KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RICHARD DE LA TOUR

ippreżentati fis‑16 ta’ Frar 2023 ( 1 )

Kawża C‑663/21

Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl

fil-preżenza ta’

AA

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Suprema, l-Awstrija))

u

Kawża C‑8/22

XXX

vs

Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Politika tal-ażil – Direttiva 2011/95/UE – Standards dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja – Artikolu 14(4)(b) – Revoka tal-istatus ta’ refuġjat – Ċittadin ta’ pajjiż terz li wettaq reat partikolarment gravi – Perikolu għall-komunità – Stħarriġ tal-proporzjonalità – Oneru tal-prova – Direttiva 2008/115/KE – Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment – Posponiment tat-tneħħija – Tneħħija meqjusa illegali minħabba l-prinċipju ta’ non-refoulement – Impossibbiltà li tiġi adottata deċiżjoni ta’ ritorn”

I. Introduzzjoni

1.

L-Artikolu 14(4) u (5) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat [status] uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija ( 2 ), jipprovdi, minbarra l-kawżi ta’ terminazzjoni (Artikolu 11) u ta’ esklużjoni (Artikolu 12), li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jirrevokaw l-istatus ta’ refuġjat jew li jirrifjutaw li jagħtu dan l-istatus fil-każ ta’ perikolu għas-sigurtà tagħhom jew għall-komunità tagħhom.

2.

L-eżistenza ta’ din il-possibbiltà, immotivata mir-rieda tal-Istati Membri li jibbenefikaw minn mekkaniżmu ta’ azzjoni fir-rigward ta’ refuġjati li jippreġudikaw is-sigurtà jew il-komunità tagħhom, iżda li ma jistgħux ikunu suġġetti għal refoulement, ġiet ikkritikata, sa fejn ġie allegat li din ma tikkorrispondix għall-kawżi ta’ esklużjoni u ta’ terminazzjoni li jinsabu fl-Artikolu 1(C) sa (F) tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati ( 3 ), kif ikkompletata bil-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati ( 4 ) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”).

3.

Fis-sentenza tagħha tal‑14 ta’ Mejju 2019, M et (Revoka tal-istatus ta’ refuġjat) ( 5 ), il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ma kkonstatat ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-Artikolu 14(4) sa (6) tad-Direttiva 2011/95 fid-dawl tal-Artikolu 78(1) TFUE u tal-Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). Sabiex waslet għal din id-deċiżjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari qieset li l-Artikolu 14(4) u (5) ta’ din id-direttiva kellu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest tas-sistema stabbilita mill-imsemmija direttiva, ir-revoka tal-istatus ta’ refuġjat jew ir-rifjut li jingħata dan l-istatus ma għandux l-effett li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew il-persuna mingħajr Stat ikkonċernati li jissodisfaw il-kundizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 2(d) tal-istess direttiva, moqri flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tagħha, jitilfu l-kwalità ta’ refuġjat, fis-sens ta’ dan Artikolu 2(d) u tal-Artikolu 1(A) tal-Konvenzjoni ta’Genève ( 6 ).

4.

Dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari jibnu fuq is-sentenza M et (Revoka tal-istatus ta’ refuġjat) u issa jistiednu lill-Qorti tal-Ġustizzja tispeċifika l-kundizzjonijiet li taħthom l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jirrevokaw l-istatus ta’ refuġjat.

5.

Dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw, iktar speċifikament, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95, kif ukoll tal-Artikoli 5, 6, 8 u 9 tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment ( 7 ).

6.

F’dak li jirrigwarda l-Kawża C‑663/21, it-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn AA, ċittadin ta’ pajjiż terz, u l-Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl (l-Uffiċċju Federali għad-Dritt tal-Barranin u d-Dritt għall-Ażil, l-Awstrija, iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju”) dwar id-deċiżjoni adottata minn dan tal-aħħar li jiġi rtirat l-istatus tiegħu ta’ refuġjat, li jiġi rrifjutat li jingħata l-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja jew permess ta’ residenza għal motivi li jixirqilhom li jittieħdu inkunsiderazzjoni, li tittieħed deċiżjoni ta’ ritorn flimkien ma’ projbizzjoni ta’ residenza fil-konfront tiegħu, li jiġi ffissat terminu għal tluq volontarju u li jiġi ddikjarat li t-tneħħija tiegħu ma hijiex awtorizzata.

7.

F’dak li jirrigwarda l-Kawża C‑8/22, it-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn XXX, ċittadin ta’ pajjiż terz, u l-Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides (il-Kummissarju Ġenerali għar-Refuġjati u għall-Persuni mingħajr Stat, il-Belġju, iktar ’il quddiem il-“Kummissarju Ġenerali”) dwar id-deċiżjoni adottata minn dan tal-aħħar li jiġi rtirat l-istatus tiegħu ta’ refuġjat.

8.

Id-domandi magħmula mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Suprema, l-Awstrija) (Kawża C‑663/21) u mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju) (Kawża C‑8/22) huma komplementari u jikkoinċidu parzjalment, u għal din ir-raġuni ser neżaminahom b’mod konġunt f’dawn il-konklużjonijiet. Dawn id-domandi jistiednu, b’mod partikolari, lill-Qorti tal-Ġustizzja tispeċifika l-kundizzjonijiet li għalihom hija suġġetta r-revoka tal-istatus ta’ refuġjat skont l-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95.

9.

Din id-dispożizzjoni tipprovdi li “[l‑]Istati Membri jistgħu jirrevokaw, itemmu jew jirrifjutaw li jġeddu l-istatus mogħti lil refuġjat minn korp governattiv, amministrattiv, ġudizzjarju jew kważi-ġudizzjarju, meta […] hija, wara li tkun instabet ħatja minn sentenza finali ta’ delitt partikolarment serju, tikkostitwixxi periklu għall-komunità ta’ dak l-Istat Membru”.

10.

Dan il-motiv ta’ revoka tal-istatus ta’ refuġjat huwa ispirat direttament mill-formulazzjoni tal-Artikolu 33(2) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, li minnu jirriżulta li l-prinċipju ta’ non-refoulement ma jistax jiġi invokat minn refuġjat “li, minħabba li kien is-suġġett ta’ kundanna definittiva għal reat partikolarment gravi, jikkostitwixxi theddida għall-komunità [tal-pajjiż li jinsab fih]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Din l-istess eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ non-refoulement tinsab fl-Artikolu 21(2) tad-Direttiva 2011/95 ( 8 ).

11.

F’dawn il-konklużjonijiet, ser insostni, l-ewwel nett, l-interpretazzjoni li l-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95 jistabbilixxi żewġ kundizzjonijiet kumulattivi għall-possibbiltà li għandu Stat Membru li jirrevoka l-istatus ta’ refuġjat. F’dan ir-rigward, ser nispjega għaliex inqis li l-eżistenza ta’ kundanna definittiva għal reat partikolarment gravi tikkostitwixxi kundizzjoni neċessarja, iżda mhux suffiċjenti sabiex tippermetti lil Stat Membru jirrevoka dan l-istatus.

12.

Sussegwentement, ser nindika r-raġunijiet li għalihom inqis li l-perikolu li tirrappreżenta l-persuna kkundannata, fil-mument li fih tittieħed deċiżjoni ta’ revoka tal-istatus ta’ refuġjat, għandu jkun reali, attwali u suffiċjentement gravi għall-komunità tal-Istat Membru kkonċernat.

13.

Fl-aħħar nett, ser nispeċifika li deċiżjoni li jiġi rrevokat l-istatus ta’ refuġjat għandha, fil-fehma tiegħi, tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità u, b’mod iktar wiesa’, id-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata, kif iggarantiti mill-Karta.

14.

Il-Kawża C‑663/21 tqajjem kwistjoni addizzjonali, li tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2008/115. Titqajjem, essenzjalment, il-kwistjoni jekk għandhiex tiġi adottata deċiżjoni ta’ ritorn meta ċ-ċittadin ikkonċernat ta’ pajjiż terz ma jistax ikun suġġett għal refoulement lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu. Ser nistrieħ fuq l-iktar ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex nipproponi li din tal-aħħar tirrispondi għal din id-domanda fin-negattiv.

II. Il‑fatti tal‑kawżi prinċipali u d‑domandi preliminari

A.   Il‑Kawża C‑663/21

15.

AA daħal illegalment fl-Awstrija fl‑10 ta’ Diċembru 2014 u, fl-istess jum, ressaq applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Permezz ta’ deċiżjoni tal-Uffiċċju tat‑22 ta’ Diċembru 2015, ingħata l-istatus ta’ refuġjat.

16.

Fit‑22 ta’ Marzu 2018, AA ġie kkundannat għal sena u tliet xhur priġunerija kif ukoll għal multa ekwivalenti għal 180 jum talli wettaq ir-reati ta’ theddid perikoluż, ta’ distruzzjoni jew degradazzjoni tal-proprjetà ta’ ħaddieħor, ta’ manipulazzjoni pprojbita ta’ drogi u ta’ traffikar ta’ drogi. Fl‑14 ta’ Jannar 2019, AA ġie kkundannat għal tliet xhur priġunerija talli wettaq ir-reati ta’ feriti volontarji fuq il-persuna u ta’ theddid perikoluż. Fil‑11 ta’ Marzu 2019, huwa ġie kkundannat għal sitt xhur priġunerija talli wettaq ir-reati ta’ attentat ta’ feriti fuq il-persuna u ta’ theddid perikoluż. Dawn il-pieni kollha ta’ priġunerija ġew ikkonvertiti f’pieni sospiżi.

17.

Fit‑13 ta’ Awwissu 2019, AA ġie kkundannat għal multa għal aġir aggressiv fil-konfront ta’ aġent responsabbli għas-superviżjoni pubblika.

18.

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Settembru 2019, l-Uffiċċju rtira l-istatus ta’ refuġjat ta’ AA u ddeċieda li ma jagħtihx l-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja jew permess ta’ residenza għal motivi li jixirqilhom li jittieħdu inkunsiderazzjoni. L-Uffiċċju ddikjara wkoll li kienet ser tiġi adottata deċiżjoni ta’ ritorn flimkien ma’ projbizzjoni ta’ dħul u li kien ser jiġi ffissat terminu għal tluq volontarju, filwaqt li indika li t-tneħħija tiegħu lejn is-Sirja ma kinitx awtorizzata.

19.

AA ppreżenta rikors kontra d-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal‑24 ta’ Settembru 2019 quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, l-Awstrija). Sussegwentement, huwa ddikjara li kien qiegħed jirtira dan ir-rikors sa fejn kien jirrigwarda l-parti tad-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni li tikkonstata l-illegalità tat-tneħħija tiegħu.

20.

Fis‑16 ta’ Ġunju u fit‑8 ta’ Ottubru 2020, AA ġie kkundannat għal erba’ u għal ħames xhur priġunerija, mingħajr ma ġew irrevokati s-sospensjonijiet mogħtija preċedentement.

21.

Permezz ta’ sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2021, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) annullat id-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal‑24 ta’ Settembru 2019. Dik il-qorti indikat li kellhom jiġu ssodisfatti erba’ kundizzjonijiet sabiex ikun jista’ jiġi rtirat l-istatus ta’ refuġjat, jiġifieri l-fatt li r-refuġjat wettaq reat partikolarment gravi, li ġie kkundannat permezz ta’ sentenza finali, li huwa jikkostitwixxi perikolu għall-komunità, u li l-interess pubbliku għat-terminazzjoni tar-residenza jipprevali fuq l-interess tiegħu għaż-żamma tal-protezzjoni mill-Istat ta’ ażil.

22.

L-imsemmija qorti kkonstatat li AA kien jissodisfa l-ewwel tliet kundizzjonijiet, iżda qieset, fir-rigward tar-raba’ waħda, li kellhom jiġu bbilanċjati l-interessi tar-Repubblika tal-Awstrija u dawk ta’ AA, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-portata u n-natura tal-miżuri li għalihom kien jiġi espost fil-każ ta’ revoka tal-protezzjoni internazzjonali. Issa, peress li AA kien jiġi espost, fil-każ ta’ ritorn fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, għal riskju ta’ tortura jew ta’ mewt, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) qieset li l-interssi tiegħu kienu jipprevalu fuq dawk tar-Repubblika tal-Awstrija u li ma kellux jiġi rtirat l-istatus tiegħu ta’ refuġjat.

23.

L-Uffiċċju ppreżenta rikors għal reviżjoni kontra din is-sentenza quddiem il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Suprema).

24.

Insostenn tar-rikors tiegħu, l-Uffiċċju jsostni li l-ġurisprudenza tal-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Suprema) dwar ir-raba’ kundizzjoni ċċitata iktar ’il fuq tfasslet f’kuntest li ma huwiex paragunabbli ma’ dak li attwalment huwa fis-seħħ. Fil-fatt, tneħħija lejn il-pajjiż ta’ oriġini llum ma għadhiex awtorizzata fil-każ fejn il-persuna kkonċernat tkun esposta għal konsegwenzi li jwasslu għal ksur tal-Artikoli 2 jew 3 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali ( 9 ). Għaldaqstant, l-ibbilanċjar tal-interessi kontrapposti mwettaq f’dan il-każ mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) ma huwiex neċessarju, għaliex din il-persuna tibbenefika minn protezzjoni kontra t-tneħħija li tirriżulta minn deċiżjoni li tikkonstata l-impossibbiltà ta’ refoulement. Skont l-Uffiċċju, tali bbilanċjar tal-interessi jista’, barra minn hekk, jippreġudika l-kredibbiltà tas-sistema ta’ protezzjoni prevista mid-dritt tal-Unjoni konformement mal-Konvenzjoni ta’ Genève.

25.

Fid-dawl tal-argumenti hekk imqajma mill-Uffiċċju, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar in-neċessità li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95, jitwettaq ibbilanċjar tal-interessi kontrapposti, wara li ġie kkonstatat li l-persuna kkonċernata ġiet ikkundannata b’mod definittiv talli wettqet reat partikolarment gravi u li hija tirrappreżenta perikolu għall-komunità. Hija tindika, b’mod partikolari, billi tibbaża ruħha fuq l-argumenti żviluppati quddiemha mill-Uffiċċju ( 10 ), li tali bbilanċjar ta’ interessi jista’ jiġi eskluż għar-raġuni li l-Artikolu 14(4)(b) ta’ din id-direttiva huwa intiż għall-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat ta’ persuni li jkunu wrew li ma jistħoqqilhomx iżommu dan l-istatus minħabba d-delinkwenza kbira tagħhom u l-perikolu li għaldaqstant jirrappreżentaw għall-komunità.

26.

Barra minn hekk, dik il-qorti tirrileva li, fi kwalunkwe każ, ir-revoka tal-istatus ta’ refuġjat ma tippermettix li tittieħed inkunsiderazzjoni n-neċessità ta’ prevenzjoni tal-perikolu li jkun ġej minn persuna li tkun waqgħet fid-delinkwenza kbira, peress li t-tneħħija tagħha tirriżulta li tkun illegali minħabba l-projbizzjoni ta’ refoulement.

27.

Filwaqt li tibbaża ruħha fuq il-kummentarji u fuq id-dikjarazzjonijiet tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Ażil (EASO), il-qorti tar-rinviju tindika li jeżistu perspettivi diverġenti dwar in-neċessità li jitwettaq ibbilanċjar tal-interessi bejn il-perikolu għall-komunità li jirrappreżenta ċ-ċittadin ikkonċernat ta’ pajjiż terz u r-riskji li jinvolvi għal dan iċ-ċittadin ir-ritorn fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu. Dik il-qorti tenfasizza wkoll li l-ġurisprudenza Awstrijaka fuq dan il-punt tidher li hija iżolata fi ħdan l-Unjoni Ewropea u li din il-ġurisprudenza tista’ twassal għal impossibbiltà li l-imsemmi ċittadin jiċċaħħad mill-istatus tiegħu ta’ refuġjat.

28.

Barra minn hekk, l-imsemmija qorti tirrileva li d-dritt Awstrijak jipprovdi li, fil-każijiet fejn tkun ġiet irtirata l-protezzjoni internazzjonali, iżda fejn it-tneħħija lejn il-pajjiż ta’ oriġini tkun illegali, għandha tiġi adottata deċiżjoni ta’ ritorn, flimkien, jekk ikun il-każ, ma’ projbizzjoni ta’ dħul. Ir-residenza ta’ ċittadin ikkonċernat ta’ pajjiż terz għalhekk tkun ittollerata fl-Awstrija sakemm it-tneħħija tiegħu tibqa’ impossibbli, mingħajr madankollu ma din tkun regolari.

29.

Tali prassi tista’ titqies li hija inkompatibbli mad-Direttiva 2008/115, sa fejn b’mod partikolari din timplika l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn li ma għandha ebda effettività għal żmien indeterminat, għaliex it-tneħħija taċ-ċittadin ikkonċernat ta’ pajjiż terz titqies li hija illegali sal-eventwali adozzjoni ta’ deċiżjoni kuntrarja li tiddikjara t-tneħħija legali. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi b’mod partikolari dwar il-portata tas-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Westerwaldkreis ( 11 ).

30.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Fl-evalwazzjoni ta’ jekk l-istatus ta’ benefiċjarju tad-dritt għall-ażil mogħti preċedentement mill-awtorità kompetenti lil refuġjat jistax jiġi rrevokat minħabba r-raġuni msemmija fl-Artikolu 14(4)(b) tad-[Direttiva 2011/95], għandha ssir ponderazzjoni tal-interessi, bħala kriterju awtonomu, b’mod li l-interessi pubbliċi għal ritorn jipprevalu fuq l-interessi tar-refuġjat li jżomm il-protezzjoni mill-pajjiż tar-refuġju, fejn in-natura punibbli ta’ reat u l-perikolu potenzjali lis-soċjetà għandhom jiġu ponderati mal-interessi tal-persuna barranija fil-protezzjoni, inkluż l-estent u n-natura tal-miżuri mhedda fil-konfront tagħha?

2)

Id-dispożizzjonijiet tad-[Direttiva 2008/115], b’mod partikolari l-Artikoli 5, 6, 8 u 9 tagħha, jipprekludu sitwazzjoni ġuridika nazzjonali fejn tiġi adottata deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li, minħabba r-revoka tal-istatus ta’ ażil, il-permess ta’ residenza preċedenti tiegħu bħala refuġjat jiġi rtirat, anki jekk huwa stabbilit fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn li t-tneħħija għal perijodu indefinit hija illegali minħabba l-prinċipju ta’ non-refoulement, u dan huwa wkoll stabbilit minn deċiżjoni li tista’ ssir definittiva?”

31.

Il-Gvern Awstrijak, il-Gvern Belġjan, il-Gvern Ċek, il-Gvern Ġermaniż u l-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

B.   Il‑Kawża C‑8/22

32.

Permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissarju Ġenerali tat‑23 ta’ Frar 2007, XXX ingħata l-istatus ta’ refuġjat.

33.

Permezz ta’ sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2010, il-Cour d’assises de Bruxelles (il-Qorti tal-Assiżi ta’ Brussell, il-Belġju) ikkundannat lil XXX għal piena ta’ 25 sena priġunerija ( 12 ).

34.

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Mejju 2016, il-Kummissarju Ġenerali rtira l-istatus tiegħu ta’ refuġjat.

35.

XXX ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin, il-Belġju).

36.

Permezz ta’ sentenza tas‑26 ta’ Awwissu 2019, dik il-qorti ċaħdet dan ir-rikors, billi qieset li l-perikolu li kien jirrappreżenta XXX għall-komunità kien jirriżulta mill-kundanna tiegħu għal reat partikolarment gravi. F’dan il-kuntest, il-Kummissarju Ġenerali ma kienx obbligat jipprova li XXX jikkostitwixxi perikolu reali, attwali u suffiċjentement gravi għall-komunità. Kien pjuttost dan tal-aħħar li kellu jistabbilixxi li ma għadux jikkostitwixxi perikolu għall-komunità.

37.

Fis‑26 ta’ Settembru 2019, XXX ippreżenta appell ta’ kassazzjoni minn din is-sentenza quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju).

38.

Insostenn tal-appell tiegħu, huwa jsostni, essenzjalment, li huwa l-Kummissarju Ġenerali li għandu jipprova l-eżistenza ta’ perikolu reali, attwali u suffiċjentement gravi għall-komunità u li huwa neċessarju li jsir stħarriġ tal-proporzjonalità sabiex jiġi ddeterminat jekk il-perikolu kkostitwit minnu jiġġustifikax l-irtirar tal-istatus tiegħu ta’ refuġjat.

39.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikolu 14(4)(b) tad-[Direttiva 2011/95] għandu jiġi interpretat bħala li jipprevedi li t-theddida għas-soċjetà hija stabbilita minħabba s-sempliċi fatt li l-benefiċjarju tal-istatus ta’ refuġjat ġie kkundannat permezz ta’ sentenza finali għal delitt partikolarment gravi jew għandu jiġi interpretat bħala li jipprevedi li s-sempliċi kundanna permezz ta’ sentenza finali għal delitt partikolarment gravi ma hijiex suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ theddida għas-soċjetà?

2)

Jekk is-sempliċi kundanna permezz ta’ sentenza finali għal delitt partikolarment gravi ma hijiex suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ theddida għas-soċjetà, l-Artikolu 14(4)(b) tad-[Direttiva 2011/95] għandu jiġi interpretat bħala li jeżiġi li l-Istat Membru juri li sa mill-kundanna tiegħu, ir-rikorrent ikompli jikkostitwixxi theddida għas-soċjetà? L-Istat Membru għandu jistabbilixxi li din it-theddida hija reali u attwali jew l-eżistenza ta’ theddida potenzjali hija suffiċjenti? L-Artikolu 14(4)(b) [tagħha], meħud waħdu jew flimkien mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jiġi interpretat bħala li jippermetti r-revoka tal-istatus ta’ refuġjat biss jekk din ir-revoka hija proporzjonata u t-theddida li jirrappreżenta l-benefiċjarju ta’ dan l-istatus hija suffiċjentement gravi sabiex tiġġustifika din ir-revoka?

3)

Jekk l-Istat Membru ma għandux juri li sa mill-kundanna tiegħu, ir-rikorrent ikompli jikkostitwixxi theddida għas-soċjetà u li din it-theddida hija reali, attwali u suffiċjentement gravi sabiex tiġġustifika r-revoka tal-istatus ta’ refuġjat, l-Artikolu 14(4)(b) tad-[Direttiva 2011/95] għandu jiġi interpretat bħala li jimplika li t-theddida għas-soċjetà hija stabbilita, bħala prinċipju, mill-fatt li l-benefiċjarju tal-istatus ta’ refuġjat ġie kkundannat permezz ta’ sentenza finali għal delitt partikolarment gravi iżda li huwa jista’ juri li ma jikkostitwixxix jew ma jikkostitwixxix iktar tali theddida?”

40.

XXX, il-Gvern Belġjan u l-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

41.

Waqt is-seduta konġunta taż-żewġ kawżi, li nżammet fl‑10 ta’ Novembru 2022, XXX, il-Gvern Belġjan, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet orali tagħhom u wieġbu għall-mistoqsijiet għal tweġiba orali magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja.

III. Analiżi

A.   Fuq l‑interpretazzjoni tal‑Artikolu 14(4)(b) tad‑Direttiva 2011/95

42.

F’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95, id-dibattitu ġuridiku f’dawn il-kawżi jirrigwarda diversi punti.

43.

Fl-ewwel lok, għandu jitqies li din id-dispożizzjoni timponi żewġ kundizzjonijiet kumulattivi sabiex Stat Membru jkun jista’ jirrevoka l-istatus ta’ refuġjat, jiġifieri, minn naħa, l-eżistenza ta’ kundanna permezz ta’ sentenza finali għal reat partikolarment gravi u, min-naħa l-oħra, il-prova li l-persuna li kienet is-suġġett ta’ din il-kundanna tirrappreżenta perikolu għall-komunità ta’ dan l-Istat Membru?

44.

Fit-tieni lok, jekk din l-ewwel domanda tingħata risposta affermattiva, liema għandhom ikunu l-karatteristiċi ta’ dan il-perikolu għall-komunità? B’mod partikolari, Stat Membru għandu jipprova li, mill-kundanna tiegħu ’l quddiem, iċ-ċittadin ikkonċernat ta’ pajjiż terz jibqa’ jikkostitwixxi perikolu għall-komunità tiegħu? Barra minn hekk, b’analoġija ma’ dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja dwar regoli oħra tad-dritt tal-Unjoni, dan għandu jkun perikolu reali, attwali u suffiċjentement gravi?

45.

Fit-tielet lok, id-deċiżjoni ta’ Stat Membru li jiġi rrevokat l-istatus ta’ refuġjat skont l-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95 hija suġġetta għall-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità? Fil-każ ta’ risposta affermattiva, bejn liema elementi għandu jitwettaq l-ibbilanċjar? B’mod partikolari, l-awtorità kompetenti għandha twettaq ibbilanċjar bejn l-interess tal-Istat Membru ospitanti li jipproteġi l-komunità tiegħu u l-interess taċ-ċittadin ikkonċernat ta’ pajjiż terz li jibqa’ jibbenefika minn protezzjoni f’dan l-Istat Membru?

46.

Qabel ma neżamina dawn id-diversi punti, ser nifformula xi osservazzjonijiet preliminari dwar il-kundizzjoni li tirrigwarda kundanna definittiva għal reat partikolarment gravi.

1. Osservazzjonijiet preliminari dwar il‑kundizzjoni li tirrigwarda kundanna definittiva għal reat partikolarment gravi

47.

Nirrileva li ebda waħda mid-domandi magħmula mill-qrati tar-rinviju ma tirrigwarda dak li jfisser il-fatt li ċ-ċittadin ikkonċernat ta’ pajjiż terz għandu jkun “instabet ħatja minn sentenza finali ta’ delitt partikolarment serju”. Għall-kuntrarju, din id-domanda ssir direttament fil-kuntest tal-kawża Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (C‑402/22), li attwalment hija pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fuq inizjattiva tar-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi). Sa fejn dik il-kawża ser toffri l-kuntest adegwat sabiex jiġu ddefiniti l-limiti ta’ din il-kundizzjoni ( 13 ), hawnhekk ser nillimita ruħi li nifformula l-osservazzjonijiet li ġejjin, li huma mmotivati mill-kuntrast li jeżisti bejn il-kundanni mogħtija rispettivament fil-kawżi preżenti.

48.

Għaldaqstant, il-Kawża C‑663/21 tirrigwarda ċittadin ta’ pajjiż terz li l-istatus tiegħu ta’ refuġjat ġie rrevokat, wara li ġie kkundannat għal diversi pieni ta’ priġunerija sospiżi għal diversi reati. Min-naħa tagħha, il-Kawża C‑8/22 tirrigwarda ċittadin ta’ pajjiż terz li l-istatus tiegħu ta’ refuġjat ġie rrevokat wara li ġie kkundannat għal 25 sena priġunerija talli wettaq diversi reati fosthom omiċidju volontarju.

49.

B’mod intuwittiv u bla ħsara għal eżami fid-dettall tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “kundanna għal reat partikolarment gravi”, il-kundanna għal terminu ta’ priġunerija u għal reat bħal dawk inkwistjoni fil-Kawża C‑8/22 tista’ tidħol f’din id-definizzjoni jew, tal-inqas, tista’ ma taqax manifestament barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

50.

Għall-kuntrarju, wieħed jista’ jistaqsi, fil-kuntest tal-Kawża C‑663/21, jekk diversi kundanni għal pieni ta’ priġunerija sospiżi għal reati li ebda wieħed minnhom, meħud waħdu, ma jista’ jiġi kklassifikat bħala “reat partikolarment gravi”, jissodisfawx il-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95. Dan iqajjem b’mod partikolari l-kwistjoni jekk l-effett akkumulat ta’ diversi reati jistax jippermetti li jintlaħaq il-grad ta’ gravità partikolari li teħtieġ din id-dispożizzjoni.

51.

Hawnhekk ma iniex ser naqta’ dawn il-kwistjonijiet li ma humiex is-suġġett ta’ dibattitu fil-kuntest ta’ dawn il-kawżi u ser nillimita ruħi li niġbed l-attenzjoni tal-qrati tar-rinviju dwar il-fatt li, meta ser ikollhom jisiltu l-konsegwenzi tar-risposti li l-Qorti tal-Ġustizzja ser tagħti għad-domandi tagħhom, ma jistgħux ma jiħdux inkunsiderazzjoni l-verifika minn qabel tal-eżistenza jew le ta’ kundanna għal “delitt partikolarment serju”, fis-sens tal-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95. Fil-fatt, din hija kundizzjoni indispensabbli għall-implimentazzjoni tal-possibbiltà ta’ revoka tal-istatus ta’ refuġjat li toffri din id-dispożizzjoni.

52.

Madankollu, din hija kundizzjoni suffiċjenti għall-implimentazzjoni ta’ din il-possibbiltà ta’ revoka? It-tweġiba għal din il-mistoqsija timplika li għandha tiġi speċifikata r-rabta li teżisti, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95, bejn kundanna definittiva għal reat partikolarment gravi u l-eżistenza ta’ perikolu għall-komunità, sabiex minn dan jiġi dedott jekk dawn humiex żewġ kundizzjonijiet kumulattivi jew le.

2. Fuq ir‑rabta bejn kundanna definittiva għal reat partikolarment gravi u l‑eżistenza ta’ perikolu għall-komunità

53.

Permezz tal-ewwel u tat-tielet domanda fil-Kawża C‑8/22, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-motiv ta’ revoka tal-istatus ta’ refuġjat previst f’din id-dispożizzjoni jista’ jiġi applikat meta jiġi stabbilit li l-persuna kkonċernata ġiet ikkundannata permezz ta’ sentenza finali għal reat partikolarment gravi mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi vverifikat, bħala kundizzjoni distinta, jekk din il-persuna tikkostitwixxix perikolu għall-komunità tal-Istat Membru li tinsab fih.

54.

Dawn id-domandi jeħtieġu li jiġi ddeterminat jekk ir-relazzjoni bejn iż-żewġ elementi li jikkostitwixxu, minn naħa, il-kundanna permezz ta’ sentenza finali għal reat partikolarment gravi u, min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ perikolu għall-komunità tal-Istat Membru kkonċernat, hijiex relazzjoni kawżali awtomatika, b’mod li l-ewwel element jimplika neċessarjament it-tieni wieħed jew jekk dawn humiex żewġ elementi li, għalkemm marbuta ma’ xulxin, għandhom, kull wieħed minnhom, ikunu s-suġġett ta’ prova distinta.

55.

Fi kliem ieħor, għandu jitqies li l-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95 jistabbilixxi kundizzjoni unika għar-revoka tal-istatus ta’ refuġjat, jiġifieri li l-perikolu għall-komunità jirriżulta mis-sempliċi fatt li l-benefiċjarju tal-istatus ta’ refuġjat ġie kkundannat permezz ta’ sentenza finali għal reat partikolarment gravi? Jew għandu jitqies li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi żewġ kundizzjonijiet għal din ir-revoka, b’mod li, minbarra l-eżistenza ta’ kundanna permezz ta’ sentenza finali għal reat partikolarment gravi, Stat Membru għandu jipprova li r-refuġjat jikkostitwixxi perikolu għall-komunità tiegħu?

56.

Jidher li hemm diverġenzi dwar dan il-punt bejn l-Istati Membri. Uħud iqisu li kundanna għal reat partikolarment gravi hija, fil-każijiet kollha, suffiċjenti sabiex jitqies li l-persuna inkwistjoni tikkostitwixxi perikolu għall-komunità. Oħrajn iqisu li għandha wkoll tiġi pprovata l-eżistenza ta’ tali perikolu bħala kundizzjoni distinta ( 14 ).

57.

Bħall-Kummissjoni, inqis li, għalkemm kundanna definittiva għal reat partikolarment gravi tikkostitwixxi kundizzjoni neċessarja sabiex ikun jista’ jiġi rrevokat l-istatus ta’ refuġjat skont l-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95, din madankollu ma hijiex kundizzjoni suffiċjenti ( 15 ). F’din il-perspettiva, għandu wkoll jitfittex u jiġi stabbilit jekk il-persuna kkonċernata tirrappreżentax perikolu għall-komunità tal-Istat Membru li tinsab fih. Din id-dispożizzjoni għaldaqstant tipprevedi żewġ kundizzjonijiet li, għalkemm konnessi, huma distinti u għandhom jiġu ssodisfatti kumulattivament. Il-kundanna permezz ta’ sentenza finali għal reat partikolarment gravi għalhekk hija kemm kundizzjoni għall-eżistenza ta’ perikolu għall-komunità, skont l-imsemmija dispożizzjoni, kif ukoll element rilevanti għall-evalwazzjoni ta’ dan il-perikolu. Madankollu, din il-kundanna ma tikkostitwixxix l-uniku element għall-finijiet ta’ tali evalwazzjoni, kif ser nispjega iktar ’il quddiem.

58.

Fil-fehma tiegħi, il-formulazzjoni tal-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95 timmilita favur tali interpretazzjoni.

59.

F’dan ir-rigward, nirrileva li, għalkemm jeżistu differenzi bejn il-verżjonijiet lingwistiċi ta’ din id-dispożizzjoni ( 16 ), din tal-aħħar tesprimi l-idea li mhux biss il-persuna inkwistjoni għandha tkun ġiet ikkundannata għal reat partikolarment gravi, iżda għandu jiġi stabbilit ukoll li teżisti rabta bejn ir-reat li għalih din il-persuna ġiet ikkundannata u l-perikolu li hija tirrappreżenta. Għaldaqstant, l-imsemmija persuna għandha tikkostitwixxi perikolu minħabba r-reat li wettqet ( 17 ).

60.

Għaldaqstant, il-perikolu għall-komunità li jeħtieġ l-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95 ma jiġix stabbilit jekk dan ikun ibbażat fuq allegazzjonijiet dwar reati mwettqa mill-persuna inkwistjoni jew dwar l-aġir ġenerali tagħha li ma jkunux wasslu għal kundanna definittiva għal reat partikolarment gravi.

61.

Kif indikat il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-motiv korrispondenti li jinsab fl-Artikolu 21(2) tad-Direttiva 2004/83, li jippermetti li refuġjat ikun suġġett għal refoulement, għandu jitqies li l-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95 jissuġġetta r-revoka tal-istatus ta’ refuġjat għal kundizzjonijiet stretti peress li, b’mod partikolari, huwa biss refuġjat li ġie kkundannat permezz ta’ sentenza finali għal “delitt partikolarment serju” li jista’ jitqies li jikkostitwixxi “periklu għall-komunità ta’ dak l-Istat Membru” ( 18 ). Dawn il-kundizzjonijiet stretti huma proporzjonati mal-konsegwenzi sinjifikattivi li tinvolvi r-revoka tal-istatus ta’ refuġjat, jiġifieri li l-persuna kkonċernata ma hijiex ser ikollha iktar id-drittijiet u l-vantaġġi kollha stabbiliti fil-Kapitolu VII ta’ din id-direttiva, peress li dawn huma assoċjati ma’ dan l-istatus ( 19 ).

62.

Madankollu, fil-fehma tiegħi, l-eżistenza ta’ rabta bejn iż-żewġ elementi msemmija fl-Artikolu 14(4)(b) tal-imsemmija direttiva ma tfissirx li l-eżistenza ta’ perikolu għall-komunità għandha fil-każijiet kollha titqies li tirriżulta awtomatikament minn kundanna għal reat partikolarment gravi, b’mod li konsegwentement tiġi reża inutli l-prova ta’ tali perikolu.

63.

Fil-fatt, irrispettivament mill-verżjonijiet lingwistiċi u mill-mod kif dawn jesprimu r-rabta bejn kundanna definittiva għal reat partikolarment gravi u l-eżistenza ta’ perikolu għall-komunità, il-fatt li l-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ssemmi dawn iż-żewġ elementi jwassalni sabiex inqis li l-leġiżlatur tal-Unjoni għaldaqstant ipprovda li għandhom jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi sabiex ikun jista’ jiġi rrevokat l-istatus ta’ refuġjat. Li kieku l-perikolu għall-komunità ma kienx jikkostitwixxi kundizzjoni awtonoma, dan il-leġiżlatur kien loġikament jillimita ruħu li jippermetti r-revoka tal-istatus ta’ refuġjat abbażi biss ta’ kundanna għal reat partikolarment gravi ( 20 ).

64.

Dan huwa barra minn hekk dak li għamel l-imsemmi leġiżlatur meta ppreveda, pereżempju, fost il-kawżi ta’ esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat, it-twettiq ta’ “delitt serju mhux politiku” fl-Artikolu 12(2)(b) tad-Direttiva 2011/95 u, fost il-kawżi ta’ esklużjoni mill-benefiċċju tal-protezzjoni sussidjarja, it-twettiq ta’ “delitt serju” fl-Artikolu 17(1)(b) ta’ din id-direttiva. Nirrileva wkoll li, fost il-kawżi ta’ esklużjoni mill-benefiċċju tal-protezzjoni sussidjarja, ir-raġunijiet serji li jitqies li l-persuna inkwistjoni “tirrappreżenta periklu għall-komunità jew għas-sigurtà tal-Istat Membru li fih [hija] tkun preżenti” jikkostitwixxu kawża ta’ esklużjoni separata u awtonoma.

65.

B’paragun ma’ dawn id-dispożizzjonijiet, mill-formulazzjoni speċifika tal-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95 niddeduċi li l-eżistenza ta’ perikolu għall-komunità ma tistax tirriżulta b’mod awtomatiku u fil-każijiet kollha minn kundanna għal reat partikolarment gravi, ħlief billi tiġi reża superfluwa l-indikazzjoni li l-persuna kkonċernata għandha tikkostitwixxi perikolu għall-komunità.

66.

Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Belġjan, l-interpretazzjoni li tiffavorixxi l-eżistenza ta’ żewġ kundizzjonijiet kumulattivi ma għandhiex l-effett li ċċaħħad mill-effett utli l-motiv l-ieħor ta’ revoka tal-istatus ta’ refuġjat li jissemma fl-Artikolu 14(4)(a) tad-Direttiva 2011/95, meta jkunu jeżistu motivi raġonevoli li refuġjat jitqies li huwa “periklu għas-sigurtà tal-Istat Membru li fih hija tkun preżenti”. Fil-fatt, fil-fehma tiegħi, dan il-motiv għandu kamp ta’ applikazzjoni li huwa speċifiku għalih sa fejn ikopri kemm is-sigurtà interna ta’ Stat Membru kif ukoll is-sigurtà esterna tiegħu. Għaldaqstant, il-preġudizzju għall-funzjonament tal‑istituzzjonijiet u tas-servizzi pubbliċi essenzjali kif ukoll is-sopravivenza tal‑popolazzjoni, l-istess bħar-riskju ta’ perturbazzjoni gravi tar-relazzjonijiet esterni jew tal-koeżistenza paċifika tal-popli, jew inkella l-preġudizzju għall‑interessi militari, jistgħu jaffettwaw is-sigurtà pubblika ( 21 ). Mifhum b’dan il-mod, il-perikolu għas-sigurtà ta’ Stat Membru, fis-sens tal-Artikolu 14(4)(a) tad-Direttiva 2011/95, huwa differenti mill-perikolu għall-komunità ta’ Stat Membru li huwa previst fl-Artikolu 14(4)(b) ta’ din id-direttiva u li jirrigwarda iktar iż-żamma tal-ordni pubbliku tal-Istat Membru inkwistjoni ( 22 ).

67.

Fil-fehma tiegħi, l-interpretazzjoni li tikkonsisti fil-ħtieġa li l-awtorità kompetenti ma tillimitax ruħha li tieħu inkunsiderazzjoni kundanna mogħtija fil-passat sabiex tkun tista’ tirrevoka l-istatus ta’ refuġjat skont din id-dispożizzjoni hija kkorroborata min-neċessità li tiġi adottata interpretazzjoni stretta tal-imsemmija dispożizzjoni, fid-dawl tal-għan tad-Direttiva 2011/95.

68.

Fil-fatt, skont dak li tindika l-premessa 12 tagħha, l-għan ta’ din id-direttiva huwa, minn naħa, li jiġi żgurat li l-Istati Membri kollha japplikaw kriterji komuni għall-identifikazzjoni ta’ persuni ġenwinament fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali, u, min-naħa l-oħra, li jiġi żgurat li dawn il-persuni jkollhom livell minimu ta’ vantaġġi fl-Istati Membri kollha.

69.

L-istatus ta’ refuġjat għandu jingħata lil persuna meta din tissodisfa l-istandards minimi stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2011/95, l-Istati Membri għandhom jagħtu l-istatus ta’ refuġjat lil kull ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat li jikkwalifikaw bħala refuġjat skont il-Kapitoli II u III ta’ din id-direttiva.

70.

Issa, l-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95 jistabbilixxi kawża ta’ revoka tal-istatus ta’ refuġjat li tikkostitwixxi eċċezzjoni għar-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva u li għandha l-effett li tillimita d-drittijiet u l-vantaġġi stabbiliti fil-Kapitolu VII tal-imsemmija direttiva. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, din il-kawża ta’ revoka għandha tiġi interpretata strettament, u dan ifisser li tista’ tiġi applikata biss meta l-awtorità kompetenti tipprova, minn naħa, li ċ-ċittadin ikkonċernat ta’ pajjiż terz ġie kkundannat b’mod definittiv għal reat partikolarment gravi u, min-naħa l-oħra, li dan iċ-ċittadin jikkostitwixxi perikolu għall-komunità tal-Istat Membru li jinsab fih.

71.

Jidhirli li tali interpretazzjoni hija wkoll koerenti mal-interpretazzjoni adottata tal-Artikolu 33(2) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, li tipprovdi b’mod partikolari li l-prinċipju ta’ non-refoulement ma jistax jiġi invokat minn refuġjat “li, minħabba li kien is-suġġett ta’ kundanna definittiva għal reat partikolarment gravi, jikkostitwixxi theddida għall-komunità [tal-pajjiż li jinsab fih]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. F’dan ir-rigward, nirrileva li, għalkemm din id-dispożizzjoni għandha għan differenti, peress li tipprevedi eċċezzjonijiet għall-prinċipju ta’ non-refoulement, huwa paċifiku li hija kienet is-sors tal-motivi ta’ revoka tal-istatus ta’ refuġjat imsemmija mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 14(4) tad-Direttiva 2011/95. Għalhekk jidhirli li huwa xieraq li tittieħed inkunsiderazzjoni l-interpretazzjoni tal-Artikolu 33(2) ta’ din il-konvenzjoni li, kif jirriżulta mill-premessi 4, 23 u 24 tad-Direttiva 2011/95, tikkostitwixxi l-bażi tas-sistema legali internazzjonali ta’ protezzjoni tar-refuġjati ( 23 ).

72.

B’mod iktar ġenerali, jidhirli li, peress li l-każijiet previsti fl-Artikolu 14(4) u (5) tad-Direttiva 2011/95, li fihom l-Istati Membri jistgħu jirrevokaw l-istatus ta’ refuġjat jew jirrifjutaw li jagħtuh, jikkorrispondu, essenzjalment, għal dawk li fihom l-Istati Membri jistgħu jissuġġettaw refuġjat għal refoulement skont l-Artikolu 21(2) ta’ din id-direttiva u l-Artikolu 33(2) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, il-motivi msemmija f’dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati bl-istess mod.

73.

Issa, sa fejn l-interpretazzjoni tal-Artikolu 33(2) tal-Konvenzjoni ta’ Genève tidher li tiffavorixxi l-eżistenza taż-żewġ kundizzjonijiet li jikkostitwixxu, minn naħa, kundanna definittiva għal reat partikolarment gravi u, min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ perikolu għall-komunità tal-pajjiż li jinsab fih ir-refuġjat ikkonċernat ( 24 ), dan isaħħaħli l-konvinzjoni li l-motivi korrispondenti li jinsabu kemm fl-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95 kif ukoll fl-Artikolu 21(2)(b) ta’ din id-direttiva jeħtieġu wkoll li jiġu ssodisfatti dawn iż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi.

74.

Mill-elementi preċedenti jirriżulta li, fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-motiv ta’ revoka tal-istatus ta’ refuġjat previst f’din id-dispożizzjoni jista’ jiġi applikat minn Stat Membru biss meta dan jistabbilixxi, minn naħa, li l-persuna kkonċernata ġiet ikkundannata permezz ta’ sentenza finali għal reat partikolarment gravi u, min-naħa l-oħra, li din il-persuna tikkostitwixxi perikolu għall-komunità ta’ dan l-Istat Membru.

75.

Għandhom issa jiġu speċifikati l-karatteristiċi li għandu jkollu tali perikolu.

3. Fuq il‑karatteristiċi tal‑perikolu għall‑komunità

76.

Permezz tat-tieni domanda fil-Kawża C‑8/22, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li r-revoka tal-istatus ta’ refuġjat, ibbażata fuq din id-dispożizzjoni, hija suġġetta għall-eżistenza ta’ perikolu reali, attwali u suffiċjentement gravi għall-komunità ta’ dan l-Istat Membru.

77.

Filwaqt li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk il-perikolu għall-komunità previst fl-Artikolu 14(4)(b) ta’ din id-direttiva għandux ikun reali, attwali u suffiċjentement gravi, dik il-qorti tistaqsi jekk l-istandard stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha dwar il-perikoli għall-ordni pubbliku għandux jiġi traspost għal din id-dispożizzjoni.

78.

Hija kkonċernata b’mod partikolari l-ġurisprudenza li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet standard, fil-qasam tal-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni, li bis-saħħa tiegħu ċittadin tal-Unjoni li jkun għamel użu mid-dritt tiegħu ta’ moviment liberu jista’ jitqies li jirrappreżenta perikolu għall-ordni pubbliku biss jekk l-aġir individwali tiegħu jirrappreżenta perikolu reali, attwali u suffiċjentement gravi, li jaffettwa interess fundamentali tal-komunità ( 25 ), liema standard ġie sussegwentement ikkodifikat fid-dritt sekondarju ( 26 ). Dan l-istandard ġie applikat ukoll għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma humiex membri tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni. Għaldaqstant, ġie applikat, diversi drabi, għal benefiċjarji ta’ drittijiet mogħtija permezz ta’ ftehimiet ta’ assoċjazzjoni ( 27 ), sussegwentement, sa ċertu punt, għar-residenti għal żmien twil ( 28 ), kif ukoll sabiex jiġi rrikonoxxut li ma jingħatax terminu ta’ tluq volontarju fi proċedura ta’ ritorn ( 29 ), li jista’ jiġi rrevokat permess ta’ residenza mogħti lil refuġjat ( 30 ), li applikant għall-ażil jinżamm f’detenzjoni amministrattiva ( 31 ), li tinħareġ projbizzjoni ta’ dħul flimkien ma’ deċiżjoni ta’ ritorn ( 32 ) jew sabiex tiġi ġġustifikata l-eżekuzzjoni tad-detenzjoni għal finijiet ta’ tneħħija f’faċilità korrettiva ( 33 ).

79.

Għall-kuntrarju, l-istandard relatat mal-eżistenza ta’ perikolu reali, attwali u suffiċjentement gravi, li jaffettwa interess fundamentali tal-komunità, ġie eskluż f’kuntesti oħra, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda r-rifjut ta’ viżi għall-istudenti ( 34 ).

80.

Għaldaqstant seta’ jiġi deċiż li kwalunkwe riferiment mil-leġiżlatur tal-Unjoni għall-kunċett ta’ “perikolu għall-ordni pubbliku” ma għandux neċessarjament jinftiehem fis-sens li jirreferi b’mod esklużiv għal aġir individwali li jirrappreżenta perikolu reali, attwali u suffiċjentement gravi, li jaffettwa interess fundamentali tal-komunità tal-Istat Membru kkonċernat, u li huwa neċessarju li jittieħdu inkunsiderazzjoni t-termini tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, il-kuntest tagħhom u l-għanijiet li tfittex li tilħaq il-leġiżlazzjoni li jagħmlu parti minnha ( 35 ).

81.

Minn din id-deskrizzjoni qasira tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-perikolu għall-ordni pubbliku jirriżulta li din tal-aħħar tieħu direzzjonijiet li jistgħu jkunu differenti skont ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni li jkollha tinterpreta, billi, kull darba, tieħu inkunsiderazzjoni l-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, il-kuntest tagħhom u l-għan tal-leġiżlazzjoni li jagħmlu parti minnha. Huwa għalhekk billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-formulazzjoni partikolari tal-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95, il-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni kif ukoll l-għan ta’ din id-direttiva li, fil-fehma tiegħi, għandhom jiġu ddefiniti l-karatteristiċi tal-perikolu għall-komunità li jissemma f’din id-dispożizzjoni. Nosserva wkoll li, għalkemm il-prossimità bejn iż-żewġ tipi ta’ perikoli li jikkostitwixxu, minn naħa, perikolu għall-ordni pubbliku ta’ Stat Membru u, min-naħa l-oħra, perikolu għall-komunità ta’ dan l-Istat Membru ċertament tawtorizza paragun tal-kriterji li jippermettu li jiġi kklassifikat tali perikolu, dan ma jissostitwixxix eżami speċifiku tal-Artikolu 14(4)(b) tal-imsemmija direttiva permezz ta’ interpretazzjoni letterali, kuntestwali u teleoloġika.

82.

F’dan ir-rigward, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95 jirriżulta li l-perikolu għall-komunità li għalih tirreferi din id-dispożizzjoni għandu jkun reali. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tipprovdi li l-persuna kkonċernata “tikkostitwixxi” perikolu għall-komunità tal-Istat Membru li tinsab fih. Madankollu, kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni, ir-rekwiżit li perikolu jkun reali ma jimplikax li jkun hemm ċertezza dwar it-twettiq futur tiegħu.

83.

Barra minn hekk, il-kuntest tal-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95 u l-effett utli tal-kundizzjoni li l-persuna kkonċernata tikkostitwixxi perikolu għall-komunità jimplikaw, fil-fehma tiegħi, li dan għandu jkun perikolu attwali.

84.

F’dak li jirrigwarda l-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni, nirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fis-sistema tad-Direttiva 2004/83, il-perikolu attwali li eventwalment jirrappreżenta refuġjat għall-Istat Membru kkonċernat jittieħed inkunsiderazzjoni mhux fil-kuntest tal-Artikolu 12(2) tagħha iżda f’dak, minn naħa, tal-Artikolu 14(4)(a) tagħha, li skontu dan l-Istat Membru jista’ jirrevoka l-istatus mogħti lil refuġjat b’mod partikolari meta jkun hemm motivi raġonevoli sabiex jitqies li huwa perikolu għas-sigurtà tal-imsemmi Stat Membru, u, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 21(2) tagħha, li jipprovdi li l-Istat Membru ospitanti jista’, kif jawtorizzah jagħmel ukoll l-Artikolu 33(2) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, jissuġġetta lil refuġjat għal refoulement meta jkun hemm raġunijiet serji sabiex jitqies li huwa jikkostitwixxi perikolu għas-sigurtà jew għall-komunità ta’ dan l-Istat Membru ( 36 ).

85.

Issa, fil-fehma tiegħi, ma hemm ebda raġuni għalfejn jitqies li l-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95 huwa differenti, fis-sistema ta’ din id-direttiva, mill-Artikolu 14(4)(a), u mill-Artikolu 21(2) tagħha, li dwarhom nispeċifika li huma identiċi għad-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-Direttiva 2004/83, fir-rigward tar-rekwiżit li l-persuna kkonċernata tirrappreżenta perikolu attwali għall-Istat Membru li tinsab fih. L-adozzjoni ta’ interpretazzjoni oħra twassal sabiex tinħoloq inkoerenza fl-interpretazzjoni ta’ dawn id-diversi dispożizzjonijiet.

86.

Barra minn hekk, inqis li, sa fejn kundanna minħabba reat partikolarment gravi turi, minnha nnifisha, li r-refuġjat ikkawża diżordni ta’ gravità partikolari għall-komunità, li rrikjeda li l-aġir li wassal għal dan id-diżordni jiġi ssanzjonat kriminalment, l-indikazzjoni tal-eżistenza ta’ perikolu għall-komunità fl-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95 għandu jkollha l-utilità speċifika tagħha, għaliex altrimenti tidher żejda.

87.

L-effett utli tal-indikazzjoni li l-persuna inkwistjoni tikkostitwixxi perikolu għall-komunità għalhekk jobbliga lill-awtorità kompetenti tipprova li, fil-mument li fih tipprospetta li tirrevoka l-istatus ta’ refuġjat, persuna kkundannata fil-passat għal reat partikolarment gravi għadha tikkostitwixxi, sa mill-kundanna tagħha, perikolu għall-komunità tal-Istat Membru li tinsab fih.

88.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-persuna kkonċernata minn proċedura ta’ revoka tal-istatus tagħha ta’ refuġjat għandha tikkostitwixxi perikolu attwali għall-komunità tal-Istat Membru li tinsab fih fil-mument li fih l-awtorità kompetenti jkollha tieħu d-deċiżjoni tagħha.

89.

Barra minn hekk, il-grad ta’ gravità partikolari meħtieġ bis-saħħa tal-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95 f’dak li jirrigwarda l-kundanna għal reat għandu bħala konsegwenza loġika, fil-fehma tiegħi, li l-perikolu għall-komunità li huwa marbut ma’ din il-kundanna għandu huwa stess ikun suffiċjentement gravi, fil-mument li fih tiġi adottata d-deċiżjoni ta’ revoka tal-istatus ta’ refuġjat, sabiex jiġġustifika tali revoka.

90.

Jidhirli li l-applikazzjoni tal-istandard dwar perikolu reali, attwali u suffiċjentement gravi fil-kuntest tal-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95 hija ġġustifikata fid-dawl tan-natura derogatorja ta’ din id-dispożizzjoni meta mqabbla mar-regola ta’ ħruġ tal-istatus ta’ refuġjat prevista fl-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva. Kif spjegajt qabel, din in-natura derogatorja timplika interpretazzjoni stretta tal-Artikolu 14(4)(b) tal-imsemmija direttiva, li iktar u iktar hija ġġustifikata peress li l-għan prinċipali ta’ din tal-aħħar ma huwiex il-prevenzjoni tal-perikoli għas-sigurtà, għall-ordni pubbliku jew għall-komunità tal-Istati Membri, iżda dak li jissemma fil-premessa 12 tagħha ( 37 ).

91.

Jidhirli li l-applikazzjoni ta’ dan l-istandard tista’ wkoll tiġi dedotta minn dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha T., dwar ir-revoka tal-permess ta’ residenza mogħti lill-benefiċjarji tal-istatus ta’ refuġjat, għal raġunijiet imperattivi marbuta mas-sigurtà nazzjonali jew mal-ordni pubbliku. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja applikat direttament, fil-kuntest tal-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/83, l-istandard li jirriżulta mill-ġurisprudenza tagħha dwar il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni ( 38 ). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, anki jekk id-Direttiva 2004/38 għandha għanijiet differenti minn dawk li d-Direttiva 2004/83 tfittex li tilħaq u għalkemm l-Istati Membri jibqgħu liberi li jiddeterminaw, konformement mal-ħtiġijiet nazzjonali tagħhom li jistgħu jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor u minn żmien għal ieħor, ir-rekwiżiti tal-ordni pubbliku u tas-sigurtà pubblika, jibqa’ l-fatt li l-portata tal-protezzjoni li komunità tkun trid toffri lill-interessi fundamentali tagħha ma tistax tvarja skont l-istatus legali tal-persuna li tippreġudika dawn l-interessi ( 39 ).

92.

F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet skala bejn il-miżuri li refuġjat jista’ jkun is-suġġett tagħhom, skont kemm il-konsegwenzi tagħhom huma iżjed jew inqas onerużi għalih. Għaldaqstant, ir-refoulement ta’ refuġjat, li l-konsegwenzi tiegħu jistgħu jkunu estremament drastiċi ( 40 ), jikkostitwixxi l-ultima ratio li Stat Membru jista’ jirrikorri għaliha meta ebda miżura oħra ma tkun possibbli jew suffiċjenti sabiex taffronta l-perikolu li jippreżenta dan ir-refuġjat għas-sigurtà jew għall-komunità ta’ dan l-Istat Membru ( 41 ). Min-naħa tagħha, ir-revoka tal-permess ta’ residenza minħabba perikolu għas-sigurtà nazzjonali jew għall-ordni pubbliku, skont l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2011/95, għandha konsegwenzi inqas onerużi mir-revoka tal-istatus ta’ refuġjat jew mill-miżura aħħarija li jikkostitwixxi r-refoulement ( 42 ). Din l-iskala tispjega li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, ċerti ċirkustanzi li ma jkollhomx il-grad ta’ gravità li jawtorizza lil Stat Membru jieħu deċiżjoni ta’ refoulement skont l-Artikolu 21(2) ta’ din id-direttiva jistgħu madankollu jippermettu lil Stat Membru, abbażi tal-Artikolu 24(1) tal-imsemmija direttiva, iċaħħad lir-refuġjat ikkonċernat mill-permess ta’ residenza tiegħu ( 43 ).

93.

Għalkemm jeżistu differenzi fil-formulazzjoni bejn din id-dispożizzjoni tal-aħħar u l-Artikolu 21(2) tad-Direttiva 2011/95, li jistabbilixxi kriterji simili għal dawk użati fl-Artikolu 14(4) ta’ din id-direttiva ( 44 ), intendi li nqis li, loġikament, jekk perikolu reali, attwali u suffiċjentement gravi, li jaffettwa interess fundamentali tal-komunità, huwa meħtieġ sabiex tkun tista’ tittieħed il-miżura b’konsegwenzi inqas onerużi li tikkostitwixxi ċ-ċaħda tar-refuġjat mill-permess ta’ residenza tiegħu skont l-Artikolu 24(1) tal-imsemmija direttiva, dawn l-istess karatteristiċi tal-perikolu għandhom jiġu rikjesti a fortiori għall-finijiet tal-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet b’konsegwenzi iktar onerużi u li jikkonsistu fir-revoka tal-istatus ta’ refuġjat jew fir-refoulement tal-persuna kkonċernata.

94.

Sabiex jiġi ddeterminat jekk persuna tikkostitwixxix perikolu reali, attwali u suffiċjentement gravi għall-komunità tal-Istat Membru kkonċernat, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni kull punt ta’ fatt jew ta’ liġi relatat mas-sitwazzjoni tar-refuġjat li jippermetti li jiġi stabbilit jekk l-aġir personali ta’ dan tal-aħħar jikkostitwixxix tali perikolu. Konsegwentement, fil-każ ta’ refuġjat li kien is-suġġett ta’ kundanna kriminali, il-punti rilevanti f’dan ir-rigward jinkludu n-natura u l-gravità tal-att imwettaq kif ukoll iż-żmien li jkun għadda mit-twettiq tiegħu ( 45 ). Għaldaqstant inqis li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, lil hinn mill-evalwazzjoni magħmula mill-qorti kriminali, li evidentement tikkostitwixxi element determinanti sabiex titkejjel il-perikolożità tal-persuna kkonċernata, l-aġir ta’ din il-persuna matul il-perijodu li jissepara l-kundanna kriminali mill-mument li fih tiġi evalwata l-eżistenza ta’ perikolu għall-komunità. F’dan ir-rigward, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni t-tul ta’ żmien twil jew qasir li jkun għadda minn din il-kundanna, ir-riskju ta’ reċidiva u l-isforzi ta’ integrazzjoni mill-ġdid tal-imsemmija persuna ( 46 ). Fil-fehma tiegħi, meta l-aġir tar-refuġjat juri l-persistenza fih ta’ attitudni li tiżvela propensità għat-twettiq ta’ atti li jistgħu jkunu ta’ preġudizzju gravi għall-interessi fundamentali tal-komunità, tista’ tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ perikolu reali, attwali u suffiċjentement gravi għall-komunità.

95.

Għandu wkoll jiġi speċifikat li hija l-awtorità kompetenti li tipprospetta li tirrevoka l-istatus ta’ refuġjat li għandha tipprova li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95 huma ssodisfatti. Għalkemm, f’dan ir-rigward, il-formulazzjoni tal-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu hija inqas espliċita mill-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-artikolu, li jimponi fuq l-Istati Membri li jipprovaw jew li jistabbilixxu, rispettivament, li l-kundizzjonijiet previsti minnhom huma ssodisfatti, ma nqisx li hemm raġunijiet għalfejn għandha tiġi adottata pożizzjoni differenti ( 47 ). Għalhekk ma huwiex ir-refuġjat li għandu jipprova li l-istatus tiegħu ma għandux jiġi rrevokat.

96.

Barra minn hekk, ma iniex favorevoli għas-soluzzjoni deskritta permezz tat-tielet domanda preliminari fil-Kawża C‑8/22, li tikkonsisti fil-kunsiderazzjoni li l-eżistenza ta’ perikolu għall-komunità tista’ tiġi preżunta ladarba jkun ġie stabbilit li l-persuna kkonċernata ġiet ikkundannata permezz ta’ sentenza finali talli wettqet reat partikolarment gravi. Fil-fatt, għalkemm, kif spjegajt qabel, teżisti, fil-loġika inerenti għall-motiv ta’ revoka previst fl-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95, rabta bejn kundanna definittiva għal reat partikolarment gravi u l-eżistenza ta’ perikolu għall-komunità, hija l-awtorità kompetenti li għandha tistabbilixxi f’kull każ jekk, skont ċirkustanzi individwali u, b’mod partikolari, id-dekorrenza taż-żmien minn din il-kundanna kif ukoll l-aġir adottat mir-refuġjat matul dan il-perijodu, l-imsemmija kundanna għadhiex tikkostitwixxi, fil-mument li fih tittieħed id-deċiżjoni ta’ revoka, element determinanti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali perikolu. F’dan il-kuntest, għandhom jiġu osservati r-regoli proċedurali previsti fl-Artikolu 45 tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali ( 48 ), billi b’mod partikolari l-persuna kkonċernata tkun tista’ tikkontesta r-raġunijiet li għalihom l-awtorità kompetenti tqis li għandu jiġi rtirat l-istatus tagħha ta’ refuġjat.

97.

Mill-elementi preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95 għandu, fil-fehma tiegħi, jiġi interpretat fis-sens li l-motiv ta’ revoka tal-istatus ta’ refuġjat previst f’din id-dispożizzjoni jista’ jiġi applikat minn Stat Membru biss meta dan jipprova li l-persuna kkonċernata tikkostitwixxi perikolu reali, attwali u suffiċjentement gravi għall-komunità ta’ dan l-Istat Membru.

4. Fuq l‑applikazzjoni tal‑prinċipju ta’ proporzjonalità

98.

L-ewwel domanda fil-Kawża C‑663/21 kif ukoll it-tieni domanda fil-Kawża C‑8/22 ifittxu li jsir magħruf jekk l-implimentazzjoni tal-motiv ta’ revoka tal-istatus ta’ refuġjat, skont l-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95, hijiex suġġetta għall-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

99.

B’mod iktar speċifiku, il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑663/21 tistaqsi, essenzjalment, jekk din id-dispożizzjoni għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tippermetti li jiġi rrevokat l-istatus ta’ refuġjat mogħti lil ċittadin ta’ pajjiż terz biss jekk l-interess pubbliku fir-ritorn ta’ dan iċ-ċittadin fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jipprevali fuq l-interess tal-imsemmi ċittadin fiż-żamma tal-protezzjoni internazzjonali, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-portata u n-natura tal-miżuri li għalihom dan tal-aħħar ikun espost. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, b’riferiment għall-miżuri li għalihom il-persuna kkonċernata tkun esposta, il-qorti tar-rinviju tipprospetta b’mod partikolari li tieħu inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi, għal din il-persuna, ta’ eventwali ritorn fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha.

100.

Sabiex nirrispondi għal dawn id-domandi, ser nibda billi nindika li, f’dak li jirrigwarda l-modalitajiet tal-eżami li jista’ jwassal lill-awtorità kompetenti sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ kawża ta’ esklużjoni mill-protezzjoni internazzjonali jew ta’ rtirar tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja reċentement iddeċidiet, dwar l-Artikolu 14(4)(a) u l-Artikolu 17(1)(d) tad-Direttiva 2011/95, li l-applikazzjoni ta’ kull waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet tippreżupponi li l-awtorità kompetenti twettaq, għal kull każ individwali, evalwazzjoni tal-fatti speċifiċi li hija tkun taf bihom sabiex tiddetermina jekk jeżistux raġunijiet serji sabiex jitqies li s-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata, li tissodisfa barra minn hekk il-kriterji sabiex tikseb jew iżżomm il-protezzjoni internazzjonali, taqa’ taħt wieħed mill-każijiet previsti fl-imsemmija dispożizzjonijiet ( 49 ).

101.

Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, din l-evalwazzjoni tikkostitwixxi parti integrali mill-proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali, li għandha titwettaq skont id-Direttivi 2011/95 u 2013/32 ( 50 ). Hija biss l-awtorità determinanti ( 51 ) li għandha twettaq, taħt il-kontroll tal-qrati, l-evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, inklużi dawk relatati mal-applikazzjoni tal-Artikoli 14 u 17 tad-Direttiva 2011/95, evalwazzjoni li fi tmiemha hija ser tagħti d-deċiżjoni tagħha ( 52 ).

102.

Il-Qorti tal-Ġustizzja għaldaqstant eskludiet kwalunkwe awtomatiċità kif ukoll kwalunkwe dipendenza minn awtorità oħra meta l-awtorità determinanti jkollha tieħu deċiżjoni ( 53 ). Din l-awtorità, għall-kuntrarju, għandu jkollha l-informazzjoni rilevanti kollha u għandha twettaq, fid-dawl ta’ din l-informazzjoni, l-evalwazzjoni tagħha tal-fatti u taċ-ċirkustanzi, sabiex tiddetermina s-sens tad-deċiżjoni tagħha kif ukoll timmotivaha b’mod komplet ( 54 ).

103.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat il-fatt li, kif jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 14(4)(a) tad-Direttiva 2011/95, l-awtorità determinanti għandu jkollha marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tiddeċiedi jekk kunsiderazzjonijiet marbuta mas-sigurtà nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat għandhomx jagħtu lok għar-revoka tal-istatus ta’ refuġjat, ħaġa li teskludi li l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ perikolu għal din is-sigurtà timplika awtomatikament tali revoka ( 55 ).

104.

Fil-fehma tiegħi, il-kunsiderazzjonijiet preċedenti jistgħu jiġu trasposti għall-Artikolu 14(4)(b) ta’ din id-direttiva. Għaldaqstant, l-awtorità kompetenti għandu jkollha wkoll marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tiddeċiedi jekk l-eżistenza ta’ perikolu għall-komunità għandux jagħti lok għar-revoka tal-istatus ta’ refuġjat.

105.

Bl-istess mod kif, fid-dawl tal-funzjonijiet tagħha, l-awtorità determinanti għandha tibbenefika minn libertà ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-eżistenza ta’ perikolu għas-sigurtà nazzjonali, mingħajr ma tkun obbligata tibbaża ruħha fuq opinjoni mhux motivata mogħtija minn korpi inkarigati b’funzjonijiet speċjalizzati marbuta mas-sigurtà nazzjonali ( 56 ), l-awtorità li tirtira l-istatus ta’ refuġjat għandha tkun tista’ tevalwa liberament jekk refuġjat li ġie kkundannat għal reat partikolarment gravi jikkostitwixxix perikolu għall-komunità, skont l-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95.

106.

Nirrileva, f’dan ir-rigward, li din id-dispożizzjoni tipprovdi li l-Istati Membri għandhom biss il-possibbiltà li jirrevokaw l-istatus ta’ refuġjat. B’analoġija ma’ dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 21(2) tad-Direttiva 2004/83, li jirrigwarda l-possibbiltà li refuġjat ikun suġġett għal refoulement, għandu jitqies li, anki meta l-kundizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95 ikunu ssodisfatti, ir-revoka tal-istatus ta’ refuġjat tikkostitwixxi biss possibbiltà mħollija għad-diskrezzjoni tal-Istati Membri, fejn dawn huma liberi li jagħmlu għażliet oħra inqas stretti ( 57 ). Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni hija differenti mill-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva li jipprevedi motivi obbligatorji ta’ esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat.

107.

Bl-eżerċizzju tal-possibbiltà mogħtija lilhom mill-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95, l-Istati Membri jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, ħaġa li timplika li din il-possibbiltà ma tistax tiġi eżerċitata minn dawn tal-aħħar b’mod li jippreġudika l-għan u l-effett utli ta’ din id-direttiva u li l-applikazzjoni tal-motiv ta’ revoka tal-istatus ta’ refuġjat previst f’din id-dispożizzjoni għandha ssir b’rispett tad-drittijiet fundamentali stabbiliti mill-Karta ( 58 ). Barra minn hekk, il-premessa 16 ta’ din id-direttiva tindika li din tal-aħħar tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rrikonoxxuti mill-Karta ( 59 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja barra minn hekk iddeċidiet li l-applikazzjoni tal-Artikolu 14(4) sa (6) tal-imsemmija direttiva hija bla ħsara għall-obbligu, għall-Istat Membru kkonċernat, li josserva d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Karta, bħal dawk li jinsabu fl-Artikolu 7 tagħha, dwar ir-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, fl-Artikolu 15 tagħha, dwar il-libertà professjonali u d-dritt għax-xogħol, fl-Artikolu 34 tagħha, dwar is-sigurtà soċjali u l-assistenza soċjali, kif ukoll fl-Artikolu 35 tagħha, dwar il-protezzjoni tas-saħħa ( 60 ).

108.

Barra minn hekk, l-implimentazzjoni tal-motiv ta’ revoka tal-istatus ta’ refuġjat previst fl-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95 għandha tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità, ħaġa li timplika b’mod partikolari li din għandha tkun adatta għat-twettiq tal-għan li din id-dispożizzjoni tfittex li tilħaq u li ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan ( 61 ). F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jorbot lill-Istati Membri meta jimplimentaw dan id-dritt ( 62 ).

109.

Il-prinċipju ta’ proporzjonalità fir-realtà jalimenta t-totalità tal-proċedura li tista’ twassal lil Stat Membru sabiex jirrevoka l-istatus ta’ refuġjat skont l-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95: l-ewwel nett, fil-mument tal-verifika tan-natura partikolarment gravi tar-reat li kien is-suġġett ta’ kundanna kriminali, sussegwentement, fl-eżami dwar jekk jeżistix perikolu suffiċjentement gravi għall-komunità u, fl-aħħar nett, sabiex jiġi deċiż jekk għandhiex tingħata preferenza lil miżura inqas stretta mir-revoka tal-istatus ta’ refuġjat, fid-dawl tan-natura fakultattiva ta’ din tal-aħħar.

110.

F’dak li jirrigwarda din l-aħħar fażi ta’ evalwazzjoni, jidhirli li, fir-rigward tar-revoka tal-istatus ta’ refuġjat, għandu jitwarrab dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 12(2)(b) jew (ċ) tad-Direttiva 2004/83, fir-rigward tal-esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat, jiġifieri, essenzjalment, li l-awtorità kompetenti ma għandhiex twettaq eżami ta’ proporzjonalità addizzjonali fir-rigward tal-każ inkwistjoni meta tistabbilixxi li l-kundizzjonijiet previsti f’dawn id-dispożizzjonijiet huma ssodisfatti ( 63 ). Fil-fatt, kif enfasizzajt qabel, l-imsemmija dispożizzjonijiet jipprevedu motivi ta’ esklużjoni li huma obbligatorji u li għalhekk ma huwiex possibbli li wieħed jidderoga minnhom ( 64 ), ħaġa li tiddistingwixxihom mill-motivi fakultattivi ta’ revoka li huma previsti fl-Artikolu 14(4) tad-Direttiva 2011/95.

111.

F’dak li jirrigwarda l-punt jekk għandhiex tingħata preferenza lil miżura inqas stretta mir-revoka tal-istatus ta’ refuġjat, fid-dawl tan-natura fakultattiva ta’ din tal-aħħar, l-evalwazzjoni li għandha ssir timplika, fil-fehma tiegħi, ibbilanċjar bejn interessi li għandhom jiġu ddefiniti bir-reqqa.

112.

Mill-perspettiva ta’ Stat Membru, il-possibbiltà li jiġi rrevokat l-istatus ta’ refuġjat tfittex li tipproteġi l-komunità tiegħu kontra l-perikolu li jirrappreżenta refuġjat għal din tal-aħħar, billi tipprevedi l-adozzjoni ta’ miżura li tista’ tiżdied ma’ kundanna kriminali għal reat partikolarment gravi.

113.

Peress li, minħabba l-prinċipju ta’ non-refoulement ( 65 ), il-persuna li l-istatus tagħha ta’ refuġjat jiġi rrevokat ma tistax titneħħa mit-territorju tal-Istat Membru li tinsab fih, l-effettività ta’ deċiżjoni ta’ revoka ta’ dan l-istatus bil-għan li jiġi nnewtralizzat il-perikolu li tippreżenta din il-persuna għall-komunità ta’ dan l-Istat Membru tista’ titqiegħed leġittimament inkwistjoni. Madankollu, il-possibbiltà li jiġi rrevokat l-istatus ta’ refuġjat jista’ jkollha funzjoni kemm ta’ dissważjoni kif ukoll ta’ sanzjoni. F’din il-perspettiva, il-possibbiltà għal Stat Membru li jirrevoka l-istatus ta’ refuġjat toffrilu l-possibbiltà li jislet il-konsegwenzi minn ksur tal-obbligu li jaqa’ fuq il-persuna kkonċernata li tosserva l-liġijiet u r-regolamenti tiegħu kif ukoll il-miżuri meħuda għaż-żamma tal-ordni pubbliku. Fl-ispirtu ta’ dak li jipprovdu l-Artikolu 2 ( 66 ) u l-Artikolu 33(2) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, jidhirli li huwa leġittimu li jiġi previst, fuq livell tal-Unjoni, li l-korrispettiv tal-benefiċċju tal-istatus ta’ refuġjat, bil-vantaġġi u bid-drittijiet marbuta miegħu, huwa l-osservanza tas-sigurtà u tal-ordni pubbliku tal-Istat Membru li jkun ta l-protezzjoni internazzjonali.

114.

Mill-perspettiva tal-persuna li tkun is-suġġett ta’ proċedura ta’ revoka tal-istatus ta’ refuġjat, infakkar li din tal-aħħar għandha bħala konsegwenza li, għalkemm din il-persuna ma tiċċaħħadx mill-kwalità tagħha ta’ refuġjat u għalhekk tkompli tgawdi, skont dak li jipprevedi l-Artikolu 14(6) tad-Direttiva 2011/95, ċertu numru ta’ drittijiet previsti mill-Konvenzjoni ta’ Genève ( 67 ), l-imsemmija persuna ma hijiex ser ikollha iktar id-drittijiet u l-vantaġġi kollha stabbiliti fil-Kapitolu VII ta’ din id-direttiva ( 68 ). B’mod partikolari, hija ser tiċċaħħad mill-permess ta’ residenza li l-Artikolu 24 tal-imsemmija direttiva jorbot mal-istatus ta’ refuġjat ( 69 ). Konsegwentement, fil-fehma tiegħi, huwa l-interess tal-persuna kkonċernata, fid-dawl tas-sitwazzjoni personali tagħha u tal-familja tagħha, li żżomm dawn id-drittijiet u vantaġġi li tikkostitwixxi t-tieni parti tal-ibbilanċjar li għandu jitwettaq.

115.

Għaldaqstant, peress li dak li huwa inkwistjoni, permezz tal-applikazzjoni tal-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95, meta jiġi stabbilit li l-persuna kkonċernata ma tistax tkun suġġetta għal refoulement, huwa ż-żamma tad-drittijiet u tal-vantaġġi previsti fil-Kapitolu VII ta’ din id-direttiva, l-awtorità kompetenti għandha tivverifika jekk huwiex proporzjonat, fid-dawl tal-grad ta’ perikolu għall-komunità li hija tirrappreżenta u tas-sitwazzjoni personali tagħha u tal-familja tagħha, li hija tiċċaħħad mill-istatus ta’ refuġjat.

116.

F’din il-perspettiva, din l-awtorità għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li t-tneħħija tad-drittijiet u tal-vantaġġi li huma marbuta mal-istatus ta’ refuġjat tista’ tkun ta’ natura, minħabba l-prekarjetà tas-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata li din tista’ toħloq, li tinkoraġġixxi istanzi ġodda ta’ aġir kriminali ladarba l-piena tkun ġiet skontata, ħaġa li tista’ tikkontribwixxi għaż-żamma tal-eżistenza ta’ perikolu għall-komunità iktar milli għan-newtralizzazzjoni tagħha. Din il-konstatazzjoni timmilita favur applikazzjoni tal-possibbiltà ta’ revoka tal-istatus ta’ refuġjat li joffri l-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95 li hija limitata għal dak li huwa strettament neċessarju, sabiex ir-rimedju ma jkunx agħar mill-marda.

117.

Konsegwentement, fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni li tħallilu din id-dispożizzjoni, Stat Membru ser ikun jista’ mhux biss jiddeċiedi li jirrevoka jew le l-istatus ta’ refuġjat tal-persuna kkonċernata, iżda wkoll li jagħti lil refuġjat li huwa jixtieq jirrevoka l-istatus tad-drittijiet li jmorru lil hinn mil-limitu previst fl-Artikolu 14(6) ta’ din id-direttiva ( 70 ). Kif indikajt qabel, l-eżerċizzju minn Stat Membru tal-possibbiltà li joffrilu l-Artikolu 14(4)(b) tal-imsemmija direttiva għandu, b’mod partikolari, jagħti lok għal evalwazzjoni każ b’każ tal-kompatibbiltà ta’ dan l-eżerċizzju ma’ ċerti drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta ( 71 ).

118.

Għall-kuntrarju, sa fejn il-prinċipju ta’ non-refoulement japplika għall-persuna kkonċernata, jidhirli li huwa irrilevanti li jittieħdu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet li jiġi deċiż jew le li jiġi rrevokat l-istatus ta’ refuġjat, ir-riskji inkorsi minn din il-persuna fil-każ ta’ ritorn fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, il-prinċipju ta’ proporzjonalità ma jeżiġix li l-awtorità kompetenti tieħu dawn ir-riskji inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-ibbilanċjar li għandha twettaq.

119.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda preliminari fil-Kawża C‑663/21 u għat-tieni domanda preliminari fil-Kawża C‑8/22 li l-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta jimplimenta l-possibbiltà ta’ revoka tal-istatus ta’ refuġjat li hija prevista f’din id-dispożizzjoni, Stat Membru għandu jirrispetta d-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Konsegwentement, qabel ma jiddeċiedi li jirrevoka l-istatus ta’ refuġjat skont l-imsemmija dispożizzjoni, dan l-Istat Membru għandu jibbilanċja, minn naħa, l-interess li jipproteġi l-komunità tiegħu u, min-naħa l-oħra, l-interess tal-persuna inkwistjoni li żżomm l-istatus tagħha ta’ refuġjat fid-dawl tal-konsegwenzi li l-irtirar ta’ dan l-istatus jista’ jkollu, b’mod partikolari, fuq is-sitwazzjoni personali tiegħu u tal-familja tiegħu. Madankollu, meta r-refoulement ta’ refuġjat ikun impossibbli għaliex jesponi lil dan tal-aħħar għar-riskju li jinkisru d-drittijiet fundamentali tiegħu stabbiliti fl-Artikolu 4 u fl-Artikolu 19(2) tal-Karta, l-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95 ma jeżiġix li r-revoka tal-istatus ta’ refuġjat tkun suġġetta għal ibbilanċjar bejn l-interess tal-Istat Membru kkonċernat li jipproteġi l-komunità tiegħu u r-riskji inkorsi minn dan ir-refuġjat fil-każ ta’ ritorn fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu.

B.   Fuq il‑possibbiltà li tiġi adottata deċiżjoni ta’ ritorn fil‑każ ta’ applikazzjoni tal‑prinċipju ta’ non-refoulement

120.

Permezz tat-tieni domanda fil-Kawża C‑663/21, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2008/115 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li tiġi adottata deċiżjoni ta’ ritorn fir-rigward ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li l-istatus tiegħu ta’ refuġjat ġie rrevokat, meta jiġi stabbilit li tneħħija ta’ dan iċ-ċittadin għal żmien indeterminat hija eskluża skont il-prinċipju ta’ non-refoulement.

121.

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jieħdu deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront ta’ kwalunkwe ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed jirrisjedi irregolarment fit-territorju tagħhom, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet previsti fil-paragrafi 2 sa 5 ta’ dan l-artikolu.

122.

L-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jeżegwixxu d-deċiżjoni ta’ ritorn jekk ma jkun ingħata ebda terminu għal tluq volontarju jew jekk l-obbligu ta’ ritorn ma jkunx ġie osservat f’dan it-terminu mogħti.

123.

L-Artikolu 9(1)(a) tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom jipposponu t-tneħħija fil-każ li din issir bi ksur tal-prinċipju ta’ non-refoulement.

124.

B’mod iktar ġenerali, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115 jobbliga barra minn hekk lill-Istati Membri josservaw il-prinċipju ta’ non-refoulement fl-implimentazzjoni ta’ din id-direttiva. Fuq livell prattiku, l-Artikolu 14 tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi ċertu numru ta’ salvagwardji sakemm iseħħ ir-ritorn, li jibbenefikaw b’mod partikolari liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li t-tneħħija tagħhom tkun ġiet posposta u li joffrulhom forma ta’ status minimu matul il-perijodu kopert minn tali posponiment.

125.

Kif irrilevat ġustament il-qorti tar-rinviju, meta ċittadin ta’ pajjiż terz ma jistax jitneħħa għal żmien indeterminat, deċiżjoni ta’ ritorn meħuda fir-rigward tiegħu tkun, biex ngħidu hekk, nieqsa minn kull effettività sa mill-adozzjoni tagħha u sakemm tingħata ordni ġdida, ħaġa li tispjega d-dubji espressi minn dik il-qorti dwar il-possibbiltà li tiġi adottata tali deċiżjoni.

126.

Sabiex isostnu l-perspettiva li minkejja kollox għandha tiġi adottata deċiżjoni ta’ ritorn f’din is-sitwazzjoni, il-parteċipanti fil-proċedura fil-Kawża C‑663/21 jinvokaw is-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Westerwaldkreis ( 72 ), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li Stat Membru li jiddeċiedi li ma joħroġx permess ta’ residenza lil ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment huwa obbligat jieħu deċiżjoni ta’ ritorn, inkluż meta dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun kopert mill-prinċipju ta’ non-refoulement. Dan il-fatt jiġġustifika biss il-posponiment tat-tneħħija tiegħu, skont l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2008/115, u għandha tiġi evitata l-eżistenza ta’ “status intermedju” ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu jinsabu fit-territorju ta’ Stat Membru mingħajr dritt jew permess ta’ residenza u, jekk ikun il-każ, ikunu s-suġġett ta’ projbizzjoni ta’ dħul, mingħajr ma tkun għadha teżisti kwalunkwe deċiżjoni ta’ ritorn valida fir-rigward tagħhom ( 73 ). Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li din is-sentenza kienet tikkonċerna sitwazzjoni partikolari, li fiha l-problema ċentrali kienet tirrigwarda l-fatt li ċittadin ta’ pajjiż terz kien is-suġġett ta’ projbizzjoni ta’ dħul, filwaqt li d-deċiżjoni ta’ ritorn meħuda fir-rigward tiegħu, li din il-projbizzjoni kienet maħsuba sabiex tikkompleta, kienet ġiet irtirata. Ir-raġunament adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja ġie hekk adottat minħabba din is-sitwazzjoni li hija differenti minn dik inkwistjoni fil-Kawża C‑663/21.

127.

Barra minn hekk, għalkemm id-Direttiva 2008/115 hija intiża li tistabbilixxi, b’rispett tad-drittijiet fundamentali u tad-dinjità tal-persuni kkonċernati, politika effettiva ta’ tneħħija u ta’ ripatrijazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment ( 74 ), il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn f’ċerti ċirkustanzi.

128.

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li d-dritt għall-ħajja tal-familja jista’ jipprekludi, skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115, l-adozzjoni stess ta’ deċiżjoni ta’ ritorn, iktar milli l-eżekuzzjoni tagħha ( 75 ).

129.

Barra minn hekk, fil-każ speċifiku tal-minuri waħedhom, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn kellha tkun eskluża abbażi ta’ elementi ta’ natura li jostakolaw it-tneħħija ta’ minuri ( 76 ).

130.

Barra minn hekk, fil-każ ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, fl-assenza ta’ kwalunkwe possibbiltà li jiġi indikat pajjiż terz li lejh tista’ titwettaq tneħħija, ebda deċiżjoni ta’ ritorn ma setgħet tiġi adottata ( 77 ).

131.

Wara li ġew speċifikati dawn l-elementi, sabiex tingħata risposta diretta għat-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑663/21, għandu jsir riferiment għall-iktar ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja.

132.

Fis-sentenza tagħha tat‑22 ta’ Novembru 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Tneħħija – Kannabis terapewtika) ( 78 ), il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-fehma tiegħi, qatgħet il-problema mqajma minn dik il-qorti.

133.

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, meta ċittadin ta’ pajjiż terz jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115, huwa għandu, bħala prinċipju, jiġi suġġett għall-istandards u għall-proċeduri komuni previsti minnha għall-finijiet tar-ritorn tiegħu, u dan sakemm ir-residenza ma tkunx ġiet, jekk ikun il-każ, irregolarizzata ( 79 ).

134.

F’din il-perspettiva, jirriżulta, minn naħa, mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115 li, ladarba tiġi stabbilita n-natura irregolari tar-residenza, kull ċittadin ta’ pajjiż terz għandu, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet previsti fil-paragrafi 2 sa 5 ta’ dan l-artikolu u b’osservanza stretta tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, ikun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ritorn, li għandha tidentifika, fost il-pajjiżi terzi previsti fl-Artikolu 3(3) tal-imsemmija direttiva, dak li lejh għandu jitneħħa ( 80 ). Min-naħa l-oħra, Stat Membru ma jistax jipproċedi bit-tneħħija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment, skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/115, mingħajr ma tkun ġiet adottata, minn qabel, deċiżjoni ta’ ritorn fir-rigward ta’ dan iċ-ċittadin b’osservanza tal-garanziji materjali u proċedurali li tistabbilixxi din id-direttiva ( 81 ).

135.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat ukoll li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115, li jikkostitwixxi regola ġenerali li hija imposta fuq l-Istati Membri hekk kif jimplimentaw din id-direttiva, jobbliga lill-awtorità nazzjonali kompetenti tosserva, fl-istadji kollha tal-proċedura ta’ ritorn, il-prinċipju ta’ non-refoulement, iggarantit, bħala dritt fundamentali, fl-Artikolu 18 tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Genève, kif ukoll fl-Artikolu 19(2) tal-Karta. Dan jgħodd ukoll, b’mod partikolari, meta din l-awtorità tipprospetta, wara li tkun semgħet lill-persuna kkonċernata, li tadotta deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront tagħha ( 82 ).

136.

Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115 jipprekludi li ċittadin ta’ pajjiż terz ikun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ritorn meta din id-deċiżjoni tkun tirrigwarda, bħala pajjiż ta’ destinazzjoni, pajjiż fejn jeżistu raġunijiet serji u kkonfermati sabiex wieħed jemmen li, fil-każ ta’ eżekuzzjoni tal-imsemmija deċiżjoni, dan iċ-ċittadin ikun espost għal riskju reali ta’ trattamenti li jmorru kontra l-Artikolu 18 jew l-Artikolu 19(2) tal-Karta ( 83 ).

137.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, skont din id-dispożizzjoni tal-aħħar, ħadd ma jista’ jitneħħa lejn Stat fejn hemm riskju serju li jkun suġġett mhux biss għall-piena tal-mewt, iżda wkoll għat-tortura jew għal trattamenti inumani jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta. Il-projbizzjoni tal-pieni jew tat-trattamenti inumani jew degradanti, prevista f’dan l-artikolu, għandha natura assoluta peress li hija strettament marbuta mar-rispett tad-dinjità tal-bniedem prevista fl-Artikolu 1 tal-Karta ( 84 ).

138.

Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, minn dan isegwi li, meta jkunu jeżistu raġunijiet serji u kkonfermati sabiex wieħed jemmen li ċittadin ta’ pajjiż terz, li jirrisjedi irregolarment fit-territorju ta’ Stat Membru, ikun espost, fil-każ ta’ ritorn lejn pajjiż terz, għal riskju reali ta’ trattamenti inumani jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 1 tagħha, u tal-Artikolu 19(2) tal-Karta, dan iċ-ċittadin ma jistax ikun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ritorn lejn dan il-pajjiż, sakemm jibqa’ tali riskju ( 85 ). Bl-istess mod, l-imsemmi ċittadin ma jistax ikun is-suġġett ta’ miżura ta’ tneħħija matul dan il-perijodu, kif barra minn hekk jipprevedi espressament l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2008/115 ( 86 ).

139.

Għaldaqstant jidhirli li jirriżulta b’mod ċar mis-sentenza Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Tneħħija – Kannabis terapewtika) li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115, moqri flimkien mal-Artikoli 1 u 4 tal-Karta kif ukoll mal-Artikolu 19(2) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li tiġi adottata deċiżjoni ta’ ritorn fir-rigward ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li l-istatus tiegħu ta’ refuġjat ġie rrevokat, meta jiġi stabbilit li tneħħija ta’ dan iċ-ċittadin hija eskluża għal żmien indeterminat skont il-prinċipju ta’ non-refoulement.

IV. Konklużjoni

140.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Suprema, l-Awstrija) fil-Kawża C‑663/21 u mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju) fil-Kawża C‑8/22:

1)

L-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat [status] uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

il-motiv ta’ revoka tal-istatus ta’ refuġjat previst f’din id-dispożizzjoni jista’ jiġi applikat minn Stat Membru biss meta dan jistabbilixxi, minn naħa, li l-persuna kkonċernata ġiet ikkundannata permezz ta’ sentenza finali għal reat partikolarment gravi u, min-naħa l-oħra, li din il-persuna tikkostitwixxi perikolu għall-komunità ta’ dan l-Istat Membru;

il-motiv ta’ revoka tal-istatus ta’ refuġjat previst fl-imsemmija dispożizzjoni jista’ jiġi applikat minn Stat Membru biss meta dan jipprova li l-persuna kkonċernata tikkostitwixxi perikolu reali, attwali u suffiċjentement gravi għall-komunità ta’ dan l-Istat Membru, u

meta jimplimenta l-possibbiltà ta’ revoka tal-istatus ta’ refuġjat li hija prevista fl-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95, Stat Membru għandu jirrispetta d-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Konsegwentement, qabel ma jiddeċiedi li jirrevoka l-istatus ta’ refuġjat skont din id-dispożizzjoni, dan l-Istat Membru għandu jibbilanċja, minn naħa, l-interess li jipproteġi l-komunità tiegħu u, min-naħa l-oħra, l-interess tal-persuna inkwistjoni li żżomm l-istatus tagħha ta’ refuġjat fid-dawl tal-konsegwenzi li l-irtirar ta’ dan l-istatus jista’ jkollu, b’mod partikolari, fuq is-sitwazzjoni personali tiegħu u tal-familja tiegħu. Madankollu, meta r-refoulement ta’ refuġjat ikun impossibbli għaliex jesponi lil dan tal-aħħar għar-riskju li jinkisru d-drittijiet fundamentali tiegħu stabbiliti fl-Artikolu 4 u fl-Artikolu 19(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, l-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95 ma jeżiġix li r-revoka tal-istatus ta’ refuġjat tkun suġġetta għal ibbilanċjar bejn l-interess tal-Istat Membru kkonċernat li jipproteġi l-komunità tiegħu u r-riskji inkorsi minn dan ir-refuġjat fil-każ ta’ ritorn fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu.

2)

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, moqri flimkien mal-Artikoli 1 u 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tiegħu kif ukoll mal-Artikolu 19(2) tagħha,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi li tiġi adottata deċiżjoni ta’ ritorn fir-rigward ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li l-istatus tiegħu ta’ refuġjat ġie rrevokat, meta jiġi stabbilit li tneħħija ta’ dan iċ-ċittadin hija eskluża għal żmien indeterminat skont il-prinċipju ta’ non-refoulement.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU 2011, L 337, p. 9. Din id-direttiva tikkostitwixxi r-riformulazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad‑29 ta’ April 2004 dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96).

( 3 ) Iffirmata f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951 [Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)] u li daħlet fis-seħħ fit‑22 ta’ April 1954.

( 4 ) Konkluż fi New York fil‑31 ta’ Jannar 1967 u li daħal fis-seħħ fl‑4 ta’ Ottubru 1967. Ara Janku, L., “(In)Compatibility of Article 14 (4) and (6) of the Qualification Directive with the 1951 Refugee Convention”, diskors magħmul fl-okkażjoni tan-Nordic Asylum Law Seminar tad‑29 u tat‑30 ta’ Mejju 2017, u disponibbli fl-indirizz internet segwenti: http://mhi.hi.is/sites/mhi.hi.is/files/nalsfiles/4/nals_paper_janku.pdf.

( 5 ) C‑391/16, C‑77/17 u C‑78/17, iktar ’il quddiem is-“sentenza M et (Revoka tal-istatus ta’ refuġjat)”, EU:C:2019:403.

( 6 ) Ara s-sentenza M et (Revoka tal-istatus ta’ refuġjat) (punt 97).

( 7 ) ĠU 2008, L 348, p. 98.

( 8 ) Ara s-sentenza M et (Revoka tal-istatus ta’ refuġjat) (punt 93).

( 9 ) Iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950.

( 10 ) L-Uffiċċju jirreferi b’mod partikolari għas-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2010, B u D (C‑57/09 u C‑101/09, EU:C:2010:661). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, minn naħa, li l-esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat skont l-Artikolu 12(2)(b) u (ċ) tad-Direttiva 2004/83 ma hijiex suġġetta għall-fatt li l-persuna kkonċernata tirrappreżenta perikolu attwali għall-Istat Membru ospitanti (punt 105) u, min-naħa l-oħra, li tali esklużjoni ma hijiex suġġetta għal eżami ta’ proporzjonalità fir-rigward tal-każ inkwistjoni (punt 111).

( 11 ) C‑546/19, EU:C:2021:432.

( 12 ) Għalkemm id-deċiżjoni tar-rinviju tinkludi biss ftit dettalji dwar il-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-Gvern Belġjan jesponi li XXX ġie kkundannat, essenzjalment, għal serq bi vjolenza mwettaq minn diversi persuni flimkien u omiċidju volontarju.

( 13 ) B’mod partikolari, ser jiġi ddeterminat jekk ir-rekwiżiti u l-parametri li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi konkluż li persuna wettqet “delitt serju”, fis-sens tal-Artikolu 17(1)(b) tad-Direttiva 2011/95, humiex ukoll rilevanti sabiex jiġi deċiż jekk persuna wettqitx “delitt partikolarment serju”, fis-sens tal-Artikolu 14(4)(b) ta’ din id-direttiva. Dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17(1)(b) tad-Direttiva 2011/95, ara s-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Ahmed (C‑369/17, EU:C:2018:713).

( 14 ) Ara, b’mod partikolari, ir-rapport tal-Kummissjoni, intitolat “Evaluation of the application of the recast Qualification Directive (2011/95/EU)”, 2019, p. 135, disponibbli fl-indirizz internet segwenti: https://www.statewatch.org/media/documents/news/2019/feb/eu-ceas-qualification-directive-application-evaluation-1-19.pdf.

( 15 ) Ara, f’dan is-sens, Kraft, I., “Article 14, Revocation of, ending of or refusal to renew refugee status”, f’Hailbronner, K. u Thym, D., EU Immigration and Asylum Law: A Commentary, it-tieni edizzjoni, C. H. Beck, München, 2016, p. 1225 sa 1233, b’mod partikolari p. 1231.

( 16 ) Ara, pereżempju, il-verżjonijiet bil-Ġermaniż, bl-Olandiż u bil-Finlandiż li jindikaw li r-refuġjat inkwistjoni jirrappreżenta perikolu għall-komunità tal-Istat Membru kkonċernat “għaliex huwa” ikun ġie kkundannat b’mod definittiv għal reat partikolarment gravi.

( 17 ) Ara, b’mod partikolari, BEAA, Analyse juridique, Fin de la protection internationale: articles 11, 14, 16 et 19 de la Directive Qualification (2011/95/UE), 2018, p. 53, disponibbli fl-indirizz internet segwenti: https://euaa.europa.eu/sites/default/files/ending-international-protection_fr.pdf.

( 18 ) Ara s-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2015, T. (C‑373/13, iktar ’il quddiem is-“sentenza T., EU:C:2015:413, punt 72).

( 19 ) Ara s-sentenza M et (Revoka tal-istatus ta’ refuġjat) (punt 99). B’mod partikolari, l-applikazzjoni tal-Artikolu 14(4) jew (5) tad-Direttiva 2011/95 għandha bħala konsegwenza, b’mod partikolari, li ċċaħħad lill-persuna kkonċernata mill-permess ta’ residenza li l-Artikolu 24 ta’ din id-direttiva jorbot mal-istatus ta’ refuġjat, fis-sens tal-imsemmija direttiva (punt 103). Għaldaqstant, refuġjat milqut minn miżura meħuda abbażi tal-Artikolu 14(4) jew (5) tad-Direttiva 2011/95 jista’ jitqies li ma jirrisjedix regolarment jew li ma għadux jirrisjedi regolarment fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat (punt 104). Madankollu, kif jipprovdi espliċitament l-Artikolu 14(6) ta’ din id-direttiva, din il-persuna tgawdi, jew tkompli tgawdi, ċertu numru ta’ drittijiet previsti mill-Konvenzjoni ta’ Genève, fatt li jikkonferma li hija għandha, jew ikompli jkollha, il-kwalità ta’ refuġjat, fis-sens, b’mod partikolari, tal-Artikolu 1(A) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, minkejja r-revoka tal-istatus ta’ refuġjat jew ir-rifjut li jingħata dan l-istatus (punt 99).

( 20 ) Kif indikat ġustament il-Kummissjoni, ir-riferiment espress għal perikolu għall-komunità tal-Istat Membru kkonċernat, fil-formulazzjoni tal-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95, ma għandux jitqies li huwa sempliċi indikazzjoni superfluwa, iżda tabilħaqq li huwa kundizzjoni li għandha wkoll tiġi ssodisfatta.

( 21 ) Ara, b’analoġija, f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/83, is-sentenza T. (punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata). Jidhirli wkoll rilevanti li nieħu inkunsiderazzjoni l-interpretazzjoni li ngħatat tal-kunċett ta’ “periklu għas-sigurtà tal-pajjiż” fejn jinsab refuġjat, fis-sens tal-Artikolu 33(2) tal-Konvenzjoni ta’ Genève. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni ispirat kemm il-formulazzjoni tal-Artikolu 14(4)(a) tad-Direttiva 2011/95 kif ukoll dik tal-Artikolu 21(2)(a) ta’ din id-direttiva. Issa, skont il-kumment ta’ din il-konvenzjoni ppubblikata fl‑1997 mid-Diviżjoni tal-Protezzjoni Internazzjonali tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (HCR) fl-indirizz Internet li ġej: https:www.unchr.org/3d4ab5fb9.pdf, “il-kunċett ta’ ‘sigurtà nazzjonali’ jew ta’ ‘sigurtà tal-pajjiż’ huwa invokat kontra atti ta’ ċerta gravità li jippreġudikaw direttament jew indirettament l-kostituzzjoni (gvern), l-integrità territorjali, l-indipendenza, jew l-paċi esterjuri tal-pajjiż konċernat” [traduzzjoni libera] (p.140).

( 22 ) Hemm ukoll, l-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Genève tista’ tgħin li jdur il-kunċett ta’ “theddida għall-komunità” ta’ Stat Membru, fis-sens tal-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95. Nirrileva, f’dan ir-rigward, li jirriżulta mill-kummentarju ċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna preċedenti, fir-rigward tal-kunċett korrispondenti ta’ “theddida għall-komunità” tal-pajjiż fejn jinsab refuġjat, fis-sens tal-Artikolu 33(2) tal-imsemmija konvenzjoni, li dan il-kunċett huwa ddefinit bil-mod kif ġej: “theddida għall-ħajja paċifika tal-populazzjoni fid-diversi aspetti tagħha. F’dan is-sens, persuna ser titqies bħala theddida għall-komunità jekk hija tiddeterjora l-mezzi ta’ komunikazzjoni, tisplodi jew tixgħel in-nar lill-abitazzjonijiet jew lill-istabbilimenti oħra, tattakka jew tolqot ċittadini paċifiċi, twettaq serq, serq bl-armi jew ħtif, eċċ, fil-qasir, jekk hija tiddisturba jew taqleb il-ħajja ċivili u, b’mod partikolari, jekk hija tagħmel dan fuq skala kbira, f’liema każ, hija ssir fir-realtà theddida pubblika” [traduzzjoni libera] (p. 143).

( 23 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza M et (Revoka tal-istatus ta’ refuġjat) (punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, f’dak li jirrigwarda n-neċessità li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/95 jiġu interpretati b’osservanza tal-Konvenzjoni ta’ Genève, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Ahmed (C‑369/17, EU:C:2018:713, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 24 ) Ara “The refugee Convention, 1951: the Travaux préparatoires analysed with a Commentary by Dr Paul Weis”, p. 246, disponibbli fl-indirizz internet segwenti: https://www.unhcr.org/protection/travaux/4ca34be29/refugee-convention-1951-travaux-preparatoires-analysed-commentary-dr-paul.html.

( 25 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑27 ta’ Ottubru 1977, Bouchereau (30/77, EU:C:1977:172, punti 2835), kif ukoll tad‑19 ta’ Jannar 1999, Calfa (C‑348/96, EU:C:1999:6, punti 2425).

( 26 ) Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).

( 27 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑10 ta’ Frar 2000, Nazli (C‑340/97, EU:C:2000:77, punti 5758); tal‑20 ta’ Novembru 2001, Jany et (C‑268/99, EU:C:2001:616, punt 59); u tat‑8 ta’ Diċembru 2011, Ziebell (C‑371/08, EU:C:2011:809, punt 82).

( 28 ) Ara s-sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2017, López Pastuzano (C‑636/16, EU:C:2017:949, punti 25 sa 28).

( 29 ) Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2015, Zh. u O. (C‑554/13, EU:C:2015:377, punt 60).

( 30 ) Ara s-sentenza T. (punt 79).

( 31 ) Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Frar 2016, N. (C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 67).

( 32 ) Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2018, E (C‑240/17, EU:C:2018:8, punt 49).

( 33 ) Ara s-sentenza tat‑2 ta’ Lulju 2020, Stadt Frankfurt am Main (C‑18/19, EU:C:2020:511, punt 45).

( 34 ) Ara s-sentenza tal‑4 ta’ April 2017, Fahimian (C‑544/15, EU:C:2017:255, punt 40).

( 35 ) Fir-rigward tal-kundizzjonijiet għad-dħul għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi skont ir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2016, L 77, p. 1, rettifika fil-ĠU 2020, L 245, p. 32), ara s-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, E.P. (Perikolu għall-ordni pubbliku) (C‑380/18, EU:C:2019:1071, punti 31 sa 33), kif ukoll, fil-qasam tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja, ara s-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, G.S. u V.G. (Perikolu għall-ordni pubbliku) (C‑381/18 u C‑382/18, EU:C:2019:1072, punti 5455). F’din is-sentenza tal-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat‑22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224) ma jipprekludix li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu, għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, minn naħa, jiċħdu applikazzjoni għal dħul u għal residenza bbażata fuq din id-direttiva fuq il-bażi ta’ kundanna kriminali li tkun ingħatat matul residenza preċedenti fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat u, min-naħa l-oħra, jirtiraw permess ta’ residenza bbażat fuq l-imsemmija direttiva jew jirrifjutaw it-tiġdid tiegħu meta piena suffiċjentement iebsa meta mqabbla mat-tul tar-residenza tkun ingħatat kontra l-applikant, sa fejn din il-prassi tapplika biss jekk ir-reat li jkun iġġustifika l-kundanna kriminali inkwistjoni jippreżenta gravità suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li huwa neċessarju li r-residenza ta’ dan l-applikant tiġi eskluża u li dawn l-awtoritajiet iwettqu l-evalwazzjoni individwali prevista fl-Artikolu 17 tal-istess direttiva (punt 70). Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li, għal dan il-għan, l-imsemmija awtoritajiet ma kellhomx għalfejn jistabbilixxu li l-aġir individwali tal-imsemmi applikant jirrappreżenta perikolu reali, attwali u suffiċjentement gravi, li jaffettwa interess fundamentali tal-komunità tal-Istat Membru kkonċernat (punt 63).

( 36 ) Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2010, B u D (C‑57/09 u C‑101/09, EU:C:2010:661, punt 101).

( 37 ) Ara l-punt 68 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 38 ) Ara s-sentenza T. (punti 78 u 79).

( 39 ) Ara s-sentenza T. (punt 77).

( 40 ) Ara s-sentenza T. (punt 72).

( 41 ) Ara s-sentenza T. (punt 71).

( 42 ) Dwar id-Direttiva 2004/83, ara s-sentenza T. (punt 74).

( 43 ) Dwar id-Direttiva 2004/83, ara s-sentenza T. (punt 75).

( 44 ) B’mod partikolari, kemm l-Artikolu 14(4)(b) kif ukoll l-Artikolu 21(2)(b) tad-Direttiva 2011/95 jirreferu għal “periklu għall-komunità” tal-Istat Membru kkonċernat, filwaqt li l-Artikolu 24(1) ta’ din id-direttiva jsemmi raġunijiet imperattivi marbuta b’mod partikolari ma’ “l-ordni pubbliku” ta’ dan l-Istat Membru. Għalkemm dawn iż-żewġ kunċetti ma għandhomx jitqiesu li huma identiċi, ma jidhirlix li l-isfumaturi li jistgħu jippermettu li ssir distinzjoni bejniethom huma suffiċjentement sinjifikattivi sabiex jiġi eskluż, għall-finijiet tal-analiżi, paragun tal-kriterji li jikkundizzjonaw l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

( 45 ) Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2015, Zh. u O. (C‑554/13, EU:C:2015:377, punti 6162).

( 46 ) Huwa ċar li, jekk l-awtorità kompetenti tieħu deċiżjoni immedjatament wara li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun ġie kkundannat għal reat partikolarment gravi, din il-kundanna ser tkun determinanti sabiex jiġi pprovat li dan iċ-ċittadin jikkostitwixxi perikolu għall-komunità. Għall-kuntrarju, skont kemm il-mument li fih tittieħed id-deċiżjoni li jiġi rrevokat l-istatus ta’ refuġjat jitbiegħed minn dak li fih l-imsemmi ċittadin ikun ġie kkundannat, l-aġir adottat minn dan tal-aħħar sa mill-kundanna tiegħu ser ikollu rwol iktar sinjifikattiv fl-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ perikolu għall-komunità.

( 47 ) Kif irrilevat il-Kummissjoni, l-HCR ukoll iqis li l-oneru tal-prova sabiex jiġi stabbilit li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 14(4) tad-Direttiva 2011/95 huma ssodisfatti għandu jaqa’ fuq l-Istat Membru li jinvoka din id-dispożizzjoni. Ara “Commentaires annotés du HCR sur la [directive 2004/83]”, p. 31 u 32, disponibbli fl-indirizz internet segwenti: https://www.unhcr.org/fr/protection/operations/4b151d86e/commentaires-annotes-hcr-directive-200483ce-conseil-29-avril-2004-concernant.html.

( 48 ) ĠU 2013, L 180, p. 60.

( 49 ) Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság et (C‑159/21, iktar ’il quddiem is-“sentenza Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság et”, EU:C:2022:708, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 50 ) Ara s-sentenza Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság et (punt 73).

( 51 ) L-awtorità determinanti hija ddefinita fl-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2013/32 bħala “kwalunkwe korp semi-ġudizzjarju jew amministrattiv fi Stat Membru responsabbli sabiex jeżamina applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, u kompetenti sabiex jieħu fl-ewwel istanza deċiżjonjiet f’tali każijiet”.

( 52 ) Ara s-sentenza Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság et (punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 53 ) Ara s-sentenza Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság et (punt 79).

( 54 ) Ara s-sentenza Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság et (punt 80).

( 55 ) Ara s-sentenza Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság et (punt 81). Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja tadotta approċċ differenti f’din l-istess sentenza f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 17(1)(b) tad-Direttiva 2011/95, li jistabbilixxi li ċittadin ta’ pajjiż terz għandu jiġi eskluż mill-persuni li jistgħu jibbenefikaw mill-protezzjoni sussidjarja meta jkun hemm raġunijiet serji sabiex jitqies li jkun wettaq reat gravi. Fil-fatt, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-użu, f’din id-dispożizzjoni, tal-espressjoni “għandha tiġi eskluża” jimplika li l-awtorità determinanti ma għandhiex marġni ta’ diskrezzjoni ladarba tkun ikkonstatat li l-persuna kkonċernata wettqet reat gravi (punt 90).

( 56 ) Ara s-sentenza Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság et (punt 83).

( 57 ) Ara s-sentenza T. (punt 72).

( 58 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (Riunifikazzjoni tal-familja – Oħt refuġjat) (C‑519/18, EU:C:2019:1070, punti 61 sa 64).

( 59 ) Barra minn hekk, din il-premessa tipprovdi li l-imsemmija direttiva tfittex mhux biss li tiggarantixxi r-rispett sħiħ tad-dinjità tal-bniedem u d-dritt għall-ażil tal-applikanti għall-ażil u tal-membri tal-familja tagħhom li jakkumpanjawhom, iżda wkoll li tippromwovi l-applikazzjoni tal-Artikoli 1, 7, 11, 14, 15, 16, 18, 21, 24, 34 u 35 tal-Karta u li għandha għalhekk tiġi implimentata kif meħtieġ.

( 60 ) Ara s-sentenza M et (Revoka tal-istatus ta’ refuġjat) (punt 109).

( 61 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (Riunifikazzjoni tal-familja – Oħt refuġjat) (C‑519/18, EU:C:2019:1070, punti 6667).

( 62 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2022, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (Effett dirett) (C‑205/20, EU:C:2022:168, punt 31).

( 63 ) Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2010, B u D (C‑57/09 u C‑101/09, EU:C:2010:661, punti 109111).

( 64 ) Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2010, B u D (C‑57/09 u C‑101/09, EU:C:2010:661, punt 115). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod partikolari li l-kawżi ta’ esklużjoni inkwistjoni ġew stabbiliti sabiex jiġu esklużi mill-istatus ta’ refuġjat il-persuni meqjusa li ma tixirqilhomx il-protezzjoni marbuta ma’ dan l-istatus u sabiex jiġi evitat li l-għoti ta’ dan l-istatus jippermetti lill-awturi ta’ ċerti reati gravi jaħarbu mir-responsabbiltà kriminali (punt 104).

( 65 ) Ara s-sentenza M et (Revoka tal-istatus ta’ refuġjat) (punt 95), li minnha jirriżulta li r-refoulement ta’ refuġjat li jaqa’ taħt wieħed mill-każijiet imsemmija fl-Artikolu 14(4) u (5), kif ukoll fl-Artikolu 21(2) tad-Direttiva 2011/95, huwa pprojbit meta jesponi lil dan ir-refuġjat għar-riskju li jinkisru d-drittijiet fundamentali tiegħu stabbiliti fl-Artikolu 4 u fl-Artikolu 19(2) tal-Karta.

( 66 ) Dan l-artikolu jippprovdi li “[k]ull refuġjat għandu dmirijiet lejn il-pajjiż li fih ikun jinsab, li jinkludu b’mod partikolari l-obbligu li josserva l-liġijiet u r-regolamenti tiegħu kif ukoll il-miżuri meħuda għaż-żamma tal-ordni pubbliku” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

( 67 ) Ara s-sentenza M et (Revoka tal-istatus ta’ refuġjat) (punt 107).

( 68 ) Ara s-sentenza M et (Revoka tal-istatus ta’ refuġjat) (punt 99).

( 69 ) Ara s-sentenza M et (Revoka tal-istatus ta’ refuġjat) (punt 103).

( 70 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawżi magħquda M et (Revoka tal-istatus ta’ refuġjat) (C‑391/16, C‑77/17 u C‑78/17, EU:C:2018:486, punt 129). F’dan ir-rigward, għandu jiġi indikat li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/95 jippermetti lill-Istati Membri jipprevedu standards iktar favorevoli dwar, b’mod partikolari, il-kontenut tal-protezzjoni internazzjonali, sa fejn dawn ikunu kompatibbli ma’ din id-direttiva.

( 71 ) Kif irrileva l-Avukat Ġenerali Wathelet fil-konklużjonijiet tiegħu fil-Kawżi magħquda M et (Revoka tal-istatus ta’ refuġjat) (C‑391/16, C‑77/17 u C‑78/17, EU:C:2018:486), “fl-ipoteżi fejn Stat Membru jċaħħad, wara l-eżerċizzju [tal-possibbiltajiet previsti fl-Artikolu 14(4) u (5) tad-Direttiva 2011/95], lil refuġjat mill-aċċes għal ċerta kura medika, tali ċaħda tkun tista’ tikser l-Artikolu 35 tal-Karta (dwar id-dritt għas-saħħa)”. Barra minn hekk, dan l-Istat Membru għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li “ma jistax jiġi eskluż, b’mod partikolari, li r-rifjut li refuġjat jitħalla jidħol fis-suq tax-xogħol wara l-ħruġ tiegħu mill-ħabs, filwaqt li huwa ma jkunx jista’ jitneħħa lejn pajjiż terz u jkun għalhekk iddestinat li jibqa’ b’mod indefinit fl-Istat Membru ta’ refuġju, ikun jista’, minħabba ċ-ċirkustanzi [skont iċ-ċirkustanzi], jikser l-Artikolu 7 tal-Karta” (punt 134).

( 72 ) C‑546/19, EU:C:2021:432.

( 73 ) Ara s-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Westerwaldkreis (C‑546/19, EU:C:2021:432, punti 57 sa 59).

( 74 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2022, Centre public d’action sociale de Liège (Irtirar jew sospensjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn) (C‑825/21, EU:C:2022:810, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 75 ) Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2018, K.A. et (Riunifikazzjoni tal-familja fil-Belġju) (C‑82/16, EU:C:2018:308, punt 104).

( 76 ) Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2021, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Ritorn ta’ minuri mhux akkumpanjat) (C‑441/19, EU:C:2021:9, punti 51 sa 56). B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, “qabel ma jieħu deċiżjoni ta’ ritorn, l-Istat Membru kkonċernat għandu jwettaq investigazzjoni sabiex jivverifika, konkretament, li hija disponibbli akkoljenza adegwata għall-minuri mhux akkumpanjat inkwistjoni fl-Istat ta’ ritorn” u li “[fl-assenza ta’ disponibbiltà ta’ tali akkoljenza, l-imsemmi minuri ma jistax ikun suġġett għal deċiżjoni ta’ ritorn skont l-Artikolu 6(1) [tad-Direttiva 2008/115]” (punti 55 u 56).

( 77 ) Ara s-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2021, M et (Trasferiment lejn Stat Membru) (C‑673/19, EU:C:2021:127, punti 4245).

( 78 ) C‑69/21, iktar ’il quddiem is-“sentenza Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Tneħħija – Kannabis terapewtika)”, EU:C:2022:913.

( 79 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Tneħħija – Kannabis terapewtika) (punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 80 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Tneħħija – Kannabis terapewtika) (punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 81 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Tneħħija – Kannabis terapewtika) (punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 82 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Tneħħija – Kannabis terapewtika) (punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 83 ) Ara s-sentenza Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Tneħħija – Kannabis terapewtika) (punt 56).

( 84 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Tneħħija – Kannabis terapewtika) (punt 57).

( 85 ) Ara s-sentenza Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Tneħħija – Kannabis terapewtika) (punt 58).

( 86 ) Ara s-sentenza Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Tneħħija – Kannabis terapewtika) (punt 59).