KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA
13 ta’ Ottubru 2022 ( 1 )
Kawża C‑31/21
Eurocostruzioni Srl
vs
Regione Calabria
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Fondi strutturali – Kofinanzjament – Regolament (KE) Nru 1685/2000 – Eliġibbiltà tal-ispejjeż – Obbligu tal-prova ta’ ħlas – Fatturi mħallsa – Dokument ta’ kontabbiltà ta’ valur probatorju ekwivalenti – Kostruzzjoni mwettqa direttament mill-benefiċjarju finali”
1. |
F’dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tinterpreta r-Regolament (KE) Nru 1685/2000 ( 2 ) sabiex tiddetermina l-portata tal-obbligu li jiġu ppreżentati fatturi mħallsa jew, jekk dan ma jkunx possibbli, dokumenti ta’ kontabbiltà ta’ valur probatorju ekwivalenti, li jiċċertifikaw l-ammont tal-ispejjeż sostnuti, meta l-benefiċjarju ta’ għajnuna kkofinanzjata minn Fondi Strutturali tal-Unjoni jkun bena bini b’materjali, strumenti u persunal tiegħu stess. |
I. Il‑kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
1. Ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 ( 3 )
2. |
Il-premessi 35 u 43 huma fformulati kif ġej:
[…]
[…]” |
3. |
L-Artikolu 30(3) (“Eliġibiltà”) jistipula li: “Ir-regoli nazzjonali relevanti għandhom japplikaw għall-ispiża eliġibbli ħlief fejn, kif meħtieġ, il-Kummissjoni tistabbilixxi regoli komuni dwar l-eliġibiltà ta’ l-ispiża b’mod konformi mal-proċedura msemmija f’Artikolu 53(2).” |
4. |
Skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 32(1) (“Ħlasijiet”): “Il-ħlasijiet jistgħu jsiru f’forma ta’ pagamenti akkont, pagamenti provisorji jew pagamenti tal-bilanċ finali. Il-ħlasjiet provisorji jew il-ħlasijiet tal-bilanċ għandhom ikunu relatati ma’ l-ispiża attwalment imħallsa, li għandha tikkorrispondi mal-ħlasijiet li jsiru mill-benefiċjarji finali, sostanzjati b’riċevuti ta’ kontijiet jew dokumenti ta’ kontabilità ta’ valur probattiv.” |
5. |
Fil-Kapitolu II tat-Titolu IV (“Kontroll Finanzjarju”), l-Artikolu 38(1) (“Dispożizzjonijiet ġenerali”) jistabbilixxi li: “1. Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni ta’ l-estimi ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, l-Istati Membri għandhom jerfgħu fl-ewwel lok ir-responsabbiltà għall-kontroll finanzjarju ta’ l-għajnuna. Għal dak l-iskop, il-miżuri li jieħdu għandhom: […]
[…]” |
2. Ir-Regolament Nru 1685/2000
6. |
Il-premessa 5 tipprovdi li: “[…] għal ċertu tip ta’ ħidmiet il-Kummissjoni tikkunsidra li hu meħtieġ sabiex tiggarantixxi l-implimentazzjoni uniformi u imparzjali tal-Fondi Strutturali madwar il-Komunità li tadotta sett komuni ta’ regoli dwar infiq eliġibbli. L-adozzjoni ta’ kull regola li għandha x’taqsam ma’ tip partikolari ta’ ħidma ma tippredetterminax taħt liema mill-Fondi msemmija fuq, din il-ħidma tista’ tkun kofinanzjata. L-adozzjoni ta’ dawn ir-regoli m’għandhiex iżżomm Stati Membri, f’ċerti każijiet li għandhom ikunu indikati, milli japplikaw dispożizzjonijiet nazzjonali aktar stretti […]” |
7. |
Skont l-Anness (“Regoli ta’ eliġibilità”), Regola 1 (“Ħlasijiet minn benefiċjarji finali”), paragrafu 2 (“Provi ta’ nfiq”):
[…]” |
B. Id‑dritt Taljan
1. Il‑Liġi Nru 59 tal‑15 ta’ Marzu 1997 ( 4 )
8. |
Permezz tal-Artikolu 4(4)(c) tiegħu, ir-reġjuni ġew iddelegati l-funzjonijiet u l-kompiti amministrattivi fil-qasam tal-politika reġjonali, strutturali u ta’ koeżjoni tal-UE. |
2. Il-Liġi tar-Reġjun ta’ Calabria Nru 7, tat‑2 ta’ Mejju 2001 ( 5 )
9. |
L-Artikolu 31 quater kien jipprevedi li, fir-rigward tal-Programm Operattiv Reġjonali (POR) Calabria 2000–2006, approvat mill-Kummissjoni Ewropea fid-Deċiżjoni C(2000) 2345 tat‑8 ta’ Awwissu 2000, ir-Reġjun ta’ Calabria jinkoraġġixxi l-ħolqien u l-iżvilupp tal-impriżi żgħar u medji fis-setturi tal-industrija, tal-kummerċ, tal-artiġjanat, tat-turiżmu u tas-servizzi, bl-għajnuna mogħtija konformement mar-Regolament (KE) Nru 70/2001 ( 6 ). |
II. Il‑fatti, il‑kawża u d‑domandi preliminari
10. |
Ir-Reġjun ta’ Calabria, permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill Reġjonali Nru 398 tal‑14 ta’ Mejju 2002 ippubblika s-sejħa għal għajnuna prevista fil-Programm Operattiv Reġjonali (POR) Calabria 2000–2006 li jikkorrispondi għall-“Assi IV-Miżura 4.4.b”. Għal din l-għajnuna kienu eliġibbli l-impriżi żgħar u medji li jippjanaw inizjattivi fis-settur turistiku. |
11. |
L-Artikolu 8 tas-sejħa għal għajnuna kien jagħmel riferiment għar-Regolament Nru 1685/2000 “fir-rigward tal-eliġibbiltà tal-infiq relatat mal-operazzjonijiet kofinanzjati mill-Fondi Strutturali”. Fost l-ispejjeż eliġibbli kien hemm dawk relatati ma’: (1) artijiet; (2) binjiet u installazzjonijiet; (3) għamara u tagħmir; (4) proġetti u studji. |
12. |
Skont l-Artikolu 9 tas-sejħa għal għajnuna:
|
13. |
Permezz tad-Digriet Nru 4457, tal‑20 ta’ April 2004, ingħata sussidju lil Eurocostruzioni Srl għall-kostruzzjoni ta’ lukanda u ta’ faċilitajiet sportivi annessi f’Rossano (ir-Reġjun ta’ Calabria, l-Italja). Għaldaqstant, din l-impriża kisbet finanzjament f’kapital ekwivalenti għal 47 % tal-investiment, li jfisser li rċeviet ammont totali ta’ EUR 4918080. |
14. |
Fid-Digriet Nru 4457, skont il-qorti tar-rinviju:
|
15. |
Eurocostruzioni wettqet ix-xogħlijiet, xtrat l-għamara u pprovdiet lil ir-Reġjun ta’ Calabria bil-pjan tax-xogħlijiet u bir-reġistru tal-kontabbiltà, li permezz tagħhom kisbet iċ-ċertifikat tal-konformità tal-Kumitat għall-evalwazzjoni, wara kontroll tax-xogħlijiet. |
16. |
Ir-Reġjun ta’ Calabria ħallas lil Eurocostruzioni s-somma ta’ EUR 1661638, li tikkorrispondi għall-ispejjeż tax-xiri ta’ għamara u tagħmir, li din l-impriża kienet ipprovat bil-preżentazzjoni tal-fatturi mħallsa. |
17. |
Eurocostruzioni talbet il-ħlas tal-ammont residwu dovut, li kien jammonta għal EUR 1675762, minħabba li, wara l-evalwazzjoni ta’ konformità, ġiet rikonoxxuta favuriha kontribuzzjoni finali ta’ EUR 3337470 netti, ladarba jkunu tnaqqsu l-ħlas bil-quddiem u l-ammont li jikkorrispondi għall-ewwel rapport ta’ monitoraġġ tax-xogħol. |
18. |
Ir-Reġjun ta’ Calabria rrifjuta li jħallas il-EUR 1675762 mitluba, minħabba li Eurocostruzioni ma kinitx ippreżentat fatturi mħallsa jew dokumenti ta’ kontabbiltà ta’ valur probatorju ekwivalenti, skont il-punt 2.1 tar-Regola 1 tal-Anness tar-Regolament Nru 1685/2000, imsemmi fl-avviż tas-sejħa tal‑14 ta’ Mejju 2002 ( 10 ). |
19. |
Eurocostruzioni bdiet proċedura ta’ ordni għal ħlas quddiem it-Tribunale di Catanzaro (il-Qorti Distrettwali ta’ Catanzaro, l-Italja). Din tal-aħħar laqgħet it-talba ta’ Eurocostruzioni permezz tas-sentenza tal‑4 ta’ April 2012. |
20. |
Ir-Reġjun ta’ Calabria appella mis-sentenza tal-ewwel istanza quddiem il-Corte d’appello di Catanzaro (il-Qorti tal-Appell ta’ Catanzaro, l-Italja). |
21. |
Permezz tas-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2014, il-qorti tal-appell tat raġun lir-Reġjun ta’ Calabria, billi kkonstatat li:
|
22. |
Fis‑27 ta’ Ottubru 2015, Eurocostruzioni ppreżentat appell quddiem il-qorti tar-rinviju billi invokat, inter alia, il-ksur tar-Regolament Nru 1685/2000. |
23. |
Fl-appell tagħha, Eurocostruzioni sostniet li:
|
24. |
Huwa f’dan il-kuntest li l-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja) tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
III. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
25. |
It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑19 ta’ Jannar 2021 |
26. |
Ġew ippreżentati osservazzjonijiet minn Eurocostruzioni, mir-Reġjun ta’ Calabria, mill-Gvern Taljan u mill-Kummissjoni Ewropea. |
27. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ma qisitx indispensabbli li tinżamm seduta, iżda talbet lill-partijiet sabiex jieħdu pożizzjoni bil-miktub – kif għamlu – fuq l-allegazzjonijiet tal-Gvern Taljan dwar il-kunċett ta’ “dokument ta’ kontabbiltà ta’ valur probatorju ekwivalenti.” |
IV. Evalwazzjoni
A. Osservazzjonijiet preliminari
28. |
Id-dibattitu jiffoka fuq jekk operatur ekonomiku li bena proprjetà bil-mezzi tiegħu stess (materjali, tagħmir u xogħol) jistax jipproduċi prova tal-ispejjeż li jkun ġarrab permezz ta’ “dokumenti ta’ kontabbiltà ta’ valur probatorju identiku [għal dak ta’ fattura]”, meta dawn tal-aħħar: a) jikkonsistu fil-pjan tax-xogħlijiet u fir-reġistru tal-kontabbiltà; b) ikunu ġew debitament iffirmati fuq kull paġna mill-kuntrattur tax-xogħlijiet u mill-kumpannija benefiċjarja; (ċ) jinkludu spejjeż fil-limitu tal-prezz unitarju ta’ skala standard, miżjuda bi 15 %. Barra minn hekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li s-servizzi tal-Amministrazzjoni eżaminaw u vverifikaw ix-xogħlijiet imwettqa mill-impriża benefiċjarja. |
29. |
Qabel ma jiġi deċiż dan id-dibattitu, għandha ssir preċiżazzjoni inizjali. Jekk jiġi stabbilit in-nuqqas ta’ ssodisfar tar-rekwiżiti ta’ ġustifikazzjoni stabbiliti mir-regoli tal-Unjoni applikabbli hawnhekk ( 11 ), ma jkunx hemm lok li titħallas is-somma mitluba minn Eurocostruzioni fl-ambitu tal-Fondi Strutturali tal-Unjoni (relatati mal-Italja) fil-kuntest tal-Programm Operattiv Reġjonali. |
30. |
Issa, tali fatt, kif tirrileva l-Kummissjoni, ma jipprekludix lil Eurocostruzioni milli jkollha dritt għall-ħlas tas-somma li hija titlob, jekk il-qorti tar-rinviju tqis li l-leġiżlazzjoni Taljana tipproteġi lil din l-impriża li, minbarra l-kostruzzjoni tal-lukanda, issodisfat ir-rekwiżiti fil-qasam tal-ġustifikazzjoni tal-kontabbiltà stabbiliti mill-klawżoli li jirregolaw l-għoti tal-għajnuna ( 12 ). |
31. |
F’tali ipoteżi, il-ħlas lil Eurocostruzioni huwa imputabbli għall-baġit nazzjonali, iżda mhux għall-baġit tal-Unjoni. |
B. L‑ammissibbiltà tad‑domandi preliminari
32. |
Skont ir-Reġjun ta’ Calabria, l-ewwel domanda preliminari hija inammissibbli, minħabba li l-kwistjoni tal-applikabbiltà tar-Regolament Nru 1685/2000 ma tqajmitx quddiem il-qorti tar-rinviju, u l-imsemmija qorti lanqas ma tista’ tqajjimha ex officio fid-dawl tal-karatteristiċi tal-appell (ta’ kassazzjoni) li hija mitluba tiddeċiedi dwaru. F’dan il-kuntest, la ġiet ipprovata r-rabta tal-kawża mar-Regolament Nru 1685/2000 u lanqas ma ġew spjegati r-raġunijiet sabiex issir domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. |
33. |
L-eċċezzjoni ma tistax tintlaqa’. Id-digriet tar-rinviju jenfasizza li dan jirrigwarda, preċiżament, l-obbligi ta’ ġustifikazzjoni tal-ispejjeż ta’ Eurocostruzioni, bħala benefiċjarja finali ta’ għajnuna kkofinanzjata mill-Fondi Strutturali tal-Unjoni. Għalhekk, kif jammetti r-Reġjun ta’ Calabria stess fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu (punt 12), ir-Regolament Nru 1685/2000 huwa applikabbli. F’dan id-digriet, il-qorti tar-rinviju tispjega għalfejn hija teħtieġ l-interpretazzjoni ta’ dan ir-regolament. Hija biss din il-qorti li għandha tiddeċiedi jekk tistax tippreżenta dan l-element ta’ sentenza f’appell jew le. |
34. |
Ir-Reġjun ta’ Calabria jqis, barra minn hekk, li t-tielet domanda preliminari hija inammissibbli, minħabba li l-qorti tar-rinviju naqset milli tispjega r-rabta bejn ir-Regolament Nru 1685/2000 u l-“leġiżlazzjoni statali” jew il-“leġiżlazzjoni reġjonali”, li għalihom hija tagħmel riferiment b’mod inkomplet. Fir-rigward ta’ din tal-aħħar u tad-deċiżjoni tal-Kunsill Reġjonali tar-Reġjun ta’ Calabria tal‑14 ta’ Mejju 2002, il-kontenut tiegħu jeċċedi dak deskritt fid-digriet tar-rinviju. |
35. |
L-eċċezzjoni hija, mill-ġdid, inammissibbli. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tindika l-portata tar-regoli interni rilevanti u r-relazzjoni tagħhom mad-dritt tal-Unjoni. F’din il-kawża, dik il-qorti ddeskriviet fil-qosor, iżda b’mod suffiċjenti, il-kuntest leġiżlattiv nazzjonali u reġjonali, u għamlet riferiment għas-sejħa għal għajnuna u għad-Digriet tal-għoti tas-sussidju mir-Reġjun ta’ Calabria. Ir-relazzjoni ta’ dan il-kuntest leġiżlattiv ma’ dak tal-Unjoni tirriżulta mid-digriet tar-rinviju ( 13 ). |
1. L‑ewwel domanda preliminari
36. |
Is-sussidju kontenzjuż ingħata fl‑20 ta’ April 2004. Għalhekk, fir-rigward tal-ġustifikazzjoni tal-ispejjeż huma applikabbli r-Regolament Nru 1260/1999 (ir-Regolament bażiku) ( 14 ) u r-Regolament Nru 1685/2000 (ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni) ( 15 ), kif emendat bir-Regolament Nru 448/2004, li l-applikazzjoni tiegħu kienet retroattiva b’effett mill‑5 ta’ Lulju 2003 u, għal ċerti dispożizzjonijiet, mill‑5 ta’ Awwissu 2000. |
37. |
Iż-żewġ regolamenti jipprovdu, fl-interessi tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, li “[i]r-regoli nazzjonali relevanti għandhom japplikaw għall-ispiża eliġibbli ħlief fejn, kif meħtieġ, il-Kummissjoni tistabbilixxi regoli komuni dwar l-eliġibilità ta’ l-ispiża […]” ( 16 ). |
38. |
Konformement ma’ din il-possibbiltà, il-Kummissjoni, permezz tar-Regolament Nru 1685/2000 ( 17 ), stabbilixxiet regoli komuni dwar l-eliġibbiltà tal-ispejjeż. Skont dawn ir-regoli, l-Istati Membri kellhom jikkonformaw ruħhom mas-sistema komuni ta’ ġustifikazzjoni prevista mir-Regolament Nru 1685/2000, sakemm ma jiddeċidux li jużaw, eċċezzjonalment, sistema nazzjonali iktar stretta. |
39. |
Il-qorti tar-rinviju ma tindikax li l-Istat Taljan kien stabbilixxa sistema nazzjonali iktar stretta, kif jikkonferma l-Gvern ta’ dan il-pajjiż ( 18 ). Għalhekk, il-ġustifikazzjoni tal-ispejjeż sostnuti minn Eurocostruzioni hija rregolata mir-Regolament Nru 1685/2000. |
40. |
Kif diġà esponejt, permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 2.1 tar-Regola 1 tal-Anness tar-Regolament Nru 1685/2000:
|
41. |
L-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 1260/1999 jagħmel distinzjoni, minn naħa, bejn il-ġestjoni finanzjarja tal-ħlasijiet bil-quddiem ( 19 ) u, min-naħa l-oħra, dik tal-ħlasijiet proviżorji u ħlasijiet tal-bilanċ finali. Fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, it-tielet subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi li “għandhom ikunu relatati ma’ l-ispiża attwalment imħallsa, li għandha tikkorrispondi mal-ħlasijiet li jsiru mill-benefiċjarji finali, sostanzjati b’riċevuti ta’ kontijiet jew dokumenti ta’ kontabilità ta’ valur probattiv”. |
42. |
Għalhekk, il-ħlasijiet tal-bilanċ finali (li hija l-kwalità ta’ dawk invokati, f’dan il-każ, minn Eurocostruzioni) jeħtieġu ġustifikazzjoni ta’ kontabbiltà minn qabel tal-ispejjeż effettivament imħallsa mill-benefiċjarju tal-għajnuna. |
43. |
Dan l-istess rekwiżit isir riferiment għalih fil-punt 2.1 tar-Regola 1 tal-Anness tar-Regolament Nru 1685/2000, applikabbli għall-operazzjonijiet kkofinanzjati mill-Fondi Strutturali, li l-formulazzjoni tiegħu diġà rriproduċejt u nfakkar hawnhekk: “Bħala regola, ħlasijiet mill-benefiċjarju finali, iddikjarati bħala ħlas provviżorju u ħlas tal-bilanċ finali, għandhom ikunu sostenuti b’fatturi mħallsa. Meta dan ma jistax isir, ħlasijiet għandhom ikunu sostenuti b’dokumenti ta’ żamma ta’ kontijiet ta’ valur probattiv ekwivalenti.” |
44. |
Il-formulazzjoni taż-żewġ dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq hija ċara:
|
45. |
Il-kuntest li fih jidħlu dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet japplika fl-istess sens. Dan tixhdu l-premessa 43 tar-Regolament Nru 1260/1999 ( 20 ), li ssostni interpretazzjoni restrittiva tar-Regola 1 tal-Anness tar-Regolament Nru 1685/2000. |
46. |
L-għan tal-ġestjoni finanzjarja tajba, li jispira l-ġestjoni tal-Fondi Strutturali ( 21 ), jikkorrobora din il-linja ta’ interpretazzjoni. Skont l-Artikolu 38(1) tar-Regolament Nru 1260/1999, l-Istati Membri għandhom jerfgħu fl-ewwel lok ir-responsabbiltà għall-kontroll finanzjarju tal-għajnuna. Għal dak l-iskop, il-miżuri li jieħdu għandhom:
|
47. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-sistema stabbilita fl-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 1260/1999 kif ukoll fir-Regola 1 tal-anness tar-Regolament Nru 1685/2000 hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ rimbors tal-ispejjeż, li għandhom ikunu ġġustifikati u ċċertifikati ( 22 ). |
48. |
Il-fatt li l-benefiċjarju tal-għajnuna bena l-bini bil-mezzi tiegħu stess ma jeżentahx mis-sistema ta’ ġustifikazzjoni stabbilita mir-Regolamenti Nru 1260/1999 u Nru 1685/2000. |
49. |
Jekk, minħabba li jkun wettaq ix-xogħlijiet permezz tal-mezzi tiegħu stess, mingħajr l-użu ta’ terzi, ikun impossibbli li l-benefiċjarju jipproduċi fatturi li juru l-kostruzzjoni ta’ proprjetà immobbli – hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi dwar din l-impossibbiltà – huwa għandu, fi kwalunkwe każ, jistabbilixxi l-ispejjeż imġarrba permezz ta’ dokumenti ta’ kontabbiltà ta’ valur probatorju ekwivalenti għal dak ta’ fattura mħallsa ( 23 ). |
50. |
Għalhekk ma hemmx triq intermedja. L-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 1260/1999 u l-punt 2.1 tar-Regola 1 tal-Anness tar-Regolament Nru 1685/2000 jaċċettaw biss, bħala mezz ta’ prova tal-ispejjeż, il-fatturi mħallsa jew, jekk il-produzzjoni tagħhom tkun impossibbli, dokumenti ta’ kontabbiltà ta’ valur probatorju ekwivalenti. L-istess japplika meta l-benefiċjarju tal-għajnuna jkun bena bini b’materjali, strumenti u persunal tiegħu stess. |
51. |
Il-kwistjoni hija differenti meta, fost dawn id-dokumenti ta’ kontabbiltà li għandhom valur probatorju ekwivalenti, jista’ jkun hemm dawk li, b’mod partikolari, ikunu s-suġġett ta’ kontroversji matul din il-kawża. Dawn huwa s-suġġett tat-tielet domanda preliminari. |
2. It‑tieni domanda preliminari
52. |
It-tieni domanda tirrigwarda t-tifsira tat-terminu “dokumenti ta’ żamma ta’ kontijiet ta’ valur probattiv ekwivalenti”, li jintużaw — iżda ma humiex iddefiniti — fir-Regolamenti Nru 1260/1999 u Nru 1685/2000. Is-sens tiegħu lanqas ma huwa spjegat fir-regolamenti li ssostitwixxew iż-żewġ regolamenti msemmija. |
53. |
Skont il-Kummissjoni, dan it-terminu jirreferi għall-provi tal-ħlas li l-Kummissjoni stess tirrikonoxxi u taċċetta meta, skont id-dispożizzjonijiet fiskali u tal-kontabbiltà ta’ Stat Membru, ma jkunx hemm lok li tinħareġ fattura għal għoti ta’ flus ( 24 ). |
54. |
Fil-fehma tagħha, dawn huma dokumenti ta’ prova, awtentiċi u affidabbli, li jistgħu juru, l-istess bħall-fatturi mħallsa, ir-realtà tal-ispejjeż sostnuti ( 25 ). |
55. |
Jiena naqbel mal-Kummissjoni li l-ġustifikazzjoni tal-ispejjeż, permezz ta’ dan it-titolu (jiġifieri sa fejn huwa impossibbli li jiġu prodotti l-fatturi mħallsa), tista’ sseħħ permezz ta’ dokumenti tal-kontabbiltà awtorizzati mid-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru, meta dawn ikunu kapaċi jagħtu stampa vera u ġusta tal-ispejjeż effettivament sostnuti. |
56. |
Fost dawn id-dokumenti hemm, pereżempju:
|
57. |
Il-Gvern Taljan jipproponi, madankollu, interpretazzjoni iktar wiesgħa tal-kunċett inkwistjoni hawnhekk, li tippermetti li jiġu koperti l-każijiet ta’ twettiq ta’ xogħol jew ta’ proġett permezz ta’ mezzi proprji. Fil-fehma tiegħu:
|
58. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja talbet lill-partijiet fil-kawża u lill-Kummissjoni jesprimu ruħhom dwar l-interpretazzjoni proposta mill-Gvern Taljan. B’risposta għal din it-talba:
|
59. |
Min-naħa tiegħi, inqis li l-interpretazzjoni proposta mill-Gvern Taljan tirrendi eċċessivament flessibbli s-sistema ta’ ġustifikazzjoni prevista fil-punt 2.1 tar-Regola 1 tal-Anness tar-Regolament Nru 1685/2000. Bl-istess mod, ma tużax kriterji ermenewtiċi restrittivi, iżda estensivi, sabiex tapplika l-eżenzjoni kontenzjuża. |
60. |
Kif diġà indikajt, il-possibbiltà li l-ġustifikazzjoni inkwistjoni ssir permezz ta’ “dokumenti ta’ kontabbiltà ta’ valur probatorju ekwivalenti” tikkostitwixxi eċċezzjoni li tista’ tintuża biss meta l-produzzjoni ta’ fatturi debitament imħallsa ma tkunx fattibbli. Interpretazzjoni bħal dik issuġġerita mill-Gvern Taljan ma hijiex konformi mal-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 1260/1999 u mal-punt 2.1 tar-Regola 1 tal-Anness tar-Regolament Nru 1685/2000. |
61. |
Il-possibbiltà li l-ġustifikazzjoni tal-kostruzzjoni permezz ta’ mezzi proprji ssir bl-użu ta’ ċertifikazzjoni tal-valur tal-kontribuzzjoni minn professjonist ikkwalifikat u indipendenti jew minn organu uffiċjali awtorizzat, jagħti lok għal possibbiltajiet ta’ duplikazzjoni fil-kalkolu tal-ispejjeż jew ta’ eventwali frodi fil-ġustifikazzjoni neċessarja għar-riċeviment tal-flus mill-Fondi Strutturali tal-Unjoni. |
62. |
Barra minn hekk, kif issostni l-Kummissjoni, din l-interpretazzjoni tillimita b’mod mhux iġġustifikat il-possibbiltà li jiġu prodotti “dokumenti ta’ kontabbiltà ta’ valur probatorju ekwivalenti” għal dawk maħruġa minn professjonisti jew minn organi uffiċjali tal-awditjar. Tali rekwiżit huwa stabbilit biss fil-punt 1.7(d) tar-Regola 1 tal-Anness tar-Regolament Nru 1685/200 għall-provvista ta’ artijiet jew postijiet u ma japplikax għal kontribuzzjonijiet oħra in natura. Ma nara l-ebda raġuni għalfejn din il-limitazzjoni għandha tiġi estiża għall-kontribuzzjonijiet tal-kuntratturi tax-xogħol iffinanzjati mill-Fondi Strutturali tal-Unjoni imwettqa b’mezzi proprji. |
63. |
Il-prinċipji ta’ eżekuzzjoni finanzjarja tajba u ta’ rimbors tal-ispejjeż, li japplikaw għall-Unjoni f’dan il-qasam, jargumentaw favur iċ-ċaħda tal-interpretazzjoni difiża mill-Gvern Taljan. |
3. It‑tielet domanda preliminari
64. |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-Regolament Nru 1685/2000 jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali u reġjonali, kif ukoll l-atti amministrattivi li jirriżultaw minnhom li, fil-każ ta’ finanzjament mogħti lill-benefiċjarju għall-kostruzzjoni ta’ bini permezz ta’ materjali, ta’ strumenti u ta’ persunal tiegħu stess, tipprevedi sistema ta’ kontroll tal-ispejjeż li tikkonsisti:
|
65. |
Ser nittratta d-domanda magħmula b’dan il-mod, fl-ewwel lok, minn perspettiva ġenerali, jiġifieri mingħajr riferiment għad-dispożizzjonijiet partikolari tas-sussidju mogħti lil Eurocostruzioni, biex, imbagħad, nanalizza d-dettalji ta’ din tal-aħħar, sabiex il-qorti tar-rinviju tingħata l-iktar risposta utli possibbli. |
a) Kompatibbiltà, fl‑astratt, tar‑regola nazzjonali mar‑Regolament Nru 1685/2000
66. |
Bla ħsara għall-evalwazzjoni li għamlet il-qorti tar-rinviju, il-metodu ta’ kontroll tal-ispejjeż li hija tiddeskrivi fit-tielet domanda preliminari tagħha jidher li iktar joriġina mid-Digriet tal-għoti tas-sussidju mogħti iktar milli direttament minn liġi nazzjonali jew reġjonali ( 29 ). |
67. |
Il-problema dwar jekk din is-sistema hijiex konformi mar-Regolament Nru 1685/2000 hija dik li jkun magħruf b’eżattezza l-kontenut taż-żewġ dokumenti (jiġifieri “il-pjan tax-xogħlijiet u r-reġistru tal-kontabbiltà”) ( 30 ) meħtieġa sabiex jiġu ġġustifikati l-ispejjeż tal-kostruzzjoni, meta din titwettaq mill-benefiċjarju li juża l-mezzi tiegħu stess. |
68. |
Mal-ewwel daqqa t’għajn, nista’ naqbel mal-Kummissjoni u mar-Reġjun ta’ Calabria li dawn iż-żewġ dokumenti ma għandhomx, bħala tali, valur probatorju ekwivalenti għal dak ta’ fattura. |
69. |
Fil-fatt, jekk il-pjan tax-xogħlijiet u r-reġistru tal-kontabbiltà sempliċement jagħtu rendikont tal-progress tad-diversi fażijiet tax-xogħlijiet ( 31 ) u huma akkumpanjati mill-“firma fuq kull paġna” tal-kuntrattur tax-xogħol u tal-impriża benefiċjarja għal dawn il-finijiet biss, dawn ma humiex biżżejjed sabiex jiġi pprovat b’mod korrett u xieraq il-valuri monetarji li jikkorrispondu għall-kostruzzjoni sħiħa tal-lukanda. |
70. |
Għall-kuntrarju, jekk ir-“reġistru tal-kontabbiltà” tal-impriża benefiċjarja jippermetti li jkunu magħrufa, b’mod affidabbli u ddettaljat, l-ispejjeż li hija ħallset bħala salarji lill-impjegati tagħha jew għall-materjali ta’ kostruzzjoni, pereżempju u, fost spejjeż oħrajn analogi, jiena tal-opinjoni li ma jkunx hemm diffikultà sabiex dan ir-reġistru tal-kontabbiltà jiġi kklassifikat bħala dokument ta’ valur probatorju ekwivalenti għal dak ta’ fattura. |
71. |
Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dawn il-punti u tiddeċiedi, skont l-evalwazzjoni tagħha stess, sa fejn dawn iż-żewġ dokumenti tal-kontabbiltà jistgħu jagħtu stampa vera u ġusta tal-ispejjeż imħallsa mill-impriża benefiċjarja tal-għajnuna, fil-każ fejn l-istabbiliment ta’ fatturi mħallsa ma jkunx oġġettivament possibbli. |
72. |
F’dak li jikkonċerna l-verifika, minn Kumitat għall-evalwazzjoni maħtur mill-amministrazzjoni reġjonali, tax-xogħlijiet imwettqa sempliċiment abbażi ta’ rapport ordnat minn qabel ta’ prezzijiet, ma nqisx li din tikkostitwixxi metodu xieraq sabiex jiġi vverifikat li, f’każ partikolari, l-ispejjeż imġarrba jikkorrispondu għal dawk li jidhru, bħala parametri astratti ta’ kalkolu, f’dan ir-rapport. |
b) Ġustifikazzjoni, b’mod partikolari, tal‑ispejjeż li għandhom jitħallsu minn Eurocostruzioni
73. |
Il-qorti tar-rinviju tidher li taċċetta li x-xogħlijiet iffinanzjati (lukanda f’Rossano) effettivament twettqu minn Eurocostruzioni konformement mal-proġett approvat u li kienu konformi miegħu f’termini kwantitattivi u kwalitattivi. Hija teskludi għalhekk l-eżistenza ta’ implimentazzjoni difettuża jew ta’ frodi fit-twettiq ta’ proġett ikkofinanzjat minn Fondi Strutturali. |
74. |
Skont l-informazzjoni li tinsab fid-digrieti, ix-xogħol issussidjat ġie eżegwit u, barra minn hekk, Eurocostruzioni rċeviet il-fondi intiżi għall-għamara peress li hija ppreżentat il-fatturi mħallsa għax-xiri tagħha, skont is-sejħa tal‑14 ta’ Mejju 2002 u d-Digriet tal-għoti tal‑20 ta’ April 2004. |
75. |
Id-dubji tal-qorti tar-rinviju jagħmlu riferiment għall-ġustifikazzjoni tal-ispejjeż l-oħra tal-kuntrattur tax-xogħlijiet, minħabba l-fatt li huwa bena l-bini b’materjali, strumenti u persunal tiegħu stess, kif diġà ntqal. Eurocostruzioni ma pproduċietx fatturi mħallsa fir-rigward ta’ dawn l-ispejjeż. |
76. |
Nifhem li l-ewwel ħaġa li għandha tiġi vverifikata hija jekk kienx verament fattibbli li dawn l-ispejjeż jiġu ġġustifikati permezz ta’ fatturi mħallsa, kif isostni r-Reġjun ta’ Calabria. |
77. |
Jekk il-ħruġ tal-fatturi debitament imħallsa ma kienx possibbli, l-applikazzjoni tal-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 1260/1999 u tal-punt 2.1 tar-Regola 1 tal-Anness tar-Regolament Nru 1685/2000 tippermetti, b’eċċezzjoni, il-ġustifikazzjoni tal-infiq permezz ta’ dokumenti ta’ kontabbiltà ta’ valur probatorju ekwivalenti għal dawn tal-aħħar ( 32 ). |
78. |
B’mod partikolari, id-dokumenti li jinkorporaw il-validazzjoni u l-verifika tax-xogħlijiet, imwettqa minn Kumitat għall-evalwazzjoni maħtur mill-amministrazzjoni reġjonali, kif diġà sostnejt, ma jiġġustifikawx b’mod leali u suffiċjenti l-ispejjeż sostnuti, jekk huma jillimitaw ruħhom li japplikaw stimi skont skala standard li ma għandhomx rabta diretta u oġġettiva ma’ dawn l-ispejjeż, iżda ma’ parametri astratti. |
79. |
Għaldaqstant, dawn id-dokumenti ma joffrux, fihom infushom, stampa vera u ġusta tat-tranżazzjonijiet effettivament imwettqa, ma jirriflettux il-valur miżjud mogħti mill-impriża għall-proġett u lanqas ma jeliminaw il-possibbiltà ta’ duplikazzjoni. |
80. |
Finalment, ma jkunx superfluwu li jitfakkar li l-Artikolu 8 tal-avviż ta’ sejħa tal‑14 ta’ Mejju 2002 (li għalih tagħmel riferiment il-qorti tal-appell fil-parti finali tas-sentenza tagħha tas‑27 ta’ Ottubru 2014) kien jeskludi mis-sussidju l-ispejjeż marbuta mal-ordnijiet interni tal-proċessi (ta’ kostruzzjoni), kif ukoll l-ispejjeż mhux ikkapitalizzati u l-ħlasijiet fi flus kontanti. |
V. Konklużjoni
81. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej lill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja): “L-Artikolu 32 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 tal‑21 ta’ Ġunju 1999 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali u l-punt 2.1 tar-Regola 1 tal-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1685/2000 tat‑28 ta’ Lulju 2000 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 1260/1999 f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-eliġibbilità ta’ l-infiq ta’ operazzjonijiet kofinanzjati mill-Fondi Strutturali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.
( 2 ) Regolament tal-Kummissjoni tat‑28 ta’ Lulju 2000 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-eliġibbilità ta’ l-infiq ta’ operazzjonijiet kofinanzjati mill-Fondi Strutturali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 122), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 448/2004 tal‑10 ta’ Marzu 2004 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 dwar l-eliġibilità ta’ l-infiq fuq operazzjonijiet ko-finanzjati mill-Fondi Strutturali u li jirtira r-Regolament (KE) Nru 1145/2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 2, p. 3).
( 3 ) Regolament tal-Kunsill tal‑21 ta’ Ġunju 1999 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 31).
( 4 ) Legge 15 marzo 1997, n. 59, Delega al Governo per il conferimento di funzioni e compiti alle regioni ed enti locali, per la riforma della Pubblica Amministrazione e per la semplificazione amministrativa (il-Liġi li tiddelega lill-Gvern l-għoti ta’ funzjonijiet u kompiti lir-reġjuni u lill-awtoritajiet lokali għar-riforma tas-servizz pubbliku u s-simplifikazzjoni amministrattiva). Id-delega ġiet sussegwentement implimentata permezz tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 123 (Disposizioni per la razionalizzazione degli interventi di sostegno pubblico alle imprese, a norme dell’articolo 4, comma 4, lettera c), della legge 15 marzo 1997, n. 59), tal‑31 ta’ Marzu 1998 (id-Dispożizzjonijiet għar-razzjonalizzazzjoni tal-miżuri ta’ appoġġ pubbliku favur l-impriżi, konformement mal-Artikolu 4(4)(c) tal-Liġi Nru 59, tal‑15 ta’ Marzu 1997).
( 5 ) Legge regionale 2 maggio 2001, n. 7. Disposizioni per la formazione del bilancio annuale 2001 e pluriennale 2001/2003 della Regione Calabria (Legge finanziaria)
( 6 ) Regolament tal-Kummissjoni tat‑12 ta’ Jannar 2001 dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna ta’ l-Istat lill-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 141).
( 7 ) Dawn għandhom jiġu kkunsidrati bħala dawk li wettaq huwa stess.
( 8 ) Digriet tar-rinviju, punt 3.6.
( 9 ) Ibidem.
( 10 ) L-Artikolu 2 ta’ din is-sejħa, intitolat “Proċedura u leġiżlazzjoni ta’ riferiment”, kien jirrigwarda speċifikament ir-Regolamenti Nru 1260/1999 u Nru 1685/2000.
( 11 ) Jiġifieri, l-Artikolu 32(1) tar-Regolament Nru 1260/1999 u l-punt 2.1 tar-Regola 1 tal-Anness tar-Regolament Nru 1685/2000.
( 12 ) Jiġifieri, permezz ta’ dawk li jinsabu fil-ftehim tal-Kunsill Reġjonali ta’ Calabria tal‑14 ta’ Mejju 2002 u fid-Digriet tal-għoti tal‑20 ta’ April 2004. L-allegazzjonijiet ta’ Eurocostruzioni fir-rigward tal-ksur tal-prinċipji ta’ bona fide, ta’ lealtà u ta’ aspettattivi leġittimi jistgħu jiġu invokati, jekk ikun il-każ, fir-rigward tad-dritt Taljan u dawn għandhom jiġu deċiżi mill-qrati ta’ dan il-pajjiż.
( 13 ) Dawn il-kunsiderazzjonijiet ma humiex ikkontestati minn dawk li ser nesponi fl-eżami tal-mertu tat-tielet domanda preliminari.
( 14 ) Din ir-regola bażika ġiet issostitwita bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal‑11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 (ĠU 2006, L 210, p. 25), li min-naħa tiegħu tħassar bir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU 2013, L 347, p. 320, rettifiki fil-ĠU 2016, L 200, p. 140, fil-ĠU 2019, L 66, p. 6, u fil-ĠU 2022, L 146, p. 155).
( 15 ) Din ir-regola ġiet issostitwita bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1828/2006, tat‑8 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi r-regoli għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u tar-Regolament (KE) Nru 1080/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ĠU 2006, L 371, p. 1), li ġie emendat diversi drabi.
( 16 ) L-Artikolu 30(3) tar-Regolament Nru 1260/1999. Skont il-premessa 41 ta’ dan ir-regolament, “skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà, ir-regoli fuq in-nefqa eliġibbli għandhom ikunu r-regoli nazzjonali relevanti fejn m’hemm ebda regoli Komunitarji, għalkemm dawn jistgħu jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni fejn ikun ċar li jkunu meħtieġa għall-implimentazzjoni uniformi u ekwa tal-Fondi Strutturali madwar il-Komunità”.
( 17 ) Skont il-premessa 5 tiegħu: “[…] għal ċertu tip ta’ ħidmiet il-Kummissjoni tikkunsidra li hu meħtieġ sabiex tiggarantixxi l-implimentazzjoni uniformi u imparzjali tal-Fondi Strutturali madwar il-Komunità li tadotta sett komuni ta’ regoli dwar infiq eliġibbli […]. L-adozzjoni ta’ dawn ir-regoli m’għandhiex iżżomm Stati Membri, f’ċerti każijiet li għandhom ikunu indikati, milli japplikaw dispożizzjonijiet nazzjonali aktar stretti”.
( 18 ) Punt 28 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.
( 19 ) L-Artikolu 32(2) jipprevedi li, meta jsir l-ewwel obbligu, il-Kummissjoni għandha tagħmel ħlas akkont lill-awtorità li tħallas, u dan għandu jkun ta’ 7 % tal-kontribuzzjoni mill-Fondi għall-għajnuna inkwistjoni. Il-ħlas ta’ dan il-ħlas bil-quddiem huwa, loġikament, permess mingħajr ma tintalab ebda ġustifikazzjoni ta’ kontabbiltà minn qabel ta’ spejjeż min-naħa tal-benefiċjarju. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2005, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (C‑138/03, C‑324/03 u C‑431/03, EU:C:2005:714, iktar ’il quddiem is-“sentenza L‑Italja vs Il‑Kummissjoni”, punti 47 sa 49).
( 20 )
( 21 ) Ara l-premessi 35 u 43 tar-Regolament Nru 1260/1999.
( 22 ) Sentenza L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, punti 44 sa 46. Dan tal-aħħar jiddikjara li, “[…] fil-prinċipju, l-eliġibbiltà mill-korpi nazzjonali għall-kontribut tal-Fondi Strutturali ta’ l-infiq li sar hija soġġetta għall-preżentazzjoni fis-servizzi tal-Kummissjoni tal-prova ta’ l-użu tagħhom fil-kuntest tal-proġett iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea. Prova bħal din tista’ tikkonsisti minn irċevuti ta’ kontijiet imħallsa jew, jekk dan ma jkunx possibbli, minn dokumenti ta’ kontabilità ta’ valur probattiv ekwivalenti”.
( 23 ) Fil-fehma tal-Kummissjoni, f’każ bħal dan, il-benefiċjarju seta’ jipproduċi l-prova tal-ispejjeż, pereżempju permezz ta’ fatturi ta’ xiri ta’ materjal jew ta’ rendikonti tar-remunerazzjoni lill-ħaddiema. Huwa seta’ wkoll jipproduċi dokumenti ta’ kontabbiltà ta’ valur probatorju ekwivalenti għall-ispejjeż li għalihom ma huwiex possibbli li jkun hemm fatturi, bħall-kontribuzzjonijiet in natura jew dawk li jikkorrispondu għall-amortizzazzjoni jew għad-deprezzament tal-oġġetti użati fl-eżekuzzjoni tax-xogħol.
( 24 ) Fil-qasam tal-VAT, id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1), tipprevedi l-użu tal-fatturi bħala mezz sabiex jinkiseb it-tnaqqis tal-VAT u tirregola wħud mill-elementi u mill-karatteristiċi li huma għandu jkollhom, filwaqt li tagħmel riferiment, għall-oħrajn, għad-drittijiet tal-Istati Membri. Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑15 ta’ Settembru 2016, Senatex (C‑518/14, EU:C:2016:691), punti 28 u 29; tal‑21 ta’ Novembru 2018, Vădan (C‑664/16, EU:C:2018:933), punti 39 u 40); u tal‑11 ta’ Novembru 2021, Ferimet (C‑281/20, EU:C:2021:910), punti 26 sa 28).
( 25 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni 97/324/KE tat‑23 ta’ April 1997 li temenda d-deċiżjonijiet li japprovaw l-oqfsa Komunitarji ta’ sostenn, id-dokumenti uniċi ta’ programmazzjoni u l-programmi ta’ inizjattiva Komunitarja adottati fir-rigward tal-Irlanda (it-test bl-Ingliż huwa l-uniku test awtentiku) (ĠU 1997, L 146, p. 15).
“Skeda nru 4: […] Preċiżazzjonijiet dwar il-kunċett ta’ spejjeż reali
[…]
3. ‛Dokument ta’ kontabbiltà ta’ valur probatorju ekwivalenti’ jfisser, meta l-ħruġ ta’ fattura ma jsirx skont ir-regoli fiskali u tal-kontabbiltà nazzjonali, kull dokument ippreżentat sabiex jiġi ġġustifikat li l-entrata tal-kontabbiltà tagħti stampa vera u ġusta tar-realtà u jkun konformi mar-regoli fis-seħħ fil-qasam tal-kontabbiltà.
[…]”
( 26 ) Ara, fir-Regolament Nru 1303/2013, l-Artikolu 68 dwar il-ġustifikazzjoni tal-ispejjeż indiretti kif ukoll l-Artikolu 69 dwar il-ġustifikazzjoni tal-kontribuzzjonijiet in natura fil-forma ta’ xogħlijiet, ta’ oġġetti, ta’ servizzi, ta’ artijiet u ta’ beni immobbli li għalihom ma twettaq ebda ħlas fi flus iddokumentat fuq fatturi jew dokumenti ta’ valur probatorju ekwivalenti kif ukoll tal-ispejjeż tad-deprezzament.
( 27 ) Skont ir-Regolament Nru 1685/2000, Anness, Regola 1, punt 1.8, “[l-i]spejjeż ġenerali jkunu nfiq eliġibbli kemm-il darba jkunu msejsa fuq spejjeż rejali li għandhom x’jaqsmu ma’ l-implimentazzjoni tal-ħidma kofinanzjata mill-Fondi Strutturali u jkunu allokati pro rata għall-ħidma, skond metodu hekk iġġustifikat ġust u imparzjali.”
( 28 ) Skont il-punt 1.7 tar-Regola 1 tal-Anness tar-Regolament Nru 1685/2000, “[il-k]ontribuzzjonijiet f’oġġetti/servizzi [in natura] huma spejjeż eliġibbli kemm-il darba:
(a) ikunu jikkonsistu fl-għoti ta’ art jew bini, tagħmir jew materjal, riċerka jew attività professjonali, jew xogħol volontarju mhux imħallas;
(b) ma jkunux magħmula fir-rigward ta’ miżuri ta’ inġinerija finanzjarja li hemm referenza għalihom f’Regoli 8, 9 u 10;
(ċ) il-valur tagħhom jista’ jkun stmat u awditjat indipendentament;
(d) fil-każ tal-għoti ta’ art jew bini, il-valur ikun iċċertifikat minn stimatur kwalifikat indipendenti jew korp uffiċjali hekk maħtur;
(e) fil-każ ta’ xogħol volontarju mhux imħallas, il-valur ta’ dak ix-xogħol ikun stabbilit billi jitqies l-ammont ta’ ħin iddedikat u r-rata normali fis-siegħa u ta’ kuljum għax-xogħol imwettaq;
(f) id-dispożizzjonijiet tar-Regoli 4, 5 u 6 jkunu mħarsa meta applikabbli.”
( 29 ) Dan huwa ċar mill-punt 3.6 tad-digriet tar-rinviju.
( 30 ) Fil-verżjoni oriġinali Taljana, “liberertto delle misure” u “registro della contabilità”.
( 31 ) Dan huwa dak li l-qorti tal-appell tidher li qiegħda tindika fis-sentenza tagħha tas‑27 ta’ Ottubru 2014.
( 32 ) Nagħmel riferiment għall-punti 69 sa 71 ta’ dawn il-konklużjonijiet.