KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

EMILIOU

ippreżentati fil‑15 ta’ Settembru 2022 ( 1 )

Kawża C‑292/21

Administración General del Estado,

Confederación Nacional de Autoescuelas (CNAE),

UTE CNAE-ITT-FORMASTER-ECT

vs

Asociación Unión para la Defensa de los Intereses Comunes de las Autoescuelas (AUDICA),

Ministerio Fiscal

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Suq intern – Direttiva 2006/123/KE – Korsijiet għal sensibilizzazzjoni u taħriġ dwar is-sigurtà fit-toroq għall-irkupru ta’ punti ta’ liċenzji tas-sewqan – Artikolu 2(2)(d) – Kamp ta’ applikazzjoni – Esklużjoni – “Servizzi fil-qasam tat-trasport” – Libertà ta’ stabbiliment – Konċessjonijiet ta’ servizz pubbliku – Kundizzjonijiet għall-għoti tal-konċessjoni ta’ servizz pubbliku – Artikolu 15 – Servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali – Proporzjonalità – Rekwiżiti nazzjonali li jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkiseb l-għan imfittex”

I. Introduzzjoni

1.

Permezz ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) tistaqsi dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ miżura nazzjonali li permezz tagħha l-kuntratti dwar il-provvista ta’ korsijiet għal sensibilizzazzjoni u taħriġ dwar is-sigurtà fit-toroq maħsuba sabiex jippermettu lis-sewwieqa jirkupraw punti fuq il-liċenzja tas-sewqan tagħhom għandhom jingħataw bħala konċessjonijiet ta’ servizz pubbliku. Hija disponibbli konċessjoni ta’ servizz pubbliku waħda biss f’kull waħda mill-ħames żoni ġeografiċi ddelimitati għal dan l-għan fit-territorju nazzjonali (bl-eċċezzjoni ta’ żewġ reġjuni, Cataluña u l-País Vasco, li huma suġġetti għal sistema differenti. Il-konċessjonarju rebbieħ għal kull żona huwa l-unika entità awtorizzata sabiex tipprovdi tali korsijiet fiż-żona korrispondenti.

2.

It-tilwima li tinsab quddiem din il-qorti tirrigwarda, essenzjalment, jekk tali miżura tmurx kontra d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar is-Servizzi ( 2 ), li tistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali li jiffaċilitaw l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali protetti mill-Artikolu 49 TFUE (libertà ta’ stabbiliment) u l-Artikolu 56 TFUE (moviment liberu tas-servizzi) ( 3 ). Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu, l-ewwel, jiġi ddeterminat jekk din id-direttiva tapplikax għall-kawża ineżami.

3.

Fil-qosor, għar-raġunijiet mogħtija iktar ’il quddiem, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fl-affermattiv għal din id-domanda preliminari. Madankollu, jiena nissuspetta li l-miżura nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirrestrinġi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi b’mod li ma tosservax kompletament ir-rekwiżiti ta’ din id-direttiva.

II. Il‑kuntest ġuridiku

A.   Id‑dritt tal‑Unjoni

1. Id‑Direttiva dwar is‑Servizzi

4.

Il-premessa 17 tad-Direttiva dwar is-Servizzi tistabbilixxi, essenzjalment, li s-servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali (SIEĠ) jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva sakemm ma jkunux servizzi fil-qasam tat-trasport.

5.

Il-premessa 40 tad-Direttiva dwar is-Servizzi tispjega li l-kunċett ta’ “raġunijiet aktar importanti li għandhom x’jaqsmu ma’ l-interess pubbliku” li għalih isir riferiment, inter alia, fl-Artikolu 15(3) ta’ din id-direttiva, “ġie żviluppat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha dwar l-[Artikoli 49 u 56 TFUE] u jista’ jkompli jevolvi”. Dan il-kunċett ikopri ċertu numru ta’ raġunijiet, fosthom is-sigurtà fit-toroq.

6.

L-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar is-Servizzi, intitolat “Kamp ta’ Applikazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li din id-direttiva tapplika għal servizzi pprovduti mill-fornituri stabbiliti fi Stat Membru, suġġett għal ċerti eċċezzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(2) tad-direttiva. Skont l-Artikolu 2(2)(d) ta’ din id-direttiva, hija ma tapplikax, għas-“servizzi fil-qasam tat-trasport [...] li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-[Titolu VI TFUE]”.

7.

L-Artikolu 15 tad-Direttiva dwar is-Servizzi, intitolat “Rekwiżiti li għandhom jiġu evalwati”, jipprevedi s-segwenti:

“1.   L-Istati Membri għandhom jeżaminaw jekk, taħt is-sistema legali tagħhom, kwalunkwe mir-rekwiżiti elenkati fil-paragafu 2 huma imposti u għandhom jiżguraw li tali rekwiżiti huma kompatibbli mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3. L-Istati Membri għandhom jaddattaw il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi tagħhom sabiex jagħmluhom kompatibbli ma’ dawk il-kondizzjonijiet.

2.   L-Istati Membri għandhom jeżaminaw jekk is-sistema legali tagħhom tagħmilx l-aċċess għal attività ta’ servizz jew l-eżerċizzju tagħha soġġetta għal konformità ma’ kwalunkwe minn dawn ir-rekwiżiti mhux-diskriminatorji:

(a)

restrizzjonijiet kwantitattivi jew territorjali, b’mod partikolari f’forma ta’ limiti ffissati skond il-popolazzjoni, jew ta’ distanza ġeografika minima bejn il-fornituri;

[…]

(d)

rekwiżiti, għajr dawk li jikkonċernaw kwistjonijiet koperti mid-Direttiva 2005/36/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali (ĠU 2005, L 255, p. 22 u rettifiki fil-ĠU 2007, L 271, p. 18, ĠU 2008, L 93, p. 28, u ĠU 2014, L 305, p. 115)] jew previsti fi strumenti Komunitarji oħrajn, li jirriżervaw l-aċċess għall-attività ta’ servizz ikkonċernata għal fornituri speċifiċi skond in-natura speċifika ta’ l-attività;

[…]

3.   L-Istati Membri għandhom jivverifikaw li r-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 2 jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

non-diskriminazzjoni: ir-rekwiżiti m’għandhomx ikunu diskriminatorji la direttament lanqas indirettament skond in-nazzjonalità jew, fir-rigward ta’ kumpanniji, skond il-post ta’ l-uffiċċju rreġistrat;

(b)

bżonn: ir-rekwiżiti għandhom ikunu ġġustifikati b’raġuni aktar importanti li għandha x’taqsam ma’ l-interess pubbliku;

(ċ)

proporzjonalità: ir-rekwiżiti għandhom ikunu adatti biex jiżguraw li jintlaħaq l-objettiv mixtieq; m’għandhomx imorru lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq dak l-objettiv; u ma għandux ikun possibbli li dawk ir-rekwiżiti jiġu sostitwiti minn miżuri oħrajn, anqas restrittivi li jwasslu għall-istess riżultat.

4.   Il-paragrafi 1, 2 u 3 japplikaw biss għal-leġislazzjoni fil-qasam tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali biss dment li l-applikazzjoni ta’ dawn il-paragrafi ma xxekkilx il-prestazzjoni, fil-liġi jew fil-fatt, tal-kompitu partikolari allokat lilhom.

[…]”

2. Id-Direttiva 2014/23/UE ( 4 )

8.

L-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva 2014/23/UE jiddefinixxi “konċessjoni ta’ servizzi” bħala “kuntratt b’interess pekunjarju konkluż bil-miktub, li permezz tiegħu awtorità kontraenti jew entità kontraenti waħda jew aktar tafda l-forniment u l-ġestjoni ta’ servizzi [...] lil operatur ekonomiku wieħed jew aktar, meta l-konsiderazzjoni għal din tkun tikkonsisti unikament fid-dritt ta’ sfruttament tas-servizzi li huma s-suġġett tal-kuntratt jew f’dak id-dritt flimkien ma’ ħlas”.

9.

L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2014/23, kif applikabbli fiż-żmien rilevanti, kien jipprovdi li d-direttiva “tapplika għal konċessjonijiet li l-valur tagħhom huwa daqs jew aktar minn EUR 5186000”.

B.   Id-dritt nazzjonali

10.

Id-Direttiva dwar is-Servizzi ġiet trasposta fid-dritt Spanjol permezz tal-Ley 17/2009, sobre el libre acceso a las actividades de servicios y su ejercicio (il-Liġi 17/2009 dwar l-Aċċess Liberu għall-Attivitajiet ta’ Servizzi u l-Eżerċizzju Tagħhom), tat‑23 ta’ Novembru 2009 ( 5 ). L-Artikolu 3 ta’ din il-liġi jiddefinixxi l-kunċett ta’ “servizz” bħala “attività ekonomika mhux imħallsa, normalment magħmula għal remunerazzjoni, imsemmija [fl-Artikolu 57 TFUE]”. L-Artikolu 5 ta’ din il-liġi jindika li l-aċċess għal attività ta’ servizz jista’ jkun suġġett għal awtorizzazzjoni meta jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet: dawk tan-nondiskriminazzjoni, tan-neċessità u tal-proporzjonalità.

11.

Skont il-Ley 17/2005, por la que se regula el permiso y la licencia de conducción por puntos y se modifica el texto articulado de la ley sobre tráfico, circulación de vehículos a motor y seguridad vial (il-Liġi 17/2005 li Tirregola l-Liċenzja tas-Sewqan u l-Liċenzja tas-Sewqan bil-Punti u li Temenda l-Liġi dwar it-Traffiku, it-Traffiku tal-Vetturi bil-Mutur u s-Sigurtà fit-Toroq), tad‑19 ta’ Lulju 2005 ( 6 ), il-kuntratt sabiex isiru korsijiet għall-irkupru tal-punti tal-liċenzja tas-sewqan għandu jingħata permezz ta’ konċessjoni ta’ servizz pubbliku, skont il-liġi li tirregola l-kuntratti mogħtija minn awtoritajiet pubbliċi.

12.

L-Orden INT/2596/2005 por la que se regulan los cursos de sensibilización y reeducación vial para los titulares de un permiso o licencia de conducción (id-Digriet INT/2596/2005 dwar il-Korsijiet għal Sensibilizzazzjoni u Taħriġ dwar is-Sigurtá fit-Triq għad-Detenturi tal-Liċenzji tas-Sewqan), tat‑28 ta’ Lulju 2005 ( 7 ), jimplimenta l-Liġi 17/2005. Skont il-punt 12 ta’ dan id-digriet, “[i]l-kontroll u l-ispezzjoni tal-korsijiet għal sensibilizzazzjoni u taħriġ dwar is-sigurtà fit-toroq għandhom jitwettqu konformement mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti fil-kuntratt tal-konċessjoni amministrattiva”.

III. Il‑fatti, il‑proċedura nazzjonali u d‑domanda preliminari

13.

Fl‑2014, id-Dirección General de Tráfico (id-Direttorat Ġenerali tat-Traffiku, Spanja) ħabbar is-sejħa għal offerti “Konċessjoni għall-ġestjoni ta’ korsijiet għal sensibilizzazzjoni u taħriġ dwar is-sigurtà fit-toroq għall-irkupru tal-krediti tal-liċenzja tas-sewqan: ħames lottijiet”. Dawn il-korsijiet kienu maħsuba għas-sewwieqa li tilfu punti fuq il-liċenzji tas-sewqan tagħhom minħabba li kisru r-regoli tat-traffiku.

14.

Għall-finijiet ta’ din is-sejħa għal offerti, it-territorju nazzjonali (barra minn Cataluña u l-País Vasco) ġie maqsum f’ħames żoni li kull waħda minnhom tikkorrispondi għal lott ta’ kuntratt. Kuntratt wieħed biss kien disponibbli għal kull lott u kull kuntratt kellu jingħata bħala konċessjoni ta’ servizz pubbliku. L-offerent rebbieħ għal kull lott isir l-unika entità awtorizzata li tipprovdi l-korsijiet inkwistjoni fiż-żona korrispondenti.

15.

Is-sejħa għal offerti ġiet ikkontestata mill-Asociación Unión para la Defensa de los Intereses Comunes de las Autoescuelas (iktar ’il quddiem l-“AUDICA”) (l-Assoċjazzjoni għall-Protezzjoni tal-Interessi Komuni tal-Iskejjel tas-Sewqan (AUDICA), Spanja) quddiem it-Tribunal Administrativo Central de Recursos Contractuales (il-Qorti Amministrattiva Ċentrali tal-Appelli Kuntrattwali, Spanja). L-AUDICA sostniet li l-fatt li l-kuntratti kellhom ikunu konċessjonijiet ta’ servizz pubbliku kien imur kontra l-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

16.

L-Abogado del Estado (l-Avukat tal-Istat, Spanja), f’isem id-Direttorat Ġenerali tat-Traffiku, deher fil-proċedura bħala konvenut, l-istess bħall-konsorzju kompost mill-Confederación Nacional de Autoescuelas (iktar ’il quddiem iċ-“CNAE”) u minn tliet entitajiet oħra (FORMASTER, ECT u ITT) bħala kokonvenut (iktar ’il quddiem il-“konsorzju” jew iċ-“CNAE et”). Il-konsorzju kien rebbieħ fis-sejħa għal offerti.

17.

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Jannar 2015, it-Tribunal Administrativo Central de Recursos Contractuales (il-Qorti Amministrattiva Ċentrali tal-Appelli Kuntrattwali) ċaħdet ir-rikors tal-AUDICA. L-AUDICA appellat minn din id-deċiżjoni quddiem is-Sezzjoni tal-Proċeduri Amministrattivi Kontenzjużi tal-Audiencia Nacional (il-Qorti Nazzjonali l-Għolja, Spanja).

18.

Permezz ta’ sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2018, is-Sezzjoni tal-Proċeduri Amministrattivi Kontenzjużi tal-Audiencia Nacional (il-Qorti Nazzjonali l-Għolja) laqgħet l-appell tal-AUDICA u annullat kemm id-deċiżjoni tat-Tribunal Administrativo Central de Recursos Contractuales (il-Qorti Amministrattiva Ċentrali tal-Appelli Kuntrattwali) kif ukoll is-sejħa għal offerti. Hija ddeċidiet li l-provvista tal-korsijiet inkwistjoni kellha l-karatteristiċi ta’ servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali (SIEĠ), fis-sens tal-Artikolu 14 TFUE ( 8 ). Barra minn hekk, hija ddeċidiet li r-rekwiżit li dawn il-korsijiet jiġu pprovduti bħala konċessjonijiet ta’ servizz pubbliku kien eċċessiv u mingħajr ġustifikazzjoni, peress li kienu jeżistu metodi oħra li jippermettu lill-awtoritajiet amministrattivi jilħqu l-għanijiet iddikjarati tagħhom mingħajr ma jirrestrinġu indebitament il-kompetizzjoni bejn fornituri potenzjali tas-servizz.

19.

Il-Kunsillier għall-Istat u l-konsorzju appellaw mis-sentenza tas-Sezzjoni tal-Proċeduri Amministrattivi Kontenzjużi tal-Audiencia Nacional (il-Qorti Nazzjonali l-Għolja) quddiem it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema). Din il-qorti, billi kellha dubji dwar l-interpretazzjoni ta’ diversi dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Ir-regola nazzjonali li l-għoti tal-korsijiet għal sensibilizzazzjoni u edukazzjoni mill-ġdid dwar it-traffiku għall-irkupru ta’ punti ta’ liċenzji għandu jsir permezz ta’ konċessjoni ta’ servizz pubbliku hija kompatibbli mad-[Direttiva dwar is-Servizzi] – jew, skont il-każ, ma’ regoli jew prinċipji oħrajn tad-dritt tal-Unjoni?”

20.

F’dawn il-proċeduri, ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub miċ-CNAE et, mill-AUDICA, mill-Gvernijiet tar-Repubblika Ċeka, ta’ Spanja u tal-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Dawn il-partijiet, bl-eċċezzjoni tal-Gvern Ċek, ippreżentaw ukoll argumenti orali fis-seduta li nżammet fl‑1 ta’ Ġunju 2022.

IV. Analiżi

21.

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk miżura li permezz tagħha l-kuntratti għall-provvista ta’ korsijiet għal sensibilizzazzjoni u taħriġ dwar is-sigurtà fit-toroq għas-sewwieqa li jkunu tilfu punti fuq il-liċenzja tas-sewqan tagħhom minħabba ksur tar-regoli tat-traffiku għandhomx jingħataw bħala konċessjonijiet ta’ servizz pubbliku, b’konċessjonarju wieħed biss li jkollu l-permess li jipprovdi tali korsijiet f’kull waħda mill-ħames żoni ġeografiċi tat-territorju nazzjonali li kienu ġew preċedentement iddelimitati (mhux inklużi Cataluña u l-País Vasco), hijiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar is-Servizzi.

22.

Kif indikajt fil-punt 2 iktar ’il fuq, id-Direttiva dwar is-Servizzi tistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali li jiffaċilitaw l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali li huma protetti mill-Artikoli 49 u 56 TFUE. Dawn iż-żewġ libertajiet jirrigwardaw aspetti differenti tal-eżerċizzju ta’ attività ekonomika. Il-libertà ta’ stabbiliment, kif iddefinita fl-Artikolu 49 TFUE, tapplika meta operatur attwalment ikollu l-intenzjoni li jeżerċita l-attività ekonomika tiegħu permezz ta’ arranġament stabbli u għal żmien indeterminat, filwaqt li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi prevista fl-Artikolu 56 TFUE tkopri s-servizzi kollha li ma humiex offruti fuq tali bażi stabbli u kontinwa minn bażi stabbilita fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni ( 9 ). F’dan il-kuntest, il-Kapitolu III tad-Direttiva dwar is-Servizzi (Artikoli 9 sa 15) jirrigwarda l-libertà ta’ stabbiliment, filwaqt li l-Kapitolu IV (Artikoli 16 sa 21) ta’ din id-direttiva jirrigwarda l-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

23.

Qabel kollox, jidhirli li huwa ċar li attività bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li hija “servizz” fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar is-Servizzi ( 10 ), tirrigwarda arranġament stabbli u li hija intiża sabiex tiġi eżerċitata għal żmien indeterminat. Għalhekk, il-kompatibbiltà tal-miżura nazzjonali inkwistjoni mad-dritt tal-Unjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl tar-regoli dwar il-libertà ta’ stabbiliment (Kapitolu III tad-Direttiva dwar is-Servizzi), pjuttost milli dawk dwar il-moviment liberu tas-servizzi (Kapitolu IV ta’ din id-direttiva), jekk jiġi stabbilit li din id-direttiva hija applikabbli għall-kawża ineżami ( 11 ).

24.

F’dan ir-rigward, inżid li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, miżura nazzjonali f’qasam li kien is-suġġett ta’ armonizzazzjoni kompleta fil-livell tal-Unjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ din il-miżura ta’ armonizzazzjoni, u mhux fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju ( 12 ). Sa fejn huwa kkonċernat il-Kapitolu III tad-Direttiva dwar is-Servizzi, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikoli 9 sa 14 tagħha jwettqu armonizzazzjoni eżawrjenti għal dak li jirrigwarda s-servizzi li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom ( 13 ). Fil-fehma tiegħi, l-istess japplika għall-Artikolu 15 li wkoll jifforma parti minn dan il-kapitolu ( 14 ). Għaldaqstant, jekk jiġi stabbilit li d-Direttiva dwar is-Servizzi tapplika fil-kawża ineżami, huwa biżżejjed, fil-fehma tiegħi, li l-kompatibbiltà tal-miżura nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tiġi evalwata esklużivament fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, mingħajr ma jkun neċessarju li l-kwistjoni tiġi analizzata wkoll fid-dawl tal-Artikolu 49 TFUE ( 15 ).

25.

Dan premess, ninnota li l-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar żewġ aspetti relatati ma’ jekk id-Direttiva dwar is-Servizzi u, b’mod partikolari, l-Artikoli 9 sa 13 tagħha, japplikawx għall-kawża ineżami ( 16 ).

26.

L-ewwel, hija tixtieq li l-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża jekk il-provvista tal-korsijiet inkwistjoni, minkejja li tikkostitwixxi “servizz”, hijiex madankollu eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din id-direttiva, minħabba li taqa’ fi ħdan il-kategorija ta’ “servizzi fil-qasam tat-trasport”, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva dwar is-Servizzi, bir-riżultat li l-kompatibbiltà tal-miżura nazzjonali inkwistjoni għandha tiġi evalwata esklużivament fid-dawl tal-Artikolu 49 TFUE (u d-Direttiva dwar is-Servizzi, inkluż il-Kapitolu III tiegħu, ma hijiex applikabbli in casu) ( 17 ).

27.

It-tieni, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, anke kieku kien stabbilit li l-provvista ta’ korsijiet inkwistjoni ma hijiex “servizz fil-qasam tat-trasport”, il-fatt li l-kuntratti għall-provvista ta’ tali korsijiet huma organizzati bħala konċessjonijiet ta’ servizz pubbliku għandu jwassal għall-esklużjoni tagħhom minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar is-Servizzi, b’mod partikolari l-Artikoli 9 sa 13 tagħha. Il-konċessjonijiet ta’ servizz pubbliku ma humiex elenkati fost l-esklużjonijiet inklużi fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva dwar is-Servizzi. Madankollu, il-premessa 57 ta’ din id-direttiva tgħid, essenzjalment, li d-dispożizzjonijiet relatati mal-iskemi ta’ awtorizzazzjoni (jiġifieri l-Artikoli 9 sa 13 tagħha) ma “jikkonċernawx” il-konklużjoni ta’ kuntratti għal servizzi li huma diġà suġġetti għar-regoli tal-kuntratti pubbliċi li jinsabu fi strumenti sekondarji oħra tad-dritt tal-Unjoni bħad-Direttiva 2014/23.

28.

Fit-taqsima segwenti, ser nikkunsidra kull waħda minn dawn iż-żewġ kwistjonijiet wara xulxin (A). Ser nispjega għaliex nikkunsidra li d-Direttiva dwar is-Servizzi, inklużi l-Artikoli 9 sa 13 tagħha, tapplika fil-kawża ineżami. Imbagħad ser nindika r-raġunijiet li jwassluni sabiex nemmen li miżura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija inkompatibbli mar-rekwiżiti stabbiliti fil-Kapitolu III (libertà tal-istabbiliment) ta’ din id-direttiva (B).

A.   Fuq l‑applikabbiltà tad‑Direttiva dwar is‑Servizzi

1. L‑esklużjoni relatata mas‑“servizzi fil-qasam tat-trasport”

29.

L-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva dwar is-Servizzi jipprevedi li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din id-direttiva s-“servizzi fil-qasam tat-trasport [...] li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-[Titolu VI TFUE]”. Dan minħabba li, skont l-Artikolu 58(1) TFUE, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-qasam tat-trasport hija speċifikament irregolata mit-Titolu VI TFUE ( 18 ). Għaldaqstant, id-Direttiva dwar is-Servizzi ma tistax tirregola l-libertà li jiġu pprovduti servizzi f’dan il-qasam ( 19 ).

30.

Il-kunċett ta’ “servizzi fil-qasam tat-trasport” ma huwiex espressament iddefinit minn din id-direttiva jew mit-Titolu VI TFUE ( 20 ). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat dan il-kunċett fis-sens li ma jkoprix “biss kull att fiżiku tal-moviment tal-persuni jew tal-merkanzija minn post għal ieħor permezz ta’ vetturi, inġenji tal-ajru jew tal-ilma”, iżda wkoll “kull servizz intrinsikament marbut ma’ tali att” ( 21 ).

31.

Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li s-sempliċi fatt li servizz jista’ jkollu rabta b’xi mod jew ieħor ma’ trasport ma huwiex biżżejjed sabiex jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva dwar is-Servizzi ( 22 ). Minflok, huwa neċessarju li jiġi eżaminat x’inhu l-għan prinċipali tas-servizz inkwistjoni ( 23 ). Fil-fatt, għandha ssir distinzjoni bejn is-servizzi li huma intrinsikament (jew b’mod inerenti) marbuta mal-att fiżiku li persuni jew prodotti jiġu ttrasferiti minn post għal ieħor permezz ta’ mezz ta’ trasport (bħat-taxis u l-ambulanzi kif ukoll is-servizzi tal-portijiet ( 24 )) peress li dawn għandhom bħala l-għan prinċipali tagħhom it-trasport ta’ prodotti jew ta’ persuni, u dawk li huma anċillari għal dan, peress li għandhom għan ewlieni differenti ( 25 ).

32.

Din l-aħħar kategorija tkopri s-servizzi ta’ kiri ta’ karozzi, l-aġenziji tal-ivvjaġġar u s-servizzi ta’ konsum fil-qasam tat-turiżmu, inklużi l-gwidi turistiċi ( 26 ). Din tinkludi wkoll is-servizzi abbord, ta’ tindif jew ta’ provvista ta’ ikel u xorb fuq ferroviji, li għalkemm huma ta’ natura anċillari għas-servizz ta’ trasport ta’ passiġġieri bil-ferrovija, ma humiex intrinsikament marbuta ma’ dan tal-aħħar ( 27 ). Tali servizzi ma humiex esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva dwar is-Servizzi ( 28 ).

33.

Fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawżi magħquda Trijber u Harmsen ( 29 ), l-Avukat Ġenerali Szpunar spjega li r-raġuni wara l-inklużjoni tas-servizzi ta’ kiri ta’ karozzi jew ta’ gwidi turistiċi fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din id-direttiva kienet li l-għan prinċipali tagħhom kien, rispettivament, li d-destinatarji ta’ dawn is-servizzi jikru vetturi u li jitgħallmu xi ħaġa dwar xi post jew żona, mhux li jiġu ttrasportati. Bl-istess mod, huwa kkonkluda li l-għan essenzjali tal-attivitajiet ta’ servizzi ta’ skejjel tas-sewqan kien li d-destinatarju jkun jista’ jitgħallem isuq u mhux li jiġi ttrasportat ( 30 ).

34.

Fil-fehma tiegħi, is-servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħu wkoll taħt din il-kategorija. Fil-fatt, bħal dawn is-servizzi tal-iskola tas-sewqan, l-għan prinċipali tal-korsijiet għal sensibilizzazzjoni u taħriġ dwar is-sigurtà fit-toroq huwa li d-destinatarju jiġi mħarreġ dwar kif għandu jsuq b’mod sigur u responsabbli u mhux li jiġi ttrasportat.

35.

Dan premess, jiena naqbel mal-Kummissjoni, mal-Gvern Ċek u mal-AUDICA, li l-korsijiet inkwistjoni ma għandhomx jiġu kkunsidrati bħala li jaqgħu taħt il-kategorija ta’ “servizzi fil-qasam tat-trasport”. Tali korsijiet ma għandhomx, għalhekk, jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva dwar is-Servizzi fuq il-bażi tal-Artikolu 2(2)(d) tagħha ( 31 ).

36.

Il-fehma tiegħi f’dan ir-rigward ma nbidlitx, l-ewwel, bl-argument tal-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi li l-korsijiet inkwistjoni għandhom jitqiesu bħala “servizzi fil-qasam tat-trasport”, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva dwar is-Servizzi, peress li huma intrinsikament marbuta mal-pussess ta’ liċenzja tas-sewqan, kundizzjoni neċessarja legali għall-użu ta’ vettura. Jiena naqbel ma’ dan il-gvern li, mill-inqas f’sentenza waħda, jiġifieri s-sentenza f’Grupo Itevelesa et ( 32 ), il-Qorti tal-Ġustizzja tidher li adottat eżami ġuridiku iktar wiesa’ minn dak li indikajt fil-punti 30 u 31 iktar ’il fuq u li inkludiet, fil-kunċett ta’ “servizzi fil-qasam tat-trasport”, servizzi li huma “kundizzjoni neċessarja” għall-att fiżiku ta’ ċaqliq ta’ vettura. Fuq il-bażi ta’ din id-definizzjoni, hija kkonkludiet li l-kunċett ta’ “servizzi fil-qasam tat-trasport” jinkludi l-kontroll tekniku għall-vetturi bil-mutur, li jitwettaq bħala kundizzjoni minn qabel u li huwa indispensabbli għall-eżerċizzju tal-attività prinċipali tat-trasport ( 33 ), inkella l-attività tista’ tkun illegali.

37.

Dan premess, ma nikkunsidrax, anki fid-dawl ta’ din is-sentenza, li l-fatt li servizz ikun marbut, jew mill-inqas, “intrinsikament marbut”, mal-pussess ta’ liċenzja tas-sewqan għandu jkun determinanti dwar jekk dan is-servizz għandux jitqies bħala “servizz fil-qasam tat-trasport”. Fil-fehma tiegħi, il-kisba jew il-pussess ta’ liċenzja tas-sewqan hija differenti mill-kontroll tekniku mwettaq fuq vettura. Din tikkonċerna l-metodu legali li bih individwu jista’ jikseb mezz ta’ trasport ( 34 ) u, bħala tali, huwa marbut mal-individwu, pjuttost milli mal-vettura stess, filwaqt li l-attività taċ-ċentri fejn isir il-kontroll tekniku tal-vetturi tikkonsisti fit-twettiq ta’ kontrolli direttament fuq il-vettura (bħala kundizzjoni neċessarja legali għaċ-ċaqliq fiżiku ta’ din il-vettura).

38.

Fuq din il-bażi, jiena tal-fehma li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-proċeduri prinċipali hija differenti minn dik li wasslet għas-sentenza f’Grupo Itevelesa et ( 35 ). Is-soluzzjoni ġudizzjarja magħżula f’din is-sentenza għaldaqstant ma għandhiex tiġi applikata fil-kawża ineżami.

39.

It-tieni, ma iniex konvint mill-argument tal-Gvern Spanjol li l-kunċett ta’ “servizzi fil-qasam tat-trasport” għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-Artikolu 91(1) TFUE. Skont dan il-gvern, il-korsijiet inkwistjoni huma “servizzi fil-qasam tat-trasport” għaliex jikkostitwixxu “miżuri għat-titjib tas-sigurtà tat-trasport” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Madankollu, jidhirli li huwa pjuttost ovvju li l-għan tal-Artikolu 91(1) TFUE huwa li jistabbilixxi lista ta’ aspetti differenti li jagħmlu parti mill-“kwadru ta’ politika komuni tat-trasport” (kif previst fl-Artikolu 90 TFUE) u, f’dan il-kuntest, li jippreċiża d-diversi miżuri li l-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ jadotta (sabiex jirregola, fost affarjiet oħra, is-“servizzi fil-qasam tat-trasport”). Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Spanjol, l-għan ta’ din id-dispożizzjoni għaldaqstant ma huwiex li tiddefinixxi x’inhuma s-“servizzi fil-qasam tat-trasport”.

40.

Fi kwalunkwe każ, naħseb li l-interpretazzjoni proposta mill-Gvern Spanjol, fis-sens li kull miżura intiża sabiex ittejjeb is-sigurtà tat-trasport tikkonċerna neċessarjament “servizz fil-qasam tat-trasport”, hija ’l bogħod mill-interpretazzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha, li, kif spjegajt iktar ’il fuq, tiffoka fuq jekk is-servizz inkwistjoni għandux bħala l-“għan prinċipali” tiegħu t-trasport ta’ prodotti jew ta’ persuni.

41.

Wara li għamilt dawn il-preċiżazzjonijiet u spjegajt għaliex nemmen li l-provvista ta’ korsijiet inkwistjoni ma taqax fl-ambitu tal-esklużjoni inkluża f’Artikolu2(2)(d) tad-Direttiva tas-Servizzi (“servizzi fil-qasam tat-trasport”), issa ser nipprova nindirizza d-dubji tal-qorti tar-rinviju dwar jekk il-fatt li tali korsijiet għandhom jiġu pprovduti permezz ta’ konċessjoni ta’ servizz pubbliku għandux xi impatt fuq l-applikabbiltà tal-Artikoli 9 sa 13 tad-Direttiva dwar is-Servizzi.

2. Fuq il‑konsegwenzi tal‑fatt li l‑korsijiet inkwistjoni għandhom jiġu pprovduti permezz ta’ konċessjoni ta’ servizz pubbliku

42.

Infakkar li l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva dwar is-Servizzi jipprovdi, essenzjalment, li l-Artikoli 9 sa 13 ta’ din id-direttiva “[ma għandhomx japplikaw] għal dawk l-aspetti ta’ skemi ta’ awtorizzazzjoni li huma regolati direttament jew indirettament minn strumenti [oħrajn tal-Unjoni]” bħad-Direttiva 2014/23 ( 36 ). Konsegwentement, jekk il-korsijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellhom jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/23, dawn jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 9 sa 13 tad-Direttiva dwar is-Servizzi. Madankollu, fil-fehma tiegħi, huma jibqgħu suġġetti għad-dispożizzjonijiet rilevanti li jifdal ta’ din id-direttiva ( 37 ) (jiġifieri, id-dispożizzjonijiet rilevanti l-oħra kollha minbarra l-Artikoli 9 sa 13 tad-Direttiva dwar is-Servizzi) ( 38 ).

43.

Ninnota li, sabiex tapplika d-Direttiva 2014/23, għandhom jiġu ssodisfatti diversi kundizzjonijiet kumulattivi.

44.

L-ewwel, is-servizz inkwistjoni għandu jkun organizzat bħala “konċessjoni” ( 39 ). Il-“konċessjoni ta’ servizzi”, fis-sens ta’ din id-direttiva, hija ddefinita bħala “kuntratt b’interess pekunjarju konkluż bil-miktub, li permezz tiegħu awtorità kontraenti jew entità kontraenti waħda jew aktar tafda l-forniment u l-ġestjoni ta’ servizzi [...] lil operatur ekonomiku wieħed jew aktar, meta l-konsiderazzjoni għal din tkun tikkonsisti unikament fid-dritt ta’ sfruttament tas-servizzi li huma s-suġġett tal-kuntratt jew f’dak id-dritt flimkien ma’ ħlas” ( 40 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li tali kuntratt huwa kkaratterizzat, inter alia, minn sitwazzjoni fejn, minn naħa, id-dritt li wieħed jopera servizz partikolari jiġi ttrasferit mill-awtorità kontraenti lill-konċessjonarju, u, min-naħa l-oħra, dan tal-aħħar ikollu ċerta libertà ekonomika sabiex jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom jopera dan id-dritt u peress li, b’mod parallel, il-konċessjonarju huwa espost ħafna għar-riskji marbuta ma’ dan l-operat ( 41 ).

45.

Fil-kawża ineżami, il-partijiet u l-partijiet ikkonċernati kollha, flimkien mal-qorti tar-rinviju, huma tal-fehma li l-korsijiet inkwistjoni għandhom jiġu pprovduti permezz ta’ konċessjoni ta’ servizz pubbliku (waħda għal kull żona ġeografika), bir-riżultat li s-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali tikkonċerna konċessjonijiet ta’ servizz pubbliku fis-sens tad-Direttiva 2014/23. Jiena naqbel. Fil-fatt, isegwi mill-punti 13 u 14 iktar ’il fuq li l-kuntratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirrigwardaw il-provvista ta’ servizz partikolari u li huma intiżi li jittrasferixxu d-dritt li jiġu pprovduti l-korsijiet inkwistjoni (apparentement flimkien mar-riskji marbuta mal-funzjonament ta’ din l-attività) mill-awtorità kontraenti lil kull konċessjonarju.

46.

It-tieni, il-konċessjoni kellha tiġi offruta jew mogħtija wara s‑17 ta’ April 2014, jew inkella huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tad-Direttiva 2014/23 ( 42 ). Huma l-qrati nazzjonali li għandhom jevalwaw jekk, fuq il-bażi tal-fatti għad-dispożizzjoni tagħha, dan ir-rekwiżit huwiex issodisfatt ( 43 ). Indipendentement minn din il-kwistjoni, ninnota li l-Gvern Spanjol kif ukoll iċ-CNAE et huma tal-fehma li d-Direttiva 2014/23 ma tapplikax ratione temporis għal raġuni (distinta) oħra. Fil-fatt, huma jsostnu li t-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/23 fid-dritt nazzjonali kien ix-xahar ta’ Frar 2016 u li l-konċessjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu ġew offruti qabel l-iskadenza ta’ dan it-terminu, f’data li fiha s-sistema legali nazzjonali preċedentement applikabbli kienet għadha fis-seħħ u din id-direttiva ma kinitx ġiet trasposta fid-dritt nazzjonali.

47.

F’dan ir-rigward, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, f’kawża ta’ kuntratti pubbliċi li fiha kienet ġiet eskluża offerta mill-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt qabel id-data ta’ skadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-direttiva rilevanti u qabel ma din ġiet integrata fid-dritt nazzjonali, li “[j]kun kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali” li din id-direttiva tiġi applikata, peress li d-deċiżjoni li allegatament kisret id-dritt tal-Unjoni ġiet meħuda qabel din id-data ( 44 ).

48.

Naħseb li jista’ jiġi applikat raġunament simili fil-kawża ineżami. Għalhekk, jiena inklinat li naqbel mal-Gvern Spanjol u ċ-CNAE et (suġġett għal verifika mill-qorti tar-rinviju) li d-Direttiva 2014/23 ma tapplikax ratione temporis għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li t-terminu għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva kien għadu ma skadiex u fil-fatt ma kinitx ġiet inkorporata fid-dritt nazzjonali fil-mument tal-fatti rilevanti.

49.

It-tielet, il-kuntratt ta’ konċessjoni għandu jkun daqs jew ogħla minn ċertu valur ( 45 ). Fil-mument meta seħħew il-fatti, dan il-valur kien stabbilit għal EUR 5186000 ( 46 ). Għal darba oħra, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina jekk, fuq il-bażi tal-informazzjoni ppreżentata quddiemha, din il-kundizzjoni hijiex issodisfatta. Madankollu, ninnota li, skont l-informazzjoni pprovduta miċ-CNAE et, mill-Gvern Spanjol u mill-Kummissjoni waqt is-seduta, il-valur tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali jidher li huwa inqas minn dan il-limitu. Il-Gvern Spanjol spjega li, fil-mument tal-pubblikazzjoni tiegħu, il-valur tal-kuntratt kien ta’ EUR 1285000. Dan l-ammont huwa sinjifikattivament inqas mil-limitu ta’ EUR 5186000.

50.

Fid-dawl ta’ din l-informazzjoni, jidhirli li, peress li l-kuntratti għall-provvista tal-korsijiet inkwistjoni (i) ġew konklużi qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/23 u (ii) huma inqas mil-limitu stabbilit minn din id-direttiva, dawn huma esklużi kemm mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis kif ukoll dak ratione materiae ta’ dan l-istrument. Isegwi, fil-fehma tiegħi, li l-applikazzjoni tal-Artikoli 9 sa 13 tad-Direttiva dwar is-Servizzi għal sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali ma għandhiex tiġi prekluża minħabba li tali sitwazzjoni hija rregolata mid-Direttiva 2014/23.

51.

Dan premess, għadni rrid naċċerta jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikoli 9 sa 13 tad-Direttiva dwar is-Servizzi f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali humiex issodisfatti. F’dan ir-rigward, ninnota li dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw għall-tip partikolari ta’ proċedura, jiġifieri dawk il-proċeduri li jistgħu jiġu kklassifikati bħala “skemi ta’ awtorizzazzjoni”. Għalhekk, għandi nikkunsidra jekk il-proċedura inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax titqies bħala li taqa’ taħt dik il-kategorija.

52.

F’dan ir-rigward, infakkar li, kif iddefinit skont l-Artikolu 4(6) ta’ din id-direttiva, “skema ta’ awtorizzazzjoni” tfisser kull proċedura li permezz tagħha fornitur jew destinatarju huwa fil-fatt obbligat li jieħu passi sabiex jikseb mingħand awtorità kompetenti deċiżjoni formali, jew deċiżjoni impliċita, dwar l-aċċess għal attività ta’ servizz jew għall-eżerċizzju tagħha.

53.

Barra minn hekk, il-premessa 39 tad-Direttiva dwar is-Servizzi tistabbilixxi li l-kunċett ta’ “skema ta’ awtorizzazzjoni” ikopri l-proċeduri amministrattivi għall-għoti ta’ konċessjonijiet ( 47 ) (bl-eċċezzjoni ta’ dawk li, b’differenza minn dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/23) ( 48 ).

54.

Kif diġà stabbilixxejt fil-punt 45 iktar ’il fuq, il-kawża prinċipali tirrigwarda konċessjonijiet ta’ servizz pubbliku mogħtija mill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti f’dak li jirrigwarda l-provvista ta’ korsijiet għal sensibilizzazzjoni u taħriġ dwar is-sigurtà fit-toroq tas-sewwieqa li jkunu tilfu punti fuq il-liċenzji tas-sewqan tagħhom. Jikkostitwixxu deċiżjonijiet formali li għandhom jinkisbu mill-fornituri ta’ servizzi mingħand l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti sabiex dawn ikunu jistgħu jeżerċitaw l-attivitajiet ekonomiċi tagħhom ( 49 ). Huma jistgħu, fil-fehma tiegħi, jiġu kklassifikati bħala “awtorizzazzjonijiet” fis-sens tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar is-Servizzi.

55.

Konsegwentement, nikkunsidra li l-Artikoli 9 sa 13 tad-Direttiva dwar is-Servizzi japplikaw għall-kawża ineżami ( 50 ).

3. Konklużjoni dwar l‑applikabbiltà tad‑Direttiva dwar is‑Servizzi

56.

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li Kapitolu III tad-Direttiva dwar is-Servizzi, inklużi l-Artikoli 9 sa 13 tagħha, tapplika għas-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali. Il-konċessjonijiet ta’ servizz pubbliku inkwistjoni fil-kawża prinċipali jagħmlu parti minn “skema ta’ awtorizzazzjoni” fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Barra minn hekk, dawn ma jikkonċernawx is-“servizzi fil-qasam tat-trasport” fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-esklużjoni li tinsab fl-Artikolu 2(2)(d) ta’ din id-direttiva.

B.   Fuq l‑evalwazzjoni tal‑kompatibbiltà

57.

Issa fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ miżura nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar is-Servizzi, ser nispjega għalfejn nikkunsidra li tali miżura timponi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment tal-fornituri li ma hijiex kompatibbli mar-rekwiżiti tal-Kapitolu III (Artikoli 9 sa 15) ta’ din id-direttiva.

58.

Qabel ma nittratta dawn il-kwistjonijiet, nixtieq nagħmel żewġ rimarki preliminari.

59.

L-ewwel, nixtieq nenfasizza li, waqt is-seduta, il-partijiet u l-partijiet ikkonċernati ddiskutew jekk is-servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali jippreżentawx “element transkonfinali”, fis-sens tal-ġurisprudenza relatata mal-Artikolu 49 TFUE ( 51 ). F’dan ir-rigward, nixtieq ngħid biss li, għalkemm huwa stabbilit sew li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertajiet fundamentali “ma humiex applikabbli għal attivitajiet li l-elementi rilevanti tagħhom jinsabu kollha fi Stat Membru wieħed” ( 52 ), kien hemm ċertu dibattitu dwar jekk, sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta għal domanda dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi, l-eżistenza ta’ element transkonfinali hijiex ukoll meħtieġa ( 53 ). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja llum għalqet dan id-dibattitu u spjegat li d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tad-Direttiva dwar is-Servizzi għandhom jiġu interpretati fis-sens li japplikaw ukoll għal sitwazzjoni fejn l-elementi rilevanti kollha huma limitati fi ħdan Stat Membru wieħed biss ( 54 ). Għalhekk, l-eżistenza ta’ element transkonfinali ma hijiex meħtieġa sabiex tiġi evalwata l-kompatibbiltà ta’ miżura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali mad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tad-Direttiva dwar is-Servizzi.

60.

Konsegwentement, nikkunsidra li, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, huwa possibbli li tiġi evalwata l-kompatibbiltà ta’ miżura mad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tad-Direttiva dwar is-Servizzi, anki jekk jiġi stabbilit li tali miżura tikkonċerna sitwazzjoni purament interna, li għandha tiġi vverifikata mill-qrati nazzjonali ( 55 ).

61.

It-tieni, nixtieq nagħmel xi preċiżazzjonijiet dwar ir-rabta bejn l-Artikoli 9 sa 13 u l-Artikolu 15 tad-Direttiva dwar is-Servizzi. F’dan ir-rigward, ninnota li l-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva jipprekludi lill-Istati Membri milli jirrikorru għal “skemi ta’ awtorizzazzjoni” sakemm dawn l-iskemi ma jkunux diskriminatorji, iġġustifikati minn raġuni ta’ interess ġenerali superjuri u proporzjonati ma’ dan l-għan ta’ interess ġenerali. Din is-sensiela ta’ kriterji hija riprodotta fl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva dwar is-Servizzi u hija inkluża wkoll fl-Artikolu 10(4) ta’ din id-direttiva, li ġie interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 56 ) fis-sens li l-iskemi ta’ awtorizzazzjoni għandhom, b’mod ġenerali, jippermettu lill-fornituri jeżerċitaw l-attività tagħhom fit-territorju nazzjonali kollu sakemm limitazzjoni għal ċerta parti ta’ dan it-territorju ma tkunx nondiskriminatorja, iġġustifikata minn raġuni ta’ interess ġenerali superjuri u proporzjonata. Dawn it-tliet kundizzjonijiet huma wkoll espliċitament imsemmija fl-Artikolu 15(3) tad-Direttiva dwar is-Servizzi.

62.

L-Artikoli 9 sa 13 tad-Direttiva dwar is-Servizzi jittrattaw speċifikament il-kundizzjonijiet li għandha tissodisfa skema nazzjonali tal-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet, filwaqt li l-Artikolu 15(3) ta’ din id-direttiva għandu bħala għan il-kompatibbiltà ma’ din id-direttiva ta’ rekwiżiti nazzjonali, inklużi restrizzjonijiet territorjali u kwantitattivi, imposti b’mod iktar ġenerali fuq il-fornituri ta’ servizzi. Madankollu, huwa ċar li hemm livell ta’ sovrappożizzjoni bejn dawn id-dispożizzjonijiet diversi. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, essenzjalment, li “sistema ta’ awtorizzazzjoni” li timponi “limitazzjoni territorjali” fuq il-fornituri ta’ servizzi li jfittxu li jistabbilixxu l-attività ekonomika tagħhom u li hija inkompatibbli mal-Artikolu 15(3) ta’ din id-direttiva, tkun ukoll eskluża mill-Artikolu 10(4) ta’ din id-direttiva ( 57 ), u viċe versa.

63.

Fil-kawża ineżami, il-partijiet u l-partijiet ikkonċernati kkonċentraw l-osservazzjonijiet tagħhom u s-sottomissjonijiet tagħhom fuq jekk miżura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex kompatibbli mal-Artikolu 15(3) tad-Direttiva dwar is-Servizzi. Fit-taqsimiet li ġejjin, ser nikkonċentra għalhekk fuq jekk tali miżura tikkonformax mar-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni.

64.

F’dan ir-rigward, ser nibda billi nindika r-raġunijiet li għalihom nikkunsidra li din il-miżura tikkostitwixxi “rekwiżit” fis-sens tal-Artikolu15(2) ta’ dik id-direttiva li toħloq restrizzjoni fuq il-libertà ta’ stabbiliment (1). Sussegwentement ser neżamina jekk tali restrizzjoni hijiex (i) nondiskriminatorja, (ii) iġġustifikata minn “raġuni ta’ interess ġenerali superjuri” u (iii) proporzjonata, skont it-tliet kundizzjonijiet imposti mill-Artikolu 15(3) tad-Direttiva dwar is-Servizzi. Ser nispjega għaliex, fil-fehma tiegħi, hemm raġunijiet sabiex jiġi ddubitat li tali miżura tissodisfa r-rekwiżit ta’ proporzjonalità (2). Ser nitkellem ukoll xi ftit fuq il-fatt li l-korsijiet inkwistjoni għandhom il-karatteristiċi ta’ SIEĠ (3).

1. Fuq l‑eżistenza ta’ restrizzjoni (fl‑Artikolu 15(2))

65.

Sabiex tiġi evalwata l-kompatibbiltà ta’ miżura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fid-dawl tal-kriterji inklużi fl-Artikolu 15(3) tad-Direttiva dwar is-Servizzi, għandu l-ewwel jiġi stabbilit jekk tali miżura taqax taħt waħda mill-kategoriji ta’ “rekwiżiti” elenkati fl-Artikolu 15(2) ta’ din id-direttiva, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 4(7), li jipprovdi, inter alia, li “kwalunkwe obbligu, projbizzjoni, kondizzjoni jew limitu stipulat fil-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri jew bħala riżultat tal-każistika” għandhom jitqiesu bħala “rekwiżit” għall-finijiet tad-Direttiva dwar is-Servizzi.

66.

Fuq il-bażi tal-informazjoni pprovduta fil-proċess, jidhirli li l-kritika prinċipali tal-AUDICA fir-rigward tal-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tikkonċernax biss il-fatt li l-kuntratti għall-provvista tas-servizzi inkwistjoni għandhom jingħataw bħala konċessjonijiet ta’ servizz pubbliku; pjuttost, hija prinċipalment dwar il-fatt li konċessjonarju wieħed biss huwa permess jipprovdi s-servizzi inkwistjoni f’kull waħda mill-ħames żoni ġeografiċi preċedentement iddelimitati fit-territorju nazzjonali (mhux inklużi Cataluña u l-País Vasco).

67.

F’dan ir-rigward, ninnota li l-Artikolu 15(2)(a) tad-Direttiva dwar is-Servizzi jikklassifika espressament ir-“restrizzjonijiet kwantitattivi jew territorjali” fuq l-eżerċizzju ta’ attività bħala “rekwiżiti” fis-sens tal-Artikolu 4(7) ta’ din id-direttiva li jaffettwaw il-libertà ta’ stabbiliment tal-fornituri ta’ servizzi ( 58 ).

68.

Kif stabbilit f’din id-dispożizzjoni, tali restrizzjonijiet jeżistu, b’mod partikolari, meta miżura nazzjonali timponi limiti fir-rigward tan-numru ta’ operaturi awtorizzati li jistabbilixxu ruħhom fi Stat Membru partikolari (jew f’żona speċifika ġewwa Stat Membru) (restrizzjonijiet kwantitattivi), jew meta timponi l-osservanza ta’ distanza ġeografika minima bejn fornituri (limitazzjonijiet territorjali) ( 59 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li “limitazzjoni territorjali” hija wkoll preżenti f’sitwazzjoni fejn leġiżlazzjoni nazzjonali tillimita, minn kull lat, liċenzja għall-kummerċ għal żona ġeografika partikolari ( 60 ) jew tipprojbixxi l-kummerċ f’ċerti żoni ġeografiċi ( 61 ).

69.

Fil-kawża ineżami, il-qorti tar-rinviju tindika (u l-partijiet u l-partijiet ikkonċernati kollha jaqblu) li, skont il-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali, it-territorju Spanjol (mhux inklużi Cataluña u l-País Vasco) huwa maqsum f’ħames żoni, b’entità waħda biss (il-kuntrattur rebbieħ fil-proċedura ta’ għoti tal-konċessjoni ta’ servizz pubbliku) li hija awtorizzata tipprovdi korsijiet għal sensibilizzazzjoni u taħriġ dwar is-sigurtà fit-toroq għal kull żona ( 62 ). Din l-entità teżerċita kontroll esklużiv fuq iż-żona li għaliha hija għandha konċessjoni ta’ servizz pubbliku, filwaqt li l-fornituri l-oħra huma effettivament pprojbiti milli jwettqu s-servizzi inkwistjoni fl-istess żona.

70.

Anki jekk miżura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tipprekludix lil fornitur ta’ servizzi milli jipparteċipa fil-proċedura pubblika ta’ għoti ta’ konċessjoni għall-provvista ta’ korsijiet għal sensibilizzazzjoni u taħriġ dwar is-sigurtà fit-toroq fis-suq, hija xorta tillimita kemm il-fornituri jistgħu jeżerċitaw dan id-dritt (wieħed f’kull waħda mill-ħames żoni ġeografiċi preċedentement iddelimitati) u fejn.

71.

Minn dan isegwi li tali miżura tikkostitwixxi, fil-fehma tiegħi, kemm restrizzjoni kwantitattiva kif ukoll territorjali fis-sens tal-Artikolu 15(2)(a) tad-Direttiva dwar is-Servizzi ( 63 ). Bħala tali, hija tirrestrinġi l-libertà ta’ stabbiliment u tkun ammissibbli biss jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet ipprovduti fl-Artikolu 15(3) ta’ din id-direttiva, li issa ser nikteb fuqhom.

2. Fuq il‑kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex ir‑restrizzjoni tkun ammissibbli (Artikolu 15(3))

72.

L-Artikolu 15(3) tad-Direttiva dwar is-Servizzi jelenka tliet kundizzjonijiet li għandhom ikunu sodisfatti sabiex kundizzjoni tkun ammissibbli. B’mod iktar speċifiku, din id-dispożizzjoni tobbliga, li tali restrizzjoni: (i) ma tiddiskriminax fuq bażi ta’ nazzjonalità (l-Artikolu 15(3)(a)), (ii) tkun neċessarja (jiġifieri, tkun iġġustifikata minn raġuni superjuri relatata mal-interess ġenerali) (Artikolu 15(3)(b)) u (iii) tkun proporzjonata (Artikolu 15(3)(ċ)).

73.

Fil-kawża ineżami, il-kwistjoni dwar jekk l-ewwel żewġ kundizzjonijiet humiex issodisfatti ma jidhirlix li tqajjem ħafna diffikultajiet.

74.

Tassew, jidhirli li huwa ċar, fl-ewwel lok, li restrizzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tapplika mingħajr diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ nazzjonalità (Artikolu 15(3)(a)) (l-ewwel kundizzjoni).

75.

Fit-tieni lok, nikkunsidra li tali restrizzjoni hija ġġustifikata minn raġuni superjuri ta’ interess ġenerali fis-sens tal-Artikolu 15(3)(b) tad-Direttiva dwar is-Servizzi, moqri fid-dawl tal-Artikolu 4(8) ta’ din id-direttiva (it-tieni kundizzjoni).

76.

F’dan ir-rigward, ninnota li l-ġustifikazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Spanjoli quddiem il-qorti nazzjonali sabiex tippermetti lil entità waħda biss tipprovdi s-servizzi inkwistjoni f’kull waħda mill-ħames żoni ġeografiċi ddelimitati hija li tali restrizzjoni hija neċessarja sabiex tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-korsijiet għal sensibilizzazzjoni u taħriġ dwar is-sigurtà fit-toroq fit-territorju rilevanti kollu. Skont l-awtoritajiet Spanjoli, billi tiffaċilita l-aċċess ġeografiku għal korsijiet għal sensibilizzazzjoni u taħriġ dwar is-sigurtà fit-toroq, miżura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkontribwixxi għat-taħriġ effikaċi tas-sewwieqa li wettqu ksur tar-regoli tat-traffiku. Għalhekk, globalment, hija ssaħħaħ is-sigurtà fit-toroq.

77.

Skont l-Artikolu 4(8) tad-Direttiva dwar is-Servizzi, moqri fid-dawl tal-premessa 40 tagħha, is-“sigurtà fit-toroq” hija fost ir-raġunijiet superjuri relatati mal-interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ stabbiliment. Fil-fehma tiegħi, miżura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-għan tagħha huwa li ttejjeb is-sigurtà fit-toroq, għalhekk tissodisfa t-tieni kundizzjoni prevista fl-Artikolu 15(3)(b) ta’ din id-direttiva.

78.

Hija iktar diffiċli l-kwistjoni dwar jekk tali miżura tissodisfax it-tielet kundizzjoni (dik imposta mill-Artikolu 15(3)(c) tad-Direttiva dwar is-Servizzi - il-proporzjonalità). F’dan ir-rigward, infakkar li, sabiex tissodisfa dik il-kundizzjoni, għandhom jintlaħqu żewġ rekwiżiti. Il-miżura għandha, l-ewwel, tkun xierqa, jiġifieri, skont il-formulazzjoni tal-Artikolu 15(3)(c) tad-Direttiva dwar is-Servizzi, tkun adatta sabiex tiżgura l-kisba tal-għan imfittex. It-tieni, il-miżura ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan. Jekk hemm għażla bejn miżuri differenti għall-kisba tal-għan inkwistjoni, il-mezz li għandu jintgħażel għandu jkun l-inqas restrittiv għal-libertà tal-istabbiliment iggarantita mid-direttiva ( 64 ).

79.

Bħalma ddeċidiet konsistentement il-Qorti tal-Ġustizzja, finalment huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali, li hija unikament kompetenti sabiex tevalwa l-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali, li tiddetermina jekk miżura tissodisfax dawn iż-żewġ rekwiżiti ( 65 ). Madankollu, sabiex tipprovdi risposti utli lill-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tagħtiha indikazzjonijiet ibbażati fuq il-proċess tal-kawża prinċipali kif ukoll fuq osservazzjonijiet bil-miktub u orali li tressqu quddiemha, li jkunu tali li jippermettu lill-qorti nazzjonali li tagħti deċiżjoni ( 66 ).

80.

Fir-rigward tal-ewwel rekwiżit, ninnota li f’okkażjonijiet preċedenti l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li miżuri li jammontaw għal restrizzjoni territorjali huma xierqa sabiex tiġi żgurata l-kisba tal-għan imfittex, fejn l-għan tagħha jkun l-adattament għall-ħtiġijiet tal-popolazzjoni, il-kopertura tat-territorju kollu jew it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ reġjuni li huma ġeografikament iżolati jew b’xi mod ieħor żvantaġġati ( 67 ).

81.

Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, jiena naqbel maċ-CNAE et u mal-Gvern Spanjol li, sa fejn miżura bħal din inkwistjoni fil-kawża prinċipali tiżgura li jkun hemm mill-inqas operatur wieħed responsabbli għall-eżerċizzju tal-attività f’kull waħda mill-ħames żoni fit-territorju rilevanti, hija tikkontribwixxi sabiex tiżgura l-aċċess tas-sewwieqa għal ċentri ta’ taħriġ fit-territorju rilevanti, inklużi f’dawk iż-żoni li huma żvantaġġati jew inqas attraenti. Tali miżura hija għalhekk xierqa sabiex jintlaħaq l-għan segwit (li huwa li tittejjeb is-“sigurtà fit-toroq” billi jiġi ffaċilitat l-aċċess għaċ-ċentri ta’ taħriġ tas-sewwieqa li jkunu tilfu punti fuq il-liċenzja tas-sewqan tagħhom),.

82.

Fir-rigward tat-tieni rekwiżit (jiġifieri, jekk miżura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan segwit), ikolli nammetti, madankollu, li għandi d-dubji tiegħi.

83.

Fil-fatt, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, it-territorju Spanjol kollu, mhux inkluża Cataluña u l-País Vasco, jista’ jinqasam biss f’ħames żoni. Jista’ jkun hemm fornitur wieħed biss f’kull waħda minn dawn il-ħames żoni. Globalment, dan ifisser li massimu ta’ ħames fornituri jistgħu jipprovdu s-servizzi inkwistjoni.

84.

Fil-fehma tiegħi, din hija restrizzjoni pjuttost sinjifikattiva tan-numru ta’ fornituri, mentri ma huwiex ċar kif tqassim tat-territorju rilevanti f’ħames żoni (il-kbar) biss huwa l-mezz l-inqas restrittiv sabiex tinkiseb distribuzzjoni ġeografika adegwata taċ-ċentri ta’ taħriġ. Fil-fatt, mingħajr rekwiżiti addizzjonali dwar, inter alia, id-distanza ġeografika minima jew massima bejn żewġ ċentri jew in-numru ta’ ċentri li għandhom jiġu operati, skont id-daqs tal-popolazzjoni, jibqa’ kompletament possibbli, fil-fehma tiegħi, li kull konċessjonarju jipprovdi s-servizzi inkwistjoni biss fil-partijiet taż-żona allokata għalih li huma l-iktar profittabbli, bl-esklużjoni ta’ partijiet inqas attraenti taż-żona.

85.

Jiena nifhem mill-proċess u, b’mod partikolari, mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-AUDICA li d-dokumenti tas-sejħa għal offerti u l-ispeċifikazzjonijiet (cahier des charges) fil-fatt jinkludu tali rekwiżiti addizzjonali, fir-rigward, inter alia, tan-numru ta’ ċentri li għandhom jiġu stabbiliti f’kull żona skont id-daqs tal-popolazzjoni. Fil-fehma tiegħi, huma dawn ir-rekwiżiti li, iktar mit-tqassim tat-territorju rilevanti f’ħames żoni u l-limitazzjoni rispettiva tan-numru ta’ fornituri, jipprekludu lill-operaturi milli jiffukaw l-attività tagħhom esklużivament f’żoni kkunsidrati attraenti għall-benefiċċju tal-abitanti ta’ dawn iż-żoni u għad-detriment tal-abitanti taż-żoni inqas attraenti, li jaffaċċjaw aċċess iktar diffiċli għal dawn is-servizzi ( 68 ).

86.

Meta wieħed iqis kollox, jidhirli li, kieku t-territorju rilevanti kien maqsum f’numru ikbar ta’ żoni ġeografiċi (iżgħar) (iktar minn ħamsa), dan mhux biss jiżgura aċċess suffiċjenti għall-korsijiet għal sensibilizzazzjoni u taħriġ dwar is-sigurtà fit-toroq fit-territorju rilevanti iżda, ipso facto, dan jippermetti wkoll lil numru ikbar ta’ konċessjonarji ta’ servizz pubbliku li jipprovdu s-servizzi inkwistjoni f’dan it-territorju. Konsegwentement, naħseb li jeżistu “miżuri inqas restrittivi li jwasslu għall-istess riżultat”, fis-sens tal-Artikolu 15(3)(c) tad-Direttiva dwar is-Servizzi.

87.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-fehma li miżura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tissodisfax it-tielet kundizzjoni elenkata fl-Artikolu 15(3) tad-Direttiva dwar is-Servizzi, sa fejn tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan segwit.

88.

Fil-fehma tiegħi, tali miżura għandha għalhekk tiġi ddikjarata inkompatibbli ma’ din id-dispożizzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li indikajt fil-punt 62 iktar ’il fuq, naħseb li tali miżura hija wkoll prekluża mill-Artikolu 10(4) ta’ din id-direttiva.

89.

Billi wasalt għal din il-konklużjoni, nixtieq nenfasizza li, fil-fehma tiegħi, ma huwiex neċessarju li jingħad li s-servizzi inkwistjoni ma għandhomx jiġu pprovduti permezz ta’ konċessjoni ta’ servizz pubbliku. Fil-fatt, fil-fehma tiegħi, huwa possibbli li jinżamm fis-seħħ l-obbligu li l-kuntratti rilevanti jingħataw bħala konċessjonijiet ta’ servizz pubbliku bħala prinċipju bażiku, filwaqt li iktar konċessjonarji jitħallew jeżerċitaw din l-attività.

90.

B’mod iktar preċiż, jiena tal-fehma li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-AUDICA, il-kuntest ġuridiku stabbilit għall-provvista tal-korsijiet inkwistjoni ma għandux ikun simili għal dak li jeżisti għall-korsijiet għall-kisba ta’ liċenzja tas-sewqan fl-ewwel lok, li hija suġġetta għal skema ta’ awtorizzazzjoni iżda mhux għal konċessjoni ta’ servizz pubbliku.

91.

F’dan ir-rigward, napprezza l-argumenti mressqa mill-Gvern Spanjol sabiex jispjega għaliex dawn iż-żewġ attivitajiet għandhom jiġu ttrattati b’mod differenti. Il-Gvern Spanjol isostni (fil-fehma tiegħi, b’mod konvinċenti ħafna) li l-korsijiet ipprovduti għall-kisba ta’ liċenzja tas-sewqan huma differenti f’żewġ aspetti minn dawk li huma maħsuba sabiex jippermettu lis-sewwieqa jirkupraw punti fuq il-liċenzja tas-sewqan tagħhom: l-ewwel, ma humiex maħsuba għal individwi li wettqu ksur ta’ regoli tat-traffiku u, it-tieni, dawn iseħħu qabel eżami li jiġi amministrat direttament mill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti, li jfisser li dawn l-awtoritajiet jistgħu, fi kwalunkwe każ, jeżerċitaw il-kontroll tagħhom dwar jekk għandhiex tingħata liċenzja tas-sewqan jew le. Ma hemmx eżami ekwivalenti għall-irkupru tal-punti ta’ liċenzja tas-sewqan mitlufa minħabba ksur tar-regoli tat-traffiku. Huwa dan għaliex huwa neċessarju li l-awtoritajiet pubbliċi jeżerċitaw kontroll ikbar fuq il-provvista tal-korsijiet inkwistjoni.

92.

Inżid ngħid li, fi kwalunkwe każ, il-mod kif żewġ servizzi differenti jistgħu jiġu organizzati fi Stat Membru jirrigwarda prinċipalment, fil-fehma tiegħi, problema relatata mal-koerenza tal-leġiżlazzjoni nazzjonali. Dan ma huwiex konklużiv dwar jekk miżura li tikkonċerna biss wieħed minn dawn iż-żewġ servizzi hijiex kompatibbli mal-kundizzjonijiet imposti mill-Artikolu 15(3) tad-Direttiva dwar is-Servizzi.

3. L‑istandard speċifiku applikabbli għas‑SIEĠ (Artikolu 15(4))

93.

Bħala rimarka finali, nixtieq nispjega għaliex nemmen li l-fatt li l-provvista tal-korsijiet inkwistjoni tista’ tiġi kklassifikata bħala SIEĠ, fis-sens tal-Artikolu 14 u l-Artikolu 106(2) TFUE ( 69 ), ma jaffettwax il-konklużjoni li għadni kif għamilt fir-rigward tal-kompatibbiltà ta’ miżura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali mal-Artikolu 15(3) tad-Direttiva dwar is-Servizzi.

94.

Dwar dan il-punt, infakkar, l-ewwel, li, għall-finijiet tad-Direttiva dwar is-Servizzi, servizzi jistgħu jitqiesu bħala SIEĠ biss jekk jiġu pprovduti fl-applikazzjoni ta’ “ħidma speċjali fl-interess pubbliku fdata lill-fornitur mill-Istat Membru kkonċernat” ( 70 ). L-oneru tal-prova tal-eżistenza ta’ tali “ħidma speċjali” huwa tal-Istati Membri. Fil-fatt, l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jiddefinixxu l-portata u l-organizzazzjoni tas-SIEĠ tagħhom, billi jieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari għanijiet attribwibbli għall-politika nazzjonali tagħhom ( 71 ).

95.

Fit-tieni lok, ninnota li jekk il-qrati nazzjonali kellhom jikkonstataw li l-provvista tal-korsijiet inkwistjoni tikkostitwixxi SIEĠ, tali servizz jista’jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 15(4) tad-Direttiva dwar is-Servizzi, ( 72 ) bir-riżultat li l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tiġi evalwata fid-dawl tar-regola speċifika li tinsab f’din id-dispożizzjoni.

96.

Din ir-regola speċifika tipprevedi, essenzjalment, li l-Artikolu 15(1) sa (3) ta’ din id-direttiva għandu japplika għal-leġiżlazzjoni dwar is-SIEĠ biss sa fejn din ma tostakolax it-twettiq, fil-liġi jew fil-fatt, tal-inkarigu partikolari allokat lilhom ( 73 ).

97.

Il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li mill-formulazzjoni nnifisha ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li s-SIEĠ ma humiex awtomatikament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 15 tad-Direttiva dwar is-Servizzi ( 74 ). Madankollu, hija ddeċidiet ukoll li, fejn japplika r-raba’ paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni, l-ewwel tliet paragrafi tal-istess dispożizzjoni għandhom jinftiehmu fis-sens li ma jipprekludux miżura nazzjonali milli timponi restrizzjoni fuq SIEĠ, jekk din ir-restrizzjoni tkun (i) neċessarja sabiex tippermetti t-twettiq tal-inkarigu partikolari f’kundizzjonijiet ekonomikament vijabbli u (ii) proporzjonata għal dan l-eżerċizzju ( 75 ).

98.

Nifhem l-ewwel wieħed minn dawn iż-żewġ rekwiżiti fis-sens li l-kundizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 15(1) sa (3) tad-Direttiva dwar is-Servizzi ma għandux jiġi applikat meta dan jipprekludi li l-inkarigu kkategorizzat bħala SIEĠ jitwettaq f’kundizzjonijiet ekonomikament vijabbli.

99.

Fil-kawża ineżami, li kieku ġie stabbilit li l-provvista ta’ korsijiet inkwistjoni huwa SGEI, kien ikun għal l-qorti tar-rinviju li twettaq din l-evalwazzjoni. Dan premess, jiena naqbel mal-Gvern Ċek li l-applikazzjoni tal-Artikolu 15(1) sa (3) tad-Direttiva dwar is-Servizzi in casu ma jostakolax it-twettiq tal-inkarigu partikolari mogħti fil-kuntest tal-kawża prinċipali.

100.

Fil-fatt, kif indikajt fil-punt 84 iktar ’il fuq, jiena tal-fehma li t-tqassim tat-territorju rilevanti f’numru ikbar ta’ żoni (iżgħar) mill-ħames żoni ġeografiċi eżistenti (li potenzjalment iwasslu għal numru rispettivament ikbar ta’ konċessjonarji fit-territorju rilevanti kollu) huwa dak li fil-fatt jikkontribwixxi sabiex jiffaċilita l-provvista tas-servizzi inkwistjoni f’żoni inqas attraenti. Dan iwassalni sabiex nikkonkludi li t-tqassim territorjali u r-restrizzjoni kwantitattiva imposti minn miżura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma huwiex neċessarju għat-twettiq tal-inkarigu partikolari inkwistjoni f’kundizzjonijiet ekonomikament vijabbli; pjuttost bil-kontra.

101.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jiena tal-fehma li l-fatt li l-attività inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tiġi kklassifikata bħala SIEĠ ma għandu jaffettwa bl-ebda mod l-applikazzjoni tal-Artikolu 15(1) sa (3) tad-Direttiva dwar is-Servizzi fil-kawża ineżami.

V. Konklużjoni

102.

Bħala konklużjoni, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda preliminari magħmula mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja):

(1)

Id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern għandha tiġi interpretata fis-sens li tkopri, minn kull aspett, il-provvista ta’ korsijiet għal sensibilizzazzjoni u taħriġ dwar is-sigurtà fit-toroq għas-sewwieqa li jkunu tilfu punti fuq il-liċenzja tas-sewqan tagħhom minħabba li jkunu wettqu ksur tar-regoli tat-traffiku.

(2)

L-Artikolu 15 (1), (2)(a) u (3) tad-Direttiva 2006/123 għandu jiġi interpretat li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li skontha: (i) il-provvista ta’ dawn il-korsijiet hija kklassifikata bħala konċessjoni għal servizz pubbliku; (ii) din id-dispożizzjoni hija magħmula suġġetta għall-kundizzjoni li operatur wieħed biss ikun jista’ jipprovdi dawn il-korsijiet f’żona ġeografika partikolari u; (iii) in-numru globali ta’ fornituri ma jeċċedix in-numru ta’ żoni ġeografiċi ddelimitati mill-awtorità kompetenti, meta din il-leġiżlazzjoni tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan tas-sigurtà fit-toroq. Din hija kwistjoni li għandha tiġi ddeterminata mill-qorti nazzjonali.

(3)

L-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2006/123 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix tali leġiżlazzjoni nazzjonali meta l-inkarigi dwar il-provvista ta’ korsijiet huma kklassifikati bħala inkarigi marbuta ma’ servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali, sakemm ir-restrizzjoni imposta tkun neċessarja u proporzjonata għat-twettiq ta’ dawn l-inkarigi f’kundizzjonijiet ekonomikament vijabbli. Hija l-qorti nazzjonali li għandha twettaq din l-evalwazzjoni.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 36).

( 3 ) Ara l-Artikolu 1(1) u l-premessi 5 sa 7 tad-Direttiva dwar is-Servizzi.

( 4 ) Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU 2014, L 94, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2015, L 114, p. 24 u fil-ĠU 2018, L 82, p. 17).

( 5 ) BOE Nru 283, tal‑24 ta’ Novembru 2009.

( 6 ) BOE Nru 172, tal‑20 ta’ Lulju 2005.

( 7 ) BOE Nru 190, tal‑10 ta’ Awwissu 2005.

( 8 ) L-Artikolu 14 TFUE jipprevedi, essenzjalment, li l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-SIEĠ jiffunzjonaw fuq il-bażi ta’ prinċipji u kundizzjonijiet li jippermettulhom iwettqu l-missjonijiet tagħhom.

( 9 ) Ara s-sentenza tat‑23 ta’ Frar 2016, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (C‑179/14, EU:C:2016:108, punti 148 sa 150). Ara wkoll il-premessa 77 tad-Direttiva dwar is-Servizzi.

( 10 ) It-terminu “servizz” huwa ddefinit minn din id-dispożizzjoni bħala “attività ekonomika mhux imħallsa, normalment magħmula għal remunerazzjoni kif imsemmija fl-[Artikolu 57 TFUE]”. L-Artikolu 57 TFUE jindika wkoll li “servizzi” għandhom jinkludu b’mod partikolari l-attivitajiet industrijali jew kummerċjali, kif ukoll l-attivitajiet ta’ sengħa u tal-professjonijiet liberi. Ara wkoll, għal iktar dettalji dwar kif għandu jiġi interpretat dan it-terminu fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi, il-premessi 33 u 34 ta’ din id-direttiva.

( 11 ) Ninnota li, billi tirreferi prinċipalment għad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III (Artikoli 9 sa 15) tad-Direttiva dwar is-Servizzi, il-qorti tar-rinviju nnifisha tidher li tqis li din il-kawża hija rregolata mir-regoli dwar l-istabbiliment iktar milli minn dawk dwar is-servizzi (ara, b’mod simili, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar f’Hiebler (C‑293/14, EU:C:2015:472, punti 2122)).

( 12 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2016, Promoimpresa et (C‑458/14 u C‑67/15, EU:C:2016:558, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 13 ) Ibid., punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara wkoll is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, KOB (C‑206/19, EU:C:2020:463, punt 32).

( 14 ) F’dan ir-rigward, nirreferi għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot f’Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (C‑179/14, EU:C:2015:619, punti 69 sa 73). Nixtieq nenfasizza wkoll li, kif innota l-Avukat Ġenerali Szpunar fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawżi magħquda Promoimpresa et (C‑458/14 u C‑67/15, EU:C:2016:122, punt 41), il-Qorti tal-Ġustizzja llimitat ruħha, almenu f’żewġ sentenzi, għall-interpretazzjoni tal-Artikoli 10, 11 u 15 tad-Direttiva dwar is-Servizzi mingħajr ma ppronunzjat ruħha fuq id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE (ara s-sentenzi tal‑1 ta’ Ottubru 2015, Trijber u Harmsen, (C‑340/14 u C‑341/14, EU:C:2015:641), u tat‑23 ta’ Diċembru 2015, Hiebler, (C‑293/14, EU:C:2015:843)).

( 15 ) Fi kwalunkwe każ, huwa ċar għalija li, jekk miżura kellha titqies inkompatibbli mal-Artikolu 15 tad-Direttiva dwar is-Servizzi, tali miżura tkun inkompatibbli wkoll mal-Artikolu 49 TFUE. Pereżempju, il-ġustifikazzjonijiet previsti fl-Artikolu 52 TFUE (għar-“restrizzjonijiet” magħmula, inter alia, fuq il-libertà ta’ stabbiliment protetta mill-Artikoli 49 TFUE) huma kollha elenkati bħala “ir-raġunijiet aktar importanti fir-rigward ta’ l-interess pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 15(3) ta’ din id-direttiva (moqri fid-dawl tal-Artikolu 4(8) tagħha).

( 16 ) Ninnota li, fit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tirreferi wkoll għall-fatt li l-provvista tal-korsijiet inkwistjoni tista’ tkun SIEĠ. Ser nittratta dan il-kunċett fit-Taqsima B iktar ’il quddiem. F’dan l-istadju huwa biżżejjed li jingħad li, anki jekk il-provvista tal-korsijiet inkwistjoni tiġi kkunsidrata bħala SIEĠ, hija xorta waħda tkun taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi (ara, f’dan ir-rigward, il-premessa 17, l-Artikolu 1(2) u (3) kif ukoll l-Artikolu 15(4) ta’ din id-direttiva).

( 17 ) F’dan ir-rigward, ninnota li, għalkemm is-“servizzi fil-qasam tat-trasport” huma espliċitament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din id-direttiva, dawn ma humiex esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 49 TFUE. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja iddikjarat espliċitament li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertà ta’ stabbiliment “japplikaw direttament għat-trasport” (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Yellow Cab Verkehrsbetrieb (C‑338/09, EU:C:2010:814, punt 33)). Konsegwentement, jekk l-attività inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellha titqies bħala “servizz fil-qasam tat-trasport”, il-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni jkollha tiġi evalwata fid-dawl tal-Artikolu 49 TFUE.

( 18 ) F’dan is-sens, l-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva dwar is-Servizzi attwalment jikkopja r-regola stabbilita fl-Artikolu 58(1) TFUE (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2015, Grupo Itevelesa et, C‑168/14, EU:C:2015:685, punt 44).

( 19 ) Minflok, il-kunċett ta’ “servizzi fil-qasam tat-trasport” isegwi sett ta’ regoli distinti li huma inklużi fit-Titolu VI TFUE (ara, għal dan il-għan, il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawżi magħquda Trijber u Harmsen (C‑340/14 u C‑341/14, EU:C:2015:505, punt 28).

( 20 ) Ibid., punt 29.

( 21 ) Ara s-sentenzi tal‑15 ta’ Ottubru 2015, Grupo Itevelesa et (C‑168/14, EU:C:2015:685, punt 46), u tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Asociación Profesional Elite Taxi (C‑434/15, EU:C:2017:981, punt 41).

( 22 ) F’dan ir-rigward, naqbel bis-sħiħ mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl f’Grupo Itevelesa et (C‑168/14, EU:C:2015:351, punt 28).

( 23 ) Ara s-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2015, Trijber u Harmsen (C‑340/14 u C‑341/14, EU:C:2015:641, punt 51).

( 24 ) Ara l-premessa 21 tad-Direttiva dwar is-Servizzi.

( 25 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet 2/15 (EU-Singapore Free Trade Agreement) tas‑16 ta’ Mejju 2017 (EU:C:2017:376, punt 61). Ara wkoll, għal dan il-għan, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl f’Grupo Itevelesa et (C‑168/14, EU:C:2015:351, punt 31).

( 26 ) Ara l-premessa 33 tad-Direttiva dwar is-Servizzi.

( 27 ) Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Dobersberger (C‑16/18, EU:C:2019:1110, punt 26).

( 28 ) Ninnota li, skont il-premessa 21 tad-Direttiva dwar is-Servizzi, is-“servizzi fil-qasam tat-trasport” jinkludu, iżda ma humiex limitati għal, servizzi tat-trasport bħat-trasport urban, it-taxis u l-ambulanzi kif ukoll is-servizzi tal-port. Madankollu, inqis li dan ma huwiex biżżejjed sabiex jagħti lill-Artikolu 2(2)(d) ta’ din id-direttiva kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ żżejjed.

( 29 ) C‑340/14 u C‑341/14, EU:C:2015:505, punti 36 sa 38.

( 30 ) Skont in-natura mhux vinkolanti, iżda madankollu informattiva, tal-“Manwal dwar l-implimentazzjoni tad-direttiva dwar is-servizzi” tal-Kummissjoni, l-esklużjoni fl-Artikolu 2(2)(d) ta’ din id-direttiva ma testendix għal “servizzi ta’ l-iskejjel tas-sewqan, servizzi tal-ġarr, serviziz tal-kiri tal-karozzi, servizzi tal-funerali jew servizzi tal-fotografija mill-ajru”, u lanqas għal “attivitajiet kummerċjali fil-portijiet jew fl-ajruporti bħall-ħwienet u ristoranti” (ara l-Manwal dwar l-implimentazzjoni tad-direttiva dwar is-servizzi, l-Uffiċċju għal Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, 2007, p. 11, disponibbli bil-Malti fuq l-indirizz tal-internet segwenti: https://op.europa.eu/mt/publication-detail/-/publication/a4987fe6-d74b-4f4f-8539-b80297d29715).

( 31 ) Naturalment, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika din il-konstatazzjoni (ara s-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2015, Trijber u Harmsen, (C‑340/14 u C‑341/14, EU:C:2015:641, punt 54)).

( 32 ) Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2015, C‑168/14, EU:C:2015:685.

( 33 ) Ibid., punti 47 u 50. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-attività taċ-ċentri fejn isir il-kontroll tekniku għall-vetturi hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi (ara l-punt 52 ta’ din is-sentenza).

( 34 ) F’dan ir-rigward, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl f’Grupo Itevelesa et (C‑168/14, EU:C:2015:351, punt 31).

( 35 ) Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2015, C‑168/14, EU:C:2015:685.

( 36 ) Din il-konklużjoni tirriżulta wkoll mill-premessa 57 tad-Direttiva dwar is-Servizzi, li tipprevedi, essenzjalment, li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva dwar l-iskemi ta’ awtorizzazzjoni (Artikoli 9 sa 13) ma jistgħux japplikaw għall-konċessjonijiet ta’ servizz pubbliku li jistgħu, inter alia, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/23 (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2016, Promoimpresa et (C‑458/14 u C‑67/15, EU:C:2016:558, punt 45)). Għall-kuntrarju, il-premessa 14 tad-Direttiva 2014/23 tipprevedi li l-“awtorizzazzjonijiet jew liċenzji” ma jikkwalifikawx bħala “konċessjonijiet” fis-sens ta’ din id-direttiva u jibqgħu suġġetti għar-regoli tad-Direttiva dwar is-Servizzi.

( 37 ) Kuntrarjament għal dak li sostnew iċ-CNAE et waqt is-seduta, jiena tal-fehma li d-Direttiva 2014/23 u d-Direttiva dwar is-Servizzi ma humiex reċiprokament esklużivi fl-intier tagħhom.

( 38 ) B’kuntrast ma’ dan, jekk il-korsijiet inkwistjoni ma kinux koperti mid-Direttiva 2014/23, l-Artikoli 9 sa 13 tad-Direttiva dwar is-Servizzi tista’ tiġi applikata għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bil-kundizzjoni, madankollu, li l-miżura nazzjonali inkwistjoni tkun tista’ titqies bħala “skema ta’ awtorizzazzjoni” fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet (f’dan ir-rigward, ara l-punti 51 sa 55 iktar ‘il quddiem).

( 39 ) Ara l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/23.

( 40 ) Ara l-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva 2014/23.

( 41 ) Ara, għal dan il-għan, is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2016, Promoimpresa et (C‑458/14 u C‑67/15, EU:C:2016:558, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 42 ) Ara t-tieni paragrafu tal-Artikolu 54 tad-Direttiva 2014/23.

( 43 ) Ninnota li l-partijiet u l-partijiet ikkonċernati kollha fil-kawża ineżami donnhom jaqblu li s-sejħa għal offerti fil-kawża prinċipali ġiet ippubblikata f’Novembru 2014, wara d-data ta’ skadenza tas‑17 ta’ April 2014.

( 44 ) Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2009, Hochtief u Linde-Kca-Dresden (C‑138/08, EU:C:2009:627, punt 30).

( 45 ) Ara l-premessa 23 tad-Direttiva 2014/23.

( 46 ) Ara l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2014/23.

( 47 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2016, Promoimpresa et (C‑458/14 u C‑67/15, EU:C:2016:558, punt 39).

( 48 ) Għalhekk, ma naqbilx mal-argument taċ-CNAE et li skontu l-fatt li l-korsijiet inkwistjoni għandhom jiġu pprovduti permezz ta’ “konċessjoni”jipprekludi l-applikabbiltà tad-Direttiva dwar is-Servizzi.

( 49 ) Dan il-fattur kien ukoll dak deċiżiv f’Promoimpresa et (C‑458/14 u C‑67/15, EU:C:2016:558, punt 41). Ara wkoll il-punt 6.1.1 (p. 24) tal-“Manwal dwar l-implimentazzjoni tad-direttiva dwar is-servizzi” (imsemmi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30 iktar ’il fuq).

( 50 ) Għall-finijiet ta’ kompletezza, nixtieq inżid li, fl-ipoteżi fejn la d-Direttiva 2014/23 u lanqas l-Artikoli 9 sa 13 tad-Direttiva dwar is-Servizzi ma japplikaw għall-kawża ineżami, l-awtoritajiet pubbliċi jkunu obbligati, fil-fehma tiegħi, li josservaw ir-regoli fundamentali tat-Trattat FUE, b’mod ġenerali, u l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, b’mod partikolari (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2016, Promoimpresa et, (C‑458/14 u C‑67/15, EU:C:2016:558, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata)). Fi kliem ieħor, il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-kuntratt ta’ konċessjoni pubbliku fil-kawża prinċipali għandhom jikkonformaw mal-Artikolu 49 TFUE.

( 51 ) Ara, inter alia, is-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2010, Attanasio Group (C‑384/08, EU:C:2010:133, punt 23).

( 52 ) Ara, inter alia, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Omalet (C‑245/09, EU:C:2010:808, punt 12 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 53 ) Ara, pereżempju, insostenn tal-fehma li ma hemmx tali rekwiżit,, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawżi magħquda Trijber u Harmsen (C‑340/14 u C‑341/14, EU:C:2015:505, punti 49 sa 57).

( 54 ) Ara s-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2018, X u Visser (C‑360/15 u C‑31/16, EU:C:2018:44, punt 110). Dan ma huwiex il-każ fir-rigward tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara l-punt 102 ta’ din is-sentenza).

( 55 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2015, Trijber u Harmsen (C‑340/14 u C‑341/14, EU:C:2015:641, punt 41). F’din is-sentenza, il-fatt li l-qorti tar-rinviju kienet innotat, fid-deċiżjoni tar-rinviju, li l-iskema inkwistjoni setgħet tostakola l-aċċess għas-suq ta’ kull fornitur ta’ servizz, inklużi dawk minn Stati Membri oħra, kien meqjus bħala suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li s-sitwazzjonijiet li huma s-suġġett tad-domandi preliminari ma kinux purament interni.

( 56 ) Ara s-sentenza tat‑23 ta’ Diċembru 2015, Hiebler (C‑293/14, EU:C:2015:843, punt 53).

( 57 ) Ibid., punt 55 et seq.

( 58 ) Ara s-sentenza tat‑23 ta’ Diċembru 2015, Hiebler (C‑293/14, EU:C:2015:843, punt 51).

( 59 ) Ara l-Artikolu 15(2)(a) u l-ispjegazzjonijiet ipprovduti fil-“Manwal dwar l-implimentazzjoni tad-direttiva dwar is-servizzi” (punt 6.3.1, f’p. 33) (ara r-riferiment fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30 iktar ’il fuq).

( 60 ) Ara s-sentenza tat‑23 ta’ Diċembru 2015, Hiebler (C‑293/14, EU:C:2015:843,punti 48 u 49).

( 61 ) Ara s-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2018, X u Visser (C‑360/15 u C‑31/16, EU:C:2018:44, punt 131).

( 62 ) Skont iċ-CNAE et, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, l-istess entità kienet effettivament l-offerenti rebbieħa f’kull waħda mill-ħames żoni.

( 63 ) Fil-fehma tiegħi, huwa possibbli li l-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali tkun tista’ tiġi kklassifikata wkoll bħala “[rekwiżit] [...] li [jirriżerva] l-aċċess għall-attività ta’ servizz ikkonċernata għal fornituri speċifiċi skond in-natura speċifika ta’ l-attività” (ara l-Artikolu 15(2)(d) tad-Direttiva dwar is-Servizzi), peress li, kif issostni l-AUDICA, tali miżura hija effettivament intiża sabiex toħloq ħames monopolji (wieħed f’kull żona).

( 64 ) Ara s-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2015, Trijber u Harmsen (C‑340/14 u C‑341/14, EU:C:2015:641, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 65 ) Ibid., punt 71.

( 66 ) Ibid., punt 55.

( 67 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ Ġunju 2010, Blanco Pérez u Chao Gómez (C‑570/07 u C‑571/07, EU:C:2010:300, punt 70), u tas‑26 ta’ Settembru 2013, Ottica New Line (C‑539/11, EU:C:2013:591, punti 3637), dwar restrizzjonijiet territorjali fuq l-istabbiliment ta’ stabbilimenti tal-ottika u spiżeriji. Ara, ukoll, is-sentenza tat‑23 ta’ Diċembru 2015, Hiebler (C‑293/14, EU:C:2015:843, punt 60), dwar restrizzjonijiet simili fuq l-eżerċizzju tal-professjoni ta’ kennies taċ-ċmieni.

( 68 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2010, Blanco Pérez u Chao Gómez (C‑570/07 u C‑571/07, EU:C:2010:300, punt 73).

( 69 ) Skont din id-dispożizzjoni, SIEĠ “għandha tkun suġġetta għar-regoli tat-Trattati [...] safejn l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ma jostakolawx it-twettiq de jure jew de facto tal-funzjonijiet speċifiċi mogħtija lil dik l-impriża”.

( 70 ) Ara l-premessa 70 tad-Direttiva dwar is-Servizzi.

( 71 ) Ibid.. Fil-kuntest tad-Direttiva dwar is-Servizzi, dan il-marġni ta’ diskrezzjoni ġie affermat mill-ġdid mil-leġiżlatur tal-Unjoni fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(3) ta’ din id-direttiva, li jipprevedi li din id-direttiva ma taffettwax il-libertà tal-Istati Membri milli jiddefinixxu, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, dak li huma jikkunsidraw bħala SIEĠ.

( 72 ) Ara l-punt 7 iktar ’il fuq.

( 73 ) Ara wkoll il-premessa 72 tad-Direttiva dwar is-Servizzi.

( 74 ) Ara s-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2018, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (C‑171/17, EU:C:2018:881, punt 62).

( 75 ) Ara, għal dan il-għan, is-sentenza tat‑23 ta’ Diċembru 2015, Hiebler (C‑293/14, EU:C:2015:843, punt 73).