KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PIKAMÄE

ippreżentati fit‑12 ta’ Jannar 2023 ( 1 )

Kawża C‑608/21

Proċedura kriminali

bejn

XN

u

Politseyski organ pri 02 RU SDVR

(talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mis-Sofiyski Rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija, il-Bulgarija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Dritt għall-informazzjoni fil-kuntest tal-proċeduri kriminali – Direttiva 2012/13/UE – Dritt li persuna tiġi informata bl-akkuża miġjuba kontriha – Artikolu 6(2) – Komunikazzjoni tar-raġunijiet għal deċiżjoni ta’ detenzjoni lill-persuna ssuspettata jew akkużata – Terminu – Kontenut”

1.

“Għaliex allura ġejt arrestat? U b’dan il-mod, fuq kollox?”“Arak ser terġa’ tibda! – qal l-ispettur filwaqt li daħħal biċċa ħobż bil-butir fil-vażett żgħir tal-għasel. – Aħna ma nwiġbux għal mistoqsijiet bħal dawn.” ( 2 ). Din hija silta mill-ewwel xena ta’ “Il-proċess”, rumanz magħruf tal-kittieb minn Praga Franz Kafka, li turina soċjetà, irregolata mill-Istat ta’ dritt fittizju, fejn l-awtorità tista’ ċċaħħad individwu mil-libertà tiegħu mingħajr ma tinformah bir-raġunijiet li jiġġustifikaw tali deċiżjoni. Matul din l-istorja kollha, M. K. jipprova jiskopri r-raġunijiet għaliex ġie arrestat (u tal-kundanna sussegwenti), mingħajr ma jirnexxilu.

2.

’Il bogħod mill-eċċessi inkwiżitorjali immaġinati minn Kafka, il-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea kkodifika fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2012/13/UE ( 3 ) id-dritt tal-persuni ssuspettati jew persuni akkużati, arrestati jew miżmuma, li jkunu informati bir-raġunijiet għaċ-ċaħda tal-libertà tagħhom. B’dan ir-rinviju preliminari, is-Sofiyski Rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija, il-Bulgarija) tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta din id-dispożizzjoni, u sabiex tipprovdi għaldaqstant kjarifiki fir-rigward tal-mument li fih dawn ir-raġunijiet għandhom ikunu kkomunikati u l-kontenut ta’ tali komunikazzjoni.

I. Il‑kuntest ġuridiku

A. Id‑dritt tal‑Unjoni

3.

F’din il-kawża huma rilevanti l-premessi 10, 14 u 28, tad-Direttiva 2012/13, l-Artikoli 1, 2, 3, 4 u 6 tagħha, kif ukoll l-Artikolu 6 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

B. Id‑dritt Bulgaru

4.

L-Artikolu 72 taż-Zakon za ministerstvoto na vatreshnite raboti (il-Liġi dwar il-Ministeru għall-Intern) (DV Nru 53, tas‑27 ta’ Ġunju 2014), fil-verżjoni applikabbli fil-kawża prinċipali, jipprovdi li:

“(1)   L-awtoritajiet tal-pulizija jistgħu jqiegħdu taħt detenzjoni persuna:

1.

li fir-rigward tagħha jeżistu elementi li jindikaw li wettqet reat.

[…]

(4)   Il-persuna mqiegħda taħt detenzjoni għandha d-dritt li tikkontesta l-legalità tat-tqegħid taħt detenzjoni quddiem ir-Rayonen sad [(il-Qorti Distrettwali)] tal-post tas-sede tal-awtorità. Il-qorti għandha tiddeċiedi fuq ir-rikors immedjatament, u d-deċiżjoni tagħha tista’ tkun is-suġġett ta’ appell ta’ kassazzjoni skont il-modalitajiet previsti mill-Administrativnoprotsesualen kodeks [(il-Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva) (DV Nru 30, tal‑11 ta’ April 2006)] quddiem l-Administrativen sad [(il-Qorti Amministrattiva, il-Bulgarija)] korrispondenti.

(5)   Mill-mument tat-tqegħid taħt detenzjoni, il-persuna għandha d-dritt għal avukat, kif ukoll għandu jiġi spjegat lilha d-dritt tagħha li tirrifjuta avukat u l-konsegwenzi ta’ tali rifjut, kif ukoll id-dritt tagħha li tirrifjuta li tipprovdi spjegazzjonijiet meta t-tqegħid taħt detenzjoni jkun ibbażat fuq il-punt 1 tal-paragrafu 1.

[…]”

5.

Skont l-Artikolu 73 ta’ din il-liġi, persuna, imqiegħda taħt detenzjoni taħt il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punti 1 sa 4 tal-Artikolu 72(1) tal-imsemmija liġi, ma tistax tiġi limitata fid-drittijiet l-oħra tagħha barra minn dak li tiċċaqlaq liberament. Id-dewmien tad-detenzjoni, f’dan il-każ, ma jistax jeċċedi 24 siegħa.

6.

L-Artikolu 74 tal-Liġi dwar il-Ministeru għall-Intern jipprovdi li:

“(1)   Għall-persuni msemmija fl-Artikolu 72(1), għandu jinħareġ ordni [(zapoved)] bil-miktub li tordna t-tqegħid taħt detenzjoni.

(2)   Fl-ordni imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu indikati:

1.

l-isem, il-funzjoni u l-post tax-xogħol tal-awtorità tal-pulizija li tkun ħarġet l-ordni;

2.

ir-raġunijiet fattwali u legali għat-tqegħid taħt detenzjoni;

3.

id-data għall-identifikazzjoni tal-persuna mqiegħda taħt detenzjoni;

4.

id-data u l-ħin għat-tqegħid taħt detenzjoni;

5.

il-limitazzjoni tad-drittijiet tal-persuna msemmija fl-Artikolu 73;

6.

id-dritt ta’ din tal-aħħar:

(a)

li tikkontesta quddiem qorti l-legalità għat-tqegħid taħt detenzjoni;

(b)

għall-assistenza minn avukat mill-mument għat-tqegħid taħt detenzjoni;

[…]

(3)   Il-persuna mqiegħda taħt detenzjoni għandha timla dikjarazzjoni li tindika li hija ġiet informata bid-drittijiet tagħha, kif ukoll l-intenzjoni tagħha li teżerċita jew ma teżerċitax id-drittijiet li huma mogħtija lilha mill-punt 6(b) sa (f) tal-paragrafu 2. L-ordni għandha tiġi ffirmata mill-awtorità tal-pulizija u mill-persuna mqiegħda taħt detenzjoni.

(4)   Ir-rifjut jew l-impossibbiltà, għall-persuna mqiegħda taħt detenzjoni, li tiffirma l-ordni għandha tkun attestata bil-firma ta’ xhud.

[…]

(6)   Kopja tal-ordni għandha tintbagħat lill-persuna mqiegħda taħt detenzjoni li għandha tkun iffirmata minnha.”

7.

Skont l-Artikolu 22 taż-Zakon za administrativnite narushenia i nakazania (il-Liġi dwar ir-Reati u s-Sanzjonijiet Amministrattivi) (DV Nru 92 tat—28 ta’ Novembru 1968), jistgħu jiġu applikati miżuri amministrattivi koerċittivi sabiex jevitaw u jwaqqfu reati amministrattivi, kif ukoll biex jevitaw u jeliminaw il-konsegwenzi dannużi ta’ dawn.

8.

L-Artikolu 21(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva, fil-verżjoni applikabbli għall-kawża prinċipali, jaqra kif ġej:

“Att amministrattiv individwali huwa manifestazzjoni tar-rieda espressa espressament jew permezz ta’ azzjoni jew nuqqas ta’ azzjoni ta’ awtorità amministrattiva jew ta’ organu jew korp ieħor awtorizzat mil-liġi, ta’ persuni li jeżerċitaw funzjonijiet pubbliċi u ta’ organi tas-servizz pubbliku, li joħolqu drittijiet jew obbligi li jippreġudikaw direttament id-drittijiet, il-libertajiet jew l-interessi legali ta’ ċerti ċittadini jew ta’ ċerti organizzazzjonijiet, kif ukoll ir-rifjut li jadottaw tali att.”

9.

L-Artikolu 145 ta’ dan il-kodiċi jipprovdi li:

“(1)   L-atti amministrattivi jistgħu jkunu s-suġġett ta’ azzjoni ġudizzjarja li tirrigwarda l-konformità tiegħu mal-liġi.

(2)   Jistgħu jkunu suġġett ta’ azzjoni:

1.

l-att amministrattiv individwali inizjali, inkluż ir-rifjut li jiġi adottat tali att;

[…]”

10.

L-Artikolu 1 tal-Ukaz Nru 904 za borba s drebnoto khuliganstvo (id-Digriet Nru 904 dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħuliganiżmu Minuri) tat‑28 ta’ Diċembru 1963, fil-verżjoni applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprovdi li:

“(1)   L-atti ta’ ħuliganiżmu minuri mwettaq minn persuna li tkun laħqet l-età ta’ sittax-il sena huma punibbli bis-sanzjonijiet amministrattivi li ġejjin:

1.

tqegħid taħt detenzjoni sa 15-il jum, f’istituzzjoni li tappartjeni lill-Ministeru għall-Intern;

2.

multa ta’ bejn 100 sa 500 lev Bulgaru (BGN) [(madwar 51 sa 256 euro)].

(2)   Il-kliem ‘ħuliġaniżmu minuri’, fis-sens ta’ dan id-digriet, ifissru aġir li jmur kontra d-dinjità, li jseħħ permezz ta’ dagħa, insulti jew oxxenitajiet oħra imwettqa f’post pubbliku, quddiem diversi persuni, b’attitudni jew aġir offensiv fil-konfront taċ-ċittadini, tal-awtoritajiet jew tal-komunità jew bi ġlied, attakki jew atti simili, li jikkawżaw ksur tal-ordni pubbliku jew il-paċi pubblika, iżda li, minħabba l-livell baxx ta’ perikolu pubbliku li dan joħloq, ma jikkostitwixxix reat fis-sens tal-Artikolu 325 tal-kodiċi kriminali.”

Il‑fatti li wasslu għall‑kawża, il‑proċedura fil‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

11.

Fit‑2 ta’ Settembru 2020, RK, li huwa uffiċjal tal-pulizija fl-għassa tat-tieni distrett tal-pulizija tal-Belt ta’ Sofia (il-Bulgarija), ħareġ ordni li tordna l-applikazzjoni ta’ miżura amministrattiva koerċittiva, li tikkonsisti fit-tqegħid taħt detenzjoni ta’ XN għal perijodu sa mhux iktar minn 24 siegħa, b’effett mit‑2 ta’ Settembru 2020, fil-11.20, minħabba suspett ta’ reat.

12.

L-ordni inkwistjoni, li fiha l-firma tal-uffiċjal tal-pulizija RK, isemmi r-raġunijiet għat-tqegħid taħt detenzjoni ta’ XN bil-mod kif ġej: “Punt 1 tal-Artikolu 72(1) [tal-Liġi dwar il-Ministeru għall-Intern]” u “ksur tal-ordni pubbliku”. Fuq in-naħa ta’ wara tal-ordni, hemm indikat li XN inħeles fit‑3 ta’ Settembru 2020, fil-11.10, b’dan il-fatt jinsab ikkonfermat bil-firma ta’ dan tal-aħħar. Immedjatament wara t-tqegħid taħt detenzjoni ta’ XN, seħħet tfittxija fuq il-persuna li kienet is-suġġett ta’ proċess verbal, u ġiet ippreżentata lilu dikjarazzjoni, biex timtela, li tesponi d-drittijiet skont l-Artikoli 72, 73 u 74 tal-Liġi dwar il-Ministeru għall-Intern.

13.

Fit‑3 ta’ Settembru 2020, is-Sofiyski Rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofia), li hija l-qorti tar-rinviju, ġiet adita b’rikors ta’ XN li jikkontesta l-legalità tal-ordni għat-tqegħid taħt detenzjoni.

14.

Fil-kuntest tal-istruttorja tal-fajl li jirrigwarda dan ir-rikors, ġew ippreżentati rapporti bil-miktub tal-awtoritajiet tal-pulizija tat‑2, tat‑3 u tal‑4 ta’ Settembru 2020, li fihom ġie allegat li, fit‑2 ta’ Settembru 2020, lejn il-11.20 ta’ filgħodu, bħala parteċipant f’azzjoni ta’ protesta fit-territorju tal-Belt ta’ Sofia, quddiem il-binja tal-Assemblea Nazzjonali, XN ipprova jidħol mill-kurdun ifformat mill-pulizija, billi ta bis-sieq u bl-idejn kontra t-tarki tal-uffiċjali tal-pulizija u billi għaddielhom kummenti ċiniċi, ħaġa li kienet teħtieġ li huwa jitqiegħed f’detenzjoni. Ebda prova ma teżisti fir-rigward tal-fatt li r-rapporti bil-miktub tal-uffiċjali tal-pulizija tat‑2 u tat‑3 ta’ Settembru kienu ġew ippreżentati minn XN għall-informazzjoni, fil-mument tat-tqegħid tiegħu taħt detenzjoni.

15.

Fl-osservazzjonijiet tiegħu bil-miktub tat‑2 ta’ Settembru 2020, XN iddikjara li huwa kien preżenti fl-azzjonijiet ta’ protesti, u li, meta kibret it-tensjoni, huwa ġie mbuttat mill-folla lejn il-kurdun tal-pulizija u ġie arrestat mbagħad mill-awtoritajiet tal-Ministeru għall-Intern, li eżerċitaw vjolenza fiżika illegali fil-konfront tiegħu. Huwa ċaħad li kiser l-ordni pubbliku.

16.

Fil-proċess ġew ippreżentati dokumenti mediċi bid-data tat‑2 ta’ Settembru 2020, li minnhom jirriżulta li, wara eżami minn tabib speċjalista, ġie kkonstatat li XN kellu ferita miftuħa fuq il-kappell u madwar l-għajn.

17.

Fit‑8 ta’ Settembru 2020, wara ordni mill-prosekutur pubbliku tad-Distrett ta’ Sofia, uffiċjal tal-pulizija tal-għassa tat-tieni distrett tal-pulizija ta’ din il-belt għamel rapport, kontra XN, li jikkonsisti f’atti ta’ ħuliganiżmu minuri, li huwa ppreżenta quddiem is-Sofiyski Rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofia) biex teżaminah u li fih huwa allega li XN kien wettaq reat amministrattiv taħt l-Artikolu 1(2) tad-Digriet Nru 904 dwar il-Ġlieda kontra l-Ħuliganiżmu Minuri. Permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Settembru, mogħtija mis-Sofiyski Rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofia), XN kien iddikjarat mhux ħati u ġie lliberat minħabba nuqqas ta’ prova tar-reat amministrattiv allegat. Dan l-att ġudizzjarju huwa finali.

18.

Il-qorti tar-rinviju tindika li, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, hija mitluba teżamina l-legalità tal-ordni maħruġa mill-awtorità tal-pulizija, li ordnat it-tqegħid effettiv taħt detenzjoni ta’ XN, għal perijodu sa mhux iktar minn 24 siegħa, fuq il-bażi ta’ suspett ta’ reat.

19.

Hija tippreċiża li tali tqegħid taħt detenzjoni ta’ ċittadini, li fil-konfront tagħhom jeżistu elementi li jindikaw li wettqu reat, jikkostitwixxi miżura amministrattiva koerċittiva fis-sens tal-Artikolu 22 tal-Liġi dwar ir-Reati u s-Sanzjonijiet Amministrattivi, li għandha n-natura ta’ att amministrattiv individwali, li l-għan tiegħu huwa li jevita li l-persuna inkwistjoni taħrab jew twettaq reat.

20.

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, skont l-Artikolu 74(2) tal-Liġi dwar il-Ministeru għall-Intern, l-indikazzjoni tal-motivi fattwali u legali tat-tqegħid taħt detenzjoni tikkostitwixxi r-rekwiżit prinċipali tal-ordni maħruġa minn awtorità tal-pulizija. F’dan ir-rigward, il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija) tinterpreta din id-dispożizzjoni b’mod korrettiv, billi tqis li huwa permess li din l-informazzjoni ma titniżżilx fl-att bil-miktub li jordna t-tqegħid taħt detenzjoni, imma tkun inmiżżla f’dokumenti oħra li jakkumpanjawh (preċedenti jew sussegwenti), anki jekk dawn tal-aħħar ma jiġux ipprovduta lill-persuna kkonċernata fil-mument li tiġi llimitata l-libertà ta’ moviment tagħha. Issa, il-qorti tar-rinviju tqis li din il-ġurisprudenza, li ġiet segwita mill-qrati nazzjonali inferjuri, ma hija konformi la mal-Artikolu 5(1)(c) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”, la mal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2012/13, u lanqas mal-Artikolu 8(1) tagħha.

21.

Fil-fatt, skont il-qorti tar-rinviju, jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li d-dritt ta’ aċċess għall-fajl tal-persuni li huma kklassifikati bħala “ssuspettati”, li jinsab fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2012/13, ma ġiex traspost fid-dritt Bulgaru u għaldaqstant ma huwiex iggarantit lil dawn il-persuni. Tali aċċess ikun iggarantit biss lill-persuni “akkużati”, skont il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali. Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ informazzjoni konkreta dwar il-motivi ta’ fatt u ta’ dritt tat-tqegħid taħt detenzjoni, u fid-dawl tal-fatt li d-dritt ta’ aċċess għall-fajl, fejn ikunu jinsabu dawn il-motivi, ma huwiex iggarantit fil-konfront tiegħu, il-persuna ssuspettata li wettqet reat tiġi mċaħħda mill-possibbiltà li torganizza b’mod xieraq u effettiv id-dritt ta’ difiża tagħha u li tikkontesta quddiem il-qorti l-legalità tal-att li jkun ordna t-tqegħid taħt detenzjoni tagħha.

22.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, barra minn hekk, fuq il-punt dwar liema elementi għandhom ikollhom l-informazzjoni li tikkonċerna l-aġir li jikkostitwixxi reat, fis-sens tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2012/13, li bih tkun issuspettata persuna arrestata.

23.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sofiyski Rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofia, il-Bulgarija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(1) flimkien mal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva [2012/13] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni legali nazzjonali, applikata b’mod korrettiv abbażi ta’ ġurisprudenza stabbilita fl-Istat Membru tal-Unjoni Ewropea kkonċernat, li tipprovdi li r-raġunijiet għall-arrest jew għat-tqegħid taħt detenzjoni tal-persuna ssuspettata, inkluż għar-reat li hija ssuspettata li wettqet, jistgħu ma jiġux inklużi fl-att bil-miktub li jordna t-tqegħid taħt detenzjoni, iżda jistgħu jkunu inklużi f’dokumenti (preċedenti jew sussegwenti) li jakkumpanjaw lil dan l-att, liema dokument[i] ma jkunux ipprovduti immedjatament u li tagħhom il-persuna kkonċernata tista’ tieħu konoxxenza sussegwentement, fil-kuntest ta’ eventwali rikors ġudizzjarju intiżi li tiġi kkontestata l-legalità tat-tqegħid taħt detenzjoni?

2)

Id-dispożizzjoni tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2012/13 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-informazzjoni dwar l-aġir li jikkostitwixxi reat, li fir-rigward tiegħu l-persuna arrestata titqiegħed taħt detenzjoni, għandha tinkludi elementi dwar il-mument, il-post, il-modalitajiet tar-reat, il-parteċipazzjoni konkreta tal-imsemmija persuna f’dan ir-reat, u l-klassifikazzjoni kriminali li tirriżulta minn dan, sabiex jiġi ggarantit l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża?”

II. Analiżi

A. Fuq l‑applikabbiltà tad‑Direttiva 2012/13

24.

B’mod preliminari, jeħtieġ li tittieħed pożizzjoni fuq il-kwistjoni dwar l-applikabbiltà tad-Direttiva 2012/13 f’dan il-każ.

25.

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fid-dritt Bulgaru, it-tqegħid taħt detenzjoni fuq il-bażi tal-punt 1 tal-Artikolu 72(1) tal-Liġi dwar il-Ministeru għall-Intern, jikkostitwixxi miżura amministrattiva koerċittiva, li għandha natura ta’ att amministrattiv individwali, ħaġa li tista’ tagħti lil wieħed x’jifhem li l-proċedura prinċipali għandha tkun ikklassifikata bħala waħda amministrattiva u li ma taqax, għaldaqstant, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2012/13.

26.

Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, dan jiddefinixxi r-regoli li jikkonċernaw id-dritt tas-suspettati jew tal-persuni akkużati li jkunu informati bid-drittijiet tagħhom fil-kuntest tal-proċeduri kriminali u tal-akkuża miġjuba kontrihom. Peress li ma għandix dubju fuq il-fatt li, meta kien arrestat u mqiegħed taħt detenzjoni, XN kien neċessarjament jaf bil-fatt li l-awtoritajiet tal-pulizija kienu jikkunsidrawh bħala ssuspettat ( 4 ), jien ser nikkonċentra fil-qosor fuq il-punt dwar jekk il-proċedura li wasslet għal dan ir-rinviju preliminari hijiex “proċedura kriminali” fis-sens tal-imsemmi artikolu, b’mod li d-Direttiva 2012/13 tkun tapplika għal dan il-każ.

27.

F’dan ir-rigward, nosserva li d-detenzjoni implimentata skont il-leġiżlazzjoni Bulgara hija intiża, skont il-qorti tar-rinviju, għaċ-ċittadini li fil-konfront tagħhom jkunu jeżistu elementi li jindikaw li wettqu reat kriminali. Filwaqt li r-responsabbiltà tal-persuna kkonċernata hija eżaminata b’mod separat fil-kuntest ta’ proċedura kriminali, id-detenzjoni tista’ tkun ordnata biss meta jkun hemm informazzjoni li tindika li twettaq reat u li tiġġustifika s-suspett li, x’aktarx, din tkun ipparteċipat fih.

28.

Jeħtieġ li jiġi kkonstatat, barra minn hekk, li, skont il-premessa 14 tad-Direttiva 2012/13, din tal-aħħar tibni fuq id-drittijiet stabbiliti fil-Karta, u b’mod partikolari l-Artikoli 6, 47 u 48 tagħha, billi tibni fuq l-Artikoli 5 u 6 tal-KEDB kif interpretati mill-Qorti EDB u li t-terminu “akkuża” (accusation) f’din id-direttiva jintuża sabiex jiddeskrivi l-istess kunċett tat-terminu “akkuża” (charge) użat fl-Artikolu 6(1) tal-KEDB ( 5 ).

29.

Kif tenfasizza l-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonfermat, fis-sentenza IS (Illegalità tad-digriet tar-rinviju) ( 6 ), li d-drittijiet mogħtija mid-Direttiva 2012/13 japplikaw għas-suspettat arrestat jew imqiegħed taħt detenzjoni, billi tfakkar il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB dwar l-applikabbiltà tal-garanziji li joħorġu mill-aspett kriminali tal-Artikolu 6 tal-KEDB, li jgħidu li jkun hemm “akkuża kriminali” meta persuna tiġi akkużata uffiċjalment mill-awtoritajiet kompetenti jew meta l-atti mwettqa minnhom minħabba suspetti kontriha jkollhom riperkussjonijiet sinjifikattivi fuq is-sitwazzjoni tagħha. Għalhekk, persuna bħalma hija XN f’dan il-każ, li ġiet arrestata (jew imqiegħda taħt detenzjoni) għaliex hija ssuspettata li wettqet reat kriminali tista’ titqies li hija “akkużata b’reat kriminali” u tista’ titlob il-protezzjoni tal-Artikolu 6 tal-KEDB ( 7 ).

30.

Minn dan isegwi li d-Direttiva 2012/13 tapplika għall-kawża prinċipali.

Fuq il‑mertu

Fuq l‑ewwel domanda preliminari

31.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2012/13, moqri flimkien mal-Artikolu 6(2) ta’ din, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, applikata konformement ma’ prassi ġurisprudenzali stabbilita fl-Istat Membru kkonċernat, li tipprovdi li r-raġunijiet għat-tqegħid taħt detenzjoni tal-persuna ssuspettata jew ta’ persuna akkużata ma għandhomx bilfors ikunu indikati fl-att bil-miktub li jordna t-tqegħid taħt detenzjoni, imma jistgħu jkunu inklużi wkoll f’dokumenti oħra li tagħhom il-persuna kkonċernata tista’ tieħu konoxxenza biss jekk hija tippreżenta rikors ġudizzjarju intiż li jikkontesta l-legalità ta’ dan l-att.

32.

Qabel ma nibda l-analiżi tiegħi, jeħtieġ li jitfakkar li l-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva jeżiġi li l-informazzjoni kkomunikata lis-suspettati jew lill-persuni akkużati, skont l-Artikoli 3 u 6 tal-istess direttiva, tingħata skont il-proċedura ta’ reġistrazzjoni speċifikata fid-dritt tal-Istat Membru kkonċernat. Issa, ma jidhirx li mill-proċess jirriżulta li l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għandha xi rilevanza għall-finijiet tar-risposta għal din id-domanda. Għaldaqtsant, fis-sentenza li ser tagħti, il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha tirriformulaha b’riferiment għall-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2012/13 biss.

33.

Id-Direttiva 2012/13, bl-impożizzjoni ta’ regoli minimi komuni li jirregolaw id-dritt għall-informazzjoni fil-proċeduri kriminali, hija intiża li ssaħħaħ il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fis-sistemi rispettivi ta’ ġustizzja kriminali tagħhom ( 8 ). L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jindika, kif ġie osservat iktar ’il fuq, li din tistabbilixxi regoli li jikkonċernaw id-dritt tas-suspettati jew tal-persuni akkużati sabiex ikunu informati bid-drittijiet tagħhom fil-kuntest tal-proċeduri kriminali u bl-akkuża miġjuba kontrihom.

34.

Kif diġà kkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja ( 9 ), il-qari konġunt tal-Artikoli 3 u 6 tad-Direttiva 2012/13 juri li d-dritt imsemmi fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jinkludi, tal-inqas, żewġ drittijiet separati. Minn naħa, skont l-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, is-suspettati u l-persuni akkużati għandhom ikunu informati, bħala minimu, b’ċerti drittijiet proċedurali, jiġifieri d-dritt għall-assistenza minn avukat, id-dritt li jibbenefikaw minn pariri legali mingħajr ħlas u l-kundizzjonijiet sabiex jinkisbu tali pariri, id-dritt li jkunu informati bl-akkuża miġjuba kontrihom, id-dritt għal interpretu u għal traduzzjoni kif ukoll id-dritt li jżommu siekta. Meta s-suspettati jew il-persuni akkużati jiġu arrestati jew imqiegħda taħt detenzjoni, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2012/13 jimponi fuq l-Istati Membri li jipprovdulhom ittra tad-drittijiet li ssemmi wkoll ċerti drittijiet proċedurali addizzjonali. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija direttiva tiddefinixxi, fl-Artikolu 6 tagħha, regoli li jirrigwardaw id-dritt li jkunu informati bl-akkuża miġjuba kontrihom.

35.

L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2012/13, li huwa s-suġġett ta’ din id-domanda preliminari, jikkonċerna r-regola li tgħid li s-suspettati jew il-persuni akkużati li jiġu arrestati jew imqiegħda taħt detenzjoni għandhom ikunu informati bir-raġunijiet għall-arrest tagħhom jew id-detenzjoni tagħhom, inkluż tal-att kriminali li huma ssuspettati jew akkużati li wettqu.

36.

L-għan speċifiku ta’ din id-dispożizzjoni huwa dak li jippermetti lill-persuni kkonċernati li jikkontestaw il-legalità taċ-ċaħda tal-libertà tagħhom, u għaldaqstant li jipproteġu ruħhom kontra arrest jew detenzjoni arbitrarja. Dan jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB.

37.

Infakkar, f’dan ir-rigward, li, peress li l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2012/13 jirregola kundizzjoni għal-legalità għaċ-ċaħda tal-libertà, l-interpretazzjoni tiegħu għandha neċessarjament tkun ibbażata fuq l-Artikolu 6 tal-Karta, li jirrigwarda d-dritt għal-libertà u għas-sigurtà. Id-drittijiet sanċiti hemmhekk għandhom jirċievu, skont il-klawżola ta’ omoġeneità stabbilita fl-Artikolu 52(3) tal-Karta, l-istess tifsira u l-istess portata bħal dawk mogħtija mill-Artikolu 5 tal-KEDB. Issa, il-Qorti EDB affermat b’mod kostanti li l-obbligu li jipprovdu informazzjoni li jaqa’ fuq l-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 5(2) tal-KEDB ( 10 ) huwa intiż li jippermetti lill-persuni arrestati jew imqiegħda taħt detenzjoni id-dritt li jikkontestaw il-legalità taċ-ċaħda tal-libertà tagħhom quddiem qorti skont il-paragrafu 4 ta’ din l-istess dispożizzjoni ( 11 ).

38.

Għal dak li jirrigwarda l-mument li fih għandha sseħħ il-komunikazzjoni tal-informazzjoni dwar ir-raġunijiet tal-arrest jew tad-detenzjoni, il-formulazzjoni tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2012/13 evidentement ma tagħti ebda indikazzjoni. Jeħtieġ għaldaqstant li jiġi vverifikat jekk tali indikazzjoni tistax tkun dedotta minn qari sistematiku ta’ din id-dispożizzjoni, billi jiġi kkunsidrat il-mod li bih hija marbuta mal-komponenti l-oħra tas-sistema legali stabbilita minn dan l-Artikolu 6.

39.

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2012/13 jistabbilixxi r-regola li tgħid li s-suspettati u l-persuni akkużati għandhom jiġu informati, fil-pront u bid-dettal meħtieġ sabiex tiġi ssalvagwardjata l-korrettezza tal-proċeduri u l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża, bl-att kriminali li huma ssuspettati jew akkużati li wettqu. Il-premessa 28 ta’ din id-direttiva tippreċiża li din l-informazzjoni għandha tingħata mhux iktar tard minn qabel l-ewwel interrogatorju uffiċjali tagħhom mill-pulizija. Il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu jipprovdi li l-informazzjoni dettaljata dwar l-akkuża, inklużi n-natura u l-klassifikazzjoni legali tar-reat kriminali, kif ukoll in-natura tal-parteċipazzjoni tal-persuna akkużata, għandha tingħata mhux iktar tard mill-mument li fih il-qorti tkun mitluba tippronunzja ruħha fuq il-mertu tal-akkuża, filwaqt li l-paragrafu 4 tal-imsemmi artikolu jipprovdi li s-suspettati jew il-persuni akkużati għandhom jiġu informati fil-pront b’kull bidla fl-informazzjoni mogħtija fejn dan ikun meħtieġ sabiex tiġi ssalvagwardjata l-korrettezza tal-proċeduri.

40.

Meħud kont tas-suġġett tad-domanda tal-qorti tar-rinviju, ser neżamina r-relazzjoni bejn l-ewwel żewġ paragrafi tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2012/13.

41.

Il-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni jipprovdi obbligu ġenerali għall-għoti ta’ informazzjoni li għandu bħala suġġett l-att kriminali u li għandha tingħata fil-pront, apparti b’mod suffiċjentement iddettaljat, biex tkun issalvagwardjata l-korrettezza tal-proċeduri u biex jippermetti l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża. Il-paragrafu 2 jistabbilixxi obbligu supplimentari fuq l-awtoritajiet kompetenti f’każ ta’ arrest jew detenzjoni, li ma huwiex limitat għall-komunikazzjoni tal-informazzjoni li tirrigwarda l-att kriminali, imma jestendi b’mod iktar ġenerali għar-raġunijiet li jiġġustifikaw l-arrest jew id-detenzjoni ( 12 ). Għaldaqstant, ma hijiex sorpriża li dan l-aħħar paragrafu ma jsemmix il-mument li fiha għandha tiġi pprovduta l-informazzjoni indikata fih lis-suspettat jew lill-persuna akkużata, peress li l-kriterju ratione temporis previst fil-paragrafu 1 japplika wkoll f’każ ta’ arrest jew detenzjoni.

42.

Qari sistematiku jidher għaldaqstant li jindika biss li l-awtoritajiet kompetenti huma obbligati jikkomunikaw lill-persuna kkonċernata r-raġunijiet għall-arrest jew għad-detenzjoni tagħha malajr kemm hemm bżonn biex jippermettulha, jekk jidhrilha utli, li tikkontesta l-legalità taċ-ċaħda tal-libertà tagħha, b’mod li jkun permess l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża tagħha u li tkun iggarantita l-korrettezza tal-proċedura.

43.

L-istess riżultat interpretattiv jiġi prodott bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tesprimi l-ħtieġa li l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2012/13 jingħata effett utli, billi tippreċiża li, għalkemm il-modi li bihom l-informazzjoni fuq l-akkuża għandha tiġi pprodvuta lill-persuna ssuspettata jew akkużata ma humiex irregolati mid-Direttiva 2012/13, dawn il-modi ma jistgħux jiksru l-għan imfittex b’mod partikolari minn dan l-Artikolu 6, li jikkonsisti mill-possibbiltà li l-persuni ssuspettati jew akkużati b’reat kriminali jkunu jistgħu jippreparaw id-difiża tagħhom u li tiġi ggarantita l-korrettezza tal-proċedura ( 13 ).

44.

Fil-fatt, jista’ jiġi argumentat li hija biss il-komunikazzjoni fil-pront ta’ din l-informazzjoni li sseħħ fil-mument taċ-ċaħda tal-libertà jew ftit ħin wara l-bidu ta’ din iċ-ċaħda li hija tista’ tippermetti lill-persuna arrestata jew imqiegħda taħt detenzjoni li tevalwa ċ-ċansijiet tagħha li tikkontesta b’mod effikaċi l-legalità tad-detenzjoni u li tippreżenta, jekk ikun il-każ, rikors li jikkontesta din il-legalità.

45.

Min-naħa l-oħra, dan l-għan ma jistax jintlaħaq jekk l-informazzjoni li tirrigwarda r-raġunijiet tal-arrest jew tad-detenzjoni tkun ġiet ipprovduta biss malli l-persuna kkonċernata tkun ippreżentat tali rikors. Għandu jiġi kkonstatat, fil-fatt, li, kieku kienet obbligata tikkontesta l-legalità ta’ att biex tkun tista’ tieħu konjizzjoni tar-raġunijiet għal dan, il-persuna arrestata jew imqiegħda taħt detenzjoni ma jkollhiex iż-żmien li tevalwa ċ-ċansijiet ta’ suċċess tar-rikors tagħha u lanqas, jekk ikun il-każ, li tippreparah b’mod effikaċi. Għaldaqstant, ma huwiex biżżejjed li r-raġunijiet inkwistjoni jkunu jistgħu jiġu dedotti mid-dokumenti tal-proċess tal-proċeduri ġudizzjarji ( 14 ).

46.

L-interpretazzjoni pprovduta sa dan il-punt tidher li hija kkorroborata mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti EDB, inawgurata bis-sentenza van der Leer vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi ( 15 ), li tgħid li kull minn għandu d-dritt li jippreżenta rikors għall-finijiet ta’ deċiżjoni malajr dwar il-legalità tad-detenzjoni tiegħu ma jistax jipprevalixxi ruħu minnu b’mod effikaċi jekk ma jiġux żvelati lilu fl-iqsar żmien, u b’dettall suffiċjenti, ir-raġunijiet li għalihom ikun ġie mċaħħad mil-libertà tiegħu ( 16 ).

47.

Konxja mill-fatt li l-mument preċiż li fih jitwieled dan il-“bżonn ta’ ħeffa” ma jistax jiġi identifikat fl-astratt, il-Qorti EDB indikat li l-punt dwar jekk l-imsemmija raġunijiet ikunux ġewx ikkomunikati suffiċjentement malajr lill-persuna arrestata jew imqiegħda taħt detenzjoni jiddependi mill-partikolaritajiet tal-każ.

48.

Madankollu, jirriżulta minn din il-ġurisprudenza li l-awtorità tal-pulizija li tipproċedi bl-arrest (jew it-tqegħid taħt detenzjoni) ma hijiex obbligata tipprovdi r-raġunijiet fl-intier tagħhom fil-mument stess tal-arrest ( 17 ). Il-limitazzjonijiet ta’ żmien imposti mir-rekwiżit tal-ħeffa ġew ikkunsidrati bħala li huma sodisfaċenti meta l-persuna arrestata (jew imqiegħda taħt detenzjoni) tkun ġiet informata bir-raġunijiet għaċ-ċaħda tal-libertà tagħha fi żmien ta’ ftit sigħat ( 18 ), filwaqt li, sal-lum, ġie kkonstatat invarjabbilment li jkun hemm ksur ta’ tali rekwiżit meta din il-persuna tkun irċeviet tali informazzjoni f’terminu itwal minn madwar jum ( 19 ).

49.

Meħud kont ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda preliminari fis-sens li l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2012/13, moqri flimkien mal-Artikolu 6(1) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, applikata konformement ma’ prassi ġurisprudenzjali stabbilita fl-Istat Membru kkonċernat, li tipprovdi li r-raġunijiet għat-tqegħid taħt detenzjoni tal-persuna ssuspettata jew ta’ persuna akkużata, ma għandhomx bilfors ikunu indikati fl-att bil-miktub li jordna t-tqegħid taħt detenzjoni, imma jistgħu jkunu inklużi wkoll f’dokumenti oħra li tagħhom il-persuna kkonċernata tista’ tieħu konoxxenza biss jekk hija tippreżenta rikors ġudizzjarju intiż li jikkontesta l-legalità ta’ dan l-att. Dawn ir-raġunijiet għandhom fil-fatt jiġu kkomunikati lilha malajr kemm hemm bżonn biex jippermettulha, jekk jidhrilha utli, li tippreżenta tali rikors u, fi kwalunkwe każ, qabel l-ewwel interrogatorju uffiċjali mill-pulizija.

It‑tieni domanda preliminari

50.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2012/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-informazzjoni li għandha tiġi kkomunikata lil persuna arrestata jew imqiegħda taħt detenzjoni għandha tinkludi elementi dwar il-mument, il-post, il-modalitajiet tar-reat, il-parteċipazzjoni konkreta ta’ din il-persuna f’dan ir-reat, u l-klassifikazzjoni kriminali li tirriżulta minn dan, sabiex jiġu ggarantiti lill-imsemmija persuna l-possibbiltà li tikkontesta b’mod effettiv iċ-ċaħda tal-libertà tagħha u, għaldaqstant, l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża tagħha.

51.

Fi kliem ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja saritilha domanda dwar il-kontenut u l-livell ta’ dettall tar-raġunijiet li għandhom jiġu kkomunikati lill-persuna arrestata jew imqiegħda taħt detenzjoni skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2012/13.

52.

Kif spjegajt iktar ’il fuq, din id-dispożizzjoni tistipula obbligu ta’ informazzjoni supplimentari għall-obbligu ġenerali li jinsab fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2012/13, u għaldaqstant għandu jinqara flimkien ma’ dan tal-aħħar. Il-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ma tippermettix madankollu li tingħata risposta għal din id-domanda preliminari. Fil-fatt, mit-termini tiegħu, wieħed jista’ jiddeduċi biss li, fl-ewwel lok, l-imsemmija raġunijiet għandhom jiġu kkomunikati b’mod suffiċjentement iddettaljat u li, fit-tieni lok, li dawn għandhom jinkludu, tal-inqas, l-att kriminali li l-persuna kkonċernata tkun issuspettata li wettqet.

53.

Għaldaqstant, jeħtieġ li tittieħed inkunsiderazzjoni l-premessa 28 tad-Direttiva 2012/13, li jidhirli li hija partikolarment illuminanti fir-rigward tal-portata tal-obbligi biex il-persuni ssuspettati u l-persuni akkużati jiġu informati bl-akkuża miġjuba kontrihom li jinsabu fl-ewwel tliet paragrafi tal-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva.

54.

Peress li jien ser nibbaża ruħi ħafna fuq din il-premessa fil-punti li ġejjin, jeħtieġli li nfakkar qabel xejn li, għalkemm il-premessi huma, bħala regola ġenerali, nieqsa mill-valur ġuridiku vinkolanti ( 20 ), il-Qorti tal-Ġustizzja spiss tkun ispirata minnhom biex tinterpreta d-dispożizzjonijiet ta’ att ġuridiku tal-Unjoni.

55.

L-imsemmija premessa tafferma b’mod partikolari n-neċessità li d-deskrizzjoni tal-fatti, inkluż, meta dawn ikunu magħrufin, il-ħin u l-post tal-fatti, li jirrigwardaw l-att kriminali li persuna ssuspettata jew persuna akkużata tkun issuspettata li wettqet, kif ukoll il-klassifikazzjoni legali possibbli tal-allegat reat, tingħata b’mod suffiċjentement iddettaljat, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-istadju tal-proċedura kriminali li fih tkun saret tali deskrizzjoni, sabiex tinżamm il-korretteza tal-proċedura u tippermetti l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża.

56.

Għalhekk, fil-fehma tiegħi, għandna quddiemna ċertu numru ta’ elementi fir-rigward tal-portata tal-obbligu ta’ informazzjoni li għandhom l-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2012/13.

57.

Fl-ewwel lok, l-informazzjoni li għandha tkun ikkomunikata tinkludi deskrizzjoni tal-fatti li jirrigwardaw ir-reat kriminali allegat u l-klassifikazzjoni legali possibbli ta’ tali reat, indipendentement mill-istadju tal-proċedura li fih isseħħ din il-komunikazzjoni.

58.

Fid-dawl tal-każijiet ta’ arrest jew ta’ tqegħid taħt detenzjoni, għandu jiġi kkonstatat li, minħabba l-multipliċità tas-sitwazzjonijiet li jistgħu jiġġustifikaw tali miżuri ta’ ċaħda ta’ libertà, kull sforz intiż li jelenka b’mod eżawrjenti l-elementi li jaqgħu taħt id-“deskrizzjoni tal-fatti” jkun, evidentement, iddestinat li jfalli. Jidhirli madankollu raġonevoli li jiġi kkunsidrat li tali deskrizzjoni ma għandhiex tħalli barra, apparti l-ħin u l-post magħruf tal-fatti, in-natura tal-parteċipazzjoni tal-persuna kkonċernata fl-imsemmi reat ( 21 ). Barra minn hekk, ir-riferiment tal-premessa inkwistjoni għall-klassifikazzjoni legali possibbli ( 22 ) għandha tiġi interpretata fis-sens li huwa meħtieġ ukoll li l-persuna arrestata jew imqiegħda taħt detenzjoni tkun informata bil-klassifikazzjoni legali provviżorjament adottata tar-reat kriminali li hija tkun issuspettata li wettqet.

59.

Fin-nuqqas ta’ komunikazzjoni li għandha tali kontenut, l-effett utli tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2012/13, moqri flimkien mal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, ma jistax, mill-bqija, ikun żgurat. Fil-fatt, hija biss il-komunikazzjoni tar-raġunijiet fattwali u legali tal-arrest jew tat-tqegħid taħt detenzjoni, hekk ikkaratterizzati, li jidhirli li jistgħu jippermettu lill-persuna kkonċernata u/jew lill-avukat tagħha li jifhmu għaliex hija tkun ġiet imċaħħda mil-libertà u li teżerċita għaldaqstant, jekk ikun il-każ, b’mod effettiv id-dritt tagħha li tikkontesta l-legalità tal-arrest jew tad-detenzjoni u, għaldaqstant, id-drittijiet tad-difiża tagħha.

60.

Fit-tieni lok, il-livell ta’ dettall tal-informazzjoni inkwistjoni tvarja skont l-istadju tal-proċedura. F’dan ir-rigward, il-premessa 28 tad-Direttiva 2012/13 tesprimi, fil-fatt, il-bżonn li jiġu bbilanċjati l-bżonnijiet preżenti, jiġifieri, minn naħa, l-korrettezza tal-proċedura u r-rispett tad-drittijiet tad-difiża u, min-naħa l-oħra, in-neċessitajiet marbutin mal-proċedura. L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2012/13 għandu għaldaqstant jinftiehem bħala li jistabbilixxi gradazzjoni tal-obbligu ta’ informazzjoni, il-livell ta’ dettall li fih l-awtorità kompetenti hija obbligata tidħol jiżdied hekk kif wieħed joqrob lejn il-fażi tas-sentenza fil-mertu. Il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu jippreskrivi l-għoti ta’ informazzjoni li tirrigwarda r-reat kriminali, li tkopri wkoll, f’każ ta’ arrest jew detenzjoni, ir-raġunijiet kollha għal dawn fis-sens tal-paragrafu 2 tiegħu, filwaqt li l-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu jeżiġi informazzjoni dettaljata fl-istadju tas-sentenza fil-mertu.

61.

Mill-premessa 28 jirriżulta wkoll li l-komunikazzjoni tal-informazzjoni msemmija iktar ’il fuq ma għandhiex tippreġudika l-funzjonament tajjeb tal-investigazzjonijiet pendenti, ħaġa li timplika evalwazzjoni minn qabel tan-natura xierqa tal-livell ta’ dettall tal-imsemmija informazzjoni. Ma huwiex eskluż, fil-fatt, li l-awtorità kompetenti jkollha fil-pussess tagħha informazzjoni li ma tistax tiġi żvelata lill-persuna arrestata jew imqiegħda taħt detenzjoni mingħajr ma jkun ippreġudikat il-progress ta’ tali investigazzjoni. Din l-awtorità hija għaldaqstant mitluba ssib bilanċ ġust biex tevita li jseħħ tali preġudizzju filwaqt li tiġi ggarantita lill-persuna kkonċernata l-komunikazzjoni ta’ informazzjoni suffiċjenti biex tippermettilha tifhem ir-raġunijiet għaċ-ċaħda tal-libertà tagħha u biex tikkontesta b’mod effikaċi l-legalità ta’ dik iċ-ċaħda ( 23 ).

62.

Minn dan isegwi, minn naħa, li l-informazzjoni preskritta mill-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2012/13, moqri flimkien mal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, tidher li hija nieqsa min-natura preċiża u kompluta ta’ dik rikjesta mill-paragrafu 3 tiegħu, u li, min-naħa l-oħra, hija tikkonċerna l-istess elementi bħal dawk li jinsabu elenkati f’dan l-aħħar paragrafu.

63.

L-interpretazzjoni li jien għadni kif tajt jidhirli li hija kkorroborata bis-sħiħ mill-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 5(2) tal-KEDB.

64.

Filwaqt li minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-punt dwar jekk persuna arrestata jew imqiegħda taħt detenzjoni rċevietx l-informazzjoni suffiċjenti biex tinvoka d-dritt li tikkontesta l-legalità taċ-ċaħda tal-libertà tagħha għandu jiġi evalwat skont il-partikolaritajiet tal-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet għaldaqstant ċerti prinċipji intiżi li jiggwidaw tali evalwazzjoni ( 24 ).

65.

Fl-ewwel lok, l-indikazzjoni tal-bażi legali għaċ-ċaħda tal-libertà ma tikkostitwixxix, waħidha, informazzjoni suffiċjenti għall-bżonnijiet tad-dritt li persuna tkun informata bir-raġunijiet tal-arrest jew tad-detenzjoni. Bħala eżempju, fis-sentenza tagħha John Murray vs Ir‑Renju Unit, il-Qorti EDB ikkonkludiet li kien hemm ksur tal-Artikolu 5(2) tal-KEDB minħabba li l-uffiċjal tal-pulizija li kien ipproċeda bl-arrest tas-Sinjura Murray illimita ruħu biex jikkomunikalha d-dispożizzjoni tal-liġi kriminali li taħtha kien sar l-arrest ( 25 ). Bl-istess mod, fis-sentenza tagħha Fox, Campbell u Hartley vs Ir‑Renju Unit, il-Qorti EDB kkunsidrat li l-informazzjoni pprovduta għall-ewwel lil dawn ir-rikorrenti mill-pulizija, li kienet tgħid li huma kienu arrestati skont dispożizzjoni speċifika tal-liġi kriminali minħabba li kienu ssuspettati bit-terroriżmu ( 26 ), ma kinitx konformi mal-imsemmi artikolu.

66.

Fit-tieni lok, jeħtieġ li jingħataw lill-persuna arrestata jew imqiegħda taħt detenzjoni, fi kliem sempliċi u aċċessibbli għaliha, ir-raġunijiet legali u fattwali għaċ-ċaħda tal-libertà tagħha, sabiex hija tkun tista’ tikkontesta l-legalità tal-imsemmi ċaħda quddiem il-qorti ( 27 ). Dawn ir-raġunijiet għandhom jinkludu, apparti l-klassifikazzjoni legali provviżorjament adottata tar-reat kriminali allegat, in-natura tal-parteċipazzjoni tal-persuna arrestata jew imqiegħda taħt detenzjoni. Fil-fatt, jeħtieġ li jitfakkar, dejjem dwar is-sentenza Fox, Campbell u Hartley vs Ir‑Renju Unit, li dawn ir-rikorrenti kienu ġew informati sussegwentement bir-rwol preżunt tagħhom f’atti kriminali preċiżi u l-appartenenza preżunta tagħhom f’organizzazzjonijiet ipprojbiti, ħaġa li, flimkien mal-informazzjoni kkomunikata preċedentement, kienet tissodisfa, skont il-Qorti EDB, ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 5(2) tal-KEDB ( 28 ). Nuqqas ta’ ksur ta’ din id-dispożizzjoni ġie wkoll ikkonstatat minn din il-qorti fis-sentenza Gasiņš vs Il-Latvja, inkwantu l-pulizija kienet spjegat lir-rikorrent li huwa kien issuspettat li kkaġuna l-mewt ta’ J.O., li dan il-qtil kien twettaq fl‑20 ta’ Mejju 2000 u li dan ir-reat kien issanzjonat mill-Artikolu 116 tal-Kodiċi Kriminali Latvjan ( 29 ).

67.

Fit-tielet lok, l-awtoritajiet kompetenti ma humiex obbligati jikkomunikaw lill-persuna kkonċernata, waqt l-arrest tagħha (jew id-detenzjoni tagħha), il-lista kompluta tal-kapi kollha ta’ akkużi miġjuba kontriha ( 30 ), peress li dan il-livell ta’ dettall tal-informazzjoni huwa meħtieġ biss fil-mument tal-komunikazzjoni lill-akkużat tal-akkużi miġjuba kontrih ( 31 ).

68.

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet msemmija iktar ’il fuq li l-qorti tar-rinviju għandha tinterpreta l-Artikolu 74(2) tal-Liġi dwar il-Ministeru għall-Intern, li jgħid li l-ordni għat-tqegħid taħt detenzjoni maħruġ fuq il-bażi tal-punt 1 tal-Artikolu 72(1) ta’ din il-liġi għandu jkun fih serje ta’ informazzjoni, fosthom “ir-raġunijiet fattwali u legali għat-tqegħid taħt detenzjoni”.

69.

Għaldaqstant, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex twieġeb it-tieni domanda preliminari fis-sens li l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2012/13, moqri flimkien mal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-persuna arrestata jew imqiegħda taħt detenzjoni għandha tirċievi l-informazzjoni neċessarja kollha, mingħajr preġudizzju għall-iżvolġiment tal-investigazzjoni pendenti, biex tippermettilha tikkontesta b’mod effikaċi ċ-ċaħda tal-libertà tagħha u li teżerċita għaldaqstant b’mod effettiv id-drittijiet tad-difiża tagħha. Din l-informazzjoni għandha tinkludi, taħt ir-raġunijiet għall-arrest jew għad-detenzjoni, deskrizzjoni tal-fatti, li tinkludi l-ħin u l-post tal-fatti, jekk dawn l-elementi jkunu magħrufa, kif ukoll in-natura tal-parteċipazzjoni ta’ din il-persuna fir-reat li hija tkun issuspettata li wettqet, u l-klassifikazzjoni legali provviżorjament adottata mill-awtorità kompetenti.

III. Konklużjoni

70.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mis-Sofiyski Rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofia, il-Bulgarija) kif ġej:

1)

L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali, moqri flimkien mal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi dispożizzjoni legali nazzjonali, applikata abbażi ta’ prassi ġurisprudenzjali stabbilita fl-Istat Membru kkonċernat, li tipprovdi li r-raġunijiet għat-tqegħid taħt detenzjoni tal-persuna ssuspettata jew ta’ persuna akkużata, ma għandhomx bilfors ikunu indikati fl-att bil-miktub li jordna t-tqegħid taħt detenzjoni, imma jistgħu jkunu inklużi wkoll f’dokumenti oħra li tagħhom il-persuna kkonċernata tista’ tieħu konoxxenza biss jekk hija tippreżenta rikors ġudizzjarju intiż li jikkontesta l-legalità ta’ dan l-att. Dawn ir-raġunijiet għandhom fil-fatt jiġu kkomunikati lilha malajr kemm hemm bżonn biex jippermettulha, jekk jidhrilha utli, li tippreżenta tali rikors u, fi kwalunkwe każ, qabel l-ewwel interrogatorju uffiċjali mill-pulizija.

2)

L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2012/13, moqri flimkien mal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

il-persuna arrestata jew imqiegħda taħt detenzjoni għandha tirċievi, mingħajr preġudizzju għall-iżvolġiment tal-investigazzjoni pendenti, l-informazzjoni neċessarja kollha biex tippermettilha tikkontesta b’mod effikaċi ċ-ċaħda tal-libertà tagħha u li teżerċita għaldaqstant b’mod effettiv id-drittijiet tad-difiża tagħha. Din l-informazzjoni għandha tinkludi, taħt ir-raġunijiet għall-arrest jew għad-detenzjoni, deskrizzjoni tal-fatti, li tinkludi l-ħin u l-post tal-fatti, jekk dawn l-elementi jkunu magħrufa, kif ukoll in-natura tal-parteċipazzjoni ta’ din il-persuna fir-reat li hija tkun issuspettata li wettqet, u l-klassifikazzjoni legali provviżorjament adottata mill-awtorità kompetenti.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Kafka, F., Le procès, Gallimard, Pariġi, 1962.

( 3 ) Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali (ĠU 2012, L 142, p. 1).

( 4 ) Jeħtieġ li jiġi nnotat li l-fatt, imsemmi mill-qorti tar-rinviju, li l-kunċett ta’ “suspettat” ma huwiex irrikonoxxut fid-dritt Bulgaru ma huwiex tali li jqajjem dubji fuq dan is-suġġett, peress li dan jirrigwarda bla dubju kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, li min-natura tiegħu stess, ma jiddependix fuq il-klassifikazzjonijiet nazzjonali.

( 5 ) Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB: “Fid-deċiżjoni tad-drittijiet ċivili u tal-obbligi tiegħu jew ta’xi akkuża kriminali kontra tiegħu, kulħadd huwa ntitolat għal smigħ imparzjali u pubbliku fi żmien raġonevoli minn tribunal indipendenti u imparzjali mwaqqaf b’liġi”.

( 6 ) Sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2021 (C‑564/19, EU:C:2021:949, punt 121).

( 7 ) Qorti EDB, 12 ta’ Mejju 2017, Simeonovi vs Il‑Bulgarija (CE:ECHR:2017:0512JUD002198004, punt 110-111).

( 8 ) Ara l-premessi 10 u 14 ta’ din id-direttiva.

( 9 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2019, Moro (C‑646/17, EU:C:2019:489, punti 42 u 43).

( 10 ) L-Artikolu 5(2) tal-KEDB jaqra kif ġej: “Kull min ikun arrestat għandu jiġi nfurmat minnufih, f’lingwa li jifhem, dwar ir-raġunijiet ta’ l-arrest tiegħu u dwar kull akkuża kontra tiegħu”.

( 11 ) Din hija ġurisprudenza li tmur lura għas-sentenza tal-Qorti EDB tal‑21 ta’ Frar 1990, Van der Leer vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi (CE:ECHR:1990:0221JUD001150985, punt 28).

( 12 ) Din l-interpretazzjoni jidhirli wkoll li hija kkorroborata mix-xogħlijiet preparatorji tad-Direttiva 2012/13 inkwantu tali obbligu ta’ għoti ta’ informazzjoni fil-konfront tal-persuni arrestati jew imqiegħda taħt detenzjoni ma kienx jinsab fil-verżjoni tal-Artikolu 6 tal-proposta tal-Kummissjoni li wasslet għal din id-direttiva u żdied fit-test ta’ din id-dispożizzjoni biss wara mill-Parlament. Ara l-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali, kif ukoll ir-Rapport fuq il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali (COM(2010) 0392 final – C7-0189/2010 – 2010/0215(COD)).

( 13 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2021, IS (Illegalità tad-digriet tar-rinviju) (C‑564/19, EU:C:2021:949, punt 128 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 14 ) Il-qorti tar-rinviju tippreċiża wkoll li, minħabba l-assenza tal-kunċett ta’ “suspettat” fid-dritt Bulgaru, il-persuni arrestati jew imqiegħda taħt detenzjoni ma għandhomx aċċess għad-dokumenti fil-fajl, kif jeżiġi l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2012/13.

( 15 ) Qorti EDB, 21 ta’ Frar 1990 (CE:ECHR:1990:0221JUD001150985).

( 16 ) Qorti EDB, 12 ta’ April 2005, Chamaïev et vs Il‑Ġeorġja u Ir‑Russja (CE:ECHR:2005:0412JUD003637802, punt 413) u Qorti EDB, 17 ta’ Settembru 2020, Grubnyk vs L‑Ukraina (CE:ECHR:2020:0917JUD005844415, punti 97 u 99).

( 17 ) Qorti EDB, 30 ta’ Awwissu 1990, Fox, Campbell et u Hartley vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:1994:1028JUD001431088, punt 40); Qorti EDB, 28 ta’ Ottubru 1994, John Murray vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:1994:1028JUD001431088, punt 72); kif ukoll Qorti EDB, 15 ta’ Diċembru 2016, Khlaifia et vs L‑Italja (CE:ECHR:2016:1215JUD001648312, punt 115).

( 18 ) Qorti EDB, 30 ta’ Awwissu 1990, Fox, Campbell u Hartley vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:1990:0830JUD001224486, punt 42) (Perijodu ta’ 7 sigħat); u Qorti EDB, 28 ta’ Ottubru 1994, John Murray vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:1994:1028JUD001431088, punt 78) (perijodu ta’ siegħa u għoxrin minuta).

( 19 ) Ara, b’mod partikolario, il-Qorti EDB, 12 ta’ April 2005, Chamaïev et vs Il‑Ġeorġja u Ir‑Russja (CE:ECHR:2005:0412JUD003637802, punt 416) (perijodu ta’ 4 ijiem); Qorti EDB, 29 ta’ Jannar 2008, Saadi vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:2008:0129JUD001322903, punt 84) (perijodu ta’ 76 siegħa); Qorti EDB, 2 ta’ Ottubru 2008, Rusu vs L‑Awstrija (CE:ECHR:2008:1002JUD003408202, punt 43) (perijodu ta’ 10 ijiem); Qorti EDB, 15 ta’ Diċembru 2009, Leva vs Il‑Moldovja (CE:ECHR:2009:1215JUD001244405, punt 62) (perijodu ta’ iktar minn 3 ijiem); kif ukoll QEDB, 12 ta’ Ġunju 2012, Kortesis vs Il‑Greċja (CE:ECHR:2012:0612JUD006059310, punt 62) (perijodu ta’ 29 siegħa).

( 20 ) Ara s-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2020, Istituto nazionale della previdenza sociale (Benefiċċji tal-familja għar-residenti għal żmien twil) (C‑303/19, EU:C:2020:958, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 21 ) Ħlief fil-każ fejn wieħed jista’ jiddeduċi tali informazzjoni mill-kuntest fattwali. Ara, f’dan ir-rigward, Qorti EDB, 17 ta’ Settembru 2020, Grubnyk vs L‑Ukraina (CE:ECHR:2020:0917JUD005844415, punt 98).

( 22 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-verżjonijiet lingwistiċi bl-Ispanjol (“posible”), bl-Ingliż (“possible”), u bit-Taljan (“possibile”), kif ukol bl-Estonjan (“võimalik”, li tikkorrispondi għall-kelma Franċiża “éventuelle”).

( 23 ) Għandi nfakkar li, fil-fehma tiegħi, il-Qorti EDB iddeċidiet biss, sal-lum, fuq l-ibbilanċjar bejn id-dritt ta’ persuna mqiegħda taħt detenzjoni li jkollha aċċess għall-fajl tal-investigazzjoni tagħha u s-salvagwardja tal-għan ta’ ordni pubbliku importanti, bħalma hija s-sigurtà nazzjonali, il-ħtieġa li jinżammu sigrieti ċerti metodi tal-pulizija jew il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tat-terzi. Ara, b’mod partikolari, il-Qorti EDB, 19 ta’ Frar 2009, A. et vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:2009:0219JUD000345505).

( 24 ) Jeħtieġ li jiġi osservat li l-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 5(1)(ċ) tal-KEDB, iċċitata mill-qorti tar-rinviju u mill-Kummissjoni, għandha rilevanza tal-inqas limitata meta wieħed jiġi biex jistabbilixxi liema informazzjoni għandha tiġi pprovduta lill-persuna arrestata jew imqiegħda taħt detenzjoni. Fis-sentenza tagħha tal‑24 ta’ Ġunju 2014, Petkov u Profirov vs Il‑Bulgarija (CE:ECHR:2014:0624JUD005002708, punti 46 u 47)), il-Qorti EDB indikat li dan l-artikolu “jeżiġi li d-detenzjoni ta’ persuna tkun ibbażata fuq ‘raġunijiet plawsibbli’ li hija ssuspettata li wettqet reat. Tali suspetti ma jistgħux ikunu ġenerali u astratti […], li jfisser li għandhom ikunu jeżistu fatti jew informazzjoni tali li jikkonvinċu osservatur oġġettiv li l-persuna kkonċernata jista’ jkun wettqet reat partikolari” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Jidher ċar li, f’din is-sentenza, il-Qorti EDB iddeċidiet biss fuq l-informazzjoni li l-awtorità kompetenti hija obbligata li jkollha fil-pussess tagħha biex tqiegħed legalment persuna taħt detenzjoni. Għalkemm wieħed jista’ jiddeduċi minn dan li l-elementi kkomunikati lill-persuna arrestata jew imqiegħda f’detenzjoni għandhom ikunu konkreti, u mhux ġenerali jew astratti, jidhirli li din il-konstatazzjoni ma żżid xejn mal-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti segwenti ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 25 ) Qorti EDB, 28 ta’ Ottubru 1994 (CE:ECHR:1994:1028JUD001431088, punt 76).

( 26 ) Qorti EDB, 30 ta’ Awwissu 1990 (CE:ECHR:1990:0830JUD001224486, punt 41). Ara wkoll Qorti EDB, 12 ta’ Ġunju 2012, Kortesis vs Il‑Greċja (CE:ECHR:2012:0612JUD006059310, punti 61 u 62).

( 27 ) Qorti EDB, 30 ta’ Awwissu 1990, Fox, Campbell u Hartley vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:1990:0830JUD001224486, punt 40); Qorti EDB, 28 ta’ Ottubru 1994, John Murray vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:1994:1028JUD001431088, punt 72); Qorti EDB, 15 ta’ Diċembru 2016, Khlaifia et vs L‑Italja (CE:ECHR:2016:1215JUD001648312, punt 115); kif ukoll Qorti EDB, 25 ta’ Jannar 2018, J.R. et vs Il‑Greċja (CE:ECHR:2018:0125JUD002269616, punti 123 u 124).

( 28 ) Qorti EDB, 30 ta’ Awwissu 1990 (CE:ECHR:1990:0830JUD001224486, punt 41).

( 29 ) Qorti EDB, 19 ta’ April 2011 (CE:ECHR:2011:0419JUD006945801, punt 54).

( 30 ) Qorti EDB, 19 ta’ April 2011, Gasiņš vs Il‑Latvja (CE:ECHR:2011:0419JUD006945801, punt 53).

( 31 ) Dan jirriżulta mill-Artikolu 6(3)(a) tal-KEDB, kif interpretat mill-Qorti EDB. Ara, b’mod partikolari, Qorti EDB, 19 ta’ Diċembru 1989, Brozicek vs L‑Italja (CE:ECHR:1989:1219JUD001096484, punt 42).