KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit‑22 ta’ Settembru 2022 ( 1 )

Kawża C‑375/21

Sdruzhenie “Za Zemyata ‑ dostap do pravosadie”et

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2010/75/UE – Emissjonijiet industrijali – Prevenzjoni u tnaqqis integrati tat-tniġġis – Iffissar ta’ valuri limitu tal-emissjonijiet inqas stretti – Osservanza tal-istandards marbuta mal-kwalità tal-ambjent – Obbligi tal-awtorità kompetenti – Direttiva 2008/50/KE – Kwalità tal-arja fl-ambjent – Valuri limitu tal-kwalità tal-arja għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem – Qbiż – Pjan dwar il-kwalità tal-arja”

I. Introduzzjoni

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda r-relazzjoni bejn żewġ tipi differenti ta’ valuri limitu u bejn id-direttivi li minnhom jirriżultaw dawn il-valuri limitu. Id-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali ( 2 ) tistabbilixxi valuri limitu tal-emissjonijiet għall-installazzjonijiet industrijali. B’mod parallel, id-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent ( 3 ) tipprevedi valuri limitu dwar il-kwalità tal-arja. Iż-żewġ liġijiet huma mfassla biex jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent fil-qasam tal-kwalità tal-arja, iżda jipproduċu l-effetti tagħhom fuq livelli differenti. Il-valuri limitu tal-emissjonijiet stabbiliti permezz tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali japplikaw direttament għal sors ta’ inkwinanti atmosferiċi, biex ngħidu hekk, għaċ-ċmieni. Min-naħa l-oħra, il-valuri limitu dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent stabbiliti fid-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent jirrigwardaw ir-riżultat globali tas-sorsi kollha ta’ inkwinanti atmosferiċi fl-arja ambjentali, jiġifieri l-arja li nieħdu n-nifs minnha. Madankollu, huwa ċar li l-applikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ liġijiet għandha tkun ikkoordinata.

2.

Il-kawża prinċipali toriġina mill-aġġornament tal-permess eżistenti ta’ impjant tal-enerġija termali li jaħdem bil-linjite, skont id-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali. Peress li l-osservanza tal-valuri limitu ta’ rilaxx tad-dijossidu tal-kubrit li huma applikabbli skont din id-direttiva kienet ser tinvolvi żieda sproporzjonata fl-ispejjeż, ġew stabbiliti valuri limitu ta’ emissjonijiet inqas stretti, kif tippermetti, bħala prinċipju, dispożizzjoni li tidderoga li tinsab fid-Direttiva.

3.

Madankollu, fiż-żona affettwata mill-impjant, il-valuri limitu tal-kwalità tal-arja stabbiliti għad-dijossidu tal-kubrit permezz tad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent jinqabżu u pjan dwar il-kwalità tal-arja adottat għal din ir-raġuni, u intiż sabiex jiġu osservati dawn il-valuri limitu, jipprevedi rekwiżiti iktar stretti għall-emissjonijiet tal-impjant, li ma ġewx osservati meta l-permess ġie aġġornat.

4.

Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat, b’mod partikolari, jekk deroga mill-valuri limitu ta’ emissjonijiet normalment applikabbli skont id-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali tistax tingħata minkejja li l-valuri limitu dwar il-kwalità tal-arja previsti mid-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent qegħdin jinqabżu għall-inkwinant ikkonċernat u l-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja jipprevedu rekwiżiti iktar stretti. Barra minn hekk, id-domandi preliminari jirrigwardaw il-punt dwar jekk, f’tali sitwazzjoni, jistax ikun neċessarju wkoll li jiġu stabbiliti rekwiżiti jerġa’ iktar stretti mill-valuri limitu ta’ emissjonijiet li normalment ikunu applikabbli skont id-Direttiva dwar l-Emissjonijiet industrijali. Fuq dawn iż-żewġ punti, ser jintwera li l-pjan dwar il-kwalità tal-arja previst mid-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent huwa l-istrument rilevanti għall-armonizzazzjoni tal-applikazzjoni taż-żewġ direttivi.

II. Il‑kuntest ġuridiku

A.   Id‑Direttiva dwar l‑Emissjonijiet Industrijali

5.

Il-premessa 16 tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali tispjega l-possibbiltà li jiġu ffissati valuri limitu ta’ emissjonijiet inqas stretti:

“Sabiex jitqiesu ċerti ċirkostanzi speċifiċi fejn l-applikazzjoni tal-livelli ta’ emissjonijiet assoċjati mal-aħjar metodi tekniċi disponibbli twassal għal spejjeż għolja b’mod disproporzjonat meta mqabbel mal-benefiċċji ambjentali, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu jistgħu jistabbilixxu valuri limitu tal-emissjonijiet li jiddevjaw minn dawk il-livelli. Tali devjazzjonijiet għandhom ikunu msejsa fuq valutazzjoni li tqis kriterji definiti sew. Il-valuri limitu tal-emissjonijiet stabbiliti f’din id-Direttiva m’għandhomx jinqabżu. Fi kwalunkwe każ, m’għandu jiġi kkawżat l-ebda tniġġis sinifikanti u għandu jinkiseb livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent fl-intier tiegħu.”

6.

L-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali jiddefinixxi diversi kunċetti:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(2)

‘tniġġis’ tfisser l-introduzzjoni diretta jew indiretta, bħala riżultat ta’ attivita umana, ta’ sustanzi, vibrazzjonijiet, sħana jew ħsejjes fl-arja, fil-baħar jew fl-art li jistgħu jkunu ta’ ħsara għas-saħħa tal-bniedem jew għall-kwalità tal-ambjent, li tirriżulta fi ħsara għal proprjetà materjali, jew tgħarraq jew tfixkel il-faċilitajiet u l-użi oħra leġittimi tal-ambjent;

[…]

(6)

‘livell tal-kwalità ambjentali’ tfisser is-sett ta’ rekwiżiti li għandhom jitħarsu fi żmien partikolari minn ambjent partikolari jew parti partikolari minnu, kif stabbilit fil-liġi tal-Unjoni;

[…]”

7.

L-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali jipprovdi li l-Kummissjoni, flimkien mar-rappreżentanti tal-Istati Membri, tas-setturi industrijali kkonċernati u tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jaħdmu għall-protezzjoni tal-ambjent, għandha tippreżenta l-aħjar metodi tekniċi disponibbli (MTD) fid-dokumenti ta’ referenza MTD u l-konklużjonijiet dwar il-MTD u taġġorna dawn id-dokumenti b’mod regolari. L-impjant kontenzjuż, li huwa impjant li jaħdem bil-linjite, jaqa’ taħt id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1442, li tistabbilixxi l-konklużjonijiet tal-aqwa tekniki disponibbli għall-impjanti kbar tal-kombustjoni ( 4 ).

8.

Ir-rekwiżiti bażiċi għal permess jirriżultaw mill-Artikolu 14(1) tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-permess ikun jinkludi l-miżuri kollha meħtieġa għall-konformità mar-rekwiżiti tal-Artikoli 11 u 18.

[…]”

9.

Skont l-Artikolu 14 u l-Anness II tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali, il-permess ta’ installazzjoni għandu jistabbilixxi valuri limitu tal-emissjonijiet, b’mod partikolari għad-dijossidu tal-kubrit.

10.

L-Artikolu 15(3) u (4) tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali jinkludi r-regoli dwar l-iffissar tal-valuri limitu tal-emissjonijiet li huma rilevanti f’dan il-każ:

“(3)   L-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi valuri limitu tal-emissjonijiet li jiguraw li, taħt kondizzjonijiet normali ta’ tħaddim, l-emissjonijiet ma jaqbżux il-livelli ta’ emissjonijiet assoċjati mal-aħjar metodi tekniċi disponibbli kif stabbilit fid-deċiżjonijiet dwar il-konklużjonijiet tal-BAT [tal-MTD] imsemmijin fl-Artikolu 13(5) permezz ta’ wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

il-ħolqien ta’ valuri limitu tal-emissjonijiet li ma jaqbżux il-livelli ta’ emissjonijiet assoċjati mal-aħjar metodi tekniċi disponibbli. Dawk il-valuri limitu tal-emissjonijiet għandhom ikunu espressi għall-istess perijodi jew perijodi ta’ żmien aqsar u skont l-istess kondizzjonijiet ta’ referenza bħal dawk il-livelli ta’ emissjonijiet assoċjati mal-aħjar metodi tekniċi disponibbli; jew

(b)

il-ħolqien ta’ valuri limitu tal-emissjonijiet differenti minn dawk imsemmijin taħt il-punt (a) f’termini ta’ valuri, perijodi ta’ żmien u kondizzjonijiet ta’ referenza.

Fejn jiġi applikat il-punt (b), l-awtorità kompetenti għandha, mill-anqas darba fis-sena, tivvaluta r-riżultati tal-monitoraġġ tal-emissjonijiet sabiex ikun żgurat li l-emissjonijiet f’kondizzjonijiet normali ta’ tħaddim ma jkunux qabżu l-livelli ta’ emissjonijiet assoċjati mal-aħjar metodi tekniċi disponibbli.

(4)   B’deroga mill-paragrafu 3 u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 18, l-awtorità kompetenti tista’, f’każijiet speċifiċi, tistabbilixxi valuri limitu tal-emissjonijiet inqas stretti. Deroga ta’ dan it-tip tista’ tapplika biss fejn hemm evalwazzjoni li turi li l-kisba ta’ livelli ta’ emissjonijiet assoċjati mal-aħjar metodi tekniċi disponibbli kif deskritti fil-konklużjonijiet tal-BAT twassal għal spejjeż sproporzjonalment ogħla meta mqabbla mal-benefiċċji ambjentali minħabba:

(a)

il-pożizzjoni ġeografika jew il-kondizzjonijiet ambjentali lokali tal-installazzjoni kkonċernata; jew

(b)

il-karatteristiċi tekniċi tal-installazzjoni kkonċernata.

L-awtorità kompetenti għandha tiddokumenta f’anness għall-kondizzjonijiet għal permess ir-raġunijiet għall-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu inkluż ir-riżultat tal-valutazzjoni u l-ġustifikazzjoni għall-kondizzjonijiet imposti.

Il-valuri limitu tal-emissjonijiet stabbiliti b’konformità mal-ewwel subparagrafu, madankollu, m’għandhomx jaqbżu l-valuri limitu tal-emissjonijiet stabbiliti fl-Annessi għal din id-Direttiva, fejn applikabbli

L-awtorità kompetenti fi kwalunkwe każ għandha tiżgura li ma jiġi kkawżat l-ebda tniġġis sinifikanti u li jinkiseb livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent kollu kemm hu.

[…]”

11.

L-Artikolu 18 tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali jipprevedi obbligi addizzjonali dwar l-osservanza tal-istandards ta’ kwalità ambjentali:

“Meta livell ta’ kwalità ambjentali jeħtieġ kondizzjonijiet aktar iebsa minn dawk li jistgħu jinkisbu bl-użu tal-aħjar metodi tekniċi disponibbli, għandhom jiġu inklużi kondizzjonijiet addizzjonali fil-permess, mingħajr preġudizzju għal miżuri oħra li jistgħu jittieħdu biex jitħarsu l-livelli ta’ kwalità ambjentali.”

B.   Id‑Direttiva dwar il‑Kwalità tal‑Arja fl‑Ambjent

12.

L-ewwel żewġ premessi tad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent jiddeskrivu l-għanijiet ġenerali tagħha:

“(1)

Is-Sitt Programm ta’ Azzjoni tal-Komunità dwar l-Ambjent adottat bid-Deċiżjoni Nru 1600/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Lulju 2002 jistabbilixxi l-ħtieġa li t-tniġġis jitnaqqas għal livelli li jimminimizzaw l-effetti ta’ ħsara fuq is-saħħa tal-bnedmin, waqt li tingħata attenzjoni partikolari lil popolazzjonijiet sensittivi, u lill-ambjent kollu, li jitjiebu l-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-kwalità ta’ l-arja inkluża d-depożizzjoni ta’ sustanzi li jniġġsu u li tingħata informazzjoni lill-pubbliku.

(2)

Sabiex jiġu protetti s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent kollu, huwa partikolarment importanti li l-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu jiġu miġġielda f’ras il-għajn u li jiġu identifikati u implimentati l-miżuri l-aktar effettivi għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet fil-livell lokali, nazzjonali u Komunitarju. Għalhekk, għandhom jiġu evitati, impeduti jew imnaqqsa l-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu fl-arja u li jagħmlu l-ħsara u għandhom jiġu stabbiliti objettivi adegwati għall-kwalità ta’ l-arja ambjentali b’kont meħud ta’ l-istandards, il-linji gwida u l-programmi rilevanti ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.”

13.

Il-premessa 18 tad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent issemmi r-relazzjoni ta’ dan it-test ma’ direttivi oħra:

“[…] Ser jitqiesu bis-sħiħ ukoll l-għanijiet għall-kwalità ta’ l-arja ambjentali stipulati f’din id-Direttiva, meta jingħataw permessi għall-attivitajiet industrijali skond id-Direttiva 2008/1/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Jannar 2008 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll [tnaqqis] integrati tat-tniġġis ( 5 ).”

14.

Skont l-Artikolu 81(3) tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali, ir-referenzi għad-Direttiva 2008/1 għandhom jinftiehmu bħala li saru għad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali, li b’mod partikolari pproċediet, konformement mal-premessa 1 tagħha, għar-riformulazzjoni tad-Direttiva 2008/1.

15.

Il-punt 1 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent jistabbilixxi l-għan essenzjali ta’ din:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi miżuri mmirati lejn dan li ġej:

1.

id-definizzjoni u d-determinazzjoni ta’ objettivi fir-rigward tal-kwalità ta’ l-arja fl-ambjent maħsuba sabiex jevitaw, jimpedixxu jew inaqqsu l-effetti ta’ ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent kollu;

2.

[…]”

16.

L-Artikolu 2(5) tad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent jiddefinixxi l-kunċett ta’ valur limitu bħala “livell fiss fuq il-bażi tal-konoxxenza xjentifika, bil-għan li jkunu evitati, prevenuti jew jitnaqqsu l-effetti ta’ ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem u/jew l-ambjent kollu, li għandu jintlaħaq f’perijodu partikolari u li ma għandux jinqabeż ladarba jintlaħaq”.

17.

L-Artikolu 13(1) tad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent jimponi l-osservanza ta’ diversi valuri limitu relatati mal-kwalità tal-arja:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fiż-żoni u l-agglomerazzjonijiet kollha tagħhom, il-livelli tad-dijossidu tal-kubrit, PM10, iċ-ċomb u l-monossidu tal-karbonju fl-arja ta’ l-ambjent ma’ jaqbżux il-valuri ta’ limitu stabbiliti fl-Anness XI.

Fir-rigward tad-dijossidu tan-nitroġenu u l-benżina, il-valuri ta’ limitu speċifikati fl-Anness XI ma jistgħux jinqabżu mid-dati speċifikati fih.

Il-konformità ma’ dawn ir-rekwiżiti għandha tiġi valutata skond l-Anness III.

[…]”

18.

Skont it-Taqsima B tal-Anness XI, il-valur limitu fis-siegħa ta’ 350 μg/m3 ma jistax jinqabeż iktar minn 24 darba kull sena kalendarja u l-valur limitu ta’ kuljum ta’ 125 μg/m3 ma għandux jinqabeż iktar minn tliet darbiet kull sena kalendarja. Dawn il-valuri limitu tal-kwalità tal-arja huma applikabbli fil-Bulgarija, skont id-Direttiva 99/30 ( 6 ), sa mill-adeżjoni ta’ dan l-Istat Membru mal-Unjoni fl‑1 ta’ Jannar 2007 ( 7 ).

19.

L-Artikolu 23(1) tad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent jipprovdi li, fil-każ li jinqabżu l-valuri limitu ta’ kwalità tal-arja f’ċerti żoni jew agglomerazzjonijiet, għandhom jiġu stabbiliti pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja sabiex jiġu osservati dawk il-valuri:

“Fejn, fiż-żoni jew l-agglomerazzjonijiet stipulati, il-livelli ta’ sustanzi li jniġġsu fl-arja ta’ l-ambjent jaqbżu kwalunkwe valur ta’ limitu jew valur immirat, kif ukoll kwalunkwe marġni rilevanti tat-tolleranza f’kull każ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu stabbiliti pjanijiet dwar il-kwalità ta’ l-arja għal dawk iż-żoni u agglomerazzjonijiet sabiex jinkiseb il-valur ta’ limitu jew valur immirat relatati speċifikati fl-Annessi XI u XIV.

Fil-każ ta’ qabżiet ta’ dawk il-valuri ta’ limitu li għalihom id-data ta’ skadenza sabiex jintlaħqu diġà tkun skadiet il-pjan ta’ kwalità ta’ l-arja għandu jistabbilixxi miżuri adegwati, sabiex il-perijodu tal-qabża jkun jista’ jinżamm l-iqsar possibbli. […]

Dawk il-pjanijiet għall-kwalità ta’ l-arja għandhom jinkorporaw ta’ l-anqas l-informazzjoni elenkata fit-taqsima A ta’ l-Anness XV […] Dawk il-pjanijiet għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni mingħajr dewmien, iżda mhux aktar tard minn sentejn wara l-aħħar ta’ dik is-sena fejn tkun ġiet osservata l-ewwel qabża.

[…]”

20.

Barra minn hekk, l-Artikolu 19 tad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent jipprevedi li l-pubbliku jiġi informat meta jinqabeż il-limitu ta’ allert. Il-limitu ta’ allert tad-dijossidu tal-kubrit huwa, skont it-Taqsima A tal-Anness XII, ta’ 500 μg/m3, imkejjel fuq il-bażi ta’ tliet sigħat konsekuttivi. L-Artikolu 24 jipprovdi li, fil-każ li jinqabeż il-limitu ta’ allert tad-dijossidu tal-kubrit, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri ta’ protezzjoni għal żmien qasir, minbarra t-twissijiet.

III. Il‑fatti u t‑talba għal deċiżjoni preliminari

21.

L-impjant tal-enerġija termali “Maritsa-iztok 2” EAD huwa l-ikbar wieħed mill-erba’ impjanti tal-enerġija termali li jinsabu fit-territorju tar-Repubblika tal-Bulgarija fil-kumpless tal-enerġija “Maritsa-iztok”, b’kapaċità installata totali ta’ 1602 MW. Huwa nbena fit-territorju tal-komun ta’ Radnevo, madwar 24.5 kilometru f’linja dritta mill-Belt ta’ Galabovo u huwa kompost minn tmien ġeneraturi mgħammra b’installazzjonijiet ta’ desulfurizzazzjoni.

22.

L-installazzjoni ta’ kombustjoni tal-impjant tal-enerġija termali “Maritsa-iztok 2” juża linjite lokali, li hija kkaratterizzata minn kontenut għoli ta’ kubrit u ta’ rmied kif ukoll minn valur kalorifiku baxx. Il-bojlers tat-tisħin tal-impjant ġew maħsuba biss sabiex jinħarqu l-linjite lokali u għalhekk ma jistgħux jaħarqu tip ieħor ta’ karburant. Il-limitazzjonijiet tekniċi tal-installazzjonijiet jipprekludu, essenzjalment, li l-istruttura metallika tal-bojlers tirreżisti għall-espansjoni lineari tas-sħana li tkun tirriżulta fil-każ ta’ użu ta’ karburant b’valur kalorifiku ogħla u ta’ kontenut iktar baxx ta’ kubrit u ta’ rmied, jiġifieri l-użu ta’ tip ieħor ta’ faħam.

23.

L-impjant huwa kkunsidrat bħala wieħed mis-sorsi prinċipali ta’ tniġġis mill-industrija fit-territorju tal-komun ta’ Galabovo. Fih jinqabżu regolarment valuri limitu ta’ dijossidu tal-kubrit fil-medja ta’ siegħa u ta’ kuljum, inkluż lil hinn mil-limitu ta’ allert ta’ 500 μg/m3.

24.

Iktar reċentement, il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk ikkonstatat ukoll li, mill‑2007, ir-Repubblika tal-Bulgarija kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 13 u 23 tad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent ( 8 ) minħabba l-qbiż tal-valuri limitu ta’ kwalità tal-arja għad-dijossidu tal-kubrit u l-insuffiċjenza tal-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja fiż-żona ta’ BG0006, fejn jinsabu l-Komun ta’ Galabovo u l-impjant “Maritsa-iztok 2” ( 9 ).

25.

Il-Kunsill Muniċipali ta’ Galabovo adotta, fit‑30 ta’ Novembru 2018, skont l-Artikolu 23 tad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent, programm għall-perijodu 2019‑2023 intiż sabiex jitnaqqsu l-livelli ta’ inkwinanti u sabiex jintlaħqu l-valuri limitu tal-kwalità tal-arja għad-dijossidu tal-kubrit ( 10 ). Dan il-programm kien isemmi, bħala sorsi prinċipali ta’ tniġġis ambjentali b’dijossidu tal-kubrit l-erba’ impjanti tal-enerġija termali tar-reġjun, fosthom l-impjant tal-enerġija termali “Maritsa-iztok 2”, kif ukoll it-tisħin taż-żoni residenzjali.

26.

Dan il-programm jipprevedi, b’mod partikolari, il-miżura li ġejja intiża sabiex jitnaqqas it-tniġġis tal-ambjent minn dijossidu tal-kubrit: “L-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ trasformazzjoni ta’ installazzjonijiet ta’ desulfurizzazzjoni sabiex jintlaħaq livell minimu ta’ desulfurizzazzjoni ta’ 98 %, kif ukoll il-projbizzjoni tal-funzjonament tal-bojlers mingħajr installazzjonijiet ta’ desulfurizzazzjoni li jaħdmu” ( 11 ).

27.

B’deċiżjoni tal‑21 ta’ Diċembru 2018, id-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Ambjent (iktar ’il quddiem l-“IAOS”) aġġorna l-permess integrat tal-impjant tal-enerġija termali “Maritsa-iztok 2”. Din id-deċiżjoni ġiet adottata abbażi tal-leġiżlazzjoni Bulgara li tittrasponi d-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali flimkien mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1442.

28.

Permezz ta’ din id-deċiżjoni, id-Direttur Eżekuttiv stabbilixxa b’mod partikolari livell minimu ta’ desulfurizzazzjoni ta’ 97 % għall-installazzjonijiet ta’ desulfurizzazzjoni 1/2, 3/4, 7 u 8, li jikkorrispondi għal emissjonijiet SOX ta’ 570 mg/NM3, kif ukoll rata minima ta’ desulfurizzazzjoni ta’ 97.5 % għall-installazzjonijiet ta’ desulfurizzazzjoni 5/6. Madankollu, sabiex jintlaħaq il-valur limitu tal-emissjonijiet ta’ 320 mg/NM3 għall-emissjonijiet SOX, ikollha tiġi applikata rata ta’ desulfurizzazzjoni ta’ 98.32 %.

29.

L-assoċjazzjoni “Za zemiata – dostap do pravosadie” ppreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem l-Administrativen sad – Stara Zagora (il-Qorti Amministrattiva ta’ Stara Zagora, il-Bulgarija), li ċaħditu permezz ta’ sentenza tat‑28 ta’ Awwissu 2020. Il-Qorti Amministrattiva rrifjutat b’mod partikolari li teżamina u tevalwa l-importanza tal-pjan dwar il-kwalità tal-arja tal-komun ta’ Galabovo.

30.

Il-qorti tal-ewwel istanza kkonstatat b’mod partikolari li rata ta’ desulfurazzjoni ta’ 98.32 % kienet tiġġenera spejjeż ta’ 312200000 lev (BGN) (madwar EUR 156000000). Min-naħa l-oħra, rata ta’ desulfurazzjoni ta’ 97 % tinvolvi spejjeż ta’ BGN 40000000 (madwar EUR 20000000) għal perijodu ta’ operat ta’ tnax-il sena.

31.

Sdruzhenie “Za Zemiata – dostap do pravosadie” (Assoċjazzjoni “Għad-dinja – Aċċess għall-ġustizzja”), Sofija (il-Bulgarija), “The Green Tank – grazhdansko sdruzhenie s nestopanska tsel” (The Green Tank – assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru, ir-Repubblika Ellenika) u NS (ir-Repubblika Ellenika) appellaw minn din is-sentenza.

32.

Il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija) għalhekk tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi li ġejjin:

“1.

L-Artikolu 4(3) TUE, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2010/75/UE […] u mal-Artikoli 13 u 23 tad-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Mejju 2008 dwar il-kwalità ta’ l-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta tevalwa talba għal deroga taħt l-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2010/75, l-awtorità kompetenti għandha, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni d-data xjentifika rilevanti kollha dwar it-tniġġis, inklużi l-miżuri previsti fil-pjanijiet rilevanti dwar il-kwalità tal-arja f’żona jew f’agglomerazzjoni partikolari skont l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/50, tevalwa jekk l-għoti ta’ deroga jistax jipperikola l-osservanza tal-istandards marbuta mal-kwalità tal-ambjent?

2.

L-Artikolu 4(3) TUE, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2010/75 u mal-Artikoli 13 u 23 tad-Direttiva 2008/50, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta tevalwa talba għal deroga taħt l-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2010/75, l-awtorità kompetenti għandha toqgħod lura milli tistabbilixxi valuri limitu għall-emissjonijiet li jkunu inqas stretti għall-inkwinanti minn installazzjoni, f’sitwazzjoni fejn tali deroga tkun tinsab f’kontradizzjoni mal-miżuri previsti fil-pjan rilevanti dwar il-kwalità tal-arja f’żona jew f’agglomerazzjoni partikolari skont l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/50, u fejn tali deroga tkun tista’ tipperikola l-għan li l-perijodu li matulu jinqabżu l-valuri limitu marbuta mal-kwalità tal-arja jinżamm qasir kemm jista’ jkun?

3.

L-Artikolu 4(3) TUE, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2010/75 u mal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/50, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta tevalwa talba għal deroga taħt l-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2010/75, l-awtorità kompetenti għandha, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni d-data xjentifika rilevanti kollha dwar it-tniġġis, inkluż l-effett kumulattiv flimkien ma’ sorsi oħra tal-inkwinanti kkonċernati, tevalwa jekk l-istabbiliment ta’ valuri limitu għall-emissjonijiet li jkunu inqas stretti għall-inkwinanti tal-arja minn installazzjoni huwiex ser iwassal sabiex jinqabżu l-valuri limitu rilevanti marbuta mal-kwalità tal-arja, fis-sens tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/50, f’żona jew f’agglomerazzjoni partikolari, u, jekk dan ikun il-każ, għandu jiġi evitat l-għoti ta’ deroga li tipperikola l-għan li jintlaħqu l-istandards marbuta mal-kwalità tal-ambjent?”

33.

L-assoċjazzjoni rikorrenti, Sdruzhenie “Za Zemiata – dostap do pravosadie” (Assoċjazzjoni “Għad-dinja – Aċċess għall-ġustizzja”), l-operatur tal-impjant, “TETS Maritsa Iztok 2” EAD, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Taljana kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Ma nżammitx seduta peress li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li hija informata biżżejjed.

IV. L‑analiżi ġuridika

34.

It-talba għal deċiżjoni preliminari hija intiża sabiex tiddetermina r-relazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-permess tal-installazzjonijiet industrijali previsti mid-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali mar-rekwiżiti ta’ kwalità tal-arja previsti mid-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent.

35.

L-Artikolu 13 u l-Anness XI tad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent jistabbilixxu valuri limitu għal ċerti inkwinanti li jniġġsu l-arja ambjentali (valuri limitu relatati mal-kwalità tal-arja). Huma japplikaw għall-kwantità ta’ inkwinanti li jinsabu fl-arja ambjentali u għalhekk il-konċentrazzjoni ta’ dawn l-inkwinanti titkejjel f’punti ta’ ġbir ta’ kampjuni li jinsabu f’ċerti postijiet rappreżentattivi tal-livell ta’ tniġġis ( 12 ).

36.

Ċertament, it-talba għal deċiżjoni preliminari ssemmi wkoll il-merkurju, li huwa kopert bħala inkwinant mid-Direttiva 2004/107/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Diċembru 2004 dwar l-arseniku, il-kadmju, il-merkurju, in-nikil u l-idrokarboni aromatiċi poliċikliċi fl-arja ambjentali ( 13 ), għalkemm sa issa l-Unjoni ma stabbilixxietx limitu ta’ kwalità tal-arja speċifiku għall-konċentrazzjoni ta’ din is-sustanza fl-arja ambjentali. Għaldaqstant, l-emissjonijiet tal-merkurju tal-impjant inkwistjoni ma humiex rilevanti għat-talba għal deċiżjoni preliminari.

37.

Min-naħa l-oħra, fl-Artikolu 13 u fl-Anness XI tad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent, il-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa valuri limitu ta’ kwalità tal-arja għad-dijossidu tal-kubrit li, skont it-talba għal deċiżjoni preliminari, huma maqbuża fiż-żona ta’ impatt tal-impjant “Maritsa-iztok 2”, jiġifieri fiż-żona fejn l-emissjonijiet tiegħu jinħassu, b’mod partikolari fil-komun ta’ Galabovo. Il-Qorti tal-Ġustizzja waslet, reċentement, għall-istess konstatazzjoni ( 14 ). Jidher li din hija l-unika żona fi ħdan l-Unjoni fejn il-valuri limitu ta’ kwalità tal-arja tad-dijossidu tal-kubrit qegħdin jinqabżu ( 15 ).

38.

Il-Komun ta’ Galabovo għalhekk adotta pjan dwar il-kwalità tal-arja li jipprevedi b’mod partikolari li l-impjant “Maritsa-iztok 2” għandu jilħaq rata ta’ desulfurizzazzjoni ta’ 98 %.

39.

L-iffissar konkret ta’ valuri limitu ta’ emissjonijiet applikabbli għal installazzjoni bħalma huwa l-impjant inkwistjoni huwa bbażat fuq id-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali u, b’mod partikolari, fuq l-Artikolu 15 tagħha. Min-natura tagħhom, il-valuri limitu tal-emissjonijiet huma differenti mill-valuri limitu dwar il-kwalità tal-arja. Huma jikkonċernaw il-kwantità ta’ inkwinanti li installazzjoni tirrilaxxa matul ċertu perijodu ta’ żmien u huma mkejla fil-punt ta’ rilaxx jew ta’ emissjoni. L-inkwinanti rrilaxxati sussegwentement jinfirxu fl-arja ambjentali u huma b’hekk riflessi fil-valuri mkejla fil-punti ta’ ġbir ta’ kampjuni skont id-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent.

40.

Skont l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali, il-valuri limitu ta’ emissjoni ta’ installazzjoni għandhom, bħala prinċipju, ikunu konformi mal-aħjar tekniki disponibbli, iżda jekk dawn il-limiti jkunu jinvolvu żieda sproporzjonata fl-ispejjeż, l-Artikolu 15(4) jippermetti li jiġu ffissati valuri limitu inqas stretti.

41.

Skont it-talba għal deċiżjoni preliminari, sabiex tiffissa l-valuri limitu tal-emissjonijiet għad-dijossidu tal-kubrit fil-permess kontenzjuż tal-impjant “Maritsa-iztok 2”, l-awtorità kompetenti bbażat ruħha fuq din l-aħħar deroga. Għalhekk, hija stabbilixxiet rata minima ta’ desulfurizzazzjoni ta’ 97 % għal ċerti installazzjonijiet ta’ desulfurizzazzjoni tal-impjant u rata minima ta’ desulfurizzazzjoni minima ta’ 97.5 % għal installazzjonijiet oħra. Żieda fir-rata ta’ desulfurazzjoni għal 98 %, kif previst mill-pjan dwar il-kwalità tal-arja, kellha tnaqqas l-emissjonijiet tad-dijossidu tal-kubrit b’terz jew b’għoxrin fil-mija. Skont it-talba għal deċiżjoni preliminari, sabiex jintlaħaq il-valur limitu tal-emissjoni tal-aħjar tekniki disponibbli, desulfurizzazzjoni ikbar, ta’ 98.32 %, hija saħansitra neċessarja.

42.

Madankollu, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk tingħata deroga abbażi tal-Artikolu 15(4) tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali, l-Artikolu 18 ta’ din id-direttiva jeżiġi l-impożizzjoni ta’ kundizzjonijiet addizzjonali meta mqabbla ma’ dawk meħtieġa għall-użu tal-aħjar tekniki disponibbli meta jkunu meħtieġa kundizzjonijiet iktar stretti sabiex jiġi osservat standard ta’ kwalità ambjentali.

43.

Huwa f’dan il-kuntest li l-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema) tixtieq tkun taf, permezz tat-tliet domandi, jekk id-deroga prevista fl-Artikolu 15(4) tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali fil-permess kontenzjuż hijiex diġà eskluża minħabba s-sempliċi fatt li jinqabżu l-valuri limitu ta’ kwalità tal-arja applikabbli għad-dijossidu tal-kubrit skont id-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent (domandi 1 u 3) jew, tal-inqas, minħabba l-pjan dwar il-kwalità tal-arja (domanda 2).

44.

Madankollu, ma jidhirlix li huwa utli li jiġu ttrattati d-domandi preliminari hekk kif saru. Pjuttost, ser nibda billi neżamina, fid-dawl tal-valuri limitu relatati mal-kwalità tal-arja u tal-pjan relatat mal-kwalità tal-arja, l-ewwel, il-kundizzjonijiet ta’ deroga skont l-Artikolu 15(4) tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali (Taqsima A) u, it-tieni, ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 18 ta’ din id-direttiva (Taqsima B).

A.   L-Artikolu 15(4) tad‑Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali

1. Il‑kuntest leġiżlattiv tal‑Artikolu 15(4) tad‑Direttiva dwar l‑Emissjonijiet Industrijali

45.

Skont l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali, għandhom jiġu stabbiliti valuri limitu ta’ emissjoni għall-installazzjonijiet industrijali li jiggarantixxu li l-emissjonijiet ma jaqbżux il-livelli ta’ emissjonijiet assoċjati mal-aħjar tekniki disponibbli, kif iddefiniti fid-deċiżjonijiet dwar il-konklużjonijiet tal-MTD.

46.

B’deroga mill-Artikolu 15(3) tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali, l-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(4) tagħha jawtorizza lill-awtorità kompetenti sabiex, f’każijiet partikolari, tistabbilixxi valuri limitu ta’ emissjonijiet inqas stretti. Din is-setgħa hija mingħajr ħsara għall-Artikolu 18, li ser tiġi eżaminata sussegwentement ( 16 ).

47.

It-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(4) tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali tippreċiża li d-derogi fis-sens tal-ewwel sentenza jistgħu jiġu applikati biss meta minn evalwazzjoni jirriżulta li, għal ċerti raġunijiet, il-kisba tal-livelli ta’ emissjoni assoċjati mal-aħjar tekniki disponibbli twassal għal żieda sproporzjonata fl-ispejjeż meta mqabbla mal-vantaġġi għall-ambjent. Dawn ir-raġunijiet għandhom ikunu ibbażati fil-lokalizzazzjoni ġeografika u fil-kundizzjonijiet lokali tal-ambjent tal-installazzjoni kkonċernata, jew inkella fil-karatteristiċi tekniċi tagħha.

48.

L-għoti ta’ deroga jippreżupponi għalhekk ibbilanċjar tal-elementi rilevanti.

49.

It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 15(4) tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali jillimita l-possibbiltà li jiġu stabbiliti valuri limitu ta’ emissjoni ogħla billi jipprevedi li l-valuri limitu tal-emissjonijiet stabbiliti fl-annessi tal-imsemmija direttiva għandhom, madankollu, jiġu osservati.

50.

Skont it-talba għal deċiżjoni preliminari, l-applikazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet ma tqajjimx kwistjonijiet fil-kawża prinċipali.

2. Ir‑raba’ subparagrafu tal‑Artikolu 15(4) tad-Direttiva dwar l‑Emissjonijiet Industrijali – assenza ta’ tniġġis sinjifikattiv

51.

Madankollu, ir-raba’ subparagrafu tal‑Artikolu 15(4) tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali jinkludi kundizzjoni addizzjonali li tista’ tipprekludi, fil-kawża prinċipali, l-għoti ta’ deroga. Skont din id-dispożizzjoni, l-awtorità kompetenti fi kwalunkwe każ għandha tiżgura li ma jiġi kkawżat l-ebda tniġġis sinjifikattiv u li jinkiseb livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent kollu kemm hu. Bl-istess mod, l-aħħar sentenza tal-premessa 16 tindika li, fi kwalunkwe każ, ma għandux jiġi kkawżat ( 17 ) tniġġis sinjifikattiv u li għandu jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent meħud kollu kemm hu.

52.

Għalhekk, id-deroga prevista fl-Artikolu 15(4) tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali ma hijiex intiża sabiex tapplika fil-każijiet kollha fejn l-osservanza tal-valuri limitu ġenerali tal-emissjonijiet twassal għal spejjeż partikolarment għolja. Għall-kuntrarju, din id-deroga għandha tapplika biss meta l-valuri limitu tal-emissjonijiet inqas stretti ma jwasslux għal tniġġis ambjentali sinjifikattiv u meta, minkejja d-deroga, livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent meħud kollu kemm hu jintlaħaq.

53.

Il-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali jiddefinixxi t-“tniġġis” bħala l-introduzzjoni diretta jew indiretta, bħala riżultat ta’ attività umana, ta’ sustanzi, vibrazzjonijiet, sħana jew ħsejjes fl-arja, fil-baħar jew fl-art li jistgħu jkunu ta’ ħsara għas-saħħa tal-bniedem jew għall-kwalità tal-ambjent, jew jirriżultaw fi ħsara għal proprjetà materjali, jew f’deterjorament jew ostakolu f’faċilitajiet jew f’użi leġittimi oħra tal-ambjent.

54.

Skont din id-dispożizzjoni, kull rilaxx tad-dijossidu tal-kubrit fl-arja jikkostitwixxi tniġġis ambjentali. Fil-fatt, il-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa l-valuri limitu tal-kwalità tal-arja għad-dijossidu tal-kubrit, konformement mat-titolu tal-Anness XI tad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent sabiex jipproteġi s-saħħa tal-bniedem. Huma juru għalhekk li r-rilaxx tad-dijossidu tal-kubrit jista’ jkun ta’ ħsara għas-saħħa tal-bniedem jew għall-kwalità tal-ambjent ( 18 ).

55.

Madankollu, id-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali ma tippreċiżax f’liema mument tniġġis ambjentali għandu jitqies bħala sinjifikattiv. Hija lanqas ma tispeċifika x’għandu jinftiehem b’livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent meħud kollu kemm hu. Madankollu, f’din il-kawża, ma huwiex neċessarju li jiġi ddeterminat b’mod sħiħ dak li għandu jinftiehem b’dawn il-kunċetti.

56.

Fil-fatt, mit-talba għal deċiżjoni preliminari u minn sentenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 19 ) jirriżulta li l-valuri limitu tal-kwalità tal-arja previsti mid-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent għad-dijossidu tal-kubrit fiż-żona ta’ impatt tal-impjant inkwistjoni, inqabżu. Skont il-premessa 18 ta’ din id-direttiva, l-għanijiet tagħha relatati mal-kwalità tal-arja jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni meta jingħataw permessi għal attivitajiet industrijali skont id-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali.

57.

Kif tfakkar, il-leġiżlatur tal-Unjoni adotta l-valuri limitu relatati mal-kwalità tal-arja bil-għan li jipproteġi s-saħħa tal-bniedem u l-obbligu li dawn jiġu osservati japplika fit-territorju kollu tal-Istati Membri ( 20 ) b’mod permanenti u mingħajr eċċezzjoni ( 21 ). B’mod differenti minn inkwinanti l-oħra, fir-rigward tad-dijossidu tal-kubrit, din id-direttiva lanqas ma tipprevedi l-possibbiltà ta’ estensjoni tat-terminu għall-osservanza tal-valuri limitu relatati mal-kwalità tal-arja. Għaldaqstant, il-qbiż tal-valuri limitu relatati mal-kwalità tal-arja tad-dijossidu tal-kubrit ma jistax jitqies bħala tniġġis ambjentali negliġibbli, iżda huwa neċessarjament tniġġis sinjifikattiv.

58.

Fl-istess ħin, billi stabbilixxa l-valuri limitu tal-kwalità tal-arja, il-leġiżlatur tal-Unjoni ddefinixxa dak li għandu jinftiehem bil-kunċett ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent fir-rigward tal-proporzjon tal-inkwinanti kkonċernati fl-arja ambjentali.

59.

Id-deroga prevista fl-Artikolu 15(4) tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali ma tistax tiġġustifika l-qbiż tal-valuri limitu relatati mal-kwalità tal-arja u, b’dan il-mod, teskludi r-rikonoxximent tas-sinjifikat tat-tniġġis tal-ambjent. Fil-fatt, is-sempliċi qari tal-formulazzjoni tagħha jikkonferma li din id-dispożizzjoni tippermetti biss deroga mill-valuri limitu ta’ emissjonijiet normalment applikabbli għall-installazzjonijiet industrijali skont din id-direttiva. L-ibbilanċjar previst minn din id-dispożizzjoni bejn l-ispejjeż marbuta mal-osservanza tal-valuri limitu u l-vantaġġi għall-ambjent jirreferi biss għall-ispejjeż tal-installazzjoni kkonċernata. Kif ser naraw iktar ’il quddiem, deroga mill-valuri limitu relatati mal-kwalità tal-arja motivata minn interessi superjuri tista’ tiġi ġġustifikata biss, f’limiti stretti ħafna u b’mod provviżorju, fil-kuntest tad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent u, f’dan ir-rigward, meta jiġu stabbiliti pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja ( 22 ).

3. Ir‑raba’ subparagrafu tal‑Artikolu 15(4) ‑ Ikkawżar ta’ tniġġis ambjentali sinjifikattiv

60.

Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-applikazzjoni tad-deroga kontenzjuża ma hijiex l-unika kawża tal-qbiż tal-valuri limitu tal-kwalità tal-arja għad-dijossidu tal-kubrit. Għall-kuntrarju, dan l-eċċess għandu bħala oriġini l-emissjonijiet ta’ erba’ impjanti differenti, flimkien ma’ dawk l-emissjonijiet li jirriżultaw mit-tisħin tad-djar. Dan tal-aħħar jikkontribwixxi sa bejn 10.1 % u 79 % tal-konċentrazzjoni medja fis-siegħa ta’ dijossidu tal-kubrit fid-diversi territorji muniċipali tal-komun ta’ Galabovo, skont il-pjan dwar il-kwalità tal-arja ( 23 ).

61.

Konsegwentement, jistgħu jqumu dubji dwar il-fatt li l-għoti ta’ deroga għal waħda biss minn dawn is-sorsi li jniġġsu jikkawża tniġġis sinjifikattiv tal-ambjent fis-sens tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(4) tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali.

62.

Madankollu, skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(4) tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali, l-awtorità kompetenti għandha, fi kwalunkwe każ, tiżgura li ebda tniġġis sinjifikattiv tal-ambjent ma jiġi kkawżat, jiġifieri li l-valuri limitu dwar il-kwalità tal-arja ma jinqabżux minħabba d-deroga. Issa, l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-kontribuzzjoni tal-emissjonijiet minn sorsi oħra, fl-għoti tad-deroga, jista’ jkollha bħala konsegwenza, f’ċerti każijiet, li d-deroga tikkontribwixxi mill-inqas għal tniġġis sinjfikattiv tal-ambjent. Bl-istess mod, huwa kważi eskluż li l-valuri limitu relatati mal-kwalità tal-arja jkunu jistgħu jiġu osservati jekk kull sors ta’ inkwinant kellu jiġi evalwat indipendentement mis-sorsi l-oħra.

63.

Għalhekk, l-għoti ta’ deroga skont l-Artikolu 15(4) tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali teżiġi definizzjoni globali tal-emissjonijiet awtorizzati għas-sorsi kollha ta’ inkwinanti li tiggarantixxi li, anki jekk tingħata deroga għal waħda mis-sorsi, it-total tal-emissjonijiet tagħhom ma jwassalx għal qbiż tal-valuri limitu relatati mal-kwalità tal-arja.

64.

L-istrument previst għal dan il-għan huwa l-pjan dwar il-kwalità tal-arja, li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jistabbilixxu skont l-Artikolu 23 tad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent. Fil-każ li jinqabżu l-valuri limitu relatati mal-kwalità tal-arja, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali pjan jiġi stabbilit, u li jinkludi miżuri xierqa sabiex il-perijodu ta’ qbiż tal-valuri limitu relatati mal-kwalità tal-arja jkun l-iqsar possibbli. Fi kliem ieħor: il-pjan dwar il-kwalità tal-arja għandu jiddefinixxi l-miżuri meħtieġa sabiex il-valuri limitu dwar il-kwalità tal-arja jkunu konformi mill-iktar fis possibbli. Essenzjalment, dawn huma miżuri intiżi sabiex inaqqsu r-rilaxx ta’ inkwinanti kkonċernati, pereżempju billi jiffissaw valuri limitu ta’ emissjoni iktar stretti għal ċerti sorsi.

65.

Kuntrarjament għall-permess ta’ installazzjonijiet u ta’ attivitajiet speċifiċi, huwa possibbli, fil-kuntest ta’ dan il-pjan, li jiġi żgurat bilanċ bejn l-għan tal-osservanza tal-valuri limitu tal-kwalità tal-arja u d-diversi interessi pubbliċi u privati preżenti ( 24 ). F’dan ir-rigward, huwa neċessarju li ssir evalwazzjoni globali tal-interessi kollha marbuta mad-diversi sorsi kkonċernati u li jsir ibbilanċjar, minn naħa, ta’ dawn l-interessi bejniethom, u min-naħa l-oħra, ta’ dawn l-interessi meta mqabbla mal-għan li jiġu osservati l-valuri limitu relatati mal-kwalità tal-arja. Dan jippermetti li jiġi deċiż liema huma s-sorsi ta’ emissjoni li għandhom ikunu s-suġġett ta’ limitazzjonijiet iktar stretti jew li tiġi evalwata n-neċessità li jiġi pospost il-waqfien tal-qbiż, peress li limitazzjoni iktar rapida tal-emissjonijiet twassal għal ħsara sproporzjonata għal interessi superjuri. Madankollu, id-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent ma tipprevedix kompromess tal-għan ta’ osservanza tal-valuri limitu tal-kwalità tal-arja. Ċerta flessibbiltà hija ammessa biss fir-rigward tal-perijodu ta’ qbiż, iżda dan għandu wkoll jibqa’ qasir kemm jista’ jkun ( 25 ) u fl-ebda każ ma għandu jiġi estiż għal żmien indeterminat ( 26 ).

66.

Ċertament, il-Bulgarija u l-operatur tal-impjant jikkontestaw li l-komun ta’ Galabovo seta’, fil-pjan tiegħu dwar il-kwalità tal-arja, jiffissa rekwiżiti għall-emissjonijiet tal-impjant inkwistjoni, peress li dan jinsab fit-territorju ta’ komun ieħor. Madankollu, pjan dwar il-kwalità tal-arja jista’ jiggarantixxi l-osservanza tal-valuri limitu relatati mal-kwalità tal-arja biss jekk jista’ jiffissa rekwiżiti applikabbli għas-sorsi kollha ta’ emissjonijiet rilevanti –inkluż għas-sorsi li jinsabu barra minn żona li hija affettwata minn qbiż.

67.

Dan ma jfissirx li l-pjan dwar il-kwalità tal-arja għandu jiġi stabbilit permezz f’att legali uniku jew minn awtorità waħda. L-Istati Membri huma liberi li jorganizzaw il-kompetenzi tal-awtoritajiet kompetenti billi jipprevedu li l-pjan dwar il-kwalità tal-arja jirriżulta minn diversi atti adottati minn awtoritajiet differenti. Madankollu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn l-atti, meħuda flimkien, josservaw ir-rekwiżiti dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent imsemmija fl-Artikolu 23 tad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent. Huma għandhom għalhekk, b’mod partikolari, jiżguraw li d-diversi awtoritajiet jikkoordinaw il-miżuri tagħhom sabiex jilħqu dan l-għan b’mod konġunt.

68.

Huwa biss jekk mir-rekwiżiti ddefiniti b’dan il-mod jirriżulta li l-valuri limitu relatati mal-kwalità tal-arja huma osservati wkoll meta jiġu stabbiliti valuri limitu ta’ emissjonijiet ogħla li huwa eskluż, fi kwalunkwe każ, li d-deroga mogħtija taħt l-Artikolu 15(4) tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali tista’ tikkawża tniġġis ambjentali sinjifikattiv. B’hekk, fil-każ li jinqabżu l-valuri limitu tal-kwalità tal-arja fiż-żona ta’ impatt ta’ installazzjoni, l-għoti ta’ deroga ta’ emissjoni addizzjonali jippreżupponi li pjan wieħed jew iktar dwar il-kwalità tal-arja msemmija fl-Artikolu 23 tad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent, jiggarantixxu li l-perijodu ta’ qbiż jista’ jkun l-iqsar possibbli fiż-żona ta’ impatt kollha u li d-deroga tkun konformi mar-rekwiżiti ta’ dawn il-pjanijiet. Min-naħa l-oħra, jekk tingħata deroga fl-assenza ta’ dawn il-pjanijiet, ikun hemm lok li wieħed jibża’ li din toħloq fait accompli li jirrendi mbagħad iktar diffiċli jew impossibbli li jiġu osservati l-valuri limitu relatati mal-kwalità tal-arja fl-iqsar żmien possibbli.

69.

Skont il-prinċipju ta’ prekawzjoni, li huwa l-bażi tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent, konformement mal-Artikolu 191(2) TFUE, huwa biss jekk kull dubju xjentifiku raġonevoli fir-rigward ta’ dan ir-riżultat jiġi eskluż li jista’ jiġi ggarantit fil-każijiet kollha li ma huwa kkawżat l-ebda tniġġis ambjentali sinjifikattiv ( 27 ). Għaldaqstant, ir-rekwiżiti stabbiliti mill-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja għandhom josservaw dan il-kriterju sabiex il-possibbiltà ta’ deroga skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(4) tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali tibqa’ miftuħa.

70.

Dan il-kriterju, ċertament rigoruż, huwa, barra minn hekk, konformi mal-prinċipju ta’ interpretazzjoni stretta tal-eċċezzjonijiet minn regoli ġenerali ( 28 ). Huwa lanqas ma jippreġudika l-effett tal-Artikolu 15(4) tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali ( 29 ), peress li din id-deroga tibqa’ applikabbli meta, fiż-żona esposta għall-emissjonijiet inkwistjoni, il-valuri limitu applikabbli fil-qasam tal-kwalità tal-arja ma jinqabżux. Madankollu, fl-Unjoni, fl‑2019, sa fejn naf, biss l-ambjent tal-impjant inkwistjoni kien ikkonċernat minn qbiż tal-valuri limitu tal-kwalità tal-arja għad-dijossidu tal-kubrit.

71.

Skont din l-interpretazzjoni tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(4) tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali huwa, fl-aħħar mill-aħħar, irrilevanti għall-kwistjoni dwar jekk ir-rekwiżiti tal-pjan dwar il-kwalità tal-arja tal-komun ta’ Galabovo humiex vinkolanti għall-permess kontenzjuż. Fil-fatt, minħabba l-qbiż ikkonstatat tal-valuri limitu tal-kwalità tal-arja għad-dijossidu tal-kubrit fiż-żona ta’ impatt tal-impjant, din id-deroga hija awtorizzata biss, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, fil-preżenza ta’ pjan dwar il-kwalità tal-arja li jinkludi rekwiżiti applikabbli għas-sorsi ta’ emissjonijiet rilevanti.

72.

Għaldaqstant, in-nuqqasijiet ta’ pjan dwar il-kwalità tal-arja ma għandhomx l-effett li jippermettu l-għoti ta’ deroga li tmur kontra r-rekwiżiti tiegħu, iżda, bil-maqlub, ifissru li kundizzjoni neċessarja għall-għoti tad-deroga ma hijiex issodisfatta.

73.

Barra minn hekk, sabiex wieħed jibbenefika minn deroga skont l-Artikolu 15(4) tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali, ma huwiex biżżejjed li din tkun konformi għal pjan dwar il-kwalità tal-arja li jistabbilixxi, għal parti miż-żona ta’ impatt tal-installazzjoni, il-miżuri neċessarji sabiex jiġu osservati l-valuri limitu relatati mal-kwalità tal-arja. Għall-kuntrarju, f’din iż-żona ta’ impatt kollha, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw l-osservanza tal-valuri limitu relatati mal-kwalità tal-arja.

74.

Madankollu, il-pjan dwar il-kwalità tal-arja tal-komun ta’ Galabovo jindika li l-impjant inkwistjoni, flimkien mas-sorsi industrijali l-oħra, jikkontribwixxi għal qbiż kunsiderevoli tal-valuri limitu ta’ kwalità tal-arja u tal-limitu ta’ allert barra mit-territorju tal-komun, anki wara l-implimentazzjoni tar-rata ta’ desulfurazzjoni ta’ 98 % meħtieġa mill-pjan ( 30 ). Jidher li sorsi oħra, bħat-tisħin tad-djar, għadhom ma ttiħdux inkunsiderazzjoni.

75.

Jekk dan huwa l-każ, u huma l-qrati nazzjonali kompetenti li għandhom jivverifikaw dan, deroga skont l-Artikolu 15(4) tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali ma tkunx awtorizzata, jekk din tkun kompatibbli mal-pjan dwar il-kwalità tal-arja tal-komun ta’ Galabovo. Fil-fatt, fl-għoti tad-deroga, l-awtorità kompetenti ma tistax tiżgura li ebda tniġġis sinjifikattiv ma jseħħ fil-postijiet li huma kkonċernati, skont il-pjan dwar il-kwalità tal-arja, minn qbiż tal-valuri limitu dwar il-kwalità tal-arja.

4. Konklużjoni intermedja

76.

Skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(4) tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali, l-għoti ta’ deroga skont l-Artikolu 15(4) ta’ din id-direttiva, għar-rilaxx ta’ inkwinant atmosferiku li l-valur limitu tiegħu relatat mal-kwalità tal-arja skont l-Artikolu 13 u l-Anness XI tad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent jinqabeż fiż-żona esposta għar-rilaxx ta’ dan l-inkwinant, huwa suġġett għal żewġ kundizzjonijiet: l-ewwel, pjan wieħed jew iktar dwar il-kwalità tal-arja fis-sens tal-Artikolu 23 tad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent għandhom jiggarantixxu, mingħajr dubju xjentifiku raġonevoli, li l-perijodu ta’ qbiż fiż-żona kollha esposta jista’ jinżamm l-iqsar possibbli. It-tieni, id-deroga għandha tkun konformi mar-rekwiżiti ta’ dawn il-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja.

B.   L‑Artikolu 18 tad‑Direttiva dwar l‑Emissjonijiet Industrijali

77.

Ċertament, jidher probabbli li, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-kawża prinċipali tiġi deċiża abbażi biss tal-Artikolu 15(4) tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali mingħajr ma jsir riferiment għall-imsemmi Artikolu 18. Madankollu, it-talba għal deċiżjoni preliminari tirreferi espressament ukoll għal din l-aħħar dispożizzjoni u l-partijiet kkonċernati jiddiskutuha intensivament. Dan huwa loġiku sa fejn il-Kummissjoni tesponi, ġustament, li applikazzjoni tal-Artikolu 15(4) hija a fortiori eskluża biss jekk l-Artikolu 18 ikun applikabbli. Dan jirriżulta b’mod partikolari mill-fatt li l-Artikolu 15(4) japplika bla ħsara għall-Artikolu 18. Għalhekk ser neżamina r-rekwiżiti tal-Artikolu 18 iktar ’il quddiem.

78.

L-Artikolu 18 tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali għandu jiġi applikat meta standard ta’ kwalità ambjentali jeżiġi kundizzjonijiet iktar stretti minn dawk li jistgħu jintlaħqu bl-użu tal-aħjar tekniki disponibbli. F’dan il-każ, għandhom jiġu previsti miżuri addizzjonali fil-permess, mingħajr preġudizzju għal miżuri oħra li jistgħu jittieħdu sabiex jiġu osservati l-istandards ta’ kwalità ambjentali. Għalhekk, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva jistabbilixxi li l-permess tal-installazzjoni jinkludi l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet ta’ permess imsemmija fl-Artikolu 18.

79.

Għaldaqstant, qabel kollox, għandu jiġi ddeterminat jekk il-valuri limitu relatati mal-kwalità tal-arja għal ċerti inkwinanti għandhomx jiġu kkunsidrati bħala standards ta’ kwalità ambjentali (Taqsima 1) u, sussegwentement, jekk huma jeħtiġux kundizzjonijiet iktar stretti minn dawk stabbiliti mil-leġiżlazzjoni kontenzjuża (Taqsima 2).

1. Kunċett ta’ standard ta’ kwalità ambjentali

80.

Il-punt 6 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali jiddefinixxi l-kunċett ta’ standard ta’ kwalità ambjentali bħala sett ta’ rekwiżiti li, f’mument partikolari, għandhom jiġu osservati f’ambjent partikolari jew f’parti speċifika minnu, konformement mad-dritt tal-Unjoni. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dawn huma rekwiżiti konkreti ta’ natura kwalitattiva, relatati mal-konċentrazzjonijiet ta’ inkwinanti, li għandhom jiġu ssodisfatti f’mument partikolari f’ambjent partikolari ( 31 ).

81.

Għalkemm huwa minnu li d-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali ma ssemmix espressament id-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent, xorta jibqa’ l-fatt li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Bulgarija, il-punt 3 tal-Artikolu 6 u l-Artikolu 18 tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali jirrigwardaw, tal-inqas impliċitament, dispożizzjonijiet bħall-valuri limitu ta’ kwalità tal-arja applikabbli għal ċerti inkwinanti.

82.

Fil-fatt, il-valuri limitu relatati mal-kwalità tal-arja għandhom, bħala prinċipju, jiġu osservati kullimkien fl-Unjoni ( 32 ). Dawn huma għalhekk rekwiżiti li, f’mument partikolari, għandhom jiġu osservati f’ambjent partikolari jew f’parti speċifika tiegħu skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew, skont il-kliem tal-Qorti tal-Ġustizzja, rekwiżiti kwalitattivi konkreti li jikkonċernaw il-konċentrazzjonijiet ta’ inkwinanti li għandhom jiġu ssodisfatti f’mument partikolari minn dan l-ambjent partikolari ( 33 ). Kif diġà indikajt ftit taż-żmien ilu, dawn huma standards ta’ kwalità ambjentali fis-sens tal-punt 6 tal-Artikolu 3 u l-Artikolu 18 tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali ( 34 ).

83.

Kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika tal-Bulgarija, lanqas ma huwa rilevanti, f’dan ir-rigward, li l-valuri limitu relatati mal-kwalità tal-arja jiġu osservati b’mod sostenibbli, għalkemm id-definizzjoni ta’ standards ta’ kwalità ambjentali tirreferi biss għal mument partikolari. Din id-definizzjoni turi biss li l-istandards ta’ kwalità ambjentali jinkludu wkoll rekwiżiti li għandhom jiġu osservati mhux b’mod permanenti, iżda f’mument partikolari wieħed (jew iktar). Dawn jistgħu, pereżempju, ikunu rekwiżiti marbuta maċ-ċaqliq ta’ għasafar jew fl-okkażjoni ta’ ċerti kundizzjonijiet ambjentali li jistgħu jevolvu fiż-żmien. Madankollu, rekwiżiti permanenti huma a fortiori standards ta’ kwalità ambjentali, peress li japplikaw f’kull mument.

84.

Barra minn hekk, il-Bulgarija tikkunsidra li huma biss il-valuri limitu ta’ emissjonijiet speċifiċi stabbiliti mil-leġiżlazzjoni Bulgara għal ċerti installazzjonijiet li jikkostitwixxu standards ta’ kwalità ambjentali. Madankollu, dan l-argument ma huwiex konvinċenti, anki għaliex il-punt 6 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali jirreferi espressament għar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni.

85.

Il-fatt li valuri limitu relatati mal-kwalità tal-arja huma standards ta’ kwalità ambjentali huwa kkonfermat mill-konklużjoni a contrario dedotta mill-kunċett ta’ “valuri mmirati” għal ċerti inkwinanti fl-arja ambjentali. Dan il-kunċett ġie introdott mid-Direttiva 2004/107 ( 35 )u d-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent jistabbilixxi wkoll valuri limitu għall-kwalità tal-arja għall-ożonu ( 36 ) kif ukoll, b’mod tranżitorju, għall-materja partikolata fina PM2,5 ( 37 ). Filwaqt li, skont il-punt 5 tal-Artikolu 2 ta’ din l-aħħar direttiva, il-valuri limitu relatati mal-kwalità tal-arja għandhom jiġu osservati mingħajr restrizzjoni wara li jidħlu fis-seħħ, il-valuri mmirati għandhom jiġu osservati biss sa fejn ikun possibbli, konformement mal-punt 9 tal-Artikolu 2. Barra minn hekk, il-premessa 6 tad-Direttiva 2004/107 tindika espressament li l-valuri mmirati ma humiex standards ta’ kwalità ambjentali u, skont il-premessa 5 tagħha, ma jeħtiġux, għall-installazzjonijiet industrijali, miżuri li jmorru lil hinn mill-applikazzjoni tal-aħjar tekniki disponibbli.

86.

Il-valuri limitu tal-kwalità tal-arja previsti għal ċerti inkwinanti fl-Artikolu 13 u fl-Anness XI tad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent, jikkostitwixxu għalhekk standards ta’ kwalità ambjentali fis-sens tal-Artikolu 18 tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali.

87.

Skont din l-interpretazzjoni, l-Artikolu 18 tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali jikkonkretizza l-obbligu fundamentali, previst fl-Artikolu 11(c) tagħha, li jipprovdi li ebda tniġġis ambjentali sinjifikattiv ma għandu jiġi kkawżat fl-operat tal-installazzjoni. Sa fejn, kif diġà indikajt iktar ’il fuq ( 38 ), qbiż tal-valuri limitu relatati mal-kwalità tal-arja jikkostitwixxi tali tniġġis, għandu jkun hemm strumenti sabiex tiġi żgurata l-osservanza ta’ dawn il-valuri limitu fiż-żona ta’ impatt tal-installazzjonijiet. Fil-fatt, kieku kien mod ieħor, ikun hemm il-biża’ li, minkejja li l-installazzjonijiet jissodisfaw il-kriterju tal-aħjar teknika disponibbli, huma madankollu jikkontribwixxu għall-ksur tal-imsemmija valuri limitu.

2. Neċessità ta’ kundizzjonijiet iktar stretti

88.

Fir-rigward tan-neċessità li jiġu imposti kundizzjonijiet iktar stretti, bħalma huwa l-każ tal-kwistjoni, diġà diskussa, rigward il-fatt li jiġi kkawżat tniġġis sinjifikattiv, id-diversi kawżi ta’ qbiż tal-valuri limitu relatati mal-kwalità tal-arja għandhom importanza determinanti. Fid-dawl tal-eżistenza ta’ diversi inkwinanti, jiġifieri l-erba’ impjanti u t-tisħin tad-djar, l-Artikolu 18 tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali, moqri flimkien mad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent, ma jippermettix li jiġi ddeterminat direttament sa fejn is-sorsi differenti għandhom inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom ta’ dijossidu tal-kubrit. Għall-kuntrarju, din id-deċiżjoni taqa’ fuq l-awtoritajiet Bulgari kompetenti.

89.

Bħal fil-kuntest tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(4) tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali, dan huwa possibbli biss abbażi ta’ pjan dwar il-kwalità tal-arja (jew ta’ diversi pjanijiet ikkoordinati), li jiffissa l-emissjonijiet awtorizzati għas-sorsi kollha. Dan għandu jippermetti li jiġi stabbilit jekk il-valuri limitu ta’ emissjoni stabbiliti għal kull installazzjoni humiex suffiċjenti jew jekk humiex meħtieġa kundizzjonijiet addizzjonali.

90.

Għaldaqstant, il-pjan dwar il-kwalità tal-arja, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali fir-rigward tal-valuri limitu relatati mal-kwalità tal-arja, jikkostitwixxi kundizzjoni għall-għoti ta’ permess. Fil-fatt, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva, il-permess għandu jinkludi l-miżuri kollha meħtieġa biex jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ permess imsemmija fl-Artikolu 18. Issa, fil-każ li jinqabżu l-valuri limitu relatati mal-kwalità tal-arja huwa bħala regola ġenerali impossibbli, fl-assenza ta’ pjan dwar il-kwalità tal-arja, li jiġi ddeterminat liema huma l-kundizzjonijiet addizzjonali meħtieġa għal sors ta’ emissjonijiet speċifiku sabiex tittejjeb b’mod sodisfaċenti l-kwalità tal-arja.

91.

Madankollu, kuntrarjament għal dak li huwa l-każ fil-kuntest tal-għoti ta’ deroga, id-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent ma tirrikjedix, meta jiġu imposti kundizzjonijiet addizzjonali, li l-awtorità kompetenti tiżgura, fil-każijiet kollha, l-osservanza tal-istandard ta’ kwalità ambjentali. Għaldaqstant, ma huwiex neċessarju li kull dubju xjentifiku raġonevoli jiġi eskluż sabiex il-kundizzjonijiet addizzjonali jkunu suffiċjenti. Għall-kuntrarju, huwa biżżejjed li r-rekwiżiti tal-pjan dwar il-kwalità tal-arja jkunu bbażati fuq il-konvinzjoni leġittima tal-awtoritajiet kompetenti li l-miżuri previsti jippermettu li l-perijodu ta’ qbiż jinżamm l-iqsar possibbli.

3. Konklużjoni intermedja

92.

Il-permess ta’ installazzjoni industrijali li għalih għandhom jiġu ffissati, skont l-Artikoli 11, 14, 15 u 18 tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali, valuri limitu għar-rilaxx ta’ inkwinant atmosferiku li l-valur limitu tiegħu ta’ kwalità tal-arja, skont l-Artikolu 13 u l-Anness XI tad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent, jinqabeż fiż-żona ta’ impatt ta’ dan l-inkwinant, huwa suġġett ukoll għal żewġ kundizzjonijiet: l-ewwel, pjan wieħed jew iktar dwar il-kwalità tal-arja għandhom jiggarantixxu, konformement mal-Artikolu 23 ta’ din id-direttiva, li l-perijodu ta’ qbiż jista’ jinżamm l-iqsar possibbli. It-tieni, il-permess għandu jkun konformi mar-rekwiżiti ta’ dawn il-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja.

V. Konklużjoni

93.

Nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

1)

Skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll [tnaqqis] integrati tat-tniġġis), l-għoti ta’ deroga skont l-Artikolu 15(4) ta’ din id-direttiva, għar-rilaxx ta’ inkwinant atmosferiku li l-valur limitu tiegħu relatat mal-kwalità tal-arja skont l-Artikolu 13 u l-Anness XI tad-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Mejju 2008 dwar il-kwalità ta’ l-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa, jinqabeż fiż-żona esposta għar-rilaxx ta’ dan l-inkwinant, huwa suġġett għal żewġ kundizzjonijiet: l-ewwel, pjan wieħed jew iktar dwar il-kwalità tal-arja fis-sens tal-Artikolu 23 tad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent għandhom jiggarantixxu, mingħajr dubju xjentifiku raġonevoli, li l-perijodu ta’ qbiż fiż-żona kollha esposta jista’ jinżamm l-iqsar possibbli. It-tieni, id-deroga għandha tkun konformi mar-rekwiżiti ta’ dawn il-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja.

2)

Il-permess ta’ installazzjoni industrijali li għalih għandhom jiġu ffissati, skont l-Artikoli 11, 14, 15 u 18 tad-Direttiva 2010/75, valuri limitu għar-rilaxx ta’ inkwinant atmosferiku li l-valur limitu tiegħu ta’ kwalità tal-arja, skont l-Artikolu 13 u l-Anness XI tad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent, jinqabeż fiż-żona ta’ impatt ta’ dan l-inkwinant, huwa suġġett ukoll għal żewġ kundizzjonijiet: l-ewwel, pjan wieħed jew iktar dwar il-kwalità tal-arja għandhom jiggarantixxu, konformement mal-Artikolu 23 ta’ din id-direttiva, li l-perijodu ta’ qbiż jista’ jinżamm l-iqsar possibbli. It-tieni, il-permess għandu jkun konformi mar-rekwiżiti ta’ dawn il-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll [tnaqqis] integrati tat-tniġġis) (ĠU 2010, L 334, p. 17 u rettifika fil-ĠU 2012, L 158, p. 25).

( 3 ) Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Mejju 2008 dwar il-kwalità ta’ l-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa (ĠU 2008, L 152, p. 1) kif emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni (UE) 2015/1480 tat‑28 ta’ Awwissu 2015 (ĠU L 226, p. 4 u rettifika fil-ĠU 2019, L 72, p. 141).

( 4 ) Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1442 tal‑31 ta’ Lulju 2017 li tistabbilixxi l-konklużjonijiet tal-aqwa tekniki disponibbli (BAT), skont id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għall-impjanti kbar tal-kombustjoni (ĠU 2017, L 212, p. 1).

( 5 ) ĠU 2008, L 24, p. 8.

( 6 ) Direttiva tal-Kunsill 1999/30/KE tat‑22 ta’ April 1999 dwar il-valuri limitu tad-dijossidu tal-kubrit, tad-dijossidu tan-nitroġenu u l-ossidi tan-nitroġenu, materji f’partiċelli u ċomb fl-arja ambjentali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4 p. 164).

( 7 ) Sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Il‑Kummissjoni vs Il‑Bulgarija (Valuri limitu ‑ SO2) (C‑730/19, mhux ippubblikata, EU:C:2022:382, punt 17).

( 8 ) Sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Il‑Kummissjoni vs Il‑Bulgarija (Valuri limitu ‑ SO2) (C‑730/19, mhux ippubblikata, EU:C:2022:382, punti 2123 u 29).

( 9 ) Sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Il‑Kummissjoni vs Il‑Bulgarija (Valuri limitu ‑ SO2) (C‑730/19, mhux ippubblikata, EU:C:2022:382).

( 10 ) Актуализация на програмата за управление на качеството на атмосферния въздух в Община Гълъбово, разработена за замърсителите: финни прахови частици (ФПЧ10) и серен диоксид (SO2), 2019‑2023 г., (Aġġornament tal-programm dwar il-kwalità tal-arja fil-komun ta’ Galabovo, żviluppat għall-materja partikolata fina (PM10) u dijossidu tal-kubrit (SO2), 2019‑2023, https://galabovo.org/sites/default/files/Programa_Galabovo.pdf).

( 11 ) Miżura Gl_Lt_Pr_t_4, p. 287 tal-programm.

( 12 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2019, Craeynest et (C‑723/17, EU:C:2019:533, punti 37 et seq.).

( 13 ) ĠU 2005, L 23, p. 3.

( 14 ) Sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Il‑Kummissjoni vs Il‑Bulgarija (Valuri limitu ‑ SO2) (C‑730/19, mhux ippubblikata, EU:C:2022:382).

( 15 ) L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, Air quality in Europe – 2020 report, EEA Report No 09/2020, p. 86 (https://www.eea.europa.eu/publications/air-quality-in-europe-2020-report/at_download/file).

( 16 ) Ara l-punti 77 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 17 ) Il-kunċett ta’ tniġġis “wesentlich” [sinjifikattiv] fil-verżjoni Ġermaniża ma għandux ikollu tifsira differenti minn dik ta’ tniġġis “erhebliche”“kunsiderevoli”, għaliex, f’verżjonijiet lingwistiċi oħra, l-istess terminu jintuża, pereżempju “significant” (EN), “importante” (FR) jew “значително” (BG).

( 18 ) Ara wkoll l-ewwel u r-raba’ premessi tad-Direttiva tal-Kunsill 80/779/KEE tal‑15 ta’ Lulju 1980 dwar il-limiti tal-valuri tal-kwalità ta’ l-arja u gwida għall-valuri tad-dijossidu tal-kubrit u l-partiċelli ta’ l-arja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 142).

( 19 ) Sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Il‑Kummissjoni vs Il‑Bulgarija (Valuri limitu ‑ SO2) (C‑730/19, mhux ippubblikata, EU:C:2022:382, b’mod partikolari l-punti 23 u 29).

( 20 ) F’dan is-sens, ara s-sentenzi tat‑30 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Rumanija (Qbiż tal-valur limitu għal PM10) (C‑638/18, mhux ippubblikata, EU:C:2020:334, punti 73 u 74), u tal‑10 ta’ Novembru 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (Valuri limitu għal PM10) (C‑644/18, EU:C:2020:895, punti 96 u 97).

( 21 ) F’dan is-sens, ara s-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (PM10) (C‑68/11, EU:C:2012:815, punti 64 u 65), tad‑19 ta’ Novembru 2014, ClientEarth (C‑404/13, EU:C:2014:2382, punt 42), tal‑5 ta’ April 2017, Il‑Kummissjoni vs Il‑Bulgarija (PM10) (C‑488/15, EU:C:2017:267, punt 70), tal‑10 ta’ Novembru 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (Valur limitu għal PM10) (C‑644/18, EU:C:2020:895, punti 78 sa 81), u tat‑12 ta’ Mejju 2022, Il‑Kummissjoni vs Il‑Bulgarija (Valuri limitu ‑ SO2) (C‑730/19, mhux ippubblikata, EU:C:2022:382, punti 76 u 78).

( 22 ) Iktar ’il quddiem, punti 64 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 23 ) Huwa possibbli li t-talba għal deċiżjoni preliminari tirreferi f’dan ir-rigward għall-immaġni Nru VI.2.7 li tinsab fil-paġna 256 tal-pjan dwar il-kwalità tal-arja (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10).

( 24 ) Sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2008, Janecek (C‑237/07, EU:C:2008:447, punti 45 u 46), tal‑10 ta’ Novembru 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (Valuri limitu għal PM10) (C‑644/18, EU:C:2020:895, punt 134), u tat‑12 ta’ Mejju 2022, Il‑Kummissjoni vs Il‑Bulgarija (Valuri limitu ‑ SO2) (C‑730/19, mhux ippubblikata, EU:C:2022:382, punt 130).

( 25 ) Sentenzi tal‑5 ta’ April 2017, Il‑Kummissjoni vs Il‑Bulgarija (C‑488/15, EU:C:2017:267, punt 109), tal‑10 ta’ Novembru 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (Valuri limitu għal PM10) (C‑644/18, EU:C:2020:895, punt 136), u tat‑12 ta’ Mejju 2022, Il‑Kummissjoni vs Il‑Bulgarija (Valuri limitu ‑ SO2) (C‑730/19, mhux ippubblikata, EU:C:2022:382, punt 132).

( 26 ) Sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (Valuri limitu għal PM10) (C‑644/18, EU:C:2020:895, punt 154).

( 27 ) Ara, fir-rigward tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2 p. 102), is-sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:482, punt 58), u tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Luonnonsuojeluyhdistys Tapiola (C‑674/17, EU:C:2019:851, punt 66), kif ukoll, fir-rigward tal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart, is-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2019, Prato Nevoso Termo Energy (C‑212/18, EU:C:2019:898, punt 58). Ara wkoll Christoph Sobotta, Recent application of the precautionary principle in the jurisprudence of the CJEU – a new yardstick in EU environmental decision making?, ERA Forum 2020, 723.

( 28 ) Ara s-sentenzi tat‑12 ta’ Settembru 2000, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑358/97, EU:C:2000:425, punt 55), tal‑4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et (C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punt 162), u tal‑14 ta’ Lulju 2022, Porsche Inter Auto u Volkswagen (C‑145/20, EU:C:2022:572, punt 61).

( 29 ) Ara s-sentenzi tat‑18 ta’ Novembru 2004, Temco Europe (C‑284/03, EU:C:2004:730, punt 17), tal‑14 ta’ Ġunju 2007, Horizon College (C‑434/05, EU:C:2007:343, punt 16), u tat‑13 ta’ Jannar 2022, Termas Sulfurosas de Alcafache (C‑513/20, EU:C:2022:18, punt 25).

( 30 ) P. 304 et seq. tal-pjan dwar il-kwalità tal-arja, b’mod partikolari l-immaġni Nri VIII.4.3.1 sa VIII.4.3.3 (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10).

( 31 ) Sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2011, Stichting Natuur en Milieu et (C‑165/09 sa C‑167/09, EU:C:2011:348, punt 62).

( 32 ) F’dan is-sens, ara s-sentenzi tat‑30 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Rumanija (Qbiż tal-valur limitu għal PM10) (C‑638/18, mhux ippubblikata, EU:C:2020:334, punti 73 u 74), u tal‑10 ta’ Novembru 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑644/18, EU:C:2020:895, punti 96 u 97).

( 33 ) Sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2011, Stichting Natuur en Milieu et (C‑165/09 sa C‑167/09, EU:C:2011:348, punt 62).

( 34 ) Konklużjonijiet fil-kawżi magħquda Stichting Natuur en Milieu et (C‑165/09 sa C‑167/09, EU:C:2010:775, punt 62).

( 35 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 36 ) Artikolu 17 u Anness VII, Taqsima B.

( 37 ) Artikolu 16(1) u Anness XIV, Taqsima D.

( 38 ) Ara l-punt 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet.