KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

EMILIOU

ippreżentati fit‑2 ta’ Ġunju 2022 ( 1 )

Kawża C‑147/21

Comité interprofessionnel des huiles essentielles françaises (CIHEF),

Florame,

Hyteck Aroma-Zone,

Laboratoires Gilbert,

Laboratoire Léa Nature,

Laboratoires Oméga Pharma France,

Pierre Fabre Médicament,

Pranarom France,

Puressentiel France

vs

Ministre de la Transition écologique,

Premier ministre

(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill‑Conseil d’État (Il‑Kunsill tal-Istat, Franza))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni – Prodotti bijoċidali – Għan tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali u l-ambjent – Possibbiltà għall-Istati Membri li jadottaw miżuri restrittivi dwar prattiki kummerċjali u reklamar”

I. Introduzzjoni

1.

Sabiex itejjeb il-protezzjoni tas-saħħa pubblika u tal-ambjent, ir-regolatur Franċiż iddeċieda li r-rodentiċidi u l-insettiċidi, żewġ kategoriji ta’ prodotti bijoċidali, ma jistgħux ikunu suġġetti għal ċerti prattiki kummerċjali, bħal skontijiet, riduzzjoni tal-prezz u tnaqqis. Huwa rrestrinġa wkoll ir-reklamar għall-istess kategoriji ta’ prodotti kif ukoll għal dawk ta’ ċerti diżinfettanti.

2.

Fil-proċeduri prinċipali, diversi kumpanniji qegħdin jitolbu l-annullament ta’ dawn ir-regoli u jikkontestaw il-kompatibbiltà tagħhom, inter alia, mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali ( 2 ).

3.

Il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) għandu dubji dwar jekk l-att kisibx armonizzazzjoni eżawrjenti li tipprekludi r-regoli nazzjonali inkwistjoni u, jekk le, taħt liema kundizzjonijiet jistgħu jiġu adottati dawn ir-regoli.

4.

B’hekk, din il-kawża tikkonċerna l-kamp ta’ applikazzjoni tal-awtonomija li tħalliet lill-Istati Membri wara l-adozzjoni tar-RPB. Fuq bażi sussidjarja, din il-kawża essenzjalment tidħol fil-kundizzjonijiet li taħthom id-dispożizzjonijiet tat-Trattat jippermettu regoli nazzjonali bħal dawn inkwistjoni.

II. Il‑kuntest ġuridiku

A.   Id‑dritt tal‑Unjoni

5.

Skont l-Artikolu 1(1) tiegħu, l-għan u s-suġġett tar-RPB huwa “li jtejjeb il-funzjonament tas-suq intern permezz tal-armonizzazzjoni tar-regoli dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali, filwaqt li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni kemm tas-saħħa tal-bniedem kif ukoll tal-annimali u tal-ambjent. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament huma bbażati fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni, li l-għan tiegħu hu li jkunu salvagwardjati s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali u l-ambjent. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-ħarsien ta’ gruppi vulnerabbli.”

6.

Skont l-Artikolu 1(2) tiegħu, ir-RPB “jistabbilixxi r-regoli għal:

(a)

l-istabbiliment fil-livell tal-Unjoni ta’ lista ta’ sustanzi attivi li jistgħu jintużaw fil-prodotti bijoċidali;

(b)

l-awtorizzazzjoni ta’ prodotti bijoċidali;

(c)

ir-rikonoxximent reċiproku tal-awtorizzazzjonijiet fl-Unjoni;

(d)

it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali fi Stat Membru wieħed jew aktar jew fl-Unjoni;

(e)

l-introduzzjoni fis-suq ta’ oġġetti ttrattati.”

7.

L-Artikolu 72 tar-RPB jikkonċerna r-reklamar. Dan jistabbilixxi:

“1.   Kwalunkwe reklam għal prodotti bijoċidali għandu, barra milli jkun konformi mar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 [ ( 3 )], jinkludi s-sentenzi ‘Uża s-sustanzi bijoċidali b’mod sikur. Għandek dejjem taqra t-tikketta u l-informazzjoni tal-prodott qabel ma tużah.’. Is-sentenzi għandhom ikunu jingħarfu b’mod ċar u li jinqraw b’relazzjoni għar-reklam kollu.

2.   Dawk li jirreklamaw jistgħu jissostitwixxu l-kliem ‘sustanzi bijoċidali’ fis-sentenzi preskritti b’referenza ċara għat-tip ta’ prodott li jkun qiegħed jiġi rreklamat.

3.   Ir-reklami għall-prodotti bijoċidali ma għandhomx jirriferu għall-prodott b’manjiera li tqarraq fir-rigward tar-riskji mill-prodott għas-saħħa tal-bniedem, għas-saħħa tal-annimali jew għall-ambjent jew tal-effikaċja tiegħu. Fi kwalunkwe każ, ir-reklamar ta’ prodott bijoċidali ma għandux isemmi ‘prodott bijoċidali ta’ riskju baxx’, ‘mhux tossiku’, ‘mhux ta’ ħsara’, ‘naturali’, ‘favur l-ambjent’, ‘favur l-annimali’ jew kwalunkwe indikazzjoni simili.”

B.   Id‑dritt nazzjonali

8.

Skont l-Artikolu L. 522‑18 tal-Kodiċi dwar l-Ambjent ( 4 ).

“B’rabta mal-bejgħ ta’ prodotti bijoċidali ddefiniti fl-Artikolu L. 522‑1, għandhom jiġu pprojbiti skontijiet, riduzzjoni tal-prezz, tnaqqis, differenzi bejn kundizzjonijiet ġenerali u dawk speċjali tal-bejgħ fis-sens tal-Artikolu L. 441‑1 tal-Kodiċi Kummerċjali, l-għoti ta’ unitajiet b’xejn u kwalunkwe prattiki ekwivalenti. Għandha tkun ipprojbita kwalunkwe prattika kummerċjali maħsuba biex tevadi din il-projbizzjoni, direttament jew indirettament, permezz tal-għoti ta’ skontijiet, riduzzjoni tal-prezz jew tnaqqis fuq firxa differenti ta’ prodotti li hija marbuta max-xiri tal-imsemmija prodotti. Il-Conseil d’État għandu jiddefinixxi b’digriet il-kategoriji ta’ prodotti kkonċernati b’riferiment għar-riskji li jinvolvu għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent.”

9.

Skont l-Artikolu L. 522-5-3 il-ġdid tal-Kodiċi dwar l-Ambjent ( 5 ):

“Kull reklamar kummerċjali għandu jkun ipprojbit għal ċerti kategoriji ta’ prodotti bijoċidali ddefiniti [fir-RPB]. Permezz ta’ deroga mill-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu, ir-reklamar intiż għal utenti professjonali għandu jkun awtorizzat fil-post fejn il-prodotti jiġu ddistribwiti lil tali utenti u f’pubblikazzjonijiet indirizzati lil tali utenti. Wara konsultazzjoni mal-Conseil d’État għandu jiġi adottat digriet li jiddefinixxi l-kategoriji ta’ prodotti kkonċernati b’riferiment għar-riskji għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent, u l-mod li bih tali reklami jistgħu jkunu ppreżentati. Tali reklami għandhom jindikaw b’mod ċar l-użu u l-applikazzjoni xierqa tal-prodotti, sabiex jipproteġu s-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u l-ambjent, kif ukoll il-perikoli potenzjali għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali kif ukoll għall-ambjent.”

10.

Id-Digriet Nru 2019-642 tas‑26 ta’ Ġunju 2019, adottat skont l-Artikolu L. 522-18 il-ġdid tal-Kodiċi dwar l-Ambjent, jintroduċi f’dan il-kodiċi l-Artikolu R. 522-16-1, li jipprovdi li:

“Il-kategoriji ta’ prodotti msemmija fl-Artikolu L. 522-18, li fir-rigward tagħhom ċerti prattiki huma pprojbiti, huma l-prodotti tat-tipi 14 u 18 iddefiniti mir-[RPB]. Dawn id-dispożizzjonijiet ma għandhomx japplikaw għal prodotti bijoċidali eliġibbli għall-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ssimplifikata skont l-Artikolu 25 ta’ dan ir-regolament.”

11.

Id-Digriet Nru 2019-643 tas‑26 ta’ Ġunju 2019, adottat skont l-Artikolu L 522-5-3 tal-Kodiċi dwar l-Ambjent, jintroduċi f’dan il-kodiċi l-Artikolu R. 522-16-2 il-ġdid, li huwa fformulat kif ġej:

“I.- Il-kategoriji ta’ prodotti bijoċidali msemmija fl-Artikolu L. 522-5-3, li huwa pprojbit ir-reklamar kummerċjali tagħhom intiż għall-pubbliku ġenerali, huma s-segwenti:

1° Prodotti tat-tipi 14 u 18 iddefiniti mir-[RPB];

2° Prodotti tat-tipi 2 u 4 iddefiniti minn dan ir-regolament u kklassifikati, skont id-dispożizzjonijiet tar-[Regolament KII], bħala perikolużi għall-ambjent akwatiku, kategorija 1: kategorija akuta 1 (H400) u kategorija 1 kronika (H410).

II.- Għall-prodotti msemmija fil-paragrafu I, kull reklam indirizzat għal professjonisti għandu josserva d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 72 tar-[RPB], imsemmi fil-punt 1 tal-paragrafu I. Barra minn hekk, dan ir-reklamar kollu għandu jkollu s-segwenti b’mod ċar u viżibbli:

1° Iż-żewġ sentenzi segwenti: “Qabel kull użu, ivverifika jekk l-użu ta’ dan il-prodott huwiex assolutament neċessarju, speċjalment f’żoni li għandu aċċess għalihom il-pubbliku ġenerali. Sa fejn huwa possibbli, uża metodi u prodotti alternattivi li jippreżentaw l-inqas riskju għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali kif ukoll għall-ambjent.”

2° Dikjarazzjoni tat-tip ta’ prodott bijoċidali assoċjat mal-prodott, kif iddefinit fl-Anness V tar-[RPB] imsemmi iktar ’il fuq.

III.- Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu ma japplikawx għal prodotti bijoċidali eliġibbli għall-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ssimplifikata skont l-Artikolu 25 tar-[RPB].”

III. Il‑fatti, il‑proċeduri nazzjonali u d‑domanda preliminari

12.

Permezz ta’ żewġ rikorsi, il-Comité interprofessionnel des huiles essentielles françaises (CIHEF) u l-kumpanniji Florame, Hyteck Aroma-Zone, Laboratoires Gilbert, Laboratoire Léa Nature, Laboratoires Oméga Pharma France, Pierre Fabre Médicament, Pranarom France u Puressentiel France (iktar ’il quddiem flimkien ir-“rikorrenti”) talbu lill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) sabiex jannulla d-Digrieti Nru 2019-642 tas‑26 ta’ Ġunju 2019 dwar prattiki kummerċjali pprojbiti relatati ma’ ċerti kategoriji ta’ prodotti bijoċidali (iktar ’il quddiem id-“digriet ikkontestat Nru 2019-642”) u Nru 2019-643 tas‑26 ta’ Ġunju 2019 dwar reklamar kummerċjali għal ċerti kategoriji ta’ prodotti bijoċidali (iktar ’il quddiem id-“digriet ikkontestat Nru 2019-643”) (iktar ’il quddiem flimkien id-“digrieti kkontestati”).

13.

Skont ir-rikorrenti, id-digrieti kkontestati ġew adottati ultra vires. Bħala tali, huma talbu lill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) sabiex jagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja rigward l-armonizzazzjoni eżawrjenti miksuba mir-RPB. Ir-rikorrenti jsostnu li l-projbizzjonijiet stabbiliti fid-digrieti kkontestati jiksru l-Artikoli L. 522-18 u L. 522-5-3 tal-Kodiċi dwar l-Ambjent għaliex huma wisq ġenerali. Ir-rikorrenti jargumentaw ukoll li d-digrieti kkontestati jintroduċu diskriminazzjoni inġusta billi jiffavorixxu prodotti mhux ikkonċernati mill-projbizzjonijiet inkwistjoni, li jiksru d-dritt tal-proprjetà protett mill-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u li ġew adottati irrispettivament mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1 tal-Ewwel Protokoll addizzjonali għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB”). Huma jsostnu wkoll li d-digriet ikkontestat Nru 2019-642 huwa kuntrarju għad-Direttiva 2000/31/KE ( 6 ) sa fejn jikkostitwixxi interferenza mhux iġġustifikata u sproporzjonata mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u li d-digriet ikkontestat Nru 2019-643 huwa illegali minħabba li jikkostitwixxi interferenza eċċessiva mad-dritt tal-libertà tal-espressjoni żgurat mill-Artikolu 10 KEDB.

14.

Fid-difiża tiegħu, il-Ministre de la Transition ecologique (il-Ministru għat-Tranżizzjoni Ekoloġika, Franza) sostna li ż-żewġ rikorsi għandhom jiġu miċħuda.

15.

Fid-deċiżjoni tar-rinviju tiegħu, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) jispjega r-raġunijiet għaċ-ċaħda tat-talbiet kollha msemmija iktar ’il fuq bl-eċċezzjoni ta’ dik ibbażata fuq ir-RPB li, skont din il-qorti, ma tinkludi ebda dispożizzjoni li jew tawtorizza jew tipprekludi lill-Istati Membri jadottaw miżuri restrittivi bħal dawk inklużi fl-Artikoli L. 522-18 u L. 522-5-3 tal-Kodiċi dwar l-Ambjent. Il-qorti tar-rinviju għalhekk hija inċerta dwar jekk tali miżuri jistgħux jiġu adottati mingħajr ksur ta’ dan ir-regolament.

16.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi segwenti:

“Ir-[RPB] jipprekludi li Stat Membru jadotta, fl-interess tas-saħħa pubblika u tal-ambjent, regoli restrittivi fil-qasam tal-prattiki kummerċjali u tar-reklamar, bħal dawk li jipprevedu l-Artikoli L. 522-18 u L. 522-5-3 tal-code de l’environnement (il-Kodiċi dwar l-Ambjent)? Jekk dan ikun il-każ, taħt liema kundizzjonijiet Stat Membru jkun jista’ jadotta tali miżuri?”

17.

Ġew sottomessi osservazzjonijiet bil-miktub mir-rikorrenti, mill-Gvernijiet ta’ Franza, tal-Italja u tal-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Ir-rikorrenti, il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni ppreżentaw argument orali fis-seduta li nżammet fid‑9 ta’ Marzu 2022.

IV. Evalwazzjoni

18.

Din il-kawża tikkonċerna l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni Ewropea ta’ regoli nazzjonali Franċiżi ( 7 ) li, minn naħa, jipprojbixxu ċerti prattiki kummerċjali fir-rigward ta’ żewġ kategoriji ta’ prodotti bijoċidali u li, min-naħa l-oħra, jirrestrinġu r-reklamar fir-rigward tal-istess kategoriji ta’ prodotti bijoċidali kif ukoll ta’ tnejn oħra.

19.

Sejjer nibda l-analiżi billi nikkunsidra l-livell ta’ armonizzazzjoni miksub mir-RPB, peress li dan huwa l-istrument tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi dwaru speċifikament. Sussidjarjament, din il-qorti tistaqsi wkoll b’mod iktar ġenerali dwar il-kundizzjonijiet li fihom id-dritt tal-Unjoni jippermetti l-adozzjoni ta’ regoli nazzjonali bħal dawn inkwistjoni. Sa fejn huwa neċessarju li dan isir, jiena għalhekk sejjer nevalwa r-regoli inkwistjoni fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni rilevanti li, f’dan il-każ, huma d-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-merkanzija skont l-Artikoli 34 u 36 TFUE ( 8 ). Dawn id-dispożizzjonijiet, madankollu, isiru applikabbli biss jekk il-kawża fil-proċeduri prinċipali tinvolvi element transkonfinali ( 9 ), li hija l-qorti tar-rinviju li għandha taċċerta dan ( 10 ).

20.

Sejjer inwettaq l-analiżi msemmija iktar ’il fuq f’żewġ partijiet, l-ewwel, fir-rigward tal-projbizzjoni nazzjonali ta’ ċerti prattiki kummerċjali (A) qabel ma ndur, it-tieni, għall-kwistjoni tar-reklamar (B).

A.   Il‑projbizzjoni tal‑prattiki kummerċjali inkwistjoni

21.

L-Artikoli L. 522-18 u R. 522-16-1 tal-Kodiċi dwar l-Ambjent jipprojbixxu skontijiet, riduzzjoni tal-prezz, tnaqqis, differenzi bejn kundizzjonijiet ġenerali u dawk speċjali tal-bejgħ, l-għoti ta’ unitajiet b’xejn u kwalunkwe prattiki ekwivalenti fil-kuntest tal-bejgħ ta’ ċerti prodotti bijoċidali li huma ddefiniti, fl-Anness V tar-RPB (iktar ’il quddiem l-“Anness V”), bħala t-tipi ta’ prodott 14 u 18, ħlief għal dawk eliġibbli għall-proċedura ssemplifikata skont l-Artikolu 25 ta’ dan ir-regolament.

22.

It-tip ta’ prodott 14 jikkonċerna r-“rodentiċidi” li huma deskritti fl-Anness V bħala “Prodotti użati għall-kontroll ta’ ġrieden, farijiet jew annimali gerriema oħra, b’mezzi oħra li mhumiex dawk li jbiegħduhom jew jattirawhom”. It-tip ta’ prodott 18 jikkonċerna l-“Insettiċidi, akariċidi u prodotti għall-kontroll ta’ artropodi oħra”, deskritti bħala “Prodotti użati għall-kontroll ta’ artropodi (eż. insetti, araknidi u krustaċji), b’mezzi oħra li mhumiex dawk li jbiegħduhom jew jattirawhom.” It-tipi ta’ prodott 14 u 18 it-tnejn li huma jaqgħu taħt il-kategorija iktar wiesgħa intitolata “Grupp Prinċipali 3: Kontroll tal-infestazzjonijiet”.

23.

Fl-analiżi segwenti, sejjer nikkonkludi li l-projbizzjoni nazzjonali inkwistjoni ma tiksirx ir-RPB (1). Sejjer nikkonkludi wkoll li l-istess projbizzjoni ma tiksirx id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-merkanzija (2).

1. Kamp ta’ applikazzjoni tar‑regoli armonizzati

24.

Ir-RPB ġie adottat taħt l-Artikolu 114 TFUE, il-bażi ġuridika prinċipali għall-adozzjoni ta’ miżuri tad-dritt tal-Unjoni neċessarji għall-istabbiliment u għall-funzjonament tas-suq intern ( 11 ). Għalhekk, dan ir-regolament jarmonizza “[r]-regoli dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali, filwaqt li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni kemm tas-saħħa tal-bniedem kif ukoll tal-annimali u tal-ambjent […]”, kif stabbilit fl-Artikolu 1(1) tiegħu ( 12 ). F’dan is-sens, l-Artikolu 1(2) jelenka l-kategoriji ta’ regoli previsti minn dan l-istrument. Din il-lista tinkludi, taħt il-punt (d), regoli relatati mat-“tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali fi Stat Membru wieħed jew aktar jew fl-Unjoni”.

25.

Il-kawża fil-proċeduri prinċipali tirrigwarda l-prodotti bijoċidali u, possibbilment, il-kategorija ta’ regoli dwar “it-tqegħid fis-suq u l-użu” hija wiesgħa biżżejjed biex tinkludi regoli li jipprojbixxu ċerti prattiki tal-iffissar tal-prezzijiet. Fil-fatt, l-Artikolu 3(1)(i) jiddefinixxi “tqegħid fis-suq” bħala “kwalunkwe forniment matul attività kummerċjali jew l-użu ta’ prodott bijoċidali […] għad-distribuzzjoni, sew jekk bi ħlas kif ukoll jekk b’xejn”

26.

Madankollu, l-evalwazzjoni dwar jekk strument tad-dritt tal-Unjoni jġibx miegħu l-armonizzazzjoni eżawrjenti ta’ qasam speċifiku għandha ssir mhux billi jittieħdu inkunsiderazzjoni kategoriji ġuridiċi ddefiniti b’mod ġenerali, iżda bl-eżami tal-qasam speċifiku inkwistjoni ( 13 ).

27.

Dan il-qasam preċiż jikkorrispondi f’dan il-każ għall-projbizzjoni ta’ “skontijiet, tnaqqis tal-prezz, tnaqqis, differenzi bejn kundizzjonijiet ġenerali u dawk speċjali tal-bejgħ […], l-għoti ta’ unitajiet b’xejn u kwalunkwe prattiki ekwivalenti” fil-kuntest tal-bejgħ ta’ ċerti prodotti bijoċidali.

28.

Hekk kif il-prattiki kummerċjali rilevanti qegħdin jiġu delimitati b’dan il-mod, nosserva, flimkien mal-Gvernijiet ta’ Franza u tal-Pajjiżi l-Baxxi, kif ukoll mill-Kummissjoni, li r-RPB ma jinkludi ebda dispożizzjoni li tikkonċernahom espressament.

29.

Kif tosserva l-Kummissjoni, ir-RPB huwa prinċipalment ikkonċernat bl-awtorizzazzjoni tal-prodotti bijoċidali sabiex dawn jitqiegħdu fis-suq u bl-użu tagħhom. Id-dispożizzjonijiet relatati mal-użu tal-prodotti bijoċidali huma pjuttost limitati u jfakkru prinċipalment li dan l-użu huwa kkundizzjonat mill-awtorizzazzjoni u mir-rekwiżiti ta’ ttikkettjar u ppakkjar rispettivi, u għandu josservahom ( 14 ).

30.

F’dan il-kuntest, id-dispożizzjonijiet li materjalment jiġu l-eqreb għall-każ inkwistjoni għandhom jinsabu fl-Artikoli 69 u 72 tar-RPB li jinkludu, rispettivament, rekwiżiti għall-ippakkjar u t-tikkettjar, minn naħa, u r-reklamar, min-naħa l-oħra. Ninnota li ebda minn dawn id-dispożizzjonijiet ma hija rilevanti għall-projbizzjoni tal-prattiki inkwistjoni ( 15 ).

31.

Ir-rikorrenti nnifishom ikkonċedew matul is-seduta li r-RPB ma jinkludi ebda dispożizzjoni dwar prattiki tal-iffissar tal-prezzijiet. Huma sostnew, madankollu, li r-regoli nazzjonali inkwistjoni jiddisturbaw il-qafas armonizzat magħmul minn dan ir-regolament u mir-Regolament KII, Huma spjegaw li r-regoli nazzjonali dwar il-prattiki kummerċjali introduċew saff regolatorju ieħor b’kategorizzazzjoni ġdida ta’ prodotti, li ma hijiex prevedibbli għall-produtturi peress li ma tippreżenta ebda rabta diretta mar-riskju assoċjat mal-prodott partikolari. B’dan il-mod, ir-regoli nazzjonali inkwistjoni jtellfu, fil-fehma tar-rikorrenti, il-moviment liberu ta’ prodotti bijoċidali, u għalhekk ifixklu l-għan imfittex minn dawn ir-regolamenti. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li r-RPB jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tal-azzjoni tal-Istati Membri għall-politika tal-informazzjoni dwar l-effetti tal-prodotti bijoċidali, meħtieġa mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 17(5) ta’ dak ir-regolament. Fil-fehma tagħhom, tali politika, madankollu, ma tinkludix il-projbizzjoni inkwistjoni.

32.

F’dan ir-rigward, u fir-rigward tar-Regolament KII, ninnota li dan l-istrument jarmonizza, essenzjalment, il-kriterji għall-klassifika ta’ sustanzi u ta’ taħlitiet, u jistabbilixxi r-regoli dwar it-tikkettjar u l-ippakkjar għal sustanzi u taħlitiet perikolużi ( 16 ). Fi kliem ieħor, huwa intiż li jiddetermina “liema proprjetajiet ta’ sustanzi u taħlitiet għandhom iwasslu għal klassifikazzjoni bħala perikolużi, biex il-perikli ta’ sustanzi u taħlitiet ikunu jistgħu jiġu identifikati u kkomunikati tajjeb” ( 17 ) u jiddetermina standards ġenerali ta’ ppakkjar sabiex jiżgura l-provvista sigura tagħhom ( 18 ).

33.

Ir-RPB jagħmel riferiment għar-Regolament KII sabiex jużah bħala l-punt ta’ riferiment fil-kuntest tal-approvazzjoni ta’ sustanzi attivi u l-awtorizzazzjoni ta’ prodotti bijoċidali ( 19 ). Dan jagħmel riferiment għalih ukoll sabiex jiddefinixxi r-rekwiżiti relatati mat-tikkettjar u mal-ippakkjar tal-prodotti bijoċidali (l-Artikolu 69 tar-RPB) u mar-reklamar tagħhom (l-Artikolu 72 tar-RPB) minħabba li r-Regolament KII jinkludi regoli speċifiċi f’dawn iż-żewġ oqsma li l-applikazzjoni tagħhom hija ppreżervata mir-RPB ( 20 ). Filwaqt li r-Regolament KII għalhekk jikkumplimenta r-RPB f’dan ir-rigward, u filwaqt li dan tal-aħħar jiddikjara li huwa ġeneralment mingħajr preġudizzju għal tal-ewwel ( 21 ), ninnota li r-Regolament KII ma jintroduċi ebda regoli oħra rilevanti għall-prattiki kummerċjali inkwistjoni.

34.

Rigward it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 17(5) tar-RPB, invokat ukoll mir-rikorrenti, din id-dispożizzjoni tobbliga lill-Istati Membri jadottaw “miżuri […] sabiex jagħtu lill-pubbliku l-infomazzjoni adatta dwar il-benefiċċji u r-riskji assoċjati mal-prodotti bijoċidali u l-modi ta’ kif għandu jitnaqqas l-użu tagħhom.” Il-konferma tal-kompetenza tal-Istati Membri li ssegwi minn dan, ma timplikax bħala tali, madankollu, li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-azzjoni tal-Istati Membri jkun illimitat għal tali politika ta’ informazzjoni.

35.

Jista’ madankollu jiġi sostnut li, minkejja li l-projbizzjoni inkwistjoni tikkonċerna kwistjoni nominalment differenti mill-politika ta’ informazzjoni, dan jiddisturba l-bilanċ regolatorju milħuq mil-leġiżlatur tal-Unjoni bejn, minn naħa, it-tfittxija tat-titjib tas-suq intern għal prodotti bijoċidali u, min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tas-saħħa pubblika u tal-ambjent? Fi kliem ieħor, jista’ jiġi sostnut li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li l-unika mod li permezz tiegħu jista’ jiġi kkunsidrat l-użu tal-prodotti bijoċidali, wara t-tqegħid tagħhom fis-suq, ikun permezz tal-politika ta’ informazzjoni mwettqa mill-Istati Membri fuq il-bażi tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 17(5) RPB?

36.

Jiena ma naħsibx. Id-dispożizzjoni dwar il-ġurisdizzjoni tal-Istat Membru relatata mal-politika ta’ informazzjoni tikkumplimenta, fi ħdan l-istruttura tal-Artikolu 17 tar-RPB, regoli ġenerali dwar il-possibbiltà li jitqiegħed prodott fis-suq u li jintuża. Din hija integrata fl-Artikolu 17(5) tiegħu li jistabbilixxi, fl-ewwel subparagrafu, l-obbligu tal-użu tal-prodotti bijoċidali skont ir-rekwiżiti tal-awtorizzazzjoni kif ukoll tat-tikkettjar u tal-ippakkjar. It-tieni subparagrafu jispjega li l-“użu korrett” tal-prodotti bijoċidali “għandu jinvolvi l-applikazzjoni razzjonali ta’ għaqda fiżika, bijoloġika, kimika jew ta’ miżuri oħra skont il-każ, li bihom l-użu tal-prodotti bijoċidali jiġi limitat għall-minimu meħtieġ u jittieħdu l-passi ta’ prekawzjoni adatti”. Isegwi mbagħad, fit-tielet subparagrafu, l-obbligu tal-Istati Membri li jadottaw miżuri sabiex jinformaw lill-pubbliku bil-benefiċċji u bir-riskji assoċjati mal-użu tal-prodotti bijoċidali u dwar mezzi kif jiġi mminimizzat l-użu tagħhom.

37.

It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 17(5) tar-RPB għalhekk jindirizza l-kwistjoni tal-użu tal-prodotti bijoċidali mhux mill-perspettiva tal-konformità tagħhom ma’ diversi rekwiżiti regolatorji (indirizzati fl-Artikolu 17(1) tiegħu), iżda pjuttost minn perspettiva iktar wiesgħa tal-użu sostenibbli tagħhom, kif jidher li huwa kkonfermat fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja r-rapport tagħha dwar l-implimentazzjoni tar-RPB ( 22 ). Dan id-dokument tal‑2021 jippreżenta, taħt il-kapitolu “Użu sostenibbli” [traduzzjoni mhux uffiċjali], miżuri meħuda mill-Istati Membri filwaqt li jirrikonoxxi li d-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja biex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi ( 23 ) ma tapplikax għall-prodotti bijoċidali u li l-“utilità ta’ tali estensjoni sejra tiġi kkunsidrata fil-kuntest ta’ evalwazzjoni futura tar-RPB” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 24 ).

38.

Ninnota li t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 17(5) tar-RPB jikkorrispondi, b’mod ġenerali ħafna, mal-Artikolu 7 dwar “Informazzjoni u sensibilizzazzjoni” tad-Direttiva dwar użu sostenibbli tal-pestiċidi. Madankollu, dik id-direttiva tinkludi wkoll regoli dwar pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali, it-taħriġ ta’ utenti professjonali, distributuri u konsulenti (inkluż sistema ta’ ċertifikazzjoni), rekwiżiti għall-bejgħ u regoli dwar prattiki speċifiċi.

39.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tan-numru limitat ħafna u tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-RPB dwar il-mezzi sabiex jiġi żgurat l-użu sostenibbli tal-prodotti bijoċidali meta dawn il-prodotti jkunu tqiegħdu fis-suq, insibha diffiċli li nikkonkludi li l-kompetenza tal-Istati Membri f’dan il-qasam kienet is-suġġett ta’ prelazzjoni.

40.

Għaldaqstant nikkonkludi li r-RPB ma jipprekludix il-projbizzjoni inkwistjoni. Din madankollu tibqa’ suġġetta, fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet li jinvolvu element transkonfinali u b’kunsiderazzjoni tal-elementi speċifiċi ta’ din il-kawża ( 25 ), għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-merkanzija, li sejjer nindirizza issa.

2. Limiti li jirriżultaw mill‑Artikoli 34 u 36 TFUE

41.

F’din it-taqsima, sejjer nistabbilixxi r-raġunijiet li wassluni biex nikkonkludi li l-projbizzjoni tal-prattiki kummerċjali inkwistjoni ma hijiex prekluża mill-Artikolu 34 TFUE (a). Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi kuntrarjament, sejjer noffri r-raġunijiet għalfejn din il-projbizzjoni hija, fil-fehma tiegħi, fi kwalunkwe każ iġġustifikata.

a) Il‑projbizzjoni ma hijiex prekluża mill‑Artikolu 34 TFUE

42.

Bil-projbizzjoni ta’ restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjonijiet bejn l-Istati Membri u kull miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal dawn ir-restrizzjonijiet, l-Artikolu 34 TFUE jesprimi prinċipju fundamentali li jiżgura l-moviment liberu tal-prodotti fi ħdan l-Unjoni ( 26 ).

43.

Skont il-formulazzjoni stabbilita sew, il-miżuri kollha ta’ Stat Membru li, direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, jistgħu jfixklu l-kummerċ fi ħdan l-Unjoni għandhom jitqiesu bħala miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni ( 27 ). Din il-formulazzjoni ġiet aġġustata skont il-ġurisprudenza introdotta f’Keck u Mithouard. Minn din il-ġurisprudenza jsegwi li miżura nazzjonali ma hijiex koperta mill-Artikolu 34 TFUE meta tikkostitwixxi modalità ta’ bejgħ li tapplika “għan-negozjanti kollha li joperaw fit-territorju nazzjonali” u meta “[taffettwa] bl-istess mod, bid-dritt u bil-fatt, il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti nazzjonali u ta’ dawk minn Stati Membri oħra” ( 28 ).

44.

Fil-ġurisprudenza sussegwenti, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara li l-kunċett ta’ “modalità ta’ bejgħ” japplika għal restrizzjonijiet jew għal projbizzjonijiet li ma jikkonċernawx il-karatteristiċi tal-prodotti iżda li jikkonċernaw biss il-modalitajiet li bihom dawn jistgħu jiġu rreklamati ( 29 ).

45.

Ninnota li l-projbizzjoni inkwistjoni ma hijiex relatata mar-rekwiżiti applikabbli għall-prodotti bijoċidali iżda tipprevjeni ċerti metodi ta’ promozzjoni tal-bejgħ tagħhom. Għal din ir-raġuni, hija għandha titqies, fil-fehma tiegħi, li hija relatata ma’ “modalità ta’ bejgħ”, fis-sens ta’ din il-ġurisprudenza.

46.

Rigward il-kwistjoni dwar jekk tosservax ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 43 iktar ’il fuq, ninnota, l-ewwel, li l-projbizzjoni espressa fl-Artikoli L. 522-18 u R. 522-16-1 tal-Kodiċi dwar l-Ambjent tapplika għall-operaturi ekonomiċi rilevanti kollha li joperaw fi ħdan it-territorju nazzjonali, indipendentement min-nazzjonalità tagħhom. Għaldaqstant, ma hijiex formalment diskriminatorja.

47.

It-tieni, dwar jekk tali projbizzjoni taffettwax iktar il-kummerċjalizzazzjoni ta’ insettiċidi u rodentiċidi minn Stati Membri oħra milli dawk domestiċi, il-Gvern Franċiż isostni li dan ma huwiex il-każ. Fis-seduta dan spjega li l-projbizzjoni ma tinvolvi ebda spejjeż oħra għall-operaturi stabbiliti fi Stati Membri oħra li jixtiequ joffru l-prodotti bijoċidali tagħhom fi Franza. Dan il-gvern żied ukoll li l-projbizzjoni inkwistjoni ma tikkonċernax il-metodi kollha ta’ kummerċjalizzazzjoni.

48.

Il-Kummissjoni hija tal-fehma opposta u tqis li l-projbizzjoni tillimita waħda mill-għodod disponibbli għall-operaturi ekonomiċi sabiex jagħmlu lilhom innifishom magħrufa fis-suq Franċiż. Hija għalhekk iktar tista’ taffettwa l-prodotti minn Stati Membri oħra milli dawk nazzjonali.

49.

Ir-rikorrenti adottaw, fis-seduta u essenzjalment, l-istess pożizzjoni ( 30 ).

50.

Jiena naqbel mal-Gvern Franċiż.

51.

Minkejja li l-Kummissjoni għandha raġun li l-possibbiltà li tikkompeti permezz tal-prezzijiet tal-prodotti hija għodda importanti għad-disponibbiltà tal-operaturi ekonomiċi, ma jsegwix li kull restrizzjoni f’dan ir-rigward awtomatikament sejra titqies li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 34 TFUE. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, f’dan ir-rigward, hija kkomplikata.

52.

Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset regoli li eskludew il-libertà tal-operaturi ekonomiċi li jinfluwenzaw il-prezzijiet minimi ( 31 ) jew li jinfluwenzawhom b’xi mod ( 32 ), bħala li jaqgħu taħt il-projbizzjoni espressa fl-Artikolu 34 TFUE. B’kuntrast, fis-sentenza fil-Kawża Etablissements Fr. Colruyt, kawża kkonċernata b’regola li tipprojbixxi lill-bejjiegħa bl-imnut milli jbigħu prodotti tat-tabakk bi prezz ta’ bejgħ bl-imnut iktar baxx mill-prezz indikat mill-produttur jew mill-importatur, il-Qorti tal-Ġustizzja invokat il-fatt li l-importaturi baqgħu liberi li jistabbilixxu dan il-prezz sabiex tikkonkludi li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni taqa’ ’l barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 34 TFUE ( 33 ).

53.

Jiena tal-fehma li, bħalma ġie deċiż f’dik il-kawża, f’din il-kawża wkoll, huwa importanti li l-operaturi ekonomiċi jibqgħu liberi li jistabbilixxu l-prezzijiet. Huma għalhekk jistgħu jikkompetu f’dan il-livell, billi jistgħu jiddeċiedu li l-prezz tal-prodotti tagħhom (mingħajr ebda promozzjoni) huwa ogħla jew iktar baxx.

54.

Barra minn hekk, lil hinn mill-ġurisprudenza kkonċernata bil-metodi tal-prezzijiet, f’linja ta’ ġurisprudenza li tinkludi s-sentenzi fil-Kawżi Ker-Optika, Deutsche Parkinson Vereinigung u A, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat il-problema tal-aċċess għas-suq li l-miżura nazzjonali inkwistjoni (li essenzjalment tipprojbixxi ċerti aspetti ta’ kummerċjalizzazzjoni fuq l-internet) għamlet partikolarment diffiċli jekk mhux impossibbli ( 34 ).

55.

Dan, madankollu, ma jidhirx li huwa l-każ hawn.

56.

Ir-rikorrenti ddikjaraw fis-seduta li jikkummerċjalizzaw prodotti bijoċidali li s-sustanzi attivi tagħhom huma żjut essenzjali. Huma spjegaw li dawn il-prodotti joffru alternattiva għall-prodotti bijoċidali ta’ sinteżi kimika tradizzjonali minħabba li għandhom impatt ambjentali inqas. Ir-rikorrenti spjegaw ukoll li huma atturi tas-suq f’minoranza u li għalhekk jiddependu fuq il-prattiki kummerċjali (u fuq ir-reklamar) li jagħmluhielhom possibbli jiksbu l-viżibbiltà.

57.

Filwaqt li nammetti li jista’ jkun iktar diffiċli li jiġi introdott prodott li huwa alternattiv għal wieħed tradizzjonali, din jidher li hija problema inerenti li jaffaċċjaw kemm il-prodotti “alternattivi” barranin u anki dawk domestiċi. Jiena tal-fehma li dak li jgħodd f’din il-kawża huwa jekk il-projbizzjoni inkwistjoni tfixkilx b’mod sinjifikattiv l-aċċess għas-suq Franċiż għal dawk il-prodotti li huma probabbilment alternattivi.

58.

Jiena ma naħsibx li tagħmel dan.

59.

Naturalment, u bħalma osserva l-Gvern Franċiż, ma jistax jiġi eskluż li l-projbizzjoni nazzjonali inkwistjoni tirrestrinġi l-volum tal-bejgħ, fi Franza, ta’ prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra, minħabba li “ċċaħħad lin-negozjanti minn mezz ta’ promozzjoni tal-bejgħ” ( 35 ).

60.

Madankollu, dak li nqis rilevanti f’dan il-punt huwa li, filwaqt li l-projbizzjoni inkwistjoni tirrestrinġi ċerti metodi ta’ promozzjoni tal-bejgħ, l-operaturi ekonomiċi xorta huma liberi li jistabbilixxu l-prezzijiet “sħaħ” tal-insettiċidi u tar-rodentiċidi, kif diġà nnotajt, u jibqgħu liberi li jikkumerċjalizzawhom fil-postijiet li jidhrilhom xieraq, kemm jekk fuq l-internet jew fi ħwienet tradizzjonali.

61.

Fi kliem ieħor, ma nara xejn fil-leġiżlazzjoni inkwistjoni li jippermetti l-konklużjoni li l-projbizzjoni ta’ skontijiet, riduzzjoni tal-prezz, tnaqqis, differenzi bejn kundizzjonijiet ġenerali u dawk speċjali tal-bejgħ jew l-għoti ta’ unitajiet b’xejn iċċaħħad lill-operaturi ekonomiċi minn mezz ta’ kummerċjalizzazzjoni li effettivament tipprekludihom mill-possibbiltà li jikkompetu effettivament mal-prodotti lokali, jew li tagħmel din il-kompetizzjoni partikolarment diffiċli għalihom, b’mod li jista’ jiġi pparagunat mal-projbizzjoni tal-bejgħ permezz tal-internet jew l-impożizzjoni ta’ prezzijiet fissi jew minimi.

62.

Madankollu, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx ma’ din l-analiżi u tikkonkludi li l-projbizzjoni nazzjonali inkwistjoni hija koperta mill-Artikolu 34 TFUE, jiena noffri r-raġunijiet segwenti li, fil-fehma tiegħi, jiġġustifikawha.

b) Il‑projbizzjoni inkwistjoni hija fi kwalunkwe każ iġġustifikata

63.

Skont ġurisprudenza stabbilita, ostakolu għall‑moviment liberu tal‑merkanzija jista’ jiġi ġġustifikat minħabba raġunijiet ta’ interess ġenerali msemmija fl‑Artikolu 36 TFUE jew minn raġunijiet imperattivi fl-interess pubbliku ( 36 ).

64.

Id-deċiżjoni tar-rinviju tispjega li l-projbizzjoni inkwistjoni hija intiża li tipproteġi s-saħħa pubblika u l-ambjent ( 37 ).

65.

L-ewwel ġustifikazzjoni tikkorrispondi għal tħassib dwar is-saħħa pubblika rrikonoxxut fl-Artikolu 36 TFUE. Bħalma l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament, “s-saħħa u l-ħajja tal-persuni jokkupaw l-ewwel post fost il-beni u l-interessi protetti mit-Trattat u li huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw il-livell ta’ protezzjoni li huma jixtiequ jagħtu lis-saħħa pubblika kif ukoll il-mod li bih dan il-livell għandu jintlaħaq. Peress li dan il-livell jista’ jvarja minn Stat Membru għal ieħor, għandu jiġi rrikonoxxut marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri” ( 38 ).

66.

It-tieni, fir-rigward tal-ambjent, il-protezzjoni tiegħu ġiet irrikonoxxuta fil-ġurisprudenza bħala raġuni imperattiva fl-interess pubbliku ( 39 ).

67.

Ninnota li, sa fejn din il-projbizzjoni inkwistjoni timmira li tillimita l-użu ta’ prodotti li “jistgħu joħolqu riskji għall-bnedmin, l-annimali u l-ambjent minħabba l-proprjetajiet intrinsiċi tagħhom u l-modi ta’ użu assoċjati magħhom” ( 40 ), dawn l-għanijiet jistgħu jiġġustifikaw ir-restrizzjoni fuq il-kummerċ li din tinvolvi.

68.

Sabiex ir-restrizzjoni tkun iġġustifikata, din għandha, madankollu, tissodisfa l-eżami tal-proporzjonalità. Jiġifieri, din għandha tkun xierqa sabiex tilħaq l-għanijiet imfittxija u ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawn l‑għanijiet. Fi kliem ieħor, li ma hemmx miżura inqas restrittiva għall‑moviment liberu tal‑merkanzija li tista’ tiġi applikata biex jintlaħaq l-istess għan ( 41 ).

69.

Fir-rigward ta’ kemm hija xierqa, il-projbizzjoni inkwistjoni probabbilment ma teliminax l-istanzi kollha ta’ użu mhux neċessarju ta’ insettiċidi u ta’ rodentiċidi (sempliċiment minħabba li ma jistax jiġi eskluż l-użu mhux neċessarju ta’ dawn il-prodotti mixtrija bil-prezz sħiħ). Madankollu, fil-fehma tiegħi, jista’ jkun mistenni b’mod raġonevoli li n-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ vantaġġ finanzjarju fix-xiri tagħhom sejjer inaqqas dan ir-riskju sa ċertu punt minħabba li jiskoraġġixxi x-xiri mhux neċessarju (li mbagħad jista’ jwassal għal użu mhux neċessarju).

70.

Dwar il-ħtieġa, il-Kummissjoni ssuġġerixxiet fis-seduta, bi tweġiba għall-mistoqsija magħmula lilha mill-Qorti tal-Ġustizzja, li miżuri inqas restrittivi jistgħu jiġu applikati permezz tar-reklamar jew jekk il-bejjiegħa jiġu obbligati jipprovdu informazzjoni dwar ir-riskji assoċjati.

71.

Jiena mhux konvint minn dawn is-suġġerimenti.

72.

Dwar l-ewwel għażla, fil-parti rilevanti tal-eċċezzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni topponi l-kompatibbiltà mar-RPB tad-dikjarazzjoni addizzjonali li r-regolatur Franċiż impona bħala parti mandatorja tar-reklamar kollu għal dawn il-prodotti. Din id-dikjarazzjoni addizzjonali, essenzjalment, titlob li jittieħdu inkunsiderazzjoni r-riskji u hija diskussa fid-dettall fil-Parti B tat-Taqsima IV ta’ dawn il-konklużjonijiet. Jiena naqbel mal-Kummissjoni li din id-dikjarazzjoni addizzjonali hija inkompatibbli mal-armonizzazzjoni eżawrjenti li r-RPB kiseb fuq din il-kwistjoni partikolari. Madankollu, il-provvista ta’ iktar informazzjoni dwar ir-riskji tal-prodotti rreklamati, bħala parti mir-reklam, ma tistax titqies bħala alternattiva inqas restrittiva għall-projbizzjoni inkwistjoni.

73.

Dwar it-tieni suġġeriment, jiena tal-fehma li sabiex tali komunikazzjoni ta’ informazzjoni mill-bejjiegħ tkun ta’ valur u effettiva daqs l-assenza ta’ vantaġġ finanzjarju, ikollha tkun ibbażata fuq ċertu livell ta’ kompetenza, li preżumibbilment għandha tinkiseb permezz tat-taħriġ. Dan, flimkien ma’ modalitajiet tax-xenarju kkunsidrat li mill-bqija ma humiex ċari, jagħmilha impossibbli, fil-fehma tiegħi, li din l-għażla titqies bħala inqas oneruża ( 42 ).

74.

Il-Kummissjoni nnifisha kkonċediet li dawn l-alternattivi ssuġġeriti jistgħu ma jkunux biżżejjed sabiex jiksbu l-għanijiet iddikjarati u jistgħu jwasslu għal messaġġi kontradittorji. Fil-fatt, naqbel li bejjiegħ li jinforma lill-klijenti dwar ir-riskji inerenti tal-prodotti li joffri, filwaqt li jissuġġerixxi skont sostanzjali u jipprovdi diversi kampjuni b’xejn ta’ insettiċida, ma huwiex approċċ konsistenti.

75.

Finalment, jista’ jiġi sostnut li mezz inqas oneruż sabiex jiġi evitat l-użu mhux neċessarju ta’ prodotti bijoċidali jista’ jinkiseb permezz ta’ kampanja ta’ informazzjoni bbażata fuq il-kompetenza tal-Istati Membri rriżervata fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 17(5) tar-RPB ( 43 ). F’dan ir-rigward, nammetti li huwa pjuttost diffiċli għall-Qorti tal-Ġustizzja li tevalwa fl-astratt il-possibbiltà tas-sostitwibbiltà ta’ żewġ politiki differenti f’termini tal-effetti tagħhom. Fil-fehma tiegħi, l-ambizzjoni edukattiva mfittxija minn kampanja ta’ informazzjoni pubblika teħtieġ, min-natura tagħha, ċertu żmien, sabiex tibdel l-imħuħ u l-aġir. F’dan ir-rigward, nista’ nifhem li tista’ ma titqiesx xierqa biex tindirizza problema meqjusa akuta. Barra minn hekk, il-perspettiva ta’ vantaġġ finanzjarju immedjatament disponibbli tista’ sempliċiment tirbaħ fuq l-isforzi edukattivi u ma huwiex irraġonevoli li jitqies li t-tneħħija ta’ dan il-vantaġġ finanzjarju hija neċessarja sabiex l-għan iddikjarat ikun jista’ jiġi sensibbilment imfittex.

76.

Barra minn hekk, mill-Artikolu R-522-16-1 tal-Kodiċi dwar l-Ambjent isegwi li l-projbizzjoni ma tapplikax meta l-insettiċida jew ir-rodentiċida inkwistjoni jkunu eliġibbli għall-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ssemplifikata skont l-Artikolu 25 tar-RPB. Din il-proċedura tikkonċerna, ġeneralment, il-prodotti bijoċidali li jippreżentaw riskju baxx għas-saħħa pubblika u għall-ambjent ( 44 ). Dan juri, fil-fehma tiegħi, li r-regolatur Franċiż fittex li jevita regolazzjoni żejda li taffettwa prodotti li ma jitqisux bħala partikolarment perikolużi u li għalhekk ma tkunx neċessarja.

77.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, u jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi, kuntrarjament għas-suġġeriment tiegħi iktar ’il fuq, li l-projbizzjoni inkwistjoni taqa’ taħt l-Artikolu 34 TFUE, inqis li din hija ġġustifikata mill-għan tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika u tal-ambjent, hija xierqa sabiex tikseb dawn l-għanijiet u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkisbu.

B.   Ir‑regoli nazzjonali dwar ir‑reklamar

78.

L-Artikoli L. 522-5-3 u R. 522-16-2 tal-Kodiċi dwar l-Ambjent jipprojbixxu r-reklamar għal erba’ kategoriji ta’ prodotti bijoċidali meta dan ir-reklamar ikun indirizzat lill-pubbliku ġenerali. Ir-reklamar għal dawn il-prodotti jibqa’ possibbli meta jkun indirizzat lil professjonisti, fil-post fejn il-prodotti jiġu ddistribwiti lilhom u f’pubblikazzjonijiet indirizzati lilhom. Madankollu, ir-reklamar imbagħad għandu jinkludi dikjarazzjoni speċifika li, essenzjalment, issejjaħ sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni jekk l-użu ta’ dawn il-prodotti bijoċidali huwiex assolutament neċessarju.

79.

Dawn ir-regoli jikkonċernaw it-tipi ta’ prodotti 14 u 18 (li huma kkonċernati wkoll bil-projbizzjoni ta’ ċerti prattiki kummerċjali diskussi fil-parti A tat-Taqsima IV ta’ dawn il-konklużjonijiet) u t-tipi ta’ prodotti 2 ( 45 ) u 4 ( 46 ), żewġ subkategoriji ta’ diżinfettanti, li huma kklassifikati, skont ir-Regolament KII, bħala perikolużi għall-ambjent akkwatiku, kategorija 1: kategorija akuta 1 (H400) u kategorija kronika 1 (H410). Għandu jingħad ukoll li r-regoli nazzjonali dwar ir-reklamar ma japplikawx meta l-prodott ikkonċernat huwa eliġibbli għall-proċedura ssimplifikata skont l-Artikolu 25 tar-RPB, li, kif diġà ntqal, japplika għal prodotti li jippreżentaw riskju baxx għas-saħħa pubblika u għall-ambjent ( 47 ).

80.

B’mod simili għal dak li ġie osservat iktar ’il fuq ( 48 ), l-evalwazzjoni tar-regoli inkwistjoni għandha tibda bl-eżami tal-livell ta’ armonizzazzjoni milħuq mir-RPB u jkun biss wara li tipproċedi, jekk ikun neċessarju, bl-eżami tal-Artikoli 34 u 36 TFUE. Għal dan l-għan, sejjer l-ewwel indur għall-obbligu li tintuża, fir-reklamar indirizzat lil professjonisti, dikjarazzjoni speċifika (1). Wara sejjer neżamina l-projbizzjoni tar-reklamar indirizzat lill-pubbliku ġenerali (2).

1. L‑użu mandatorju ta’ dikjarazzjoni addizzjonali

81.

Mill-paragrafu II tal-Artikolu R. 522-16-2 tal-Kodiċi dwar l-Ambjent isegwi li r-reklamar indirizzat lil professjonisti li jikkonċerna r-rodentiċidi, l-insettiċidi u ċerti diżinfettanti għandu jkollu d-dikjarazzjoni segwenti: “Qabel kull użu, ivverifika jekk l-użu ta’ dan il-prodott huwiex assolutament neċessarju, speċjalment f’żoni li għandu aċċess għalihom il-pubbliku ġenerali. Sa fejn huwa possibbli, uża metodi u prodotti alternattivi li jippreżentaw l-inqas riskju għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali kif ukoll għall-ambjent.”

82.

Isegwi wkoll minn din id-dispożizzjoni li din id-dikjarazzjoni għandha tintuża apparti dik li l-użu tagħha huwa meħtieġ mill-Artikolu 72(1) tar-RPB li skontha kwalunkwe reklamar għal prodotti bijoċidali għandu jinkludi s-sentenzi: “Uża s-sustanzi bijoċidali b’mod sikur. Għandek dejjem taqra t-tikketta u l-informazzjoni tal-prodott qabel ma tużah.”

83.

Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-użu tad-dikjarazzjoni addizzjonali jikser l-Artikolu 72 tar-RPB minħabba li dan l-artikolu jwettaq armonizzazzjoni eżawrjenti tar-reklamar tal-prodotti bijoċidali.

84.

Il-Kummissjoni għandha fehma simili filwaqt li l-Gvernijiet ta’ Franza, tal-Italja u tal-Pajjiżi l-Baxxi għandhom fehma opposta.

85.

Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-armonizzazzjoni miksuba fid-dispożizzjonijiet relatati mar-reklamar tar-RPB hijiex eżawrjenti, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħhom, iżda wkoll il-kuntest tagħhom u l-għanijiet li tfittex li tilħaq il-leġiżlazzjoni li huma jagħmlu parti minnha ( 49 ).

86.

Nibda billi ninnota li l-Artikolu 72 tar-RPB huwa l-unika dispożizzjoni tar-RPB relatata mar-reklamar u tikkonċerna aspett pjuttost ristrett tal-kontenut tar-reklamar. Madankollu, il-fatt li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-regoli dwar ir-reklamar tar-RPB huwa pjuttost limitat meta mqabbel (mas-sistema ta’ reklamar eżawrjenti) tad-Direttiva 2001/83/KE ( 50 ), imsemmija mill-Gvern Franċiż biex jikkuntrastaha ma’ dik id-direttiva, ma jeskludix minnu nnifsu n-natura eżawrjenti tagħhom. Li huwa importanti, fil-fehma tiegħi, ma huwiex jekk il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli eżaminati huwiex (komparattivament) ristrett jew wiesa’, iżda pjuttost il-livell ta’ dettall li jilħqu dawn ir-regoli fir-rigward tal-kwistjoni speċifika (u potenzjalment ristretta) li jirregolaw ( 51 ).

87.

L-Artikolu 72 tar-RPB jikkonċerna d-dikjarazzjonijiet li għandhom jintużaw jew li huma, bil-maqlub, ipprojbiti, fir-reklamar għal prodotti bijoċidali.

88.

L-ewwel paragrafu tiegħu li jobbliga l-użu ta’ dawn iż-żewġ sentenzi msemmija iktar ’il fuq, jobbliga li dawn għandhom ikunu “jingħarfu b’mod ċar u li jinqraw b’relazzjoni għar-reklam kollu”. It-tieni paragrafu tiegħu jagħmilha possibbli li l-kelma “sustanzi bijoċidali” fihom tinbidel “b’referenza ċara għat-tip ta’ prodott li jkun qiegħed jiġi rreklamat.”

89.

It-tielet paragrafu tiegħu jipprojbixxi reklami li huma “[qarrieqa] fir-rigward tar-riskji mill-prodott għas-saħħa tal-bniedem, għas-saħħa tal-annimali jew għall-ambjent jew tal-effikaċja tiegħu” u jelenka wkoll il-frażijiet li l-użu tagħhom huwa pprojbit “[f]i kwalunkwe każ” ( 52 ).

90.

Fid-dawl ta’ dan, ir-regoli tal-Artikolu 72 tar-RPB jidher li huma pjuttost iddettaljati fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet dwar ir-riskji assoċjati mal-użu ta’ prodotti bijoċidali. F’dan ir-rigward jidher li huwa paragunabbli għal, jekk mhux iktar iddettaljat minn, ir-regoli eżawrjenti dwar ir-reklamar tad-Direttiva 2001/83 ( 53 ), imsemmija mill-Gvern Franċiż. Fil-fatt, l-Artikolu 87(3) ta’ din id-direttiva jipprevedi li r-reklamar ta’ prodott mediċinali għandu jinkoraġġixxi l-użu razzjonali tiegħu, billi jippreżentah oġġettivament u mingħajr eżaġerazzjoni tal-proprjetajiet tiegħu, u ma għandux ikun qarrieqi. Ir-regola fl-Artikolu 72 tar-RPB hija simili iżda fil-fatt iktar iddettaljata billi tistabbilixxi dikjarazzjoni speċifika li għandha tkun integrata fir-reklamar dwar l-użu sigur tal-prodott u tidderieġi lill-utent għat-tikketta u għall-informazzjoni tal-prodott. Hija wkoll iktar iddettaljata fl-indikazzjoni ta’ liema dikjarazzjonijiet huma pprojbiti bħala qarrieqa.

91.

Huwa minnu li d-dikjarazzjoni addizzjonali meħtieġa mir-regoli nazzjonali inkwistjoni jidher li ssegwi l-istess għan bħall-Artikolu 72 tar-RPB fis-sens li tipproteġi s-saħħa pubblika u l-ambjent. Bħala tali, ma jidhirx li hemm xi kunflitt. Dan, madankollu, ma jaffettwax l-analiżi preċedenti tiegħi minħabba li, fir-rigward tal-kwistjoni ta’ kontenut tar-reklami li jkun relatat mas-sigurtà, l-Artikolu 72 tar-RPB juri li l-leġiżlatur tal-Unjoni laħaq bilanċ speċifiku bejn l-elementi differenti inkwistjoni li, f’din il-kawża, huma “li jtejjeb il-funzjonament tas-suq intern”, bl-għan parallel ta’ “livell għoli ta’ protezzjoni kemm tas-saħħa tal-bniedem kif ukoll tal-annimali u tal-ambjent” ( 54 ). Inqis li, bl-impożizzjoni ta’ rekwiżit regolatorju ieħor, ir-regoli nazzjonali inkwistjoni jiddisturbaw dan il-bilanċ.

92.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena tal-fehma li l-qasam tar-reklamar, fir-rigward ta’ dikjarazzjonijiet relatati mar-riskji tal-prodotti bijoċidali rreklamati, kien is-suġġett ta’ prelazzjoni mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

2. Projbizzjoni tar‑reklamar indirizzat lill‑pubbliku ġenerali

a) Kamp ta’ applikazzjoni tar‑regoli armonizzati

93.

Il-konklużjoni tiegħi dwar l-armonizzazzjoni eżawrjenti ta’ regoli stabbiliti fl-Artikolu 72 tar-RPB ma tfissirx, madankollu, li l-aspetti kollha tar-reklamar ta’ prodotti bijoċidali ġew armonizzati minn dan l-istrument, inkluż il-kwistjoni dwar jekk l-Istati Membri jżommux il-kompetenza li jipprojbixxu ċertu reklamar.

94.

Dwar dan l-aħħar punt, il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni – li tistabbilixxi d-dikjarazzjonijiet mandatorji u pprojbiti relatati mal-użu sigur, u mar-riskji li jippreżentaw il-prodotti bijoċidali – fil-fehma tiegħi ma tippermettix il-konklużjoni li l-kompetenza tal-Istati Membri li jiddeċiedu li jipprojbixxu r-reklamar kienet is-suġġett ta’ prelazzjoni.

95.

Huwa minnu li wieħed jista’ jsostni li l-eżistenza ta’ din id-dispożizzjoni speċifika dwar dikjarazzjonijiet mandatorji u pprojbiti fir-reklamar ta’ prodotti bijoċidali timplika li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li r-reklamar ta’ dawn il-prodotti jkun possibbli u li leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi ċerti aspetti tar-reklamar tfixkel l-effett utli tal-Artikolu 72 tar-RPB peress li, fejn ma hemmx reklamar, din id-dispożizzjoni ssir mingħajr skop.

96.

Rigward il-kuntest leġiżlattiv, nerġa’ nfakkar li l-Artikolu 72 tar-RPB huwa l-unika dispożizzjoni ta’ dan ir-regolament dwar il-kwistjoni ( 55 ).

97.

L-inklużjoni tal-Artikolu 72 waħdu fi ħdan ir-RPB tikkuntrasta mal-għażla magħmula fid-Direttiva 2001/83 li t-Titolu VIII tagħha huwa espressament iddedikat għar-reklamar, u jinkludi diversi dispożizzjonijiet (l-Artikoli 86 sa 100) li jiddeskrivu fid-dettall sitwazzjonijiet li fihom l-Istati Membri għandhom jew jistgħu jipprojbixxu r-reklamar ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem jew meta r-reklamar jista’ jkun awtorizzat ( 56 ).

98.

Sussidjarjament, il-qosor tar-RPB dwar il-kwistjoni huwa differenti wkoll mill-Artikolu 66 tar-Regolament Nru 1107/2009 ( 57 ), li jipprevedi l-possibbiltà għall-Istat Membru li jirrestrinġi r-reklamar f’ċerta midja, u jinkludi regoli dwar elementi ta’ reklamar mandatorji jew ipprojbiti, bħall-projbizzjoni ta’ “rappreżentazzjoni viżiva ta’ prattiki potenzjalment dannużi, bħat-taħlit jew l-applikazzjoni mingħajr ħwejjeġ protettivi suffiċjenti, l-ebda użu ħdejn l-ikel jew użu ħdejn jew fil-viċinanza tat-tfal.”

99.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena tal-fehma li kieku l-leġiżlatur tal-Unjoni ried li l-kompetenza tal-Istati Membri li jipprojbixxu ċerti tipi ta’ reklamar tkun is-suġġett ta’ prelazzjoni, kien joħloq regoli iktar ibbilanċjati. Il-fehma tiegħi dwar din il-kwistjoni hija msaħħa wkoll bl-eżistenza, fir-RPB, tar-regoli derogatorji li jikkonċernaw prodotti li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni jew li huma relatati mal-użu ta’ sustanzi attivi ġodda ( 58 ), jew mill-attenzjoni li l-leġiżlatur isejjaħ għaliha fir-rigward tal-protezzjoni ta’ gruppi vulnerabbli, bħal nisa tqal u tfal ( 59 ).

100.

Għalhekk, fid-dawl tal-preċedenti, nikkonkludi li r-RPB ma jipprekludix il-projbizzjoni ta’ reklamar inkwistjoni. B’mod simili għal dak li ġie osservat iktar ’il fuq ( 60 ), din il-projbizzjoni xorta għandha tkun konformi mal-limiti li jirriżultaw mill-Artikoli 34 u 36 TFUE.

b) Limiti li jirriżultaw mill‑Artikoli 34 u 36 TFUE

101.

Il-projbizzjoni ta’ reklamar inkwistjoni għandha, fil-fehma tiegħi, titqies bħala “modalità ta’ bejgħ”. Fil-fatt, din il-projbizzjoni ma tikkonċernax ir-rekwiżiti applikabbli għall-prodotti inkwistjoni u ninnota li l-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament qieset li restrizzjonijiet li jaffettwaw il-possibbiltajiet ta’ reklamar tal-operaturi ekonomiċi jaqgħu taħt din il-kategorija ( 61 ).

102.

B’riferiment għall-kundizzjonijiet indikati fit-taqsima preċedenti, li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex il-projbizzjoni inkwistjoni ma taqax taħt l-Artikolu 34 TFUE ( 62 ), ninnota li din tapplika għall-operaturi ekonomiċi kollha attivi fis-suq rilevanti mingħajr diskriminazzjoni fuq il-bażi tan-nazzjonalità.

103.

L-evalwazzjoni tal-mistoqsija dwar jekk taffettwax iktar lill-prodotti li joriġinaw fi Stati Membri oħra milli dawk domestiċi tidher iktar kumplessa.

104.

Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li regoli nazzjonali li jobbligaw lill-operaturi ekonomiċi li jibdlu l-forma jew il-kontenut ta’ kampanja ta’ reklamar jaqgħu taħt l-Artikolu 34 TFUE ( 63 ).

105.

Din il-kawża, madankollu, ma hijiex ikkonċernata bi ħtieġa li jiġi mibdul il-kontenut ta’ kampanja promozzjonali, iżda pjuttost b’impossibbiltà assoluta li xi kampanja dwar l-erba’ kategoriji ta’ prodotti bijoċidali tiġi mmirata għall-pubbliku ġenerali.

106.

Minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament irrikonoxxiet li ċerti projbizzjonijiet ta’ reklamar jistgħu jillimitaw il-kwantità ta’ bejgħ, hija qieset ukoll li diversi minnhom ma jaqgħux taħt l-Artikolu 34 TFUE.

107.

Dan kien il-każ ta’ regoli nazzjonali li rispettivament eskludew is-settur tad-distribuzzjoni mir-reklamar televiżiv ( 64 ), ipprojbixxew lill-ispiżjara milli jirreklamaw, barra l-ispiżerija tagħhom, prodotti kważifarmatewtiċi ( 65 ), jew anki pprojbixxew lil spiżerija ta’ bejgħ bil-korrispondenza milli torganizza kampanja ta’ reklamar fil-forma ta’ kompetizzjoni bi premju ( 66 ).

108.

Huwa minnu, madankollu, li fis-sentenzi fil-Kawżi De Agostini u Gourmet International Products, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma jistax jiġi eskluż li projbizzjoni assoluta jista’ jkollha impatt ikbar fuq il-prodotti minn Stati Membri oħra ( 67 ). Ir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja jidher li jissuġġerixxi, madankollu, li l-eżistenza (possibbli) ta’ restrizzjoni li taqa’ taħt l-Artikolu 34 TFUE oriġinat minn diffikultà speċifika li kkonfronta operatur ekonomiku biex jidħol fis-suq nazzjonali. Fis-sentenza fil-Kawża De Agostini, kawża kkonċernata bi projbizzjoni ta’ reklamar televiżiv immirat għat-tfal ta’ inqas minn 12‑il sena u ta’ reklamar qarrieqi, il-kwalifika ta’ din il-miżura tħalliet miftuħa, billi l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet riferiment għad-dikjarazzjoni ta’ De Agostini dwar ir-reklamar televiżiv bħala “l-unika forma effettiva ta’ promozzjoni li tippermettilha tippenetra s-suq Svediż” ( 68 ).

109.

B’mod simili, fis-sentenza fil-Kawża Gourmet International Products, il-konklużjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li projbizzjoni Svediża ta’ reklamar ta’ xorb alkoħoliku tammonta għal ostakolu tal-kummerċ kienet marbuta mad-dikjarazzjoni li l-konsum ta’ dan ix-xorb “huwa marbut ma’ prattiki soċjali tradizzjonali u tradizzjonijiet u konswetudnijiet lokali” ( 69 ). Il-fatt li l-pubblikazzjonijiet li jinkludu r-reklamar setgħu jiġu ddistribwiti f’punti ta’ bejgħ ma affetwax din il-konklużjoni minħabba li, f’dak il-każ, “il-kumpannija li tappartjeni kompletament lill-Istat Svediż li kellha monopolju ta’ bejgħ bl-imnut fl-Isvezja, fil-fatt iddistribwixxiet biss il-ġurnal tagħha f’dawn il-punti ta’ bejgħ” ( 70 ).

110.

Finalment, fis-sentenza fil-Kawża Deutsche Parkinson Vereinigung, il-konklużjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-effetti restrittivi ta’ projbizzjoni ta’ bejgħ bil-korrispondenza kienet ibbażata fuq il-konstatazzjoni li dan il-metodu ta’ bejgħ kien jikkostitwixxi, għal spiżeriji ta’ bejgħ bil-korrispondenza, mezz iktar importanti, jekk mhux eventwalment l-uniku mezz, sabiex jaċċedu direttament għas-suq inkwistjoni ( 71 ).

111.

Il-fatti ta’ din il-kawża, kif ippreżentati fid-deċiżjoni tar-rinviju, ma jindikaw ebda tali diffikultà inizjali li r-rikorrenti jaffaċċjaw meta jintroduċu prodotti minn Stati Membri oħra fis-suq Franċiż.

112.

Minkejja li l-projbizzjoni inkwistjoni probabbli li taffettwa l-kwantità tal-bejgħ, ninnota li din ma tipprojbixxix ir-reklamar kollu.

113.

Ir-reklamar għal utenti professjonali jibqa’ possibbli, li jfisser li l-operaturi ekonomiċi għandhom kanal ta’ kummerċjalizzazzjoni għad-dispożizzjoni tagħhom.

114.

Lanqas ma jidher, kuntrarjament għall-fatti tas-sentenza fil-Kawża Gourmet International Products, li xi mudell preeżistenti tas-suq, bħall-kontroll minn entità monopolistika tal-punti ta’ distribuzzjoni, jagħmel il-possibbiltà li jintlaħqu l-utenti professjonali illużorja.

115.

Finalment, kuntrarjament għall-fatti tal-kawża ċċitata, il-prodotti bijoċidali ma jidhrux li huma simili għal xorb alkoħoliku li l-utenti lokali jistgħu jkunu ħolqu xi rabta soċjali tradizzjonali magħhom.

116.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, nikkonkludi li l-projbizzjoni tar-reklamar tal-prodotti bijoċidali magħżula indirizzata lill-pubbliku ġenerali ma tikkostitwixxix restrizzjoni tal-kummerċ li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 34 TFUE.

117.

Madankollu, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx ma’ din l-analiżi u tikkonkludi li l-projbizzjoni inkwistjoni tammonta għal restrizzjoni tal-kummerċ, noffri r-raġunijiet segwenti li, fil-fehma tiegħi, jiġġustifikawha.

118.

B’riferiment għall-analiżi tiegħi mwettqa fil-parti preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet ( 72 ), ninnota li l-projbizzjoni inkwistjoni tista’ tkun iġġustifikata bl-għan tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika u tal-ambjent sa fejn hija intiża li tillimita l-użu tal-prodotti li “jistgħu joħolqu riskji għall-bnedmin, l-annimali u l-ambjent minħabba l-proprjetajiet intrinsiċi tagħhom u l-modi ta’ użu assoċjati magħhom” ( 73 ). Barra minn hekk, il-Gvern Franċiż għamel riferiment għal użu ħażin tal-insettiċidi, speċjalment f’residenzi privati, il-perikolu tal-intossikazzjoni ta’ speċi oħra kkawżat mill-użu mhux xieraq tar-rodentiċidi, u r-riskji li t-tniġġis tal-ilma, li jirriżulta mill-użu tal-insettiċidi inkwistjoni, jippreżentaw għal ċerti speċi.

119.

Il-projbizzjoni ta’ reklamar indirizzat lill-pubbliku ġenerali jidher li hija xierqa wkoll għall-kisba tal-għanijiet iddikjarati iktar ’il fuq, peress li tista’ tipprevjeni messaġġi promozzjonali li jistgħu jiskattaw użu miżjud tal-prodotti bijoċidali identifikati mir-regolatur nazzjonali bħala ta’ tħassib partikolari.

120.

Dwar il-ħtieġa tagħha, nosserva li l-projbizzjoni inkwistjoni tikkonċerna biss ir-reklamar indirizzat lill-utenti privati minflok lill-professjonisti, li jidher li huwa konsistenti mal-għan li jiġi limitat l-użu mhux xieraq tal-prodotti inkwistjoni.

121.

Dwar l-alternattivi possibbli diskussi fil-punti 70 sa 75, dawn jippreżentaw, fil-fehma tiegħi, mutatis mutandis l-istess punti ta’ dgħufija anki f’dan il-kuntest. Finalment u b’mod simili għal dak li osservajt fir-rigward tal-projbizzjoni ta’ skontijiet u ta’ prattiki simili, ir-reklamar lill-pubbliku ġenerali jibqa’ awtorizzat għall-prodotti kollha li huma mill-bqija kkonċernati mill-projbizzjoni meta dawn jippreżentaw riskju baxx, jiġifieri meta jikkwalifikaw għall-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ssemplifikata skont l-Artikolu 25 tar-RPB ( 74 ). Dan juri, kif diġà ġie osservat, li r-regolatur nazzjonali fittex li jirrestrinġi l-portata mhux neċessarja tal-projbizzjoni inkwistjoni.

122.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, u jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi, kuntrarjament għas-suġġeriment tiegħi iktar ’il fuq, li l-projbizzjoni inkwistjoni tikkostitwixxi restrizzjoni tal-kummerċ li taqa’ taħt l-Artikolu 34 TFUE, inqis li dik il-projbizzjoni hija ġġustifikata mill-għan tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika u tal-ambjent, hija xierqa sabiex jinkisbu dawn l-għanijiet, u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkisbu.

V. Konklużjoni

123.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) kif ġej:

La r-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali u lanqas l-Artikolu 34 TFUE ma jipprekludu dispożizzjonijiet nazzjonali, bħalma huma dawk inklużi fl-Artikoli L. 522-18 u R. 522-16-1 tal-Kodiċi dwar l-Ambjent, li jipprojbixxu, b’konnessjoni mal-bejgħ tat-tipi ta’ prodotti 14 u 18, kif iddefiniti fl-Anness V tar-Regolament Nru 528/2012, skontijiet, riduzzjoni tal-prezz, tnaqqis, differenzi bejn kundizzjonijiet ġenerali u dawk speċjali tal-bejgħ, l-għoti ta’ unitajiet b’xejn u kwalunkwe prattiki ekwivalenti.

L-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 528/2012 jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkluża fl-Artikoli L. 522-5-3 u R. 522-16-2 tal-Kodiċi dwar l-Ambjent li tobbliga l-użu ta’ dikjarazzjoni addizzjonali fir-reklamar indirizzat lill-utenti professjonali tat-tipi ta’ prodotti 14 u 18, kif iddefiniti fl-Anness V tar-Regolament Nru 528/2012, kif ukoll tat-tipi ta’ prodotti Nru 2 u 4 iddefiniti fl-istess anness u kklassifikati, skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 bħala perikolużi għall-ambjent akkwatiku, kategorija 1: kategorija akuta 1 (H400) u kategorija kronika 1 (H410).

La r-Regolament Nru 528/2012 u lanqas l-Artikolu 34 TFUE ma jipprekludu l-Artikoli L. 522-5-3 u R. 522-16-2 tal-Kodiċi dwar l-Ambjent, li jipprojbixxu r-reklamar ta’ prodotti bijoċidali tal-istess kategoriji ta’ prodotti bijoċidali indirizzati lill-pubbliku ġenerali.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (ĠU 2012, L 167, p. 1) (iktar ’il quddiem il-“RPB”).

( 3 ) Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU 2008, L 353, p. 1, rettifika fil-ĠU 2008, L 16, p. 1, fil-ĠU 2016, L 349, p. 1, fil-ĠU 2019, L 117, p. 8 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament KII”).

( 4 ) Introdott mill-Artikolu 76 tal-loi no 2018-938 du 30 octobre 2018 pour l’équilibre des relations commerciales dans le secteur agricole et alimentaire et une alimentation saine, durable et accessible à tous (il-Liġi Nru 2018-938 tat‑30 ta’ Ottubru 2018 li tippromwovi l-Ekwilibriju fir-Relazzjonijiet Kummerċjali fis-Settur Agrikolu u tal-Ikel, u Ikel Bnin, Sostenibbli Aċċessibbli għal Kulħadd, iktar ’il quddiem il-“Liġi tat‑30 ta’ Ottubru 2018”).

( 5 ) Introdott bil-Liġi tat‑30 ta’ Ottubru 2018.

( 6 ) Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399).

( 7 ) Minkejja li l-ewwel domanda tistaqsi dwar l-Artikoli L. 522-18 u L. 522-5-3 tal-Kodiċi dwar l-Ambjent biss, il-proċeduri prinċipali jikkonċernaw il-legalità tad-digrieti kkontestati li introduċew l-Artikoli R. 522-16-1 u R. 522-16-2 fil-Kodiċi dwar l-Ambjent. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jsegwi li l-Artikolu R. 522-16-1 jispeċifika l-Artikolu L. 522-18, filwaqt li l-Artikolu R. 522-16-2 jispeċifika l-Artikolu L. 522-5-3. Dawn iż-żewġ sensiliet ta’ dispożizzjonijiet għalhekk jiffurmaw żewġ gruppi regolatorji li ġew diskussi bħala tali mill-partijiet. Għaldaqstant, ser inqis li d-domanda magħmula ma tikkonċernax biss id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi msemmija espressament iżda anki l-Artikoli R. 522-16-1 u R. 522-16-2 tal-Kodiċi dwar l-Ambjent.

( 8 ) Kif iddeċidiet ripetutament il-Qorti tal-Ġustizzja, “meta qasam kien is-suġġett ta’ armonizzazzjoni eżawrjenti fil-livell tal-Unjoni, kull miżura nazzjonali relatata miegħu għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ dik il-miżura ta’ armonizzazzjoni u mhux fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju”. Sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Viva Telecom Bulgaria (C‑257/20, EU:C:2022:125, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 9 ) Sentenza tad‑19 ta’ Jannar 2017, Queisser Pharma (C‑282/15, EU:C:2017:26, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 10 ) Id-deċiżjoni tar-rinviju tesponi li tqajmu argumenti mir-rikorrenti fil-proċeduri prinċipali dwar id-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku. Jiena ser nillimita ruħi biex ninnota li, minħabba li din id-direttiva tinvoka l-prinċipju tal-“pajjiż tal-oriġini”, din hija irrilevanti f’din il-kawża peress li r-rikorrenti kollha jidhru li huma kumpanniji Franċiżi. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, Papasavvas (C‑291/13, EU:C:2014:2209, punti 34 sa 35).

( 11 ) Ara, pereżempju, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-Kawża It-Trattat ta’ Marrakexx biex jiġi Ffaċilitat l-Aċċess għal Xogħlijiet Pubblikati (3/15, EU:C:2016:657, punt 71).

( 12 ) Ara wkoll il-premessa 3 tar-RPB u s-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2021, Biofa,C‑29/20, EU:C:2021:843, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 13 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukati Ġenerali Bobek f’Lietuvos Respublikos Seimas (C‑2/18, EU:C:2019:180, punti 27 sa 29) u Mengozzi f’Monsanto Technology (C‑428/08, EU:C:2010:128, punt 47).

( 14 ) Ara l-Artikolu 17(1) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(5), jew l-Artikolu 22(1) tar-RPB.

( 15 ) Artikolu 72 tar-RPB sejjer jiġi diskuss fil-Parti B ta’ dawn il-konklużjonijiet peress li huwa direttament rilevanti għar-regola nazzjonali inkwistjoni li hija kkonċernata bir-reklamar.

( 16 ) Ara l-Artikolu 1 tar-Regolament KII.

( 17 ) Premessa 10 tar-Regolament KII.

( 18 ) Premessa 51 tar-Regolament KII.

( 19 ) Ara l-Artikoli 3(f), 5(1) u (3), 10(1)(b) u 28(2)(a) tar-RPB fir-rigward tal-kwistjoni ta’ sustanzi attivi u l-Artikolu 19(4)(b) tiegħu fir-rigward tal-awtorizzazzjoni ta’ prodotti bijoċidali.

( 20 ) Ara l-Artikolu 48 tar-Regolament KII dwar ir-reklamar u t-Titoli III sa V tiegħu fir-rigward tat-tikkettjar u tal-ippakkjar.

( 21 ) Ara l-Artikolu 2(3)(m) RPB.

( 22 ) Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja d-dokument Rapport tal-Kummissjoni għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, SWD/2021/128 finali, p. 60 sa 61.

( 23 ) ĠU 2009, L 309, p. 71, rettifika fil-ĠU 2010, L 161, p. 11.

( 24 ) Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni kkwotat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 22 iktar ’il fuq, punt 59. L-Artikolu 18 tar-RPB jipprevedi “jekk ikun il-każ”, is-sottomissjoni ta’ proposta mill-Kummissjoni rigward il-miżuri intiżi għall-użu sostenibbli tal-prodotti bijoċidali.

( 25 ) Ara iktar ’il fuq il-kummenti tiegħi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10.

( 26 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, DocMorris (C‑190/20, EU:C:2021:609, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata) (iktar ’il quddiem “is-sentenza fil-Kawża DocMorris”).

( 27 ) Sentenza tal‑11 ta’ Lulju 1974, Dassonville (8/74, EU:C:1974:82, punt 5). Għal dikjarazzjoni iktar reċenti ara, pereżempju, is-sentenza fil-Kawża DocMorris, punt 34.

( 28 ) Sentenza tal‑24 ta’ Novembru 1993, Keck u Mithouard (C‑267/91 u C‑268/91, EU:C:1993:905, punt 16, iktar ’il quddiem “is-sentenza fil-Kawża Keck u Mithouard”). Minkejja li l-istatus ta’ dan it-test ġie diskuss, ir-rilevanza tiegħu ġiet ikkonfermata, pereżempju, fis-sentenza fil-Kawża DocMorris, punt 35. Għal diskussjoni ara, pereżempju, Schütze, R., “Of types and tests: towards a unitary doctrinal framework for Article 34 TFEU?”, European Law Review, Vol. 41(6), 2016, p. 826; Lianos, I., “In Memoriam Keck: The Reformation of the EU Law on the Free Movement of Goods”, European Law Review, Vol. 40(2), 2015, p. 225; u Purnhagen, K.P., “Keck is dead, long live Keck? How the court of justice tries to avoid a Sunday Trading Saga 2.0”, Liber Amicorum L.W. Gormley, 2019, p. 176).

( 29 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑21 ta’ Settembru 2016, Etablissements Fr. Colruyt (C‑221/15, EU:C:2016:704, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata) (iktar ’il quddiem “is-sentenza fil-Kawża Etablissements Fr. Colruyt”); tal‑25 ta’ Marzu 2004, Karner (C‑71/02, EU:C:2004:181, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata) (iktar ’il quddiem “is-sentenza fil-Kawża Karner”); u tat‑2 ta’ Diċembru 2010, Ker-Optika (C‑108/09, EU:C:2010:725, punt 45) (iktar ’il quddiem “is-sentenza fil-Kawża Ker-Optika”).

( 30 ) Huma għamlu dan fuq bażi sussidjarja u bħala tweġiba għall-mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, billi l-argument prinċipali tagħhom kien li l-projbizzjoni tikser ir-RPB.

( 31 ) Sentenza tat‑23 ta’ Diċembru 2015, Scotch Whisky Association et (C‑333/14, EU:C:2015:845, punt 32).

( 32 ) Sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2016, Deutsche Parkinson Vereinigung (C‑148/15, EU:C:2016:776, punt 26, iktar ’il quddiem “is-sentenza fil-Kawża Deutsch Parkinson Vereinigung”).

( 33 ) Is-sentenza fil-Kawża Etablissements Fr. Colruyt, punti 38 sa 40.

( 34 ) Rispettivament, is-sentenza fil-Kawża Ker-Optika, punt 54; is-sentenza fil-Kawża Deutsche Parkinson Vereinigung, punt 25 u s-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2020, A (Reklamar ta’ bejgħ ta’ prodotti mediċinali online) (C‑649/18, EU:C:2020:764, punt 76). F’din l-aħħar sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja analizzat il-miżura inkwistjoni skont id-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku. B’kuntrast, l-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe eżaminaha fid-dawl tal-Artikoli 34 u 36 TFUE; ara l-konklużjonijiet tiegħu f’A (Reklamar ta’ bejgħ ta’ prodotti mediċinali online) (C‑649/18, EU:C:2020:134, punti 44 sa 4969 et seq.) (iktar ’il quddiem il-“konklużjonijiet f’A”) Ara wkoll is-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2003, Deutscher Apothekerverband (C‑322/01, EU:C:2003:664, punti 74 sa 76).

( 35 ) Kif ġie deċiż fir-rigward tal-projbizzjoni tal-bejgħ mill-ġdid b’telf fis-sentenza fil-Kawża Keck u Mithouard, punt 13.

( 36 ) Is-sentenza fil-Kawża Ker-Optika, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 37 ) Infakkar li l-Artikolu L. 522-18 tal-Kodiċi dwar l-Ambjent jipprevedi li “[…] Il-Conseil d’État [il-Kunsill tal-Istat] għandu jiddefinixxi b’digriet il-kategoriji ta’ prodotti kkonċernati b’riferiment għar-riskji li jinvolvu għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent.”

( 38 ) Is-sentenza fil-Kawża Deutsche Parkinson Vereinigung, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 39 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Capoda Import-Export (C‑354/14, EU:C:2015:658, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 40 ) Premessa 1 tar-RPB.

( 41 ) Ara, pereżempju, is-sentenza fil-Kawża Ker-Optika, punt 65.

( 42 ) Għal paragun, ara r-regoli dwar it-taħriġ tal-“utenti professjonali, id-distributuri u l-konsulenti” fl-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-użu sostenibbli tal-pestiċidi.

( 43 ) Ara l-punt 34 iktar ’il fuq.

( 44 ) Ara l-premessi 29 u 30 tar-RPB.

( 45 ) Kif previst fl-Anness V, dan it-tip ta’ prodott jikkonċerna “Diżinfettanti u alkaċidi li ma humiex maħsuba għall-applikazzjoni diretta fuq il-bnedmin jew l-annimali”

( 46 ) Kif previst fl-Anness V, dan it-tip ta’ prodott jikkonċerna “Żoni tal-ikel u tal-għalf”.

( 47 ) Ara l-punt 76 iktar ’il fuq u l-Artikolu R. 522-16-2 (III) tal-Kodiċi dwar l-Ambjent.

( 48 ) Ara l-punt 19 iktar ’il fuq.

( 49 ) Ara, f’dan is-sens, pereżempju, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, UNIC and Uni.co.pel (C‑95/14, EU:C:2015:492, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 50 ) Direttiva 2001/83/KEE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 69). Għall-konferma tan-natura eżawrjenti tar-regoli dwar ir-reklamar inklużi f’din id-direttiva, ara s-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2007, Gintec (C‑374/05, EU:C:2007:654, punti 3334).

( 51 ) Ara wkoll il-punt 26 iktar ’il fuq.

( 52 ) Dawn l-espressjonijiet huma “prodott bijoċidali ta’ riskju baxx”, “mhux tossiku”, “mhux ta’ ħsara”, “naturali”, “favur l-ambjent”, “favur l-annimali” jew kwalunkwe indikazzjoni simili.

( 53 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 50 iktar ’il fuq.

( 54 ) Ara l-Artikolu 1(1) tar-RPB.

( 55 ) L-Artikolu 48 tar-Regolament KII, inkluż fit-Titolu VII dwar “Dispożizzjonijiet finali”, jipprevedi, flimkien mal-premessa 67 ta’ dan ir-regolament, regoli similarment konċiżi dwar ir-reklamar li huma.

( 56 ) Ara l-Artikoli 87(1), 88(1), (2) u (3) tad-Direttiva 2001/83.

( 57 ) Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU 2009, L 309, p. 1).

( 58 ) Ara l-Artikolu 55 tar-RPB.

( 59 ) Premessa 3 tar-RPB.

( 60 ) Ara l-punt 19 iktar ’il fuq.

( 61 ) Ara, pereżempju, is-sentenza fil-Kawża DocMorris, punt 37, u s-sentenza tad‑9 ta’ Frar 1995, Leclerc-Siplec (C‑412/93, EU:C:1995:26, punt 22) (iktar ’il quddiem “is-sentenza fil-Kawża Leclerc-Siplec”). Ara wkoll il-konklużjonijiet f’A, punt 71.

( 62 ) Ara l-punti 42 et seq iktar ’il fuq.

( 63 ) Sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 1990, SARPP (C‑241/89, EU:C:1990:459, punti 2930) (qabel Keck u Mithouard). Ara wkoll is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2004, Douwe Egberts (C‑239/02, EU:C:2004:445, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 64 ) Sentenza fil-Kawża Leclerc-Siplec, punti 20 sa 24.

( 65 ) Sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 1993, Hünermund et (C‑292/92, EU:C:1993:932, punti 22 sa 24).

( 66 ) Sentenza fil-Kawża DocMorris, punti 39 sa 45. Ara wkoll, f’kuntest fattwali differenti, is-sentenza fil-Kawża Karner, punti 42 u 43.

( 67 ) Sentenzi tad‑9 ta’ Lulju 1997, De Agostini u TV-Shop (C‑34/95 sa C‑36/95, EU:C:1997:344, punt 42) (iktar ’il quddiem “is-sentenza fil-Kawża De Agostini”) u tat‑8 ta’ Marzu 2001, Gourmet International Products (C‑405/98, EU:C:2001:135, punt 19) (iktar ’il quddiem “is-sentenza fil-Kawża Gourmet International Products”).

( 68 ) Sentenza fil-Kawża De Agostini, punti 43 u 44.

( 69 ) Sentenza fil-Kawża Gourmet International Products, punt 21.

( 70 ) Ibid., punt 23.

( 71 ) Sentenza fil-Kawża Deutsche Parkinson Vereinigung, punt 25.

( 72 ) Ara l-punti 63 et seq iktar ’il fuq.

( 73 ) Premessa 1 tal-BPR, u l-punt 67 iktar ’il fuq.

( 74 ) Ara l-punt 76 iktar ’il fuq.