KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PITRUZZELLA

ippreżentati fis‑16 ta’ Ġunju 2022 ( 1 )

Kawża C‑175/21

Harman International Industries, Inc.

vs

AB SA

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikoli 34 u 36 TFUE – Moviment liberu tal-merkanzija – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Regolament (UE) 2017/1001 – Artikolu 15 – Eżawriment tad-drittijiet mogħtija mit-trade mark tal-Unjoni Ewropea – Oneru probatorju – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva”

1.

F’kawża mibdija mill-proprjetarju tat-trade mark sabiex iwaqqaf id-distribuzzjoni ta’ prodotti mhux awtorizzati, kif għandu jinstab il-punt ta’ bilanċ bejn il-protezzjoni tal-proprjetarju tat-trade mark u dik tad-distributur tal-prodotti li fil-kawża jeċċepixxi l-eżawriment tat-trade mark? Il-kunsens tal-proprjetarju tat-trade mark għad-tqegħid tal-prodotti fiż-ŻEE jista’ jkun impliċitu? Il-formulazzjoni ġenerika tad-dispożittiv tas-sentenza u r-riferiment għall-fażi ta’ eżekuzzjoni tad-determinazzjoni tal-prodotti mqiegħda fiż-ŻEE hija kompatibbli mal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva? Kif jinqasam l-oneru probatorju?

I. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

2.

Skont l-Artikolu 9 tar-Regolament 2017/1001 ( 2 ):

“Ir-reġistrazzjoni tat-trademark tal-UE għandha tagħti drittijiet esklużivi lill-proprjetarju.

(...)

3.   Dawn li ġejjin, b’mod partikolari, jistgħu jiġu pprojbiti […]:

(...)

(b)

l-offerta ta’ oġġetti, it-tqegħid fis-suq, jew il-ħżin tagħhom għal dawk l-għanijiet taħt is-sinjal, jew l-offerta jew il-provvista ta’ servizzi b’dak l-istess sinjal;

(c)

l-importazzjoni jew l-esportazzjoni ta’ oġġetti taħt is-sinjal;

(...])”

3.

Skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament 2017/1001:

“Trademark tal-UE ma għandhiex tintitola lill-proprjetarju li jipprojbixxi l-użu tagħha fir-rigward ta’ oġġetti li jkunu tqiegħdu fis-suq fiż-Żona Ekonomika Ewropea taħt dik it-trademark mill-proprjetarju jew bil-kunsens tiegħu.”

4.

L-Artikolu 129(3) tar-Regolament 2017/1001, intitolat “Liġi applikabbli”, jipprevedi:

“Sakemm dan ir-Regolament ma jipprovdix mod ieħor, il-qorti għat-trademarks tal-UE għandha tapplika r-regoli ta’ proċedura li jirregolaw l-istess tip ta’ azzjoni fir-rigward ta’ trade mark nazzjonali fl-Istat Membru fejn tinsab il-qorti.”

5.

L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/48 ( 3 ) jipprevedi li:

“Dawk il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għandhom ikun wkoll effetttivi, proporzjonati u dissważivi u għandhom ikunu applikati b’mod u manjiera li jevitaw il-ħolqien ta’ barrieri biex jiġi leġitimiżżat il-kummerċ u biex jiġu provduti protezzjonijiet kontra l-abbuż tagħhom.”

B.   Id-dritt nazzjonali Pollakk

6.

L-Artikolu 325 tal-ustawa z dnia 17 listopada 1964 r. Il-Kodeks postępowania cywilnego (il-Liġi dwar il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili) tas‑17 ta’ Novembru 1964, test ikkonsolidat, kif emendata (Dz. U. tal‑2019, punt 1460) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Proċedura Ċivili”) jistabbilixxi:

“Id-dispożittiv tas-sentenza għandu jinkludi l-isem tal-qorti, l-ismijiet tal-imħallfin, tar-reġistratur u tal-prosekutur pubbliku, jekk dan ikun intervjena fil-kawża, id-data u l-post tas-seduta u tal-għoti tas-sentenza, l-ismijiet tal-partijiet u s-suġġett tal-kawża, kif ukoll id-deċiżjoni tal-qorti dwar it-talbiet tal-partijiet.”

7.

Skont l-Artikolu 758 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, is-Sądy Rejonowe (il-Qorti Distrettwali) kif ukoll il-marixxalli marbuta ma’ dawn il-qrati għandhom il-kompetenza fil-qasam tal-eżekuzzjoni.

8.

Skont il-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 767 ta’ dan il-kodiċi:

“Sakemm il-liġi ma tipprovdix mod ieħor, l-atti tal-marixxall jistgħu jiġu appellati quddiem is-Sąd Rejonowy (il-Qorti Distrettwali). Jista’ jiġi ppreżentat rikors ukoll kontra l-ommissjoni ta’ dokument mill-marixxall. Ir-rikors għandu jiġi eżaminat mill-qorti fil-ġurisdizzjoni tal-uffiċċju tal-marixxall.

[…]

Ir-rikors jista’ jiġi ppreżentat minn parti jew minn persuna oħra li d-drittijiet tagħha ġew miksura jew mhedda bl-att jew in-nuqqas tal-marixxall.

[…]”

9.

L-Artikolu 843(3) tal-imsemmi kodiċi jipprevedi:

“Fl-att tal-appell, l-appellant għandu jressaq it-talbiet kollha li jistgħu jitqajmu f’dan l-istadju, inkella jitlef id-dritt li jressaqhom fil-proċedura ta’ wara.”

10.

L-Artikolu 1050 tal-istess kodiċi fil-paragrafi 1 u 3 jipprevedi:

“Meta d-debitur huwa obbligat iwettaq att li ma jistax jitwettaq minn persuna oħra u li t-twettiq tiegħu jiddependi esklużivament mir-rieda tiegħu, il-qorti li fil-ġurisdizzjoni tagħha għandu jitwettaq l-att, fuq talba tal-kreditur u wara li tkun semgħet lill-partijiet, għandha tiffissa terminu lid-debitur sabiex iwettaq l-att, taħt piena ta’ multa, jekk ma jagħmilx dan fit-terminu stabbilit.

[…]

Jekk it-terminu mogħti lid-debitur sabiex iwettaq att jiskadi mingħajr ma d-debitur ikun wettqu, il-qorti, fuq talba tal-kreditur, timponi multa fuq id-debitur u fl-istess ħin tiffissa terminu ġdid għall-eżekuzzjoni tal-att, taħt piena ta’ multa ogħla.”

11.

L-Artikolu 1051(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jistabbilixxi:

“Meta d-debitur huwa marbut bl-obbligu li ma jagħmilx jew li ma jostakolax l-atti tal-kreditur, il-qorti li fil-ġurisdizzjoni tagħha d-debitur naqas milli jwettaq l-obbligu tiegħu, fuq talba tal-kreditur, tikkundannah iħallas multa, wara li tkun semgħet lill-partijiet u tkun ikkonstatat li d-debitur ma jkunx wettaq l-obbligu tiegħu. Il-qorti għandha tipproċedi bl-istess mod fil-każ ta’ talba ġdida mill-kreditur.”

II. Il-fatti, il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12.

Harman International Industries, Inc (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”), stabbilita fi Stamford (l-Istati Uniti tal-Amerika), hija l-proprjetarja tad-drittijiet esklużivi fuq it-trade marks tal-Unjoni Ewropea rreġistrati bin-numri 001830967, 005336755, 015577621, 003191004, 003860665, 0150221652, 001782523, 005133251 u 009097494.

13.

Il-prodotti tar-rikorrenti (apparat awdjoviżiv, inklużi speakers, headphones u sistemi awdjo), li għandhom it-trade marks imsemmija iktar ’il fuq, huma ddistribwiti fit-territorju tal-Polonja minn persuna waħda li magħha r-rikorrenti ikkonkludiet ftehim ta’ distribuzzjoni u permezz tal-intermedjazzjoni ta’ din il-persuna l-prodotti tagħha jinbiegħu lill-klijenti finali fi ħwienet elettroniċi.

14.

Ir-rikorrenti tuża sistemi ta’ mmarkar tal-prodotti tagħha li abbażi tagħhom, fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, ma huwiex dejjem possibbli li jiġi stabbilit jekk il-prodott kienx intiż minnha għas-suq taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) jew barra minnu. Il-marki fuq ċerti kampjuni li għandhom it-trade marks tar-rikorrenti, fil-fatt, ma jinkludux taqsiriet relatati mal-indikazzjonijiet territorjali, u għalhekk ma jispeċifikawx il-post fejn il-prodott għandu jitqiegħed fis-suq għall-ewwel darba bil-kunsens tagħha. Dan jimplika li ċerti marki huma preżenti kemm fuq il-pakketti ta’ kampjuni tal-prodotti intiżi li jitqiegħdu fis-suq fiż-ŻEE, kif ukoll fuq il-pakketti ta’ kampjuni ta’ prodotti intiżi li jitqiegħdu fis-suq barra miż-ŻEE. Għal dawn il-kampjuni, id-determinazzjoni tas-suq li għalih huma intiżi teħtieġ l-użu ta’ mezz tal-informatika li għandha r-rikorrenti u li jinkludi database ta’ prodotti bl-indikazzjoni tas-suq li għalih huwa intiż kampjun speċifiku tal-prodott.

15.

AB SA li għandha s-sede tagħha f’Magnice (il-Polonja), il-kumpannija konvenuta fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“konvenuta”), teżerċita attività kummerċjali li tikkonsisti fid-distribuzzjoni ta’ apparat elettroniku. Il-konvenuta introduċiet fis-suq Pollakk prodotti mmanifatturati mir-rikorrenti u mmarkati bit-trade marks tal-Unjoni tar-rikorrenti. Il-konvenuta xtrat il-merkanzija inkwistjoni mingħand bejjiegħ li ma huwiex id-distributur tal-prodotti fis-suq Pollakk li miegħu r-rikorrenti kienet ikkonkludiet il-ftehim. Il-konvenuta ssostni li rċeviet assigurazzjonijiet mingħand dan il-bejjiegħ li l-introduzzjoni tal-prodotti inkwistjoni fis-suq Pollakk ma kinitx tikser id-drittijiet esklużivi tar-rikorrenti fuq it-trade marks tal-Unjoni minħabba l-eżawriment ta’ dawn id-drittijiet wara t-tqegħid fis-suq preċedenti ta’ prodotti li għandhom it-trade marks tal-Unjoni fiż-ŻEE mir-rikorrenti jew bil-kunsens tagħha.

16.

Ir-rikorrenti ppreżentat kawża quddiem is-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja), bħala qorti tal-ewwel istanza, fejn talbet li l-konvenuta tiġi pprojbita milli tikser id-drittijiet li hija tgħid li għandha fuq it-trade mark tal-Unjoni, billi tiġi pprojbita milli tintroduċi, tqiegħed fis-suq, timporta, toffri, tirreklama taħżen loudspeakers u headphones kif ukoll l-ippakkjar tagħhom li jkollu mqar wieħed biss mit-trade marks tal-Unjoni li preċedentement tqiegħdu fis-suq fiż-ŻEE minnha jew bil-kunsens tagħha. Ir-rikorrenti talbet, barra minn hekk, li l-qorti tordna lill-konvenuta tirtira mis-suq jew li teqred dawn il-loudspeakers u headphones u l-ippakkjar tagħhom.

17.

Il-konvenuta oġġezzjonat għat-talbiet tar-rikorrenti minħabba l-prinċipju ta’ eżawriment tad-dritt mogħti mit-trade mark tal-Unjoni, billi bbażat id-difiża tagħha fuq l-assigurazzjoni li ngħatat mill-bejjiegħ li l-prodotti inkwistjoni kienu diġà tqiegħdu fis-suq fiż-ŻEE.

18.

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika li s-sistemi tal-immarkar tal-prodotti tar-rikorrenti ma jippermettux li jiġi stabbilit jekk il-prodotti kinux iddestinati għas-suq taż-ŻEE jew le. Għalhekk, konvenut ma jkunx jista’ juri li kampjun ta’ prodott li għandu l-marka tal-Unjoni tar-rikorrent ġie imqiegħed fis-suq fiż-ŻEE minnu jew bil-kunsens tiegħu. Żgur illi l-konvenut jista’ jdur fuq il-bejjiegħ tiegħu; madankollu, huwa improbabbli, tkompli l-qorti tar-rinviju, li jirnexxielu jikseb informazzjoni utli dwar l-identità tal-persuna li minnha l-fornitur kiseb il-kampjuni inkwistjoni jew fuq il-persuni li jagħmlu parti mill-katina ta’ distribuzzjoni tal-kampjuni fit-territorju Pollakk għaliex il-fornituri normalment ma jkunux disposti li jiżvelaw is-sorsi ta’ provvista tagħhom sabiex ma jitilfux ix-xerrejja.

19.

Fil-kuntest deskritt b’dan il-mod, il-qorti tar-rinviju tindika li l-prattika tal-qrati Pollakki li jużaw, fid-dispożittiv tas-sentenzi li jilqgħu r-rikorsi, il-formula ġenerika “prodotti mmarkati bit-trade mark tar-rikorrent li ma tqegħdux qabel fis-suq fit-territorju [ŻEE] mir-rikorrent (proprjetarju tat-trade mark tal-Unjoni) jew bil-kunsens tiegħu” tinkludi diffikultajiet serji għall-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża u inċertezzi fl-applikazzjoni tad-dritt. Dan il-mod kif jiġi redatt id-dispożittiv tad-deċiżjonijiet għandu, skont il-qorti tar-rinviju, bħala konsegwenza diretta, l-impossibbiltà prattika li dawn jiġu eżegwiti fuq il-bażi tal-informazzjoni li jinkludu.

20.

Fil-fatt, kemm jekk id-deċiżjoni tiġi eżegwita volontarjament u kemm jekk tiġi eżegwita mill-awtorità kompetenti għall-eżekuzzjoni, sabiex din tkun prattikament eżegwibbli, huwa neċessarju li tinkiseb informazzjoni addizzjonali, mill-proprjetarju jew mill-konvenut, sabiex jiġu identifikati il-prodotti speċifiċi li għandhom it-trade mark tal-Unjoni.

21.

B’mod partikolari, hija meħtieġa l-kollaborazzjoni speċifika tar-rikorrent, proprjetarju tat-trade mark għall-aċċess għad-database li tinkludi l-informazzjoni neċessarja għall-identifikazzjoni tal-prodotti.

22.

Barra minn hekk, mill-motivi tat-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-prassi segwita fl-eżekuzzjoni tas-sentenzi li d-dispożittiv tagħhom huwa redatt b’mod ġenerali ma hijiex uniformi u tvarja skont in-natura tas-sentenza li għandha tiġi segwita u, f’diversi każijiet, tista’ twassal ukoll għas-sekwestru ta’ prodotti li qegħdin jiċċirkulaw fl-assenza ta’ kwalunkwe ksur ta’ dritt esklużiv ta’ trade mark. Essenzjalment, tista’ b’mod konkret tiġi estiża l-protezzjoni tad-dritt esklużiv ta’ trade mark tal-Unjoni għal prodotti li għalihom ġie eżawrit dan id-dritt.

23.

Barra minn hekk, il-prassi inkwistjoni tqajjem inċertezzi oħra rigward il-garanziji proċedurali għall-partijiet fil-kawżi li jirrigwardaw il-protezzjoni ta’ dritt esklużiv mogħti minn trade mark tal-Unjoni. Fil-fatt, mill-formulazzjoni tad-domanda preliminari, jirriżulta li l-prova tal-konvenuta, fil-kuntest ta’ tilwima ġudizzjarja, li kampjun partikolari ġie mqiegħed fis-suq fiż-ŻEE mir-rikorrenti jew bil-kunsens tagħha hija diffiċli ħafna.

24.

Skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt Pollakk, kif tindika l-qorti tar-rinviju, ir-rimedji għad-dispożizzjoni tad-debitur fil-proċeduri għal miżuri kawtelatorji u dawk eżekuttivi, jiġifieri r-rikors kontra l-atti ta’ marixxall u r-rikors ta’ oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni, ma jippermettux li jiġi kkontestat b’mod effikaċi l-mod kif is-sentenza ġiet eżegwita mill-awtorità ta’ eżekuzzjoni, jiġifieri li jiġu ddeterminati b’mod effikaċi l-kampjuni li għandhom jiġu esklużi mill-eżekuzzjoni forzata.

25.

Għal dawn ir-raġunijiet kollha, il-qorti tar-rinviju tiddubita l-kompatibbiltà ta’ din il-prattika tal-qrati Pollakki mal-prinċipji tal-moviment liberu tal-merkanzija, tal-eżawriment tad-dritt mogħti mit-trade mark tal-Unjoni kif ukoll mal-obbligu tal-Istati Membri li jistabbilixxu rimedji ġudizzjarji neċessarji sabiex jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

26.

Is-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja) għalhekk issospendiet il-proċeduri quddiemha u għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“It-tieni sentenza tal-Artikolu 36 TFUE moqrija flimkien mal-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll mat-tieni sentenza tal-Artikolu 19(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu prassi tal-qrati nazzjonali tal-Istati Membri li skontha l-qrati:

meta jieħdu inkunsiderazzjoni l-pretensjonijiet tal-proprjetarju ta’ trade mark intiżi sabiex jiġu pprojbiti l-introduzzjoni, it-tqegħid fis-suq, l-offerta, l-importazzjoni, ir-reklamar tal-prodotti li għandhom trade mark tal-Unjoni, sabiex tiġi ordnata t-tneħħija mis-suq jew sabiex tiġi ordnata d-distruzzjoni ta’ tali prodotti,

meta jordnaw, fi proċeduri kawtelatorji, il-qbid tal-prodotti li għandhom trade mark tal-Unjoni;

fid-deċiżjonijiet tagħhom jagħmlu riferiment għal ‘oġġetti li ma tqegħdux fis-suq fit-territorju taż-Żona Ekonomika Ewropea mill-proprjetarju tat-trade mark jew bil-kunsens tiegħu’, u konsegwentement id-determinazzjoni ta’ liema oġġetti li għandhom it-trade mark tal-Unjoni huma kkonċernati mill-ordnijiet u l-projbizzjonijiet imposti (jiġifieri d-determinazzjoni ta’ liema oġġetti ma tqegħdux fis-suq fit-territorju taż-Żona Ekonomika Ewropea mill-proprjetarju tat-trade mark jew bil-kunsens tiegħu) titħalla, fid-dawl tal-formulazzjoni ġenerali tal-kontenut tad-deċiżjoni, f’idejn l-awtorità li teżegwixxi, u b’hekk din l-awtorità, li twettaq id-determinazzjoni msemmija, tibbaża ruħha fuq id-dikjarazzjonijiet tal-proprjetarju tat-trade mark jew fuq il-mezzi pprovduti mill-proprjetarju (fosthom mezzi informatiċi u databases) u l-ammissibbiltà tal-kontestazzjoni tad-determinazzjonijiet hawn fuq imsemmija tal-awtorità li teżegwixxi quddiem il-qorti fi proċeduri ta’ eżami hija eskluża jew limitata min-natura tar-rimedji legali disponibbli għall-konvenut fi proċedura kawtelatorja jew ta’ eżekuzzjoni?”

III. L-analiżi legali

A.   Osservazzjonijiet preliminari

27.

Permezz tat-talba waħda għal deċiżjoni preliminari, rigward il-livell ta’ preċiżjoni meħtieġ fil-formulazzjoni tad-dispożittiv ta’ sentenza fil-qasam tal-eżawriment tad-dritt ta’ trade mark imsemmi fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament 2017/1001, il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji kemm fir-rigward tal-garanzija tal-moviment liberu tal-merkanzija kif ukoll tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-distributur, imħarrek mill-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni minħabba l-allegat tqegħid illegali fiż-ŻEE ta’ prodotti protetti mid-dritt tat-trade mark.

28.

B’mod iktar preċiż, fil-fehma tal-qorti nazzjonali, il-formulazzjoni ġenerali tad-dispożittiv maħruġ mill-awtorità ġudizzjarja fil-kawża inkwistjoni għandha l-effett li tagħmel id-difiża tad-distributriċi tal-prodotti li hija l-konvenuta fil-kawża eċċessivament diffiċli. Dan iqajjem il-problema tat-tqassim tal-oneru probatorju fil-kawża, b’mod partikolari fil-fażi eżekuttiva, anki minħabba s-sistema proċedurali partikolari tal-Istat Membru li, billi tissuġġetta lill-konvenut għal kundizzjonijiet stretti sabiex jippreżenta kawża ta’ oppożizzjoni, ma hijiex, skont il-qorti tar-rinviju, idonea biex toffri protezzjoni effettiva għall-konvenut.

29.

Ir-rikorrenti, il-konvenuta, il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

30.

Ir-rikorrenti ssostni li d-domanda preliminari għandha tingħata risposta negattiva minħabba li kull soluzzjoni oħra tmur kontra r-regola tal-eżawriment tad-drittijiet tat-trade mark. B’mod partikolari, minbarra li tikkontesta d-deskrizzjoni tal-fatti u l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni Pollakka ppreżentata mill-qorti tar-rinviju, hija ssostni li, jekk jiġu segwiti s-soluzzjonijiet li hija tissuġġerixxi – b’mod partikolari l-impożizzjoni fuq il-proprjetarju tat-trade mark tal-obbligu li jindika bi preċiżjoni fuq il-prodotti “it-trade marks jew in-numri tas-serje” – ikun hemm diskriminazzjoni fir-rigward tal-operaturi li t-trade mark tagħhom ġiet miksura, billi dan l-obbligu la huwa previst mid-dritt tal-Unjoni u lanqas mid-dritt nazzjonali.

31.

Ir-rikorrenti tikkontesta wkoll il-fatt li Harman għandha biss distributur wieħed tal-prodotti tagħha fis-suq Pollakk u li, konsegwentement, ma tikkunsidrax li tista’ sseħħ inverżjoni fl-oneru probatorju, kif ġie stabbilit mis-sentenza Van Doren + Q ( 4 ), sa fejn – barra mill-każijiet ta’ distribuzzjoni esklużiva – l-oneru probatorju tal-eżistenza tal-kunsens għat-tqegħid fis-suq tal-prodotti barra miż-ŻEE jaqa’ fuq il-konvenut.

32.

Għall-kuntrarju, il-konvenuta, il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni huma tal-fehma li t-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tingħata risposta affermattiva.

33.

Il-konvenuta u l-Gvern Pollakk jaqblu mal-interpretazzjoni tal-fatti tal-qorti tar-rinviju. B’mod partikolari, il-konvenuta ssostni li kull sentenza mogħtija minn qorti għandha tippermetti lill-konvenut li jeżegwixxiha volontarjament mingħajr ma jirrikorri għal informazzjoni inkluża fid-databases tar-rikorrenti, li ma humiex aċċessibbli għalih. Din il-problema prattika tista’, skont l-interpretazzjoni tagħha, tiġi solvuta bl-introduzzjoni ta’ sistema uniformi li tinvolvi l-obbligu ta’ indikazzjoni tas-suq ta’ destinazzjoni fuq il-kampjuni tal-prodotti.

34.

Il-Gvern Pollakk isostni li, sabiex ir-regoli tradizzjonali tat-tqassim tal-oneru probatorju fil-proċeduri għall-ksur ta’ dritt ta’ trade mark esklużiv ikunu jistgħu, f’ċerti każijiet, iwasslu għar-restrizzjoni fattwali tal-moviment liberu tal-merkanzija, jista’ jiġi ġġustifikat l-adattament tagħhom bl-applikazzjoni tal-prinċipji indikati f’Van Doren + Q. B’mod partikolari, il-Gvern Pollakk isostni li l-osservanza tal-prinċipji msemmija iktar ’il fuq tista’ tkun possibbli biss jekk il-proċedura probatorja titwettaq kompletament mill-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu.

35.

Għall-kuntrarju – minkejja li l-Kummissjoni taqbel dwar il-possibbiltà li l-proprjetarju tad-dritt ta’ trade mark jingħata l-oneru probatorju tal-kunsens għat-tqegħid tal-merkanzija barra miż-ŻEE – hija tikkunsidra li d-dritt tal-Unjoni ma huwiex oppost, bħala prinċipju, għall-possibbiltà li l-awtorità ta’ eżekuzzjoni tingħata l-inkarigu li tiddetermina liema prodotti li għandhom it-trade mark tal-Unjoni huma suġġetti għal ordnijiet u projbizzjonijiet li joħorġu minn qorti. Madankollu, hija żżid li tali soluzzjoni, skont il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, tippreżupponi li l-konvenut fi proċeduri kawtelatorji u ta’ eżekuzzjoni għandu l-mezzi neċessarji kollha sabiex jiddefendi d-dritt tiegħu f’kawża.

36.

Minn dak li huwa indikat fil-proċess, wieħed jifhem li l-kawża prinċipali tikkonċerna, b’mod partikolari, l-importazzjoni parallela ta’ prodotti “mħallta”, jiġifieri prodotti li għalihom id-drittijiet esklużivi tal-proprjetarju huma eżawriti u li jistgħu jiċċirkulaw liberament fiż-ŻEE u prodotti intiżi sabiex jiġu kkummerċjalizzati barra miż-ŻEE, li l-kummerċjalizzazzjoni tagħhom fiż-ŻEE tikser id-drittijiet tal-proprjetarju.

37.

B’mod speċifiku, il-qorti tar-rinviju ssostni li, fil-mument tas-sekwestru, huwa diffiċli ħafna li ssir distinzjoni bejn iż-żewġ gruppi ta’ prodotti u, għal din ir-raġuni, ħafna drabi l-unika informazzjoni affidabbli sabiex jiġi ddeterminat il-post fejn il-prodotti tqiegħdu fis-suq tkun provenjenti mill-proprjetarju tat-trade mark.

38.

Il-formulazzjoni ġenerika tad-dispożittiv, li jillimita ruħu li jirriproduċi d-dispożizzjoni tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament 2017/1001, twassal fil-fatt għal posponiment tad-determinazzjoni tal-post fejn il-merkanzija tqiegħdet fis-suq għall-mument tal-eżekuzzjoni. Ir-rinviju għall-fażi tal-eżekuzzjoni huwa problematiku peress li, fid-dritt Pollakk, minn dak li jista’ jiġi dedott mid-deċiżjoni tar-rinviju, id-drittijiet proċedurali tal-konvenut huma llimitati ħafna fil-fażi tal-eżekuzzjoni forzata; partikolarment minħabba l-involviment neċessarju tal-proprjetarju tad-dritt tat-trade mark tal-Unjoni. Il-kollaborazzjoni neċessarja tar-rikorrenti li hija proprjetarja tat-trade mark ma tippermettix lill-kovenut-distributur tal-prodotti li jiddefendi effettivament u b’mod awtonomu l-pożizzjoni tiegħu fil-kawża.

39.

Fl-analiżi tiegħi sejjer nikkonċentra fuq żewġ kwistjonijiet li jidhirli li huma essenzjali sabiex tingħata risposta għad-domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju: il-prinċipju tal-eżawriment tad-drittijiet ta’ trade mark fir-rigward tar-regola relatata mal-moviment liberu tal-merkanzija, u l-effettività tal-protezzjoni ġurisdizzjonali tal-konvenut-distributur tal-prodotti fl-istess kawża kemm b’riferiment għall-formulazzjoni ġenerika tad-dispożittiv kif ukoll għat-tqassim tal-oneru probatorju.

B.   L-eżawriment tad-dritt ta’ trade mark tal-Unjoni u l-moviment liberu tal-merkanzija: il-kunċett tal-kunsens

40.

Kif inhu magħruf, id-dispożizzjoni tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2017/1001 ikkodifikat ( 5 ) il-prinċipju tal-eżawriment tat-trade mark, li fuq il-bażi tiegħu l-proprjetarju ta’ dritt ta’ privattiva fuq sinjal, wara li jkun ikkummerċjalizza, direttament jew fi kwalunkwe każ bil-kunsens tiegħu, prodott indikat bit-trade mark tiegħu, ma jistax jibqa’ jinvoka drittijiet marbuta mat-trade mark sabiex jipprekludi l-bejgħ ulterjuri ta’ dawn il-prodotti.

41.

Din id-dispożizzjoni tirriproduċi, f’termini essenzjalment identiċi, l-Artikolu 7 tad-Direttiva 89/104/KEE ( 6 ) li kkodifika l-ġurisprudenza dwar il-prinċipju tal-eżawriment fil-qasam tat-trade marks, bħalma l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 40/94 ( 7 ) ikkodifika dik dwar it-trade mark Komunitarja. Id-Direttiva 89/104/KEE ġiet imħassra mid-Direttiva 2008/95/KE, li mbagħad ġiet imħassra mid-Direttiva (UE) 2015/2436 ( 8 ). Ir-Regolament (KE) 40/94 ġie, madankollu, imħassar mir-Regolament (KE) Nru 207/2009 tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark ( 9 ), li mbagħad ġie mħassar mir-Regolament (UE) 2017/1001. Għalkemm l-Artikolu 15 tar-Regolament 2017/1001 – bħall-Artikolu 15 tad-Direttiva 2015/2436 – huwa fformulat parzjalment b’mod differenti mid-dispożizzjonijiet imħassra matul iż-żmien, huwa kkunsidrat li l-interpretazzjonijiet adottati mill-Qorti tal-Ġustizzja tat-testi preċedenti jistgħu jżommu r-rilevanza tagħhom fid-dawl tal-fatt li ż-żewġ dispożizzjonijiet isegwu l-istess għan ta’ bbilanċjar tad-drittijiet tat-trade marks mal-protezzjoni tal-moviment liberu tal-merkanzija fis-suq intern.

42.

Il-bażi tal-istitut tinsab fl-attribuzzjoni lill-proprjetarju tal-prerogattiva li jikkontrolla biss l-ewwel tqegħid tal-prodotti li għandhom it-trade mark fis-suq inkwistjoni mingħajr ma joħloq ostakoli jew restrizzjonijiet għall-kummerċjalizzazzjoni ulterjuri tal-prodotti protetti li jkunu inkompatibbli mal-prinċipju tal-libertà tal-kummerċ ( 10 ).

43.

Id-dispożizzjoni ċċitata, fil-fatt, għandha tinqara u tiġi interpretata fid-dawl tal-Artikolu 36 TFUE ( 11 ), bit-teħid inkunsiderazzjoni wkoll tal-fatt li hija tiżgura armonizzazzjoni sħiħa ( 12 ) tar-regoli dwar l-eżawriment tad-drittijiet ta’ trade mark permezz tal-kodifikazzjoni ta’ parti kbira tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-moviment liberu tal-merkanzija ( 13 ).

44.

Konsegwentement, l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament 2017/1001 bl-ebda mod ma jista’ jkollha l-effett li tilleġittima jew tiġġustifika ostakoli għall-moviment liberu tal-merkanzija u, fil-fatt, li tintroduċi mill-ġdid ostakoli bejn l-Istati u l-fruntieri doganali mneħħija bis-suq komuni ( 14 ) u lanqas li tnaqqas il-garanziji proċedurali għall-partijiet fil-kawżi li jirrigwardaw il-protezzjoni ta’ dritt esklużiv mogħti minn trade mark tal-Unjoni.

45.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi evalwat, kif tissuġġerixxi l-qorti tar-rinviju, jekk il-prattika tal-qrati Pollakki li jifformulaw b’mod ġenerali d-dispożittiv tas-sentenza, assoċjat mal-fatt li d-distinzjoni bejn il-kategoriji ta’ prodotti tidher li tista’ ssir biss fuq il-bażi tal-informazzjoni u tad-databases miżmuma mir-rikorrenti, tistax tikkostitwixxi mezz ta’ diskriminazzjoni jew restrizzjoni moħbija fil-kummerċ bejn Stati Membri fis-sens tal-Artikolu 36 TFUE.

46.

Fil-kuntest indikat mill-qorti tar-rinviju, fil-fatt, din il-prassi tista’, għalkemm b’mod indirett, iżżomm fis-seħħ tali restrizzjonijiet u testendi l-protezzjoni tad-dritt esklużiv ta’ trade mark tal-Unjoni għal prodotti li għalihom dan id-dritt ġie eżawrit.

47.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repetutament li l-Artikolu 36 TFUE ( 15 ), u għalhekk il-projbizzjoni tar-restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni u tal-miżuri li għandhom effett ekwivalenti, jista’ jkollu derogi għal raġunijiet ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà industrijali u kummerċjali; madankollu, peress li l-projbizzjoni taffettwa l-eżerċizzju tad-drittijiet u mhux l-eżistenza tagħhom, l-eċċezzjoni hija permessa sa fejn id-derogi “jidhru li huma indispensabbli għall-protezzjoni tad-drittijiet li jikkostitwixxu l-għan speċifiku” ( 16 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali] tad-dritt għall-proprjetà ( 17 ).

48.

Il-proprjetarju tat-trade mark għandu jqiegħed huwa stess ( 18 )jew jippermetti t-tqegħid fis-suq ta’ kull prodott li jġorr it-trade mark tiegħu ( 19 ). L-ekwivalenza bejn iż-żewġ sitwazzjonijiet - it-tqegħid fis-suq tal-prodotti mmarkati bit-trade mark mill-proprjetarju jew bil-kunsens tiegħu - dejjem ġiet sostnuta sa mill-ewwel dikjarazzjonijiet li semmew l-prinċipju tal-eżawriment ( 20 ).

49.

Għalhekk, il-preżenza tal-kunsens tikkostitwixxi distinzjoni sabiex jinftiehem meta l-protezzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali għandha ċċedi quddiem il-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija.

50.

Fir-rigward tad-definizzjoni tal-kunsens, is-sentenza Ideal Standard tat indikazzjonijiet importanti billi ppreċiżat li dan ma jista’ qatt ikun impliċitu ( 21 ).

51.

Fis-sentenza Sebago, il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li għamlet riferiment għad-Direttiva 89/104/KEE dwar it-trade marks, ippreċiżat li, “sabiex ikun hemm kunsens fis-sens tal-Artikolu 7(1) dan għandu jingħata għal kull kampjun tal-prodott li għalih jiġi invokat l-eżawriment” ( 22 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

52.

Fil-kawżi magħquda Davidoff u Levi Strauss ( 23 ), li għandhom bħala suġġett id-Direttiva 89/104, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-definizzjoni tal-karatteristiċi tal-kunsens għat-tqegħid fis-suq fiż-ŻEE, fis-sens tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 89/104, ma għandhiex titħalla għall-ordinamenti nazzjonali, inkella l-protezzjoni tkun varjabbli skont il-liġi applikabbli.

53.

Fir-rigward tal-possibbiltà ta’ kunsens “mhux espress”, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li għandhom jiġu stabbiliti l-forom possibbli ta’ manifestazzjoni tal-kunsens tal-proprjetarju tat-trade mark għal tqegħid fis-suq fiż-ŻEE li għandu jiġi mmanifestat b’tali mod li jesprimi b’ċertezza r-rieda li jirrinunzja għal dan id-dritt, iżda ma eskludietx li “jista’ jirriżulta b’mod implicitu minn elementi u ċirkustanzi preċedenti, simultanji jew wara t-tqegħid fis-suq barra ż-ŻEE” ( 24 ).

54.

Fil-fatt, ma jistax jirriżulta kunsens taċitu għal tqegħid fis-suq mis-sempliċi silenzju tal-proprjetarju tat-trade mark jew mill-fatt li l-proprjetarju ma kkomunikax l-oppożizzjoni tiegħu għall-importazzjoni fiż-ŻEE lix-xerrejja kollha sussegwenti tal-prodotti, jew li huwa ma indikax projbizzjoni fuq il-prodotti, jew li ma imponiex restrizzjonijiet kuntrattwali fil-punt tal-bejgħ tal-merkanzija ( 25 ).

55.

Għalhekk, f’ċerti kundizzjonijiet speċifiċi, il-kunsens jista’ eċċezzjonalment jirriżulta wkoll minn aġir konklużiv tal-proprjetarju tad-drittijiet ta’ trade mark, anki jekk jiġi rrepetut li r-regola hija dik tal-kunsens espress.

56.

Min għandu jipproduċi l-prova, fl-eventwalità ta’ kawża, ta’ dan il-kunsens, espress jew taċitu? X’tip ta’ konstatazzjonijiet għandha tagħmel il-qorti sabiex tiddetermina liema huma l-prodotti mqiegħda fis-suq li għadhom koperti mill-protezzjoni tat-trade mark u liema ma humiex; dawn il-konstatazzjonijiet għandhom neċessarjament isiru fil-fażi tal-mertu jew jistgħu jsiru wkoll fil-fażi tal-eżekuzzjoni?

57.

Huma dawn iż-żewġ aspetti enfasizzati fit-talba għal deċiżjoni preliminari li, għalkemm għandhom awtonomija kunċettwali tagħhom, għandhom oriġini komuni mill-prattika tal-formulazzjoni ġenerika tad-dispożittiv mill-qrati Pollakki u jinvokaw kwistjoni ġuridika komuni, jiġifieri dik tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-konvenut-distributur ta’ prodotti li jeċċepixxi, f’azzjoni għall-protezzjoni tat-trade mark, l-eżawriment tad-dritt.

58.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fil-fatt, lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tevalwa jekk il-prattika tal-qrati Pollakki li jadottaw formulazzjoni ġenerika tad-dispożittiv tad-deċiżjonijiet rigward il-ksur tad-drittijiet ta’ trade mark wara importazzjonijiet paralleli tistax tiġi kkunsidrata bħala konformi mal-prinċipji fundamentali tal-moviment liberu tal-merkanzija u tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva. B’mod speċifiku, il-qorti tindika li r-riferiment, fil-motivi u d-dispożittiv tas-sentenza, għall-“prodotti li ma tqegħdux fis-suq fiż-ŻEE mill-proprjetarju jew bil-kunsens tiegħu” jista’, skont iċ-ċirkustanzi, ma jkunx adegwat u suffiċjentement preċiż.

59.

Il-konsegwenza ta’ din il-prattika ta’ redazzjoni tad-dispożittiv tas-sentenzi twassal, fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, għal impossibbiltà prattika ta’ eżekuzzjoni tagħhom, li jkunu nieqsa mill-informazzjoni neċessarja sabiex jiġu eżegwiti. Fil-fatt, kemm jekk id-deċiżjoni tiġi eżegwita volontarjament u kemm jekk tiġi eżegwita mill-awtorità kompetenti għall-eżekuzzjoni, l-informazzjoni addizzjonali hija fi kwalunkwe każ neċessarja sabiex jiġu identifikati l-prodotti li s-sentenza tagħmel riferiment għalihom.

60.

Dejjem skont il-qorti tar-rinviju, huwa biss il-proprjetarju tat-trade mark li jista’ jindika d-destinazzjoni tal-prodotti inkwistjoni u l-konvenut għalhekk jinsab fl-impossibbiltà li jikkontesta dawn il-konstatazzjonijiet kemm fil-fażi kawtelatorja kif ukoll fil-fażi ta’ eżekuzzjoni, fin-nuqqas ta’ aċċess għal informazzjoni tiegħu.

61.

F’dan il-kuntest, tqum il-problema tal-kompatibbiltà tad-dritt Pollakk mal-prinċipji espressi fl-Artikolu 19(1) TUE u fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea: il-konvenut-distributur jista’ jinvoka protezzjoni ġurisdizzjonali effettiva fl-Istat Membru?

C.   Protezzjoni ġudizzjarja effettiva u awtonomija proċedurali tal-Istati Membri

62.

Il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, fis-sens tal-Artikolu 19(1) TUE, għandha tiġi żgurata lill-partijiet fil-kawża, fl-oqsma rregolati mid-dritt tal-Unjoni, permezz ta’ rimedji ġudizzjarji xierqa stabbiliti mill-Istati Membri ( 26 ).

63.

Il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li għandhom il-partijiet fil-kawża taħt id-dritt tal-Unjoni, li għalih tagħmel riferiment din id-dispożizzjoni, “jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, li ġie stabbilit mill-Artikoli 6 u 13 tal‑Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal‑Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, u li huwa issa affermat fl-Artikolu 47 tal-Karta” ( 27 ).

64.

L-Artikolu 47 tal-Karta jipprevedi, kif inhu magħruf, fl-ewwel paragrafu tiegħu, li kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha żgurati mid-dritt tal-Unjoni jkunu nkisru għandha dritt għal rimedju effettiv, bil-kundizzjonijiet previsti fl-istess artikolu. Għal dan id-dritt jikkorrispondi l-obbligu impost fuq l-Istati Membri mill-Artikolu 19(1) TUE li jipprovdu r-rimedji ġurisdizzjonali meħtieġa sabiex jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni.

65.

Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt għal rimedju effettiv jista’ jiġi invokat abbażi biss tal-Artikolu 47 tal-Karta, mingħajr ma l-kontenut tiegħu għandu jiġi ppreċiżat minn dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni jew minn dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tal-Istati Membri ( 28 ).

66.

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta mbagħad li l-kontenut essenzjali tad-dritt għal rimedju effettiv stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta jinkludi, fost elementi oħra, dak li jikkonsisti, għall-persuna li għandha dan id-dritt, f’li tkun tista’ jkollha aċċess għal qorti kompetenti sabiex tiżgura r-rispett tad-drittijiet li d-dritt tal-Unjoni jiżguralha, għal dan il-għan, sabiex teżamina l-kwistjonijiet kollha ta’ liġi u ta’ fatt rilevanti sabiex issolvi l-kawża li tkun tinsab adita biha ( 29 ).

67.

Madankollu, hija l-prerogattiva tal-Istat Membru, skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali, li jiddeċiedi dwar il-modalitajiet proċedurali tar-rimedji ġudizzjarji li għandhom jiġu stabbiliti favur il-partijiet fil-kawża, bil-kundizzjoni li dawn il-modalitajiet, fis-sitwazzjonijiet irregolati mid-dritt tal-Unjoni, “ma jkunux inqas favorevoli milli f’sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li dawn ma jrendux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività)” ( 30 ).

68.

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ ekwivalenza “jeħtieġ li r-regola nazzjonali inkwistjoni tkun tapplika bl-istess mod għall-azzjonijiet ibbażati fuq id-drittijiet li għandhom il-partijiet f’kawża bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni u għal dawk ibbażati fuq ksur tad-dritt nazzjonali li jkollhom suġġett u kawża simili” ( 31 ). Għalhekk, l-osservazzjoni ta’ dan il-prinċipju tfisser li r-rikorsi bbażati fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni jiġu ttrattati bl-istess mod bħal dawk, simili, ibbażati fuq ksur tad-dritt nazzjonali ( 32 ).

69.

Il-prinċipju ta’ effettività, minflok, jeżiġi li, anki b’applikazzjoni tal-prinċipju tal-awtonomija proċedurali, il-modalitajiet proċedurali ma jirrendux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni ( 33 ).

70.

Madankollu “d-dritt tal‑Unjoni ma għandux l-effett li jġiegħel lill-Istati Membri jistabbilixxu rimedji legali differenti minn dawk stabbiliti mid-dritt intern, sakemm, madankollu, mill‑istruttura tal-ordinament ġuridiku nazzjonali inkwistjoni ma jirriżultax li ma jeżisti ebda rimedju ġudizzjarju li jippermetti, anki jekk b’mod inċidentali, li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni, jew li l-uniku mod ta’ aċċess għal qorti huwa li l-partijiet fil-kawża jiġu mġiegħla jiksru l-liġi” ( 34 ).

71.

Mill-ibbilanċjar bejn il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u dak tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri għandhom jinsiltu l-indikazzjonijiet sabiex jiġi evalwat jekk l-interpretazzjoni deskritta mill-qorti tar-rinviju tipprekludix il-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni deskritti iktar ’il fuq.

1. Formulazzjoni ġenerika tad-dispożittiv fil-kawżi ta’ protezzjoni tat-trade mark

72.

Il-kwistjoni tal-formulazzjoni tajba tad-dispożittiv u tal-protezzjonijiet stabbiliti f’kawża ta’ protezzjoni tat-trade mark hija, bħala prinċipju, irregolata mid-dritt proċedurali nazzjonali. Fil-fatt, skont l-Artikolu 129(3) tar-Regolament 2017/1001, il-qorti tat-trade marks tapplika r-regoli proċedurali applikabbli għall-istess tip ta’ proċedura fil-qasam tat-trade marks nazzjonali fl-Istat Membru fejn din il-qorti jkollha s-sede tagħha, bil-kundizzjoni li jiġu osservati l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività u li d-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta, jiġi osservat ( 35 ).

73.

Kif osservat il-Kummissjoni ( 36 ), formulazzjoni preċiża tad-dispożittiv u motivazzjoni adegwata tas-sentenza huma neċessarji sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni effikaċi tad-drittijiet żgurati mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, anki jekk dan ma jeskludix li tista’ tkun l-awtorità ta’ eżekuzzjoni li tiddetermina liema prodotti li jġorru t-trade mark tal-Unjoni huma suġġetti għal ordnijiet u projbizzjonijiet, sakemm ir-rimedji ġudizzjarji previsti mid-dritt nazzjonali jippermettu li dawn id-deċiżjonijiet jiġu kkontestati quddiem qorti.

74.

Fil-fehma tal-qorti tar-rinviju jidher li l-konvenuta ma għandhiex il-possibbiltà li tikkonforma ruħha volontarjament mal-ordnijiet u mal-projbizzjonijiet li jinsabu f’sentenza li tadotta formulazzjoni ġenerika u li għalhekk tista’ tiġi esposta awtomatikament għal proċeduri ta’ eżekuzzjoni, billi jkollha wkoll rimedji limitati.

75.

F’dan il-kuntest, tista’ tinstab soluzzjoni, kif jidher li tissuġġerixxi l-qorti nazzjonali, bl-impożizzjoni ta’ obbligu li jiġi indikat is-suq ta’ destinazzjoni ex ante fuq il-prodotti.

76.

Is-sempliċi konstatazzjoni rrappreżentata ta’ sitwazzjoni ta’ diffikultà għall-konvenut li jsib informazzjoni dwar il-fornitur inizjali ma tistax madankollu, fil-fehma tiegħi, tikkostitwixxi l-bażi legali li tiġġustifika impożizzjoni ta’ dan it-tip fuq il-proprjetarju. Fil-fatt, fid-dritt tal-Unjoni ma hemmx elementi testwali, ta’ interpretazzjoni teleoloġika jew ta’ kuntest li jistgħu jwasslu għal tali soluzzjoni.

77.

Għalhekk, ma naħsibx li hemm marġni sabiex jiġi impost obbligu li jiġi indikat fuq il-prodotti l-użu tagħhom li, minbarra li jġib miegħu oneri addizzjonali għall-proprjetarju, jista’ fil-fatt ikun limitatament riżoluttiv. Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li d-destinazzjoni vera tal-prodott tkun fil-prattika differenti minn dik indikata u li, għalhekk, tali obbligu jista’ jikkomplika t-trasferiment tad-distribuzzjoni ta’ ċertu prodott minn suq għal ieħor, essenzjalment billi jillimita l-moviment liberu tal-merkanzija previst fl-Artikolu 36 TFUE. Barra minn hekk, tali impożizzjoni, billi twassal ukoll għal spejjeż finanzjarji addizzjonali għall-proprjetarji tad-dritt ta’ trade mark, jista’ jkollha bħala effett possibbli t-tixrid ta’ prattiki ta’ importazzjoni illegali.

78.

Madankollu, sabiex id-dritt għal rimedju effettiv jiġi rrispettat, għandu jiġi żgurat li qorti tkun tista’ teżamina l-kwistjoni dwar liema prodotti tqiegħdu fis-suq intern u liema le.

79.

L-ipoteżi preferibbli tkun li din il-verifika ssir fis-sentenza fuq il-mertu, bil-konsegwenza li r-riżultat tal-konstatazzjoni jkun riprodott fid-dispożittiv tas-sentenza.

80.

L-identifikazzjoni tal-prodotti fis-sentenza tal-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu hija r-riżultat ta’ interpretazzjoni konformi mad-dritt tal-Unjoni u li hija adatta, għalhekk, għall-osservanza sħiħa tal-prinċipji mfakkra iktar ’il fuq għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

81.

Jekk dan ma jkunx possibbli, kif jidher li jirriżulta mir-rappreżentazzjoni tal-qorti tar-rinviju, peress li din tippreżupponi l-indikazzjoni preventiva mill-proprjetarju tat-trade mark tad-destinazzjoni finali tal-prodotti, ikun possibbli li din il-konstatazzjoni tiġi posposta wkoll għall-mument tal-eżekuzzjoni, bil-kundizzjoni li, f’din l-okkażjoni, il-konvenut ikun jista’ jagħmel użu minn strumenti proċedurali idonei sabiex tinkiseb id-dikjarazzjoni ta’ “qorti” dwar il-kwistjoni fattwali rilevanti sabiex tiġi deċiża t-tilwima li tressqet quddiemha, jiġifieri l-identifikazzjoni preċiża tal-prodotti mqiegħda fiż-ŻEE u protetti mit-trade mark.

82.

Huwa xieraq, finalment, li fl-evalwazzjoni ġenerali tal-adegwatezza tas-sistema proċedurali nazzjonali ma jiġix eskluż it-teħid inkunsiderazzjoni tal-possibbiltà tal-eżistenza ta’ sistema ta’ responsabbiltà ċivili għal sekwestri mhux iġġustifikati li, filwaqt li tikkostitwixxi rimedju ta’ protezzjoni ex post, tista’ minn naħa tiġi kkunsidrata bħala rimedju sensibbli tad-dannu sostnut fil-każ ta’ sekwestru illegali u, min-naħa l-oħra, jista’ jkollha effett dissważiv fir-rigward tal-proprjetarju tad-dritt li b’hekk jitwassal sabiex iressaq talbiet għal miżuri kawtelatorji biss f’sitwazzjonijiet ta’ prova tal-oriġini illegali tal-prodotti. Fil-fatt, diġà jeżistu, kif fakkret ir-rikorrenti fl-osservazzjonijiet tagħha ( 37 ), eżempji ta’ leġiżlazzjonijiet nazzjonali Ewropej li jipprevedu proċedura interna li tirriproduċi l-imsemmija skema intiża sabiex tibbilanċja l-għan tal-moviment liberu tal-merkanzija u tal-ġlieda kontra l-ksur.

83.

Ovvjament, hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa l-kawża konkreta u għalhekk ikollha tivverifika jekk, fid-dawl tal-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni indikati fil-kunsiderazzjonijiet preċedenti, id-dritt proċedurali nazzjonali jirrikonoxxix konkretament lill-konvenut f’kawża fil-qasam tal-protezzjoni tat-trade mark tal-Unjoni d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja sħiħa.

2. L-oneru probatorju tal-kunsens tal-proprjetarju tat-trade mark

84.

Ir-regola ġenerali hija li l-oneru probatorju tal-kunsens tal-proprjetarju tad-dritt ta’ trade mark jaqa’ fuq il-parti li tinvoka l-kunsens. Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret f’diversi okkażjonijiet li l-oneru probatorju tal-kunsens tal-proprjetarju tat-trade mark jaqa’ fuq il-parti li tinvoka dan il-kunsens ( 38 ).

85.

Madankollu, jistgħu jirriżultaw sitwazzjonijiet li fihom ikun neċessarju li din ir-regola tiġi aġġustata. Fil-fatt, kif stabbilit fis-sentenza Van Doren + Q, il-prova tal-osservazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-eżawriment tad-dritt tat-trade mark għandha ssir mill-proprjetarju jekk l-applikazzjoni tar-regola ġenerali - jiġifieri l-prova mill-konvenut - jista’ jkollha bħala effett li tippermetti lill-proprjetarju tad-dritt li jikkompartimentalizza s-swieq nazzjonali ( 39 ), riskju li, kif sostnut mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza ċċitata, jeżisti “fejn […] il-proprjetarju tat-trade mark jikkummerċjalizza l-prodotti tiegħu fiż-ŻEE permezz ta’ sistema ta’ distribuzzjoni esklużiva” ( 40 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

86.

Fil-fatt, jekk il-konvenut ma jkunx f’pożizzjoni li jikseb l-informazzjoni neċessarja sabiex jiġi ddeterminat jekk il-prodott inkwistjoni kienx intiż mill-proprjetarju tat-trade mark tal-Unjoni sabiex jitqiegħed fis-suq taż-ŻEE, jistgħu jseħħu effetti negattivi bħall-frammentazzjoni tas-suq intern. Għalhekk, f’kawżi bħal dawn, l-oneru probatorju jista’ jinqeleb bl-effett li jkun “il-proprjetarju tat-trade mark li għandu juri li l-prodotti inizjalment tqiegħdu fis-suq barra miż-ŻEE minnu stess jew bil-kunsens tiegħu. Jekk tiġi prodotta din il-prova, huwa għalhekk it-terz li għandu juri l-eżistenza tal-kunsens tal-proprjetarju għall-kummerċjalizzazzjoni ulterjuri tal-prodotti fiż-ŻEE” ( 41 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

87.

Li jintwera li l-proprjetarju tat-trade mark juża sistema ta’ distribuzzjoni esklużiva huwa, għalhekk, kundizzjoni suffiċjenti sabiex jinqeleb l-oneru probatorju bil-kundizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq.

88.

Madankollu, mill-elementi forniti mill-qorti tar-rinviju ma huwiex ċar jekk dan il-kriterju huwiex issodisfatt fil-kawża inkwistjoni: ir-rikorrenti, għall-kuntrarju, tiċħad l-użu ta’ sistema ta’ distribuzzjoni esklużiva, minkejja li hija ssostni li operatur wieħed biss għandu l-istatus ta’ distributur awtorizzat fit-territorju Pollakk u li, minbarra n-network ta’ distribuzzjoni kkokreat minn Harman, hemm ħafna operaturi oħra li jiddistribwixxu l-prodotti Harman fil-Polonja u l-konvenuta wettqet dan ir-rwol hija stess ( 42 ).

89.

Għalhekk, hija l-qorti nazzjonali li għandha tikkonstata jekk, fil-kawża inkwistjoni, id-distribuzzjoni mir-rikorrenti tistax titqies bħala esklużiva. Fl-affermattiv, b’applikazzjoni tas-sentenza Van Doren + Q, jista’ jinqeleb l-oneru probatorju, li għalhekk jobbliga lir-rikorrenti proprjetarja tat-trade mark sabiex tipprova l-assenza tal-eżawriment tad-dritt.

90.

Fil-każ li ma tiġix ikkonstatata l-eżistenza ta’ distribuzzjoni esklużiva, ikun possibbli li jiġi aċċettat l-adattament tar-regoli tradizzjonali tal-prova fil-proċeduri ta’ ksur ta’ dritt ta’ trade mark esklużiv fir-rigward taċ-ċirkustanzi speċifiċi li jikkonċernaw il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti. Jekk il-prodotti inkwistjoni huma nieqsa minn kwalunkwe indikazzjoni tas-suq tal-ewwel tqegħid, il-qorti, li tkun ikkonstatat li ma jeżistux rimedji prattiċi li huma idonei sabiex jegħlbu l-imsemmija diffikultà probatorja, tipproċedi għall-adattament tal-oneru probatorju, skont il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva ċċitat iktar ’il fuq.

91.

Il-konstatazzjoni li għandha titwettaq mill-qorti nazzjonali hija intiża sabiex jiġi vverifikat li l-konvenut ma għandux quddiemu “prova dijabolika” peress li l-punti ta’ fatt li huma idonei sabiex juru l-eżawriment tad-dritt ta’ trade mark jaqgħu kompletament barra mill-kamp ta’ influwenza u ta’ għarfien tiegħu.

92.

Nosserva, madankollu, li s-sempliċi konstatazzjoni ta’ sitwazzjoni ta’ diffikultà għall-konvenut li jsib informazzjoni mill-fornitur tiegħu ma tistax tikkostitwixxi l-uniku element li jiġġustifika l-adattament tal-oneru probatorju.

93.

Fil-każ li d-distribuzzjoni esklużiva mill-proprjetarju tat-trade mark ma tkunx stabbilita, l-adattament tal-oneru probatorju relatat mal-eżawriment tad-dritt ta’ trade mark għandu jitqies bħala possibbli biss fil-każ li jiġi kkonstatat li huwa prattikament impossibbli għall-konvenut li jipproduċi l-prova ta’ dik iċ-ċirkustanza li fuqha huwa fondat id-dritt invokat minnu.

IV. Konklużjoni

94.

Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mis-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja) kif ġej:

“L-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea, moqri fid-dawl tat-tieni sentenza tal-Artikolu 36 TFUE, tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt tal-Unjoni Ewropea ma jipprekludix il-prattika li skontha, f’kawża fil-qasam tal-protezzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea, il-qorti tuża formulazzjoni ġenerika fid-dispożittiv ta’ sentenza li b’hekk tħalli lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni d-determinazzjoni tal-prodotti li huma s-suġġett tad-deċiżjoni. Dan bil-kundizzjoni li fl-azzjoni ta’ eżekuzzjoni, il-konvenut ikun jista’ jikkontesta d-determinazzjoni tal-prodotti mqiegħda fis-suq u li qorti tkun tista’ teżamina u tiddeċiedi liema prodotti effettivament tqiegħdu fiż-ŻEE bil-kunsens tal-proprjetarju tat-trade mark. F’kawża fil-qasam tal-protezzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea meta l-konvenut jinvoka l-eżawriment tad-drittijiet, iżda ma jkollux aċċess għall-informazzjoni neċessarja, il-qorti nazzjonali għandha tevalwa l-possibbiltà li jinbidel it-tqassim tal-oneru probatorju kemm fil-każ fejn jiġi kkonstatat li d-distribuzzjoni hija esklużiva, kif ukoll fil-każ fejn il-prova taċ-ċirkustanzi ta’ fatt insostenn tal-eċċezzjonijiet tiegħu tkun prattikament impossibbli għall-konvenut.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: it-Taljan.

( 2 ) Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1).

( 3 ) Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32).

( 4 ) Sentenza tat‑8 ta’ April 2003, Van Doren + Q (C‑244/00, EU:C:2003:204).

( 5 ) Ferm qabel l-armonizzazzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-eżerċizzju tad-dritt esklużiv tal-proprjetarju ta’ dan id-dritt, fil-każ fejn ma jaqax taħt il-protezzjoni żgurata mir-regoli tal-kompetizzjoni (Artikolu 101(1) TFUE), kellu jiġi eżaminat fid-dawl tal-leġiżlazzjoni dwar il-moviment liberu tal-merkanzija.

( 6 ) L-ewwel Direttiva tal-Kunsill tal‑21 ta’ Diċembru 1988 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92).

( 7 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146.

( 8 ) ĠU 2015, L 336, p. 1.

( 9 ) ĠU 2009, L 78, p. 1.

( 10 ) Għal rikostruzzjoni puntwali tal-prinċipju f’perspettiva storika, D. Sarti, Diritti esclusivi e circolazione dei beni, Milano, 1996, p. 17 et seq kif ukoll p. 73 et seq.

( 11 ) Sentenza tal‑11 ta’ Lulju 1996, Bristol-Myers Squibb et, (C‑427/93, C‑429/93 u C‑436/93, EU:C:1996:282, punt 27).

( 12 ) Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 1998, Silhouette International Schmied (C‑355/96, EU:C:1998:374, punti 2529).

( 13 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja ppromwoviet il-libertà tal-moviment liberu tal-merkanzija bl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati fil-qasam tal-kompetizzjoni: sentenza tat‑13 ta’ Lulju 1966, Établissements Consten S.à.R.L. u Grundig-Verkaufs-GmbH vs Il‑Kummissjoni tal-K.E.E (Kawżi magħquda 56/64 u 58/64, EU:C:1966:41); sentenza tad‑29 ta’ Frar 1968, Parke, Davis and Co. vs Probel, Reese, Beintema-Interpharm u Centrafarm (24/67, EU:C:1968:11); sentenza tat‑18 ta’ Frar 1971, Sirena S.r.l. vs Eda S.r.l. et (40/70, EU:C:1971:18).

( 14 ) Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja l-ewwel invokat il-projbizzjoni tal-akkordji li jirrestrinġu l-kompetizzjoni u sussegwentement ir-regoli ċċitati iktar ’il fuq dwar il-moviment liberu tal-merkanzija, dak iż-żmien l-Artikolu 85 tat-Trattat, illum l-Artikolu 101 TFUE. Infakkar is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑13 ta’ Lulju 1966, Établissements Consten S.à.R.L. u Grundig-Verkaufs-GmbH vs il-Kummissjoni tal-K.E.E (Kawżi magħquda 56/64 u 58/64, EU:C:1966:41).

( 15 ) Ara f’dan is-sens is-sentenza tal‑31 ta’ Ottubru 1974, Centrafarm BV u Adriaan de Peijper vs Winthrop BV16/74, EU:C:1974:115), sentenza tat‑23 ta’ Mejju 1978, Hoffmann-La Roche & Co. AG vs Centrafarm Vertriebsgesellschaft Pharmazeutischer Erzeugnisse mbH (102/77, EU:C:1978:108), sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League Ltd et vs QC Leisure et u Karen Murphy vs Media Protection Services Ltd (Kawżi magħquda C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punt 94).

( 16 ) Ara s-sentenza tal‑31 ta’ Ottubru 1974, Centrafarm BV u Adriaan de Peijper vs Winthrop BV, cit., punt 7; sentenza tat‑23 ta’ Mejju 1978, Hoffmann-La Roche & Co. AG vs Centrafarm Vertriebsgesellschaft Pharmazeutischer Erzeugnisse mbH, cit., punt 6. Dwar dan il-punt infakkar ukoll fil-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Sharpston tas‑6 ta’ April 2006 f’Boehringer ingelhaim et (C‑348/04, EU:C:2006:235, punt 9) li tippreċiża liema huma ż-żewġ komponenti tal-għan speċifiku ta’ dritt ta’ trade mark: “Fl-ewwel lok, jeżisti d-dritt tal-użu tat-trade mark bl-għan tal-ewwel tqegħid fis-suq fil-Komunità ta’ prodott protett, liema dritt imbagħad jiġi eżawrit. Fit-tieni lok, jeżisti d-dritt ta’ oppożizzjoni kontra kull użu tat-trade mark li jista’ jiffalsifika l-garanzija ta’ provenjenza tal-prodott, li tinkludi kemm il-garanzija tal-identità tal-oriġini kif ukoll il-garanzija tal-integrità tal-prodott immarkat” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

( 17 ) Permezz tas-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 1971, Deutsche Grammophon vs Metro SB (78/70, EU:C:1971:59), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet għall-ewwel darba dwar dan is-suġġett, preċiżament fil-qasam tad-drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur.

( 18 ) Il-kunċett ta’ “tqegħid fis-suq”, mifhum bħala effett, jaqa’ taħt il-portata tad-drittijiet mogħtija mit-trade mark u huwa, għaldaqstant, suġġett għal armonizzazzjoni kompleta, anki jekk il-ħwienet u l-atti li jipproduċuh huma rregolati minn kull Stat Membru. Ara: sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2010, Coty Prestige Lancaster Group GmbH vs Simex Trading AG (C‑127/09, EU:C:2010:313, punti 27 u 28); sentenza tat‑23 ta’ April 2009, Copad SA vs Christian Dior couture SA, Vincent Gladel u Société industrielle lingerie (SIL) (C‑59/08, EU:C:2009:260, punt 40); sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2004, Peak Holding AB vs Axolin-Elinor AB (C‑16/03, EU:C:2004:759, punti 3132).

( 19 ) Ara s-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 1999, Sebago u Maison Dubois (C‑173/98, EU:C:1999:347, punti 1920).

( 20 ) Ara s-sentenza tal‑31 ta’ Ottubru 1974, Centrafarm BV u Adriaan de Peijper vsWinthrop BV (16/74, EU:C:1974:115, punt 1).

( 21 ) Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 1994, IHT vs Ideal Standard (C‑9/93, EU:C:1994:261, punt 43), li skontha, għall-finijiet tal-eżawriment, huwa neċessarju “li l-proprjetarju tad-dritt fl-Istat ta’ importazzjoni jkollu direttament jew indirettament is-setgħa li jiddetermina l-prodotti li jistgħu jiġu mmarkati bit-trade mark fl-Istat ta’ esportazzjoni u li jikkontrolla l-kwalità tagħhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

( 22 ) Ara s-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 1999, Sebago Inc. u Ancienne Maison Dubois & Fils SA vs G-B Unic SA (C-173/98, EU:C:1999:347, punt 22).

( 23 ) Sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2001, Zino Davidoff SA u A & G Imports Ltd (Kawżi magħquda C‑414/99, C‑415/99, C‑416/99, EU:C:2001:617).

( 24 ) Ara s-sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2001, Zino Davidoff SA u A & G Imports Ltd (Kawżi magħquda C‑414/99, C‑415/99, C‑416/99, EU:C:2001:617, punt 47).

( 25 ) Ara s-sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2001, Zino Davidoff SA u A & G Imports Ltd (Kawżi magħquda C‑414/99, C‑415/99, C‑416/99, EU:C:2001:617, punt 60).

( 26 ) F’dan is-sens is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny (C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 32).

( 27 ) Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Randstad Italia (C‑497/20, EU:C:2021:1037, punt 57); ara, f’dan is-sens ukoll is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Sistema dixxiplinari tal-imħallfin) (C‑791/19, EU:C:2021:596, punt 52).

( 28 ) Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, État luxembourgeois (Protezzjoni ġudizzjarja kontra t-talbiet għal informazzjoni fil-qasam fiskali) (C‑245/19 u C‑246/19, EU:C:2020:795, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 29 ) Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, État luxembourgeois (Protezzjoni ġudizzjarja kontra t-talbiet għal informazzjoni fil-qasam fiskali) (C‑245/19 u C‑246/19, EU:C:2020:795, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 30 ) Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Randstad Italia (C‑497/20, EU:C:2021:1037, punt 58).

( 31 ) Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2016, Bensada Benallal (C‑161/15, EU:C:2016:175, punt 29); ara f’dan is-sens anki s-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2013, Agrokonsulting-04 (C‑93/12, EU:C:2013:432, punt 39).

( 32 ) F’dan is-sens is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Târșia (C‑69/14, EU:C:2015:662, punt 34).

( 33 ) F’dan is-sens is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2021, Konsul Rzeczypospolitej Polskiej w N. (C‑949/19, EU:C:2021:186, punt 43); sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2017, El Hassani (C‑403/16, EU:C:2017:960, punt 26); sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2017, Aquino (C‑3/16, EU:C:2017:209, punt 48).

( 34 ) Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Randstad Italia (C‑497/20, EU:C:2021:1037, punt 62); ara f’dan is-sens anki s-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság (C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punt 143).

( 35 ) Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2022, Minister Sprawiedliowsci (C‑55/20, EU:C:2022:6, punti 104105 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 36 ) Osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, punti 39 sa 41.

( 37 ) Fil-punt 21 tal-osservazzjonijiet tar-rikorrenti; barra minn hekk, infakkar fil-punti 54 sa 80 għad-deskrizzjoni tal-proċeduri fis-seħħ f’ċerti Stati Membri fil-qasam ta’ miżuri provviżorji u ta’ eżekuzzjoni.

( 38 ) Ara s-sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2001, Zino Davidoff SA u A & G Imports Ltd (Kawżi magħquda C‑414/99, C‑415/99, C‑416/99, EU:C:2001:617, punt 54).

( 39 ) Ara s-sentenzi tal‑20 ta’ Novembru 2001, Zino Davidoff SA u A & G Imports Ltd (Kawżi magħquda C‑414/99, C‑415/99, C‑416/99, EU:C:2001:617, punt 54); tat‑8 ta’ April 2003, Van Doren +Q (C‑244/00, EU:C:2003:204, punti 3738); tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Schweppes, C‑291/16, EU:C:2017:990, punt 52.

( 40 ) Sentenza tat‑8 ta’ April 2003, Van Doren +Q (C‑244/00, EU:C:2003:204, punt 39).

( 41 ) Ara s-sentenza tat‑8 ta’ April 2003, Van Doren +Q (C‑244/00, EU:C:2003:204, punt 41).

( 42 ) Osservazzjonijiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, punt 6.