KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

COLLINS

ippreżentati fis‑16 ta’ Frar 2023 ( 1 )

Kawżi magħquda C‑38/21, C‑47/21 u C‑232/21

VK

vs

BMW Bank GmbH (C‑38/21)

u

F. F.

vs

C. Bank AG (C‑47/21)

u

CR,

AY,

ML,

BQ

vs

Volkswagen Bank GmbH,

Audi Bank (C‑232/21)

(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Ravensburg (il-Qorti Reġjonali, Ravensburg, il-Ġermanja))

““Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Protezzjoni tal-konsumatur — Ftehim ta’ leasing għal vettura bil-mutur ibbażat fuq il-mili — Ftehim ta’ self għax-xiri ta’ vettura bil-mutur użata — Direttiva 2002/65/KE — Direttiva 2008/48/KE — Direttiva 2011/83/UE — Kunċetti ta’ ‘kuntratt konkluż lil hinn mill-post tan-negozju’ u ‘kuntratt mill-bogħod’ — Involviment ta’ intermedjarju fl-istadju preparatorju ta’ kuntratt — Eċċezzjoni għad-dritt ta’ rtirar fir-rigward ta’ provvista ta’ servizzi ta’ kiri tal-karozzi — Assenza ta’ effett dirett orizzontali ta’ direttiva — Rekwiżiti ta’ informazzjoni li għandha tiġi inkluża fi ftehim — Preżunzjoni ta’ konformità mal-obbligu li tipprovdi informazzjoni meta jintuża l-mudell statutorju — Dritt ta’ rtirar — Bidu tal-perijodu ta’ rtirar f’każ ta’ informazzjoni mhux kompluta jew skorretta — Abbuż mid-dritt ta’ rtirar — Rekwiżit ta’ restituzzjoni minn qabel””

Werrej

 

I. Introduzzjoni

 

II. Il‑kuntest ġuridiku

 

A. Id‑dritt tal‑Unjoni Ewropea

 

1. Id‑Direttiva 2002/65

 

2. Id‑Direttiva 2008/48

 

3. Id‑Direttiva 2011/83

 

B. Id‑dritt Ġermaniż

 

1. Il‑Kodiċi Ċivili

 

2. L-EGBGB

 

III. Il‑kawża prinċipali u d‑domandi għal deċiżjoni preliminari

 

A. Kawża C‑38/21

 

B. Kawża C‑47/21

 

C. Kawża C‑232/21

 

IV. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

 

V. Analiżi

 

A. Kawża C‑38/21

 

1. Il‑ħames domanda fil‑Kawża C‑38/21

 

2. Is‑sitt domanda fil-Kawża C‑38/21

 

3. Is‑seba’ domanda fil‑Kawża C‑38/21

 

4. It‑tmien domanda fil‑Kawża C‑38/21

 

5. Konklużjoni intermedjarja

 

B. Kawżi C‑47/21 u C‑232/21

 

1. L‑ewwel domanda fil‑Kawżi C‑47/21 u C‑232/21

 

2. It‑tieni domanda fil‑Kawżi C‑47/21 u C‑232/21

 

3. Ir‑raba’ domanda fil‑Kawżi C‑47/21 u C‑232/21

 

4. Il-ħames domanda fil-Kawżi C‑47/21 u C‑232/21

 

VI. Konklużjoni

I. Introduzzjoni

1.

Dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari mil-Landgericht Ravensburg (il-Qorti Reġjonali, Ravensburg, il-Ġermanja) tressqu fil-kuntest ta’ numru ta’ tilwim bejn konsumaturi u istituzzjonijiet finanzjarji marbutin mal-produtturi tal-vetturi bil-mutur. Il-kawżi quddiem il-qorti tar-rinviju jqajmu kwistjonijiet dwar jekk l-irtirar tal-konsumaturi minn, f’każ minnhom ftehim ta’ leasing ibbażat fuq il-mili u, f’każijiet oħra, minn ftehimiet ta’ self intiżi li jiffinanzjaw ix-xiri ta’ vetturi bil-mutur użati, huwiex validu.

2.

Skont it-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kwistjonijiet li dawn il-konklużjonijiet ser jittrattaw jinkludu, l-ewwel, in-natura ta’ ftehim ta’ leasing ibbażat fuq il-mili fid-dawl tad-Direttiva 2002/65/KE ( 2 ), tad-Direttiva 2008/48/KE ( 3 ) u tad-Direttiva 2011/83/UE ( 4 ). F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba wkoll tinterpreta l-kunċetti ta’ “kuntratti konklużi lil hinn mill-post tan-negozju” u ta’ “kuntratt mill-bogħod” għall-iskopijiet tad-Direttiva 2011/83, u sabiex tiddeċiedi fuq l-applikazzjoni possibbli ta’ eċċezzjoni għad-dritt ta’ rtirar mill-kuntratt li tipprovdi għalih din l-aħħar direttiva. It-tieni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddeċiedi fuq tliet aspetti tal-obbligu li d-Direttiva 2008/48 timponi fuq il-kredituri biex jipprovdu lill-konsumaturi bl-informazzjoni li tirrigwarda, inter alia, id-dritt ta’ rtirar mill-kuntratt. Dawn huma: l-kompatibbiltà ma’ din id-direttiva ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li toħloq preżunzjoni legali li l-obbligu li tiġi pprovduta l-informazzjoni jkun issodisfatt bl-użu tal-klawżola mudell stabbilita fil-leġiżlazzjoni nazzjonali (il-“mudell statutorju”); il-konsegwenzi għal meta tiġi pprovduta informazzjoni skorretta jew mhux kompluta fuq il-bidu tal-perijodu tal-irtirar; u l-possibbiltà għal kreditur biex jinvoka l-użu abbużiv tad-dritt ta’ rtirar minn xi konsumatur. It-tielet, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà mal-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni ta’ ċerti konsegwenzi li d-dritt nazzjonali jorbot mal-irtirar minn ftehim ta’ kreditu li huwa marbut ma’ kuntratt ta’ bejgħ.

II. Il‑kuntest ġuridiku

A.   Id‑dritt tal‑Unjoni Ewropea

1. Id‑Direttiva 2002/65

3.

L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2002/65 jiddeskrivi l-għan ta’ din id-direttiva bħala li “jiġu approssimati l-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrativi ta’ l-Istati Membri li jikkonċernaw it-tqegħid fis-suq b’distanza ta’ servizzi finanzjarji tal-konsumatur”.

4.

L-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2002/65 jiddefinixxi l-“kuntratt b’distanza” bħala li jfisser “kull kuntratt li jikkonċerna servizzi finanzjarji konklużi bejn il-fornitur u konsumatur taħt skema organizzata ta’ distanza ta’ bejgħ jew provvista ta’ servizzi [ta’ bejgħ jew provvista ta’ servizzi mill-bogħod organizzata] mill-fornitur, li, għall-iskop ta’ dak il-kuntratt, jagħmel użu esklużiv ta’ mezz wieħed jew iktar ta’ komunikazzjoni ta’ distanza sa u inkluż iż-żmien li fih huwa konkluż il-kuntratt”. Skont l-Artikolu 2(b) tagħha, “servizz finanzjarju” jfisser “kull servizz ta’ natura bankarja, ta’ kreditu, ta’ assigurazzjoni, ta’ pensjoni personali, ta’ investiment jew ta’ ħlas”.

5.

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2002/65 jipprovdi, inter alia, li “[l]-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-konsumatur ikollu perjodu ta’ 14‑il jum skond il-kalendarju biex jirtira mill-kuntratt mingħajr penalità u mingħajr ma jagħti raġuni”.

2. Id‑Direttiva 2008/48

6.

Il-premessi 9, 10, 12, 30 u 31 tad-Direttiva 2008/48 jaqraw kif ġej:

“(9)

Armonizzazzjoni sħiħa hija meħtieġa biex tiżgura li l-konsumaturi kollha fil-Komunità igawdu livell għoli u ekwivalenti ta’ protezzjoni ta’ l-interessi tagħhom u biex jinħoloq suq intern ġenwin. L-Istati Membri għalhekk m’għandhomx jitħallew iżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet nazzjonali għajr dawk stabbiliti f’din id-Direttiva. Madankollu, tali restrizzjoni għandha tapplika biss fejn hemm dispożizzjonijiet armonizzati f’din id-Direttiva. Fejn tali dispożizzjonijiet armonizzati ma jeżistux, l-Istati Membri għandhom jibqgħu ħielsa li jżommu jew jintroduċu leġiżlazzjoni nazzjonali. Bl-istess mod, l-Istati Membri jistgħu, per eżempju, iżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet nazzjonali dwar responsabbiltà konġunta solidali tal-bejjiegħ jew fornitur tas-servizzi u l-kreditur. Eżempju ieħor ta’ din il-possibbiltà għall-Istati Membri jista’ jkun li jinżammu jew jiġu introdotti dispożizzjonijiet nazzjonali fuq il-kanċellazzjoni ta’ kuntratt ta’ bejgħ ta’ merkanzija jew il-forniment ta’ servizzi jekk il-konsumatur jeżerċita d-dritt tiegħu li jirtira mill-ftehim ta’ kreditu. […]

(10)

Id-definizzjonijiet li jinsabu f’din id-Direttiva jiddeterminaw il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-armonizzazzjoni. L-obbligu ta’ l-Istati Membri li jimplimentaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandu għalhekk ikun limitat għall-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu kif iddeterminat b’dawn id-definizzjonijiet. Madankollu, din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni mill-Istati Membri, b’mod konformi mal-liġi Komunitarja, tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva għal oqsma mhux koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Stat Membru għandu b’hekk ikun jista’ jżomm jew jintroduċi leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkorrispondi għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jew xi wħud mid-dispożizzjonijiet tagħha dwar ftehim ta’ kreditu barra l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva […]

[…]

(12)

Ftehim għall-forniment ta’ servizzi fuq bażi kontinwa jew għall-forniment ta’ merkanzija ta’ l-istess xorta, fejn il-konsumatur iħallas għalihom għal kemm idum il-forniment tagħhom permezz ta’ pagamenti bin-nifs, jistgħu jvarjaw b’mod konsiderevoli, skond l-interessi tal-partijiet kontraenti involuti, u l-modalitajiet u l-prestazzjoni tat-transazzjonijiet, minn ftehim ta’ kreditu koperti b’din id-Direttiva. Għalhekk, għandu jiġi kkjarifikat li tali ftehim m’humiex ikkunsidrati bħala ftehim ta’ kreditu għall-finijiet ta’ din id-Direttiva. […]

[…]

(30)

Din id-Direttiva ma tirregolax kwistjonijiet ta’ liġi tal-kuntratti marbutin mal-validità ta’ ftehim ta’ kreditu. Għalhekk, f’dan il-qasam, l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet nazzjonali li huma f’konformità mal-liġi Komunitarja. […]

(31)

Sabiex il-konsumatur ikun f’pożizzjoni li jkun jaf id-drittijiet u l-obbligi tiegħu skond il-ftehim ta’ kreditu, għandu jkun fih l-informazzjoni kollha meħtieġa b’mod ċar u konċiż.

[…]”

7.

Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/48 l-għan tad-direttiva huwa “li jiġu armonizzati ċerti aspetti tal-liġijiet, ir-regolamenti u l-proċeduri amministrattivi ta’ l-Istati Membri fir-rigward ta’ ftehim li jkopru kreditu għall-konsumaturi”. L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2008/48 jipprovdi li d-direttiva tapplika għal ftehim ta’ kreditu. L-Artikolu 2(1)(d) jipprovdi li d-direttiva ma għandhiex tapplika għal “ftehim ta’ kiri jew ta’ għoti b’kiri [leasing] fejn m’hemmx previst ebda obbligu għax-xiri ta’ l-oġġett tal-ftehim la bil-ftehim innifsu u lanqas bi kwalunkwe ftehim separat; tali obbligu għandu jiġi kkunsidrat li jeżisti jekk dan jiġi deċiż hekk mill-kreditur b’mod unilaterali”.

8.

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/48 jiddefinixxi numru ta’ termini użati f’din id-direttiva, inkluż:

“(ċ)

‘ftehim ta’ kreditu’ tfisser ftehim li bih kreditur jagħti jew iwiegħed li jagħti lil konsumatur kreditu fil-forma ta’ ħlas differit, self jew akkomodazzjoni finanzjarja simili oħra; ħlief għal ftehim għall-forniment fuq bażi kontinwa ta’ servizzi jew il-forniment ta’ merkanzija ta’ l-istess xorta, fejn il-konsumatur iħallas għal tali servizzi jew merkanzija għat-tul ta’ żmien tal-provvista tagħhom permezz ta’ pagamenti bin-nifs;

[…]

(n)

‘ftehim ta’ kreditu konness’ tfisser ftehim ta’ kreditu fejn

(i)

il-kreditu in kwistjoni jservi esklussivament biex jiffinanzja ftehim għall-provvista ta’ merkanzija speċifika jew il-forniment ta’ servizz speċifiku, u

(ii)

dawk iż-żewġ ftehim jiffurmaw minn perspettiva oġġettiva unità kummerċjali; unità kummerċjali għandha tiġi kkunisdrata li teżisti fejn il-fornitur jew dak li jipprovdi servizz innifsu jiffinanzja l-kreditu lill-konsumatur jew, jekk ikun iffinanzjat minn parti terza, fejn il-kreditur juża s-servizzi tal-fornitur jew ta’ dak li jipprovdi s-servizz b’konnessjoni mal-konklużjoni, jew it-tħejjija, tal-ftehim ta’ kreditu, jew fejn il-merkanzija speċifika jew il-proviżjoni ta’ servizz speċifiku huma espliċitament speċifikati fil-ftehim ta’ kreditu.”

9.

L-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48, b’dan l-artikolu jkun intitolat “Informazzjoni li għandha tiġi inkluża fi ftehim ta’ kreditu”, jipprovdi, inter alia:

“Il-ftehim ta’ kreditu għandu jispeċifika b’mod ċar u konċiż:

[…]

(l)

ir-rata ta’ interessi applikabbli f’każ ta’ ħlas tard kif applikabbli fiż-żmien tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ kreditu u l-arranġamenti għall-aġġustament tagħha u, fejn applikabbli, l-imposti dovuti minħabba nuqqas ta’ ħlas;

[…]

(p)

l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ dritt ta’ rtirar, il-perijodu li matulu dak id-dritt jista’ jiġi eżerċitat u kondizzjonijiet oħra li jirregolaw l-eżerċizzju tiegħu, inkluża informazzjoni dwar l-obbligu tal-konsumatur li jħallas il-kapital miġbud u l-interessi skond l-Artikolu 14 (3)(b) u l-ammont ta’ l-interessi pagabbli kuljum;

[…]

(r)

id-dritt ta’ radd lura antiċipat, u l-proċedura għal radd lura antiċipat kif ukoll, fejn applikabbli, l-informazzjoni dwar id-dritt tal-kreditur għal kumpens u l-mod li permezz tiegħu dan il-kumpens ser jiġi determinat;

[…]

(t)

jekk jeżistix jew le mekkaniżmu ta’ ilment barra mill-qorti u ta’ riżarċiment għall-konsumatur u, jekk iva, il-metodi ta’ l-aċċess għalih;

[…]”

10.

L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2008/48, intitolat “Dritt ta’ rtirar”, jaqra kif ġej:

“1.   Il-konsumatur għandu jkollu perijodu ta’ erbatax-il jum ta’ kalendarju li matulhom jista’ jirtira mill-ftehim ta’ kreditu mingħajr ma jagħti l-ebda raġuni.

Dak il-perijodu ta’ rtirar għandu jibda:

(a)

jew fil-jum tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ kreditu, jew

(b)

fil-jum li fih il-konsumatur jirċievi t-termini u l-kondizzjonijiet u l-informazzjoni kuntrattwali skond l-Artikolu 10, jekk dak il-jum ikun aktar tard mid-data msemmija f’punt (a) ta’ dan is-subparagrafu.

[…]

3.   Jekk il-konsumatur jeżerċita d-dritt ta’ rtirar tiegħu, huwa għandu:

(a)

sabiex jagħti effett lill-irtirar qabel jiskadi t-terminu perentorju msemmi fil-paragrafu 1, jinnotifika b’dan lill-kreditur wara l-informazzjoni mogħtija mill-kreditur skond punt (p) ta’ l-Artikolu 10(2) b’mezz li jista’ jiġi ppruvat skond il-liġi nazzjonali. It-terminu perentorju għandu jitqies li jkun ġie osservat jekk din in-notifika, jekk tkun bil-miktub fuq karta jew b’mezz durabbli ieħor li jkun disponibbli u aċċessibbli għall-kreditur, tkun intbagħtet qabel jiskadi t-terminu perentorju; u

(b)

biex iħallas lill-kreditur il-kapital u l-interessi akkumulati fuq dan il-kapital mid-data li fiha s-self ikun inġibed sad-data li fiha jitħallas il-kapital, mingħajr ebda dewmien bla bżonn u mhux aktar tard minn 30 jum ta’ kalendarju wara li jkun bagħat in-notifika ta’ l-irtirar lill-kreditur. L-interessi għandhom jiġu kkalkolati abbażi tar-rata tas-self miftehma. Il-kreditur m’ għandhux ikun intitolat għall-ebda kumpens ieħor mill-konsumatur fil-każ ta’ rtirar, ħlief għal kumpens għall-imposti li ma jistgħux jitreġġgħu lura mħallsin mill-kreditur lill-kwalunke entità ta’ amministrazzjoni pubblika.

[…]”

11.

Skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/48, intitolat “Ftehim ta’ kreditu konnessi”:

“1.   Fejn il-konsumatur ikun eżerċita dritt ta’ rtirar ibbażat fuq il-liġi Komunitarja fir-rigward ta’ kuntratt għall-forniment ta’ merkanzija jew servizzi, hu ma għandux ikun iżjed marbut bi ftehim ta’ kreditu konness.

[…]

3.   Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe regola nazzjonali li tirrendi lill-kreditur konġuntament u separatament responsabbli fir-rigward ta’ kwalunkwe pretensjoni li l-konsumatur jista’ jkollu kontra l-fornitur fejn ix-xiri ta’ merkanzija jew servizzi mingħand il-fornitur ikun ġie ffinanzjat bi ftehim ta’ kreditu.”

12.

L-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2008/48, b’dan l-artikoli jkun intitolat “Armonizzazzjoni u n-natura imperattiva tad-Direttiva” jipprovdi li:

“Safejn din id-Direttiva fiha dispożizzjonijiet armonizzati, l-Istati Membri ma jistgħux iżommu jew jintroduċu fil-liġi nazzjonali tagħhom dispożizzjonijiet li jiddevjaw minn dawk stabbiliti f’din id-Direttiva.”

3. Id‑Direttiva 2011/83

13.

Il-premessi 2, 16, 20, 22 u 49 tad-Direttiva 2011/83 jipprovdu kif ġej:

“(2)

[…] Id-Direttiva għandha għalhekk tistipula regoli standard għall-aspetti komuni tal-kuntratti mill-bogħod u lil hinn mill-post tan-negozju li jitbiegħdu mill-istrateġija ta’ armonizzazzjoni minima fid-Direttivi ta’ qabel filwaqt li jippermettu lill-Istati Membri jippreservaw jew jadottaw regoli nazzjonali fir-rigward ta’ ċerti aspetti.

[…]

(16)

Din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa l-leġislazzjonijiet nazzjonali dwar ir-rappreżentanza legali bħar-regoli relatati mal-persuna li qed taġixxi f’isem il-kummerċjant jew għall-interess tiegħu (bħal aġent jew trustee). L-Istati Membri għandhom jibqgħu kompetenti f’dan il-qasam. […]

[…]

(20)

Id-definizzjoni ta’ kuntratt mill-bogħod għandha tkopri l-każijiet kollha fejn il-kuntratt jiġi konkluż bejn il-kummerċjant u l-konsumatur fl-ambitu ta’ skema ta’ bejgħ mill-bogħod organizzat jew skema ta’ forniment ta’ servizzi, bl-użu esklużiv ta’ mezz wieħed jew aktar ta’ komunikazzjoni ta’ distanza (pereżempju bejgħ bil-posta, Internet, telefon jew faks) saż-żmien meta l-kuntratt jiġi konkluż, u inkluż dan iż-żmien. Dik id-definizzjoni għandha wkoll tkopri sitwazzjonijiet li fihom il-konsumatur iżur il-post tan-negozju sempliċement biex jiġbor informazzjoni dwar il-oġġetti jew is-servizzi u biex sussegwentement jinnegozja u jikkonkludi l-kuntratt mill-bogħod B’ kuntrast, kuntratt innegozjat fil-post tan-negozju tal-kummerċjant u fl-aħħar konkluż permezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod ma għandux jitqies kuntratt mill-bogħod. Lanqas kuntratt mibdi permezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod, iżda fl-aħħar konkluż fil-post tan-negozju tal-kummerċjant ma għandu jitqies bħala kuntratt mill-bogħod. […] Il-kunċett ta’ skema ta’ bejgħ mill-bogħod organizzat jew skema ta’ forniment ta’ servizzi [skema organizzata ta’ bejgħ jew provvista ta’ servizzi mill-bogħod] għandhu jinkludi dawk l-iskemi offruti minn parti terza li ma tkunx il-kummerċjant iżda użati mill-kummerċjant, bħal pjattaforma online. Madankollu, m’ għandhux jkopri każijiet li fihom is-siti web joffru biss informazzjoni dwar il-kummerċjant, il-oġġetti u/jew is-servizzi tiegħu u id-dettalji ta’ kuntatt tiegħu.

[…]

(22)

Il-post tan-negozju għandu jinkludi l-post fi kwalunkwe forma (bħalma huma ħwienet, posti tal-monti jew trakkijiet) li jservi bħala post permanenti jew tas-soltu ta’ negozju għall-kummerċjant. Armar tal-monti u tal-fieri għandu jiġi ttrattat bħala post tan-negozju jekk jissodisfaw din il-kundizjoni. […] Il-post tan-negozju ta’ persuna li taġixxi f’isem jew fl-interess tal-kummerċjant kif definit f’din id-Direttiva għandu jitqies bħala post tan-negozju fis-sens ta’ din id-Direttiva.

[…]

(49)

Għandhom jeżistu ċerti eċċezzjonijiet mid-dritt ta’ reċess [irtirar], kemm għall-kuntratt mill-bogħof kif ukoll għal dawklil hinn mill-post tan-negozju. […] L-għoti ta’ dritt ta’ reċess lill-konsumatur jista’ ukoll ma jkunx xieraq fil-każ ta’ ċerti servizzi li għalihom il-konklużjoni tal-kuntratt timplika li tiġi riservata kapaċità li għaliha l-kummerċjant jista’ jsibha diffiċli jsib sostituzzjoni, kieku kellu jiġi eżerċitat id-dritt ta’ reċess. Dan ikun il-każ pereżempju tar-riservazzjonijiet f’ lukandi jew relatati ma’ djar tal-vaganzi, avvenimenti kulturali jew sportivi.”

14.

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2011/83, intitolat “Suġġett” jistabbilixxi li l-għan tad-direttiva huwa li “permezz tal-ksib ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, li tikkontribwixxi għat-tħaddim tajjeb tas-suq intern billi tagħmel approssimazzjoni ta’ ċerti aspetti tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar kuntratti konklużi bejn konsumaturi u kummerċjanti”.

15.

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83, intitolat “Definizzjonijiet”, huwa fformulat kif ġej:

“Għall-għan ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(2)

‘kummerċjant’ tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew kwalunkwe persuna ġuridika, indipendentement mill-fatt li tkun suġġett pubbliku jew privat, li taġixxi, anki permezz ta’ persuna li tkun qed taġixxi f’isimha jew għall-interessi tagħha, għall-iskopijiet relatati mal-kummerċ, in-negozju, is-sengħa jew il-professjoni tagħha fil-kuntatti koperti minn din id-Direttiva;

[…]

(6)

‘kuntratt ta’ servizz’ tfisser kwalunkwe kuntratt li mhuwiex kuntratt ta’ bejgħ li abbażi tiegħu l-kummerċjant iforni jew jimpenja ruħu li jforni servizz lill-konsumatur u l-konsumatur iħallas jew jimpenja ruħu li jħallas il-prezz ta’ dan;

(7)

‘kuntratt mill-bogħod’ tfisser kwalunkwe kuntratt konkluż bejn il-kummerċjant u il-konsumatur fil-qafas ta’ skema ta’ bejgħ mill-bogħod organizzat jew skema ta’ forniment ta’ servizzi, mingħajr il-preżenza simultanja u fiżika tal-kummerċjant u l-konsumatur, bl-użu esklużiv ta’ mezz wieħed jew iktar tal-komunikazzjoni mill-bogħod, sal-konklużjoni tal-kuntratt, inkluża l-konklużjoni tal-kuntratt stess;

(8)

‘kuntratt lil hinn mill-post tan-negozju’ tfisser kwalunkwe kuntratt bejn il-kummerċjant u il-konsumatur:

(a)

konkluż fil-preżenza simultanja u fiżika tal-kummerċjant u l-konsumatur, f’post li mhuwiex dak tan-negozju tal-kummerċjant;

(b)

li saret offerta għalih mill-konsumatur f’ċirkostanzi simili kif imsemmi fil-punt (a);

(c)

konkluż fil-post tan-negozju tal-kummerċjant iżda permezz ta’ kwalunkwe mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod immedjatament wara li l-konsumatur ġie avviċinat personalment u individwalment f’post differenti minn dak tan-negozju tal-kummerċjant, fil-preżenza fiżika tal-kummerċjant u l-konsumatur simultanjament; jew

[…]

(9)

‘post tan-negozju’ tfisser:

(a)

kwalunkwe post fen isir bejħ bl-imnut immobbli fejn il-kummerċjant jiżvolġi l-attività tiegħu fuq bażi permanenti; jew

(b)

kwalunkwe post fen isir bejħ bl-imnut mobbli fejn il-kummerċjant jiżvolġi l-attività tiegħu fuq bażi tas-soltu;

[…]

(12)

‘servizz finanzjarju’ tfisser kwalunkwe servizz ta’ natura bankarja, ta’ kreditu, ta’ assigurazzjoni, ta’ pensjoni personali, ta’ investiment jew ta’ ħlas;

[…]

(15)

‘kuntratt anċillari’ tfisser kuntratt li bih il-konsumatur jakkwista oġġetti jew servizzi relatati ma’ kuntratt mill-bogħod jew kuntratt lil hinn mill-post tan-negozju u fejn dawk l-oġġetti jiġu pprovduti jew is-servizzi jiġu fornuti mill-kummerċjant jew minn parti terza fuq il-bażi ta’ arranġament bejn dik il-parti terza u l-kummerċjant.”

16.

Skont l-Artikolu 3(1) tagħha, id-Direttiva 2011/83 għandha tapplika, skont il-kundizzjonijiet u sal-punt stipulati fid-dispożizzjonijiet tagħha, għal kwalunkwe kuntratt konkluż bejn kummerċjant u konsumatur. Skont l-Artikolu 3(3)(d), din ma tapplikax għall-kuntratti għas-servizzi finanzjarji.

17.

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/83, b’dan l-artikolu jkun intitolat “Rekwiżiti ta’ informazzjoni għal kuntratti mill-bogħod u lil hinn mill-post tan-negozju”, jipprovdi li:

“Qabel ma l-konsumatur jintrabat b’ kuntratt mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju, jew bi kwanlunkwe offerta korrispondenti, il-kummerċjant għandu jipprovdi lill-konsumatur l-informazzjoni li ġejja b’mod ċar u komprensibbli:

[…]

(h)

f’każ li jeżisti dritt ta’ reċess [irtirar], il-kundizzjonijiet, it-termini u l-proċeduri għall-eżerċizzju ta’ tali dritt skont l-Artikolu 11(1), kif ukoll il-formola standard ta’ reċess stabbilita fl-Anness I(B);

[…]”

18.

Il-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2011/83, intitolat “Dritt ta’ reċess [irtirar]”, jipprovdu li:

“1.   Ħlief fejn japplikaw l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 16, il-konsumatur għandu jkollu perjodu ta’ 14-il jum biex jirreċedi minn kuntratt mill-bogħod jewlil hinn mill-post tan-negozju, mingħajr ma jagħti raġuni, u mingħajr ma jġarrab spejjeż differenti minn dawk previsti fl-Artikolu 13(2) u l-Artikolu 14.

2.   Bla ħsara għall-Artikolu 10, il-perjodu ta’ reċess imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jiskadi wara 14-il jum li jiddekorru:

(a)

fil-każ ta’ kuntratti ta’ servizz, mill-jum tal-konklużjoni tal-kuntratt;

[…]”

19.

L-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2011/83, b’dan l-artikolu jkun intitolat “Nuqqas ta’ informazzjoni dwar id-dritt ta’ recess [irtirar]”, jipprovdi li:

“Jekk kummerċjant ma pprovdiex lill-konsumatur bl-informazzjoni tad-dritt ta’ reċess kif rikjest mill-punt (h) tal-Artikolu 6(1), il-perjodu ta’ reċess għandu jiskadi tnax-il xahar mit-tmiem tal-perjodu ta’ reċess inizjali, kif determinat skont l-Artikolu 9(2).”

20.

Skont l-Artikolu 13(3) tad-Direttiva 2011/83, li huwa intitolat “Obbligi tal-kummerċjant f’każ ta’ recess [irtirar]”:

“Għajr jekk il-kummerċjant ikunx offra li jiġbor il-oġġetti hu stess, fir-rigward ta’ kuntratti ta’ bejgħ, il-kummerċjant jista’ jżomm ir-rimbors sakemm ikun irċieva l-oġġetti, jew sakemm il-konsumatur ikun ipprovda prova li bagħat il-oġġetti lura, skont liema minnhom iseħħ l-ewwel.”

21.

L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2011/83, intitolat “Effetti tal-eżerċizzju tad-dritt ta’ reċess [irtirar] fuq kuntratti anċillari”, jipprovdi li:

“1.   Bla ħsara għall-Artikolu 15 tad-Direttiva [2008/48], jekk il-konsumatur jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ reċess minn kuntratt mill-bogħod jewlil hinn mill-post tan-negozju skont l-Artikoli 9 sa 14 ta’ din id-Direttiva, kull kuntratt anċillari għandu jintemm awtomatikament, mingħajr ebda spiża għall-[konsumatur], ħlief kif previst fl-Artikolu 13(2) u fl-Artikolu 14 ta’ din id-Direttiva.

2.   L-Istat Membri se jistipulaw regoli dettaljati dwar it-tmiem ta’ kuntratti bħal dawn.”

22.

L-Artikolu 16 tad-Direttiva 2011/83, intitolat “Eċċezzjonijiet mid-dritt ta’ recess”, jipprovdi, inter alia, li l-Istati Membri ma għandhomx jipprevedu d-dritt ta’ rtirar stabbilit fl-Artikolu 9 sa 15 għall-kuntratti mill-bogħod u lil hinn mill-post tan-negozju fir-rigward ta’ “(l) [l]-forniment ta’ akkomodazzjoni għal skopijiet mhux residenzjali, trasport tal-oġġetti, servizzi tal-kiri tal-karozzi, kejtering jew servizzi relatati ma’ attivitajiet ta’ divertiment jekk il-kuntratt jipprevedi data speċifika jew perjodu speċifiku ta’ eżekuzzjoni”.

B.   Id‑dritt Ġermaniż

1. Il‑Kodiċi Ċivili

23.

Skont l-Artikolu 242 tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili, iktar ’il quddiem il-“BGB”), intitolat “Eżekuzzjoni bona fide”, “[i]d-debitur huwa marbut jeżegwixxi l-eżekuzzjoni in bona fide, b’kunsiderazzjoni għall-użanzi”.

24.

L-Artikolu 273(1) tal-BGB, b’dan l-artikolu jkun intitolat “Dritt ta’ żamma”, jipprovdi li:

“Jekk id-debitur ikollu pretensjoni fil-konfront ta’ kreditur fil-kuntest tal-istess relazzjoni legali li fuqha hija bbażata l-obbligazzjoni, huwa jista’, ħlief jekk ir-relazzjoni ta’ dejn ma tipprovdix mod ieħor, jirrifjuta l-eżekuzzjoni dovuta minnu, sakemm titwettaq l-eżekuzzjoni (id-dritt ta’ żamma)”.

25.

Skont l-Artikolu 293 tal-BGB, intitolat “Inadempjenza tal-aċċettazzjoni”, [i]d-debitur ikun inadempjenti jekk huwa ma jaċċettax il-prestazzjoni offruta lilu”.

26.

Skont l-Artikolu 294 tal-BGB, intitolat “Offerta attwali”, [i]l-prestazzjoni għandha tiġi offruta lill-kreditur bl-istess mod li hija intiża li tiġi eżegwita”.

27.

L-Artikolu 312b tal-BGB, intitolat “Kuntratti konklużi lil hinn mill-post tan-negozju”, jipprovdi li:

“(1)   1Kuntratti konklużi lil hinn mill-post tan-negozju huma kuntratti

1.   konklużi fil-preżenza simultanja u fiżika tal-konsumatur u tal-kummerċjant, f’post li ma huwiex dak tan-negozju tal-kummerċjant,

2.   li saret offerta għalihom mill-konsumatur taħt iċ-ċirkustanzi msemmija fil-punt 1,

3.   konklużi fil-post tan-negozju tal-kummerċjant jew permezz ta’ kwalunkwe mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod, iżda fejn il-konsumatur, immedjatament qabel, kien avviċinat personalment u individwalment f’post differenti minn dak tan-negozju tal-kummerċjant, fil-preżenza simultanja u fiżika tal-konsumatur u tal-kummerċjant, jew

[…]

2Persuni li jaġixxu għan-nom ta’ u f’isem il-kummerċjant għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod bħall-kummerċjant.

(2)   1Post tan-negozju skont is-subparagrafu 1 huwa kwalunkwe post immobbli fejn isir bejgħ bl-imnut fejn il-kummerċjant jeżerċita l-attività tiegħu jew tagħha fuq bażi permanenti u kwalunkwe post mobbli fejn isir bejgħ bl-imnut fejn il-kummerċjant jeżerċita l-attività tiegħu jew tagħha tas-soltu. 2Il-postjiet ta’ bejgħ bl-imnut fejn il-persuna li taġixxi għan-nom ta’ u f’isem il-kummerċjant teżerċita l-attività tagħha fuq bażi permanenti jew tas-soltu huma ekwivalenti għall-postijiet tal-kummerċjant”.

28.

L-Artikolu 312c tal-BGB, intitolat “Kuntratti mill-bogħod”, jipprovdi li:

“(1)   Kuntratti mill-bogħod huma kuntratti li għalihom il-kummerċjant, jew persuna li taġixxi għan-nom ta’ u f’isem il-kummerċjant, u l-konsumatur jagħmlu użu esklużiv ta’ mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod biex jinnegozjaw u jikkonkludu l-kuntratt, ħlief meta l-konklużjoni tal-kuntratt ma sseħħx fil-kuntest ta’ skema ta’ bejgħ jew ta’ provvista ta’ servizz organizzata għall-bejgħ mill-bogħod.

(2)   Mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod fis-sens ta’ dan il-Kodiċi huwa kull mezz ta’ komunikazzjoni li jista’ jintuża biex isiru t-tħejjijiet għal jew jiġi konkluż kuntratt mingħajr il-preżenza simultanja u fiżika tal-kontraenti tal-kuntratt, bħalma huma ittri, katalgi, telefonati, faksijiet, posta elettronika, messaġġi mibgħuta permezz tas-servizz tat-telefon ċellulari (SMS) kif ukoll permezz tax-xandir jew televiżjoni”.

29.

L-Artikolu 312g tal-BGB, intitolat “Dritt ta’ rtirar”, jipprovdi li:

“(1)   Fil-każ ta’ kuntratti lill hinn mill-post tan-negozju u ta’ kuntratti mill-bogħod, il-konsumatur għandu dritt ta’ irtirar skont l-Artikolu 355.

(2)   Sakemm ma jiġix miftiehem mod ieħor bejn il-partijiet, id-dritt ta’ rtirar ma japplikax għall-kuntratti li ġejjin:

[…]

9.   kuntratti għall-provvista ta’ servizzi fl-oqsma tal-akkomodazzjoni għal skopijiet mhux residenzjali, trasport tal-oġġetti, kiri tal-vetturi bil-mutur, kejtering jew għall-provvista ta’ servizzi oħra relatati ma’ attivitajiet ta’ divertiment jekk il-kuntratt jipprevedi data speċifika jew perijodu speċifiku ta’ eżekuzzjoni;

[…]”

30.

Skont l-Artikolu 322(2) tal-BGB, dan l-artikolu jkun intitolat “Ordni għal eżekuzzjoni simultanja”, “[j]ekk il-persuna li tressaq l-azzjoni kellha tagħmel il-parti tagħha l-ewwel, hija tista’, jekk il-persuna l-oħra tkun naqset mit-twettiq tagħha minħabba n-nuqqas ta’ aċċettazzjoni, tressaq azzjoni għall-eżekuzzjoni wara li tkun irċeviet l-eżekuzzjoni korrispettiva”.

31.

L-Artikolu 346 tal-BGB, intitolat “Effetti tat-terminazzjoni”, jipprovdi, fis-subparagrafu 1 tiegħu ( 5 ):

“Jekk fil-kuntratt kontraent wieħed irriżerva d-dritt li jittermina l-kuntratt, jew jekk huwa għandu dritt ta’ terminazzjoni statutorju, allura, jekk isseħħ it-terminazzjoni, is-servizzi rċevuti għandhom jiġu rritornati u l-benefiċċji meħuda minn tali servizzi jitwaqqfu”.

32.

Skont l-Artikolu 348 tal-BGB, intitolat “Eżekuzzjoni simultanja” ( 6 ):

“L-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mit-terminazzjoni għandhom jiġu eżegwiti simultanjament. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 320 u 322 għandhom japplikaw mutatis mutandis”.

33.

L-Artikolu 355 tal-BGB, intitolat “Dritt ta’ rtirar f’kuntratti tal-konsumatur”, jaqra kif ġej:

“(1)   1Fejn il-liġi tagħti lill-konsumatur dritt ta’ rtirar skont din id-dispożizzjoni, il-konsumatur u l-kummerċjant ma jibqgħux marbutin bid-dikjarazzjonijiet tal-intenzjoni tagħhom li jikkonkludu l-kuntratt, jekk il-konsumatur ikun irtira d-dikjarazzjoni tiegħu għal dan il-għan fil-perijodu stabbilit. […]

(2)   1Il-perijodu ta’ rtirar huwa ta’ 14‑il jum. 2Sakemm mhux ipprovdut mod ieħor, dan jibda mill-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt”.

34.

L-Artikolu 356b tal-BGB, intitolat “Id-dritt ta’ rtirar fi ftehimiet ta’ kreditu għall-konsumatur”, jipprovdi fis-subparagrafu 2 tiegħu:

1Jekk, fil-kuntest ta’ ftehim ġenerali ta’ kreditu għall-konsumatur, id-dokument ikkonsenjat lil min jissellef taħt is-subparagrafu 1 ma jkunx fih l-informazzjoni obbligatorja pprovduta fl-Artikolu 492(2), it-terminu ma jibdiex jiddekorri sakemm jiġi rrimedjat dan in-nuqqas skont l-Artikolu 492(6).

[…]”

35.

L-Artikolu 357 tal-BGB, intitolat “Konsegwenzi legali tal-irtirar minn kuntratti konklużi ’l bogħod mill-post tan-negozju u mill-bogħod, bl-eċċezzjoni ta’ kuntratti għal servizzi finanzjarji”, jipprovdi fis-subparagrafi 1 u 4 tiegħu ( 7 ):

“(1)   Il-benefiċċji rċevuti għandhom jiġu rritornati sa mhux iktar tard minn 14‑il jum.

[…]

(4)   1F’każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti ta’ konsum, il-kummerċjant jista’ jirrifjuta li jwettaq il-ħlas sakemm huwa jkun irċieva l-oġġetti rritornati jew il-konsumatur ikun ipprovda prova li huwa bagħat l-oġġetti. 2Dan ma japplikax jekk il-kummerċjant ikun offra li jiġbor l-oġġetti”.

36.

L-Artikolu 357a tal-BGB, intitolat “Konsegwenzi legali tal-irtirar minn kuntratti għal servizzi finanzjarji”, jipprovdi fis-subparagrafi 1 u 3 li:

“(1)   Il-benefiċċji rċevuti għandhom jiġu rritornati mhux iktar tard minn 30 jum.

[…]

(3)   1Fil-każ ta’ rtirar minn kuntratti ta’ self għall-konsum, min jissellef għandu jħallas l-interessi miftiehma għall-perijodu bejn il-ħlas u l-ħlas lura tal-kreditu.

[…]”

37.

L-Artikolu 358 tal-BGB, intitolat “Kuntratt assoċjat mal-kuntratt ta’ rtirar”, jipprovdi fis-subparagrafi 2 sa 4 tiegħu ( 8 ):

“(2)   Jekk il-konsumatur ikun irtira b’mod validu id-dikjarazzjoni ta’ intenzjoni tiegħu li jikkonkludi kuntratt ta’ kreditu għall-konsum fuq il-bażi tal-Artikolu 495(1) jew tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 514(2), huwa barra minn hekk ma jibqax iktar marbut bid-dikjarazzjoni ta’ intenzjoni tiegħu li jikkonkludi kuntratt għall-provvista ta’ oġġetti jew ta’ servizz ieħor assoċjat ma’ dan il-kuntratt ta’ kreditu għall-konsum.

(3)   1Kuntratt għall-provvista ta’ oġġetti jew ta’ servizzi oħra u kuntratt ta’ kreditu skont il-paragrafi 1 u 2 ikunu assoċjati jekk il-kreditu jservi biex jiffinanzja l-kuntratt l-ieħor totalment jew parzjalment u jekk it-tnejn li huma jifformaw unità ekonomika. 2Tali unità għandha tiġi aċċettata, b’mod partikolari, fejn il-kummerċjant innifsu jiffinanzja l-kontroprestazzjoni tal-konsumatur jew, fil-każ ta’ ffinanzjar minn terz, fejn il-kreditur jinvolvi lill-kummerċjant fil-preparazzjoni jew fil-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu. […]

(4)   1L-Artikolu 355(3) u, skont it-tip ta’ kuntratt relatat, l-Artikoli 357 sa 357b għandhom japplikaw mutatis mutandis għar-rexissjoni tal-kuntratt relatat, irrispettivament mill-metodu ta’ reklamar. […] 5F’negozju mal-konsumatur, il-kreditur għandu jassumi d-drittijiet u l-obbligi ta’ kummerċjant li jirriżultaw mill-kuntratt assoċjat fir-rigward tal-konsegwenzi legali ta’ rtirar jekk, fil-mument meta jsir l-irtirar, l-ammont tas-self ikun diġà tħallas lill-kummerċjant.

[…]”

38.

L-Artikolu 492 tal-BGB, intitolat “Forma bil-miktub, kontenut tal-kuntratt”, jipprovdi fis-subparagrafi 2 u 6 li:

“(2)   Il-ftehim għandu jkun fih l-informazzjoni mitluba mill-Artikolu 247(6) sa 13 tal-Einführungsgesetz zum Bürgerlichen Gesetzbuch (il-Liġi Introduttorja għall-Kodiċi Ċivili tal‑21 ta’ Settembru 1994 ( 9 ), l-“EGBGB”) għall-kuntratti ta’ kreditu għall-konsum.

[…]

(6)   Jekk il-kuntratt ma jkunx fih l-informazzjoni mitluba mis-subparagrafu 2, jew ikun fih informazzjoni inkompleta, din l-informazzjoni tista’ tiġi pprovduta wara fuq mezz li jservi għal żmien twil wara li l-kuntratt ikun ġie effettivament iffirmat, jew, f’każijiet taħt l-ewwel sentenza tal-Artikolu 494(2), wara li l-kuntratt ikun daħal fis-seħħ. […]”

39.

L-Artikolu 495 tal-BGB, intitolat “Dritt ta’ rtirar”, jipprovdi fis-subparagrafu 1 tiegħu:

“Fil-każ ta’ kuntratt ta’ kreditu konkluż ma’ konsumatur, min jissellef għandu d-dritt li jirtira skont l-Artikolu 355”.

40.

Skont l-Artikolu 506 tal-BGB, intitolat “Posponiment tal-ħlas, faċilità finanzjarja oħra”:

“(1)   1Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 358 sa 360, 491a sa 502 u 505a sa 505e applikabbli għall-kuntratti ta’ kreditu ġenerali għall-konsumatur għandhom japplikaw, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 492(4) u bl-applikazzjoni tas-subparagrafi 3 u 4, għall-kuntratti li permezz tagħhom kummerċjant jagħti lill-konsumatur posponiment mhux gratwit tal-ħlas jew xi faċilità finanzjarja mhux gratwita oħra. […]

(2)   1Il-ftehimiet bejn kummerċjant u konsumatur għall-użu mhux gratwit ta’ oġġett jitqiesu li jikkostitwixxu faċilità finanzjarja mhux gratwita jekk jiġi miftiehem li:

1.

il-konsumatur huwa obbligat jakkwista l-oġġett,

2.

il-kummerċjant jista’ jitlob li l-konsumatur jakkwista l-oġġett, jew

3.

il-konsumatur ikun responsabbli għal ċertu valur tal-oġġett mat-terminazzjoni tal-ftehim.

2L-Artikolu 500(2) u l-Artikolu 502 ma għandhomx japplikaw għall-ftehimiet skont il-punt 3 tal-ewwel sentenza.

[…]

(4)   1Id-dispożizzjonijiet ta’ dan is-subtitolu ma għandhomx japplikaw sa fejn stabbilit fil-punti 1 sa 5 tat-tieni sentenza tal-Artikolu 491(2), fit-tieni sentenza tal-Artikolu 491(3) u fl-Artikolu 491(4). Peress li ma jkun hemm ebda ammont nett tas-self skont it-tip ta’ ftehim (punt 1 tat-tieni sentenza tal-Artikolu 491(2)), dan għandu jiġi ssostitwit bil-prezz bi ħlas fil-pront jew, jekk il-kummerċjant akkwista l-oġġett għall-konsumatur, bil-prezz tax-xiri”.

2. L-EGBGB

41.

L-Artikolu 247 tal-EGBGB, intitolat “Rekwiżiti fil-qasam tal-informazzjoni għall-kuntratti ta’ self għall-konsum, għall-assistenza finanzjarja u għall-kuntratti ta’ bejgħ ta’ kreditu”, jaqra kif ġej ( 10 ):

“[…]

§6. Kontenut tal-ftehim

(1) L-informazzjoni li ġejja għandha tkun inkluża fi ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur b’mod ċar u komprensibbli:

1.

l-informazzjoni indikata fil-punti 1 sa 14 tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3, u fir-raba’ subparagrafu,

[…]

(2) 1Meta jkun hemm dritt ta’ rtirar skont l-Artikolu 495 tal-[BGB], il-ftehim għandu jkollu l-indikazzjonijiet dwar it-terminu u l-kundizzjonijiet l-oħra biex persuna tkun tista’ tirtira minnu kif ukoll riferiment għall-obbligu ta’ min jissellef biex iħallas lura s-self li diġà ntefaq u biex iħallas l-interessi. 2Il-ftehim għandu jagħti l-ammont ta’ interessi li għandhom jitħallsu kuljum. 3Meta l-ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur fih obbligu kuntrattwali prominenti u fformulat b’mod ċar, li, f’każ ta’ ftehimiet ta’ kreditu ġenerali għall-konsumatur, jikkorrispondi għall-mudell fl-Anness 7 […], dak l-obbligu kuntrattwali għandu jissodisfa r-rekwiżiti tas-sentenzi 1 u 2.

4[…]

5Min isellef jista’ jitbiegħed mill-mudell f’termini ta’ format u daqs tat-tipa, filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni s-sentenza 3.

§7. Informazzjoni oħra fil-ftehim

(1) L-informazzjoni li ġejja għandha tiġi inkluża fil-kuntratt ta’ kreditu għall-konsum b’mod ċar u komprensibbli, sa fejn huwa rilevanti għall-kuntratt:

[…]

3.

il-metodu tal-kalkolu tal-kumpens għal ħlas lura antiċipat, sa fejn il-kreditur ikollu l-intenzjoni jinvoka d-dritt tiegħu għal tali kumpens fil-każ ta’ ħlas lura antiċipat tas-self mid-debitur,

4.

l-aċċess tad-debitur għal proċedura ta’ kontestazzjoni u ta’ rimedju extraġudizzjarja u, jekk applikabbli, il-kundizzjonijiet għal tali aċċess.

[…]

§12. Kuntratti konnessi u faċilità finanzjarja mhux gratwita

(1) 1Il-paragrafi 1 sa 11 għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-kuntratti għall-faċilità finanzjarja mhux gratwita msemmija fl-Artikolu 506(1) tal-[BGB]. 2Fil-każ ta’ tali kuntratti, kif ukoll ta’ kuntratti ta’ kreditu għall-konsum li huma konnessi ma’ kuntratt ieħor skont l-Artikolu 358 tal-[BGB] jew li fihom hemm indikati oġġetti jew servizzi skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 360(2) tal-[BGB]:

1.

l-informazzjoni prekuntrattwali għandha jkun fiha, inkluż fil-każ taħt il-paragrafu 5, is-suġġett u l-prezz bi flus kontanti,

2.

il-kuntratt għandu jkun fih

(a)

is-suġġett u l-prezz bi flus kontanti

(b)

informazzjoni dwar id-drittijiet li joħorġu mill-Artikoli 358 u 359 jew mill-Artikolu 360 tal-[BGB] u l-kundizzjonijiet sabiex jiġu eżerċitati dawn id-drittijiet.

3Meta l-ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur ikun fih obbligu kuntrattwali prominenti u fformulat b’mod ċar, li, fil-każ ta’ ftehimiet ta’ kreditu ġenerali għall-konsumatur, jikkorrispondi għall-mudell fl-Anness 7 […], dan l-obbligu kuntrattwali għandu, f’każ ta’ ftehimiet u tranżazzjonijiet konnessi skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 360(2) tal-[BGB], għandu jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 2(b) tat-tieni sentenza.

[…]”

III. Il‑kawża prinċipali u d‑domandi għal deċiżjoni preliminari

A.   Kawża C‑38/21

42.

Fl‑10 ta’ Novembru 2018, VK ikkonkluda, bħala konsumatur, ftehim ta’ leasing ibbażat fuq il-mili għal karozza BMW għall-użu privat mal-BMW Bank GmbH. VK applika għal dak il-ftehim ta’ leasing, u ffirma l-applikazzjoni fil-post tal-bejjiegħ tal-karozzi. Il-bejjiegħ tal-karozzi li aġixxa bħala intermedjarju għall-BMW Bank mingħajr ma kellu s-setgħa jikkonkludi l-ftehim, ikkalkola l-elementi differenti tal-ftehim tal-leasing (it-terminu, il-ħlas tal-bidu u l-ammont tal-ħlasijiet ta’ kull xahar) u spjegahom lil VK. Il-bejjiegħ tal-karozzi kien awtorizza u kien kapaċi jipprovdi lil VK l-informazzjoni dwar il-ftehim u biex iwieġeb kull mistoqsija. Il-bejjiegħ tal-karozzi newwel l-applikazzjoni għal-leasing lill-bank, li aċċettaha.

43.

Il-partijiet ftehmu li VK kellu jħallas is-somma totali ta’ EUR 12 486.80, li jikkonsistu fil-ħlas tal-bidu ta’ EUR 4760 segwit b’24 ħlas kull xahar ta’ EUR 321.95 kull wieħed. Ir-rata tas-self kienet 3.49 % fis-sena għall-perijodu kollu tal-ftehim tal-leasing u r-rata tal-perċentwal tal-interessi annwali kienet 3.55 %. L-ammont nett ta’ kreditu kien EUR 40 294.85, li kien jikkorrispondi mal-prezz tal-akkwist tal-vettura. Ġie miftiehem ukoll li l-limitu ta’ mili tal-vettura kien ta’ 10000 kilometri fis-sena. Mar-ritorn tal-vettura, VK kellu jħallas EUR 0.0737 għal kull kilometru misjuq ’il fuq mil-limitu, filwaqt li huwa jiġi rrimborsat EUR 0.0492 għal kull kilometru mhux misjuq sal-limitu. Jekk, mar-ritorn tagħha, il-kundizzjoni tal-vettura ma tkunx tikkorrispondi mal-età tagħha u mal-mili miftehma, VK kien meħtieġ jikkumpensa lil BMW Bank għal dak it-telf fil-valur addizzjonali. La l-ftehim tal-leasing u lanqas kull ftehim separat ieħor ma kien fih obbligu biex il-vettura tiġi mixtrija.

44.

Il-ftehim tal-leasing kien fih il-klawżola segwenti, intitolata “Dritt ta’ rtirar” ( 11 ):

“Inti tista’ tirtira id-dikjarazzjoni kuntrattwali tiegħek, mingħajr ma jkollok tipprovdi raġuni, sa 14‑il jum. Il-perijodu jibda jiddekorri wara l-konklużjoni tal-ftehim, iżda mhux qabel ma’ min jissellef ikun irċieva l-informazzjoni obbligatorja msemmija fl-Artikolu 492(2) tal-[BGB] (pereżempju l-informazzjoni li tikkonċerna t-tip ta’ self, informazzjoni li tirrigwarda l-ammont nett tas-self, informazzjoni li tikkonċerna t-terminu kuntrattwali). […]”

45.

VK ħa l-konsenja tal-vettura. Minn Jannar 2019, huwa ħallas debitament il-ħlasijiet ta’ kull xahar miftehma. B’ittra tal‑25 ta’ Ġunju 2020, huwa rtira mill-ftehim. Il-BMW Bank irrifjutat dan l-irtirar.

46.

Bl-azzjoni tiegħu kontra l-BMW Bank quddiem il-qorti tar-rinviju, VK talab dikjarazzjoni li l-bank ma jistax jinvoka d-drittijiet tiegħu taħt il-ftehim tal-leasing, b’mod partikolari kwalunkwe dritt li jirċievi l-ħlasijiet tal-ftehim tal-leasing. Huwa jargumenta li l-perijodu tal-irtirar kien għadu ma bediex jiddekorri peress li l-informazzjoni obbligatorja fil-ftehim tal-leasing kienet insuffiċjenti u inkomprensibbli. Peress li l-ftehim tal-leasing huwa kuntratt mill-bogħod u/jew kuntratt lil hinn mill-post tan-negozju, huwa jsostni wkoll li l-Artikolu 312g(1) tal-BGB jagħtih id-dritt li jirtira minnu. Skont VK, ma huwiex possibbli li tintalab kjarifika u tinkiseb informazzjoni obbligatorja mill-BMW Bank jekk impjegat jew rappreżentant ta’ dan il-bank ma jkunx preżenti fil-post tal-bejjiegħ tal-karozzi fl-istadju preparatorju tal-ftehim.

47.

BMW Bank issostni li l-azzjoni ta’ VK għandha tiġi miċħuda bħala infondata. Hija tgħid li r-regoli fuq l-irtirar applikabbli għall-ftehimiet ta’ kreditu għall-konsumaturi ma japplikawx għall-ftehimiet ta’ leasing ibbażati fuq il-mili. Fi kwalunkwe każ, il-ftehim ta’ leasing debitament ikkomunika l-informazzjoni obbligatorja kollha lil VK, inkluż id-dritt tiegħu li jirtira minnu. L-informazzjoni fuq id-dritt ta’ rtirar tikkorrispondi eżattament mal-mudell statutorju, b’mod li hija meqjusa li tissodisfa r-rekwiżiti tal-ewwel u t-tielet sentenza tal-Artikolu 247(6) tal-EGBGB, li minħabba f’hekk il-perijodu ta’ rtirar ta’ 14‑il jum kien skada ħafna qabel ma VK ipprova jeżerċita d-dritt ta’ rtirar tiegħu. BMW Bank issostni wkoll li peress li VK kellu kuntatt personali ma’ intermedjarju li kien kapaċi jinformah dwar is-servizz offrut, il-ftehim ta’ leasing ma kienx kuntratt mill-bogħod. Il-ftehim lanqas ma hu kuntratt lil hinn mill-post tan-negozju, peress li l-intermedjarju għandu jitqies bħala li aġixxa f’isem u għall-interess tal-kummerċjant fis-sens tal-premessa 22 tad-Direttiva 2011/83.

48.

Il-qorti tar-rinviju tosserva li saż-żmien reċenti, il-ġurisprudenza Ġermaniża rrikonoxxiet l-eżistenza tad-dritt ta’ rtirar fil-każ ta’ ftehimiet ta’ leasing ibbażati fuq il-mili billi applikat dispożizzjonijiet nazzjonali simili li jirregolaw ftehimiet li permezz tagħhom kummerċjant jagħti lill-konsumatur posponiment mhux gratwit tal-ħlas jew faċilità finanzjarja oħra mhux gratwita ( 12 ). Permezz ta’ sentenza tal‑24 ta’ Frar 2021 ( 13 ) il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) iddeċidiet, madankollu, li din l-analoġija ma kinitx sostenibbli. L-Artikoli 495 u 355 tal-BGB għaldaqstant ma jagħtux lill-kerrej tal-vettura d-dritt ta’ rtirar minn dak it-tip ta’ ftehim ta’ leasing. Skont dik il-qorti, din is-soluzzjoni hija korretta mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni peress li l-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 2008/48 ma japplikax għall-ftehimiet ta’ kiri jew leasing meta l-obbligu tal-akkwist tal-oġġett tal-ftehim la jkun stabbilit fil-ftehim innifsu u lanqas fi ftehim separat. Peress li ma hemmx obbligu għall-akkwist f’każ ta’ ftehimiet ta’ leasing ibbażati fuq il-mili, il-qorti ma tkunx libera li tapplika d-Direttiva 2008/48 b’analoġija. Il-qorti tar-rinviju tiddubita jekk din l-analiżi hijiex korretta.

49.

Il-qorti tar-rinviju tipprova, l-ewwel, taċċerta jekk ftehim ta’ leasing ibbażat fuq il-mili, bħalma huwa dan inkwistjoni, jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/48, tad-Direttiva 2011/83 jew tad-Direttiva 2002/65. Hija tikkontempla l-possibbiltà li tapplika d-Direttiva 2008/48 b’analoġija ( 14 ), inkwantu l-ftehimiet ta’ leasing ibbażati fuq il-mili normalment ikunu fformulati b’mod li jiżguraw, kemm f’termini ta’ kalkolu u fil-prattika, li huma jwasslu għall-amortizzament sħiħ tal-użu tal-vettura. Alternattivament, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-leasing ibbażat fuq il-mili ta’ vetturi bil-mutur huwiex servizz finanzjarju fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2002/65 u tal-punt 12 tal-Artikolu 2(12) tad-Direttiva 2011/83 ( 15 ). Insostenn ta’ dan l-approċċ, il-qorti tar-rinviju tosserva li, fil-każ ta’ ftehimiet ta’ leasing ibbażat fuq il-mili, ma hemmx prossimità materjali bejn min jagħti b’kiri u l-oġġett tal-leasing peress li l-kerrej jagħżel l-oġġett tal-leasing skont ir-rekwiżiti tiegħu jew tagħha. B’kuntrast ma’ kerrej stricto sensu, il-kerrej iġorr ir-riskji kollha matul il-kirja, ikollu jassigura l-vettura u jasserixxi d-drittijiet tiegħu jew tagħha kontra terzi persuni f’każ ta’ difetti fil-vetturi, filwaqt li min jagħti b’leasing sempliċiment jiffinanzja l-użu tal-vettura mill-kerrej.

50.

F’każ li l-ftehim ta’ leasing ibbażat fuq il-mili bħalma huwa dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/48, il-qorti tar-rinviju tixtieq imbagħad tkun taf jekk hijiex kompatibbli mal-Artikolu 10(2)(p) u mal-Artikolu 14(1) tagħha leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi preżunzjoni legali li, minkejja l-insuffiċjenza tal-informazzjoni pprovduta, l-obbligu biex il-konsumatur jiġi pprovdut b’informazzjoni fuq id-dritt ta’ rtirar ikun issodisfatt meta l-ftehim ikun fih klawżola li tikkorrispondi mal-mudell statutorju anness ma’ din il-leġiżlazzjoni (“il-preżunzjoni tal-legalità”). Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk hija għandhiex ma tapplikax din il-leġiżlazzjoni meta hija tqis xieraq li tagħmel dan.

51.

Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk il-preżunzjoni tal-legalità hijiex kompatibbli mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Kreissparkasse Saarlouis ( 16 ). F’din hija ddeċidiet, inter alia, fir-rigward tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2008/48, li l-Artikolu 10(2)(p) tiegħu għandu jiġi interpretat bħala li jipprekludi li kuntratt ta’ kreditu li jirreferi għal dispożizzjoni nazzjonali li, min-naħa tagħha, tirreferi għal dispożizzjonijiet oħra tad-dritt nazzjonali ( 17 ). Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-Ħdax‑il Awla Ċivili tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) ikkunsidrat li ma setgħetx issegwi din il-ġurisprudenza peress li t-test, l-ispirtu, l-iskop u l-oriġini tat-tielet sentenza tal-Artikolu 247(6)(2) tal-EGBGB ma tippermettix interpretazzjoni li tkun kompatibbli mad-Direttiva 2008/48 ( 18 ). Din l-Awla lanqas ma setgħet tikkontempla l-applikazzjoni diretta ta’ din id-direttiva, peress li fil-qasam tal-kreditu għall-konsumatur, il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet il-possibbiltà ta’ interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li jkun fix-xifer li jitqies contra legem sabiex jikkonforma mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni. Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra, madankollu, li l-Qorti tal-Ġustizzja sa issa ħalliet miftuħa l-applikazzjoni tal-prinċipju tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tad-Direttiva 2008/48 ( 19 ).

52.

It-tieni, il-qorti tar-rinviju titlob kjarifika għal dak li jirrigwarda l-informazzjoni li għandha tkun inkluża fi ftehimiet ta’ kreditu għall-konsumaturi skont l-Artikolu 10(2)(p), (l) u (t) tad-Direttiva 2008/48. Hija tistaqsi dwar jekk huwiex biss l-assenza tal-informazzjoni obbligatorja li tista’ tipprekludi l-perijodu ta’ rtirar milli jibda jiddekorri skont l-Artikolu 14(1) tagħha jew jekk il-fatt li l-informazzjoni pprovduta ma hijiex kompluta jew hija materjalment skorretta iwassalx għall-istess konsegwenza.

53.

It-tielet, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-eżerċizzju minn konsumatur tad-dritt ta’ rtirar f’każ ta’ ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur jistax ikun preskritt minħabba l-ksur tal-prinċipju ta’ bona fide sanċit fl-Artikolu 242 tal-BGB.

54.

Ir-raba’, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, u taħt liema kundizzjonijiet, l-eżerċizzju min-naħa tal-konsumatur tad-dritt ta’ rtirar minn ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur jistax jitqies abbużiv. Hija tosserva li, f’sentenza reċenti, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li l-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar jista’ jkun abbużiv, u għaldaqstant jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 242 tal-BGB, meta l-konsumatur, billi jinvoka l-assenza tal-preżunzjoni tal-legalità marbuta mal-mudell statutorju, jipprova jisfrutta pożizzjoni legali formali. Skont dik il-qorti jista’ jkun meħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni numru ta’ fatturi f’dan il-kuntest, li ma huwiex limitat għal dan li ġej. li l-konsumatur jista’ jkun ikkunsidra l-informazzjoni li ma kinitx konformi mal-mudell statutorju irrilevanti għaċ-ċirkustanzi tiegħu jew tagħha; li hija jew huwa jista’ jkun li qajmu l-kwistjoni tan-nuqqas ta’ konformità tal-mudell statutorju għall-ewwel darba matul l-appell fuq punt ta’ liġi; jew li l-konsumatur jista’ jkun li “eżerċita d-dritt ta’ rtirar tiegħu jew tagħha sabiex ikun jista’ jirritorna l-vettura, wara li jkun użaha skont l-iskop intenzjonat għal perijodu relattivament twil, taħt l-impressjoni – żbaljata – li huwa jew hija tkun eżenti mill-obbligu li tħallas kumpens”.

55.

Jekk, alternattivament, ftehim ta’ leasing ibbażat fuq il-mili bħalma huwa dak inkwistjoni jikkonsisti provvista ta’ servizz finanzjarju għall-iskopijiet tad-Direttivi 2002/65 u 2011/83, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, l-ewwel, jekk tali ftehim jikkwalifika bħala “kuntratt lill hinn mill-post tan-negozju” fis-sens tal-punt 8 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83 ( 20 ). Hija tistaqsi jekk il-post tan-negozju ta’ persuna li huwa involut sempliċiment fit-tħejjija tal-kuntratt, f’dan il-każ il-bejjiegħ tal-karozzi, li ma għandhiex s-setgħa li tirrappreżenta lill-kummerċjant sabiex tikkonkludi l-kuntratt, huwiex dak il-post tan-negozju tal-kummerċjant għall-iskop tal-punt 9 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83. Id-domanda speċifika tqum dwar jekk l-involviment ta’ tali persuna jistax jammonta biex din titqies li taġixxi “f’isem u għall-interess tal-kummerċjant” fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83 u, konsegwentement, tat-tieni sentenza tal-Artikolu 312b(2) tal-BGB.

56.

It-tieni, ma huwiex ċar għall-qorti tar-rinviju jekk il-ftehim ta’ leasing ibbażat fuq il-mili inkwistjoni jaqax taħt l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ rtirar stabbilita fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2011/83 u taħt l-Artikolu 312g(2)(9) tal-BGB fir-rigward ta’ servizzi ta’ kiri ta’ karozzi. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva, inter alia, li skont is-sentenza tal-Oberlandesgericht München (il-Qorti Reġjonali Superjuri, München, il-Ġermanja) tat‑18 ta’ Ġunju 2020 ( 21 )“kiri ta’ karozzi” tirreferi għal kiri ta’ karozzi għal żmien qasir mhux għal ftehimiet ta’ leasing ibbażati fuq il-mili.

57.

It-tielet, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ftehim ta’ leasing ibbażat fuq il-mili, bħalma huwa dak inkwistjoni, jistax ikun “kuntratt mill-bogħod” fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2002/65 u tal-punt 7 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83 fejn il-konsumatur ikollu kuntatt personali biss mal-intermedjarju li jkun involut sempliċiment fit-tħejjija tal-kuntratt u li ma jkollux is-setgħa li jirrappreżenta lill-kummerċjant sabiex jikkonkludih ( 22 ). Hija tosserva, inter alia, li, skont il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja), il-kundizzjoni tal-“użu esklużiv ta’ mezz wieħed jew iktar tal-komunikazzjoni mill-bogħod” f’dawn id-dispożizzjonijiet ma tkunx issodisfatta meta l-konsumatur, fl-istadju preparatorju għall-konklużjoni tal-kuntratt, ikollu kuntatt personali ma’ terza persuna li, fl-interess tal-kummerċjant, tipprovdih jew tipprovdiha b’informazzjoni fuq dak il-kuntratt.

58.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht Ravensburg (il-Qorti Reġjonali, Ravensburg) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Dwar il-preżunzjoni tal-legalità, skont it-tielet sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 247(6) u tat-tielet sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 247(12) tal-[EGBGB]:

a)

It-tielet sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 247(6) u t-tielet sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 247(12) tal-EGBGB, huma inkompatibbli mal-Artikolu 10(2)(p) u mal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva [2008/48], sa fejn jiddikjaraw li klawżoli kuntrattwali li jmorru kontra r-rekwiżiti tal-Artikolu 10(2)(p) tad-Direttiva 2008/48 jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-ewwel u tat-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 247(6) u tal-punt 2(b) tat-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 247(12) tal-EGBGB?

Fl-affermattiv:

b)

Mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mill-Artikolu 10(2)(p) u mill-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48, jirriżulta li t-tielet sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 247(6) u t-tielet sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 247(12) tal-EGBGB huma inapplikabbli sa fejn jiddikjaraw li klawżoli kuntrattwali li jmorru kontra r-rekwiżiti tal-Artikolu 10(2)(p) tad-Direttiva 2008/48 jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-ewwel u tat-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 247(6) u tal-punt 2(b) tat-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 247(12) tal-EGBGB?

Fil-każ li r-risposta li tingħata għall-punt (b) tal-ewwel domanda ma tkunx fl-affermattiv:

2)

Dwar l-indikazzjonijiet obbligatorji konformement mal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48:

a)

L-Artikolu 10(2)(p) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ammont ta’ interessi dovut kuljum, li għandu jiġi indikat fil-ftehim ta’ kreditu, għandu jirriżulta mill-kalkolu tar-rata ta’ interess kuntrattwali indikata fil-ftehim?

b)

L-Artikolu 10(2)(l) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rata tal-interessi moratorji applikabbli fiż-żmien meta ġie konkluż il-ftehim ta’ kreditu għandha tkun indikata bħala numru assolut jew, għallinqas, ir-rata tal-interessi ta’ riferiment (f’dan il-każ ir-rata ta’ bażi tal-interessi konformement mal-Artikolu 247 tal-[BGB], li minnha jirriżulta li r-rata tal-interessi moratorji applikabbli hija ddeterminata biż-żieda (f’dan il-każ ta’ ħames punti perċentwali skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 288(1) tal-BGB), għandha tkun indikata bħala numru assolut, u l-konsumatur għandu jiġi informat bir-rata tal-interessi ta’ riferiment (rata ta’ bażi tal-interessi) u tal-varjabbiltà tagħha?

c)

L-Artikolu 10(2)(t) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-test tal-ftehim ta’ kreditu għandu jindika r-rekwiżiti formali essenzjali għal aċċess għall-proċeduri extraġudizzjarji ta’ ilment u ta’ riżarċiment?

Fil-każ li minn tal-inqas waħda mir-risposti li tingħata għall-wieħed mill-punti (a) sa (c) tat-tieni domanda tkun fl-affermattiv:

d)

Il-punt (b) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-terminu għall-irtirar jibda jiddekorri biss meta l-informazzjoni meħtieġa taħt l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48 ġiet ipprovduta b’mod komplet u korrett?

Fin-negattiv:

e)

Liema huma l-kriterji rilevanti sabiex it-terminu għall-irtirar jibda jiddekorri minkejja l-fatt li l-indikazzjonijiet ma humiex kompleti u korretti?

Fil-każ li r-risposta li tingħata għall-punt (a) tal-ewwel domanda u/jew għal minn tal-inqas wieħed mill-punti (a) sa (c) tat-tieni domanda tkun fl-affermattiv:

3)

Dwar id-dekadenza tad-dritt tal-irtirar previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48:

a)

Id-dritt tal-irtirar previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48 huwa suġġett għal dekadenza?

Fl-affermattiv:

b)

Id-dekadenza hija limitazzjoni ratione temporis tad-dritt tal-irtirar li għandha tiġi rregolata permezz ta’ liġi adottata mill-Parlament?

Fin-negattiv:

c)

L-eċċezzjoni ta’ dekadenza tippresupponi, mil-lat suġġettiv, li l-konsumatur huwa konxju taż-żamma tad-dritt tiegħu tal-irtirar jew, għall-inqas, li n-nuqqas ta’ għarfien tiegħu huwa dovut għal negliġenza serja min-naħa tiegħu?

Fin-negattiv:

d)

Il-possibbiltà għall-kreditur li sussegwentement jipprovdi lill-konsumatur bl-informazzjoni meħtieġa fil-punt (b) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48/KE, b’tali mod li jibda jiddekorri t-terminu għall-irtirar, tipprekludi l-applikazzjoni bona fide tar-regoli ta’ dekadenza?

Fin-negattiv:

e)

Dan huwa kompatibbli mal-prinċipji stabbiliti li jorbtu lill-qorti Ġermaniża skont il-Grundgesetz (il-Liġi Bażika)?

Fl-affermattiv:

f)

Kif għandu l-prattikant tal-liġi Ġermaniża jsolvi kunflitt bejn rekwiżiti vinkolanti tad-dritt internazzjonali u r-rekwiżiti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea?

4)

Rigward il-preżunzjoni tan-natura abbużiva ta’ eżerċizzju tad-dritt għall-irtirar tal-konsumatur previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48:

a)

L-eżerċizzju tad-dritt għall-irtirar tal-konsumatur previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48 jista’ jitqies bħala abbużiv?

Fl-affermattiv:

b)

Il-preżunzjoni tan-natura abbużiva tad-dritt għall-irtirar tikkostitwixxi limitu tad-dritt għall-irtirar li għandu jiġi rregolat b’liġi tal-Parlament?

Fin-negattiv:

c)

Il-preżunzjoni tan-natura abbużiva tad-dritt għall-irtirar tippresupponi, mil-lat suġġettiv, li l-konsumatur huwa konxju taż-żamma tad-dritt tiegħu tal-irtirar jew, għall-inqas, li n-nuqqas ta’ għarfien tiegħu huwa dovut għal negliġenza serja min-naħa tiegħu?

Fin-negattiv:

d)

Il-possibbiltà għall-kreditur li sussegwentement jipprovdi lill-konsumatur bl-informazzjoni meħtieġa fil-punt (b) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48, b’tali mod li jibda jiddekorri t-terminu għall-irtirar, tipprekludi l-preżunzjoni tan-natura abbużiva fl-applikazzjoni bona fide tad-dritt għall-irtirar?

Fin-negattiv:

e)

Dan huwa kompatibbli mal-prinċipji stabbiliti li jorbtu lill-qorti Ġermaniża skont il-Liġi Bażika?

Fl-affermattiv:

f)

Kif għandu l-prattikant tal-liġi Ġermaniża jsolvi kunflitt bejn rekwiżiti vinkolanti tad-dritt internazzjonali u r-rekwiżiti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea?

5)

Il-ftehimiet ta’ leasing ta’ vetturi bil-mutur ibbażati fuq il-mili b’terminu ta’ madwar sentejn sa tliet snin li jiġu konklużi bl-użu ta’ formola standard li teskludi d-dritt ta’ terminazzjoni ordinarja, u li permezz tagħha l-konsumatur ikollu joħroġ polza ta’ assigurazzjoni komprensiva għall-vettura, u jkollu jasserixxi d-drittijiet tiegħu relatati mad-difetti kontra terzi persuni (b’mod partikolari l-bejjiegħ tal-karozzi u l-produttur) u, barra minn hekk, iġorr ir-riskju ta’ telf, ħsara u danni, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2011/83 u/jew tad-Direttiva 2008/48 u/jew tad-Direttiva 2002/65? Jitqiesu ftehimiet ta’ kreditu fis-sens tal-Artikolu 3(ċ) tad-Direttiva 2008/48 u/jew kuntratti li jirrigwardaw servizzi finanzjarji fis-sens tal-punt 12 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83 u tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2002/65?

6)

Jekk il-ftehimiet ta’ leasing ta’ vetturi bil-mutur ibbażati fuq il-mili (kif deskritti fil-punt 5) huma kuntratti li jirrigwardaw servizzi finanzjarji:

a)

Il-post tan-negozju ta’ persuna li jħejji l-bażi għal tranżazzjonijiet ma’ konsumaturi fl-interess tal-kummerċjant iżda li ma jkollux, huwa nnifsu, setgħa li jirrappreżentah biex jikkonkludi l-kuntratti inkwistjoni għandu jitqies ukoll bħala post tan-negozju immobbli għall-iskopijiet tal-punt 9 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva [2011/83]?

Fl-affermattiv:

b)

Dan għandu japplika wkoll meta l-persuna li tħejji l-bażi għall-kuntratt twettaq attività kummerċjali f’settur ieħor u/jew ma hijiex awtorizzata taħt id-dritt superviżorju u/jew ċivili biex tikkonkludi kuntratti li jirrigwardaw servizzi finanzjarji?

7)

Jekk il-punt a tas-sitt domanda jew il-punt b tas-sitt domanda jingħataw risposta fin-negattiv:

L-Artikolu 16(l) tad-Direttiva 2011/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ftehimiet ta’ leasing ta’ vetturi bil-mutur ibbażati fuq il-mili (kif deskritti fil-punt II.5) huma koperti minn din l-eċċezzjoni?

8)

Jekk il-ftehimiet ta’ leasing ta’ vetturi bil-mutur ibbażati fuq il-mili (kif deskritti fil-punt 5) huma kuntratti li jirrigwardaw servizzi finanzjarji:

a)

Il-kuntratt mill-bogħod fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2002/65 u tal-punt 7 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83 ikun jeżisti wkoll meta l-unika kuntatt personali matul in-negozjati kuntrattwali kien mal-persuna li tħejji l-bażi għat-tranżazzjonijiet mal-konsumaturi fl-interess tal-kummerċjant iżda li, personalment, ma għandhiex setgħa li tirrappreżentah biex tikkonkludi l-kuntratti inkwistjoni?

Fl-affermattiv:

b)

Dan għandu japplika wkoll meta l-persuna li tħejji l-bażi għall-kuntratt twettaq attività kummerċjali f’settur ieħor u/jew ma hijiex awtorizzata taħt id-dritt superviżorju u/jew ċivili biex tikkonkludi kuntratti li jirrigwardaw servizzi finanzjarji?”

B.   Kawża C‑47/21

59.

Fit‑12 ta’ April 2017, F. F. Ikkonkluda, bħala konsumatur, ftehim ta’ self ma’ C. Bank AG fis-somma ta’ EUR 15 111.70 għax-xiri ta’ vettura bil-mutur bil-mutur użata għall-użu privat.

60.

Il-bejjiegħ tal-karozzi li mingħandu kien xtara l-vettura F. F. Aġixxa bħala intermedjarju tal-kreditu għal C. Bank fit-tħejjija u konklużjoni tal-ftehim tas-self u uża l-ftehim standard li pprovda l-bank. Il-prezz tal-akkwist kien EUR 14880. Wara t-tnaqqis tal-ħlas tal-bidu ta’ EUR 2000, il-bilanċ ta’ EUR 12880 kellu jiġi ffinanzjat permezz ta’ self. Dan il-ftehim ta’ self jipprovdi għall-ħlas lura f’60 ħlas ta’ kull xahar, flimkien ma’ ħlas finali ta’ ammont speċifiku.

61.

Huwa fih il-klawżola li ġejja ( 23 ):

“Dritt ta’ rtirar

Min jissellef jista’ jirtira mill-ftehim, mingħajr ma jagħti raġunijiet, fi żmien 14‑il jum. Il-perijodu jibda jiddekorri wara l-konklużjoni tal-ftehim, iżda mhux qabel ma’ min jissellef ikun irċieva l-informazzjoni obbligatorja msemmija fl-Artikolu 492(2) tal-[BGB] (pereżempju l-informazzjoni li tikkonċerna t-tip ta’ self, informazzjoni li tirrigwarda l-ammont nett tas-self, informazzjoni li tikkonċerna t-terminu tal-kuntratt). […]”

62.

Il-proprjetà tal-vettura ġiet ittrasferita lil C. Bank bħala garanzija għall-ħlas lura tas-self. Wara l-ħruġ tas-self, F. F. ħallas debitament il-ħlasijiet ta’ kull xahar miftiehma. Fl‑1 ta’ April 2020, huwa rtira mill-ftehim tas-self. C. Bank irrifjutat l-irtirar tiegħu.

63.

Fil-kawża tiegħu quddiem il-qorti tar-rinviju, F. F. jitlob biex mar-ritorn tal-vettura lil C. Bank, huwa jiġi rrimborsat il-ħlasijiet ta’ kull xahar li huwa kien ħallas u l-ħlas tal-bidu li huwa kien għamel lill-bejjiegħ tal-karozzi, jiġifieri EUR 10 110.11. Huwa jitlob ukoll dikjarazzjoni li C. Bank kienet tardiva biex tieħu lura l-vettura. F. F. jargumenta li l-irtirar tiegħu huwa validu peress li l-perijodu ta’ rtirar kien għadu ma bediex jiddekorri minħabba n-nuqqas ta’ ċarezza fl-informazzjoni li tirrigwarda d-dritt ta’ rtirar u minħabba l-informazzjoni obbligatorja skorretta pprovduta lilu.

64.

C. Bank tikkontesta li l-kawża għandha tiġi miċħuda bħala infondata. Hija ssostni li hija pprovdiet lil F. F. bl-informazzjoni obbligatorja kollha permezz tal-mudell statutorju, biex dik l-informazzjoni għandha titqies korretta skont l-ewwel u t-tielet sentenzi tal-Artikolu 247(6)(2) tal-EGBGB. L-irtirar ta’ F. F. huwa għaldaqstant barra minn ħinu. Alternattivament, C. Bank issostni li l-aġir ta’ F. F. jikkostitwixxi abbuż tad-drittijiet.

65.

L-ewwel, il-qorti tar-rinviju tixtieq taċċerta jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali li stabbilixxiet il-preżunzjoni ta’ legalità hijiex kompatibbli mad-Direttiva 2008/48 u jekk għandhiex ma tapplikax leġiżlazzjoni meta hija tqis xieraq li tagħmel dan. Għalkemm C. Bank użat il-mudell statutorju, hija għamlet dan b’mod żbaljat inkwantu hija pprovdiet informazzjoni wkoll fuq il-ftehimiet konnessi li kienet irrilevanti għal F. F. peress li huwa ma daħal f’ebda wieħed minn tali ftehimiet. Peress li l-kriterji stabbiliti mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) biex tidentifika l-preżenza ta’ abbuż ta’ drittijiet huma ssodisfatti f’dan il-każ, F. F. ma jistax isostni li l-preżunzjoni ta’ legalità ma tapplikax. Il-qorti tar-rinviju tagħmel l-istess kunsiderazzjonijiet bħal dawk imsemmija fil-punti 50 u 51 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

66.

It-tieni, il-qorti tar-rinviju tixtieq kjarifika għal dak li jirrigwarda l-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fi ftehimiet ta’ kreditu għall-konsumatur skont l-Artikolu 10(2)(l), (r) u (t) tad-Direttiva 2008/48. Hija tistaqsi jekk il-fatt li l-informazzjoni pprovduta hija sempliċiment mhux kompluta jew materjalment skorretta jipprekludix lill-perijodu ta’ rtirar milli jibda jiddekorri.

67.

It-tielet, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-eżerċizzju min-naħa ta’ konsumatur tad-dritt ta’ rtirar fil-każ ta’ ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur jistax ikun preskritt minħabba l-ksur tal-prinċipju ta’ bona fide sanċit fl-Artikolu 242 tal-BGB.

68.

Ir-raba’, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, u taħt liema kundizzjonijiet, l-eżerċizzju min-naħa ta’ konsumatur tad-dritt ta’ rtirar fil-każ ta’ ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur jista’ jkun abbużiv. Il-kunsiderazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju f’dan ir-rigward jinsabu fil-punt 54 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

69.

Il-ħames, il-qorti tar-rinviju tixtieq kjarifika għal dak li jirrigwarda d-dritt ta’ konsumatur għal rimbors tal-ħlasijiet ta’ kull xahar mħallsa fiċ-ċirkustanzi fejn ftehim ta’ kreditu li minnu huwa jew hija rtiraw huwa konness ma’ kuntratt ta’ bejgħ tal-oġġetti. Fil-fehma tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) id-dritt nazzjonali ( 24 ) jipprovdi li meta konsumatur jirtira minn ftehim ta’ kreditu konness ma’ kuntratt għall-akkwist ta’ vettura bil-mutur, il-kreditur ( 25 ) jista’ jirrifjuta milli jirrimborsa l-ħlasijiet ta’ kull xahar u, fejn xieraq, il-ħlas tal-bidu, sakemm il-vettura tkun ġiet irritornata lilu jew sakemm il-konsumatur ikun ipprovda prova li għamel dan. F’termini ta’ proċedura ċivili, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja), filwaqt li tapplika l-Artikolu 322(2) tal-BGB b’analoġija, tikkunsidra li, b’riżultat tar-rekwiżit ta’ restituzzjoni minn qabel, malli konsumatur ikun eżerċita d-dritt ta’ rtirar tiegħu jew tagħha, l-azzjoni għall-ħlas kontra l-kreditur tkun fondata biss jekk il-konsumatur ikun talab lill-kreditur jieħu lura l-vettura bil-mutur, u għaldaqstant ikun għamel “offerta effettiva” lill-kreditur fis-sens tal-Artikolu 294 tal-BGB, jew jekk il-konsumatur jipprovdi prova li jkun irritorna l-vettura lill-kreditur.

70.

Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kompatibbiltà kemm tar-restituzzjoni minn qabel u kif ukoll tal-konsegwenzi proċedurali mal-effettività tad-dritt ta’ rtirar li jipprovdi l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48. L-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar ikun kunsiderevolment limitat fil-prattika kieku l-konsumatur kellu jirritorna l-vettura qabel ma jkun intitolat jibda proċeduri għar-rimbors tal-ħlasijiet lura tas-self. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju ma hijiex ċerta dwar jekk l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48 għandux effett dirett, b’mod li hija għandha ma tapplikax id-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija qabel.

71.

Is-sitt, il-qorti tar-rinviju, li tikkonsisti f’imħallef wieħed, issostni li mill-ġurisprudenza tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) li, skont ir-regoli proċedurali nazzjonali, imħallef wieħed ma għandux dritt jagħmel talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE u għandu, f’dak il-każ, jibgħat il-proċeduri lil qorti li tkun komposta minn diversi mħallfin. Hija tistaqsi jekk dawn ir-regoli humiex kompatibbli mal-Artikolu 267 TFUE u, jekk le, għandhomx jibqgħu mhux applikati.

72.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht Ravensburg (il-Qorti Reġjonali, Ravensburg) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin għal deċiżjoni preliminari, fejn it-test tal-ewwel, tat-tielet u tar-raba’ domanda huwa identiku għal dawk magħmula fil-Kawża C‑38/21:

“1)

[…]

Irrispettivament mir-risposta li tingħata għall-punt (a) u għall-punt (b) tal-ewwel domanda

2)

Dwar l-indikazzjonijiet obbligatorji konformement mal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48:

a)

[Il-punt a tat-tieni domanda ġiet irtirata]

b)

Dwar l-Artikolu 10(2)(r) tad-Direttiva 2008/48:

aa)

Din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b’tali mod li l-informazzjoni fil-ftehim ta’ kreditu dwar il-kumpens dovut fir-rigward tal-ħlas lura antiċipat tas-self għandu jkun preċiż biżżejjed sabiex il-konsumatur ikun jista’ għall-inqas jikkalkola, bejn wieħed u ieħor, l-ammont tal-kumpens dovut?

(fil-każ li d-domanda preċedenti tingħata risposta fl-affermattiv:)

bb)

L-Artikolu 10(2)(r) u t-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48 jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li fil-każ ta’ informazzjoni li ma hijiex kompleta fis-sens tal-Artikolu 10(2)(r) tad-Direttiva 2008/48, it-terminu għall-irtirar madankollu jibda jiddekorri biss minn meta ġie konkluż il-ftehim ta’ kreditu u huwa biss id-dritt tal-kreditur għal kumpens dovut fir-rigward tal-ħlas lura antiċipat tas-self li jiskadi?

c)

L-Artikolu 10(2)(l) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rata tal-interessi moratorji applikabbli fiż-żmien meta ġie konkluż il-ftehim ta’ kreditu għandha tkun indikata bħala numru assolut jew, għallinqas, ir-rata tal-interessi ta’ riferiment (f’dan il-każ ir-rata ta’ bażi tal-interessi konformement mal-Artikolu 247 tal-[BGB]), li minnha jirriżulta li r-rata tal-interessi moratorji applikabbli hija ddeterminata biż-żieda (f’dan il-każ ta’ ħames punti perċentwali skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 288(1) tal-BGB), għandha tkun indikata bħala numru assolut, u l-konsumatur għandu jiġi informat bir-rata tal-interessi ta’ riferiment (rata ta’ bażi tal-interessi) u tal-varjabbiltà tagħha?

d)

L-Artikolu 10(2)(t) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-test tal-ftehim ta’ kreditu għandu jindika r-rekwiżiti formali essenzjali għal aċċess għall-proċeduri extraġudizzjarji ta’ ilment u ta’ riżarċiment?

Fil-każ li minn tal-inqas waħda mir-risposti li tingħata għall-wieħed mill-punti (a) sa (d) tat-tieni domanda tkun fl-affermattiv:

e)

Il-punt (b) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-terminu għall-irtirar jibda jiddekorri biss meta l-informazzjoni meħtieġa taħt l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48 ġiet ipprovduta b’mod komplet u korrett?

Fin-negattiv:

f)

Liema huma l-kriterji rilevanti sabiex it-terminu għall-irtirar jibda jiddekorri minkejja l-fatt li l-indikazzjonijiet ma humiex kompleti u korretti?

Fil-każ li r-risposta li tingħata għall-punt (a) tal-ewwel domanda u/jew għal minn tal-inqas wieħed mill-punti (a) sa (d) tat-tieni domanda tkun fl-affermattiv:

3)

[…]

4)

[…]

5)

Irrispettivament mir-risposti li jingħataw għad-domandi preċedenti:

a)

Huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mad-dritt tal-irtirar previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48, jekk skont id-dritt nazzjonali, fil-każ ta’ ftehim ta’ kreditu marbut ma’ kuntratt ta’ bejgħ, wara li l-konsumatur ikun effettivament eżerċita d-dritt tiegħu tal-irtirar skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48

aa)

id-dritt ta’ konsumatur fil-konfront ta’ kreditur għall-ħlas lura tal-pagamenti tas-self magħmula jsir dovut biss meta huwa, min-naħa tiegħu, ikun irritorna l-oġġett mixtri lill-kreditur jew ikun ipproduċa prova li bagħat l-oġġett lill-kreditur?

bb)

rikors ippreżentat mill-konsumatur għall-ħlas lura tal-pagamenti tas-self magħmula mill-konsumatur, wara li l-oġġett mixtri jkun ġie rritornat, għandu jiġi miċħud bħala attwalment infondat jekk il-kreditur ma jkunx naqas milli jaċċetta l-oġġett mixtri?

Fin-negattiv:

b)

Mid-dritt tal-Unjoni jirriżulta li r-regoli nazzjonali deskritti fl-inċiż (aa) tal-punt (a) u/jew fl-inċiż (bb) tal-punt (a) ma humiex applikabbli?

Irrispettivament mir-risposti li jingħataw għall-ewwel sal-ħames domanda:

6)

Il-punt (1) tal-Artikolu 348a(2) taz-Zivilprozessordnung (il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili), sa fejn din id-dispożizzjoni tirrigwarda wkoll l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ rinviju skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 267 TFUE, huwa inkompatibbli mad-dritt tal-qrati nazzjonali għal rinviji għal deċiżjoni preliminari taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 267 TFUE, u għalhekk ma japplikax għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ rinviju?”

C.   Kawża C‑232/21

73.

Il-fatti wara dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari huma simili ħafna għal dawk fil-Kawża C‑47/21. Wara applikazzjonijiet għal self bid-data 30 ta’ Ġunju 2017, 28 ta’ Marzu 2017, 26 ta’ Jannar 2019 u 31 ta’ Jannar 2012, CR, AY, ML u BQ rispettivament ikkonkludew, bħala konsumaturi, ma’ Volkswagen Bank GmbH (fil-każ ta’ CR) jew mal-fergħa tiegħu Audi Bank, ftehimiet ta’ self fl-ammonti netti ta’ EUR 21 418.66, EUR 28 671.25, EUR 18 972.74 u EUR 30 208.10. Kull wieħed minn dawn il-ftehimiet kien intiż li jiffinanzja l-akkwist ta’ vettura bil-mutur għall-użu privat. Il-prezz tal-bejgħ tal-vetturi mixtrija minn CR, AY, ML u BQ kien ta’ EUR 30490, EUR 31920, EUR 28030 u EUR 27750 rispettivament. CR, AY u ML għamlu l-ħlas tal-bidu lill-bejjiegħa tal-karozzi u ffinanzjaw il-bilanċ tal-prezz tax-xiri, flimkien mal-ispiża tal-assigurazzjoni għall-ħajja u għad-diżabbiltà, permezz tas-self rispettiv tagħhom. BQ ma għamilx ħlas tal-bidu u ħallas il-prezz tax-xiri kollu tal-vettura, flimkien mal-assigurazzjoni għall-ħajja u għad-diżabbiltà, permezz tas-self.

74.

Il-ftehimiet tas-self kien fihom klawżola identika jew simili ħafna għal dik riprodotta fil-punt 61 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

75.

Il-bejjiegħa tal-karozzi li mingħandhom inxtraw il-vetturi aġixxew bħala intermedjarji tal-kreditu għall-banek inkonnessjoni mat-tħejjija u konklużjoni tal-ftehimiet tas-self u użaw il-ftehim standard ipprovdut minn dawn il-banek. Il-ħlas lura tas-self kellu jsir f’48 (fil-każ ta’ CR u AY), 36 (fil-każ ta’ ML) u 60 (fil-każ ta’ BQ) ħlas ta’ kull xahar. CR, AY, ML u BQ kienu meħtieġa wkoll jagħmlu ħlas finali ta’ ammont speċifiku.

76.

Wara li ħareġ is-self, CR, AY, ML u BQ ħallsu debitament il-ħlasijiet ta’ kull xahar miftiehma. Madankollu, fil‑31 ta’ Marzu 2019, fit‑13 ta’ Ġunju 2019, fis‑16 ta’ Settembru 2019 u fl‑20 ta’ Settembru 2020, rispettivament, kull wieħed minnhom irtira mill-ftehimiet tas-self. CR, ML u BQ offrew li jirritornaw il-vettura lill-uffiċċju rreġistrat tal-bank kontra r-rimbors simultanju tal-ħlasijiet li huma kienu għamlu. BQ ħallas lura s-self kollu. Volkswagen Bank u Audi Bank irrifjutaw it-tentattivi kollha ta’ rtirar mill-ftehimiet.

77.

CR, AY, ML u BQ ressqu azzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju kontra Volkswagen Bank u Audi Bank. Peress li l-informazzjoni fuq id-dritt ta’ rtirar u l-informazzjoni obbligatorja l-oħra ma kinitx debitament ikkomunikata lilhom, huma jargumentaw li l-perijodu ta’ rtirar kien għadu ma bediex jiddekorri fid-dati li fihom huma rtiraw mill-ftehimiet tas-self rispettivi. CR jitlob, inter alia, ir-rimbors tal-ħlasijiet ta’ kull xahar li huwa ħallas, flimkien mal-ħlas tal-bidu li huwa għamel lill-bejjiegħ tal-karozzi, fl-istess waqt, jew alternattivament wara, li huwa rritorna l-vettura. Huwa jitlob ukoll dikjarazzjoni li huwa ma għandux iħallas l-interessi fuq, jew ħlasijiet ta’ kull xahar fir-rigward tal-kapital mid-data tal-irtirar u li l-bank kien tardiv biex jieħu lura l-vettura. It-talbiet ta’ ML huma essenzjalment l-istess bħal ta’ CR. AY prinċipalment ifittex dikjarazzjoni li, mid-data tal-irtirar, huwa ma għadux responsabbli għall-interessi jew għall-kapital fuq is-self tiegħu. BQ prinċipalment ifittex rimbors tal-ħlasijiet ta’ kull xahar imħallsa u dikjarazzjoni li l-bank kien tard biex jieħu lura l-vettura.

78.

Volkswagen Bank u Audi Bank isostnu primarjament li l-azzjonijiet għandhom jiġu miċħuda bħala infondati. Huma jsostni li peress li użaw il-mudell statutorju, huma pprovdew lil CR, AY, ML u BQ bl-informazzjoni obbligatorja kollha u li l-perijodu ta’ rtirar ta’ 14-il jum kien għaldaqstant skada. Fil-każ ta’ CR u AY, huma jargumentaw, alternattivament, li l-irtirar huwa preskritt u li huma straħu leġittimament fuq il-fatt li dawn il-konsumaturi ma kinux ser jeżerċitaw id-dritt ta’ rtirar tagħhom wara l-użu tal-vetturi u l-ħlas regolari ta’ kull xahar tagħhom. Fil-każ ta’ ML u BQ, huma jsostnu wkoll li ma humiex tardivi biex jieħdu lura l-vetturi peress li dawn il-konsumaturi ma għamlulhomx offerta attwali għall-iskopijiet tal-Artikolu 294 tal-BGB.

79.

Il-qorti tar-rinviju tosserva li, skont il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja), kwistjonijiet ta’ dekadenza u abbuż tad-dritt ta’ rtirar jiġu kkunsidrati primarjament fir-rigward ta’ ftehimiet li l-kontraenti diġà eżegwew b’mod sħiħ.

80.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, filwaqt li bbażat ruħha fuq kunsiderazzjonijiet essenzjalment simili għal dawk stabbiliti fil-punti 65 sa 71 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Landgericht Ravensburg (il-Qorti Reġjonali, Ravensburg) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi li ġejjin għal deċiżjoni preliminari, li t-test tal-ewwel, tat-tielet, u tar-raba’ sas-sitt domanda huwa kważi identiku għal dawk magħmula fil-Kawża C‑47/21:

“1)

[…]

2)

Dwar l-indikazzjonijiet obbligatorji konformement mal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48:

a)

L-Artikolu 10(2)(p) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ammont ta’ interessi dovut kuljum, li għandu jiġi indikat fil-ftehim ta’ kreditu, għandu jirriżulta mill-kalkolu tar-rata ta’ interess kuntrattwali indikata fil-ftehim?

b)

[…]

Fil-każ li minn tal-inqas waħda mir-risposti li tingħata għall-punt (a) jew (b) tat-tieni domanda tkun fl-affermattiv:

c)

Il-punt (b) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-terminu għall-irtirar jibda jiddekorri biss meta l-informazzjoni meħtieġa taħt l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48 ġiet ipprovduta b’mod komplet u korrett?

Fin-negattiv:

d)

Liema huma l-kriterji rilevanti sabiex it-terminu għall-irtirar jibda jiddekorri minkejja l-fatt li l-indikazzjonijiet ma humiex kompleti u korretti?

Fil-każ li r-risposta li tingħata għall-punt (a) tal-ewwel domanda u/jew għall-punt (a) jew (b) tat-tieni domanda tkun fl-affermattiv:

3)

Dwar id-dekadenza tad-dritt tal-irtirar previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48:

a)

[…]

b)

[…]

c)

[…] Dan japplika wkoll għal ftehimiet li ntemmu?

d)

[…] Dan japplika wkoll għal ftehimiet li ntemmu?

e)

[…]

f)

[…]

4)

Rigward il-preżunzjoni tan-natura abbużiva ta’ eżerċizzju tad-dritt għall-irtirar tal-konsumatur previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48:

a)

[…]

b)

[…]

c)

[…] Dan japplika wkoll għal ftehimiet li ntemmu?

d)

[…] Dan japplika wkoll għal ftehimiet li ntemmu?

e)

[…]

f)

[…]

5)

[…]

6)

[…]”

IV. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

81.

Permezz tad-deċiżjoni tiegħu tat‑22 ta’ April 2021, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja għaqqad il-Kawżi C‑38/21 u C‑47/21 għall-iskopijiet tal-proċedura bil-miktub u orali u tas-sentenza.

82.

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑3 ta’ Awwissu 2021, il-qorti tar-rinviju rtirat id-domanda 2(a) fil-Kawża C‑47/21, peress li t-tilwima f’waħda miż-żewġ kawżi prinċipali ġiet solvuta b’mod amikevoli.

83.

Fil-Kawża C‑38/21, b’digriet tar-rinviju tal‑24 ta’ Awwissu 2021, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li żżid addendum mat-talba inizjali tagħha u li tagħmel domandi addizzjonali għal deċiżjoni preliminari.

84.

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑31 ta’ Mejju 2022, il-Qorti tal-Ġustizzja għaqqdet il-Kawżi C‑232/21 u l-Kawżi magħquda C‑38/21 u C‑47/21 għall-iskopijiet tal-proċedura orali u għas-sentenza.

85.

BMW Bank, C. Bank, Volkswagen Bank u Audi Bank, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. L-istess partijiet u CR wieġbu bil-miktub għal mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fil‑31 ta’ Mejju 2022.

86.

Fis-seduta tas‑7 ta’ Settembru 2022, CR, BMW Bank, C. Bank, Volkswagen Bank u Audi Bank, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni ttrattaw oralment u wieġbu għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja.

V. Analiżi

87.

Il-Qorti tal-Ġustizzja talbet li dawn il-konklużjonijiet jeżaminaw id-domandi li ġejjin:

l-ewwel domanda fil-Kawżi C‑38/21, C‑47/21 u C‑232/21;

it-tieni domanda fil-Kawżi C‑38/21, C‑47/21 u C‑232/21, inkwantu tikkonċerna l-mument li fiha jiskatta l-perijodu ta’ rtirar f’każ ta’ konsumatur li jkun ġie pprovdut b’informazzjoni mhux kompluta jew materjalment skorretta;

ir-raba’ domanda fil-Kawżi C‑38/21, C‑47/21 u C‑232/21, inkwantu tikkontempla, b’riferiment għall-aġir tal-konsumatur wara l-irtirar tiegħu jew tagħha mill-ftehim, l-invokar tal-kummentarji dwar l-abbuż ta’ dritt sabiex jiġi limitat l-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar; u r-rilevanza, f’dan il-kuntest, tal-fatt li l-partijiet kienu eżegwew il-ftehim b’mod sħiħ;

il-ħames domanda fil-Kawżi C‑47/21 u C‑232/21;

il-ħames, is-sitt u s-seba’ domanda fil-Kawża C‑38/21.

88.

Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, ser nipproponi wkoll risposta għat-tmien domanda fil-Kawża C‑38/21.

89.

L-analiżi tiegħi ta’ dawn id-domandi hija maqsuma f’żewġ partijiet. L-ewwel ser nikkunsidra t-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑38/21, billi nibda mid-domanda 5, li tikkonċerna n-natura tal-ftehim ta’ leasing ibbażat fuq il-mili. Ir-risposta għal din id-domanda tiddetermina liema mid-domandi l-oħrajn jeħtieġu risposta. Imbagħad ser nittratta d-domandi mill-qorti tar-rinviju fil-Kawżi C‑47/21 u C‑232/21.

A.   Kawża C‑38/21

1. Il‑ħames domanda fil‑Kawża C‑38/21

90.

Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ftehim ta’ leasing ibbażat fuq il-mili, bħalma huwa dak ineżami fil-kawża quddiemha, jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/65, tad-Direttiva 2008/48 jew tad-Direttiva 2011/83.

91.

Skont id-deskrizzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, BMW Bank u l-Gvern Ġermaniż, l-iskop ta’ tali ftehim huwa biex, inkambju għall-ħlas ta’ kull xahar, il-vettura bil-mutur tkun disponibbli għall-kerrej għal perijodu ta’ sentejn sa tliet snin b’limitu fuq in-numru ta’ kilometri li hija tista’ tinstaq. Fi tmiem dan il-perijodu, jekk in-numru ta’ kilometri misjuqa jeċċedi dak miftiehem, il-kerrej iħallas kumpens lil min jikri. Bil-kontra, jekk in-numru ta’ kilometri misjuqa huwa inqas minn dak miftiehem, il-kerrej jikseb rimbors minn min jikri. Il-kerrej iġorr ir-riskji ta’ telf, ħsara u danni oħra fil-vettura matul il-perijodu tal-ftehim u għaldaqstant għandu joħroġ polza ta’ assigurazzjoni komprensiva. B’żieda ma’ dan, huwa l-obbligu tal-kerrej li jasserixxi d-drittijiet relatati mad-difetti kontra terzi persuni, b’mod partikolari l-bejjiegħ tal-karozzi u l-produttur. Il-ftehim ta’ leasing ibbażat fuq il-mili, jew kwalunkwe ftehim separat ieħor, ma jimponu ebda obbligu fuq il-kerrej biex jixtri l-vettura. Finalment, il-kerrej ma jassumi ebda garanzija ta’ valur residwali mal-iskadenza tal-ftehim; huwa jew hija huma meħtieġa jikkumpensaw għat-telf fil-valur biss jekk, mar-ritorn tal-vettura jinstab li l-kundizzjoni tagħha ma tikkorrispondix mal-età tagħha jew jekk inqabeż in-numru massimu ta’ kilometri fil-ftehim.

92.

Nipproponi li nittratta l-ħames domanda fil-Kawża C‑38/21 fi tliet partijiet. L-ewwel, huwa ċar, fil-fehma tiegħi, li ftehim ta’ leasing ta’ vettura bil-mutur ibbażat fuq il-mili, kif deskritt iktar ’il fuq, ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/48 ( 26 ). L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/48 ikopri “ftehim ta’ kreditu” kif iddefinit fl-Artikolu 3(ċ) tagħha. Mill-Artikolu 2(2)(d) jirriżulta ċar li d-Direttiva 2008/48 tapplika għal ftehimiet ta’ leasing biss meta dawn jipprovdu, fil-ftehim innifsu jew ftehim separat, obbligu biex il-kerrej jixtri l-oġġett tal-ftehim ( 27 ). Għaldaqstant, huwa biss f’dawn iċ-ċirkustanzi ddefiniti b’mod ċar li l-ftehimiet ta’ leasing jistgħu jitqiesu bħala ftehimiet ta’ kreditu għall-iskopijiet tad-Direttiva 2008/48. Mid-digriet tar-rinviju fil-Kawża C‑38/21 jirriżulta ċar li la l-ftehim ta’ leasing ibbażat fuq il-mili u lanqas kwalunkwe ftehim separat ma fih obbligu biex tinxtara l-vettura bil-mutur inkwistjoni.

93.

Jiena ma naqbilx mal-argument tal-qorti tar-rinviju li huwa possibbli li wieħed japplika d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/48 b’analoġija peress li l-ftehimiet ta’ leasing ibbażati fuq il-mili huma intiżi ġeneralment biex iwasslu għall-amortizzament totali tal-użu tal-vettura fuq il-perijodu tal-kirja. Jiena nasal għal din il-konklużjoni għas-sempliċi raġuni li d-Direttiva 2008/48 teskludi bla tlaqliq mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha ftehimiet ta’ leasing li ma fihomx l-obbligu tax-xiri ( 28 ). Fi kwalunkwe każ, kif josservaw ġustament BMW Bank u l-Gvern Ġermaniż, f’dan il-każ, ma hemmx lakuna legali li tista’ tiġġustifika li wieħed japplika regoli differenti b’analoġija.

94.

It-tieni, għal dak li jirrigwarda d-Direttiva 2002/65, l-Artikolu 1(1) tagħha tiddeskrivi l-għan tagħha bħala li hija intiża li jiġu approssimati l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li jikkonċernaw it-tqegħid fis-suq ta’ servizzi finanzjarji tal-konsumatur mill-bogħod ( 29 ). L-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2002/65 jiddefinixxi “servizz finanzjarju” bħala “kull servizz ta’ natura bankarja, ta’ kreditu, ta’ assigurazzjoni, ta’ pensjoni personali, ta’ investiment jew ta’ ħlas” ( 30 ).

95.

Jiena naqbel mal-fehma tal-Gvern Ġermaniż li ftehim ta’ leasing ibbażat fuq il-mili, bħalma huwa dak inkwistjoni, ma huwiex kuntratt għal “servizz ta’ natura bankarja” fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2002/65. It-tip ta’ ftehim inkwistjoni huwa, kważi esklużivament, offrut mill-banek proprjetà tal-produtturi tal-vetturi bil-mutur, bħal f’dan il-każ, jew minn impriżi li jispeċjalizzaw f’leasing ta’ vetturi bil-mutur, bħalma huma l-kumpanniji għall-kiri tal-karozzi. Filwaqt li huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tivverifikah, il-ftehimiet ta’ leasing ibbażati fuq il-mili ma humiex in-negozju tas-soltu ta’ dak li jistgħu jiġu deskritti bħala l-banek “high street”. Il-fatt li bank huwa kontraent fi ftehim ta’ leasing ta’ vettura bil-mutur ibbażat fuq il-mili ma huwiex biżżejjed minnu nnifsu biex dan jitqies “servizz ta’ natura bankarja”. Kif ser jiġi spjegat hawn taħt, biex dan ikun il-każ ikun meħtieġ li l-ftehim inkwistjoni jissodisfa funzjoni ta’ finanzjament.

96.

Id-domanda pjuttost hija dwar jekk tali ftehim ta’ leasing jistax jikkostitwixxi kuntratt għal “servizz ta’ natura […] ta’ kreditu” fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2002/65. Peress li din id-direttiva ma tiddefinixxix il-kunċett ta’ “kreditu”, wieħed jista’ jimmaġina li jsir riferiment għad-definizzjoni ta’ “ftehim ta’ kreditu” fl-Artikolu 3(ċ) tad-Direttiva 2008/48 sabiex jinterpretah. B’dan l-approċċ, il-ftehimiet ta’ leasing li ma jipprovdux obbligu ta’ xiri ma jirrigwardawx “servizz ta’ natura ta’ kreditu” peress li, kif jispjega l-punt 91 ta’ dawn il-konklużjonijiet, dawn ma humiex ftehimiet ta’ kreditu għall-iskopijiet tad-Direttiva 2008/48. Din is-soluzzjoni jidhirli li hija xi ftit artifiċjali peress li wieħed ma jistax jeksludi li, meta ġiet ippubblikata d-Direttiva 2002/65, il-leġiżlatur adotta interpretazzjoni tal-kunċett ta’ kreditu iktar wiesgħa minn dak li huwa adotta wara fid-Direttiva 2008/48.

97.

Jiena naqbel mal-fehma espressa mill-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet fil-Kawża C‑38/21 li r-risposta għal din id-domanda tiddependi fuq li jiġi identifikat l-iskop prinċipali tal-ftehim ta’ leasing ibbażat fuq il-mili għal vettura bil-mutur li ma jinkludix obbligu ta’ xiri ta’ dik il-vettura bil-mutur. Fil-fehma tiegħi, huwa biss jekk dan il-ftehim iservi prinċipalment funzjoni ta’ finanzjament li huwa jista’ jitqies li jirrigwarda servizz finanzjarju u, għaldaqstant, jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/65.

98.

Jiena naqbel mal-analiżi ta’ BMW Bank u tal-Gvern Ġermaniż li l-iskop prinċipali ta’ tali ftehim huwa li jippermetti lill-konsumatur juża l-vettura tal-għażla tiegħu jew tagħha matul perijodu speċifiku ta’ żmien kontra l-ħlas ta’ miżata ta’ kull xahar.

99.

Huwa minnu li, kif issostni l-Kummissjoni, taħt ftehim ta’ leasing konsumatur jirċievi assistenza finanzjarja biex tiffaċilita l-użu ta’ oġġetti jew proprjetà. Ftehim ta’ leasing jissostitwixxi l-finanzjament ta’ dak il-ftehim li kieku l-konsumatur kien ikollu jipprovdi. Kif issostni l-Kummissjoni xi ftit b’mod ambigwu, tali ftehim jikkostitwixxi mod li bih “jiġi ffinanzjat l-użu ta’ vettura”.

100.

Fil-fehma tiegħi, ftehim ta’ leasing ibbażat fuq il-mili bħalma huwa dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jservix, strettament, funzjoni ta’ finanzjament għall-konsumatur, fis-sens li jippermettilu jew jippermettilha tixtri vettura b’posponiment ta’ ħlas. Il-persuna li tagħti b’kiri ma tipprovdix lill-konsumatur b’kapital għal dak il-għan. Hija tixtri l-vettura u tkun proprjetà tagħha matul u wara l-iskadenza tal-ftehim ta’ leasing ibbażat fuq il-mili, minkejja li l-konsumatur ikun għażel il-vettura. Il-konsumatur ma huwiex responsabbli għall-amortizzament sħiħ tal-ispejjeż li inkorriet il-persuna li tat b’kiri biex tixtri l-vettura u l-ħlas magħmula taħt dak l-arranġament mhux neċessarjament jikkumpensaw għal dawk l-ispejjeż. Il-persuna li tagħti b’kiri ġġorr ukoll ir-riskji assoċjati mal-valur residwali tal-vettura mal-iskadenza tal-ftehim. Kif josserva ġustament il-Gvern Ġermaniż, il-kumpens fil-ftehim ta’ leasing fir-rigward tal-użu iktar jew inqas tal-vettura ma jiggarantixxix lill-persuna li tat b’kiri l-benefiċċju ta’ valur residwali speċifiku jew amortizzament totali tal-użu magħmul minn dik il-vettura.

101.

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li taħt tali ftehim il-konsumatur jassumi d-drittijiet u obbligi li normalment ikollu sid karozza, inkluża r-responsabbiltà għall-primjums tal-assigurazzjoni, l-ispejjeż għall-manutenzjoni u taxxi u r-riskju ta’ ħsara jew telf. Il-konsumatur ikollu jasserixxi kwalunkwe drittijiet marbutin mad-difetti kontra terzi persuni. Dawn id-drittijiet u obbligi madankollu jissussistu matul il-perijodu tal-użu tal-vettura kif stipulat fil-ftehim ta’ leasing u huma limitati għar-riskji li joħorġu minn dan l-użu, li finalment hija kwistjoni għall-konsumatur.

102.

Għaldaqstant jiena tal-fehma li ftehim ta’ leasing ta’ vettura bil-mutur ibbażat fuq il-mili li ma jipprovdix l-obbligu ta’ xiri ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/65 ( 31 ).

103.

It-tielet, nikkunsidra li tali ftehim għandu min-natura ta’ kuntratt għal servizz fis-sens tad-Direttiva 2011/83, li tapplika għal “għal kwalunkwe kuntratt konkluż bejn kummerċjant u konsumatur” ( 32 ). Id-Direttiva 2011/83 tiddefinixxi “kuntratt ta’ servizz” bħala kwalunkwe kuntratt li ma huwiex kuntratt ta’ bejgħ, fis-sens tal-punt 5 tal-Artikolu 2 tagħha ( 33 ), li abbażi tiegħu l-kummerċjant jipprovdi jew jimpenja ruħu li jipprovdi servizz lill-konsumatur u l-konsumatur iħallas jew jimpenja ruħu li jħallas il-prezz ta’ dan ( 34 ). Dan it-tip ta’ kuntratt jinkludi manifestament il-ftehimiet, bħalma huwa dan inkwistjoni fil-Kawża C‑38/21, li permezz tiegħu kummerċjant, bi ħlas, jittrasferixxi lill-konsumatur id-dritt ta’ użu ta’ vettura bil-mutur għal perijodu speċifiku ta’ żmien ( 35 ).

104.

Għall-iskopijiet ta’ kompletezza, inżid li l-analiżi tiegħi twassalni biex nikkonkludi li l-ftehim ta’ leasing ibbażat fuq il-mili inkwistjoni ma għandux, simultanjament, l-għan li jiffinanzja u li jittrasferixxi d-dritt ta’ użu tal-vettura. Isegwi li jiena ma naqbilx mal-approċċ tal-Kummissjoni li tgħid li d-Direttiva 2002/65 u d-Direttiva 2011/83 japplikaw b’mod parallel. Dan l-approċċ huwa inkonsistenti ma’ żewġ fatti. Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ kull direttiva huwa ddefinit b’mod preċiż. Hemm ftehim wieħed u indiviżibbli li abbażi tiegħu l-konsumatur juża vettura inkambju għal ħlas ta’ miżata. Għaldaqstant, l-applikazzjoni simultanja ta’ numru ta’ direttivi għal dan il-ftehim tippreġudika ċ-ċertezza legali u l-għan li tiġi pprovduta protezzjoni lill-konsumatur ta’ livell għoli.

105.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għall-ħames domanda fil-Kawża C‑38/21 b’tali mod li l-ftehimiet ta’ leasing ta’ vetturi bil-mutur ibbażati fuq il-mili b’terminu ta’ madwar sentejn sa tliet snin li jiġu konklużi fil-forma standard li teskludi d-dritt ta’ terminazzjoni ordinarja, li ma jipprovdux, minnhom infushom jew fi ftehim separat, l-obbligu għall-konsumatur biex jixtri l-oġġett tal-ftehim, fejn tali obbligu jitqies li jkun jeżisti jekk il-persuna li tagħti b’kiri tiddeċiedi dan unilateralment, u li skontu l-konsumatur ikollu jagħmel assigurazzjoni komprensiva għall-vettura, ikollu jasserixxi d-drittijiet marbutin mad-difetti kontra terzi persuni (u b’mod partikolari l-bejjiegħ tal-karozzi u l-produttur) u jġorr ir-riskju ta’ telf, ħsara u danni oħra, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2011/83. Dawn la huma ftehimiet ta’ kreditu fis-sens tal-Artikolu 3(ċ) tad-Direttiva 2008/48, u lanqas kuntratti li jirrigwardaw servizzi finanzjarji fis-sens tal-punt 12 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83 u tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2002/65.

2. Is‑sitt domanda fil-Kawża C‑38/21

106.

Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk, fiċ-ċirkustanzi li fihom ġie konkluż il-ftehim ta’ leasing ibbażat fuq il-mili inkwistjoni, deskritt fil-punt 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet, dan il-ftehim għandux jitqies bħala “kuntratt konkluż lil hinn mill-post tan-negozju” għall-iskopijiet tal-punt 8 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83. B’mod iktar speċifiku, hija tixtieq tkun taf jekk il-post tan-negozju tal-bejjiegħ tal-karozzi fejn il-konsumatur jippreżenta applikazzjoni biex jieħu vettura b’leasing għandux jitqies bħala “post tan-negozju” għall-iskopijiet tal-punt 9 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, fejn il-bejjiegħ tal-karozzi huwa involut sempliċiment fit-tħejjija tal-kuntratt, mingħajr ma għandu s-setgħa jikkonkludieh.

107.

Il-punt 8(a) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83 jiddefinixxi “kuntratt lil hinn mill-post tan-negozju” bħala kwalunkwe kuntratt bejn il-kummerċjant u il-konsumatur “konkluż fil-preżenza simultanja u fiżika tal-kummerċjant u l-konsumatur, f’post li mhuwiex dak tan-negozju tal-kummerċjant”. Skont il-punt 9(a) tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, “post tan-negozju” huwa “kwalunkwe post fen isir bejħ bl-imnut immobbli fejn il-kummerċjant jiżvolġi l-attività tiegħu fuq bażi permanenti”.

108.

Mill-premessa 22 tad-Direttiva 2011/83 jirriżulta ċar li l-kunċett ta’ “post tan-negozju” għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’ u li l-post tan-negozju ta’ persuna li taġixxi f’isem jew fl-interess tal-kummerċjant kif iddefinit f’din id-Direttiva għandu jitqies bħala tali. Il-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83 jiddefinixxi “kummerċjant” bħala kwalunkwe persuna fiżika jew kwalunkwe persuna ġuridika, li taġixxi, “anki permezz ta’ persuna li tkun qed taġixxi f’isimha jew għall-interessi tagħha, għall-iskopijiet relatati mal-kummerċ, in-negozju, is-sengħa jew il-professjoni tagħha” fil-kuntratti koperti minn din id-direttiva.

109.

Minn dan jista’ jiġi dedott li l-kriterju deċiżiv dwar jekk il-post tan-negozju ta’ persuna li taġixxi bħala intermedjarja, f’dan il-każ il-bejjiegħ tal-karozzi, jistax jiġi kklassifikat bħala l-“post tan-negozju” ta’ kummerċjant, huwa jekk il-persuna taġixxix f’isem jew għall-interess ta’ dan il-kummerċjant.

110.

Skont il-premessa 16 tagħha, id-Direttiva 2011/83 ma tipprovax taffettwa l-liġijiet nazzjonali dwar ir-rappreżentanza legali bħalma huma r-regoli li jiddeterminaw il-persuna li taġixxi f’isem il-kummerċjant jew għall-interess tiegħu. Isegwi li, sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tevalwa, fid-dawl tad-dritt nazzjonali, ir-relazzjoni legali bejn il-bejjiegħ tal-karozzi u l-bank fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, u biex tistabbilixxi jekk minn din ir-relazzjoni jistax jiġi dedott li l-ewwel wieħed aġixxa f’isem jew għall-interess tat-tieni wieħed.

111.

Minkejja li din hija kwistjoni tad-dritt nazzjonali, id-Direttiva 2011/83 tagħti xi indikazzjonijiet dwar kif għandha tiġi solvuta din il-kwistjoni. F’dan ir-rigward, filwaqt li l-punt 8(a) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83 jirreferi għal kuntratt li jiġi “konkluż”, jidhirli li sabiex il-post tan-negozju tal-intermedjarju jitqies bħala “post tan-negozju” tal-kummerċjant, ma huwiex meħtieġ li l-intermedjarju jingħata struzzjonijiet speċifikament għall-iskopijiet tal-konklużjoni tal-kuntratt mal-konsumatur.

112.

Min dan isegwi li l-involviment tal-intermedjarju fl-istadju tan-negozjati huwa suffiċjenti biex il-post jitqies bħala posta tan-negozju tal-kummerċjant, sakemm dan l-involviment huwa suffiċjentement sostanzjali u jinkludi l-obbligu tal-intermedjarju li jipprovdi lill-konsumatur bl-informazzjoni li għaliha jirreferi l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2011/83.

113.

Finalment, jidher li l-premessa 21 tad-Direttiva 2011/83 tistabbilixxi l-għan tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-“kuntratti lil hinn mill-post tan-negozju”, li huwa li, meta l-konsumatur ikun jew tkun lil hinn mill-post tan-negozju tal-kummerċjant, huwa jista’ jkun taħt pressjoni psikoloġika potenzjali jew jista’ jiġi kkonfrontat b’element ta’ sorpriża, indipendentement minn jekk huwa talabx jew le ż-żjara tal-kummerċjant ( 36 ). Huwa ċar li dawn id-dispożizzjonijiet ma humiex intiżi li jipproteġu lill-konsumaturi li minn jeddhom iżuru l-binja fejn dawn jistgħu jistennew li jiġu avviċinati mill-kummerċjant bil-għan li jidħlu f’xi ftehimiet. Minn dan isegwi li jiena minix konvint li konsumatur li jkun jixtieq jakkwista vettura jkun sorpriż meta, malli jżur il-binja tal-bejjiegħ tal-karozzi marbut ma’ bank li joffri ftehimiet ta’ leasing, huwa jew hija jiġu kkonfrontati b’offerti biex jidħlu fi ftehim ta’ dak it-tip.

114.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għas-sitt domanda fil-Kawża C‑38/21 b’tali mod li l-punt 9 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83 għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li l-post tan-negozju ta’ persuna li taġixxi f’isem jew għall-interess tal-kummerċjant kif iddefinit fil-punt 2 tal-Artikolu 2 tagħha għandu jitqies bħala “post tan-negozju” ta’ dak il-kummerċjant. Huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tevalwa jekk fiċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ quddiemha u skont id-dritt nazzjonali, l-intermedjarju aġixxiex f’isem jew għall-interess tal-kummerċjant għall-iskopijiet tan-negozjar u konklużjoni tal-ftehim ta’ leasing ibbażat fuq il-mili.

3. Is‑seba’ domanda fil‑Kawża C‑38/21

115.

Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ rtirar fil-punt l tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2011/83 tapplikax għal ftehim ta’ leasing ibbażat fuq il-mili bħalma huwa dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

116.

L-Artikoli 9 sa 15 tad-Direttiva 2011/83 jagħtu lill-konsumatur id-dritt ta’ rtirar wara l-konklużjoni ta’ kuntratt mill-bogħod jew kuntratt lil hinn mill-post tan-negozju kif iddefinit fil-punt 7 u fil-punt 8 tal-Artikolu 2 tagħha rispettivament u jiddeskrivu l-kundizzjonijiet u l-arranġamenti għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt. L-Artikolu 16 tad-Direttiva 2011/83 fih eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ rtirar, partikolarment minn kuntratti għal servizzi ta’ kiri tal-karozzi li fihom data jew perijodu ta’ eżekuzzjoni speċifiċi. Din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b’mod strett peress li tidderoga mir-regoli tal-UE għall-protezzjoni tal-konsumatur ( 37 ).

117.

Għal dak li jirrigwarda, l-ewwel, il-kwistjoni dwar jekk il-ftehimiet ta’ leasing ibbażati fuq il-mili humiex kuntratti għal provvista ta’ servizzi ta’ kiri tal-karozzi, skont il-ġurisprudenza l-kunċett ta’ “servizzi ta’ kiri tal-karozzi” jirreferi għas-servizz li “jqiegħed mezz ta’ trasport għad-dispożizzjoni tal-konsumatur” ( 38 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li kuntratt ta’ kiri ta’ vettura huwa intiż sabiex jippermetti t-trasport ta’ passiġġieri ( 39 ). Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jista’ jidher prima facie li ftehim ta’ leasing ibbażat fuq il-mili, li l-għan tiegħu huwa li jqiegħed l-użu ta’ vettura bil-mutur għad-dispożizzjoni ta’ konsumatur, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “provvista ta’ servizzi ta’ kiri ta’ karozzi”,

118.

Madankollu, mill-premessa 49 tad-Direttiva 2011/83 jirriżulta li l-Artikolu 16(l) tagħha għandu l-għan li jipproteġi lill-kummerċjanti kontra r-riskji marbutin mar-riżervazzjoni ta’ ċerti kapaċitajiet li dawn jistgħu jkollhom diffikultajiet sabiex jissodisfaw kieku jkun disponibbli d-dritt ta’ rtirar ( 40 ). Similarment, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi li l-Artikolu 16(1) jipprova, b’mod partikolari, jipproteġi ċerti fornituri ta’ servizzi mill-konsegwenzi sproporzjonati marbuta mal-faċilitazzjoni ta’ kanċellazzjonijiet f’qasir żmien bla ħlas u bla spjegazzjoni mill-konsumatur ( 41 ). B’kuntrast mal-Kummissjoni, jiena minix konvint li jeżisti dan ir-riskju jew konsegwenzi sproporzjonati fil-kuntest ta’ ftehim ta’ leasing għal vettura bil-mutur. Il-persuna li tagħti b’kiri, li tibqa’ sid il-karozza, għandha l-għażla li tużaha mod ieħor, bħal pereżempju tikriha jew terġa’ tbigħha, f’każ li jiġi eżerċitat id-dritt ta’ rtirar. Konsegwentement, jiena tal-fehma li l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ rtirar fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2011/83 ma tapplikax f’każ bħalma hu dak pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju. F’dan il-kuntest, nosserva wkoll li mill-fatt li l-eċċezzjoni tapplika meta l-kuntratt jipprovdi għal “data jew perijodu ta’ eżekuzzjoni speċifiku” isegwi li l-intenzjoni tal-leġiżlatur kienet li jinkludi biss il-kiri ta’ karozzi għal żmien qasir.

119.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għas-seba’ domanda fil-Kawża C‑38/21 b’tali mod li l-Artikolu 16(l) tad-Direttiva 2011/83 għandu jiġi interpretat li jfisser li l-eċċezzjoni pprovduta fih ma tapplikax għall-ftehimiet ta’ leasing ibbażati fuq il-mili għall-vetturi bil-mutur.

4. It‑tmien domanda fil‑Kawża C‑38/21

120.

Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk ftehim ta’ leasing ibbażat fuq il-mili bħalma huwa dak inkwistjoni jistax jiġi kklassifikat bħala “kuntratt mill-bogħod” fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2002/65 u tal-punt 7 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83 fejn il-konsumatur għandu kuntratt personali biss ma’ intermedjarju, li jħejji l-ftehim u jkun kapaċi jinformah jew jinformaha bis-servizz offrut, iżda li ma għandux is-setgħa li jirrappreżenta lill-kummerċjant sabiex jikkonkludi l-ftehim.

121.

Il-punt 7 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83 jiddefinixxi l-“kuntratt mill-bogħod” bħala kwalunkwe kuntratt konkluż bejn il-kummerċjant u il-konsumatur fil-qafas ta’ skema ta’ bejgħ mill-bogħod organizzat jew skema ta’ forniment ta’ servizzi, mingħajr il-preżenza simultanja u fiżika tal-kummerċjant u l-konsumatur, bl-użu esklużiv ta’ mezz wieħed jew iktar tal-komunikazzjoni mill-bogħod, sal-konklużjoni tal-kuntratt. L-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2002/65 jagħti definizzjoni simili ħafna ( 42 ).

122.

Fil-fehma tiegħi, kuntratt ma jiġix konkluż bl-użu “esklużiv” ta’ mezz wieħed jew iktar ta’ komunikazzjoni mill-bogħod, “sal-”konklużjoni tal-kuntratt meta jkun involut intermedjarju, f’isem jew għall-interess tal-kummerċjant, fin-negozjati ta’ dak il-kuntratt billi jagħti lill-konsumatur, fil-preżenza ta’ dan tal-aħħar, informazzjoni dettaljata dwar il-kontenut tal-kuntratt u jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħu jew tagħha.

123.

Il-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83 jiddefinixxi bħala kummerċjant kwalunkwe persuna li taġixxi f’ismu jew f’isimha jew għall-interess tiegħu jew tagħha. Ma jidhirlix li jkun deċiżiv li l-persuna ma jkollhiex is-setgħa li taġixxi f’isem jew għall-interess tal-kummerċjant għall-iskopijiet tal-konklużjoni tal-kuntratt, peress li l-involviment f’dik il-kapaċità fl-istadju tan-negozjati hija suffiċjenti. F’dan ir-rigward, mill-premessa 20 tad-Direttiva 2011/83 jidher li, għalkemm id-definizzjoni ta’ kuntratt mill-bogħod ikopri wkoll sitwazzjonijiet fejn konsumatur iżur il-post tan-negozju għall-iskopijiet li jieħu l-informazzjoni dwar l-oġġetti jew is-servizzi u sussegwentement jinnegozja u jikkonkludi l-kuntratt mill-bogħod, kuntratt innegozjat fil-post tan-negozju tal-kummerċjant u konkluż b’mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod ma jitqiesx kuntratt mill-bogħod.

124.

F’dan il-każ, mill-fatti ppreżentati mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-bejjiegħ tal-karozzi, fil-preżenza ta’ VK, ikkalkola d-diversi elementi ta’ ftehim ta’ leasing ibbażat fuq il-mili (il-perijodu tal-kirja, il-ħlas tal-bidu u l-ammont tal-ħlasijiet ta’ kull xahar), iddiskutihom ma’ VK u kien awtorizzat u kapaċi jwieġeb il-mistoqsijiet kollha ta’ VK. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jista’ jitqies li VK ma kienx sempliċiment qiegħed jieħu l-informazzjoni dwar ftehim ta’ leasing ibbażat fuq il-mili, imma pjuttost kien “fiżikament” involut mal-bejjiegħ tal-karozzi fin-negozjati ta’ dan il-ftehim, li għaldaqstant ma għandux jitqies bħala kuntratt mill-bogħod. Huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tistabbilixxi, fid-dawl tad-dritt nazzjonali u ċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ, jekk il-bejjiegħ tal-karozzi kienx awtorizzat jaġixxi f’isem jew għall-interess tal-bank, tal-inqas għall-iskopijiet li jinnegozja l-ftehim ta’ leasing ibbażat fuq il-mili inkwistjoni, u jekk il-livell ta’ involviment tal-bejjiegħ tal-karozzi jistax jammonta għal negozjati.

125.

Għall-iskopijiet ta’ kompletezza, nosserva li l-qorti tar-rinviju ma tindikax jekk il-ftehim kien konkluż fil-kuntest ta’ “skema ta’ bejgħ mill-bogħod organizzat jew skema ta’ forniment ta’ servizzi” ( 43 ). Għal darba oħra huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tistabbilixxi l-preżenza ta’ dan il-fattur.

126.

Għaldaqstant, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi t-tmien domanda fil-Kawża C‑38/21 b’tali mod li l-punt 7 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83 għandu jiġi interpretat li jfisser li kuntratt ma jistax jiġi kklassifikat bħala kuntratt mill-bogħod meta persuna, li taġixxi f’isem jew għall-interess tal-kummerċjant, tkun involuta fin-negozjati ta’ dan il-kuntratt fil-preżenza fiżika tal-konsumatur. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk, fiċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ u skont id-dritt nazzjonali, l-intermedjarju aġixxiex f’isem jew għall-interess tal-kummerċjant għall-iskopijiet li jinnegozja l-ftehim ta’ leasing ibbażat fuq il-mili.

5. Konklużjoni intermedjarja

127.

Jekk, fid-dawl tar-risposti li tirċievi mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju kellha tikkonstata li l-ftehim ta’ leasing ibbażat fuq il-mili inkwistjoni jikkostitwixxi kuntratt lil hinn mill-post tan-negozju jew kuntratt mill-bogħod u li l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ rtirar ipprovduta fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2011/83 ma tapplikax għal dan il-ftehim, hija għandha tikkonkludi, bħala prinċipju, li VK gawda dak id-dritt fuq il-bażi tal-Artikolu 9(1) tagħha ( 44 ).

128.

F’dawn iċ-ċirkustanzi xorta jibqa’ meħtieġ li l-qorti tar-rinviju taċċerta jekk VK eżerċitax dan id-dritt fil-perijodu stabbilit fl-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2011/83, possibbilment moqri flimkien mal-Artikolu 10 tagħha. Peress li ma jistax jiġi eskluż li VK gawda minn dan id-dritt ta’ rtirar, it-tielet u r-raba’ domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑38/21 huma rilevanti sabiex tiġi solvuta l-kwistjoni fil-kawża prinċipali ( 45 ). Għal dak li jirrigwarda r-risposta għar-raba’ domanda fil-Kawża C‑38/21, li l-Qorti tal-Ġustizzja talbitni nikkunsidra, jiena nagħmel riferiment għad-domanda korrispondenti fil-Kawżi C‑47/21 u C‑232/21, stabbiliti fil-punti 149 sa 158 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

B.   Kawżi C‑47/21 u C‑232/21

1. L‑ewwel domanda fil‑Kawżi C‑47/21 u C‑232/21

129.

L-ewwel domanda fil-Kawżi C‑47/21 u C‑232/21 tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2008/48 tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi preżunzjoni legali li l-kummerċjant jissodisfa l-obbligu tiegħu li jinforma lill-konsumatur dwar id-dritt ta’ rtirar billi jinkludi, fil-ftehim, klawżola li tikkorrispondi mal-mudell statutorju li ma huwiex konformi mar-rekwiżiti ta’ din id-direttiva. F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju għandha ma tapplikax din il-leġiżlazzjoni nazzjonali?

130.

Għal dak li jirrigwarda l-ewwel parti ta’ din id-domanda, il-ftehimiet tas-self inkwistjoni fil-Kawżi C‑47/21 u C‑232/21 kull wieħed minnhom fihom klawżola fis-sens li l-perijodu ta’ rtirar jibda jiddekorri wara l-konklużjoni tal-ftehim imma mhux qabel ma l-persuna li tissellef irċieva l-informazzjoni obbligatorja kollha li għaliha jirreferi l-Artikolu 492(2) tal-BGB. Din id-dispożizzjoni stess tirreferi għall-Artikolu 247(6) sa (13) tal-EGBGB, li min-naħa tiegħu jirreferi għal dispożizzjonijiet oħra tal-BGB. Klawżola ta’ dan it-tip hija, għal raġunijiet prattiċi, identika għal dik li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tmur kontra l-Artikolu 10(2)(p) tad-Direttiva 2008/48 fis-sentenza tagħha Kreissparkasse Saarlouis ( 46 ).

131.

Il-klawżola fl-imsemmija ftehimiet tas-self tikkorrispondi wkoll għall-mudell stabbilit fil-verżjoni applikabbli dakinhar tal-Anness 7 tal-EGBGB ( 47 ). It-tielet sentenza tal-Artikolu 247(6) u t-tielet sentenza tal-Artikolu 247(12)(2) tal-EGBGB jistabbilixxu preżunzjoni ta’ legalità li skontha, meta l-ftehim ikun fih klawżola li tikkorrispondi għal dan il-mudell, huwa jkun jissodisfa r-rekwiżiti statutorji għall-provvista ta’ informazzjoni fuq id-dritt ta’ rtirar.

132.

Għal dak li jirrigwarda l-informazzjoni li għaliha jirreferi l-Artikolu 10(2)(p) tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-imsemmi Artikolu 10(2)(p) jipprekludi ftehim ta’ kreditu li jagħmel riferiment għal dispożizzjoni nazzjonali li tirreferi hija stess għal dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali oħra. Minn dan isegwi li leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi preżunzjoni ta’ legalità, kif deskritta fil-punt 131 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ukoll ma hijiex kompatibbli ma’ din id-direttiva. Jidher li ħafna mill-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja huma ta’ din il-fehma. Il-Gvern Ġermaniż innota wkoll, kemm fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu kif ukoll waqt is-seduta, li l-mudell statutorju stabbilit fl-Anness 7 tal-EGBGB ġie emendat b’effett mill‑15 ta’ Ġunju 2021 sabiex ikun konformi mal-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja adottat fis-sentenza Kreissparkasse Saarlouis ( 48 ).

133.

It-tieni parti ta’ din id-domanda tikkonċerna l-konsegwenzi legali ta’ meta jiġi kkonstatat li l-preżunzjoni ta’ legalità stabbilita fit-tielet sentenza tal-Artikolu 247(6) u fit-tielet sentenza tal-Artikolu 247(12)(2) tal-EGBGB hija inkompatibbli mad-Direttiva 2008/48.

134.

Skont ġurisprudenza stabbilita, l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lil regola tad-dritt tal-Unjoni tiċċara u tispeċifika t-tifsira u l-portata ta’ din ir-regola, hekk kif għandha jew kellha tinftiehem u tiġi applikata mill-mument tad-dħul fis-seħħ tagħha. Il-qrati għandhom japplikaw ir-regola hekk interpretata, anki għal relazzjonijiet legali mnissla wara d-dħul fis-seħħ ta’ din ir-regola u qabel is-sentenza li tiddeċiedi fuq it-talba għal interpretazzjoni, jekk barra minn hekk, il-kundizzjonijiet li jippermettu li titressaq kawża dwar l-applikazzjoni tal-imsemmija regola quddiem il-qrati kompetenti jkunu ssodisfatti fir-rigward tal-aspetti l-oħra ( 49 ). Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li huwa l-obbligu tal-qrati nazzjonali li jinterpretaw, sa fejn ikun possibbli, id-dritt nazzjonali tagħhom b’mod konformi mad‑dritt tal-Unjoni u li jirrikonoxxu lill-individwi l-possibbiltà li jiksbu rimedju meta d-drittijiet tagħhom ikunu miksura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lil Stat Membru ( 50 ). F’dan ir-rigward, qorti nazzjonali ma tistax validament tikkunsidra li hija tinsab fl-impossibbiltà li tinterpreta dispożizzjoni nazzjonali b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni, sempliċement minħabba l-fatt li din id-dispożizzjoni ġiet interpretata f’sens li ma huwiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni ( 51 ).

135.

L-obbligu għall-qorti nazzjonali li tirreferi għall-kontenut ta’ direttiva meta tinterpreta u tapplika r-regoli rilevanti tad-dritt nazzjonali huwa, madankollu, limitat mill-prinċipji ġenerali tad-dritt. Barra minn hekk, dan ma jistax iservi ta’ bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali ( 52 ). F’dawn il-każijiet, il-qorti tar-rinviju tgħid li l-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni b’mod konformi mad-Direttiva 2008/48 ma hijiex possibbli u tkun għaldaqstant contra legem. C. Bank, Volkswagen Bank, Audi Bank u l-Gvern Ġermaniż huma tal-istess fehma.

136.

Meta qorti nazzjonali li tkun mitluba, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni tagħha, li tapplika d-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma tkunx tista’ tinterpreta d-dritt nazzjonali b’mod konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, hija għandha d-dmir, fid-dawl tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, li tiżgura l-effett sħiħ tagħhom billi jekk ikun meħtieġ ma tapplikax, fuq il-bażi tal-awtorità tagħha stess, kwalunkwe dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, anki jekk sussegwenti, li tkun kuntrarja. Ma huwiex neċessarju għal din il-qorti li jkollha għalfejn titlob jew tistenna t-tħassir minn qabel tagħha permezz tal-proċess leġiżlattiv jew ta’ kwalunkwe proċess kostituzzjonali ieħor ( 53 ). Dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma jkollhiex effett dirett, madankollu, ma tistax tiġi invokata, bħala tali, fil-kuntest ta’ tilwima li taqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tkun tmur kontra dan id-dritt ( 54 ).

137.

F’dawn il-każijiet ma huwiex meħtieġ li jiġi stabbilit jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/48 inkwistjoni għandhomx effett dirett. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja tenniet reċentement fis-sentenza tagħha Thelen Technopark Berlin ( 55 ) u kif C. Bank, Volkswagen Bank, Audi Bank, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni osservaw fis-sottomissjonijiet bil-miktub rispettivi tagħhom, jinsab stabbilit fil-ġurisprudenza li direttiva ma tistax minnha nfisha timponi obbligi fuq individwu u ma tistax għaldaqstant tiġi invokata kontra individwu quddiem il-qrati nazzjonali. Peress li t-tilwim fil-kawża prinċipali huwa bejn konsumaturi u banek privati l-qorti tar-rinviju ma tistax tkun meħtieġa ma tapplikax id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni b’riferiment għad-Direttiva 2008/48 biss.

138.

Kif issostni l-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tista’ madankollu tinkorri responsabbiltà mhux kuntrattwali minħabba li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tmur kontra d-Direttiva 2008/48. Kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Thelen Technopark Berlin ( 56 ), il-parti ppreġudikata min-nuqqas ta’ konformità tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni tista’ tuża l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Francovich et ( 57 ) sabiex tikseb kumpens xieraq għad-dannu jew telf li tkun sofriet.

139.

Fid-dawl taċ-ċirkustanzi fuq imsemmija, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi l-ewwel domanda fil-Kawżi C‑47/21 u C‑232/21, b’tali mod li l-Artikolu 10(2)(p) tad-Direttiva 2008/48, moqri flimkien mal-Artikolu 14(1) tagħha, għandu jiġi interpretat bħala li jipprekludi regoli nazzjonali, bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jipprovdu preżunzjoni ta’ legalità li skontha, meta ftehim ta’ kreditu ikun fih klawżola li tikkorrispondi għall-mudell statutorju, dik il-klawżola tkun konformi mar-rekwiżiti statutorji nazzjonali dwar l-informazzjoni fuq id-dritt ta’ rtirar, minkejja li ma tkunx tissodisfa r-rekwiżiti fl-Artikolu 10(2)(p) ta’ din id-direttiva. Il-qorti nazzjonali li tkun qiegħda tisma’ l-kawża bejn individwi privati ma hijiex meħtieġa, abbażi biss tad-dritt tal-Unjoni, li ma tapplikax tali regoli nazzjonali, anki jekk ikunu kontra l-Artikolu 10(2)(p) tad-Direttiva 2008/48, bla ħsara għad-dritt ta’ parti, li tkun ġiet ippreġudikata b’riżultat ta’ nuqqas ta’ osservanza tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni, biex titlob kumpens għat-telf jew danni li jirriżulta minnu.

140.

Fid-dawl tar-risposta proposta li tingħata lil din id-domanda, ma hemmx bżonn, fil-fehma tiegħi, li tiġi deċiża t-talba tal-Gvern Ġermaniż biex jiġu limitati l-effetti tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-data tal-għoti tagħha. Jista’ jiġi osservat li din it-talba saret f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra jew li “l-kunċett ta’ preżunzjoni ta’ legalità bħala tali, jiġifieri, irrispettivament minn jekk din il-preżunzjoni tapplikax f’ċirkustanzi konsistenti mal-Artikoli 10 u 14 tad-Direttiva [2008/48], imur kontra d-dritt tal-Unjoni” jew li l-preżunzjoni ma għandhiex tiġi applikata peress li tmur kontra l-Artikolu 10(2)(p) tad-Direttiva 2008/48 u li din l-aħħar dispożizzjoni tapplika b’mod dirett. L-ebda waħda minn dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet ma huma preżenti hawnhekk.

2. It‑tieni domanda fil‑Kawżi C‑47/21 u C‑232/21

141.

It-tieni domanda, li hija maqsuma f’diversi partijiet, tikkonċerna l-informazzjoni li l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48 għandha tiġi inkluża fi ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, inter alia, jekk il-perijodu ta’ rtirar jibdiex jiddekorri, skont l-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva, biss meta l-informazzjoni pprovduta tkun kompluta u korretta. Jekk dan ma huwiex il-każ, hija tistaqsi dwar il-kriterji li jiddeterminaw minn meta jitqies li beda jiddekorri l-perijodu ta’ rtirar.

142.

L-għan tar-rekwiżit biex tiġi inkluża l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48 fil-ftehim ta’ kreditu b’mod ċar u konċiż huwa biex jippermetti lill-konsumaturi jkunu jafu bid-drittijiet u obbligi tagħhom taħt il-ftehim ( 58 ). L-għarfien u ftehim tajjeb, mill-konsumatur, tal-informazzjoni huma neċessarji għall-eżekuzzjoni tajba ta’ dan il-ftehim u, b’mod partikolari, għall-eżerċizzju tad-drittijiet tal-konsumatur, li fosthom hemm id-dritt ta’ rtirar mill-ftehim ( 59 ). Kif osservat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Kreissparkasse Saarlouis, dan ir-rekwiżit jikkontribwixxi għat-twettiq tal-għan segwit mid-Direttiva 2008/48, li huwa li tiġi pprovduta, fil-qasam ta’ kreditu lill-konsumaturi, armonizzazzjoni kompleta u imperattiva f’ċertu numru ta’ oqsma ċentrali, li hija meqjusa bħala meħtieġa sabiex jiġi żgurat lill-konsumaturi kollha tal-Unjoni Ewropea livell għoli u ekwivalenti ta’ protezzjoni tal-interessi tagħhom u sabiex jiġi ffaċilitat il-ħolqien ta’ suq intern tal-kreditu għall-konsum li jiffunzjona tajjeb ( 60 ).

143.

Kif ġustament tosserva l-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48 huwa espressjoni tas-sistema ta’ protezzjoni implimentata minn din id-direttiva, ibbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità meta mqabbel mal-kreditur fir-rigward kemm tas-setgħa ta’ negozjar kif ukoll tal-livell ta’ informazzjoni, sitwazzjoni li twassal lill-konsumatur sabiex jaderixxi mal-kundizzjonijiet stabbiliti minn qabel mill-kreditur mingħajr ma jkun jista’ jeżerċita influwenza fuq il-kontenut tagħhom ( 61 ).

144.

Minn qari konġunt tal-Artikolu 10(2) u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48 li l-perijodu ta’ rtirar ta’ 14‑il jum jibda jiddekorri mill-ġurnata li l-ftehim ta’ kreditu jiġi konkluż jekk il-ftehim jinkludi l-informazzjoni obbligatorja kollha. Jekk xi informazzjoni obbligatorja ma tiġix ipprovduta lill-konsumatur f’dik il-ġurnata, il-perijodu ta’ rtirar ta’ 14‑il jum jibda jiddekorri mill-ġurnata li fiha huwa jew hija jirċievu l-informazzjoni li tkun nieqsa.

145.

Fid-dawl tal-għan tal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48, kif stabbilit fil-punt 142 ta’ dawn il-konklużjonijiet, u l-fatt li l-informazzjoni li għaliha tirreferi din id-dispożizzjoni għandha tkun speċifikata “b’mod ċar u konċiż”, jiena tal-fehma, l-istess bħall-Kummissjoni, li l-informazzjoni obbligatorja għandha titqies bħala li ma ġietx inkluża fis-sens ta’ din id-direttiva jekk hija tant mhux kompluta jew materjalment skorretta li l-kontenut tagħha tqarraq bil-konsumatur fir-rigward tad-drittijiet u obbligi tiegħu ( 62 ). Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk dan huwiex fil-fatt il-każ hawnhekk.

146.

Jiena minix konvint mill-argument li C. Bank, Volkswagen Bank, Audi Bank, u l-Gvern Ġermaniż jipprovaw jisiltu mill-fatt li d-dritt nazzjonali diġà jipprovdi għal penalitajiet f’każ li tiġi inkluża informazzjoni obbligatorja skorretta fi ftehim ta’ kreditu, bil-konsegwenza li jkun sproporzjonat li wieħed jeżiġi li l-perijodu ta’ rtirar ma jibdiex jiddekorri skont l-Artikolu 14(1)(b) tad-Direttiva 2008/48. In-nuqqas ta’ dekorrenza tal-perijodu ta’ rtirar huwa konsegwenza diretta tal-fatt li l-kreditur naqas milli jikkomunika lill-konsumatur l-informazzjoni obbligatorja li għaliha jirreferi l-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva. Peress li hija tipprovdi għal armonizzazzjoni kompluta, l-Istati Membri ma jistgħux jinjoraw jew jeskludu l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48. Suġġett għall-kwalifika espressa fil-punt 145 ta’ dawn il-konklużjonijiet, dan ir-rekwiżit ma jistax għaldaqstant jitqies sproporzjonat.

147.

Inżid ngħid li, b’kuntrast ma’ dak li jsostnu l-banek konvenuti, ma hemmx kwistjoni li jinħoloq “perijodu ta’ rtirar permanenti”. Kif ser nispjega fil-punt 150 ta’ dawn il-konklużjonijiet, malli l-partijiet wettqu l-ftehim b’mod sħiħ, id-dritt ta’ rtirar li jipprovdi l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2008/48 ma jkunx għad jista’ jiġi eżerċitat.

148.

Fid-dawl taċ-ċirkustanzi fuq imsemmija, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi t-tieni domanda fil-Kawżi C‑47/21 u C‑232/21 b’tali mod li l-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li l-perijodu ta’ rtirar ma jibdiex jiddekorri sakemm l-informazzjoni obbligatorja meħtieġa taħt l-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva ġiet ipprovduta lill-konsumatur b’mod komplut u materjalment korrett, sakemm in-natura mhux kompluta u skorretta tal-informazzjoni pprovduta ma hijiex tali li taffettwa l-kapaċità tal-konsumatur li jevalwa safejn jaslu d-drittijiet u l-obbligi tiegħu, kwistjoni din li għandha tiġi evalwata mill-qorti nazzjonali.

3. Ir‑raba’ domanda fil‑Kawżi C‑47/21 u C‑232/21

149.

Permezz tar-raba’ domanda fil-Kawżi C‑47/21 u C‑232/21 ( 63 ), il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, u taħt liema kundizzjonijiet, l-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar fil-każ ta’ ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur jista’ jitqies abbużiv. Il-Qorti tal-Ġustizzja talbitni niffoka l-analiżi tiegħi fuq żewġ aspetti: l-ewwel, il-possibbiltà li tiġi ġġustifikata limitazzjoni fuq l-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar b’riferiment għall-aġir tal-konsumatur wara l-irtirar u t-tieni, jekk il-konsumatur jistax jeżerċita d-dritt ta’ rtirar tiegħu jew tagħha meta l-partijiet ikunu wettqu l-ftehim ta’ kreditu b’mod sħiħ ( 64 ).

150.

Għal dak li jirrigwarda t-tieni aspett ta’ din id-domanda, jiena naqbel mal-approċċ tal-Avukat Ġenerali Hogan fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Volkswagen Bank et ( 65 ). Wara li osserva li l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48 jistabbilixxi d-dritt ta’ rtirar u mhux id-dritt ta’ kanċellament u li t-twettiq tal-kuntratt huwa mekkaniżmu naturali biex jintemmu l-obbligi kuntrattwali, huwa kkonkluda li din id-dispożizzjoni kellha tiġi interpretata bħala li tfisser li d-dritt ta’ rtirar li jinsab fiha ma jkunx għad jista’ jiġi eżerċitat malli ż-żewġ kontraenti jkunu wettqu il-ftehim ta’ kreditu b’mod sħiħ. Il-premessa 34 tad-Direttiva 2008/48 ikkonfermat il-konklużjoni tiegħu. Hija tispeċifika li d-Direttiva 2008/48 tat id-dritt ta’ rtirar taħt kundizzjonijiet simili għal dawk previsti fid-Direttiva 2002/65, filwaqt li skont l-Artikolu 6(2)(ċ) ta’ din l-aħħar direttiva d-dritt ta’ rtirar ma għandux japplika għal “kuntratti li t-twettieq tagħhom ġie kkompletat bis-sħiħ miż-żewġ partijiet fuq it-talba espressa tal-konsumatur qabel ma l-konsumatur jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ rtirar”. L-Avukat Ġenerali Hogan osserva wkoll li l-iskop tal-informazzjoni obbligatorja fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2008/48 huwa li jippermetti lill-konsumaturi jkunu jafu l-portata tad-drittijiet u obbligi tagħhom waqt l-eżekuzzjoni tal-kuntratt. Dawn l-obbligi ma jservu ebda skop ieħor malli l-kuntratt ikun ġie mwettaq bis-sħiħ.

151.

Għal dak li jirrigwarda l-ewwel aspett, wara li osservat li d-Direttiva 2008/48 ma fihiex dispożizzjonijiet li jirregolaw l-abbuż, min-naħa tal-konsumatur, tad-drittijiet mogħtija minn din id-direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha Volkswagen Bank et, ikkonfermat il-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jgħid li dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax tintuża biex tgħin skopijiet abbużivi jew frawdolenti ( 66 ). Għaldaqstant, hija eżaminat jekk l-eżerċizzju, mill-konsumatur, tad-dritt ta’ rtirar tiegħu jew tagħha skont l-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva kienx limitat b’riżultat tal-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju ġenerali fil-kuntest ta’ dan il-każ ( 67 ).

152.

Jiena nirrakkomanda din l-analiżi lill-Qorti tal-Ġustizzja. L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2008/48 tagħti espressament lill-konsumatur id-dritt li jirtira minn ftehim ta’ kreditu. L-eżerċizzju ta’ dan id-dritt irid jaqbel mad-dritt tal-Unjoni, li parti integrali minnu hija l-projbizzjoni ġenerali kontra l-abbuż ta’ dritt. Għal darba oħra, naqbel mal-fehma tal-Avukat Ġenerali Hogan espressa fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Volkswagen Bank et fis-sens li, fl-oqsma rregolati mid-dritt tal-Unjoni, il-possibbiltà li tiġi invokata n-natura abbużiva tal-eżerċizzju ta’ dritt idderivat minn din il-liġi għandha tiġi evalwata esklużivament fid-dawl ta’ dan il-prinċipju u mhux fid-dawl ta’ xi rekwiżiti tad-dritt nazzjonali ( 68 ).

153.

Fis-sentenza Cussens et, li kienet tikkonċerna appell kontra r-rifjut li bejgħ ta’ proprjetà immobbli jkun eżentat mit-taxxa fuq il-valur miżjud, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-projbizzjoni ta’ prattiki abbużivi tista’, irrispettivament minn miżura nazzjonali li tagħtihom effett, tiġi direttament applikata fl-ordinament ġuridiku domestiku bħala motiv għal dan ir-rifjut, u l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jipprekludux dan ir-riżultat ( 69 ). Minn din il-ġurisprudenza u minn dak li jingħad fil-punt 152 ta’ dawn il-konklużjonijiet jista’ jiġi dedott li ma huwiex meħtieġ li l-leġiżlatur Ġermaniż jadotta liġi li tagħti s-setgħa lill-qorti nazzjonali biex tillimita l-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar meta dak l-eżerċizzju jista’ jitqies abbużiv ( 70 ).

154.

Hija ġurisprudenza stabbilita li l-prova ta’ prassi abbużiva teħtieġ, l-ewwel, numru ta’ ċirkustanzi oġġettivi li minnhom joħroġ li, minkejja osservanza formali tal-kundizzjonijiet previsti fil-leġiżlazzjoni applikabbli tal-UE, l-għan imfittex minn din il-leġiżlazzjoni ma ntlaħaqx u, it-tieni, element suġġettiv li jikkonsisti fir-rieda li jinkiseb vantaġġ li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni bil-ħolqien artifiċjali tal-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jinkiseb ( 71 ). Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja, meta tiddeċiedi fuq ir-rinviju preliminari, tista’, jekk ikun meħtieġ, tagħti preċiżazzjonijiet intiżi li jidderiġu lill-qorti nazzjonali fl-interpretazzjoni tagħha, hija madankollu dejjem din tal-aħħar li għandha tivverifika jekk l-elementi li jikkostitwixxu prattika abbużiva jkunux jeżistu fil-kawża li jkollha quddiemha b’riferiment għall-fatti u ċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża ( 72 ).

155.

Fis-sentenza tagħha Volkswagen Bank et, il-Qorti tal-Ġustizzja llimitat il-kunsiderazzjonijiet tagħha għall-element oġġettiv, u ddeċidiet li meta kummerċjant jonqos milli jipprovdi lill-konsumatur bl-informazzjoni elenkata fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2008/48 u l-konsumatur jiddeċiedi li jirtira mill-ftehim ta’ kreditu wara l-perijodu ta’ 14‑il jum wara l-konklużjoni tiegħu, dan il-kummerċjant ma jistax jilmenta li l-konsumatur abbuża mid-dritt ta’ rtirar tiegħu jew tagħha, anki jekk ikun għadda perijodu ta’ żmien kunsiderevoli bejn il-konklużjoni tal-ftehim u l-irtirar tal-konsumatur. Il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għal din il-konklużjoni wara li kkonstatat li l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2008/48 għandu l-għan li l-konsumatur ikun jista’ jagħżel il-kuntratt li l-iktar jissodisfa l-ħtiġijiet tiegħu jew tagħha. Għaldaqstant, konsumatur jista’ jirtira minn ftehim li huwa jew hija jkunu daħlu għalih li jirriżulta li ma jissodisfax il-ħtiġijiet tiegħu jew tagħha matul il-perijodu ta’ cooling-off. L-għan tal-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48 huwa, barra minn hekk, li jiġi żgurat li l-konsumatur jirċievi l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex jevalwa l-portata tal-impenn kuntrattwali tiegħu u li jippenalizza lill-kummerċjant li ma jikkomunikalux dik l-informazzjoni ( 73 ).

156.

Jiena naqbel mal-fehma espressa mill-banek konvenuti fil-kawża prinċipali u l-Gvern Ġermaniż li, b’din id-deċiżjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma eskludietx il-possibbiltà li f’każ speċifiku kkaratterizzat b’ċirkustanzi speċjali li jmorru lil hinn mis-sempliċi mogħdija ta’ żmien, li l-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar mill-konsumatur jista’ jitqies abbużiv ( 74 ). B’mod iktar speċifiku, nikkunsidra li, bħala prinċipju, mill-aġir tal-konsumatur wara l-irtirar jista’ jiġi dedott li huwa jew hija eżerċitaw id-dritt li joħroġ mill-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48 b’mod abbużiv. Peress li l-eżistenza ta’ abbuż ta’ dritt teħtieġ lill-qrati nazzjonali jieħdu inkunsiderazzjoni l-fatti u ċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża, huma jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni wkoll fatti li ġraw wara l-irtirar mill-ftehim ( 75 ).

157.

L-aġir tal-konsumatur wara li jirtira mill-ftehim jista’ jindika li l-għanijiet li jfittex l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2008/48, kif stabbiliti fil-punt 155 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ma ġewx, fil-fatt, milħuqa jew, biex inpoġġiha differenti, li l-eżitu tal-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar huwa kuntrarju għal dawn l-għanijiet. Il-fatt li jittieħed inkunsiderazzjoni dan l-aġir jagħmilha wkoll possibbli li jinsiltu l-konklużjonijiet dwar l-eżistenza tal-element suġġettiv u, b’mod iktar speċifiku, biex jiġi stabbilit li l-konsumatur eżerċita d-dritt ta’ rtirar tiegħu jew tagħha bl-għan uniku li jikseb b’mod artifiċjali vantaġġ ekonomiku mhux ipprovdut mid-dritt tal-Unjoni.

158.

Fid-dawl taċ-ċirkustanzi fuq imsemmija, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48 bħala li jfisser li d-dritt ta’ rtirar ipprovdut fih ma jkunx għad jista’ jibqa’ jiġi eżerċitat ġaladarba l-ftehim ta’ kreditu jkun ġie eżegwit b’mod sħiħ mill-kontraenti fih. Din id-dispożizzjoni ma tipprekludix lill-qrati nazzjonali, f’każ speċifiku kkaratterizzat b’ċirkustanzi speċjali li jmorru lil hinn mis-sempliċi mogħdija ta’ żmien, milli jikkunsidraw jekk l-eżerċizzju mill-konsumatur tad-dritt ta’ rtirar tiegħu jew tagħha huwiex abbużiv. Sabiex jikkonstataw l-eżistenza ta’ tali abbuż f’każ speċifiku, il-qrati nazzjonali għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-fatti u ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-kawża, inkluż, fejn xieraq, fatti li ġraw wara dan l-irtirar.

4. Il-ħames domanda fil-Kawżi C‑47/21 u C‑232/21

159.

Permezz tal-ħames domanda fil-Kawżi C‑47/21 u C‑232/21, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48 jipprekludix regoli nazzjonali li jipprovdu li, meta ftehim ta’ kreditu li minnu jkun irtira l-konsumatur huwa marbut ma’ kuntratt ta’ bejgħ, dan il-konsumatur jista’ jitlob rimbors tal-ħlasijiet lura tas-self biss wara li jkun irritorna l-oġġett mixtri lill-kreditur jew ikun ipprovda prova li huwa jew hija irritornawh. Il-qorti tar-rinviju ma hijiex ċerta wkoll dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-konklużjonijiet li siltet il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) mir-rekwiżit tar-restituzzjoni minn qabel f’termini ta’ proċedura ċivili.

160.

Kif tinnota tajjeb il-Kummissjoni, id-Direttiva 2008/48 ma fiha ebda dispożizzjoni li tittratta dwar il-konsegwenzi li l-irtirar minn ftehim ta’ kreditu ikollu fuq kuntratt ta’ bejgħ marbut ma’ dak il-ftehim ( 76 ).

161.

Jiena naqbel mal-pożizzjoni meħuda mill-Gvern Ġermaniż u mill-Kummissjoni li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, huma l-Istati Membri li għandhom jiddefinixxu dawn il-konsegwenzi fid-dritt nazzjonali tagħhom. Il-premessa 35 tad-Direttiva 2008/48 tikkonferma dan l-approċċ peress li tipprovdi li, meta konsumatur jirtira minn ftehim ta’ kreditu li b’konnessjoni miegħu huwa jew hija jkunu rċevew merkanzija, din id-direttiva “għandha tkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe regolament mill-Istati Membri ta’ kwistjonijiet dwar ir-ritorn tal-merkanzija jew kwalunkwe kwistjoni relatata” ( 77 ).

162.

F’dawn il-każijiet, mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Ġermaniż jirriżulta ċar li r-regoli nazzjonali inkwistjoni huma bbażati fuq l-Artikolu 13(3) tad-Direttiva 2011/83. Dan l-approċċ ma jistax minnu nnifsu jiġi kkritikat, sakemm dawn ir-regoli ma humiex inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw azzjonijiet domestiċi simili (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma jrendux fil-prattika impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni lill-konsumaturi (prinċipju ta’ effettività) ( 78 ).

163.

Il-qorti tar-rinviju ma talbitx lill-Qorti tal-Ġustizzja tgħinha biex tiddeċiedi dwar jekk ir-regoli nazzjonali inkwistjoni humiex konformi mal-prinċipju ta’ ekwivalenza, u lanqas ma hemm ebda materjal quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li jista’ jqajjem dubju dwar il-konformità tagħhom ma’ dan il-prinċipju.

164.

Għal dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ effettività, minix konvint, fid-dawl tal-informazzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, u suġġett għall-verifiki li l-qorti tar-rinviju tista’ twettaq, li r-rekwiżit tar-restituzzjoni minn qabel jista’, b’mod ġenerali, jagħmilha prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli għal konsumatur biex jeżerċita d-dritt ta’ rtirar tiegħu jew tagħha taħt l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48. It-tħassib li l-qorti tar-rinviju esprimiet huwa bbażat, essenzjalment, fuq il-premessa li l-kreditur ser jikkontesta l-validità tal-irtirar u li l-konsumatur ikollu jieħu azzjoni legali biex jikseb ir-rimbors tal-ħlasijiet ta’ kull xahar ġa mħallsa. Jekk, fil-kuntest ta’ din l-azzjoni, jirriżulta li r-restituzzjoni minn qabel tal-vettura tkun inġustifikata, il-konsumatur ikollu jipprova jiksibha lura, u b’dan jesponi lilu jew lilha nnifisha għar-riskju ta’ kontenzjuż addizzjonali. Jekk ir-restituzzjoni minn qabel kienet iġġustifikata, il-konsumatur ikollu jressaq it-talba għar-rimbors tiegħu jew tagħha mingħajr ma jkun jista’ jżomm il-vettura. Il-qorti tar-rinviju tirreferi wkoll għall-fatt li l-vetturi bil-mutur spiss huma neċessarji biex persuna teżerċita attività professjonali u jinvolvu ammonti sostanzjali ta’ kapital. Jekk il-konsumaturi jkollhom jirritornaw il-vetturi bil-mutur lill-kredituri mingħajr ma jkunu jafu jekk l-irtirar huwiex effettiv, u għaldaqstant ukoll mingħajr ma jkun jaf il-perijodu li fih huma jirċievu rimbors tal-ħlasijiet ġa mħallsa li jippermettilhom jixtru vetturi minflokhom, huma jkunu skoraġġuti milli jeżerċitaw id-dritt ta’ rtirar mill-ftehim.

165.

Id-diversi kunsiderazzjonijiet li tesponi l-qorti tar-rinviju jidher li huma ta’ natura spekulattiva. Dawn huma insuffiċjenti biex jistabbilixxu li r-rekwiżit tar-restituzzjoni minn qabel joħloq ostaklu sostanzjali li x’aktarx jiskoraġġixxi lill-konsumaturi milli jeżerċitaw id-dritt ta’ rtirar. Kif spjegaw il-banek konvenuti u l-Gvern Ġermaniż kemm fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom u kif ukoll waqt is-seduta, mingħajr ma ġew ikkontestati fis-sustanza, hija prattika pjuttost komuni li l-konsumatur, wara li jeżerċita d-dritt ta’ rtirar, ma jirritornax il-vettura, biex minflok ikompli jużaha mingħajr ma jikkumpensa lill-kreditur għad-deprezzament tagħhom matul dak il-perijodu ta’ żmien.

166.

Jiena għadni inqas konvint mill-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipju ta’ effettività f’dawn il-każijiet peress li l-Artikolu 13(3) tad-Direttiva 2011/83 jipprovdi li, f’każ li konsumatur jirtira minn kuntratt ta’ bejgħ kopert minn din id-direttiva, il-kummerċjant jista’ jirrifjuta r-rimbors tal-prezz imħallas sakemm l-oġġetti jiġu rritornati jew il-konsumatur jipprovdi prova li rritornahom.

167.

It-tieni parti tal-ħames domanda għandha, fil-fehma tiegħi, tirċievi l-istess risposta bħall-ewwel waħda. Kif jispjega l-Gvern Ġermaniż fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu, l-applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 322(2) tal-BGB mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) hija konsegwenza purament proċedurali tar-rekwiżit tar-restituzzjoni minn qabel.

168.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ħames domanda fil-Kawżi C‑47/21 u C‑232/21 b’tali mod li l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat bħala li ma jipprekludix regoli nazzjonali li jipprovdu li, f’każ ta’ ftehim ta’ kreditu konness ma’ kuntratt ta’ bejgħ, wara li l-konsumatur jeżerċita effettivament id-dritt ta’ rtirar, it-talba tal-konsumatur kontra l-kreditur għall-ħlas lura tal-pagamenti tas-self ma tnissilx sakemm huwa jew hija jkunu rritornaw l-oġġett mixtri lill-kreditur jew ipprovdew prova li huma irritornawulu. Azzjoni mressqa mill-konsumatur għar-rimbors tal-ħlasijiet tal-pagamenti tas-self li jkunu tħallsu, wara li jkun ġie rritornat l-oġġett mixtri, għandha tiġi miċħuda bħala infondata jekk il-kreditur ma jkunx dam biex aċċetta dan l-oġġett.

VI. Konklużjoni

169.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula mil-Landgericht Ravensburg (il-Qorti Reġjonali, Ravensburg, il-Ġermanja) kif ġej:

(1)

Il-ftehimiet ta’ leasing ta’ vetturi bil-mutur ibbażati fuq il-mili b’terminu ta’ madwar sentejn sa tliet snin li jiġu konklużi fil-forma standard li teskludi d-dritt ta’ terminazzjoni ordinarja, li ma jipprovdux, minnhom infushom jew fi ftehim separat, l-obbligu għall-konsumatur biex jixtri l-oġġett tal-ftehim, fejn tali obbligu jitqies li jkun jeżisti jekk il-persuna li tagħti b’kiri tiddeċiedi dan unilateralment, u li skontu l-konsumatur ikollu jagħmel assigurazzjoni komprensiva għall-vettura, ikollu jasserixxi d-drittijiet marbutin mad-difetti kontra terzi persuni (u b’mod partikolari l-bejjiegħ tal-karozzi u l-produttur) u jġorr ir-riskju ta’ telf, ħsara u danni oħra, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2011/83 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Dawn la huma ftehimiet ta’ kreditu fis-sens tal-Artikolu 3(ċ) tad-Direttiva 2008/48 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE u lanqas kuntratti li jirrigwardaw servizzi finanzjarji fis-sens tal-punt 12 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83 u tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Settembru 2002 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq b’distanza ta’ servizzi finanzjarji ta’ konsumaturi u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 90/619/KEE u d-Direttivi 97/7/KE u 98/27/KE.

(2)

Il-punt 9 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83 għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li l-post tan-negozju ta’ persuna li taġixxi f’isem jew għall-interess tal-kummerċjant kif iddefinit fil-punt 2 tal-Artikolu 2 tagħha għandu jitqies bħala “post tan-negozju” ta’ dak il-kummerċjant. Huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tevalwa jekk fiċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ u skont id-dritt nazzjonali, l-intermedjarju aġixxiex f’isem jew għall-interess tal-kummerċjant għall-iskopijiet tan-negozjar u konklużjoni tal-ftehim ta’ leasing ibbażat fuq il-mili.

(3)

L-Artikolu 16(l) tad-Direttiva 2011/83 għandu jiġi interpretat li jfisser li l-eċċezzjoni pprovduta fih ma tapplikax għall-ftehimiet ta’ leasing ibbażati fuq il-mili għall-vetturi bil-mutur.

(4)

Il-punt 7 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83 għandu jiġi interpretat li jfisser li kuntratt ma jistax jiġi kklassifikat bħala kuntratt mill-bogħod meta persuna, li taġixxi f’isem jew għall-interess tal-kummerċjant, tkun involuta fin-negozjati ta’ dan il-kuntratt fil-preżenza fiżika tal-konsumatur. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk, fiċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ u skont id-dritt nazzjonali, l-intermedjarju aġixxiex f’isem jew għall-interess tal-kummerċjant għall-iskopijiet li jinnegozja l-ftehim ta’ leasing ibbażat fuq il-mili.

(5)

L-Artikolu 10(2)(p) tad-Direttiva 2008/48, moqri flimkien mal-Artikolu 14(1) tagħha, għandu jiġi interpretat bħala li jipprekludi regoli nazzjonali, bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jipprovdu preżunzjoni ta’ legalità li skontha, meta ftehim ta’ kreditu ikun fih klawżola li tikkorrispondi għall-mudell statutorju, dik il-klawżola tkun konformi mar-rekwiżiti statutorji nazzjonali dwar l-informazzjoni fuq id-dritt ta’ rtirar, minkejja li ma tkunx tissodisfa r-rekwiżiti fl-Artikolu 10(2)(p) ta’ din id-direttiva. Il-qorti nazzjonali li tkun qiegħda tisma’ l-kawża bejn individwi privati ma hijiex meħtieġa, abbażi biss tad-dritt tal-Unjoni, li ma tapplikax tali regoli nazzjonali, anki jekk ikunu kontra l-Artikolu 10(2)(p) tad-Direttiva 2008/48, bla ħsara għad-dritt ta’ parti, li tkun ġiet ippreġudikata b’riżultat ta’ nuqqas ta’ osservanza tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni, biex titlob kumpens għat-telf jew danni li jirriżulta minnu.

(6)

Il-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li l-perijodu ta’ rtirar ma jibdiex jiddekorri sakemm l-informazzjoni obbligatorja meħtieġa taħt l-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva tkun ġiet ipprovduta lill-konsumatur b’mod komplut u materjalment korrett, sakemm in-natura mhux kompluta u skorretta tal-informazzjoni pprovduta ma hijiex tali li taffettwa l-kapaċità tal-konsumatur li jevalwa safejn jaslu d-drittijiet u l-obbligi tiegħu, kwistjoni din li għandha tiġi evalwata mill-qorti nazzjonali.

(7)

L-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li d-dritt ta’ rtirar ipprovdut fih ma jkunx għad jista’ jibqa’ jiġi eżerċitat ġaladarba l-ftehim ta’ kreditu jkun ġie eżegwit b’mod sħiħ mill-kontraenti fih. Din id-dispożizzjoni ma tipprekludix lill-qrati nazzjonali, f’każ speċifiku kkaratterizzat b’ċirkustanzi speċjali li jmorru lil hinn mis-sempliċi mogħdija ta’ żmien, milli jikkunsidraw jekk l-eżerċizzju mill-konsumatur tad-dritt ta’ rtirar tiegħu jew tagħha huwiex abbużiv. Sabiex jikkonstataw l-eżistenza ta’ tali abbuż f’każ speċifiku, il-qrati nazzjonali għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-fatti u ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-kawża, inkluż, fejn xieraq, fatti li ġraw wara dan l-irtirar.

(8)

L-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat bħala li ma jipprekludix regoli nazzjonali li jipprovdu li, f’każ ta’ ftehim ta’ kreditu konness ma’ kuntratt ta’ bejgħ, wara li l-konsumatur jeżerċita effettivament id-dritt ta’ rtirar, it-talba tal-konsumatur kontra l-kreditur għall-ħlas lura tal-pagamenti tas-self ma tnissilx sakemm huwa jew hija jkunu rritornaw l-oġġett mixtri lill-kreditur jew ipprovdew prova li huma irritornawulu, u l-azzjoni mressqa mill-konsumatur għar-rimbors tal-ħlasijiet tal-pagamenti tas-self li jkunu tħallsu, wara li jkun ġie rritornat l-oġġett mixtri, għandha tiġi miċħuda bħala infondata jekk il-kreditur ma jkunx dam biex aċċetta dan l-oġġett.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Settembru 2002 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq b’distanza ta’ servizzi finanzjarji ta’ konsumaturi u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 90/619/KEE u d-Direttivi 97/7/KE u 98/27/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol 4, p. 321, rettifika fil-ĠU 2013, L 228, p. 14).

( 3 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU 2008, L 133, p. 66, rettifiki fil-ĠU 2009, L 207, p. 14, fil-ĠU 2010, L 199, p. 40 u fil-ĠU 2011, L 234, p. 46).

( 4 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 304, p. 64).

( 5 ) Din id-dispożizzjoni, fil-verżjoni li kienet fis-seħħ fil‑31 ta’ Jannar 2012, tapplika fir-raba’ każ fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑232/21.

( 6 ) Idem.

( 7 ) Din id-dispożizzjoni, fil-verżjoni li kienet fis-seħħ fil‑31 ta’ Jannar 2012, tapplika fir-raba’ każ fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑232/21 u taqra’ kif ġej:

“(1) Ħlief fejn ipprovdut mod ieħor, id-dispożizzjoni dwar it-terminazzjoni statutorja għandha tapplika mutatis mutandis għad-dritt ta’ rtirar u ta’ ritorn.

[…]”

( 8 ) Din id-dispożizzjoni tapplika fil-verżjoni li kienet fis-seħħ fil‑31 ta’ Jannar 2012 fir-raba’ każ fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑232/21 u taqra’ kif ġej:

“(2) Jekk il-konsumatur irtira validament id-dikjarazzjoni tal-intenzjoni tiegħu jew tagħha biex jikkonkludu ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur abbażi tal-Artikolu 495(1), huwa jew hija ma jibqgħux marbuta bid-dikjarazzjoni tal-intenzjoni tiegħu jew tagħha li jikkonkludu ftehim għall-kunsinni ta’ oġġetti jew il-provvista ta’ servizz ieħor konness mal-ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur.

[…]

(4) 1 L-Artikolu 357 japplika mutatis mutandis għall-ftehim konness. […]

[…]”

( 9 ) BGBl. 1994 I, p. 2494, u r-rettifika BGBl. 1997 I, p. 1061.

( 10 ) Din id-dispożizzjoni, li tapplika fil-verżjoni li kienet fis-seħħ fil‑31 ta’ Jannar 2012 fir-raba’ każ fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑232/21, fiha d-differenzi li ġejjin:

‐ It-tielet sentenza tal-Artikolu 6(2) u t-tielet sentenza tal-Artikolu 12(1), ir-referenzi għal “Anness 7” għandhom ikunu għal “Anness 6”;

‐ L-ewwel u t-tielet sentenzi tal-Artikolu 12(1), ir-referenzi għall-“Artikolu 360(2) tal-[BGB]” għandhom ikunu għall-“Artikolu 359a(1) tal-[BGB]”; u

‐ It-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1), ir-referenza għall-“Artikolu 358 u 359 jew l-Artikolu 360 tal-[BGB]” għandhom ikunu għall-“Artikolu 358 u 359 tal-[BGB]”.

( 11 ) Skont il-qorti tar-rinviju, din il-klawżola tikkorrispondi għall-mudell statutorju speċifikat fl-Anness 7 tal-EGBGB, li għalih tirreferi t-tielet sentenza tal-Artikolu 247(6)(2) tal-EGBGB.

( 12 ) Ara l-punt 3 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 506(2) u l-Artikolu 495(1) tal-BGB. Skont il-qorti tar-rinviju, din il-ġurisprudenza kienet ibbażata fuq il-fatt li, taħt ftehim ta’ leasing ibbażat fuq il-mili, il-ħlasijiet ta’ kull xahar u r-rata inizjali tal-valur huma kkalkolati b’mod li jiżgura li l-kerrej iħallas il-valur kollu amortizzat tal-vettura. B’kuntrast ma’ kuntratti standard ta’ trasferiment tal-użu, il-kalkolu tal-valur residwali jieħu inkunsiderazzjoni d-deprezzament marbut biss man-numru ta’ kilometri misjuqa u mhux ma’ fatturi oħra bħalma huwa t-tkagħbir bl-użu li jikkorrispondi għall-użu normali. Għaldaqstant, l-element essenzjali tal-kuntratt ma huwiex it-trasferiment tal-użu tal-vettura iżda l-finanzjament ta’ dan l-użu.

( 13 ) Każ Nru VIII ZR 36/20, DE:BGH:2021:240221, juris UVIIIZR36.20.0.

( 14 ) Skont l-Artikolu 2(2)(d) tagħha, id-Direttiva 2008/48 ma tapplikax għal ftehimiet ta’ kiri jew ta’ leasing fejn ma hemmx previst ebda obbligu għax-xiri tal-oġġett tal-ftehim la fil-ftehim innifsu u lanqas fi kwalunkwe ftehim separat. Il-ftehim ta’ leasing ibbażat fuq il-mili inkwistjoni ma fihx tali obbligu.

( 15 ) Taħt l-Artikolu 3(3)(d) tagħha, id-Direttiva 2011/83 ma tapplikax għal kuntratti għal servizzi finanzjarji.

( 16 ) Sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020 Kreissparkasse Saarlouis (C‑66/19, EU:C:2020:242; iktar ’il quddiem is-“sentenza Kreissparkasse Saarlouis”).

( 17 ) Kif jirriżulta mill-punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-ftehim ta’ leasing inkwistjoni fil-kawża prinċipali jinkludi tali referenza. Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, bħala konsegwenza tas-sentenza Kreissparkasse Saarlouis, l-informazzjoni fuq id-dritt ta’ rtirar inkluża f’dan il-ftehim għandhiex titqies bħala insuffiċjenti, b’mod li, skont l-Artikolu 356b(2) tal-BGB, moqri flimkien mal-Artikolu 492(2) tagħha flimkien mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 247(6)(2) u mat-tieni sentenza tal-Artikolu 247(12)(1) tal-EGBGB, il-perijodu ta’ rtirar għadu ma bediex jiddekorri.

( 18 ) Fid-digriet tar-rinviju, il-qorti tar-rinviju tosserva li, fil-Ġermanja, xi ġuristi huma tal-fehma li l-preżunzjoni ta’ legalità tista’ tiġi interpretata bħala li tikkonċerna l-konformità mar-rekwiżiti imposti mid-dritt nazzjonali u mhux dawk impost mid-dritt tal-Unjoni.

( 19 ) Il-qorti tar-rinviju tirreferi għas-sentenza tal‑21 ta’ April 2016, Radlinger u Radlingerová (C‑377/14, EU:C:2016:283, punti 76 sa 79).

( 20 ) Skont il-qorti tar-rinviju, jekk il-ftehim ta’ leasing ibbażat fuq il-mili huwa kklassifikat bħala kuntratt lil hinn mill-post tan-negozju, il-kerrej għandu d-dritt ta’ rtirar skont l-Artikolu 312g(1) tal-BGB. Hija tosserva li, għalkemm id-Direttiva 2011/83 ma tagħtix lill-konsumaturi d-dritt ta’ rtirar fir-rigward ta’ kuntratti għal servizzi finanzjarji, l-interpretazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 312b(1) tal-BGB, li tikkonċerna l-kuntratti lil hinn mill-post tan-negozju tiddependi fuq dik stabbilita fid-Direttiva 2011/83. Hija tirreferi għas-sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2017, Solar Electric Martinique (C‑303/16, EU:C:2017:773, punt 26), u għas-sentenza Kreissparkasse Saarlouis (punt 29), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “meta leġiżlazzjoni nazzjonali tikkonforma ruħha, għas-soluzzjonijiet li hija tipprovdi għal sitwazzjonijiet li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-att tal-Unjoni kkonċernat, ma’ dawk stabbiliti mill-imsemmi att, ikun jeżisti interess ċert tal-Unjoni li d-dispożizzjonijiet meħuda minn dak l-att jingħataw interpretazzjoni uniformi, u dan sabiex jiġu evitati diskrepanzi futuri fl-interpretazzjoni”.

( 21 ) Każ 32 U 7119/19, DE:OLGMUEN:2020:0618.32U7119.19.0A, BeckRS2020,13248, punt 39.

( 22 ) Skont il-qorti tar-rinviju, jekk il-kuntratt ta’ leasing ibbażat fuq il-mili jkun ikklassifikat bħala kuntratt mill-bogħod il-kerrej għandu d-dritt ta’ rtirar skont l-Artikolu 312g(1) tal-BGB.

( 23 ) Din il-klawżola tikkorrispondi għall-mudell statutorju speċifikat fl-Anness 7 tal-EGBGB, li hemm referenza għaliha fit-tielet sentenza tal-Artikolu 247(6)(2) tal-EGBGB.

( 24 ) L-ewwel sentenza tal-Artikolu 358(4) tal-BGB moqrija flimkien mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 357(4) tagħha.

( 25 ) Ara l-ħames sentenza tal-Artikolu 358(4) tal-BGB.

( 26 ) Il-partijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet fil-Kawża C‑38/21, kif ukoll il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja), jaqblu ma’ dan.

( 27 ) Tali obbligu jitqies li jkun jeżisti jekk il-kreditur jiddeċiedi dan unilateralment. Fil-Kawża C‑38/21 BMW Bank tgħid li hija ma setgħetx tieħu tali deċiżjoni unilaterali. Din hija materja li għandha tiġi deċiża mill-qorti tar-rinviju.

( 28 ) Ara, f’dan ir-rigward u b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Settembru 2019, Riel (C‑47/18, EU:C:2019:754, punt 43).

( 29 ) Il-premessa 14 tad-Direttiva 2002/65 tgħid ukoll li d-direttiva “tkopri s-servizzi finanzjarji kollha li x’aktarx jiġu provduti b’distanza”.

( 30 ) Din id-definizzjoni hija identika għal dik mogħtija fil-punt 12 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83, li l-Artikolu 3(3)(d) tagħha jipprovdi li din id-direttiva ma tapplikax għal kuntratti għal servizzi finanzjarji.

( 31 ) Waqt is-seduta għat-trattazzjoni, il-Kummissjoni aċċettat b’xi ftit eżitazzjoni li l-ftehim ta’ leasing ibbażat fuq il-mili inkwistjoni jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

( 32 ) Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2011/83. Skont l-Artikolu 3(3)(d) tagħha, din id-direttiva ma tapplikax għal kuntratti għas-servizzi finanzjarji.

( 33 ) Il-punt 5 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83 jiddefinixxi “‘kuntratt ta’ bejgħ’ bħala “kwalunkwe kuntratt li permezz tiegħu l-kummerċjant jittrasferixxi jew jimpenja ruħu li jittrasferixxi l-proprjetà ta’ oġġetti lil konsumatur u l-konsumatur iħallas jew jimpenja ruħu li jħallas il-prezz ta’ dan, inkluż kwalunkwe kuntratt li għandu bħala l-oġġett tiegħu kemm l-oġġetti kif ukoll is-servizzi”.

( 34 ) Sentenza tal‑31 ta’ Marzu 2022, CTS Eventim (C‑96/21, EU:C:2022:238, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). Mill-punt 6 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83 isegwi li t-terminu “kuntratt ta’ servizz” ifisser kwalunkwe kuntratt li ma huwiex “kuntratt ta’ bejgħ” (sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2020, Verbraucherzentrale Berlin,C‑583/18, EU:C:2020:199, punt 22).

( 35 ) Kif juri l-punt 100 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-ftehim ta’ leasing ibbażat fuq il-mili inkwistjoni ma jittrasferixxix il-proprjetà tal-oġġetti. Il-bank iżomm il-proprjetà tal-vettura matul u wara tmiem il-ftehim.

( 36 ) Sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Verbraucherzentrale Berlin (C‑485/17, EU:C:2018:642, punti 3334).

( 37 ) Sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, NK (Proġett ta’ dar individwali (detached)) (C‑208/19, EU:C:2020:382, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 38 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Marzu 2005, easyCar (C‑336/03, EU:C:2005:150, punti 23, 26 u 27), u tat‑12 ta’ Marzu 2020, Verbraucherzentrale Berlin (C‑583/18, EU:C:2020:199, punt 30).

( 39 ) Sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2020, Verbraucherzentrale Berlin (C‑583/18, EU:C:2020:199, punt 34).

( 40 ) Sentenza tal‑31 ta’ Marzu 2022, CTS Eventim (C‑96/21, EU:C:2022:238, punt 44).

( 41 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2005, easyCar (C‑336/03, EU:C:2005:150, punt 28).

( 42 ) Jiena nillimita l-analiżi tiegħi għall-punt 7 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83 peress li, fil-fehma tiegħi, id-Direttiva 2002/65 ma tapplikax għall-ftehim ta’ leasing ibbażat fuq il-mili inkwistjoni.

( 43 ) Ara l-punt 7 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83.

( 44 ) Bil-kontra, kieku l-qorti tar-rinviju kellha ssib li l-ftehim ta’ leasing ibbażat fuq il-mili inkwistjoni ma jikkostitwixxix kuntratt lil hinn mill-post tan-negozju jew kuntratt mill-bogħod, jew li jikkostitwixxi tali kuntratt iżda li l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ rtirar ipprovduta fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2011/83 tapplika għal dan il-ftehim, hija għandha tikkonkludi, bħala prinċipju, li VK ma kellux dan id-dritt.

( 45 ) Fl-addendum għat-talba inizjali tagħha, il-qorti tar-rinviju tgħid li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li l-ftehim ta’ leasing ibbażat fuq il-mili inkwistjoni ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/48, l-ewwel u t-tieni domanda magħmula fil-Kawża C‑38/21 ma jibqgħux rilevanti.

( 46 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 47 ) Fiż-żmien rilevanti, il-mudell stabbilit fl-Anness 7 tal-EGBGB ma speċifikax l-informazzjoni kollha li kellha tiġi pprovduta lill-min jissellef, iżda sempliċiment irrefera għall-Artikolu 492(2) tal-BGB.

( 48 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 49 ) Sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, Pohotovosť (C‑331/18, EU:C:2019:665, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 50 ) Sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2022, Thelen Technopark Berlin (C‑261/20, EU:C:2022:33, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 51 ) Sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, Pohotovosť (C‑331/18, EU:C:2019:665, punt 55).

( 52 ) Sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2022, Thelen Technopark Berlin (C‑261/20, EU:C:2022:33, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 53 ) Sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski (C-573/17, EU:C:2019:530, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 54 ) Ibid., punt 62.

( 55 ) Sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2022, Thelen Technopark Berlin (C‑261/20, EU:C:2022:33, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 56 ) Ibid., punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 57 ) Sentenza tad‑19 ta’ Novembru 1991, Francovich et (C‑6/90 u C‑9/90, EU:C:1991:428).

( 58 ) Ara l-premessa 31 tad-Direttiva 2008/48 u s-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Kreissparkasse Saarlouis (C‑66/19, EU:C:2020:242, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Hogan fil-kawżi magħquda Volkswagen Bank et (C‑33/20, C‑155/20 u C‑187/20, EU:C:2021:629, punt 46).

( 59 ) Sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Kreissparkasse Saarlouis (C‑66/19, EU:C:2020:242, punt 45).

( 60 ) Ibid, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara wkoll il-premessa 9 tad-Direttiva 2008/48.

( 61 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2015, ERSTE Bank Hungary (C‑32/14, EU:C:2015:637, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 62 ) Fuq dan l-aħħar punt, jista’ jiġi osservat li fis-sentenza Home Credit Slovakia, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, min-natura tagħhom, xi wħud mill-elementi ta’ informazzjoni li l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48 jirreferi għalihom ma jistgħux jaffettwaw il-kapaċità tal-konsumatur li jevalwa l-portata tar-responsabbiltà tiegħu jew tagħha. Dan hu l-każ, pereżempju, tal-isem u l-indirizz tal-awtorità superviżorja kompetenti li għaliha jirreferi l-Artikolu 10(2)(v) ta’ din id-direttiva (sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2016, C‑42/15, EU:C:2016:842, punt 72).

( 63 ) Kif josserva l-punt 128 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-kunsiderazzjonijiet stabbiliti hawn taħt japplikaw ukoll għar-raba’ domanda fil-Kawża C‑38/21.

( 64 ) Dan it-tieni aspett tad-domanda huwa rilevanti għall-Kawża C‑232/21, fejn BQ ħallas lura l-ammont misluf kollu.

( 65 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fil-kawżi magħquda Volkswagen Bank et (C‑33/20, C‑155/20 u C‑187/20, EU:C:2021:629, punti 106 sa 108).

( 66 ) L-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma testendix għal tranżazzjonijiet imwettqa bl-iskop li jinkisbu vantaġġi b’mod frawdolenti jew skorrett li jipprovdi għalihom id-dritt tal-Unjoni (sentenza tas‑6 ta’ Frar 2018, Altun et, C‑359/16, EU:C:2018:63, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 67 ) Sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, Volkswagen Bank et (C‑33/20, C‑155/20 u C‑187/20, EU:C:2021:736, punti 120121).

( 68 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Hogan fil-kawżi magħquda Volkswagen Bank et (C‑33/20, C‑155/20 u C‑187/20, EU:C:2021:629, punti 112).

( 69 ) Sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2017, Cussens et (C‑251/16, EU:C:2017:881, punt 44).

( 70 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punt (b) tar-raba’ domanda tal-qorti tar-rinviju.

( 71 ) Sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, Volkswagen Bank et (C‑33/20, C‑155/20 u C‑187/20, EU:C:2021:736, punt 122 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 72 ) Sentenza tal‑14 ta’ April 2016, Cervati u Malvi (C‑131/14, EU:C:2016:255, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 73 ) Sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, Volkswagen Bank et (C‑33/20, C‑155/20 u C‑187/20, EU:C:2021:736, punti 123 sa 126).

( 74 ) Il-Kummissjoni tirrikonoxxi wkoll li, fejn ikun hemm ċirkustanzi kemm oġġettivi kif ukoll suġġettivi li jindikaw abbuż min-naħa tal-konsumatur, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwah, dan il-konsumatur jista, b’mod eċċezzjonali, ikun prekluż milli jeżerċita d-dritt ta’ rtirar tiegħu jew tagħha.

( 75 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2014, SICES et (C‑155/13, EU:C:2014:145, punt 34).

( 76 ) Tali ftehim ta’ kreditu jikkwalifika bħala “ftehim ta’ kreditu konness” malli jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet fl-Artikolu 3(n) tad-Direttiva 2008/48.

( 77 ) Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Hogan fil-kawżi magħquda Volkswagen Bank et (C‑33/20, C‑155/20 u C‑187/20, EU:C:2021:629, punti 126 sa 128).

( 78 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Caixabank u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria (C‑224/19 u C‑259/19, EU:C:2020:578, punt 83).