KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RICHARD DE LA TOUR

ippreżentati fl‑20 ta’ April 2023 ( 1 )

Kawża C‑621/21

WS

vs

Intervyuirasht organ na Darzhavna agentsia za bezhantsite pri Ministerskia savet

fil-preżenza ta’

Predstavitelstvo na Varhovnia komisar na Organizatsiyata na obedinenite natsii za bezhantsite vs Il‑Bulgarija

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Direttiva 2011/95/UE – Regoli li għandhom x’jaqsmu mal-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali u mal-kontenut ta’ tali protezzjoni – Ċittadina ta’ pajjiż terz esposta għal riskju li tkun vittma ta’ delitt tal-unur, żwieġ furzat jew vjolenza domestika minn atturi mhux statali jekk tintbagħat lura fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha – Kundizzjonijiet biex jingħata status ta’ refuġjat – Artikolu 9(3) – Stabbiliment ta’ rabta kawżali bejn ir-raġuni għall-persekuzzjoni u l-assenza ta’ protezzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini – Artikolu 10(1)(d) – Stabbiliment ta’ sħubija fi ‘grupp soċjali partikolari’ minħabba l-ġeneru tal-applikant – Kundizzjonijiet għall-għoti ta’ protezzjoni sussidjarja – Kunċett ta’ ‘dannu serju’ – Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (Konvenzjoni ta’ Istanbul)”

I. Introduzzjoni

1.

Il-kwistjoni tal-atti ta’ vjolenza kontra n-nisa fil-kuntest tal-familja saret ta’ tħassib kbir fis-soċjetajiet tagħna wara li ilha żmien twil li ġiet issottovalutata mill-awtoritajiet għar-rigward tas-serjetà u l-konsegwenzi ta’ atti bħal dawn. L-omiċidji kontra n-nisa fiċ-ċirku tal-familja, issa msejħa “femminiċidji” fil-lingwaġġ ta’ kuljum, ġew ikkundannati pubblikament. L-awtoritajiet pubbliċi saru konxji tal-ħtieġa li jipproteġu aħjar lin-nisa li huma vittmi ta’ vjolenza fl-ambjent tal-familja tagħhom u li juru iktar severità lejn dawk li wettqu din il-vjolenza. Din il-protezzjoni li trid tiġi żgurata ġewwa Stat għandha tingħata wkoll lil nisa li ħarbu minn pajjiżhom u li ma jistgħux jew ma jridux jirritornaw hemmhekk minħabba l-biża’ li jkunu suġġetti għal vjolenza fi ħdan iċ-ċirku tal-familja? B’mod iktar speċifiku, jistgħu n-nisa li jaffaċċjaw sitwazzjoni bħal din jingħataw status ta’ refuġjat, fis-sens tal-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2011/95/UE ( 2 )? Fin-nuqqas ta’ tali status, sa liema punt jistgħu l-atti ta’ vjolenza bbażata fuq il-ġeneru, imwettqa kontra ċittadina ta’ pajjiż terz fi ħdan iċ-ċirku ristrett tal-ħajja tal-familja tagħha jiġġustifikaw l-għoti ta’ protezzjoni sussidjarja fis-sens tal-Artikolu 2(g) ta’ din id-direttiva?

2.

Fil-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija) għandha dubji dwar il-possibbiltà u, jekk ikun il-każ, it-tip ta’ protezzjoni internazzjonali li għandha tingħata lil ċittadina Torka ta’ oriġini Kurda, wara li titqies, minn naħa, in-natura tal-atti ta’ vjolenza li tirriskja li tkun esposta għalihom jekk tirritorna lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha. Dawn l-atti jistgħu jikkonsistu fi vjolenza fiċ-ċirku tal-familja, anki delitt tal-unur, jew saħansitra żwieġ furzat. Min-naħa l-oħra, iridu jitqiesu wkoll iċ-ċirkustanzi li fihom jitwettqu l-imsemmija atti, jiġifieri minn atturi mhux statali ( 3 ).

3.

Din il-kwistjoni tirrifletti t-tħassib – li huwa espress ukoll fl-osservazzjonijiet ippreżentati f’din il-kawża – ta’ dawk li jqisu li l-istatus ta’ refuġjat ma jistax jingħata lin-nisa kollha li huma vittmi ta’ vjolenza domestika, tant li hija problema komuni għall-Istati kollha, u ta’ dawk li jiddispjaċihom, għall-kuntrarju, li l-protezzjoni sussidjarja hija biss protezzjoni mogħtija “b’mod awtomatiku” lil dawn in-nisa, u b’hekk tinduċi n-nuqqas ta’ rikonoxximent tar-raġunijiet għall-persekuzzjoni relatati mal-ġeneru, inklużi dawk ibbażati fuq l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru.

4.

Fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża tal-Istat Belġjan (Dritt ta’ residenza f’każ ta’ vjolenza domestika) ( 4 ), l-Avukat Ġenerali Szpunar enfasizza l-ħtieġa urġenti li ma tiġix issottovalutata l-importanza legali, politika u soċjali tar-rikonoxximent tas-serjetà tal-problema tal-vjolenza domestika u żviluppi reċenti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-vittmi ( 5 ). Kważi fl-istess ħin, l-Avukat Ġenerali Hogan innota, madankollu, fil-konklużjonijiet tiegħu fl-Opinjoni 1/19 (Konvenzjoni ta’ Istanbul) ( 6 ) li, “[k]if jinsabu l-affarijiet, id-dritt tal-Unjoni b’mod ġenerali ma jipprevedix li l-obbligu li l-vjolenza kontra n-nisa tittieħed bħala waħda mill-forom ta’ persekuzzjoni li tista’ tagħti lok għall-istatus ta’ refuġjat” ( 7 ).

5.

Il-kwistjoni tqum illum minn angolu differenti peress li hija parti minn sitwazzjoni individwali.

6.

Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddetermina l-kundizzjonijiet li fihom ċittadina ta’ pajjiż terz, li tirriskja li tkun vittma ta’ delitt tal-unur jew ta’ żwieġ furzat kif ukoll li tkun esposta għal atti ta’ vjolenza domestika ladarba tmur lura fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha, tistax titqies li għandha biża’ fondat li tiġi ppersegwitata minħabba s-sħubija tagħha fi “grupp soċjali partikolari” u tingħata status ta’ refuġjata (Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva 2011/95).

7.

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tispeċifika l-kundizzjonijiet li taħthom l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha tistabbilixxi, f’każ fejn il-vjolenza titwettaq minn attur mhux statali, rabta kawżali bejn ir-raġuni għall-persekuzzjoni, jiġifieri s-sħubija fi grupp soċjali partikolari, u l-assenza ta’ protezzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini (l-Artikolu 9(3) ta’ din id-direttiva).

8.

Fit-tielet u l-aħħar lok, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkunsidra sa liema punt l-istatus mogħti minn protezzjoni sussidjarja jista’ jingħata lil tali persuna. F’dan il-kuntest, għandha tiddetermina l-kundizzjonijiet li taħthom l-atti ta’ vjolenza deskritti hawn fuq jistgħu jiġu kklassifikati bħala “dannu serju” fis-sens tal-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva sa fejn jheddu serjament il-ħajja ta’ din il-persuna, jew li jikkostitwixxu trattament inuman jew degradanti.

II. Il‑kuntest ġuridiku

A.   Id‑dritt internazzjonali

1. Il‑Konvenzjoni ta’ Genève

9.

L-ewwel subparagrafu tat-tieni paragrafu tat-Taqsima A tal-Artikolu 1, tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951 ( 8 ), jiddisponi li t-terminu “refuġjat” għandu japplika għal kull min “minħabba biża’ debitament fondata ta’ persekuzzjoni minħabba raġunijiet marbuta mar-razza tagħha, mar-reliġjon tagħha, man-nazzjonalità tagħha, mal-appartenenza tagħha fi grupp soċjali partikolari jew mal-opinjoni politika tagħha, tinsab barra mill-pajjiż tan-nazzjonalità tagħha u ma tkunx tista’ jew, minħabba din il-biża’, ma tkunx tixtieq tinvoka l-protezzjoni ta’ dan il-pajjiż” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

2. Iċ‑CEDAW

10.

Il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (iktar ’il quddiem iċ-“CEDAW”) ( 9 ), li l-Unjoni ma hijiex parti fiha, tiddisponi fl-Artikolu 1 tagħha:

“[L]-espressjoni ‘diskriminazzjoni kontra n-nisa’ tkopri kwalunkwe distinzjoni, esklużjoni jew restrizzjoni bbażata fuq is-sess li għandha l-effett jew l-iskop li tfixkel jew tħassar ir-rikonoxximent, it-tgawdija jew l-eżerċizzju min-nisa, irrispettivament mill-istat ċivili tagħhom, fuq il-bażi tal-ugwaljanza tal-irġiel u tan-nisa, tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fl-oqsma politiċi, ekonomiċi, soċjali, kulturali u ċivili jew fi kwalunkwe qasam ieħor.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

11.

L-Artikolu 5(a) ta’ din il-konvenzjoni jindika:

“L-Istati Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa biex:

a)

Jimmodifikaw l-iskemi u l-mudelli ta’ mġiba soċjokulturali tal-irġiel u tan-nisa bil-ħsieb li tinkiseb l-eliminazzjoni ta’ preġudizzji u prattiki konswetudinali, jew ta’ kwalunkwe tip ieħor, li huma bbażati fuq l-idea ta’ inferjorità jew tas-superjorità ta’ sess wieħed jew l-ieħor jew ta’ rwol sterjotipiku tal-irġiel u tan-nisa.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

12.

L-imsemmija konvenzjoni ġiet ikkompletata bir-Rakkomandazzjoni Ġenerali Nru 19 tal-Kumitat għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni kontra n-Nisa ( 10 ), intitolata “Vjolenza kontra n-Nisa”, li tiddisponi, fil-paragrafu 6 tagħha:

“L‑Artikolu 1 taċ-[CEDAW] jiddefinixxi d-diskriminazzjoni kontra n-nisa. Din id-definizzjoni tinkludi vjolenza bbażata fuq is-sess, jiġifieri vjolenza fuq mara minħabba li hija mara jew li taffettwa speċifikament lin-nisa. Tinkludi atti li jikkaġunaw turment jew tbatija ta’ natura fiżika, mentali jew sesswali, it-theddida ta’ tali atti, l-isfurzar jew ċaħda oħra tal-libertà […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

13.

Din ir-rakkomandazzjoni ġiet aġġornata fl‑2017 permezz tar-Rakkomandazzjoni Ġenerali Nru 35 dwar il-Vjolenza kontra n-Nisa Bbażata fuq il-Ġeneru ( 11 ), li tipprevedi, fil-paragrafi 10 u 16 tagħha:

“10. Il-Kumitat [għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni kontra n-Nisa] iqis li l-vjolenza kontra n-nisa bbażata fuq il-ġeneru hija waħda mill-mezzi soċjali, politiċi u ekonomiċi fundamentali li biha n-nisa jiġu ssubordinati għall-irġiel u r-rwoli sterjotipiċi tagħhom […]

[…]

16. Il-vjolenza kontra n-nisa bbażata fuq il-ġeneru tista’ tiġi assimilata ma’ tortura jew trattament krudili, inuman jew degradanti f’ċerti ċirkustanzi, inkluż meta jkun hemm stupru, vjolenza domestika jew prattiki oħra ta’ ħsara […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

14.

Barra minn hekk, iċ-CEDAW ġiet ikkomplementata bid-Dikjarazzjoni dwar l-Eliminazzjoni tal-Vjolenza kontra n-Nisa ( 12 ), li l-Artikolu 2 tagħha jiddisponi:

“Il-vjolenza kontra n-nisa tfisser li tinkludi, iżda mhux limitata għal, il-forom ta’ vjolenza elenkati hawn taħt:

a)

Il-vjolenza fiżika, sesswali u psikoloġika eżerċitata fi ħdan il-familja, inklużi swat, l-abbuż sesswali ta’ tfal bniet fid-dar, il-vjolenza relatata mad-dota, l-istupru konjugali, il-mutilazzjoni ġenitali u prattiki tradizzjonali oħra ta’ ħsara kontra n-nisa, vjolenza mhux konjugali, u vjolenza marbuta mal-isfruttament;

b)

Il-vjolenza fiżika, sesswali u psikoloġika eżerċitata fi ħdan il-komunità, inklużi l-istupru, l-abbuż sesswali, il-fastidju sesswali u l-intimidazzjoni fuq ix-xogħol, fl-istituzzjonijiet edukattivi u bnadi oħra, it-taqħib u l-prostituzzjoni furzata;

c)

Il-vjolenza fiżika, sesswali u psikoloġika mwettqa jew ittollerata mill-Istat, kull fejn isseħħ.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

3. Il‑Konvenzjoni ta’ Istanbul

15.

Il-preambolu, mill-għaxar sat-tnax-il paragrafu, tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul jiddisponi:

“Filwaqt li jagħrfu li l-vjolenza kontra n-nisa hija manifestazzjoni tar-relazzjonijiet storiċi tal-poter mhux ugwali bejn l-irġiel u n-nisa, li wasslu għal dominazzjoni fuq u diskriminazzjoni kontra n-nisa mill-irġiel u għall-prevenzjoni tal-avvanz sħiħ tan-nisa;

Waqt li jirrikonoxxu n-natura strutturali tal-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru, u li l-vjolenza kontra n-nisa hija waħda mill-mekkaniżmi soċjali kruċjali li bihom in-nisa huma sfurzati f’pożizzjoni sekondarja meta mqabbla mal-irġiel;

Filwaqt li jirrikonoxxu, bi tħassib serju, li n-nisa u l-bniet huma ta’ spiss esposti għal forom serji ta’ vjolenza bħal vjolenza domestika, fastidju sesswali, stupru, żwieġ sfurzat, reati mwettqa f’isem l-hekk imsejjaħ “unur” u l-mutilazzjoni ġenitali, li jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem tan-nisa u l-bniet u ta’ ostaklu kbir fil-kisba tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel”.

16.

Skont l-Artikolu 1 tagħha, li jidher fil-Kapitolu I, intitolat “Għanijiet, definizzjonijiet, l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni, obbligi ġenerali”, il-Konvenzjoni ta’ Istanbul għandha l-għan b’mod partikolari li tipproteġi lin-nisa minn kull forma ta’ vjolenza, inkluża l-vjolenza domestika, u għall-prevenzjoni, għall-prosekuzzjoni u għall-eliminazzjoni ta’ din il-vjolenza, tikkontribwixxi għall-eliminazzjoni ta’ kull forma ta’ diskriminazzjoni kontra n-nisa u jitfassal qafas globali, ta’ politiki u ta’ miżuri għall-protezzjoni u l-assistenza.

17.

Konformement mal-Artikolu 2(1) tagħha, il-Konvenzjoni ta’ Istanbul “għandha tapplika għall-forom kollha ta’ vjolenza kontra n-nisa, inkluża l-vjolenza domestika, li taffettwa lin-nisa b’mod sproporzjonat”.

18.

L-Artikolu 3 ta’ din il-konvenzjoni jiddisponi:

“Għall-finijiet ta’ din il-Konvenzjoni:

a

‘vjolenza kontra n-nisa’ għandu jiftiehem bħala vjolazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u forma ta’ diskriminazzjoni kontra n-nisa, u tfisser l-atti kollha ta’ vjolenza sessista li jirriżultaw fi, jew li x’aktarx jirriżultaw fi, ħsara fiżika, sesswali, psikoloġika jew ekonomika ta’ ħsara jew tbatija għan-nisa, inkluż it-theddid ta’ atti bħal dawn, ġegħil jew deprivazzjoni arbitrarja tal-libertà, kemm jekk dan isir fil-ħajja pubblika kif ukoll fil-ħajja privata;

b

‘vjolenza domestika’ għandha tfisser l-atti kollha ta’ vjolenza fiżika, sesswali, psikoloġika jew ekonomika li jseħħu fi ħdan il-familja jew unità domestika jew bejn konjuġi jew sħab preċedenti jew attwali, kemm jekk l-awtur tar-reat jaqsam jew kien jaqsam l-istess residenza mal-vittma;

c

‘ġeneru’ għandha tfisser l-irwoli li huma mibnija soċjalment, l-imġiba, attivitajiet u l-attributi li soċjetà tikkunsidra xierqa għan-nisa u l-irġiel;

d

‘vjolenza bbażata fuq il-ġeneru kontra n-nisa’ għandha tfisser vjolenza li hija diretta kontra mara għall-fatt li hi mara jew li taffettwa lin-nisa b’mod sproporzjonat;

[…]

f

‘nisa’ jinkludi l-bniet taħt l-età ta’ 18.”

19.

L-Artikolu 60 ta’ l-imsemmija konvenzjoni, intitolat “Talbiet għal ażil ibbażati fuq il-ġeneru”, huwa fformulat kif ġej:

“1   Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa jew miżuri oħra biex jiżguraw li l-vjolenza sessista kontra n-nisa tista’ tiġi rikonoxxuta bħala forma ta’ persekuzzjoni fit-tifsira tal- Artikolu 1, [taqsima] A [paragrafu 2], tal-Konvenzjoni tal- 1951 dwar l-Istatus tar-Refuġjati u bħala forma ta’ periklu serju li jagħti lok għal protezzjoni kumplimentari/sussidjarja.

2   Il-Partijiet għandhom jiżguraw li tingħata interpretazzjoni li hija sensittiva għad-differenza bejn is-sessi għal kull bażi tal-Konvenzjoni u li fejn jiġi stabbilit li l-persekuzzjoni li dwarha hemm biża’ hija għal wieħed jew aktar minn dawn ir-raġunijiet, l-applikanti għandhom jingħataw status ta’ rifuġjat skont l-istrumenti rilevanti applikabbli.

3   Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa jew miżuri oħra biex jiżviluppaw proċeduri ta’ akkoljenza u servizzi ta’ appoġġ sensittivi għad-differenza bejn is-sessi għal dawk li jfittxu l-ażil kif ukoll linji gwida u proċeduri tal-asil sensittivi għad-differenza bejn is-sessi, inkluż id-determinazzjoni tal-istatus ta’ refuġjat u tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.”

B.   Id‑dritt tal‑Unjoni

20.

Konformement mal-Artikolu 78(1) TFUE u mal-Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), is-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil, li fiha tidħol id-Direttiva 2011/95, hija bbażata fuq l-applikazzjoni sħiħa u komprensiva tal-Konvenzjoni ta’ Genève.

21.

Il-premessi 17 u 30 ta’ din id-direttiva jiddikjaraw:

“(17)

Fir-rigward tat-trattament ta’ persuni li jaqgħu fl-ambitu ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri huma marbuta b’obbligi taħt strumenti tal-liġi internazzjonali li tagħhom jagħmlu parti, inkluż partikolarment dawk li jipprojbixxu d-diskriminazzjoni.

[…]

(30)

Hu […] meħtieġ li jiġi introdott kunċett komuni tal-bażi ta’ persekuzzjoni ‘sħubija fi grupp soċjali partikolari’. Minħabba l-bżonn li tingħata tifsira ta’ grupp soċjali partikolari, kwistjonijiet li joħorġu mis-sess ta’ applikant, inkluża l-identità sesswali u l-orjentazzjoni sesswali, li jistgħu jkunu relatati ma’ ċerti tradizzjonijiet u drawwiet legali, li jirriżultaw pereżempju f’mutilazzjoni ġenitali, sterilizzazzjoni furzata, jew abort furzat, għandhom jingħataw il-kunsiderazzjoni li jixirqilhom, sakemm ikunu relatati mal-biża’ ġustifikata tal-applikant minn persekuzzjoni.”

22.

L-Artikolu 2(d) u (f) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(d)

‘refuġjat’ ifisser ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz li, minħabba f’biża’ ġustifikat li jiġi persegwitat għar-raġunijiet ta’ razziżmu, reliġjon, nazzjonalità, opinjoni politika jew sħubija ta’ grupp soċjali partikolari, huwa barra mill-pajjiż ta’ nazzjonalità u ma jistax, jew minħabba dan il-biża’, ma jixtieqx japprofitta ruħu mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż, […] u li l-Artikolu 12 ma japplikax għaliha;

[…]

(f)

‘persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja’ tfisser ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz […] li ma tikkwalifikax bħala refuġjat imma rigward min intwerew raġunijiet sostanzjali sabiex jitwemmen li l-persuna interessata, jekk tirritorna lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha, […], tiffaċċja riskju veru li ssofri dannu serju kif definit fl-Artikolu 15, u li għaliha l-Artikolu 17(1) u (2) ma japplikax, u ma tistax, jew, minħabba f’dan ir-riskju, ma tixtieqx tapprofitta ruħha mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż.”

23.

Fil-kuntest tal-Kapitolu II tad-Direttiva 2011/95, dwar “[e]żami ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali”, l-Artikolu 6, intitolat “Atturi ta’ persekuzzjoni jew dannu serju”, jiddisponi:

“Atturi ta’ persekuzzjoni jew dannu serju jinkludu:

(a)

l-Istat;

(b)

partijiet jew organizzazzjonijiet li jikkontrollaw l-Istat jew parti sostanzjali tat-territorju tal-Istat;

(c)

atturi mhux tal-Istat, jekk ikun jista’ jiġi muri li l-atturi msemmija f’punti (a) u (b), inkluż organizzazzjonijiet internazzjonali, ma jistgħux jew ma jixtiqux jipprovdu protezzjoni kontra persekuzzjoni jew periklu serju kif definit fl-Artikolu 7.”

24.

L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, intitolat, “Atturi ta’ protezzjoni”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Protezzjoni minn persekuzzjoni jew dannu serju tista’ tiġi pprovduta biss minn:

(a)

l-Istat; jew

(b)

partijiet jew organizzazzjonijiet, inkluż organizzazzjonijiet internazzjonali, li jikkontrollaw l-Istat jew parti sostanzjali tat-territorju tal-Istat,

sakemm dawn iridu u jistgħu joffru protezzjoni skont il-paragrafu 2

2.   Protezzjoni kontra persekuzzjoni jew dannu serju trid tkun effettiva u ta’ natura mhux temporanja. Tali protezzjoni hija ġeneralment ipprovduta meta l-atturi msemmija skont il-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 jieħdu passi raġonevoli sabiex jipprevjenu l-persekuzzjoni jew il-konsegwenzi ta’ dannu serju, fost ħwejjeġ oħra billi joperaw sistema legali effettiva għall-kxif, il-prosekuzzjoni u l-kastig ta’ atti li jikkostitwixxu persekuzzjoni jew dannu serju, u meta l-applikant ikollu aċċess għal din il-protezzjoni.

[…]”

25.

Il-Kapitolu III tal-imsemmija direttiva, intitolat “Kwalifika biex wieħed ikun refuġjat”, jinkludi l-Artikolu 9 li jiddisponi:

“1.   Sabiex din titqies bħala att ta’ persekuzzjoni fit-tifsira tal-Artikolu 1(A) tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, att għandu:

(a)

ikun serju biżżejjed fin-natura jew ripetizzjoni tiegħuli jikkostitwixxi vjolazzjoni serja ta’ drittijiet bażiċi tal-bniedem, partikolarment id-drittijiet li ma tistax issir deroga minnhom skont l-Artikolu 15(2) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u Libertajiet Fondamentali [ ( 13 )]; jew

(b)

ikunu akkumulazzjoni ta’ diversi miżuri, inkluż vjolazzjonijiet ta’ drittijiet tal-bniedem li huwa serju biżżejjed li jaffettwa individwu f’manjiera simili kif imsemmi f’punt (a).

2.   Atti ta’ persekuzzjoni kif kwalifikati fil-paragrafu 1, jistgħu, fost ħwejjeġ oħra, jieħdu l-forma ta’:

(a)

atti ta’ vjolenza fiżiċi jew mentali, inkluż atti ta’ vjolenza sesswali;

[…]

(f)

atti ta’ natura speċifika għas-sess […]

3.   Bi qbil ma punt (d) tal-Artikolu 2, irid ikun hemm konnessjoni bejn ir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 10 u l-atti ta’ persekuzzjoni kif kwalifikat fil-paragrafu 1 ta dan l-Artikolu jew l-assenza ta’ protezzjoni kontra atti bħal dawn.”

26.

L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2011/95, intitolat “Raġunijiet għal persekuzzjoni” huwa fformulat b’dan il-kliem:

“1.   L-Istati Membri għandhom iqisu l-elementi li ġejjin meta jivvalutaw ir-raġunijiet għal persekuzzjoni:

[…]

(d)

grupp għandu jitqies li jifforma grupp soċjali partikolari fejn partikolarment:

membri ta’ dak il-grupp jaqsmu karatteristika innata jew sfond komuni li ma jistax jinbidel, jew jaqsmu karatteristika jew twemmin li tant huwa fondamentali għall-identità jew il-kuxjenza li persuna m’għandhiex tiġi sfurzata li tirrinunċja għalih; u

grupp għandu identità distinta fil-pajjiż rilevanti, minħabba li hija meqjusa bħala differenti mis-soċjeta ta’ madwaru.

Skont iċ-ċirkostanzi fil-pajjiż ta’ orġini, grupp soċjali partikolari jista’ jinkludi grupp ibbażat fuq karatteristika komuni ta’ orjentament sesswali. Orjentament sesswali ma jistax jinftiehem li jinkludi atti li huma meqjusa bħala kriminali bi qbil mal-liġi nazzjonali tal-Istati Membri. Aspetti relatati mas-sess, inkluża l-identità sesswali, għandhom jingħataw il-kunsiderazzjoni li jixirqilhom sabiex tiġi determinata sħubija fi grupp soċjali partikolari jew identifikata karatteristika ta’ grupp bħal dan;

[…]

2.   Fil-valutazzjoni ta’ jekk applikant għandux biża’ ġustifikat ta’ persekuzzjoni mhuwiex importanti jekk l-applikant fil-verità għandux il-karatteristika razzista, reliġjuża, nazzjonali, soċjali jew politika li tattira l-persekuzzjoni, sakemm din il-karatteristika tkun attribbwita għall-applikant mill-attur ta’ persekuzzjoni.”

27.

Il-Kapitolu V ta’ din id-direttiva, li għandu x’jaqsam ma’ “[k]walifika biex persuna tkun eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja”, jinkludi l-Artikolu 15, intitolat “Dannu serju”, li jipprevdi:

“Dannu serju jikkonsisti minn:

(a)

piena kapitali jew eżekuzzjoni; jew

(b)

tortura jew trattament inuman jew degradanti jew kastig ta’ applikant fil-pajjiż ta’ oriġini; jew

[…]”

C.   Id‑dritt Bulgaru

28.

Fil-Bulgarija, l-eżami tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali huwa rregolat miż-Zakon za ubezhishteto i bezhantsite (il-Liġi dwar l-Ażil u r-Refuġjati) ( 14 ), fil-verżjoni ppubblikata fid-DV Nru 103 tas‑27 ta’ Diċembru 2016 (iktar ’il quddiem iż-“ZUB”). Id-Direttivi 2011/95 u 2013/32/UE ( 15 ) ġew trasposti fid-dritt Bulgaru permezz ta’ żewġ liġijiet li jemendaw u jintegraw iż-ZUB, ippubblikati rispettivament fid-DV Nru 80 tas‑16 ta’ Ottubru 2015 u fid-DV Nru 101 tat‑22 ta’ Diċembru 2015.

29.

Skont l-Artikolu 6(1) taż-ZUB:

“Is-setgħat previsti minn din il-liġi huma eżerċitati mill-persuni responsabbli tad-Darzhavna agentsia za bezhantsite [(l-Aġenzija Nazzjonali għar-Refuġjati, iktar ’il quddiem id-‘DAB’)]. Dawn jistabbilixxu l-fatti u ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha għall-finijiet tal-proċedura għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali u jipprovdu assistenza lill-barranin li jkunu ppreżentaw tali applikazzjoni għall-protezzjoni.”

30.

Iż-ZUB tipprevedi żewġ forom ta’ protezzjoni internazzjonali.

31.

L‑Artikolu 8 taż-ZUB jikkonċerna l-kundizzjonijiet sostantivi li l-applikant għandu jissodisfa sabiex jibbenefika mill-istatus ta’ refuġjat. Dan l-artikolu jinkorpora f’termini simili d-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 6 u 9 tad-Direttiva 2011/95.

32.

L-Artikolu 9 taż-ZUB jikkonċerna, min-naħa tiegħu, il-kundizzjonijiet sostantivi li l-applikant għandu jissodisfa sabiex jibbenefika minn “status umanitarju”, li jikkorrispondi mal-protezzjoni sussidjarja, b’dawn il-kundizzjonijiet jikkorrispondu ma’ “dannu serju” kif inhu ddefinit fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2011/95.

III. Il‑fatti tal‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

33.

WS, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, hija ċittadina Torka, ta’ oriġini Kurda, ta’ fidi Musulmana (Sunnita) u ddivorzjata. F’Ġunju 2018, hija telqet mit-Turkija biex tmur il-Bulgarija, imbagħad il-Ġermanja, fejn għamlet l-ewwel applikazzjoni tagħha għall-protezzjoni internazzjonali. Permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Frar 2019 mogħtija mid-DAB, il-Bulgarija aċċettat li teħodha lura sabiex teżamina l-applikazzjoni tagħha għall-protezzjoni internazzjonali.

34.

Waqt it-tliet intervisti li saru f’Ottubru 2019, WS iddikjarat li ltaqgħet ma’ problemi mal-ex raġel tagħha, BS, fit-Turkija, li miegħu kienet allegatament miżżewġa bil-forza fis-sena 2010 u li miegħu kellha tlett ibniet. Wara bosta episodji ta’ vjolenza u theddid li saru kemm minn żewġha kif ukoll mill-familja bijoloġika tagħha u mill-familja tar-raġel tagħha, hija ġiet regolarment akkomodata f’“ċentri ta’ prevenzjoni u sorveljanza tal-vjolenza” u ħarbet minn darha f’Settembru 2016. F’dan ir-rigward, WS ressqet ilment quddiem l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali ta’ Torbalı (it-Turkija) fejn irrapportat din il-vjolenza. Allegatament, WS daħlet fi żwieġ reliġjuż ma’ raġel ieħor fis-sena 2017, li miegħu kellha tifel fix-xahar ta’ Mejju 2018. Id-divorzju bejn WS u BS ingħata b’deċiżjoni tal-Qorti Ċivili Nru 1 ta’ Diyarbakır (it-Turkija) fl‑20 ta’ Settembru 2018, meta kienet diġà telqet mit-Turkija. WS osservat, barra minn hekk, li hija ma bbenefikat minn ebda appoġġ mill-familja bijoloġika tagħha u li l-kuntatt kien ġie pprojbit minn missier il-familja minħabba li hija kienet telqet mid-dar konjugali. WS sostniet ukoll li tibża’ għal ħajjitha jekk kellha tirritorna t-Turkija.

35.

B’deċiżjoni tal‑21 ta’ Mejju 2020, id-DAB ċaħdet l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali magħmula minn WS fuq il-bażi kemm tal-Artikolu 8 taż-ZUB (status ta’ refuġjat) kif ukoll tal‑Artikolu 9 ta’ din il-liġi (status umanitarju/protezzjoni sussidjarja).

36.

Id-DAB qieset li l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat ma kinux ġew issodisfatti għar-raġuni li l-vjolenza li tagħha kienet allegatament vittma min-naħa ta’ żewġha u membri tal-familja tagħha kif ukoll it-theddid ta’ mewt li sar kontriha ma setgħux jintrabtu ma’ ebda waħda mir-raġunijiet ta’ persekuzzjoni msemmija fl-Artikolu 8(1) taż-ZUB, jiġifieri razza, reliġjon, nazzjonalità, opinjoni politika jew sħubija fi grupp soċjali partikolari. WS lanqas ma ddikjarat li kienet ippersegwitata minħabba s-sess tagħha.

37.

Barra minn hekk, id-DAB qieset li l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-għoti ta’ status umanitarju (protezzjoni sussidjarja) lanqas ma ġew issodisfatti għar-raġuni li la l-awtoritajiet uffiċjali u lanqas ċerti gruppi ma ħadu azzjoni fir-rigward ta’ WS. Fl-aħħar nett, id-DAB irrimarkat li hija, li allegatament ma informatx lill-awtoritajiet tal-pulizija bl-attakki kriminali li saru kontriha, lanqas ma ressqet ilment u li hija kienet telqet mit-Turkija legalment.

38.

WS ippreżentat rikors minn din id-deċiżjoni, li ġie miċħud b’deċiżjoni tal‑15 ta’ Ottubru 2020. Din id-deċiżjoni kisbet s-saħħa ta’ res judicata permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Marzu 2021 tal-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija).

39.

WS ippreżentat applikazzjoni ulterjuri għall-protezzjoni internazzjonali fit‑13 ta’ April 2021, fejn ippreżentat disa’ provi bil-miktub dwar is-sitwazzjoni personali tagħha u l-Istat ta’ oriġini tagħha. Minn naħa, hija ssostni li tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat stabbiliti fl-Artikolu 8 taż-ZUB, peress li hija vittma ta’ atti ta’ persekuzzjoni mwettqa minħabba s-sħubija tagħha fi grupp soċjali partikolari, dak tan-nisa li sofrew vjolenza domestika kif ukoll tan-nisa f’riskju li jkunu vittmi ta’ delitti tal-unur minn atturi mhux statali li minnhom l-Istat Tork ma jistax jipproteġiha. Tindika wkoll li topponi d-deportazzjoni tagħha lejn it-Turkija, billi tibża’ li tinqatel mill-ex żewġha jew li tkun vittma ta’ delitt tal-unur u li tiġi sfurzata terġa’ tiżżewweġ. Tirrimarka li s-sitwazzjoni tagħha issa hija iktar diffiċli minħabba li kellha tifel ma’ raġel li miegħu ma hijiex miżżewġa ċivilment. Taħt iċ-ċirkustanzi l-ġodda, WS tinvoka wkoll l-irtirar tar-Repubblika tat-Turkija mill-Konvenzjoni ta’ Istanbul, u tipproduċi, f’dan ir-rigward, b’mod partikolari żewġ rapporti mfassla f’Marzu 2021, wieħed, mill-U.S. Department of State (id-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti tal-Amerika), dwar il-prattiki tad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija, u l-ieħor, mill-pjattaforma Torka “We will stop femicide”.

40.

Min-naħa l-oħra, WS issostni li hija tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ status umanitarju (protezzjoni sussidjarja) previsti fl-Artikolu 9 taż-ZUB, sa fejn id-deportazzjoni tagħha lejn it-Turkija tesponiha għal ksur tad-drittijiet fundamentali tagħha rrikonoxxuti fl-Artikoli 2 u 3 tal-KEDB.

41.

B’deċiżjoni tal‑5 ta’ Mejju 2021, id-DAB irrifjutat li tiftaħ proċedura ġdida għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għar-raġuni li WS ma ppreżenta l-ebda element ġdid dwar is-sitwazzjoni personali jew l-Istat ta’ oriġini tagħha filwaqt li semmiet li l-awtoritajiet Torok allegatament għenuha f’diversi okkażjonijiet u indikaw li lesti jgħinuha bil-mezzi legali kollha.

42.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva tal-Belt ta’ Sofija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa bbażata fuq il-ġeneru bħala raġuni għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali fis-sens tal-[Konvenzjoni ta’ Genève] u fis-sens tad-[Direttiva 2011/95], huma applikabbli, skont il-premessa 17 tad-Direttiva 2011/95, id-definizzjonijiet previsti [fiċ-CEDAW] u fil-[Konvenzjoni ta’ Istanbul], jew il-vjolenza kontra n-nisa bbażata fuq il-ġeneru bħala raġuni għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali fis-sens tad-Direttiva 2011/95 għandha tifsira awtonoma, differenti mit-tifsira li għandha f’dawn it-trattati internazzjonali?

2)

Fil-każ ta’ allegazzjoni ta’ vjolenza kontra n-nisa bbażata fuq il-ġeneru, sabiex tiġi ddeterminata s-sħubija fi grupp soċjali partikolari bħala raġuni għal persekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 10(1)(d) tad‑Direttiva 2011/95, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni biss il-ġeneru bijoloġiku jew soċjali tal-vittma ta’ persekuzzjoni (vjolenza kontra mara għas-sempliċi raġuni li hija mara), u l-forom, il-miżuri jew l-atti konkreti ta’ persekuzzjoni, bħal dawk imsemmija b’mod mhux eżawrjenti fil-premessa 30 tad-Direttiva 2011/95 jistgħu jkunu determinanti għall-‘viżibbiltà tal-grupp fis-soċjetà’, jiġifieri l-karatteristika deċiżiva ta’ dan il-grupp, fid-dawl tal-kundizzjonijiet viġenti fil-pajjiż ta’ oriġini, jew dawn l-atti jikkonċernaw biss l-atti ta’ persekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 9(2)(a) u (f) tad-Direttiva 2011/95?

3)

F’sitwazzjoni fejn il-persuna li titlob il-protezzjoni tallega vjolenza bbażata fuq il-ġeneru fil-forma ta’ vjolenza domestika, il-ġeneru bijoloġiku jew soċjali jikkostitwixxi raġuni suffiċjenti sabiex tiġi ddeterminata s-sħubija fi grupp soċjali partikolari fis-sens tal-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva 2011/95, jew huwa meħtieġ li tiġi stabbilita karatteristika distintiva supplimentari tal-grupp, skont interpretazzjoni letterali ta’ din id-dispożizzjoni, li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet b’mod kumulattiv u l-aspetti marbuta mal-ġeneru b’mod alternattiv?

4)

Fil-każ ta’ allegazzjoni ta’ vjolenza bbażata fuq il-ġeneru fil-forma ta’ vjolenza domestika eżerċitata minn attur mhux tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 6(c) tad-Direttiva 2011/95, ir-rabta kawżali prevista fl-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2011/95 għandha tiġi interpretata fis-sens li huwa biżżejjed li tiġi stabbilita rabta bejn ir-raġunijiet indikati fl-Artikolu 10 [ta’ din id-direttiva] u l-atti ta’ persekuzzjoni fis-sens tal-paragrafu 1 [tal-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva], jew huwa meħtieġ, b’mod obbligatorju, li tiġi kkonstatata assenza ta’ protezzjoni kontra l-allegata persekuzzjoni, jew inkella r-rabta teżisti f’dawn il-każijiet fejn l-atturi mhux tal-Istat tal-persekuzzjoni ma jirrikonoxxux bħala tali d-diversi atti ta’ persekuzzjoni/vjolenza marbuta mal-ġeneru fuq il-persuna li hija s-suġġett ta’ persekuzzjoni?

5)

F’sitwazzjoni fejn ikunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet rilevanti l-oħra, it-theddida reali ta’ qtil minħabba l-unur fil-każ ta’ eventwali refoulement lejn il-pajjiż ta’ oriġini tista’ tiġġustifika l-għoti ta’ protezzjoni sussidjarja taħt l-Artikolu 15(a) tad-Direttiva 2011/95, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (li jipprovdi li ħadd ma għandu jiġi pprivat mill-ħajja tiegħu intenzjonalment), jew din it-theddida għandha titqies li hija theddida serja fis-sens tal-Artikolu 15(b) tad-Direttiva 2011/95, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 3 tal-istess konvenzjoni, kif interpretati fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni globali tar-riskju li jitwettqu atti oħra ta’ vjolenza bbażata fuq il-ġeneru, jew inkella r-rifjut suġġettiv min-naħa tal-persuna li tapplika għall-protezzjoni li tibbenefika mill-protezzjoni tal-Istat ta’ oriġini tagħha huwa raġuni suffiċjenti għall-għoti ta’ din il-protezzjoni?”

43.

WS, il-Gvern Ġermaniż u dak Franċiż kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea u l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR) ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

IV. Analiżi

44.

Permezz tat-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tipprova, essenzjalment, tiddetermina sa liema punt ċittadina ta’ pajjiż terz li tallega li tirriskja li tkun vittma ta’ delitt tal-unur jew ta’ żwieġ furzat kif ukoll li tkun esposta għal atti ta’ vjolenza domestika mwettqa f’darha ladarba tirritorna lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha tista’ tibbenefika minn protezzjoni internazzjonali fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2011/95.

45.

Konformement mal-proċedura ta’ eżami stabbilita fl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2013/32, l-ewwel sar-raba’ domanda preliminari jirrigwardaw il-kundizzjonijiet li fihom tali persuna tista’ tibbenefika mill-istatus ta’ refuġjat, fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2011/95 ( 16 ). Għalkemm il-qorti tar-rinviju ma għandha l-ebda dubju dwar il-klassifikazzjoni bħala “atti ta’ persekuzzjoni” tal-atti li għalihom WS tibża’ li tkun esposta ( 17 ), hija tistaqsi, għall-kuntrarju, dwar il-ħafna inċertezzi dwar il-mod kif jittieħed inkunsiderazzjoni l-ġeneru ta’ din il-persuna biex ikun stabbilit, minn naħa, ir-raġunijiet għall-persekuzzjoni (l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2011/95) u, min-naħa l-oħra, ir-rabta kawżali bejn dawn ir-raġunijiet u l-assenza ta’ protezzjoni mogħtija mill-pajjiż ta’ oriġini (l-Artikolu 9(3) ta’ din id-direttiva).

46.

Il-ħames domanda preliminari tirrigwarda l-kundizzjonijiet li fihom WS setgħet tingħata protezzjoni sussidjarja fis-sens tal-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2011/95 fil-każ li ma setgħetx titqies bħala refuġjata. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari dwar il-klassifikazzjoni bħala “dannu serju”, fis-sens tal-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva, tal-atti li l-persuna kkonċernata tirriskja li tbati jekk tintbagħat lura lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha.

A.   Il‑kundizzjonijiet għall‑għoti tal‑istatus ta’ refuġjat, fis‑sens tal‑Artikolu 2(d) tad‑Direttiva 2011/95

1. Fuq l‑ewwel domanda preliminari dwar it‑tifsira u l‑portata tal‑kunċett ta’ “vjolenza kontra n‑nisa bbażata fuq il‑ġeneru”

47.

Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju, billi bbażat ruħha fuq il-premessa 17 tad-Direttiva 2011/95, tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk il-kunċett ta’ “vjolenza kontra n-nisa bbażata fuq il-ġeneru”, kieku kellu jikkostitwixxi raġuni għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat, għandux tifsira indipendenti fid-dritt tal-Unjoni jew jekk dan il-kunċett għandux jiġi ddefinit fid-dawl tal-Konvenzjoni ta’ Genève, iċ-CEDAW u l-Konvenzjoni ta’ Istanbul.

48.

Din id-domanda toriġina mill-fatt li, bħall-Artikolu 1(A) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2011/95 sempliċement isemmi “sħubija fi grupp soċjali partikolari”, u ma jagħmel ebda riferiment għall-“ġeneru” tal-applikant għall-protezzjoni internazzjonali fid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “refuġjat” u lanqas ma jipprovdi li l-vjolenza kontra n-nisa bbażata fuq il-ġeneru tista’ tikkostitwixxi, fiha nnifisha, raġuni għal protezzjoni internazzjonali. Għall-kuntrarju, il-Konvenzjoni ta’ Istanbul u ċ-CEDAW, adottati rispettivament taħt il-patroċinju tal-Kunsill tal-Ewropa u tan-Nazzjonijiet Uniti, jiddedikaw dispożizzjonijiet espressi għaliha.

49.

Il-Konvenzjoni ta’ Istanbul għandha l-għan, konformement mal-Artikolu 1 tagħha, li tipproteġi n-nisa kontra kull forma ta’ vjolenza, inkluża l-vjolenza domestika, billi ssaħħaħ il-prevenzjoni tal-vjolenza u l-assistenza lill-vittmi, kif ukoll il-prosekuzzjoni u s-sanzjonijiet kontra dawk li jwettqu l-vjolenza, billi jiġu adottati politiki komprensivi u kkoordinati.

50.

Il-kunċett ta’ “ġeneru” huwa ddefinit fl-Artikolu 3(c) tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul bħala li jirreferi għar-“rwoli li huma mibnija soċjalment, l-imġiba, attivitajiet u l-attributi li soċjetà tikkunsidra xierqa għan-nisa u l-irġiel”. Il-kunċett ta’ “vjolenza kontra n-nisa” huwa, min-naħa tiegħu, iddefinit fl-Artikolu 3(a) ta’ din il-konvenzjoni bħala li jirreferi għal “l-atti kollha ta’ vjolenza sessista li jirriżultaw fi, jew li x’aktarx jirriżultaw fi, ħsara fiżika, sesswali, psikoloġika jew ekonomika ta’ ħsara jew tbatija għan-nisa, inkluż it-theddid ta’ atti bħal dawn, ġegħil jew deprivazzjoni arbitrarja tal-libertà, kemm jekk dan isir fil-ħajja pubblika kif ukoll fil-ħajja privata”. Fl-aħħar nett, il-kunċett ta’ “vjolenza bbażata fuq il-ġeneru kontra n-nisa” huwa ddefinit fl-Artikolu 3(d) ta’ din il-konvenzjoni bħala li tindika “vjolenza li hija diretta kontra mara għall-fatt li hi mara jew li taffettwa lin-nisa b’mod sproporzjonat” ( 18 ).

51.

L-Artikolu 60(1), tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul għalhekk jeħtieġ li l-Istati partijiet jadottaw il-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-vjolenza kontra n-nisa bbażata fuq il-ġeneru tkun tista’ tiġi rrikonoxxuta bħala forma ta’ persekuzzjoni fis-sens tal-paragrafu 2 tat-Taqsima A tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Genève u bħala forma ta’ dannu serju li jagħti lok għal protezzjoni sussidjarja. Ir-Rapport Spjegattiv tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul jgħid li dan l-artikolu huwa maħsub biex ikun kompatibbli mal-Konvenzjoni ta’ Genève u l-Artikolu 3 tal-KEDB, kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ( 19 ).

52.

Iċ-CEDAW u, b’mod partikolari, ir-Rakkomandazzjonijiet Ġenerali Nri 19 u 35 tal-Kumitat għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni kontra n-Nisa għandhom l-għan li jżidu l-effettività tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni kontra n-nisa fil-forom kollha tagħha, billi jitolbu lill-Istati Partijiet biex jiggarantixxu lin-nisa l-eżerċizzju sħiħ u t-tgawdija sħiħa tad-drittijiet irrikonoxxuti lilhom fl-oqsma kollha. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet ġenerali jikkomplementaw iċ-CEDAW billi jintegraw approċċ ibbażat fuq il-ġeneru, fejn dawn jeħtieġu lill-Istati Partijiet jadottaw miżuri ġenerali mnebbħa minn dawk adottati fil-qafas tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul.

53.

Wara li saru dawn it-tfakkiriet, issa għandu jiġi eżaminat sa liema punt it-termini stabbiliti minn dawn iż-żewġ konvenzjonijiet għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/95.

54.

Fl-ewwel lok, infakkar li, bis-saħħa tal-Artikolu 78(1) TFUE, is-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil, li minnha tifforma parti d-Direttiva 2011/95, għandha tikkonforma mal-Konvenzjoni ta’ Genève u l-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati tal-1967 kif ukoll “trattati oħra rilevanti” ( 20 ).

55.

Għalhekk, l-għan ewlieni tad-Direttiva 2011/95, kif stabbilit fl-Artikolu 1 tagħha u fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa li tistabbilixxi sistema ta’ regoli li tinkludi kunċetti u kriterji komuni għall-Istati Membri għall-identifikazzjoni tal-persuni li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u li għalhekk huma speċifiċi għall-Unjoni, filwaqt li jiġi ggarantit li l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Genève ( 21 ) ikun irrispettat bis-sħiħ. Fis-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2020, Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (Servizz Militari u Ażil) ( 22 ), il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk irrifjutat li testendi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva lil hinn minn dak kopert minn din il-konvenzjoni, sabiex tirrispetta l-intenzjoni ċara tal-leġiżlatur tal-Unjoni li tiġi armonizzata fi ħdan l-Unjoni l-implimentazzjoni tal-istatus ta’ refuġjat fit-tifsira ta’ din il-Konvenzjoni ( 23 ).

56.

Madankollu, kif indikajt, it-Taqsima A tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Genève ma jagħmel l-ebda riferiment għal “ġeneru” fid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “refuġjat”, u lanqas ma jipprovdi li “vjolenza kontra n-nisa bbażata fuq il-ġeneru” jista’ jikkostitwixxi, fih innifsu, raġuni għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali. Fil-prinċipji gwida tiegħu fuq il-persekuzzjoni relatata mal-ġeneru, l-UNHCR qies li ma kienx meħtieġ li tiġi introdotta raġuni addizzjonali fid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “refuġjat” imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ din il-konvenzjoni peress li huwa rrikonoxxut mill-Istati Partijiet li l-ġeneru jista’ jinfluwenza, jew jiddetta, it-tip ta’ persekuzzjoni jew dannu mġarrab, kif ukoll ir-raġunijiet għat-trattament mġarrab ( 24 ). Fil-kuntest tad-Direttiva 2011/95, il-ġeneru tar-rikorrent għalhekk jittieħed inkunsiderazzjoni meta tiġi evalwata n-natura tal-atti ta’ persekuzzjoni li huwa espost għalihom jew li jirriskja li jiġi espost għalihom fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu (Artikolu 9(2)(f) ta’ din id-direttiva) ( 25 ) u waqt l-eżami dwar ir-raġunijiet tal-persekuzzjoni, b’mod partikolari fil-kuntest tar-rikonoxximent tas-sħubija tar-rikorrenti fi grupp soċjali partikolari (it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(1)(d), l-aħħar parti, ta’ din id-direttiva).

57.

Ċertament, id-Direttiva 2011/95 ma tiddefinixxix il-kunċett ta’ “ġeneru”. Madankollu, jista’ jsir riferiment għad-dokumenti maħruġa mill-UNHCR, li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, huma ta’ rilevanza partikolari fir-rigward tar-rwol fdat lill-UNHCR mill-Konvenzjoni ta’ Genève ( 26 ). Għalhekk, fil-prinċipji gwida tiegħu fuq il-persekuzzjoni relatata mal-ġeneru, l-UNHCR jiddikjara li “[l]-ġeneru jirreferi għar-relazzjonijiet bejn in-nisa u l-irġiel ibbażati fuq identitajiet, status, rwoli u responsabbiltajiet li huma ddefiniti jew mibnija soċjalment jew kulturalment, u li huma attribwiti lill-irġiel u lin-nisa, filwaqt li s-‘sess’ huwa ddeterminat bijoloġikament. Għalhekk, il-ġeneru la huwa statiku u lanqas intrinsiku iżda jikseb tifsira soċjalment u kulturalment mibnija maż-żmien” ( 27 ).

58.

Barra minn hekk, għalkemm l-Artikolu 9(2)(f) tad-Direttiva 2011/95 ma jispeċifikax il-portata ta’ “atti ta’ natura speċifika għas-sess”, jista’ jkun utli li jsir riferiment, għal dan il-għan, għal strument ieħor tad-dritt sekondarju, jiġifieri d-Direttiva 2012/29/UE ( 28 ). Fil-fatt, il-premessa 17 ta’ din id-direttiva tiddefinixxi l-kunċett ta’ “vjolenza abbażi tas-sessi” bħala li tirreferi għal “[v]jolenza diretta kontra persuna minħabba s-sess ta’ dik il-persuna, l-identità tas-sessi jew l-espressjoni tas-sessi jew li taffettwa lil persuni ta’ sess partikolari b’mod disproporzjonat, titqies bħala vjolenza abbażi tas-sessi […] Din tista’ tirriżulta fi ħsara fiżika, sesswali, emozzjonali jew psikoloġika jew telf ekonomiku għall-vittma. Vjolenza abbażi tas-sessi titqies bħala forma ta’ diskriminazzjoni u ksur tal-libertajiet fundamentali tal-vittma u tinkludi vjolenza f’relazzjonijiet mill-qrib, vjolenza sesswali (inkluż stupru, attakk u abbuż sesswali), traffikar tal-bnedmin, skjavitù u forom differenti ta’ prattiki li jagħmlu l-ħsara, bħal żwiġijiet sfurzati, mutilazzjoni ġenitali femminili u l-hekk imsejjaħ ‘reati tal-unur’. Vittmi nisa ta’ vjolenza abbażi tas-sessi u t-tfal tagħhom ta’ spiss ikunu jeħtieġu appoġġ u protezzjoni speċjali minħabba r-riskju għoli ta’ vittimizzazzjoni sekondarja u ripetuta,ta’ intimidazzjoni u ta’ ritaljazzjoni marbuta ma’ tali vjolenza”.

59.

Fir-rigward, fit-tieni lok, tat-termini użati fil-Konvenzjoni ta’ Istanbul u ċ-CEDAW, huwa stabbilit li l-Unjoni Ewropea ma rratifikatx iċ-CEDAW u li, għalkemm iffirmat il-Konvenzjoni ta’ Istanbul fit‑13 ta’ Ġunju 2017, madankollu, hija għadha ma aderixxietx magħha ( 29 ). Barra minn hekk, din il-konvenzjoni ma ġietx irratifikata mill-Istati Membri kollha ( 30 ). Sakemm ikun hemm tali adeżjoni jew ratifika, il-Konvenzjoni ta’ Istanbul tikkostitwixxi fuq kollox konvenzjoni multidixxiplinarja mmirata biex tiżgura, b’mod olistiku u fuq il-bażi ta’ approċċ integrat li jinvolvi l-atturi kollha fis-soċjetà, il-prevenzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa ( 31 ), il-protezzjoni u l-appoġġ tal-vittmi kif ukoll il-prosekuzzjoni tal-awturi tal-vjolenza.

60.

Minn dan għandu jiġi konkluż li, fl-istat attwali, la l-Konvenzjoni ta’ Istanbul u lanqas iċ-CEDAW ma jaqgħu taħt it-“trattati oħra rilevanti” li fid-dawl tagħhom id-Direttiva 2011/95 għandha tiġi interpretata, fis-sens tal-Artikolu 78(1) TFUE.

61.

Fir-rigward, fit-tielet lok u fl-aħħar nett, tal-premessa 17 tad-Direttiva 2011/95 li fuqha tibbaża ruħha l-qorti tar-rinviju, din il-premessa ma jidhirlix li hija rilevanti għall-finijiet tal-interpretazzjoni tas-sens u tal-portata, fid-dritt tal-Unjoni, tal-kunċett ta’ “vjolenza bbażata fuq il-ġeneru kontra n-nisa”.

62.

Din il-premessa tgħid, “[f]ir-rigward tat-trattament ta’ persuni li jaqgħu fl-ambitu ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri huma marbuta b’obbligi taħt strumenti tal-liġi internazzjonali li tagħhom jagħmlu parti, inkluż partikolarment dawk li jipprojbixxu d-diskriminazzjoni”. Madankollu, meta jirreferi għat-“trattament ta’ persuni li jaqgħu fl-ambitu ta’ din id-Direttiva”, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma rriferixxiex għall-proċeduri ta’ eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, jiġifieri l-kriterji meħtieġa għall-finijiet tal-għoti ta’ tali protezzjoni, iżda pjuttost għad-drittijiet u l-vantaġġi li jibbenefikaw minnhom l-applikanti għal jew il-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali fit-territorju tal-Istat Membru li fih daħlu u, fejn xieraq, kisbu protezzjoni internazzjonali. Il-premessa 17 tad-Direttiva 2011/95 tabilħaqq issib l-espressjoni tagħha fil-Kapitolu VII tagħha, dwar il-“[k]ontenut ta’ protezzjoni internazzjonali”. Bħala eżempju, dan il-leġiżlatur ipprovda għar-rekwiżit li l-Istati Membri jiggarantixxu trattament ugwali bejn il-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali u ċ-ċittadini tagħhom fir-rigward tal-aċċess għall-proċeduri għar-rikonoxximent tal-kwalifiki (l-Artikolu 28(1)) jew saħansitra l-aċċess għall-kura tas-saħħa (l-Artikolu 30). Huwa f’dan il-kuntest li l-Istati Membri huma mitluba jirrispettaw l-obbligi li joħorġu mill-istrumenti internazzjonali li huma partijiet fihom, bħaċ-CEDAW u l-Konvenzjoni ta’ Istanbul.

63.

Minn dawn l-elementi kollha jirriżulta li l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat lil persuna li tibża’ li tkun vittma ta’ atti ta’ vjolenza bbażata fuq il-ġeneru fil-każ ta’ ritorn lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha għandu jiġi eżaminat fid-dawl tad-dispożizzjonijiet previsti għal dan il-għan minn din id-direttiva, li għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-iskema ġenerali u l-għan tagħha, f’konformità mal-Konvenzjoni ta’ Genève, konformement mal-Artikolu 78(1) TFUE, u mhux ibbażat fuq id-definizzjonijiet li jinsabu fiċ-CEDAW u fil-Konvenzjoni ta’ Istanbul, li ma humiex “trattati oħra rilevanti”, fis-sens ta’ dan l-artikolu.

64.

Madankollu, konformement mal-premessa 16 tad-Direttiva 2011/95, din l-interpretazzjoni għandha tirrispetta wkoll id-drittijiet irrikonoxxuti mill-Karta ( 32 ).

2. Fuq it‑tieni u t‑tielet domanda preliminari dwar l‑evalwazzjoni tas‑sħubija fi “grupp soċjali partikolari” taċ‑ċittadina ta’ pajjiż terz (Artikolu 10(1)(d) tad‑Direttiva 2011/95)

65.

Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża ċ-ċirkustanzi li fihom ċittadina ta’ pajjiż terz li tiddikjara li tkun f’riskju li tkun vittma ta’ delitt tal-unur jew żwieġ furzat kif ukoll li tkun esposta għal atti ta’ vjolenza domestika jekk tintbagħat lura lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha tistax titqies bħala li tappartjeni għal “grupp soċjali partikolari”, fis-sens tal-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva 2011/95.

66.

Fl-ewwel lok il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk il-ġeneru bijoloġiku tal-applikanti biss jistax jiddetermina l-isħubija tagħha ma’ grupp soċjali partikolari, fis-sens tal-Artikolu 10(1)(d) ta’ din id-direttiva.

67.

L-Artikolu 10(1)(d) ta’ din id-direttiva jipprevedi li għandhom jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet sabiex jiġi ddeterminat jekk applikant jappartjenix għal “grupp soċjali partikolari”. Dawn iż-żewġ kundizzjonijiet huma kumulattivi ( 33 ).

68.

Minn naħa, il-membri tal-grupp għandhom jaqsmu karatteristika intrinsika jew storja komuni li ma tistax tinbidel, jew anki karatteristika jew twemmin tant essenzjali għall-identità jew kuxjenza li ma għandux ikun meħtieġ minn persuna li hija tirrinunzja għaliha. F’dan ir-rigward, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva 2011/95 jispeċifika li, skont il-kundizzjonijiet prevalenti fil-pajjiż ta’ oriġini, l-aspetti relatati mal-ġeneru, inkluża l-identità tal-ġeneru, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni kif xieraq għal dawn l-għanijiet għar-rikonoxximent tas-sħubija fi grupp soċjali partikolari jew tal-identifikazzjoni ta’ karatteristika ta’ grupp bħal dan ( 34 ).

69.

Min-naħa l-oħra, dan il-grupp għandu jkollu l-identità distinta tiegħu fil-pajjiż terz inkwistjoni peress li huwa pperċepit bħala differenti mis-soċjetà tal-madwar.

70.

Barra minn hekk, mill-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2011/95 jirriżulta li huwa irrilevanti, meta jiġi evalwat jekk l-applikant għandux biża’ fondat li jiġi ppersegwitat, li huwa fil-fatt jippossjedi l-karatteristika marbuta mas-sħubija fi grupp soċjali partikolari li huwa għall-oriġini tal-persekuzzjoni, sa fejn din il-karatteristika tkun attribwita lilu mill-attur tal-persekuzzjoni ( 35 ).

71.

Fir-rigward tal-ewwel minn dawn il-kundizzjonijiet, huwa stabbilit li l-ġeneru tal-applikanti jista’ jkun assoċjat ma’ karatteristika intrinsika – jiġifieri s-sess bijoloġiku tagħha – “li ma jistax jinbidel”, fis-sens tal-Artikolu 10(1)d) tad-Direttiva 2011/95. F’dan ir-rigward, infakkar li l-proposta inizjali tal-Kummissjoni għad-Direttiva 2004/83 irreferiet espressament għall-“karatteristiċi essenzjali” tal-grupp, “bħall-orjentazzjoni sesswali, l-età jew is-sess” ( 36 ), u l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, barra minn hekk, fis-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2013, X et ( 37 ), li “huwa paċifiku li l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna tikkostitwixxi karatteristika li tant hija fundamentali għall-identità tagħha li ma għandhiex tkun obbligata li tirrinunzja għaliha” ( 38 ).

72.

Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, din tippresupponi li, fil-pajjiż ta’ oriġini, il-grupp soċjali li l-membri tiegħu jaqsmu l-istess ġeneru għandu l-identità tiegħu peress li huwa pperċepit mis-soċjetà tal-madwar bħala li jikkostitwixxi grupp differenti. Skont l-UNHCR, il-grupp għandu jkun viżibbli ( 39 ). Din il-perċezzjoni tvarja mhux biss bejn il-pajjiżi, komunitajiet etniċi jew reliġjużi, jew saħansitra l-kuntest politiku, iżda wkoll skont l-imġiba tal-persuna kkonċernata ( 40 ). Madankollu, il-ġeneru huwa kunċett soċjoloġiku li jintuża b’tali mod li jqis, lil hinn mis-sess bijoloġiku, il-valuri u r-rappreżentazzjonijiet assoċjati miegħu. Għalhekk, il-ġeneru huwa kunċett li għandu jagħmilha possibbli li jiġi enfasizzat il-fatt li r-relazzjonijiet bejn in-nisa u l-irġiel, f’soċjetà partikolari, kif ukoll l-inugwaljanzi li jistgħu jirriżultaw minnhom minħabba r-rwoli maskili u femminili assenjati fuq il-bażi tad-differenzi bijoloġiċi, jinkisbu u jinbnew mis-soċjetajiet u għalhekk jistgħu jevolvu b’mod differenti maż-żmien u skont is-soċjetajiet u l-komunitajiet ( 41 ). F’dan il-kuntest, naħseb li n-nisa, minħabba s-sempliċi fatt li huma nisa, jikkostitwixxu eżempju ta’ grupp soċjali ddefinit minn karatteristiċi intrinsiċi u immutabbli li x’aktarx jiġu pperċepiti b’mod differenti mis-soċjetà, skont il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, u dan minħabba r-regoli soċjali, legali jew reliġjużi ta’ dan il-pajjiż jew id-drawwiet tal-komunità li jappartjenu għaliha ( 42 ). Il-fatt li dan il-grupp soċjali huwa magħmul minn nisa f’soċjetà partikolari (u mhux min-“nisa” b’mod ġenerali) ( 43 ) ma jidhirlix li huwa ostaklu fih innifsu biex tiġi rrikonoxxuta l-identità speċifika ta’ dan il-grupp minħabba d-dimensjoni unika tiegħu. Fil-fatt, il-kunċett ta’ “identità distinta” ta’ grupp, sa fejn huwa pperċepit b’mod differenti mis-soċjetà tal-madwar, ma jistax jiġi interpretat bħala li jimplika li ssir evalwazzjoni kwantitattiva ( 44 ).

73.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, naħseb li awtorità nazzjonali kompetenti tista’, wara l-evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi li hija għandha twettaq konformement mal-Artikolu 4(3)(a) sa (c) tad-Direttiva 2011/95, tikkunsidra li r-rikorrenti tappartjeni, minħabba l-ġeneru tagħha, fi “grupp soċjali partikolari”, fis-sens tal-Artikolu 10(1)(d) ta’ din id-direttiva.

74.

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tispeċifika jekk atti ta’ persekuzzjoni bħal dawk imsemmija fil-premessa 30 tad-Direttiva 2011/95 u li għalihom ir-rikorrenti tista’ tkun esposta fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tal-identità speċifika ta’ grupp f’dak il-pajjiż jew jekk dawn l-atti humiex biss dawk stabbiliti fl-Artikolu 9(2)(a) u (f) ta’ din id-direttiva.

75.

Il-premessa 30 ta’ din id-direttiva tippreċiża li, “[m]inħabba l-bżonn li tingħata tifsira ta’ grupp soċjali partikolari, kwistjonijiet li joħorġu mis-sess ta’ applikant, inkluża l-identità sesswali u l-orjentazzjoni sesswali, li jistgħu jkunu relatati ma’ ċerti tradizzjonijiet u drawwiet legali, li jirriżultaw pereżempju f’mutilazzjoni ġenitali, sterilizzazzjoni furzata, jew abort furzat, għandhom jingħataw il-kunsiderazzjoni li jixirqilhom, sakemm ikunu relatati mal-biża’ ġustifikata tal-applikant minn persekuzzjoni”.

76.

Din il-premessa 30 tipprovdi kjarifiki biex tiddefinixxi aħjar ir-raġuni għall-persekuzzjoni li tikkostitwixxi sħubija fi “grupp soċjali partikolari”. Telenka numru ta’ atti ta’ persekuzzjoni li jistgħu jiġu identifikati għall-iskop li jiġi ddefinit grupp bħal dan. Fil-fatt, hija n-natura tal-atti ta’ persekuzzjoni, li jirreferu għal ċerti vittmi, li tagħmilha possibbli li tiġi kkaratterizzata l-“identità distinta” ta’ grupp soċjali. L-atti msemmija f’din il-premessa 30 ma jikkostitwixxux biss atti ta’ persekuzzjoni, u b’hekk jikkompletaw il-lista mhux eżawrjenti li tidher fl-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2011/95, iżda jippermettu wkoll l-identifikazzjoni ta’ “grupp soċjali partikolari”. B’hekk, jirriżulta b’mod ċar mill-premessa 30 ta’ din id-direttiva li n-natura tal-atti li għalihom mara tibża’ li tkun esposta fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha, minħabba l-ġeneru tagħha, tista’ tkun fattur rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk tappartjenix għal grupp soċjali partikolari u, b’mod partikolari, l-“identità distinta” ta’ dan il-grupp fil-pajjiż ta’ oriġini. Filwaqt li, kif diġà semmejt ( 45 ), att ta’ persekuzzjoni kontra grupp jista’ jkun element rilevanti fid-determinazzjoni tal-viżibbiltà ta’ dan il-grupp f’soċjetà partikolari ( 46 ), dan ma jfissirx li n-nies kollha li jibżgħu li jkunu esposti għal atti ta’ persekuzzjoni f’pajjiżhom ta’ oriġini jistgħu jitqiesu bħala li jappartjenu fi grupp soċjali partikolari. Huwa għalhekk li, f’din il-premessa, il-leġiżlatur tal-Unjoni, fil-fehma tiegħi, stabbilixxa diversi limiti. L-ewwel nett, jirreferi għal atti li huma partikolarment rappreżentattivi ta’ atti ta’ vjolenza bbażati fuq il-ġeneru, sa fejn huma diretti kontra persuna minħabba s-sess jew l-identità tagħha jew jaffettwaw b’mod sproporzjonat persuni ta’ sess partikolari. Imbagħad, isemmi atti li jirriżultaw fi ksur serju tad-drittijiet fundamentali ta’ din il-persuna. Fl-aħħar nett, jirreferi għal atti li huma ta’ użu ġenerali u repetut u li l-awtorità tagħhom hija rrikonoxxuta jew mid-dritt jew mid-drawwiet. Minn dan isegwi li, skont it-termini ta’ din il-premessa, tifla jew adolexxenti jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li jappartjenu għal grupp viżibbli jew identifikabbli fis-soċjetà sa fejn tkun esposta, fil-każ tar-ritorn tagħha fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha, għal tradizzjoni jew drawwa bħaċ-ċirkonċiżjoni femminili ( 47 ).

77.

Barra minn hekk, meta juża l-espressjoni “pereżempju”, il-leġiżlatur tal-Unjoni wera x-xewqa tiegħu li ma jillimitax it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ atti ta’ vjolenza bbażati fuq il-ġeneru għall-mutilazzjonijiet ġenitali, l-isterilizzazzjoni furzata jew saħansitra għal aborti furzati. Konsegwentement, fil-fehma tiegħi, ma hemm xejn li jipprevjeni awtorità nazzjonali kompetenti milli tikkunsidra tifla, adolexxenti jew saħansitra mara bħala li jappartjenu għal grupp soċjali partikolari għar-raġuni li hija tkun esposta, fil-każ li tirritorna fil-pajjiż tagħha ta’ oriġini, għal riskju ta’ żwieġ furzat, b’dan l-att ikun akkumpanjat minn abbuż morali u abbuż fiżiku li jagħti lok għal “ksur odjuż tad-drittijiet fundamentali tal-persuna, speċjalment tan-nisa”, biex nirrepetu l-kliem użat mill-Avukat Ġenerali Mengozzi ( 48 ). Dan iktar u iktar peress li żwiġijiet furzati jiġġeneraw b’mod partikolari stupru u forom oħra ta’ vjolenza sesswali.

78.

Fir-rigward tal-atti ta’ vjolenza domestika, ser nasal għall-istess konklużjoni sa fejn il-vjolenza domestika tista’ tieħu l-forma ta’ atti ta’ serjetà estrema u vjolenza repetuta li x’aktarx twassal għal ksur serju tad-drittijiet fundamentali tal-persuna ( 49 ). Għalhekk ma nara l-ebda raġuni għalfejn awtorità nazzjonali kompetenti ma għandhiex tikkunsidra, wara evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi speċifiċi għal kull każ, li mara li tkun sfurzata tirritorna lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha tappartjeni għal grupp li għandu l-identità tiegħu f’dak il-pajjiż fuq il-bażi li hija tkun esposta f’dak il-pajjiż, bħala riżultat tar-ritorn tagħha, għal atti ta’ vjolenza konjugali serji (swat, stupru u abbuż sesswali ieħor, eċċ.) tradizzjonali f’ċerti komunitajiet. Bħala parti minn din l-evalwazzjoni individwali, l-applikanti għandhom ovvjament jipprovdu l-informazzjoni ddettaljata kollha, b’mod partikolari familjari, ġeografika u soċjoloġika, relatata mar-riskji li hija ġġarrab personalment. L-awtorità nazzjonali kompetenti għandha tqis mhux biss il-personalità, l-età, il-livell ta’ edukazzjoni, l-oriġini, l-istorja u l-istatus soċjali tagħha, iżda wkoll l-informazzjoni ġenerali dwar il-pajjiż ta’ oriġini u, b’mod partikolari, ir-regoli fis-seħħ, soċjali jew konswetudinarji, prevalenti f’dan il-pajjiż, ir-reġjun, il-grupp jew il-grupp etniku kif ukoll l-istat tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ u l-implimentazzjoni tagħha.

79.

Fl-aħħar nett, naħseb li t-termini tal-premessa 30 tad-Direttiva 2011/95 jippermettu wkoll li jittieħed kont tar-riskji partikolari li huma esposti għalihom in-nisa li ma jikkonformawx mal-istandards soċjali tal-pajjiż ta’ oriġini tagħhom jew jipprovaw jopponuhom. Għalkemm ma teżisti l-ebda lista eżawrjenti tal-gruppi soċjali differenti li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti setgħu jidentifikaw fuq din il-bażi, studju tal-ġurisprudenza nazzjonali u r-rapporti ta’ informazzjoni dwar il-pajjiż ta’ oriġini ppubblikat mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil (EUAA) ( 50 ) jagħmluha possibbli li jiġu identifikati xi wħud minnhom. Għalhekk, f’pajjiżi u soċjetajiet li fihom iċ-ċirkonċiżjoni femminili hija regola soċjali, it-tfal u l-adolexxenti li jevitaw prattika bħal din jitqiesu li huma identifikabbli u li jappartjenu għal grupp b’identità tagħhom stess ( 51 ) filwaqt li jesponu lilhom innifishom għal atti ta’ umiljazzjoni, esklużjoni u tpattija jekk jirritornaw lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom ( 52 ). Bl-istess mod, nisa li jirrifjutaw iż-żwiġijiet furzati, f’popolazzjoni li fiha tali prattika hija tant komuni li tikkostitwixxi regola soċjali ( 53 ), ġew ikkunsidrati bħala parti minn grupp b’identità speċifika fis-sens tad-Direttiva 2011/95 ( 54 ) filwaqt li huma jesponu lilhom innifishom għall-ħarsa ta’ kundanna tal-komunità tagħhom kif ukoll għal atti ta’ vjolenza li x’aktarx jheddu l-integrità fiżika tagħhom ( 55 ).

80.

L-UNHCR jikkunsidra bl-istess mod li n-nisa Afgani li jirritornaw mill-eżilju fl-Ewropa fejn setgħu jadottaw regoli u valuri tal-Punent, kuntrarjament għar-rwoli li tassenjalhom is-soċjetà, it-tradizzjoni u anki s-sistema legali tal-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, jistgħu jitqiesu bħala li jappartjenu għal grupp soċjali partikolari ( 56 ). Ir-rapport ta’ informazzjoni tal-EUAA fuq l-Afganistan (2023) għalhekk jiddikjara b’mod ċar li mara jew mara żagħżugħa Afgana li għexet skont stil ta’ ħajja tal-Punent, minħabba l-imġiba tagħha, ir-relazzjonijiet affettivi, id-dehra, l-attivitajiet, l-opinjonijiet, il-professjoni u/jew ir-residenza tagħha barra mill-pajjiż, x’aktarx titqies bħala li tikser ir-regoli soċjali u reliġjużi stabbiliti u li tkun esposta għal vjolenza domestika, għal kastigi korporali u forom oħra ta’ punizzjoni li jvarjaw mill-iżolament jew l-istigmatizzazzjoni sa delitti tal-unur għal dawk in-nisa akkużati li ġabu għajb fuq il-familja, il-komunità jew it-tribù tagħhom ( 57 ).

81.

Il-Qorti tal-Ġustizzja bħalissa hija adita b’din il-kwistjoni preċiża ħafna fil-kuntest tat-talba għal deċiżjoni preliminari fil-kawża Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Persuni li jidentifikaw mal-valuri tal-Unjoni) (C‑646/21), fuq is-sitwazzjoni ta’ nisa żgħażagħ Iraqini, wara li t-talba sostanzjalment identika fil-kawża Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (C‑456/21), dwar nisa żgħażagħ Afgani, ġiet irtirata ( 58 ).

82.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, nikkunsidra li l-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li ċittadina ta’ pajjiż terz tista’ titqies bħala li tappartjeni għal “grupp soċjali partikolari” għar-raġuni tal-ġeneru tagħha meta jiġi stabbilit, fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni tal-fatti u ċ-ċirkustanzi, li, lil hinn mill-appartenenza sesswali tagħha biss, jiġifieri l-identità tagħha u l-istatus tagħha bħala mara, hija għandha l-identità tagħha stess fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha għaliex hija pperċepita b’mod differenti mis-soċjetà tal-madwar minħabba regoli soċjali, legali jew reliġjużi jew saħansitra riti jew drawwiet ta’ pajjiżha jew tal-komunità li tappartjeni għaliha. Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, in-natura tal-atti li għalihom din iċ-ċittadina tibża’ li tiġi esposta jekk tintbagħat lura lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha hija element rilevanti li l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha tieħu inkunsiderazzjoni.

3. Fuq ir‑raba’ domanda preliminari dwar l‑istabbiliment tar‑rabta kawżali bejn ir‑raġuni għall‑persekuzzjoni u l‑assenza ta’ protezzjoni kontra l‑att ta’ persekuzzjoni (Artikolu 9(3) tad‑Direttiva 2011/95)

83.

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2011/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ atti ta’ vjolenza domestika mwettqa minn attur mhux statali, awtorità nazzjonali kompetenti hijiex meħtieġa li tistabbilixxi rabta kawżali bejn ir-raġuni għall-persekuzzjoni u l-assenza ta’ protezzjoni mill-Istat jew il-partijiet jew l-organizzazzjonijiet li jikkontrollaw dan tal-aħħar.

84.

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, sabiex l-atti ta’ vjolenza domestika, imwettqa, mit-tifsira tagħhom, minn atturi mhux statali, jitqiesu bħala atti ta’ persekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2011/95, l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha tieħu inkunsiderazzjoni, konformement mal-Artikolu 6(c) ta’ din id-direttiva, il-fatt li l-Istat jew il-parti jew l-organizzazzjoni li jikkontrollawha ma jistgħux jew ma jridux jagħtu protezzjoni lill-vittma.

85.

Din id-dimostrazzjoni hija essenzjali, bl-inkapaċità jew, għall-kuntrarju, bil-kapaċità tal-pajjiż ta’ oriġini li jiżgura protezzjoni kontra atti ta’ persekuzzjoni jikkostitwixxu fattur determinanti fl-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi li jwasslu għall-għoti jew, fejn applikabbli, il-waqfien tal-istatus ta’ refuġjat ( 59 ). Fil-fatt, kif osservajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Bundesrepublik Deutschland (Żamma tal-unità tal-familja) ( 60 ), il-protezzjoni internazzjonali hija protezzjoni ta’ sostituzzjoni li tingħata lil applikant meta, u sakemm, il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu ma jkunx f’pożizzjoni li jipproteġih mir-riskju ta’ persekuzzjoni jew dannu serju li tiegħu huwa vittma jew ma jkunx jixtieq jipproteġih ( 61 ), u b’hekk il-biża’ tiegħu jitqies bħala fondat.

86.

Din l-evalwazzjoni dwar jekk hemmx protezzjoni jew le kontra l-persekuzzjoni jew id-dannu serju għandha ssir konformement mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2011/95 ( 62 ).

87.

Fl-ewwel lok, l-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-atturi ta’ din il-protezzjoni. Dan għandu jingħata jew mill-istat jew minn partijiet jew organizzazzjonijiet li jikkontrollaw lil dan tal-aħħar jew parti sinjifikattiva mit-territorju tiegħu. L-awtorità nazzjonali kompetenti, sabiex tevalwa l-eżistenza ta’ din il-protezzjoni, għandha mbagħad tiżgura li dawn tal-aħħar mhux biss ikollhom il-kapaċità, iżda wkoll ir-rieda li jipproteġu lill-applikant kontra l-persekuzzjoni jew id-dannu serju li għalih huwa espost. Dan l-aspett huwa partikolarment importanti meta l-applikant għall-protezzjoni internazzjonali tkun mara li tibża’ li tkun vittma ta’ atti ta’ vjolenza domestika mwettqa fiċ-ċirku tal-familja jekk tirritorna lura fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha.

88.

Fit-tieni lok, skont l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2011/95, il-protezzjoni kontra l-persekuzzjonijiet jew id-dannu serju għandha tkun effettiva u mhux temporanja. Dan jimplika li l-atturi ta’ din il-protezzjoni jadottaw miżuri raġonevoli biex jipprevjenu persekuzzjonijiet jew dannu serju ( 63 ), u li l-applikant ikollu aċċess għal din il-protezzjoni. Din id-dispożizzjoni tirreferi għall-kapaċità tal-Istat li tiegħu l-applikant huwa ċittadin li jipprevjeni jew jissanzjona atti ta’ persekuzzjoni fis-sens ta’ din id-direttiva.

89.

L-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2011/95 jirrikjedi wkoll li l-awtorità nazzjonali kompetenti tistabbilixxi rabta bejn ir-raġunijiet għal persekuzzjoni msemmija fl-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva u l-atti ta’ persekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 9(1) tal-imsemmija direttiva jew l-assenza ta’ protezzjoni kontra tali atti.

90.

F’sitwazzjoni bħal din inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-awtorità nazzjonali kompetenti hija mbagħad obbligata tevalwa jekk tistax tiġi stabbilita rabta kawżali bejn, minn naħa, ir-raġunijiet li fuqhom jistrieħu l-atti ta’ vjolenza domestika mwettqa fid-dar jew fi ħdan il-familja jew iċ-ċirku tal-familja, jiġifieri s-sħubija fi grupp soċjali partikolari, u, min-naħa l-oħra, l-assenza ta’ protezzjoni mill-awtoritajiet tal-pajjiż ta’ oriġini, fis-sens tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2011/95, kontra dawn l-atti.

91.

Din l-evalwazzjoni hija essenzjali sabiex tiġi stabbilita l-impossibbiltà għaċ-ċittadina ta’ pajjiż terz li titlob il-protezzjoni ta’ dan il-pajjiż u l-ġustifikazzjoni tar-rifjut tagħha fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2011/95, minħabba l-inkapaċità jew l-assenza ta’ rieda tal-pajjiż li jipprevjeni, jipproċedi u jissanzjona tali atti.

92.

Din l-evalwazzjoni tista’ tkun partikolarment diffiċli biex titwettaq.

93.

Fir-rigward tal-motivazzjonijiet ta’ atturi mhux statali li jwasslu għall-vjolenza, id-dikjarazzjonijiet tal-applikant fihom neċessarjament elementi suġġettivi u mhux dejjem ikunu sostnuti minn provi diretti jew dokumentali. F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-DAB qieset li r-“rikorrenti hija maġġorenni u ma indikatx li kienet ippersegwitata minħabba l-ġeneru tagħha” meta ppreżentat il-fatti invokati insostenn tat-talba tagħha ta’ protezzjoni internazzjonali. Madankollu, tali talba ma tistax tiġi miċħuda għar-raġuni li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat ma indikax li l-atti ta’ vjolenza li huwa espost għalihom fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu huma marbuta ma’ waħda mir-raġunijiet elenkati fl-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2011/95. Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-dikjarazzjonijiet ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali huma biss il-punt tat-tluq tal-proċess ta’ evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti. Għalkemm l-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jqisu li jkun f’idejn l-applikant għall-protezzjoni internazzjonali li jippreżenta, malajr kemm jista’ jkun, l-elementi kollha meħtieġa sabiex jissostanzja l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali, l-istess dispożizzjoni tipprovdi li jkun f’idejn l-Istat Membru li jevalwa, b’kooperazzjoni ma’ dan l-applikant, l-elementi rilevanti tal-applikazzjoni tiegħu ( 64 ). Madankollu, fost l-elementi rilevanti suġġetti għall-evalwazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, l-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva jsemmi r-“raġunijiet għall-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali”, li neċessarjament jinkludu r-raġuni tal-atti ta’ persekuzzjoni li l-applikant jallega huwa espost għalihom ( 65 ).

94.

Fir-rigward tal-protezzjoni kontra l-persekuzzjonijiet jew id-dannu serju offruta mill-pajjiż ta’ oriġini, l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha tiddetermina sa liema punt din tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2011/95 u, b’mod partikolari, jekk din il-protezzjoni hijiex effettiva.

95.

Għalhekk, konformement mal-Artikolu 4(3)(a) tad-Direttiva 2011/95, din l-awtorità għandha twettaq l-evalwazzjoni individwali tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali billi tieħu inkunsiderazzjoni l-fatti rilevanti kollha li jikkonċernaw il-pajjiż ta’ oriġini, inkluż il-liġijiet u regolamenti ta’ dak il-pajjiż u kif jiġu applikati. Barra minn hekk, skont l‑Artikolu 4(5)(c) ta’ din id-direttiva, in-natura plawżibbli u koerenti tad-dikjarazzjonijiet tar-rikorrent għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-informazzjoni ġenerali u speċifika magħrufa u rilevanti għall-applikazzjoni tiegħu ( 66 ).

96.

F’dan il-kuntest, l-EUAA tindika, fir-rapport ta’ informazzjoni tagħha dwar is-sitwazzjoni fit-Turkija ta’ Novembru 2016 ( 67 ), li, minkejja r-riformi leġiżlattivi introdotti f’dan il-pajjiż bil-għan li jiggarantixxu l-ugwaljanza tal-irġiel u tan-nisa kif ukoll li jipprevjenu d-diversi forom ta’ vjolenza mwettqa kontra n-nisa, inkluża l-vjolenza domestika ( 68 ), l-isforzi implimentati mill-awtoritajiet tal-Istat biex jiġġieldu din il-vjolenza għadhom inadegwati u ineffettivi fir-rigward tal-aċċess tal-vittmi għall-informazzjoni, għall-għajnuna legali, għar-reġistrazzjoni tal-ilmenti u għall-ġustizzja billi l-ordnijiet ġudizzjarji jew ta’ protezzjoni rarament jiġu applikati mill-awtoritajiet tal-pulizija. Fir-rigward tas-servizzi ta’ appoġġ, bħal xelters jew ċentri ta’ appoġġ għall-vittmi maħsuba biex jakkomodaw lin-nisa, li n-numru tagħhom ikun insuffiċjenti, dawn huma inadegwati. Fir-rigward tad-“delitti tal-unur” u tal-vjolenza domestika, dan ir-rapport jinnota li r-rata ta’ kundanni hija partikolarment baxxa, bil-maġġoranza tad-delitti mwettqa f’familji konservattivi fix-Xlokk tat-Turkija. Nirrimarka li dan ir-rapport ma jqisx l-irtirar tat-Turkija mill-Konvenzjoni ta’ Istanbul li seħħet matul is-sena 2021 ( 69 ).

97.

Bl-istess mod, nenfasizza li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, fis-sentenza tagħha M.G. vs It‑Turkija ( 70 ), iddeċidiet bl-istess konstatazzjoni bħal dik li stabbilixxiet fl‑2009 fis-sentenza tagħha Opuz vs It‑Turkija ( 71 ) u fl‑2014 fis-sentenza tagħha Durmaz vs It‑Turkija ( 72 ), jiġifieri dik tal-passività ġudizzjarja mifruxa u diskriminatorja diġà kkonstatata f’kawżi kontra t-Turkija dwar vjolenza domestika u l-inaċċessibbiltà ta’ miżuri protettivi mogħtija lil nisa mhux miżżewġa jew iddivorzjati.

98.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, naħseb li l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ atti ta’ persekuzzjoni mwettqa minn attur mhux statali, l-awtorità nazzjonali kompetenti hija meħtieġa li tistabbilixxi, wara evalwazzjoni individwali tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali wara li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatti rilevanti kollha li jikkonċernaw il-pajjiż ta’ oriġini, inklużi l-liġijiet u r-regolamenti ta’ dak il-pajjiż u l-mod li bih huma applikati, jekk hemmx rabta kawżali bejn, minn naħa, ir-raġunijiet li fuqhom huma bbażati dawn l-atti ta’ vjolenza, jiġifieri l-fatt li ċ-ċittadina ta’ pajjiż terz tappartjeni fi grupp soċjali partikolari, u, min-naħa l-oħra, l-assenza ta’ protezzjoni mill-awtoritajiet tal-pajjiż ta’ oriġini, fis-sens tal-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva.

B.   Il‑kundizzjonijiet għall‑għoti tal‑istatus ikkonferit mill‑protezzjoni sussidjarja, fis‑sens tal‑Artikolu 2(f) tad‑Direttiva 2011/95

99.

Permezz tal-ħames domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob kjarifika fuq il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ protezzjoni sussidjarja, kif iddefinita fl-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2011/95, lil ċittadina ta’ pajjiż terz li ma tistax tiġi rrikonoxxuta bħala refuġjata, iżda li tkun f’riskju li tkun vittma ta’ delitt tal-unur kif ukoll atti ta’ vjolenza domestika, ta’ żwieġ furzat u ta’ miżuri ta’ stigmatizzazzjoni jekk tintbagħat lura lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha.

100.

Din il-qorti tiffoka d-domanda tagħha fuq żewġ aspetti li ser neżamina suċċessivament.

101.

L-ewwel aspett jirrigwarda sa fejn l-atti ta’ vjolenza li din iċ-ċittadina tirriskja li ssofri jistgħux jiġu kklassifikati bħala “dannu serju”, fis-sens tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2011/95, sa fejn jheddu lill-ħajjitha serjament, jew jikkostitwixxu trattament inuman jew degradanti.

102.

It-tieni aspett jikkonċerna r-rekwiżit li ċ-ċittadina ta’ pajjiż terz għandha tkun esposta għal riskju reali li ssofri dannu serju msemmi fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2011/95, fejn din ma tistax jew ma tkunx trid tuża l-protezzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini tagħha.

1. Dwar il‑klassifikazzjoni bħala “dannu serju” tal‑atti ta’ vjolenza li ċ‑ċittadina ta’ pajjiż terz tirriskja li ssofri, fis‑sens tal‑Artikolu 15 tad‑Direttiva 2011/95.

103.

Il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2011/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fis-sitwazzjoni li fiha ċittadina ta’ pajjiż terz issostni li tirriskja li tkun vittma ta’ delitt tal-unur; u li tkun suġġetta għal atti ta’ vjolenza bbażati fuq il-ġeneru jekk tintbagħat lura lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha, huwa biżżejjed li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ riskju reali li tgħaddi mill-“piena kapitali jew eżekuzzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 15(a) ta’ din id-direttiva, jew jekk ikun meħtieġ li tiġi stabbilita, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni globali, l-eżistenza ta’ riskju ta’ “trattament inuman jew degradanti”, fis-sens tal-Artikolu 15(b) tal-imsemmija direttiva.

104.

L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2011/95 jiddefinixxi tliet tipi ta’ “dannu serju”, li l-karatterizzazzjoni tagħhom hija tali li timplika, għall-persuna li ssofrihom, l-għoti ta’ protezzjoni sussidjarja. Dan jinkludi, b’mod partikolari, dannu serju kif iddefinit fl-Artikolu 15(a) ta’ din id-direttiva (li jikkorrispondi, fis-sustanza, mal-Artikolu 2 tal-KEDB u mal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 6 ta’ din tal-aħħar ( 73 )), bħal “il-piena jew eżekuzzjoni”, u dik iddefinita fl-Artikolu 15(b) ta’ din id-direttiva (li tikkorrispondi, essenzjalment, mal-Artikolu 3 tal-KEDB ( 74 )), bħat-“tortura jew trattament inuman jew degradanti jew kastig”. Kif irrikonoxxiet il-Qorti tal-Ġustizzja, dan id-“dannu serju” ikopri sitwazzjonijiet li fihom l-applikant għall-protezzjoni internazzjonali huwa “espost speċifikament għar-riskju ta’ preġudizzju ta’ tip partikolari” jew għal “vjolenzi speċifiċi” ( 75 ).

105.

Ninnota li d-“dannu serju” li l-applikant għall-protezzjoni internazzjonali jirriskja li jsofri huwa elenkat fl-Artikolu 15(a) u (b) tad-Direttiva 2011/95 b’mod alternattiv: “(a) piena kapitali jew eżekuzzjoni; jew (b) tortura jew trattament inuman jew degradanti” ( 76 ). Din il-lista tixhed ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jkopri kemm jista’ jkun is-sitwazzjonijiet li fihom iċ-ċittadin ta’ pajjiżi terzi għandu jibbenefika minn protezzjoni internazzjonali, anki jekk ikun ġie rrifjutat l-istatus ta’ refuġjat.

106.

Fir-rigward tal-kunċett ta’ “delitt tal-unur”, mill-ħidma mwettqa mill-Kunsill tal-Ewropa jirriżulta li dan jirreferi għal kull att li bih membru tal-familja jew tal-komunità joqtol, jimmutila, jaħraq jew jidrob mara bil-għan li jerġa’ jistabbilixxi l-unur tal-familja, għar-raġuni li din tal-aħħar, bl-għażla tal-ħajja tagħha, ir-rieda tagħha ta’ emanċipazzjoni, ir-rifjut ta’ żwieġ jew saħansitra l-orjentazzjoni sesswali tagħha, kisret ir-regoli kulturali, reliġjużi, jew tradizzjonali ( 77 ). Dan l-att, sa fejn ikun jikkonsisti għal membru tal-familja jew tal-komunità fil-qtil ta’ persuna, jista’ jittieħed mill-aspett tal-Artikolu 15(a) tad-Direttiva 2011/95 peress li jikkonsisti f’“eżekuzzjoni”.

107.

Jidhirli importanti li l-kunċett ta’ “eżekuzzjoni” ma jiġix irriżervat għal att imwettaq mill-awtoritajiet tal-Istat. Fil-fatt, jekk dan id-“delitt tal-unur” jikkonsisti fil-qtil ta’ persuna, ma jistax jiġi kklassifikat biss bħala “tortura jew trattament inuman jew degradanti”, fis-sens tal-Artikolu 15(b) tad-Direttiva 2011/95 għall-unika raġuni li twettaq minn attur mhux statali. Barra minn hekk, l-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva jipprovdi li l-atturi ta’ dannu serju jistgħu jkunu atturi mhux statali jekk jista’ jintwera li l-istat jew il-partijiet jew l-organizzazzjonijiet li jikkontrollaw lil dawn tal-aħħar ma jistgħux jew ma jridux jagħtu protezzjoni kontra d-dannu serju. Barra minn hekk, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Artikolu 2 tal-KEDB ikopri sitwazzjonijiet li fihom l-Istat naqas mill-obbligu tiegħu li jipproteġi l-ħajja ta’ persuna, filwaqt li kien ġie informat bl-eżistenza ta’ theddida reali u immedjata għal ħajjitha minħabba l-atti kriminali ta’ terza persuna. Għalhekk, fis-sentenza Opuz vs It‑Turkija ( 78 ), dik il-qorti ddeċidiet li l-Istat kellu l-obbligu li jieħu miżuri prattiċi preventivi biex jipproteġi persuna li kienet vittma ta’ vjolenza domestika u li kienet identifikabbli minn qabel bħala mira potenzjali ta’ azzjoni ta’ qtil sabiex jiġi difiż l-unur. Skont l-imsemmija qorti, l-Artikolu 2 tal-KEDB għalhekk jirrikjedi li l-Istat jiżgura d-dritt għall-ħajja billi jistabbilixxi leġiżlazzjoni kriminali konkreta li tiskoraġġixxi t-twettiq ta’ attakki kontra l-persuna u li tistrieħ fuq mekkaniżmu ta’ applikazzjoni maħsub biex jipprevjeni, jirreprimi u jissanzjona l-ksur ( 79 ).

108.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, mill-mument meta l-awtorità nazzjonali kompetenti tistabbilixxi, wara evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ, li l-persuna kkonċernata tinsab f’riskju li tinqatel f’isem l-unur tal-familja tagħha jew tal-komunità tagħha u li dan ir-riskju huwa reali u fondat, minħabba l-assenza ta’ protezzjoni mill-awtoritajiet tal-pajjiż ta’ oriġini tagħha, tali att għandu jiġi kklassifikat bħala “eżekuzzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 15(a) tad-Direttiva 2011/95, u jista’ fih innifsu jirriżulta fl-għoti ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja jekk il-kundizzjonijiet l-oħra stabbiliti għal dan il-għan ikunu ssodisfatti.

109.

L-għoti ta’ dan l-istatus ma jeħtieġx li jiġi stabbilit li l-persuna kkonċernata tkun, barra minn hekk, esposta għar-riskju li tkun vittma ta’ atti ta’ tortura jew ta’ trattament jew kastigi inumani jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 15(b) ta’ din id-direttiva.

110.

Jiena nfakkar, madankollu, li l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha twettaq karatterizzazzjoni sħiħa tad-dannu serju li l-persuna kkonċernata tirriskja li tbati jekk tintbagħat lura lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha ( 80 ). Minn naħa, dan jirriżulta mir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95, li bis-saħħa tiegħu l-awtorità nazzjonali kompetenti hija obbligata twettaq eżami xieraq u effettiv tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali sabiex tiggarantixxi evalwazzjoni eżawrjenti tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni tal-persuna kkonċernata. F’dan ir-rigward, infakkar li din l-awtorità diġà evalwat in-natura u l-portata tal-atti li għalihom hija esposta l-persuna kkonċernata fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha fil-qafas tal-eżami tal-kundizzjonijiet stabbiliti għall-finijiet tal-għoti tal-istatus ta’ refuġjat. Min-naħa l-oħra, dan għandu jippermetti li jiġu evitati sitwazzjonijiet delikati li fihom il-persuna kkonċernata titqies, skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2011/95, bħala li ma tibqax persuna li tista’ tibbenefika minn protezzjoni sussidjarja minħabba tibdil fiċ-ċirkustanzi fil-pajjiż ta’ oriġini u għalhekk l-istatus tagħha jiġi rtirat qabel iż-żmien bħala riżultat ta’ karatterizzazzjoni insuffiċjenti tar-riskji ( 81 ).

111.

Minn dawn il-fatturi jirriżulta li l-Artikolu 2(f) u l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2011/95 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fis-sitwazzjoni li fiha l-awtorità nazzjonali kompetenti tistabbilixxi, wara evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ, li, fil-każ ta’ ritorn lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha, din iċ-ċittadina mhux biss tirriskja li tinqatel f’isem l-unur tal-familja jew tal-komunità tagħha, iżda wkoll li tkun vittma ta’ atti ta’ tortura jew ta’ trattament jew kastigi inumani jew degradanti li jirriżultaw minn atti ta’ vjolenza domestika jew kwalunkwe att ieħor ta’ vjolenza bbażat fuq il-ġeneru, din l-awtorità hija meħtieġa li tikkaratterizza dawn l-atti bħala li jikkostitwixxu “dannu serju”.

2. Fuq l‑istabbiliment ta’ riskju reali li jkun hemm dannu serju, fis‑sens tal‑Artikolu 2(f) tad‑Direttiva 2011/95

112.

Il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2011/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fis-sitwazzjoni li fiha ċittadina ta’ pajjiż terz issostni li tirriskja li tkun vittma ta’ delitt tal-unur u li ssofri atti ta’ vjolenza bbażata fuq il-ġeneru jekk tintbagħat lura lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha, huwa biżżejjed li jiġi stabbilit li din il-persuna mhux lesta li tagħmel użu mill-protezzjoni ta’ dan il-pajjiż, jew jekk hija meħtieġa li tistabbilixxi r-raġunijiet għalfejn din tal-aħħar ma tixtieqx tagħmel użu minn din il-protezzjoni.

113.

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fis-sentenza N. vs L‑Isvezja ( 82 ) dwar il-ksur tal-Artikolu 3 tal-KEDB f’sitwazzjoni li fiha ċittadina Afgana, li hija sseparata minn żewġha u ma tikkonformax mar-rwoli li jattribwixxulha s-soċjetà, it-tradizzjoni jew saħansitra l-ordinament ġuridiku, tesponi ruħha għal riskju ta’ trattament ħażin f’każ li tintbagħat lura lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha, il-kundizzjonijiet tal-akkoljenza u tal-ħajja fix-xelters tan-nisa jġiegħlu lil dawn in-nisa jirritornaw lejn djarhom fejn ikunu vittmi ta’ abbuż jew ta’ delitti tal-unur.

114.

Fi ħdan is-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil, il-protezzjoni sussidjarja tikkomplementa r-regoli dwar l-istatus ta’ refuġjat stabbiliti mill-Konvenzjoni ta’ Genève.

115.

Konformement mal-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2011/95, “persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja” hija persuna li ma tistax tiġi kkunsidrata bħala refuġjata, iżda li għaliha hemm raġunijiet serji u pprovati biex wieħed jaħseb li, jekk tiġi rritornata lejn pajjiż ta’ oriġini, tkun f’riskju reali li ssofri dannu serju kif iddefinit fl-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva, peress li din il-persuna ma tkunx tista’ jew, minħabba dan ir-riskju, ma tkunx lesta li tieħu vantaġġ mill-protezzjoni ta’ dan il-pajjiż.

116.

B’hekk, bħad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “refuġjat”, stabbilita fl-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2011/95, li teħtieġ li tiġi stabbilita n-natura fondata tal-biża’ tal-applikant għall-protezzjoni internazzjonali li jiġi ppersegwitat jekk imur lura lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja”, imsemmija fl-Artikolu 2(f) ta’ din id-direttiva, teħtieġ, bl-istess mod, li tiġi stabbilita n-natura fondata tar-riskju li għalih dan l-applikant ikun espost li jsofri dannu serju ladarba jirritorna f’dan il-pajjiż. Infakkar li din id-dimostrazzjoni hija meħtieġa sabiex tiġi stabbilita l-impossibbiltà għal din il-persuna jew ir-rifjut iġġustifikat ta’ din il-persuna li titlob il-protezzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini tagħha u teħtieġ li l-awtorità nazzjonali kompetenti tevalwa, fuq il-bażi tal-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva, il-kapaċità u r-rieda ta’ dan il-pajjiż li jipprevjeni dawn l-atti, għall-prosekuzzjoni u għas-sanzjoni tagħhom.

117.

Nippreċiża, f’dan ir-rigward, li r-rekwiżiti stabbiliti f’dan l-artikolu fir-rigward tan-natura u l-portata tal-protezzjoni meħtieġa jikkonċernaw kemm il-persekuzzjoni li l-applikant qiegħed jirriskja li jkun espost għaliha kif ukoll id-dannu serju li dan tal-aħħar qiegħed jirriskja li jsofri jekk jintbagħat lura lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu. Madankollu, meta l-awtorità nazzjonali kompetenti teżamina jekk l-applikant jissodisfax il-kundizzjonijiet biex jibbenefika minn protezzjoni sussidjarja, hija tkun diġà stabbilixxiet il-kapaċità jew l-inkapaċità kif ukoll ir-rieda jew l-assenza ta’ rieda tal-pajjiż ta’ oriġini biex jiżgura l-protezzjoni meħtieġa fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2011/95, fil-kuntest tal-eżami tal-kundizzjonijiet ta’ għoti tal-istatus ta’ refuġjat.

118.

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fis-sitwazzjoni li fiha ċittadina ta’ pajjiż terz issostni li tirriskja li tkun vittma ta’ delitt tal-unur u li ssofri atti ta’ vjolenza bbażata fuq il-ġeneru jekk tintbagħat lura lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha, l-awtorità nazzjonali kompetenti hija meħtieġa tistabbilixxi jekk l-Istat jew il-partijiet jew l-organizzazzjonijiet li jikkontrollaw lil dawn tal-aħħar joffrux protezzjoni kontra dan id-dannu serju li tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva sabiex jiġi ddeterminat jekk dan ir-riskju huwiex iġġustifikat.

V. Konklużjoni

119.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula mill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija) kif ġej:

Fis-sitwazzjoni li fiha ċittadina ta’ pajjiż terz tagħmel applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għar-raġuni li tibża’, jekk tintbagħat lura lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha, li tkun vittma ta’ delitt tal-unur jew ta’ żwieġ furzat kif ukoll li tkun esposta għal atti ta’ vjolenza domestika mwettqa fi ħdan id-dar:

1)

L-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat lil persuna li tibża’ li tkun vittma ta’ atti ta’ vjolenza bbażata fuq il-ġeneru fil-każ ta’ ritorn lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha għandu jiġi eżaminat fid-dawl tad-dispożizzjonijiet previsti għal dan il-għan minn din id-direttiva, li għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-iskema ġenerali u l-għan tagħha, f’konformità mal-Konvenzjoni ta’ Genève, konformement mal-Artikolu 78(1) TFUE, u mhux ibbażat fuq id-definizzjonijiet li jinsabu fil-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa u fil-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (Konvenzjoni ta’ Istanbul), li ma humiex “trattati oħra rilevanti”, fis-sens ta’ dan l-artikolu.

Din l-interpretazzjoni għandha tirrispetta wkoll id-drittijiet irrikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

2)

L-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva 2011/95

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ċittadina ta’ pajjiż terz tista’ titqies bħala li tappartjeni għal “grupp soċjali partikolari” għar-raġuni tal-ġeneru tagħha meta jiġi stabbilit, fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni tal-fatti u ċ-ċirkustanzi, li, lil hinn mill-appartenenza sesswali tagħha biss, jiġifieri l-identità tagħha u l-istatus tagħha bħala mara, hija għandha l-identità tagħha stess fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha għaliex hija pperċepita b’mod differenti mis-soċjetà tal-madwar minħabba regoli soċjali, legali jew reliġjużi jew saħansitra riti jew drawwiet ta’ pajjiżha jew tal-komunità li tappartjeni għaliha. Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, in-natura tal-atti li għalihom din iċ-ċittadina tibża’ li tiġi esposta jekk tintbagħat lura lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha hija element rilevanti li l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha tieħu inkunsiderazzjoni.

3)

L-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2011/95

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

fil-każ ta’ atti ta’ persekuzzjoni mwettqa minn attur mhux statali, l-awtorità nazzjonali kompetenti hija meħtieġa li tistabbilixxi, wara evalwazzjoni individwali tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali wara li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatti rilevanti kollha li jikkonċernaw il-pajjiż ta’ oriġini, inklużi l-liġijiet u r-regolamenti ta’ dak il-pajjiż u l-mod li bih huma applikati, jekk hemmx rabta kawżali bejn, minn naħa, ir-raġunijiet li fuqhom huma bbażati dawn l-atti ta’ vjolenza, jiġifieri l-fatt li ċ-ċittadina ta’ pajjiż terz tappartjeni fi grupp soċjali partikolari, u, min-naħa l-oħra, l-assenza ta’ protezzjoni mill-awtoritajiet tal-pajjiż ta’ oriġini, fis-sens tal-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva.

4)

Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ikkonferit mill-protezzjoni sussidjarja, l-Artikolu 2(f) u l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2011/95

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

fis-sitwazzjoni li fiha l-awtorità nazzjonali kompetenti tistabbilixxi, wara evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ, li, fil-każ ta’ ritorn lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha, din iċ-ċittadina mhux biss tirriskja li tinqatel f’isem l-unur tal-familja jew tal-komunità tagħha, iżda wkoll li tkun vittma ta’ atti ta’ tortura jew ta’ trattament jew kastigi inumani jew degradanti li jirriżultaw minn atti ta’ vjolenza domestika jew kwalunkwe att ieħor ta’ vjolenza bbażat fuq il-ġeneru, din l-awtorità hija meħtieġa li tikkaratterizza dawn l-atti bħala li jikkostitwixxu “dannu serju”.

Sabiex jiġi ddeterminat jekk dan ir-riskju huwiex iġġustifikat, l-awtorità nazzjonali kompetenti hija meħtieġa tistabbilixxi jekk l-awtoritajiet tal-Istat jew il-partijiet jew l-organizzazzjonijiet li jikkontrollaw lil dawn tal-aħħar joffrux protezzjoni kontra dan id-dannu serju li tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9).

( 3 ) Fid-dawl tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dawn il-konklużjonijiet jindirizzaw il-kwistjoni tal-vjolenza domestika mwettqa fir-rigward tan-nisa. Madankollu għandu jitfakkar li, kif iddeċidiet il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fis-sentenza ewlenija tagħha tad‑9 ta’ Ġunju 2009, Opuz vs It‑Turkija (CE:ECHR:2009:0609JUD003340102, punt 132), il-vjolenza domestika “ma tikkonċernax esklużivament lin-nisa. L-irġiel jistgħu wkoll ikunu vittmi ta’ vjolenza domestika, kif ukoll it-tfal, li ħafna drabi jkunu vittmi diretti jew indiretti.”

( 4 ) C‑930/19, EU:C:2021:225.

( 5 ) Punti 94 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 6 ) EU:C:2021:198. Il-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Istanbul”), adottata mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa fis‑7 ta’ April 2011, daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Awwissu 2014 (Sensiela ta’ Trattati tal-Kunsill tal-Ewropa, Nru 210). L-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea ffirmawha u rratifikawha ħlief ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, l-Ungerija u r-Repubblika Slovakka li ma rratifikawhiex. Ir-Repubblika tat-Turkija rratifikat din il-konvenzjoni fl‑14 ta’ Marzu 2012 u ħabbret l-irtirar tagħha b’att datat it‑22 ta’ Marzu 2021, dan l-irtirar daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Lulju 2021.

( 7 ) Punt 161 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 8 ) Il-konvenzjoni daħlet fis-seħħ fit‑22 ta’ April 1954 (Ġabra ta’ Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”), kif issupplimentata mill-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, konkluż f’New York fil‑31 ta’ Jannar 1967 u li daħal fis-seħħ fl‑4 ta’ Ottubru 1967.

( 9 ) Konvenzjoni adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fit‑18 ta’ Diċembru 1979 u li daħlet fis-seħħ fit‑3 ta’ Settembru 1981 (Ġabra ta’ Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1249, p. 13, Nru 20378 (1981)).

( 10 ) Rakkomandazzjoni adottata fil-ħdax-il sessjoni (1992).

( 11 ) Rakkomandazzjoni adottata fis‑26 ta’ Lulju 2017.

( 12 ) Dikjarazzjoni adottata fl‑20 ta’ Diċembru 1993 mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fir-Riżoluzzjoni 48/104.

( 13 ) Iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, iktar ’il quddiem il-“KEDB”.

( 14 ) DV Nru 54, tal‑31 ta’ Mejju 2002.

( 15 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60).

( 16 ) Bis-saħħa tal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2013/32, l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha tiddetermina jekk l-applikant jissodisfax il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat qabel ma teżamina jekk jissodisfax il-kundizzjonijiet biex ikun jista’ jibbenefika minn protezzjoni sussidjarja. Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto (C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 89).

( 17 ) Skont iċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ speċifiku, nemmen li dawn l-atti ta’ vjolenza jistgħu jirriżultaw, jew min-natura tagħhom jew ir-repetizzjoni tagħhom, fi “vjolazzjoni serja ta’ drittijiet bażiċi tal-bniedem” fis-sens tal-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, jew tilħaq “ċertu livell ta’ gravità”, fis-sens tas-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2020, Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (Servizz militari u ażil) (C‑238/19, EU:C:2020:945, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, l-UNHCR jinnota fil-Prinċipji Gwida tiegħu dwar il-Protezzjoni Internazzjonali Nru 1: Persekuzzjoni relatata mal-ġeneru fi ħdan il-qafas tal-Artikolu 1A(2) tal-Konvenzjoni tal‑1951 u/jew il‑Protokoll tal‑1967 tagħha dwar l-Istatus tar-Refuġjati (iktar ’il quddiem il-“prinċipji gwida fuq il-persekuzzjoni relatata mal-ġeneru”), tat‑8 ta’ Lulju 2008, li ma hemmx dubju li “l-istupru u forom oħra ta’ vjolenza marbuta mal-ġeneru, bħall-vjolenza relatata mad-dota, il-mutilazzjoni ġenitali femminili, il-vjolenza domestika u l-ittraffikar tal-bnedmin […], huma atti li jikkaġunaw tbatija qawwija, kemm mentali kif ukoll fiżika, u jintużaw bħala forom ta’ persekuzzjoni, kemm jekk imwettqa minn Stati jew minn persuni privati” (punt 9). Ara wkoll, fuq l-istess linji, il-punt 310 tar-Rapport Spjegattiv tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (Sensiela ta’ Trattati tal-Kunsill tal-Ewropa, Nru 210, iktar ’il quddiem ir-“Rapport Spjegattiv tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul”).

( 18 ) Il-punt 44 tar-Rapport Spjegattiv tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul jispeċifika li l-kunċett ta’ “vjolenza bbażata fuq il-ġeneru kontra n-nisa” huwa distint minn forom oħra ta’ vjolenza fis-sens li “l-ġeneru tal-vittma huwa l-motiv prinċipali għall-atti ta’ vjolenza deskritti fis-subparagrafu tal-[vjolenza kontra n-nisa]. Fi kliem ieħor, il-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru tirreferi għal kull ħsara mġarrba minn mara li hija kemm il-kawża kif ukoll il-konsegwenza ta’ relazzjonijiet ta’ poter mhux ugwali bbażati fuq differenzi pperċepiti bejn l-irġiel u n-nisa u li jwasslu għal subordinazzjoni.tan-nisa kemm fl-isferi pubbliċi kif ukoll privati”.

( 19 ) Punt 300 ta’ dan ir-Rapport Spjegattiv.

( 20 ) Ara wkoll l-Artikolu 18 tal-Karta kif ukoll il-premessi 3, 4, 12, 23 u 24 tad-Direttiva 2011/95 (sentenzi tal‑14 ta’ Mejju 2019, M et (Revoka tal-istatus ta’ refuġjat) (C‑391/16, C‑77/17 u C‑78/17, EU:C:2019:403, punt 80 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), u tad‑19 ta’ Novembru 2020, Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (Servizz militari u ażil) (C‑238/19, EU:C:2020:945, punt 20)).

( 21 ) Ara l-premessi 23 u 24 tad-Direttiva 2011/95. Ara wkoll is-sentenzi tal‑14 ta’ Mejju 2019, M et (Revoka tal-istatus ta’ refuġjat), (C‑391/16, C‑77/17 u C‑78/17, EU:C:2019:403, punti 8183, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), u tad‑19 ta’ Novembru 2020, Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (Servizz militari u ażil) (C‑238/19, EU:C:2020:945, punt 19).

( 22 ) C‑238/19, EU:C:2020:945.

( 23 ) Punt 49 ta’ din is-sentenza. Ara wkoll is-sentenza tal‑24 ta’ April 2018, MP (Protezzjoni sussidjarja ta’ vittma ta’ torturi passati) (C‑353/16, EU:C:2018:276, punti 54 sa 56), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddistingwiet il-mekkaniżmi implimentati mid-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad‑29 ta’ April 2004 dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96), minn dawk stabbiliti mill-konvenzjoni kontra t-tortura u trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, adottata fi New York mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl‑10 ta’ Diċembru 1984 (Ġabra ta’ Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1465, p. 85, Nru 24841 (1987)).

( 24 ) Il-punt 6 ta’ dawn il-prinċipji gwida. L-UNHCR jirrileva, fil-punt 5 tal-prinċipji msemmija, li “[s]torikament, id-definizzjoni ta’ refuġjat ġiet interpretata fil-kuntest ta’ esperjenzi maskili, li jfisser li ħafna applikazzjonijiet minn nisa jew omosesswali ma ġewx irrikonoxxuti. Madankollu, matul l-aħħar għaxar snin, l-analiżi u l-fehim tal-kunsiderazzjonijiet tas-sess u tal-ġeneru fil-kuntest tar-refuġjati avvanzaw b’mod sinjifikattiv fil-ġurisprudenza, fil-prattika tal-Istati b’mod ġenerali u fit-testi universitarji. Dawn l-iżviluppi straħu fuq l-evoluzzjoni tad-dritt u r-regoli internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem […], u b’mod parallel ma’ din l-evoluzzjoni, kif ukoll fuq l-evoluzzjoni tal-friegħi relatati tad-dritt internazzjonali, inkluża l-ġurisprudenza tal-Qrati Kriminali Internazzjonali ta’ dik li kienet il-Jugoslavja u r-Rwanda u l-Istatut tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (l-Istatut ta’ Ruma)”.

( 25 ) Kif jidher mit-termini tal-premessa 30 tad-Direttiva 2011/95, l-aspetti relatati mal-kunċett ta’ “ġeneru” ġew introdotti waqt it-tfassil mill-ġdid tad-Direttiva 2004/83, li jissostitwixxu dak ta’ “sess” li kien użat qabel.

( 26 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑23 ta’ Mejju 2019, Bilali (C‑720/17, EU:C:2019:448, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll il-premessa 22 tad-Direttiva 2011/95.

( 27 ) Punt 3 ta’ dawn il-prinċipji gwida.

( 28 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI (ĠU 2012, L 315, p. 57).

( 29 ) Ara, f’dan ir-rigward, l-Opinjoni 1/19 (Konvenzjoni ta’ Istanbul), tas‑6 ta’ Ottubru 2021 (ECLI:EU:C:2021:832). Il-pass li jmiss, jiġifieri l-adeżjoni formali tal-Unjoni mal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, jeħtieġ l-adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea wara li jkun kiseb il-kunsens tal-Parlament Ewropew. Il-finalizzazzjoni tal-adeżjoni tal-Unjoni ma’ din il-konvenzjoni hija prijorità tal-istrateġija tal-Unjoni favur l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa għall-perijodu 2020‑2025: ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, bit-titolu “Unjoni ta’ Ugwaljanza: Strateġija dwar l-Ugwaljanza Bejn il-Ġeneri għall‑2020‑2025” (COM(2020) 152 final) (p. 4).

( 30 ) Fil-preżent, l-Istati Membri kollha ffirmaw il-Konvenzjoni ta’ Istanbul u 21 minnhom irratifikawha (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet), għalkemm ir-Repubblika tal-Polonja indikat, fil‑25 ta’ Lulju 2020, l-intenzjoni tagħha li tirtira minn din il-konvenzjoni, ħaġa li l-Unjoni u l-Kunsill tal-Ewropa kkundannaw (ara l-Bulletin Quotidien Europe Nru 12536, Agence Europe, 28 ta’ Lulju 2020, p. 7 u 8).

( 31 ) Pereżempju, l-Artikolu 12(1), tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul jirrikjedi li l-Istati Partijiet jieħdu “l-miżuri meħtieġa biex jippromwovu bidliet fil-mudelli soċjali u kulturali ta’ mġiba tal-irġiel u tan-nisa, bil-għan li jeliminaw preġudizzji, kostumi, tradizzjonijiet u kull prattika oħra li huma bbażati fuq l-idea ta’ inferjorità tan-nisa jew fuq ir-rwoli sterjotipati tan-nisa u l-irġiel” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

( 32 ) Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2020, Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (Servizz militari u ażil) (C‑238/19, EU:C:2020:945, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 33 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Ahmedbekova (C‑652/16, EU:C:2018:801, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 34 ) Ara wkoll il-premessa 30 tad-Direttiva 2011/95.

( 35 ) Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2011/95 għandu jinqara flimkien mal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu. Fis-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Ahmedbekova (C‑652/16, EU:C:2018:801, punt 86), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, “indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk il-parteċipazzjoni ta’ ċittadin tal-Azerbajġan fil-preżentata ta’ rikors kontra dan il-pajjiż quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, bil-għan li jiġi kkonstatat ksur tal-libertajiet fundamentali mir-reġim li qiegħed fil-poter, tittraduċix ruħha f’‘opinjoni politika’ min-naħa ta’ dan iċ-ċittadin, jeħtieġ li jiġi eżaminat, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-motivi ta’ persekuzzjoni invokati fl-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali mressqa mill-imsemmi ċittadin, jekk jeżistux raġunijiet fondati għall-biża’ li l-imsemmija parteċipazzjoni tiġi pperċepita mill-imsemmi reġim bħala att ta’ nuqqas ta’ qbil fuq livell politiku li fil-konfront tiegħu huwa jista’ jipprevedi li jeżerċita xi ritaljazzjonijiet”.

( 36 ) Ara l-Artikolu 12(d) tal-proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar standards minimi relatati mal-kundizzjonijiet li ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni mingħajr stat għandhom jissodisfaw sabiex jikkwalifikaw għall-istatus ta’ refuġjat jew ta’ persuna li, għal raġunijiet oħra, tkun fi ħtieġa ta’ protezzjoni internazzjonali, u relatata mal-kontenut ta’ dan l-istatus (COM(2001) 510 finali).

( 37 ) C‑199/12 sa C‑201/12, EU:C:2013:720.

( 38 ) Punt 46 ta’ din is-sentenza. Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet tgħid fl-istess punt li “[d]in l-interpretazzjoni hija kkonfermata mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(1)(d), li minnha jirriżulta li, skont il-kundizzjonijiet li jipprevalu fil-pajjiż ta’ orġini, grupp soċjali partikolari jista’ jkun grupp li l-membri tiegħu għandhom bħala karatteristika komuni orjentazzjoni sesswali”.

( 39 ) Ara l-Prinċipji Gwida dwar il-Protezzjoni Internazzjonali Nru 2: “Sħubija fi grupp soċjali partikolari” taħt l-Artikolu 1A(2) tal-Konvenzjoni tal‑1951 u/jew il-Protokoll tagħha tal‑1967 dwar l-Istatus tar-Refuġjati (iktar ’il quddiem il-“prinċipji gwida dwar sħubija ta’ grupp soċjali partikolari”), tat‑8 ta’ Lulju 2008 (punti 2 u 14). Dan ma jfissirx, madankollu, kif tenfasizza l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, li l-persuni kollha li jibżgħu li jkunu esposti għal atti ta’ persekuzzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom jistgħu jitqiesu li jappartjenu għal grupp soċjali partikolari fis-sens tal-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva 2011/95, peress li interpretazzjoni bħal din ċċaħħad minn kull effettività r-raġunijiet l-oħra msemmija fl-Artikolu 10(1) ta’ din id-direttiva. Din hija wkoll l-opinjoni espressa mill-UNHCR li jqis, fil-prinċipji gwida tiegħu dwar sħubija ta’ grupp soċjali partikolari, li l-grupp soċjali għandu jkun identifikabbli indipendentement mill-persekuzzjoni, iżda li, madankollu, att ta’ persekuzzjoni kontra grupp jista’ jkun element rilevanti fid-determinazzjoni tal-viżibilità ta’ dan il-grupp f’soċjetà partikolari (punti 2 u 14).

( 40 ) Fil-prinċipji gwida tiegħu dwar sħubija ta’ grupp soċjali partikolari, l-UNHCR jenfasizza li s-sħubija fi grupp soċjali partikolari għandha tinftiehem f’sens evoluttiv, miftuħ għad-diversità u għall-bidliet fin-natura ta’ gruppi f’soċjetajiet differenti, kif ukoll għall-evoluzzjoni ta’ standards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem (punt 3).

( 41 ) Ir-Rapport Spjegattiv tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul jispeċifika li “it-terminu ‘ġeneru’, ibbażat fuq iż-żewġ sessi, irġiel u nisa, jispjega li hemm ukoll rwoli, imġiba, attivitajiet u attributi mibnija soċjalment, meqjusa bħala xierqa għan-nisa u l-irġiel minn soċjetà partikolari” (punt 43).

( 42 ) Huwa interessanti li wieħed jinnota li l-Artikolu 12(d) tal-proposta tal-Kummissjoni ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet iddikjara espressament li l-kunċett ta’ “grupp soċjali” kien ikopri “ukoll gruppi ta’ persuni meqjusa bħala ‘inferjuri’ f’għajnejn il-liġi”. Ara wkoll il-prinċipji gwida fuq il-persekuzzjoni relatata mal-ġeneru (punt 30).

( 43 ) Ara l-prinċipji gwida fuq il-persekuzzjoni relatata mal-ġeneru (punt 31).

( 44 ) Kif jindika l-UNHCR fil-prinċipji gwida tiegħu fuq il-persekuzzjoni relatata mal-ġeneru, l-adozzjoni ta’ interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Genève li tikkunsidra l-ġeneru ma tfissirx li n-nisa kollha huma awtomatikament intitolati għall-istatus ta’ refuġjat (punt 4).

( 45 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 46 ) Ara l-prinċipji gwida dwar sħubija ta’ grupp soċjali partikolari (punti 2 u 14).

( 47 ) Ara, pereżempju, fil-ġurisprudenza Franċiża, Denis-Linton, M., u Malvasio, F., Trente ans de jurisprudence de la Cour nationale du droit d’asile et du Conseil d’Etat sur l’asile, Principales décisions de 1982 au 31 décembre 2011, Marzu 2012. Ara wkoll is-sentenzi tal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) tal‑21 ta’ Diċembru 2012, Mme A… B… (Nru 332491), kif ukoll tal-Cour nationale du droit d’asile (CNDA) (il-Qorti Nazzjonali tad-Dritt ta’ Ażil (CNDA), Franza) tal‑25 ta’ Marzu 2021, Mmes S. (Nri 20006893 u 20006894 C), li fiha ċ-CNDA rrikonoxxiet l-istatus ta’ refuġjat ta’ wild Senegaliż tal-grupp etniku Soninke mwieled fi Franza, bir-rata ta’ prevalenza taċ-ċirkonċiżjoni tan-nisa tibqa’ għolja ħafna fi ħdan dan il-grupp etniku.

( 48 ) Konklużjonijiet fil-kawża Noorzia (C‑338/13, EU:C:2014:288, punt 3). F’dawn il-konklużjonijiet, l-Avukat Ġenerali Mengozzi jżid jgħid li, fil-kuntest taż-żwiġijiet furzati, mill-inqas wieħed mill-konjuġi jidħol f’impenn mingħajr ma jagħti l-kunsens liberu u sħiħ tiegħu u li r-rieda tal-persuni u speċjalment tan-nisa “[t]kun suġġett[a] għal xi forma ta’ ġegħil fiżiku jew psikoloġiku […] bħal, pereżempju, theddid jew forom oħrajn ta’ abbuż emozzjonali jew, f’każijiet iktar gravi, fiżiku” (punt 2). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar f’Belgische Staat (Refuġjata minuri miżżewwġa) (C‑230/21, EU:C:2022:477, punt 2).

( 49 ) Ara, dwar il-kunċett ta’ “vjolenza domestika”, l-Artikolu 3(b) tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul. Kif jispeċifika r-Rapport Spjegattiv ta’ din il-konvenzjoni, il-vjolenza domestika tikkoinċidi prinċipalment ma’ żewġ tipi ta’ vjolenza: il-vjolenza bejn l-imsieħba intimi, kemm jekk ir-relazzjoni għadha għaddejja jew tkun spiċċat, u l-vjolenza interġenerazzjonali, b’mod partikolari bejn il-ġenituri u t-tfal.

( 50 ) Li qabel kien l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Ażil (EASO). Sabiex l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkunu jistgħu jissodisfaw ta’ kuljum ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 4(3)(a) tad-Direttiva 2011/95 u biex jiksbu l-armonizzazzjoni tal-proċeduri għall-eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali fl-Istati Membri, l-EUAA ġiet fdata bil-missjoni li tfassal rapporti ta’ informazzjoni li jinkludu eżami, skont it-tema, tas-sitwazzjoni fil-pajjiż jew reġjun tal-oriġini tal-applikant għall-protezzjoni internazzjonali. Dawn ir-rapporti huma stabbiliti fuq il-bażi ta’ ġabra ta’ informazzjoni “utli, affidabbli, oġġettiva, preċiża u aġġornata” dwar il-pajjiżi ta’ oriġini, bl-użu tas-sorsi rilevanti kollha ta’ informazzjoni, b’mod partikolari minn organizzazzjonijiet internazzjonali, b’mod partikolari l-UNHCR, u organizzazzjonijiet rilevanti oħra, inklużi membri tal-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) (ara l-Artikolu 9(1) u (2)(a), ir-Regolament (UE) 2021/2303 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Diċembru 2021 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 439/2010 (ĠU 2021, L 468, p. 1)).

( 51 ) Ara, pereżempju, fil-ġurisprudenza Franċiża, is-sentenza tal-Commission des recours des réfugiés (il-Kummissjoni tal-Appelli tar-Refuġjati. Franza) (iċ-CRR, li saret iċ-CNDA fl‑1 ta’ Jannar 2009) tas‑16 ta’ Ġunju 2005, Mlle S. (Nru 492440), dwar ċittadina minn Mali, suġġetta għall-prattika taċ-ċirkonċiżjoni fit-tfulija tagħha u wara li esprimiet ir-rifjut tagħha li tissottometti għal ċirkonċiżjoni totali ġdida, mitluba mir-raġel futur tagħha, u li wara kienet suġġetta għal pressjoni kif ukoll theddid mill-ambjent tal-familja u tal-awtoritajiet tad-drawwiet lokali. Iċ-CRR qieset li l-biżgħat ta’ persekuzzjoni minħabba l-fatt li din iċ-ċittadina kienet tappartjeni għall-grupp soċjali ta’ nisa li jixtiequ jevitaw il-mutilazzjonijiet ġenitali femminili kienu fondati, peress li ma bbenefikat mill-ebda protezzjoni mill-awtoritajiet.

( 52 ) EUAA, Report on Female Genital Mutilation/Cutting in Ethiopia, 12 ta’ Mejju 2022, b’mod partikolari l-punt 4.2: “Consequences for refusing to undergo FGM”, p. 32. Ara wkoll EUAA, skeda ta’ informazzjoni intitolata “Protecting women and girls in the asylum procedure”, Diċembru 2021, b’mod partikolari p. 2, kif ukoll Middelburg, A., u Balta, A., “Female Genital Mutilation/Cutting as a Ground for Asylum in Europe”, International Journal of Refugee Law, Vol. 28, Nru 3, Oxford University Press, Oxford, 2016, p. 416 sa 452.

( 53 ) Ara, pereżempju, id-deċiżjoni taċ-CNDA tad‑29 ta’ Marzu 2021 Mme T. (Nru 20024823 C+), li tirrikonoxxi l-istatus ta’ refuġjat lil ċittadina Ivorjana minħabba t-tneħħija tagħha minn żwieġ furzat, flimkien ma’ theddida ta’ mutilazzjoni ġenitali.

( 54 ) Ara, f’dan ir-rigward, fil-ġurisprudenza Franċiża, is-sentenza taċ‑CRR tal‑15 ta’ Ottubru 2004, Mlle NN. (Nru 444000).

( 55 ) F’dan il-kuntest, l-UNHCR jikkunsidra, fil-Prinċipji Gwida tiegħu dwar il-Protezzjoni Internazzjonali Nru 9: Talbiet għal status ta’ refuġjat ibbażati fuq orjentazzjoni sesswali u/jew identità tal-ġeneru fil-kuntest tal-Artikolu 1A(2) tal-Konvenzjoni tal‑1951 u/jew il-Protokoll tagħha tal‑1967 dwar l-Istatus tar-Refuġjati, tat‑23 ta’ Ottubru 2012, li, “meta d-diżapprovazzjoni tal-familja jew tal-komunità timmanifesta ruħha f’theddid ta’ vjolenza fiżika serja jew saħansitra qtil minn membri tal-familja jew tal-komunità mwettqa f’isem l-‘unur’, dan b’mod ċar jitqies bħala persekuzzjoni” (punt 23).

( 56 ) Ara d-dokument tal-UNHCR intitolat “Submission by the Office of the United Nations High Commissioner for Refugees in case numbers 201701423/1/V2, 201704575/1/V2 and 201700575/1/V2 before the Council of State” (punt 16).

( 57 ) Country Guidance: Afghanistan, Jannar 2023. Fil-punt 3.12, dan ir-rapport jolqot speċifikament id-delitt ta’ moralità “żina”, li jkopri kull imġiba kuntrarja għax-Xarija, bħal relazzjonijiet sesswali mhux awtorizzati, relazzjonijiet sesswali qabel iż-żwieġ, l-adulterju, punibbli bil-mewt jew vjolenza mwettqa f’isem l-unur, fosthom id-delitt tal-unur u applikati b’mod partikolari kontra n-nisa (p. 74).

( 58 ) Ara d-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑26 ta’ Ottubru 2021, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (C‑456/21, mhux ippubblikat, EU:C:2021:901). Il-Kawża C‑646/21 tqajjem, b’mod partikolari, il-kwistjoni dwar jekk il-valuri u r-regoli tal-ħajja li mara żagħżugħa kisbet matul iż-żjara fit-tul tagħha fit-territorju ta’ Stat Membru u matul perijodu importanti ta’ ħajjitha meta sawret l-identità tagħha, kif ukoll l-imġiba li adottat matul iż-żjara tagħha, jistgħux jitqiesu bħala elementi ta’ “sfond komuni li ma jistax jinbidel”, fis-sens tal-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva 2011/95 jew aħjar bħala li “jaqsmu karatteristika […] li tant huwa fondamentali għall-identità jew il-kuxjenza li persuna m’għandhiex tiġi sfurzata li tirrinunċja għalih”, fis-sens ta’ dan l-artikolu.

( 59 ) Sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, Secretary of State for the Home Department (C‑255/19, EU:C:2021:36, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). Kif irrikonoxxiet il-Qorti tal-Ġustizzja, il-biża’ li dak li jkun jiġi ppersegwitat u l-protezzjoni kontra atti ta’ persekuzzjoni huma kundizzjonijiet intrinsikament marbuta (punt 56 ta’ din is-sentenza).

( 60 ) C‑91/20, EU:C:2021:384, punt 82.

( 61 ) Infakkar li, bħall-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Genève, id-Direttiva 2011/95 tinkorpora l-prinċipju ta’ sussidjarjetà tal-protezzjoni internazzjonali kemm fil-kuntest tal-għoti tal-istatus ta’ refuġjat kif ukoll tal-waqfien (Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/95) jew tal-esklużjoni minnu (Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2011/95). Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 90 tal-Gwida għall-proċeduri u l-kriterji li għandhom jiġu applikati biex jiġi ddeterminat l-istatus ta’ refuġjat taħt il-Konvenzjoni tal‑1951 u l-Protokoll tal‑1967 dwar l-istatus tar-refuġjati, UNHCR, Genève, 1992. Ara, b’mod partikolari, fil-kummentarji, Hathaway, J. C., u Foster, M., The law of refugee status, it-tieni edizzjoni, Cambridge University Press, Cambridge, 2014, p. 55: “Id-dritt tar-refuġjati jistrieħ fuq l-ipoteżi sottostanti li, fejn disponibbli, il-protezzjoni nazzjonali tieħu preċedenza fuq protezzjoni internazzjonali ta’ sostituzzjoni”, kif ukoll p. 462: “l-għan tad-dritt tar-refuġjati huwa li tingħata protezzjoni ta’ sostituzzjoni sakemm terġa’ tibda jew tiġi stabbilita protezzjoni nazzjonali sinjifikattiva” [traduzzjoni libera], u p. 494 u p. 495. Ara wkoll Goodwin-Gill, G.S., u McAdam, J., The refugee in international law, it-tielet edizzjoni, Oxford University Press, Oxford, 2007, p. 421: “L-assenza jew iċ-ċaħda ta’ protezzjoni hija l-karatteristika ewlenija tar-refuġjat, u huwa d-dritt internazzjonali, min-naħa tiegħu, li jissostitwixxi l-protezzjoni tiegħu stess għal dik li l-pajjiż ta’ oriġini ma jistax jew ma jridx jipprovdi” [traduzzjoni libera]. Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Bundesrepublik Deutschland (Żamma tal-unità tal-familja) (C‑91/20, EU:C:2021:384, punt 82 u nota ta’ qiegħ il-paġna 52).

( 62 ) Ara wkoll il-premessa 26 tad-Direttiva 2011/95.

( 63 ) L-Artikolu 7(2) jirreferi għall-miżuri meħuda biex jipprevjenu atti ta’ persekuzzjoni, kif ukoll l-eżistenza ta’ sistema ġudizzjarja effettiva li kapaċi tiżvela, tmexxi l-prosekuzzjoni u tissanzjona tali atti (ara, dwar l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2004/83, identiku għat-tieni sentenza tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2011/95, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, Secretary of State for the Home Department (C‑255/19, EU:C:2021:36, punt 44)).

( 64 ) Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2020, Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (Servizz militari u ażil) (C‑238/19, EU:C:2020:945, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 65 ) Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2020, Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (Servizz militari u ażil) (C‑238/19, EU:C:2020:945, punt 53).

( 66 ) Skont l‑Artikolu 4(5)(c) tad-Direttiva 2011/95, “[f]ejn Stati Membri japplikaw il-prinċipju skont liema huwa d-dmir tal-applikant li jissostanzja l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u fejn aspetti tad-dikjarazzjonijiet tal-applikant mhumiex appoġġjati minn xhieda dokumentarja jew xhieda oħra, dawk l-aspetti m’għandhomx jeħtieġu konferma, meta […] id-dikjarazzjonijiet tal-applikant jinstabu li huma koerenti u plawsibbli u ma jmorrux kontra informazzjoni speċifika u ġenerali rilevanti għall-każ tal-applikant”.

( 67 ) Rapport ta’ Informazzjoni dwar il-pajjiż ta’ oriġini: it-Turkija, Studju tal-Pajjiż, disponibbli fl-indirizz internet li ġej: https://coi.euaa.europa.eu/administration/easo/PLib/EASOCOI_Turkey_Nov2016.pdf (punt 5.4.4).

( 68 ) Għalkemm diversi testi leġiżlattivi jirreferu direttament jew indirettament għall-vjolenza kontra n-nisa, bħall-kostituzzjoni, il-kodiċi ċivili u l-kodiċi kriminali, kif ukoll dispożizzjonijiet tad-dritt tax-xogħol u d-dritt muniċipali, l-istrument ewlieni huwa l-Liġi Nru 6284 dwar il-Protezzjoni tal-Familja u l-Prevenzjoni tal-Vjolenza kontra n-Nisa, tat‑8 ta’ Marzu 2012.

( 69 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 70 ) Qorti EDB, 22 ta’ Marzu 2016 (CE:ECHR:2016:0322JUD000064610, punti 96, 97 u 116).

( 71 ) Qorti EDB, 9 ta’ Ġunju 2009 (CE:ECHR:2009:0609JUD003340102, punt 198).

( 72 ) Qorti EDB, 13 ta’ Novembru 2014 (CE:ECHR:2014:1113JUD000362107, punt 65).

( 73 ) Ara, fil-kuntest tax-xogħol preparatorju għad-Direttiva 2004/83, in-nota tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea lill-Kumitat Strateġiku għall-Immigrazzjoni, il-Fruntieri u l-Ażil, tal‑25 ta’ Settembru 2002, 12148/02, disponibbli fl-indirizz internet li ġej: https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-12148-2002-INIT/fr/pdf (p. 5). Għalkemm id-Direttiva 2011/95 ħassret u ssostitwixxiet id-Direttiva 2004/83, din il-bidla fir-regola ma wasslet għall-ebda modifika tas-sistema legali għall-għoti ta’ protezzjoni sussidjarja jew fin-numerazzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati. B’hekk, il-kliem tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2011/95 huwa identiku għal dak tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/83, b’tali mod li l-ġurisprudenza dwar din it-tieni dispożizzjoni hija rilevanti għall-interpretazzjoni tal-ewwel dispożizzjoni.

( 74 ) Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2009, Elgafaji (C‑465/07, EU:C:2009:94, punt 28).

( 75 ) Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, Bundesrepublik Deutschland (Kunċett ta’ theddid serju u individwali) (C‑901/19, EU:C:2021:472, punti 2526, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 76 ) Il-korsiv huwa miżjud minni.

( 77 ) Ara l-Kunsill tal-Ewropa, il-Konvenzjoni ta’ Istanbul – Delitti mwettqa f’isem l-hekk imsejjaħ “unur”, 2019, kif ukoll ir-Riżoluzzjoni 2395 (2021), intitolata, “It-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-hekk imsejħa delitti ta’ ‘unur’”, adottata mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa fit‑28 ta’ Settembru 2021.

( 78 ) Qorti EDB, 9 ta’ Ġunju 2009 (CE:ECHR:2009:0609JUD003340102).

( 79 ) Ara l-punti 128 u 129 ta’ din is-sentenza. Ara wkoll, f’każijiet ta’ vjolenza domestika, is-sentenzi tal-Qorti EDB tal‑15 ta’ Jannar 2009, Branko Tomašić et vs Il‑Kroazja (CE:ECHR:2009:0115JUD004659806, punti 52 u 53), u tat‑8 ta’ Lulju 2021, Tkhelidze vs Il‑Ġeorġja (CE:ECHR:2021:0708JUD003305617, punt 57).

( 80 ) Infakkar li l-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru hija fenomenu proteiformi. Id-delitti tal-unur jistgħu b’mod partikolari jieħdu l-forma ta’ sekwestru, ħtif, tortura, mutilazzjoni jew saħansitra żwiġijiet furzati, li jistgħu jkunu akkumpanjati minn ċirkonċiżjonijiet, u l-vjolenza domestika hija fenomenu li tista’ tkun immanifestata mhux biss permezz ta’ agressjonijiet fiżiċi u sesswali, iżda wkoll bi vjolenza psikoloġika li x’aktarx tikkawża dannu għall-integrità fiżika jew mentali, tbatija morali jew telf materjali (ara d-dikjarazzjoni tal-prinċipji fundamentali tal-ġustizzja dwar il-vittmi tal-kriminalità u l-vittmi tal-abbuż tal-poter adottata fid‑29 ta’ Novembru 1985 mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fir-Riżoluzzjoni 40/34).

( 81 ) Għalkemm l-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2011/95 jeħtieġ lill-Istati Membri “għandhom iqisu jekk il-bdil fiċ-ċirkostanzi huwiex ta’ natura sinifikanti u mhux temporanja li l-persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja m’għadhiex tiffaċċja riskju veru ta’ dannu serju”.

( 82 ) Qorti EDB, 20 ta’ Lulju 2010 (CE:ECHR:2010:0720JUD002350509, punt 60).