KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
RICHARD DE LA TOUR
ippreżentati fis‑17 ta’ Novembru 2022 ( 1 )
Kawża C‑556/21
Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid
fil-preżenza ta’
E.N.,
S.S.,
J.Y.
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika tal-ażil – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Stat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Kriterji u mekkaniżmi għad-determinazzjoni – Rikors ippreżentat kontra deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda fir-rigward ta’ applikant għall-ażil – Terminu għat-trasferiment – Sospensjoni tat-terminu sabiex jitwettaq it-trasferiment”
I. Introduzzjoni
|
1. |
Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 27(3) u tal-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida ( 2 ). |
|
2. |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawżi bejn, minn naħa, E.N., S.S. u J.Y., applikanti għal protezzjoni internazzjonali, u, min-naħa l-oħra, l-iStaatssecretaris van Justitie en Veiligheid (is-Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja u għas-Sigurtà, il-Pajjiżi l-Baxxi) (iktar ’il quddiem is-“Segretarju tal-Istat”), dwar id-deċiżjonijiet adottati minn dan tal-aħħar li l-applikazzjonijiet tagħhom għal protezzjoni internazzjonali jiġu miċħuda mingħajr eżami u li dawn tal-aħħar jiġu ttrasferiti lejn Stati Membri oħra. Dawn id-deċiżjonijiet ġew annullati mill-qrati tal-ewwel istanza kompetenti. Is-Segretarju tal-Istat appella minn dawn is-sentenzi u talab, fost oħrajn, bħala miżuri provviżorji, li jiġi sospiż it-terminu għat-trasferiment tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali, liema talba ntlaqgħet. |
|
3. |
Din il-kawża toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-okkażjoni li tipprovdi preċiżazzjonijiet dwar il-modalitajiet ta’ kalkolu tat-terminu li għandu l-Istat Membru rikjedenti sabiex jittrasferixxi l-applikant għal protezzjoni internazzjonali lejn l-Istat Membru responsabbli. |
|
4. |
Din il-kawża għandha rabta mal-kawża pendenti Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Terminu għat-trasferiment – Traffikar tal-bnedmin) (C‑338/21), li fiha tqum il-kwistjoni jekk it-terminu għat-trasferiment previst fl-Artikolu 29(1) tar-Regolament Dublin III (iktar ’il quddiem it-“terminu għat-trasferiment”) jiġix sospiż meta, b’mod parallelament għall-applikazzjoni tagħha għal protezzjoni internazzjonali, il-persuna kkonċernata tkun ressqet talba għar-reviżjoni tad-deċiżjoni li tirrifjuta l-ħruġ tal-permess ta’ residenza temporanja previst fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/81/KE ( 3 ). |
|
5. |
Minkejja l-fatt li, fiż-żewġ kawżi, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi) jistaqsi dwar il-konsegwenzi tas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment fuq il-komputazzjoni tat-terminu għat-trasferiment fih innifsu, id-domandi speċifiċi li jsiru huma differenti. Għal din ir-raġuni, dawn l-imsemmija kawżi huma s-suġġett ta’ konklużjonijiet separati, ippreżentati fl-istess jum. |
|
6. |
F’dawn il-konklużjonijiet, fi tmiem l-analiżi tiegħi, ser nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Artikolu 27(3) u l-Artikolu 29 tar-Regolament Dublin III għandhom jiġu interpretati fis-sens li, sa fejn l-Istat Membru rikjedenti għażel li japplika l-Artikolu 27(3)(c) ta’ dan ir-regolament u peress li l-applikant għal protezzjoni internazzjonali ma talabx is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment skont din id-dispożizzjoni, ma huwiex possibbli, għall-qorti tal-appell, li tordna, matul it-trattament tal-kawża u fuq talba tal-awtorità kompetenti ta’ dan l-Istat Membru, miżura provviżorja li għandha l-effett li tissospendi t-terminu għat-trasferiment. |
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
|
7. |
Skont l-Artikolu 1 tiegħu, ir-Regolament Dublin III jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali mressqa f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew minn persuna apolida. Il-premessi 4, 5 u 19 ta’ dan ir-regolament jiddikjaraw f’dan ir-rigward:
[…]
|
|
8. |
L-Artikolu 27(3) u (4) tar-Regolament Dublin III jistabbilixxi: “3. Għall-iskopijiet ta’ appelli kontra, jew reviżjonijiet ta’, ‑deċiżjonijiet ta’ trasferiment, l-Istati Membri għandhom jipprevedu fil-liġi nazzjonali tagħhom li:
4. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu li jaġixxu ex officio fis-sospensjoni tal-implimentazzjoni tad-deċiżjoni tat-trasferiment sakemm iseħħ l-eżitu tal-appell jew reviżjoni.” |
|
9. |
L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 29(1) u l-Artikolu 29(2) ta’ dan ir-regolament huma fformulati kif ġej: “1. It-trasferiment tal-applikant […] mill-Istat Membru rikjedenti lejn l-Istat Membru responsabbli, għandu jkun eżegwit skont id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru rikjedenti, wara konsultazzjoni bejn l-Istati Membri kkonċernati, mill-aktar fis li jkun prattikament possibbli, u l-aktar tard fi żmien sitt xhur mill-aċċettazzjoni tat-talba minn Stat Membru ieħor biex jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata jew tad-deċiżjoni finali wara appell jew reviżjoni fejn ikun hemm effett sospensiv skont l-Artikolu 27(3). […] 2. Fejn it-trasferiment ma jsirx fiż-żmien limitu ta’ sitt xhur, l-Istat Membru responsabbli għandu jitneħħewlu l-obbligi biex jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata u r-responsabbiltà għandha tkun trasferita lill-Istat Membru rikjedenti. Dan il-limitu ta’ żmien jista’ jkun estiż sa massimu ta’ sena jekk it-trasferiment ma setax ikun eżegwit minħabba priġunerija tal-persuna kkonċernata jew sa massimu ta’ tmintax-il xahar jekk il-persuna kkonċernata tkun ħarbet.” |
B. Id-dritt Olandiż
|
10. |
L-Artikolu 8:81(1) tal-Algemene wet bestuursrecht (il-Liġi Ġenerali dwar id-Dritt Amministrattiv) ( 4 ), tal‑4 ta’ Ġunju 1992, jistabbilixxi: “Jekk jiġi ppreżentat rikors kontra deċiżjoni quddiem il-qorti amministrattiva jew jekk, qabel eventwali rikors quddiem il-qorti amministrattiva, titressaq talba għal reviżjoni […], l-Imħallef għal miżuri provviżorji tal-qorti amministrattiva li huwa jew li jista’ jsir kompetenti fil-kawża prinċipali jista’, fuq talba, jieħu miżuri provviżorji jekk l-urġenza hekk teħtieġ, fid-dawl tal-interessi inkwistjoni.” |
|
11. |
Skont l-Artikolu 8:108(1) ta’ din il-liġi: “Sa fejn dan it-titolu ma jistabbilixxix mod ieħor, it-Titoli 8.1 sa 8.3 għandhom japplikaw, mutatis mutandis, għall-appell […]” |
III. Il-fatti tal-kawżi prinċipali u d-domanda preliminari
|
12. |
Fit‑12 ta’ Lulju u fis‑7 ta’ Ottubru 2019 kif ukoll fit‑22 ta’ Novembru 2020, E.N., S.S. u J.Y., rispettivament, ressqu applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fil-Pajjiżi l-Baxxi. Is-Segretarju tal-Istat talab lill-awtoritajiet ta’ Stati Membri oħra jieħdu responsabbiltà għalihom jew jeħduhom lura sabiex tittieħed responsabbiltà għalihom. Fis‑27 ta’ Ottubru u fl‑20 ta’ Novembru 2019 kif ukoll fid‑19 ta’ Jannar 2021, dawn l-awtoritajiet aċċettaw, espliċitament jew impliċitament, dawn it-talbiet għall-finijiet ta’ teħid ta’ responsabbiltà jew ta’ teħid lura sabiex tittieħed responsabbiltà. |
|
13. |
Fid‑9 ta’ Jannar u fit‑8 ta’ Frar 2020 kif ukoll fis‑16 ta’ Frar 2021, is-Segretarju tal-Istat irrifjuta li jeżamina l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali għar-raġuni li l-awtoritajiet ta’ Stati Membri oħra kienu responsabbli għall-eżami ta’ dawn l-applikazzjonijiet u li E.N., S.S. kif ukoll J.Y. kellhom jiġu ttrasferiti lil dawn l-awtoritajiet. E.N., S.S. u J.Y. ippreżentaw rikorsi għal annullament kontra dawn id-deċiżjonijiet. Mid-dikjarazzjonijiet tal-partijiet interessati waqt is-seduta jirriżulta li huma ma talbux is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet sakemm jiġu deċiżi r-rikorsi tagħhom ( 5 ). |
|
14. |
Fil‑25 ta’ Frar u fis‑16 ta’ Settembru 2020 ( 6 ), kif ukoll fl‑1 ta’ April 2021, il-qrati tal-ewwel istanza annullaw id-deċiżjonijiet ta’ rifjut li jiġu eżaminati l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali kif ukoll id-deċiżjonijiet ta’ trasferiment u ordnaw lis-Segretarju tal-Istat jieħu deċiżjonijiet ġodda dwar l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali mressqa minn E.N., S.S. u J.Y. |
|
15. |
Is-Segretarju tal-Istat appella minn dawn is-sentenzi quddiem ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat). Ma’ dawn l-appelli huwa inkluda talbiet għal miżuri provviżorji intiżi li, minn naħa, ma jkollux jieħu deċiżjoni ġdida dwar l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali qabel ma tingħata deċiżjoni dwar l-appell u, min-naħa l-oħra, it-terminu għat-trasferiment jiġi sospiż. Il-qorti tar-rinviju laqgħet dawn it-talbiet, fis‑17 ta’ Marzu u fis‑16 ta’ Novembru 2020 kif ukoll fit‑28 ta’ Mejju 2021. |
|
16. |
Il-qorti tar-rinviju tispeċifika li hija ser ikollha tikkonstata li t-terminu għat-trasferiment skada u li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għalhekk sar responsabbli għall-eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali mressqa minn E.N., S.S. u J.Y. jekk ikun hemm lok li jitqies li l-Artikolu 27(3) u l-Artikolu 29(1) tar-Regolament Dublin III jipprekludu li tintlaqa’, fl-appell, talba għal miżuri provviżorji tas-Segretarju tal-Istat intiża għas-sospensjoni tat-terminu għat-trasferiment. |
|
17. |
Dik il-qorti tfakkar li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għażel li jimplimenta l-Artikolu 27(3)(c) tar-Regolament Dublin III, li skontu l-persuna kkonċernata għandha d-dritt li titlob f’terminu raġonevoli lil qorti tissospendi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment sakemm jiġu deċiżi r-rikors tagħha jew it-talba tagħha għal reviżjoni. |
|
18. |
Il-qorti tar-rinviju tqis li s-soluzzjoni li skontha l-Artikoli 27 u 29 tar-Regolament Dublin III jipprekludu li tintlaqa’, fl-appell, talba għal miżuri provviżorji tas-Segretarju tal-Istat intiża għas-sospensjoni tat-terminu għat-trasferiment tista’ tkun iġġustifikata, minn naħa, mid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “persuna kkonċernata” fis-sens tal-Artikolu 27(3)(c) ta’ dan ir-regolament u, min-naħa l-oħra, mill-għan ta’ determinazzjoni bil-ħeffa tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. |
|
19. |
Madankollu, hija tirrileva elementi li jiġġustifikaw li jiġi konkluż li l-imsemmi regolament ma jipprekludix li tintlaqa’, fl-appell, talba għal miżuri provviżorji tas-Segretarju tal-Istat intiża għas-sospensjoni tat-terminu għat-trasferiment. |
|
20. |
L-ewwel, mis-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2018, Staatssecretaris van Veiligheid en justitie (Effett sospensiv tal-appell) ( 7 ), il-qorti tar-rinviju tiddeduċi li, għalkemm direttiva tipprevedi obbligu li jiġi żgurat li jeżisti rimedju ġudizzjarju effettiv fl-ewwel livell ta’ ġurisdizzjoni, dan l-obbligu ma jostakolax li tiġi prevista proċedura fit-tieni livell ta’ ġurisdizzjoni jew fl-appell. |
|
21. |
It-tieni, il-qorti tar-rinviju targumenta li, għalkemm wieħed mill-għanijiet tar-Regolament Dublin III huwa li jiġi ddeterminat bil-ħeffa l-Istat Membru responsabbli għall-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, għandu jiġi ggarantit rimedju ġudizzjarju effettiv kontra d-deċiżjonijiet ta’ trasferiment lejn l-Istat Membru responsabbli. F’dan ir-rigward, il-persuna kkonċernata tista’ tiffavorixxi protezzjoni ġuridika addizzjonali fuq determinazzjoni bil-ħeffa tal-Istat Membru responsabbli. |
|
22. |
Skont dik il-qorti, tali interpretazzjoni hija intiża li jiġu evitati żewġ sitwazzjonijiet mhux mixtieqa, jiġifieri, minn naħa, li l-persuna kkonċernata tiġi ttrasferita lejn l-Istat Membru responsabbli, filwaqt li r-rikors ikun pendenti, sabiex sussegwentement tintbagħat lura lejn l-Istat Membru rikjedenti jekk ir-rikors ikun fondat jew, min-naħa l-oħra, li l-persuna kkonċernata ma tkunx tista’ tiġi ttrasferita lejn l-Istat Membru responsabbli u li t-terminu għat-trasferiment jiskadi fl-appell, b’mod li l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jkollha tiġi pproċessata mill-Istat Membru rikjedenti, minkejja li l-persuna kkonċernata tkun tilfet ir-rikors tagħha. |
|
23. |
It-tielet, l-imsemmija qorti tikkonċepixxi li s-Segretarju tal-Istat jibbenefika wkoll mill-possibbiltà li jitlob, fl-appell, is-sospensjoni tat-terminu għat-trasferiment. Soluzzjoni opposta tipperikola li ċċaħħad lis-Segretarju tal-Istat minn kull possibbiltà konkreta li jappella, sa fejn it-terminu għat-trasferiment ma jkunx dejjem suffiċjenti sabiex jippermetti lill-qorti adita tagħti deċiżjoni. |
|
24. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja: “L-Artikolu 27(3) u l-Artikolu 29 tar-Regolament [Dublin III] għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta l-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru jipprevedi tieni livell ta’ ġurisdizzjoni għal kawżi bħal dik inkwistjoni, huma ma jipprekludux li l-qorti tal-appell toħroġ, fuq talba tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru, matul it-trattament tal-kawża, digriet provviżjorju li għandu l-effett li jissospendi t-terminu għat-trasferiment?” |
|
25. |
E.N., S.S. u J.Y., il-Gvern Olandiż u l-Gvern Ġermaniż kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. |
|
26. |
Matul seduta komuni mal-Kawża pendenti C‑338/21, li nżammet fl‑14 ta’ Lulju 2022, E.N., S.S. u J.Y., il-Gvern Olandiż kif ukoll il-Kummissjoni nstemgħu u ġew b’mod partikolari mistiedna jwieġbu għall-mistoqsijiet għal tweġiba orali magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja. |
IV. Analiżi
|
27. |
Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara jekk l-Artikolu 27(3) u l-Artikolu 29(1) tar-Regolament Dublin III għandhomx jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux prassi nazzjonali li skontha, meta s-sistema ġuridika ta’ Stat Membru tipprevedi tieni livell ta’ ġurisdizzjoni fil-kuntest tal-proċeduri ta’ rikors kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment jew it-talbiet għar-reviżjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet, previsti f’dan Artikolu 27(3), il-qorti tal-appell tista’ tordna, matul it-trattament tal-kawża u fuq talba tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru, miżura provviżorja li għandha l-effett li tissospendi t-terminu għat-trasferiment. |
|
28. |
Sabiex tingħata tweġiba għall-mistoqsijiet tal-qorti tar-rinviju, għandu, qabelxejn, jitfakkar li r-Regolament Dublin III ma jipprevedix, bħala tali, il-possibbiltà, għal qorti nazzjonali, li tissospendi t-terminu ta’ sitt xhur li għandu l-Istat Membru rikjedenti sabiex iwettaq it-trasferiment tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali lejn l-Istat Membru responsabbli. |
|
29. |
Mill-banda l-oħra, l-Artikolu 27(3) ta’ dan ir-regolament jipprevedi l-possibbiltà, għal qorti nazzjonali, li tissospendi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment jew ex officio ( 8 ), jew fuq talba tal-persuna kkonċernata ( 9 ). Hija din is-sospensjoni li twassal għal konsegwenzi fuq il-komputazzjoni tat-terminu għat-trasferiment. |
|
30. |
Fil-fatt, skont l-Artikolu 29(1) tal-imsemmi regolament, it-terminu għat-trasferiment jibda jiddekorri, bħala prinċipju, mill-aċċettazzjoni minn Stat Membru ieħor tat-talba għall-finijiet tat-teħid ta’ responsabbiltà għall-persuna kkonċernata jew tat-teħid lura tagħha sabiex tittieħed responsabbiltà għaliha. Madankollu, meta l-persuna kkonċernata tkun ippreżentat rikors jew tkun ressqet talba għal reviżjoni kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment, dan it-terminu jibda jiddekorri mid-deċiżjoni definittiva dwar dan ir-rikors jew din ir-reviżjoni meta jkun ingħata l-effett sospensiv skont l-imsemmi Artikolu 27(3) tal-istess regolament. |
|
31. |
Din id-dispożizzjoni tal-aħħar tipprevedi tliet modalitajiet li jippermettu li tiġi sospiża l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment. L-Istati Membri għandhom jipprovdu jew, l-ewwel, li r-rikors kontra din id-deċiżjoni jagħti lill-persuna kkonċernata d-dritt li tibqa’ fl-Istat Membru li adotta l-imsemmija deċiżjoni sakemm jiġi deċiż ir-rikors tagħha ( 10 ), ħaġa li għandha l-effett li t-trasferiment ma jistax jitwettaq; jew, it-tieni, li, wara l-preżentata ta’ rikors kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment, it-trasferiment jiġi awtomatikament sospiż għal terminu raġonevoli li matulu qorti tiddetermina jekk hemmx lok li jingħata effett sospensiv lil dan ir-rikors ( 11 ); jew, it-tielet, li l-persuna kkonċernata jkollha l-possibbiltà li tippreżenta rikors intiż li tinkiseb is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment sakemm jiġi deċiż ir-rikors kontra din id-deċiżjoni ( 12 ). Mir-rabta bejn l-Artikolu 27(3) u l-Artikolu 29(1) tar-Regolament Dublin III jirriżulta li huwa biss meta s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment tkun ingħatat skont waħda mit-tliet modalitajiet tal-Artikolu 27(3) ta’ dan ir-regolament li l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għat-trasferiment ser ikun jista’ jiddewwem skont l-Artikolu 29(1) tal-imsemmi regolament. |
|
32. |
Issa, għandu jiġi osservat li, minn naħa, l-Artikolu 27(3) tar-Regolament Dublin III ma jipprovdix li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rikjedenti tista’ titlob is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment u, min-naħa l-oħra, ir-Renju tal-Pajjiżi Baxxi għażel li japplika, fost it-tliet modalitajiet alternattivi ta’ tali sospensjoni previsti minn din id-dispożizzjoni, dik li skontha l-applikant għal protezzjoni internazzjonali jista’ jippreżenta rikors intiż li tinkiseb din is-sospensjoni ( 13 ). |
|
33. |
Madankollu, is-sistema Olandiża, li hija inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tipprovdi li, wara l-annullament ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment fl-ewwel istanza, l-awtorità amministrattiva kompetenti tista’ titlob lill-Imħallef għall-miżuri provviżorji tal-qorti tal-appell jiddikjara li hija ma għandhiex tieħu deċiżjoni ġdida dwar l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali sakemm jiġi deċiż ir-rikors, u jiddeċiedi li t-terminu għat-trasferiment ikun sospiż sakemm il-qorti tal-appell tiddeċiedi dwar ir-rikors, u dan minkejja li l-applikant għal protezzjoni internazzjonali ma jkunx talab is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment fl-ewwel istanza, jew minkejja li tali sospensjoni ma tkunx ingħatatlu. |
|
34. |
Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk, sa fejn ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għażel li japplika l-Artikolu 27(3)(c) tar-Regolament Dublin III u sa fejn l-applikant għal protezzjoni internazzjonali ma talabx is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment fl-ewwel istanza, l-Artikolu 27(3) u l-Artikolu 29(1) ta’ dan ir-regolament jipprekludux tali prassi ġuridika. |
|
35. |
Għal dan il-għan, infakkar li d-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 27(3) u fl-Artikolu 29 tar-Regolament Dublin III jfittxu li jilħqu skop li huwa speċifiku għalihom. |
|
36. |
L-ewwel, il-proċeduri ta’ teħid ta’ responsabbiltà għall-applikanti għal protezzjoni internazzjonali u ta’ teħid lura tagħhom sabiex tittieħed responsabbiltà għalihom għandhom jitmexxew b’osservanza ta’ sensiela ta’ termini imperattivi, fosthom it-terminu ta’ sitt xhur li għandu l-Istat Membru rikjedenti sabiex jittrasferixxi l-persuna kkonċernata lejn l-Istat Membru responsabbli skont l-Artikolu 29(1) tar-Regolament Dublin III ( 14 ). |
|
37. |
Dawn it-termini jikkontribwixxu, b’mod determinanti, għat-twettiq tal-għan ta’ ħeffa fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, imsemmi fil-premessa 5 ta’ dan ir-regolament, billi jiġi ggarantit li l-proċeduri ta’ teħid ta’ responsabbiltà u ta’ teħid lura sabiex tittieħed responsabbiltà jiġu implimentati mingħajr dewmien inġustifikat ( 15 ). |
|
38. |
It-tieni, meta adotta l-Artikolu 27(3) tal-imsemmi regolament, l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet li jsaħħaħ il-garanziji proċedurali mogħtija lill-applikant għal protezzjoni internazzjonali ( 16 ) u, b’mod iktar partikolari, il-protezzjoni ġudizzjarja li huwa jgawdi skont l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ( 17 ). |
|
39. |
Fi kliem ieħor, huwa sabiex tingħata protezzjoni ġudizzjarja suffiċjenti lill-persuna kkonċernata li l-Artikolu 27(3) tar-Regolament Dublin III jagħtiha l-possibbiltà li tikseb li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru rikjedenti ma jistgħux iwettqu t-trasferiment tagħha lejn Stat Membru ieħor. |
|
40. |
Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tad‑29 ta’ Jannar 2009, Petrosian ( 18 ), mir-rabta bejn dawn l-għanijiet jirriżulta li, sabiex il-garanzija ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-persuni kkonċernati tiġi rrikonċiljata mal-osservanza tat-termini imperattivi imposti fuq l-Istati Membri, jeħtieġ li l-komputazzjoni tat-terminu għat-trasferiment tkun tista’ tiddewwem sabiex dan jibda jiddekorri mid-deċiżjoni ġudizzjarja li tiddeċiedi dwar il-fondatezza tal-proċedura u li ma tkunx tista’ tostakola iktar l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment. |
|
41. |
Skont ġurisprudenza stabbilita minn dak iż-żmien ’il quddiem, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jissagrifika l-protezzjoni ġudizzjarja tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali għar-rekwiżit ta’ ħeffa fl-ipproċessar tal-applikazzjoni tagħhom ( 19 ). |
|
42. |
Fid-dawl tal-elementi preċedenti, jidhirli li huwa opportun li jitfakkar li l-għan ta’ ħeffa fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali jista’ jiġi ppreġudikat, billi tiddewwem il-komputazzjoni tat-terminu għat-trasferiment, biss meta l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment tkun ġiet sospiża fiċ-ċirkustanzi previsti fl-Artikolu 27(3) tar-Regolament Dublin III, bil-għan li tiġi ggarantita protezzjoni ġudizzjarja suffiċjenti lill-applikant għal protezzjoni internazzjonali. Għalhekk huwa biss għall-benefiċċju ta’ dan l-applikant li jeżistu rimedji ġudizzjarji kontra d-deċiżjonijiet ta’ trasferiment u li tista’ tiġi ordnata s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet, li twassal għas-sospensjoni tat-terminu għat-trasferiment. |
|
43. |
Għalhekk jidhirli li s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment mill-qorti tal-appell, fuq talba tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rikjedenti, ma tippermettix li tiġi ggarantita protezzjoni ġudizzjarja effettiva lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali. |
|
44. |
Fil-fatt, fil-kawża prinċipali, E.N., S.S. u J.Y. kienu kisbu, fl-ewwel istanza, l-annullament tad-deċiżjonijiet ta’ trasferiment mingħajr ma talbu s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tagħhom. |
|
45. |
Jistgħu jsiru żewġ rimarki f’dan ir-rigward. |
|
46. |
F’dak li jirrigwarda, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni ta’ trasferiment, infakkar li s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment, skont l-Artikolu 27(3) tar-Regolament Dublin III hija marbuta intrinsikament, mingħajr ma hija neċessarjament awtomatika, mal-eżistenza ta’ rikors kontra din id-deċiżjoni. Huwa preċiżament għaliex teżisti deċiżjoni ta’ trasferiment li l-eżekuzzjoni tagħha tista’ tiġi sospiża sabiex l-applikant għal protezzjoni internazzjonali jkun jista’ jikkontesta din id-deċiżjoni b’mod utli. |
|
47. |
Barra minn hekk, kwalunkwe dewmien fil-komputazzjoni tat-terminu ta’ sitt xhur previst sabiex jitwettaq it-trasferiment jista’ jiġi ġġustifikat biss mill-interess tal-persuna kkonċernata li l-legalità tad-deċiżjoni ta’ trasferiment tiġi ċċarata minn awtorità ġudizzjarja ( 20 ). |
|
48. |
Għaldaqstant, peress li d-deċiżjonijiet ta’ trasferiment ġew annullati mill-qrati tal-ewwel istanza, E.N., S.S. u J.Y. ma għadhomx jinkorru r-riskju li jiġu ttrasferiti lejn l-Istat Membri responsabbli matul it-tul kollu tal-proċedura tal-appell. Ma jeżisti ebda riskju li tiġi ppreġudikata l-protezzjoni ġudizzjarja ta’ dawn tal-aħħar, li ser ikunu jistgħu jibqgħu fit-territorju tal-Istat Membru rikjedenti, u jiddefendu validament id-drittijiet tagħhom quddiem il-qorti tal-appell. |
|
49. |
F’dak li jirrigwarda, min-naħa l-oħra, l-assenza ta’ effett sospensiv tar-rikors, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, bl-adozzjoni tal-Artikolu 27(3) tar-Regolament Dublin III, il-leġiżlatur tal-Unjoni rrikonoxxa li l-Istati Membri setgħu jiddeċiedu li l-preżentata ta’ rikors kontra deċiżjoni ta’ trasferiment ma kinitx suffiċjenti, waħedha, sabiex tiġi sospiża l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment, li għaldaqstant setgħet isseħħ mingħajr ma wieħed jistenna l-eżami ta’ dan ir-rikors, bil-kundizzjoni li s-sospensjoni ma kinitx intalbet jew li t-talba għal sospensjoni kienet ġiet miċħuda ( 21 ). |
|
50. |
Issa, mid-dikjarazzjoni tal-konsulenti tagħhom waqt is-seduta jirriżulta li, fil-kuntest tar-rikorsi tagħhom, fl-ewwel istanza, kontra d-deċiżjonijiet ta’ trasferiment meħuda fil-konfront tagħhom, E.N., J.Y. u S.S. ma kinux talbu li dawn ir-rikorsi jinkludu effett sospensiv ( 22 ). |
|
51. |
F’dan ir-rigward, minn dan jista’ jiġi dedott li l-intenzjoni ta’ E.N., J.Y u S.S. kienet li jiffavorixxu l-ħeffa fl-ipproċessar tal-applikazzjoni tagħhom għal protezzjoni internazzjonali u li s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ trasferiment, mitluba fl-appell fuq inizjattiva tas-Segretarju tal-Istat, pjuttost tissodisfa l-interess, għal din l-awtorità amministrattiva, li jinżammu d-deċiżjonijiet ta’ trasferiment li ġew annullati fl-ewwel istanza u li tiġi sospiża l-eżekuzzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet ta’ trasferiment kif ukoll, konsegwentement, li tiddewwem il-komputazzjoni tat-terminu għat-trasferiment. |
|
52. |
Nikkonstata, fil-fatt, li mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-miżuri provviżorji, mogħtija fl-appell u fuq inizjattiva tal-awtorità nazzjonali kompetenti, huma essenzjalment intiżi li jiġi evitat li t-terminu għat-trasferiment jiskadi qabel ma jiġi eżaminat l-appell. Għalhekk dawn il-miżuri ngħataw biss għall-benefiċċju ta’ din l-awtorità. |
|
53. |
Madankollu, kif speċifika il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi waqt is-seduta, sa fejn ir-rikors ippreżentat, fl-ewwel istanza, minn applikant għal protezzjoni internazzjonali ma jkunx jinkludi miżuri provviżorji li jissospendu l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment, xejn ma jżomm lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti milli jittrasferixxu dan l-applikant għal protezzjoni internazzjonali lejn l-Istat Membru responsabbli matul it-tul kollu tal-proċedura fl-ewwel istanza ( 23 ). |
|
54. |
Huwa tabilħaqq minnu li tali xenarju jista’ jwassal lill-Istat Membru rikjedenti sabiex jittrasferixxi applikant għal protezzjoni internazzjonali lejn l-Istat Membru li jkun aċċetta li jieħu responsabbiltà għalih jew li jieħdu lura sabiex tittieħed responsabbiltà għalih, minkejja li, sussegwentement, id-deċiżjoni ta’ trasferiment tiġi annullata mill-qrati kompetenti tal-Istat Membru rikjedenti. |
|
55. |
Madankollu, nirrileva li l-Artikolu 29(3) tar-Regolament Dublin III jipprovdi, f’tali sitwazzjoni, li “l-Istat Membru li wettaq it-trasferiment għandu jaċċetta dik il-persuna lura minnufih” ( 24 ). |
|
56. |
Għaldaqstant, peress li l-Istat Membru rikjedenti għażel li japplika l-Artikolu 27(3)(c) tar-Regolament Dublin III, u peress li l-persuna kkonċernata ma talbitx is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment fl-ewwel istanza, ebda ostakolu għall-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni ma jiġġustifika li huwa neċessarju li, konsegwentement, jiġi sospiż it-terminu għat-trasferiment. |
|
57. |
Minn dan nikkonkludi li ma teżisti ebda raġuni, għall-Istat Membru rikjedenti, sabiex jitbiegħed mit-terminu ta’ sitt xhur stabbilit fl-Artikolu 29(1) tar-Regolament Dublin III, mill-mument li fih l-Istat Membru responsabbli aċċetta t-talba għall-finijiet tat-teħid ta’ responsabbiltà għall-persuna kkonċernata jew tat-teħid lura tagħha sabiex tittieħed responsabbiltà għaliha, jekk din il-persuna ma tkunx talbet, fl-ewwel istanza, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment. |
|
58. |
Għaldaqstant, l-appell ippreżentat mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti la jista’ jkollu l-effett li jwassal għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment, li hija biss il-persuna kkonċernata li tista’ titlob, u lanqas ma jista’ jkollu l-effett li jwassal għas-sospensjoni tat-terminu għat-trasferiment. |
|
59. |
Kien ikun mod ieħor li kieku E.N., J.Y. kif ukoll S.S. kienu talbu u kisbu s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment fl-ewwel istanza. Fil-fatt, fil-każ ta’ appell sospensiv, ħaġa li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika, tali deċiżjoni ta’ sospensjoni tinżamm sad-deċiżjoni tal-qorti tal-appell u sal-eżitu tar-rikors, indipendentement min-numru ta’ livelli ta’ istanzi previst mid-dritt nazzjonali. Huwa biss f’din is-sitwazzjoni li t-terminu għat-trasferiment jista’ jibda jiddekorri mill-mument li fih ir-rikors kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment jew ir-reviżjoni ta’ din id-deċiżjoni jieqfu milli jkollhom effett sospensiv. |
|
60. |
Tali interpretazzjoni hija kkorroborata mill-Artikolu 27(3) tar-Regolament Dublin III, li jipprovdi li applikant għal protezzjoni internazzjonali jista’ jitlob is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment sakemm jintlaħaq “l-eżitu tal-appell jew reviżjoni tiegħu”, u mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 29(1) ta’ dan ir-regolament, li jipprovdi li t-terminu għat-trasferiment jibda jiddekorri mid-“deċiżjoni finali wara appell jew reviżjoni”, meta l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment tkun ġiet sospiża skont dan l-Artikolu 27(3). |
|
61. |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li, sa fejn l-Istat Membru rikjedenti għażel li japplika l-Artikolu 27(3)(c) tar-Regolament Dublin III u peress li l-applikant għal protezzjoni internazzjonali ma talabx is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment skont din id-dispożizzjoni, ma huwiex possibbli, għall-qorti tal-appell, li tordna, matul it-trattament tal-kawża u fuq talba tal-awtorità kompetenti ta’ dan l-Istat Membru biss, miżura provviżorja li għandha l-effett li tissospendi t-terminu għat-trasferiment. |
V. Konklużjoni
|
62. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda preliminari magħmula mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi): L-Artikolu 27(3) u l-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, għandhom jiġu interpretati fis-sens li: sa fejn l-Istat Membru rikjedenti għażel li japplika l-Artikolu 27(3)(c) ta’ dan ir-regolament, u peress li l-applikant għal protezzjoni internazzjonali ma talabx is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment skont din id-dispożizzjoni, dawn jipprekludu li l-qorti tal-appell tordna, matul it-trattament tal-kawża u fuq talba tal-awtorità kompetenti ta’ dan l-Istat Membru biss, miżura provviżorja li għandha l-effett li tissospendi t-terminu għat-trasferiment previst fl-Artikolu 29(1) tal-imsemmi regolament. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) ĠU 2013, L 180, p. 31, rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin III”.
( 3 ) Direttiva tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-permess ta’ residenza maħruġ lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma vittmi tat-traffikar fi bnedmin jew li kienu s-suġġett ta’ azzjoni għall-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali, li jikkoperaw ma’ l-awtoritajiet kompetenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 69).
( 4 ) Stb. 1992, Nru 315.
( 5 ) S.S. kien talab is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda fil-konfront tiegħu, iżda sussegwentement irtira din it-talba, b’mod li l-eżekuzzjoni ta’ ebda deċiżjoni ta’ trasferiment ma ġiet effettivament sospiża.
( 6 ) Fis-sentenza mogħtija fil-kawża dwar S.S., li huwa wkoll parti fil-proċedura fil-Kawża pendenti C‑338/21, il-qorti tal-ewwel istanza ddeċidiet li t-terminu li kellu r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi sabiex iwettaq it-trasferiment ta’ din il-persuna kien diġà skada.
( 7 ) C‑180/17, EU:C:2018:775.
( 8 ) Skont l-Artikolu 27(3)(a) u (b) tar-Regolament Dublin III.
( 9 ) Skont l-Artikolu 27(3)(c) tar-Regolament Dublin III.
( 10 ) Skont l-Artikolu 27(3)(a) tar-Regolament Dublin III.
( 11 ) Skont l-Artikolu 27(3)(b) tar-Regolament Dublin III.
( 12 ) Skont l-Artikolu 27(3)(c) tar-Regolament Dublin III.
( 13 ) Skont l-Artikolu 27(3)(c) tar-Regolament Dublin III.
( 14 ) Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2018, X u X (C‑47/17 u C‑48/17, EU:C:2018:900, punt 57).
( 15 ) Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2018, X u X (C‑47/17 u C‑48/17, EU:C:2018:900, punt 69).
( 16 ) F’dan ir-rigward, ara s-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2016, Ghezelbash (C‑63/15, EU:C:2016:409, punt 57). Ara, ukoll, il-Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat (COM(2008) 820 final), ippreżentata mill-Kummissjoni fit‑3 ta’ Diċembru 2008, b’mod partikolari l-punt 3, p. 6, 8 u 12.
( 17 ) F’dan ir-rigward, ara s-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Hassan (C‑647/16, EU:C:2018:368, punti 57 u 58).
( 18 ) C‑19/08, EU:C:2009:41. Din is-sentenza tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 tat‑18 ta’ Frar 2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 109), li tħassar bir-Regolament Dublin III (ara l-Artikolu 48 ta’ dan ir-regolament).
( 19 ) Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2021, The International Protection Appeals Tribunal et (C‑322/19 u C‑385/19, EU:C:2021:11, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 20 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pikamäe fil-kawżi magħquda Bundesrepublik Deutschland (Sospensjoni amministrattiva tad-deċiżjoni ta’ trasferiment) (C‑245/21 u C‑248/21, EU:C:2022:433, punt 58).
( 21 ) Ara s-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2016, Ghezelbash (C‑63/15, EU:C:2016:409, punt 59).
( 22 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 23 ) B’eċċezzjoni ta’ S.S., li huwa wkoll parti fil-proċedura fil-Kawża pendenti C‑338/21. Fil-fatt, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment ingħatatlu fil-kuntest ta’ talba għar-reviżjoni tad-deċiżjoni tad-deċiżjoni li tirrifjuta l-ħruġ tal-permess ta’ residenza temporanja previst fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/81.
( 24 ) Għalkemm nirrikonoxxi, bħall-Avukata Ġenerali Sharpston fil-konklużjonijiet tagħha fil-kawża Shiri (C‑201/16, EU:C:2017:579, nota ta’ qiegħ il-paġna 47), li din id-dispożizzjoni għandha tintuża bħala eċċezzjoni iktar milli bħala regola.