KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
RICHARD DE LA TOUR
ippreżentati fit‑28 ta’ April 2022 ( 1 )
Kawża C‑159/21
GM
vs
Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság,
Alkotmányvédelmi Hivatal,
Terrorelhárítási Központ
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Direttiva 2011/95/UE – Regoli relatati mal-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ status ta’ refuġjat jew l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja – Direttiva 2013/32/UE – Proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Preġudizzju għas-sigurtà nazzjonali – Teħid ta’ pożizzjoni ta’ awtorità speċjalizzata – Aċċess għall-informazzjoni kunfidenzjali – Elementi essenzjali ta’ din l-informazzjoni – Impossibbiltà li tiġi ppreżentata informazzjoni fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva jew ġudizzjarja”
I. Introduzzjoni
1. |
Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni ta’ diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija ( 2 ) u tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali ( 3 ), u l-Artikoli 41 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 4 ). |
2. |
Din it-talba kienet tressqet fil-kuntest tal-eżami tar-rikors ippreżentat minn GM, ċittadin Sirjan, kontra d-deċiżjoni tal-Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság (id-Direttorat Ġenerali Nazzjonali tal-Pulizija tal-Migrazzjoni, l-Ungerija, iktar ’il quddiem “id-Direttorat Ġenerali” jew l-“awtorità responsabbli għad-determinazzjoni”) li rtiratlu l-istatus ta’ refuġjat u rrifjutat li tagħtih status ta’ protezzjoni sussidjarja. |
3. |
Permezz tad-domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-proċeduri ta’ rtirar u ta’ rifjut ta’ għoti tal-protezzjoni internazzjonali lil ċittadin ta’ pajjiż terz ikkunsidrat, fuq il-bażi ta’ informazzjoni kunfidenzjali, bħala li jikkostitwixxi theddida għas-sigurtà tal-Istat Membru li jinsab fih. B’mod partikolari, din il-qorti titfa’ dubju dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-leġiżlazzjoni Ungeriża sa fejn, minn naħa, tillimita l-aċċess tal-persuni kkonċernati jew tar-rappreżentant tagħhom għal informazzjoni kunfidenzjali li fuq il-bażi tagħha d-deċiżjonijiet ta’ rtirar jew ta’ rifjut ta’ għoti tal-protezzjoni internazzjonali huma adottati għal raġunijiet ta’ protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali u, min-naħa l-oħra, tagħti rwol prominenti lill-korpi speċjalizzati fis-sigurtà nazzjonali fil-qafas tal-proċedura li twassal għall-adozzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet. |
4. |
F’dawn il-konklużjonijiet, ser insemmi r-raġunijiet li jwassluni biex nikkunsidra li din il-proċedura ma tosservax diversi garanziji proċedurali li applikant għal protezzjoni internazzjonali għandu jibbenefika minnhom bis-saħħa tad-Direttivi 2011/95 u 2013/32. |
II. Il‑kuntest ġuridiku
A. Id‑dritt tal‑Unjoni
5. |
Fir-rigward tad-Direttiva 2011/95, id-dispożizzjonijiet rilevanti fil-kuntest ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari huma dawn li ġejjin: l-Artikolu 4(3), l-Artikolu 14(4)(a), u l-Artikolu 17(1)(b) u (d). |
6. |
Fir-rigward tad-Direttiva 2013/32, id-dispożizzjonijiet rilevanti huma dawn li ġejjin: l-Artikolu 4(1) u (2), l-Artikolu 10(2) u (3), l-Artikolu 11(2), l-Artikolu 23(1), l-Artikolu 45(1) u (3) kif ukoll l-Artikolu 46(1). |
B. Id‑dritt Ungeriż
7. |
L-Artikolu 8(4) u (5), tal-menedékjogról szóló 2007. évi LXXX. törvény (il-Liġi Nru LXXX tal-2007, dwar id-Dritt ta’ Ażil) ( 5 ), tad‑29 ta’ Ġunju 2007, fil-verżjoni tagħha kif emendata mill‑2018. évi CXXXIII. törvény az egyes migrációs tárgyú és kapcsolódó törvények módosításáról (il-Liġi Nru CXXXIII tal-2018 li temenda ċerti liġijiet li għandhom bħala għan il-migrazzjoni u ċerti liġijiet kumplimentari ( 6 ), fis-seħħ mill‑1 ta’ Jannar 2019, jipprovdi: “4. Barrani li s-soġġorn tiegħu fit-territorju tal-Ungerija jipperikola s-sigurtà nazzjonali ma jistax jiġi rrikonoxxut bħala refuġjat. 5. Ma jistax jiġi rrikonoxxut bħala refuġjat il-barrani li qorti tkun ikkundannat, b’deċiżjoni li għandha s-saħħa ta’ res judicata,
|
8. |
L-Artikolu 15 tal-Liġi dwar id-Dritt ta’ Ażil jipprovdi kif ġej: “Ma jistax jingħata l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja lill-barrani […]
|
9. |
L-Artikolu 57(1) u (3) tal-Liġi dwar id-Dritt ta’ Ażil jgħid kif ġej: “(1) Fil-proċeduri rregolati minn din il-liġi, il-korp speċjalizzat tal-Istat jagħti opinjonijiet dwar il-kwistjonijiet speċjali li l-evalwazzjoni tagħhom taqa’ fil-kompetenza tiegħu fil-qafas ta’ proċedura amministrattiva. […] (3) L-awtorità kompetenti tal-ażil ma tistax twarrab l-opinjoni tal-korp speċjalizzat tal-Istat meta ma jkollhiex il-kompetenza li tevalwa l-kontenut tagħha.” |
10. |
L-Artikolu 11 tal-a minősített adat védelméről szóló 2009. évi CLV. törvény (il-Liġi Nru CLV tal-2009, dwar il-Protezzjoni ta’ Informazzjoni Kklassifikata) ( 7 ), tad‑29 ta’ Diċembru 2009, jipprovdi: “(1) Il-persuna kkonċernata għandha d-dritt li tikkonsulta d-data personali tagħha li għandha l-karattru ta’ informazzjoni kklassifikata nazzjonali fuq il-bażi ta’ awtorizzazzjoni ta’ konsultazzjoni maħruġa mill-awtorità ta’ klassifikazzjoni u mingħajr ma jkollha għalfejn ċertifikat ta’ sigurtà personali. Qabel ma tikkonsulta l-informazzjoni kklassifikata nazzjonali, il-persuna kkonċernata hija meħtieġa tagħmel dikjarazzjoni ta’ kunfidenzjalità bil-miktub u li tosserva r-regoli għall-protezzjoni ta’ din l-informazzjoni. (2) Id-deċiżjoni relatata mal-awtorizzazzjoni ta’ konsultazzjoni tittieħed mill-awtorità ta’ klassifikazzjoni fuq talba tal-persuna kkonċernata u f’terminu ta’ ħmistax-il jum. L-awtorizzazzjoni għall-konsultazzjoni tiġi rrifjutata mill-awtorità ta’ klassifikazzjoni jekk il-konsultazzjoni tal-informazzjoni twassal biex tippreġudika l-interess pubbliku li jiġġustifika l-klassifikazzjoni. Ir-rifjut li tingħata l-awtorizzazzjoni għall-konsultazzjoni għandu jkun motivat mill-awtorità ta’ klassifikazzjoni. (3) Fil-każ ta’ rifjut li tingħata awtorizzazzjoni għall-konsultazzjoni, il-persuna kkonċernata tista’ tikkontesta d-deċiżjoni permezz ta’ rikors ġudizzjarju amministrattiv […]” |
11. |
L-Artikolu 12(1) u (2) tal-Liġi dwar il-Protezzjoni ta’ Informazzjoni Kklassifikata jistabbilixxi: “(1) L-awtorità li tipproċessa l-informazzjoni kklassifikata tista’ tirrifjuta li l-persuna kkonċernata teżerċita d-dritt tagħha ta’ aċċess għad-data personali tagħha jekk l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt jikkomprometti l-interess pubbliku li jkun iġġustifika l-klassifikazzjoni. (2) Fil-kuntest tal-implimentazzjoni tad-drittijiet tal-persuna kkonċernata fil-qorti, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(3) huma applikabbli mutatis mutandis għall-qorti adita u għall-konsultazzjoni tal-informazzjoni kklassifikata.” |
12. |
L‑Artikolu 13 tal-Liġi dwar il-Protezzjoni ta’ Informazzjoni Kklassifikata huwa fformulat kif ġej: “1. Tista’ tuża biss informazzjoni kklassifikata persuna li għaliha dan huwa ġġustifikat fit-twettiq ta’ missjonijiet tal-Istat jew pubbliċi, u li, ħlief kif ipprovdut mil-liġi, ikollha:
[…] 5. Sakemm il-liġi ma tipprovdix mod ieħor, il-qorti tista’ jeżerċita d-drittijiet ta’ dispożizzjoni li huma meħtieġa biex jiġi deċiż it-tilwim adita bih skont is-sistema ta’ allokazzjoni tal-kawżi, u dan mingħajr ma tkun ġiet suġġetta għal kontroll ta’ sigurtà nazzjonali, u mingħajr il-ħtieġa ta’ ċertifikat ta’ sigurtà personali, ta’ dikjarazzjoni ta’ kunfidenzjalità, jew awtorizzazzjoni ta’ utent.” |
III. Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
13. |
GM, ta’ nazzjonalità Sirjana, applika għad-dritt ta’ ażil fl-2005 waqt li kien qiegħed jiskonta sentenza ta’ priġunerija li għaliha kien ġie kkundannat, permezz ta’ sentenza finali mogħtija fl-2002, għal reat relatat ma’ kwantitajiet kbar ta’ drogi. |
14. |
L-awtoritajiet Ungeriżi rrikonoxxewlu l-istatus ta’ “persuna aċċettata”, iżda rtirawh fl-2010 wara proċedura ta’ reviżjoni, ikkonfermata b’deċiżjoni tal-qorti. Fl-2011, GM reġa’ ssottometta applikazzjoni biex jikseb status ta’ refuġjat, u wara li l-qorti tar-rinviju rrikonoxxietu bħala refuġjat “fil-post” f’sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2012. |
15. |
Fl-2019, kienet saret proċedura amministrattiva ex officio sabiex jiġi rtirat l-istatus ta’ refuġjat tiegħu li wasslet għal dan l-irtirar. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina l-legalità tad-deċiżjoni li biha l-istatus ta’ refuġjat kien ġie rtirat mingħand GM. |
16. |
Matul il-proċedura amministrattiva, it-tieni konvenut, l-Alkotmányvédelmi Hivatal (l-Uffiċċju għall-Protezzjoni tal-Kostituzzjoni, l-Ungerija) u t-tielet konvenut, it-Terrorelhárítási Központ (iċ-Ċentru għall-Prevenzjoni tat-Terroriżmu, l-Ungerija), ikkonkludew, fl-opinjoni li huma maħruġa bħala korpi speċjalizzati tal-Istat, li s-soġġorn ta’ GM fl-Ungerija kien jikkomprometti s-sigurtà nazzjonali. |
17. |
Fuq din il-bażi, id-Direttorat Ġenerali kkonkluda li kien hemm, fir-rigward tal-GM, motiv ta’ esklużjoni tar-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat jew ta’ benefiċjarju ta’ protezzjoni sussidjarja. |
18. |
Fil-kuntest tal-proċedura ta’ appell mid-deċiżjoni tal-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat u tar-rifjut tal-għoti tal-istatus mogħti bil-protezzjoni sussidjarja, ir-rappreżentant ta’ GM sostna li ma setax jikkonsulta lanqas l-elementi essenzjali tad-data kunfidenzjali li abbażi tagħha kien ġie konkluż li kien hemm perikolu għas-sigurtà nazzjonali u li, anki li kieku seta’ jikkonsultaha, il-leġiżlazzjoni applikabbli ma tawtorizzawhx biex jużaha fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja. Jenfasizza wkoll, waqt li bbaża ruħu fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-awtorità responsabbli għad-determinazzjoni hija obbligata tagħmel evalwazzjoni individwali tal-applikazzjonijiet u ma tistax tibbaża d-deċiżjoni tagħha esklużivament fuq il-konklużjonijiet ta’ opinjoni maħruġa minn korpi speċjalizzati fuq is-sigurtà nazzjonali. Barra minn hekk, huwa jsostni li l-leġiżlazzjoni Ungeriża żiedet mal-motivi ta’ esklużjoni li jwasslu għall-irtirar tal-istatus motiv li hu inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. |
19. |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tad-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni li abbażi tagħha tkun ittieħdet deċiżjoni mid-Direttorat Ġenerali, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li mill-ġurisprudenza rilevanti tal-Kúria (il-Qorti Suprema, l-Ungerija) jirriżulta li din tal-aħħar tqis li d-drittijiet proċedurali tal-persuni kkonċernati huma ggarantiti mis-sempliċi fatt li l-qorti li tagħmel l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjoni amministrattiva bbażata fuq informazzjoni kklassifikata tista’ tikkonsulta l-fajl tal-korpi speċjalizzati tal-Istat li jkun fih din l-informazzjoni. Għalhekk ma huwiex meħtieġ li l-persuna kkonċernata tkun tista’ tieħu konjizzjoni tal-informazzjoni inkwistjoni jew, għall-inqas, tal-elementi essenzjali tagħha, u tkun tista’ tużaha. |
20. |
Il-qorti tar-rinviju tosserva li, fil-kuntest ta’ din il-kawża, id-deċiżjoni li biha d-Direttorat Ġenerali rrifjuta l-protezzjoni internazzjonali hija bbażata biss fuq il-fatt li ż-żewġ korpi speċjalizzati tal-Istat li huma partijiet fil-kawża prinċipali, fl-opinjoni tagħhom, ikkonkludew li s-soġġorn ta’ GM fl-Ungerija “jikkomprometti s-sigurtà nazzjonali”. Lanqas id-Direttorat Ġenerali ma kkonsulta r-raġunijiet li fuqhom hija bbażata l-opinjoni ta’ dawn il-korpi, inkluża l-informazzjoni kklassifikata. |
21. |
Barra minn hekk, skont din il-qorti, la GM u lanqas ir-rappreżentant tiegħu ma setgħu jgħidu tagħhom dwar l-opinjoni mhux motivata tal-korpi speċjalizzati tal-Istat, miksuba matul il-proċedura amministrattiva, u lanqas ma setgħu jikkontestaw il-fondatezza tagħha fl-istadju ta’ din il-proċedura. Jekk, bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni Ungeriża, GM għandu l-possibbiltà li jressaq talba għal aċċess għall-informazzjoni kklassifikata li tikkonċerna l-persuna tiegħu, huwa ma kienx ikollu, fi kwalunkwe każ, anki jekk ikun awtorizzat jikkonsulta din l-informazzjoni, il-possibbiltà li jużaha la fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva u lanqas f’dak tal-proċedura ġudizzjarja. |
22. |
Il-qorti tar-rinviju tinnota wkoll li l-liġi dwar il-protezzjoni ta’ informazzjoni kklassifikata ma tippermettix lill-korp speċjalizzat tal-Istat li jiddeċiedi dwar l-awtorizzazzjoni ta’ konsultazzjoni jkun jista’ jilqa’ t-talba għal konsultazzjoni b’mod limitat, billi jikkomunika l-elementi essenzjali tar-raġunijiet li fuqhom hija bbażata l-opinjoni tiegħu. |
23. |
Barra minn hekk, għalkemm il-qorti li tistħarreġ il-legalità tal-opinjoni tal-korpi speċjalizzati tal-Istat u tad-deċiżjoni dwar l-ażil ibbażata fuq tali raġunijiet għandha s-setgħa li tikkonsulta l-informazzjoni kunfidenzjali jew kklassifikata, hija ma tistax tużaha fl-ebda kuntest u ma tista’ tagħmel ebda dikjarazzjoni u lanqas tiġbed konklużjonijiet dwarha, la waqt il-proċess u lanqas fis-sentenza. |
24. |
Għalhekk, il-qorti adita għandha tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjoni inkwistjoni u tiddeċiedi fl-aħħar mill-aħħar dwar l-applikabbiltà tal-motiv ta’ esklużjoni skont informazzjoni kunfidenzjali jew ikklassifikata, mingħajr ma r-rikorrent jew ir-rappreżentant tiegħu jkunu setgħu, fir-rigward tar-raġunijiet għal din id-deċiżjoni, jippreżentaw id-difiża tiegħu kif ukoll l-argumenti u l-fatti li eventwalment jistgħu jirribattu l-applikabbiltà ta’ tali motiv ta’ esklużjoni fil-każ individwali tiegħu. |
25. |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva li t-tieni subparagrafu (b) tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2013/32 ma ġiex traspost fid-dritt Ungeriż, li rriżulta, fil-fehma tagħha, f’deroga li tmur lil hinn mill-eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess li hija espressament ammessa f’din id-dispożizzjoni. Din il-qorti għalhekk għandha dubji dwar jekk id-dritt Ungeriż jiggarantixxix id-drittijiet proċedurali fundamentali, li minnhom jifforma parti d-dritt ta’ GM għal rimedju effettiv. |
26. |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tar-rabta bejn l-opinjonijiet tal-korpi speċjalizzati tal-Istat u d-deċiżjoni tal-awtorità responsabbli għad-determinazzjoni, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, skont id-dritt Ungeriż, dawn il-korpi għandhom joħorġu opinjoni vinkolanti u mhux motivata fuq l-eżistenza ta’ “periklu għas-sigurtà nazzjonali”, li din l-awtorità ma tistax twarrab. L-awtorità msemmija mbagħad tista’ tagħmel biss riferiment għal din l-opinjoni u għar-regoli applikabbli fid-deċiżjoni tagħha. Dan jipprekludiha milli twettaq eżami rigoruż tal-eżistenza u tal-applikabbiltà tal-motiv ta’ esklużjoni f’kull każ individwali, kif ukoll milli tqis iċ-ċirkustanzi individwali u li tieħu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità. |
27. |
Skont il-qorti tar-rinviju, il-konsegwenza tal-leġiżlazzjoni Ungeriża hija għalhekk li, fl-aħħar mill-aħħar, ma hijiex l-awtorità responsabbli għad-determinazzjoni li tagħmel l-eżami tal-protezzjoni internazzjonali u tieħu deċiżjoni fuq il-mertu, iżda żewġ korpi speċjalizzati tal-Istat, kuntrarjament għal dik li tipprevedi d-Direttiva 2013/32, li jista’ jwassal li jiġu ppreġudikati l-garanziji proċedurali li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni u jmur ukoll kontra dak li tipprovdi d-Direttiva 2011/95. |
28. |
Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tindika li l-awtorità responsabbli għad-determinazzjoni, bis-saħħa tal-motiv ta’ esklużjoni previst fl-Artikolu 15(ab) tal-Liġi dwar id-Dritt ta’ Ażil, iddikjarat li GM ma setax jiġi rrikonoxxut bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni sussidjarja. Biex tagħmel dan, hija bbażat ruħha fuq kundanna kriminali mogħtija kontra GM fis‑6 ta’ Ġunju 2002, u li saret finali 18-il sena ilu, għal reat li ddeskriviet bħala “ta’ natura serja”. |
29. |
Il-piena ta’ priġunerija imposta f’din is-sentenza ġiet innotifikata mir-rikorrent fl-2004, 16-il sena ilu, u dan ir-reat kien diġà magħruf meta GM ingħata l-istatus ta’ refuġjat. Il-qorti tar-rinviju tosserva, f’dan ir-rigward, li la l-awtorità responsabbli għad-determinazzjoni u lanqas il-qorti li ddeċidiet dwar l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat ma applikaw raġuni ta’ esklużjoni relatata ma’ dan ir-reat. |
30. |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, il-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
31. |
Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn GM, mill-Gvern Ċek, Ungeriż u Olandiż, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Il-Gvern Olandiż ħa pożizzjoni biss dwar l-ewwel żewġ domandi. |
IV. Analiżi
32. |
Id-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju f’din il-kawża jistiednu lill-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa l-kompatibbiltà ma’ diversi dispożizzjonijiet tad-Direttivi 2011/95 u 2013/32 tal-proċedura li wasslet għall-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz u għar-rifjut li jiġi rrikonoxxut bħala benefiċjarju tal-protezzjoni sussidjarja, għar-raġunijiet li huwa jirrappreżenta theddida għas-sigurtà nazzjonali u li wettaq delitt serju. |
33. |
Fir-rigward tal-motivi invokati mill-awtorità responsabbli għad-determinazzjoni, l-Artikolu 14(4)(a) tad-Direttiva 2011/95 jipprovdi: “L-Istati Membri jistgħu jirrevokaw, itemmu jew jirrifjutaw li jġeddu l-istatus mogħti lil refuġjat minn korp governattiv, amministrattiv, ġudizzjarju jew kważi-ġudizzjarju, meta:
|
34. |
Barra minn hekk, l-Artikolu 17(1)(b) u (d) ta’ din id-direttiva jgħid: “Ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għandha tiġi eskluża milli tkun eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja meta jkun hemm raġunijiet serji li jitqiesu li: […]
[…]
|
35. |
Fil-fehma tiegħi, l-eżami tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jista’ jinqasam fi tliet partijiet. |
36. |
Fl-ewwel lok, l-ewwel u t-tieni domanda jqajmu dubji dwar il-portata tad-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni kunfidenzjali jew ikklassifikata li ssostni d-deċiżjoni meħuda mill-awtorità responsabbli għad-determinazzjoni li tirtira jew tirrifjuta l-protezzjoni internazzjonali. |
37. |
Imbagħad, it-tielet u r-raba’ domanda jwasslu għal eżami tal-kompatibbiltà mad-Direttivi 2011/95 u 2013/32 ta’ proċedura li bis-saħħa tagħha l-awtorità responsabbli għad-determinazzjoni, minn naħa, hija marbuta bl-opinjoni maħruġa minn korpi speċjalizzati tal-Istat fejn jingħad li l-persuna kkonċernata tikkostitwixxi theddida għas-sigurtà nazzjonali, u, min-naħa l-oħra, ma timmotivax id-deċiżjoni tagħha ħlief b’riferiment għal din it-theddida biss. |
38. |
Fl-aħħar, il-ħames domanda tistaqsi jekk l-awtorità responsabbli għad-determinazzjoni tistax, sabiex tirrifjuta l-protezzjoni sussidjarja, tistrieħ fuq il-fatt li l-applikant wettaq delitt serju, minkejja li dan il-motiv ta’ esklużjoni kien magħruf minn din l-awtorità meta tat għall-ewwel darba protezzjoni internazzjonali lil dan tal-aħħar. |
A. Fuq l‑ewwel u t‑tieni domanda preliminari
39. |
L-ewwel domanda għandha l-għan li tiddetermina jekk il-persuna li hija s-suġġett ta’ deċiżjoni li tirtira jew li tirrifjuta li tagħti protezzjoni internazzjonali, għar-raġuni li hija tikkostitwixxi theddida għas-sigurtà nazzjonali, għandhiex id-dritt ta’ aċċess għall-inqas għall-elementi essenzjali tal-informazzjoni kunfidenzjali jew ikklassifikata li hija fil-bażi ta’ tali deċiżjoni, kif ukoll id-dritt li din l-informazzjoni tintuża fil-qafas tal-proċedura amministrattiva u mbagħad, fejn applikabbli, il-proċedura ġudizzjarja. It-tieni domanda, min-naħa tagħha, tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tispeċifika liema huma l-elementi essenzjali tal-informazzjoni li għaliha l-persuna kkonċernata għandu jkollha aċċess skont it-tieni subparagrafu (b) tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2013/32 moqri fid-dawl tal-Artikoli 41 u 47 tal-Karta. |
40. |
Sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda, għandu jiġi rrilevat li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2013/32, “[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsulent legali jew konsulent ieħor, li jkun ammess jew permess bħala tali taħt il-liġi nazzjonali, li jgħin jew jirrappreżenta applikant taħt il-liġi nazzjonali, għandu jgawdi aċċess għall-informazzjoni li tinsab fil-fajl tal-applikant li fuq il-bażi tiegħu jkun hemm jew tkun ser tittieħed deċiżjoni”. Għalhekk huwa stabbilit il-prinċipju ta’ aċċess, mill-konsulent tal-parti kkonċernata, għall-informazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar il-protezzjoni internazzjonali. |
41. |
Eċċezzjoni għal dan id-dritt ta’ aċċess hija madankollu prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) ta’ din id-direttiva, li jipprovdi: “L-Istati Membri jistgħu jagħmlu eċċezzjoni fejn l-iżvelar ta’ informazzjoni jew ta’ sorsi jkun ta’ ħsara għas-sigurtà nazzjonali, għas-sigurtà tal-organizzazzjonijiet jew tal-persuna jew persuni li jipprovdu l-informazzjoni jew għas-sigurtà tal-persuna jew persuni li għalihom tirriferi l-informazzjoni jew fejn l-interessi investigattivi dwar l-eżami tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jew ir-relazzjonijiet internazzjonali tal-Istati Membri jkunu kompromessi. F’tali każijiet, l-Istati Membri għandhom:
|
42. |
L-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 23(1) ta’ din id-direttiva jippreċiża li fir-“rigward tal-punt (b), l-Istati Membri jistgħu b’mod partikolari jagħtu aċċess għal tali informazzjoni jew is-sorsi għal konsulent legali jew konsulent li saritlu verifika tas-sigurtà, dment li l-informazzjoni hi rilevanti għall-eżami tal-applikazzjoni jew it-teħid ta’ deċiżjoni li tiġi rtirata l-protezzjoni internazzjonali”. |
43. |
Minn dawn id-dispożizzjonijiet niddeduċi li l-limitazzjoni, għal raġunijiet ta’ protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali, tad-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni dwar il-persuna kkonċernata hija suġġetta għal żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri, minn naħa, li l-qrati kompetenti sabiex jiddeċiedu dwar il-legalità tad-deċiżjoni dwar il-protezzjoni internazzjonali jkollhom aċċess għal informazzjoni jew għas-sorsi kunfidenzjali u, min-naħa l-oħra, li l-proċeduri li jiggarantixxu d-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata jkunu previsti fid-dritt nazzjonali. |
44. |
L-ewwel kundizzjoni jidhirli li hija ssodisfatta, bħala prinċipju, sa fejn jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-qrati kompetenti fil-fatt għandhom aċċess sħiħ għall-informazzjoni kunfidenzjali dwar il-persuna kkonċernata. Madankollu, ta’ min jenfasizza r-restrizzjonijiet li għalihom huma suġġetti dawn il-qrati fir-rigward tal-użu ta’ din l-informazzjoni. |
45. |
Il-problema mqajma mill-qorti tar-rinviju fl-ewwel u t-tieni domanda tagħha tiffoka pjuttost fuq l-evalwazzjoni tat-tieni kundizzjoni. |
46. |
Fir-rigward ta’ din il-kundizzjoni, l-abbozzar f’termini obbligatorji tat-tieni subparagrafu (b) tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2013/32 jindika li l-Istati Membri huma obbligati li jistabbilixxu fid-dritt nazzjonali tagħhom proċeduri li jiggarantixxu li d-drittijiet tad-difiża tal-applikant għall-protezzjoni internazzjonali jkunu rrispettati. F’dan ir-rigward, l-aċċess għal informazzjoni kunfidenzjali mogħti lill-konsulent tal-persuna kkonċernata li tkun għaddiet minn kontroll ta’ sigurtà, kif previst fl-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 23(1) ta’ din id-direttiva, jikkostitwixxi biss eżempju ta’ modalitajiet proċedurali li jistgħu jiġu implimentati mill-Istati Membri. |
47. |
Għalhekk jirriżulta b’mod ċar mill-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2013/32 u tal-użu tal-kelma “b’mod partikolari” li l-leġiżlatur tal-Unjoni ddeċieda li ma jiddeterminax b’mod komplet il-proċeduri li għandhom jiġu implimentati sabiex jiggarantixxi r-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata meta deċiżjoni dwar il-protezzjoni internazzjonali tiġi adottata fuq il-bażi ta’ informazzjoni kunfidenzjali u meta, għall-kuntrarju, għażel li jħalli ċertu marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri f’din il-kwistjoni. |
48. |
Peress li d-Direttiva 2013/32 ma tispeċifikax kif l-Istati Membri għandhom jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata meta d-dritt ta’ aċċess għall-fajl tagħha huwa ristrett skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) ta’ din id-direttiva, id-dettalji speċifiċi tal-proċeduri stabbiliti għal dan il-għan jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, sakemm, madankollu, dawn ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li ma jagħmlux fil-prattika impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) ( 8 ). |
49. |
Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dritt għal amministrazzjoni tajba, sanċit fl-Artikolu 41 tal-Karta, jirrifletti prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni intiż biex japplika għall-Istati Membri meta jimplimentaw dan id-dritt ( 9 ). Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrispondi għal dawn id-domandi preliminari fid-dawl ta’ dan il-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li skont dan, id-dritt għal amministrazzjoni tajba jfisser l-obbligu tal-amministrazzjoni li tagħti motivazzjoni għad-deċiżjonijiet tagħha ( 10 ). |
50. |
L-Istati Membri huma obbligati wkoll, meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, li jiżguraw ir-rispett tad-dritt għal rimedju effettiv, sanċit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li jikkostitwixxi affermazzjoni mill-ġdid tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva ( 11 ). |
51. |
Għalkemm mill-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li l-prinċipju ta’ ekwivalenza jista’ jiġi injorat f’din il-kawża, is-sitwazzjoni hija, fil-fehma tiegħi, differenti fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività u d-drittijiet għal amministrazzjoni tajba u għal rimedju ġudizzjarju effettiv. |
52. |
Huwa importanti, f’dan ir-rigward, li jiġi enfasizzat li l-prinċipju ta’ effettività jimplika li l-Istati Membri huma responsabbli li jiżguraw, f’kull każ, protezzjoni effettiva tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, li jiggarantixxu l-osservanza, minn naħa, tal-prinċipju li d-destinatarji ta’ deċiżjonijiet li jolqtu b’mod sinjifikattiv l-interessi tagħhom għandhom jingħataw l-opportunità li effettivament juru l-opinjoni tagħhom dwar l-elementi li fuqhom l-amministrazzjoni biħsiebha tibbaża d-deċiżjoni tagħha u, min-naħa l-oħra, tad-dritt ta’ kull persuna li l-kawża tagħha tinstema’ b’mod ġust, pubbliku u fi żmien raġonevoli minn tribunal indipendenti u imparzjali, stabbilit minn qabel bil-liġi, sanċit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta ( 12 ). |
53. |
F’dan ir-rigward, huwa importanti li jitfakkar li l-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, li jifforma parti integrali mill-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li l-partijiet f’kawża jieħdu mid-dritt tal-Unjoni, sanċit f’din id-dispożizzjoni, sa fejn huwa korollarju, bħal, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ kontradittorju, tal-kunċett stess ta’ proċess ġust, jimplika l-obbligu li kull parti tiġi offruta opportunità raġonevoli biex tippreżenta l-kawża tagħha, inklużi l-provi tagħha, f’kundizzjonijiet li ma jpoġġuhiex fi żvantaġġ ċar meta mqabbla mal-avversarju tagħha ( 13 ). |
54. |
Fil-fehma tiegħi, minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, sabiex ikun tista’ teżerċita b’mod effettiv id-drittijiet tad-difiża li huma espressament iggarantiti lilha bis-saħħa tat-tieni subparagrafu (b) tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2013/32, il-persuna kkonċernata għandu jkollha, tal-inqas, l-elementi essenzjali tal-informazzjoni li jindikaw li hija tirrappreżenta theddida għas-sigurtà nazzjonali u li jikkostitwixxu l-bażi għal deċiżjoni ta’ rtirar jew ta’ rifjut ta’ għoti ta’ protezzjoni internazzjonali. Dan huwa l-mod kif jiġu rrikonċiljati d-drittijiet għal amministrazzjoni tajba u rimedju effettiv mal-ħtieġa li tiġi żgurata l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni u tal-provi ta’ theddida għas-sigurtà nazzjonali. |
55. |
Issa, inqis, fuq il-bażi tal-indikazzjonijiet li ġew ipprovduti lill-Qorti tal-Ġustizzja, li d-dritt Ungeriż ma jiggarantixxix biżżejjed id-drittijiet proċedurali li għandha tgawdi l-persuna li tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ rtirar jew rifjut ta’ għoti ta’ protezzjoni internazzjonali. Fil-fatt, ma jidhirlix li hi konformi mal-prinċipji li għadhom kif ġew esposti sistema li fiha tali drittijiet proċedurali jitqiesu li huma ggarantiti bis-sempliċi fatt li l-qorti li twettaq l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjoni amministrattiva ibbażata fuq informazzjoni kunfidenzjali jew ikklassifikata tista’ tikkonsulta l-fajl ta’ korpi speċjalizzati tal-Istat li jkun fih tali informazzjoni, mingħajr ma l-persuna kkonċernata jew il-konsulent tagħha jkunu żgurati li jkunu jistgħu jikkonsultaw l-informazzjoni inkwistjoni jew, għall-inqas, l-elementi essenzjali tagħha, u mingħajr ma jkunu jistgħu jużawha fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, imbagħad, jekk meħtieġ, fil-proċedura ġudizzjarja. |
56. |
Filwaqt li huwa ċertament minnu li tista’ ssir talba mill-persuna kkonċernata lill-korpi speċjalizzati tal-Istat għall-komunikazzjoni ta’ informazzjoni li tindika l-eżistenza ta’ theddida għas-sigurtà nazzjonali, il-leġiżlazzjoni Ungeriża bl-ebda mod ma tiggarantixxi li, fil-każ ta’ rifjut ta’ din it-talba ( 14 ), il-persuna kkonċernata jew ir-rappreżentant tagħha tkun tista’ tikkonsulta, tal-inqas, l-elementi essenzjali li jsostnu l-eżistenza ta’ tali theddida. |
57. |
Sabiex jiġu bbilanċjati, minn naħa, id-drittijiet għal amministrazzjoni tajba u rimedju effettiv, u, min-naħa l-oħra, il-ħtieġa li tiġi żgurata l-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali, jidhirli li jistgħu jittieħdu tagħlimiet b’mod utli partikolarment mis-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2013, ZZ ( 15 ). Minn din is-sentenza jirriżulta li, sabiex tiġi ggarantita l-osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju, sabiex il-persuna kkonċernata tkun tista’ tikkontesta l-motivi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni inkwistjoni, u, għalhekk, sabiex tkun tista’ tafferma b’mod utli il-motivi ta’ difiża tagħha, huwa meħtieġ li lil din tal-aħħar tiġi kkomunikata, fi kwalunkwe każ, is-sustanza tal-motivi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni meħuda kontriha ( 16 ). |
58. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddeċidiet f’din is-sentenza, fir-rigward ta’ miżura li tirrestrinġi l-libertà ta’ moviment u ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika, li “l-Artikoli 30(2) u 31 tad-[Direttiva 2004/38] ( 17 ), moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jeżiġu li l-qorti nazzjonali kompetenti tiżgura li n-nuqqas ta’ żvelar mill-awtorità nazzjonali kompetenti lill-persuna kkonċernata tal-motivi preċiżi u kompleti li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 27 ta’ din id-direttiva kif ukoll tal-provi marbuta magħha għandu jkun limitat għal dak li huwa neċessarju u li fi kwalunkwe każ, għandha tiġi trażmessa s-sustanza tal-imsemmija motivi lill-persuna kkonċernata b’mod li tittieħed debitament inkunsiderazzjoni l-kunfidenzjalità neċessarja tal-provi” ( 18 ). |
59. |
Il-ħtieġa li jinstab bilanċ bejn, minn naħa, kunsiderazzjonijiet leġittimi relatati mas-sigurtà nazzjonali u, min-naħa l-oħra, il-ħtieġa li l-persuna kkonċernata tiġi ggarantita b’mod suffiċjenti r-rispett tad-drittijiet proċedurali tagħha, bħad-dritt għal smigħ, kif ukoll il-prinċipju ta’ kontradittorju, ma jistgħux, fil-fehma tiegħi, ivarjaw skont l-istatus legali tal-persuna li tkun akkużata li ppreġudikat is-sigurtà nazzjonali ( 19 ). Għalhekk nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-ibbilanċjar ta’ tali rekwiżiti għandu jsir fil-kuntest ta’ deċiżjoni ta’ rtirar jew ta’ rifjut ta’ għoti ta’ protezzjoni internazzjonali u li dan l-ibbilanċjar għandu jissarraf b’mod konkret fil-komunikazzjoni lill-applikant ta’ din il-protezzjoni tal-elementi essenzjali tal-informazzjoni li tindika li huwa jirrappreżenta theddida għas-sigurtà nazzjonali u għalhekk jikkostitwixxu l-bażi ta’ din id-deċiżjoni. |
60. |
Sa fejn il-komunikazzjoni ta’ dawn l-elementi essenzjali hija intiża sabiex tippermetti lill-persuna kkonċernata li tikkontesta r-raġunijiet li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni ta’ rtirar jew ta’ rifjut li tingħata protezzjoni internazzjonali, din il-persuna għandha għalhekk tkun taf il-fatti u l-aġir prinċipali li dwaru hija akkużata. |
61. |
Huwa importanti, madankollu, li jiġi rrilevat li, fis-sentenza tagħha tal‑4 ta’ Ġunju 2013, ZZ ( 20 ), il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat in-natura speċjali tal-provi, li n-natura kunfidenzjali tagħhom jista’ jkun hemm bżonn li tinżamm. Fil-fatt, skont il-Qorti tal-Ġustizzja “f’ċerti każijiet, l-iżvelar ta’ dawn il-provi jista’ jippreġudika b’mod dirett u partikolari s-sigurtà tal-Istat, inkwantu jista’ jipperikola l-ħajja, is-saħħa jew il-libertà tal-persuni jew jiżvela l-metodi ta’ investigazzjoni speċifikament użati mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ sigurtà u għalhekk jostakola serjament, jew saħansitra jipprekludi, it-twettiq futur tal-kompiti ta’ dawn l-awtoritajiet” ( 21 ). |
62. |
Fl-aħħar, nenfasizza li l-leġiżlazzjoni Ungeriża jidhirli li hija, fi kwalunkwe każ, inkompatibbli mal-obbligu li jiġu ggarantiti d-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata, li jirriżulta mit-tieni subparagrafu (b) tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2013/32, sa fejn l-informazzjoni li din il-persuna tkun taf ma tkunx tista’, skont dan ir-regolament, tintuża għad-difiża tagħha, la fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva u lanqas fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja. |
63. |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel u t-tieni domanda li l-Artikolu 14(4)(a) u l-Artikolu 17(1)(d) tad-Direttiva 2011/95, u t-tieni subparagrafu (b) tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2013/32, moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta u fid-dawl tal-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni dwar id-dritt għal amministrazzjoni tajba, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, minn naħa, ma tippermettix li persuna jew lill-konsulent tagħha, meta tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni li tirtira jew tirrifjuta l-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali, ibbażata fuq il-fatt li din il-persuna tikkostitwixxi theddida għas-sigurtà nazzjonali, li jkunu jafu, tal-inqas u b’mod sistematiku, l-elementi essenzjali tal-informazzjoni li tikkostitwixxi l-bażi ta’ tali deċiżjoni u, min-naħa l-oħra u fi kwalunkwe każ, ma tawtorizzax lill-persuna msemmija jew lill-konsulent tagħha biex tuża, fil-qafas tal-proċedura amministrattiva imbagħad, jekk meħtieġ, dik ġudizzjarja, tali informazzjoni. |
64. |
L-elementi essenzjali tal-informazzjoni li għandha tiġi kkomunikata lil persuna li hija s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ rtirar jew ta’ rifjut ta’ għoti ta’ protezzjoni internazzjonali, għar-raġuni li hija tikkostitwixxi theddida għas-sigurtà nazzjonali, għandhom jippermettu lil din il-persuna li tkun taf bil-fatti prinċipali u l-aġir li hija akkużat bihom, filwaqt li titqies kif xieraq il-ħtieġa li tiġi protetta l-kunfidenzjalità tal-provi. |
B. Fuq it‑tielet u r‑raba’ domanda preliminari
65. |
Permezz tat-tielet u r-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttivi 2011/95 u 2013/32 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha l-awtorità responsabbli għad-determinazzjoni hija obbligata li tiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jew li tirtira protezzjoni mogħtija qabel meta korpi responsabbli għal funzjonijiet speċjalizzati fi kwistjonijiet ta’ sigurtà nazzjonali, li ma humiex suġġetti għar-regoli stabbiliti minn dawn id-direttivi, ikunu kkonstataw, b’opinjoni mhux motivata li l-persuna kkonċernata tkun ta’ theddida għas-sigurtà nazzjonali. |
66. |
F’dan il-każ, mill-istqarrija tal-fatti jirriżulta li l-awtorità responsabbli għad-determinazzjoni, fid-deċiżjoni tagħha, irtirat l-istatus ta’ refuġjat li kellu GM, imbagħad irrifjutat li tagħtih il-benefiċċju ta’ protezzjoni sussidjarja, fuq il-bażi ta’ opinjoni mhux motivata maħruġa minn korpi responsabbli għal funzjonijiet speċjalizzati fil-qasam tas-sigurtà nazzjonali. |
67. |
Sa fejn il-Gvern Ungeriż isostni li r-rwol mogħti lil tali korpi jaqa’ esklużivament fil-kompetenza tal-Istati Membri, bis-saħħa tal-Artikoli 72 u 73 TFUE, għandu jitfakkar li dawn id-dispożizzjonijiet ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li jippermettu lill-Istati Membri li jeskludu l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni billi jinvokaw biss ir-responsabbiltajiet tagħhom għaż-żamma tal-ordni pubbliku u s-salvagwardja tas-sigurtà interna ( 22 ). |
68. |
Kif jirrikonoxxi l-Gvern Ungeriż innifsu fl-osservazzjonijiet tiegħu, il-korpi speċjalizzati li jeżaminaw ir-riskji ta’ preġudizzju għas-sigurtà nazzjonali ma jiddeċidux fuq il-kwistjoni tal-ħtieġa ta’ protezzjoni internazzjonali. Skont dan il-gvern, il-missjoni ta’ dawn il-korpi hija li jiddeterminaw jekk is-soġġorn tal-persuna inkwistjoni jinvolvix perikolu għas-sigurtà tal-Istat ikkonċernat. L-evalwazzjoni ta’ din iċ-ċirkustanza mill-perspettiva tal-kriterji applikati fl-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali u l-użu tagħha bħala prova huma, min-naħa tagħhom, obbligi li jaqaw fuq l-awtorità kompetenti li tagħti tali protezzjoni. |
69. |
Dan ir-rikonoxximent ta’ separazzjoni bejn il-kompetenzi tal-awtorità responsabbli għad-determinazzjoni u dawk tal-korpi speċjalizzati tal-Istat isib, madankollu, limitu kbir fil-qafas tal-proċedura Ungeriża dwar l-għoti jew l-irtirar ta’ protezzjoni internazzjonali. Fil-fatt, din l-awtorità ma tistax twarrab l-opinjoni maħruġa mill-korpi speċjalizzati dwar l-eżistenza ta’ theddida għas-sigurtà nazzjonali u għandha tiġbed bħala konsegwenza awtomatika l-irtirar jew ir-rifjut li tingħata l-protezzjoni internazzjonali. L-awtorità msemmija ma tistax, f’din is-sitwazzjoni, tieħu konjizzjoni tal-informazzjoni li fuqha hija bbażata din l-opinjoni u għalhekk ma tkunx tista’ tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha lil hinn mis-sempliċi riferiment tal-eżistenza ta’ din it-theddida. |
70. |
Tali proċedura, fil-fehma tiegħi, tmur kontra żewġ sensiliet ta’ regoli li huma stabbiliti fid-Direttivi 2011/95 u 2013/32. Minn naħa, l-awtorità responsabbli għad-determinazzjoni għandu jkollha kompetenza sħiħa u għalkollox fir-rigward tal-evalwazzoni tal-ħtieġa li tingħata jew tiġi rtirata il-protezzjoni internazzjonali. Min-naħa l-oħra, u ż-żewġ elementi huma marbutin, din l-awtorità għandha tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha fil-fatt u fid-dritt. |
71. |
Fir-rigward tar-rwol tal-awtorità responsabbli għad-determinazzjoni, mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2013/32 jirriżulta li l-Istati Membri jaħtru għall-proċeduri kollha awtorità responsabbli għad-determinazzjoni li tkun inkarigata li twettaq eżami xieraq tal-applikazzjonijiet, skont din id-direttiva. L-Istati Membri huma wkoll marbuta b’diversi obbligi relatati mal-mezzi disponibbli għal din l-awtorità. Għalkemm l-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva jipprovdi li awtorità oħra tista’ tkun responsabbli, għandu jiġi kkonstatat li x-xenarji ċċitati f’din id-dispożizzjoni ma għandhom l-ebda rabta ma’ deċiżjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
72. |
Ir-rwol tal-awtorità responsabbli għad-determinazzjoni kemm fir-rigward tal-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali kif ukoll tal-irtirar ta’ protezzjoni mogħtija preċedentement huwa mfakkar espliċitament f’diversi okkażjonijiet, b’mod partikolari fl-Artikoli 10 u 45 tad-Direttiva 2013/32. |
73. |
L-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva għalhekk jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li għalihom huwa suġġett l-eżami tal-applikazzjonijiet. Skont l-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva, “[m]eta teżamina l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, l-awtorità determinanti għandha l-ewwel tiddeċiedi jekk l-applikanti jikkwalifikawx bħala rifuġjati u, jekk le, jiddeċiedu jekk l-applikanti humiex eliġibbli għall-protezzjoni sussidjarja”. Skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, “[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-deċiżjonijiet mill-awtorità determinanti dwar applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali jiġu meħuda wara eżami adegwat. Għal dan l-għan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li “l-applikazzjonijiet jiġu eżaminati u d-deċiżjonijiet jiġu meħuda individwalment, oġġettivament u imparzjalment” (Artikolu 10(3)(a)) u li “tinkiseb informazzjoni preċiża u aġġornata minn sorsi varji” (Artikolu 10(3)(b)). Dan jirrepeti r-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2011/95, li jgħid li kull applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandha tkun is-suġġett ta’ “evalwazzjoni individwali”, filwaqt li titqies, b’mod partikolari, is-sitwazzjoni partikolari ta’ kull applikant. |
74. |
Barra minn hekk, fir-rigward tal-proċeduri għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, l-Artikolu 45(1) tad-Direttiva 2013/32 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta l-awtorità kompetenti tkun qiegħda tikkunsidra li tirtira l-protezzjoni internazzjonali lil ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, il-persuna kkonċernata tibbenefika minn garanziji proċedurali, jiġifieri “tkun informata bil-miktub li l-awtorità kompetenti tkun qiegħda tikkunsidra mill-ġdid il-kwalifikazzjoni tagħha bħala benefiċjarja tal-protezzjoni internazzjonali u r-raġunijiet għal tali rikonsiderazzjoni” (l-Artikolu 45(1)(a)) u “li tingħata l-opportunità sabiex tippreżenta, f’intervista personali […] raġunijiet għaliex ma għandhiex tiġi rtirata l-protezzjoni internazzjonali tagħha” (l-Artikolu 45(1)(b)). |
75. |
Sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet tad-difiża tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali, id-deċiżjonijiet tal-awtorità kompetenti għandhom ikunu motivati. Tali rekwiżit huwa espress b’mod partikolari fl-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2013/32, li jipprovdi “[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw […] li, fejn applikazzjoni tiġi miċħuda fir-rigward tal-istatus ta’ rifuġjat u/jew l-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja, ir-raġunijiet ta’ fatt u ta’ dritt jiġu ddikjarati fid-deċiżjoni u tiġi mogħtija bil-miktub informazzjoni dwar kif tiġi kontestata deċiżjoni negattiva”. L-istess rekwiżit jinsab fl-Artikolu 45(3) ta’ din id-direttiva, li jipprovdi li “[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti li tirtira l-protezzjoni internazzjonali tingħata bil-miktub” u li “[l]r-raġunijiet ta’ fatt u ta’ dritt għandhom jiġu dikjarati fid-deċiżjoni”. |
76. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà setgħet tenfasizza l-importanza tar-rwol mogħti mid-dritt tal-Unjoni lill-awtorità għad-determinazzjoni, filwaqt li rrilevat li mid-Direttiva 2013/32 jirriżulta li l-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali minn korp amministrattiv jew kważi ġudizzjarju ipprovdut b’riżorsi speċifiċi u persunal speċjalizzat fil-kwistjoni hija fażi essenzjali tal-proċeduri komuni stabbiliti b’din id-direttiva ( 23 ). |
77. |
Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-awtorità responsabbli għad-determinazzjoni hija inkarigata biex twettaq eżami xieraq tal-applikazzjonijiet u wara tagħti d-deċiżjoni tagħha dwarhom u li għalhekk ma humiex tali awtoritajiet li jwettqu, taħt is-sorveljanza tal-qrati, l-evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi li hija prevista fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95, evalwazzjoni li ma tistax tkun limitata biex tirrepeti l-konklużjonijiet ta’ perizja. Minn dan isegwi li din l-awtorità ma tistax tibbaża d-deċiżjoni tagħha biss fuq il-konklużjonijiet ta’ tali rapport u li ma tistax, a fortiori, tkun marbuta b’dawn il-konklużjonijiet meta tevalwa kull sitwazzjoni individwali ( 24 ). |
78. |
Il-kontenut ta’ din l-evalwazzjoni, meta jiġu evalwati l-motivi ta’ esklużjoni, ġie ċċarat ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li minnha jirriżulta b’mod partikolari li l-applikazzjoni ta’ motiv ta’ esklużjoni tippresupponi, min-naħa tal-awtorità responsabbli għad-determinazzjoni, li hija twettaq, għal kull każ individwali, evalwazzjoni tal-fatti preċiżi li hija taf bihom sabiex tiddetermina jekk hemmx raġunijiet serji biex wieħed jaħseb li l-persuna kkonċernata taqa’ taħt dan il-motiv ta’ esklużjoni ( 25 ). |
79. |
In-natura obbligatorja u awtomatika tat-teħid inkunsiderazzjoni mill-awtorità responsabbli għad-determinazzjoni tal-opinjonijiet mhux motivati li huma maħruġa mill-korpi speċjalizzati tal-Istat hija, fil-fehma tiegħi, inkompatibbli mal-garanziji proċedurali li għadhom kif ġew esposti. Fil-fatt, sa fejn, minn naħa, din l-awtorità ma tkunx taf bl-informazzjoni, anki limitata għall-elementi essenzjali, li jikkonfermaw l-eżistenza ta’ theddida għas-sigurtà nazzjonali u fejn, min-naħa l-oħra, ma tistax tiddevja minn dawn l-opinjonijiet, l-awtorità msemmija hija, fil-fatt, imċaħħda mis-setgħa li tevalwa s-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata b’mod individwali u sħiħ bil-għan li jiġi ddeterminat jekk hemmx raġunijiet serji biex wieħed jaħseb li din il-persuna taqa’ taħt motiv ta’ esklużjoni. |
80. |
Din l-iskema proċedurali twassal biex l-awtorità għad-determinazzjoni tadotta deċiżjoni li tirtira jew tirrifjuta li tagħti protezzjoni internazzjonali mingħajr ma tkun tista’ tagħti raġunijiet suffiċjenti għad-deċiżjoni tagħha. Dan jirriżulta fi ksur tad-dritt għal rimedju effettiv li l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali għandhom jibbenefikaw minnu skont l-Artikolu 46(1) tad-Direttiva 2013/32. |
81. |
Niddeduċi mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li l-Artikolu 4(3), l-Artikolu 14(4)(a) u l-Artikolu 17(1)(d) tad-Direttiva 2011/95, u l-Artikolu 4(1) u (2), l-Artikolu 10(2) u (3), l-Artikolu 11(2), l-Artikolu 45(1) u (3) u l-Artikolu 46(1) tad-Direttiva 2013/32, moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta u fid-dawl tal-prinċipju ġenerali ta’ dritt tal-Unjoni dwar id-dritt għal amministrazzjoni tajba, għandhom jiġu interpretati bħala li jipprekludu regolamenti nazzjonali li bis-saħħa tagħhom l-awtorità għad-determinazzjoni hija obbligata li tirrifjuta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jew li tirtira l-protezzjoni mogħtija qabel meta korpi responsabbli għal funzjonijiet speċjalizzati fil-qasam tas-sigurtà nazzjonali, li ma humiex suġġetti għar-regoli stabbiliti b’dawn id-direttivi, iddeterminaw, b’opinjoni mhux motivata, li l-persuna kkonċernata tikkostitwixxi theddida għas-sigurtà nazzjonali. |
C. Fuq il‑ħames domanda preliminari
82. |
Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 17(1)(b) tad-Direttiva 2011/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li applikant jiġi eskluż mill-benefiċċju ta’ protezzjoni sussidjarja fuq il-bażi ta’ kundanna kriminali li kienet diġà magħrufa mill-awtoritajiet li qabel kellhom jiddeċiedu dwar l-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali lill-persuna kkonċernata. |
83. |
Infakkar li mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, sabiex tiċħad lil GM il-benefiċċju ta’ protezzjoni sussidjarja, l-awtorità kompetenti bbażat ruħha fuq kundanna kriminali mogħtija kontrih fis‑6 ta’ Ġunju 2002, li saret definittiva tmintax-il sena ilu, għal reat li kkwalifikat bħala “ta’ natura serja”. Is-sentenza imposta ġiet skontata fl-2004. |
84. |
L-Artikolu 17(1)(b) tad-Direttiva 2011/95 jipprovdi li ċittadin ta’ pajjiż terz huwa eskluż mill-persuni eliġibbli għall-protezzjoni sussidjarja jekk ikun hemm raġunijiet serji biex jiġi kkunsidrat li wettaq delitt serju. |
85. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-motiv ta’ esklużjoni previst għal din id-dispożizzjoni huwa usa’ minn dak tal-motiv ta’ esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat previst fl-Artikolu 12(2)(b) ta’ din id-direttiva ( 26 ). Fil-fatt, filwaqt li l-motiv ta’ esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat previst f’din l-aħħar dispożizzjoni jirrigwarda delitt serju tad-dritt komuni li sar barra mill-pajjiż ta’ rifuġju qabel l-ammissjoni tal-persuna kkonċernata bħala refuġjat, il-motiv ta’ esklużjoni mill-protezzjoni sussidjarja previst fl-Artikolu 17(1)(b) ta’ din id-direttiva jirrigwarda b’mod iktar ġenerali delitt serju u għalhekk ma huwiex limitat la ġeografikament u lanqas fiż-żmien u lanqas fin-natura tad-delitti inkwistjoni ( 27 ). |
86. |
Ċertament, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi motiv ta’ esklużjoni li jikkostitwixxi eċċezzjoni għar-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2011/95 u għalhekk titlob interpretazzjoni stretta ( 28 ). F’dan il-każ, la mill-kliem tad-dispożizzjoni msemmija u lanqas mill-għan ta’ dan il-motiv ta’ esklużjoni mill-protezzjoni sussidjarja ( 29 ), ma jistgħu jiġu dedotti limitazzjonijiet fir-rigward tal-perijodu li matulu d-delitt serju li tirreferi għalih irid ikun twettaq. |
87. |
B’mod iktar ġenerali, la mid-Direttiva 2011/95 u lanqas mid-Direttiva 2013/32 ma jirriżulta li l-awtoritajiet kompetenti huma marbuta, wara l-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat, b’evalwazzjonijiet li jkunu saru minn qabel dwar l-applikabbiltà ta’ motivi ta’ esklużjoni fil-proċedura inizjali biex tiġi eżaminata l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali. |
88. |
Fil-fehma tiegħi, għalhekk, xejn ma jipprekludi lill-awtorità għad-determinazzjoni milli tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha ta’ applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja, fuq il-bażi, jekk ikun il-każ, ta’ informazzjoni ġdida, il-motiv ta’ esklużjoni previst fl-Artikolu 17(1)(b) tad-Direttiva 2011/95, anki jekk dan il-motiv ta’ esklużjoni kien diġà magħruf mill-awtoritajiet li qabel kienu ddeċidew li jagħtu lill-persuna kkonċernata protezzjoni internazzjonali. |
89. |
Jiena nfakkar ukoll li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jiġi dedott li, bħall-kriterju tal-piena inflitta taħt il-leġiżlazzjoni kriminali tal-Istat Membru kkonċernat ( 30 ), il-kriterju tal-piena imposta ċertament għandu importanza partikolari għall-evalwazzjoni tas-serjetà tad-delitt li jiġġustifika l-esklużjoni mill-protezzjoni sussidjarja skont l-Artikolu 17(1)(b) tad-Direttiva 2011/95. Madankollu, infakkar li minn din l-istess ġurisprudenza jirriżulta li l-awtorità kompetenti ma tistax tinvoka l-motiv ta’ esklużjoni previst f’din id-dispożizzjoni, li jirrigwarda t-twettiq, mill-applikant għall-protezzjoni internazzjonali, ta’ “delitt serju”, ħlief wara li tkun wettqet, għal kull każ individwali, evalwazzjoni tal-fatti preċiżi li hija taf bihom sabiex jiġi ddeterminat jekk hemmx raġunijiet serji biex wieħed jaħseb li l-atti mwettqa mill-persuna kkonċernata, li altrimenti tissodisfa l-kriterji biex tikseb l-istatus mitlub, jaqgħu taħt dan il-motiv ta’ esklużjoni, bl-evalwazzjoni tas-serjetà tar-reat inkwistjoni tkun teħtieġ eżami sħiħ taċ-ċirkustanzi kollha speċifiċi għall-każ individwali kkonċernat ( 31 ). |
V. Konklużjoni
90. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li r-risposti għad-domandi magħmula mill-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija) ikunu kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinal: il-Franċiż.
( 2 ) ĠU 2011, L 337, p. 9.
( 3 ) ĠU 2013, L 180, p. 60.
( 4 ) Iktar ’il quddiem il-“Karta”.
( 5 ) Magyar Közlöny 2007. évi 83. szám., iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar id-Dritt ta’ Ażil”.
( 6 ) Magyar Közlöny 2019. évi 133, szám.
( 7 ) Magyar Közlöny 2009. évi 194. szám, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Protezzjoni ta’ Informazzjoni Kklassifikata”.
( 8 ) Ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2020, Addis (C‑517/17, EU:C:2020:579, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata), tad‑9 ta’ Settembru 2020, Commissaire général aux réfugiés u aux apatrides (Ċaħda ta’ Talba Sussegwenti – Terminu għall-Preżentata ta’ Rikors) (C‑651/19, EU:C:2020:681, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tal-21 ta’ Ottubru 2021, ZX (Regolarizzazzjoni tal-att tal-akkuża) (C‑282/20, EU:C:2021:874, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 9 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑24 ta’ Novembru 2020, Minister van Buitenlandse Zaken (C‑225/19 u C‑226/19, EU:C:2020:951, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tal‑10 ta’ Frar 2022, Bezirkshauptmannschaft Hartberg- Fürstenfeld (Dewmien ta’ Preskrizzjoni) (C‑219/20, EU:C:2022:89, punt 37).
( 10 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2020, Minister van Buitenlandse Zaken (C‑225/19 u C‑226/19, EU:C:2020:951, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 11 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑15 ta’ April 2021, L-Istat Belġjan (Éléments postérieurs à la décision de transfert) [Elementi sussegwenti għad-deċiżjoni ta’ trasferiment] (C‑194/19, EU:C:2021:270, punt 43 u ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tal‑10 ta’ Frar 2022, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (Délai de prescription) [Terminu ta’ preskrizzjoni] (C‑219/20, EU:C:2022:89, punt 42 u ġurisprudenza ċċitata).
( 12 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑10 ta’ Frar 2022, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (Délai de prescription) [Terminu ta’ preskrizzjoni] (C‑219/20, EU:C:2022:89, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 13 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑10 ta’ Frar 2022,Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (Délai de prescription) [Terminu ta’ preskrizzjoni] (C‑219/20, EU:C:2022:89, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 14 ) Fl-osservazzjonijiet tiegħu, GM jindika li talab mingħajr suċċess aċċess għal informazzjoni kunfidenzjali li tikkonċernah mill-korpi speċjalizzati u li r-rikors miġjub kontra d-deċiżjoni li ċaħditlu l-aċċess għal din l-informazzjoni ġie miċħud, b’appell fil-kassazzjoni għad irid jiġi, madankollu, ippreżentat fil-proċedura relatata ma’ din id-deċiżjoni. Talbiet ġodda ġew allegatament miċħudin mill-korpi speċjalizzati u rikorsi kontra d-deċiżjonijiet ta’ dawn il-korpi għadhom pendenti.
( 15 ) C‑300/11, EU:C:2013:363.
( 16 ) Ara s-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2013, ZZ (C‑300/11, EU:C:2013:363, punt 65).
( 17 ) Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).
( 18 ) Sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2013, ZZ (C‑300/11, EU:C:2013:363, punt 69).
( 19 ) Ara, dwar il-firxa tal-protezzjoni li kumpannija beħsiebha tagħti lill-interessi fundamentali tagħha, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2015, T. (C‑373/13, EU:C:2015:413, punt 77).
( 20 ) C‑300/11, EU:C:2013:363.
( 21 ) Sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2013, ZZ (C‑300/11, EU:C:2013:363, punt 66).
( 22 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑2 ta’ Lulju 2020, Stadt Frankfurt am Main (C‑18/19, EU:C:2020:511, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 23 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Addis, (C‑517/17, EU:C:2020:579, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 24 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2018, F (C‑473/16, EU:C:2018:36, punti 40 sa 42).
( 25 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑31 ta’ Jannar 2017, Lounani (C‑573/14, EU:C:2017:71, punt 72), u tat‑13 ta’ Settembru 2018, Ahmed (C‑369/17, EU:C:2018:713, punt 55).
( 26 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, L-Ungerija u Ir-Repubblika Ċeka (Mekkaniżmu temporanju ta’ rilokazzjoni ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali) (C‑715/17, C‑718/17, C‑719/17), EU:C:2020:257, punt 154 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 27 ) Ara s-sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2018, Ahmed (C‑369/17, EU:C:2018:713, punt 47), u tat‑2 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, L-Ungerija u Ir-Repubblika Ċeka (Mekkaniżmu temporanju ta’ rilokazzjoni ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali) (C‑715/17, C‑718/17 u C‑719/17, EU:C:2020:257, punt 155 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll ir-rapport tal- Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Ażil (EASO), Jannar 2016, intitolat “Esklużjoni: Artikoli 12 u 17 tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki (2011/95/UE) – Analiżi legali”, li jindika, fil-punt 3.2.2, dwar l-Artikolu 17(1)(b) tad-Direttiva 2011/95, li “ma hemm l-ebda restrizzjoni temporali jew territorjali dwar it-twettiq tad-delitt(i). Dan ifisser li d-delitti ta’ dan it-tip jistgħu jattiraw l-applikazzjoni tal-klawżola ta’ esklużjoni irrispettivament minn fejn u meta twettaq ir-reat” (p. 49) [traduzzjoni mhux uffiċjali], disponibbli fl-indirizz tal-Internet li ġej: https://euaa.europa.eu/sites/default/files/Exclusion-Judicial-Analysis-FR.pdf.
( 28 ) Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Ahmed (C‑369/17, EU:C:2018:713, punt 52).
( 29 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Ahmed (C‑369/17, EU:C:2018:713, punt 51).
( 30 ) Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Ahmed (C‑369/17, EU:C:2018:713, punt 55).
( 31 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, L-Ungerija u Ir-Repubblika Ċeka (Mekkaniżmu temporanju ta’ rilokazzjoni ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali) (C‑715/17, C‑718/17, C‑719/17), EU:C:2020:257, punt 154 u l-ġurisprudenza ċċitata).