KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PIKAMÄE

ippreżentati fis‑7 ta’ Lulju 2022 ( 1 )

Kawża C‑404/21

WP

vs

Istituto nazionale della previdenza sociale,

Repubblica italiana

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale ordinario di Asti (il-Qorti Distrettwali ta’ Asti, l-Italja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Persunal tal-BĊE – Drittijiet għall-pensjoni miksuba fi skema nazzjonali qabel id-dħul fis-servizz tal-Unjoni – Trasferiment lejn l-iskema tal-pensjonijiet tal-Unjoni – Leġiżlazzjoni jew prassi amministrattiva nazzjonali li ma tippermettix dan it-trasferiment – Assenza ta’ att leġiżlattiv intern ta’ implimentazzjoni jew ta’ ftehim speċifiku bejn l-Istat Membru tal-ħaddiem jew tal-istitut ta’ sigurtà soċjali tiegħu u l-istituzzjoni tal-Unjoni”

I. Introduzzjoni

1.

It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale ordinario di Asti (il-Qorti Distrettwali ta’ Asti, l-Italja) skont l-Artikolu 267 TFUE għandha bħala suġġett l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(3) TUE, tal-Artikoli 45 u 48 TFUE, tal-Artikolu 11 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal u Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) u tal-Artikolu 8 tal-Anness IIIa tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg tal-Persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) (iktar.’il quddiem il-“kundizzjonijiet tal-impjieg tal-BĊE”).

2.

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, WP u, min-naħa l-oħra, l-Istituto nazionale della previdenza sociale (l-Istitut Nazzjonali tal-Previdenza Soċjali, l-Italja, (“INPS”), l-Italja) kif ukoll ir-Repubblika Taljana dwar it-trasferiment lejn l-iskema tal-pensjoni tal-BĊE tal-ammont tal-ekwivalenza attwarjali li jikkorrispondi għad-drittijiet għall-pensjoni kkostitwiti favur ir-rikorrent fil-kuntest tal-Fondo Pensioni Lavoratori Dipendenti (il-Fond tal-Pensjoni tal-Ħaddiema Impjegati) tal-INPS.

3.

Il-qorti tar-rinviju tagħmel żewġ domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-possibbiltà għal membru tal-persunal tal-BĊE li d-drittijiet għall-pensjoni tiegħu miksuba taħt l-iskema tal-pensjoni Taljana jiġu ttrasferiti lejn l-iskema tal-pensjoni tal-BĊE, fl-assenza ta’ ftehim li jipprevedi tali trasferiment, konkluż bejn il-BĊE u r-Repubblika Taljana. Din il-kawża toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-okkażjoni li tispeċifika x’inhuma l-obbligi tal-Istati Membri lejn il-BĊE skont id-dritt tal-Unjoni meta tkun inkwistjoni l-adozzjoni tal-miżuri neċessarji sabiex jiġi żgurat tali trasferiment ta’ drittijiet għall-pensjoni.

II. Il‑kuntest ġuridiku

A.   Id‑dritt tal‑Unjoni

1. Il‑Protokoll dwar is‑SEBĊ u l‑BĊE

4.

L-Artikolu 36 tal-Protokoll Nru 4 dwar l-istatuti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, anness mat-Trattati UE u FUE ( 2 ) (iktar ’il quddiem il-“Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE”),jipprovdi:

“36.   1. Il-Kunsill Regolatorju [tal-BĊE], fuq proposta mill-Bord Eżekuttiv, għandu jistabbilixxi il-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg tal-impjegati tal-BĊE.

[…]”.

2. Il‑Protokoll dwar il‑privileġġi u l‑immunitajiet

5.

L-Artikolu 14 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-privileġġi u l-immunitajiet ta’ l-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattati UE u FUE ( 3 ) (iktar ’il quddiem il-“PPI”) jistabbilixxi:

“Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu permezz ta’ regolamenti skond il-proċedura leġislattiva ordinarja u wara konsultazzjoni ma’ l-istituzzjonijiet ikkonċernati, għandhom jistabbilixxu l-iskema ta’ benefiċċji tas-sigurtà soċjali għall-uffiċjali u għall-impjegati l-oħra ta’ l-Unjoni”.

6.

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 22 tiegħu, il-PPI għandu japplika wkoll għall-BĊE, għall-membri tal-korpi tiegħu u għall-persunal tiegħu, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE.

3. Ir‑Regolamenti tal‑Persunal

7.

Bis-saħħa tal-Artikolu 1 tagħhom, ir-Regolamenti tal-Persunal għandhom japplikaw għall-uffiċjali tal-Unjoni.

8.

L-Artikolu 1a(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxi:

“Għall iskopijiet ta’ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, ‘l-uffiċjal tal-Unjoni’; tfisser kull persuna li kien maħtur, kif ipprovdut f’dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, għal posizzjoni stabbilita fil-persunal ta’ waħda mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni b’istrument maħruġ mill-Awtorità tal-Ħatra ta’ dik l-istituzzjoni.”

9.

L-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxi:

“[…]

2.   Uffiċjal li jidħol fis-servizz tal-Unjoni wara:

li jitlaq mis-servizz ta’ amministrazzjoni tal-gvern jew ta’ organizzazzjoni nazzjonali jew internazzjonali;

jew

li jsegwi attività f’kapaċità ta’ impjegat jew ta’ għal rasu;

għandu jkun intitolat, wara li jkun stabbilit iżda qabel ma jsir eliġibbli għall-pagament ta’ pensjoni ta’ l-irtirar fis-sens ta’ l-Artikolu 77 tar-Regolamenti tal-Persunal, li ħallas lill-Unjoni l-valur kapitali, aġġornat sad-data tat-trasferimenti attwali, tad-drittijiet għall-pensjoni akkwistati bis-saħħa tat-tali servizzi jew attivitajiet.

Fit-tali każ, l-awtorità tal-ħatra tal-istituzzjoni li l-uffiċjal iservi fiha, wara li tikkunsidra s-salarju bażiku ta’ l-uffiċjal, l-età, u r-rata tal-kambju fid-data ta’ l-applikazzjoni tat-trasferiment, għandha tistabbilixxi permezz tad-disposizzjonijiet ġenerali ta’ l-implimentazzjoni n-numru ta’ snin tas-servizz pensjonabbli li bih huwa jkun ikkreditat taħt l-iskema tal-pensjoni tal-Unjoni dwar il-perjodu ta’ qabel tas-servizz, fuq il-bażi tal-kapital ittrasferit, wara li jitnaqqas ammont li jirrappreżenta l-apprezzament tal-kapital bejn id-data ta’ l-applikazzjoni għat-trasferiment u d-data attwali tat-trasferiment.

L-uffiċjali jistgħu jagħmlu użu minn dan l-arranġament darba biss għal kull Stat Membru u fond tal-pensjoni kkonċernati”.

4. Il‑Kondizzjonijiet tal‑impjieg

10.

L-Artikolu 1 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-impjieg”) jipprovdi:

“Il-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg għandhom jgħoddu għall-impjegati mqabbda biex jaħdem taħt kuntratt mill-Unjoni. It-tali impjegati għandhom ikunu:

persunal temporanju,

persunal bil-kuntratt,

[…]”.

11.

Bis-saħħa tal-Artikolu 39(2) u tal-Artikolu 109(2), rispettivament, tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal għandu japplika għall-membri tal-persunal temporanju u għall-membri tal-persunal bil-kuntratt.

5. Il‑Kundizzjonijiet tal‑Impjieg tal‑BĊE

12.

Filwaqt li aġixxa b’mod partikolari abbażi tal-Artikolu 36(1) tal-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE, il-Kunsill Regolatorju tal-BĊE adotta l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg tal-BĊE, li l-Artikolu 9(c) tagħhom jipprovdi:

“Ebda dritt nazzjonali speċifiku ma għandu jirregola dawn il-kundizzjonijiet tal-impjieg. Il-BĊE ser japplika (i) il-prinċipji ġenerali tad-dritt komuni għall-Istati Membri, (ii) il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u (iii) ir-regoli li jinsabu fir-regolamenti u fid-direttivi tal-Unjoni dwar il-politika soċjali li huma indirizzati lill-Istati Membri. Kull darba li dan huwa neċessarju, dawn l-atti ġuridiċi jkunu implimentati mill-BĊE. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Unjoni fil-qasam tal-politika soċjali ser jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni. Għall-finijiet tal-interpretazzjoni tad-drittijiet u tal-obbligi previsti minn dawn il-kundizzjonijiet tal-impjieg, ser jittieħdu inkunsiderazzjoni il-prinċipji stabbiliti mir-regolamenti, mir-regoli u mill-ġurisprudenza applikabbli għall-persunal ta’ istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

13.

L-Artikolu 8 tal-Anness IIIa tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg tal-BĊE jistabbilixxi:

“(a) Il-BĊE għandu jikkonkludi ftehimiet u jiftiehem dwar miżuri xierqa ma’ skemi oħra ta’ rtirar, organizzazzjonijiet u gvernijiet oħra li huwa jiddetermina, għall-finijiet tal-aċċettazzjoni tat-trasferiment ta’ somom ta’ flus lejn l-[iskema tal-pensjoni tal-BĊE], għall-membri li jkunu temmew il-perijodu ta’ prova tagħhom mal-BĊE.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

B.   Id‑dritt Taljan

14.

L-Artikolu 1 tal-legge n. 29 - Ricongiunzione dei periodi assicurativi dei lavoratori ai fini previdenziali (il-Liġi, Nru 29, li Tirrikonoxxi l-Perijodi ta’ Assigurazzjoni tal-Ħaddiema li Jagħtu Dritt għall-Pensjoni), tas‑7 ta’ Frar 1979 ( 4 ), jipprovdi:

“Il-ħaddiem impjegat tas-settur pubbliku jew tas-settur privat li jkun jew li kien affiljat ma’ forom obbligatorji ta’ previdenza ekwivalenti għall-iskema ġenerali obbligatorja ta’ assigurazzjoni għall-invalidità, għax-xjuħija u għas-superstiti tal-ħaddiema impjegati amministrata mill-INPS jew li taw lok għall-esklużjoni jew għall-eżenzjoni minn din l-affiljazzjoni għandu l-possibbiltà, għall-finijiet tal-għoti u tad-determinazzjoni tal-ammont ta’ pensjoni unika, li fi kwalunkwe mument jitlob l-akkumulazzjoni tal-perijodi kollha ta’ kontribuzzjoni obbligatorja, volontarja u figurattiva mal-forom ta’ previdenza msemmija iktar ’il fuq permezz tal-affiljazzjoni mal-iskema ġenerali obbligatorja ta’ assigurazzjoni u tal-kostituzzjoni, fil-kuntest ta’ din tal-aħħar, ta’ drittijiet għall-pensjoni korrispondenti. Għal dan il-għan, l-amministratur jew l-amministraturi tal-iskemi ta’ previdenza għandhom jittrasferixxu lill-amministratur tal-iskema ġenerali obbligatorja ta’ assigurazzjoni l-ammont tal-kontribuzzjonijiet miżmuma minnhom […].”

15.

L-Artikolu 18 tal-legge n. 115 - Disposizioni per l’adempimento degli obblighi derivanti dall’appartenenza dell’Italia all’Unione europea - Legge europea 2014 (il-Liġi Nru 115, dwar Dispożizzjonijiet għat-Twettiq tal-Obbligi li Jirriżultaw mill-Appartenenza tal-Italja fl-Unjoni Ewropea – Liġi Ewropea 2014), tad‑29 ta’ Lulju 2015 ( 5 ) jipprovdi:

“1.   Mill‑1 ta’ Jannar 2016, iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea […] li huma jew li kienu affiljati fl-iskema ġenerali obbligatorja ta’ assigurazzjoni għall-invalidità, għax-xjuħija u għas-superstiti tal-ħaddiema impjegati […] għandu jkollhom il-possibbiltà li jakkumulaw il-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa fil-kuntest ta’ dawn l-iskemi ta’ assigurazzjoni mal-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali.

2.   Il-kumulu previst fil-paragrafu 1 jista’ jintalab, jekk dan ikun neċessarju sabiex jinkiseb id-dritt għal pensjoni tax-xjuħija, tal-invalidità jew tas-superstiti, bil-kundizzjoni li t-tul totali tal-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa taħt il-leġiżlazzjoni Taljana jkun tal-inqas ta’ tnejn u ħamsin ġimgħa u li l-perijodi li għandhom jiġu akkumulati ma jkunux sovrapposti.

3.   Il-kumulu tal-perijodi ta’ assigurazzjoni jista’ jitwettaq fuq talba tal-persuna interessata, li għandha titressaq lill-istituzzjoni Taljana ta’ sigurtà soċjali li magħha hija tkun wettqet perijodi ta’ assigurazzjoni. Fil-każ li ex impjegat ta’ organizzazzjoni internazzjonali jikseb id-dritt għall-benefiċċji previsti mil-leġiżlazzjoni Taljana mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu akkumulati l-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa mal-organizzazzjoni internazzjonali, l-istituzzjoni Taljana ta’ sigurtà soċjali għandha tikkalkola l-pensjoni esklużivament abbażi tal-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa fil-kuntest tal-iskema tal-pensjoni Taljana. Fil-każ li ex impjegat ta’ organizzazzjoni internazzjonali jikseb id-dritt għall-benefiċċji previsti mil-leġiżlazzjoni Taljana biss permezz tal-kumulu tal-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa mal-organizzazzjoni internazzjonali, l-istituzzjoni Taljana ta’ sigurtà soċjali għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa fil-kuntest tal-iskema tal-pensjoni tal-organizzazzjoni internazzjonali, b’eċċezzjoni ta’ dawk li kienu s-suġġett ta’ rimbors, daqslikieku kienu twettqu taħt il-leġiżlazzjoni Taljana, u għandha tikkalkola l-ammont tal-benefiċċju esklużivament abbażi tal-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa taħt il-leġiżlazzjoni Taljana.

4.   Il-benefiċċji tal-irtirar mħallsa skont dan l-artikolu għandhom jitqiesu li huma pensjonijiet għal dak li jirrigwarda l-effetti li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Taljana.

5.   Il-perijodi ta’ impjieg ma’ organizzazzjoni internazzjonali, sa fejn ma jagħtux dritt għal benefiċċju tal-irtirar li għalih ikun responsabbli l-fond tal-pensjoni ta’ din l-organizzazzjoni internazzjonali, jistgħu jiġu ttrasferiti fil-kuntest tal-iskema tal-pensjoni Taljana skont il-leġiżlazzjoni li tirregola t-trasferiment tal-perijodi ta’ impjieg imwettqa barra l-pajjiż. Id-dritt għat-trasferiment għandu jiġi eżerċitat, b’mod partikolari mis-superstiti tal-impjegat tal-organizzazzjoni internazzjonali, taħt il-kundizzjonijiet previsti mir-regoli tal-istituzzjoni Taljana ta’ sigurtà soċjali li lilha jintalab it-trasferiment.

[…]”

16.

Iċ-Ċirkulari Nru 14 tal-INPS, tat‑23 ta’ Jannar 2001, tindika li ġie konkluż ftehim fl‑24 ta’ Novembru 2000 bejn l-INPS u l-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) għall-finijiet tat-trasferiment tad-drittijiet miksuba mill-persunal tal-Bank. L-Artikolu 2 ta’ dan il-ftehim jistipula:

“It-talba għat-trasferiment ta’ drittijiet għall-pensjoni tista’ titressaq direttament lill-INPS u tiġi kkomunikata għall-informazzjoni lill-BEI mill-membru tal-persunal fis-servizz fil-mument tat-talba u dan, għall-perijodi ta’ assigurazzjoni akkreditati mal-INPS li ma jkunux taw lok għall-ħlas ta’ pensjoni.

Il-BEI għandu jitlob lill-INPS l-ekwivalenza attwarjali li tikkorrispondi għad-drittijiet miksuba fil-kuntest tal-fond ikkonċernat […], ikkalkolata skont ir-regoli li jirregolaw il-pensjonijiet fil-kuntest tal-fond ikkonċernat fid-data li fiha titressaq it-talba […].

[…]

L-INPS għandu jikkomunika lill-persuna interessata u lill-BEI l-ammont li għandu jiġi ttrasferit, bl-ispejjeż ta’ reġistrazzjoni mnaqqsa, f’terminu ta’ sittin jum mir-riċezzjoni tal-aċċettazzjoni min-naħa tal-applikant u, fi żmien it-tliet xhur segwenti, għandu jwettaq it-trasferiment tas-somom, flimkien [mal-interessi] bir-rata legali fis-seħħ fl-Italja matul il-perijodu bejn id-data ta’ riċezzjoni tal-aċċettazzjoni u d-[data ta’] valur tal-kreditu; is-somom ittrasferiti ma jistgħux jeċċedu l-valur ta’ trasferiment ikkalkolat mill-BEI skont id-dispożizzjonijiet tar-regolamenti tiegħu stess”.

III. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża, il‑proċedura fil‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

17.

WP huwa membru tal-persunal tal-BĊE mill‑1 ta’ Marzu 2012. Bejn l‑1 ta’ Awwissu 1982 u l‑24 ta’ Frar 2012 huwa okkupa, fl-Italja, pożizzjoni ta’ impjegat ta’ persuna privata li timpjega, li involviet il-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet obbligatorji favur tiegħu għall-Fond tal-Pensjoni tal-Ħaddiema Impjegati tal-INPS. Fit‑12 ta’ Diċembru 2016, WP talab lill-INPS it-trasferiment lejn l-iskema tal-pensjoni tal-BĊE tal-ekwivalenza attwarjali li tikkorrispondi għad-drittijiet għall-pensjoni kkostitwiti favur tiegħu fil-kuntest ta’ dan il-fond tal-pensjoni jew, sussidjarjament, tal-kapital aġġornat li jirriżulta mill-kontribuzzjonijiet tal-irtirar imħallsa għall-fond tal-pensjoni, ikkalkolati skont ir-regoli li jirregolaw il-pensjonijiet fil-kuntest ta’ dan il-fond.

18.

L-INPS ċaħad it-talba ta’ WP, għar-raġuni li ma kienx possibbli li jitwettaq it-trasferiment mitlub fl-assenza ta’ miżura leġiżlattiva speċifika jew ta’ ftehim bilaterali. L-azzjoni amministrattiva ta’ WP kontra ċ-ċaħda tat-talba tiegħu, imressqa fit‑28 ta’ Novembru 2017, ġiet iddikjarata inammissibbli, permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ April 2018.

19.

WP sussegwentement ippreżenta rikors quddiem il-qorti tar-rinviju intiż, prinċipalment, li jiġi kkonstatat u ddikjarat li l-INPS u/jew ir-Repubblika Taljana kienu obbligati jadottaw il-miżuri kollha neċessarji għall-finijiet tat-trasferiment lejn l-iskema tal-pensjoni tal-BĊE ta’ ammont partikolari, li jikkorrispondi għad-drittijiet għall-pensjoni kkostitwiti favur tiegħu, u li, konsegwentement, l-INPS u/jew ir-Repubblika Taljana jiġu kkundannati jadottaw il-miżuri kollha neċessarji għall-finijiet tat-trasferiment ta’ dan l-ammont lejn l-iskema tal-pensjoni tal-BĊE. Sussidjarjament, WP jitlob li jiġi kkonstatat u ddikjarat li l-INPS u/jew ir-Repubblika Taljana huma obbligati jittrasferixxu lejn l-iskema tal-pensjoni tal-BĊE ammont partikolari bħala kumpens għad-dannu, u li, konsegwentement, l-INPS u/jew ir-Repubblika Taljana jiġu kkundannati jittrasferixxu dan l-ammont, bħala kumpens għad-dannu, lejn l-iskema tal-pensjoni tal-BĊE.

20.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni jagħtix lil impjegat tal-BĊE dritt għat-trasferiment lejn l-iskema tal-pensjoni ta’ dan tal-aħħar tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba ma’ istituzzjoni ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru u jekk dan id-dritt għandux jiġi rrikonoxxut ukoll indipendentement mill-adozzjoni ta’ regola nazzjonali ta’ traspożizzjoni jew mill-konklużjoni ta’ ftehim speċifiku bejn l-Istat Membru jew l-istituzzjoni nazzjonali ta’ sigurtà soċjali u l-BĊE, li jiddefinixxi l-modalitajiet ta’ implimentazzjoni ta’ dan id-dritt. Il-qorti tar-rinviju tirreferi għal diversi dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll għall-ġurisprudenza relatata magħhom, mingħajr madankollu ma tasal għal konklużjoni ċara.

21.

Peress li qieset li l-eżitu tat-tilwima kien jiddependi minn interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, it-Tribunale ordinario di Asti (il-Qorti Distrettwali ta’ Asti) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikoli 45 u 48 TFUE, l-Artikolu 4 TUE, l-Artikolu 11 tal-Anness VIII tar-[Regolamenti tal-Persunal] u l-Artikolu 8 tal-Anness IIIa għall-[Kundizzjonijiet tal-Impjieg tal-BĊE] għandhom jiġu interpretati li jipprekludu sett ta’ regoli nazzjonali jew prattika amministrattiva nazzjonali li ma tippermettix lill-ħaddiem li huwa nazzjonali ta’ Stat Membru li ħallas il-kontribuzzjonijiet lill-istituzzjoni tas-sigurtà soċjali nazzjonali u li bħalissa jaħdem għall-istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea, bħall-BĊE, li jittrasferixxi [lejn] l-iskema tal-pensjoni lil dik l-istituzzjoni l-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni kkreditati lill-iskema tas-sigurtà soċjali tal-Istat tiegħu jew tagħha stess?

2)

Skont ir-risposta tad-domanda stabbilita hawn fuq, għandu jkun possibbli li jiġi eżerċitat id-dritt li jiġu ttrasferiti l-kontribuzzjonijiet anki fl-assenza tal-leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni nazzjonali jew ftehim speċifiku bejn l-Istat Membru li tiegħu l-ħaddiem huwa nazzjonali jew l-istituzzjoni ta’ pensjoni tal-ħaddiem, minn naħa waħda, u l-istituzzjoni tal-Unjoni, min-naħa l-oħra?”

IV. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

22.

Id-deċiżjoni tar-rinviju, iddatata t‑13 ta’ Jannar 2021, waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑30 ta’ Ġunju 2021.

23.

Il-partijiet fil-kawża prinċipali, il-Gvern Taljan, il-Gvern Grieg, il-Gvern Spanjol, il-Gvern Pollakk u l-Gvern Portugiż, il-Kummissjoni Ewropea u l-BĊE ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub fit-terminu stabbilit skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

24.

B’applikazzjoni tal-Artikolu 76(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma ssirx seduta għas-sottomissjonijiet orali.

V. Analiżi ġuridika

A.   Rimarki preliminari

25.

Kif indikat fl-introduzzjoni, permezz tat-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tispeċifika x’inhuma l-obbligi tal-Istati Membri skont id-dritt tal-Unjoni meta tkun inkwistjoni l-adozzjoni tal-miżuri neċessarji sabiex jiġi żgurat trasferiment ta’ drittijiet għall-pensjoni ta’ membru tal-persunal tal-BĊE, miksuba taħt skema tal-pensjoni nazzjonali, lejn l-iskema tal-pensjoni tal-BĊE. Fil-kuntest ta’ din il-kawża, jidhirli li huwa imperattiv li jingħataw kjarifiki, fid-dawl tal-attitudni partikolarment passiva tal-awtoritajiet Taljani quddiem il-proposta tal-BĊE li jiġi konkluż ftehim li jipprevedi speċifikament tali trasferiment.

26.

Fl-interess ta’ analiżi strutturata u koerenti tal-kwistjonijiet ġuridiċi mqajma mill-qorti tar-rinviju, nipproponi li nirriformula l-ewwel domanda preliminari fis-sens li għandu jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 4(3) TUE, l-Artikoli 45 u 48 TFUE, l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikolu 8 tal-Anness IIIa tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg tal-BĊE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li Stat Membru li ssirlu proposta mill-BĊE li jiġi konkluż tali ftehim, huwa obbligat li jikkonkludih.

27.

Fil-każ ta’ risposta affermattiva, ser ikollu jiġi stabbilit, fil-kuntest tal-eżami tat-tieni domanda preliminari, jekk id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jawtorizzaw lill-qorti ta’ Stat Membru adita mill-persuna interessata tordna t-trasferiment lejn l-iskema tal-pensjoni tal-BĊE tad-drittijiet għall-pensjoni li hija akkwistat fl-iskema tal-pensjoni ta’ dan l-Istat Membru, anki fl-assenza ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali jew ta’ ftehim, konkluż bejn l-Istat Membru kkonċernat u l-BĊE, li jipprevedu tali trasferiment.

B.   Fuq l‑ewwel domanda preliminari

28.

Il-qorti tar-rinviju ssemmi serje ta’ dispożizzjonijiet li kollha kemm huma jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, iżda madankollu huma differenti f’dak li jirrigwarda l-grad u s-saħħa legali tagħhom. Iktar ’il quddiem ser neżamina jekk dawn id-dispożizzjonijiet jimponux obbligi fuq l-Istati Membri li jistgħu jsostnu t-talbiet ta’ membru tal-persunal tal-BĊE fis-sitwazzjoni ta’ WP u, jekk ikun il-każ, in-natura tagħhom. Inqis li huwa opportun li, fl-ewwel lok, neżamina l-applikabbiltà tar-regoli tas-servizz pubbliku li jirregolaw it-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni, u li, fit-tieni lok, nevalwa r-rilevanza tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati.

1. Ir‑regoli tas‑servizz pubbliku li jirregolaw it‑trasferiment ta’ drittijiet għall‑pensjoni

29.

Minħabba l-funzjonijiet tiegħu marbuta mal-politika monetarja, il-BĊE jgawdi grad għoli ta’ awtonomija fil-kuntest istituzzjonali tal-Unjoni ( 6 ) li huwa rifless fir-regoli interni tiegħu dwar it-trasferiment ta’ drittijiet għall-pensjoni. Madankollu, qabel ma neżamina n-natura speċifika tiegħu, ser nesponi fil-qosor ir-regoli ġenerali applikabbli għall-uffiċjali u għall-aġenti l-oħra tal-istituzzjonijiet, ħaġa li ser tippermetti li jinsiltu l-konklużjonijiet rilevanti dwar it-trattament tal-membri tal-persunal tal-BĊE. F’dan il-kuntest, tqum, b’mod partikolari, il-kwistjoni jekk dawn tal-aħħar jistgħux jinvokaw ċerti prinċipji ġenerali relatati mat-trasferiment tal-kontribuzzjonijiet tal-pensjonijiet fi ħdan is-servizz pubbliku tal-Unjoni minkejja l-fatt li l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, tal-inqas minn perspettiva formali, ma japplikax għal dawn tal-aħħar ( 7 ).

a) Il‑possibbiltà li jiġu ttrasferiti l‑kontribuzzjonijiet tal‑pensjoni bħala “dritt” mogħti lill‑uffiċjali u lill‑aġenti l‑oħra tal‑Unjoni

30.

Il-bażi tad-dritt tal-uffiċjali u tal-aġenti l-oħra tal-Unjoni li jagħżlu li jittrasferixxu l-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni lejn l-Unjoni tinsab fl-Artikolu 14 tal-PPI. Din id-dispożizzjoni tagħti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill is-setgħa ġenerali li jistabbilixxu l-iskema tal-benefiċċji soċjali applikabbli għall-uffiċjali u għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni. Il-leġiżlatur tal-Unjoni assuma dan il-mandat billi stabbilixxa fir-Regolamenti tal-Persunal, fl-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII, li l-uffiċjali li jitilqu mis-servizz tal-Unjoni għandhom id-dritt li tiġi ttrasferita l-ekwivalenza attwarjali tad-drittijiet tagħhom għall-pensjoni tal-irtirar li jkunu kisbu mal-Unjoni lejn fond tal-pensjoni ieħor u l-uffiċjali li jidħlu fis-servizz tal-Unjoni għandhom il-possibbiltà li l-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni li jkunu kisbu bis-saħħa tal-attivitajiet eżerċitati preċedentement jitħallas lill-iskema tal-pensjoni tal-Unjoni. Qari flimkien tal-Artikolu 14 tal-PPI u tal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal ma jħallix lok għall-interpretazzjoni dwar il-fatt li jeżisti dritt sħiħ tal-uffiċjali u tal-aġenti l-oħra tal-Unjoni li jittrasferixxu l-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni.

31.

Il-portata ta’ dawn id-dispożizzjonijiet hija partikolarment rilevanti f’dak li jirrigwarda l-identifikazzjoni ta’ dritt “ekwivalenti” għall-membri tal-persunal tal-BĊE. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-PPI, inkluż l-Artikolu 14 tiegħu, japplika għall-membri tal-persunal tal-BĊE, bis-saħħa tal-Artikolu 22(1) tiegħu, li jipprovdi li l-PPI “għandu jkun japplika wkoll għall-[BĊE], għall-membri ta’ l-organi tiegħu u għall-persunal tiegħu, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll fuq l-[SEBĊ u l-BĊE]” [korsiv miżjud minni]. L-Artikolu 22(1) tal-PPI jirrifletti b’mod ċar l-intenzjoni tal-awturi tat-Trattati li jiżguraw li l-membri tal-persunal tal-BĊE, bħala persuni impjegati minn istituzzjoni tal-Unjoni, jiġu trattati b’mod ugwali bħal kull uffiċjal jew aġent ieħor tal-Unjoni, sakemm l-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE u l-atti ġuridiċi adottati bis-saħħa ta’ dawn tal-aħħar ma jistabbilixxux mod ieħor.

32.

Peress li la l-Artikolu 36 ta’ dawn l-Istatuti, li abbażi tagħhom ġew adottati l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg tal-BĊE, u lanqas kwalunkwe dispożizzjoni oħra tal-imsemmija statuti ma jagħtu lill-BĊE s-setgħa li jadotta regolamenti vinkolanti għal terzi fil-qasam tas-sigurtà soċjali, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-PPI għall-membri tal-persunal tal-BĊE jinkludi l-kwistjonijiet dwar il-benefiċċji soċjali previsti fl-Artikolu 14 tiegħu u, bl-istess mod, ikopri wkoll il-possibbiltà li jiġu ttrasferiti l-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni mill-Istati Membri lejn istituzzjoni tal-Unjoni jew bil-maqlub. Is-setgħa li l-Istati Membri jiġu involuti f’dan il-qasam tibqa’ f’idejn il-leġiżlatur tal-Unjoni, jiġifieri l-Parlament Ewropew u l-Kunsill, kif jipprovdi l-Artikolu 14 tal-PPI, li eżerċita din is-setgħa billi introduċa, fir-Regolamenti tal-Persunal, id-dritt għat-trasferiment tal-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni. Konsegwentement, dan id-dritt għandu jiġi rrikonoxxut b’mod “ekwivalenti” għall-membri tal-persunal tal-BĊE.

33.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-ugwaljanza fit-trattament hija prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni u hija stabbilita fl-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il- “Karta”). Skont ġurisprudenza stabbilita ( 8 ), il-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat. Dan il-prinċipju japplika għall-BĊE, bħala istituzzjoni tal-Unjoni, skont l-Artikolu 13 TUE, bl-istess mod kif japplika għall-istituzzjonijiet u għall-korpi suġġetti għar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni. Fil-fatt, kif fakkret reċentement il-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament illum stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta japplika, skont l-Artikolu 51(1) tagħha, għall-istituzzjonijiet u għall-korpi kollha tal-Unjoni, inkluż il-BĊE ( 9 ). Bl-istess mod, id-dispożizzjonijiet tal-Karta japplikaw għall-Istati Membri tal-Unjoni, inkluża r-Repubblika Taljana, meta huma jittrasponu d-dritt tal-Unjoni.

34.

F’dak li jirrigwarda l-benefiċċji soċjali u d-drittijiet li huma marbuta magħhom, jidhirli li membru tal-persunal tal-BĊE li jfittex li jittrasferixxi l-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni tiegħu mill-INPS lejn l-iskema tal-pensjoni tal-BĊE jinsab fl-istess sitwazzjoni bħal kull uffiċjal jew aġent tal-Unjoni ieħor li jixtieq jeżerċita l-istess dritt. Fiż-żewġ każijiet, dawn huma persuni li jidħlu fis-servizz ta’ istituzzjoni tal-Unjoni, jixtiequ jittrasferixxu kontribuzzjonijiet imħallsa fl-istess Stati Membri u lill-istess skema nazzjonali ta’ sigurtà soċjali u jeżerċitaw id-dritt fundamentali għall-moviment liberu. Għal din ir-raġuni, ma jidhirx, bħala prinċipju, li differenza fit-trattament hija ġġustifikata, bla ħsara għall-modalitajiet prattiċi u għall-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni applikabbli għall-finijiet tat-twettiq ta’ tali trasferiment tal-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni fi ħdan il-BĊE. L-ugwaljanza fit-trattament għandha wkoll tiġi żgurata fost il-membri tal-persunal ta’ din l-istituzzjoni li għandhom jibbenefikaw minn dritt ta’ trasferiment li jistgħu jeżerċitaw liberament u irrispettivament mill-Istat Membru jew mill-Istati Membri li fihom kisbu drittijiet għall-pensjoni qabel ma jiġu impjegati mill-BĊE nnifsu.

35.

Kif indikaw diversi partijiet interessati fl-osservazzjonijiet tagħhom, jirriżulta li d-difiża ta’ tali dritt tal-uffiċjali u tal-aġenti l-oħra tal-Unjoni hija iktar u iktar neċessarja peress li l-Artikolu 298 TFUE jiggarantixxi li “fit-twettiq tal-missjonijiet tagħhom, l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta’ l-Unjoni għandu jkollhom l-appoġġ ta’ amministrazzjoni Ewropea miftuħa, effiċjenti u indipendenti”. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet espressament din in-neċessità fil-ġurisprudenza tagħha meta stabbilixxiet li r-raġuni għat-trasferibbiltà tad-drittijiet għall-pensjoni tinsab fin-neċessità li “tiffaċilita ċ-ċaqliq minn impjiegi nazzjonali, fis-settur pubbliku jew privat, lejn l-amministrazzjoni [tal-Unjoni] u sabiex b’hekk tiggarantixxi [lill-Unjoni] l-aħjar possibbiltajiet ta’ għażla ta’ persunal ikkwalifikat li diġà jkollu esperjenza professjonali xierqa” ( 10 ).

36.

Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li, bil-għan li jkun hemm għażla ikbar fost persunal li għandu esperjenza professjonali adegwata, huwa neċessarju li jkun hemm “flessibbiltà ikbar fil-qasam tal-portabbiltà tad-drittijiet [lejn l-iskemi tal-pensjoni tal-Unjoni u bil-maqlub], u b’hekk [jin]temm[u] [wkoll] l-inċertezzi li ċerti membri tal-persunal kellhom jaffaċċjaw fir-rigward tal-possibbiltà ta’ terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg tagħhom u tal-impossibbiltà li jiksbu drittijiet għal pensjoni tal-irtirar ekwivalenti” ( 11 ). Il-possibbiltà li jiġu ttrasferiti l-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni għalhekk għandha rwol essenzjali sabiex jiġi ggarantit li ebda ostakolu marbut mat-tgawdija tal-benefiċċji tal-pensjoni ma jinfluwenza l-għażla tal-persuni fir-rigward tal-opportunità u tal-mod li bih wieħed jopera fis-servizz ta’ istituzzjoni tal-Unjoni.

37.

Huwa evidenti li dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ amministrazzjoni Ewropea miftuħa, effikaċi u indipendenti, fis-sens tal-Artikolu 298 TFUE, huma validi wkoll għall-membri tal-persunal tal-BĊE, li huma aġenti ta’ istituzzjoni tal-Unjoni, bl-istess mod bħall-uffiċjali u bħall-aġenti l-oħra tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jaqgħu taħt ir-Regolamenti tal-Persunal. Konsegwentement, fil-fehma tiegħi, ma teżisti ebda raġuni oġġettiva sabiex il-persunal tal-BĊE jiġi rrifjutat ir-rikonoxximent ta’ prinċipju ta’ dritt “ekwivalenti”, naturalment, bla ħsara għall-modalitajiet prattiċi u għall-kundizzjonijiet previsti fil-leġiżlazzjoni rispettiva, suġġett li ser neżamina f’iktar dettall f’dawn il-konklużjonijiet. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li bl-istess mod bħad-drittijiet soċjali li t-twettiq tagħhom sikwit jeħtieġ li jiġi kkonkretizzat permezz tal-liġi ( 12 ), id-dritt għat-trasferiment tal-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni jeħtieġ leġiżlazzjoni speċifika għall-finijiet tal-implimentazzjoni tiegħu. Kif ser nispjega iktar ’il quddiem, ir-regoli tal-BĊE li jirregolaw it-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni huma differenti f’ċerti aspetti importanti mill-kumplament tas-servizz pubbliku tal-Unjoni, u b’mod iktar konkret f’dak li jirrigwarda l-implimentazzjoni tiegħu.

b) Id‑differenzi bejn ir‑regoli ġenerali tas‑servizz pubbliku u dawk tal‑BĊE fil‑qasam tat‑trasferiment ta’ drittijiet għall‑pensjoni

38.

Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li l-“possibbiltà” imsemmija mill-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, għandha l-għan li tagħti, għall-benefiċċju tal-uffiċjali, dritt li l-eżerċizzju tiegħu jiddependi biss mill-għażla tagħhom stess. L-eżerċizzju ta’ dan id-dritt huwa magħmul possibbli mill-fatt li r-Regolamenti tal-Persunal, bħala regolament skont l-Artikolu 288 TFUE, huma ta’ portata ġenerali, huma vinkolanti fl-elementi kollha tagħhom u direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha ( 13 ). Minn dan isegwi li, minkejja li l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal ma jwassalx għal armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-pensjonijiet, jibqa’ l-fatt li r-Regolamenti tal-Persunal, minbarra l-effetti li dawn għandhom fl-ordinament intern tal-amministrazzjoni tal-Unjoni, jorbtu wkoll lill-Istati Membri sa fejn il-kontribut tagħhom huwa neċessarju għall-implimentazzjoni tagħhom. Fil-ġurisprudenza tagħha dwar din id-dispożizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li minnha jirriżulta li, fil-każ li dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal teħtieġ miżuri ta’ applikazzjoni fuq livell nazzjonali, l-Istati Membri huma obbligati jadottaw il-miżuri kollha ġenerali jew partikolari xierqa, skont l-Artikolu 5 tat-Trattat KEE, li jikkorrispondi għall-Artikolu 4(3) TUE ( 14 ). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tal-iskop tal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw il-mezzi konkreti li jippermettu l-eżerċizzju tal-possibbiltà mogħtija lill-uffiċjali li jittrasferixxu d-drittijiet miksuba fil-kuntest nazzjonali lejn l-iskema tal-pensjoni tal-Unjoni ( 15 ).

39.

Għalkemm l-Artikolu 8 tal-Anness IIIa tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg tal-BĊE ifittex b’mod ċar li jiżgura trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni għall-benefiċċju tal-membri tal-persunal tal-BĊE, jibqa’ l-fatt li huwa ma jagħtix dan id-dritt bl-istess mod bħall-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li l-eżerċizzju tiegħu huwa suġġett għal ċerti modalitajiet ta’ implimentazzjoni u kundizzjonijiet li għandhom jiġu esposti. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg tal-BĊE għandhom biss effetti purament interni sa fejn dawn jirregolaw biss ir-relazzjonijiet bejn din l-istituzzjoni u l-persunal tagħha. Fi kliem ieħor, il-Kundizzjonijiet tal-Impjieg innifishom ma jipproduċux effetti legali fil-konfront tal-Istati Membri, billi jimponu obbligi fuq dawn tal-aħħar. Barra minn hekk, il-BĊE, b’differenza mill-Parlament u mill-Kunsill, ma għandux il-kompetenza li jadotta regolamenti f’dan il-qasam. Il-kompetenza tal-BĊE li jadotta regolamenti hija llimitata għal każijiet speċifiċi ferm marbuta mat-twettiq tal-kompiti tiegħu skont l-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE, elenkati b’mod eżawrjenti fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 132(1) TFUE. Konsegwentement, it-twettiq ta’ dan id-dritt b’mod “ekwivalenti” għall-membri tal-persunal tiegħu jeħtieġ l-użu ta’ mekkaniżmu ġuridiku differenti.

40.

Sabiex tirrimedja għall-assenza ta’ effett vinkolanti tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg, id-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq tipprovdi li l-BĊE “għandu jikkonkludi ftehimiet u jiftiehem dwar miżuri xierqa ma’ skemi oħra ta’ rtirar, organizzazzjonijiet u gvernijiet oħra li huwa jiddetermina, għall-finijiet tal-aċċettazzjoni tat-trasferiment ta’ somom ta’ flus lejn l-[iskema tal-pensjoni tal-BĊE], għall-membri [tal-persunal tal‑]BĊE” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-konklużjoni ta’ ftehimiet mal-Istati Membri, jiġifieri, il-mezz bilaterali huwa għalhekk il-metodu magħżul mil-leġiżlatur tal-Unjoni f’dan il-każ. Dan huwa evidenti peress li huwa meħtieġ espliċitament li t-trasferiment jiġi “aċċettat”. Il-fatt li l-BĊE għandu personalità ġuridika, bis-saħħa tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 282(3) TFUE, jippermettilu jikkonkludi tali ftehimiet f’ismu stess u għan-nom tiegħu stess mal-Istati Membri.

41.

Meqjus minn din il-perspettiva, huwa loġiku li jiġi dedott li, fl-assenza ta’ tali ftehim li jirregola l-kundizzjonijiet sabiex jiġi żgurat it-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni, membru tal-persunal tal-BĊE ma huwiex ser ikun f’pożizzjoni li jeżerċita dritt “ekwivalenti” għal dak previst mill-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal. Sa fejn l-Artikolu 8 tal-Anness IIIa tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg tal-BĊE, fl-ewwel lok, jagħmel riferiment biss għall-kompetenza tal-BĊE li jikkonkludi dawn il-ftehimiet, filwaqt li barra minn hekk ma jgħid xejn dwar ir-rwol tal-Istati Membri, u, fit-tieni lok, ma jipproduċix effetti legali fir-rigward ta’ terzi, għandu jitqies f’dan l-istadju tal-analiżi, bħala konklużjoni intermedja, li din id-dispożizzjoni ma tikkostitwixxix, waħedha, bażi legali suffiċjenti sabiex jiġi impost fuq Stat Membru l-obbligu li jikkonkludi ftehim mal-BĊE. Issa, il-parteċipazzjoni tal-imsemmi Stat Membru hija indispensabbli, għar-raġuni li ftehim bilaterali jeħtieġ mid-definizzjoni tiegħu stess żewġ dikjarazzjonijiet ta’ intenzjoni konkordanti.

42.

Għall-istess raġunijiet, l-użu tal-Artikolu 9(c) tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg tal-BĊE bħala bażi legali għandu jiġi miċħud. Għalkemm din id-dispożizzjoni tistabbilixxi li “il-prinċipji stabbiliti mir-regolamenti, mir-regoli u mill-ġurisprudenza applikabbli għall-persunal ta’ istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni tad-drittijiet u tal-obbligi previsti minn dawn il-kundizzjonijiet tal-impjieg” (korsiv miżjud minni), jibqa’ l-fatt li l-imsemmija dispożizzjoni, bħala sempliċi regola interpretattiva ta’ dawn il-kundizzjonijiet (interni) tal-impjieg, ma tistax tipproduċi effett ġuridikament vinkolanti għall-Istati Membri. Iktar u iktar ma jistax jitqies li din tista’ tirrimedja, waħedha, għall-assenza ta’ ftehim bilaterali bejn il-BĊE u Stat Membru. Għaldaqstant, jidhirli li din id-dispożizzjoni hija irrilevanti f’dan il-kuntest.

43.

Għall-kompletezza, għandu jiġi speċifikat li jidhirli li kwalunkwe applikazzjoni b’analoġija hija eskluża minħabba l-assenza ta’ lakuna, li din l-analoġija għandha preċiżament timla, peress li, bħall-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, id-dispożizzjoni rilevanti f’dan il-każ, jiġifieri l-Artikolu 8 tal-Anness IIIa tal-Kundizzjonijiet ta’ Impjieg tal-BĊE, tipprevedi wkoll it-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni. Kif għadni kemm spjegajt, id-differenza bejn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet tikkonsisti qabel kollox, fl-indikazzjoni tan-neċessità ta’ ftehim mal-Istat Membru kkonċernat, li hija prevista fit-tieni regola bħala kundizzjoni sabiex jitwettaq it-trasferiment inkwistjoni, kuntrarjament għal dak li huwa stabbilit fid-dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal.

44.

Għaldaqstant, jidhirli li l-użu tal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, jew direttament jew b’analoġija, kif issuġġerit minn ċerti partijiet interessati, sabiex jiġi evitat ir-rekwiżit espliċitu ta’ ftehim bejn il-BĊE u l-Istat Membru kkonċernat, li jirregola l-kundizzjonijiet sabiex jiġi żgurat it-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni, huwa inammissibbli għar-raġuni li tali approċċ jammonta għal nuqqas ta’ osservanza tal-intenzjoni espressa tal-leġiżlatur tal-Unjoni ( 16 ). Minkejja interess leġittimu li jiġi żgurat it-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni għas-servizz pubbliku Ewropew kollu, jidhirli li huwa ċar li madankollu jeżistu differenzi f’dak li jirrigwarda t-twettiq ta’ dan id-dritt li huma inerenti għall-istruttura istituzzjonali tal-Unjoni fl-istadju attwali tal-iżvilupp tagħha.

45.

Il-prinċipju ta’ uniċità tas-servizz pubbliku tal-Unjoni, introdott bl-Artikolu 9(3) tat-Trattat ta’ Amsterdam, u li skontu l-uffiċjali kollha tal-istituzzjonijiet kollha huma suġġetti għar-Regolamenti tal-Persunal uniċi u, għaldaqstant, għall-istess dispożizzjonijiet ( 17 ), ma jipprekludix, bħala prinċipju, l-adozzjoni u għalhekk l-applikazzjoni ta’ skemi distinti għall-persunal meta tingħata awtonomija fir-rigward tar-regolamenti tal-persunal lill-istituzzjoni inkwistjoni ( 18 ), bħalma huwa l-każ tal-BĊE bis-saħħa tal-Artikolu 36 tal-Protokoll fuq is-SEBĊ u l-BĊE.

46.

Għalkemm il-kunsiderazzjonijiet magħmula f’dawn il-konklużjonijiet, marbuta mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament skont l-Artikolu 20 tal-Karta kif ukoll mal-interess pubbliku li jkun hemm “amministrazzjoni Ewropea miftuħa, effiċjenti u indipendenti” fis-sens tal-Artikolu 298 TFUE jistgħu jirriżultaw li huma rilevanti fl-istabbiliment tar-regoli konkreti ta’ trasferiment ta’ drittijiet għall-pensjoni fil-kuntest tan-negozjati intiżi li jiġi konkluż ftehim bejn il-BĊE u Stat Membru, b’mod partikolari insostenn ta’ trattament nondiskriminatorju tal-membri tal-persunal tal-BĊE u fl-interess li din l-istituzzjoni tkun tista’ tibbenefika minn persunal ikkwalifikat u rreklutat fl-Istati Membri kollha, għandu madankollu jiġi rrikonoxxut li d-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq ma jistgħux iservu, waħedhom, bħala bażi legali sabiex Stat Membru jiġi obbligat jikkonkludi tali ftehim.

c) Konklużjoni intermedja

47.

Minn din l-analiżi tar-regoli tas-servizz pubbliku li jirregolaw it-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni jirriżulta li l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal ma huwiex applikabbli – la direttament u lanqas b’analoġija – għall-membri tal-persunal tal-BĊE. Konsegwentement, minn din id-dispożizzjoni ma jista’ jinsilet ebda obbligu għal Stat Membru li jikkonsisti fil-konklużjoni ta’ ftehim ma’ din l-istituzzjoni. Lanqas l-Artikolu 8 tal-Anness IIIa tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg tal-BĊE ma jikkostitwixxi bażi legali suffiċjenti sabiex jiġi impost tali obbligu fuqu.

2. Id‑dispożizzjonijiet dwar il‑moviment liberu tal‑ħaddiema

48.

Sussegwentement, għandu jiġi eżaminat jekk l-Artikoli 45 u 48 TFUE dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema jistgħux jikkostitwixxu bażi legali adegwata sabiex jiġi impost fuq Stat Membru l-obbligu li jiżgura t-twettiq tad-dritt għat-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni, kif tissuġġerixxi l-qorti tar-rinviju. F’dan il-kuntest, huwa neċessarju li tissemma s-sentenza Gardella ( 19 ), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar il-kompatibbiltà mad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tal-impossibbiltà għal uffiċjal ta’ organizzazzjoni internazzjonali li jikseb it-trasferiment lejn din tal-aħħar tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba fil-kuntest ta’ attivitajiet professjonali eżerċitati preċedentement fl-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu.

49.

Fl-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret il-ġurisprudenza tagħha li skontha ċittadin tal-Unjoni li jaħdem fi Stat Membru differenti mill-Istat ta’ oriġini tiegħu u li jkun aċċetta impjieg f’organizzazzjoni internazzjonali jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE ( 20 ). Konsegwentement, dan tal-aħħar ma jistax jiġi rrifjutat il-benefiċċju tad-drittijiet u tal-vantaġġi soċjali li tagħtih din id-dispożizzjoni ( 21 ). Dan jimplika b’mod partikolari l-projbizzjoni ta’ kwalunkwe ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni, jiġifieri ta’ kwalunkwe miżura li, anki jekk tkun applikabbli mingħajr diskriminazzjoni fir-rigward tan-nazzjonalità, tista’ tostakola jew tagħmel inqas attraenti l-eżerċizzju, miċ-ċittadini tal-Unjoni, ta’ din il-libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat FUE ( 22 ).

50.

Peress li WP, bħala membru tal-persunal tal-BĊE, ma huwiex suġġett għar-Regolamenti tal-Persunal, u dan għar-raġuni li l-BĊE għandu regoli awtonomi għall-persunal tiegħu, adottati abbażi tal-Artikolu 36 tal-Protokoll fuq is-SEBĊ u l-BĊE, jidhirli li huwa għandu jitqies li huwa “ħaddiem” fis-sens tal-Artikolu 45 TFUE. Madankollu, għandu wkoll jiġi ddeterminat jekk l-assenza ta’ ftehim bejn il-BĊE u Stat Membru, bħal fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, tistax titqies li hija “ostakolu” fis-sens tad-definizzjoni rriprodotta fil-punt preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha manifestament tirrispondi fin-negattiv għal din id-domanda għaliex, fis-sentenza ċċitata iktar ’il fuq, hija ddeċidiet li l-Artikolu 45 TFUE ma jobbligax lill-Istati Membri jippermettu t-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba fl-Istat Membru ta’ oriġini lejn l-iskema tal-pensjoni ta’ persuna oħra li timpjega, kemm jekk din tkun Stat Membru ieħor kemm jekk tkun organizzazzjoni internazzjonali ( 23 ).

51.

Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li din id-dispożizzjoni ma timponix l-obbligu li jiġi konkluż ftehim internazzjonali għal dan il-għan ( 24 ), ħaġa li jidhirli li hija importanti li tiġi rrilevata fil-kuntest tal-eżami ta’ din l-ewwel domanda preliminari, fid-dawl tar-rekwiżit previst fl-Artikolu 8 tal-Anness IIIa tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg tal-BĊE, li jikkonsisti fil-konklużjoni ta’ ftehim bilaterali sabiex ikun jista’ jsir tali trasferiment ta’ drittijiet għall-pensjoni lejn l-iskema tal-pensjonijiet tal-BĊE. Din il-konklużjoni tirriżulta minn interpretazzjoni tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 45 TFUE kif ukoll mill-Artikolu 48 TFUE u tar-regolamenti adottati bis-saħħa ta’ dan tal-aħħar, li ma jipprevedux dritt għat-twettiq ta’ dan it-trasferiment.

52.

Sa fejn din il-konklużjoni tirriżulta minn interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt primarju u ma tirriżultax mill-fatt li, f’dak il-każ partikolari, l-organizzazzjoni kkonċernata – jiġifieri l-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi (OEB) – kienet entità esterna għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni, ma jistax jintlaqa’ l-argument ta’ WP, li skontu, fid-dawl tal-fatt li fil-każ preżenti l-BĊE, għall-kuntrarju, hija istituzzjoni tal-Unjoni, sempliċi qari a contrario tas-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2013, Gardella (C‑233/12, EU:C:2013:449) jippermetti li jiġi konkluż li r-rifjut tal-INPS li jagħtih it-trasferiment inkwistjoni jmur kontra l-moviment liberu tal-ħaddiema. L-assenza ta’ obbligu li jingħata kunsens għat-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema għalhekk tapplika wkoll għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni li għalihom l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal ma japplikax, kif speċifikat il-ġurisprudenza sussegwenti fil-qasam tas-servizz pubbliku ( 25 ).

53.

Għar-raġunijiet esposti iktar ’il fuq, għandu jitqies bħala konklużjoni intermedja li d-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikoli 45 u 48 TFUE, dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema, ma jimponux fuq Stat Membru l-obbligu li jiżgura trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni lejn l-iskema tal-pensjonijiet tal-BĊE permezz ta’ ftehim bilaterali li għandu jiġi konkluż għal dan il-għan.

3. L‑obbligu ta’ kooperazzjoni leali

54.

Il-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti preċedenti juru li jistgħu jiġu invokati diversi dispożizzjonijiet sabiex jiġi rikjest ir-rikonoxximent ta’ dritt “ekwivalenti” ta’ membru tal-persunal tal-BĊE li jintalab it-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba ma’ istituzzjoni ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru lejn l-iskema tal-pensjoni ta’ din l-istituzzjoni. Madankollu, ma jistax jiġi miċħud li l-konklużjoni ta’ ftehim ma’ dan l-Istat Membru hija assolutament neċessarja sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni ta’ dan id-dritt. Fi kliem ieħor, il-ftehim li għandu jiġi konkluż jikkostitwixxi “kundizzjoni indispensabbli” għall-finijiet li jintlaħaq dan il-għan.

55.

Għalkemm l-Artikolu 8 tal-Anness IIIa tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg tal-BĊE jidher li jagħti lill-korpi tal-BĊE l-kompitu li jikkonkludu ftehimiet ma’ Stati Membri ( 26 ), ir-rwol ta’ dawn tal-aħħar għall-finijiet tat-twettiq ta’ dan il-kompitu madankollu jirriżulta li huwa kruċjali. Fil-fatt, sa fejn “ftehim” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni jeħtieġ, minn perspettiva ġuridika, żewġ dikjarazzjonijiet ta’ intenzjoni konkordanti, li joħolqu impenn reċiproku, huwa loġiku li jitqies li l-parteċipazzjoni attiva tal-Istat Membru inkwistjoni, fil-kuntest tan-negozjati u tal-konklużjoni ta’ dan il-ftehim, hija essenzjali. Fid-dawl ta’ din il-konstatazzjoni, tqum il-kwistjoni dwar x’inhuma l-obbligi preċiżi li d-dritt tal-Unjoni jimponi fuq l-Istat Membru fiċ-ċirkustanzi previsti mid-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq.

56.

Skont ġurisprudenza stabbilita, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, l-Istati Membri huma obbligati jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu jistgħu jwettqu l-missjonijiet tagħhom. B’mod partikolari, kif stabbilixxiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha, dan il-prinċipju jostakola l-aġir tal-Istati Membri fil-qasam tat-trasferiment ta’ drittijiet għall-pensjonijiet li l-effett tiegħu huwa li jagħmel ir-reklutaġġ ta’ persunal iktar diffiċli għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni ( 27 ).

57.

F’dak li jirrigwarda speċifikament l-uffiċjali potenzjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li diġà jkollhom ċerta esperjenza professjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja reċentement fakkret li, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, l-Istati Membri ma jistgħux jagħmlu iktar diffiċli “ir-reklutaġġ, mill-Unjoni, ta’ uffiċjali nazzjonali li jkollhom ċerta anzjanità” ( 28 ). Inqis li l-prinċipji li jirriżultaw minn din is-sentenza, mogħtija f’kawża li tirrigwarda ex membru ta’ amministrazzjoni nazzjonali, għandhom japplikaw ukoll għal dawk li, bħal WP, għandhom esperjenza professjonali fis-settur privat, għaliex ir-rekwiżit li jikkonsisti fil-fatt li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jiġux imċaħħda mill-assistenza ta’ persunal b’esperjenza huwa ta’ natura ġenerali u japplika indipendentement mill-ispeċifiċità tal-esperjenza tal-persuna interessata.

58.

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li jirriżulta li l-kooperazzjoni tal-Istat Membru f’dan il-kuntest hija essenzjali sabiex tiġi evitata sitwazzjoni li diffiċilment tista’ tiġi rrikonċiljata mal-ugwaljanza fit-trattament, li diġà ġbidt l-attenzjoni dwarha f’dawn il-konklużjonijiet ( 29 ), jiġifieri r-riskju li l-membri tal-persunal tal-BĊE, ċittadini ta’ Stat Membru, jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli minn dawk li joriġinaw minn Stati Membri oħra, iktar diliġenti, li diġà kkonkludew tali ftehim u, għaldaqstant, jippermettu liċ-ċittadini tagħhom impjegati mill-BĊE jibbenefikaw effettivament mill-possibbiltà prevista fl-Artikolu 8 tal-Anness IIIa tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg tal-BĊE.

59.

Huwa evidenti li tali sitwazzjoni mhux biss tqiegħed inkwistjoni l-għan previst fl-Artikolu 298 TFUE li jkun hemm “amministrazzjoni Ewropea miftuħa, effiċjenti u indipendenti”, kif ukoll il-prinċipju ta’ uniċità tas-servizz pubbliku, diġà msemmija f’dawn il-konklużjonijiet ( 30 ), iżda tmur ukoll kontra l-interess kondiviż tal-Unjoni u tal-Istat Membru li jiġi ffaċilitat ir-reklutaġġ ta’ membri futuri tal-persunal li joriġinaw minn dan l-Istat Membru, u li b’hekk jiġi żgurat reklutaġġ fuq l-iktar bażi ġeografika wiesgħa possibbli, kif jeħtieġ, barra minn hekk, l-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal. Nixtieq nenfasizza li dawn il-kunsiderazzjonijiet, marbuta mal-politika ta’ reklutaġġ tal-Unjoni, japplikaw mingħajr eċċezzjoni għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-organi kollha tagħha, inkluż għall-BĊE. Peress li l-konklużjoni ta’ tali ftehim mal-BĊE hija fl-interess tal-Istat Membru nnifsu, għandu raġonevolment jiġi mistenni li dan tal-aħħar joffri l-kooperazzjoni tiegħu mingħajr ebda riżerva.

60.

Huwa minnu li, għalkemm il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-Istat Membru jaċċetta kwalunkwe abbozz ta’ ftehim ippreparat mill-BĊE, li eventwalment jista’ jqajjem diffikultajiet meta jiġi implimentat fuq livell nazzjonali, jibqa’ l-fatt li l-Istat Membru għandu madankollu jikkoopera attivament u bona fide fil-kuntest tan-negozjati sabiex jiġu eliminati l-ostakoli eżistenti. Kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kooperazzjoni tal-Istat Membru hija neċessarja fuq kollox meta tkun inkwistjoni r-riżoluzzjoni ta’ kwistjonijiet prattiċi, bħad-determinazzjoni ta’ metodu ta’ kalkolu sabiex ikun jista’ jsir it-trasferiment ta’ drittijiet għall-pensjoni lejn l-iskema tal-pensjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ( 31 ).

61.

Għalkemm l-Istati Membri jżommu l-kompetenza tagħhom sabiex jamministraw is-sistema tagħhom tas-sigurtà soċjali, billi jiddeterminaw b’mod partikolari l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-benefiċċji fil-qasam tas-sigurtà soċjali, huma madankollu għandhom, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, josservaw id-dritt tal-Unjoni ( 32 ). Ma jidhirlix li s-sempliċi rifjut li jsiru negozjati jew li tiġi eżaminata serjament proposta konkreta mressqa mill-BĊE jikkostitwixxi attitudni konformi mal-ispirtu ta’ kooperazzjoni leali li jirreferi għalih l-Artikolu 4(3) TUE. Fil-fatt, tali attitudni timpedixxi t-twettiq tal-kompiti mogħtija lill-korpi tal-BĊE.

62.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li mill-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-talba formali tal-BĊE intiża li jintlaħaq ftehim hija ddatata t‑22 ta’ Diċembru 2005. Għal dan il-għan, il-BĊE fassal u kkomunika abbozz ta’ ftehim bilaterali sabiex jiġi ffirmat mal-INPS, li kien ibbażat fil-parti l-kbira tiegħu fuq il-ftehim fis-seħħ bejn l-INPS u l-BEI. Għalhekk il-BĊE ilu sittax-il sena jitlob lir-Repubblika Taljana tikkonkludi ftehim skont l-Artikolu 8 tal-Anness IIIa tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg tal-BĊE, mingħajr ma kiseb tweġiba, u dan, għaliex, skont l-awtoritajiet Taljani, it-trasferiment ta’ drittijiet għall-pensjoni fil-każ preżenti ma jistax iseħħ mingħajr “inizjattiva leġiżlattiva”.

63.

Madankollu, minbarra l-fatt li l-awtoritajiet Taljani ma kinux f’pożizzjoni li jsibu soluzzjoni dwar dan il-punt, tali tweġiba hija diffiċli li tiġi spjegata, peress li, l-ewwel, għall-persunal li jaħdem mal-BEI, ma jidhirx li l-konklużjoni ta’ ftehim mal-INPS qajmet kwalunkwe diffikultà partikolari, sal-punt li dan inkiseb u ġie implimentat permezz ta’ sempliċi ċirkulari amministrattiva ( 33 ). It-tieni, għandu jiġi osservat li, skont l-informazzjoni pprovduta lill-Qorti tal-Ġustizzja, kważi l-Istati Membri kollha tal-Unjoni monetarja ilhom żmien twil li kkonkludew ftehimiet mal-BĊE sabiex jiġi awtorizzat it-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni. It-tielet, għandu jiġi rrilevat li, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, la l-Gvern Taljan u lanqas l-INPS ma pprovdew spjegazzjoni li tiġġustifika dan id-dewmien fil-konklużjoni ta’ ftehim mal-BĊE. Lanqas ma pproponew soluzzjoni konkreta sabiex tiġi riżolta l-problema. Dawn l-elementi kollha jidhru li jindikaw assenza ta’ kooperazzjoni min-naħa tar-Repubblika Taljana.

64.

Kif indikaw diversi partijiet interessati fl-osservazzjonijiet tagħhom, is-sitwazzjoni li fiha jinsab attwalment il-BĊE fil-konfront tar-Repubblika Taljana, ikkaratterizzata minn perijodu twil ta’ inċertezza legali dwar il-possibbiltà li jiġi żgurat it-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni, tista’ tiddisswadi lill-persuni interessati li diġà jkollhom ċerta esperjenza professjonali milli jaċċettaw impjieg mal-BĊE. Dan l-effett dissważiv huwa iktar u iktar kunsiderevoli peress li l-istituzzjonijiet, il-korpi jew l-organi l-oħra tal-Unjoni, li għalihom japplikaw ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-impjieg u li magħhom il-BĊE jinsab, sa ċertu punt, f’kompetizzjoni għar-reklutaġġ ta’ persunal b’esperjenza, huma f’pożizzjoni li jiggarantixxu tali trasferiment. Din is-sitwazzjoni wkoll diffiċilment tista’ tiġi rrikonċiljata mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament sa fejn il-membri tal-persunal tiegħu, ta’ nazzjonalità Taljana, huma ttrattati b’mod inqas favorevoli minn dawk li joriġinaw minn Stati Membri oħra impjegati mill-BĊE stess jew minn dawk li jaħdmu ma’ istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni. F’dan l-istadju tal-analiżi, nixtieq nikkonstata li r-riskji għall-BĊE u għall-membri tal-persunal tiegħu, li għalihom sar riferiment f’dawn il-konklużjonijiet, jidhru li seħħew f’dan il-każ konkret.

65.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, jikkostitwixxi bażi legali xierqa sa fejn jippermetti li l-Istat Membru kkonċernat jiġi rikjest jieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex isostni l-BĊE fit-twettiq tal-kompiti tiegħu. Dan japplika iktar u iktar għall-miżuri li jeħtieġu parteċipazzjoni attiva ta’ dan l-Istat Membru, bħall-konklużjoni ta’ ftehimiet bilaterali intiżi li jiżguraw it-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni.

66.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, inqis li l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali għandu jiġi interpretat fis-sens li, fuq proposta tal-BĊE, Stat Membru huwa obbligat jipparteċipa attivament u bona fide f’negozjati intiżi li jiġi konkluż ma’ dan il-bank ftehim intiż li jiġu ttrasferiti, lejn l-iskema tal-pensjoni tiegħu, drittijiet għall-pensjoni miksuba mill-persunal tiegħu taħt l-iskema ta’ dan l-Istat Membru.

4. Risposta għall‑ewwel domanda preliminari

67.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 4(3) TUE għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru li ssirlu proposta mill-BĊE li jiġi konkluż ftehim skont l-Artikolu 8 tal-Anness IIIa tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg tal-BĊE intiż li jiġu ttrasferiti, lejn l-iskema tal-pensjoni tiegħu, drittijiet għall-pensjoni miksuba mill-persunal tiegħu taħt l-iskema ta’ dan l-Istat Membru, huwa obbligat jipparteċipa attivament u bona fide f’negozjati intiżi li jiġi konkluż tali ftehim ma’ dan il-bank.

C.   Fuq it‑tieni domanda preliminari

1. Kunsiderazzjonijiet ġenerali

68.

Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(3) TUE, l-Artikoli 45 u 48 TFUE, l-Artikolu 11 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikolu 8 tal-Anness IIIa tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg tal-BĊE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jawtorizzaw lill-qorti ta’ Stat Membru adita mill-persuna interessata tordna t-trasferiment lejn l-iskema tal-pensjoni tal-BĊE tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba mill-persuna interessata fl-iskema tal-pensjoni ta’ dan l-Istat Membru, anki fl-assenza ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali jew ta’ ftehim, konkluż bejn l-Istat Membru kkonċernat u l-BĊE, li jipprevedu tali trasferiment.

69.

Kif ġie indikat fil-punt 54 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-firma ta’ tali ftehim bejn il-BĊE u l-Istat Membru kkonċernat tikkostitwixxi “kundizzjoni indispensabbli” għall-eżerċizzju tad-dritt għal trasferiment ta’ drittijiet għall-pensjoni. Diġà l-formulazzjoni ċara tal-Artikolu 8 tal-Anness IIIa tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg tal-BĊE ma tħalli ebda dubju f’dan ir-rigward. Fil-fatt, ebda waħda mid-diversi dispożizzjonijiet li ġew eżaminati fil-kuntest ta’ din l-analiżi ma tippermetti, waħedha, li tiġi rrimedjata l-assenza ta’ tali ftehim. L-użu tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali madankollu jippermetti li jiġi rikjest li l-Istat Membru jimpenja ruħu li jikkontribwixxi għas-suċċess tan-negozjati intiżi għall-konklużjoni ta’ dan il-ftehim.

70.

Dan premess, għandu madankollu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li t-tieni domanda preliminari tirrigwarda sitwazzjoni partikolari, jiġifieri dik li fiha n-nuqqas ta’ konklużjoni ta’ tali ftehim jirriżulta mill-ommissjoni tal-Istat Membru kkonċernat li jaċċetta proposta f’dan is-sens tal-BĊE. Għaldaqstant, inqis li, b’risposta għal din id-domanda, għandhom jingħataw kjarifiki lill-qorti tar-rinviju dwar il-miżuri li tista’ tadotta quddiem tali ommissjoni, li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni.

2. Fuq l‑obbligu tal‑Istat Membru li jiżgura l‑protezzjoni ġudizzjarja tad‑drittijiet li l‑partijiet f’kawża jisiltu mid‑dritt tal‑Unjoni

71.

F’dan ir-rigward, nixtieq nirrileva qabelxejn li, skont ġurisprudenza stabbilita, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, huma l-qrati tal-Istati Membri li għandhom jiżguraw il-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet li l-partijiet f’kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 19(1) TUE jobbliga lill-Istati Membri jistabbilixxu r-rimedji ġudizzjarji neċessarji sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni ( 34 ).

72.

Bl-istess mod, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fl-assenza ta’ regoli tad-dritt tal-Unjoni, l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru għandu jinnomina l-qrati kompetenti u għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali tal-azzjonijiet maħsuba sabiex jiżguraw is-salvagwardja tad-drittijiet li l-partijiet f’kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni. Dawn il-modalitajiet ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma għandhomx jagħmlu impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività). Fil-fatt, għal dak li jirrigwarda dan l-aħħar prinċipju, għandu jitfakkar li d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti imparzjali huwa stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta, li jikkostitwixxi affermazzjoni mill-ġdid tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva ( 35 ).

3. Fuq il‑possibbiltà li l‑qorti li għandha ġurisdizzjoni tintalab iġġiegħel lill‑awtoritajiet amministrattivi jinnegozjaw bona fide u jikkonkludu ftehim

73.

Fil-fehma tiegħi, huwa leġittimu li jiġi dedott mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti preċedenti li meta qorti ta’ Stat Membru tqis li l-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat Membru jkunu naqsu, b’mod li jmur kontra d-dritt tal-Unjoni, milli jikkonkludu mal-BĊE ftehim propost minn dan tal-aħħar bil-għan li jiġu ttrasferiti, lejn l-iskema tal-pensjoni tiegħu, drittijiet tal-pensjoni miksuba mill-membri tal-persunal tiegħu taħt l-iskema tal-pensjoni tal-imsemmi Stat Membru jew, tal-inqas, milli jipparteċipaw attivament u bona fide f’negozjati intiżi li jiġi konkluż tali ftehim ma’ dan il-bank, hija għandha tistabbilixxi n-natura illegali ta’ din l-ommissjoni u, jekk ikun il-każ, tieħu l-miżuri previsti mir-regoli proċedurali nazzjonali applikabbli, sabiex iġġiegħel lill-imsemmija awtoritajiet jibdew negozjati mal-BĊE sabiex jaslu għal ftehim u sussegwentement iwettqu t-trasferiment mitlub.

74.

Interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li teżiġi li l-qorti ta’ Stat Membru timponi obbligi konkreti fuq l-awtoritajiet amministrattivi favur il-BĊE tiżgura li dan l-Istat Membru jaġixxi konformement mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali. Fil-fehma tiegħi, is-sistema tradizzjonali ta’ tqassim u ta’ ekwilibriju tas-setgħat fl-Istati Membri tikkostitwixxi garanzija tal-eżekuzzjoni effettiva tal-obbligi li jaqgħu fuq l-Istat skont id-dritt tal-Unjoni. Peress li r-regoli proċedurali applikabbli jistgħu jvarjaw minn ordinament ġuridiku għall-ieħor, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni għandha l-kompitu li tieħu l-iktar miżuri effikaċi għad-dispożizzjoni tagħha skont id-dritt nazzjonali, inkluża l-possibbiltà li tadotta ordni li jitwettqu l-konklużjoni tal-ftehim u t-trasferiment mitlub f’terminu stabbilit, taħt piena ta’ sanzjonijiet ( 36 ).

75.

Is-setgħa li tingħata ordni hija l-possibbiltà mogħtija lill-qorti li tobbliga lil parti li tagħmel jew ma tagħmilx l-att li hija tispeċifika, eventwalment taħt sanzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità ( 37 ). Għaldaqstant, il-qorti adita b’tilwima tista’ tagħti l-ordni lil individwu jew lill-amministrazzjoni li jieħdu miżura f’sens determinat meta s-sentenza neċessarjament timplika li waħda mill-partijiet fit-tilwima għandha tieħu din il-miżura. Il-prinċipju li l-qorti nazzjonali tista’ tindirizza ordni ma huwa s-suġġett ta’ ebda leġiżlazzjoni tal-Unjoni attwalment. Barra minn hekk, dan il-prinċipju ma huwiex applikat b’mod uniformi fl-Istati Membri, b’mod partikolari meta l-ordni tkun indirizzata lill-amministrazzjoni.

76.

Madankollu, din is-setgħa tal-qorti li tagħti ordni fil-konfront tal-amministrazzjoni hija stabbilita f’diversi Stati Membri ( 38 ). Skont l-ordinament ġuridiku nazzjonali kkonċernat, il-qorti jew għandha setgħa ġenerali li tagħti ordni fil-konfront tal-amministrazzjoni jew għandha setgħa iktar ristretta li teskludi l-Gvern u l-kollaboraturi stretti tiegħu. F’dak li jirrigwarda l-kawża prinċipali, jidher li huwa opportun li lill-qorti nazzjonali jingħata l-kompitu li tiddetermina n-neċessità u, jekk ikun il-każ, il-kundizzjonijiet li taħthom is-setgħa li tingħata ordni tista’ tiġi eżerċitata fil-kuntest tal-ordinament ġuridiku intern tagħha u konformement mal-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza. Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, il-qorti nazzjonali għandha tieħu ħsieb li tiġi ggarantita l-eżekuzzjoni sħiħa tad-deċiżjonijiet tagħha.

4. Fuq il‑possibbiltà li tiġi stabbilita r‑responsabbiltà tal‑Istat Membru kkonċernat għal ksur tad‑dritt tal‑Unjoni minħabba ommissjoni li jinnegozja bona fide

77.

Lanqas ma tista’ tiġi eskluża l-possibbiltà, imsemmija minn ċerti partijiet interessati, li tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Istat Membru kkonċernat għal ksur tad-dritt tal-Unjoni jekk dan l-Istat Membru jonqos, b’mod li jmur kontra d-dritt tal-Unjoni, milli jikkonkludi ftehim u milli jagħti l-kunsens tiegħu għat-trasferiment mitlub, sakemm jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-individwi leżi għandhom dritt għal kumpens għad-danni kkawżati minn ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lil Stat Membru meta jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet, jiġifieri li d-dispożizzjoni legali tal-Unjoni miksura għandha l-għan li tagħtihom drittijiet, li l-ksur ta’ din id-dispożizzjoni huwa suffiċjentement serju u li teżisti rabta kawżali diretta bejn dan il-ksur u d-dannu mġarrab minn dawn l-individwi ( 39 ). L-implimentazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet li jippermettu li tiġi stabbilita r‑responsabbiltà tal-Istati Membri għad-danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni għandha, bħala prinċipju, titwettaq mill-qrati nazzjonali, konformement mal-linji gwida mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex titwettaq din l-implimentazzjoni ( 40 ).

78.

Madankollu, niddubita mill-effikaċja ta’ dan l-approċċ fil-kuntest ta’ din il-kawża u dan għar-raġunijiet li jsegwu. L-ewwel, għalkemm il-possibbiltà li jiġu ttrasferiti lejn l-iskema tal-pensjoni tal-BĊE drittijiet għall-pensjoni miksuba taħt l-iskema tal-pensjoni ta’ Stat Membru tikkostitwixxi dritt “ekwivalenti” għad-dritt mogħti lill-uffiċjali u lill-aġenti l-oħra tal-Unjoni skont ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-impjieg, jibqa’ l-fatt li dan id-dritt jeħtieġ li jiġi implimentat permezz ta’ ftehim li fih għandu jiġi stabbilit, fost oħrajn, l-ammont ekwivalenti għad-drittijiet għall-pensjoni li għandu jiġi ttrasferit lejn l-iskema tal-pensjoni tal-BĊE ( 41 ). Fil-każ li jirriżulta li jkun impossibbli li tali ammont jiġi ddeterminat biċ-ċertezza neċessarja, kwalunkwe invokazzjoni ta’ kumpens għad-danni tkun neċessarjament limitata għal invokazzjoni, b’mod ġenerali, tar-responsabbiltà tal-Istat Membru kkonċernat għal ksur tad-dritt tal-Unjoni. Issa, dan ikollu l-konsegwenza li rekwiżit essenzjali għar-rikonoxximent ta’ dritt għal kumpens, jiġifieri l-eżistenza ta’ dannu, ma jiġix issodisfatt f’dan il-każ partikolari. It-tieni, sa fejn ma jistax jiġi eskluż li d-dannu mġarrab mill-persuna interessata jseħħ konkretament biss fil-mument li fih hija tiddeċiedi li tirtira, jeżisti r-riskju li rikors ippreżentat minnha qabel din id-data, intiż li jiġi rrikonoxxut tali dritt għal kumpens, jiġi miċħud mill-qorti li għandha ġurisdizzjoni għar-raġuni li l-kundizzjonijiet previsti mill-ġurisprudenza ma jkunux issodisfatti.

79.

Mingħajr ma neskludi a priori li qorti adita b’talba għall-kumpens imressqa kontra l-Istat Membru trasgressur eventwalment tasal sabiex tegħleb l-ostakoli msemmija iktar ’il fuq, pereżempju billi tistabbilixxi ċertu ammont ekwivalenti għad-dannu mġarrab abbażi ta’ ċerti kriterji rrikonoxxuti mill-partijiet fit-tilwima, inqis li l-ewwel approċċ propost f’dawn il-konklużjonijiet jaqdi bl-aħjar mod l-interessi tal-membri tal-persunal tal-BĊE kkonċernati. Fil-fatt, tali approċċ joffri soluzzjoni għal żmien twil għall-persunal kollu kemm hu, billi jiggarantixxi ċ-ċertezza legali neċessarja. Barra minn hekk, in-negozjati dwar ftehim jippermettu li jiġi rregolat ukoll trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni fis-sens oppost, jiġifieri mill-iskema tal-pensjoni tal-BĊE lejn l-iskema tal-pensjoni nazzjonali, ħaġa li tista’ tkun vantaġġuża għall-membri kollha tal-persunal tal-BĊE li jkunu jixtiequ jirritornaw fl-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom. Fl-aħħar nett, dan għandu l-vantaġġ li jippermetti lill-awtoritajiet amministrattivi tal-Istat Membru kkonċernat jissodisfaw – tal-inqas sussegwentement – l-obbligi tagħhom li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali.

80.

Madankollu, hija l-qorti li għandha ġurisdizzjoni li għandha teżamina liema approċċ jidher li huwa vijabbli skont l-ordinament ġuridiku nazzjonali u għall-finijiet li jintlaħaq l-għan imfittex, jiġifieri li jiġi żgurat trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni lejn l-iskema tal-pensjoni tal-BĊE tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba taħt l-iskema tal-pensjoni tal-Istat Membru kkonċernat.

5. Risposta għat‑tieni domanda preliminari

81.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 4(3) TUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-qorti ta’ Stat Membru tiġi adita mill-persuna interessata li titlob it-trasferiment lejn l-iskema tal-pensjoni tal-BĊE tad-drittijiet tagħha għall-pensjoni miksuba fl-iskema tal-pensjoni ta’ dan l-Istat Membru, dik il-qorti għandha tieħu l-miżuri kollha previsti mir-regoli proċedurali nazzjonali applikabbli, sabiex iġġiegħel lill-awtoritajiet amministrattivi jipparteċipaw attivament u bona fide f’negozjati intiżi li jiġi konkluż ftehim skont l-Artikolu 8 tal-Anness IIIa tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg tal-BĊE u jwettqu t-trasferiment mitlub. Dik il-qorti għandha wkoll tevalwa l-possibbiltà li tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Istat Membru kkonċernat għal ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali minħabba ommissjoni li jikkonforma ruħu ma’ dawn l-obbligi.

VI. Konklużjoni

82.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mit-Tribunale ordinario di Asti (il-Qorti Distrettwali ta’ Asti, l-Italja) kif ġej:

1)

L-Artikolu 4(3) TUE għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru li ssirlu proposta mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) li jiġi konkluż ftehim skont l-Artikolu 8 tal-Anness IIIa tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg tal-persunal tal-BĊE intiż li jiġu ttrasferiti, lejn l-iskema tal-pensjoni tiegħu, drittijiet għall-pensjoni miksuba mill-persunal tiegħu taħt l-iskema ta’ pensjoni ta’ dan l-Istat Membru, huwa obbligat jipparteċipa attivament u bona fide f’negozjati intiżi li jiġi konkluż tali ftehim ma’ dan il-bank.

2)

L-Artikolu 4(3) TUE għandu jiġi interpretat fis-sens li meta l-qorti ta’ Stat Membru tiġi adita mill-persuna interessata li titlob it-trasferiment lejn l-iskema tal-pensjoni tal-BĊE tad-drittijiet tagħha għall-pensjoni miksuba fl-iskema tal-pensjoni ta’ dan l-Istat Membru, dik il-qorti għandha tieħu l-miżuri kollha previsti mir-regoli proċedurali nazzjonali applikabbli, sabiex iġġiegħel lill-awtoritajiet amministrattivi jipparteċipaw attivament u bona fide f’negozjati intiżi li jiġi konkluż ftehim mal-BĊE u jwettqu t-trasferiment mitlub. L-imsemmija qorti għandha wkoll tevalwa l-possibbiltà li tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Istat Membru kkonċernat għal ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali minħabba ommissjoni li jikkonforma ruħu ma’ dawn l-obbligi.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU 2016, C 202, p. 230.

( 3 ) ĠU 2016, C 202, p. 266.

( 4 ) GURI Nru 40, tad‑9 ta’ Frar 1979, p. 1317.

( 5 ) GURI Nru 178, tat‑3 ta’ Awwissu 2015, p. 1.

( 6 ) Lenaerts. K./Van Nuffel, P., European Union Law, it-tielet edizzjoni, Londra 2011, punt 13‑097, p. 540, jirreferu għall-Artikolu 130 TFUE li minnu jirriżulta li l-BĊE, bħall-banek ċentrali nazzjonali, jeżerċita s-setgħat tiegħu u jwettaq il-kompiti u d-dmirijiet tiegħu b’mod kompletament indipendenti. Skont l-awturi, din l-indipendenza ma tfissirx li l-BĊE huwa kompletament distakkat mill-Unjoni iżda pjuttost tfittex li tipproteġi lill-BĊE minn kull influwenza politika fit-twettiq tal-kompiti tiegħu.

( 7 ) Għalkemm huwa minnu li l-BĊE jgawdi awtonomija funzjonali li fil-kuntest tagħha ġiet stabbilita skema distinta minn dik prevista mir-Regolamenti tal-Persunal, madankollu, meta jistabbilixxi leġiżlazzjoni għall-aġenti tiegħu li, essenzjalment, tirriproduċi dik prevista għall-uffiċjali, u minkejja li d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal ma humiex direttament applikabbli għal dawn l-aġenti, l-insenjamenti li jirriżultaw mill-ġurisprudenza dwar id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal għandhom jibqgħu rilevanti għall-persunal tal-BĊE, tal-inqas meta jirrigwardaw dispożizzjoni legali jew prinċipju applikabbli għall-istituzzjonijiet u għall-korpi kollha tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2021, BZ vs BĊE, T‑554/16, mhux ippubblikata, EU:T:2021:387, punt 70).

( 8 ) Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kunsill et vs K. Chrysostomides & Co. et (C‑597/18 P, C‑598/18 P, C‑603/18 P u C‑604/18 P, EU:C:2020:1028, punt 191).

( 9 ) Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Veit vs BĊE (C‑272/20 P, EU:C:2021:814, punt 55).

( 10 ) Ara s-sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 2004, My (C‑293/03, EU:C:2004:821, punt 44) u tal‑4 ta’ Frar 2021, Ministre de la Transition écologique et solidaire u Ministre de l’Action et des Comptes publics (C‑903/19, EU:C:2021:95, punt 23).

( 11 ) Ara s-sentenza tal‑4 ta’ Frar 2021, Ministre de la Transition écologique et solidaire u Ministre de l’Action et des Comptes publics (C‑903/19, EU:C:2021:95, punt 24).

( 12 ) Kif indikat l-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-konklużjonijiet tagħha fil-kawża Dominguez (C‑282/10, EU:C:2011:559, punt 78), ir-regoli li jistabbilixxu d-drittijiet fundamentali jistgħu, bħala prinċipju, jiġu fformulati b’mod astratt ħafna, b’mod partikolari biex ikunu jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni t-tibdil politiku jew soċjali. Dan japplika iktar u iktar fil-qasam tad-drittijiet soċjali, li spiss jeħtieġu preċiżazzjonijiet, b’mod partikolari minħabba li l-ispejjeż li dawn jirrappreżentaw jistgħu fil-fatt jissuġġettaw it-twettiq ta’ dawn id-drittijiet għall-possibbiltajiet ekonomiċi effettivi tal-Istat. F’dak li jirrigwarda l-implimentazzjoni tad-drittijiet soċjali permezz ta’ leġiżlazzjoni, ara Frenz, W., Handbuch Europarecht, Vol. 4 (Europäische Grundrechte), Vjenna 2009, p. 135, punt 444, u Tridimas, T., “On Constitutional Rights and Political Choices”, European Papers - A Journal on Law and Integration, 2019, Nru 2, p. 568.

( 13 ) Ara s-sentenzi tal‑20 ta’ Ottubru 1981, Il‑Kummissjoni vs Il-Belġju (137/80, EU:C:1981:237, punt 7) u tal‑4 ta’ Frar 2021, Ministre de la Transition écologique et solidaire u Ministre de l’Action et des Comptes publics (C‑903/19, EU:C:2021:95, punti 3637).

( 14 ) Ara s-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 1981, Il‑Kummissjoni vs Il-Belġju (137/80, EU:C:1981:237, punt 9).

( 15 ) Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 1987, Il‑Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (315/85, EU:C:1987:569, punt 19).

( 16 ) Kif spjegajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Hansol Paper (C‑260/20 P, EU:C:2022:13, punt 127), fil-metodu ta’ interpretazzjoni ġuridika, l-użu tal-analoġija huwa ġeneralment suġġett għal ċerti kundizzjonijiet, jiġifieri l-ħtieġa li timtela lakuna ġuridika bl-applikazzjoni ta’ regola tad-dritt għal ipoteżi differenti, iżda li magħha l-każ mhux kopert ikollu xebh fil-livell tar-“ratio” jew tal-“identità essenzjali”. Dan ovvjament japplika biss sakemm il-leġiżlatur ma jkunx opponieha formalment.

( 17 ) Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2017, RL vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (T‑21/17, EU:T:2017:907, punt 51).

( 18 ) Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 1997, Gimenez vs Il‑Kumitat tar-Reġjuni (T‑220/95, EU:T:1997:130, punt 73) u d-digriet tal‑11 ta’ Ottubru 2012, Cervelli vs Il‑Kummissjoni (T‑622/11 P, EU:T:2012:538, punt 25).

( 19 ) Sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2013, (C‑233/12, EU:C:2013:449).

( 20 ) Sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2013 (C‑233/12, EU:C:2013:449, punt 25).

( 21 ) Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2016, Adrien et (C‑466/15, EU:C:2016:749, punt 25).

( 22 ) Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2016, Adrien et (C‑466/15, EU:C:2016:749, punt 26).

( 23 ) Sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2013, Gardella (C‑233/12, EU:C:2013:449, punti 3536).

( 24 ) Sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2013, Gardella (C‑233/12, EU:C:2013:449, punt 35).

( 25 ) Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2014, Guinet vs BEI (F‑107/12, EU:F:2014:1, punt 77), li fiha t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda li mill-Artikolu 45 TFUE la jirriżulta l-obbligu, għal Stat Membru, li jipprevedi l-possibbiltà għal membru tal-persunal tal-BEI li jittrasferixxi l-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni tiegħu miksuba preċedentement lejn l-iskema tal-pensjoni tal-BEI u lanqas l-obbligu li jiġi konkluż ftehim għal dan il-għan.

( 26 ) Fil-verżjonijiet bil-lingwi Franċiżi (“La BCE conclut des accords”) u fil-verżjoni Ingliża (“The ECB shall enter into agreements”) (il-korsiv miżjud minni).

( 27 ) Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2004, My (C‑293/03, EU:C:2004:821, punt 48) u d-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑18 ta’ Settembru 2009, Ricci u Pisaneschi (C‑286/09 u C‑287/09, mhux ippubblikat, EU:C:2009:566, punt 33).

( 28 ) Sentenza tal‑4 ta’ Frar 2021, Ministre de la Transition écologique et solidaire u Ministre de l’Action et des Comptes publics (C‑903/19, EU:C:2021:95, punt 34).

( 29 ) Ara l-punti 34 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 30 ) Ara l-punti 36 u 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 31 ) Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2013, Časta (C‑166/12, EU:C:2013:792, punt 37).

( 32 ) Ara s-sentenzi tas‑7 ta’ Marzu 2018, DW (C‑651/16, EU:C:2018:162, punt 16) u tat‑13 ta’ Frar 2019, Rohart (C‑179/18, EU:C:2019:111, punt 14).

( 33 ) Ara l-punt 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 34 ) Ara s-sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2014, ClientEarth (C‑404/13, EU:C:2014:2382, punt 52) u tat‑8 ta’ Novembru 2016, Lesoochranárske zoskupenie VLK (C‑243/15, EU:C:2016:838, punt 50).

( 35 ) Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2019, Craeynest et (C‑723/17, EU:C:2019:533, punt 54).

( 36 ) Ara s-sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2014, ClientEarth (C‑404/13, EU:C:2014:2382, punt 58) u tas‑26 ta’ Ġunju 2019, Craeynest et (C‑723/17, EU:C:2019:533, punt 56), li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja imponiet fuq il-qrati nazzjonali l-obbligu li jieħdu, fil-konfront tal-awtoritajiet amministrattivi kompetenti, kwalunkwe miżura neċessarja, bħal ordni, sabiex tiġi żgurata l-osservanza tad-dritt ambjentali tal-Unjoni. L-ordni li kellha tiġi adottata mill-qrati nazzjonali kellha l-għan li ġġiegħel lill-awtoritajiet amministrattivi jadottaw miżuri konkreti previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, jiġifieri jistabbilixxu pjan dwar il-kwalità tal-arja u jqiegħdu postijiet ta’ kampjunament li jippermettu li titkejjel il-kwalità tal-arja.

( 37 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Wall (C‑91/08, EU:C:2009:659, punti 132133).

( 38 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Wall (C‑91/08, EU:C:2009:659, punt 134).

( 39 ) Ara s-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2020, Presidenza del Consiglio dei Ministri (C‑129/19, EU:C:2020:566, punt 34) u tal‑25 ta’ Marzu 2021, Balgarska Narodna Banka (C‑501/18, EU:C:2021:249, punt 113).

( 40 ) Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Presidenza del Consiglio dei Ministri (C‑129/19, EU:C:2020:566, punt 35).

( 41 ) Ara l-punt 61 ta’ dawn il-konklużjonijiet.