KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ‑BORDONA

ippreżentati fid‑19 ta’ Mejju 2022 ( 1 )

Kawża C‑180/21

VS

vs

Inspektor v Inspektorata kam Visshia sadeben savet,

fil-preżenza ta’:

Teritorialno otdelenie – Petrich kam Rayonna prokuratura – Blagoevgrad

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad – Blagoevgrad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Blagoevgrad, il-Bulgarija))

“Domanda preliminari – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Artikoli 4 u 6 – Direttiva (UE) 2016/680 – Artikoli 1, 2 sa 4 u 9 – Leġittimità tal-ipproċessar ta’ data personali fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali – Ipproċessar tad-data relatata mal-vittma ta’ reat kriminali għall-iskopijiet tal-akkuża sussegwenti tagħha u tad-difiża tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku fi proċedura ċivili – Kunċett ta’ ‘skopijiet differenti minn dak li din tkun inġabret għalih’”

1.

Prinċipju bażiku tar-Regolament (UE) 2016/679 ( 2 ), li jikkostitwixxi l-leġiżlazzjoni ġenerali fil-qasam tal-protezzjoni ta’ data personali, u tad-Direttiva (UE) 2016/680 ( 3 ) (lex specialis dwar l-istess qasam fil-proċeduri kriminali) huwa dak li jiġi limitat il-ġbir ta’ din id-data u l-ipproċessar tagħha għall-iskopijiet speċifiċi previsti mil-liġi.

2.

F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha twieġeb għad-dubji ta’ qorti Bulgara dwar l-interpretazzjoni tal-RĠPD u tad-Direttiva 2016/680, sabiex tikkjarifika jekk hemmx ipproċessar illegali tad-data personali miżmuma mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Stat Membru meta:

Minn naħa, din id-data tkun inkisbet minn persuna li inizjalment kienet tidher bħala vittma, iżda li wara ġiet akkużata fl-istess proċeduri kriminali.

Min-naħa l-oħra, fid-difiża tiegħu, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku jipprova juża d-data miksuba f’diversi investigazzjonijiet kriminali, bħala mezz ta’ prova fil-konfront ta’ azzjoni ċivili li fiha l-awtur tagħha jitlob kumpens għad-dewmien eċċessiv tal-proċeduri kriminali.

 

A.   Il‑kuntest ġuridiku. Id‑dritt tal‑Unjoni

1. Ir‑RĠPD

3.

Skont l-Artikolu 2 (“Kamp ta’ applikazzjoni materjali”):

“1.   Dan ir-Regolament japplika għall-ipproċessar ta’ data personali kompletament jew parzjalment b’mezzi awtomatizzati, u għall-ipproċessar għajr b’mezzi awtomatizzati ta’ data personali li tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar jew li tkun maħsuba sabiex tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar.

2.   Dan ir-Regolament ma japplikax għall-ipproċessar ta’ data personali:

(a)

matul attività li ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni;

[…]

(d)

mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardji kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika.

[…]”.

4.

L-Artikolu 4 (“Definizzjonijiet”) jistabbilixxi li:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

(2)

‘ipproċessar’ tfisser kwalunkwe attività jew sett ta’ attivitajiet li jitwettqu fuq data personali jew fuq settijiet ta’ data personali, sew jekk b’mezzi awtomatizzati u sew jekk mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, l-istrutturar, il-ħażna, l-adattament jew il-bidliet, l-irkupru, il-konsultazzjoni, l-użu, l-iżvelar bi trażmissjoni, it-tixrid jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni b’xi mezz ieħor, l-allinjament jew it-taħlita, ir-restrizzjoni, it-tħassir jew il-qerda;

[…]

(7)

‘kontrollur’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew kwalunkwe korp ieħor li, waħdu jew flimkien ma’ oħrajn, jiddetermina l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ta’ data personali; fejn l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ikunu ddeterminati mil-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, il-kontrollur jew il-kriterji speċifiċi għall-ħatra tiegħu jistgħu jiġu determinati mil-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru;

[…]”.

5.

L-Artikolu 5 (“Prinċipji relatati mal-ipproċessar ta’ data personali”) jipprovdi li:

“1.   Id-data personali għandha:

(a)

tkun ipproċessata legalment, ġustament u b’mod trasparenti fir-rigward tas-suġġett tad-data (‘legalità, ġustizzja u trasparenza’);

(b)

tinġabar għal finijiet speċifikati, espliċiti u leġittimi u ma għandhiex tiġi pproċessata ulterjorment b’mod inkompatibbli ma’ dawk il-finijiet; f’konformità mal-Artikolu 89(1), l-ipproċessar ulterjuri għal finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta’ riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta’ statistika ma għandux jitqies bħala inkompatibbli mal-finijiet inizjali (‘limitazzjoni tal-fini’);

(c)

tkun adegwata, rilevanti, u limitata għal dak li hu meħtieġ b’rabta mal-finijiet li għalihom tkun qed tiġi pproċessata (‘minimizzazzjoni tad-data’);

[…]”.

6.

L-Artikolu 6 (“Legalità tal-ipproċessar”) huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-ipproċessar għandu jkun legali biss jekk u safejn mill-inqas ikun japplika wieħed mill-punti li ġejjin:

(a)

is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens għall-ipproċessar ta’ data personali tiegħu għal fini speċifiku wieħed jew aktar;

[…]

(c)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-konformità ma’ obbligu legali li għalih huwa soġġett il-kontrollur;

[…]

(e)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur;

(f)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet tal-interessi leġittimi segwiti mill-kontrollur jew minn parti terza, għajr meta dawn l-interessi jingħelbu mill-interessi jew id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data li jeħtieġu l-protezzjoni tad-data personali, b’mod partikolari meta s-suġġett tad-data jkun minorenni.

Il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu m’għandux japplika għall-ipproċessar li jitwettaq minn awtoritajiet pubbliċi fit-twettiq tal-kompiti tagħhom.

[…]

3.   Il-bażi għall-ipproċessar imsemmi fil-punti (c) u (e) tal-paragrafu 1 għandha tkun stipulata minn:

(a)

il-liġi tal-Unjoni, jew

(b)

il-liġi tal-Istat Membru li għaliha huwa soġġett il-kontrollur.

Il-fini tal-ipproċessar għandu jkun iddeterminat fdik il-bażi legali jew, fir-rigward tal-ipproċessar imsemmi fil-punt (e) tal-paragrafu 1, għandu jkun meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju tal-atorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur. Dik il-bażi legali jista’ jkun fiha dispożizzjonijiet speċifiċi biex tiġi adattata l-applikazzjoni ta’ regoli ta’ dan ir-Regolament […]. Il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi tal-Istat Membru għandha tissodisfa l-objettiv ta’ interess pubbliku u tkun proporzjonata mal-għan leġittimu mfittex.

4.   Fejn l-ipproċessar għal finijiet differenti minn dak li għalih id-data personali tkun inġabret ma jkunx ibbażat fuq il-kunsens tas-suġġett tad-data jew fuq liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru li tikkostitwixxi miżura meħtieġa u proporzjonata f’soċjetà demokratika biex tissalvagwardja l-objettivi msemmija fl-Artikolu 23(1), il-kontrollur għandu, sabiex jaċċerta jekk l-ipproċessar għal fini ieħor huwiex kompatibbli mal-fini li għalih tkun inġabret id-data personali inizjalment, jieħu kont, fost l-oħrajn, ta’:

(a)

kwalunkwe rabta bejn il-fini li għalih tkun inġabret id-data personali u l-fini tal-ipproċessar ulterjuri li jkun maħsub;

(b)

il-kuntest li fih inġabret id-data personali, b’mod partikolari fir-rigward tar-relazzjoni bejn is-suġġetti tad-data u l-kontrollur;

(c)

in-natura tad-data personali, b’mod partikolari jekk jiġux ipproċessati kategoriji speċjali ta’ data personali, skont l-Artikolu 9, jew jekk tiġix ipproċessata data personali relatata ma’ kundanni kriminali u reati, skont l-Artikolu 10;

(d)

il-konsegwenzi possibbli għas-suġġetti tad-data tal-ipproċessar ulterjuri maħsub;

(e)

l-eżistenza ta’ salvagwardji xierqa, li jistgħu jinkludu kriptaġġ jew psewdonimizzazzjoni”.

2. Id‑Direttiva 2016/680

7.

Skont l-Artikolu 1 (“Suġġett u objettivi”):

“1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli rigward il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardji kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika.

2.   Skont din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom:

(a)

jipproteġu d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-persuni fiżiċi u b’mod partikolari d-dritt tagħhom għall-protezzjoni tad-data personali; […]

[…]”.

8.

L-Artikolu 2 (“Kamp ta’ applikazzjoni”) jipprevedi li:

“1.   Din id-Direttiva tapplika għall-ipproċessar tad-data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet stipulati fl-Artikolu 1(1).

[…]

3.   Din id-Direttiva ma tapplikax għall-ipproċessar tad-data personali:

(a)

matul attività li taqa’ barra l-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni;

[…]”.

9.

L-Artikolu 3(1), (2) u (8) jadotta d-definizzjonijiet tal-Artikolu 4(1), (2) u (7) tar-RĠPD.

10.

L-Artikolu 4 (“Prinċipji relatati mal-ipproċessar ta’ data personali”) jipprevedi li:

“[…]

2.   L-ipproċessar mill-istess kontrollur jew minn wieħed differenti għal kwalunkwe wieħed mill-finijiet stipulati fl-Artikolu 1(1) minbarra dak li għalih tinġabar id-data personali għandu jkun permess sakemm:

(a)

il-kontrollur ikun awtorizzat biex jipproċessa data personali bħal din għal dan il-fini skont il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru; u

(b)

l-ipproċessar huwa meħtieġ u proporzjonat għal dak il-fini l-ieħor skont il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru.

[…]”.

11.

L-Artikolu 6, (“Distinzjoni bejn kategoriji differenti ta’ suġġett tad-data”), jipprevedi li:

“L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-kontrollur, fejn applikabbli u safejn ikun possibbli, jagħmel distinzjoni ċara bejn data personali ta’ kategoriji differenti ta’ suġġetti tad-data, bħal:

(a)

persuni li fir-rigward tagħhom ikun hemm raġunijiet serji biex wieħed jemmen li jkunu wettqu jew li jkunu ser iwettqu reat kriminali;

(b)

persuni misjuba ħatja ta’ reat kriminali;

(c)

vittmi ta’ reat kriminali jew persuni li ċerti fatti fir-rigward tagħhom jagħtu lok għal raġunijiet biex wieħed jemmen li huma jistgħu jkunu l-vittma ta’ reat kriminali; u

(d)

partijiet oħra għal reat kriminali, bħal persuni li jistgħu jissejħu biex jixhdu f’investigazzjonijiet b’rabta ma’ reati kriminali jew proċeduri kriminali sussegwenti, persuni li jistgħu jipprovdu informazzjoni dwar reati kriminali, jew kuntatti jew assoċjati ta’ waħda mill-persuni msemmija fil-punti (a) u (b)”.

12.

L-Artikolu 8 (“Legalità tal-ipproċessar”) huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jippreveduli l-ipproċessar ikun legali biss jekk u sakemm dak l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir minn awtorità kompetenti għall-finijiet stipulati fl-Artikolu 1(1) u li jkun ibbażat fuq il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru.

2.   Il-liġi tal-Istat Membru li tirregola l-ipproċessar fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għandha tispeċifika tal-inqas l-objettivi tal-ipproċessar, id-data personali li għandha tiġi pproċessata u l-finijiet tal-ipproċessar”.

13.

Skont l-Artikolu 9 (“Kundizzjonijiet speċifiċi għall-ipproċessar”):

“1.   Data personali miġbura minn awtoritajiet kompetenti għall-finijiet stipulati fl-Artikolu 1(1) ma għandhiex tiġi pproċessata għal finijiet li mhumiex dawk stipulati fl-Artikolu 1(1) sakemm tali pproċessar ma jkunx awtorizzat mil-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru. Meta d-data personali tkun proċessata għal tali finijiet oħra, [ir-RĠPD] għandu japplika dment li l-ipproċessar ma jsirx f’attività li taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni.

2.   Fejn l-awtoritajiet kompetenti jiġu inkarigati mil-liġi ta’ Stat Membru bit-twettiq ta’ kompiti oħra minbarra dawk imwettqa għall-finijiet stipulati fl-Artikolu 1(1), [ir-RĠPD] għandu japplika għall-ipproċessar għal finijiet bħal dawn, inkluż għal finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta’ riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta’ statistika, sakemm l-ipproċessar ma jsirx f’attività li taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni.

[…]”.

B.   Id‑dritt nazzjonali

1. Il‑Kostituzzjoni tar‑Repubblika tal‑Bulgarija ( 4 )

14.

L-Artikolu 127 jistabbilixxi l-kompetenza esklużiva tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku għat-tmexxija tal-istruttorja kriminali, għall-imputazzjoni tar-responsabbiltà kriminali u għat-tressiq tal-azzjoni kriminali quddiem il-qrati fil-każ ta’ reati li ma jeħtiġux rapport jew kwerela.

2. Zakon za zashtita na lichnite danni ( 5 )

15.

L-Artikolu 1 jipprevedi li:

“(1)   Din il-liġi tirregola r-relazzjonijiet pubbliċi relatati mal-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom inkwantu dawn ma jkunux irregolati mir-[RĠPD].

(2)   Din il-liġi tistabbilixxi ukoll ir-regoli dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-iskopijiet ta’ prevenzjoni u ta’ sejbien ta’ reati kriminali, ta’ investigazzjonijiet u ta’ prosekuzzjonijiet f’dan ir-rigward jew ta’ eżekuzzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali, inkluża l-protezzjoni kontra t-theddid għas-sigurtà u għall-ordni pubbliku u l-prevenzjoni ta’ tali theddid.

[…]”.

16.

L-Artikolu 17 jistabbilixxi li:

“(1)   L-Ispettorat tal-Kunsill Suprem tal-Ġudikatura jiżgura l-kontroll u l-osservanza tar-[RĠPD], ta’ din il-liġi u tal-atti dwar il-protezzjoni tad-data personali fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali:

1. mill-qorti fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha ta’ awtorità ġudizzjarja, u

2. mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku u l-awtoritajiet ta’ investigazzjoni fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom ta’ awtoritajiet ġudizzjarji għall-iskopijiet tal-prevenzjoni, tas-sejbien, tal-istruttorja jew tal-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew tal-eżekuzzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali.

[…]”.

17.

L-Artikolu 42 jipprevedi li:

“(1)   Ir-regoli ta’ dan il-kapitolu japplikaw fil-każ ta’ pproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-iskopijiet tal-prevenzjoni u tas-sejbien ta’ reati kriminali, ta’ investigazzjonijiet u ta’ prosekuzzjonijiet f’dan ir-rigward jew ta’ eżekuzzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali, inkluża l-protezzjoni kontra t-theddid għas-sigurtà u għall-ordni pubbliku u l-prevenzjoni ta’ tali theddid.

(2)   Id-data personali miġbura għall-iskopijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ma għandhomx jiġu pproċessati għal skopijiet oħrajn, ħlief jekk ikun previst mod ieħor fid-dritt tal-Unjoni jew fil-leġiżlazzjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija.

(3)   Meta l-awtoritajiet kompetenti bis-saħħa tal-paragrafu 1 jipproċessaw id-data personali għal skopijiet differenti minn dawk previsti fil-paragrafu 1 kif ukoll fil-każijiet previsti fil-paragrafu 2, għandhom japplikaw ir-[RĠPD] u d-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din il-liġi li jintroduċu miżuri għall-applikazzjoni tiegħu.

(4)   ‘Awtorità kompetenti’, fis-sens tal-paragrafu 1, tfisser kull awtorità pubblika kompetenti għall-prevenzjoni u s-sejbien ta’ reati kriminali, għall-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet f’dan ir-rigward jew għall-eżekuzzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali, inkluża l-protezzjoni kontra t-theddid għas-sigurtà u għall-ordni pubbliku u l-prevenzjoni ta’ tali theddid.

(5)   Sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’dispożizzjoni leġiżlattiva, kontrollur, fis-sens ta’ dan il-kapitolu, ta’ data personali għall-iskopijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 huwa awtorità kompetenti fis-sens tal-paragrafu 4 jew l-entità amministrattiva li minnha tagħmel parti din l-awtorità li, weħidha jew flimkien ma’ awtoritajiet oħrajn, tiddetermina l-iskopijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ta’ data personali”.

18.

L-Artikolu 45 huwa fformulat kif ġej:

“[…]

(2)   L-ipproċessar ta’ data personali mwettaq mill-kontrollur li jkun ġabarha inizjalment jew minn kontrollur ieħor għal xi wieħed mill-iskopijiet imsemmija fl-Artikolu 42(1), li jkun differenti minn dak li għalih inġabret id-data personali, huwa awtorizzat bil-kundizzjoni li:

1. il-kontrollur ikun awtorizzat jipproċessa data personali għal dan l-iskop, konformement mad-dritt tal-Unjoni jew mal-leġiżlazzjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija, u

2. l-ipproċessar ikun neċessarju u proporzjonat sabiex jintlaħaq dan l-iskop l-ieħor, konformement mad-dritt tal-Unjoni jew mal-leġiżlazzjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija.

[…]”.

19.

L-Artikolu 47 jirriproduċi l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2016/680.

20.

L-Artikolu 49 jistipula li:

“L-ipproċessar ta’ data personali huwa legali meta jkun meħtieġ għall-eżerċizzju tas-setgħat minn awtorità kompetenti għall-iskopijiet imsemmija fl-Artikolu 42(1), u jkun previst mid-dritt tal-Unjoni jew minn liġi li tiddefinixxi l-iskopijiet tal-ipproċessar u l-kategoriji ta’ data personali li hija s-suġġett tal-ipproċessar”.

II. Il‑fatti, il‑proċeduri u d‑domandi preliminari

21.

Taħt it-tmexxija tar-Rayonna prokuratura – Petrich (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tad-Distrett ta’ Petrich, il-Bulgarija) twettqet investigazzjoni (Nru 252/2013 tal-pulizija ta’ Petrich) ( 6 ) sabiex jiġu kkjarifikati xi fatti li jikkostitwixxu reat ( 7 ) li seħħew fit‑18 ta’ April 2013.

22.

Waqt din l-investigazzjoni, inizjalment inġabret data personali ta’ VS fil-kapaċità tiegħu ta’ vittma.

23.

Permezz tad-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tal‑4 u tal‑5 ta’ April 2018, ġew akkużati erba’ persuni (fosthom, VS) b’dawn il-fatti.

24.

Fl‑10 ta’ Novembru 2020, ir-Rayonen sad Petrich (il-Qorti Distrettwali ta’ Petrich, il-Bulgarija) iddeċidiet li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq il-proċeduri kriminali, minħabba preskrizzjoni.

25.

Fl‑2016 u l‑2017, b’konsegwenza tal-ilmenti mressqa kontra VS, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tad-distrett ta’ Petrich fetaħ diversi investigazzjonijiet ( 8 ) li, fl-assenza ta’ provi kriminali, ma wasslu għall-ftuħ ta’ ebda proċeduri kriminali.

26.

Fl‑2018, VS ressaq azzjoni ċivili ( 9 ) kontra l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tar-Repubblika tal-Bulgarija quddiem l-Okrazhen sad – Blagoevgrad (il-Qorti Reġjonali ta’ Blagoevgrad, il-Bulgarija), bil-għan li jikseb il-kumpens għad-dannu kkawżat mid-dewmien eċċessiv tal-proċeduri kriminali Nru 252/2013.

27.

Sabiex jiddefendi ruħu kontra din l-azzjoni ċivili, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku talab lill-qorti sabiex tinkorpora l-fajls Nru 517/2016 u Nru 1872/2016, tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tad-distrett ta’ Petrich stess.

28.

Permezz ta’ digriet tal‑15 ta’ Ottubru 2018, l-Okrazhen sad – Blagoevgrad (il-Qorti Reġjonali ta’ Blagoevgrad) ordnat lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tad-distrett ta’ Petrich jipproduċi l-kopji tad-dokumenti li jinsabu fil-fajls Nru 517/2016 u Nru 1872/2016.

29.

Fit‑12 ta’ Marzu 2020, VS ilmenta mal-Inspektorata kam Visshia sadeben savet (l-Awtorità ta’ Kontroll tal-Kunsill Suprem tal-Ġudikatura; iktar ’il quddiem l-“IVSS”) dwar dak li kien ikkunsidra bħala pproċessar doppju illegali tad-data personali tiegħu mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku, li kien uża indebitament:

Id-data ta’ VS miġbura fil-kapaċità tiegħu ta’ vittma, għall-ipproċessar ulterjuri tagħha bħala akkużat fil-proċeduri kriminali Nru 252/2013.

Id-data ta’ VS miġbura fil-fajls Nru 517/2016 u Nru 1872/2016, sabiex tintuża mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku fil-proċedura ċivili Nru 144/2018.

30.

Fit‑22 ta’ Ġunju 2020, l-IVSS ċaħdet it-talba doppja ta’ VS.

31.

VS ikkontesta din id-deċiżjoni tal-IVSS quddiem l-Administrativen sad Blagoevgrad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Blagoevgrad, il-Bulgarija), li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.

L-Artikolu 1(1) tad-[Direttiva 2016/680] għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta jippreżenta l-għanijiet ta’ ‘prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali’ bħala lista, qiegħed jirreferi għal aspetti tal-istess għan ġenerali?

2.

Id-dispożizzjonijiet tar-[RĠPD] huma applikabbli fil-konfront tal-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku tar-Repubblika tal-Bulgarija, minħabba l-ġbir ta’ informazzjoni dwar persuna, fil-kapaċità tiegħu ta’ ‘kontrollur’ fis-sens tal-punt 8 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2016/680, marbuta mal-kompilazzjoni ta’ fajl quddiem il-prosekutur għall-verifika ta’ data dwar reat imwettaq u użata fid-difiża ta’ din il-persuna quddiem il-qorti bħala parti fi proċeduri ċivili, f’sitwazzjoni fejn jiġi kkomunikat il-fatt li tkun qiegħda tiġi kkompilata din l-informazzjoni jew f’sitwazzjoni fejn jiġu kkomunikati elementi minn din l-informazzjoni?

2.1.

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal din id-domanda:

L-espressjoni ‘interessi leġittimi’ użata fl-Artikolu 6(1)(e) tar-[RĠPD] għandha tiġi interpretata fis-sens li tkopri l-komunikazzjoni sħiħa jew parzjali ta’ informazzjoni dwar persuna, miġbura fil-kuntest tal-kompilazzjoni ta’ fajl quddiem il-prosekutur għall-finijiet ta’ prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, f’sitwazzjoni fejn tintuża fid-difiża tal-kontrollur bħala parti fi proċeduri ċivili u fejn ikun eskluż il-kunsens tas-suġġett tad-data?”

III. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

32.

It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑23 ta’ Marzu 2021.

33.

Dehru u ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub VS, l-IVSS, il-Gvern Bulgaru, il-Gvern Ċek u l-Gvern Olandiż kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea.

34.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ma qisitx indispensabbli li tinżamm seduta pubblika, li ma ġiet mitluba minn ebda waħda mill-partijiet.

IV. Analiżi

A.   Kunsiderazzjonijiet preliminari fuq id‑dritt tal‑Unjoni applikabbli

35.

Ir-RĠPD u d-Direttiva 2016/680 jintegraw sistema koerenti li fiha:

Ir-RĠPD għandu jistabbilixxi r-regoli ġenerali għall-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom.

Id-Direttiva 2016/680 tistabbilixxi r-regoli speċifiċi għall-ipproċessar ta’ din id-data fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u tal-kooperazzjoni tal-pulizija.

36.

Il-protezzjoni mogħtija mis-sistema kkostitwita miż-żewġ dispożizzjonijiet hija bbażata fuq il-prinċipji ta’ legalità, lealtà, trasparenza u, f’din il-kawża, fuq il-prinċipju ta’ limitazzjoni stretta tal-ġbir tad-data u tal-ipproċessar tagħha għall-iskopijiet previsti fil-liġi ( 10 ).

37.

B’mod partikolari, l-Artikolu 5(1)(b) tar-RĠPD jipprevedi li d-data għandha “tinġabar għal finijiet speċifikati, espliċiti u leġittimi u ma għandhiex tiġi pproċessata ulterjorment b’mod inkompatibbli ma’ dawk il-finijiet” ( 11 ). L-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 2016/680 huwa espress ukoll f’dawn it-termini, fir-rigward tal-lex specialis.

38.

Għaldaqstant, id-data personali la tista’ tinġabar u lanqas tiġi pproċessata b’mod ġenerali, iżda biss għal skopijiet speċifikati ( 12 ) u bla ħsara għall-kundizzjonijiet ta’ legalità stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

39.

Il-prinċipju ta’ rabta stretta bejn il-ġbir u l-ipproċessar ta’ data, minn naħa, u l-iskopijiet li għandhom jiġu moqdija miż-żewġ operazzjonijiet, min-naħa l-oħra, ma huwiex assolut, peress li kemm r-RĠPD kif ukoll id-Direttiva 2016/680 jippermettu ċerta flessibbiltà, bħalma ser nispjega iktar ’il quddiem.

40.

Fil-kawża inkwistjoni, il-qorti amministrattiva għandha tiddeċiedi jekk l-awtorità ta’ kontroll (l-IVSS) ( 13 ) aġixxietx skont il-liġi fiċ-ċaħda tagħha tal-ilment li fih VS akkuża lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Bulgaru li pproċessa b’mod illegali d-data personali tiegħu.

41.

Din id-data nġabret, bħalma diġà spjegajt, f’żewġ kuntesti differenti:

F’investigazzjoni kriminali, miftuħa mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku fl‑2013 fir-rigward ta’ fatti li dwarhom VS deher bħala allegata vittma. Din id-data ntużat sussegwentement kontra VS fil-kapaċità tiegħu ta’ persuna investigata fl-istess proċeduri kriminali.

F’investigazzjonijiet kriminali oħra, tal‑2016 u tal‑2017, miftuħa mill-istess Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku abbażi ta’ lmenti differenti magħmula kontra, inter alia, VS, għal fatti mhux relatati ma’ dawk tal‑2013 ( 14 ). F’dan il-każ, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku talab (u l-qorti kompetenti laqgħet it-talba tiegħu) li juża d-data ddokumentata f’dawn l-investigazzjonijiet sabiex jiddefendi ruħu fil-proċedura ċivili mressqa minn VS, li kien qiegħed jitlob kumpens mingħandu

42.

Id-domandi tal-qorti tar-rinviju jestendu, korrelattivament:

Għal-legalità tal-użu tad-data personali ta’ VS f’żewġ mumenti suċċessivi tal-istess proċeduri kriminali (l-ewwel domanda preliminari).

Għal-legalità tal-ipproċessar tad-data personali ta’ VS, miġbura waqt investigazzjoni kriminali miftuħa mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku, li huwa jrid juża fi proċedura ċivili li fiha huwa qiegħed jiġi mfittex minn VS (it-tieni domanda preliminari).

43.

Naqbel mal-qorti tar-rinviju, u mal-partijiet kollha li intervjenew f’din il-proċedura għal deċiżjoni preliminari, li l-ipproċessar tad-data personali li huwa s-suġġett tal-ewwel domanda preliminari huwa rregolat mid-Direttiva 2016/680.

44.

Skont l-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2016/680, din id-direttiva tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-iskopijiet tal-prevenzjoni, tal-investigazzjoni, tas-sejbien jew tal-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali. F’din il-kawża, id-data ta’ VS inġabret u ġiet ipproċessata, preċiżament, fil-kuntest ta’ investigazzjoni kriminali.

45.

Madankollu, fir-rigward tat-trasferiment ta’ data personali għall-proċedura ċivili mressqa kontra l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku (it-tieni domanda preliminari), għandu japplika r-RĠPD jekk dan it-trasferiment ikun jikkostitwixxi pproċessar tad-data għal skopijiet differenti minn dawk tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2016/680, iżda li jkunu inklużi f’attività li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

B.   L-ewwel domanda preliminari: trasferiment ad intra tad-data personali miġbura għal skopijiet inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2016/680

46.

Skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2016/680, l-ipproċessar tad-data personali, mill-istess kontrollur jew minn wieħed differenti, għal kwalunkwe wieħed mill-iskopijiet stipulati fl-Artikolu 1(1) ( 15 ) minbarra dak li għalih din tinġabar għandu jkun permess sakemm:

(a)

il-kontrollur ikun debitament awtorizzat sabiex jipproċessa d-data għal dan l-iskop il-ġdid; u

(b)

l-ipproċessar inkwistjoni jkun meħtieġ u proporzjonat għal dan l-iskop l-ieħor konformement mad-dritt tal-Unjoni jew tal-Istat Membru.

47.

Id-Direttiva 2016/680 tawtorizza, għaldaqstant, trasferiment ad intra tad-data personali miġbura taħtha. Id-data li tkun inġabret għal wieħed mill-iskopijiet elenkati fl-Artikolu 1(1) tagħha tista’ tintuża wkoll, bla ħsara għal ċerti kundizzjonijiet, għal skop ieħor jew skopijiet oħrajn inklużi f’din il-lista.

48.

Il-problema mqajma mill-ewwel domanda preliminari hija jekk id-data personali ta’ VS miksuba meta huwa deher bħala allegata vittma tar-reat investigat tistax tiġi pproċessata sussegwentement kontrih bħala persuna investigata, jew akkużata, matul l-istess proċeduri kriminali.

49.

Fi kliem ieħor, għandu jiġi ddeterminat jekk id-data personali ta’ VS ġietx ipproċessata għall-istess skop li ġġustifika l-ġbir inizjali tagħha jew, inkella, għal żewġ skopijiet differenti, iżda li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2016/680. Fit-tieni każ, l-ipproċessar għandu jkun suġġett għall-kundizzjonijiet speċifiċi tal-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva.

50.

Il-qorti tar-rinviju għamlet l-ewwel domanda tagħha b’mod kemxejn ambigwu fir-rigward tas-suġġett tat-tilwima. Hija tixtieq tkun taf, letteralment, jekk l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2016/680 għandux jiġi interpretat “fis-sens li, meta jippreżenta l-għanijiet ta’ ‘prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali’ bħala lista, qiegħed jirreferi għal aspetti tal-istess għan ġenerali”.

51.

Fid-dawl tad-dikjarazzjoni tal-qorti tar-rinviju, jista’ jkun xieraq li tiġi rriformulata l-ewwel domanda tagħha, bħalma pproponew il-partijiet u l-intervenjenti f’din il-proċedura għal deċiżjoni preliminari. Iktar milli wieħed jiffoka fuq ir-relazzjoni astratta bejn skop ġenerali u skop speċifiku, dak li huwa verament importanti (u dak li fil-fatt kien jikkonċerna l-ilment ta’ VS) huwa jekk, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali rregolati mid-Direttiva 2016/680, l-iskop li wassal għall-ġbir tad-data ta’ persuna fil-kapaċità tagħha ta’ allegata vittma ta’ reat ikomplix jeżisti meta din id-data twassal għall-akkuża sussegwenti tagħha fl-istess proċeduri.

52.

L-interpretazzjoni testwali tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2016/680 tindika li, fi ħdanha, hemm tliet tipi distingwibbli ta’ skopijiet, li jikkorrispondu għal mumenti u għal attivitajiet differenti:

Minn naħa, dak ta’ “prevenzjoni”, inkluża dik intiża li tiġġieled kontra t-theddid għas-sigurtà pubblika.

Min-naħa l-oħra, dak ta’ “investigazzjoni” (f’sens wiesa’) tal-fatti li għandhom rilevanza kriminali, li tinkludi s-sejbien tagħhom, l-investigazzjoni proprja tagħhom u l-prosekuzzjoni tar-reati.

Finalment, dak ta’ “eżekuzzjoni tal-pieni kriminali”.

53.

Mill-perspettiva sistematika jew kuntestwali, l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2016/680 jargumenta favur il-kunsiderazzjoni separata ta’ kull wieħed minn dawn l-iskopijiet. Inkella, bħalma indika l-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, din id-dispożizzjoni ma jkollha ebda sinjifikat, peress li, ġustament, tagħmel riferiment għal “finijiet stipulati fl-Artikolu 1(1) minbarra dak li għalih tinġabar id-data personali […]”.

54.

Abbażi ta’ din il-premessa, ser nipprova nispjega għaliex, f’din il-kawża, id-data kontenzjuża nġabret u ġiet ipproċessata għal wieħed mill-iskopijiet (dak ta’ “investigazzjoni”) imsemmi fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2016/680, fatt li jiddetermina l-applikazzjoni tad-Direttiva u l-legalità korrispondenti tal-ipproċessar.

55.

Sussidjarjament, jekk il-kisba u l-ipproċessar twettqu għal żewġ skopijiet, minn dawk elenkati fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2016/680, il-legalità tagħhom lanqas ma tkun kontestabbli.

1. L-istess skop

56.

F’investigazzjoni kriminali mhux dejjem jista’ jiġi ddeterminat mill-bidu l-istatus proċedurali tal-persuni involuti. F’ħafna każijiet, l-għan ta’ dawn l-investigazzjonijiet huwa l-identifikazzjoni u, għaldaqstant, il-“kategorizzazzjoni” tas-suġġetti li jidhru prima facie bħala awturi, vittmi jew xhieda tal-fatti.

57.

Matul din il-fażi preparatorja huwa loġiku li tkun teżisti ċerta fluwidità fil-kategorizzazzjoni. L-investigazzjoni għandha twassal, konformement mar-riżultati li tipproduċi, għall-identifikazzjoni eżatta tal-kapaċità li biha dawn il-persuni jintervjenu meta ssir il-prosekuzzjoni tal-fatti.

58.

Dan huwa partikolarment minnu f’każijiet bħal dak fid-digrieti. Skont il-qorti tar-rinviju, kien hemm attakki inkroċjati bejn għadd ta’ persuni. Waħda minnhom, li inizjalment dehret bħala vittma, spiċċat akkużata bħala awtur ta’ dawn l-attakki.

59.

F’dan il-kuntest, l-attività kollha mwettqa taqa’ fil-kunċett ta’ “investigazzjoni” tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2016/680. L-għan ta’ din l-attività kien, għaldaqstant, uniku, u jikkorrispondi għal wieħed mill-“finijiet” li għalihom jista’ jservi l-ipproċessar tad-data personali.

60.

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tiddubita jekk din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2016/680 hijiex konsistenti mal-premessa 31 tagħha ( 16 ).

61.

Naqbel mal-fehma tal-maġġoranza tal-partijiet li din il-premessa, bħall-Artikolu 6 tad-Direttiva 2016/680, li huwa bbażat fuqha, ma humiex rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk seħħitx il-bidla tal-iskopijiet imsemmija fl-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva.

62.

Skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2016/680, id-distinzjoni ċara bejn id-data personali tal-kategoriji differenti ta’ suġġetti tad-data hija possibbli biss “fejn applikabbli u safejn ikun possibbli”. Għar-raġunijiet esposti iktar ’il fuq, ma huwiex faċli li f’investigazzjoni inizjali għal fatti bħal dawk li seħħew f’dan il-każ jiġu identifikati b’mod ċar u mill-bidu l-“kategoriji differenti tas-suġġetti tad-data”. Barra minn hekk, l-istess parteċipant f’dawn il-fatti jista’ jkun kemm vittma kif ukoll awtur tal-attakki.

63.

Anki jekk il-kontrollur tad-data miksuba fl-investigazzjoni kriminali kellu jirnexxilu jiddistingwi b’mod ċar, fil-bidu u matul l-istruttorja, bejn vittmi, persuni ssuspettati u xhieda, l-iskop (l-investigazzjoni) sottostanti tal-ġbir u tal-ipproċessar ta’ din id-data ma jinbidilx.

64.

Fi kliem ieħor, l-attribuzzjoni suċċessiva ta’ status wieħed jew ieħor (vittma, xhud, persuna implikata) lill-persuni li jidhru f’investigazzjoni kriminali ma tinvolvix neċessarjament bidla tal-iskopijiet, skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2016/680.

2. Żewġ skopijiet simultanji

65.

Sussidjarjament, fl-ipoteżi tal-eżistenza taċ-ċirkustanza prevista fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2016/680, l-ipproċessar tad-data personali kontenzjuża jkun jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ legalità stabbiliti minn din id-direttiva. Din hija l-fehma tal-Gvern Bulgaru u ta’ dak Ċek, li jiena naqbel magħhom.

66.

Għalkemm hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan, ma jidhirx li hemm xi dubju li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku huwa, konformement mad-dritt nazzjonali, l-awtorità kontrollur tad-data personali ta’ VS “[għall-]finijiet stipulati fl-Artikolu 1(1) minbarra dak li għalih tinġabar id-data personali”. Għaldaqstant, l-ewwel rekwiżit tal-Artikolu 4(2)(a) tad-Direttiva 2016/680 huwa ssodisfatt.

67.

Fir-rigward tat-tieni rekwiżit impost mill-Artikolu 4(2)(b) (li “l-ipproċessar huwa meħtieġ u proporzjonat għal dak il-fini l-ieħor”), nifhem li:

In-neċessità tiegħu hija ġġustifikata mill-inċertezza u min-natura indeterminata li huma karatteristiċi tal-ewwel investigazzjonijiet kriminali.

L-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tiegħu għandha ssir mill-qorti tar-rinviju, billi tikkunsidra jekk l-ipproċessar ġiex limitat għal dak li huwa strettament neċessarju għall-ksib tal-iskop li qam.

68.

Meta jiġu applikati għal din il-kawża, ir-rekwiżiti tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2016/680 huma ta’ ftit sinjifikat u hija kkonfermata l-uniċità tal-iskop inerenti għall-ġbir tad-data personali kontenzjuża: hemm kontinwità loġika bejn l-ipproċessar inizjali tagħha u dak li sussegwentement wassal għall-akkuża tal-persuna implikata.

69.

Għaldaqstant, ma jkunx neċessarju li tiġi kkonfermata l-kompetenza ta’ kontrollur ġdid tad-data (li jkun dejjem l-istess), u lanqas ma jkun hemm xi diffikultà sabiex tiġi pprovata n-neċessità tat-tieni pproċessar (imwettaq fil-kuntest tal-istess proċeduri), meta l-kriterju ta’ proporzjonalità jkun komuni għall-ipproċessar kollu, skont kif jirriżulta mill-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2016/680.

C.   It-tieni domanda preliminari: trasferiment ad extra tad-data personali miġbura.

70.

L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2016/680 jipprevedi l-possibbiltà ta’ trasferiment ad extra tad-data personali miġbura taħtu.

71.

Abbażi, bħala regola, tal-fatt li tali data “ma għandhiex tiġi pproċessata għal finijiet li mhumiex dawk stipulati fl-Artikolu 1(1) [tagħha]”, l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2016/680 jistabbilixxi l-eċċezzjoni li fiha d-dritt tal-Unjoni jew tal-Istat Membru jawtorizza l-ipproċessar tagħha għal skopijiet għajr dawk tal-Artikolu 1(1). F’tali każ, għandu japplika r-RĠPD (sakemm l-attività tkun taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni).

72.

Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi:

Jekk ir-RĠPD japplikax għal każ li fih l-informazzjoni miġbura f’investigazzjoni kriminali miftuħa mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tintuża sussegwentement bħala mezz ta’ difiża tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku nnifsu fi proċedura ċivili mressqa kontrih mis-suġġett tad-data.

Jekk, bis-suppożizzjoni li r-risposta għal din id-domanda tkun fl-affermattiv, l-espressjoni “interessi leġittimi” tal-Artikolu 6(1)(f) tar-RĠPD tkoprix il-produzzjoni tad-data konenzjuża għall-finijiet tad-difiża tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku fil-proċedura ċivili msemmija.

1. Ammissibbiltà tad‑domanda

73.

L-IVSS issostni li, peress li l-ilment ta’ VS ġie miċħud fiż-żmien rilevanti minħabba li kien tardiv, it-tieni domanda preliminari hija inammissibbli.

74.

Jiena ma naqbilx ma’ din l-oġġezzjoni.

75.

Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew ulterjorment meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex l-elementi fattwali u legali neċessarji sabiex tirrispondi utilment għad-domandi li jkunu sarulha ( 17 ).

76.

L-oġġezzjoni tal-IVSS tikkonċerna punt li jaqa’ fil-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qorti tar-rinviju. Hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha tiddefinixxi, taħt ir-responsabbiltà tagħha, il-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja ( 18 )

77.

Kemm id-deċiżjoni dwar in-natura tardiva invokata mill-IVSS kif ukoll l-evalwazzjoni tar-rilevanza tagħha għall-finijiet tat-tilwima huma elementi ta’ deċiżjoni li jaqgħu taħt l-evalwazzjoni biss tal-qorti tar-rinviju. F’din il-kawża, dik il-qorti insistiet li d-domanda hija rilevanti għar-riżoluzzjoni tal-kawża prinċipali, minkejja n-natura tardiva invokata mill-IVSS ( 19 ).

78.

Din l-evalwazzjoni ma tistax tiġi rriveduta mill-Qorti tal-Ġustizzja li għandha, bħala prinċipju, issegwi l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali, proċedurali u sostantiv, adottata mill-qrati meta jiddefinixxu l-kuntest li fih isir ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

2. Fuq il‑mertu

79.

Fid-dawl tar-raġunijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju għall-ġustifikazzjoni tat-tieni domanda preliminari, dak li verament jinteressaha huwa li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina jekk it-trasferiment tad-data kontenzjuża jikkostitwixxix “ipproċessar ta’ data” fis-sens tal-Artikolu 4(1) u (2) tar-RĠPD ( 20 ) u jekk dan l-ipproċessar kienx legali skont l-Artikolu 6 tiegħu.

a) Eżistenza ta’ pproċessar tad-data

80.

L-Artikolu 4(1) u (2) tar-RĠPD, kif ukoll l-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2016/680, jiddefinixxu fl-istess termini l-kunċetti ta’ “data personali” u “ pproċessar”.

81.

Skont dawn id-definizzjonijiet, ninferixxi li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ried juża fid-difiża tiegħu quddiem il-qorti ċivili “informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata” li kienet tinkludi “data personali” ta’ VS.

82.

Fit-trasferiment ta’ din id-data personali għall-proċedura ċivili seħħew diversi mill-“operazzjonijiet” li jikkostitwixxu “pproċessar ta’ data” mingħajr il-kunsens tas-suġġett tad-data. Tal-inqas, kien neċessarju li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku nnifsu jikkonsultaha sabiex jevalwa l-utilità possibbli tagħha sabiex jiddefendi l-pożizzjoni tiegħu fil-proċedura ċivili. Għandu jiġi ppreżuppost ukoll li, għal dan l-istess għan, id-data ġiet organizzata, strutturata, adattata jew immodifikata, u, ċertament, ikkomunikata u mxerrda, anki jekk dan sar minimament, meta kienet mitluba l-inkorporazzjoni tagħha fil-proċedura ċivili ( 21 ).

83.

Finalment, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku, billi rreġistra din id-data, inkorporaha fil-fajls tiegħu, żammha u kkonsultaha, u billi talab li l-qorti ċivili taċċetta bħala prova l-informazzjoni li kellu fl-investigazzjoni kriminali, wettaq ipproċessar tad-data personali ta’ VS.

84.

L-IVSS u l-Kummissjoni jargumentaw li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku jista’ jkun “kontrollur” biss bħala awtorità kompetenti għall-iskopijiet, ta’ natura kriminali, inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2016/680.

85.

Dan ma jimplikax, fil-fehma tiegħi, li t-tieni domanda preliminari ma fiha l-ebda skop, bħalma ssostni l-IVSS. Anzi, dan ifisser li l-legalità tal-ipproċessar, skont l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2016/680, għandha tiġi vverifikata fid-dawl tar-RĠPD.

86.

Il-qorti b’ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi t-tilwima ċivili tkun il-kontrollur tad-data f’dik il-proċedura meta din id-data tkun inkluża fiha. Id-deċiżjonijiet tagħha huma esklużi mill-iskrutinju tal-awtorità ta’ kontroll, skont l-Artikolu 55(3) tar-RĠPD, sa fejn dawn jiġu adottati fl-eżerċizzju ta’ funzjonijiet ġurisdizzjonali ( 22 ).

87.

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tillimita d-domanda tagħha għall-applikabbiltà tar-RĠPD fil-mument li fih l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku jfittex li juża l-informazzjoni li jkun ġabar bħala “kontrollur”, fis-sens tad-Direttiva 2016/680, għad-difiża tiegħu fil-proċedura ċivili.

88.

Għar-raġunijiet li għadni kif esponejt, nemmen li r-RĠPD huwa applikabbli, peress li l-iskopijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2016/680 ma jinkludux id-difiża tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku fi proċedura ċivili.

b) Legalità tal‑ipproċessar fid‑dawl tar‑RĠPD

89.

Il-kundizzjonijiet tal-legalità għall-ipproċessar ta’ data personali huma elenkati fl-Artikolu 6(1) tar-RĠPD: “[l]-ipproċessar għandu jkun legali biss jekk u safejn mill-inqas ikun japplika wieħed mill-punti li ġejjin”, li dan jiddeskrivi iktar ’il quddiem. Il-lista hija eżawrjenti ( 23 ).

90.

Fil-fehma tiegħi, minn dawn il-kundizzjonijiet ma hijiex issodisfatta, la dik ibbażata fuq il-kunsens tas-suġġett tad-data (punt (a)), la dik ibbażata fuq it-twettiq ta’ kuntratt (punt (b)), la dik ibbażata fuq it-twettiq ta’ obbligu legali (punt (c)) ( 24 ), u lanqas dik ibbażata fuq il-protezzjoni tal-interessi vitali tas-suġġett tad-data jew ta’ terz (punt (d)).

91.

Skont il-qorti tar-rinviju, il-kundizzjoni mniżżla fl-Artikolu 6(1)(f) tar-RĠPD hija ssodisfatta. Madankollu, bħalma sostniet il-Kummissjoni, l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 6(1) jeskludi l-punt (f) f’din il-kawża, peress li din il-kundizzjoni “m’għand[hiex] [t]applika għall-ipproċessar li jitwettaq minn awtoritajiet pubbliċi fit-twettiq tal-kompiti tagħhom” ( 25 ).

92.

Bi tweġiba għal mistoqsija mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Bulgaru, appoġġjat fuq dan il-punt mill-Gvern Ċek u minn dak Olandiż, insista fuq l-applikabbiltà tal-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 6(1)(f) tar-RĠPD. Huwa jsostni n-neċessità li tiġi kkunsidrata “n-natura tal-attività eżerċitata mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku”, li, għalkemm huwa entità pubblika, jista’ jipparteċipa fi proċeduri ċivili bħala “parti ugwali” ( 26 ).

93.

Madankollu, l-“interessi leġittimi” li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku jiddefendi, bħala awtorità pubblika, fi proċedura li fiha jintalab li huwa jinżamm responsabbli għall-azzjonijiet proċedurali tiegħu, huma esklużi mill-każ previst fl-Artikolu 6(1)(f) tar-RĠPD, kif prevista espliċitament fl-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 6(1).

94.

Għall-awtoritajiet li jaġixxu fit-twettiq tal-kompiti fdati lilhom mil-liġi (f’dan il-każ, it-tressiq tal-azzjoni kriminali u r-rappreżentazzjoni tal-Istat kontra talbiet għal responsabbiltà finanzjarja), l-interess rilevanti, għall-finijiet tal-Artikolu 6(1) tar-RĠPD, huwa l-interess pubbliku li dawn iservu, skont l-Artikolu 6(1)(e).

95.

Il-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 6(1)(f) tirrigwarda l-issodisfar ta’ interessi leġittimi mfittxija mill-kontrollur jew minn terz, sakemm fuq dawn l-interessi ma jipprevalixxux l-interessi jew id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data li jeħtieġu l-protezzjoni ta’ data personali.

96.

Għalhekk, din il-klawżola ma tikkonċernax daqstant il-possibbiltajiet ta’ difiża tal-awtorità pubblika – li jistgħu jkunu bbażati fuq l-Artikolu 6(1)(e) – iżda iktar il-prevalenza possibbli tal-interessi, tad-drittijiet u tal-libertajiet tas-suġġett tad-data kontra l-kontrollur jew kontra terz. Hija pjuttost tapplika għall-kunflitti bejn partijiet (privati) li l-interessi tagħhom ma humiex ta’ natura pubblika.

97.

Peress li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku jaġixxi, b’definizzjoni, bħala istituzzjoni statali, għandu jiġi analizzat jekk l-ipproċessar kontenzjuż huwiex kopert mill-Artikolu 6(1)(e) tar-RĠPD.

98.

Dan ikun il-każ jekk dan l-ipproċessar jirriżulta li huwa “meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali mogħtija” lill-kontrollur.

99.

Ser niffoka fuq l-ewwel wieħed minn dawn iż-żewġ skopijiet, mingħajr in-neċessità li nindirizza t-tieni wieħed ( 27 ), sabiex niddetermina jekk l-intervent tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku fil-proċedura ċivili li fiha qiegħed jintalab kumpens mingħandu minħabba l-imġiba tiegħu jaqax taħt it-twettiq ta’ kompitu ta’ interess pubbliku.

100.

Skont id-dritt nazzjonali ( 28 ), huwa l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku li għandu jirrappreżenta lill-Istat fil-proċeduri għal responsabbiltà mhux kuntrattwali għad-danni li huwa kkawża minħabba d-dewmien tiegħu. Bl-istess mod, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku jintervjeni fid-difiża tal-interessi ġenerali (finanzjarji) tal-Istat u, għaldaqstant, fl-eżerċizzju ta’ kompitu ta’ interess pubbliku ( 29 ).

101.

L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2016/680 jissuġġetta t-trasferiment ad extra tad-data miġbura fil-fajls suġġett għall-kundizzjoni li l-ipproċessar tagħha jkun awtorizzat mid-dritt tal-Unjoni jew tal-Istat Membru. F’din il-kawża, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika l-eżistenza ta’ din l-awtorizzazzjoni, fid-dawl tat-twettiq tal-kompitu ta’ interess pubbliku attribwit lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku għad-difiża tal-assi tal-Istat.

102.

Skont l-Artikolu 6(3) tar-RĠPD, il-bażi legali tal-ipproċessar indikat fl-Artikolu 6(1)(e), “jista’ jkun fiha dispożizzjonijiet speċifiċi biex tiġi adattata l-applikazzjoni ta’ regoli” tal-istess RĠPD ( 30 ). Jekk din il-bażi legali tkun stabbilita mid-dritt tal-Istat Membru li jkun japplika għall-kontrollur, hija l-qorti nazzjonali li għandha tidentifikaha ( 31 ).

103.

Finalment, anki jekk il-qorti tar-rinviju ma tidentifikax il-bażi legali rilevanti, il-kompatibbiltà tal-ipproċessar kontenzjuż mal-iskop li għalih inġabret id-data kontenzjuża għandha tiġi ddeterminata skont l-Artikolu 6(4) tar-RĠPD. Għal dan l-għan, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, fost l-oħrajn, kwalunkwe relazzjoni bejn l-iskopijiet oriġinali u l-iskop li qam, il-kuntest li fih inġabret id-data personali u n-natura ta’ din tal-aħħar, il-konsegwenzi possibbli tal-ipproċessar il-ġdid għas-suġġett tad-data u l-eżistenza ta’ garanziji adegwati.

V. Konklużjoni

104.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lill-Administrativen sad – Blagoevgrad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Blagoevgrad, il-Bulgarija) kif ġej:

“1)

L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI, għandu jiġi interpretat fis-sens li d-data miġbura mingħand persuna fil-kapaċità tagħha ta’ allegata vittma ta’ reat kriminali, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, hija pproċessata għall-istess skop li ġġustifika l-ġbir tagħha meta din il-persuna sussegwentement tkun akkużata fl-istess proċeduri kriminali.

2)

L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2016/680 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE, japplika għall-użu mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku, għad-difiża tiegħu fi proċedura ċivili, tal-informazzjoni miksuba f’investigazzjoni kriminali.

3)

Il-komunikazzjoni tad-data personali miġbura fil-kuntest ta’ investigazzjoni kriminali, ippreċeduta mir-reġistrazzjoni, miż-żamma u mill-konsultazzjoni tagħha, għall-eżerċizzju tad-difiża tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku fi proċedura ċivili li fiha jintalab mingħandu kumpens għad-danni konsegwenza tal-azzjonijiet tiegħu fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu, tikkostitwixxi “pproċessar ta’ data personali”, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament 2016/679.

4)

Il-legalità ta’ dan l-ipproċessar tista’, bħala prinċipju, tkun ibbażata fuq l-Artikolu 6(1)(e) tar-Regolament 2016/679”.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

( 2 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2). Iktar ’il quddiem ir-“RĠPD”.

( 3 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU 2016, L 119, p. 89, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 6).

( 4 ) DV Nru 56, tat‑13 ta’ Lulju 1991.

( 5 ) Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Data, DV Nru 1, tal‑4 ta’ Jannar 2002. It-traskrizzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħha tirrifletti l-verżjoni applikabbli fil-mument tat-twettiq tal-fatti kontenzjużi.

( 6 ) Fajl Nru 1548/2013 tal-Prosekutur tad-distrett ta’ Petrich.

( 7 ) Skont id-digriet tar-rinviju (punt 8.1), ir-reat kien previst fl-Artikolu 325(1), moqri flimkien mal-Artikolu 20(2) tan-Nakazatelen kodeks (il-Kodiċi Kriminali).

( 8 ) Il-fajls Nru 517/2016, Nru 1870/2016, Nru 1872/2016 u Nru 2217/2016.

( 9 ) Proċedura ċivili Nru 144/2018.

( 10 ) Premessa 39 tar-RĠPD u premessa 26 tad-Direttiva 2016/680.

( 11 ) Korsiv miżjud minni.

( 12 ) L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2016/680 jelenka dawn l-iskopijiet (ara infra n-nota ta’ qiegħ il-paġna 15). Lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni nnifsu tad-Direttiva 2016/680, l-iskopijiet permessi mir-RĠPD huma dawk kollha li huma potenzjalment legali. Għaldaqstant, japplika prinċipju ta’ libertà, li l-limitazzjoni tiegħu hija vverifikata fil-qasam tal-legalità tal-kundizzjonijiet tal-ipproċessar tad-data u tad-drittijiet tas-suġġett tad-data (Kapitoli II u III tar-RĠPD).

( 13 ) Skont l-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2016/680, l-Istati Membri “għand[hom] jippreved[u] li kull awtorità superviżorja ma tkunx kompetenti għas-sorveljanza ta’ operazzjonijiet ta’ pproċessar tal-qrati meta jkunu qegħdin jaġixxu fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom”.

( 14 ) Għalkemm l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju ma tippreċiżax dan b’mod espliċitu, kollox jidher li jindika li huma, fil-fatt, fatti differenti.

( 15 ) L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2016/680 iqis bħala tali l-“prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardji kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika”. Il-verżjoni Spanjola ta’ din id-dispożizzjoni hija differenti minn dik ta’ lingwi uffiċjali oħra fir-rigward tat-terminu “enjuiciamiento”. Għaldaqstant, il-verżjoni Franċiża tuża s-sostantiv “poursuites”, li huwa ekwivalenti għal “prosecution” tal-verżjoni Ingliża, għal “perseguimento” tal-verżjoni Taljana, għal “Verfolgung” tal-verżjoni Ġermaniża, jew għal “vervolging” tal-verżjoni Olandiża. Dawn il-verżjonijiet u verżjonijiet oħra (ħlief dik Spanjola) jagħmlu riferiment għal attività li tippreċedi l-“enjuiciamiento” nnifisu, irriservat esklużivament għall-qrati.

( 16 ) “Huwa inerenti għall-ipproċessar ta’ data personali fl-oqsma tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u tal-kooperazzjoni tal-pulizija li tiġi pproċessata data personali relatata ma’ kategoriji differenti ta’ suġġetti tad-data. Għalhekk, fejn applikabbli u sa fejn ikun possibbli, għandha ssir distinzjoni ċara bejn data personali ta’ kategoriji differenti tas-suġġetti tad-data […]”. Korsiv miżjud minni.

( 17 ) Sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2017, Puškár (C‑73/16, EU:C:2017:725), punt 50.

( 18 ) Sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2014, YS et (C‑141/12 u C‑372/12, EU:C:2014:2081), punt 63.

( 19 ) It-tielet paragrafu tal-punt 34.12 tad-digriet tar-rinviju.

( 20 ) Dan huwa ddikjarat fl-ewwel paragrafu tal-punt 34.12 tad-digriet tar-rinviju.

( 21 ) It-talba għall-ammissjoni bħala prova tad-data inkluża fil-fajls tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tinvolvi trasferiment ta’ informazzjoni relatata mal-persuna ta’ VS, peress li t-talba kellha tkun ibbażata fuq ir-rilevanza ta’ din id-data, li tista’ tiġi evalwata, anki jekk b’mod indikattiv, fid-dawl tal-kontenut tagħha.

( 22 ) Ara, dwar l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, is-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2022, Autoriteit Persoonsgegevens (C‑245/20, EU:C:2022:216), punt 23 et seq.

( 23 ) Ara, fir-rigward tat-test analogu tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355), is-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2011, ASNEF (C‑468/10 u C‑469/10, EU:C:2011:777).

( 24 ) L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ma huwiex obbligat legalment li jitlob il-produzzjoni tad-data kontenzjuża fil-proċedura ċivili.

( 25 ) Skont il-premessa 47 tar-RĠPD, “[m]inħabba li hija r-responsabbiltà tal-leġiżlatur li jipprovdi bil-liġi l-bażi legali għall-awtoritajiet pubbliċi sabiex jipproċessaw id-data personali, dik il-bażi ma għandhiex tapplika għall-ipproċessar mill-awtoritajiet pubbliċi fit-twettiq tal-kompiti tagħhom”.

( 26 ) Punti 45 u 49 tat-tweġiba bil-miktub tal-Gvern Bulgaru għal mistoqsija mill-Qorti tal-Ġustizzja.

( 27 ) Kif jirrileva l-Gvern Olandiż, id-difiża tal-interessi tal-Istat fi proċedura ċivili ma tikkostitwix, fiha nnifisha u b’mod awtonomu, eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali, li għaliha tagħmel riferiment it-tieni parti tal-Artikolu 6(1)(e) tar-RĠPD.

( 28 ) Zakon za otgovornostta na darzhavata i obshtinite za vredi (il-Liġi dwar ir-Responsabbiltà tal-Istat u tal-Muniċipalitajiet għad-Danni Kkawżati; DV Nru 60, tal‑5 ta’ Awwissu 1988). Bi tweġiba għal mistoqsija mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Bulgaru ppreċiża li l-bażi legali li fuqha tressaq l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku quddiem il-qorti ċivili hija l-Artikolu 2b ta’ din il-liġi, li jirregola r-rekwiżiti u l-modalitajiet tal-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Istat fil-każ ta’ ksur tad-dritt li tingħata sentenza f’terminu raġonevoli.

( 29 ) Skont il-leġiżlazzjoni Bulgara, l-azzjonijiet għad-danni għandhom jitressqu kontra l-awtoritajiet li allegatament wettqu d-dannu. Dawn l-awtoritajiet ikunu l-konvenuti fil-proċedura ċivili rilevanti. Lil hinn minn din il-konfigurazzjoni proċedurali, il-fatt huwa li t-talba għad-danni tkun, finalment, diretta kontra l-Istat fl-intier tiegħu, li huwa difiż f’kull każ minn dak il-korp mill-korpi tiegħu li jkun jinsab fl-oriġini immedjata tad-dannu allegat mitlub.

( 30 ) Dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jikkonċernaw “[i]l-kondizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-legalità tal-ipproċessar mill-kontrollur; it-tipi ta’ data li huma soġġetti għall-ipproċessar; is-suġġetti tad-data kkonċernati; l-entitajiet li lilhom, jew li għalihom, tista’ tiġi żvelata d-data personali; il-limitazzjoni tal-fini; il-perijodi tal-ħażna u attivitajiet ta’ pproċessar u proċeduri ta’ pproċessar, inklużi miżuri li jiżguraw ipproċessar legali u ġust bħal dawk għal sitwazzjonijiet speċifiċi oħrajn ta’ pproċessar kif previst fil-Kapitolu IX”.

( 31 ) Bi tweġiba għal mistoqsija mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Bulgaru argumenta li l-bażi legali għandha tiġi mfittxija fil-kuntest tar-rwol doppju tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku: bħala difensur tal-Istat fil-proċedura ċivili, minn naħa, u bħala emittent ta’ dokument uffiċjali ta’ rilevanza ġuridika għat-tilwima, min-naħa l-oħra. Għaldaqstant, hemm bażi legali doppja: dik tal-Artikolu 6(1)(c) tar-RĠPD, bħala “emittent ta’ dokument uffiċjali” fis-sens tal-Artikolu 179 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, moqri flimkien mal-Artikolu 186 tiegħu. U dik tal-Artikolu 6(1)(e) tar-RĠPD, bħala parti fil-proċedura fl-eżerċizzju tal-obbligi legali tiegħu (punti 31 u 32 tat-tweġiba bil-miktub tal-Gvern Bulgaru).