KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
GIOVANNI PITRUZZELLA
ippreżentati fl‑20 ta’ Ottubru 2022 ( 1 )
Kawża C‑329/21
DIGI Communications NV
vs
Nemzeti Média- és Hírközlési Hatóság Hivatala,
fil-preżenza ta’:
Magyar Telekom Nyrt.
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Direttivi 2002/20/KE u 2002/21/KE – Proċedura ta’ rkant għall-għoti tad-drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi – Esklużjoni mill-proċedura ta’ kumpannija holding mhux irreġistrata bħala fornitriċi ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi fl-Istat Membru kkonċernat – Dritt għal azzjoni legali kontra d-deċiżjoni tal-għoti”
|
1. |
Fit-talba għal deċiżjoni preliminari li hija s-suġġett ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija) tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja sensiela ta’ domandi relatati mal-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/21/KE ( 2 ) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva Qafas”), tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/20/KE ( 3 ) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni”) u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). |
|
2. |
Dawn id-domandi oriġinaw fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat minn DIGI Communications N.V. (iktar ’il quddiem “DIGI”) kontra d-deċiżjoni li permezz tagħha n-Nemzeti Média-és Hirközlési Hartóság (iktar ’il quddiem in-“NMHH”), l-awtorità regolamentari Ungeriża fis-suġġett tat-telekomunikazzjoni, tat id-drittijiet ta’ użu tal-frekwenzi marbuta ma’ sostenn għat-tnedija tal-5G u servizzi addizzjonali ta’ komunikazzjoni mingħajr fili u ta’ veloċità kbira (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-għoti”). |
I. Il‑kuntest ġuridiku
A. Id‑Direttiva Qafas
|
3. |
Il-verżjoni tad-Direttiva Qafas applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali hija dik kif emendata reċentement bid-Direttiva 2009/140/KE ( 4 ). Id-Direttiva Qafas ġiet imħassra u ssostitwita bid-Direttiva (UE) 2018/1972 ( 5 ) mill‑20 ta’ Diċembru 2020. |
|
4. |
L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu jeżistu mekkaniżmi effettivi fil-livell nazzjonali li bihom kull utent jew impriża li jipprovdu n-networks u/jew s-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika u li jkunu affettwati minn deċiżjoni tal-awtorità regolatorja nazzjonali jkollhom id-dritt li jappellaw kontra d-deċiżjoni quddiem entità ta’ appell li tkun indipendenti mill-partijiet involuti. Din l-entità, li tista’ tkun qorti, għandu jkollha l-kompetenza xierqa biex tkun tista’ twettaq il-funzjonijiet tagħha b’mod effettiv. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-merti tal-każ jitqiesu kif xieraq u li jkun hemm mekkaniżmu ta’ appell effettiv.” |
|
5. |
L-Artikolu 8 tad-Direttiva Qafas, fil-verżjoni applikabbli għall-fatti tal-kawża, intitolat “Miri politiċi u prinċipji regolatorji”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 2(a), (b) u (d) u fil-paragrafu 5(c) tiegħu: “2. L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom jippromwovu l-kompetizzjoni fil-provista tan-networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati u servizzi billi fost ħwejjeġ oħra:
[…]
[…] 5. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom, fis-segwitu tal-għanijiet politiċi msemmija fil-paragrafi 2, 3 u 4, japplikaw prinċipji regolatorji oġġettivi, trasparenti, non-diskriminatorji u proporzjonati billi, inter alia: […]
|
B. Id‑Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni
|
6. |
Il-verżjoni tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali hija dik kif emendata bid-Direttiva 2009/140. Id-direttiva ta’ Awtorizzazzjoni ġiet ukoll imħassra u ssostitwita bid-Direttiva 2018/1972 b’effett mill‑20 ta’ Diċembru 2020. |
|
7. |
Skont l-Artikolu 1 tagħha, l-għan tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni huwa “li jiġi mplimentat suq intern fin-networks u servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi permezz ta’ l-armonizzazzjoni u s-simplifikazzjoni tar-regoli u l-kondizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni sabiex jiġi faċilitat il-forniment tagħhom mal-Komunità kollha.” |
|
8. |
L-Artikolu 2(2) tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, fil-verżjoni applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, jiddefinixxi l-kunċett ta’ “awtorizzazzjoni ġenerali” bħala “il-qafas legali stabbilit mill-Istat Membru li jiżgura d-drittijiet biex ikunu provduti n-netwerks jew is-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika u jippreskrivi l-obbligi speċifiċi tas-settur li jistgħu japplikaw għat-tipi kollha, jew għal tipi speċifiċi, ta’ netwerks u servizzi tal-komunikazzjoni elettronika, skont [din id-direttiva]”. |
|
9. |
L-Artikolu 3 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, intitolat “Awtorizzazzjoni ġenerali ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi”, jipprevedi: “1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw il-libertà ta’ forniment ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, bla ħsara għall-kondizzjonijiet stipulati f’din id-Direttiva. Għal dan il-għan, l-Istati Membri m’għandhomx jipprevjenu impriża milli tforni networks jew servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, ħlief fejn dan ikun meħtieġ għar-raġunijiet stipulati f’Artikolu 46(1) tat-Trattat. 2. Il-forniment ta’ networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jew il-forniment ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jista’, mingħajr preġudizzju għall-obbligi speċifiċi msemmija f’Artikolu 6(2) jew għad-drittijiet ta’ użu msemmija f’Artikolu 5, biss ikun suġġett għal awtorizzazzjoni ġenerali. L-impriża konċernata tista’ tkun meħtieġa li tissottometti notifikazzjoni iżda m’għandhiex tkun meħtieġa li tikseb deċiżjoni espliċita jew xi att amministrattiv ieħor mill-awtorità regolatorja nazzjonali qabel ma teżerċita d-drittijiet li joħorġu mill-awtorizzazzjoni. Man-notifikazzjoni, fejn meħtieġa, impriża tista’ tibda l-attività, fejn meħtieġ suġġetta għad-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet ta’ użu f’Artikoli 5, 6 u 7. […] 3. In-notifikazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 m’għandhiex tinvolvi aktar minn dikjarazzjoni minn persuna legali jew naturali lill-awtorità regolatorja nazzjonali ta’ l-intenzjoni li tibda l-forniment ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u s-sottomissjoni ta’ l-informazzjoni minima li hija meħtieġa li tippermetti lill-awtorità regolatorja nazzjonali li żżomm reġistru jew lista tal-fornituri ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. Din l-informazzjoni għandha tkun limitata għal dak li huwa meħtieġ għall-identifikazzjoni tal-fornitur, bħan-numri tar-reġistrazzjoni tal-kumpanija, u l-persuni ta’ kuntatt tal-fornitur, l-indirizz tal-fornitur, deskrizzjoni qasira tan-network jew is-servizz, u d-data li fiha jkun mistenni li jibda l-attività.” |
|
10. |
L-Artikolu 7(1)(a), (3) u (5) tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, fil-verżjoni applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, jipprevedi: “1. Fejn Stat Membru jkun qed jikkunsidra jillimitax in-numru tad-drittijiet għall-użu li jridu jingħataw għall-frekwenzi tar-radju, jew jekk iġeddidx il-validità ta’ drittijiet eżistenti jekk mhux skont it-termini speċifikati f’dawk id-drittijiet, għandu inter alia:
[…] 3. Fejn l-għoti ta’ drittijiet għall-użu tal-frekwenzi tar-radju jeħtieġ li ma jkunx limitat, l-Istati Membri għandhom jagħtu dawn id-drittijiet fuq il-bażi tal-kriterji tal-għażla li jridu jkunu oġġettivi, trasparenti, proporzjonati u mhux diskriminatorji. Kull wieħed minn dawn il-kriterji tal-għażla jrid jagħti l-importanza li tistħoqq lill-kisba tal-għanijiet li jidhru fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas) u tar-rekwiżiti li jidhru fl-Artikolu tad-[Direttiva Qafas]. […] 5. Dan Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għat-trasferiment tad-drittijiet ta’ użu għall-frekwenzi tar-radju skond l-Artikolu 9b tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Kwadru)”. |
II. Il‑kawża prinċipali, id‑domandi preliminari u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
11. |
Fit‑18 ta’ Lulju 2019, NMHH nediet proċedura ta’ rkant għad-drittijiet ta’ użu tal-frekwenzi insostenn tal-installazzjoni tan-network 5G marbuta ma’ servizzi addizzjonali ta’ komunikazzjoni mingħajr fili u ta’ veloċità kbira (iktar ’il quddiem il-“proċedura ta’ rkant”) u ppubblikat id-dokumentazzjoni li tinkludi l-ispeċifikazzjoni relattiva (iktar ’il quddiem id-“dokumentazzjoni”). |
|
12. |
DIGI, kumpannija rreġistrata fil-Pajjiżi l-Baxxi u mhux irreġistrata fl-Ungerija bħala fornitriċi ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, applikat sabiex tipparteċipa fil-proċedura ta’ rkant, iżda l-kandidatura tagħha ġiet formalment iddikjarata invalida min-NMHH. Din qieset li DIGI kienet abbużat mid-dritt tagħha li tipparteċipa fil-proċedura ta’ rkant, kienet ħatja ta’ aġir intiż biex tiġi evitata l-proċedura u kienet ipprovat tqarraq biha. In-NMHH fil-fatt qieset li DIGI kienet ikkandidat ruħha minflok is-sussidjarja Ungeriża DIGI Távközlési és Szolgáltató Korlátolt Felelősségű Társaság (iktar ’il quddiem “DIGI Kft.”) – kumpannija rreġistrata fl-Ungerija li tforni servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi f’dan il-pajjiż – li, kieku ppreżentat il-kandidatura tagħha, kienet tkun eskluża permezz tal-applikazzjoni tar-regola inkluża fl-Artikolu 61(n) tad-dokumentazzjoni ( 6 ). Permezz ta’ deċiżjoni finali, l-NMHH għalhekk irrifjutat li tirreġistra l-kandidatura ta’ DIGI għall-proċedura ta’ rkant u kkonkludiet li din tilfet in-natura tagħha bħala parti f’din il-proċedura. |
|
13. |
Ir-rikorrenti kkontestat din id-deċiżjoni, iżda r-rikors tagħha ġie miċħud fl-ewwel istanza mill-qorti tar-rinviju u, fit-tieni istanza, definittivament, mill-Kúria (il-Qorti Suprema, l-Ungerija). |
|
14. |
Matul il-proċedura ġudizzjarja mibdija permezz ta’ DIGI, in-NMHH adottat id-deċiżjoni tal-għoti, li permezz tagħha d-drittijiet ta’ użu tal-frekwenzi li huma s-suġġett tal-proċedura ta’ rkant ingħataw lit-tliet fornituri prinċipali ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, bl-esklużjoni ta’ DIGI Kft., li huma preżenti fis-suq Ungeriż. |
|
15. |
Permezz ta’ rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni tal-għoti, ir-rikorrenti ppreżentat proċedura ġudizzjarja amministrattiva quddiem il-qorti tar-rinviju. |
|
16. |
Peress li, minħabba l-esklużjoni tagħha mill-proċedura ta’ rkant, DIGI ma tinsabx fost id-destinatarji tad-deċiżjoni tal-għoti, il-qorti tar-rinviju tqis li hija għandha teżamina, preliminarjament, il-kwistjoni tal-locus standi ta’ din il-kumpannija u, b’mod partikolari, jekk hija tistax titqies bħala “impriża affettwata” fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas, li lilha għandu jiġi rrikonoxxut dritt għal azzjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
17. |
Fl-assenza ta’ definizzjoni ta’ tali kunċett fid-Direttiva Qafas, il-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest), billi bbażat ruħha fuq is-sentenzi tal‑21 ta’ Frar 2008, Tele2 Telecommunication ( 7 )(iktar ’il quddiem is-“sentenza Tele2”), tal‑24 ta’ April 2008 ( 8 ), Arcor (iktar ’il quddiem is-“sentenza Arcor”) u tat‑22 ta’ Jannar 2015, T‑Mobile Austria ( 9 ) (iktar ’il quddiem is-“sentenza T‑Mobile”), iddeċidiet li l-qorti kellha teżamina tliet kundizzjonijiet sabiex tistabbilixxi jekk impriża għandhiex dritt għal azzjoni legali skont l-imsemmi Artikolu 4(1), jiġifieri i) li l-impriża inkwistjoni tkun impriża li tforni networks jew servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi f’kompetizzjoni mal-impriża jew l-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni tal-awtorità regolatorja nazzjonali (iktar ’il quddiem l-“ARN”); ii) li l-ARN tkun adottat id-deċiżjoni inkwistjoni fil-kuntest ta’ proċedura li għandha bħala għan il-protezzjoni tal-kompetizzjoni, u iii) li tali deċiżjoni taffettwa jew tista’ taffettwa l-pożizzjoni tal-ewwel impriża fis-suq. |
|
18. |
Kull waħda mid-domandi preliminari magħmula hija intiża, essenzjalment, sabiex jinkisbu kjarifiki mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet għaċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali. |
|
19. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Fġvárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
|
20. |
Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja mill-partijiet fil-kawża prinċipali u mill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet ikkonċernati nstemgħu mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-osservazzjonijiet orali tagħhom waqt is-seduta li nżammet fl‑1 ta’ Ġunju 2022. |
III. Analiżi
A. L‑osservazzjonijiet preliminari
|
21. |
Fil-formulazzjoni tad-domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju titlaq mill-premessa li, sabiex tkun tista’ titqies li hija “affettwata” fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas, u konsegwentement tibbenefika minn dritt ta’ azzjoni legali kontra d-deċiżjoni ta’ ARN, impriża għandha neċessarjament tkun kompetitriċi diretta u attwali tal-impriża jew tal-impriżi destinatarji ta’ din id-deċiżjoni. |
|
22. |
Huwa għalhekk li l-ewwel domanda preliminari hija intiża biex jinkisbu kjarifiki dwar il-kwalità eventwali ta’ “kompetitur” tal-impriżi kontraenti ta’ proċedura ta’ għażla għall-għoti ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi ta’ impriża li, bħal DIGI, ma tfornix servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi ħlief indirettament permezz tal-kumpanniji tal-grupp li tiegħu hija tikkostitwixxi l-kumpannija holding. |
|
23. |
Bħall-Kummissjoni, inqis li l-premessa li fuqha hija bbażata l-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest) hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tas-sentenzi Tele2, Arcor u T‑Mobile. |
|
24. |
Żgur li huwa minnu li, fil-kawżi li taw lok għal dawn id-deċiżjonijiet, l-impriżi li d-dritt għal azzjoni tagħhom kien inkwistjoni kienu jinsabu f’kompetizzjoni mal-impriża jew mal-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni tal-ARN fis-suq tal-Istat Membru kkonċernat b’din id-deċiżjoni ( 10 ). Madankollu, l-ebda parti minn dawn is-sentenzi ma tippermetti, fil-fehma tiegħi, li tiġi dedotta l-intenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tillimita l-portata suġġettiva ta’ din id-dispożizzjoni biss għaċ-ċirku tal-kompetituri, attwali jew anki potenzjali tad-destinatarji tad-deċiżjoni tal-ARN inkwistjoni. |
|
25. |
F’dawn is-sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-fatt, iddeċidiet li l-obbligu impost fuq l-Istati Membri li jagħtu protezzjoni ġudizzjarja effettiva, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta, li l-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas huwa l-espressjoni tiegħu, “[għandu] [j]applika kemm għall-utenti kif ukoll għall-impriżi li favur tagħhom jistgħu jitnisslu drittijiet mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, b’mod partikolari mid-direttivi fuq il-komunikazzjonijiet elettroniċi, u li dawn id-drittijiet tagħhom jiġu ppreġudikati minn deċiżjoni ta’ ARN” ( 11 ). |
|
26. |
Għaldaqstant, skont is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, huma tnejn il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex impriża tkun tista’ titqies li hija “affettwata”, fis-sens tal-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas, mid-deċiżjoni ta’ ARN li hija ma hijiex destinatarja tagħha. |
|
27. |
Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, dwar iż-żamma ta’ drittijiet irrikonoxxuti mill-ordinament tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja konkretement iddeċidiet li din tiġi ssodisfatta fil-każ ta’ impriżi li jikkompetu ma’ impriża b’saħħitha fis-suq rilevanti peress li huma benefiċjarji potenzjali tad-drittijiet korrispondenti għall-obbligi legali speċifiċi imposti fuq din l-impriża mill-ARN, skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva Qafas ( 12 ), jiġifieri fil-każ ta’ benefiċjarju skont l-Artikolu 2(b) tar-Regolament Nru 2887/2000 ( 13 ) li jkun stabbilixxa mal-operatur innotifikat skont l-ittra (a) ta’ dan l-artikolu kuntratt dwar l-aċċess għan-networks lokali ( 14 ), jew finalment fil-każ ta’ impriża fil-kuntest ta’ proċedura ta’ awtorizzazzjoni għall-emenda tal-istruttura azzjonarja ta’ impriżi kompetituri, bl-implikazzjoni ta’ emenda tal-qsim tal-frekwenzi tar-radju bejn l-impriżi attivi fis-suq. |
|
28. |
Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, id-drittijiet li tibbenefika minnhom impriża skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas minħabba l-ordinament tal-Unjoni jistgħu jkunu potenzjalment milquta minn deċiżjoni ta’ ARN minħabba, minn naħa, il-kontenut tagħha u, min-naħa l-oħra, l-attività eżerċitata jew prospettata minn din l-impriża ( 15 ). Fil-każ ta’ impriżi kompetituri tad-destinatarju jew tad-destinatarji tad-deċiżjoni tal-ARN, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat fis-sentenza T‑Mobile, li tali dispożizzjoni tikkonċerna dawn l-impriżi “sa fejn id-deċiżjoni inkwistjoni jista’ jkollha impatt fuq il-pożizzjoni tagħhom fis-suq” ( 16 ). |
|
29. |
Ċertament, fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, li għalih tirreferi b’mod partikolari l-qorti tar-rinviju fil-formulazzjoni tad-domandi preliminari tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet ukoll, b’mod iktar ġenerali, li impriża “tista’ titqies li hija affettwata, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas, minn deċiżjoni ta’ ARN adottata fil-kuntest ta’ proċedura prevista mid-direttivi fuq il-komunikazzjonijiet elettroniċi meta tali impriża, li tipprovdi netwerks jew servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, tkun f’kompetizzjoni mal-impriża jew mal-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni tal-ARN, meta l-ARN tiddeċiedi fil-kuntest ta’ proċedura intiża sabiex tissalvagwarda l-kompetizzjoni u meta d-deċiżjoni inkwistjoni jista’ jkollha impatt fuq il-pożizzjoni ta’ din l-impriża tal-ewwel fis-suq”. |
|
30. |
Madankollu, fil-fehma tiegħi, mir-riferiment espliċitu, fl-imsemmi punt u fil-punt 40 tal-imsemmija sentenza, għas-sitwazzjoni speċifika tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li tat lok għad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li l-intenzjoni ta’ din tal-aħħar ma kinitx li tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas għall-impriżi kompetituri biss, u fi kwalunkwe każ, mhux biss għall-“kompetituri attwali” tal-persuna jew tad-destinatarji tad-deċiżjoni tal-ARN fis-suq nazzjonali kkonċernat minn din id-deċiżjoni. |
|
31. |
Madankollu, il-formulazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas tillimita l-portata tal-obbligu li jimponi fuq l-Istati Membri li jagħmlu disponibbli mekkaniżmi ta’ azzjoni legali effettivi kontra d-deċiżjonijiet ta’ ARN, kemm għall-utenti kif ukoll għall-impriżi “li jipprovdu n-networks u/jew s-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika”. Minn dan isegwi li impriża li ma tistax titqies bħala “utent”, fis-sens tal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva Qafas ( 17 ), jew li ma tfornix networks fis-sens tal-ittra (m) ta’ dan l-artikolu, għandha, sabiex tkun tista’ tinvoka d-dritt għal azzjoni legali rrikonoxxut fl-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva, turi li hija fornitriċi ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. |
|
32. |
Għalkemm huwa minnu li la d-Direttiva Qafas u lanqas id-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni ma jinkludu definizzjoni tal-kunċett ta’ “fornitur ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi” ( 18 ), sabiex jiġi limitat iċ-ċirku ta’ impriżi li jistgħu jitqiesu bħala inklużi f’din id-definizzjoni, għandu jsir riferiment għas-sistema tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni. |
|
33. |
Din id-direttiva ddefinixxiet qafas regolatorju sabiex tiġi żgurata l-libertà li jiġu pprovduti networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, intiż sabiex jippermetti lill-fornituri kollha jibbenefikaw, minn naħa, minn kundizzjonijiet u minn proċeduri oġġettivi, trasparenti, nondiskriminatorji u proporzjonati ( 19 ) u, min-naħa l-oħra, minn sistema ta’ awtorizzazzjoni li tkun “l-anqas oneruża possibbli”, intiża sabiex “tistimula l-iżvilupp ta’ servizzi ġodda ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u networks u servizzi pan-Ewropej ta’ komunikazzjonijiet u biex tippermetti li l-fornituri tas-servizzi u l-konsumaturi jibbenefikaw mill-ekonomiji ta’ l-iskala tas-suq uniku” ( 20 ). Dan il-qafas regolatorju istitwixxa sistema ta’ “awtorizzazzjoni ġenerali” ( 21 ) li tinkludi n-networks kollha u s-servizzi kollha ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u ma teħtieġx deċiżjoni espliċita, jew att amministrattiv mill-awtorità regolatorja nazzjonali. |
|
34. |
B’hekk, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, “[i]l-forniment ta’ networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jew il-forniment ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jista’ […] biss ikun suġġett għal awtorizzazzjoni ġenerali”. Skont l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, l-awtorizzazzjoni ġenerali għall-forniment ta’ networks jew servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi tista’ tkun suġġetta biss għall-kundizzjonijiet elenkati fl-anness tal-istess direttiva. Dawn il-kundizzjonijiet għandhom ikunu nondiskriminatorji, proporzjonati u trasparenti. |
|
35. |
Barra minn hekk, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni “[l]-impriża konċernata tista’ tkun meħtieġa li tissottometti notifikazzjoni iżda m’għandhiex tkun meħtieġa li tikseb deċiżjoni espliċita jew xi att amministrattiv ieħor mill-awtorità regolatorja nazzjonali qabel ma teżerċita d-drittijiet li joħorġu mill-awtorizzazzjoni”. |
|
36. |
Issa, impriża li tissodisfa l-kundizzjonijiet li hija suġġetta għalihom, fl-Istat Membru kkonċernat, l-awtorizzazzjoni ġenerali msemmija fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni tista’, fil-fehma tiegħi, titqies bħala “impriża li [t]ipprovd[i] n-networks u/jew s-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika”, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas, mingħajr ma jkun neċessarju li tiġi rrikonoxxuta formalment din il-kwalità mill-awtoritajiet amministrattivi ta’ dan l-Istat Membru u, b’mod partikolari, mingħajr ma jkun neċessarju li din l-impriża tkun wettqet, jekk hija tintalab mill-Istat Membru, in-notifika skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni. Din in-notifika hija fil-fatt neċessarja biss sabiex tibda l-attività ta’ forniment ta’ networks jew ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi fl-Istat Membru kkonċernat u ma tistax, b’mod partikolari, tintalab sabiex tipparteċipa fi proċeduri ta’ għoti ta’ frekwenzi bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ( 22 ). |
|
37. |
Minn dan isegwi li tista’ wkoll tinvoka d-dritt għal azzjoni legali previst fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas impriża li għadha ma hijiex direttament jew indirettament preżenti fis-suq tal-Istat Membru kkonċernat mid-deċiżjoni tal-ARN u/jew irreġistrata bħala fornitriċi ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi f’dan l-Istat Membru, b’mod partikolari impriża attiva f’dan is-settur iżda fi Stat Membru ieħor. |
|
38. |
Peress li, madankollu, il-formulazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas tirreferi għall-eżerċizzju ta’ attività ta’ forniment ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, inqis li, mingħajr ma teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni impriżi li għadhom ma humiex attivi konkretament f’dawn is-setturi, tali formulazzjoni teżiġi li l-impriża inkwistjoni jkollha, sabiex tkun tista’ tinvoka l-kwalità ta’ “affettwata” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, turi intenzjoni reali u possibbiltà mhux purament ipotetika iżda effettiva, f’termini ta’ infrastruttura u ta’ teknoloġija, ta’ integrazzjoni tas-suq fil-forniment tan-networks u/jew tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. |
|
39. |
Huwa fuq il-bażi tar-riflessjonijiet preċedenti li ser neżamina d-domandi preliminari magħmula mill-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest). |
|
40. |
Kuntrarjament għal dak li ssostni n-NMHH, dawn id-domandi huma, fil-fehma tiegħi, ammissibbli. L-argumenti mressqa min-NMHH insostenn tal-inammissibbiltà huma effettivament amalgamati ma’ eżami tal-mertu ta’ dawn id-domandi. |
B. Fuq l‑ewwel domanda preliminari
|
41. |
Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk persuna ġuridika, inkorporata fi Stat Membru differenti minn dak ikkonċernat mid-deċiżjoni li permezz tagħha ARN tkun wettqet l-attribuzzjoni ta’ frekwenzi tar-radju fi tmiem proċedura ta’ rkant, tistax titqies bħala “kompetitur” tal-impriżi destinatarji ta’ din id-deċiżjoni, u għalhekk tistax tinvoka d-dritt għal azzjoni legali kontra din id-deċiżjoni skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas, meta din il-persuna ġuridika, filwaqt li ma tkunx irreġistrata bħala fornitriċi ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi fl-Istat Membru kkonċernat, ma teżerċitax tali attività u ma jkollhiex f’isimha infrastruttura b’dan l-għan, tkun xorta waħda l-kumpannija holding ta’ grupp li jforni tali servizzi fit-territorju tal-Unjoni u li jopera, fl-Istat Membru kkonċernat mid-deċiżjoni tal-ARN inkwistjoni, permezz ta’ sussidjarja rreġistrata f’dan l-Istat Membru bħala fornitriċi ta’ dawn is-servizzi. Permezz tat-tieni parti tal-ewwel domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk huwiex neċessarju, sabiex tingħata risposta għall-ewwel parti ta’ din id-domanda, li jiġi eżaminat jekk il-persuna ġuridika inkwistjoni tifformax “unità ekonomika” mas-sussidjarja fis-suq nazzjonali kkonċernat mid-deċiżjoni tal-ARN, fis-sens tad-dritt antitrust tal-Unjoni. |
|
42. |
Mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 23 sa 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet jirriżulta li l-ewwel domanda preliminari, billi tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas biss għall-kompetituri attwali tad-destinatarju jew tad-destinatarji tad-deċiżjoni tal-ARN, titlaq minn premessa żbaljata u għandha, għal din ir-raġuni, tiġi fformulata mill-ġdid. |
|
43. |
Ikkunsidrata fl-intier tagħha, din id-domanda għandha, fil-fehma tiegħi, tinftiehem fis-sens li l-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk persuna ġuridika li tinsab f’sitwazzjoni bħal dik deskritta fil-punt 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet tistax titqies bħala impriża li “[t]ipprovd[i] […] s-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika” fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas u jekk, għall-finijiet tar-risposta li għandha tingħata, il-fatt li teżisti “unità ekonomika” bejn din il-persuna ġuridika u s-sussidjarja li topera fis-suq nazzjonali kkonċernat fis-sens tad-dritt antitrust tal-Unjoni, huwiex importanti. |
|
44. |
DIGI u l-Kummissjoni jipproponu li tingħata risposta affermattiva għal din id-domanda filwaqt li n-NMHH tipproponi risposta negattiva. |
|
45. |
Qabel kollox, għandha tiġi miċħuda t-teżi sostnuta min-NMHH fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha li huma biss l-impriżi destinatarji ta’ deċiżjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li jistgħu jikkontestaw din id-deċiżjoni. F’dan ir-rigward, biżżejjed jekk infakkar li, fis-sentenza Tele2, il-Qorti tal-Ġustizzja, anki jekk f’kuntest differenti, sostniet li “interpretazzjoni restrittiva ta’ l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas, fis-sens li din id-dispożizzjoni ma tagħtix dritt ta’ appell lil persuni li mhumiex id-destinatarji ta’ deċiżjonijiet ta’ [ARN], diffiċilment tkun kompatibbli ma’ l-għanijiet ġenerali u l-prinċipji regolatorji li jitnisslu, għal dawn l-awtoritajiet, mill-Artikolu 8 ta’ l-imsemmija direttiva, b’mod partikolari ma’ l-għan tal-promozzjoni tal-kompetizzjoni” ( 23 ). Ma hemmx raġunijiet, marbuta b’mod speċjali man-natura tad-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali jew maċ-ċirkustanzi ta’ fatt li jikkaratterizzaw din il-proċedura, li jawtorizzaw it-tbegħid minn tali interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas. Fid-dawl tal-formulazzjoni użata mill-Qorti tal-Ġustizzja, din l-interpretazzjoni għandha, barra minn hekk, importanza li hija b’mod ċar waħda ġenerali. |
|
46. |
Dan premess, mill-punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet jirriżulta li l-kwalità ta’ “impriża li [t]ipprovd[i] n-networks u/jew s-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika”, skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas tista’ tiġi rrikonoxxuta għal impriża li tissodisfa l-kundizzjonijiet li hija suġġetta għalihom, fl-Istat Membru kkonċernat, l-awtorizzazzjoni ġenerali skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(2), anki jekk tali impriża ma għadhiex preżenti fis-suq ta’ dan l-Istat Membru u ma għadhiex irreġistrata hemm skont it-tieni sentenza tal-imsemmi Artikolu 3(2). Mill-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet jirriżulta wkoll li lanqas ma huwa neċessarju li tali impriża attwalment tforni servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi sakemm madankollu hija turi intenzjoni reali u possibbiltà mhux purament ipotetika iżda effettiva, f’termini ta’ infrastruttura u ta’ teknoloġija, ta’ integrazzjoni ta’ dan is-suq, fl-Istat Membru kkonċernat jew fi Stat Membru ieħor. |
|
47. |
Fil-fehma tiegħi, għandu jsir diskors separat fil-każ fejn, bħal fil-kawża prinċipali, il-persuna ġuridika li tinvoka d-dritt għal azzjoni legali konformement mal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas, minkejja li ma tkunx direttament preżenti fis-suq tal-forniment tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, tkun tikkontrolla grupp ta’ kumpanniji li jfornu tali servizzi. Fil-fatt, ma neskludix li l-kwalità ta’ “impriża li tipprovdi servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni għandha tiġi rikonoxxuta wkoll lil tali persuna ġuridika. Għandu jinftiehem li din tal-aħħar għandha, fi kwalunkwe każ, turi li hija “affettwata”, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas, mid-deċiżjoni inkwistjoni, jiġifieri, skont dak iċċarat mill-ġurisprudenza, li tkun ġiet milquta minn din id-deċiżjoni fid-drittijiet li hija tibbenefika minnhom skont id-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari skont id-direttivi fil-qasam tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. |
|
48. |
Għandhom isiru żewġ preċiżazzjonijiet fir-rigward tas-sitwazzjoni prevista fil-punt preċedenti. |
|
49. |
Fl-ewwel lok, ir-rikonoxximent tal-kwalità ta’ “impriża li tipprovdi servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi”, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas, fir-rigward ta’ kumpannija li tmexxi grupp attiv fil-forniment ta’ dawn is-servizzi huwa ġġustifikat biss minħabba l-preżenza indiretta tiegħu fis-suq u ma jiddependix la mill-eżistenza ta’ relazzjoni eventwali ta’ kompetizzjoni mad-destinatarji tad-deċiżjoni tal-ARN ikkonċernata, u lanqas mill-fatt li din il-kumpannija tifforma “unità ekonomika” mas-sussidjarja preżenti fis-suq ikkonċernat minn din id-deċiżjoni fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. |
|
50. |
F’dan l-aħħar rigward, inqis li tali fatt huwa fi kwalunkwe każ irrilevanti, tkun xi tkun l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas li ser tasal għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
51. |
Il-kunċett ta’ “unità ekonomika”, marbut mill-qrib mal-kunċett funzjonali ta’ “impriża” fis-sens tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, ġie żviluppat bl-għan b’mod partikolari li tiġi identifikata l-entità li għandha tieħu r-responsabbiltà għall-ksur ta’ dawn ir-regoli u huwa essenzjalment użat, f’dan il-kuntest, sabiex jippermetti, taħt ċerti kundizzjonijiet, li l-kumpannija omm tieħu r-responsabbiltà għall-aġir antikompetittiv tas-sussidjarja, billi jiġi evitat l-ostakolu kkostitwit mill-personalità ġuridika distinta ta’ dawn l-entitajiet. |
|
52. |
Dawn il-kunċetti huma speċifiċi għad-dritt antitrust, li fil-kuntest tiegħu huma jaqdu funzjoni kemm repressiva kif ukoll dissważiva tal-aġir antikompetittiv. L-“esportazzjoni” tagħhom għal oqsma oħra tad-dritt tal-Unjoni, anki fir-rigward ta’ oqsma fejn hemm inkwistjoni għanijiet ta’ protezzjoni tal-kompetizzjoni, ma jidhirlix għalhekk li hija opportuna. |
|
53. |
It-tieni, kuntrarjament għal dak li jidher li qiegħda ssostni l-qorti tar-rinviju, li jiġi aċċettat li l-kwalità ta’ “impriża li tipprovdi networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi”, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas, tista’ tiġi rrikonoxxuta wkoll lil impriżi li ma humiex direttament preżenti fis-suq ta’ dawn is-servizzi u, b’mod partikolari, lill-kumpannija holding ta’ grupp li jipprovdi l-imsemmija servizzi, ma għandux bħala konsegwenza, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, li jippermetti “l-evażjoni tar-regoli tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti”. Fil-fatt, ir-rikonoxximent eventwali lil tali persuna tad-dritt għal azzjoni legali kontra d-deċiżjoni li permezz tagħha l-ARN wettqet l-għoti ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi fi tmiem tali proċedura ma jeskludix il-possibbiltà li jiġu applikati fil-konfront ta’ din tal-aħħar, meta hija tkun ippreżentat kandidatura f’isimha stess, ir-raġunijiet ta’ esklużjoni li japplikaw għall-kumpannija li tifforma parti mill-grupp attiv fis-suq ikkonċernat mill-proċedura ta’ sejħa għal offerti, jekk jirriżulta li din il-kandidatura ġiet ippreżentata bl-għan uniku li jiġu evitati l-kundizzjonijiet ta’ ammissjoni għall-proċedura. |
|
54. |
Fi kliem ieħor, għalkemm id-dritt għal azzjoni legali kontra d-deċiżjoni ta’ ARN, skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas, ma jirriżultax neċessarjament mill-kwalità ta’ parti fil-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, dan lanqas ma jimplika awtomatikament dritt ta’ parteċipazzjoni f’din il-proċedura. |
|
55. |
Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, fil-fehma tiegħi, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda preliminari, kif ifformulata mill-ġdid, għandha tkun li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix ir-rikonoxximent tal-kwalità ta’ “impriża li tipprovdi servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, lil impriża li tissodisfa l-kundizzjonijiet li hija suġġetta għalihom l-awtorizzazzjoni ġenerali msemmija fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni fl-Istat Membru tal-ARN li adottat id-deċiżjoni inkwistjoni, minn naħa, il-fatt li din l-impriża għadha ma hijiex preżenti fis-suq tal-imsemmi Stat Membru u ma hijiex irreġistrata hemm skont it-tieni sentenza tal-imsemmi Artikolu 3(2) u, min-naħa l-oħra, il-fatt li din ma tfornix attwalment servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, sakemm madankollu turi intenzjoni reali u possibbiltà mhux purament ipotetika, f’termini ta’ infrastruttura u ta’ teknoloġija, ta’ integrazzjoni, fl-Istat Membru kkonċernat, tas-suq ta’ dawn is-servizzi. Il-kwalità ta’ “impriża li tipprovdi servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi” fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas tista’ tiġi rrikonoxxuta wkoll lil persuna ġuridika li anki jekk ma teżerċitax direttament attività ta’ forniment ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, hija tikkostitwixxi l-kumpannija holding ta’ grupp li jforni dawn is-servizzi. |
C. Fuq it‑tieni domanda preliminari
|
56. |
Permezz tal-ewwel parti tat-tieni domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk proċedura ta’ rkant li tirrigwarda d-drittijiet ta’ użu tal-frekwenzi insostenn għat-tnedija tan-network tal-5G u relatati ma’ servizzi addizzjonali, imwettqa minn ARN skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni kif ukoll id-deċiżjoni li tiddikjara l-eżitu ta’ din il-proċedura għandhomx bħala għan il-protezzjoni tal-kompetizzjoni. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, meta fformulat din id-domanda, il-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest) ibbażat ruħha b’mod partikolari fuq il-punt 39 tas-sentenza T‑Mobile, imfakkar fil-punt 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet, billi telqet mill-premessa li, sabiex impriża kompetitriċi tad-destinatarju jew tad-destinatarji tad-deċiżjoni tal-ARN inkwistjoni tkun tista’ titqies bħala affettwata fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas, din id-deċiżjoni għandha tkun ġiet adottata fil-kuntest ta’ proċedura intiża sabiex tipproteġi l-kompetizzjoni. |
|
57. |
Ma hemmx dubju, kif barra minn hekk qieset il-qorti tar-rinviju nnifisha, li proċedura ta’ rkant bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mibdija skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni f’kuntest li fih huwa neċessarju li jiġi limitat in-numru ta’ drittijiet ta’ użu li għandhom jingħataw għall-frekwenzi tar-radju, issegwi fost l-għanijiet primarji tagħha l-protezzjoni tal-kompetizzjoni. |
|
58. |
Dan jirriżulta mhux biss mill-Artikolu 7(1)(a) tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, li jeżiġi espressament li l-Istat Membru kkonċernat jieħu debitament inkunsiderazzjoni r-rekwiżit li jiffavorixxi l-iżvilupp tal-kompetizzjoni, iżda wkoll mill-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu. |
|
59. |
Skont din id-dispożizzjoni, il-kriterji ta’ għażla oġġettivi, trasparenti, proporzjonati u nondiskriminatorji li fuq il-bażi tagħhom għandhom jiġu allokati d-drittijiet ta’ użu tal-frekwenzi tar-radju “jrid[u] jagħt[u] l-importanza li tistħoqq lill-kisba tal-għanijiet li jidhru fl-Artikolu 8 tad-Direttiva [Qafas]”. Issa, fost dawn l-għanijiet, il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jinkludi l-promozzjoni tal-kompetizzjoni fil-provvista tan-networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u tar-riżorsi u servizzi assoċjati. L-ittra (b) ta’ dan il-paragrafu tippreċiża li t-twettiq ta’ dan l-għan isir inter alia billi “jassiguraw li ma jkun hemm ebda tgħawwiġ jew restrizzjoni fil-kompetizzjoni fis-setttur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi”. |
|
60. |
Infakkar ukoll li, fir-rigward tal-Artikolu 8 tad-Direttiva Qafas, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li din id-dispożizzjoni timponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiżguraw li l-ANR jieħdu l-miżuri kollha raġonevoli intiżi li jippromwovu l-kompetizzjoni fil-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, billi jiżguraw li ma jkunx hemm distorsjoni ta’ jew ostakolu għall-kompetizzjoni fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u billi jneħħu l-aħħar ostakoli għall-provvista tal-imsemmija servizzi fuq livell tal-Unjoni ( 24 ). |
|
61. |
B’mod iktar ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-qafas regolatorju ġdid komuni għas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, għan-networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, kif ukoll għar-riżorsi u għas-servizzi relatati (iktar ’il quddiem il-“QRĠK”), li jagħmlu parti minnu d-Direttiva Qafas u d-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, “huwa bbażat, b’mod partikolari, fuq għan ta’ kompetizzjoni effettiva u mhux distorta, u huwa intiż li jiżviluppa din il-kompetizzjoni b’osservanza, b’mod partikolari, tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità” ( 25 ). |
|
62. |
Minn dan isegwi li l-għan ta’ protezzjoni tal-kompetizzjoni stabbilit fl-Artikolu 8 tad-Direttiva Qafas mhux biss jipprevali fuq id-definizzjoni tal-kriterji ta’ ammissjoni għal proċedura mnedija skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, iżda huwa rifless ukoll fid-deċiżjoni ta’ għoti ta’ networks u ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi li d-disponibbiltà tagħhom hija limitata. |
|
63. |
Permezz tat-tieni parti tal-ewwel domanda preliminari, ifformulata fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel parti ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk għandux effett fuq l-għan ta’ protezzjoni tal-kompetizzjoni rrikonoxxut fir-rigward tad-deċiżjoni li ttemm proċedura ta’ allokazzjoni skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, il-fatt li l-ARN tkun irrifjutat, permezz ta’ deċiżjoni distinta li saret definittiva, li tirreġistra l-kandidatura tal-impriża li tippreżenta rikors ġudizzjarju kontra din id-deċiżjoni. |
|
64. |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest) essenzjalment tixtieq tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-konsegwenzi tal-esklużjoni definittiva ta’ impriża minn proċedura ta’ attribuzzjoni ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju fuq il-locus standi ta’ din l-impriża kontra d-deċiżjoni adottata fi tmiem din il-proċedura. B’mod partikolari, din il-qorti tistaqsi jekk il-fatt li din l-esklużjoni ċaħħdet lill-impriża inkwistjoni mill-possibbiltà li tidħol fost id-destinatarji ta’ din id-deċiżjoni jneħħix, “mill-perspettiva ta’ din l-impriża”, l-għan ta’ salvagwardja tal-kompetizzjoni mfittex mid-deċiżjoni, sa fejn din ma tistax tbiddel direttament il-pożizzjoni tagħha fis-suq fir-rigward tad-drittijiet ta’ użu tal-frekwenzi inkwistjoni. |
|
65. |
Jidhirli li huwa ċar li l-fatt invokat mill-qorti tar-rinviju ma jistax, fih innifsu, ineħħi l-għan ta’ protezzjoni tal-kompetizzjoni li għalih għandha tkun intiża l-allokazzjoni tad-drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju. |
|
66. |
Ċertament, l-esklużjoni ta’ impriża mill-proċedura ta’ selezzjoni li wasslet għad-deċiżjoni ta’ allokazzjoni tista’, f’każ konkret, taffettwa t-twettiq effettiv ta’ dan l-għan, b’mod partikolari jekk dan iseħħ b’applikazzjoni ta’ kriterji li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 7 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni. |
|
67. |
F’dan il-każ, huwa possibbli li din id-deċiżjoni ma tkunx kompletament konformi, jew saħansitra tikser l-imsemmi għan ta’ protezzjoni ta’ kompetizzjoni effettiva u mhux distorta. Madankollu, dan ma jbiddel xejn mill-fatt li dan tal-aħħar jibqa’ fost l-għanijiet prinċipali li d-Direttiva Qafas u d-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni jagħtu lil tali deċiżjoni. |
|
68. |
Fir-realtà, permezz tat-tieni parti tat-tieni domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tixtieq pjuttost tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwistjoni jekk l-esklużjoni definittiva ta’ impriża li tkun ippreżentat il-kandidatura tagħha għall-proċedura ta’ selezzjoni tistax taffettwa l-locus standi u/jew l-interess ta’ din l-impriża li taġixxi kontra d-deċiżjoni finali ta’ għoti u sa fejn dan l-effett jiddependi mill-fatt li din id-deċiżjoni u l-annullament eventwali tagħha ma jistgħux jibdlu l-pożizzjoni ta’ din l-impriża fis-suq kif iddeterminata fil-mument tal-esklużjoni tagħha. |
|
69. |
Din id-domanda saret, minn angolu differenti, fit-tieni parti tar-raba’ domanda preliminari u għalhekk ser tiġi analizzata f’dak l-istadju. |
|
70. |
Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti nqis li r-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda preliminari hija fis-sens li proċedura ta’ rkant immexxija minn ARN skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni kif ukoll id-deċiżjoni ta’ din l-awtorità li tiddikjara r-riżultat ta’ din il-proċedura jfittxu għan ta’ protezzjoni ta’ kompetizzjoni effettiva u mhux distorta. |
D. Fuq it‑tielet domanda preliminari
|
71. |
Permezz tal-ewwel parti tat-tielet domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċċara l-kundizzjoni dwar l-effett li d-deċiżjoni tal-ARN għandu jkollha fuq is-sitwazzjoni tal-impriża li tipprovdi networks jew servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi sabiex din l-impriża tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “affettwata” minn din id-deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas. B’mod partikolari, il-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest) tistaqsi jekk din l-impriża hijiex obbligata turi li d-deċiżjoni tal-ARN “[taffettwa] direttament” il-pożizzjoni tagħha fis-suq jew huwiex suffiċjenti għal dan il-għan li tali effett jew anki effett purament indirett ikun “probabbli ħafna”. |
|
72. |
F’dan ir-rigward, huwa minnu, kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, li, fis-sentenza Tele2, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas fis-sens li l-impriżi kompetituri ta’ impriża (preċedentement) b’saħħitha fis-suq rilevanti għandhom dritt ta’ azzjoni legali kontra d-deċiżjoni adottata minn ARN fil-kuntest ta’ proċedura ta’ analiżi tas-suq skont l-Artikolu 16 tal-istess direttiva li “d-drittijiet tagħhom kunu milquta b’mod sfavorevoli minnha” ( 26 ), li jagħti x’jifhem li huwa neċessarju effett dirett fuq il-pożizzjoni fis-suq ta’ dawn l-impriżi. |
|
73. |
Madankollu, fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li għandhom jitqiesu bħala “milquta” fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas “l-utenti u l-impriżi li jikkompetu ma’ impriża (preċedentement) b’saħħitha fis-suq ikkonċernat meta d-drittijiet ta’ dawn ikunu potenzjalment milquta minn deċiżjoni bħal din”. |
|
74. |
Barra minn hekk, fis-sentenza T‑Mobile, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li din id-dispożizzjoni tirrigwarda kemm id-destinatarju tad-deċiżjoni tal-ARN inkwistjoni kif ukoll l-impriżi l-oħra li jipprovdu networks jew servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u li jistgħu jkunu kompetituri ta’ dan id-destinatarju, sa fejn id-deċiżjoni inkwistjoni “jista’ jkollha impatt” fuq il-pożizzjoni tagħhom fis-suq ( 27 ), formulazzjoni li tista’ tinkludi wkoll effett purament indirett. |
|
75. |
Bl-istess mod, kif diġà kelli l-okkażjoni nfakkar, fis-sentenza Arcor, billi rreferiet għall-punt 39 tas-sentenza Tele2, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li benefiċjarju li ma huwiex destinatarju ta’ deċiżjoni tal-ARN jiskeb l-istatus ta’ “parti milquta”, skont l-Artikolu 5a(3) tad-Direttiva 90/387, issostitwit bl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas, meta d-drittijiet tiegħu jkunu “potenzjalment milquta” minn tali deċiżjoni minħabba, minn naħa, il-kontenut tagħha u, min-naħa l-oħra, l-attività eżerċitata jew prospettata minn din il-parti ( 28 ). |
|
76. |
Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq, fil-fehma tiegħi, minn naħa, għandu jiġi eskluż li, sabiex tinvoka d-dritt għal azzjoni legali skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas, l-impriża inkwistjoni għandha turi li d-deċiżjoni tal-ARN li hija għandha l-intenzjoni tikkontesta taffettwa b’mod ċert, dirett u attwali l-pożizzjoni tagħha fis-suq. B’mod partikolari, fil-fehma tiegħi, għandha tiġi miċħuda t-teżi proposta min-NMHH, li skontha, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ rkant bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-dritt li jiġi ppreżentat rikors kontra d-deċiżjoni adottata mill-ARN fi tmiem din il-proċedura jappartjeni biss lill-impriża jew impriżi li jkunu ppreżentaw kandidatura valida sabiex jipparteċipaw f’din il-proċedura, peress li huma biss dawn l-impriżi li jistgħu juru preġudizzju dirett u attwali li jirriżulta minn din id-deċiżjoni. Barra minn hekk, peress li l-imsemmija impriżi huma, fi kwalunkwe każ, destinatarji tad-deċiżjoni tal-ARN li tiddikjara r-riżultat tal-proċedura ta’ selezzjoni, dan l-argument jidhirli li jmur kontra d-dikjarazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li hija inkompatibbli mal-għanijiet ġenerali u mal-prinċipji regolatorji li jirriżultaw, għall-ARN, mill-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva, b’mod partikolari mal-għan ta’ promozzjoni tal-kompetizzjoni, interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas, li skontha din id-dispożizzjoni ma tagħtix dritt ta’ azzjoni legali lil persuni li ma humiex id-destinatarji tad-deċiżjonijiet ta’ dawn l-awtoritajiet ( 29 ). |
|
77. |
Min-naħa l-oħra, jirriżulta b’mod partikolari mir-riferiment għall-kontenut tad-deċiżjoni tal-ARN inkwistjoni u għall-attività mwettqa jew prevista mill-impriża inkwistjoni li ma huwiex biżżejjed li din tal-aħħar tinvoka kwalunkwe effett indirett ta’ din id-deċiżjoni fuq il-pożizzjoni tagħha fis-suq. Huwa biss ksur tad-drittijiet li din l-impriża tgawdi bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari tad-direttivi fil-qasam tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, li jirriżulta direttament mill-kontenut tal-imsemmija deċiżjoni u li, anki jekk ma jkunx ċert u attwali, jista’ madankollu jitwettaq b’mod raġonevolment probabbli, li jista’, fil-fehma tiegħi, joħloq, fir-rigward ta’ din l-impriża, id-dritt għal azzjoni legali previst fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas. |
|
78. |
Permezz tat-tieni parti tat-tielet domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-effett li tagħmel riferiment għalih l-ewwel parti ta’ din id-domanda huwiex fih innifsu muri mill-fatt li l-impriża inkwistjoni ppreżentat offerta fil-proċedura ta’ rkant, minkejja li din ġiet eskluża minn din il-proċedura minħabba li ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa. |
|
79. |
F’dan ir-rigward, inqis li impriża li tissodisfa l-kunċett ta’ “impriża li tipprovdi servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi” fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas, li ppreżentat offerta sabiex tipparteċipa fi proċedura ta’ selezzjoni għall-attribuzzjoni ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi, għandha titqies bħala “affettwata” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni mid-deċiżjoni li tiddikjara r-riżultat tal-proċedura ta’ selezzjoni minkejja li hija ġiet eskluża minn din il-proċedura minħabba li hija ma kinitx tissodisfa l-kundizzjoni ta’ ammissjoni li ma tkunx ġiet ikkundannata għal ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni matul perijodu ta’ żmien partikolari qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ rkant. |
|
80. |
Il-kwistjoni dwar jekk u b’liema mod iċ-ċirkustanza li tali esklużjoni ġiet iddikjarata permezz ta’ deċiżjoni tal-ARN li saret definittiva wara ċ-ċaħda tal-azzjoni ġudizzjarja mressqa mill-impriża kkonċernata għandhiex effett fuq id-dritt ta’ din tal-aħħar li tieħu azzjoni legali kontra d-deċiżjoni li tiddikjara r-riżultat tal-proċedura ta’ selezzjoni ser tiġi indirizzata waqt l-eżami tar-raba’ domanda preliminari. |
|
81. |
Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tielet domanda preliminari li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tibbenefika mid-dritt għal azzjoni legali kontra d-deċiżjoni ta’ ARN fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, impriża li tforni networks jew servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għandha turi li l-kontenut ta’ din id-deċiżjoni jista’ jippreġudika direttament id-drittijiet li hija tibbenefika minnhom skont id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari skont id-direttivi dwar is-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. Għalkemm tali preġudizzju ma għandux neċessarjament ikun ċert u attwali, dan għandu madankollu jkun jista’ jseħħ b’mod raġonevolment probabbli. Impriża li tissodisfa l-kunċett ta’ “impriża li tipprovdi servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi” fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas, li tkun ippreżentat offerta sabiex tipparteċipa fi proċedura ta’ selezzjoni għall-attribuzzjoni ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi, għandha titqies li hija “affettwata” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni mid-deċiżjoni li tikkonstata r-riżultat tal-proċedura ta’ selezzjoni. Din l-impriża ma titlifx din il-kwalità ta’ “affettwata” minħabba s-sempliċi fatt li hija ġiet eskluża minn din il-proċedura minħabba li hija ma kinitx tissodisfa l-kundizzjoni għall-ammissjoni li ma tkunx ġiet ikkundannata għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni matul ċertu perijodu ta’ żmien qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ rkant. |
E. Fir‑rigward tar‑raba’ domanda preliminari
|
82. |
Permezz tar-raba’ domanda preliminari tagħha, li hija wkoll maqsuma f’żewġ subdomandi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk għandhiex il-kwalità ta’ “impriża affettwata” fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas u jekk għandhiex dritt għal azzjoni legali kontra d-deċiżjoni ta’ ARN li tiddikjara t-tmiem ta’ proċedura ta’ selezzjoni bl-għan tal-attribuzzjoni ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju impriża li, minn naħa, ma teżerċitax attività ta’ provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi fl-Istat Membru kkonċernat ħlief permezz ta’ kumpannija sussidjarja (l-ewwel subdomanda) u li, min-naħa l-oħra, tkun ġiet eskluża mill-proċedura ta’ selezzjoni b’deċiżjoni definittiva tal-ARN qabel l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni (it-tieni subdomanda). |
|
83. |
F’dak li jirrigwarda l-ewwel subdomanda, ser nillimita ruħi sabiex nirreferi għall-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 23 sa 30 u 45 sa 55 ta’ dawn il-konklużjonijiet. |
|
84. |
Fir-rigward tat-tieni subdomanda, b’mod konformi ma’ dak li diġà ġie konkluż waqt l-eżami tat-tielet domanda preliminari, inqis li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li entità li tipparteċipa fi proċedura ta’ rkant organizzata minn ARN skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni għall-għoti ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi għandha dritt għal azzjoni legali kontra d-deċiżjonijiet tal-ARN adottati fil-kuntest ta’ din il-proċedura, kemm fir-rigward ta’ deċiżjonijiet li din l-entità tkun destinatarja tagħhom, bħal fil-każ ta’ deċiżjoni ta’ esklużjoni mill-proċedura, kif ukoll, fejn jirriżultaw il-kundizzjonijiet previsti mill-imsemmi Artikolu 4(1), fir-rigward ta’ deċiżjonijiet li hija ma hijiex direttament destinatarja tagħhom. |
|
85. |
Barra minn hekk, nippreċiża li, fil-fehma tiegħi, fir-rigward, bħal fil-kawża prinċipali, tar-rikors ta’ impriża eskluża minn tali proċedura kontra d-deċiżjoni finali ta’ għoti, il-locus standi ta’ din l-impriża, meta jiġi stabbilit li hija tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas, huwa indipendenti min-natura definittiva jew le tad-deċiżjoni ta’ esklużjoni ( 30 ). |
|
86. |
Fil-kawża ineżami quddiem il-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest) għandu, fil-fehma tiegħi, jiġi ċċarat jekk DIGI hijiex qiegħda taġixxi kontra d-deċiżjoni tal-għoti sabiex tiġi kkontestata l-esklużjoni tagħha mill-proċedura ta’ rkant, billi tikkontesta l-applikazzjoni fir-rigward tagħha ta’ kriterju ta’ esklużjoni illegali, jew jekk hijiex qiegħda tikkontesta l-legalità tal-attribuzzjoni tal-frekwenzi magħmula fuq il-bażi ta’ dokumentazzjoni li tinkludi kriterji mhux oġġettivi, trasparenti, proporzjonati u nondiskriminatorji, li fil-fatt ipprekludiet lis-sussidjarja tagħha milli tipparteċipa fil-proċedura. F’dan l-aħħar każ, hija jkollha locus standi bħala impriża omm u mhux bħala parteċipanti eskluża. |
|
87. |
Fir-rigward tal-interess ta’ DIGI li taġixxi kontra d-deċiżjoni ta’ għoti, minn naħa, ninnota li ma jidhirx li huwa eskluż, suġġett għal konferma mill-qorti tar-rinviju, li, wara rikorsi straordinarji ppreżentati minn DIGI quddiem l-Alkotmánybíróság (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Ungerija), il-legalità tal-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ esklużjoni ta’ din l-impriża mill-proċedura ta’ rkant jew in-natura ekwa tal-proċedura ġudizzjarja sussegwenti tiġi kkontestata. Min-naħa l-oħra, nosserva li ma huwiex eskluż, dejjem mingħajr preġudizzju għall-konferma mill-qorti tar-rinviju, li l-eżami tal-mertu tar-rikors ta’ DIGI jista’ jwassal biex tiġi invalidata d-deċiżjoni ta’ għoti u l-proċedura ta’ rkant fl-intier tagħha, li tirrendi neċessarja repetizzjoni ta’ din il-proċedura, li fiha DIGI Kft tista’ tipparteċipa din id-darba minħabba l-iskadenza tat-terminu operattiv tal-kawża ta’ esklużjoni prevista fil-punt 61(n) tad-dokumentazzjoni. |
|
88. |
In-NMHH tqis li l-invokazzjoni minn DIGI ta’ dritt għal azzjoni legali fuq il-bażi tal-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas kontra d-deċiżjoni li tiddikjara r-riżultat tal-proċedura ta’ rkant hija ta’ natura abbużiva peress li hija intiża biex tevita l-limiti imposti mir-res judicata li rriżultat fi tmiem l-azzjoni legali ta’ DIGI kontra d-deċiżjoni li tiġi eskluża mill-proċedura ta’ rkant. |
|
89. |
F’dan ir-rigward, nirrileva li, għalkemm ma huwiex eskluż a priori li l-parteċipazzjoni fi proċedura mnedija minn ARN fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u l-invokazzjoni konsekuttiva ta’ dritt għal azzjoni legali kontra d-deċiżjonijiet meħuda f’dan il-kuntest mill-imsemmija awtorità jistgħu, meta l-kundizzjonijiet previsti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 31 ) jkunu ssodisfatti, jagħtu lok għal abbuż ta’ dritt, fil-kawża ineżami, ma tirriżultax, fil-fehma tiegħi, tali ipoteżi. |
|
90. |
Fil-fatt, minn naħa, ma jistax jitqies li DIGI aġixxiet b’mod abbużiv minħabba s-sempliċi fatt li ppreżentat kandidatura għall-proċedura ta’ rkant f’isimha stess u mhux permezz ta’ DIGI Kft. L-istess japplika wkoll jekk l-intenzjoni reali tagħha kienet li tagħti lil din tal-aħħar id-drittijiet eventwalment miksuba fi tmiem din il-proċedura, tal-inqas sa fejn DIGI telqet mill-premessa li d-dispożizzjoni tad-dokumentazzjoni li ddikjarat l-esklużjoni de facto tas-sussidjarja tagħha mill-proċedura ta’ rkant kienet illegali. Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għal dak li ssostni l-NMHH, bl-invokazzjoni tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas sabiex tiġġustifika d-dritt tagħha għal azzjoni legali, DIGI timmira għar-rikonoxximent tad-dritt tagħha li tipparteċipa fil-proċedura ta’ rkant – dritt li hija ssostni li ġiet imċaħħda minnu bi ksur tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni – u mhux li tibbenefika b’mod frawdolenti jew abbużiv minn dawn ir-regoli bl-għan li tikseb vantaġġ indebitu ( 32 ). Fil-każ li jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tad-dritt Ungeriż fir-rigward ta’ res judicata jipprekludu l-eżami tal-motivi mqajma minn DIGI fil-kuntest ta’ rikors bħal dan, dan tal-aħħar jista’, għalhekk, jiġi ddikjarat totalment jew parzjalment inammissibbli, iżda l-preżentata tiegħu ma tistax titqies bħala prattika abbużiva minħabba r-raġuni unika li tista’ tirriżulta tali preklużjoni. |
|
91. |
Dan premess, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk u sa fejn l-eċċezzjoni ta’ res judicata tapplikax għar-rikors li għandha quddiemha. |
|
92. |
DIGI ssostni li, billi ddeċidiet fil-kuntest tar-rikors ippreżentat minn din tal-aħħar kontra s-sentenza tal-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest) li kkonfermat id-deċiżjoni tan-NMHH li teskludiha mill-proċedura ta’ rkant, il-Kúria (il-Qorti Suprema) kisret, kuntrarjament għall-Artikolu 267 TFUE kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 33 ), l-obbligu li hija għandha bħala qorti tal-aħħar istanza li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari kif talbitha DIGI. Hija ssostni li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, konformement mas-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2007 Lucchini ( 34 ), ir-regoli nazzjonali fil-qasam tal-awtorità ta’ res judicata għandhom, fil-kawża ineżami, jiġu skartati, sabiex jiġi żgurat l-effett sħiħ tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni. |
|
93. |
Fil-fatt, huwa biżżejjed li jitfakkar li, fuq il-bażi ta’ ġurisprudenza stabbilita, minħabba l-importanza li għandu l-prinċipju ta’ res judicata, kemm fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni kif ukoll fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, id-dritt tal-Unjoni ma jimponix fuq il-qorti nazzjonali l-obbligu li ma tapplikax ir-regoli proċedurali interni li jagħtu l-awtorità ta’ res judicata lil deċiżjoni ġudizzjarja, anki jekk dan ikun jippermetti li tiġi rrimedjata sitwazzjoni nazzjonali li tkun inkompatibbli ma’ dan id-dritt ( 35 ). Isegwi li, jekk mis-sentenza Lucchini jirriżulta li d-deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali li saret res judicata ma tistax tiġi invokata sabiex jiġi ostakolat l-eżerċizzju tal-kompetenza esklużiva ta’ istituzzjoni tal-Unjoni, lil hinn minn sitwazzjoni bħal din, ma jeżistix tali obbligu ta’ esklużjoni. |
|
94. |
Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li għalkemm ir-regoli proċedurali interni applikabbli jinkludu l-possibbiltà li, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-qorti nazzjonali tibdel deċiżjoni li jkollha l-awtorità ta’ res judicata sabiex tirrendi s-sitwazzjoni kompatibbli mad-dritt nazzjonali, din il-possibbiltà għandha tipprevali, konformement mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, jekk jiġu ssodisfatti dawk il-kundizzjonijiet, sabiex is-sitwazzjoni inkwistjoni terġa’ tiġi konformi mad-dritt tal-Unjoni ( 36 ). Huwa anki f’dan il-każ li l-qorti nazzjonali għandha tevalwa jekk din il-possibbiltà teżistix fil-kawża li tinsab quddiemha u jekk il-kundizzjonijiet li hija suġġetta għalihom humiex issodisfatti ( 37 ). |
|
95. |
Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għar-raba’ domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas għandu jiġi interpretat fis-sens li entità li tipparteċipa fi proċedura ta’ rkant organizzata minn ARN fis-sens tal-Artikolu 7 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni għall-finijiet tal-għoti ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi għandha dritt ta’ azzjoni legali kontra d-deċiżjonijiet tal-ARN adottati fil-kuntest ta’ din il-proċedura, kemm fir-rigward ta’ deċiżjonijiet li din l-entità hija destinatarja tagħhom, kif ukoll, meta japplikaw il-kundizzjonijiet previsti mill-imsemmi Artikolu 4(1), fir-rigward ta’ deċiżjonijiet li hija ma hijiex direttament id-destinatarja tagħhom. Il-locus standi ta’ impriża eskluża minn tali proċedura kontra d-deċiżjoni finali ta’ għoti tal-frekwenzi ma jiddependix min-natura definittiva jew le tad-deċiżjoni ta’ esklużjoni, jekk jirriżulta li din l-impriża tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas. |
IV. Konklużjoni
|
96. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija):
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: it-Taljan.
( 2 ) Id-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Qafas) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349).
( 3 ) Id-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑7 ta’ Marzu 2002 dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 337).
( 4 ) Id-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2009 li temenda d-Direttivi 2002/21/KE dwar qafas regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi, 2002/19/KE dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati, u 2002/20/KE dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (ĠU 2009, L 337, p. 37, rettifika fil-ĠU 2013, L 241, p. 8).
( 5 ) Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (riformulazzjoni) (ĠU 2018, L 321, p. 36, rettifika fil-ĠU 2019, L 334, p. 164 u fil-ĠU 2020, L 419, p. 36).
( 6 ) Skont l-Artikolu 61(n) tad-dokumentazzjoni kienu esklużi mill-proċedura ta’ rkant l-entitajiet destinatarji, fl-24 xahar qabel it-tħabbir tal-proċedura, ta’ deċiżjoni amministrattiva definittiva li tikkonstata l-ksur tal-projbizzjoni ta’ ftehimiet li jirrestrinġu l-kompetizzjoni, ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti jew tar-regoli fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet.
( 7 ) C‑426/05, EU:C:2008:103.
( 8 ) C‑55/06, EU:C:2008:244.
( 9 ) C‑282/13, EU:C:2015:24.
( 10 ) Fil-kawża li tat lok għas-sentenza Tele2 kienet inkwistjoni deċiżjoni adottata minn ARN fil-kuntest ta’ proċedura għall-analiżi tas-suq skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva Qafas, fil-kawża li wasslet għas-sentenza Arcor (dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5a(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/387/KEE tat‑28 ta’ Ġunju 1990 dwar l-istabbiliment tas-suq intern għal servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet permezz tal-implimentazzjoni tal-provvista ta’ network miftuħ (Open Network Provision - ONP) (ĠU 1990, L 192, p. 1), tad-deċiżjoni li permezz tagħha l-ARN approvat it-tariffi applikati mill-operatur tan-network telefoniku stabbilit għall-aċċess diżaggregat għan-network lokali tiegħu u, finalment, fil-kawża li tat lok għas-sentenza T-mobile, ta’ deċiżjoni ta’ emenda tal-attribuzzjoni tal-frekwenzi.
( 11 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Tele2, punt 32, is-sentenza Arcor, punti 175 u 176, u s-sentenza T-Mobile, punt 34. Ara wkoll is-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2016, Polkomtel (C-231/15, EU:C:2016:769, punti 20 u 24).
( 12 ) Ara s-sentenza Tele2, punt 36.
( 13 ) Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 2887/2000 tat‑18 ta’ Diċembru 2000 dwar aċċess disassoċjat għal-linja lokali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 26, p. 83).
( 14 ) Ara s-sentenza Arcor, punt 176.
( 15 ) Ara, f’dan is-sens, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 5a(3) tad-Direttiva 90/387 għall-benefiċjarji fis-sens tal-Artikolu 2(b) tar-Regolament Nru 2887/2000, is-sentenza Arcor, punt 176.
( 16 ) Sentenza T-Mobile, punt 37.
( 17 ) Skont id-definizzjoni inkluża f’din id-dispożizzjoni, hija “utent”, dik l-“entità legali jew persuna naturali li tuża jew li titlob servizz pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi”.
( 18 ) Fis-sentenza tat‑30 ta’ April 2014, UPC DTH (C‑475/12, EU:C:2014:285, punti 55 u 57), il-Qorti tal-Ġustizzja evitat li tagħti definizzjoni ġenerali tal-kunċett ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi fis-sens tad-Direttiva Qafas, u ppreferiet issegwi approċċ każwali.
( 19 ) Ara l-premessi 3 u 4 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni.
( 20 ) Ara l-premessa 7 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni.
( 21 ) Skont l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, “awtorizzazzjoni ġenerali” tfisser “il-qafas legali stabbilit mill-Istat Membru li jiżgura d-drittijiet biex ikunu provduti n-netwerks jew is-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika u jippreskrivi l-obbligi speċifiċi tas-settur li jistgħu japplikaw għat-tipi kollha, jew għal tipi speċifiċi, ta’ netwerks u servizzi tal-komunikazzjoni elettronika […]”
( 22 ) Fil-kawża ineżami, in-NMHH ippreċiżat waqt is-seduta li n-notifika ma kinitx kundizzjoni għall-parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ rkant.
( 23 ) Ara s-sentenza Tele2, punt 38.
( 24 ) Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Persidera (C‑112/16, EU:C:2017:597, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 25 ) Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Persidera (C-112/16, EU:C:2017:597, punt 42).
( 26 ) Ara s-sentenza Tele2, punt 48.
( 27 ) Ara s-sentenza T‑Mobile, punt 37.
( 28 ) Ara s-sentenza Arcor, punt 176.
( 29 ) Ara s-sentenza Tele2, punt 38.
( 30 ) Fl-assenza ta’ data leġiżlattiva f’dan is-sens, ma naħsibx li hija applikabbli għall-proċeduri mnedija mill-ARN fis-sens tal-Artikolu 7 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni sistema analoga għal dik prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2a(2) tad-Direttiva 89/665 tal-Kunsill tal‑21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi, kif interpretat mill-Qorti tal-ġustizzja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 246, rettifika fil-ĠU 2016, L 63, p. 44), ara s-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Randstad Italia (C‑497/20, EU:C:2021:1037, punt 75) u tal‑5 ta’ Diċembru 2019, Lombardi (C‑333/18, EU:C:2019:675, punt 31).
( 31 ) Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2017, Vinyls Italia (C‑54/16, EU:C:2017:433, punti 52 u 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 32 ) Ara s-sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2016, Kratzer (C‑423/15, EU:C:2016:604, punti 37 sa 42), sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, GE Auto Service Leasing (C‑294/20, EU:C:2021:723, punt 65).
( 33 ) DIGI rreferiet f’dan ir-rigward għas-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi (C-561/19, EU:C:2021:799).
( 34 ) C‑119/05, EU:C:2007:434, punti 59 sa 63 (iktar ’il quddiem is-“sentenza Lucchini”).
( 35 ) Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Cabinet de avocat UR (Issuġġettar tal-avukati għall-VAT), (C-424/19, EU:C:2020:581, punti 22 u 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 36 ) Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Cabinet de avocat UR (Issuġġettar tal-avukati għall-VAT), (C‑424/19, EU:C:2020:581, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, peress li l-ksur tad-drittijiet irrikonoxxuti mid-dritt tal-Unjoni riżultat ta’ deċiżjoni ta’ qorti tal-aħħar istanza, normalment, ma jistax ikun iktar is-suġġett ta’ kumpens, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata ma jipprekludix ir-rikonoxximent tal-prinċipju tar-responsabbiltà ta’ Stat Membru minħabba tali deċiżjoni. Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Hochtief Solutions Magyarországi Fióktelepe (C‑620/17, EU:C:2019:630, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 37 ) Ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑18 ta’ Diċembru 2019, Hochtief (C-362/18, mhux ippubblikata, EU:C:2019:1100, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).