet [applikazzjonijiet] differenti, għandu jipprova, permezz ta’ koordinazzjoni tat-talbiet, jiżgura li r-rekwiżiti kollha jitqabblu flimkien bl-aħjar mod possibbli.

2.   Fejn tinqala’ sitwazzjoni li teħtieġ il-koordinament, il-maniġer tal-infrastruttura għandu d-dritt, f’limiti raġonevoli, li jipproponi kapaċità tal-infrastruttura li tkun differenti minn dik mitluba.

3.   Il-maniġer tal-infrastruttura għandu jipprova, permezz ta’ konsultazzjonijiet mal-applikanti xierqa jsolvi kull kunflitt. Tali konsultazzjoni għandha tkun ibbażata fuq l-iżvelar tal-informazzjoni li ġejja fi żmien raġonevoli, mingħajr ħlas u bil-miktub jew f’forma elettronika:

[…]

4.   Il-prinċipji li jirregolaw il-proċess tal-koordinazzjoni għandhom jiġu stabbiliti fid-dikjarazzjoni dwar in-netwerk. Dawn għandhom, b’mod partikolari, jirriflettu d-diffikultà li jiġu rranġati mogħdijiet internazzjonali tal-ferroviji u l-effett li jista’ jkollha l-modifika fuq maniġers oħrajn tal-infrastruttura.

5.   Fejn it-talbiet għall-kapaċità tal-infrastruttura ma jistgħux jiġu sodisfatti mingħajr koordinazzjoni, il-maniġer tal-infrastruttura għandu jipprova jakkomoda t-talbiet kollha permezz tal-koordinazzjoni.

6.   Mingħajr preġudizzju għall-proċeduri ta’ appell eżistenti u għall-Artikolu 56, fil-każ ta’ tilwim dwar l-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura, għandha tkun disponibbli sistema għar-riżoluzzjoni tat-tilwim sabiex dan it-tilwim jiġi riżolt minnufih. Din is-sistema għandha tkun stipulata fid-dikjarazzjoni dwar in-netwerk. Jekk tiġi applikata din is-sistema, għandha tintlaħaq deċiżjoni fi żmien 10 ijiem tax-xogħol”.

7.

Skont l-Artikolu 47 (“Infrastruttura kkonġestjonata”):

“1.   Meta, wara l-koordinazzjoni tal-mogħdijiet ferrovjarji mitluba u l-konsultazzjoni mal-applikanti, ma jkunx possibbli li jiġu sodisfatti ttalbiet [applikazzjonijiet] għall-kapaċità tal-infrastruttura b’mod adegwat, il-maniġer tal-infrastruttura għandu minnufih jiddik[j]ara li dik it-taqsima tal-infrastruttura li seħħ dan fuqha hija kkonġestjonata. Dan għandu jsir ukoll għall-infrastruttura li hija mistennija li ssofri minn nuqqas ta’ kapaċità fil-futur qrib.

[…]

3.   Fejn l-imposti skont l-Artikolu 31(4) ma jkunux ġew iddebitati jew ma jkunux laħqu riżultat sodisfaċenti u l-infrastruttura tkun ġiet iddikjarata kkonġestjonata, il-maniġer tal-infrastruttura jista’ wkoll juża kriterji ta’ prijorità biex jalloka l-kapaċità tal-infrastruttura.

4.   Il-kriterji ta’ prijorità għandhom iqisu l-importanza ta’ servizz għas-soċjetà, meta mqabbel ma’ kull servizz ieħor li konsegwentement ikun se jiġi eskluż.

Sabiex jiġi ggarantit l-iżvilupp ta’ servizzi tat-trasport adegwati f’dan il-qafas, partikolarment biex jikkonformaw mar-rekwiżiti tas-servizz pubbliku jew biex jiġi promoss l-iżvilupp nazzjonali u internazzjonali tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija, l-Istati Membri jistgħu jieħdu kull miżura meħtieġa, b’kundizzjonijiet nondiskriminatorji, biex jiżguraw li dawn is-servizzi jingħataw prijorità meta tiġi allokata l-kapaċità tal-infrastruttura.

[…].

6.   Il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti u l-kriterji li għandhom jiġu użati meta l-infrastruttura tkun ikkonġestjonata għandhom jiġu stabbiliti fid-dikjarazzjoni dwar in-netwerk”.

8.

Skont l-Artikolu 52 (“Użu tal-mogħdijiet ferrovjarji”):

“1.   Fid-dikjarazzjoni dwar in-netwerk, il-maniġer tal-infrastruttura għandu jispeċifika l-kundizzjonijiet li permezz tagħhom se jqis il-livelli preċedenti tal-użu tal-mogħdijiet tal-ferrovija fid-determinazzjoni tal-prijoritajiet għall-proċess tal-allokazzjoni.

2.   Għall-infrastruttura kkonġestjonata b’mod partikolari, il-maniġer tal-infrastruttura għandu jitlob li tiġi ċeduta mogħdija tal-ferrovija li, fi żmien ta’ mill-inqas xahar, tkun intużat inqas minn kwota ta’ limitu li għandha tiġi stipulata fid-dikjarazzjoni dwar in-netwerk, sakemm dan ma kienx dovut għal raġunijet mhux ekonomiċi lil hinn mill-kontroll tal-applikant”.

B.   Id-dritt Litwan. Il‑Lietuvos Respublikos Vyriausybės 2004 m. gegužės 19 d. nutarimas Nr. 611 “Dėl viešosios geležinkelių infrastruktūros pajėgumų skyrimo taisyklių patvirtinimo”  ( 3 )

9.

Il-punt 28 jipprovdi:

“Fejn ikun possibbli, il-maniġer tal-infrastruttura ferrovjarja pubblika, sabiex jirrikonċilja l-applikazzjonijiet għal allokazzjoni relatati mal-istess kapaċità, għandu jipproponi lill-kandidati […] kapaċitajiet oħra minbarra dawk imsemmija fl-applikazzjonijiet tagħhom. F’każ li l-kandidati […] jirrifjutaw il-kapaċitajiet ta’ sostituzzjoni proposti mill-maniġer tal-infrastruttura ferrovjarja pubblika jew fin-nuqqas ta’ tali kapaċità, il-maniġer tal-infrastruttura ferrovjarja pubblika għandu japplika r-regola ta’ prijorità, jiġifieri li l-kapaċità tiġi assenjata lill-kandidat li se jużaha sabiex jipprovdi servizzi tat-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija fuq itinerarji internazzjonali; jekk il-kapaċità ma tintużax sabiex jiġu pprovduti servizzi tat-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija fuq itinerarji internazzjonali, din tingħata lill-applikant li jużaha sabiex jipprovdi servizzi tat-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija fuq itinerarji lokali; jekk il-kapaċitajiet ma jintużawx biex jiġu pprovduti servizzi tat-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija fuq itinerarji internazzjonali jew lokali, dawn jiġu assenjati lill-kandidat […] li jużahom għall-ikbar numru ta’ jiem; jekk tkun mistennija li l-kapaċità tintuża għall-istess numru ta’ jiem, din tiġi assenjata lill-kandidat […] li jkun talab li jiġi assenjat lilu l-ikbar numru possibbli ta’ vjaġġi fuq l-itinerarju inkwistjoni”.

II. Il-fatti, it-tilwima u d-domandi preliminari

10.

Fit‑3 ta’ April 2019, UAB Gargždų geležinkelis (iktar ’il quddiem “Gargždų geležinkelis”) applikat għal allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura ferrovjarja għal ferroviji tal-merkanzija, għall-perijodu 2019-2020.

11.

Fit‑3 ta’ Mejju 2019, il-Lietuvos transporto saugos administracija (l-Amministrazzjoni tas-sigurtà tat-trasport tal-Litwanja) bagħtet din l-applikazzjoni lill-maniġer tal-infrastruttura pubblika għall-evalwazzjoni tiegħu ( 4 ).

12.

Fl‑10 ta’ Lulju 2019, il-maniġer tal-infrastruttura kkomunika lill-Amministrazzjoni tas-sigurtà tat-trasport l-abbozz tal-iskeda tax-xogħol. Huwa żied li fiha ma kienx possibbli li tiġi inkluża l-kapaċità kollha mitluba mill-kandidati (fosthom, Gargždų geležinkelis), minħabba r-restrizzjonijiet ta’ kapaċità eżistenti f’ċerti elementi tal-infrastruttura ferrovjarja, peress li xi wħud minn dawn l-applikazzjonijiet kienu f’kunflitt ma’ xulxin.

13.

Fis‑17 ta’ Lulju 2019, Gargždų geležinkelis argumentat quddiem il-maniġer tal-infrastruttura u l-Amministrazzjoni tas-Sigurtà tat-Trasport li s-saturazzjoni eventwali tal-infrastruttura kienet artifiċjali, peress li l-iskeda tax-xogħol kienet tinkludi applikazzjonijiet minn kandidati differenti li l-għan tagħhom kien li jittrasportaw l-istess merkanzija.

14.

Fit‑3 ta’ Awwissu 2019, il-maniġer tal-infrastruttura rrisponda lil Gargždų geležinkelis li, minħabba d-differenzi dwar l-allokazzjoni tal-istess kapaċitajiet fuq taqsima tal-infrastruttura pubblika tal-ferroviji, kien infetaħ proċess ta’ koordinazzjoni. Huwa speċifika li l-applikazzjonijiet għall-allokazzjoni tal-kapaċità ma fihomx informazzjoni dwar il-merkanzija li mistennija tiġi ttrasportata.

15.

Fit‑23 ta’ Settembru 2019, il-maniġer tal-infrastruttura informa lil Gargždų geležinkelis li d-dikjarazzjoni ta’ konġestjoni ta’ taqsima tal-infrastruttura ferrovjarja pubblika hija bbażata fuq il-kapaċità effettiva tat-taqsima, abbażi tal-analiżi tal-applikazzjonijiet għall-allokazzjoni għall-perijodu ta’ validità tal-iskeda tax-xogħol. Huwa indika wkoll li peress li wieħed mill-kandidati kien irrifjuta li jipparteċipa fil-proċess ta’ koordinazzjoni, il-maniġer tal-infrastruttura ma setax jipproponi kapaċitajiet oħra minflok dawk imsemmija fl-applikazzjoni tiegħu.

16.

Fl‑24 ta’ Settembru 2019, il-maniġer tal-infrastruttura informa lill-Amministrazzjoni tas-sigurtà tat-trasport li, bejn is‑27 ta’ Awwissu u t‑23 ta’ Settembru 2019, kien wettaq proċess ta’ koordinazzjoni u li fi tmiemu ma setgħax jissodisfa l-applikazzjonijiet kollha. Konsegwentement, huwa kien iddikjara li l-infrastruttura ferrovjarja pubblika kienet ikkonġestjonata fit-taqsimiet speċifikati għall-perijodu ta’ validità tal-2019 tal-iskeda tax-xogħol.

17.

Fit‑30 ta’ Settembru 2019, Gargždų geležinkelis ikkuntattjat lill-Amministrazzjoni tas-sigurtà tat-trasport sabiex tirrevedi l-azzjoni tal-maniġer tal-infrastruttura.

18.

Fil‑15 ta’ Ottubru 2019, l-Amministrazzjoni tas-sigurtà tat-trasport sabet li l-maniġer tal-infrastruttura, fil-kuntest tal-eżaminazzjoni u tal-koordinazzjoni tal-applikazzjonijiet, kien aġixxa f’konformità mar-rekwiżiti tar-regolamenti fis-seħħ dak iż-żmien u ma kienx kiser id-drittijiet ta’ Gargždų geležinkelis jew mar kontra l-interessi leġittimi tagħha.

19.

Fis‑17 ta’ Ottubru 2019, id-direttur tal-Amministrazzjoni tas-sigurtà tat-trasport qabel li ma jagħtix lil Gargždų geležinkelis il-kapaċitajiet mitluba, peress li dawn kienu diġà ġew allokati lil impriżi oħra b’applikazzjoni tar-regola ta’ prijorità stabbilita fil-punt 28 tar-Regolament dwar l-Allokazzjoni. Huwa stqarr ukoll li ma kienx possibbli li tiġi proposta kapaċità ta’ sostituzzjoni, peress li l-element tal-infrastruttura ferrovjarja pubblika kien ikkonġestjonat.

20.

Fit‑12 ta’ Novembru 2019, Gargždų geležinkelis ikkontestat id-deċiżjoni preċedenti quddiem il-President tal-korp regolatorju, li ħareġ deċiżjoni ta’ ċaħda fit‑13 ta’ Frar 2020.

21.

Gargždų geležinkelis ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Vilnjus, il-Litwanja), li ċaħditu permezz ta’ sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2020.

22.

Gargždų geležinkelis ippreżenta appell kontra s-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2020 quddiem il-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja).

23.

Din il-qorti, l-ewwel, għandha dubji dwar ir-regoli nazzjonali li jirregolaw l-allokazzjoni tal-kapaċità infrastrutturali. B’mod speċifiku, hija tistaqsi jekk it-tielet u r-raba’ regoli ta’ prijorità stabbiliti fil-punt 28 tar-Regolament dwar l-Allokazzjoni humiex konformi mad-Direttiva 2012/34.

24.

Dawn ir-regoli jistabbilixxu l-intensità tal-użu tan-network bħala kriterju prijoritarju għall-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura, fattur li jista’ jikser il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, peress li jagħti vantaġġ bla bżonn lill-operatur storiku. Dan intqal fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑28 ta’ Frar 2013 ( 5 ), dwar id-Direttiva 2001/14/KE ( 6 ), imħassra u sostitwita bid-Direttiva 2012/34.

25.

It-tieni, l-istess qorti tistaqsi jekk l-applikazzjoni tal-kriterji ta’ prijorità hijiex suġġetta għar-rekwiżit li l-infrastruttura tkun ġiet iddikjarata kkonġestjonata jew inkella, għall-kuntrarju, kif jiġi dedott mill-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2012/34, il-maniġer tal-infrastruttura jista’ jibbaża ruħu fuqhom anki fil-qafas tal-proċess ta’ skedar u koordinazzjoni.

26.

F’dan l-isfond, il-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja) tagħmel dawn id-domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-ewwel u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 47(4) tad-Direttiva [2012/34] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu b’mod inekwivoku li tiġi adottata leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti, f’każ ta’ konġestjoni tal-infrastruttura, li tittieħed inkunsiderazzjoni, matul l-allokazzjoni tal-kapaċitajiet, l-intensità tal-użu tal-infrastruttura ferrovjarja? Il-kwistjoni ta’ jekk l-indikatur tal-użu tal-infrastruttura ferrovjarja huwiex relattiv għall-użu effettiv ta’ din l-infrastruttura fil-passat jew għall-użu previst għall-perijodu ta’ validità tal-iskeda tax-xogħol ikkonċernata, għandha importanza f’dan ir-rigward? L-Artikoli 45 u 46 tad-Direttiva 2012/34, li jagħtu lill-maniġer tal-infrastruttura jew lill-korp li jiddeċiedi dwar il-kapaċitajiet setgħa diskrezzjonali wiesgħa biex jikkoordinaw l-applikazzjonijiet għall-kapaċità, kif ukoll l-implimentazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fid-dritt nazzjonali, għandhom importanza f’dan ir-rigward? Il-fatt li, fil-każ konkret, l-infrastruttura ġiet iddikjarata kkonġestjonata minħabba kapaċitajiet mitluba minn diversi impriżi ferrovjarji bil-għan li jġorru l-istess merkanzija, għandu importanza f’dan ir-rigward?

L-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2012/34 […] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-maniġer tal-infrastruttura jista’ japplika r-regola ta’ prijorità nazzjonali anki f’każijiet fejn l-infrastruttura ma ġietx iddikjarata kkonġestjonata? Sa fejn (abbażi ta’ liema kriterji) għandu l-maniġer tal-infrastruttura jikkoordina l-applikazzjonijiet għal mogħdijiet tal-ferrovija u jikkonsulta lill-kandidati b’applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 47[(1)] tad-Direttiva 2012/34 qabel ma jiddikjara l-infrastruttura bħala kkonġestjonata? Din il-konsultazzjoni tal-kandidati tinvolvi li jiġi vverifikat jekk diversi kandidati ressqux applikazzjonijiet konfliġġenti bil-għan li tiġi ttrasportata l-istess merkanzija)?”

III. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

27.

It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet ippreżentata fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑9 ta’ Novembru 2021.

28.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Gargždų geležinkelis, mill-Gvern Litwan u mill-Kummissjoni Ewropea.

29.

Iż-żamma ta’ seduta ma ġiex ikkunsidrat bħala essenzjali.

IV. Evalwazzjoni

A.   Il‑kunsiderazzjonijiet preliminari

30.

Għal fehim aħjar tat-tilwima, huwa rakkomandabbli li jiġu deskritti, fil-qosor, ir-regoli li jirregolaw l-azzjoni tal-maniġer tal-infrastruttura fl-allokazzjoni tal-kapaċità għall-użu tal-elementi tal-infrastruttura ferrovjarja ( 7 ).

31.

Id-Direttiva 2012/34 tinkludi r-regoli applikabbli għall-maniġers tal-infrastrutturi ferrovjarji, minn naħa, u għall-attivitajiet tal-impriżi ferrovjarji, min-naħa l-oħra. Fost dawn ir-regoli hemm dawk li jirregolaw is-sistema legali tal-kisba tal-liċenzji u tal-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura lil dawn l-impriżi, li jħallsu miżati għall-użu tagħha.

32.

L-infrastrutturi ferrovjarji għandhom, kif huwa loġiku, kapaċità limitata ( 8 ), minħabba li huma “monopolju naturali” ( 9 ) li t-tkabbir tal-portata tiegħu ma jkunx jagħmel sens. Id-Direttiva 2012/34, minflok ma tiddefinixxihom, tippreferi tiddeskrivi l-elementi li jikkomponuhom, elenkati fl-Anness I tagħha ( 10 ). Il-kunċett ta’ network huwa marbut ma’ dawn l-infrastrutturi: in-network ferrovjarju huwa “l-infrastruttura ferrovjarja sħiħa mmaniġġjata minn maniġer tal-infrastruttura” ( 11 ).

33.

L-infrastruttura ferrovjarja (li hija marbuta mal-kunċett ta’ mogħdija tal-ferrovija) ( 12 ) hija ġestita mill-maniġer tagħha, li huwa responsabbli għall-operat, għall-manutenzjoni u għat-tiġdid tagħha. Dawk li qabel kisbu l-liċenzja li tikkwalifikahom bħala impriżi ferrovjarji għandhom jitolbuh ir-rikonoxximent tad-dritt sabiex jużaw ċertu kapaċità ta’ din l-infrastruttura.

34.

Il-proċess tal-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura ferrovjarja huwa preċedut mill-hekk imsejħa “dikjarazzjoni dwar in-network”, li fiha l-maniġer tal-infrastruttura jistabbilixxi fid-dettall ir-regoli ġenerali, it-termini, il-proċeduri u l-kriterji li jirregolaw l-allokazzjoni. Id-Direttiva 2012/34 tħalli f’idejn dan il-maniġer l-ispeċifikazzjoni ta’ varjetà wiesgħa ta’ partikolaritajiet f’dan ir-rigward ( 13 ).

35.

Il-prinċipju bażiku huwa li l-maniġer tal-infrastruttura jakkomoda, sa fejn ikun possibbli, l-applikazzjonijiet kollha għall-kapaċità tal-infrastruttura li jirċievi. Jekk dan ma jkunx fattibbli, huwa japplika kriterji oħra ta’ allokazzjoni ( 14 ). Huwa għandu wkoll jipprepara l-abbozz tal-iskeda tax-xogħol u jikkomunikah lill-partijiet interessati, sabiex dawn jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom.

36.

Is-sett ta’ deċiżjonijiet ( 15 ) dwar l-allokazzjonijiet tal-kapaċità tal-infrastruttura jippermetti li tingħalaq l-iskeda tax-xogħol, permezz tal-ippjanar tal-movimenti tal-ferroviji u l-vetturi ferrovjarji fl-infrastruttura, matul il-perijodu li fih l-iskeda msemmija tkun fis-seħħ. L-Anness VII, paragrafu 2, tad-Direttiva 2012/34 jikkontempla l-kontinġenza ta’ bidliet jew aġġustamenti fl-iskeda tax-xogħol, li jagħti idea tal-flessibbiltà u tal-adattabbiltà tagħha għaċ-ċirkostanzi li jinbidlu.

37.

Il-maniġer tal-infrastruttura jaħdem fuq realtà li toffri possibbiltajiet ristretti (minħabba spazju u minħabba ħinijiet) sabiex jiġu ssodisfatti l-applikazzjonijiet tal-impriżi li jagħmlu t-talba. Billi r-rotot huma limitati għat-tqegħid tal-binarji u jiddependu fuq il-prestazzjoni tal-faċilitajiet tas-servizz, il-maniġer bilfors irid jikkoordina l-provvista tas-servizz tat-trasport mill-impriżi ferrovjarji kollha.

38.

Fil-fatt, il-libertà tal-impriżi tat-trasport ferrovjarju li joffru lill-pubbliku r-rotot li jippreferu u l-iskedi tal-ferroviji li jaqblilhom l-iktar hija kompatibbli mal-fatt li dawn l-offerti jkunu suġġetti għad-deċiżjonijiet ta’ koordinazzjoni tal-maniġer tal-infrastruttura. Huwa dan il-maniġer, għalhekk, li fl-aħħar mill-aħħar “jistabbilixxi” (anki meta jkun qiegħed jaċċetta l-applikazzjonijiet tal-impriżi) l-hekk imsejħa “kundizzjonijiet operattivi” tas-servizz.

39.

Fid-Direttiva 2012/34 hemm diversi każijiet li fihom il-maniġer tal-infrastruttura jingħata setgħat li jaffettwaw dawn il-kundizzjonijiet. Id-definizzjonijiet tal-Artikolu 3 dwar ir-“rotta alternattiva”, l-“alternattiva vijabbli” jew l-“infrastruttura kkonġestjonata” għandhom ir-rifless sussegwenti tagħhom fir-regolament, skont liema l-maniġer tal-infrastruttura jista’ —u għandu— jintervjeni fl-istabbiliment tat-termini tal-użu tan-network ferrovjarju, kemm fil-każ tal-“kapaċità tat-trasport disponibbli”, l-“itinerarji” innifishom jew il-“frekwenza tas-servizz”, sabiex jevita duplikazzjonijiet jew konġestjonijiet ( 16 ).

40.

Id-dikjarazzjoni dwar in-network, li l-maniġer tal-infrastruttura għandu jippubblika, tippermettilu wkoll li jimmodifika elementi li ma jistgħux jiġu determinati a priori. Huwa jista’ wkoll jalloka kapaċitajiet li jvarjaw minn dawk mitluba, u dan juri li l-marġni tad-deċiżjoni tal-impriżi li jipprovdu t-trasport ferrovjarju huwa limitat minn possibbiltajiet limitati, inerenti għall-iskarsezza tar-riżorsi disponibbli, li għandhom jiġu mmaniġġati mill-maniġer tal-infrastruttura.

41.

Fil-qosor, il-ħtieġa li jiġu mmaniġġati u distribwiti riżorsi ferrovjarji limitati tfisser li l-maniġer tal-infrastruttura għandu jkollu s-setgħa li jimponi, fuq l-impriżi li jużawhom għall-provvista tas-servizzi tagħhom, kundizzjonijiet li jaffettwaw il-kapaċità disponibbli, l-itinerarji u l-frekwenza ta’ dawn is-servizzi.

42.

Il-maniġer tal-infrastruttura għandu rwol ċentrali peress li huwa responsabbli għall-operat, għall-manutenzjoni u għat-tiġdid tal-qafas fiżiku li jippermetti t-trasport ferrovjarju. Skont l-Artikolu 39(1) tad-Direttiva 2012/34, huwa responsabbli sabiex jiżgura “li l-kapaċità tal-infrastruttura tiġi allokata b’mod ġust u nondiskriminatorju”.

43.

Quddiemu, hemm l-impriżi ferrovjarji awtorizzati ( 17 ) sabiex joperaw fis-settur, li jridu jitolbuh rikonoxximent tad-dritt sabiex jużaw ċertu kapaċità ta’ dawn l-infrastrutturi sabiex jipprovdu s-servizzi tat-trasport tagħhom ( 18 ).

44.

L-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2012/34 jimponi fuq il-maniġers tal-infrastruttura l-obbligu li jfornu, fuq bażi nondiskriminatorja, lill-impriżi ferrovjarji kollha l-pakkett ta’ aċċess minimu stipulat fil-punt I tal-Anness II.

45.

Il-proċess li jinsab fid-Direttiva 2012/34 għall-allokazzjoni ta’ kapaċità infrastrutturali għandu l-għan li jiżgura li l-impriżi ferrovjarji jkollhom effettivament il-kapaċità mogħtija, konformement mal-mandat li jinsab fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 10 ( 19 ) tagħha.

46.

Dan il-proċess jestendi mid-dikjarazzjoni dwar in-network sal-approvazzjoni tal-iskeda tax-xogħol ( 20 ). Il-fażijiet intermedji tiegħu huma ddefiniti fit-Taqsima 3 tal-Kapitolu IV tad-Direttiva 2012/34, u jinkludu:

L-applikazzjonijiet għall-kapaċità tal-infrastruttura minn kandidat wieħed jew iktar (impriżi ferrovjarji).

Il-fażi ta’ skedar, ladarba l-applikazzjonijiet tal-kandidati jkunu ġew iddepożitati.

Il-fażi ta’ koordinazzjoni, li tinfetaħ meta l-maniġer tal-infrastruttura jirċievi applikazzjonijiet li huma f’kunflitt ma’ xulxin.

Id-dikjarazzjoni ta’ infrastruttura kkonġestjonata, li tidħol fis-seħħ meta l-koordinazzjoni ma tkunx possibbli. F’din l-eventwalità, il-maniġer tal-infrastruttura japplika kriterji ta’ prijorità għall-allokazzjoni.

47.

Meta neżamina d-domandi magħmula, jidhirli li huwa iktar xieraq li tiġi segwita l-istruttura kronoloġiku tal-fażijiet għall-allokazzjoni tal-kapaċità. Għalhekk, l-ewwel ser nindirizza dak li jikkonċerna l-proċess ta’ koordinazzjoni u mbagħad ser niffoka fuq ir-regoli applikabbli għall-infrastrutturi kkonġestjonati.

B.   It‑tieni domanda preliminari

48.

Permezz tat-tieni domanda preliminari l-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, sostanzjalment, jekk, qabel ma jiddikjara li l-infrastruttura ferrovjarja hija kkonġestjonata, il-maniġer ta’ din l-infrastruttura:

Jistax japplika regola ta’ prijorità nazzjonali.

Għandux jikkoordina l-mogħdijiet tal-ferrovija mitluba u jikkonsulta mal-kandidati.

Għandux jevalwa l-konverġenza bejn il-merkanzija li żewġ kandidati jew iktar beħsiebhom jittrasportaw.

49.

F’din is-sensiela ta’ domandi, l-aspetti materjali (regoli dwar l-allokazzjoni tal-kapaċità) huma inkroċjati mal-aspetti formali (il-proċessi ta’ skedar u koordinazzjoni). Ser nibda billi nanalizza dawn tal-aħħar.

1. Il‑proċessi ta’ skedar u koordinazzjoni: l‑Artikoli 45 u 46 tad‑Direttiva 2012/34

50.

Fil-qafas tal-iskedar, “il-maniġer tal-infrastruttura għandu, sa fejn possibbli, jissodisfa t-talbiet [applikazzjonijiet] kollha għall-kapaċità tal-infrastruttura” ( 21 ). Jekk jiltaqa’ ma’ kunflitti bejn applikazzjonijiet differenti, “għandu jipprova, permezz ta’ koordinazzjoni tat-talbiet [applikazzjonijiet], jiżgura li r-rekwiżiti kollha jitqabblu flimkien bl-aħjar mod possibbli” ( 22 ).

51.

Il-koordinazzjoni ( 23 ), għalhekk, għandha rwol ewlieni fl-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura bejn applikazzjonijiet f’kunflitt ma’ xulxin. Fl-eżerċizzju ta’ dan il-kompitu ta’ koordinazzjoni, li l-prinċipji tagħha għandhom ikunu previsti fid-dikjarazzjoni dwar in-network ( 24 ), l-Artikolu 46 tad-Direttiva 2012/34:

Jagħti dritt lill-maniġer tal-infrastruttura “f’limiti raġonevoli, li jipproponi kapaċità tal-infrastruttura li tkun differenti minn dik mitluba” (paragrafu 2).

Jikkontempla proċedura ta’ konsultazzjoni għall-kandidati, li jingħataw, mingħajr ma tiġi żvelata l-identità tagħhom, l-informazzjoni dwar il-kontenut tal-applikazzjonijiet tal-oħrajn. L-għan tal-konsultazzjoni huwa li l-maniġer tal-infrastruttura jkun jista’ jsolvi kull kunflitt li jista’ jinqala’ (paragrafu 3).

Jistabbilixxi “sistema għar-riżoluzzjoni tat-tilwim sabiex […] jiġi riżolt minnufih” tilwim fir-rigward tal-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura (paragrafu 6).

52.

Minn din is-serje ta’ regoli jista’ jiġi dedott li, fil-proċess ta’ koordinazzjoni, l-impriżi ferrovjarji u l-maniġer tal-infrastruttura għandhom jieħdu sehem attiv sabiex tinstab soluzzjoni raġonevoli. Abbażi tal-għarfien tat-talbiet ta’ kull kandidat u l-limitazzjonijiet tal-kapaċità eżistenti, il-maniġer tal-infrastruttura jagħmel ħiltu sabiex l-applikanti kollha, anki b’xi sagrifiċċju, ikollhom l-opportunità li jipprovdu s-servizzi tagħhom.

53.

Il-funzjoni tal-maniġer tal-infrastruttura, fil-fehma tiegħi, teċċedi dik ta’ sempliċi medjatur li jipprova jsib soluzzjoni bejn partijiet f’kunflitt ma’ xulxin. Kif diġà għidt, id-Direttiva 2012/34 tagħtih setgħat ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet. B’mod partikolari, l-Artikolu 46(3), jagħtih is-setgħa li jsolvi l-kunflitti li jinqalgħu bejn il-kandidati.

54.

Mill-informazzjoni li tinsab fid-digriet tar-rinviju u fl-osservazzjonijiet tal-partijiet jista’ jiġi dedott li l-proċedura ta’ koordinazzjoni diskussa f’din il-kawża ma tikkonformax b’mod sħiħ mar-rekwiżiti tal-Artikolu 46 tad-Direttiva 2012/34 ( 25 ), iżda dan huwa punt li jista’ jiġi ċċarat biss mill-qorti a quo, minħabba li tinsab iktar qrib il-fatti.

2. Preferenzi fil‑proċessi ta’ skedar u koordinazzjoni?

55.

L-Artikolu 45(2) tad-Direttiva jippermetti li l-maniġer tal-infrastruttura jagħti “prijorità lil servizzi speċifiċi fil-proċess ta’ skedar u ta’ koordinazzjoni, imma biss kif stabbilit fl-Artikoli 47 u 49”.

56.

L-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma hijiex faċli, inkwantu l-Artikolu 47 jirregola l-klassifikazzjoni ta’ taqsima kkonġestjonata u l-Artikolu 49 jirreferi għal infrastrutturi speċjalizzati (li ma humiex rilevanti f’din il-kawża).

57.

Fil-fehma tiegħi, ir-riferiment li jagħmel l-Artikolu 45 għall-Artikolu 47 jippermetti li l-kriterji ta’ prijorità favorevoli għal ċerti servizzi, li tikkontempla din id-dispożizzjoni tal-aħħar sabiex tiġi allokata l-kapaċità tal-infrastruttura kkonġestjonata, ikun jistgħu jiġu applikati mutatis mutandis għall-proċessi (preċedenti) ta’ skedar u ta’ koordinazzjoni.

58.

F’din l-evalwazzjoni jiena naqbel mal-Gvern Litwan u ma naqbilx mal-Kummissjoni, li fil-fehma tagħha l-Artikoli 45 u 46 ma jikkontemplawx l-applikazzjoni ta’ regoli ta’ prijorità, li huma limitati għall-Artikolu 47. Il-Kummissjoni targumenta li dan jiġi dedott mis-sentenza SJ ( 26 ), il-punti 39 u 40, iżda l-interpretazzjoni tiegħi ta’ dawn il-punti hija differenti minn tagħha.

59.

Il-Qorti tal-Ġustizzja, f’dik is-sentenza, wara li eżaminat l-elementi essenzjali tal-proċessi ta’ skedar u ta’ koordinazzjoni, enfasizzat kif “l-Artikolu 47 tad-Direttiva 2012/34 jipprevedi dispożizzjonijiet fil-każ li l-infrastruttura ferrovjarja tiġi kkonġestjonata, li fil-kuntest tagħhom il-maniġer tal-infrastruttura jista’ jistabbilixxi kriterji ta’ prijorità”. Ma elaboratx (minħabba li ma kienx meħtieġ f’dik it-tilwima) jekk dawn l-istess kriterji setgħux jintużaw fil-proċessi ta’ skedar u ta’ koordinazzjoni.

60.

L-Artikoli 45 u 46 tad-Direttiva 2012/34, kif diġà għidt, jagħtu lill-maniġer tal-infrastruttura setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jiddeċiedi dwar l-applikazzjonijiet għal allokazzjoni. Għal dawn il-finijiet, xejn ma jipprekludih milli jħabbar minn qabel (fid-dikjarazzjoni dwar in-network) liema kriterji raġonevoli, oġġettivi u nondiskriminatorji, ser juża sabiex jipproċedi għall-iskedar u, fejn xieraq, jikkoordina l-applikazzjonijiet li huma f’kunflitt ma’ xulxin. Bl-istess mod, huwa jista’ jagħti prijorità lil xi servizzi fuq oħrajn, jekk l-interess ġenerali jitlob hekk.

61.

Kif jargumenta l-Gvern Litwan, dan jiffavorixxi t-trasparenza tal-proċedura, peress li l-kandidati jkunu jafu minn qabel x’ser jaffaċċjaw meta l-applikazzjonijiet tagħhom ikollhom jiġu kkoordinati.

62.

Huwa differenti meta, fost ir-regoli ta’ prijorità, l-intensità tal-użu tirriżulta bħala kriterju determinanti. Sussegwentement, ser nanalizza sa liema punt dan il-kriterju jimplika li l-operatur diġà stabbilit ikun iffavorit, li jfisser li l-applikazzjoni tiegħu tfixkel wieħed mill-għanijiet essenzjali tad-Direttiva 2012/34, dak li s-suq ferrovjarju jkun miftuħ għall-kompetizzjoni.

3. In‑natura tal‑merkanzija ttrasportata

63.

Bl-istess mod bħall-Gvern Litwan u l-Kummissjoni, jiena tal-fehma li t-tip ta’ merkanzija ttrasportata ma hijiex element rilevanti fil-proċess ta’ koordinazzjoni ta’ applikazzjonijiet għal allokazzjoni tal-kapaċità li jirriżultaw f’kunflitt ma’ xulxin.

64.

Fid-Direttiva 2012/34, il-karatteristiċi speċifiċi relatati man-natura tal-merkanzija jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-istabbiliment ta’ imposti, iżda mhux fil-proċess ta’ koordinazzjoni. Skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 32(1) tagħha, il-maniġers tal-infrastruttura jistgħu jagħmlu distinzjoni bejn taqsimiet tas-suq skont il-merkanzija li tkun qiegħda tiġi trasportata.

65.

Barra minn hekk, l-indikazzjoni tat-tip ta’ merkanzija li impriża ferrovjarja għandha l-intenzjoni li tittrasporta ma għandhiex għalfejn tidher fl-applikazzjonijiet għall-allokazzjoni tal-kapaċità. Fil-fatt, skont Gargždų geležinkelis ( 27 ), l-applikazzjoni tagħha kienet tirreferi għal ferroviji tat-trasport tal-merkanzija, mingħajr ma ġiet speċifikata l-merkanzija li kellha l-intenzjoni li tittrasporta (li jidher loġiku, peress li hija kontinġenza li tiddependi fuq l-eżiġenzi konkreti tas-suq) ( 28 ).

C.   L‑ewwel domanda preliminari

66.

Permezz tal-ewwel domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, fil-qosor, jekk ladarba infrastruttura tiġi kklassifikata bħala kkonġestjonata, l-Artikolu 47(4) tad-Direttiva 2012/34 jippermettix l-adozzjoni ta’ kriterji ta’ prijorità ta’ allokazzjoni li jqisu l-intensità, passata jew futura, tal-użu ta’ din l-infrastruttura minn impriża ferrovjarja.

67.

Il-pożizzjonijiet ta’ dawk li intervjenew fil-każ huma differenti f’dan ir-rigward: Gargždų geležinkelis targumenta li teżisti diskriminazzjoni kontra operaturi li jidħlu fis-suq, li huwa miċħud mill-Gvern Litwan. Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, targumenta li l-kriterju, anki li kieku kien validu fl-astratt, ikun ammissibbli biss jekk ma jimplikax restrizzjoni tal-kompetizzjoni u lanqas ma jiffavorixxi ż-żamma tal-kapaċitajiet.

68.

Is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja tipprovdi, fil-fehma tiegħi, l-indikazzjonijiet neċessarji sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi. Fiha, il-Qorti tal-Ġustizzja:

Iddikjarat li skont “l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2001/14 [illum l-Artikolu 39(1) tad-Direttiva 2012/34] […] l-amministratur [maniġer] tal-infrastruttura għandu jiżgura b’mod partikolari li l-kapaċitajiet tal-infrastruttura jiġu allokati fuq bażi xierqa u nondiskriminatorja, b’rispett għad-dritt tal-Unjoni”.

Hija ddikjarat “li l-kriterju tal-użu effettiv tan-network bħala kriterju għall-allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura huwa diskriminatorju sa fejn iwassal, meta jkun hemm sovrappożizzjoni ta’ talbiet [applikazzjonijiet] għall-istess mogħdija tal-ferrovija f’ħin partikolari jew meta n-network ikun saturat, għaż-żamma ta’ vantaġġi għall-utenti abitwali u għall-waqfien tal-aċċess għall-mogħdijiet tal-ferrovija l-iktar attraenti għall-operaturi l-ġodda” ( 29 ).

69.

Huwa minnu li f’dak il-każ l-intensità tal-użu kienet tirreferi għall-użu fl-imgħoddi filwaqt li din il-kawża hija orjentata lejn tbassir futur. Madankollu, jiena nemmen li din iċ-ċirkustanza ma tinfluwenzax ir-riżultat.

70.

Dan huwa għaliex it-tbassir tal-ħtiġijiet futuri tal-kapaċità tal-infrastruttura, sabiex ikun konvinċenti u realistiku, irid ikun appoġġjat minn data oġġettiva dwar l-użu fl-imgħoddi qarib (jew fil-preżent). Peress li l-uniċi operaturi li jistgħu joffru dawn l-elementi ta’ evalwazzjoni huma dawk diġà stabbiliti, kwalunkwe operatur ieħor li beħsiebu jingħaqad ikun f’pożizzjoni ta’ inferjorità: ma jkunx jista’ jinvoka s-servizzi li pprovda favurih (jew ikun kapaċi jagħmel dan biss sa ċertu punt).

71.

Fir-realtà, l-aċċettazzjoni ta’ dan il-kriterju tista’ tiġġenera ċirku vizzjuż li fih l-operatur stabbilit jikseb, suċċessivament, allokazzjonijiet tal-kapaċità, filwaqt li jevita r-rekwiżiti imposti fl-Artikolu 38(2) tad-Direttiva 2012/34 (“id-dritt tal-użu ta’ kapaċità speċifika tal-infrastruttura fil-forma ta’ mogħdija tal-ferrovija jista’ jingħata lill-applikanti għal terminu massimu ta’ perjodu wieħed ta’ skeda tax-xogħol”) ( 30 ).

72.

Anki jekk jiġi aċċettat li d-differenza fit-trattament kienet iġġustifikata minn għan ieħor tad-Direttiva 2012/34, bħall-iżgurar ta’ użu iktar effiċjenti tal-infrastruttura, “sabiex dan jintlaħaq, ma huwiex neċessarju li l-miżura inkwistjoni topera diskriminazzjoni bejn l-operaturi tan-network u lanqas li twaqqaf l-aċċess tal-operaturi l-ġodda għalih” ( 31 ).

73.

Li din id-diskriminazzjoni, għad-detriment tal-operatur il-ġdid, seħħet de facto jidher li jista’ jiġi dedott mill-fatti deskritti fid-digriet tar-rinviju u fl-osservazzjonijiet tal-partijiet. Għalkemm, għal darb’oħra, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan, kollox jissuġġerixxi li, bl-applikazzjoni tat-tielet u tar-raba’ regoli tal-punt 28 tar-Regolament dwar l-Allokazzjoni, l-applikazzjonijiet tal-operatur il-ġdid biex jaċċedi għall-infrastruttura huma sistematikament miċħuda, favur l-operatur storiku tas-sjieda pubblika. Dan tal-aħħar, barra minn hekk, japplika għal kapaċitajiet li, wara li jiksibhom, ma jużahomx ( 32 ) u jirrifjuta li jipparteċipa fil-proċess ta’ koordinazzjoni.

V. Konklużjoni

74.

Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja) fit-termini li ġejjin:

“Id-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

Fl-Artikolu 46 tagħha, timponi l-eżistenza ta’ proċessi ta’ koordinazzjoni u ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim sabiex il-maniġer tal-infrastruttura, f’limiti raġonevoli, jiddeċiedi huwa stess li jalloka kapaċità tal-infrastruttura ferrovjarja lill-kandidati, sabiex, wara li jikkonsulta magħhom, jirrikonċilja l-applikazzjonijiet li huma f’kunflitt ma’ xulxin.

Fl-Artikolu 45(2), moqri flimkien mal-Artikolu 47, tippermetti li l-maniġer tal-infrastruttura jagħti prijorità lil servizzi speċifiċi, fil-proċessi ta’ skedar u ta’ koordinazzjoni, sakemm jagħmel dan billi juża kriterji oġġettivi, trasparenti, raġonevoli, proporzjonali u nondiskriminatorji.

Tipprekludi, skont l-Artikolu 47(4), regolament nazzjonali li jistabbilixxi bħala kriterju prijoritarju għall-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura, meta din tkun ikkonġestjonata, l-intensità, passata jew futura, tal-użu tan-network ferrovjarju minn operatur diġà stabbilit, bir-riżultat li operaturi ġodda jiġu mwaqqfa milli jaċċedu għal dik l-istess infrastruttura”.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

( 2 ) Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (ĠU 2012, L 343, p. 32, u rettifiki fil-ĠU 2015, L 67, p. 32 u fil-ĠU 2015, L 196, p. 67).

( 3 ) Ir-Regolament dwar l-allokazzjoni tal-kapaċità ta’ infrastruttura ferrovjarja pubblika, approvat bid-Deċiżjoni tal-Gvern Nru 611 tad-19 ta’ Mejju 2004 (iktar ’il quddiem, ir-“Regolament dwar l-Allokazzjoni”).

( 4 ) Fil-Litwanja, dan huwa l-“Lietuvos geležinkeliai Geležinkelių infrastruktūros direkcija” AB (id-Direttorat għall-Infrastruttura Ferrovjarja tal-kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata “Lietuvos geležinkeliai”; iktar ’il quddiem il-“maniġer tal-infrastruttura”).

( 5 ) Il-kawża Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑483/10, EU:C:2013:114; iktar ’il quddiem, is-“sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja”).

( 6 ) Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2001 dwar l-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta’ piżijiet għall-użu ta’ infrastruttura tal-ferroviji u ċertifikazzjoni tas-sigurtà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 404).

( 7 ) Il-punti li ġejjin (minn 31 sa 41) jittraskrivu, f’xi każijiet b’varjazzjonijiet minimi, il-punti 51 sa 63 tal-konklużjonijiet li ppreżentajt fil-Kawża C‑388/17, SJ (EU:C:2018:738).

( 8 ) Il-premessa 58 tad-Direttiva 2012/34 tenfasizza dan, meta tindika li “l-iskemi tal-piżijiet u tal-allokazzjoni tal-kapaċità għandhom iqisu l-effetti ta’ saturazzjoni dejjem tiżdied tal-kapaċità tal-infrastruttura, u fl-aħħar, tal-iskarsezza tal-kapaċità.”

( 9 ) Il-premessa 71 tad-Direttiva 2012/34.

( 10 ) Dawn jinkludu l-bażi fiżika meħtieġa għall-istabbiliment tan-network ferrovjarju u s-servizz tiegħu, bħal art, xogħlijiet ta’ operat u pjattaformi tal-binarji, pjattaformi tal-passiġġieri u tal-merkanzija, passaġġi u toroq, kompartimenti, protezzjonijiet, xogħlijiet ċivili (pontijiet jew mini), qsim invell, superstrutturi, mezzi ta’ aċċess għall-passiġġieri u l-merkanzija, installazzjonijiet tas-sigurtà, tas-sinjalar u tat-telekomunikazzjoni għall-binarji, l-istazzjon u l-istazzjon tal-iswiċċjar, installazzjonijiet ta’ sinjalazzjoni bid-dawl u trasformazzjoni u konduzzjoni tal-kurrent elettriku għat-trazzjoni tal-ferroviji jew bini użat mis-servizz tal-infrastruttura.

( 11 ) L-Artikolu 3(25) tad-Direttiva 2012/34.

( 12 ) Il-kapaċità tal-infrastruttura hija mifhuma bħala “il-potenzjal li jiġu skedati l-linji tal-ferroviji mitluba għal element tal-infrastruttura għal ċertu perjodu” (l-Artikolu 3(24) u (27)).

( 13 ) Għalhekk, pereżempju, l-istabbiliment ta’ regoli għall-applikazzjoni tat-tqegħid tal-imposti (l-Artikolu 29(3)), id-definizzjoni tar-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfatti mill-kandidati (l-Artikolu 41(2)), l-istabbiliment tal-prinċipji tal-proċess ta’ koordinazzjoni u ta’ sistema ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim (l-Artikolu 46(4) u (6)) jew, fl-aħħar nett, fir-rigward ta’ infrastruttura kkonġestjonata, il-proċeduri u l-kriterji li għandhom jiġu segwiti u d-definizzjoni tal-kwota minima għall-użu (l-Artikolu 47(6), u l-Artikolu 52(2)).

( 14 ) Meta jivverifika li jkun hemm applikazzjonijiet li huma f’kunflitt ma’ xulxin, il-maniġer tal-infrastruttura għandu jipprova jikseb, billi jikkordina dawk li ġew ippreżentati, l-aħjar qbil bejniethom, u jkun jista’ jipproponi, f’limiti raġonevoli, allokazzjonijiet ta’ kapaċitajiet tal-infrastruttura li jkunu differenti minn dawk li jkunu ġew mitluba.

( 15 ) Għalkemm id-Direttiva ma tirreferix b’mod espliċitu għad-deċiżjonijiet dwar l-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura, l-adozzjoni tagħhom hija sottontiża. L-Artikolu 46(6) jipprovdi sistema għar-riżoluzzjoni tat-tilwim (mingħajr preġudizzju għall-proċedura ta’ appell korrispondenti, b’mod konformi mal-Artikolu 56).

( 16 ) Id-Direttiva (UE) 2016/2370 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Diċembru 2016 li temenda d-Direttiva 2012/34/UE fir-rigward tal-ftuħ tas-suq tas-servizzi tat-trasport domestiku tal-passiġġieri bil-ferrovija u l-governanza tal-infrastruttura ferrovjarja (ĠU 2016, L 352, p. 1), tikkonferma dan il-kriterju. Fil-premessa 28 tagħha, hija tgħid li “l-Istati Membri jistgħu jagħmlu kundizzjonijiet speċifiċi għad-dritt ta’ aċċess għall-infrastruttura sabiex jippermettu l-implimentazzjoni ta’ skema ta’ skeda taż-żmien integrata għal servizzi ferrovjarji domestiċi tal-passiġġieri”.

( 17 ) Skont l-Artikolu 17(4) tad-Direttiva 2012/34, “l-ebda impriża ma għandha titħalla tipprovdi servizzi ta’ trasport ferrovjarju kopert minn dan il-Kapitolu kemm-il darba ma tkunx ingħatat il-liċenzja x-xierqa għas-servizzi li għandhom jiġu fornuti minn dan il-kapitolu jekk ma tkunx irċeviet il-liċenzja li tikkorrispondi għas-servizz inkwistjoni”.

( 18 ) Skont l-istess Artikolu 17(4) tad-Direttiva 2012/34, “liċenzja bħal din ma tintitolax minnha nnifisha lid-detentur għal aċċess għall-infrastruttura tat-trasport ferrovjarju”.

( 19 ) “[L-għoti] fuq kundizzjonijiet ekwi, nondiskrimatorji [nondiskriminatorji] u trasparenti, id-dritt għall-aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja fl-Istati Membri kollha għall-iskop tat-tħaddim tat-tipi kollha ta’ servizzi ferrovjarji għat-trasport tal-merkanzija.” L-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2012/34 huwa ddedikat għat-trasport tal-passiġġieri.

( 20 ) L-iskeda fiha “id-data li tiddefinixxi l-movimenti kollha ppjanati tal-ferrovija u tar-rolling-stock li jseħħu fuq l-infrastruttura rilevanti tul il-perjodu li matulu tkun fis-seħħ” (l-Artikolu 3(28) tad-Direttiva 2012/34).

( 21 ) Artikolu 45(1) tad-Direttiva 2012/34.

( 22 ) L-Artikolu 46(1) tad-Direttiva 2012/34. F’sens simili, il-paragrafu 5 tal-istess artikolu: “fejn it-talbiet [applikazzjonijiet] għall-kapaċità tal-infrastruttura ma jistgħux jiġu sodisfatti mingħajr koordinazzjoni, il-maniġer tal-infrastruttura għandu jipprova jakkomoda t-talbiet kollha permezz tal-koordinazzjoni”.

( 23 ) Iddefinita fl-Artikolu 3(22) tad-Direttiva 2012/34 bħala “il-proċess li bih il-maniġer tal-infrastruttura u l-applikanti se jippruvaw isolvu s-sitwazzjonijijet li fihom ikun hemm applikazzjonijiet konfliġġenti għall-kapaċità tal-infrastruttura”.

( 24 ) Artikolu 46(4), u l-punt 3 tal-Anness IV tad-Direttiva 2012/34. Skont dan tal-aħħar, fost l-informazzjoni li għandha tinkludi d-dikjarazzjoni dwar in-network hemm: “d) il-prinċipji li jirregolaw il-proċess ta’ koordinazzjoni u s-sistema tar-riżoluzzjoni tat-tilwim li hija disponibbli permezz ta’ dan il-proċess”.

( 25 ) Milli jidher, dan il-proċess kien limitat għal skambju ta’ ittri, mingħajr ma tidher ebda evidenza ta’ tentattivi biex il-kunflitt jiġi solvut. Fil-punt 15 tad-digriet tar-rinviju, isiru riferimenti għan-nuqqas ta’ setgħa tal-maniġer tal-infrastruttura, minħabba l-fatt li kandidat irrifjuta li jipparteċipa fil-proċess ta’ koordinazzjoni. Dan jirriżulta wkoll mill-osservazzjonijiet ta’ Gargždų geležinkelis (punti 68 sa 70). Ma jkunx loġiku li l-proċess ta’ koordinazzjoni jkun iddestinat li jfalli minħabba li applikant irrifjuta li jipparteċipa fih.

( 26 ) Sentenza tat‑28 ta’ Frar 2019 (C‑388/17, EU:C:2019:161).

( 27 ) Il-punti 15 u 16 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom.

( 28 ) Jekk il-“liċenzja” hija “awtorizzazzjoni maħruġa minn awtorità tal-liċenzji lill-impriża, li l-kapaċità tagħha sabiex tipprovdi servizzi ta’ trasport bħala impriża ferrovjarja” u impriża ferrovjarja għandu jkollha bħala l-attività ewlenija tagħha “li tipprovdi servizzi għat-trasport ta’ oġġetti u/jew ta’ passiġġieri bil-ferrovija”, l-applikazzjoni għall-allokazzjoni tal-kapaċità trid tinkludi s-servizz propost (passiġġieri jew merkanzija), iżda mhux neċessarjament it-tip ta’ merkanzija trasportata.

( 29 ) Sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja (punti 94 u 95). Din il-ġurisprudenza tipprevjeni wkoll li l-Artikolu 52 (“Użu tal-mogħdijiet ferrovjarji”), meta jirreferi għall-prijoritajiet tal-proċedura tal-allokazzjoni, jinftiehem fis-sens li l-grad preċedenti ta’ użu tal-mogħdijiet ferrovjarji jista’ jikkostitwixxi vantaġġ. B’mod speċifiku, il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jmur lejn id-direzzjoni opposta, peress li, fil-każ li l-infrastruttura tkun ikkonġestjonata, jorbot iċ-ċediment meħtieġ tal-mogħdijiet mal-użu baxx tagħhom.

( 30 ) Sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja, punti 91 u 92. Fil-punt 98, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat l-eżistenza ta’ “dispożizzjonijiet speċifiċi intiżi li jħeġġu l-użu effikaċi tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura filwaqt li jiggarantixxu aċċess xieraq u nondiskriminatorju għan-netwerk ferrovjarju”. Fil-konklużjonijiet tiegħu, l-Avukat Ġenerali Jääskinen enfasizza li “l-fatt li jiġi ffavorit l-operatur storiku ma jinsabx fost il-miżuri previsti mill-imsemmija direttiva li huma intiżi biex jippromwovu l-użu effikaċi tan-netwerk” (C‑483/10, EU:C:2012:524, punt 97).

( 31 ) Sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja, punt 97.

( 32 ) Gargždų geležinkelis tirreferi għal rapport tal-Qorti tal-Awdituri Litwana (Rapport tal-awditjar Nru VA 2018 P 20 1 12, tat‑12 ta’ Diċembru 2018), li jiddikjara li l-operatur pubbliku ma kienx uża 39 % tal-kapaċitajiet riżervati.