KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fil‑15 ta’ Settembru 2022 ( 1 )

Kawża C‑46/21 P

L‑Aġenzija tal‑Unjoni Ewropea għall‑Kooperazzjoni tar‑Regolaturi tal‑Enerġija (ACER)

vs

Aquind Ltd

Appell – Enerġija – Regolament (KE) Nru 713/2009 – Deċiżjoni tal-ACER li tiċħad talba għal eżenzjoni dwar l-interkonnetturi tal-elettriku ġodda – Appell ippreżentat quddiem il-Bord tal-Appell tal-ACER – Funzjoni, kompożizzjoni, setgħat u tul tal-proċedura tal-Bord tal-Appell tal-ACER – Intensità tal-istħarriġ – Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 714/2009 – Sistema ta’ eżenzjoni għall-interkonnetturi tal-elettriku ġodda – Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 347/2013 – Sistema ġenerali ta’ finanzjament tal-infrastrutturi tal-enerġija transnazzjonali – Finanzjament ta’ proġetti ta’ interess komun – Allokazzjoni transkonfinali tal-ispejjeż”

1.

Dan l-appell ser jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-intensità tal-istħarriġ li għandu jiġi applikat mill-Bordijiet tal-Appell tal-aġenziji tal-Unjoni meta dawn jiddeċiedu l-kontestazzjonijiet li jitressqu quddiemhom.

2.

B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha tilqa’ jew tiċħad il-pożizzjoni tal-Qorti Ġenerali li, fis-sentenza inkwistjoni ( 2 ), eżiġiet li l-Bord tal-Appell tal-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (iktar ’il quddiem l-“ACER”) ( 3 ) jiskrutinizza d-deċiżjonijiet ta’ din l-aġenzija li jmorru lil hinn mill-eżami tal-iżbalji manifesti tagħha.

3.

Għalkemm diġà teżisti ġurisprudenza stabbilita sew dwar is-setgħat tal-Bordijiet tal-Appell ta’ organi oħra, bħall-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) u l-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (CPVO), dan ma japplikax għall-kontenzjuż tal-Bordijiet tal-Appell l-oħra, li d-deċiżjonijiet tagħhom huma progressivament suġġetti għall-Qorti Ġenerali ( 4 ). Minn dan isegwi r-rilevanza ta’ dan l-appell ( 5 ).

4.

L-isfond tal-kawża jinsab f’Deċiżjoni tal-ACER (Nru 05/2018) li rrifjutat li teżenta l-kostruzzjoni ta’ infrastruttura ta’ konnessjoni li tgħaqqad in-networks tat-trażmissjoni tal-elettriku Brittaniku u Franċiż minn ċerti obbligi li huma imposti mir-regoli ta’ liberalizzazzjoni tas-suq tal-elettriku.

5.

F’din id-deċiżjoni (sussegwentement ikkonfermata mill-Bord tal-Appell tal-ACER fir-Riżoluzzjoni tiegħu A‑001‑2018), l-Artikolu 17(1) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009 ( 6 ) ġie applikat fir-rigward tas-sistema ġenerali ta’ finanzjament tal-infrastrutturi tal-enerġija prevista fl-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 347/2013 ( 7 ).

I. Il‑kuntest ġuridiku

A.   Ir‑Regolament Nru 713/2009

6.

L-Artikolu 19 ( 8 ) jipprevedi li:

“1.   Kull persuna fiżika jew ġuridika, inklużi l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, tista’ tappella kontra deċiżjoni msemmija fl-Artikoli 7, 8 jew 9 li tkun indirizzata lil dik il-persuna, jew kontra deċiżjoni li, għalkemm fil-forma ta’ deċiżjoni indirizzata lil persuna oħra, tikkonċerna direttament lil dik il-persuna.

[…]

4.   Jekk l-appell ikun ammissibbli, il-Bord tal-Appell għandu jeżamina jekk l-appell huwiex fondat sewwa. Kull meta jkun meħtieġ, għandu jistieden lill-partijiet għall-proċeduri tal-appell sabiex iressqu osservazzjonijiet dwar notifiki maħruġa minnu stess, jew dwar komunikazzjonijiet mill-partijiet l-oħra għall-proċeduri tal-appell, fil-limiti ta’ żmien speċifikati. Il-partijiet għall-proċeduri tal-appell għandu jkollhom il-jedd li jagħmlu preżentazzjoni orali.

5.   Skont dan l-Artikolu, il-Bord tal-Appell jista’ jeżerċita kull setgħa li taqa’ fil-kompetenza tal-Aġenzija, jew jista’ jgħaddi l-każ lill-entità kompetenti tal-Aġenzija. Dan tal-aħħar għandu jkun marbut bid-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell.

[…]”

7.

L-Artikolu 20(1) jindika li:

“Azzjoni tista’ titressaq quddiem il-Qorti tal-Prim’ Istanza jew il-Qorti tal-Ġustizzja, konformement mal-Artikolu 230 tat-Trattat, sabiex tikkontesta deċiżjoni li tkun ittieħdet mill-Bord tal-Appell jew, fil-każijiet li ma jkun hemm l-ebda dritt, quddiem il-Bord tal-Appell, mill-Aġenzija.”

B.   Ir‑Regolament Nru 714/2009

8.

L-Artikolu 17 jiddikjara li:

“1.   Interkonnetturi ġodda tal-kurrent dirett jistgħu, fuq talba, jiġu eżentati, għal perijodu limitat ta’ żmien, mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16(6) ta’ dan ir-Regolament u l-Artikoli 9 u 32 u l-Artikolu 37(6) u (10) tad-Direttiva 2009/72/KE [ ( 9 )] taħt il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-investiment għandu ikabbar il-kompetizzjoni fil-provvista tal-elettriku;

(b)

il-livell ta’ riskju assoċjat mal-investiment huwa tali li l-investiment ma jsirx jekk ma tingħatax eżenzjoni;

(ċ)

l-interkonnettur għandu jkun proprjetà ta’ persuna fiżika jew ġuridika li tkun separata għall-inqas fil-forma legali tagħha mill-operaturi tas-sistema li fiha l-interkonnetturi jkunu ser jinbnew;

(d)

jiġu imposti piżijiet fuq utenti ta’ dak l-interkonnettur;

(e)

mill-ftuħ parzjali tas-suq li hemm referenza għalih fl-Artikolu 19 tad-Direttiva 96/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Diċembru 1996 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern ta’ l-elettriku [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 3)], ma tkun ġiet irkuprata l-ebda parti mill-ispejjeż kapitali jew operattivi tal-interkonnettur minn xi komponent ta’ ħlasijiet imposti għall-użu ta’ sistemi ta’ trasmissjoni jew distribuzzjoni kkollegati mal-interkonnettur; u

(f)

l-eżenzjoni ma għandhiex tkun għad-detriment tal-kompetizzjoni jew gtal-funzjonament effettiv tas-suq intern tal-elettriku, jew tal-funzjonament effiċjenti tas-sistema regolata li l-interkonnettur huwa kkollegat magħha.

[…]

4.   Id-deċiżjoni dwar l-eżenzjoni taħt il-paragrafi 1, 2 u 3 għandha tittieħed fuq bażi ta’ każ b’każ mill-awtoritajiet regolatorji tal-Istati Membri konċernati. Eżenzjoni tista’ tkopri l-kapaċità kollha jew parti minnha, tal-interkonnettur il-ġdid, jew tal-interkonnettur eżistenti b’kapaċita miżjuda b’mod sinifikanti.

Fi żmien xahrejn mid-data meta tkun ġiet irċevuta t-talba għall-eżenzjoni mill-aħħar waħda mill-awtoritajiet regolatorji kkonċernati, l-Aġenzija tista’ tressaq opinjoni konsultattiva lil dawk l-awtoritajiet regolatorji, li tista’ tipprovdi bażi għad-deċiżjoni tagħhom.

Meta tittieħed deċiżjoni biex tingħata eżenzjoni, għandha tiġi kunsidrata, fuq bażi ta’ każ b’każ, il-ħtieġa li jiġu imposti kondizzjonijiet dwar kemm għandhom idumu l-eżenzjoni u l-aċċess mhux diskriminatorju għall-interkonnettur. Meta jiġu deċiżi dawk il-kondizzjonijiet, għandhom jitqiesu b’mod partikolari l-kapaċità addizzjonali li għandha tinbena jew il-modifika tal-kapaċità eżistenti, il-qafas ta’ żmien tal-proġett u ċ-ċirkostanzi nazzjonali.

Qabel ma jagħtu eżenzjoni, l-awtoritajiet regolatorji tal-Istati Membri konċernati għandhom jiddeċiedu dwar ir-regoli u l-mekkaniżmi għall-amministrazzjoni u l-allokazzjoni tal-kapaċità. Ir-regoli tal-immaniġġjar tal-konġestjoni għandhom jinkludu l-obbligu li tiġi offruta kapaċità mhux użata fis-suq, u l-utenti tal-faċilità għandhom ikunu intitolati li jagħmlu kummerċ fil-kapaċitajiet kuntrattwali tagħhom fuq is-suq sekondarju. Fil-valutazzjoni tagħha tal-kriterji msemmija fil-punti (a), (b) u (f) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, għandu jittieħed kont tar-riżultati tal-proċedura tal-allokazzjoni ta’ kapaċità.

Fejn l-awtoritajiet regolatorji kollha kkonċernati laħqu ftehim dwar id-deċiżjoni rigward l-eżenzjoni fi żmien sitt xhur, dawn għandhom jinfurmaw lill-Aġenzija b’dik id-deċiżjoni.

Id-deċiżjoni dwar l-eżenzjoni, li tinkludi kwalunkwe mill-kondizzjonijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu ta’ dan l-Artikolu, għandha tkun motivata u ppubblikata kif jixraq.

5.   Id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 4 għandha tittieħed mill-Aġenzija

(a)

fejn l-awtoritajiet regolatorji konċernati kollha ma jkunx irnexxie[l]hom jilħqu ftehim fi żmien sitt xhur mid-data li fiha tkun saret talba għal eżenzjoni lill-aħħar waħda fost dawn l-awtoritajiet regolatorji; jew

(b)

fuq talba konġunta mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali konċernati.

Qabel tieħu tali deċiżjoni, l-Aġenzija għandha tikkonsulta lill-awtoritajiet regolatorji konċernati u lill-applikanti.

[…]”

C.   Ir‑Regolament TEN-E

9.

L-Artikolu 12 huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-ispejjeż tal-investiment imġarrba b’mod effiċjenti, li jeskludu l-ispejjeż tal-manutenzjoni, marbuta ma’ proġett ta’ interess komuni li jaqa’ fl-Anness II.1(a), (b) u (d) u l-Anness II.2 għandhom jiġu koperti trażmissjomit-TSO [koperti mit-TSO] rilevanti jew mill-promoturi tal-proġetti tal-infrastruttura tat-trasmissjoni tal-Istati Membri li l-proġett jipprovdilhom impatt pożittiv nett, u, sakemm ma jkunux koperti b’kirjiet ta’ konġestjoni jew imposti oħra, għandhom jitħallsu mill-utenti tan-netwerks permezz ta’ tariffi għall-aċċess għan-netwerks f’dak l-Istat Membru jew f’dawk l-Istati Membri.

2.   Għal proġett ta’ interess komuni li jaqa’ fil-kategoriji stabbiliti fl-Anness II.1(a), (b) u (d) u l-Anness II.2, il-paragrafu 1 għandu japplika biss jekk mill-inqas promotur ta’ proġett wieħed jitlob lill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti japplikaw dan l-Artikolu għall-ispejjeż kollha tal-proġett jew għal parti minnhom. Għal proġett ta’ interess komuni li jaqa’ fil-kategoriji stabbiliti fl-Anness II.2, il-paragrafu 1 għandujapplika biss meta tkun twettqet valutazzjoni tad-domanda tas-suq li wriet li wieħed ma jistax jistenna li l-ispejjeż ta’ investiment imġarrba b’mod effiċjenti jiġu koperti mit-tariffi.

[…]

3.   Għal proġett ta’ interess komuni li għalih jiġi applikat il-paragrafu 1, il-promoturi ta’ proġett għandu/hom iżommu l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kkonċernati infurmati regolarment, tal-anqas darba fis-sena, u sakemm il-proġett jiġi kkummissjonat, bil-progress ta’ dak il-proġett u l-identifikazzjoni tal-ispejjeż u l-impatti assoċjati miegħu.

Hekk kif tali proġett ikun laħaq biżżejjed maturità, il-promoturi ta’ proġett, wara li jkun(u) ikkonsulta(w) lit-TSOs mill-Istati Membri li għalihom il-proġetti jipprovdu impatt pożittiv nett sinifikanti, għandu/hom jissottometti/u talba ta’ investiment. Dik it-talba ta’ investiment għandha tinkludi talba għal allokazzjoni tal-ispejjeż transkonfinali u għandha tiġi sottomessa lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kkonċernati kollh a, akkompanjata minn dawn li ġejjin:

(a)

analiżi tal-benefiċċji u l-ispejjeż speċifika għall-proġett konsistenti mal-metodoloġija mfassla skont l-Artikolu 11 u filwaqt li jitqiesu l-benefiċċji lil hinn mill-fruntieri tal-Istat Membru kkonċernat;

(b)

pjan ta’ negozju li jevalwa l-vijabbiltà finanzjarja tal-proġett, inkluża s-soluzzjoni ta’ finanzjament magħżula, u għal proġett ta’ interess komuni li jaqa’ fil-kategorija msemmija fl-Anness II.2, ir-riżultati tal-ittestjar tas-suq; u

(c)

jekk il-promoturi tal-proġett jaqblu, proposta ssostanzjata għal allokazzjoni tal-ispejjeż transkonfinali.

[…]

4.   Fi żmien sitt xhur mid-data li fiha tkun waslet l-aħħar talba ta’ investiment mingħand l-awtorità regolatorja nazzjonali kkonċernata, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom, wara li jikkonsultaw mal-promoturi tal-proġett ikkonċernati, jieħdu deċiżjonijiet ikkoordinati dwar l-allokazzjoni tal-ispejjeż tal-investiment li għandhom jiġu koperti minn kull operatur tas-sistema għall-proġett, kif ukoll dwar l-inklużjoni tagħhom fit-tariffi. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jiddeċiedu li jallokaw biss parti mill-ispejjeż jew jistgħu jiddeċiedu li jallokaw l-ispejjeż fuq pakkett ta’ diversi proġetti ta’ interess komuni.

[…]

5.   L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom, abbażi tal-allokazzjoni transkonfinali tal-ispejjeż kif imsemmija fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, jikkunsidraw l-ispejjeż attwali mġarrba minn TSO jew promotur ieħor ta’ proġett bħala riżultat tal-investimenti meta jistabbilixxu jew japprovaw it-tariffi skont l-Artikolu 37(1)(a) tad-Direttiva [2009/72] u l-Artikolu 41(1)(a) tad-Direttiva 2009/73/KE [ ( 10 )], sakemm dawn l-ispejjeż jikkorrispondu għal dawk ta’ operatur effiċjenti u strutturalment komparabbli.

Id-deċiżjoni dwar l-allokazzjoni tal-ispejjeż għandha tiġi nnotifikata, mingħajr dewmien, mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali lill-Aġenzija, flimkien mal-informazzjoni rilevanti kollha fir-rigward tad-deċiżjoni. […]

[…]

Id-deċiżjoni dwar l-allokazzjoni tal-ispejjeż għandha tiġi ppubblikata.

6.   Meta l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kkonċernati ma jkunux laħqu ftehim dwar it-talba ta’ investiment fi żmien sitt xhur mid-data li fiha tkun waslet it-talba mingħand l-aħħar awtorità regolatorja nazzjonali kkonċernata, dawn għandhom jinfurmaw lill-Aġenzija mingħajr dewmien.

F’dan il-każ jew fuq talba konġunta mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kkonċernati, id-deċiżjoni dwar it-talba ta’ investiment li tinkludi l-allokazzjoni transkonfinali tal-ispejjeż imsemmija fil-paragrafu 3, kif ukoll il-metodu ta’ kif l-ispiża tal-investimenti hi riflessa fit-tariffi għandha tittieħed mill-Aġenzija fi żmien tliet xhur mid-data tar-riferiment lill-Aġenzija.

[…]”

II. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża u s‑sentenza appellata

10.

Il-fatti li wasslu għall-kawża huma spjegati fil-punti 1 sa 13 tas-sentenza appellata. Minnhom ser nenfasizza dawn li ġejjin:

Aquind Ltd, kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata kkostitwita fir-Renju Unit, tippromwovi proġett ta’ interkonnettur (iktar ’il quddiem l-“interkonnettur Aquind”) li jgħaqqad in-networks tat-trażmissjoni tal-elettriku Brittaniku u dak Franċiż.

Fis‑17 ta’ Mejju 2017, Aquind talbet l-eżenzjoni għall-interkonnettur Aquind lill-awtoritajiet nazzjonali regolatorji (iktar ’il quddiem, l-“ANR”) Franċiżi u Brittaniċi.

Billi dawn iż-żewġ awtoritajiet ma waslux għal qbil, bagħtu t-talba għal eżenzjoni, rispettivament, fid‑29 ta’ Novembru u fid‑19 ta’ Diċembru 2017, lill-ACER, sabiex din tal-aħħar tieħu d-deċiżjoni.

Fis‑26 ta’ April 2018, l-interkonnettur Aquind kiseb l-istatus ta’ proġett ta’ interess komuni.

L-ACER, permezz tad-Deċiżjoni Nru 05/2018 tad‑19 ta’ Ġunju 2018, ċaħdet it-talba għal eżenzjoni.

Fil-fehma tal-ACER, għalkemm Aquind kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet neċessarji sabiex tikseb eżenzjoni mniżżla fl-Artikolu 17(1)(a), (ċ) u (f) tar-Regolament Nru 714/2009, hija ma ssodisfatx il-kundizzjoni prevista f’din l-istess dispożizzjoni, jiġifieri l-punt (b).

B’mod partikolari, l-ACER żiedet li l-interkonnettur kien kiseb status ta’ proġett ta’ interess komuni f’April 2018, li permezz tiegħu Aquind setgħet titlob l-applikazzjoni tal-Artikolu 12 tar-Regolament TEN-E, li jipprevedi l-possibbiltà tal-allokazzjoni transkonfinali tal-ispejjeż, iżda dan ma għamlitux.

L-ACER ikkunsidrat li ma setax jiġi eskluż li appoġġ finanzjarju previst mis-sistema rregolata kien disponibbli għall-interkonnettur Aquind. Għalhekk, ma setgħetx tiġi identifikata biċ-ċertezza meħtieġa l-eżistenza ta’ riskju bbażat fuq l-assenza ta’ appoġġ finanzjarju permezz tas-sistema rregolata.

Hija kkunsidrat ukoll li r-riskju relatat mad-dħul, ir-riskju eċċezzjonali relatat mas-suq, ir-riskju relatat mal-kompetizzjoni diretta mal-interkonnetturi l-oħrajn u l-inċertezza fuq id-dħul tal-konġestjoni, ir-riskju ta’ qtugħ tan-network Brittaniku, ir-riskju relatat mal-kostruzzjoni tal-interkonnettur Aquind, kif ukoll ir-riskji politiċi u makroekonomiċi assoċjati, b’mod partikolari, ma’ Brexit, ma ntwerewx, jew kienu insuffiċjenti.

Fis‑17 ta’ Awwissu 2018, Aquind appellat mid-Deċiżjoni tal-ACER quddiem il-Bord tal-Appell, li laqagħha fir-Riżoluzzjoni A‑001‑2018 tiegħu tas‑17 ta’ Ottubru.

11.

Aquind ippreżentat rikors għal annullament (T‑735/18) quddiem il-Qorti Ġenerali kontra d-Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell.

12.

Il-Qorti Ġenerali, fis-sentenza appellata, laqgħet ir-raba’ u d-disa’ motiv ta’ Aquind u, konsegwentement, annullat id-Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell. Hija ċaħdet il-bqija tal-appell u ordnat lill-ACER tħallas l-ispejjeż.

13.

Fis‑27 ta’ Jannar 2021, l-ACER ippreżentat dan l-appell ( 11 ). Min-naħa tagħha, Aquind ippreżentat ukoll appell inċidentali kontra s-sentenza appellata fis‑17 ta’ April 2021.

14.

Wara li ngħatat is-sentenza appellata, il-Bord tal-Appell iddeċieda, fil‑5 ta’ Frar 2021, li jerġa’ jiftaħ il-proċedura u kkunsidra bħala inammissibbli r-rikors għal annullament ta’ Aquind ( 12 ).

15.

Barra minn hekk, Aquind ippreżentat talba ta’ allokazzjoni transkonfinali tal-ispejjeż quddiem l-ANR ta’ Franza, tar-Renju Unit, ta’ Spanja u tal-Ġermanja f’Awwissu u f’Settembru 2019. Il-proċedura li segwiet din it-talba ma tkomplietx ladarba l-interkonnettur Aquind ma baqax jitqies bħala proġett ta’ interess komuni fir-Regolament Delegat (UE) 2020/389 ( 13 ).

16.

Fid‑29 ta’ Mejju u fit‑2 ta’ Ġunju 2020, Aquind ressqet it-tieni talba għal eżenzjoni parzjali ( 14 ), għal 25 sena, għall-interkonnettur Aquind quddiem l-ANR Franċiża u Brittanika. Fis‑27 ta’ Jannar 2021, dawn iż-żewġ awtoritajiet ħabbru li ma setgħux jilqgħu t-talba, wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni u r-Renju Unit bħala konsegwenza ta’ Brexit.

III. It‑talbiet tal‑partijiet

17.

L-ACER titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

Tannulla s-sentenza appellata kompletament jew parzjalment.

Jekk hija tqis li l-istat tal-kawża jippermetti hekk, tiċħad ir-rikors fl-ewwel istanza minħabba li huwa infondat.

Sussidjarjament, tingħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tagħti deċiżjoni dwar it-tilwima konformement mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Tordna lil Aquind tħallas l-ispejjeż tal-proċedura ta’ appell u tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

18.

Aquind titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

Tiċħad l-appell ippreżentat mill-ACER.

Jekk tilqa’ xi wieħed mill-argumenti tal-ACER, tiċħad l-appell abbażi tal-aggravji l-oħrajn invokati minn Aquind, inkluż, fejn xieraq, dawk invokati fil-motivi miċħuda mill-Qorti Ġenerali.

Jekk ma tilqax is-sentenza appellata, tannulla d-Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell abbażi tal-motivi l-oħrajn invokati minn Aquind quddiem il-Qorti Ġenerali.

Tordna lill-ACER tħallas l-ispejjeż.

19.

Aquind tippreżenta wkoll appell inċidentali li fih titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

Tannulla d-dikjarazzjoni ta’ inammissibbiltà tat-tielet u tar-raba’ motiv invokati minn Aquind quddiem il-Qorti Ġenerali.

Tannulla ċ-ċaħda tal-ewwel, tal-ħames, tas-sitt, tas-seba’ u tat-tmien motiv invokati minn Aquind quddiem il-Qorti Ġenerali.

Tieħu inkunsiderazzjoni l-argumenti mressqa fil-kuntest tal-motivi invokati minn Aquind f’dan l-appell, insostenn tat-talba tagħha għal konferma tas-sentenza appellata.

Konsegwentement, tannulla d-Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-ACER abbażi tal-motivi invokati fit-talba ta’ Aquind quddiem il-Qorti Ġenerali.

20.

L-ACER ikkontestat l-appell inċidentali, fejn talbet li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

Tiċħdu kompletament.

Tordna lil Aquind tħallas l-ispejjeż tagħha stess u dawk imġarrba mill-ACER.

IV. L‑appell tal‑ACER. Osservazzjoni preliminari

21.

Fil-qosor, l-ACER issostni li s-sentenza appellata hija vvizzjata b’żewġ żbalji ta’ liġi, li jikkorrispondu:

Għall-intensità tal-istħarriġ li l-Bord tal-Appell jeżerċita, kemm b’mod ġenerali kif ukoll fir-rigward ta’ din il-kawża, rigward l-evalwazzjonijiet li huma ta’ natura ekonomika jew teknika kumplessa.

Għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 17(1)(b) tar-Regolament Nru 714/2009.

22.

Nantiċipa li ser nipproponi li jiġi miċħud l-ewwel wieħed miż-żewġ aggravji tal-ACER, li ser jinvolvi l-konferma tas-sentenza appellata sa fejn tannulla d-Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell.

23.

Abbażi ta’ dan, jista’ jidher li ma huwiex neċessarju li jiġi analizzat it-tieni aggravju tal-ACER, għaliex id-Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell ġiet invalidata kompletament.

24.

Madankollu, ser nagħmel din l-analiżi u ser nipproponi li jintlaqa’ t-tieni aggravju tal-ACER, bl-annullament sussegwenti tas-sentenza appellata sa fejn tagħmel riferiment, unikament, għar-relazzjoni tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 714/2009 mas-sistema ġenerali ta’ finanzjament tal-Artikolu 12 tar-Regolament TEN-E.

25.

Inqis li huwa essenzjali li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar dan it-tieni aggravju għaliex inkella, il-fehma tal-Qorti Ġenerali dwar ir-relazzjoni bejn dawn iż-żewġ regolamenti (li jidhirli li hija żbaljata) ma tiġix ikkontestata. Jekk din il-fehma ma tiġix irrettifikata, tista’ tiġi mifhuma li hija vinkolanti għall-ACER u għall-Bord tal-Appell tagħha.

26.

Fir-realtà, il-Qorti Ġenerali ma kellha l-ebda bżonn ( 15 ) li tanalizza r-raba’ motiv ta’ annullament, ladarba kienet laqgħet l-ewwel wieħed li, fih innifsu, ċaħħad lid-Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell mill-validità tagħha. Peress li ma ħaditx pożizzjoni fuq din l-aħħar deċiżjoni, hija stabbilixxiet duttrina li, fil-fehma tiegħi, tmur lil hinn minn sempliċi obiter dictum u ma hijiex konformi mal-liġi.

V. L‑ewwel aggravju tal-ACER: l‑intensità tal‑istħarriġ tal‑Bord tal‑Appell dwar l‑evalwazzjonijiet kumplessi ta’ natura teknika u ekonomika

A.   Is‑sentenza appellata

27.

Il-Qorti Ġenerali tanalizza “l-approċċ difiż mill-ACER intiż sabiex jiġi kkunsidrat li l-istħarriġ li l-Bord tal-Appell jeżerċita fuq l-evalwazzjonijiet ta’ natura teknika u ekonomika kumplessi jista’ jkun ekwivalenti għall-istħarriġ ġudizzjarju ristrett eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni” (punt 49 tas-sentenza appellata) u tiċħdu.

28.

Din iċ-ċaħda hija bbażata, essenzjalment, fuq erba’ tipi ta’ kunsiderazzjonijiet:

Il-ħolqien tal-Bord tal-Appell jaqa’ taħt moviment intiż li jipprevedi mekkaniżmu sabiex jiġu kkontestati d-deċiżjonijiet tal-aġenziji, dwar kwistjonijiet tekniċi, xjentifiċi jew ekonomiċi kumplessi li jaffettwaw direttament is-sitwazzjoni legali tal-partijiet ikkonċernati. Dawn tal-aħħar għandhom tali rimedju f’kuntest li fih l-istħarriġ tal-ġudikatura tal-Unjoni jkun limitat għall-eżaminazzjoni jekk l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali huwiex ivvizzjat minn żball manifest jew minn użu ħażin ta’ poter ( 16 ).

Id-dispożizzjonijiet dwar l-organizzazzjoni u s-setgħat tal-Bord tal-Appell jippermettu li jiġi kkonstatat li l-bord ma nħoloqx “sabiex jillimita ruħu għal stħarriġ ristrett tal-evalwazzjonijiet ta’ natura teknika u ekonomika kumplessi”. Dan huwa ċar: a) mill-kwalifiki tal-membri tiegħu; b) mis-setgħat mogħtija lill-Bord tal-Appell mill-Artikolu 19(5) tar-Regolament Nru 713/2009; c) mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament ( 17 ).

Ir-regoli dwar l-organizzazzjoni u l-proċedura approvati mill-ACER skont l-Artikolu 19(6) tar-Regolament Nru 713/2009 jikkonfermaw li l-Bord tal-Appell kien intiż li jiġi fdat “il-kompitu li jeżerċita stħarriġ tad-deċiżjoni tal-aġenzija b’intensità li ma tistax tiġi limitata għal dak tal-istħarriġ limitat” ( 18 ).

Il-Qorti Ġenerali diġà ddikjarat (fir-rigward tal-Bord tal-Appell tal-ECHA) li “[…] [i]kun kuntrarju għan-natura stess tal-bordijiet tal-appell maħluqa fi ħdan l-aġenziji li huma jeżerċitaw stħarriġ ristrett irriżervat għall-qrati tal-Unjoni”. L-argumenti dwar l-inapplikabbiltà ta’ din il-ġurisprudenza għall-Bord tal-Appell tal-ACER (minħabba l-kompożizzjoni differenti u s-setgħat taż-żewġ bordijiet) ma jistgħux jintlaqgħu ( 19 ).

B.   L‑argumenti tal‑partijiet fl‑appell tal‑ACER

29.

Skont l-ACER, il-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi fir-rigward tal-għan tal-Bord tal-Appelli, l-organizzazzjoni tiegħu u s-setgħat tiegħu, fid-dawl tal-kuntest li fih iwettaq ir-rwol tiegħu.

30.

Aquind toġġezzjona għall-argumenti korrispondenti tal-ACER u tqis li l-fehma tal-Qorti Ġenerali dwar l-eżiġenza, mill-Bord tal-Appell, li jitwettaq stħarriġ komplet u mhux wieħed ristrett għall-iżball manifest ta’ evalwazzjoni, hija korretta.

31.

Għalhekk, ser nesponi l-argumenti tal-ACER fid-difiża tal-ewwel aggravju tagħha.

1. Dwar l‑għan

32.

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u kisret il-prinċipji ta’ separazzjoni tas-setgħat u kooperazzjoni leali mnaqqxa fl-Artikolu 13(2) TUE, sa fejn hija naqset milli tikkunsidra l-għan li tiġi implimentata proċedura ta’ appell rapida u ssemplifikata quddiem il-Bord tal-Appell, bħalma huwa stabbilit fil-premessa 19 tar-Regolament Nru 713/2009.

33.

Għall-kuntrarju, il-Qorti Ġenerali tkun tat prijorità lil għan li hija nnifisha tiddikjara, abbażi tal-perċezzjoni ta’ “moviment” allegat tal-leġiżlatur tal-Unjoni.

2. Fuq il‑kuntest li fih intervjena l‑Bord tal‑Appell

34.

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddikjarat li d-dispożizzjonijiet dwar l-organizzazzjoni u s-setgħat tal-Bord tal-Appell jippermettu li jiġi konkluż li l-intensità tal-istħarriġ tiegħu fuq evalwazzjonijiet ta’ natura teknika u ekonomika kumplessa ma setgħetx tiġi limitata għall-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni (punti 52 sa 82 tas-sentenza appellata). Dan l-iżball jinkludi l-espressjonijiet li ġejjin:

F’dak li jirrigwarda l-kompożizzjoni tal-Bord tal-Appell, il-Qorti Ġenerali qiegħda tiżbalja meta tqabbilha ma’ dik tal-ECHA (punti 53 u 61, fost l-oħrajn, tas-sentenza appellata).

Il-Qorti Ġenerali tiżbalja wkoll meta tieħu l-pożizzjoni li l-għażla tal-membri tal-Bord tal-Appell “b’esperjenza relevanti fis-settur tal-enerġija” timplika li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jagħti lill-Bord tal-Appell il-kompetenza neċessarja sabiex iwettaq huwa stess evalwazzjonijiet dwar fatti ta’ natura teknika u ekonomika kumplessi relatati mal-enerġija (punti 53, 65 u 69 tas-sentenza appellata).

Il-Qorti Ġenerali kienet żbaljat meta kkunsidrat li t-tul tal-proċedura u r-riżorsi limitati tal-Bord tal-Appell tagħha ma ġġustifikawx stħarriġ limitat tal-evalwazzjonijiet kumplessi ta’ natura teknika u ekonomika (punti 66 u 73 sa 82 tas-sentenza appellata) ( 20 ). Din id-dikjarazzjoni teskludi l-prinċipji tal-bilanċ istituzzjonali u tad-diviżjoni tas-setgħat, peress li l-ACER ma tistax iżżid ir-riżorsi umani u finanzjarji tagħha b’mod awtonomu.

Il-Qorti Ġenerali interpretat ħażin l-Artikolu 19(5) tar-Regolament Nru 713/2009 (punti 54, 55, 59 u 60 tas-sentenza appellata). Din id-dispożizzjoni, lil hinn milli tiġġustifika l-eżerċizzju ta’ stħarriġ komplet tal-Bord tal-Appell, tagħmel riferiment biss għall-possibbiltà li jiġu annullati d-deċiżjonijiet tal-ACER u li dawn jiġu ssostitwiti b’dawk tal-Bord tal-Appell jew li l-każ jiġi rrinvijat lill-ACER, iżda ma tgħid xejn dwar l-intensità tal-istħarriġ mill-Bord tal-Appell.

Żball ġdid tal-Qorti Ġenerali jinstab fil-punti 57, 58 u 60 tas-sentenza appellata, billi l-Artikolu 19(1) u l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 713/2009 ma jipprekludux lill-Bord tal-Appell milli jwettaq stħarriġ limitat. Skont l-ACER, il-Qorti Ġenerali dejjem tista’ twettaq stħarriġ ġudizzjarju komplet tad-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell, anki jekk dan tal-aħħar iwettaq stħarriġ limitat.

3. Sussidjarjament

35.

Sussidjarjament, l-ACER issostni li, anki jekk jiġi aċċettat (quod non) li l-Bord tal-Appell għandu jeżerċita stħarriġ komplet tad-deċiżjonijiet tagħha, meta dawn jinvolvu evalwazzjonijiet kumplessi ta’ natura teknika u ekonomika, il-Qorti Ġenerali żbaljat (punti 83 sa 90 tas-sentenza appellata) fl-evalwazzjoni tagħha li l-Bord tal-Appell ma kienx wettaq dan l-istħarriġ komplet f’dan il-każ.

C.   Evalwazzjoni

36.

Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddetermina jekk il-Qorti Ġenerali kellhiex raġun jew jekk wettqitx żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-Bord tal-Appell kellu jeżerċita stħarriġ komplet tad-Deċiżjoni tal-ACER, skont is-setgħat mogħtija lilu mir-Regolament Nru 713/2009.

37.

L-ACER sostniet, u tkompli tiddefendi, li l-Bord tal-Appell kien kompetenti biex iwettaq stħarriġ purament ristrett, limitat biss għall-evalwazzjoni tal-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fir-rigward tad-deċiżjonijiet kumplessi ta’ natura teknika u ekonomika.

38.

Fil-fehma tiegħi, l-interpretazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali hija korretta. Jidhirli li l-qari tagħha tal-Artikoli 19 u 20 tar-Regolament Nru 713/2009 huwa l-iktar xieraq.

39.

Din il-pożizzjoni hija sostnuta mill-funzjoni proprja tal-Bord tal-Appell u hija kkorroborata (jew, għall-inqas, ma jikkontradixxuhiex) minn provi oħra relatati mal-kompożizzjoni tiegħu, mas-setgħat tiegħu, mat-tul tal-proċedura u mal-paragun tiegħu mal-bordijiet tal-appell ta’ aġenziji oħra tal-Unjoni.

1. Funzjoni u għanijiet tal‑Bord tal‑Appell

40.

Matul dawn l-aħħar snin, kien hemm fenomenu ta’ “aġenzifikazzjoni” tal-amministrazzjoni tal-Unjoni ( 21 ). Fil-kuntest ta’ dan il-proċess, l-aġenziji li għandhom is-setgħa jadottaw atti ġuridiċi li jaffettwaw is-sitwazzjoni legali tal-individwi ngħataw bordijiet tal-appell. L-ACER kisbet b’mod progressiv setgħat deċiżivi limitati u kapaċità sabiex tadotta ftehimiet li jaffettwaw is-sitwazzjoni legali tal-individwi, għalkemm il-funzjoni prinċipali tagħha hija l-koordinazzjoni tal-azzjoni tal-ANR fil-qasam tal-enerġija ( 22 ). Din iċ-ċirkustanza tispjega l-konfigurazzjoni inizjali tal-Bord tal-Appell tagħha.

41.

B’mod partikolari, inħolqu, jekk il-kalkoli tiegħi ma humiex żbaljati, tmien bordijiet ta’ dan it-tip ( 23 ), li ma jsegwux mudell uniku ( 24 ) u għandhom struttura, funzjonament u setgħat differenti. Madankollu, jikkondividu xi karatteristiċi komuni ( 25 ):

Dawn huma korpi ta’ rieżami amministrattiv, li huma fi ħdan l-aġenziji, b’ċertu livell ta’ indipendenza. Dawn ma għandhomx natura ġudizzjarja, anki jekk jeżerċitaw funzjonijiet kważi ġudizzjarji permezz ta’ proċeduri kontradittorji.

Huma komposti minn ġuristi u tekniċi, u dan jagħtihom kapaċità ikbar li jiddeċiedu fuq appelli minn deċiżjonijiet li ġeneralment jinkorporaw komponent tekniku notevoli.

Jistgħu jippreżentaw appelli quddiemhom id-destinatarji tad-deċiżjonijiet tal-aġenziji, kif ukoll il-persuni fiżiċi u ġuridiċi li jkunu affettwati direttament u individwalment minn dawn id-deċiżjonijiet.

Dawn jirrevedu d-deċiżjonijiet li jħallu impatt fuq terzi, li fir-rigward tagħhom in-norma tad-dritt sekondarju li toħloq il-bordijiet tal-appell tagħtihom ġurisdizzjoni. Konsegwentement, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompetenza tagħhom huwa limitat.

Huma jikkostitwixxu mekkaniżmu mħaffef, rapidu, aċċessibbli, speċjalizzat u li jiswa ftit flus sabiex jiġu protetti d-drittijiet tad-destinatarji u dawk affettwati mid-deċiżjonijiet tal-aġenziji.

42.

B’mod indirett, l-importanza ta’ wħud minn dawn il-bordijiet tal-appell issaħħet bl-introduzzjoni tal-Artikolu 58a fl-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ( 26 ).

43.

Skont dan l-artikolu, l-ammissjoni permezz tal-appelli ppreżentati kontra s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali dwar deċiżjoni ta’ ċerti bordijiet tal-appell ( 27 ) hija suġġetta għad-dimostrazzjoni tal-importanza tagħha għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni ( 28 ).

44.

Jiena naqbel mal-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali (punt 51 tas-sentenza appellata) li l-ħolqien tal-Bord tal-Appell tal-ACER huwa parti minn tendenza, li l-leġiżlatur tal-Unjoni ffavorixxa, lejn l-istabbiliment ta’ “bordijiet tal-appell” fi ħdan l-aġenziji tal-Unjoni, fejn lil dawn jingħataw setgħat ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet kumplessi ta’ natura teknika jew xjentifika, li jaffettwaw direttament is-sitwazzjoni legali tal-partijiet ikkonċernati.

45.

Kif tafferma sew il-Qorti Ġenerali, “[…] is-sistema tal-korp tal-appell tirrappreżenta mezz xieraq sabiex jiġu protetti d-drittijiet ta’ dawn tal-aħħar [il-partijiet ikkonċernati] f’kuntest fejn […] l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu jkun limitat għal eżami dwar jekk l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-elementi fattwali ta’ natura xjentifika, teknika u ekonomika kumplessi huwiex ivvizzjat minn żball manifest […]” ( 29 ).

46.

Fil-fatt, ma naħsibx li jkun jagħmel wisq sens li, f’kuntest ta’ azzjoni kkaratterizzata mill-kumplessità teknika u ekonomika tax-xogħlijiet allokati lil kull aġenzija, jinħolqu korpi tal-appell fi ħdanhom li, preċiżament, ma jkunux jistgħu jevalwaw l-aspetti tekniċi u ekonomiċi tad-deċiżjonijiet ta’ din l-aġenzija.

47.

Huwa minnu li l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu jiġi llimitat għall-eżami jekk l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa fuq il-fatti ta’ natura xjentifika, teknika u ekonomika kumplessi huwiex ivvizzjat minn żball manifest jew minn użu ħażin ta’ poter. Iżda dan l-istħarriġ, li jitwettaq mill-Qorti Ġenerali, ma huwiex dak li għandu jwettaq il-Bord tal-Appell, li l-ispeċjalizzazzjoni tiegħu tippermetti, bħalma ser nesponi iktar ’il quddiem, l-eżami fil-fond ta’ dawn l-aspetti u l-evalwazzjoni b’mod eżawrjenti tad-dettalji kollha tad-deċiżjoni kontenzjuża ( 30 ).

48.

Għaldaqstant, jiena tal-fehma li, bħala prinċipju, il-funzjoni tal-korpi tal-appell maħluqa fl-aġenziji, fir-rigward tal-istħarriġ tad-deċiżjonijiet kumplessi ta’ dawn tal-aħħar, ma tistax tiġi mqabbla ma’ dik tal-qrati tal-Unjoni. Inkella, il-ħolqien tal-bordijiet tal-appell ikun superfluwu, jiġifieri, jidduplika b’mod mhux neċessarju l-kriterju tal-istħarriġ li huwa proprju tal-qrati tal-Unjoni.

49.

Għalhekk, naqbel mal-Qorti Ġenerali meta tiddikjara li “jekk l-istħarriġ imwettaq mill-Bord tal-Appell kellu jkun limitat biss fir-rigward tal-evalwazzjonijiet ta’ natura teknika u ekonomika kumplessi, dan ikun ifisser li l-Qorti Ġenerali teżerċita stħarriġ limitat fuq deċiżjoni li tkun hija stess ir-riżultat ta’ stħarriġ ristrett. Huwa ċar li sistema ta’ ‘stħarriġ ristrett fuq stħarriġ ristrett’ ma toffrix il-garanziji ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva li minnha għandhom jibbenefikaw l-impriżi […]” ( 31 ).

2. Il‑kompożizzjoni tal‑Bord tal‑Appell

50.

Skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 713/2009 ( 32 ), il-membri tal-Bord tal-Appell għandhom jintgħażlu minn fost il-persunal ta’ tmexxija tal-ANR, jew ta’ organi oħra, li jkollhom l-esperjenza rilevanti fis-settur tal-enerġija.

51.

Skont l-Artikolu 18(2) u (3) tar-Regolament Nru 713/2009 ( 33 ), il-mandat ta’ dawn il-membri, li huma indipendenti fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u li ma huma marbuta b’ebda istruzzjoni, huwa ta’ ħames snin bil-possibbiltà ta’ tiġdid.

52.

Il-kompożizzjoni tal-Bord tal-Appell, għaldaqstant, tissodisfa l-eżiġenzi indispensabbli sabiex jitwettaq stħarriġ komplet u mhux limitat tad-deċiżjonijiet tal-ACER. Jekk il-membri tiegħu għandu jkollhom esperjenza preċedenti fis-settur tal-enerġija, dan huwa minħabba li għandhom (jew irid ikollhom) l-għarfien tekniku neċessarju sabiex jiddeċiedu fil-fond dwar l-appelli. Dan huwa enfasizzat mill-Qorti Ġenerali, u jiena naqbel mal-fehma tagħha ( 34 ).

53.

L-ACER issostni li l-maniġers tal-ANR ma għandhomx neċessarjament dan l-għarfien tekniku u din il-kompetenza, billi huwa l-maniġment medju tal-ANR li għandu jwettaq l-evalwazzjonijiet dwar kwistjonijiet kumplessi ta’ natura teknika u ekonomika.

54.

Dan l-argument ma jikkonvinċinix. Jekk il-membri tal-Bord tal-Appell intgħażlu mingħajr l-esperjenza neċessarja fis-settur tal-enerġija u mingħajr l-għarfien tekniku meħtieġ, l-għażla tagħhom sempliċement ma tikkonformax mal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 713/2009. Il-fatt li dan l-għarfien huwa disponibbli wkoll għall-“maniġment medju” ma jfissirx li l-maniġers superjuri jista’ ma jkollhomx dan l-għarfien.

55.

Barra minn hekk, il-kompożizzjoni u l-profil tal-membri tal-Bord tal-Appell ma ġewx emendati bir-riforma introdotta mir-Regolament 2019/942, li l-Artikoli 25, 26 u 27 tiegħu jirriproduċu sostanzjalment l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 713/2009. Ir-riforma kienet preċiżament intiża sabiex issaħħaħ il-Bord tal-Appell sabiex ikun jista’ jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu b’mod iktar effettiv.

56.

Lanqas ma jiena konvint bl-argument tal-ACER dwar l-impatt fuq il-kawża tal-istatus tal-membri tal-Bord tal-Appell li jeżerċitaw il-funzjoni tagħhom, sal‑2019, mingħajr remunerazzjoni u f’kapaċità onorarja. Skont l-ACER, huma setgħu, skont dawn ir-regoli, jeżerċitaw xogħlijiet oħra li joħdulhom mill-ħin iddedikat għall-Bord tal-Appell, u għaldaqstant, kien loġiku li jiġu llimitati sabiex jeżerċitaw stħarriġ limitat u iktar rapidu tad-deċiżjonijiet tal-Aġenzija.

57.

L-assenza ta’ remunerazzjoni u ta’ esklużività fid-dedikazzjoni tal-membri tal-Bord tal-Appell, sal‑2019, ma tiġġustifikax it-tnaqqis fil-funzjonijiet ta’ stħarriġ tagħhom. Dawn il-punti jistgħu jiġu spjegati, fost raġunijiet oħra, mit-tnaqqis tas-setgħat ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tal-ACER qabel l‑2019 u, fuq kollox, min-numru limitat ta’ appelli li, skont il-kalkoli inizjali, jiġu ppreżentati ( 35 ).

58.

Iż-żieda fin-numru ta’ kawżi wassal sabiex tiġi prevista effettivament remunerazzjoni għall-membri tal-Bord tal-Appell ( 36 ) u għal għażla tal-kandidati bl-ogħla eżiġenzi ta’ għarfien legali ġenerali, flimkien mal-profili tekniċi ( 37 ).

59.

It-tisħiħ tar-riżorsi umani tal-Bord tal-Appell kien juri, l-iktar, li d-disinn inizjali tiegħu ma kienx kompletament adegwat sabiex jitwettqu x-xogħlijiet fdati lilu mir-Regolament Nru 713/2009 ( 38 ). Dan in-nuqqas, madankollu, ma jappoġġjax il-fehma li l-Bord tal-Appell kellu jirrinunzja għall-funzjoni primarja tiegħu sabiex jillimita lilu nnifsu għal stħarriġ ristrett tad-deċiżjonijiet tal-Aġenzija.

60.

Iż-żieda fis-setgħat tal-ACER fil-kuntest tal-emenda tar-regoli dwar l-enerġija tal-Unjoni wara l‑2019 ( 39 ) (mhux applikabbli għall-fatti ta’ din il-kawża), kif ukoll ir-riforma tal-ACER innifisha permezz tar-Regolament 2019/942, ifissru li t-tisħiħ tal-Bord tal-Appell tagħha jqiegħda fl-aħjar pożizzjoni sabiex teżerċita stħarriġ komplet tad-deċiżjonijiet tagħha.

3. It‑tul tal‑proċedura

61.

L-ACER tqis li l-perijodu li fih il-Bord tal-Appell għandu jiddeċiedi (xahrejn, skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 713/2009) ma ppermettilux iwettaq eżami fil-fond. Il-Qorti Ġenerali tkun wettqet żball ta’ liġi kieku ħadet pożizzjoni kontra.

62.

Min-naħa tiegħi, naqbel mar-raġunament tal-Qorti Ġenerali u nqis li hija ma wettqitx żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tagħha ta’ din id-dispożizzjoni.

63.

Huwa minnu li l-perijodu sabiex tittieħed deċiżjoni dwar l-appell kien qasir ( 40 ), peress li kellha ssir proċedura ta’ natura kontradittorja f’xahrejn, li fiha setgħu jiġu mistiedna xi partijiet sabiex jgħaddu osservazzjonijiet dwar il-komunikazzjonijiet magħmula mill-partjiiet l-oħra u jippreżentaw oralment l-osservazzjonijiet tagħhom quddiem il-Bord tal-Appell.

64.

Madankollu, it-tul tal-perijodu, bħalma l-Qorti Ġenerali ġustament tiddikjara (punt 74 tas-sentenza appellata), ma huwiex biżżejjed biex tiġi żvelata l-intenzjoni tal-leġiżlatur favur il-limitazzjoni tal-istħarriġ tal-Bord tal-Appell. Diversi argumenti jsostnu l-kuntrarju:

L-għarfien tekniku u l-kompetenza tal-membri tal-Bord tal-Appell jipprovdu fehim malajr tal-appelli u tar-riżoluzzjoni rapida tagħhom.

L-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 713/2009 jipprevedi, essenzjalment, li l-Bord tal-Appell jeżamina jekk l-argumenti mressqa mir-rikorrent jurux l-eżistenza ta’ żball li jaffettwa d-deċiżjoni kontenzjuża. Il-Bord tal-Appell jillimita l-azzjoni tiegħu għall-evalwazzjoni ta’ jekk il-motivi invokati minn din il-parti humiex kapaċi juru li d-deċiżjoni kontenzjuża hija vvizzjata minn żbalji. Huwa għandu biss jivverifika l-elementi tekniċi u ekonomiċi kumplessi li jitqajmu f’dawn il-motivi.

Il-Bord tal-Appell ma huwiex meħtieġ iwettaq stħarriġ ex novo tal-elementi fattwali u legali tad-Deċiżjoni tal-ACER. Dan huwa differenti minn, pereżempju, il-bordijiet tal-appell tal-EUIPO u taċ-CPVO.

Skont l-Artikolu 19(5) tar-Regolament Nru 713/2009, il-Bord tal-Appell seta’ jeżerċita “kull setgħa li taqa’ fil-kompetenza tal-Aġenzija, jew jista’ jgħaddi l-każ lill-entità kompetenti tal-Aġenzija”. Għalhekk, kien possibbli għalih li jilqa’ l-appell u jirrinvija l-kawża quddiem l-ACER sabiex tadotta deċiżjoni ġdida.

65.

Din l-interpretazzjoni ma hijiex invalidata mill-fatt li r-Regolament 2019/942 estenda l-perijodu li għandu l-Bord tal-Appell sabiex jiddeċiedi għal erba’ xhur ( 41 ). Din l-estensjoni turi biss li l-leġiżlatur forsi ma kienx realistiku meta ffissa t-terminu ta’ xahrejn fir-Regolament Nru 713/2009, iżda minn dan ma jistax jiġi dedott li l-Bord tal-Appell għandu japplika biss stħarriġ limitat fuq id-deċiżjonijiet tal-ACER.

4. Is‑setgħat tal‑Bord tal‑Appell

66.

L-Artikolu 19(5) tar-Regolament Nru 713/2009 jipprevedi, bħalma diġà semmejt, li l-Bord tal-Appell jeżerċita kwalunkwe setgħa rrikonoxxuta lill-ACER jew jirrinvija l-kawża quddiem il-korp kompetenti tagħha, u li tkun marbuta bid-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell.

67.

Kif ġustament tirrileva l-Qorti Ġenerali (punt 54 tas-sentenza appellata), il-Bord tal-Appell seta’, meta laqa’ l-appell, jieħu f’idejh is-setgħa diskrezzjonali tal-ACER sabiex jeżamina jekk il-provi li kellu kinux jippermettu l-adozzjoni tad-deċiżjoni tiegħu stess, bħala alternattiva għar-rinviju tal-kawża quddiem l-ACER għal deċiżjoni ġdida.

68.

Konformement mal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 713/2009, hija d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell u mhux id-deċiżjoni tal-ACER li għandha tkun is-suġġett ta’ appell quddiem il-Qorti Ġenerali. Dan kien il-każ hawnhekk: ir-rikorrenti ma kinitx intitolata tappella direttament mid-Deċiżjoni tal-ACER quddiem il-qorti tal-Unjoni ( 42 ), kif il-Qorti Ġenerali rraġunat fil-punt 58 tas-sentenza appellata.

69.

Din il-konstatazzjoni doppja tikkorrobora l-fatt li l-Bord tal-Appell ma kienx f’pożizzjoni li jirrestrinġi l-approċċ tiegħu għal stħarriġ limitat tad-Deċiżjoni tal-ACER, f’termini ekwivalenti għall-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni.

70.

Il-Bord tal-Appell għandu, kif diġà indikajt, għarfien tekniku li jippermettilu jwettaq stħarriġ komplet u mhux limitat għall-iskrutinju tal-iżball manifest tad-deċiżjonijiet tal-ACER. Dan l-istħarriġ komplet, sussegwentement, jippermetti r-rieżami ġudizzjarju mill-Qorti Ġenerali.

71.

Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti ma humiex affettwati mill-iżball irrilevanti tal-Qorti Ġenerali (punt 60 tas-sentenza appellata) fir-riferiment tagħha għal “eventwali kunflitt” tad-Deċiżjoni tal-ACER tal‑5 ta’ Ottubru 2019 ( 43 ) mar-Regolament Nru 713/2009.

72.

Il-Qorti Ġenerali ma pproċedietx b’mod korrett f’din l-evalwazzjoni għaliex l-emenda tad-Deċiżjoni tal-ACER Nru 1/2011 kienet saret minħabba l-adozzjoni preċedenti tar-Regolament 2019/942. L-Artikolu 21 tad-Deċiżjoni Nru 1/2011, kif emendata, sempliċement jittraskrivi l-kontenut tal-Artikolu 28(5) tar-Regolament 2019/942 ( 44 ). Għaldaqstant, ma kien hemm l-ebda kontradizzjoni bħal din.

73.

Madankollu, dan l-iżball tal-Qorti Ġenerali jseħħ f’raġunament obiter dictum u jirrigwarda emenda leġiżlattiva li ma hijiex applikabbli ratione temporis għall-kawża. Minħabba f’hekk, dan ma jaffettwax is-soluzzjoni finali, f’dak li jirrigwarda l-intensità tal-istħarriġ imwettaq mill-Bord tal-Appell.

5. Paragun tal‑Bord tal‑Appell tal‑ACER ma’ dawk ta’ aġenziji oħra tal‑Unjoni

74.

Il-paragun li tagħmel il-Qorti Ġenerali bejn l-intensità tal-istħarriġ tal-Bord tal-Appell tal-ECHA u dik tal-ACER jidhirli li huwa xieraq sabiex il-ġurisprudenza tagħha dwar il-livell ta’ skrutinju tad-deċiżjonijiet tal-ewwel wieħed tiġi estiża għat-tieni wieħed.

75.

Il-Qorti Ġenerali, wara li ttraskriviet il-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-Bord tal-Appell tal-ECHA (punt 61 tas-sentenza appellata) ( 45 ), tiddikjara li hija applikabbli b’mod ugwali għall-Bord tal-Appell tal-ACER.

76.

Il-kritika tal-ACER għal din il-parti tas-sentenza appellata hija bbażata fuq id-differenzi fl-għanijiet, fil-proċeduri ta’ appell (b’mod partikolari t-termini ta’ riżoluzzjoni) u fil-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal tal-Bordijiet tal-Appell tal-ACER u tal-ECHA. Differenzi bħal dawn huma ta’ natura li jinvalidaw il-paragun li sar mill-Qorti Ġenerali.

77.

Dawn id-differenzi, madankollu, ma jaffettwawx il-qalba tal-argument tal-Qorti Ġenerali, li japplika kemm għall-Bord tal-Appell tal-ECHA kif ukoll għal dak tal-ACER: it-twettiq ta’ stħarriġ limitat għall-istħarriġ tal-iżball manifest u n-nuqqas ta’ twettiq ta’ evalwazzjoni kompleta tal-evalwazzjonijiet ta’ natura teknika, xjentifika u ekonomika kumplessi li hemm fid-deċiżjonijiet kontenzjużi jmorru kontra n-natura tal-korpi tal-appell maħluqa fi ħdan l-aġenziji.

78.

Peress li, abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jidhirli li dan l-argument tal-Qorti Ġenerali ma huwa vvizzjat bl-ebda żball ta’ liġi, din il-parti tal-ewwel aggravju wkoll hija inammissibbli.

6. Argument sussidjarju: l‑istħarriġ eżerċitat mill‑Bord tal‑Appell kien komplet

79.

Sussidjarjament, l-ACER issostni li, anki jekk kellu jiġi aċċettat (quod non) li l-Bord tal-Appell għandu jeżerċita stħarriġ komplet u mhux limitat għal żball manifest tad-deċiżjonijiet li jinvolvu evalwazzjonijiet kumplessi ta’ natura teknika u ekonomika, il-Qorti Ġenerali tkun wettqet żball ta’ liġi meta ssostni li l-Bord tal-Appell ma kienx wettaq dan it-tip ta’ stħarriġ f’din il-kawża.

80.

Madankollu, dan l-argument sussidjarju ma jiħux inkunsiderazzjoni li l-Bord tal-Appell innifsu kkunsidra (punti 47 u 52 tad-deċiżjoni tiegħu) li jillimita lilu nnifsu sabiex jeżerċita stħarriġ limitat għall-iżball manifest ta’ evalwazzjoni, fir-rigward tal-eżenzjoni mitluba minn Aquind.

81.

Il-Bord tal-Appell jagħmel din id-dikjarazzjoni espressa bħala dikjarazzjoni ta’ prinċipju li tirregola l-intervent tiegħu. Għalhekk, ma kienx neċessarju li janalizza fid-dettall il-punti 70 sa 74 u 94 sa 98 tad-Deċiżjoni tal-ACER meta l-Bord tal-Appell innifsu jibda billi jgħid li ser japplika stħarriġ limitat għall-iżball manifest ta’ evalwazzjoni. Fil-qosor, il-Qorti Ġenerali ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi fuq dan il-punt.

82.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi miċħud l-ewwel aggravju tal-ACER.

VI. It‑tieni aggravju tal‑ACER: ksur tal‑Artikolu 17(1)(b) tar‑Regolament Nru 714/2009

A.   Is‑sentenza appellata

83.

Għall-Qorti Ġenerali, l-approċċ adottat mill-Bord tal-Appell fir-rigward tal-eżenzjoni ma kienx iġġustifikat, la fid-dawl tar-Regolament Nru 714/2009 u lanqas fid-dawl tar-Regolament TEN-E. Din appoġġjat din l-affermazzjoni, essenzjalment, permezz tal-argumenti li ġejjin:

Il-Bord tal-Appell ikun introduċa kundizzjoni addizzjonali li ma hijiex fost dawk elenkati fl-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 714/2009.

Ma hemm l-ebda dispożizzjoni regolatorja li tippermetti li jiġi kkunsidrat li l-leġiżlatur ikun ippreveda l-prijorità ta’ sistema fuq oħra. Iż-żewġ sistemi jistgħu jiġu applikati b’mod alternattiv.

Il-kriterju essenzjali li għandu jiggwida l-eżami tat-talba għal eżenzjoni huwa “[l]-livell ta’ riskju assoċjat mal-investiment” tal-Artikolu 17(1)(b) tar-Regolament Nru 714/2009, li l-Bord tal-Appell ma applikax.

L-użu tal-proċedura ta’ allokazzjoni transkonfinali tal-ispejjeż ma jikkostitwixxix garanzija li r-riskji li għalihom huma esposti l-interkonnetturi ser jiġu eliminati.

B.   L‑argumenti tal‑partijiet

84.

L-ACER tallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi “fundamentali” meta ddikjarat (b’mod partikolari fil-punti 105 u 106 tas-sentenza appellata) li l-ebda dispożizzjoni regolatorja ma tippermetti li jinftiehem li l-leġiżlatur ippreveda l-prijorità tas-sistema tar-Regolament TEN-E fuq is-sistema ta’ eżenzjoni tar-Regolament Nru 714/2009.

85.

Dan l-iżball ta’ liġi jirriżulta mill-interpretazzjoni inadegwata tal-Qorti Ġenerali dwar ir-relazzjoni bejn l-Artikolu 12 tar-Regolament TEN-E u l-Artikolu 17(1)(b) tar-Regolament Nru 714/2009. Il-formulazzjoni, l-għan u l-kuntest ta’ dan tal-aħħar, kif ukoll tal-predeċessur tiegħu, ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003 ( 46 ), iwasslu lill-ACER sabiex issostni li r-Regolament TEN-E jistabbilixxi s-sistema ġenerali u li r-Regolament Nru 714/2009 jistabbilixxi sistema ta’ eżenzjoni, li l-interpretazzjoni tagħha għandha tkun stretta. Dawn ma humiex sistemi ugwali li bejniethom il-promoturi tal-proġetti jistgħu jagħżlu liberament, kif tafferma l-Qorti Ġenerali.

86.

It-tieni żball ta’ liġi li l-ACER tikkritika tas-sentenza appellata (punti 101 sa 104) huwa li ssostni li, għalkemm il-finanzjament eventwali skont l-Artikolu 12 tar-Regolament TEN-E jista’ jkun kriterju rilevanti sabiex jiġi ddeterminat ir-riskju marbut mal-investiment, dan il-kriterju ma jistax jiġi stabbilit bħala kundizzjoni mhux skużabbli sabiex tinkiseb l-eżenzjoni ( 47 ).

87.

L-ACER tqis li l-indisponibbiltà ta’ għajnuna finanzjarja suffiċjenti fil-kuntest tas-sistema rregolata hija element bażiku sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-riskju tal-investiment huwiex kopert jew le, b’tali mod li din l-analiżi hija impliċita fl-Artikolu 17(1)(b) tar-Regolament Nru 714/2009 u ma hijiex kundizzjoni addizzjonali għall-għoti ta’ eżenzjoni għal interkonnettur ġdid.

88.

Finalment, għall-ACER, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi (punti 108 u 109 tas-sentenza appellata) meta sostniet li lil Aquind ma tistax tiġi miċħuda l-eżenzjoni tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 714/2009 abbażi tal-preżunzjoni li t-talba għal appoġġ skont l-Artikolu 12 tar-Regolament TEN-E twassal għal vantaġġ finanzjarju li jippermetti l-eliminazzjoni tar-riskju.

89.

Skont l-ACER, il-possibbiltà li jinkiseb finanzjament għall-interkonnettur, permezz tal-allokazzjoni transkonfinali tal-ispejjeż, ma kinitx ipotetika, iżda kienet ibbażata fuq il-kunsiderazzjoni tal-interkonnettur Aquind bħala proġett ta’ interess komuni, kif ukoll fuq l-analiżi tal-ispejjeż, tal-kapaċità u tal-vantaġġi mwettqa mill-ACER. Din hija preċiżament l-analiżi tar-riskju li l-Artikolu 17(1)(b) tar-Regolament Nru 714/2009 jirrikjedi sabiex jiddetermina jekk ir-riskji finanzjarji tal-interkonnettur jistgħux jiġu llimitati permezz ta’ mezzi oħra għajr l-għoti tal-eżenzjoni mis-sistema ġenerali.

90.

Aquind tikkontesta l-argumenti tal-ACER u tqis li l-Qorti Ġenerali ma wettqet l-ebda wieħed mill-iżbalji ta’ liġi allegati kontriha.

C.   Evalwazzjoni

91.

Għal fehim aħjar tal-problema, qabelxejn għandha tiġi spjegata r-relazzjoni bejn iż-żewġ sistemi ta’ finanzjament, imbagħad, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti ta’ dan it-tieni aggravju.

1. Finanzjament tal‑interkonnetturi tal‑elettriku

92.

L-interkonnetturi tal-elettriku trans-Ewropej tal-kurrent dirett huma infrastrutturi fundamentali għall-iżvilupp tas-suq Ewropew tal-elettriku ( 48 ). Huma jgħaqqdu s-sistemi nazzjonali tal-elettriku billi jiżguraw il-provvisti tal-elettriku u jevitaw l-iżolament tagħhom, filwaqt li jrawmu l-ħolqien ta’ suq Ewropew integrat tal-elettriku b’iktar kompetizzjoni u prezzijiet aqwa għall-konsumaturi ( 49 ).

93.

L-interkonnetturi tal-elettriku huma xogħlijiet fuq skala kbira u teknoloġikament kumplessi li jirrikjedu investiment sinjifikattiv u diversi snin sabiex jitlestew. Dawn il-karatteristiċi jispjegaw l-adozzjoni tar-Regolament TEN-E u l-ħolqien tal-figura tal-proġetti ta’ interess komuni bħala mezz kif jiġi orjentat il-finanzjament lejhom ( 50 ).

94.

Fl-Artikolu 1 tiegħu, ir-Regolament TEN-E ( 51 ) jagħmel riferiment għall-identifikazzjoni tal-proġetti ta’ interess komuni, li huma neċessarji sabiex jiġu implimentati l-kurituri u l-oqsma prijoritarji fil-qasam tal-infrastrutturi trans-Ewropej tal-enerġija. Apparti li jindirizza l-identifikazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ dawn il-proġetti, ir-Regolament TEN-E jipprevedi regoli għall-iffaċilitar u t-tħaffif tal-awtorizzazzjonijiet tagħhom, kif ukoll jiżgura l-parteċipazzjoni tal-pubbliku fihom.

95.

F’din il-kawża, huwa partikolarment rilevanti l-Artikolu 12 tar-Regolament TEN-E, li jistabbilixxi r-regoli u l-linji gwida għall-allokazzjoni transkonfinali tal-ispejjeż, filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni r-riskji għall-proġetti ta’ interess komuni.

96.

Skont l-Artikolu 12(3), (4), (5) u (6) tar-Regolament TEN-E:

Hekk kif tali proġett inkluż fil-kategoriji tal-punt 1(a), (b) u (d) u l-punt 2 tal-Anness II, ikun laħaq biżżejjed maturità, il-promoturi ta’ proġett għandhom jissottomettu lill-ANR korrispondenti “talba ta’ investiment [li] tinkludi talba għal allokazzjoni tal-ispejjeż transkonfinali”.

Wara konsultazzjoni mal-promoturi tal-proġett, l-ANR għandhom jadottaw “deċiżjonijiet ikkoordinati dwar l-allokazzjoni tal-ispejjeż tal-investiment li għandhom jiġu koperti minn kull operatur tas-sistema għall-proġett, kif ukoll dwar l-inklużjoni tagħhom fit-tariffi”.

L-ANR għandhom jinnotifikaw mingħajr dewmien lill-ACER dwar “[i]d-deċiżjoni dwar l-allokazzjoni tal-ispejjeż […] flimkien mal-informazzjoni rilevanti kollha fir-rigward tad-deċiżjoni”.

Jekk l-ANR ma jilħqux ftehim dwar it-talba ta’ investiment fi żmien sitt xhur, għandhom jinformaw lill-ACER mingħajr dewmien li tista’ tadotta “[d]-deċiżjoni dwar it-talba ta’ investiment li tinkludi l-allokazzjoni transkonfinali tal-ispejjeż […] kif ukoll il-metodu ta’ kif l-ispiża tal-investimenti hi riflessa fit-tariffi”.

97.

Ir-Regolament TEN-E ġie adottat fl‑2013 u ma kien hemm l-ebda regola preċedenti li kienet ekwivalenti fid-dritt tal-Unjoni li tipprevedi sistema simili ta’ finanzjament tal-infrastrutturi trans-Ewropej tal-enerġija ( 52 ).

98.

Għal din ir-raġuni, l-Artikolu 12(9) tiegħu jipprevedi li “[d]an l-Artikolu m’għandux japplika għall-proġetti ta’ interess komuni li jkunu rċevew [ ( 53 )]: […] (b) eżenzjoni mill-Artikolu 16(6) tar-Regolament [Nru 714/2009] skont l-Artikolu 17 tar-Regolament [Nru 714/2009]; […] jew (d) eżenzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament [Nru 1228/2003]”.

99.

L-istess interpretazzjoni tapplika għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament TEN-E dwar l-inċentivi għal dan it-tip ta’ infrastrutturi trans-Ewropej tal-enerġija.

100.

Dan is-sett ta’ leġiżlazzjonijiet ma huwiex intiż sabiex jistabbilixxi applikazzjoni alternattiva bejn is-sistema rregolata ta’ finanzjament tal-interkonnetturi tal-elettriku u s-sistema ta’ eżenzjoni.

101.

L-Artikolu 12(9) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament TEN-E għandhom l-għan li jipprekludu lill-interkonnetturi tal-elettriku li kienu bbenefikaw mis-sistema ta’ eżenzjoni skont l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 714/2009 (u tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1228/2003) milli jkunu jistgħu jagħżlu l-finanzjament skont is-sistema ġenerali stabbilita mill-Artikolu 12 tar-Regolament TEN-E.

102.

Madankollu, għall-interkonnetturi tal-elettriku l-ġodda ppjanati wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament TEN-E, l-Artikolu 12(9) u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 13(1) tiegħu ma humiex rilevanti billi huma regoli li jistgħu jiġu kklassifikati bħala “tranżitorji” ( 54 ).

103.

Ir-relazzjoni bejn is-sistema rregolata u s-sistema ta’ eżenzjoni hija kkorroborata mix-xogħlijiet preparatorji tar-Regolament Nru 1228/2003, li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja użat dan ix-xogħol preparatorju sabiex tinterpreta l-Artikoli 16 u 17 tar-Regolament Nru 714/2009 ( 55 ).

104.

Fil-fatt, fil-pożizzjoni komuni tal-Kunsill għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 1228/2003 ġiet inkluża d-dikjarazzjoni li ġejja tal-Kummissjoni dwar is-sistema ta’ eżenzjoni: “Il-Kummissjoni tisħaq fuq l-intenzjoni tagħha li tinterpreta din l-eżenzjoni b’mod ristrett sabiex tiggarantixxi li din l-eżenzjoni tiġi limitata għall-minimu possibbli, b’mod partikolari fir-rigward tat-tul tal-eżenzjoni u tal-kapaċità rilevanti tal-proġett li għalih tingħata l-eżenzjoni, sabiex jintlaħaq l-għan ta’ finanzjament tal-investimenti ta’ livell ta’ riskji li huwa għoli b’mod eċċezzjonali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 56 ). L-interpretazzjoni ristretta tal-eċċezzjoni u tal-użu tagħha f’sitwazzjonijiet limitati ħafna hija mtennija fil-punt C4 tal-pożizzjoni komuni ( 57 ).

105.

Id-Direttorat Ġenerali tal-Enerġija u t-Trasport tal-Kummissjoni ppubblika avviż interpretattiv tar-Regolament Nru 1228/2003 sabiex jiffaċilita l-applikazzjoni tiegħu mill-ANR, li fih jippromwovi n-natura eċċezzjonali tas-sistema ta’ eżenzjoni ( 58 ). L-istess seħħ fid-Dokument tax-Xogħol tad-dipartimenti tal-Kummissjoni tal‑2009 ( 59 ).

106.

Ix-xogħol preparatorju u d-dokumenti ta’ spjega tal-Kummissjoni, għaldaqstant, jenfasizzaw in-natura eċċezzjonali tas-sistema ta’ eżenzjoni tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 714/2009 u l-applikazzjoni sussidjarja tiegħu fir-rigward tas-sistema ġenerali ta’ finanzjament tal-interkonnetturi tal-elettriku tar-Regolament TEN-E.

2. Analiżi tal‑motiv

107.

Fil-fehma tiegħi, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali huwa vvizzjat minn żball ta’ liġi, b’mod partikolari fil-punti 105 u 106 tas-sentenza appellata, għaliex iqiegħed żewġ sistemi legali differenti fl-istess livell. Bħalma diġà semmejt:

Ir-Regolament TEN-E jistabbilixxi s-sistema ġenerali għall-finanzjament ta’ interkonnetturi li jikkostitwixxu proġetti ta’ interess komuni.

Għall-kuntrarju, ir-regoli dwar l-eżenzjoni tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 714/2009 jikkostitwixxu s-sistema ta’ eżenzjoni, b’mod li l-promoturi ma jiġux rikonoxxuti d-dritt li jagħżlu jekk jipproċessawx il-proġett tagħhom skont waħda miż-żewġ sistemi.

108.

Bħala prinċipju, il-promoturi ta’ interkonnettur tal-elettriku kklassifikat bħala proġett ta’ interess komuni għandhom ikunu suġġetti, sabiex jiksbu vijabbiltà finanzjarja, għas-sistema ġenerali (jew irregolata, kif imsejħa mill-ACER) tar-Regolament TEN-E, li hija prinċipalment stabbilita fl-Artikolu 12 tiegħu.

109.

Jekk ma jiksbux appoġġ permezz tal-allokazzjoni transkonfinali tal-ispejjeż, il-promoturi jistgħu juru, fejn xieraq, li l-proġett tagħhom għandu livell ta’ riskju finanzjarju li jiġġustifika l-għoti ta’ eżenzjoni mill-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 714/2009.

110.

Iżda, nirrepeti, il-promoturi ma jistgħux jagħżlu direttament is-sistema eċċezzjonali ta’ eżenzjoni, billi dan ibiddel ir-relazzjoni bejn din tal-aħħar u s-sistema ġenerali ta’ appoġġ finanzjarju għall-interkonnetturi l-ġodda. Skont din ir-relazzjoni:

Is-sistema ta’ eżenzjoni timplika deroga temporanja mill-prinċipji ġenerali li jirregolaw l-użu tad-dħul, id-dissoċjazzjoni tan-networks tat-trasport u tal-operaturi tan-networks tat-trasport, kif ukoll l-aċċess ta’ terzi għan-networks tat-trasport jew ta’ trażmissjoni, fatturi ewlenin għal-liberalizzazzjoni tas-suq tal-elettriku tal-Unjoni.

Is-sistema ġenerali ta’ appoġġ għall-infrastrutturi transnazzjonali tal-enerġija tar-Regolament TEN-E hija intiża, preċiżament, sabiex tevita l-eżenzjonijiet għall-promoturi ta’ dawn ix-xogħlijiet li jirrestrinġu l-kompetizzjoni libera fis-suq tal-elettriku tal-Unjoni.

Huwa biss meta l-vijabbiltà ekonomika ma tkunx tista’ tinkiseb permezz tas-sistema ġenerali ta’ appoġġ ekonomiku li jkun loġiku li tingħata, b’mod eċċezzjonali, l-eżenzjoni tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 714/2009.

111.

Dan il-fehim inadegwat tar-relazzjonijiet bejn iż-żewġ sistemi jirriżulta fi żball ta’ liġi ġdid, li huwa evidenti, b’mod partikolari, fil-punti 101 u 102 tas-sentenza appellata. Fihom, il-Qorti Ġenerali targumenta li l-Bord tal-Appell ma kienx intitolat jagħmel it-tressiq ta’ talba preċedenti għal appoġġ finanzjarju, skont l-Artikolu 12 tar-Regolament TEN-E, kundizzjoni sabiex jintwera r-riskju marbut mal-investiment.

112.

Huwa minnu li n-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ appoġġ finanzjarju joħloq riskju ekonomiku li jista’ jipperikola l-kostruzzjoni tal-interkonnettur. Dan il-fattur, kif tammetti l-Qorti Ġenerali nnifisha, għandu jitqies mill-ACER meta tapplika l-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ riskju marbut mal-investiment li jiġġustifika eżenzjoni mis-sistema rregolata, prevista mill-Artikolu 17(1)(b) tar-Regolament Nru 714/2009.

113.

Għaldaqstant, il-verifika mill-ACER tal-eżistenza jew le ta’ appoġġ finanzjarju permezz tas-sistema ġenerali għandha titwettaq sabiex jiġi vverifikat ir-riskju u tingħata, jew tiġi miċħuda, l-eżenzjoni ( 60 ). Din saret mill-ACER u l-Bord tal-Appell tagħha kkonferma l-adegwatezza ta’ dan l-eżami għall-eżiġenzi tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 714/2009.

114.

Madankollu, ma jistax jiġi aċċettat, bħalma kkonstatat b’mod żbaljat il-Qorti Ġenerali, li permezz ta’ dan l-approċċ l-ACER iżżid kundizzjoni ġdida ma’ dawk diġà stabbiliti mill-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 714/2009 għall-għoti ta’ eżenzjoni.

115.

Barra minn hekk, l-ACER u l-Bord tal-Appell tagħha ma rrikjedewx li Aquind tressaq talba għal finanzjament permezz tas-sistema rregolata. Huma llimitaw ruħhom sabiex jevalwaw sa liema punt ir-riskju tal-kostruzzjoni tal-interkonnettur Aquind ikun tnaqqas jekk ikun kiseb il-finanzjament permezz tas-sistema rregolata. Flimkien mal-istima tal-ispejjeż u l-benefiċċji u elementi oħra, l-ACER evalwat ( 61 ) jekk ir-rekwiżit li “[l]-livell ta’ riskju assoċjat mal-investiment huwa tali li l-investiment ma jsirx jekk ma tingħatax eżenzjoni” kienx ġie ssodisfatt.

116.

Għaldaqstant, inqis li l-analiżi tal-ACER, kif ikkonfermata mill-Bord tal-Appell tagħha, kienet adegwata u, għall-kuntrarju ta’ dak li kkonstatat il-Qorti Ġenerali, ma tintroduċix kundizzjoni li ma hijiex fost dawk imniżżla fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 714/2009 għall-għoti tal-eżenzjoni.

117.

Fl-istess sens, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali fil-punti 107 sa 110 tas-sentenza appellat ma huwiex ivvizzjat minn żball. Iż-żewġ argumenti prinċipali tagħha huma dawn li ġejjin:

Il-Bord tal-Appell u l-ACER ibbażaw ruħhom, prinċipalment, fuq raġunament ipotetiku, jiġifieri, fuq il-“possibbiltà” li talba skont l-Artikolu 12 tar-Regolament TEN-E twassal għal appoġġ finanzjarju għal Aquind, u fuq il-fatt li ma “setax jiġi eskluż” li deċiżjoni favorevoli permezz ta’ din id-dispożizzjoni tipprovdi garanzija suffiċjenti għall-investituri potenzjali. Il-vantaġġ tal-appoġġ finanzjarju permezz tas-sistema rregolata ma setax jiġi sostnut sempliċement minn preżunzjoni jew jiġi ppreżentat bħala fatt ipprovat.

Il-possibbiltà li jinkiseb appoġġ finanzjarju skont l-Artikolu 12 tar-Regolament TEN-E ma tippermettix l-esklużjoni awtomatika tar-riskju finanzjarju marbut mal-investiment. L-użu tal-proċedura ta’ allokazzjoni transkonfinali tal-ispejjeż ma jikkostitwixxix garanzija li jiġu eliminati r-riskji kollha li għalihom ikunu esposti l-interkonnetturi.

118.

L-ewwel argument ma jikkonvinċinix. Il-kategorizzazzjoni tal-interkonnettur Aquind bħala proġett ta’ interess komuni fetħet il-bieb għall-finanzjament tiegħu permezz tas-sistema rregolata ta’ allokazzjoni transkonfinali tal-ispejjeż u ta’ inċentivi tar-Regolament TEN-E. B’hekk, l-ACER u l-Bord tal-Appell tagħha setgħu jikkunsidraw li dan il-finanzjament kien disponibbli għal Aquind, li kieku talbitu ( 62 ).

119.

Fi kwalunkwe każ, l-analiżi tal-“livell ta’ riskju assoċjat mal-investiment” previst fl-Artikolu 17(1)(b) tar-Regolament Nru 714/2009, obbligat lill-ACER tevalwa jekk ir-riskju finanzjarju tal-proġett setax jitnaqqas permezz tal-użu ta’ mezzi oħra ta’ finanzjament li joperaw b’mod ġenerali u b’mod preferenzjali għall-għoti tal-eżenzjoni. Nirrepeti li din tal-aħħar, minħabba n-natura tagħha ta’ sistema eċċezzjonali, hija soluzzjoni tal-“aħħar istanza”, minħabba l-impatt negattiv tagħha fuq il-liberalizzazzjoni tas-suq komuni tal-elettriku.

120.

It-tieni argument tal-Qorti Ġenerali lanqas ma jikkonvinċini. Il-fatt (ċert) li s-sistema ġenerali ta’ finanzjament tar-Regolament TEN-E ma hijiex garanzija għall-eliminazzjoni tar-riskji kollha li għalihom huma esposti l-interkonnetturi ma jistax iwassal għall-għoti tal-eżenzjoni tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 714/2009.

121.

Ikun biżżejjed li l-promoturi ta’ proġett ta’ interess komuni, bħall-interkonnettur Aquind, ma jitolbux l-għajnuna tas-sistema rregolata sabiex iżidu r-riskju finanzjarju tal-proġett tagħhom u għaldaqstant, “jisforzaw” l-għoti tal-eżenzjoni. Fil-qosor, huma jkunu jistgħu jagħżlu bejn iż-żewġ sistemi ta’ appoġġ għal dan it-tip ta’ infrastrutturi li ma jkunux fl-istess livell. L-iżball bażiku tal-Qorti Ġenerali analizzat iktar ’il fuq jidher mill-ġdid f’dan ir-raġunament tas-sentenza appellata.

122.

Barra minn hekk, l-analiżi tal-“livell ta’ riskju assoċjat mal-investiment” titwettaq awtomatikament, u l-kundizzjoni stess meħtieġa mill-Artikolu 17(1)(b) tar-Regolament Nru 714/2009 titlef kull effett jekk jiġi mifhum li d-dewmien possibbli u l-inċertezzi relatati mal-għoti ta’ appoġġ finanzjarju permezz tas-sistema ġenerali tar-Regolament TEN-E jippermettu l-għoti tal-eżenzjoni.

123.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ dan l-aggravju, abbażi tal-fatt li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta interpretat l-Artikolu 17(1)(b) tar-Regolament Nru 714/2009 flimkien mal-Artikolu 12 tar-Regolament TEN-E.

VII. L‑appell inċidentali ta’ Aquind

124.

Apparti li oġġezzjonat għall-appell tal-ACER, Aquind ippreżentat appell inċidentali li fih tinvoka d-dikjarazzjonijiet stabbiliti fil-punt 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

125.

Billi nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-ewwel aggravju tal-ACER u tikkonferma s-sentenza tal-Qorti Ġenerali sa fejn tannulla d-Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, ma hemmx bżonn ta’ analiżi speċifika tal-appell inċidentali ta’ Aquind.

126.

Fil-fatt, is-sentenza appellata għandha tintlaqa’ f’appell biċ-ċaħda tal-ewwel aggravju, anki jekk jintlaqa’ t-tieni wieħed. B’dan il-mod jiġi kkorroborat l-annullament komplet tad-Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell talli applikat stħarriġ limitat għall-iżball manifest. Ma huwiex neċessarju u lanqas rakkomandabbli li l-Qorti tal-Ġustizzja tanalizza xi aggravju addizzjonali ieħor ta’ annullament ta’ din id-deċiżjoni, bħalma titlob Aquind. L-appell inċidentali tagħha għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud.

VIII. Nuqqas ta’ rinviju tal‑kawża quddiem il‑Qorti Ġenerali

127.

Skont l-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ta’ kassazzjoni jkun fondat sew, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. F’każ bħal dan, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ jew tagħti hija stess deċiżjoni definittiva fuq il-kawża, fejn jippermetti dan l-istat tal-proċedura, inkella tista’ tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tal-aħħar tagħti deċiżjoni fuqha.

128.

Ma huwiex neċessarju li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, ladarba tiġi kkonfermata s-sentenza ta’ din tal-aħħar sa fejn hija tannulla kompletament id-Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-ACER.

129.

Huwa dan il-Bord tal-Appell li għandu jikkonforma mas-sentenza tal-Qorti Ġenerali konformement mal-kjarifiki magħmula fl-appell mill-Qorti tal-Ġustizzja, u dan jimplika l-esklużjoni ta’ din is-sentenza f’dak li jirrigwarda r-relazzjoni tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 714/2009 u l-Artikolu 12 tar-Regolament TEN-E.

130.

L-ilqugħ tat-tieni aggravju ma jirrikjedix ir-rinviju tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għaliex, bħalma diġà indikajt, ma kienx essenzjali li tiddeċiedi dwar ir-relazzjoni bejn l-Artikolu 17(1)(b) tar-Regolament Nru 714/2009 u l-Artikolu 12 tar-Regolament TEN-E.

IX. Spejjeż

131.

Skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-appell skont l-Artikolu 184, meta t-talbiet tal-partijiet jintlaqgħu parzjalment, kull parti għandha tħallas l-ispejjeż tagħha stess.

132.

Peress li nipproponi li jiġi miċħud l-ewwel aggravju tal-ACER, skont dak li ntalab minn Aquind, iżda li jintlaqa’ t-tieni wieħed, kull parti għandha tħallas l-ispejjeż tagħha stess. L-istess allokazzjoni tal-ispejjeż għandha tiġi applikata għall-appell inċidentali, li huwa marbut mill-qrib ma’ dak prinċipali.

X. Konklużjoni

133.

Konformement mar-raġunamenti preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

1)

Tiċħad l-ewwel aggravju tal-ACER.

2)

Tilqa’ t-tieni aggravju tal-ACER.

3)

Tiċħad kompletament l-appell inċidentali ta’ Aquind.

4)

Tordna lill-ACER u lil Aquind iħallsu l-ispejjeż tagħhom stess.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

( 2 ) Sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2020, Aquind vs ACER (T‑735/18, EU:T:2020:542). Iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”.

( 3 ) Is-sistema legali tagħha kienet stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 713/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ĠU 2009, L 211, p. 1). Dan ir-regolament tħassar bir-Regolament (UE) 2019/942 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ĠU 2019, L 158, p. 22).

( 4 ) Fir-rigward tal-Bord tal-Appell tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal‑20 ta’ Settembru 2019, BASF Grenzach vs ECHA (T‑125/17, EU:T:2019:638), u Il‑Ġermanja vs ECHA (T‑755/17, EU:T:2019:647).

( 5 ) Ara l-analiżi dottrinali vasta li tinsab fix-xogħol ta’ Chamon, M.; Volpato, A. U Eliantonio, M. (eds.): Boards of Appeal of EU Agencies: Towards Judicialization of Administrative Review?, Oxford University Press, 2022.

( 6 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003 (ĠU 2009, L 211, p. 15).

( 7 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ April 2013 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 713/2009, (KE) Nru 714/2009 u (KE) Nru 715/2009 (ĠU 2013, L 115, p. 39). Magħruf bħala r-Regolament dwar in-Networks tal-Enerġija trans-Ewropej tal-Enerġija (iktar ’il quddiem ir-“Regolament TEN-E”).

( 8 ) Qiegħed nittraskrivi l-verżjoni ta’ dan l-artikolu fis-seħħ fil-mument tal-kawża. Fir-Regolament 2019/942, l-ekwivalenti tiegħu huwa l-Artikolu 28, li l-paragrafu 5 tiegħu jistabbilixxi li “[l]-Bord tal-Appell jista’ jikkonferma d-deċiżjoni, jew jista’ jgħaddi l-każ lill-entità kompetenti tal-ACER. Din tal-aħħar għandha tkun marbuta bid-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell.”

( 9 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU 2009, L 211, p. 55).

( 10 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (ĠU 2009, L 211, p. 94).

( 11 ) Barra minn hekk, fl-istess ġurnata, l-ACER ressqet talba għal miżuri provviżorji sabiex tiġi sospiża l-eżekuzzjoni tas-sentenza appellata, abbażi tal-fatt li tippreżenta riskju għad-dritt tal-Unjoni u għas-suq intern tal-enerġija. Il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja ċaħad din it-talba fid-digriet tas‑16 ta’ Lulju 2021, ACER vs Aquind (C‑46/21 P-R, mhux ippubblikat, EU:C:2021:633), minħabba l-fatt li l-allegat dannu gravi u irreparabbli ma baqax jeżisti u sar ipotetiku fil-mument li fih il-Bord tal-Appell qies it-talba ta’ Aquind bħala inammissibbli fid-Deċiżjoni A‑001‑2018_R tiegħu tal‑4 ta’ Ġunju 2021.

( 12 ) Deċiżjoni A‑001‑2018_R, tal‑4 ta’ Ġunju 2021. F’din id-deċiżjoni, il-Bord tal-Appell iddikjara li l-irtirar tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea ma jippermettix l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 714/2009 u tar-Regolament TEN-E għal interkonnessjonijiet elettriċi ġodda bejn dan il-pajjiż u Stat Membru tal-Unjoni. Kontra din id-deċiżjoni, Aquind ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali r-rikors għal annullament T‑492/21, li għadu pendenti.

( 13 ) Regolament Delegat tal-Kummissjoni tal‑31 ta’ Ottubru 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-lista tal-Unjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni (ĠU 2020, L 74, p. 1). Fil‑21 ta’ Mejju 2020, Aquind ippreżentat rikors għal annullament kontra dan ir-Regolament Delegat, li jinsab pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali (Kawża T‑295/20, Aquind et vs Il‑Kummissjoni). Preċedentement, kienet appellat minnu qabel il-pubblikazzjoni tiegħu, iżda l-appell tagħha ġie ddikjarat inammissibbli permezz tad-Digriet tal-Qorti Ġenerali tal‑5 ta’ Marzu 2021, Aquind et vs Il‑Kummissjoni (T‑885/19, EU:T:2021:118), ikkonfermat fl-appell bis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Aquind et vs Il‑Kummissjoni (C‑310/21 P, EU:C:2022:615).

( 14 ) Unikament għall-obbligi tal-Artikolu 19(2) u (3) tar-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 dwar is-suq intern tal-elettriku (ĠU 2019, L 158, p. 54).

( 15 ) Il-punt 91 tas-sentenza appellata jgħid li: “Madankollu, għal raġunijiet marbuta ma’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, il-Qorti Ġenerali tqis utli li teżamina r-raba’ motiv, ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tar-relazzjoni eżistenti bejn l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 714/2009 u l-Artikolu 12 tar-Regolament [TEN-E]”. Korsiv miżjud minni.

( 16 ) Sentenza appellata, punt 51.

( 17 ) Sentenza appellata, punti 52 sa 58.

( 18 ) Sentenza appellata, punti 59 sa 60.

( 19 ) Sentenza appellata, punti 61 sa 70.

( 20 ) Il-punt 66 tas-sentenza appellata jgħid li “[…] hija l-ACER li għandha tieħu l-miżuri organizzattivi interni kollha neċessarji sabiex tuża l-mezzi mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tissodisfa l-għanijiet tagħha, kif iddefiniti fir-Regolament Nru 713/2009”.

( 21 ) Everson, M.; Monda, C. u Vos, E. (eds): European Agencies in Between Institutions and Member States, Wolters Kluwer, Alphen aan den Rijn, 2014; Chamon, M.: EU Agencies: Legal and Political Limits to the Transformation of the EU Administration, Oxford University Press, 2016; Alberti, J.: Le agenzie dell’Unione europea, Giuffrè, Milán, 2018; Vos, E.: EU Agencies, Common Approach and Parliamentary Scrutiny, European Parliament, 2018.

( 22 ) Ara l-analiżi ta’ Tovo, C.: “The Boards of Appeal of Networked Services Agencies: Specialized Arbitrators of Transnational Regulatory Conflicts?”, f’Chamon, M.; Volpato, A u Eliantonio, M., op. cit., p. 36 sa 40; kif ukoll f’Jankovich, K.: “La réforme de l’Agence de l’Union européenne pour la coopération des régulateurs de l’énergie: une évolution sans révolution”, Revue du droit de l’Union européenne, 2019, Nru 3, p. 69 sa 85.

( 23 ) Dawk tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), tal-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (CPVO), tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà fl-Avjazzjoni (EASA), tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), tal-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER), tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji (ERA) u tat-tliet Awtoritajiet Ewropej ta’ Sorveljanza (l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA), l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) u l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA)) li jikkondividu Bord tal-Appell uniku.

( 24 ) Id-dikjarazzjoni konġunta u l-approċċ komuni tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-aġenziji deċentralizzati, tad‑19 ta’ Lulju 2012, https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-11450-2012-INIT/en/pdf, fil-punt 21 jitkellmu unikament dwar l-approċċ komuni tal-indipendenza u l-imparzjalità tal-membri tal-bordijiet tal-appell.

( 25 ) Fost il-letteratura abbundanti dwar il-bordijiet tal-appell tal-aġenzija, ara d-diversi kontributi fil-ktieb kollettiv ta’ Chamon, M.; Volpato, A y Eliantonio, M., op. cit.; Chirulli, P.: Non-Judicial Remedies and EU Administration Protection of Rights versus Preservation of Autonomy, Routledge, 2021; De Lucia, L.: “Specialised Adjudication in EU Administrative Law: the Boards of Appeal of EU Agencies”, European Law Review 2015, p. 832 sa 857.

( 26 ) Regolament (UE) 2019/629 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ April 2019 li jemenda l-Protokoll Nru 3 dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2019, L 111, p. 1).

( 27 ) B’mod partikolari, il-bordijiet tal-Appell tal-EUIPO, taċ-CPVO, tal-ECHA, tal-ESA u ta’ dawk ikkostitwiti wara l‑1 ta’ Mejju 2019 fi kwalunkwe uffiċċju jew aġenzija oħrajn tal-Unjoni.

( 28 ) Ma huwiex eskluż li, fil-futur, il-mekkaniżmu ta’ ammissjoni tal-appelli jiġi estiż għas-sentenzi tal-Qorti Ġenerali li, min-naħa tagħhom, iddeċidew fuq deċiżjonijiet tal-bordijiet tal-appell ta’ aġenziji oħra li l-pożizzjoni tagħhom tkun ekwivalenti għad-deċiżjonijiet ta’ dawk imsemmija fl-Artikolu 58a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. L-organizzazzjoni tal-Bord tal-Appell tal-ACER hija ekwivalenti għal dik tal-bordijiet tal-appell tal-aġenziji msemmija f’dan l-artikolu. Ara De Lucia, L.: “The Shifting State of Rights Protection vis-à-vis EU Agencies: a Look at Article 58a of the Statute of the Court of Justice of the European Union”, European Law Review, 2019, p. 812 sa 816.

( 29 ) Punt 51 tas-sentenza appellata.

( 30 ) F’dan is-sens, Tovo, C.: “the added value of BoAs with respect to the proper functioning of the EU system of legal remedies, however, resides precisely in guaranteeing an in-depth control of the merits of the decisions of the agencies, which, as atypical implementing acts of a technical nature, are necessarily subject to a limited judicial review before the CJEU” (f’Tovo, C.: “The Boards of Appeal of Networked Agencies: Specialized Arbitrators of Transnational Regulatory Conflicts?”, f’Chamon, M.; Volpato, A u Eliantonio, M., op. cit., p. 55).

( 31 ) Punt 58 tas-sentenza appellata.

( 32 )

( 33 ) Ara, fl-istess sens, l-Artikoli 1 sa 4 tad-Deċiżjoni Nru 1‑2011 tal-Bord tal-Appell tal-ACER tal‑1 ta’ Diċembru 2011 li tistabbilixxi r-regoli dwar l-organizzazzjoni u l-proċedura tal-Bord tal-Appell, disponibbli fuq https://extranet.acer.europa.eu/en/The_agency/Organisation/Board_of_Appeal/BoA_Public_Docs/BoA%20minutes%20FINAL%20.pdf. It-test rivedut fil‑5 ta’ Ottubru 2019 huwa disponibbli fuq https://acer.europa.eu/en/The_agency/Organisation/Board_of_Appeal/BoA_Public_Docs/Rules%20of%20Procedure_for%20publication.pdf.

( 34 ) Punt 53 tas-sentenza appellata: “il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jagħti lill-Bord tal-Appell tal-ACER l-għarfien espert neċessarja sabiex ikun jista’ jwettaq huwa stess evalwazzjonijiet dwar elementi fattwali ta’ natura teknika u ekonomika kumplessi marbuta mal-enerġija”.

( 35 ) Fil-fatt, qabel id-dħul fis-seħħ tal-Pakkett dwar Enerġija Nadifa tal‑2019, kienu tressqu biss talba waħda quddiem il-Bord tal-Appell fl‑2017, u tnejn fl‑2018. Fl‑2019 kien hemm diġà sitta, fl‑2020, disa’ u fl‑2021, ħdax. Ara https://acer.europa.eu/the-agency/organisation-and-bodies/board-of-appeal/boa-decisions.

( 36 ) Ara d-Deċiżjoni Nru 17/2019 tal-Kunsill tal-Amministrazzjoni tal-ACER tas‑26 ta’ Settembru 2019.

( 37 ) Dan huwa ddikjarat fi Programming Document 2021 – 2023, Diċembru 2020, http://documents.acer.europa.eu/en/The_agency/Mission_and_Objectives/Documents/Programming%20Document%20-%202021-2023%20-%20European%20Union%20Agency%20for%20the%20Cooperation%20of%20Energy%20Regulators.pdf, (p. 33).

( 38 ) L-ACER tirrikonoxxi din iċ-ċirkustanza fid-dokument imsemmi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna preċedenti (p. 160).

( 39 ) Il-Pakkett dwar Enerġija Nadifa fih, fost l-oħrajn, ir-Regolament 2019/942.

( 40 ) Dan il-perijodu mnaqqas huwa konformi mal-għan, stabbilit fil-premessa 19 tar-Regolament 713/2009 li jagħti lill-partijiet ikkonċernati, “għal finijiet ta’ ekonomija proċedurali […] id-dritt ta’ appell lil Bord tal-Appell […]”.

( 41 ) Artikolu 28(2) tar-Regolament 2019/942. In-numru żgħir ħafna ta’ kawżi tal-Bord tal-Appell fl-ewwel snin tiegħu kien kompatibbli ma’ perijodu ta’ deċiżjoni tant qasir, iżda ż-żieda fil-każijiet mill‑2018 wassal għal estensjoni minn xahrejn għal erba’ xhur.

( 42 ) L-Artikolu 29 il-ġdid tar-Regolament 2019/942 issa jistipula b’mod iktar ċar li “[k]awżi dwar l-annullament ta’ deċiżjoni maħruġa mill-ACER skont dan ir-Regolament u azzjonijiet għal nuqqas ta’ azzjoni fil-limiti ta’ żmien applikabbli, jistgħu jitressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea biss wara li tkun intemmet il-proċedura tal-appell imsemmija fl-Artikolu 28”.

( 43 ) F’din id-deċiżjoni, ġie emendat l-Artikolu 20 tad-Deċiżjoni Nru 1‑2011 li tistabbilixxi r-regoli dwar l-organizzazzjoni u l-proċedura tal-Bord tal-Appell. L-Artikolu 21 (il-ġdid) li jissostitwixxi l-Artikolu 20 tad-Deċiżjoni emendata jindika li l-Bord tal-Appell għandu sempliċement jikkonferma d-deċiżjoni tal-Aġenzija jew jirrinvija l-kawża quddiem il-korp kompetenti tal-ACER.

( 44 ) L-Artikolu 28(5) tar-Regolament 2019/942 jiffaċilita, sa ċertu punt, ix-xogħol tal-Bord tal-Appell li “jista’ jikkonferma d-deċiżjoni, jew jista’ jgħaddi l-każ lill-entità kompetenti” tal-ACER.

( 45 ) “B’mod partikolari diġà ġie deċiż, fir-rigward tal-Bord tal-Appell tal-ECHA, li l-istħarriġ imwettaq minn dan il-bord tal-appell fuq evalwazzjonijiet ta’ natura xjentifika li jinsabu f’deċiżjoni tal-ECHA ma kienx limitat għall-verifika tal-eżistenza ta’ żbalji manifesti, iżda li, għall-kuntrarju, minħabba l-kompetenzi legali u xjentifiċi tal-membri tagħha, l-imsemmi bord kellu jeżamina jekk l-argumenti mressqa mir-rikorrenti f’dak il-każ setgħux juru li l-kunsiderazzjonijiet li fuqhom kienet ibbażata l-imsemmija deċiżjoni tal-ECHA kienu vvizzjati bi żbalji (sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2019, BASF vs ECHA,T‑125/17, EU:T:2019:638, punti 87 sa 89). L-intensità tal-istħarriġ imwettaq mill-Bord tal-Appell hija b’hekk ikbar minn dik tal-istħarriġ imwettaq mill-qorti tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2019, BASF Grenzach vs ECHA, T‑125/17, EU:T:2019:638, punt 124)”.

( 46 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2003 dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 175).

( 47 ) Skont il-Qorti Ġenerali, il-Bord tal-Appell qies it-tressiq tat-talba preċedenti għal appoġġ finanzjarju, skont l-Artikolu 12 tar-Regolament TEN-E, bħala “kundizzjoni separata sabiex jintwera r-riskju assoċjat mal-investiment”; approċċ li la jiġġustifikah ir-Regolament Nru 714/2009 u lanqas ir-Regolament TEN-E.

( 48 ) Sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, Baltic Cable (C‑454/18, EU:C:2020:189), punt 57: “Kif jirriżulta mill-Artikolu 1(a) tar-Regolament Nru 714/2009, l-imsemmija allokazzjoni tal-kapaċitajiet ta’ interkonnessjoni hija s-suġġett ta’ prinċipji armonizzati li għandhom jippermettu li jiġu stabbiliti regoli ġusti għall-kummerċ transkonfinali ta’ elettriku sabiex tittejjeb il-kompetizzjoni fis-suq intern tal-elettriku”.

( 49 ) Ara r-Report of the Commission Expert Group on electricity interconnection: “Towards a sustainable and integrated Europe”, Novembru 2017, https://ec.europa.eu/energy/sites/ener/files/documents/report_of_the_commission_expert_group_on_electricity_interconnection_targets.pdf, p. 10 sa 14.

( 50 ) Bejn l‑2014 u l‑2020, l-istrument ta’ finanzjament imsejjaħ il-Faċilità Connecting Europe kkontribwixxa għall-finanzjament ta’ 107 proġetti ta’ interess komuni, b’baġit totali ta’ EUR 4700 miljun. Kważi żewġ terzi ta’ dan l-ammont intefqu fi proġetti ta’ trażmissjoni u ħżin tal-elettriku, kif ukoll fi grilji tal-elettriku intelliġenti. Ara d-data f’Il-Kummissjoni Ewropea: Connecting Europe Facility. Energy. Supported actions 2014‑2020, Mejju 2021, https://cinea.ec.europa.eu/system/files/2021-05/CEF_Energy_supporting-actions_2021.pdf.

( 51 ) Ir-Regolament TEN-E ġie emendat għaliex ma kienx għadu adatt biex jiżgura n-newtralità klimatika tal-Unjoni, wara l-adozzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-linji gwida l-ġodda tal-politika dwar l-enerġija, permezz tar-Regolament (UE) 2022/869 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2022 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2009, (UE) 2019/942 u (UE) 2019/943 u d-Direttivi 2009/73/KE u (UE) 2019/944, u li jħassar ir-Regolament TEN-E (ĠU 2022, L 152, p. 45).

( 52 ) Id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Settembru 2006 li tistabbilixxi linji gwida għal networks ta’ l-enerġija trans-Ewropej u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 96/391/KE u d-Deċiżjoni Nru 1229/2003/KE (ĠU 2006, L 262, p. 1), hija l-prekursur tar-Regolament TEN-E. Hija kienet tistabbilixxi kuntest prekarju ħafna ta’ appoġġ għan-networks trans-Ewropej tal-Enerġija, li fih ma kienx hemm sistema ġenerali ta’ finanzjament ta’ dawn l-infrastrutturi, lil hinn mill-possibbiltà li wieħed jirrikorri għall-finanzjament tal-Unjoni.

( 53 ) Korsiv miżjud minni.

( 54 ) Fl-istess sens, l-aħħar frażi tal-premessa 23 tar-Regolament 714/2009 tiddikjara li “[e]żenzjonijiet mogħtija skont ir-Regolament [Nru 1228/2003] ikomplu japplikaw sad-data tal-iskadenza prevista kif deċiż fi-deċiżjoni ta’ eżenzjoni mogħtija”.

( 55 ) Sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, Baltic Cable (C‑454/18, EU:C:2020:189), punt 48.

( 56 ) SEC/2003/0160 final, Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 251(2) tat-Trattat KE li jikkonċerna l-pożizzjoni komuni adottata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fuq l-adozzjoni ta’ regolament dwar il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għan-network għall-kummerċ transkonfinali tal-elettriku, Anness E.

( 57 )

( 58 ) Note of DG Energy & Transport on Directives 2003/54-55 and Regulation 1228\03 in the electricity and gas internal market about exemptions from certain provisions of the third party access regime, 30.1.2004, p. 1: “The possibility for such exemptions is clearly an exception to the general rule of third party access which is the basis of the new competitive market for electricity and gas. Exemptions will therefore only be granted exceptionally and on a case-by-case basis. There will be no block exemptions for specific types of infrastructure and all cases will be assessed on their merits. This consideration is particularly relevant since there is no possibility of exemptions for existing infrastructure and therefore any decision to give new pieces of infrastructure a different status must be clearly justified”.

( 59 ) Document SEC(2009)642 final, 6.5.2009, Commission staff working document on Article 22 of Directive 2003/55/EC concerning common rules for the internal market in natural gas and Article 7 of Regulation (EC) No 1228/2003 on conditions for access to the network for cross-border exchanges in electricity – New Infrastructure Exemptions. Fil-punt 17 jipprovdi li: “Exemptions are an exception to the general rule of regulated TPA. Such exceptions have to be limited to what is strictly necessary to realise the investment and the scope of the exemptions has to be proportionate”.

( 60 ) Il-Kummissjoni segwiet raġunament simili sabiex tiċħad eżenzjoni favur operatur Ċek tal-ħżin tal-gass fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2011) 4509 tas‑27 ta’ Ġunju 2011 dwar id-deroga fir-rigward tal-faċilità ta’ ħżin tal-gass taħt l-art f’Dambořice, disponibbli fuq https://ec.europa.eu/energy/sites/ener/files/documents/2011_damborice_decision_en.pdf. Din l-eżenzjoni kienet ibbażata fuq l-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2009/73 applikabbli għall-qasam tal-gass, li huwa simili għal dak tal-Artikolu 17(1)(b) tar-Regolament Nru 714/2009.

( 61 ) Fuq dan il-punt, l-ACER għandha ċerta setgħa diskrezzjonali, kif ġie rrikonoxxut fir-rigward tal-eżenzjonijiet ekwivalenti relatati mas-suq tal-gass fis-sentenza tal‑4 ta’ Diċembru 2019, Polskie Górnictwo Naftowe i Gazownictwo vs Il‑Kummissjoni (C‑342/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:1043), punt 48

( 62 ) Irrid inżid li Aquind, sussegwentement, talbet dan il-finanzjament permezz tas-sistema ġenerali.