KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RANTOS

ippreżentati fl‑14 ta’ Lulju 2022 ( 1 )

Kawża C‑127/21 P

American Airlines Inc.

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Appell – Regolament (KE) Nru 139/2004 – Operazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni ta’ impriżi – Suq tat-trasport bl-ajru – Operazzjoni ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni – Impenji meħudin mill-partijiet fil-konċentrazzjoni – Deċiżjoni li tagħti drittijiet ta’ anterjorità”

I. Introduzzjoni

1.

F’din il-kawża, li tidħol fil-kuntest ta’ operazzjoni ta’ konċentrazzjoni ta’ impriżi fis-suq tat-trasport bl-ajru, il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet adita b’appell ippreżentat minn American Airlines Inc. (iktar ’il quddiem “American”) mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑16 ta’ Diċembru 2020, American Airlines vs Il‑Kummissjoni (T‑430/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2020:603), li fiha din tal-aħħar ċaħdet l-appell ta’ din il-kumpannija intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2018) 2788 final tat‑30 ta’ April 2018 (Każ M.6607 – US Airways/American Airlines) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

2.

Il-partikolarità ta’ din il-kawża tinsab fil-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ser taffaċċja għall-ewwel darba l-kwistjoni tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ impenji li jifformaw parti integrali minn deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar konċentrazzjoni.

II. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża, id‑deċiżjoni kontenzjuża u s‑sentenza appellata

3.

Il-fatti li wasslu għall-kawża huma stabbiliti fil-punti 1 sa 69 tas-sentenza appellata u jistgħu, għall-finijiet ta’ dawn il-konklużjonijiet, jinġabru fil-qosor kif ġej.

A.   Id‑deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni tal‑amalgamazzjoni US Airways/American

1. Il‑proċedura amministrattiva li wasslet għad‑deċiżjoni li tawtorizza l‑amalgamazzjoni US Airways/American

4.

Fit‑18 ta’ Ġunju 2013, US Airways Group Inc. (iktar ’il quddiem “US Airways”) u American innotifikaw lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li jipproċedu b’amalgamazzjoni (iktar ’il quddiem il-“partijiet fl-amalgamazzjoni”).

5.

Il-Kummissjoni qieset li din l-operazzjoni kienet tqajjem dubji serji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern f’dak li jirrigwarda r-rotta bejn l-ajruporti ta’ London Heathrow (ir-Renju Unit, iktar ’il quddiem “LHR”) u Philadelphia International Airport (l-Istati Uniti, iktar ’il quddiem “PHL”) (iktar ’il quddiem ir-“rotta LHR‑PHL”).

6.

Sabiex jindirizzaw id-dubji serji espressi mill-Kummissjoni dwar din l-operazzjoni, il-partijiet fl-amalgamazzjoni pproponew inizjalment numru ta’ impenji fl‑10 u fl‑14 ta’ Lulju 2013. Dawn iż-żewġ proposti ġew miċħuda mill-Kummissjoni, li ħtieġet li drittijiet ta’ anterjorità (magħrufa bħala “grandfathering rights”) “tat-tip bħal dawk” proposti fil-Każ COMP/M.6447 – IAG/bmi (iktar ’il quddiem il-“każ IAG/bmi”) jiġu inklużi f’dawn l-impenji.

7.

Fis‑16 ta’ Lulju 2013, il-partijiet fl-amalgamazzjoni ppreżentaw it-tielet proposta ta’ impenji inklużi, b’mod partikolari, drittijiet ta’ anterjorità. Id-dokument mibgħut lill-Kummissjoni kien jinkludi wkoll verżjoni komparattiva li tirrifletti l-bidliet li saru.

8.

Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-introduzzjoni ta’ drittijiet ta’ anterjorità fl-impenji riveduti, il-posta elettronika li takkumpanjahom kienet limitata biex tindika li d-drittijiet ta’ anterjorità kienu ġew inklużi “konformement mat-talba” tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-klawżoli 1.9 sa 1.11 tal-proposta ta’ impenji tas‑16 ta’ Lulju 2013 ġew inklużi għall-ewwel darba f’din il-proposta billi dawn kienu fformulati f’termini identiċi ma’ dawk li kien hemm fl-impenji finali tal-Kummissjoni ( 2 ).

9.

Barra minn hekk, fil-formola RM ( 3 ) tat‑30 ta’ Lulju 2013 fuq il-proposta tal-impenji finali tagħhom lill-Kummissjoni (iktar ’il quddiem l-“impenji finali”), taħt it-titolu “Devjazzjoni mit-Testi Mudell”, il-partijiet fl-amalgamazzjoni kienu mistennija jindikaw kull differenza bejn l-impenji proposti u t-testi standard ta’ impenji ppubblikati mid-dipartimenti tal-Kummissjoni u jispjegaw ir-raġunijiet għal dawn id-differenzi.

10.

F’dan ir-rigward, fit-taqsima 3 ta’ din il-formola, il-partijiet fl-amalgamazzjoni indikaw kif ġej:

“L-impenji proposti mill-[partijiet fl-amalgamazzjoni] jiddevjaw mit-testi standard ta’ impenji ppubblikati mid-dipartimenti tal-Kummissjoni sa fejn huwa neċessarju sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti speċifiċi ta’ miżura korrettiva strutturali fil-kuntest partikolari tat-trasport bl-ajru.

Kif indikat fid-diskussjonijiet preċedenti, l-impenji proposti huma bbażati fuq l-impenji aċċettati mill-Kummissjoni f’każijiet oħra ta’ konċentrazzjoni bejn kumpanniji tal-ajru. B’mod partikolari, dawn l-impenji huma, fil-parti l-kbira tagħhom, ibbażati fuq l-impenji proposti fil-[każ] IAG/bmi.

Sabiex tiġi ffaċilitata l-evalwazzjoni tal-impenji proposti, il-[partijiet fl-amalgamazzjoni] jidentifikaw iktar ’il quddiem il-punti li fuqhom l-impenji proposti huma differenti mill-impenji aċċettati fil-[każ] IAG/bmi. Dawn il-punti ma jinkludux il-varjanti lingwistiċi minuri jew il-kjarifiki meħtieġa miċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ, b’mod partikolari fit-taqsima dwar id-definizzjonijiet.”

11.

F’dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet ta’ anterjorità, fil-formola RM tat‑30 ta’ Lulju 2013 ma ġiet identifikata ebda differenza meta mqabbla mal-impenji aċċettati fil-każ IAG/bmi.

2. Id‑deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni tal‑amalgamazzjoni US Airways/American u l‑impenji tal‑partijiet fl‑amalgamazzjoni

12.

Permezz tad-Deċiżjoni C(2013) 5232 final tal‑5 ta’ Awwissu 2013 (Każ COMP/M.6607 – US Airways/American Airlines (ĠU 2013, C 279, p. 6), adottata skont l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament (CE) Nru 139/2004 ( 4 ), moqri flimkien mal-Artikolu 6(2) ta’ dan ir-regolament, il-Kummissjoni ddikjarat l-operazzjoni ta’ amalgamazzjoni kompatibbli mas-suq intern, bil-kundizzjoni li jiġu osservati ċerti kundizzjonijiet u obbligi (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni”).

13.

Fil-paragrafu 160 tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, il-kontenut tal-impenji finali relatat mad-drittijiet ta’ anterjorità nġabar fil-qosor kif ġej:

“Bħala regola ġenerali, is-slots miksuba mill-kompetitur potenzjali bis-saħħa tal-impenji finali għandhom jintużaw sabiex jiġi pprovdut servizz regolari ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri mingħajr waqfa bejn il-par ta’ ajruporti [LHR – PHL] u jistgħu jintużaw għal par ieħor ta’ bliet fil-każ biss li l-kompetitur potenzjali jkun opera dan is-servizz matul il-perijodu ta’ użu […]. Ladarba jkun għadda l-perijodu ta’ użu, il-kompetitur potenzjali jkollu d-dritt li juża s-slots fuq kwalunkwe par ta’ bliet (‘drittijiet ta’ anterjorità’). Madankollu, l-għoti ta’ drittijiet ta’ anterjorità huwa suġġett għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni, fuq parir mill-mandatarju indipendenti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

14.

Fil-punti 176, 178 sa 181, 186 u 197 sa 199 tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, bħala parti mill-analiżi tagħha tal-impenji, il-Kummissjoni għamlet il-konstatazzjonijiet li ġejjin:

“(176) Skont il-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni Ewropea, l-impenji għandhom ikunu jistgħu jeliminaw il-problemi ta’ kompetizzjoni kkonstatati u għandhom ikunu jistgħu jiżguraw strutturi ta’ suq kompetittivi. B’mod partikolari, kuntrarjament għal dawk meħuda matul il-proċedura tal-fażi II, l-impenji proposti matul il-fażi I ma humiex intiżi li jimpedixxu ostakolu sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva, iżda pjuttost li jneħħu b’mod ċar id-dubji serji kollha f’dan ir-rigward. Il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tevalwa jekk dawn il-miżuri korrettivi jikkostitwixxux risposta diretta u suffiċjenti li tista’ tneħħi dawn id-dubji.

(178) Skont l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, l-impenji finali jneħħu d-dubji serji kollha identifikati matul il-proċedura. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-impenji finali meħuda mill-partijiet huma suffiċjenti sabiex jeliminaw id-dubji serji dwar il-kompatibbiltà tal-operazzjoni mas-suq intern.

(179) Fil-każijiet li jikkonċernaw il-kumpanniji tal-ajru, l-impenji dwar il-liberazzjoni ta’ slots huma aċċettabbli għall-Kummissjoni meta jkun ċar biżżejjed li d-dħul effettiv ta’ kompetituri ġodda ser iseħħ, li għandu jelimina kull ostakolu sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva […].

(180) L-impenn dwar is-slots huwa bbażat fuq il-fatt li d-disponibbiltà ta’ slots f’[LHR] hija l-barriera prinċipali għad-dħul fir-rotta li fir-rigward tagħha ġew identifikati dubji serji. Dan l-impenn huwa għalhekk maħsub sabiex ineħħi (jew tal-inqas inaqqas b’mod sinjifikattiv) din il-barriera u sabiex jippermetti dħul suffiċjenti, fi żmien utli u probabbli, fir-rotta [LHR‑PHL].

(181) […] Fil-pakkett tal-impenji, l-attraenza intrinsika tas-slots hija msaħħa mill-perspettiva li jinkisbu drittijiet ta’ anterjorità […]

(186) Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq u tal-provi l-oħra disponibbli, b’mod partikolari fid-dawl tal-interess u tal-indikazzjonijiet dwar dħul probabbli u fi żmien utli li ngħataw waqt il-konsultazzjoni mal-atturi tas-suq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-impenn dwar is-slots huwa element prinċipali tad-dħul probabbli u fi żmien utli fuq ir-rotta [LHR‑PHL]. Il-portata tad-dħul fuq din ir-rotta hija biżżejjed sabiex jitneħħew id-dubji serji li ġew identifikati f’dan is-suq […]

(197) Skont l-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet, il-Kummissjoni tista’ torbot id-deċiżjoni tagħha ma’ kundizzjonijiet u ma’ obbligi intiżi li jiġi żgurat li l-impriżi kkonċernati josservaw l-impenji li huma ħadu fil-konfront tal-Kummissjoni sabiex il-konċentrazzjoni ssir kompatibbli mas-suq intern.

(198) […] Meta kundizzjoni ma tkunx issodisfatta, id-deċiżjoni [ta’ awtorizzazzjoni] ma tibqax valida. […]

(199) […] id-deċiżjoni f’dan il-każ hija suġġetta għall-osservanza sħiħa tar-rekwiżiti stabbiliti fit-Taqsimiet 1, 2, 3 u 4 tal-impenji finali (kundizzjonijiet), filwaqt li t-taqsimiet l-oħra tal-impenji finali jikkostitwixxu obbligi għall-partijiet.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

15.

Fil-paragrafu 200 tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, ġie ppreċiżat li l-impenji finali kienu annessi ma’ din id-deċiżjoni u kienu jagħmlu parti integrali minnha. Fl-aħħar nett, fil-paragrafu 201 tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li hija kienet iddeċidiet li tiddikjara l-operazzjoni nnotifikata, kif emendata bl-impenji finali, kompatibbli mas-suq intern, “suġġett għall-osservanza sħiħa tal-kundizzjonijiet u tal-obbligi previsti fl-impenji finali annessi ma’ din id-deċiżjoni”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

16.

Fl-ewwel subparagrafu tal-preambolu tal-impenji finali annessi mad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, il-partijiet fl-amalgamazzjoni jfakkru li huma daħlu għall-impenji finali sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddikjara l-amalgamazzjoni kompatibbli mas-suq intern.

17.

Fit-tielet subparagrafu ta’ dan il-preambolu, huwa ppreċiżat kif ġej:

“Dan it-test għandu jiġi interpretat fid-dawl tad-deċiżjoni [ta’ awtorizzazzjoni], sa fejn l-impenji jikkostitwixxu kundizzjonijiet u obbligi marbuta ma’ din tal-aħħar, fil-kuntest ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari fid-dawl tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet, u b’riferiment għall-Avviż tal-Kummissjoni dwar ir-rimedji aċċettabbli taħt ir-Regolament [dwar il-konċentrazzjonijiet] u taħt ir-Regolament [ta’ Implimentazzjoni].”

18.

Fit-taqsima “Definizzjonijiet” tal-impenji finali, ċerti termini huma ddefiniti kif ġej:

it-termini “drittijiet ta’ anterjorità” huma ddefiniti b’riferiment għall-klawżola 1.10;

it-termini “użu abbużiv” huma ddefiniti b’riferiment għall-klawżola 1.13;

it-termini “perjodu ta’ użu” huma ddefiniti b’riferiment għall-klawżola 1.9, bid-dettall li dan il-perijodu għandu jkun ta’ sitt staġuni konsekuttivi fis-sens tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasport bl-Ajru (IATA) (iktar ’il quddiem l-“istaġuni IATA”).

19.

Il-klawżoli 1.9 sa 1.11 tal-impenji finali jistipulaw:

“1.9 Bħala regola ġenerali, is-slots miksuba mill-kompetitur potenzjali fi tmiem il-proċedura għal-liberalizzazzjoni ta’ slots għandhom jintużaw biss sabiex jiġi pprovdut servizz bl-ajru kompetittiv bejn il-par ta’ ajruporti. Is-slots ma jistgħux jintużaw fuq par ieħor ta’ bliet sakemm il-kompetitur potenzjali ma jkunx opera servizz mingħajr waqfa bejn il-par ta’ ajruporti b’mod konformi mal-offerta ppreżentata skont il-klawżola 1.24 matul numru ta’ staġuni IATA kompluti konsekuttivi (‘perijodu taużu’).

1.10 Il-kompetitur potenzjali huwa meqjus li għandu drittijiet ta’ anterjorità fuq is-slots miksuba meta jkun sar użu xieraq tas-slots għall-par ta’ ajruporti matul il-perijodu ta’ użu. F’dan ir-rigward, mal-iskadenza tal-perijodu ta’ użu, il-kompetitur potenzjali għandu d-dritt li juża s-slots miksuba abbażi ta’ dawn l-impenji għal kwalunkwe par ta’ bliet (‘drittijiet ta’ anterjorità’).

1.11 L-anterjorità hija suġġetta għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni, fuq parir mill-mandatarju indipendenti, fi tmiem il-perijodu ta’ użu […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

20.

Il-klawżola 1.13 ta’ dawn l-impenji tgħid:

“Matul il-perijodu ta’ użu, għandu jitqies li jkun seħħ użu abbużiv meta kompetitur potenzjali li jkun kiseb slots irrilaxxati mill-partijiet jiddeċiedi:

[…]

(b)

li jopera numru iżgħar ta’ frekwenzi minn dak li fir-rigward tiegħu impenja ruħu fl-offerta skont il-klawżola 1.24 jew li jwaqqaf l-operat fuq il-par ta’ ajruporti, sakemm din id-deċiżjoni ma tkunx kompatibbli mal-prinċipju ta’ ‘slots użati jew slots mitlufa’ tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament [tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 tat‑18 ta’ Jannar 1993 dwar ir-regoli komuni għall-allokazzjoni ta’ slots f’ajruporti tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 2, p. 3)] (jew kwalunkwe sospensjoni tiegħu);

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

21.

Skont it-termini tal-klawżola 1.24 tal-imsemmija impenji:

“Qabel l-iskadenza tat-terminu għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-allokazzjoni ta’ slots, kull kandidat għandu jippreżenta wkoll l-offerta formali tiegħu għall-allokazzjoni ta’ slots lill-mandatarju indipendenti. L-offerta formali għandha minn tal-inqas tindika:

(a)

il-kundizzjonijiet prinċipali (jiġifieri l-ħinijiet tas-slots, in-numru ta’ frekwenzi u n-numru ta’ staġuni IATA tal-operat (servizz annwali jew staġjonali));

(b)

pjan tad-direzzjoni tan-negozju ddettaljat […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

22.

Il-klawżola 1.26 tal-impenji finali hija fformulata kif ġej:

“Wara li tirċievi l-offerta jew l-offerti uffiċjali, il-Kummissjoni (fuq parir mill-mandatarju indipendenti) għandha:

(a)

tevalwa jekk kull kandidat huwiex kompetitur eżistenti jew potenzjali vijabbli li għandu l-kapaċità, ir-riżorsi u l-volontà li jopera s-servizzi fuq il-par ta’ ajruporti fuq perijodu twil filwaqt li jirrappreżenta saħħa kompetittiva dinamika u vijabbli;

(b)

tevalwa l-offerti formali ta’ kull kandidat li jissodisfa r-rekwiżiti tal-punt (a) iktar ’il fuq, u tikklassifika dawn il-kandidati skont l-ordni ta’ preferenza.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

23.

Il-klawżola 1.27 ta’ dawn l-impenji tipprevedi:

“Meta twettaq l-evalwazzjoni tagħha skont il-klawżola 1.26, il-Kummissjoni għandha tagħti prijorità lill-kandidat li ser jeżerċita l-iktar restrizzjoni kompetittiva globalment effettiva fuq il-par ta’ ajruporti […]. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni d-dinamiżmu tal-pjan tad-direzzjoni tan-negozju tal-kandidat u għandha b’mod partikolari tagħti prijorità lill-kandidat li jissodisfa wieħed jew iktar mill-kriterji li ġejjin:

(a)

l-ikbar kapaċità (imkejla f’numru ta’ postijiet offruti fuq is-servizzi matul żewġ (2) staġuni IATA konsekuttivi) u/jew l-ikbar numru ta’ servizzi/frekwenzi;

(b)

servizz matul is-sena kollha, servizz staġjonali fis-sajf jew servizz staġjonali fix-xitwa IATA biss; u

(c)

struttura tariffarja u offerti ta’ servizz li jistgħu jeżerċitaw l-iktar restrizzjoni kompetittiva effettiva fuq il-par ta’ ajruporti.

[…]”

B.   Id‑deċiżjoni tal‑Kummissjoni dwar l‑allokazzjoni ta’ slots lil Delta Airlines

24.

Fid‑9 ta’ Ottubru 2014, l-intervenjenti, jiġifieri Delta Air Lines Inc. (iktar ’il quddiem “Delta”), ippreżentat offerta formali għall-allokazzjoni ta’ slots skont il-klawżola 1.24 tal-impenji finali. Skont il-fajl tal-applikazzjoni tagħha, hija kellha l-intenzjoni topera frekwenza ta’ kuljum fuq ir-rotta LHR‑PHL matul sitt staġuni IATA konsekuttivi mis-sajf tal‑2015.

25.

Delta kienet l-unika waħda li ppreżentat offerta għall-allokazzjoni ta’ slots taħt l-impenji finali.

26.

Permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Novembru 2014, il-Kummissjoni, wara li evalwat il-vijabbiltà tal-intervenjenti u l-offerta formali tagħha skont il-klawżoli 1.21 u 1.26 tal-impenji finali, iddikjarat, fl-ewwel lok, li hija kienet indipendenti mill-partijiet u ma kellhiex rabta magħhom u li hija kienet eżawrixxiet il-portafoll tas-slots tagħha f’LHR fis-sens tal-klawżola 1.21 ta’ dawn l-impenji u, fit-tieni lok, li hija kienet kompetitur potenzjali vijabbli tal-partijiet fuq il-par tal-ajruporti li fir-rigward tiegħu hija kienet talbet slots taħt l-impenji msemmija, li kellha l-kapaċità, ir-riżorsi u l-volontà li topera s-servizzi fuq ir-rotta LHR‑PHL fuq perijodu twil u li kienet tirrappreżenta kompetitur b’saħħtu vijabbli.

27.

Fis‑17 ta’ Diċembru 2014, American u Delta ppreżentaw lill-Kummissjoni l-ftehim dwar il-liberalizzazzjoni ta’ slots li ż-żewġ kumpanniji kellhom jikkonkludu għall-eżekuzzjoni tal-impenji dwar is-slots mitluba mill-intervenjenti fuq ir-rotta LHR‑PHL.

28.

Permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Diċembru 2014, il-Kummissjoni, skont ir-rapport tal-mandatarju tas‑17 ta’ Diċembru 2014, awtorizzat il-ftehim ta’ rilaxx ta’ slots. Din id-deċiżjoni pprovdiet li Delta kienet meħtieġa tuża slots tal-US Airways biex tipprovdi servizz ta’ titjiriet mingħajr waqfien fuq ir-rotta LHR‑PHL. Barra minn hekk, l-imsemmija deċiżjoni qalet li Delta ser titqies li għandha drittijiet ta’ anterjorità meta tkun wettqet użu xieraq ta’ dawn is-slots matul il-perijodu ta’ użu, permezz tal-ftehim tal-Kummissjoni, u li, meta l-Kummissjoni tkun awtorizzat id-drittijiet ta’ anterjorità, Delta kienet iżżomm is-slots mogħtija u jkollha d-dritt tużahom fuq kwalunkwe par ta’ bliet.

29.

Delta bdiet topera r-rotta LHR‑PHL fil-bidu tal-istaġun tal-iskedar tal-IATA tas-sajf 2015.

C.   Id‑deċiżjoni kontenzjuża

30.

Fit‑30 ta’ April 2018, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża li permezz tagħha hija kkonstatat li Delta kienet għamlet użu xieraq tas-slots matul il-perijodu ta’ użu u awtorizzat l-għoti ta’ drittijiet ta’ anterjorità lil din tal-aħħar skont il-klawżola 1.10 tal-impenji finali.

31.

Fuq il-bażi ta’ interpretazzjoni tat-termini, il-kuntest u l-għan tal-impenji, il-Kummissjoni kkonkludiet, fid-deċiżjoni inkwistjoni, li t-termini “użu xieraq” ma jistgħux jinftiehmu li jfissru “użu konformi mal-offerta”, iżda li kellhom jiġu interpretati bħala li jfissru “assenza ta’ użu abbużiv” tas-slots fis-sens tal-klawżola 1.13 tal-impenji finali.

32.

Imbagħad, il-Kummissjoni eżaminat, fid-deċiżjoni kontenzjuża, jekk l-intervenjenti kinitx għamlet użu abbużiv tas-slots fis-sens tal-klawżola 1.13 tal-impenji finali sabiex tiddetermina jekk kellhomx jingħatawlha drittijiet ta’ anterjorità. F’dan ir-rigward, din l-istituzzjoni kkunsidrat li l-użu tas-slots, minkejja li ma kinux intużaw b’mod sħiħ, kien konformi mal-prinċipju ta’ “slots użati jew slots mitlufa”, kif previst fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 ( 5 ) sa fejn l-użu tas-slots kien dejjem iktar mil-limitu minimu ta’ 80 %. Filwaqt li kkonstatat li Delta ma kinitx għamlet użu abbużiv mis-slots skont il-klawżola 1.13 tal-impenji finali, il-Kummissjoni minn dan ikkonkludiet li, konformement mar-rakkomandazzjoni bil-miktub tal-mandatarju, Delta kienet għamlet użu xieraq tas-slots matul il-perijodu ta’ użu u awtorizzat l-għoti lil din ta’ drittijiet ta’ anterjorità, skont il-klawżola 1.10 ta’ dawn l-impenji.

D.   Il‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali u s‑sentenza appellata

33.

B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl‑10 ta’ Lulju 2018, American ippreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża filwaqt li invokat żewġ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi magħmula mill-Kummissjoni fl-interpretazzjoni tat-termini “użu xieraq”. Permezz tat-tieni motiv tagħha, American sostniet li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha għall-għoti ta’ drittijiet ta’ anterjorità.

34.

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ta’ American fl-intier tiegħu u kkundannat lil din tal-aħħar tħallas, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni. Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, b’mod partikolari, li t-termini “użu xieraq” tal-klawżola 1.10 kienu ġew interpretati korrettament mill-Kummissjoni bħala li jfissru “assenza ta’ użu abbużiv” fis-sens tal-klawżola 1.13.

35.

Skont il-Qorti Ġenerali, din l-interpretazzjoni tirriżulta, fl-ewwel lok, mill-kliem tal-klawżola 1.10 b’kunsiderazzjoni tal-kuntest tagħha, fit-tieni lok, mill-għanijiet segwiti minn din id-dispożizzjoni u r-regoli li hija tagħmel parti minnhom, li għandhom l-għan li jiffaċilitaw dħul ġdid fil-linja inkwistjoni u, b’mod partikolari, tar-Regolament dwar is-slots, u fit-tielet lok, tal-intenzjoni tal-partijiet fl-amalgamazzjoni li tirriżulta mill-formola RM.

III. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja u t‑talbiet tal‑partijiet

36.

B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis‑26 ta’ Frar 2021, American appellat mis-sentenza appellata.

37.

Bl-appell tagħha, American titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja li:

tissospendi u tannulla s-sentenza appellata;

tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża;

sussidjarjament, jekk jitqies meħtieġ, tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali għal kunsiderazzjoni mill-ġdid skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri u tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali.

38.

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tiċħad l-appell;

tikkundanna lil American għall-ispejjeż.

39.

Delta titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tiċħad l-appell fl-intier tiegħu;

tikkundanna lil American għall-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri u tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali.

IV. Analiżi

40.

Insostenn tal-appell tagħha, American tinvoka aggravju uniku, ibbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali meta kkunsidrat li t-termini “użu xieraq” imsemmija fil-klawżola 1.10 tal-impenji finali jfissru “assenza ta’ użu abbużiv”. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kkonfermat b’mod żbaljat id-deċiżjoni li tagħti drittijiet ta’ anterjorità lil Delta peress li hija ma użatx is-slots mogħtija.

41.

Dan l-aggravju huwa maqsum fi tliet partijiet. Permezz tal-ewwel parti, American issostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni, fl-interpretazzjoni tal-kliem “użu xieraq”, l-għanijiet rispettivament tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet, tal-miżuri korrettivi meħuda taħt dan ir-regolament u tal-impenji konklużi bejn il-partijiet fl-amalgamazzjoni nnifishom. Permezz tat-tieni parti, hija ssostni li l-Qorti Ġenerali għamlet żball meta kkunsidrat li “użu xieraq” ifisser “assenza ta’ użu abbużiv”. Permezz tat-tielet parti, American tallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żball fl-interpretazzjoni tal-formola RM u tal-klawżola 1.9 tal-impenji finali, b’mod partikolari, fir-rigward tal-konsegwenzi legali li għandhom jinstiltu mill-kliem “konformi mal-offerta”.

42.

Fid-dawl tal-aggravju mqajjem, il-kwistjoni ċentrali fil-kuntest ta’ dan l-appell tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “użu xieraq”, li huwa, bis-saħħa tal-klawżola 1.10 tal-impenji finali, il-kriterju ġuridiku li jirregola l-għoti ta’ drittijiet ta’ anterjorità.

43.

Fl-assenza ta’ definizzjoni tat-termini “użu xieraq” li jidhru fil-klawżola 1.10 ta’ dawn l-impenji, għandu jiġi ddeterminat jekk il-Qorti tal-Ġustizzja wettqitx żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-interpretazzjoni adottata fid-deċiżjoni kontenzjuża, fejn intqal li huwa xieraq il-fehim tal-kunċett ta’ “użu xieraq” bħala “assenza ta’ użu abbużiv” fis-sens tal-klawżola 1.13 tal-impenji finali, hija sostnuta mill-għan tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni u mill-kuntest tagħhom.

A.   Fuq l‑ewwel parti tal‑aggravju uniku

44.

Permezz tal-ewwel parti tal-aggravju uniku, American tikkontesta, essenzjalment, l-interpretazzjoni teleoloġika u kuntestwali mogħtija mill-Qorti Ġenerali tal-kunċett ta’ “użu xieraq” previst fil-klawżola 1.10 tal-impenji finali. L-argument ta’ American jinqasam fi tliet partijiet. Skont din tal-aħħar, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-analiżi tagħha: l-ewwel, l-għanijiet tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet u l-miżuri korrettivi taħt dan ir-regolament; it-tieni, l-għanijiet speċifiċi tal-impenji finali u, t-tielet, il-qafas korrettiv komprensiv maħluq minn dawn l-impenji. American issostni li, billi ma eżaminatx dawn l-elementi, is-sentenza appellata hija vvizzjata bi żball manifest ta’ interpretazzjoni ġuridika.

45.

Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-allegazzjonijiet u ssostni li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat b’mod eżawrjenti kemm l-għanijiet tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet u l-miżuri korrettivi meħuda taħt dan ir-regolament kif ukoll l-impenji inkwistjoni.

46.

Min-naħa tagħha, Delta tqajjem l-inammissibbiltà ta’ din il-parti, sa fejn American sempliċement tirrepeti l-argumenti diġà mressqa fl-ewwel istanza mingħajr ma twettaq analiżi preċiża tas-sentenza appellata.

1. Fuq l‑ammissibbiltà tal‑ewwel parti

47.

Qabel ma jiġu analizzati t-tliet argumenti li fuqhom hija bbażata l-ewwel parti tal-aggravju uniku, għandha tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjoni tal-ammissibbiltà ta’ din il-parti li tqajmet minn Delta.

48.

Għalkemm, fil-fatt, American tirriproduċi, fl-appell tagħha, xi wħud mill-argumenti ppreżentati fl-ewwel istanza, madankollu jidhirli li tindika b’mod ċar u preċiż l-elementi kkritikati tas-sentenza appellata li jikkonċernaw kwistjonijiet ta’ dritt kif ukoll l-argumenti ġuridiċi li jsostnu speċifikament din l-ewwel parti. Fil-fatt, kif innotat fil-punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet, American tikkontesta l-interpretazzjoni teleoloġika u kuntestwali mogħtija fis-sentenza appellata tal-kunċett ta’ “użu xieraq”.

49.

Għaldaqstant, l-inammissibbiltà mqajma minn Delta f’din il-parti ma tistax tirnexxi.

2. Analiżi proposta

a) Fuq il‑kunsiderazzjoni mill‑Qorti Ġenerali tal‑għanijiet tar‑Regolament dwar il‑konċentrazzjonijiet u l‑miżuri korrettivi meħuda taħt dak ir‑regolament

50.

American issostni, qabel kollox, li s-sentenza appellata naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-interpretazzjoni tat-termini “użu xieraq”, l-għan previst mir-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet u mill-Avviż tal-Kummissjoni dwar ir-rimedji aċċettabbli taħt ir-Regolament [dwar il-konċentrazzjonijiet] u r-Regolament [ta’ Implimentazzjoni] (ĠU 2008, C 267, p. 1, iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar ir-rimedji aċċettabbli”), li bis-saħħa tiegħu l-impenji għandhom “jeliminaw għalkollox” il-problemi dwar il-kompetizzjoni.

51.

Bħala punt preliminari, għandu jitfakkar li fejn operazzjoni ta’ konċentrazzjoni tqajjem tħassib dwar il-kompetizzjoni, peress li x’aktarx tfixkel b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva, il-partijiet fl-amalgamazzjoni jistgħu jipproponu miżuri korrettivi msejħa “impenji” sabiex isolvu l-problemi identifikati mill-Kummissjoni ( 6 ).

52.

Fir-rigward tal-miżuri korrettivi meħuda taħt ir-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet, huma għandhom l-għan li jeliminaw għalkollox il-problemi dwar il-kompetizzjoni kkonstatati mill-Kummissjoni, b’tali mod li konċentrazzjoni ma tfixkilx b’mod sinjifikattiv l-eżerċizzju ta’ kompetizzjoni effettiva. Fil-fatt, skont l-istat tal-progress tal-proċedura amministrattiva, l-impenji proposti għandhom jippermettu lill-Kummissjoni jew tikkunsidra li l-operazzjoni nnotifikata ma għadhiex tqajjem dubji serji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni fl-istadju tal-investigazzjoni preliminari (“fażi I”), skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet) jew biex jitwieġbu l-oġġezzjonijiet imqajma fil-kuntest tal-investigazzjoni fil-fond (“fażi II”), skont l-Artikolu 18(3) moqri flimkien mal-Artikolu 8(2) ta’ dan ir-regolament.

53.

Għandu jiġi rrilevat li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat kif jixraq l-għanijiet tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet u tal-miżuri korrettivi meħuda taħt dan ir-regolament.

54.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li l-Qorti Ġenerali stabbilixxiet il-qafas interpretattiv rilevanti fil-punti 111 u 112 tas-sentenza appellata fejn innotat li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli speċifiċi ta’ interpretazzjoni li jinsabu fit-tielet subparagrafu tal-preambolu tal-impenji finali. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tipprovdi li dawn l-impenji għandhom jiġu interpretati “fid-dawl tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, fil-kuntest ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari fid-dawl tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet, u b’riferiment għall-Avviż tal-Kummissjoni dwar ir-rimedji aċċettabbli”.

55.

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali stabbilixxiet il-prinċipji li fuqhom huwa bbażat il-kontroll tal-konċentrazzjoni fil-punti 117 sa 120 tas-sentenza appellata, filwaqt li fakkret, minn naħa, li l-impenji għandhom jiżguraw li l-“ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti jew l-ostakoli għal kompetizzjoni effettiva, li l-impenji jkollhom l-għan li jipprekludu, ma jkunux jistgħu jseħħu f’futur relattivament qrib” u, min-naħa l-oħra, li “[l]-impenji meħuda matul il-fażi I għandhom l-għan li jneħħu d-dubji serji kollha dwar jekk il-konċentrazzjoni hijiex ser tostakola b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva fis-suq intern jew f’parti sostanzjali minnu, b’mod partikolari minħabba l-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti.” Skont il-Qorti Ġenerali, isegwi li “l-impenji meħuda matul il-fażi I għandhom ikunu, fid-dawl tal-portata u tal-kontenut tagħhom, ta’ natura li jippermettu lill-Kummissjoni tadotta deċiżjoni ta’ approvazzjoni mingħajr ma tiftaħ il-fażi II, fejn il-Kummissjoni setgħet tqis, mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, li l-imsemmija impenji kienu jikkostitwixxu risposta diretta u suffiċjenti ta’ natura li tneħħi b’mod ċar id-dubji serji kollha” ( 7 ). Barra minn hekk, fil-kuntest tal-interpretazzjoni teleoloġika ta’ “użu xieraq”, il-Qorti Ġenerali fakkret fil-punt 255 tas-sentenza appellata li l-“partijiet fl-amalgamazzjoni daħlu għal dawn l-impenji sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tikkonstata li huma jeliminaw id-dubji serji tagħha”.

56.

Il-fatt li l-Qorti Ġenerali ma semmietx espressament fis-sentenza appellata l-premessa 30 tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet u l-punt 9 tal-Avviż dwar ir-rimedji aċċettabbli ma jfissirx – kuntrarjament għal dak li ssostni American – li hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-għanijiet tal-impenji li joħorġu mir-regolamenti applikabbli.

57.

Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma injoratx l-għan tal-miżuri korrettivi meħuda taħt ir-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet meta interpretat il-kunċett ta’ “użu xieraq”. Is-sentenza appellata għalhekk ma hija vvizzjata b’ebda żball ta’ liġi f’dan ir-rigward.

b) Fuq it‑teħid inkunsiderazzjoni mill‑Qorti Ġenerali tal‑impenji tal‑partijiet fl‑amalgamazzjoni

58.

American issostni li s-sentenza appellata ma tiħux inkunsiderazzjoni l-għan speċifiku tal-impenji tal-partijiet fl-amalgamazzjoni, li jikkonsisti fir-riproduzzjoni tat-telf ta’ kompetizzjoni fuq ir-rotta LHR‑PHL, li tkun teħtieġ interpretazzjoni iktar stretta tal-“użu xieraq”.

59.

F’dan ir-rigward, hija ssostni li l-Qorti Ġenerali ma rreferietx, fil-punt 30 tas-sentenza appellata, għall-elementi essenzjali tal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar dawn l-impenji msemmija, b’mod partikolari, fil-punti 176, 178 sa 181, 186 u 197 sa 199 tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali ma semmietx fis-sentenza appellata, fost l-oħrajn, l-importanza tal-kobor u l-portata tal-miżuri korrettivi, iż-żieda kkawżata mill-operazzjoni, il-prospetti ta’ dħul, il-fatt li l-impenji finali ser jippermettu livell suffiċjenti ta’ kompetizzjoni bejn il-linji tal-ajru fuq ir-rotta LHR‑PHL jew in-natura strutturali tal-miżura korrettiva.

60.

Barra minn hekk, minkejja li s-sentenza appellata fakkret fil-ġurisprudenza li tgħid li l-impenji għandhom jikkostitwixxu risposta diretta u suffiċjenti li kapaċi tneħħi b’mod ċar kull dubju serju dwar l-operazzjoni inkwistjoni, American tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma applikatx din il-loġika ta’ effettività tal-miżura kollettiva meta interpretat “użu xieraq” billi din aċċettat in-nuqqas ta’ użu minn Delta ta’ 470 slots korrettivi.

61.

American issostni li, meta interpretat id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-impenji skont l-għan tagħhom, fil-punti 250 sa 278 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni biss l-għan tad-drittijiet ta’ anterjorità biex titjieb l-attraenza intrinsika tas-slots, mingħajr ma ġie kkunsidrat l-għan stess ta’ dawn l-impenji, li huwa li jiġi kkumpensat it-telf ta’ kompetizzjoni li jirriżulta mill-abbandun tas-servizz ta’ kuljum ta’ waħda mill-partijiet fl-amalgamazzjoni, billi tiġi ggarantita n-natura suffiċjenti tad-dħul. American tirrileva f’dan ir-rigward li l-kwistjoni dwar jekk l-użu effettiv tas-slots jissodisfax dan l-għan jew le hija element essenzjali ta’ kwalunkwe deċiżjoni li tikkonċerna d-drittijiet ta’ anterjorità.

62.

Fl-aħħar nett, American ssostni li, fil-punti 266 u 267 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ħawwdet l-għan u l-finalità tal-anterjorità mal-kundizzjoni ta’ “użu xieraq” sabiex wieħed jibbenefika minn dawn id-drittijiet. Fil-fehma tagħha, peress li l-għan tal-impenn fuq is-slots kien li jirriproduċi s-servizz ta’ kuljum ta’ waħda mill-partijiet fl-amalgamazzjoni biex jelimina għal kollox il-problema tal-kompetizzjoni, l-użu konkret ta’ dawn is-slots sabiex jintlaħaq dan l-għan ma huwiex biss rikonċiljabbli bis-sħiħ mad-determinazzjoni ta’ “użu xieraq” u d-deċiżjoni dwar jekk jingħatawx jew le drittijiet ta’ anterjorità, iżda fil-fatt huwa aspett essenzjali ta’ din l-analiżi.

63.

F’dan ir-rigward, ninnota mal-ewwel li l-argument ta’ American huwa bbażat fuq il-premessa li l-għan ġenerali tal-miżuri korrettivi adottati fil-kuntest tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, kif ukoll l-għan speċifiku tal-impenji finali, jikkonsisti fir-riproduzzjoni tas-servizz ta’ kuljum użat preċedentement minn waħda mill-partijiet fl-amalgamazzjoni.

64.

L-eżami tal-għan segwit minn dawn l-impenji li ġej juri li din il-premessa hija żbaljata.

65.

Infakkar li l-għan tal-impenji li daħlu għalihom il-partijiet fl-amalgamazzjoni kien li jneħħu d-dubji serji mqajma mill-Kummissjoni dwar il-kompatibbiltà mas-suq intern li l-operazzjoni kienet kieku tqajjem. Fil-fatt, l-entità li toħroġ mill-konċentrazzjoni kienet tkun l-uniku trasportatur bl-ajru li jopera servizz dirett fuq ir-rotta LHR‑PHL. Il-Kummissjoni, barra minn hekk, kienet ikkonstatat li n-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ slots f’LHR kien l-ostakolu ewlieni għad-dħul fir-rotta li dwarha ġew identifikati dubji serji ( 8 ).

66.

Dawn l-impenji għalhekk kellhom l-għan li jindirizzaw bis-sħiħ il-problemi ta’ kompetizzjoni fuq ir-rotta LHR‑PHL billi jneħħu (jew inaqqsu b’mod sinjifikattiv) l-ostakli għad-dħul fl-LHR biex jippermettu dħul suffiċjenti, f’waqtu u probabbli ta’ kompetitur potenzjali fuq din ir-rotta.

67.

Fir-rigward tas-slots rilaxxati mill-partijiet fl-amalgamazzjoni u meħuda mill-kompetitur potenzjali, l-imsemmija impenji jipprevedu li dawn għandhom jintużaw biex jipprovdu “servizz bl-ajru kompetittiv”, iddefinit bħala “servizz regolari ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri mingħajr waqfa bejn il-par ta’ ajruporti [LHR–PHL]” fl-impenji finali ( 9 ). Biex jopera “servizz tal-ajru kompetittiv”, kompetitur potenzjali ma kienx meħtieġ jopera numru partikolari ta’ titjiriet ta’ kuljum. Fil-fatt, jekk il-klawżola 1.1 tal-impenji finali hija limitata biex tindika n-numru massimu ta’ slots korrettivi rilaxxati, ma tidentifikax numru fiss u vinkolanti ta’ frekwenzi li l-kompetitur potenzjali għandu juża.

68.

Barra minn hekk, is-slots miksuba mill-operatur il-ġdid setgħu jintużaw biss fuq ir-rotta LHR‑PHL matul il-perijodu ta’ użu. Skont il-klawżola 1.10 tal-impenji finali, id-drittijiet ta’ anterjorità nkisbu biss meta dawn is-slots kienu s-suġġett ta’ “użu xieraq” fuq ir-rotta LHR‑PHL matul dan il-perijodu. Ladarba akkwistati, dawn id-drittijiet ippermettew lil dan il-kompetitur ġdid li jżomm dawn is-slots b’mod permanenti u jużahom fuq kwalunkwe rotta jew par ta’ bliet oħra.

69.

Minn dak li ntqal hawn fuq jistgħu jinġibdu l-konklużjonijiet li ġejjin.

70.

L-ewwel, l-impenn dwar is-slots huwa miżura korrettiva li għandha l-għan li tiffaċilita d-dħul fuq ir-rotta LHR‑PHL billi tneħħi l-ostaklu ewlieni għad-dħul, mingħajr ma jiġi speċifikat numru partikolari ta’ frekwenzi li l-kandidat potenzjali għandu jisfrutta jew li l-kandidati potenzjali għandhom jisfruttaw. B’hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni American, ebda waħda mill-klawżoli tal-impenji ma tirrikjedi li l-kompetitur potenzjali jimpenja ruħu li juża 100 % tas-slots korrettivi li huwa talab li jintużaw, u lanqas ma jiġġustifika xi devjazzjoni mill-offerta tagħha.

71.

It-tieni, l-għan ta’ dan l-impenn huwa li jiġi rriprodott mhux is-servizz ta’ kuljum ta’ US Airways, iżda l-pressjoni kompetittiva eżerċitata minn US Airways qabel il-konċentrazzjoni. Għalhekk, l-impenn dwar is-slots jiggarantixxi li, wara din il-konċentrazzjoni, l-entità li tirriżulta mill-operazzjoni tkun suġġetta għal restrizzjoni minħabba dħul attwali jew potenzjali. Billi jċedu s-slots lil kompetitur ġdid, l-impenji għandhom l-għan li jiżguraw li dan tal-aħħar ikun jista’ jużahom taħt l-istess kundizzjonijiet bħall-US Airways qabel l-amalgamazzjoni ( 10 ).

72.

It-tielet, ir-riproduzzjoni tas-servizz ta’ kuljum ta’ US Airways lanqas ma hija prerekwiżit għall-għoti ta’ drittijiet ta’ anterjorità lill-kompetitur jew lill-kompetituri potenzjali.

73.

Ir-raba’, kif ġie kkonstatat mill-Qorti Ġenerali fil-punti 257 sa 261 tas-sentenza appellata, l-għan tad-drittijiet ta’ anterjorità jikkonsisti f’li tiżdied l-effettività tal-impenn relatat mas-slots billi jkun hemm kontribut għall-għan komuni li jiġu indirizzati bis-sħiħ il-problemi dwar il-kompetizzjoni kkonstatati mill-Kummissjoni billi jiġi ffaċilitat dħul suffiċjenti, f’waqtu u probabbli fuq ir-rotta LHR‑PHL.

74.

Ninnota, barra minn hekk, li, kuntrarjament għall-kritiki magħmula minn American fl-appell tagħha, il-Qorti Ġenerali ma injoratx l-għan allegat minn din tal-aħħar, fejn l-impenji kienu intiżi li jirriproduċu ż-żieda miġjuba mill-operazzjoni. Il-Qorti Ġenerali espliċitament ċaħdet dan l-argument bħala li ma kienx sostnut la mid-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni u d-deċiżjoni kontenzjuża u lanqas mill-impenji finali, u bħala li kien inkompatibbli man-natura stess tad-drittijiet ta’ anterjorità u s-setgħa diskrezzjonali li għandha l-Kummissjoni meta taċċetta l-miżuri korrettivi proposti mill-partijiet fl-amalgamazzjoni ( 11 ). Għandu jiġi nnutat ukoll li ebda silta mid-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni ċċitata fil-punt 59 ta’ dawn il-konklużjonijiet ma ssostni l-pożizzjoni ta’ American.

75.

Fl-aħħar nett, inqis li huwa xieraq li jiġi miċħud l-argument ta’ American imressaq fil-punt 61 ta’ dawn il-konklużjonijiet li l-Qorti Ġenerali enfasizzat biss l-għan tad-drittijiet ta’ anterjorità, li huwa li ssaħħaħ l-attraenza tas-slots korrettivi, filwaqt li jiġi ttraskurat l-għan usa’ tal-impenji li huwa li jkun żgurat li tiġi stabbilita soluzzjoni effettiva għall-problemi ta’ kompetizzjoni maħluqa mill-konċentrazzjoni nnotifikata.

76.

Kif ġie spjegat fil-punti 72 u 73 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-għoti ta’ drittijiet ta’ anterjorità ma kellux għan speċifiku, iżda kellu l-għan li jikkontribwixxi għall-kisba tal-għan ġenerali tal-impenji li jikkonsisti fl-eliminazzjoni għalkollox tal-kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni dwar ir-rotta LHR‑PHL. Għalhekk, l-inklużjoni tad-drittijiet ta’ anterjorità f’dawn l-impenji kellha l-effett li jiġi ffaċilitat id-dħul fis-suq billi l-offerta tas-slots issir iktar attraenti, sabiex il-linji tal-ajru jiġu mħeġġa jitolbu l-użu ta’ slots korrettivi u biex jidħlu fir-rotta LHR‑PHL b’servizz bl-ajru kompetittiv u b’hekk jiġi żgurat li l-imsemmija impenji jiġu implimentati b’mod effettiv. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi meta ffukat fuq l-għan tad-drittijiet ta’ anterjorità.

c) Fuq il‑kunsiderazzjoni mill‑Qorti Ġenerali tal‑qafas korrettiv sħiħ tal‑impenji

77.

American issostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat fl-interpretazzjoni kuntestwali tagħha tal-kunċett ta’ “użu xieraq” peress li llimitat ruħha biex teżamina l-klawżola 1.13 tal-impenji finali b’mod iżolat mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-qafas korrettiv sħiħ ta’ dawn l-impenji. Skont din il-kumpannija, l-interpretazzjoni kuntestwali għandha tqis tal-inqas il-klawżoli 1.1, 1.24, 1.26, 1.27, 1.10 u 1.11 tal-impenji finali. Dawn id-dispożizzjonijiet, ikkunsidrati flimkien, jifformaw sistema koerenti biex jintlaħaq l-għan ewlieni segwit mill-miżura korrettiva stabbilita, li huwa li “jeliminaw għalkollox” il-problema tal-kompetizzjoni.

78.

Għandu jiġi rrilevat, l-ewwel, li interpretazzjoni kuntestwali jew sistematika ma tfissirx li dispożizzjoni ġuridika għandha tiġi interpretata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet l-oħra kollha tat-test li qiegħda fih. Għalhekk, evalwazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet l-oħra hija meħtieġa biss sal-punt li dawn huma rilevanti.

79.

Fir-rigward, it-tieni, tal-analiżi tal-qafas korrettiv sħiħ maħluq mill-impenji, għandu jiġi rrilevat li mill-qari tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali analizzat id-dispożizzjonijiet l-oħra tal-impenji finali, inklużi dawk invokati minn American. Madankollu, ir-rilevanza tagħhom fil-kuntest tal-analiżi tat-termini “użu xieraq” ġiet miċħuda, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet ma jikkonċernawx l-għoti ta’ drittijiet ta’ anterjorità. F’dan ir-rigward, kif ġustament ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punti 246 sa 249 tas-sentenza appellata, il-klawżoli 1.1, 1.24, 1.26 u 1.27 tal-impenji finali jirregolaw l-offerta ta’ kompetitur potenzjali u huma rilevanti għall-finijiet tal-għoti ta’ slots korrettivi, u mhux l-għoti ta’ drittijiet ta’ anterjorità.

80.

Issa, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 239 tas-sentenza appellata, l-unika dispożizzjoni tal-impenji finali li effettivament tikkonċerna l-użu tas-slots ikkonċernati hija l-klawżola 1.13, dwar l-użu abbużiv. B’mod iktar speċifiku, il-klawżola 1.13(b) tal-impenji finali ssemmi n-numru ta’ frekwenzi li għandu jiġi operat bil-għan li l-użu ta’ inqas frekwenzi minn dan li l-kompetitur potenzjali jkun ippropona li jutilizza ma jiġix ikkunsidrat bħala “użu abbużiv”. Dan l-użu għandu jkun kompatibbli mal-prinċipju ta’ “slots użati jew slots mitlufa” imsemmi fl-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar is-slots li jipprovdi, essenzjalment, li, sabiex trasportatur bl-ajru juża s-slots allokati matul perijodu ta’ wara, huwa għandu juri li uża dawn is-slots għal mill-inqas 80 % tal-ħin matul il-perijodu ta’ skedar li għalih dawn is-slots ġew allokati (iktar ’il quddiem ir-“regola 80/20”).

81.

Barra minn hekk, kif issemma wkoll fil-punt 70 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-ebda klawżola tal-impenji finali ma tirrikjedi li l-kompetitur potenzjali jimpenja ruħu li juża 100 % tas-slots korrettivi li għalihom ikun talab l-użu jew li jiġġustifika kwalunkwe devjazzjoni minn l-offerta tiegħu.

82.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, jiena għalhekk tal-fehma li l-ewwel parti tal-aggravju uniku għandha tiġi miċħuda.

B.   Fuq it‑tieni parti tal‑aggravju uniku

83.

Permezz tat-tieni parti tal-aggravju uniku, American essenzjalment issostni li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat ħażin li l-kunċett ta’ “użu xieraq” kien ifisser “assenza ta’ użu abbużiv”.

84.

Dan l-argument huwa maqsum f’żewġ partijiet. Minn naħa, American ssostni li l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ “assenza ta’ użu abbużiv” għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “użu xieraq” jirriżulta f’livell ta’ użu tas-slots li huwa inkompatibbli mal-għanijiet stess tal-impenji stabbiliti mill-partijiet fl-amalgamazzjoni. Min-naħa l-oħra, American tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet sensiela ta’ żbalji fis-sentenza appellata meta kkunsidrat li l-kunċett ta’ “użu xieraq” kien ifisser “assenza ta’ użu mhux xieraq”.

85.

Min-naħa tagħhom, il-Kummissjoni u Delta isostnu li ebda wieħed mill-argumenti mressqa minn American f’din il-parti tal-appell ma juri l-eżistenza ta’ żbalji magħmula mill-Qorti Ġenerali fl-analiżi tagħha.

1. Fuq il‑livell ta’ użu li jikkorrispondi mal‑assenza ta’ “użu abbużiv”

86.

American ssostni li kull meta ma tkunx intużat slot korrettiva, l-għan li “[tiġi eliminata] din il-problema għalkollox” ma ntlaħaqx u jikkostitwixxi “impediment sinifikanti għal kompetizzjoni effettiva”. Skont din il-kumpannija, għalkemm il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa biex teżamina jekk l-impenji jikkostitwixxux tweġiba suffiċjenti li kapaċi tneħħi kull dubju serju, hija ma tistax timmodifika dawn l-impenji vinkolanti permezz ta’ interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “użu xieraq” li ma huwiex kompatibbli mal-għanijiet u l-kundizzjonijiet tagħhom.

87.

Inqis li dan l-argument għandu jiġi miċħud, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li r-rekwiżit ta’ użu ta’ slots għall-għoti ta’ drittijiet ta’ anterjorità, kif difiż minn American, huwa kuntrarju għad-dispożizzjonijiet u l-għanijiet tal-impenji u jirriskja li jikkomprometti l-effettività tagħhom.

88.

Fil-fatt, l-ewwel, l-adozzjoni tal-interpretazzjoni sostnuta minn American tkun teħtieġ li kull kompetitur potenzjali jkollu rata ta’ utilizzazzjoni ta’ iktar minn 80 %, li hija l-istandard tal-industrija ( 12 ). Għalhekk, ma hemm l-ebda raġuni għalfejn, sabiex jinkisbu drittijiet ta’ anterjorità, Delta għandha tosserva kundizzjonijiet ta’ operat iktar stretti minn dawk previsti mill-qafas regolatorju ta’ riferiment u li għaldaqstant kienu japplikaw għal US Airways qabel l-operazzjoni u japplikaw għal American wara l-amalgamazzjoni.

89.

It-tieni, l-iffissar ta’ livell operattiv ogħla għal kwalunkwe kompetitur ġdid potenzjali meta mqabbel mal-kompetituri tiegħu jmur kontra l-ħtieġa li jiġu żgurati kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ġusta fir-rotta LHR‑PHL. Għalhekk, tali rekwiżit iċċaħħad lil Delta mill-flessibbiltà offruta mir-regola 80/20, billi jpoġġiha fi żvantaġġ meta mqabbel ma’ American, li tkompli tibbenefika minn dan. Peress li l-għan tal-impenji huwa li tiġi ggarantita kompetizzjoni effettiva fuq ir-rotta LHR‑PHL, is-sitwazzjoni ta’ Delta għandha tkun komparabbli ma’ dik ta’ kwalunkwe linja tal-ajru oħra u b’mod partikolari ma’ dik tal-kumpanniji li joperaw fuq din ir-rotta. Minn dan isegwi li huwa biss l-użu ta’ slots minn kompetitur ġdid, bl-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fil-klawżola 1.13 tal-impenji finali, li jiggarantixxi li dan il-kompetitur il-ġdid – f’dan il-każ Delta – ikun jista’ jwettaq l-attivitajiet tiegħu fuq livell ta’ ugwaljanza mal-kompetitur ewlieni tiegħu, jiġifieri, American.

90.

It-tielet, il-pożizzjoni sostnuta minn American ma hijiex rikonċiljabbli mal-għan speċifiku tal-impenji, li huwa li jiffaċilita d-dħul fir-rotta LHR‑PHL. Iż-żamma ta’ rata ta’ użu ogħla minn dik li tikkostitwixxi l-istandard tal-industrija tkun riskju li tiskoraġġixxi kwalunkwe kompetitur potenzjali, billi ċċaħħad lill-impenji mill-effett ta’ inċentiv segwit bl-inklużjoni tad-drittijiet ta’ anterjorità u billi titnaqqas l-effettività tal-impenn relatat mas-slots.

91.

Ir-raba’, l-adozzjoni tal-interpretazzjoni sostnuta minn American tirriskja li tikkomprometti ċ-ċertezza legali li hija meħtieġa biex tiggarantixxi l-applikazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża u l-effettività tal-impenji. Ninnota, f’dan ir-rigward, li, kif il-Qorti Ġenerali ġustament tfakkar fil-punti 125 u 275 tas-sentenza appellata, minbarra l-għan tagħhom li jneħħi dubji serji dwar il-kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni mas-suq intern, l-impenji huma rilevanti wkoll għal partijiet terzi li jieħdu f’idejhom attivitajiet tal-partijiet f’konċentrazzjoni, sakemm il-kundizzjonijiet għat-teħid f’idejhom ta’ tali attivitajiet ikunu ddeterminati fil-biċċa l-kbira minn dawn l-impriżi. Għal dan il-għan, huwa importanti li l-kriterji għall-għoti tad-drittijiet ta’ anterjorità jkunu ċari u verifikabbli, bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe kunsiderazzjoni arbitrarja. B’hekk, l-adozzjoni tal-pożizzjoni ta’ American tkun ekwivalenti għall-aċċettazzjoni li kwalunkwe devjazzjoni mill-offerta ta’ min jieħu s-slots – f’dan il-każ Delta – ikollha tiġi ġġustifikata fuq il-bażi ta’ kriterji vagi mhux speċifikati fl-impenji. Kif tirrileva ġustament il-Qorti Ġenerali, fil-punt 250 tas-sentenza appellata, hija biss l-interpretazzjoni fejn “użu xieraq” huwa mifhum li jfisser l-assenza ta’ “użu abbużiv” fis-sens tal-klawżola 1.13 tal-impenji finali li tipprovdi ċ-ċertezza legali meħtieġa għal kwalunkwe kompetitur potenzjali.

92.

Il-ħames, għandu jiġi rrilevat li sabiex l-impenji proposti mill-partijiet f’konċentrazzjoni jkunu probabbli li jneħħu l-problemi ta’ kompetizzjoni identifikati, dawn għandhom ikunu jistgħu jiġu implimentati u mmonitorjati b’mod effettiv ( 13 ). Issa, għar-raġunijiet imsemmija fil-punt preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet, ir-riferiment għall-klawżola 1.13 tal-impenji finali biss jissodisfa din il-kundizzjoni.

93.

Is-sitt, interpretazzjoni bħal din tal-kundizzjonijiet li jippermettu l-għoti ta’ drittijiet ta’ anterjorità ma setgħetx, bħala prinċipju, minħabba n-natura impreċiża tagħha, tiġi aċċettata matul il-fażi I, li l-għan tagħha huwa, infakkarkom, li jitneħħa kull dubju serju dwar il-kompatibbiltà ta’ konċentrazzjoni mas-suq komuni ( 14 ).

94.

Barra minn hekk, jiena tal-fehma li għandu jiġi miċħud l-argument ta’ American li l-Qorti Ġenerali żbaljat, fil-punt 291 tas-sentenza appellata, meta kkunsidrat li l-fatt li r-rata ta’ użu tas-slots minn Delta tvarja bejn 76.4 % u 81 % ma jfissirx li l-iskop tal-impenji ġie kompromess. F’dan ir-rigward, American tfakkar li Delta ma pprovdietx 470 servizz (b’kollox tluq u r-ritorn) fuq ir-rotta LHR‑PHL u li, għalhekk, l-għan speċifiku stabbilit mill-impenji ma kienx jintlaħaq sal-punt fejn dawn is-slots ma kienu ġew żgurati minn ebda kumpannija tal-ajru. Skont ir-rikorrenti, dan ir-riżultat jikkostitwixxi indikazzjoni importanti li l-“assenza ta’ użu abbużiv” hija interpretazzjoni ġuridika żbaljata tal-kunċett ta’ “użu xieraq”.

95.

Għandu jiġi rrilevat li, minn naħa, l-argument imressaq minn American dwar il-metodoloġija użata mill-Kummissjoni biex tikkalkola r-rati ta’ utilizzazzjoni tikkonċerna kwistjonijiet ta’ fatt [u evalwazzjonijiet fattwali] li ġew deċiżi b’mod definittiv fil-punti 285 sa 291 tas-sentenza appellata u li ż-żnaturament tagħhom ma tqajjimx mir-rikorrenti. Min-naħa l-oħra, ġie kkonstatat, fil-punti 90, 290 u 294 tas-sentenza appellata, li r-rikorrenti, filwaqt li tikkritika l-portata tan-nuqqas ta’ użu ta’ slots minn Delta, ma tikkontestax li din tal-aħħar kienet ta’ użu konformi mar-regola 80/20.

2. Fuq l‑elementi l‑oħra li jippermettu li tiġi sostnuta l‑interpretazzjoni tat‑termini “użu xieraq” bħala assenza ta’ “użu abbużiv”

96.

L-ewwel, American issostni li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha b’mod żbaljat, fil-punti 95, 103, 104 u 207 tas-sentenza appellata, fuq it-tifsira ordinarja tal-kliem “użu abbużiv” sabiex tikkunsidra li dan kien rikonċiljabbli mal-kunċett ta’ “użu xieraq”. American tqis li l-Qorti Ġenerali kellha tirrikonoxxi li t-tifsira ordinarja tat-termini “użu abbużiv” kienet tkopri kwalunkwe sitwazzjoni, bħall-kawża preżenti, fejn il-wegħdiet magħmula bil-ħsieb li jinkiseb vantaġġ ġuridiku, b’mod partikolari d-drittijiet ta’ anterjorità, ma ġewx irrispettati mingħajr ġustifikazzjoni suffiċjenti.

97.

Għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li mis-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma bbażatx il-konklużjonijiet tagħha fuq it-tifsira ordinarja u fuq interpretazzjoni letterali tat-termini “użu abbużiv”. Huwa b’mod partikolari peress li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet fil-punt 107 tas-sentenza appellata li l-interpretazzjoni letterali “ma hijiex konklużiva” li hija pproċediet għall-interpretazzjoni kontestwali tal-impenji.

98.

It-tieni, American issostni li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha b’mod żbaljat, fil-punti 209 u 210 tas-sentenza appellata, fuq il-fatt li d-dispożizzjonijiet dwar “l-użu abbużiv” dehru fit-taqsima dwar “Għoti ta’ drittijiet ta’ anterjorità fuq is-slots” fil-każ IAG/bmi billi kkunsidrat li dawn it-termini kienu jfissru “użu mhux xieraq”. American tirrileva, f’dan ir-rigward, li l-impenji f’dan il-każ ma fihomx dan it-titolu. Barra minn hekk, fil-fehma tagħha, din it-taqsima tal-impenji fil-każ IAG/bmi li suppost kellha tikkonċerna “drittijiet ta’ anterjorità” tirreferi, fir-realtà, għal aspetti oħra irrilevanti għall-interpretazzjoni tat-terminu “użu xieraq”.

99.

Kif ġie spjegat fil-punt 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-impenji fil-każ IAG/bmi servew bħala mudell għall-impenji f’din il-kawża. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punti 118 u 119 ta’ dawn il-konklużjonijiet, kieku l-partijiet riedu jiddevjaw minn dan il-mudell jew jipprovdu interpretazzjoni differenti minn dik tal-impenji fil-kawża msemmija qabel, dan kellu jiġi indikat fl-impenji. Minn dan isegwi li l-fatt li, minn naħa, l-impenji fil-każ IAG/bmi ma fihomx l-intestatura “Għoti ta’ drittijiet ta’ anterjorità fuq is-slots” u li, min-naħa l-oħra, jidhru wkoll fit-taqsima “Għoti ta’ drittijiet ta’ anterjorità fuq is-slots” xi dispożizzjonijiet li ma jikkonċernawx l-għoti ta’ dawn id-drittijiet, ma jpoġġux fid-dubju l-kunsiderazzjoni, li tidher fil-punt 209 tas-sentenza appellata, fejn l-impenji tal-każ IAG/bm jikkostitwixxu bażi valida għall-interpretazzjoni tal-impenji ta’ din il-kawża ( 15 ).

100.

It-tielet, American ssostni li s-sentenza appellata ma analizzatx b’mod koerenti u komplet il-kunsiderazzjoni li l-klawżola 1.13 tal-impenji finali dwar il-kunċett ta’ “użu abbużiv” tipprovdi l-kriterju biex jiġi ddeterminat l-“użu xieraq”. Barra minn hekk, American tirrileva diversi żbalji ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet b’dan ir-raġunament, b’mod partikolari fil-punti 236 sa 240, 276 u 277 tas-sentenza appellata.

101.

Fil-fehma tiegħi, filwaqt li huwa minnu li l-istruttura tas-sentenza appellata mhix dejjem ċara ħafna u kultant tagħmilha diffiċli biex tinqara u tifhimha, jibqa’ l-fatt li tali kunsiderazzjoni ma tindikax li l-Qorti Ġenerali wettqet żball fl-evalwazzjoni tagħha meta kkunsidrat li l-kunċett ta’ “użu abbużiv” jipprovdi l-kriterju għad-determinazzjoni ta’ “użu xieraq”.

102.

Ir-raba’, American tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball manifest ta’ interpretazzjoni, fil-punti 279 sa 292 tas-sentenza appellata, billi kkunsidrat li l-“interpretazzjoni kuntestwali” tal-impenji għandha ssir fid-dawl tar-Regolament dwar is-slots. Hija ssostni, l-ewwel nett, li din il-kunsiderazzjoni ma hijiex rikonċiljabbli mal-kliem tat-tielet subparagrafu tal-preambolu tal-impenji finali sa fejn din id-dispożizzjoni ma ssemmix dan ir-regolament fost it-testi li bis-saħħa tagħhom dawn l-impenji għandhom jiġu interpretati, filwaqt li huwa madankollu kkwotat f’partijiet oħra tal-impenji msemmija. Imbagħad, hija ssostni li l-għan tar-Regolament dwar is-slots ma jikkorrispondix mal-għanijiet tal-miżuri korrettivi tar-regolament fuq il-konċentrazzjonijiet u tal-miżuri korrettivi partikolari adottati f’din il-kawża.

103.

Ninnota, fl-ewwel lok, li l-fatt li r-Regolament dwar is-slots huwa msemmi speċifikament fl-impenji ma jħalli ebda dubju li jikkostitwixxi wieħed mill-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-qafas tal-analiżi kuntestwali li għandha ssir. Infakkar ukoll li t-tielet subparagrafu tal-preambolu tal-impenji finali jispeċifika li dawn għandhom jiġu interpretati, fost affarijiet oħra, fil-“kuntest ġenerali tad-dritt tal-Unjoni”. B’hekk il-Qorti Ġenerali osservat, fil-punti 124 u 125 tas-sentenza appellata, li kellu jittieħed inkunsiderazzjoni r-regolament dwar is-slots, li jifforma parti mill-“kuntest ġenerali tad-dritt tal-Unjoni”.

104.

Fit-tieni lok, kif spjegat fil-punti 80 u 88 ta’ dawn il-konklużjonijiet, mill-mument meta r-rata ta’ utilizzazzjoni prevista minn dan ir-regolament tikkostitwixxi l-istandard tal-industrija, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkunsidrat li Delta setgħet tistenna li twettaq l-attivitajiet tagħha skont il-qafas regolatorju ta’ riferiment. Barra minn hekk, sa fejn id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10(2) u (3) tar-Regolament dwar is-slots jikkostitwixxu l-qafas regolatorju ta’ riferiment fl-Unjoni, il-Qorti Ġenerali ġustament qieset, fil-punt 283 tas-sentenza appellata, li seta’ jkun mistenni li, jekk il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ drittijiet ta’ anterjorità kien iddevja minn dan il-qafas, dan ħareġ b’mod ċar mit-test tal-impenji finali, li ma huwiex il-każ hawnhekk.

105.

Jiena nikkunsidra, fit-tielet u l-aħħar lok, li, kuntrarjament għal dak li ssostni American, il-fatt li r-Regolament dwar is-slots isegwi għanijiet differenti mir-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet ma jeskludix li jiġi kkunsidrat fil-kuntest tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet. Għalhekk, kif spjegat fil-punt 89 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-applikazzjoni tar-regola 80/20 ma hijiex motivata biss minn kunsiderazzjonijiet tat-traffiku tal-ajru, iżda hija wkoll meħtieġa biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi bejn Delta u l-kompetitur ewlieni tagħha fuq ir-rotta LHR‑PHL, jiġifieri American. Jiena nfakkar ukoll li, fil-qafas tal-missjoni tagħha, il-Kummissjoni hija obbligata teżamina l-elementi rilevanti kollha relatati mal-miżura korrettiva proposta skont l-istruttura u l-karatteristiċi partikolari tas-suq li fih jinħolqu l-problemi ta’ kompetizzjoni ( 16 ).

106.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, inqis li t-tieni parti tal-aggravju uniku għandha tiġi miċħuda.

C.   Fuq it‑tielet parti tal‑aggravju uniku

107.

Permezz tat-tielet parti tal-aggravju uniku, American essenzjalment issostni li l-Qorti Ġenerali tat importanza sproporzjonata u inġustifikata lill-kontenut tal-formola RM meta interpretat il-kunċett ta’ “użu xieraq”.

1. Fuq l‑ammissibbiltà tat‑tielet parti

108.

F’dan ir-rigward, nirrileva li l-Kummissjoni teċċepixxi l-inammissibbiltà ta’ dan l-argument peress li dan ma tressaqx fl-ewwel istanza.

109.

Madankollu, nikkunsidra li l-argument ta’ American huwa ammissibbli sa fejn tikkontesta l-kunsiderazzjonijiet espressi mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata fejn l-informazzjoni li tirriżulta mill-formola RM tindika li l-kliem “b’mod konformi mal-offerta” ma huwiex rilevanti biex jiġi interpretat l-kunċett ta’ “użu xieraq” imsemmi fil-klawżola 1.10 tal-impenji finali.

2. Analiżi proposta

110.

American tallega, fl-ewwel lok, li l-formola RM hija dokument preparatorju u li, għalhekk, l-analiżi mwettqa fis-sentenza appellata tkun inkompatibbli mal-ġurisprudenza tal-Unjoni fejn ix-“xogħol preparatorju” ma huwiex meqjus bħala metodu ta’ interpretazzjoni li jista’ jbiddel l-kontenut jew l-iskop ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

111.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel, kif ġustament osservat mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 122 u 123 tas-sentenza appellata, li l-eżistenza tal-formola RM tirriżulta direttament mir-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet. Issa, peress li t-termini tal-impenji finali għandhom, skont it-tielet subparagrafu tal-preambolu tagħhom, jiġu interpretati fid-dawl ta’ dan ir-regolament, il-formola RM kienet ġustament ikkunsidrata mill-Qorti Ġenerali fl-analiżi tagħha ( 17 ).

112.

It-tieni, fir-rigward tal-kontenut tal-formola RM, l-Artikolu 20(1a) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni jipprovdi li l-impriżi huma mitluba jispeċifikaw f’din il-formola l-informazzjoni u d-dokumenti li għandhom jipprovdu meta jipproponu l-impenji. Barra minn hekk, l-Anness IV ta’ dan ir-regolament jgħid li l-informazzjoni fil-formola RM hija meħtieġa sabiex tippermetti lill-Kummissjoni teżamina jekk l-impenji ppreżentati humiex tali li jagħmlu l-konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern billi jipprevjenu l-ħolqien ta’ ostakolu sinjifikattiv għall-eżerċizzju ta’ kompetizzjoni effettiva. Barra minn hekk, ninnota li l-Avviż dwar ir-rimedji aċċettabbli jirreferi wkoll għall-formola RM fil-punt 7 tiegħu li jindika li hija r-responsabbiltà tal-partijiet f’konċentrazzjoni li huma l-uniċi fil-pussess tal-informazzjoni rilevanti kollha sabiex jipprovdu “l-informazzjoni kollha disponibbli” li tippermetti lill-Kummissjoni tevalwa l-miżuri korrettivi ppreżentati.

113.

Jirriżulta minn dak li ntqal li l-formola RM ma hijiex dokument purament preparatorju, kif issostni r-rikorrenti, iżda dokument kumplimentari għall-impenji li, kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali, fil-punt 133 tas-sentenza appellata, huwa speċifikament intiż biex jassisti lill-Kummissjoni fl-evalwazzjoni tal-kontenut, l-iskop, il-vijabbiltà u l-effettività tal-miżuri korrettivi proposti, kif ukoll biex jiddeskrivi l-fehim tal-impriża stess ta’ dawn il-miżuri korrettivi.

114.

It-tielet, għandu jiġi osservat li għalkemm l-analiżi tal-formola RM tokkupa post importanti fis-sentenza appellata ( 18 ), l-argument ta’ American li l-Qorti Ġenerali tat importanza sproporzjonata lil din il-formola għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, jirriżulta pjuttost ċar mis-sentenza appellata li l-analiżi tal-formola RM hija biss wieħed mill-elementi li l-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-analiżi kuntestwali tagħha, sabiex tikkonkludi li l-kunċett ta’ “użu xieraq” jista’ jiġi interpretat bħala assenza ta’ “użu abbużiv” fit-tifsira tal-klawżola 1.13 tal-impenji finali ( 19 ).

115.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, jiena tal-fehma li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta stabbilixxiet li t-termini tal-impenji finali għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-formula RM.

116.

Fit-tieni lok, American issostni li l-Qorti Ġenerali għamlet żball fl-interpretazzjoni tal-klawżola 1.9 tal-impenji finali u, b’mod partikolari, fir-rigward tal-konsegwenzi ġuridiċi li għandhom jittieħdu mill-kliem “b’mod konformi mal-offerta” fid-dawl tal-formula RM. Hija tgħid li formulazzjoni bħal din hija sempliċement “varjant lingwistiku” tal-impenji peress li dan joħroġ minn mudell ta’ impenji oħra aċċettati reċentement mill-Kummissjoni.

117.

Għar-raġunijiet li ġejjin, inqis li dan l-argument huwa wkoll iddestinat ifalli.

118.

Għandu jitfakkar li l-Kummissjoni espressament ħtieġet li l-impenji offruti mill-partijiet fl-amalgamazzjoni jkun fihom drittijiet ta’ anterjorità tat-tip ippreżentati fil-każ IAG/bmi sabiex l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern. Fuq din il-bażi, it-taqsima 3 tal-formola RM ippreżentata mill-partijiet fl-amalgamazzjoni lill-Kummissjoni indikat espliċitament li l-impenji kienu bbażati fuq dawk tad-deċiżjoni fil-każ IAG/bmi u li l-punti li fuqhom il-partijiet jiddevjaw minn dawn l-impenji jiġu indikati fil-formola RM ( 20 ). Barra minn hekk, il-partijiet fl-amalgamazzjoni ċċaraw li dawn il-punti ma kinux jinkludu “varjanti lingwistiċi minuri” jew kjarifiki meħtieġa miċ-ċirkustanzi partikolari. Fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, tad-dispożizzjonijiet relatati mad-drittijiet ta’ anterjorità, ma ġiet identifikata ebda devjazzjoni mill-impenji aċċettati fil-każ IAG/bmi fil-formola RM.

119.

Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ġustament irrikonoxxiet, fil-punti 143 u 144 tas-sentenza appellata, li kienet American li kellha tindika fil-formola RM kull modifika sostanzjali fir-rigward tal-kliem tal-impenji fil-każ IAG/bmi li servew bħala mudelli f’din il-kawża. Issa, peress li l-kunċett “b’mod konformi mal-offerta” ma kienx inkluż fl-impenji tal-każ IAG/bmi u peress li ż-żieda ta’ dawn it-termini ma kinitx indikata bħala bidla fir-rigward tal-impenji ta’ din il-kawża, kien mingħajr ma għamlet żball li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 139 tas-sentenza appellata, li din il-formulazzjoni għandha titqies bħala “varjant lingwistiku minuri” tal-impenji.

120.

Dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jistgħux jiġu kkontestati mill-allegazzjonijiet ta’ American li l-oriġini tal-kliem “b’mod konformi mal-offerta” tinsab f’mudelli oħra ta’ impenn u li l-impenn tas-slots f’din il-kawża fih bosta dispożizzjonijiet li jirriżultaw mill-impenji fil-Każ COMP/AT.39595 – A++ ( 21 ). Fil-fatt, l-uniku mudell espressament meħtieġ mill-Kummissjoni fl-impenji proposti għall-għoti ta’ drittijiet ta’ anterjorità kien il-każ IAG/bmi. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet tal-impriżi l-oħra ma humiex rilevanti għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “użu xieraq” u tal-għoti ta’ drittijiet ta’ anterjorità, speċjalment peress li l-mudelli l-oħra tal-impenji allegati ma kinux immirati għad-drittijiet ta’ anterjorità.

121.

Nixtieq nippreċiża, f’dan ir-rigward, li għalkemm, fil-kuntest tal-missjoni tagħha li tikkonsisti li turi li operazzjoni ta’ konċentrazzjoni tista’ tfixkel b’mod kunsiderevoli l-kompetizzjoni, il-Kummissjoni hija obbligata tivverifika l-informazzjoni pprovduta mill-partijiet f’konċentrazzjoni, ma jistax madankollu jintalab li din tal-aħħar tkun meħtieġa tantiċipa kwalunkwe interpretazzjoni possibbli tal-impenji proposti minn dawn il-partijiet, b’mod partikolari meta din l-interpretazzjoni mhux biss tiddevja mill-qafas analitiku li l-partijiet stess kienu aċċettaw kif ukoll mill-istandards tal-industrija ta’ riferiment fis-suq rilevanti iżda lanqas ma tirriżulta ċara mit-test tal-impenji. Fil-fatt, nikkunsidra li jekk il-partijiet fl-amalgamazzjoni xtaqu jagħtu interpretazzjoni differenti minn dik adottata fl-impenji fil-każ IAG/bmi, billi tintuża bħala punt ta’ riferiment għall-għoti tad-drittijiet ta’ anterjorità “l-offerta”, dan għandu jidher b’mod ċar fil-formola RM, jew għall-inqas tissemma fiha, kif irrilevat ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punti 138, 149, 151 sa 158 u 199 tas-sentenza appellata.

122.

Fit-tielet lok, American issostni li l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali tal-klawżola 1.9 tal-impenji finali hija żbaljata. F’dan ir-rigward, tirrileva li meta l-kliem “b’mod konformi mal-offerta” u l-klawżola 1.9 moqrija flimkien mal-klawżola 1.10 jiġu interpretati b’mod korrett, mid-dispożizzjonijiet tal-impenji jirriżulta li l-offerta ta’ kompetitur għandha titqies bħala l-punt tat-tluq għall-analiżi tal-“użu xieraq” u tad-deċiżjoni jekk jingħatawx jew le drittijiet ta’ anterjorità.

123.

Għar-raġunijiet diġà analizzati fil-punti 64 sa 73 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jiena tal-fehma li dan l-argument ma jistax jirnexxi.

124.

Barra minn hekk, il-fatt li l-kliem “b’mod konformi mal-offerta” kien diġà fil-proposta inizjali tal-impenji ppreżentati mill-partijiet fl-amalgamazzjoni, li ma pprovdietx drittijiet ta’ anterjorità, juri li din il-klawżola kellha għan differenti minn dak immirat fid-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ drittijiet ta’ anterjorità ( 22 ).

125.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, nikkunsidra li t-tielet parti tal-aggravju uniku għandha tiġi miċħuda, kif ukoll l-appell fl-intier tiegħu.

D.   Fuq l‑ispejjeż

126.

Fil-qafas tal-kawża preżenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, Delta talbet li American tiġi kkundannata għall-ispejjeż, minbarra ta’ din il-proċedura, anki tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

127.

Għar-raġunijiet li ġejjin, inqis li din it-talba ma tistax tintlaqa’.

128.

Għandu jiġi ppreċiżat li peress li Delta ma ressqet ebda talba dwar l-ispejjeż fl-ewwel istanza, il-Qorti Ġenerali kkundannata, fis-sentenza appellata, għall-ispejjeż tagħha skont l-Artikolu 134(1) u l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

129.

Għandu jitfakkar ukoll li meta appell ikun infondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq l-ispejjeż skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli mutatis mutandis għall-proċeduri ta’ appell taħt l-Artikolu 184(1) tal-imsemmija regoli, jiddisponi li l-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk jiġi konkluż f’dan is-sens.

130.

Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati fis-sens li parti tista’ tiġi kkundannata mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-ispejjeż sostnuti minn parti oħra fil-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali biss meta din tal-aħħar tkun għamlet tali talba quddiem din tal-aħħar ( 23 ). Jekk dan ma jkunx il-każ u t-talba għal kundanna għall-ħlas tal-ispejjeż relatati mal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali saret biss fl-istadju tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, din it-talba għandha tiġi miċħuda, irrispettivament minn jekk l-appell ma jintlaqax bħal f’dan il-każ.

V. Konklużjoni

131.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

l-appell huwa miċħud,

American Airlines hija kkundannata, minbarra għall-ispejjeż tagħha stess, għal dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea u minn Delta Air Lines (biss fir-rigward tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja).


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Ara l-punt 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 3 ) Iktar ’il quddiem il-“formola RM”. Ara l-Anness IV tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 802/2004 tal‑21 ta’ April 2004 li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 88), iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Implimentazzjoni”).

( 4 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal‑20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40, iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet”).

( 5 ) Iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar is-slots”.

( 6 ) Ara l-premessa 30 tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet u l-punti 5 u 9 tal-Avviż dwar ir-rimedji.

( 7 ) Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Mejju 2015, Niki Luftfahrt vs Il‑Kummissjoni (T‑162/10, EU:T:2015:283, punt 297 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 8 ) Ara l-punt 180 tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni.

( 9 ) Ara l-klawżola 1.9 tal-impenji finali u l-punt 160 tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni.

( 10 ) Ara l-punti 88 u 89 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 11 ) Ara l-punti 262 sa 270 tas-sentenza appellata.

( 12 ) Ara l-punt 80 ta’ dawn il-kundizzjonijiet.

( 13 ) Ara l-punt 13 tal-Avviż dwar ir-rimedji aċċettabbli.

( 14 ) Ara l-punt 55 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 15 ) Barra minn hekk, kif irrilevat il-Kummissjoni, il-premessi 644 u 645 tad-deċiżjoni fil-każ IAG/bmi jargumentaw favur rabta bejn l-għoti ta’ drittijiet ta’ anterjorità u l-kunċett ta’ użu abbużiv sa fejn is-subtitolu “1.1.3 Drittijiet ta’ anterjorità” jittratta kemm id-drittijiet ta’ anterjorità u l-użu abbużiv, u b’hekk jistabbilixxi rabta bejn iż-żewġ kunċetti.

( 16 ) Ara l-punt 12 tal-Avviż dwar ir-rimedji aċċettabbli.

( 17 ) Ara l-punt 17 u 54 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 18 ) Ara l-punti 126 sa 200 tas-sentenza appellata.

( 19 ) Ara l-punt 292 tas-sentenza appellata.

( 20 ) Ara l-punti 9 sa 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 21 ) Każ li wassal għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2013) 2836 tat‑23 ta’ Mejju 2013 (ĠU 2013, C 201, p. 8).

( 22 ) Ara l-punt 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 23 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2004, Il‑Parlament vs Ripa di Meana et (C‑470/00 P, EU:C:2004:241, punti 83 sa 90).