KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RANTOS

ippreżentati fl‑20 ta’ Settembru 2022 ( 1 )

Kawża C‑252/21

Meta Platforms Inc., li kienet Facebook Inc.,

Meta Platforms Ireland Limited, li kienet Facebook Ireland Ltd.,

Facebook Deutschland GmbH

vs

Bundeskartellamt

fil-preżenza ta’:

Verbraucherzentrale Bundesverband e.V.

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) 2016/679 – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Networks soċjali – Il-punt 11 tal-Artikolu 4 – Kunċett ta’ ‘kunsens’ tas-suġġett tad-data– Kunsens mogħti lil impriża responsabbli għall-ipproċessar f’pożizzjoni dominanti – Artikolu 6(1)(b) sa (f) – Legalità tal-ipproċessar – Ipproċessar neċessarju għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratt li fih is-suġġett tad-data huwa parti jew għall-finijiet tal-interessi leġittimi mfittxija mill-kontrollur jew minn terz – Ipproċessar neċessarju għall-osservanza ta’ obbligu legali li għalih huwa suġġett il-kontrollur, għas-salvagwardja tal-interessi vitali tas-suġġett tad-data jew ta’ persuna fiżika oħra jew għat-twettiq ta’ missjoni ta’ interess pubbliku jew li taqa’ taħt l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika mogħtija lill-kontrollur – Artikolu 9(1) u (2)(e) – Kategoriji speċjali ta’ data personali – Data personali li tiġi manifestament reża pubblika mis-suġġett tad-data – Artikoli 51 sa 66 – Kompetenzi tal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni – Rabta mal-kompetenzi tal-awtoritajiet ta’ superviżjoni tal-protezzjoni tad-data personali – Adozzjoni ta’ miżuri skont id-dritt tal-kompetizzjoni minn awtorità li tinsab fi Stat Membru differenti minn dak tal-awtorità ewlenija għas-superviżjoni tad-data personali”

Introduzzjoni

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet mill-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) fil-kuntest ta’ kawża bejn kumpanniji tal-grupp Meta Platforms ( 2 ) u l-Bundeskartellamt (l-Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni, il-Ġermanja), dwar id-deċiżjoni li permezz tagħha din tal-aħħar ipprojbixxiet lir-rikorrent fil-kawża prinċipali milli jwettaq l-ipproċessar ta’ data previst mill-kundizzjonijiet għall-użu tan-network soċjali tiegħu Facebook kif ukoll milli jimplimenta dawn il-kundizzjonijiet għall-użu u imponiet miżuri intiżi għall-waqfien ta’ dawn l-attivitajiet ( 3 ).

2.

Id-domandi preliminari jirrigwardaw, essenzjalment, minn naħa, il-kompetenza ta’ awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, bħall-Bundeskartellamt (l-Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni), sabiex teżamina, prinċipalment jew b’mod inċidentali, aġir ta’ impriża fid-dawl ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2016/679 ( 4 ) u, min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni ta’ dawn tal-aħħar f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, l-ipproċessar ta’ data personali sensittiva, il-kundizzjonijiet rilevanti għal-legalità tal-ipproċessar ta’ data personali u l-għoti ta’ kunsens liberu fir-rigward ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3.

L-Artikolu 4 tal-GDPR jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

(11)

‘kunsens’ tas-suġġett tad-data tfisser kwalunkwe indikazzjoni tax-xewqat tas-suġġett tad-data mogħtija b’mod liberu, speċifika, infurmata u mhux ambigwa li permezz tagħha s-suġġett tad-data, permezz ta’ dikjarazzjoni jew permezz ta’ azzjoni affermattiva ċara, juri li jaqbel mal-ipproċessar ta’ data personali relatata miegħu;

[…]”

4.

L-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament, intitolat “Legalità tal-ipproċessar”, huwa fformulat kif ġej:

“L-ipproċessar għandu jkun legali biss jekk u safejn mill-inqas ikun japplika wieħed mill-punti li ġejjin:

(a)

is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens għall-ipproċessar ta’ data personali tiegħu għal fini speċifiku wieħed jew aktar;

(b)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta’ kuntratt li għalih is-suġġett tad-data huwa parti jew sabiex jittieħdu passi fuq talba tas-suġġett tad-data qabel ma jidħol f’kuntratt;

(c)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-konformità ma’ obbligu legali li għalih huwa soġġett il-kontrollur;

(d)

l-ipproċessar ikun meħtieġ sabiex ikunu protetti l-interessi vitali tas-suġġett tad-data jew ta’ persuna fiżika oħra;

(e)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur;

(f)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet tal-interessi leġittimi segwiti mill-kontrollur jew minn parti terza, għajr meta dawn l-interessi jingħelbu mill-interessi jew id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data li jeħtieġu l-protezzjoni tad-data personali, b’mod partikolari meta s-suġġett tad-data jkun minorenni.

Il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu m’għandux japplika għall-ipproċessar li jitwettaq minn awtoritajiet pubbliċi fit-twettiq tal-kompiti tagħhom.”

5.

L-Artikolu 9(1) u (2) tal-imsemmi regolament, intitolat “Ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali ”, jistabbilixxi:

“1.   L-ipproċessar ta’ data personali, li jiżvela oriġini razzjali jew etnika, opinjonijiet politiċi, twemmin reliġjuż jew filosofiku, jew sħubija fi trade union, u l-ipproċessar ta’ data ġenetika, data bijometrika sabiex tidentifika b’mod uniku persuna fiżika, data dwar is-saħħa jew data dwar il-ħajja sesswali u l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna fiżika huma projbiti.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika jekk japplika wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

is-suġġett tad-data jkun ta kunsens espliċitu għall-ipproċessar ta’ dik id-data personali għal fini speċifiku wieħed jew aktar, għajr fejn il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi ta’ Stat Membru tipprevedi li l-projbizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ma tistax titneħħa mis-suġġett tad-data;

[…]

(e)

l-ipproċessar ikun relatat ma’ data personali li b’mod ċar tkun saret pubblika mis-suġġett tad-data;

[…]”

6.

L-Artikolu 51 tal-istess regolament, intitolat “Awtorità superviżorja”, li jagħmel parti mill-Kapitolu VI ta’ dan tal-aħħar, li min-naħa tiegħu huwa intitolat “Awtoritajiet superviżorji indipendenti”, jistabbilixxi:

“1.   Kull Stat Membru għandu jipprovdi li awtorità pubblika indipendenti waħda jew aktar ikunu responsabbli għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, sabiex jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ persuni fiżiċi b’rabta mal-ipproċessar u biex jiġi ffaċilitat il-fluss liberu ta’ data personali fl-Unjoni […]

2.   Kull awtorità superviżorja għandha tikkontribwixxi għall-applikazzjoni konsistenti ta’ dan ir-Regolament madwar l-Unjoni. Għal dak il-għan, l-awtoritajiet superviżorji għandhom jikkooperaw ma’ xulxin u mal-Kummissjoni f’konformità mal-Kapitolu VII.

[…]”

Id-dritt Ġermaniż

7.

L-Artikolu 19(1) tal-Gesetz gegen Wettbewerbsbeschränkungen (il-Liġi kontra r-Restrizzjonijiet għall-Kompetizzjoni, iktar ’il quddiem il-“GWB”) jistabbilixxi:

“L-operat abbużiv ta’ pożizzjoni dominanti fis-suq minn impriża waħda jew iktar huwa pprojbit.” ( 5 )

8.

L-Artikolu 50f tal-GWB jipprovdi:

“(1)   L-awtoritajiet tal-kompetizzjoni, l-awtoritajiet regolatorji, il-persuna responsabbli fuq livell federali għall-protezzjoni tad-data u tal-libertà tal-informazzjoni, il-persuni responsabbli fuq livell reġjonali għall-protezzjoni tad-data kif ukoll l-awtoritajiet kompetenti fis-sens tal-Artikolu 2 tal-EU-Verbraucherschutzdurchführungsgesetz [il-Liġi dwar l-Implimentazzjoni tad-Dritt tal-Protezzjoni tal-Konsumaturi tal-Unjoni Ewropea] jistgħu, indipendentement mill-proċedura magħżula, jiskambjaw bejniethom informazzjoni, inkluża data personali u sigrieti kummerċjali u tan-negozju, sa fejn dan ikun neċessarju għat-twettiq tal-missjonijiet rispettivi tagħhom kif ukoll jużaw din l-informazzjoni fil-kuntest tal-proċeduri tagħhom. […]”

Il‑kawża prinċipali, id‑domandi preliminari u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

9.

Meta Platforms jiġġestixxi l-offerta tan-network soċjali online “Facebook” fl-Unjoni Ewropea (fl-indirizz www.facebook.com), kif ukoll servizzi online oħra, fosthom Instagram u WhatsApp. Il-mudell ekonomiku tan-networks soċjali ġġestiti minn Meta Platforms jikkonsisti essenzjalment, minn naħa, fl-offerta tas-servizzi ta’ network soċjali bla ħlas għall-utenti privati u, min-naħa l-oħra, fil-bejgħ tar-reklamar online, imfassal apposta għall-utenti individwali tan-network soċjali u li jfittex li juri lill-utent il-prodotti u s-servizzi li jistgħu jinteressawh abbażi, b’mod partikolari, tal-attitudnijiet personali tiegħu ta’ konsum, tal-interessi tiegħu, tal-kapaċita ta’ akkwist tiegħu u tas-sitwazzjoni personali tiegħu. Il-bażi teknika ta’ dan it-tip ta’ reklamar hija l-istabbiliment awtomatizzat ta’ profili ddettaljati ferm tal-utenti tan-network u tas-servizzi online proposti fuq il-livell tal-grupp ( 6 ).

10.

Bil-għan li jiġbor u jipproċessa data tal-utenti, Meta Platforms jibbaża ruħu fuq il-kuntratt ta’ użu konkluż mal-utenti permezz tal-attivazzjoni tal-buttuna “abbona”, li permezz tagħha dawn l-utenti jaċċettaw b’dan il-mod il-kundizzjonijiet għall-użu ta’ Facebook. L-aċċettazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet għall-użu hija kundizzjoni essenzjali għall-użu tan-network soċjali Facebook ( 7 ). L-element ċentrali ta’ din il-kawża jirrigwarda l-prattika li tikkonsisti, l-ewwel, fil-ġbir ta’ data li tirriżulta minn servizzi oħra tal-grupp stess, kif ukoll minn siti internet u minn applikazzjonijiet terzi, permezz ta’ interfaċċi integrati f’dawn tal-aħħar jew permezz tal-cookies irreġistrati fil-kompjuter jew fit-tagħmir ċellulari tal-utent, it-tieni, fil-korrelazzjoni ta’ din id-data mal-kont Facebook tal-utent ikkonċernat u, it-tielet, fl-użu tal-imsemmija data (iktar ’il quddiem il-“prattika kontenzjuża”).

11.

Il-Bundeskartellamt (l-Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni) bdiet proċedura kontra Meta Platforms li b’riżultat tagħha, permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, hija pprojbixxiet lil dan tal-aħħar milli jwettaq l-ipproċessar ta’ data previst mill-kundizzjonijiet għall-użu ta’ Facebook kif ukoll milli jimplimenta dawn il-kundizzjonijiet u imponiet fuqu miżuri intiżi għall-waqfien ta’ dawn l-attivitajiet. Il-Bundeskartellamt (l-Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni) immotivat id-deċiżjoni tagħha b’mod partikolari bil-fatt li l-ipproċessar inkwistjoni kien jikkostitwixxi operat abbużiv tal-pożizzjoni dominanti ta’ din il-kumpannija fis-suq tan-networks soċjali għall-utenti privati fil-Ġermanja, fis-sens tal-Artikolu 19 tal-GWB ( 8 ).

12.

Fil‑11 ta’ Frar 2019, Meta Platforms ippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni kontenzjuża quddiem l-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf) ( 9 ), il-qorti tar-rinviju, li għandha, essenzjalment, dubji, minn naħa, dwar il-possibbiltà għal awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni li jwettqu superviżjoni tal-konformità ta’ pproċessar ta’ data mar-rekwiżiti fformulati fir-RPĠD, kif ukoll li jikkonstataw u li jissanzjonaw ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan tal-aħħar u, min-naħa l-oħra, dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament.

13.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

a)

Huwa kompatibbli mal-Artikolu 51 et seq. tar-RĠPD [GDPR] jekk awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, bħall-Bundeskartellamt […], li ma hijiex awtorità superviżorja fis-sens tal-Artikolu 51 et seq. tar-RĠPD, ta’ Stat Membru li fih impriża stabbilita barra mill-Unjoni Ewropea jkollha fergħa li, fil-qasam tar-reklamar, tal-komunikazzjoni u tar-relazzjonijiet pubbliċi, tassisti lill-istabbiliment prinċipali ta’ din l-impriża li jinsab fi Stat Membru ieħor u li huwa esklużivament responsabbli għall-ipproċessar tad-data personali għat-territorju kollu tal-Unjoni Ewropea, tikkonstata, fil-kuntest tal-kontroll ta’ prattiki abbużivi tad-dritt tal-kompetizzjoni, li l-kundizzjonijiet kuntrattwali tal-istabbiliment prinċipali relatati mal-ipproċessar tad-data kif ukoll l-implimentazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet jiksru r-RĠPD u tordna t-tmiem ta’ dan il-ksur?

b)

Fl-affermattiv, huwa kompatibbli mal-Artikolu 4(3) TUE jekk, fl-istess waqt, l-awtorità superviżorja ewlenija fl-Istat Membru fejn jinsab l-istabbiliment prinċipali, tissuġġetta l-kundizzjonijiet kuntrattwali ta’ dan l-aħħar dwar l-ipproċessar tad-data għal proċedura ta’ eżami, konformement mal-Artikolu 56(1) tar-RĠPD?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

2)

a)

Jekk utent tal-internet sempliċement jikkonsulta siti tal-internet jew applikazzjonijiet li fir-rigward tagħhom japplikaw il-kriterji tal-Artikolu 9(1) tar-RĠPD, bħal applikazzjonijiet ta’ namrar, siti ta’ namrar għall-omosesswali, siti internet ta’ partiti politiċi jew siti internet relatati mas-saħħa, jew jinserixxi data fihom, pereżempju meta jirreġistra jew jagħmel ordnijiet, u impriża oħra, bħal Facebook Ireland, tuża interfaċċi integrati f’dawn is-siti internet u applikazzjonijiet, bħal ‘Facebook Business Tools’ jew cookies jew teknoloġiji ta’ ħażna simili mqiegħda fil-kompjuter jew fit-tagħmir ċellulari tal-utent tal-internet, sabiex tiġbor data dwar dawn il-konsultazzjonijiet ta’ siti internet u applikazzjonijiet u dwar informazzjoni mdaħħla mill-utent, u tirrelata din id-data mad-data tal-kont [Facebook] tal-utent u tużaha, din il-ġabra u/jew korrelazzjoni u/jew użu jinvolvu l-ipproċessar ta’ data [personali] sensittiva għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni?

b)

Fl-affermattiv, il-konsultazzjoni ta’ dawn is-siti internet jew applikazzjonijiet u/jew l-inserzjoni ta’ informazzjoni u/jew l-attivitazzjoni ta’ buttuni integrati fihom minn fornitur bħal Facebook Ireland (plugins soċjali bħal ‘Like’, ‘Share’ jew ‘Facebook Login’ jew ‘Account Kit’) irendu manifestament pubblika d-data li tikkonċerna l-konsultazzjoni fiha nnifisha u/jew l-informazzjoni inserita mill-utent, fis-sens tal-Artikolu 9(2)(e) tar-RĠPD?

3)

Impriża bħal Facebook Ireland, li topera network diġitali soċjali ffinanzjat mir-reklamar u li tipproponi, fil-kundizzjonijiet għall-użu tagħha, il-personalizzazzjoni tal-kontenut u tar-reklamar, is-sigurtà tan-network, it-titjib tal-prodott kif ukoll l-użu kontinwu u bla xkiel tal-prodotti kollha fil-grupp, tista’ tinvoka l-ġustifikazzjoni bbażata fuq in-neċessità tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt, konformement mal-Artikolu 6(1)(b) tar-RĠPD, jew it-teħid inkunsiderazzjoni tal-interessi leġittimi, konformement mal-Artikolu 6(1)(f) tar-RĠPD, meta hija tiġbor, tirrelata mal-kont [Facebook] tal-utent u tuża, għal dawn il-finijiet, id-data minn servizzi oħra tal-grupp stess u minn siti internet u applikazzjonijiet terzi, permezz ta’ interfaċċi integrati f’dawn tal-aħħar, bħal ‘Facebook Business Tools’ [jew] permezz ta’ cookies imqiegħda fil-kompjuter jew fit-tagħmir ċellulari tal-utent tal-internet, jew permezz ta’ teknoloġiji ta’ ħażna simili?

4)

F’tali każ,

il-fatt li l-utent huwa minuri, għall-finijiet tal-personalizzazzjoni tal-kontenut u tar-reklamar, tat-titjib tal-prodott, tas-sigurtà tan-network u tal-komunikazzjonijiet mhux kummerċjali mal-utent;

it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ miżuri, analiżijiet u servizzi oħra kummerċjali lil min jirreklama, lil żviluppaturi u lil imsieħba oħra, sabiex ikunu jistgħu jevalwaw il-prestazzjonijiet tagħhom u jtejbuhom,

it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ komunikazzjoni kummerċjali lill-utent, sabiex l-impriża tkun tista’ ttejjeb il-prodotti tagħha u twettaq kummerċjalizzazzjoni diretta,

ir-riċerka u l-innovazzjoni għall-finijiet soċjali, sabiex jiġi promoss l-istat tat-teknika jew il-fehim xjentifiku fir-rigward ta’ kwistjonijiet soċjali importanti u sabiex jiġu influwenzati b’mod pożittiv is-soċjetà u d-dinja,

l-informazzjoni lill-awtoritajiet responsabbli għall-prosekuzzjonijiet kriminali u għall-eżekuzzjoni tal-pieni, u r-risposta għal kwistjonijiet legali intiża għall-prevenzjoni, għall-identifikazzjoni u għall-prosekuzzjoni ta’ reati, użu illegali, ksur tal-kundizzjonijiet għall-użu u tal-politiki u aġir dannuż ieħor,

jistgħu jikkostitwixxu [wkoll] interessi leġittimi fis-sens tal-Artikolu 6(1)(f) tar-RĠPD meta, għal dan il-għan, l-impriża tiġbor, tirrelata mal-kont [Facebook] tal-utent u tuża d-data minn servizzi oħra tal-grupp stess u siti internet u applikazzjonijiet terzi, permezz ta’ interfaċċi integrati f’dawn tal-aħħar, bħal ‘Facebook Business Tools’ jew permezz ta’ cookies imqiegħda fil-kompjuter jew fit-tagħmir ċellulari tal-utent tal-internet, jew permezz ta’ teknoloġiji ta’ ħażna simili?

5)

F’tali każ, il-ġbir ta’ data minn servizzi oħra tal-grupp stess u minn siti internet u applikazzjonijiet terzi, permezz ta’ interfaċċi integrati f’dawn tal-aħħar, bħal ‘Facebook Business Tools’, jew permezz ta’ cookies jew teknoloġiji ta’ ħażna simili maħżuna fil-kompjuter jew fit-tagħmir ċellulari tal-utent tal-internet, il-korrelazzjoni mal-kont [Facebook] tal-utent u l-użu ta’ din id-data jew inkella l-użu ta’ data diġà miġbura u mqiegħda f’korrelazzjoni mod ieħor [u b’mod leġittimu] jistgħu, f’każijiet individwali, jiġu ġġustifikati wkoll skont l-Artikolu 6(1)(c), (d) u (e) tar-RĠPD, pereżempju sabiex tingħata risposta għal talba legalment valida li tiġi pprovduta ċerta data (punt (c)) sabiex jiġi miġġieled aġir dannuż u tiġi promossa s-sigurtà (punt (d)) għall-finijiet ta’ riċerka għall-benefiċċju tas-soċjetà u sabiex jiġu promossi l-protezzjoni, l-integrità u s-sigurtà (punt (e))?

6)

Fil-konfront ta’ impriża li għandha pożizzjoni dominanti fis-suq, bħal Facebook Ireland, jista’ jingaħta kunsens validu, u b’mod partikolari liberu, fis-sens tal-Artikolu 4(11) tar-RĠPD, konformement mal-Artikolu 6(1)(a) u l-Artikolu 9(2)(a) tar-RĠPD?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda:

7)

a)

Awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru, bħall-Uffiċċju Federali tal-Kompetizzjoni, li ma hijiex awtorità superviżorja fis-sens tal-Artikolu 51 et seq. tar-RĠPD u li teżamina ksur tal-projbizzjoni ta’ prattiki abbużivi fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni kommessi minn impriża li għandha pożizzjoni dominanti fis-suq li ma jikkonsistix fi ksur tar-RĠPD taħt il-kundizzjonijiet ta’ pproċessar tad-data u l-implimentazzjoni tagħhom, tista’ tistabbilixxi, pereżempju fil-kuntest tal-ibbilanċjar tal-interessi, jekk tali kundizzjonijiet ta’ pproċessar tad-data ta’ din l-impriża u l-implimentazzjoni tagħhom humiex konformi mar-RĠPD?

b)

Fl-affermattiv: fid-dawl tal-Artikolu 4(3) TUE, dan japplika wkoll jekk l-awtorità superviżorja prinċipali tissuġġetta l-kundizzjonijiet dwar l-ipproċessar tad-data ta’ din l-impriża għal proċedura ta’ eżami, konformement mal-Artikolu 56(1) tar-RĠPD?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għas-seba’ domanda, huwa neċessarju li tingħata risposta għat-tielet sal-ħames domanda fir-rigward ta’ data mill-użu tas-servizz Instagram tal-grupp.”

14.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Meta Platforms, mill-Gvern Ġermaniż, mill-Gvern Ċek, mill-Gvern Taljan u mill-Gvern Awstrijak, mill-Bundeskartellamt (l-Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni), mill-Verbraucherzentrale Bundesverband e.V. (l-Assoċjazzjoni tal-Konsumaturi, il-Ġermanja), kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Dawn il-partijiet ippreżentaw osservazzjonijiet orali matul is-seduta għas-sottomissjonijiet orali li nżammet fl‑10 ta’ Mejju 2022.

Analiżi

15.

Id-domandi preliminari li huma s-suġġett ta’ din il-kawża, li huma relatati mal-interpretazzjoni ta’ diversi dispożizzjonijiet tal-GDPR, jirrigwardaw, essenzjalment, l-ewwel, il-kompetenza ta’ awtorità tal-kompetizzjoni sabiex tikkonstata u tissanzjona ksur tar-regoli fil-qasam tal-ipproċessar ta’ data personali u l-obbligi tagħha ta’ kooperazzjoni mal-awtorità ewlenija fis-sens tal-GDPR (l-ewwel u s-seba’ domanda preliminari), it-tieni, il-projbizzjoni tal-ipproċessar ta’ data personali sensittiva u l-kundizzjonijiet applikabbli għall-kunsens għall-użu tagħha (it-tieni domanda preliminari), it-tielet, il-legalità tal-ipproċessar ta’ data personali fid-dawl ta’ ċerti ġustifikazzjonijiet (it-tielet sal-ħames domanda preliminari) u, ir-raba’, il-validità ta’ kunsens għall-ipproċessar ta’ data personali mogħti lil impriża f’pożizzjoni dominanti (is-sitt domanda preliminari).

16.

Fil-punti li ġejjin, ser nittratta qabelxejn l-ewwel u s-seba’ domanda preliminari u, sussegwentement, id-domandi preliminari l-oħra, fl-ordni li fih saru, filwaqt li niġbor flimkien it-tielet sal-ħames domanda preliminari.

Fuq l-ewwel domanda preliminari

17.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk awtorità tal-kompetizzjoni, meta tieħu proċeduri kontra ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, tistax, minn naħa, tiddeċiedi, prinċipalment ( 10 ), dwar ksur tar-regoli dwar l-ipproċessar ta’ data tal-GDPR minn impriża li l-istabbiliment prinċipali tagħha li huwa esklużivament responsabbli għall-ipproċessar ta’ data personali għall-Unjoni Ewropea kollha jinsab fi Stat Membru ieħor u, min-naħa l-oħra, tordna l-waqfien ta’ dan il-ksur (il-punt (a) tal-ewwel domanda) u, fl-affermattiv, jekk l-awtorità ta’ superviżjoni ewlenija kompetenti skont l-Artikolu 56(1) tal-GDPR tistax tkompli tissuġġetta l-kundizzjonijiet ta’ pproċessar ta’ data ta’ din l-impriża għal proċedura ta’ eżami (il-punt (b) tal-ewwel domanda).

18.

Madankollu, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, jidhirli li l-Bundeskartellamt (l-Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni), fid-deċiżjoni kontenzjuża, ma ssanzjonatx ksur tal-GDPR minn Meta Platforms, iżda pproċediet, sempliċement għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, għall-eżami ta’ ksur allegat tal-projbizzjoni ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti minn din tal-aħħar billi ħadet inkunsiderazzjoni, inter alia, in-nuqqas ta’ konformità tal-aġir ta’ din l-impriża mad-dispożizzjonijiet tal-GDPR.

19.

Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, il-punt (a) tal-ewwel domanda, sa fejn dan jirrigwarda l-possibbiltà għal awtorità tal-kompetizzjoni li tiddeċiedi, prinċipalment, dwar ksur tar-regoli tal-GDPR u li tordna l-waqfien ta’ dan il-ksur fis-sens ta’ dan ir-regolament, huwa ineffettiv ( 11 ).

20.

Minn dan isegwi li l-punt (b) tal-ewwel domanda, li huwa suġġett għal risposta affermattiva għall-punt (a) tal-ewwel domanda, huwa wkoll ineffettiv ( 12 ).

Fuq is-seba’ domanda preliminari

21.

Permezz tas-seba’ domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk awtorità tal-kompetizzjoni tistax, meta tieħu proċeduri kontra ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, tistabbilixxi, b’mod inċidentali ( 13 ), jekk il-kundizzjonijiet ta’ pproċessar ta’ data u l-implimentazzjoni tagħhom humiex konformi mal-GDPR (il-punt (a) tas-seba’ domanda) u, fl-affermattiv, jekk eżami mill-awtorità tal-kompetizzjoni huwiex ukoll possibbli meta dawn il-kundizzjonijiet ikunu suġġetti, fl-istess ħin, għal proċedura ta’ eżami mill-awtorità ta’ superviżjoni ewlenija kompetenti (il-punt (b) tas-seba’ domanda).

22.

F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-punt (a) tas-seba’ domanda, jidhirli li għalkemm awtorità tal-kompetizzjoni ma għandhiex kompetenza sabiex tikkonstata ksur tal-GDPR ( 14 ), dan tal-aħħar ma jipprekludix, bħala prinċipju, li, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi u tas-setgħat tagħhom stess, awtoritajiet differenti mill-awtoritajiet ta’ superviżjoni jkunu jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod inċidentali, il-kompatibbiltà ta’ aġir mad-dispożizzjonijiet tal-GDPR. Fil-fehma tiegħi, dan huwa b’mod partikolari l-każ, f’dak li jirrigwarda l-eżerċizzju, minn awtorità tal-kompetizzjoni, tas-setgħat mogħtija lilha mill-Artikolu 102 TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 ( 15 ) jew minn kwalunkwe regola nazzjonali korrispondenti oħra ( 16 ).

23.

Fil-fatt, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha, awtorità tal-kompetizzjoni għandha tevalwa, b’mod partikolari, jekk l-aġir eżaminat jikkonsistix fl-użu ta’ mezzi differenti minn dawk li jaqgħu taħt kompetizzjoni bbażata fuq il-merti, fid-dawl tal-kuntest ġuridiku u ekonomiku ta’ dan l-aġir ( 17 ). F’dan ir-rigward, il-konformità jew in-nuqqas ta’ konformità tal-imsemmi aġir mad-dispożizzjonijiet tal-GDPR, mhux fih innifsu iżda fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, jistgħu jikkostitwixxu indizju importanti sabiex jiġi stabbilit jekk dan l-aġir jikkostitwixxix użu ta’ mezzi li jirregolaw kompetizzjoni normali, filwaqt li jiġi speċifikat li n-natura abbużiva jew mhux abbużiva ta’ aġir fid-dawl tal-Artikolu 102 TFUE ma tirriżultax mill-konformità jew mill-assenza ta’ konformità tiegħu mal-GDPR jew ma’ regoli ġuridiċi oħra ( 18 ).

24.

Għaldaqstant, jidhirli li eżami ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti fis-suq jista’ jiġġustifika l-interpretazzjoni li awtorità tal-kompetizzjoni tinterpreta regoli li ma jaqgħux taħt id-dritt tal-kompetizzjoni, bħal dawk tal-GDPR ( 19 ), filwaqt li jiġi speċifikat li tali eżami jitwettaq b’mod inċidentali ( 20 ) u ma jippreġudikax l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament imwettqa mill-awtoritajiet ta’ superviżjoni kompetenti ( 21 ).

25.

F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-punt (b) tas-seba’ domanda, il-qorti tar-rinviju tqajjem il-kwistjoni dwar x’inhuma, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, l-obbligi li għandha, fil-konfront tal-awtorità ta’ superviżjoni ewlenija kompetenti fis-sens tal-GDPR, awtorità tal-kompetizzjoni meta hija tinterpreta dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament u, b’mod iktar speċifiku, meta l-istess aġir bħal dak eżaminat mill-awtorità tal-kompetizzjoni jkun is-suġġett ta’ eżami min-naħa tal-awtorità ta’ superviżjoni ewlenija kompetenti.

26.

F’dan il-każ, minkejja li l-eżami ta’ aġir ta’ impriża fid-dawl tar-regoli tal-GDPR minn awtorità tal-kompetizzjoni huwa wieħed inċidentali, huwa jinvolvi r-riskju ta’ diverġenzi bejn din tal-aħħar u l-awtoritajiet ta’ superviżjoni fir-rigward tal-interpretazzjoni ta’ dan ir-regolament, ħaġa li, bħala prinċipju, tista’ tippreġudika l-interpretazzjoni uniformi tal-GDPR ( 22 ).

27.

Id-dritt tal-Unjoni ma jipprevedix regoli ddettaljati dwar il-kooperazzjoni bejn awtorità tal-kompetizzjoni u l-awtoritajiet ta’ superviżjoni fis-sens tal-l-GDPR f’sitwazzjoni bħal din. B’mod iktar partikolari, la l-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti fis-sens tal-GDPR fl-applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar ( 23 ) u lanqas regoli speċifiċi oħra dwar il-kooperazzjoni bejn awtoritajiet amministrattivi, bħal dawk dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u l-kooperazzjoni bejn dawn tal-aħħar u l-Kummissjoni fl-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni ( 24 ) ma huma applikabbli f’dan il-każ.

28.

Dan premess, meta awtorità tal-kompetizzjoni tinterpreta l-GDPR, hija madankollu marbuta bil-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, li skontu l-Unjoni u l-Istati Membri, inklużi l-awtoritajiet amministrattivi tagħhom ( 25 ), għandhom, f’rispett reċiproku sħiħ, jgħinu lil xulxin fit-twettiq tal-missjonijiet li jirriżultaw mit-Trattati. B’mod partikolari, it-tielet subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jgħinu lill-Unjoni sabiex twettaq il-missjoni tagħha u joqogħdu lura minn kwalunkwe miżura li tista’ tipperikola l-kisba tal-għanijiet tal-Unjoni ( 26 ). Barra minn hekk, bħal kull awtorità amministrattiva responsabbli għall-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, awtorità tal-kompetizzjoni hija marbuta bil-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li jinkludi b’mod partikolari obbligu wiesa’ ta’ diliġenza u ta’ premura tal-awtoritajiet nazzjonali ( 27 ).

29.

Għaldaqstant, fl-assenza ta’ regoli speċifiċi dwar il-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni, li huwa l-leġiżlatur tal-Unjoni li għandu eventwalment jadotta, meta awtorità tal-kompetizzjoni tinterpreta dispożizzjonijiet tal-GDPR, hija tkun suġġetta, tal-inqas, għal obbligi ta’ informazzjoni, ta’ tagħrif u ta’ kooperazzjoni fil-konfront tal-awtoritajiet kompetenti fis-sens ta’ dan ir-regolament, b’applikazzjoni tar-regoli nazzjonali li jirregolaw il-kompetenzi tagħha (prinċipju ta’ awtonomija proċedurali tal-Istati Membri) u b’osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u effettività ( 28 ).

30.

Fil-fehma tiegħi, minn dan isegwi li, meta l-awtorità ta’ superviżjoni ewlenija kompetenti tkun iddeċidiet dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-GDPR fir-rigward ta’ prattika identika jew simili, l-awtorità tal-kompetizzjoni ma hijiex ser tkun tista’, bħala prinċipju, titbiegħed mill-interpretazzjoni ta’ din l-awtorità, li hija l-unika awtorità kompetenti għall-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament ( 29 ), u ser ikollha, sa fejn ikun possibbli u filwaqt li jiġu rrispettati, b’mod partikolari, id-drittijiet tad-difiża tas-suġġetti tad-data, tikkonforma ruħha mal-eventwali deċiżjonijiet adottati minn din tal-aħħar fir-rigward tal-istess aġir ( 30 ) u, fil-każ ta’ dubji fil-każ inkwistjoni dwar l-interpretazzjoni mogħtija mill-awtorità kompetenti, tikkonsultaha jew, jekk ikun il-każ, meta din tal-aħħar tkun tinsab fi Stat Membru ieħor, tikkonsulta l-awtorità ta’ superviżjoni nazzjonali ( 31 ).

31.

Barra minn hekk, fl-assenza ta’ deċiżjoni tal-awtorità ta’ superviżjoni kompetenti, hija madankollu l-awtorità tal-kompetizzjoni li għandha tinforma lil din tal-aħħar ( 32 ) u tikkoopera magħha meta din l-awtorità tkun bdiet l-eżami tal-istess prattika jew tkun uriet l-intenzjoni li tagħmel dan, u eventwalment tistenna l-eżitu tal-eżami mwettaq minn din tal-aħħar qabel ma tibda l-evalwazzjoni tagħha stess, sa fejn dan ikun xieraq u ma jippreġudikax b’mod partikolari l-osservanza, mill-awtorità tal-kompetizzjoni, ta’ terminu ta’ investigazzjoni raġonevoli u r-rispett, mill-istess awtorità, tad-drittijiet tad-difiża tas-suġġetti tad-data ( 33 ).

32.

F’dan il-każ, jidhirli li l-fatt li hija bdiet kooperazzjoni mal-awtoritajiet ta’ superviżjoni responsabbli fuq livell nazzjonali ( 34 ) u li kkuntattjat ukoll, b’mod informali, lill-awtorità ta’ superviżjoni ewlenija Irlandiża, ċirkustanzi msemmija mill-Bundeskartellamt (l-Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni) u li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, jista’ jkun suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li din l-awtorità ssodisfat l-obbligi tagħha ta’ diliġenza u ta’ kooperazzjoni leali ( 35 ).

33.

Bħala konklużjoni, nipproponi li r-risposta għas-seba’ domanda preliminari għandha tkun li l-Artikoli 51 sa 66 tal-GDPR għandhom jiġu interpretati fis-sens li awtorità tal-kompetizzjoni, fil-kuntest tas-setgħat tagħha fis-sens tar-regoli fil-qasam tal-kompetizzjoni, tista’ teżamina, b’mod inċidentali, il-konformità tal-prattiki eżaminati mar-regoli tal-GDPR, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni kwalunkwe deċiżjoni jew investigazzjoni tal-awtorità ta’ superviżjoni kompetenti skont il-GDPR u tinforma b’dan lill-awtorità ta’ superviżjoni nazzjonali u, jekk ikun il-każ, tikkonsultaha.

Fuq it‑tieni domanda preliminari

34.

Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 9(1) tal-GDPR għandux jiġi interpretat fis-sens li l-prattika kontenzjuża, meta tirrigwarda l-konsultazzjoni ta’ siti internet u ta’ applikazzjonijiet terzi ( 36 ), taqax taħt l-ipproċessar ta’ data personali sensittiva indikata ( 37 ), li huwa pprojbit ( 38 ), (il-punt (a) tat-tieni domanda) u, fl-affermattiv, jekk l-Artikolu 9(2)(e) ta’ dan ir-regolament għandux jiġi interpretat fis-sens li utent jirrendi manifestament pubblika fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni d-data li hija, minn naħa, żvelata billi jikkonsulta siti internet u applikazzjonijiet jew, min-naħa l-oħra, dik li hija mdaħħla minn jew li tirriżulta mill-attivazzjoni ta’ buttuni ta’ għażla integrati f’dawn is-siti internet jew applikazzjonijiet ( 39 ) (il-punt (b) tat-tieni domanda).

35.

F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-punt (a) tat-tieni domanda, infakkar li, skont l-Artikolu 9(1) tal-GDPR, l-ipproċessar ta’ data personali sensittiva huwa pprojbit. Kif jirriżulta mill-premessa 51 ta’ dan ir-regolament, il-protezzjoni speċjali ta’ din id-data hija mmotivata mill-fatt li din, min-natura tagħha, hija partikolarment sensittiva mill-perspettiva tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali u li l-ipproċessar tagħha jista’ joħloq riskji sinjifikattivi għal dawn il-libertajiet u dawn id-drittijiet. Barra minn hekk, minkejja n-natura kemxejn mhux ċara tal-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ( 40 ), ma jidhirlix li, hekk kif tassumi l-qorti tar-rinviju, hija tintroduċi differenza sostanzjali bejn data personali li hija sensittiva għaliex “tiżvela” ċerta sitwazzjoni u data li hija sensittiva fiha nnifisha ( 41 ).

36.

F’dan il-każ, fil-fehma tiegħi huwa evidenti li l-prattika kontenzjuża tikkostitwixxi pproċessar ta’ data personali li, bħala prinċipju, jista’ jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u jkun ipprojbit meta d-data pproċessata “tiżvela” waħda mis-sitwazzjonijiet sensittivi indikati minnha. Għalhekk għandu jiġi stabbilit jekk u sa fejn il-konsultazzjoni ta’ siti internet u ta’ applikazzjonijiet jew l-inklużjoni ta’ data f’dawn tal-aħħar jistgħu “jiżvelaw” waħda mis-sitwazzjonijiet sensittivi previsti mid-dispożizzjoni inkwistjoni.

37.

F’dan ir-rigward, niddubita kemm huwa rilevanti (u dejjem possibbli) li ssir distinzjoni bejn, minn naħa, sempliċi interess tas-suġġett tad-data fir-rigward ta’ ċerta informazzjoni u, min-naħa l-oħra, l-appartenenza ta’ din tal-aħħar għal waħda mill-kategoriji previsti mid-dispożizzjoni inkwistjoni ( 42 ). Għalkemm il-pożizzjonijiet tal-partijiet fil-kawża prinċipali huma opposti f’dan ir-rigward ( 43 ), jidhirli li risposta għal din id-domanda tista’ titfittex biss każ b’każ u fir-rigward ta’ kull waħda mill-attivitajiet li jikkomponu l-prattika kontenzjuża.

38.

Għalkemm, kif jirrileva l-Gvern Ġermaniż, is-sempliċi ġbir ta’ data personali sensittiva relatata mal-konsultazzjoni ta’ sit internet jew ta’ applikazzjoni ma huwiex, waħdu, neċessarjament ipproċessar ta’ data personali sensittiva fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni ( 44 ), il-korrelazzjoni ta’ din id-data mal-kont Facebook tal-utent ikkonċernat jew l-użu tagħha huma aġir li, għall-kuntrarju, jista’ iktar faċilment jikkostitwixxi tali pproċessar. Fil-fehma tiegħi, l-element deċiżiv għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 9(1) tal-GDPR huwa l-possibbiltà li d-data pproċessata tippermetti t-tfassil tal-profil tal-utent skont il-kategoriji li jirriżultaw mill-indikazzjoni tad-data personali sensittiva magħmula minn din id-dispożizzjoni ( 45 ).

39.

F’dan il-kuntest, sabiex ikun jista’ jiġi ddeterminat jekk ipproċessar ta’ data jidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, jista’ jkun utli li ssir distinzjoni, jekk ikun il-każ, bejn, minn naħa, l-ipproċessar ta’ data li tista’ tiġi prima facie kklassifikata fil-kategorija tad-data personali sensittiva u li, waħedha, tippermetti t-tfassil tal-profil tas-suġġett tad-data u, min-naħa l-oħra, l-ipproċessar ta’ data li ma hijiex fiha nnifisha sensittiva iżda li tirrikjedi attività ulterjuri ta’ ġbir flimkien sabiex jinsiltu konklużjonijiet plawżibbli għat-tfassil tal-profil tas-suġġett tad-data

40.

Dan premess, għandu jiġi speċifikat li l-eżistenza ta’ kategorizzazzjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni hija indipendenti mill-kwistjoni jekk din il-kategorizzazzjoni hijiex minnha jew korretta ( 46 ). Dak li huwa importanti huwa l-possibbiltà li tali kategorizzazzjoni toħloq riskju sinjifikattiv għal-libertajiet u għad-drittijiet fundamentali tas-suġġett tad-data, kif tfakkar il-premessa 51 tal-GDPR, possibbiltà li hija indipendenti mir-realtà tagħha.

41.

F’dak li jirrigwarda, fl-aħħar nett, id-domanda tal-qorti tar-rinviju intiża li jsir magħruf jekk l-għan tal-użu huwiex rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni inkwistjoni ( 47 ), jidhirli, kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent fil-kawża prinċipali, li, bħala prinċipju, ma huwiex meħtieġ li l-kontrollur jipproċessa din id-data “filwaqt li jkun taf u filwaqt li jkollu l-intenzjoni li minnha jislet direttament kategoriji ta’ informazzjoni”. Fil-fatt, l-għan tad-dispożizzjoni inkwistjoni huwa, essenzjalment, li jiġu evitati, b’mod oġġettiv, riskji sinjifikattivi għal-libertajiet u għad-drittijiet fundamentali tas-suġġetti tad-data, li jinħolqu permezz tal-ipproċessar ta’ data personali sensittiva, indipendentement minn kwalunkwe element suġġettiv bħall-intenzjoni tal-kontrollur.

42.

F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-punt (b) tat-tieni domanda, infakkar li, skont l-Artikolu 9(2)(e) tal-GDPR, il-projbizzjoni tal-ipproċessar ta’ data personali sensittiva ma tapplikax jekk l-ipproċessar jirrigwarda data personali li tiġi manifestament reża pubblika mis-suġġett tad-data. Barra minn hekk, ir-riferiment, fil-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, għall-avverb “b’mod ċar” u l-fatt li l-imsemmija dispożizzjoni tikkostitwixxi eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ projbizzjoni tal-ipproċessar ta’ data personali sensittiva ( 48 ) jimponu applikazzjoni partikolarment stretta ta’ din l-eċċezzjoni, minħabba r-riskji sinjifikattivi għad-drittijiet u għal-libertajiet fundamentali tas-suġġetti tad-data ( 49 ). Fil-fehma tiegħi, sabiex din l-eċċezzjoni tkun tista’ tapplika, l-utent għandu jkollu għarfien sħiħ li, permezz ta’ azzjoni espliċita ( 50 ), huwa jirrendi pubblika data personali ( 51 ).

43.

F’dan il-każ, jidhirli li aġir li jikkonsisti fil-konsultazzjoni ta’ siti internet u ta’ applikazzjonijiet, fl-inklużjoni ta’ data f’dawn is-siti u f’dawn l-applikazzjonijiet u fl-attivazzjoni ta’ buttuni ta’ għażla integrati f’dawn tal-aħħar ma jistax, bħala prinċipju, jiġi assimilat ma’ aġir li jirrendi manifestament pubblika d-data personali sensittiva tal-utent fis-sens tal-Artikolu 9(2)(e) tal-GDPR.

44.

B’mod iktar partikolari, nirrileva li, bħala prinċipju, il-konsultazzjoni ta’ siti internet u ta’ applikazzjonijiet tirrendi d-data ta’ konsultazzjoni aċċessibbli biss għall-amministratur tas-sit internet jew tal-applikazzjoni inkwistjoni u għal terzi li lilhom dan tal-aħħar jittrażmetti din l-informazzjoni, bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali ( 52 ). Bl-istess mod, jekk, permezz tal-inklużjoni ta’ data f’siti internet u f’applikazzjonijiet, is-suġġett tad-data jista’ jagħti, b’mod dirett u volontarju, informazzjoni dwar ċerta data personali sensittiva, nosserva wkoll li din l-informazzjoni tkun aċċessibbli biss għall-amministratur tas-sit jew tal-applikazzjoni inkwistjoni u għal terzi li lilhom dan tal-aħħar jittrażmetti l-imsemmija informazzjoni. Għalhekk neskludi li tali aġir jista’ jindika r-rieda li din id-data tiġi reża disponibbli għall-pubbliku ( 53 ). Barra minn hekk, għalkemm huwa evidenti li, permezz tal-attivazzjoni ta’ buttuni ta’ għażla integrati f’siti internet jew f’applikazzjonijiet ( 54 ), is-suġġett tad-data jesprimi b’mod ċar ir-rieda li jaqsam ċerta informazzjoni ma’ pubbliku estern għas-sit internet jew għall-applikazzjoni inkwistjoni, jidhirli li, kif tenfasizza l-Bundeskartellamt (l-Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni), permezz ta’ dan l-aġir, is-suġġett tad-data inkwistjoni jkun konxju li qiegħed jaqsam informazzjoni ma’ ċirku speċifiku ta’ persuni, sikwit iddefinit mill-utent innifsu ( 55 ), u mhux mal-pubbliku ( 56 ).

45.

F’dak li jirrigwarda, fl-aħħar nett, ir-rilevanza ta’ eventwali kunsens mogħti mill-utent fis-sens tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58 sabiex data personali tkun tista’ tinġabar permezz ta’ cookies jew ta’ teknoloġiji simili, imsemmi mill-qorti tar-rinviju, jidhirli li dan il-kunsens, fid-dawl tal-għan speċifiku tiegħu, ma jistax, waħdu, jiġġustifika l-ipproċessar ta’ data personali sensittiva miġbura b’dawn il-mezzi ( 57 ). Fil-fatt, l-imsemmi kunsens, li huwa neċessarju għall-installazzjoni ta’ mezz tekniku ta’ qbid ta’ ċerti attivitajiet tal-utent ( 58 ) ma jirrigwardax l-ipproċessar ta’ data personali sensittiva u ma jistax jiġi assimilat mar-rieda li din id-data tiġi reża manifestament pubblika fis-sens tal-Artikolu 9(2)(e) tal-GDPR ( 59 ).

46.

Bħala konklużjoni, nipproponi li r-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun li, minn naħa, l-Artikolu 9(1) tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li l-projbizzjoni ta’ pproċessar ta’ data personali sensittiva tista’ tinkludi l-ipproċessar ta’ data mwettaq minn operatur ta’ network soċjali online li jikkonsisti fil-ġbir tad-data ta’ utent meta huwa jikkonsulta siti internet jew applikazzjonijiet oħra jew idaħħal din id-data fihom, il-korrelazzjoni tal-imsemmija data mal-kont tal-utent tan-network soċjali u l-użu tagħha, bil-kundizzjoni li l-informazzjoni pproċessata, meqjusa individwalment jew miġbura flimkien, tippermetti t-tfassil tal-profil tal-utent skont il-kategoriji li jirriżultaw mill-indikazzjoni minn din id-dispożizzjoni tad-data personali sensittiva u li, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 9(2)(e) tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li utent ma jirrendix manifestament pubblika data minħabba l-fatt li din tkun ġiet żvelata billi jikkonsulta siti internet u applikazzjonijiet jew tkun ġiet imdaħħla f’dawn is-siti internet jew applikazzjonijiet jew minħabba l-fatt li din tirriżulta mill-attivazzjoni ta’ buttuni ta’ għażla integrati f’dawn tal-aħħar.

Fuq it‑tielet sal‑ħames domanda preliminari

47.

Permezz tat-tielet sal-ħames domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1)(b), (c), (d), (e) u (f) tal-GDPR għandux jiġi interpretat fis-sens li l-prattika kontenzjuża ( 60 ) tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ waħda mill-ġustifikazzjonijiet previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet, u b’mod iktar partikolari:

in-natura neċessarja għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt ( 61 ) jew it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ interessi leġittimi ( 62 ), fid-dawl tal-fatt li Meta Platforms topera network soċjali ffinanzjat mir-reklamar u li tipproponi, fil-kundizzjonijiet għall-użu tagħha, il-personalizzazzjoni tal-kontenut u tar-reklamar, is-sigurtà tan-network, it-titjib tal-prodott kif ukoll l-użu kontinwu u bla xkiel tal-prodotti kollha tal-grupp (it-tielet domanda preliminari);

it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn l-interessi leġittimi ( 63 ) fil-kuntest ta’ ċerti sitwazzjonijiet ( 64 ) (ir-raba’ domanda preliminari);

in-neċessità li tingħata tweġiba għal talba legalment valida li tiġi pprovduta ċerta data ( 65 ), in-neċessità li jiġi miġġieled aġir dannuż u li tiġi promossa s-sigurtà ( 66 ) jew għanijiet ta’ riċerka għall-benefiċċju tas-soċjetà u n-neċessità li jiġu promossi l-protezzjoni, l-integrità u s-sigurtà ( 67 ) (il-ħames domanda preliminari).

48.

Preliminarjament, minkejja xi mistoqsijiet dwar l-ammissibbiltà tar-raba’ u tal-ħames domanda preliminari ( 68 ), nipproponi li nirrispondi għat-tielet sal-ħames domanda preliminari flimkien, sa fejn l-indikazzjonijiet li ser nipprovdi iktar ’il quddiem, prinċipalment fir-rigward tat-tielet domanda preliminari, jistgħu jkunu wkoll utli għall-qorti tar-rinviju fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li huma s-suġġett tar-raba’ u tal-ħames domanda preliminari.

49.

Prinċipalment, nirrileva li, skont l-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), id-data personali għandha tiġi pproċessata b’mod ġust, għal finijiet determinati u fuq bażi leġittima prevista mil-liġi. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 6(1) tal-GDPR jispeċifika li l-ipproċessar ta’ din id-data għandu jkun legali biss jekk tiġi ssodisfatta waħda mis-sitt kundizzjonijiet stabbiliti minn din id-dispożizzjoni ( 69 ).

50.

F’dan il-każ, qabelxejn, jidhirli li t-tielet sal-ħames domanda preliminari jeħtieġu analiżi ddettaljata, każ b’każ, tad-diversi klawżoli tal-kundizzjonijiet għall-użu ta’ Facebook fil-kuntest tal-prattika kontenzjuża, għaliex ma huwiex possibbli li jiġi stabbilit jekk, fir-rigward ta’ din il-prattika, “impriża bħal [Meta Platforms]” tistax tinvoka, fil-globalità tagħha, il-ġustifikazzjonijiet kollha (jew uħud minnhom) inklużi fl-Artikolu 6(1) tal-GDPR, anki jekk ma jistax jiġi eskluż li l-imsemmija prattika jew uħud mill-attivitajiet tagħha, f’ċerti każijiet, jistgħu jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu ( 70 ).

51.

Sussegwentement, l-ipproċessar previst mid-dispożizzjonijiet iċċitati jitwettaq, f’dan il-każ, abbażi tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt imposti mill-kontrollur, fl-assenza tal-kunsens tas-suġġett tad-data ( 71 ), jew saħansitra kontra r-rieda tiegħu, ħaġa li teħtieġ, fil-fehma tiegħi, interpretazzjoni stretta tal-ġustifikazzjonijiet inkwistjoni, b’mod partikolari sabiex ma jkunx hemm evitar tal-kundizzjoni tal-kunsens ( 72 ).

52.

Fl-aħħar nett, infakkar li, skont l-Artikolu 5(2) tal-GDPR, huwa fuq il-kontrollur li jaqa’ l-oneru tal-prova li d-data personali hija pproċessata skont dan ir-regolament u li, skont l-Artikolu 13(1)(c) tal-imsemmi regolament, huwa l-kontrollur tad-data personali li għandu jispeċifika l-iskopijiet tal-ipproċessar li għalih hija maħsuba d-data kif ukoll il-bażi legali tal-ipproċessar.

Fuq it-tielet domanda preliminari

53.

Fl-ewwel lok, skont l-Artikolu 6(1)(b) tal-GDPR, l-ipproċessar ta’ data personali huwa legali sa fejn ikun neċessarju għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratt li fih is-suġġett tad-data huwa parti ( 73 ).

54.

F’dan ir-rigward, infakkar li l-kunċett ta’ “neċessità” ma huwiex iddefinit fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, iżda madankollu jikkostitwixxi, skont il-ġurisprudenza, kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni ( 74 ). Sabiex l-ipproċessar ikun neċessarju għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt, ma huwiex suffiċjenti li jitwettaq fl-okkażjoni tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt, li jissemma fil-kuntratt ( 75 ) jew saħansitra li jkun sempliċement utli għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt ( 76 ). Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ipproċessar għandu jkun oġġettivament neċessarju għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt fis-sens li ma għandhomx jeżistu soluzzjonijiet oħra realistiċi u inqas intrużivi ( 77 ), fid-dawl ukoll tal-aspettattivi raġonevoli tas-suġġett tad-data ( 78 ). Dan jimplika wkoll il-fatt li, meta l-kuntratt ikun jikkonsisti f’diversi servizzi jew elementi distinti tal-istess servizz li jistgħu jiġu eżegwiti indipendentement minn xulxin, l-applikabbiltà tal-Artikolu 6(1)(b) tal-GDPR għandha tiġi evalwata fil-kuntest ta’ kull wieħed minn dawn is-servizzi separatament ( 79 ).

55.

Fil-kuntest ta’ din il-ġustifikazzjoni, il-qorti tar-rinviju ssemmi l-personalizzazzjoni tal-kontenut u l-użu kontinwu u bla xkiel tal-prodotti (jew pjuttost tas-servizzi) tal-grupp.

56.

F’dak li jirrigwarda l-personalizzazzjoni tal-kontenut, jidhirli li għalkemm tali attività tista’, sa ċertu punt, tkun fl-interess tal-utent, sa fejn tippermetti li jiġi ppreżentat, b’mod partikolari fit-“taqsima tal-attwalità”, kontenut li, skont evalwazzjoni awtomatizzata, jikkorrispondi għall-interessi tal-utent, ma huwiex evidenti li hija wkoll neċessarja għall-provvista tas-servizz tan-network soċjali inkwistjoni, b’mod li l-ipproċessar ta’ data personali għal dawn il-finijiet ma jeħtieġx il-kunsens ta’ dan l-utent ( 80 ). Għall-finijiet ta’ dan l-eżami, għandu wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-prattika kontenzjuża ma tirrigwardax l-ipproċessar ta’ data dwar l-aġir tal-utent fi ħdan is-sit jew l-applikazzjoni Facebook, iżda tirrigwarda l-ipproċessar ta’ data li toriġina minn sorsi esterni u għalhekk potenzjalment illimitata. Għalhekk nistaqsi sa fejn dan l-ipproċessar jista’ jikkorrispondi għall-aspettattivi ta’ utent medju u, b’mod iktar ġenerali, x’inhu l-“grad ta’ personalizzazzjoni” li dan tal-aħħar jista’ jistenna mis-servizz li huwa jirreġistra fih ( 81 ).

57.

F’dak il jirrigwarda l-użu kontinwu u bla xkiel tas-servizzi tal-grupp, nosserva li rabta bejn id-diversi servizzi offruti mir-rikorrent fil-kawża prinċipali, pereżempju bejn Facebook u Instagram, tista’, tabilħaqq, tkun utli għall-utent, jew saħansitra kultant mixtieqa minn dan tal-aħħar. Madankollu, niddubita kemm ipproċessar ta’ data personali li tirriżulta minn servizzi oħra tal-grupp (b’mod partikolari minn Instagram) huwa neċessarju għall-provvista tas-servizzi Facebook ( 82 ).

58.

Fit-tieni lok, skont l-Artikolu 6(1)(f) tal-GDPR, l-ipproċessar ta’ data personali huwa legali sa fejn ikun neċessarju għall-finijiet tal-interessi leġittimi mfittxija mill-kontrollur jew minn terz, sakemm ma jiħdux preċedenza l-interessi jew il-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tas-suġġett tad-data li jeħtieġu protezzjoni tad-data personali, b’mod partikolari meta s-suġġett tad-data jkun wild.

59.

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dispożizzjoni inkwistjoni tipprevedi tliet kundizzjonijiet kumulattivi sabiex ipproċessar ta’ data personali jkun legali, jiġifieri, l-ewwel, it-tfittxija ta’ interess leġittimu mill-kontrollur jew minn terz jew terzi li lilhom id-data tkun ikkomunikata, it-tieni, in-neċessità tal-ipproċessar ta’ data personali għall-finijiet tal-interess leġittimu mfittex u, it-tielet, il-kundizzjoni li d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data ma jiħdux preċedenza ( 83 ).

60.

F’dak li jirrigwarda, qabelxejn, it-tfittxija ta’ interess leġittimu, infakkar li l-GDPR u l-ġurisprudenza jirrikonoxxu firxa wiesgħa ta’ interessi meqjusa leġittimi ( 84 ), filwaqt li nispeċifika li, skont l-Artikolu 13(1)(d) tal-GDPR, huwa l-kontrollur li għandu jindika l-interessi leġittimi mfittxija fil-kuntest tal-Artikolu 6(1)(f) tal-GDPR ( 85 ).

61.

Sussegwentement, f’dak li jirrigwarda l-kundizzjoni dwar in-neċessità tal-ipproċessar ta’ data personali għall-finijiet tal-interess leġittimu mfittex, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-derogi u r-restrizzjonijiet għall-prinċipju ta’ protezzjoni tad-data personali għandhom joperaw fil-limiti ta’ dak li huwa strettament meħtieġ ( 86 ). Għalhekk għandu jkun hemm rabta stretta bejn l-ipproċessar u l-interess imfittex, fl-assenza ta’ alternattivi li jirrispettaw iktar il-protezzjoni tad-data personali, peress li ma huwiex suffiċjenti li l-ipproċessar ikun ta’ sempliċi utilità għall-kontrollur.

62.

Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda l-ibbilanċjar, minn naħa, tal-interessi tal-kontrollur u, min-naħa l-oħra, tal-interessi jew tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tas-suġġett tad-data, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tibbilanċja l-interessi inkwistjoni ( 87 ). Barra minn hekk, kif iddikjarat fil-premessa 47 tal-GDPR, fil-kuntest ta’ dan l-ibbilanċjar, huwa indispensabbli li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-aspettattivi raġonevoli tas-suġġetti tad-data bbażati fuq ir-relazzjoni tagħhom mal-kontrollur u li jiġi ddeterminat jekk is-suġġett tad-data jistax raġonevolment jistenna, fil-mument u fil-kuntest tal-ġbir tad-data personali, li din tal-aħħar tkun is-suġġett ta’ pproċessar għal fini partikolari.

63.

Fil-kuntest ta’ din il-ġustifikazzjoni, il-qorti tar-rinviju ssemmi l-personalizzazzjoni tar-reklamar, is-sigurtà tan-network u t-titjib tal-prodott.

64.

F’dak li jirrigwarda, qabelxejn, il-personalizzazzjoni tar-reklamar, mill-premessa 47 tal-GDPR jirriżulta li l-ipproċessar ta’ data personali għal finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta (direct marketing) jista’ jitqies li jitwettaq għal interess leġittimu tal-kontrollur. Madankollu, f’dak li jirrigwarda n-neċessità tal-ipproċessar, għandu jiġi rrilevat li d-data inkwistjoni toriġina minn sorsi esterni għal Facebook u għalhekk tqum il-kwistjoni dwar x’inhu l-“grad ta’ personalizzazzjoni” tar-reklamar li huwa oġġettivament neċessarju f’dan ir-rigward. F’dak li jirrigwarda l-ibbilanċjar tal-interessi inkwistjoni, fil-fehma tiegħi, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni n-natura tal-interess leġittimu inkwistjoni (f’dan il-każ, interess purament ekonomiku), kif ukoll l-impatt tal-ipproċessar fuq l-utent, inklużi l-aspettattivi raġonevoli tiegħu, u l-eventwali miżuri ta’ salvagwardja implimentati mill-kontrollur ( 88 ).

65.

Barra minn hekk, jistgħu jsiru kunsiderazzjonijiet simili f’dak li jirrigwarda s-sigurtà tan-network. Fil-fatt, għalkemm tali ġustifikazzjoni tista’ tikkostitwixxi interess leġittimu tal-kontrollur ( 89 ), huwa inqas evidenti li jiġi konkluż li l-ipproċessar huwa neċessarju f’dan il-każ, fid-dawl ukoll tal-fatt li d-data inkwistjoni toriġina minn sorsi esterni għal Facebook ( 90 ). Fi kwalunkwe każ, infakkar li huwa l-kontrollur li għandu jispeċifika l-għanijiet ta’ sigurtà li fuqhom ikun eventwalment ibbażat kull ipproċessar.

66.

Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda t-titjib tal-prodott, għalkemm huwa eskluż titjib marbut mas-sigurtà, li jaqa’ taħt il-ġustifikazzjoni speċifika eżaminata iktar ’il fuq, jidhirli li tali ġustifikazzjoni għandha tkun fl-interess tal-utent iktar milli f’dak tal-kontrollur tad-data. F’din il-perspettiva, huwa diffiċli li wieħed jifhem sa fejn din tista’ tikkostitwixxi interess leġittimu tal-kontrollur u tevita l-kunsens tal-utent. F’dak li jirrigwarda l-kundizzjoni tan-neċessità u l-ibbilanċjar tad-drittijiet u tal-interessi inkwistjoni, nirreferi għall-kunsiderazzjonijiet preċedenti.

Fuq ir‑raba’ u l‑ħames domanda preliminari

67.

Ir-raba’ domanda preliminari, li tikkostitwixxi, essenzjalment, estensjoni tat-tieni parti tat-tielet domanda preliminari, hija intiża li jsir magħruf jekk ir-rikorrenza ta’ ċerti sitwazzjonijiet indikati timplikax l-eżistenza ta’ interess leġittimu fis-sens tal-Artikolu 6(1)(f) tal-GDPR, filwaqt li, permezz tal-ħames domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex li ssir taf jekk in-neċessità li tingħata tweġiba għal talba legalment valida li tiġi pprovduta ċerta data, dik li jiġi miġġieled aġir dannuż u li tiġi promossa s-sigurtà jew għanijiet ta’ riċerka għall-benefiċċju tas-soċjetà u dik li jiġu promossi l-protezzjoni, l-integrità u s-sigurtà jikkostitwixxux ġustifikazzjonijiet applikabbli għall-prattika kontenzjuża ( 91 ).

68.

Indipendentement mill-ammissibbiltà ta’ dawn id-domandi ( 92 ), jidhirli, b’mod ġenerali, li ma jistax jiġi eskluż, fir-rigward tar-raba’ domanda preliminari, li ċerti klawżoli li jikkaratterizzaw il-prattika kontenzjuża jistgħu jkunu ġġustifikati minn interessi leġittimi fiċ-ċirkustanzi msemmija mill-qorti tar-rinviju ( 93 ) u, fir-rigward tal-ħames domanda preliminari, li, f’ċerti sitwazzjonijiet, il-prattika kontenzjuża tista’ tkun iġġustifikata abbażi tad-dispożizzjonijiet iċċitati.

69.

Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax jekk, u sa fejn, Meta Platform Ireland indikat, għal kull skop ta’ pproċessar u tipoloġija ta’ data pproċessata, l-interessi leġittimi konkretament imfittxija jew il-ġustifikazzjonijiet l-oħra li eventwalment huma rilevanti f’dan il-każ ( 94 ). Għalhekk hija l-qorti tar-rinviju, fid-dawl tal-indikazzjonijiet preċedenti, li għandha teżamina sa fejn, fiċ-ċirkustanzi msemmija minn dik il-qorti, il-prattika kontenzjuża hija ġġustifikata mill-eżistenza ta’ interessi leġittimi ta’ Meta Platform Ireland għall-ipproċessar ta’ data fis-sens tal-Artikolu 6(1)(f) tal-GDPR jew minn xi waħda mill-kundizzjonijiet l-oħra stabbiliti fl-Artikolu 6(1)(c), (d) u (e) ta’ dan ir-regolament.

Fuq ir‑risposta għat‑tielet sal‑ħames domanda preliminari

70.

Bħala konklużjoni, nipproponi li r-risposta għat-tielet sal-ħames domandi preliminari għandha tkun li l-Artikolu 6(1)(b), (c), (d), (e) u (f) tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prattika kontenzjuża jew uħud mill-attivitajiet li jikkomponuha jistgħu jaqgħu taħt l-eċċezzjonijiet previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet, sakemm kull modalità ta’ pproċessar ta’ data eżaminata tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti mill-ġustifikazzjoni mressqa konkretament mill-kontrollur u, għaldaqstant, sakemm:

l-ipproċessar ikun oġġettivament neċessarju għall-provvista tas-servizzi relatati mal-kont Facebook;

l-ipproċessar ikun neċessarju għall-finijiet ta’ interess leġittimu msemmi mill-kontrollur jew minn terz jew terzi li lilhom id-data tkun ikkomunikata u ma jaffettwax b’mod sproporzjonat id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data;

l-ipproċessar ikun neċessarju sabiex tingħata tweġiba għal talba legalment valida li tiġi pprovduta ċerta data, sabiex jiġi miġġieled aġir dannuż u sabiex tiġi promossa s-sigurtà jew għal għanijiet ta’ riċerka għall-benefiċċju tas-soċjetà u sabiex jiġu promossi l-protezzjoni, l-integrità u s-sigurtà.

Fuq is-sitt domanda preliminari

71.

Permezz tas-sitt domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1)(a) u l-Artikolu 9(2)(a) tal-GDPR għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jista’ jingħata kunsens validu u liberu fis-sens tal-punt (11) tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament lil impriża li għandha pożizzjoni dominanti fis-suq nazzjonali tan-networks soċjali online għal utenti privati.

72.

Preliminarjament, infakkar li l-Artikolu 6(1)(a) u l-Artikolu 9(2)(a) tal-GDPR jipprevedu l-obbligu ta’ kunsens tas-suġġett tad-data, f’dak li jirrigwarda l-ipproċessar ta’ data personali b’mod ġenerali u l-ipproċessar ta’ data personali sensittiva, rispettivament. Barra minn hekk, skont il-punt (11) tal-Artikolu 4 tal-GDPR, għall-finijiet ta’ dan ir-regolament, “kunsens” tas-suġġett tad-data tfisser kwalunkwe manifestazzjoni ta’ rieda, libera, speċifika, informata u mhux ambigwa li permezz tagħha dan is-suġġett tad-data jaċċetta, permezz ta’ dikjarazzjoni jew permezz ta’ azzjoni affermattiva ċara, li tiġi pproċessata data personali li tikkonċernah ( 95 ).

73.

F’dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari, il-kundizzjoni tal-“libertà” tal-kunsens, li hija l-unika waħda li qiegħda tiġi ddibattuta f’dan il-każ, nirrileva li, skont il-premessa 42 tal-GDPR, il-kunsens ma għandux jitqies li jkun ingħata liberament jekk is-suġġett tad-data ma jkollhux libertà ta’ għażla reali ( 96 ) jew ma jkunx f’pożizzjoni li jirrifjuta jew li jirtira l-kunsens tiegħu mingħajr ma jġarrab dannu ( 97 ). Barra minn hekk, kif previst fl-Artikolu 7(1) tal-GDPR (u mfakkar fil-premessa 42 tiegħu), meta l-ipproċessar ikun ibbażat fuq il-kunsens tas-suġġett tad-data, il-kontrollur għandu jkun f’pożizzjoni li juri li l-imsemmi suġġett tad-data ta l-kunsens tiegħu għall-ipproċessar ta’ data personali li tikkonċernah.

74.

Fir-rigward ta’ dak li huwa rilevanti f’dan il-każ, infakkar, qabelxejn, li, kif tenfasizza l-ewwel sentenza tal-premessa 43 tal-GDPR, il-kunsens ma jikkostitwixxix bażi legali valida għall-ipproċessar ta’ data personali meta jkun hemm “żbilanċ ċar” bejn is-suġġett tad-data u l-kontrollur ( 98 ), sussegwentement, li, skont l-Artikolu 7(4) tal-GDPR, fil-mument li jiġi ddeterminat jekk il-kunsens ikunx ingħata liberament, għandu jittieħed kont sħiħ tal-kwistjoni jekk, inter alia, l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt, inkluża l-provvista ta’ servizz, hijiex suġġetta għall-kunsens għall-ipproċessar ta’ data personali li ma huwiex neċessarju għall-eżekuzzjoni tal-imsemmi kuntratt ( 99 ) u, fl-aħħar nett, li, skont it-tieni sentenza tal-premessa 43 tal-GDPR, il-kunsens huwa wkoll preżunt li ma jkunx ingħata liberament jekk ma jkunx jista’ jingħata kunsens separat għal operazzjonijiet differenti ta’ pproċessar ta’ data personali, minkejja li dan ikun xieraq fil-każ inkwistjoni ( 100 ).

75.

F’dan il-każ, jidhirli li eventwali pożizzjoni dominanti fis-suq tal-kontrollur tad-data personali li jopera network soċjali għandha rwol fl-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ kunsens liberu min-naħa tal-utent ta’ dan in-network. Fil-fatt, l-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ setgħa fis-suq tal-kontrollur tad-data personali tista’ toħloq żbilanċ manifest tar-relazzjonijiet ta’ forza, fis-sens indikat fil-punt 74 ta’ dawn il-konklużjonijiet ( 101 ). Madankollu, għandu jiġi speċifikat, minn naħa, li, sabiex tali sitwazzjoni ta’ setgħa fis-suq tkun rilevanti mill-perspettiva tal-applikazzjoni tal-GDPR, hija ma għandhiex tiġi neċessarjament assimilata mal-livell ta’ pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE ( 102 ) u, min-naħa l-oħra, li din is-sempliċi ċirkustanza ma tistax, bħala prinċipju, iċċaħħad kunsens minn kull validità ( 103 ).

76.

Għaldaqstant, il-validità ta’ kunsens ser ikollu jiġi eżaminat każ b’każ, fid-dawl tal-fatturi l-oħra msemmija fil-punti 73 u 74 ta’ dawn il-konklużjonijiet u fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ u tal-fatt li l-oneru li jintwera li s-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens tiegħu għall-ipproċessar ta’ data personali li tikkonċernah jaqa’ fuq il-kontrollur.

77.

Bħala konklużjoni, nipproponi li r-risposta li għandha tingħata għas-sitt domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 6(1)(a) u l-Artikolu 9(2)(a) tal-GDPR għandhom jiġu interpretati fis-sens li s-sempliċi ċirkustanza li l-impriża li topera network soċjali tgawdi pożizzjoni dominanti fis-suq nazzjonali tan-networks soċjali online għal utenti privati ma tistax, waħedha, iċċaħħad il-kunsens tal-utent ta’ dan in-network għall-ipproċessar tad-data personali tiegħu min-natura valida tiegħu fis-sens tal-punt (11) tal-Artikolu 4 tal-GDPR. Tali ċirkustanza madankollu għandha rwol fl-evalwazzjoni tal-libertà tal-kunsens fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li huwa l-kontrollur li għandu jipprova, fid-dawl, jekk ikun il-każ, tal-eżistenza ta’ żbilanċ manifest tar-relazzjonijiet ta’ forza bejn is-suġġett tad-data u l-kontrollur, tal-eventwali obbligu li jingħata kunsens għall-ipproċessar ta’ data personali differenti minn dik li hija strettament neċessarja għall-provvista tas-servizzi inkwistjoni, tan-neċessità li l-kunsens ikun speċifiku għal kull skop ta’ pproċessar u tan-neċessità li jiġi evitat li l-irtirar tal-kunsens jikkawża dannu għall-utent li jirtira l-kunsens tiegħu.

Konklużjoni

78.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja):

1)

L-Artikoli 51 sa 66 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data),

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

awtorità tal-kompetizzjoni, fil-kuntest tas-setgħat tagħha fis-sens tar-regoli fil-qasam tal-kompetizzjoni, tista’ teżamina, b’mod inċidentali, il-konformità tal-prattiki eżaminati mar-regoli ta’ dan ir-regolament, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni kwalunkwe deċiżjoni jew investigazzjoni tal-awtorità ta’ superviżjoni kompetenti skont l-imsemmi regolament u tinforma b’dan lill-awtorità ta’ superviżjoni nazzjonali u, jekk ikun il-każ, tikkonsultaha.

2)

L-Artikolu 9(1) tar-Regolament 2016/679

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

il-projbizzjoni ta’ pproċessar ta’ data personali sensittiva tista’ tinkludi l-ipproċessar ta’ data mwettaq minn operatur ta’ network soċjali online li jikkonsisti fil-ġbir tad-data ta’ utent meta huwa jikkonsulta siti internet jew applikazzjonijiet oħra jew idaħħal din id-data fihom, il-korrelazzjoni tal-imsemmija data mal-kont tal-utent tan-network soċjali u l-użu tagħha, bil-kundizzjoni li l-informazzjoni pproċessata, meqjusa individwalment jew miġbura flimkien, tippermetti t-tfassil tal-profil tal-utent skont il-kategoriji li jirriżultaw mill-indikazzjoni tad-data personali sensittiva mwettqa minn id-dispożizzjoni.

L-Artikolu 9(2)(e) ta’ dan ir-regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li:

utent ma jirrendix manifestament pubblika data minħabba l-fatt li din tkun ġiet żvelata billi jikkonsulta siti internet u applikazzjonijiet jew tkun ġiet imdaħħla f’dawn is-siti internet jew applikazzjonijiet jew minħabba li fatt li din tirriżulta mill-attivazzjoni ta’ buttuni ta’ għażla integrati f’dawn tal-aħħar.

3)

L-Artikolu 6(1)(b), (c), (d), (e) u (f) tar-Regolament 2016/679

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

il-prattika li tikkonsisti, l-ewwel, fil-ġbir ta’ data li tirriżulta minn servizzi oħra tal-grupp stess, kif ukoll minn siti internet u minn applikazzjonijiet terzi, permezz ta’ interfaċċi integrati f’dawn tal-aħħar jew permezz tal-cookies irreġistrati fil-kompjuter jew fit-tagħmir ċellulari tal-utent, it-tieni, fil-korrelazzjoni ta’ din id-data mal-kont Facebook tal-utent ikkonċernat u, it-tielet, fl-użu tal-imsemmija data jew uħud mill-attivitajiet li jikkomponu din il-prattika jistgħu jaqgħu taħt l-eċċezzjonijiet previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet, sakemm kull modalità ta’ pproċessar ta’ data eżaminata tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti mill-ġustifikazzjoni mressqa konkretament mill-kontrollur u, għaldaqstant, sakemm:

l-ipproċessar ikun oġġettivament neċessarju għall-provvista tas-servizzi relatati mal-kont Facebook;

l-ipproċessar ikun neċessarju għall-finijiet ta’ interess leġittimu msemmi mill-kontrollur jew minn terz jew terzi li lilhom id-data tkun ikkomunikata u ma jaffettwax b’mod sproporzjonat id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data;

l-ipproċessar ikun neċessarju sabiex tingħata tweġiba għal talba legalment valida li tiġi pprovduta ċerta data, sabiex jiġi miġġieled aġir dannuż u sabiex tiġi promossa s-sigurtà jew għal għanijiet ta’ riċerka għall-benefiċċju tas-soċjetà u sabiex jiġu promossi l-protezzjoni, l-integrità u s-sigurtà.

4)

L-Artikolu 6(1)(a) u l-Artikolu 9(2)(a) tar-Regolament 2016/679

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

is-sempliċi ċirkustanza li l-impriża li topera network soċjali tgawdi pożizzjoni dominanti fis-suq nazzjonali tan-networks soċjali online għal utenti privati,

ma tistax, waħedha, iċċaħħad kunsens mogħti mill-utent ta’ dan in-network għall-ipproċessar ta’ data personali tiegħu min-natura valida tiegħu fis-sens tal-punt (11) tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament. Tali ċirkustanza madankollu għandha rwol fl-evalwazzjoni tal-libertà tal-kunsens fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li huwa l-kontrollur li għandu jipprova, fid-dawl, jekk ikun il-każ, tal-eżistenza ta’ żbilanċ manifest tar-relazzjonijiet ta’ forza bejn is-suġġett tad-data u l-kontrollur, tal-eventwali obbligu li jingħata kunsens għall-ipproċessar ta’ data personali differenti minn dik li hija strettament neċessarja għall-provvista tas-servizzi inkwistjoni, tan-neċessità li l-kunsens ikun speċifiku għal kull skop ta’ pproċessar u tan-neċessità li jiġi evitat li l-irtirar tal-kunsens jikkawża dannu għall-utent li jirtira l-kunsens tiegħu.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Jiġifieri Meta Platforms Inc., li kienet Facebook Inc., Meta Platforms Ireland Limited, li kienet Facebook Ireland Ltd., u Facebook Deutschland GmbH (iktar ’il quddiem “Meta Platforms” jew ir-“rikorrent fil-kawża prinċipali”).

( 3 ) Deċiżjoni B6‑22/16, tas-6 ta’ Frar 2019 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

( 4 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, u rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2, iktar ’il quddiem il-“GDPR”).

( 5 ) Fil-verżjoni fis-seħħ sat‑18 ta’ Jannar 2021.

( 6 ) Għal dan il-għan, Meta Platforms jiġbor, minbarra d-data li l-utenti jipprovdu direttament meta jabbonaw għas-servizzi online kkonċernati, data oħra dwar l-utenti u l-apparati, fi ħdan in-network soċjali u s-servizzi online pprovduti mill-grupp u barra minnhom, u jorbot din id-data mad-diversi kontijiet tal-utenti kkonċernati. L-imsemmija data, fit-totalità tagħha, tippermetti li jinsiltu konklużjonijiet iddettaljati dwar il-preferenzi u l-interessi tal-utenti.

( 7 ) F’dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari, l-ipproċessar ta’ data personali, il-kundizzjonijiet għall-użu jirreferu għall-politiki ta’ użu tad-data u tal-cookies stabbiliti minn Meta Platforms. Skont dawn tal-aħħar, Meta Platforms jiġbor data dwar l-utenti u l-apparati tagħhom li tirrigwarda l-attivitajiet tagħhom fi ħdan in-network soċjali u barra minnu u jattribwixxiha lill-kontijiet Facebook tagħhom. L-attivitajiet li jseħħu barra min-network soċjali jikkonsistu, minn naħa, fil-konsultazzjoni ta’ siti internet u ta’ applikazzjonijiet terzi, li huma marbuta ma’ Facebook permezz ta’ interfaċċi ta’ programmazzjoni (jiġifieri l-“Għodod Facebook Business”) u, min-naħa l-oħra, fl-użu tas-servizzi online l-oħra li jappartjenu lill-grupp Meta Platforms, fosthom Instagram u WhatsApp.

( 8 ) Skont il-Bundeskartellamt (l-Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni), dan l-ipproċessar, bħala riżultat ta’ setgħa fis-suq, kiser id-dispożizzjonijiet tal-GDPR u ma kienx iġġustifikat fid-dawl tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 9(2) ta’ dan ir-regolament.

( 9 ) Barra minn hekk, fil‑31 ta’ Lulju 2019, fuq inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea u ta’ assoċjazzjonijiet nazzjonali għall-protezzjoni tal-konsumaturi tal-Istati Membri, Meta Platforms introduċa kundizzjonijiet għall-użu ġodda li jindikaw espressament li l-utent, minflok ma jħallas għall-użu tal-prodotti Facebook, jiddikjara li qiegħed jagħti kunsens għar-reklami. Barra minn hekk, mit‑28 ta’ Jannar 2020, Meta Platforms jipproponi, fuq livell dinji, l-attività esterna għal Facebook imsejħa “Off‑Facebook‑activity”, li tippermetti lill-utenti ta’ Facebook jirċievu sunt tal-informazzjoni li tirrigwardahom, miksuba b’rabta mal-attivitajiet tagħhom fuq siti internet u applikazzjonijiet oħra, u, jekk jixtiequ, jiddissoċjaw din id-data mill-kont Facebook tagħhom, kemm għall-passat kif ukoll għall-futur.

( 10 ) Jidhirli li t-termini “tikkonstata […] [ksur tal-]RĠPD [GDPR] u tordna t-tmiem ta’ dan il-ksur” li jinsabu fl-ewwel domanda preliminari għandhom jiġu interpretati f’dan is-sens.

( 11 ) Fi kwalunkwe każ, peress li l-GDPR jipprevedi armonizzazzjoni kompleta tad-dritt tal-protezzjoni tad-data, li l-element ċentrali tiegħu huwa mekkaniżmu armonizzat ta’ implimentazzjoni bbażat fuq il-prinċipju ta’ “punt uniku ta’ servizz” previst fl-Artikoli 51 sa 67 ta’ dan ir-regolament, jidhirli li huwa evidenti li awtorità differenti mill-awtoritajiet ta’ superviżjoni fis-sens tal-imsemmi regolament (bħal awtorità tal-kompetizzjoni) la għandha kompetenza sabiex tikkonstata, prinċipalment, ksur ta’ dan ir-regolament u lanqas sabiex tapplika s-sanzjonijiet previsti.

( 12 ) Fi kwalunkwe każ, fid-dawl tal-fatt li awtorità tal-kompetizzjoni la għandha kompetenza sabiex tikkonstata, prinċipalment, ksur ta’ dan ir-regolament u lanqas sabiex tapplika s-sanzjonijiet previsti, jidhirli li eventwali deċiżjoni f’dan is-sens ta’ awtorità tal-kompetizzjoni ma tistax tidħol fuq il-kompetenzi tal-awtoritajiet ta’ superviżjoni fis-sens tal-GDPR.

( 13 ) Jidhirli li huwa f’dan is-sens li għandhom jiġu interpretati t-termini “tista’ tistabbilixxi, pereżempju fil-kuntest tal-ibbilanċjar tal-interessi, jekk tali kundizzjonijiet ta’ pproċessar tad-data ta’ din l-impriża u l-implimentazzjoni tagħhom humiex konformi mar-RĠPD [GDPR]” li jinsabu fis-seba’ domanda preliminari.

( 14 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 15 ) Regolament tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).

( 16 ) Bħall-Artikolu 19 tal-GWB, li fuqu hija bbażata d-deċiżjoni kontenzjuża.

( 17 ) Ara, bħala eżempju, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il‑Kummissjoni (C_413/14 P, EU:C:2017:632, punt 136 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE huwa ta’ portata ġenerali u ma jistax jiġi limitat mill-eżistenza ta’ qafas regolatorju adottat mil-leġiżlatur tal-Unjoni, f’dan il-każ, il-qafas regolatorju fil-qasam tal-komunikazzjonijiet elettroniċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il‑Kummissjoni, C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 128).

( 18 ) Fil-fatt, fid-dawl tal-għanijiet differenti taż-żewġ kategoriji ta’ regoli, huwa evidenti li aġir li jirrigwarda l-ipproċessar ta’ data jista’ jikkostitwixxi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni anki meta jkun konformi mal-GDPR u, bil-maqlub, aġir illegali fis-sens ta’ dan tal-aħħar ma jwassalx bilfors għall-konklużjoni li dan jinvolvi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li l-konformità ta’ aġir ma’ leġiżlazzjoni speċifika ma teskludix l-applikabbiltà, għal dan l-istess aġir, tal-Artikoli 101 u 102 TFUE (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2012, AstraZeneca vs Il‑Kummissjoni (C‑457/10 P, EU:C:2012:770, punt 132), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja fakkret ukoll li l-abbużi ta’ pożizzjoni dominanti jikkonsistu, fil-parti l-kbira tal-każijiet, f’aġir li altrimenti jkun legali fir-rigward ta’ oqsma oħra tad-dritt apparti d-dritt tal-kompetizzjoni). Fil-fatt, kieku kienu biss il-prattiki li jkunu kemm oġġettivament restrittivi għall-kompetizzjoni kif ukoll ġuridikament illegali li jitqiesu li huma abbużivi fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, dan ikun jimplika li aġir, minħabba biss il-legalità tiegħu, għalkemm potenzjalment jista’ jagħmel ħsara lill-kompetizzjoni, ma jkunx jista’ jiġi ssanzjonat taħt l-Artikolu 102 TFUE, ħaġa li tippreġudika l-għan ta’ din id-dispożizzjoni li jikkonsisti fl-istabbiliment ta’ sistema li tiżgura li l-kompetizzjoni ma tkunx distorta fis-suq intern (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Servizio Elettrico Nazionale et, C‑377/20, EU:C:2021:998, punt 37). Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa biss jekk aġir antikompetittiv ikun impost fuq l-impriżi permezz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali jew jekk din tal-aħħar tkun toħloq qafas ġuridiku li jelimina huwa stess kull possibbiltà ta’ aġir kompetittiv min-naħa tagħhom li l-Artikoli 101 u 102 TFUE ma jkunux applikabbli, filwaqt li dawn l-artikoli jistgħu japplikaw jekk ikun jirriżulta li l‑leġiżlazzjoni nazzjonali tħalli lok għall-possibbiltà li jkun hemm prevenzjoni, restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni permezz ta’ aġir awtonomu tal-impriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni, C‑280/08 P, EU:C:2010:603, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 19 ) Fil-fatt, interpretazzjoni li skontha l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni huma pprojbiti milli jinterpretaw, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħhom, id-dispożizzjonijiet tal-GDPR tkun ta’ natura li tqiegħed fid-dubju l-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

( 20 ) Barra minn hekk, in-natura inċidentali tal-interpretazzjoni tal-GDPR mill-awtorità tal-kompetizzjoni ma tostakolax din l-interpretazzjoni milli tiġi suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju quddiem il-qrati nazzjonali kompetenti fil-qasam tal-kompetizzjoni li, fil-każ ta’ diffikultajiet ta’ interpretazzjoni, jista’ jkollhom għalfejn jadixxu l-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari, bħal f’dan il-każ f’dak li jirrigwarda t-tieni sas-sitt domanda preliminari.

( 21 ) Fil-fatt, l-interpretazzjoni tal-GDPR mill-awtorità tal-kompetizzjoni unikament għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli (u eventwalment tal-impożizzjoni tas-sanzjonijiet) previsti mid-dritt tal-kompetizzjoni ma tistax iċċaħħad lill-awtoritajiet ta’ superviżjoni mill-kompetenzi u mis-setgħat tagħhom fil-kuntest ta’ dan ir-regolament. Barra minn hekk, il-possibbiltà ta’ interpretazzjoni tal-imsemmi regolament b’mod inċidentali mill-awtorità tal-kompetizzjoni lanqas ma tqajjem diffikultajiet fir-rigward tal-applikazzjoni tiegħu, li hija rriżervata għall-awtoritajiet ta’ superviżjoni, u lanqas fir-rigward tal-impożizzjoni ta’ miżuri korrettivi jew ta’ sanzjonijiet, peress li l-miżuri jew is-sanzjonijiet eventwalment imposti minn awtorità tal-kompetizzjoni huma bbażati fuq regoli, għanijiet u interessi leġittimi differenti minn dawk protetti permezz tal-istess regolament (għal din ir-raġuni, barra minn hekk, f’sitwazzjoni bħal din, l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet min-naħa tal-awtorità tal-kompetizzjoni u tal-awtorità ta’ superviżjoni fis-sens tal-GDPR ma taqax, fil-fehma tiegħi, taħt il-prinċipju ta’ ne bis in idem (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, bpost, C‑117/20, EU:C:2022:202, punti 42 sa 50)).

( 22 ) Barra minn hekk, ir-riskju ta’ interpretazzjoni diverġenti huwa inerenti għal kull qasam irregolat permezz ta’ leġiżlazzjoni li l-awtorità tal-kompetizzjoni għandha, jew tista’, tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tevalwa l-legalità ta’ ċertu aġir fid-dawl tad-dritt tal-kompetizzjoni.

( 23 ) Il-Kapitoli VI u VII tal-GDPR jistabbilixxu b’mod partikolari mekkaniżmi ta’ “punt uniku ta’ servizz” għall-iskambju ta’ informazzjoni u għall-assistenza reċiproka bejn l-awtoritajiet ta’ superviżjoni.

( 24 ) Ara r-Regolament Nru 1/2003 u d-Direttiva (UE) 2019/1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2018 sabiex l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jingħataw setgħat biex ikunu inforzaturi aktar effettivi, u biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern (ĠU 2019, L 11, p. 3).

( 25 ) Ara b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Novembru 1989, L-Italja vs Il‑Kummissjoni (14/88, EU:C:1989:421, punt 20) u tal‑11 ta’ Ġunju 1991, Athanasopoulos et (C‑251/89, EU:C:1991:242, punt 57).

( 26 ) Barra minn hekk, il-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ta’ superviżjoni stabbilit mill-GDPR jista’ huwa stess jitqies li huwa lex specialis li jikkompleta u jispeċifika l-prinċipju ġenerali ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE (ara b’mod partikolari, fil-kummentarji, Hijmans, H., “Article 51 Supervisory authority”, The EU General Data Protection Regulation (GDPR): A Commentary, Oxford, 2020, p. 869). L-istess japplika għall-istrumenti l-oħra ta’ kooperazzjoni li kienu diġà jeżistu qabel dak previst mill-GDPR, bħas-sistema ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni (ara b’mod partikolari l-Kapitolu IV tar-Regolament Nru 1/2003).

( 27 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-kawża Gorostiaga Atxalandabaso vs Il‑Parlament (C‑308/07 P, EU:C:2008:498, punt 89).

( 28 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2022, Skeyes (C‑353/20, EU:C:2022:423, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fehma tiegħi, indikazzjonijiet dwar il-passi li għandhom jiġu segwiti ser ikunu jistgħu jinsiltu, jekk ikun il-każ, mis-sistema ta’ kooperazzjoni stabbilita mill-GDPR kif ukoll minn dik stabbilita fil-qasam tal-kompetizzjoni, filwaqt li jiġi speċifikat li, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet ad hoc, id-dmir ta’ diliġenza tal-awtorità tal-kompetizzjoni ma jestendix sal-punt li jissuġġetta lil din tal-aħħar għal obbligi ddettaljati bħal, b’mod partikolari, dawk previsti fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni u ta’ superviżjoni tal-koerenza rregolata fil-Kapitolu VII tal-GDPR (pereżempju, ma jistax jiġi mistenni li l-awtorità tal-kompetizzjoni tibgħat abbozz ta’ deċiżjoni lill-awtorità ta’ superviżjoni kompetenti fis-sens ta’ dan ir-regolament sabiex tikseb l-opinjoni ta’ din tal-aħħar).

( 29 ) Ara b’mod partikolari f’dan is-sens, f’dak li jirrigwarda suġġett kopert mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam farmaċewtiku, is-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2018, F. Hoffmann‑La Roche et (C‑179/16, EU:C:2018:25, punti 58 sa 64).

( 30 ) Fi kliem ieħor, din id-deċiżjoni tagħmel parti hija stess mill-kuntest ġuridiku u fattwali li l-awtorità tal-kompetizzjoni hija obbligata teżamina, filwaqt li tibqa’ libera li minnha tislet il-konklużjonijiet tagħha mill-perspettiva tal-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 31 ) Fid-dawl tar-rwol u tal-funzjonijiet tal-awtoritajiet ta’ superviżjoni nazzjonali fis-sistema ta’ kooperazzjoni stabbilita mill-GDPR, jidhirli li interazzjoni mal-awtorità ta’ superviżjoni nazzjonali tista’, waħedha, tkun suffiċjenti sabiex jiġu ssodisfatti l-obbligi ta’ diliġenza u ta’ kooperazzjoni leali tal-awtorità tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari meta din tal-aħħar ma jkollhiex il-possibbiltà (fid-dawl tal-proċeduri tad-dritt nazzjonali applikabbli) jew il-mezzi (b’mod partikolari lingwistiċi) sabiex tinteraġixxi b’mod sodisfaċenti mal-awtorità ta’ superviżjoni ewlenija ta’ Stat Membru ieħor.

( 32 ) Jew, jekk ikun il-każ,, meta din l-awtorità tkun fi Stat Membru ieħor, lill-awtorità ta’ superviżjoni nazzjonali (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 33 ) Filwaqt li jitfakkar li l-interpretazzjoni mogħtija minn awtorità tal-kompetizzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-GDPR fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħha ma tippreġudikax l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet mill-awtoritajiet ta’ superviżjoni kompetenti fis-sens ta’ dan ir-regolament (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 34 ) F’dan ir-rigward, il-Bundeskartellamt (l-Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni) issostni li hija bbażat ruħha fuq id-dritt Ġermaniż tal-kompetizzjoni, li jippermettilha jkollha skambji mal-awtoritajiet ta’ superviżjoni nazzjonali fis-sens tal-GDPR.

( 35 ) Dan iktar u iktar jekk, kif issostni l-Bundeskartellamt (l-Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni), l-awtorità ta’ superviżjoni Federali Ġermaniża u l-awtorità ta’ superviżjoni ewlenija Irlandiża kkonfermawlha li din tal-aħħar ma kienet bdiet ebda proċedura fir-rigward tal-istess prattiki bħal dawk eżaminati mill-Bundeskartellamt (l-Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni).

( 36 ) Il-qorti tar-rinviju tirreferi b’mod partikolari għall-konsultazzjoni mill-utent ta’ siti internet jew ta’ applikazzjonijiet u għall-inklużjoni ta’ data f’dawn is-siti jew applikazzjonijiet (bħal applikazzjonijiet ta’ namrar jew ta’ namrar għall-omosesswali, jew siti ta’ partiti politiċi jew relatati mas-saħħa), li jiġġeneraw data protetta mid-dispożizzjoni inkwistjoni.

( 37 ) Iktar ’il quddiem id-“data personali sensittiva”. Din tirrigwarda l-ipproċessar ta’ data personali li jiżvela l-oriġini razzjali jew etnika, l-opinjonijiet politiċi, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku jew is-sħubija f’sindakat, kif ukoll l-ipproċessar ta’ data ġenetika, data bijometrika sabiex tidentifika persuna fiżika b’mod uniku, data dwar is-saħħa jew data dwar il-ħajja sesswali jew l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna fiżika.

( 38 ) Nirrileva, inċidentalment, li l-Bundeskartellamt (l-Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni) għandha dubji dwar ir-rilevanza ta’ din id-domanda għas-soluzzjoni tat-tilwima, minħabba l-fatt li, fid-deċiżjoni tagħha, din tal-aħħar ħadet inkunsiderazzjoni kunsens fis-sens tal-Artikolu 6(1)(a) tal-GDPR u mhux kunsens skont l-Artikolu 9(2)(a) ta’ dan tal-aħħar.

( 39 ) Il-qorti tar-rinviju tirreferi, f’dan ir-rigward, għall-“plugins” soċjali, bħall-buttuni “like” jew “share”, għall-“Facebook login” (jiġifieri għall-possibbiltà li wieħed jiġi identifikat permezz tal-użu tal-identifikaturi ta’ konnessjoni marbuta mal-kont Facebook) u għall-“account kit” (jiġifieri għall-possibbiltà li wieħed jiġi identifikat fuq applikazzjoni jew sit, mhux neċessarjament konness ma’ Facebook, permezz ta’ numru tat-telefon jew indirizz tal-posta elettronika, mingħajr il-bżonn ta’ password).

( 40 ) Nosserva wkoll inkoerenza sinjifikattiva bejn il-verżjoni Franċiża tal-GDPR li, fl-ewwel sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, tirreferi għal ipproċessar ta’ data personali li “jiżvela” ċerti sitwazzjonijiet sensittiv, u l-verżjoni Ġermaniża (kif ukoll, b’mod partikolari, il-verżjonijiet Griega u Taljana) li tirreferi għal ipproċessar ta’ data personali li “tiżvela” dawn is-sitwazzjonijiet. Ħlief jekk qiegħed niżbalja, il-verżjoni Franċiża ta’ din id-dispożizzjoni tikkontradixxi l-maġġoranza tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-imsemmija dispożizzjoni jidhirli li huwa iktar loġiku li l-verb “żvela” jintrabat mad-data, għaliex fil-parti sussegwenti ta’ din tal-aħħar hija d-data li hija s-suġġett tal-analiżi u mhux l-ipproċessar. Dan jirriżulta wkoll mit-test Franċiż tal-formulazzjoni tal-premessa 51 tal-GDPR, li jispeċifika li d-data personali sensittiva “devraient comprendre les données à caractère personnel qui révèlent l’origine raciale ou ethnique” (“għandha tinkludi data personali li tiżvela l-oriġini razzjali jew etnika”) (korsiv miżjud minni).

( 41 ) Fil-fehma tiegħi, ma jkunx konformi mal-ispirtu tal-Artikolu 9(1) tal-GDPR (u ta’ dan ir-regolament), li huwa li tiġi protetta ċerta data sensittiva tal-persuna, li ssir distinzjoni, pereżempju, bejn, minn naħa, l-oriġini razzjali jew etnika, li timplika l-projbizzjoni milli tiġi pproċessata mhux biss data li tindikaha direttament, iżda wkoll data li tiżvela din is-sitwazzjoni u, min-naħa l-oħra, data ġenetika, li l-projbizzjoni tal-ipproċessar tagħha ma testendix sad-data li tiżvela din is-sitwazzjoni, filwaqt li għandu jiżdied li ma jkunx dejjem evidenti li ssir distinzjoni bejn, minn naħa, data li tiżvela ċerti sitwazzjonijiet (pereżempju l-oriġini razzjali jew etnika) u, min-naħa l-oħra, data dwar sitwazzjonijiet oħra (pereżempju s-saħħa). F’dan ir-rigward, nosserva li għalkemm l-Artikolu 9(1) tal-GDPR jirreferi b’mod partikolari għal data dwar is-saħħa, il-punt (15) tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi d-“data dwar is-saħħa” bħala “data personali relatata mas-saħħa fiżika jew mentali ta’ persuna fiżika, inkluża l-provvista ta’ servizzi tal-kura tas-saħħa, li tiżvela informazzjoni rigward l-istat ta’ saħħitha” (korsiv miżjud minni). Kif jagħti x’jifhem il-Gvern Ġermaniż, jista’ jkun li din l-inkoerenza fil-formulazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni tikkostitwixxi biss tentattiv li ma rnexxiex wisq sabiex issir distinzjoni bejn data li għandha purament kontenut informattiv dirett u “metadata” li għaliha kontenut informattiv korrispondenti jidher biss f’kuntest konkret, permezz ta’ evalwazzjoni jew ta’ rabta.

( 42 ) Bħala prinċipju, kif isostni r-rikorrent fil-kawża prinċipali, dawn iż-żewġ aspetti huma differenti. Fil-fatt, is-sempliċi fatt li utent ikun aċċeda għal sit internet jew ikun interaġixxa ma’ dan tal-aħħar ma jiżvelax neċessarjament fih innifsu informazzjoni dwar it-twemmin tiegħu, is-saħħa tiegħu, l-opinjonijiet politiċi tiegħu eċċ., għaliex l-interess fir-rigward ta’ sit internet ma jiżvelax awtomatikament l-adeżjoni għall-ideat imxerrda jew għall-kategoriji rrappreżentati minn dan is-sit. Dan huwa b’mod partikolari l-każ tal-konsultazzjoni ta’ sit ta’ partit politiku jew li jipproponi ideoloġija politika partikolari, konsultazzjoni li ma tinvolvix neċessarjament il-kondiviżjoni ta’ din l-ideoloġija, iżda tista’ titwettaq b’kurżità, jew bi spirtu kritiku fir-rigward tal-imsemmija ideoloġija.

( 43 ) Skont Meta Platforms, il-fatt li utent ikun aċċeda għal sit internet jew ikun interaġixxa ma’ dan tal-aħħar ma jiżvelax fih innifsu informazzjoni sensittiva, għaliex anki jekk ikun ġie osservat jew jew ikun intuża interess fir-rigward ta’ sit internet, dan ma jikkostitwixxix ipproċessar ta’ data personali sensittiva. Dan ikun il-każ biss jekk l-utenti jkunu ġew ikkategorizzati permezz ta’ din id-data. Għaldaqstant, id-data li hija s-suġġett tal-prattika kontenzjuża taqa’ taħt il-protezzjoni prevista mill-Artikolu 9(1) tal-GDPR biss jekk din kienet tirrigwarda waħda mill-kategoriji previsti minn dan tal-aħħar u tiġi pproċessata suġġettivament b’għarfien tal-fatti u bl-intenzjoni li minnha jinsiltu dawn il-kategoriji ta’ informazzjoni. Skont l-interpretazzjoni, fil-fehma tiegħi riġida wisq, tal-Bundeskartellamt (l-Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni), mill-banda l-oħra, is-sempliċi fatt li s-suġġett tad-data jikkonsulta sit internet partikolari jew juża applikazzjoni partikolari li s-suġġett prinċipali tagħha jkun jaqa’ taħt l-oqsma indikati fl-Artikolu 9(1) tal-GDPR diġà jiftaħ il-kamp tal-protezzjoni mogħtija minn din id-dispożizzjoni. Il-protezzjoni tad-data personali sensittiva ma tiddependix mill-intenzjoni tal-kontrollur li juża din id-data, peress li d-drittijiet tas-suġġett tad-data huma diġà affettwati mill-fatt li l-imsemmija data tneħħiet mill-isfera ta’ influwenza tiegħu.

( 44 ) Fil-fatt, kif irrikonoxxa l-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (BEPD), is-sempliċi fatt li fornitur tal-midja soċjali jipproċessa ammonti kbar ta’ data li potenzjalment jistgħu jintużaw sabiex jiġu dedotti kategoriji speċjali ta’ data ma jfissirx awtomatikament li l-ipproċessar jaqa’ taħt l-Artikolu 9 tal-GDPR (ara BEPD, Linji Gwida 8/2020, tat‑13 ta’ April 2021, dwar l-immirar tal-utenti tal-midja soċjali (iktar ’il quddiem il-“Linji gwida BEPD 8/2020”), punt 124).

( 45 ) Fil-fehma tiegħi, tali interpretazzjoni tippermetti li tiġi evitata s-sitwazzjoni, ikkritikata mir-rikorrent fil-kawża prinċipali, li fiha, essenzjalment, il-kontrollur jikser awtomatikament il-GDPR għaliex ma jkunx jista’ jimpedixxi r-riċezzjoni eventwali (b’mod partikolari permezz ta’ mezzi awtomatizzati) ta’ informazzjoni li jkollha rabta indiretta mal-kategoriji ta’ data sensittiva, bla ħsara għall-obbligu, li jaqa’ fuq il-kontrollur, li jiġu implimentati l-miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa sabiex jiġi ggarantit livell ta’ sigurtà adatt għar-riskju, konformement mal-Artikolu 32 tal-GDPR.

( 46 ) Ara, f’dan is-sens il-Linji gwida BEPD 8/2020, punt 125.

( 47 ) Il-qorti tar-rinviju ssemmi, f’dan ir-rigward, il-personalizzazzjoni tan-network soċjali u tar-reklamar, is-sigurtà tan-network, it-titjib tas-servizzi, il-provvista ta’ servizzi ta’ kejl u ta’ analiżi għal min jirreklama, ir-riċerka għall-benefiċċju ta’ kulħadd, il-fatt li tingħata tweġiba għal talbiet legali, il-konformità ma’ obbligi legali, il-protezzjoni ta’ interessi vitali tal-utenti u ta’ terzi, il-kompiti mwettqa fl-interess tal-pubbliku.

( 48 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et (C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punt 89, u l-ġurisprudenza ċċitata), li tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514), kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 337, p. 11, rettifika fil-ĠU 2013, L 241, p. 9).

( 49 ) Ara wkoll l-Opinjoni 6/2014, p. 10 u 11, tal-Grupp tax-Xogħol “Artikolu 29”, korp konsultattiv indipendenti stabbilit skont l-Artikolu 29 tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355), u ssostitwit, minn meta ġie adottat il-GDPR, mill-BEPD.

( 50 ) Fil-fehma tiegħi, din il-kundizzjoni hija viċin ħafna dik tal-kunsens tas-suġġett tad-data.

( 51 ) Infakkar li, skont l-Artikolu 5(2) tal-GDPR, huwa fuq il-kontrollur li jaqa’ l-oneru tal-prova li d-data personali tiġi pproċessata skont il-GDPR

( 52 ) Barra minn hekk, għalkemm utent attent probabbilment ikun konxju mill-fatt li l-informazzjoni dwar il-konnessjoni hija aċċessibbli għall-amministratur tas-sit internet jew tal-applikazzjoni inkwistjoni, ma huwiex daqstant evidenti, fil-fehma tiegħi, li huwa jkun ukoll konxju li din l-informazzjoni hija wkoll aċċessibbli għall-amministratur tal-kont Facebook tiegħu.

( 53 ) L-iktar l-iktar, l-utent ikun konxju mir-“relazzjoni” tiegħu mal-amministratur tas-sit jew tal-applikazzjoni u ma’ terzi li lilhom dan tal-aħħar jittrażmetti din l-informazzjoni, iżda jista’ jkun li huwa saħansitra ma jkunx konxju minn din ir-relazzjoni għaliex, skont iċ-ċirkustanzi, huwa jista’ jkollu l-impressjoni li jkun qiegħed jiżvela informazzjoni, eventwalment b’mod anonimizzat, ma’ sempliċi apparat.

( 54 ) Dawn huma buttuni bħal “like”, “share” eċċ. (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 55 ) Pereżempju, Facebook toffri lill-utent, fil-preferenzi tiegħu, diversi għażliet ta’ qsim tal-informazzjoni disponibbli fil-kont Facebook tiegħu.

( 56 ) Huwa minnu li ma jistax jiġi eskluż li, f’xi każijiet partikolari, l-utent, permezz ta’ dawn l-azzjonijiet, ikun effettivament jixtieq jittrażmetti informazzjoni li tirrigwardah lil numru indeterminat ta’ persuni. Pereżempju, huwa possibbli li l-utent ikun irregola l-għażliet ta’ qsim tal-kont Facebook tiegħu b’mod li kontenut preżenti fil-profil tiegħu jkun aċċessibbli għall-utenti kollha ta’ dan in-network soċjali, fatt li huwa jkun konxju minnu. Madankollu, anki f’tali ċirkustanzi, ma jsegwix neċessarjament li l-utent, permezz ta’ tali aġir, ried mingħajr ebda dubju jesprimi l-intenzjoni li jirrendi d-data personali inkwistjoni manifestament pubblika, fid-dawl tan-natura stretta tal-eċċezzjoni inkwistjoni (ara l-punt 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 57 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Fashion ID (C‑40/17, EU:C:2019:629, punti 87 sa 89).

( 58 ) B’mod partikolari cookies (ara l-premessa 25 tad-Direttiva 2002/58).

( 59 ) Barra minn hekk, dan il-kunsens lanqas ma jista’ jiġi assimilat ma’ kunsens espliċitu għall-ipproċessar tal-imsemmija data fis-sens tal-Artikolu 9(2)(a) tal-GDPR. Kunsens għat-tfassil ta’ profil fis-sens tal-Artikolu 22(1)(c) tal-GDPR, li l-għan tiegħu huwa evidentement limitat għall-ipproċessar ta’ tfassil ta’ profil, lanqas ma jista’ jkun ta’ rilevanza.

( 60 ) F’dak li jirrigwarda l-ħames domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju inkludiet fil-prattika kontenzjuża – minbarra l-ġbir, il-korrelazzjoni mal-kont Facebook tal-utent u l-użu ta’ data li tirriżulta minn servizzi oħra tal-grupp stess, kif ukoll minn siti internet u minn applikazzjonijiet terzi (ara l-punt 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet) – “l-użu ta’ data diġà miġbura u mqiegħda f’korrelazzjoni mal-kont Facebook tal-utent mod ieħor [u b’mod leġittimu]”.

( 61 ) Artikolu 6(1)(b) tal-GDPR.

( 62 ) Artikolu 6(1)(f) tal-GDPR.

( 63 ) Artikolu 6(1)(f) tal-GDPR.

( 64 ) Jiġifieri l-kwalità ta’ minuri tal-utenti, il-provvista ta’ servizzi ta’ kejl, ta’ analiżi u ta’ servizzi kummerċjali oħra, il-provvista ta’ komunikazzjonijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni lill-utenti, ir-riċerka u l-innovazzjoni għal finijiet soċjali, kif ukoll il-qsim ta’ informazzjoni mal-awtoritajiet responsabbli għall-prosekuzzjonijiet kriminali u t-tweġiba għat-talbiet legali.

( 65 ) Artikolu 6(1)(c) tal-GDPR.

( 66 ) Artikolu 6(1)(d) tal-GDPR.

( 67 ) Artikolu 6(1)(e) tal-GDPR.

( 68 ) Fil-fatt, ir-raba’ domanda preliminari tidher li tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni, iktar milli dwar l-interpretazzjoni, tal-Artikolu 6(1)(f) tal-GDPR u l-ħames domanda preliminari ma tippreċiżax ir-raġunijiet li għalihom il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1)(c), (d) u (e) ta’ dan ir-regolament.

( 69 ) Ara BEPD, Linji Gwida 2/2019, tat‑8 ta’ Ottubru 2019, dwar l-ipproċessar tad-data personali skont l-Artikolu 6(1)(b) GDPR fil-kuntest tal-forniment ta’ servizzi online lis-suġġetti tad-data (iktar ’il quddiem il-“Linji gwida BEPD 2/2019”), punt 1.

( 70 ) F’dan ir-rigward, għalkemm il-partijiet fil-kawża prinċipali jaqblu, essenzjalment, dwar il-premessa li skontha, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-ġustifikazzjonijiet inkwistjoni, hija meħtieġa analiżi każ b’każ, il-pożizzjonijiet tagħhom huma diverġenti f’dak li jirrigwarda l-konsegwenzi prattiċi ta’ din il-premessa. Il-Bundeskartellamt (l-Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni) tenfasizza li huwa l-kompitu tal-kontrollur li jistabbilixxi b’mod iddettaljat liema data ser tiġi pproċessata konkretament f’liema xenarju ta’ użu u ssostni, b’mod partikolari, li r-rikorrent fil-kawża prinċipali llimita ruħu li jesponi li l-ipproċessar kollu kemm huwa ta’ data li toriġina mis-sorsi barra minn Facebook huwa neċessarju għal kull wieħed mill-għanijiet tal-ipproċessar ta’ data li tissemma fil-kundizzjonijiet għall-użu. Meta Platforms Ireland, għall-kuntrarju, tqis li, mingħajr ma teżamina l-karatteristiċi ta’ kull ipproċessar, il-Bundeskartellamt (l-Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni) ma setgħetx teskludi li l-prattika kontenzjuża tista’ tkun ibbażata fuq il-ġustifikazzjonijiet inkwistjoni u għalhekk ma setgħetx tikkonkludi li din il-prattika hija inkompatibbli mal-GDPR.

( 71 ) Il-kunsens tal-utent huwa previst fl-Artikolu 6(1)(a) tal-GDPR.

( 72 ) F’dan ir-rigward, il-Linji gwida BEPD 2/2019, fil-punt 16, jispeċifikaw b’mod partikolari li l-prinċipji ta’ limitazzjoni tal-iskop (Artikolu 5(1)(b) tal-GDPR) u ta’ minimizzazzjoni tad-data (Artikolu 5(1)(c) tal-GDPR) huma partikolarment sinjifikattivi fil-kuntratti għal servizzi online, li ġeneralment ma jiġux innegozjati fuq bażi individwali, minħabba r-riskju ikbar li l-kontrolluri ifittxu li jinkludu kundizzjonijiet intiżi li jiġu mmassimizzati l-ġbir u l-użu possibbli tad-data, mingħajr ma jispeċifikaw dawn l-iskopijiet b’mod adegwat jew jipprevedu obbligi ta’ minimizzazzjoni tad-data.

( 73 ) Skont il-punt 2 tal-Linji gwida BEPD 2/2019, din id-dispożizzjoni ssaħħaħ il-libertà ta’ intrapriża, li hija ggarantita fl-Artikolu 16 tal-Karta, u tirrifletti l-fatt li, kultant, l-obbligi kuntrattwali lejn is-suġġett tad-data ma jistgħux jiġu eżegwiti mingħajr ma dan tal-aħħar jipprovdi ċerta data personali. Nispeċifika li t-tieni sitwazzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni, relatata man-neċessità tal-ipproċessar għall-eżekuzzjoni ta’ miżuri prekuntrattwali meħuda fuq talba tas-suġġett tad-data, ma hijiex rilevanti f’dan il-każ. L-istess japplika għall-kwistjoni tal-eżistenza ta’ kuntratt validu fid-dawl kemm tad-dritt tal-kuntratti applikabbli kif ukoll tar-rekwiżiti legali l-oħra, inklużi dawk li jirrigwardaw il-kuntratti konklużi mal-konsumaturi (ara b’mod partikolari d-Direttiva tal-Kunsill 93/13 tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288)), li ma hijiex is-suġġett tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

( 74 ) F’dak li jirrigwarda r-regola li tikkorrispondi għall-Artikolu 6(1)(b) tal-GDPR, stabbilita fl-Artikolu 7(e) tad-Direttiva 95/46, ara s-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Huber (C‑524/06, EU:C:2008:724, punt 52).

( 75 ) Barra minn hekk, għalkemm is-sempliċi fatt li jissemma l-ipproċessar ta’ data personali f’kuntratt jew li jsir riferiment għalih ma huwiex suffiċjenti sabiex l-ipproċessar inkwistjoni jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6(1)(b) tal-GDPR, l-ipproċessar jista’ jkun oġġettivament neċessarju anki jekk ma jissemmiex espressament fil-kuntratt, bla ħsara għall-obbligi tal-kontrollur fir-rigward tat-trasparenza (ara l-Linji gwida BEPD 2/2019, punt 27).

( 76 ) Ara l-Linji gwida BEPD 2/2019, punt 25.

( 77 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert (C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662, punt 86), kif ukoll il-Linji gwida BEPD 2/2019, punt 25. F’dan ir-rigward, dawn il-linji gwida, fil-punti 27 sa 32, jirreferu b’mod partikolari għall-fatt li l-ipproċessar għandu jkun oġġettivament neċessarju għal skop li jagħmel parti integrali mill-provvista ta’ dan is-servizz kuntrattwali lis-suġġett tad-data, filwaqt li l-kontrollur għandu jkun f’pożizzjoni li juri kif is-suġġett prinċipali tal-kuntratt speċifiku konkluż mas-suġġett tad-data ma jistax jiġi effettivament eżegwit fl-assenza tal-ipproċessar speċifiku tad-data personali kkonċernata. Fil-punt 33, l-imsemmija linji gwida jipprovdu mistoqsijiet gwida f’dan ir-rigward.

( 78 ) Ara l-Linji gwida BEPD 2/2019, punt 32.

( 79 ) Ara l-Linji gwida BEPD 2/2019, punt 37.

( 80 ) F’dan ir-rigward, il-Gvern Awstrijak josserva, b’mod rilevanti, li, fil-passat, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kien jippermetti lill-utenti ta’ Facebook jagħżlu bejn preżentazzjoni kronoloġika u preżentazzjoni ppersonalizzata tal-kontenut tat-taqsima tal-attwalità, ħaġa li turi li modalità alternattiva hija possibbli.

( 81 ) Bla ħsara għall-evalwazzjoni tal-qorti tar-rinviju, ma nemminx li l-ġbir u l-użu tad-data personali barra minn Facebook jistgħu jkunu neċessarji għall-provvista tas-servizzi proposti fil-kuntest tal-profil Facebook, b’mod li l-kunsens mogħti inizjalment għall-aċċess għan-network soċjali (jiġifieri l-ftuħ ta’ profil Facebook) jista’ validament ikopri l-ipproċessar ta’ data personali tal-utent barra minn Facebook. Fil-fatt, f’tali ċirkustanza, l-użu tas-servizzi inkwistjoni jkun suġġett għal kunsens li ma huwiex neċessarju għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt u, skont l-Artikolu 7(4) tal-GDPR, il-qorti tar-rinviju ser ikollha tieħu kont sħiħ ta’ din iċ-ċirkustanza (li, skont il-premessa 43 tal-GDPR, tikkostitwixxi preżunzjoni ta’ nuqqas ta’ validità tal-kunsens li l-kontrollur għandu jikkonfuta fis-sens tal-Artikolu 7(1) tal-GDPR). Barra minn hekk, fil-fehma tiegħi, tali kunsens lanqas ma josserva r-regola li timponi kunsens separat fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ pproċessar ta’ data personali differenti (ara t-tielet parti tal-punt 74 ta’ dawn il-konklużjonijiet), għaliex xejn ma jorbot il-kunsens inizjali tal-utent għall-ftuħ tal-kont Facebook ma’ eventwali kunsens ta’ dan tal-aħħar għall-ipproċessar ta’ data personali barra minn Facebook. Barra minn hekk, anki fil-każ ta’ eventwali kunsens sussegwenti, mogħti speċifikament għall-użu tad-data barra minn Facebook, huwa importanti li jiġi eżaminat jekk il-kontrollur joffrix l-għażla ta’ servizz ekwivalenti li ma jinvolvix l-għoti ta’ kunsens għall-ipproċessar ta’ data personali għal finijiet addizzjonali (ara l-Linji Gwida BEPD 5/2020 tal‑4 ta’ Mejju 2020 dwar il-kunsens skont ir-Regolament (UE) 2016/679 (iktar ’il quddiem il-“Linji gwida BEPD 5/2020”), punt 37, li jispeċifikaw ukoll, fil-punt 38, li l-kontrollur ma jistax jirreferi għal servizz ekwivalenti pprovdut minn operatur ieħor).

( 82 ) Kif jirrileva l-Gvern Awstrijak, jidhirli li huwa deċiżiv li jiġi kkonstatat, f’dan ir-rigward, li d-diversi prodotti tal-grupp jistgħu jintużaw indipendentement minn xulxin u li l-użu ta’ kull servizz huwa bbażat fuq kuntratt ta’ użu separat. Barra minn hekk, kif tosserva l-Bundeskartellamt (l-Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni), iktar milli jitqies li huwa neċessarju għall-funzjonament tas-servizzi tal-grupp, l-użu kontinwu u bla xkiel ta’ dawn is-servizzi għandu jitqies li jikkostitwixxi interess tal-utent, b’mod li, bħala prinċipju, jidher li jkun iktar opportun li dan ikun skont l-għażla ta’ dan tal-aħħar.

( 83 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2017, Rīgas satiksme (C‑13/16, EU:C:2017:336, punt 28), li tirrigwarda r-regola li tikkorrispondi għall-Artikolu 6(1)(f) tal-GDPR, stabbilita fl-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46.

( 84 ) Kif irrilevat fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Fashion ID (C‑40/17, EU:C:2018:1039, punt 122), il-kunċett ta’ “interess leġittimu” fil-kuntest tad-Direttiva 95/46 kien jidher li huwa pjuttost elastiku u miftuħ. Fil-fatt, kif isostni r-rikorrent fil-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet diversi interessi bħala leġittimi (ara b’mod partikolari s-sentenzi tat‑13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google (C‑131/12, EU:C:2014:317, punt 81); tad‑19 ta’ Ottubru 2016, Breyer (C‑582/14, EU:C:2016:779, punt 55); tal‑4 ta’ Mejju 2017, Rīgas satiksme (C‑13/16, EU:C:2017:336, punt 29); tal‑24 ta’ Settembru 2019, GC et (Tneħħija ta’ referenza ta’ data sensittiva) (C‑136/17, EU:C:2019:773, punt 53); tal‑11 ta’ Diċembru 2019, Asociaţia de Proprietari bloc M5A-ScaraA (C‑708/18, EU:C:2019:1064, punt 59); u tas‑17 ta’ Ġunju 2021, M.I.C.M. (C‑597/19, EU:C:2021:492, punti 108109)). Fil-fehma tiegħi, għandha tinsilet l-istess konklużjoni mill-GDPR, li l-premessa 47 tiegħu ssemmi b’mod partikolari, bħala eżempju, is-sitwazzjoni li fiha s-suġġett tad-data jkun klijent tal-kontrollur jew ikun fis-servizz tiegħu u l-ipproċessar ta’ data personali għal finijiet ta’ prevenzjoni tal-frodi jew għal finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta, u li l-premessa 49 tiegħu ssemmi s-sigurtà tan-network u tal-informazzjoni kif ukoll tas-servizzi offruti.

( 85 ) Ħaġa li, fil-fehma tiegħi, timplika r-rekwiżit li tiġi speċifikata liema operazzjoni ta’ pproċessar hija bbażata fuq liema interess leġittimu.

( 86 ) Ara s-sentenzi tal‑4 ta’ Mejju 2017, Rīgas satiksme (C‑13/16, EU:C:2017:336, punt 30), u tas‑17 ta’ Ġunju 2021, M.I.C.M. (C‑597/19, EU:C:2021:492, punt 110).

( 87 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Mejju 2017, Rīgas satiksme (C‑13/16, EU:C:2017:336, punt 31), u tas‑17 ta’ Ġunju 2021, M.I.C.M. (C‑597/19, EU:C:2021:492, punt 111). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46 (li jikkorrispondi għall-Artikolu 6(1)(f) tal-GDPR) kien jipprekludi li Stat Membru jeskludi b’mod kategoriku u ġġeneralizzat il-possibbiltà li ċerti kategoriji ta’ data personali jiġu pproċessati, mingħajr ma jippermetti l-ibbilanċjar tad-drittijiet u tal-interessi opposti inkwistjoni f’każ partikolari, filwaqt li speċifikat li għaldaqstant Stat Membru ma jistax jippreskrivi, għal dawn il-kategoriji, b’mod definittiv, ir-riżultat tal-ibbilanċjar tad-drittijiet u tal-interessi opposti, mingħajr ma jippermetti riżultat differenti minħabba ċirkustanzi partikolari ta’ każ konkret (sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2016, Breyer, C‑582/14, EU:C:2016:779, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 88 ) L-Opinjoni 6/2014 tal-Grupp tax-Xogħol “Artikolu 29” tipprovdi kunsiderazzjonijiet interessanti f’dan ir-rigward fil-paragrafu III.3.4 tagħha.

( 89 ) Fil-fatt, skont il-premessa 49 tal-GDPR, l-ipproċessar ta’ data personali sa fejn dan huwa strettament neċessarju u proporzjonat għall-finijiet li tiġi żgurata s-sigurtà tan-network u tal-informazzjoni jikkostitwixxi interess leġittimu tal-kontrollur ikkonċernat. Dan jista’ jirrigwarda, pereżempju, l-prevenzjoni ta’ aċċess mhux awtorizzat għal networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u d-distribuzzjoni ta’ kodiċijiet malizzjużi. Nirrileva wkoll li, skont l-Artikolu 32 tal-GDPR, fost oħrajn, il-kontrollur għandu jimplimenta l-miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa sabiex jiggarantixxi livell ta’ sigurtà adatt għar-riskju u li, skont l-Artikolu 5(1)(f) ta’ dan ir-regolament, id-data personali għandha tiġi pproċessata b’mod li tiġi ggarantita sigurtà xierqa tad-data personali.

( 90 ) Għalhekk għandu jiġi vverifikat sa fejn l-ipproċessar ta’ data personali esterna għas-sit jew għall-applikazzjoni Facebook jirriżulta li huwa neċessarju għas-sigurtà ta’ Facebook. Għalkemm il-qorti tar-rinviju tirrileva, f’dan ir-rigward, il-possibbiltà tal-użu tad-data WhatsApp b’funzjoni anti-spam (billi tintuża informazzjoni li tirriżulta mill-kontijiet WhatsApp li jibgħatu spam sabiex jittieħdu miżuri kontra l-kontijiet Facebook korrispondenti) u ta’ data Instagram sabiex jiġi rrilevat aġir dubjuż jew illegali, niddubita kemm ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jista’ jinvoka d-dritt li jipproċessa data personali għal finijiet ta’ “pulizija” fis-sens wiesa’, fid-dawl tal-fatt li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-qasam (differenti iżda konness) tad-data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi, anki miżuri leġiżlattivi li jipprevedu, b’mod preventiv, żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni ma humiex kompatibbli mad-Direttiva 2002/58 (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 168)). Barra minn hekk, fis-sitwazzjoni fejn in-neċessità li tiġi ggarantita s-sigurtà tan-network taqa’ taħt rekwiżit legali, il-kontrollur jista’jtinvoka l-ġustifikazzjoni speċifika prevista fl-Artikolu 6(1)(c) tal-GDPR.

( 91 ) Skont l-Artikolu 6(1)(c), (d) u (e) tal-GDPR.

( 92 ) Ara l-punt 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 93 ) Fid-dawl tal-firxa wiesgħa ta’ interessi leġittimi rrikonoxxuti mill-ġurisprudenza (ara l-punt 60 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Pereżempju, jidhirli li huwa evidenti, bħala prinċipju, li l-protezzjoni tal-minuri tista’ tiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ protezzjoni xierqa, intiżi li dawn jiġu pprojbiti milli jaċċedu għal kontenut mhux xieraq jew perikoluż.

( 94 ) Fil-fatt, skont l-Artikolu 13(1)(c) u (d) tal-GDPR, huwa, b’mod partikolari, il-kontrollur li għandu jindika, għal kull skop ta’ pproċessar, l-interessi leġittimi mfittxija minn dan tal-aħħar jew minn terz.

( 95 ) Fis-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2020, Orange Romania (C‑61/19, EU:C:2020:901, punti 3536 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li l-formulazzjoni tal-punt (11) tal-Artikolu 4 tal-GDPR, li jiddefinixxi l-“kunsens tas-suġġett tad-data”, tidher iktar stretta minn dik tal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 95/46, sa fejn tirrikjedi manifestazzjoni ta’ rieda “mogħtija b’mod liberu, speċifika, infurmata u mhux ambigwa” tas-suġġett tad-data, li tieħu l-forma ta’ dikjarazzjoni jew ta’ “azzjoni affermattiva ċara” li turi l-aċċettazzjoni tiegħu għall-ipproċessar tad-data li tikkonċernah.

( 96 ) Kif jenfasizza l-BEPD, l-aġġettiv “liberu” jimplika għażla u kontroll reali għas-suġġetti tad-data (ara, il-Linji gwida BEPD 5/2020, punt 13). L-istess punt jispeċifika b’mod partikolari li l-kunsens ma jkunx ingħata liberament jekk, minn naħa, is-suġġett tad-data jħossu obbligat jagħti l-kunsens tiegħu jew ikollu jġarrab konsegwenzi negattivi sinjifikattivi jekk ma jagħtix il-kunsens tiegħu u, min-naħa l-oħra, il-kunsens jiġi ppreżentat bħala parti mhux negozjabbli mill-kundizzjonijiet ġenerali. Għaldaqstant, il-kunsens ma huwiex ser jitqies li jkun ingħata liberament jekk din il-persuna ma tkunx f’pożizzjoni li tirrifjuta jew li tirtirah mingħajr ma ġġarrab dannu. F’dan il-każ, kif jenfasizza r-rikorrent fil-kawża prinċipali, l-uniku inkonvenjent li s-suġġett tad-data għandu jaċċetta huwa li s-servizz jista’, jekk ikun il-każ, ma jkollux l-istess funzjonalità jew kwalità, sa fejn l-ipproċessar ta’ data li għalih ma jkunx ingħata l-kunsens ikun teknikament neċessarju għal dan.

( 97 ) F’dan ir-rigward, il-Linji gwida BEPD 5/2020 isemmu l-qerq, l-intimidazzjoni, il-koerċizzjoni jew kwalunkwe konsegwenza negattiva sinjifikattiva jekk is-suġġett tad-data jirrifjuta li jagħti l-kunsens tiegħu u jfakkru l-oneru tal-kontrollur li jipprova li s-suġġett tad-data għandu libertà ta’ għażla reali f’dak li jirrigwarda l-għoti u l-irtirar tal-kunsens (punt 47).

( 98 ) Minbarra s-sitwazzjonijiet li jirrigwardaw ir-relazzjonijiet ma’ awtoritajiet pubbliċi u r-relazzjonijiet ta’ xogħol, imsemmija fil-premessa 43, li ma humiex rilevanti f’dan il-każ, il-punt 24 tal-Linji gwida BEPD 5/2020 isemmi b’mod partikolari sitwazzjonijiet li fihom is-suġġett tad-data ma jkunx f’pożizzjoni li jeżerċita għażla reali jew li fihom ikun hemm riskju ta’ qerq, ta’ intimidazzjoni, ta’ koerċizzjoni jew ta’ konsegwenzi negattivi sinjifikattivi (pereżempju spejjeż addizzjonali sinjifikattivi) jekk huwa ma jagħtix il-kunsens tiegħu.

( 99 ) Din il-kwistjoni tikkoinċidi, parzjalment, ma’ dik li hija s-suġġett tal-ewwel parti tat-tielet domanda preliminari (ara l-punti 53 sa 57 ta’ dawn il-konklużjonijiet). It-tieni sentenza tal-premessa 43 tal-GDPRtispeċifika li, f’tali sitwazzjoni, il-kunsens huwa preżunt li ma jkunx ingħata liberament (skont il-punt 26 tal-Linji gwida BEPD 5/2020, b’dan il-mod, il-GDPR jiżgura li l-ipproċessar ta’ data personali li għalih jintalab il-kunsens ma jkunx jista’ jsir direttament jew indirettament il-kontroparti ta’ kuntratt), filwaqt li l-użu tat-terminu “preżunt” jindika b’mod ċar li l-każijiet li fihom il-kunsens huwa validu ser ikunu eċċezzjonali ferm (ara l-punt 35 ta’ dawn il-linji gwida). Barra minn hekk, bl-użu tat-termini “inter alia” l-Artikolu 7(4) tal-GDPR ġie fformulat b’mod mhux eżawrjenti, li jfisser li serje ta’ sitwazzjonijiet oħra tista’ taqa’ fl-ambitu ta’ din id-dispożizzjoni, inkluża kwalunkwe pressjoni jew influwenza mhux xierqa eżerċitata fuq is-suġġett tad-data u li tostakolah milli jeżerċita r-rieda tiegħu (Linji gwida BEPD 5/2020, punt 14).

( 100 ) Il-premessa 32 tal-GDPR tispeċifika b’mod partikolari li l-kunsens mogħti għandu japplika għall-attivitajiet ta’ pproċessar kollha li jkollhom l-istess skop jew skopijiet u li, meta l-ipproċessar ikollu diversi skopijiet, il-kunsens għandu jingħata għall-iskopijiet kollha kemm huma. F’dan ir-rigward, il-Linji gwida BEPD 5/2020 jirreferu għall-“granularità” tal-kunsens bħala ostakolu għal-libertà tiegħu (punt 44).

( 101 ) Tali sitwazzjoni tiffavorixxi b’mod partikolari l-impożizzjoni tal-kundizzjonijiet li ma jkunux neċessarji għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt (ara l-punti 53 sa 57 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 102 ) Fi kliem ieħor, kif tirrileva l-Kummissjoni, il-grad ta’ setgħa fis-suq relattiva tal-impriża li huwa kritiku għall-validità tal-kunsens skont il-GDPR ma jistax jiġi neċessarjament assimilat mal-livell ta’ pożizzjoni dominanti fis-suq fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE.

( 103 ) Evidentement, għalkemm l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti ma tipprekludix, waħedha, il-possibbiltà li jingħata kunsens liberu għall-ipproċessar ta’ data personali l-assenza ta’ tali pożizzjoni, waħedha, ma hijiex suffiċjenti sabiex jiġi ggarantit, f’kull ċirkustanza, li tali kunsens jingħata validament.