|
26.9.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 368/10 |
Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tat-2 ta’ Mejju 2022 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Curtea de Apel Alba Iulia – ir-Rumanija) – S.H. vs Administraţia Judeţeană a Finanţelor Publice Sibiu, Direcţia Generală Regională a Finanţelor Publice Braşov
(Kawża C-627/21) (1)
(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja - Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) - Direttiva 2006/112/KE - Tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa relatata mal-akkwist, il-kostruzzjoni u t-trasformazzjoni ta’ proprjetajiet immobbli - Annullament ex officio tar-reġistrazzjoni għall-VAT ta’ persuna taxxabbli - Aġġustament tat-tnaqqis inizjali - Risposta għad-domanda preliminari li tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza)
(2022/C 368/14)
Lingwa tal-kawża: ir-Rumen
Qorti tar-rinviju
Curtea de Apel Alba Iulia
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: S.H.
Konvenuti: Administraţia Judeţeană a Finanţelor Publice Sibiu, Direcţia Generală Regională a Finanţelor Publice Braşov
Dispożittiv
L-Artikoli 16, 184, 186 sa 188 u 192 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni u prattiki nazzjonali li jeħtieġu li persuna taxxabbli, li r-reġistrazzjoni tagħha għat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) tkun ġiet annullata għal perijodu ddeterminat minħabba l-assenza ta’ indikazzjoni ta’ tranżazzjonijiet taxxabbli fid-dikjarazzjonijiet tal-VAT tagħha ppreżentati għal sitt xhur konsekuttivi, tipproċedi b’aġġustament tal-VAT tal-input mnaqqsa fir-rigward tal-akkwist ta’ investimenti mingħajr ma l-imsemmija persuna taxxabbli tkun awtorizzata tipproduċi l-prova li l-kundizzjonijiet sostantivi sabiex tkun tista’ tibbenefika mid-dritt ta’ tnaqqis huma ssodisfatti għar-raġuni li teżisti preżunzjoni inkonfutabbli li l-persuna taxxabbli tkun użat dawn l-investimenti għal skopijiet oħra għajr attivitajiet ekonomiċi.