KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
EMILIOU
ippreżentati fis‑7 ta’ Lulju 2022 ( 1 )
Kawża C‑372/21
Freikirche der Siebenten-Tags-Adventisten in Deutschland KdöR
partijiet magħquda:
Bildungsdirektion für Vorarlberg
(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Suprema, l-Awstrija))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 49 TFUE – Dritt ta’ stabbiliment – Artikolu 17 TFUE – Knejjes u assoċjazzjonijiet jew komunitajiet reliġjużi – Sussidju ta’ skola privata rrikonoxxuta bħala skola bbażata fuq twemmin reliġjuż minn soċjetà reliġjuża bbażata fi Stat Membru ieħor”
I. Introduzzjoni
1. |
Skont l-Artikolu 17(1) TFUE, l-Unjoni Ewropea “tirrispetta u ma tippreġudikax l-istatus li jgawdu minnu, taħt il-liġi nazzjonali, il-knejjes u l-assoċjazzjonijiet jew il-komunitajiet reliġjużi fl-Istati Membri”. Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 49(1) TFUE jipprevedi li “restrizzjonijiet għal-libertà ta’ l-istabbiliment ta’ ċittadini ta’ Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, għandhom jiġu projbiti”. |
2. |
Il-kawża ineżami tirrigwarda l-interazzjoni bejn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet. B’mod partikolari, hija tqajjem żewġ kwistjonijiet prinċipali. |
3. |
L-ewwel, l-Artikolu 17(1) TFUE jipprekludi l-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar il-moviment liberu tas-servizzi f’sitwazzjoni fejn soċjetà reliġjuża, stabbilita fi Stat Membru, tirrikonoxxi skola fi Stat Membru ieħor bħala skola bbażata fuq twemmin reliġjuż u titlob finanzjament pubbliku f’dan l-aħħar Stat Membru? It-tieni, jekk fin-negattiv, dawn ir-regoli jistgħu jiġu invokati b’suċċess fir-rigward ta’ attività ekonomika li, kieku titneħħa l-allegata restrizzjoni fl-Istat Membru ospitanti, titlef in-natura ekonomika tagħha? |
II. Il‑kuntest ġuridiku nazzjonali
4. |
L-Artikolu 1 tal-Gesetz vom 20. Mai 1874 betreffend die gesetzliche Anerkennung von Religionsgesellschaften (il-Liġi Awstrijaka dwar ir-Rikonoxximent Legali ta’ Soċjetajiet Reliġjużi; iktar ’il quddiem l-“AnerkennungsG”) ( 2 ) jipprevedi li: “Membri ta’ denominazzjoni reliġjuża li ma kinitx preċedentement irrikonoxxuta mil-liġi għandhom jiġu rrikonoxxuti bħala soċjetà reliġjuża sakemm:
|
5. |
L-Artikolu 2 tal-AnerkennungsG huwa fformulat kif ġej: “Jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 1 jiġu ssodisfatti, il-Cultusminister [(il-Ministru għall-Edukazzjoni u għall-Affarijiet Kulturali, l-Awstrija)] għandu jirrikonoxxi s-soċjetà reliġjuża. Konsegwentement, is-soċjetà reliġjuża għandha tibbenefika mid-drittijiet legali kollha mogħtija lill-knejjes u lis-soċjetajiet reliġjużi rrikonoxxuti mil-liġi.” |
6. |
L-Artikolu 11 tal-Bundesgesetz über die Rechtspersönlichkeit von religiösen Bekenntnisgemeinschaften (il-Liġi Federali dwar l-Istatus Legali tal-Komunitajiet Reliġjużi Rreġistrati, iktar ’il quddiem il-“BekGG” ( 3 ), jistabbilixxi rekwiżiti addizzjonali għar-rikonoxximent ta’ komunità reliġjuża skont l-AnerkennungsG. Huwa jipprevedi: “Minbarra r-rekwiżiti stabbiliti fl-[AnerkennungsG], sabiex tiġi rrikonoxxuta, il-komunità reliġjuża trid tissodisfa l-kundizzjonijiet segwenti. 1. Il-komunità reliġjuża:
2. Id-dħul u l-assi tal-komunità reliġjuża jistgħu jintużaw biss għal finijiet reliġjużi, inkluż għal finijiet karitattivi u għal finijiet ta’ interess pubbliku bbażati fuq prinċipji reliġjużi. 3. Il-komunità ta’ fidi għandu jkollha dispożizzjoni tajba lejn is-soċjetà u l-Istat. 4. Hija ma għandhiex toħloq disturb illegali fir-relazzjonijiet mal-knejjes u s-soċjetajiet reliġjużi rrikonoxxuti mil-liġi u ma’ komunitajiet reliġjużi oħra eżistenti”. |
7. |
Taħt it-titolu ta’ “Sussidju ta’ Skejjel Privati Bbażati fuq Twemmin Reliġjuż”, l-Artikolu 17 tal-Privatschulgesetz (il-Liġi Awstrijaka dwar l-Iskejjel Privati, iktar ’il quddiem il-“PrivSchG”) ( 4 ), li jkopri l-eliġibbiltà, jipprevedi: “(1) il-knejjes u s-soċjetajiet reliġjużi rrikonoxxuti legalment għandhom jingħataw sussidji għall-ispejjeż tal-persunal għall-iskejjel privati bbażati fuq twemmin reliġjuż li għandhom status ta’ dritt pubbliku skont id-dispożizzjonijiet li ġejjin. (2) L-iskejjel privati bbażati fuq twemmin reliġjuż għandhom jinftiehmu bħala li jagħmlu riferiment għall-iskejjel amministrati mill-knejjes u mis-soċjetajiet reliġjużi rrikonoxxuti legalment, u mill-istituzzjonijiet tagħhom, kif ukoll għall-iskejjel amministrati minn assoċjazzjonijiet, fondazzjonijiet u fondi li huma rrikonoxxuti bħala skejjel ibbażati fuq twemmin reliġjuż mill-awtorità superjuri kompetenti ta’ knisja (soċjetà reliġjuża).” |
8. |
L-Artikolu 18(1) tal-PrivSchG, rigward il-kamp ta’ applikazzjoni tas-sussidju, jistabbilixxi: “Bħala sussidju, il-knejjes u s-soċjetajiet reliġjużi rrikonoxxuti mil-liġi għandhom jiġu pprovduti bil-persunal ta’ tagħlim meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-programm skolastiku tal-iskola inkwistjoni […] sakemm ir-relazzjoni ta’ bejn in-numru ta’ studenti u n-numru ta’ għalliema tal-iskola bbażata fuq twemmin reliġjuż inkwistjoni tikkorrispondi essenzjalment għal dik prevalenti fl-iskejjel pubbliċi ta’ tip u ta’ post identiċi jew komparabbli.” |
9. |
Skont l-Artikolu 19 tal-PrivSchG, intitolat “Natura tas-sussidju”, l-għajnuniet tar-remunerazzjoni tal-persunal huma, bħala prinċipju, mogħtija permezz tal-assenjazzjoni ta’ għalliema impjegati jew li jkollhom rabta kuntrattwali mal-Istat Federali jew mal-Land bħala “għajnuniet għall-għajxien”. |
10. |
L-Artikolu 21 tal-PrivSchG, dwar il-kundizzjonijiet tas-sussidji ta’ skejjel privati oħra, jipprevedi: “(1) Fir-rigward tal-iskejjel privati li għandhom status ta’ dritt pubbliku li ma jaqgħux taħt l-Artikolu 17, l-Istat Federali jista’, skont id-disponibbiltà tal-fondi fuq il-bażi tal-Att dwar il-Finanzi Federali rispettiv, jagħti sussidji għall-ispejjeż tal-persunal jekk […] (b) l-iskop tal-ġestjoni tal-iskola ma huwiex wieħed ta’ lukru, […]” |
III. Il‑fatti, il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
11. |
Freikirche der Siebenten-Tags-Adventisten in Deutschland KdöR (il-Knisja Ħielsa tal-Avventisti tas-Seba’ Jum fil-Ġermanja; iktar ’il quddiem l-“appellanti”) hija soċjetà reliġjuża rrikonoxxuta fil-Ġermanja, fejn għandha l-istatus ta’ korp irregolat mid-dritt pubbliku. Hija ma għandhiex l-istess status fl-Awstrija. |
12. |
Fl‑2019, l-appellanti rrikonoxxiet bħala skola bbażata fuq it-twemmin istitut privat fl-Awstrija li kien qiegħed jiġi ġġestit minn assoċjazzjoni privata – li tgħaqqad skola primarja ma’ skola medja – u ressqet talba għal finanzjament pubbliku tal-persunal tagħha skont id-dispożizzjonijiet tal-PrivSchG. |
13. |
Permezz ta’ deċiżjoni tat‑3 ta’ Settembru 2019, il-Bildungsdirektion für Vorarlberg (id-Direttorat għall-Edukazzjoni ta’ Vorarlberg, l-Awstrija) ċaħad din it-talba. |
14. |
L-appellanti ppreżentat appell minn dik id-deċiżjoni. Madankollu, dan l-appell ġie miċħud bħala infondat permezz ta’ sentenza tas‑26 ta’ Frar 2020 tal-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, l-Awstrija). Din il-qorti kkonstatat li l-iskola inkwistjoni ma kellhiex l-istatus ġuridiku speċjali mogħti lil skejjel “ibbażati fuq twemmin reliġjuż” fis-sens tal-Artikolu 18 tal-PrivSchG, peress li l-appellanti ma kinitx irrikonoxxuta legalment fl-Awstrija bħala knisja jew soċjetà reliġjuża. Għalhekk hija kkonkludiet li r-rekwiżiti tal-Artikoli 17 et seq. tal-PrivSchG ma kinux issodisfatti. |
15. |
L-appellanti ressqet appell fuq punt ta’ liġi mis-sentenza tal-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) quddiem il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Suprema, l-Awstrija). Din il-qorti, billi kellha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti (iktar ’il quddiem il-“leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni”) mad-dritt tal-Unjoni, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv:
|
16. |
Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-appellanti, mill-Gvern Ċek u dak Awstrijak kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. |
IV. Analiżi
17. |
Fil-punti segwenti, sejjer nindirizza ż-żewġ kwistjonijiet prinċipali li jirriżultaw mid-domandi preliminari li jikkonċernaw, essenzjalment, l-effetti tal-Artikolu 17(1) TFUE (A), u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 49 TFUE (B). |
A. L‑ewwel domanda: l‑effetti tal‑Artikolu 17 TFUE
18. |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 17(1) TFUE jipprekludix l-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar il-moviment liberu tas-servizzi f’sitwazzjoni fejn soċjetà reliġjuża, stabbilita fi Stat Membru, tirrikonoxxi skola fi Stat Membru ieħor bħala skola bbażata fuq twemmin reliġjuż u titlob finanzjament pubbliku fit-tieni Stat Membru. |
19. |
Fil-fehma tiegħi, ir-risposta għal din id-domanda għandha tkun fin-negattiv. |
20. |
L-Artikolu 17(1) jistabbilixxi li l-Unjoni “tirrispetta u ma tippreġudikax l-istatus li jgawdu minnu, taħt il-liġi nazzjonali, il-knejjes u l-assoċjazzjonijiet jew il-komunitajiet reliġjużi fl-Istati Membri”. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din id-dispożizzjoni “[t]esprimi n-newtralità tal-Unjoni fir-rigward tal-organizzazzjoni mill-Istati Membri tar-relazzjonijiet tagħhom mal-knejjes u mal-assoċjazzjonijiet jew mal-komunitajiet reliġjużi” ( 5 ), u tinkorpora l-prinċipju ta’ awtonomija organizzattiva tal-komunitajiet reliġjużi ( 6 ). |
21. |
Fil-fehma tiegħi, il-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja jimplikaw li l-Unjoni ma għandhiex setgħa speċifika sabiex tirregola l-kwistjonijiet dwar il-funzjonament intern tal-komunitajiet reliġjużi u r-relazzjoni tagħhom mal-Istati Membri. Għalhekk, bħala prinċipju huwa kull Stat Membru li għandu jiddetermina t-tip ta’ relazzjoni li huwa jixtieq jistabbilixxi mal-komunitajiet reliġjużi u, għal dan l-għan, jistabbilixxi regoli li jirregolaw suġġetti bħal, pereżempju, l-istatus ġuridiku u l-portata tal-awtonomija tal-komunitajiet reliġjużi, il-finanzjament tagħhom, u kwalunkwe status speċjali mogħtija lill-ministri jew lill-persunal tagħhom ( 7 ). |
22. |
Madankollu, dan ma jfissirx li dawn l-organizzazzjonijiet ma għandhomx ikunu konformi mar-regoli tal-Unjoni li jistgħu jkunu applikabbli għall-attivitajiet tagħhom, u lanqas li l-Istati Membri huma liberi li jadottaw leġiżlazzjonijiet ekkleżjastiċi inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, anki meta jaġixxu f’oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħhom, l-Istati Membri huma marbuta li jeżerċitaw din il-kompetenza fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni ( 8 ), u għalhekk li josservaw l-obbligi tagħhom taħt id-dritt tal-Unjoni ( 9 ). |
23. |
Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ regoli nazzjonali li jirrigwardaw ir-relazzjoni bejn Stat Membru u komunitajiet reliġjużi. B’mod partikolari, uħud minn dawn il-kawżi jikkonċernaw sitwazzjonijiet li għandhom ċertu xebh mal-kawża ineżami. Pereżempju, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà eżaminat jekk miżuri nazzjonali li jipprovdu l-finanzjament għall-iskejjel ibbażati fuq twemmin ( 10 ) jew li jipprevedu eżenzjonijiet fiskali favur attivitajiet imwettqa minn komunitajiet reliġjużi ( 11 ) humiex konformi mar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. B’mod simili, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat ukoll li l-fatt li attività titwettaq minn komunità reliġjuża, jew minn membru tagħha, ma jipprekludix l-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar is-suq intern ( 12 ). |
24. |
Dan ma huwiex ikkontestat mill-Artikolu 17(1) TFUE. Kif enfasizza l-Avukat Ġenerali Tanchev, mill-Artikolu 17(1) TFUE ma jsegwix li r-relazzjonijiet bejn komunitajiet reliġjużi u Stat Membru huma kompletament esklużi minn kwalunkwe stħarriġ tal-osservanza tagħhom tad-dritt tal-Unjoni “ikunu x’ikunu ċ-ċirkustanzi” ( 13 ). Fi kliem ieħor, l-Artikolu 17(1) TFUE ma jistax jitqies – kif sostna l-Avukat Ġenerali Bobek – bħala “eżenzjoni ġenerali” għal kwalunkwe kwistjoni li tmiss ma’ komunità reliġjuża u r-relazzjoni tagħha mal-awtoritajiet nazzjonali ( 14 ). Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 17(1) TFUE ma jistax jiġi invokat sabiex jeżenta mill-osservanza, inter alia, tar-regoli tal-Unjoni dwar l-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u x-xogħol ( 15 ), jew dwar il-protezzjoni tad-data personali ( 16 ). |
25. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-Artikolu 17(1) TFUE ma jipprekludix l-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar il-moviment liberu tas-servizzi f’sitwazzjoni fejn soċjetà reliġjuża, stabbilita fi Stat Membru, tirrikonoxxi skola li tinsab fi Stat Membru ieħor bħala skola bbażata fuq twemmin reliġjuż, u titlob finanzjament pubbliku f’dan l-aħħar Stat Membru. |
B. It‑tieni domanda: il‑kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 49 TFUE
26. |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-regoli tal-Unjoni dwar il-moviment liberu tas-servizzi jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, bħala prerekwiżit għas-sussidju ta’ skejjel privati bbażati fuq twemmin reliġjuż, li l-applikant għandu jkun irrikonoxxut bħala knisja jew soċjetà reliġjuża taħt id-dritt nazzjonali. |
27. |
Fit-taqsimiet li ġejjin, wara li nipprovdi xi rimarki preliminari li jiċċaraw id-dispożizzjoni applikabbli tad-dritt tal-Unjoni (1), sejjer nindirizza l-mertu ta’ din id-domanda. Sejjer nispjega għalfejn jiena tal-fehma li d-dritt ta’ stabbiliment ma jistax jiġi invokat mill-fornituri ta’ servizzi sabiex ikunu awtorizzati jeżerċitaw attività mhux ekonomika fi Stat Membru ieħor (2). Sussidjarjament, sejjer nispjega għalfejn jiena tal-fehma li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni tista’ tikkostitwixxi restrizzjoni għad-dritt ta’ stabbiliment, iżda tista’ tkun iġġustifikata bħala neċessarja u proporzjonata għat-twettiq ta’ ċerti għanijiet pubbliċi li jistħoqqilhom protezzjoni (3). |
1. Kummenti preliminari
28. |
Preliminarjament, jista’ jkun utli li tiġi ċċarata d-dispożizzjoni speċifika tad-dritt tal-Unjoni applikabbli fil-kawża ineżami. Għandi żewġ rimarki f’dan ir-rigward. |
29. |
L-ewwel, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni mal-Artikolu 56 TFUE, li jistabbilixxi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Madankollu, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma huwiex l-Artikolu 56 TFUE li japplika, iżda l-Artikolu 49 TFUE, li jikkonċerna d-dritt ta’ stabbiliment. |
30. |
Fil-fatt, bħalma l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod konsistenti, il-kunċett ta’ stabbiliment jimplika li l-operatur joffri s-servizzi tiegħu, b’mod stabbli u kontinwu, minn stabbiliment fl-Istat Membru ospitanti. Madankollu, il-provvista ta’ servizzi li ma humiex offruti b’mod stabbli u kontinwu, minn stabbiliment fl-Istat Membru ospitanti jikkostitwixxu “provvista ta’ servizzi” għall-finijiet tal-Artikolu 56 TFUE ( 17 ). |
31. |
Peress li l-attività inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija l-ġestjoni ta’ skola li toffri, b’mod stabbli u kontinwu, servizzi ta’ tagħlim lil studenti tal-iskola primarja u sekondarja fl-Awstrija, nikkunsidra li l-kawża ineżami taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar l-istabbiliment ( 18 ). |
32. |
It-tieni, huwa stabbilit sew li r-regoli tal-Unjoni dwar il-moviment liberu, inklużi dawk relatati mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-libertà ta’ stabbiliment, ma japplikawx għal sitwazzjoni li hija limitata minn kull aspett fi ħdan Stat Membru wieħed ( 19 ). Għaldaqstant, dawn ir-regoli jistgħu jiġu validament invokati biss f’sitwazzjonijiet li jinvolvu element transkonfinali. Dan ir-rekwiżit jirriżulta mill-għan stess tad-dispożizzjonijiet tas-suq intern, li huwa li jiġi lliberalizzat il-kummerċ fi ħdan l-Unjoni ( 20 ). |
33. |
Fil-kawża ineżami, kuntrarjament għall-fehma tal-Gvern Awstrijak, dan ir-rekwiżit jidher li ġie ssodisfatt. L-appellanti, komunità reliġjuża, hija persuna ġuridika stabbilita fil-Ġermanja, li ressqet talba għal finanzjament fi Stat Membru ieħor, jiġifieri l-Awstrija. Bħalma tindika l-qorti tar-rinviju, din it-talba tressqet skont id-dritt nazzjonali Awstrijak. Fil-fatt, skont l-Artikolu 17 tal-PrivSchG, huma l-komunitajiet reliġjużi li huma (formalment) il-benefiċjarji ta’ tali finanzjament. Għalhekk jista’ jinstab element transkonfinali fil-kawża ineżami. |
34. |
Wara li għamilt dawn il-preċiżazzjonijiet, indur issa għall-kwistjonijiet ta’ mertu mqajma mit-tieni domanda preliminari. |
2. L‑Artikolu 49 TFUE ma jistax jiġi invokat minn fornituri ta’ servizzi sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw attività mhux ekonomika fi Stat Membru ieħor
35. |
Skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 49 TFUE jipprekludi kull miżura nazzjonali li, anki jekk tapplika mingħajr distinzjoni minħabba ċittadinanza, tista’ tostakola jew tagħmel inqas attraenti l-eżerċizzju, miċ-ċittadini tal-Unjoni, tal-libertà ta’ stabbiliment żgurata mit-Trattat FUE ( 21 ). |
36. |
Madankollu, għandu jitfakkar li r-regoli tal-Unjoni dwar l-istabbiliment – bħal dawk li jirrigwardaw il-libertajiet l-oħra tas-suq intern – huma applikabbli biss meta l-attività inkwistjoni tista’ tiġi kklassifikata bħala “ekonomika”. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja konsistentement iddeċidiet li jirriżulta li kull attività li tikkonsisti fl-offerta ta’ prodotti jew servizzi f’suq partikolari tikkostitwixxi attività ekonomika ( 22 ). |
37. |
Iktar speċifikament, l-Artikolu 57 TFUE jipprevedi li s-“servizzi” fis-sens tat-Trattati huma dawk “normalment mogħtija bi ħlas”. Il-karatteristika essenzjali tar-remunerazzjoni tinsab – kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja – fil-fatt li din tikkostitwixxi l-korrispettiv għas-servizz inkwistjoni ( 23 ), u li hija normalment miftiehma bejn il-fornitur u d-destinatarju tas-servizz ( 24 ). |
38. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja adottat interpretazzjoni pjuttost wiesgħa tal-kunċett ta’ “remunerazzjoni” ( 25 ). B’mod partikolari, l-applikazzjoni tar-regoli dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma hijiex eskluża mill-fatt li r-remunerazzjoni għas-servizz hija: (i) ta’ ammont limitat ( 26 ), (ii) ipprovduta fil-forma ta’ benefiċċju in natura ( 27 ), (iii) mhux imħallsa mid-destinatarju tas-servizz ( 28 ), jew (iv) sussegwentement irrimborsata minn terz ( 29 ). Bl-istess mod, servizz jista’ jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 49 TFUE anki jekk il-fornitur ma għandux skop ta’ lukru ( 30 ). |
39. |
Madankollu, b’mod jew ieħor, għandu jkun hemm ħlas (jew trasferiment ta’ xi benefiċċju ta’ valur ekonomiku) li jikkostitwixxi forma ta’ “korrispettiv” għas-servizz ipprovdut ( 31 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja konsistentement iddikjarat li “il-fattur deċiżiv li jqiegħed attività fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi huwa n-natura ekonomika tagħha” ( 32 ). Dan ma huwiex il-każ, pereżempju, meta l-attività hija eżerċitata mingħajr ħlas ( 33 ), jew taqa’ fil-kuntest ta’ sistema li ma hijiex ibbażata fuq loġika kummerċjali ( 34 ). Dak li huwa kruċjali sabiex attività tkun tista’ titqies bħala “ekonomika”, huwa, fil-fehma tiegħi, li t-tranżazzjoni bejn il-fornitur u d-destinatarju tkun ibbażata fuq quid pro quo ( 35 ), li fiha tista’ tiġi identifikata relazzjoni raġonevoli bejn il-valur tas-servizz ipprovdut u l-ħlas imwettaq inkambju. |
40. |
Fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji, f’dak li jirrigwarda l-attivitajiet edukattivi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-korsijiet mogħtija minn stabbilimenti edukattivi ffinanzjati essenzjalment minn fondi privati jikkostitwixxu “servizzi” għall-finijiet tad-dritt tal-Unjoni. Konsegwentement, liġijiet nazzjonali li jirregolaw dawn l-attivitajiet għandhom, bħala prinċipju, jikkonformaw mar-regoli dwar is-suq intern, u, iktar speċifikament, mar-regoli dwar il-moviment liberu tas-servizzi. Għall-kuntrarju, l-offerta ta’ korsijiet edukattivi minn stabbilimenti li huma integrati f’sistema ta’ edukazzjoni pubblika u li huma ffinanzjati, kompletament jew prinċipalment, minn fondi pubbliċi ma tikkostitwixxix attività ekonomika għall-finijiet tar-regoli tal-Unjoni dwar is-suq intern. Fil-fatt, billi jistabbilixxi u jżomm fis-seħħ tali sistema ta’ edukazzjoni pubblika, iffinanzjata bħala regola ġenerali mill-finanzi pubbliċi u mhux mill-istudenti jew mill-ġenituri tagħhom, l-Istat ma għandux l-intenzjoni li jeżerċita attivitajiet bi ħlas iżda li jissodisfa l-missjoni tiegħu fl-oqsma soċjali, kulturali u edukattivi fil-konfront tal-popolazzjoni tiegħu ( 36 ). |
41. |
Fil-kawża ineżami, nifhem li l-attività edukattiva mwettqa mill-iskola (privata) inkwistjoni hija attwalment iffinanzjata minn fondi privati, inklużi dawk ipprovduti mill-istudenti u mill-ġenituri tagħhom. Għaldaqstant, din l-attività tista’ tiġi kklassifikata bħala “ekonomika” għall-finijiet tad-dritt tal-Unjoni. |
42. |
Fid-dawl ta’ dan, iqumu żewġ domandi fil-kawża ineżami. L-ewwel, l-attività li din l-iskola għandha l-intenzjoni twettaq fl-Awstrija, jekk u meta ngħata l-finanzjament pubbliku mitlub, xorta tista’ tiġi kklassifikata bħala “ekonomika” għall-finijiet tar-regoli tas-suq intern? It-tieni, jekk ma tistax tiġi kklassifikata bħala tali, dan ikollu xi effett fuq ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju? |
43. |
Fir-rigward tal-ewwel kwistjoni, il-Gvern Awstrijak u l-Kummissjoni jsostnu li l-attività li din l-iskola sejra twettaq fl-Awstrija kieku jingħata l-finanzjament pubbliku mitlub, ma tkunx tista’ tibqa’ titqies bħala “ekonomika”. |
44. |
Jekk l-interpretazzjoni tiegħi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni hija korretta – fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju – jiena naqbel ma’ din il-fehma. Fil-fatt, jekk l-iskola inkwistjoni tiġi ammessa għas-sistema stabbilita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, din l-iskola tidher li tissodisfa ż-żewġ kundizzjonijiet li skonthom, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 40 iktar ’il fuq, l-offerta ta’ korsijiet edukattivi ma tistax titqies li tikkostitwixxi “servizz” għall-finijiet tar-regoli tas-suq intern: i) l-iskola hija integrata f’sistema ta’ edukazzjoni pubblika u, (ii) din is-sistema hija ffinanzjata kompletament jew prinċipalment minn fondi pubbliċi. |
45. |
Fil-fatt, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma tillimitax ruħha li tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ finanzjament tal-iskejjel ibbażati fuq twemmin reliġjuż, iżda tidher li tmur lil hinn minn dan il-mekkaniżmu billi tipprevedi, essenzjalment, l-integrazzjoni sħiħa ta’ dawn l-iskejjel fis-sistema pubblika tal-edukazzjoni. |
46. |
L-iskejjel privati jistgħu jiġu rrikonoxxuti bħala “bbażati fuq twemmin reliġjuż” biss minn komunitajiet reliġjużi rrikonoxxuti bħala tali fl-Awstrija. Dawn il-komunitajiet huma kkostitwiti fil-forma ta’ persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt pubbliku, li d-dħul u l-assi tagħhom jistgħu jintużaw biss għal finijiet reliġjużi, inkluż għal skopijiet mhux ta’ lukru u karitattivi bbażati fuq għanijiet reliġjużi ( 37 ). Il-komunitajiet reliġjużi jingħataw xi drittijiet speċjali, iżda jiġu wkoll fdati bit-twettiq ta’ inkarigi speċifiċi, li permezz tagħhom – skont l-espressjoni użata mill-Verfassungsgerichtshof (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Awstrija), “huma jinfluwenzaw, fil-livell tagħhom, il-ħajja pubblika nazzjonali” ( 38 ). Wieħed minn dawn l-inkarigi jikkonċerna preċiżament l-edukazzjoni, peress li huma inkarigati mit-tagħlim reliġjuż fl-iskejjel ( 39 ), u huma obbligati jipprovdu edukazzjoni “ta’ kwalità” f’dan ir-rigward ( 40 ). |
47. |
Għat-twettiq tal-inkarigi tagħhom, il-komunitajiet reliġjużi għandhom id-dritt li jirċievu sussidji għall-ispejjeż tal-persunal, li huma, bħala prinċipju, mogħtija permezz tal-assenjazzjoni ta’ għalliema impjegati jew li jkollhom rabta kuntrattwali mal-Istat Federali jew mal-Land bħala “għajnuniet għall-għajxien”. Il-persunal assenjat jinkludi l-persunal responsabbli mill-implimentazzjoni tal-programm tal-iskola kkonċernata (inkluż il-kariga ta’ direttur u kwalunkwe servizzi anċillari li għandu jiġi pprovdut mill-persunal ta’ tagħlim fi skejjel pubbliċi komparabbli) ( 41 ). Kif nifhem jien, l-iskejjel issussidjati b’fondi pubbliċi fl-Awstrija mhux biss ma jistgħux jiġu ġġestiti għal skopijiet ta’ lukru ( 42 ) iżda, fuq kollox, huma ffinanzjati prinċipalment minn fondi pubbliċi. |
48. |
Għaldaqstant, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, jiena tal-fehma li n-natura tal-attività tal-iskola inkwistjoni, ladarba tiġi ammessa għas-sistema ta’ finanzjament pubbliku stabbilita mill-PrivSchG, neċessarjament tinbidel u tieqaf tkun “ekonomika”. Din l-attività tkun għalhekk eżerċitata f’sistema mmexxija mill-Istat li ma ssegwix loġika kummerċjali. |
49. |
Din il-konklużjoni provviżorja twassal għad-domanda segwenti: l-Artikolu 49 TFUE jista’ jiġi invokat b’suċċess fir-rigward ta’ attività ekonomika fl-Istat Membru ospitanti fejn, kieku l-allegata restrizzjoni kellha titneħħa, tintilef in-natura ekonomika tagħha? |
50. |
F’dan ir-rigward, jiena naqbel mill-ġdid mal-opinjoni tal-Gvern Awstrijak u tal-Kummissjoni li r-risposta għal tali domanda għandha tkun fin-negattiv. |
51. |
F’dan ir-rigward, wieħed ma għandux jinsa li l-għan imfittex mir-regoli tal-Unjoni dwar is-suq intern huwa l-eliminazzjoni tal-ostakoli kollha għall-kummerċ fi ħdan l-Unjoni sabiex jiġu amalgamati s-swieq nazzjonali f’suq wieħed li jwassal għal kundizzjonijiet l-iktar qrib possibbli għal dawk ta’ suq intern ġenwin ( 43 ). L-għan fundamentali tas-suq intern huwa li jiġi żgurat, fi ħdan l-Unjoni, fluss liberu tal-inputs meħtieġa għat-twettiq tal-attivitajiet ekonomiċi, sabiex tiġi żgurata allokazzjoni ottimali tar-riżorsi u sabiex jiġi mmassimizzat il-benesseri ekonomiku ( 44 ). |
52. |
Għall-kuntrarju, ir-regoli dwar is-suq intern ma humiex intiżi li jsegwu forom ta’ integrazzjoni mhux ekonomika bejn l-Istati Membri tal-Unjoni, li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ dispożizzjonijiet oħra tat-Trattati tal-Unjoni. Għaldaqstant, dawn ir-regoli ma jistgħux, bħala prinċipju, jiġu invokati fl-assenza ta’ attività eżerċitata b’loġika kummerċjali ( 45 ). |
53. |
Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet konsistentement li l-kunċett ta’ “stabbiliment”, skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattati tal-Unjoni jimplika l-eżerċizzju effettiv ta’ attività ekonomika fi ħdan l-Istat Membru ospitanti ( 46 ). Dan il-prinċipju huwa rifless ukoll f’numru ta’ kawżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet, in toto jew parzjalment, ċerti attivitajiet mill-portata tad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni dwar il-moviment liberu tas-servizzi. |
54. |
L-ewwel nett, f’ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-attivitajiet ta’ ġestjoni tas-servizz pubbliku tas-sigurtà soċjali, li jaqdu funzjoni ta’ natura esklużivament soċjali, ma humiex “ekonomiċi” meta jkunu bbażati fuq il-prinċipju ta’ solidarjetà nazzjonali u jkunu nieqsa minn kull għan ta’ profitt ( 47 ). |
55. |
Barra minn hekk, f’Sodemare et, fejn kumpannija invokat ir-regoli tal-Unjoni dwar il-moviment liberu tas-servizzi sabiex tkun tista’ tipprovdi servizzi ta’ għajnuna soċjali ta’ natura sanitarja, minkejja l-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali kienet tirriżerva l-possibbiltà li tipparteċipa fil-ġestjoni tas-sistema ta’ għajnuna soċjali biss għall-operaturi privati mingħajr skop ta’ lukru, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-applikazzjoni tal-Artikolu 49 TFUE. Hija nnotat li, skont prinċipju stabbilit sew, id-dritt tal-Unjoni ma jnaqqasx mis-setgħat tal-Istati Membri li jorganizzaw is-sistema ta’ sigurtà soċjali tagħhom kif jikkunsidraw xieraq. Fl-eżerċizzju tal-kompetenzi miżmuma f’dan ir-rigward, l-Istati Membri setgħu għalhekk legalment jiddeċiedu li l-ammissjoni tal-operaturi privati għal din is-sistema bħala fornituri ta’ servizzi ta’ għajnuna soċjali għandha tkun suġġetta għall-kundizzjoni li huma ma jkollhomx skop ta’ lukru ( 48 ). |
56. |
Ġiet segwita loġika simili mill-Qorti tal-Ġustizzja f’Analisi G. Caracciolo, fejn kumpannija invokat, inter alia, ir-regoli dwar il-moviment liberu tas-servizzi sabiex tikkontesta n-nuqqas ta’ akkreditazzjoni tagħha konformement mar-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93 ( 49 ). Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat il-validità tad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni li skonthom l-akkreditazzjoni kienet imwettqa esklużivament minn organu nazzjonali wieħed. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-regoli dwar il-moviment liberu tas-servizzi ma kinux applikabbli f’dik il-kawża sa fejn il-korp ta’ akkreditazzjoni kien wettaq attività ta’ awtorità pubblika, barra minn kull kuntest kummerċjali u li jopera bla skop ta’ lukru ( 50 ). |
57. |
Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nikkunsidra li r-regoli tal-Unjoni dwar il-moviment liberu tas-servizzi ma jistgħux jiġu invokati fir-rigward ta’ attività ekonomika, jekk din l-attività neċessarjament titlef in-natura ekonomika tagħha minħabba t-tneħħija tal-allegata restrizzjoni. |
58. |
Konklużjoni differenti, fil-fehma tiegħi, mhux biss tkun tista’ tiġi diffiċilment irrikonċiljata mad-definizzjoni ta’ “servizzi” stabbilit fl-Artikolu 57 TFUE, kif interpretat konsistentement mill-Qorti tal-Ġustizzja, iżda wkoll – u iktar fundamentalment – twessa’ żżejjed il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar il-moviment liberu, u b’hekk tmur kontra r-raġuni nnifisha tagħhom. |
59. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nikkonkludi li l-Artikolu 49 TFUE ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, bħala prerekwiżit għas-sussidju ta’ skejjel privati bbażati fuq twemmin reliġjuż, li l-applikant għandu jkun irrikonoxxut bħala knisja jew soċjetà reliġjuża taħt id-dritt nazzjonali, meta r-riżultat ta’ dan is-sussidju jkun li l-iskola tintegra ruħha kompletament fis-sistema pubblika. |
60. |
Madankollu, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx ma’ din il-fehma, jew jekk din l-analiżi titqies mill-qorti tar-rinviju bħala bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tad-dritt nazzjonali, sejjer nevalwa, sussidjarjament, il-kompatibbiltà ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni mal-Artikolu 49 TFUE. |
3. L‑Artikolu 49 TFUE ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni
61. |
L-Artikolu 49 TFUE jipprekludi mhux biss id-diskriminazzjonijiet manifesti bbażati fuq in-nazzjonalità, iżda wkoll kull forma moħbija ta’ diskriminazzjoni li, bl-applikazzjoni ta’ kriterji oħra ta’ distinzjoni, twassal, de facto, għall-istess riżultat ( 51 ). B’mod partikolari, kif issemma fil-punt 35 iktar ’il fuq, l-Artikolu 49 TFUE jipprekludi kwalunkwe miżura nazzjonali li tista’ tostakola jew tagħmel inqas attraenti l-eżerċizzju, miċ-ċittadini tal-Unjoni, tal-libertà ta’ stabbiliment żgurata mit-Trattat FUE. |
62. |
Fil-kawża ineżami, nikkunsidra li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni hija indirettament diskriminatorja, u li d-differenza fit-trattament bejn l-iskejjel li tirriżulta minn din il-leġiżlazzjoni tista’ tostakola jew tagħmel inqas attraenti l-eżerċizzju mill-individwi, mill-assoċjazzjonijiet u mill-kumpanniji stabbiliti fi Stat Membru ieħor tad-dritt tagħhom ta’ stabbiliment fl-Awstrija. |
63. |
L-ewwel, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, l-iskejjel ibbażati fuq twemmin reliġjuż biss għandhom id-dritt li jirċievu finanzjament pubbliku ( 52 ). Skejjel privati oħra jistgħu jirċievu finanzjament, taħt ċerti kundizzjonijiet, jekk l-Istat Federali jkun alloka ċerti fondi għal dan l-għan fil-baġit federali ( 53 ). |
64. |
L-iskejjel privati bbażati fuq twemmin reliġjuż fis-sens tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni huma biss dawk li huma affiljati mal-komunitajiet reliġjużi legalment irrikonoxxuti ( 54 ). Fost il-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent tal-Istat hemm ir-rekwiżiti li l-komunità reliġjuża (i) kienet attiva fl-Awstrija għal ċertu numru ta’ snin u, (ii) il-membri tagħha jkunu tal-inqas ugwali għal perċentwali partikolari tal-popolazzjoni Awstrijaka ( 55 ). |
65. |
Huwa ovvju li dawn il-kundizzjonijiet huma ssodisfatti iktar faċilment minn komunitajiet li għandhom xi forma ta’ stabbiliment fl-Awstrija. |
66. |
It-tieni, jidhirli wkoll ċar li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tagħti finanzjament pubbliku biss lil ċerti tipi ta’ skejjel privati (jiġifieri, l-iskejjel ibbażati fuq twemmin reliġjuż) u mhux lil oħrajn (jiġifieri, l-iskejjel mhux ibbażati fuq twemmin reliġjuż, inklużi dawk affiljati mal-komunitajiet reliġjużi mhux legalment irrikonoxxuti) tista’ tiskoraġġixxi ċerti persuni fiżiċi jew ġuridiċi – b’mod partikolari, kif ġie spjegat iktar ’il fuq, dawk li ma humiex stabbiliti fl-Awstrija – milli jistabbilixxu skejjel ġodda f’dan l-Istat Membru. |
67. |
L-iskejjel privati li ma jirċievu ebda finanzjament pubbliku huma manifestament żvantaġġati meta mqabbla ma’ dawk li jibbenefikaw minn tali finanzjament. Dawn tal-aħħar normalment għandhom ikunu jistgħu joffru servizzi komparabbli għal miżati iktar baxxi peress li parti kbira mill-ispejjeż tagħhom huma koperti minn fondi pubbliċi. Il-fondi mħallsa mill-istudenti u mill-ġenituri tagħhom “jiżdiedu” mal-fondi pubbliċi. B’kuntrast ma’ dan, l-iskejjel mhux ibbażati fuq twemmin reliġjuż ikollhom jiffinanzjaw l-attivitajiet tagħhom prinċipalment permezz ta’ fondi privati, li l-miżati tal-istudenti normalment jikkostitwixxu parti sinjifikattiva minnhom. |
68. |
F’dan il-kuntest, jiena tal-fehma li leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, bħala prerekwiżit għas-sussidju ta’ skejjel privati (ibbażati fuq twemmin reliġjuż), li l-applikant għandu jkun irrikonoxxut bħala knisja jew soċjetà reliġjuża taħt id-dritt nazzjonali tikkostitwixxi “restrizzjoni” għad-dritt ta’ stabbiliment fis-sens tal-Artikolu 49 TFUE. |
69. |
Madankollu, hija ġurisprudenza stabbilita li restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment hija ammissibbli jekk, l-ewwel, din tkun iġġustifikata minn raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika, jew minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali u, it-tieni, jekk tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fir-rigward tal-proporzjonalità, il-miżura nazzjonali għandha tkun xierqa sabiex tiżgura t-twettiq tal-għan imfittex, u li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq. Barra minn hekk, il-miżura nazzjonali għandha tkun proporzjonata stricto sensu sa fejn għandha toħloq bilanċ ġust bejn l-interessi inkwistjoni, jiġifieri, l-interess imfittex mill-Istat bil-miżura inkwistjoni u l-interessi tal-persuni affettwati b’mod negattiv ( 56 ). |
70. |
F’dan ir-rigward, il-Gvern Awstrijak jenfasizza li, fl-Awstrija, l-iskejjel privati bbażati fuq twemmin reliġjuż jikkompletaw is-sistema pubblika tal-iskejjel, peress li l-iskejjel pubbliċi huma biss ibbażati fuq iktar minn twemmin reliġjuż wieħed. L-iskejjel privati bbażati fuq twemmin reliġjuż għalhekk jippermettu lill-ġenituri jagħżlu edukazzjoni għat-tfal tagħhom skont it-twemmin reliġjuż tagħhom. F’dan il-kuntest, il-Gvern Awstrijak jagħmel riferiment għall-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 1 għall-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) li, f’dak li jirrigwarda d-dritt għall-edukazzjoni, jipprevedi li “l-Istat għandu jirrispetta d-dritt tal-ġenituri li jiżguraw dik l-edukazzjoni u dak it-tagħlim in konformità mal-konvinzjonijiet tagħhom reliġjużi u filosofiċi”. |
71. |
Dan il-gvern isostni, essenzjalment, li l-limitazzjoni ta’ sussidji pubbliċi għal dawn l-iskejjel tfittex għan doppju: li jiġi żgurat użu raġonevoli ta’ riżorsi pubbliċi, li mbagħad jiżgura edukazzjoni ta’ kwalità, u li tiġi protetta s-sigurtà pubblika. Dan il-gvern jenfasizza li l-proċedura tar-rikonoxximent tal-komunitajiet reliġjużi tippermetti lill-awtoritajiet pubbliċi jivverifikaw,inter alia, li l-komunità inkwistjoni għandha organizzazzjoni stabbli b’numru suffiċjenti ta’ segwaċi, u li din għandha dispożizzjoni tajba lejn is-soċjetà u l-Istat, u li hija ma tipperikolax il-paċi reliġjuża. |
72. |
Fil-fehma tiegħi, dawn huma għanijiet leġittimi li, bħala prinċipju, jistgħu jiġġustifikaw restrizzjonijiet għad-dritt ta’ stabbiliment. Fil-fatt, l-Artikolu 52 TFUE jippermetti lill-Istati Membri jintroduċu jew iżommu derogi mid-dritt ta’ stabbiliment għal raġunijiet, fost oħrajn, ta’ sigurtà pubblika. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li kemm ir-riskju ta’ dannu gravi għall-bilanċ finanzjarju ta’ politika soċjali ( 57 ) u l-għan li jiġu żgurati standards għolja ta’ edukazzjoni ( 58 ) jistgħu jikkostitwixxu raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw ostakoli għal-libertà ta’ moviment. |
73. |
Sussegwentement, għandu jiġi eżaminat jekk leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni hijiex xierqa sabiex tikseb dawn l-għanijiet, li jfisser li tagħti kontribut utli għat-twettiq tagħhom. |
74. |
Fil-fehma tiegħi, hija tagħmel dan. |
75. |
Fl-ewwel lok, naqbel mal-Gvern Awstrijak li l-limitazzjoni tas-sussidji għall-iskejjel li x’aktarx jilqgħu numru kbir ta’ studenti u li huma relatati ma’ organizzazzjoni stabbli tikkostitwixxi miżura raġonevoli sabiex jiġi żgurat kontroll tal-ispejjeż u li jiġi evitat, sa fejn huwa possibbli, kull ħela ta’ riżorsi finanzjarji, tekniċi u umani ( 59 ). Użu raġonevoli tar-riżorsi disponibbli, neċessarjament limitati, jista’ wkoll jiffavorixxi l-provvista ta’ servizzi edukattivi aħjar. |
76. |
Fit-tieni lok, l-istorja kemm tal-passat imbiegħed kif ukoll reċenti turi li t-tagħlim reliġjuż, l-ippritkar u l-proselitiżmu jistgħu, f’ċerti ċirkustanzi rari, jintużaw sabiex jittrażmettu ideat li jistgħu jkunu ta’ theddida għas-sigurtà pubblika. Meta dan ikun il-każ, tali attivitajiet ma jistgħux jitqiesu li huma protetti fuq il-bażi tad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni jew tar-reliġjon ( 60 ), u Stat Membru għandu għalhekk ikun jista’, kif enfasizzat il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, iżomm “ordni pubbliku, armonija reliġjuża u t-tolleranza f’soċjetà demokratika” [traduzzjoni mhux uffiċjali] b’mod partikolari bejn gruppi opposti ( 61 ). Verifika ex ante tal-kompatibbiltà tal-ideoloġija u tat-twemmin ta’ komunità reliġjuża mal-valuri fundamentali tas-soċjetà tidher li hija xierqa, tal-inqas sa ċertu punt, sabiex tillimita dan ir-riskju. |
77. |
Dan premess, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet tagħha, jew ma jirnexxilhiex tikseb bilanċ ġust bejn l-interessi inkwistjoni? |
78. |
Fil-fehma tiegħi, dawn huma l-kwistjonijiet li fuqhom il-qrati tar-rinviju huma, b’mod ġenerali, fl-aħjar pożizzjoni sabiex jiddeċiedu. Dan huwa minnu speċjalment fil-kawża ineżami peress li l-parti li invokat id-dritt ta’ stabbiliment, l-appellanti fil-kawża prinċipali, ma ressqet ebda argument f’dan ir-rigward. |
79. |
Fi kwalunkwe każ, għandi niddikjara li, fuq il-bażi tal-provi prodotti fil-proċess, ma nista’ nidentifika ebda miżura possibbli li tista’ tkun inqas restrittiva mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fir-rigward tal-fornituri ta’ servizzi, filwaqt li tkun ugwalment kapaċi sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija minn din il-leġiżlazzjoni. Lanqas ma hemm xi element fil-proċess li jissuġġerixxi li, billi llimita l-finanzjament pubbliku għall-iskejjel affiljati mal-komunitajiet reliġjużi legalment irrikonoxxuti, l-awtoritajiet Awstrijaċi setgħu bbilanċjaw b’mod skorrett l-interessi pubbliċi mfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni mal-interessi ta’ dawk il-persuni affettwati minnha (in casu, komunitajiet reliġjużi mhux irrikonoxxuti). |
80. |
F’dan ir-rigward, nindika wkoll li l-kriterji li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex komunità reliġjuża tiġi legalment irrikonoxxuta ma jidhrux irraġonevoli jew eċċessivi għal komunità li għandha preżenza u attività sinjifikattiva fil-pajjiż. Nifhem ukoll li, jekk il-kriterju jkun issodisfatt, l-awtoritajiet pubbliċi ma jkollhom l-ebda setgħa diskrezzjonali f’dan ir-rigward peress li r-rikonoxximent huwa mogħti awtomatikament, fatt li għandu jiżgura trattament ġust u ugwali tal-komunitajiet reliġjużi differenti ( 62 ). |
81. |
Il-fatt li l-appellanti għandha l-istatus ta’ soċjetà reliġjuża rrikonoxxuta fil-Ġermanja huwa irrilevanti f’dan il-kuntest. Fil-fatt, ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tista’ tiġi interpretata bħala li tipprevedi mekkaniżmu ta’ “rikonoxximent reċiproku” bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-komunitajiet reliġjużi. Kif indika ġustament il-Gvern Ċek, tali prinċipju jċaħħad, fil-parti l-kbira, lill-Artikolu 17(1) TFUE mill-effettività tiegħu, peress li jillimita b’mod qawwi l-libertà tal-Istati Membri li jindirizzaw lill-komunitajiet reliġjużi kif jidhrilhom li huwa xieraq. |
82. |
B’mod iktar fundamentali, jiena tal-fehma li l-Artikolu 17(1) TFUE neċessarjament jimplika, f’dan il-kuntest, li l-Istati Membri għandu jkollhom marġni sinjifikattiv f’dak li jirrigwarda r-regoli dwar ir-rikonoxximent tal-komunitajiet reliġjużi u r-relazzjoni li huma beħsiebhom jistabbilixxu magħhom. Għandu jkun hemm ukoll ċertu marġni fir-rigward tar-relazzjoni finanzjarja stabbilita mill-Istati Membri mal-komunitajiet reliġjużi ( 63 ). |
83. |
B’mod interessanti, nosserva li, fuq dan il-punt, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem – li ċerti kawżi tressqu quddiemha fuq il-bażi, b’mod partikolari, ta’ allegat ksur tal-libertà tar-reliġjon ( 64 ) – waslet għal konklużjonijiet simili. Dik il-qorti rrikonoxxiet li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ f’dak li jirrigwarda l-mod kif jixtiequ jorganizzaw ir-relazzjonijiet tagħhom ma’ komunitajiet reliġjużi, il-possibbiltà li jafdaw lil dawn il-komunitajiet bir-responsabbiltà li jwettqu ċerti inkarigi (anki dawk mhux reliġjużi) fl-interess pubbliku, u l-finanzjament ta’ dawn il-komunitajiet jew ta’ ċerti attivitajiet tagħhom, bħall-offerta ta’ korsijiet edukattivi. Id-diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri ma kinitx eskluża minħabba s-sempliċi fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni kellha l-effett li tittratta b’mod differenti diversi komunitajiet, u b’hekk tat iktar appoġġ lil ċerti komunitajiet milli lil oħrajn ( 65 ). F’dan il-kuntest, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ikkonstatat ukoll li l-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 1 ( 66 ) ma jistax jiġi interpretat li jfisser li l-ġenituri jistgħu jeżiġu li l-Istat jipprovdi forma partikolari ta’ edukazzjoni (reliġjuża) ( 67 ). |
84. |
Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet isegwi, fil-fehma tiegħi, li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża ineżami tikkostitwixxi restrizzjoni għad-dritt ta’ stabbiliment, iżda tista’ tkun iġġustifikata bħala neċessarja u proporzjonata għat-twettiq ta’ ċerti għanijiet pubbliċi li jistħoqqilhom protezzjoni. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan huwiex il-każ fil-kawża ineżami. |
85. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena għandi nikkonkludi li l-Artikolu 49 TFUE ma jipprekludix, bħala prinċipju, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, bħala prerekwiżit għas-sussidju ta’ skejjel privati bbażati fuq twemmin reliġjuż, li l-applikant għandu jkun irrikonoxxut bħala knisja jew soċjetà reliġjuża taħt id-dritt nazzjonali. |
V. Konklużjonijiet
86. |
Bħala konklużjoni, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Suprema, l-Awstrija) kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) RGBl. 68/1874.
( 3 ) BGBl. I, 19/1998, fil-verżjoni ppubblikata fil-BGBl. I, 78/2011.
( 4 ) BGBl. Nru 244/1962, fil-verżjoni ppubblikata fil-BGBl. I, 35/2019.
( 5 ) Ara, inter alia, is-sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2022, MIUR u Ufficio Scolastico Regionale per la Campania (C‑282/19, EU:C:2022:3, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 6 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2018, Jehovan todistajat (C‑25/17, EU:C:2018:551, punt 74).
( 7 ) B’mod simili, Morini, A. “Comment to Article 17 TFEU”, f’Curti Gialdino, C., (editur) Codice dell’Unione europea – Operativo, Simone, Napoli, 2012, p. 543.
( 8 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Generalstaatsanwaltschaft Berlin (Estradizzjoni lejn l-Ukraina) (C‑398/19, EU:C:2020:1032, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 9 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tad-deċiżjonijiet ta’ qorti kostituzzjonali) (C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 10 ) Sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania (C‑74/16, EU:C:2017:496).
( 11 ) Sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci (C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873).
( 12 ) Ara, inter alia, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 1988, Steymann (196/87, EU:C:1988:475); tas‑7 ta’ Settembru 2004, Trojani (C‑456/02, EU:C:2004:488); u tas‑7 ta’ Mejju 2019, Monachos Eirinaios (C‑431/17, EU:C:2019:368).
( 13 ) Konklużjonijiet f’Egenberger (C‑414/16, EU:C:2017:851, punti 88 u 93). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott f’Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania (C‑74/16, EU:C:2017:135, punt 32).
( 14 ) Konklużjonijiet f’Cresco Investigation (C‑193/17, EU:C:2018:614, punt 26).
( 15 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2019, Cresco Investigation (C‑193/17, EU:C:2019:43).
( 16 ) Sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2018, Jehovan todistajat (C‑25/17, EU:C:2018:551, punt 74).
( 17 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ Novembru 1995, Gebhard (C‑55/94, EU:C:1995:411, punti 25 u 26), u tad‑19 ta’ Lulju 2012, Garkalns (C‑470/11, EU:C:2012:505, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 18 ) Ara, mutatis mutandis, il-konklużjonijiet tiegħi f’Boriss Cilevičs et (C‑391/20, EU:C:2022:166).
( 19 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten (C‑268/15, EU:C:2016:874).
( 20 ) Ara, b’iktar referenzi, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawżi magħquda Venturini et (C‑159/12 sa C‑161/12, EU:C:2013:529, punt 27).
( 21 ) Ara, fost diversi, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2020, Vivendi (C‑719/18, EU:C:2020:627, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 22 ) Ara, inter alia, is-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania (C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 23 ) Ibid., punt 47
( 24 ) Ara, inter alia, is-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2011, Peñarroja Fa (C‑372/09 u C‑373/09, EU:C:2011:156, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 25 ) B’mod simili, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cosmas fil-kawżi magħquda Deliège (C‑51/96 u C‑191/97, EU:C:1999:147, punt 30).
( 26 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2007, Jundt (C‑281/06, EU:C:2007:816, punt 34).
( 27 ) Sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 1988, Steymann (196/87, EU:C:1988:475), u tas‑7 ta’ Settembru 2004, Trojani (C‑456/02, EU:C:2004:488).
( 28 ) Sentenza tas‑26 ta’ April 1988, Bond van Adverteerders et (352/85, EU:C:1988:196, punt 16).
( 29 ) Sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2001, Smits u Peerbooms (C‑157/99, EU:C:2001:404, punt 58).
( 30 ) Ibid., punti 50 u 52.
( 31 ) Ara l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22 iktar ’il fuq. B’enfasi fuq dan il-punt, u b’referenzi oħra, ara wkoll Koutrakos, P., “Healthcare as an economic service under EC law”, f’Dougan, M., Spaventa, E. (edituri), Social Welfare and EU Law, Hart Publishing, Oxford, 2005, p. 112 sa 115.
( 32 ) Ara s-sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 2007, Jundt (C‑281/06, EU:C:2007:816, punt 32), u tat‑23 ta’ Frar 2016, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (C‑179/14, EU:C:2016:108, punt 154). Enfasi miżjuda minni.
( 33 ) Ara, inter alia, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 1991, Society for the Protection of Unborn Children Ireland (C‑159/90, EU:C:1991:378, punti 24 sa 26).
( 34 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Slynn f’Gravier (293/83, EU:C:1985:15, p. 603), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Fennelly f’Sodemare et (C‑70/95, EU:C:1997:55, punt 29).
( 35 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2001, Ordine degli Architetti et (C‑399/98, EU:C:2001:401, punt 77). Ara, b’mod ġenerali, Spaventa, E., “Public Services and European Law: Looking for Boundaries”, Cambridge Yearbook of European Legal Studies, Vol. 5, 2003, p. 272 sa 275.
( 36 ) Ara s-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania (C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 37 ) Artikolu 11(2) tal-BekGG.
( 38 ) Sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2009, VfSlg 18.965/2009 (AT:VFGH:2009:B516.2009).
( 39 ) Artikolu 17(4) tas-Staatsgrundgesetz vom 21. December 1867, über die allgemeinen Rechte der Staatsbürger für die im Reichsrathe vertretenen Königreiche und Länder (il-Liġi Fundamentali Awstrijaka dwar id-Drittijiet Ġenerali taċ-Ċittadini; RGBl. 142/1867).
( 40 ) Kif ġie spjegat mill-Gvern Awstrijak, b’riferiment għall-ispjegazzjonijiet li jikkonċernaw l-Abbozz tal-Gvern relatat mal-liġi li temenda l-BekGG (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 2 iktar ’il fuq).
( 41 ) Artikoli 18 u 19 tal-PrivSchG.
( 42 ) Artikolu 21(1)(b) tal-PrivSchG.
( 43 ) Ara s-sentenzi tal‑5 ta’ Mejju 1982, Schul Douane Expediteur (15/81, EU:C:1982:135, punt 33), u tas‑17 ta’ Mejju 1994, Franza vs Il‑Kummissjoni (C‑41/93, EU:C:1994:196, punt 19).
( 44 ) Ara, pereżempju, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawżi magħquda X u Visser (C‑360/15 u C‑31/16, EU:C:2017:397, punt 1), u Barnard, C., The Substantive Law of the EU: The Four Freedoms, il-ħames edizzjoni, Oxford University Press, Oxford, 2016, p. 3 sa 8.
( 45 ) Fil-kummentarji legali, ara, pereżempju, Odudu, O., “Economic Activity as a Limit to Community Law”, f’Barnard, C., Odudu, O. (edituri), The Outer Limits of European Union Law, Hart Publishing, Oxford, 2009, p. 242 u 243.
( 46 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2012, VALE Építési (C‑378/10, EU:C:2012:440, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 47 ) Ara, inter alia, is-sentenzi tas‑17 ta’ Frar 1993, Poucet u Pistre (C‑159/91 u C‑160/91, EU:C:1993:63, punti 17 u 18), u tat‑22 ta’ Ottubru 2015, EasyPay u Finance Engineering (C‑185/14, EU:C:2015:716, punt 38).
( 48 ) Sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 1997 (C‑70/95, EU:C:1997:301).
( 49 ) ĠU 2008, L 218, p. 30.
( 50 ) Sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2021 (C‑142/20, EU:C:2021:368).
( 51 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2020, Tesco-Global Áruházak (C‑323/18, EU:C:2020:140, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 52 ) Artikolu 17 tal-PrivSchG.
( 53 ) Artikolu 21 tal-PrivSchG.
( 54 ) Artikolu 17(2) tal-PrivSchG.
( 55 ) Artikolu 11(1) tal-BekGG.
( 56 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Edukazzjoni ogħla) (C‑66/18, EU:C:2020:792, punti 178 u 179 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 57 ) Ara, inter alia, is-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2009, Woningstichting Sint Servatius (C‑567/07, EU:C:2009:593, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 58 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Novembru 2003, Neri (C‑153/02, EU:C:2003:614, punt 46), u tal‑14 ta’ Settembru 2006, Centro di Musicologia Walter Stauffer (C‑386/04, EU:C:2006:568, punt 45).
( 59 ) Ara, mutatis mutandis, is-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Simma Federspiel (C‑419/16, EU:C:2017:997, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 60 ) Ara, pereżempju, il-Qorti EDB, 13 ta’ Frar 2003, Refah Partisi (the Welfare Party) et vs It‑Turkija (CE:ECHR:2003:0213JUD004134098).
( 61 ) Qorti EDB, 10 ta’ Novembru 2005, Leyla Şahin vs It‑Turkija (CE:ECHR:2005:1110JUD004477498, punt 107).
( 62 ) Ara, b’mod partikolari, il-formulazzjoni tal-Artikoli 1 u 2 tal-AnerkennungsG.
( 63 ) Madankollu, huwa importanti li ninkludi twissija f’dan ir-rigward: dan il-marġni fir-rigward ta’ kwistjonijiet finanzjarji jeżisti sa fejn ir-regoli dwar il-fondi pubbliċi mħallsa lill-komunitajiet reliġjużi jkunu konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni li, skont iċ-ċirkustanzi, jistgħu jkunu applikabbli fis-sitwazzjoni speċifika. B’mod partikolari, jekk Stat Membru jissussidja attivitajiet ekonomiċi mwettqa minn komunitajiet reliġjużi, il-miżuri inkwistjoni għandhom ikunu kompatibbli mar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat (ara, pereżempju, il-ġurisprudenza ċċitata fin-noti ta’ qiegħ il-paġna 9 u 10 iktar ’il fuq). Madankollu, din ma hijiex kwistjoni li ġiet imqajma fil-kawża ineżami.
( 64 ) Dan id-dritt huwa protett skont l-Artikolu 9 tal-KEDB, intitolat “Il-liberta` tal-ħsieb, kuxjenza, u reliġjon”.
( 65 ) Ara, inter alia, il-Qorti EDB, 7 ta’ Diċembru 1976, Kjeldsen, Busk Madsen u Pedersen vs Id‑Danimarka (CE:ECHR:1976:1207JUD000509571); 28 ta’ Awwissu 2001, Lundberg vs L‑Isvezja (CE:ECHR:2001:0828DEC003684697); 29 ta’ Ġunju 2007, Folgerø et vs In‑Norveġja (CE:ECHR:2007:0629JUD001547202); u t‑18 ta’ Marzu 2011, Lautsi et vs L‑Italja (CE:ECHR:2011:0318JUD003081406). B’mod iktar ġenerali dwar din il-kwistjoni, b’referenzi oħra, ara Evans, C., Thomas, C. A., “Church-State Relations in the European Court of Human Rights”, BYU Law Review, 2006, p. 699.
( 66 ) Ara iktar ’il fuq, il-punt 70 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 67 ) Qorti EDB, 18 ta’ Marzu 2011, Lautsi et vs L‑Italja (CE:ECHR:2011:0318JUD003081406, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).