KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

EMILIOU

ippreżentati fl‑10 ta’ Novembru 2022 ( 1 )

Kawża C‑40/21

T.A.C.

vs

ANI

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Timişoara (il-Qorti tal-Appell ta’ Timişoara, ir-Rumanija))

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Deċiżjoni 2006/928/KE – Mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni u verifika – Kariga pubblika elettiva – Kunflitt ta’ interessi – Sanzjonijiet – Projbizzjoni li wieħed jokkupa kwalunkwe kariga pubblika elettiva għal perijodu ta’ żmien – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 49(3) – Proporzjonalità ta’ sanzjonijiet – Effett dirett tal-prinċipju ta’ proporzjonalità – Setgħat ta’ qrati nazzjonali – Artikolu 15(1) – Dritt għax-xogħol – Kunċett ta’ ‘xogħol’ – Artikolu 47 – Dritt għal rimedju effettiv”

I. Introduzzjoni

1.

L-aġir illegali f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interess jista’ probabbilment jiġi kkunsidrat bħala wieħed mid-dnubiet il-mejta għall-politiċi u l-uffiċjali pubbliċi. Fil-fatt, dan jaffettwa l-qalba tal-missjoni tagħhom li jservu l-interess ġenerali. Il-kunċett ta’ “kunflitt ta’ interessi”, fil-fatt, ilu jeżisti għal diversi sekli u kien ta lok għal diversi kategoriji ta’ regoli (vinkolanti u mhux vinkolanti) fuq il-livelli nazzjonali, internazzjonali u infranazzjonali ( 2 ).

2.

Jistgħu jinstabu xi prinċipji gwida dwar dan is-suġġett, inter alia, fil-“Kodiċi Internazzjonali għall-Kondotta tal-Uffiċjali Pubbliċi” adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (iktar ’il quddiem in-“N.U.”) fl‑1996 ( 3 ), u fil-“Kodiċi Mudell għall-Kondotta tal-Uffiċjali Pubbliċi” adottat mill-Kunsill tal-Ewropa fl‑2000 ( 4 ). Naturalment, diversi strumenti adottati mill-Unjoni Ewropea jinkludu regoli immirati, kull waħda fil-kuntest tagħha, għall-prevenzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi tal-uffiċjali tal-Unjoni jew dawk nazzjonali. Fost dawn l-istrumenti hemm id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/928/KE tat‑13 ta’ Diċembru 2006 dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verifika tal-progress fir-Rumanija sabiex jiġu indirizzati punti ta’ riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni ( 5 ).

3.

Din il-kawża, li toriġina minn talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Timişoara (il-Qorti tal-Appell ta’ Timişoara, ir-Rumanija), tirrigwarda l-interazzjoni bejn id-Deċiżjoni 2006/928, il-leġiżlazzjoni nazzjonali adottata sabiex timplimenta din id-deċiżjoni u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). Essenzjalment, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk id-dritt tal-Unjoni – b’mod partikolari, l-Artikolu 15(1), l-Artikolu 47, u l-Artikolu 49(3) tal-Karta – jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li skontha sanzjoni li tikkonsisti fil-projbizzjoni li wieħed jokkupa kariga pubblika elettiva għal perijodu ta’ żmien iddeterminat tiġi imposta awtomatikament fuq il-persuna li tkun instabet li aġixxiet b’kunflitt ta’ interess (iktar ’il quddiem is-“sanzjoni inkwistjoni”).

4.

Minkejja s-sempliċità apparenti tagħha, din il-kwistjoni tqajjem ċertu numru ta’ problemi legali interessanti, dwar il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tal-Karta, u dwar is-setgħat u l-obbligi tal-qrati nazzjonali meta d-dritt nazzjonali jipprevedi sanzjonijiet sproporzjonati għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni.

II. Il‑kuntest ġuridiku

A. Id‑dritt tal‑Unjoni

5.

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2006/928 jipprevedi:

“Ir-Rumanija għandha, sal‑31 ta’ Marzu ta’ kull sena, u għall-ewwel darba mhux aktar tard mill‑31 ta’ Marzu 2007, tirraporta lill-Kummissjoni dwar il-progress magħmul fl-indirizzar tal-punti ta’ riferiment kollha pprovduti fl-Anness”.

6.

L-anness jelenka dawn il-punti ta’ riferiment. Il-punt 2 tiegħu jipprevedi:

“Tistabbilixxi, kif previst, aġenzija ta’ integrità b’responsabbiltajiet ta’ verifikar ta’ assi, inkompatibbiltajiet u kunflitti potenzjali ta’ interess, u sabiex tagħti deċiżjonijiet mandatorji abbażi ta’ liema jistgħu jingħataw sanzjonijiet ta’ deterrent”.

B. Id‑dritt nazzjonali

7.

L-Artikolu 25 tal-Legea nr. 176/2010 privind integritatea în exercitarea funcțiilor și demnităților publice, pentru modificarea și completarea Legii nr. 144/2007 privind înființarea, organizarea și funcționarea Agenției Naționale de Integritate, precum și pentru modificarea și completarea altor acte normative (il-Liġi Nru 176/2010 dwar l-Integrità fit-Twettiq ta’ Kompiti Pubbliċi u l-Okkupazzjoni ta’ Karigi Pubbliċi u li temenda l-Liġi Nru 144/2007 dwar l-Istabbiliment, Organizzazzjoni u Operazzjoni tal-Aġenzija Nazzjonali għall-Integrità u li temenda ċerti Atti Oħra) (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 176/2010”) jipprevedi:

“1.   Fil-każ li individwu jkun ħareġ att amministrattiv, ikkonkluda att legali, adotta deċiżjoni jew ipparteċipa fl-adozzjoni ta’ deċiżjoni bi ksur tal-obbligi legali fil-qasam tal-kunflitti ta’ interessi jew ta’ sitwazzjonijiet ta’ inkompatibbiltà, l-azzjoni tiegħu tikkostitwixxi nuqqas dixxiplinari u għandha tiġi kkastigata skont ir-regoli applikabbli għall-kariga, għall-funzjoni jew għall-attivitajiet rilevanti tiegħu, sa fejn id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi ma jipprevedux deroga minnhom u fejn l-azzjoni ma tikkostitwixxix reat.

2.   Individwu li jkun tneħħa mill-kompiti tiegħu jew li jkun tkeċċa mill-kariga skont il-paragrafu 1, jew li fir-rigward tiegħu jkun ġie kkonstatat kunflitt ta’ interessi jew sitwazzjoni ta’ inkompatibbiltà, ma jkunx għad għandu d-dritt li jeżerċita l-kompiti pubbliċi jew li jokkupa l-kariga pubblika li għaliha japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi, bl-eċċezzjoni tal-kompiti elettorali, għal perijodu ta’ tliet snin mid-data li fiha jitneħħa mill-kompii tiegħu jew li jiġi rtirat mill-kariga pubblika inkwistjoni jew mid-data tat-terminazzjoni awtomatika tal-mandat tiegħu. Fil-każ fejn l-individwu jkun wettaq kompiti elettorali, huwa ma jistax iwettaq l-istess kompiti għal perijodu ta’ tliet snin mit-terminazzjoni tal-mandat tiegħu. Fil-każ fejn l-individwu ma jkunx għadu jwettaq kompiti pubbliċi jew jokkupa karigi pubbliċi fil-mument meta tiġi kkonstatata s-sitwazzjoni ta’ inkompatibbiltà jew ta’ kunflitt ta’ interessi, il-perijodu ta’ projbizzjoni ta’ tliet snin jibda, skont il-liġi, fid-data li fiha r-rapport ta’ evalwazzjoni jsir definittiv jew fid-data li fiha deċiżjoni ġudizzjarja li tikkonferma l-kunflitt ta’ interessi jew is-sitwazzjoni ta’ inkompatibbiltà ssir definittiva u irrevokabbli.”

8.

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju ssemmi d-Decizia nr. 418/2014 (id-Deċiżjoni Nru 418/2014) tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali, ir-Rumanija), li skontha l-espressjoni “aceeași funcție” (l-“istess kompiti”), li tinsab fl-Artikolu 25(2) tal-Liġi Nru 176/2010, tkopri l-kompiti elettivi kollha, inklużi dawk tal-uffiċċju ta’ sindku.

III. Il‑fatti, il‑proċeduri nazzjonali u d‑domandi preliminari

9.

T.A.C., ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kien, fiż-żmien tal-fatti fil-kawża prinċipali, is-sindku ta’ belt fir-Rumanija.

10.

F’rapport ta’ evalwazzjoni ddatat il‑25 ta’ Novembru 2019 (iktar ’il quddiem ir-“rapport ta’ evalwazzjoni”), l-Agenția Națională de Integritate (l-Aġenzija Nazzjonali għall-Integrità, ir-Rumanija, iktar ’il quddiem l-“ANI”) – awtorità amministrattiva responsabbli għall-evalwazzjoni tal-kunflitti ta’ interessi – ikkonstatat li r-rikorrent naqas milli josserva r-regoli li jirregolaw il-kunflitti ta’ interessi f’affarijiet amministrattivi. Matul il-mandat tiegħu bħala sindku, huwa kien ikkonkluda ftehim ta’ “self għal użu” ma’ assoċjazzjoni, li l-mara tar-rikorrent kienet membru fundatur u viċi president tagħha, li permezz tiegħu din l-assoċjazzjoni ngħatat id-dritt li tuża bla ħlas, ċerti postijiet li jappartjenu lill-belt għal perijodu ta’ ħames snin, għall-finijiet ta’ attivitajiet kulturali.

11.

Fid‑19 ta’ Diċembru 2019, ir-rikorrent ippreżenta rikors quddiem it-Tribunalul București (il-Qorti Reġjonali ta’ Bukarest, ir-Rumanija) għall-annullament tar-rapport ta’ evalwazzjoni. Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent sostna, inter alia, li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li skontha sanzjoni bħal projbizzjoni li wieħed jokkupa kwalunkwe kariga pubblika elettiva għal perijodu ta’ tliet snin tiġi imposta awtomatikament fuq il-persuna li tinstab ħatja ta’ kunflitt ta’ interessi, u ma tistax tiġi aġġustata skont il-gravità tal-ksur imwettaq.

12.

Permezz ta’ sentenza tas‑27 ta’ Frar 2020, it-Tribunalul București (il-Qorti Reġjonali ta’ Bukarest) iddikjarat li ma kellhiex kompetenza tieħu konjizzjoni tal-kawża bagħtet il-kawża lill-Curtea de Apel Timișoara (il-Qorti tal-Appell ta’ Timișoara). Dik il-qorti, peress li kellha dubji dwar l-interpretazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi segwenti għal deċiżjoni preliminari:

“1)

Il-prinċipju ta’ proporzjonalità ta’ pieni, li jinsab fl-Artikolu 49 tal-[Karta], għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika wkoll għal fatti oħra barra minn dawk iddefiniti formalment mid-dritt nazzjonali bħala reati, iżda li jistgħu jitqiesu bħala ‘akkużi kriminali’, fis-sens tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali ( 6 ), fid-dawl tal-kriterji żviluppati mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ( 7 ), partikolarment dak dwar il-gravità tas-sanzjoni, bħal fil-kawża prinċipali fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kunflitti ta’ interess, li jistgħu jagħtu lok għall-applikazzjoni tas-sanzjoni komplementari li tikkonsisti fil-projbizzjoni li wieħed jokkupa kariga pubblika elettiva għal perijodu ta’ tliet snin?

2)

Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv, il-prinċipju ta’ proporzjonalità ta’ pieni, li jinsab fl-Artikolu 49 tal-[Karta], għandu jiġi interpretat bħala li jipprekludi dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha, fil-każ ta’ konstatazzjoni ta’ kunflitt ta’ interess ta’ persuna li tokkupa kariga pubblika elettiva awtomatikament timponi, bis-saħħa tal-liġi (ope legis), sanzjoni komplementari li tikkonsisti fil-projbizzjoni li wieħed jokkupa kariga pubblika elettiva esklużivament għal perijodu stabbilit minn qabel ta’ tliet snin, mingħajr il-possibbiltà li tiġi imposta sanzjoni proporzjonali għall-ksur imwettaq?

3)

Id-dritt għax-xogħol, iggarantit fl-Artikolu 15(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, kif ukoll id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali, iggarantit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandhom jiġu interpretati bħala li jipprekludu dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha, fil-każ ta’ konstatazzjoni ta’ kunflitt ta’ interess ta’ persuna li tokkupa kariga pubblika elettiva awtomatikament timponi, bis-saħħa tal-liġi (ope legis), sanzjoni komplementari li tikkonsisti fil-projbizzjoni li wieħed jokkupa kariga pubblika elettiva esklużivament għal perijodu stabbilit minn qabel ta’ tliet snin, mingħajr il-possibbiltà li tiġi imposta sanzjoni proporzjonali għall-ksur imwettaq?”

13.

Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati f’din il-proċedura mir-rikorrent fil-kawża prinċipali, mill-ANI, mill-gvern tar-Rumanija u dak tal-Polonja, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

IV. Analiżi

14.

Qabel kollox, inqis li huwa neċessarju li jiġi ppreċiżat il-portata ta’ dawn il-konklużjonijiet.

15.

It-talba għal deċiżjoni preliminari u ċerti osservazzjonijiet tal-partijiet jirreferu għal żewġ sanzjonijiet li jistgħu jiġu imposti fuq ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, fil-każ li r-rapport ta’ evalwazzjoni jiġi kkonfermat mill-qorti tar-rinviju: it-tkeċċija mill-kariga pubblika u l-projbizzjoni li wieħed jokkupa kariga pubblika elettiva għal perijodu ta’ tliet snin. Madankollu, peress li d-domandi preliminari jirrigwardaw biss waħda minn dawn is-sanzjonijiet – tal-aħħar–, id-diskussjoni ser tkun limitata għal din is-sanzjoni. Madankollu, ma nara l-ebda raġuni għalfejn il-kunsiderazzjonijiet tiegħi ma jistgħux, mutatis mutandis, japplikaw ukoll fir-rigward tas-sanzjoni l-oħra, it-tkeċċija mill-kariga.

16.

Dan premess, kif issemma fl-introduzzjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet, permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju, essenzjalment, tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk id-dritt tal-Unjoni – b’mod partikolari, l-Artikolu 15(1), l-Artikolu 47 u l-Artikolu 49(3) tal-Karta – jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li skontha sanzjoni li tikkonsisti fil-projbizzjoni li wieħed jokkupa kwalunkwe kariga pubblika elettiva għal żmien determinat (in casu, tliet snin) tiġi imposta awtomatikament fuq il-persuna misjuba li aġixxiet f’kunflitt ta’ interessi.

17.

Qabel ma neżamina l-kwistjonijiet imqajma mill-qorti tar-rinviju, madankollu, jeħtieġ li neżamina fil-qosor il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża u l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari.

A. Ġurisdizzjoni u ammissibbiltà

18.

L-ANI u l-Gvern Rumen jikkontestaw il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża. Huma jsostnu li l-Karta ma tapplikax fil-kawża prinċipali peress li ma hemmx implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51 tal-Karta. L-ANI u l-Gvern Rumen jikkontestaw ukoll l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari, peress li jenfasizzaw li l-kawża prinċipali tirrigwarda l-annullament tar-rapport ta’ evalwazzjoni tal-ANI li kkonstata kunflitt ta’ interessi fir-rigward tar-rikorrent, u mhux il-kwistjoni tas-sanzjonijiet applikabbli. Id-domandi magħmula huma għaldaqstant, fil-fehma tagħhom irrilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima.

19.

Jidhirli li l-ebda wieħed minn dawn l-argumenti ma huwa konvinċenti.

20.

L-ewwel, il-qorti tar-rinviju indikat li, kif jirriżulta mill-memorandum ta’ spjegazzjoni tagħha, il-Liġi Nru 176/2010 ġiet adottata sabiex jiġi implimentat wieħed mill-għanijiet tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/928. Kif issemma fil-punt 6 iktar ’il fuq, din id-deċiżjoni kienet tobbliga lir-Rumanija tistabbilixxi aġenzija għall-integrità inkarigata li tivverifika, inter alia, kunflitti ta’ interess potenzjali u li tagħti deċiżjonijiet vinkolanti li fuq il-bażi tagħhom jistgħu jittieħdu sanzjonijiet dissważivi.

21.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-Deċiżjoni 2006/928 ġiet adottata fil-kuntest tal-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni u taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat ta’ Adeżjoni. Din id-deċiżjoni hija vinkolanti għar-Rumanija, u tirrikjedi lil din tal-aħħar tieħu l-miżuri kollha xierqa għal dan il-għan ( 8 ). Jidher għalhekk li l-Liġi Nru 176/2010 tikkostitwixxi miżura ta’ implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li timplika l-applikabbiltà tal-Karta. Il-Qorti tal-Ġustizzja, għaldaqstant, għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża.

22.

It-tieni, kif tispjega l-qorti tar-rinviju fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, jekk ir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-ANI kellu jiġi aċċettat, is-sanzjoni inkwistjoni tiġi imposta awtomatikament fuq ir-rikorrent. Jekk nifhem b’mod korrett id-dritt nazzjonali rilevanti, ir-rikorrent ma jistax jikkontesta l-legalità ta’ din is-sanzjoni fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja oħra.

23.

Għaldaqstant, risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda magħmula ma tistax, għaldaqstant, titqies li hija manifestament irrilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima. L-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba mill-qorti tar-rinviju tidher li hija neċessarja, sabiex din il-qorti tkun tista’ tindirizza ċerti argumenti mqajma mir-rikorrent fil-kawża prinċipali.

24.

Konsegwentement, id-domandi magħmula huma ammissibbli.

B. Fuq id‑domandi preliminari

1.   L‑ewwel u t‑tieni domanda: proporzjonalità tas‑sanzjoni

25.

Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-prinċipju ta’ proporzjonalità tas-sanzjonijiet, stabbilit fl-Artikolu 49(3) tal-Karta, huwiex applikabbli fir-rigward ta’ sanzjoni bħal dik inkwistjoni u, jekk ikun il-każ, jekk jipprekludix tali sanzjoni.

26.

Madankollu, il-portata tad-domandi tista’ tinftiehem b’mod usa’. Fil-fatt, il-proporzjonalità tas-sanzjoni inkwistjoni tista’ tiġi evalwata fir-rigward ta’: (i) l-Artikolu 49(3) tal-Karta, li japplika biss jekk is-sanzjoni hija ta’ natura kriminali, u/jew (ii) il-prinċipju ta’ proporzjonalità bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li japplika għal kull leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta d-dritt tal-Unjoni.

27.

Fiż-żewġ sezzjonijiet li ġejjin, l-ewwel ser nispjega għaliex l-Artikolu 49(3) tal-Karta jidher li ma huwiex applikabbli f’din il-kawża qabel ma nindirizza dan il-prinċipju ġenerali.

a)   Fuq l‑applikabbiltà tal‑Artikolu 49(3) tal‑Karta

28.

Peress li l-Artikolu 49(3) tal-Karta, li jipprevedi li s-severità tal-pieni ma għandhiex tkun sproporzjonata għar-reat, jirrigwarda sanzjonijiet ta’ natura kriminali, għandu qabelxejn jiġi ddeterminat jekk is-sistema ta’ sanzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex ta’ natura kriminali.

29.

F’dan ir-rigward, billi ispirat ruħha mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huma rilevanti tliet kriterji. L-ewwel kriterju huwa l-klassifikazzjoni legali tal-ksur fid-dritt nazzjonali, it-tieni wieħed huwa n-natura intrinsika tal-ksur u t-tielet wieħed huwa l-grad ta’ severità tas-sanzjoni li l-persuna kkonċernata tista’ ġġarrab ( 9 ).

30.

Evalwata fid-dawl ta’ dawn il-kriterji, niddubita li s-sanzjoni inkwistjoni hija ta’ natura kriminali.

31.

L-ewwel, isegwi mill-formulazzjoni tal-Artikolu 25(1) tal-Liġi Nru 176/2010, kif ukoll mill-ġurisprudenza nazzjonali rilevanti, li s-sanzjoni inkwistjoni ma hijiex, fid-dritt nazzjonali, ikkunsidrata bħala ta’ natura “kriminali”, iżda bħala sempliċi “miżura dixxiplinari”. Barra minn hekk, skont l-informazzjoni fil-proċess, il-proċedura li permezz tagħha hija imposta s-sanzjoni hija ta’ natura amministrattiva. Fid-dritt nazzjonali, sanzjonijiet kriminali jistgħu jiġu imposti wkoll fuq l-uffiċjali pubbliċi li jaġixxu f’sitwazzjonijiet ta’ kunflitt ta’ interess, iżda permezz ta’ kategorija ta’ proċeduri distinta u awtonoma ( 10 ).

32.

It-tieni, skont it-talba għal deċiżjoni preliminari u l-osservazzjonijiet tal-partijiet jirriżulta li l-għanijiet prinċipali tal-Liġi Nru 176/2010 huma li jiġu ggarantiti l-integrità u t-trasparenza fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet pubbliċi, il-prevenzjoni tal-korruzzjoni u b’hekk il-protezzjoni tal-finanzi pubbliċi. Is-sanzjoni inkwistjoni tagħmel parti minn kategorija ikbar ta’ miżuri, li jsegwu dawn l-għanijiet kollha, b’mod kumplimentari. B’mod partikolari, l-għan tal-projbizzjoni li xi ħadd ikollu kwalunkwe kariga pubblika elettiva, u tat-terminazzjoni awtomatika tal-mandat, huwa li jtemm, u li jipprevjeni, il-kontinwazzjoni ta’ sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi. Is-sanzjoni inkwistjoni tidher għalhekk li hija ta’ natura preventiva iktar milli waħda repressiva jew punittiva. Dan huwa element li, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, jissuġġerixxi li l-aġir li għalih hija imposta ma jistax ikun “intrinsikament” ta’ natura kriminali ( 11 ).

33.

It-tielet, is-sanzjoni ma tikkonsistix, jew fi kwalunkwe każ ma twassalx għal, detenzjoni (jew forom oħra ta’ ċaħda tal-libertà) jew multi. Is-sanzjoni pjuttost tixbah sanzjonijiet li huma normalment imposti fuq individwi li jappartjenu għal ċirku ristrett bi status speċjali (bħas-sospensjoni, it-tneħħija, it-tkeċċija jew il-projbizzjoni ta’ eżerċizzju futur ta’ attività), u li huma intiżi sabiex jiżguraw l-osservanza minn dawn il-persuni ta’ regoli speċifiċi li jirregolaw l-aġir tagħhom, li l-Qorti EDB ikkunsidrat bħala indizju tan-natura dixxiplinari tas-sanzjoni ( 12 ).

34.

Fil-fatt, il-ġurisprudenza ta’ Strasbourg tikkonferma li s-sanzjonijiet li jikkonsistu f’sempliċi limitazzjonijiet għall-abbiltà ta’ individwi jew gruppi li jeżerċitaw ċerti libertajiet politiċi ġeneralment ma humiex ikklassifikati bħala “kriminali” fis-sens tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 7 tal-KEDB ( 13 ). B’mod partikolari, sanzjonijiet simili għal dik inkwistjoni ġew ikkonstatati b’mod konsistenti li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ( 14 ), ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali ( 15 ).

35.

Għalhekk, għalkemm is-sanzjoni inkwistjoni ma jidhirlix li hija ta’ natura kriminali, il-kwistjoni ma għandhiex għalfejn tiġi deċiża fil-kuntest ta’ din il-proċedura. Fil-fatt, anki jekk l-Artikolu 49(3) tal-Karta jiġi kkonstatat bħala inapplikabbli, ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità ta’ din is-sanzjoni jirriżulta mill-applikazzjoni tal-proporzjonalità bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

b)   Fuq il‑prinċipju ta’ proporzjonalità bħala prinċipju ġenerali tad‑dritt tal-Unjoni

36.

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ proporzjonalità huwa wieħed mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jinsab fil-bażi tat-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri. Għandu jiġi osservat mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li taqa’ fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew li timplimentah, u jirrikjedi, essenzjalment, li l-Istati Membri jadottaw miżuri adegwati sabiex jintlaħqu l-għanijiet segwiti u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex dawn jintlaħqu ( 16 ).

37.

Fir-rigward tas-sanzjonijiet stabbiliti minn leġiżlazzjoni nazzjonali – indipendentement min-natura kriminali jew le tagħhom – il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod kostanti li s-severità tagħhom “għandha tkun adegwata għall-gravità tal-ksur li huma jissanzjonaw” ( 17 ) u li din “ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet segwiti permezz ta’ din il-leġiżlazzjoni” ( 18 ).

38.

Madankollu, dawn huma evalwazzjonijiet li normalment huma l-qrati nazzjonali li jinsabu fl-aħjar pożizzjoni sabiex iwettqu, inter alia, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja jista’ ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti kollha ta’ liġi u ta’ fatt li huma neċessarji għal tali evalwazzjoni. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rarament iddeċidiet speċifikament fuq il-proporzjonalità ta’ sanzjoni partikolari stabbilita mid-dritt nazzjonali. Sakemm in-natura raġonevoli jew eċċessiva ta’ sanzjoni ma tkunx ċara ħafna, il-Qorti tal-Ġustizzja tafda lill-qrati tar-rinviju bir-responsabbiltà għall-istħarriġ tal-proporzjonalità, billi tipprovdihom bi gwida utli sabiex tippermettilhom iwettqu dan l-istħarriġ ( 19 ).

39.

Renvoi lill-qorti tar-rinviju jidher li huwa xieraq ukoll f’din il-kawża: sanzjoni bħal dik inkwistjoni ma jidhirx li hija b’mod ċar proporzjonata jew b’mod ċar sproporzjonata. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi dwar dan l-aspett, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha. Sabiex nassisti lill-qorti tar-rinviju, ser noffri l-kunsiderazzjonijiet li ġejjin.

40.

F’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju tindika żewġ aspetti speċifiċi tas-sanzjoni inkwistjoni li jistgħu, teoretikament, jidhru li huma problematiċi: il-fatt li tiġi imposta awtomatikament fuq l-individwi inkwistjoni, u l-fatt li s-severità tagħha ma tistax tiġi aġġustata. Dawn iż-żewġ elementi jagħtu ċerta riġidità għas-sanzjoni inkwistjoni, li – skont il-qorti tar-rinviju – ma tippermettix li jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ.

41.

F’dan ir-rigward, nosserva li r-rekwiżit li sanzjoni tkun proporzjonata għall-gravità tal-ksur jimplika, bħala prinċipju, li ċ-ċirkustanzi individwali ta’ kull każ għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. Huwa għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja spiss ikkunsidrat is-sanzjonijiet b’rata fissa jew b’ammont fiss bħala problematiċi mill-perspettiva tal-proporzjonalità ( 20 ).

42.

Madankollu, fl-istess ħin, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-prinċipju ta’ proporzjonalità tas-sanzjonijiet għandu jiġi interpretat ukoll fis-sens li jippermetti lill-awtoritajiet jissanzjonaw b’mod sempliċi, effettiv u effiċjenti lill-awturi tal-ksur. Dan jimplika li jista’ jkun hemm ċirkustanzi li fihom sanzjoni tista’ tiġi imposta awtomatikament u f’ammont predeterminat ( 21 ).

43.

F’dan ir-rigward, dak li jidhirli li huwa kruċjali huwa kif tkun abbozzata l-leġiżlazzjoni nazzjonali u, b’mod iktar partikolari, jekk l-aġir differenti ssanzjonat mis-sanzjoni inkwistjoni huwiex relattivament omoġenju. Pereżempju, dan l-aġir iwassal għal dannu simili għall-interess pubbliku protett mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni? Jekk dan huwa l-każ, dan l-aġir jista’ jkun jistħoqqlu li jiġi ssanzjonat bl-istess sanzjoni.

44.

Iktar mal-elementi li jikkostitwixxu l-ksur jiġu ddeterminati b’mod restrittiv, iktar tkun aċċettabbli s-sanzjoni one-size-fits-all. Għall-kuntrarju, meta l-ksur ikollu kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ (pereżempju, jekk ikopri kemm aġir malizzjuż kif ukoll negliġenti, kemm il-ksur serju kif ukoll dak minuri, eċċ) sanzjoni awtomatika u fissa hija iktar diffiċli sabiex tiġi ġġustifikata.

45.

Għaldaqstant, ma naħsibx li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni hija neċessarjament inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, kif jissuġġerixxi r-rikorrent. Madankollu, dan ma jeskludix il-possibbiltà li, fil-każ partikolari tar-rikorrent, din il-leġiżlazzjoni tista’ tipproduċi eżitu li ma jkunx kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni ( 22 ).

46.

Għalhekk, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, l-ewwel, jekk is-severità tas-sanzjoni inkwistjoni (fir-rigward, pereżempju, tal-portata u tat-tul tas-sanzjoni, kif ukoll tal-impatt tas-sanzjoni fuq l-istatus personali, professjonali u ekonomiku tal-individwu) hijiex proporzjonata għall-gravità tal-ksur imwettaq mir-rikorrent (fid-dawl, pereżempju, tal-evalwazzjoni normattiva tal-ksur, tal-ħsara u tal-ħażin tal-aġir), meta jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti). It-tieni, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika jekk is-sanzjoni inkwistjoni, fil-każ tar-rikorrent, tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Din l-evalwazzjoni tirrikjedi li l-qorti nazzjonali tivverifika jekk miżura inqas restrittiva mis-sanzjoni inkwistjoni, li hija ugwalment effettiva sabiex tiżgura l-livell ta’ protezzjoni tal-interess ġenerali protett mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, setgħetx tiġi kkunsidrata.

47.

Dan premess, jekk il-qorti tar-rinviju tikkonkludi li s-sanzjoni inkwistjoni hija sproporzjonata, liema jkunu s-setgħat u l-obbligi ta’ din il-qorti fil-kawża prinċipali? Dan huwa element li tqajjem fil-kuntest ta’ din il-proċedura u li ser nindirizza issa.

c)   Fuq is‑setgħat tal‑qorti nazzjonali

48.

Fl-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni tirreferi għas-sentenza reċenti mogħtija mill-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (Effett dirett) (iktar ’il quddiem is-sentenza “NE”) ( 23 ), filwaqt li tenfasizza li, fil-każ li l-qorti tar-rinviju tikkonstata n-natura sproporzjonata tas-sanzjoni inkwistjoni, hija ma għandhiex għalfejn twarrab il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fl-intier tagħha. Fil-fehma tal-Kummissjoni, din il-qorti tista’ sempliċement taġġusta mill-ġdid is-sanzjoni in bonam partem, sabiex tiżgura li din is-sanzjoni tkun mhux biss proporzjonata, iżda wkoll effettiva u dissważiva.

49.

Fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju ma tistaqsix espressament fuq dan il-punt. Madankollu, jiena konxju li, wara li ngħatat is-sentenza NE, ċerti dubji dwar il-portata u l-implikazzjonijiet tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ġew espressi minn ċerti studjużi u ġuristi.

50.

Fil-kawża li wasslet għas-sentenza NE, il-qorti tar-rinviju fittxet gwida mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-konsegwenzi legali li jirriżultaw minn dispożizzjoni ta’ direttiva li tobbliga lill-Istati Membri jipprevedu sanzjonijiet “effettivi, proporzjonati u dissważivi”, f’sitwazzjoni fejn is-sanzjonijiet adottati mil-leġiżlatur nazzjonali għall-finijiet tal-implimentazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma kinux proporzjonati.

51.

F’dan ir-rigward, ma tantx għandi għalfejn nindika li dispożizzjoni ta’ dan it-tip bla ebda mod ma hija speċifika għad-direttiva inkwistjoni fil-kawża NE. Fil-fatt, diversi strumenti tad-dritt tal-Unjoni jinkludu dispożizzjonijiet ifformulati b’mod simili, jew iktar ġeneralment, jintroduċu obbligi ekwivalenti għall-Istati Membri. Dan huwa wkoll il-każ tad-Deċiżjoni 2006/928, kif ġie spjegat fil-punti 6 u 20 iktar ’il fuq.

52.

Il-kwistjoni mqajma fl-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni tista’ għalhekk tkun rilevanti mhux biss fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri, iżda wkoll fil-kuntest ta’ varjetà ta’ proċeduri oħra quddiem il-qrati nazzjonali. Għal din ir-raġuni, ser naħtaf l-opportunità sabiex nipprova niċċara l-portata tas-sentenza NE u, possibbilment, li nelimina ċertu tħassib dwar l-estensjoni żejda potenzjali tagħha.

1) Is-sentenza NE (I): ir-ratio legis tagħha

53.

Essenzjalment, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet żewġ prinċipji fis-sentenza NE.

54.

L-ewwel, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li r-rekwiżit li s-sanzjonijiet ikunu proporzjonati huwa inkundizzjonat u suffiċjentement preċiż u, konsegwentement, għandu effett dirett. Dan jimplika li l-individwi jistgħu jinvokaw id-dispożizzjoni rilevanti tal-Unjoni quddiem il-qrati nazzjonali kontra Stat Membru li jkun ittrasponiha b’mod żbaljat. It-tieni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat li jimponi fuq l-awtoritajiet nazzjonali l-obbligu li jwarrbu l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni biss sa fejn huwa neċessarju sabiex ikunu jistgħu jiġu imposti sanzjonijiet proporzjonati. Għaldaqstant, l-imsemmija awtoritajiet ma għandhomx għalfejn iwarrbu din il-leġiżlazzjoni nazzjonali fl-intier tagħha.

55.

Fil-fehma tiegħi, minkejja li qalbet sentenza preċedenti fuq ċerti punti ( 24 ), id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza NE bl-ebda mod ma hija straordinarja. Hija tidher pjuttost bħala żvilupp loġiku ta’ ġurisprudenza stabbilita sew.

56.

Huwa minnu li, fil-qasam tas-sanzjonijiet, l-Istati Membri ġeneralment għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’, kemm jekk jaġixxu sabiex jiżguraw l-osservanza tad-dritt nazzjonali jew tad-dritt tal-Unjoni ( 25 ). Madankollu, illum huwa rrikonoxxut b’mod ġenerali li, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħhom fir-rigward tal-eżekuzzjoni, l-Istati Membri għandhom josservaw id-dritt tal-Unjoni b’mod xieraq ( 26 ). Dan ifisser li d-dritt tal-Unjoni jista’ jimponi fuqhom ċerti obbligi ta’ facere u ta’ non-facere. Il-linji ta’ ġurisprudenza segwenti jidhru li huma partikolarment rilevanti f’dan ir-rigward.

57.

Minn naħa, l-Istati Membri ma jistgħux jipprojbixxu forom ta’ aġir rikjesti jew permessi mid-dritt tal-Unjoni u, konsegwentement, ma jistgħux jimponu sanzjonijiet fuq l-individwi li jiksru dawn il-projbizzjonijiet ( 27 ). Barra minn hekk, lil hinn mis-sitwazzjonijiet li għadhom kif issemmew, l-Istati Membri jistgħu evidentement jimponu sanzjonijiet fuq individwi li jiksru d-dritt nazzjonali, iżda s-sanzjonijiet imposti ma jistgħux ikunu tali li jrendu kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti tad-dritt tal-Unjoni ineffettiva ( 28 ). Finalment, u b’mod iktar ġenerali, meta jaġixxu fil-qasam tad-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri ma jistgħux jimponu sanzjonijiet li jiksru d-drittijiet fundamentali stabbiliti mill-Karta jew mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ( 29 ).

58.

Min-naħa l-oħra, wara l-kawża fundatriċi Greek maize, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod konsistenti li, skont l-Artikolu 4(3) TUE, l-Istati Membri huma responsabbli sabiex jiżguraw li l-ksur tad-dritt tal-Unjoni jiġi ppenalizzat taħt kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali bħal dawk applikabbli għall-ksur tad-dritt nazzjonali ta’ natura u ta’ importanza simili, u li s-sanzjoni għandha tkun ta’ natura effettiva, dissważiva u proporzjonali għall-ksur. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jipproċedu, fir-rigward tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni, bl-istess diliġenza li jużaw fl-implimentazzjoni tal-liġijiet nazzjonali korrispondenti. ( 30 )

59.

Għalhekk, jidhirli li s-sentenza NE hija bbażata fuq ġurisprudenza stabbilita sew li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja siltet, mill-prinċipji ta’ effett dirett, ta’ supremazija, ta’ effettività u ta’ rispett tad-drittijiet fundamentali, ċerti obbligi jew limitazzjonijiet għall-fakultà tal-Istati Membri li jeżerċitaw il-ius puniendi tagħhom.

60.

B’mod partikolari, wieħed ma jistax jinjora x-xejra fundamentalment differenti tas-sentenza NE. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif spjegat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Popławski II, l-effett dirett u s-supremazija huma żewġ uċuħ tal-istess munita. Fid-dritt tal-Unjoni, il-qorti nazzjonali għandha twarrab leġiżlazzjoni nazzjonali biss meta d-dispożizzjoni kuntrarja tad-dritt tal-Unjoni jkollha effett dirett ( 31 ). Dan ifisser, fil-prattika, li, fl-assenza ta’ effett dirett ta’ dispożizzjoni tal-Unjoni bħal dik inkwistjoni fis-sentenza NE, l-individwi jistgħu jibqgħu suġġetti għal sanzjonijiet sproporzjonati, anki meta n-nuqqas ta’ osservanza mad-dritt tal-Unjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali jkun diġà ġie kkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja u meta l-leġiżlatur nazzjonali ma jkunx irreaġixxa għal dan. Fil-fatt, jista’ jkun li individwi ma jkunux jistgħu jikkontestaw, quddiem il-qrati nazzjonali, l-inkompatibbiltà ta’ din il-leġiżlazzjoni mad-dispożizzjoni tal-Unjoni inkwistjoni.

61.

Tali sitwazzjoni diffiċilment tista’ tiġi kkunsidrata bħala aċċettabbli, skont kwalunkwe standard konċepibbli ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. Fil-fehma tiegħi, din ir-raġuni hija biżżejjed sabiex jiġi kkonstatat li projbizzjoni ta’ sanzjonijiet sproporzjonati (li hija inerenti għall-obbligu tal-Istati Membri li jipprevedu miżura proporzjonata ( 32 )) għandha effett dirett.

62.

It-tieni preċiżazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza NE hija wkoll, fil-fehma tiegħi, konformi mal-prinċipji u mal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 56 sa 58 iktar ’il fuq. Ikun paradossali jekk it-twarrib ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi sanzjonijiet eċċessivi jmur lil hinn minn dak li kien neċessarju sabiex tiġi żgurata n-natura raġonevoli ta’ dawn is-sanzjonijiet. L-intervent tal-qorti nazzjonali sabiex tiżgura l-proporzjonalità tas-sanzjonijiet għalhekk, f’din il-kawża, jippreġudika – u inutilment – l-effettività u n-natura dissważiva ta’ dawn is-sanzjonijiet, li huma r-rekwiżiti l-oħra previsti mid-dispożizzjonijiet tal-Unjoni inkwistjoni. Fil-prattika, il-qorti nazzjonali tissostitwixxi forma ta’ nuqqas ta’ konformità b’forma oħra ta’ nuqqas ta’ konformità.

63.

Fuq kollox, kif spjegat il-Qorti tal-Ġustizzja – billi fil-biċċa l-kbira rrepetiet il-kunsiderazzjonijiet dwar il-punt magħmula mill-Avukat Ġenerali Bobek ( 33 ) – il-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ legalità u ta’ nonretroattività ta’ reati, kif inhuma kkonċepiti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, ma jipprekludux aġġustament mill-ġdid tas-sanzjoni mill-imħallef. Fil-fatt, is-sanzjoni tibqa’ fil-limiti ta’ dak li huwa stabbilit fid-dritt nazzjonali filwaqt li tiġi applikata b’mod iktar ikkalibrat.

2) Is‑sentenza f’NE (II): pass eċċessiv?

64.

Madankollu, nifhem li ġew espressi dubji dwar il-portata u l-implikazzjonijiet tas-sentenza NE. Ġie enfasizzat li ċerti sistemi kostituzzjonali ta’ Stati Membri għandhom kunċett pjuttost b’saħħtu (jew riġidu) ta’ “legalità”, speċjalment fil-qasam tad-dritt kriminali. Barra minn hekk, uħud jiddubitaw jekk il-marġni sinjifikattiv li s-sentenza tidher li tagħti lill-qrati nazzjonali, ma jistax jaffettwa t-tqassim tal-kompetenzi stabbilit mir-regoli kostituzzjonali nazzjonali, u/jew iwassal għal ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza, peress li dan jista’ jiġi applikat b’mod differenti mill-qrati nazzjonali differenti.

65.

Jien ma naqbilx ma’ dan it-tħassib.

66.

Jien evidentement konxju mill-fatt li l-livell ta’ protezzjoni ta’ ċerti drittijiet fundamentali, kif ukoll is-sinjifikat u l-portata ta’ prinċipji bħaċ-ċertezza legali u l-legalità, jistgħu jvarjaw bejn l-Istati Membri differenti. Lanqas ma hemm dubju li dawn il-prinċipji huma, inter alia, marbuta mat-tqassim tal-kompetenzi bejn id-diversi fergħat tal-Istat, li huwa element ċentrali ta’ kull sistema kostituzzjonali nazzjonali. B’mod partikolari, ir-relazzjoni bejn ir-rwoli rispettivi tal-leġiżlatur u tal-ġudikatura tiddependi fuq il-mudell kostituzzjonali magħżul minn kull Stat Membru.

67.

Madankollu, l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jakkomoda tali diversità.

68.

L-Artikolu 4(2) TUE jirrikjedi li l-Unjoni “tirrispetta l-ugwaljanza ta’ l-Istati Membri quddiem it-Trattati kif ukoll l-identità nazzjonali tagħhom, inerenti fl-istrutturi politiċi u kostituzzjonali”. It-Trattati tal-Unjoni huma għalhekk anjostiċi fir-rigward tal-mudelli kostituzzjonali tal-Istati Membri li jirregolaw ir-relazzjonijiet u l-interazzjoni bejn is-setgħat statali differenti, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda d-definizzjoni u d-delimitazzjoni tal-kompetenzi tagħhom, sakemm il-valuri stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE jkunu rrispettati ( 34 ).

69.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat b’mod konsistenti li “l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali jistgħu japplikaw standards nazzjonali ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, bil-kundizzjoni li din l-applikazzjoni la tikkomprometti l-livell ta’ protezzjoni previst fil-Karta, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja, u lanqas is-supremazija, l-unità jew l-effettività tad-dritt tal-Unjoni” ( 35 ). B’mod iktar ġenerali, id-dritt tal-Unjoni jirrikonoxxi ċertu marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-awtoritajiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-modalitajiet preċiżi ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fit-territorji rispettivi tagħhom ( 36 ).

70.

Huwa f’dan il-kuntest li għandha tinqara s-sentenza NE.

3) Is-sentenza NE – (III): dak li tgħid u dak li ma tgħidx

71.

Essenzjalment, dak li s-sentenza NE timponi fuq il-qrati nazzjonali huwa maqsum fi tnejn. L-ewwel, huma għandhom iwarrbu l-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti sa fejn din tipprevedi l-impożizzjoni ta’ sanzjoni sproporzjonata. It-tieni, it-twarrib ta’ din il-leġiżlazzjoni mill-qrati nazzjonali ma għandux imur lil hinn minn dan: meta sanzjoni effettiva u dissważiva xorta tista’ tiġi applikata, dawn il-qrati nazzjonali għandhom jagħmlu dan ( 37 ).

72.

Din l-aħħar kundizzjoni (meta xorta tista’ tiġi applikata sanzjoni effettiva u dissważiva) għandha tiġi enfasizzata. Il-mod li bih, u sa fejn, qorti nazzjonali tista’ tmur lil hinn minn sempliċi twarrib tas-sanzjoni eċċessiva, li jimplika aġġustament mill-ġdid tas-sanzjoni li għandha tiġi imposta, ma jiddependix biss miċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ, iżda wkoll mill-kuntest kostituzzjonali li fih topera din il-qorti.

73.

Is-sentenza NE ma tistax tinqara bħala li tagħti libertà sħiħa lill-qrati nazzjonali sabiex ma japplikawx (in-natura u l-portata ta’) is-sanzjonijiet previsti mid-dritt nazzjonali kull darba li jikkunsidraw li dawn is-sanzjonijiet huma eċċessivi, u li jissostitwixxuhom bis-sanzjonijiet li huma jqisu xierqa. Diversi siltiet tas-sentenza NE jippreċiżaw li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-intenzjoni tirreferi għat-twarrib (totali jew parzjali) tas-sanzjonijiet eżistenti, mhux għall-ħolqien ta’ sanzjonijiet ġodda ( 38 ). Dan tal-aħħar huwa, fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi, kompitu tal-leġiżlatur nazzjonali. Approċċ inventiv ta’ qorti nazzjonali f’dan ir-rigward jista’ jirriskja li jikser, inter alia, il-prinċipju ta’ nulla poena sine lege ( 39 ).

74.

Għaldaqstant, is-sentenza NE ma tirrikjedix li l-qrati nazzjonali jissostitwixxu sanzjoni meqjusa eċċessiva b’sanzjoni oħra (proporzjonali) jekk, billi jagħmlu hekk, jiksru kwalunkwe dritt fundamentali, inklużi dawk li fil-livell nazzjonali jista’ jibbenefikaw bi protezzjoni ogħla, jew jiksru dispożizzjonijiet superjuri ta’ dritt kostituzzjonali nazzjonali. Naħseb li l-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza M.A.S. f’dan ir-rigward jistgħu, mutatis mutandis, jiġu trasposti għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni ( 40 ).

75.

Naturalment, nifhem li għal qorti nazzjonali jista’ ma jkunx dejjem faċli li jiġi identifikat il-marġni ta’ manuvra ammissibbli fir-rigward tal-aġġustament mill-ġdid ta’ sanzjoni legali. B’mod partikolari, skont il-formulazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni u d-distakk reali bejn il-gravità tal-ksur u l-gravità tas-sanzjoni prevista minn din il-leġiżlazzjoni, hija ipotetikament konċepibbli varjetà ta’ interventi. Pereżempju, qorti tista’ tikkunsidra li twarrab ċerta sanzjoni anċillari, tikkalkola l-ammont tas-sanzjoni mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni elementi li jirrendu dan l-ammont eċċessiv, jew sempliċement tmur inqas mill-minimu legali. B’mod ċar, ċerti interventi huma iktar “invażivi” minn oħrajn f’dak li jirrigwarda r-rwol tradizzjonalment mogħti lil-leġiżlatur ( 41 ).

76.

Madankollu, kwalunkwe inċertezza dwar l-applikazzjoni korretta ta’ regoli nazzjonali wara d-dikjarazzjoni tal-inkompatibbiltà tagħhom mad-dritt tal-Unjoni normalment ikollha ħajja qasira. Fil-fatt, fi ħdan is-sistemi ġudizzjarji nazzjonali ġeneralment organizzati b’mod ġerarkiku, huma l-ogħla qrati nazzjonali ( 42 ) li għandhom jistħarrġu d-deċiżjonijiet tal-qrati inferjuri u, fejn ikun neċessarju, li jgħaqqdu l-ġurisprudenza fuq livell nazzjonali ( 43 ). Sabiex jiġi permess tali stħarriġ u sabiex tiġi żgurata interpretazzjoni u applikazzjoni uniformi tad-dritt fir-rigward tal-individwi kollha, fil-fehma tiegħi huwa kruċjali li l-qrati inferjuri, meta jaġġustaw mill-ġdid is-sanzjonijiet, jispjegaw b’mod adegwat għaliex ikkunsidraw is-sanzjonijiet statutorji bħala sproporzjonati u l-parametri li użaw sabiex jaġġustawhom mill-ġdid.

77.

Barra minn hekk, meta l-ordinament ġuridiku nazzjonali joffri lill-qrati inferjuri l-possibbiltà li jfittxu gwida immedjata minn dawn il-qrati superjuri, pereżempju permezz ta’ mekkaniżmi speċifiċi ta’ rinviju, id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix, bħala prinċipju, l-użu ta’ tali mekkaniżmi, jekk il-qorti nazzjonali tikkunsidrah utli. Ċertament, jekk iqumu wkoll kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni (jew ta’ validità) tad-dritt tal-Unjoni, il-qorti tar-rinviju tista’ (jew għandha) tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE, peress li ma teżisti ebda inkompatibbiltà bejn il-progress parallel jew sekwenzjali taż-żewġ proċeduri ( 44 ). Għalkemm ċertament jieħu l-ħin u huwa intensiv fuq ir-riżorsi, tali “trijalogu” ġuridiku jista’ jkun partikolarment utli f’ċerti sitwazzjonijiet kumplessi li fihom jeħtieġu li jiġu rrikonċiljati l-prinċipji kostituzzjonali tal-Unjoni u dawk nazzjonali.

78.

Fi kwalunkwe każ, jidhirli li huwa ċar li l-kunsiderazzjonijiet premessi jirrappreżentaw biss (idealment) soluzzjoni provviżorja għall-problema, għaliex wieħed jista’ jistenna li, f’sitwazzjoni fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali parzjalment tiġi mwarrba minħabba li hija inkompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni, il-leġiżlatur nazzjonali jintervjeni u jemenda din il-leġiżlazzjoni, sabiex ineħħi l-aspetti li wasslu għal din l-inkompatibbiltà darba għal dejjem.

79.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel u t-tieni domanda magħmula fis-sens li: (i) leġiżlazzjoni nazzjonali adottata sabiex tiġi implimentata d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/928 taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni; (ii) il-prinċipju ta’ proporzjonalità tas-sanzjonijiet jipprekludi l-applikazzjoni ta’ sanzjoni bħal dik inkwistjoni jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ, is-severità tas-sanzjoni inkwistjoni ma tkunx proporzjonata mal-gravità tal-ksur imwettaq mir-rikorrent, meħuda inkunsiderzzjoni l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, jew jekk din is-sanzjoni tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali; u (iii) jekk dan ikun il-każ, il-qorti nazzjonali hija obbligata li twarrab din il-leġiżlazzjoni sa fejn teħtieġ l-impożizzjoni ta’ sanzjoni sproporzjonata, filwaqt li tagħmel dak li jaqa’ taħt is-setgħa tagħha sabiex timponi sanzjoni effettiva u dissważiva.

2.   It‑tielet domanda: protezzjoni legali u dritt għax‑xogħol

80.

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dritt għax-xogħol, iggarantit mill-Artikolu 15(1) tal-Karta, u d-dritt għal rimedju effettiv, iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta, jipprekludux sanzjoni bħal dik inkwistjoni.

81.

Jidhirli li eżami tal-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma’ dawn id-dispożizzjonijiet tal-Karta jkun wisq probabbli superfluwu jekk il-qorti nazzjonali tasal għall-konklużjoni li din il-leġiżlazzjoni tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Nibda għalhekk mill-analiżi fuq il-bażi tal-preżunzjoni li din il-leġiżlazzjoni tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

a)   Artikolu 15(1) tal‑Karta

82.

L-Artikolu 15(1) tal-Karta, intitolat “Il-libertà professjonali u dritt għax-xogħol”, jipprevedi, fl-ewwel paragrafu tiegħu, li “[k]ull persuna għandha d-dritt li taħdem u li twettaq xogħol magħżul jew aċċettat liberament”.

83.

Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi prinċipju ġenerali li huwa espress b’mod iktar speċifiku, jew huwa kkumplimentat, f’diversi dispożizzjonijiet oħra tal-Karta, bħall-Artikolu 5 (“Il-projbizzjoni ta’ l-iskjavitù u tax-xogħol forzat”) jew inkella l-Artikolu 16 (“Il-libertà ta’ intrapriża”) ( 45 ). Barra minn hekk, id-dritt għax-xogħol għandu rabtiet b’saħħithom, anki jekk impliċiti, mal-protezzjoni tad-dinjità tal-bniedem, stabbilita fl-Artikolu 1 tal-Karta ( 46 ).

84.

Fl-[i]“Spjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali” (iktar ’il quddiem l-“Ispjegazzjonijiet”) ( 47 ), isir riferiment, primarjament, għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, mis-sebgħinijiet, irrikonoxxiet l-eżistenza ta’ dritt li persuna tagħżel liberament u li teżerċita n-negozju jew l-attività professjonali tagħha ( 48 ). L-Ispjegazzjonijiet jindikaw ukoll li din id-dispożizzjoni hija ispirata mill-Artikolu 1(2) tal-Karta Soċjali Ewropea ( 49 ), kif ukoll mill-punt 4 tal-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal‑Ħaddiema ( 50 ). L-ewwel dispożizzjoni tirrikjedi li l-partijiet għandhom “[jipproteġu] b’mod effettiv id-dritt tal-ħaddiem li jdaħħal remunerazzjoni f’xogħol li jidħol għalih liberament” [traduzzjoni mhux uffiċjali], filwaqt li t-tieni waħda tiddikjara li “kull individwu huwa liberu li jagħżel u jeżerċita attività professjonali skont ir-regolamenti li jirregolaw kull professjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 51 ).

85.

F’dan il-kuntest, u fid-dawl tal-formulazzjoni wiesgħa tiegħu (“kull persuna”, “xogħol”), naħseb li l-Artikolu 15(1) tal-Karta huwa meqjus li għandu kamp ta’ applikazzjoni pjuttost wiesa’ ratione personae u ratione materiae. B’mod partikolari, minkejja li titqiegħed enfasi partikolari fuq id-dritt għall-awtodeterminazzjoni tal-individwi, il-portata tal-Artikolu 15(1) tal-Karta tmur ferm lil hinn minn dan l-aspett. Fil-fatt, il-formulazzjoni tiegħu tidher li tkopri d-dimensjonijiet varji tad-dritt għax-xogħol: id-disponibbiltà, l-aċċessibbiltà, l-aċċettabbiltà u l-kwalità ( 52 ).

86.

Minkejja dawn il-kunsiderazzjonijiet, neżita milli nikkunsidra uffiċċju pubbliku elettiv, bħal dak tas-sindku, bħala “xogħol” fis-sens tal-Artikolu 15(1) tal-Karta.

87.

Ċertament, l-għoti ta’ definizzjoni preċiża u kompleta ta’ “xogħol” – anki jekk biss għall-għanijiet tal-Artikolu 15(1) tal-Karta – jidher li huwa missjoni impossibbli. Ċerti dizzjunarji jiddefinixxu “xogħol” bħala attività li persuna twettaq sabiex taqla’ għajxien, jew bħala attività li persuna tuża sforzi fiżiċi jew mentali sabiex tagħmel, ġeneralment għall-flus. Jekk dan huwa minnu, l-okkupazzjoni ta’ kariga pubblika elettiva tista’ tingħad li taqa’ f’dawn id-definizzjonijiet: hija attività li teħtieġ sforz (ġeneralment) mentali u li l-persuna normalment tirċievi kumpens għaliha.

88.

Madankollu, ċerti karatteristiċi prinċipali ta’ karigi pubbliċi elettivi jidher li ma tantx jaqblu mal-kunsiderazzjonijiet preċedenti: speċjalment l-għan li għalih persuna teżerċita l-attività (sabiex isservi l-komunità tagħha), iżda wkoll il-modalitajiet tal-adeżjoni għall-attività (unikament permezz ta’ elezzjoni pubblika), il-perijodu ta’ żmien limitat tal-eżerċizzju tagħha (tul tal-mandat), ċerti prerogattivi speċjali li ħafna drabi jkunu marbuta mal-istatus tagħha (f’termini, inter alia, ta’ setgħat, responsabbiltà, libertà ta’ azzjoni), u l-karatteristiċi tar-retribuzzjoni tagħha (mhux neċessarjament proporzjonata għall-importanza tal-kariga u tar-responsabbiltajiet). Jista’ jkun li għandi perspettiva “klassika” jew forsi “romantika” tal-karigi pubbliċi elettivi, iżda nsibha diffiċli sabiex nikkunsidrahom bħala li huma ġuridikament ekwivalenti għal impjieg, għal attività professjonali jew kummerċjali.

89.

Dan premess, indipendentement mill-kunsiderazzjonijiet premessi, wieħed jista’ jistaqsi wkoll jekk id-dritt ta’ eliġibbiltà għall-elezzjonijiet pubbliċi sabiex wieħed ikollu aċċess għal kariga pubblika huwiex irregolat u protett – bħala leges speciales – mid-dispożizzjonijiet kostituzzjonali li jistabbilixxu d-drittijiet politiċi tal-individwi. Dan jimplika li jista’ jiġi argumentat li sanzjonijiet bħal dawk inkwistjoni jkunu rregolati mir-regoli dwar il-limitazzjonijiet għad-drittijiet politiċi tal-individwi. F’tali każ, ikun pjuttost xieraq, fil-livell tal-Unjoni, li jsir riferiment, b’mod partikolari, għall-Artikoli 39 u 40 tal-Karta ( 53 ), għall-Artikolu 2 TUE, għall-Artikolu 20(2)(b) TFUE u għall-Artikolu 22 TFUE ( 54 ). Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet jagħtu wkoll ċertu marġni lill-awtoritajiet nazzjonali ( 55 ). Projbizzjoni li wieħed jokkupa kwalunkwe kariga pubblika elettiva għal ċertu perijodu ta’ żmien fuq individwi misjuba responsabbli għal ċertu tip ta’ aġir illegali ma hijiex, prima facie, inkompatibbli ma’ dawn id-dispożizzjonijiet ( 56 ).

90.

Fi kwalunkwe każ, anki jekk jiġi kkunsidrat li kariga pubblika elettiva għandha titqies bħala “xogħol” fis-sens tal-Artikolu 15(1) tal-Karta, naħseb li l-limitazzjoni introdotta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tista’, bħala prinċipju, tkun iġġustifikata.

91.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li d-dritt għax-xogħol iggarantit fl-Artikolu 15(1) tal-Karta ma huwiex dritt assolut, iżda għandu jiġi kkunsidrat fir-rigward tal-funzjoni soċjali tiegħu, u li, konsegwentement, jistgħu jiġu imposti restrizzjonijiet fuq l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta ( 57 ). Din id-dispożizzjoni tippermetti limitazzjonijiet għad-drittijiet fundamentali, sakemm dawn ir-restrizzjonijiet ikunu previsti mil-liġi, jirrispettaw l-essenza tad-dritt fundamentali inkwistjoni, jikkorrispondu effettivament ma’ għanijiet ta’ interess ġenerali mfittxija mill-miżura inkwistjoni u ma jikkostitwixxux, fir-rigward tal-għanijiet imfittxija, indħil sproporzjonat u intollerabbli.

92.

Jidhirli li dawn il-kundizzjonijiet huma ssodisfatti tal-inqas bħala prinċipju.

93.

Il-projbizzjoni milli wieħed japplika għal kariga pubblika għal individwi li nstabu ħatja li aġixxew illegalment f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi hija, qabel kollox, inkontestabbilment prevista mil-liġi: l-Artikolu 25 tal-Liġi Nru 176/2010. It-tieni, l-għanijiet imfittxija mis-sanzjoni inkwistjoni jikkorrispondu għal għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti fil-livell tal-Unjoni: l-iskoraġġiment ta’ individwi li jokkupaw karigi pubbliċi milli jaġixxu għall-kisba tal-interessi privati tagħhom, u l-evitar tal-possibbiltà ta’ repetizzjoni ta’ tali atti. It-tielet, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tidher li tirrispetta l-essenza tad-dritt fundamentali inkwistjoni. Fil-fatt, dak li jista’ jitqies bħala n-“nukleu li ma jistax jintmiss” tad-dritt ( 58 ) (in primis, l-abbiltà li wieħed ifittex, ħieles minn kwalunkwe impożizzjoni, xogħol xieraq li jista’ jiżgura l-għajxien tiegħu) ma tidhirx affettwata. Huwa eskluż biss tip speċifiku wieħed ta’ kariga (karigi pubbliċi elettivi) u għal perijodu limitat ta’ żmien (tliet snin).

94.

Għaldaqstant, jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni hija, kif imsemmi fil-punt 81 ta’ dawn il-konklużjonijiet, proporzjonata, lanqas ma jkun hemm ksur tal-Artikolu 15(1) tal-Karta (li kieku tali dispożizzjoni kienet applikabbli).

b)   Fuq l‑Artikolu 47 tal‑Karta

95.

L-Artikolu 47 tal-Karta (“Id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali”) jipprevedi, inter alia, li “[k]ull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.” Din id-dispożizzjoni kkodifikat dak li l-Qorti tal-Ġustizzja konsistentement ikkunsidrat bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri ( 59 ).

96.

Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 47 tal-Karta, id-drittijiet tal-individwi stabbiliti fih jikkorrispondu għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 6(1) u fl-Artikolu 13 KEDB ( 60 ), u l-obbligi tal-awtoritajiet tal-Istati Membri jikkorrispondu għal dawk imposti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE ( 61 ).

97.

Qabel kollox, infakkar li, skont l-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi enfasizzat li r-rikonoxximent tad-dritt għal rimedju effettiv, f’każ partikolari, jippreżumi li l-persuna li tibbaża ruħha fuqu tinvoka drittijiet jew libertajiet żgurati mid-dritt tal-Unjoni, jew li din il-persuna tkun is-suġġett ta’ proċeduri li jikkostitwixxu implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta ( 62 ).

98.

Għar-raġunijiet spjegati fil-punti 20 u 21 iktar ’il fuq, dan huwa l-każ tar-rikorrent fil-kawża prinċipali u, konsegwentement, l-Artikolu 47 tal-Karta huwa applikabbli għal dawn il-proċeduri.

99.

Il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta huwa magħmul minn diversi elementi, fosthom, b’mod partikolari, id-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, id-dritt ta’ aċċess għall-qrati kif ukoll id-dritt li persuna tieħu parir, li jkollha difiża u li tkun irrappreżentata ( 63 ).

100.

F’din il-kawża, dan id-dritt jimplika possibbiltà effettiva, għall-persuna li tinvoka ksur tad-dritt jew drittijiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni, ta’ aċċess għal qorti kompetenti sabiex tiżgura r-rispett ta’ dawn id-drittijiet u, għal dan l-għan, sabiex teżamina l-kwistjonijiet kollha ta’ fatt u ta’ liġi li huma rilevanti sabiex issolvi l-kawża li tkun tinsab adita biha ( 64 ). Is-setgħat tal-qorti nazzjonali evidentement għandhom jinkludu dawk tal-istħarriġ tal-legalità tal-att ikkontestat u, jekk neċessarju, l-annullament ta’ dan l-att u s-sanzjonijiet imposti minnu.

101.

F’din il-kawża, nifhem li l-qorti tar-rinviju għandha, fil-kawża prinċipali, il-possibbiltà li tikkunsidra l-kwistjonijiet kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti għall-istħarriġ tal-validità tar-rapport ta’ evalwazzjoni. Fil-każ li dan ir-rapport jiġi kkonstatat bħala illegali, il-qorti tar-rinviju għandha s-setgħa li twarrbu u, konsegwentement, li tinvalida l-impożizzjoni tas-sanzjonijiet skattati minn dan ir-rapport.

102.

F’dan il-kuntest, ma nara l-ebda element fil-proċess li jista’ jindika kwalunkwe ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta. B’mod partikolari, ma tressaq ebda argument fuq dan il-punt fis-sottomissjoni tar-rikorrent. Barra minn hekk, l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju u mill-partijiet l-oħra li ppreżentaw osservazzjonijiet ma tinkudi l-ebda indikazzjoni li r-rimedji previsti mid-dritt nazzjonali huma fil-fatt ineffettivi.

103.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tielet domanda fis-sens li l-Artikolu 15(1) u l-Artikolu 47 tal-Karta ma jipprekludux sanzjoni bħal dik inkwistjoni, sakemm is-sanzjoni tkun proporzjonata u l-individwi inkwistjoni jkollhom effettivament l-abbiltà li jikkontestaw il-legalità tar-rapporti ta’ evalwazzjoni u s-sanzjonijiet relatati.

V. Konklużjoni

104.

Bħala konklużjoni, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Curtea de Apel Timișoara (il-Qorti tal-Appell ta’ Timișoara, ir-Rumanija) kif ġej:

Leġiżlazzjoni nazzjonali adottata sabiex tiġi implimentata d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/928 tat‑13 ta’ Diċembru 2006 dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verifika tal-progress fir-Rumanija sabiex jiġu indirizzati punti ta’ riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

Il-prinċipju ta’ proporzjonalità tas-sanzjonijiet jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li skontha sanzjoni li tikkonsisti fi projbizzjoni li wieħed jokkupa kwalunkwe kariga pubblika elettiva għal perijodu ta’ żmien iddeterminat tiġi imposta awtomatikament fuq il-persuna li tkun ġiet misjuba li aġixxiet illegalment f’kunflitt ta’ interessi, jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, is-severità tas-sanzjoni ma tkunx proporzjonata mal-gravità tal-ksur imwettaq mir-rikorrent, meħuda inkunsiderzzjoni l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, jew jekk din is-sanzjoni tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali;

Meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tmur kontra r-rekwiżit ta’ proporzjonalità, il-qorti nazzjonali għandha twarrab din il-leġiżlazzjoni sa fejn din tirrikjedi l-impożizzjoni ta’ sanzjoni sproporzjonata fuq individwu, u għandha tagħmel dak li huwa fis-setgħa tagħha sabiex timponi sanzjoni effettiva u dissważiva.

L-Artikolu 15(1) u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni, sakemm is-sanzjonijiet imposti jkunu proporzjonati u l-individwi inkwistjoni jkollhom effettivament l-abbiltà li jikkontestaw il-legalità tar-rapporti ta’ evalwazzjoni u s-sanzjonijiet relatati.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Għal ħarsa ġenerali, flimkien ma’ riferimenti oħra, ara Peters, A., u Handschin, L. (edituri), Conflict of Interest in Global, Public and Corporate Governance, Cambridge University Press, 2012.

( 3 ) Riżoluzzjoni 51/59. Ara l-Prinċipju II tagħha.

( 4 ) Rakkomandazzjoni Nru R (2000) 10 tal-Kumitat tal-Ministri għall-[Istati Membri] dwar kodiċijiet ta’ kondotta għall-uffiċjali pubbliċi; ara l-Artikolu 8 tagħha.

( 5 ) ĠU 2007, L 142M, p. 825

( 6 ) Iktar ’il quddiem il-“KEDB”.

( 7 ) Iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”

( 8 ) Sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia Forumul Judecătorilor din Româniaet (C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punti 153 sa 165).

( 9 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, bpost (C‑117/20, EU:C:2022:202, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 10 ) Dwar ir-rilevanza ta’ dan l-aħħar element, ara, inter alia, Qorti EDB, deċiżjoni tal‑1 ta’ Frar 2007, Storbråten vs In‑Norveġja (CE:ECHR:2007:0201DEC001227704)

( 11 ) Ara, inter alia, Qorti EDB, is-sentenzi tat‑28 ta’ Ottubru 1999, Escoubet vs Il‑Belġju (CE:ECHR:1999:1028JUD002678095, punt 37), u tas‑17 ta’ Ġunju 2021, Miniscalco vs L‑Italja (CE:ECHR:2021:0617JUD005509313, punt 64).

( 12 ) Ara, b’mod partikolari, Qorti EDB, is-sentenzi tad‑9 ta’ Ottubru 2003, Ezeh and Connors vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:2003:1009JUD003966598, punt 103). i); tat‑23 ta’ Novembru 2006, Jussila vs Il‑Finlandja (CE:ECHR:2006:1123JUD007305301, punt 38); u tad‑19 ta’ Frar 2013, Müller-Hartburg vs L‑Awstrija (CE:ECHR:2013:0219JUD004719506, punti 42‑49).

( 13 ) Ara, pereżempju, Qorti EDB, is-sentenza tat‑13 ta’ Frar 2003, Refah Partisi (The Welfare Party) et vs It‑Turkija (CE:ECHR:2003:0213JUD004134098), u d-deċiżjoni tas‑6 ta’ Diċembru 2018, Cătăniciu vs Ir‑Rumanija, (CE:ECHR:2018:1206DEC002271717, punti 38-41). Għal iktar riferimenti għall-ġurisprudenza tal-QEDB u għad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (illum xolta), ara l-“Guide on Article 6 of the European Convention on Human Rights”, imfassal mir-Reġistru tal-Qorti EDB, 2022, p. 14 u 15 (disponibbli online).

( 14 ) Ara, Qorti EDB, is-sentenzi tal‑21 ta’ Ottubru 1997, Pierre-Bloch vs Franza (CE:ECHR:1997:1021JUD002419494, punti 53 sa 60); tas‑6 ta’ Jannar 2011, Paksas vs Il‑Litwanja (CE:ECHR:2011:0106JUD003493204, punti 66 sa 68); u tas‑17 ta’ Ġunju 2021, Miniscalco vs L‑Italja (CE:ECHR:2021:0617JUD005509313, punti 59 sa 73); u d-deċiżjoni tat‑18 ta’ Mejju 2021, Galan vs L‑Italja (CE:ECHR:2007:0424JUD003818403, punti 80 sa 97).

( 15 ) Ara, Qorti EDB, is-sentenzi tal‑24 ta’ April 2007, Matyjek vs Il‑Polonja (CE:ECHR:2007:0424JUD003818403). Madankollu, bħalma l-QEDB spjegat f’Galan vs L‑Italja (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna, punt 77), kien hemm ċirkustanzi partikolari fil-kawża Matyjek, inkluż: (i) in-numru pjuttost kbir ta’ persuni affettwati mil-leġiżlazzjoni rilevanti (ii) l-impożizzjoni tas-sanzjoni minn qorti komposta minn imħallfin fl-awli kriminali tal-qrati wara proċedura ta’ applikazzjoni tar-regoli tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, (iii) is-severità partikolari tas-sanzjoni (it-tneħħija tal-individwu mill-kariga tiegħu fis-servizz pubbliku u projbizzjoni imposta fuqu milli japplika għal numru kbir ta’ karigi għal għaxar snin).

( 16 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Link Logistik N&N (C‑384/17, EU:C:2018:810, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 17 ) Ara, inter alia, is-sentenzi tal‑5 ta’ Marzu 2020, OPR-Finance (C‑679/18, EU:C:2020:167, punt 26), u tal‑11 ta’ Frar 2021, K. M. (Sanzjonijiet imposti fuq il-kaptan tal-bastiment) (C‑77/20, EU:C:2021:112, punt 38).

( 18 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Chmielewski (C‑255/14, EU:C:2015:475, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 19 ) B’mod simili u b’riferimenti oħra għall-ġurisprudenza, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet f’Chmielewski(C‑255/14, EU:C:2015:308, punti 29 u 30).

( 20 ) Ara, inter alia, is-sentenza u tat‑12 ta’ Lulju 2001, Louloudakis (C‑262/99, EU:C:2001:407, punti 69 sa 71). Ara tad‑9 ta’ Frar 2012, Urbán (C‑210/10, EU:C:2012:64, punti 2941), wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi f’Billerud Karlsborg u Billerud Skärblacka (C‑203/12, EU:C:2013:320, punt 42).

( 21 ) Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Chmielewski (C‑255/14, EU:C:2015:475, punti 2829). Ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2013, Billerud Karlsborg u Billerud Skärblacka (C‑203/12, EU:C:2013:664, punt 38).

( 22 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Frar 2021, K. M. (Sanzjonijiet imposti fuq il-kaptan ta’ bastiment) (C‑77/20, EU:C:2021:112, punt 39).

( 23 ) Sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2022 (C‑205/20, EU:C:2022:168).

( 24 ) Ara l-punt 29 tas-sentenza NE.

( 25 ) Evidentement, is-suġġett huwa partikolarment kumpless u, għall-għanijiet ta’ din il-kawża, ma hemmx bżonn ta’ elaborazzjoni f’dan ir-rigward, peress li dan ikun jirrikjedi diskussjoni pjuttost twila u ddettaljata.

( 26 ) Ara s-sentenza fundatriċi tal‑11 ta’ Novembru 1981, Casati (203/80, EU:C:1981:261, punt 27). Ara wkoll is-sentenza tat‑28 ta’ April 2011, El Dridi (C‑61/11 PPU, EU:C:2011:268, punti 53 sa 55).

( 27 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑5 ta’ April 1979, Ratti (148/78, EU:C:1979:110, punt 24).

( 28 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑7 ta’ Lulju 1976, Watson u Belmann (118/75, EU:C:1976:106, punti 18 sa 21), u tad‑29 ta’ Frar 1996, Skanavi u Chryssanthakopoulos (C‑193/94, EU:C:1996:70, punti 35 sa 39).

( 29 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, punti 17 sa 27).

( 30 ) Sentenza tal‑21 ta’ Settembru 1989, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (68/88, EU:C:1989:339, punti 23 sa 25). Ara wkoll is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2005, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑176/03, EU:C:2005:542, punt 31).

( 31 ) Sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski (C‑573/17, EU:C:2019:530).

( 32 ) Il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek f’Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (Effett dirett) (C‑205/20, EU:C:2021:759, punt 37). Iktar ’il quddiem il-“konklużjonijiet fil-kawża NE”.

( 33 ) Konklużjonijiet fil-kawża NE, punti 91 sa 111.

( 34 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tad-deċiżjonijiet ta’ qorti kostituzzjonali) (C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Remondis (C‑51/15, EU:C:2016:985, punti 4041).

( 35 ) Ara, inter alia, is-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B. (C‑42/17, EU:C:2017:936, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 36 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑14 ta’ Ottubru 2004, Omega (C‑36/02, EU:C:2004:614, punt 37), u tas‑7 ta’ Settembru 2022, Cilevičs et (C‑391/20, EU:C:2022:638, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 37 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Deutsche Umwelthilfe (C‑752/18, EU:C:2019:1114, punti 29 sa 56).

( 38 ) Ara, b’mod speċjali, il-punti 42, 44, 52 u 53 tas-sentenza NE.

( 39 ) Stabbilit, fil-livell tal-Unjoni, fl-Artikolu 49(1) tal-Karta. Dan il-prinċipju jimplika li “l-liġi għandha tiddefinixxi b’mod ċar ir-reati u l-pieni għalihom”. Ara, inter alia, is-sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2007, Advocaten voor de Wereld (C‑303/05, EU:C:2007:261, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata). Enfasi miżjuda minni.

( 40 ) Sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B. (C‑42/17, EU:C:2017:936, punti 46 et seq. u l-ġurisprudenza ċċitata). B’mod simili, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża NE, punt 111.

( 41 ) Ara, f’dan ir-rigward, Viganò, F., “La proporzionalità della pena tra diritto costituzionale italiano e diritto dell’Unione europea: sull’effetto diretto dell’art. 49, paragrafo 3, della Carta alla luce di una recentissima sentenza della Corte di giustizia’, 2022, Sistema Penale, disponibbli online.

( 42 ) Bħal, pereżempju, qrati kostituzzjonali, qrati supremi u/jew kunsilli tal-Istat.

( 43 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża NE, punti 102 sa 104.

( 44 ) Dwar dan is-suġġett, ara Amalfitano, C., Cecchetti, L., “Sentenza n. 269/2017 della Corte costituzionale e doppia pregiudizialità: l’approccio della Corte di giustizia dell’Unione europea”, 2022, Eurojus, p. 206 sa 217.

( 45 ) Ara, inter alia, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl f’Schaible (C‑101/12, EU:C:2013:334, punti 23 sa 26).

( 46 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Lidl (C‑134/15, EU:C:2016:169, punt 26). B’mod estensiv fuq dan is-suġġett, ara wkoll Ashiagbor, D., Comment to Article 15 of the Charter, f’Peers, S., Hervey, T., Kenner, J., Ward, A. (edituri), The EU Charter of Fundamental Rights – A Commentary, Hart Publishing, 2014, p. 425 sa 427.

( 47 ) Dokument 2007/C 303/02 (ĠU 2007, C 303, p. 17).

( 48 ) L-ispjegazzjonijiet jirreferu għas-sentenzi tal‑14 ta’ Mejju 1974, Nold vs Il‑Kummissjoni (4/73, EU:C:1974:51, punti 12 sa 14); tat‑13 ta’ Diċembru 1979, Hauer (44/79, EU:C:1979:290); u tat‑8 ta’ Ottubru 1986, Keller (234/85, EU:C:1986:377, punt 8).

( 49 ) Iffirmata f’Torino fit‑18 ta’ Ottubru 1961 u emendata fit‑3 ta’ Mejju 1996.

( 50 ) Adottata fid‑9 ta’ Diċembru 1989 permezz ta’ dikjarazzjoni tal-Istati Membri kollha, bl-eċċezzjoni tar-Renju Unit (dak iż-żmien Stat Membru).

( 51 ) Enfasi miżjuda minni.

( 52 ) Nissellef din l-espressjoni mill-Kumment Ġenerali Nru 18 tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-N.U., “Id-dritt għax-xogħol”, adottat fl‑24 ta’ Novembru 2005.

( 53 ) Dawn id-dispożizzjonijiet jikkonċernaw, min-naħa tagħhom, id-“Dritt tal-vot u dritt tal-kandidatura fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew” u d-“Id-dritt tal-vot u dritt tal-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali”. F’din il-kawża, din l-aħħar dispożizzjoni hija partikolarment rilevanti.

( 54 ) Skont din id-dispożizzjoni, id-“demokrazija” tinsab fost il-valuri fundamentali tal-Unjoni. Inter alia, l-Artikoli 9 sa 12 TUE u l-Artikolu 14(3) TUE kif ukoll l-Artikolu 223(1) TFUE jinkludu wkoll regoli dwar il-prinċipji demokratiċi.

( 55 ) Ara, barra minn hekk, l-Artikoli 8 u 12 tal-Att li jikkonċerna l-elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew b’vot dirett universali (ĠU 1975, L 278, p. 5), kif emendat; u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/109/KE, tas‑6 ta’ Diċembru 1993 dwar arranġamenti dettaljati sabiex jiġi eżerċitat id-dritt għall-vot u għall-kandidatura fl-elezzjonijiet għal-Parlament Ewropew għaċ-ċittadini ta’ l-Unjoni li joqgħodu fi Stat Membru li tiegħu ma jkunux ċittadini (ĠU Edizzjoni Speċjali il-Malti, Kapitolu 20, Vol. 1, p. 7), kif emendata.

( 56 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Delvigne (C‑650/13, EU:C:2015:648, punti 40 et seq.). Tali miżura lanqas ma hija, prima facie, inkompatibbli mal-KEDB, ara l-ġurisprudenza tal-Qorti EDB imsemmija iktar ’il fuq.

( 57 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2016, Muladi (C‑447/15, EU:C:2016:533, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 58 ) Għal din l-espressjoni, flimkien ma’ riferimenti oħra, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe f’Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑401/19, EU:C:2021:613, punti 9899).

( 59 ) Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Mejju 1986, Johnston (222/84, EU:C:1986:206, punt 18).

( 60 ) Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 117 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 61 ) Ara, inter alia, is-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Ċaħda ta’ teħid inkarigu ta’ minuri Eġizzjan mhux akkumpanjat) (C‑19/21, EU:C:2022:605, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 62 ) Ara, reċentement, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tad-deċiżjonijiet ta’ qorti kostituzzjonali) (C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi f’Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Ċaħda ta’ teħid inkarigu ta’ minuri Eġizzjan mhux akkumpanjat) (C‑19/21, EU:C:2022:279, punti 4647 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 63 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2012, Otis et (C‑199/11, EU:C:2012:684, punt 48).

( 64 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, État luxembourgeois (Dritt għal azzjoni ġudizzjarja kontra talba għal informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni) (C‑245/19 u C‑246/19, EU:C:2020:795, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).