28.3.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 138/5


Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tas-7 ta’ Frar 2022 (talba għal deċiżjoni preliminari tat-Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa – CAAD) – il-Portugall) – Vapo Atlantic SA vs Autoridade Tributária e Aduaneira

(Kawża C-460/21) (1)

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja - Dazji tas-sisa - Direttiva 2008/118/KE - Artikolu 1(2) - Impożizzjoni, għal finijiet speċifiċi, ta’ taxxi indiretti addizzjonali - “Finijiet speċifiċi” - Kunċett - Finanzjament ta’ impriża pubblika konċessjonarja tan-network tat-toroq nazzjonali - Għanijiet ta’ tnaqqis tal-inċidenti u ta’ sostenibbiltà ambjentali - Skop purament baġitarju - Rifjut ta’ ħlas lura tat-taxxa bbażat fuq l-arrikkiment indebitu - Kundizzjonijiet)

(2022/C 138/05)

Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

Qorti tar-rinviju

Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa – CAAD)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Vapo Atlantic SA

Konvenut: Autoridade Tributária e Aduaneira

Dispożittiv

Permezz ta’ digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Frar 2022, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla), tiddeċiedi:

1)

L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE, għandu jiġi interpretat fis-sens li tariffa, li d-dħul tagħha huwa assenjat, b’mod ġeneriku, lil impriża pubblika konċessjonarja tan-network tat-toroq nazzjonali u fejn l-istruttura tagħha ma tindika ebda intenzjoni li tiskoraġġixxi l-konsum tal-karburanti prinċipali tat-toroq, ma ssegwix “finijiet speċifiċi”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

2)

Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-awtoritajiet nazzjonali jkunu jistgħu jimmotivaw ir-rifjut tagħhom li jirrimborsaw tariffa indiretta li tmur kontra d-Direttiva 2008/118 billi jippreżumu li din it-tariffa tingħadda fuq terzi u, konsegwentement, l-arrikkiment indebitu tal-persuna taxxabbli.


(1)  Data ta’ preżentata: 26.7.21.