KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RANTOS

ippreżentati fil‑31 ta’ Marzu 2022 ( 1 )

Kawża C‑168/21

Prokuratur Ġenerali fi ħdan il-cour d’appel d’Angers (il-Qorti tal-Appell ta’ Angers, Franza)

vs

KL

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-kassazzjoni, Franza))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Artikolu 2(4) u Artikolu 4(1) – Kundizzjoni ta’ kriminalità doppja – Stħarriġ mill-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni – Elementi kostituttivi tar-reat kriminali differenti fl-Istat Membru emittenti u fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni – Piena li tippenalizza reat uniku li jippenalizza diversi fatti li wħud minnhom ma jikkostitwixxux reat fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 49(3) – Prinċipju ta’ proporzjonalità tal-piena”

I. Introduzzjoni

1.

Fid-dritt tal-Unjoni Ewropea, il-kundizzjoni tal-kriminalità doppja tista’ tiġi ddefinita bħala l-fatt li l-imġiba li hija s-suġġett tal-kooperazzjoni tikkostitwixxi reat kemm fl-Istat li jagħmel it-talba (jew l-Istat Membru emittenti) kif ukoll fl-Istat mitlub (jew l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni) ( 2 ). Taħt ċerti kundizzjonijiet, il-konsenja tal-persuna rikjesta fil-kuntest ta’ mandat ta’ arrest Ewropew (iktar ’il quddiem “MAE”) tista’ tkun suġġetta għall-konformità ma’ din il-kundizzjoni ta’ kriminalità doppja.

2.

F’din il-kawża, inħareġ MAE mill-awtoritajiet ġudizzjarji Taljani għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ kundanna relattiva, b’mod partikolari, għal reat uniku li jippenalizza diversi fatti bħala li jikkostitwixxu l-istess azzjoni kriminali. Il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza) li hija l-qorti tar-rinviju, tistaqsi jekk l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, jiġifieri Franza, jistgħux jirrifjutaw li jeżegwixxu dan il-MAE, fid-dawl tal-Artikolu 2(4) u tal-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI ( 3 ) kif ukoll tal-Artikolu 49(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

3.

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva, minn naħa, li l-elementi kostituttivi ta’ dan ir-reat huma differenti fiż-żewġ Stati Membri kkonċernati u, min-naħa l-oħra, li ċerti fatti koperti mill-imsemmi reat ma humiex suġġetti għal sanzjoni kriminali fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja hija għalhekk mitluba tippreċiża l-portata tal-kundizzjoni tal-kriminalità doppja, kif prevista mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

4.

F’dawn il-konklużjonijiet, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula li, fil-kundizzjonijiet deskritti mill-qorti tar-rinviju, id-dispożizzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni qafas iwasslu sabiex il-MAE jiġi eżegwit.

II. Il‑kuntest ġuridiku

A.   Id‑dritt tal‑Unjoni

5.

Skont il-premessi 6, 10 u 12 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584:

“(6)

Il-[MAE] previst f’din id-Deċiżjoni Kwadru hi l-ewwel miżura konkreta fil-qasam tal-liġi kriminali li timplimenta l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku li l-Kunsill Ewropew irrefera għalih bħala l-‘punt ta’ referenza’ tal-koperazzjoni ġudizzjarja.

[…]

(10)

Il-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew hu bbażat fuq livell għoli ta’ kunfidenza bejn l-Istati Membri. L-implimentazzjoni tiegħu jista’ jiġi sospiż biss fil-każ ta’ vjolazzjoni serja u persistenti minn wiehed mill-Istati Membri tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 6(1) tat-(TUE), determinati mill-Kunsill skond l-artikolu 7(1) tat-Trattat imsemmi bil-konsegwenzi stabbiliti fl-Artikolu 7(2) tiegħu.

[…]

(12)

Din id-Deċiżjoni Kwadru hi in konformità mad-drittijiet fondamentali u tħares il-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikolu 6 [TUE] u riflessi fil-[Karta], partikolarment il-Kapitolu VI tiegħu. […]”

6.

L-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni qafas, intitolat “Definizzjoni tal-(MAE) u l-obbligazzjoni li jiġi esegwit”, jipprovdi:

“1.   Il-[MAE] hi deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u ċ-ċediment minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-iskopijiet tat-tmexxija ta’ prosekuzzjoni kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe (MAE) fuq il-bażi tal-priċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u skond id-disposizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.

3.   Din id-Deċiżjoni Kwadru m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligazzjoni għar-rispett ta’ drittijiet fondamentali u prinċipji legali fondamentali kif miġbur fl-Artikolu 6 tat-[TUE].”

7.

L-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni qafas, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-[MAE]”, jipprevedi:

“1.   [MAE] jista’ jiġi maħruġ għal atti li huma punibbli mil-liġi ta’ l-Istat Membru li joħorġu bi sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni għal perjodu massimu ta’ mill-inqas 12-il xahar jew, fejn sentenza ġiet mogħtija jew ordni ta’ detenzjoni ġiet magħmula, għal sentenzi ta’ mill-inqas erba’ xhur.

2.   L-offiżi li ġejjin, jekk huma punibbli fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat bi sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni għal perjodu massimu ta’ mill-inqas tlett snin u kif inhuma definiti mil-liġi ta’ l-Istat Membru li joħroġ il-mandat, għandhom, taħt it-termini ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru u mingħajr verifikazzjoni tal-kriminalità doppja ta’ l-att, jwasslu għaċ-ċediment skond [MAE]:

[…]

4.   Għal offiżi barra minn dawk koperti mill-paragrafu 2, iċ-ċediment tista’ tkun suġġetta għall-kondizzjoni li l-atti għal liema l-(MAE) ġie maħruġ jikkostitwixxu offiża taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru li jesegwixxih, irrespettivament ta’ l-elementi kostitwenti jew ta’ kif hu deskritt.”

8.

L-Artikolu 4 tal-istess deċiżjoni qafas, intitolat “Raġunijiet għall-għażla tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ (MAE)”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi tista’ tirrifjuta li tesegwixxi l-(MAE):

1)

jekk, f’wieħed mill-każijiet msejħin fl-Artikolu 2(4), l-att fuq liema l-mandat ta’ arrest Ewropew hu bbażat ma jikkostitwix offiża taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru li jesegwixxi; […]

[…]”

B.   Id‑dritt Franċiż

9.

L-Artikolu 695–23 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprovdi:

“L-eżekuzzjoni ta’ (MAE) għandha tiġi rrifjutata wkoll jekk il-fatt li huwa s-suġġett tal-imsemmi mandat ta’ arrest ma jikkostitwixxix reat fid-dawl tal-liġi Franċiża.

B’deroga mill-ewwel paragrafu, (MAE) għandu jiġi eżegwit mingħajr verifika tal-kriminalità doppja tal-fatti allegati meta l-aġir inkwistjoni huwa, skont il-liġi tal-Istat Membru emittenti, punibbli b’piena ta’ priġunerija ta’ tul ugwali għal jew iktar minn tliet snin priġunerija jew b’ordni ta’ detenzjoni għal żmien simili u jaqgħu f’waħda mill-kategoriji ta’ reati previsti fl-Artikolu 694–32.

Meta d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu preċedenti huma applikabbli, il-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti u d-determinazzjoni tal-piena imposta jaqgħu taħt l-evalwazzjoni esklużiva tal-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti.

[…]”

III. Il‑kawża prinċipali, id‑domandi preliminari u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

10.

Fis‑6 ta’ Ġunju 2016, l-awtoritajiet ġudizzjarji Taljani ħarġu MAE kontra KL għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ kundanna għal tnax-il sena u sitt xhur priġunerija mogħtija mill-Corte di appello di Genova (il-Qorti tal-Appell ta’ Genova, l-Italja) permezz ta’ sentenza tad‑9 ta’ Ottubru 2009, piena li saret eżekuttiva fit‑13 ta’ Lulju 2012 wara ċ-ċaħda tal-appell ta’ KL mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja).

11.

Din il-kundanna kienet tikkorrispondi għall-akkumulazzjoni ta’ erba’ pieni imposti għall-erba’ reati li ġejjin: serq b’armi f’għaqda (sena ta’ priġunerija), qerda u sakkeġġ (għaxar snin priġunerija), ġarr ta’ armi (disa’ xhur priġunerija) u splużjonijiet ta’ makkinarju (disa’ xhur priġunerija).

12.

Fir-rigward, b’mod partikolari, tar-reat deskritt bħala “qerda u sakkeġġ”, previst fl-Artikolu 419 tal-codice penale (il-Kodiċi Kriminali Taljan) ( 4 ), il-MAE ddeskriva ċ-ċirkustanzi tat-twettiq tiegħu kif ġej: “F’għaqda ma’ oħrajn, b’iktar minn ħames persuni, billi ħa sehem fil-manifestazzjoni kontra s-summit G8, (KL) wettaq attivitajiet ta’ qerda u ta’ sakkeġġ f’kuntest, mill-perspettiva tal-post u taż-żmien, fejn kien hemm perikolu oġġettiv għall-ordni pubbliku; diversi każijiet ta’ dannu għall-għamara urbana u ta’ proprjetajiet pubbliċi b’dannu konsegwenti li ma setax jiġi kkwantifikat bi preċiżjoni, iżda mhux inqas minn mijiet ta’ miljuni ta’ liri [Taljani (ITL) (għexur ta’ eluf ta’ Euro)]; dannu, sakkeġġ, qerda bl-għajnuna tan-nar ukoll ta’ istituzzjoni(jiet) ta’ kreditu, ta’ karozzi u ta’ negozji oħrajn, biċ-ċirkustanza aggravanti li kkawża dannu patrimonjali ta’ gravità kunsiderevoli lill-persuni involuti”.

13.

Mis-sentenza tal-Corte di appello di Genova (il-Qorti tal-Appell ta’ Genova) tad‑9 ta’ Ottubru 2009 jirriżulta li, taħt din il-klassifikazzjoni ta’ “qerda u sakkeġġ”, seba’ fatti, issanzjonati bħala li jikkostitwixxu l-istess azzjoni kriminali, ġew imputati lil KL, jiġifieri dannu lill-iżvilupp urban u proprjetajiet pubbliċi, dannu u sakkeġġ lil sit ta’ kostruzzjoni, dannu totali tal-bini tal-istitut ta’ kreditu Credito Italiano, dannu totali bin-nirien ta’ vettura Fiat Uno, dannu totali bin-nirien tal-bini tal-istitut ta’ kreditu Carige, dannu totali bin-nirien ta’ vettura Fiat Brava kif ukoll dannu totali u sakkeġġ ta’ supermarket.

14.

KL ma tax il-kunsens għall-konsenja tiegħu b’eżekuzzjoni tal-MAE. Permezz ta’ sentenza tat‑23 ta’ Awwissu 2019, l-awla istruttorja tal-cour d’appel de Rennes (il-Qorti tal-Appell ta’ Rennes, Franza) ordnat informazzjoni addizzjonali intiża, b’mod partikolari, għall-produzzjoni tas-sentenza tal-Corte di appello di Genova (il-Qorti tal-Appell ta’ Genova) tad‑9 ta’ Ottubru 2009 u tas-sentenza sussegwenti tal-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni). Permezz ta’ sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2019, din l-awla istruttorja rrifjutat il-konsenja ta’ KL għar-raġuni li l-proċedura ma kinitx tinkludi evidenza ta’ sostenn li tiċċertifika t-trażmissjoni lir-Repubblika Taljana tat-talba għal-avukat ifformulata minn KL u ordnat il-ħelsien tiegħu.

15.

Permezz ta’ sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2019, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) annullat din is-sentenza u rrinvijat il-kawża quddiem l-awla istruttorja tal-cour d’appel d’Angers (il-Qorti tal-Appell ta’ Angers, Franza). Permezz ta’ sentenza tal‑4 ta’ Novembru 2020, din l-awla istruttorja, minn naħa, irrifjutat il-konsenja ta’ KL lill-awtoritajiet ġudizzjarji Taljani għall-eżekuzzjoni tal-MAE sa fejn din inħarġet għall-eżekuzzjoni tal-piena ta’ għaxar snin priġunerija mogħtija għar-reat ikklassifikat bħala “qerda u sakkeġġ”. Min-naħa l-oħra, hija ordnat informazzjoni addizzjonali intiża sabiex l-awtoritajiet ġudizzjarji Taljani jippreċiżaw jekk huma xtaqux li l-kundanna għall-piena ta’ sentejn u sitt xhur priġunerija mogħtija għat-tliet reati l-oħra koperti mill-MAE tiġi eżegwita fi Franza. Il-Prosekutur Ġenerali fi ħdan il-cour d’appel d’Angers (il-Qorti tal-Appell ta’ Angers, Franza) u KL appellaw minn din is-sentenza quddiem il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni), il-qorti tar-rinviju.

16.

Din tfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja interpretat il-kundizzjoni tal-kriminalità doppja fis-sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2017, Grundza (C‑289/15, iktar ’il quddiem is-“sentenza Grundza ”, EU:C:2017:4) ( 5 ), u tesponi li, sabiex tirrifjuta l-konsenja ta’ KL lill-awtoritajiet ġudizzjarji Taljani għal dak li jirrigwarda r-reat ikkwalifikat bħala “qerda u sakkeġġ”, l-awla istruttorja tal-cour d’appel d’Angers (il-Qorti tal-Appell ta’ Angers) irrilevat li tnejn mis-seba’ fatti sottostanti għal din il-piena ma setgħux jikkostitwixxu reat fi Franza, jiġifieri, minn naħa, id-dannu lill-bini tal-istituzzjoni ta’ kreditu Credito Italiano u, min-naħa l-oħra, id-dannu min-nirien ta’ vettura Fiat Brava. Minn dan, din l-awla istruttorja ddeduċiet li l-Corte di appello di Genova (il-Qorti tal-Appell ta’ Genova) u peress li l-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) “esprimiet ir-rieda mhux ekwivoka” li dawn is-seba’ fatti għandhom jiġu analizzati bħala li jifformaw unità inseparabbli, l-applikazzjoni tal-kundizzjoni tal-kriminalità doppja kienet timponi li jiġu esklużi dawn il-fatti indissoċjabbli kollha.

17.

Skont il-qorti tar-rinviju, mis-sentenza tal-Corte suprema di cassazione (il-Qorti tal-Kassazzjoni) tat‑13 ta’ Lulju 2012 jirriżulta li l-element oġġettiv tar-reat ta’ qerda u sakkeġġ, previst fl-Artikolu 419 tal-Kodiċi Kriminali Taljan, huwa t-twettiq ta’ atti ta’ qerda, bi kwalunkwe azzjoni, bi kwalunkwe mod, li jipproduċi rovina, distruzzjoni u dannu wkoll, b’mod totali, mingħajr dixxenjament, wiesa’ u profond, ta’ kwantità kbira ta’ proprjetà mobbli jew immobbli, b’mod li jikkawża mhux biss dannu għall-patrimonju ta’ suġġett wieħed jew iktar kif ukoll ħsara soċjali konsegwenti għall-ksur tal-proprjetà privata, iżda wkoll reat u perikolu konkret għall-ordni pubbliku meqjus fis-sens speċifiku tiegħu bħala bon ordni u żvolġiment regolari tal-ħajja ċivili, li għalihom jikkorrispondu, fil-kollettività, l-opinjoni u s-sens tat-trankwillità u tas-sigurtà. Minn dan, il-qorti tar-rinviju tiddeduċi li, fid-dritt kriminali Taljan, ir-reat ikkwalifikat bħala “qerda u sakkeġġ” jirreferi għal atti ta’ distruzzjoni u ta’ ħsara multipli, massivi, li jikkawżaw mhux biss dannu lill-proprjetarji tal-beni kkonċernati, iżda wkoll ksur tal-paċi pubblika, li jipperikola l-iżvolġiment normali tal-ħajja ċivili.

18.

Din il-qorti tenfasizza li, fid-dritt kriminali Franċiż, il-fatt li l-paċi pubblika titqiegħed fil-perikolu permezz ta’ distruzzjonijiet ta’ massa ta’ beni mobbli jew immobbli ma huwiex speċifikament inkriminat. Huma biss id-distruzzjonijiet, il-ħsarat, is-serq bi ħsara mwettqa jekk ikun il-każ f’għaqda, b’tali mod li jikkawżaw dannu lill-proprjetarji tal-beni kkonċernati. Għaldaqstant, skont l-imsemmija qorti, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-ksur tal-paċi pubblika li l-Corte di appello di Genova (il-Qorti tal-Appell ta’ Genova) u l-Corte suprema di cassazione (il-Qorti tal-Kassazzjoni) ikkunsidraw fil-konfront ta’ KL bħala element essenzjali tar-reat ikkwalifikat bħala “qerda u sakkeġġ” huwiex rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-osservanza tal-kundizzjoni ta’ kriminalità doppja.

19.

Fil-każ li l-kundizzjoni ta’ kriminalità doppja tkun issodisfatta f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tirrileva li d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma tinkludix dispożizzjoni li tippermetti lill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jirrifjuta l-konsenja tal-persuna kkonċernata għar-raġuni li l-piena mogħtija mill-Istat Membru emittenti tidher sproporzjonata fid-dawl tal-fatti msemmija fil-MAE. Barra minn hekk, għalkemm, skont l-Artikolu 5 ta’ din id-deċiżjoni qafas, l-eżekuzzjoni tal-MAE mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tkun suġġetta mid-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għall-kundizzjoni li s-sistema legali tal-Istat Membru emittenti tipprevedi dispożizzjonijiet li jippermettu reviżjoni tal-piena imposta, dan huwa biss fil-każ fejn ir-reat li fuqu huwa bbażat il-MAE huwa punibbli b’piena jew b’ordni ta’ detenzjoni ta’ natura perpetwa. Għalhekk, anki jekk l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jqis li jeżistu diffikultajiet serji fir-rigward tal-proporzjonalità tal-MAE, dan l-Istat ma jistax jirrifjuta, għal din ir-raġuni, li jordna l-konsenja tal-persuna rikjesta għall-eżekuzzjoni tal-piena mogħtija mill-Istat Membru emittenti.

20.

Għalkemm, bħala prinċipju, huwa l-Istat Membru emittenti li għandu jivverifika l-proporzjonalità tal-MAE qabel ma joħorġu, din il-verifika tkun ineffettiva sabiex jiġi evitat il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità meta, bħal fil-kawża prinċipali, il-MAE jkun inħareġ għall-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ repressjoni ta’ reat uniku kkaratterizzat minn diversi fatti iżda li wħud minnhom biss jikkostitwixxu reat fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. Fil-fatt, f’dan il-każ, il-piena mogħtija mill-Istat Membru emittenti tikkorrispondi għal dawn il-fatti kollha minkejja li l-konsenja għal uħud minnhom hija eskluża. Skont il-qorti tar-rinviju, minn dan isegwi li, jekk il-MAE seta’ kien proporzjonat mal-ħruġ tiegħu, ma jistax jiġi eskluż li ma jkunx għadu proporzjonat waqt l-eżekuzzjoni tiegħu.

21.

Issa, mill-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, moqri flimkien mal-premessa 12 tagħha, jirriżulta li d-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali, riflessi fil-Karta, għandhom jiġu osservati fil-kuntest tal-MAE. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 49(3) tal-Karta jistabbilixxi l-prinċipju li jgħid li l-intensità tal-pieni ma għandhiex tkun sproporzjonata meta mqabbla mar-reat.

22.

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikolu 2(4) u l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 1 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kundizzjoni tal-kriminalità doppja tkun issodisfatti f’sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-konsenja intalbet għal atti li ġew ikklassifikati, fl-Istat emittenti, bħala qerda u sakkeġġ li jikkonsistu f’atti ta’ qerda u ta’ sakkeġġ ta’ natura li jiksru l-paċi pubblika meta fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jeżistu r-reat ta’ serq bi ħsara, ir-reat ta’ qerda, u r-reat ta’ twettiq ta’ ħsara li ma jeħtiġux dan l-element ta’ ksur tal-paċi pubblika?

2)

Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fil-pożittiv, l-Artikolu 2(4) u l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-qorti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta li teżegwixxi [MAE] maħruġ għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza meta hija tikkonstata li l-persuna kkonċernata ngħatat sentenza mill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat emittenti għat-twettiq ta’ reat uniku li jinkludi diversi atti u fejn uħud biss minn dawn l-atti jikkostitwixxu reat kriminali fir-rigward tal-Istat ta’ eżekuzzjoni? Għandha ssir distinzjoni skont jekk l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat emittenti kkunsidrawx dawk id-diversi atti bħala diviżibbli jew le?

3)

L-Artikolu 49(3) tal-[Karta] jeħtieg li l-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tirrifjuta li teżegwixxi [MAE] meta, minn naħa, dan ikun inħareġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza unika imposta għal reat uniku u li, min-naħa l-oħra, peress li wħud mill-atti li għalihom ġiet imposta din is-sentenza ma jikkostitwixxux reat taħt id-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, il-konsenja tista’ tiġi ordnata biss għal parti minn dawn l-atti?”

23.

Il-qorti tar-rinviju talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tissuġġetta din it-talba għal deċiżjoni preliminari għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ April 2021, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ċaħad din it-talba. Madankollu, huwa ddeċida li din il-kawża kellha tiġi ttrattata bi prijorità, skont l-Artikolu 53(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

24.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn KL, mill-Gvern Franċiż u dak Taljan, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. KL, il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni ppreżentaw ukoll osservazzjonijiet orali waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali li nżammet fl‑20 ta’ Jannar 2022.

IV. Analiżi

A.   Fuq l‑ewwel domanda preliminari

25.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(4) u l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-kundizzjoni ta’ kriminalità doppja prevista minn dawn id-dispożizzjonijiet tkun issodisfatta fis-sitwazzjoni fejn MAE jinħareġ għal fatti li jaqgħu, fl-Istat Membru emittenti, taħt reat li jeżiġi li dawn il-fatti jkunu ta’ natura li jiksru l-paċi pubblika, meta tali fatti jkunu wkoll suġġetti għal sanzjoni kriminali fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, mingħajr ma jkun meħtieġ dan l-element ta’ ksur tal-paċi pubblika.

26.

Il-Gvern Franċiż u dak Taljan kif ukoll mill-Kummissjoni jissuġġerixxu li tingħata risposta affermattiva għal din id-domanda, filwaqt li KL jipproponi risposta negattiva.

27.

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 2(4) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, fir-rigward ta’ reati għajr dawk imsemmija fil-lista ta’ 32 reat prevista fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, il-konsenja tal-persuna rikjesta tista’ tkun soġġetta għall-kundizzjoni li l-fatti li għalihom inħareġ il-MAE jikkostitwixxu reat taħt il-liġi tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, indipendentement mill-elementi kostitwenti jew il-kwalifika tiegħu. Fi kliem ieħor, din id-dispożizzjoni tippermetti lill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jissuġġetta l-eżekuzzjoni tal-kundanna għall-kundizzjoni li jiġi ssodisfatt il-kriterju ta’ kriminalità doppja ( 6 ). B’mod korrelattiv, l-Artikolu 4 ta’ din id-deċiżjoni qafas, relatat mar-raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva tal-MAE, jipprovdi, fil-punt 1 tal-paragrafu 1 tiegħu, l-għażla għall-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tirrifjuta li teżegwixxi l-MAE meta l-kundizzjoni ta’ kriminalità doppja ma tiġix issodisfatta. Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, dawn id-dispożizzjonijiet ġew trasposti fl-Artikolu 695–23 tal-Kodiċi tal-proċedura kriminali Franċiż.

28.

F’dan il-każ, il-MAE jsemmi n-natura u l-klassifikazzjoni legali tar-reati msemmija u jiddeskrivi ċ-ċirkustanzi tat-twettiq tagħhom, skont l-Artikolu 8(1)(d) u (e) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. F’dan ir-rigward, ċerti fatti li bihom huwa akkużat KL jaqgħu taħt ir-reat ikkwalifikat bħala “qerda u sakkeġġ”, previst fl-Artikolu 419 tal-Kodiċi Kriminali Taljan. Il-qorti tar-rinviju tiddikjara li dan ir-reat jirrigwarda atti ta’ distruzzjoni u ta’ ħsara multipli, massivi, li jikkawżaw mhux biss ħsara lill-proprjetarji tal-beni kkonċernati iżda wkoll ksur tal-paċi pubblika, li jipperikola l-iżvolġiment normali tal-ħajja ċivili. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Taljan indika li din il-kundizzjoni ta’ ksur tal-paċi pubblika ma hijiex espressament meħtieġa mill-Artikolu 419 tal-Kodiċi Kriminali Taljan iżda li tirriżulta mill-ġurisprudenza tal-qrati Taljani.

29.

Skont il-qorti tar-rinviju, fid-dritt kriminali Franċiż, il-fatt li l-paċi pubblika titqiegħed f’perikolu permezz ta’ distruzzjonijiet ta’ massa ta’ beni mobbli jew immobbli ma huwiex speċifikament inkriminat. Huma biss inkriminati d-distruzzjonijiet, il-ħsarat, is-serq bi ħsarat imwettqa jekk ikun il-każ f’għaqda, b’tali mod li jikkawżaw dannu lill-proprjetarji tal-beni.

30.

Għaldaqstant, din il-qorti tixtieq tkun taf jekk il-kundizzjoni ta’ kriminalità doppja prevista fl-Artikolu 2(4) u fl-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hijiex issodisfatta f’każ bħal dak fil-kawża prinċipali. Il-qorti msemmija rreferiet għas-sentenza Grundza, li kienet tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(3) ( 7 ) u tal-Artikolu 9(1)(d) ( 8 ) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909/ĠAI ( 9 ).

31.

F’din is-sentenza, fir-rigward tal-Artikolu 7(3) ta’ din l-aħħar deċiżjoni qafas, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li għandhom, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha ( 10 ).

32.

Fl-ewwel lok, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 7(3) jirriżulta li l-kundizzjoni neċessarja u suffiċjenti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kriminalità doppja tinsab fil-fatt li l-atti li taw lok għall-kundanna mogħtija fl-Istat Membru emittenti jikkostitwixxu wkoll reat fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni u minn dan isegwi li ma huwiex meħtieġ li r-reati jkunu identiċi fiż-żewġ Stati Membri kkonċernati ( 11 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet tgħid li din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-kliem “indipendentement mill-elementi kostituttivi tieġhu jew mid-deskrizzjoni” tar-reat kif previst fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, minn fejn jirriżulta b’mod ċar li ma jinħtieġx qbil perfett la bejn l-elementi kostituttivi tar-reat, kif iddefiniti rispettivament mid-dritt tal-Istat Membru emittenti u minn dak tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, u lanqas fid-denominazzjoni jew fil-klassifikazzjoni ta’ dan ir-reat skont id-drittijiet nazzjonali rispettivi ( 12 ). Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi approċċ flessibbli, mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, fl-evalwazzjoni tal-kundizzjoni ta’ kriminalità doppja, kemm fir-rigward tal-elementi kostituttivi tar-reat kif ukoll fil-kwalifikazzjoni tiegħu ( 13 ).

33.

Għalhekk, waqt l-evalwazzjoni tal-kriminalità doppja, hija l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni li għandha tivverifika jekk l-elementi fattwali li fuqhom huwa bbażat ir-reat, kif riflessi fis-sentenza mogħtija mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru emittenti, humiex ukoll, bħala tali, fil-każ li jkunu seħħew fit-territorju tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, suġġetti għal sanzjoni kriminali f’dan it-territorju ( 14 ).

34.

Fir-rigward ta’ din l-interpretazzjoni testwali, għandu jiġi kkonstatat li l-formulazzjoni tal-Artikolu 2(4) u tal-Artikolu 4(1)(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija simili, rispettivament, għal dik tal-Artikolu 7(3) u tal-Artikolu 9(1)(d) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909. Għalhekk, l-imsemmi Artikolu 2(4) jippreċiża li l-konsenja tista’ tkun suġġetta għall-kundizzjoni li l-fatti li għalihom inħareġ il-MAE jikkostitwixxu reat taħt il-liġi tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, irrispettivament mill-elementi kostitwenti jew mill-klassifikazzjoni tiegħu. Konsegwentement, l-interpretazzjoni tal-kundizzjoni ta’ kriminalità doppja adottata fil-punt preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet tapplika bl-istess mod għad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

35.

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, fis-sentenza Grundza, li l-kuntest tal-Artikolu 7(3) u tal-Artikolu 9(1)(d) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 jimmilita wkoll favur tali evalwazzjoni tal-kriminalità doppja ( 15 ). Fil-fatt, din id-deċiżjoni qafas hija bbażata, qabel kollox, fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li jikkostitwixxi, skont il-premessa 1 tagħha, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 82(1) TFUE, il-“pedament” tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali fi ħdan l-Unjoni Ewropea, li, skont il-premessa 5 tal-imsemmija deċiżjoni qafas, hija bbażata fuq fiduċja reċiproka partikolari tal-Istati Membri fir-rigward tas-sistemi ġudizzjarji rispettivi tagħhom ( 16 ).

36.

Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet tgħid li l-kundizzjoni tal-kriminalità doppja li tikkostitwixxi eċċezzjoni għar-regola tal-prinċipju tar-rikonoxximent tas-sentenza u tal-eżekuzzjoni tal-kundanna, il-kamp ta’ applikazzjoni tar-raġuni għal rifjut ta’ rikonoxximent tas-sentenza u tal-eżekuzzjoni tal-kundanna, fuq il-bażi tan-nuqqas ta’ kriminalità doppja, kif previst fl-Artikolu 9(1)(d) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, għandu jiġi interpretat b’mod strett, sabiex jiġu limitati l-każijiet ta’ nuqqas ta’ rikonoxximent u ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni ( 17 ). Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kriminalità doppja, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għandha tivverifika mhux jekk inkisirx l-interess protett mill-Istat Membru emittenti, iżda jekk, fil-każ fejn ir-reat inkwistjoni jkun twettaq fit-territorju tal-Istat Membru li taħtu taqa’ din l-awtorità, ikunx tqies li nkiser interess simili, protett mid-dritt nazzjonali ta’ dan l-Istat ( 18 ).

37.

F’dan il-każ, il-kuntest li fih jaqgħu l-Artikolu 2(4) u l-Artikolu 4(1)(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 huwa l-istess bħal dak tal-Artikolu 7(3) u tal-Artikolu 9(1)(d) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessi 6 u 10 kif ukoll mill-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, din hija bbażata wkoll fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ( 19 ).

38.

Fit-tielet lok, mis-sentenza Grundza jirriżulta li, skont l-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, din hija intiża sabiex tistabbilixxi r-regoli li jippermettu lil Stat Membru, sabiex jiffaċilita r-riabilitazzjoni soċjali tal-persuna kkundannata, jirrikonoxxi sentenza u jeżegwixxi l-kundanna ( 20 ).

39.

Ċertament, min-naħa tagħha, id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma ssemmix li hija għandha l-għan li tiffaċilita l-integrazzjoni soċjali mill-ġdid tal-persuna kkundannata. Madankollu, din id-deċiżjoni qafas hija intiża, permezz tal-introduzzjoni ta’ sistema ssimplifikata u effikaċi ta’ konsenja tal-persuni kkundannati jew issuspettati li kisru l-liġi kriminali, sabiex tiffaċilita u tħaffef il-kooperazzjoni ġudizzjarja bil-għan li tikkontribwixxi sabiex jintlaħaq l-għan mogħti lill-Unjoni li ssir spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja, billi tibbaża ruħha fuq il-livell għoli ta’ fiduċja li għandu jkun hemm bejn l-Istati Membri ( 21 ). L-għan imfittex mill-imsemmija deċiżjoni qafas huwa b’mod partikolari li jiffaċilita u jħaffef il-konsenji bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri u l-osservanza tad-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonsenjata ( 22 ). B’mod iktar ġenerali, il-mekkaniżmu tal-MAE huwa intiż, b’mod partikolari, sabiex jiġġieled l-impunità ta’ persuna rikjesta li tkun tinsab f’territorju li ma huwiex dak li fih hija allegatament wettqet reat ( 23 ). Dawn l-għanijiet iwasslu, fil-fehma tiegħi, bl-istess mod bħad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, sabiex tiġi adottata interpretazzjoni restrittiva tal-kundizzjoni ta’ kriminalità doppja prevista mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

40.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, kuntrarjament għal dak li jsostni KL fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, l-interpretazzjoni adottata fis-sentenza Grundza tidher li tista’ tiġi trasposta għad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Għaldaqstant, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza ( 24 ), l-Artikolu 2(4) u l-Artikolu 4(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas għandhom jiġu interpretati f’dan is-sens li l-kundizzjoni tal-kriminalità doppja għandha titqies li hija ssodisfatta peress li l-elementi fattwali li fuqhom huwa bbażat ir-reat, kif riflessi fis-sentenza mogħtija mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru emittenti, ikunu wkoll, bħala tali, suġġetti għal sanzjoni kriminali fit-territorju tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni li kieku seħħew f’dan it-territorju.

41.

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-reat ikklassifikat bħala “qerda u sakkeġġ” fid-dritt Taljan ma jagħmilx parti mil-lista ta’ 32 reat previsti fl-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. F’dawn iċ-ċirkustanzi, skont l-Artikolu 2(4) u l-Artikolu 4(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas, u konformement mad-dritt Franċiż, il-konsenja ta’ KL tista’ tkun suġġetta għall-kundizzjoni li l-fatti li għalihom inħareġ il-MAE jikkostitwixxu reat fid-dawl tad-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

42.

F’dan ir-rigward, kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju, fid-dritt Taljan, ir-reat ikkwalifikat bħala “qerda u sakkeġġ” jeżiġi li l-fatti msemmija jkunu ta’ natura li jiksru l-paċi pubblika, b’differenza mid-dritt Franċiż. Din il-qorti tqis ukoll li dan huwa “element essenzjali” ta’ dan ir-reat. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li r-rekwiżit ta’ ksur tal-paċi pubblika jirrileva elementi kostitwenti tal-imsemmi reat u mhux il-fatti fihom innifishom, kif twettqu mill-persuna rikjesta u huma msemmija fil-MAE ( 25 ). Madankollu, kif stabbilixxiet il-Qorti tal-Ġustizzja, la hija meħtieġa korrispondenza perfetta bejn l-elementi kostitwenti tar-reat, kif ikkwalifikati rispettivament mil-liġi tal-Istat Membru emittenti u minn dik tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, u lanqas fl-isem jew fil-klassifikazzjoni ta’ dan ir-reat skont il-liġijiet nazzjonali rispettivi ( 26 ).

43.

Barra minn hekk, dejjem skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kriminalità doppja, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għandha tivverifika, fil-każ li r-reat inkwistjoni jkun twettaq fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, jekk ikunx jitqies li nkiser interess simili, protett mid-dritt nazzjonali tal-imsemmi Stat ( 27 ). Ir-reat ikkwalifikat bħala “qerda u sakkeġġ” huwa ddefinit minn naħa mill-fatt li jitwettaq dannu għal patrimonju ta’ suġġett wieħed jew iktar kif ukoll il-ħsara soċjali konsegwenti għall-ksur ta’ proprjetà privata ( 28 ). Issa, f’dan il-każ, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-fatti previsti fil-kuntest ta’ dan ir-reat huma suġġetti għal sanzjonijiet kriminali fi Franza, li għalihom l-interess inkwistjoni huwa l-protezzjoni tal-proprjetarji tal-beni kkonċernati. Konsegwentement, l-interess protett mid-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jixbah lil dak previst fl-Istat Membru emittenti.

44.

Għaldaqstant, il-fatt li l-ksur tal-paċi pubblika huwa element kostituttiv essenzjali tar-reat ikkwalifikat bħala “qerda u sakkeġġ” fl-Istat Membru emittenti ma jidhirx li huwa rilevanti għall-istħarriġ tal-osservanza tal-kundizzjoni tal-kriminalità doppja mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni.

45.

Għalhekk, nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(4) u l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kundizzjoni tal-kriminalità doppja prevista minn dawn id-dispożizzjonijiet hija ssodisfatta fis-sitwazzjoni fejn MAE jinħareġ għal fatti li jaqgħu, fl-Istat Membru emittenti, taħt reat li jeżiġi li dawn il-fatti jkunu ta’ natura li jiksru l-paċi pubblika, meta tali fatti jkunu wkoll suġġetti għal sanzjoni kriminali fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, mingħajr ma jkun meħtieġ dan l-element ta’ ksur tal-paċi pubblika.

B.   Fuq it‑tieni u t‑tielet domanda preliminari

46.

Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, f’każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, jekk l-Artikolu 2(4) u l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif ukoll l-Artikolu 49(3) tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta li teżegwixxi MAE maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena fis-sitwazzjoni fejn din tal-aħħar tikkorrispondi għat-twettiq, mill-persuna rikjesta, ta’ diversi fatti, li huma punibbli biss bħala li jikkostitwixxu reat uniku fl-Istat Membru emittenti, filwaqt li xi wħud minn dawn il-fatti ma humiex suġġetti għal sanzjoni kriminali fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

1. Fuq l‑ammissibbiltà

47.

Il-Gvern Taljan jirrileva, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li, skont l-awla istruttorja tal-Qorti tal-Appell ta’ Angers, il-kundizzjoni tal-kriminalità doppja ma hijiex issodisfatta fil-kawża prinċipali għal tnejn mis-sebgħa fatti msemmija fl-att ta’ akkuża taħt il-kwalifika ta’ “qerda u sakkeġġ” imsemmija fl-Artikolu 419 tal-Kodiċi Kriminali Taljan ( 29 ). Din l-awla istruttorja rrilevat li, fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ fatti, KL ġie indikat bħala li sempliċement jinsab qrib l-istituzzjoni ta’ kreditu u l-vettura kkonċernata, mingħajr ma pparteċipa materjalment fl-atti ta’ qerda. Minn dan, il-qorti tar-rinviju ddeduċiet li, peress li, fid-dritt Franċiż, ir-reat ta’ distruzzjoni, ta’ ħsara jew ta’ deterjorament ta’ proprjetà huwa kkostitwit biss jekk l-imputat wettaq huwa stess l-atti materjali ta’ dan ir-reat, l-imsemmi bord istruttorju ġġustifika d-deċiżjoni tiegħu li jqis li, għaż-żewġ fatti inkwistjoni, il-kundizzjoni ta’ kriminalità doppja hija nieqsa.

48.

Skont il-Gvern Taljan, l-istess awla istruttorja fir-realtà ma tqajjimx kwistjoni ta’ applikazzjoni tal-kundizzjoni ta’ kriminalità doppja, iżda problema ta’ prova, billi tqis li ma ġietx prodotta l-prova li KL kien wettaq uħud mill-fatti attribwiti lilu. Għaldaqstant, it-tieni u t-tielet domanda huma parzjalment inammissibbli sa fejn dawn jirrigwardaw l-Artikolu 49 tal-Karta, dwar il-prinċipji ta’ legalità u ta’ proporzjonalità tar-reati u tal-pieni, meta dawn kellhom jirrigwardaw l-Artikolu 48 tagħha, dwar il-preżunzjoni tal-innoċenza u d-drittijiet tad-difiża. Barra minn hekk, peress li ċerti fatti msemmija fl-att ta’ akkuża taħt il-klassifikazzjoni ta’ “qerda u sakkeġġ” fid-dritt Taljan ma jikkostitwixxux reat fid-dritt Franċiż, huwa inkwistjoni l-Artikolu 49(1) tal-Karta u mhux il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, invokat mill-qorti tar-rinviju fit-tielet domanda tagħha.

49.

F’dan ir-rigward, nirrileva li, fid-deċiżjoni tagħha, il-qorti tar-rinviju telqet mill-premessa li tnejn mis-seba’ fatti allegati fil-konfront ta’ KL fil-kuntest tar-reat ikkwalifikat bħala “qerda u sakkeġġ” ma humiex suġġetti għal sanzjoni kriminali fid-dritt Franċiż. Din il-premessa, li tirriżulta minn eżami taċ-ċirkustanzi tat-twettiq ta’ dawn iż-żewġ fatti, ma hijiex diskussa fil-kuntest tat-talba għal deċiżjoni preliminari. Fil-fatt, permezz tad-domandi tagħha, din il-qorti tistaqsi, mhux dwar il-prova tal-fatti kkonċernati, iżda dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu minn din is-sitwazzjoni fuq l-interpretazzjoni tal-kundizzjoni ta’ kriminalità doppja, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, u dwar l-eżekuzzjoni tal-MAE inkwistjoni.

50.

B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju għandha dubji jekk din il-kundizzjoni hijiex issodisfatta f’każ bħal dak fil-kawża prinċipali. Fil-fehma tiegħi, huwa għalhekk ċar li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u li r-risposta għal dawn id-domandi hija utli u rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima li għandha quddiemha din il-qorti. Għaldaqstant, jiena tal-opinjoni li t-tieni u t-tielet domanda huma ammissibbli fl-intier tagħhom.

2. Fuq il‑mertu

51.

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-osservanza tal-kundizzjoni tal-kriminalità doppja, fid-dawl tal-Artikolu 2(4) u tal-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif ukoll tal-Artikolu 49(3) tal-Karta, tippreżupponix li l-fatti kollha msemmija fl-att ta’ akkuża fil-kuntest ta’ reat uniku fl-Istat Membru emittenti għandhomx ukoll ikunu jistgħu jikkostitwixxu reat kriminali fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

52.

Il-Gvern Franċiż u dak Taljan kif ukoll il-Kummissjoni, bi sfumaturi, jipproponu li tingħata risposta negattiva għal din id-domanda, filwaqt li KL jissuġġerixxi li tingħata risposta affermattiva.

53.

F’dan ir-rigward, ser neżamina l-portata tal-kundizzjoni tal-kriminalità doppja fir-rigward ta’ reat uniku (a) u sussegwentement l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità previst fl-Artikolu 49(3) tal-Karta (b).

a) Fuq il‑portata tal‑kundizzjoni tal‑kriminalità doppja fir‑rigward ta’ reat uniku

54.

Qabel kollox, kif diġà ġie rrilevat, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 2(4) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jirriżulta li ma hijiex meħtieġa korrispondenza perfetta la bejn l-elementi kostituttivi tar-reat, kif ikklassifikati rispettivament mid-dritt tal-Istat Membru emittenti u minn dak tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, u lanqas fl-isem jew fil-klassifikazzjoni ta’ dan ir-reat skont il-liġijiet nazzjonali rispettivi ( 30 ). Għalhekk, din id-dispożizzjoni ma timponix li l-fatti kollha li jikkostitwixxu reat uniku msemmi fil-MAE jikkostitwixxu reat fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

55.

Sussegwentement, fir-rigward tal-kuntest tal-Artikolu 2(4) u tal-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, għandu jitfakkar li din tal-aħħar hija intiża, permezz tal-istabbiliment ta’ sistema ssimplifikata u effikaċi ta’ konsenja tal-persuni kkundannati jew issuspettati li kisru l-liġi kriminali, sabiex tiffaċilita u tħaffef il-kooperazzjoni ġudizzjarja sabiex tikkontribwixxi għat-twettiq tal-għan mogħti lill-Unjoni li ssir spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja billi tibbaża ruħha fuq il-livell għoli ta’ fiduċja li għandu jeżisti bejn l-Istati Membri. Il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku huwa espress fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-deċiżjoni qafas, li jistabbilixxi r-regola li tgħid li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jeżegwixxu kull MAE abbażi ta’ dan il-prinċipju u skont id-dispożizzjonijiet tal-istess deċiżjoni qafas. Minn dan isegwi li l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni jistgħu, bħala prinċipju, jirrifjutaw li jeżegwixxu MAE biss għar-raġunijiet, elenkati b’mod eżawrjenti, ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni previsti mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u li l-eżekuzzjoni tiegħu tista’ tkun suġġetta biss għal waħda mill-kundizzjonijiet previsti b’mod limitat fl-Artikolu 5 ta’ din id-deċiżjoni qafas. Għaldaqstant, filwaqt li l-eżekuzzjoni tal-MAE tikkostitwixxi l-prinċipju, ir-rifjut ta’ eżekuzzjoni huwa maħsub bħala eċċezzjoni li għandha tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta ( 31 ). Dan il-kuntest jimmilita favur interpretazzjoni tal-kundizzjoni tal-kriminalità doppja li tkun issodisfatta li parti biss mill-fatti li jikkostitwixxu reat uniku msemmi fil-MAE tkun suġġetta għal sanzjoni kriminali fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

56.

Ċertament, fir-rigward tar-raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva elenkati fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif iddikjarat mill-Qorti tal-Ġustizzja, mill-formulazzjoni ta’ dan l-artikolu, b’mod partikolari mill-użu tal-verb “tista’”, flimkien mal-infinittiv tal-verb “tirrifjuta”, li s-suġġett tiegħu huwa l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, jirriżulta li din tal-aħħar għandha, hija stess, tgawdi minn marġni ta’ diskrezzjoni dwar il-kwistjoni ta’ jekk hemmx lok, jew le, li tiġi rrifjutata l-eżekuzzjoni tal-MAE għar-raġunijiet previsti f’dan l-Artikolu 4 ( 32 ). Minn dan isegwi li, meta jagħżlu li jittrasponu raġuni jew diversi raġunijiet għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv previsti fl-Artikolu 4 tal-imsemmija deċiżjoni qafas, l-Istati Membri ma jistgħux jipprevedu li l-awtoritajiet ġudizzjarji huma obbligati jirrifjutaw li jeżegwixxu kull MAE li jaqa’ formalment taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija raġunijiet, mingħajr il-possibbiltà għalihom li jieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ ( 33 ).

57.

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li parti mill-fatti msemmija fil-MAE, fil-kuntest tar-reat ikklassifikat bħala “qerda u sakkeġġ”, jaqgħu taħt reati ta’ serq bi ħsara, ta’ qerda, jew ta’ twettiq ta’ ħsara fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. Fil-fehma tiegħi, din is-sitwazzjoni ma tippermettix lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, inkluż fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lilha, tirrifjuta li teżegwixxi l-MAE għar-raġuni msemmija fl-Artikolu 4(1)(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

58.

Finalment, konformement mal-Artikolu 1(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas, l-għan tal-mekkaniżmu tal-MAE huwa li jippermetti l-arrest u l-konsenja ta’ persuna rikjesta sabiex, fid-dawl tal-għan imfittex minn din id-deċiżjoni qafas, ir-reat imwettaq ma jibqax mingħajr kastig u li din il-persuna tiġi akkużata jew tiskonta l-l-piena ta’ priġunerija imposta kontriha ( 34 ). Madankollu, kif irrileva l-Gvern Franċiż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, l-interpretazzjoni li twassal għar-rifjut ta’ eżekuzzjoni ta’ MAE għar-raġuni li xi wħud mill-atti punibbli fl-Istat Membru emittenti ma humiex kundannabbli fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni twassal għall-impunità tal-persuna kkundannata għall-atti kollha inkwistjoni, inklużi dawk li huma kundannabbli f’dawn iż-żewġ Stati.

59.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, inqis li, fil-kawża prinċipali, il-kundizzjoni tal-kriminalità doppja hija ssodisfatta meta wħud mill-fatti msemmija fil-MAE huma suġġetti għal sanzjoni kriminali fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. Għalhekk, u b’risposta għal domanda tal-qorti tar-rinviju, ma hemmx lok li ssir distinzjoni skont jekk l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membru emittenti ħadux inkunsiderazzjoni dawn il-fatti differenti bħala diviżibbli jew le. Dan l-element, li barra minn hekk jaqa’ taħt il-klassifikazzjoni tar-reat, huwa fil-fatt irrilevanti għall-eżekuzzjoni tal-MAE ( 35 ).

b) Fuq l‑osservanza tal‑prinċipju ta’ proporzjonalità previst fl‑Artikolu 49(3) tal‑Karta

60.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-prinċipju ta’ proporzjonalità, fis-sens tal-Artikolu 49(3) tal-Karta, kienx osservat meta l-MAE nħareġ għall-eżekuzzjoni ta’ piena li tippenalizza reat uniku kkaratterizzat minn diversi fatti iżda li wħud minnhom biss jikkostitwixxu reat fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. Skont din il-qorti, għalkemm dan il-mandat seta’ jkun proporzjonat mal-ħruġ tiegħu, dan jista’ ma jkunx iktar waqt l-eżekuzzjoni tiegħu, li jwassal sabiex il-konsenja tal-persuna rikjesta tiġi rrifjutata.

61.

F’dan ir-rigward, jidhirli li huwa importanti li ssir distinzjoni bejn il-proporzjonalità tal-MAE u dik tal-piena mġarrba. Minn naħa, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ ta’ miżura li, bħall-ħruġ ta’ MAE, hija ta’ natura li tikser id-dritt għal-libertà tal-persuna kkonċernata, din il-protezzjoni timplika li tiġi adottata deċiżjoni li tissodisfa r-rekwiżiti inerenti għal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva ( 36 ) Barra minn hekk, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuna kkonċernata tippreżumi li l-awtorità ġudizzjarja emittenti tistħarreġ l-osservanza tal-kundizzjonijiet meħtieġa għall-ħruġ ta’ MAE u teżamina b’mod oġġettiv, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha inkriminanti u li jiskaġunaw, u mingħajr ma tkun esposta għar-riskju li tiġi suġġetta għal istruzzjonijiet esterni, b’mod partikolari min-naħa tal-poter eżekuttiv, jekk l-imsemmi ħruġ huwiex ta’ natura proporzjonata ( 37 ). F’dan is-sens, kif ġie rrilevat mill-qorti tar-rinviju, huwa l-Istat Membru emittenti li għandu jivverifika l-proporzjonalità tal-MAE qabel ma joħroġu, li huwa ta’ natura li jsaħħaħ il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku. F’dan il-każ, din il-qorti ma ssostnix li l-MAE inkwistjoni huwa ta’ natura sproporzjonata.

62.

Barra minn hekk, meta jinħareġ MAE sabiex tiġi eżegwita piena, il-proporzjonalità tagħha tirriżulta mill-kundanna imposta, li, kif jirriżulta mill-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, għandha tikkonsisti f’piena jew f’ordni ta’ detenzjoni ta’ mill-inqas erba’ xhur ( 38 ). Fil-kawża prinċipali, il-piena imposta hija itwal minn dan it-terminu ta’ erba’ xhur. F’dawn iċ-ċirkustanzi, inqis li l-MAE jidher proporzjonat, fis-sens tal-Artikolu 2(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas.

63.

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-proporzjonalità tal-piena imposta, skont id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija deċiżjoni qafas, l-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw li jeżegwixxu MAE biss fil-każijiet ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorja previsti fl-Artikolu 3 tagħha kif ukoll fil-każijiet ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva elenkati fl-Artikoli 4 u 4a tagħha. Barra minn hekk, l-awtorità ġudizzjarja tal-eżekuzzjoni tista’ biss tissuġġetta l-eżekuzzjoni ta’ MAE għall-kundizzjonijiet iddefiniti fl-Artikolu 5 tal-istess deċiżjoni qafas ( 39 ). Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li n-natura possibbilment sproporzjonata tal-piena ma tidhirx fost ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni previsti mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

64.

Madankollu, kif jistabbilixxi l-Artikolu 1(3) ta’ din id-deċiżjoni qafas, din ma jistax ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif stabbiliti fl-Artikolu 6 TUE. F’dan is-sens, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li jistgħu jsiru limitazzjonijiet għall-prinċipji ta’ rikonoxximent u ta’ fiduċja reċiproċi bejn l-Istati Membri “f’ċirkustanzi eċċezzjonali”. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet għalhekk, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-possibbiltà għall-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li ttemm il-proċedura ta’ konsenja stabbilita minn din id-deċiżjoni qafas, meta tali konsenja tkun tirriskja li twassal għal trattament inuman jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta, tal-persuna rikjesta ( 40 ). Madankollu, f’dan il-każ, tali ċirkustanzi eċċezzjonali ma jidhrux li huma ssodisfatti. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju ma tinvokax il-ksur tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq iggarantit mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, fir-rigward ta’ KL, jew il-fatt li l-konsenja tiegħu tista’ twassal għal trattament inuman jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta. Barra minn hekk, is-sempliċi fatt li l-fatti kollha msemmija fl-att ta’ akkuża fil-kuntest ta’ reat uniku fl-Istat Membru emittenti ma jikkostitwixxix reat kriminali fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ma jidhirlix li jiġġustifika li tiġi stabbilita “ċirkustanza eċċezzjonali” ġdida fis-sitwazzjoni fejn id-drittijiet fundamentali tal-persuna rikjesta ġew irrispettati fl-Istat Membru emittenti.

65.

Il-Kummissjoni ssostni li, jekk l-informazzjoni li tinsab fil-MAE ma tippermettix li jiġi konkluż li l-fatti lmentati skont id-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni huma l-fatti essenzjali għall-bażi ta’ dan il-MAE, l-awtorità ġudizzjarja eżegwenti għandha tuża l-proċedura prevista fl-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ( 41 ) sabiex tkun taf jekk teżistix possibbiltà, fid-dritt tal-Istat Membru emittenti, li tinqasam a posteriori l-piena. Jekk tali diviżjoni tal-piena hija possibbli, l-awtorità ġudizzjarja emittenti għandha tikkunsidra li tirrispondi għall-preokkupazzjonijiet tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni billi toħroġ MAE ġdid limitat biss għall-fatti li jikkostitwixxu reat fid-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. Min-naħa l-oħra, jekk tali diviżjoni ma kinitx possibbli fid-dritt tal-Istat Membru emittenti, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni jkollha teżerċita l-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha billi tieħu inkunsiderazzjoni, minn naħa, id-dritt tagħha li ma tinvokax raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni minħabba n-natura fakultattiva ta’ dan id-dritt u, min-naħa l-oħra, ir-riskju ta’ impunità f’każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-MAE. Għalhekk, din l-awtorità għandu jkollha, eċċezzjonalment, il-possibbiltà li tirrifjuta l-eżekuzzjoni tal-MAE fil-każ fejn il-fatti li għalihom hija ssodisfatta l-kundizzjoni tal-kriminalità doppja fir-rigward tad-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni huma biss ta’ importanza marġinali meta mqabbla mal-importanza tal-fatti li għalihom din il-kundizzjoni ma hijiex issodisfatta.

66.

Dan l-approċċ ma jikkonvinċinix. Fil-fatt, l-ewwel, id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 stabbilixxiet sistema ssimplifikata u effikaċi għall-konsenja ta’ persuni kkundannati jew issuspettati li kisru l-liġi kriminali ( 42 ). Issa, l-adozzjoni tal-interpretazzjoni tal-Kummissjoni tikkomplika din is-sistema u tnaqqas b’mod kunsiderevoli l-ħeffa tal-proċedura ta’ konsenja tal-persuna rikjesta. It-tieni, din id-deċiżjoni qafas ma tipprevedix li l-Istat Membru emittenti joħroġ MAE ġdid, jekk id-diviżjoni tal-piena hija possibbli, skont id-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, u minkejja li dan id-dritt jista’ jvarja kunsiderevolment minn Stat Membru għall-ieħor. It-tielet, peress li l-kundizzjoni ta’ kriminalità doppja hija ssodisfatta għall-maġġoranza tal-fatti inkwistjoni ( 43 ) — li ma huwiex ikkontestat fil-kawża prinċipali — l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax, fil-fehma tiegħi, tirrifjuta li teżegwixxi l-MAE, fid-dawl tal-loġika u tal-għan tal-imsemmija deċiżjoni qafas.

67.

Fl-aħħar, KL isostni li, fid-dawl tal-gravità tal-fatti kkonċernati, jista’ raġonevolment jitqies li l-piena tiegħu kienet tkun sostanzjalment inferjuri kieku l-qorti Taljana ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni l-fatti li sussegwentement ġew esklużi mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni. Madankollu, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, fejn il-kundizzjoni tal-kriminalità doppja hija ssodisfatta, l-istħarriġ tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità tal-piena, fis-sens tal-Artikolu 49(3) tal-Karta, għandu jsir biss mill-awtorità ġudizzjarja emittenti, fid-dawl tad-dritt nazzjonali tagħha.

68.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nissuġġerixxi li r-risposta għat-tieni u għat-tielet domanda tkun li l-Artikolu 2(4) u l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 kif ukoll l-Artikolu 49(3) tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax tirrifjuta li teżegwixxi MAE maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena fis-sitwazzjoni fejn din tal-aħħar tikkorrispondi għat-twettiq, mill-persuna rikjesta, ta’ diversi fatti, punibbli bħala li jikkostitwixxu reat uniku fl-Istat Membru emittenti, filwaqt li wħud minn dawn il-fatti ma humiex suġġetti għal sanzjoni kriminali fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

V. Konklużjoni

69.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza) kif ġej:

1)

L-Artikolu 2(4) u l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kundizzjoni tal-kriminalità doppja prevista minn dawn id-dispożizzjonijiet hija ssodisfatta fis-sitwazzjoni fejn mandat ta’ arrest Ewropew jinħareġ għal fatti li jaqgħu, fl-Istat Membru emittenti, taħt reat li jeżiġi li dawn il-fatti jkunu ta’ natura li jippreġudikaw il-paċi pubblika, meta tali fatti jkunu wkoll suġġetti għal sanzjoni kriminali fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, mingħajr ma jkun meħtieġ dan l-element ta’ ksur tal-paċi pubblika.

2)

L-Artikolu 2(4) u l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 kif ukoll l-Artikolu 49(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena fis-sitwazzjoni fejn din tal-aħħar tikkorrispondi għat-twettiq, mill-persuna rikjesta, ta’ diversi fatti, punibbli bħala li jikkostitwixxu reat uniku fl-Istat Membru emittenti, filwaqt li wħud minn dawn il-fatti ma humiex suġġetti għal sanzjoni kriminali fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Ara D. Flore u S. Bosly, Droit pénal européen, it-tieni ed., Larcier, Bruxelles, 2014, p. 580, no1013. Dwar l-iżvilupp tal-kundizzjoni tal-kriminalità doppja, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Grundza (C‑289/15, EU:C:2016:622, punti 31 sa 40).

( 3 ) Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, u rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45).

( 4 ) Dan l-artikolu, intitolat “Qerda u sakkeġġ”, jipprovdi, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, li “[k]ull min iwettaq, minbarra l-każijiet previsti fl-Artikolu 285, atti ta’ qerda jew ta’ sakkeġġ huwa punibbli bi priġunerija minn tmienja sa ħmistax-il sena. Il-piena hija aggravata jekk ir-reat jitwettaq b’armi, b’munizzjon jew b’oġġetti tal-ikel f’post ta’ bejgħ jew ta’ ħażna”.

( 5 ) Dwar din is-sentenza, ara Falkiewicz, A. “The Double Criminality Requirement in the Area of Freedom, Security and Justice – Reflections in Light of the European Court of Justice Judgment of 11 January 2017, C-289/15, Criminal Proceedings against Jozef Grundza”, European Criminal Law Review, 2017, Vol. 7, Nru 3, p. 258 sa 274.

( 6 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Grundza, punt 28.

( 7 ) Skont din id-dispożizzjoni, “għal reati oħra barra dawk koperti mill-paragrafu 1, l-Istat ta’ esekuzzjoni jista’ jagħmel ir-rikonoxximent tas-sentenza u l-infurzar tal-piena [suġġett] għall-kondizzjoni li huwa jirrelata ma’ atti li wkoll jikkostitwixxu reat taħt il-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni, indipendentement mill-elementi kostituttivi tieġhu jew mid-deskrizzjoni tiegħu”.

( 8 ) Din id-dispożizzjoni tgħid li “l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni tista’ tirrifjuta li tirrikonoxxi s-sentenza u li tinforza l-piena, jekk: […] f’każ imsemmi fl-Artikolu 7(3) u, fejn l-Istat ta’ esekuzzjoni jkun għamel dikjarazzjoni taħt l-Artikolu 7(4), fil-każ imsemmi fl-Artikolu 7(1), is-sentenza hija relatata ma’ atti li ma jkunux jikkostitwixxu reat taħt il-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni. […]”.

( 9 ) Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tas‑27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea (ĠU 2008 L 327, p. 27).

( 10 ) Sentenza Grundza, punt 32.

( 11 ) Sentenza Grundza, punt 34.

( 12 ) Sentenza Grundza, punt 35.

( 13 ) Sentenza Grundza, punt 36.

( 14 ) Sentenza Grundza, punt 38.

( 15 ) Sentenza Grundza, punt 39.

( 16 ) Sentenza Grundza, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 17 ) Sentenza Grundza, punt 46.

( 18 ) Sentenza Grundza, punt 49.

( 19 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita permezz tal-liġi fl-Istat Membru emittenti)C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU, EU:C:2022:100, punt 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 20 ) Sentenza Grundza, punt 50.

( 21 ) Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2021, Openbaar Ministerie (Dritt għal smigħ mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni) (C‑428/21 PPU u C‑429/21 PPU, EU:C:2021:876, punt 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 22 ) Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2021, Openbaar Ministerie (Dritt għal smigħ mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni)C‑428/21 PPU u C‑429/21 PPU, EU:C:2021:876, punt 58).

( 23 ) Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Openbaar Ministerie (Indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti)C‑354/20 PPU u C‑412/20 PPU, EU:C:2020:1033, punt 62).

( 24 ) Ara l-punt 54 tas-sentenza Grundza.

( 25 ) Kif irrileva l-Avukat Ġenerali Bobek fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Grundza (C‑289/15, EU:C:2016:622, punt 51), l-evalwazzjoni tal-kriminalità doppja teħtieġ essenzjalment żewġ stadji: 1) delokalizzazzjoni li timplika li jinżammu l-karatteristiċi bażiċi tal-att imwettaq fl-Istat emittenti u li l-att jitqies bħallikieku twettaq fl-Istat ta’ eżekuzzjoni, u 2) klassifikazzjoni tal-fatti li timplika li dawn il-fatti bażiċi għandhom jitqiesu bħala li jikkostitwixxu reat adegwat kif iddefinit mid-dritt tal-Istat ta’ eżekuzzjoni.

( 26 ) Ara l-punt 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 27 ) Ara l-punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 28 ) Ara l-punt 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li jirreferi għad-deċiżjoni tar-rinviju. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, KL isostni li l-valur soċjali protett mir-reat ikklassifikat bħala “qerda u sakkeġġ” ma huwiex ir-rispett tal-beni u tal-proprjetà iżda dak tal-ordni pubbliku u tal-paċi pubblika. Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali ddefinit minnha u taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tagħha, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza (sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2021, Finanzamt Österreich (Allowances tal-familja għal ħaddiem umanitarju fil-qasam tal-iżvilupp), C‑372/20, EU:C:2021:962, punt 54). F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jsir riferiment għad-deċiżjoni tar-rinviju fir-rigward tad-determinazzjoni tal-interess protett fil-kuntest tar-reat ikkwalifikat bħala “qerda u sakkeġġ”.

( 29 ) Dan il-gvern jenfasizza li d-dritt Taljan jippermetti li jiġi ppenalizzat mhux biss l-awtur materjali tal-fatti iżda wkoll kull min jipparteċipa bl-aġir volontarju tiegħu, attiv jew passiv, fit-twettiq tar-reat.

( 30 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Grundza, punt 35.

( 31 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita permezz tal-liġi fl-Istat Membru emittenti)C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU, EU:C:2022:100, punti 42 sa 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 32 ) Sentenza tad‑29 ta’ April 2021, X (Mandat ta’ arrest Ewropew – Ne bis in idem) (C‑665/20 PPU, EU:C:2021:339, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 33 ) Sentenza tad‑29 ta’ April 2021, X (Mandat ta’ arrest Ewropew – Ne bis in idem) (C‑665/20 PPU, EU:C:2021:339, punt 44).

( 34 ) Sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2021, MM (C‑414/20 PPU, EU:C:2021:4, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 35 ) Nippreċiża li, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Taljan sostna li, fid-dawl tal-unità intrinsika tad-diversi fatti li jikkostitwixxu r-reat ikkwalifikat bħala “qerda u sakkeġġ”, ma jidhirx possibbli li dawn il-fatti jiġu diviżi.

( 36 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2021, MM (C‑414/20 PPU, EU:C:2021:4, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 37 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2021, MM (C‑414/20 PPU, EU:C:2021:4, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 38 ) Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Openbaar Ministerie (Prosekutur tar-Re ta’ Brussell) (C‑627/19 PPU, EU:C:2019:1079, punt 38).

( 39 ) Sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Openbaar Ministerie (Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tal-Isvezja) (C‑625/19 PPU, EU:C:2019:1078, punt 36).

( 40 ) Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2018, RO (C‑327/18 PPU, EU:C:2018:733, punti 3940 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 41 ) Skont din id-dispożizzjoni, “jekk l-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi ssib li l-informazzjoni kkomunikata mill-Istat Membru li joħroġ il-mandat mhuwiex suffiċjenti biex tħalli li tiddeċiedi fuq iċ-ċediment, għandha titlob li l-informazzjoni meħtieġa supplementarja, partikolarment fir-rigward ta’ l-Artikoli 3 sa 5 u l-Artikolu 8, tiġi mogħtija bħala kwistjoni ta’ urġenza u tista’ tistabbilixxi limitu tal-ħin għar-riċeviment tagħha, waqt li tittieħed in konsiderazzjoni l-ħtieġa li jkunu mħarsin il-limiti tal-ħin stabbiliti fl-Artikolu 17”.

( 42 ) Ara l-punt 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 43 ) Għaldaqstant, ma jidhirlix li huwa neċessarju li jiġi eżaminat, fil-kuntest ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-każ invokat mill-Kummissjoni li fih il-fatti li għalihom il-kundizzjoni ta’ kriminalità doppja hija ssodisfatta huma ta’ importanza marġinali meta mqabbla ma’ dawk li għalihom din il-kundizzjoni ma hijiex issodisfatta.