KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

MEDINA

ippreżentati fil‑15 ta’ Settembru 2022 ( 1 )

Kawża C‑396/21

KT,

NS

vs

FTI Touristik GmbH

(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht München I (il-Qorti Reġjonali ta’ München I, il-Ġermanja))

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 267 TFUE – Direttiva 2015/2302 – Eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ vjaġġi kollox kompriż – Nuqqas ta’ konformità fl-eżekuzzjoni ta’ servizz ta’ vvjaġġar inkluż fil-kuntratt ta’ vjaġġi kollox kompriż – Tnaqqis fil-prezz għal kwalunkwe perjodu li matulu kien hemm nuqqas ta’ konformità – Ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji – Restrizzjonijiet imposti fid-destinazzjoni tal-ivvjaġġar minħabba t-tixrid dinji ta’ marda infettiva – COVID‑19)

Introduzzjoni

1.

Il-pandemija tal-COVID‑19 kienet waħda mill-emerġenzi tas-saħħa l-iktar serji fil-memorja ħajja, li tat lok għal sensiela ta’ kriżijiet. Sabiex jiġġieldu kontra t-tixrid tal-pandemija, il-gvernijiet madwar id-dinja kollha imponew restrizzjonijiet li t-tul u l-ambitu tagħhom huma mingħajr preċedent f’perijodu ta’ paċi. L-isfidi tal-pandemija tal-COVID‑19 huma multipli u multidimensjonali. F’ċerti ċirkustanzi, il-pandemija ttestjat il-kuntest ġuridiku eżistenti u l-effikaċja tiegħu fir-regolazzjoni tal-implikazzjonijiet ta’ tali kriżijiet.

2.

Is-settur tat-turiżmu kien fost uħud mill-iktar li ġew affettwati mill-pandemija ( 2 ). L-effetti tal-pandemija fuq dan is-settur għadhom għaddejjin sal-lum, filwaqt li l-parti l-kbira tal-esperti ma jistennewx li dan is-settur jirkupra b’mod sħiħ qabel l-2024 ( 3 ). Din il-kawża tikkonċerna aspett speċifiku ħafna tal-impatt tal-pandemija, li jirrigwarda l-eżekuzzjoni ta’ kuntratti ta’ vjaġġi kollox kompriż irregolati mid-Direttiva 2015/2302 ( 4 ) u l-eżerċizzju tad-drittijiet minħabba nuqqas ta’ konformità fl-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratti. Minkejja l-ispeċifiċità tagħhom, din il-kawża u l-Kawża marbuta magħha C‑407/21, UFC – Que choisir u CLCV, li fuqha jiena qiegħed nippreżenta l-konklużjonijiet tiegħi llum, għandhom implikazzjonijiet iktar wisgħin peress li huma jistiednu lill-Qorti tal-Ġustizzja, għall-ewwel darba, teżamina l-konsegwenzi tal-pandemija fuq l-eżekuzzjoni kuntrattwali fir-rigward tal-vjaġġi kollox kompriż.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Id‑Direttiva 2015/2302

3.

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2015/2302 jinkludi, fil-punti 12 u 13 tiegħu, id-definizzjonijiet li ġejjin:

“(12)

‘ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji’ tfisser sitwazzjoni lil hinn mill-kontroll tal-parti li tinvoka tali sitwazzjoni u li l-konsegwenzi tagħha ma setgħux jiġu evitati anke jekk ikunu ttieħdu l-miżuri raġonevoli kollha;

(13)

‘nuqqas ta’ konformità’ tfisser nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew eżekuzzjoni mhux xierqa tas-servizzi tal-ivvjaġġar inklużi f’pakkett;”

4.

L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2015/2302, intitolat “Tnaqqis fil-prezz u kumpens għad-danni”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vjaġġatur huwa intitolat għal tnaqqis fil-prezz għal kwalunkwe perjodu li matulu kien hemm nuqqas ta’ konformità, sakemm l-organizzatur ma jagħtix prova li n-nuqqas ta’ konformità huwa attribwibbli lill-vjaġġatur.

2.   Il-vjaġġatur għandu jkun intitolat li jirċievi kumpens adegwat mingħand l-organizzatur għal kwalunkwe dannu li l-vjaġġatur iġarrab bħala riżultat ta’ kwalunkwe nuqqas ta’ konformità. Il-kumpens għandu jingħata mingħajr dewmien żejjed.

3.   Il-vjaġġatur ma għandux ikun intitolat għal kumpens għad-danni jekk l-organizzatur jagħti prova li n-nuqqas ta’ konformità jkun:

(a)

attribwibbli lill-vjaġġatur;

(b)

attribwibbli għal parti terza li ma jkollhiex x’taqsam mal-provvista tas-servizzi tal-ivvjaġġar inklużi fil-kuntratt tal-pakkett ta’ vjaġġar, u jkun imprevedibbli jew inevitabbli; jew

(c)

minħabba ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji.

[…]”

Id-dritt nazzjonali

5.

L-Artikolu 651i tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili, iktar ’il quddiem il-“BGB”) jipprovdi li:

“(1)   L-operatur tal-ġiti għandu jipprovdi lill-vjaġġatur b’pakkett tal-ivvjaġġar ħieles minn difetti tal-ivvjaġġar.

(2)   Il-pakkett tal-ivvjaġġar għandu jkun ħieles minn difetti jekk ikollu l-kwalità miftiehma. Sakemm il-kwalità ma tkunx ġiet miftiehma, il-pakkett tal-ivvjaġġar għandu jkun ħieles minn difetti tal-ivvjaġġar,

1.

jekk ikun adattat għall-użu preżunt skont il-kuntratt, inkella

2.

jekk ikun adattat għal użu normali u jkollu kwalità normali għall-pakketti tal-ivvjaġġar tal-istess tip u li l-vjaġġatur jista’ jistenna skont in-natura tal-pakkett tal-ivvjaġġar.

Difett tal-ivvjaġġar għandu jeżisti wkoll jekk l-operatur tal-ġiti ma jipprovdix servizzi tal-ivvjaġġar jew jipprovdihom b’dewmien mhux raġonevoli.

(3)   . Jekk il-pakkett tal-ivvjaġġar ikun difettuż, il-vjaġġatur jista’, jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fid-dispożizzjonijiet li ġejjin jiġu ssodisfatti u sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor,

[…]

6.   jeżerċita d-drittijiet li jirriżultaw minn tnaqqis fil-prezz tal-vjaġġ (Artikolu 651m) […]”

6.

L-Artikolu 651m tal-BGB jipprovdi, fis-subparagrafu 1 tiegħu:

“Il-prezz tal-vjaġġ għandu jitnaqqas għat-tul tad-difett tal-ivvjaġġar. Fil-każ ta’ tnaqqis fil-prezz, il-prezz tal-vjaġġ għandu jitnaqqas bil-proporzjon li l-valur tal-pakkett tal-ivvjaġġar ħieles minn difetti kien ikollu, fiż-żmien tal-konklużjoni tal-kuntratt, għall-valur reali. Fejn meħtieġ, it-tnaqqis fil-prezz għandu jiġi stabbilit permezz ta’ stima.”

Il‑fatti, il‑proċedura u d‑domandi preliminari

7.

Fit‑30 ta’ Diċembru 2019, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali rriżervaw vaganza ta’ 14‑il jum mill-Ġermanja lejn il-Gżejjer Kanarji fi Spanja għall-perijodu mit‑13 ta’ Marzu 2020 sas‑27 ta’ Marzu 2020. Ir-rikorrenti telqu għall-vaganzi kif ippjanat.

8.

Madankollu, fil‑15 ta’ Marzu 2020, il-bajjiet ingħalqu u daħlet fis-seħħ curfew sabiex tiġi kkontrollata l-pandemija tal-COVID‑19. Fil-kumpless tal-lukandi fejn kienu qegħdin joqogħdu r-rikorrenti, l-aċċess għall-pixxini u s-sodod għat-tixmix kien ipprojbit u l-programm ta’ divertiment ġie interrott. Ir-rikorrenti ġew awtorizzati joħorġu mill-kamra tagħhom biss sabiex jieklu jew jixorbu. Fit‑18 ta’ Marzu 2020, ir-rikorrenti ġew informati mill-awtoritajiet li kellhom ikunu lesti f’kull ħin li jitilqu għall-ajruport fi żmien siegħa. Wara sebat ijiem, il-vjaġġ tagħhom intemm u huma rritornaw il-Ġermanja.

9.

Ir-rikorrenti ppreżentaw rikors quddiem l-Amtsgericht München (il-Qorti Distrettwali ta’ München, il-Ġermanja) kontra l-konvenuta, FTI Touristik GmbH, fejn talbu tnaqqis fil-prezz ta’ 70 % tal-prezz tal-vjaġġ pro rata għal sebat ijiem. Fis-sentenza tagħha tas‑26 ta’ Novembru 2020, din il-qorti ċaħdet dan ir-rikors minħabba li l-miżuri meħuda għall-protezzjoni tas-saħħa tal-vjaġġaturi minħabba virus qattiel ma jikkwalifikawx bħala difett tal-ivvjaġġar fis-sens tal-Artikolu 651i tal-BGB.

10.

Ir-rikorrenti appellaw quddiem il-qorti tar-rinviju. Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-Artikolu 651i tal-BGB jipprevedi responsabbiltà assoluta min-naħa tal-organizzatur. Għaldaqstant, jista’ jiġi sostnut li l-organizzatur huwa responsabbli għar-restrizzjonijiet imposti abbażi tal-miżuri ta’ protezzjoni tas-saħħa. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tinnota li, fiż-żmien tal-vjaġġ, ġew imposti wkoll restrizzjonijiet simili fil-Ġermanja. Għalhekk jista’ jkun possibbli li l-miżuri adottati mill-awtoritajiet Spanjoli jiġu kklassifikati bħala ċirkustanzi mhux eċċezzjonali fid-destinazzjoni tal-vjaġġ, iżda bħala miżuri normali meħuda fl-Ewropa kollha b’reazzjoni għall-pandemija.

11.

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji dwar jekk ir-restrizzjonijiet imposti jistgħux jitqiesu bħala “riskju ġenerali tal-ħajja” li għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2015/2302. Kif tispjega din il-qorti, dik it-teorija toriġina mill-ġurisprudenza tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja). Skont din it-teorija, l-obbligu li jitħallas kumpens skont il-kuntratti tal-ivvjaġġar jista’ jkun limitat fid-dawl ta’ ċirkustanzi li jaqgħu fl-isfera personali tal-vjaġġatur jew li fihom iseħħu r-riskji li l-vjaġġatur għandu jsostni fil-ħajja kwotidjana tiegħu. Għaldaqstant, il-vjaġġatur għandu jassumi r-riskji ta’ impriża li jaqgħu taħt riskji ġenerali tal-ħajja f’każijiet fejn ma jkunx hemm ksur tal-obbligi min-naħa tal-organizzatur, inkella, id-dannu ma jkunx dovut għal fatt li jwassal għar-responsabbiltà tal-organizzatur. Dan ikun il-każ, pereżempju, jekk, minbarra l-użu tas-servizzi tal-ivvjaġġar, il-vjaġġatur ikollu inċident, jimrad jew jisfa vittma ta’ reat fid-destinazzjoni tal-vaganzi jew inkella ma jkunx f’pożizzjoni li juża servizzi oħra tal-ivvjaġġar għal raġunijiet personali.

12.

Skont il-qorti tar-rinviju, ma jistax jiġi eskluż li t-tifqigħa possibbli ta’ pandemija ma ġietx ikkunsidrata fil-mument tal-adozzjoni tad-Direttiva 2015/2302.

13.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht München I (il-Qorti Reġjonali ta’ München I, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda li ġejja għal deċiżjoni preliminari:

“Restrizzjonijiet fir-rigward ta’ marda infettiva prevalenti fid-destinazzjoni jikkostitwixxu nuqqas ta’ konformità fis-sens tal-Artikolu 14(1) tad-[Direttiva 2015/2302] anki jekk, minħabba t-tixrid globali tal-marda infettiva, restrizzjonijiet bħal dawn ġew imposti kemm fil-post ta’ residenza tal-vjaġġatur kif ukoll f’pajjiżi oħra?”

L-analiżi

14.

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2015/2302 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-vjaġġatur ikun intitolat għal tnaqqis fil-prezz minħabba nuqqas ta’ konformità fil-prestazzjoni tal-kuntratt tal-vjaġġi kollox kompriż fejn in-nuqqas ta’ konformità jkun dovut għal restrizzjonijiet imposti sabiex jiġi evitat it-tixrid ta’ marda infettiva prevalenti fid-destinazzjoni tal-vjaġġ, meta tali restrizzjonijiet ikunu imposti wkoll fil-post ta’ residenza tal-vjaġġatur u fid-dinja kollha.

(a)   Id‑dritt għal tnaqqis fil‑prezz fil‑kuntest tal‑pandemija tal‑COVID‑19

15.

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-metodi ta’ interpretazzjoni użati mill-Qorti tal-Ġustizzja jeħtieġu li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tad-dispożizzjoni kkonċernata, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mill-att li minnu hija tagħmel parti ( 5 ). L-oriġini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ tipprovdi wkoll informazzjoni rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha ( 6 ).

16.

Fl-ewwel lok, skont il-formulazzjoni tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2015/2302, il-vjaġġatur huwa intitolat “għal tnaqqis fil-prezz [adegwat] għal kwalunkwe perjodu li matulu kien hemm nuqqas ta’ konformità, sakemm l-organizzatur ma jagħtix prova li n-nuqqas ta’ konformità huwa attribwibbli lill-vjaġġatur”. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li d-dritt għal tnaqqis fil-prezz huwa suġġett għal kundizzjoni waħda, jiġifieri n-“nuqqas ta’ konformità” u għal eċċezzjoni waħda, jiġifieri meta n-nuqqas ta’ konformità jkun attribwibbli lill-vjaġġatur.

17.

Il-kunċett ta’ “nuqqas ta’ konformità” huwa ddefinit fil-punt 13 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2015/2302 bħala “nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew eżekuzzjoni mhux xierqa tas-servizzi tal-ivvjaġġar inklużi f’pakkett”. Din id-definizzjoni ma timplika l-ebda element ta’ ħtija jew ta’ teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi li għalihom in-nuqqas ta’ konformità huwa dovut. Għaldaqstant, il-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ konformità ma timplika xejn iktar ħlief paragun bejn is-servizzi inklużi fil-pakkett u dawk effettivament ipprovduti. Din hija konstatazzjoni oġġettiva. Għaldaqstant, id-dritt tal-vjaġġatur li jibbenefika minn tnaqqis fil-prezz minħabba nuqqas ta’ konformità ma jistax jiddependi fuq ir-raġuni ta’ dan in-nuqqas ta’ konformità jew, skont kif tgħid il-Kummissjoni, tal-oriġini tiegħu.

18.

L-eċċezzjoni stabbilita mill-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2015/2302 għad-dritt għal tnaqqis fil-prezz hija ċara: fejn in-nuqqas ta’ konformità jkun attribwibbli lill-vjaġġatur. Bħala eċċezzjoni għar-regola, din għandha tiġi interpretata b’mod strett. Għaldaqstant, din ma tistax tiġi estiża għal sitwazzjonijiet li ma humiex espliċitament previsti.

19.

Minn dan isegwi li nuqqas ta’ konformità attribwibbli lil kwalunkwe persuna oħra (l-organizzatur, il-fornitur ta’ servizzi, jew parti terza li ma jkollhiex x’taqsam mal-kuntratt tal-vjaġġi kollox kompriż) jew li huwa dovut għal ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji, fis-sens tal-punt 12 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2015/2302, ma jeskludix id-dritt tal-vjaġġatur li jirċievi tnaqqis fil-prezz. Kif il-Gvern Finlandiż ġustament josserva fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-nuqqas ta’ konformità, ma huwiex rilevanti dak li konsumatur raġonevoli kien jistenna fid-dawl taċ-ċirkustanzi li seħħew wara l-konklużjoni tal-kuntratt tal-vjaġġi kollox kompriż. Din l-evalwazzjoni tista’ tiddependi biss fuq is-servizzi effettivament previsti fil-kuntratt tal-ivvjaġġar.

20.

Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-kuntest tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2015/2302, li jagħmel parti mill-Kapitolu IV tagħha li fih regoli dwar l-eżekuzzjoni tal-pakkett. Sabiex jintlaħaq l-għan ta’ armonizzazzjoni fil-qasam tal-kuntratti tal-pakkett, din id-direttiva tistabbilixxi sistema ta’ responsabbiltà kuntrattwali għall-organizzaturi tal-vjaġġi kollox kompriż fir-rigward tal-konsumaturi li kkonkludew kuntratt magħhom għal vjaġġ bħal dan ( 7 ). Din is-sistema ta’ responsabbiltà kuntrattwali hija kkaratterizzata minn żewġ karatteristiċi importanti. L-ewwel nett, ir-responsabbiltà hija mingħajr nuqqas u r-raġunijiet għal eżenzjoni huma previsti b’mod eżawrjenti. It-tieni, hija tikkonċentra r-responsabbiltà fuq l-organizzatur għal kwalunkwe nuqqas ta’ konformità.

21.

B’mod partikolari, l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2015/2302 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-organizzatur ikun responsabbli għall-eżekuzzjoni tas-servizzi tal-ivvjaġġar inklużi fil-kuntratt tal-vjaġġi kollox kompriż, kemm jekk dawn is-servizzi għandhom jitwettqu mill-organizzatur kif ukoll minn fornituri oħra ta’ servizzi tal-ivvjaġġar. Skont l-Artikolu 13(3) ta’ din id-direttiva, jekk wieħed mis-servizzi tal-ivvjaġġar ma jiġix eżegwit skont il-kuntratt tal-pakkett tal-ivvjaġġar, l-organizzatur għandu jirrimedja għan-nuqqas ta’ konformità, sakemm dan ma jkunx impossibbli jew jinvolvi spejjeż sproporzjonati, fid-dawl tal-portata tan-nuqqas ta’ konformità u tal-valur tas-servizzi tal-ivvjaġġar affettwati. F’sitwazzjonijiet fejn l-organizzatur ma jirrimedjax in-nuqqas ta’ konformità, japplika l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2015/2302.

22.

Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2015/2302 jipprevedi għal żewġ drittijiet distinti fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità: id-dritt għal tnaqqis fil-prezz, fil-paragrafu 1 tiegħu, u d-dritt li jirċievi kumpens adegwat, fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu. Dawn id-drittijiet huma suġġetti għal kundizzjonijiet differenti. Minn naħa, kif imsemmi fil-punt 16 iktar ’il fuq, id-dritt għal tnaqqis fil-prezz joriġina fejn ikun hemm nuqqas ta’ konformità u huwa eskluż biss jekk l-organizzatur jagħti prova li n-nuqqas ta’ konformità jkun attribwibbli lill-vjaġġatur. Min-naħa l-oħra, id-dritt għal kumpens joriġina meta d-dannu jirriżulta minn nuqqas ta’ konformità u l-uniċi eċċezzjonijiet huma dawk elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2015/2302. B’mod speċifiku, l-organizzatur għandu jagħti prova li n-nuqqas ta’ konformità huwa attribwibbli lill-vjaġġatur jew lil parti terza mhux marbuta mal-provvista tas-servizzi tal-ivvjaġġar inklużi fil-kuntratt tal-vjaġġi kollox kompriż, jew huwa dovut għal ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji.

23.

Mill-istruttura tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2015/2302 jirriżulta li l-eċċezzjonijiet għad-dritt għal kumpens għad-danni huma speċifiċi għal dan id-dritt u ma jistgħux jiġu trasposti għad-dritt li wieħed jibbenefika minn tnaqqis fil-prezz.

24.

Fl-aħħar nett, din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-għan imfittex mid-Direttiva 2015/2302, li jikkonsisti, inter alia, skont l-Artikolu 1 tagħha, f’li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi. Fid-dawl ta’ dan l-għan, l-obbligi li jirriżultaw minn kuntratt ta’ vjaġġi kollox kompriż, li l-eżekuzzjoni mhux xierqa jew in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tiegħu jagħtu lok għar-responsabbiltà tal-organizzatur, ma jistgħux jiġu interpretati b’mod restrittiv ( 8 ). Kif tistqarr essenzjalment il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha ( 9 ), din l-interpretazzjoni hija kompatibbli mal-għan tas-sistema ta’ responsabbiltà kuntrattwali stabbilita minn din id-direttiva li tiffoka r-responsabbiltà fuq l-organizzatur għall-każijiet kollha ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew ta’ eżekuzzjoni mhux xierqa tal-kuntratt. F’każijiet bħal dawn, il-konsumatur jista’ jaġixxi kontra l-organizzatur mingħajr ma jkollu jagħmel riċerki addizzjonali sabiex jidentifika l-persuna jew il-kawża tan-nuqqas ta’ konformità, u b’hekk jippermetti livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi.

25.

Is-separazzjoni tad-dritt għal tnaqqis fil-prezz mill-kawża tan-nuqqas ta’ konformità hija appoġġjata mill-oriġini tad-dispożizzjoni inkwistjoni. Il-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni kienet tipprevedi, fl-Artikolu 12 tagħha, l-istess eċċezzjonijiet għad-dritt għal tnaqqis fil-prezz u għad-dritt għal kumpens għad-danni ( 10 ). B’mod speċifiku, il-vjaġġatur ma kienx intitolat għal tnaqqis fil-prezz jekk l-organizzatur jagħti prova, fost l-oħrajn, li n-nuqqas ta’ konformità huwa dovut għal ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji. Madankollu, matul il-proċess leġiżlattiv, id-dritt li wieħed jirċievi tnaqqis fil-prezz ġie sseparat mid-dritt għal kumpens. Kif il-Kummissjoni essenzjalment tosserva fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, dan jikkorrobora l-konklużjoni li l-leġiżlatur ried jirrikonoxxi lill-vjaġġatur id-dritt għal tnaqqis fil-prezz irrispettivament minn kunsiderazzjonijiet ta’ ħtija jew ta’ kawża tan-nuqqas ta’ konformità, inkluż fil-każ ta’ ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji.

26.

Mill-kliem, mill-kuntest u mill-għan tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2015/2302, kif ukoll mill-oriġini tiegħu, jirriżulta li l-vjaġġatur għandu d-dritt għal tnaqqis fil-prezz meta ma jkun hemm l-ebda ħtija min-naħa tal-organizzatur u meta n-nuqqas ta’ konformità jkun dovut għal ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji.

27.

F’din il-kawża, ġie stabbilit li n-nuqqas ta’ konformità kien attribwibbli għar-restrizzjonijiet imposti mill-awtoritajiet amministrattivi sabiex jiġi evitat it-tixrid tal-pandemija COVID‑19 f’Marzu 2020. Tali miżuri jikkostitwixxu effetti legali tal-pandemija, li huma distinti mill-effetti fattwali tal-pandemija (li jimplikaw, pereżempju, il-marda, l-iżolament jew il-mewt tal-persunal prinċipali) ( 11 ). Id-duttrina tirreferi għall-kunċett ta’ fait du prince sabiex jiġu indikati miżuri leġiżlattivi jew projbizzjonijiet li jirrendu l-eżekuzzjoni kuntrattwali impossibbli u jeħilsu lid-debitur mir-responsabbiltà ċivili biex iħallas għad-danni ( 12 ). L-intervent tal-awtoritajiet pubbliċi fir-relazzjoni kuntrattwali ġeneralment jikkostitwixxi każ ta’ forza maġġuri ( 13 ). Kif spjegajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża relatata C‑407/21, UFC –Que choisir u CLCV, fil-kuntest tad-Direttiva 2015/2302, il-kunċett ta’ forza maġġuri jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji”, fis-sens tal-punt 12 tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva. F’dan il-każ, ir-restrizzjonijiet leġiżlattivi imposti f’Marzu 2020 b’risposta għall-pandemija għandhom jitqiesu li jaqgħu taħt dan il-kunċett. Fil-fatt, tali restrizzjonijiet jikkostitwixxu sitwazzjoni lil hinn mill-kontroll tal-organizzatur, li l-konsegwenzi tagħha ma setgħux jiġu evitati anki li kieku l-miżuri raġonevoli kollha kienu ttieħdu ( 14 ).

28.

Kif diġà ssemma, l-okkorrenza ta’ ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji ma teżentax lill-organizzatur mill-obbligu tiegħu li jagħti tnaqqis fil-prezz. Sabiex il-vjaġġatur ikun intitolat għal tnaqqis fil-prezz, il-qorti nazzjonali għandha sempliċement tikkonstata li s-servizzi tal-ivvjaġġar inklużi fil-pakkett ma ġewx eżegwiti jew ġew eżegwiti b’mod mhux xieraq. Għalhekk, il-fatt li n-nuqqas ta’ konformità huwa dovut għal restrizzjonijiet imposti b’reazzjoni għall-pandemija, li jikkostitwixxu ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji, u l-fatt li miżuri simili kienu ġew imposti wkoll fil-post ta’ residenza tal-vjaġġatur ma jaffettwawx id-dritt għal tnaqqis fil-prezz.

29.

Madankollu, tressqu argumenti differenti kontra tali interpretazzjoni fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID‑19. Qabelxejn, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu l-Gvern Ċek argumenta li d-Direttiva 2015/2302 ma hijiex applikabbli f’tali ċirkustanzi. Il-qorti tar-rinviju għandha wkoll dubji dwar il-kwistjoni jekk il-pandemija taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni protettiv ta’ din id-direttiva. Għar-raġunijiet li spjegajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża relatata C‑407/21, UFC – Que choisir u CLVC, ippreżentati llum fil-kuntest tal-analiżi tat-tieni domanda, jiena ma naqbilx ma’ din il-pożizzjoni. Fil-fatt, fl-istat attwali tal-liġi, l-applikazzjoni tad-Direttiva 2015/2302 ma hijiex limitata għal każijiet ta’ tfixkil tal-vjaġġi ta’ ċerta skala jew fuq livell lokali.

30.

Fir-rigward tar-rilevanza tat-teorija tar-“riskju ġenerali tal-ħajja”, kif ġiet spjegata mill-qorti tar-rinviju ( 15 ), ninnota li din ma tikkonċernax id-dritt għal tnaqqis fil-prezz, iżda r-responsabbiltà tal-organizzatur għall-ħlas ta’ kumpens għad-danni. Madankollu, kif spjegajt fil-punt 22 iktar ’il fuq, skont id-Direttiva 2015/2302, id-dritt għal tnaqqis fil-prezz u d-dritt għad-danni huma suġġetti għal kundizzjonijiet differenti. Għalhekk, din it-teorija hija, fl-opinjoni tiegħi, irrilevanti għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-dritt għal tnaqqis fil-prezz. Barra minn hekk, f’din il-kawża, ma hijiex kwistjoni li l-vjaġġatur ma jistax juża s-servizzi tal-kuntratt tal-vjaġġi kollox kompriż minħabba riskju ġenerali tal-ħajja li kkonkretizza ruħu għall-vjaġġatur (pereżempju, għaliex huwa ġie infettat bil-virus). Dan huwa nuqqas ta’ eżekuzzjoni tas-servizzi, li sar legalment impossibbli minħabba l-adozzjoni ta’ miżuri governattivi.

31.

Il-Gvern Ċek argumenta li l-osservanza tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ hija klawżola impliċita ta’ kull kuntratt. Ir-restrizzjonijiet imposti waqt li l-vjaġġatur kien fid-destinazzjoni tal-vjaġġ kienu japplikaw erga omnes u kellhom jiġu osservati mill-organizzatur, mill-fornitur tas-servizzi u mill-vjaġġatur ukoll. Għalhekk, skont il-Gvern Ċek, l-organizzatur ma għandux ikun responsabbli għal difett li jirriżulta minn restrizzjonijiet imposti mill-Istat.

32.

Il-partijiet huma tabilħaqq obbligati jirrispettaw id-dritt fis-seħħ fil-pajjiż ta’ destinazzjoni. Fiċ-ċirkustanzi tal-każ attwali, dan ifisser li l-organizzatur, kif ukoll il-fornitur ta’ servizzi, kienu obbligati jikkonformaw mar-restrizzjonijiet imposti mill-Gvern Spanjol. Il-konsegwenza tal-obbligu ta’ konformità mal-miżuri legali fis-seħħ kienet li l-eżekuzzjoni ta’ ċerti servizzi li jinvolvu kuntatt soċjali saru legalment impossibbli. Ir-restrizzjonijiet tal-gvern għandhom imbagħad jeżentaw lill-organizzatur mill-eżekuzzjoni tal-obbligi kuntrattwali li huma affettwati mir-restrizzjonijiet governattivi. Barra minn hekk, l-organizzatur ma għandux, fil-prinċipju, jinżamm responsabbli għad-danni skont l-Artikolu 14(3)(c) tad-Direttiva 2015/2302. Madankollu, fid-dawl tal-istruttura tal-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva spjegata fil-punti 20 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-organizzatur ma huwiex eżentat mill-obbligu tiegħu li jipprovdi tnaqqis adegwat fil-prezz tal-pakkett. Għalhekk, nikkunsidra li l-argument tal-Gvern Ċek dwar it-terminu impliċitu tal-kuntratt ma jaffettwax id-dritt tal-vjaġġatur li jingħata tnaqqis fil-prezz.

33.

Il-qorti tar-rinviju enfasizzat il-fatt li r-restrizzjonijiet ġew imposti mhux biss fil-post tad-destinazzjoni, iżda wkoll fil-post ta’ residenza tal-vjaġġatur. Dan ser jinvolvi evalwazzjoni tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fid-dawl taċ-ċirkustanzi prevalenti fil-mument li fih iseħħ in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni. Madankollu, kif ġie enfasizzat iktar ’il fuq, in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ma huwiex evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi sussegwenti għall-konklużjoni tal-kuntratt. Huwa jiġi evalwat b’kunsiderazzjoni tas-servizzi tal-ivvjaġġar inklużi fil-kuntratt li ma jistgħux jibqgħu jiġu eżegwiti wara l-bidu tal-pakkett. Kwistjoni oħra, mhux imqajma f’dan il-każ, hija dwar jekk ikunx hemm nuqqas ta’ konfomità meta l-partijiet jikkonkludu l-kuntratt wara li r-restrizzjonijiet jiġu imposti.

34.

Għandu jiġi enfasizzat ukoll li t-twettiq, mill-organizzatur, tal-obbligu tiegħu li jagħti tnaqqis fil-prezz, anki meta n-nuqqas ta’ konformità tkun dovuta għal ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji, hija bla ħsara għad-dritt tiegħu għal azzjoni legali skont l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2015/2302. Dan l-artikolu jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta organizzatur jagħti tnaqqis fil-prezz, huwa għandu jkollu d-dritt li jitlob kumpens lil kull parti terza li tkun ikkontribwixxiet għall-avveniment li jwassal għat-tnaqqis fil-prezz. Din id-dispożizzjoni tirrappreżenta “kontrapiż” tas-sistema ta’ responsabbiltà assoluta prevista fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2015/2302. L-obbligu tal-organizzatur li jagħti tnaqqis fil-prezz jista’ wkoll ikun element meħud inkunsiderazzjoni mill-Istati Membri sabiex jiddeċiedu l-livell ta’ appoġġ li għandu jingħata lill-organizzaturi għall-pandemija, skont il-Qafas Temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat ( 16 ).

35.

Il-konklużjoni intermedjarja tiegħi hija għalhekk li l-vjaġġatur huwa intitolat għal tnaqqis fil-prezz minħabba nuqqas ta’ konformità fit-twettiq tal-kuntratt tal-pakkett, skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2015/2302, f’ċirkustanzi fejn in-nuqqas ta’ konformità jkun dovut għal restrizzjonijiet imposti sabiex tiġi kkontrollata marda infettiva u fejn tali restrizzjonijiet ikunu ġew imposti wkoll fil-post ta’ residenza tal-vjaġġatur u fid-dinja kollha.

36.

Madankollu, anki jekk il-kawża tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ma taffettwax id-dritt tal-konsumatur għal tnaqqis fil-prezz bħala tali, dan għandu jaffettwa, kif ser nispjega fis-sottotaqsima segwenti, fuq l-ammont tat-tnaqqis li l-vjaġġatur huwa intitolat li jirċievi.

(b)   Il‑limitazzjoni tad‑dritt għal tnaqqis fil‑prezz fil‑kuntest tal‑pandemija tal‑COVID‑19

37.

L-istabbiliment tal-obbligu tal-organizzatur li jagħti tnaqqis fil-prezz skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2015/2302 ma huwiex illimitat fl-ambitu. Fl-ewwel lok, dan l-obbligu jista’ jiġi evalwat biss fid-dawl tal-ambitu tas-servizzi inklużi fil-pakkett, li n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew l-eżekuzzjoni mhux xierqa tagħhom jikkostitwixxu nuqqas ta’ konformità. Min-naħa tiegħu, kif jenfasizza l-Gvern Franċiż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, in-nuqqas ta’ konformità għandu “limitazzjoni intrinsika”, peress li dan jista’ jiġi evalwat biss fid-dawl tal-kuntratt tal-ivvjaġġar. Għaldaqstant, l-organizzatur ma jistax jinżamm responsabbli għat-telf tat-tgawdija tas-servizzi li ma jaqgħux fl-ambitu tal-kuntratt tal-ivvjaġġar. F’dan il-każ, jidher li l-aċċess għall-bajjiet pubbliċi jew għall-ħwienet, għar-ristoranti u għall-postijiet ta’ divertiment barra mill-kumpless tal-lukanda ma kienx kopert mill-kuntratt tal-ivvjaġġar. Dan huwa fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.

38.

Fit-tieni lok, il-vjaġġatur huwa intitolat, skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2015/2302, minn tnaqqis fil-prezz “adegwat”. Il-leġiżlatur ma speċifikax rata, somma f’daqqa jew metodu ta’ kalkolu partikolari. L-ammont tat-tnaqqis “adegwat” huwa ddeterminat mill-qorti billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ inkwistjoni. Fl-evalwazzjoni tagħha, il-qorti nazzjonali tista’ għalhekk tieħu inkunsiderazzjoni l-oriġini tan-nuqqas ta’ konformità, jekk kienx jeżisti nuqqas min-naħa tal-organizzatur u l-possibbiltà għall-organizzatur li jirkupra, sussegwentement fil-katina tan-negozju jew mill-Istat, is-somom imħallsa lill-vjaġġatur. Fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, fost il-fatturi rilevanti għal din l-evalwazzjoni hemm il-fatt li n-nuqqas ta’ konformità kien esklużivament dovut għall-miżuri meħuda fid-dawl tal-emerġenza ta’ saħħa pubblika u intiżi għall-protezzjoni tal-pubbliku, inklużi l-vjaġġaturi.

39.

Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li d-Direttiva 2015/2302 ma tipprevedix terminu speċifiku għall-ħlas tat-tnaqqis fil-prezz li l-vjaġġatur għandu dritt għalih f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità. Fir-rigward tal-kumpens, l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2015/2302 jeħtieġ li dan isir “mingħajr dewmien żejjed”. Minkejja n-nuqqas ta’ riferiment simili rigward il-ħlas tat-tnaqqis fil-prezz, ikun konformi mal-għan protettiv tad-direttiva li jiġi kkunsidrat li t-tnaqqis fil-prezz għandu jitħallas ukoll “mingħajr dewmien żejjed”. F’dan il-każ, tali interpretazzjoni tippermetti lill-qorti nazzjonali tieħu inkunsiderazzjoni l-problemi ta’ likwidità tal-organizzaturi tal-ivvjaġġar li kienu affettwati b’mod qawwi mill-pandemija tal-COVID‑19.

40.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li l-ammont tat-tnaqqis fil-prezz li minnu jibbenefika vjaġġatur skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2015/2302 għandu jkun adegwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.

Konklużjoni

41.

Fuq il-bażi tal-analiżi preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi magħmula mill-Landgericht München I (il-Qorti Reġjonali ta’ München I, il-Ġermanja):

L-Artikolu 14(1) tad-Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2015 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE,

għandu jiġu interpretat kif ġej:

il-vjaġġatur huwa intitolat għal tnaqqis fil-prezz minħabba nuqqas ta’ konformità fit-twettiq tal-kuntratt tal-pakkett, f’ċirkustanzi fejn in-nuqqas ta’ konformità huwa dovut għal restrizzjonijiet imposti sabiex jiġi evitat it-tixrid ta’ marda infettiva li hija prevalenti fid-destinazzjoni tal-vjaġġ, fejn tali restrizzjonijiet huma imposti wkoll fil-post ta’ residenza tal-vjaġġatur u fid-dinja kollha. Madankollu, l-ammont tat-tnaqqis fil-prezz għandu jkun adegwat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Ara d-data miġbura mill-Organizzazzjoni Dinjija tat-Turiżmu (https://www.unwto.org/tourism-data/international-tourism-and-covid-19).

( 3 ) Ara Forum Ekonomiku Dinji, “This is the impact of COVID‑19 on the travel sector” (https://www.weforum.org/agenda/2022/01/global-travel-tourism-pandemic-covid-19/).

( 4 ) Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2015 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE (ĠU 2015, L 326, p. 1).

( 5 ) Sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2021, Commerzbank (C‑296/20, EU:C:2021:784, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 6 ) Sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2019, Planet49 (C‑673/17, EU:C:2019:801, punt 48).

( 7 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2021, Kuoni Travel (C‑578/19, EU:C:2021:213, punt 34).

( 8 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2021, Kuoni Travel (C‑578/19, EU:C:2021:213, punt 45).

( 9 ) Il-Kummissjoni tiċċita f’dan is-sens il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Kuoni Travel (C‑578/19, EU:C:2020:894, punt 40).

( 10 ) Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-vjaġġi kollox kompriż (package travel) u arranġamenti tal-ivvjaġġar assistiti, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004, id-Direttiva 2011/83/UE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE (COM/2013/0512 final – 2013/0246 (COD)).

( 11 ) Berger, K.P. u Behn, D., ‘Force Majeure and Hardship in the Age of Corona: A Historical and Comparative Study’McGill Journal of Dispute Resolution, Vol. 6 (2019-2020), Numru 4, p. 79‑130, p. 91.

( 12 ) Ara Heinich J., ‘L’incidence de l’épidemie de coronavirus sur les contrats d’affaires: de la force majeure à l’imprévision’, Recueil Dalloz 2020, p. 611, u Philippe D., ‘The Impact of the Coronavirus Crisis on the Analysis and Drafting of Contract Clauses’, f’Hondius, E., Santos Silva, M., Nicolussi A., Salvador Coderch, P., Wenderhorst, C. u Zoll, F. (edituri), Coronavirus and the Law in Europe (Intersentia, Cambridge, Antwerp, Chicago, 2021), pp. 527-552, p. 537. B’mod ġenerali ara Aune, A.C., Le “fait du prince” en droit privé, RLDC, 2008, 2930.

( 13 ) Ara Philippe, D., ‘The Impact of the Coronavirus Crisis on the Analysis and Drafting of Contract Clauses’ f’Hondius, E., et al., op.cit., 527, 537.

( 14 ) Ara, Borghetti, J.-S., ‘Non-Performance and the Change of Circumstances under French Law’, f’Hondius, E., et al., op.cit., pp. 509-526, p. 515, li jindika li “minbarra l-każ eċċezzjonali fejn il-miżuri tal-lockdown kienu prevedibbli b’mod raġonevoli fiż-żmien tal-konklużjoni tal-kuntratt, dawn il-miżuri għandhom […] jitqiesu bħala li jammontaw għal forza maġġuri […]”.

( 15 ) Ara l-punt 11 iktar ’il fuq.

( 16 ) Komunikazzjoni mill-Qafas Temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex jingħata sostenn lill-ekonomija matul it-tifqigħa preżenti tal-COVID‑19 2020/C 91 I/01, C/2020/1863 (ĠU 2020, C 91I, p. 1) (il-Qafas Temporanju). Sa mill-adozzjoni tiegħu, il-Qafas Temporanju ġie emendat sitt darbiet.