KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fit‑12 ta’ Mejju 2022 ( 1 )

Kawża C‑54/21

Konsorcjum: ANTEA POLSKA S.A., Pectore-Eco sp. z o.o., Instytut Ochrony Środowiska – Państwowy lnstytut Badawczy

vs

Państwowe Gospodarstwo Wodne Wody Polskie,

fil-preżenza ta’:

ARUP Polska sp. z o.o.,

CDM Smith sp. z o.o.,

Konsorcjum: Multiconsult Polska Sp. z o.o., ARCADlS Sp. z o.o., HYDROCONSULT sp. z o.o. Biuro Studiów i Badań Hydrogeologicznych i Geofizycznych

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Krajowa Izba Odwoławcza (l-Awla Nazzjonali tal-Appell, il-Polonja))

“Proċedura għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Direttiva 2014/24/UE – Artikolu 21 – Kunfidenzjalità – Talba mmotivata ta’ dikjarazzjoni ta’ kunfidenzjalità u prova – Kompetenza tal-awtorità kontraenti – Dikjarazzjoni ta’ kunfidenzjalità – Motivazzjoni – Modulazzjoni tal-portata tal-kunfidenzjalità mil-leġiżlazzjoni nazzjonali – Sigriet tan-negozju – Direttiva (UE) 2016/943 – Applikabbiltà – Evalwazzjoni tal-kunfidenzjalità fir-rigward tal-kategoriji tad-dokumenti – Esklużjoni – Evalwazzjoni individwalizzata”

1.

F’dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari l-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab tiċċara l-limiti tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni pprovduta mill-offerenti, flimkien mal-offerti tagħhom, fil-kuntest tal-proċeduri tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

2.

Fis-sentenza Klaipèdos ( 2 ), mogħtija wara li ġiet irreġistrata din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja indirizzat il-problemi mqajma mill-artikoli tad-Direttiva 2014/24/UE ( 3 ), b’mod partikolari l-Artikolu 21, dwar il-kunfidenzjalità ta’ din l-informazzjoni.

3.

Il-kunsiderazzjonijiet żviluppati f’dik is-sentenza jipprovdu r-risposta għal uħud mid-domandi magħmula mill-Krajowa Izba Odwoławcza (l-Awla Nazzjonali tal-Appell, il-Polonja), li hija l-qorti tar-rinviju ( 4 ).

I. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

1. Direttiva 2014/24

4.

L-Artikolu 21 (“Kunfidenzjalità”) jipprovdi li:

“1.   Sakemm ma jiġix stipulat mod ieħor f’din id-Direttiva jew fil-liġi nazzjonali li għaliha l-awtorità kontraenti tkun soġġetta, b’mod partikolari leġislazzjoni li tikkonċerna l-aċċess għal informazzjoni, u mingħajr ħasara għall-obbligi relatati mar-reklamar ta’ kuntratti mogħtija u mal-informazzjoni għal kandidati u offerenti stabbiliti fl-Artikoli 50 u 55, l-awtorità kontraenti ma għandhiex tiddivulga informazzjoni mgħoddija lilha minn operaturi ekonomiċi li hija mniżżla bħala kunfidenzjali, inklużi, iżda mhux limitati għal, sigrieti tekniċi jew kummerċjali u l-aspetti kunfidenzjali tal-offerti.

2.   L-awtoritajiet kontraenti jistgħu jimponu rekwiżiti fuq l-operaturi ekonomiċi bil-għan li tiġi mħarsa n-natura kunfidenzjali tal-informazzjon li li l-awtoritajiet kontraenti jqiegħdu għad-dispożizzjoni matul il-proċedura kollha ta’ akkwist.”

5.

L-Artikolu 50 (“Avviżi dwar l-għoti ta’ kuntratt”) jistabbilixxi li:

“[…]

4.   Ċerta informazzjoni dwar l-għoti ta’ kuntratt jew il-konklużjoni tal-ftehim qafas tista’ ma titħalliex tiġi ppubblikata fejn il-pubblikazzjoni tkun ta’ xkiel għall-infurzar tal-liġi jew inkella tmur kontra l-interess pubbliku, tkun ta’ ħsara għall-interessi kummerċjali leġittimi ta’ operatur ekonomiku, pubbliku jew privat partikolari, jew fejn din tista’ tippreġudika l-kompetizzjoni leali bejn l-operaturi ekonomiċi.”

6.

Skont l-Artikolu 55 (“L-informar ta’ kandidati u offerenti”):

“[…]

3.   L-awtoritajiet kontraenti jistgħu jiddeċiedu li jżommu mistura ċerta informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2, rigward l-għoti ta’ kuntratt, il-konklużjoni ta’ ftehim qafas jew ammissjoni għal sistema dinamika ta’ xiri, fejn l-għoti ta’ din l-informazzjoni xxekkel l-infurzar tal-liġi, jew inkella tmur kontra l-interess pubbliku, tkun tippreġudika l-interessi kummerċjali leġittimi ta’ operatur ekonomiku, pubbliku jew privat partikolari, jew tkun tista’ tippreġudika l-kompetizzjoni ġusta bejn l-operaturi ekonomiċi.”

2. Direttiva (UE) 2016/943 ( 5 )

7.

Skont il-premessa 18:

“Barra minn hekk, il-ksib, l-użu jew l-iżvelar ta’ sigrieti kummerċjali, kull meta imposti jew permessi mil-liġi, għandu jiġi ttrattat bħala legali għall-finijiet ta’ din id-Direttiva. […] B’mod partikolari, din id-Direttiva m’għandhiex teżenta lill-awtoritajiet pubbliċi mill-obbligi ta’ kunfidenzjalità li huma soġġetti għalihom f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni mgħoddija mid-detenturi ta’ sigrieti kummerċjali, irrispettivament minn jekk dawn l-obbligi humiex stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali. Tali obbligi ta’ kunfidenzjalità jinkludu, fost l-oħrajn, l-obbligi rigward informazzjoni mgħoddija lill-awtoritajiet kontraenti fil-kuntest tal-proċeduri ta’ akkwist, kif stabbiliti, pereżempju, […] fid-Direttiva 2014/24/UE […].”

8.

L-Artikolu 1 (“Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”) jispeċifika li:

“[…]

2.   Din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa:

[…]

(c)

l-applikazzjoni ta’ regoli tal-Unjoni jew dawk nazzjonali li jirrikjedu jew jippermettu lill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni jew l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali biex jiżvelaw informazzjoni ppreżentata minn negozji li dawn l-istituzzjonijiet, korpi jew awtoritajiet ikollhom, skont, u f’konformità mal-obbligi u l-prerogattivi stipulati fil-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali;

[…]”.

9.

L-Artikolu 2 (“Definizzjonijiet”) jipprovdi li:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

‘sigriet kummerċjali’ tfisser informazzjoni li tissodisfa r-rekwiżiti kollha li ġejjin:

(a)

hija sigrieta fis-sens li mhux, bħala korp jew fil-konfigurazzjoni preċiża u l-assemblaġġ tal-komponenti tagħha, magħrufa ġeneralment jew aċċessibbli b’mod faċli lill-persuni li ġeneralment jittrattaw din it-tip ta; informazzjoni;

(b)

għandha valur kummerċjali minħabba li hija sigrieta;

(c)

kienet soġġett[a] għal passi raġonevoli taħt iċ-ċirkostanzi, mill-persuna li għandha l-kontroll legali tal-informazzjoni, biex tinżamm sigrieta;

[…]”.

10.

L-Artikolu 3 (“Ksib, użu u żvelar legali ta’ sigrieti kummerċjali”) jistipula li:

“[…]

2.   Il-ksib, l-użu jew l-iżvelar ta’ sigriet kummerċjali għandu jitqies bħala legali sal-punt li tali ksib, użu jew żvelar huma meħtieġa jew permessi mil-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali”.

B.   Id-dritt Pollakk

1. Ustawa z dnia 29 stycznia 2004 r. – Prawo zamówień publicznych ( 6 )

11.

L-Artikolu 7 jipprevedi li:

“1.   L-awtorità kontraenti għandha tipprepara u tmexxi l-proċeduri tal-għoti ta’ kuntratti b’mod li jkunu ggarantiti l-kompetizzjoni leali u l-ugwaljanza fit-trattament bejn l-operaturi ekonomiċi kollha, kif ukoll l-osservanza tar-regoli ta’ proporzjonalità u ta’ trasparenza.

[…]”.

12.

L-Artikolu 8 jipprovdi li:

“1.   Il-proċedura tal-għoti ta’ kuntratt għandha tkun pubblika.

2.   L-awtorità kontraenti tista’ tirrestrinġi l-aċċess għall-informazzjoni dwar il-proċedura tal-għoti ta’ kuntratt biss fil-każijiet stabbiliti bil-liġi.

2a.   L-awtorità kontraenti tista’ tiddetermina fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt ir-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex tinżamm il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni pprovduta lill-operatur ekonomiku matul il-proċedura.

3.   Ma għandhiex tiġi żvelata informazzjoni li tikkostitwixxi sigriet tan-negozju fis-sens tal-leġiżlazzjoni dwar il-kompetizzjoni żleali jekk, qabel ma jiskadi t-terminu għas-sottomissjoni tal-offerti jew ta’ talbiet għall-parteċipazzjoni fil-proċedura, l-operatur ekonomiku jkun iddikjara li tali informazzjoni ma tistax tiġi żvelata u jkun ipproduċa provi li l-informazzjoni mhux żvelata tikkostitwixxi sigriet tan-negozju. L-operatur ekonomiku ma jistax jiddikjara l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 86(4) bħala kunfidenzjali. Din id-dispożizzjoni għandha tapplika mutatis mutandis għas-sejħa għal offerti.

[…]”.

2. Ustawa z dnia 16 kwietnia 1993 r. o zwalczaniu nieuczciwej konkurencji ( 7 )

13.

L-Artikolu 11(2) jiddikjara li:

“Sigriet tan-negozju jfisser l-informazzjoni teknika, teknoloġika, xjentifika, u rigward l-organizzazzjoni tal-impriża, kif ukoll informazzjoni oħra li jkollha valur ekonomiku, li, meqjusa kollha kemm hi jew fil-konfigurazzjoni u l-ġbir eżatti tal-komponenti tagħha, ma tkunx ġeneralment magħrufa mill-persuni li jkunu fiċ-ċrieki li fihom jintuża dan it-tip ta’ informazzjoni jew li ma tkunx faċilment aċċessibbli għal dawn il-persuni, sakemm il-persuna awtorizzata li tuża jew tiddisponi minn din l-informazzjoni tkun ħadet miżuri, b’diliġenza dovuta, sabiex iżżommha sigrieta”.

II. Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

14.

Fl‑2019 ( 8 ), il-Państwowe Gospodarstwo Wodne Wody Polskie (l-Awtorità Nazzjonali għall-Ġestjoni tal-Ilma, il-Polonja) nediet proċedura miftuħa għall-għoti ta’ kuntratt għall-“iżvilupp tal-proġetti tat-tieni aġġornament tal-pjanijiet tal-baċir idrografiku (II aPGW) kif ukoll tal-metodoloġiji”.

15.

L-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kienu jipprevedu li l-offerti kienu ser jiġu evalwati abbażi ta’ tliet kriterji: il-prezz (40 %), id-disinn tal-iżvilupp tal-proġetti (42 %) u d-deskrizzjoni tal-mod kif ser jitwettaq il-kuntratt (18 %).

16.

Erba’ operaturi ppreżentaw offerti, u fosthom kien hemm konsorzju ta’ impriżi mmexxi minn ANTEA POLSKA S.A (iktar ’il quddiem “Antea Polska”) ( 9 ). CDM Smith Sp.z o.o. (iktar ’il quddiem is-“CDM”) kienet l-offerent rebbieħ.

17.

Antea Polska, li kklassifikat fit-tieni post, appellat mid-deċiżjoni ta’ għoti quddiem il-Krajowa Izba Odwoławcza (l-Awla Nazzjonali tal-Appell). Waħda mit-talbiet tagħha kienet tikkonċerna l-ksib tal-aċċess għal ċerti dokumenti u għall-informazzjoni kklassifikata bħala sigriet tan-negozju mis-CDM u minn offerenti oħra.

18.

Antea Polska tqis li l-klassifikazzjoni ta’ din l-informazzjoni bħala sigrieta kisret il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza, li abbażi tagħhom il-kunfidenzjalità għandha tiġi interpretata b’mod strett. Barra minn hekk, l-ammissjoni eċċessiva tan-natura kunfidenzjali tal-informazzjoni, flimkien mal-assenza ta’ motivazzjoni xierqa tal-klassifikazzjonijiet mogħtija, allegatament ċaħħditha mid-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva billi ma kinitx taf id-dettalji tal-offerti tal-kompetituri tagħha.

19.

Kontra din il-pożizzjoni, l-awtorità kontraenti argumentat, fost kunsiderazzjonijiet oħra, li:

Id-detenturi tal-informazzjoni kunfidenzjali ssodisfaw l-oneru li jispjegaw ir-raġunijiet għalfejn kien xieraq li hija tiġi protetta bħala sigrieta.

Id-disinn tal-iżvilupp tal-proġetti u d-deskrizzjoni tal-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt huma studji tal-awtur li l-iżvelar tagħhom jista’ jippreġudika l-interessi tal-kreatur tagħhom.

L-informazzjoni inkluża fl-offerta tas-CDM kellha valur kummerċjali. L-iżvelar tagħha jippermetti lill-kompetituri jużaw l-għarfien tekniku tal-offerent u s-soluzzjonijiet tekniċi jew organizzattivi żviluppati minnu.

Il-lista ta’ persuni msejħa sabiex jipparteċipaw fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt tinkludi data li permezz tagħha dawn il-persuni jistgħu jiġu identifikati, u dan jista’ jesponi lill-operatur ekonomiku għar-riskju ta’ telf jekk il-kompetituri jipprovaw “jeħduhom”. B’mod analogu, id-data fil-formola tal-offerta tinkludi informazzjoni ddettaljata, li għandha valur kummerċjali, dwar it-terzi li jipprovdu riżorsi.

20.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Krajowa Izba Odwoławcza (l-Awla Nazzjonali tal-Appell), li għandha tiddeċiedi dwar il-kontestazzjoni tad-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti, ifformulat seba’ domandi preliminari. Skont it-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, ser nindirizza biss l-ewwel erbgħa, li huma fformulati kif ġej:

“1)

Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni ta’ operaturi ekonomiċi kif ukoll il-prinċipju ta’ trasparenza espressi fl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2014/24/UE […] jippermettu li l-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2014/24 u l-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2016/943 […] b’mod partikolari t-termini ‘mhux, bħala korp jew fil-konfigurazzjoni preċiża u l-assemblaġġ tal-komponenti tagħha, magħrufa ġeneralment jew aċċessibbli b’mod faċli’ u ‘għandha valur kummerċjali minħabba li hija sigrieta’ kif ukoll l-indikazzjoni li ‘l-awtorità kontraenti ma għandhiex tiddivulga informazzjoni mgħoddija lilha minn operaturi ekonomiċi li hija mniżżla bħala kunfidenzjali’, jiġu interpretati fis-sens li operatur ekonomiku jista’ jikklassifika bħala sigriet kummerċjali kull informazzjoni fuq il-bażi li ma jixtieqx jiżvelaha mal-operaturi ekonomiċi li jikkompetu miegħu?

2)

Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni ta’ operaturi ekonomiċi kif ukoll il-prinċipju ta’ trasparenza espressi fl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2014/24 jippermettu li l-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2014/24 u l-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2016/943 jiġu interpretati fis-sens li operaturi ekonomiċi li jikkompetu għal kuntratt pubbliku jistgħu jikklassifikaw id-dokumenti indikati fl-Artikoli 59 u 60 tad-Direttiva 2014/24 kif ukoll fl-Anness XII għad-Direttiva 2014/24, kompletament jew parzjalment, bħala sigriet kummerċjali, b’mod partikolari l-lista ta’ esperjenza miksuba, ir-referenzi, il-lista ta’ persuni proposti biex jimplimentaw il-kuntratt u l-kwalifiki professjonali tagħhom, l-ismijiet u l-kapaċitajiet tal-entitajiet li fuq il-kapaċitajiet tagħhom huma jistrieħu jew is-subappaltaturi tagħhom, fejn dawn id-dokumenti huma meħtieġa bil-għan li jintwera li ġew issodisfatti l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni fil-proċedura jew għall-evalwazzjoni konformement mal-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-offerta jew għad-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-offerta ma’ rekwiżiti oħra tal-awtorità kontraenti inklużi fid-dokumentazzjoni tal-proċedura (avviż tal-kuntratt, speċifikazzjonijiet tal-kuntratt)?

3)

Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni ta’ operaturi ekonomiċi, kif ukoll il-prinċipju ta’ trasparenza espressi fl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2014/24 moqrija flimkien mal-Artikoli 58(1), 63(1) u 67(2)(b) tad-Direttiva 2014/24 jippermettu lill-awtorità kontraenti taċċetta d-dikjarazzjoni tal-operatur ekonomiku li tgħid li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu r-riżorsi f’persunal meħtieġa mill-awtorità kontraenti jew iddikjarati minnu stess, l-entitajiet li fuq ir-riżorsi tagħhom għandu l-intenzjoni jibbaża lilu nnifsu, jew subappaltaturi, li, konformement mad-dispożizzjonijiet legali għandu juri lill-awtorità kontraenti, kif ukoll simultanjament taċċetta d-dikjarazzjoni tiegħu li l-iżvelar innifsu lill-operaturi ekonomiċi li jikkompetu miegħu tad-data li tirrigwarda lill-imsemmija persuni jew entitajiet (kunjom, isem kummerċjali, esperjenza u kwalifiki) jistgħu jikkawżaw il-‘ħtif’ tagħhom minn dawn l-operaturi ekonomiċi fejn għaldaqstant ikun meħtieġ li din l-informazzjoni titqies bħala sigriet kummerċjali? Fid-dawl tas-suespost, tali rabta impermanenti bejn l-operatur ekonomiku u dawn il-persuni u entitajiet tista’ titqies bħala prova tad-disponibbiltà ta’ dawn ir-riżorsi u, b’mod partikolari, l-operatur ekonomiku jista’ jingħata punti addizzjonali fejn jidħlu l-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-offerta?

4)

Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni ta’ operaturi ekonomiċi kif ukoll il-prinċipju ta’ trasparenza espressi fl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2014/24 jippermettu li l-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2014/24 u l-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2016/943 jiġu interpretati fis-sens li operaturi ekonomiċi li jikkompetu għal kuntratt pubbliku jistgħu jikklassifikaw bħala sigriet kummerċjali dokumenti meħtieġa għall-evalwazzjoni tal-konformità tal-offerta mar-rekwiżiti tal-awtorità kontraenti li jinsabu fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt (inkluża fid-deskrizzjoni tas-suġġett tal-kuntratt) jew għall-evalwazzjoni tal-offerta fuq il-bażi tal-kriterji ta’ evalwazzjoni, b’mod partikolari jekk dawn id-dokumenti jikkonċernaw l-issodisfar tar-rekwiżiti tal-awtorità kontraenti li jinsabu fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, f’dispożizzjonijiet legali jew f’dokumenti oħra aċċessibbli għall-pubbliku b’mod ġenerali jew aċċessibbli għall-persuni interessati, b’mod partikolari jekk din l-evalwazzjoni ma titwettaqx konformement ma’ mudelli oġġettivament paragunabbli kif ukoll indikaturi matematiċi jew fiżiċi li jistgħu jitkejlu u li jistgħu jiġu pparagunati, iżda konformement mal-ġudizzju personali tal-awtorità kontraenti? Konsegwentement, l-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2014/24 u l-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2016/943 jistgħu jiġu interpretati fis-sens li dikjarazzjoni ppreżentata mill-operatur ekonomiku flimkien mal-offerta li skontha huwa ser jeżegwixxi s-suġġett speċifiku tal-kuntratt konformement mal-indikazzjonijiet tal-awtorità kontraenti li jinsabu fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt eżaminati u evalwati mill-awtorità kontraenti fid-dawl tal-konformità ma’ dawn ir-rekwiżiti, tista’ tiġi kkunsidrata bħala sigriet kummerċjali ta’ operatur ekonomiku speċifiku, anki jekk l-għażla tal-metodi sabiex jintlaħaq l-effett meħtieġ mill-awtorità kontraenti (is-suġġett tal-kuntratt) hija tal-operatur ekonomiku?”

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

21.

It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid‑29 ta’ Jannar 2021.

22.

Antea Polska, il-Państwowe Gospodarstwo Wodne Wody Polskie (l-Awtorità Nazzjonali għall-Ġestjoni tal-Ilma), il-Gvern Awstrijak u dak Pollakk, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

23.

Fis-seduta, li nżammet fis‑16 ta’ Marzu 2022, ipparteċipaw Antea Polska, il-Państwowe Gospodarstwo Wodne Wody Polskie (l-Awtorità Nazzjonali għall-Ġestjoni tal-Ilma), is-CDM, il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni.

IV. Evalwazzjoni

A.   Osservazzjonijiet preliminari: id-direttiva applikabbli

24.

Fis-sentenza Klaipėdos (punti 96 sa 102), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-leġiżlazzjoni applikabbli għall-kawżi dwar il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità fil-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi tinsab fid-Direttiva 2014/24, li tikkostitwixxi l-lex specialis, u mhux fid-Direttiva 2016/943.

25.

Din id-dikjarazzjoni kkunsidrat, fost affarijiet oħrajn, li:

“Fid-dawl tal-għan tagħha, kif stabbilit fl-Artikolu 1(1) tagħha, moqri flimkien mal-premessa 4 tagħha, id-Direttiva 2016/943 tirrigwarda biss il-kisba, l-użu jew l-iżvelar illegali ta’ sigriet kummerċjali u ma tipprevedix miżuri intiżi sabiex jipproteġu l-kunfidenzjalità tas-sigrieti kummerċjali f’tipi oħra ta’ proċeduri ġudizzjarji, bħall-proċeduri relatati mal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi” ( 10 ).

Il-premessa 18 tad-Direttiva 2016/943 tiddikjara li “[…] din id-Direttiva m’għandhiex teżenta lill-awtoritajiet pubbliċi mill-obbligi ta’ kunfidenzjalità li huma soġġetti għalihom f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni mgħoddija mid-detenturi ta’ sigrieti kummerċjali, irrispettivament minn jekk dawn l-obbligi humiex stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali. Tali obbligi ta’ kunfidenzjalità jinkludu, fost l-oħrajn, l-obbligi rigward informazzjoni mgħoddija lill-awtoritajiet kontraenti fil-kuntest tal-proċeduri ta’ akkwist, kif stabbiliti, pereżempju, […] fid-Direttiva 2014/24/UE […]”.

26.

Bl-istabbiliment ta’ din il-premessa, xejn ma jipprekludi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-kunċetti tad-Direttiva 2016/943 ( 11 ) meta, bħalma huwa l-każ hawnhekk, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħmel riferiment għalihom sabiex tirregola s-sistema ta’ kunfidenzjalità fil-proċeduri tal-għoti ta’ kuntratti. Ser nagħmel riferiment għal dan iktar ’il quddiem.

B.   L-ewwel domanda preliminari

27.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, qabelxejn, jekk l-interpretazzjoni tal-Artikolu 21 tad-Direttiva 2014/24 ( 12 ) tawtorizzax lill-offerent jikklassifika kwalunkwe informazzjoni li ma jixtieqx jiżvela lill-kompetituri tiegħu bħala kunfidenzjali, u bħala sigriet tan-negozju.

28.

Wieħed għandu jifhem li b’din id-domanda l-qorti tar-rinviju ma hijiex ikkonċernata bl-azzjoni unilaterali tal-offerent daqskemm hija kkonċernata bil-konsegwenzi li jirriżultaw minnha għall-awtorità kontraenti.

29.

Fil-fehma tiegħi, ir-risposta għandha tiġi dedotta mis-sentenza Klaipėdos, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat:

“[…] l-għan prinċipali tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi jinkludi l-ftuħ għall-kompetizzjoni mhux distorta fl-Istati Membri kollha u li […] sabiex jintlaħaq dan l-għan, huwa importanti li l-awtoritajiet kontraenti ma jiżvelawx informazzjoni relatata ma’ proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi li l-kontenut tagħhom jista’ jintuża għad-distorsjoni tal-kompetizzjoni, kemm fi proċedura ta’ għoti fis-seħħ, kif ukoll fi proċeduri ta’ għoti sussegwenti” ( 13 ).

“Mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/24, iċċitati fil-punti 113 u 114 ta’ din is-sentenza [l-Artikolu 21(1) u (2), l-Artikolu 50 u l-Artikolu 55(2)(c) tad-Direttiva 2014/24], kif ukoll mill-ġurisprudenza […] jirriżulta li awtorità kontraenti, adita minn operatur ekonomiku b’talba għal komunikazzjoni ta’ informazzjoni meqjusa kunfidenzjali li tinsab fl-offerta tal-kompetitur li lilu ngħata l-kuntratt, ma għandhiex, bħala prinċipju, tikkomunika din l-informazzjoni” ( 14 ).

“Madankollu, […] l-awtorità kontraenti ma tistax tkun marbuta bis-sempliċi allegazzjoni ta’ operatur ekonomiku li l-informazzjoni trażmessa hija kunfidenzjali. Tali operatur għandu fil-fatt juri n-natura verament kunfidenzjali tal-informazzjoni li l-iżvelar tagħha huwa jopponi, billi jistabbilixxi, pereżempju, li din tinkludi sigrieti tekniċi jew kummerċjali, li l-kontenut tagħha jista’ jintuża sabiex tiġi distorta l-kompetizzjoni jew li l-iżvelar tagħha jista’ jkun ta’ dannu għalih” ( 15 ).

“[…] [J]ekk l-awtorità kontraenti tistaqsi dwar in-natura kunfidenzjali tal-informazzjoni trażmessa mill-imsemmi operatur, hija għandha, qabel ma tieħu deċiżjoni li tawtorizza l-aċċess għal din l-informazzjoni favur l-applikant, tqiegħed lill-operatur ikkonċernat f’pożizzjoni li jipprovdi provi addizzjonali sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża ta’ dan tal-aħħar” ( 16 ).

30.

Għaldaqstant, huma kemm l-awtorità kontraenti kif ukoll il-korpi li jirrevedu d-deċiżjonijiet tagħha li għandhom jevalwaw il-kunfidenzjalità allegata mill-offerent, u mhux sempliċiment jassumuha bħala diġà ddikjarata. Huma għandhom biżżejjed setgħat sabiex jiġġieldu kontra dak li, skont id-deċiżjoni tar-rinviju, jikkostitwixxi prattika abbużiva (“abbuż patoloġiku”) min-naħa tal-offerenti li huma mdorrijin jużaw b’mod sproporzjonat il-possibbiltà li jikklassifikaw aspetti tal-offerti tagħhom bħala kunfidenzjali meta, fil-verità, ma jkunux hekk.

31.

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, minkejja l-fatt li l-leġiżlatur Pollakk xtaq jillimita l-portata tal-kunfidenzjalità, uħud mill-offerenti jinvokaw b’mod sistematiku l-fatt li l-biċċa l-kbira tal-informazzjoni li tinsab fl-offerti tagħhom hija sigriet tan-negozju u l-awtoritajiet kontraenti għandhom it-tendenza li joqgħodu fuq tali affermazzjonijiet ( 17 ).

32.

Jekk dan huwa l-każ u jkun hemm anomalija fl-applikazzjoni tad-dispożizzjoni legali nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 2014/24, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jikkorreġuha sabiex jikkonformaw mad-dritt tal-Unjoni.

33.

Għalkemm il-qorti tar-rinviju ma tagħtix attenzjoni speċjali għal dak li ser nindirizza iktar ’il quddiem, fl-osservazzjonijiet tal-partijiet u fis-seduta ġiet diskussa r-restrizzjoni imposta mid-dispożizzjoni legali nazzjonali (Artikolu 8(3) tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi) li timpedixxi l-iżvelar biss tal-informazzjoni li tikkostitwixxi sigriet tan-negozju, fis-sens tal-leġiżlazzjoni dwar il-kompetizzjoni żleali ( 18 ).

34.

Id-diskussjoni kienet dwar jekk din id-dispożizzjoni legali nazzjonali tikkonformax mal-Artikolu 21 tad-Direttiva 2014/24, li jipproteġi kamp ta’ kunfidenzjalità usa’ minn dak tas-sigrieti tekniċi u tan-negozju ( 19 ) (pereżempju, huwa jkopri wkoll l-“aspetti kunfidenzjali tal-offerti”).

35.

Bħalma diġà spjegajt f’dak iż-żmien ( 20 ), skont l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2014/24, il-protezzjoni ma hijiex limitata għas-sigrieti tekniċi u tan-negozju, iżda wkoll, inter alia, għall-aspetti kunfidenzjali tal-offerti. Għaldaqstant, informazzjoni li ma tistax tiġi kklassifikata, strettament, bħala sigriet tekniku jew tan-negozju, tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fehma tiegħi, din l-istess idea hija sottostanti f’diversi siltiet tas-sentenza Klaipèdos ( 21 ).

36.

Billi l-emenda tal-Artikolu 11 tal-Liġi dwar il-Kompetizzjoni Żleali ( 22 ), li tittrasponi d-Direttiva 2016/943, jinkludi d-definizzjoni “sigriet kummerċjali” ta’ din tal-aħħar, permezz ta’ tali katina ta’ riferimenti, il-leġiżlazzjoni Pollakka dwar il-kuntratti pubbliċi tirriżulta fil-kunċett “sigriet kummerċjali” tad-Direttiva 2016/943 ( 23 ).

37.

B’hekk tqum il-mistoqsija, b’mod indirett, jekk leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lill-kunfidenzjalità portata iktar ristretta minn dik indikata mill-Artikolu 21 tad-Direttiva 2014/21 hijiex konformi ma’ din id-dispożizzjoni.

38.

Prima facie, xejn ma jipprekludi li d-dritt nazzjonali jinkludi restrizzjoni simili, peress li l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2014/24 japplika “[s]akemm ma jiġix stipulat mod ieħor f’din id-Direttiva jew fil-liġi nazzjonali li għaliha l-awtorità kontraenti tkun soġġetta”.

39.

Din ir-riżerva tagħti marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri, b’mod analogu għal dik f’dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva2014/24 li jagħmlu riferiment għal-leġiżlazzjoni nazzjonali. Dan huwa l-każ fir-rigward tal-Artikolu 57(7) tad-Direttiva 2014/24, li jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jispeċifikaw il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu “b’kont meħud għad-dritt tal-Unjoni”.

40.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja adottat l-interpretazzjoni li “s-setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri ma hijiex assoluta u […] ladarba Stat Membru jiddeċiedi li jintegra wieħed mill-motivi fakultattivi ta’ esklużjoni previsti mid-Direttiva 2014/24, huwa għandu jirrispetta l-karatteristiċi essenzjali tiegħu, kif huma espressi fih. Billi jispeċifika li l-Istati Membri għandhom jiddeċiedu ‘il-kondizzjonijiet implimentattivi ta’ dan l-Artikolu’‘b’kont meħud għad-dritt tal-Unjoni’, l-Artikolu 57(7) tad-Direttiva 2014/24 iwaqqaf lill-Istati Membri milli jiżnaturaw il-motivi fakultattivi ta’ esklużjoni stabbiliti f’din id-dispożizzjoni jew jinjoraw l-għanijiet jew il-prinċipji li jispiraw kull waħda minn dawn il-kawżi” ( 24 ).

41.

Fil-fehma tiegħi, dik il-ġurisprudenza tista’, b’analoġija, tiġi trasposta għal din il-kawża. Sakemm jiġi rrispettat id-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri jistgħu jimmodulaw il-portata tal-kunfidenzjalità, b’tali mod li, bħala prinċipju, xejn ma jipprekludi li t-tipi ta’ informazzjoni protetta jiġu limitati għas-“sigrieti kummerċjali”, li huwa iktar restrittiv mid-dispożizzjoni ġenerali tal-Artikolu 21 tad-Direttiva 2014/24.

42.

Sabiex jiġi interpretat il-kunċett ta’ sigriet tan-negozju jista’ jkun utli li wieħed jagħmel riferiment għad-Direttiva 2016/943, li tiċċara d-definizzjoni tal-kunċett li jintuża mill-Artikolu 21 tad-Direttiva 2014/24. Dan ikun il-każ, b’mod partikolari, meta leġiżlazzjoni nazzjonali, permezz tar-riferimenti li esponejt iktar ’il fuq, torbot l-evalwazzjoni tal-kunfidenzjalità fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi mas-sigrieti tan-negozju kif iddefiniti mil-liġi li tittrasponi d-Direttiva 2016/943.

43.

Id-Direttiva 2016/943, sa fejn hija intiża sabiex tirregola b’mod ġenerali s-sigrieti tan-negozju, isservi lill-awtorità kontraenti – u lill-korpi li jistħarrġu d-deċiżjonijiet tagħha – sabiex isibu bilanċ bejn il-prinċipji li, b’mod speċifiku, jaffettwaw il-kunfidenzjalità u dawk li fuqhom hija msejsa s-sistema ta’ kuntratti pubbliċi tad-Direttiva 2014/24, kif ukoll l-aċċess għal reġim effikaċi ta’ rimedji.

44.

Madankollu, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva 2014/24, li huma differenti mill-Artikolu 21, fid-dawl tal-għanijiet ġenerali tagħha. L-applikazzjoni tagħhom timplika li ċerta informazzjoni kunfidenzjali, anki jekk ma taqax strettament taħt il-kunċett ta’ sigriet tan-negozju, għandha tiġi protetta sabiex tiġi ppreżervata l-kompetizzjoni mingħajr distorsjoni bejn l-operaturi ekonomiċi jew l-interessi kummerċjali leġittimi ta’ operatur ekonomiku.

45.

Skont l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2014/24, l-awtorità kontraenti għandha tipprovdi lill-kandidati u lill-offerenti l-informazzjoni stabbilita fl-Artikolu 50 u l-Artikolu 55. Din l-informazzjoni ma taqax, bħala prinċipju, taħt il-lista ta’ informazzjoni kunfidenzjali, iżda tista’ ssir kunfidenzjali fiċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 50(4) u fl-Artikolu 55(3) tad-Direttiva 2014/24.

46.

Għaldaqstant, tkun suġġetta għall-obbligu ta’ kunfidenzjalità data (mhux neċessarjament sigrieti tan-negozju) li l-iżvelar tagħha “[jista’] […] [j]ippreġudika l-interessi kummerċjali leġittimi ta’ operatur ekonomiku […] partikolari, jew [i]kun [j]ista’ [j]ippreġudika l-kompetizzjoni ġusta bejn l-operaturi ekonomiċi”.

47.

Għalkemm l-Artikolu 55(3) tad-Direttiva 2014/24 jagħmel riferiment, b’mod speċifiku, għad-data msemmija fil-punti 1 u 2 tal-istess artikolu, dak li huwa rilevanti hawnhekk huwa t-twissija biex ma jiġux ippreġudikati l-interessi kummerċjali leġittimi ta’ operatur ekonomiku (rivali) u biex tiġi ppreżervata l-kompetizzjoni.

48.

Din it-twissija doppja ttieħdet mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kuntratti pubbliċi f’termini usa’. Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li:

Il-kompetizzjoni bejn l-operaturi tista’ ssofri jekk wieħed minnhom japprofitta ruħu b’mod illegali minn informazzjoni sensittiva pprovduta minn oħrajn f’dan it-tip ta’ proċedura. Fis-sentenza Klaipèdos, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li “[…] huwa importanti li l-awtoritajiet kontraenti ma jiżvelawx informazzjoni relatata ma’ proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi li l-kontenut tagħhom jista’ jintuża għad-distorsjoni tal-kompetizzjoni, kemm fi proċedura ta’ għoti fis-seħħ, kif ukoll fi proċeduri ta’ għoti sussegwenti” ( 25 ).

Għandu jiġi evitat il-preġudizzju għall-interessi leġittimi ta’ operaturi ekonomiċi oħrajn, pubbliċi jew privati, li jikkostitwixxi l-limitu loġiku għall-iżvelar tal-informazzjoni li dawn ikunu pprovdew lill-awtorità kontraenti ( 26 ). Hija l-awtorità kontraenti nnifisha li għandha tevalwa, fuq talba tal-offerent jekk huwa jagħmel talba f’dan is-sens, jekk hemmx interess leġittimu li jiġi ppreżervat sigriet ta’ informazzjoni partikolari.

49.

L-Artikolu 50(4) u l-Artikolu 55(3) tad-Direttiva 2014/24 iħallu f’idejn l-awtoritajiet kontraenti sabiex jiddeċiedu li ma jikkomunikawx l-informazzjoni sensittiva msemmija f’dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet. L-ebda waħda minnhom ma tinkludi r-riżerva li tikkaratterizza l-Artikolu 21(1) tal-istess direttiva (“[s]akemm ma jiġix stipulat mod ieħor […] fil-liġi nazzjonali”), u b’hekk l-applikazzjoni tagħhom ma tiddependix mid-dispożizzjonijiet nazzjonali.

50.

Fi kwalunkwe każ, il-kapaċità tal-awtoritajiet kontraenti li jiżvelaw l-informazzjoni li jkun hemm fl-offerti, anki jekk ma jkunux sigriet tan-negozju stricto sensu, tista’ tkun limitata minn dispożizzjonijiet settorjali oħra li jipprevedu tali restrizzjoni ( 27 ).

51.

Fil-qasir, inqis, b’risposta għall-ewwel domanda preliminari, li l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2014/24:

jipprekludi lil operatur ekonomiku milli jikklassifika kwalunkwe informazzjoni bħala sigrieta minħabba li sempliċiment ma jkunx jixtieq jiżvelaha lill-kompetituri tiegħu.

jistabbilixxi li l-awtorità kontraenti ma hijiex marbuta mis-sempliċi allegazzjoni ta’ operatur ekonomiku fis-sens li l-informazzjoni pprovduta hija kunfidenzjali.

ma jipprekludix lil Stat Membru milli jillimita l-kunfidenzjalità għas-sigrieti tan-negozju, sakemm jiġi rrispettat id-dritt tal-Unjoni u li l-informazzjoni żvelata, minħabba li ma taqax taħt dan il-kunċett, ma tistax tintuża biex tippreġudika l-interessi kummerċjali leġittimi ta’ operaturi ekonomiċi oħra jew sabiex tinħoloq distorsjoni fil-kompetizzjoni bejniethom.

C.   It-tieni, it-tielet u r-raba’ domanda preliminari

52.

Permezz ta’ dawn id-domandi, li jistgħu jingħataw risposta flimkien, il-qorti tar-rinviju tesprimi d-dubji tagħha dwar il-possibbiltà li l-kunfidenzjalità invokata mill-offerent taffettwa, b’mod partikolari:

“[I]l-lista ta’ esperjenza miksuba, ir-referenzi, il-lista ta’ persuni proposti biex jimplimentaw il-kuntratt u l-kwalifiki professjonali tagħhom, l-ismijiet u l-kapaċitajiet tal-entitajiet li fuq il-kapaċitajiet tagħhom huma jistrieħu jew is-subappaltaturi tagħhom” (it-tieni domanda).

“[I]d-dikjarazzjoni tal-operatur ekonomiku li tgħid li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu r-riżorsi f’persunal meħtieġa mill-awtorità kontraenti jew iddikjarati minnu stess, l-entitajiet li fuq ir-riżorsi tagħhom għandu l-intenzjoni jibbaża lilu nnifsu, jew subappaltaturi” (it-tielet domanda).

“[D]okumenti meħtieġa għall-evalwazzjoni tal-konformità tal-offerta mar-rekwiżiti tal-awtorità kontraenti li jinsabu fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt (inkluża fid-deskrizzjoni tas-suġġett tal-kuntratt) jew għall-evalwazzjoni tal-offerta fuq il-bażi tal-kriterji ta’ evalwazzjoni, b’mod partikolari jekk dawn id-dokumenti jikkonċernaw l-issodisfar tar-rekwiżiti tal-awtorità kontraenti li jinsabu fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, f’dispożizzjonijiet legali jew f’dokumenti oħra aċċessibbli għall-pubbliku b’mod ġenerali jew aċċessibbli għall-persuni interessati” (ir-raba’ domanda).

53.

Għal darba oħra, is-sentenza Klaipèdos tipprovdi lill-qorti tar-rinviju bl-elementi ewlenin sabiex tiddetermina hija nfisha jekk din l-informazzjoni (jew kwalunkwe informazzjoni oħra li takkumpanja l-offerta ta’ offerent) hijiex kunfidenzjali fit-tilwima li biha hija adita.

54.

Is-sentenza Klaipèdos, fil-fehma tiegħi, tiffavorixxi l-fatt li l-kunfidenzjalità tkun speċifika kemm jista’ jkun ( 28 ):

Fl-ewwel lok, l-assoċjazzjoni bejn id-“deċiżjoni tagħha li tipproċessa ċerta data bħala kunfidenzjali” u l-obbligu li “tikkomunika taħt forma newtrali, […] il-kontenut essenzjali [tad-data kunfidenzjali] lil[l-]offerent li jitlobha” ( 29 ) tissuġġerixxi ċ-ċaħda tad-dikjarazzjonijiet ta’ kunfidenzjalità fformulati b’mod globali jew li jagħmlu riferiment għal kategoriji ġeneriċi ta’ dokumenti.

Fit-tieni lok, għalkemm il-modi li bihom jista’ jinżamm il-bilanċ bejn il-prinċipji kunfliġġenti huma varji u diffiċli biex jiġu ddefiniti, “l-awtorità kontraenti tista’, b’mod partikolari u sa fejn id-dritt nazzjonali li hija suġġetta għalih ma jopponix dan, tikkomunika f’forma mqassra ċerti aspetti ta’ kandidatura jew ta’ offerta kif ukoll il-karatteristiċi tekniċi tagħha, b’tali mod li l-informazzjoni kunfidenzjali ma tkunx tista’ tiġi identifikata” ( 30 )

Fit-tielet lok, l-awtoritajiet kontraenti għandhom mekkaniżmi li jwessgħu l-marġni ta’ manuvra tagħhom: “skont l-Artikolu 21(2) tad-Direttiva 2014/24, […] jistgħu jimponu fuq l-operaturi ekonomiċi rekwiżiti intiżi sabiex jipproteġu l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni li huma jqiegħdu għad-dispożizzjoni matul il-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt. Għalhekk, jekk jitqies li l-informazzjoni mhux kunfidenzjali hija adegwata għal dan il-għan, awtorità kontraenti tista’ wkoll tirrikorri għal din il-possibbiltà sabiex tiżgura r-rispett tad-dritt għal rimedju effettiv tal-offerent eskluż, billi titlob lill-operatur li l-offerta tiegħu tkun intgħażlet sabiex jipprovdilha verżjoni mhux kunfidenzjali tad-dokumenti li jinkludu informazzjoni kunfidenzjali” ( 31 ).

55.

L-interpretazzjoni tal-Artikolu 21 tad-Direttiva 2014/24 li tirriżulta minn din il-linja ġurisprudenzjali hija koerenti ma’ dispożizzjonijiet oħra ta’ din id-direttiva li jagħmlu riferiment għall-ispeċifiċità tal-kunfidenzjalità ( 32 ).

56.

Fis-seduta ġie diskuss il-“prinċipju ta’ minimizzazzjoni”, sabiex tintuża t-terminoloġija tal-qorti tar-rinviju, bħala kriterju ta’ limitazzjoni tal-kunfidenzjalità għall-minimu neċessarju. Jistgħu jiġu kklassifikati bħala kunfidenzjali biss l-informazzjoni, id-data, l-elementi jew siltiet tad-dokumenti mehmużin mal-offerti (jew tal-offerti nnifishom) li, b’mod partikolari, jitqiesu neċessarji sabiex jipproteġu l-interessi leġittimi tal-offerent u jevitaw wieħed mir-rivali tiegħu joħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni bejniethom.

57.

Ma hemm xejn li jipprekludi l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju, li japplika biss għal partijiet speċifiċi tal-informazzjoni pprovduta, u mhux għad-dokumenti fl-intier tagħhom, jekk l-awtorità kontraenti tqis li dan ikun xieraq. Fi kwalunkwe każ, ma huwiex possibbli li jiġi stabbilit a priori meta ċerti dokumenti jistgħu jkunu kklassifikati bħala kunfidenzjali, peress li tali klassifikazzjoni tiddependi fuq il-karatteristiċi ta’ kull dokument f’tilwima speċifika.

58.

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jidher li l-awtorità kontraenti aġixxiet b’mod ġenerali fir-rigward ta’ ċerti kategoriji ta’ informazzjoni, u tbiegħdet mill-klassifikazzjoni individwalizzata neċessarja.

59.

Madankollu, din hija evalwazzjoni li taqa’ fil-kompetenza esklużiva tal-qorti tar-rinviju, li għandha twettaq evalwazzjoni ddettaljata u mmotivata:

jekk l-offerent ressaqx talba mmotivata u ġġustifikata ta’ dikjarazzjoni ta’ sigriet tan-negozju, totali jew parzjali, għal kull dokument li l-kontenut tiegħu huwa xtaq li jżomm moħbi mill-kompetituri tiegħu.

jekk l-awtorità kontraenti ddikjaratx ruħha dwar ir-raġunijiet tagħha, b’mod individwalizzat, għaliex hija qieset li dokument partikolari, jew sett ta’ dokumenti, għandhom jiġu kkunsidrati li huma koperti mill-kunfidenzjalità, kif ukoll dwar il-portata u l-kundizzjonijiet ta’ din tal-aħħar.

jekk ir-raġunijiet mogħtija mill-awtorità kontraenti sabiex ma tneħħix mill-klassifikazzjoni bħala kunfidenzjali l-informazzjoni ppreżentata mill-offerent bħala rriżervata kinux iġġustifikati.

60.

Mingħajr ma nixtieq li nieħu post il-qorti tar-rinviju f’dan il-kompitu (li, fil-verità, jikkonċerna iktar l-applikazzjoni tar-regola iktar milli l-interpretazzjoni tagħha), ser nagħmel riferiment qasir għall-informazzjoni li tinsab fl-offerti li huma s-suġġett ta’ dawn id-domandi preliminari, li din il-qorti tiġborhom fil-qosor f’żewġ kategoriji.

61.

L-ewwel waħda tinkludi d-dokumenti li jiddeskrivu “s-sitwazzjoni personali tal-operatur ekonomiku magħżul, b’relazzjoni mal-esperjenza tiegħu, l-entitajiet u l-persunal li huwa jipproponi għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt”.

62.

Fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, id-dokumenti meħtieġa fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kienu biss dawk imsemmija fl-Artikoli 59 u 60, u fl-Anness XII tad-Direttiva 2014/24 (barra dawk mitluba mid-dritt nazzjonali).

63.

Jekk dan huwa l-każ, ikun diffiċli li jiġi kkunsidrat li xi dokumenti, li l-iżvelar tagħhom huwa impost mid-Direttiva 2014/24 stess, jistgħu jiġu kklassifikati bħala sigriet tan-negozju jew tip ieħor ta’ informazzjoni kunfidenzjali.

64.

Il-qorti tar-rinviju żżid, fir-rigward tad-data dwar is-sitwazzjoni personali (il-kapaċità finanzjarja) tal-offerent, li l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt sempliċiment jindikaw li din għandha taqbeż ċertu livell, iżda l-offerent ma huwiex obbligat jagħti dettalji ta’ din il-kapaċità jew jispeċifika x’fondi għandu fil-bank tiegħu.

65.

L-istess jista’ jingħad għas-sitwazzjoni ta’ terzi jew entitajiet li l-offerent jixtieq jiddependi fuq ir-riżorsi tagħhom, jew tas-subappaltaturi li huwa jipproponi fl-offerta tiegħu. Bla ħsara għall-obbligi ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data personali, il-ħatra ta’ persuni jew entitajiet bħal dawn ma tistax tinżamm sigrieta meta l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jeżiġu l-iżvelar tagħhom, u l-allegazzjoni ta’ riskju ipotetiku ta’ “teħid” tar-riżorsi umani tagħhom ma hijiex suffiċjenti.

66.

It-tieni kategorija ta’ dokumenti tikkonċerna l-“proġetti meħtieġa mill-awtorità kontraenti […] sabiex tevalwa l-offerti skont il-kriterji ta’ kwalità”, jiġifieri l-“proposta ta’ proġett” u d-“deskrizzjoni tal-modalitajiet tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt”.

67.

Bħala prinċipju, ma jistax jiġi prekluż li wħud mid-dokumenti pprovduti minn operatur ekonomiku flimkien mal-offerta tiegħu jkun fihom informazzjoni sensittiva koperta mill-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, li l-aċċess għaliha huwa pprojbit għal terzi mingħajr l-awtorizzazzjoni dovuta ( 33 ).

68.

Il-partijiet li pparteċipaw fis-seduta kollha esprimew, waqt din is-seduta, id-diverġenzi tagħhom dwar dan il-punt u finalment ikkonfermaw li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tat-tilwima nkisrux drittijiet ta’ dan it-tip ( 34 ).

69.

Dawn ir-riflessjonijiet jikkonfermaw id-diffikultà li tiġi kklassifikata fl-astratt, a priori, l-informazzjoni inkluża fl-offerti tal-offerenti bħala informazzjoni ta’ natura kunfidenzjali, kemm jekk tkun sigriet tan-negozju jew le. Inevitabbilment, l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2014/24 għandu juża formuli ġeneriċi li jippermettu lill-awtoritajiet kontraenti u lill-qrati tar-rinviju japplikawhom f’kull każ b’mod immotivat.

V. Konklużjoni

70.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-ewwel erba’ domandi preliminari tal-Krajowa Izba Odwoławcza (l-Awla Nazzjonali tal-Appell, il-Polonnja) jingħataw risposta f’dawn it-termini:

“L-Artikolu 21 tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

L-awtorità kontraenti ma hijiex marbuta bis-sempliċi allegazzjoni ta’ operatur ekonomiku li l-informazzjoni trażmessa fl-offerta tiegħu hija kunfidenzjali.

Stat Membru jista’ jillimita l-kunfidenzjalità għas-sigrieti tan-negozju, sakemm jiġi rrispettat id-dritt tal-Unjoni, u sakemm l-informazzjoni żvelata minħabba li ma taqax taħt dan il-kunċett ma tkunx tista’ tintuża bi preġudizzju għall-interessi leġittimi ta’ operatur ekonomiku partikolari jew sabiex toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni leali bejniethom.

L-awtorità kontraenti li lilha operatur ekonomiku ressaq talba għal informazzjoni meqjusa bħala kunfidenzjali għandha tiddetermina, b’mod iddettaljat u mmotivat, jekk huwiex essenzjali li d-dritt ta’ dan l-operatur għall-protezzjoni tal-informazzjoni tiegħu jipprevali fuq id-dritt tal-kompetituri li jkollhom aċċess għal din l-informazzjoni sabiex, fejn xieraq, jikkontestaw id-deċiżjoni tal-għoti tal-kuntratt”.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

( 2 ) Sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2021, Klaipėdos regiono atliekų tvarkymo centras (C‑927/19, EU:C:2021:700; iktar ’il quddiem is-“sentenza Klaipèdos”). L-impatt tagħha fuq din il-kawża ġie indirizzat mill-intervenjenti fis-seduta.

( 3 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifika fil-ĠU 2015, L 275, p. 68).

( 4 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet is-setgħa ta’ dan il-korp sabiex iressaq talbiet għal deċiżjoni preliminari fis-sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 2012, Forposta u ABC Direct Contact (C‑465/11, EU:C:2012:801), u tal‑11 ta’ Mejju 2017, Archus u Gama (C‑131/16, EU:C:2017:358), fost oħrajn.

( 5 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni ta’ konoxxenza u ta’ informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali (sigrieti kummerċjali) kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tagħhom (ĠU 2016, L 157, p. 1).

( 6 ) Liġi dwar il-kuntratti pubbliċi tad‑29 ta’ Jannar 2004.

( 7 ) Liġi dwar il-Ġlieda kontra l-Kompetizzjoni Żleali tas‑16 ta’ April 1993.

( 8 ) Avviż ta’ sejħa għal offerti ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tad‑19 ta’ Diċembru 2019, bin-numru 2019/S 245 603343.

( 9 ) Minbarra Antea Polska, il-konsorzju kien magħmul minn Pectore-Eco sp. z o.o. u l-Instytut Ochrony Środowiska – Państwowy lnstytut Badawczy.

( 10 ) Sentenza Klaipėdos, punt 97 (korsiv miżjud minni). F’dik il-kawża, ir-riferiment għall-proċeduri ġudizzjarji kien opportun peress li d-domanda kienet tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/943 (intitolat “Preservazzjoni tal-kunfidenzjalità tas-sigrieti kummerċjali matul il-kors tal-proċedimenti legali”). Ir-raġunamenti żviluppati f’dik is-sentenza, madankollu, jistgħu jiġu faċilment estiżi għall-fażi preċedenti, fejn l-awtorità kontraenti hija msejħa tiddeċiedi dwar il-kunfidenzjalità.

( 11 ) Xi verżjonijiet lingwistiċi (dik Spanjola, l-Ingliża, il-Ġermaniża, ir-Rumena, it-Taljana jew il-Portuġiża) jagħmlu riferiment, mingħajr distinzjoni, għas-“sigrieti kummerċjali” kemm fid-Direttiva 2014/24 kif ukoll fid-Direttiva 2016/943. Verżjonijiet oħra (pereżempju dik Pollakka jew Franċiża) jużaw it-terminu “sigrieti kummerċjali” fl-ewwel waħda u “sigrieti kummerċjali” fit-tieni waħda. Din id-disparità ma għandhiex effett fuq din it-tilwima peress li ż-żewġ kunċetti huma ekwivalenti.

( 12 ) Għalkemm id-domanda tagħmel riferiment ukoll għall-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ nondiskriminazzjoni ta’ operaturi ekonomiċi kif ukoll ta’ trasparenza, huwa biżżejjed, sabiex tingħata risposta għaliha, li jiġi interpretat l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2014/24, li jimplimenta dawn il-prinċipji.

( 13 ) Sentenza Klaipèdos, punt 115.

( 14 ) Ibidem, punt 116.

( 15 ) Ibidem, punt 117.

( 16 ) Ibidem, punt 118.

( 17 ) Punt IV.B, tad-deċiżjoni tar-rinviju. Il-qorti tar-rinviju tispjega li l-awtoritajiet kontraenti għandhom motivazzjoni doppja sabiex jaġixxu b’dan il-mod: minn naħa, għandhom il-biża’ li jiżvelaw dokumenti ppreżentati bħala kunfidenzjali, sabiex ma jesponux lilhom innifishom għal diffikultajiet jew jinżammu responsabbli; min-naħa l-oħra, l-opaċità hija fl-interess tagħhom, peress li d-deċiżjonijiet tagħhom isiru prattikament inkontestabbli, minħabba li l-offerenti ma jkollhomx informazzjoni dwar il-kwalitajiet jew id-dgħufijiet tal-offerta tal-offerent magħżul.

( 18 ) Dan in-nuqqas ta’ attenzjoni jista’ jkun forsi minħabba l-fatt li, bħalma spjega l-Gvern Pollakk fis-seduta, l-informazzjoni pprovduta flimkien mal-offerta magħżula, kieku kienet sigrieta, kienet taqa’ taħt il-kunċett ta’ sigriet tan-negozju. Ma jkunx hemm lok, għaldaqstant, li jiġu diskussi l-kunċetti l-oħra tal-Artikolu 21 tad-Direttiva 2014/24.

( 19 ) Fid-Direttiva 2016/943, is-sigrieti tekniċi huma inklużi fost dawk tan-negozju. Il-premessa 14 tagħha tqis l-għarfien tekniku bħala komponent tas-“sigriet kummerċjali”.

( 20 ) Konklużjonijiet fil-kawża Klaipèdos (C‑927/19, EU:C:2021:295), nota ta’ qiegħ il-paġna 44.

( 21 ) Pereżempju, fil-punt 130, li jagħmel riferiment għan-“neċessità li […] tiġi protetta l-informazzjoni verament kunfidenzjali u b’mod partikolari s-sigrieti kummerċjali tal-parteċipanti fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti”. Korsiv miżjud minni.

( 22 ) Il-Gvern Pollakk ikkonferma fis-seduta li l-ustawa z dnia 5 lipca 2018 r. o zmianie ustawy o zwalczaniu nieuczciwej konkurencji oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar il-Kompetizzjoni Żleali u Liġijiet Oħra (Dz.U. 2018/1637 z dnia 2018.08.27)) ittrasponniet id-Direttiva 2016/943 fid-dritt nazzjonali.

( 23 ) It-tqabbil tal-Artikolu 11(2) tal-Liġi dwar il-Kompetizzjoni Żleali mal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2016/943 jindika koinċidenza sostanzjali tal-kunċett ta’ sigriet tan-negozju fiż-żewġ testi, li fir-rigward tagħha l-qorti tar-rinviju ma tissuġġerixxi l-ebda frizzjoni.

( 24 ) Sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2019, Meca (C‑41/18, EU:C:2019:507, punt 33). Din it-teżi hija affermata mill-ġdid fid-digriet tal‑20 ta’ Novembru 2019, Indaco Service, (C‑552/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:997, punt 23).

( 25 ) Punt 115 (korsiv miżjud minni).

( 26 ) Sentenza Klaipèdos, punt 115: “[…] peress li l-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi huma bbażati fuq relazzjoni ta’ fiduċja bejn l-awtoritajiet kontraenti u l-operaturi ekonomiċi, dawn tal-aħħar għandhom ikunu jistgħu jikkomunikaw lill-awtoritajiet kontraenti kull informazzjoni utli fil-kuntest tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratti, mingħajr biża’ li dawn jikkomunikaw lil terzi elementi ta’ informazzjoni li l-iżvelar tagħhom jista’ jkun ta’ dannu għall-imsemmija operaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Frar 2008, Varec,C‑450/06, EU:C:2008:91, punti 34 sa 36 kif ukoll tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u CRU, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 112 u l-ġurisprudenza ċċitata)”. Korsiv miżjud minni.

( 27 ) Fis-seduta ġew imsemmija l-aspetti relatati mal-protezzjoni ta’ data personali u mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Ser nagħmel riferiment għal dawn tal-aħħar iktar ’il quddiem.

( 28 ) Fil-punt 129 tas-sentenza Klaipèdos jintuża l-kunċett ta’ “informazzjoni suffiċjenti” sabiex jiġi ssalvagwardjat id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Dan tal-aħħar “għandu jiġi bbilanċjat mad-dritt ta’ operaturi ekonomiċi oħra” għall-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali tagħhom.

( 29 ) Sentenza Klaipèdos, punt 123.

( 30 ) Ibidem, punt 124.

( 31 ) Ibidem, punt 125. Il-produzzjoni ta’ verżjoni mhux kunfidenzjali hija espressjoni tan-natura preċiża u konkreta taż-żamma tal-informazzjoni. Hija timplika li l-istess dokument jista’ jiġi ttrattat b’mod li wħud mill-partijiet tiegħu biss jinżammu milli jiġu ppubblikati.

( 32 ) Dan huwa l-każ, pereżempju, tal-Artikolu 31(6) tad-Direttiva 2014/24: “[f]il-każ ta’ sħubija għall-innovazzjoni ma’ diversi sħab, l-awtorità kontraenti ma għandhiex, f’konformità mal-Artikolu 21, tiżvela lill-isħab l-oħra s-soluzzjonijiet proposti jew informazzjoni konfidenzjali oħra kkomunikata minn sieħeb fil-qafas tas-sħubija mingħajr il-qbil ta’ dak is-sieħeb. Qbil bħal dan ma għandux jieħu l-forma ta’ rinunzja ġenerali iżda għandu jsir b’referenza għall-komunikazzjoni proposta tal-informazzjoni speċifika” (korsiv miżjud minni).

( 33 ) L-Artikoli 2 sa 4 tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230), jobbligaw, b’mod partikolari, lill-Istati Membri jiggarantixxu lill-awturi d-drittijiet esklużivi sabiex jawtorizzaw jew jipprojbixxu r-riproduzzjoni tax-xogħlijiet tagħhom (Artikolu 2(a)), jawtorizzaw jew jipprojbixxu l-iżvelar tagħhom lill-pubbliku (Artikolu 3(1)) u jawtorizzaw jew jipprojbixxu d-distribuzzjoni tagħhom (Artikolu 4(1)).

( 34 ) Id-deċiżjoni tar-rinviju (punt IV.B) tiddikjara li ħadd ma kkontesta li “l-proġetti ma fihomx soluzzjonijiet innovattivi fis-settur u fihom, għaldaqstant, għarfien aċċessibbli għall-professjonisti”.