Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SPIELMANN

ippreżentati fid‑29 ta’ April 2025 (1)

Kawża C521/21

MJ

vs

AA

fil-preżenza ta’

Rzecznik Praw Obywatelskich,

Prokurator Prokuratury Okręgowej w Poznaniu

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Rejonowy Poznań‑Stare Miasto w Poznaniu (il-Qorti Distrettwali ta’ Poznań‑Stare Miasto f’Poznań, il-Polonja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Stat tad-dritt – Indipendenza ġudizzjarja – Artikolu 19(1) TUE – Projbizzjoni għall-qrati nazzjonali li jikkontestaw il-leġittimità tal-qrati u tal-korpi kostituzzjonali jew li jikkonstataw jew jevalwaw il-legalità tal-ħatra tal-imħallfin jew tas-setgħat ġudizzjarji tagħhom – Neċessità ta’ verifika, minn imħallef adit b’talba għal rikuża ta’ mħallef, tal-osservanza ta’ ċerti rekwiżiti relatati mal-eżistenza ta’ qorti stabbilita minn qabel bil-liġi – Ħatra ta’ imħallfin ta’ qrati ordinarji – Nuqqas ta’ indipendenza tal-Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura, il-Polonja) – Dritt għal rimedju effettiv tal-kandidati għal pożizzjoni ta’ mħallef – Imħallef li ma jikkostitwixxix qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi – Possibbiltà li jitneħħa mħallef mill-kulleġġ ġudikanti”






I.      Introduzzjoni

1.        Din il-kawża tikkonċerna r-rikuża ta’ mħallef ta’ qorti ordinarja, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-ħatra tagħha. Hija tqajjem żewġ domandi prinċipali magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja mis-Sąd Rejonowy Poznań-Stare Miasto w Poznaniu (il-Qorti Distrettwali ta’ Poznań‑Stare Miasto f’Poznań, il-Polonja). L-ewwel waħda tirrigwarda l-effett li eventwali difetti proċedurali jista’ jkollhom fuq il-validità ta’ din il-ħatra, peress li l-kandidatura tal-imħallef ikkonċernata kienet ġiet irrakkomandata mill-Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura, il-Polonja) (iktar ’il quddiem il-“KRS”) fil-kompożizzjoni l-ġdida tiegħu, filwaqt li d-dritt għal azzjoni legali tal-kandidati kien limitat għall-Izba Kontroli Nadzwyczajnej i Spraw Publicznych (l-Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi, il-Polonja) (iktar ’il quddiem l-“Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi”) tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja), komposta minn imħallfin maħtura huma stess fuq proposta tal-KRS fil-kompożizzjoni l-ġdida tiegħu.

2.        It-tieni domanda tirrigwarda l-konsegwenzi li l-qorti tar-rinviju tista’ tislet minn tali eżami tar-regolarità tal-ħatra. B’mod iktar preċiż, għandu jiġi ddeterminat jekk, skont id-dritt tal-Unjoni, l-imħallef inkarigat mir-rikuża huwiex awtorizzat jevalwa l-legalità tal-ħatra u, jekk ikun il-każ, jislet minn dan il-konklużjonijiet proċedurali meħtieġa.

3.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari taqa’ f’kuntest usa’, jiġifieri l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza dwar l-indipendenza ġudizzjarja u l-garanzija ta’ “qorti stabbilita minn qabel bil-liġi”, speċjalment fir-rigward tal-imħallfin ta’ qrati ordinarji. L-importanza ta’ din il-problema hija msaħħa mill-fatt li din tista’ potenzjalment tikkonċerna numru kbir ta’ membri tal-ġudikatura, u b’hekk tqajjem mistoqsijiet dwar iċ-ċertezza legali u l-fiduċja tal-pubbliku fis-sistema ġudizzjarja.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

4.        It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) huma rilevanti għal din il-kawża.

B.      Id-dritt Pollakk

1.      Il-Kostituzzjoni

5.        Bis-saħħa tal-Artikolu 179 tal-Konstytucja Rzeczypospolitej Polskiej (il-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja, iktar ’il quddiem il-“Kostituzzjoni”):

“L-imħallfin għandhom jinħatru għal żmien indeterminat mill-President tar-Repubblika, fuq proposta tal-[KRS].”

6.        Skont l-Artikolu 186(1) tal-Kostituzzjoni:

“Il-[KRS] huwa l-gwardjan tal-indipendenza tal-qrati u tal-imħallfin.”

7.        L-Artikolu 187 tal-Kostituzzjoni jipprovdi:

“1.      Il-[KRS] huwa kompost minn:

1)      il-President tas-Sąd Najwyższy [il-Qorti Suprema], l-Ministru għall-Ġustizzja, il-President tan-Naczelny Sąd Administracyjny [il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja] u persuna maħtura mill-President tar-Repubblika,

2)      ħmistax-il imħallef magħżula minn fost l-imħallfin tas-Sąd Najwyższy [il-Qorti Suprema], il-qrati ordinarji, il-qrati amministrattivi u l-qrati militari,

3)      erba’ membri eletti mis-Sejm [il-Parlament, il-Polonja] minn fost id-deputati u żewġ membri eletti mis-Senat fost is-senaturi.

[…]

3.      Il-mandat tal-membri eletti tal-[KRS] huwa ta’ erba’ snin.

4.      L-organizzazzjoni, il-qasam ta’ attività, il-modalitajiet ta’ xogħol tal-[KRS] kif ukoll il-metodu ta’ elezzjoni tal-membri tiegħu huma ddefiniti mil-liġi.”

2.      Il-Liġi dwar il-KRS

8.        Skont l-Artikolu 9a tal-ustawa o Krajowej Radzie Sądownictwa (il-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura (KRS)) tat‑12 ta’ Mejju 2011 (Dz. U. 2011, pożizzjoni 714), kif emendata bl-ustawa o zmianie ustawy o Krajowej Radzie Sądownictwa oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura (KRS) u Ċerti Liġijiet Oħra) tat‑8 ta’ Diċembru 2017 (Dz. U. tal‑2018, pożizzjoni 3) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-KRS”):

“1.      Is-Sejm [il-Parlament] għandu jeleġġi, minn fost l-imħallfin tas-Sąd Najwyższy [il-Qorti Suprema], tal-qrati ordinarji, tal-qrati amministrattivi u tal-qrati militari, ħmistax-il membru [tal-KRS] għal mandat konġunt ta’ erba’ snin.

2.      Meta jipproċedi bl-elezzjoni msemmija fil-paragrafu 1, is-Sejm [il-Parlament, il-Polonja] għandu jieħu inkunsiderazzjoni, sa fejn ikun possibbli, in-neċessità ta’ rappreżentanza fi ħdan [il-KRS] tal-imħallfin minn tipi u livelli differenti ta’ qrati.

3.      Il-mandat komuni ta’ membri ġodda tal-[KRS] eletti minn fost l-imħallfin għandu jibda l-għada tal-jum tal-elezzjoni tagħhom. Il-membri tal-[KRS] li jispiċċaw mill-kariga għandhom jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom sal-jum li fih jibda l-mandat komuni tal-membri l-ġodda tal-[KRS].”

9.        L-Artikolu 44 tal-Liġi dwar il-KRS, li l-paragrafu 1b tiegħu kien ġie introdott mill-ustawa o zmianie ustawy - Prawo o ustroju sądów powszechnych oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji u Ċerti Liġijiet Oħra) tal‑20 ta’ Lulju 2018 (Dz. U. tal‑2018, pożizzjoni 1443), kien jipprevedi:

“1.      Parteċipant fil-proċedura jista’ jifformula rikors quddiem is-Sąd Najwyższy [il-Qorti Suprema] minħabba li r-riżoluzzjoni [tal-KRS] tkun illegali, sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’dispożizzjonijiet separati. […]

1a.      Fil-kawżi individwali li jikkonċernaw ħatra għall-funzjoni ta’ mħallef fis-Sąd Najwyższy [il-Qorti Suprema], huwa possibbli li jiġi ppreżentat appell quddiem in-Naczelny Sąd Administracyjny [il-Qorti Amministrattiva Suprema]. F’dawn il-kawżi, ma huwiex possibbli li jiġi ppreżentat appell quddiem is-Sąd Najwyższy [il-Qorti Suprema]. L-appell quddiem in-Naczelny Sąd Administracyjny [il-Qorti Amministrattiva Suprema] ma jistax ikun ibbażat fuq evalwazzjoni mhux xierqa tal-osservanza, mill-kandidati, tal-kriterji meħuda inkunsiderazzjoni fit-teħid ta’ deċiżjoni dwar il-preżentazzjoni tal-proposta għall-ħatra għall-pożizzjoni ta’ mħallef fis-Sąd Najwyższy [il-Qorti Suprema].

1b.      Jekk ir-riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 37(1) ma tkunx ġiet ikkontestata mill-parteċipanti kollha fil-proċedura, fil-kawżi individwali li jikkonċernaw il-ħatra għall-kariga ta’ mħallef fis-Sąd Najwyższy [il-Qorti Suprema], din ir-riżoluzzjoni ssir definittiva, għall-parti li tinkludi d-deċiżjoni għas-sottomissjoni tal-proposta għall-ħatra għall-kariga ta’ mħallef fis-Sąd Najwyższy [il-Qorti Suprema] u għall-parti li tinkludi d-deċiżjoni li ma tiġix ippreżentata proposta għall-ħatra għall-kariga ta’ mħallef ta’ din il-qorti, fir-rigward tal-parteċipanti fil-proċedura li ma ppreżentawx appell.

2.      L-appell għandu jiġi ppreżentat permezz tal-Przewodniczący [il-President tal-KRS], f’terminu ta’ ġimagħtejn mill-komunikazzjoni tar-riżoluzzjoni flimkien mal-motivazzjoni tagħha. [...]”

3.      Il-Liġi dwar il-Qorti Suprema

10.      L-ustawa o Sądzie Najwyższym (il-Liġi dwar il-Qorti Suprema) tat‑8 ta’ Diċembru 2017 (Dz. U. tal‑2018, pożizzjoni 5, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Qorti Suprema”) stabbilixxiet b’mod partikolari, fi ħdan is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), l-Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi.

11.      Skont l-Artikolu 26 tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema, kif emendata bl-ustawa o zmianie ustawy – Prawo o ustroju sądów powszechnych, ustawy o Sądzie Najwyższym oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji, il-Liġi dwar il-Qorti Suprema u Ċerti Liġijiet Oħra) tal‑20 ta’ Diċembru 2019 (Dz. U. 2020, pożizzjoni 190):

“§ 1.      Jaqgħu taħt il-kompetenza tal-[Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi] l-appelli straordinarji, it-tilwim fil-qasam elettorali u l-kontestazzjonijiet tal-validità ta’ referendum nazzjonali jew ta’ referendum kostituzzjonali, il-konstatazzjoni tal-validità tal-elezzjonijiet u tar-referenda, il-kawżi l-oħra tad-dritt pubbliku, inkluż il-litigazzjoni dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni, ir-regolamentazzjoni tal-enerġija, it-telekomunikazzjoni u t-trasport ferrovjarju, kif ukoll l-appelli mid-deċiżjonijiet tal-Przewodniczący Krajowej Rady Radiofonii i Telewizji [il-President tal-Kunsill Nazzjonali tar-Radju u tat-Televiżjoni, il-Polonja] jew li jikkontestaw it-tul eċċessiv tal-proċeduri quddiem il-qrati ordinarji u militari kif ukoll quddiem is-Sąd Najwyższy [il-Qorti Suprema].

§ 2.      L-Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tat-talbiet jew dikjarazzjonijiet dwar ir-rikuża ta’ mħallef jew il-ħatra tal-qorti li quddiemha għandha titmexxa l-proċedura, inklużi lmenti bbażati fuq in-nuqqas ta’ indipendenza tal-qorti jew tal-imħallef. Il-qorti adita bil-kawża għandha tibgħat immedjatament talba lill-President tal-Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi sabiex din tiġi ttrattata konformement mar-regoli stabbiliti minn dispożizzjonijiet distinti. Il-preżentata ta’ talba lill-President tal-Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi ma tissospendix il-proċedura pendenti.

§ 3.      It-talba msemmija fil-paragrafu 2 ma għandhiex tiġi eżaminata jekk tikkonċerna l-istabbiliment jew l-evalwazzjoni tal-legalità tal-ħatra ta’ mħallef jew tal-awtorità tiegħu biex iwettaq funzjonijiet ġudizzjarji.

[…]”

4.      Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili

12.      Skont l-Artikolu 47 tal-ustawa – Kodeks postępowania cywilnego (il-Liġi li Tintroduċi l-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili) tas‑17 ta’ Novembru 1964 (Dz. U. 1964, Nru 43, pożizzjoni 296), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Proċedura Ċivili”):

“§ 1.      Fl-ewwel istanza, il-qorti tisma’ kawżi b’imħallef wieħed, sakemm dispożizzjoni speċifika ma tipprovdix mod ieħor.

[…]

§ 3.      Id-digrieti mhux mogħtija waqt seduta għandhom jingħataw minn imħallef wieħed.

[…]”

13.      Skont l-Artikolu 48 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili:

“§ 1.      Imħallef jiġi rrikużat bis-saħħa tal-liġi:

1)      fil-kawżi li fihom huwa parti jew li fihom huwa għandu rabta ġuridika tali ma’ waħda mill-partijiet li l-eżitu tal-kawża jkun jaffettwa d-drittijiet jew l-obbligi tiegħu;

[…]

5)      fil-kawżi li fihom huwa pparteċipa, f’istanza ta’ grad inferjuri, fl-adozzjoni tal-att ikkontestat, kif ukoll f’kawżi li jikkonċernaw il-validità ta’ att eżaminat minnu jew redatt bil-parteċipazzjoni tiegħu kif ukoll fil-kawżi li fihom huwa aġixxa bħala prokurator [il-Prosekutur Pubbliku, il-Polonja];

[…]”

14.      L-Artikolu 49 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jipprovdi:

“Minkejja r-raġunijiet stabbiliti fl-Artikolu 48, il-qorti għandha tirrikuża mħallef, fuq talba tiegħu jew ta’ parti, jekk ikun hemm ċirkustanza ta’ natura li tqajjem dubju leġittimu dwar l-imparzjalità tal-imħallef fil-kawża inkwistjoni.”

15.      L-Artikolu 50 ta’ dan il-kodiċi jipprevedi:

“§ 1.      Il-partijiet għandhom jitolbu r-rikuża tal-imħallef bil-miktub jew permezz ta’ dikjarazzjoni orali rreġistrata quddiem il-qorti li quddiemha tkun pendenti l-kawża, filwaqt li jagħtu r-raġunijiet għat-talba tagħhom.

§ 2.      Barra minn hekk, il-parti li pparteċipat fis-seduta għandha tipprova li ċ-ċirkustanza li tiġġustifika r-rikuża seħħet jew ġiet mgħarrfa lilha biss sussegwentement.

§ 3.      Sakemm tingħata deċiżjoni dwar it-talba għal rikuża ta’ mħallef:

1)      l-imħallef ikkonċernat mit-talba jista’ jkompli bil-proċedura;

2)      ma tista’ tingħata l-ebda deċiżjoni jew miżura li ttemm il-proċediment.”

III. Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

16.      Il-kawża prinċipali toriġina minn tilwima bejn żewġ persuni fiżiċi, dwar kreditu li jirriżulta minn kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi konkluż mill-partijiet fil-kuntest tal-attivitajiet kummerċjali rispettivi tagħhom. Ir-rikorrent talab, inter alia, lill-konvenut iħallas kumpens, kif previst fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/7/UE (2).

17.      Permezz ta’ ittra tal‑21 ta’ Mejju 2021, il-konvenut fil-kawża prinċipali talab ir-rikuża tal-imħallef S.C., responsabbli għall-kawża prinċipali. Huwa sostna li din l-imħallef ma kinitx inħatret b’mod validu għall-pożizzjoni ta’ mħallef, peress li r-riżoluzzjoni dwar il-ħatra tagħha kienet ġiet adottata mill-KRS, li l-kostituzzjonalità tiegħu kienet ġiet ikkontestata min-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema).

18.      L-imħallef adita bil-kawża prinċipali ddikjarat, fil-kuntest tat-talba intiża għar-rikuża tagħha, li, fil-fehma tagħha, ma kien hemm ebda ċirkustanza li tista’ tqajjem dubji dwar l-imparzjalità tagħha u li ma kien hemm ebda raġuni sabiex tiġi eskluża mill-eżami tal-kawża.

19.      L-eżami ta’ din it-talba għal rikuża ġie ppreżentat lill-qorti tar-rinviju, sedenti b’imħallef wieħed.

20.      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar ċerti aspetti tal-ħatra tal-imħallef S.C. B’mod iktar preċiż, hija tindika li l-imħallef S.C. inħatret mill-President tar-Repubblika tal-Polonja bħala Mħallef tas-Sąd Rejonowy Poznań-Stare Miasto w Poznaniu (il-Qorti Distrettwali ta’ Poznań‑Stare Miasto f’Poznań), fuq il-proposta tal-KRS fil-kompożizzjoni l-ġdida tiegħu.

21.      F’dan ir-rigward, hija tippreċiża li ġew ippreżentati tliet kandidaturi għal din il-pożizzjoni, fosthom dik ta’ S.C., assistent imħallef prinċipali fis-Sąd Okręgowy w Poznaniu (il-Qorti Reġjonali ta’ Poznań, il-Polonja) sa mill‑2016. Fil‑21 ta’ Settembru 2018, il-kulleġġ ta’ din il-qorti reġjonali ta’ Poznań ħareġ opinjoni favorevoli fir-rigward tal-imħallef S.C. u, fl‑24 ta’ Settembru 2018, l-assemblea tar-rappreżentanti tal-imħallfin tal-qrati distrettwali tal-imsemmija qorti reġjonali wkoll tat opinjoni favorevoli dwar il-kandidatura ta’ din l-imħallef.

22.      Permezz tar-Riżoluzzjoni Nru 611/2018 tal‑4 ta’ Diċembru 2018, il-KRS ippropona lill-President tar-Repubblika tal-Polonja l-ħatra tal-imħallef S.C., mingħajr ma ppropona l-ħatra taż-żewġ kandidati l-oħra. Il-kandidati mhux proposti ma appellawx minn din ir-riżoluzzjoni skont l-Artikolu 44(1) tal-Liġi dwar il-KRS. Fl‑14 ta’ Marzu 2019, il-President tar-Repubblika tal-Polonja ddeċieda li jaħtar lil S.C. għall-pożizzjoni ta’ mħallef.

23.      F’dan il-kuntest, il-qorti nazzjonali għandha dubji dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni, minn naħa, tal-proċedura ta’ ħatra tal-imħallef inkwistjoni, b’mod partikolari fid-dawl tal-kompożizzjoni u tar-rwol tal-KRS f’dan il-proċess kif ukoll tal-assenza ta’ dritt għal rimedju effettiv tal-parteċipanti f’dan il-proċess, u, min-naħa l-oħra, tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jattribwixxu l-eżami tal-legalità tal-ħatra ta’ mħallef għall-kompetenza esklużiva tal-Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi.

24.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Rejonowy Poznań‑Stare Miasto w Poznaniu (il-Qorti Distrettwali ta’ Poznań‑Stare Miasto f’Poznań) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikoli 2 u 19(1) [TUE] u l-Artikolu 6(1) sa (3) TUE flimkien mal-Artikolu 47 tal-[Karta] għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma hijiex qorti stabbilita abbażi ta’ liġi fis-sens tad-dritt tal-Unjoni qorti li fil-kompożizzjoni tagħha tinsab persuna maħtura fil-pożizzjoni ta’ mħallef f’din il-qorti fi proċedura fejn:

a)      l-għażla tal-persuna nnominata għall-ħatra ta’ mħallef lill-President tar-Repubblika tal-Polonja saret mill-[KRS] attwali, li ġie elett bi ksur tad-dispożizzjonijiet kostituzzjonali u legali Pollakki, li ma huwiex organu indipendenti u li fih ma jinsabux rappreżentanti tal-qasam tal-ġudikatura maħtura fil-kompożizzjoni tiegħu indipendenti mill-awtorità eżekuttiva u leġiżlattiva, u b’hekk ma ressaqx proposta effettiva għall-ħatra fil-pożizzjoni ta’ mħallef prevista fid-dritt nazzjonali;

b)      il-parteċipanti fit-tellieqa għall-ħatra ma kinux intitolati għal appell quddiem qorti fis-sens [tal-Artikolu 2 TUE u tal-Artikolu 19(1) TUE] u tal-Artikolu 6(1) sa (3) TUE, flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta?

2)      L-Artikoli 2 u 19(1) TUE flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’sitwazzjoni fejn fil-kompożizzjoni tal-qorti jkun hemm persuna maħtura fil-kundizzjonijiet deskritti fl-ewwel domanda, huma:

a)      jipprekludu l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jiddelegaw l-eżami tal-legalità tal-ħatra ta’ tali persuna fil-pożizzjoni ta’ mħallef lill-kompetenza esklużiva [tal-Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi], komposta esklużivament minn persuni maħtura fil-pożizzjoni ta’ mħallef taħt il-kundizzjonijiet deskritti fl-ewwel domanda, u li fl-istess waqt jordnaw li l-oġġezzjonijiet dwar il-ħatra fil-pożizzjoni ta’ mħallef jitħallew mhux eżaminati, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest istituzzjonali jew sistemiku;

b)      jirrikjedu, bil-għan li tiġi ggarantita l-effettività tad-dritt Ewropew, interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li tippermetti lill-qorti teskludi, anki ex officio, lil tali persuni milli jeżaminaw il-kawża abbażi ta’ dispożizzjonijiet, applikabbli b’analoġija, dwar l-esklużjoni ta’ mħallef li ma huwiex kapaċi jagħti deċiżjonijiet (iudex inhabilis);

c)      jirrikjedu li, qorti nazzjonali bil-għan li tapplika d-dritt tal-Unjoni u tikseb effett utli, ma tiħux inkunsiderazzjoni sentenza ta’ qorti kostituzzjonali nazzjonali sa fejn dik is-sentenza tiddikjara bħala inkompatibbli mad-dritt nazzjonali r-rikonoxximent ta’ talba għall-esklużjoni ta’ mħallef abbażi tal-fatt li tqajmu ċirkustanzi ta’ irregolarità tal-ħatra ta’ mħallef li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti [tad-dritt tal-Unjoni] dwar qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bis-saħħa tal-liġi fis-sens tal-Artikolu 19(1) TUE flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta;

d)      jirrikjedu li, qorti nazzjonali bil-għan li tapplika d-dritt tal-Unjoni u tikseb effett utli, ma tiħux inkunsiderazzjoni sentenza ta’ qorti kostituzzjonali nazzjonali jekk din tkun tipprekludi l-eżekuzzjoni ta’ digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ miżuri interim, liema digriet jordna s-sospensjoni tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li ma jippermettux l-eżami, minn qrati nazzjonali, tal-issodisfar tar-rekwiżiti tal-Unjoni Ewropea għal qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bis-saħħa tal-liġi fis-sens tal-Artikolu 19(1) TUE flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta?”

25.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Prokurator Prokuratury Okręgowej w Poznaniu (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Reġjonali ta’ Poznań) (iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Reġjonali”), mir-Rzecznik Praw Obywatelskich (l-Ombudsman, il-Polonja) (iktar ’il quddiem l-“Ombudsman”), mill-Gvern Pollakk, mill-Gvern Belġjan, mill-Gvern Daniż, mill-Gvern Olandiż, mill-Gvern Finlandiż u mill-Gvern Svediż, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Il-konvenut fil-kawża prinċipali, AA, il-Gvern Pollakk, l-Ombudsman u l-Kummissjoni għamlu sottomissjonijiet orali fis-seduta tas‑7 ta’ Jannar 2025.

IV.    Analiżi

A.      Fuq il-kompetenza u l-ammissibbiltà

26.      L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Reġjonali jsostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli (3), minħabba li tirrigwarda l-organizzazzjoni tal-ġustizzja, qasam li ma jaqax taħt il-kompetenza tal-Unjoni u li, għaldaqstant, it-talba ma għandhiex punt ta’ konnessjoni mad-dritt tal-Unjoni. Huwa jqis li l-qorti tar-rinviju ma turix kif l-imħallef ikkonċernata ma hijiex indipendenti jew inħatret b’mod irregolari, u b’hekk irrendiet id-domanda ipotetika. Barra minn hekk, huwa jenfasizza li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, la għandha tiddeċiedi dwar il-konformità tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni u lanqas tinterpretah. Huwa jżid jgħid li l-qorti tar-rinviju ma osservatx l-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li la spjegat għalfejn l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni hija neċessarja u lanqas kif dan huwa marbut mal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

27.      Jiena tal-fehma li l-argumenti ppreżentati mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Reġjonali għandhom jiġu miċħuda abbażi tal-ġurisprudenza stabbilita sew f’dan il-qasam.

28.      Fil-fatt, f’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-argument dwar il-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri fir-rigward tal-kwistjonijiet ta’ organizzazzjoni tal-ġustizzja u dwar il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ rinviji għal deċiżjoni preliminari li jirrigwardaw is-suġġett tal-ħatra tal-imħallfin nazzjonali, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm huwa minnu li l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri taqa’ taħt il-kompetenza ta’ dawn tal-aħħar, xorta jibqa’ l-fatt li, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri huma obbligati josservaw l-obbligi li jirriżultaw, għalihom, mid-dritt tal-Unjoni u li dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, fir-rigward ta’ regoli nazzjonali dwar l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ ħatra tal-imħallfin u, jekk ikun il-każ, ta’ regoli relatati mal-istħarriġ ġudizzjarju applikabbli fil-kuntest ta’ tali proċeduri ta’ ħatra (4).

29.      Għaldaqstant, sa fejn id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jirrigwardaw, essenzjalment, il-portata tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta (5), fir-rigward tal-proċedura ta’ ħatra tal-imħallef S.C., tali interpretazzjoni taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE (6).

30.      F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-argument li l-qorti tar-rinviju ma rrilevatx ċirkustanza speċifika ta’ natura li tindika li l-imħallef ikkonċernata mit-talba għal rikuża ma toffrix garanzija ta’ indipendenza jew li hija nħatret b’mod irregolari, inqis li dan huwa ineffettiv, peress li t-talba tal-qorti tar-rinviju tirrigwarda preċiżament il-fatt dwar jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali li rregolat il-ħatra tal-imħallef inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex kompatibbli mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

31.      Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-argument li l-qorti tar-rinviju ma osservatx l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiena tal-fehma li dan għandu jiġi miċħud ukoll. Fil-fatt, it-talba għal deċiżjoni preliminari tinkludi l-informazzjoni kollha neċessarja, b’mod partikolari l-kontenut tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistgħu japplikaw f’dan il-każ, ir-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija fid-domandi kif ukoll ir-rabtiet stabbiliti minn dik il-qorti bejn dawn id-dispożizzjonijiet u r-regoli nazzjonali invokati. Konsegwentement, inqis li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-elementi kollha neċessarji sabiex tiddeċiedi dwar iż-żewġ domandi preliminari.

B.      Fuq id-domandi preliminari

1.      Fuq l-ewwel domanda preliminari

a)      Is-suġġett tal-ewwel domanda

32.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-possibbiltà li mħallef jitqies bħala qorti indipendenti stabbilita bil-liġi meta jkun inħatar wara proċedura ta’ ħatra li għandha żewġ karatteristiċi: minn naħa, il-kandidatura tal-persuna kkonċernata ġiet irrakkomandata mill-KRS il-ġdid, stabbilit wara r-riforma tal-Liġi dwar il-KRS; min-naħa l-oħra, il-kandidati għal din il-ħatra kellhom dritt għal azzjoni ġudizzjarja biss quddiem l-Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi.

33.      Qabelxejn, għandu jitfakkar li, fl-aħħar mill-aħħar, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi, fid-dawl tal-prinċipji kollha stabbiliti mill-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja u wara li tkun wettqet l-evalwazzjonijiet meħtieġa għal dan l-għan, dwar jekk il-kundizzjonijiet kollha li fihom l-imħallef ikkonċernata nħatret humiex ta’ natura li jiġi konkluż li hija tikkostitwixxi qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi fis-sens tad-dritt tal-Unjoni (7). Madankollu, dan il-fatt ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, abbażi tal-elementi tal-proċess, milli tipprovdi lill-qrati nazzjonali elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jiċċarawhom fir-rigward tal-effetti ta’ dispożizzjoni jew oħra tad-dritt tal-Unjoni (8).

b)      Kriterji ġurisprudenzjali: indipendenza u “qorti stabbilita minn qabel bil-liġi”

34.      Inqis li, sabiex jiġi ppreċiżat jekk, fil-kawża prinċipali, l-imħallef ikkonċernata tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ qorti stabbilita minn qabel bil-liġi, huwa qabelxejn importanti li jiġi deskritt il-mod li bih il-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa din il-kwistjoni, il-kriterji applikati, il-metodu li hija tuża, kif ukoll il-mod kif, sa issa, il-ġurisprudenza tagħha tittratta l-elementi relatati mal-kompożizzjoni tal-KRS u mal-assenza ta’ rimedju għall-kandidati mhux magħżula. F’dan ir-rigward, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) (9).

35.      Nirrileva, fl-ewwel lok, li huwa stabbilit fil-ġurisprudenza kemm tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll tal-Qorti EDB li d-dritt għal qorti stabbilita bil-liġi jkopri wkoll il-proċess ta’ ħatra tal-imħallfin (10). Fir-rigward tal-kriterju ta’ evalwazzjoni tal-effetti ta’ irregolarità ta’ ħatra fuq l-osservanza tal-garanzija tal-qorti stabbilita bil-liġi, ma huwiex biżżejjed li tiġi rrilevata kwalunkwe irregolarità. Għandu jsir riferiment għan-natura u għall-grad ta’ gravità tagħha. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li irregolarità mwettqa fil-ħatra tal-imħallfin fi ħdan is-sistema ġudizzjarja kkonċernata twassal għal ksur tal-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, b’mod partikolari meta din l-irregolarità tkun ta’ natura u ta’ gravità tali li toħloq riskju reali li fergħat oħra tal-poter, b’mod partikolari l-eżekuttiv, ikunu jistgħu jeżerċitaw setgħa diskrezzjonali indebita li tipperikola l-integrità tar-riżultat li jwassal għalih il-proċess ta’ ħatra u b’hekk toħloq dubju leġittimu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-imħallef jew tal-imħallfin ikkonċernati, li huwa l-każ meta jkunu inkwistjoni regoli fundamentali li jagħmlu parti integrali mill-istabbiliment u mill-funzjonament ta’ din is-sistema ġudizzjarja (11).

36.      Bis-saħħa ta’ dan il-kriterju, l-irregolarità għandha tirrigwarda r-regoli li jirregolaw il-proċedura ta’ ħatra u tkun ta’ natura u ta’ gravità tali li tista’ toħloq riskju reali ta’ arbitrarjetà min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi – b’mod partikolari tal-eżekuttiv – ta’ natura li timmina l-fiduċja tal-partijiet fil-kawża fl-indipendenza u fl-imparzjalità tal-ġudikatura.

37.      F’dan ir-rigward, u kif ġie rrilevat fil-punt 35 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja tinsisti fuq in-neċessità li jiġi vverifikat jekk l-integrità tar-riżultat li jwassal għalih il-proċess ta’ ħatra ġietx ipperikolata, u b’hekk tqajjem dubju leġittimu f’moħħ il-partijiet f’kawża dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-imħallef jew tal-imħallfin ikkonċernati. Dan l-approċċ jissuġġerixxi, fil-fehma tiegħi, li l-gravità tal-irregolarità tal-proċedura ta’ ħatra ma tistax tiġi evalwata biss b’mod oġġettiv u astratt. Għandha tittieħed ukoll il-perspettiva tal-partijiet fil-kawża sabiex jiġi ddeterminat jekk din l-irregolarità hijiex ta’ natura li tnaqqas il-fiduċja tagħhom fl-indipendenza u fl-imparzjalità tal-imħallef ikkonċernat. Barra minn hekk, kif jirriżulta mis-sentenza W.Ż. fir-rigward tal-indipendenza tal-qrati fir-Repubblika tal-Polonja, il-Qorti tal-Ġustizzja tipproċedi f’żewġ stadji: l-ewwel, hija tivverifika jekk inkisritx regola fundamentali, imbagħad jekk dan il-ksur ippreġudikax l-integrità tal-ħatra tal-imħallef, u b’hekk inħoloq riskju reali ta’ interferenza mill-eżekuttiv (12).

38.      Fit-tieni lok, il-garanzija tal-“qorti stabbilita minn qabel bil-liġi” għandha rabta mill-qrib ħafna mar-rekwiżit ta’ indipendenza (13). Huwa minnu li, minn perspettiva strettament loġika, il-kundizzjoni ta’ qorti stabbilita minn qabel bil-liġi tippreċedi l-eżami tal-indipendenza tagħha (14). Madankollu, għalkemm dawn ma humiex garanziji identiċi fl-arkitettura ta’ smigħ xieraq, dawn huma, fis-sustanza u fl-iskop tagħhom, marbuta mill-qrib. Kif irrilevat il-Qorti EDB fis-sentenza Ástráðsson vs L-Islanda, dawn il-garanziji t-tnejn għandhom l-għan li jissalvagwardjaw l-Istat tad-dritt u s-separazzjoni tal-poteri, filwaqt li jiżguraw il-fiduċja pubblika fis-setgħa ġudizzjarja (15). Din l-interazzjoni bejn l-indipendenza ta’ qorti u r-rekwiżit li din tkun “stabbilita bil-liġi” tinsab fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u hija riflessa, fil-prattika, fil-fatt li l-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ osservanza tal-“qorti stabbilita minn qabel bil-liġi” tista’ twassal ukoll sabiex jiġi rrikonoxxut il-ksur tal-prinċipju ta’ indipendenza tal-imsemmija qorti (16).

39.      Din ir-rimarka jidhirli li hija importanti, sa fejn tikkjarifika, fit-tielet lok, il-metodu segwit mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tevalwa jekk qorti hijiex stabbilita bil-liġi. Fil-fatt, kemm jekk dawn ikunu kawżi li jirrigwardaw l-indipendenza ta’ qorti jew inkella l-eżistenza ta’ qorti stabbilita minn qabel bil-liġi, il-Qorti tal-Ġustizzja teżiġi li l-eżami ta’ dawn il-garanziji ma jkunx limitat biss għar-regoli ta’ ħatra tal-imħallfin, iżda li jieħu wkoll inkunsiderazzjoni numru ta’ fatturi kuntestwali marbuta man-natura u mal-funzjonament tal-korp ġudizzjarju kkonċernat.

40.      Għalhekk, fil-kawża A.K. et, l-elementi li għandhom jitqiesu sabiex tiġi evalwata l-indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) ma kinux limitati għall-proċedura ta’ ħatra tal-membri tal-KRS, iżda kienu jestendu għal elementi oħra speċifiċi għall-istanza inkwistjoni, bħall-kompetenza tagħha (17), il-kundizzjonijiet speċifiċi għall-ħolqien tagħha (18), il-kompożizzjoni tagħha, kif ukoll in-natura tagħha u l-awtonomija tagħha fi ħdan is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) (19).

41.      Bl-istess mod, fis-sentenza W.Ż., il-Qorti tal-Ġustizzja ssemmi, fost “iċ-ċirkustanzi kollha li fihom saret il-ħatra tal-imħallef ikkonċernat” (20), mhux biss il-kompożizzjoni l-ġdida tal-KRS (21) iżda wkoll iċ-“ċirkustanzi speċifiċi li fihom l-imħallef ikkonċernat inħatar mill-President tar-Repubblika [ta’ Polonja] bħala mħallef fi ħdan l-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi” (22).

42.      Minn dan jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja twettaq approċċ ta’ “kumulu ta’ elementi” (23): sensiela ta’ fatturi, meħuda waħedhom, jistgħu ma jkunux biżżejjed sabiex jiġi stabbilit ksur tal-garanzija ta’ “qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi”, filwaqt li l-eżami globali tagħhom jista’ jqajjem dubju leġittimu dwar dan is-suġġett (24). Kif intwera fil-punti 40 u 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet, fil-kawżi relatati mal-indipendenza tal-qrati fil-Polonja, fejn il-KRS jintervjeni fil-proċedura ta’ ħatra tal-imħallfin, il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi marbuta mal-kompożizzjoni ta’ dan il-korp sabiex tevalwa l-eżistenza ta’ dubji dwar l-indipendenza tiegħu, iżda, u dan huwa punt essenzjali, dawn l-elementi ma humiex biżżejjed, waħedhom, sabiex jeżawrixxu l-kwistjoni tar-regolarità tal-ħatra tal-imħallef jew tal-qorti kkonċernata.

43.      Fir-raba’ lok, għandu jiġi rrilevat li l-intenzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali tista’ tikkostitwixxi, jekk ikun il-każ, fattur addizzjonali fl-eżami globali taċ-ċirkustanzi rilevanti relatati man-natura “stabbilita minn qabel bil-liġi” ta’ korp ġudizzjarju. Għalhekk, fis-sentenza A.B., il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li l-għan preċiż tal-leġiżlatur Pollakk kien li jipprekludi kull stħarriġ ġudizzjarju tal-ħatriet li jirriżultaw mill-KRS kompost mill-ġdid, inklużi dawk tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) (25).

44.      Fid-dawl, kif tfakkar fil-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet, tal-interdipendenza bejn ir-rekwiżit ta’ indipendenza u dak ta’ “qorti stabbilita minn qabel bil-liġi”, jista’ jiġi aċċettat li l-eżami tal-intenzjonijiet reali tal-awtoritajiet nazzjonali fit-tfassil tal-leġiżlazzjoni dwar il-proċedura ta’ ħatra tal-imħallfin jista’, huwa wkoll, ikun rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk il-kundizzjonijiet għall-ħatra ta’ mħallef ippreġudikawx l-integrità tiegħu.

c)      Iż-żewġ karatteristiċi kkontestati fil-kawża prinċipali: il-KRS il-ġdid u l-assenza ta’ rimedju effettiv

45.      Issa ngħaddi għall-eżami tal-ewwel domanda magħmula fil-kawża prinċipali, fejn hemm lok li jiġu pparagunati l-prinċipji msemmija iktar ’il fuq mal-problema mqajma mill-qorti tar-rinviju, dwar iż-żewġ elementi li jikkaratterizzaw il-ħatra tal-imħallef ikkonċernata: minn naħa, il-kompożizzjoni u r-rwol tal-KRS il-ġdid; min-naħa l-oħra, l-assenza ta’ rimedju ġudizzjarju effettiv kontra r-riżoluzzjoni tal-KRS għall-kandidati mhux magħżula.

46.      Ser neżamina din il-kwistjoni f’żewġ stadji. Qabelxejn, ser nanalizza jekk kull wieħed minn dawn iż-żewġ elementi, meħud waħdu, jippermettix li jiġi konkluż li mħallef maħtur fi tmiem tali proċedura ma jikkostitwixxix “qorti stabbilita minn qabel bil-liġi”. Sussegwentement, ser nevalwa jekk il-kombinazzjoni ta’ dawn iż-żewġ elementi twassalx għall-istess konklużjoni.

47.      Irrid nammetti li l-kwistjoni eżaminata hija verament kumplessa u li s-soluzzjoni li għandha tiġi proposta lill-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex immedjatament evidenti. L-isfida, fil-fatt, hija konsiderevoli. Kif ġie enfasizzat mill-Ombudsman, mill-Gvern Pollakk u mill-Kummissjoni waqt is-seduta, madwar 3 000 imħallef fil-Polonja nħatru fuq proposta tal-KRS. Għaldaqstant, ir-rikonoxximent tal-possibbiltà li mħallef jiġi rrikużat għas-sempliċi raġuni li l-intervent tal-KRS fil-kompożizzjoni l-ġdida tiegħu fil-proċedura ta’ ħatra tiegħu jkollu l-effett, fil-prattika, li jestendi din il-kontestazzjoni għal dawn il-membri tal-ġudikatura kollha, b’impatt de facto erga omnes. Minn dan jirriżulta riskju kbir għall-kontinwità tas-servizz pubbliku tal-ġustizzja, għaċ-ċertezza legali u għall-fiduċja tal-pubbliku fl-istituzzjoni ġudizzjarja.

48.      Huwa minnu li wieħed jitħajjar jadotta soluzzjoni ta’ prinċipju fir-rigward tar-rwol determinanti tal-KRS, jiġifieri li s-sempliċi fatt li l-ħatra tal-imħallef ikkonċernata fil-kawża prinċipali kienet ġiet irrakkomandata mill-KRS il-ġdid huwa biżżejjed sabiex jivvizzja l-kwalità tiegħu ta’ qorti stabbilita minn qabel bil-liġi. Huwa veru li tali approċċ ċar u radikali joffri, prima facie, risposta uniformi u ċara.

49.      Madankollu, ma tistax tiġi injorata r-realtà konkreta ta’ sistema ġudizzjarja kumplessa. L-imħallef nazzjonali, li jevolvi f’din ir-realtà u f’ambjent ġuridiku eżiġenti, għandu bżonn punti ta’ riferiment preċiżi sabiex iwettaq il-missjoni tiegħu. Konsegwentement, ma huwiex biżżejjed li l-kwistjoni tiġi rriferita fuq livell intern mingħajr ma tingħata gwida ġenwina. Sabiex tiġi ppreservata ċ-ċertezza legali u tiġi żgurata l-istabbiltà tal-funzjonament ġudizzjarju, għandha tiġi żviluppata pożizzjoni sfumata iżda koerenti li tiggarantixxi, minn naħa, l-osservanza effettiva tal-prinċipji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità u, min-naħa l-oħra, iż-żamma tal-fiduċja tal-pubbliku fis-setgħa ġudizzjarja.

50.      Kif ser nispjega iktar ’il quddiem, nixtieq nuri għaliex, fil-fehma tiegħi, l-ebda wieħed miż-żewġ elementi esposti fil-punt 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet, meħuda waħedhom jew flimkien, ma jista’ awtomatikament iwassal għall-konklużjoni li l-qorti kkonċernata ma hijiex “qorti stabbilita minn qabel bil-liġi”. Fil-fatt, inqis li hija l-qorti nazzjonali li għandha twettaq kull darba evalwazzjoni in concreto, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest ġuridiku u fattwali u elementi oħra relatati mas-sitwazzjoni partikolari ta’ kull wieħed mill-imħallfin jew kulleġġi ġudikanti kkonċernati.

1)      L-ewwel element

51.      Billi fir-rigward tar-rilevanza tal-fatt li l-kandidatura tal-imħallef ikkonċernata ġiet irrakkomandata mill-KRS il-ġdid, għandu jiġi enfasizzat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat li t-tnaqqis tal-mandat attwali ta’ ċerti membri tal-KRS (26), flimkien mal-fatt li l-ħmistax-il membru ta’ dan il-korp li għandhom il-kwalità ta’ mħallfin, preċedentement eletti mill-kollegi tagħhom, inħatru minn fergħa tas-setgħa leġiżlattiva, wassal sabiex 23 mill-25 membru tal-KRS, fil-kompożizzjoni l-ġdida tiegħu, jinħatru mis-setgħa eżekuttiva u mis-setgħa leġiżlattiva jew sabiex ikunu membri tal-imsemmija setgħat, kollox f’kuntest fejn diversi pożizzjonijiet ta’ mħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) kienu dalwaqt ser isiru vakanti (27).

52.      Fid-dawl tal-Artikolu 179 tal-Kostituzzjoni, li jagħti lill-KRS rwol determinanti fil-proċedura ta’ ħatra tal-imħallfin ta’ qrati ordinarji, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li ċ-ċirkustanzi relatati mal-kompożizzjoni tal-KRS il-ġdid setgħu joħolqu dubji leġittimi, fir-rigward tal-indipendenza tiegħu (28), u dan jista’ jkun biss element essenzjali fl-eżami tal-legalità tal-ħatra tal-imħallef ikkonċernata.

53.      F’dan ir-rigward, is-sentenza Openbaar Ministerie, dwar l-eżekuzzjoni ta’ mandati ta’ arrest fil-Polonja skont id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (29), jidhirli li hija partikolarment rilevanti.

54.      F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-kwistjoni dwar jekk l-eżistenza ta’ ksur sistemiku jew iġġeneralizzat tal-indipendenza tas-setgħa ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti tistax tiġġustifika r-rifjut mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tikkonsenja lill-persuna rikjesta. Il-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi li l-fatt li korp, bħall-KRS, involut fil-proċess ta’ ħatra tal-imħallfin, ikun fil-parti l-kbira kompost minn membri magħżula mill-poter leġiżlattiv ma huwiex biżżejjed, waħdu, sabiex iqiegħed f’dubju l-indipendenza tal-imħallfin maħtura fi tmiem dan il-proċess (30). Għalhekk, hija tiffavorixxi approċċ globali, li jindika li jista’ jkun mod ieħor meta din iċ-ċirkustanza, flimkien ma’ elementi rilevanti oħra u mal-kundizzjonijiet li fihom saru dawn l-għażliet, twassal sabiex jitqajmu tali dubji (31).

55.      Fil-fehma tiegħi, għalkemm il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża jinsabu fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ mandati ta’ arrest, dawn jistgħu japplikaw b’analoġija f’dan il-każ, peress li, fis-sentenza Openbaar Ministerie, il-Qorti tal-Ġustizzja tistaqsi, essenzjalment, dwar jekk il-prinċipji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza dwar il-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta jestendux ukoll għall-garanzija ta’ “qorti stabbilita minn qabel bil-liġi” fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.

56.      Għalhekk, jiena tal-fehma li, fil-kuntest ta’ din il-kawża, is-sempliċi intervent ta’ korp bħall-KRS fil-proċedura ta’ ħatra tal-imħallef ikkonċernata ma huwiex biżżejjed fih innifsu sabiex joħloq dubji dwar l-indipendenza tal-imħallfin hekk maħtura.

2)      It-tieni element

57.      Fir-rigward tal-assenza ta’ rimedju effettiv għall-kandidati li ma ntgħażlux fil-proċedura ta’ ħatra, hemm lok li wieħed jipproċedi f’żewġ stadji. L-ewwel, għandu jiġi ddeterminat jekk ir-rimedju previst fl-Artikolu 44 tal-Liġi dwar il-KRS jistax jiġi kklassifikat bħala “effettiv”, minkejja l-intervent tal-KRS fil-proċedura ta’ ħatra tal-imħallfin fl-Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi. It-tieni, fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fin-negattiv, il-kwistjoni hija jekk din l-assenza ta’ rimedju hijiex suffiċjenti, fiha nnifisha, sabiex jiġi konkluż li l-qorti ikkonċernata ma kinitx “qorti stabbilita minn qabel bil-liġi”.

58.      Fir-rigward tal-ewwel domanda, fis-sentenza Krajowa Rada Sądownictwa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kulleġġ ġudikanti ta’ tliet imħallfin tal-Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi li minnha saret it-talba għal deċiżjoni preliminari ma kellux il-karatteristiċi ta’ qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-imsemmi kulleġġ ġudikanti ma kienx jissodisfa r-rekwiżiti tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE sabiex jiġi kklassifikat bħala “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE (32). Sabiex tasal għal din il-konklużjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet inkunsiderazzjoni l-elementi sistemiċi u fattwali kollha relatati mal-ħatra, fi ħdan l-Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi, tal-imħallfin li jifformaw l-istanza tar-rinviju (33). Dik is-sentenza ġiet segwita minn diversi digrieti, mogħtija għall-istess raġunijiet, li jiddikjaraw inammissibbli t-talbiet għal deċiżjoni preliminari li joriġinaw minn kulleġġi tal-Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi komposti, kompletament jew parzjalment, minn imħallfin maħtura taħt l-istess kundizzjonijiet (34).

59.      Kif irrilevajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża AW “T” (35), il-konstatazzjoni li l-kulleġġ ġudikanti tal-Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi ma huwiex “qorti stabbilita minn qabel bil-liġi”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, hija kompletament trasponibbli f’dan il-każ. Fil-fatt, huwa irrilevanti li din il-konstatazzjoni ġiet stabbilita fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk il-kulleġġ ġudikanti ta’ din l-awla li adixxa lill-Qorti tal-Ġustizzja bit-talba għal deċiżjoni preliminari kienx “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, peress li l-portata tal-indipendenza meħtieġa għal dan l-għan tikkoinċidi ma’ dik tar-rekwiżit ta’ qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi.

60.      Kif ġie kkonfermat mill-qorti tar-rinviju fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, kif ukoll mill-Gvern Pollakk u mill-Kummissjoni (36) waqt is-seduta, l-imħallfin kollha sedenti, fiż-żmien tal-fatti, fl-Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi kienu nħatru fuq proposta tal-KRS fil-kompożizzjoni l-ġdida tiegħu. Minn dan jirriżulta, bla ħsara għall-evalwazzjonijiet finali li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, li, fil-kawża prinċipali, ir-rikors li jista’ jiġi ppreżentat quddiem din l-awla ma jistax jitqies li huwa effettiv, ladarba jitressaq quddiem qorti li l-membri tagħha (37) ma jissodisfawx ir-rekwiżiti inerenti għal qorti stabbilita minn qabel bil-liġi.

61.      Madankollu, ma jidhirlix li huwa possibbli li jiġi konkluż li l-assenza ta’ rimedju effettiv quddiem il-korp ġudizzjarju ċċitat iktar ’il fuq hija biżżejjed, waħedha, sabiex taffettwa l-legalità tal-ħatra. Fil-fatt, l-eżistenza ta’ rimedju ġudizzjarju għandha biss rwol aċċessorju meta mqabbla mal-indipendenza intrinsika tal-KRS, peress li hija intiża sabiex tippermetti l-kontestazzjoni tal-imsemmija indipendenza. Għalhekk ikun illoġiku li jiġi kkunsidrat li l-ineżistenza ta’ rimedju ġudizzjarju li jirrigwarda l-istess proċedura ta’ ħatra (jiġifieri t-tieni element adottat mill-qorti tar-rinviju) huwa biżżejjed, fih innifsu, sabiex tiġi eskluża l-imħallef ikkonċernata, minkejja li s-sempliċi kontestazzjoni tal-indipendenza tal-KRS (l-ewwel element irrilevat mill-qorti tar-rinviju) ma hijiex waħedha determinanti sabiex taffettwa l-legalità tal-ħatra.

3)      L-effett kumulattiv taż-żewġ elementi

62.      Issa għandu jiġi eżaminat jekk il-kombinazzjoni ta’ dawn iż-żewġ elementi hijiex biżżejjed sabiex iċċaħħad lill-qorti kkonċernata fil-kawża prinċipali mill-kwalità ta’ “qorti stabbilita minn qabel bil-liġi”. Jiena ma naħsibx li hija biżżejjed, u dan għal diversi raġunijiet, relatati mal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq kif ukoll mal-karatteristiċi speċifiċi ta’ din il-kawża.

63.      Fl-ewwel lok, kif indikajt fil-punti 40 u 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet, fil-kawżi relatati mar-riformi tas-sistema ġudizzjarja Pollakka, u b’mod iktar preċiż mal-kwistjoni dwar jekk imħallfin jew korpi ġudizzjarji (bħall-Awla Dixxiplinari jew l-Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi) jissodisfawx ir-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità u jikkostitwixxux “qorti stabbilita minn qabel bil-liġi”, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tillimitax ruħha għall-eżami biss tal-elementi relatati mal-proċedura ta’ ħatra tal-imħallfin. Hija tirreferi wkoll għal “elementi kuntestwali oħra rilevanti li jistgħu, huma wkoll, iwasslu sabiex iqajmu dubju dwar l-indipendenza tal-KRS u dwar ir-rwol tiegħu fi proċessi ta’ ħatra bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, kif ukoll, konsegwentement, dwar l-indipendenza tal-imħallfin maħtura fi tmiem tali proċess” (38) jew ukoll għall-kuntest ġuridiku u fattwali li fih kienet taqa’ l-kompożizzjoni tal-KRS il-ġdid, kuntest ikkaratterizzat b’mod partikolari mill-imminenza tal-pożizzjoni vakanti ta’ diversi pożizzjonijiet fi ħdan is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) (39).

64.      Applikata għal din il-kawża, din il-linja ġurisprudenzjali timplika li, anki jekk ikkunsidrati flimkien, iż-żewġ elementi mressqa mill-qorti tar-rinviju għandhom jiġu evalwati fid-dawl ta’ ċirkustanzi oħra ta’ fatt u ta’ liġi. Bħala eżempju, jista’ jkun li jiġi eżaminat sa fejn il-kandidat finalment magħżul kellu, fid-dawl ta’ kriterji oġġettivi (40) kwalifiki ogħla minn dawk ta’ kandidati oħra li ma ntgħażlux. Dan jista’ jinkludi wkoll il-verifika tal-eżistenza ta’ pressjoni politika jew l-evalwazzjoni tal-imġiba pubblika tal-imħallef maħtur, li jistgħu jiżvelaw influwenza esterna indebita (41). Għalhekk għandu jiġi ddeterminat, fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, jekk, minn naħa, inkisritx regola fundamentali u, min-naħa l-oħra, jekk dan il-ksur ippreġudikax l-integrità tal-ħatra tal-imħallef ikkonċernata, u b’hekk ħoloq riskju reali ta’ ndħil mill-eżekuttiv.

65.      Sabiex nerġgħu lura għall-kawża prinċipali, bħala eżempju, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, fil‑21 ta’ Settembru 2018, il-Kulleġġ tas-Sąd Okręgowy w Poznaniu (il-Qorti Reġjonali ta’ Poznań) esprima opinjoni favorevoli għall-kandidatura tal-imħallef S.C. u li, fl‑24 ta’ Settembru 2018, l-assemblea tar-rappreżentanti tal-imħallfin tal-qrati distrettwali tas-Sąd Okręgowy w Poznaniu (il-Qorti Reġjonali ta’ Poznań) ukoll tat opinjoni pożittiva fir-rigward tagħha. Fl-aħħar mill-aħħar, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa sa fejn tali element kuntestwali għandu jittieħed inkunsiderazzjoni.

66.      Fit-tieni lok, huwa minnu li fis-sentenza A.B. il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, “[l]i kieku l-qorti tar-rinviju kellha tikkonkludi li l-KRS ma joffrix garanziji ta’ indipendenza suffiċjenti, l-eżistenza ta’ rimedju ġudizzjarju miftuħ għall-kandidati mhux magħżula, jekk ikun ristrett […], tirriżulta neċessarja sabiex tikkontribwixxi għaż-żamma tal-proċess ta’ ħatra tal-imħallfin ikkonċernati minn influwenzi diretti jew indiretti”. Dan jippermetti li “tevita, fl-aħħar mill-aħħar, li jkunu jistgħu jinħolqu dubji leġittimi f’moħħ il-partijiet fil-kawża fir-rigward tal-indipendenza tal-imħallfin maħtura fi tmiem dan il-proċess” (42). Minn dan għandu jiġi dedott, kif sostnut mill-qorti tar-rinviju, li l-għaqda taż-żewġ elementi rrilevati minnha twassal neċessarjament għall-konklużjoni li l-imħallef ikkonċernata ma hijiex “qorti stabbilita minn qabel bil-liġi”? Fil-fehma tiegħi, dan ma huwiex il-każ inkwistjoni.

67.      Fil-fatt, fl-ewwel lok, fis-sentenza A.B. innifisha, il-Qorti tal-Ġustizzja stess tqiegħed din il-konklużjoni fil-kuntest tal-ġurisprudenza globali tagħha. Għalhekk, hija tenfasizza li l-emendi leġiżlattivi li wasslu sabiex ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni f’kawżi pendenti (ippreżentati sabiex jiġu kkontestati r-riżoluzzjonijiet tal-KRS skont id-dritt applikabbli dak iż-żmien) u sabiex ikunu neħħew kull possibbiltà ta’ rimedju ġudizzjarju ta’ dan it-tip fil-futur għandhom jitqiegħdu f’perspettiva mal-elementi kuntestwali kollha ċċitati fis-sentenza (43).

68.      Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza l-importanza tal-possibbiltà, għall-kandidati mhux magħżula, li jikkontestaw ir-riżoluzzjonijiet tagħha, meta l-fatturi rilevanti kollha relatati mal-proċess ta’ ħatra (44) huma ta’ natura li joħolqu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dubji sistemiċi dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-imħallfin maħtura f’dan il-kuntest (45). Ir-riferiment għall-ħolqien ta’ dubju “ta’ natura sistematika” jenfasizza n-neċessità li jiġi eżaminat jekk hemmx lok li jiġi stabbilit kuntest globali li minnu jirriżulta li l-fiduċja tal-pubbliku hija mdgħajfa.

69.      Fl-aħħar nett, fil-kawża A.B., kif ġie rrilevat fil-punt 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza d-dimensjoni intenzjonali tal-għażla tal-leġiżlatur Pollakk li jemenda l-leġiżlazzjoni applikabbli għar-riżoluzzjonijiet tal-KRS dwar il-ħatriet fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema). Hija tqis li dawn l-emendi “huma ta’ natura li jissuġġerixxu li s-setgħa leġiżlattiva Pollakka […] aġixxiet bil-ħsieb speċifiku li tipprekludi kull possibbiltà li jiġi eżerċitat stħarriġ ġudizzjarju fir-rigward tal-ħatriet li seħħew abbażi tal-imsemmija riżoluzzjonijiet tal-KRS” (46).

70.      Din ir-rieda tikkostitwixxi element kuntestwali determinanti li jiddistingwi b’mod partikolari l-każ tal-ħatra tal-imħallfin fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), bħal fil-kawża A.B., minn ħatra għal qorti ordinarja, bħal f’dan il-każ. Fil-fatt, kuntrarjament għall-ħatra tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), eżaminata fil-kawża A.B., fejn l-Artikolu 44 tal-Liġi dwar il-KRS kien neħħa r-rimedju ġudizzjarju, dan ma ġiex formalment eskluż fil-kawża prinċipali. Din id-distinzjoni tista’ tkun sinjifikattiva fir-rigward tal-intenzjoni tal-leġiżlatur, li ma eskludiex espressament fil-kawża prinċipali kull possibbiltà ta’ kontestazzjoni. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-iżvolġimenti fil-punti 58 sa 60 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ir-rimedju ġudizzjarju nżamm fl-apparenza, iżda fil-prattika jirriżulta li huwa nieqes minn effettività.

71.      Din il-konstatazzjoni twassalni, fit-tielet lok, sabiex neżamina problema oħra: l-evalwazzjoni tal-intenzjoni tal-leġiżlatur nazzjonali, fil-qasam tal-ħatra tal-imħallfin, kemm fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) kif ukoll fil-qrati l-oħra, tenfasizza wkoll il-possibbiltà li ssir distinzjoni, fil-prattika, bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ ħatriet. F’dan ir-rigward, ninnota li l-Kummissjoni sostniet, fl-osservazzjonijiet tagħha u waqt is-seduta, li r-rwol kostituzzjonali u l-influwenza tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) jiġġustifikaw approċċ partikolari, sa fejn ir-riskju ta’ ndħil mill-poter leġiżlattiv u dak eżekuttiv f’dik il-qorti huwa iktar evidenti.

72.      Infakkar, madankollu, li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, ma jagħmel ebda distinzjoni bejn il-qrati supremi u l-qrati ordinarji. Ir-rekwiżiti fundamentali ta’ indipendenza, ta’ imparzjalità u ta’ stabbiliment minn qabel bil-liġi japplikaw b’mod uniformi għall-qrati kollha tal-Istati Membri, irrispettivament mil-livell ta’ ġurisdizzjoni jew mill-grad ġerarkiku tal-qorti kkonċernata (47).

73.      Madankollu, mingħajr ma tiġi stabbilita differenza fir-rigward tal-portata tal-garanzija ta’ qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi, skont l-istatus ġerarkiku tal-qorti ikkonċernata, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ natura intenzjonali possibbli fir-riforma leġiżlattiva jista’ jenfasizza diverġenzi, skont jekk humiex pożizzjonijiet ta’ mħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) jew ta’ mħallfin ta’ qrati ordinarji. Fil-fatt, jista’ jkun konċepibbli li r-rieda li tiġi influwenzata l-kompożizzjoni ta’ qorti tkun iktar faċilment identifikabbli fil-livell tal-qrati supremi, ikkonfrontati bi kwistjonijiet sensittivi u li jistgħu jiddeċiedu dwar tilwim istituzzjonali jew, f’sens wiesa’, politiku, filwaqt li l-qrati tal-ewwel istanza, għalkemm huma essenzjali għall-ġustizzja ta’ kuljum, huma inqas esposti għal dan it-tip ta’ preokkupazzjonijiet (48).

74.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-risposta għall-ewwel domanda magħmula għandha tkun li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi evalwat jekk qorti li fi ħdanha tinsab persuna maħtura fil-pożizzjoni ta’ mħallef tissodisfax ir-rekwiżit ta’ “qorti stabbilita minn qabel bil-liġi”, l-awtorità ġudizzjarja kompetenti għandha tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss il-fatt li l-kandidatura ta’ din l-imħallef ġie rrakkomandat mill-KRS il-ġdid, wara r-riforma tiegħu, u l-fatt li l-parteċipanti fil-proċedura ta’ ħatra kellhom dritt għal azzjoni legali biss quddiem l-Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi, iżda wkoll kull ċirkustanza rilevanti oħra marbuta mal-ħatra ta’ din il-persuna u li tista’ taffettwa l-indipendenza u l-imparzjalità tal-qorti kkonċernata.

2.      Fuq it-tieni domanda

a)      Suġġett tat-tieni domanda

75.      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tqajjem, essenzjalment, żewġ aspetti marbuta mal-proċedura ta’ stħarriġ tal-legalità tal-ħatra, għall-pożizzjoni ta’ mħallef, tal-persuna kkonċernata fil-kawża prinċipali. Minn naħa, l-ewwel parti ta’ din id-domanda, li tinkludi l-ewwel, it-tielet u r-raba’ subdomanda, tirrigwarda n-neċessità u l-possibbiltà li jitwarrab id-dritt nazzjonali li jagħti lill-Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi l-kompetenza esklużiva sabiex tiddeċiedi dwar ir-regolarità ta’ din il-ħatra, inklużi s-sentenzi tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Polonja) li jirrestrinġu tali verifika.

76.      Min-naħa l-oħra, it-tieni parti, li tikkorrispondi għat-tieni subdomanda, hija intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk il-qorti tar-rinviju tistax teskludi l-imsemmija persuna billi tibbaża ruħha, b’analoġija, fuq id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar ir-rikuża skont id-dritt ta’ mħallef li ma jistax iservi bħala ġudikant.

b)      Fuq l-ewwel parti li tirrigwarda l-obbligu li jitwarrbu ċerti dispożizzjonijiet nazzjonali kif ukoll deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni

1)      Tfakkira fil-qosor tal-ġurisprudenza

77.      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Artikolu 19 TUE, li jikkonkretizza l-valur tal-Istat tad-dritt affermat fl-Artikolu 2 TUE, jafda lill-qrati nazzjonali u lill-Qorti tal-Ġustizzja bir-responsabbiltà li jiżguraw l-applikazzjoni sħiħa tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri kollha kif ukoll il-protezzjoni ġudizzjarja li l-partijiet fil-kawża jisiltu minn dan id-dritt (49).

78.      Sabiex din il-protezzjoni tkun iggarantita, kull Stat Membru għandu, bis-saħħa tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, jiżgura li l-istanzi li huma msejħa, bħala “qrati” fis-sens iddefinit mid-dritt tal-Unjoni, sabiex jiddeċiedu dwar kwistjonijiet marbuta mal-applikazzjoni jew mal-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt u li għalhekk jaqgħu taħt is-sistema ta’ rimedji ġudizzjarji tiegħu fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, fosthom, b’mod partikolari, dak tal-indipendenza (50).

79.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jimponi fuq il-qorti nazzjonali inkarigata li tapplika, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni l-obbligu, fin-nuqqas tal-possibbiltà li tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali b’mod konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, li tiżgura l-effett sħiħ tar-rekwiżiti ta’ dan id-dritt fit-tilwima li jkollha quddiemha billi jekk ikun hemm bżonn ma tapplikax, fuq l-awtorità tagħha stess, kull leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali, anki jekk sussegwenti, li tmur kontra dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li għandha effett dirett, mingħajr ma jkollha titlob jew tistenna t-tħassir minn qabel ta’ din il-leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali permezz ta’ leġiżlazzjoni jew permezz ta’ kwalunkwe proċedura kostituzzjonali oħra (51).

80.      Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li sentenza mogħtija fil-kuntest ta’ din il-proċedura torbot lill-qorti nazzjonali fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għas-soluzzjoni tal-kawża li jkollha quddiemha (52).

81.      Il-qorti nazzjonali li tkun eżerċitat il-fakultà li ngħatatilha mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE għandha għalhekk, jekk ikun il-każ, twarrab l-evalwazzjonijiet ta’ qorti nazzjonali superjuri jekk tqis, fid-dawl tal-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, li dawn ma humiex konformi mad-dritt tal-Unjoni, jekk ikun il-każ billi ma tapplikax ir-regola nazzjonali li tobbligaha tikkonforma mad-deċiżjonijiet ta’ din il-qorti superjuri (53).

82.      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li din is-soluzzjoni tapplika wkoll meta qorti ordinarja tkun marbuta, bis-saħħa ta’ regola ta’ proċedura nazzjonali, b’deċiżjoni ta’ qorti kostituzzjonali nazzjonali li hija tqis li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni (54).

2)      Fuq l-organizzazzjoni mill-ġdid tal-kompetenzi ġudizzjarji

83.      Fis-sentenza tagħha tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin) (55), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li “il-fatt, għal-leġiżlatur nazzjonali, li jorganizza mill-ġdid il-kompetenzi ġudizzjarji fis-seħħ u li jagħti lil istanza nazzjonali waħda u unika l-kompetenza li tivverifika l-osservanza ta’ ċerti rekwiżiti essenzjali li joħorġu mid-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1)TUE u fl-Artikolu 47 tal-Karta, minkejja li n-neċessità għal tali verifika tista’, skont iċ-ċirkustanzi, tqum quddiem kwalunkwe qorti nazzjonali, hija, flimkien mal-istabbiliment tal-projbizzjonijiet u reati dixxiplinari msemmija iktar ’il fuq, ta’ natura li tikkontribwixxi sabiex iddgħajjef iżjed l-effettività tal-istħarriġ tar-rispett ta’ dan id-dritt fundamentali, li d-dritt tal-Unjoni jagħti madankollu lill-qrati nazzjonali kollha” (56).

84.      Fil-kawża prinċipali, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jagħtu lill-Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi l-kompetenza esklużiva li tivverifika r-regolarità tal-ħatra tal-persuna kkonċernata għall-pożizzjoni ta’ mħallef, filwaqt li jimponu li jiġu esklużi, mingħajr eżami, l-ilmenti relatati ma’ din il-ħatra (57), għandhom l-effett li l-imħallfin ta’ qrati ordinarji jiġu mċaħħda mill-possibbiltà li jiddeterminaw jekk qorti oħra tikkostitwixxix qorti stabbilita minn qabel bil-liġi. Issa, il-garanzija tal-aċċess għal qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi – u b’mod partikolari l-verifika tal-kostituzzjoni regolari ta’ din il-qorti – hija fil-qalba tad-dritt għal smigħ xieraq. Kif diġà rrilevajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża AW “T” (58), il-qrati nazzjonali għandhom ikunu jistgħu jivverifikaw jekk irregolarità li tivvizzja l-proċedura ta’ ħatra ta’ mħallef setgħetx twassal għal ksur tar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta, u, b’mod partikolari, ta’ dawk relatati mal-aċċess għal qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi, f’ċirkustanzi li fihom l-osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti tista’ tqajjem dubji (59).

85.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tħalli mhux applikati d-dispożizzjonijiet interni li jipprekluduha milli teżamina r-regolarità tal-ħatra tal-imħallef ikkonċernat, skont il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni.

3)      Fuq l-effett tas-sentenzi tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali)

86.      It-tielet u r-raba’ subdomanda huma intiżi sabiex jiġi ddeterminat jekk, sabiex jiġi ppreżervat l-effett utli tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandhomx jitwarrbu: (a) is-sentenza li permezz tagħha t-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) tipprojbixxi r-rikuża ta’ mħallef maħtur irregolarment, li ma jissodisfax il-kriterji ta’ qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi, u (b) is-sentenza tal-istess qorti li tipprekludi l-eżekuzzjoni ta’ digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja li jippreskrivi miżuri provviżorji intiżi li jissospendu d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jostakolaw l-eżami, mill-qrati nazzjonali, tal-osservanza tar-rekwiżit ta’ qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi.

87.      Kif indikat fit-talba għal deċiżjoni preliminari, it-tielet subdomanda tirrigwarda s-sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2020, P 13/19, mogħtija mit-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), li permezz tagħha din iddeċidiet li l-Artikolu 49(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili huwa inkompatibbli mal-Artikolu 179 tal-Kostituzzjoni, għar-raġuni li jawtorizza t-talba għal rikuża ta’ mħallef minħabba ċirkustanzi li juru l-irregolarità tal-ħatra tiegħu mill-President tar-Repubblika, fuq proposta tal-KRS.

88.      Kif ġie rrilevat fil-kuntest tad-domanda preċedenti, dik is-sentenza tipprekludi, de facto, l-istħarriġ tal-validità tal-proċeduri ta’ ħatra tal-imħallfin fir-rigward tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta. Għaldaqstant, u sabiex jiġu żgurati s-supremazija kif ukoll l-effett dirett ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-qorti tar-rinviju għandha tkun f’pożizzjoni li tevalwa hija stess il-validità tal-ħatra tal-imħallef ikkonċernat. Hija għandha għalhekk twarrab sentenza tal-qorti kostituzzjonali li tipprekludiha milli teżamina talba għal rikuża ta’ mħallef ibbażata fuq l-irregolarità tal-ħatra tiegħu, peress li din l-irregolarità tmur kontra r-rekwiżit ta’ qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi.

89.      Ir-raba’ subdomanda tirrigwarda s-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2021, P 7/20, li permezz tagħha t-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) iddeċidiet li t-tieni sentenza tal-Artikolu 4(3) TUE, moqrija flimkien mal-Artikolu 279 TFUE, hija inkompatibbli ma’ diversi dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni (Artikoli 2 u 7, Artikolu 8(1), Artikolu 90(1), flimkien mal-Artikolu 4(1) tal-Kostituzzjoni), sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja timponi, fil-fehma tal-Qorti Kostituzzjonali, obbligi ultra vires fuq il-Polonja bl-adozzjoni ta’ miżuri provviżorji dwar l-organizzazzjoni u l-kompetenza tal-qrati Pollakki, kif ukoll il-proċedura quddiem dawn il-qrati u, b’dan il-mod, ma hijiex suġġetta għall-prinċipji ta’ supremazija u ta’ applikabbiltà diretta (Artikolu 91(1) sa (3) tal-Kostituzzjoni) (60).

90.      F’dik is-sentenza, it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) tikkontesta l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tordna miżuri provviżorji skont l-Artikolu 279 TFUE, b’mod partikolari fil-qasam tal-ħarsien tal-indipendenza tal-qrati Pollakki. Issa, dawn il-miżuri provviżorji, bħas-sospensjoni tal-kompetenza tal-Awla Dixxiplinari tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) fil-kawżi dixxiplinari, kienu intiżi preċiżament sabiex jiggarantixxu l-effett sħiħ tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

91.      Meta tiċħad il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tadotta miżuri provviżorji dwar l-organizzazzjoni u l-kompetenza tal-qrati Pollakki, it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) tipprekludi, b’mod radikali, l-istħarriġ tal-legalità tal-ħatriet tal-imħallfin nazzjonali fid-dawl tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta. Issa, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 78 sa 82 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jiena tal-fehma li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex tiżgura b’mod sħiħ l-effett utli tad-dritt tal-Unjoni, li jimplika li titwarrab is-sentenza tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) li tipprekludi l-eżekuzzjoni tad-digrieti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar miżuri provviżorji. Fin-nuqqas ta’ dan, il-qrati nazzjonali jkunu preklużi milli jivverifikaw jekk ir-rekwiżiti tal-Unjoni fil-qasam tal-indipendenza u tal-imparzjalità, kif ukoll tal-qorti stabbilita minn qabel bil-liġi, humiex debitament issodisfatti.

c)      Fuq it-tieni parti dwar il-possibbiltà ta’ rikuża ta’ mħallef maħtur irregolarment

92.      Permezz tat-tieni parti tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, liema miżuri jistgħu jittieħdu sabiex jiġi ggarantit l-effett utli tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva quddiem qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta, sabiex jiġi evitat li l-kulleġġ ġudikanti jitqies li ma jissodisfax dawn il-kundizzjonijiet għas-sempliċi raġuni li wieħed mill-membri tiegħu nħatar irregolarment.

93.      Il-qorti tar-rinviju tqis li jekk l-imħallef ikkonċernata fil-kawża prinċipali ma tistax titqies li tappartjeni lil “qorti stabbilita minn qabel bil-liġi”, dik il-qorti għandha tislet il-konsegwenzi minn dan, b’mod partikolari billi tqiegħed lill-imħallef ikkonċernata f’inkapaċità li tiddeċiedi, minkejja li l-Artikoli 48 u 49 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili ma jipprevedux tali raġuni ta’ rikuża. Id-domanda magħmula twassal għalhekk sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn id-dispożizzjonijiet, dwar il-iudex inhabilis, jistgħux jiġu interpretati b’mod li jippermettu, b’analoġija, l-esklużjoni ta’ mħallef li l-ħatra tiegħu seħħet fi tmiem proċedura li ma tissodisfax ir-rekwiżiti fundamentali tal-indipendenza u tal-imparzjalità.

94.      Għandu jitfakkar li l-gwida li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdi għal deċiżjoni preliminari hija strettament limitata għal kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u mhux tad-dritt nazzjonali. La huwa kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpreta d-dritt nazzjonali, u lanqas a fortiori li tarbitra bejn interpretazzjonijiet differenti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li jirriżultaw fuq livell nazzjonali. B’mod partikolari, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tindika liema minn dawn l-interpretazzjonijiet diverġenti tar-regoli proċedurali nazzjonali hija korretta, u lanqas liema regola jew liema rimedju previst mid-dritt nazzjonali għandha ssegwi qorti tar-rinviju sabiex tiżgura l-konformità mad-dritt tal-Unjoni (61). Fi kliem ieħor, jekk skont l-Artikolu 19(1) TUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tinterpreta d-dritt tal-Unjoni, il-qrati nazzjonali għandhom ġurisdizzjoni esklużiva sabiex jinterpretaw id-dritt nazzjonali (62).

95.      Għaldaqstant, naħseb li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-għoti ta’ deċiżjoni preliminari, li tinterpreta d-dritt nazzjonali, jiġifieri l-Artikoli 48 u 49 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, u li tindika lill-qorti tar-rinviju kif għandha tinterpretahom u tapplikahom fil-kuntest tal-kawża prinċipali (63).

96.      Xorta jibqa’ l-fatt li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jimponi fuq l-Istati Membri obbligu ta’ riżultat ċar u preċiż li ma huwa akkumpanjat minn ebda kundizzjoni f’dak li jirrigwarda l-indipendenza li għandha tikkaratterizza l-qrati msejħa sabiex jinterpretaw u japplikaw id-dritt tal-Unjoni (64). Fil-fatt, dan l-obbligu ta’ riżultat huwa l-konsegwenza naturali tal-fatt li l-qorti tar-rinviju, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jkollha ġurisdizzjoni sabiex tevalwa jekk kulleġġ ġudikanti jew imħallef ieħor huwiex qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi, u sabiex ma tapplikax dispożizzjonijiet nazzjonali, anki kostituzzjonali, jew prattiki li jipprekluduha milli teżerċita b’mod effettiv din il-ġurisdizzjoni. Fil-fatt, fl-assenza ta’ obbligu ta’ riżultat impost fuq il-qorti nazzjonali, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, il-kontenut ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jitlef is-sustanza tiegħu.

97.      Għaldaqstant, sabiex tingħata risposta għat-tieni domanda, u mingħajr ma tiġi ppreġudikata l-interpretazzjoni konkreta tad-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli, id-dritt nazzjonali għandu jiġi interpretat u applikat fid-dawl tal-obbligu ta’ riżultat li għandu l-Istat Membru. Inqis li dan l-obbligu jimplika l-istabbiliment ta’ rimedju ġudizzjarju effettiv li jippermetti li jiġi eskluż ipso jure mħallef li ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità inerenti għal qorti stabbilita minn qabel bil-liġi. Madankollu, hija l-qorti nazzjonali kompetenti li għandha tiddetermina l-modalitajiet konkreti ta’ implimentazzjoni ta’ dan ir-rekwiżit, b’osservanza tal-kuntest ġuridiku nazzjonali u tal-prinċipji li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni.

V.      Konklużjoni

98.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mis-Sąd Rejonowy Poznań-Stare Miasto w Poznaniu (il-Qorti Distrettwali ta’ Poznań‑Stare Miasto f’Poznań, il-Polonja):

1)      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

għandu jiġi interpretat fis-sens li,

sabiex jiġi evalwat jekk qorti li fi ħdanha tinsab persuna maħtura fil-pożizzjoni ta’ mħallef tissodisfax ir-rekwiżit ta’ “qorti stabbilita minn qabel bil-liġi”, l-awtorità ġudizzjarja kompetenti għandha tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss il-fatt li l-kandidatura ta’ dan l-imħallef ġie rrakkomandat mill-KRS il-ġdid wara r-riforma tiegħu, u l-assenza ta’ dritt għal rimedju effettiv għall-parteċipanti fil-proċedura ta’ ħatra, iżda wkoll kull ċirkustanza rilevanti oħra marbuta mal-ħatra ta’ din il-persuna u li tista’ taffettwa l-indipendenza u l-imparzjalità tal-qorti kkonċernata.

2)      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali,

għandu jiġi interpretat fis-sens li,

minn naħa, jobbliga lill-qorti nazzjonali tħalli mhux applikati d-dispożizzjonijiet nazzjonali, inkluża l-interpretazzjoni mogħtija mit-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Polonja), li jipprekludu l-eżami ta’ talba għal rikuża ta’ mħallef ibbażata fuq l-irregolarità manifesta tal-proċedura tal-ħatra tiegħu;

min-naħa l-oħra, dan jeżiġi li din il-qorti nazzjonali tieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex tiżgura b’mod sħiħ l-effett utli tad-dritt fundamentali tal-partijiet fil-kawża għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva quddiem qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi, li tinkludi l-possibbiltà li mħallef li ma jissodisfax dawn ir-rekwiżiti jiġi eskluż ipso jure, filwaqt li l-qorti nazzjonali kompetenti tingħata l-kompitu li tiddetermina l-modalitajiet konkreti tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-rekwiżit.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali (ĠU 2011, L 48, p. 1).


3      Fl-osservazzjonijiet tiegħu, il-Gvern Pollakk sostna wkoll li t-talba għal deċiżjoni preliminari kienet inammissibbli, qabel ma rrinunzja għall-atti waqt is-seduta.


4      Ara s-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra) (C‑487/19, iktar ’il quddiem is-“sentenza W.Ż.”, EU:C:2021:798, punt 75), u tal‑15 ta’ Ottubru 2024, KUBERA (C‑144/23, EU:C:2024:881, punt 31).


5      Għalkemm il-qorti tar-rinviju ssemmi wkoll, fiż-żewġ domandi tagħha, l-Artikolu 2 TUE u l-Artikolu 6(3) TUE, jiena tal-fehma li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirreferi biss għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta (ara, dwar il-possibbiltà tal-Qorti tal-Ġustizzja li tifformula mill-ġdid id-domandi li jsirulha, fost oħrajn, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2023, Ministerstvo na vatreshnite raboti (Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika mill-pulizija) (C‑205/21, EU:C:2023:49, punt 77), li fih il-Qorti tal-Ġustizzja tifformula mill-ġdid it-tielet domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju).


6      Ara, b’analoġija, is-sentenza W.Ż. (punt 76, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


7      Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2021, Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim et (C748/19 sa C754/19, EU:C:2021:931, punt 74).


8      Ara s-sentenza W.Ż. (punt 133).


9      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat repetutament li, sa fejn il-Karta tistabbilixxi drittijiet li jikkorrispondu għal dawk iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), l-Artikolu 52(3) tal-Karta huwa intiż li jiżgura l-koerenza neċessarja bejn id-drittijiet inklużi fiha u d-drittijiet korrispondenti ggarantiti mill-KEDB, mingħajr ma dan jippreġudika l-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni. Skont l-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17), it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jikkorrispondi għall-Artikolu 6(1) tal-KEDB. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiżgura li l-interpretazzjoni li hija tagħti lit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tiżgura livell ta’ protezzjoni li ma jmurx kontra dak iggarantit mill-Artikolu 6(1) tal-KEDB, kif interpretat mill-Qorti EDB (ara s-sentenzi W.Ż. (punt 123), u tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank (C‑132/20, EU:C:2022:235, punt 116)).


10      Ara sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Eżami mill-ġdid Simpson vs Il‑Kunsill (C‑542/18 RX-II u C‑543/18 RX-II, iktar ’il quddiem is-“sentenza Eżami mill-ġdid Simpson”, EU:C:2020:232, punti 74 u 75); kif ukoll is-sentenza tal-Qorti EDB tal‑1 Diċembru 2020, Guðmundur Andri Ástráðsson vs L‑Islanda (CE:ECHR:2020:1201JUD002637418, iktar ’il quddiem is-“sentenza Ástráðsson vs L‑Islanda”, punti 227 u 234).


11      Ara s-sentenzi Eżami mill-ġdid Simpson vs Il‑Kunsill (punt 75) u W.Ż. (punt 130).


12      Sentenza W.Ż. (punt 161 u l-konklużjoni sussegwenti). Ara, f’dan ir-rigward, Filipek, P., “Defective Judicial Appointments and their Rectification under European Standards”, Bobek, M., Bodnar, A., von Bogdandy, A. u Sonnevend, P. (dir.), Transition 2.0: Re-establishing Constitutional Democracy in EU Member States, Nomos, Baden-Baden, 2023, p. 436 sa 437.


13      F’dan ir-rigward, il-Qorti EDB enfasizzat b’mod partikolari li, għalkemm id-dritt għal “qorti stabbilita bil-liġi”, iggarantit fl-Artikolu 6(1) tal-KEDB, jikkostitwixxi dritt awtonomu, dan tal-aħħar xorta waħda għandu rabtiet mill-qrib ħafna mal-garanziji ta’ “indipendenza” u ta’ “imparzjalità”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Għalhekk, dik il-qorti ddeċidiet b’mod partikolari li, minkejja li r-rekwiżiti istituzzjonali tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB għandhom kull wieħed għan preċiż li minnhom joħloq garanziji speċifiċi għal smigħ xieraq, dawn għandhom komuni bejniethom il-fatt li huma intiżi għall-osservanza tal-prinċipji fundamentali li huma l-Istat tad-dritt u s-separazzjoni tal-poteri, filwaqt li ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li l-bażi ta’ kull wieħed minn dawn ir-rekwiżiti hija l-ħtieġa imperattiva li tiġi ppreżervata l-fiduċja li s-setgħa ġudizzjarja għandha tispira fil-parti fil-kawża u l-indipendenza ta’ din is-setgħa fir-rigward tas-setgħat l-oħra (ara s-sentenzi Ástráðsson vs L-Islanda (punti 231 u 233), u W.Ż. (punt 124)).


14      Filipek, P., op. cit., p. 437.


15      Sentenza Ástráðsson vs L‑Islanda (punti 231 u 233). Din il-pożizzjoni hija riflessa wkoll fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li skontha “għandhom […] jiġu enfasizzati r-rabtiet indissoċjabbli li, skont il-kliem stess tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, jeżistu, għall-finijiet tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, bejn il-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità tal-imħallfin kif ukoll ta’ aċċess għal qorti stabbilita minn qabel mil-liġi” (sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita mil-liġi fl-Istat Membru emittenti) (C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU, iktar ’il quddiem is-“sentenza Openbaar Ministerie”, EU:C:2022:100, punt 55)).


16      Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank (C‑132/20, EU:C:2022:235, punt 117); ara wkoll is-sentenzi tal-Qorti EDB tat‑22 ta’ Lulju 2021, Reczkowicz vs Il‑Polonja (CE:ECHR:2021:0722JUD004344719, punt 284); tat‑8 ta’ Novembru 2021, Dolińska-Ficek u Ozimek vs Il‑Polonja (CE:ECHR:2021:1108JUD004986819, punt 357), kif ukoll tat‑3 ta’ Frar 2022, Advance Pharma Sp. z o.o. vs Il‑Polonja (CE:ECHR:2022:0203JUD000146920, punt 353).


17      Sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A.K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C585/18, C624/18 u C625/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza A.K.”, EU:C:2019:982, punt 147).


18      Sentenza A.K. (punt 148).


19      Sentenza A.K. (punti 150 u 151).


20      Sentenza W.Ż. (punt 131).


21      Sentenza W.Ż. (punti 146, 149 u 150).


22      Sentenza W.Ż. (punt 151). Ara wkoll is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Krajowa Rada Sądownictwa (Żamma ta’ mħallef fil-kariga) (C‑718/21, iktar ’il quddiem is-“sentenza Krajowa Rada Sądownictwa”, EU:C:2023:1015, punti 65 sa 76), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra, “konġuntament, l-elementi kollha kemm sistemiċi kif ukoll ċirkustanzjali […] li kkaratterizzaw il-ħatra, fi ħdan l-Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi, tat-tliet imħallfin li jikkostitwixxu l-istanza tar-rinviju f’din il-kawża” (punt 77).


23      Filipek jirrileva f’dan ir-rigward li din il-funzjoni kumulattiva tvarja fil-kuntest tat-“test Ástráðsson”, peress li l-Qorti EDB tapplika l-“kriterji kumulattivi” (ksur manifest tad-dritt intern, ksur li jaffettwa r-regoli fundamentali tal-proċedura ta’ ħatra tal-imħallfin, stħarriġ eżerċitat mill-qrati nazzjonali (ara s-sentenza Ástráðsson vs L‑Islanda, punti 243 sa 252)), “li jfisser li dawn jiġu eżaminati fl-ordni indikat u li kollha kemm huma għandhom jiġu ssodisfatti konġuntament” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (op. cit., p. 439).


24      Kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, “għalkemm kull wieħed mill-elementi enfasizzati f’dan is-sens [mill-qorti] jista’ ma jkunx is-suġġett ta’ kritika fih innifsu u jista’, f’dan il-każ, ikun kopert mill-kompetenza tal-Istati Membri u mill-għażla magħmula minnhom, meta kkunsidrati flimkien, dawn l-elementi, flimkien maċ-ċirkustanzi li fihom saru dawn l-għażliet, jistgħu, għall-kuntrarju, iwasslu għal dubju dwar l-indipendenza ta’ korp li għandu jipparteċipa fil-proċedura ta’ ħatra ta’ mħallfin, minkejja li, f’sitwazzjoni fejn l-imsemmija elementi jitqiesu separatament, tali konklużjoni ma tkunx neċessarja” (ara s-sentenza A.K., punt 142).


25      Sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-imħallfin fil-Qorti Suprema – Rikors) (C‑824/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza A.B.”, EU:C:2021:153, punt 138).


26      Minkejja li l-Artikolu 187(3) tal-Kostituzzjoni jipprevedi tul ta’ erba’ snin.


27      Ara s-sentenzi tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Sistema dixxiplinari tal-imħallfin) (C‑791/19, EU:C:2021:596, punti 104 u 105), u W.Ż. (punti 146 u 150). Ara wkoll, fir-rigward tal-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, is-sentenza tat‑3 ta’ Frar 2022, Advance Pharma Sp. z o.o. vs Il‑Polonja (CE:ECHR:2022:0203JUD 000146920, punt 321).


28      Ara sentenza W.Ż. (punt 150).


29      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45.


30      Għandu jiġi rrilevat ukoll li, fil-ġurisprudenza tagħha dwar l-indipendenza tas-setgħa ġudizzjarja fil-Polonja, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet li “ċ-ċirkustanza li korp, bħal kunsill nazzjonali tal-ġudikatura, involut fil-proċess ta’ ħatra tal-imħallfin ikun, b’mod predominanti, kompost minn membri magħżula mill-poter leġiżlattiv ma jistax, waħdu, iwassal biex tiġi ddubitata l-indipendenza tal-imħallfin maħtura fi tmiem l-imsemmi proċess […] Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja […] jirriżulta wkoll li jista’ jkun mod ieħor meta din l-istess ċirkustanza, flimkien ma’ elementi oħra rilevanti u mal-kundizzjonijiet li fihom saru dawn l-għażliet, iwasslu biex joħolqu tali dubji” (ara, inter alia, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Sistema dixxiplinari tal-imħallfin) (C‑791/19, EU:C:2021:596, punt 103)).


31      Sentenza Openbaar Ministerie (punti 75 u 87).


32      Sentenza Krajowa Rada Sądownictwa (punti 77 u 78).


33      B’mod partikolari, il-ħatriet tat-tliet imħallfin ikkonċernati kienu saru abbażi tal-proposti li jinsabu fir-Riżoluzzjoni Nru 331/2018 tal-KRS li ma ppreżentax, fil-kompożizzjoni l-ġdida tiegħu li tirriżulta mill-implimentazzjoni tal-Liġi dwar il-KRS, garanziji suffiċjenti ta’ indipendenza fir-rigward tas-setgħat leġiżlattivi u dawk eżekuttivi. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat l-assenza ta’ rimedju effettiv kontra l-imsemmija riżoluzzjoni u kkonstatat li l-ħatriet tal-imħallfin imsemmija iktar ’il fuq mill-President tar-Repubblika tal-Polonja kienu seħħew minkejja li s-saħħa eżekuttiva tal-imsemmija riżoluzzjoni kienet ġiet sospiża permezz ta’ digriet tan-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema).


34      Ara, f’dan ir-rigward, id-digrieti tad‑9 ta’ April 2024, T. (Programmi awdjoviżivi għat-tfal) (C‑22/22, EU:C:2024:313); tal‑15 ta’ Mejju 2024, Rzecznik Finansowy (C‑390/23, EU:C:2024:419); tad‑29 ta’ Mejju 2024, Rzecznik Praw Obywatelskich (Rikors straordinarju Pollakk) (C‑720/21, EU:C:2024:489); tad‑29 ta’ Mejju 2024, Prokurator Generalny (Rikors straordinarju Pollakk II) (C‑43/22, EU:C:2024:459), u tal‑21 ta’ Ġunju 2024, Kancelaria B. (C‑810/23, EU:C:2024:543).


35      C‑225/22, EU:C:2025:270.


36      Għandu jiġi nnotat li l-Kummissjoni rrilevat ukoll, waqt is-seduta, li attwalment erbatax‑il membru tal-Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi minn tmintax inħatru fl-istess ċirkustanzi bħal dawk deskritti fis-sentenza Krajowa Rada Sądownictwa.


37      Mill-prinċipju ddikjarat fil-punt 75 tas-sentenza Eżami mill-ġdid Simpson (ara l-punt 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet) jirriżulta li l-preżenza ta’ mħallef wieħed maħtur fi ħdan l-Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi fl-istess ċirkustanzi bħal dawk analizzati fis-sentenza Krajowa Rada Sądownictwa hija biżżejjed sabiex l-imsemmija awla tiġi mċaħħda mill-kwalità tagħha ta’ qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi.


38      Sentenza A.B. (punti 132 sa 135 u 163).


39      Sentenza W.Ż. (punt 150).


40      Il-Qorti EDB tenfasizza f’dan ir-rigward “l-importanza primordjali li għandu proċess rigoruż ta’ ħatra tal-imħallfin ta’ qrati ordinarji sabiex tiġi żgurata l-ħatra għal dawn il-funzjonijiet tal-kandidati l-iktar ikkwalifikati ‑ mill-perspettiva kemm tal-kompetenzi professjonali tagħhom kif ukoll tal-integrità morali tagħhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Lanqas ma huwa irrilevanti li l-Qorti EDB tagħmel distinzjoni skont il-livell ġerarkiku ta’ kull qorti: “[H]uwa ovvju li iktar ma l-qorti tkun tinsab f’livell għoli fil-ġerarkija ġudizzjarja, iktar ikollhom ikunu eżiġenti l-kriterji tal-għażla applikabbli” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ara s-sentenza Ástráðsson vs L‑Islanda, punt 222).


41      Ara wkoll, f’dan ir-rigward, is-sentenza Openbaar Ministerie (punti 88 u 89).


42      Sentenza A.B. (punt 136).


43      Sentenza A.B. (punti 128 sa 136 u 156). Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Collins fil-kawżi magħquda G. et (Ħatra ta’ mħallfin fil-qrati ordinarji fil-Polonja) (C181/21 u C269/21, EU:C:2022:990, punti 74 et seq.).


44      Il-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi għall-preżenza ta’ “dispożizzjonijiet li jwasslu għall-eliminazzjoni tal-effettività tal-azzjonijiet ġudizzjarji ta’ dan it-tip li kienu jeżistu sa dak iż-żmien, b’mod partikolari meta l-adozzjoni tagħhom, ikkunsidrata flimkien ma’ elementi rilevanti oħra li jikkaratterizzaw tali proċess ta’ ħatra f’kuntest ġuridiku u fattwali nazzjonali partikolari, tidher ta’ natura li tista’ toħloq, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dubji ta’ natura sistematika f’dak li jirrigwarda l-indipendenza u l-imparzjalità tal-imħallfin maħtura fi tmiem dan il-proċess” (sentenza A.B., punt 156).


45      Sentenza A.B. (punt 156).


46      Sentenza A.B. (punt 138).


47      Kif irrileva l-Avukat Ġenerali Collins fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża G. et (Ħatra ta’ mħallfin fil-qrati ordinarji fil-Polonja) (C‑181/21 u C‑269/21, EU:C:2022:990), l-argument li l-livell ta’ protezzjoni ġudizzjarja jista’ jvarja skont il-grad ta’ qorti fis-sistema ġudizzjarja li din tifforma parti minnha, bħala prinċipju, huwa żbaljat (punt 46).


48      Għalhekk, għandu jiġi enfasizzat f’dan ir-rigward li, fis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Sistema dixxiplinari tal-imħallfin) (C‑791/19, EU:C:2021:596), dwar l-Awla Dixxiplinari tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), u fis-sentenza Krajowa Rada Sądownictwa, fir-rigward tal-Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi tal-istess qorti, wieħed mill-elementi kkunsidrati mill-Qorti tal-Ġustizzja huwa li l-imsemmija korpi kienu nħolqu mil-leġiżlatur ex nihilo, filwaqt li, kif irrileva l-Ombudsman waqt is-seduta ta’ din il-kawża, l-imħallfin il-ġodda ta’ qrati ordinarji jagħmlu parti mill-istess kulleġġi ġudikanti bħall-imħallfin maħtura qabel l‑2018.


      Għandu jiġi rrilevat ukoll li, fis-sentenza tagħha tat‑23 ta’ Novembru 2023, Wałęsa vs Il‑Polonja (CE:ECHR:2023:1123JUD005084921), il-Qorti EDB identifikat il-problemi sistemiċi li wasslu għall-ksur tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB fir-Repubblika tal-Polonja, billi enfasizzat li l-effetti tan-nuqqas ta’ indipendenza tal-KRS il-ġdid ivarjaw skont it-tip ta’ qorti kkonċernata u l-pożizzjoni tagħha fl-organizzazzjoni ġudizzjarja: “Il-problema prinċipali tinsab fil-proċedura difettuża ta’ ħatra tal-imħallfin li tinvolvi [il-KRS], kif stabbilita mil-Liġi Emendatorja tal‑2017, li taffettwa b’mod inerenti u kontinwu l-indipendenza tal-imħallfin hekk maħtura. Għalkemm, kif iddikjarat [is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] fir-riżoluzzjoni tal-awli magħquda tagħha tat‑23 ta’ Jannar 2020, in-nuqqas ta’ indipendenza tal-[KRS] irriformat iwassal, bħala regola ġenerali, għal irregolaritajiet li jikkompromettu l-indipendenza u l-imparzjalità ta’ qorti, l-effetti li jirriżultaw minn dan ivarjaw skont it-tip ta’ qorti kkonċernata u l-pożizzjoni tagħha fi ħdan is-setgħa ġudizzjarja. Skont [is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], dawn l-irregolaritajiet għandhom l-iktar konsegwenzi dannużi fuq il-ħatriet [fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], peress li l-osservanza ta’ rekwiżit ‘strett’ ta’ indipendenza ta’ din il-qorti fil-konfront tal-awtoritajiet politiċi tikkostitwixxi kundizzjoni essenzjali għall-funzjonament tajjeb tagħha konformement mal-Kostituzzjoni u għall-eżerċizzju effettiv tal-prerogattivi tagħha, li huma ta’ importanza fundamentali fi Stat demokratiku bbażat fuq l-Istat tad-dritt […]. Il-Qorti tapprova din l-analiżi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (punt 324).


49      Ara s-sentenzi tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 47), kif ukoll tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et (C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 217).


50      Sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tad-deċiżjonijiet ta’ qorti kostituzzjonali) (C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 40).


51      Sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tad-deċiżjonijiet ta’ qorti kostituzzjonali) (C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 53). Ara wkoll is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, YP et (Tneħħija tal-immunità u sospensjoni ta’ mħallef) (C‑615/20 u C‑671/20, EU:C:2023:562, punt 64).


52      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Frar 1977, Benedetti vs Munari (52/76, EU:C:1977:16, punt 26), kif ukoll tal‑11 ta’ Diċembru 2018, Weiss et (C‑493/17, EU:C:2018:1000, punt 19).


53      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2010, Elchinov (C‑173/09, EU:C:2010:581, punti 30 u 31).


54      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2013, Križan et (C‑416/10, EU:C:2013:8, punt 71).


55      C‑204/21, EU:C:2023:442.


56      Sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin) (C‑204/21, EU:C:2023:442) punt 286.


57      Jiġifieri l-Artikolu 26(3) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema.


58      C‑225/22, EU:C:2025:270.


59      Ara, b’mod partikolari, sentenza A.K. (punti 152 u 153). Ara wkoll is-sentenzi A.B. tas‑16 ta’ Novembru 2021, Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim et (C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:931), u tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin) (C‑204/21, EU:C:2023:442, punti 130 u 131 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


60      B’mod partikolari, f’dik is-sentenza, il-qorti kostituzzjonali eżaminat il-kwistjoni legali, imqajma mill-Awla Dixxiplinari tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), dwar il-kompatibbiltà mal-Kostituzzjoni tal-miżuri provviżorji imposti fuq il-Polonja permezz tad-digriet tat‑8 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑791/19 R, EU:C:2020:277), u li tissospendi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi li jafdaw lill-Awla Dixxiplinari l-kompetenza fil-kawżi dixxiplinari dwar l-imħallfin.


61      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Ministerstwo Sprawiedliwości (C‑55/20, EU:C:2021:500, punt 131). F’dan ir-rigward, nixtieq infakkar li l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE tikkostitwixxi strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għalihom sabiex jiddeċiedu l-kawżi li jkunu tressqu quddiemhom (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz (Sistema dixxiplinari għall-imħallfin) (C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 44).


62      Ara s-sentenzi tas‑17 ta’ Ġunju 1999, Piaggio (C‑295/97, EU:C:1999:313, punt 29), u tal‑15 ta’ Jannar 2013, Križan et (C416/10, EU:C:2013:8, punt 58).


63      F’dan ir-rigward, waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Ombudsman u l-Kummissjoni rreferew għal dispożizzjoni ġdida fil-Liġi dwar il-Qrati tal-Ewwel Istanza li, mill‑2022, tippermetti l-evalwazzjoni tal-imparzjalità u tal-indipendenza ta’ qorti minn kulleġġ ta’ ħames imħallfin li jista’ jevalwa wkoll iċ-ċirkustanzi relatati mal-ħatra ta’ mħallef.


64      Sentenza W.Ż. (punt 159).