KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

COLLINS

ippreżentati fid-9 ta’ Frar 2023 ( 1 )

Kawża C‑670/21

BA

vs

Finanzamt X

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Köln (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Köln, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-kapital – Artikoli 63 sa 65 TFUE –Taxxa fuq is-suċċessjoni – Proprjetà immobbli li tinsab f’pajjiż terz – Trattament fiskali favorevoli għal proprjetà li tinsab fi Stat Membru jew fi Stat taż-Żona Ekonomika Ewropea – Restrizzjoni – Ġustifikazzjoni għal raġunijiet ta’ politika soċjali – Politika tad-djar – Proporzjonalità”

I. Introduzzjoni

1.

F’dawn il-konklużjonijiet, qiegħed nirrispondi għat-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiġi indirizzata domanda ġdida: jiġifieri jekk l-Istati Membri jistgħux ifittxu għanijiet ta’ politika soċjali fit-territorju tal-Unjoni Ewropea, bħall-promozzjoni ta’ akkomodazzjoni għall-kiri affordabbli, permezz ta’ miżuri li jikkostitwixxu restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital lejn u minn pajjiżi terzi.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Il‑Ftehim dwar iż‑ŻEE

2.

L-Artikolu 40 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim taż-ŻEE”), tat‑2 ta’ Mejju 1992 ( 2 ), jiddikjara li, fil-qafas tad-dispożizzjonijiet tiegħu, ma għandu jkun hemm ebda restrizzjonijiet bejn il-Partijiet Kontraenti fuq il-moviment ta’ kapital li jappartjeni lil persuni li huma residenti fi Stati Membri tal-Unjoni jew fi Stati tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles (EFTA) u ma għandu jkun hemm ebda diskriminazzjoni bbażata fuq iċ-ċittadinanza jew fuq il-post ta’ residenza tal-partijiet jew fuq il-post fejn huwa investit dan il-kapital.

B.   Id‑dritt Ġermaniż

3.

L-Artikolu 1(1).1 tal-Erbschaft- und Schenkungsteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq is-Suċċessjoni u d-Donazzjonijiet), tas‑27 ta’ Frar 1997 ( 3 ), kif emendata mill-Gesetz zur Reform des Erbschaftsteuer- und Bewertungsrechts (il-Liġi dwar ir-Riforma tar-Regoli dwar it-Taxxa fuq is-Suċċessjoni u l-Valutazzjoni), tal‑24 ta’ Diċembru 2008 ( 4 ), japplika taxxa fuq is-suċċessjoni (jew taxxa fuq id-donazzjonijiet) għal akkwisti mal-mewt.

4.

Skont l-Artikolu 2(1)(1) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq is-Suċċessjoni u d-Donazzjonijiet, l-obbligazzjoni fiskali tapplika:

“[…]

1.   fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 1.1(1) sa (3) tal-Artikolu 1, fir-rigward tal-patrimonju kollu […], fejn ikunu residenti l-persuna deċeduta fid-data tal-mewt, id-donatur fid-data li jagħmel id-donazzjoni, jew l-akkwirent fid-data tal-avveniment taxxabbli. Il-persuni li ġejjin jitqiesu bħala residenti:

a)

persuni fiżiċi li għandhom residenza permanenti jew ir-residenza abitwali tagħhom fil-Ġermanja,

[…]”

5.

Skont l-Artikolu 13c ( 5 ) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq is-Suċċessjoni u d-Donazzjonijiet, intitolat “Regoli speċjali għal proprjetà immobbli mikrija għal użu residenzjali”:

“(1)   Il-proprjetà immobbli msemmija fil-paragrafu 3 għandha tiġi vvalutata għal 90 % tal-valur tas-suq tagħha.

[…]

(3)   L-approċċ tal-valur tas-suq imnaqqas għandu japplika għal proprjetà immobbli jew għall-partijiet tagħha li:

1.

huma mikrija għal użu residenzjali,

2.

jinsabu fil-Ġermanja, fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew fi Stat Membru taż-Żona Ekonomika Ewropea, u

3.

ma jiffurmawx parti mill-assi tan-negozju jew mill-assi tal-azjendi agrikoli jew tal-forestrija fis-sens tal-Artikolu 13a.

[…]”

C.   Il-Ftehim dwar it-Taxxa Doppja bejn il-Ġermanja u l-Kanada

6.

Fid‑19 ta’ April 2001, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Kanada kkonkludew Ftehim dwar il-Ħelsien mit-Taxxa Doppja fir-rigward tat-Taxxi fuq id-Dħul u Ċerti Taxxi Oħra, il-Prevenzjoni ta’ Evażjoni Fiskali u l-Għajnuna fi Kwistjonijiet Fiskali (iktar ’il quddiem “il-Ftehim dwar it-Taxxa Doppja”) ( 6 ). Skont l-Artikolu 2 tiegħu, il-Ftehim dwar it-Taxxa Doppja ma japplikax għat-taxxi fuq is-suċċessjoni. Minkejja dan, l-Artikolu 26 jipprovdi li:

“(1) L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Kontraenti għandhom jiskambjaw l-informazzjoni li tkun rilevanti għat-twettiq tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim jew tal-liġijiet nazzjonali fl-Istati Kontraenti dwar taxxi koperti mill-Ftehim sakemm it-tassazzjoni li jkun hemm riferiment għaliha hemmhekk ma tkunx kuntrarja għall-Ftehim. L-iskambju ta’ informazzjoni ma huwiex ristrett mill-Artikolu 1.

[…]

(4) Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, it-taxxi koperti mill-Ftehim huma, minkejja d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2, it-taxxi kollha imposti minn Stat Kontraenti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

III. It-tilwima fil-kawża prinċipali, it-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

7.

Fil-mument tal-mewt tiegħu fl‑2016, A kien residenti fil-Ġermanja. Huwa ħalla b’wirt, lil ibnu, BA, li kien ukoll residenti fil-Ġermanja, sehem minn proprjetà li tinsab fil-Kanada mikrija għal finijiet residenzjali.

8.

Permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2017, il-Finanzamt X (l-Uffiċċju tat-Taxxa X) stabbilixxa fir-rigward ta’ BA t-taxxa fuq is-suċċessjoni fir-rigward ta’ din il-proprjetà.

9.

Skont l-Artikolu 13c(1) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq is-Suċċessjoni u d-Donazzjonijiet, fid‑19 ta’ Marzu 2018, BA talab modifika ta’ din id-deċiżjoni tat-taxxa fuq is-suċċessjoni sabiex il-proprjetà li tinsab fil-Kanada tkun suġġetta għal taxxa ta’ 90 % tal-valur tas-suq tagħha. BA sostna li l-proprjetà kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fl-imsemmija dispożizzjoni, ħlief fir-rigward tal-post fejn tinsab. Sa fejn il-Liġi dwar it-Taxxa fuq is-Suċċessjoni u d-Donazzjonijiet kienet tirrikjedi li l-proprjetà tkun tinsab fil-Ġermanja, fi Stat Membru ieħor jew fi Stat taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) sabiex tibbenefika mill-vantaġġ fiskali previst fl-Artikolu 13c(1), BA sostna li din tikser il-moviment liberu tal-kapital bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi stabbilita fl-Artikolu 63 TFUE.

10.

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ April 2018, il-Finanzamt X (l-Uffiċċju tat-Taxxa X) ċaħad it-talba ta’ BA. BA ressaq ilment amministrattiv kontra din id-deċiżjoni. Il-Finanzamt X (l-Uffiċċju tat-Taxxa X) ċaħad l-ilment tiegħu fit‑23 ta’ April 2019, billi kkonstata li t-trattament favorevoli għall-finijiet tat-taxxa fuq is-suċċessjoni ta’ proprjetà mikrija għal finijiet residenzjali u li tinsab fi Stat Membru jew fi Stat taż-ŻEE ma jmurx kontra l-Artikolu 63 TFUE. Fl‑24 ta’ Mejju 2019, BA ppreżenta rikors quddiem il-Finanzgericht Köln (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Köln) għall-annullament tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tiegħu.

11.

Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, din il-qorti tesprimi dubji dwar il-kompatibbiltà mal-Artikolu 63 TFUE tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq is-Suċċessjoni u d-Donazzjonijiet. Il-proprjetà inkwistjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha taħt id-dritt nazzjonali li jkun jippermettilha tibbenefika mit-tnaqqis ta’ 10 % tal-bażi taxxabbli, għajr il-fatt li tinsab fi Stat barra ż-ŻEE. Skont il-ġurisprudenza, it-trasferimenti ta’ assi, inkluża proprjetà immobbli, minn patrimonju ta’ persuna deċeduta għal individwu wieħed jew iktar, jikkostitwixxu movimenti ta’ kapital għall-finijiet tal-Artikolu 63 TFUE ( 7 ). Il-Finanzgericht Köln (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Köln) tosserva li r-restrizzjonijiet tal-moviment liberu tal-kapital jinkludu miżuri li x’aktarx jiskoraġġixxu persuni residenti fi Stat Membru milli jagħmlu investimenti fi Stati oħra ( 8 ), inklużi pajjiżi terzi. Il-Finanzgericht Köln (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Köln) għandha dubji wkoll dwar jekk din ir-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital tistax tiġi ġġustifikata mill-klawżola ta’ standstill fl-Artikolu 64 TFUE, ir-raġunijiet ta’ ġustifikazzjoni elenkati fl-Artikolu 65 TFUE jew kwalunkwe raġuni prevalenti ta’ interess ġenerali. Hija tal-fehma li l-klawżola ta’ standstill hija inapplikabbli peress li l-vantaġġ fiskali rilevanti ġie introdott fl‑2008. Irrispettivament minn jekk tinsabx fi Stat Membru, fi Stat taż-ŻEE jew f’pajjiż terz, proprjetà mikrija għal finijiet residenzjali tinsab fl-istess sitwazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 65(1)(a) TFUE. Fl-aħħar, hija tosserva li ma jidher li hemm ebda raġuni prevalenti ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika din ir-restrizzjoni.

12.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Finanzgericht Köln (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Köln) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikoli 63(1), 64 u 65 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru dwar il-ġbir tat-taxxa fuq is-suċċessjoni li tipprevedi, għall-kalkolu ta’ din it-taxxa, li proprjetà immobbli mibnija li tagħmel parti minn patrimonju privat u li tinsab f’pajjiż terz (f’dan il-każ, il-Kanada) u li hija mikrija għal użu ta’ abitazzjoni, tittieħed inkunsiderazzjoni fil-valur totali tagħha, filwaqt li proprjetà immobbli li tagħmel parti minn patrimonju privat, li tinsab fit-territorju nazzjonali, fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew fi Stat taż-Żona Ekonomika Ewropea, u li hija mikrija għal użu ta’ abitazzjoni, tittieħed inkunsiderazzjoni biss f’90 % tal-valur tagħha fil-kalkolu tat-taxxa fuq is-suċċessjoni?”

13.

Il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Fis-seduta tas‑17 ta’ Novembru 2022, BA, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni ppreżentaw sottomissjonijiet orali u rrispondew għad-domandi tal-Qorti tal-Ġustizzja.

14.

Konformement mat-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-konklużjonijiet preżenti jeżaminaw jekk l-Istati Membri jistgħux jiġġustifikaw restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu tal-kapital lejn u minn pajjiżi terzi billi jinvokaw raġunijiet prevalenti ta’ interess ġenerali.

IV. Evalwazzjoni

A.   L-argumenti tal‑partijiet

15.

L-Artikolu 63 TFUE japplika għall-flussi ta’ kapital bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi. Peress li tintuża bażi iktar għolja għall-kalkolu tat-taxxa fuq is-suċċessjoni dovuta fir-rigward ta’ proprjetà immobbli li tinsab f’pajjiż terz, BA, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni jaqblu li r-regoli nazzjonali inkwistjoni fil-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju jirrestrinġu l-moviment liberu tal-kapital fis-sens tal-Artikolu 63 TFUE. Huma ma jaqblux dwar jekk din ir-restrizzjoni tistax tiġi ġġustifikata billi tiġi invokata raġuni prevalenti ta’ interess ġenerali.

16.

Waqt is-seduta, BA sostna li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża applikabbli ma tippromwovix id-disponibbiltà ta’ akkomodazzjoni għall-kera affordabbli peress li l-vantaġġ fiskali japplika għall-proprjetà kollha, irrispettivament mill-valur tagħha. Ma hemmx raġuni għaliex proprjetà li tinsab f’pajjiżi terzi ma għandhiex tibbenefika minn dan il-vantaġġ fiskali.

17.

Il-Gvern Ġermaniż enfasizza li l-kawża prinċipali tikkonċerna l-moviment liberu ta’ kapital bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi, u mhux moviment liberu ta’ kapital bejn l-Istati taż-ŻEE. Fl-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ raġuni prevalenti ta’ interess ġenerali, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-grad iktar għoli ta’ integrazzjoni legali bejn l-Istati Membri. Restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital lejn jew minn pajjiżi terzi tista’, għalhekk, tiġi ġġustifikata għal raġunijiet li ma jiġġustifikawx restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital bejn l-Istati Membri.

18.

Il-Gvern Ġermaniż osserva waqt is-seduta li, fl-ibliet ewlenin Ġermaniżi, erbgħa minn kull għaxart idjar jonfqu iktar minn 30 % tad-dħul disponibbli tagħhom għall-kera. Problema simili teżisti fi Stati Membri oħra u hija ta’ tħassib għall-awtoritajiet pubbliċi rispettivi tagħhom. Kif jidher mill-abbozz ta’ Liġi dwar ir-Riforma tar-Regoli dwar it-Taxxa fuq is-Suċċessjoni u l-Valutazzjoni, il-leġiżlatur Ġermaniż adotta l-Artikolu 13c sabiex jintlaħaq l-għan ta’ interess ġenerali, jiġifieri li tiżdied id-disponibbiltà għall-użu residenzjali ta’ proprjetà immobbli li hija proprjetà ta’ individwi sabiex titnaqqas il-konċentrazzjoni ta’ proprjetà residenzjali f’idejn gruppi ta’ investituri ( 9 ). Il-Gvern Ġermaniż jirrileva li l-gruppi ta’ investituri, għall-kuntrarju ta’ individwi, ma humiex suġġetti għat-taxxa fuq is-suċċessjoni. Il-vantaġġ fiskali huwa maħsub li jnaqqas il-pressjoni fuq individwi li jirtu proprjetà mikrija għal użu residenzjali sabiex ibigħuha ħalli jħallsu t-taxxa, u b’hekk iżommu l-użu tagħha għal dan il-għan.

19.

Il-Gvern Ġermaniż isostni li t-tisħiħ tal-kompetizzjoni fis-suq għall-provvista ta’ djar għall-kiri jikkontribwixxi għad-disponibbiltà u l-finanzjament ta’ akkomodazzjoni affordabbli, li jista’ jikkostitwixxi raġuni ta’ interess pubbliku superjuri ( 10 ). L-iffaċilitar tal-aċċess għal akkomodazzjoni affordabbli huwa għan tal-politika Ewropea, u huwa għalhekk li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża applikabbli estendiet il-vantaġġ fiskali inkwistjoni għal proprjetà immobbli li tinsab fiż-ŻEE. La l-Gvern Ġermaniż, la l-Unjoni Ewropea, u lanqas iż-ŻEE ma huma responsabbli li jippromwovu d-disponibbiltà ta’ akkomodazzjoni affordabbli f’pajjiżi terzi. Huwa imprattikabbli li tiġi evalwata l-ħtieġa għal akkomodazzjoni soċjali f’pajjiżi terzi peress li jkun meħtieġ livell għoli ħafna ta’ kooperazzjoni ma’ dawk il-pajjiżi. L-estensjoni tal-vantaġġ fiskali għal proprjetà li tinsab f’pajjiżi terzi żżid ukoll l-ispiża tal-miżura għat-teżor mingħajr ma tiġġenera ebda benefiċċju addizzjonali għall-popolazzjoni tal-Unjoni Ewropea jew taż-ŻEE. Il-limitazzjoni tal-benefiċċju tal-vantaġġ fiskali għal proprjetà mikrija li tinsab fl-Unjoni Ewropea jew fiż-ŻEE tinċentiva l-investiment f’tali assi u b’hekk tikkontribwixxi għall-kisba tal-għan soċjali mfittex. Il-Gvern Ġermaniż jqis li jista’ “jaqta’ linja” billi jeskludi l-proprjetà li tinsab f’pajjiżi terzi mill-benefiċċju tal-vantaġġ fiskali.

20.

Il-Gvern Ġermaniż isostni li r-restrizzjoni fuq id-disponibbiltà tal-vantaġġ fiskali hija proporzjonata peress li hija xierqa sabiex jintlaħaq l-għan imfittex u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l-għan. F’dan il-kuntest, huwa josserva li d-disponibbiltà tal-vantaġġ fiskali tiddependi mill-post fejn tinsab il-proprjetà, u mhux dik tar-residenza tal-persuna deċeduta jew tal-werriet tagħha.

21.

Il-Gvern Ġermaniż jiġġustifika wkoll ir-restrizzjoni tad-disponibbiltà tal-vantaġġ fiskali bil-ħtieġa li tiġi protetta l-effettività tas-sorveljanza fiskali. Fin-nuqqas ta’ mekkaniżmi għall-iskambju ta’ informazzjoni ma’ pajjiżi terzi, l-awtoritajiet Ġermaniżi ma jistgħux jivverifikaw jekk proprjetà hijiex mikrija għal użu residenzjali. Waqt is-seduta, il-Gvern Ġermaniż madankollu aċċetta li l-Ftehim dwar it-Tassazzjoni Doppja jippermetti lill-awtoritajiet Ġermaniżi jitolbu informazzjoni rilevanti mingħand l-awtoritajiet Kanadiżi sabiex iżidu l-evalwazzjonijiet tat-taxxa fuq is-suċċessjoni.

22.

Il-Kummissjoni tqis li ebda raġuni prevalenti ta’ interess ġenerali ma tista’ tiġġustifika r-restrizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

23.

Fir-rigward tal-promozzjoni ta’ djar għall-kiri affordabbli, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha l-Kummissjoni sostniet li ma hemm ebda evidenza li tippermetti li jiġi konkluż li proprjetà immobbli li tinsab f’pajjiżi terzi, bħall-Kanada, ma hijiex f’sitwazzjoni komparabbli ma’ tali proprjetà li tinsab fil-Ġermanja, fl-Unjoni Ewropea jew fiż-ŻEE. B’risposta għad-domandi tal-Qorti tal-Ġustizzja waqt is-seduta, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-promozzjoni ta’ akkomodazzjoni għall-kiri affordabbli tista’ tikkostitwixxi ġustifikazzjoni valida għal restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital bejn l-Istati Membri jew l-Istati taż-ŻEE u pajjiżi terzi, irrispettivament minn jekk hemmx ħtieġa komparabbli f’dawk il-pajjiżi terzi. Madankollu, huwa obbligu tal-Gvern Ġermaniż li juri li l-leġiżlazzjoni tiegħu għandha għan validu ta’ politika soċjali u li hija proporzjonata. F’dan il-kuntest, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża applikabbli tqajjem mill-inqas żewġ kwistjonijiet. L-ewwel, persuna li tiret proprjetà mikrija għal finijiet residenzjali tista’ tikseb il-benefiċċju tal-vantaġġ fiskali u mbagħad tbigħha lil investitur istituzzjonali. It-tieni, il-vantaġġ fiskali japplika għall-proprjetà immobbli kollha, inklużi proprjetajiet lussużi.

24.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li r-restrizzjoni inkwistjoni ma tistax tiġi ġġustifikata mill-effettività tas-sorveljanza fiskali, peress li l-vantaġġ fiskali ma huwiex disponibbli fir-rigward ta’ proprjetà li tinsab fi kwalunkwe pajjiż terz, irrispettivament minn jekk ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kkonkludietx ftehim ta’ skambju ta’ informazzjoni ma’ dak il-pajjiż, li hija għandha mal-Kanada.

B.   Il‑prinċipji ġenerali

25.

Skont l-Artikolu 63(1) TFUE, il-moviment liberu tal-kapital japplika għal flussi ta’ kapital kemm bejn l-Istati Membri kif ukoll bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi, mingħajr ebda kundizzjoni ta’ reċiproċità ( 11 ). Din il-karatteristika tiddistingwi l-moviment liberu tal-kapital mil-libertajiet l-oħra kollha tas-suq intern peress li dawn tal-aħħar japplikaw esklużivament fit-territorju tal-Istati Membri ( 12 ).

26.

Il-fatt li l-għoti ta’ vantaġġ fl-evalwazzjoni tat-taxxa fuq is-suċċessjoni jiġu suġġett għall-kundizzjoni li assi jkun jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru jew Stat taż-ŻEE huwa restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital li, bħala prinċipju, hija pprojbita mill-Artikolu 63(1) TFUE jipprojbixxiha ( 13 ). It-trattament fiskali favorevoli ta’ proprjetà immobbli li tinsab fi Stati Membri jew Stati taż-ŻEE jista’ jiskoraġġixxi l-investiment f’dik il-klassi ta’ assi meta tkun tinsab f’pajjiżi terzi.

27.

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital għandu jiġi interpretat bl-istess mod fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet bejn Stati Membri ( 14 ), dawk lejn u minn Stati taż-ŻEE, u dawk bejn Stati Membri u pajjiżi terzi ( 15 ).

28.

Minbarra r-raġunijiet ta’ ġustifikazzjoni elenkati fit-Trattat, restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu tal-kapital jistgħu jiġu aċċettati meta jkunu ġġustifikati minn raġuni prevalenti ta’ interess ġenerali, sakemm ikunu konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità ( 16 ).

29.

Il-possibbiltà li jiġu invokati raġunijiet prevalenti ta’ interess ġenerali teżisti biss sa fejn ma jeżistux miżuri ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni li jiżguraw il-protezzjoni ta’ dawk l-interessi. Fin-nuqqas ta’ tali miżuri ta’ armonizzazzjoni huma, fil-prinċipju, l-Istati Membri li jiddeċiedu dwar il-grad ta’ protezzjoni li jixtiequ jagħtu lil dawk l-interessi u l-mod li bih għandha tiġi żgurata din il-protezzjoni. Miżuri bħal dawn għandhom jibqgħu fil-limiti stabbiliti mit-Trattat u għandhom ikunu proporzjonati ( 17 ).

30.

Bħala prinċipju, l-Istati Membri jistgħu jinvokaw raġunijiet prevalenti fl-interess ġenerali sabiex jiġġustifikaw restrizzjonijiet fuq movimenti ta’ kapital ma’ pajjiżi terzi. Dawn ir-raġunijiet jistgħu jinkludu l-iżgurar tal-effettività tal-kontroll fiskali u l-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa ( 18 ), il-prevenzjoni ta’ arranġamenti kompletament artifiċjali ( 19 ), u l-preservazzjoni kemm tal-koerenza tas-sistemi tat-taxxa ( 20 ) kif ukoll ta’ allokazzjoni bbilanċjata tas-setgħa tat-tassazzjoni fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi ( 21 ). Filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja spiss ċaħdet il-ġustifikazzjonijiet imressqa insostenn ta’ tali restrizzjonijiet, f’numru ta’ każijiet hija aċċettat ġustifikazzjonijiet għal restrizzjonijiet fuq movimenti ta’ kapital bejn Stati Membri u Stati mhux Membri f’ċirkustanzi fejn ma kinitx taċċetta restrizzjonijiet fuq movimenti ekwivalenti bejn l-Istati Membri ( 22 ).

31.

Dan l-approċċ huwa spjegat mill-fatt li l-flussi ta’ kapital lejn jew minn pajjiżi terzi jseħħu f’kuntest legali differenti minn dawk bejn l-Istati Membri ( 23 ), jew fi ħdan iż-ŻEE ( 24 ). Minħabba l-grad ta’ integrazzjoni legali bejn l-Istati Membri, it-tassazzjoni ta’ attivitajiet ekonomiċi transkonfinali bejn l-Istati Membri ma hijiex dejjem komparabbli mat-tassazzjoni ta’ attivitajiet simili bejn dawk l-Istati Membri u pajjiżi terzi. Il-fatt li l-moviment liberu tal-kapital lejn u minn pajjiżi terzi jseħħ f’kuntest legali differenti jispjega wkoll għaliex l-Artikolu 64, l-Artikolu 65(4) u l-Artikolu 66 TFUE jipprevedu li l-Istati Membri jistgħu jadottaw derogi speċifiċi mill-moviment liberu tal-kapital bejnhom u pajjiżi terzi. Dak il-kuntest legali differenti għandu konsegwenzi għad-dipendenza tal-Istati Membri fuq raġunijiet prevalenti ta’ interess ġenerali. Stat Membru jista’, fil-prinċipju, ikun kapaċi juri li restrizzjoni fuq il-moviment ta’ kapital lejn jew minn pajjiżi terzi hija ġġustifikata għal raġuni li mhux neċessarjament tiġġustifika restrizzjoni fuq moviment ta’ kapital bejn Stati Membri ( 25 ).

C.   Analiżi

32.

Fil-kawża preżenti, il-Gvern Ġermaniż jinvoka żewġ raġunijiet prevalenti ta’ interess ġenerali sabiex jiġġustifika r-restrizzjonijiet li timponi l-leġiżlazzjoni tiegħu: il-promozzjoni ta’ akkomodazzjoni għall-kiri affordabbli bħala għan ta’ politika soċjali u l-effettività tas-sorveljanza fiskali.

33.

Fir-rigward tal-ewwel motiv ta’ ġustifikazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta ġustifikazzjonijiet ta’ politika soċjali bħala raġunijiet prevalenti ta’ interess ġenerali fil-kuntest tal-moviment liberu tal-kapital bejn l-Istati Membri. Fis-sentenza tagħha Jäger, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat il-ġustifikazzjoni tal-Gvern Ġermaniż għal-leġiżlazzjoni tat-taxxa fuq is-suċċessjoni li tat trattament iktar favorevoli lill-valutazzjoni tal-art agrikola u tal-forestrija li jinsabu fil-Ġermanja meta mqabbla ma’ assi simili li jinsabu fi Stat Membru ieħor. Wara li kkonstatat li t-trattament iktar favorevoli tal-assi li jinsabu fit-territorju nazzjonali kien jikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital ( 26 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-funzjoni soċjali tal-art agrikola u tal-foresti, inkluż iż-żamma tal-impjieg f’każijiet fejn tali artijiet ikunu għaddew għand werrieta, kienet raġuni prevalenti fl-interess ġenerali ( 27 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu kkonkludiet li din ir-restrizzjoni ma kinitx iġġustifikata peress li ma kien hemm ebda prova li l-għan soċjali segwit ma kienx ugwalment denju ta’ protezzjoni fi Stati Membri oħra ( 28 ).

34.

Fis-sentenza tagħha Woningstichting Sint Servatius, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat skema ta’ akkomodazzjoni soċjali fil-Pajjiżi l-Baxxi li rrifjutat li tawtorizza investiment fi proġett sperimentali li jinsab fil-Belġju, qrib il-fruntiera mal-Pajjiżi l-Baxxi. Ir-rekwiżit għal awtorizzazzjoni minn qabel u r-rifjut tagħha kienu t-tnejn meqjusa bħala restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu tal-kapital ( 29 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li l-għan tal-iskema ta’ akkomodazzjoni soċjali kien li tiġi żgurata provvista adegwata ta’ akkomodazzjoni għal persuni bi dħul baxx li jirrisjedu fil-Pajjiżi l-Baxxi ( 30 ). Hija ddeċidiet li rekwiżiti relatati mal-politika tal-akkomodazzjoni soċjali jistgħu jikkostitwixxu raġunijiet prevalenti ta’ interess ġenerali ( 31 ). Fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni minn qabel jista’ jkun meħtieġ u xieraq sabiex jintlaħaq dan l-għan tal-politika tal-akkomodazzjoni soċjali ( 32 ). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kkritikat l-iskema ta’ awtorizzazzjoni peress li ma kinitx ibbażata fuq kriterji oġġettivi u nondiskriminatorji magħrufa minn qabel, u b’hekk illimitat l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet nazzjonali. Ir-restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital ma kinitx iġġustifikata peress li l-uniku kriterju kien li proġett jitqies “fl-interess tal-akkomodazzjoni soċjali fil-Pajjiżi l-Baxxi” ( 33 ).

35.

Il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat ukoll l-applikazzjoni tal-għanijiet tal-politika tal-akkomodazzjoni tal-Istati Membri fis-sentenza tagħha Busley u Cibrián Fernández. Il-leġiżlazzjoni Ġermaniża tat trattament fiskali iktar favorevoli għad-dħul miksub mill-kiri ta’ proprjetà li tinsab fil-Ġermanja minn dak miksub mill-kiri ta’ proprjetà li tinsab fi Stati Membri oħra, li kien jikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital ( 34 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li l-għan ta’ politika soċjali segwit mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, jiġifieri l-inkoraġġiment tal-kostruzzjoni ta’ proprjetà għall-kiri sabiex tissodisfa l-ħtiġijiet tal-popolazzjoni Ġermaniża, jista’ jkun raġuni prevalenti ta’ interess ġenerali. Madankollu, hija kkonkludiet li dik il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma osservatx il-prinċipju ta’ proporzjonalità peress li kienet tapplika għall-proprjetà għall-kiri kollha, inklużi proprjetajiet lussużi, u ma kinitx immirata lejn postijiet fil-Ġermanja fejn kien hemm nuqqas qawwi ta’ akkomodazzjoni ( 35 ).

36.

Minn dan isegwi li, fil-prinċipju, Stat Membru jista’ jinvoka għanijiet ta’ politika soċjali, bħall-promozzjoni tad-disponibbiltà ta’ akkomodazzjoni affordabbli, bħala raġunijiet prevalenti ta’ interess ġenerali li jiġġustifikaw restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital bejn l-Istati Membri. F’dan il-kuntest, il-Preambolu tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jiddikjara d-determinazzjoni tal-Istati Membri li jippromwovu l-progress soċjali għall-popli tagħhom. L-Artikolu 3(3) tiegħu jinkariga lill-Unjoni Ewropea bil-kompitu, inter alia, li tippromwovi l-koeżjoni soċjali u s-solidarjetà fost l-Istati Membri. Bl-istess mod, l-Artikolu 151 TFUE, taħt it-Titolu X relatat mal-“Politika soċjali”, jistabbilixxi l-għan li tiġi żgurata protezzjoni soċjali xierqa bħala għan kemm tal-Unjoni Ewropea kif ukoll tal-Istati Membri tagħha. Huwa diffiċli li wieħed jikkonċepixxi kif l-Istati Membri jistgħu jwettqu dan il-kompitu mingħajr ma jkunu intitolati li jsegwu politiki fil-livell nazzjonali bil-ħsieb tal-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali u s-solidarjetà.

37.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li peress li l-Unjoni Ewropea għandha għan ekonomiku u soċjali, id-drittijiet previsti fid-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-merkanzija, tal-persuni, tas-servizzi u tal-kapital għandhom jiġu bbilanċjati kontra għanijiet ta’ politika soċjali, li jinkludu dak li tiġi żgurata protezzjoni soċjali xierqa ( 36 ). L-Artikolu 4(2) TFUE jindika li l-politika soċjali hija kompetenza kondiviża tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha. Filwaqt li l-Artikolu 9 TFUE jipprevedi li l-Unjoni Ewropea trid tiggarantixxi livell adegwat ta’ protezzjoni soċjali meta tiddefinixxi u timplimenta l-politiki u l-attivitajiet tagħha stess, l-Artikolu 153 TFUE jindika li din għandha tappoġġja u tikkumplimenta l-attivitajiet tal-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali.

38.

Għalhekk ma jidher li hemm ebda raġuni għaliex Stat Membru ma jistax jinvoka raġunijiet ta’ politika soċjali sabiex jiġġustifika restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital lejn u minn pajjiżi terzi. Madankollu, ma hemm xejn f’dawn id-dispożizzjonijiet jew imkien ieħor fit-Trattati li jobbliga lill-Istati Membri jfittxu għanijiet ta’ politika soċjali f’pajjiżi terzi ( 37 ). Minn dan isegwi li r-responsabbiltà tal-awtoritajiet pubbliċi li jiżguraw il-protezzjoni soċjali tirreferi prinċipalment għall-popolazzjoni tal-Unjoni Ewropea u li huma jistgħu jadottaw miżuri għal dan il-għan.

39.

Kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, jiena tal-fehma li d-dritt tal-Unjoni Ewropea ma jirrikjedix lill-Istati Membri jieħdu inkunsiderazzjoni d-disponibbiltà ta’ akkomodazzjoni affordabbli f’pajjiżi terzi sabiex jiġġustifikaw restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital bejn l-Unjoni Ewropea u pajjiżi terzi. Il-livell ta’ integrazzjoni legali bejn l-Istati Membri u l-għanijiet ta’ politika komuni tagħhom, li jispjega l-approċċ strett tal-ġurisprudenza fir-rigward tal-aċċettazzjoni ta’ ġustifikazzjonijiet għal restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu tal-kapital bejn l-Istati Membri ( 38 ), ma għandux jiġi traspost awtomatikament għal dawk il-ġustifikazzjonijiet meta jiġu applikati għall-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi. Kif ġie osservat fil-punt 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet, din il-kunsiderazzjoni tispjega għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu tal-kapital lejn jew minn pajjiżi terzi jistgħu jkunu ġġustifikati f’ċirkustanzi fejn l-istess restrizzjoni fuq il-movimenti tal-kapital bejn l-Istati Membri ma tkunx iġġustifikata.

40.

Din il-konklużjoni ma hijiex affettwata mill-fatt li Stat Membru jista’ jestendi vantaġġ fiskali għal proprjetà li tinsab fi Stati parti għall-Ftehim ŻEE. B’hekk, dan l-Istat Membru sempliċement jevita li joħloq restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital lejn u minn Stati taż-ŻEE, li, bis-saħħa tal-Ftehim ŻEE, igawdu grad eqreb ta’ integrazzjoni legali mal-Unjoni Ewropea milli pajjiżi terzi.

41.

Prinċipalment, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa l-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fit-twettiq ta’ dan l-eżerċizzju, hija għandha tirrikonoxxi li l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa meta jagħżlu miżuri li jistgħu jilħqu l-għanijiet ta’ politika soċjali, minkejja li l-eżerċizzju ta’ dik is-setgħa diskrezzjonali ma jistax jimmina t-tgawdija ta’ individwu tad-drittijiet stabbiliti fit-Trattati ( 39 ).

42.

Ir-restrizzjonijiet huma meqjusa xierqa meta jkunu adattati sabiex jilħqu l-għan ta’ interess ġenerali li jfittxu li jsegwu, li hawnhekk huwa d-disponibbiltà ta’ akkomodazzjoni għall-kiri affordabbli fl-Unjoni Ewropea u fiż-ŻEE. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, fuq il-bażi tal-provi mressqa quddiemha, jekk tnaqqis ta’ 10 % fil-bażi użata sabiex jiġi kkalkolat il-valur, għall-finijiet ta’ evalwazzjoni għat-taxxa fuq is-suċċessjoni, ta’ proprjetà mikrija għal użu residenzjali, huwiex kapaċi li jnaqqas il-pressjoni fuq il-werrieta li jbigħu tali proprjetà u l-konsegwenzi għad-disponibbiltà ta’ proprjetà għall-kiri.

43.

Sabiex jiġi evalwat jekk restrizzjoni tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan imfittex, titqajjem id-domanda dwar jekk miżuri ta’ tip inqas restrittiv jassigurawx li l-għan jintlaħaq bl-istess mod effettiv ( 40 ). Filwaqt li għal darba oħra din hija kwistjoni tal-qorti tar-rinviju, kieku l-kamp ta’ applikazzjoni tal-vantaġġ fiskali kien idjaq u kien limitat għal proprjetà immobbli vvalutata taħt ċertu limitu, u b’hekk jiġu esklużi proprjetajiet lussużi, l-impatt tar-restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital lejn u minn pajjiżi terzi jista’ jiġi attenwat. Tali limitazzjoni jista’ jkollha wkoll il-konsegwenza li tagħmel il-bażi taxxabbli progressiva, u b’hekk possibbilment tiffavorixxi l-aċċess għal akkomodazzjoni għall-kiri affordabbli.

44.

Jien għalhekk nagħti parir lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-Artikolu 63(1) TFUE ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li, għall-finijiet tal-kalkolu tat-taxxa fuq is-suċċessjoni, tittratta l-valur ta’ proprjetà immobbli mikrija għal użu residenzjali fi Stat Membru jew fi Stat taż-ŻEE b’mod iktar favorevoli minn proprjetà li tinsab f’pajjiż terz li tintuża għall-istess użu sabiex tiġi promossa d-disponibbiltà ta’ akkomodazzjoni għall-kiri affordabbli fl-Unjoni Ewropea u fiż-ŻEE. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk din il-leġiżlazzjoni nazzjonali hijiex xierqa sabiex tilħaq l-għan imfittex u jekk hemmx miżuri inqas restrittivi iżda daqstant effettivi sabiex jintlaħaq dan il-għan.

45.

Nirrikorri għat-tieni raġuni prevalenti ta’ interess ġenerali li jinvoka l-Gvern Ġermaniż sabiex jiġġustifika r-restrizzjoni, jiġifieri l-effettività tas-sorveljanza fiskali.

46.

Il-ġurisprudenza, li jirreferi għaliha l-punt 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet, fiha bosta eżempji fejn il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li l-effettività tas-sorveljanza fiskali ġġustifikat ir-restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu tal-kapital lejn u minn pajjiżi terzi ( 41 ). Fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħmel l-għoti ta’ vantaġġ fiskali dipendenti fuq it-twettiq ta’ ċerti kundizzjonijiet, u ma jkun hemm l-ebda qafas legali għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn Stati Membri u pajjiżi terzi, l-Istat Membru jista’ ma jkunx kapaċi jivverifika li l-kundizzjonijiet sabiex jinkiseb dan il-vantaġġ fiskali ġew issodisfatti.

47.

L-informazzjoni li tinsab fil-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża preżenti tindika li l-aċċess għall-vantaġġ fiskali inkwistjoni huwa kundizzjonali fuq il-fatt li l-proprjetà tkun mikrija għal finijiet residenzjali. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika l-eżistenza ta’ qafas legali għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet fiskali kompetenti. Għalkemm il-Ftehim dwar it-Tassazzjoni Doppja ma japplikax għat-taxxa fuq is-suċċessjoni, il-Gvern Ġermaniż aċċetta fis-seduta li, bis-saħħa tal-Artikolu 26 tiegħu, l-obbligu ta’ skambju ta’ informazzjoni jkopri t-taxxi kollha imposti mill-Istati Kontraenti.

48.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, nirrakkomanda lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tieni aspett imqajjem mill-qorti tar-rinviju fis-sens li l-Artikolu 63(1) TFUE jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, għall-finijiet tal-kalkolu tat-taxxa fuq is-suċċessjoni, tittratta l-valur ta’ proprjetà immobbli mikrija għal użu residenzjali fi Stat Membru jew fi Stat taż-ŻEE b’mod iktar favorevoli minn proprjetà li tinsab f’pajjiż terz li tintuża għall-istess użu sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-kontroll fiskali, fejn jeżisti qafas legali għall-iskambju ta’ informazzjoni rilevanti bejn l-awtoritajiet kompetenti tat-taxxa.

V. Konklużjoni

49.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb għad-domanda preliminari magħmula mill-Finanzgericht Köln (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Köln, il-Ġermanja) kif ġej:

L-Artikolu 63(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li, għall-finijiet tal-kalkolu tat-taxxa fuq is-suċċessjoni, tittratta l-valur ta’ proprjetà immobbli mikrija għal użu residenzjali fi Stat Membru jew fi Stat taż-Żona Ekonomika Ewropea b’mod iktar favorevoli minn proprjetà li tinsab f’pajjiż terz li tintuża għall-istess użu sabiex tiġi promossa d-disponibbiltà ta’ akkomodazzjoni għall-kiri affordabbli fl-Unjoni Ewropea u fiż-Żona Ekonomika Ewropea, sa fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali tkun xierqa sabiex jintlaħaq l-għan imfittex u ma jkunx hemm miżuri inqas restrittivi iżda daqstant effettivi sabiex jintlaħaq dan il-għan;

jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, għall-finijiet tal-kalkolu tat-taxxa fuq is-suċċessjoni, tittratta l-valur ta’ proprjetà immobbli mikrija għall-użu residenzjali fi Stat Membru jew fi Stat taż-Żona Ekonomika Ewropea b’mod iktar favorevoli minn proprjetà li tinsab f’pajjiż terz li tintuża għall-istess użu sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-kontroll fiskali, fejn jeżisti qafas legali għall-iskambju ta’ informazzjoni rilevanti bejn l-awtoritajiet tat-taxxa kompetenti.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 11, Volum 52, p. 3.

( 3 ) BGBl. 1997 I, p. 378.

( 4 ) BGBl. 2008 I, p. 3018.

( 5 ) Id-digriet tar-rinviju jirreferi għall-Artikolu 13c tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq is-Suċċessjoni u d-Donazzjonijiet. Din id-dispożizzjoni saret l-Artikolu 13d tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq is-Suċċessjoni u d-Donazzjonijiet. Ara l-Gesetz zur Anpassung des Erbschaftsteuer- und Schenkungsteuergesetzes an die Rechtsprechung des Bundesverfassungsgerichts (il-Liġi li Tadatta r-Regoli dwar it-Taxxa fuq is-Suċċessjoni u d-Donazzjonijiet għall-Ġurisprudenza tal-Qorti Kostituzzjonali Federali) tal‑4 ta’ Novembru 2016 (BGBl. 2016 I, p. 2464).

( 6 ) BGBl. 2002 II, p. 670.

( 7 ) Sentenzi tal‑15 ta’ Ottubru 2009, Busley and Cibrian Fernandez (C‑35/08, EU:C:2009:625, punt 18) u tas-17 ta’ Ottubru 2013, Welte (C‑181/12, EU:C:2013:662, punt 20).

( 8 ) Sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2009, STEKO Industriemontage (C‑377/07, EU:C:2009:29, punt 23).

( 9 ) Ara l-Entwurf eines Gesetzes zur Reform des Erbschaftsteuer- und Bewertungsrechts (l-Abbozz tal-Liġi dwar ir-Riforma tar-Regoli dwar it-Taxxa fuq is-Suċċessjoni u l-Valutazzjoni), 16/7918, tat‑28 ta’ Jannar 2008, p. 25 u 36.

( 10 ) Sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2009, Woningstichting Sint Servatius (C‑567/07, EU:C:2009:593, punt 30).

( 11 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑10 ta’ Frar 2011, Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen (C‑436/08 u C‑437/08, EU:C:2011:61, punti 127 u 128).

( 12 ) Hemm dibattitu pendenti dwar il-benefiċċju ekonomiku tal-liberalizzazzjoni sħiħa tal-kapital fir-rigward ta’ pajjiżi terzi. Ħarsa ġenerali fil-qosor ħafna taż-żewġ ideoloġiji tidher f’Antonaki, I., Capital, Market and the State. Reconciling Free Movement of Capital with Public Interest Objectives, Brill Nijhoff, Leiden, 2022, p. 11 sa 16. Ara wkoll Stiglitz, J., “Capital Market Liberalization, Economic Growth and Instability”, World Development, 2000, Vol. 28, Ħarġa 6, p. 1075 sa 1086; Alesina, A., Grilli, V., u Milsei-Ferretti, G. M. “The Political Economy of Capital Controls” f’Leiderlman, L. u Razin, A (eds.), Capital Mobility: The Impact on Consumption, Investment and Growth, Cambridge University Press, 1994, 380 p.

( 13 ) Ara, b’mod analogu, is-sentenzi tat‑22 ta’ Novembru 2018, Huijbrechts (C‑679/17, EU:C:2018:940, punt 19) u tas‑17 ta’ Jannar 2008, Jäger (C‑256/06, EU:C:2008:20, punt 35).

( 14 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2009, Il-Kummissjoni vs L‑Italja (C‑540/07, EU:C:2009:717, punt 66) u tal‑5 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑267/09, EU:C:2011:273, punt 51).

( 15 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2007, A (C‑101/05, EU:C:2007:804, punti 28 u 31).

( 16 ) Dan il-prinċipju jeżiġi li r-restrizzjonijiet ikunu xierqa sabiex jinkisbu l-għanijiet segwiti u ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkisbu dawn l-għanijiet. Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tat‑13 ta’ Mejju 2003, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑463/00, EU:C:2003:272, punt 68) u tat‑22 ta’ Novembru 2018, Huijbrechts (C‑679/17, EU:C:2018:940, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 17 ) Sentenza tat‑28 ta’ Settembru 2006, Il-Kummissjoni vs L-Olanda (C‑282/04 u C‑283/04, EU:C:2006:608, punti 32 u 33).

( 18 ) Sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in the FII Group Litigation (C‑446/04, EU:C:2006:774, punt 172); tat‑18 ta’ Diċembru 2007, A (C‑101/05, EU:C:2007:804, punt 55); tal‑10 ta’ Frar 2011, Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen (C‑436/08 u C‑437/08, EU:C:2011:61, punt 69); tal‑5 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑267/09, EU:C:2011:273, punt 42); tas‑17 ta’ Ottubru 2013, Welte (C‑181/12, EU:C:2013:662, punt 63); tal‑10 ta’ April 2014, Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company (C‑190/12, EU:C:2014:249, punt 71) u tas‑26 ta’ Frar 2019, X (Kumpanniji intermedjarji stabbiliti f’pajjiżi terzi) (C‑135/17, EU:C:2019:136, punti 73 u 74).

( 19 ) Sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, X (Kumpanniji intermedjarji stabbiliti f’pajjiżi terzi) (C‑135/17, EU:C:2019:136, punti 81 u 84).

( 20 ) Sentenzi tas‑17 ta’ Ottubru 2013, Welte (C‑181/12, EU:C:2013:662, punt 59) u tal‑10 ta’ April 2014, Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company (C‑190/12, EU:C:2014:249, punti 91 u 92).

( 21 ) Sentenzi tal‑10 ta’ Frar 2011, Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen (C‑436/08 u C‑437/08, EU:C:2011:61, punti 118 u 121); tal‑10 ta’ April 2014, Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company (C‑190/12, EU:C:2014:249, punt 98) u tas‑26 ta’ Frar 2019, X (Kumpanniji intermedjarji stabbiliti f’pajjiżi terzi) (C‑135/17, EU:C:2019:136, punt 72).

( 22 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tas‑27 ta’ Jannar 2009, Persche (C‑318/07, EU:C:2009:33, punti 66 sa 70), tad‑19 ta’ Novembru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑540/07, EU:C:2009:717, punti 64 u 72 sa 73) u tal‑5 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑267/09, EU:C:2011:273, punti 46, 57 u 58). Ara wkoll is-sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 2007, A (C‑101/05, EU:C:2007:804, punti 60 sa 66), tal‑10 ta’ April 2014, Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company (C‑190/12, EU:C:2014:249, punti 85 sa 88) u tas‑26 ta’ Frar 2019, X (Kumpanniji intermedjarji stabbiliti f’pajjiżi terzi) (C‑135/17, EU:C:2019:136, punti 94 u 95). Dawn is-sentenzi jindikaw li huma l-qrati tar-rinviju li għandhom jiddeterminaw, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, jekk ir-restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu tal-kapital humiex iġġustifikati, b’mod partikolari b’referenza għall-effettività tal-kontroll fiskali.

( 23 ) Sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2007, A (C‑101/05, EU:C:2007:804, punt 36).

( 24 ) Sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑540/07, EU:C:2009:717, punt 69) u tal‑5 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑267/09, EU:C:2011:273, punt 54).

( 25 ) Sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in the FII Group Litigation (C‑446/04, EU:C:2006:774, punti 170 u 171) u tat‑18 ta’ Diċembru 2007, A (C‑101/05, EU:C:2007:804, punt 37). L-istudjużi legali osservaw li l-aspett barra l-Unjoni tal-moviment liberu tal-kapital, b’mod partikolari r-raġunijiet ta’ ġustifikazzjoni, huwa sottoesplorat b’mod sinjifikattiv. Ara Snell, J., “Free movement of capital: evolution as a non-linear proċess”, fi Craig., P and de Búrca G., (eds.), The Evolution of EU Law, Oxford University Press, Oxford, 2021, p. 597 sa 607.

( 26 ) Sentenza tas‑17 ta’ Jannar 2008, Jäger (C‑256/06, EU:C:2008:20, punt 35).

( 27 ) Ibid., punti 47 u 50.

( 28 ) Ibid., punt 52.

( 29 ) Sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2009, Woningstichting Sint Servatius (C‑567/07, EU:C:2009:593, punti 21 sa 24).

( 30 ) Ibid., punt 27.

( 31 ) Ibid., punt 30.

( 32 ) Ibid., punti 32 sa 34.

( 33 ) Ibid., punti 35 sa 38.

( 34 ) Sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2009, Busley u Cibrián Fernández (C‑35/08, EU:C:2009:625, punti 26 u 27).

( 35 ) Ibid., punti 31 u 32.

( 36 ) Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, AGET Iraklis (C‑201/15, EU:C:2016:972, punt 77) u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 151 TFUE.

( 37 ) Dan huwa bla ħsara għall-possibbiltà tal-Unjoni Ewropea li tikkonkludi ftehimiet internazzjonali ma’ pajjiżi terzi, bħal ftehimiet kummerċjali, li jistgħu jfittxu għanijiet diversi, inklużi dawk ta’ protezzjoni soċjali u ambjentali.

( 38 ) Ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 33 sa 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 39 ) Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, AGET Iraklis (C‑201/15, EU:C:2016:972, punt 81).

( 40 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, AGET Iraklis (C‑201/15, EU:C:2016:972, punt 93).

( 41 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għal din il-konklużjoni univokament fis-sentenza tagħha tal‑5 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑267/09, EU:C:2011:273, punti 53 sa 58). Ara wkoll is-sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 2007, A (C‑101/05, EU:C:2007:804, punti 55 sa 66) u tas‑26 ta’ Frar 2019, X (Kumpanniji intermedjarji stabbiliti f’pajjiżi terzi) (C‑135/17, EU:C:2019:136, punti 74 u 93 sa 95), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ssuġġerixxiet li r-restrizzjoni tista’ tkun iġġustifikata iżda ħalliet f’idejn il-qorti tar-rinviju sabiex tiddetermina l-kwistjoni.