|
26.9.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 368/8 |
Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tat-12 ta’ Lulju 2022 (talba għal deċiżjoni preliminari tas-Supreme Court – l-Irlanda) – Eżekuzzjoni tal-mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa kontra W O, J L
(Kawża C-480/21) (1)
(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja - Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali - Mandat ta’ arrest Ewropew - Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI - Artikolu 1(3) - Proċedura ta’ konsenja bejn l-Istati Membri - Kundizzjonijiet għall-eżekuzzjoni - Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea - It-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 - Dritt fundamentali għal smigħ xieraq quddiem qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel mil-liġi - Nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati - Eżami f’żewġ stadji - Kriterji ta’ applikazzjoni - Obbligu tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tivverifika b’mod konkret u preċiż jekk jeżistux raġunijiet serji u pprovati sabiex wieħed jemmen li l-persuna li tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew taffaċċjax, fil-każ ta’ konsenja, riskju reali ta’ ksur tad-dritt fundamentali tagħha għal smigħ xieraq quddiem qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel mil-liġi)
(2022/C 368/10)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Qorti tar-rinviju
Supreme Court
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: W O, J L
fil-preżenza ta’: Minister for Justice and Equality
Dispożittiv
L-Artikolu 1(2) u (3) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni mitluba tiddeċiedi dwar il-konsenja ta’ persuna li tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ikollha għad-dispożizzjoni tagħha provi intiżi li juru l-eżistenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati f’dak li jikkonċerna l-indipendenza tal-ġudikatura tal-Istat Membru emittenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-proċedura ta’ ħatra tal-membri ta’ din il-ġudikatura, din l-awtorità tista’ tirrifjuta l-konsenja ta’ din il-persuna:
|
— |
fil-kuntest ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura li ċċaħħad il-libertà, biss jekk l-imsemmija awtorità tikkonstata li jeżistu, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, raġunijiet serji u pprovati sabiex wieħed jemmen li, fid-dawl b’mod partikolari tal-elementi pprovduti mill-imsemmija persuna u relatati mal-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti li tkun semgħet il-kawża kriminali tagħha jew ma’ kull fatt ieħor rilevanti għall-evalwazzjoni tal-indipendenza u tal-imparzjalità ta’ dan il-kulleġġ, id-dritt fundamentali tal-istess persuna għal smigħ xieraq quddiem qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel mil-liġi, stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ma jkunx ġie rrispettat, u |
|
— |
fil-kuntest ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ proċeduri kriminali, biss jekk l-istess awtorità tikkonstata li jeżistu, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, raġunijiet serji u pprovati sabiex wieħed jemmen li, fid-dawl b’mod partikolari tal-elementi pprovduti mill-persuna kkonċernata u relatati mas-sitwazzjoni personali tagħha, man-natura tar-reat li għalih din hija akkużata, mal-kuntest fattwali li fih dan il-mandat ta’ arrest Ewropew jaqa’ jew ma’ kull fatt ieħor rilevanti għall-evalwazzjoni tal-indipendenza u tal-imparzjalità tal-kulleġġ ġudikanti probabbilment imsejjaħ sabiex jieħu konjizzjoni tal-proċedura relatata ma’ din il-persuna, din tal-aħħar taffaċċja, fil-każ ta’ konsenja, riskju reali ta’ ksur ta’ dan id-dritt fundamentali. |