KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PITRUZZELLA

ippreżentati fis‑26 ta’ Jannar 2023 ( 1 )

Kawża C‑320/21 P

Ryanair DAC

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Appell – Għajnuna mill-Istat – Artikolu 107(2)(b) TFUE – L-Isvezja – COVID‑19 – Garanzija pubblika għal kreditu kontinwu – Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li ma jitqajmux oġġezzjonijiet”

I. Introduzzjoni

1.

Fit‑13 ta’ Marzu 2020, jumejn wara li l-WHO kienet ikklassifikat l-epidemija ta’ COVID‑19 bħala pandemija, il-Kummissjoni Ewropea adottat stqarrija għall-istampa ( 2 ) li fiha hija xtaqet tirreaġixxi immedjatament, permezz ta’ “rispons koordinat Ewropew”, għax-xokk gravi ekonomiku għall-Unjoni Ewropea riżultat tal-emerġenza sanitarja. F’din l-istqarrija għall-istampa, il-Kummissjoni ddikjarat li hija kienet ser tadotta l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tnaqqas il-konsegwenzi tal-pandemija u, b’mod partikolari, “biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jaġixxu b’mod deċiżiv b’mod koordinat, permezz ta’ flessibbiltà sħiħa tal-Oqfsa tal-Patt ta’ Għajnuna mill-Istat […].” Hija enfasizzat ukoll li r-rispons fiskali prinċipali għall-coronavirus kellu jiġi mill-baġits nazzjonali tal-Istati Membri u li r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat jippermettulhom jieħdu azzjoni rapida u effettiva sabiex jappoġġjaw lill-impriżi. Fid‑19 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni li tistabbilixxi l-qafas temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat sabiex jingħata sostenn lill-ekonomija matul it-tifqigħa preżenti tal-COVID‑19 ( 3 ) (iktar ’il quddiem il-“qafas temporanju”). Il-qafas temporanju kien jispeċifika fost affarijiet oħra l-invokazjoni tal-Istati Membri ta’ derogi speċifiċi għall-projbizzjoni ta’ għajnuna mill-Istat previsti mit-Trattat għas-sitwazzjonijiet ta’ kriżi, bħall-Artikolu 107(2)(b) TFUE ( 4 ) u l-Artikolu 107(3)(b) TFUE ( 5 ). Fuq il-bażi tal-qafas temporanju, ħafna Stati Membri adottaw miżuri ta’ sostenn fil-konfront ta’ kumpanniji tal-ajru b’liċenzja ta’ eżerċizzju mogħtija mill-Isvezja, taħt il-forma ta’ għajnuna individwali jew sistemi ta’ għajnuna. Dawn il-miżuri, ibbażati, skont il-każ, fuq l-Artikolu 107(2)(b) TFUE jew fuq l-Artikolu 107(3)(b) TFUE, ġew iddikjarati kompatibbli mas-suq intern mill-Kummissjoni, mingħajr il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, f’termini partikolarment qosra. Il-grupp Ryanair ikkontesta l-parti l-kbira ta’ dawn id-deċiżjonijiet quddiem il-Qorti Ġenerali. Sal-lum, hija ċaħdet ir-rikorsi kollha ħlief tlieta, li laqgħethom fuq il-bażi ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni u żammet l-effetti tad-deċiżjonijiet annullati ( 6 ). Tmien appelli mressqa mill-grupp Ryanair jinsabu attwalment pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

2.

Permezz tal-appell li huwa s-suġġett ta’ dawn il-konklużjonijiet, Ryanair DAC (iktar ’il quddiem “Ryanair” jew l-“appellanti”) qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza tal‑14 ta’ April 2021, Ryanair vs Il‑Kummissjoni (SAS, L‑Isvezja; Covid‑19) ( 7 ) (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talba tagħha magħmula skont l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni C(2020) 2784 finali tal-Kummissjoni, tal‑24 ta’ April 2020 ( 8 ) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), dwar l-għajnuna mogħtija mir-Renju tal-Isvezja lill-kumpannija tal-ajru SAS AB (iktar ’il quddiem “SAS”).

II. Il-fatti, il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, is-sentenza appellata, il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u, it-talbiet tal-partijiet

3.

Il-fatti insostenn tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali huma deskritti kif ġej fil-punti 1 sa 3 tas-sentenza appellata.

4.

Fil‑11 ta’ April 2020, il-Kummissjoni awtorizzat, skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE, miżura ta’ għajnuna fil-forma ta’ sistema ta’ garanzija ta’ self lil ċerti kumpanniji tal-ajru (iktar ’il quddiem l-“iskema ta’ għajnuna Svediża”), innotifikata mir-Renju tal-Isvezja fit‑3 ta’ April 2020 ( 9 ). Fil‑21 ta’ April 2020, ir-Renju tal-Isvezja nnotifika lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 108(3) TFUE, miżura ta’ għajnuna fil-forma ta’ garanzija għal kreditu kontinwu fl-ammont massimu ta’ SEK 1.5 biljun (madwar EUR 137 miljun) favur SAS, peress li din kellha diffikultajiet sabiex tikseb self mingħand stabbilimenti ta’ kreditu fil-kuntest tal-iskema ta’ għajnuna Svediża (iktar ’il quddiem il-“miżura kontenzjuża”). Din il-miżura, intiża sabiex tikkumpensa parzjalment lil SAS għad-dannu riżultanti mill-kanċellazzjoni jew mill-programmazzjoni mill-ġdid tat-titjiriet tagħha wara l-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar fil-kuntest tal-pandemija ta’ COVID‑19, ġiet iddikjarata kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(2)(b) TFUE.

5.

Permezz ta’ rikors promotur ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑19 ta’ Ġunju 2020, Ryanair ippreżentat rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata. Ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju tal-Isvezja u SAS tħallew jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Insostenn tar-rikors tagħha, Ryanair invokat ħames motivi, ibbażati, l-ewwel, fuq il-fatt li l-Kummissjoni kisret ir-rekwiżit li skontu l-għajnuna mogħtija skont l-Artikolu 107(2)(b) TFUE ma hijiex intiża sabiex tirrimedja għad-danni sostnuti minn vittma waħda; it-tieni, fuq il-fatt li l-miżura inkwistjoni ma hijiex ibbażata fuq l-Artikolu 107(2)(b) TFUE u fuq il-fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li l-miżura inkwistjoni kienet proporzjonata fir-rigward tad-danni kkawżati lil SAS mill-pandemija ta’ COVID‑19; it-tielet, fuq il-fatt li l-Kummissjoni kisret diversi dispożizzjonijiet dwar il-liberalizzazzjoni tat-trasport bl-ajru ġewwa l-Unjoni; ir-raba’, fuq il-fatt li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet proċedurali tagħha billi rrifjutat li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali minkejja l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji u, il-ħames, fuq il-fatt li l-Kummissjoni kisret it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE. Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motivi kollha mqajma minn Ryanair u r-rikors fl-intier tiegħu, ikkundannat lil Ryanair tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni u ddikjarat li r-Repubblika Franċiża, ir-Renju tal-Isvezja u SAS għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

6.

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil‑21 ta’ Mejju 2021, Ryanair ippreżentat l-appell li huwa s-suġġett ta’ dawn il-konklużjonijiet. Fl‑14 ta’ Settembru 2022 inżammet seduta, komuni mal-Kawża C‑321/21, Ryanair vs Il‑Kummissjoni ( 10 ), dwar miżura analogu għal miżura kontenzjuża mogħtija lil SAS mid-Danimarka, li matulha Ryanair, il-Kummissjoni, SAS, l-Isvezja, u Franza għamlu l-osservazzjonijiet orali tagħhom.

7.

Ryanair titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja prinċipalment, li tannulla s-sentenza appellata, tannulla d-deċiżjoni kkontestata u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż u, sussidjarjament, tannulla s-sentenza appellata, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għal eżami mill-ġdid, tirriżerva l-ispejjeż tal-ewwel istanza u tal-appell. Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tordna lill-appellanti tbati l-ispejjeż. SAS titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lil Ryanair għall-ispejjeż. L-Isvezja u Franza jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell.

III. Fuq l-appell

8.

Insostenn tal-appell tagħha, Ryanair tqajjem sitt aggravji, ibbażati, l-ewwel, fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali meta ċaħdet l-argument tal-appellanti li skontu l-għajnuna mogħtija fuq il-bażi tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE ma hijiex intiża sabiex tirrimedja d-danni sostnuti minn vittma waħda, it-tieni, fuq żball ta’ liġi u fuq żnaturament tal-fatti fl-applikazzjoni tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità f’dak li jirrigwarda d-dannu kkawżat lil SAS mill-pandemija ta’ COVID‑19, it-tielet, fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali meta ċaħdet l-argument ta’ Ryanair rigward ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, ir-raba’, dwar żball ta’ liġi u żnaturament tal-fatti mwettaq mill-Qorti Ġenerali meta ċaħdet l-argument ta’ Ryanair rigward ksur tal-libertajiet ta’ stabbiliment u li jiġu pprovduti servizzi, il-ħames, fuq żball ta’ liġi u żnaturament tal-fatti fir-rigward tan-nuqqas tal-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali u, is-sitt, fuq żball ta’ liġi u żnaturament tal-fatti fir-rigward tal-eżistenza ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni.

A.   Fuq l-ewwel aggravju

9.

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, dirett kontra l-punti minn 22 sa 27 tas-sentenza appellata, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 107(2)(b) TFUE, billi kkunsidrat li din id-dispożizzjoni tawtorizza lill-Istati Membri jieħdu miżuri individwali ta’ għajnuna.

10.

Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument analogu mqajjem minn Ryanair fl-ewwel istanza fuq il-bażi ta’ żewġ raġunijiet. Minn naħa, hija enfasizzat, fil-punti 22 u 23 tas-sentenza appellata, li ma jeżisti ebda obbligu għall-Istati Membri li jagħtu għajnuna intiża sabiex tirrimedja d-danni kkawżati minn avveniment straordinarju fis-sens tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE. Min-naħa l-oħra, hija ppreċiżat, fil-punt 24 tas-sentenza appellata, li għajnuna tista’ tkun intiża sabiex tirrimedja d-danni kkawżati minn avveniment straordinarju, skont l-Artikolu 107(2)(b) TFUE, indipendentement mill-fatt li ma tirrimedjax dawn id-danni kollha. Minn dan hija kkonkludiet, fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, li, peress li ma humiex obbligati jirrimedjaw id-danni kollha kkawżati minn avveniment straordinarju, l-Istati Membri lanqas ma huma obbligati jagħtu għajnuna lill-vittmi kollha ta’ dawn id-danni.

11.

L-appellanti ssostni li ebda wieħed miż-żewġ motivi li fuqhom hija bbażata s-sentenza appellata ma jirrispondi għall-ilment imressaq fil-kuntest tal-ewwel motiv tagħha. Il-kwistjoni li fuqha huwa bbażat dan l-ilment ma hijiex fil-fatt dik dwar jekk l-Isvezja kellhiex tagħti iktar għajnuna jew jekk kinitx obbligata tirrimedja d-danni kollha kkawżati mill-pandemija, iżda pjuttost dik dwar jekk Stat Membru jistax jadotta miżura ta’ sostenn skont l-Artikolu 107(2)(b) TFUE fir-rigward ta’ impriża waħda, magħżula arbitrarjament, bl-esklużjoni tal-impriżi l-oħra kollha li joperaw fl-istess suq. Ryanair tenfasizza li qari tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE bħala li jawtorizza biss skemi ta’ għajnuna u mhux miżuri individwali jista’ jiġi dedott mit-test u mir-ratio tiegħu. Meta l-Istat Membru kkonċernat jintervjeni favur impriża waħda, fil-fatt, il-loġika purament kumpensatorja ta’ din id-dispożizzjoni tinbidel u tiġi awtorizzata t-tfittxija ta’ għanijiet ta’ politika ġenerali estranji għal din il-loġika, li jeżiġu bażi ġuridika differenti sabiex tkun iġġustifikata l-għajnuna. F’sitwazzjoni bħal din, ir-rabta diretta bejn id-diżastru naturali jew l-avveniment straordinarju, id-dannu sostnut u l-għajnuna mogħtija, li hija kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE, tiddgħajjef. Ryanair issostni li l-qari tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE li hija tissuġġerixxi ġie adottat mill-Kummissjoni fil-prassi deċiżjonali tagħha preċedenti għall-pandemija COVID‑19, fil-lista ta’ kontroll għall-Istati Membri fuq l-għajnuna biex tagħmel tajjeb għall-ħsara kkawżata minn diżastri naturali ( 11 ) u fil-mudell ta’ notifika fis-sens tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE ( 12 ), testi li jirreferu esklużivament għal skemi ta’ għajnuna.

12.

Infakkar li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE jippreċiżaw li huma kompatibbli mas-suq intern “kull għajnuna mogħtija sabiex tirrimedja għall-ħsara kkawżata minn diżastri naturali jew avvenimenti oħra straordinarji”. Skont ġurisprudenza stabbilita, fir-rigward ta’ deroga mill-prinċipju ġenerali ta’ inkompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mas-suq intern kif stabbilit fl-Artikolu 107(1) TFUE, l-Artikolu 107(2)(b) TFUE għandu jiġi interpretat b’mod strett ( 13 ). Għalhekk, skont din id-dispożizzjoni, jistgħu jiġu kkumpensati biss l-iżvantaġġi ekonomiċi kkawżati direttament minn kalamitajiet naturali jew minn avvenimenti straordinarji oħra ( 14 ).

13.

Stat Membru jista’ jadotta miżura individwali ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE ( 15 ) meta s-settur kollu tal-ekonomija li fih topera l-impriża benefiċjarja, f’kompetizzjoni ma’ impriżi oħra, ikun ġie affettwat mill-avveniment li ġġustifika l-intervent statali u, fl-affermattiv, f’liema kundizzjonijiet?

14.

Din hija, essenzjalment, il-kwistjoni ta’ dritt fil-qalba tal-ilment imqajjem minn Ryanair quddiem il-Qorti Ġenerali, li għaliha din irrispondiet fl-affermattiv, billi użat raġunament li, b’mod issemplifikat, jista’ jiġi deskritt fil-qosor kif ġej. Peress li Stat Membru jista’ jiddeċiedi, minn naħa, jagħtix miżuri kumpensatorji fis-sens tad-dispożizzjoni inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, f’liema limiti jikkumpensa lill-impriżi li sofrew il-ħsara, huwa jista’ wkoll jiddeċiedi jipproċedix bl-istabbiliment ta’ skema ta’ għajnuna jew jintervjenix favur impriża waħda. L-uniku limitu għal din il-libertà mogħti lill-Istati Membri jidher li huwa, kif jirriżulta mill-punti 22 sa 27 tas-sentenza appellata, l-osservanza tal-kundizzjonijiet dwar l-eżistenza ta’ avveniment li jikkwalifika ruħu bħala kalamità naturali jew avveniment straordinarju fis-sens tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE, dwar l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn dan l-avveniment u d-dannu kkumpensat kif ukoll l-assenza ta’ kumpens żejjed. Dan ir-raġunament għandu neċessarjament bħala korollarju r-rikonoxximent ta’ marġni totali ta’ diskrezzjoni tal-Istat Membru fl-għażla tal-impriża benefiċjarja, meta jiddeċiedi li jagħti għajnuna individwali.

15.

Ngħid mill-ewwel li, fil-fehma tiegħi, Ryanair għandha raġun meta ssostni li l-ebda wieħed miż-żewġ argumenti li fuqhom hija bbażata ċ-ċaħda tal-ewwel motiv tagħha, ikkunsidrati weħidhom jew flimkien, ma huwa relatat mal-ilment li hija ressqet fl-ewwel istanza. Il-motivazzjoni li tinsab fil-punti 22 sa 24 tas-sentenza appellata hija, fil-fehma tiegħi, ivvizzjata minn diffikultà loġika. Mill-assenza ta’ obbligu fuq l-Istati Membri li jadottaw miżuri ta’ sostenn skont l-Artikolu 107(2)(b) TFUE u, fejn dawn il-miżuri jiġu adottati, li jiġi żgurat li dawn il-miżuri jirrimedjaw id-danni kollha fil-fatt ma jirriżultax loġikament (u għalhekk mhux neċessarjament) li din id-dispożizzjoni tista’ tintuża bħala bażi ġuridika għall-adozzjoni ta’ għajnuna pprojbita għal impriża waħda meta l-impriżi kollha attivi fis-suq inkwistjoni jkunu ġew affettwati.

16.

Dan kollu ma jfissirx li l-Qorti Ġenerali, fil-fehma tiegħi, ma kkonkludietx korrettament li l-Artikolu 107(2)(b) TFUE jawtorizza tali għajnuna. Xejn fit-test jew fir-ratio ta’ din id-dispożizzjoni ma jippermetti, fil-fatt, li jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Għalkemm l-adozzjoni ta’ skemi ta’ intervent insostenn tal-operaturi kollha tas-settur li sofra d-danni tidher ċertament bħala l-iktar strument xieraq għall-funzjoni mfittxija minnha, li hija dik li tippermetti lill-Istati Membri jirrimedjaw in-nuqqas ta’ funzjonament tas-suq ikkawżat mis-seħħ ta’ ċerti avvenimenti dannużi, din il-konstatazzjoni waħidha ma tippermettix li jiġi eskluż li l-Istat Membru kkonċernat jista’ jintervjeni anki permezz ta’ miżuri intiżi sabiex jikkumpensaw wieħed biss minn dawn l-operaturi.

17.

Madankollu, sabiex id-distorsjoni tal-kompetizzjoni li dawn il-miżuri jagħtu lok għaliha tkun aċċettabbli u dawn ikunu jistgħu jikkunsidraw ruħhom kumpatibbli mas-suq intern minħabba d-deroga inkluża fl-Artikolu 107(2)(b) TFUE ma huwiex biżżejjed, fil-fehma tiegħi, li dawn jissodisfaw it-tliet presupposti li jikkundizzjonaw l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni – jiġifieri n-natura speċifika tal-avveniment, ir-rabta kawżali bejn dan u d-dannu u l-assenza ta’ kumpens żejjed – iżda jeħtieġ ukoll li l-għażla tal-benefiċjarju tkun relatata mal-funzjoni ta’ din id-deroga, bħal dik indikata fil-punt 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet u ma tirriżultax bħala arbitrarja jew iddettata biss mir-rieda li tiġi ffavorita impriża fuq il-kompetituri, b’mod partikolari fejn tkun inkwistjoni impriża li kienet diġà f’diffikultà qabel is-seħħ tal-avveniment inkwistjoni jew ta’ impriża mhux effiċjenti. Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE għandu fil-fatt jibqa’ limitat għall-possibbiltajiet li huma relatati mal-loġika li tinsab fil-bażi ta’ din id-dispożizzjoni, mhux biss għaliex dan huwa impost mill-ħtieġa li jiġu interpretati b’mod restrittiv l-eċċezzjonijiet għall-prinċipju tal-projbizzjoni ta’ għajnuna stabbilit fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu, iżda anki minħabba li d-deroga inkluża fiha topera de iure u għalhekk teskludi l-eżerċizzju ta’ setgħat diskrezzjonali mill-Kummissjoni ( 16 ). Madankollu, kuntrarjament għal dak li jidher li ssostni Ryanair, il-loġika kumpensatorja tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE ma teskludix li l-għażla tal-benefiċjarju ta’ miżura adottata fiċ-ċirkustanzi deskritti iktar ’il fuq ma tkunx tista’ tkun iddettata minn għanijiet speċifiċi – relatati mal-attività ekonomika mwettqa mill-operatur jew ma’ karatteristiċi speċifiċi tiegħu – bħal, pereżempju, li tiġi sostnuta impriża li, fi żminijiet normali, tiżgura servizz ta’ interess pubbliku ġenerali jew impriża essenzjali f’termini ta’ impjieg u għalhekk ta’ stabbiltà soċjali, għanijiet li huma lkoll konformi mal-funzjoni tal-istrument ta’ intervent imqiegħed għal dispożizzjoni tal-Istati Membri sabiex jirrimedjaw għall-konsegwenzi tal-avvenimenti stabbiliti f’din id-dispożizzjoni u li, f’kuntest ta’ emerġenza bħal dak maħluq mill-pandemija ta’ COVID‑19, jassumu importanza saħansitra ikbar.

18.

Għar-raġunijiet esposti, il-motivazzjoni li tinsab fil-punti 22 sa 27 tas-sentenza appellata, li tenfasizza esklużivament il-libertà ta’ manuvra tal-Istati Membri, ma tikkonvinċinix. Madankollu, peress li l-konklużjoni li tinsab fil-punt 27 ta’ dik is-sentenza hija korretta u li r-raġunijiet li jiġġustifikaw l-għażla ta’ SAS bħala benefiċjarja tal-miżura kontenzjuża jirriżultaw mill-eżami tal-proporzjonalità ta’ din il-miżura mwettqa mill-Qorti Ġenerali, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-ewwel aggravju u tikkompleta l-motivi tas-sentenza appellata insostenn ta’ din il-konklużjoni fis-sens iċċarat iktar ’il fuq.

B.   Fuq it-tieni aggravju

19.

Fil-kuntest tat-tieni aggravju tagħha, Ryanair tqajjem tmien ilmenti distinti li permezz tagħhom hija tikkontesta ċ-ċaħda mill-Qorti Ġenerali tat-tieni motiv tagħha. B’mod iktar partikolari, l-ewwel wieħed minn dawn l-ilmenti huwa dirett kontra l-punti 31 sa 36 tas-sentenza appellata, li fihom il-Qorti Ġenerali eżaminat u ċaħdet l-ewwel parti ta’ dan il-motiv intiż sabiex jikkontesta li l-miżura kontenzjuża hija bbażata fuq l-Artikolu 107(2)(b) TFUE. Is-seba’ lmenti l-oħra huma diretti kontra l-punti 39 sa 66 tas-sentenza appellata, li fihom il-Qorti Ġenerali eżaminat u ċaħdet it-tieni parti tal-imsemmi motiv, intiż li jikkontesta l-proporzjonalità tal-miżura kontenzjuża fir-rigward tad-danni sostnuti minn SAS.

1. Fuq l-ewwel ilment

20.

Permezz tal-ewwel ilment tat-tieni aggravju tagħha Ryanair tilmenta li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Artikolu 107(2)(b) TFUE kien bażi ġuridika valida sabiex tiġi awtorizzata l-miżura kontenzjuża, billi għandu natura sussidjarja meta mqabbel mal-iskema ta’ għajnuna Svediża awtorizzata preċedentement fuq il-bażi tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE ( 17 ). Hija tqis li l-affermazzjoni li tinsab fil-punt 34 tas-sentenza appellata, li skontha t-Trattat FUE ma jipprekludix l-applikazzjoni simultanja tal-Artikolu 107(2)(b) u tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, sakemm il-kundizzjonijiet ta’ kull waħda minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet ikunu ssodisfatti, b’mod partikolari meta l-fatti u ċ-ċirkustanzi li jagħtu lok għal taqlib serju fl-ekonomija fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni jirriżultaw minn avveniment straordinarju, tmur kontra kemm ir-rekwiżit ta’ interpretazzjoni stretta tad-deroga li tinsab fl-Artikolu 107(2)(b) TFUE kif ukoll il-kundizzjoni għall-applikazzjoni ta’ din id-deroga fir-rigward tal-eżistenza ta’ rabta diretta bejn id-dannu u l-għajnuna. L-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali jkollha bħala riżultat li tgħaqqad iż-żewġ dispożizzjonijiet fi “skema ta’ kriżi” waħda, li fiha l-invokazzjoni ta’ bażi legali waħda jew l-oħra tkun interkambjabbli u l-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ kull dispożizzjoni tiżdied bilfors.

21.

Preliminarjament, nirrileva li, fil-kawża ineżami, ma hijiex inkwistjoni applikazzjoni kumulattiva fir-rigward tal-istess benefiċjarji ta’ miżuri meħuda fuq il-bażi tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE u tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE. Fil-fatt, mill-premessi 4 sa 6 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod ċar, minn naħa, li l-awtoritajiet Svediżi ddeċidew li jirrikorru għal miżuri individwali ta’ għajnuna fis-sens tal-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet wara li d-deterjorament kontinwu tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpanniji tal-ajru wriet id-diffikultà ta’ wħud minn dawn il-kumpanniji li jkollhom aċċess għall-kreditu fil-kundizzjonijiet previsti mid-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna Svediża u, min-naħa l-oħra, li huma biss il-kumpanniji tal-ajru benefiċjarji potenzjali ta’ din l-iskema li ltaqgħu ma’ tali diffikultajiet li setgħu jaċċedu għall-imsemmija miżuri. Fejn, fil-punt 34 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ssemmi l-applikazzjoni simultanja tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE u tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, hija tirreferi għalhekk biss għall-possibbiltà li, sabiex jirrimedja r-riperkussjonijiet fis-suq ikkawżati mill-istess avveniment straordinarju, Stat Membru jagħmel użu simultanjament miż-żewġ strumenti offruti minn dawn id-dispożizzjonijiet.

22.

Wara li ġie ċċarat dan, ma nara ebda ostakolu għar-rikonoxximent tal-possibbiltà ta’ tali applikazzjoni simultanja, inkluż fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża ineżami, fejn teżisti rabta ċerta bejn iż-żewġ miżuri inkwistjoni, kemm mill-perspettiva tal-persuni benefiċjarji kif ukoll fir-rigward tat-tip ta’ intervent previst. L-argumenti mressqa minn Ryanair fis-sens oppost ma jidhirlix li huma konklużivi. Fil-fatt, minn naħa, meta l-miżura meħuda skont l-Artikolu 107(2)(b) TFUE tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha għall-applikazzjoni tad-deroga prevista f’din id-dispożizzjoni, kif ippreċiżati iktar ’il fuq, il-kwistjoni ta’ applikazzjoni estensiva ta’ din id-deroga ma tqumx, anki jekk din il-miżura tgħin, flimkien ma’ oħrajn, sabiex tiddefinixxi l-parametri tal-intervent statali b’risposta għal sitwazzjoni ta’ kriżi dovuta għas-seħħ ta’ avveniment straordinarju. Min-naħa l-oħra, anki jekk kellu jiġi aċċettat li l-miżura kontenzjuża tfittex, flimkien mal-funzjoni kumpensatorja proprja għall-istrument previst fl-Artikolu 107(2)(b) TFUE, anki l-għan imsemmi fl-aħħar parti tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE – għan li barra minn hekk huwa konformi mar-ratio ta’ dan l-istrument – ma narax kif dan jista’ jikkontribwixxi sabiex titneħħa r-rabta li għandha neċessarjament teżisti fis-sens tal-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet bejn id-dannu u l-għajnuna.

23.

Għar-raġunijiet esposti iktar ’il fuq nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-ewwel ilment tat-tieni aggravju bħala infondat.

2. Fuq it-tieni lment

24.

Permezz tat-tieni lment tat-tieni aggravju Ryanair issostni li, fil-punt 40 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2004, Spanja vs Il‑Kummissjoni ( 18 ), iċċitata f’dan il-punt, billi introduċiet “kriterju ta’ probabbiltà” (“likelihood test”) fl-evalwazzjoni tar-riskju ta’ kumpens żejjed li ma jidhirx f’din is-sentenza. Fil-fehma tagħha, meta l-miżura hija intiża sabiex tkopri danni futuri, bħal fil-kawża ineżami, għandha titqies bħala inkompatibbli mas-suq intern l-għajnuna kollha li tista’ tkun ogħla mid-danni sostnuti, indipendentement mil-livell ta’ probabbiltà li jkun hemm kumpens żejjed. L-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ rkupru tal-għajnuna mħallsa żejda ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi evitat li jingħata vantaġġ indebitu lill-impriża benefiċjarja, anki jekk temporanju.

25.

Fil-fehma tiegħi, dan l-ilment għandu jiġi miċħud. Fl-ewwel lok, l-argument tal-appellanti, ta’ natura essenzjalment semantika, huwa bbażat, fil-fehma tiegħi, fuq interpretazzjoni żbaljata tas-sens li għandu jingħata lit-termini użati mill-Qorti Ġenerali. Ċertament huwa minnu li, fil-verżjoni Ingliża tal-punt 40 tas-sentenza appellata, li hija l-unika waħda awtentika, tintuża l-espressjoni “likely to” li tittraduċi għal idea ta’ probabbiltà. Madankollu, fil-fehma tiegħi, jidher b’mod ċar kemm mill-formulazzjoni ta’ dan il-punt kif ukoll mill-kuntest li fih jinsab, minbarra l-motivi kollha tas-sentenza appellata dwar l-analiżi tat-tieni parti tat-tieni aggravju, li l-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma kellha l-intenzjoni li tintroduċi eżami tal-probabbiltà ta’ kumpens żejjed u wisq inqas li tistabbilixxi tali eżami bħala kriterju ta’ delimitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE. Fit-tieni lok, nirrileva li l-punti 40 u 41 tas-sentenza Spanja vs Il‑Kummissjoni invokati mill-Qorti Ġenerali jirreferu għall-prova tal-eżistenza ta’ rabta diretta bejn it-telf allegatament imġarrab mill-benefiċjarji tal-miżura u l-għajnuna mogħtija – li għandha tiġi prodotta permezz tal-produzzjoni ta’ data komparattiva bejn il-valur tal-ewwel u l-ammont tat-tieni – u mhux għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ riskju ta’ kumpens żejjed, li jikkostitwixxi stadju sussegwenti għal dak tal-istabbiliment tal-imsemmija rabta. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx loġikament tiddeduċi minn dawn il-punti l-applikazzjoni ta’ eżami intiż sabiex jiddetermina l-grad ta’ probabbiltà li l-għajnuna ppjanata teċċedi d-danni sostnuti sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE. Jidhirli li l-intenzjoni tal-Qorti Ġenerali kienet pjuttost li tenfasizza l-ħtieġa li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE l-miżuri li għalihom ma huwiex possibbli li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta bejn id-dannu sostnut u l-ammont tal-għajnuna, ta’ natura li teskludi l-possibbiltà ta’ kumpens żejjed.

26.

Fi kwalunkwe każ, anki jekk wieħed ried jinterpreta l-punt 40 tas-sentenza appellata fis-sens intiż minn Ryanair, għandu jiġi kkonstatat li, fl-analiżi tagħha tal-miżura kontenzjuża, li tinsab fil-punti 45 sa 57 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali waslet għall-konklużjoni, minn naħa, li, meħuda inkunsiderazzjoni n-natura evoluttiva tal-avveniment straordinarju li tikkostitwixxi l-pandemija ta’ COVID‑19, kif ukoll tan-natura neċessarjament previżjonali tal-kwantifikazzjoni tad-dannu kkawżat u tal-ammont tal-għajnuna mogħtija, il-Kummissjoni kienet ippreżentat bi preċiżjoni suffiċjenti, fid-deċiżjoni kontenzjuża, metodu ta’ kalkolu għall-evalwazzjoni tad-dannu sostnut minn SAS u sabiex jiġu evitati pagamenti li jaqbżuh, u, min-naħa l-oħra, li Ryanair ma kinitx ipprovdiet il-prova li tali metodu ta’ kalkolu seta’ jwassal għal kumpens żejjed ta’ tali dannu. Barra minn hekk, fil-punt 57 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni kienet evalwat li d-dannu sostnut minn SAS kien fi kwalunkwe każ ogħla mill-ammont garantit mill-miżura kontenzjuża u li Ryanair ma kinitx ipproduċiet provi ta’ natura li jikkontestaw tali evalwazzjoni. Kuntrarjament għal dak li Ryanair tidher li ssostni, dawn il-konklużjonijiet bl-ebda mod ma jimplikaw il-konstatazzjoni tal-possibbiltà ta’ kumpens żejjed, anki jekk dan ma huwiex probabbli, peress li l-Qorti Ġenerali min-naħa l-oħra eskludiet kompletament il-prova tal-eżistenza ta’ riskju ta’ ħlasijiet li jeċċedu d-danni sostnuti minn SAS.

3. Fuq it-tielet, ir-raba’ u l-ħames ilment

27.

Bit-tielet, ir-raba’ u l-ħames ilment tagħha, li ser nittratta flimkien, Ryanair issostni diversi żbalji ta’ liġi u żnaturament manifest tal-fatti u tal-provi li allegatament wettqet il-Qorti Ġenerali fil-punti 46 sa 50 tas-sentenza appellata. F’dawn il-punti, il-Qorti Ġenerali, fl-ewwel lok, ikkonkludiet li, “fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni kkaratterizzati mill-avveniment straordinarju, fis-sens tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE, li tikkostitwixxi l-pandemija tal-COVID‑19, in-natura evoluttiva tiegħu u n-natura neċessarjament prospettiva tal-kwantifikazzjoni tad-dannu kkawżat u tal-ammont tal-għajnuna finalment mogħtija, il-Kummissjoni ppreżentat b’dettalji suffiċjenti, fid-deċiżjoni kkontestata, metodu ta’ kalkolu intiż għall-evalwazzjoni tad-dannu mġarrab minn SAS” (il-punt 46), fit-tieni lok, ikkonstatat li l-appellanti ma pproduċiet l-ebda element ta’ natura li jistabbilixxi li l-metodu ta’ kalkolu, kif iddefinit fid-deċiżjoni kkontestata, jippermetti l-ħlas ta’ għajnuna mill-Istat ikbar mid-dannu realment imġarrab minn SAS (punti 47 u 48), fit-tielet lok, irrilevat li, minkejja li l-metodu ddefinit mill-Kummissjoni ma jippermettix li jiġi evitat kompletament li l-evalwazzjoni tad-dannu tinkludi wkoll il-konsegwenzi tad-deċiżjonijiet meħuda minn SAS mingħajr rabta diretta mal-pandemija tal-COVID‑19, l-appellanti ma pproduċiet l-ebda element li jista’ jistabbilixxi li, fl-assenza ta’ din il-pandemija, id-dħul ta’ SAS kien probabbilment jitnaqqas matul il-perijodu minn Marzu 2020 sa Frar 2021 meta mqabbel mal-perijodu minn Marzu 2019 sa Frar 2020 (punt 49),

28.

Permezz tat-tielet ilment tat-tieni aggravju tagħha, Ryanair issostni li, jekk id-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni tawtorizza għajnuna skont l-Artikolu 107(2)(b) TFUE ma tiddefinixxix korrettament metodu ta’ kalkolu tad-dannu li għandu jiġi kkumpensat, ma teżistix garanzija li ma jkunx hemm kumpens żejjed u mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni ex post jissostitwixxi l-evalwazzjoni ex ante li għandha ssir mill-Kummissjoni. Fil-kawża ineżami, ir-riskju ta’ kumpens żejjed huwa partikolarment għoli u l-għajnuna awtorizzata mill-Kummissjoni hija libertà sħiħa mogħtija lil SAS għal iktar minn sena, jiġifieri sal-ewwel rapport fuq it-telf reali li kellu jiġi ppreżentat mill-Isvezja f’Ġunju 2021.

29.

Permezz tar-raba’ lment tat-tieni aggravju tagħha, Ryanair issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi sistematikament imponiet l-oneru tal-prova fuq l-appellanti, filwaqt li, fil-qasam tal-għajnuna, hija l-Kummissjoni li għandha turi l-kompatibbiltà tal-għajnuna. Fi kwalunkwe każ, hija pproduċiet quddiem il-Qorti Ġenerali provi suffiċjenti sabiex tipprova l-eżistenza, fil-kawża ineżami, ta’ riskju ta’ kumpens eċċessiv.

30.

Fl-aħħar nett, permezz tal-ħames ilment tat-tieni aggravju tagħha, Ryanair tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma siltitx il-konsegwenzi li kienu meħtieġa mill-konstatazzjoni, li tinsab fil-punt 49 tas-sentenza appellata, li skontha l-metodu ddefinit mill-Kummissjoni ma kienx jippermetti li jiġi evitat kompletament li l-evalwazzjoni tad-dannu tinkludi wkoll il-konsegwenzi ta’ deċiżjonijiet meħuda minn SAS mingħajr rabta diretta mal-pandemija ta’ COVID‑19, billi tattribwixxi lill-appellanti l-oneru, impossibbli li jiġi ssodisfat, li tipprovdi xenarju kontrofattwali.

31.

Infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, skont l-Artikolu 107(2)(b) TFUE, jistgħu jiġu kkumpensati biss l-iżvantaġġi ekonomiċi kkawżati direttament minn kalamitajiet naturali jew minn avvenimenti straordinarji oħra ( 19 ) Minn dan jirriżulta li għandha teżisti rabta diretta bejn il-ħsara kkawżata minħabba dawn l-avvenimenti u l-għajnuna mill-Istat u li hija neċessarja evalwazzjoni preċiża kemm jista’ jkun tat-telf ikkawżat lill-benefiċjarji tagħha ( 20 ). Meta dan it-telf ma jkunx għadu kompletament u preċiżament kwantifikabbli, minħabba, pereżempju, in-natura mhux puntwali iżda fit-tul u evoluttiva tal-avveniment straordinarju inkwistjoni, il-Kummissjoni għandha tadotta analiżi neċessarjament prospettiva, fuq il-bażi ta’ sistema ta’ kalkolu li tkun flessibbli, b’mod li tadatta ruħha għall-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni, u fl-istess ħin preċiża u affidabbli biżżejjed sabiex tippermetti l-esklużjoni tar-riskju ta’ kumpens żejjed. Barra minn hekk, l-applikazzjoni ratione temporis ta’ din is-sistema ta’ kalkolu għandha tkun tista’ tibqa’ kontinwament u kompletament taħt il-kontroll tal-Kummissjoni.

32.

Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-miżura kontenzjuża kienet intiża sabiex tikkumpensa parzjalment lil SAS għad-dannu li jirriżulta mill-annullament jew mill-ippjanar mill-ġdid tat-titjiriet tagħha wara l-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar fil-kuntest tal-pandemija ta’ COVID‑19 (ara l-premessi 9 u 61 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura kontenzjuża mas-suq intern, il-Kummissjoni ppreċiżat li, peress li l-kriżi maħluqa minn dan il-pandemija kienet għaddejja, l-awtoritajiet Svediżi kienu għadhom ma kinux f’pożizzjoni li jikkwantifikaw bi preċiżjoni d-dannu sostnut minn SAS, u lanqas l-ammont tal-għajnuna (premessi 64 u 68 tad-deċiżjoni kkontestata). Id-dannu stmat kellu konsegwentement jiġi evalwat fuq il-bażi ta’ “metodoloġija ġenerali”, li l-kriterji tagħha huma deskritti fil-premessa 65 tad-deċiżjoni kkontestata. Dan id-dannu kien identifikat fit-“telf tal-valur miżjud”, li jikkorrispondi għat-telf ta’ dħul, ikkorreġut bil-marġni ta’ qligħ ta’ SAS, bit-tnaqqis tal-ispejjeż evitati. It-telf ta’ dħul kien ikkostitwit mid-differenza bejn id-dħul mistenni fl-assenza ta’ pandemija, ikkalkolat fuq il-bażi tad-dħul tal-perijodu bejn Marzu 2019 u Frar 2020, immedjatament qabel l-okkorrenza tal-pandemija, u dak iġġenerat matul il-perijodu kopert mill-kriżi, inkluż bejn Marzu 2020 u Frar 2021. L-ispejjeż evitati kienu l-ispejjeż li SAS kellha tħallas fil-każ fejn l-attività tagħha ma kinitx tiġi influwenzata mill-pandemija (pereżempju, l-ispejjeż tal-karburant jew it-taxxi tal-ajruport). Il-metodoloġija ġenerali li għadni kif iddeskrivejt kellha tiġi kkompletata b’“metodoloġija ddettaljata” li l-awtoritajiet Svediżi impenjaw ruħhom li jittrażmettu lill-Kummissjoni sa mhux iktar tard mill‑31 ta’ Diċembru 2020, għall-approvazzjoni minn qabel taghħa. Il-kwantifikazzjoni eżatta tad-dannu sostnut minn SAS saret biss sussegwentement, minn entità indipendenti. F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet Svediżi impenjaw ruħhom li jittrażmettu lill-Kummissjoni, sa mhux iktar tard mit‑30 ta’ Ġunju 2021, evalwazzjoni ex post ta’ dan id-dannu u indikazzjoni tal-ammont tal-għajnuna garantita. Huma impenjaw ruħhom ukoll li jirkupraw kull kumpens żejjed li kellu jirriżulta mill-evalwazzjoni ex post tad-dannu (ara l-premessa 38 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni għamlet ukoll evalwazzjoni provviżorja tad-dannu sostnut minn SAS, ikkalkolat billi ħadet inkunsiderazzjoni tnaqqis fit-traffiku tal-ajru ta’ bejn 50 u 60 % għall-perijodu minn Marzu 2020 sa Frar 2021 meta mqabbel mal-perijodu minn Marzu 2019 sa Frar 2020 (ara l-premessa 66 tad-deċiżjoni kkontestata). Dan id-dannu, evalwat f’ammont ta’ bejn SEK 5 u 15‑il biljun ġie kkunsidrat mill-Kummissjoni bħala, fi kwalunkwe każ, ogħla mill-ammont totali tal-għajnuna (ara l-premessa 68 tad-deċiżjoni kkontestata).

33.

Issa, iċ-ċirkustanzi indikati fil-punt 46 tas-sentenza appellata, li l-appellanti ma tikkontestax, fir-rigward, b’mod partikolari, tan-natura evoluttiva tal-avveniment straordinarju kkostitwit mill-pandemija ta’ COVID‑19, flimkien man-natura estemporanja u ġġeneralizzata tal-kriżi u mal-ħtieġa ta’ ħeffa fl-adozzjoni tal-miżuri ta’ intervent insostenn tas-setturi l-iktar milquta, bħal, b’mod partikolari, is-settur tal-avjazzjoni, jiġġustifikaw, fil-fehma tiegħi, ampjament il-mod ta’ proċess f’fażijiet suċċessivi adottat mill-Kummissjoni, li jikkonsisti, b’mod partikolari, mill-istabbiliment ta’ kriterji bażi għall-metodu ta’ kalkolu tad-dannu sostnut minn SAS u fl-evalwazzjoni provviżorja tal-ammont tiegħu b’mod li jeskludi a priori l-eżistenza ta’ riskju konkret ta’ kumpens żejjed, b’riferiment sussegwenti għall-kwantifikazzjoni preċiża ta’ dan id-dannu.

34.

F’dan il-kuntest, is-sempliċi fatt li l-Kummissjoni aċċettat li titlob lill-awtoritajiet Svediżi l-iffissar tal-elementi ta’ dettall tal-modalitajiet ta’ kalkolu applikati għall-finijiet ta’ din il-kwantifikazzjoni ma jippermettix, fil-fehma tiegħi, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha li jikkaratterizzaw il-kawża ineżami u tad-differenza bejn l-ammont tad-dannu li għandu jiġi kkumpensat, kif ġie provviżorjament evalwat, u l-ammont massimu tal-għajnuna, li jiġi konkluż li din l-istituzzjoni, kif issostni Ryanair, abdikat mid-dmir tagħha li tevalwa l-kompatibbiltà tal-miżura kontenzjuża mas-suq intern. F’dan ir-rigward, kif irrilevaw ġustament il-Kummissjoni u l-Gvern Franċiż, il-metodoloġija ddettaljata li l-awtoritajiet Svediżi impenjaw ruħhom li jittrażmettu lill-Kummissjoni kellha tiġi suġġetta għall-awtorizzazzjoni minn qabel ta’ din tal-aħħar li kellha għalhekk il-possibbiltà li tivverifika l-konformità ta’ din il-metodoloġija mal-“metodoloġija ġenerali” li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata u eventwalment li temenda l-elementi tagħha, kif ukoll tissorvelja l-applikazzjoni konkreta tal-miżura, billi terġa’ tevalwa mill-ġdid ir-riskju ta’ kumpens żejjed. Kuntrarjament għal dak li ssostni Ryanair, fil-fehma tiegħi, ma hemm l-ebda kontradizzjoni bejn l-affermazzjoni li tinsab fil-punt 46 tas-sentenza appellata li tgħid li l-Kummissjoni ddefinixxiet fid-deċiżjoni kkontestata metodu ta’ kalkolu tal-ammont tad-dannu sostnut minn SAS suffiċjentement preċiż u l-premessa 35 ta’ din id-deċiżjoni li fiha l-Kummissjoni tieħu konjizzjoni tal-impenn tal-Isvezja li tissottomettila, qabel il‑31 ta’ Diċembru 2020, il-metodu użat għall-kwantifikazzjoni ta’ dan id-dannu. Barra minn hekk, fid-dawl, minn naħa, ta’ dan l-impenn u, min-naħa l-oħra, tal-kwantifikazzjoni provviżorja tal-imsemmi dannu mwettqa mill-Kummissjoni, li minnha jirriżulta li d-daqs ta’ dan tal-aħħar huwa fi kwalunkwe każ ikbar mill-ammont massimu tal-garanzija mogħtija mill-awtoritajiet Svediżi lil SAS, l-affermazzjoni ta’ Ryanair li d-deċiżjoni kkontestata kienet tawtorizza essenzjalment libertà sħiħa favur SAS sat‑30 ta’ Ġunju 2021, id-data tal-ewwel evalwazzjoni ex post tad-dannu, hija infondata.

35.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li t-tielet ilment tat-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

36.

Fil-fehma tiegħi, għandu wkoll jiġi miċħud bħala inammissibbli r-raba’ lment tal-istess aggravju, li permezz tiegħu Ryanair tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet inverżjoni tal-oneru tal-prova. F’dan ir-rigward, infakkar li, minn naħa, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-metodoloġija ta’ kalkolu ddefinita mill-Kummissjoni, flimkien mal-impenji meħuda mill-Isvezja u fid-dawl tal-kwantifikazzjoni provviżorja tat-telf sostnut minn SAS minħabba l-pandemija, kienet tippermetti evalwazzjoni kemm jista’ jkun preċiża tad-dannu li l-miżura kontenzjuża kellha tikkumpensa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi li fihom din il-miżura kienet ġiet innotifikata u approvata. Min-naħa l-oħra, fil-punti 47 sa 49 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala mhux suffiċjentement iddettaljati jew ineffettivi l-argumenti mressqa minn Ryanair sabiex tikkontesta l-kapaċità tal-imsemmija metodoloġija li teskludi kumpens żejjed effettiv. F’dawn iċ-ċirkustanzi, permezz tal-imsemmi lment, l-appellanti tikkontesta, fir-realtà, l-evalwazzjoni li tinsab fis-sentenza appellata fir-rigward tar-rilevanza u tan-natura suffiċjenti tal-argumenti u tal-provi li hija ressqet sabiex tikkontesta l-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-kapaċità tal-elementi li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata li jeskludu riskju ta’ kumpens eċċessiv u, b’mod iktar ġenerali, fuq il-validità tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura kontenzjuża mas-suq intern magħmula mill-Kummissjoni. Issa, għalkemm Ryanair tinvoka żnaturament tal-provi, hija madankollu la tindika liema elementi l-Qorti Ġenerali żnaturat u lanqas il-mod li bih hija żnaturathom, iżda tillimita ruħha essenzjalment li tirrepeti l-istess argumenti bħal dawk esposti fil-punti 55 sa 60 tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali. Dawn tal-aħħar, bl-eċċezzjoni tal-punt 58, li jinkludi biss elenku tal-elementi li l-Kummissjoni naqset milli tidentifika jew li tiġġustifika bi preċiżjoni suffiċjenti fid-deċiżjoni kkontestata, sempliċement jirreferu għall-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 107(2)(b) TFUE jew għall-prassi ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni żviluppata mill-Kummissjoni. Għaldaqstant, ir-raba’ lment ma jissodisfax il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà li jirriżultaw mill-Artikolu 256 TFUE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u mill-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif interpretati mill-ġurisprudenza ( 21 ).

37.

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-ħames ilment, li fih Ryanair tinvoka żball ta’ liġi li jinsab fil-punt 49 tas-sentenza appellata, anki dan il-punt għandu jinqara fid-dawl tal-konstatazzjoni, li tinsab fil-punti 45 u 46 tas-sentenza appellata, li l-metodu ta’ kalkolu tad-dannu sostnut minn SAS espost mill-Kummissjoni, fid-dawl tal-impenji kollha meħuda mill-awtoritajiet Svediżi u fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari marbuta mal-pandemija ta’ COVID‑19, kien jissodisfa l-kriterji ta’ preċiżjoni stabbiliti mill-ġurisprudenza u kien jagħti garanziji suffiċjenti li ma jkunx hemm kumpens żejjed. Għaldaqstant anki dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

4. Fuq is-sitt ilment

38.

Permezz tas-sitt ilment tat-tieni aggravju, dirett kontra l-punt 51 tas-sentenza appellata, l-appellanti tilmenta minn żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali meta ċaħdet, billi sempliċement irreferiet għall-punt 25 ta’ din is-sentenza, l-argument, żviluppat fil-kuntest tat-tieni aggravju tagħha, li jgħid li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni d-dannu mġarrab mill-kumpanniji tal-ajru l-oħra fl-Isvezja. L-appellanti ssostni li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża ineżami, il-prinċipju li l-għajnuna għandha tkun proporzjonata mad-dannu jeżiġi li din tiġi evalwata mhux biss fil-livell tal-benefiċjarju tal-għajnuna, iżda wkoll tal-kompetituri tagħha u għalhekk li, fil-kawża ineżami, kien neċessarju li ssir evalwazzjoni tal-effett tal-miżura kontenzjuża fuq il-kumpanniji tal-ajru l-oħra. Fi kwalunkwe każ, skont Ryanair, il-Qorti Ġenerali ma tistax tafferma, kif għamlet fil-punti 82 u 84 tas-sentenza appellata, li l-miżura kontenzjuża hija ġġustifikata minħabba l-preġudizzju ikbar sostnut minn SAS minħabba s-sitwazzjoni kompetittiva tagħha u tirrifjuta li tieħu inkunsiderazzjoni din is-sitwazzjoni waqt l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tal-għajnuna meta mqabbla mad-dannu.

39.

Għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 51 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrispondiet għal argument iddettaljat ħafna mqajjem minn Ryanair fit-tieni parti tat-tieni motiv tagħha. Permezz ta’ dan l-argument, żviluppat fi ftit linji f’punt wieħed tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, Ryanair, wara li kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata ma kienet tinkludi ebda evalwazzjoni tad-dannu sostnut mill-kumpanniji tal-ajru l-oħra li joperaw fl-Isvezja, illimitat ruħha li tirreferi għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE li hija sostniet fil-kuntest tal-ewwel motiv tagħha, li skontha avveniment straordinarju fis-sens tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE jolqot, mid-definizzjoni tiegħu stess, l-operaturi kollha ta’ settur partikolari u mhux biss wieħed minnhom, liema interpretazzjoni tirriżulta fl-obbligu tal-Kummissjoni li tispjega r-raġuni li għaliha kienet biss SAS li sostniet dannu minħabba r-restrizzjonijiet marbuta mal-pandemija ta’ COVID‑19. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset li kien biżżejjed, sabiex tirrispondi għal dan l-argument, li tirreferi għall-motivazzjoni li permezz tagħha, fil-punt 25 tas-sentenza appellata, hija ċaħdet, ġustament fil-fehma tiegħi, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE li fuqha Ryanair tibbaża ruħha fil-kuntest tal-ewwel motiv tagħha.

40.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-appellanti lanqas ma tista’ tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli, fil-punt 51 tas-sentenza appellata, wettqet żball ta’ liġi meta rrifjutat li tagħti importanza, fl-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tal-miżura kontenzjuża, għall-“effett tal-għajnuna fuq il-kumpanniji tal-ajru l-oħrajn” u għas-“sitwazzjoni kompetittiva” ta’ SAS. Fil-fatt, minn naħa, jirriżulta mill-punt 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li l-ħtieġa li jittieħdu inkunsiderazzjoni dawn l-elementi ma kinitx ġiet invokata mill-appellanti fil-kuntest tal-argument miċħud fl-imsemmi punt 51. Min-naħa l-oħra, kif korrettement enfasizzat mill-Kummissjoni, dan il-punt jidħol fil-kuntest tal-eżami tal-Qorti Ġenerali tal-proporzjonalità tal-miżura kontenzjuża fir-rigward tad-dannu li għandu jiġi kkumpensat – li huwa intiż biss sabiex jevalwa l-eżistenza ta’ riskju ta’ kumpens żejjed – u mhux tal-eżami differenti tan-natura neċessarja, xierqa u proporzjonata ta’ din il-miżura fir-rigward tal-għan imfittex. Madankollu nirrileva li, fil-kuntest tat-tmien ilment tat-tieni aggravju, dirett kontra parti oħra tal-motivazzjoni tas-sentenza appellata, Ryanair ressqet argument parzjalment simili li ser jiġi analizzat fil-kuntest tal-eżami ta’ dan l-ilment.

41.

Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li anki s-sitt ilment tat-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

5. Fuq is-seba’ lment

42.

Permezz tas-seba’ lment tat-tieni aggravju, dirett kontra l-punti 60 u 61 tas-sentenza appellata, l-appellanti essenzjalment tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli qieset bħala suffiċjenti l-impenn tal-awtoritajiet Svediżi li jipproċedu għal irkupru ex post tal-għajnuna fil-każ fejn il-miżura kontenzjuża, eventwalment akkumulata ma’ miżuri oħra, inklużi dawk mogħtija minn awtoritajiet barranin, teċċedi d-dannu effettivament sostnut minn SAS. Ryanair tqis li, fl-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ riskju ta’ kumpens żejjed, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li hija jkollha fil-mument meta tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 107(2)(b) TFUE. Fil-kawża ineżami, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-iskema ta’ għajnuna diġà stabbilita mir-Renju tan-Norveġja ( 22 ), li SAS kellha l-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għaliha.

43.

Sa fejn jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ma kkonstatatx nuqqas ta’ evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-possibbiltà ta’ akkumulazzjoni tal-miżura kontenzjuża ma’ din l-iskema, dan l-ilment huwa manifestament infondat. Kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellanti, mill-punti 60 u 61 tas-sentenza appellata jirriżulta fil-fatt li l-Qorti Ġenerali qieset li l-Kummissjoni kienet ħadet inkunsiderazzjoni l-imsemmija skema kemm fl-evalwazzjoni tal-eżistenza a priori ta’ riskju konkret ta’ kumpens żejjed kif ukoll billi żgurat ruħha li kienu stabbiliti minn qabel mekkaniżmi idonei sabiex jiżguraw li l-possibbiltà ta’ kumpens żejjed dovut għall-akkumulazzjoni tal-miżura kontenzjuża ma’ miżuri oħra, fosthom l-iskema ta’ għajnuna Norveġiża, tiġi eliminata a posteriori. Mill-bqija dan l-ilment għandu, fil-fehma tiegħi, jiġi ddikjarat inammissibbli. Fil-fatt, l-appellanti tillimita ruħha li ttenni l-allegazzjonijiet magħmula fl-ewwel istanza mingħajr ma tispjega kif il-konklużjoni li tinsab fil-punt 61 tas-sentenza appellata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi jew bi żball manifest ta’ evalwazzjoni u mingħajr ma tippreċiża b’liema mod il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-iskema ta’ għajnuna Norveġiża. Jekk wieħed jikkunsidra li l-affermazzjonijiet ta’ Ryanair huma minkejja kollox ammissibbli u li għandhom jinftiehmu li hija ssostni li l-Qorti Ġenerali kellha tikkonkludi li l-miżura kontenzjuża kienet ġiet iddikjarata b’mod żbaljat bħala kompatibbli mas-suq intern minkejja r-riskju ta’ kumpens żejjed minħabba l-possibbiltà li SAS tibbenefika mill-iskema ta’ għajnuna Norveġiża, jiena naqbel mal-Kummissjoni li dan l-argument għandu jiġi miċħud u li l-Qorti Ġenerali korrettement iddeċidiet li, f’tali ċirkustanzi – ikkaratterizzati minn inċertezza fir-rigward tal-aċċess futur ta’ SAS għall-iskema ta’ għajnuna Norveġiża – l-impenn meħud mill-awtoritajiet Svediżi li jirkupraw ex post l-għajnuna eventwali mogħtija żejjed minħabba l-akkumulazzjoni tal-miżura kontenzjuża ma’ miżuri oħra, huwa xieraq u suffiċjenti.

44.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fil-fehma tiegħi, anki s-seba’ lment tat-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment infondat u parzjalment inammissibbli.

6. Fuq it-tmien ilment

45.

It-tmien ilment tat-tieni aggravju huwa dirett kontra l-punti 62 sa 64 tas-sentenza appellata. F’dawn il-punti, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument, imressaq minn Ryanair fil-kuntest tat-tieni parti tat-tieni motiv tagħha, li permezz tiegħu hija sostniet li, fl-evalwazzjoni tagħha tal-kompatibbiltà tal-miżura kontenzjuża mas-suq intern, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni, fost l-elementi tal-paragun bejn id-dannu u l-kumpens li kellu jsir skont l-Artikolu 107(2)(b) TFUE, il-vantaġġ kompetittiv li jirriżulta għal SAS min-natura diskriminatorja ta’ din il-miżura. B’mod partikolari, fil-punt 63 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, billi rreferiet b’analoġija għas-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il-‑Kummissjoni vs Aer Lingus u Ryanair Designated Activity ( 23 ) (iktar ’il quddiem: is-“sentenza Aer Lingus”), irrilevat li, “għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern, il-vantaġġ mogħti minn din l-għajnuna lill-benefiċjarju tagħha ma jinkludix l-eventwali benefiċċju ekonomiku li twettaq minnha mill-operat ta’ dan il-vantaġġ”.

46.

L-appellanti ssostni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-vantaġġ kompetittiv deskritt iktar ’il fuq huwa “essenzjali” sabiex jiġi ddeterminat “jekk għajnuna tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan iddikjarat”. Hija tikkontesta wkoll ir-rilevanza tas-sentenza Aer Lingus li kienet tikkonċerna d-determinazzjoni tal-ammont ta’ għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas-suq intern għall-finijiet tal-irkupru tagħha u mhux il-paragun bejn il-vantaġġ garantit mill-għajnuna u d-dannu direttament kkawżat minn avveniment straordinarju fis-sens tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE.

47.

Preliminarjament, nirrileva li parti mill-argument żviluppat minn Ryanair fil-kuntest ta’ dan l-ilment iqajjem kwistjoni ta’ liġi li fil-fehma tiegħi hija differenti minn dik imressqa fil-motiv korrispondenti mqajjem quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, filwaqt li fl-ewwel istanza l-appellanti llimitat ruħha li ssostni li n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-vantaġġ kompetittiv li jirriżulta mill-fatt li SAS hija l-unika kumpannija tal-ajru li bbenefikat minn għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE pprekluda paragun korrett bejn id-dannu u l-kumpens ( 24 ), fl-appell hija għall-ewwel darba rabtet din l-ommissjoni mal-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tal-miżura kontenzjuża fir-rigward tal-għan imfittex. Issa, jekk wieħed jassumi li, billi ressqet tali argument, Ryanair riedet tinvoka n-nuqqas, fid-deċiżjoni kkontestata, ta’ evalwazzjoni tal-effetti tal-miżura kontenzjuża fuq il-kompetizzjoni, dan l-ilment ikun fi kwalunkwe każ inammissibbli, minn naħa, peress li jikkostitwixxi aggravju ġdid li ma jistax jiġi ppreżentat fil-kuntest tal-appell u, min-naħa l-oħra, għaliex ir-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni imposti mill-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja huma, fi kwalunkwe każ, neqsin.

48.

Għalhekk ser nillimita ruħi sabiex nirrispondi għal dan l-ilment inkwantu jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ma qisitx neċessarju, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-vantaġġ mogħti mill-miżura kontenzjuża u tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ riskju ta’ kumpens żejjed, li tieħu inkunsiderazzjoni l-vantaġġ kompetittiv imsemmi iktar ’il fuq. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ġustament issostni li, fil-kuntest ta’ tali evalwazzjoni, hija l-Kummissjoni li għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi kollha li jistgħu jaffettwaw ir-rabta kawżali diretta bejn l-avveniment straordinarju, it-telf sostnut u l-għajnuna mogħtija, bħal, b’mod partikolari, is-somom irċevuti mill-impriża benefiċjarja bħala kumpens għad-danni sostnuti minħabba dan l-avveniment jew minħabba interventi pubbliċi oħra ta’ sostenn għall-impriżi adottati wara dan l-avveniment. Dawn il-fatturi jaffettwaw, fil-fatt, billi jnaqqsu, l-ammont tat-telf effettivament sostnut minn din l-impriża. Madankollu, dan ma jimplikax li, fid-determinazzjoni tal-valur tal-vantaġġ mogħti lilha, il‑Kummissjoni hija obbligata tieħu inkunsiderazzjoni – jekk jitqies li dan ikun faċilment u preċiżament kwantifikabbli – il-valur korrispondenti, minn naħa, għall-vantaġġi sekondarji marbuta mal-kontribuzzjoni tal-għajnuna u, min-naħa l-oħra, għall-profitti ekonomiċi eventwali li din l-impriża tista’ tikseb permezz tal-operazzjoni tal-għajnuna. Fil-fatt, il-valur tal-ewwel ma jistax jiġi kkwantifikat b’mod awtonomu, filwaqt li, fir-rigward tat-tieni, fil-punt 92 tas-sentenza Aer Lingus, li għaliha l-Qorti Ġenerali rreferiet b’analoġija fil-punt 63 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-obbligu għall-Istat Membru kkonċernat li jneħħi, permezz tal-irkupru, għajnuna inkompatibbli mas-suq uniku u li b’hekk jistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni preċedenti għall-għoti tagħha “jimplika r-restituzzjoni tal-vantaġġ prodott [mill-għajnuna] lil benefiċjarju tagħha u mhux ir-restituzzjoni tal-eventwali benefiċċju ekonomiku li twettaq minnha mill-operat ta’ dan il-vantaġġ”. Kuntrarjament għal dak sostnut minn Ryanair, tali riferiment huwa rilevanti, mill-inqas peress illi, fir-rikors, Ryanair identifikat il-vantaġġ kompetittiv speċifiku invokat minnha fl-akkwist minn SAS tal-kapaċità li żżid is-sehem tagħha tas-suq malli jintemmu r-restrizzjonijiet marbuta mal-pandemija ( 25 ). Dan speċifikat, jekk jiġu esklużi l-vantaġġi sekondarji u indiretti msemmija fil-punt 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-“vantaġġ kompetittiv” li tirreferi għalih ir-rikorrenti, ma huwiex ħlief, jidhirli, li l-benefiċċju ta’ natura ekonomika u selettiva li l-miżura kontenzjuża tagħti lil SAS u li, billi tqegħidha f’pożizzjoni iktar favorevoli meta mqabbla mal-kumpanniji tal-ajru kompetituri, tagħti lok għal distorsjoni tal-kompetizzjoni. Bħalma jirriżulta mill-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli [107 TFUE] u [108 TFUE] għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanziji ( 26 ), li jirreferu kemm għad-deċiżjoni kkontestata (ara l-premessi 17 u 18) u għas-sentenza appellata (ara l-punt 54), fil-każ ta’ garanzija, dan il-benefiċċju, bħala prinċipju, huwa kkalkolat bħala d-differenza bejn il-prezz tas-suq tal-garanzija u l-prezz effettivament imħallas ( 27 ). Issa, huwa preċiżament fuq kalkolu ta’ dan it-tip li bbażat ruħha l-Kummissjoni, fil-premessa 68 tad-deċiżjoni kkontestata, sabiex tiddetermina l-ammont tal-għajnuna mogħtija mill-miżura kontenzjuża sabiex teskludi l-eżistenza ta’ kumpens żejjed, mingħajr madankollu ma tiskarta l-ipoteżi li, fid-dawl tal-kundizzjonijiet tas-suq u d-diffikultajiet ta’ SAS li tikseb il-kreditu, dan l-ammont għandu jitqies bħala ekwivalenti għal dak tas-self miksub permezz tal-garanzija tal-Istat. F’dawn iċ-ċirkustanzi, billi kkonkludiet, fil-punt 64 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet korrettement ħadet inkunsiderazzjoni il-vantaġġ mogħti lil SAS, kif kien jirriżulta mill-miżura inkwistjoni, u li ma tistax tiġi kkritikata li ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ profitt ekonomiku eventwali riżultanti mill-imsemmi vantaġġ, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx l-iżball ta’ liġi allegat minn Ryanair fit-tmien ilment tat-tieni aggravju tagħha. Għaldaqstant dan l-ilment għandu wkoll jiġi miċħud bħala infondat.

7. Konklużjoni dwar it-tieni aggravju

49.

Peress li jiena kkonkludejt li l-ilmenti kollha mqajma mill-appellanti insostenn tat-tieni aggravju tagħha għandhom jiġu miċħuda, fil-fehma tiegħi, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

C.   Fuq it-tielet aggravju

50.

Fil-kuntest tat-tielet aggravju tagħha, dirett kontra l-punti 70 sa 89 tas-sentenza appellata, Ryanair tilmenta minn diversi żbalji ta’ liġi u żnaturament manifest tal-fatti li allegatament wettqet il-Qorti Ġenerali meta ċaħdet l-ewwel parti tat-tielet aggravju tagħha u meta kkonkludiet, fil-punt 89 tas-sentenza appellata, li l-miżura kontenzjuża, minkejja li tirriżerva l-benefiċċju tal-miżura kontenzjuża lil SAS, kienet iġġustifikata u ma kinitx tikser il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

51.

Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, fl-ewwel lok, ċaħdet l-allegazzjoni tal-appellanti li l-miżura inkwistjoni għandha bħala għan, minbarra li tikkumpensa parzjalment lil SAS għad-dannu li jirriżulta mill-pandemija ta’ COVID‑19, li tiġi ppreżervata l-konnettività tal-Isvezja, l-“aċċessibbiltà intra-Skandinava” jew l-ekonomija Svediża (punti 74 u 75) jew anki ż-żamma tal-istruttura tas-suq (punt 76). Fit-tieni lok, hija ċaħdet l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq in-natura diskriminatorja tal-għajnuna mogħtija permezz tal-miżura kontenzjuża (punti 77 u 78). Fit-tielet lok, hija kkonstatat li d-differenza fit-trattament favur SAS kienet xierqa sabiex tirrimedja d-danni li jirriżultaw mir-restrizzjonijiet introdotti minħabba l-pandemija ta’ COVID‑19 u ma kinitx tmur lil hinn minn dak li kien neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan (punti 80 sa 88).

52.

Fil-kuntest tat-tielet aggravju tagħha tqajjem tliet ilmenti distinti, wieħed għal kull wieħed mill-punti tar-raġunament żviluppat mill-Qorti Ġenerali. Sabiex insegwi l-istess ordni loġiku bħall-motivi tas-sentenza appellata, ser nibda l-analiżi tiegħi bit-tieni lment, dwar id-determinazzjoni tas-suġġett tal-miżura kontenzjuża.

1. Fuq it-tieni ilment

53.

Ryanair issostni, fl-ewwel lok, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u manifestament żnaturat il-fatti meta ċaħdet, fil-punti 74 u 75 tas-sentenza appellata, l-allegazzjoni li hija kienet ressqet fl-ewwel istanza li skontha l-miżura kontenzjuża kellha l-għan li tippreżerva l-konnettività tal-Isvezja, l-“aċċessibbiltà intra-Skandinava” jew l-ekonomija Svediża. Hija adottat interpretazzjoni eċċessivament formalistika tad-deċiżjoni kkontestata, li hija barra minn hekk kontradetta mill-punt 82 ta’ din is-sentenza.

54.

Dawn l-argumenti huma, fil-fehma tiegħi, infondati. L-għan tal-miżura kontenzjuża huwa, fil-fatt, espressament imsemmi fil-premessa 9 tad-deċiżjoni kkontestata, li ddaħħal fit-Taqsima 2.1 ta’ din id-deċiżjoni, intitolata preċiżament “Għan tal-miżura”, u jikkonsisti, kif huwa indikat ġustament fil-punt 75 tas-sentenza appellata, f’li “tikkumpensa […] lil SAS għad-dannu li jirriżulta mill-kanċellazzjoni jew mill-iskedar mill-ġdid tat-titjiriet tagħha wara l-istabbiliment ta’ restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar marbuta mal-pandemija tal-COVID‑19.” Il-premessi 25 u 26 tad-deċiżjoni kkontestata, li tibbaża ruħha fuqhom ir-rikorrenti, fejn hemm, minbarra informazzjoni fuq il-pożizzjoni ta’ SAS fis-suq, ukoll data dwar il-kontribuzzjoni tagħha għall-konnettività tal-Isvezja, għall-“aċċessibbiltà intra-Skandinava”, għas-suq tax-xogħol u, b’mod iktar ġenerali, għall-ekonomija Svediża, huma intiżi biss, kif jirriżulta wkoll mill-pożizzjoni tagħhom fit-Taqsima 2.5 tal-imsemmija deċiżjoni, intitolata “Benefiċjarja”, sabiex jipprovdu profil tal-impriża destinatarja tal-għajnuna. Kuntrarjament għal dak li ssostni Ryanair, huma la jiddefinixxu direttament u lanqas indirettament l-għan tagħha, li, kif rajna, b’mod konformi mal-bażi ġuridika li tiġġustifika l-kompatibbiltà tagħha, huwa li jiġu rrimedjati d-danni li jirriżultaw mill-avveniment straordinarju li tikkostitwixxi l-pandemija ta’ COVID‑19. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx l-iżball ta’ interpretazzjoni li tikkontesta fil-konfront tagħha l-appellanti. Barra minn hekk, lanqas ma teżisti l-kontradizzjoni invokata minn din tal-aħħar bejn il-punti 74 u 75 tas-sentenza appellata u l-punt 82 tagħha. Fil-fatt, minbarra l-fatt li, f’dan il-punt, id-data dwar l-ishma ta’ traffiku intra-Skandinavu u ta’ traffiku intern miżmuma minn SAS tittieħed inkunsiderazzjoni bħala sempliċi indikatur tad-dannu sostnut minn din l-impriża u mhux bħala indizju tal-għan segwit mill-awtoritajiet Svediżi, l-imsemmi punt jaqa’ taħt l-evalwazzjoni differenti, magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punti 80 sa 87 tas-sentenza appellata, dwar il-proporzjonalità tal-modalitajiet ta’ għoti tal-miżura kontenzjuża fid-dawl tal-għan imfittex minnha.

55.

Ryanair issostni, fit-tieni lok, li, fil-punt 76 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ interpretazzjoni tad-dritt applikabbli meta ċaħdet l-argument tagħha li skontu l-miżura kontenzjuża kellha neċessarjament bħala għan iż-żamma tal-istruttura tas-suq. F’dan il-punt, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li, “għalkemm, mill-perspettiva tal-kompetizzjoni, jista’ jkun preferibbli li tingħata għajnuna lill-atturi ekonomiċi kollha sabiex jiġi evitat tnaqqis fin-numru tagħhom”, madankollu “l-Istati Membri ma humiex obbligati jirrimedjaw id-danni kollha kkawżati minn avveniment straordinarju indikat mill-Artikolu 107(2)(b) TFUE u, konsegwentement, li jagħtu għajnuna lill-vittmi kollha ta’ dawn id-danni.” F’dan ir-rigward, nirrileva li l-appellanti tillimita ruħha sabiex tafferma li, fid-dawl tal-konstatazzjoni magħmula fil-punt 76 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kellha tikkonkludi li ż-żamma tal-istruttura tas-suq kienet tagħmel parti (jew kellha tagħmel parti) mill-għanijiet tal-miżura kontenzjuża, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni r-raġunijiet li għalihom din tal-aħħar eskludiet tali konklużjoni, li huma essenzjalment l-istess bħal dawk li wassluha tiċħad l-ewwel motiv tar-rikors u li jirrigwardaw il-marġni ta’ diskrezzjoni li hija tirrikonoxxi lill-Istati Membri fl-adozzjoni tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 107(2)(b) TFUE. Għaldaqstant, fuq din it-tematika, ser nillimita ruħi sabiex nirreferi għad-diskussjoni tal-ewwel aggravju li jikkorrispondi għall-ewwel aggravju tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali.

56.

Fir-rigward tat-tielet argument imqajjem minn Ryanair, dan huwa pjuttost ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità u għalhekk ser jiġi ttrattat fl-eżami tal-ewwel ilment tat-tielet aggravju.

57.

Fuq il-bażi tar-raġunijiet preċedenti, it-tieni lment tat-tielet aggravju għandu, fil-fehma tiegħi, jiġi miċħud bħala infondat.

2. Fuq l-ewwel ilment

58.

Permezz tal-ewwel ilment tat-tielet aggravju tagħha, dirett kontra l-punti minn 77 sa 80 tas-sentenza appellata, l-appellanti essenzjalment tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ma applikatx b’mod korrett il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità stabbilit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE. Ryanair issostni li, għalkemm il-kumpanniji tal-ajru kollha li joperaw fl-Isvezja kienu milquta mill-konsegwenzi tal-pandemija ta’ COVID‑19, hija biss SAS li bbenefikat minn għajnuna individwali fis-sens tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE. Peress li d-deċiżjoni kkontestata tindika b’mod ċar li tali għajnuna setgħet tingħata biss lil kumpanniji tal-ajru li għandhom liċenzja operattiva mogħtija mill-Isvezja u peress li tali kriterju ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala ekwivalenti għal diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità fis-sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2014, International Jet Management ( 28 ), l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx tikser l-Artikolu 18 TFUE.

59.

Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali l-ewwel nett irrilevat, fil-punt 77, li “għajnuna individwali […] tibbenefika minnha, mid-definizzjoni tagħha, impriża waħda biss, bl-esklużjoni tal-impriżi l-oħra kollha, inklużi dawk li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli għal dik tal-benefiċjarju ta’ din l-għajnuna” u tistabbilixxi, “min-natura tagħha”, “differenza fit-trattament, saħansitra diskriminazzjoni, li madankollu hija inerenti għan-natura individwali tal-imsemmija miżura.” It-teżi tal-appellanti, għalhekk, hija daqslikieku sistematikament tikkontesta l-kompatibbiltà mas-suq intern ta’ kull għajnuna individwali minħabba s-sempliċi fatt li hija għandha natura intrinsikament esklużiva u għalhekk diskriminatorja, filwaqt li d-dritt tal-Unjoni jippermetti lill-Istati Membri jagħtu tali għajnuna sakemm il-kundizzjonijiet kollha tal-Artikolu 107 TFUE jkunu ssodisfatti. Fil-punt 80 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali sussegwentement ippreċiżat li, kieku kellu jitqies li d-differenza fit-trattament stabbilita mill-miżura inkwistjoni, sa fejn din tibbenefika minnha biss SAS, tista’ tiġi assimilata ma’ diskriminazzjoni, għandu jiġi vverifikat jekk din hijiex iġġustifikata minn għan leġittimu u jekk hijiex neċessarja, xierqa u proporzjonata sabiex dan jintlaħaq. Sa fejn Ryanair tirreferi għall-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE, il-Qorti Ġenerali rrilevat li din id-dispożizzjoni tipprojbixxi d-diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità fil-qasam ta’ applikazzjoni tat-Trattati “mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċjali inklużi hemm” u qieset li kien meħtieġ, għaldaqstant, li jiġi vverifikat jekk id-differenza fit-trattament stabbilita mill-miżura kontenzjuża kinitx permessa fir-rigward tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE, li jikkostitwixxi l-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata. Skont il-Qorti Ġenerali, tali eżami kien jimplika “minn naħa, li l-għan tal-miżura [kontenzjuża] jissodisfa r-rekwiżiti previsti minn din l-aħħar dispożizzjoni u, min-naħa l-oħra, li l-modalitajiet tal-għoti tal-miżura inkwistjoni, jiġifieri, f’dan il-każ, il-fatt li din tibbenefika minnha biss SAS, ikunu ta’ natura li jippermettu li jintlaħaq dan l-għan u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq.”

60.

Ryanair targumenta, fl-ewwel lok, li, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 80 tas-sentenza appellata, l-Artikolu 107 TFUE ma jikkostitwixxix “dispożizzjoni speċjali” fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE peress li ma jipprevedix regoli speċifiċi ta’ nondiskriminazzjoni.

61.

F’dan ir-rigward, infakkar li l-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni jipprojbixxi, minn naħa, li sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu ttrattati b’mod differenti u, min-naħa l-oħra, li sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat ( 29 ).

62.

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE jistabbilixxi li, “[f]il-kamp ta’ l-applikazzjoni tat-Trattati, u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċjali inklużi hemm kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza għandha tiġi projbita”. Skont ġurisprudenza stabbilita, din id-dispożizzjoni hija intiża li tapplika b’mod awtonomu biss f’sitwazzjonijiet irregolati mid‑dritt tal‑Unjoni li fir‑rigward tagħhom it‑Trattati ma jistabbilixxux regoli speċifiċi li jipprojbixxu d-diskriminazzjoni ( 30 ). Dawn ir-regoli huma kkostitwiti, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ ċirkulazzjoni u residenza fit-territorju tal-Istati Membri mogħtija mill-Artikolu 20(2)(a) TFUE u mill-Artikolu 21 TFUE ( 31 ), id-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-moviment liberu tal-merkanzija (Artikoli 30 TFUE, 34 TFUE u 110 TFUE) ( 32 ), il-moviment liberu tal-ħaddiema (Artikolu 45) ( 33 ), il-libertà ta’ stabbiliment (Artikolu 49 TFUE) ( 34 ), il-libertà li jiġu pprovduti servizzi (Artikoli minn 56 sa 62 TFUE) ( 35 ) u l-libertà ta’ moviment tal-kapital (Artikoli 63 u 65 TFUE) ( 36 ).

63.

L-applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE hija għalhekk suġġetta għall-kundizzjoni li s-sitwazzjoni li tat lok għad-diskriminazzjoni invokata ma tapplika ebda regola speċifika prevista mit-Trattati u intiża li tipprojbixxi diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità ( 37 ). L-Artikolu 107 TFUE jikkostitwixxi tali regola?

64.

Għalkemm il-projbizzjoni tal-għajnuna stabbilita fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu hija intiża sabiex tiżgura li l-kompetizzjoni fis-suq intern ma tiġix distorta permezz tal-interventi tal-Istati Membri, li għandhom tendenza jkunu intiżi li jiffavorixxu impriżi nazzjonali, nammetti li għandi xi diffikultajiet sabiex nagħti lil din id-dispożizzjoni n-natura ta’ regola intiża sabiex timplimenta l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità bl-istess mod bħad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar l-erba’ libertajiet. Għalkemm bejn il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE u l-leġiżlazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, hemm tendenza ta’ affinità ta’ għanijiet, jiġifieri l-protezzjoni tal-kompetizzjoni u tal-libertajiet Ewropej, din il-leġiżlazzjoni tikkostitwixxi madankollu strument ta’ kontroll tad-diskriminazzjoni, iżda ma tinkludix fiha nnifisha regola ta’ nondiskriminazzjoni. Madankollu, kif issostni l-Kummissjoni, il-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 107 TFUE, sa fejn jipprevedu, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-kompatibbiltà ta’ ċerta għajnuna mas-suq intern, jippermettu ċerti differenzi fit-trattament meta jkunu neċessarji u proporzjonati sabiex jintlaħqu l-għanijiet previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet, u jkunu għalhekk rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, bħala “dispożizzjonijiet speċjali” tat-Trattati fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE.

65.

Min-naħa l-oħra, kif iddikjarajt f’kawża oħra, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ilha li pprovat ir-rabta stretta li teżisti bejn il-kunċett tas-selettività, inkluż fil-kunċett ta’ għajnuna, u dak tad-diskriminazzjoni ( 38 ). Il-kundizzjoni marbuta man-natura selettiva tal-vantaġġ, teħtieġ li jiġi ddeterminat jekk, fil-kuntest ta’ sistema legali partikolari, il-miżura nazzjonali inkwistjoni hijiex ta’ natura li tiffavorixxi lil “ċerti impriżi jew ċerti produtturi” meta mqabbla ma’ oħrajn li jinsabu, fid-dawl tal-għan imfittex minn din is-sistema, f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli u li għalhekk iġarrbu trattament iddifferenzjat li essenzjalment ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala diskriminatorju ( 39 ).

66.

Madankollu, meta l-għajnuna prevista minn tali miżura tiġi sussegwentement iddikjarata kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(2) u (3) TFUE, id-distinzjoni li hija tistabbilixxi bejn impriżi li jinsabu f’sitwazzjoni ġuridika u fattwali komparabbli titqies li hija oġġettivament iġġustifikata u ttollerata bħala neċessarja għat-twettiq ta’ għanijiet denji ta’ protezzjoni mid-dritt tal-Unjoni. Dan japplika kemm għall-miżuri individwali kif ukoll għall-iskemi ta’ għajnuna u jimplika li l-miżura inkwistjoni, barra milli tosserva l-kundizzjonijiet speċifiċi imposti mid-dispożizzjonijiet ta’ deroga mill-projbizzjoni ta’ għajnuna stabbilita fl-Artikolu 107(1) TFUE hija xierqa għat-tiftix tal-għanijiet permessi minn dan it-Trattat u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju għat-twettiq tal-għan tal-għajnuna jew il-funzjonament tiegħu ( 40 ). Huwa f’dan is-sens li għandha tinftiehem l-affermazzjoni inkluża fil-punt 77 tas-sentenza appellata – ikkontestata minn Ryanair fil-kuntest tat-tieni lment tat-tielet aggravju tagħha – li l-formulazzjoni tagħha ma hijiex waħda mill-iktar fortunati. Fl-istruttura tar-raġunament segwit mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, din l-affermazzjoni madankollu ma hijiex ta’ natura deċiżiva, peress li l-Qorti Ġenerali tipproċedi madankollu, fil-punti 80 et seq sabiex twettaq eżami tal-proporzjonalità tal-miżura kontenzjuża.

67.

Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-argument imressaq minn Ryanair, ibbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali meta kkunsidrat li l-Artikolu 107 TFUE jikkostitwixxi “dispożizzjoni speċjali” fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE għandu għalhekk, fil-fehma tiegħi, jiġi miċħud.

68.

Fit-tieni lok, Ryanair issostni li diskriminazzjoni diretta bbażata fuq in-nazzjonalità bħal dik introdotta mill-miżura kontenzjuża tista’ tiġi ġġustifikata biss minħabba r-raġunijiet ta’ deroga espressament previsti mit-Trattat u, għaldaqstant, fir-rigward ta’ miżura li taffettwa l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, ir-raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika u ta’ saħħa pubblika indikati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 52 TFUE, li għalihom jirreferi l-Artikolu 62 TFUE. Il-ġustifikazzjonijiet imressqa mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, rigward il-ħtieġa li tinżamm il-konnettività tal-Isvezja, l-“aċċessibbiltà intra-Skandinava” jew l-ekonomija Svediża ma jaqgħux taħt dawn id-derogi. Peress li dan l-argument huwa essenzjalment sovrappost ma’ dawk imressqa fil-kuntest tar-raba’ aggravju tagħha, nirreferi għall-eżami ta’ dan l-aggravju.

69.

Fit-tielet lok, Ryanair issostni li, anki jekk il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma tapplikax fil-kawża ineżami, il-Qorti Ġenerali madankollu naqset milli tevalwa jekk, kif tirrikjedi l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u, b’mod partikolari s-sentenza International Jet Management, id-differenza fit-trattament introdotta mill-miżura kontenzjuża, li tapplika biss għal SAS bħala kumpannija tal-ajru li għandha liċenzja operazzjonali mogħtija mill-Isvezja u stabbilita fl-Isvezja, hijiex iġġustifikata minn “kunsiderazzjonijiet oġġettivi indipendenti min-nazzjonalità tal-persuni kkonċernati.” Infakkar li, fis-sentenza International Jet Management, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-Artikolu 18 TFUE jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timponi fuq trasportatur tal-ajru, li jkollu liċenzja operattiva maħruġa minn Stat Membru ieħor, l-obbligu li jikseb awtorizzazzjoni sabiex jidħol fl-ispazju tal-ajru tiegħu għal titjiriet li jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi, filwaqt li tali awtorizzazzjoni ma kinitx meħtieġa mit-trasportaturi tal-ajru li jkollhom liċenzja maħruġa mill-ewwel Stat Membru.

70.

F’dan ir-rigward, huwa tajjeb li jiġi ċċarat li SAS ma hijiex il-benefiċjarja tal-miżura kontenzjuża minħabba l-fatt li hija għandha liċenzja operattiva mogħtija mill-Isvezja, iżda bħala impriża li sostniet danni wara r-restrizzjonijiet imposti minn dan l-Istat Membru b’reazzjoni għall-kriżi maħluqa mill-pandemija ta’ COVID‑19 u topera f’suq, dak tat-trasport bl-ajru, partikolarment milqut mill-avveniment straordinarju kkostitwit mill-okkorrenza tal-imsemmija pandemija u li l-Isvezja ddeċidiet tintervjeni fir-rigward tiegħu permezz ta’ miżuri ta’ sostenn. Kif iddikjarajt diġà, l-Isvezja kellha dritt, meta indikat lil SAS bħala benefiċjarja tal-miżura kontenzjuża, tibbaża ruħha fuq kunsiderazzjonijiet dipendenti, fost affarijiet oħra, fuq il-kontribut ta’ SAS – perċentwalment ikbar meta mqabbel mal-kumpanniji tal-ajru kompetituri – għall-kisba ta’ għanijiet fundamentali speċifiċi għall-imsemmi Stat membru, bħaż-żamma tal-konnettività interna kemm fit-territorju Svediż kif ukoll fir-reġjun Skandinavu – inkluż fuq ir-rotot inqas kummerċjali – u internazzjonali, b’mod partikolari f’sitwazzjoni ta’ emerġenza u inċertezza fit-tul bħal dik ipprovokata mill-pandemija ta’ COVID‑19. Ċertament, jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li huma biss il-kumpanniji tal-ajru li jirrispondu għal kundizzjonijiet speċifiċi, fosthom dik li jkollhom liċenzja operattiva mogħtija mill-Isvezja u li jkunu ammissibbli għall-iskema ta’ għajnuna Svediża, li jista’ jkollhom aċċess għal miżuri ta’ għajnuna individwali skont l-Artikolu 107(2)(b) TFUE, bħall-miżura kontenzjuża. Madankollu, din iċ-ċirkustanza biss ma tippermettix, fil-fehma tiegħi, li jiġi ddikjarat, kif tagħmel l-appellanti, li l-fatt li din il-miżura tapplika biss għal SAS jikser fih innifsu l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità stabbilit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE. Fi kwalunkwe każ, anki jekk is-sentenza International Jet Management, invokata mill-appellanti, kellha titqies rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, ma neskludix li l-kunsiderazzjonijiet imfakkra iktar ’il fuq, dwar il-kontribwut ta’ SAS lill-konnettività tal-Isvezja u għall-“aċċessibbiltà intrascandinava” li jinsabu fil-premessa 26 tad-deċiżjoni kkontestata jistgħu f’sitwazzjoni ta’ emerġenza li hija dik ikkawżata mill-pandemija ta’ COVID-19, jikkostitwixxu “kunsiderazzjonijiet oġġettivi indipendenti min-nazzjonalità mill-persuni kkonċernati” ta’ natura mhux purament ekonomika, fis-sens ta’ din is-sentenza.

71.

Fuq il-bażi ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq nikkunsidra li anki t-tielet argument imressaq minn Ryanair fil-kuntest tal-ewwel ilment tat-tielet aggravju tagħha huwa infondat. Għaldaqstant, dan l-ilment, sal-parti eżaminata sa hawnhekk, għandu, fl-opinjoni tiegħi jiġi miċħud bħala infondat.

3. Fuq it-tielet ilment

72.

Permezz tat-tielet ilment tat-tielet aggravju, dwar l-eżami tal-proporzjonalità tal-miżura kontenzjuża mill-Kummissjoni, Ryanair tagħmel erba’ kritiki distinti għall-motivi li jinsabu fil-punti minn 81 sa 88 tas-sentenza appellata. L-ewwel tlieta huma diretti kontra l-punt 84 tas-sentenza appellata, li fihom il-Qorti Ġenerali tiddikjara li “mid-deċiżjoni [kkontestata] jirriżulta li SAS, minħabba li l-partijiet tagħha mis-suq huma ikbar, ġiet affettwata iktar mir-restrizzjonijiet relatati mal-pandemija tal-COVID‑19 mill-kumpanniji l-oħra tal-ajru preżenti fl-Isvezja.”

73.

L-appellanti ssostni, fl-ewwel lok, li din l-affermazzjoni, li fuqha tibbaża ruħha l-Qorti Ġenerali sabiex tiġġustifika l-adegwatezza tad-differenza fit-trattament favur SAS introdotta permezz tal-miżura kontenzjuża, ma tidhirx fid-deċiżjoni kkontestata u li l-Qorti Ġenerali b’hekk għamlet sostituzzjoni tal-motivi mhux aċċettata.

74.

F’dan ir-rigward, infakkar illi, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità skont l-Artikolu 263 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, jissostitwixxu l-motivazzjoni tagħhom għal dik tal-awtur tal-att ikkontestat ( 41 ). Min-naħa l-oħra, ħlief fil-każ fejn ebda element materjali ma jiġġustifikah, il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, tista’ tasal tinterpreta l-motivazzjoni tal-att ikkontestat b’mod differenti mill-awtur tiegħu, jew, f’ċerti ċirkustanzi, tiċħad il-motivazzjoni formali adottata minnu ( 42 ). Fil-kawża ineżami, fil-punt 84 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrispondiet għall-argument imressaq minn Ryanair li skontu l-fatt uniku li SAS – li l-operazzjonijiet tagħha kienu kkonċentrati fid-Danimarka, l-Isvezja u n-Norveġja, kienet tirrappreżenta s‑67 % tat-traffiku tal-ajru inter-Skandinavu u kważi n-nofs tat-traffiku intern tal-Isvezja – ma kienx jippermetti li tiġi ġġustifikata d-differenza fit-trattament li tirriżulta mill-miżura kontenzjuża ( 43 ). Issa, huwa fuq il-bażi ta’ din l-informazzjoni – li tinsab fil-premessa 26 tad-deċiżjoni kkontestata u li, għaldaqstant, il-Kummissjoni neċessarjament ħadet inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tagħha tal-kompatibbiltà tal-miżura kontenzjuża – li l-Qorti Ġenerali sostniet, minn naħa, fil-punt 84 imsemmi tas-sentenza appellata, li jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li SAS, minħabba li l-partijiet tagħha mis-suq huma ikbar, ġiet affettwata iktar mir-restrizzjonijiet relatati mal-pandemija tal-COVID‑19 mill-kumpanniji l-oħra tal-ajru preżenti fl-Isvezja u, min-naħa l-oħra, fil-punt 86 tal-istess sentenza, li d-differenza fit-trattament favur SAS hija xierqa sabiex jiġu rrimedjati d-danni li jirriżultaw minn dawn ir-restrizzjonijiet u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan, meħuda inkunsiderazzjoni wkoll in-natura u l-quantum tal-għajnuna inkwistjoni u tal-modalitajiet tal-għoti tagħha. Minn dan isegwi li, fil-punti 82 sa 86 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha, sabiex tirrispondi għall-ilment imqajjem mill-appellanti, li tinterpreta d-deċiżjoni kkontestata b’mod konformi mal-indikazzjonijiet li jinsabu fiha u, għaldaqstant, ma wettqet ebda sostituzzjoni tal-motivi tal-imsemmija deċiżjoni.

75.

Fit-tieni lok, Ryanair issostni li l-ġustifikazzjoni mressqa mill-Qorti Ġenerali fil-punt 84 tas-sentenza appellata timplika li impriża li għandha sehem importanti fis-suq u li għalhekk hija f’pożizzjoni li teżerċita saħħa sinjifikattiva fis-suq hija kapaċi tapproprja ruħha mit-totalità tal-kumpens għad-dannu disponibbli skont l-Artikolu 107(2)(b) TFUE. Issa l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità teżiġi li dan il-kumpens jitqassam bejn l-operaturi kollha tal-kuntratt proporzjonalment għad-danni sostnuti. Il-loġika sottostanti għal din il-ġustifikazzjoni tmur ukoll kontra l-Artikolu 102 TFUE sa fejn tirriżerva drittijiet speċjali għal impriża dominanti, li pjuttost għandha responsabbiltà partikolari li ma tikkompromettix bl-aġir tagħha l-iżvilupp ta’ kompetizzjoni effettiva.

76.

Fil-fehma tiegħi, anki dan l-argument għandu jiġi miċħud. Huwa jitlaq mill-premessa li għajnuna individwali intiża sabiex tikkumpensa lil waħda mill-vittmi ta’ avveniment straordinarju preżenti fis-suq tikser neċessarjament il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jeżiġi li l-għajnuna tkun proporzjonalment iddistribwita bejn il-vittmi kollha ta’ dan l-avveniment, u għalhekk ma tistax tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(2)(b) TFUE. Issa, il-fondatezza ta’ tali premessa ġiet diskussa u eskluża fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel aggravju. F’dan ir-rigward wasalt għall-konklużjoni li tali għajnuna hija aċċettata fis-sens tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE jekk l-għażla tal-benefiċjarju ma tkunx arbitrarja u tkun xierqa u proporzjonata mal-għan imfittex minn din ir-regola. F’sitwazzjoni ta’ emerġenza, bħal dik ikkawżata minn avvenimenti koperti minn din id-dispożizzjoni, Stat Membru għandu jkun jista’ jkun liberu, taħt il-kontroll tal-Kummissjoni, li jiddeċiedi f’liema swieq jintervjeni permezz ta’ miżuri kumpensatorji u kif jalloka r-riżorsi disponibbli, inkluż sabiex jiżgura, kif tenfasizza l-Qorti Ġenerali fil-punt 87 tas-sentenza appellata, l-effett utli tal-intervent tiegħu. Fir-rigward tar-riferiment magħmul minn Ryanair għall-Artikolu 102 TFUE u għar-responsabbiltà partikolari tal-impriżi li jinsabu f’pożizzjoni dominanti fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, nirrileva, minn naħa, li l-appellanti la ssostni u lanqas turi li SAS tgawdi minn pożizzjoni dominanti fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u, min-naħa l-oħra, li anki jekk tali pożizzjoni kienet ipprovata, l-għoti ta’ għajnuna individwali ma jimplikax fih innifsu, kif jenfasizza korrettament il-Gvern Franċiż, li l-benefiċjarju jitqiegħed f’sitwazzjoni li tabbuża mill-pożizzjoni tagħha fis-suq minħabba l-fatt uniku li l-impriżi kompetituri ma jkunux destinatarji ta’ miżura simili. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-istess punt 82 tas-sentenza appellata, is-sehem tas-suq ta’ SAS ittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali bħala indikatur tad-dannu ikbar sostnut minnha u għalhekk jikkostitwixxi kriterju rilevanti għall-finijiet tal-adozzjoni ta’ miżura kumpensatorja fis-sens tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE.

77.

Fit-tielet lok, Ryanair issostni li mill-punt 85 tas-sentenza appellata ma jirriżultax b’mod ċar liema restrizzjonijiet affettwaw b’mod sinjifikattiv iktar lil SAS milli lill-appellanti. Fir-rigward tar-restrizzjonijiet relatati mal-pandemija ta’ COVID‑19 b’mod ġenerali, l-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali hija manifestament żbaljata, peress li, bħala kumpannija pan-Ewropea, Ryanair ġiet affettwata minn dawn ir-restrizzjonijiet tal-inqas bl-istess mod bħal SAS. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-restrizzjonijiet adottati mill-awtoritajiet Svediżi, il-kriterju segwit mill-Qorti Ġenerali jidher li huwa arbitrarju, għaliex jiffavorixxi neċessarjament lill-kumpanniji tal-ajru Svediżi, minbarra li jikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta li tinkoraġġixxi l-frammentazzjoni tas-suq uniku.

78.

F’dan ir-rigward, infakkar li l-għan tal-miżura kkontestata huwa li tikkumpensa lil SAS għad-dannu li jirriżulta mill-kanċellazzjoni jew mill-ippjanar mill-ġdid tat-titjiriet tagħha wara l-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar fil-kuntest tal-pandemija ta’ COVID‑19. Kif jirrileva ġustament il-Gvern Svediż, dan id-dannu huwa identifikat bl-applikazzjoni ta’ kriterju, il-kanċellazzjoni jew l-ippjanar mill-ġdid tat-titjiriet, li huwa indipendenti mill-oriġini tar-restrizzjonijiet. Għalhekk ma huwiex neċessarju, sabiex tiġi evalwata l-proporzjonalità tal-miżura kontenzjuża, anki jekk ikun konkretament possibbli, li jiġi ddeterminat jekk tali danni humiex marbuta biss mar-restrizzjonijiet adottati mill-awtoritajiet Svediżi jew mar-restrizzjonijiet kollha implimentati mill-Istati Membri jew minn dawn tal-aħħar u minn pajjiżi terzi. Barra minn hekk, kif ġie indikat fil-punt 84 tas-sentenza appellata, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, skont in-natura territorjali tal-għajnuna mill-Istat, il-ħtieġa tal-adozzjoni ta’ miżura kumpensatorja favur SAS ġiet evalwata b’riferiment għas-suq Svediż u għall-kumpanniji tal-ajru preżenti f’dan is-suq, kif ukoll għall-ishma rispettivi tagħhom f’dan is-suq. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kriterju ta’ evalwazzjoni tal-proporzjonalità tal-miżura kontenzjuża adottat mill-Qorti Ġenerali, li jieħu inkunsiderazzjoni d-dannu ikbar sostnut minn SAS minħabba s-sehem tagħha fis-suq ogħla minn dak tal-kumpanniji tal-ajru l-oħra preżenti fis-suq Svediż, ma għandu xejn diskriminatorju u hija l-konsegwenza loġika li l-miżura kontenzjuża hija intiża li tirrimedja l-konsegwenzi fis-suq Svediż tal-avveniment straordinarju kkostitwit mill-pandemija ta’ COVID‑19.

79.

Fl-aħħar nett, l-appellanti tikkritika l-kriterju “tal-effett utli” li jinsab fil-punt 87 tas-sentenza appellata fejn il-Qorti Ġenerali ddikjarat li, fid-dawl tal-ammont żgħir tal-miżura kontenzjuża u fid-dawl tal-evalwazzjoni tad-dannu sostnut minn SAS, l-appellanti ma kinitx uriet li t-tqassim ta’ dan l-ammont bejn il-kumpanniji kollha tal-ajru preżenti fl-Isvezja ma kienx iċaħħad lil din il-miżura minn effett utli. Dan l-argument għandu, fil-fehma tiegħi, jiġi miċħud bħala ineffettiv, peress li huwa dirett kontra element ad abundantiam tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni appellata u ma jistax iwassal għall-annullament tagħha ( 44 ).

4. Konklużjoni fuq it-tielet aggravju

80.

Peress li jiena kkonkludejt li l-ilmenti kollha mqajma mill-appellanti insostenn tat-tielet aggravju tagħha għandhom jiġu miċħuda, fil-fehma tiegħi, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

D.   Fuq ir-raba’ aggravju

81.

Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi u manifestament żnaturat il-fatti meta ċaħdet it-tieni parti tar-tielet motiv tagħha, li permezz tiegħu hija lmentat minn ksur tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi minħabba n-natura diskriminatorja tal-miżura kontenzjuża. Dan l-aggravju huwa maqsum fi tliet ilmenti. It-tieni u t-tielet ilmenti ser jiġu eżaminati flimkien.

1. Fuq l-ewwel ilment

82.

Permezz tal-ewwel ilment tar-raba’ aggravju tagħha, Ryanair issostni li, billi ddeċidiet, fil-punt 94 tas-sentenza appellata, li l-appellanti ma kinitx uriet kif in-natura esklużiva tal-miżura kontenzjuża, li tibbenefika esklużivament lil SAS, “hija ta’ natura li tiskoraġġixxiha milli tistabbilixxi ruħha fl-Isvezja jew milli tipprovdi servizzi minn u lejn dan il-pajjiż”, il-Qorti Ġenerali għażlet kriterju żbaljat sabiex tevalwa jekk miżura nazzjonali tostakolax jew tirrendix inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-libertà ta’ stabbiliment. Il-kriterju li jirriżulta mill-ġurisprudenza jirreferi pjuttost għall-kapaċità tal-miżura inkwistjoni li tiddiswadi “kull operatur interessat”, u għalhekk, fil-kawża ineżami, kumpanniji tal-ajru oħra minbarra SAS li joperaw fl-Isvezja, milli jistabbilixxu ruħhom jew milli jipprovdu servizzi fl-Istat Membru inkwistjoni.

83.

Dan l-ilment huwa manifestament infondat. Minn naħa, huwa bbażat fuq qari fil-qosor tal-punt 94 tas-sentenza appellata. Fit-tieni sentenza ta’ dan il-punt, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li l-appellanti ma kinitx indikat “il-punti ta’ fatt jew ta’ liġi li jwasslu biex [il-miżura kontenzjuża] tipproduċi effetti restrittivi li jmorru lil hinn minn dawk li jagħtu lok għall-projbizzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, iżda li […] huma madankollu neċessarji u proporzjonati sabiex jirrimedjaw id-danni kkawżati lil SAS mill-avveniment straordinarju li hija l-pandemija tal-COVID‑19, konformement mar-rekwiżiti previsti mill-Artikolu 107(2)(b) TFUE.” B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali ċċarat il-portata tal-oneru tal-prova mhux issodisfatt li kellha l-appellanti u ħelsitha minn kull riferiment għas-sitwazzjoni ta’ kumpannija tal-ajru speċifika u, b’mod partikolari, għal dik tal-appellanti. Min-naħa l-oħra, kif jirrileva korrettement il-Gvern Franċiż, l-ilment ta’ Ryanair ma jiħux inkunsiderazzjoni r-riferiment, li jinsab fl-imsemmi punt 94 tas-sentenza appellata, għall-analiżi preċedentement imwettqa mill-Qorti Ġenerali dwar il-proporzjonalità tal-miżura kontenzjuża, li fiha ttieħdet inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni tal-kumpanniji tal-ajru kollha preżenti fl-Isvezja.

2. Fuq it-tieni u t-tielet ilment

84.

Permezz tat-tieni lment tar-raba’ aggravju tagħha, Ryanair issostni li l-affermazzjoni li tinsab fil-punt 94 tas-sentenza appellata, riprodotta fil-punt 82 ta’ dawn il-konklużjonijiet, hija kontradittorja u hija żbaljata fid-dritt, peress li ebda prova ma kienet neċessarja fil-kawża ineżami peress li l-fatt li wieħed jiġi arbitrarjament imċaħħad minn vantaġġ irriżervat għall-kumpannija tal-ajru prinċipali Svediża jiddiswadi fih innifsu l-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-libertà ta’ stabbiliment ta’ kumpanniji tal-ajru oħra. F’dan ir-rigward, Ryanair tirreferi mill-ġdid għas-sentenza International Jet Management. Ir-rikorrenti ssostni, fi kwalunkwe każ, li hija pprovdiet diversi provi, fosthom, b’mod partikolari, rapport ippreparat fi ħdan id-dipartiment tas-servizzi ta’ investiment ta’ Goodby Stockbrokers u l-parir ta’ espert fid-dritt tal-ajru. Madankollu, il-Qorti Ġenerali naqset milli tevalwa dawn l-elementi. Permezz tat-tielet ilment, Ryanair tikkritika, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali talli ċaħdet b’mod żbaljat l-argumenti li hija invokat fl-ewwel istanza, intiżi sabiex juru li r-restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u għal-libertà ta’ stabbiliment li tikkostitwixxi l-miżura kkontestata ma hijiex iġġustifikata.

85.

Għandu jitfakkar li, sabiex taqa’ taħt il-projbizzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, il-miżura inkwistjoni għandha tagħti vantaġġ b’mod selettiv lil impriżi jew kategoriji ta’ impriżi speċifiċi jew lil setturi ekonomiċi speċifiċi billi tqegħidhom f’sitwazzjoni iktar favorevoli meta mqabbla ma’ oħrajn ( 45 ). Isegwi li, bħala definizzjoni, għajnuna tista’ ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-benefiċjarju tagħha a skaptu tal-kompetituri tiegħu u li tagħmilha iktar diffiċli għalihom li jipprovdu l-prodotti jew is-servizzi tagħhom fis-suq ikkonċernat mill-għajnuna. Kif irrikonoxxiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-għajnuna spiss timplika, min-natura tagħha stess, protezzjoni u għaldaqstant ċertu qsim tas-suq għad-detriment tal-prodotti u tas-servizzi tal-impriżi li ma jibbenefikawx minnha ( 46 ). Għalhekk l-appellanti ma għandhiex żball meta ssostni, essenzjalment, li kull għajnuna li tirriżerva vantaġġ lil operatur ekonomiku nazzjonali jista’ jkollha effetti negattivi fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u/jew il-libertà ta’ stabbiliment, sa fejn l-impriżi li joperaw fl-istess suq bħall-benefiċjarju billi jeżerċitaw dawn il-libertajiet ma jgawdux, bl-istess mod bħal kull kompetitur ieħor ta’ dan tal-aħħar, mill-istess vantaġġ.

86.

Dawn l-effetti, madankollu, mhux neċessarjament, kif donnha ssostni l-appellanti, jistabbilixxu restrizzjoni ta’ dawn il-libertajiet fis-sens tat-Trattat ( 47 ). B’mod partikolari huwa leġittimu li wieħed jistaqsi f’liema termini għajnuna individwali mogħtija lil impriża attiva f’suq li huwa s-suġġett ta’ kummerċ bejn l-Istati Membri, barra milli tistabbilixxi preġudizzju għal dan il-kummerċ, neċessarjament u sistematikament iġġib magħha diskriminazzjoni diretta jew indiretta fuq il-bażi tan-nazzjonalità, biss minħabba li l-benefiċjarja ta’ din l-għajnuna hija impriża nazzjonali, jew tiddiswadi l-operaturi ta’ Stati Membri oħra milli jistabbilixxu jew milli jfornu s-servizzi fl-Istat Membru inkwistjoni jew anki jkollha l-effett li tagħmel l-għoti ta’ servizzi bejn l-Istati Membri iktar diffiċli mill-għoti ta’ servizzi purament intern fi Stat Membru ( 48 ). Issa, l-argument imressaq mill-appellanti fil-kuntest tal-ilment inkwistjoni, sa fejn huwa bbażat fuq dan l-awtomatiżmu, ma jippermettix, minnu nnifsu, li tiġi megħluba l-konstatazzjoni inkluża fil-punt 94 tas-sentenza appellata li skontha hija ma pprovdietx elementi li jippermettu li jiġi deċiż li l-miżura kontenzjuża, sa fejn hija esklużivament ta’ vantaġġ għal SAS, għandha effett dissważiv fuq l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment jew fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Fir-rigward tal-provi li l-appellanti ppreżentat f’dan is-sens quddiem il-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar tillimita ruħha, essenzjalment, għal riferiment ġenerali għal żewġ rapporti tal-esperti li hija kienet talbet, li minnhom ma tirriżultax rilevanza speċifika ta’ dawn ir-rapporti fir-rigward tal-kwistjoni ineżami.

87.

Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, it-tieni lment tar-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat. Konsegwentement, it-tielet ilment għandu jiġi miċħud ukoll sa fejn huwa bbażat, essenzjalment, fuq il-premessa li l-Qorti Ġenerali eskludiet b’mod żbaljat l-eżistenza ta’ restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u għalhekk jippreżumi li għandu jintlaqa’ t-tieni lment imressaq mill-appellanti.

3. Konklużjoni fuq ir-raba’ aggravju

88.

Peress li jiena kkonkludejt li l-ilmenti kollha mqajma mill-appellanti insostenn tat-tielet aggravju tagħha għandhom jiġu miċħuda, fil-fehma tiegħi, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

E.   Fuq il-ħames aggravju

89.

Permezz tal-ħames aggravju, dirett kontra l-punti 99 u 100 tas-sentenza appellata, Ryanair issostni li, billi ċaħdet ir-raba’ aggravju tagħha, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha minħabba n-nuqqas ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, permezz ta’ sempliċi riferiment għall-eżami tal-ewwel tliet motivi, dwar il-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura kontenzjuża mas-suq intern, il-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi u żnaturament tal-fatti.

90.

Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, irrilevat li r-raba’ motiv imqajjem minn Ryanair kien, fir-realtà, ta’ natura sussidjarja, fil-każ fejn hija ma teżaminax il-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-għajnuna bħala tali (punt 99). Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li dan il-motiv kien “nieqes minn kontenut awtonomu”, billi llimita ruħu li jirriproduċi “b’mod konċiż l-argumenti mressqa fil-kuntest tal-ewwel sat-tielet motiv mingħajr ma jenfasizza elementi speċifiċi dwar diffikultajiet serji eventwali” (punt 100).

91.

Ryanair tirrileva, fl-ewwel lok, li, b’differenza mill-ewwel tliet motivi tar-rikors, ir-raba’ aggravju ma kienx jippreżupponi l-prova tan-natura żbaljata tal-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni. Għalhekk, kien japplika kriterju ieħor għall-istħarriġ li għandu jiġi eżerċitat mill-Qorti Ġenerali u din tal-aħħar ma setgħetx tikkuntenta ruħha li tirreferi għar-riżultat tal-eżami tal-ewwel tliet motivi sabiex tiddikjara r-raba’ wieħed infondat. Fit-tieni lok, Ryanair issostni li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Qorti Ġenerali, hija ressqet argumenti awtonomi insostenn tar-raba’ motiv tagħha intiżi li jipprovaw il-lakuni fl-informazzjoni miżmuma mill-Kummissjoni fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, lakuni li setgħu jiġu rrimedjati biss bil-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali.

92.

Qabel kollox, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-legalità ta’ deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet, ibbażata fuq l-Artikolu 4(3) tar-Regolament 2015/1589 ( 49 ), tiddependi mill-kwistjoni dwar jekk l-evalwazzjoni tal-informazzjoni u tal-elementi li l-Kummissjoni kellha għad-dispożizzjoni tagħha, fil-mument tal-fażi preliminari tal-eżami tal-miżura nnotifikata, kellhiex oġġettivament tqajjem dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ din il-miżura mas-suq intern. L-eżistenza ta’ dubji dwar din il-kompatibbiltà hija għalhekk il-prova li għandha tiġi prodotta sabiex jintwera li l-Kummissjoni kienet obbligata tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(2) TFUE. Din il-prova, li għandha titfittex kemm fiċ-ċirkustanzi tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet kif ukoll fil-kontenut ta’ din id-deċiżjoni, għandha tiġi prodotta mill-applikant għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni, fuq il-bażi ta’ sensiela ta’ indizji konkordanti ( 50 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat f’dan ir-rigward li ma jikkostitwixxux, weħidhom, indizji ta’ diffikultajiet serji tant li kienu jeħtieġu l-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali n-natura sinjifikattiva tal-għajnuna mogħtija b’applikazzjoni tal-miżura inkwistjoni kif ukoll il-kumplessità u n-novità ta’ din il-miżura ( 51 ).

93.

Fil-kawża ineżami, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, fl-ewwel tliet motivi r-rikorrenti invokat serje ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni li jivvizzjaw, fil-fehma tagħha, l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura kontenzjuża mas-suq intern. Permezz tar-raba’ motiv, hija invokat in-natura inkompleta u insuffiċjenti tal-eżami mwettaq mill-Kummissjoni u sostniet li r-riżultat tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ din il-miżura kien ikun differenti fi tmiem proċedura ta’ investigazzjoni formali. F’dan il-kuntest, fl-ewwel lok, b’riferiment għall-argumenti żviluppati fl-ewwel u fit-tieni motivi, Ryanair sostniet li d-deċiżjoni kkontestata kien fiha diversi lakuni, b’mod partikolari, in-nuqqas ta’ evalwazzjoni preċiża tal-ammont tal-għajnuna u tat-telf imġarrab minn SAS, in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-vantaġġ kompetittiv li hija bbenefikat minnha u tal-kontribuzzjoni tal-kumpanniji tal-ajru l-oħra għall-konnettività tal-Isvezja, kif ukoll l-insuffiċjenza tal-analiżi tal-kompatibbiltà tal-miżura kontenzjuża mal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u tal-libertà ta’ stabbiliment. Fit-tieni lok, Ryanair sostniet li l-emerġenza maħluqa mill-pandemija ma kinitx teżenta lill-Kummissjoni mill-obbligu tagħha li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fil-każ ta’ diffikultajiet serji fl-evalwazzjoni tal-għajnuna. Fl-aħħar nett, dejjem b’riferiment għall-ewwel tliet motivi, Ryanair allegat li kull wieħed mill-ilmenti mressqa fil-kuntest ta’ dawn il-motivi, li għalihom hija setgħet tipprovdi informazzjoni deċiżiva fil-kuntest ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali, kienu jkunu biżżejjed, fil-każ ta’ ftuħ ta’ tali proċedura, sabiex jippermettu lill-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura kontenzjuża hija inkompatibbli.

94.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali ġustament ikkunsidrat li l-argumenti mqajma minn Ryanair fil-kuntest tar-raba’ motiv kienu nieqsa minn awtonomija proprja. Fil-fatt, kif irrileva l-Gvern Franċiż, jeżisti paralleliżmu evidenti bejn l-imsemmija argumenti u dawk imqajma fil-kuntest tal-ewwel tliet motivi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ma kinitx obbligata teżamina separatament l-ilmenti mqajma fl-ewwel tliet motivi u dawk, identiċi, imqajma fil-kuntest tar-raba’ motiv, iżda setgħet tikkunsidra l-eżami tat-tieni grupp bħala assorbit f’dak tal-ewwel. Kif irrilevat mill-Gvern Franċiż, is-sentenza tat‑2 ta’ April 2009, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il‑Kummissjoni ( 52 ), li għaliha tirreferi l-appellanti, ma hijiex kuntrarja għal tali approċċ. Għall-kuntrarju, fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kienet eżaminat flimkien iż-żewġ motivi fuq il-mertu mqajma fir-rikors, relatati rispettivament mal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji u l-korrettezza tal-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni ( 53 ), billi eskludiet lil tal-ewwel wara li kkonstatat l-assenza ta’ elementi ta’ natura li jikkontestaw il-fondatezza tat-tieni ( 54 ), mingħajr dan l-approċċ ma rċieva fl-ilment tal-Qorti tal-Ġustizzja.

95.

F’dan il-kuntest, ir-riferiment, magħmul mill-appellanti għall-konstatazzjoni li tinsab fil-punt 49 tas-sentenza appellata, li skontha l-metodu ddefinit mill-Kummissjoni ma jippermettix li jiġi evitat kompletament li l-evalwazzjoni tal-imsemmi dannu tinkludi wkoll il-konsegwenzi tad-deċiżjonijiet meħuda minn SAS mingħajr rabta diretta mal-pandemija tal-COVID‑19 huwa irrilevanti, peress li fir-rigward tal-kuntest li fih hija tinsab u tal-evalwazzjonijiet kollha magħmula mill-Qorti Ġenerali, tali konstatazzjoni ma tippermettix li jiġi kkunsidrat li, minħabba dan tal-aħħar, il-Kummissjoni kellha diffikultajiet serji tant li ma jippermettux li tiġi eskluża l-eżistenza ta’ riskju konkret ta’ kumpens żejjed u li tiġi ddubidata l-kumpatibbiltà tal-miżura kontenzjuża mas-suq intern ( 55 ). L-istess jgħodd għal dak li jikkonċerna l-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar in-nuqqas ta’ prova tal-effett dissważiv tal-miżura kontenzjuża fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-libertà ta’ stabbiliment. Fl-aħħar nett, fir-rigward tar-riferiment magħmul mill-appellanti għall-kwistjoni, li hija tikklassifika bħala mingħajr preċedent, tal-applikazzjoni konkomitanti ta’ miżuri skont l-Artikolu 107(2)(b) TFUE u tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, nirrileva, minn naħa, li, kif ġie rrilevat fil-punt 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet, id-deċiżjoni kkontestata eskludiet fi kwalunkwe każ akkumulazzjoni ta’ għajnuna mogħtija skont dawn id-dispożizzjonijiet fir-rigward ta’ SAS u, min-naħa l-oħra, li, kif fakkart iktar ’il fuq, in-novità tal-miżura inkwistjoni ma tikkostitwixxix, madankollu, minnha nnifisha, indizju ta’ diffikultajiet serji tant li jkun meħtieġ il-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali.

96.

Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jiena tal-fehma li l-ħames aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

F.   Fuq is-sitt aggravju

97.

Permezz tas-sitt aggravju tagħha, dirett kontra l-punti 105 sa 116 tas-sentenza appellata, Ryanair tilmenta minn żball ta’ liġi u żnaturament manifest tal-fatti li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet meta ċaħdet il-ħames rikors tagħha bbażat fuq ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE. Minn naħa, skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni meta kkunsidrat li l-kuntest fattwali marbut mal-pandemija ta’ COVID‑19 kellu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata n-natura adegwata u suffiċjenti tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Min-naħa l-oħra, hija ssostni li l-osservanza tal-garanziji bħad-dritt għal deċiżjoni suffiċjentement motivata hija iktar u iktar importanti meta l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkollhom, bħal fil-kawża ineżami, setgħa diskrezzjonali wiesgħa.

98.

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, imfakkra mill-Qorti Ġenerali fil-punt 105 tas-sentenza appellata, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni li tkun adottat dan l-att b’mod illi jippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u li jippermetti lill-qorti li jkollha ġurisdizzjoni tagħmel l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-kawża, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jistgħu jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-formulazzjoni tiegħu, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat ( 56 ). Huwa fuq il-bażi ta’ dawn il-prinċipji li għandhom jiġi eżaminati l-ilmenti mressqa mill-appellanti.

99.

Fir-rigward tal-ewwel wieħed minn dawn l-ilmenti, jidhirli li huwa evidenti li r-riferiment magħmul mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-kuntest li fih jidħol l-att, anki jekk jitqies li dan għandu jiġi kkunsidrat bħala li jinkludi wkoll elementi li huma ta’ natura purament fattwali, ma jistax madankollu jinqara fis-sens li riferiment għal dan il-kuntest jippermetti li jitnaqqas l-istandard ta’ motivazzjoni impost fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni skont l-Artikolu 296 TFUE kif interpretat mill-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq. Minn dan isegwi li Ryanair kellha raġun tilmenta minn ksur ta’ din id-dispożizzjoni kieku, kif issostni l-appellanti, il-Qorti Ġenerali kienet, fis-sentenza appellata, iġġustifikat nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata billi rreferiet għall-emerġenza maħluqa mill-pandemija ta’ COVID‑19.

100.

Madankollu, kif irrilevaw korrettement kemm il-Gvern Franċiż kif ukoll il-Kummissjoni, ma jista’ jinstab fl-ebda parti tal-motivi ta’ din is-sentenza ddedikati għall-eżami tal-ħames motiv kwalunkwe riferiment għall-kriżi kkawżata mill-pandemija ta’ COVID‑19 bħala element tal-kuntest li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-adegwatezza u s-suffiċjenza tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt preċedenti. Għaldaqstant l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

101.

Fir-rigward tat-tieni lment, l-eżami tal-motivi tas-sentenza appellata ma jippermettix li jiġi kkonstatat ksur tal-Artikolu 296 TFUE mill-Qorti Ġenerali fid-dawl, b’mod partikolari, tan-natura tal-att inkwistjoni, jiġifieri deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet skont l-Artikolu 108(3) TFUE. F’dan ir-rigward, infakkar, kif ukoll għamlet il-Qorti Ġenerali fil-punti 106 u 107 tas-sentenza appellata, li l-Qorti Ġenerali diġà kellha okkażjoni tispeċifika li tali deċiżjoni, li tittieħed fi żmien qasir, għandha tinkludi unikament ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni tqis li quddiemha ma hemmx diffikultajiet serji ta’ evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna kkonċernata mas-suq intern u li anki motivazzjoni fil-qosor ta’ din id-deċiżjoni għandha titqies bħala suffiċjenti jekk hija madankollu turi b’mod ċar u inekwivokabbli r-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni qieset li quddiemha ma hemmx tali diffikultajiet ( 57 ). Fil-kawża ineżami, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 108 sa 114 tas-sentenza appellata, in-nuqqasijiet differenti ta’ motivazzjoni lmentati minn Ryanair fir-rikors tagħha – relatati man-nuqqas ta’ evalwazzjoni tal-konformità tal-għajnuna mal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament, il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, in-nuqqas ta’ evalwazzjoni tal-vantaġġ kompetittiv mogħti lil SAS, in-nuqqas ta’ evalwazzjoni tal-metodu ta’ kalkolu tad-dannu u tal-ammont tal-għajnuna u n-nuqqas ta’ preċiżazzjonijiet dwar ir-raġunijiet għaliex SAS hija allegatament ittrattata b’mod differenti mill-kumpanniji tal-ajru Svediżi l-oħra li sostnew danni minħabba l-pandemija ta’ COVID‑19 – billi ġġudikat li ma jeżistux u billi kkonkludiet, fil-punt 115 ta’ din is-sentenza, li d-deċiżjoni kkontestata kienet immotivata b’mod suffiċjenti. Issa, kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellanti, dan l-eżami ma huwa vvizzjat bl-ebda żball fir-rigward tal-livell ta’ motivazzjoni meħtieġ fir-rigward tal-att inkwistjoni u l-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-adegwatezza tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, nirrileva li diversi lmenti mqajma minn Ryanair fil-kuntest tal-ħames motiv, u mtennija fis-sitt aggravju, fir-realtà huma intiżi sabiex jikkritikaw lill-Kummissjoni fuq nuqqas reali ta’ eżami iktar milli nuqqas ta’ motivazzjoni. Ir-risposta għal dawn l-ilmenti tinsab għalhekk f’siltiet tas-sentenza appellata dwar l-eżami tal-ewwel tliet aggravji pjuttost milli fil-punti 108 sa 114 ta’ din is-sentenza dwar il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

102.

Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, is-sitt aggravju għandu, fil-fehma tiegħi, jiġi miċħud bħala infondat.

G.   Konklużjonijiet fuq l-appell

103.

Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, l-aggravji kollha u, għaldaqstant, l-appell kollu kemm hu għandhom, fil-fehma tiegħi, jiġu miċħuda.

IV. Konklużjoni

104.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell. Skont l-Artikolu 184(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, nipproponi wkoll lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkundanna lil Ryanair għall-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni u minn SAS u li tiddikjara li r-Repubblika Franċiża u r-Renju tal-Isvezja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.


( 1 ) Lingwa oriġinali: it-Taljan.

( 2 ) IP/20/459, aċċessibbli fuq l-indirizz tal-internet https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/ip_20_459

( 3 ) ĠU 2020, C 91 I, p. 1.

( 4 ) Skont l-Artikolu 107(2)(b) TFUE, “[i]t-tipi ta’ għajnuna li ġejjin ikunu kompatibbli mas-suq intern […] kull għajnuna mogħtija sabiex tirrimedja għall-ħsara kkawżata minn diżastri naturali jew avvenimenti oħra straordinarji”.

( 5 ) Skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE, “[i]t-tipi ta’ għajnuna li ġejjin jistgħu jkunu kunsidrati bħala kompatibbli mas-suq intern […] għajnuna maħsuba sabiex tippromwovi l-eżekuzzjoni ta’ proġetti fuq skala kbira ta’ interess komuni Ewropew, jew sabiex tirrimedja taħwid serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru”.

( 6 ) Dawn huma s-sentenzi tad‑19 ta’ Mejju 2021, Ryanair vs Il‑Kummissjoni (KLM; Covid‑19) (T‑643/20, EU:T:2021:286), tad‑19 ta’ Mejju 2021, Ryanair vs Il‑Kummissjoni (TAP; Covid‑19) (T‑465/20, EU:T:2021:284) u tad‑9 ta’ Ġunju 2021, Ryanair vs Il‑Kummissjoni (Condor; Covid‑19) (T‑665/20, EU:T:2021:344).

( 7 ) T‑379/20, EU:T:2021:195.

( 8 ) Deċiżjoni dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.57061 (2020/N) – L-Isvezja – COVID‑19: Kumpens għad-dannu kkawżat lil Scandinavian Airlines mill-pandemija ta’ COVID‑19

( 9 ) Deċiżjoni C(2020) 2366 finali dwar l-għajnuna mill-Istat SA.56812 (2020/N) – L-Isvezja – COVID‑19: skema ta’ garanziji għal self lill-kumpanniji tal-ajru.

( 10 ) Nosserva li, għalkemm dawn il-konklużjonijiet jirrigwardaw biss il-Kawża C‑320/21 P, l-aggravji mqajma minn Ryanair fil-Kawża C‑321/21 P huma essenzjalment identiċi.

( 11 ) Disponibbli fuq l-indirizz elettroniku li ġej: https://ec.europa.eu/competition/state_aid/studies_reports/disaster_aid_checklist_it.pdf..

( 12 ) Disponibbli fuq l-indirizz elettroniku li ġej: Notification_template_107_2_b_PUBLICATION.pdf (europa.eu).

( 13 ) Ara, inter alia, dwar l-Artikolu 92(2)(b), tat-Trattat, is-sentenza tat‑23 ta’ Frar 2006, Atzeni et (C‑346/03 u C‑529/03, EU:C:2006:130, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 14 ) Sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2011, Comitato Venezia vuole vivereet vs Il‑Kummissjoni (C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368, punt 175 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 15 ) Fil-kawża ineżami, nirrileva li jekk il-miżura kontenzjuża ma ġietx adottata fil-kuntest ta’ skema ta’ għajnuna, madankollu jirriżulta kemm mid-deċiżjoni kkontestata (premessa 6) kif ukoll mis-sentenza appellata (punt 88) li din taqa’ f’kuntest ġuridiku nazzjonali li, taħt ċerti kundizzjonijiet, jirrendi aċċessibbli miżuri analogi għall-kumpanniji tal-ajru kollha ammessi għall-benefiċċju tal-iskema ta’ għajnuna Svediża. Għaldaqstant teżisti mill-inqas rabta indiretta bejn din is-sistema u l-miżura kontenzjuża.

( 16 ) Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 1980, Philip Morris Holland vs Il‑Kummissjoni (730/79, EU:C:1980:209, punt 17). F’dan ir-rigward, għandu jiġi ċċarat li l-konstatazzjoni mill-Kummissjoni tan-natura mhux arbitrarja tal-għażla tal-benefiċjarju ta’ għajnuna individwali adottata skont l-Artikolu 107(2) TFUE ma twassalx għall-eżerċizzju ta’ setgħa diskrezzjonali min-naħa ta’ din l-istituzzjoni, iżda tibqa’ fil-limiti ta’ operazzjoni ta’ klassifikazzjoni ġuridika.

( 17 ) Bħall-iskema ta’ għajnuna Svediża, il-miżura kontenzjuża kienet tipprevedi garanzija bankarja favur SAS li ma taqbiżx SEK 1.5 biljun.

( 18 ) C‑73/03, mhux ippubblikata, EU:C:2004:711, iktar ’il quddiem is-“sentenza Spanja vs Il‑Kummissjoni”.

( 19 ) Sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2011, Comitato Venezia vuole vivereet vs Il‑Kummissjoni (C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368, punt 175 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 20 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Frar 2006, Atzeni et (C‑346/03 u C‑529/03, EU:C:2006:130, punt 79).

( 21 ) Ara s-sentenza tat‑28 ta’ April 2022, Changmao Biochemical Engineering vs Il‑Kummissjoni (C‑666/19 P, EU:C:2022:323, punt 7374 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 22 ) Approvata mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA fit‑30 ta’ Marzu 2020 fuq il-bażi tal-Artikolu 61(3)(b) tal-Ftehim ŻEE li jikkorrispondi għall-Artikolu 107(3)(b) TFUE (iktar ’il quddiem l-“iskema ta’ għajnuna Norveġiża”).

( 23 ) C‑164/15 P u C‑165/15 P, EU:C:2016:990, punt 92.

( 24 ) Huwa b’riferiment għall-korrispondenza neċessarja bejn il-kumpens u t-telf imġarrab u għar-rabta kawżali bejniethom u l-avveniment straordinarju fis-sens tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE li, fit-tieni parti tat-tieni aggravju, Ryanair titkellem dwar “proporzjonalità tal-għajnuna”.

( 25 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża li tat lok għas-sentenza Aer Lingus (C‑164/15 P u C‑165/15 P, EU:C:2016:515, punt 62).

( 26 ) ĠU 2008, C 155, p. 10, iktar ’il quddiem l-“Avviż tal‑2008.”

( 27 ) Ara l-punt 4.2 tal-Avviż tal‑2008.

( 28 ) C‑628/11, EU:C:2014:171, punt 68, iktar ’il quddiem is-sentenza “International Jet Management”.

( 29 ) Ara s-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2022, ADPA u Gesamtverband Autoteile-Handel (C‑390/21, EU:C:2022:837, punt 41).

( 30 ) Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2022, Contship Italia (C‑433/21 u C‑434/21, EU:C:2022:760, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 31 ) Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, The Department for Communities in Northern Ireland (C‑709/20, EU:C:2021:602, punt 65).

( 32 ) Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2019, L‑Awstrija vs Il‑Ġermanja (C‑591/17, EU:C:2019:504, punt 40).

( 33 ) Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Jobcenter Krefeld (C‑181/19, EU:C:2020:794, punt 78).

( 34 ) Ara s-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2020, Tesco-Global Áruházak (C‑323/18, EU:C:2020:140, punt 55).

( 35 ) Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2019, L‑Awstrija vs Il‑Ġermanja (C‑591/17, EU:C:2019:504, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 36 ) Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2021, Autoridade Tributária e Aduaneira (Taxxa fuq il-qligħ kapitali minn proprjetà immobbli) (C‑388/19, EU:C:2021:212, punt 21).

( 37 ) Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, TÜV Rheinland LGA Products u Allianz IARD (C‑581/18, EU:C:2020:453, punti 3133 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 38 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi magħquda World Duty Free Group u Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑51/19 P u C‑64/19 P, EU:C:2021:51, punt 17).

( 39 ) Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2022, Fiat Chrysler Finance Europe vs Il‑Kummissjoni (C‑885/19 P u C‑898/19 P, EU:C:2022:859, punt 67).

( 40 ) Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 1977, Iannelli & Volpi (74/76, EU:C:1977:51, punt 15, iktar ’il quddiem is-“sentenza Iannelli & Volpi”).

( 41 ) Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, World Duty Free Group u Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑51/19 P u C‑64/19 P, EU:C:2021:793, punt 70).

( 42 ) Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, World Duty Free Group u Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑51/19 P u C‑64/19 P, EU:C:2021:793, punt 71).

( 43 ) Ara l-punti 82 u 83 tas-sentenza appellata.

( 44 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2022, Laboratoire Pareva vs Il‑Kummissjoni (C‑702/21 P, mhux ippubblikata, EU:C:2022:870, punt 52).

( 45 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Ġunju 2015, Il‑Kummissjoni vs MOL (C‑15/14 P, EU:C:2015:362, punt 59), u tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni (C‑270/15 P, EU:C:2016:489, punt 48).

( 46 ) Ara, f’dan is-sens, fil-qasam tal-moviment liberu tal-merkanzija, is-sentenza Iannelli & Volpi, punt 15.

( 47 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza Iannelli & Volpi, punt 10.

( 48 ) Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2003, Stylianakis (C‑92/01, EU:C:2003:72, punti 25 u minn 23 sa 29). Nenfasizza li, fil-kawża ineżami, il-kwistjoni ta’ ksur eventwali tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat fil-qasam tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi tqum biss fir-rigward tal-miżura kontenzjuża kkunsidrata waħedha u għalhekk indipendentement mill-iskema ta’ għajnuna Svediża.

( 49 ) Regolament tal-Kunsill (UE) tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (kodifikazzjoni) (ĠU 2015, L 248, p. 9).

( 50 ) Ara s-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Tempus Energy u Tempus Energy Technology (C‑57/19 P, EU:C:2021:663, punti 3840).

( 51 ) Sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Tempus Energy u Tempus Energy Technology (C‑57/19 P, EU:C:2021:663, punt 64).

( 52 ) C‑431/07 P, EU:C:2009:223, punt 66.

( 53 ) Ara s-sentenza tat‑2 ta’ April 2009, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il‑Kummissjoni, C‑431/07 P, EU:C:2009:223, punt 67.

( 54 ) Ara s-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2007, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il‑Kummissjoni, (T‑475/04, EU:T:2007:196, punti 126, 155156).

( 55 ) Ara l-punt 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 56 ) Sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs Hubei Xinyegang Special Tube (C‑891/19 P, EU:C:2022:38, punti 8788).

( 57 ) Ara s-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Tempus Energy u Tempus Energy Technology (C‑57/19 P, EU:C:2021:663, punt 199).