KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RANTOS

ippreżentati fit‑22 ta’ Frar 2022 ( 1 )

Kawżi magħquda C‑14/21 u C‑15/21

Sea Watch eV

vs

Ministero delle Infrastrutture e dei Trasporti,

Capitaneria di Porto di Palermo (C‑14/21)

Ministero delle Infrastrutture e dei Trasporti,

Capitaneria di Porto di Porto Empedocle (C‑15/21)

(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per la Sicilia (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal Sicilia, l-Italja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport marittimu – Attività ta’ riċerka u ta’ salvataġġ fil-baħar – Qafas applikabbli għall-bastimenti – Direttiva 2009/16/KE – Setgħat ta’ kontroll tal-Istat tal-port – Artikolu 3 – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 11 – Kundizzjonijiet għal spezzjoni addizzjonali – Artikolu 13 – Spezzjoni ddettaljata – Portata tas-setgħat ta’ kontroll – Artikolu 19 – Detenzjoni ta’ bastimenti”

I. Introduzzjoni

1.

Dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari tressqu mit-Tribunale amministrativo regionale per la Sicilia (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal Sicilia, l-Italja) fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn Sea Watch eV u l-Ministero delle Infrastrutture e dei Trasporti (il-Ministeru għall-Infrastruttura u għat-Trasport, l-Italja) kif ukoll il-Capitaneria di Porto di Palermo (l-Uffiċċju tal-Kap tal-Port ta’ Palermo, l-Italja), fl-ewwel kawża, u l-Capitaneria di Porto di Porto Empedocle (l-Uffiċċju tal-Kap tal-Port ta’ Porto Empedocle, l-Italja), fit-tieni kawża, dwar żewġ ordnijiet ta’ twaqqif maħruġa minn kull wieħed minn dawn l-Uffiċċji tal-Kap tal-Port u li jirrigwardaw, rispettivament, il-bastimenti bl-isem “Sea Watch 4” u “Sea Watch 3” (iktar ’il quddiem il-“bastimenti inkwistjoni”).

2.

Id-domandi preliminari jikkonċernaw, essenzjalment, il-portata tal-kontroll tal-Istat tal-port, abbażi tad-Direttiva 2009/16/KE ( 2 ) u ta’ regoli internazzjonali oħra applikabbli, għall-bastimenti privati li jeżerċitaw, b’mod sistematiku u esklużiv, l-attività ta’ riċerka u ta’ salvataġġ ta’ persuni li jsibu ruħhom f’sitwazzjoni ta’ periklu jew ta’ diffikultà fuq il-baħar (iktar ’il quddiem l-“attività ta’ riċerka u ta’ salvataġġ fuq il-baħar”). Il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba, b’mod iktar partikolari, tispeċifika l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/16, il-frekwenza u l-intensità tal-kontrolli, kif ukoll il-bażi tal-miżuri ta’ detenzjoni.

3.

Id-diffikultà prinċipali preżenti f’dawn il-kawżi tinsab fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni internazzjonali jew Ewropea li tirregola l-eżerċizzju sistematiku tal-attività ta’ riċerka u ta’ salvataġġ fuq il-baħar minn entitajiet privati ( 3 ), attività li żdiedet ħafna matul l-aħħar snin, fid-dawl tan-nuqqasijiet tal-organizzazzjonijiet statali u internazzjonali fil-konfront tas-sitwazzjoni iktar u iktar kritika marbuta mas-sigurtà tal-persuni li jaqsmu l-baħar Mediterran abbord bċejjeċ tal-baħar mhux maħsuba għal dan l-iskop.

4.

Sal-lum, il-leġiżlaturi internazzjonali u Ewropej astjenew milli jimlew din il-lakuna u għalhekk milli jadottaw direttament pożizzjoni fir-rigward ta’ dan il-fenomenu ( 4 ), li l-importanza tiegħu bħalissa hija mmanifestata mill-fatt li l-bastimenti privati li jwettqu b’mod sistematiku l-attività ta’ riċerka u ta’ salvataġġ fuq il-baħar essenzjalment jikkooperaw mas-sistemi statali ta’ riċerka u ta’ salvataġġ fuq il-baħar ( 5 ). Madankollu, l-assenza ta’ regoli partikolari dwar din il-prassi twassal għal sitwazzjonijiet ambigwi, li fihom il-preżenza ta’ bastimenti privati li jeżerċitaw b’mod regolari l-attività ta’ riċerka u salvataġġ fuq il-baħar tista’ twassal sabiex jiġu evitati r-regoli tad-dħul fit-territorju tal-Unjoni u anki billi jħeġġu dan it-tip ta’ attività. Madankollu nirrimarka, qabelxejn, li dawn il-kawżi ma jirrigwardawx l-attività ta’ riċerka u ta’ salvataġġ stess, iżda jikkonċernaw stadju distint u sussegwenti għaliha, jiġifieri l-attività ta’ spezzjoni tal-bastimenti wara l-iżbarkar ta’ “nawfragi”.

II. Il‑kuntest ġuridiku

A.   Id‑dritt tal‑Unjoni

5.

Id-Direttiva 2009/16 ( 6 ) tikkonċerna l-kontroll tal-bastimenti mill-Istat tal-port. Il-premessa 6 ta’ din id-direttiva hija redatta kif ġej:

“Il-monitoraġġ tal-konformità tal-vapuri mal-istandards internazzjonali għas-sikurezza, għall-prevenzjoni tat-tniġġis u għall-kondizzjoniiet ta’ għajxien u tax-xogħol abbord huma l-aktar ir-responsabbiltà tal-Istat tal-bandiera. B’serħan, kif adatt, fuq organizzazzjonijiet rikonoxxuti, l-Istat tal-bandiera jiggarantixxi bis-sħiħ il-kompletezza u l-effiċjenza tal-ispezzjonijiet u l-istħarriġ imwettqin biex jinħarġu ċ-ċertifikati rilevanti. Iż-żamma tal-kondizzjoni tal-vapur u t-tagħmir tiegħu wara stħarriġ biex ikun hemm konformità mal-ħtiġiet tal-Konvenzjonijiet applikabbli għall-vapur hija responsabbiltà tal-kumpanija tal-vapur. Madankollu, kien hemm nuqqas serju min-naħa ta’ numru ta’ Stati tal-bandiera biex jimplimentaw u jinforzaw standards internazzjonali. Minn issa ’l quddiem, bħala t-tieni linja ta’ difiża kontra tbaħħir substandard, il-monitoraġġ ta’ konformità mal-istandards internazzjonali għas-sikurezza, għall-prevenzjoni tat-tniġġis u għall-kondizzjonijiet tal-għixien u tax-xogħol abbord għandu wkoll jiġi żgurat mill-Istat tal-port, waqt li jkun rikonoxxut li l-ispezzjoni ta’ kontroll mill-Istat tal-port mhijiex stħarriġ u l-formoli rilevanti tal-ispezzjoni mhumiex ċertifikati ta’ adegwatezza għall-baħar.”

6.

L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

“1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għal kull vapur u l-ekwipaġġ tiegħu li jieqaf f’port jew f’ankraġġ ta’ Stat Membru biex jiġi impenjat f’relazzjoni vapur/port.

[…]

Xejn f’dan l-Artikolu ma jaffettwa d-drittijiet ta’ intervent disponibbli lil Stati Membri taħt il-konvenzjonijiet rilevanti.

[…]

4.   Bastimenti tas-sajd, vapuri tal-gwerra, awżiljarji navali, vapuri b’binja primittiva użati għal skopijiet mhux kummerċjali u jottijiet tad-divertiment li mhumiex użati għan-negozju għandhom ikunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

[…]”

7.

L-Artikolu 11 tal-istess direttiva, intitolat “Frekwenza ta’ spezzjonijiet”, jipprovdi:

“Il-vapuri li jżuru portijiet jew ankraġġi [fl-Unjoni] għandhom ikunu soġġetti għal spezzjonijiet perijodiċi jew spezzjonijiet addizzjonali kif ġej:

a)

Il-vapuri għandhom ikunu soġġetti għal spezzjonijiet perijodiċi f’intervalli predeterminati skond il-profil tar-riskju tagħhom […];

b)

Il-vapuri għandhom ikunu soġġetti għal spezzjonijiet addizzjonali irrispettivament mill-perijodu meta kellhom l-aħħar spezzjoni perijodika tagħhom kif ġej:

l-awtorità kompetenti għandha tiżgura li l-vapuri li għalihom japplikaw il-fatturi prominenti elenkati fl-Anness I, parti II 2A, għandhom ikunu spezzjonati.

il-vapuri li għalihom japplikaw il-fatturi mhux mistennijin elenkati fl-Anness I, parti II 2B, jistgħu jiġu spezzjonati. Id-deċiżjoni biex issir tali spezzjoni addizzjonali titħalla għall-ġudizzju professjonali tal-awtorità kompetenti.”

8.

Skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/16, intitolat “Spezzjonijiet inizjali u aktar dettaljati”:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li vapuri magħżulin għal spezzjoni f’konformità mal-Artikolu 12 jew l-Artikolu 14a huma soġġetti għal spezzjoni inizjali jew spezzjoni aktar dettaljata kif ġej:

1.

ma’ kull spezzjoni inizjali ta’ vapur, l-awtorità kompetenti għandha tiżgura li l-ispettur, bħala minimu:

(a)

jikkontrolla ċ-ċertifikati […] meħtieġa li jinżammu abbord skond il-leġislazzjoni marittima [tal-Unjoni] u l-Konvenzjonijiet marbutin mas-saħħa u s-sigurtà;

[…]

(c)

ikun sodisfatt bil-kondizzjoni in ġenerali tal-vapur, inkluża l-iġjene tal-vapur, inkluża l-kamra tal-magna u l-akkomodazzjoni.

[…]

3.

Għandha titwettaq spezzjoni aktar dettaljata, inkluż aktar kontroll ta’ konformità mal- ħtiġiet operattivi ta’ abbord, kull meta hemm raġunijiet biex taħseb, wara l-ispezzjoni riferuta fil-punt 1, li l-kondizzjoni tal-vapur jew ta’ tagħmir tiegħu jew ekwipaġġ ma jissodisfax sostanzjalment il-ħtiġiet rilevanti ta’ Konvenzjoni.

Jeżistu ‘raġunijiet evidenti’ meta l-ispettur jikkonstata fatti li, abbażi tad-deċiżjoni professjonali tiegħu, jiġġustifikaw spezzjoni ddettaljata tal-bastiment, tat-tagħmir tiegħu jew tal-ekwipaġġ tiegħu.

Eżempji ta’ ‘raġunijiet ċari’ huma stabbiliti fl-Anness V.”

9.

L-Artikolu 19 ta’ din id-direttiva, intitolat “Rettifikazzjoni u detenzjoni”, jipprovdi:

“1.   L-awtorità kompetenti għandha tkun sodisfatta li kull nuqqas ikkonfermat jew mikxuf mill-ispezzjoni msemmija, ġie jew sa jiġi, rretifikat skond il-Konvenzjonijiet.

2.   F’każ ta’ nuqqasijiet illi diġà huma perikolużi għas-sikurezza, is-saħħa jew l-ambjent, l-awtorità kompetenti tal-Istat tal-port fejn qiegħed jiġi spezzjonat il-vapur għandha tiżgura li l-vapur miżmum jew li l-operazzjoni li matulha ġew irrappurtati n-nuqqasijiet twaqqfet. L-ordni ta’ detenzjoni jew twaqqif ta’ operazzjoni ma tiqafx sakemm jitneħħa l-perikolu jew sakemm din l-awtorità tista’ tistabbilixxi illi l-vapur jista’ jkun soġġett għal kondizzjonijiet meħtieġa, jipproċedi lejn il-baħar jew titkompla l-operazzjoni mingħajr riskju għas-sikurezza u s-saħħa tal-passiġġieri jew l-ekwipaġġ, jew riskju lil vapuri oħra, jew mingħajr ma hemm theddida mhux raġjonevoli lill-ambjent tal-baħar.

[…]

6.   Fil-każ ta’ detenzjoni, l-awtorità kompetenti għandha minnufih tavża, bil-miktub u tinkludi r-rapport tal-ispezzjoni, lill-amministrazzjoni tal-Istat tal-bandiera jew, meta dan ma jkunx possibbli, lill-Konslu jew, fin-nuqqas tiegħu, lill-eqreb rappreżentant diplomatiku ta’ dak l-Istat, dwar iċ-ċirkostanzi kollha li fihom l-intervent kien meqjus meħtieġ. B’żieda ma’ dan, periti maħtura jew organizzazzjonijiet rikonoxxuti responsabbli għall-ħruġ taċ-ċertifikati tal-klassifikazzjoni jew ċertifikati statutorji skond il-Konvenzjonijiet għandhom ukoll jiġu nnotifikati fejn dan huwa rilevanti. […]

[…]”

10.

L-Anness I tal-imsemmija direttiva, intitolat “Elementi tas-Sistema tal-Ispezzjoni Komunitarja għall-Istat tal-Port”, jinkludi l-Parti II li t-Taqsima 2 tiegħu intitolata “Spezzjonijiet addizzjonali” tinkludi l-punt 2B, intitolat “Fatturi mhux mistennijin”, li huwa fformulat kif ġej:

“Vapuri li għalihom japplikaw il-fatturi mhux mistennijin li ġejjin jistgħu jkunu soġġetti għal spezzjoni irrispettivament mill-perijodu mill-aħħar spezzjoni perijodika tagħhom. Id-deċiżjoni li titwettaq tali spezzjoni addizzjonali titħalla f’idejn il-ġudizzju professjonali tal-awtorità kompetenti.

[…]

Vapuri li kienu operati b’manjiera li jkunu ta’ periklu lil persuni, proprjetà jew ambjent.

[…]”

11.

L-Anness V tal-istess direttiva, intitolat “Eżempji ta’ ‘Bażijiet Ċari’”, jindika fil-lista ta’ “Eżempji ta’ bażijiet ċari għal spezzjoni aktar dettaljata”, (Parti A), is-segwenti eżempji:

“1.

[v]apuri identifikati fl-Anness I, parti II 2A u 2B”

[…]

3.

[m]atul l-eżami taċ-ċertifikati u ta’ dokumenti, oħrajn ikunu żvelati nuqqasijiet.

[…]”

B.   Id‑dritt Taljan

12.

Id-Direttiva 2009/16 ġiet trasposta fid-dritt Taljan bid-decreto legislativo Nru 53 – Attuazione della direttiva [2009/16] recante le norme internazionali per la sicurezza delle navi, la prevenzione dell’inquinamento e le condizioni di vita e di lavoro a bordo per le navi che approdano nei porti comunitari e che navigano nelle acque sotto la giurisdizione degli Stati membri (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 53 – Implimentazzjoni tad-Direttiva [2009/16] dwar regoli internazzjonali għas-sigurtà tal-bastimenti, il-prevenzjoni tat-tniġġis u l-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol abbord bastimenti li jieqfu fil-portijiet tal-Unjoni u li jinnavigaw fl-ilmijiet li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri), tal‑24 ta’ Marzu 2011 ( 7 ).

III. Il‑kawżi prinċipali u d‑domandi preliminari

13.

Sea Watch hija organizzazzjoni umanitarja mingħajr skop ta’ lukru li għandha s-sede tagħha f’Berlin (il-Ġermanja) li, skont l-istatut tagħha, għandha bħala għan, b’mod partikolari, l-attività ta’ riċerka u ta’ salvataġġ fil-baħar u li teżerċita din l-attività fl-ibħra internazzjonali tal-baħar Mediterran permezz ta’ bastimenti li tagħhom hija kemm is-sid kif ukoll l-operatur. Fost dawn il-bastimenti hemm b’mod partikolari il-bastimenti inkwistjoni, li jtajru l-bandiera Ġermaniża u li ġew iċċertifikati minn korp approvat ta’ klassifikazzjoni u ta’ ċertifikazzjoni stabbilit fil-Ġermanja (iktar ’il quddiem il-“korp ta’ ċertifikazzjoni”) bħala “bastiment[i] tal-merkanzija ġenerali – polivalenti” ( 8 ).

14.

Matul is-sajf tal-2020, wara li wettqu operazzjonijiet ta’ salvataġġ fl-ibħra internazzjonali tal-baħar Mediterran u wara li żbarkaw il-persuni salvati mill-baħar fil-portijiet ta’ Palermo (l-Italja) u ta’ Porto-Empedocle (l-Italja), b’konformità mal-awtorizzazzjoni u mal-istruzzjonijiet tal-awtoritajiet Taljani, il-bastimenti inkwistjoni kienu s-suġġett ta’ proċeduri ta’ tindif u ta’ diżinfettar u mbagħad ta’ spezzjonijiet abbord min-naħa, rispettivament, tal-Uffiċċji tal-Kap tal-Port ta’ dawn iż-żewġt ibliet, u, b’mod partikolari, spezzjonijiet iddettaljati fis-sens tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/16 ( 9 ).

15.

Dawn l-ispezzjonijiet iddettaljati kienu bbażati fuq l-eżistenza ta’ “fattur prominenti”, fis-sens tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2009/16 ( 10 ), marbut maċ-ċirkustanza li l-bastimenti inkwistjoni kienu involuti fl-attività ta’ riċerka u ta’ salvataġġ fuq il-baħar filwaqt li ma kinux iċċertifikati għal dan is-servizz u kienu ġabru abbord numru ta’ persuni ħafna ogħla minn dak li kien jikkorrispondi maċ-ċertifikati ta’ sigurtà ta’ dawn il-bastimenti.

16.

Skont l-awtoritajiet Taljani, l-imsemmija spezzjonijiet iddettaljati rrilevaw ċertu numru ta’ nuqqasijiet tekniċi u operattivi meta mqabbla mad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u tal-konvenzjonijiet internazzjonali applikabbli ( 11 ), li wħud minnhom kellhom jitqiesu, separatament jew flimkien, bħala li joħolqu riskju manifestament għas-sigurtà, għas-saħħa jew għall-ambjent u li huma ta’ gravità tali li jiġġustifikaw id-detenzjoni ta’ dawn il-bastimenti, skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2009/16 ( 12 ). B’konsegwenza ta’ dan, iż-żewġ Uffiċċji tal-Kap tal-Port ikkonċernati ordnaw id-detenzjoni tal-imsemmija bastimenti. Minn dak iż-żmien ’il hawn, Sea Watch temmet ċertu numru ta’ irregolaritajiet, filwaqt li kkunsidrat li l-bqija tal-irregolaritajiet (iktar ’il quddiem l-“irregolaritajiet inkwistjoni” ( 13 )) ma kinux ġew stabbiliti.

17.

Wara d-detenzjoni tal-bastimenti inkwistjoni, Sea Watch ippreżentat, quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per la Sicilia (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal Sicilia), il-qorti tar-rinviju, żewġ rikorsi intiżi għall-annullament tal-avviżi ta’ detenzjoni ta’ dawn il-bastimenti, tar-rapporti ta’ spezzjoni li ppreċedew dawn l-avviżi u ta’ “kull att preċedenti ieħor, konness jew konsekuttiv”. Insostenn tar-rikorsi tagħha, hija sostniet, essenzjalment, li l-Uffiċċji tal-Kap tal-Port li minnhom joriġinaw dawn il-miżuri kienu eċċedew is-setgħat attribwiti lill-Istat tal-port, kif jirriżultaw mid-Direttiva 2009/16, interpretata fid-dawl tad-dritt internazzjonali konswetudinarju u konvenzjonali applikabbli.

18.

Il-qorti tar-rinviju tirrileva, b’mod ġenerali, li hemm nuqqas ta’ qbil dwar l-eżistenza tal-irregolaritajiet inkwistjoni mhux biss bejn il-partijiet fil-kawżi prinċipali, iżda wkoll bejn l-awtoritajiet ikkonċernati tal-Istat tal-port (l-Italja) u l-Istat tal-bandiera (il-Ġermanja) ( 14 ), u li t-tilwimiet fil-kawżi prinċipali jqajmu kwistjonijiet ta’ dritt kumplessi, ġodda u partikolarment importanti, li jikkonċernaw b’mod partikolari l-qafas u s-sistema legali applikabbli għall-bastimenti użati minn organizzazzjonijiet mhux governattivi bi skop umanitarju sabiex iwettqu, b’mod intenzjonali u mhux sempliċement aċċidentali, l-attività ta’ riċerka u ta’ salvataġġ fuq il-baħar. Ġaladarba ġie speċifikat dan kollu, din il-qorti tistaqsi, essenzjalment, minn naħa, dwar il-punt dwar jekk id-Direttiva 2009/16 tapplikax għall-bastimenti inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, dwar il-kundizzjonijiet u l-bażijiet tas-setgħat ta’ kontroll u ta’ detenzjoni tal-Istat tal-port.

19.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale amministrativo regionale per la Sicilia (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal Sicilia) iddeċidiet, f’kull waħda miż-żewġ kawżi prinċipali, li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin, li huma fformulati f’termini identiċi fiż-żewġ kawżi:

“1)

a)

Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva [2009/16] ikopri – u l-PSC [Port State Control, kontroll tal-bastimenti min-naħa tal-Istat tal-port] jista’ jitwettaq anki fir-rigward ta’ – bastiment ikklassifikat bħala bastiment għall-ġarr tal-merkanzija mill-korp ta’ klassifikazzjoni tal-Istat tal-bandiera iżda li effettivament iwettaq esklużivament u sistematikament attività mhux kummerċjali, jiġifieri l-attività imsejħa SAR [search and rescue, tiftix u salvataġġ] (kif imwettqa minn [Sea Watch E.V.] u SW4 [bastiment Sea Watch 4] abbażi tal-Istatut proprju tagħha)?

b)

Fil-każ li (...) il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li (…) huma inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva [2009/16] anki l-bastimenti [li ma jwettqux effettivament attività kummerċjali], leġiżlazzjoni bħal dik nazzjonali inkluża fl-Artikolu 3 tad-[Digriet Leġiżlattiv] Nru 53/2011, li ttrasponiet l-Artikolu 3 tad-Direttiva [2009/16], iżda li, fil-paragrafu 1 [tal-Artikolu 3 tad-Digriet Leġiżlattiv iċċitat] espressament tispeċifika l-ambitu ta’ applikazzjoni tal-PSC billi tillimitah biss għall-bastimenti użati għal finijiet kummerċjali, u teskludi mhux biss id-dgħajjes tar-rikreazzjoni iżda wkoll il-bastimenti għall-ġarr tal-merkanzija li effettivament ma jwettqux – u għalhekk ma jintużawx għal – attività kummerċjali, tipprekludi din id-direttiva, interpretata f’dan is-sens?

ċ)

Finalment, jista’, għall-kuntrarju, jingħad b’mod fondat li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-[Direttiva 2009/16], sa fejn dan ikopri wkoll il-bastimenti tal-passiġġieri, wara l-emendi li saru fl-2017, il-bastimenti għall-ġarr tal-merkanzija li sistematikament iwettqu attività [ta’ riċerka u ta’ salvataġġ] ta’ persuni fil-periklu fil-baħar, b’tali mod li b’hekk it-trasport tal-persuni li ngħataw l-għajnuna fuq il-baħar wara li sabu ruħhom fil-periklu tal-mewt, jiġi meqjus ekwivalenti għat-trasport tal-passiġġieri?

2)

Iċ-ċirkustanza li l-bastiment ikun ittrasporta numru ta’ persuni ħafna ogħla minn dak stabbilit fiċ-ċertifikat tat-tagħmir tas-sigurtà, minkejja li għall-eżitu ta’ attività [ta’ riċerka u ta’ salvataġġ] jew, fi kwalunkwe każ, li l-bastiment ikollu ċertifikat tat-tagħmir ta’ sigurtà li jirreferi għal numru ta’ persuni li jkun ħafna inqas min-numru ta’ persuni effettivament ittrasportati – tista’ leġittimament taqa’ taħt fattur ta’ prijorità assoluta fis-sens tal-punt 2A tal-Parti II tal-Anness I jew taħt il-fattur mhux mistenni fis-sens tal-punt 2B tal-Parti II tal-Anness I, imsemmija fl-Artikolu 11 tad-Direttiva [2009/16].

3)

Is-setgħa ta’ spezzjoni PSC tat-tip l-iktar iddettaljata prevista fl-Artikolu 13 tad-Direttiva [2009/16] fuq bastimenti li jtajjru l-bandiera ta’ Stati Membri tista’ u/jew għandha tinkludi wkoll is-setgħa li jiġi vverifikat liema hija b’mod konkret l-attività effettivament imwettqa mill-bastiment, indipendentement mill-attività li għaliha ġew maħruġa mill-Istat tal-bandiera u mill-korp ta’ klassifikazzjoni relattiv, iċ-ċertifikat tal-klassi u ċ-ċertifikati ta’ sigurtà konsegwenti, u, konsegwentement, is-setgħa li jiġi vverifikat li l-imsemmi bastiment għandu ċ-ċertifikati u, b’mod ġenerali, jissodisfa r-rekwiżiti u/jew speċifikazzjonijiet previsti mir-regoli adottati fil-livell internazzjonali fil-qasam tas-sigurtà, tal-prevenzjoni tat-tniġġiż u tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol fuq il-bastiment u, f’każ ta’ risposta pożittiva, l-imsemmija setgħa tista’ tiġi eżerċitata anki fir-rigward ta’ bastiment li konkretament iwettaq b’mod sistematiku attività [ta’ riċerka u ta’ salvataġġ]?

4)

a)

Kif [għandu jiġi interpretat l-Artikolu 1(b)], tal-Konvenzjoni [għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar] – li hija riprodotta espressament fl-Artikolu 2 tad-Direttiva [2009/16] u li fir-rigward tagħha, għalhekk, għandha tiġi ggarantita interpretazzjoni [fl-Unjoni] omogenja għall-finijiet u fil-kuntest tal-PSC – fil-parti li fiha tipprovdi li “[i]l-Gvernijiet kontraenti għandhom jimpenjaw ruħhom li jadottaw il-liġijiet, id-digrieti, l-ordnijiet u r-regolamenti kollha u li jieħdu l-miżuri l-oħra kollha neċessarji sabiex jagħtu lill-[k]onvenzjoni l-applikazzjoni sħiħa tagħha, sabiex jiġi ggarantit li, mill-perspettiva tas-sigurtà umana, bastiment ikun idoneju għas-servizz li għalih huwa ddestinat”; b’mod partikolari, fir-rigward tal-evalwazzjoni dwar l-idonjetà tal-bastiment għas-servizz li għalih huwa ddestinat [,] li l-Istati tal-port huma obbligati li jwettqu permezz tal-ispezzjonijiet PSC, għandhom jiġu adottati bħala kriterju esklużiv ta’ paragun l-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti skont il-klassifikazzjoni u ċ-ċertifikati korrispondenti ta’ sigurtà li jkollu l-bastiment, miksuba abbażi tal-attività ddikjarata b’mod astratt jew inkella, għall-kuntrarju, jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll is-servizz li għalih il-bastiment huwa effettivament iddestinat?

b)

Għalhekk, anki b’riferiment għall-imsemmija regola internazzjonali, l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istati tal-port għandhom is-setgħa li jivverifikaw mhux biss li t-tagħmir abbord il-bastiment jikkonforma mal-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikati maħruġ[a] min-naħa tal-Istat tal-bandiera u li jirriżultaw mill-klassifikazzjoni astratta tal-bastiment, iżda wkoll is-setgħa li jevalwaw il-konformità taċ-ċertifikat u tat-tagħmir relattiv abbord u fil-pussess tal-bastiment inkonnessjoni mal-attività effettivament imwettqa, estranja u differenti minn dik indikata fiċ-ċertifikat ta’ klassifikazzjoni?

ċ)

Jgħoddu l-istess kunsiderazzjonijiet għall-punt 1.3.1 [tal-anness] tar-riżoluzzjoni [tal-OMI dwar il-kontroll mill-Istat tal-port] fil-parti li fiha din tipprovdi li: ‘Under the provisions of the relevant conventions set out in section 1.2 above, the Administration (i.e. the Government of the flag State) is responsible for promulgating laws and regulations and for taking all other steps which may be necessary to give the relevant conventions full and complete effect so as to ensure that, from the point of view of safety of life and pollution prevention, a ship is fit for the service for which it is intended and seafarers are qualified and fit for their duties.)’?

5)

a)

Fl-aħħar, f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma li l-Istat tal-port għandu s-setgħa li jivverifika l-pussess taċ-ċertifikat u tal-osservanza tar-rekwiżiti u/jew tal-ispeċifikazzjonijiet abbażi tal-attività li għaliha huwa ddestinat il-bastiment b’mod konkret: l-Istat tal-port li jwettaq l-ispezzjoni PSC jista’ jitlob il-pussess ta’ ċertifikat u l-osservanza tar-rekwiżiti u/jew ta’ speċifikazzjonijiet ta’ sigurtà u ta’ prevenzjoni tat-tniġġiż tal-baħar, addizzjonali għal dawk miżmuma u marbuta mal-attività imwettqa b’mod konkret, jiġifieri fil-każ odjern mal-attività [ta’ riċerka u ta’ salvataġġ], sabiex jiġi evitat l-arrest tal-bastiment?

b)

f’każ li tingħata risposta pożittiva għall-punt [a)], it-talba tal-pussess ta’ ċertifikat u tal-osservanza tar-rekwiżiti u/jew speċifikazzjonijiet addizzjonali għal dawk miżmuma u marbuta mal-attività imwettqa b’mod konkret, jiġifieri, fil-każ odjern, mal-attività [ta’ riċerka u ta’ salvataġġ], tista’ ssir, sabiex jiġi evitat l-arrest tal-bastiment, esklużivament fil-każ li jkun jeżisti qafas legali internazzjonali u/jew [tal-Unjoni] ċar u affidabbli fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-attività [ta’ riċerka u ta’ salvataġġ] u taċ-ċertifikati relattivi u mar-rekwiżiti u/jew preskrizzjonijiet ta’ sigurtà u ta’ prevenzjoni tat-tniġġiż tal-baħar?

ċ)

f’każ li tingħata risposta negattiva għall-punt [b)], it-talba tal-pussess ta’ ċertifikat u tal-osservanza tar-rekwiżiti u/jew speċifikazzjonijiet addizzjonali għal dawk miżmuma u marbuta mal-attività imwettqa b’mod konkret, jiġifieri, fil-każ odjern, mal-attività [ta’ riċerka u ta’ salvataġġ], għandha ssir abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat tal-bandiera u/jew abbażi ta’ dik tal-Istat tal-port u, għall-imsemmija finijiet, hija neċessarja leġiżlazzjoni ta’ natura primarja jew tkun idonja ukoll leġiżlazzjoni ta’ natura sekondarja jew anki sempliċiment regola amministrativa ta’ natura ġenerali?

d)

f’każ li tingħata risposta pożittiva għall-punt [ċ)], huwa kompitu tal-Istat tal-port li jindika waqt l-ispezzjoni PSC, b’mod preċiż u speċifiku, abbażi ta’ liema legiżlazzjoni nazzjonali (individwata fis-sens tal-punt Nru 3) ta’ natura leġiżlattiva, regolamentari jew ibbażata fuq att amministrativ ta’ natura ġenerali għandhom jiġu individwati r-rekwiżiti u/jew l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ta’ sigurtà u ta’ prevenzjoni tat-tniġġiż tal-baħar li għandhom ikunu ssodisfatti mill-bastiment suġġett għal spezzjoni PSC sabiex iwettaq l-attività [ta’ riċerka u ta’ salvataġġ] u liema attività ta’ korrezzjoni/rettifika huma eżattament rikjesti sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-imsemmija leġiżlazzjoni?

e)

f’każ ta’ nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-Istat tal-port u/jew tal-Istat tal-bandiera ta’ natura leġiżlattiva, regolamentari jew ibbażata fuq att amministrativ ta’ natura ġenerali, l-awtorità tal-Istat tal-port tista’ tindika, għall-każ konkret, ir-rekwiżiti u/jew il-preskrizzjonijiet tekniċi ta’ sigurtà, ta’ prevenzjoni tat-tniġgiż tal-baħar u ta’ protezzjoni tal-ħajja u tax-xogħol abbord li l-bastiment suġġett għal spezzjoni PSC għandu jissodisfa sabiex iwettaq l-attività [ta’ riċerka u ta’ salvataġġ]?

f)

f’każ li tingħata risposta negattiva għall-punti [d)] u [e)], l-attività [ta’ riċerka u ta’ salvataġġ], fin-nuqqas ta’ indikazzjonijiet speċifiċi tal-Istat tal-bandiera f’tali kuntest, tista’ titqies fil-frattemp awtorizzata u għalhekk mhux suxxettibbli għal inibizzjoni bl-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ arrest meta l-bastiment suġġett għal spezzjoni PSC jissodisfa r-rekwiżiti u/jew l-ispeċifikazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq ta’ kategorija oħra (jiġifieri ta’ bastiment għall-ġarr tal-merkanzija), li t-twettiq b’mod konkret tagħhom ikun ġie kkonfermat mill-Istat tal-bandiera.”

IV. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

20.

Fid-deċiżjonijiet tar-rinviju tagħha, it-Tribunale Amministrativo Regionale per la Sicilia (il-Qorti Amministrattiva għal Sicilia) talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tissuġġetta l-kawżi odjerni għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

21.

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑2 ta’ Frar 2021, dawn il-kawżi ġew magħquda għall-finijiet tal-fażijiet bil-miktub u orali tal-proċedura u, permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑25 ta’ Frar 2021, dan ċaħad it-talba għal proċedura mħaffa, filwaqt li kkonstata li ċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dawn il-kawżi kienu jiġġustifikaw li l-Qorti tal-Ġustizzja tittrattahom bi prijorità, b’applikazzjoni tal-Artikolu 53(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

22.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Sea Watch, mill-Gvern Taljan, Spanjol u dak Norveġiż, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Dawn il-partijiet ippreżentaw ukoll osservazzjonijiet orali waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali li nżammet fit‑30 ta’ Novembru 2021.

V. Analiżi

23.

Id-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju jikkonċernaw il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/16 (A) u l-portata tas-setgħat ta’ kontroll tal-Istat tal-port, f’dak li jirrigwarda, qabelxejn, il-kundizzjonijiet meħtieġa għal spezzjoni ddettaljata addizzjonali abbażi tal-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva (B), sussegwentement, il-portata tas-setgħat ta’ spezzjoni, abbażi tal-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva kif ukoll abbażi tal-Konvenzjoni għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar u tar-Riżoluzzjoni tal-OMI dwar il-Kontroll mill-Istat tal-Port (C), u, finalment, il-kundizzjonijiet għad-detenzjoni ta’ bastiment abbażi tal-Artikolu 19 tal-istess direttiva (D).

A.   Fuq l‑ewwel domanda preliminari (kamp ta’ applikazzjoni tad‑Direttiva 2009/16)

24.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2009/16 tapplikax għal bastimenti li, filwaqt li ġew ikklassifikati u ċċertifikati bħala bastimenti tal-merkanzija, huma operati, b’mod esklużiv u sistematiku, għall-finijiet tal-attività ta’ riċerka u ta’ salvataġġ fuq il-baħar (subdomanda a), u jekk ikun il-każ, jekk l-attività ta’ dawn il-bastimenti tistax taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva bħala attività assimilata ma’ dik ta’ trasport ta’ passiġġieri (subdomanda ċ). F’każ ta’ risposta affermattiva, din il-qorti tistaqsi jekk l-Artikolu 3 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 53/2011, li jittrasponi l-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva billi jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu biss għall-bastimenti użati għal finijiet kummerċjali, huwiex kompatibbli mal-istess direttiva (subdomanda b).

25.

L-imsemmija qorti tqis li d-Direttiva 2009/16 għandha tinftiehem fis-sens li ma tapplikax għal bastimenti bħall-bastimenti inkwistjoni, b’tali mod li dawn ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ spezzjoni mwettqa fuq il-bażi ta’ din id-direttiva.

26.

Fl-ewwel lok, kuntrarjament għall-qorti tar-rinviju, inqis li d-Direttiva 2009/16 tapplika għal bastimenti, bħal dawk inkwistjoni, li, filwaqt li kienu rreġistrati bħala “bastimenti tal-merkanzija polivalenti”, jeżerċitaw l-attività ta’ riċerka u ta’ salvataġġ fuq il-baħar.

27.

Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/16 jipprovdi li din tapplika għal kull bastiment kif ukoll għall-ekwipaġġ tiegħu li jieqaf f’port jew f’ankraġġ ta’ Stat Membru biex jiġi impenjat f’attività ta’ relazzjoni bastiment/port. Issa, il-bastimenti inkwistjoni huma rreġistrati bħala “bastimenti” ( 15 ). Barra minn hekk, fil-fehma tiegħi huwa evidenti li dawn il-bastimenti jwettqu attività li tinvolvi b’mod partikolari l-moviment ta’ persuni mill-bastiment u lejn il-port u li, għaldaqstant, huma jeżerċitaw “[attività ta’] relazzjoni vapur/port” ( 16 ), filwaqt li l-fatt li din l-attività ma hijiex eżerċitata b’ritmi regolari jew prevedibbli ma jaffettwax id-definizzjoni inkwistjoni.

28.

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2009/16 jipprovdi li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, b’mod partikolari, il-bastimenti tal-awtoritajiet pubbliċi użati għal finijiet mhux kummerċjali u d-dgħajjes ta’ rikreazzjoni użati għal finijiet mhux kummerċjali. Issa, għalkemm huwa minnu li l-bastimenti inkwistjoni huma użati għal finijiet mhux kummerċjali, bħaż-żewġ kategoriji ta’ bastimenti msemmija iktar ’il fuq, huma ma jistgħux jiġu assimilati, għal din ir-raġuni biss, ma’ “bastimenti ta’ awtoritajiet pubbliċi” jew ma’ “jottijiet [dgħajjes] tad-divertiment”.

29.

F’dan ir-rigward, nirrileva, qabelxejn, anki jekk dawn il-bastimenti jikkontribwixxu, de facto, sabiex jiżguraw il-missjonijiet ta’ riċerka u salvataġġ fuq il-baħar li huma kompitu, bħala prinċipju, tal-awtoritajiet pubbliċi tal-Istat kostali u huma, sa ċertu punt, obbligati li jikkooperaw mas-sistema ta’ koordinazzjoni tal-attivitajiet ta’ riċerka u ta’ salvataġġ fuq il-baħar ( 17 ), dawn ma jikkostitwixxux bastimenti “ta’ awtoritajiet pubbliċi”, fis-sens tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2009/16. Barra minn hekk, jidhirli li din id-deroga hija marbuta mhux man-natura ta’ interess pubbliku tal-attività eżerċitata, iżda pjuttost mal-immunità sħiħa mill-ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ kull Stat minbarra l-Istat tal-bandiera, iggarantita b’mod partikolari mill-Artikolu 96 tal-Konvenzjoni fuq id-dritt tal-baħar ( 18 ) favur “bastimenti li huma proprjetà ta’ Stat jew operati u użati minnu esklużivament għal servizz pubbliku mhux kummerċjali”.

30.

Sussegwentement, il-bastimenti inkwistjoni ma jistgħux jikkostitwixxu “dgħajjes tad-divertiment”, peress li huma rreġistrati bħala bastimenti tal-merkanzija polivalenti u li jeżerċitaw attività, ċertament meritevoli, iżda mhux ta’ tip rikreattiv, sportiv jew ta’ tip simili.

31.

Fl-aħħar, inqis li l-esklużjoni espliċita ta’ dawn iż-żewġ kategoriji ta’ bastimenti li jeżerċitaw attività mhux kummerċjali ma tistax tikkostitwixxi indikazzjoni addizzjonali tal-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/16 il-kategorija kollha tal-bastimenti li ma jwettqux attivitajiet ta’ natura kummerċjali. Għall-kuntrarju, jidhirli li r-riferiment għal żewġ derogi speċifiċi li jikkonċernaw bastimenti użati għal finijiet mhux kummerċjali (jiġifieri l-bastimenti tal-awtoritajiet pubbliċi u d-dgħajjes tad-divertiment) jikkonferma pjuttost li dan il-leġiżlatur ried jillimita l-eċċezzjoni inkwistjoni għal dawn iż-żewġ kategoriji.

32.

Għaldaqstant, fid-dawl tal-kliem tal-Artikolu 3(1) u (4) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi kkonstatat li l-bastimenti użati għal finijiet mhux kummerċjali jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-imsemmija direttiva, bl-eċċezzjoni taż-żewġ kategoriji msemmija iktar ’il fuq.

33.

Din il-konstatazzjoni hija kkonfermata, fil-fehma tiegħi, mill-interpretazzjoni teleoloġika tad-Direttiva 2009/16, li, skont l-Artikolu 1 l-premessa 4 tagħha, hija intiża sabiex tikkontribwixxi għal tnaqqis radikali fit-trasport marittimu mwettaq bl-għajnuna ta’ bastimenti li ma jissodisfawx in-normi li jbaħħru fl-ilmijiet li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri, sabiex b’mod partikolari tittejjeb is-sigurtà, il-prevenzjoni tat-tniġġis u l-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol abbord. Issa, il-fatt li l-bastimenti inkwistjoni jeżerċitaw b’mod sistematiku l-attività ta’ riċerka u ta’ salvataġġ fuq il-baħar, għal finijiet mhux kummerċjali, ma jistax, waħdu, ineħħi dawn il-bastimenti mis-setgħat tal-Istat tal-port, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-kontrolli tal-konformità mar-regoli internazzjonali dwar is-sigurtà, il-prevenzjoni tat-tniġġis u tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol abbord. Pereżempju, ma jistax jiġi eskluż bħala prinċipju li l-imsemmija bastimenti jistgħu jagħtu lok għal problemi marbuta mas-sigurtà, mat-tniġġis u mal-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol abbord, fid-dawl tal-mod kif dawn jintużaw ( 19 ). Barra minn hekk, tali eżenzjoni hija kuntrarja għall-għan iddikjarat ta’ din id-direttiva, fid-dawl tal-fatt li bastimenti li jeżerċitaw attività identika jew simili, bi skop ta’ lukru, li min-natura tagħhom huma tal-istess periklu għas-sigurtà, għat-tniġġis u għall-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol abbord, huma suġġetti għall-obbligi previsti minnha.

34.

Barra minn hekk, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet ta’ Sea Watch, ma jidhirlix li l-attivitajiet ta’ riċerka u ta’ salvataġġ fil-baħar ma jistgħux, bħala attivitajiet ta’ natura mhux kummerċjali, ikunu s-suġġett ta’ att leġiżlattiv tal-Unjoni, bħad-Direttiva 2009/16, adottat abbażi tal-Artikolu 80(2) KE (li sar l-Artikolu 100(2) TFUE). Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tipprevedi, essenzjalment, li l-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet xierqa għan-navigazzjoni marittima u bl-ajru, u ma jagħmilx distinzjoni bejn attività kummerċjali u attività mhux kummerċjali. Barra minn hekk, id-Direttiva 2009/16, adottata abbażi tal-imsemmija dispożizzjoni, ma tikkonċernax direttament l-attività tal-bastimenti li tapplika għalihom, iżda l-kundizzjonijiet ta’ navigazzjoni u, b’mod iktar preċiż, is-setgħat ta’ kontroll tal-Istat tal-port f’dan ir-rigward.

35.

Fl-aħħar, fir-rigward tal-possibbiltà, invokata mill-qorti tar-rinviju, li tiġi applikata d-Direttiva 2009/16 għall-bastimenti inkwistjoni għar-raġuni li l-attività tagħhom tista’ tiġi assimilata ma’ dik ta’ trasport ta’ passiġġieri, inqis li, fid-dawl tal-fatt li din id-direttiva tikkonċerna dawn il-bastimenti indipendentement mill-klassifikazzjoni tagħhom skont id-dritt tal-Istat tal-bandiera, l-assimilazzjoni ta’ din l-attività ma’ dik ta’ trasport ta’ passiġġieri la hija neċessarja u lanqas rilevanti sabiex l-imsemmija direttiva tkun tista’ tiġi applikata għall-bastimenti inkwistjoni ( 20 ).

36.

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-Artikolu 3 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 53/2011 mad-dritt tal-Unjoni, sa fejn din id-dispożizzjoni tidher li tillimita l-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/16 għall-bastimenti li jeżerċitaw attività kummerċjali biss, nirrileva li din id-direttiva tadotta approċċ uniformi intiż sabiex jiżgura l-osservanza effettiva tar-regoli internazzjonali dwar is-sigurtà, il-prevenzjoni tat-tniġġis u dwar il-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol abbord il-bastimenti li joperaw fl-ilmijiet li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri u li jieqfu fil-portijiet tagħhom ( 21 ), bil-għan li jikkontribwixxu għal tnaqqis radikali tat-trasport marittimu mwettaq bl-għajnuna ta’ bastimenti li ma josservawx ir-regoli waqt li jinnavigaw f’dawn l-ilmijiet ( 22 ). Għaldaqstant, jidhirli li l-imsemmija direttiva ma tħalli ebda marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri sabiex jillimitaw il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha biss għall-bastimenti li jeżerċitaw attività kummerċjali.

37.

Ġaladarba ġie speċifikat dan kollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-Artikolu 3 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 53/2011 jirrestrinġix, bħala prinċipju, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/16 u, f’każ ta’ risposta affermattiva, li tevalwa jekk huwiex possibbli li din id-dispożizzjoni tingħata interpretazzjoni konformi mal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, jew, għall-kuntrarju, li tislet il-konsegwenzi tal-inkompatibbiltà parzjali tal-imsemmija dispożizzjoni mad-dritt tal-Unjoni, billi jekk ikun il-każ ma tapplikax din id-dispożizzjoni ( 23 ).

38.

Għalhekk nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun li d-Direttiva 2009/16 tapplika għal bastimenti li, filwaqt li jkunu kklassifikati u ċċertifikati bħala “bastimenti tal-merkanzija polivalenti” mill-Istat tal-bandiera, jeżerċitaw b’mod esklużiv u sistematiku l-attività ta’ riċerka u ta’ salvataġġ fuq il-baħar u li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tislet il-konsegwenzi kollha dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva.

B.   Fuq it‑tieni domanda preliminari (kundizzjonijiet għal spezzjoni addizzjonali abbażi tal‑Artikolu 11 tad-Direttiva 2009/16)

39.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-fatt li ġew ittrasportati, matul l-operazzjonijiet ta’ salvataġġ li wasslu għall-miżuri inkwistjoni, numru ta’ persuni ikbar min-numru massimu ta’ persuni li jistgħu jiġu ttrasportati mill-bastimenti inkwistjoni bis-saħħa taċ-ċertifikati ta’ sigurtà tagħhom jistax jikkostitwixxi “fattur dominanti” jew “fattur mhux mistenni”, fis-sens tal-punti 2A u 2B tal-Parti II tal-Anness I tad-Direttiva 2009/16, u b’mod iktar speċifiku l-fattur mhux mistenni marbut mal-fatt li “[l-bastimenti] kienu operati b’manjiera li jkunu ta’ periklu lil persuni, proprjetà jew ambjent” ( 24 ), li jiġġustifika li dawn il-bastimenti jiġu ssuġġettati għal spezzjoni addizzjonali bbażata fuq l-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva.

40.

Din il-qorti tqis li, għalkemm is-salvataġġ ta’ persuni fil-baħar u n-natura eventwalment inadegwata taċ-ċertifikazzjonijiet ta’ sigurtà maħruġa mill-Istat tal-bandiera meta mqabbla man-numru ta’ persuni effettivament abbord la jikkostitwixxu “fatturi predominanti” u lanqas “fatturi imprevisti” fis-sens tad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq, id-differenza u l-inadegwatezza manifesta bejn il-persuni li jistgħu jiġu ttrasportati skont iċ-ċertifikati u l-persuni effettivament ittrasportati matul l-operazzjonijiet ta’ salvataġġ jistgħu, min-naħa l-oħra, jiġu kklassifikati bħala “fattur mhux previst”.

41.

F’dan ir-rigward, nirrileva li mill-premessa 6 tad-Direttiva 2009/16 jirriżulta li, għalkemm ir-responsabbiltà tal-kontroll tal-konformità tal-bastimenti mar-regoli internazzjonali dwar is-sigurtà, il-prevenzjoni tat-tniġġis u dwar il-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol abbord taqa’ prinċipalment fuq l-Istat tal-bandiera, il-kontroll tal-konformità ma’ dawn ir-regoli għandu wkoll jiġi żgurat mill-Istat tal-port sabiex tiġi ggarantita t-tieni linja ta’ difiża kontra t-trasporti marittimi li ma josservawx l-imsemmija regoli, billi l-ispezzjoni fil-kuntest tal-kontroll minn dan tal-aħħar ma hijiex żjara (bil-ħsieb tal-għoti taċ-ċertifikati) u li l-formoli ta’ spezzjoni korrispondenti ma humiex ċertifikat ta’ adegwatezza għan-navigazzjoni ( 25 ).

42.

Skont l-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva, il-bastimenti jkunu suġġetti għal spezzjonijiet addizzjonali mill-Istat tal-port biss meta jkunu preżenti “fatturi dominanti” jew “fatturi mhux mistennija” elenkati, rispettivament u b’mod eżawrjenti, fil-punti 2A u 2B tal-Parti II tal-Anness I ta’ din tal-aħħar ( 26 ). Fost il-fatturi mhux mistennija hemm dak, imsemmi mill-qorti tar-rinviju, ta’ “[bastimenti li] kienu operati b’manjiera li jkunu ta’ periklu lil persuni, proprjetà jew ambjent”, li fir-rigward tiegħu dik il-qorti sabet diffikultajiet ta’ interpretazzjoni.

43.

F’dan ir-rigward, jidhirli li huwa evidenti li bastiment li jittrasporta sistematikament numru ta’ persuni ikbar min-numru massimu ta’ persuni li jistgħu jiġu ttrasportati skont iċ-ċertifikati tiegħu jista’, f’ċerti ċirkustanzi, jippreżenta periklu għall-persuni, għall-oġġetti jew għall-ambjent. Tali ċirkustanza tista’, bħala prinċipju, tikkostitwixxi “fattur mhux previst”, fis-sens tal-punt 2B tal-Parti II tal-Anness I tad-Direttiva 2009/16, u tiġġustifika “spezzjoni addizzjonali”, fis-sens tal-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva.

44.

Madankollu, dan jirrikjedi verifika fattwali, fuq bażi ta’ każ b’każ, li għandha ssir mill-qorti nazzjonali, li ma tistax tillimita ruħha għal konstatazzjoni formali tad-differenza bejn in-numru ta’ persuni ttrasportati u dak tal-persuni li t-trasport tagħhom huwa awtorizzat skont iċ-ċertifikati ( 27 ), iżda għandha tevalwa konkretament ir-riskji ta’ tali aġir ( 28 ).

45.

Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi rrilevat li din is-sitwazzjoni tista’ xi kultant, bħal f’dan il-każ, tikkostitwixxi l-konsegwenza diretta u neċessarja ta’ trasport imwettaq bil-għan li jiġi osservat l-obbligu ta’ salvataġġ fuq il-baħar impost fuq il-kaptan tal-bastiment skont id-dritt internazzjonali konswetudinarju u sanċit b’mod partikolari fl-Artikolu 98 tal-fuq id-dritt tal-baħar ( 29 ) (iktar ’il quddiem l-“obbligu ta’ salvataġġ fuq il-baħar”). Fil-fatt, id-dritt konswetudinarju tal-baħar jeżenta lill-bastimenti, sa fejn dawn jissodisfaw tali obbligu, mir-rekwiżiti imposti abbażi tal-klassifikazzjoni tal-bastiment ( 30 ). F’tali ċirkustanzi, is-sempliċi fatt li l-bastiment ittrasporta numru ta’ persuni sempliċement superjuri għall-kapaċità massima tiegħu ma jistax jitqies, waħdu, bħala “fattur mhux mistenni”, fis-sens tal-Artikolu 11 u tal-punt 2B tal-Parti II tal-Anness I tad-Direttiva 2009/16 ( 31 ).

46.

Minkejja dan, ma jistax ikun eskluż, bħala prinċipju, li, filwaqt li jissodisfaw l-obbligu ta’ salvataġġ fuq il-baħar, il-bastimenti jistgħu jiġu operati, f’każ konkret, b’mod li jkunu ta’ periklu għall-persuni, għall-oġġetti jew għall-ambjent, fatt li jista’ jikkostitwixxi “fattur mhux mistenni”, fis-sens tal-Artikolu 11 u tal-punt 2B tal-Parti II tal-Anness I tad-Direttiva 2009/16. Dan jista’ jkun il-każ b’mod partikolari meta jintwera li bastiment jikser b’mod sistematiku, bl-attività predominanti tiegħu, regoli li jikkonċernaw is-sigurtà tal-bastimenti, indipendentement mir-regoli marbuta mal-klassifikazzjoni tiegħu ( 32 ). Huwa deċiżament il-kompitu tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali li juru li, fil-każ ineżami, il-bastimenti inkwistjoni ġew operati b’mod li huwa ta’ periklu għall-persuni, għall-oġġetti jew għall-ambjent, lil hinn mill-attivitajiet li huma strettament neċessarji għall-osservanza tal-obbligu ta’ salvataġġ fuq il-baħar.

47.

Għalhekk nipproponi li r-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 11 u l-punti 2A u 2B tal-Parti II tal-Anness I tad-Direttiva 2009/16, moqrija fid-dawl tal-obbligu ta’ salvataġġ fuq il-baħar riprodott b’mod partikolari fl-Artikolu 98 tal-Konvenzjoni fuq id-Dritt tal-Baħar, għandhom jiġu interpretati fis-sens li s-sempliċi fatt li bastiment ikun ittrasporta, wara operazzjonijiet ta’ salvataġġ fuq il-baħar, numru ta’ persuni superjuri għall-kapaċità massima, kif indikat fiċ-ċertifikat ta’ tagħmir ta’ sigurtà, ma jistax fih innifsu jitqies bħala “fattur dominanti” jew bħala “fattur mhux mistenni” li jimponi jew jiġġustifika spezzjonijiet addizzjonali fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Madankollu, ma jistax jiġi eskluż, fil-prinċipju, li t-trasport sistematiku ta’ numru ta’ persuni superjuri sew għall-kapaċitajiet tal-bastiment jista’ jaffettwa lil dan tal-aħħar, b’mod li jista’ jkun ta’ periklu għall-persuni, għall-oġġetti jew għall-ambjent, li jikkostitwixxi “fattur mhux mistenni” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjonijiet, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

C.   Fuq it‑tielet u r‑raba’ domanda preliminari (portata tal‑poteri ta’ spezzjoni fis‑sens tal‑Artikolu 13 tad‑Direttiva 2009/16, tal‑Artikolu I(b) tal‑Konvenzjoni għall‑Protezzjoni tal‑Ħajja Umana fuq il‑Baħar u tal‑punt 1.3.1 tal‑Anness tar‑Riżoluzzjoni tal‑OMI dwar il‑kontroll mill‑Istat tal‑port)

48.

Permezz tat-tielet u r-raba’ domanda tagħha, li jeħtieġ li jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/16, minn naħa, jew l-Artikolu I(b) tal-tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar u l-punt 1.3.1 tal-Anness tar-Riżoluzzjoni tal-OMI dwar il-Kontroll mill-Istat tal-port, min-naħa l-oħra, jippermettux lill-Istat tal-port jivverifika jekk bastiment għandux ċertifikati neċessarji u jekk josservax ir-regoli internazzjonali fil-qasam tas-sigurtà, tal-prevenzjoni tat-tniġġis u tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol abbord relatati mal-attività effettivament imwettqa minn dan il-bastiment, f’dan il-każ dik ta’ riċerka u ta’ salvataġġ fuq il-baħar, indipendentement mill-attività li għaliha kien ġie kklassifikat ( 33 ).

49.

Din il-qorti tqis li l-kontroll eżerċitat mill-Istat tal-port ma jistax jikkontesta l-kontroll imwettaq u d-deċiżjonijiet meħuda fl-Istat tal-bandiera u tikkonstata, minn naħa, li la l-konvenzjonijiet internazzjonali, u lanqas id-dritt tal-Unjoni jew id-dritt Taljan jew Ġermaniż ma jipprevedu kundizzjonijiet preċiżi għall-bastimenti privati li jwettqu b’mod sistematiku l-attività ta’ riċerka u ta’ salvataġġ fuq il-baħar ( 34 ) u, min-naħa l-oħra, li l-konvenzjonijiet internazzjonali jidderogaw espliċitament mir-rekwiżiti imposti, jekk ikun il-każ, skont il-klassifikazzjoni tal-bastiment, fid-dawl tal-għan ta’ salvataġġ fuq il-baħar ( 35 ).

50.

Skont il-punt 3 tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/16, spezzjoni ddettaljata, bħal dawk li huma s-suġġett tal-kawżi prinċipali, tinkludi “spezzjoni aktar dettaljata, inkluż aktar kontroll ta’ konformità mal-ħtiġiet operattivi ta’ abbord” għandha titwettaq meta, wara spezzjoni inizjali, ikunu jeżistu “raġunijiet ċari” sabiex wieħed jemmen li l-istat tal-bastiment jew tat-tagħmir tiegħu, jew l-ekwipaġġ tiegħu, ma jissodisfax essenzjalment ir-rekwiżiti ta’ ftehim f’dan il-qasam ( 36 ). L‑Anness V ta’ din id-direttiva jipprovdi eżempji ta’ “raġunijiet evidenti” ( 37 ).

51.

Għal dak li huwa rilevanti f’dan il-każ, l-ispezzjonijiet iddettaljati skont il-punt 3 tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/16 kienu bbażati, skont id-deċiżjoni tar-rinviju, fuq ir-“raġuni ċara” msemmija fil-punt 3 tal-Parti A tal-Anness V ta’ din id-direttiva, jiġifieri l-fatt li “[ġ]ew ikkonstatati ineżattezzi waqt l-eżami taċ-ċertifikati u dokumenti oħra ta’ abbord”, f’dan il-każ waqt l-eżami taċ-ċertifikat ta’ sigurtà previst fir-Regola 9 tal-Kapitolu XI-2 tal-Konvenzjoni dwar is-salvagwardja tal-ħajja tal-bniedem fuq il-baħar ( 38 ). Barra minn hekk, il-Gvern Taljan jirrileva, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li, fil-kawża prinċipali, is-setgħa li jitwettqu l-ispezzjonijiet iddettaljati kienet ibbażata b’mod partikolari fuq ir-Regola 19 tal-Kapitolu I tal-anness ta’ din il-konvenzjoni ( 39 ).

52.

Issa, għalkemm il-punt 3 tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/16, jistabbilixxi l-kuntest li fih hija permessa spezzjoni ddettaljata, ma jippreċiżax b’mod ċar il-limiti ta’ din l-ispezzjoni. Għaldaqstant, il-kwistjoni hija jekk il-“kontroll approfondit tal-konformità mar-rekwiżiti dwar il-proċeduri operattivi abbord il-bastiment” huwiex limitat biss għad-dispożizzjonijiet applikabbli abbażi tal-klassifikazzjoni tal-bastiment jew jikkonċernax ukoll id-dispożizzjonijiet applikabbli għall-attività konkretament eżerċitata mill-bastiment.

53.

Sabiex tiġi ddeterminata l-portata tal-kontroll tal-Istat tal-port fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, fil-fehma tiegħi, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li din tagħti setgħa ta’ kontroll li neċessarjament teċċedi dik tal-“ispezzjoni inizjali” prevista fil-punt 1 tal-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, li tikkonċerna, essenzjalment, iċ-ċertifikati u l-istat ġenerali tal-bastiment u, min-naħa l-oħra, li dan il-kontroll għandu bħala għan il-verifika tal-konformità mal-“ħtiġiet rilevanti ta’ Konvenzjoni”. Għaldaqstant, tali kontroll ma jistax ikun limitat biss għad-dispożizzjonijiet ta’ natura formali previsti miċ-ċertifikati relatati mal-klassifikazzjoni tal-bastiment mill-korp ta’ ċertifikazzjoni iżda jikkonċerna pjuttost il-konformità ta’ dan il-bastiment mar-regoli kollha konvenzjonali internazzjonali applikabbli fil-qasam tas-sigurtà, tal-prevenzjoni tat-tniġġis u tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol abbord, billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-istat reali tal-bastiment u tat-tagħmir tiegħu kif ukoll l-attivitajiet effettivament eżerċitati minnu, speċjalment jekk dawn ikunu differenti minn dawk marbuta mal-klassifikazzjoni tiegħu ( 40 ).

54.

Għalhekk, huwa possibbli li jiġi konkluż, bħala prinċipju, li, kif isostni l-Gvern Taljan, il-fatt li bastiment ma huwiex użat skont iċ-ċertifikazzjonijiet tiegħu jista’ jikkostitwixxi ksur tad-dispożizzjonijiet dwar il-proċeduri operattivi abbord dan il-vapur u jista’ jinkludi b’mod partikolari periklu għall-persuni, għall-oġġetti jew għall-ambjent, fatt li għandu jintwera mill-amministrazzjoni kompetenti, abbażi tar-regoli applikabbli għall-attività effettivament imwettqa mill-imsemmi bastiment.

55.

Ġaladarba ġie stabbilit dan kollu, jeħtieġ madankollu jiġi speċifikat, kif issostni l-qorti tar-rinviju, li ma teżistix, fid-dritt tal-Unjoni jew fid-dritt internazzjonali, klassifikazzjoni tal-bastimenti li jwettqu attivitajiet ta’ riċerka u ta’ salvataġġ fuq il-baħar ( 41 ). Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ tali klassifikazzjoni, ma jistax jiġi konkluż li s-sempliċi klassifikazzjoni tal-bastimenti inkwistjoni bħala “bastiment[i] tal-merkanzija ġenerali – polivalenti” tikkostitwixxi fiha nnifisha “raġuni ċara” sabiex wieħed jemmen li l-istat tal-bastiment jew tat-tagħmir tiegħu, jew l-ekwipaġġ tiegħu, essenzjalment ma jissodisfawx il-“ħtiġiet rilevanti ta’ Konvenzjoni”, skont il-punt 3 tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/16, sakemm l-użu sistematiku ta’ dan il-bastiment ma jkunx jikser ir-regoli dwar il-klassifikazzjoni tiegħu ( 42 ).

56.

Għalhekk nipproponi li r-risposta għat-tielet domanda preliminari għandha tkun li s-setgħa tal-Istat tal-port li jwettaq spezzjoni iddettaljata, skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/16, ta’ bastiment li jtajjar bandiera ta’ Stat Membru tinkludi dik li jiġi vverifikat li dan il-bastiment josserva d-dispożizzjonijiet fil-qasam tas-sigurtà, tal-prevenzjoni tat-tniġġis u tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol abbord applikabbli għall-attivitajiet effettivament imwettqa mill-bastiment, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni dawk li għalihom huwa ġie kklassifikat.

D.   Fuq il‑ħames domanda preliminari (possibbiltà ta’ detenzjoni ta’ bastiment abbażi tal‑Artikolu 19 tad‑Direttiva 2009/16 minħabba l‑eżerċizzju ta’ attività differenti minn dik li tikkorrispondi għaċ‑ċertifikazzjoni)

57.

Permezz tal-ħames domanda tagħha, qabelxejn, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-awtoritajiet tal-Istat tal-port għandhomx id-dritt jeżiġu l-pussess ta’ ċertifikazzjonijiet u l-osservanza tar-rekwiżiti jew tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tas-sigurtà u tal-prevenzjoni tat-tniġġis marittimu fir-rigward tal-attivitajiet realment imwettqa minn bastiment, f’dan il-każ dawk ta’ riċerka u ta’ salvataġġ fuq il-baħar, sabiex tiġi evitata d-detenzjoni tiegħu (a) u, f’każ ta’ risposta affermattiva, jekk dawn iċ-ċertifikazzjonijiet u dawn ir-rekwiżiti jew dispożizzjonijiet jistgħux ikunu meħtieġa biss jekk ikun jeżisti kuntest ġuridiku internazzjonali jew tal-Unjoni ċar u affidabbli fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-attivitajiet ta’ riċerka u ta’ salvataġġ fuq il-baħar kif ukoll iċ-ċertifikazzjonijiet, ir-rekwiżiti jew id-dispożizzjonijiet marbuta magħhom (b) jew, għall-kuntrarju, jekk dawn tal-aħħar għandhomx ikunu meħtieġa abbażi tad-dritt nazzjonali tal-Istat tal-bandiera jew tal-Istat tal-port u jekk, għal dawn il-finijiet, leġiżlazzjoni primarja jew sekondarja hijiex neċessarja, jew jekk leġiżlazzjoni amministrattiva ta’ natura ġenerali hijiex suffiċjenti (c).

58.

Sussegwentement, din il-qorti tqajjem il-kwistjoni dwar jekk huwiex l-Istat tal-port li għandu jindika, waqt l-ispezzjoni, fuq il-bażi ta’ liema leġiżlazzjoni nazzjonali (leġiżlattiva, regolamentari jew amministrattiva), għandhom jiġu identifikati r-rekwiżiti jew id-dispożizzjonijiet imposti u liema korrezzjonijiet jew rettifiki huma meħtieġa sabiex tiġi ggarantita l-osservanza ta’ din il-leġiżlazzjoni (d) u jekk, fil-każ ta’ assenza ta’ tali leġiżlazzjoni, l-amministrazzjoni tal-Istat tal-port tistax tindika, każ b’każ, ir-rekwiżiti li l-bastiment suġġett għall-ispezzjoni għandu jissodisfa (e).

59.

Fl-aħħar, l-imsemmija qorti tixtieq tkun taf jekk, fl-assenza ta’ tali leġiżlazzjoni u fl-assenza ta’ indikazzjonijiet speċifiċi tal-Istat tal-bandiera, l-attivitajiet ta’ tfittxija u ta’ salvataġġ jistgħux jitqiesu li ġew awtorizzati (u għalhekk bħala li ma jistgħux jiġu mxekkla bl-adozzjoni ta’ miżura ta’ immobilizzazzjoni) meta l-bastiment josserva r-rekwiżiti jew ir-rekwiżiti ta’ kategorija oħra, li l-Istat tal-bandiera tagħha jkun ikkonferma l-osservanza effettiva tagħhom (f).

60.

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2009/16, l-awtorità kompetenti għandha tkun issodisfatta li kull anomalija kkonfermata jew żvelata permezz tal-ispezzjonijiet tneħħiet jew ser titneħħa skont il-konvenzjonijiet, u, skont l-Artikolu 19(2) ta’ din id-direttiva, meta l-anomaliji kkonfermati jew żvelati mill-ispezzjonijiet ikunu jippreżentaw riskju manifest, b’mod partikolari għas-sigurtà, l-awtorità kompetenti tal-Istat tal-port tiżgura li l-bastiment jiġi detenut.

61.

Kif jirriżulta mir-risposti proposti għad-domandi preliminari preċedenti, l-Istat tal-port jista’, b’mod konformi mal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2009/16, jiżgura l-osservanza tal-konvenzjonijiet internazzjonali u tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli fil-qasam tas-sigurtà marittima, tas-sigurtà marittima, tal-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar u tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol abbord, billi jieħu inkunsiderazzjoni l-attivitajiet effettivament eżerċitati mill-bastiment, sakemm tali kontroll ma jinċidix fuq il-kompetenza tal-Istat tal-bandiera f’dak li jirrigwarda l-klassifikazzjoni tal-bastiment u lanqas fuq l-osservanza tal-obbligu ta’ salvataġġ fuq il-baħar.

62.

Għaldaqstant, is-sempliċi fatt li bastiment jeżerċita l-attività ta’ riċerka u ta’ salvataġġ fuq il-baħar b’mod sistematiku ma jeżentax lil dan il-bastiment milli josserva r-rekwiżiti applikabbli għalih skont id-dritt internazzjonali jew id-dritt tal-Unjoni u ma jipprekludix li l-imsemmi bastiment ikun suġġett għal miżuri ta’ detenzjoni abbażi tal-Artikolu 19 ta’ din id-direttiva meta jikser dawn ir-regoli. Fi kliem ieħor, jekk, kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, il-bastimenti huma esklużi mill-applikazzjoni tar-regoli internazzjonali dwar is-sigurtà tan-navigazzjoni u l-protezzjoni tal-ambjent marittimu sa fejn dawn iwettqu missjonijiet speċifiċi ta’ salvataġġ fuq il-baħar, huma ma humiex eżentati minn kull regola oħra applikabbli għall-bastimenti abbażi tar-rekwiżiti tad-dritt internazzjonali, fid-dawl tal-attività effettivament imwettqa.

63.

Għalhekk nipproponi li tingħata risposta għall-ħames domanda preliminari, qabelxejn, li d-Direttiva 2009/16 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-awtoritajiet tal-Istat tal-port għandhom id-dritt jeżiġu l-pussess ta’ ċertifikazzjonijiet u l-osservanza tar-rekwiżiti jew ta’ dispożizzjonijiet fil-qasam tas-sigurtà u tal-prevenzjoni tat-tniġġis marittimu li jikkonċernaw l-attivitajiet li għalihom bastiment huwa kklassifikat, kif ukoll kull ċertifikazzjoni, rekwiżit jew dispożizzjoni oħra bbażata fuq il-qafas legali internazzjonali jew tal-Unjoni ( 43 ).

64.

Sussegwentement, inqis li din id-direttiva għandha tiġi interpretata fis-sens li huwa l-Istat tal-port li għandu jindika, waqt l-ispezzjoni, fuq il-bażi ta’ liema leġiżlazzjoni għandhom jiġu identifikati r-rekwiżiti jew id-dispożizzjonijiet li l-ksur tagħhom huwa rrilevat u liema korrezzjonijiet jew rettifiki huma meħtieġa sabiex tiġi ggarantita l-osservanza ta’ din il-leġiżlazzjoni.

65.

Fl-aħħar, jidhirli li l-imsemmija direttiva għandha tiġi interpretata fis-sens li bastiment li jeżerċita b’mod sistematiku l-attività ta’ riċerka u ta’ salvataġġ fuq il-baħar ma huwiex, bħala tali, ikkunsidrat bħala li ma jistax ikun is-suġġett ta’ miżuri ta’ detenzjoni meta jikser rekwiżiti li huma applikabbli għalih skont id-dritt internazzjonali jew id-dritt tal-Unjoni, bla ħsara għall-obbligu ta’ salvataġġ fuq il-baħar ( 44 ).

VI. Konklużjoni

66.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mit-Tribunale amministrativo regionale per la Sicilia (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal Sicilia, l-Italja) kif ġej:

1)

Id-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2009 dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port, kif emendata bid-Direttiva 2013/38/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Awwissu 2013 mir-Regolamenti (UE) Nru 1257/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Novembru 2013 u 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2015, kif ukoll bid-Direttiva (UE) 2017/2110 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Novembru 2017 tapplika għal bastimenti li, filwaqt li jkunu kklassifikati u ċċertifikati bħala “bastimenti tal-merkanzija polivalenti” mill-Istat tal-bandiera, jeżerċitaw b’mod esklużiv u sistematiku l-attività ta’ riċerka u ta’ salvataġġ fuq il-baħar. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tislet il-konsegwenzi kollha dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva.

2)

L-Artikolu 11 u l-punti 2A u 2B tal-Parti II tal-Anness I tad-Direttiva 2009/16, moqrija fid-dawl tal-obbligu ta’ salvataġġ fuq il-baħar impost fuq il-kaptan tal-bastiment skont id-dritt internazzjonali konswetudinarju u riprodott b’mod partikolari fl-Artikolu 98 tal-Konvenzjoni fuq id-Dritt tal-Baħar, konkluża f’Montego Bay fl‑10 ta’ Diċembru 1982, għandhom jiġu interpretati fis-sens li s-sempliċi fatt li bastiment ikun ittrasporta, wara operazzjonijiet ta’ salvataġġ fuq il-baħar, numru ta’ persuni superjuri għall-kapaċità massima tiegħu, kif indikat fiċ-ċertifikat ta’ tagħmir ta’ sigurtà, ma jistax fih innifsu jitqies bħala “fattur dominanti” jew bħala “fattur mhux mistenni” li jimponi jew jiġġustifika, rispettivament, spezzjonijiet addizzjonali fis-sens ta’ dawn id-dipożizzjonijiet. Madankollu, ma jistax jiġi eskluż, fil-prinċipju, li t-trasport sistematiku ta’ numru ta’ persuni ħafna superjuri sew għall-kapaċitajiet tal-bastiment jista’ jaffettwa lil dan tal-aħħar, b’mod li jista’ jkun ta’ periklu għall-persuni, għall-oġġetti jew għall-ambjent, li jikkostitwixxi “fattur mhux mistenni” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjonijiet, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

3)

Is-setgħa tal-Istat tal-port li jwettaq spezzjoni iddettaljata, skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/16, ta’ bastiment li jtajjar bandiera ta’ Stat Membru tinkludi dik li jiġi vverifikat li dan il-bastiment josserva d-dispożizzjonijiet fil-qasam tas-sigurtà, tal-prevenzjoni tat-tniġġis u tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol abbord li huma applikabbli għall-attivitajiet effettivament imwettqa mill-bastiment, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni dawk li għalihom huwa ġie kklassifikat.

4)

a)

Id-Direttiva 2009/16, kif emendata bid-Direttiva 2013/38, bir-Regolamenti Nri 1257/2013 u 2015/757 kif ukoll bid-Direttiva 2017/2110, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-awtoritajiet tal-Istat tal-port għandhom id-dritt li jeżiġu l-pussess ta’ ċertifikazzjonijiet u l-osservanza tar-rekwiżiti jew ta’ dispożizzjonijiet fil-qasam tas-sigurtà u tal-prevenzjoni tat-tniġġis marittimu li jikkonċernaw l-attivitajiet li għalihom bastiment huwa kklassifikat, kif ukoll kull ċertifikazzjoni, rekwiżit jew dispożizzjoni oħra bbażata fuq il-qafas legali internazzjonali jew tal-Unjoni.

b)

Din id-direttiva għandha tiġi interpretata fis-sens li huwa l-Istat tal-port li għandu jindika, waqt l-ispezzjoni, fuq il-bażi ta’ liema leġiżlazzjoni għandhom jiġu identifikati r-rekwiżiti jew id-dispożizzjonijiet li l-ksur tagħhom huwa rrilevat u liema korrezzjonijiet jew rettifiki huma meħtieġa sabiex tiġi ggarantita l-osservanza ta’ din il-leġiżlazzjoni.

c)

L-imsemmija direttiva għandha tiġi interpretata fis-sens li bastiment li jeżerċita b’mod sistematiku l-attività ta’ riċerka u ta’ salvataġġ fuq il-baħar ma huwiex, bħala tali, ikkunsidrat bħala li ma jistax ikun is-suġġett ta’ miżuri ta’ detenzjoni meta jikser rekwiżiti li huma applikabbli għalih skont id-dritt internazzjonali jew id-dritt tal-Unjoni, bla ħsara għall-obbligu ta’ salvataġġ fuq il-baħar.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Direttiva tal-Parlament u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2009 dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port (ĠU 2009, L 131, p. 57, u rettifika fil-ĠU 2013, L 32, p. 23), kif emendata bid-Direttiva 2013/38/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Awwissu 2013 (ĠU 2013, L 218, p. 1), mir-Regolamenti (UE) Nru 1257/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Novembru 2013 (ĠU 2013, L 330, p. 1) u Nru 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2015 (ĠU 2015, L 23, p. 55), kif ukoll bid-Direttiva (UE) 2017/2110 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Novembru 2017 (ĠU 2017, L 315, p. 61) (rettifiki ĠU 2013, L 32, p. 23, u ĠU 2014, L 360, p. 111, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2009/16”).

( 3 ) L-unika leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-bastimenti privati u, għaldaqstant, l-operatur tagħhom hija d-Direttiva 2002/90/KE tal-Kunsill tat‑28 ta’ Novembru 2002 li tiddefinixxi l-iffaċilitar ta’ dħul, transitu u residenza mhux awtorizzati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 64) (ara, f’dan ir-rigward, Dumas, P., “L’obligation de prêter assistance aux personnes en détresse en mer au prisme du droit de l’Union”, Revue des affaires européennes, 12/2019, p. 305 sa 327). Għall-kuntrarju, ir-regoli relatati mal-attività ta’ riċerka u ta’salvataġġ fuq il-baħar fil-kuntest tal-operazzjonijiet ta’ sorveljanza tal-fruntieri mmexxija mill-Istati Membri fil-fruntieri marittimi esterni tagħhom huma previsti mir-Regolament (UE) Nru 656/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 li jistabbilixxi regoli dwar is-sorveljanza tal-fruntieri esterni tal-baħar fil-kuntest tal-kooperazzjoni operazzjonali kkoordinata mill-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2014, L 189, p. 93). Barra minn hekk, l-uniċi testi konvenzjonali eżistenti jagħmlu riferiment għas-salvataġġ fuq il-baħar f’sitwazzjonijiet li jinvolvu l-elementi essenzjali, jiġifieri n-natura “aċċidentali” u “eċċezzjonali” ta’ dan is-salvataġġ. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom madankollu jiġu interpretati u applikati b’mod wiesa’ kif permess mill-kliem tagħhom u l-kuntest legali tagħhom, mingħajr, madankollu, ma jmorru lil hinn.

( 4 ) L-unika “leġiżlazzjoni” tal-Unjoni Ewropea li tittratta espliċitament din il-kwistjoni hija, sa fejn naf jien, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1365 tat‑23 ta’ Settembru 2020 dwar il-kooperazzjoni fost l-Istati Membri fir-rigward ta’ operazzjonijiet imwettqa minn bastimenti li huma proprjetà ta’ entitajiet privati jew imħaddma minnhom għall-fini ta’ attivitajiet ta’ tiftix u salvataġġ (ĠU 2020, L 317, p. 23), li, min-natura tagħha ma għandhiex natura vinkolanti, u għalhekk sempliċement tistabbilixxi obbligu ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati.

( 5 ) Pereżempju, l-organizzazzjonijiet li jiġġestixxu l-imsemmija bastimenti għandhom jikkooperaw maċ-ċentri ta’ koordinazzjoni ta’ salvataġġ fuq il-baħar tal-Istati Membri kostali, li jagħtuhom istruzzjonijiet f’dak li jirrigwarda l-possibbiltajiet ta’ żbark u ta’ trażbord tal-persuni mogħtija l-għajnuna fl-Istat Membru inkwistjoni.

( 6 ) Id-Direttiva 2009/16 ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 80(2) KE [li sar l-Artikolu 100(2) TFUE], bil-għan li titfassal mill-ġdid id-Direttiva tal-Kunsill 95/21/KE tad‑19 ta’ Ġunju 1995 dwar il-kontroll portwali tal-Istat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 2, p. 263), li kienet is-suġġett ta’ diversi emendi sa mill-adozzjoni tagħha, u li ssaħħaħ il-mekkaniżmi implimentati minnha. Id-Direttiva 2009/16 tagħmel parti minn numru ta’ atti tad-dritt sekondarju tal-Unjoni adottati fl-istess jum, li jinkludi wkoll id-Direttiva 2009/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2009 dwar il-konformità mar-rekwiżiti tal-Istat tal-bandiera (ĠU 2009, L 131, p. 132); id-Direttiva 2009/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2009 dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-organizzazzjonijiet għall-ispezzjoni u l-perizji tal-vapuri u għall-attivitajiet rilevanti tal-amministrazzjonijiet marittimi (ĠU 2009, L 131, p. 47) kif ukoll ir-Regolament (KE) Nru 391/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2009 dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-organizzazzjonijiet għall-ispezzjoni u l-perizji tal-vapuri (ĠU 2009, L 131, p. 11).

( 7 ) GURI Nru 96, tas‑27 ta’ April 2011, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 53/2011”.

( 8 ) Kif ġie kkonfermat waqt is-seduta, il-bastimenti inkwistjoni kienu jtajru l-bandiera Olandiża sal-aħħar tas-sena 2019 u, peress li l-awtoritajiet Olandiżi kompetenti kellhom l-intenzjoni li jimmodifikaw il-klassifikazzjoni tagħhom fuq talba tal-awtoritajiet Taljani, huma ġew irreġistrati, sussegwentement, fil-Ġermanja.

( 9 ) Kif traspost mill-Artikolu 16 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 53/2011.

( 10 ) Kif traspost mill-Artikolu 8 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 53/2011.

( 11 ) Il-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment b’mod partikolari għall-Artikolu I(b) tal-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar, konkluża f’Londra fl‑1 ta’ Novembru 1974 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1185, Nru 18961, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar”) u għall-punt 1.3.1 tar-riżoluzzjoni A.1138(31), intitolat “Proċeduri ta’ kontroll mill-Istat tal-port, 2019”, tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) (iktar ’il quddiem ir-“Riżoluzzjoni tal-OMI dwar il-kontroll mill-Istat tal-Port”).

( 12 ) Kif traspost mill-Artikolu 22 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 53/2011.

( 13 ) Dawn l-irregolaritajiet jirreferu, essenzjalment, għall-fatt li, qabelxejn, il-bastimenti inkwistjoni ma humiex iċċertifikati sabiex jilqgħu abbord u jittrasportaw diversi mijiet ta’ persuni, kif għamlu b’mod sistematiku fis-sajf tal‑2020; sussegwentement, dawn il-bastimenti ma għandhomx tagħmir tekniku adattat sabiex iwettqu tali attivitajiet, minkejja li fil-verità huma intiżi sabiex – u effettivament użati għall-finijiet esklużivi ta’ – dawn (b’mod partikolari, l-installazzjonijiet ta’ trattament tal-ilma mormi li huma mgħammra bihom huma ddimensjonati, rispettivament, għal 22 jew għal 30 persuna u mhux għal diversi mijiet ta’ persuni, u latrini kif ukoll showers addizzjonali li jarmu ilma użat direttament fil-baħar kienu ġew installati fuq il-gverta); fl-aħħar, l-operazzjonijiet ta’ salvataġġ imwettqa mill-membri tal-ekwipaġġ ma humiex ikkontabilizzati fis-sigħat ta’ xogħol tagħhom.

( 14 ) Madankollu, waqt is-seduta, il-Gvern Taljan speċifika li, wara kuntatti ulterjuri bejn l-awtoritajiet Taljani u Ġermaniżi, dawn tal-aħħar imponew fuq Sea Watch, bħala sid tal-bastiment, li twettaq it-tiswijiet neċessarji sabiex jiġu rrimedjati l-imsemmija irregolaritajiet. Sea Watch indikat li hija wettqet xi modifiki sabiex tikkonforma ruħha ma’ dawn l-istruzzjonijiet, minkejja li dawn tal-aħħar ingħataw barra minn kull qafas regolatorju, sabiex tevita riskji ta’ detenzjoni ulterjuri.

( 15 ) F’dan ir-rigward, il-punt 5 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/16 jispeċifika li, għall-finijiet ta’ din, l-kunċett ta’ “vapur [bastiment]” jinkludi “kull bastiment li jbaħħar li għalih tapplika waħda jew iktar mill-Konvenzjonijiet, li jtajjar bandiera barra minn dik tal-Istat tal-port”.

( 16 ) F’dan ir-rigward, il-punti 5 u 6 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/16 jispeċifikaw li l-kunċett ta’ “[attività ta’] relazzjoni vapur/port” jikkonsisti fl-“interazzjonijiet li jseħħu meta [bastiment] ikun direttament u minnufih affettwat minn azzjonijiet li jinvolvu l-moviment ta’ persuni jew oġġetti jew id-dispożizzjoni ta’ servizzi portwali lejn jew mill-[bastiment]”.

( 17 ) Infakkar li, b’konformità ma’ prattika ferm stabbilita matul dawn l-aħħar snin, l-iżbark imwettaq wara l-operazzjonijiet ta’ salvataġġ fil-kawża prinċipali ġie awtorizzat mill-Ministero degli Interni (il-Ministeru għall-Intern, l-Italja) u kkoordinat mit-Taljan Maritime Rescue Coordination Centre (iċ-Ċentru Taljan għall-Koordinazzjoni tas-Salvagwardja fil-Baħar).

( 18 ) Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, konkluża f’Montego Bay fl‑10 ta’ Diċembru 1982 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1833, 1834 u 1835, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar”). Dan il-ftehim daħal fis-seħħ fis‑16 ta’ Novembru 1994. Il-konklużjoni tiegħu ġiet approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/392/KE tat‑23 ta’ Marzu 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 4, Vol. 3, p. 260 u rettifika fil-ĠU 2014, L 316, p. 69).

( 19 ) Barra minn hekk, kif irrileva l-Gvern Taljan fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-kategoriji esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/16 ma humiex tali inkwantu jinvolvu riskji iżgħar mill-bastimenti li għalihom tapplika din id-direttiva. Kull waħda mill-kategoriji esklużi ssib fis-sorsi speċifiċi tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u internazzjonali r-raġunijiet partikolari tan-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni għal dawn.

( 20 ) Fi kwalunkwe każ, inżid li kull kwistjoni relatata mal-klassifikazzjoni ta’ dawn il-bastimenti, kif magħmula mill-korp ta’ ċertifikazzjoni, taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Istat tal-bandiera u ma hijiex rilevanti fir-rigward tas-setgħat tal-Istat tal-port abbażi tad-Direttiva 2009/16. Barra minn dan, kif irrileva l-Gvern Spanjol, niddubita kemm l-attività ta’ riċerka u ta’ salvataġġ fuq il-baħar tista’ tiġi assimilata ma’ dik ta’ trasport tal-passiġġieri, fid-dawl tal-karatteristiċi differenti ta’ din tal-aħħar, bħal, b’mod partikolari, il-prevedibbiltà assoluta tas-servizz (ipprovdut minn numru identifikat sewwa ta’ persuni skont itinerarji u kundizzjonijiet stabbiliti minn qabel) u n-natura kuntrattwali tagħha.

( 21 ) Ara, b’mod partikolari, il-premessa 7 tad-Direttiva 2009/16, u l-punt 12 tar-Rakkomandazzjoni 2020/1365, li jagħmlu riferiment għal dgħajjes “mgħammra kif suppost”.

( 22 ) Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/16.

( 23 ) Sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Torubarov (C‑556/17, EU:C:2019:626, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 24 ) Din il-qorti tispeċifika li għalkemm, fil-formoli relatati mar-rapporti ta’ spezzjoni, l-amministrazzjoni Taljana kklassifikat din iċ-ċirkustanza bħala “fattur dominanti” fis-sens tal-punt 2A tal-Parti II tal-Anness I tad-Direttiva 2009/16 u mhux bħala “fattur mhux mistenni” fis-sens tal-punt 2B tal-Parti II tal-Anness I tagħha, dan huwa dovut għall-fatt li dawn il-formoli ma jinkludux parti intiża speċifikament għall-indikazzjoni tal-fatturi mhux mistennija u li għalhekk għandu jitqies li, fil-parti li fiha dawn il-formoli jindikaw il-“fattur dominanti” huma jirreferu b’mod ġeneriku għall-kundizzjonijiet sabiex titwettaq spezzjoni addizzjonali kkontemplata fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2009/16.

( 25 ) Il-leġiżlatur tal-Unjoni jieħu inkunsiderazzjoni, f’dan ir-rigward, il-protokoll ta’ ftehim ta’ Pariġi dwar il-kontroll tal-bastimenti mill-Istat tal-port, iffirmat f’Pariġi fis‑26 ta’ Jannar 1982 li jipprovdi, fir-raba’ u l-ħames premessa tiegħu, li r-responsabbiltà għall-applikazzjoni effettiva tar-regoli stabbiliti fl-istrumenti internazzjonali taqa’ prinċipalment fuq l-awtoritajiet tal-Istat tal-bandiera, filwaqt li jżid li l-Istati tal-portijiet għandhom jadottaw miżuri effikaċi sabiex jipprekludu l-użu ta’ bastimenti li ma jissodisfawx ir-regoli internazzjonali.

( 26 ) Fir-rigward tad-differenza bejn iż-żewġ fatturi, il-“fatturi mhux mistennija” huma ġeneralment inqas serji jew jirrappreżentaw gravità inqas evidenti, huma marbuta ma’ problemi ta’ natura simili, bħal ksur tar-regoli fis-seħħ, anomaliji, ilmenti u detenzjonijiet preċedenti (ara Pimm M., “VIII. Commentary on Directive 2009/16/EC of the European Parliament and of the Council of 23 April 2009 on Port State Control”, EU Maritime Transport Law, 03/2016, p. 872). Barra minn hekk, mill-Artikolu 11(b) tad-Direttiva 2009/16 jirriżulta li, fil-preżenza ta’ fatturi dominanti, l-ispezzjoni addizzjonali tidher li hija obbligatorja, filwaqt li, fil-każ ta’ fatturi mhux mistennija, id-deċiżjoni li ssir tali spezzjoni taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali tal-awtorità kompetenti.

( 27 ) Fil-fatt, l-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti miċ-ċertifikati ta’ sigurtà ta’ bastiment, u b’mod iktar partikolari dik dwar in-numru ta’ persuni ttrasportati abbord, taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istat tal-bandiera. L-istess jgħodd fir-rigward tan-natura adegwata, in abstracto, taċ-ċertifikat maħruġ għall-eżerċizzju tal-attività li għaliha l-bastimenti huma ddestinati, kwistjoni li tibqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istat tal-bandiera.

( 28 ) Pereżempju, jidhirli li huwa partikolarment diffiċli li jintwera li bastiment awtorizzat jittrasporta madwar mitt persuna jista’ jikkostitwixxi periklu għall-persuni, għall-oġġetti jew għall-ambjent meta jittrasporta xi ftit persuni iktar. Is-sitwazzjoni tkun differenti meta bastiment ma jkunx, bħala prinċipju, iddestinat għat-trasport ta’ persuni u jipprevedi, skont iċ-ċertifikati ta’ sigurtà tiegħu, massimu ta’ 30 persuna abbord bħala membri tal-ekwipaġġ tiegħu, bħal f’dan il-każ jilqa’ abbord madwar 400 persuna.

( 29 ) Din id-dispożizzjoni, intitolata “Obbligu li tingħata assistenza”, hija fformulata kif ġej fil-paragrafu 1 tiegħu: “Kull Stat għandu jobbliga lill-kaptan ta’ bastiment li jtajjar il-bandiera tiegħu, sa fejn dan ikun jista’ jagħmlu mingħajr ma jesponi lill-bastiment, lill-ekwipaġġ u lill-passiġġieri għal periklu serju: a) li jagħti assistenza lil kull persuna li tinsab fil-baħar u li tkun f’periklu li tintilef; b) li jipproċedi bl-ikbar veloċità possibbli għas-salvataġġ tal-persuni f’diffikultà jekk huwa jkun infurmat bil-bżonn tagħhom ta’ assistenza, sa fejn tali azzjoni tista’ tkun raġonevolment mistennija minnu; […]”.

( 30 ) F’dan ir-rigward, infakkar, qabel kollox, li l-Artikolu IV(b) tal-Konvenzjoni dwar is-salvagwardja tal-ħajja tal-bniedem fuq il-baħar, kif imsemmi fl-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2009/16, jipprevedi li l-persuni li jkunu jinsabu abbord bastiment, b’mod partikolari, l-obbligu impost fuq il-kaptan li jittrasporta l-persuni salvati ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni meta tkun qiegħda tiġi vverifikata l-applikazzjoni għall-bastiment ta’ kull dispożizzjoni ta’ din il-konvenzjoni u sussegwentement, li l-annessi għall-konvenzjoni internazzjonali għall-prevenzjoni tat-tniġġis mill-bastimenti, iffirmata f’Londra fit‑2 ta’ Novembru 1973, kif ikkompletata mill-Protokoll tas‑17 ta’ Frar 1978, imsemmija ukoll fl-Artikolu 2(1)(c) ta’ din id-direttiva, jipprevedu eċċezzjonijiet għar-reġim li jikkonċerna l-iskarikar fil-baħar fil-każ fejn dan ikun indispensabbli għas-salvagwardja tal-ħajja umana fuq il-baħar u, finalment, li l-Konvenzjoni tax-Xogħol Marittimu, 2006, imsemmija hija wkoll fl-Artikolu 2(1)(i) tal-imsemmija direttiva, tipprevedi d-dritt tal-kmandant li jeżiġi mingħand il-baħrin l-estensjoni tal-ħin tax-xogħol lil hinn mil-limiti konvenzjonali meta dan ikun neċessarju sabiex tingħata assistenza lil bastimenti oħra jew lil persuni f’diffikultà fuq il-baħar.

( 31 ) Il-qorti tar-rinviju eskludiet, ġustament, li l-ġustifikazzjonijiet ipprovduti mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jikkostitwixxu “fatturi dominanti”, fis-sens tal-Artikolu 11 tal-punt 2A tal-Parti II tal-Anness I tad-Direttiva 2009/16. Fil-fatt, ebda wieħed mill-motivi mressqa minn dawn l-awtoritajiet ma jikkorrispondi għall-każijiet elenkati b’mod eżawrjenti fost il-“fatturi dominanti”.

( 32 ) F’dak li jirrigwarda l-irregolaritajiet inkwistjoni, dawn jistgħu jkunu, pereżempju, istanzi ta’ ksur marbuta mal-installazzjonijiet addizzjonali li jiskarikaw direttament fil-baħar.

( 33 ) B’mod iktar partikolari, jidhirli li r-raba’ domanda preliminari, dwar l-applikazzjoni tal-istrumenti konvenzjonali ċċitati, hija anċillari għat-tielet domanda, dwar l-applikazzjoni tal-punt 3 tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/16, fis-sens li, permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, fl-impossibbiltà, għall-Istat tal-port, li jkun jista’ jikkontrolla l-osservanza tar-rekwiżiti applikabbli fir-rigward tal-attività effettiva ta’ dan il-bastiment fis-sens ta’ din id-direttiva, tali setgħa tistax madankollu tkun ibbażata fuq wieħed mill-istrumenti konvenzjonali msemmija.

( 34 ) L-assenza, fid-dritt internazzjonali jew tal-Unjoni, ta’ tali kundizzjonijiet hija kkonfermata mir-Rakkomandazzjoni 2020/1365, meta hija tiddikjara, fil-premessa 12 tagħha, li huwa indispensabbli, għal kwistjonijiet ta’ “ordni pubbliku” u, b’mod partikolari, ta’ sigurtà, li dawn il-bastimenti jkunu debitament irreġistrati u mgħammra korrettament sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti applikabbli fil-qasam tas-sigurtà u tas-saħħa marbuta ma’ dawn l-attivitajiet, b’mod li ma jkunux ta’ periklu għall-ekwipaġġ jew għall-persuni li jkunu salvaw. Fil-każ kuntrarju, skont din il-qorti, ma jkun hemm l-ebda raġuni sabiex għal dan il-għan jiġi invokat l-ordni pubbliku.

( 35 ) Barra minn hekk, skont l-imsemmija qorti, meta l-istrumenti konvenzjonali msemmija iktar ’il fuq jipprevedu li l-gvernijiet kontraenti jobbligaw ruħhom, essenzjalment, li jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiggarantixxu li, mill-perspettiva tas-salvagwardja tal-ħajja umana, bastiment ikun “adatt għas-servizz li għalih huwa ddestinat”, l-adegwatezza għas-servizz li għalih il-bastiment huwa ddestinat għandu jinftiehem f’sens astratt, fid-dawl tat-tip bastiment skont il-klassifikazzjoni tiegħu, u mhux f’sens konkret, fid-dawl tat-tip speċifiku ta’ attivitajiet effettivament imwettqa, peress li, f’każ kuntrarju, kienet tintuża kelma bħal “użat” jew kelma simili. Hija tirrikonoxxi madankollu li l-użu tat-terminu “ddestinat” jista’ wkoll jiġi interpretat fis-sens li d-destinazzjoni tista’ tirreferi mhux għall-karatteristiċi intrinsiċi tal-bastiment u lanqas għall-użu li jservu l-imsemmija karatteristiċi, iżda wkoll għall-għan li għalih il-bastiment huwa realment iddestinat mis-sid tal-bastiment tiegħu.

( 36 ) Din id-dispożizzjoni tispeċifika li jeżistu tali “raġunijiet ċari” meta l-ispettur iqis li dan huwa ġġustifikat abbażi tal-ġudizzju professjonali tiegħu.

( 37 ) Barra minn hekk, jidhirli li peress l-punt 3 tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/16 jirreferi għall-preskrizzjonijiet ta’ konvenzjoni f’dan il-qasam, fosthom il-Konvenzjoni għas-salvagwardja tal-ħajja umana fuq il-baħar, imsemmija fl-Artikolu 2 tagħha, għandu jiġi interpretat b’mod partikolari fid-dawl tal-Artikolu I(b) ta’ din il-konvenzjoni. Fil-fatt, anki jekk l-Unjoni ma hijiex parti kontraenti ta’ din il-konvenzjoni (l-Istati Membri kollha, min-naħa l-oħra, huma firmatarji tagħha), il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieħu inkunsiderazzjoni dispożizzjonijiet tagħha fl-interpretazzjoni ta’ strument legali tad-dritt sekondarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2008, Intertanko et (C‑308/06, EU:C:2008:312, punti 47 sa 52)).

( 38 ) Ir-Regola 9 tal-Kapitolu XI‑2 tal-Konvenzjoni dwar is-salvagwardja tal-ħajja tal-bniedem fuq il-baħar tipprovdi għal kontroll limitat dwar il-validità taċ-ċertifikati msemmija fil-punt 1.1 ta’ din ir-regola u, b’mod partikolari, taċ-ċertifikat internazzjonali ta’ sigurtà. F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-ispezzjonijiet iddettaljati kienu ġew ordnati minħabba li l-formoli ta’ trasmissjoni ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ sigurtà qabel id-dħul tal-bastimenti fil-port kienu ġew mimlija b’mod skorrett, peress li kien nieqes b’mod partikolari n-numru tal-kumpannija, il-lokalizzazzjoni tal-bastimenti fil-mument meta ġiet stabbilita d-dikjarazzjoni, l-amministrazzjoni ħarġet iċ-ċertifikati internazzjonali ta’ sigurtà kif ukoll id-data ta’ skadenza ta’ dawn iċ-ċertifikati. Barra minn hekk, ġie indikat li r-riżultati tal-pjanijiet ta’ sigurtà tal-bastimenti kienu ġew approvati, filwaqt li dan kien għadu ma kienx il-każ.

( 39 ) Ir-Regola 19 tal-Kapitolu I tal-Konvenzjoni dwar is-salvagwardja tal-ħajja tal-bniedem fuq il-baħar, li hija relatata mal-kontroll taċ-ċertifikati tal-bastiment, tispeċifika, fil-paragrafu (b), li tali ċertifikati, jekk ikunu validi, jiġu aċċettati sakemm ma jkunux jeżistu raġunijiet tajba li jagħtu x’jaħseb li l-istat tal-bastiment jew tat-tagħmir tiegħu ma jikkorrispondix essenzjalment mal-indikazzjonijiet ta’ wieħed miċ-ċertifikati jew li l-bastiment u t-tagħmir tiegħu ma josservawx id-dispożizzjonijiet tar-Regola 11(a) u (b) tal-imsemmi kapitolu. Skont ir-Regola 11(a) tal-istess kapitolu, l-istat tal-bastiment u tat-tagħmir tiegħu għandu jinżamm f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni b’mod li l-bastiment jkun jista’ jieħu l-baħar mingħajr periklu għall-bastiment jew għall-persuni abbord. Għall-kuntrarju, ir-Regola 11(b) tal-Kapitolu I tal-Konvenzjoni dwar is-salvagwardja tal-ħajja tal-bniedem fuq il-baħar ma hijiex rilevanti f’dan il-każ, peress li din tikkonċerna l-projbizzjoni li jsiru modifiki wara spezzjoni mwettqa skont ir-Regoli 7 sa 10 ta’ dan il-kapitolu.

( 40 ) Barra minn hekk, jidhirli li din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-interpretazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/16 moqri fid-dawl tal-Artikolu I(b) tal-Konvenzjoni dwar is-salvagwardja tal-ħajja tal-bniedem fuq il-baħar, kif ukoll tal-punt 1.3.1 tal-anness tar-Riżoluzzjoni tal-OMI dwar il-kontroll mill-Istat tal-port. Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet, meta jipprevedu l-possibbiltà li jiġi kkontrollat li l-bastiment ikun “adatt għas-servizz li għalih huwa ddestinat”, jistgħu jiġu interpretati fis-sens li kull evalwazzjoni li tikkonċerna l-kapaċità tal-bastiment għandha ssir billi jittieħed inkunsiderazzjoni s-servizz effettivament imwettaq minnu, kif ukoll ir-regolamenti rilevanti.

( 41 ) Barra minn hekk, din il-klassifikazzjoni lanqas ma tidher li teżisti fid-dritt Ġermaniż jew fid-dritt Taljan.

( 42 ) Nammetti li mhux faċli għalija naċċetta li t-trasport tal-persuni f’periklu jista’ jiġi assimilat, sa ċertu punt, mat-trasport ta’ “merkanzija”, filwaqt li nirrikonoxxi n-neċessità li jiġi evitat li titpoġġa f’dubju l-klassifikazzjoni tal-bastimenti inkwistjoni, kif imwettqa mill-korp ta’ ċertifikazzjoni tal-Istat tal-bandiera. Barra minn hekk, fil-każ fejn l-Istat tal-port ma jaqbilx mal-klassifikazzjoni ta’ bastiment, il-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar tipprevedi proċedura ta’ sinjalizzazzjoni, li permezz tagħha kull Stat li għandu raġunijiet serji sabiex jaħseb li l-ġurisdizzjoni u l-kontroll adatti fuq bastiment ma ġewx eżerċitati jista’ jindika l-fatti lill-Istat tal-bandiera, li huwa obbligat iwettaq investigazzjoni f’dan ir-rigward u li jadotta, jekk ikun il-każ, il-miżuri neċessarji sabiex jirrimedja s-sitwazzjoni (ara l-Artikolu 94(6) ta’ din il-konvenzjoni). Dan l-approċċ huwa konformi ma’ dak segwit fil-punt 1.3.3 tal-anness tar-Riżoluzzjoni tal-OMI dwar il-kontroll mill-Istat tal-port.

( 43 ) Jekk, għall-kuntrarju, il-bastiment ma jissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa abbażi tal-leġiżlazzjoni tal-Istat tal-bandiera jew tal-Istat tal-port jew jekk dan tal-aħħar ma jaqbilx fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ bastiment, dan jista’ (jew għandu) jinforma b’dan lill-Istat tal-bandiera u jikkoopera miegħu sabiex tinstab soluzzjoni għan-nuqqasijiet irrilevati.

( 44 ) Nixtieq, f’dan il-punt, nagħmel kumment sħiħ. Il-ħajja umana u s-salvataġġ tagħha huma, bla dubju, il-valur li jipprevali (fuq kull kunsiderazzjoni oħra). Madankollu, id-“dmir tas-Samaritan it-Tajjeb” ma huwiex eżenti mill-obbligi. Pereżempju, sa fejn dan jista’ jkollu interess, is-Samaritan it-Tajjeb tat-Testment, ċertament, salva l-persuna fil-periklu mingħajr eżitazzjoni. Madankollu, huwa ttrasportaha f’post sigur, lukanda, bi spejjeż tiegħu stess, bil-mezz ta’ trasport l-iktar sigur, bil-ħmar tiegħu stess, huwa ħa ħsieb din il-persuna mingħajr ma ttrasferixxa l-“piż” lill-oħrajn u ta l-flus tiegħu stess lil-lukandier sabiex fil-frattemp jikkuraha hu, filwaqt li wiegħdu li “dak li tonfoq iktar, inroddulek lura malli nirritorna”. Il-paraguni huma xi drabi diffiċli...