KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

EMILIOU

ippreżentati fl‑10 ta’ Marzu 2022 ( 1 )

Kawża C‑13/21

Pricoforest SRL

vs

Inspectoratul de Stat pentru Controlul în Transportul Rutier (ISCTR)

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Judecătoria Miercurea Ciuc (il-Qorti tal-Ewwel Istanza, Miercurea-Ciuc, ir-Rumanija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bit-triq – Regolament (KE) Nru 561/2006 – Artikolu 13(1)(b) – Eċċezzjoni għal vetturi użati minn impriżi tal-forestrija għat-trasport ta’ merkanzija bħala parti mill-attività imprenditorjali tagħhom stess f’raġġ li ma jaqbiżx il-100 km mill-bażi tagħhom – Kunċett ta’ ‘raġġ li ma jaqbiżx il-100 km’ – Applikazzjoni ta’ dik l-eċċezzjoni fil-każ ta’ vetturi ta’ użu mħallat”

I. Introduzzjoni

1.

Il-Judecătoria Miercurea Ciuc (il-Qorti tal-Ewwel Istanza, Miercurea-Ciuc, ir-Rumanija) għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja żewġ domandi dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġislazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq ( 2 ).

2.

Dawk id-domandi kienu ppreżentati fil-kuntest ta’ tilwima bejn Pricoforest SRL, impriża tal-forestrija, u l-Inspectoratul de Stat pentru Controlul în Transportul Rutier (l-Ispettorat Statali għall-Kontroll tat-Trasport bit-Triq, ir-Rumanija; iktar ’il quddiem l-“ISCTR”) dwar multa imposta minn dan tal-aħħar fuq ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali minħabba li allegatament kisret, għal bosta operazzjonijiet ta’ trasport bit-triq, ir-regoli dwar ħinijiet tas-sewqan, interruzzjonijiet u perijodi ta’ mistrieħ stabbiliti fir-Regolament Nru 561/2006.

3.

Il-punt kontenzjuż fil-kawża prinċipali huwa jekk dawk l-operazzjonijiet ta’ trasport kinux, kif issostni Pricoforest fil-fatt eżenti minn dawk ir-regoli, skont l-Artikolu 13(1)(b) ta’ dak ir-regolament. Skont dik id-dispożizzjoni, l-Istati Membri jistgħu jagħtu tali eċċezzjoni fit-territorju tagħhom għal vetturi użati, l-iktar, minn impriżi tal-forestrija għat-trasport ta’ merkanzija bħala parti mill-attività imprenditorjali tagħhom stess f’raġġ li ma jaqbiżx il-100 km mill-bażi tagħhom. Minħabba li r-Rumanija użat dik il-possibbiltà, il-qorti tar-rinviju qiegħda titlob għal kjarifiki dwar it-tifsira u l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik l-eċċezzjoni, li għadha ma ġietx interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja.

4.

B’mod iktar speċifiku, bl-ewwel domanda tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kundizzjoni, stabbilita fl-Artikolu 13(1)(b) ta’ dak ir-regolament, li t-trasport ta’ merkanzija għandha sseħħ “f’raġġ li ma jaqbiżx il-100 km mill-bażi tal-impriża”, għandhiex tinftiehem bħala li tfisser li l-vettura użata għandha toqgħod f’ċirku immaġinarju li jkollu tali raġġ, jew li d-distanza attwalment misjuqa minn dik il-vettura bit-triq ma għandhiex taqbeż il-100 km. Bit-tieni domanda tagħha, dik il-qorti tistaqsi jekk, u, jekk huwa hekk, kemm għandha tapplika l-eċċezzjoni fil-każ ta’ vetturi ta’ użu mħallat, jiġifieri vetturi li jintużaw regolarment kemm għal operazzjonijiet ta’ trasport li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13(1)(b), kif ukoll għal operazzjonijiet ta’ trasport li ma jkunux.

5.

F’dawn il-konklużjonijiet ser infisser, l-ewwel, għaliex il-kunċett ta’ “raġġ” skont it-tifsira tal-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 561/2006 jirreferi għal żona ġeografika limitata b’ċirku immaġinarju li jkollu raġġ ta’ 100 km madwar il-bażi tal-impriża, u mhux għad-distanza attwalment misjuqa mill-vettura bit-triq. It-tieni, ser infisser għaliex vetturi ta’ użu mħallat jibbenefikaw mill-eċċezzjoni stabbilita f’dik id-dispożizzjoni waqt li jkunu qegħdin jintużaw għal operazzjonijiet ta’ trasport li jħarsu l-kundizzjonijiet mogħtija hemmhekk, iżda mhux waqt li jkunu qegħdin jintużaw għal xorta oħra ta’ operazzjonijiet ta’ trasport.

II. Il‑kuntest ġuridiku

A.   Id‑dritt tal‑Unjoni Ewropea

6.

Skont l-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 561/2006:

“Sakemm ma jkunux preġudikati l-għanijiet ta’ l-Artikolu 1, kull Stat Membru jista’ jagħti eċċezzjonijiet għall-Artikoli 5 sa 9 u jagħmel tali eċċezzjonijiet soġġetti għal kondizzjonijiet individwali fit-territorju tiegħu stess jew, bi ftehim ma’ l-Istati kkonċernati, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, li jkunu applikabbli għat-trasport b’ dawn li ġejjin:

[…]

(b)

vetturi wżati jew mikrija mingħajr ix-xufier minn impriżi ta’ agrikoltura, ortikultura, forestrija, biedja jew sajd għat-trasport ta’ merkanzija bħala parti mill-attività intraprenditorjali tagħhom stess f’raġġ li ma jaqbiżx il-100 km mill-bażi ta’ l-impriża”.

7.

L-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 165/2014 dwar takografi fit-trasport bit-triq ( 3 ), bit-titolu “Kamp ta’ applikazzjoni”, jgħid, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   It-takografi għandhom jiġu installati u użati fil-vetturi reġistrati fi Stat Membru li jintużaw għat-trasport ta’ passiġġieri jew ta’ merkanzija bit-triq u li għalihom japplika [r-Regolament Nru 561/2006].

2.   L-Istati Membri jistgħu jeżentaw mill-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament il-vetturi msemmija fl-Artikolu 13(1) u (3) [tar-Regolament Nru 561/2006].”

B.   Id‑dritt Rumen

8.

L-Artikolu 2 tal-Ordonanța Guvernului nr. 37/2007 privind stabilirea cadrului de aplicare a regulilor privind perioadele de conducere, pauzele și perioadele de odihnă ale conducătorilor auto și utilizarea aparatelor de înregistrare a activității acestora (id-Digriet tal-Gvern Nru 37/2007 li jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar it-tul tas-sewqan, tal-pawża u mistrieħ tax-xufiera tal-vetturi bil-mutur u l-użu tal-apparat tar-reġistrazzjoni tal-attivitajiet tagħhom) jgħid li “l-operazzjonijiet ta’ trasport bit-triq imsemmija fl-Artikolu 13(1)(a) sa (d), (f) sa (h), u (j) sa (p) [tar-Regolament Nru 561/2006] għandhom ikunu eżenti, fit-territorju tar-Rumanija, mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament”.

III. Il‑fatti, il‑proċeduri nazzjonali u d‑domandi magħmula

9.

Fit‑2 ta’ Settembru 2020, vettura bil-mutur li kienet qiegħda tiġbed karru, użata minn Pricoforest għat-trasport ta’ injam, twaqqfet minn tim ta’ spezzjoni tal-ISCTR fil-belt ta’ Bălan fil-kontea ta’ Harghita (ir-Rumanija). Din il-belt hija 130 km bogħod mill-post tan-negozju ta’ Pricoforest, li jinsab fil-muniċipalità ta’ Pipirig fil-kontea ta’ Neamț (ir-Rumanija).

10.

Wara li saru l-kontrolli mit-tim ta’ spezzjoni, u l-analiżi tad-data miġbuda mill-kard tat-takografu tax-xufier, instab li, bejn il-5.15 tas‑17 ta’ Awwissu 2020 u s-19.23 tat‑18 ta’ Awwissu 2020, dak ix-xufier kien saq għal 15‑il siegħa u 56 minuta, u b’hekk kien qabeż, bi kważi 6 sigħat, il-ħin massimu ta’ sewqan ta’ kuljum ta’ 10 sigħat skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 561/2006. B’riżultat ta’ dan, Pricoforest kienet immultata 9000 lei Rumeni (RON). Barra minn dan, fil‑25 ta’ Awwissu 2020, bejn is-00.54 u l-4.24, ix-xufier kien temm perijodu ta’ mistrieħ ta’ kuljum ta’ 3 sigħat u 30 minuta biss, minflok il-mistrieħ minimu ta’ kuljum ta’ 9 sigħat mitlub mill-Artikolu 8(2) ta’ dan ir-regolament. Għat-tieni reat Pricoforest weħlet multa ta’ RON 4000.

11.

Fil‑25 ta’ Settembru 2020 Pricoforest fetħet kawża kontra l-ISCTR quddiem il-Judecătoria Miercurea Ciuc (il-Qorti tal-Ewwel Istanza, Miercurea-Ciuc), fejn talbet għall-annullament tar-rapport tar-reat jew, sussidjarjament, li l-multi jinbidlu fi twissija. Għalkemm hija ma kkontestatx ir-reġistrazzjonijiet fuq it-takografu, Pricoforest issottomettiet li dawk ir-reġistrazzjonijiet kienu relatati ma’ operazzjonijiet ta’ trasport li kienu eżenti mir-regoli dwar ħinijiet ta’ sewqan, interruzzjonijiet u perijodi ta’ mistrieħ stabbiliti bir-Regolament Nru 561/2006, skont l-eċċezzjoni msemmija fl-Artikolu 13(1)(b) ta’ dak ir-regolament, li huwa applikabbli fir-Rumanija skont l-Artikolu 2 tad-Digriet tal-Gvern Nru 37/2007. Tabilħaqq, kien trasport ta’ merkanzija minn impriża tal-forestrija, bħala parti mill-attività imprenditorjali tagħha stess, f’raġġ ta’ 100 km mill-bażi tagħha, kif jirriżulta minn bosta noti ta’ kunsinna għat-trasport ta’ injam issottomessi mir-rikorrenti ( 4 ).

12.

L-ISCTR ippreżenta difiża fejn huwa talab li t-talba tar-rikorrenti tiġi miċħuda, billi argumenta li r-rapport tar-reat kien skont il-liġi u kellu bażi tajba. Huwa ssottometta li l-eċċezzjoni skont l-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 561/2006 hija relatata ma’ operazzjonijiet ta’ trasport imwettqa strettament f’raġġ li ma jaqbiżx il-100 km mill-post fejn tkun tinsab l-impriża tal-forestrija. F’dan il-każ il-vettura inkwistjoni twaqqfet mit-tim ta’ spezzjoni f’Bălan, xi 130 km bogħod mill-post tan-negozju ta’ Pricoforest f’Pipirig.

13.

Pricoforest wieġbet billi argumentat li l-ISCTR kien żbalja meta qabbel bħallikieku kienu ndaqs il-kunċett ta’ “raġġ li ma jaqbiżx il-100 km mill-bażi tal-impriża”, skont it-tifsira tal-Artikolu 13(1)(b) ta’ dak ir-regolament, mad-distanza bit-triq bejn iż-żewġt ibliet inkwistjoni.

14.

F’dan il-kuntest il-Judecătoria Miercurea Ciuc (il-Qorti tal-Ewwel Istanza, Miercurea-Ciuc) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“(1)

Il-kunċett ta’ ‘raġġ ta’ 100 km’ li jirriżulta mill-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 561/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li linja dritta mfassla fuq il-mappa bejn is-sede tal-impriża u d-destinazzjoni għandha tkun inqas minn 100 km jew fis-sens li d-distanza effettiva vvjaġġata mill-vettura għandha tkun inqas minn 100 km?

(2)

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 561/2006 għandhom jiġu interpretati fis-sens li t-twettiq ta’ operazzjonijiet ta’ trasport fil-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni, li wħud minnhom isiru f’raġġ ta’ 100 km mis-sede tal-impriża, filwaqt li oħrajn jaqbżu dan ir-raġġ, f’perijodu ta’ żmien ta’ xahar, fil-kuntest tal-eżenzjoni tas-sitwazzjoni prevista fl-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 561/2006 mill-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament permezz ta’ dispożizzjoni nazzjonali, jimplika l-eżenzjoni tal-operazzjonijiet ta’ trasport inkwistjoni kollha mill-applikazzjoni tar-Regolament, jew biss ta’ dawk l-operazzjonijiet ta’ trasport imwettqa [mingħajr ma] jaqbżu r-raġġ ta’ 100 km, jew inkella ta’ ebda waħda minn dawn l-operazzjonijiet ta’ trasport?”

15.

It-talba għal deċiżjoni preliminari, bid-data tal‑10 ta’ Novembru 2020, waslet għand il-Qorti tal-Ġustizzja fl‑4 ta’ Jannar 2021. Il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni Ewropea bagħtu sottomissjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja. Ma nżammitx seduta f’dan il-każ.

IV. Analiżi

16.

Ir-Regolament Nru 561/2006 ( 5 ) jistabbilixxi regoli komuni dwar ħinijiet ta’ sewqan, interruzzjonijiet u perijodi ta’ mistrieħ għal xufiera li jaħdmu fit-trasport bit-triq ta’ merkanzija u ta’ passiġġieri. Bħala regola, ħinijiet ta’ sewqan ma għandhomx jaqbżu 10 sigħat kuljum (Artikolu 6(1)) u 56 siegħa kull ġimgħa (Artikolu 6(2)); xufiera għandhom jieqfu għalkollox mis-sewqan għal mhux inqas minn 45 minuta wara li jkunu saqu 4½ sigħat (Artikolu 7), u huma għandu jkollhom perijodi ta’ mistrieħ kuljum u fil-ġimgħa (Artikolu 8). Barra minn dan, biex ikun hemm monitoraġġ tal-konformità ma’ dawk ir-regoli, vetturi ta’ trasport bit-triq għandhom, skont ir-Regolament Nru 165/2014, ikunu mgħammra b’takografu, li jirreġistra diversi data, bħad-distanza misjuqa mill-vettura, il-pożizzjoni tagħha f’ċerti ħinijiet, kemm idum il-vjaġġ tagħha, xi jkun qiegħed jagħmel ix-xufier, u l-bqija ( 6 ). Dawn ir-regoli komuni u l-miżuri ta’ infurzar tagħhom għandhom partikolarment tliet għanijiet: (i) l-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn modi ta’ trasport intern, l-iktar fir-rigward tas-settur stradali; (ii) it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ xufiera u ekwipaġġ ta’ tali vetturi; u (iii) it-titjib tas-sigurtà stradali ( 7 ).

17.

Il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 561/2006 huwa pjuttost wiesa’. Skont l-Artikolu 2(1)(a) tiegħu, huwa japplika l-iktar għal “trasport bit-triq […] ta’ merkanzija fejn il-massa massima permessa tal-vetturi, inkluż kwalunkwe karru, jew nofs-karru, taqbeż it-3,5 tunnellati”. Hemm qbil li operazzjonijiet ta’ trasport ta’ injam bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma ta’ dik il-kategorija ( 8 ). Għaldaqstant, ir-regoli dwar ħinijiet ta’ sewqan, interruzzjonijiet u perijodi ta’ mistrieħ stabbiliti f’dan ir-regolament kellhom, bħala prinċipju, jitħarsu matul dawk l-operazzjonijiet, u kellu jiġi installat takografu u jkun użat fil-vetturi kkonċernati. Madankollu, filwaqt li tali takografu jidher li kien ġie installat u użat, għall-inqas xi wħud minn dawn ir-regoli jidher li ma kinux tħarsu ( 9 ).

18.

Minkejja dan, skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 561/2006, l-Istati Membri jistgħu jagħtu eċċezzjonijiet għar-regoli ġenerali ta’ dan ir-regolament fit-territorju tagħhom, applikabbli għal trasport b’ċerti vetturi. Il-vetturi kkonċernati jistgħu wkoll ikunu eżenti mill-obbligu li jkunu mgħammra b’takografu ( 10 ).

19.

B’mod partikolari, skont l-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 561/2006, tali eċċezzjoni tista’ tingħata, “għat-trasport b’[…]vetturi wżati jew mikrija mingħajr ix-xufier minn impriżi ta’ agrikoltura, ortikultura, forestrija, biedja jew sajd għat-trasport ta’ merkanzija bħala parti mill-attività intraprenditorjali tagħhom stess f’raġġ li ma jaqbiżx il-100 km mill-bażi ta’ l-impriża”. Jidher mid-digriet tar-rinviju li r-Rumanija użat dik il-possibbiltà ( 11 ). Pricoforest issa qiegħda tinvoka dik l-eċċezzjoni bħala difiża fil-kawża prinċipali.

20.

Skont dik id-dispożizzjoni, għandhom jitħarsu tliet kundizzjonijiet kumulattivi biex tingħata l-eċċezzjoni: (i) trasport ta’ merkanzija għandu jsir bit-triq, bl-użu ta’ vettura, minn impriża tal-agrikoltura, ortikultura, forestrija, biedja jew sajd; (ii) dak it-trasport ta’ merkanzija għandu jkun bħala “parti mill-attività intraprenditorjali [tagħha] stess”; u (iii) it-trasport għandu jsir “f’raġġ li ma jaqbiżx il-100 km mill-bażi [tagħha]”.

21.

Il-partijiet fil-kawża prinċipali ma jikkontestawx il-fatt li, f’dan il-każ, ix-xogħol kien ta’ trasport ta’ “merkanzija” (injam) bl-użu ta’ “vetturi”, minn “impriża tal-forestrija” (Pricoforest) “bħala parti mill-attività intraprenditorjali [tagħha] stess”. Il-qorti tar-rinviju wkoll ma tidhirx li għandha dubju dwar dan ( 12 ). Għall-kuntrarju, hemm nuqqas ta’ qbil bejn dawk il-partijiet fir-rigward tat-tielet kundizzjoni, dwar “ir-raġġ” li fih għandha ssir l-operazzjoni ta’ trasport, u, bħala tali, iż-żewġ domandi magħmula jorbtu ma’ din l-aħħar kwistjoni. Ser neżaminahom waħda wara l-oħra fit-taqsimiet li jmiss.

A.   Dwar il‑kunċett ta’ “raġġ li ma jaqbiżx il-100 km” skont it‑tifsira tal‑Artikolu 13(1)(b) (l-ewwel domanda)

22.

Kif il-qorti tar-rinviju tindika, abbażi tas-sottomissjonijiet ta’ Pricoforest u tal-provi prodotti minnha, huwa possibbli li, waqt l-operazzjonijiet ta’ trasport inkwistjoni, id-distanza attwalment misjuqa mill-vetturi bit-triq wara li kienu ħallew il-bażi ta’ dik l-impriża ( 13 ) kienet itwal minn 100 km, għalkemm dawk il-vetturi baqgħu f’żona ġeografika limitata b’ċirku (immaġinarju) b’raġġ ta’ 100 km madwar dik il-bażi.

23.

F’dan il-kuntest, bl-ewwel domanda tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kunċett ta’ “raġġ li ma jaqbiżx il-100 km mill-bażi tal-impriża”, skont it-tifsira tal-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 561/2006, għandux ikun interpretat bħala li jfisser li linja dritta miġbuda fuq mappa bejn il-bażi tal-impriża u d-destinazzjoni tal-vettura għandha tkun inqas minn 100 km, jew li d-distanza attwalment misjuqa mill-vettura bit-triq għandha tkun inqas minn 100 km.

24.

Flimkien mal-Gvern Pollakk u mal-Kummissjoni, jiena ma għandix dubju li r-risposta t-tajba hija l-ewwel waħda.

25.

L-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 561/2006 ma jagħmilx riferiment dirett għad-dritt tal-Istati Membri biex ikunu ddeterminati t-tifsira u l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Għalhekk, bl-applikazzjoni tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kelma “raġġ” użata f’dik id-dispożizzjoni għandha tingħata interpretazzjoni awtonoma u uniformi mal-Unjoni kollha. Skont dik il-ġurisprudenza, it-tifsira u l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ kunċett użat fi strument ta’ leġiżlazzjoni sekondarja, li ma jkunx iddefinit hemmhekk, għandu jkun iddeterminat skont it-tifsira ordinarja fit-taħdit ta’ kuljum. Fejn ikun xieraq ( 14 ) għandhom jitqiesu wkoll il-kuntest fejn jintuża l-kunċett, l-għanijiet segwiti minn dak l-istrument u l-oriġini tiegħu ( 15 ).

26.

It-tifsira normali tal-kelma “raġġ” fit-taħdit ta’ kuljum taqbel mat-tul tal-linja dritta li tgħaqqad iċ-ċentru ta’ ċirku għal kwalunkwe punt fit-tarf tiegħu.

27.

Għalhekk, il-kunċett ta’ “raġġ li ma jaqbiżx il-100 km mill-bażi tal-impriża” skont it-tifsira tal-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 561/2006 jista’ jirreferi biss, mhux għad-distanza misjuqa mill-vettura bit-triq, iżda għal linja dritta ta’ 100 km, miġbuda fuq il-mappa minn dik il-bażi għal kwalunkwe punt fit-tarf ta’ ċirku immaġinarju madwaru. Fi kliem ieħor, il-kunċett jirreferi għal żona ġeografika ( 16 ), limitata b’dak iċ-ċirku, li fiha jsir it-trasport ta’ merkanzija.

28.

Kieku kien hemm ħtieġa ta’ iktar konferma tat-tifsira ċara tal-kelma “raġġ”, irrid ninnota li r-Regolament Nru 561/2006 għandu kunċetti differenti b’rabta ma’ distanza – fatt li l-qorti tar-rinviju stess innotat. B’mod partikolari, filwaqt li l-kunċett ta’ “raġġ” jintuża f’bosta dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament ( 17 ), dispożizzjonijiet oħra jikkonċentraw, għall-kuntrarju, fuq “tul ta’ rotta” misjuqa minn vettura waqt ċerta operazzjoni ta’ trasport ( 18 ) Din l-aħħar frażi tirreferi, fit-tifsira tagħha tas-soltu fit-taħdit ta’ kuljum, għad-distanza misjuqa jew li jkollha tinstaq bit-triq.

29.

Għalhekk, meta l-leġiżlatur tal-Unjoni kien biħsiebu jirreferi għal distanza bit-triq, huwa għamel dan b’mod ċar fil-formulazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni. Billi uża l-kunċett ta’ “raġġ” f’dispożizzjonijiet oħra, bħal fl-Artikolu 13(1)(b), il-leġiżlatur ovvjament kien biħsiebu jirreferi għal xi ħaġa differenti, jiġifieri, kif indikajt fil-punt preċedenti, żona ġeografika, limitata b’ċirku immaġinarju madwar punt partikolari.

30.

Madankollu, il-qorti tar-rinviju ġġib diversi argumenti biex issostni t-teżi li l-kunċett ta’ “raġġ li ma jaqbiżx il-100 km mill-bażi tal-impriża” skont it-tifsira tal-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 561/2006 għandu jinftiehem, fid-dawl tal-għanjiet ta’ dan ir-regolament għat-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tas-sigurtà stradali, u minkejja t-tifsira tas-soltu tiegħu, bħala li jirreferi għad-distanza attwali misjuqa mill-vettura bit-triq. Fil-fehma tagħha, jekk dak il-kunċett kellu jkun interpretat letteralment bħala li jirreferi għal żona ġeografika madwar il-bażi tal-impriża, ikun ifisser li r-regoli dwar ħinijiet ta’ sewqan, interruzzjonijiet u perijodi ta’ mistrieħ stabbiliti f’dan ir-regolament jista’ ma jingħatax każ tagħhom waqt operazzjonijiet ta’ trasport li, meta jseħħu f’dik iż-żona, ikunu jistgħu jsiru għal distanzi twal, wisq lil hinn il-100 km, u li jdumu ħafna. Dak jista’ jqiegħed fil-perikolu s-saħħa tax-xufiera kkonċernati u s-sigurtà stradali.

31.

Dan jitlob għal żewġ osservazzjonijiet min-naħa tiegħi.

32.

L-ewwel, huwa minnu li, kif indikajt fil-punt 25 iktar ’il fuq, b’mod ġenerali, l-għanijiet segwiti minn strument ta’ leġiżlazzjoni sekondarja huma rilevanti biex ikunu stabbiliti t-tifsira u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunċetti f’dak l-istrument. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet msemmija fir-Regolament Nru 561/2006, bħal dik tal-Artikolu 13(1)(b), għandu, ġeneralment, ikun iddeterminat skont l-għanijiet segwiti mir-regoli inkwistjoni ( 19 ).

33.

Madankollu, flimkien mal-Gvern Pollakk u mal-Kummissjoni, jiena tal-fehma li tkun eskluża interpretazzjoni teleoloġika fir-rigward tat-tifsira tal-kunċett ta’ “raġġ” użat fl-Artikolu 13(1)(b).

34.

Tabilħaqq, interpretazzjoni teleoloġika tkun meħtieġa meta l-formulazzjoni ta’ dispożizzjoni ma tkunx ċara u preċiża biżżejjed: tkun miftuħa għal iktar minn interpretazzjoni waħda, li tippreżenta ċertu livell ta’ ambigwità u nuqqas ta’ ċarezza testwali. Jista’ jkun hemm ukoll diverġenzi bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi tal-istrument inkwistjoni ( 20 ). F’dawn is-sitwazzjonijiet l-interpretazzjoni teleoloġika tikkomplimenta dik testwali: ikun jenħtieġ tinħall ambigwità formulattiva ( 21 ).

35.

F’dan il-każ, madankollu, l-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 561/2006 huwa ċar u preċiż dwar ir-risposta għall-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju. Il-kunċett ta’ “raġġ li ma jaqbiżx il-100 km mill-bażi tal-impriża” użat f’dik id-dispożizzjoni la huwa ambigwu u lanqas vag. Ma huwiex miftuħ għal iktar minn interpretazzjoni waħda. Barra minn dan, huwa jintuża b’mod konsistenti f’verżjonijiet lingwistiċi ta’ dan ir-regolament ( 22 ).

36.

F’kuntest bħal dan, il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement ma tistax tinterpreta l-kunċett ta’ “raġġ” bil-mod li tissuġġerixxi l-qorti tar-rinviju. Ukoll jekk ikun iktar jaqbel mal-għanijiet tar-Regolament Nru 561/2006, hija ġurisprudenza stabbilita li “fid-dawl tal-formulazzjoni ċara u preċiża ta’ dispożizzjoni […] ma tistax tingħata interpretazzjoni li tkun intiża sabiex tiġi kkoreġuta [dik id-]dispożizzjoni” ( 23 ). Dan ikun ifisser interpretazzjoni contra legem, li huwa l-limitu esterjuri ta’ kull sforz interpretattiv ( 24 ).

37.

Hawnhekk għandna każ b’saħħtu ta’ separazzjoni ta’ setgħat (jew x’aktarx, fil-kuntest tal-Unjoni, ta’ bilanċ istituzzjonali). Kif urejt fil-punti 28 u 29 iktar ’il fuq, il-leġiżlatur tal-Unjoni għażel li jagħmel id-diversi eċċezzjonijiet li hemm fir-Regolament Nru 561/2006 b’kundizzjoni li jitħarsu kriterji differenti: xi drabi huwa rrefera għal “raġġ”; xi drabi għal “tul ta’ rotta”. Is-sostituzzjoni ta’ waħda bl-oħra tkun għalhekk ekwivalenti, permezz ta’ interpretazzjoni ġudizzjarja, għal nuqqas ta’ każ tal-għażla magħmula mil-leġiżlatur fil-formulazzjoni tal-liġi ( 25 ).

38.

It-tieni, u fi kwalunkwe każ, it-tħassib leġittimu dwar kundizzjonijiet tax-xogħol u sigurtà stradali espress mill-qorti tar-rinviju huwa, fil-fehma tiegħi, indirizzat f’parti oħra tal-Artikolu 13(1)(b). Infakkar li, skont din id-dispożizzjoni, sabiex tibbenefika mill-eċċezzjoni li tinsab fiha, operazzjoni ta’ trasport għandha ssir mhux biss f’“raġġ li ma jaqbiżx il-100 km mill-bażi tal-impriża”, iżda għandha wkoll tkun “parti mill-attività intraprenditorjali [tagħha] stess”. Hawnhekk, jenħtieġ l-użu ta’ interpretazzjoni teleoloġika, minħabba li t-tifsira ta’ din l-aħħar kundizzjoni ma tidhirx ċara minnufih mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

39.

Ġeneralment, l-eċċezzjonijiet tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 561/2006 huma limitati għal “ċerti operazzjonijiet ta’ trasport nazzjonali b’karatteristiċi speċjali”, li l-leġiżlatur tal-Unjoni deherlu li kienu “mixtieqa” ( 26 ) għal eżenzjoni, fid-diskrezzjoni ta’ kull Stat Membru, mir-regoli dwar ħinijiet ta’ sewqan, interruzzjonijiet u perijodi ta’ mistrieħ stabbiliti f’dan ir-regolament. Minn naħa, kull eċċezzjoni ssegwi għan speċifiku (jew, fi kliem ieħor, tara li tħares ċerti interessi) li kien jiġġustifika, fil-fehma tal-leġiżlatur, li tiddaħħal. Min-naħa l-oħra, dawk l-operazzjonijiet ta’ trasport ma għandhomx, fil-fehma tal-leġiżlatur, effett, jew għandhom wieħed limitat, fuq l-għanijiet ta’ dan ir-regolament: b’mod ġenerali, huma ma humiex “suġġetti għal pressjonijiet ta’ kompetizzjoni” ( 27 ) u ma jqanqlux tħassib serju f’dak li għandu x’jaqsam mal-kundizzjonijiet tax-xogħol tax-xufiera u tal-ekwipaġġ involut jew ma’ sigurtà stradali.

40.

F’dak li għandu x’jaqsam, b’mod iktar speċifiku, mal-Artikolu 13(1)(b), isegwi mill-kundizzjoni li t-trasport ta’ merkanzija għandu jkun “parti mill-attività intraprenditorjali stess” ta’ impriżi tal-agrikoltura, ortikultura, forestrija, biedja jew sajd, moqri fid-dawl tal-ispjegazzjoni iktar ’il fuq, li minn naħa, l-għan speċifiku ta’ dik l-eċċezzjoni huwa li tinkoraġġixxi l-mod kif isiru dawk l-attivitajiet, li għalihom it-trasport ta’ merkanzija nnifsu jkun inċidentali ( 28 ). Kif il-Gvern Pollakk josserva, dan jippermetti lill-impriżi kkonċernati jagħmlu tali attivitajiet b’mod flessibbli meħtieġ, u li r-rekwiżiti stretti tar-Regolament Nru 561/2006 mhux bilfors joffru ( 29 ).

41.

Min-naħa l-oħra, in-natura aċċessorja ta’ tali operazzjonijiet ta’ trasport tiżgura, fil-fehma tal-leġiżlatur, li l-eżenzjoni tagħhom mir-regoli stabbiliti fir-Regolament Nru 561/2006, ma tkunx, bħala prinċipju ( 30 ) ta’ perikolu għall-kisba tal-għanijiet segwiti hemmhekk. L-ewwel, minħabba li huma aċċessorji u, għalhekk, inseparabbli minn attivitajiet kummerċjali speċifiċi, dawk l-operazzjonijiet ta’ trasport ma humiex, fihom innifishom, “suġġetti għal pressjonijiet ta’ kompetizzjoni” (jiġifieri, is-soltu ma humiex servizz offrut, bi ħlas, minn trasportaturi). It-tieni, ma jagħtux lok, bħala regola, għal tħassib serju dwar kundizzjonijiet tax-xogħol jew sigurtà stradali. Dawk l-operazzjonijiet ta’ trasport huma konnessi mal-ħtiġijiet tas-soltu ta’ impriżi tal-agrikoltura, forestrija (u simili). Dawk l-impriżi ġeneralment ma jkunux jinsabu f’awtostradi pubbliċi ewlenin, iżda x’aktarx fil-kampanja, u mhux bogħod mill-postijiet tagħhom ta’ sfruttament. L-operazzjonijiet ta’ trasport inkwistjoni, għalhekk, is-soltu jsiru f’toroq lokali, tul distanzi limitati u għal ħin qasir ( 31 ). Dwar dan l-aħħar punt, il-kundizzjoni b’rabta ma’ “raġġ li ma jaqbiżx il-100 km mill-bażi tal-impriża” jiżgura li l-eċċezzjoni tkun tapplika biss sakemm l-attività ssir (u dawk l-operazzjonijiet aċċessorji ta’ trasport isiru) f’żona ġeografika limitata ( 32 ).

42.

Fil-fehma tiegħi, minn dan isegwi li l-eċċezzjoni skont l-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 561/2006 tkun tapplika biss għal tali trasport aċċessorju ta’ merkanzija ( 33 ). Tabilħaqq, bħala eċċezzjoni għar-regoli ġenerali stabbiliti f’dan ir-regolament, din id-dispożizzjoni “ma tistax tiġi interpretata b’mod li l-effetti tagħha jiġu estiżi lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tkun żgurata l-protezzjoni tal-interessi li hija intiża li tiżgura” ( 34 ).

43.

Dwar dan, flimkien mal-Kummissjoni, jiena tal-fehma li operazzjonijiet ta’ trasport bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali (li huma, milli jidher, u bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, it-trasport bit-triq ta’ injam bi ħlas, mill-bażi tal-impriża li tkun ipproduċietu jew mill-postijiet fil-foresti fejn ikun hekk ġie prodott, lill-klijenti li jkunu xtrawh ( 35 ), li jidher li huma l-kawża ta’ tħassib għal dik il-qorti) ma jistgħux fil-fatt jitqiesu bħala aċċessorji għal attività forestali.

44.

Il-forestrija, bħala “attività imprenditorjali”, bla dubju tinkludi l-isfruttament kummerċjali ta’ msaġar. Din l-attività tkopri, fost affarijiet oħra, il-ħasda u l-bejgħ ta’ injam (li mbagħad jintuża bħala ħatab jew jiġi pproċessat industrijalment fi mtieħen tal-injam, imħażen tal-injam, fabbriki tal-karta, u l-bqija, u l-injam jinbidel f’diversi prodotti magħmula mill-injam) ( 36 ). Dan isir, kif nifhimha jiena, permezz ta’ “logging”: proċess li jipproduċi injam mhux maħdum għall-bejgħ. Dan jinvolvi l-qtugħ (jew “felling”) ta’ siġar, ipproċessar fil-post u trasport (jew “skidding”), sikwit bl-użu ta’ tractors tal-foresti (jew “skidders”), tal-izkuk tas-siġar mill-post tal-qtugħ għal żona ta’ ħatt fil-ġenb tat-triq (jew, għall-inqas, għal post iktar ’il bogħod fil-foresta), fejn jitgħabbew għal fuq trakkijiet taz-zkuk. L-injam mbagħad jinġarr mill-post tal-foresta għal post ta’ pproċessar (bħal mitħna tal-injam jew fabbrika tal-karta), jew port biex jiġi esportat, u l-bqija.

45.

F’dan il-kuntest, huwa ċar għalija li, minn naħa, pereżempju, il-movimenti ta’ vetturi biex jinġarru għodod, apparat, u l-bqija, użati għal tali xogħlijiet, mill-bażi tal-impriża għal postijiet f’foresti, u biex jinġarru lura għall-bażi, isiru “bħala parti minn” attività forestali, skont it-tifsira tal-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 561/2006. Tali movimenti huma sussidjarji għall-attività forestali, l-iktar mill-aspett ta’ ħin: aktarx iseħħu darba fil-għodu, u darba fi tmiem il-jum, jew ftit drabi kuljum. Kważi l-ħin kollu jingħata għal xogħol forestali bħala tali. Bl-istess mod, it-trasport taz-zkuk fil-foresta (jew “skidding”) ċertament ikun kopert bl-eċċezzjoni stabbilita f’dik id-dispożizzjoni, bil-vetturi kkonċernati jintużaw direttament għal dawk ix-xogħlijiet ( 37 ).

46.

Min-naħa l-oħra, huwa daqstant ċar għalija li t-trasport bit-triq ta’ injam, jew “ġarr ta’ zkuk”, wara li jkunu nbiegħu, mill-post fil-foresta fejn ikunu ġew prodotti (jew mill-bażi tal-impriża fejn ġew prodotti) għal sit ta’ pproċessar jew għal port biex ikunu esportat (u l-bqija) ma jistax jitqies bħala “parti minn” attività forestali. Fil-fatt, hija attività separata ( 38 ). Għandu funzjoni differenti fil-katina ta’ provvista ta’ injam mill-produzzjoni nnifisha.

47.

Tabilħaqq, tfittxija ta’ malajr bl-internet tippermetti lil kulħadd jara li ġarr ta’ zkuk ma huwa xejn iktar minn xorta oħra ta’ operazzjoni ta’ trasport ta’ merkanzija bit-triq, servizz mogħti bi ħlas minn trasportaturi (xi wħud minnhom speċjalizzati f’dik ix-xorta ta’ ġarr, oħrajn li jagħtu dak is-servizz fil-kuntest tan-negozju tagħhom ta’ trasport ġenerali). Għalhekk, huwa jikkostitwixxi, minnu nnifsu, attività kummerċjali “suġġetta għall-pressjonijiet ta’ kompetizzjoni”.

48.

Huwa minnu li impriża waħidha (bħal, qisu jidher, Pricoforest) tkun tista’ twettaq żewġ attivitajiet. Tista’ tagħmel kemm attività forestali, li tipproduċi injam mhux maħdum b’għadd meħtieġ ta’ ħaddiema, għodod u apparat, kif ukoll attività ta’ ġarr ta’ zkuk, billi jkollha l-flotta tagħha stess ta’ trakkijiet u xufiera, biex hija stess tittrasporta lill-klijenti tagħha ż-zkuk li tipproduċi.

49.

Madankollu, l-eċċezzjoni skont l-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 561/2006 ma tistax tapplika għall-aħħar attività sempliċement għaliex impriża tal-forestrija tagħżel li tidħol għal dik l-attività hija nnifisha pjuttost milli tagħtiha b’subappalt lil trasportatur. Infakkar li dik l-eċċezzjoni tiddependi min-natura tal-attività bħala parti li minnha jitmexxa t-trasport, mhux abbażi tal-identità biss tal-impriża kkonċernata. Xort’oħra, l-istess operazzjoni ta’ ġarr ta’ zkuk tkun suġġetta għar-regoli ġenerali ta’ dak ir-regolament meta titwettaq minn trasportaturi oħra, iżda mhux meta titwettaq minn impriżi tal-forestrija.

50.

Interpretazzjoni kuntrarja għall-eċċezzjoni stabbilita fl-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 561/2006 aktarx tkun ukoll ta’ perikolu għall-għanijiet segwiti minn dan ir-regolament.

51.

L-ewwel, kif tosserva l-Kummissjoni, tista’ tkun ta’ theddida għall-għan li jitneħħew disparitajiet li jistgħu jwasslu għal distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-settur tat-trasport bit-triq. Kieku impriżi tal-forestrija kienu eżenti mir-regoli dwar ħinijiet ta’ sewqan, interruzzjonijiet u perijodi ta’ mistrieħ stabbiliti bir-Regolament Nru 561/2006 (u mill-obbligu simili, stabbilit bir-Regolament Nru 165/2014, li jinstallaw u jużaw takografu fil-vetturi użati għal tali operazzjonijiet ta’ trasport) meta jittrasportaw huma stess l-injam li jipproduċu lill-klijenti tagħhom, dan kien ikun jagħti lil dawk l-impriżi vantaġġ kompetittiv fuq l-operaturi l-oħra li jipprovdu servizzi ta’ ġarr ta’ zkuk. Ħielsa mill-kontrolli ta’ dawk ir-regoli, impriżi tal-forestrija jistgħu jagħmlu l-aħjar użu tat-trakkijiet u tax-xufiera tagħhom lil hinn minn dak li trasportaturi oħra jitħallew jagħmlu legalment. Huma jiffrankaw ukoll l-ispiża ta’ installazzjoni u ż-żamma ta’ takografi fil-vetturi tagħhom, li trasportaturi jkollhom ibatu ( 39 ).

52.

It-tieni, jekk l-eċċezzjoni tal-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 561/2006 tkun interpretata fis-sens li ġarr ta’ zkuk, meta jsir minn impriżi tal-forestrija, ikun eżenti mir-regoli dwar ħinijiet ta’ sewqan, interruzzjonijiet u perijodi ta’ mistrieħ stabbiliti f’dak ir-regolament, dan iġib miegħu riskju li dawk l-impriżi jitħeġġu jwettqu dik l-attività huma nnifishom u mbagħad jużaw iżżejjed vetturi biex jittrasportaw, kuljum, repetutament, għal bosta sigħat u mingħajr waqfien, injam lill-klijenti tagħhom. Tali interpretazzjoni tkun tista’ tolqot serjament il-kundizzjonijiet tax-xogħol tax-xufiera u tipperikola s-sigurtà stradali ( 40 ). Wieħed għandu wkoll jiftakar li operazzjonijiet ta’ ġarr ta’ zkuk bit-triq is-soltu jitwettqu bi trakkijiet ta’ saħħa kbira u tqal (ħafna), jekk jista’ jkun mgħobbija b’tunnellati ta’ injam. Mhux diffiċli li wieħed jimmaġina l-konsegwenzi diżastrużi li jistgħu jirriżultaw minn inċident li jinvolvi tali vetturi.

53.

Dwar tali operazzjonijiet ta’ ġarr ta’ zkuk, il-kundizzjoni ta’ “raġġ” stabbilita bl-Artikolu 13(1)(b) ma tkunx biżżejjed sabiex jitnaqqsu r-riskji li għadni kif iddeskrivejt. Kif il-qorti tar-rinviju tinnota, ikunu jistgħu jintużaw trakkijiet ’l hemm u ’l hawn, il-jum kollu, biex iwasslu l-injam prodott lil klijenti li jkunu jinsabu f’dak ir-raġġ.

54.

Għalhekk, jiena tal-fehma li l-eċċezzjoni tal-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 561/2006 ma tistax tapplika għall-ġarr ta’ zkuk bit-triq, minħabba li tali operazzjoni ta’ trasport ma tistax titqies bħala “parti mill-attività intraprenditorjali stess” ta’ impriżi tal-forestrija, skont it-tifsira ta’ din id-dispożizzjoni.

55.

Meqjus dan iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda, fil-fehma tiegħi, għandha tkun li l-kunċett ta’ “raġġ li ma jaqbiżx il-100 km mill-bażi tal-impriża”, skont it-tifsira tal-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 561/2006, jirreferi għal żona ġeografika limitata b’ċirku immaġinarju ta’ raġġ ta’ 100 km madwar dik il-bażi.

B.   Dwar l‑applikazzjoni tal‑eċċezzjoni stabbilita fl‑Artikolu 13(1)(b) għal “vetturi ta’ użu mħallat” (it‑tieni domanda)

56.

Fil-każ fil-kawża prinċipali, jista’ jkun li Pricoforest kienet qiegħda twettaq operazzjonijiet ta’ trasport, billi tuża l-istess vetturi, kemm ġewwa kif ukoll ’il barra minn raġġ ta’ 100 km mill-bażi tagħha ( 41 ).

57.

F’dak il-kuntest, permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 561/2006 għandux ikun interpretat bħala li jfisser li, meta impriża tal-forestrija regolarment twettaq, billi tuża l-istess vetturi, operazzjonijiet ta’ trasport f’raġġ ta’ 100 km mill-bażi tagħha, u operazzjonijiet ta’ trasport li jmorru ’l barra minn dak ir-raġġ, (a) dawn l-operazzjonijiet kollha ta’ trasport ikunu eżenti, skont dik id-dispożizzjoni, mill-applikazzjoni tar-regoli ġenerali stabbiliti f’dak ir-regolament, jew (b) dawk biss li ma jaqbżux dak ir-raġġ, jew (ċ) ebda waħda minnhom ma hija eżenti, skont din id-dispożizzjoni, mill-applikazzjoni tar-regoli ġenerali stabbiliti f’dak ir-regolament.

58.

Il-qorti tar-rinviju tqis li jenħtieġ tingħata risposta għal dik id-domanda biex ikun hemm deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà ta’ Pricoforest. Jekk l-operazzjonijiet kollha ta’ trasport imwettqa minn dik l-impriża, bl-użu tal-vetturi inkwistjoni, kienu eżenti skont l-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 561/2006 mir-regoli dwar ħinijiet ta’ sewqan, interruzzjonijiet u perijodi ta’ mistrieħ stabbiliti f’dak ir-regolament, allura hija ma tistax tkun responsabbli għall-ksur ta’ dawk ir-regoli matul iż-żewġ operazzjonijiet ta’ trasport inkwistjoni, jekk twettqux jew le f’raġġ ta’ 100 km mill-bażi tagħha. Għall-kuntrarju, jekk ebda waħda mill-operazzjonijiet ta’ trasport imwettqa minn Pricoforest, bl-użu tal-istess vettura, ma tkun tista’ tibbenefika minn dik l-eċċezzjoni, allura hija tkun responsabbli fi kwalunkwe każ.

59.

Jiena spjegajt, fl-analiżi tiegħi tal-ewwel domanda, għaliex, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, ma naħsibx li operazzjonijiet ta’ trasport bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma koperti bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 561/2006, minħabba li ma humiex “parti mill-attività intraprenditorjali stess” ta’ impriża tal-forestrija. F’dan id-dawl, m’iniex ċert li għadha meħtieġa risposta għat-tieni domanda. Madankollu, ser nanalizzaha bħala alternattiva.

60.

L-ipoteżi wara dik it-tieni domanda hija dwar l-hekk imsejħa “vettura ta’ użu mħallat”. Fil-kuntest tal-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 561/2006, din il-frażi tirreferi għal vettura li tintuża regolarment, pereżempju, minn impriża tal-forestrija, kemm għat-trasport ta’ merkanzija “bħala parti mill-attività intraprenditorjali [tagħha] stess f’raġġ li ma jaqbiżx il-100 km mill bażi [tagħha]”, kif ukoll għat-trasport ta’ merkanzija li ma jkunx jissodisfa dawk il-kundizzjonijiet. Pereżempju, impriża tal-forestrija tkun tista’ tuża l-istess vettura biex iġġorr apparat forestali, bħala aċċessorju għall-attività tagħha, għal siti f’foresti li jkunu jinsabu f’dak ir-raġġ, u għal siti f’foresti li jkunu jinsabu lil hinn minnu. Dik l-impriża tkun tista’ wkoll tuża l-istess vettura, xi drabi biex twettaq tali operazzjonijiet ta’ trasport aċċessorji, u xi drabi biex iġġorr injam mhux maħdum lill-klijenti tagħha fil-kuntest tal-attività (separata) tagħha ta’ ġarr ta’ zkuk.

61.

It-tieni domanda, għalhekk, hija dwar jekk tapplikax u, jekk tapplika, kemm tapplika, l-eċċezzjoni stabbilita fl-Artikolu 13(1)(b) ta’ dak ir-regolament fil-każ ta’ tali “vetturi ta’ użu mħallat”. Fil-fehma tiegħi, din hija kwistjoni trasversali. Tabilħaqq, wieħed jista’ jistaqsi l-istess dwar l-eċċezzjonijiet kollha msemmija f’dan ir-regolament. Għall-finijiet ta’ dan il-każ, ser nikkonċentra fuq din id-dispożizzjoni biss, anki għalkemm ir-raġunament tiegħi jista’ japplika, kważi għalkollox, għal eċċezzjonijiet oħra.

62.

Dwar dan, huwa ċar għalija li, kif il-Kummissjoni tissottometti, l-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 561/2006 aktarx ma jistax jiġi interpretat bħala li jfisser li, meta vettura tintuża kemm għal operazzjonijiet ta’ trasport li jissodisfaw il-kundizzjonijiet hemmhekk, kif ukoll għal operazzjonijiet ta’ trasport li ma jkunux, dawk l-operazzjonijiet kollha jistgħu jkunu eżenti mir-regoli ġenerali stabbiliti f’dan ir-regolament (ara l-għażla (a) iktar ’il fuq).

63.

Irrid infakkar li, bħala eċċezzjoni għal dawk ir-regoli, id-dispożizzjoni (1)(b) tal-Artikolu 13 “ma tistax tiġi interpretata b’mod li l-effetti tagħha jiġu estiżi lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tkun żgurata l-protezzjoni tal-interessi li hija intiża li tiżgura” ( 42 ). L-interpretazzjoni deskritta fil-punt preċedenti jkollha preċiżament dak ir-riżultat. Ikun ifisser li impriżi tal-forestrija, sempliċement billi jużaw l-istess vettura għal kull xorta ta’ operazzjonijiet ta’ trasport, ikunu jistgħu jibbenefikaw minn eżenzjoni ġenerali mill-istess regoli. Dan imur lil hinn mill-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jinkoraġġixxi l-forestrija fiha nnifisha ( 43 ). Dan jipperikola wkoll il-kisba tal-għanijiet tar-Regolament Nru 561/2006, għar-raġunijiet imfissra fil-punti 51 u 52 iktar ’il fuq.

64.

Kuntrarju għal dak li jgħid il-Gvern Pollakk ( 44 ), u mid-dehra l-ISCTR ( 45 ), jiena ma naħsibx lanqas li, skont l-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 561/2006, ebda waħda mill-operazzjonijiet ta’ trasport imwettqa fir-rigward ta’ “vetturi ta’ użu mħallat” tista’ tkun eżenti mir-regoli ta’ dan ir-regolament (ara l-għażla (ċ) iktar ’il fuq).

65.

Fil-fehma tiegħi, interpretazzjoni bħal din tkun wisq formalistika, ta’ firxa estensiva u tista’ tkun tqila għall-impriżi kkonċernati. Tabilħaqq, biex jibbenefikaw mill-eċċezzjoni stabbilita fl-Artikolu 13(1)(b), huma jkun jenħtiġilhom, prattikament, jużaw żewġ flotot separati ta’ vetturi, waħda għal operazzjonijiet ta’ trasport li tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni, u waħda għal tipi oħra ta’ operazzjonijiet ta’ trasport.

66.

Fil-fatt, inqis, flimkien mal-Kummissjoni, li l-interpretazzjoni korretta tikkorrispondi mal-għażla (b) iktar ’il fuq. Vetturi ta’ użu mħallat jistgħu jkunu eżenti mir-regoli ġenerali dwar ħinijiet ta’ sewqan, interruzzjonijiet u perijodi ta’ mistrieħ stabbiliti fir-Regolament Nru 561/2006, skont l-eċċezzjoni tal-Artikolu 13(1)(b) ta’ dan ir-regolament, waqt li jkunu jintużaw għal operazzjoni ta’ trasport li tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet hemmhekk. Għall-kuntrarju, meta jintużaw għal tip ieħor ta’ operazzjoni ta’ trasport, dik l-eċċezzjoni ma tistax tapplika.

67.

Fil-prattika, dan ifisser li x-xufier ta’ vettura ma jkollux għalfejn iħares ir-regoli dwar ħinijiet ta’ sewqan, interruzzjonijiet u perijodi ta’ mistrieħ waqt li jkun qiegħed jittrasporta merkanzija, bħala parti mill-attività imprenditorjali tal-impriża tal-forestrija kkonċernata, f’raġġ li ma jaqbiżx il-100 km mill-bażi ta’ dik l-impriża. Għall-kuntrarju, huwa għandu jħares dawk ir-regoli meta huwa jkun qiegħed jittrasporta merkanzija lil hinn minn dak ir-raġġ, jew meta t-trasport ma jkunx aċċessorju għall-attività forestali.

68.

Din l-interpretazzjoni hija, fil-fehma tiegħi, sostnuta mill-formulazzjoni, mil-loġika u mill-għanijiet ġenerali tar-Regolament Nru 561/2006, moqri fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

69.

L-ewwel, l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 561/2006 jelenka l-eċċezzjonijiet li jista’ jkun hemm li jkunu “applikabbli għat-trasport” b’ċerti vetturi. Bħala tali, din id-dispożizzjoni tagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jeskludu mir-regoli ta’ dan ir-regolament ċerti operazzjonijiet ta’ trasport, iżda mhux vetturi per se. Kif indikajt fil-punt 39 iktar ’il fuq, dik id-dispożizzjoni tirrigwarda “operazzjonijiet ta’ trasport nazzjonali b’karatteristiċi speċjali” ( 46 ).

70.

Għaldaqstant, li jimporta, biex l-eċċezzjoni fl-Artikolu 13(1) tkun tapplika, huwa jekk, f’ċertu ħin, vettura tkunx tintuża għall-għanijiet indikati fid-dispożizzjoni inkwistjoni, u mhux kif tintuża fil-ħin li jkun baqa’. Dan jidher li jaqbel ma’ kif tifhimha l-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan l-artikolu. B’mod partikolari, fis-sentenza Deutsche Post et ( 47 ) hija ddeċidiet li l-eċċezzjoni stabbilita fl-Artikolu 13(1)(d) tar-Regolament Nru 561/2006, li hija relatata l-iktar ma’ vetturi użati biex iwasslu oġġetti “bħala parti mis-servizz postali universali”, tkopri “vetturi [biss] użati esklużivament, waqt operazzjoni ta’ trasport partikolari, għall-finijiet tal-kunsinna ta’ oġġetti fil-kuntest tas-servizz postali universali” ( 48 ). Isegwi minn din il-linja ta’ raġunament, b’mod impliċitu, li, skont kif tifhimha l-Qorti tal-Ġustizzja, l-istess vettura, f’ċertu ħinijiet, tista’ tkun konformi mal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik l-eċċezzjoni, u f’ħinijiet oħra, eskluża minnha, skont it-tip ta’ posta li hija tkun qiegħda tittrasporta ( 49 ).

71.

Barra minn dan, fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, tal-formulazzjoni tal-Artikolu 13(1)(ċ), xejn ma jissuġġerixxi li għandha tintuża vettura partikolari għat-tip ta’ operazzjonijiet ta’ trasport previsti biss f’din id-dispożizzjoni, jew inkella l-eċċezzjoni ma tkunx tista’ tapplika ( 50 ).

72.

It-tieni, dik l-interpretazzjoni testwali, fil-fehma tiegħi, hija kkorroborata mis-sistema stabbilita bil-loġika ġenerali fir-Regolament Nru 561/2006. Dan ir-regolament stabbilixxa, essenzjalment, sett ta’ limiti applikabbli għal ċerti operazzjonijiet ta’ trasport bit-triq, iżda mhux għal oħrajn, skont il-karatteristiċi tal-għan tagħhom. Dawk il-karatteristiċi sikwit ikunu relatati mal-vettura nnifisha, iżda wkoll mal-użu speċifiku li għalih titqiegħed, bħat-tip/kwantità ta’ nies/merkanzija għat-trasport. B’mod loġiku, tista’ tintuża vettura waħda b’modi differenti, uħud li jkunu operazzjonijiet ta’ trasport irregolati, u wħud li ma jkunux. Fil-fatt, kif il-Kummissjoni tinnota, dispożizzjoni ta’ dan ir-regolament, jiġifieri l-Artikolu 6(5), li dwaru nerġa’ lura dalwaqt, kienet preċiżament ippromulgata biex “[tindirizza] id-diffikultà ta’ xufiera li jaħdmu kemm fil-kamp ta’ applikazzjoni, kif ukoll lil hinn minnu, tar-regolament” ( 51 ).

73.

It-tielet, dik l-interpretazzjoni hija kompatibbli mal-għanijiet tar-Regolament Nru 561/2006. Infakkar li l-leġiżlatur tal-Unjoni ħass li kienet ħaġa “mixtieqa” li l-Istati Membri jingħataw il-possibbiltà li jeskludu ċerti operazzjonijiet ta’ trasport imwettqa, l-iktar, minn impriżi tal-forestrija, minħabba li dawk l-operazzjonijiet ma jqanqlux tħassib dwar id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, il-kundizzjonijiet soċjali tal-ħaddiema involuti jew is-sigurtà stradali. Il-fatt li l-vettura użata biex jitwettqu l-operazzjonijiet ta’ trasport inkwistjoni tirriżulta li tintuża wkoll għal tipi oħra ta’ operazzjonijiet ta’ trasport huwa, fil-fehma tiegħi, irrilevanti f’dan ir-rigward.

74.

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tinsab ftit imħassba. Fil-fehma tagħha, jekk ir-regoli tar-Regolament Nru 561/2006 kellhom ikunu applikati biss għal xi operazzjonijiet ta’ trasport imwettqa b’vettura partikolari, filwaqt li oħrajn ikunu eżenti skont l-Artikolu 13(1)(b), kif jistgħu jkunu ppreservati l-kundizzjonijiet tax-xogħol tax-xufier involut u s-sigurtà stradali ( 52 )?

75.

Dak it-tħassib huwa, bla dubju, leġittimu. Is-sewqan jaffettwa l-istat ta’ għeja ta’ persuna – u dan biċ-ċar huwa l-każ irrispettivament minn jekk operazzjoni ta’ trasport bit-triq inkwistjoni tkunx ġewwa jew barra l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 561/2006. Jekk l-istess xufier, li juża l-istess vettura, kellu jwettaq, matul l-istess jum jew l-istess ġimgħa, operazzjonijiet ta’ trasport koperti b’dan ir-regolament, u operazzjonijiet ta’ trasport eżenti, huwa jista’, ipotetikament, jispiċċa jsuq ħafna iktar mill-massimu ta’ 9 sigħat kuljum jew 56 siegħa fil-ġimgħa previsti minn dak ir-regolament, u b’hekk jipperikola lilu nnifsu u oħrajn fil-proċess.

76.

Madankollu, fil-fehma tiegħi, id-dritt tal-Unjoni għandu salvagwardji rilevanti biex jiżgura li dak ma jseħħx u li jkunu ppreservati l-kundizzjonijiet tax-xogħol u s-sigurtà stradali.

77.

Minn naħa, il-ħin tax-xogħol ta’ xufiera ta’ vetturi użati għal trasport bit-triq ma huwiex limitat bir-regoli stabbiliti fir-Regolament Nru 561/2006 biss. Fil-fatt, dawk ir-regoli huma kkumplimentati minn dawk stabbiliti fid-Direttiva 2002/15/KE dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta’ ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq ( 53 ). Din id-direttiva tapplika għal ħaddiema li jmorru minn post għal ieħor, impjegati minn impriżi stabbiliti fi Stat Membru, li jipparteċipaw f’attivitajiet ta’ trasport bit-triq koperti b’dak ir-regolament ( 54 ). Hija tqiegħed partikolarment limitazzjonijiet għal ħin tax-xogħol medju fil-ġimgħa għal dawk il-persuni. Skont l-Artikolu 4(a) ta’ din id-direttiva, dak il-ħin tax-xogħol medju fil-ġimgħa ma għandux jaqbeż 48 siegħa. Il-ħin tax-xogħol massimu fil-ġimgħa jista’ jkun estiż għal 60 siegħa biss jekk, tul erba’ xhur, ma tkunx inqabżet medja ta’ 48 siegħa fil-ġimgħa ( 55 ). L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva jobbliga wkoll lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li dawk il-persuni, fl-ebda ċirkustanza, ma jaħdmu għal iktar minn sitt sigħat konsekuttivi mingħajr interruzzjonijiet.

78.

Dwar dan ninnota li, skont l-Artikolu 3(a) tad-Direttiva 2002/15, “ħin tax-xogħol” jinkludi “il-ħin iddedikat għall-attivitajiet kollha tat-trasport fit-toroq”, partikolarment “sewqan’ – irrispettivament minn jekk operazzjoni partikolari ta’ trasport tkunx tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 561/2006, jew tkun eskluża minnu. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, meta xufier partikolari, li juża l-istess vettura, iwettaq, waqt ix-xogħol tiegħu jew tagħha, operazzjonijiet ta’ trasport koperti minn dan ir-regolament, u operazzjonijiet ta’ trasport eżenti, il-ħin li huwa jieħu jsuq waqt l-operazzjonijiet eżenti għandu wkoll jingħadd “mal-ħin tax-xogħol” tiegħu jew tagħha għall-applikazzjoni tal-limiti u interruzzjonijiet obbligatorji msemmija f’din id-direttiva.

79.

Min-naħa l-oħra, id-dritt tal-Unjoni jipprovdi l-mezzi għall-awtoritajiet pubbliċi biex dawn jagħmlu monitoraġġ tal-preservazzjoni tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tas-sigurtà stradali fil-prattika. L-ewwel, fil-fehma tiegħi, meta vettura ma tkunx tintuża esklużivament għal operazzjonijiet ta’ trasport li ma jkunux tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 561/2006 ( 56 ) iżda tkun titħaddem minflok bħala “vettura ta’ użu mħallat”, waqt li tkun eżenti, f’ċertu ħinijiet, mir-regoli dwar ħinijiet ta’ sewqan, interruzzjonijiet u perijodi ta’ mistrieħ stabbiliti f’dak ir-regolament, hija għandha tkun mgħammra b’takografu li għandu jintuża l-ħin kollu, skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 165/2014 ( 57 ).

80.

It-tieni, kif tissottometti l-Kummissjoni, skont l-Artikolu 6(5) tar-Regolament Nru 561/2006, li jiena semmejt fil-qosor qabel, xufier għandu jirreġistra kwalunkwe ħin li jieħu jsuq “vettura ta’ użu mħallat” għal operazzjonijiet ta’ trasport li ma jkunux tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, billi speċifikament idaħħal il-ħin f’takografu (taħt “xogħol ieħor”) ( 58 ). B’dik ir-reġistrazzjoni, flimkien ma’ data oħra rreġistrata permezz tat-takografu, u provi prodotti mill-impriża kkonċernata, l-awtoritajiet ikunu jistgħu jivverifikaw ( 59 ) li perijodi ta’ sewqan li matulhom ma jkunux tħarsu r-regoli stabbiliti fir-Regolament Nru 561/2006, effettivament ikunu jaqblu ma’ operazzjonijiet ta’ trasport eżenti minnhom, skont, pereżempju, l-Artikolu 13(1)(b) ( 60 ). Huma jkunu jistgħu jivverifikaw li kien hemm konformità mar-regoli tad-Direttiva 2002/15.

81.

Meqjus dan iktar ’il fuq, ir-risposta għat-tieni domanda, fil-fehma tiegħi, għandha tkun li, skont l-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 561/2006, jekk vettura tintuża regolarment minn impriża tal-forestrija kemm għal trasport ta’ merkanzija “bħala parti mill-attività intraprenditorjali [tagħha] stess” f’raġġ li ma jaqbiżx il-100 km mill-bażi [tagħha], kif previst f’din id-dispożizzjoni, kif ukoll għal operazzjonijiet ta’ trasport li ma jissodisfawx dawk il-kundizzjonijiet, l-ewwel kategorija biss ta’ operazzjonijiet ta’ trasport tista’ tkun eżenti mir-regoli dwar ħinijiet ta’ sewqan, interruzzjonijiet u perijodi ta’ mistrieħ stabbiliti f’dan ir-regolament. Barra minn dan, skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 165/2014, għandu jiġi installat u jintuża takografu l-ħinijiet kollha f’tali vettura, u x-xufier ta’ dik il-vettura għandu jirreġistra l-ħin li jieħu biex iwettaq operazzjonijiet ta’ trasport eżenti bħala “xogħol ieħor”, skont l-Artikolu 6(5) tar-Regolament Nru 561/2006.

V. Konklużjoni

82.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domandi magħmula mill-Judecătoria Miercurea Ciuc (il-Qorti tal-Ewwel Istanza, Miercurea-Ciuc, ir-Rumanija) għal deċiżjoni preliminari, kif ġej:

(1)

Il-kunċett ta’ “raġġ li ma jaqbiżx il-100 km mill-bażi tal-impriża” skont it-tifsira tal-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Marzu 2006 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġislazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85, jirreferi għal żona ġeografika, limitat b’ċirku immaġinarju ta’ raġġ ta’ 100 km madwar dik il-bażi.

(2)

Skont l-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 561/2006, jekk vettura tintuża regolarment minn impriża tal-forestrija kemm għat-trasport ta’ merkanzija “bħala parti mill-attività intraprenditorjali [tagħha] stess f’raġġ li ma jaqbiżx il-100 km mill-bażi [tagħha]”, kif previst f’din id-dispożizzjoni, kif ukoll għal operazzjonijiet ta’ trasport li ma jkunux jissodisfaw dawk il-kundizzjonijiet, l-ewwel kategorija biss ta’ operazzjonijiet ta’ trasport tista’ tkun eżenti mir-regoli dwar ħinijiet ta’ sewqan, interruzzjonijiet u perijodi ta’ mistrieħ stabbiliti f’dan ir-regolament. Barra minn dan, skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 Frar 2014 li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006, f’tali vettura għandu jiġi installat takografu u jkun użat kull ħin, u x-xufier ta’ dik il-vettura għandu jirreġistra l-ħin li jieħu biex iwettaq operazzjonijiet ta’ trasport eżenti bħala “xogħol ieħor”, skont l-Artikolu 6(5) tar-Regolament Nru 561/2006.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Marzu 2006, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 (ĠU 2006, L 102, p. 1, rettifika fil-ĠU 2016, L 195, p. 83), kif emendat bir-Regolament (UE) 2020/1054 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Lulju 2020 (ĠU 2020, L 249, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 561/2006”).

( 3 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Frar 2014 li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq u li jemenda [r-Regolament Nru 561/2006] (ĠU 2014, L 60, p. 1), kif emendat bir-Regolament 2020/1054 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 165/2014”).

( 4 ) Pricoforest ipproduċiet bħala prova quddiem il-qorti tar-rinviju tliet noti ta’ kunsinna għat-trasport ta’ injam: waħda bid-data tas‑17 ta’ Awwissu 2020, għal kunsinna lil Târgu Neamț (ir-Rumanija) (30 km bit-triq mill-bażi tagħha); oħra bid-data tal‑25 ta’ Mejju 2020, mill-Komun ta’ Pipirig fil-Kontea ta’ Neamț għall-Muniċipalità ta’ Rădăuți fil-Kontea ta’ Suceava (ir-Rumanija) (madwar 120 km bit-triq); it-tielet, bid-data tat‑2 ta’ Settembru 2020, mill-Komun ta’ Sândominic fil-Kontea ta’ Harghita lill-Komun ta’ Bogdănești fil-Kontea ta’ Suceava (madwar 180 km bit-triq).

( 5 ) Infakkar li r-Regolament Nru 561/2006 ħassar u ssostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 tal‑20 ta’ Diċembru 1985 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġislazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 319), li huwa stess ħassar u ssostitwixxa r-Regolament (KEE) Nru 543/69 tal-Kunsill tal‑25 ta’ Marzu 1969 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq (ĠU 1969, L 77, p. 49). Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-interpretazzjoni tagħha tad-dispożizzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ regolamenti preċedenti tapplika għad-dispożizzjonijiet ekwivalenti tar-Regolament Nru 561/2006 (ara, dwar dan, is-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2014, A. Karuse (C‑222/12, EU:C:2014:142, punti 2627). Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 561/2006 li huma rilevanti għal dan il-każ għandhom jekwivalu għal dawk ir-regolamenti preċedenti. Għalhekk, bħala regola, ser nirreferi biss għar-Regolament Nru 561/2006, filwaqt li nsemmi mingħajr distinzjoni sentenzi u konklużjonijiet b’rabta ma’ dawk ir-regolamenti preċedenti. Madankollu, ser niddistingwi bejn dawk l-istrumenti fejn ikun meħtieġ.

( 6 ) Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 165/2014.

( 7 ) Ara l-premessa 17 u l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 561/2006, u l-premessa 24 tar-Regolament Nru 165/2014. Dawk it-tliet għanijiet huma reċiproċi. Billi jkun żgurat li ħinijiet tas-sewqan u ta’ perijodi ta’ mistrieħ jalternaw, ir-regoli tar-Regolament Nru 561/2006 jipproteġu xufiera u ekwipaġġ ta’ vetturi użati għal trasport bit-triq kontra l-effetti ħżiena ta’ perijodi ta’ sewqan eċċessivi u mqassma ħażin. Hekk kif l-għeja u n-nuqqas ta’ mistrieħ min-naħa tax-xufiera ta’ tali vetturi huma rrikonoxxuti bħala kawżi ta’ aċċidenti tat-traffiku, dawk ir-regoli fl-istess waqt jipproteġu s-sigurtà stradali. Fl-aħħar nett, hekk kif il-prattika tax-xogħol ibbażata fuq sfruttament mhux xieraq ta’ dawk il-ħaddiema u l-ekwipaġġ jistgħu jwasslu għal distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-settur tat-trasport, dawk ir-regoli jiżguraw kundizzjonijiet ekwivalenti f’dan ir-rigward. Ara s-sentenzi tal‑25 ta’ Jannar 1977, Derycke (65/76, EU:C:1977:7, punti 1516); tas‑6 ta’ Diċembru 1979, Städtereinigung Nehlsen (47/79, EU:C:1979:281, punt 6); u tat‑18 ta’ Jannar 2001, Skills Motor Coaches et (C‑297/99, EU:C:2001:37, punt 19).

( 8 ) Tabilħaqq, dawk l-operazzjonijiet kienu (i) “trasport bit-triq” (kif iddefinit fl-Artikolu 4(a) tar-Regolament Nru 561/2006, jiġifieri “vjaġġ[i] li jsir[u] […] f’toroq miftuħa għall-pubbliku” minn “vettur[i]”); (ii) ta’ “merkanzija” (jiġifieri injam); u (iii) ma huwiex ikkontestat li “l-massa massima permissibbli” tal-vettura bil-mutur u l-karru inkwistjoni flimkien ikunu jaqbżu t-3.5 tunnellati.

( 9 ) Ara l-punt 10 iktar ’il fuq.

( 10 ) Ara l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 165/2014.

( 11 ) Ara l-Artikolu 2 tad-Digriet tal-Gvern Nru 37/2007, miġjub fil-punt 8 iktar ’il fuq.

( 12 ) Iżda l-Kummissjoni għandha dubji jekk dawk il-kundizzjonijiet kinux tħarsu fil-każ fil-kawża prinċipali. Jiena naqsam id-dubji tagħha, u niġi lura għal din il-kwistjoni fil-punti 38 sa 54 iktar ’il quddiem.

( 13 ) Ma huwiex ikkontestat mill-partijiet fil-kawża prinċipali, u l-qorti tar-rinviju wkoll tagħmilha ħaġa ċerta, li l-post tan-negozju ta’ Pricoforest f’Pipirig jikkostitwixxi “il-bażi tal-impriża” skont it-tifsira tal-Artikolu 13(1)(b). Lanqas ma naħseb li huwa neċessarju, għall-finijiet ta’ din il-kawża, li għandna iktar niddiskutu dik il-kwistjoni.

( 14 ) Ara, dwar dan, il-punti 35 sa 38 iktar ’il quddiem.

( 15 ) Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Constantin Film Verleih (C‑264/19, EU:C:2020:542, punti 2829 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 16 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑7 ta’ Frar 2019, NK (C‑231/18, EU:C:2019:103, punt 22).

( 17 ) Qabel l-Artikolu 13(1)(b), ara l-Artikolu 3(aa) u (f), l-Artikolu 5(2), l-Artikolu 13(1)(ċ), (d), (f), (p), (q), u l-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 561/2006.

( 18 ) Ara l-Artikolu 3(a) (“trasport bit-triq permezz ta’ […] vetturi wżati għat-trasport tal-passiġġieri b’servizzi regolari fejn ir-rotta koperta minn dan is-servizz ma taqbiżx il-50 kilometru”) (enfasi miżjuda) u l-Artikolu 16(1)(b) (“servizzi regolari internazzjonali ta’ passiġġieri li l-vened tar-rotta tagħhom jinsabu f’distanza massima ta’ 50 km f’linja dritta minn fruntiera bejn żewġ Stati Membri u li t-tul tar-rotta tagħhom ma teċċedix il-100 km”) (enfasi miżjuda).

( 19 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑7 ta’ Frar 2019, NK (C‑231/18, EU:C:2019:103, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 20 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2018, Anisimovienė et (C‑688/15 u C‑109/16, EU:C:2018:209, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 21 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑15 ta’ Diċembru 1993, Charlton et (C‑116/92, EU:C:1993:931, punt 14); tas‑7 ta’ April 2016, Marchon Germany (C‑315/14, EU:C:2016:211, punti 2829); u tal‑21 ta’ Lulju 2016, Argos Supply Trading (C‑4/15, EU:C:2016:580, punti 3637); u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑220/15, EU:C:2016:534, punti 32 sa 50).

( 22 ) Ara, pereżempju, il-verżjoni Ġermaniża (“einem Umkreis von bis zu 100 km vom Standort des Unternehmens”), Griega (“σε ακτίνα έως 100 χιλιομέτρων από τη βάση της επιχείρησης·”) u Franċiża (“un rayon allant jusqu’à 100 km autour du lieu d’établissement de l’entreprise”) tal-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 561/2006. Hemm xi ftit ta’ diverġenza u ambigwità biss fil-verżjoni bil-lingwa Finlandiża (“enintään 100 kilometrin etäisyydellä yrityksen sijaintipaikasta”), li tista’ tiġi tradotta bħala “sa 100 km mill-post tan-negozju”, u li tista’ tfisser jew raġġ jew distanza bit-triq. Madankollu, meta wieħed jiltaqa’ ma’ inkonsistenza tant insinjifikattiva dwar verżjoni lingwistika waħda ta’ strument tal-Unjoni, wieħed għandu, fil-fehma tiegħi, iqisha b’mod prammatiku u jinjoraha bħala inċident sfortunat ta’ traduzzjoni.

( 23 ) Ara, għal dan il-għan, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2010, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (C‑582/08, EU:C:2010:429, punt 51). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2005, Il‑Bank Ċentrali Ewropew vs Il‑Ġermanja (C‑220/03, EU:C:2005:748, punti 28 sa 31).

( 24 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑24 ta’ Jannar 2012, Dominguez (C‑282/10, EU:C:2012:33, punti 2425 u l-ġurisprudenza ċċitata), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C-220/15, EU:C:2016:534, punt 38).

( 25 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2000, Met-Trans u Sagpol (C‑310/98 u C‑406/98, EU:C:2000:154, punt 32). Bl-istess mod, il-fatt li, bħala eċċezzjoni għar-regoli ġenerali stabbiliti fir-Regolament Nru 561/2006, l-Artikolu 13(1)(b) għandu jkun interpretat b’mod strett (ara l-punt 42) ma jfissirx li għandu jinftiehem b’mod li jikkontradixxi l-formulazzjoni ċara u preċiża tiegħu.

( 26 ) Ara t-tnejn u għoxrin premessa tar-Regolament Nru 3820/85.

( 27 ) Ara l-premessa 23 tar-Regolament Nru 561/2006.

( 28 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑7 ta’ Frar 2019, NK (C‑231/18, EU:C:2019:103, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 29 ) Il-Gvern Pollakk jinnota li dawk l-attivitajiet sikwit ikunu staġjonali. Jista’ jkun jenħtieġ isir xogħol għal sigħat twal matul il-jum għal perijodi limitati tas-sena. Dan jista’ ma jkunx possibbli kieku kellhom jitħarsu dejjem ir-rekwiżiti stretti tar-Regolament Nru 561/2006.

( 30 ) Kif il-Gvern Pollakk josserva, dan għandu jkun ivverifikat minn kull Stat Membru minħabba l-karatteristiċi li jista’ jkun hemm tat-territorju tiegħu (limiti ġeografiċi, u l-bqija) (ara l-Artikolu 13(1) (“Sakemm ma jkunux preġudikati l-għanijiet ta’ l-Artikolu 1, kull Stat Membru jista’ jagħti eċċezzjonijiet […]”)).

( 31 ) Ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑28 ta’ Marzu 1985, Hackett et (91/84 u 92/84, EU:C:1985:153, punt 19) u tal‑21 ta’ Marzu 1996, Goupil (C‑39/95, EU:C:1996:127, punt 11).

( 32 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2014, A. Karuse (C‑222/12, EU:C:2014:142, punt 40). Barra minn dan, diversi Stati Membri (jiġifieri l-Estonja, Spanja, Franza u s-Slovenja) użaw is-setgħa tagħhom skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 561/2006 biex jintroduċu “kundizzjonijiet individwali” fir-rigward tal-eċċezzjoni stabbilita fl-Artikolu 13(1)(b) u naqqsu “ir-raġġ” previst f’dik id-dispożizzjoni minn 100 km għal 50 km, biex jillimitaw iktar iż-żona li fiha jkunu eżenti l-operazzjonijiet ta’ trasport (ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni mehmuż mar-Rapport mingħand il-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni fl‑2017‑2018 [tar-Regolament Nru 561/2006] u tad-Direttiva 2002/15/KE dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta’ ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq, 30.9.2021, SWD(2021) 278 final, p. 23).

( 33 ) Eżami tal-istorja tal-eċċezzjoni stabbilita fl-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 561/2006 jikkonferma dik l-interpretazzjoni. Dik l-eċċezzjoni dehret l-ewwel darba fl-Artikolu 13(1)(ċ) tar-Regolament Nru 3820/85. Dik id-dispożizzjoni b’mod partikolari ma kinitx tinkludi l-kundizzjoni li t-trasport ta’ merkanzija jkun “parti mill-attività intraprenditorjali […] stess” tal-impriża kkonċernata. Matul il-proċess leġiżlattiv li wassal għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 561/2006, il-Parlament Ewropew ippropona li tiżdied dik il-kundizzjoni permezz ta’ emenda, biex ikun speċifikat li dik l-eċċezzjoni kienet tirrigwarda biss l-attività imprenditorjali speċifika tal-fergħat ikkonċernati (ara r-Rapport tat‑12 ta’ Novembru 2002 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq (COM(2001) 573 – C5‑0485/2001 – 2001/0241(COD)), dokument A5-0388/2002, Emenda 53). Wara dan, fil-proposta emendata tagħha, il-Kummissjoni aċċettat l-emenda minħabba li kienet “tiċċara l-għan tad-deroga u kienet teskludi tali vetturi milli jintużaw għal attivitajiet oħra ta’ trasport bit-triq” (ara l-Proposta emendata tal‑11 ta’ Awwissu 2003 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) 3821/85 dwar apparat ta’ reġistrazzjoni fit-trasport bit-triq (COM(2003) 490 final), p. 6).

( 34 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, Ministère public (Sanzjonijiet extraterritorjali) (C‑906/19, EU:C:2021:715, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 35 ) Ara n-noti ta’ kunsinna ssottomessi minn Pricoforest (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 4 iktar ’il fuq).

( 36 ) Għal dawk li ġeneralment jitqiesu li jkunu attivitajiet forestali, ara l-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 67/654/KEE tal‑24 ta’ Ottubru 1967 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet dettaljati għall-kisba tal-libertà tal-istabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi fir-rigward ta’ attivitajiet ta’ persuni li jaħdmu għal rashom fil-forestrija u qtugħ ta’zkuk (ĠU 1967, 263, p. 6). Ara wkoll International Standard Industrial Classification of All Economic Activities (ISIC), Statistical papers, Series M, No. 4, Rev.4, United Nations, Section A. (“Agriculture, forestry and fishing’), entrata 02 (“Forestry and logging”).

( 37 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2014, A. Karuse (C‑222/12, EU:C:2014:142, punt 36). Dwar dan, ninnota li d-Direttiva 67/654 elenkata taħt “ħsad, tħejjija għall-bejgħ u bejgħ ta’ injam”, “ġarr permezz ta’ […] tractors”. Bl-istess mod, l-ISIC tinkludi “trasport ta’ zkuk fil-foresta” f’“attivitajiet ta’ servizz ta’ logging” (dawn is-subentrati 02.40 (“Servizzi ta’ sostenn għall-forestrija”)). Il-moviment ta’ tali tractors tal-foresti jista’ wkoll ikun eżenti skont l-eċċezzjoni stabbilita fl-Artikolu 13(1)(ċ) tar-Regolament Nru 561/2006.

( 38 ) Id-Direttiva 67/654 ma elenkatx ġarr ta’ zkuk bit-triq fost attivitajiet forestali u ta’ logging. Bl-istess mod, ġarr ta’ zkuk, meta ma jitwettaqx fil-foresta bħala parti minn operazzjonijiet ta’ logging, huwa kklassifikat, fl-ISIC, mhux taħt l-entrata relatata ma’ “forestrija u logging”, iżda f’taqsima separata (ara t-Taqsima H (“Trasport u Ħżin”), entrata 49 (“Trasport bit-triq u trasport b’pajpijiet”), subentrata 4923 (“Trasport ta’ merkanzija bit-triq”)).

( 39 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Novembru 2019, Deutsche Post et (C‑203/18 u C‑374/18, EU:C:2019:999, punti 5859 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 40 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑7 ta’ Frar 2019, NK (C‑231/18, EU:C:2019:103, punti 25, 26, 2831 u l-ġurisprudenza ċċitata). Li, fil-fehma tiegħi, hemm prova ta’ dan mill-fatt li, fil-każ fil-kawża prinċipali, ix-xufier kien ġarr injam għal 15-il siegħa u 56 minuta konsekuttivi (ara l-punt 10 iktar ’il fuq).

( 41 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 4 iktar ’il fuq. Abbażi tal-provi prodotti minn Pricoforest quddiem il-qorti tar-rinviju, qisu jidher li dik l-impriża kkunsinnat, billi użat il-vetturi inkwistjoni, f’dati differenti, injam għal postijiet li kienu jinsabu 30 km, 120 km u 180 km, rispettivament, bit-triq mill-bażi tagħha. Barra minn dan, l-istess vetturi kienu twaqqfu u ġew eżaminati, infakkar, 130 km mill-bażi tagħha, waqt operazzjoni ta’ trasport separata. Mill-inqas waħda minn dawk l-operazzjonijiet ta’ trasport kienet seħħet f’raġġ ta’ 100 km mill-bażi tagħha, filwaqt, li x’aktarx, mill-inqas waħda oħra kien testendi lil hinn minnha, li huwa għall-qorti tar-rinviju li tivverifika.

( 42 ) Ara l-punt 42 iktar ’il fuq.

( 43 ) Ara l-punt 40 iktar ’il fuq.

( 44 ) Dak il-gvern jissottometti li, biex tkun tapplika l-eċċezzjoni stabbilita fl-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 561/2006, il-vettura qatt ma għandha tintuża għal operazzjonijiet ta’ trasport li jmorru lil hinn minn raġġ ta’ 100 km madwar il-bażi tal-impriża.

( 45 ) Għalkemm l-ISCTR ma ppreżentax sottomissjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja, jiena nosserva li, essenzjalment, dik l-amministrazzjoni tqis li Pricoforest ma tistax tagħmel tagħha dik l-eċċezzjoni tal-Artikolu 13(1)(b) fir-rigward ta’ żewġ operazzjonijiet ta’ trasport imwettqa bl-użu ta’ vetturi f’Awwissu 2020, minħabba li l-istess vetturi kienu twaqqfu u eżaminati, waqt operazzjoni separata ta’ trasport, li kienet twettqet f’Settembru 2020, 130 km bogħod mill-bażi tagħha. Jidher, għalhekk, li l-ISCTR iqis li, minħabba li dawk il-vetturi kienu ntużaw mill-inqas darba waħda ’l barra mir-raġġ ta’ 100 km mill-bażi tal-impriża, l-eċċezzjoni tal-Artikolu 13(1)(b) ma tapplika xejn, ukoll fir-rigward ta’ operazzjonijiet li jistgħu jissodisfaw il-kundizzjonijiet hemmhekk.

( 46 ) Ara l-premessa tnejn u għoxrin tar-Regolament Nru 3820/85.

( 47 ) Sentenza tal‑21 ta’ Novembru 2019 (C‑203/18 u C‑374/18, EU:C:2019:999).

( 48 ) Sentenza tal‑21 ta’ Novembru 2019, Deutsche Post et (C‑203/18 u C‑374/18, EU:C:2019:999, punt 60) (enfasi miżjuda).

( 49 ) Ara, bl-istess mod, is-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2014, A. Karuse (C‑222/12, EU:C:2014:142, punt 35). Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għandha indikazzjonijiet oħra li jissuġġerixxu li dawk huma esklużi ma humiex vetturi per se, iżda ċerti “movimenti” ta’ dawk il-vetturi, irrispettivament mill-għanijiet l-oħra li għalihom huma jkunu jistgħu jintużaw f’ħinijiet oħra. Ara, pereżempju, il-punt 47 ta’ dik is-sentenza: “[…] vjaġġi mingħajr tagħbija […] [u] fil-kuntest tal-preparazzjoni tal-imsemmija trasport jaqgħu wkoll taħt [l-eċċezzjoni inkwistjoni]”.

( 50 ) Għall-kuntrarju, ninnota li meta l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jeskludi l-possibbiltà li vettura titħaddem bħala “vettura ta’ użu mħallat”, huwa kien juża termini espliċiti f’dan is-sens (ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 13(1)(e) tar-Regolament Nru 561/2006 “vetturi li joperaw b’mod esklużiv fuq gzejjer […] f’żona li ma tkunx magħquda mal-bqija tat-territorju nazzjonali […]” (enfasi miżjuda)). Huwa minnu li, kif spjegajt fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 33 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni darba kkunsidrat li l-kundizzjoni, proposta mill-Parlament, li l-operazzjoni ta’ trasport għandha tkun “parti mill-attività intraprenditorjali [tagħha] stess” tal-impriża kkonċernata, stabbilita fl-Artikolu 13(1)(b), “teskludi tali vetturi milli jintużaw għal attivitajiet oħra ta’ trasport bit-triq”. Madankollu, fil-fehma tiegħi, dan huwa sempliċement abbuż tat-termini. Żgur li l-Kummissjoni riedet tfisser li l-attivitajiet ta’ trasport bit-triq imwettqa minn impriżi tal-forestrija, li ma humiex “parti mill-attività intraprenditorjali tagħhom stess”, ma jistgħux jibbenefikaw mill-eċċezzjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni.

( 51 ) Ara l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq (COM (2001) 573 final) (ĠU 2002, C 51E, p. 234), memorandum ta’ spjegazzjoni, punt 31. Jirriżulta wkoll minn dak il-memorandum li, matul it-tħejjija ta’ dik il-proposta, il-Kummissjoni ddiskutiet l-għażla li jitħassru l-eċċezzjonijiet kollha għar-regoli ġenerali dwar ħinijiet tas-sewqan, interruzzjonijiet u perijodi ta’ mistrieħ, u l-għażla li jkun ippprojbit “sewqan b’għan imħallat” matul jum, u li ż-żewġ għażliet kienu miċħuda.

( 52 ) Dwar dan, il-qorti tar-rinviju tinnota, b’mod partikolari, li l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 561/2006 mhux biss jobbliga xufiera jkollhom perijodi ta’ mistrieħ kuljum, iżda wkoll perijodi ta’ mistrieħ fil-ġimgħa. Jekk, matul ġimgħa partikolari, ir-regoli ta’ dan ir-regolament kellhom japplikaw għal ċerti operazzjonijiet ta’ trasport, iżda mhux għal oħrajn, dan jagħmilha impossibbli, fil-fehma ta’ dik il-qorti, teżamina jekk ix-xufier kienx ikun attwalment ibbenefika minn perijodi ta’ mistrieħ matul dik il-ġimgħa.

( 53 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Marzu 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 224).

( 54 ) Ara l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2002/15.

( 55 ) Għaldaqstant, filwaqt li għall-operazzjonijiet ta’ trasport li jkunu tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 561/2006, l-Artikolu 6(2) ta’ dan ir-regolament jipprovdi, kif indikajt qabel, li l-ħin ta’ sewqan fil-ġimgħa ma għandux jaqbeż 56 siegħa, huwa wkoll jispeċifika li, fi kwalunkwe każ, ma jkunx jista jinqabeż il-ħin ta’ xogħol massimu fil-ġimgħa stabbilit fid-Direttiva 2002/15.

( 56 ) Meta tintuża b’mod hekk esklużiv, vettura tista’ tkun eżenti mill-obbligu ta’ installazzjoni ta’ takografu skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 165/2014.

( 57 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑25 ta’ Ġunju 1992, British Gas (C‑116/91, EU:C:1992:277, punt 21), u tad‑9 ta’ Settembru 2021, Ministère public (Sanzjonijiet extraterritorjali) (C‑906/19, EU:C:2021:715, punti 27 sa 39). Jekk biss minħabba li l-konformità mar-regoli stabbiliti fir-Regolament Nru 561/2006 għandu jsirilha monitoraġġ għall-operazzjonijiet ta’ trasport kollha li matulhom huma fil-fatt ikunu japplikaw, u minħabba li d-data miġbura mit-takografu hija utli sabiex jiġi ddeterminat jekk operazzjoni ta’ trasport partikolari hijiex eżentata (ara l-punt 80 hawn isfel).

( 58 ) Ara, dwar l-istess obbligu, l-Artikolu 34(5)(b)(iii) tar-Regolament Nru 165/2014. Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, Ministère public (Sanzjonijiet extraterritorijali) (C‑906/19, EU:C:2021:715, punti 3537 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 59 ) Dan jirriżulta mill-Artikolu 36 tar-Regolament Nru 165/2014 li xufier għandu jkun jista’ juri meta jintalab minn uffiċjal tal-kontroll awtorizzat, fil-forma rilevanti, provi dwar l-attività tiegħu jew tagħha fis-sewqan għall-jum attwali u għat‑28 jum ta’ qabel. Dan l-obbligu jenħtieġlu jkun osservat ukoll fil-każ ta’ “vettura ta’ użu mħallat” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, Ministère public (Sanzjonijiet extraterritorjali) (C‑906/19, EU:C:2021:715, punt 39).

( 60 ) Nosserva li takografi smart jirreġistraw mhux biss id-distanza li tkun għamlet il-vettura waqt operazzjoni ta’ trasport partikolari, iżda wkoll, bl-użu ta’ GPS, il-pożizzjoni tal-vettura, b’mod partikolari fil-post tal-bidu tal-perijodu tax-xogħol ta’ kuljum, kull tliet sigħat ta’ ħin akkumulat ta’ sewqan, u fil-post tat-tmiem tal-perijodu ta’ xogħol ta’ kuljum (ara l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 165/2014). Għalhekk jidhirli li, jekk vettura użata minn impriża forestali kellha titwaqqaf u tkun eżaminata ’l barra miċ-ċirku ta’ raġġ ta’ 100 km madwar il-bażi tagħha, u jekk dik l-impriża kellha ssostni li perijodi ta’ sewqan li kienu seħħew tul l-aħħar 28 jum, li matulhom ma kinux ġew osservati r-regoli tar-Regolament Nru 561/2006, fil-fatt kienu jikkorrispondu mat-trasport ta’ merkanzija aċċessorja għall-attività forestali tagħha mwettqa f’dak ir-raġġ, awtoritajiet tal-infurzar ikunu jistgħu jikkontrollaw, abbażi ta’ dik id-data, jekk għall-inqas tkunx tħarset l-aħħar kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 561/2006.