KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

EMILIOU

ippreżentati fis‑16 ta’ Frar 2023 ( 1 )

Kawża C‑216/21

Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România”,

YN

vs

Consiliul Superior al Magistraturii

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Ploieşti (il-Qorti tal-Appell, Ploieşti, ir-Rumanija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Deċiżjoni 2006/928/KE – Mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verifika tal-progress fir-Rumanija sabiex jiġu indirizzati punti ta’ riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni – Artikolu 2 TUE – Stat tad-dritt – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Indipendenza tal-membri tal-ġudikatura – Miżura nazzjonali li timmodifika r-regoli għall-promozzjoni tal-membri tal-ġudikatura fil-qrati ta’ grad inferjuri”

I. Introduzzjoni

1.

“Il-ġustizzja jeħtieġ mhux biss li ssir, jeħtieġ ukoll li jintwera li qiegħda ssir”. Dik l-espressjoni famuża spiss tintuża fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ indipendenza tal-ġudikatura peress li, fil-qalba ta’ dawn il-kwistjonijiet, hemm il-fiduċja li l-qrati f’soċjetà demokratika għandhom jispiraw lill-pubbliku ( 2 ).

2.

Fl‑2019, is-Sezzjoni għall-Membri tal-Ġudikatura tal-Consiliul Superior al Magistraturii (il-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura, ir-Rumanija; iktar ’il quddiem il-“KSM”) approva regolament nazzjonali li jirriforma l-proċedura ta’ promozzjoni applikabbli għall-membri tal-ġudikatura tal-qrati ta’ grad inferjuri fir-Rumanija (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ikkontestat”) ( 3 ). Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România” (l-Assoċjazzjoni “Forum tal-Membri tal-Ġudikatura tar-Rumanija”; iktar ’il quddiem il-“Forum tal-Membri tal-Ġudikatura tar-Rumanija”) u YN, qegħdin jitolbu l-annullament parzjali ta’ din id-deċiżjoni quddiem il-Curtea de Apel Ploieşti (il-Qorti tal-Appell, Ploieşti, ir-Rumanija), li hija l-qorti tar-rinviju f’din il-kawża.

3.

Huma jsostnu li r-riforma introdotta permezz tar-Regolament ikkontestat hija problematika sa fejn, fil-fehma tagħhom, il-proċedura ta’ promozzjoni applikabbli għal membri tal-ġudikatura tal-qrati ta’ grad inferjuri nazzjonali titmexxa mill-presidenti u mill-membri tal-qrati tal-appell li fihom għandhom jimtlew pożizzjonijiet u hija bbażata fuq kriterji suġġettivi u diskrezzjonali, minflok fuq evalwazzjoni oġġettiva tal-kandidati għal dik il-proċedura bbażata biss, kif kien il-każ qabel l-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, fuq il-prestazzjoni tagħhom f’eżami bil-miktub.

4.

Permezz ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà ta’ tali riforma mal-prinċipju ta’ indipendenza tal-ġudikatura, li fl-opinjoni tagħha, joriġina mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) (id-dritt fundamentali għal smigħ xieraq) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE (id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva), kif ukoll mal-valur tal-Istat tad-dritt skont it-tifsira tal-Artikolu 2 TUE.

5.

Fil-qosor, għar-raġunijiet li sejjer nipprovdi iktar ’il quddiem, jiena tal-opinjoni li tibdiliet leġiżlattivi bħal dawk li jirriżultaw mir-Regolament ikkontestat ma jiksrux il-prinċipju ta’ indipendenza tal-ġudikatura.

II. Il‑kuntest ġuridiku

A.   Id‑dritt tal‑Unjoni

6.

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, “L-Istati Membri għandhom jipprovdu r-rimedji meħtieġa sabiex jassiguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni”.

7.

L-Artikolu 47 tal-Karta, intitolat “Id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali” jistabbilixxi dan li ġej fit-tieni paragrafu tiegħu:

“Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. […]”

B.   Id‑dritt Rumen

8.

Il-Legea nr. 303/2004 privind statutul judecătorilor și procurorilor (il-Liġi Nru 303/2004 dwar l-Istatus tal-Membri tal-Ġudikatura u l-Prosekuturi Pubbliċi), tat‑28 ta’ Ġunju 2004, ippubblikata mill-ġdid fil-Monitorul Oficial al României, Partea I, Nru 826 tat‑13 ta’ Settembru 2005 (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 303/2004”), ġiet emendata u ssuplimentata bil-Legea nr. 242/2018 pentru modificarea și completarea Legii nr. 303/2004 privind statutul judecătorilor și procurorilor (il-Liġi Nru 242/2018 li Temenda u Tikkompleta l-Liġi Nru 303/2004 dwar l-Istatus tal-Membri tal-Ġudikatura u tal-Prosekuturi Pubbliċi), tat‑12 ta’ Ottubru 2018, il-Monitorul Oficial al României, Partea I, Nru 868 tal‑15 ta’ Ottubru 2018 (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 242/2018”), li daħlet fis-seħħ fit‑18 ta’ Ottubru 2018.

9.

Bis-saħħa tal-Liġi Nru 242/2018, l-Artikoli 461 sa 463 iddaħħlu fil-Liġi Nru 303/2004. Dawk id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu li membri tal-ġudikatura u prosekuturi pubbliċi jistgħu jiġu promossi esklużivament permezz ta’ kompetizzjonijiet nazzjonali li fihom jiġu evalwati l-prestazzjoni tax-xogħol u l-imġiba tal-kandidati matul l-aħħar tliet snin ta’ qabel il-proċedura ta’ promozzjoni. Ir-regoli speċifiċi li jirregolaw l-organizzazzjoni u t-tmexxija ta’ dawk il-proċeduri ta’ promozzjoni għandhom jiġu stabbiliti permezz ta’ regolamenti adottati, skont il-każ, jew mis-Sezzjoni għall-Membri tal-Ġudikatura jew inkella mis-Sezzjoni għall-Prosekuturi Pubbliċi tal-KSM.

10.

Ir-Regolament ikkontestat, li jinkludi fih regoli dwar l-organizzazzjoni u t-tmexxija ta’ kompetizzjonijiet għall-promozzjoni tal-membri tal-ġudikatura fil-kariga, ġie adottat b’applikazzjoni tal-Artikoli 461 sa 463 tal-Liġi Nru 303/2004. Dak ir-regolament ġie approvat bid-Deċiżjoni Nru 1348 tas‑17 ta’ Settembru 2019 tas-Sezzjoni għall-Membri tal-Ġudikatura tal-KSM.

III. Il‑fatti fil‑kawża prinċipali, il‑proċedura u d‑domandi magħmula għal deċiżjoni preliminari

11.

Permezz tar-rikors tagħhom, irreġistrat fit‑12 ta’ Novembru 2019, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbu lill-Curtea de Apel Ploieşti (il-Qorti tal-Appell, Ploieşti) tannulla parzjalment id-Deċiżjoni Nru 1348 tas‑17 ta’ Settembru 2019 tas-Sezzjoni għall-Membri tal-Ġudikatura tal-KSM li tapprova r-Regolament ikkontestat. Ir-rikorrenti jsostnu li r-regolament jikser il-prinċipju ta’ indipendenza tal-ġudikatura u kien adottat b’nuqqas ta’ osservanza tar-rakkomandazzjonijiet stabbiliti f’varji rapporti maħruġa mill-Kummissjoni Ewropea f’konformità mal-“Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika” (iktar ’il quddiem il-“MKV”), li ġie stabbilit fil-kuntest tal-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni Ewropea.

12.

Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jargumentaw li r-Regolament ikkontestat jagħti wisq poter lill-presidenti tal-qrati tal-appell sa fejn il-kummissjoni tal-għażla inkarigata mit-tmexxija tal-proċedura ta’ promozzjoni hija komposta mill-president tal-qorti tal-appell rilevanti u membri oħrajn ta’ dik il-qorti, li l-ħatra tagħhom f’din il-kummissjoni tal-għażla hija bbażata fuq proposta tal-korp ta’ ġestjoni tal-qorti tal-appell (li jifforma parti minnha l-president ukoll). Il-membri tal-kummissjoni tal-għażla huma, fil-prattika, inkarigati li jiddeċiedu appelli mis-sentenzi mogħtija mill-kandidati waqt li jippresjedu l-qrati ta’ grad inferjuri kif ukoll li jwettqu evalwazzjonijiet perjodiċi tal-prestazzjoni tax-xogħol tal-kandidati bħala membri tal-ġudikatura ġaladarba u jekk jiġu promossi fil-qrati tal-appell ( 4 ).

13.

Fit-tieni lok, huma jargumentaw li l-proċedura ta’ promozzjoni introdotta b’dak ir-regolament tagħti wisq piż lil evalwazzjoni suġġettiva tal-attivitajiet u l-imġiba tal-kandidati matul dawn l-aħħar tliet snin qabel il-parteċipazzjoni tagħhom f’dik il-proċedura. Bħala parti minn dik l-evalwazzjoni, il-kummissjoni tal-għażla tistħarreġ biss numru żgħir ta’ deċiżjonijiet redatti minn kull kandidat. Barra minn hekk, is-suċċess tal-kandidati fil-proċedura ta’ promozzjoni jiddependi fuq l-opinjonijiet suġġettivi ta’ dik il-kummissjoni tal-għażla dwar il-kandidati u fuq l-opinjonijiet espressi mill-kollegi tal-kandidati bbażati fuq l-imġiba tagħhom, iktar milli fuq il-merti tagħhom.

14.

Skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, it-tibdil li rriżulta mir-Regolament ikkontestat seta’ jiġġenera attitudnijiet ta’ subordinazzjoni ġerarkika lejn membri tal-qrati tal-appell sa fejn il-kandidati jaf ikunu mħeġġa, sabiex jiksbu promozzjoni, jadottaw aġir subordinat fil-konfront tal-presidenti jew tal-membri l-oħrajn tal-qrati tal-appell li jifformaw parti mill-kummissjonijiet tal-għażla.

15.

Ġaladarba kellha dubji dwar il-kompatibbiltà tar-riforma introdotta permezz tar-Regolament ikkontestat mad-dritt tal-Unjoni, il-Curtea de Apel Ploieşti (il-Qorti tal-Appell, Ploieşti) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)

[Il-MKV] għandu jitqies bħala att adottat minn istituzzjoni tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, li jista’ jkun suġġett għal interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea? Il-kontenut, in-natura u l-applikazzjoni ratione temporis tal-[MKV] jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat ta’ Adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija mal-Unjoni Ewropea […] ( 5 )? Ir-rekwiżiti fformulati fir-rapporti mfassla fil-kuntest tal-MKV huma vinkolanti għar-Rumanija?

(2)

Il-prinċipju ta’ indipendenza tal-ġudikatura, stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) [TUE] u fl-Artikolu 47 tal-[Karta], kif ukoll fil-ġurisprudenza tal-[Qorti tal-Ġustizzja], b’riferiment għall-Artikolu 2 TUE, jista’ jiġi interpretat fis-sens li jkopri wkoll il-proċeduri għall-ħatra ta’ membri tal-ġudikatura fil-kariga?

(3)

Dan il-prinċipju jinkiser bl-istabbiliment ta’ sistema ta’ promozzjoni lejn qorti superjuri bbażata esklużivament fuq evalwazzjoni sommarja tax-xogħol u tal-imġieba, imwettqa minn kummissjoni magħmula mill-president tal-qorti responsabbli għall-istħarriġ ġudizzjarju u tal-membri tagħha, li twettaq, minbarra l-evalwazzjoni perjodika tal-membri tal-ġudikatura, evalwazzjoni distinta oħra tal-membri tal-ġudikatura bil-ħsieb tal-promozzjoni tagħhom kif ukoll stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet meħuda minnhom?

(4)

Il-prinċipju ta’ indipendenza tal-ġudikatura, stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) [TUE] u fl-Artikolu 47 tal-[Karta], kif ukoll fil-ġurisprudenza tal-[Qorti tal-Ġustizzja], b’riferiment għall-Artikolu 2 TUE, jinkiser f’sitwazzjoni li fiha [ir-Rumanija] ma [tqisx] il-prevedibbiltà u ċ-ċertezza legali tad-dritt tal-[Unjoni], billi [taċċetta] l-MKV u r-rapporti tiegħu u [tikkonforma] magħhom għal iktar minn għaxar snin, u mbagħad mingħajr avviż minn qabel [tibdel] il-proċedura għall-promozzjoni ta’ membri tal-ġudikatura b’rwoli eżekuttivi, għall-kuntrarju tar-rakkomandazzjonijiet tal-MKV?”

16.

It-talba għal deċiżjoni preliminari, datata s‑16 ta’ Frar 2021, ġiet irreġistrata fis‑6 ta’ April 2021. Il-Forum tal-Membri tal-Ġudikatura tar-Rumanija, il-KSM, il-Gvern Pollakk, kif ukoll il-Kummissjoni, ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Ma ġiet organizzata l-ebda seduta.

IV. Analiżi

17.

Din il-kawża tipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja opportunità sabiex tikkunsidra, għall-ewwel darba, li tapplika l-ġurisprudenza tagħha dwar l-indipendenza tal-membri tal-ġudikatura għal proċeduri ta’ promozzjoni li huma applikabbli għalihom, kif ukoll li teżamina jekk riforma bħal dik introdotta fir-Rumanija bir-Regolament ikkontestat hijiex kompatibbli mar-rekwiżiti stabbiliti f’dik il-ġurisprudenza.

18.

Qabel ma ngħaddi għad-domandi magħmula, sejjer nipprovdi deskrizzjoni qasira tal-elementi kuntestwali li huma rilevanti għall-kawża preżenti.

A.   Kuntest tal‑kawża u rimarki preliminari

19.

Matul in-negozjati li wasslu għall-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni Ewropea fl‑2007, ġie espress tħassib dwar in-nuqqasijiet serji fis-sistema ġudizzjarja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni f’dak l-Istat ( 6 ). Sabiex ittaffi dak it-tħassib, il-Kummissjoni adottat, kif kienet intitolata li tagħmel skont l-Artikoli 37 u 38 tal-Att dwar il-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija ( 7 ), deċiżjoni ( 8 ) li fiha enfasizzat l-importanza tal-Istat tad-dritt bħala preżuppost għal kull Stat li jkun sejjer isir parti mill-Unjoni Ewropea ( 9 ) u fakkret il-ħtieġa ta’ kull Stat Membru li jkollu sistema ġudizzjarja imparzjali u indipendenti ( 10 ). Din id-deċiżjoni stabbilixxiet il-MKV, miżura tranżitorja sabiex tiffaċilita l-isforzi kontinwi tar-Rumanija sabiex tirriforma l-ġudikatura tagħha u ssaħħaħ il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fis-snin ta’ wara l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni Ewropea.

20.

F’termini konkreti, id-Deċiżjoni MKV tipprovdi għall-adozzjoni ta’ rapporti perjodiċi mill-Kummissjoni Ewropea. Dawk ir-rapporti huma intiżi li jevalwaw b’mod perjodiku l-progress tar-Rumanija fir-riforma tas-sistema ġudizzjarja kontra sett ta’ punti ta’ riferiment (iktar ’il quddiem il-“punti ta’ riferiment MKV”) ( 11 ), li jesprimu b’mod konkret l-impenji speċifiċi assunti mill-Istat Membru u r-rekwiżiti aċċettati minnu fil-konklużjoni tan-negozjati tal-adeżjoni, b’mod partikolari, fir-rigward tas-salvagwardja u t-titjib tal-indipendenza tal-ġudikatura fit-territorju kollu tagħha ( 12 ).

21.

F’dan il-kuntest, ingħatat attenzjoni partikolari, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak tal-Unjoni, il-kwistjoni dwar jekk ir-riformi reċenti tas-sistema ġudizzjarja fir-Rumanija jipproteġux biżżejjed l-indipendenza tal-membri tal-ġudikatura nazzjonali. Diġà fl‑2019, waslet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sensiela ta’ kawżi li jikkonċernaw l-emendi li ġew adottati fir-Rumanija bejn l‑2018 u l‑2019, marbuta mal-proċeduri kriminali u dixxiplinari li jistgħu jkunu suġġetti għalihom il-membri tal-ġudikatura Rumena, kif ukoll is-sistema ta’ responsabbiltà ċivili li tapplika għalihom.

22.

Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat il-kompatibbiltà ta’ dawk l-emendi mal-prinċipju ta’ indipendenza tal-ġudikatura fis-sentenza fil-kawża Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România”et ( 13 ). F’din is-sentenza, l-istess qorti ċċarat ukoll il-fatt li d-Deċiżjoni MKV u r-rapporti redatti mill-Kummissjoni abbażi ta’ din id-deċiżjoni, jikkostitwixxu atti ta’ istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea li huma suxxettibbli għall-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, hija ddeċidiet li d-Deċiżjoni MKV hija vinkolanti għar-Rumanija kollha, flimkien mal-punti ta’ riferiment MKV, li huma intiżi li jiżguraw li dan l-Istat Membru jikkonforma ruħu mal-valur tal-osservanza tal-Istat tad-dritt, kif stabbilit fl-Artikolu 2 TUE. Hija indikat ukoll li r-Rumanija hija meħtieġa tadotta miżuri adatti sabiex tilħaq dawn il-punti ta’ riferiment, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni r-rapporti redatti mill-Kummissjoni abbażi tad-Deċiżjoni MKV, u b’mod partikolari tar-rakkomandazzjonijiet magħmula f’dawk ir-rapporti ( 14 ).

23.

It-talba għal deċiżjoni preliminari preżenti ġiet irreġistrata xi ġimgħat biss wara li ngħatat is-sentenza fil-kawża Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România”et ( 15 ). Madankollu, nirrimarka li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju, għal darba oħra, qiegħda titlob kjarifika, dwar in-natura u l-effetti legali tad-Deċiżjoni MKV u tar-rapporti adottati taħtha.

24.

Ġaladarba din il-kwistjoni diġà ġiet solvuta mis-sejbiet tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dik is-sentenza preċedenti, dawn il-konklużjonijiet sejrin jiffokaw biss fuq it-tliet domandi magħmula rimanenti, konformement mat-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja.

25.

L-analiżi tiegħi sejra tkun strutturata kif ġej. Fl-ewwel lok, sejjer nikkummenta fil-qasir fuq il-kamp ta’ applikazzjoni u r-rilevanza ta’ varji dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni invokati mill-qorti tar-rinviju fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari (B). Sejjer nittratta wkoll l-oġġezzjonijiet għall-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja mressqa mill-KSM u mill-Gvern Pollakk (Ċ). Sussegwentement, sejjer nesponi l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-indipendenza tal-ġudikatura (li toriġina mis-sentenza fil-kawża Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România”et u kawżi oħrajn) u nispjega għaliex, fl-opinjoni tiegħi, jeħtieġ li jinżammu garanziji suffiċjenti ta’ indipendenza tal-ġudikatura wkoll fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ promozzjoni għall-membri tal-ġudikatura fil-kariga (it-tieni domanda) (D). Fid-dawl ta’ dik il-ġurisprudenza, sejjer nipprovdi r-raġunijiet għaliex inqis, mingħajr preġudizzju għall-verifiki li għandhom jitwettqu mill-qorti tar-rinviju, li riforma bħal dik introdotta permezz tar-Regolament ikkontestat ma tiksirx il-prinċipju ta’ indipendenza tal-ġudikatura (it-tielet domanda) (E). Fl-aħħar lok, sejjer nindirizza t-tħassib tal-qorti tar-rinviju li tali riforma tista’ tmur kontra r-rakkomandazzjonijiet inklużi f’xi rapporti ppreparati mill-Kummissjoni konformement mal-MKV (ir-raba’ domanda).

B.   Id‑dispożizzjonijiet rilevanti tad‑dritt tal‑Unjoni: l‑Artikolu 2 u l‑Artikolu 19(1) TUE u/jew l‑Artikolu 47 tal‑Karta

26.

Id-domandi magħmula identifikaw it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, l-Artikolu 47 tal-Karta u l-Artikolu 2 TUE bħala d- dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni li fir-rigward tagħhom jeħtieġ li tiġi evalwata l-kompatibbiltà tar-Regolament ikkontestat. Ir-rabta bejn dawn il-varji dispożizzjonijiet hija manifestament ċara mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Tabilħaqq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rekwiżit li l-qrati għandhom ikunu indipendenti jifforma parti mill-essenza kemm tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE) kif ukoll tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta), li huwa ta’ importanza kruċjali bħala garanzija, inter alia, tal-valuri komuni tal-Istati Membri stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, b’mod partikolari, l-osservanza tal-Istat tad-dritt ( 16 ). Bħala tali, huwa manifest li, fi ħdan l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, jeżisti prinċipju wieħed ta’ indipendenza tal-ġudikatura u li l-kontenut kemm tal-Artikolu 19(1) TUE kif ukoll tal-Artikolu 47 tal-Karta, f’termini ta’ indipendenza tal-ġudikatura, huwa, essenzjalment, l-istess ( 17 ).

27.

Madankollu, l-eżistenza ta’ dawk il-bażijiet legali separati, u l-funzjonijiet differenti mwettqa mill-Artikolu 19 TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta, tfisser fil-fatt li t-tip ta’ eżami li għandu jitwettaq mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tivverifika l-konformità mal-prinċipju ta’ indipendenza tal-ġudikatura jista’ jvarja.

28.

F’dan ir-rigward, l-Avukat Ġenerali Bobek spjega ( 18 ) li l-Artikolu 19 TUE għandu kamp ta’ applikazzjoni wiesa’. Dan tal-aħħar jirrikjedi li l-Istati Membri, inter alia, “jipprovdu rimedji suffiċjenti sabiex jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva” u għaldaqstant jikkonċerna prinċipalment l-elementi strutturali u sistematiċi tal-oqfsa legali nazzjonali, iktar milli elementi marbuta ma’ kawżi speċifiċi jew fajls individwali. Fl-istess ħin, il-punt ta’ riferiment għal ksur tal-Artikolu 19(1) TUE huwa pjuttost għoli. L-għan ta’ dik id-dispożizzjoni ma hijiex li taqbad il-problemi kollha li jistgħu jirriżultaw fir-rigward ta’ ġudikatura nazzjonali, iżda dawk biss li huma ta’ tali serjetà u/jew ta’ natura sistematika li jikkostitwixxu theddida għall-funzjonament korrett tas-sistema ġudizzjarja nazzjonali u jippreġudikaw il-kapaċità tal-Istat Membru inkwistjoni li jipprovdi rimedji suffiċjenti lill-individwi.

29.

Għall-kuntrarju, l-Artikolu 47 tal-Karta huwa intiż li jipproteġi d-dritt suġġettiv ta’ kull parti fil-proċeduri għal rimedju effettiv u għal smigħ xieraq minn “qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi”. Il-verifika tal-“indipendenza” ta’ qorti, f’dak il-kuntest, tirrikjedi evalwazzjoni ddettaljata u speċifika għall-każ taċ-ċirkustanzi rilevanti, filwaqt li problemi marbuta ma’ xi element strutturali jew sistematiku tas-sistema ġudizzjarja tal-Istati Membri jitqiesu biss sa fejn dawn seta’ kellhom effett fuq il-proċeduri individwali ( 19 ). Madankollu jeħtieġ li jiġu ssodisfatti kundizzjonijiet speċifiċi qabel ma jkun jista’ jiġi invokat l-Artikolu 47 tal-Karta. Tabilħaqq, sabiex il-Karta tkun applikabbli b’mod ġenerali, is-sitwazzjoni ineżami jeħtieġ li tkun taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ( 20 ). Barra minn hekk, problema potenzjali li tirriżulta fi ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta tista’, bħala prinċipju, titqajjem biss fir-rigward ta’ dritt individwali ggarantit mid-dritt tal-Unjoni.

30.

Din id-differenza fil-kamp ta’ applikazzjoni u fl-għan bejn l-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta, kif ukoll fil-kundizzjonijiet li jirregolaw l-applikabbiltà ta’ dawk id-dispożizzjonijiet, tfisser li, b’mod ġenerali, jistgħu jiġu ppreżentati żewġ tipi ta’ kawżi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li jikkonċernaw il-kompatibbiltà ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali mal-prinċipju ta’ indipendenza tal-ġudikatura ( 21 ). Minn naħa, jeżistu kawżi li fihom titqajjem kwistjoni ta’ indipendenza tal-ġudikatura minn individwu, bħala kwistjoni inċidentali f’sitwazzjoni li fiha l-persuna tallega li ġew miksura d-drittijiet individwali tagħha protetti mid-dritt tal-Unjoni. F’tali kawżi, l-indipendenza tal-ġudikatura tipikament tiġi eżaminata mill-perspettiva tal-Artikolu 47 tal-Karta. Min-naħa l-oħra, jeżistu kawżi li jikkonċernaw il-kompatibbiltà “in abstracto” ta’ ċerti strumenti leġiżlattivi jew elementi strutturali adottati fl-Istati Membri mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni li ma jkunux marbuta ma’ ksur partikolari ta’ dritt individwali għal smigħ xieraq. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja normalment tieħu l-Artikolu 19(1) TUE bħala l-punt ta’ riferiment prinċipali jew uniku ( 22 ).

31.

Il-kawża ineżami hija ftit anormali. Minn naħa, mill-proċess jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma humiex qegħdin jallegaw ksur tad-drittijiet individwali tagħhom protetti mid-dritt tal-Unjoni iżda, pjuttost, li r-riforma introdotta bir-Regolament ikkontestat toħloq problema sistematika ta’ natura trasversali. Huma qegħdin jitolbu evalwazzjoni “in abstracto” tal-kompatibbiltà ta’ dik ir-riforma mal-prinċipju ta’ indipendenza tal-ġudikatura. Min-naħa l-oħra, huwa diffiċli li jiġi kkunsidrat li l-punt ta’ riferiment prinċipali jew uniku għall-finijiet tal-evalwazzjoni huwa t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u, f’dan is-sens, li l-Artikolu 47 tal-Karta ma għandu l-ebda rilevanza fil-kawża preżenti. Kif iddikjara l-Avukat Ġenerali Bobek fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România”et ( 23 ) dispożizzjonijiet nazzjonali bħal din inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom il-karatteristika li, kif spjegajt fit-Taqsima A iktar ’il fuq, ġew adottati bħala “implimentazzjoni nazzjonali”, mir-Rumanija, tad-Deċiżjoni MKV u tal-Att dwar il-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija. Għaldaqstant is-suġġett inkwistjoni huwa l-imġieba ta’ Stat Membru (in casu r-Rumanija) f’sitwazzjoni li fiha qiegħed jimplimenta l-obbligi tiegħu skont id-dritt tal-Unjoni u, għaldaqstant, qiegħed jaġixxi fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u li fiha, b’riżultat ta’ dan, hija attivata l-applikazzjoni tal-Karta.

32.

Jiena nikkondividi l-opinjoni tal-Avukat Ġenerali Bobek li dan il-kuntest partikolari jiftaħ il-bieb għal xenarju sekondarju, separat minn dak deskritt iktar ’il fuq fil-punt 29, li fih il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tibbaża ruħha fuq id-dispożizzjonijiet tal-Karta (inkluż l-Artikolu 47 tagħha) – li għandhom l-istess valur bħad-dispożizzjonijiet tat-Trattati ( 24 ) – mhux fir-rigward ta’ kwalunkwe ksur ta’ drittijiet individwali (kif għidt qabel, hawnhekk ma huwa qiegħed jiġi allegat l-ebda ksur bħal dan ta’ drittijiet), iżda bħala kejl jew punt ta’ riferiment oġġettiv sabiex tevalwa l-kompatibbiltà tal-implimentazzjoni mir-Rumanija tar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni.

33.

Minn dan isegwi, fl-opinjoni tiegħi, li l-kawża ineżami taqa’ taħt it-tieni kategorija ta’ kawżi deskritti fil-punt 30 iktar ’il fuq, sa fejn tirrikjedi eżami mill-ġdid “in abstracto” tal-kompatibbiltà tar-riforma introdotta bir-Regolament ikkontestat fid-dawl tal-prinċipju ta’ indipendenza tal-ġudikatura, iktar milli eżami mill-ġdid in concreto fir-rigward ta’ ksur allegat tad-drittijiet individwali. Madankollu, fid-dawl tal-kuntest speċifiku li fih irriżultat il-kawża ineżami (fejn ir-Rumanija hija suġġetta għall-MKV u l-Karta tosserva mill-qrib l-għażliet leġiżlattivi nazzjonali li hija tadotta b’riżultat ta’ dan), jiena nemmen li kemm l-Artikolu 47 tal-Karta kif ukoll it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqrija flimkien mal-Artikolu 2 TUE, jistgħu jitqiesu bħala punti ta’ riferiment għall-finijiet tat-twettiq ta’ dan l-eżami mill-ġdid, iktar milli l-Artikolu 19(1) TUE waħdu ( 25 ).

C.   Il‑ġurisdizzjoni tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

34.

Ġew invokati numru ta’ oġġezzjonijiet mill-KSM u mill-Gvern Pollakk, li fihom ġie argumentat, essenzjalment, li d-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja huma inammissibbli peress li din tal-aħħar ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tagħhom. Fl-opinjoni ta’ dawn il-partijiet, l-organizzazzjoni tal-ġustizzja, inklużi kwistjonijiet bħall-proċeduri għall-promozzjoni ta’ membri tal-ġudikatura nazzjonali, jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri, lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, fl-opinjoni tagħhom, dan il-qasam ma jaqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

35.

Fl-opinjoni tiegħi, dawk l-argumenti ma jistgħux jintlaqgħu u jistgħu faċilment jiġu miċħuda. Kif indikajt fil-punt 31 iktar ’il fuq, ir-Regolament ikkontestat ġie adottat mir-Rumanija meta kienet suġġetta għall-MKV. Għaldaqstant għandu jiġi meqjus bħala “implimentazzjoni” tal-obbligi imposti fuqha mill-MKV, sa fejn huwa att adottat minn istituzzjoni tal-Unjoni li huwa vinkolanti fl-intier tiegħu, fuq dak l-Istat Membru ( 26 ). F’dawk iċ-ċirkustanzi, ikun żbaljat li jitqies li l-kawża preżenti ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

36.

Barra minn hekk, l-oġġezzjonijiet invokati mill-KSM u mill-Gvern Pollakk ċertament ma humiex ġodda, u effettivament tqajmu preċedentement, inter alia, minn dan il-gvern, f’numru ta’ kawżi oħrajn li wkoll jikkonċernaw l-indipendenza tal-ġudikatura ( 27 ).

37.

F’dawn il-kawżi preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ttrattat dawn l-oġġezzjonijiet b’mod konsistenti, billi enfasizzat li, minkejja li l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri tibqa’ taħt il-kompetenza tagħhom, huwa stabbilit li, meta jeżerċitaw dik il-kompetenza, dawn tal-aħħar huma meħtieġa jikkonformaw ruħhom mal-obbligi tagħhom li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, inklużi dawk li joriġinaw mill-Artikolu 2 u mill-Artikolu 19(1) TUE ( 28 ).

38.

Is-suġġett ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari jikkonċerna, għal darba oħra, speċifikament l-obbligi tal-Istati Membri li jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet, flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta u d-Deċiżjoni MKV, u jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni effettivament humiex konformi ma’ dawk l-obbligi. Barra minn hekk, l-oġġezzjonijiet ifformulati mill-KSM u l-Gvern Pollakk huma relatati, essenzjalment, mal-kamp ta’ applikazzjoni attwali tal-prinċipju ta’ indipendenza tal-ġudikatura, kif definit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u fl-Artikolu 47 tal-Karta, moqrija flimkien mal-Artikolu 2 TUE, u, għaldaqstant, mal-interpretazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet. Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, interpretazzjoni ta’ dik in-natura taqa’ manifestament taħt il-ġurisdizzjoni tagħha skont l-Artikolu 267 TFUE ( 29 ).

D.   Indipendenza tal‑ġudikatura u proċeduri ta’ promozzjoni għal membri tal‑ġudikatura fil‑kariga (it‑tieni domanda)

39.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċċara jekk il-prinċipju ta’ indipendenza tal-ġudikatura għandux jiġi interpretat bħala li japplika għal proċeduri għall-promozzjoni ta’ membri tal-ġudikatura fil-kariga.

40.

Nirrimarka li l-KSM iqis li t-tieni domanda hija inammissibbli, abbażi tal-fatt li r-risposta għal din id-domanda tant hija ċara mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li ma tħalli l-ebda spazju għal xi dubju raġonevoli. F’dan ir-rigward, nixtieq biss nindika li, minkejja li tali ċirkustanza, jekk tiġi pprovata, tista’ tinstiga lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi din il-kawża permezz ta’ digriet skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, dik l-istess ċirkustanza ma tistax madankollu tipprekludi qorti nazzjonali milli tirrinvija domanda għal deċiżjoni preliminari jew ikollha l-effett li tagħmel id-domanda hekk irrinvijata inammissibbli ( 30 ). Għaldaqstant, fl-opinjoni tiegħi, ma hemm l-ebda raġuni sabiex jiġi konkluż, kif issostni l-KSM, li t-tieni domanda hija inammissibbli.

41.

Sabiex nagħti risposta għal din id-domanda, sejjer l-ewwel niddeskrivi fil-qosor il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-indipendenza tal-membri tal-ġudikatura nazzjonali b’rabta mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta, moqrija flimkien mal-Artikolu 2 TUE (1), qabel ma nispjega għaliex, fl-opinjoni tiegħi, il-prinċipju ta’ indipendenza tal-membri tal-ġudikatura japplika għal proċeduri ta’ promozzjoni li huma suġġetti għalihom (2).

1. Il‑ġurisprudenza dwar l‑indipendenza tal‑ġudikatura

42.

Qabel xejn, nirrimarka li la t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u lanqas l-Artikolu 47 tal-Karta ma jirrikjedu li l-Istati Membri jadottaw xi mudell partikolari fir-rigward tal-organizzazzjoni tas-sistemi ġudizzjarji tagħhom. Għall-kuntrarju, dawk id-dispożizzjonijiet huma intiżi li jipprekludu dispożizzjonijiet nazzjonali relatati mal-organizzazzjoni tal-ġustizzja li jippreġudikaw, fl-Istati Membri kkonċernati, il-protezzjoni tal-valur tal-Istat tad-dritt skont l-Artikolu 2 TUE ( 31 ). Bħala tali, il-ġurisprudenza żviluppata mill-Qorti tal-Ġustizzja b’rabta mal-prinċipju ta’ indipendenza tal-ġudikatura tiffoka fuq rekwiżiti minimi li s-sistemi nazzjonali għandhom jikkonformaw magħhom. B’mod partikolari, dawk ir-rekwiżiti minimi ma għandhomx ikunu inqas mil-livell minimu ta’ protezzjoni stabbilit fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), kif interpretata mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ( 32 ).

43.

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ indipendenza tal-ġudikatura għandu żewġ aspetti marbuta miegħu. L-ewwel aspett, ta’ natura esterna, jeħtieġ li l-korp jew il-qorti kkonċernata teżerċita l-funzjonijiet tagħha b’awtonomija sħiħa, mingħajr ma tkun suġġetta għal xi rabta ġerarkika jew għal subordinazzjoni fir-rigward ta’ xi korp ieħor u mingħajr ma tirċievi ordnijiet jew istruzzjonijiet minn kwalunkwe sors, b’tali mod li b’hekk tkun protetta kontra l-interventi jew il-pressjonijiet esterni li jistgħu jippreġudikaw l-indipendenza tal-ġudizzju tal-membri tagħha u jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tagħhom. It-tieni aspett, ta’ natura interna, huwa marbut mal-imparzjalità u huwa intiż li jiżgura li tinżamm distanza ugwali tal-partijiet mill-proċeduri u l-interessi rispettivi tagħhom fir-rigward ta’ dawn il-proċeduri. Dan l-aspett jirrikjedi l-oġġettività u l-assenza ta’ kull interess fl-eżitu tal-proċeduri għajr l-applikazzjoni stretta tal-Istat tad-dritt ( 33 ). Iż-żewġ aspetti huma, naturalment, marbutin flimkien mill-qrib ( 34 ).

44.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat eżami uniku li essenzjalment jirrikjedi li r-regoli, partikolarment dawk li jikkonċernaw il-kompożizzjoni ta’, jew il-ħatra f’qorti jew korp li jeżerċita funzjonijiet ġudizzjarji, kif ukoll it-tul tal-funzjoni u l-kawżi ta’ astensjoni, ta’ rikuża u ta’ tkeċċija tal-membri tagħhom, ikunu tali li jippermettu li jiġi eskluż kull dubju leġittimu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, fir-rigward tal-impermeabbiltà tal-imsemmi korp fir-rigward ta’ elementi esterni u fir-rigward tan-newtralità tagħhom fil-konfront tal-interessi inkwistjoni ( 35 ). Barra minn hekk, hija ddikjarat li l-membri tal-ġudikatura jeħtieġ li jkunu protetti minn tentazzjonijiet potenzjali fir-rigward mhux biss ta’ kwalunkwe influwenza diretta, fil-forma ta’ struzzjonijiet, iżda wkoll ta’ tipi ta’ influwenza li huma iktar indiretti u li jistgħu jinċidu fuq id-deċiżjonijiet tal-membri tal-ġudikatura kkonċernati ( 36 ).

45.

F’sentenzi suċċessivi, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-prinċipju ta’ indipendenza tal-ġudikatura għandu ambitu wiesa’. Dan japplika għal regoli li jikkonċernaw il-ħatra ta’ membri tal-ġudikatura ( 37 ), il-kundizzjonijiet li taħthom il-karrieri tagħhom jipprogressaw u jiġu fi tmiemhom (inkluż tibdil fir-remunerazzjoni tagħhom ( 38 ), it-tneħħija tagħhom mill-kariga ( 39 ), is-sistema dixxiplinari ( 40 ) jew proċeduri kriminali ( 41 ) li jistgħu jkunu suġġetti għalihom u l-possibbiltà tagħhom li jibbenefikaw minn estensjoni tal-perijodu ta’ attività ġudizzjarja lil hinn mill-età normali tal-irtirar ( 42 )). Barra minn hekk, dan il-prinċipju japplika wkoll għal regoli li jirregolaw il-kollokament tagħhom fi ħdan qorti ta’ grad superjuri mill-Ministru għall-Ġustizzja. Tali regoli jeħtieġ li jipprovdu garanziji suffiċjenti sabiex jiġi evitat, b’mod partikolari, kwalunkwe riskju li dak il-kollokament jintuża bħala għodda ta’ kontroll politiku tal-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji ( 43 ).

2. Applikazzjoni għall‑proċeduri ta’ promozzjoni ta’ membri tal‑ġudikatura fil‑kariga

46.

Fid-dawl tal-ġurisprudenza li għadni kif fakkart, ma għandi l-ebda dubju dwar il-fatt, li lanqas ma huwa kkontestat mill-partijiet fil-kawża prinċipali, li l-prinċipju ta’ indipendenza tal-membri tal-ġudikatura japplika għall-proċeduri ta’ promozzjoni li huma suġġetti għalihom. L-eżempji elenkati fil-punt 45 iktar ’il fuq jirrilevaw li l-prinċipju diġà ġie applikat mill-Qorti tal-Ġustizzja għal firxa wiesgħa ta’ aspetti u komponenti tal-organizzazzjoni strutturali ta’ qrati nazzjonali u jeħtieġ li jiġi interpretat li għandu kamp ta’ applikazzjoni wiesa’. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li għandhom jinżammu garanziji suffiċjenti ta’ indipendenza tal-ġudikatura fir-rigward tar-regoli li jirregolaw il-ħatra ta’ membri tal-ġudikatura, il-kollokament tagħhom fi ħdan qrati ta’ grad superjuri u l-kundizzjonijiet li taħthom il-karrieri tagħhom jipprogressaw u jiġu fi tmiemhom b’mod ġenerali. Proċeduri ta’ promozzjoni bejn livelli differenti ta’ qrati jikkonċernaw speċifikament il-mod kif membri tal-ġudikatura ta’ qrati ta’ grad inferjuri huma magħżula sabiex jinħatru jew jiġi kkollokati fi ħdan qrati ta’ grad superjuri ( 44 ). Barra minn hekk, dawn jifformaw parti mill-kundizzjonijiet li taħthom il-karrieri tal-membri tal-ġudikatura jipprogressaw u jiġu fi tmiemhom. Għaldaqstant għandu jkun meħtieġ li dawn ikunu konformi mal-prinċipju ta’ indipendenza tal-ġudikatura ( 45 ).

47.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jiena tal-opinjoni li l-Artikolu 47 tal-Karta u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqrija flimkien mal-Artikolu 2 TUE, għandhom jiġu interpretati li jfissru li l-prinċipju ta’ indipendenza tal-ġudikatura japplika wkoll għall-proċeduri għall-promozzjoni tal-membri tal-ġudikatura fil-kariga.

E.   Riforma bħal dik introdotta mir‑Rumanija tikser il‑prinċipju ta’ indipendenza tal‑ġudikatura? (it-tielet u r-raba’ domanda)

48.

Permezz tat-tielet u r-raba’ domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà ta’ riforma bħal dik introdotta fir-Rumanija permezz tar-Regolament ikkontestat mal-prinċipju ta’ indipendenza tal-ġudikatura. Hija titħasseb ukoll dwar jekk tali riforma tmurx kontra r-rakkomandazzjonijiet inklużi fir-rapporti ppreparati mill-Kummissjoni konformement mal-MKV.

49.

Qabel ma ngħaddi għal dawn id-domandi, sejjer nagħmel tliet rimarki preliminari.

50.

Fl-ewwel lok, il-KSM jargumenta li t-tielet u r-raba’ domanda huma inammissibbli peress li huma bbażati fuq deskrizzjoni żbaljata tal-proċedura ta’ promozzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. F’dan ir-rigward, infakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni rrinvijati minn qorti nazzjonali f’kuntest fattwali u leġiżlattiv partikolari li l-preċiżjoni tiegħu ma għandhiex tiġi ddeterminata mill-Qorti tal-Ġustizzja, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza ( 46 ). Barra minn dan, nirrimarka li l-argument tal-KSM dwar l-inammissibbiltà tat-tielet u r-raba’ domanda effettivament jirrigwarda s-sustanza ta’ dawk id-domandi u r-risposta li l-Qorti tal-Ġustizzja sejra tipprovdi f’dak ir-rigward. Minn dan isegwi li t-tielet u r-raba’ domanda huma, fl-opinjoni tiegħi, ammissibbli.

51.

Fit-tieni lok, il-fatt li l-kawża preżenti titlob li ssir, kif iddikjarat fit-Taqsima B iktar ’il fuq, evalwazzjoni tal-kompatibbiltà in abstracto ( 47 ) tar-riforma introdotta bir-Regolament ikkontestat ma jfissirx li s-sempliċi potenzjal ta’ użu ħażin mill-proċedura introdotta bir-riforma sejra tkun suffiċjenti sabiex tiġi kkundannata din il-proċedura fl-intier tagħha. Kif iddikjara l-Avukat Ġenerali Bobek ( 48 ), jeħtieġ li jitressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja xi argument konvinċenti dwar kif b’mod konkret u speċifiku ċerta proċedura, bħal din inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija suxxettibbli li tippreġudika l-indipendenza tal-ġudikatura.

52.

B’mod iktar partikolari, skont l-eżami li semmejt fil-punt 44 iktar ’il fuq, il-kwistjonijiet konkreti invokati f’dan ir-rigward jeħtieġ li jagħtu lok għal dubju raġonevoli f’moħħ l-individwi dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-membri tal-ġudikatura kkonċernati; għaliex inkella ma jista’ jkun hemm l-ebda problema ta’ indipendenza tal-ġudikatura. Kif irrimarkat il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li fakkret il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem f’dan ir-rigward, sabiex jiġi stabbilit l-element ta’ “indipendenza”, wieħed mill-elementi rilevanti li għandu jiġi kkunsidrat huwa l-kwistjoni dwar jekk il-korp jippreżentax “dehra ta’ indipendenza”, peress li dak li huwa speċifikament rilevanti hawnhekk huwa l-fiduċja li l-qorti għandha tispira lill-pubbliku. Fi kliem ieħor, l-element ewlieni jikkonsisti, f’kif il-pubbliku jista’ leġittimament jipperċepixxi l-arranġamenti inkwistjoni ( 49 ). Dawk l-arranġamenti jeħtieġ li jiġu kkunsidrati flimkien, peress li ċerti aspetti tal-proċedura jew tas-sistema inkwistjoni li jistgħu jidhru problematiċi a prima facie jistgħu jiġu kkumpensati minn aspetti oħrajn ( 50 ).

53.

Fit-tielet lok, finalment hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi dwar jekk teżistix jew le problema strutturali ta’ indipendenza tal-ġudikatura fil-kawża preżenti, wara li tkun għamlet l-aċċertamenti rilevanti tagħha f’dan ir-rigward. Tabilħaqq, jeħtieġ inżommu f’moħħna li l-Artikolu 267 TFUE ma jawtorizzax lill-Qorti tal-Ġustizzja li tapplika r-regoli tad-dritt tal-Unjoni għal każ partikolari iżda jawtorizzaha biss li tagħti deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni tat-Trattati u tal-atti mwettqa mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, madankollu, fil-qafas tal-kooperazzjoni ġudizzjarja previst fl-Artikolu 267 TFUE u abbażi tal-elementi tal-proċess, tipprovdi lill-qorti nazzjonali bl-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għaliha fl-evalwazzjoni tal-effetti ta’ dispożizzjoni jew oħra tiegħu ( 51 ).

54.

Ġaladarba għamilt dawn il-kjarifiki, nirrimarka li l-proċedura ta’ promozzjoni għall-membri tal-ġudikatura li jservu fil-qrati ta’ grad inferjuri fir-Rumanija tidher, kif tispjega l-qorti tar-rinviju, li hija strutturata f’żewġ stadji. L-ewwel stadju, li huwa rregolat mill-Kapitolu II tar-Regolament ikkontestat, jissejjaħ “promozzjoni fuq il-post”. Hija bbażata fuq kompetizzjoni bil-miktub li hija mfassla sabiex tivverifika l-konoxxenza teoretika u l-ħiliet prattiċi tal-kandidati. Sussegwentement, il-kandidati li jgħaddu jiġu promossi għal grad professjonali ogħla iżda, effettivament, jibqgħu jokkupaw l-istess kariga ( 52 ).

55.

It-tieni stadju, li jissejjaħ “promozzjoni effettiva”, huwa rregolat mill-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament. Dan jippermetti lill-kandidati li jkunu diġà ġew promossi “fil-post” u li jkollhom il-grad professjonali neċessarju li effettivament jiġu assenjati f’qorti reġjonali jew f’qorti tal-appell ( 53 ).

56.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma jikkritikawx l-ewwel stadju tal-proċedura ta’ promozzjoni, jiġifieri, il-promozzjoni “fil-post”. Huma jfittxu li jikkontestaw biss il-modalitajiet tat-tieni stadju ta’ dik il-proċedura (il-proċedura ta’ “promozzjoni effettiva”), li matulha l-kummissjoni tal-għażla jkollha tevalwa x-xogħol u l-imġiba tal-kandidati matul dawn l-aħħar tliet snin ta’ qabel il-parteċipazzjoni tagħhom fit-tieni stadju ( 54 ). Żewġ aspetti ta’ dik il-proċedura jidhru li huma partikolarment problematiċi għar-rikorrenti: (i) kif jinħatru l-membri tal-kummissjoni tal-għażla li jipparteċipaw fil-proċedura ta’ “promozzjoni effettiva” u l-kompożizzjoni ta’ dik il-kummissjoni, u (ii) il-kriterji applikati mill-membri tal-kummissjoni tal-għażla sabiex tiddeċiedi liema kandidati għandhom jiġu promossi ( 55 ).

1. L‑ewwel aspett: il‑ħatra u l‑kompożizzjoni tal‑kummissjoni tal-għażla

57.

Ir-Regolament ikkontestat jipprovdi li l-evalwazzjoni tal-kandidati għall-“promozzjoni effettiva” għandha titwettaq mill-kummissjoni tal-għażla li l-membri tagħha jinħatru mis-Sezzjoni għall-Membri tal-Ġudikatura tal-KSM ( 56 ). Dik il-kummissjoni hija komposta, fil-livell ta’ kull qorti tal-appell, mill-president ta’ din il-qorti u erba’ mill-membri tagħha, li l-ispeċjalizzazzjoni tagħhom għandha tikkorrispondi ma’ dawk tal-pożizzjonijiet vakanti. Dawk l-erba’ membri jintgħażlu mis-Sezzjoni għall-Membri tal-Ġudikatura tal-KSM abbażi proposta tal-korp ta’ ġestjoni tal-qorti tal-appell (li l-president ta’ din il-qorti huma membru tagħha) ( 57 ).

58.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li r-Regolament ikkontestat jafda wisq poter f’idejn il-presidenti tal-qrati tal-appell. Barra minn hekk, fl-opinjoni tagħhom, ir-riforma toħloq riskju li l-kandidati għall-proċedura ta’ “promozzjoni effettiva” jadottaw aġir subordinat fir-rigward tal-presidenti u l-membri tal-qrati tal-appell u jħossuhom obbligati lejhom. F’dan ir-rigward, jindikaw li l-persuni li jippresjedu l-kummissjoni tal-għażla huma wkoll responsabbli għall-istħarriġ fl-istadju ta’ appell tas-sentenzi mogħtija mill-kandidati waqt li jippresjedu il-qrati ta’ grad inferjuri u huma responsabbli għat-twettiq ta’ evalwazzjonijiet perjodiċi tal-prestazzjoni tax-xogħol tal-kandidati mwettaq bħala membri tal-ġudikatura ladarba u jekk jiġu promossi fil-qrati tal-appell. Huma jargumentaw li l-indipendenza tal-ġudikatura tista’ tkun f’riskju mhux biss f’ċirkustanzi li fihom il-membri tal-ġudikatura jkunu esposti għal pressjonijiet politiċi, iżda wkoll meta jkun imħeġġeġ il-preġudizzju u n-nepotiżmu fi ħdan il-ġudikatura.

59.

Fl-opinjoni tiegħi, u bla ħsara għall-verifiki tal-qorti tar-rinviju, l-elementi invokati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma jistgħux, fihom innifishom, jagħtu lok għal dubju raġonevoli f’moħħ l-individwi fir-rigward tal-impermeabbiltà tal-kandidati għall-proċedura ta’ “promozzjoni effettiva” fir-rigward ta’ fatturi esterni, konformement mal-eżami li semmejt fil-punt 44 iktar ’il fuq.

60.

Żewġ raġunijiet iwassluni għal din il-konklużjoni.

61.

Fl-ewwel lok nirrimarka li, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-ġurisprudenza tagħha, insistiet ħafna fuq il-fatt li l-indipendenza tal-ġudikatura jeħtieġ li tiġi żgurata partikolarment fir-rigward tas-setgħat leġiżlattivi u eżekuttivi ( 58 ), sa issa, għadha ma qegħditx enfasi fuq il-fatt li relazzjonijiet ta’ subordinazzjoni jew kontroll bejn qrati differenti (li ma jinvolvux is-setgħat eżekuttivi jew leġiżlattivi) jistgħu jiġġeneraw problemi ta’ indipendenza tal-ġudikatura ( 59 ).

62.

Jiena nemmen li teżisti spjegazzjoni ovvja għal dik id-differenza fit-trattament. Kawżi li jikkonċernaw l-indipendenza tal-ġudikatura minn fergħat oħrajn tal-gvern (bħal kawżi li jikkonċernaw il-ħatra tal-membri ta’ korp ġudizzjarju minn ministru) jaslu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja iktar spiss peress li, kif ġie indikat mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 60 ), jolqtu l-qalba tat-teorija tas-“separazzjoni tal-poteri”. Dan l-aħħar imsemmi fatt jagħmilha iktar faċli li dawn jiġu nnotati u individwati bħala potenzjalment problematiċi. Il-kawżi li jirrigwardaw l-influwenza eżerċitata minn ċerti membri tal-ġudikatura fuq il-kollegi tagħhom huma iktar sottili. Għalkemm, dawn ukoll jistgħu jagħtu lok għal problemi ta’ indipendenza tal-ġudikatura. Tabilħaqq, huwa ċertament possibbli, u bla ebda diffikultà immaġinabbli, li ċerti forom ta’ governanza ġudizzjarja awtonoma jistgħu jagħtu lok għal “sistema ta’ membri tal-ġudikatura dipendenti fi ħdan ġudikatura indipendenti”, fejn tiġi eżerċitata influwenza mhux xierqa minn uffiċjali ġudizzjarji, bħall-President tal-qrati jew uffiċjali tal-korpi ġudizzjarji b’amministrazzjoni awtonoma, fi ħdan il-ġudikatura ( 61 ). Problemi ta’ indipendenza tal-ġudikatura ma humiex, f’dan ir-rigward, limitati għal sitwazzjonijiet li jimplikaw fergħat oħrajn tal-poter jew terzi, iżda jistgħu jirriżultaw fi ħdan is-sistema ġudizzjarja nnifisha, kull meta hemm riskju li membri tal-ġudikatura jistgħu jiġu influwenzati mill-kollegi tagħhom ( 62 ). Madankollu, filwaqt li s-sempliċi parteċipazzjoni tal-poter eżekuttiv jew dak leġiżlattiv f’deċiżjonijiet li jaffettwaw il-ġudikatura hija suffiċjenti sabiex tqajjem “bandiera ħamra” possibbli fid-dawl tat-teorija tas-separazzjoni tal-poteri, is-sempliċi fatt li ċerti membri tal-ġudikatura jeżerċitaw kontroll fuq il-kollegi tagħhom, fih innifsu (u kemm il-darba l-poter eżekuttiv jew leġiżlattiv ma jinterferixxix f’dan ir-rigward) ( 63 ), ma jindikax l-eżistenza ta’ problema potenzjali ta’ indipendenza tal-ġudikatura ( 64 ).

63.

Madankollu, jiena naqbel mar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li, f’kull sistema demokratika, qatt ma huwa tajjeb (irrispettivament minn liema fergħa tal-gvern tkun ikkonċernata) li persuna jew korp wieħed jiġi fdat b’wisq poter. Wisq poter f’idejn ftit wisq nies ifisser inqas akkontabbiltà u potenzjal ikbar għal teħid arbitrarju ta’ deċiżjonijiet, preġudizzju, nepotiżmu u abbuż ( 65 ). Hawnhekk, huwa veru li l-membri tal-kummissjoni tal-għażla jgħaqqdu flimkien diversi rwoli li jistgħu jaffettwaw il-ħajjiet professjonali u l-karrieri tal-membri tal-ġudikatura fil-qrati ta’ grad inferjuri. Huma responsabbli għat-tmexxija tal-proċedura ta’ promozzjoni għall-membri tal-ġudikatura ta’ qrati ta’ grad inferjuri, għall-istħarriġ tas-sentenzi mogħtija minn dawk il-membri tal-ġudikatura fl-istadju tal-appell u għat-twettiq ta’ evalwazzjonijiet perjodiċi ta’ xogħolhom, jekk u meta possibbilment jiġu promossi u maħtura fi ħdan il-qorti tal-appell (u, għal dak li jirrigwarda l-presidenti tal-qrati tal-appell, sabiex jagħmlu rakkomandazzjonijiet dwar min sejjer jippresjedi l-kummissjoni tal-għażla).

64.

Madankollu, dan huwa suffiċjenti sabiex joħloq dubju raġonevoli f’moħħ l-individwi fir-rigward tal-impermeabbiltà tal-membri tal-ġudikatura tal-qrati ta’ grad inferjuri minn fatturi esterni? Fl-opinjoni tiegħi, hija meħtieġa xi ħaġa iktar. Jeħtieġ li jkun hemm indikazzjoni li tali konċentrazzjoni ta’ poter tista’ effettivament tikkawża intervent estern jew pressjoni li kapaċi jfixklu l-ġudizzju indipendenti tal-membri tal-ġudikatura tal-qrati ta’ grad inferjuri u tinfluwenza d-deċiżjonijiet tagħhom, pereżempju billi toħloq inċentiv għalihom sabiex jiffavorixxu parti fuq oħra fi proċeduri quddiemhom jew jiddeċiedu bil-għan li jogħġbu lil dawk li jaħtruhom jew jippromovuhom ( 66 ). Jidhirli li s-sempliċi fatt li sabiex iżidu l-probabbiltà tagħhom li jiġu promossi, membri tal-ġudikatura tal-qrati ta’ grad inferjuri huma mħeġġa (mingħajr ma jkunu mbuttati minn kunsiderazzjonijiet oħrajn, bħal jekk is-sentenzi li sejrin jagħtu humiex sejrin jogħġbu lil membru partikolari, bħall-president tal-qorti tal-appell) li jagħmlu l-aħjar li jistgħu sabiex jiżguraw li dawk is-sentenzi huma tal-ogħla kwalità possibbli, u b’hekk inaqqsu r-riskju li dawn jiġu annullati fl-istadju tal-appell, jikkostitwixxi sitwazzjoni li relattivament ma tagħmilx ħsara f’sistema li fiha l-qrati ta’ grad inferjuri huma mistennija, fl-assenza ta’ raġunijiet imperattivi li jiddettaw il-kuntrarju ( 67 ), li jsegwu l-ġurisprudenza tal-qrati ta’ grad superjuri.

65.

Barra minn hekk, u kuntrarjament għall-istampa ftit jew wisq negattiva ppreżentata mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, jista’ jiġi argumentat li, minħabba li l-membri tal-qrati tal-appell tal-Istati Membri huma meħtieġa, skont id-dritt tal-Unjoni, li jikkonformaw mal-prinċipju ta’ indipendenza tal-ġudikatura u jkunu ħielsa minn influwenza jew pressjoni esterna, dawn huma, bħala prinċipju, f’pożizzjoni tajba sabiex jevalwaw ix-xogħol tal-kandidati u sabiex jiddeterminaw min minnhom jixraqlu promozzjoni. Fl-opinjoni tiegħi, il-fatt li dawn jistgħu jkunu inkarigati jistħarrġu fl-istadju tal-appell is-sentenzi mogħtija mill-kandidati bħala membri tal-ġudikatura filwaqt li jippresjedu l-qrati ta’ grad inferjuri u huma familjari mal-funzjonament tal-qrati u mal-abbozzar ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji sempliċiment jikkonferma l-kompetenza tagħhom, f’sitwazzjoni, bħal dik ineżami fil-kawża prinċipali, fejn l-indipendenza tagħhom ma hijiex diskussa, sabiex iwettqu din l-evalwazzjoni.

66.

Fit-tieni lok, is-sempliċi fatt li deċiżjonijiet li jirrigwardaw il-ħatra ta’ membri tal-ġudikatura (jew, fil-każ ineżami, il-promozzjoni tagħhom) huwa fdat f’idejn ċertu nies jew gruppi ta’ nies, u mhux oħrajn, fl-opinjoni tiegħi, ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit nuqqas ta’ garanziji suffiċjenti ta’ indipendenza tal-ġudikatura. Xi ħadd irid ikun responsabbli għal dawn il-ħatriet, jistgħu jkunu membri tas-setgħa eżekuttiva jew leġiżlattiva jew membri oħrajn tal-ġudikatura jew taħlita ta’ dawn it-tlieta jew anki korp kompletament differenti, u, ħafna drabi, ma huwiex faċli taħseb f’kandidat ideali għal dik il-pożizzjoni. Kif għadni kif spjegajt, il-membri tal-ġudikatura, bħala prinċipju, huma adatti sabiex iwettqu dawn il-funzjonijiet. Madankollu, jidher li anki meta l-membri tal-ġudikatura jiġu effettivament maħtura jew promossi mill-eżekuttiv, dan ma huwiex, fih innifsu, problematiku mill-perspettiva tal-indipendenza tal-ġudikatura ( 68 ).

67.

Il-Qorti tal-Ġustizzja approvat dan l-approċċ, inter alia, fis-sentenzi fil-kawża A.B. et (Ħatra tal-Imħallfin fil-Qorti Suprema – Rikors) ( 69 ) u fil-kawża Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim et ( 70 ). Din l-aħħar imsemmija sentenza kienet tikkonċerna l-kundizzjonijiet li skonthom il-Ministru għall-Ġustizzja jista’ jikkolloka membru tal-ġudikatura fi ħdan qorti ta’ grad superjuri u jittermina dak il-kollokament. F’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, essenzjalment, li dak li kien importanti, sabiex tiġi evitata l-arbitrarjetà u r-riskju ta’ manipulazzjoni, ma kienx tant “min” kien inkarigat jieħu d-deċiżjonijiet, iżda li dawk id-deċiżjonijiet ingħataw abbażi ta’ kriterji li kienu magħrufa minn qabel u li kienu debitament motivati ( 71 ). Ovvjament, dan ma jfissirx li “min” huwa responsabbli għall-ħatra jew għall-promozzjoni ta’ membri tal-ġudikatura, huwa irrilevanti: iktar ma jkun jidher li “min” huwa problematiku mill-perspettiva, pereżempju, tas-separazzjoni tal-poteri, jew minħabba l-grad ta’ subordinazzjoni li teżisti bejn il-korp responsabbli għall-ħatra u l-membri tal-ġudikatura li jibbenefikaw minnha, iktar, fl-opinjoni tiegħi, ikunu neċessarji salvagwardji sostantivi u proċedurali sabiex jikkontrobilanċjaw id-dehra ta’ mġiba mhux xierqa li tista’ inkella tirriżulta. Għaldaqstant, f’dak ir-rigward, huma dawk is-salvagwardji li huma deċiżivi.

68.

Fl-opinjoni tiegħi, dawn is-sejbiet jistgħu jiġu applikati wkoll għall-kawża preżenti. Fil-każijiet kollha, inkluż dawk fejn il-korp inkarigat li jiddeċiedi l-ħatra jew il-promozzjoni ta’ membri tal-ġudikatura nazzjonali jidher li jinsab f’pożizzjoni tajba biex iwettaq dawk il-funzjonijiet, dak li huwa deċiżiv mill-perspettiva tal-indipendenza tal-ġudikatura ma huwiex tant il-kwistjoni dwar min iwettaq proċedura ta’ promozzjoni bħal dik stabbilita bir-Regolament ikkontestat, iżda pjuttost jekk il-kriterji applikati mill-korp inkarigat bit-twettiq ta’ tali proċedura humiex suffiċjentement ċari, oġġettivi u verifikabbli ( 72 ), u jekk dak il-korp huwiex obbligat jipprovdi motivazzjoni għad-deċiżjonijiet tiegħu. Il-punt dwar jekk id-deċiżjonijiet jistgħux jiġu kkontestati jew le fi proċeduri ġudizzjarji huwa wkoll rilevanti ( 73 ).

69.

Fid-dawl ta’ dan, sejjer ngħaddi sabiex neżamina jekk, f’sitwazzjoni bħal dik ineżami fil-kawża prinċipali, il-kriterji li l-kummissjoni tal-għażla għandha tapplika jissodisfawx dawn ir-rekwiżiti.

2. It‑tieni aspett: il‑kriterji applikati mill‑kummissjoni tal‑għażla

70.

Fil-kawża preżenti, kif diġà enfasizzajt, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-kriterji applikati mill-kummissjoni tal-għażla bħala parti mill-proċedura ta’ “promozzjoni effettiva” jissodisfawx ir-rekwiżiti li stabbilixxejt fil-punt 68 iktar ’il fuq jew, għall-kuntrarju jistgħux jikkonferixxu “diskrezzjoni indebita” fuq il-membri tagħha, tali li jagħtu lok għal dubju raġonevoli fil-moħħ tal-individwi dwar l-indipendenza tal-membri tal-ġudikatura tal-qrati ta’ grad inferjuri kkonċernati minn din il-proċedura. Diskrezzjoni indebita tkun teżisti, b’mod partikolari, meta l-modalitajiet li jikkaratterizzaw proċedura partikolari jew il-kriterji applikati fit-twettiq ta’ din il-proċedura ma jkunux stabbiliti bil-liġi (u għaldaqstant, ma jkunux verifikabbli), ikunu vagi jew irrilevanti jew jippermettu spekulazzjoni dwar l-influwenza ta’ forzi politiċi jew ta’ natura oħra (pereżempju, meta l-kriterji applikati ma jkunux suffiċjentement oġġettivi) ( 74 ).

71.

F’dak il-kuntest, jidhirli li jeħtieġ li jissemmew b’mod partikolari diversi elementi mill-proċess.

72.

Fl-ewwel lok, il-proċedura ta’ “promozzjoni effettiva” hija suġġetta għal żewġ settijiet ta’ kriterji separati u stabbiliti b’mod ċar. Tabilħaqq, skont ir-Regolament ikkontestat, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni tliet kriterji għall-evalwazzjoni tax-xogħol tal-kandidati: (i) l-abbiltà ta’ analiżi u ta’ sinteżi; il-koerenza fl-espressjoni personali; (ii) iċ-ċarezza u l-loġika tar-raġunament; l-analiżi tal-argumenti tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u tad-difiżi; l-osservanza tal-ġurisprudenza tal-Înalta Curte de Casație şi Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja) u tal-qrati tal-appell; u (iii) l-osservanza ta’ termini raġonevoli għall-ipproċessar tal-kawżi u l-abbozzar ta’ deċiżjonijiet ( 75 ). Barra minn hekk, għall-evalwazzjoni tal-imġiba tal-kandidati, jintużaw żewġ kriterji: (i) kemm kienu adatti l-attitudni u l-aġir tal-kandidat fil-konfront tal-partijiet fil-kawżi, tal-avukati, tal-esperti u tal-interpreti matul is-seduti u attivitajiet professjonali oħrajn, u l-abbiltà tiegħu jew tagħha li jiġġestixxi sitwazzjonijiet li jqumu fl-awla tal-qorti, u (ii) l-abbiltà tal-kandidat li jikkoopera ma’ membri oħrajn tal-ġudikatura u li jikkomunika ma’ membri oħrajn tal-ġudikatura u mal-persunal ( 76 ). Dawn il-kriterji huma elenkati b’mod ċar fir-Regolament ikkontestat u għaldaqstant huma verifikabbli. Barra minn hekk, dawn huma kollha rilevanti għall-finijiet tal-istabbiliment ta’ opinjoni dwar l-attività ġudizzjarja u l-mertu tal-kandidat ( 77 ).

73.

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk tali kriterju huwiex suffiċjentement oġġettiv, nirrimarka li, sabiex tivverifika jekk humiex sodisfatti l-ewwel żewġ kriterji, il-kummissjoni tal-għażla tuża kampjun ta’ 10 deċiżjonijiet mogħtija mill-kandidati matul dawn l-aħħar tliet snin ( 78 ). Dawk id-deċiżjonijiet jintgħażlu b’mod aleatorju, bl-użu ta’ software tal-kompjuter, u għal darba oħra, abbażi ta’ kriterji uniformi ( 79 ). Barra minn hekk, sabiex jiġu evalwati l-kompetenzi tal-kandidati fid-dawl ta’ varji kriterji relatati mal-imġiba tagħhom, il-kummissjoni tal-għażla tieħu inkunsiderazzjoni kampjun ta’ reġistrazzjonijiet ta’ seduti ppresjeduti minn kull kandidat ( 80 ). Il-kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni wkoll informazzjoni inkluża fil-fajl professjonali tal-kandidati, informazzjoni disponibbli mill-Inspecția Judiciarâ (l-Ispettorat Ġudizzjarju, ir-Rumanija) dwar ksur dixxiplinari u etiku possibbli għall-perijodu rilevanti, kif ukoll kull informazzjoni oħra dwar il-kandidati li tista’ tiġi vverifikata ( 81 ).

74.

Ovvjament, ma jistax jiġi eskluż, u huwa wkoll inevitabbli, li jidħol xi grad ta’ suġġettività meta l-kummissjoni tal-għażla tinterpreta dawn il-varji elementi bil-għan li tifforma opinjoni dwar ix-xogħol u l-imġiba tal-kandidati. Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, xorta jibqa’ l-fatt li s-sorsi tal-informazzjoni u l-evidenza li fuqhom il-membri tal-kummissjoni tal-għażla għandhom jibbażaw id-deċiżjoni tagħhom fuqhom fir-rigward ta’ kull kandidat huma pjuttost numerużi u differenti. Dan jikkontribwixxi sabiex jagħmel il-proċedura ta’ “promozzjoni effettiva”, ikkunsidrata b’mod ġenerali, tidher li hija bbażata a priori fuq evalwazzjoni oġġettiva, iktar milli fuq waħda diskrezzjonali.

75.

Fit-tielet lok, nirrimarka li, kif jidher mill-proċess, ir-Regolament ikkontestat jipprovdi wkoll li l-kummissjoni tal-għażla għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-opinjonijiet motivati tas-sezzjoni li fiha kull kandidat iservi fil-mument li fih titwettaq il-proċedura ta’ promozzjoni ( 82 ) u ta’ dik li tikkorrispondi mal-ispeċjalizzazzjoni tiegħu jew tagħha fil-qorti ġerarkikament superjuri, sabiex tasal għal deċiżjoni dwar liema kandidati għandhom jibbenefikaw minn promozzjoni ( 83 ). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ssuġġeriet li l-intervent ta’ korp ieħor fil-proċedura li twassal għall-adozzjoni ta’ tali deċiżjonijiet jista’, bħala prinċipju, jikkontribwixxi sabiex il-proċedura ssir iktar oġġettiva. Ovvjament, dan ikun il-każ biss kemm il-darba l-korp innifsu jkun indipendenti mill-awtoritajiet leġiżlattivi u eżekuttivi u mill-awtorità jew korp li lilhom huwa meħtieġ jagħti l-opinjoni tiegħu, u sa fejn tali opinjoni tingħata abbażi ta’ kriterji li huma kemm oġġettivi kif ukoll rilevanti u tkun motivata kif suppost, b’tali mod li tkun adatta sabiex tipprovdi informazzjoni oġġettiva li abbażi tagħha l-awtorità jew il-korp ikunu jistgħu jieħdu d-deċiżjoni tagħhom ( 84 ). Naturalment, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan huwiex il-każ.

76.

Fl-aħħar, fir-rigward tal-obbligu tal-kummissjoni tal-għażla li tipprovdi motivazzjoni u l-possibbiltà li d-deċiżjonijiet mogħtija mill-kummissjoni jiġu kkontestati permezz ta’ proċeduri ġudizzjarji, nirrimarka li, meta l-proċedura tiġi konkluża, il-kummissjoni tal-għażla għandha tabbozza rapport motivat li jindika l-marki mogħtija għall-ħames kriterji msemmija iktar ’il fuq, kif ukoll marka globali miksuba mill-kandidat ( 85 ). Barra minn hekk, jekk il-kandidat ikollu xi oġġezzjoni għal dak ir-rapport, dan ikun intitolat li jqajjimhom matul intervista mal-kummissjoni tal-għażla, li ssir fil-każijiet kollha, kif ukoll bil-miktub ( 86 ). Il-kandidat għandu wkoll 48 siegħa mid-data tal-pubblikazzjoni tar-riżultati sabiex jikkontesta l-marka miksuba quddiem is-Sezzjoni għall-Membri tal-Ġudikatura tal-KSM, li sussegwentement tikkunsidra jekk hijiex meħtieġa evalwazzjoni ġdida u, jekk ikun il-każ, twettaq hija stess l-evalwazzjoni l-ġdida ( 87 ).

77.

Fl-opinjoni tiegħi, dawn l-elementi kollha, ikkunsidrati flimkien, jidhru li jikkonfermaw l-assenza ta’ riskju reali ta’ “diskrezzjoni indebita” li tagħti lok għal dubju raġonevoli fil-moħħ tal-individwi dwar l-indipendenza tal-membri tal-ġudikatura kkonċernati. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan huwiex effettivament il-każ. Bla ħsara għal tali verifiki, jiena ma nikkondividix it-tħassib espress mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali dwar in-nuqqas ta’ oġġettività tal-kriterji applikati mill-kummissjoni tal-għażla.

78.

Bħala tali, nikkunsidra li l-prinċipju ta’ indipendenza tal-ġudikatura, li huwa stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta u fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqrija flimkien mal-Artikolu 2 TUE, ma huwiex miksur bl-introduzzjoni ta’ proċedura għall-promozzjoni ta’ membri tal-ġudikatura nazzjonali fi ħdan qorti ta’ grad superjuri li hija bbażata fuq evalwazzjoni tax-xogħol u l-imġiba tagħhom minn kummissjoni komposta mill-president u mill-membri tal-ġudikatura ta’ tali qorti ta’ grad superjuri li, flimkien ma’ dik l-evalwazzjoni, tistħarreġ fl-istadju tal-appell id-deċiżjonijiet mogħtija mill-membri tal-ġudikatura tal-qrati ta’ grad inferjuri u twettaq evalwazzjonijiet perjodiċi ta’ dawk il-membri tal-ġudikatura ladarba u jekk ikunu promossi fi ħdan il-qorti ta’ grad superjuri inkwistjoni. Madankollu, anki meta l-membri ta’ dik il-kummissjoni huma nnifishom indipendenti, il-kriterji applikati minnhom iridu jkunu suffiċjentement oġġettivi, rilevanti u verifikabbli b’tali mod li ma jinħoloqx dubju raġonevoli fil-moħħ tal-individwi dwar l-impermeabbiltà tal-membri tal-ġudikatura tal-qrati ta’ grad inferjuri kkonċernati fir-rigward ta’ interventi esterni jew pressjoni li jistgħu jfixklu l-ġudizzju indipendenti tagħhom u jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tagħhom, u l-kummissjoni tkun obbligata tipprovdi motivazzjoni għad-deċiżjonijiet tagħha. Fattur rilevanti ieħor f’dan ir-rigward hija l-possibbiltà ta’ dawk il-membri tal-ġudikatura li jikkontestaw deċiżjonijiet li jinċidu fuq il-promozzjoni tagħhom quddiem qorti ( 88 ).

3. L‑impatt tad‑Deċiżjoni MKV fuq l‑evalwazzjoni tal‑kompatibbiltà

79.

Jifdalli issa neżamina jekk ir-riforma introdotta bir-Regolament ikkontestat tiksirx xi dispożizzjoni tad-Deċiżjoni MKV jew tonqosx milli tieħu inkunsiderazzjoni r-rakkomandazzjonijiet magħmula fir-rapporti redatti mill-Kummissjoni b’applikazzjoni tagħha (ir-raba’ domanda).

80.

F’dan ir-rigward, nosserva li d-Deċiżjoni MKV ma timponi l-ebda obbligu speċifiku fuq ir-Rumanija minbarra l-obbligu li tirrapporta l-progress tagħha fl-implimentazzjoni tal-punti ta’ riferiment MKV u li tirriforma s-sistema ġudizzjarja tagħha f’konformità ma’ dawk il-punti ta’ riferiment. Barra minn hekk, kif tispjega l-Kummissjoni stess, l-ebda wieħed mir-rapporti li hija pproduċiet b’applikazzjoni tal-MKV, kemm qabel kif ukoll wara l-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, ma jinkludi rakkomandazzjonijiet speċifiċi li jirrigwardaw proċeduri għall-promozzjoni ta’ membri tal-ġudikatura tal-qrati ta’ grad inferjuri fir-Rumanija.

81.

Fil-fatt, il-Kummissjoni adottat l-aħħar rapport tagħha b’applikazzjoni tal-MKV fit‑22 ta’ Novembru 2022 ( 89 ). F’dan ir-rapport, hija rrikonoxxiet li l-modifika tal-proċedura ta’ promozzjoni li rriżultat mir-Regolament ikkontestat ġiet ikkritikata minn xi assoċjazzjoni tal-membri tal-ġudikatura u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, li jargumentaw li tnaqqset in-natura meritokratika u kompetittiva tal-proċedura. Madankollu, hija ma individwatx xi kwistjoni partikolari, u lanqas ma fformulat xi rakkomandazzjoni dwar il-proċedura ta’ promozzjoni għall-membri tal-ġudikatura.

82.

Fid-dawl ta’ dan kollu, jidhirli li r-raba’ domanda mqajma mill-qorti tar-rinviju tistaqsi, bħala domanda sottostanti, jekk, speċifikament minħabba li r-rapporti MKV ippubblikati qabel l-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat ma fihom l-ebda rakkomandazzjoni bħal din, dan kollu għandux jinftiehem bħala li r-Rumanija kienet prekluża milli tbiddel il-proċedura tagħha għall-promozzjonijiet. Fi kliem ieħor, is-silenzju fir-rapporti dwar din il-kwistjoni għandu jinqara bħala obbligu għar-Rumanija sabiex ma tbiddilx l-istatus quo.

83.

Ma nemminx li tali approċċ ikun wieħed korrett. Fl-opinjoni tiegħi, ir-Rumanija tibqa’ ħielsa, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-MKV, li torganizza s-sistema ġudizzjarja tagħha kif taħseb li huwa l-aħjar kemm il-darba tieħu inkunsiderazzjoni r-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fir-rapporti tal-Kummissjoni adottati b’applikazzjoni ta’ dak il-mekkaniżmu u tiżgura li r-riformi kollha li hija tadotta f’dan il-kuntest jikkonformaw mal-punti ta’ riferiment MKV u ma’ rekwiżiti oħrajn tad-dritt tal-Unjoni, b’mod ġenerali. Hawnhekk ukoll, skont dak li ddikjarajt fil-punt 42 iktar ’il fuq, l-għan ma huwiex li jiġi ddettat lir-Rumanija mudell speċifiku għall-organizzazzjoni tal-ġudikatura tagħha, iżda pjuttost li jiġi żgurat li jiġu implimentati ċerti salvagwardji fi ħdan il-mudell li hija tkun tixtieq tadotta. F’dan ir-rigward, fl-opinjoni tiegħi, huwa għalhekk irrilevanti li l-proċedura ta’ promozzjoni preċedenti baqgħet mhux mibdula għal iktar minn 10 snin: ir-Rumanija kienet awtorizzata tbiddilha ( 90 ).

V. Konklużjoni

84.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domandi magħmula fit-talba għal deċiżjoni preliminari mill-Curtea de Apel Ploieşti (il-Qorti tal-Appell, Ploieşti, ir-Rumanija) kif ġej:

(1)

L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqrija flimkien mal-Artikolu 2 TUE,

għandhom jiġu interpretati bħala li jfissru li l-prinċipju ta’ indipendenza tal-ġudikatura japplika għal proċeduri għall-promozzjoni tal-membri tal-ġudikatura. Dan il-prinċipju ma jinkisirx bl-introduzzjoni ta’ proċedura għall-promozzjoni għall-membri tal-ġudikatura nazzjonali fi ħdan qorti ta’ grad superjuri li tkun ibbażata fuq evalwazzjoni tax-xogħol u l-imġiba tagħhom minn kummissjoni komposta mill-president u l-membri tal-ġudikatura ta’ tali qorti ta’ grad superjuri li, flimkien ma’ dik l-evalwazzjoni, tistħarreġ fl-istadju tal-appell, id-deċiżjonijiet mogħtija mill-membri tal-ġudikatura tal-qrati ta’ grad inferjuri u twettaq evalwazzjonijiet perjodiċi ta’ dawk il-membri tal-ġudikatura ladarba u jekk ikunu promossi fi ħdan il-qorti ta’ grad superjuri inkwistjoni. Madankollu, anki meta l-membri ta’ dik il-kummissjoni huma nnifishom indipendenti, il-kriterji applikati minnhom ikunu suffiċjentement oġġettivi, rilevanti u verifikabbli b’tali mod li ma jinħoloqx dubju raġonevoli fil-moħħ tal-individwi dwar l-impermeabbiltà tal-membri tal-ġudikatura tal-qrati ta’ grad inferjuri kkonċernati fir-rigward ta’ interventi esterni jew pressjoni li jistgħu jfixklu l-ġudizzju indipendenti tagħhom u jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tagħhom, u l-kummissjoni tkun obbligata tipprovdi motivazzjoni fid-deċiżjonijiet tagħha. Fattur rilevanti ieħor f’dan ir-rigward huwa l-possibbiltà ta’ dawk il-membri tal-ġudikatura li jikkontestaw deċiżjonijiet li jinċidu fuq il-promozzjoni tagħhom quddiem qorti.

(2)

L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqrija flimkien mal-Artikolu 2 TUE u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/928/KE tat‑13 ta’ Diċembru 2006 dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verfika tal-progress fir-Rumanija sabiex jiġu indirizzati punti ta’ riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni,

għandhom jiġu interpretati bħala li ma jipprekludux l-introduzzjoni ta’ riformi ġudizzjarji fir-Rumanija f’ċirkustanzi li fihom tali riformi jikkonformaw mar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni u li fihom l-unika raġuni sabiex tipprekludi l-introduzzjoni ta’ tali riformi hija li l-Kummissjoni ma għamlet l-ebda rakkomandazzjoni speċifika, fir-rapporti redatti minnha, abbażi tad-Deċiżjoni 2006/928, fir-rigward tas-suġġett speċifiku ta’ dawk ir-riformi.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Ara, inter alia, is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”), tal‑15 ta’ Lulju 2010, Gazeta-Ukraina-Tsentr vs L‑Ukraina, CE:ECHR:2010:0715JUD001669504, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza tal-Qorti EDB, tat‑3 ta’ Mejju 2007, Bochan vs L‑Ukraina, CE:ECHR:2007:0503JUD000757702, punt 66. Ara wkoll is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, fil-kawża A. K. et (Indipendenza tal-awla dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, iktar ’il quddiem is-“sentenza fil-kawża A. K. et (Indipendenza tal-awla dixxiplinari tal-Qorti Suprema)”, punt 127 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 3 ) Id-Deċiżjoni Nru 1348 tas‑17 ta’ Settembru 2019 tas-Sezzjoni għall-Membri tal-Ġudikatura tal-KSM li tapprova r-Regolament dwar l-organizzazzjoni u t-tmexxija ta’ kompetizzjonijiet għall-promozzjoni tal-membri tal-ġudikatura.

( 4 ) Għal iktar dettalji dwar il-kompożizzjoni tal-kummissjonijiet inkarigati jwettqu evalwazzjonijiet perjodiċi tal-membri tal-ġudikatura, ara l-Artikolu 39(2) tal-Liġi Nru 303/2004.

( 5 ) Iffirmat mir-Rumanija fil-Lussemburgu fil‑25 ta’ April 2005 (ĠU 2005, L 157, p. 11, rettifika fil-ĠU 2011, L 347, p. 62).

( 6 ) Tali tħassib ġie inkluż fl-Anness IX tal-Att dwar il-kundizzjonijiet ta’ l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija (ara, b’mod partikolari, il-punt 3 ta’ dak l-anness, li huwa relatat mal-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ azzjoni u strateġija għar-riforma tal-ġudikatura).

( 7 ) ĠU 2005, L 157, p. 203.

( 8 ) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/928/KE tat‑13 ta’ Diċembru 2006 dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verfika tal-progress fir-Rumanija sabiex jiġu indirizzati punti ta’ riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni (ĠU 2007, L 142M, p. 825) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni MKV”).

( 9 ) Ara l-premessi 2, 4 u 6 tad-Deċiżjoni MKV.

( 10 ) Ara l-premessa 3 tad-Deċiżjoni MKV.

( 11 ) Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, fil-kawża Asociaţia Forumul Judecătorilor din Româniaet (C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, iktar ’il quddiem is-“sentenza fil-kawża Asociaţia ‘Forumul Judecătorilor din România’et”, punt 175).

( 12 ) Ibid., punt 170.

( 13 ) Ingħatat sentenza waħda biss għal dawn il-kawżi kollha, iżda l-Avukat Ġenerali Bobek ipproduċa żewġ konklużjonijiet (il-konklużjonijiet fil-kawża Statul Român – Ministerul Finanţelor Publice (C‑397/19, EU:C:2020:747), u l-oħrajn fil-kawża Asociaţia Forumul Judecătorilor din Româniaet (C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19 u C‑355/19, EU:C:2020:746)).

( 14 ) Ara s-sentenza fil-kawża Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România”et (punti 1 u 2 tad-dispożittiv).

( 15 ) Għall-finijiet ta’ kompletezza, jeħtieġ li nsemmi li ġiet ippreżentata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sensiela oħra ta’ kawżi li jikkonċernaw l-organizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja fir-Rumanija u, b’mod iktar speċifiku, il-kwistjoni dwar jekk il-prinċipju ta’ indipendenza tal-ġudikatura jipprekludix l-adozzjoni ta’ deċiżjoni minn qorti nazzjonali li, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni kostituzzjonali tagħha, tiddeċiedi dwar il-legalità tal-kompożizzjoni tal-kulleġġi ġudikanti tal-qorti suprema nazzjonali (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et (C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, iktar ’il quddiem is-“sentenza fil-kawża Euro Box Promotion et”)).

( 16 ) Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, fil-kawża W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra) (C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 108 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 17 ) Ara, inter alia, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawżi magħquda Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim et (C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:403, punt 162), u fil-kawża Getin Noble Bank (C‑132/20, EU:C:2021:557, punt 36). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Hogan fil-kawża Repubblika (C‑896/19, EU:C:2020:1055, punti 4546), u tal-Avukat Ġenerali Tanchev fil-kawżi magħquda A. K. et (Indipendenza tal-awla dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:551, punt 85).

( 18 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România”et (C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19 u C‑355/19, EU:C:2020:746, punti 183 sa 225); fil-kawżi magħquda Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim et (C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:403, punti 162 sa 169); u fil-kawża Getin Noble Bank (C‑132/20, EU:C:2021:557, punti 36 sa 41).

( 19 ) Ibid.

( 20 ) Ara l-Artikolu 51(1) tal-Karta.

( 21 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România”et (C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19 u C‑355/19, EU:C:2020:746, punti 236237).

( 22 ) Għall-finijiet ta’ kompletezza, inżid li, irrispettivament minn liema minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet (l-Artikolu 19 TUE jew l-Artikolu 47 tal-Karta) li l-Qorti tal-Ġustizzja tibbaża ruħha fuqha, din tal-aħħar normalment ma twettaqx analiżi separata fid-dawl tal-Artikolu 2 TUE (l-Istat tad-dritt), minkejja li, ovvjament, din id-dispożizzjoni hija użata, u hija rilevanti għall-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u effettivament ta’ spiss titqies b’mod konġunt mal-Artikolu 19(1) TUE u/jew l-Artikolu 47 tal-Karta. Tabilħaqq, dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet it-tnejn li huma jistgħu jitqiesu li jikkostitwixxu espressjoni konkreta tal-Artikolu 2 TUE peress li l-Istat tad-dritt, bħala wieħed mill-valuri ewlenin li fuqhom hija mibnija l-Unjoni, huwa ssalvagwardjat permezz tal-garanzija tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (l-Artikolu 19 TUE) u tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq (l-Artikolu 47 tal-Karta) (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (C‑619/18, EU:C:2019:531, iktar ’il quddiem is-“sentenza fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema)”, il-punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-Imħallfin fil-Qorti Suprema – Rikors) (C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 108). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România”et (C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19 u C‑355/19, EU:C:2020:746, punt 225).

( 23 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România”et (C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19 u C‑355/19, EU:C:2020:746, punti 198 sa 200).

( 24 ) Ara l-Artikolu 6(1) TUE.

( 25 ) Soluzzjoni simili ġiet adottata mill-Avukat Ġenerali Bobek fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România”et (C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19 u C‑355/19, EU:C:2020:746, punt 226). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-kawża Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2017:395, punti 4253).

( 26 ) Ara l-punt 22 iktar ’il fuq.

( 27 ) Ara, inter alia, is-sentenza fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema). Ara wkoll is-sentenzi tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny (C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234), u tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-Imħallfin fil-Qorti Suprema – Rikors) (C‑824/18, EU:C:2021:153).

( 28 ) Ara, għal dak il-għan, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-Imħallfin fil-Qorti Suprema – Rikors) (C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 29 ) Ibid., punt 69.

( 30 ) Ara s-sentenza fil-kawża Euro Box Promotion et (punt 138 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 31 ) Ara, għal dak il-għan, is-sentenza fil-kawża Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România”et (punt 189). Ara wkoll, f’dan ir-rigward, id-digriet tas‑7 ta’ Novembru 2022, FX et (Effetti tas-sentenzi ta’ Qorti Kostituzzjonali III) (C‑859/19, C‑926/19 u C‑929/19, EU:C:2022:878, punt 109).

( 32 ) Ara s-sentenza fil-kawża A. K. et (Indipendenza tal-awla dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (punt 118).

( 33 ) Ara, inter alia, is-sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2019 fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-qrati ordinarji) (C‑192/18, EU:C:2019:924, iktar ’il quddiem is-“sentenza fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-qrati ordinarji)”, punti 108 sa 110 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 34 ) Ara, inter alia, il-Qorti EDB, tat‑3 ta’ Mejju 2011, Sutyagin vs Ir‑Russja, CE:ECHR:2011:0503JUD003002402, punt 183.

( 35 ) Ara, inter alia, is-sentenza fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 36 ) Ibid., punt 112. Ara wkoll, inter alia, is-sentenza fil-kawża Euro Box Promotion et (punti 225 u 226 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 37 ) Ara s-sentenzi tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-Imħallfin fil-Qorti Suprema – Rikors) (C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 121), u tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra) (C‑487/19, EU:C:2021:798).

( 38 ) Ara s-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117).

( 39 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2006, Wilson (C‑506/04, EU:C:2006:587, punt 51). Ara wkoll is-sentenzi fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (punt 75), u fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-qrati ordinarji) (C‑192/18, EU:C:2019:924, punti 112113).

( 40 ) Ara s-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 67). Ara wkoll is-sentenza fil-kawża Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România”et (punt 199), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li huwa essenzjali li l-korp li huwa kompetenti sabiex iwettaq investigazzjonijiet u jmexxi proċeduri dixxiplinari kontra l-membri tal-ġudikatura jaġixxi b’mod oġġettiv u imparzjali fit-twettiq tal-kompiti tiegħu u, għal dak il-għan, li jkun ħieles minn kwalunkwe influwenza esterna.

( 41 ) Ara s-sentenza fil-kawża Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România”et (punt 213).

( 42 ) Għall-irtirar tal-membri tal-ġudikatura tal-Qorti Suprema fil-Polonja, ara s-sentenza fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema). Għall-irtirar tal-membri tal-ġudikatura tal-qrati ordinarji Pollakki, ara s-sentenza fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-qrati ordinarji).

( 43 ) Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2021, Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim et (C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:931, punt 73).

( 44 ) Fl-opinjoni tiegħi jkun sempliċiment assurd li l-proċeduri ta’ promozzjoni jiġu ttrattati b’mod differenti mid-deċiżjonijiet tal-ħatra. L-Istati Membri jkunu obbligati jiżguraw l-eżistenza ta’ garanziji suffiċjenti ta’ indipendenza tal-ġudikatura fir-rigward tal-ħatriet inizjali ta’ membri tal-ġudikatura tal-qrati ta’ grad inferjuri, iżda mhux dwar kif huma sussegwenti magħżula fi ħdan qrati ta’ grad superjuri, mingħajr ma teżisti l-ebda bażi valida għal din id-diskrepanza.

( 45 ) Nirrimarka li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddikjarat li proċeduri għall-promozzjoni ta’ membri tal-ġudikatura għandhom effett fuq l-indipendenza tal-ġudikatura u, għaldaqstant, b’mod impliċitu rrikonoxxiet li l-prinċipju ta’ indipendenza tal-ġudikatura japplika għal tali proċeduri (ara s-sentenza tal-Qorti EDB, tal‑15 ta’ Settembru 2015, Tsanova-Gecheva vs Il‑Bulgarija, CE:ECHR:2015:0915JUD004380012, punt 104). Ara wkoll ir-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2010)12 adottata mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa fis‑17 ta’ Novembru 2010 u l-memorandum ta’ spjegazzjoni “Membri tal-ġudikatura: indipendenza, effiċjenza u responsabbiltajiet” (disponibbli fuq: https://rm.coe.int/cmrec-2010-12-on-independence-efficiency-responsibilites-of-judges/16809f007d), punt 49: “l-indipendenza tal-membri tal-ġudikatura għandha tiġi ppreservata mhux biss meta dawn jinħatru iżda matul il-karriera kollha tagħhom. It-terminu ‘karriera’ tinkludi promozzjoni […]”.

( 46 ) Ara s-sentenza fil-kawża Euro Box Promotion et (punt 139 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 47 ) Ara l-punti 31 u 33 iktar ’il fuq.

( 48 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-Kawża Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România”et (C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19 u C‑355/19, EU:C:2020:746, punti 247248).

( 49 ) Ara s-sentenza fil-kawża A. K. et (Indipendenza tal-awla dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (punt 127) li tagħmel riferiment, f’dan is-sens, għas-sentenza tal-Qorti EDB, tas‑6 ta’ Novembru 2018, Ramos Nunes de Carvalho e Sá vs Il‑Portugall, CE:ECHR:2018:1106JUD005539113, punt 144 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-QEBD, tal‑21 ta’ Ġunju 2011, Fruni vs Is‑Slovakkja, CE:ECHR:2011:0621JUD000801407, punt 141.

( 50 ) Jiena naqbel mal-Kummissjoni li, dak li huwa importanti, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tar-riforma introdotta bir-Regolament ikkontestat mal-prinċipju ta’ indipendenza tal-ġudikatura, huwa l-effett kumulattiv tal-komponenti varji ta’ dik ir-riforma.

( 51 ) Ara s-sentenza fil-kawża Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România”et (punt 201 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 52 ) Qabel ir-riforma, il-proċedura ta’ promozzjoni għall-membri tal-ġudikatura fil-kariga fir-Rumanija kienet ibbażata, kif qiegħed nifhem jiena, esklużivament fuq serje ta’ eżamijiet bil-miktub, imfassla sabiex jivverifikaw il-konoxxenza teoretika u l-ħiliet prattiċi tal-kandidati. Il-proċedura ta’ promozzjoni kienet issorveljata mill-membri tal-ġudikatura tal-Înalta Curte de Casație şi Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija), membri tal-ġudikatura tal-qrati tal-appell u ħarrieġa mill-Institutul national al Magistraturii (l-Istitut tal-Maġistratura, ir-Rumanija).

( 53 ) Il-kandidati li jkunu jixtiequ jipparteċipaw fil-proċedura ta’ “promozzjoni effettiva” (it-tieni stadju) jeħtieġ li jirreġistraw mal-KSM u jindikaw il-qorti (qorti reġjonali jew qorti tal-appell) u s-sezzjoni rilevanti fi ħdan din il-qorti li jixtiequ li jiġu kkunsidrati għaliha. Is-Sezzjoni għall-Membri tal-Ġudikatura tal-KSM hija responsabbli għad-determinazzjoni tal-pożizzjonijiet li għalihom għandha ssir il-kompetizzjoni għal “promozzjoni effettiva”, id-data meta u l-post fejn sejra tiġi organizzata l-kompetizzjoni, il-modalitajiet tal-kompetizzjoni u l-iskeda applikabbli (ara l-Artikolu 30(1) u l-Artikolu 32(1) tar-Regolament ikkontestat). Il-kundizzjonijiet li jeħtieġ li jissodisfaw il-kandidati sabiex jipparteċipaw fil-proċedura huma elenkati fl-Artikolu 462 tal-Liġi Nru 303/2004 (kif emendata bil-Liġi Nru 242/2018) u l-Artikolu 31(1) tar-Regolament ikkontestat.

( 54 ) Skont l-Artikolu 463 tal-Liġi Nru 303/2004. Ara wkoll l-Artikolu 36(6) u l-Artikolu 38 tar-Regolament ikkontestat.

( 55 ) Mir-“Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-Progress fir-Rumanija skont il-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika” tat‑22 ta’ Novembru 2022 (COM(2022) 664 finali) qiegħed nifhem li dispożizzjonijiet marbuta mal-“promozzjonijiet kompetittivi fil-post” sejrin jiġu sospiżi sa Diċembru 2025, fatt li sejjer jippermetti biss li jsiru promozzjonijiet effettivi matul dan il-perijodu. Mill‑2025, promozzjonijiet fil-post huma previsti li jkunu limitati għal 20 % tan-numru totali ta’ pożizzjonijiet vakanti.

( 56 ) Ara l-Artikolu 36(1), (2) u (5) tar-Regolament ikkontestat.

( 57 ) Ara l-Artikolu 36(1) u (2) tar-Regolament ikkontestat. Għall-ħatriet għall-qrati reġjonali fid-distrett ta’ kull qorti tal-appell, tista’ tiġi stabbilita kummissjoni tal-għażla distinta (jekk dan ikun neċessarju), li tkun komposta mill-president tal-qorti tal-appell u erba’ membri tal-qrati reġjonali fil-ġurisdizzjoni ta’ dik il-qorti li jkollhom l-ispeċjalizzazzjoni korrispondenti (ara l-Artikolu 36(3) ta’ dan ir-regolament).

( 58 ) Ara s-sentenza fil-kawża Euro Box Promotion et (punt 228 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2021, Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim et (C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:931, punt 68).

( 59 ) Fl-opinjoni tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja effettivament tidher li ssib il-fatt li membri tal-ġudikatura jistgħu jiġu eletti jew maħtura mill-kollegi tagħhom sabiex jeżerċitaw ċerti rwoli jew funzjonijiet (pereżempju, funzjonijiet dixxiplinari), ġeneralment inqas problematiku minn meta dawn jiġu eletti jew maħtura sabiex iwettqu dawk il-funzjonijiet minn fergħat oħrajn tal-gvern (ara s-sentenzi fil-kawża A. K. et (Indipendenza tal-awla dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (punt 143), tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Sistema dixxiplinari tal-imħallfin) (C‑791/19, EU:C:2021:596, punt 104)). Ara wkoll ir-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2010)12 adottata mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa fis‑17 ta’ Novembru 2010 u l-memorandum ta’ spjegazzjoni “Membri tal-ġudikatura: indipendenza, effiċjenza u responsabbiltajiet” (disponibbli fuq: https://rm.coe.int/cmrec-2010-12-on-independence-efficiency-responsibilites-of-judges/16809f007d), punt 46: “l-awtorità li tieħu d-deċiżjonijiet dwar l-għażla u l-karriera tal-membri tal-ġudikatura għandha tkun indipendenti mis-setgħat eżekuttivi u leġiżlattivi. Bil-għan li tiġi ggarantita l-indipendenza tagħha, tal-inqas nofs il-membri tal-awtorità għandhom ikunu membri tal-ġudikatura magħżula mill-kollegi tagħhom”.

( 60 ) Ara, inter alia, is-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2021, Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim et (C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:931, punt 68).

( 61 ) Ara Kosař, D., “Perils of Judicial Self-Government in Transitional Societies”, Cambridge University Press, Cambridge, 2016, p. 407. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawżi magħquda Euro Box Promotion et (C‑357/19 u C‑547/19, EU:C:2021:170, punt 152).

( 62 ) Ara s-sentenza tal-Qorti EDB, tal‑15 ta’ Lulju 2010, Gazeta-Ukraina-Tsentr vs L‑Ukraina, CE:ECHR:2010:0715JUD001669504, punt 33. Ara wkoll ir-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2010)12 adottata mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa fis‑17 ta’ Novembru 2010 u l-memorandum ta’ spjegazzjoni “Membri tal-ġudikatura: indipendenza, effiċjenza u responsabbiltajiet” (disponibbli fuq: https://rm.coe.int/cmrec-2010-12-on-independence-efficiency-responsibilites-of-judges/16809f007d), punt 30: “l-indipendenza tal-ġudikatura ma hijiex biss li l-membri tal-ġudikatura jkunu ħielsa minn influwenza mhux xierqa esterna, iżda wkoll minn influwenza mhux xierqa minn ġewwa s-sistema ġudizzjarja stess, jew minn membri oħrajn tal-ġudikatura jew minn awtoritajiet ġudizzjarji”.

( 63 ) Ara, pereżempju fejn kien hemm tali interferenza, is-sentenza fil-kawża A. K. et (Indipendenza tal-awla dixxiplinari tal-Qorti Suprema), li kienet tikkonċerna l-indipendenza tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura fil-Polonja, iktar il-quddiem il-“KRS” minn awtoritajiet politiċi (punt 143). Il-Qorti ddikjarat li “filwaqt li l-ħmistax‑il membru tal-KRS eletti minn fost l-imħallfin kienu qabel jiġu eletti mill-membri tal-ġudikatura kollegi tagħhom, dawn issa [ġew] eletti minn fergħa tal-poter leġiżlattiv minn fost kandidati li jistgħu jiġu ppreżentati b’mod partikolari minn gruppi ta’ elfejn ċittadin jew minn ħamsa u għoxrin imħallef, riforma din li wasslet għal ħatriet li bis-saħħa tagħhom in-numru ta’ membri tal-KRS magħżula direttament mill-poteri politiċi jew eletti minnhom laħaq tlieta u għoxrin membru mill-ħamsa u għoxrin”.

( 64 ) Ara Kosař, D., “Perils of Judicial Self-Government in Transitional Societies”, Cambridge University Press, Cambridge, 2016, p. 408: “filwaqt li l-maġġoranza tad-dokumenti reċenti dwar l-indipendenza tal-ġudikatura u l-kummissjonijiet ġudizzjarji jirrikonoxxu li pressjoni mhux xierqa fuq membru tal-ġudikatura tista’ toriġina minn ġewwa l-ġudikatura stess, ġie aċċettat b’mod ġenerali li pressjoni interna hija b’xi mod inqas perikoluża, forsi minħabba raġunijiet storiċi” [traduzzjoni libera].

( 65 ) F’dan ir-rigward, nirrimarka li, fl-Opinjoni tiegħu Nru 17(2014) dwar l-evalwazzjoni tax-xogħol tal-membri tal-ġudikatura, il-kwalità tal-ġustizzja u l-osservanza tal-indipendenza tal-ġudikatura, il-Kunsill Konsultattiv tal-Membri tal-Ġudikatura Ewropej (CCJE) innota li “meta evalwazzjoni individwali jkollha konsegwenzi fuq il-promozzjoni, is-salarju u l-pensjoni tal-membru tal-ġudikatura jew tista’ wkoll twassal għat-tneħħija tiegħu mill-kariga, hemm riskju li l-membru tal-ġudikatura evalwat ma jiddeċidix il-kawżi skont l-interpretazzjoni oġġettiva tiegħu jew tagħha tal-fatti u tal-liġi, iżda b’mod li jista’ jiġi pperċepit li jogħġob lill-evalwaturi […] ir-riskju għall-indipendenza tal-ġudikatura ma jiġix evitat kompletament lanqas jekk l-evalwazzjoni titwettaq minn membri oħrajn tal-ġudikatura” (ara l-punt 6 tal-opinjoni, il-verżjoni online hija disponibbli fuq: https://www.csm.it/documents/46647/0/Opinion+No.+17+%282014%29.pdf/f596c4a8-7019-47e1-9b35-14551977b471).

( 66 ) Ara, pereżempju, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawżi magħquda Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim et (C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:403). Dak il-każ kien jikkonċerna leġiżlazzjoni nazzjonali li tgħid li l-Ministru għall-Ġustizzja/Prosekutur Ġenerali (li huwa membru tal-eżekuttiv) seta’, abbażi ta’ kriterji li ma ġewx ippubblikati, jikkolloka membri tal-ġudikatura fi ħdan qorti ta’ grad superjuri għal perijodu mhux definit u, fi kwalunkwe ħin, jittermina dak il-kollokament fid-diskrezzjoni tiegħu. Fil-konklużjonijiet tiegħu, l-Avukat Ġenerali ddikjara, f’termini ċari ħafna li, minħabba tali leġiżlazzjoni, il-membri tal-ġudikatura jistgħu jkunu inċentivati li jiddeċiedu favur il-prosekutur jew, b’mod iktar ġenerali, kif jogħġob lill-Ministru għall-Ġustizzja/Prosekutur Ġenerali u, għaldaqstant, ikunu ppreġudikati. Huwa spjega li xi membri tal-ġudikatura jista’ jkollhom it-tentazzjoni li jemmnu li l-fatt li jiddeċiedu b’dan il-mod ikun iżidilhom il-possibbiltà li jiġu ppremjati b’kollokament fi ħdan qorti ta’ grad superjuri u, għaldaqstant, possibbilment, bi prospetti ta’ karriera mtejba u salarju ogħla.

( 67 ) Tali raġunijiet konvinċenti jinkludu, b’mod partikolari, sitwazzjoni fejn l-membri tal-ġudikatura tal-qrati inferjuri jkunu meħtieġa jsegwu l-ġurisprudenza tal-qrati superjuri anki fejn dik il-ġurisprudenza tkun kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni u, meta jagħmlu hekk, effettivament jitilfu l-libertà tagħhom li jagħmlu rinviji għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja u li jiddevjaw minn dik il-ġurisprudenza.

( 68 ) Inkella, il-fatt li, f’għadd sinjifikattiv ta’ Stati Membri, il-membri tal-ġudikatura jinħatru minn kap ta’ Stat jew mill-gvern, jiġifieri mill-eżekuttiv, ikun ifisser awtomatikament li ħadd minnhom ma huwa indipendenti (ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawżi magħquda Euro Box Promotion et (C‑357/19 u C‑547/19, EU:C:2021:170, punt 217).

( 69 ) Ara is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021 (C‑824/18, EU:C:2021:153, punti 122123 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 70 ) Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2021 (C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:931).

( 71 ) Ibid., punt 79.

( 72 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-ġurisprudenza tagħha, tidher li tqis, essenzjalment, li deċiżjonijiet li jinċidu fuq il-kundizzjonijiet li skonthom il-karrieri tal-membri tal-ġudikatura fil-kariga jipprogressaw u jintemmu probabbilment jagħtu lok għal dubju raġonevoli fil-moħħ tal-individwi dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-membri tal-ġudikatura meta jkunu suġġetti għal kriterji li huma wisq vagi, suġġettivi jew mhux verifikabbli (ara, għal dak il-għan, is-sentenza fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-qrati ordinarji) (punt 122).

( 73 ) Ara, għal dak il-għan, is-sentenza fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (punt 114). Ara wkoll is-sentenza fil-kawża Euro Box Promotion et (punt 240 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 74 ) Ara, għal dak il-għan, is-sentenza tal-Qorti EDB, tat‑12 ta’ Jannar 2016, Miracle Europe Kft. vs L-Ungerija, CE:ECHR:2016:0112JUD005777413, punt 58.

( 75 ) Ara l-Artikolu 43(1) tar-Regolament ikkontestat.

( 76 ) Ara l-Artikolu 45(1) tar-Regolament ikkontestat.

( 77 ) Kemm il-darba, naturalment, li l-kriterju marbut mal-osservanza ta’ termini raġonevoli għall-ipproċessar tal-kawżi u l-abbozzar tad-deċiżjonijiet ma jinċidix fuq il-libertà tal-membri tal-ġudikatura tal-qrati ta’ grad inferjuri li jagħmlu rinviji għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja u li jiddevjaw mill-ġurisprudenza ta’ qrati ta’ grad superjuri jekk dik il-ġurisprudenza tmur kontra d-dritt tal-Unjoni (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 68 iktar ’il fuq).

( 78 ) Ara l-Artikolu 39(1) tar-Regolament ikkontestat. Fir-rigward tat-tielet kriterju – li huwa marbut mal-osservanza tat-termini – l-evalwazzjoni hija bbażata fuq serje ta’ data statistika u dokumenti oħrajn ipprovduti mill-qorti ppresjeduta mill-kandidati. Din l-informazzjoni tikkonċerna kemm ix-xogħol tal-kandidati (pereżempju, kemm ħadu ħin sabiex jagħtu sentenza bħala medja), kif ukoll l-attività tal-qorti ppresjeduta minnhom.

( 79 ) Ara l-Artikolu 39(6) tar-Regolament ikkontestat. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li l‑10 deċiżjonijiet li l-kummissjoni tal-għażla tibbaża l-evalwazzjoni tagħha fuqhom ma humiex suffiċjentement rappreżentattivi tax-xogħol tal-kandidati. F’dan ir-rigward, nirrimarka, madankollu, li l-Artikolu 39(2) tar-Regolament ikkontestat jirrikjedi li tali deċiżjonijet ikunu “rilevanti” u li l-Artikolu 39(7) ta’ dan ir-regolament jeskludi speċifikament ċerti tipi ta’ deċiżjonijiet mill-evalwazzjoni (bħal dawk li jirriżultaw fit-twaqqif tal-proċeduri). Barra minn hekk, huma jargumentaw li dawk id-deċiżjonijiet ma jiġux ikkomunikati lill-kandidati u, għaldaqstant, ma jistgħux jiġu kkontestati minnhom. Bla ħsara għall-verifiki li għandhom jitwettqu mill-qorti tar-rinviju, jidhirli li tali kontestazzjoni hija fil-fatt possibbli (ara l-punt 76 iktar ’il quddiem). Skont l-Artikolu 39(12) tar-Regolament ikkontestat, il-kandidati għandhom ukoll l-opzjoni li jikkomunikaw deċiżjonijiet lill-kummissjoni.

( 80 ) Ara l-Artikolu 44(1) u (3) tar-Regolament ikkontestat.

( 81 ) Ara l-Artikolu 44(1) tar-Regolament ikkontestat.

( 82 ) Ara l-Artikolu 44(1), (2) u (4) tar-Regolament ikkontestat.

( 83 ) Ara l-Artikolu 42(1) tar-Regolament ikkontestat.

( 84 ) Ara, għal dak il-għan, is-sentenza fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (punti 115 u 116).

( 85 ) Ara l-Artikolu 46 tar-Regolament ikkontestat.

( 86 ) Ara l-Artikolu 47 tar-Regolament ikkontestat.

( 87 ) Ara l-Artikolu 49 tar-Regolament ikkontestat.

( 88 ) Inżid, għall-kuntrarju ta’ dak li jargumentaw ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ir-Rapport ad hoc tal-Grupp ta’ Stati kontra l-Korruzzjoni (GRECO) dwar ir-Rumanija (ir-regola 34) tat‑23 ta’ Marzu 2018 (disponibbli bl-Ingliż f’dan l-indirizz: https://rm.coe.int/ad-hoc-report-on-Rumanija-rule-34-adopted-by-greco-at-its-79th-plenary-/16807b7717) ma jissuġġerixxix xi interpretazzjoni differenti minn dik li qiegħed nipproponi li għandha tadotta l-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża preżenti u effettivament ma huwiex konklużiv. F’dan ir-rapport, il-GRECO sempliċiment innota li, qabel l-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, kienet ġiet espressa “biża’” li l-proċedura ta’ promozzjoni f’żewġ stadji fir-Rumanija (li ġiet introdotta fl-Artikoli 461 sa 463 tal-Liġi Nru 303/2004 bil-Liġi Nru 242/2018) “kienet tħalli iktar spazju għal influwenzi personali jew politiċi f’deċiżjonijiet marbuta mal-karriera, fatt li jinċidi fuq in-newtralità u l-integrità tas-sistema tal-ġustizzja” (punt 31). Fir-rapport ta’ segwitu tiegħu tal‑21 ta’ Ġunju 2019 (disponibbli bl-Ingliż f’dan l-indirizz: https://rm.coe.int/follow-up-report-to-the-ad-hoc-report-on-Rumanija-rule-34-adopted-by-gr/1680965687), il-GRECO innota li x-“xogħol preparatorju” fir-rigward tal-ħatra tal-membri tal-ġudikatura u tal-prosekuturi f’pożizzjonijiet ta’ grad ogħla kien “pendenti” fir-Rumanija (dak ix-xogħol eventwalment wassal għall-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat). Ma hemm xejn f’dawn iż-żewġ rapporti, li t-tnejn li huma jippreċedu l-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, li jikkonċerna speċifikament il-bidliet li twettqu minn dak l-istrument.

( 89 ) “Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-Progress fir-Rumanija skont il-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika Progress in Rumanija” tat‑22 ta’ Novembru 2022 (COM(2022) 664 final), p. 5.

( 90 ) Nosserva li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jargumentaw li r-riforma ġiet introdotta mingħajr konsultazzjoni xierqa mal-membri tal-ġudikatura u f’salt wieħed. Jiena naqbel li l-mod kif riforma tas-sistema ġudizzjarja tiġi adottata jista’, f’xi każijiet (limitati), jindika l-eżistenza ta’ problema sistematika tal-indipendenza tal-ġudikatura. Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, din is-sitwazzjoni hija limitata għal każijiet pjuttost estremi bħal dawk li fihom ir-riforma tiġi introdotta permezz ta’ ordni jew digriet ta’ emerġenza, u meta jkun ċar li dan il-metodu ta’ kif isiru l-affarijiet huwa intiż li jevita l-proċeduri leġiżlattivi ordinarji b’tali mod li huwa inkompatibbli mar-rekwiżiti tal-Istat tad-dritt.