KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI
KOKOTT
ippreżentati fit‑13 ta’ Ottubru 2022 ( 1 )
Kawża C‑449/21
Towercast
vs
Autorité de la concurrence,
Ministère de l’Économie,
partijiet oħra:
Tivana Topco S.A.,
Tivana Midco S.A.R.L.,
TDF Infrastructure Holding S.A.S.,
TDF Infrastructure S.A.S.,
Tivana France Holdings S.A.S.
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi, Franza))
“Kompetizzjoni – Kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (‘Kontroll ta’ konċentrazzjonijiet’) – Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 (‘Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet’) – Applikabbiltà esklużiva tad-dritt tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet – Kontroll ta’ konċentrazzjonijiet nazzjonali – Nuqqas ta’ osservanza tal-limiti – Artikolu 102 TFUE – Abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-suq – Applikabbiltà diretta – Regolament (KE) Nru 1/2003”
Werrej
I. Introduzzjoni |
|
II. Il-kuntest ġuridiku |
|
A. Id-dritt sekondarju tal-Unjoni |
|
1. Ir-Regolament (KE) Nru 139/2004 |
|
2. Ir-Regolament (KEE) Nru 4064/89 |
|
B. Id-dritt nazzjonali |
|
III. Il-fatti u t-talba għal deċiżjoni preliminari |
|
IV. L-analiżi ġuridika |
|
A. Ir-relazzjoni bejn l-Artikolu 21 tar-RDK u l-Artikolu 102 TFUE |
|
1. Id-determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet fl-Artikolu 21 tar-RDK |
|
2. L-applikabbiltà diretta tal-Artikolu 10 TFUE |
|
B. Il-funzjonament u l-istruttura tal-protezzjoni kontra d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fid-dritt tal-Unjoni |
|
C. Il-portata tas-sentenza Continental Can u ċ-ċertezza legali |
|
V. Konklużjoni |
I. Introduzzjoni
1. |
Permezz tad-domanda preliminari tagħha dwar ir-rabta bejn ir-regoli ta’ kontroll ta’ konċentrazzjonijiet ex-ante u l-kontroll ta’ abbuż ex-post skont l-Artikolu 102 TFUE, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk huwiex possibbli għal awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni li teżamina a posteriori, fid-dawl tal-Artikolu 102 TFUE, konċentrazzjoni mwettqa minn impriża dominanti, meta din il-konċentrazzjoni ma tkunx laħqet il-limiti indikattivi tad-dħul mill-bejgħ rilevanti tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet”, jew ir-“RDK”) ( 2 ) u tad-dritt tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet nazzjonali u, għaldaqstant, ma kinitx is-suġġett ta’ eżami ex-ante korrispondenti. |
2. |
Il-kawża prinċipali tirrigwarda speċifikament il-kwistjoni ta’ applikazzjoni komplementari jew li timla l-lakuni tal-Artikolu 102 TFUE meta mqabbla mar-regoli nazzjonali li jirregolaw il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet. Id-domanda preliminari hija intiża, essenzjalment, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 21(1) tar-RDK għandux l-effett li l-konċentrazzjonijiet għandhom jiġu esklużivament eżaminati abbażi tad-dritt tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet u jekk applikazzjoni parallela jew a posteriori tal-Artikolu 102 TFUE hijiex eskluża (l-hekk imsejjaħ “effett ta’ mblokkar”). Sabiex ir-relazzjoni bejn dawn ir-regoli tiġi ddeterminata b’mod iktar preċiż, huwa neċessarju li jittieħdu inkunsiderazzjoni n-natura ġuridika u l-funzjoni rispettiva tagħhom fis-sistema, taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea, tal-protezzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern u l-għanijiet essenzjali tagħha. |
3. |
Għal dan il-għan, wara li nfakkar il-kuntest ġuridiku (Taqsima II) u l-fatti (Taqsima III), ser nindirizza r-relazzjoni bejn l-Artikolu 21(1) tar-RDK u l-Artikolu 102 TFUE, fid-dawl tal-pożizzjoni tagħha fil-ġerarkija tar-regoli u tal-applikabbiltà diretta tagħha (Taqsima IV.A). Imbagħad ser neżamina r-riżultat ta’ din l-analiżi fid-dawl tal-għanijiet tas-sistema taħt id-dritt tal-Unjoni ta’ protezzjoni kontra d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni (Taqsima IV.B). Finalment, ser nindirizza l-kwistjoni dwar jekk u sa fejn ir-riżultat li nkun wasalt għalih jistax jiġi rrikonċiljat mal-ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja u mal-prinċipju ta’ ċertezza legali (Taqsima IV.C). |
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt sekondarju tal-Unjoni
1. Ir-Regolament (KE) Nru 139/2004
4. |
Il-premessi 2 u 6 tar-RDK jipprevedu:
|
5. |
Is-seba’ premessa tar-RDK tispeċifika l-bażi legali kif ġej: “Għalkemm l-Artikoli 81 u 82, skond id-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, japplikaw għal ċerti tipi ta’ konċentrazzjonijiet, dawn l-Artikoli m’humiex biżżejjed sabiex jikkontrollaw l-operazzjonijiet kollha li jistgħu ma jkunux kompatibbli mas-sistemà ta’ kompetizzjoni mingħajr tfixkil kif kontemplata fit-Trattat. Għaldaqstant, dan ir-Regolament għandu jkun ibbażat mhux biss fuq l-Artikolu 83 iżda wkoll, prinċiparjament, fuq l-Artikolu 308 tat-Trattat […]” |
6. |
Il-premessi 8 u 9 tar-RDK jikkonċernaw it-tqassim tal-kompetenzi u l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet:
|
7. |
L-Artikolu 1 tar-RDK jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet, inter alia, skont il-limiti ta’ dħul mill-bejgħ imsemmija fil-paragrafu 2: “(1) Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4(5) u l-Artikolu 22, dan ir-Regolament għandu japplika għall-konċentrazzjonijiet kollha li għandhom dimensjoni Komunitarja, kif definiti f’dan l-Artikolu. (2) Konċentrazzjoni jkollha dimensjoni Komunitarja meta: […]” |
8. |
L-Artikolu 3 tar-RDK jiddefinixxi l-kunċett ta’ “konċentrazzjoni” kif ġej: “(1) Għandu jitqies li hemm konċentrazzjoni meta jkun hemm bidla fil-kontroll fuq bażi dewwiema, liema bidla tkun ir-riżultat ta’:
|
9. |
L-Artikolu 21(1) tar-RDK jikkonċerna d-delimitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet meta mqabbel ma’ atti legali oħra tal-Unjoni: “Dan ir-Regolament biss għandu japplika għal konċentrazzjonijiet kif definiti fl-Artikolu 3, u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 […] ma għandhomx japplikaw, minbarra fir-rigward ta’ joint ventures li ma għandhomx dimensjoni Komunitarja u li għandhom bħala skop jew effett il-kordinazzjoni ta’ l-imġieba kompetittiva li baqgħa indipendenti […]” |
10. |
Finalment, l-Artikolu 22 tar-RDK jipprovdi, inter alia: “(1) Stat Membru, jew aktar minn Stat Membru wieħed, jista’ jitlob jew jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex teżamina xi konċentrazzjoni kif definita fl-Artikolu 3 li ma għandhiex dimensjoni Komunitarja fis-sens ta’ l-Artikolu 1 iżda taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u thedded li tolqot b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni fit-territorju ta’ l-Istat Membru jew l-Istati Membri li għamel jew li għamlu t-talba […] […] (3) […] L-Istat Membru jew Stati Membri li għamel jew għamlu t-talba ma għandhomx jibqgħu japplikaw l-liġi nazzjonali tagħhom dwar il-kompetizzjoni fir-rigward tal-konċentrazzjoni […]” |
2. Ir-Regolament (KEE) Nru 4064/89
11. |
Ir-Regolament (KEE) Nru 4064/89 ( 3 ) huwa r-regolament li jippreċedi r-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet attwalment fis-seħħ. |
12. |
Is-sitt u t-tmien premessa ta’ dan ir-regolament kienu jipprevedu:
|
13. |
L-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 4064/89 kien jinkludi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu, id-dispożizzjoni preċedenti tal-Artikolu 21(1) tar-RDK u, fil-paragrafu 3, id-dispożizzjoni preċedenti tal-Artikolu 22 tar-RDK: “(1) Dan ir-Regolament biss għandu japplika għal konċentrazzjonijiet kif imfissra fl-Artikolu 3. (2) Ir-Regolamenti Nru 17, (KEE) Nru 1017/68, (KEE) Nru 4056/86 u (KEE) Nru 3975/87 m’għandhomx japplikaw għal konċentrazzjonijiet kif imfissra fl-Artikolu 3. (3) Jekk il-Kummissjoni ssib, fuq talba ta’ Stat Membru, li konċentrazzjoni kif imfissra fl-Artikolu 3 li m’għandhiex dimensjoni Komunitarja fis-sens ta’ l-Artikolu 1 toħloq jew issaħħaħ posizzjoni dominanti li b’riżultat ta’ hekk il-kompetizzjoni effettiva tiġi mfixkla sew fit-territorju ta’ l-Istat Membru konċernat tista’, safejn il-konċentrazzjoni taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, tadotta d-deċiżjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2), it-tieni subparagrafu, (3) u (4) […]” |
B. Id-dritt nazzjonali
14. |
L-Artikolu L. 490–9 tal-code de commerce Franċiż (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Kummerċjali”) jipprevedi: “Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikoli 81 sa 83 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, […] l-awtorità tal-kompetizzjoni għandha […] il-kompetenzi rispettivi mogħtija lilha mill-artikoli ta’ dan il-kodiċi u tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 u mir-Regolament (KE) Nru 1/2003 […]. Ir-regoli proċedurali previsti f’dawn it-testi huma applikabbli għalihom.” |
15. |
Barra minn hekk, id-dritt Franċiż jipprevedi kontroll ex-ante ta’ konċentrazzjonijiet. Il-kunċett ta’ konċentrazzjoni huwa ddefinit fl-Artikolu L. 430–1 tal-Kodiċi Kummerċjali. L-Artikolu L. 430–2 tiegħu jipprevedi l-limiti tad-dħul mill-bejgħ li jistabbilixxu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet. |
16. |
L-Artikolu L. 430–9 tal-Kodiċi Kummerċjali jipprevedi wkoll li: “[l]-awtorità tal-kompetizzjoni tista’, fil-każ ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti […], tordna, b’deċiżjoni motivata, lill-impriża jew lill-grupp ta’ impriżi kkonċernati temenda, tikkompleta jew tinnotifika, f’terminu stabbilit, il-ftehimiet u l-atti kollha li permezz tagħhom inħolqot il-konċentrazzjoni tas-saħħa ekonomika li ppermettiet l-abbuż […]” |
III. Il-fatti u t-talba għal deċiżjoni preliminari
17. |
Il-kawża prinċipali u t-talba għal deċiżjoni preliminari huma bbażati fuq azzjoni mressqa mill-kumpannija Franċiża Towercast S.A.S.U. bis-sede tagħha f’Pariġi, Franza (iktar ’il quddiem “Towercast”) kontra d-deċiżjoni tal-Autorité de la concurrence Franċiża (iktar ’il quddiem l-“awtorità Franċiża tal-kompetizzjoni”), li permezz tagħha din tal-aħħar ċaħdet ilment minn Towercast dwar abbuż ta’ pożizzjoni dominanti mill-kumpannija Franċiża TDF Infrastructure Holding S.A.S. (iktar ’il quddiem “TDF”) ( 4 ). |
18. |
Fil‑15 ta’ Novembru 2017, Towercast kienet ressqet ilment quddiem l-awtorità Franċiża tal-kompetizzjoni dwar l-assorbiment (ta’ kontroll) tal-kumpannija Itas S.A.S. minn TDF fit‑13 ta’ Ottubru 2016. Towercast kienet allegat li dan l-assorbiment kien jikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti billi TDF xekklet il-kompetizzjoni fis-swieq bl-ingrossa upstream u downstream għat-trażmissjoni diġitali tas-servizzi tat-televiżjoni terrestri (Digital Video Broadcasting – Terrestrial oder DVB-T) billi saħħet b’mod sinjifikattiv il-pożizzjoni dominanti tagħha f’dawn is-swieq. |
19. |
Is-suq Franċiż tat-trażmissjonijiet televiżivi terrestri, li fuqu TDF kellha inizjalment monopolju legali, ġie lliberalizzat fil-bidu tas-sena 2004. Madankollu, matul dawn l-aħħar snin, reġgħet inħolqot konċentrazzjoni qawwija, b’tali mod li, fil-mument tal-assorbiment ikkontestat, kienu biss tliet kumpanniji li kienu joperaw f’dan is-suq ma’ Towercast, Itas u TDF, filwaqt li ġie ppreċiżat li ma huwiex ikkontestat li TDF kellha bil-bosta l-ikbar sehem mis-suq. |
20. |
L-akkwist ta’ Itas minn TDF kien inqas mil-limiti previsti fl-Artikolu 1 tar-RDK u fl-Artikolu L. 430‑2 tal-Kodiċi Kummerċjali u għaldaqstant ma kienx is-suġġett ta’ kontroll ex ante mill-Kummissjoni Ewropea jew mill-awtorità Franċiża tal-kompetizzjoni. Lanqas ma sar riferiment lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 22 tar-RDK. |
21. |
Permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Jannar 2020, l-awtorità Franċiża tal-kompetizzjoni ċaħdet l-ilment ta’ Towercast abbażi tal-fatt li l-abbuż minn pożizzjoni dominanti allegat ma kienx ġie stabbilit. Ċertament, TDF għandha tali pożizzjoni. Madankollu, wara l-adozzjoni tar-Regolament Nru 4064/89, ġiet stabbilita linja ta’ demarkazzjoni ċara bejn il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet, minn naħa, u l-kontroll tal-prattiki antikompetittivi skont l-Artikoli 101 u 102 TFUE, min-naħa l-oħra, b’tali mod li r-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet japplika biss u esklużivament għall-konċentrazzjonijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 3 tar-RDK. Għaldaqstant, l-Artikolu 102 TFUE ma jibqax applikabbli meta aġir antikompetittiv li jirriżulta mill-konċentrazzjoni ma jimmanifestax ruħu. Madankollu, dan ma huwiex il-każ fil-kawża inkwistjoni. |
22. |
Towercast appellat minn din id-deċiżjoni quddiem il-Cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi, Franza). |
23. |
Permezz ta’ digriet tal‑1 ta’ Lulju 2021, li wasal fil‑21 ta’ Lulju 2021, il-Cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi), għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 267 TFUE, b’mod partikolari b’riferiment għall-applikazzjoni diverġenti tal-Artikolu 21(1) tar-RDK fl-Istati Membri, id-domanda preliminari li ġejja: “L-Artikolu 21(1) tar-[RDK], għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li konċentrazzjoni, nieqsa minn dimensjoni Komunitarja fis-sens tal-Artikolu 1 tar-[RDK], li tkun tinsab taħt il-limiti ta’ kontroll ex ante obbligatorju previsti mid-dritt nazzjonali u li ma tkunx tat lok għal riferiment lill-Kummissjoni Ewropea b’applikazzjoni tal-Artikolu 22 tal-imsemmi regolament, tiġi analizzata minn awtorità nazzjonali għall-kompetizzjoni bħala li tikkostitwixxi abbuż ta’ pożizzjoni dominanti pprojbit mill-Artikolu 102 TFUE, fid-dawl tal-istruttura tal-kompetizzjoni fis-suq ta’ dimenzjoni nazzjonali?” |
24. |
Towercast, l-awtorità Franċiża tal-kompetizzjoni, Franza, l-Italja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Kummissjoni Ewropea, TDF u Tivana Topco nstemgħu kemm bil-miktub kif ukoll, bl-eċċezzjoni tal-Italja, waqt is-seduta li nżammet fis‑6 ta’ Lulju 2022. |
IV. L-analiżi ġuridika
A. Ir-relazzjoni bejn l-Artikolu 21 tar-RDK u l-Artikolu 102 TFUE
1. Id-determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet fl-Artikolu 21 tar-RDK
25. |
L-Artikolu 21(1) tar-RDK jirregola l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet f’dak li jirrigwarda l-eżami tal-konċentrazzjonijiet meta mqabbla ma’ jew b’mod separat mill-applikazzjoni ta’ regoli oħra tad-dritt sekondarju tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Din id-dispożizzjoni espressament teskludi, inter alia, l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1/2003 ( 5 ) fir-rigward ta’ konċentrazzjonijiet, ħlief fil-każ ta’ “joint ventures [kooperattivi] li ma għandhomx dimensjoni Komunitarja u li għandhom bħala skop jew effett il-kordinazzjoni ta’ l-imġieba kompetittiva li baqgħa indipendenti” u għalhekk jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE. |
26. |
Bl-istess mod, fil-kawża Austria Asphalt, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat l-applikazzjoni esklużiva tar-Regolament dwar il‑konċentrazzjonijiet għall-finijiet tal-eżami tal-konċentrazzjonijiet u eskludiet f’dan ir-rigward l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1/2003 ( 6 ). Dan ir-regolament huwa applikabbli biss għall-aġir ta’ impriżi li, bħal impriżi konġunti kooperattivi, ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala konċentrazzjoni, madankollu, huma jistgħu jwasslu għal koordinazzjoni bejniethom kuntrarja għall-Artikolu 101 TFUE ( 7 ). Għaldaqstant, is-sentenza fil-kawża Austria Asphalt ma tinkludi ebda dikjarazzjoni ġenerali dwar ir-relazzjoni bejn id-dritt tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, minn naħa, u l-Artikoli 101 u 102 TFUE, min-naħa l-oħra. |
27. |
Għall-kuntrarju, l-esklużjoni tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1/2003 fir-rigward tal-konċentrazzjonijiet prevista fl-Artikolu 21(1) tar-RDK ma tindirizzax il-kwistjoni tal-applikabbiltà tal-Artikolu 102 TFUE. L-indirizzar tagħha huwa iktar u iktar importanti meta, bħal fil-kawża ineżami, il-konċentrazzjoni inkwistjoni ma tkunx laħqet il-limiti indikattivi tad-dritt tal-Unjoni u lanqas nazzjonali u lanqas ma tkun intbagħtet lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 22 tar-RDK, b’tali mod li ma jkunx hemm eżami ex-ante skont id-dritt tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet ( 8 ). |
28. |
Sabiex tingħata tweġiba għall-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 21(1) tar-RDK jeskludix l-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE, għandha tingħata importanza partikolari lin-natura ta’ dan tal-aħħar bħala dritt primarju u lill-applikabbiltà diretta tiegħu. |
2. L-applikabbiltà diretta tal-Artikolu 102 TFUE
29. |
L-Artikolu 102 TFUE jikkostitwixxi regola tad-dritt primarju li l-Qorti tal-Ġustizzja ilha żmien twil tirrikonoxxi l-applikabbiltà diretta tagħha ( 9 ). |
30. |
Barra minn hekk, mill-prinċipju ta’ ġerarkija tar-regoli ( 10 ) u mill-prinċipju, fil-qasam tal-kunflitt tal-liġijiet, lex superior derogat legi inferiori, dedott minn dak tal-ewwel, jirriżulta li regola tad-dritt sekondarju la tista’ tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni u lanqas l-applikabbiltà diretta ta’ regola tad-dritt primarju, iżda għandha, għall-kuntrarju, tosserva r-rekwiżiti tagħha u tali regola tad-dritt sekondarju għandha tkun hija nnifisha suġġetta għal interpretazzjoni restrittiva fid-dawl tar-regola tad-dritt primarju ( 11 ). |
31. |
Din hija r-raġuni għaliex l-Artikolu 21(1) tar-RDK jista’, ċertament, jeskludi l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1/2003, li huwa intiż li jimplimenta, inter alia, l-Artikolu 102 TFUE ( 12 ), f’dak li jirrigwarda l-konċentrazzjonijiet. Madankollu, minkejja din iċ-ċirkustanza u kuntrarjament għal dak li ssostni l-awtorità Franċiża tal-kompetizzjoni, il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 102 TFUE tibqa’ direttament applikabbli u l-implimentazzjoni tagħha ma hijiex imblokkata. Din il-projbizzjoni hija suffiċjentement ċara, preċiża u inkundizzjonata, b’tali mod li ma huwiex neċessarju li regola tad-dritt sekondarju espressament tipprevedi jew tippermetti l-applikazzjoni tagħha mill-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali ( 13 ). |
32. |
L-applikabbiltà diretta tal-Artikolu 102 TFUE tippermetti lill-individwu jinforza l-pożizzjoni legali li dan l-artikolu jagħtih quddiem l-awtoritajiet u l-qrati tal-Istati Membri; dan jikkorrispondi b’mod riflessiv għal dmir li dawn il-korpi statali għandhom sabiex jipproteġu din il-pożizzjoni legali ( 14 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet ukoll minn din l-applikabbiltà diretta u mis-supremazija assoċjata tal-Artikoli 101 u 102 TFUE li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni huma obbligati li ma japplikawx dispożizzjonijiet nazzjonali kuntrarji ( 15 ). |
33. |
Madankollu, għalkemm l-applikabbiltà diretta tal-Artikolu 102 TFUE twassal saħansitra għal obbligu ta’ applikazzjoni għall-awtoritajiet nazzjonali, wisq inqas tista’ regola tad-dritt sekondarju, bħall-Artikolu 21(1) tar-RDK tipproduċi, f’dan ir-rigward, l-effett ta’ mblokkar difiż mill-awtorità Franċiża tal-kompetizzjoni. |
34. |
Il-formulazzjoni ta’ dan ir-regola, li tuża l-kunċett “biss” ( 16 ) ma tbiddel xejn minn dan. L-istess japplika għall-formulazzjoni li tinsab fil-premessa 6 tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet, li tipprevedi li dan tal-aħħar għandu jkun “l-uniku strument li japplika għal dawn il-konċentrazzjonijiet” [fis-sens tal-Artikolu 3] ( 17 ). |
35. |
Dan huwa kkonfermat mill-għażla tal-Artikolu 103 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 352 TFUE, bħala bażi legali tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet ( 18 ). Kif diġà kkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet huwa intiż ukoll sabiex jimplimenta l-Artikoli 101 u 102 TFUE u jagħmel parti minn totalità ta’ leġiżlazzjonijiet intiżi sabiex jiżguraw b’mod sħiħ il-protezzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern ( 19 ). Dan juri, min-naħa tiegħu, li dan ir-regolament la huwa fl-istess livell mal-Artikoli 101 u 102 TFUE fil-ġerarkija tar-regoli u lanqas jista’, bħala regola ta’ implimentazzjoni, jemenda l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli referenzjarji, wisq inqas jillimitah. |
36. |
Sa fejn regoli oħra tad-dritt nazzjonali ma jistgħux, bis-saħħa tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, jipprekludu l-implimentazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE u peress li dan għandu jkun suġġett għal interpretazzjoni uniformi fil-livell tal-Unjoni ( 20 ), ir-riferiment ta’ Towercast, TDF u Tivana Topco għall-applikazzjoni possibbilment differenti tiegħu fl-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri hija wkoll ineffettiva u ma tistax tinfluwenza r-risposta li għandha tingħata għad-domanda preliminari magħmula. |
37. |
Fir-rigward tal-argument, imressaq b’mod partikolari minn TDF, li konċentrazzjoni li tinsab f’livell inqas mil-limiti previsti u li, għaldaqstant, ma għandhiex tiġi nnotifikata, ma tistax tiġi kkontestata a posteriori bl-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE, nixtieq inżid li l-limiti previsti fl-Artikolu 1 tar-RDK jew f’regoli nazzjonali korrispondenti ma jistgħux jillimitaw jew jeskludu l-applikabbiltà diretta tal-Artikolu 102 TFUE, bħall-Artikolu 21(1) tar-RDK. |
38. |
Dan jirriżulta wkoll mill-funzjoni tal-limiti. Minn naħa, tali limiti jirregolaw it-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u, korrelattivament, jiddeterminaw id-dritt applikabbli għall-eżami tal-konċentrazzjoni ( 21 ). Min-naħa l-oħra, huma bbażati fuq l-evalwazzjoni tal-leġiżlatur u fuq il-preżunzjoni konfutabbli marbuta magħha, li tgħid li l-konċentrazzjonijiet li jaqbżu ċerti livelli ta’ dħul mill-bejgħ huma partikolarment importanti u jista’ jkollhom effetti dannużi fuq l-istruttura tas-suq u fuq il-kompetizzjoni, b’tali mod li jeħtieġu kontroll ex-ante mill-awtoritajiet kompetenti ( 22 ). Għall-kuntrarju, il-fatt li dawn il-limiti ta’ dħul mill-bejgħ ma jintlaħqux joħloq preżunzjoni li l-konċentrazzjoni inkwistjoni ma teħtieġx tali kontroll ex-ante. Madankollu, il-limiti bħala tali ma jippreċiżawx jekk, f’ċerti każijiet, kontroll ex-post tal-aġir ta’ impriżi dominanti fil-kuntest ta’ konċentrazzjoni huwiex possibbli abbażi tal-Artikolu 102 TFUE. |
B. Il-funzjonament u l-istruttura tal-protezzjoni kontra d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fid-dritt tal-Unjoni
39. |
Il-pożizzjoni ġerarkika u l-applikabbiltà diretta tal-Artikolu 102 TFUE, esposti fil-punti 29 sa 38 iktar ’il fuq huma fir-realtà suffiċjenti sabiex jimmotivaw il-fatt li l-applikabbiltà tiegħu għall-konċentrazzjonijiet ma tistax tiġi eskluża permezz tal-Artikolu 21(1) tar-RDK. Barra minn hekk, il-funzjonament u l-istruttura tal-protezzjoni mid-dritt tal-Unjoni kontra d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern jimmilitaw ukoll favur applikazzjoni komplementari tal-Artikolu 102 TFUE għal konċentrazzjoni. |
40. |
Filwaqt li r-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet jipprevedi sistema ta’ kontroll preventiv obbligatorju ex-ante tal-bidliet fl-istruttura tas-suq, l-aġir tal-impriżi fis-suq, kemm jekk jirrigwarda aġir ikkoordinat jew aġir unilaterali, huwa suġġett biss, skont ir-Regolament Nru 1/2003, għal kontroll repressiv ex-post. Din il-funzjoni ġiet imsaħħa wkoll mis-sistema ta’ eżenzjoni legali introdotta minn dan ir-regolament, billi fdat il-kompiti ta’ kontroll u ta’ eżekuzzjoni lill-awtoritajiet u lill-qrati nazzjonali (deċentralizzazzjoni) fil-parti l-kbira tagħhom, fuq il-bażi tal-applikabbiltà diretta (issa integrali) tal-Artikoli 101 u 102 TFUE ( 23 ). Madankollu, is-setgħa diskrezzjonali tagħhom fl-implimentazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE hija, għall-kuntrarju, ristretta mill-prinċipji ta’ applikabbiltà diretta u ta’ supremazija ( 24 ). |
41. |
Ċertament, l-awtonomija tal-kontroll preventiv ta’ konċentrazzjonijiet hija enfasizzata mill-premessa 6 tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet ( 25 ). Skont din il-premessa, dan ir-regolament, bħala “strument legali speċifiku”, huwa l-“uniku” strument għall-evalwazzjoni ġuridika tal-effetti tal-konċentrazzjonijiet fuq il-kompetizzjoni fis-suq intern ( 26 ). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja opponiet estensjoni inammissibbli tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament għal tranżazzjonijiet li ma jikkontribwixxux għall-implimentazzjoni ta’ konċentrazzjoni ( 27 ). B’dan il-mod, hija waqqfet “estensjoni” tad-dispożizzjonijiet tiegħu f’oqsma regolatorji oħra tad-dritt tal-kompetizzjoni ( 28 ). |
42. |
Madankollu, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-Gvern Franċiż u l-awtorità Franċiża tal-kompetizzjoni, minn dan ma jistax jiġi dedott li r-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet għandu definittivament l-istatus ta’ lex specialis. |
43. |
Dan lanqas ma jirriżulta mill-fatt li, skont l-Artikolu 21(1) tar-RDK, inter alia, ir-Regolament Nru 1/2003 ma japplikax għall-konċentrazzjonijiet. Ċertament, minn dan jirriżulta li l-eżami tal-effetti dannużi eventwali fuq il-kompetizzjoni ta’ konċentrazzjoni huwa primarjament attribwit għad-dritt tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bħala sistema speċjali meta mqabbla mal-Artikoli 101 u 102 TFUE. Madankollu, dan ma jeskludix il-possibbiltà ta’ kontroll ex-post tal-aġir ta’ impriża dominanti fil-kuntest ta’ tali konċentrazzjoni. Barra minn hekk, ma kienx ikun legalment possibbli għal-leġiżlatur li jadotta regola ta’ dritt sekondarju li teskludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE li huwa ta’ livell superjuri u direttament applikabbli. |
44. |
Argument ieħor favur l-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE minbarra r-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet huwa li dan, kif jidher mis-seba’ premessa, ma huwiex ibbażat biss fuq l-Artikolu 103 TFUE, iżda wkoll fuq l-awtorizzazzjoni li tinsab fl-Artikolu 352 TFUE li t-Trattat jiġi ssupplimentat. Is-sitt premessa tar-Regolament Nru 4064/89 (ara l-punt 12 iktar ’il fuq) tikkonferma dan, billi tippreċiża li l-introduzzjoni ta’ sistema ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet għandha sservi, f’dak li jirrigwarda l-operazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni, sabiex timla lakuni fis-sistema ta’ protezzjoni kontra d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. |
45. |
Għall-kuntrarju, il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja turi li l-Artikolu 102 TFUE għandu kamp ta’ applikazzjoni wiesa’, u dan iktar u iktar peress li l-eżempji tiegħu ta’ regoli ta’ prattiki abbużivi ma humiex eżawrjenti ( 29 ). Bl-istess mod, aġir adottat minn impriżi dominanti matul il-preparamenti jew l-implimentazzjoni tal-assorbiment ta’ kompetitur jista’ jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din id-dispożizzjoni u jkollu sehem fl-effett dirett tagħha. Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li l-eliminazzjoni abbużiva ta’ kompetitur mis-suq tista’ tassumi għadd kbir ta’ forom ( 30 ) u hija impriża dominanti li għandha responsabbiltà partikolari li ma tippreġudikax bl-aġir tagħha, il-kompetizzjoni effettiva u mhux distorta fis-suq intern ( 31 ). |
46. |
Kuntrarjament għal dak li jsostnu TDF, Tivana Topco, l-awtorità Franċiża tal-kompetizzjoni u kif ukoll il-Gvern Franċiż u dak Olandiż, din il-konklużjoni hija kompletament konformi mal-konklużjonijiet tiegħi ( 32 ) u mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Austria Asphalt ( 33 ). Dan huwa l-każ minħabba li din il-kawża kienet tirrigwarda biss id-delimitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet meta mqabbel ma’ dak tar-Regolament Nru 1/2003 f’dak li jirrigwarda l-eżami ex-ante ta’ konċentrazzjoni li għandha bħala għan il-ħolqien ta’ impriża konġunta li twettaq il-funzjonijiet kollha. B’kuntrast ma’ dan, il-kwistjonijiet tal-possibbiltà ta’ kontroll ex-post tal-konċentrazzjoni jew tal-aġir tal-impriżi involuti fiha, b’mod partikolari fir-rigward tal-Artikolu 102 TFUE, ma kinux is-suġġett tal-kawża ( 34 ). |
47. |
Kuntrarjament għal dak li jsostnu l-awtorità Franċiża tal-kompetizzjoni, il-Gvern Franċiż, Tivana Topco u TDF, u kif ukoll il-qorti tar-rinviju, il-mekkaniżmu ta’ riferiment previst fl-Artikolu 22 tar-RDK, li permezz tiegħu l-kompetenza tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ konċentrazzjonijiet mingħajr importanza għall-komunità kollha tista’ tiġi eċċezzjonalment stabbilita fuq talba tal-Istati Membri, fir-rigward tal-interpretazzjoni tar-relazzjoni bejn l-Artikolu 21(1) tar-RDK u l-Artikolu 102 TFUE, huwa wkoll irrilevanti ( 35 ). Ir-raġuni għal dan hija li lanqas l-Artikolu 22 tar-RDK, bħala regola tad-dritt sekondarju, ma jista’ jiġġustifika l-esklużjoni tal-applikabbiltà diretta tal-Artikolu 102 TFUE f’każ bħal dan ineżami (ara l-punti 29 sa 33 iktar ’il fuq). |
48. |
L-applikazzjoni komplementari tal-Artikolu 102 TFUE, pjuttost analoga għal dik tal-Artikolu 22 tar-RDK, hija ta’ natura li tikkontribwixxi għall-protezzjoni effettiva tal-kompetizzjoni fis-suq intern, sakemm il-konċentrazzjonijiet problematiċi tad-dritt tal-kompetizzjoni ma jilħqux il-limiti taħt id-dritt tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet u għalhekk ma jkunux suġġetti, bħala prinċipju, għal kontroll ex-ante. Kif irrilevaw il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni, matul l-aħħar snin feġġet lakuna fil-protezzjoni fil-kopertura tad-dritt tal-kompetizzjoni u l-kontroll ta’ assorbimenti ta’ impriżi innovattivi ġodda, pereżempju fil-qasam tas-servizzi tal-internet, tal-industrija farmaċewtika jew tat-teknoloġija medika (l-hekk imsejħa “killer acquisitions”). Dawn jirrigwardaw sitwazzjonijiet li fihom impriżi stabbiliti u b’saħħithom fis-suq jassorbu, fi stadju bikri tal-iżvilupp tagħhom, impriżi emerġenti li jkunu għadhom bi dħul mill-bejgħ baxx u li jkunu attivi fl-istess swieq jew fi swieq ġirien, upstream jew downstream, sabiex jeliminawhom bħala kompetituri u jikkonsolidaw il-pożizzjoni tagħhom fis-suq ( 36 ). Għalhekk, sabiex tiġi ggarantita wkoll protezzjoni effettiva tal-kompetizzjoni f’dan ir-rigward, awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni għandha tkun f’pożizzjoni li tirrikorri, tal-inqas, għall-istrument “iktar dgħajjef” ( 37 ) tal-kontroll repressiv ex-post previst fl-Artikolu 102 TFUE, sakemm il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tiegħu jkunu ssodisfatti. Tali bżonn jista’ jeżisti, anki fil-każ ta’ assorbimenti, fi swieq ikkonċentrati ħafna, bħal dak tal-każ ineżami, meta l-għan tagħhom ikun dak li jeliminaw il-pressjonijiet kompetittivi eżerċitati minn kompetitur emerġenti. |
49. |
Dan iwassal għall-kwistjoni, li hija dibattuta mill-partijiet involuti fil-proċedura, dwar jekk għadhomx u sa fejn għadhom japplikaw il-prinċipji stabbiliti fis-sentenza Continental Can ( 38 ) dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 102 TFUE għall-konċentrazzjonijiet. |
C. Il-portata tas-sentenza Continental Can u ċ-ċertezza legali
50. |
Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jeħtieġ, fi kwalunkwe każ, li jiġu ppreċiżati d-dikjarazzjonijiet tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Continental Can ( 39 ). |
51. |
F’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet qiegħda tittratta l-applikabbiltà tal-Artikolu 86 tat-Trattat KEE (li issa sar l-Artikolu 102 TFUE) u, inter alia, ikkonstatat dan li ġej: “It-trażżin tal-kompetizzjoni li huwa pprojbit jekk huwa r-riżultat ta’ aġir li jaqa’ taħt l-Artikolu 85, ma jistax isir ammissibbli bil-fatt li tali aġir iwassal għal suċċess taħt l-influwenza ta’ impriża dominanti u jwassal għal konċentrazzjoni bejn l-impriżi kkonċernati. […] Għaldaqstant, jista’ jkun hemm aġir abbużiv meta impriża f’pożizzjoni dominanti ssaħħaħ tali pożizzjoni b’tali mod li l-grad ta’ dominazzjoni milħuq jippreġudika sostanzjalment il-kompetizzjoni, jiġifieri li jibqgħu fis-suq biss dawk l-impriżi li l-aġir tagħhom jiddependi mill-impriża dominanti” ( 40 ). |
52. |
Minn dan jista’ saħansitra jiġi dedott ukoll li l-Artikolu 102 TFUE huwa kompletament applikabbli għall-kontroll tal-konċentrazzjonijiet. |
53. |
Madankollu, din is-sentenza għandha tinqara fid-dawl tas-sitwazzjoni ġuridika ta’ dak iż-żmien u, b’mod partikolari, tal-fatt li, “fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet espliċiti” ( 41 ), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li kontroll tal-konċentrazzjonijiet fid-dawl tal-Artikolu 86 tat-Trattat KEE kien neċessarju sabiex tiġi żgurata protezzjoni suffiċjenti tal-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni fis-suq komuni. Madankollu, tali “dispożizzjonijiet espliċiti” illum jeżistu mingħajr dubju bir-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet; barra minn hekk, dawn tal-aħħar huma espressament intiżi, skont kif intiż mil-leġiżlatur, sabiex jimlew il-lakuna ġuridika kkonstatata dak iż-żmien mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 42 ). |
54. |
Madankollu, fid-dawl tal-applikabbiltà komplementari tal-Artikolu 102 TFUE għall-finijiet tal-kontroll tal-prattiki abbużivi marbuta ma’ konċentrazzjoni, irrakkomandata iktar ’il fuq, din il-ġurisprudenza ma saritx totalment mingħajr skop, minkejja l-istabbiliment ta’ sistema ta’ kontroll ta’ konċentrazzjonijiet fid-dritt tal-Unjoni. Kemm il-premessa 7 tar-Regolament dwar il‑konċentrazzjonijiet (il-punt 5, iktar ’il fuq5), li tidher li tirreferi għal din il-ġurisprudenza, kif ukoll il-fatt li s-sentenza Continental Can min-naħa tagħha tirreferi għall-għan tat-Trattat ta’ protezzjoni l-iktar effikaċi u integrali tal-kompetizzjoni fis-suq komuni ( 43 ) jikkonfermaw dan. Id-dikjarazzjoni fil-qosor, iċċitata diversi drabi mill-partijiet involuti fil-proċedura, fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Austria Asphalt, li tgħid li din is-sentenza “ma baqgħetx tapplika” ( 44 ), kienet tirrigwarda domanda preliminari oħra u, għaldaqstant, suġġett ieħor (jiġifieri l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE għall-impriżi konġunti) u għal din ir-raġuni ma tistax tiġi ġġeneralizzata. |
55. |
Għalhekk, għad trid tiġi deċiża l-kwistjoni, imqajma mill-partijiet involuti fil-proċedura, dwar il-kundizzjonijiet li fihom applikazzjoni komplementari tal-Artikolu 102 TFUE fil-kuntest ta’ konċentrazzjoni tiġi kkunsidrata fid-dawl tas-sentenza Continental Can u tal-prinċipju ta’ ċertezza legali. |
56. |
F’dan ir-rigward, għandha ssir distinzjoni bejn żewġ sitwazzjonijiet, jiġifieri, minn naħa, dik li wasslet għal din il-proċedura, li fiha l-konċentrazzjoni ma ġietx suġġetta għal kontroll tal-konċentrazzjonijiet ex-ante skont id-dritt tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet fin-nuqqas ta’ limiti, u, min-naħa l-oħra, “eżami doppju” possibbilment parallel jew suċċessiv ta’ konċentrazzjoni fir-rigward kemm tad-dritt tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet kif ukoll tal-Artikolu 102 TFUE. |
57. |
Kif ġie espost fil-punti 29 sa 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-applikabbiltà diretta tal-Artikolu 102 TFUE għall-konċentrazzjonijiet ma hijiex legalment eskluża. Dan japplika mingħajr eċċezzjoni f’każ bħal dak tal-kawża ineżami, fejn, kif jirriżulta mill-punt 20, ma sarx eżami ex‑ante tal-konċentrazzjoni u għalhekk ma hemm ebda riskju ta’ eżami doppju tal-konċentrazzjoni. |
58. |
Madankollu, is-sitwazzjoni tkun differenti fis-sitwazzjoni ipotetika li fiha jkun effettivament seħħ eżami ex-ante, kemm jekk mill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, skont id-dritt nazzjonali tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, u kemm jekk mill-Kummissjoni skont ir-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet. Konċentrazzjoni bħal din tista’ tkun suġġetta għal kontroll ex-post addizzjonali skont l-Artikolu 102 TFUE? |
59. |
Fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, huwa importanti li l-leġiżlatur kellu l-intenzjoni jeskludi, bħala prinċipju, tali eżami doppju, kif jirriżulta mill-Artikolu 21(1) tar-RDK (ara l-punt 43, iktar ’il fuq). Fil-fehma tiegħi, għalhekk hemm lok għall-applikazzjoni tal-prinċipju lex specialis derogat legi generali irrispettivament min-natura tad-dritt primarju u mill-applikabbiltà diretta tal-Artikolu 102 TFUE. |
60. |
Dan ma jmurx kontra l-prinċipju ta’ ġerarkija tar-regoli msemmi fil-punt 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Dan peress li l-Artikolu 102 TFUE jibqa’, fil-fatt, bħala prinċipju, applikabbli. Madankollu, konċentrazzjoni awtorizzata skont ir-regoli iktar speċifiċi tal-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet, li l-effetti tagħha fuq l-istruttura tas-suq u l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni ġew iddikjarati kompatibbli mas-suq intern, ma tistax, bħala tali, tiġi (iktar) ikklassifikata bħala abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, sakemm ma jkunx hemm lok li jiġi identifikat aġir addizzjonali tal-impriża kkonċernata li jista’ jikkostitwixxi tali sitwazzjoni. Id-dikjarazzjonijiet fis-sentenza Continental Can, li jistgħu wkoll, f’każ bħal dan, jinftiehmu ħażin fis-sens ta’ eżami doppju eventwali ta’ konċentrazzjoni, għandhom konsegwentement jiġu ppreċiżati. |
61. |
Fid-dawl ta’ dawn ir-rekwiżiti, il-konsegwenzi legali li jirriżultaw mill-applikabbiltà komplementari tad-dritt tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet u mill-Artikolu 102 TFUE għandhom effetti ferm inqas sinjifikattivi fuq l-implimentazzjoni tal-konċentrazzjonijiet u fuq iċ-ċertezza legali milli kif jargumentaw, pereżempju, il-Gvern Olandiż u TDF. |
62. |
Minn naħa, dan jirriżulta mill-applikazzjoni tal-prinċipju lex specialis derogat legi generali, li skontu awtorizzazzjoni tal-konċentrazzjoni taħt id-dritt tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet u l-bidla tal-istruttura tas-suq li tirriżulta minnha u tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni neċessarjament jeskludu l-eżistenza ta’ abbuż fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE (ara l-punti 59 u 60, iktar ’il fuq). Għaldaqstant, lanqas tali konċentrazzjoni ma tista’ tkun is-suġġett ta’ ordni sussegwenti, pereżempju skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1/2003, li xxolji l-impriża assorbita. Min-naħa l-oħra, kontroll ex‑post skont l-Artikolu 102 TFUE jista’ jikkonċerna biss tali konċentrazzjonijiet li jiġu operati minn impriża f’pożizzjoni dominanti. |
63. |
Għaldaqstant, l-applikazzjoni komplementari possibbli tal-Artikolu 102 TFUE hija limitata fil-prattika ġuridika għal dawk il-każijiet li, minħabba s-saħħa tas-suq ta’ din l-impriża, jeħtieġu a priori kontroll taħt id-dritt tal-kompetizzjoni, iżda li ma humiex suġġetti għal eżami ex-ante abbażi tad-dritt tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet. Barra minn hekk, anki f’dawn il-każijiet, kuntrarjament għall-biżgħat ta’ wħud mill-partijiet involuti fil-proċedura, fid-dawl tal-prijorità tal-miżuri ta’ rimedju u l-prinċipju ta’ proporzjonalità relatati mal-aġir, ma jkunx hemm, bħala regola ġenerali, theddida ta’ xoljiment a posteriori tal-konċentrazzjoni ( 45 ), iżda biss l-impożizzjoni ta’ multa ( 46 ). |
64. |
Finalment, fid-dawl tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, nixtieq nindirizza t-talba sussidjarja ta’ Tivana Topco sabiex tillimita l-effetti ratione temporis tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
65. |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni mogħtija lilha mill-Artikolu 267 TFUE, tikkjarifika u tippreċiża t-tifsira u l-portata ta’ din id‑dispożizzjoni, kif għandha jew kif kellha tinftiehem u tiġi applikata mill-mument tad-dħul fis-seħħ tagħha. Huwa biss f’każijiet eċċezzjonali ħafna li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, abbażi tal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali tad-dritt tal-Unjoni, tillimita lil kull persuna kkonċernata l-possibbiltà li tinvoka l-interpretazzjoni tagħha ta’ dispożizzjoni sabiex tikkontesta relazzjonijiet legali stabbiliti in bona fide. Tali limitazzjoni, li tista’ ssir biss permezz tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja nnifisha li fiha l-interpretazzjoni mitluba hija deċiża, tista’ ssir biss jekk jiġu ssodisfatti żewġ kriterji essenzjali, jiġifieri l-bona fide tal-persuni kkonċernati u r-riskju ta’ diffikultajiet serji ( 47 ). |
66. |
Fil-kawża ineżami, ma narax kif dawn il-kundizzjonijiet tal-aħħar huma ssodisfatti. Minn naħa, fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita dwar l-applikabbiltà diretta tal-Artikolu 102 TFUE u tas-sentenza Continental Can, il-persuni kkonċernati ma setgħux żviluppaw in bona fide ħsieb fis-sens li din id-dispożizzjoni tiġi interpretata b’mod differenti mill-punti 29 et seq iktar ’il fuq. Min-naħa l-oħra, fid-dawl ta’ dak li ġie espost fil-punti 55 et seq. iktar ’il fuq, riskju ta’ diffikultajiet serji huwa wkoll eskluż. |
67. |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li ma hemm ebda raġuni konvinċenti la sabiex l-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE għal każ bħal dan tal-kawża ineżami tiġi kategorikament eskluża u lanqas sabiex is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tiġi limitata ratione temporis. |
V. Konklużjoni
68. |
Fid-dawl tal-motivi preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għat-talba għal deċiżjoni preliminari: L-Artikolu 21(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni milli teżamina konċentrazzjoni li ma għandhiex dimensjoni Komunitarja fis-sens tal-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, ma tilħaqx il-limiti għal eżami ex ante taħt id-dritt nazzjonali u ma hijiex is-suġġett ta’ riferiment lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 22 tal-istess regolament, sabiex tiddetermina jekk, fid-dawl tal-istrutturi tal-kompetizzjoni f’suq nazzjonali, tikkostitwixxix abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: il‑Ġermaniż.
( 2 ) Regolament tal-Kunsill tal‑20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40).
( 3 ) Regolament tal-Kunsill tal‑21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 31), iktar ’il quddiem: ir-“Regolament Nru 4064/89”.
( 4 ) TDF hija, skont il-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, sussidjarja tal-kumpannija Lussemburgiża Tivana Topco S.A.
( 5 ) Regolament tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 08, Vol. 1, p. 205), iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1/2003.”
( 6 ) Sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2017, Austria Asphalt (C‑248/16, EU:C:2017:643, punt 32): “Kif jirriżulta mill-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 139/2004, dan tal-aħħar biss japplika għall-konċentrazzjonijiet kif iddefiniti fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, li għalihom ir-Regolament Nru 1/2003 ma jistax, fil-prinċipju, jiġi applikat.” Din il-kawża kienet tikkonċerna impriża konġunta li twettaq il-funzjonijiet kollha fis-sens tal-Artikolu 3(4) tar-RDK, li kienet tissodisfa l-kunċett ta’ konċentrazzjoni. Ara wkoll is-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Ernst & Young (C‑633/16, EU:C:2018:371), u d-digriet tad‑29 ta’ Jannar 2020, Silgan Closures u Silgan Holdings vs Il‑Kummissjoni (C‑418/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2020:43, punt 50).
( 7 ) Sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2017, Austria Asphalt (C‑248/16, EU:C:2017:643, punt 33), u tal‑31 ta’ Mejju 2018, Ernst & Young (C‑633/16, EU:C:2018:371, punt 57).
( 8 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑13 ta’ Lulju 2022, Illumina vs Il‑Kummissjoni (T‑227/21, EU:T:2022:447).
( 9 ) Ara wkoll is-sentenzi tal‑21 ta’ Marzu 1974, BRT u société belge des auteurs, compositeurs et éditeurs (127/73, EU:C:1974:25, punti 15 u 16), tal‑5 ta’ Ġunju 2014, Kone et (C‑557/12, EU:C:2014:1317, punt 20), u tal‑14 ta’ Marzu 2019, Skanska Industrial Solutions et (C‑724/17, EU:C:2019:204, punt 24).
( 10 ) Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2012, Il-Polonja vs Il‑Kummissjoni (C‑335/09 P, EU:C:2012:385, punt 127).
( 11 ) Ara f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni konformi mad-dritt primarju: is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, Il‑Kummissjoni vs Printeos (C‑301/19 P, EU:C:2021:39, punti 70 et seq.).
( 12 ) Ara l-ewwel premessa tar-Regolament Nru 1/2003.
( 13 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ April 1989, Saeed Flugreisen u Silver Line Reisebüro (66/86, EU:C:1989:140, punt 32).
( 14 ) Dan huwa partikolarment ċar fis-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2001, Courage u Crehan (C‑453/99, EU:C:2001:465, punti 19 sa 24)
( 15 ) Sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2003, CIF (C‑198/01, EU:C:2003:430, punti 49 u 50), b’riferiment għas-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 1989, Costanzo (103/88, EU:C:1989:256, punt 31).
( 16 ) Ara wkoll, pereżempju, “alone” fil-verżjoni Ingliża, “seul” fil-verżjoni Franċiża, “solo” fil-verżjoni Taljana u “uitsluitend” fil-verżjoni Olandiża.
( 17 ) Ara wkoll is-seba’ premessa tar-Regolament Nru 4064/89.
( 18 ) Ara s-seba’ premessa tar-RDK.
( 19 ) Sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2017, Austria Asphalt (C‑248/16, EU:C:2017:643, punt 31), u tal‑31 ta’ Mejju 2018, Ernst & Young (C‑633/16, EU:C:2018:371, punt 55), kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Austria Asphalt (C‑248/16, EU:C:2017:322, punt 35).
( 20 ) Sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2003, CIF (C‑198/01, EU:C:2003:430, punti 49 u 50). Ara wkoll is-sentenza tat‑13 ta’ Frar 1969, Walt Wilhelm et (14/68, EU:C:1969:4, punt 6).
( 21 ) Ara l-premessi 8 u 9 tar-RDK.
( 22 ) Ara l-premessi 3 sa 5 u 8 tar-RDK.
( 23 ) Ara r-raba’ premessa u l-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament Nru 1/2003.
( 24 ) B’mod partikolari, b’differenza mill-Kummissjoni, l-awtoritajiet nazzjonali għall-kompetizzjoni ma jistgħux itemmu l-investigazzjoni tal-aġir tal-impriżi dominanti minħabba nuqqas ta’ “interess […] tal-Unjoni”; ara f’dan ir-rigward is-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 1999, Ufex et vs Il‑Kummissjoni (C‑119/97 P, EU:C:1999:116, punti 88 u 89); sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas‑16 ta’ Mejju 2017, Agria Polska et vs Il‑Kummissjoni (T‑480/15, EU:T:2017:339, punti 34 et seq.), u tat‑13 ta’ Lulju 2022, Design Light & Led Made in Europe u Design Luce & Led Made in Italy vs Il‑Kummissjoni (T‑886/19, mhux ippubblikata, EU:T:2022:442, punti 38 et seq.).
( 25 ) Ara wkoll is-seba’ premessa tar-Regolament Nru 4064/89.
( 26 ) Ara wkoll id-digriet tad‑29 ta’ Jannar 2020, Silgan Closures u Silgan Holdings vs Il‑Kummissjoni (C‑418/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2020:43, punt 50).
( 27 ) Sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Ernst & Young (C‑633/16, EU:C:2018:371, punt 58).
( 28 ) Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Ernst & Young (C‑633/16, EU:C:2018:23, punti 68 u 69). Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Austria Asphalt (C‑248/16, EU:C:2017:322, punt 37) u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑20 ta’ Novembru 2002, Lagardère vs Il‑Kummissjoni (T‑251/00, EU:T:2002:278, punti 77 sa 79).
( 29 ) Ara s-sentenzi tal‑14 ta’ Novembru 1996, Tetra Pak vs Il‑Kummissjoni (C‑333/94 P, EU:C:1996:436, punt 37); tal‑15 ta’ Marzu 2007, British Airways vs Il‑Kummissjoni (C‑95/04 P, EU:C:2007:166, punt 57); tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni (C‑280/08 P, EU:C:2010:603, punt 173); u tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige (C‑52/09, EU:C:2011:83, punt 26).
( 30 ) Dwar il-forom varji tal-hekk imsejħa mġiba esklużjonarja ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Linji Gwida dwar il-prijoritajiet ta’ infurzar tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 82 tat-Trattat KE għal imġiba esklużjonarja abbużiva minn impriżi dominanti (ĠU 2009 C 45, p. 7).
( 31 ) Sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et (C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 153).
( 32 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Austria Asphalt (C‑248/16, EU:C:2017:322, punti 36 u 37).
( 33 ) Sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2017, Austria Asphalt (C‑248/16, EU:C:2017:643, punti 31 sa 33), u tal‑31 ta’ Mejju 2018, Ernst & Young (C‑633/16, EU:C:2018:371, punti 54 et seq.).
( 34 ) L-istess japplika għad-digriet tad‑29 ta’ Jannar 2020, Silgan Closures u Silgan Holdings vs Il‑Kummissjoni (C‑418/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2020:43, punt 50).
( 35 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑13 ta’ Lulju 2022, Illumina vs Il‑Kummissjoni (T‑227/21, EU:T:2022:447).
( 36 ) Ara f’iktar dettall il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, Gwida dwar l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ referenza stabbilit fl-Artikolu 22 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet għal ċerti kategoriji ta’ każijiet (ĠU 2021, C 113, p. 1), punti 9 u 10, kif ukoll is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑13 ta’ Lulju 2022, Illumina vs Il‑Kummissjoni (T‑227/21, EU:T:2022:447).
( 37 ) Ara l-konklużjonijiet reċenti tiegħi fil-kawża Austria Asphalt (C‑248/16, EU:C:2017:322, punt 36).
( 38 ) Sentenza tal-21 ta’ Frar 1973, Europemballage u Continental Can vs Il-Kummissjoni (6/72, EU:C:1973:22).
( 39 ) Sentenza tal-21 ta’ Frar 1973, Europemballage u Continental Can vs Il-Kummissjoni (6/72, EU:C:1973:22).
( 40 ) Sentenza tal‑21 ta’ Frar 1973, Europemballage u Continental Can vs Il‑Kummissjoni (6/72, EU:C:1973:22, punti 25 u 26).
( 41 ) Sentenza tal‑21 ta’ Frar 1973, Europemballage u Continental Can vs Il‑Kummissjoni (6/72, EU:C:1973:22, punt 25).
( 42 ) Il-premessi 5 sa 8 tar-RDK jew is-sitt u s-seba’ premessa tar-Regolament Nru 4064/89.
( 43 ) Sentenza tal‑21 ta’ Frar 1973, Europemballage u Continental Can vs Il‑Kummissjoni (6/72, EU:C:1973:22, punt 25).
( 44 ) C‑248/16, EU:C:2017:322, punt 37, inkluż fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18.
( 45 ) Fuq l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni li timponi biss b’mod eċċezzjonali miżuri ta’ rimedju ta’ natura strutturali, ara l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1/2003.
( 46 ) Ara l-Artikoli 23 u 24 tar-Regolament Nru 1/2003.
( 47 ) Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità) (C‑439/19, EU:C:2021:504, punti 132 u 133 u l-ġurisprudenza ċċitata)