Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fit-13 ta’ Lulju 2023 (1)

Kawża C606/21

Doctipharma SAS

vs

Union des Groupements de pharmaciens d’officine (UDGPO),

Pictime Coreyre

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi (Franza))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Prodotti mediċinali għall-użu mill‑bniedem – Direttiva 2001/83/KE – Bejgħ mill-bogħod lill-pubbliku ta’ prodotti mediċinali – Prodotti mediċinali mhux suġġetti għal riċetta medika – Direttiva 2000/31/KE – Attività ta’ kumpannija eżerċitata fuq sit internet dwar dawn il-prodotti mediċinali mingħajr riċetta – Attività li tikkonsisti f’servizz ta’ intermedjazzjoni bejn l-ispiżeriji u l-pubbliku – Limitazzjoni ta’ dan it-tip ta’ bejgħ mid-dritt nazzjonali – Protezzjoni tas-saħħa pubblika”






I.      Introduzzjoni

1.        Il-bejgħ ta’ prodotti mediċinali online jaqa’ taħt diversi atti tad‑dritt tal-Unjoni u kien is-suġġett ta’ numru ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari. Permezz ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tħares lejn servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni li, bħal dawk użati f’setturi oħra tal‑ekonomija, jippermetti jew tal-inqas jiffaċilita l-kuntatt bejn professjonisti u l-klijenti tagħhom. B’mod iktar preċiż, id-domandi magħmula mill-qorti tar‑rinviju jirrigwardaw il-projbizzjoni ta’ ċerti attivitajiet magħmula lill‑fornitur ta’ tali servizz, li tirriżulta mill‑interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli, u l‑konformità ta’ din il-projbizzjoni mad-Direttiva 2001/83/KE (2).

II.    Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt talUnjoni

1.      IdDirettivi dwar isservizzi tassoċjetà talinformazzjoni

2.        Skont il-punt 2 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34/KE (3):

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw it-tifsiriet li ġejjin:

[…]

2)      ‘servizz’: kull servizz tas-Soċjetà ta’ l-Informatika, jiġifieri kull servizz normalment ipprovdut għal rimunerazzjoni, mill-bogħod, b’mezzi elettroniċi u fuq it-talba individwali ta’ riċevitur ta’ servizzi.

Għall-għanijiet ta’ din id-definizzjoni:

–        ‘mill-bogħod’; tfisser illi servizz jiġi pprovdut mingħajr ma l‑partijiet ikunu preżenti simultanjament,

–        ‘b’mezzi elettroniċi’; tfisser illi fil-bidu s-servizz jintbagħat u jiġi rċevut fid-destinazzjoni tiegħu permezz ta’ tagħmir elettroniku għall-ipproċessar (inkluża kompressjoni diġitali) u l-ħażna ta’ data, u dan jiġi trasmess, imwassal u rċevut għal kollox permezz ta’ wajers, bir-radjo, b’mezzi ottiċi jew b’mezzi oħra elettro-manjetiċi,

–        ‘fuq it-talba individwali ta’ riċevitur tas-servizzi’; tfisser illi s-servizz jiġi pprovdut permezz tat-trasmissjoni ta’ data fuq talba individwali.

[…]”

3.        Diversi atti tad-dritt tal-Unjoni jirreferu għal din id-definizzjoni. B’mod partikolari, id-Direttiva 2000/31/KE (4), fl-Artikolu 2(a) tagħha, tiddefinixxi l-kunċett ta’ “servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni” billi tirreferi għall-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/34.

2.      IdDirettiva 2001/83

4.        Il-punt 20 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2011/62 daħħal fid-Direttiva 2001/83 it-Titolu VIIa, intitolat “Bejgħ mill-bogħod lill‑pubbliku”, li taħtu jaqa’, b’mod partikolari, l-Artikolu 85c, li huwa redatt kif ġej:

“1.      Bla ħsara għal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-offerta għall-bejgħ mill-bogħod ta’ prodotti mediċinali suġġetti għal preskrizzjoni lill-pubbliku permezz tas-soċjetà tal-informatika, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li prodotti mediċinali jiġu offruti għall‑bejgħ mill-bogħod lill-pubbliku permezz ta’ servizzi tas-soċjetà tal‑informatika kif definiti fid-Direttiva [98/34], taħt il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)      il-persuna fiżika jew legali li toffri l-prodotti mediċinali hija awtorizzata jew intitolata li tforni prodotti mediċinali għall-pubbliku, anke mill-bogħod, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru ta’ stabbiliment ta’ dik il-persuna;

(b)      il-persuna msemmija fil-punt (a) tkun innotifikat lill-Istat Membru ta’ stabbiliment tagħha, għall-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(i)      l-isem jew l-isem tal-kumpanija u l-indirizz permanenti tal‑post tal-attività minn fejn jiġu fornuti dawk il-prodotti mediċinali;

(ii)      id-data tal-bidu tal-attività tal-offerta għall-bejgħ mill-bogħod ta’ prodotti mediċinali lill-pubbliku permezz tas-soċjetà tal‑informatika;

(iii)      l-indirizz tal-websajt użat għal dak l-iskop u l-informazzjoni relevanti kollha meħtieġa sabiex jiġi identifikat dak il-websajt;

(iv)      jekk applikabbli, il-klassifikazzjoni skont it-Titolu VI tal‑prodotti mediċinali offruti għall-bejgħ mill-bogħod lill‑pubbliku permezz tas-soċjetà tal-informatika.

Fejn ikun il-każ, dik l-informazzjoni għandha tiġi aġġornata;

(c)      il-prodotti mediċinali jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membru ta’ destinazzjoni skont l-Artikolu 6(1);

(d)      bla ħsara għar-rekwiżiti ta’ informazzjoni stipulati fid-[Direttiva 2000/31], il-websajt li toffri l-prodotti mediċinali tinkludi tal-inqas:

(i)      id-dettalji ta’ kuntatt tal-awtoritajiet kompetenti jew l‑awtorità notifikata skont il-punt (b);

(ii)      hyperlink għall-websajt li għalih hemm referenza fil‑paragrafu 4 tal-Istat Membru ta’ stabbiliment;

(iii)      il-logo komuni li għalih hemm referenza fil-paragrafu 3 muri b’mod ċar fuq kull paġna tal-websajt li tirrelata mal-offerta għall-bejgħ mill-bogħod ta’ prodotti mediċinali lill-pubbliku. Il-logo komuni għandu jkun illinkjat mal-entrata tal-persuna fil-lista msemmija fil-punt c tal-paragrafu 4.

2.      L-Istati Membri jistgħu jimponu kundizzjonijiet, iġġustifikati fuq bażi tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika, fuq il-provvista bl-imnut fit‑territorju tagħhom ta’ prodotti mediċinali għall-bejgħ mill-bogħod lill‑pubbliku permezz ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informatika.

[…]

6.      Bla ħsara għad-Direttiva [2000/31] u r-rekwiżiti stipulati f’dan it‑Titolu, l-Istati Membri għandhom ukoll jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li persuni barra dawk li għalihom hemm referenza fil‑paragrafu 1 li joffru għall-bejgħ mill-bogħod prodotti mediċinali lill‑pubbliku permezz tas-servizzi tas-soċjetà tal-informatika u li joperaw fit-territorju tagħhom jkunu suġġetti għal penalitajiet effettivi, proporzjonati u dissważivi.”

B.      Iddritt Franċiż

5.        Skont l-Artikolu L. 5125-25 tal-Kodiċi tas-Saħħa Pubblika:

“L-ispiżjara jew l-impjegati tagħhom huma pprojbiti milli jissolleċitaw ordnijiet mill-pubbliku.

L-ispiżjara huma pprojbiti milli jirċievu ordnijiet ta’ prodotti mediċinali jew prodotti jew oġġetti oħra msemmija fl-Artikolu L. 4211-1 bl-intermedjazzjoni normali ta’ sensara jew li jkunu involuti fil-provvista u fid-distribuzzjoni fid-djar ta’ prodotti mediċinali, prodotti jew oġġetti ċċitati iktar ’il fuq, li l-ordni tagħhom tkun waslet għandhom b’dan il-mod.

Kwalunkwe ordni pprovduta barra mill-ispiżerija minn kwalunkwe persuna oħra tista’ tintbagħat biss f’pakkett issiġillat bl-isem u bl-indirizz tal-klijent.

Madankollu, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu L. 5125-21, l-ispiżjara, kif ukoll il-persuni l-oħra legalment awtorizzati biex jissostitwixxuhom, jassistuhom jew jgħinuhom, jistgħu jwasslu personalment ordni fid-dar tal-pazjenti meta s-sitwazzjoni hekk tirrikjedi.”

6.        L-Artikolu L. 5125-26 ta’ dan il-kodiċi jistipula:

“Huwa pprojbit il-bejgħ lill-pubbliku tal-prodotti mediċinali, prodotti u oġġetti kollha msemmija fl-Artikolu L. 4211-1 permezz ta’ kummissjonanti, gruppi ta’ xiri jew stabbilimenti li jappartjenu lil jew huma amministrati minn persuni li ma għandhomx waħda mid-diplomi, ċertifikati jew titoli oħra msemmija fl-Artikolu L. 4221-1.”

III. Ilfatti filkawża prinċipali

7.        Is-sit internet www.doctipharma.fr, iġġestit mill-kumpannija Doctipharma SAS, jippermetti lill-utenti jixtru, “minn siti ta’ spiżeriji” (jew, kif tindika l-qorti tar-rinviju fi kliem ieħor, “minn spiżjar li jiġġestixxi s-sit internet kummerċjali tiegħu permezz tas-soluzzjoni teknika [ta’] Doctipharma”), prodotti farmaċewtiċi u prodotti mediċinali mingħajr preskrizzjoni.

8.        Il-qorti tar-rinviju tiddeskrivi l-funzjonament ta’ dan is-sit internet bil-mod segwenti. L-utent għandu joħloq kont ta’ klijent u għal dan il-għan għandu jimla formola u jagħti dettalji personali li jippermettu li jiġi identifikat u jiġi ffaċilitat l-aċċess tiegħu għas-siti internet tal-ispiżjara tal-għażla tiegħu. Sabiex joħloq il-kont, l-utent għandu jagħżel l-ispiżjar li ser jixtri mingħandu u miegħu jorbot il-kont tiegħu. Is-sit internet ta’ Doctipharma jippreżenta l-prodotti mediċinali mingħajr preskrizzjoni fil‑forma ta’ katalogu rreġistrat minn qabel li l-utent jista’ “jagħżel” sabiex jagħmel ordni. Dan is-sit jippreżenta l-prodotti mediċinali proposti mill‑ispiżjara fil-forma ta’ sensiela ta’ prodotti filwaqt li jindika l-prezz tagħhom u jibgħat l-ordni lill-ispiżjar li s-sit internet tiegħu huwa ospitat fis-sit ta’ Doctipharma. Il-ħlas isir permezz ta’ sistema ta’ pagament unika li hija komuni għall-ispiżjara kollha assoċjati. Messaġġ mibgħut fuq il-kont tal-klijent u fuq l-indirizz tal-posta elettronika tal-utent li jkun għamel l-ordni jikkonferma l-finalizzazzjoni tal-ordni.

9.        L-Union des groupements de pharmaciens d’officine (iktar ’il quddiem l-“UDGPO”) hija assoċjazzjoni li tiġbor fiha gruppi ta’ spiżeriji farmaċewtiċi. Hija tqis li l-proċess ta’ bejgħ online propost minn Doctipharma lill-ispiżeriji jimplika li din il-kumpannija hija attur tal-kummerċ elettroniku ta’ prodotti mediċinali u li, inkwantu din ma għandhiex il-kwalifika ta’ spiżjar, din l-attività hija illegali.

10.      Permezz ta’ sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2016, it-tribunal de commerce de Nanterre (il-Qorti Kummerċjali ta’ Nanterre, Franza) iddeċidiet li s-sit internet ta’ Doctipharma kien illegali għall-bejgħ ta’ prodotti mediċinali u, essenzjalment, ordnat lil din il-kumpannija twaqqaf il-kummerċ b’mezzi elettroniċi ta’ prodotti mediċinali fuq dan is-sit.

11.      Doctipharma ressqet appell quddiem il-cour d’appel de Versailles (il-Qorti tal-Appell ta’ Versailles, Franza) li annullat din id-deċiżjoni permezz ta’ sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2017. Fil-fatt, din il-qorti qieset li s-sit internet ta’ Doctipharma kien legali, sa fejn l-ordnijiet tal-utenti, li jgħaddu biss mill‑pjattaforma maħluqa minn Doctipharma bħala appoġġ tekniku tas-siti internet ta’ spiżjara, jiġu irċevuti mill-ispiżjara stess, mingħajr lintervent ta’ Doctipharma fl-ipproċessar tagħhom. Skont din il-qorti, dan is-sit jippermetti li jitpoġġew f’kuntatt dirett il-klijenti u l-ispiżjara.

12.      Permezz ta’ sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2019, il-Cour de cassation (il-Qorti tal‑Kassazzjoni, Franza) annullat din is-sentenza minħabba ksur tal‑Artikoli L.5125-25 u L.5125-26 tal-Kodiċi tas-Saħħa Pubblika u bagħtet il-kawża quddiem il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi, Franza), il-qorti tar-rinviju f’din il-kawża. Skont il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni), mill-attività ta’ Doctipharma, li tikkonsisti b’mod partikolari f’li jitpoġġew f’kuntatt l‑ispiżjara u l-pazjenti potenzjali għall-bejgħ ta’ prodotti mediċinali, jirriżulta li din il-kumpannija għandha rwol ta’ intermedjarju u tipparteċipa b’hekk fil-kummerċ elettroniku ta’ prodotti mediċinali mingħajr ma għandha kwalifika ta’ spiżjar, bi ksur ta’ dawn id‑dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tas-Saħħa Pubblika.

13.      Permezz ta’ dikjarazzjoni tad‑19 ta’ Awwissu 2019, Doctipharma adixxiet lill-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi), billi talbitha ulterjorment tagħmel diversi domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, li jirrigwardaw, essenzjalment, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 85c tad-Direttiva 2001/83 u tal-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

14.      Doctipharma tqis li l-attività tagħha hija attività ta’ disinn u ta’ manutenzjoni tekniċi ta’ soluzzjoni kondiviża intiża għal spiżjara, bil‑għan li tippermettilhom jemendaw u jiġġestixxu s-siti internet kummerċjali elettroniċi tagħhom ta’ prodotti mediċinali mingħajr riċetta, skont id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-bejgħ online ta’ prodotti mediċinali. Skont Doctipharma, il-qrati Franċiżi għandhom jinterpretaw it-tieni paragrafu tal-Artikolu L.5125-25 u l-Artikolu L.5125-26 tal-Kodiċi tas-Saħħa Pubblika fid-dawl tal-Artikolu 85c tad-Direttiva 2001/83 sabiex jistabbilixxu jekk il‑projbizzjoni ta’ intermedjazzjoni fil-bejgħ ta’ prodotti mediċinali li tirriżulta minn dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali għandhiex tapplika għall-attività tagħha.

15.      Barra minn hekk, Doctipharma ssostni li s-soluzzjoni użata fis‑sentenza Asociación Profesional Elite Taxi (5) hija bbażata fuq ċirkustanzi speċifiċi għal din il-kawża marbuta, b’mod partikolari, mal‑influwenza deċiżiva eżerċitata mill-kumpannija Uber fuq il-kundizzjonijiet ta’ provvista ta’ xufiera u ma hijiex, għalhekk, trasponibbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali. Fl-opinjoni tagħha, l-istess japplika għas-sentenza A (Reklamar u bejgħ ta’ prodotti mediċinali online) (6), peress li l-kawża li wasslet għal din is-sentenza kienet tirrigwarda l-infurzabbiltà tar-restrizzjonijiet Franċiżi fil-qasam ta’ reklamar għall-bejgħ ta’ prodotti mediċinali lil kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor u mhux fi Franza u li tbigħhom permezz tas-sit internet tagħha lil konsumaturi Franċiżi u kienet għalhekk tirrigwarda kwistjoni differenti minn dik inkwistjoni fit-tilwima fil-kawża prinċipali. Hija madankollu tirrileva li din is-sentenza hija rilevanti f’dan il-każ, sa fejn il-pjattaforma ta’ bejgħ online ta’ prodotti mediċinali inkwistjoni f’din il-kawża kienet servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni, skont l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2000/31.

16.      Fuq l-istess linji, filwaqt li tirreferi għas-sentenza Asociación Profesional Elite Taxi (7), il-qorti tar-rinviju ssostni, minn naħa, li s-servizz ipprovdut minn Doctipharma jippreżenta karatteristiċi differenti minn dawk imsemmija f’din is-sentenza peress li l-ispiżjara huma, b’mod differenti mix-xufiera mhux professjonisti ta’ Uber, professjonisti tal‑bejgħ ta’ prodotti mediċinali u, min-naħa l-oħra, li ma kienx jidher li Doctipharma kienet tintervjeni fl-iffissar tal-prezz tal-prodotti mediċinali. Fir-rigward tas-sentenza A (Reklamar u bejgħ ta’ prodotti mediċinali online) (8), il-qorti tar-rinviju tindika li din ma tirrigwardax l‑istess kwistjonijiet bħal dawk imqajma fil-kawża prinċipali, peress li din is-sentenza tirrigwarda l-kompatibbiltà tar-restrizzjonijiet Franċiżi fil-qasam ta’ reklamar tal-prodotti mediċinali mal-Artikolu 85c tad-Direttiva 2001/83.

IV.    Iddomandi preliminari u lproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

17.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi, Franza), permezz ta’ digriet tas‑17 ta’ Settembru 2021, li wasal fil-Qorti tal‑Ġustizzja fit‑30 ta’ Settembru 2021, iddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri u tagħmel id-domandi segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-attività ta’ Doctipharma exerċitata fuq is-sit www.doctipharma.fr għandha tiġi kklassifikata bħala “servizz tal-kumpannija [tas-soċjetà] tal‑informazzjoni”, fis-sens tad-Direttiva [98/34]?

2)      F’din l-ipoteżi, l-attività ta’ Doctipharma eżerċitata fuq u mis-sit tagħha www.doctipharma.fr taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 85c tad-Direttiva [2001/83]?

3)      L-Artikolu 85c tad-Direttiva [2001/83] għandu jiġi interpretat fis‑sens li l-projbizzjoni, li tirriżulta minn interpretazzjoni tal‑Artikoli L. 5125-25 u L. 5125-26 tal-Kodiċi tas-Saħħa Pubblika, tal-attività ta’ Doctipharma eżerċitata fuq u mis-sit tagħha www.doctipharma.fr, tikkostitwixxi restrizzjoni ġġustifikata mill‑protezzjoni tas-saħħa pubblika?

4)      Jekk dan ma jkunx il-każ, l-Artikolu 85c tad-Direttiva [2001/83] għandu jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza l-attività ta’ Doctipharma eżerċitata fuq u mis-sit tagħha www.doctipharma.fr?

5)      F’din l-ipoteżi, il-projbizzjoni tal-attività ta’ Doctipharma, li tirriżulta mill-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Kassazzjoni tal‑Artikoli L. 5125-25 u L. 5125-26 tal-Kodiċi tas-Saħħa Pubblika, hija ġġustifikata mill-protezzjoni tas-saħħa pubblika fis‑sens tal-Artikolu 85c tad-Direttiva [2001/83]?

6)      Jekk dan ma jkunx il-każ, l-Artikolu 85c tad-Direttiva [2001/83] għandu jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza l-attività ta’ ‘servizz tal-kumpannija [tas-soċjetà] tal-informazzjoni’ proposta minn Doctipharma?”

18.      Il-partijiet fil-kawża prinċipali, il-Gvern Franċiż, Taljan u dak Ċek kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Il-partijiet fil-kawża prinċipali, il-Gvern Franċiż kif ukoll il-Kummissjoni kienu rrappreżentati waqt is-seduta li saret fid‑19 ta’ April 2023.

V.      Analiżi

A.      Fuq lewwel domanda preliminari

19.      Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-attività li Doctipharma teżerċita fuq is-sit internet tagħha tikkostitwixxix “servizz tas-soċjetà tal‑informazzjoni”, fis-sens tad-Direttiva 98/34 (9).

20.      Preliminarjament, għandi nosserva li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma jagħtix stampa sħiħa tas-servizz mogħti minn Doctipharma u l-informazzjoni mogħtija mill-partijiet f’dan ir-rigward ma hijiex dejjem koerenti. Madankollu, fid-dawl tal-informazzjoni mibgħuta mill-qorti tar-rinviju, l-ewwel domanda preliminari għandha tinftiehem fis-sens li tirrigwarda, essenzjalment, il-punt dwar jekk il-punt 2 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34 għandux jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni”, fis‑sens ta’ din id-dispożizzjoni, servizz mogħti fuq sit internet li jpoġġi f’kuntatt lil spiżjara u klijenti għall-bejgħ, minn siti ta’ spiżeriji li jkunu abbonati f’dan is-sit, ta’ prodotti mediċinali mhux suġġetti għal preskrizzjoni medika.

21.      Id-Direttiva 98/34 tiddefinixxi “servizz tas-Soċjetà ta’ l-informatika” bħala “kull servizz normalment ipprovdut għal rimunerazzjoni, mill-bogħod, b’mezzi elettroniċi u fuq it-talba individwali ta’ riċevitur ta’ servizzi”.

22.      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma fih l-ebda element konkret li jippermetti li jitqies li s-servizz ipprovdut minn Doctipharma huwa mogħti bi ħlas. Madankollu minnu jirriżulta li l-ispiżjara kienu jiġġestixxu s-siti internet tagħhom permezz tas-soluzzjoni teknika ta’ Doctipharma; minn dan niddeduċi li dawn kellhom għalhekk jabbonaw minn qabel għal dan is-servizz. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, Doctipharma tindika li l-ispiżjara jabbonaw mal-pjattaforma tagħha permezz ta’ ħlas ta’ tariffa. Il-Gvern Franċiż iżid li s-servizz ipprovdut minn Doctipharma huwa wkoll suġġett għal kummissjoni ta’ perċentwali tal-ammont tal-bejgħ li jkun sar mill-pjattaforma. Fi kwalunkwe każ, ftit huwa rilevanti, f’dan il‑kuntest, jekk il-ħlas jirriżultax minn tariffa imposta minn Doctipharma fuq il-prezz imħallas mill-klijent jew minn pagament magħmul mill‑ispiżjar. Fil-fatt, il-ħlas għal servizz tas-Soċjetà tal‑informazzjoni mhux neċessarjament isir mill-persuni kollha li jibbenefikaw minnu (10).

23.      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tindika, kif jirriżulta mill-punti 7 u 8 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li l-utenti jixtru fuq is-sit internet ta’ Doctipharma prodotti farmaċewtiċi u prodotti mediċinali mingħajr riċetta medika mis-siti ta’ spiżeriji. Hija żżid li l-Qorti tal-Kassazzjoni annullat is-sentenza tal-cour d’appel de Versailles (il-Qorti tal-Appell ta’ Versailles) minħabba li din tal-aħħar ma siltitx il-konsegwenzi tal-konstatazzjonijiet tagħha stess li jgħidu li l‑attività ta’ Doctipharma fuq is-sit internet tagħha tikkonsisti, b’mod partikolari, li tpoġġi f’kuntatt lil spiżjara u lil klijenti għall-bejgħ ta’ prodotti mediċinali. B’hekk, irrispettivament mill-kwistjoni kontroversjali dwar jekk, fuq livell ġuridiku, is-servizz ipprovdut minn Doctipharma jikkostitwixxix forma ta’ intermedjazzjoni jew ta’ senserija, għandu jiġi kkonstatat li, skont id-definizzjonijiet u l-kunċetti użati fid-dritt Franċiż, fuq livell fattwali, dan is-servizz jippermetti jew, tal-inqas, jiffaċilita l-kuntatt bejn l-ispiżjara u l-klijenti.

24.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, sa fejn it‑tqegħid f’kuntatt bejn il-klijent u l-ispiżerija iseħħ permezz ta’ sit internet mingħajr preżenza simultanja, is-servizz ipprovdut minn Doctipharma jikkostitwixxi servizz ipprovdut mill-bogħod u b’mezz elettroniku (11). F’dan ir-rigward, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li, fl-ebda mument matul il-proċess ta’ konklużjoni ta’ kuntratt, l-ispiżjar u l-klijent ma jidħlu f’kuntatt wieħed mal-ieħor, jew ma’ Doctipharma, b’xi mod ieħor ħlief permezz ta’ apparat elettroniku.

25.      Fit-tielet lok, mill-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet jirriżulta li s-servizz ipprovdut minn Doctipharma jingħata fuq talba individwali kemm ta’ spiżjara, li għandhom jabbonaw mas-sit internet ta’ Doctipharma sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mis-servizz ipprovdut minn din il-kumpannija, kif ukoll ta’ klijenti, li jixtiequ jixtru prodotti mediċinali mingħand spiżjara li jkunu abbonaw f’dan is-sit internet.

26.      Għalhekk, għandu jitqies li servizz ipprovdut minn fornitur fuq sit internet li jikkonsisti fit-tqegħid f’kuntatt ta’ spiżjara u klijenti għall-bejgħ, mis-siti ta’ spiżeriji li jkunu abbonaw f’dan is-sit permezz ta’ ħlas ta’ tariffa, ta’ prodotti mediċinali mhux suġġetti għal riċetta medika, mingħajr ma dan il-fornitur, l-ispiżjar u l-klijent ikunu daħlu f’kuntatt ħlief permezz ta’ apparat elettroniku waqt il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ bejgħ, jikkostitwixxi fil-prinċipju “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni”, fis-sens tad-Direttiva 98/34.

27.      Minkejja dan, skont is-sentenzi Asociación Profesional Elite Taxi (12), Airbnb Ireland (13) u Star Taxi App (14), li jirreferu għalihom il-qorti tar-rinviju u l-partijiet fl-osservazzjonijiet tagħhom, servizz li jikkonsisti fit-tqegħid f’kuntatt ta’ klijenti u ta’ fornituri li jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha previsti fil-punt 2 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34 jikkostitwixxi, bħala regola, servizz differenti mis-servizz sussegwenti pprovdut minn dawn il-fornituri li miegħu huwa marbut u, għalhekk, għandu jkun ikklassifikat bħala “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni”. Madankollu, dan ma huwiex il-każ jekk jidher li dan is‑servizz ta’ tqegħid f’kuntatt jifforma parti integrali minn servizz globali li l-element prinċipali tiegħu huwa servizz li jaqa’ taħt klassifikazzjoni ġuridika oħra. Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li dawn huwa l-każ meta dan is-servizz ta’ tqegħid f’relazzjoni jkun funzjonalment u ekonomikament inseparabbli mill-ieħor. Barra minn hekk, huwa wkoll meħtieġ li l-fornitur ta’ dan l-ewwel servizz jorganizza u jissorvelja wkoll il-funzjonament ġenerali ta’ dan it-tieni servizz (15).

28.      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok u qabel kollox, kif osservat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Ker-Optika (16)billi tirreferi għall‑premessa 18 tad-Direttiva 2000/31 u għall-motivi tal-proposta ta’ din id-direttiva, is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni jinkludu, b’mod partikolari, il-bejgħ ta’ prodotti online u s-servizzi li jippermettu li jsiru tranżazzjonijiet elettroniċi online sabiex jinxtraw oġġetti bħall-bejgħ bit-televiżjoni u ċ-ċentri kummerċjali elettroniċi.

29.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandi dubji dwar il-fatt jekk il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet hijiex perfettament trasponibbli għas-sitwazzjonijiet li fihom attività li tikkonsisti fil-bejgħ ta’ oġġetti online hija ffaċilitata jew saħansitra mwettqa permezz ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni, mogħti minn fornitur ieħor li jpoġġi bejjiegħa f’kuntatt ma’ klijenti. F’tali sitwazzjonijiet, servizz ta’ tqegħid f’kuntatt ma jistax ikun parti integrali ta’ servizz globali li l-element prinċipali tiegħu ma jissodisfax il‑klassifikazzjoni ta’ “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni”. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet, servizz ta’ bejgħ online jikkostitwixxi, fih innifsu, servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni.

30.      Għalhekk, li jitqies li servizz ta’ tqegħid f’kuntatt ta’ bejjiegħa ma’ klijenti huwa parti integrali minn servizz globali ta’ bejgħ mhux neċessarjament jibdel il-klassifikazzjoni ġuridika ta’ dan is-servizz bħala “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni”. Madankollu, il‑kunsiderazzjoni li tgħid li l-kriterji użati mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet huwa ssodisfatti għandha twassal għall-konklużjoni li l-fornitur li jipprovdi servizz li, a priori, jikkonsisti sempliċement fit-tqegħid f’kuntatt ta’ bejjiegħa ma’ klijenti huwa, fih innifsu, il-fornitur tas-servizz ta’ bejgħ.

31.      Fi kwalunkwe każ, u fit-tieni lok, kif tosserva l-qorti tar-rinviju, is-servizz inkwistjoni f’din il-kawża ma jissodisfax il-kriterji użati mill‑ġurisprudenza msemmija fil-punt 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

32.      Fil-fatt, minn naħa, l-ispiżjara huma persuni professjonisti tal-bejgħ ta’ prodotti mediċinali li jistgħu jkunu involuti f’bejgħ mill-bogħod irrispettivament mis-servizz ipprovdut minn Doctipharma, b’tali mod li dan is-servizz jista’ jiġi sseparat mit-tranżazzjoni ta’ bejgħ fiha nnifisha. Min-naħa l-oħra, ma jidhirx li Doctipharma torganizza l‑funzjonament ġenerali ta’ tranżazzjonijiet ta’ bejgħ, peress li l-għażla ta’ spiżjar issir mill-klijent u din il-kumpannija ma tintervjenix fl-iffissar tal-prezz tal-prodotti mediċinali mibjugħa minn persuni professjonisti u ma teżerċitax kontroll fuq dawn it-tranżazzjonijiet ta’ bejgħ. Barra minn hekk, il-fatt li l-prodotti mediċinali huma ppreżentati fuq is-sit ta’ Doctipharma fil-forma ta’ katalogu rreġistrat minn qabel mhux neċessarjament ifisser li din il-kumpannija tistabbilixxi l-offerta tal-prodotti mediċinali. Fil-fatt, mit-trattazzjonijiet fis-seduta jidher li jirriżulta li dan il-katalogu qabel kollox ġie stabbilit minn lista li fiha kienu jidhru l-prodotti mediċinali awtorizzati kollha fl-Istat Membru fejn Doctipharma u l-ispiżjara abbonati fis-servizz ta’ din il-kumpannija huma stabbiliti, lista li sussegwentement ġiet aġġornata permezz ta’ data dwar id-disponibbiltà tal-prodotti mediċinali pprovduti mill-ispiżjara abbonati.

33.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, insostni l-pożizzjoni li għamilt fil-punt 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Għalhekk ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun fis-sens li jikkostitwixxi “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni”, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34, servizz ipprovdut minn fornitur fuq sit internet li jikkonsisti fit-tqegħid f’kuntatt ta’ spiżjara u ta’ klijenti għall‑bejgħ, mis-siti tal-ispiżeriji li jkunu abbonaw ma’ dan is-sit permezz ta’ ħlas ta’ tariffa, ta’ prodotti mediċinali mhux suġġetti għal riċetta medika, mingħajr ma dan il-fornitur, l-ispiżjar u l-klijent ikunu daħlu f’kuntatt ħlief permezz ta’ apparat elettroniku waqt il‑konklużjoni ta’ kuntratt ta’ bejgħ. F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, fuq livell fattwali, dawn l-elementi kollha humiex issodisfatti f’dak li jirrigwarda s-servizz inkwistjoni fit-tilwima fil-kawża prinċipali.

B.      Fuq ittieni domanda preliminari

1.      Iddelimitazzjoni taddomanda

34.      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 85c(1)(a) u l-Artikolu 85c(2) tad‑Direttiva 2001/83 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li taqa’ taħt waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet projbizzjoni magħmula fil‑konfront tal-fornitur ta’ servizz bħal dak deskritt fl-ewwel domanda preliminari, li tirriżulta mill-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprojbixxu l-użu ta’ dan is-servizz mill-persuni awtorizzati jew intitolati biex ifornu prodotti mediċinali mhux suġġetti għal riċetta medika mill-bogħod lill-pubbliku.

35.      Ċertament, din id-domanda, kif magħmula mill-qorti tar-rinviju, tirrigwarda sempliċement il-punt dwar jekk l-attività ta’ Doctipharma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 85c tad-Direttiva 2001/83.

36.      Madankollu, din il-kwistjoni tikkostitwixxi, fil-verità, domanda preliminari fit-tielet, fir-raba’, fil-ħames u fis-sitt domanda preliminari li permezz tagħhom il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 85c tad-Direttiva 2001/83 jipprekludix il-projbizzjoni magħmula lil Doctipharma. Sabiex tingħata risposta għaliha, għandu mhux biss jiġi stabbilit jekk l-attività ta’ Doctipharma taqax f’din id-dispożizzjoni, iżda għandu wkoll jiġi identifikat taħt liema punti speċifiċi ta’ dan l-artikolu taqa’ l-projbizzjoni ta’ din l-attività u li tirriżulta mill-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

37.      F’dan ir-rigward, minn naħa, l-Artikolu 85c(1) tad‑Direttiva 2001/83 jelenka l-lista ta’ kundizzjonijiet li huwa s-suġġett għalihom it-tqegħid għall-bejgħ ta’ prodotti mediċinali (“[kundizzjonijiet li għalihom] il-prodotti mediċinali [huma] offruti għall-bejgħ”) mill-bogħod għall-pubbliku permezz ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni. B’mod partikolari, l-Artikolu 85c(1)(a) ta’ din id-direttiva jipprovdi li “il-persuna fiżika jew legali li toffri l-prodotti mediċinali [għandha tkun] awtorizzata jew intitolata li tforni prodotti mediċinali għall‑pubbliku, anke mill-bogħod, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru ta’ stabbiliment ta’ dik il-persuna”. Din id-dispożizzjoni hija kkompletata permezz tal-Artikolu 85c(6) tal-imsemmija direttiva, li jipprovdi li l-“Istati Membri għandhom ukoll jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li persuni barra dawk li għalihom hemm referenza fil‑paragrafu 1 li joffru għall-bejgħ mill-bogħod prodotti mediċinali lill‑pubbliku permezz tas-servizzi tas-soċjetà tal-informatika u li joperaw fit-territorju tagħhom jkunu suġġetti għal penalitajiet effettivi, proporzjonati u dissważivi”.

38.      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 85c(2) tad-Direttiva 2001/83 jipprovdi li “l-Istati Membri jistgħu jimponu kundizzjonijiet, iġġustifikati fuq bażi tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika, fuq il-provvista bl-imnut fit‑territorju tagħhom ta’ prodotti mediċinali għall-bejgħ mill-bogħod lill‑pubbliku permezz ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informatika”.

39.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-riferiment għall-ġustifikazzjoni tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika, li tinsab fit-tielet u fil-ħames domanda preliminari, iwassalni biex naħseb li l-qorti tar-rinviju tqis li d‑dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 85c(2) tad-Direttiva 2001/83. Madankollu, kif jidher mit-trattazzjonijiet waqt is-seduta, tali kunsiderazzjoni ma hijiex daqstant ċara. Konsegwentement, nipproponi li tiġi rriformulata t-tieni domanda b’mod li l-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa jekk il-fatt li jitqies li d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 85c(2) tad-Direttiva 2001/83 jikkorrispondix ma’ interpretazzjoni korretta ta’ din id-direttiva (17).

40.      Għal dan il-għan u biex tkun tista’ tingħata risposta utli għad‑domandi preliminari, hemm bżonn li tiġi ttrattata d-delimitazzjoni tal-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tal-Artikolu 85c(1)(a) u tal‑Artikolu 85c(2) tad-Direttiva 2001/83.

2.      Iddelimitazzjoni talkampijiet ta applikazzjoni rispettivi taddispożizzjonijiet ikkonċernati

41.      Mill-Artikolu 85c(1)(a) u (6) tad-Direttiva 2001/83 jirriżulta li waħda mill-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jiġu offruti prodotti mediċinali għall-bejgħ mill-bogħod lill-pubbliku permezz ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni tirrigwarda l-persuni li jistgħu jeżerċitaw tali attività. Dawn għandhom ikunu, kif jirriżulta minn din l-ewwel dispożizzjoni, persuni awtorizzati jew intitolati biex ifornu prodotti mediċinali lill-pubbliku, anki mill-bogħod, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru li dawn il-persuni huma stabbiliti fih. Fi kliem ieħor, din id-dispożizzjoni tista’ tinftiehem fis-sens li hija tissodisfa l-kwistjoni dwar “min” jista’ jipproċedi bit-tqegħid għall-bejgħ ta’ prodotti mediċinali online. Barra minn hekk, għalkemm il-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 85c(1)(a) ta’ din id-direttiva tirriżulta mid-dritt tal-Unjoni, huwa l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu hija stabbilita l-persuna (l-Istat Membru ta’ oriġini) li għandu jagħti risposta għal din id-domanda.

42.      Minn naħa l-oħra, l-Artikolu 85c(2) tad-Direttiva 2001/83 jirrigwarda s-setgħa ta’ Stat Membru, li fit-territorju tiegħu huma pprovduti prodotti mediċinali offruti għall-bejgħ mill-bogħod, li jistabbilixxi “kundizzjonijiet […] fuq il-provvista bl-imnut fit-[territorju ta’ Stat Membru] ta’ prodotti mediċinali”. Dawn huma għalhekk kundizzjonijiet eventwalment introdotti fil-livell nazzjonali mill-Istat Membru ta’ destinazzjoni.

43.      Konsegwentement, huwa neċessarju li ssir distinzjoni, l-iktar meta persuna li tipproċedi bit-tqegħid għall-bejgħ online ta’ prodotti mediċinali tkun stabbilita fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu huma pprovduti dawn il-prodotti mediċinali, bħal f’din il-kawża, bejn il‑kundizzjoni prevista fl-Artikolu 85c(1)(a) tad-Direttiva 2001/83 u dawk relatati mal-provvista bl-imnut ta’ prodotti mediċinali offruti għall‑bejgħ online, imposti taħt l-Artikolu 85c(2) ta’ din id-direttiva.

44.      Fid-dawl tal-ġeneralità tal-espressjonijiet użati minn dawn iż‑żewġ dispożizzjonijiet, u fuq kollox dik li tinsab fl-Artikolu 85c(2) tad-Direttiva 2001/83 (“[kundizzjonijiet] fuq il-provvista bl-imnut […] ta’ prodotti mediċinali għall-bejgħ mill-bogħod lill-pubbliku permezz ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informatika”), ma naħsibx li din il-kwistjoni tista’ tiġi solvuta billi tingħata interpretazzjoni testwali. Min-naħa l-oħra, elementi utli sabiex jiddistingwu l-kundizzjonijiet li jaqgħu f’kull waħda minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jinsabu fl-ewwel lok, fil‑premessi 21 sa 24 tad-Direttiva 2011/62 u fil-ġurisprudenza li dawn jirreferu għaliha u, fit-tieni lok, fid-Direttiva 2000/31, li tirrigwarda hija wkoll il-bejgħ ta’ prodotti online.

a)      Fuq idDirettiva 2011/62

45.      Il-premessa 21 tad-Direttiva 2011/62, li introduċiet l-Artikolu 85c tad-Direttiva 2001/83, tipprovdi li l-“kundizzjonijiet speċifiċi għall‑provvista bl-imnut tal-prodotti mediċinali għall-pubbliku ma ġewx armonizzati fuq livell tal-Unjoni u għaldaqstant, l-Istati Membri jistgħu jimponu kundizzjonijiet għall-provvista tal-prodotti mediċinali għall‑pubbliku fil-limiti tat-Trattat [FUE]”. Il-premessi 22 sa 24 ta’ din id-direttiva jagħtu spjegazzjonijiet f’dan ir-rigward.

46.      Fil-fatt, qabel kollox, il-premessa 22 tad-Direttiva 2011/62, tipprovdi li, “[m]eta tiġi eżaminata l-kompatibilità tal-kundizzjonijiet għall-provvista bl-imnut tal-prodotti mediċinali mal-liġijiet tal-Unjoni, [il-Qorti tal-Ġustizzja] irrikonoxxiet in-natura tassew partikolari tal‑prodotti mediċinali, li l-effetti terapewtiċi tagħhom jiddistingwuhom b’mod sostanzjali minn oġġetti oħra. Il-Qorti tal-Ġustizzja qalet ukoll illi […] huwa f’idejn l-Istati Membri biex jistabbilixxu l-livell ta’ protezzjoni li jixtiequ joffru għas-saħħa pubblika u l-mod ta’ kif dak il-livell għandu jinkiseb. Ladarba dak il-livell jista’ jvarja minn Stat Membru għal ieħor, l-Istati Membri għandhom jingħataw id-diskrezzjoni fir-rigward tal‑kundizzjonijiet għall-provvista fuq it-territorju tagħhom tal-prodotti mediċinali għall-pubbliku”. Sussegwentement, il-premessa 23 ta’ din id-direttiva tipprovdi li, “[b]’mod partikolari, fid-dawl tar-riskji għas-saħħa pubblika u minħabba s-setgħa mogħtija lill-Istati Membri biex jistabbilixxu l-livell ta’ protezzjoni għas-saħħa pubblika, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-Istati Membri jistgħu, fil-prinċipju, jirrestrinġu l-bejgħ bl-imnut tal-prodotti mediċinali lill-farmaċisti biss”. Finalment, il-premessa 24 tal-imsemmija direttiva tistipula li, “[g]ħaldaqstant, u fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja, l-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi jimponu kundizzjonijiet ġustifikati bil-protezzjoni tas-saħħa pubblika mal‑provvista bl-imnut tal-prodotti mediċinali offruti għall-bejgħ mill‑bogħod permezz ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informatika. Tali kundizzjonijiet m’għandhomx jirrestrinġu bla bżonn il-funzjonament tas‑suq intern”.

47.      Barra minn hekk, kif jirriżulta mis-sentenza Apothekerkammer des Saarlandes et (18), li jirreferu għaliha l-premessi 22 u 23 tad‑Direttiva 2011/62, il-kundizzjonijiet ta’ provvista ta’ prodotti mediċinali lill-pubbliku jirrigwardaw, b’mod partikolari, il-modalitajiet ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti mediċinali bl-imnut u, b’mod partikolari, il-possibbiltà li jirriżervaw il-bejgħ tal-prodotti mediċinali bl-imnut lill-ispiżjara biss li jgawdu indipendenza professjonali reali u li jadottaw miżuri li jistgħu jeliminaw jew inaqqsu r-riskju ta’ preġudizzju għal din l-indipendenza peress li tali preġudizzju jista’ jaffettwa l-livell ta’ affidabbiltà u ta’ kwalità tal-provvista ta’ prodotti mediċinali lill-pubbliku.

48.      Madankollu, għandu jiġi osservat li s-sentenza Apothekerkammer des Saarlandes et (19) ma tirrigwardax il-bejgħ online u, fi kwalunkwe każ, ingħatat qabel l-adozzjoni tad-Direttiva 2011/62. Skont l-emendi introdotti minn din id-direttiva, il-kwistjoni dwar “min” jista’ jipproċedi bit-tqegħid ta’ prodotti mediċinali għall-bejgħ online hija koperta bl-Artikolu 85c(1)(a) tad-Direttiva 2001/83 (20). Konsegwentement, peress li din il-kwistjoni issa hija koperta b’din l-aħħar dispożizzjoni, hija ma għandhiex taqa’ taħt kundizzjonijiet relatati mal-provvista bl-imnut ta’ prodotti mediċinali offruti għall-bejgħ online, imposti mill-Istat Membru ta’ destinazzjoni skont l-Artikolu 85c(2) ta’ din id-direttiva. Għall-kuntrarju, din id-dispożizzjoni tirrigwarda l-kundizzjonijiet relatati mal-aspetti l-oħra msemmija fis-sentenza Apothekerkammer des Saarlandes et (21), jiġifieri l-modalitajiet ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti mediċinali bl-imnut u, b’mod partikolari, il-miżuri li jistgħu jeliminaw jew inaqqsu riskju ta’ preġudizzju għall-indipendenza ta’ persuni awtorizzati jew intitolati sabiex ifornu prodotti mediċinali lill‑pubbliku.

49.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jekk jitqies li, permezz tas-servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni li hija tagħti, Doctipharma toffri servizz ta’ bejgħ mill-bogħod ta’ prodotti mediċinali lill-pubbliku, il-projbizzjoni magħmula fir-rigward ta’ din il-kumpannija għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-Artikolu 85c(1)(a) tad-Direttiva 2001/83 u, eventwalment, tal-paragrafu 6 ta’ dan l-artikolu. Għall-kuntrarju, jekk Doctipharma ma għandhiex titqies bħala li toffri għall-bejgħ mill-bogħod prodotti mediċinali lill-pubbliku, il-projbizzjoni magħmula f’dan ir-rigward għandha titqies bħala modalità ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti mediċinali li jaqgħu taħt l-Artikolu 85c(2) ta’ din id-direttiva. Mingħajr ma nixtieq nippreġudika l-evalwazzjoni li l-qorti tar-rinviju ser tintalab tagħmel f’din il-kawża, jiena nxaqleb lejn din it-tieni klassifikazzjoni.

50.      Fil-fatt, minn naħa, jiena tal-opinjoni li r-riżultat tal-analiżi bbażat fuq il-kriterji użati mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet huwa rilevanti wkoll fil-kuntest tad-distinzjoni bejn każ li jaqa’ taħt l-Artikolu 85c(1)(a) tad-Direttiva 2001/83 u dak li jaqa’ taħt l-Artikolu 85c(2) tagħha. Ir-riferiment għall-istess kriterji jippermetti li tiġi żgurata l-koerenza tas-soluzzjonijiet mogħtija f’dawn iż-żewġ direttivi u, kif ser nuri iktar ’il quddiem (22), hemm ċertu paralleliżmu bejniethom f’dak li jirrigwarda l-perċezzjoni tagħhom tas‑servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni fil-kuntest tal‑kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti mediċinali online.

51.      Fi kwalunkwe każ u mingħajr preġudizzju għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, mill-analiżi tiegħi jirriżulta li, kif osservajt fil-punt 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet, Doctipharma tagħti servizz fih innifsu, li ma jifformax parti integrali minn servizz globali li l-element prinċipali tiegħu jikkonsisti fit-tqegħid għall-bejgħ ta’ prodotti mediċinali, b’tali mod li din il-kumpannija ma għandhiex titqies bħala li toffri għall-bejgħ mill-bogħod prodotti mediċinali lill-pubbliku permezz ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni.

52.      Min-naħa l-oħra, il-projbizzjoni ta’ servizz bħal dak ipprovdut minn Doctipharma jirriżulta, skont il-kliem tat-tielet u tal-ħames domandi preliminari, minn interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Dawn id-dispożizzjonijiet jidhru li jipprojbixxu lill-persuni awtorizzati jew intitolati biex ifornu prodotti mediċinali lill-pubbliku, anki mill-bogħod, minn ċerta mġieba waqt it‑tqegħid għall-bejgħ tagħhom. B’hekk, il-projbizzjoni tas-servizz ipprovdut minn Doctipharma jidher li jirriżulta fih innifsu minn projbizzjoni, magħmula lil dawn il-persuni, li jirrikorru għal servizzi bħal dawk ipprovduti minn Doctipharma. Minn din il-perspettiva, il‑projbizzjoni msemmija minn dawn id-domandi preliminari tirriżulta mill-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jiddefinixxu l-modalitajiet ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti mediċinali online.

53.      Għall-finijiet ta’ kompletezza, fir-rigward tal-għan tagħha, il-projbizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ titqies bħala miżura li permezz tagħha l-leġiżlatur nazzjonali pprova jelimina jew inaqqas ir‑riskju ta’ preġudizzju għall-indipendenza ta’ persuni awtorizzati jew intitolati biex ifornu prodotti mediċinali lill-pubbliku. Fid-dawl tal‑interpretazzjoni li tajt tas-sentenza Apothekerkammer des Saarlandes et (23), fil-kuntest tad-Direttiva 2001/83 (24), tali miżura taqa’ taħt l‑Artikolu 85c(2) ta’ din id-Direttiva 2001/83.

54.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, mingħajr preġudizzju għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju f’dak li jirrigwarda, minn naħa, il-karatteristiċi tas-servizz inkwistjoni fil-kawża prinċipali u, min-naħa l-oħra, il-kontenut normattiv tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, inqis li l-projbizzjoni li tirriżulta minn dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali taqa’ taħt l-Artikolu 85c(2) tad-Direttiva 2001/83.

55.      Barra minn hekk, il-premessi ppreżentati fil-punti 49 sa 54 ta’ dawn il-konklużjonijiet huma kkorroborati bit-teħid inkunsiderazzjoni tad-dimensjoni transkonfinali tal-bejgħ online ta’ prodotti mediċinali.

b)      Fuq id-Direttiva 2000/31

56.      Anki jekk il-kawża prinċipali ma tippreżentax dimensjoni transkonfinali, din id-dimensjoni tikkostitwixxi aspett mhux żgħir tal‑kummerċ elettroniku ta’ prodotti mediċinali. Fid-dawl tad-differenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-persuni awtorizzati biex ibiegħu prodotti mediċinali mhux suġġetti għal riċetta medika, bejgħ mill-bogħod jista’, iktar mill-bejgħ minn stabbiliment ta’ bejgħ klassiku (spiżerija), jippermetti aċċess issimplifikat għal ċerti prodotti mediċinali. Barra minn hekk, il-ħtieġa li jiġu interpretati d‑dispożizzjonijiet imsemmija fid-domandi preliminari filwaqt li tiġi kkunsidrata d-dimensjoni transkonfinali tal-bejgħ online ta’ prodotti mediċinali ġiet ukoll enfasizzata waqt is-seduta. Fil-fatt, ma huwiex eskluż li Stati Membri oħra differenti minn dak li fit-territorju tiegħu huwa stabbilit fornitur ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni jistgħu jipprovaw jillimitaw l-aċċess għas-servizz tiegħu.

57.      F’dan ir-rigward, id-dimensjoni transkonfinali tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti online permezz tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni hija parzjalment irregolata mid‑Direttiva 2000/31. Il-bejgħ ta’ prodotti mediċinali mhux suġġetti għal preskrizzjoni medika lanqas huwa totalment eskluż, kif juru r-riferimenti għal din id-direttiva magħmula fl-Artikolu 85c(1)(d) u (6) tad‑Direttiva 2001/83, li jistipulaw li dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw mingħajr preġudizzju għal din l-ewwel direttiva (25).

58.      Skont il-loġika li fuqha hija bbażata d-Direttiva 2000/31 u, b’mod iktar preċiż, l-Artikolu 3(1) u (2) tagħha, f’dak li jirrigwarda r-rekwiżiti li jaqgħu taħt “qasam ikkordinat”, kif iddefinit fl-Artikolu 2(h) ta’ din id‑direttiva, fornitur ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni huwa, bħala regola ġenerali, suġġett għal-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru tal-oriġini. Stat Membru ieħor differenti mill-Istat ta’ oriġini ma jistax, “għal raġunijiet li jidħlu fil-qasam ikkordinat”, jillimita l-libertà li jiġu pprovduti servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni ħlief bl‑adozzjoni ta’ miżuri li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl‑Artikolu 3(4)(a) u (b) tal-imsemmija direttiva. Ir-rekwiżiti li jaqgħu fil‑qasam ikkordinat jistgħu għalhekk ikunu imposti mill-Istat Membru ta’ oriġini jew – fil-limiti imposti fl-Artikolu 3(4) tal-istess direttiva – minn Stati Membri oħra.

59.      F’dan ir-rigward, minn naħa, kif jirriżulta mill‑Artikolu 2(h)(i) tad-Direttiva 2000/31, il-qasam ikkordinat ikopri r‑rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfatti mill-fornitur u li jirrigwardaw l‑aċċess għall-attività ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni u l‑eżerċizzju tagħha, bħar-rekwiżiti li jikkonċernaw l-imġieba tal-fornitur jew ir-responsabbiltà tiegħu (26).

60.      Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 2(h)(ii) tad-Direttiva 2000/31, ir-regoli nazzjonali li jirrigwardaw ir-rekwiżiti applikabbli għal oġġetti bħala tali, kif ukoll il-kundizzjonijiet li fihom oġġett mibjugħ mill‑internet jista’ jiġi pprovdut fit-territorju ta’ Stat Membru, ma humiex koperti mill-qasam ikkordinat. Il-premessa 21 ta’ din id-direttiva tispjega li l-qasam ikkordinat “ma tikkonċernax il-ħtiġijiet legali ta’ Stati Membri li jirrigwardaw oġġetti bħal ma huma normi ta’ sigurtà, obbligu ta’ tikkettjar, jew responsabbilità għal oġġetti, jew il-ħtiġijiet ta’ Stati Membri li jirrigwardaw il-kunsinna jew it-trasport ta’ oġġetti, inkluża d‑distribuzzjoni ta’ prodotti mediċi”. Tali rekwiżiti jistgħu għalhekk ikunu imposti minn Stat Membru ta’ destinazzjoni, skont l‑Artikolu 85c(2) tad-Direttiva 2001/83, mingħajr il-ħtieġa li jsir riferiment għall-kwistjoni dwar ir-relazzjoni bejn din id-direttiva u l-Artikolu 3 tad‑Direttiva 2000/31. Issa, il-projbizzjoni magħmula lil Doctipharma abbażi tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tidhirx li tirriżulta minn tali rekwiżiti.

61.      Għall-kuntrarju, sa fejn l-interpretazzjoni ta’ dawn id‑dispożizzjonijiet nazzjonali twassal, mill-perspettiva ta’ Doctipharma, biex tipprojbixxi l-eżerċizzju ta’ attività speċifika minn fornitur ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni u, mill-perspettiva tal-ispiżjara, biex tiġi pprojbita ċerta imġieba fir-rigward tal-eżerċizzju tal-bejgħ ta’ prodotti mediċinali online, l-imsemmija dispożizzjonijiet nazzjonali jirrigwardaw l-aċċess għall-attività ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni u l-eżerċizzju ta’ tali attività. Id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jqajmu għalhekk rekwiżiti li jaqgħu taħt ir-rekwiżiti li jaqgħu taħt il-qasam ikkordinat.

62.      F’dan ir-rigward, is-sentenza A (Reklamar u bejgħ ta’ prodotti mediċinali online) (27) tidher li tikkonferma li ċerti rekwiżiti li jaqgħu fil‑qasam ikkordinat tad-Direttiva 2000/31 jistgħu jikkostitwixxu wkoll kundizzjonijiet, fis-sens tal-Artikolu 85c(2) tad-Direttiva 2001/83. Fil‑fatt, skont il-punt 68 ta’ din is-sentenza, il-projbizzjoni inkwistjoni magħmula lil spiżeriji sabiex ma jissolleċitawx il-klijentela tagħhom permezz ta’ kampanja ta’ reklamar ta’ diversi forom u ta’ daqs sinjifikattiv għas-servizzi ta’ bejgħ tagħhom online għandha “għan ta’ protezzjoni tas‑saħħa pubblika, imsemmi fl-Artikolu 3(4)(a) tad-Direttiva 2000/31, kif ukoll, barra minn hekk, fl-Artikolu 85c(2) tad-Direttiva 2001/83”.

63.      Għal finijiet ta’ kompletezza, jiena mhux kompletament persważ li s-sentenza A (Reklamar u bejgħ ta’ prodotti mediċinali online) (28) tiddeċiedi minn qabel b’mod definittiv li kwalunkwe kundizzjoni li taqa’ fil-qasam ikkordinat għandha tkun konformi mal-Artikolu 3(4) tad‑Direttiva 2000/31 u mal-Artikolu 85c(2) tad-Direttiva 2001/83. Fil‑fatt, kif diġà kkonstatajt f’kuntesti differenti, din l-ewwel dispożizzjoni ma tinkludix miżuri ġenerali u astratti, filwaqt li ma neskludix li tali miżuri jistgħu jaqgħu taħt din it-tieni dispożizzjoni (29). Huwa b’mod partikolari għal din ir-raġuni li ma huwiex ċar li din is‑sentenza tqajjem prinċipju universali, applikabbli fil-każijiet kollha, fir-rigward tar-rabta bejn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet (30).

64.      Madankollu, u fi kwalunkwe każ, Stat Membru ta’ destinazzjoni għandu jirrispetta l-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ oriġini fir-rigward tal-persuni awtorizzati biex joffru l-bejgħ online ta’ prodotti mediċinali, mingħajr ma jkunu jistgħu jinvokaw l-Artikolu 85c(2) tad‑Direttiva 2001/83. Kif jirriżulta mill-punt 48 ta’ dawn il‑konklużjonijiet, il-kundizzjonijiet imposti bis-saħħa ta’ din l-aħħar dispożizzjoni ma jissodisfawx il-kwistjoni dwar “min” jista’ jpoġġi l‑prodotti mediċinali għall-bejgħ online. Huwa biss l-Artikolu 3(4) tad‑Direttiva 2000/31 li jista’ japplika f’tali sitwazzjoni. Kif osservajt fil‑punt 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet, hemm għalhekk ċertu paralleliżmu bejn dawn iż-żewġ direttivi fir-rigward tal-perċezzjoni tagħhom tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni u tal-kundizzjonijiet li huma suġġetti għalihom.

65.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, insostni l-pożizzjoni mressqa minni fil-punt 54 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Għalhekk, ir-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 85c(2) tad-Direttiva 2001/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li projbizzjoni magħmula fil-konfront tal-fornitur ta’ servizz bħal dak deskritt fl-ewwel domanda preliminari, u li tirriżulta mill-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprekludu lill-persuni awtorizzati u intitolati biex ifornu prodotti mediċinali mhux suġġetti għal riċetta medika lill-pubbliku mill-bogħod milli jużaw dan is‑servizz. F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dawn l-elementi kollha humiex issodisfatti f’dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

C.      Fuq ittielet, irraba’, ilħames u ssitt domanda preliminari

1.      Rimarki preliminari

66.      Permezz tat-tielet, tar-raba’, tal-ħames u tas-sitt domanda preliminari, li għandhom jiġu analizzati b’mod konġunt, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 85c(2) tad-Direttiva 2001/83 jipprekludix il-projbizzjoni ta’ servizz, bħal dak deskritt fl-ewwel domanda preliminari, li tirriżulta mill-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali bħal dawk deskritti fit-tieni domanda preliminari.

67.      Fil-fatt, dawn id-domandi saru fil-każ fejn is-servizz ipprovdut minn Doctipharma jitqies bħala servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni, fis-sens tad-Direttiva 2001/83 (l-ewwel domanda preliminari). Fid-dawl tal-qari tiegħi tat-tieni domanda preliminari, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li minnhom tirriżulta l-projbizzjoni ta’ dan is-servizz għandhom jitqiesu bħala d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimponu kundizzjonijiet għall‑provvista bl-imnut ta’ prodotti mediċinali offruti għall-bejgħ mill-bogħod lill-pubbliku permezz ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 85c(2) tad-Direttiva 2001/83.

68.      Mill-Artikolu 85c(1) tad-Direttiva 2001/83 jirriżulta li, differenti mill-bejgħ online tal-prodotti mediċinali suġġetti għal riċetta medika, Stat Membru ma huwiex awtorizzat li jipprojbixxi kompletament l-offerta ta’ dawk mhux suġġetti għal riċetta medika permezz ta’ servizzi ta’ bejgħ online ipprovduti minn fornitur stabbilit fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id‑dispożizzjoni jkunu ssodisfatti (31). F’dan il-kuntest, Stat Membru ta’ destinazzjoni huwa awtorizzat, skont l-Artikolu 85c(2) ta’ din id-direttiva, jimponi “[kundizzjonijiet] fuq il-provvista bl-imnut [fit‑territorju ta’ dan l-Istat Membru,] ta’ prodotti mediċinali għall-bejgħ mill-bogħod lill-pubbliku permezz ta’ servizzi tas-soċjetà tal‑informatika”. Tali kundizzjonijiet għandhom ikunu ġġustifikati mill‑protezzjoni tas-saħħa pubblika.

69.      Kif tosserva l-Kummissjoni, il-qorti tar-rinviju tiċċita dispożizzjonijiet nazzjonali li l-interpretazzjoni tagħhom twassal biex tiġi pprojbita ċerta attività, mingħajr ma tispeċifika r-rabta bejn il‑projbizzjoni li tirriżulta minn din l-interpretazzjoni u l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika, imsemmi fl-Artikolu 85c(2) tad‑Direttiva 2001/83. Peress li t-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk din il-projbizzjoni hijiex iġġustifikata bl-għan tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika, dawn il-konklużjonijiet għandhom għalhekk ikunu limitati biex jagħtu indikazzjonijiet ġenerali li jippermettu lill-qorti tar-rinviju tagħti risposta għal din id-domanda.

2.      Indikazzjonijiet relatati malgħan talprotezzjoni tassaħħa pubblika

70.      L-Artikolu 85c(2) tad-Direttiva 2001/83 jillimita ruħu biex jindika li l-kundizzjonijiet imposti bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni għandhom ikunu ġġustifikati mill-protezzjoni tas-saħħa pubblika.

71.      F’dan ir-rigward, il-premessa 24 tad-Direttiva 2011/62 tikkjarifika l-kontenut leġiżlattiv ta’ din id-dispożizzjoni billi tindika li l-kundizzjonijiet imposti bis-saħħa tagħha “m’għandhomx jirrestrinġu bla bżonn il-funzjonament tas-suq intern”. Fid-dawl tat-terminoloġija tradizzjonali tad-dritt tal-Unjoni, użata fil-kuntest ta’ din il-kjarifika, inqis li din tirrifletti r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jissuġġetta l‑eżerċizzju tas-setgħa ta’ Stat Membru ta’ destinazzjoni għal test klassiku intiż biex jistabbilixxi jekk il-kundizzjonijiet imposti minn Stat Membru humiex adattati biex jiżguraw it-twettiq tal-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika u jekk dawn il-kundizzjonijiet imorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan il-għan.

72.      Barra minn hekk, kif urejt fil-punti 62 sa 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-kundizzjonijiet imposti skont l-Artikolu 85c(2) tad‑Direttiva 2001/83 jistgħu jiġu applikati wkoll fil-kuntest ta’ dimensjoni transkonfinali, fir-rigward tal-fornituri tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, stabbiliti fl-Istati Membri l-oħra differenti minn dak li minnu toħroġ il-kundizzjoni imposta bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni. L-eżerċizzju tas-setgħa ta’ Stat Membru ta’ destinazzjoni għandu għalhekk ikun suġġett għall-kundizzjonijiet li huma ispirati minn dawk li l-osservanza tagħhom hija suġġetta għal kwalunkwe ostakolu għal-libertajiet fundamentali protetti bl-artikoli tat-Trattat FUE.

73.      Nipproponi għalhekk li r-risposta għat-tielet, għar-raba’, għall-ħames u għas-sitt domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 85c(2) tad‑Direttiva 2001/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-projbizzjoni ta’ servizz bħal dak deskritt fl-ewwel domanda preliminari, li tirriżulta mill-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet bħal dawk deskritti fit-tieni domanda preliminari, sakemm ma jintweriex li din il-projbizzjoni hija adattata kif ukoll neċessarja għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

74.      Sabiex nipprovdi iktar gwida lill-qorti tar-rinviju, ser nagħmel xi rimarki addizzjonali fir-rigward tal-eżami li din il-qorti għandha twettaq.

75.      Fl-ewwel lok, qabel kollox, fid-dawl tal-importanza tar-relazzjoni ta’ fiduċja li għandha tipprevali bejn professjonist tas-saħħa, bħal spiżjar, u l-klijenti tiegħu, il-protezzjoni tad-dinjità ta’ professjoni rregolata hija tali li tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, li taqa’ taħt il-protezzjoni tas-saħħa pubblika, u li tista’ tiġġustifika restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi (32). L-istess japplika għal dak li jirrigwarda l-affidabbiltà u l-kwalità tad-distribuzzjoni ta’ prodotti mediċinali għall-bejgħ bl-imnut (33). Barra minn hekk, fir-rigward tal-fatt li d-Direttiva 2011/62 tirrigwarda, essenzjalment, il-prevenzjoni ta’ prodotti mediċinali foloz fil-katina tal-provvista, għandi nosserva li l-ħtieġa li tkun żgurata provvista sigura u ta’ kwalità ta’ prodotti mediċinali għall-popolazzjoni tikkostitwixxi għan tal-protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni (34). Finalment, fl-opinjoni tiegħi, taqa’ wkoll taħt l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika l-projbizzjoni tal-użu irrazzjonali u eċċessiv ta’ prodotti mediċinali mhux suġġetti għal riċetta medika li tissodisfa l-għan essenzjali li tiġi protetta s-saħħa pubblika (35).

76.      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-adegwatezza ta’ miżura nazzjonali sabiex jintlaħaq l-għan invokat, għandu jitfakkar li, meta jkun hemm inċertezza dwar l-eżistenza jew l-importanza ta’ riskji għas-saħħa tal-persuni, huwa importanti li l-Istat Membru jkun jista’ jieħu miżuri ta’ protezzjoni mingħajr ma jkollu jistenna li r-realtà ta’ dawn ir-riskji tkun kompletament ipprovata. Barra minn hekk, l-Istat Membru jista’ jieħu miżuri li jnaqqsu, kemm jista’ jkun, riskju għas-saħħa pubblika (36).

77.      Fit-tielet lok, fl-evalwazzjoni tar-rispett tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fil-qasam tas-saħħa pubbliku, għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li s-saħħa u l-ħajja tal-persuni għandhom importanza suprema fost il-beni u l-interessi protetti mit-Trattat FUE u li huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu l-livell li bih għandhom l-intenzjoni li jiżguraw il-protezzjoni tas-saħħa pubblika kif ukoll il-mod kif dak il-livell għandu jintlaħaq (37).

78.      Għall-finijiet ta’ kompletezza, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni tindika, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li l-projbizzjoni li tirriżulta mill-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tiġi eżaminata wkoll fid-dawl tal-Artikolu 15(1) sa (3) tad-Direttiva 2006/123/KE (38).

79.      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar li, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2006/123, “[j]ekk id-dispożizzjonijiet [tagħha] jmorru kontra dispożizzjoni ta’ att Komunitarju ieħor li jirregola aspetti speċifiċi ta’ aċċess għal jew l-eżerċizzju ta’ attività ta’ servizz fis-setturi speċifiċi jew għal professjonijiet speċifiċi, id-dispożizzjoni ta’ l-att Komunitarju l-ieħor jipprevalu u għandhom japplikaw f’dawk is-setturi jew professjonijiet speċifiċi […]”. F’dan il-każ, sa fejn jidher li ma hemmx inkompatibbiltà bejn id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2006/123 u dawk tad-Direttiva 2001/83, ma hemmx raġuni għalfejn ma għandhomx jiġu applikati dawn l-aħħar dispożizzjonijiet biss.

80.      L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2006/123 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw b’mod partikolari li r-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 2(d) ta’ dan l-artikolu, jiġifieri dawk relatati mal-aċċess għall-attività ta’ servizz partikolari minn fornituri partikolari minħabba n-natura speċifika tal-attività, ikunu kompatibbli mal-kundizzjonijiet ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità msemmija fil‑paragrafu 3 tal-artikolu msemmi.

81.      Essenzjalment, dawn il-kundizzjonijiet jikkorrispondu ma’ dawk eżaminati fil-kuntest tal-analiżi tiegħi fuq it-tielet, ir-raba’, il-ħames u s-sitt domanda preliminari. Barra minn hekk, xejn ma juri li l-projbizzjoni li tirriżulta mill-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali hija fiha nnifisha diskriminatorja. Il-fatt li, jekk wieħed jieħu ad litteram is‑sentenza A (Reklamar u bejgħ ta’ prodotti mediċinali online) (39), din il-projbizzjoni, mingħajr preġudizzju għall-klawżola derogatorja prevista fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/31, ma hijiex infurzabbli fir-rigward tal-fornituri bbażati fi Stati Membri oħra, ma jibdilx in-natura nondiskriminatorja tal-imsemmija projbizzjoni kif ġiet stabbilita fil-livell nazzjonali.

82.      Minkejja dan, il-qorti tar-rinviju ma tagħmilx domandi dwar id-Direttiva 2006/123 u hija biss il-Kummissjoni li semmiet l-eventwali applikazzjoni ta’ din id-direttiva fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, kif indikajt, il-qorti tar-rinviju ma tagħtix informazzjoni ddettaljata dwar il-karatteristiċi tas-servizz ipprovdut minn Doctipharma u dwar l‑għanijiet imfittxija mill-projbizzjoni magħmula fir-rigward ta’ dan is-servizz. F’dawn iċ-ċirkustanzi, nipproponi lill-Qorti tal‑Ġustizzja tiġbed l-attenzjoni tal-qorti tar-rinviju dwar din id-direttiva, mingħajr madankollu ma tipproċedi bl-interpretazzjoni tagħha.

VI.    Konklużjoni

83.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi, Franza) bil-mod segwenti:

1)      Il-punt 2 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi, kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Lulju 1998,

għandu jiġi interpretat fis-sens li

huwa “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni”, servizz ipprovdut minn fornitur fuq sit internet li jikkonsisti fit-tqegħid f’kuntatt ta’ spiżjara u ta’ klijenti għall-bejgħ, mis-siti tal-ispiżeriji li jkunu abbonaw ma’ dan is-sit permezz ta’ ħlas ta’ tariffa, ta’ prodotti mediċinali mhux suġġetti għal riċetta medika, mingħajr ma dan il-fornitur, l-ispiżjar u l-klijent ikunu daħlu f’kuntatt ħlief permezz ta’ apparat elettroniku waqt il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ bejgħ. F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, fuq livell fattwali, dawn l-elementi kollha humiex issodisfatti f’dak li jirrigwarda s-servizz inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

2)      L-Artikolu 85c(2) tad-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem, kif emendata bid-Direttiva 2011/62/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2011,

għandu jiġi interpretat fis-sens li

taqa’ taħt din id-dispożizzjoni projbizzjoni magħmula fil-konfront tal-fornitur ta’ servizz bħal dak deskritt fl-ewwel domanda preliminari, u li tirriżulta mill-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprojbixxu lill-persuni awtorizzati jew intitolati sabiex ifornu prodotti mediċinali mhux suġġetti għal riċetta medika lill-pubbliku mill-bogħod milli jużaw dan is-servizz. F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dawn l-elementi kollha kinux issodisfatti f’dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

3)      L-Artikolu 85c(2) tad-Direttiva 2001/83

għandu jiġi interpretat fis-sens li

jipprekludi l-projbizzjoni ta’ servizz bħal dak deskritt fl-ewwel domanda preliminari, li tirriżulta mill-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet bħal dawk deskritti fit-tieni domanda preliminari, sakemm ma jintweriex li din il-projbizzjoni hija adattata kif ukoll neċessarja għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Novembru 2001 dwar il‑kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill‑bniedem (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 69), kif emendata bid-Direttiva 2011/62/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2011 (ĠU 2011, L 174, p. 74, rettifika fil-ĠU 2018, L 29, p. 50) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2001/83”).


3      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337, kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Lulju 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 8) (iktar ’il quddiem id‑“Direttiva 98/34”).


4      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399).


5      Sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017 (C‑434/15, EU:C:2017:981).


6      Sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2020 (C‑649/18, EU:C:2020:764).


7      Sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017 (C‑434/15, EU:C:2017:981).


8      Sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2020 (C‑649/18, EU:C:2020:764).


9      F’dan ir-rigward, ma għandux jiġi eskluż li r-risposta għall-ewwel domanda titlob li għandhom jiġu interpretati mhux biss id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 98/34 iżda wkoll dawk tad-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil‑qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal‑Informatika (kodifikazzjoni) (ĠU 2015, L 241, p. 1). Fil-fatt, id-Direttiva 98/34 ġiet abrogata fis‑7 ta’ Ottubru 2015 permezz tad-Direttiva 2015/1535 u Doctipharma tindika, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li s-servizz inkwistjoni ġie pprovdut sal-2016. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li t-tieni direttiva rriproduċiet id‑definizzjoni tal-kunċett ta’ “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni” li kienet tinsab fl-ewwel direttiva, b’tali mod li l-applikazzjoni ta’ din it-tieni direttiva għall‑fatti tal-kawża prinċipali ma taffettwax, fi kwalunkwe każ, ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari.


10      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2020, Star Taxi App (C‑62/19, EU:C:2020:980, punt 45).


11      Ara, bħala analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Airbnb Ireland (C‑390/18, EU:C:2019:1112, punt 47).


12      Sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017 (C‑434/15, EU:C:2017:981, punti 37 u 40).


13      Sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019 (C‑390/18, EU:C:2019:1112, punt 50).


14      Sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2020 (C‑62/19, EU:C:2020:980, punt 49).


15      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Asociación Profesional Elite Taxi (C‑434/15, EU:C:2017:981, punti 38 u 39); tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Airbnb Ireland (C‑390/18, EU:C:2019:1112, punti 53 sa 56), u tat‑3 ta’ Diċembru 2020, Star Taxi App (C‑62/19, EU:C:2020:980, punti 50 sa 53).


16      Sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 2010, Ker-Optika (C‑108/09, EU:C:2010:725).


17      Ara l-punt 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


18      Sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2009 (C‑171/07 u C‑172/07, EU:C:2009:316, punti 34 u 35).


19      Sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2009 (C‑171/07 u C‑172/07, EU:C:2009:316, punti 19, 31, 34 u 35).


20      Ara l-punt 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


21      Sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2009 (C‑171/07 u C‑172/07, EU:C:2009:316).


22      Ara l-punti 56 sa 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


23      Sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2009 (C‑171/07 u C‑172/07, EU:C:2009:316).


24      Ara l-punt 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


25      Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2020, A (Reklamar u bejgħ ta’ prodotti mediċinali online) (C‑649/18, EU:C:2020:764, punt 32).


26      Ara l-Artikolu 2(h)(i) tad-Direttiva 2000/31.


27      Sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2020 (C‑649/18, EU:C:2020:764).


28      Sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2020 (C‑649/18, EU:C:2020:764).


29      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi Airbnb Ireland (C‑390/18, EU:C:2019:336, punti 123 sa 125), LEA (C‑10/22, EU:C:2023:437, punt 51) u Google et (C‑376/22, ***preżentazzjoni 13 ta’ Lulju/ biex jiżdied ir-riferiment EU***, punt 73).


30      Fil-fatt, minn naħa, id-dispożittiv ta’ din is-sentenza jirreferi, b’mod ġenerali, għad-Direttiva 2000/31 mingħajr ma jsemmi d-Direttiva 2001/83 u l-Artikolu 85c(2) tagħha. Minn naħa l-oħra, mill-punt 27 tas-sentenza tagħha tas‑17 ta’ Settembru 2021, mogħtija wara s-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2020, A (Reklamar u bejgħ ta’ prodotti mediċinali online) (C‑649/18, EU:C:2020:764), jirriżulta li l-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi tidher li qrat din tal-aħħar fis-sens li l-Artikolu 85c(2) ta’ din id-direttiva jkopri r-rekwiżiti relatati mar-reklamar online u jipprevali fuq il-punt 4 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31 sa fejn dan iqajjem il-kundizzjonijiet li fihom Stat Membru jista’ jidderoga mill-prinċipju stipulat fl-Artikolu 3(1) u (2) tagħha.


31      Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil‑kawża A (Reklamar u bejgħ ta’ prodotti mediċinali online) (C‑649/18, EU:C:2020:134, punt 25).


32      Ara s-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2020, A (Reklamar u bejgħ ta’ prodotti mediċinali online) (C‑649/18, EU:C:2020:764, punt 66).


33      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2009, Apothekerkammer des Saarlandes et (C‑171/07 u C‑172/07, EU:C:2009:316, punt 39).


34      Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Settembru 2019, VIPA (C‑222/18, EU:C:2019:751, punt 16).


35      Ara, bħala analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2022, EUROAPTIEKA (C‑530/20, EU:C:2022:1014, punti 39, 43 u 44). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 2010, Ker-Optika (C‑108/09, EU:C:2010:725, punti 58 u 59).


36      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Settembru 2019, VIPA (C‑222/18, EU:C:2019:751, punt 72).


37      Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2013, Venturini et (C‑159/12 sa C‑161/12, EU:C:2013:791, punt 59).


38      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 36).


39      Sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2020 (C‑649/18, EU:C:2020:764).