KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
RICHARD DE LA TOUR
ippreżentati fit‑8 ta’ Settembru 2022 ( 1 )
Kawża C‑323/21
Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid
fil-preżenza ta’
B.
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi))
u
Kawżi magħquda C‑324/21 u C‑325/21
Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (C‑324/21)
K. (C‑325/21)
fil-preżenza ta’
F.,
Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid
(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika tal-ażil – Kriterji u mekkaniżmi ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Rikors ippreżentat kontra deċiżjoni ta’ trasferiment – Kunċett ta’ ‘Stat Membru rikjedenti’ – Effett ta’ ftehim konkluż preċedentement bejn żewġ Stati Membri oħra – Portata tar-rikors”
I. Introduzzjoni
1. |
Dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari huma l-okkażjoni għall-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tippreċiża l-modalitajiet li bihom għandhom jiġu fformulati proċeduri ta’ teħid lura li nbdew suċċessivament minn żewġ Stati Membri differenti fir-rigward tal-istess applikant għal protezzjoni internazzjonali, skont ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida ( 2 ). |
2. |
Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tilwim bejn l-iStaatssecretaris van Justitie en Veiligheid (is-Segretarju tal-Istat għas-Sigurtà u għall-Ġustizzja, il-Pajjiżi l-Baxxi) (iktar ’il quddiem is-“Segretarju tal-Istat”) u B., F. u K., li huma t-tlieta li huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi applikanti għal protezzjoni internazzjonali, dwar il-legalità tad-deċiżjonijiet ta’ trasferiment li ġew adottati fil-konfront tagħhom. Wara li ppreżentaw l-ewwel applikazzjoni tagħhom għal protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru, kull wieħed minnhom mar fit-territorju tal-Unjoni Ewropea, billi ppreżenta, f’din l-okkażjoni u fi żmien qasir ħafna, applikazzjonijiet ġodda għal protezzjoni internazzjonali fl-Istati Membri li fit-territorji tagħhom huma marru. |
3. |
Fin-nuqqas ta’ preċiżazzjonijiet fir-Regolament Dublin III u fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tiegħu ( 3 ) dwar ir-relazzjoni bejn il-proċeduri ta’ teħid lura li jitwettqu b’mod suċċessiv minn Stati Membri differenti fir-rigward tal-istess applikant, il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha tiddefinixxi modalitajiet li jippermettu, minn naħa, li jinżamm metodu ċar, operattiv u rapidu sabiex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ( 4 ) u, min-naħa l-oħra, li jiġu evitati l-abbużi li jirriżultaw mid-diversi applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, ippreżentati simultanjament jew suċċessivament mill-istess persuna f’diversi Stati Membri, bil-għan li jittawwal ir-residenza tagħha fl-Unjoni, filwaqt li tibbenefika minn kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza, jew li tagħżel l-Istat Membru inkarigat li jeżamina l-applikazzjoni tagħha għall-protezzjoni internazzjonali ( 5 ) |
4. |
F’dawn il-konklużjonijiet, ser nesponi r-raġunijiet li għalihom nqis li, f’sitwazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn l-ewwel proċedura ta’ teħid lura nbdiet b’mod validu wara konsultazzjoni bejn l-Istati Membri kkonċernati, l-avvenimenti sussegwenti għal din il-konsultazzjoni, jiġifieri t-tluq tal-applikant mit-territorju tal-Istat Membru rikjedenti qabel ma seħħ it-trasferiment tiegħu u t-tressiq suċċessiv tat-tieni talba għall-finijiet tat-teħid lura tiegħu minn Stat Membru ieħor li fit-territorju tiegħu jinsab l-applikant, iċaħħdu din l-ewwel proċedura minn element essenzjali għall-validità tagħha. Għalhekk ser nispjega għaliex l-Istat Membru rikjest, sa fejn huwa involut f’żewġ proċeduri ta’ teħid lura mibdija f’termini qosra ħafna fir-rigward tal-istess persuna minn żewġ Stati Membri rikjedenti differenti, huwa f’pożizzjoni li jiftiehem mal-ewwel Stat Membru rikjedenti dwar id-dekadenza tal-ewwel waħda minn dawn il-proċeduri, b’effett mill-aċċettazzjoni tiegħu tat-tieni talba għall-finijiet tat-teħid lura. |
II. Il‑kuntest ġuridiku
5. |
Il-premessi 4 u 5 tar-Regolament Dublin III jistabbilixxu dan li ġej:
|
6. |
Fil-Kapitolu II, intitolat “Prinċipji ġenerali u salvagwardji”, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III jipprovdi kif ġej: “Fejn ebda Stat Membru responsabbli ma jkun jista’ jinħatar fuq il-bażi tal-kriterji elenkati f’dan ir-Regolament, l-ewwel Stat Membru li fih l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kienet iddepożitata għandu jkun responsabbli biex jeżaminaha.” |
7. |
Il-Kapitolu VI tar-Regolament Dublin III, intitolat “Proċeduri ta’ teħid ta’ inkarigu [teħid inkarigu] u ta’ teħid lura”, jinkludi l-Artikoli 20 sa 33 tiegħu. L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 20(5) ta’ dan ir-regolament jipprovdi: “Applikant li jkun preżenti fi Stat Membru ieħor mingħajr dokument ta’ residenza jew li hemm iddepożita applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali wara li jirtira l-ewwel applikazzjoni tiegħu magħmula fi Stat Membru ieħor matul il-proċess li jiddetermina l-Istat Membru responsabbli għandu jittieħed lura, taħt il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 23, 24, 25 u 29, mill-Istat Membru li għandu l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kienet l-ewwel iddepożitata, bil-ħsieb li jtemm il-proċess li jiddetermina l-Istat Membru responsabbli.” |
8. |
L-Artikolu 23(1) sa (3) tar-Regolament Dublin III jipprovdi: “1. Meta Stat Membru fejn persuna kif imsemmija fl-Artikolu 18(1)(b), (c) jew (d) iddepożitat applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali jikkunsidra li Stat Membu ieħor huwa responsabbli skont l-Artikolu 20(5) u l-Artikolu 18(1)(b), (c) jew (d), dan jista’ jitlob lill-Istat Membru l-ieħor biex jieħu lura dik il-persuna. 2. Talba biex persuna tittieħed lura għandha ssir kemm jista’ jkun malajr u f’kull każ fi żmien xahrejn minn meta rċieva l-“hit” mill-Eurodac […] Jekk it-talba biex tittieħed lura persuna tkun ibbażata fuq evidenza li mhix data meħuda mis-sistema tal-Eurodac, din għandha tkun mibgħuta lill-Istat Membru li saritlu t-talba fi żmien tliet xhur mid-data li fiha kienet iddepożitata l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali […] 3. Meta t-talba biex tittieħed lura persuna ma ssirx fil-perijodi stipulati fil-paragrafu 2, ir-responsabbiltà għall-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali suċċessiva għandha tkun tal-Istat Membru li fih tkun ġiet iddepożitata l-applikazzjoni l-ġdida.” |
9. |
L-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III huwa fformulat kif ġej: “L-applikant jew persuna oħra kif imsemmi fl-Artikolu 18(1)(c) jew (d) għandu jkollu d-dritt għal rimedju effettiv, fil-forma ta’ appell jew reviżjoni, fil-fatt u fil-liġi, mid-deċiżjoni tat-trasferiment, quddiem qorti jew tribunal.” |
10. |
L-Artikolu 29(1) u (2) tar-Regolament Dublin III jipprevedi: “1. It-trasferiment tal-applikant […] mill-Istat Membru rikjedenti lejn l-Istat Membru responsabbli, għandu jkun eżegwit skont id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru rikjedenti, wara konsultazzjoni bejn l-Istati Membri kkonċernati, mill-aktar fis li jkun prattikament possibbli, u l-aktar tard fi żmien sitt xhur mill-aċċettazzjoni tat-talba minn Stat Membru ieħor biex jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata jew tad-deċiżjoni finali wara appell jew reviżjoni fejn ikun hemm effett sospensiv […] […] 2. Fejn it-trasferiment ma jsirx fiż-żmien limitu ta’ sitt xhur, l-Istat Membru responsabbli għandu jitneħħewlu l-obbligi biex jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata u r-responsabbiltà għandha tkun trasferita lill-Istat Membru rikjedenti. Dan il-limitu ta’ żmien jista’ jkun estiż sa massimu ta’ sena jekk it-trasferiment ma setax ikun eżegwit minħabba priġunerija tal-persuna kkonċernata jew sa massimu ta’ tmintax-il xahar jekk il-persuna kkonċernata tkun ħarbet.” |
III. Il‑fatti fil‑kawżi prinċipali u t‑talba għal deċiżjoni preliminari
A. Il‑Kawża C‑323/21
11. |
Fit‑3 ta’ Lulju 2017, B. ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fil-Ġermanja. Peress li B. preċedentement talab din il-protezzjoni fl-Italja, l-awtoritajiet Ġermaniżi talbu lill-awtoritajiet Taljani sabiex jiħduh lura. Fl‑4 ta’ Ottubru 2017, l-awtoritajiet Taljani aċċettaw din it-talba għat-teħid lura. Sussegwentement, it-terminu ta’ trasferiment ġie estiż sal‑4 ta’ April 2019 minħabba li B. kien ħarab. |
12. |
Fis‑17 ta’ Frar 2018, B. ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fil-Pajjiżi l-Baxxi. Fis‑17 ta’ Marzu 2018, is-Segretarju tal-Istat talab lill-awtoritajiet Taljani jieħdu lura lil B. Fl‑1 ta’ April 2018, l-awtoritajiet Taljani aċċettaw din it-talba għall-finijiet ta’ teħid lura. Permezz ta’ ittra tad‑29 ta’ Ġunju 2018, is-Segretarju tal-Istat informa lil dawn l-awtoritajiet li B. ħarab, li kien jimplika estensjoni tat-terminu ta’ trasferiment sal‑1 ta’ Ottubru 2019. |
13. |
Fid‑9 ta’ Lulju 2018, B. ippreżenta t-tieni applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fil-Ġermanja. L-awtoritajiet Ġermaniżi adottaw, fl‑14 ta’ Settembru 2018, deċiżjoni skont ir-Regolament Dublin III, li ma kinitx is-suġġett ta’ appell. |
14. |
Fis‑27 ta’ Diċembru 2018, B. ippreżenta t-tieni applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fil-Pajjiżi l-Baxxi. Permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Marzu 2019, is-Segretarju tal-Istat ċaħad din l-applikazzjoni mingħajr eżami minħabba li r-Repubblika Taljana baqgħet l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tagħha. |
15. |
Fid‑29 ta’ April 2019, B. ġie ttrasferit lejn l-Italja. |
16. |
B. ippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni tas-Segretarju tal-Istat tat‑8 ta’ Marzu 2019 quddiem il-qorti kompetenti. Permezz ta’ sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2019, din il-qorti laqgħet dan ir-rikors u annullat din id-deċiżjoni, minħabba li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet saret, fl‑4 ta’ April 2019, l-Istat Membru responsabbli minħabba l-iskadenza tat-terminu ta’ trasferiment. |
17. |
Is-Segretarju tal-Istat appella minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju. Huwa sostna b’mod partikolari, insostenn ta’ dan l-appell, minn naħa, li l-kalkolu tat-terminu ta’ trasferiment kellu jsir fid-dawl tar-relazzjoni bejn ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u r-Repubblika Taljana u, min-naħa l-oħra, li, skont ir-“regola tal-katina”, kien beda jiddekorri terminu ta’ trasferiment ġdid għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja meta B. ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fil-Pajjiżi l-Baxxi. |
18. |
Il-qorti tar-rinviju tirrileva li huwa paċifiku li r-Repubblika Taljana kienet l-Istat Membru responsabbli fil-jum tal-preżentata tal-aħħar applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ta’ B. Għall-kuntrarju, il-partijiet fil-kawża prinċipali ma jaqblux dwar eventwali skadenza tat-terminu ta’ trasferiment qabel it-trasferiment ta’ B., ladarba t-terminu ta’ 18‑il xahar jiskadi mill-aċċettazzjoni mir-Repubblika Taljana tal-ewwel talba għall-finijiet tat-teħid lura. |
19. |
F’dan il-każ, fl-istess ħin kienu jeżistu żewġ “ftehimiet validi” għall-finijiet tat-teħid lura, b’żewġ termini ta’ trasferiment differenti, li jimplika li tiġi ppreċiżata r-relazzjoni bejn dawn iż-żewġ termini. Għal dan il-għan, għandu jiġi ddeterminat jekk l-ewwel Stat Membru li jkun ifformula talba għall-finijiet ta’ teħid lura għandux jibqa’ jitqies bħala l-“Istat Membru rikjedenti”, fis-sens tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III, jew jekk din il-kwalità għandhiex tiġi rriżervata għall-aħħar Stat Membru li jkun ifformula tali talba. |
20. |
Jekk għandha tingħata t-tieni interpretazzjoni, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk dan l-aħħar Stat Membru huwiex marbut, bi kwalunkwe mod, mat-terminu ta’ trasferiment li jorbot lill-ewwel Stat Membru. Għall-kuntrarju, jekk l-ewwel interpretazzjoni kellha tkun ippreferuta, ikun neċessarju li jiġi ddeterminat jekk B. jistax jinvoka l-iskadenza tat-terminu ta’ trasferiment miftiehem bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Taljana quddiem il-qrati Olandiżi, sitwazzjoni li tiffavorixxi l-“forum shopping”. |
21. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
B. Il‑Kawżi magħquda C‑324/21 u C‑325/21
1. Il‑Kawża C‑324/21
22. |
Fl‑24 ta’ Novembru 2017, F. ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fil-Pajjiżi l-Baxxi. Peress li F. preċedentement talab din il-protezzjoni fl-Italja, is-Segretarju tal-Istat talab lill-awtoritajiet Taljani sabiex jiħduh lura. Fid‑19 ta’ Diċembru 2017, l-awtoritajiet Taljani aċċettaw din it-talba għat-teħid lura. Is-Segretarju tal-Istat, permezz ta’ ittra tat‑12 ta’ April 2018, informa lil dawn l-awtoritajiet li F. kien ħarab, u dan implika estensjoni tat-terminu ta’ trasferiment sad‑19 ta’ Ġunju 2019. |
23. |
Fid‑29 ta’ Marzu 2018, F. ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fil-Ġermanja. Il-konsegwenzi eventwalment mogħtija għal din it-talba ma humiex magħrufa mill-qorti tar-rinviju. |
24. |
Fit‑30 ta’ Settembru 2018, F. ippreżenta t-tieni applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fil-Pajjiżi l-Baxxi. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑31 ta’ Jannar 2019, is-Segretarju tal-Istat ċaħad din l-applikazzjoni mingħajr eżami minħabba li r-Repubblika Taljana baqgħet l-Istat Membru responsabbli mill-eżami tagħha. |
25. |
Wara li telaq miċ-ċentru għal applikanti għall-ażil li fih kien jirrisjedi, F. ġie arrestat, u mbagħad tqiegħed f’detenzjoni, permezz ta’ deċiżjoni tas-Segretarju tal-Istat tal‑1 ta’ Lulju 2019, bil-għan tat-trasferiment tiegħu lejn l-Italja. |
26. |
F. ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti kompetenti. Permezz ta’ sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2019, din il-qorti laqgħet dan ir-rikors u annullat l-imsemmija deċiżjoni, għar-raġuni li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kien sar, fid‑19 ta’ Ġunju 2019, l-Istat Membru responsabbli minħabba l-iskadenza tat-terminu ta’ trasferiment. |
27. |
Is-Segretarju tal-Istat appella minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju. Huwa sostna b’mod partikolari, insostenn ta’ dan l-appell, li, skont ir-“regola tal-katina”, terminu ġdid ta’ trasferiment kien beda jiddekorri għar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi meta ġiet ippreżentata minn F. applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fil-Ġermanja. |
28. |
Il-qorti tar-rinviju tirrileva li huwa paċifiku li r-Repubblika Taljana kellha titqies bħala l-Istat Membru responsabbli, tal-inqas sad‑19 ta’ Ġunju 2019. |
29. |
Din il-qorti tistaqsi madankollu dwar ir-rilevanza li jista’ jkollu l-fatt li, qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ trasferiment, il-persuna kkonċernata tkun ippreżentat applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor. |
30. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-Artikolu 29 tar-Regolament [Dublin III] għandu jiġi interpretat fis-sens li terminu ta’ trasferiment li qed jiddekorri kif previst fl-Artikolu 29(1) u (2) jerġa’ jibda jiddekorri fil-mument li fih, wara li jkun ostakola t-trasferiment minn Stat Membru billi ħarab, il-barrani jressaq fi Stat Membru ieħor (f’dan il-każ, Stat Membru terz) applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali?” |
2. Il‑Kawża C‑325/21
31. |
Fid‑29 ta’ Marzu 2018, K. ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fi Franza. Peress li K. kien talab preċedentement din il-protezzjoni fl-Awstrija, l-awtoritajiet Franċiżi talbu lill-awtoritajiet Awstrijaċi sabiex jiħduh lura. Fl‑4 ta’ Ottubru 2018, l-awtoritajiet Awstrijaċi aċċettaw din it-talba għall-finijiet ta’ teħid lura. |
32. |
Fis‑27 ta’ Marzu 2019, K. ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fil-Pajjiżi l-Baxxi. Is-Segretarju tal-Istat talab, fit‑3 ta’ Mejju 2019, lill-awtoritajiet Awstrijaċi jieħdu lura lil K. Fl‑10 ta’ Mejju 2019, dawn l-awtoritajiet ċaħdu din it-talba għall-finijiet ta’ teħid lura, minħabba li r-Repubblika Franċiża kienet, mill‑4 ta’ April 2019, l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni ta’ K. |
33. |
Fl‑20 ta’ Mejju 2019, is-Segretarju tal-Istat talab lill-awtoritajiet Franċiżi jieħdu lura lil K. Dawn l-awtoritajiet ċaħdu din it-talba għall-finijiet ta’ teħid lura, minħabba li t-terminu ta’ trasferiment kien għadu ma skadiex fil-jum tal-preżentazzjoni minn K. ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fil-Pajjiżi l-Baxxi. |
34. |
Fil‑31 ta’ Mejju 2019, is-Segretarju tal-Istat talab kemm lill-awtoritajiet Awstrijaċi kif ukoll lill-awtoritajiet Franċiżi sabiex jikkunsidraw mill-ġdid it-talba għall-finijiet tat-teħid lura. Fl-applikazzjoni hekk indirizzata lill-awtoritajiet Awstrijaċi, ġie sostnut li terminu ġdid ta’ trasferiment bejn ir-Repubblika Franċiża u r-Repubblika tal-Awstrija kien beda jiddekorri mill-preżentata minn K. ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fil-Pajjiżi l-Baxxi. Fit‑3 ta’ Ġunju 2019, l-awtoritajiet Awstrijaċi aċċettaw li jieħdu lura lil K. |
35. |
Permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Lulju 2019, is-Segretarju tal-Istat ċaħad mingħajr eżami l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn K. |
36. |
K. ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti kompetenti. Permezz ta’ sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2019, din il-qorti ċaħdet dan ir-rikors, għar-raġuni li s-Segretarju tal-Istat ġustament qies li r-Repubblika tal-Awstrija kienet l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ta’ K. |
37. |
K. appella minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju. Huwa sostna, insostenn ta’ dan l-appell, li l-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fit-tielet Stat Membru ma tistax tostakola l-iskadenza tat-terminu li jirregola trasferiment previst bejn żewġ Stati Membri oħra. |
38. |
Il-qorti tar-rinviju tirrileva li huwa paċifiku li r-Repubblika tal-Awstrija kellha titqies bħala l-Istat Membru responsabbli, tal-inqas sal‑4 ta’ April 2019, sa fejn dan l-Istat Membru ma kienx ġie informat mill-awtoritajiet Franċiżi dwar il-ħarba ta’ K. |
39. |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li r-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
C. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
40. |
Il-Kawżi C‑324/21 u C‑325/21 ġew magħquda f’dan l-istadju tal-proċedura. Min-naħa l-oħra, il-Kawża C‑323/21 ma ġietx magħquda mat-tnejn l-oħra. Madankollu, fid-dawl tar-rabta li għandhom dawn it-tliet kawżi, dawn taw lok għal seduta għas-sottomissjonijiet orali komuni, fil‑5 ta’ Mejju 2022, li matulha nstemgħu l-partijiet u ġew b’mod partikolari mistiedna jwieġbu għall-mistoqsijiet orali magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja. |
IV. Analiżi
A. Fuq l‑ewwel domanda preliminari magħmula fil‑Kawża C‑323/21, id-domanda unika fil‑Kawża C‑324/21 u l‑ewwel domanda preliminari indirizzata lill‑Qorti tal‑Ġustizzja fil‑Kawża C‑325/21
41. |
Ser neżamina flimkien l-ewwel domanda magħmula fil-Kawża C‑323/21, id-domanda unika fil-Kawża C‑324/21 u l-ewwel domanda indirizzata lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C‑325/21. |
42. |
Fil-fatt, minkejja li dawn id-domandi saru f’termini differenti, dawn huma intiżi, essenzjalment, sabiex jinterpretaw id-dispożizzjonijiet dwar il-kalkolu tat-termini ta’ trasferiment, stabbiliti fl-Artikolu 29(1) u (2) tar-Regolament Dublin III, fis-sitwazzjoni fejn l-Istat Membru li fih tkun ġiet ippreżentata applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għall-ewwel darba jkun rikjest minn żewġ Stati Membri differenti għall-finijiet tat-teħid lura tal-istess applikant, fejn l-ewwel Stat Membru rikjedenti jkun jinsab fl-impossibbiltà li jeżegwixxi t-trasferiment ta’ dan l-applikant skont il-modalitajiet u fit-termini msemmija f’dak l-artikolu, għar-raġuni li dan tal-aħħar ikun ħalla t-territorju nazzjonali biex imur fit-territorju tat-tieni Stat Membru rikjedenti ( 6 ). |
43. |
F’kull waħda minn dawn it-tliet kawżi, il-qorti tar-rinviju tikkonċentra d-domandi tagħha fuq l-interpretazzjoni tat-termini tal-Artikolu 29 tar-Regolament Dublin III. |
44. |
Infakkar li dan l-artikolu jiddefinixxi l-modalitajiet u t-termini li fihom l-Istat Membru rikjedenti għandu, għall-finijiet tat-teħid inkarigu jew tat-teħid lura ta’ applikant, jipproċedi għat-trasferiment ta’ dan tal-aħħar lejn l-Istat Membru responsabbli. |
45. |
L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 29(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li t-trasferiment isir skont id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru rikjedenti, wara konsultazzjoni bejn l-Istati Membri kkonċernati, mill-iktar fis li jkun prattikament possibbli u, l-iktar tard, f’terminu ta’ sitt xhur li jibda jiddekorri mill-aċċettazzjoni mill-Istat Membru rikjest tat-talba għall-finijiet tat-teħid inkarigu jew tat-teħid lura tal-persuna kkonċernata jew mid-deċiżjoni finali wara appell jew reviżjoni fil-każ ta’ effett sospensiv. |
46. |
L-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III jippreċiża, madankollu, li dan it-terminu jista’ jiġi estiż, b’mod eċċezzjonali, sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li huwa materjalment impossibbli għall-Istat Membru rikjedenti li jipproċedi bit-trasferiment tal-persuna kkonċernata minħabba l-priġunerija jew il-ħarba tagħha. L-imsemmi terminu għalhekk jiġi estiż sa massimu ta’ sena jekk it-trasferiment ma setax jitwettaq minħabba priġunerija ta’ din il-persuna, fejn dan il-kunċett ġie ddefinit fis-sentenza tal‑31 ta’ Marzu 2022, Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl et (Tqegħid ta’ applikant għall-ażil fi sptar psikjatriku) ( 7 ), jew sa massimu ta’ tmintax-il xahar jekk il-persuna kkonċernata ħarbet, fejn il-kunċett ta’ “ħarba” ġie, min-naħa tiegħu, ippreċiżat fis-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Jawo ( 8 ). |
47. |
L-Artikolu 29(2) ta’ dan ir-regolament jipprovdi, barra minn hekk, li, fl-iskadenza ta’ dawn it-termini, l-Istat Membru responsabbli huwa meħlus mill-obbligu tiegħu li jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata u li r-responsabbiltà tiġi ttrasferita lill-Istat Membru rikjedenti. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan tal-aħħar għalhekk ma huwiex iktar awtorizzat li jwettaq it-trasferiment u għandu, għall-kuntrarju, jieħu ex officio d-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex jibda mingħajr dewmien l-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ( 9 ). |
48. |
Il-kuntest wara l-kliem ta’ din id-dispożizzjoni huwa dak ta’ proċedura standard ta’ teħid lura bejn żewġ Stati Membri, minn naħa, l-Istat Membru rikjest u, min-naħa l-oħra, l-Istat Membru rikjedenti, li quddiemu l-applikant ikun ippreżenta applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali. |
49. |
Issa, id-domandi preliminari li għamlet il-qorti tar-rinviju jaqgħu kull wieħed f’kuntest differenti peress li jikkonċernaw il-modalitajiet li skonthom għandu jsir it-trasferiment ta’ applikant li, minħabba l-multipliċità tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali li jkun għamel, huwa s-suġġett ta’ proċeduri ta’ teħid lura, ġestiti b’mod suċċessiv minn Stati Membri differenti. |
50. |
L-ebda dispożizzjoni tar-Regolament Dublin III jew tar-Regolament Nru 1560/2003 ma tipprevedi regoli partikolari f’dan il-każ, peress li dan huwa emblematiku tal-fenomenu ta’ “movimenti sekondarji”, li permezz tagħhom diversi applikanti għal protezzjoni internazzjonali jiċċaqilqu mill-Istat Membru responsabbli għall-ipproċessar tal-applikazzjoni tagħhom lejn Stati Membri oħra fejn jixtiequ jitolbu l-protezzjoni internazzjonali u jistabbilixxu ruħhom. |
51. |
F’dan il-kuntest, id-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 29 tar-Regolament Dublin III, dwar l-iżvolġiment tal-proċedura ta’ trasferiment, jidhirli li huma wisq limitati sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju u b’mod partikolari sabiex jiddefinixxu l-modalitajiet li jippermettu, minn naħa, iż-żamma ta’ metodu ċar, operattiv u rapidu sabiex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u, min-naħa l-oħra, li jiġu evitati l-abbużi li jirriżultaw mit-trasferiment fl-Unjoni ta’ ċerti applikanti. |
52. |
Għal dan il-għan, jidhirli li huwa essenzjali li jiġu analizzati t-termini li fihom l-Istati Membri kkonċernati jikkonkludu proċedura ta’ teħid lura, liema termini huma stabbiliti b’mod partikolari fl-Artikolu 20(5) u fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament Dublin III kif ukoll li jiġi eżaminat l-għan imfittex mil-leġiżlatur tal-Unjoni f’dawn iċ-ċirkustanzi. |
1. It‑termini li fihom il‑proċedura ta’ teħid lura hija ddefinita fl‑Artikolu 20(5) tar‑Regolament Dublin III
53. |
Mill-espożizzjoni tal-fatti tal-kawżi prinċipali jirriżulta li kull wieħed mill-applikanti ppreżenta għall-ewwel darba applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru, jiġifieri l-Italja fil-Kawżi C‑323/21 u C‑324/21 kif ukoll l-Awstrija fil-Kawża C‑325/21, qabel ma mar fl-Unjoni u mar fit-territorju ta’ Stati Membri oħra fejn ressaq suċċessivament applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali oħra. |
54. |
Dan jimplika li l-applikanti jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 18(1)(b) sa (d) tar-Regolament Dublin III. Dan l-artikolu jirreferi għal persuna li, minn naħa, tkun ippreżentat applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li jew tkun qiegħda tiġi eżaminata (punt (b)), jew tkun ġiet irtirata mill-applikant meta kienet qiegħda tiġi eżaminata (punt (c)), jew ġiet miċħuda (punt (d)) u li, min-naħa l-oħra, jew tkun ippreżentat applikazzjoni fi Stat Membru ieħor, jew tkun tinsab, mingħajr dokument ta’ residenza, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor ( 10 ). |
55. |
Barra minn hekk, dan jimplika li l-ewwel Stat Membru li fih ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, jiġifieri l-Italja fil-Kawżi C‑323/21 u C‑324/21 u l-Awstrija fil-Kawża C‑325/21, huwa obbligat jieħu lura lill-applikant, konformement mal-Artikolu 20(5) tar-Regolament Dublin III. |
56. |
Fil-fatt, infakkar li, skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Dublin III, applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn ċittadin ta’ pajjiż terz fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri, irrispettivament minn dak li jkun, bħala prinċipju tiġi eżaminata unikament mill-Istat Membru li l-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament juru li huwa responsabbli ( 11 ). Madankollu, barra mill-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III tar-Regolament Dublin III, il-Kapitolu IV ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi l-proċeduri għat-teħid inkarigu u għat-teħid lura minn Stat Membru ieħor li “jikkontribwixxu wkoll, bl-istess mod bħall-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III tal-imsemmi regolament, sabiex jiġi stabbilit l-Istat Membru responsabbli” ( 12 ). |
57. |
Dan huwa l-każ tad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 20(5) tar-Regolament Dublin III. |
58. |
Dan l-Artikolu 20 jirrigwarda, kif jindika t-titolu tiegħu, il-bidu tal-proċedura ta’ teħid inkarigu u ta’ teħid lura. |
59. |
Il-paragrafu 5 tal-imsemmi artikolu jistabbilixxi li l-Istat Membru li fih l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tkun ġiet ippreżentata għall-ewwel darba huwa meħtieġ li jieħu lura lill-applikant li, qabel ma jintemm il-proċess sabiex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli, ikun ħalla t-territorju nazzjonali u ppreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor ( 13 ). It-teħid lura tal-applikant għandu l-għan li jippermetti lill-Istat Membru fejn l-applikazzjoni tkun ġiet ippreżentata l-ewwel “li jtemm il-proċess li jiddetermina l-Istat Membru responsabbli”, u mhux li jipproċedi sabiex jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ( 14 ). |
60. |
Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, din id-dispożizzjoni tapplika wkoll għas-sitwazzjoni li fiha applikant ikun impliċitament irtira l-applikazzjoni tiegħu billi telaq mit-territorju tal-Istat Membru li fih tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għall-ewwel darba mingħajr ma informa lill-awtorità nazzjonali kompetenti dwar ix-xewqa tiegħu li jirrinunzja għal din l-applikazzjoni u li fih, konsegwentement, il-proċess ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli jkun għadu għaddej ( 15 ). |
61. |
Barra minn hekk, l-Artikolu 20(5) tar-Regolament Dublin III jipprevedi li l-proċedura ta’ teħid lura tal-applikant għandha titmexxa konformement mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 23, 24, 25 u 29 ta’ dan tal-aħħar. |
62. |
Skont l-Artikolu 23(1) tal-imsemmi regolament, l-Istat Membru rikjedenti jista’ jressaq talba għat-teħid lura biss bil-kundizzjoni li l-Istat Membru rikjest jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 20(5) jew fl-Artikolu 18(1)(b) sa (d) tal-istess regolament ( 16 ). Konsegwentement, it-tmexxija tal-proċedura ta’ teħid lura tippresupponi li jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi li l-leġiżlatur tal-Unjoni jsemmi fl-Artikolu 20(5) tar-Regolament Dublin III: fl-ewwel lok, l-applikant għandu jkun ippreżenta l-ewwel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiegħu quddiem l-Istat Membru rikjest u, fit-tieni lok, dan l-applikant għandu jkun jinsab fit-territorju tal-Istat Membru rikjedenti mingħajr permess ta’ residenza jew għandu jkun ippreżenta quddiem l-awtoritajiet nazzjonali ta’ dan l-aħħar Stat applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali. |
63. |
Il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jipprevedix il-każ fejn il-kundizzjonijiet stabbiliti għall-iżvolġiment ta’ din il-proċedura ma jkunux issodisfatti iktar minħabba li jkunu seħħew ċirkustanzi wara l-bidu tagħha. |
64. |
Jirriżulta biss mill-kliem tal-Artikolu 29 tar-Regolament Dublin III li l-proċedura ta’ teħid lura tintemm bi tliet modi: jew it-trasferiment ikun twettaq skont il-modalitajiet u fit-termini stabbiliti f’dan l-artikolu (paragrafu 1), jew it-trasferiment ma setax jitwettaq fit-termini applikabbli, pereżempju minħabba l-priġunerija jew il-ħarba tal-persuna kkonċernata (paragrafu 2), jew id-deċiżjoni ta’ trasferiment ġiet annullata wara appell jew talba għal reviżjoni mressqa mill-applikant, konformement mal-Artikolu 27(1) ta’ dan ir-regolament (paragrafu 3). |
65. |
Issa, fil-fehma tiegħi, xejn ma jipprekludi li l-“konsultazzjoni” li tkun saret bejn l-Istati Membri kkonċernati sabiex jiġu ddefiniti l-modalitajiet tat-trasferiment, imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 29(1) tar-Regolament Dublin III, twassal għall-konstatazzjoni li l-proċedura ta’ teħid lura li nbdiet preċedentement tilfet l-iskop tagħha u tiskadi b’effett mill-aċċettazzjoni mill-Istat Membru rikjest ta’ talba ġdida għall-finijiet tat-teħid lura tal-applikant. Fil-fatt, f’sitwazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għalkemm l-ewwel proċedura ta’ teħid lura tkun inbdiet b’mod validu wara konsultazzjoni bejn l-Istati Membri kkonċernati, l-avvenimenti sussegwenti għal din il-konsultazzjoni, jiġifieri t-tluq tal-applikant mit-territorju tal-Istat Membru rikjedenti u r-residenza tiegħu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor li fih huwa ppreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ġdida, iċaħħdu lil din l-ewwel proċedura minn element essenzjali tal-validità tagħha. Fil-fatt, kuntrarjament għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 20(5) tar-Regolament Dublin III, l-applikant ma għadux jinsab fit-territorju tal-Istat Membru rikjedenti u, minħabba t-tluq tiegħu stess, l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li huwa ppreżenta għandha titqies li ġiet irtirata. Fil-fatt, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-tluq tal-applikant mit-territorju ta’ Stat Membru li fih ikun ressaq applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandu jiġi assimilat, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 20(5) ta’ dan ir-regolament, għal irtirar impliċitu ta’ din l-applikazzjoni ( 17 ). Din il-konstatazzjoni hija, fil-fehma tiegħi, iktar u iktar neċessarja f’sitwazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn l-applikanti mhux biss telaq mit-territorju tal-Istat Membru rikjedenti, iżda mar ukoll fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor li fih huwa ppreżenta applikazzjoni ġdida għall-protezzjoni internazzjonali. |
66. |
Minn dan jirriżulta li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 20(5) tar-Regolament Dublin III, għall-finijiet tat-teħid lura tal-applikant, ma għadhomx issodisfatti. |
67. |
F’dan ir-rigward, inqis li l-Istat Membru rikjest, sa fejn huwa involut f’żewġ proċeduri ta’ teħid lura, mibdija f’termini qosra ħafna u fir-rigward tal-istess persuna minn żewġ Stati Membri differenti, huwa f’pożizzjoni li jiftiehem mal-ewwel Stat Membru rikjedenti dwar d-dekadenza tal-ewwel proċedura ta’ teħid lura li huma kkonkludew. |
68. |
Fil-fatt, l-Istat Membru rikjest huwa informat bl-impossibbiltà li jinsab fiha l-ewwel Stat Membru rikjedenti li jipproċedi, minħabba li l-applikant ħarab, bl-eżekuzzjoni tat-trasferiment fit-termini u skont il-modalitajiet li huma kienu ftiehmu flimkien, filwaqt li fl-istess ħin, huwa għandu jiddeċiedi dwar it-tieni talba għall-finijiet tat-teħid lura indirizzata mit-tieni Stat Membru u li fit-territorju tiegħu jinsab l-applikant. |
69. |
Fid-dawl tan-natura tal-informazzjoni li l-Istat Membru rikjest huwa għalhekk mitlub jieħu konjizzjoni tagħha, fir-rigward b’mod partikolari tal-lokalizzazzjoni tal-applikant u tal-istat tal-proċeduri mibdija kontrih, jiena tal-opinjoni li ma jistax validament jintrabat mat-tieni Stat Membru rikjedenti li jieħu lura lill-applikant u għalhekk jiftiehem dwar il-modalitajiet tat-trasferiment ta’ dan tal-aħħar, mingħajr ma jirrikonoxxi mal-ewwel Stat Membru rikjedenti d-dekadenza tal-impenji preċedentement konklużi fil-kuntest tal-ewwel proċedura ta’ teħid lura. Kif indikajt preċedentement, tali interpretazzjoni ma tidhirx li tmur kontra t-termini tal-Artikolu 29 tar-Regolament Dublin III. |
70. |
Barra minn hekk, naħseb li l-informazzjoni kkomunikata fil-kuntest tat-tieni proċedura ta’ teħid lura, dwar il-lokalizzazzjoni tal-applikant u l-istat tal-proċeduri mibdija kontrih, taqa’ taħt dik li l-Istat Membru rikjest jista’ jaqsam mal-Istati Membri kkonċernati, skont l-Artikolu 34(1) tar-Regolament Dublin III. Dan l-artikolu, li jinsab fil-Kapitolu VII ta’ dan ir-regolament, intitolat “Koperazzjoni amministrattiva”, jipprovdi fil-paragrafu 2(d), (f) u (g) tiegħu, li din l-informazzjoni tista’ tirrigwarda l-postijiet ta’ residenza u l-itinerarji tal-vjaġġ tal-applikant kif ukoll id-data tal-preżentata ta’ applikazzjoni eventwali għal protezzjoni internazzjonali preċedenti, id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni attwali, l-istat ta’ progress tal-proċedura u, jekk ikun il-każ, il-kontenut tad-deċiżjoni meħuda. |
71. |
Id-dekadenza tal-ewwel proċedura ta’ teħid lura tikkontribwixxi wkoll għall-għanijiet imfittxija mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-kuntest tar-Regolament Dublin III. |
2. L-għan tar-Regolament Dublin III
72. |
Kif jirriżulta mill-premessi 4 u 5 tiegħu, ir-Regolament Dublin III għandu l-għan li jistabbilixxi metodu li huwa “ċar u li jiffunzjona” sabiex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, metodu li għandu jkun ibbażat fuq kriterji “oġġettivi u ġusti kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-persuni kkonċernati”. Dan il-metodu għandu, qabel kollox, “jiddetermina minnufih l-Istat Membru responsabbli, biex […] ma jkunx kompromess l-għan tal-ipproċessar bil-ħeffa ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali”. Il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu għalhekk l-intenzjoni li jirrazzjonalizza l-ipproċessar ta’ dawn l-applikazzjonijiet, billi jiggarantixxi lill-applikanti l-eżami tal-applikazzjoni tagħhom fuq il-mertu minn Stat Membru wieħed iddeterminat b’mod ċar. Billi jistabbilixxi mekkaniżmi u kriterji uniformi għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli, dan il-leġiżlatur għandu l-għan, barra minn hekk, li jipprevjeni l-movimenti sekondarji taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu ppreżentaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru lejn Stati Membri oħra ( 18 ). |
73. |
Issa, huwa ovvju li żewġ proċeduri ta’ teħid lura ma jistgħux jitmexxew b’mod validu fl-istess ħin minn Stati Membri differenti fir-rigward tal-istess persuna, ħlief bi ksur tal-iskop tar-Regolament Dublin III. |
74. |
Fl-ewwel lok, it-tmexxija tal-ewwel proċedura ta’ teħid lura sat-tmiem tagħha wara t-tluq tal-persuna kkonċernata mit-territorju tal-Istat Membru rikjedenti, u t-trasferiment tar-responsabbiltà li din il-proċedura tista’ timplika, bl-ebda mod ma tiggarantixxi l-ħeffa tal-imsemmija proċedura. Għall-kuntrarju, it-tmexxija ta’ din l-ewwel proċedura, sat-tmiem tagħha, minn naħa, hija ta’ natura li tillimita b’mod sinjifikattiv l-effettività mfittxija mil-leġiżlatur tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, din tirriskja li tħeġġeġ lill-persuni kkonċernati jitilqu mit-territorju tal-Istat Membru rikjedenti bil-għan jew li jimpedixxu t-trasferiment tagħhom lejn l-Istat Membru responsabbli, jew li jtawwlu ir-residenza tagħhom fl-Unjoni, billi jibbenefikaw minn kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza. |
75. |
It-trasferiment tar-responsabbiltà meħtieġa skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III huwa ekwivalenti għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni permezz ta’ “sanzjoni” imposta fuq l-Istat Membru rikjedenti, meta dan ma jkunx eżegwixxa dan it-trasferiment li huwa stess ikun talab. Mill-mument li fih l-Istat Membru rikjedenti jonqos milli josserva t-termini stabbiliti f’din id-dispożizzjoni, it-trasferiment tar-responsabbiltà huwa awtomatiku u jseħħ indipendentement miċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni. |
76. |
Madankollu, f’sitwazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-awtomatiċità ta’ dan il-mekkaniżmu ma tippermettix li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-applikant telaq mit-territorju tal-ewwel Stat Membru rikjedenti bi ksur tal-obbligi ta’ kooperazzjoni imposti fuqu. Għaldaqstant, l-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat la jinsabu f’pożizzjoni li jittrasferixxuh, skont il-modalitajiet u fit-termini stabbiliti fl-Artikolu 29(1) u (2) tar-Regolament Dublin III, u lanqas f’pożizzjoni li jwettqu l-eżami tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali f’każ ta’ devoluzzjoni tar-responsabbiltà, u dan kuntrarjament għall-awtoritajiet kompetenti tat-tieni Stat Membru rikjedenti. |
77. |
Infakkar, fil-fatt, li kemm il-proċedura ta’ trasferiment kif ukoll dik tal-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jimplikaw li l-applikant ikun għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. |
78. |
Issa, għalkemm dawn l-awtoritajiet jistgħu jsibu lill-applikant minħabba l-formalitajiet li huwa kellu jwettaq sabiex jippreżenta l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor (b’mod partikolari, permezz tar-reġistrazzjoni fis-sistema Eurodac) ( 19 ), dawn ma għandhom, min-naħa l-oħra, l-ebda kompetenza sabiex jipproċedu għall-eżekuzzjoni tat-trasferiment ta’ din il-persuna, konformement mal-Artikolu 29 tar-Regolament Dublin III, peress li l-imsemmija persuna tinsab barra mit-territorju nazzjonali u l-proċedura stabbilita minn dan ir-regolament ma hijiex ta’ natura kriminali. |
79. |
Bl-istess mod, il-proċedura ta’ eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali timplika li l-applikant jissuġġetta ruħu għall-obbligi imposti fuqu kemm mid-Direttiva dwar il-proċedura kif ukoll mid-Direttiva 2013/33/UE ( 20 ), u dan għall-finijiet tal-ipproċessar rapidu u tas-sorveljanza effettiva tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali. Fost dawn l-obbligi hemm dik ta’ residenza fil-post indikat u dik li wieħed jippreżenta ruħu regolarment quddiem l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. |
80. |
F’tali ċirkustanzi, ma nara ebda raġuni li tippermetti li tiġi ġġustifikata t-tkomplija ta’ din il-proċedura u, b’mod partikolari, l-estensjoni tat-terminu ta’ trasferiment, peress li dan tal-aħħar huwa ddestinat li jfalli. |
81. |
Fit-tieni lok, it-tkomplija tal-ewwel proċedura ta’ teħid lura ma tipparteċipax fiż-żamma tal-metodu ċar u operazzjonali li l-leġiżlatur tal-Unjoni jrid jistabbilixxi fil-kuntest tar-Regolament Dublin III. |
82. |
Minn naħa, l-awtomatiċità tat-trasferiment tar-responsabbiltà ma tippermettix li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li dan it-trasferiment jikkonċerna l-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li hija applikazzjoni probabbilment identika għal dik li ġiet ippreżentata preċedentement fl-ewwel Stat Membru u għal dik ippreżentata sussegwentement fi Stat Membru ieħor. |
83. |
Min-naħa l-oħra, l-iżvolġiment suċċessiv ta’ dawn iż-żewġ proċeduri jimplika, permezz tar-regola tad-devoluzzjoni tar-responsabbiltà, stabbilita b’mod partikolari fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III, diffikultajiet li jistgħu jostakolaw il-funzjonament effettiv tas-“sistema ta’ Dublin” ( 21 ). |
84. |
Għalhekk, it-tieni proċedura ta’ teħid lura tinbeda, filwaqt li l-ewwel proċedura ta’ teħid lura tkun għandha pendenti, u tista’ twassal, f’każ ta’ skadenza tat-termini stabbiliti fl-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III, għal trasferiment tar-responsabbiltà lill-ewwel Stat Membru rikjedenti. Għaldaqstant, fid-dawl tat-terminu ta’ xahrejn li fih it-tieni Stat Membru rikjedenti huwa obbligat jindirizza t-talba tiegħu għall-finijiet ta’ teħid lura, din it-talba għandha titressaq u, jekk ikun il-każ, aċċettata mill-Istat Membru rikjest, filwaqt li r-responsabbiltà ta’ dan tal-aħħar ma hijiex stabbilita b’mod definittiv peress li din tista’ tiġi ttrasferita lill-ewwel Stat Membru rikjedenti bl-effett tad-devoluzzjoni tar-responsabbiltà. Tali mekkaniżmu jesponi lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ta’ kull wieħed mill-Istati Membri kkonċernati għal inċertezzi fir-rigward tar-responsabbiltajiet li jaqgħu fuqhom, u dan iktar u iktar peress li s-sistema Eurodac ma tippermettix li jiġu informati bil-progress tal-proċeduri ta’ teħid inkarigu jew ta’ teħid lura mwettqa fl-Istati Membri l-oħra. Kif juru dawn il-kawżi, l-awtorità kompetenti tat-tieni Stat Membru rikjedenti tesponi ruħha għalhekk li d-deċiżjoni ta’ trasferiment li hija kkomunikat lill-applikant tkun is-suġġett ta’ appell konformement mal-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III u, jekk ikun il-każ, li t-trasferiment li hija setgħet twettaq jiġi annullat, peress li dan l-Istat huwa għalhekk obbligat, skont l-Artikolu 29(3) tal-imsemmi regolament, li jieħu lura mingħajr dewmien il-persuna kkonċernata. |
85. |
Tali mekkaniżmu, fil-fehma tiegħi, jista’ jwassal għall-paraliżi tas-sistema ta’ Dublin, li jinkoraġġixxi paradossalment il-moviment tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni. |
86. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli għalhekk li huwa essenzjali li jiġi ppreżervat l-effett utli tal-Artikolu 20(5) tar-Regolament Dublin III, billi jinżammu l-“istatus speċjali” u r-“rwol speċifiku” li l-leġiżlatur tal-Unjoni jagħti lill-Istat Membru li fih l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tkun ġiet ippreżentata għall-ewwel darba ( 22 ). Għal dan il-għan, sitwazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li huma kkaratterizzati mill-preżentata ta’ diversi applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali fi ħdan Stati Membri differenti, jeħtieġu l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ ordni u kontroll, b’tali mod li jiġi evitat li r-rwol u l-missjoni ta’ kull persuna jitqiegħed inkwistjoni bħala riżultat taċ-ċaqliq tal-applikant. |
87. |
Fit-tielet lok, jiena tal-opinjoni li huwa importanti li jsir enfasi fuq il-mezzi legali li għandu t-tieni Stat Membru rikjedenti sabiex jiggarantixxi proċedura ta’ teħid lura ħafna iktar mgħaġġla u ferm iktar effettiva minn dik li huwa f’pożizzjoni li jmexxi l-ewwel Stat Membru rikjedenti, u dan minħabba l-preżenza tal-persuna kkonċernata fit-territorju tiegħu. Evidentement, kif tikkonferma r-regola tal-għoti tal-kompetenzi, imsemmija fl-Artikolu 20(4) tar-Regolament Dublin III, il-preżenza tal-persuna kkonċernata fit-territorju tal-Istat Membru tikkostitwixxi element essenzjali għall-finijiet tat-tmexxija tal-proċess ta’ teħid lura ( 23 ). |
88. |
Għalhekk, infakkar li l-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali timplika, fil-kuntest tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil, l-implimentazzjoni ta’ qafas leġiżlattiv vinkolanti, li jimponi fuq l-Istat Membru kkonċernat obbligi legali ddefiniti kemm fir-Regolament Dublin III kif ukoll fid-Direttiva dwar il-Proċedura u fid-Direttiva 2013/33. |
89. |
Dan l-Istat Membru huwa qabelxejn obbligat, konformement mal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Dublin III u hekk kif applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tiġi ppreżentata, fis-sens tal-Artikolu 20(2) ta’ dan ir-regolament, li jinforma lill-applikant, bil-miktub u b’lingwa li jifhem, bil-konsegwenzi marbuta mas-sottomissjoni tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ġdida tiegħu kif ukoll bil-konsegwenzi tal-passaġġ tiegħu minn Stat Membru għal ieħor matul il-fażijiet li matulhom l-Istat Membru responsabbli huwa ddeterminat u l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali hija eżaminata. F’dan il-kuntest, naħseb li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jinformaw lil dan l-applikant bl-istat tal-proċeduri li jkunu nbdew kontrih u bil-konsegwenzi marbuta mal-preżentata ta’ diversi applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni. |
90. |
Sussegwentement, l-Istat Membru rikjedenti huwa obbligat, konformement mal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Dublin III, li jressaq talba lill-Istat Membru responsabbli, konformement mal-Artikolu 20(5) u mal-Artikolu 18(1) ta’ dan ir-regolament, għall-finijiet tat-teħid lura tal-applikant fit-termini u fil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-imsemmi regolament. Sabiex tiġi ggarantita l-effettività tal-proċedura ta’ teħid lura, l-Istat Membru rikjedenti jista’ jiddeċiedi, skont l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2013/33, dwar il-post fejn l-applikant għandu jirrisjedi u jeżiġi li dan tal-aħħar, skont l-Artikolu 13(2)(a) tad-Direttiva dwar il-proċedura, jagħmel lilu nnifsu magħruf lill-awtoritajiet kompetenti jew li jippreżenta ruħu personalment, jew immedjatament jew f’data preċiża. |
91. |
Fl-aħħar nett, dan l-Istat Membru jista’ jiddeċiedi, fid-dawl tal-eżistenza ta’ riskju kbir ta’ ħarba tal-applikant u bla ħsara għall-osservanza tad-drittijiet u tal-garanziji mogħtija lil dan tal-aħħar, li jirrikorri għal miżuri koerċittivi sabiex tiġi ggarantita l-effiċjenza tal-proċedura ta’ trasferiment, bħat-tqegħid f’detenzjoni, fil-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 8(3)(f) tad-Direttiva 2013/33 u fl-Artikolu 28(2) tar-Regolament Dublin III. |
92. |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha u, b’mod partikolari, tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 20(5) tar-Regolament Dublin III għall-finijiet tat-tmexxija ta’ proċedura ta’ teħid lura kif ukoll tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlatur tal-Unjoni, naħseb li huwa għalhekk essenzjali li, f’sitwazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tiġi ddikjarata d-dekadenza tal-ewwel proċedura ta’ teħid lura. |
93. |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi li l-Artikolu 29(1) u (2) tar-Regolament Dublin III għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni li fiha Stat Membru, li fit-territorju tiegħu tkun ġiet ippreżentata applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għall-ewwel darba, huwa rikjest, abbażi tal-Artikolu 23(1) ta’ dan ir-regolament, fir-rigward ta’ żewġ proċeduri ta’ teħid lura mibdija suċċessivament minn żewġ Stati Membri differenti fil-konfront tal-istess applikant, l-Istat Membru rikjest u l-ewwel Stat Membru rikjedenti għandhom, fil-każ fejn dan tal-aħħar ma jistax jeżegwixxi t-trasferiment tal-applikant skont il-modalitajiet u fit-termini stabbiliti fl-Artikolu 29 tal-imsemmi regolament minħabba li din il-persuna tkun telqet mit-territorju tal-ewwel Stat Membru rikjedenti, jikkonstataw id-dekadenza ta’ din l-ewwel proċedura ta’ teħid lura b’effett mill-aċċettazzjoni tal-Istat Membru rikjest tat-tieni talba għall-finijijiet ta’ teħid lura fformulata mit-tieni Stat Membru rikjedenti. |
B. Fuq it‑tieni domanda preliminari fil‑Kawżi C‑323/21 u C‑325/21
94. |
Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha fil-Kawżi C‑323/21 u C‑325/21, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III għandux jiġi interpretat fis-sens li, fis-sitwazzjoni li fiha tinbeda t-tieni proċedura ta’ teħid lura fir-rigward tal-istess persuna fi Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru li jkun wassal għall-ewwel proċedura ta’ teħid lura, l-applikant jista’, fil-kuntest tar-rikors li huwa jeżerċita kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment adottata mit-tieni Stat Membru rikjedenti, jinvoka l-iskadenza tat-termini stabbiliti fl-Artikolu 29(1) u (2) ta’ dan ir-regolament u t-trasferiment ta’ responsabbiltà li jirriżulta minn dan. |
95. |
Fid-dawl tar-risposta li nipproponi li tingħata għall-ewwel domanda preliminari, inqis li ma hemmx lok li tingħata risposta għal din it-tieni domanda preliminari. |
V. Konklużjoni
96. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi) fil-Kawżi C‑323/21, C‑324/21 u C‑325/21 kif ġej: L-Artikolu 29(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, għandu jiġi interpretat fis-sens li: f’sitwazzjoni li fiha Stat Membru, li fit-territorju tiegħu tkun ġiet ippreżentata applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għall-ewwel darba, huwa rikjest, abbażi tal-Artikolu 23(1) ta’ dan ir-regolament, fir-rigward ta’ żewġ proċeduri ta’ teħid lura mibdija suċċessivament minn żewġ Stati Membri differenti fil-konfront tal-istess applikant, l-Istat Membru rikjest u l-ewwel Stat Membru rikjedenti għandhom, fil-każ fejn dan tal-aħħar ma jistax jeżegwixxi t-trasferiment tal-applikant skont il-modalitajiet u fit-termini stabbiliti fl-Artikolu 29 tal-imsemmi regolament minħabba li din il-persuna tkun telqet mit-territorju tal-ewwel Stat Membru rikjedenti, jikkonstataw id-dekadenza ta’ din l-ewwel proċedura ta’ teħid lura b’effett mill-aċċettazzjoni tal-Istat Membru rikjest tat-tieni talba għall-finijijiet ta’ teħid lura fformulata mit-tieni Stat Membru rikjedenti. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) ĠU 2013, L 180, p. 31, rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin III”.
( 3 ) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1560/2003 tat‑2 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex jiġi determinat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-asil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 200), kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 118/2014 tat‑30 ta’ Jannar 2014 (ĠU 2014, L 39, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1560/2003”).
( 4 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Jawo (C‑163/17, EU:C:2019:218, punti 58 u 59). Ara, wkoll, il-premessi 4 u 5 tar-Regolament Dublin III.
( 5 ) Ara l-proposta għal regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil ippreżentata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz, ippreżentat mill-Kummissjoni Ewropea fis‑26 ta’ Lulju 2001 (COM(2001) 447 final, punt 2.1).
( 6 ) L-ewwel domanda preliminari magħmula fil-Kawża C‑323/21 tiddistingwixxi ruħha iktar fil-formulazzjoni tagħha mid-domanda unika fil-Kawża C‑324/21 u mill-ewwel domanda indirizzata lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C‑325/21, peress li l-qorti tar-rinviju tiffoka fuq l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “Stat Membru rikjedenti”, użat fl-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III. B’mod partikolari, hija tistaqsi jekk, fis-sitwazzjoni li fiha l-Istat Membru rikjedenti ma jistax jeżegwixxi t-trasferiment tal-applikant għar-raġuni li dan tal-aħħar ikun telaq mit-territorju nazzjonali sabiex imur fi Stat Membru ieħor li fih huwa ppreżenta applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali u li fit-territorju tiegħu huwa jinsab, il-kunċett ta’ “Stat Membru rikjedenti” (użat fl-Artikolu 29(2) ta’ dan ir-regolament) jirrigwardax l-aħħar Stat Membru li fih ġiet ippreżentata l-applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali u li bħala konsegwenza ta’ dan tressqet talba ġdida għall-finijiet tat-teħid lura tal-applikant.
( 7 ) C‑231/21, EU:C:2022:237 (punti 55 u 58).
( 8 ) C‑163/17, EU:C:2019:218 (punti 56 u 57).
( 9 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Shiri (C‑201/16, EU:C:2017:805, punt 43).
( 10 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑2 ta’ April 2019, H. u R. (C‑582/17 u C‑583/17, iktar ’il quddiem is-“sentenza H. u R., EU:C:2019:280, punt 51, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 11 ) Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, C. K. et (C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127, punt 56).
( 12 ) Sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Shiri (C‑201/16, EU:C:2017:805, punt 39). Fis-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Mengesteab (C‑670/16, EU:C:2017:587), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, “għalkemm id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 21(1) [tar-Regolament Dublin III dwar it-tressiq ta’ talba għall-finijiet ta’ teħid inkarigu,] huma intiżi sabiex ifasslu l-proċedura ta’ teħid inkarigu, dawn jikkontribwixxu wkoll, bl-istess mod bħall-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament, sabiex jiġi stabbilit l-Istat Membru responsabbli, fis-sens tal-istess regolament” (punt 53).
( 13 ) Barra minn hekk, mill-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III jirriżulta li, meta ebda Stat Membru responsabbli ma jkun jista’ jinħatar abbażi tal-kriterji elenkati f’dan l-istess regolament, l-ewwel Stat Membru li lilu l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kienet ippreżentata huwa responsabbli għall-eżami.
( 14 ) Ara s-sentenza H. u R. (punti 59 sa 64).
( 15 ) Ara s-sentenza H. u R. (punti 47 sa 50).
( 16 ) Ara s-sentenza H. u R. (punti 59 sa 61).
( 17 ) Ara s-sentenza H. u R. (punt 50). Nenfasizza wkoll li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-proċedura”), intitolat “Proċedura f’każ ta’ rtirar impliċitu jew ta’ abbandun tal-applikazzjoni”, l-Istati Membri “jistgħu jassumu li l-applikant ikun impliċitament irtira jew abbanduna l-applikazzjoni tiegħu/tagħha għall-protezzjoni internazzjonali partikolarment meta jiġi aċċertat li: […] huwa/hija jkun/tkun ħarab/ħarbet jew telaq/telqet mingħajr awtorizzazzjoni mill-post fejn huwa/hija kien/kienet jgħix/tgħix jew fejn kien/kienet miżmum/miżmuma, mingħajr ma kkuntattja/kkuntattjat l-awtorità kompetenti fi żmien raġonevoli, jew huwa/hija ma kkonformax/kkonformatx fi żmien raġonevoli mal-obbligi ta’ rappurtar jew obbligi oħrajn ta’ komunikazzjoni sakemm l-applikant ma jurix li dan kien minħabba ċirkustanzi li ma kinux fil-kontroll tiegħu/tagħha” (punt (b)).
( 18 ) Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2013, Abdullahi (C‑394/12, EU:C:2013:813, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara, wkoll, is-sentenza H. u R. (punt 77, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 19 ) Bil-għan, b’mod partikolari, li tiġi żgurata applikazzjoni effettiva ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) Nru 603/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-istabbiliment tal-“Eurodac” għat-tqabbil ta’ marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida u dwar talbiet għat-tqabbil ma’ data tal-Eurodac mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u mill-Europol għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1077/2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (ĠU 2013, L 180, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Eurodac”) jipprovdi li l-marki tas-swaba’ ta’ kull persuna li tfittex l-ażil għandhom, bħala prinċipju, jiġu trażmessi lis-sistema Eurodac mhux iktar tard minn 72 siegħa wara l-preżentata tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, kif iddefinit fl-Artikolu 20(2) tar-Regolament Dublin III. Ara wkoll l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar il-Proċedura.
( 20 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 96).
( 21 ) Is-“sistema ta’ Dublin” tinkludi r-Regolament Dublin III, ir-Regolament Nru 603/2013 u r-Regolament Nru 1560/2003.
( 22 ) Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Mengesteab (C‑670/16, EU:C:2017:587, punt 93) u s-sentenza H. u R. (punt 64).
( 23 ) Barra minn hekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni jagħmel kriterju deċiżiv fl-Artikolu 20(4) tar-Regolament Dublin III. Dan l-artikolu jipprevedi li, fil-każ fejn applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tkun ippreżentata fi Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru li fih ikun jinsab l-applikant, id-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli hija r-responsabbiltà ta’ dan l-Istat tal-aħħar, fejn dan għalhekk jitqies, għall-finijiet ta’ dan ir-regolament, bħala l-Istat Membru li lilu tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. F’dan il-każ, l-applikant għandu jiġi informat bil-miktub dwar din il-bidla u bid-data li fiha seħħ, fejn dan ir-rekwiżit jinkludi d-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(a) u (2) tar-Regolament Dublin III.