KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fis‑16 ta’ Ġunju 2022 ( 1 )

Kawża C‑230/21

X li taġixxi f’isimha stess u fil-kapaċità tagħha ta’ rappreżentanta legali tal-ulied minuri tagħha Y u Z

vs

L-Istat Belġjan

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad voor Vreemdelingenbetwistingen (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin, il-Belġju))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika ta’ immigrazzjoni – Direttiva 2003/86/KE – Dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja – Kunċett ta’ ‘minuri mhux akkompanjat’ – Dritt ta’ refuġjat għar-riunifikazzjoni tal-familja mal-ġenituri tiegħu – Refuġjat minuri miżżewweġ fil-mument tad-dħul fit-territorju ta’ Stat Membru – Żwieġ ta’ wild li mhux irrikonoxxut f’dan l-Istat Membru”

I. Introduzzjoni

1.

Il-fatt li tkun miżżewġa jipprekludi refuġjata minuri milli tkun ikkunsidrata bħala “minuri mhux akkompanjat” u milli tibbenefika mid-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja mal-axxendent tagħha, skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/86/KE ( 2 )?

2.

Din hija l-mistoqsija li għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha twieġeb f’din il-kawża, li ser twassalha tiddeċiedi dwar is-sitwazzjonijiet partikolarment sensittivi relatati maż-żwiġijiet ta’ minuri, li ma jistax jiġi injorat li jistgħu jikkostitwixxu żwiġijiet furzati, u għalhekk, ksur partikolarment gravi tad-drittijiet fundamentali tal-persuni, speċjalment tat-tfal u tan-nisa ( 3 ).

II. Il‑kuntest ġuridiku

A.   Id‑Direttiva 2003/86

3.

Skont il-premessi 2, 6, 8, 9 u 11 tad-Direttiva 2003/86:

“(2)

Miżuri dwar riunifikazzjoni tal-familja għandhom ikunu adottati b’konformità ma’ l-obbligu tal-protezzjoni tal-familja u ir-rispett għall-ħajja tal-familja minquxa f’ħafna strumenti tal-liġi internazzjonali. Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rrikonoxxuti b’mod partikulari fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u Libertajiet Fundamentali u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea.

[…]

(6)

Biex tkun protetta l-familja u tkun stabbilita u ppreżervata l-ħajja tal-familja, il-kondizzjonijiet materjali biex ikun eżerċitat id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja għandhom ikunu ddeterminati fuq il-bażi ta’ kriterji komuni.

[…]

(8)

Attenzjoni speċjali għandha tingħata lis-sitwazzjoni ta’ refuġjati minħabba r-raġunijiet li jobbligawhom jaħarbu pajjiżhom u jimpeduhom milli jgħixu ħajja tal-familja normali hemm. Kondizzjonijiet iktar favorevoli għandhom għalhekk ikunu preskritti għall-eżerċizzju tad-dritt tagħhom għar-riunifikazzjoni tal-familja.

(9)

Ir-riunifikazzjoni tal-familja għandha tapplika f’kull każ għall-membri tal-familja nukleari, jiġifieri l-konjugi u t-tfal minorenni.

[…]

(11)

Id-dritt tar-riunifikazzjoni tal-familja għandu jkun eżerċitat b’konformita xierqa mal-valuri u prinċipji rrikonoxxuti mill-Istat Membru, b’mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet tan-nisa u t-tfal […].”

4.

L-Artikolu 2(f) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-kunċett ta’ “minuri mhux akkompanjat” bħala “ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni bla stat taħt l-età tmintax, li jaslu fit-territorju ta’ l-Istati Membri mhux akkompanjati minn adulti responsabbli bil-liġi jew b’użanza, u sakemm ma jittiħdux effettivament fir-reponsabbilta ta’ persuna tali, jew minorenni li jibqgħu mhux akkompanjati wara li jkunu daħlu fit-territorju ta’ l-Istati Membri”.

5.

L-Artikolu 4(1), (2) u (5) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1.   l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw id-dħul u r-residenza, skond din id-Direttiva u suġġetti għal konformita mal-kondizzjonijiet preskritti fil-Kapitolu IV, kif ukoll l-Artikolu 16, tal-membri tal-familja li ġejjin:

a)

il-konjugi ta’ l-isponsor;

b)

it-tfal minorenni ta’ l-isponsor u tar-raġel/mara tagħha/tiegħu, inklużi tfal adottati skond deċiżjoni meħuda mill-awtorita kompetenti fl-Istat Membru kkonċernat jew deċiżjoni li hija awtomatikament infurzabbli minħabba obbligi internazzjonali ta’ dak l-Istat Membru jew għandha tkun irrikonoxxuta skond obbligi internazzjonali;

ċ)

it-tfal minorenni inklużu tfal adottati ta’ l-isponsor fejn l-isponsor għandu l-kustodja u t-tfal huma dipendenti fuqu jew fuqha. Stati Membri jistgħu jawtorizzaw ir-riunifikazzjoni ta’ tfal li l-kustodja tagħhom hija maqsuma (hija r-responsabbilita ta’/f’idejn iktar minn persuna waħda), sakemm il-parti l-oħra li għandha sehem fil-kustodja tkun tat il-ftehim (qbil) tiegħu jew tagħha;

d)

it-tfal minorenni inklużi tfal adottati tar-raġel/mara fejn il-konjugi għandu kustodja u t-tfal huma dipendenti fuqu jew fuqha. Stati Membri jistgħu jawtorizzaw ir-riunifikazzjoni ta’ tfal li l-kustodja tagħhom hija maqsuma (hija r-responsabbilita ta’/f’idejn iktar minn persuna waħda), sakemm il-parti l-oħra li għandha sehem fil-kustodja tkun tat il-ftehim (qbil) tiegħu jew tagħha.

It-tfal minorenni li jirreferi għalihom dan l-Artikolu għandhom ikunu taħt l-età maġġoritarja stabbilita bil-liġi ta’ l-Istat Membru kkonċernat u ma jridux ikunu miżżewġin.

[…]

2.   L-Istati Membri jistgħu, b’liġi jew regolament, jawtorizzaw id-dħul u residenza, skond din id-Direttiva u suġġetti għal konformita mal-kondizzjonijiet preskritti fil-Kapitolu IV, tal-membri tal-familja li ġejjin:

a)

qraba ta’ l-ewwel grad fil-linja diretta axxendenti ta’ l-isponsor jew il-konjugi tagħha jew tiegħu, fejn huma dipendenti fuqhom u ma jgawdux appoġġ xieraq tal-familja fil-pajjiż ta’ oriġini;

[…]

5.   Biex tkun żgurata integrazzjoni aħjar u jkunu impeduti żwiġijiet furzati Stati Membri jistgħu jirrikjedu l-isponsor u l-mara tiegħu/r-raġel tagħha li jkunu ta’ età minima, u għal massimu ta’ 21 sena, qabel ma l-konjugi ikun jista’ jingħaqad miegħu/magħha”.

6.

L-Artikolu 5(5) tal-istess direttiva jipprovdi:

“Meta tkun eżaminata applikazzjoni, l-Istati Membri għandhom jagħtu l-attenzjoni dovuta għall-aħjar interessi ta’ tfal minorenni”.

7.

L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/86, li jinsab fil-Kapitolu V ta’ din id-direttiva, intitolat “Riunifikazzjoni tal-familja ta’ refuġjati”, jipprovdi fil-punt a tal-paragrafu 3 tiegħu:

“3.   Jekk ir-refuġjat huwa minorenni mhux akkompanjat, l-Istat Membru:

a)

għandu jawtorizza d-dħul u residenza għall-għanijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja tal-qraba ta’ l-ewwel grad tiegħu/tagħha fil-linja diretta axxendenti mingħajr ma japplika l-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 4(2)(a);”

B.   Ir‑Regolament Dublin III

8.

Skont l-Artikolu 2(g) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 ( 4 ), “Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

(g)

‘membri tal-familja’ tfisser, sakemm il-familja diġà kienet teżisti fil-pajjiż ta’ oriġini, dawn il-membri tal-familja tal-applikant li huma preżenti fit-territorju tal-Istati Membri:

[…]

meta l-benefiċarju ta’ protezzjoni internazzjonali jkun minorenni u mhux miżżewweġ, il-missier, l-omm jew adult ieħor responsabbli għalih jew għaliha, kemm jekk bil-liġi jew bil-prattika tal-Istat Membru fejn il-benefiċarju jkun preżenti;”

9.

L-Artikolu 8(1) tar-Regolament Dublin III jistabbilixxi:

“Fejn l-applikant ikun minorenni mhux akkumpanjat, l-Istat Membru responsabbli għandu jkun dak fejn membru tal-familja jew ħu jew oħt il-minorenni mhux akkumpanjat ikunu legalment preżenti, sakemm dan ikun fl-aħjar interessi tal-minorenni. Fejn l-applikant ikun minorenni miżżewweġ li l-konjuġi tiegħu ma jkunx legalment preżenti fit-territorju tal-Istati Membri, l-Istat Membru responsabbli għandu jkun l-Istati Membru fejn il-missier, l-omm, jew adult ieħor responsabbli għall-minuri, kemm jekk permezz tal-liġi jew bil-prattika ta’ dak l-Istat Membru, jew ħu jew oħtu jkunu legalment preżenti”.

III. Il‑kawża prinċipali, id‑domandi preliminari u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

10.

Fit‑8 ta’ Diċembru 2016, meta kienet minuri, it-tifla ta’ X, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali żżewġet fil-Libanu lil Y.B., li kellu permess ta’ residenza validu fil-Belġju.

11.

Mal-wasla tagħha fil-Belġju, fit‑28 ta’ Awwissu 2017, hija ġiet ikkunsidrata bħala minuri barrani mhux akkompanjat mid-dipartiment tal-kustodja tal-FOD Justitie (id-Dipartiment Federali Pubbliku tal-Ġustizzja, il-Belġju) u fid‑29 ta’ Awwissu 2017 ġiet assenjata gwardjana.

12.

Fl‑20 ta’ Settembru 2017, id-Dienst Vreemdelingenzaken (l-Uffiċċju għall-Barranin, il-Belġju) irrifjuta li jirrikonoxxi l-att taż-żwieġ Libaniż skont l-Artikoli 21 u 27 tal-Kodiċi tad-Dritt Internazzjonali Privat Belġjan għar-raġuni li kien jirrigwarda żwieġ tat-tfal, li huwa kkunsidrat inkompatibbli mal-ordni pubbliku.

13.

Fl-istess ġurnata, it-tifla ta’ X għamlet applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, u fis‑26 ta’ Settembru 2018, kisbet l-istatus ta’ refuġjata.

14.

Fit‑18 ta’ Diċembru 2018, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ta’ nazzjonalità Palestinjana, għamlet quddiem ir-rappreżentanza Belġjana f’Bejrut (il-Libanu) applikazzjoni għal viża fir-rigward tar-riunifikazzjoni tal-familja, sabiex tingħaqad ma’ bintha l-minuri, imwielda fit‑2 ta’ Frar 2001. F’din l-istess data, hija għamlet ukoll applikazzjonijiet għal viżi umanitarji għat-tfal minuri tagħha, Y u Z.

15.

Fl‑20 ta’ Awwissu 2019, it-tifla ta’ X welldet tifla, ta’ nazzjonalità Belġjana.

16.

Permezz ta’ tliet deċiżjonijiet tal‑21 ta’ Ġunju 2019, id-delegat tal-minister van Sociale Zaken en Volksgezondheid, en van Asiel en Migratie (il-Ministru tal-Affarijiet Soċjali u tas-Saħħa Pubblika, u tal-Ażil u tal-Migrazzjoni, il-Belġju) (iktar ’il quddiem id-“delegat”) ċaħad l-applikazzjonijiet għall-għoti ta’ viżi mitluba minn X. Il-qorti tar-rinviju annullat dawn id-deċiżjonijiet permezz ta’ sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019. Fis‑17 ta’ Marzu 2020, id-delegat adotta tliet deċiżjonijiet ġodda intiżi sabiex jirrifjutaw l-għoti tal-imsemmija viżi.

17.

Essenzjalment, id-delegat argumenta li skont il-punt 4 tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 10(1) tal-Liġi dwar il-Barranin u tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/86, il-familja nukleari hija kkostitwita mill-konjuġi u mit-tfal minuri mhux miżżewġa, u li għaldaqstant, it-tifla ta’ X, li ż-żwieġ tagħha huwa validu fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha, ma għadhiex tagħmel parti mill-familja nukleari tal-ġenituri tagħha.

18.

B’rikorsi tal‑10 ta’ Awwissu 2020, X ippreżentat rikors quddiem il-qorti tar-rinviju kontra t-tliet deċiżjonijiet ikkontestati meħuda mid-delegat fis-17 ta’ Marzu 2020.

19.

Insostenn tar-rikors tagħha, hija targumenta li la l-Liġi Belġjana dwar il-Barranin u lanqas id-Direttiva 2003/86 ma jeħtieġu li r-refuġjat minuri li jisponsorja jkun mhux miżżewweġ sabiex jibbenefika mid-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja mal-ġenituri tiegħu. Barra minn hekk, hija ssostni li ladarba l-att ta’ żwieġ tat-tifla tagħha ma huwiex irrikonoxxut fil-Belġju, dan iż-żwieġ ma jipproduċi ebda effett ġuridiku fl-ordinament ġuridiku Belġjan. Hija targumenta li t-tifla tagħha għandha tissodisfa żewġ rekwiżiti biss sabiex tibbenefika mid-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja mal-ġenituri tagħha, jiġifieri tkun minuri u mhux akkompanjata, fis-sens tal-Artikolu 2(f) ta’ din id-direttiva, u li dawn ir-rekwiżiti huma ssodisfatti f’dan il-każ.

20.

Skont ir-Raad voor Vreemdelingenbetwistingen (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin, il-Belġju), is-sitwazzjoni tat-tifla tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali donnha tikkorrispondi għal dik ta’ “minuri mhux akkompanjat” fis-sens tal-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86, moqri flimkien mal-Artikolu 2(f) tagħha. F’dan ir-rigward, din il-qorti tirrileva li din id-direttiva ma tinkludi ebda indikazzjoni relattiva għas-sitwazzjoni matrimonjali tal-“minuri mhux akkompanjat”. Madankollu, hija tosserva, billi tirreferi għall-argumenti mressqa mid-delegat, li s-sistema ta’ riunifikazzjoni tal-familja prevista fl-Artikolu 9 tar-Regolament Dublin III teħtieġ li r-refuġjat minuri jkun mhux miżżewweġ sabiex l-Istat Membru li fih jirrisjedi jkun responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tal-ġenituri tiegħu.

21.

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li r-Raad voor Vreemdelingenbetwistingen (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin) iddeċieda li jissospendi l-proċedura u jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 2(f) [tad-Direttiva 2003/86], moqri flimkien mal-Artikolu 10(3)(a) [ta’ din id-direttiva], għandu jiġi interpretat fis-sens li refuġjat li jkun ‘minuri mhux akkompanjat’ li jirrisjedi fi Stat Membru għandu jkun ‘mhux miżżewweġ’ skont il-liġi nazzjonali tiegħu sabiex igawdi mid-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja ma’ axxendenti f’linja diretta?

2)

Fl-affermattiv, refuġjat minuri li ż-żwieġ tiegħu li seħħ barra mill-pajjiż ma jiġix irrikonoxxut minħabba motivi ta’ ordni pubbliku, jista’ jitqies li jkun ‘minuri mhux akkompanjat’, kif imsemmi fl-Artikolu 2(f) u fl-Artikolu 10(3) tad-[Direttiva 2003/86]?”

22.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Belġjan u mill-Kummissjoni Ewropea. L-istess partijiet esprimew ruħhom waqt is-seduta li nżammet fil‑31 ta’ Marzu 2022.

IV. Analiżi

A.   Fuq l‑ewwel domanda preliminari

23.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk refuġjat minuri li jirrisjedi fi Stat Membru għandux ikun mhux miżżewweġ sabiex ikun jista’ jiġi kkunsidrat bħala “minuri mhux akkompanjat”, fis-sens tal-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2003/86, u għaldaqstant, jibbenefika mid-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja mal-axxendent tiegħu, previst fl-Artikolu 10(3)(a) ta’ din id-direttiva.

24.

Qabelxejn, nenfasizza li din id-domanda ma tirrigwardax l-aspetti kollha tal-kunċett ta’ “minuri mhux akkompanjat”, iżda r-rekwiżit dwar jekk il-minuri kkonċernat ikunx mhux miżżewweġ biss. Fi kliem ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tiddetermina pożittivament dak li huwa kopert minn dan il-kunċett, u għalhekk, jekk it-tifla ta’ X hijiex “minuri mhux akkompanjata”, fis-sens tad-Direttiva 2003/86, iżda sempliċement jekk il-fatt li jkun miżżewweġ jipprekludix li l-minuri kkonċernat jiġi kkunsidrat bħala “minuri mhux akkompanjat” u jibbenefika mid-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja mal-axxendent tiegħu.

25.

Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-interpretazzjoni awtonoma u uniformi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandha tfittex li tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti ( 5 ).

26.

Fil-fehma tiegħi, kemm l-interpretazzjoni litterali kif ukoll l-interpretazzjoni teleoloġika u sistematika ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/86 jordnaw li tingħata risposta negattiva għal din id-domanda, għar-raġunijiet li ser niżviluppa.

1. Interpretazzjoni litterali

27.

Fir-rigward tal-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2003/86, li jiddefinixxi l-kunċett ta’ “minuri mhux akkompanjat” fis-sens ta’ din id-direttiva, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja u kif tirrileva l-Kummissjoni, din id-dispożizzjoni tipprovdi żewġ rekwiżiti, jiġifieri li l-persuna kkonċernata tkun “minuri” u li tkun “mhux akkompanjata” ( 6 ).

28.

Għalhekk, il-formulazzjoni ta’ din id-definizzjoni mkien ma tirreferi għall-istat ċivili tal-minuri u għalhekk ma tinkludi ebda rekwiżit li l-minuri jkun mhux miżżewweġ sabiex ikun jista’ jiġi kkunsidrat bħala “minuri mhux akkompanjat”, fis-sens tad-Direttiva 2003/86.

29.

L-Artikolu 10(3)(a) ta’ din id-direttiva lanqas ma jipprovdi tali rekwiżit. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tirregola l-kwistjoni tar-riunifikazzjoni tal-familja ta’ refuġjat minuri mhux akkompanjat u tipprovdi li l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw id-dħul u r-residenza tal-axxendenti diretti tal-ewwel grad mingħajr rekwiżiti oħra.

30.

Barra minn hekk, nirrileva li dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva 2003/86 jipprovdu espressament ir-rekwiżit li minuri jkun mhux miżżewweġ sabiex ikun jista’ jibbenefika mid-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja ( 7 ). Il-fatt li dan ir-rekwiżit ma jissemmiex fit-test tal-Artikolu 2(f) u tal-Artikolu 10(3)(a) ta’ din id-direttiva li jirrigwardaw minuri mhux akkompanjati, jindika għalhekk li dan ma japplikax fis-sitwazzjoni tagħhom ( 8 ).

31.

Għalhekk, mill-qari tal-Artikolu 2(f) u tal-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86, xejn ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li kienet l-intenzjoni tal-leġiżlatur li jillimita l-benefiċċju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja tal-minuri mhux akkompanjati refuġjati għall-minuri mhux miżżewġa.

32.

Ir-riżultat tal-interpretazzjoni litterali ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet hija, fil-fehma tiegħi, ikkonfermata mill-interpretazzjoni sistematika u teleoloġika tagħhom..

2. Interpretazzjoni sistematika

33.

Qabel kollox, nirrileva, kif jenfasizza l-Gvern Belġjan, li dispożizzjonijiet oħra ta’ din id-direttiva jsemmu espressament is-sitwazzjonijiet li fihom minuri huwa miżżewweġ. B’mod partikolari, l-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva, li jiddetermina l-membri tal-familja tal-isponsor li jistgħu jibbenefikaw mir-riunifikazzjoni tal-familja, jipprovdi li “[t]-tfal minorenni li jirreferi għalihom dan l-Artikolu […] ma jridux ikunu miżżewġin”. Bl-istess mod, l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2003/86 jippermetti lill-Istati Membri jimponu li l-isponsor u l-konjuġi tiegħu jkunu laħqu età minima sabiex jibbenefikaw mid-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja.

34.

Skont dawn id-dispożizzjonijiet, it-tfal minuri tal-ġenitur sponsor ma jistgħux jidħlu u jirrisjedu fl-Unjoni abbażi tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja ħlief bil-kundizzjoni li ma jkunux miżżewġin, u jekk ikunu miżżewġin, huma jibbenefikaw minn dan id-dritt mal-konjuġi tagħhom bil-kundizzjoni li jkunu laħqu età minima.

35.

Il-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda dawn ir-rekwiżiti għal dak li jirrigwarda ġenitur sponsor jew konjuġi sponsor, iżda ma pprevedihomx għal dak li jirrigwarda minuri mhux akkompanjat sponsor juri l-volontà tal-leġiżlatur li ma jirrestrinġix l-benefiċċju tal-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86 għall-minuri mhux akkompanjati mhux miżżewġa biss.

36.

Fil-fatt, peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni jsemmi espressament is-sitwazzjoni ta’ minuri miżżewġa li jixtiequ jingħaqdu mal-ġenitur jew konjuġi sponsor tagħhom, għandu jiġi kkunsidrat li s-silenzju tal-leġiżlatur fir-rigward tas-sitwazzjoni matrimonjali tal-minuri refuġjati li huma stess huma sponsors jirrifletti l-volontà tiegħu li ma jissuġġettahomx għall-istess rekwiżiti. Li kieku l-leġiżlatur ried ifisser li minuri mhux akkompanjati kellu jkun mhux miżżewweġ, huwa kien jindika dan speċifikament.

37.

F’dan ir-rigward, nippreċiża li għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni l-Gvern Belġjan, tali interpretazzjoni ma toħloqx diskriminazzjoni għad-detriment ta’ minuri miżżewweġ li jitlob ir-riunifikazzjoni tal-familja mal-ġenitur sponsor tiegħu jew mal-konjuġi sponsor tiegħu li jirrisjedu fi Stat Membru. Kif jenfasizzaw il-Kummissjoni u X, is-sitwazzjoni ta’ minuri li jingħaqad mal-ġenitur sponsor tiegħu jew mal-konjuġi sponsor tiegħu hija oġġettivament differenti minn dik ta’ minuri mhux akkompanjat fit-territorju ta’ Stat Membru li jista’ jingħaqad mal-ġenitur tiegħu. Għalkemm fiż-żewġ każijiet, il-minuri żgur li jista’ jiġi kkunsidrat vulnerabbli, fit-tieni sitwazzjoni, il-minuri mhux akkompanjat jinsab f’pożizzjoni ta’ vulnerabbiltà partikolari ( 9 ), peress li daħal u rrisjeda waħdu fit-territorju ta’ Stat differenti mill-Istat ta’ oriġini tiegħu, bid-differenza għall-minuri li jirrisjedi fl-Istat ta’ oriġini tiegħu fejn iżomm ir-rabtiet tiegħu ( 10 ).

38.

Barra minn hekk, filwaqt li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/86 jipprovdi d-dispożizzjonijiet ġenerali li jirregolaw id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja, l-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva jirrigwarda espressament id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja ta’ persuni refuġjati, li s-sitwazzjoni tagħhom titlob attenzjoni partikolari u li għalihom għandhom jiġu pprovduti rekwiżiti iktar favorevoli għall-eżerċizzju tad-dritt tagħhom għar-riunifikazzjoni tal-familja ( 11 ). Għalhekk, ma tista’ tiġi stabbilita ebda analoġija bejn iż-żewġ sistemi, peress li jsegwu loġiċi differenti.

39.

Imbagħad, għal dik l-istess raġuni, jidhirli li għandu jiġi miċħud l-argument tal-Gvern Belġjan li għandu jsir eżami individwali tas-sitwazzjoni ta’ minuri sabiex jiġi ddeterminat, fid-dawl tal-elementi kollha rilevanti, bħat-twelid ta’ wild, jekk jistax jiġi eskluż li ż-żwieġ jista’ jiġi kkunsidrat bħala abbużiv u, għalhekk, jekk dan iż-żwieġ jostakolax li minuri sponsor jista’ jibbenefika mid-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja mal-ġenituri tiegħu, bħall-eżami mwettaq sabiex jiġi ddeterminat jekk minuri jistax jingħaqad mal-konjuġi sponsor tiegħu abbażi tal-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2003/86.

40.

F’dan ir-rigward, nirrileva li l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/86 jimponi individwalizzazzjoni tal-eżami tal-applikazzjonijiet għar-riunifikazzjoni ( 12 ). Madankollu, dan ir-rekwiżit li tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni tal-persuna li tagħmel applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja ma jistax ikollu l-effett li jippermetti lill-Istati Membri jimponu li din il-persuna tissodisfa rekwiżiti li ma humiex previsti minn din id-direttiva. Fi kliem ieħor, l-eżami individwalizzat tal-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja relatata ma’ minuri mhux akkompanjat ma jistax iwassal għal modifika tal-klassifikazzjoni ta’ “minuri mhux akkompanjat” permezz taż-żieda ta’ rekwiżit (li jkun mhux miżżewweġ) li ma huwiex previst mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

41.

Barra minn hekk, sabiex isostni dan l-argument, il-Gvern Belġjan jagħmel, mill-ġdid, paralleliżmu bejn is-sitwazzjoni ta’ sponsor li miegħu jingħaqad il-konjuġi tiegħu u dik ta’ minuri mhux akkompanjat li huwa stess huwa sponsor, minkejja li dawn is-sitwazzjonijiet huma oġġettivament differenti u għandhom għanijiet differenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eżami individwali tas-sitwazzjoni ta’ minuri miżżewweġ sponsor, kif rakkomandat mill-Gvern Belġjan, ma jsib ebda bażi fid-Direttiva 2003/86.

42.

F’dan ir-rigward, inżid li l-elementi kkunsidrati rilevanti mill-Gvern Belġjan għall-finijiet ta’ dan l-eżami, jidhirli li fi kwalunkwe każ huma irrilevanti. B’mod partikolari, it-twelid ta’ wild minn żwieġ ma jistax, waħdu, juri l-assenza ta’ abbuż f’dan iż-żwieġ, iktar u iktar fejn dan jirrigwarda żwieġ li jinvolvi persuna minuri li fih jiżdiedu r-riskji li din tal-aħħar tkun esposta għal forom serji ta’ vjolenza ( 13 ).

43.

Fl-aħħar nett, il-Gvern Belġjan jirreferi, minn naħa, għar-Regolament Dublin III u għad-definizzjoni li huwa jagħti tal-kunċett ta’ “membru tal-familja”, li tippreżupponi li l-minuri jkun mhux miżżewweġ, u min-naħa l-oħra, għal-Liġi Belġjana dwar il-Barranin, li fit-traspożizzjoni tal-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86, tipprovdi li l-ġenituri ta’ minuri mhux akkompanjat huma awtorizzati jirrisjedu fil-Belġju bil-kundizzjoni li “jgħixu miegħu”.

44.

Ebda wieħed minn dawn l-elementi ma jidhirli li għandu effett fuq l-interpretazzjoni li għandha tingħata lid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/86, peress li r-Regolament Dublin III ma jirrigwardax ir-riunifikazzjoni tal-familja ta’ minuri mhux akkompanjati u l-kliem użati mil-leġiżlaturi nazzjonali fit-traspożizzjoni ta’ direttiva ma jistgħux jinfluwenzaw l-interpretazzjoni ta’ din id-direttiva.

3. Interpretazzjoni teleoloġika

45.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva 2003/86 tfittex mhux biss, b’mod ġenerali, l-għan li tiġi promossa r-riunifikazzjoni tal-familja u li tingħata protezzjoni liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, b’mod partikolari lill-minuri, iżda l-Artikolu 10(3)(a) tagħha huwa intiż speċifikament sabiex jiżgura protezzjoni addizzjonali għar-refuġjati li għandhom il-kwalità ta’ “minuri mhux akkompanjat” ( 14 ).

46.

Għalhekk, fil-fehma tiegħi, interpretazzjoni restrittiva tal-kunċett ta’ “minuri mhux akkompanjat” li teskludi l-minuri miżżewġin tmur kontra dan l-għan ta’ protezzjoni partikolari. Fil-fatt, tali interpretazzjoni jkollha l-konsegwenza li minuri miżżewweġ li l-konjuġi tiegħu jirrisjedi fit-territorju tal-Unjoni ma jistax jibbenefika mill-protezzjoni addizzjonali mogħtija lilu mid-Direttiva 2003/86, minkejja li l-vulnerabbiltà partikolari tal-minuri ma titnaqqasx mill-fatt taż-żwieġ. Għall-kuntrarju, il-fatt li jkunu miżżewġin jista’ jindika, partikolarment fir-rigward ta’ bniet, espożizzjoni għal forma serja ta’ vjolenza li jikkostitwixxu ż-żwieġ tat-tfal u ż-żwieġ furzat.

47.

Dan iktar u iktar peress li, skont il-premessa 11 tad-Direttiva 2003/86, id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja għandu jkun eżerċitat b’konformità xierqa mal-valuri u prinċipji rrikonoxxuti mill-Istat Membru, li jirrigwardaw b’mod partikolari l-protezzjoni tad-drittijiet tan-nisa u t-tfal. Għalhekk, din id-direttiva tfittex ukoll l-għan li tipprevjeni ż-żwiġijiet furzati ( 15 ). L-Artikolu 5(5) tal-imsemmija direttiva jipprovdi, barra minn hekk, li l-aħjar interess tat-tfal għandu debitament jittieħed inkunsiderazzjoni matul l-eżami ta’ applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja. Bl-istess mod, l-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jipprovdi li l-aħjar interess tat-tfal hija kunsiderazzjoni primarja fl-atti kollha li jirrigwardawhom. Fil-fehma tiegħi, kwalunkwe interpretazzjoni li tikkundizzjona l-kwalità ta’ “minuri mhux akkompanjat” għall-fatt li dan ma jkunx miżżewweġ, tmur ukoll kontra dawn il-prinċipji, sa fejn ikollha bħala effett li tipprekludi r-riunifikazzjoni tal-familja ta’ dawn it-tfal mal-axxendenti tagħhom, minkejja s-sitwazzjoni tagħhom ta’ vulnerabbiltà partikolari.

48.

il-Gvern Belġjan jsostni li ż-żwieġ ta’ minuri għandu awtomatikament il-konsegwenza li dan il-minuri ma jibqax “responsabbiltà” tal-ġenituri tiegħu iżda jsir dik tal-konjuġi tiegħu. Issa peress li r-rekwiżit li l-ġenituri jkunu responsabbli għall-minuri jkun, skont dan il-gvern, il-bażi tal-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja, ir-rekwiżiti tal-eżerċizzju ta’ dan id-dritt għal ġenitur li jisponsorja li miegħu jingħaqdu t-tfal tiegħu huma trasponibbli għas-sitwazzjoni ta’ minuri mhux akkompanjat li jisponsorja, peress li l-intenzjoni tal-leġiżlatur hija li jgħaqqad il-ġenituri mat-tfal minuri li huma taħt ir-responsabbiltà tagħhom.

49.

Madankollu, għar-raġunijiet diġà invokati fil-punti 37 u 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jiena tal-fehma li wieħed ma jistax jistabbilixxi analoġija bejn is-sitwazzjoni ta’ minuri li jixtieq jingħaqad mal-ġenitur tiegħu li jisponsorja li jirrisjedi fit-territorju ta’ Stat Membru u dik ta’ minuri refuġjat li jirrisjedi fit-territorju ta’ Stat Membru, peress li l-leġiżlatur ried jiddistingwi b’mod ċar is-sistemi applikabbli għal dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet.

4. Proposta ta’ risposta għall‑ewwel domanda preliminari

50.

Għalhekk, nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 2(f) u l-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86 ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li minuri li jirrisjedi fit-territorju ta’ Stat Membru għandu jkun mhux miżżewweġ sabiex ikun jista’ jiġi kkunsidrat bħala “minuri mhux akkompanjat”, fis-sens tal-Artikolu 2(f) ta’ din id-direttiva, u għaldaqstant jibbenefika mid-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja mal-axxendent tiegħu, previst fl-Artikolu 10(3)(a) tal-imsemmija direttiva ( 16 ).

B.   Fuq it‑tieni domanda preliminari

51.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju, tistaqsi essenzjalment, jekk f’każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, refuġjat minuri li ż-żwieġ tiegħu li seħħ f’pajjiż barrani ma huwiex irrikonoxxut għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jistax jiġi kkunsidrat bħala “minuri mhux akkompanjat” fis-sens tal-Artikolu 2(f) u tal-Artikolu 10(3) tad-Direttiva 2003/86.

52.

Peress li jiena tal-fehma li r-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun fin-negattiv, għalhekk ma għandhiex tingħata risposta għat-tieni domanda preliminari. Madankollu, f’ġieħ il-kompletezza u fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-analiżi tiegħi tal-ewwel domanda preliminari, ser nipproċedi bl-eżami tagħha, billi nippreżupponi li l-kunċett ta’ “minuri mhux akkompanjat”, fis-sens tal-Artikolu 2(f) u tal-Artikolu 10(3) tad-Direttiva 2003/86, jimplika li jkun mhux miżżewweġ.

53.

Id-Direttiva 2003/86 ma tiddefinixxix il-kunċett ta’ “żwieġ”. Madankollu, fil-fehma tiegħi, minnha jista’ jiġi dedott li dan il-kunċett jista’ jiġi kkunsidrat bħala kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, mhux biss id-dritt tal-Unjoni ma jidhirlix li jipprovdi, attwalment, elementi suffiċjenti għal dak li jirrigwarda d-definizzjoni taż-“żwieġ”, iżda talli barra minn hekk ikun diffiċli li jiġi aċċettat li d-determinazzjoni tal-eżistenza jew le ta’ żwieġ, fis-sens tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, jaqa’ esklużivament fil-kompetenza tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, naħseb li, b’mod ġenerali, l-evalwazzjoni tas-sitwazzjonijiet personali tal-individwi previsti mill-imsemmija direttiva, bħall-eżistenza ta’ rabta ta’ filjazzjoni jew matrimonjali, ma tistax issir indipendentement mid-dritt applikabbli għal dawn is-sitwazzjonijiet.

54.

Għalhekk, fil-fehma tiegħi, l-assenza ta’ definizzjoni tal-kunċett ta’ “żwieġ” turi li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried iħalli lill-Istati Membri kkonċernati ċertu marġni diskrezzjonali fl-istabbiliment ta’ dan il-kunċett, mingħajr ħsara għall-effettività tad-dritt tal-Unjoni, u għalhekk, għall-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2003/86 ( 17 ).

55.

Fi kliem ieħor, għalkemm id-Direttiva 2003/86 tipprovdi, quod non, li huma kkunsidrati bħala “minuri mhux akkompanjati” l-minuri mhux miżżewġin biss, mill-banda l-oħra hija tħalli lill-Istati Membri s-setgħa li jiddeterminaw jekk minuri jkunx miżżewweġ fl-osservanza tal-għanijiet li hija tfittex, jiġifieri li tiġi promossa r-riunifikazzjoni tal-familja, filwaqt li tagħti protezzjoni addizzjonali lill-minuri mhux akkompanjati u tipprevjeni ż-żwieġ furzat tagħhom.

56.

Għalhekk, huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw, skont id-dritt nazzjonali tagħhom, jekk żwieġ li jinvolvi minuri jistax ikollu effetti li jistgħu jeskluduh mill-kwalità ta’ “minuri mhux akkompanjat”, bil-kundizzjoni li tali eżami josserva, minn naħa, l-għan tar-riunifikazzjoni tal-familja, u min-naħa l-oħra, dak tal-prevenzjoni ta’ żwiġijiet furzati.

57.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-nuqqas ta’ rikonoxximent taż-żwieġ minn dan l-Istat Membru għal raġunijiet li jirrigwardaw l-ordni pubbliku jidhirli li għandu effett determinanti.

58.

Fil-fatt, il-fatt li Stat Membru jirrifjuta li jirrikonoxxi żwieġ li jinvolvi minuri għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, filwaqt li jaċċetta li dan iż-żwieġ jipproduċi effetti għal dak li jirrigwarda d-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja, huwa, fil-fehma tiegħi, kuntrarju kemm għall-għan tar-riunifikazzjoni tal-familja kif ukoll għal dak tal-prevenzjoni taż-żwiġijiet furzati

59.

Tali soluzzjoni twassal sabiex l-Istat ikun jista’ jċaħħad lil dan il-minuri mid-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja mal-axxendenti tiegħu u jastjeni milli jipproteġi l-imsemmi minuri minn żwieġ li dan l-Istat Membru stess jirrikonoxxi bħala li jmur kontra l-ordni pubbliku.

60.

Għalhekk, il-minuri ser isib ruħu f’sitwazzjoni paradossali fejn iż-żwieġ tiegħu ma jista’ jipproduċi ebda effett legali fit-territorju tal-Istat Membru, filwaqt li jkabbar id-dipendenza tiegħu fuq il-konjuġi tiegħu għalkemm mhux irrikonoxxut, peress li ma jistax jibbenefika mid-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja mal-axxendenti tiegħu.

61.

Għalhekk, jiena tal-fehma li l-Artikolu 2(f) u l-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86 għandhom jiġu interpretati fis-sens li refuġjat minuri li ż-żwieġ tiegħu li seħħ f’pajjiż barrani ma huwiex irrikonoxxut mill-Istat Membru ta’ akkoljenza, għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, jista’ jiġi kkunsidrat bħala “minuri mhux akkompanjat”.

V. Konklużjoni

62.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mir-Raad voor Vreemdelingenbetwistingen (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin, il-Belġju):

L-Artikolu 2(f) u l-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat‑22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja, ma jistax jiġi interpretat fis-sens li minuri li jirrisjedi fit-territorju ta’ Stat Membru għandux ikun miżżewweġ sabiex ikun jista’ jiġi kkunsidrat bħala “minuri mhux akkompanjat”, fis-sens tal-Artikolu 2(f) ta’ din id-direttiva, u għaldaqstant jibbenefika mid-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja mal-axxendent tiegħu previst fl-Artikolu 10(3)(a) tal-imsemmija direttiva.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Direttiva tal-Kunsill tat‑22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224).

( 3 ) Ara dwar dan il-punt, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Noorzia (C‑338/13, EU:C:2014:288, punt 1sa 4).

( 4 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31, rettfika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin III”).

( 5 ) Sentenzi tas‑17 ta’ Novembru 1983, Merck (292/82, EU:C:1983:335, punt 12); tat‑12 ta’ Mejju 2021, Bundesrepublik Deutschland (Avviż aħmar ta’ Interpol) (C‑505/19, EU:C:2021:376, punt 57) u tas‑26 ta’ April 2022, Landespolizeidirektion Steiermark (Tul massimu tal-kontroll fil-fruntieri interni) (C‑368/20 u C‑369/20, EU:C:2022:298, punt 56).

( 6 ) Sentenza tat‑12 ta’ April 2018, A u S (C‑550/16, EU:C:2018:248, punt 37).

( 7 ) Artikolu 4(1) u (5) tad-Direttiva 2003/86.

( 8 ) F’dan ir-rigward, ara l-punti 32 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 9 ) Sentenza tat‑2 ta’ April 2018, A u S (C‑550/16, EU:C:2018:248, punt 58).

( 10 ) Dwar il-vulnerabbiltà partikolari tal-minuri mhux akkompanjati, ara l-punti 44 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 11 ) Premessa 8 tad-Direttiva 2003/86.

( 12 ) Sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2010, Chakroun (C‑578/08, EU:C:2010:117, punt 48).

( 13 ) Ara l-Preambolu tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika (Konvenzjoni ta’ Istanbul), adottata fis‑7 ta’ April 2011 mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa, Serje ta’ Trattati tal-Kunsill tal-Ewropa Nru 210.

( 14 ) Sentenzi tas‑6 ta’ Diċembru 2012, O et (C‑356/11 u C‑357/11, EU:C:2012:776, punt 69), u tat‑12 ta’ April 2018, A u S (C‑550/16, EU:C:2018:248, punt 44).

( 15 ) Sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2014, Noorzia (C‑338/13, EU:C:2014:2092, punt 15).

( 16 ) Din ir-risposta hija mingħajr preġudizzju, bħall-eżerċizzju ta’ kwalunkwe dritt, għall-possibbiltà li jiġi kkonstatat, f’każ konkret, abbuż ta’ dritt, b’dan illi madankollu l-evalwazzjoni tal-eżerċizzju ta’ dritt li jirriżulta minn dispożizzjoni tal-Unjoni ma tistax twassal għall-modifika tal-portata ta’ din id-dispożizzjoni u lanqas tikkomprometti l-għanijiet li hija tfittex. Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 1998, Kefalas et (C‑367/96, EU:C:1998:222, punt 22).

( 17 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2014, Noorzia (C‑338/13, EU:C:2014:2092, punt 13).