KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PITRUZZELLA

ippreżentati fit‑12 ta’ Mejju 2022 ( 1 )

Kawża C‑197/21

Soda-Club (CO2) SA,

SodaStream International BV

vs

MySoda Oy

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema, il-Finlandja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trade marks – Eżawriment – Ċilindri li jistgħu jimtlew mill-ġdid li jkun fihom id-dijossidu tal-karbonju – Tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni fi Stat Membru mill-proprjetarju tat-trade mark jew bil-kunsens tiegħu – Bejgħ mill-ġdid minn terz, wara l-ippakkjar mill-ġdid u t-twaħħil mill-ġdid tat-trade mark ta’ dan tal-aħħar, fl-istess Stat Membru – Trade mark taċ-ċilindru mqiegħed fiċ-ċirkulazzjoni li tkun għadha tidher imnaqqxa fuq l-għonq taċ-ċilindru – Ippakkjar mill-ġdid – Kundizzjonijiet tas-sentenza Bristol-Meyers Suibb et – Traspożizzjoni għal prodotti li ma humiex farmaċewtiċi – Traspożizzjoni għal sitwazzjoni li tirrigwarda Stat Membru wieħed biss – Kundizzjoni ta’ neċessità – Impressjoni ta’ rabta ekonomika”

1.

Is-seklu 21 huwa kkaratterizzat minn għarfien iġġeneralizzat tal-impatt tal-mudelli ta’ konsum tagħna fuq kwistjonijiet fundamentali bħal, b’mod partikolari, il-protezzjoni tal-ambjent. Fil-komunikazzjoni tagħha tal‑2015 intitolata “L-għeluq taċ-ċirku – Pjan ta’ azzjoni tal-UE għal ekonomija ċirkolari” ( 2 ), il-Kummissjoni Ewropea faħħret il-virtujiet ta’ dan it-tip ta’ ekonomija kif ġej: “[i]t-tranżizzjoni għal ekonomija aktar ċirkolari, fejn il-valur ta’ prodotti, materjali u riżorsi fl-ekonomija jinżamm għall-itwal żmien possibbli, u l-ħolqien tal-iskart huwa minimizzat, hija kontribut essenzjali għall-isforzi tal-UE biex tiġi żviluppata ekonomija kompetittiva, sostenibbli, b’livell ta’ karbonju baxx, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi.” Din in-natura ċirkulari tal-ekonomija timplika li prodotti mqiegħda għall-ewwel darba fiċ-ċirkulazzjoni fit-territorju tal-Unjoni mill-proprjetarji tat-trade marks ser jintużaw mill-ġdid, jimtlew jew jimtlew mill-ġdid qabel ma sussegwentement jiġu kkummerċjalizzati mill-ġdid. Huwa f’dan il-kuntest li tidħol din il-kawża għal deċiżjoni preliminari, li toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tispeċifika f’liema ċirkustanzi għandha titwettaq il-konċiljazzjoni neċessarja bejn l-interessi leġittimi ta’ dawn il-proprjetarji u dawk ta’ terzi li jużaw mill-ġdid u jbigħu mill-ġdid il-prodotti tagħhom.

I. Il‑kuntest ġuridiku

A.   Id‑dritt tal‑Unjoni

1. Ir‑Regolament (UE) 2017/1001

2.

Ir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea ( 3 ) ħassar u ssostitwixxa, mill‑1 ta’ Ottubru 2017, ir-Regolament (KE) Nru 207/2009 ( 4 ).

3.

L-Artikolu 15 tar-Regolament 2017/1001, intitolat “L-eżawriment tad-drittijiet li jirriżultaw minn trademark tal-UE”, jistabbilixxi:

“1.   Trademark tal-UE ma għandhiex tintitola lill-proprjetarju li jipprojbixxi l-użu tagħha fir-rigward ta’ oġġetti li jkunu tqiegħdu fis-suq fiż-Żona Ekonomika Ewropea taħt dik it-trademark mill-proprjetarju jew bil-kunsens tiegħu.

2.   Il-paragrafu 1 m’għandux japplika meta l-proprjetarju jkollu raġunijiet leġittimi biex jopponi li l-prodotti jkomplu jiġu kumerċjalizzati, speċjalment meta l-kundizzjoni tal-prodotti tinbidel jew issirilha l-ħsara wara li jitqiegħdu fis-suq.”

2. Id‑Direttiva (UE) 2015/2436

4.

L-Artikolu 15 tad-Direttiva (UE) 2015/2436 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2015 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks ( 5 ), intitolat “Eżawriment tad-drittijiet mogħtija minn trade mark”, huwa fformulat kif ġej ( 6 ):

“1.   Trade mark ma għandhiex tagħti d-dritt lill-proprjetarju li jipprojbixxi l-użu tagħha fir-rigward ta’ oġġetti li tqiegħdu fis-suq fl-Unjoni taħt dik it-trade mark mill-proprjetarju jew bil-kunsens tal-proprjetarju.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika meta l-proprjetarju jkollu raġunijiet leġittimi biex jopponi l-kummerċjalizzazzjoni ulterjuri tal-oġġetti, speċjalment meta l-kondizzjoni tal-oġġetti tinbidel jew issirilha l-ħsara wara li t-tqegħid tal-oġġetti fis-suq.”

B.   Id‑dritt Finlandiż

5.

L-Artikolu 9(1) tat-tavaramerkkilaki (544/2019) (il-Liġi dwar it-Trade Marks (Nru 544/2019)), tas‑26 ta’ April 2019, huwa applikabbli għat-trade marks nazzjonali mill‑1 ta’ Mejju 2019. Dan jipprovdi li l-proprjetarju tat-trade mark ma jistax jipprojbixxi l-użu tat-trade mark għal prodotti li tqiegħdu fis-suq fiż-Żona Ekonomika Ewropea, taħt din it-trade mark, mill-proprjetarju jew bil-kunsens tiegħu. Il-paragrafu 2 tal-Artikolu 9 jipprovdi li, minkejja l-paragrafu 1, il-proprjetarju tat-trade mark jista’ jopponi l-użu ta’ din tal-aħħar għal prodotti meta l-proprjetarju jkollu raġunijiet leġittimi sabiex jopponi offerta jew kummerċjalizzazzjoni ulterjuri tal-prodotti. B’mod partikolari, il-proprjetarju tat-trade mark jista’ jopponi l-użu ta’ din tal-aħħar meta l-kundizzjoni tal-prodotti tkun inbidlet jew meta l-kwalità tagħhom tkun iddegradat wara t-tqegħid tagħhom fis-suq ( 7 ).

II. Il‑kawża prinċipali, id‑domandi preliminari u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal-Ġustizzja

6.

Soda-Club (C02) SA u SodaStream International B.V. (iktar ’il quddiem, flimkien, “SodaStream”) jimmanifatturaw u jbigħu apparati domestiċi għall-karbonatazzjoni għall-użu mill-individwi. Dawn l-apparati jippermettu li jiġi ppreparat faċilment, mill-ilma tal-vit, ilma bil-gass kif ukoll xarbiet bil-gass aromatizzati. Fil-Finlandja, dawn l-apparati huma kkummerċjalizzati taħt it-trade mark SODASTREAM. L-imballaġġi għall-bejgħ jinkludu fost oħrajn l-apparat inkwistjoni kif ukoll ċilindru tad-dijossidu tal-karbonju li jista’ jimtela mill-ġdid, magħmul minn qafas tal-aluminju mnaqqax bit-trade mark SODASTREAM jew SODA-CLUB. Tikketta b’waħda jew l-oħra minn dawn it-trade marks hija wkoll inkollata fuq iċ-ċilindru. Barra minn hekk, SodaStream toffri għall-bejgħ bl-unità ċilindri mimlija bid-dijossidu tal-karbonju. SodaStream hija proprjetarja tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea u tat-trade marks nazzjonali SODASTREAM u SODA-CLUB. It-trade marks irreġistrati SODASTREAM u SODA-CLUB ikopru kemm iċ-ċilindri inkwistjoni kif ukoll id-dijossidu tal-karbonju li jkun fihom.

7.

MySoda Oy għandha s-sede tagħha fil-Finlandja. Hemmhekk hija tikkummerċjalizza apparati simili għal dawk mibjugħa minn SodaStream taħt it-trade mark MYSODA f’imballaġġi li madankollu ma jinkludux ċilindri. Mill‑2016, MySoda tikkummerċjalizza fil-Finlandja ċilindri tad-dijossidu tal-karbonju mimlija, li huma kompatibbli mhux biss mal-apparati għall-karbonatazzjoni tagħha stess iżda wkoll mal-apparati kkummerċjalizzati minn SodaStream. Iċ-ċilindri tad-dijossidu tal-karbonju mimlija u mibjugħa minn MySoda huma b’mod partikolari ċilindri mimlija mill-ġdid, li inizjalment tqiegħdu fis-suq minn SodaStream. MySoda tirċievi mingħand bejjiegħa mill-ġdid ċilindri tad-dijossidu tal-karbonju ta’ Soda Stream li jkunu nġiebu lura vojta mill-konsumaturi. MySoda mbagħad tneħħi t-tikketta nkollata minn SodaStream madwar iċ-ċilindru. Hija timla dan iċ-ċilindru mill-ġdid u mbagħad twaħħal it-tikketta tagħha stess fuqu. Huwa paċifiku li t-tikketta hekk imwaħħla tħalli dejjem jidhru l-inċiżjonijiet taċ-ċilindru, inklużi t-trade marks SODASTREAM u SODA-CLUB.

8.

Fil-Finlandja, iċ-ċilindri tad-dijossidu tal-karbonju huma disponibbli fil-ħwienet li jbigħu bl-imnut. SodaStream u MySoda ma għandhomx ħwienet tagħhom stess.

9.

MySoda użat żewġ tikketti differenti. Fuq it-tikketta msejħa “roża” kien jidher b’ittri kbar ħafna l-logo ta’ MySoda flimkien mal-indikazzjoni li dan kien “dijossidu tal-karbonju Finlandiż għal apparati għall-karbonatazzjoni”. B’ittri żgħar kien hemm informazzjoni fuq il-prodott, riferiment għall-kumpannija li mliet iċ-ċilindru u riferiment għas-sit internet tagħha għal informazzjoni iktar iddettaljata. Fuq it-tikketta msejħa “bajda” kien hemm, b’ittri kbar u b’ħames lingwi differenti, il-kliem “dijossidu tal-karbonju”. L-informazzjoni fuq il-prodott, jiġifieri l-isem tal-kumpannija li mliet iċ-ċilindru, indikazzjoni li din il-kumpannija ma għandha ebda rabta mal-fornitur oriġinali taċ-ċilindru u lanqas mal-kumpannija tiegħu jew mat-trade marks li jidhru fuq iċ-ċilindru kif ukoll riferiment għas-sit internet ta’ MySoda, kienet ifformulata b’ittri żgħar.

10.

Peress li qieset li din il-prattika kienet tikser id-drittijiet tagħha mogħtija mit-trade mark u li kellha diversi raġunijiet leġittimi sabiex topponiha, SodaStream ippreżentat rikors kontra MySoda sabiex jiġi kkonstatat li din tal-aħħar kienet wettqet kontrafazzjoni tat-trade marks tagħha fil-Finlandja billi użathom mingħajr awtorizzazzjoni fil-kuntest tal-attività kummerċjali tagħha u billi kkummerċjalizzat taħt dawn it-trade marks ċilindri mimlija mill-ġdid li fuqhom kienet twaħħlet it-trade mark ta’ MySoda stess, wara li tneħħew u ġew issostitwiti t-tikketti oriġinali, mingħajr l-awtorizzazzjoni ta’ SodaStream jew ċilindri mimlija mill-ġdid wara li t-tikketti oriġinali ġew issostitwiti b’tikketti ġodda. SodaStream titlob il-projbizzjoni tal-prattika li hija tqis li tikkostitwixxi kontrafazzjoni u titlob kumpens.

11.

F’sentenza interlokutorja tal‑5 ta’ Settembru 2019, il-markkinaoikeus (il-Qorti tal-Affarijiet Ekonomiċi) laqgħet it-talbiet ta’ SodaStream f’dak li jirrigwarda l-użu minn MySoda tat-tikketti roża u ċaħdet it-talbiet f’dak li jirrigwarda t-tikketti bojod. Il-markkinaoikeus (il-Qorti tal-Affarijiet Ekonomiċi) ikkonstatat l-eżawriment tad-dritt esklużiv mogħti mit-trade marks ta’ SodaStream fuq iċ-ċilindri tad-dijossidu tal-karbonju li hija kienet inizjalment qiegħdet fiċ-ċirkulazzjoni. Sabiex topponi l-prattika ta’ MySoda, SodaStream għalhekk kellha tipprova interess leġittimu. Wara li eskludiet il-kundizzjonijiet li jirriżultaw mis-sentenza Bristol-Myers Squibb et ( 8 ) minħabba l-fatt li, fil-kuntest tat-tilwima bejn SodaStream u MySoda, ma kienx hemm importazzjoni parallela, il-markkinaoikeus (il-Qorti tal-Affarijiet Ekonomiċi) ibbażat ruħha fuq is-sentenza Viking Gas ( 9 ) sabiex tqis li l-prattika ta’ MySoda la biddlet u lanqas iddegradat iċ-ċilindru tad-dijossidu tal-karbonju inizjalment imqiegħed fiċ-ċirkulazzjoni minn SodaStream jew il-kontenut tiegħu. Din il-prattika lanqas ma tagħmel ħsara għar-reputazzjoni ta’ din tal-aħħar u ma kkawżat ebda dannu li jista’ jikkostitwixxi raġuni leġittima sabiex SodaStream topponiha. Għalkemm il-prattika relatata mat-tikketti bojod ma ħolqotx, skont il-qorti kkonċernata, impressjoni żbaljata ta’ rabta ekonomika bejn MySoda u SodaStream, is-sitwazzjoni hija differenti fil-każ tal-użu tat-tikketti roża li jistgħu joħolqu, f’konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, l-impressjoni ta’ rabta ekonomika bejn dawn iż-żewġ entitajiet. B’mod partikolari minħabba l-logo predominanti ta’ MySoda mwaħħal fuq it-tikketta roża, l-imsemmija qorti qieset li dan il-konsumatur seta’ jaħseb li ċ-ċilindru tad-dijossidu tal-karbonju kien joriġina minn din tal-aħħar. Għaldaqstant, kienet teżisti raġuni leġittima sabiex SodaStream topponi l-prattika li tikkonsisti fl-użu tat-tikketti roża.

12.

SodaStream u MySoda, kull waħda minnhom, appellaw minn din is-sentenza interlokutorja, liema appelli ġew awtorizzati mill-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema, il-Finlandja) li quddiemha ġew ippreżentati.

13.

Skont SodaStream, billi tneħħi t-tikketta bit-trade mark tagħha u għalhekk tindika l-oriġini taċ-ċilindru tad-dijossidu tal-karbonju u billi twaħħal tikketta ġdida, MySoda twettaq ittikkettjar mill-ġdid tal-prodott, ħaġa li diġà tikkostitwixxi preġudizzju għall-funzjoni ta’ indikazzjoni ta’ oriġini tat-trade mark u li għandha tiġi suġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza Bristol-Myers Squibb et jew, għall-inqas, għall-kundizzjoni ta’ neċessità. Issa, is-sostituzzjoni tat-tikketta fiċ-ċirkustanzi deskritti iktar ’il fuq ma hijiex neċessarja għat-tqegħid fis-suq ta’ ċilindri mimlija mill-ġdid bid-dijossidu tal-karbonju peress li t-twaħħil, fuq iċ-ċilindru mimli mill-ġdid, ta’ sticker li jippermetti li tiġi ppreżentata l-informazzjoni dwar il-persuna li tkun wettqet il-mili mill-ġdid ikun inqas leżiv tad-drittijiet tal-proprjetarju tat-trade mark. Għaldaqstant, SodaStream għandha dritt topponi l-prattika ta’ MySoda. SodaStream tinvoka wkoll, bħala raġuni leġittima oħra għal din l-oppożizzjoni, l-impressjoni żbaljata li tirriżulta mill-prattika ta’ MySoda f’dak li jirrigwarda l-eżistenza ta’ rabta ekonomika bejnha u din tal-aħħar.

14.

Min-naħa tagħha, MySoda ssostni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza Bristol-Myers Squibb et ma japplikawx għall-każ inkwistjoni, peress li dan il-każ jirrigwarda l-kummerċ intern għal Stat Membru wieħed biss. MySoda ma tippakkjax mill-ġdid prodott oriġinali mibjugħ fl-ambitu ta’ importazzjoni parallela. Il-bidla ta’ tikketta ma tippreġudikax il-funzjoni tat-trade mark peress li l-pubbliku rilevanti jifhem li t-tikketta li hija twaħħal tindika biss l-oriġini tad-dijossidu tal-karbonju u l-persuna li mliet iċ-ċilindru filwaqt li l-inċiżjoni miktuba fuq iċ-ċilindru li tindika l-oriġini tiegħu tibqa’ tidher. Fi kwalunkwe każ, is-sostituzzjoni tat-tikketta ta’ SodaStream hija tabilħaqq neċessarja għaliex mit-twaħħil ta’ sempliċi sticker fuq iċ-ċilindru mimli mill-ġdid tirriżulta probabbiltà ikbar ta’ konfużjoni dwar l-identità tal-aħħar persuna li mliet iċ-ċilindru mill-ġdid, peress li dawn iċ-ċilindri huma intiżi li jimtlew mill-ġdid diversi drabi. Is-sostituzzjoni tat-tikketta tippermetti li tiġi evitata sitwazzjoni fejn l-istess prodott ikollu diversi barcodes u, barra minn hekk, sikwit tkun neċessarja meta t-tikketta oriġinali tkun saritilha ħsara jew tkun inqalgħet. MySoda tindika li hija tikkonforma ruħha ma’ dik li hija prattika stabbilita sewwa fil-Finlandja, tant li din tintuża minn SodaStream stess. Fl-aħħar nett, MySoda speċifikat, quddiem il-qorti tar-rinviju, li hija ma hijiex l-unika kumpannija li topera fis-suq tal-mili mill-ġdid taċ-ċilindri tad-dijossidu tal-karbonju u li, għaldaqstant, huwa wkoll possibbli li t-tikketti li hija tissostitwixxi ma jkunux dawk ta’ SodaStream iżda pjuttost dawk tal-persuni preċedenti li jkunu mlew iċ-ċilindri mill-ġdid.

15.

Il-qorti tar-rinviju tqis li d-dritt tal-Unjoni ma jipprevedix regoli ċari u ddettaljati dwar iċ-ċirkustanzi li fihom jeżistu raġunijiet leġittimi li jiġġustifikaw li l-proprjetarju ta’ trade mark jopponi l-kummerċjalizzazzjoni ulterjuri tal-prodotti mqiegħda fis-suq. Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, jeżisti riskju, għall-inqas fil-każ ta’ ppakkjar mill-ġdid ta’ prodotti mediċinali importati b’mod parallel li jinkludi l-ittikkettjar mill-ġdid, li tinkiser il-garanzija ta’ oriġini tat-trade mark. Għaldaqstant, tali ppakkjar mill-ġdid jaffettwa l-għan speċifiku tat-trade mark ( 10 ). Skont ġurisprudenza stabbilita, il-proprjetarju tat-trade mark jista’ jipprojbixxi l-bejgħ ta’ prodotti ppakkjati mill-ġdid, sakemm id-distributur ma jipprovax li l-prattika tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza Bristol-Myers Squibb et ( 11 ). Il-proprjetarju tat-trade mark għalhekk jista’ jipprojbixxi l-ippakkjar mill-ġdid tal-prodott, sakemm l-ippakkjar mill-ġdid ma jkunx neċessarju sabiex jippermetti l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti importati b’mod parallel u sakemm, barra minn hekk, l-interessi leġittimi tal-proprjetarju tat-trade mark ma jiġux issalvagwardati ( 12 ). Il-qorti tar-rinviju tirrileva wkoll li mis-sentenza Viking Gas, li fiha madankollu la hemm riferiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-ippakkjar mill-ġdid u lanqas għall-kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza Bristol-Myers Squibb et, jirriżulta li, fil-każ fejn persuna li mliet mill-ġdid ċilindri tal-gass imqiegħda fis-suq fl-istess Stat Membru tkun waħħlet it-tikketti tagħha stess fuq dawn iċ-ċilindri, tista’ teżisti raġuni leġittima sabiex tiġi opposta l-prattika tal-persuna li timla ċ-ċilindru mill-ġdid, b’mod partikolari meta l-użu li jsir mit-trade mark jagħti l-impressjoni li teżisti rabta ekonomika bejn il-proprjetarju tat-trade mark u l-persuna li mlietu mill-ġdid ( 13 ).

16.

Il-qorti tar-rinviju tikkonstata, minn naħa, li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax b’mod ċar jekk il-kundizzjoni ta’ neċessità, kif iddefinita fis-sentenza Bristol-Myers Squibb et, tapplikax għall-ippakkjar mill-ġdid ta’ prodotti kkummerċjalizzati fl-istess Stat Membru. Il-qorti tar-rinviju ma hijiex ċerta li tista’ tikklassifika l-operazzjoni li twettaq MySoda bħala “ippakkjar mill-ġdid” fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, din tirrigwarda ċilindri li huma intiżi li jimtlew diversi għexieren ta’ drabi. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar il-fatt jekk huwiex determinanti li l-pubbliku rilevanti jifhem li t-tikketta tindika biss l-oriġini tad-dijossidu tal-karbonju, anki jekk il-proprjetarju tat-trade mark, meta ċ-ċilindru tad-dijossidu tal-karbonju inizjalment tqiegħed fis-suq, waħħal fuq dan iċ-ċilindru t-tikketta li fuqha tidher it-trade mark tiegħu stess, sabiex jindika l-oriġini tal-imsemmi ċilindru. Lanqas ma huwa evidenti li jiġi ddeterminat jekk il-konklużjonijiet misluta mis-sentenza Viking Gas jistgħux japplikaw fil-kuntest tal-kawża prinċipali għaliex din is-sentenza kienet tirrigwarda trade marks imwaħħla fuq iċ-ċilindri tal-gass mill-proprjetarju tat-trade mark li kien inizjalment qiegħed dawn iċ-ċilindri fis-suq mingħajr ma l-imsemmija trade marks qatt tneħħew jew tgħattew mill-ġdid. Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, hija biss it-trade mark imnaqqxa fuq l-għonq taċ-ċilindru tad-dijossidu tal-karbonju li tibqa’ tidher.

17.

Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u, b’mod partikolari, tas-sentenza Loendersloot ( 14 ), kultant jista’ jirriżulta li jkun suffiċjenti li fuq ċilindri jitwaħħal sempliċi sticker li jsemmi informazzjoni supplimentari, mingħajr ma jkun neċessarju li titneħħa t-tikketta mwaħħla mill-proprjetarju tat-trade mark li qiegħed ċilindri fiċ-ċirkulazzjoni. Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li l-kundizzjoni ta’ neċessità ma tkunx issodisfatta meta l-prattika kkonċernata tkun intiża esklużivament li tfittex vantaġġ kummerċjali ( 15 ). Iċ-ċilindri mimlija mill-ġdid bid-dijossidu tal-karbonju għandhom isemmu l-informazzjoni dwar il-persuna li mliet dawn iċ-ċilindri mill-ġdid. Jekk jitqies li l-kundizzjonijiet tas-sentenza Bristol-Myers Squibb et huma applikabbli, u b’mod partikolari dik dwar in-neċessità, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk għandux jittieħed inkunsiderazzjoni l-użu taċ-ċilindri. Fil-fatt, peress li ċ-ċilindri tad-dijossidu tal-karbonju huma intiżi li jimtlew mill-ġdid sabiex jintużaw mill-ġdid, tista’ tqum il-kwistjoni tal-permanenza fiż-żmien tat-tikketti mwaħħla mill-proprjetarju tat-trade mark li qiegħed l-imsemmija ċilindri fis-suq. B’mod iktar speċifiku, għandu jiġi ddeterminat jekk it-tqattigħ jew il-qlugħ tat-tikketta mwaħħla mill-proprjetarju tat-trade mark fuq iċ-ċilindru, jew il-fatt li persuna oħra li wettqet il-mili mill-ġdid tkun diġà ssostitwixxiet it-tikketta oriġinali bit-tikketta tagħha stess, jistgħux jitqiesu li huma ċirkustanzi li jiġġustifikaw li l-iskambju jew is-sostituzzjoni tat-tikketta b’dik tal-persuna li mliet iċ-ċilindru mill-ġdid jitqiesu li huma neċessarji għat-tqegħid fis-suq taċ-ċilindru mimli mill-ġdid.

18.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi proċeduri quddiemha u, permezz ta’ deċiżjoni li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid‑29 ta’ Marzu 2021, li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lil din tal-aħħar:

“1.

Il-kundizzjonijiet imsejħa Bristol-Myers Squibb iddefiniti fil-ġurisprudenza [tal-Qorti tal-Ġustizzja] dwar l-ippakkjar mill-ġdid u l-ittikkettjar mill-ġdid fil-kuntest ta’ importazzjonijiet paralleli u, b’mod partikolari, il-kundizzjoni msejħa ta’ ‘neċessità’, japplikaw ukoll fil-każ ta’ ppakkjar mill-ġdid jew ittikkettjar mill-ġdid ta’ prodotti li jkunu tqiegħdu fis-suq fi Stat Membru mill-proprjetarju tat-trade mark jew bil-kunsens tiegħu għall-finijiet tal-bejgħ mill-ġdid tagħhom fl-istess Stat Membru?

2.

Meta, fil-mument tat-tqegħid fis-suq ta’ ċilindru li jkun fih id-dijossidu tal-karbonju, il-proprjetarju tat-trade mark ikun waħħal it-trade mark tiegħu fuqu, li mhux biss tkun miktuba fuq it-tikketta taċ-ċilindru, iżda tkun ukoll imnaqqxa fuq għonqu, il-kundizzjonijiet imsejħa Bristol-Myers Squibb imsemmija iktar ’il fuq u, b’mod partikolari, il-kundizzjoni ta’ ‘neċessità’, japplikaw anki meta terz jerġa’ jimla ċ-ċilindru bid-dijossidu tal-karbonju għall-bejgħ mill-ġdid tiegħu, u jneħħi t-tikketta oriġinali miċ-ċilindru u jibdilha b’tikketta li jkollha s-sinjal ta’ dak it-terz, filwaqt li, barra minn hekk, it-trade mark tal-persuna li tkun qiegħdet iċ-ċilindru fis-suq tkun għadha tidher fuq l-inċiżjoni miktuba fuq l-għonq taċ-ċilindru?

3.

Fiċ-ċirkustanzi msemmija iktar ’il fuq, jista’ jitqies li t-tneħħija u s-sostituzzjoni tat-tikketta li jkollha t-trade mark jippreġudikaw, bħala prinċipju, il-funzjoni tat-trade mark, li hija indikatriċi tal-oriġini taċ-ċilindru, jew huwa sinjifikattiv, fir-rigward tal-applikabbiltà tal-kundizzjonijiet għall-ippakkjar mill-ġdid u l-ittikkettar mill-ġdid, li:

il-pubbliku rilevanti jitqies li jifhem li t-tikketta tindika biss l-oriġini tad-dijossidu tal-karbonju li jinsab fiċ-ċilindru (u għalhekk il-persuna li reġgħet imliet iċ-ċilindru); jew

il-pubbliku rilevanti jitqies li jifhem li t-tikketta tindika wkoll, għallinqas parzjalment, l-oriġini taċ-ċilindru?

4.

Safejn l-irtirar jew is-sostituzzjoni tat-tikketta mwaħħla maċ-ċilindri tad-dijossidu tal-karbonju huma evalwati fid-dawl tal-kundizzjoni ta’ ‘neċessità’, it-tqattigħ jew il-qlugħ eventwali tat-tikketti mwaħħla maċ-ċilindri mqiegħda fis-suq mill-proprjetarju tat-trade mark, jew it-tneħħija jew is-sostituzzjoni tagħhom minn persuna li kienet diġà mliethom qabel, jistgħu jikkostitwixxu ċirkustanza tali li tiġġustifika li s-sostituzzjoni regolari tat-tikketti bit-tikketta tal-persuna li timla ċ-ċilindri mill-ġdid għandha titqies neċessarja għall-kummerċjalizzazzjoni taċ-ċilindri mimlija mill-ġdid?”

19.

MySoda, SodaStream, il-Gvern Finlandiż kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

III. Analiżi

20.

Qabel ma nwettaq l-analiżi tad-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, nispeċifika li ser nirreferi f’dawn il-konklużjonijiet għad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament 2017/1001 u tad-Direttiva 2015/2436, jiġifieri, b’mod partikolari, l-Artikolu 15 tar-Regolament 2017/1001 u l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2015/2436 ( 16 ). Sa fejn il-fatti allegati fil-konfront ta’ MySoda bdew fl‑2016, u fid-dawl tax-xebh bejn id-dispożizzjonijiet iddedikati għall-eżawriment tad-dritt mogħti mit-trade marks nazzjonali u tal-Unjoni, l-argumenti li ser ikunu ddedikati għall-Artikolu 15 tar-Regolament 2017/1001 u għall-Artikolu 15 tad-Direttiva 2015/2436 ser japplikaw ukoll għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet korrispondenti li jinsabu fl-atti li kienu fis-seħħ qabel ( 17 ). Għal din l-istess raġuni, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet preċedenti tibqa’ rilevanti għar-riżoluzzjoni tal-kawża prinċipali.

A.   Fuq l‑ewwel, it‑tieni u r‑raba’ domanda preliminari

21.

Permezz tal-ewwel, tat-tieni u tar-raba’ domanda preliminari, li, fil-fehma tiegħi, għandhom jiġu kkunsidrati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja tispeċifika jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza Bristol-Myers Squibb et humiex intiżi li japplikaw f’każ fejn il-prodotti jinbiegħu mill-ġdid minn terz, wara l-ewwel tqegħid fis-suq fl-Unjoni mill-proprjetarju tat-trade mark, fl-istess Stat Membru bħal dak tal-ewwel tqegħid fis-suq. Barra minn hekk, hija tistaqsi jekk dawn il-kundizzjonijiet, u b’mod partikolari dik relatata man-neċessità, japplikawx fil-każ fejn terz jimla ċ-ċilindru mill-ġdid bid-dijossidu tal-karbonju bil-għan li dan jinbiegħ mill-ġdid, ineħħi t-tikketta oriġinali minn fuqu u jissostitwixxieha bit-tikketta tiegħu stess filwaqt li jħalli tidher it-trade mark tal-proprjetarju li tkun imnaqqxa fuq l-għonq taċ-ċilindru. Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar x’effett jista’ jkollu fuq l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ neċessità ta’ ppakkjar mill-ġdid il-fatt li, min-natura tagħhom stess, it-tikketti mwaħħla mill-proprjetarju tat-trade mark fuq ċilindri li huma intiżi li jimtlew mill-ġdid u jintużaw mill-ġdid diversi drabi ser jiġu ddegradati, jew saħansitra jinqalgħu, b’mod li s-sostituzzjoni regolari tagħhom issir neċessarja għall-finijiet tal-kummerċjalizzazzjoni ulterjuri tagħhom. Dawn id-domandi huma magħmula sabiex jiġi deċiż jekk SodaStream għandhiex dritt topponi l-prattika ta’ MySoda.

22.

L-uniku għan ta’ din il-possibbiltà ta’ oppożizzjoni, li tikkostitwixxi deroga mill-prinċipju fundamentali ta’ moviment liberu tal-merkanzija, huwa li jiġu ssalvagwardati d-drittijiet li jaqgħu taħt l-għan speċifiku tat-trade mark, mifhum fid-dawl tal-funzjoni essenzjali ta’ din tal-aħħar ( 18 ). L-għan speċifiku tad-dritt ta’ trade mark huwa b’mod partikolari li l-proprjetarju jiġi żgurat id-dritt esklużiv li juża t-trade mark għall-ewwel tqegħid ta’ prodott fis-suq u li b’dan il-mod ikun protett kontra l-kompetituri li jkunu jixtiequ jabbużaw mill-pożizzjoni u mir-reputazzjoni tat-trade mark billi jbigħu prodotti mogħnija indebitament b’din it-trade mark ( 19 ). Il-funzjoni essenzjali tat-trade mark hija li tiggarantixxi lill-konsumatur jew lill-utent finali l-identità tal-oriġini tal-prodott bit-trade mark, billi jkun jista’ jiddistingwi, mingħajr konfużjoni possibbli, dan il-prodott minn dawk li għandhom oriġini oħra ( 20 ). Madankollu, sa fejn jikkostitwixxi neċessarjament limitazzjoni għall-prinċipju fundamentali ta’ moviment liberu tal-merkanzija, id-dritt tal-proprjetarju tat-trade mark li jopponi l-kummerċjalizzazzjoni ulterjuri tal-prodotti li jkollhom it-trade mark tiegħu ma huwiex mingħajr limitu.

23.

Il-kwistjoni tal-eżawriment tad-dritt mogħti mit-trade mark tal-Unjoni jew mit-trade mark nazzjonali hija għaldaqstant irregolata fl-Artikolu 15 tar-Regolament 2017/1001 u fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2015/2436. Dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet ifittxu b’mod partikolari, f’termini simili, li jikkonċiljaw l-interessi fundamentali tal-protezzjoni tad-drittijiet ta’ trade mark u dawk tal-moviment liberu tal-merkanzija bejn l-Istati Membri ( 21 ). Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-proprjetarju tat-trade mark ma jistax, bħala prinċipju, jopponi l-użu tal-imsemmija trade mark ladarba jkun seħħ l-ewwel tqegħid fis-suq mill-proprjetarju tat-trade mark jew bil-kunsens tiegħu ( 22 ). Il-prinċipju ta’ eżawriment tad-dritt mogħti mit-trade mark li jistabbilixxu dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet għalhekk jikkostitwixxi l-limitu għad-drittijiet ta’ esklużività li barra minn hekk huma rrikonoxxuti lill-proprjetarji ta’ trade mark. Ir-relazzjonijiet bejn din l-esklużività u l-moviment liberu tal-merkanzija ntwerew, diversi drabi, fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 23 ). Għaldaqstant, għalkemm il-proprjetà tat-trade mark twassal, minnha nnifisha, għal restrizzjoni neċessarja għall-moviment liberu tal-merkanzija fl-interess tal-protezzjoni tal-proprjetà industrijali u kummerċjali, l-intensità ta’ din il-protezzjoni tonqos mal-iżvelar tar-riskji antikompetittivi għas-suq, b’mod partikolari ta’ kompartimentalizzazzjoni.

24.

Huwa paċifiku bejn il-partijiet li ċ-ċilindri kkonċernati tqiegħdu fiċ-ċirkulazzjoni għall-ewwel darba fit-territorju Finlandiż minn SodaStream, il-proprjetarja tat-trade mark. Jekk wieħed jibbaża ruħu fuq il-kunsiderazzjonijiet preċedenti, din tal-aħħar ma tistax topponi l-prattika inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

25.

Madankollu, ma jkunx hemm eżawriment tad-dritt mogħti mit-trade mark jekk il-proprjetarju tagħha jista’ jkollu raġuni leġittima sabiex jopponi l-kummerċjalizzazzjoni ulterjuri tal-prodotti ( 24 ). Għalkemm il-bidla fil-kundizzjoni tal-prodotti u l-ħsara li ssirilha jissemmew fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament 2017/1001 u fl-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2015/2436 bħala eżempji, dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprovdux lista eżawrjenti tar-raġunijiet leġittimi li jistgħu jostakolaw l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ eżawriment ( 25 ).

26.

Fil-kuntest ta’ importazzjoni parallela ta’ prodotti farmaċewtiċi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod partikolari li l-Artikolu 7(2) tal-ewwel Direttiva 89/104 kellu jiġi interpretat fis-sens li l-proprjetarju tat-trade mark jista’ leġittimament jopponi l-kummerċjalizzazzjoni ulterjuri ta’ prodott farmaċewtiku, meta l-importatur ikun ippakkja mill-ġdid l-imsemmi prodott u jkun waħħal mill-ġdid fuqu t-trade mark tal-proprjetarju, ħlief jekk, l-ewwel, jiġi stabbilit li l-użu tad-dritt ta’ trade mark mill-proprjetarju sabiex jopponi l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti ppakkjati mill-ġdid taħt din it-trade mark jikkontribwixxi għall-kompartimentalizzazzjoni artifiċjali tas-swieq bejn Stati Membri, it-tieni, jiġi pprovat li l-ippakkjar mill-ġdid ma jistax jaffettwa l-kundizzjoni oriġinali tal-prodott li jinsab fl-imballaġġ, it-tielet, jiġi indikat b’mod ċar fuq l-imballaġġ il-ġdid l-awtur tal-ippakkjar mill-ġdid tal-prodott u l-isem tal-manifattur tiegħu, ir-raba’, il-preżentazzjoni tal-prodott ippakkjat mill-ġdid ma tkunx tali li tista’ tagħmel ħsara għar-reputazzjoni tat-trade mark u għal dik tal-proprjetarju tagħha u, fl-aħħar, l-importatur javża lill-proprjetarju tat-trade mark qabel it-tqegħid għall-bejgħ tal-prodott ippakkjat u jipprovdilu, fuq talba tiegħu, kampjun tal-prodott ippakkjat mill-ġdid ( 26 ). Huwa suffiċjenti li waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza Bristol-Myers Squibb et ma tkunx issodisfatta sabiex il-proprjetarju tat-trade mark ikun jista’ leġittimament jopponi l-kummerċjalizzazzjoni ulterjuri ta’ prodott farmaċewtiku bit-trade mark tiegħu u li kien is-suġġett ta’ ppakkjar mill-ġdid ( 27 ).

27.

Għaldaqstant, l-evalwazzjoni tad-dritt ta’ SodaStream li topponi l-prattika ta’ MySoda teħtieġ li jiġi ddeterminat jekk din il-prattika tikkostitwixxix ippakkjar mill-ġdid fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-tieni domanda) ( 28 ). Sussegwentement, għandu jiġi ddeterminat jekk l-insenjamenti li jirriżultaw mis-sentenza Bristol-Myers Squibb et japplikawx biss għal sitwazzjonijiet ta’ importazzjoni parallela li jinvolvu neċessarjament il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott ikkonċernat fit-territorju ta’ Stat Membru differenti minn dak tal-ewwel tqegħid fis-suq (l-ewwel domanda). Fl-aħħar nett, għandu jiġi evalwat jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti f’din is-sentenza ġewx stabbiliti speċifikament fid-dawl tat-tip partikolari ta’ prodotti li dwarhom kienet tittratta din is-sentenza, jiġifieri prodotti farmaċewtiċi, qabel ma tkun tista’ tiġi kkunsidrata l-applikazzjoni tal-kundizzjoni ta’ neċessità, fis-sens tal-imsemmija sentenza, għaċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali.

1. Fuq l‑eżistenza ta’ ppakkjar mill‑ġdid

28.

Fuq il-kwistjoni jekk il-prattika ta’ MySoda inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxix ippakkjar mill-ġdid, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, tabilħaqq f’kuntest ieħor, li “t-tqegħid ta’ tikketta mill-ġdid fuq prodotti mediċinali li għandhom Trade Mark, l-istess bħall-ippakkjar ġdid tagħhom, jippreġudika l-għan speċifiku tat-Trade Mark […]. Fil-fatt, il-modifika li hija involuta bi kwalunkwe ppakkjar ġdid jew tqegħid ta’ tikketta mill-ġdid fuq prodott mediċinali li għandu Trade Mark toħloq minnha nfisha riskji reali għall-garanzija ta’ oriġini li tipprova tiżgura t-Trade Mark” ( 29 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja sussegwentement speċifikat li t-twaħħil ta’ tikketta ta’ daqs żgħir fuq imballaġġ ta’ mezzi mediċi oriġinali, li barra minn hekk ikun tħalla intatt u mhux miftuħ, li ma taħbix it-trade mark oriġinali u li tkun limitata li tindika lill-importatur parallel bħala l-persuna responsabbli għat-tqegħid fis-suq billi tindika d-dettalji tiegħu, barcode u numru farmakoloġiku ċentrali, ma jikkostitwixxix ippakkjar mill-ġdid. Peress li ma tistax taffettwa l-għan speċifiku tat-trade mark, tali operazzjoni ma tikkostitwixxix raġuni leġittima li tista’ tiġġustifika li l-proprjetarju tat-trade mark jopponi l-kummerċjalizzazzjoni ulterjuri tal-prodott ikkonċernat ( 30 ). Madankollu, ma jidhirlix li huwa possibbli li l-prattika inkwistjoni fil-kawża prinċipali deskritta fil-punt 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet tiġi ridotta għal din l-ipoteżi tal-aħħar. Fil-fatt, MySoda tiftaħ iċ-ċilindri tad-dijossidu tal-karbonju, timmanipulahom, tispezzjonahom, tnaddafhom u mbagħad timliehom qabel ma tissiġillahom u twettaq l-ittikkettjar mill-ġdid tagħhom ( 31 ). Lanqas ma jista’ jiġi eskluż li l-għan speċifiku tat-trade mark jista’, konsegwentement, jiġi affettwat, minkejja li t-trade mark ta’ SodaStream imnaqqxa fuq l-għonq tibqa’ tidher ( 32 ). Għalhekk hemm tabilħaqq ippakkjar mill-ġdid taċ-ċilindri tad-dijossidu tal-karbonju li inizjalment tqiegħdu fiċ-ċirkulazzjoni fis-suq Finlandiż minn din tal-aħħar.

2. Fuq in‑natura trasponibbli, fil‑kuntest tal‑kawża prinċipali, tal‑kundizzjonijiet tas‑sentenza Bristol-Myers Squibb et

29.

Fuq il-kwistjoni tar-rabta bejn il-kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza Bristol-Myers Squibb et u s-sitwazzjonijiet ta’ importazzjoni parallela, nosserva qabelxejn li, għalkemm il-kawża prinċipali tirrigwarda effettivament sitwazzjoni li sseħħ fis-suq Finlandiż, it-tikketti mwaħħla minn MySoda huma fformulati b’ħames lingwi, u b’hekk jiżvelaw potenzjalità sħiħa ta’ eventwali tixrid taċ-ċilindri mimlija mill-ġdid lil hinn mis-sempliċi territorju Finlandiż.

30.

Nirrileva wkoll li l-kundizzjonijiet stabbiliti f’din is-sentenza, għall-inqas mill-perspettiva tal-formulazzjoni tagħhom, huma kompletament trasponibbli f’sitwazzjoni bħal dik tal-kawża prinċipali għaliex, fl-aħħar mill-aħħar, jirrigwardaw il-portata tal-protezzjoni mogħtija mit-trade mark u l-limiti tagħha. F’dan ir-rigward, naqbel ma’ SodaStream meta ssostni li l-interess tal-proprjetarju tat-trade mark li jikseb protezzjoni kontra eventwali ksur tal-garanzija ta’ oriġini tal-prodott bit-trade mark tiegħu huwa l-istess kemm jekk dan il-ksur iseħħ fit-territorju tal-istess Stat Membru li fih il-prodott ikkonċernat tqiegħed fis-suq għall-ewwel darba kemm jekk iseħħ fit-territorju ta’ Stat Membru differenti.

31.

Fuq kollox, il-protezzjoni tal-proprjetà industrijali ma tistax tasal sal-punt li tilleġittima suq magħluq, u għalhekk kompetizzjoni distorta ( 33 ). Issa, fil-fehma tiegħi, ir-riskji għas-suq huma paragunabbli peress li l-oppożizzjoni għall-ippakkjar mill-ġdid jista’ jkollha l-konsegwenza immedjata li tikkontribwixxi għall-kompartimentalizzazzjoni artifiċjali tas-suq, anki jekk nazzjonali. Għalhekk intendi li nqis, flimkien mal-Kummissjoni, li l-limitazzjoni tal-prattika għal Stat Membru wieħed biss ma hijiex deċiżiva fil-mument li jiġi ddeterminat jekk humiex applikabbli l-kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza Bristol-Myers Squibb et. Li kieku kellu jiġi deċiż mod ieħor, ir-riskju jkun li lil SodaStream tiġi rrikonoxxuta l-possibbiltà li tibbenefika b’mod inkundizzjonat mill-bejgħ mill-ġdid futur tal-prodotti tagħha stess. Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għamlitx riferiment għas-sentenza Bristol-Myers Squibb et fis-sentenza Viking Gas tagħha, meta din ukoll kienet tirrigwarda sitwazzjoni ta’ mili mill-ġdid ta’ ċilindri tal-gass limitata għat-territorju ta’ Stat Membru wieħed biss. Madankollu, dak il-każ kien jirrigwarda operazzjoni differenti, analizzata qabel kollox mill-perspettiva tal-libertà ta’ għażla u tad-dritt għall-proprjetà tal-konsumatur li kien xtara ċ-ċilindru tal-gass meta tqiegħed fis-suq għall-ewwel darba ( 34 ). Il-kwistjoni tad-dritt tal-kompetituri li jwettqu l-mili mill-ġdid u l-iskambju taċ-ċilindri tal-gass qamet biss fl-aħħar nett tal-analiżi ( 35 ), filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja llimitat ruħha, fid-dispożittiv tas-sentenza, li tfakkar ir-rekwiżit ta’ “raġuni ġusta”, mingħajr ma speċifikat il-kundizzjonijiet ta’ dan ir-rekwiżit ( 36 ). Barra minn hekk, kif irrilevat ġustament il-qorti tar-rinviju, it-trade mark ikkonċernata f’din il-kawża la kienet tneħħiet u lanqas ma kienet tgħattiet mill-ġdid.

32.

Fuq il-fatt jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza Bristol-Myers Squibb et humiex speċifiċi għall-prodotti farmaċewtiċi u għall-mezzi mediċi, minn naħa, qari ta’ din is-sentenza ma jidhirlix li jillimita dawn il-kundizzjonijiet għal dan it-tip ta’ prodotti ( 37 ) u, min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li dan ma huwiex il-każ ( 38 ), billi l-element li jiskatta l-applikazzjoni tal-imsemmija kundizzjonijiet jirriżulta mhux mill-kwalità tal-prodotti iżda mill-fatt li prodott bit-trade mark kien is-suġġett ta’ intervent imwettaq minn terz mingħajr awtorizzazzjoni tal-proprjetarju tat-trade mark u jista’ joħloq distorsjoni tal-garanzija ta’ oriġini li tagħti t-trade mark ( 39 ). Għalhekk ma nikkondividix il-qari tal-punti 27 u 28 tas-sentenza Junek Europ-Vertrieb ( 40 ) li tipproponi l-Kummissjoni għaliex mill-imsemmija punti ma jirriżultax li l-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet, bħala prinċipju, l-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza Bristol-Myers Squibb et għall-prodotti li ma humiex farmaċewtiċi. Fil-fehma tiegħi, dawn il-punti joperaw biss bħala tfakkir tal-kuntest, b’mod partikolari fattwali, li wassal għall-adozzjoni tal-ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja.

33.

Għalhekk minn dawn l-elementi kollha jirriżulta li xejn ma jidher li jipprekludi li l-kundizzjoni ta’ neċessità kif stabbilita fis-sentenza Bristol-Myers Squibb et tiġi applikata fil-kuntest tal-kawża prinċipali.

3. Fuq il‑kundizzjoni ta’ neċessità fis‑sens tas‑sentenza Bristol-Myers Squibb et

34.

Minn din il-kundizzjoni, kif ifformulata fis-sentenza Bristol-Myers Squibb et, jirriżulta li l-proprjetarju tat-trade mark jista’ leġittimament jopponi l-kummerċjalizzazzjoni ulterjuri ta’ prodott meta l-importatur ikun ippakkja l-prodott mill-ġdid u jkun waħħal it-trade mark mill-ġdid fuqu sakemm, b’mod partikolari, ma jiġix stabbilit li l-użu tad-dritt ta’ trade mark mill-proprjetarju sabiex jopponi l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti ppakkjati mill-ġdid taħt din it-trade mark jikkontribwixxi għall-kompartimentalizzazzjoni artifiċjali tas-swieq bejn Stati Membri – jew, f’dan il-każ, tas-suq (sekondarju) nazzjonali. Dan huwa b’mod partikolari l-każ, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-ippakkjar mill-ġdid ikun, minn naħa, neċessarju għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott fl-Istat Membru ta’ importazzjoni u, min-naħa l-oħra, twettaq f’ċirkustanzi tali li l-kundizzjoni oriġinali tal-prodott ma tistax tiġi affettwata minnu ( 41 ). Is-setgħa tal-propretarju ta’ dritt ta’ trade mark protett fi Stat Membru li jopponi l-kummerċjalizzazzjoni taħt it-trade mark ta’ prodotti ppakkjati mill-ġdid għandha tiġi llimitata biss sa fejn l-ippakkjar mill-ġdid li jkun wettaq l-importatur huwa neċessarju sabiex il-prodott jiġi kkummerċjalizzat ( 42 ). Fil-każijiet l-oħra kollha, il-kundizzjoni ta’ neċessità ser tiġi eżaminata fid-dawl tal-funzjoni essenzjali rrikonoxxuta lit-trade mark ( 43 ).

35.

Għaldaqstant, l-ippakkjar mill-ġdid huwa neċessarju għat-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni tal-prodott ikkonċernat fi Stat Membru ieħor meta l-bidla fl-imballaġġ tkun iddettata minn rekwiżiti regolamentari ( 44 ). Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ippakkjar mill-ġdid ma jidhirx li huwa neċessarju meta dan jiġi spjegat biss bit-tfittxija, mill-importatur parallel, ta’ vantaġġ ekonomiku ( 45 ).

36.

Il-kundizzjoni ta’ neċessità ser tiġi evalwata biss fid-dawl tal-fatt li jitwettaq ippakkjar mill-ġdid tal-prodott sabiex tkun tista’ ssir il-kummerċjalizzazzjoni ulterjuri tiegħu u mhux tal-mod jew tal-istil li skont huma jitwettaq dan l-ippakkjar mill-ġdid ( 46 ). Madankollu, il-kundizzjoni ta’ neċessità ma hijiex awtosuffiċjenti, għaliex ladarba tiġi vverifikata n-neċessità tal-ippakkjar mill-ġdid, ikun irid jiġi żgurat ukoll li l-interessi leġittimi tal-proprjetarju tat-trade mark ikunu protetti sabiex jiġi konkluż li huwa ma jistax jopponi l-bejgħ mill-ġdid tal-prodott tiegħu ( 47 ), u huwa matul dan l-istadju suċċessiv li l-mod jew l-istil tal-ippakkjar mill-ġdid ser jiġi eżaminat.

37.

Għandu wkoll jitfakkar ir-rwol, fl-analiżi tal-kundizzjoni ta’ neċessità, li għandu jiġi rrikonoxxut lit-trade mark f’sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta. Kif sostniet il-Kummissjoni, inqis li l-kundizzjoni marbuta man-neċessità tal-ippakkjar mill-ġdid għandha tiġi applikata filwaqt li wieħed iżomm f’moħħu r-rekwiżit li jiġu bbilanċjati l-interessi tal-proprjetarju tat-trade mark u, f’dan il-każ, l-interessi tal-bejjiegħa mill-ġdid. F’dan ir-rigward, nenfasizza li l-operazzjoni li twettaq MySoda hija iktar elaborata minn sempliċi bejgħ mill-ġdid ta’ ċilindru diġà mqiegħed fis-suq, għaliex dan iċ-ċilindru ser jimtela mill-ġdid bid-dijossidu tal-karbonju minn MySoda.

38.

Għalkemm hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi li jikkaratterizzaw il-kawża prinċipali, l-ippakkjar mill-ġdid imwettaq minn MySoda huwiex neċessarju għall-finijiet tal-kummerċjalizzazzjoni taċ-ċilindri tad-dijossidu tal-karbonju mimlija mill-ġdid, l-imsemmija qorti titlob manifestament lill-Qorti tal-Ġustizzja tiggwida din l-evalwazzjoni.

39.

SodaStream tqiegħed fis-suq prodotti intiżi li jintużaw mill-ġdid ( 48 ). Hija tallega li MySoda torganizza hija stess l-użu mill-ġdid u l-mili mill-ġdid taċ-ċilindri bit-trade mark ta’ SodaStream. SodaStream ma għandhiex mezzi oħra legali sabiex topponi l-attività ta’ MySoda – li, barra minn hekk, tidher li hija rrikonoxxuta u rregolata mil-leġiżlazzjoni għall-inqas nazzjonali, f’dak li jirrigwarda sustanza kklassifikata bħala li hija perikoluża bħalma huwa d-dijossidu tal-karbonju – ħlief li tinvoka d-dritt ta’ trade mark tagħha fuq iċ-ċilindru.

40.

Għaldaqstant, minn żewġ possibbiltajiet trid tintgħażel waħda minnhom.

41.

Minn naħa, peress li l-attività mwettqa minn MySoda tidher li hija legali, u konformi mal-użu tal-prodotti mqiegħda fis-suq minn SodaStream, wieħed jimmaġina li MySoda twettaq l-attività tagħha ta’ mili iżda li hija pprojbita, f’isem id-drittijiet misluta mit-trade mark, milli tneħħi t-tikketta. Ikun fiċ-ċirkulazzjoni prodott li lilu jkun manifestament ingħata valur miżjud minn operatur li ma huwiex il-proprjetarju tat-trade mark iżda li jkollu fuqu biss it-tikketta ta’ dan tal-aħħar. It-trade mark bħala garanzija ta’ oriġini tabilħaqq tipproduċi l-effetti tagħha kompletament f’dak li jirrigwarda ċ-ċilindru, iżda tonqos milli tagħmel dan f’dak li jirrigwarda l-gass innifsu u s-servizz ta’ mili. Tali sitwazzjoni, purament teoretika, tkun, barra minn hekk, problematika f’dak li jirrigwarda l-attribuzzjoni tar-responsabbiltà fil-każ ta’ problemi wara l-mili mill-ġdid għaliex din ir-responsabbiltà tista’, b’mod żbaljat, tidher li taqa’ fuq il-proprjetarju tat-trade mark taċ-ċilindru, u mhux fuq l-operatur li wettaq il-mili mill-ġdid ta’ dan iċ-ċilindru. Kif semmejt iktar ’il fuq, l-operazzjoni li twettaq MySoda ma hijiex sempliċi bejgħ mill-ġdid taċ-ċilindru. F’tali sitwazzjoni, l-ittikkettjar ma jirriflettix il-kundizzjoni reali tal-prodott kif għandu, abbażi tal-użu tiegħu, jiġi kkummerċjalizzat fis-suq sekondarju.

42.

Min-naħa l-oħra, jekk jiġi segwit l-argument ta’ SodaStream li jikkonsisti fl-invokazzjoni ta’ protezzjoni kontinwa tat-trade mark tagħha, lil hinn mill-ewwel tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni, imwaħħla fuq prodott li jista’ jintuża mill-ġdid, tali argument ikollu l-effett li jostakola kwalunkwe manipulazzjoni minn operatur terz taċ-ċilindri li jistgħu jimtlew mill-ġdid. Għalhekk tkun biss SodaStream li tista’ leġittimament twettaq il-mili mill-ġdid u l-bejgħ mill-ġdid taċ-ċilindri, minkejja li l-protezzjoni mogħtija mit-trade mark u d-dritt ta’ oppożizzjoni li din tagħti lill-proprjetarju tagħha jirrigwardaw biss iċ-ċilindri inkwistjoni, u mhux l-operazzjonijiet ulterjuri, u ma jistax ikollhom l-effett li joħolqu kompartimentalizzazzjoni tas-suq u, għalhekk, li joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni ( 49 ). Mill-osservazzjonijiet ta’ SodaStream jirriżulta li hija tqis li huwa essenzjali li jiġi żgurat li jkunu biss iċ-ċilindri tad-dijossidu tal-karbonju li hija stess setgħet tiggarantixxi s-sigurtà u l-mili b’mod korrett li jiġu kkummerċjalizzati taħt it-trade marks tagħha. Il-qorti tar-rinviju tidher li hija fl-aħjar pożizzjoni sabiex tiddeċiedi bejn dan l-argument ta’ apparenza ta’ sigurtà ( 50 ) u l-eventwali manipulazzjoni tiegħu għal finijiet antikompetittivi ( 51 ).

43.

F’dawn iċ-ċirkustanzi partikolari, fid-dawl tan-natura u tal-użu tal-prodotti, jidhirli li l-ippakkjar mill-ġdid tagħhom, mifhum bħala l-manipulazzjoni (ftuħ, tindif, verifika), il-mili taċ-ċilindri diġà mqiegħda fis-suq u, forsi fuq kollox l-ittikkettjar mill-ġdid tagħhom, huwa a priori neċessarju għall-użu li għalih huma intiżi dawn iċ-ċilindri li jistgħu jimtlew mill-ġdid u sabiex is-suq sekondarju jkun aċċessibbli għall-operaturi indipendenti. L-ittikkettjar mill-ġdid, bil-kundizzjoni li jitwettaq taħt kundizzjonijiet ċari u mhux qarrieqa, jikkontribwixxi paradossalment, fil-fehma tiegħi, għall-preżervazzjoni tal-funzjoni essenzjali tat-trade marks, kemm fir-rigward tat-trade mark ta’ dak li jkun qiegħed iċ-ċilindru fis-suq għall-ewwel darba jew fir-rigward tat-trade mark ta’ dak li jkun imlieh mill-ġdid qabel ma biegħu mill-ġdid. Dejjem fil-fehma tiegħi, il-kundizzjoni ta’ neċessità għalhekk hija ssodisfatta għal din ir-raġuni biss, iktar u iktar peress li għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni, billi jittieħdu b’mod partikolari inkunsiderazzjoni d-differenzi mill-fatti tal-kawża prinċipali fil-kawża Bristol-Myers Squibb et. Fid-dawl tat-tul tal-ħajja taċ-ċilindri tad-dijossidu tal-karbonju li, skont dak li tindika MySoda, jistgħu jimtlew mill-ġdid għal mitt darba, nista’ wkoll tabilħaqq nammetti li l-istat ta’ konservazzjoni tat-tikketta oriġinali ser tiddegrada ruħha u li, fl-ipoteżi possibbli ta’ mili suċċessiv minn diversi operaturi, dak li ser jittikkettja ċ-ċilindru fl-aħħar lok ma huwiex ser ikun neċessarjament dak li jkun neħħa t-tikketta oriġinali.

4. Konklużjoni

44.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, l-Artikolu 15(2) tar-Regolament 2017/1001 u l-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2015/2436 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-proprjetarju tat-trade mark jista’ leġittimament jopponi l-kummerċjalizzazzjoni ulterjuri, fit-territorju tal-istess Stat Membru bħal dak li fih iċ-ċilindri tad-dijossidu tal-karbonju tqiegħdu fis-suq għall-ewwel darba mill-imsemmi proprjetarju jew bil-kunsens tiegħu, minn terz tal-imsemmija ċilindri li jkunu mtlew mill-ġdid minn dan tal-aħħar meta l-imsemmi terz ikun ippakkja dawn iċ-ċilindri mill-ġdid u jkun waħħal mill-ġdid it-trade mark tiegħu fuqhom, sakemm ma jiġix stabbilit li tali oppożizzjoni tikkontribwixxi għal kompartimentalizzazzjoni artifiċjali tas-suq. Sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ tali riskju, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li l-ippakkjar mill-ġdid li jkun twettaq, fid-dawl tan-natura tal-prodott ikkonċernat u tal-użu tiegħu, ikun jidher li jkun neċessarju sabiex jiġi żgurat l-aċċess ta’ terzi għas-suq tal-mili mill-ġdid bid-dijossidu tal-karbonju. Li kieku l-qorti tar-rinviju kellha tikkonkludi li l-ippakkjar mill-ġdid li jkun wettaq it-terz huwa neċessarju, hija ser ikollha wkoll tiżgura li l-interessi leġittimi tal-proprjetarju tat-trade mark huma, barra minn hekk, issalvagwardati.

B.   Fuq it‑tielet domanda preliminari

45.

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk it-tneħħija u s-sostituzzjoni tat-tikketta li fuqha tkun imwaħħla t-trade mark jippreġudikawx, bħala prinċipju, il-funzjoni tat-trade mark jew jekk għandux ukoll jiġi evalwat, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet dwar l-ippakkjar mill-ġdid u l-ittikkettjar mill-ġdid, jekk il-pubbliku rilevanti jifhimx li t-tikketta tindika biss l-oriġini tad-dijossidu tal-karbonju jew jekk, għall-kuntrarju, dan il-pubbliku jitqiesx li jifhem li t-tikketta tindika wkoll, għall-inqas parzjalment, l-oriġini taċ-ċilindru ( 52 ).

46.

Bħal SodaStream, nifhem din it-tielet domanda preliminari fis-sens li tirrigwarda kundizzjoni distinta u awtonoma minn dik dwar in-neċessità tal-ippakkjar mill-ġdid. Fil-fatt, kif tfakkar b’mod partikolari fil-punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet, anki li kieku l-prattika inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellha titqies li hija neċessarja, fis-sens tal-ewwel waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza Bristol-Myers Squibb et, dan ma jkunx suffiċjenti sabiex tiġi kkonstatata l-impossibbiltà għal SodaStream li topponi l-imsemmija prattika, peress li dawn il-kundizzjonijiet jidhru li huma kumulattivi. Fi kliem ieħor, ladarba tiġi kkonstatata n-neċessità oġġettiva tal-ippakkjar mill-ġdid, ikollu jiġi eżaminat it-twettiq effettiv tagħha.

47.

It-tielet kundizzjoni stabbilita mis-sentenza Bristol-Myers Squibb et teħtieġ li jiġi indikat b’mod ċar fuq l-imballaġġ il-ġdid l-awtur tal-ippakkjar mill-ġdid tal-prodott u l-isem tal-manifattur, filwaqt li dawn l-indikazzjonijiet għandhom jiġu stampati b’mod li persuna li jkollha vista normali u li tkun normalment attenta tkun f’pożizzjoni li tifhimhom ( 53 ). Iċ-ċarezza meħtieġa mill-informazzjoni għandha għaldaqstant tippermetti li tiġi evitata l-konfużjoni f’moħħ il-konsumatur ( 54 ).

48.

Sabiex tiġi ppreżervata l-garanzija ta’ oriġini tat-trade mark, l-ittikkettjar il-ġdid ma għandux b’mod partikolari jagħti l-impressjoni li teżisti rabta ekonomika bejn it-terz li jbigħ il-prodott mill-ġdid u l-proprjetarju tat-trade mark, u b’mod partikolari li l-impriża tal-bejjiegħ mill-ġdid tappartjeni lin-network ta’ distribuzzjoni tal-proprjetarju ta’ din it-trade mark jew li teżisti relazzjoni speċjali bejn iż-żewġ impriżi ( 55 ). Jekk il-konsumatur normalment informat u raġonevolment attent jiltaqa’ ma’ diffikultajiet sabiex jiddetermina l-oriġini tal-prodotti, id-drittijiet misluta mit-trade mark ma jkunux jistgħu jitqiesu li ġew eżawriti ( 56 ). Mis-sentenza Viking Gas ( 57 ) jirriżulta b’mod partikolari li l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ impressjoni ta’ rabta ekonomika għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-ittikkettjar taċ-ċilindri u ċ-ċirkustanzi li fihom jiġu skambjati ( 58 ). Ser ikollhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-prattiki fis-settur u l-kwistjoni jekk il-konsumaturi humiex abitwati li ċ-ċilindri jimtlew minn distributuri oħra. Għalhekk ser ikun possibbli li jiġi preżunt li konsumatur li jmur direttament għand kompetitur sabiex jimtela ċ-ċilindru tiegħu jew sabiex jiskambja ċ-ċilindru vojt tiegħu ma’ ċilindru mimli ser ikun iktar faċilment f’pożizzjoni li jagħraf l-assenza ta’ rabta bejn il-kompetitur inkwistjoni u l-proprjetarju tat-trade mark ( 59 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet ukoll li l-fatt li t-trade mark taċ-ċilindru tibqa’ tidher minkejja l-ittikkettjar addizzjonali ( 60 ) li wettaq il-kompetitur kien jikkostitwixxi element rilevanti sa fejn jidher li jeskludi li l-ittikkettjar biddel il-kundizzjoni taċ-ċilindri billi ħeba kompletament l-oriġini tagħhom ( 61 ).

49.

Meta jwettaq l-ittikkettjar mill-ġdid, it-terz ma għandux ikun stimulat mill-malizzja, pereżempju, bl-intenzjoni reali li jqarraq bil-konsumatur. Madankollu, ma jidhirx neċessarjament li t-tneħħija tat-tikketta li wettqet MySoda hija kundannabbli, peress li ma huwiex bilfors possibbli li jiġi stabbilit li hija tabilħaqq MySoda li neħħiet it-tikketta oriġinali minn fuq ċilindru partikolari jew jekk neħħietx it-tikketta tal-aħħar persuna li mliet iċ-ċilindru tal-gass mill-ġdid. It-tneħħija tista’ tkun iġġustifikata billi tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura partikolari tal-prodott ikkonċernat, jiġifieri ċilindri li jistgħu jimtlew mill-ġdid. It-trade mark taċ-ċilindru tibqa’ tidher għaliex hija mnaqqxa fuq l-għonq b’mod li l-funzjoni essenzjali tat-trade mark relatata mal-garanzija ta’ oriġini taċ-ċilindru ma tiġix neċessarjament ippreġudikata mis-sempliċi fatt li seħħ ittikkettjar mill-ġdid. Madankollu, jidhirli li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina dak li jista’ jifhem eżattament konsumatur normalment informat u raġonevolment attent dwar dan l-ittikkettjar mill-ġdid ( 62 ). Huwa minnu li dan jiddependi mil-livell ta’ għarfien mill-imsemmi konsumatur tal-funzjonament u tal-prattiki ( 63 ) fis-suq tal-mili taċ-ċilindri tad-dijossidu tal-karbonju. Dan jiddependi wkoll miċ-ċarezza tal-informazzjoni li tinsab fuq it-tikketta, li għandha tinkludi, mingħajr ambigwità dwar min huwa realment responsabbli għall-manifattura taċ-ċilindru, l-informazzjoni dwar il-persuna li mliet, fl-aħħar lok, iċ-ċilindru bid-dijossidu tal-karbonju.

50.

Inżid li l-Gvern Finlandiż insista fuq l-aspetti ambjentali tal-kawża prinċipali, billi argumenta li l-irkupru taċ-ċilindri permezz tal-mili mill-ġdid tagħhom u tal-użu mill-ġdid tagħhom għandu jiġi inkoraġġit abbażi tal-politika ta’ prevenzjoni tal-iskart, li hija waħda mill-għanijiet li tfittex li tilħaq id-Direttiva (UE) 2018/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2018 li temenda d-Direttiva 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ ( 64 ). Skont dan il-gvern, sabiex dan isir, ma għandux ikun li l-irkupru taċ-ċilindri jsir wisq kumpless minħabba kunsiderazzjoni eċċessiva li tingħata lid-drittijiet tal-manifattur taċ-ċilindru, proprjetarju tat-trade mark.

51.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, jidhirli li l-Artikolu 15(2) tar-Regolament 2017/1001 u l-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2015/2436 għandhom jiġu interpretati fis-sens li meta terz iwettaq il-mili bil-ġdid bil-gass u l-bejgħ mill-ġdid ta’ ċilindru tad-dijossidu tal-karbonju, ineħħi t-tikketta bit-trade mark tal-manifattur taċ-ċilindru, filwaqt li jħalli tidher din it-trade mark imnaqqxa fuq l-għonq, u jwaħħal fuqha t-tikketta tiegħu stess, l-impressjoni globali mogħtija mill-ittikkettjar il-ġdid għandha tiġi evalwata sabiex jiġi ddeterminat jekk l-informazzjoni dwar l-awtur tal-ippakkjar mill-ġdid tal-prodott u dik dwar il-manifattur tal-imsemmi prodott jidhrux b’mod ċar u inekwivokabbli għal konsumatur normalment informat u raġonevolment attent. Din l-informazzjoni kif ippreżentata permezz tal-ittikkettjar il-ġdid ma għandhiex, b’mod partikolari, tagħti x’jifhem li teżisti rabta ekonomika jew relazzjoni speċjali bejn it-terz li jkun mela ċ-ċilindru mill-ġdid u l-proprjetarju tat-trade mark. Sabiex tiġi evalwata l-impressjoni li tirriżulta mill-ittikkettjar il-ġdid, għandhom b’mod partikolari jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prattiki speċifiċi għas-settur ikkonċernat u l-livell ta’ għarfien mill-konsumaturi ta’ dawn il-prattiki.

C.   Fuq l‑applikazzjoni tat‑test li jirriżulta mis‑sentenza Viking Gas

52.

Sussidjarjament, li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex issegwi l-linja ta’ raġunament proposta preċedentement, jidher li tkun possibbli l-applikazzjoni tat-test spjegat fis-sentenza Viking Gas tagħha, b’riżultat bejn wieħed u ieħor ekwivalenti.

53.

Infakkar li, f’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddetermina f’liema ċirkustanzi persuna li għandha liċenzja esklużiva għall-użu ta’ ċilindri tal-gass komposti intiżi li jintużaw mill-ġdid li l-forma tagħhom hija protetta bħala trade mark tridimensjonali u li fuqhom il-persuna li żżomm dawn iċ-ċilindri waħħlet isimha u l-logo tagħha, irreġistrati bħala trade marks verbali u figurattiva, setgħet topponi skont l-Artikoli 5 u 7 tal-ewwel Direttiva 89/104, li dawn iċ-ċilindri, wara li jkunu nxtraw minn konsumaturi, li, sussegwentement użaw il-gass li inizjalment kien jinsab fihom, jiġu skambjati minn terz, bi ħlas, ma’ ċilindri komposti mimlija bil-gass, li ma joriġinawx minn din il-persuna ( 65 ).

54.

Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja l-ewwel nett irrikonoxxiet li ċ-ċilindri intiżi li jintużaw mill-ġdid kellhom il-kwalità ta’ prodotti veri, u mhux sempliċement imballaġġi ( 66 ). Sussegwentement hija wettqet ibbilanċjar, minn naħa, tal-interess leġittimu tal-persuna li kellha liċenzja tad-dritt għat-trade mark ikkostitwita mill-forma taċ-ċilindru u l-proprjetarju tat-trade marks imwaħħla fuqu li jagħmlu profitt mid-drittijiet marbuta ma’ dawn it-trade marks u, min-naħa l-oħra, tal-interessi daqstant ieħor leġittimi tax-xerrejja taċ-ċilindri, fosthom b’mod partikolari dak li jgawdu kompletament mid-dritt għall-proprjetà tagħhom fuq dawn iċ-ċilindri kif ukoll l-interess ġenerali li tinżamm kompetizzjoni mhux distorta ( 67 ). Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li t-twettiq tal-valur ekonomiku tat-trade marks relatati maċ-ċilindri kien jirriżulta mill-bejgħ tagħhom u li bejgħ li jippermetti tali twettiq tal-valur ekonomiku tat-trade mark jeżawrixxi d-drittijiet esklużivi mogħtija mill-ewwel Direttiva 89/104 ( 68 ).

55.

Mill-perspettiva tax-xerrejja, li kieku d-dritt għall-proprjetà tagħhom kellu jkun limitat mid-drittijiet ta’ trade mark anki wara l-bejgħ, huma ma jibqgħux liberi fl-eżerċizzju tal-imsemmi dritt iżda jkunu marbuta ma’ fornitur tal-gass wieħed għall-mili ulterjuri taċ-ċilindri ( 69 ). Mill-perspettiva tal-kompetizzjoni, tali sitwazzjoni tippermetti lill-persuna li għandha liċenzja tad-dritt għat-trade mark tnaqqas indebitament il-kompetizzjoni fis-suq downstream, relatat mal-mili taċ-ċilindri tal-ġass, u jinvolvi r-riskju ta’ kompartimentalizzazzjoni ta’ dan is-suq ( 70 ).

56.

Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-bejgħ taċ-ċilindru kompost “jeżawrixxi d-drittijiet li l-persuna li għandha liċenzja tad-dritt għal trade mark […] jieħu [minn din it-trade mark] u jittrasferixxi lix-xerrej id-dritt li jiddisponi liberament minn dan iċ-ċilindru, inkluż dak li jibdlu jew jimlieh, ladarba l-gass oriġinali jintuża, mingħand impriża tal-għażla tiegħu […], iżda wkoll mingħand wieħed mill-kompetituri tagħha. Dan id-dritt tax-xerrej għandu bħala korollarju d-dritt tal-kompetituri tiegħu li jipproċedu, fil-limiti li jinsabu fl-Artikolu 7(2) ta[l‑ewwel] Direttiva 89/104, sabiex jimlew u jibdlu ċilindri vojta” ( 71 ), liema limiti jirrigwardaw l-eżistenza ta’ raġunijiet leġittimi li jistgħu jiġġustifikaw oppożizzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni ulterjuri tal-prodotti mqiegħda fis-suq mill-proprjetarju tat-trade mark. Dawn ir-raġunijiet leġittimi jistgħu jikkonsistu fil-bidla fil-kundizzjoni tal-prodotti koperti bit-trade mark jew fil-ħsara li ssirilha, fl-użu minn terz ta’ sinjal identiku għal jew li jixbah lil trade mark li jagħmel ħsara serja għar‑reputazzjoni tagħha jew li jagħti l-impressjoni li teżisti rabta ekonomika bejn il-proprjetarju tat-trade mark u dan it-terz (bħall-eżistenza ta’ relazzjoni speċjali bejn dawn it-tnejn jew bħall-appartenenza għal network ta’ distribuzzjoni tal-proprjetarju) ( 72 ). L-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ impressjoni ta’ rabta ekonomika għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-ittikkettjar taċ-ċilindri u ċ-ċirkustanzi li fihom jiġu skambjati ( 73 ), li ma għandhomx iwasslu lill-konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, sabiex iqis li teżisti rabta bejn iż-żewġ impriżi kkonċernati jew li l-gass li ntuża għall-mili joriġina mill-proprjetarju tat-trade mark. Għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-prattiki fis-settur u l-kwistjoni jekk il-konsumaturi humiex abitwati li ċ-ċilindri jimtlew minn distributuri oħra. Għalhekk ser ikun possibbli li jiġi preżunt li konsumatur li jmur direttament għand kompetitur sabiex jimtela ċ-ċilindru tiegħu jew sabiex jiskambja ċ-ċilindru vojt tiegħu ma’ wieħed mimli ser ikun iktar faċilment f’pożizzjoni li jagħraf l-assenza ta’ rabta bejn il-kompetitur inkwistjoni u l-proprjetarju tat-trade mark ( 74 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet ukoll li l-fatt li t-trade mark taċ-ċilindru tibqa’ tidher minkejja l-ittikkettjar addizzjonali ( 75 ) li wettaq il-kompetitur kien jikkostitwixxi element rilevanti sa fejn jidher li jeskludi li l-ittikkettjar biddel il-kundizzjoni taċ-ċilindri billi ħeba l-oriġini tagħhom ( 76 ).

57.

Trasposti għal din il-kawża prinċipali, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 15 tar-Regolament 2017/1001 u l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2015/2436 ma jippermettux lill-proprjetarju tat-trade mark taċ-ċilindri tad-dijossidu tal-karbonju intiżi li jimtlew mill-ġdid u sussegwentement jintużaw mill-ġdid li jopponi li dawn iċ-ċilindri, wara li jkunu nxtraw minn konsumaturi li użaw il-gass, wara li jkunu ttieħdu minn dawn il-konsumaturi għand bejjiegħa mill-ġdid responsabbli għall-ġbir taċ-ċilindri vojta u wara li jkunu mtlew mill-ġdid minn terz kompetitur, jinbiegħu mill-imsemmi terz, wara li dan tal-aħħar ikun waħħal it-trade mark tiegħu stess fuq l-imsemmija ċilindri filwaqt li jħalli tidher it-trade mark tal-proprjetarju, sakemm il-proprjetarju tat-trade mark ma jkunx f’pożizzjoni li jinvoka raġuni leġittima fis-sens tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq. F’dak il-każ, il-qorti tar-rinviju ser ikollha tiddetermina jekk il-prattika inkwistjoni fil-kawża prinċipali tagħmilx ħsara serja għar-reputazzjoni tal-proprjetarju tat-trade mark jew jekk l-użu hekk magħmul mis-sinjal identiku huwiex ta’ natura li jagħti l-impressjoni li teżisti rabta ekonomika bejn dan il-proprjetarju u t-terz ikkonċernat. Għal dan il-għan, tinġibed l-attenzjoni tal-qorti tar-rinviju għall-perċezzjoni, mill-konsumatur normalment informat u raġonevolment attent u avżat, tal-eventwali eżistenza ta’ rabta ekonomika bejn il-proprjetarju tat-trade mark u t-terz kompetitur. L-użanzi tal-konsumaturi u l-prattiki fis-suq ser ikollhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju ser ikollha wkoll tiżgura li l-ittikkettjar li jkun wettaq it-terz konkorrent ma kellux l-effett li biddel il-kundizzjoni taċ-ċilindri.

IV. Konklużjoni

58.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li tingħata risposta għad-domandi magħmula mill-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema, il-Finlandja) kif ġej:

1)

Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, l-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 15(2) tad-Direttiva (UE) 2015/2436 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2015 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-proprjetarju tat-trade mark jista’ leġittimament jopponi l-kummerċjalizzazzjoni ulterjuri, fit-territorju tal-istess Stat Membru bħal dak li fih iċ-ċilindri tad-dijossidu tal-karbonju tqiegħdu fis-suq għall-ewwel darba mill-imsemmi proprjetarju jew bil-kunsens tiegħu, minn terz tal-imsemmija ċilindri li jkunu mtlew mill-ġdid minn dan tal-aħħar meta l-imsemmi terz ikun ippakkja dawn iċ-ċilindri mill-ġdid u jkun waħħal mill-ġdid it-trade mark tiegħu fuqhom, sakemm ma jiġix stabbilit li tali oppożizzjoni tikkontribwixxi għal kompartimentalizzazzjoni artifiċjali tas-suq. Sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ tali riskju, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li l-ippakkjar mill-ġdid li jkun twettaq, fid-dawl tan-natura tal-prodott ikkonċernat u tal-użu tiegħu, ikun jidher li jkun neċessarju sabiex jiġi żgurat l-aċċess ta’ terzi għas-suq tal-mili mill-ġdid bid-dijossidu tal-karbonju. Li kieku l-qorti tar-rinviju kellha tikkonkludi li l-ippakkjar mill-ġdid li jkun wettaq it-terz huwa neċessarju, hija ser ikollha wkoll tiżgura li l-interessi leġittimi tal-proprjetarju tat-trade mark huma, barra minn hekk, issalvagwardati.

2)

L-Artikolu 15(2) tar-Regolament 2017/1001 u l-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2015/2436 għandhom jiġu interpretati fis-sens li meta terz iwettaq il-mili bil-ġdid bil-gass u l-bejgħ mill-ġdid ta’ ċilindru tad-dijossidu tal-karbonju, ineħħi t-tikketta bit-trade mark tal-manifattur taċ-ċilindru, filwaqt li jħalli tidher din it-trade mark imnaqqxa fuq l-għonq, u jwaħħal fuqha t-tikketta tiegħu stess, l-impressjoni globali mogħtija mill-ittikkettjar il-ġdid għandha tiġi evalwata sabiex jiġi ddeterminat jekk l-informazzjoni dwar l-awtur tal-ippakkjar mill-ġdid tal-prodott u dik dwar il-manifattur tal-imsemmi prodott jidhrux b’mod ċar u inekwivokabbli għal persuna mogħnija b’vista normali u li tkun normalment attenta. Din l-informazzjoni kif ippreżentata permezz tal-ittikkettjar il-ġdid ma għandhiex, b’mod partikolari, tagħti x’jifhem li teżisti rabta ekonomika jew relazzjoni speċjali bejn it-terz li jkun mela ċ-ċilindru mill-ġdid u l-proprjetarju tat-trade mark. Sabiex tiġi evalwata l-impressjoni li tirriżulta mill-ittikkettjar il-ġdid, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prattiki speċifiċi għas-settur ikkonċernat u l-livell ta’ għarfien mill-konsumaturi ta’ dawn il-prattiki.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) COM(2015) 614 final, tat‑2 ta’ Diċembru 2015.

( 3 ) ĠU 2017, L 154, p. 1.

( 4 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat bir-Regolament (UE) 2015/2424 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2015 (ĠU 2015, L 341, p. 21) (iktar ‘il quddiem ir-“Regolament 207/2009”). L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 207/2009 jikkorrispondi għall-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2017/1001.

( 5 ) ĠU 2015, L 336, p. 1, rettifika fil-ĠU 2016, L 110, p. 5.

( 6 ) Mill‑15 ta’ Jannar 2019, din id-dispożizzjoni tissostitwixxi l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2008 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2008, L 299, p. 25), u tikkorrispondi, fil-parti l-kbira tagħha, għall-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva tal-aħħar.

( 7 ) Fid-dawl tat-tul tal-prattika kkontestata quddiem il-qorti tar-rinviju, għandu wkoll jiġi indikat l-Artikolu 10a tat-tavaramerkkilaki (1715/1995) (il-Liġi dwar it-Trade Marks (1715/1995)) li kien fis-seħħ sal‑31 ta’ Awwissu 2016 kif ukoll l-Artikolu 8 tat-tavaramerkkilaki (616/2016) (il-Liġi dwar it-Trade Marks (616/2016)), li kien fis-seħħ sat‑30 ta’ April 2019. Dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet kienu jikkorrispondu, essenzjalment, għall-Artikolu 9 tal-Liġi dwar it-Trade Marks attwalment fis-seħħ.

( 8 ) Sentenza tal‑11 ta’ Lulju 1996 (C‑427/93, C‑429/93 u C‑436/93, iktar ’il quddiem is-“sentenza Bristol-Myers Squibb et”, EU:C:1996:282).

( 9 ) Sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2011 (C‑46/10, iktar ’il quddiem is-“sentenza Viking Gas”, EU:C:2011:485).

( 10 ) Il-qorti tar-rinviju hawnhekk tinvoka s-sentenzi tat‑23 ta’ April 2002, Boehringer Ingelheim et (C‑143/00, EU:C:2002:246, punti 2930), u tas‑26 ta’ April 2007, Boehringer Ingelheim et (C‑348/04, EU:C:2007:249, punti 28 sa 30).

( 11 ) Il-qorti tar-rinviju hawnhekk tiċċita s-sentenza tas‑26 ta’ April 2007, Boehringer Ingelheim et (C‑348/04, EU:C:2007:249, punti 5253).

( 12 ) Il-qorti tar-rinviju hawnhekk issemmi s-sentenza tat‑23 ta’ April 2002, Boehringer Ingelheim et (C‑143/00, EU:C:2002:246, punt 34).

( 13 ) Il-qorti tar-rinviju hawnhekk tirreferi għall-punt 37 tas-sentenza Viking Gas.

( 14 ) Sentenza tal‑11 ta’ Novembru 1997 (C‑349/95, EU:C:1997:530).

( 15 ) Il-qorti tar-rinviju hawnhekk issemmi s-sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 1999, Upjohn (C‑379/97, EU:C:1999:494, punt 44).

( 16 ) Fuq in-natura kompleta tal-armonizzazzjoni li jwettaq l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2015/2436, ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Schweppes (C‑291/16, EU:C:2017:990, punt 30). Dwar l-Artikolu 7 tad-Direttiva 89/104, ara s-sentenzi Bristol-Myers Squibb et (punti 25 u 26) u tat‑23 ta’ April 2002, Boehringer Ingelheim et (C‑143/00, EU:C:2002:246, punt 17).

( 17 ) Jiġifieri l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 207/2009 u l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2008/95.

( 18 ) Ara s-sentenza tat‑23 ta’ April 2002, Boehringer Ingelheim et (C‑143/00, EU:C:2002:246, punt 28).

( 19 ) Ara s-sentenza Bristol-Myers Squibb et (punt 44) u s-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Schweppes (C‑291/16, EU:C:2017:990, punt 37).

( 20 ) Ara s-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Schweppes (C‑291/16, EU:C:2017:990, punt 37).

( 21 ) Ara s-sentenza tat‑23 ta’ April 2002, Boehringer Ingelheim et (C‑143/00, EU:C:2002:246, punt 18).

( 22 ) Ara l-Artikolu 15(1) tar-Regolament 2017/1001 u l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2015/2436.

( 23 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Schweppes (C‑291/16, EU:C:2017:990, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 24 ) Ara l-Artikolu 15(2) tar-Regolament 2017/1001 u l-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2015/2436.

( 25 ) Ara s-sentenza Viking Gas (punt 36).

( 26 ) Ara l-punt 79 tas-sentenza Bristol-Myers Squibb et (punt 79).

( 27 ) Ara, b’mod partikolari, il-punti 31 u 60 tas-sentenza tas‑26 ta’ April 2007, Boehringer Ingelheim et (C‑348/04, EU:C:2007:249, punti 31 u 60).

( 28 ) Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2018, Junek Europ-Vertrieb (C‑642/16, EU:C:2018:322, punt 29).

( 29 ) Ara s-sentenza tas‑26 ta’ April 2007, Boehringer Ingelheim et (C‑348/04, EU:C:2007:249, punti 2930). Ara wkoll is-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2018, Junek Europ-Vertrieb (C‑642/16, EU:C:2018:322, punt 30).

( 30 ) Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2018, Junek Europ-Vertrieb (C‑642/16, EU:C:2018:322, punti 35 sa 37).

( 31 ) F’dan ir-rigward, jidhirli li l-operazzjonijiet kollha huma ferm iktar kumplessi minn sempliċi “riċiklaġġ”, kif jallega l-Gvern Finlandiż.

( 32 ) Fil-fatt, il-viżibbiltà tal-inċiżjoni, f’ebda każ, ma hija paragunabbli ma’ dik tat-tikketta. F’dawn iċ-ċirkustanzi, minkejja li ma huwiex ħabi totali, il-każ inkwistjoni javviċina dak analizzat fil-punt 86 tas-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2010, Portakabin (C‑558/08, EU:C:2010:416), mingħajr ma huwa l-istess bħalu.

( 33 ) Ara s-sentenza Viking Gas (punti 31 u 32). Għall-kuntrarju, id-dritt ta’ trade mark huwa maħsub bħala element essenzjali ta’ sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta.

( 34 ) Ara s-sentenza Viking Gas (punti 31 u 35).

( 35 ) Ara s-sentenza Viking Gas (punt 35 in fine u l-punti 36 sa 41).

( 36 ) Ara s-sentenza Viking Gas (punt 42 u d-dispożittiv).

( 37 ) Ara, pereżempju, it-test tal-punti 59 u 60, jew tal-punt 75, tas-sentenza Bristol-Myers Squibb et.

( 38 ) Fuq l-applikazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet għal fliexken ta’ xarbiet spiritużi, ara s-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 1997, Loendersloot (C‑349/95, EU:C:1997:530).

( 39 ) Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 1997, Loendersloot (C‑349/95, EU:C:1997:530, punt 27).

( 40 ) Sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2018 (C‑642/16, EU:C:2018:322).

( 41 ) Ara l-punt 79 tas-sentenza Bristol-Myers Squibb et.

( 42 ) Ara l-punt 56 tas-sentenza Bristol-Myers Squibb et.

( 43 ) Ara l-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 44 ) Ara s-sentenza Bristol-Myers Squibb et (punt 53). Ara wkoll is-sentenza tas‑26 ta’ April 2007, Boehringer Ingelheim et (C‑348/04, EU:C:2007:249, punt 36).

( 45 ) Ara s-sentenza tas‑26 ta’ April 2007, Boehringer Ingelheim et (C‑348/04, EU:C:2007:249, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 46 ) Ara s-sentenza tas‑26 ta’ April 2007, Boehringer Ingelheim et (C‑348/04, EU:C:2007:249, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 47 ) Ara s-sentenza tas‑26 ta’ April 2007, Boehringer Ingelheim et (C‑348/04, EU:C:2007:249, punt 30).

( 48 ) Jidhirli li din id-differenza hija fundamentali sabiex issir distinzjoni bejn il-każ inkwistjoni u każijiet iktar u iktar frekwenti msejħa ta’ “upcycling”, li għalissa għadhom jinsabu fi speċi ta’ żona ġuridika griża (hawnhekk naħseb, pereżempju, fil-kwistjoni tal-irkupru, minn ħwejjeġ awtentiċi u akkwistati legalment, ta’ buttuni bi trade mark lussuża sabiex jiġu ttrasformati f’ġojjelli minn terz li ma huwiex il-proprjetarju tat-trade mark lussuża kkonċernata).

( 49 ) Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, f’kuntest kemxejn differenti, li “[li jkun permess] li persuna li għandha liċenzja għad-dritt għal trade mark ikkostitwita bil-forma taċ-ċilindru kompost u li hija proprjetarja tat-trade marks imwaħħla miegħu li topponi, abbażi tad-drittijiet relatati ma’ dawn it-trade marks, li ċ-ċilindri jimtlew ulterjorment inaqqas indebitament il-kompetizzjoni fis-suq ‘downstream’, dwar il-mili taċ-ċilindri tal-ġass, u jinkludi anki r-riskju ta’ barrieri f’dan is-suq meta din il-persuna li għandha liċenzja u hija proprjetarja tasal li timponi ċ-ċilindru tagħha permezz tal-karatteristiċi tekniċi partikolari tiegħu, peress li l-protezzjoni tagħhom ma hijiex is-suġġett tad-dritt ta’ trade marks” (sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2011, Viking Gas (C‑46/10, EU:C:2011:485, punt 34)).

( 50 ) Min-naħa tagħha, MySoda tindika li l-attività tal-mili taċ-ċilindri b’sustanza meqjusa perikoluża bħalma huwa d-dijossidu tal-karbonju hija attività rregolata u kkontrollata b’mod strett fil-Finlandja u b’mod partikolari suġġetta għall-osservanza tad-dritt tal-Unjoni rilevanti f’dan il-qasam.

( 51 ) Pereżempju, wara li SodaStream indikat li żżomm bejn 55 % u 60 % tal-ishma mis-suq tal-attività ta’ mili taċ-ċilindri tad-dijossidu tal-karbonju fil-Finlandja, kontra 30 % sa 35 % għal MySoda, hija tipproponi, bħala miżura inqas leżiva tad-dritt ta’ trade mark tagħha mit-twaħħil tat-tikketti inkwistjoni fil-kawża prinċipali u bħala prova ta’ natura li juri li t-tikkettjar mill-ġdid li twettaq MySoda ma hijiex neċessarja, li titlob lid-distributuri jissortjaw iċ-ċilindri miġbura vojta u jibagħtuhom lura lill-proprjetarji rispettivi ta’ trade mark għall-mili mill-ġdid tagħhom. Iżda, b’dan il-mod, fl-aħħar mill-aħħar ma jkunx hemm swieq distinti bejn dak tal-magni ta’ karbonatazzjoni tradizzjonalment mibjugħa ma’ tal-inqas ċilindru wieħed mimli bid-dijossidu tal-karbonju u s-suq speċifiku għas-sempliċi mili mill-ġdid taċ-ċilindri tad-dijossidu tal-karbonju għaliex it-trade mark tal-magna u tal-ewwel ċilindru neċessarjament tikkundizzjona l-kumpannija li tista’ timla ċ-ċilindru mill-ġdid għal mitt darba.

( 52 ) F’dan ir-rigward, il-kwistjoni jekk it-twaħħil ta’ sticker fuq iċ-ċilindru huwiex inqas leżiv tad-drittijiet ta’ trade mark ta’ SodaStream ser ikollha tiġi evalwata mill-qorti tar-rinviju, b’mod partikolari sabiex jiġi vverifikat jekk b’dan il-mod hemmx, għall-kuntrarju, probabbiltà ikbar ta’ konfużjoni għall-konsumaturi, b’mod partikolari fil-każ tat-twaħħil multiplu ta’ stickers mal-mili taċ-ċilindri.

( 53 ) Ara l-punt 79 tas-sentenza Bristol-Myers Squibb et.

( 54 ) F’ċerti każijiet, jista’ faċilment jiġi immaġinat li r-raba’ kundizzjoni, dwar l-obbligu li ma ssirx ħsara għar-reputazzjoni tat-trade mark u tal-proprjetarju tagħha, tiġi eżaminata flimkien mat-tielet kundizzjoni. Madankollu nosserva li din ma hijiex is-suġġett tad-domandi preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja.

( 55 ) Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2010, Portakabin (C‑558/08, EU:C:2010:416, punt 80). Ara wkoll is-sentenza Viking Gas (punti 37 u 39).

( 56 ) Dwar l-utenti tal-internet, ara s-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2010, Portakabin (C‑558/08, EU:C:2010:416, punt 81). Dwar il-konsumaturi, b’mod ġenerali, ara s-sentenza Viking Gas (punti 39 u 40).

( 57 ) Sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2011 (C‑46/10, EU:C:2011:485).

( 58 ) Ara l-punt 39 tas-sentenza Viking Gas.

( 59 ) Ara l-punt 40 tas-sentenza Viking Gas. Infakkar li dan ma huwiex il-każ fil-kuntest tal-kawża prinċipali.

( 60 ) F’dak il-każ, twaħħlu żewġ stickers fuq iċ-ċilindru mill-impriża li wettqet il-mili tiegħu, mingħajr ma tneħħew jew tgħattew mill-ġdid it-trade marks verbali u figurattivi tal-impriża li kienet qiegħdet l-imsemmi ċilindru fis-suq għall-ewwel darba (ara l-punt 11 tas-sentenza Viking Gas).

( 61 ) Ara s-sentenza Viking Gas (punt 41).

( 62 ) Nadotta, fil-fatt, din il-formulazzjoni li jidhirli li hija bejn wieħed u ieħor ekwivalenti għal dik użata fis-sentenza Bristol-Myers Squibb et (ara, għal paragun, il-punt 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 63 ) F’dan ir-rigward, kif irrilevat il-Kummissjoni, b’differenza mill-fatti tal-kawża prinċipali fil-kawża li wasslet għas-sentenza Viking Gas, iċ-ċilindri mimlija mill-ġdid ma jinbiegħux fi ħwienet li għandhom l-isem tal-persuna li wettqet il-mili mill-ġdid, b’mod li jista’ jkun iktar diffiċli għall-konsumatur li jiddistingwi r-rwol eżatt ta’ kull waħda mit-trade marks imwaħħla fuq dawn iċ-ċilindri.

( 64 ) ĠU 2018, L 150, p. 141.

( 65 ) Ara l-punt 15 tas-sentenza Viking Gas.

( 66 ) Ara l-punt 30 tas-sentenza Viking Gas.

( 67 ) Ara l-punt 31 tas-sentenza Viking Gas.

( 68 ) Ara l-punt 32 tas-sentenza Viking Gas.

( 69 ) Ara l-punt 33 tas-sentenza Viking Gas.

( 70 ) Ara l-punt 34 tas-sentenza Viking Gas.

( 71 ) Punt 35 tas-sentenza Viking Gas.

( 72 ) Ara l-punti 36 u 37 tas-sentenza Viking Gas.

( 73 ) Ara l-punt 39 tas-sentenza Viking Gas.

( 74 ) Ara l-punt 40 tas-sentenza Viking Gas.

( 75 ) F’dak il-każ, twaħħlu żewġ stickers fuq iċ-ċilindru mill-impriża li wettqet il-mili tiegħu, mingħajr ma tneħħew jew tgħattew mill-ġdid it-trade marks verbali u figurattivi tal-impriża li kienet qiegħdet l-imsemmi ċilindru fis-suq għall-ewwel darba (ara l-punt 11 tas-sentenza Viking Gas).

( 76 ) Ara s-sentenza Viking Gas (punt 41).